ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 230

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
6 ta' Settembru 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Konsenja bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE, Euratom) 2019/1388 tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-4 ta' Settembru 2019 li taħtar Imħallef fil-Qorti Ġenerali

2

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1389 tal-4 ta' Settembru 2019 li tawtorizza derogi mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagament ta' ekoloġizzazzjoni għas-sena tat-talba 2019 fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fil-Litwanja, fil-Polonja u fil-Portugall (notifikata bid-dokument C(2019) 6438)

3

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1383 tat-8 ta' Lulju 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b'rabta mal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ( ĠU L 228, 4.9.2019 )

7

 

*

Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1384 tal-24 ta' Lulju 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 965/2012 u (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tal-użu tal-inġenji tal-ajru elenkati fuq ċertifikat ta' operatur tal-ajru għal operazzjonijiet mhux kummerċjali u operazzjonijiet speċjalizzati, l-istabbiliment ta' rekwiżiti operattivi għat-twettiq ta' titjiriet ta' kontroll tal-manutenzjoni, l-istabbiliment ta' regoli dwar operazzjonijiet mhux kummerċjali b'ekwipaġġ tal-kabina mnaqqas abbord u l-introduzzjoni ta' aġġornamenti editorjali dwar ir-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru ( ĠU L 228, 4.9.2019 )

10

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

6.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/1


Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Konsenja bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja (1), iffirmat fi Vjenna fit-28 ta' Ġunju 2006, għandu, skont l-Artikolu 38(4) tiegħu, jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2019.


(1)  ĠU L 292, 21.10.2006, p. 2.


DEĊIŻJONIJIET

6.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/2


DEĊIŻJONI (UE, Euratom) 2019/1388 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tal-4 ta' Settembru 2019

li taħtar Imħallef fil-Qorti Ġenerali

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 254 u 255 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106(a)(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jipprevedi li l-Qorti Ġenerali tkun komposta minn żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru mill-1 ta' Settembru 2019 'il quddiem.

(2)

Il-punt (c) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi Regolament jipprevedi li l-mandat ta' erba' mid-disa' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2019 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022.

(3)

Is-Sur Gerhard HESSE ġie nnominat għall-kariga ta' mħallef addizzjonali fil-Qorti Ġenerali.

(4)

Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni dwar l-idoneità tas-Sur Gerhard HESSE biex jaqdi d-dmirijiet ta' mħallef fil-Qorti Ġenerali.

(5)

Is-Sur Gerhard HESSE għandu jinħatar għall-kariga ta' mħallef addizzjonali fil-Qorti Ġenerali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Gerhard HESSE huwa maħtur imħallef fil-Qorti Ġenerali għall-perijodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni sal-31 ta' Awwissu 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2019.

Il-President

M. RISLAKKI


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).


6.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/3


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1389

tal-4 ta' Settembru 2019

li tawtorizza derogi mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagament ta' ekoloġizzazzjoni għas-sena tat-talba 2019 fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fil-Litwanja, fil-Polonja u fil-Portugall

(notifikata bid-dokument C(2019) 6438)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Litwan, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 69(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi pagament għal prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent (“pagament ta' ekoloġizzazzjoni”). Dawk il-prattiki jinkludu d-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-erjas b'fokus ekoloġiku. Iktar regoli dwar dawk il-prattiki huma stabbiliti fil-Kapitolu 3 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għall-finijiet tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, l-art mistrieħa titqies bħala għalla differenti mill-ħaxix jew minn foraġġ erbaċew ieħor. Dan jimplika li l-art li tkun intużat għar-ragħa jew għall-ħsad għal finijiet ta' produzzjoni ma tistax tingħadd bħala art mistrieħa.

(3)

Skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, l-art mistrieħa tista' tiġi kkwalifikata bħala erja b'fokus ekoloġiku għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 diment li ma jkun hemm l-ebda produzzjoni agrikola fuqha.

