ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 188

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
12 ta' Lulju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/1154 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1

 

*

Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

25

 

*

Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 ( 1 )

55

 

*

Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu ( 1 )

67

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

79

 

*

Direttiva (UE) 2019/1159 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri ( 1 )

94

 

*

Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv ( 1 )

106

 

*

Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ( 1 )

116

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

 

*

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

131

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/1


REGOLAMENT (UE) 2019/1154 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd (“il-PKS”) huwa li tiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jiġu sfruttati b'mod li jipprovdi kundizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostenibbli.

(2)

L-Unjoni hija Parti kontraenti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“l-ICCAT Konvenzjoni”).

(3)

Waqt il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) tal-2016 li saret f'Vilamoura fil-Portugall, il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ICCAT u l-Partijiet, l-Entitajiet jew l-Entitajiet tas-Sajd mhux Kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha (“PKK”) għarfu l-bżonn li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni allarmanti tal-pixxispad (Xiphias gladius), fil-baħar Mediterran (“il-pixxispad tal-Mediterran”) li ġie mistad wisq matul dawn l-aħħar 30 sena. Għal dak il-għan, inkluż li jiġi evitat il-kollass tal-istokk, u wara li ġie analizzat il-parir xjentifiku tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika (SCRS), l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 16-05 li tistabbilixxi pjan pjan pluriennali ta' rkupru għall-pixxispad tal-Mediterran (“il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT”). Minħabba l-fatt li l-bijoloġija, l-istruttura u d-dinamika attwali tal-istokk tal-pixxispad tal-Mediterran ma jippermettux il-kisba ta' livelli ta' bijomassa li kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq medda qasira ta' żmien, anki jekk jiġu adottati miżuri drastiċi u urġenti ta' ġestjoni bħall-għeluq totali tas-sajd, il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT jeħtieġ li jkopri l-perjodu 2017–2031. Ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Ġunju 2017 u hija vinkolanti għall-Unjoni.

(4)

F'Diċembru tal-2016, l-Unjoni infurmat lis-Segretarjat tal-ICCAT, permezz ta' ittra, li ċerti miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT kellhom jidħlu fis-seħħ fl-Unjoni f'Jannar tal-2017, b'mod partikulari b'rabta mal-perjodu tal-għeluq mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu, u mal-allokazzjoni tal-kwoti għas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran. Jenħtieġ li l-miżuri l-oħrajn kollha stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, flimkien ma'xi miżuri oħra diġà implimentati jiġu inklużi fil-pjan ta' rkupru stabbilit f'dan ir-Regolament.

(5)

Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd tkun ibbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli sabiex ikun żgurat li r-riżorsi tas-sajd ikunu ġestiti b'mod konformi mal-għanijiet tal-PKS, b'mod partikulari mal-għan li jerġgħu jiżdiedu bil-mod il-mod il-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut u li dawn jinżammu f'livelli tal-bijomassa li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY, anke jekk f'dan il-każ partikolari id-data sa meta irid jintlaħaq dak l-għan ikun l-2031, u mal-għan li, fl-istess ħin, jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm industrija tas-sajd li fiha l-qbid u l-ipproċessar tal-ħut ikunu ekonomikament vijabbli u kompetittivi u attività tas-sajd relatata li ssir fuq l-art li wkoll tkun ekonomikament vijabbli u kompetittiva. F-istess ħin, jittieħed kont tal-punt (d) tal-Artikolu 28(2), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li jipprovdi li jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni vis-à-vis l-operaturi ta' pajjiżi terzi.

(6)

Il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT iqis l-ispeċifiċitajiet tat-tipi ta' rkaptu tas-sajd u ta' tekniki tas-sajd differenti. Huma u jimplimentaw il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT, l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-attivitajiet tas-sajd ta' mal-kosta u r-riċerka dwar u l-użu ta' rkaptu u ta' tekniki tas-sajd li jkunu selettivi, sabiex inaqqsu l-qabdiet aċċessorji ta' speċifijiet vulnerabbli, u li jkollhom impatt ambjentali mnaqqas, inklużi rkaptu u tekniki li jintużaw fis-sajd tradizzjonali u artiġjanali, biex b'hekk jikkontribwixxu għal livell ġust ta' għajxien għall-ekonomiji lokali.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-kunċett ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li l-kunċett tal-ICCAT ta' daqsijiet minimi jiġi implimentat fil-liġi tal-Unjoni bħala daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni.

