|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 62 |
|
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
|
FTEHIMIET INTERNAZZJONALI |
|
|
|
* |
||
|
|
|
||
|
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
* |
|
|
|
Rettifika |
|
|
|
* |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
FTEHIMIET INTERNAZZJONALI
|
25.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1580
tat-18 ta' Lulju 2019
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-11 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tniedi negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fit-8 ta' Marzu 2019. |
|
(2) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, kif ukoll tad-Dikjarazzjoni Konġunta li tifforma parti integrali minnu, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
It-test tal-Ftehim, flimkien mal-Memorandum ta' Konsultazzjonijiet, huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat bl-Ingliż. Skont il-liġi tal-Unjoni, il-Ftehim qiegħed jitfassal ukoll mill-Unjoni bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali jenħtieġ li jiġu awtentikati permezz ta' skambju ta' noti diplomatiċi bejn il-Partijiet. Il-verżjonijiet awtentikati kollha għandu jkollhom valur ugwali.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (1), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TUPPURAINEN
(1) Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika b'mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
|
25.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245/3 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien dwar Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ
L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA (minn hawn 'il quddiem, “l-Istati Uniti”), L-UNJONI EWROPEA, L-IŻLANDA, u r-RENJU TAN-NORVEĠJA (minn hawn 'il quddiem, “in-Norveġja”),
JIRRIKONOXXU l-benefiċċju tal-promozzjoni tal-flessibbiltà u tal-opportunitajiet ġusti u ndaqs fir-rigward tal-arranġamenti operattivi konklużi mil-linji tal-ajru skont l-Artikolu 10(9) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fil-25 u fit-30 ta' April 2007, kif emendat mill-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 2010 (minn hawn 'il quddiem, “l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE”) u li ġie applikat skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja, li ġie ffirmat fis-16 u fil-21 ta' Ġunju 2011 (minn hawn 'il quddiem, l-“ATA bejn Erba' Partijiet”);
JIRRIKONOXXU r-relazzjoni komprensiva tal-avjazzjoni bejn il-partijiet, stabbilita mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE u mill-ATA bejn Erba' Partijiet, u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet li ġiet żviluppata fil-kuntest ta' dawn il-Ftehimiet;
JAFFERMAW mill-ġdid l-objettiv komuni tal-Partijiet li jiżguraw l-ogħla grad ta' sikurezza u sigurtà fit-trasport internazzjonali bl-ajru, kif rifless fl-oqfsa regolatorji simili tagħhom;
JIRRIKONOXXU l-eżistenza ta' kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi komparabbli bejn il-Partijiet fir-rigward tat-trasport internazzjonali bl-ajru; u
JIMPENJAW ruħhom li jippromwovu l-flessibbiltà fl-arranġamenti operattivi bejn il-linji tal-ajru biex jikru l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif previst mill-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet, billi jneħħu b'mod reċiproku l-limiti ta' żmien fuq tali arranġamenti, mingħajr ma jaffettwaw b'mod ieħor l-applikazzjoni ta' dawk il-Ftehimiet;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:
|
1. |
“Linji tal-ajru Ewropej” tfisser linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, tal-Iżlanda u tan-Norveġja, li huma awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet. |
|
2. |
“Parti” tfisser l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, jew in-Norveġja. |
|
3. |
“Linji tal-ajru tal-Istati Uniti” tfisser linji tal-ajru tal-Istati Uniti awtorizzati biex jipprovdu trasport internazzjonali bl-ajru skont l-Artikolu 4 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet. |
|
4. |
“Kiri bl-ekwipaġġ” tfisser kwalunkwe arranġament bejn żewġ linji tal-ajru għall-forniment ta' inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ għat-trasport internazzjonali bl-ajru. |
Artikolu 2
Limitazzjonijiet ta' Żmien
1. L-ebda Parti ma għandha timponi, inkluż permezz ta' statut jew regolament, limitazzjonijiet ta' żmien fuq l-operat ta' xi kiri bl-ekwipaġġ skont l-Artikolu 10(9) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, inkluż kif applikat mill-ATA bejn Erba' Partijiet, dment li tali kiri bl-ekwipaġġ jikkonforma mat-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 10(9) imsemmi.