(4)

Skont l-Artikolu 45(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, l-erjas li fihom għelejjel intermedji jew kopertura veġetali jistgħu jiġu kkwalifikati bħala erjas b'fokus ekoloġiku għall-finijiet tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 bil-kundizzjoni li dawn ikunu ġew stabbiliti biż-żrigħ ta' taħlita ta' speċijiet ta' għelejjel u diment li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu l-lista tat-taħlitiet ta' speċijiet ta' għelejjel li jridu jintużaw u jridu jistabbilixxu, fuq livell nazzjonali, reġjonali, subreġjonali jew tal-azjenda agrikola, il-perjodu li matulu fl-erjas iddikjarati bħala erjas b'fokus ekoloġiku jrid ikun hemm preżenti l-għelejjel intermedji jew il-kopertura veġetali. Dak il-perjodu ma għandux ikun inqas minn tmien ġimgħat. Barra minn hekk, l-erjas li fihom għelejjel intermedji jew kopertura veġetali ma għandhomx jinkludu l-erjas li fihom għelejjel tax-xitwa li jinżergħu fil-ħarifa, ġeneralment għall-ħsad jew għar-ragħa.

(5)

Il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja ddeċidew li l-erjas li fihom art mistrieħa u li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 u l-erjas li fihom għelejjel intermedji jew kopertura veġetali u li jikkonformaw mal-Artikolu 45(9) ta' dak ir-Regolament jistgħu jitqiesu bħala erjas b'fokus ekoloġiku f'konformità mal-punti (a) u (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(6)

Il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja infurmaw lill-Kummissjoni li n-nixfa kbira li esperjenzaw fir-rebbiegħa u fis-sajf kellha effetti kumulattivi għad-detriment tal-attività agrikola, billi poġġiet pressjoni fuq ir-rendimenti tal-veġetazzjoni li tintuża għall-għalf tal-annimali, speċjalment il-bwar u l-mergħat.

(7)

In-nixfa kbira wasslet biex is-setturi tat-trobbija tal-bhejjem ikollhom skarsezza ta' foraġġ u minħabba fiha ma setax ikollhom ħażniet ta' riżerva. Dawk l-iżviluppi qajmu tħassib, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fl-ispejjeż b'riżultat tan-nuqqas ta' produzzjoni, u qiegħdu f'riskju l-vijabbiltà tal-azjendi kkonċernati.

(8)

Sabiex il-bdiewa fl-erjas affettwati jkunu jistgħu jagħmlu użu kemm jista' jkun possibbli mill-erjas disponibbli tagħhom għall-fini li jagħlfu l-annimali, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja talbu li jkunu awtorizzati jidderogaw minn ċerti kundizzjonijiet relatati mal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni fir-rigward tal-art mistrieħa li tkun ġiet iddikjarata li tissodisfa r-rekwiżiti għad-diversifikazzjoni tal-għelejjel jew għall-erjas b'fokus ekoloġiku f'konformità mal-Artikolu 44(4) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, rispettivament.

(9)

Għall-istess raġunijiet, il-Belġju, Franza, il-Litwanja u l-Polonja talbu li jkunu awtorizzati jidderogaw minn ċerti kundizzjonijiet relatati mal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni fir-rigward ta' erjas li fihom għelejjel intermedji jew kopertura veġetali li jkunu ġew iddikjarati li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-erjas b'fokus ekoloġiku f'konformità mal-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(10)

Barra minn hekk, xi bdiewa fi Franza, fil-Litwanja u fil-Polonja ma setgħux jiżirgħu għelejjel intermedji jew kopertura veġetali fil-waqt xieraq minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi estremi li wasslu biex il-kundizzjoni tal-ħamrija ma tkunx tajba għax-xogħol tat-tħejjija. B'konsegwenza ta' dan, mingħajr ma titnaqqas id-durata tal-perjodu li matulu għandhom ikunu preżenti l-erjas li fihom għelejjel intermedji, l-implimentazzjoni tal-pjan tal-għelejjel tagħhom se tkun diffiċli, b'mod partikolari fejn sussegwentement jippjanaw li jiżirgħu xi għalla tax-xitwa. Wara li jgħaddi dan iż-żmien ottimali, il-bdiewa jissugraw li jkunu obbligati jiżirgħu għelejjel tax-xitwa f'kundizzjonijiet ħżiena, u b'hekk iqiegħdu fil-periklu r-rendiment futur tal-għelejjel ikkonċernati.

(11)

Fid-dawl tas-severità tan-nixfa fl-2019 fl-erjas affettwati u l-konsegwenzi tagħha, jixraq li jiġu previsti derogi mill-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-art mistrieħa għall-fini tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, mill-Artikolu 45(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-art mistrieħa għall-kwalifika bħala erjas b'fokus ekoloġiku skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u mill-Artikolu 45(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fir-rigward ta' erjas li fihom għelejjel intermedji jew kopertura veġetali għall-kwalifika bħala erjas b'fokus ekoloġiku skont il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(12)

Madankollu, sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tipprevedi biss derogi mill-obbligi tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u tal-erjas b'fokus ekoloġiku bil-qies u għall-perjodu li jkunu strettament meħtieġa. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li d-derogi previsti f'din id-Deċiżjoni ikunu applikabbli għall-bdiewa stabbiliti f'erjas formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bħala affettwati minn dik in-nixfa, li rriżultat f'nuqqas sinifikanti ta' riżorsi tal-foraġġ. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll iktar kundizzjonijiet b'rabta mad-deroga.

(13)

Filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta' strumenti oħra u l-karatteristiki speċifiċi tal-erjas affettwati, inkluż is-sistemi tal-biedja u l-użu tal-art eżistenti, jenħtieġ li l-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jkollhom il-possibbiltà li jiddeċiedu liema minn dawn id-derogi japplikaw fl-erjas affettwati u b'liema qies, diment li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Meta jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tad-derogi fl-erjas affettwati, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jqisu b'mod xieraq l-objettivi tal-prattiki agrikoli ta' benefiċċju għall-klima u għall-ambjent u, b'mod partikolari, il-ħtieġa għal protezzjoni suffiċjenti tal-kwalità tal-ħamrija u tal-kwalità tar-riżorsi naturali u tal-bijodiversità, speċjalment matul l-iktar perjodi sensittivi għal meta joħorġu l-fjuri u għall-għasafar li jbejtu.

(14)

Sabiex jiżguraw li d-derogi awtorizzati b'din id-Deċiżjoni jkunu effettivi, jenħtieġ li l-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien 14-il jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, u jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien sebat ijiem wara d-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

(15)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-applikazzjoni korretta tar-regoli rilevanti u l-impatt tad-derogi, jenħtieġ li l-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jipprovdu informazzjoni dwar in-numru ta' ettari koperti bl-għan li jiġi vvalutat l-impatt tad-derogi fuq l-objettivi ambjentali tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u tal-erjas b'fokus ekoloġiku stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-Kummissjoni sal-15 ta' Diċembru 2019 billi jintużaw l-istrumenti ta' ġestjoni eżistenti. Sal-istess data, jenħtieġ li l-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jipprovdu lill-Kummissjoni valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq l-objettivi tal-ambjent, tal-bijodiversità u tal-klima marbuta mal-erjas b'fokus ekoloġiku, mal-għelejjel intermedji u mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, u fejn ikun xieraq jenħtieġ li jipprovdulha deskrizzjoni tal-miżuri biex jittaffa kwalunkwe impatt negattiv identifikat.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni tad-derogi

1.   B'deroga mill-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għas-sena tat-talba 2019, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jistgħu jiddeċiedu li l-art mistrieħa titqies bħala għalla distinta anke jekk tali art tkun intużat għar-ragħa jew għall-ħsad għal finijiet ta' produzzjoni.

2.   B'deroga mill-Artikolu 45(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, għas-sena tat-talba 2019 il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja jistgħu jiddeċiedu li dik l-art mistrieħa titqies bħala erja b'fokus ekoloġiku skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 anke jekk tali art tkun intużat għar-ragħa jew għall-ħsad għal finijiet ta' produzzjoni.

3.   B'deroga mill-Artikolu 45(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, għas-sena tat-talba 2019 il-Belġju, Franza, il-Litwanja u l-Polonja jistgħu jiddeċiedu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin għall-kwalifika bħala erjas b'fokus ekoloġiku f'konformità mal-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013:

(a)

li l-erjas li fihom l-għelejjel intermedji jew kopertura veġetali jistgħu jiġu stabbiliti mingħajr ma tinżera' taħlita ta' speċijiet ta' għelejjel, diment li l-għelejjel li jinżergħu jkunu ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor;

(b)

li l-erjas li fihom l-għelejjel intermedji jew kopertura veġetali jistgħu jinkludu erjas li fihom l-għelejjel tax-xitwa li jinżergħu fil-ħarifa ġeneralment għall-ħsad, għall-foraġġ jew għar-ragħa.