2. Xejn fil-paragrafu 1 ma għandu jinftiehem bħala li jillimita d-dritt ta' Parti li tapplika b'mod ieħor l-istatuti u r-regolamenti tagħha fir-rigward tal-arranġamenti tal-kiri bl-ekwipaġġ li jinvolvu l-linji tal-ajru tagħha u dawk tal-pajjiżi li mhumiex parti għal dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Konsultazzjonijiet
Kwalunkwe Parti tista', fi kwalunkwe mument, titlob konsultazzjonijiet ma' kwalunkwe Parti jew Partijiet oħra fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni relatata ma' dan il-Ftehim. Tali konsultazzjonijiet għandhom jibdew fl-aktar data kmieni possibbli, iżda mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi t-talba jew, kif xieraq, mid-data li fiha l-Partijiet l-oħra kollha jkunu rċevew it-talba, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jiġu organizzati b'rabta ma' laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.
Artikolu 4
Rieżami
Il-Partijiet għandhom jeżaminaw mill-ġdid, kif xieraq, l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Tali rieżami jista' jsir b'rabta ma' laqgħa tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE.
Artikolu 5
Riżoluzzjoni ta' tilwim
1. Kwalunkwe tilwima li tirriżulta fil-qafas ta' dan il-Ftehim li ma tiġix solvuta bil-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tista' titressaq quddiem persuna jew korp biex tittieħed deċiżjoni bi ftehim tal-partijiet għat-tilwima. Jekk il-partijiet għat-tilwima ma jaqblux dwar dan, fuq talba ta' waħda mill-partijiet għat-tilwima, it-tilwima għandha titressaq għall-arbitraġġ permezz tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, ħlief kif previst hawnhekk.
2. Fil-każ ta' tilwima li tinvolvi:
|
(a) |
żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, it-terminu “Parti” jew “Partijiet” fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tali tilwima taħt dan il-Ftehim, għandu jfisser parti jew partijiet għal tilwima taħt dan il-Ftehim. |
|
(b) |
aktar minn żewġ Partijiet għal dan il-Ftehim, waħda min-naħat jew iż-żewġ naħat jistgħu jinkludu diversi Partijiet għall-finijiet ta' parteċipazzjoni fi proċediment deskritt f'dan l-Artikolu. Fil-każ ta' tali tilwima taħt dan il-Ftehim, ir-referenzi kollha għal “Parti” fl-Artikolu 19(2)-(8) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru naħa waħda għat-tilwima taħt dan il-Ftehim, u r-referenzi kollha għal “Partijiet”, meta jiġu applikati għal dik it-tilwima, għandhom ifissru ż-żewġ naħat għat-tilwima taħt dan il-Ftehim. |
3. It-terminu “dan il-Ftehim” fl-Artikolu 19(3) u (7) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta jiġi applikat għal tilwima fil-qafas ta' dan il-Ftehim, għandu jfisser dan il-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, u r-Renju tan-Norveġja.
4. Ir-referenza għal “Stat Membru” fl-Artikolu 19(2) tal-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE, meta tiġi applikata għal tilwima fil-qafas ta' dan il-Ftehim, għandha tinkludi lill-Iżlanda u lin-Norverġja.
Artikolu 6
Reġistrazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO)
Dan il-Ftehim u l-emendi kollha li jsiru fih għandhom jiġu rreġistrati mal-ICAO mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 7
Dħul fis-Seħħ, Applikazzjoni Provviżorja u Terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ xahar wara d-data tal-aħħar nota tal-iskambji ta' noti diplomatiċi bejn il-Partijiet, li tikkonferma li l-proċeduri kollha meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ ikunu tlestew.
2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod provviżorju mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea malli jiġi ffirmat mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea, u min-Norveġja u l-Iżlanda fl-aktar data tard tal-applikazzjoni provviżorja mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea u l-firma minn dak l-Istat ta' dan il-Ftehim.
3. L-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta' kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jtemmu dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Dan il-Ftehim għandu jintemm, jew l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim għandha tintemm, f'nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.
4. L-Iżlanda jew in-Norveġja jistgħu, fi kwalunkwe mument, jagħtu avviż bil-miktub lill-Partijiet l-oħra, permezz ta' kanali diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw minn dan il-Ftehim jew li jtemmu l-applikazzjoni provviżorja tagħhom ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Kopja tal-avviż għandha tintbagħat fl-istess ħin lill-ICAO. Tali rtirar jew waqfien tal-applikazzjoni provviżorja għandu jkun effettiv f'nofsillejl GMT 90 jum wara d-data tal-avviż bil-miktub, sakemm l-avviż ma jiġix irtirat bi qbil tal-Parti li tagħti l-avviż bil-miktub, l-Istati Uniti, u l-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu.
5. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn l-Istati Uniti u l-UE jintemm jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b'mod provviżorju, dan il-Ftehim għandu jintemm fl-istess ħin.
6. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk l-ATA bejn Erba' Partijiet jintemm skont l-Artikolu 3(1) ta' dak il-ftehim, jew il-partijiet għal dak il-ftehim ma jibqgħux japplikawh b'mod provviżorju, jew jekk dak il-ftehim jintemm fir-rigward tan-Norveġja jew tal-Iżlanda skont l-Artikolu 3(3), dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tan-Norveġja u/jew tal-Iżlanda fl-istess data li fiha l-waqfien jew it-tmiem isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.
7. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk in-Norveġja u/jew l-Iżlanda jirtiraw mill-ATA bejn Erba' Partijiet skont l-Artikolu 3(2) ta' dak il-ftehim, dan il-Ftehim għandu jintemm fir-rigward tal-Parti jew tal-Partijiet li jirtiraw mill-ATA bejn Erba' Partijiet fl-istess data li fiha l-irtirar mill-ATA bejn Erba' Partijiet isir effettiv għal dik il-Parti jew Partijiet.
B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fi Brussell f'erba' kopji, bil-lingwa Ingliża, fis-sebgħa u għoxrin jum ta' Awwissu fis-sena elfejn u dsatax.
Għall-Istati Uniti tal-Amerka:
Għall-Unjoni Ewropea:
Għall-Iżlanda:
Għar-Renju tan-Norveġja:
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
Ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Ewropea, tal-Iżlanda, u tan-Norveġja kkonfermaw li l-Ftehim fir-Rigward tal-Limitazzjonijiet ta' Żmien fuq l-Arranġamenti għall-Forniment ta' Inġenji tal-Ajru bl-Ekwipaġġ, li għandu jiġi ffirmat bl-Ingliż biss, għandu jiġi awtentikat f'lingwi oħra, kif previst minn skambju ta' ittri fost il-Partijiet.
Din id-Dikjarazzjoni Konġunta hija parti integrali tal-Ftehim.
Għall-Istati Uniti tal-Amerka:
Għall-Unjoni Ewropea:
Għall-Iżlanda:
Għar-Renju tan-Norveġja:
DEĊIŻJONIJIET
|
25.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1581
tas-16 ta' Settembru 2019
dwar it-tressiq, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' proposti għall-emendar tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fid-dawl tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1983. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista' tadotta emendi għall-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt it-tlettax-il laqgħa tagħha, li ser issir mill-15 sat-22 ta' Frar 2020, tista' tadotta tali emendi. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni informa lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li kwalunkwe proposta għall-emendar trid tiġi kkomunikata, b'konformità mal-Artikolu XI(3) tal-Konvenzjoni, sad-19 ta' Settembru 2019. L-Unjoni tista', bħala Parti għall-Konvenzjoni, tressaq tali proposti. |
|
(4) |
L-inklużjoni tal-ispeċi Tetrax tetrax fl-Appendiċi I għall-Konvenzjoni u tal-ispeċijiet Tetrax tetrax, Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena fl-Appendiċi II għall-Konvenzjoni tkun xjentifikament soda u konformi mal-liġi tal-Unjoni kif ukoll mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni tressaq dawk il-proposti għall-emendar tal-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika l-proposti lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Fid-dawl tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, l-Unjoni għandha tressaq il-proposti li ġejjin:
|
(a) |
l-emendar tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni biex tiġi inkluża l-ispeċi Tetrax tetrax; |
|
(b) |
l-emendar tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni biex jiġu inklużi l-ispeċijiet Tetrax tetrax, Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena. |
2. Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandha tikkomunika l-proposti msemmija fil-paragrafu 1 lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Settembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TUPPURAINEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta' Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, p. 10).
Rettifika
|
25.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245/9 |
Rettifika tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta' ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta' servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 tas-29 ta' Diċembru 2017 )
Fil-paġna 13, il-punt (10) tal-Artikolu 2,
minflok:
|
“(10) |
…
|
aqra:
|
“(10) |
…
|