4.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 għas-sena tat-talba 2019, Franza, il-Litwanja u l-Polonja jistgħu jqassru l-perjodu obbligatorju minimu li matulu għandhom ikunu preżenti l-erjas li fihom l-għelejjel intermedji jew kopertura veġetali kif stabbilit f'dik id-dispożizzjoni, diment li wara tinżera' għalla tax-xitwa.

Artikolu 2

Erjas kkonċernati mid-derogi

Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw biss għall-erjas fejn ikunu jinsabu l-bhejjem affettwati jew fil-każ tal-Artikolu 1(4) fejn il-kundizzjoni tal-ħamrija ma baqgħetx tajba għax-xogħol tat-tħejjija qabel iż-żrigħ fiż-żmien rilevanti u għalhekk ipprevjeniet il-konformità mal-Artikolu 45(9) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, u li jkunu formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju, ta' Franza, tal-Litwanja, tal-Polonja, tal-Portugall u ta' Spanja li fl-2019 ġew affettwati min-nixfa kbira.

Artikolu 3

Limitu ta' żmien

Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jittieħdu fi żmien 14-il jum mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Għoti tan-notifika

1.   Fi żmien sebat ijiem wara d-data li fiha ttieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

bl-erjas formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li fl-2019 ġew affettwati min-nixfa kbira;

(b)

bid-deċiżjonijiet li ttieħdu skont l-Artikolu 1, inkluż in-natura tad-derogi applikati fil-livell NUTS 3 u l-ġustifikazzjoni għall-użu tad-derogi fl-erjas ikkonċernati.

2.   Sa mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru 2019, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-numru ta' azjendi li użaw id-derogi previsti fl-Artikolu 1 u n-numru ta' ettari fejn ġew applikati d-derogi previsti fl-Artikolu 1. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-livell NUTS 3. Sal-istess data, il-Belġju, Franza, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq l-objettivi tal-ambjent, tal-bijodiversità u tal-klima marbuta mal-erjas b'fokus ekoloġiku, mal-għelejjel intermedji u mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, u fejn ikun xieraq jenħtieġ li jipprovdulha deskrizzjoni tal-miżuri biex jittaffa kwalunkwe impatt negattiv identifikat.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża u lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).


Rettifika

6.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/7


Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1383 tat-8 ta' Lulju 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b'rabta mal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 228 tal-4 ta' Settembru 2019 )

F'paġna 2, l-Artikoli 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Artikolu 3

Rekwiżiti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

1.   Il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-komponenti għall-installazzjoni fuqhom għandha tiġi żgurata skont ir-rekwiżiti tal-Anness I (Parti-M), ħlief għal inġenji tal-ajru elenkati fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 li għalih għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Anness Vb (Parti-ML).

2.   Ir-rekwiżiti tal-Anness Vb (Parti-ML) għandhom japplikaw għall-inġenji tal-ajru li ġejjin ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni:

(a)

ajruplani b'massa massima waqt it-tlugħ ta' 2 730 kg jew anqas;

(b)

inġenji tal-ajru kbar li jaħdmu bir-rotors b'massa massima waqt it-tlugħ ta' 1 200 kg jew anqas, iċċertifikati għal massimu ta' 4 okkupanti;

(c)

inġenji tal-ajru oħra ELA2.

Meta l-inġenju tal-ajru msemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel sottoparagrafu jkun elenkat fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ta' operatur tal-ajru li ngħata l-liċenzja skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Anness I (Parti-M).

3.   Biex jiġu elenkat fiċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru ta' operatur tal-ajru li ngħata l-liċenzja skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, l-inġenju tal-ajru msemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

il-programm ta' manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru tiegħu jkun ġie approvat mill-awtorità kompetenti skont il-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M);

(b)

il-manutenzjoni li għandha ssir u li hi meħtieġa mill-programm ta' manutenzjoni msemmi fil-punt (a) twettqet u ġiet iċċertifikata skont il-punti 145.A.48 u 145.A.50 tal-Anness II (Parti-145);

(c)

saret reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u nħareġ ċertifikat ġdid tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà skont il-punt M.A.901 tal-Anness I (Parti-M).

4.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1, li għalihom ikun inħareġ permess għat-titjir, għandha tiġi żgurata abbażi tal-arranġamenti speċifiċi tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà kif iddefinit fil-permess għat-titjir maħruġ skont l-Anness I (Parti-21) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*1).

5.   Il-programm ta' manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru għal inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fil-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M) applikabbli qabel l-24 ta' Settembru 2019 għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti speċifikati fil-punt M.A.302 tal-Anness I (Parti-M) jew il-punt ML.A.302 tal-Anness Vb (Parti-ML), skont kif applikabbli, skont il-paragrafi 1 u 2.

6.   L-operaturi għandhom jiżguraw il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1 u l-komponenti għall-installazzjoni fuqhom skont ir-rekwiżiti tal-Anness Va (Parti-T).

7.   Il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' ajruplani b'massa ċċertifikata massima waqt it-tlugħ ta' 5 700 kg jew anqas li huma mgħammra b'magni turboprop multipli għandha tiġi żgurata skont ir-rekwiżiti applikabbli għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni kif stipulat fil-punti M.A.201, M.A.301, M.A.302, M.A.601 u M.A.803 tal-Anness I (Parti-M), il-punt 145.A.30 tal-Anness II (Parti-145), il-punti 66.A.5, 66.A.30, 66.A.70, l-Appendiċi V u VI tal-Anness III (Part-66), il-punt CAMO.A.315 tal-Anness Vc (Parti-CAMO), il-punt CAO.A.010 u l-Appendiċi I tal-Anness Vd (Parti-CAO) sa fejn dawn japplikaw għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).’;"

(2)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Artikolu 4

Approvazzjonijiet għal organizzazzjonijiet involuti fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà

1.   L-organizzazzjonijiet involuti fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u tal-komponenti għall-installazzjoni fuqhom, inkluża l-manutenzjoni, għandhom ikunu approvati, fuq talba tagħhom, mill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti tal-Anness II (Parti-145), l-Anness Vc (Parti-CAMO) jew l-Anness Vd (Parti-CAO), skont kif ikun applikabbli għall-organizzazzjonijiet rispettivi.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, sal-24 ta' Settembru 2020 l-organizzazzjonijiet, fuq talba tagħhom, jistgħu jinħarġulhom approvazzjonijiet mill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti tas-Sottoparti F u s-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M). Dawk l-approvazzjonijiet għandhom ikunu validi sal-24 ta' Settembru 2021.

3.   L-approvazzjonijiet tal-manutenzjoni maħruġa jew rikonoxxuti minn Stat Membru skont l-ispeċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni JAR-145 imsemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (*2) u validi qabel id-29 ta' Novembru 2003 għandhom jitqiesu li nħarġu skont ir-rekwiżiti tal-Anness II (Parti-145) ta' dan ir-Regolament.

4.   L-organizzazzjonijiet li jkollhom approvazzjoni valida maħruġa skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew skont l-Anness II (Parti-145) għandha tinħarġilhom, fuq talba tagħhom, Formola 3-CAO mill-awtorità kompetenti kif stipulat fl-Appendiċi 1 għall-Anness Vd (Parti-CAO).

Il-privileġġi tat-tali organizzazzjoni taħt l-approvazzjoni maħruġa skont l-Anness Vd (Parti-CAO) għandhom ikunu l-istess bħall-privileġġi taħt l-approvazzjoni maħruġa skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew l-Anness II (Parti-145). Madankollu, dawk il-privileġġi m'għandhomx jisbqu l-privileġġi ta organizzazzjoni msemmija fit-Taqsima A tal-Anness Vd (Parti-CAO).

L-organizzazzjoni tista' tikkoreġi kwalunkwe sejba ta' nuqqas ta' konformità mal-Anness Vd (Parti-CAO) sal-24 ta' Settembru 2021. Jekk wara dik id-data s-sejbiet ma jkunux għadhom ġew ikkoreġuti, l-approvazzjoni għandha tiġi rrevokata.

Sakemm l-organizzazzjoni tikkonforma mal-Anness Vd (Parti-CAO) jew sal-24 ta' Settembru 2021, skont liema data minn dawn it-tnejn taħbat l-ewwel, din għandha tiġi ċċertifikata u ssorveljata skont is-Sottoparti F jew is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) jew l-Anness II (Parti-145), skont kif applikabbli.

5.   Approvazzjonijiet validi tal-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà maħruġa skont is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M) għandhom jitqiesu li nħarġu skont l-Anness Vc (Parti-CAMO).

L-organizzazzjoni tista' tikkoreġi kwalunkwe sejba ta' nuqqas ta' konformità mal-Anness Vc (Parti-CAMO) sal-24 ta' Settembru 2021.

Jekk l-organizzazzjoni tikkoreġi s-sejbiet sa dik id-data, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat tal-approvazzjoni tal-Formola 14 ġdid skont l-Anness Vc (Parti-CAMO). Jekk wara dik id-data s-sejbiet ma jkunux għadhom ġew ikkoreġuti, l-approvazzjoni għandha tiġi rrevokata.

Sakemm l-organizzazzjoni tikkonforma mal-Anness Vc (Parti-CAMO) jew l-24 ta' Settembru 2021, skont liema data minn dawn it-tnejn taħbat l-ewwel, din għandha tiġi ċċertifikata u ssorveljata skont is-Sottoparti G tal-Anness I (Parti-M).

6.   Ċertifikati ta' rilaxx għas-servizz u ċertifikati ta' rilaxx awtorizzat maħruġa qabel it-28 ta' Ottubru 2008 minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn hi stabbilita l-organizzazzjoni, għal inġenji tal-ajru ħlief inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni mhux involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru, inkluż kwalunkwe komponent għall-installazzjoni fuqhom, għandhom jitqiesu li nħarġu skont il-punti M.A.801, M.A.802 tal-Anness I (Parti-M) u l-punt 145.A.50 tal-Anness II (Parti-145).

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4).’;"

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘1.   Il-persunal taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun kwalifikat skont ir-rekwiżiti tal-Anness III (Parti-66), ħlief kif previst fil-punti M.A.606(h), M.A.607(b), M.A.801(d) u M.A.803 tal-Anness I (Parti-M), fil-punti ML.A.801(c) u ML.A.803 tal-Anness Vb (Parti-ML), fil-punti CAO.A.035(d) u CAO.A.040(b) tal-Anness Vd (Parti-CAO) u fil-punti 145.A.30(j) tal-Appendiċi IV għall-Anness II (Parti-145).’;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

‘Artikolu 7a

Awtoritajiet kompetenti

1.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn entità waħda bħala awtorità kompetenti bis-setgħat neċessarji u r-responsabbiltajiet allokati għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza ta' persuni u organizzazzjonijiet soġġetti għal dan ir-Regolament, għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-oqsma ta' kompetenza ta' kull awtorità kompetenti għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar, b'mod partikolari f'termini tar-responsabbiltajiet u l-limitazzjonijiet ġeografiċi;

(b)

għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet biex jiġu żgurati ċertifikazzjoni u sorveljanza effettivi tal-organizzazzjonijiet u l-persuni kollha soġġetti għal dan ir-Regolament fil-mandati rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom ma jwettaqx attivitajiet ta' ċertifikazzjoni u sorveljanza meta jkun hemm indikazzjonijiet li dawn jistgħu jwasslu, direttament jew indirettament, għal kunflitt ta' interess, b'mod partikolari meta jkunu relatati ma' interess familjari jew finanzjarju.

3.   Fejn ikun hemm bżonn li jwettqu kompiti ta' ċertifikazzjoni jew sorveljanza skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa biex:

(a)

jeżaminaw ir-rekords, id-data, il-proċeduri u kwalunkwe materjal ieħor li jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni u/jew ta' sorveljanza;

(b)

jagħmlu kopji tat-tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor, jew jieħdu siltiet minnhom;

(c)

jitolbu spjegazzjoni orali fuq il-post mingħand kwalunkwe membru tal-persunal ta' dawk l-organizzazzjonijiet;

(d)

jidħlu fil-bini, is-siti operazzjonali jew il-mezzi tat-trasport rilevanti li jkunu proprjetà ta' dawk il-persuni jew li jintużaw minnhom;

(e)

iwettqu awditi, investigazzjonijiet, valutazzjonijiet, spezzjonijiet, li jinkludu spezzjonijiet mhux imħabbra, fir-rigward ta' dawk l-organizzazzjonijiet;

(f)

jieħdu jew jagħtu bidu għal miżuri ta' infurzar skont kif xieraq.

4.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru rilevanti.’;

(5)

L-Artikolu 9 jitħassar;

(6)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(7)

L-Anness II huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament;

(8)

L-Anness III huwa emendat f'konformità mal-Anness III ta' dan ir-Regolament;

(9)

L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness IV ta' dan ir-Regolament;

(10)

L-Anness Va huwa emendat skont l-Anness V ta' dan ir-Regolament;

(11)

it-test stipulat fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vb;

(12)

it-test stipulat fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vc;

(13)

it-test stipulat fl-Anness VIII ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Vd.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta' Marzu 2020.”.


6.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/10


Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1384 tal-24 ta' Lulju 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 965/2012 u (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tal-użu tal-inġenji tal-ajru elenkati fuq ċertifikat ta' operatur tal-ajru għal operazzjonijiet mhux kummerċjali u operazzjonijiet speċjalizzati, l-istabbiliment ta' rekwiżiti operattivi għat-twettiq ta' titjiriet ta' kontroll tal-manutenzjoni, l-istabbiliment ta' regoli dwar operazzjonijiet mhux kummerċjali b'ekwipaġġ tal-kabina mnaqqas abbord u l-introduzzjoni ta' aġġornamenti editorjali dwar ir-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 228 tal-4 ta' Settembru 2019 )

F'paġna 108, l-Artikolu 1(3),

minflok:

“(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 9aa li ġej:

‘Artikolu 9aa

Rekwiżiti tal-ekwipaġġ tat-titjira għal titjiriet ta' kontroll tal-manutenzjoni

Bdot li jkun aġixxa, qabel l-20 ta' Awwissu 2019, bħala bdot fil-kmand fuq titjira ta' kontroll tal-manutenzjoni li skont id-definizzjoni fil-punt SPO.SPEC.MCF.100 fl-Anness VIII hija kategorizzata bħala titjira ta' kontroll tal- manutenzjoni ta' Livell A, għandu jingħata kreditu għall-fini ta' konformità mal-punt SPO.SPEC.MCF.115(a)(1) ta' dak l-Anness. F'dak il-każ, l-operatur għandu jiżgura li l-bdot fil-kmand jirċievi struzzjoni dwar kwalunkwe differenza identifikata bejn il-prattiki operattivi stabbiliti qabel l-20 ta' Awwissu 2019 u l-obbligi previsti fit-Taqsimiet 5 u 6 tas-Subparti E tal-Anness VII ta' dan ir-Regolament inklużi dawk derivati mill-proċeduri relatati stabbiliti mill-operatur.’;”,

aqra:

“(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 9aa li ġej:

‘Artikolu 9aa

Rekwiżiti tal-ekwipaġġ tat-titjira għal titjiriet ta' kontroll tal-manutenzjoni

Bdot li jkun aġixxa, qabel l-24 ta' Settembru 2019, bħala bdot fil-kmand fuq titjira ta' kontroll tal-manutenzjoni li skont id-definizzjoni fil-punt SPO.SPEC.MCF.100 fl-Anness VIII hija kategorizzata bħala titjira ta' kontroll tal- manutenzjoni ta' Livell A, għandu jingħata kreditu għall-fini ta' konformità mal-punt SPO.SPEC.MCF.115(a)(1) ta' dak l-Anness. F'dak il-każ, l-operatur għandu jiżgura li l-bdot fil-kmand jirċievi struzzjoni dwar kwalunkwe differenza identifikata bejn il-prattiki operattivi stabbiliti qabel l-24 ta' Settembru 2019 u l-obbligi previsti fit-Taqsimiet 5 u 6 tas-Subparti E tal-Anness VII ta' dan ir-Regolament inklużi dawk derivati mill-proċeduri relatati stabbiliti mill-operatur.’;”.