(8)

Skont ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, il-pixxispad tal-Mediterran li jkun inqabad u li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni se jkollu jiġi skartat. L-istess japplika għall-qabdiet ta' pixxispad tal-Mediterran li jaqbżu l-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti mill-Istati Membri fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom. Għall-finijiet tal-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-kuntest tal-ICCAT, l-Artikolu 5a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 (4) jipprevedi derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art għall-pixxispad tal-Mediterran, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 jimplimenta ċerti dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT li jistabbilixxi l-obbligu li l-bastimenti jiskartaw il-pixxispad tal-Mediterran li jkollhom għall-bastimenti li jkunu jaqbżu l-kwota allokata għalihom jew il-livell massimu ta' qabdiet aċċessorji permessi tagħhom. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament Delegat jinkludi l-bastimenti li jintużaw għas-sajd rikreattiv.

(9)

Minħabba li l-pjan tal-irkupru definit f'dan ir-Regolament se jimplimenta r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-pixxispad tal-Mediterran jitħassru.

(10)

Fl-imgħoddi, l-attivitajiet tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif żdiedu ferm f'termini tal-isforz tas-sajd u tan-nuqqas ta' biżżejjed selettività. Iż-żieda bla kontroll f'dawn l-attivitajiet ħolqot riskju serju għall-ispeċijiet fil-mira u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/98 (6) ipprojbixxa li dawn jintużaw biex jinqabad il-ħut li jpassi ħafna, fosthom għall-pixxispad.

(11)

Biex tkun żgurata l-konformità mal-PKS, ġiet adottata leġislazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita sistema ta' kontroll, ta' spezzjoni u ta' infurzar li tinkludi l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU). B'mod partikulari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar permezz ta' approċċ globali u integrat sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli kollha tal-PKS. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (8) jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (9) jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. Dawk ir-Regolamenti diġà fihom dispożizzjonijiet li jkopru wħud mill-miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT. Għalhekk ma hemmx bżonn li dawk id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu f'dan ir-Regolament.

(12)

Fl-arranġamenti għall-kiri tal-bastimenti tas-sajd, ta' spiss ma jkunux ċari r-relazzjonijiet bejn is-sid, in-noleġġatur u l-Istat tal-bandiera. Ċerti operaturi li jwettqu attivitajiet IUU jevadu l-kontrolli billi jabbużaw minn dawk l-arranġamenti. Il-kiri huwa pprojbit bir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) fil-kuntest tas-sajd għat-tonn. Bħala miżura ta' prevenzjoni sabiex jitħares stokk li qed jirkupra u sabiex ikun hemm il-konsistenza mal-liġijiet tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi adottata projbizzjoni simili fil-pjan ta' rkupru stabbilit f'dan ir-Regolament.

(13)

Jenħtieġ li l-leġislazzjoni tal-Unjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT sabiex tpoġġi lis-sajjieda tal-Unjoni u lil dawk ta' pajjiżi terzi fuq l-istess livell u sabiex tiżgura li r-regoli jkunu jistgħu jiġu aċċettati minn kulħadd.

(14)

Sabiex ir-rakkomandazzjonijiet futuri tal-ICCAT li jemendaw jew jissupplimentaw il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT jiġu implimentati malajr fil-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-emendar tal-Annessi ta' dan ir-Regolament, u ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar skadenzi għar-rappurtar ta' informazzjoni, perjodi ta' żmien għall-għeluq, daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, livelli ta' tolleranza għal qabdiet inċidentali u qabdiet aċċessorji, karatteristiċi tekniċi ta' rkaptu tas-sajd, perċentwali ta' eżawriment tat-teħid mill-kwota għall-fini li tiġi informata il-Kummissjoni, kif ukoll informazzjoni li għandha tingħata fuq bastimenti tas-sajd. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B'mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom irid ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(15)

Sabiex ikunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni b'rabta mal-format tar-rapport annwali li l-Istati Membri jibagħtu dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(16)

L-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni previsti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jista' jkun hemm fil-ġejjieni fil-liġi tal-Unjoni permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

(17)

L-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (13) jippermetti lill-bastimenti li jkunu qed jistadu għall-pixxispad jieħdu abbord jew ikalaw għadd massimu ta' 3 500 sunnara, filwaqt li r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT tippermetti għadd massimu ta' 2 500 sunnara. Sabiex dik ir-rakkomandazzjoni tiġi implimentata sewwa fil-liġi tal-Unjoni, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jiġi emendat kif xieraq.

(18)

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2017/2107 tistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi u ta' kontroll fir-rigward tal-pixxispad tal-Mediterran. Il-miżuri li ġew stabbiliti permezz tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, li dan ir-Regolament qed jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni, huma iktar restrittivi jew iktar preċiżi mill-miżuri li huma diġà fis-seħħ, sabiex l-istokk ikun jista' jirkupra. Għalhekk jenħtieġ li t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2017/2107 titħassar u tiġi sostitwita bil-miżuri rilevanti stabbiliti f'dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-implimentazzjoni, min-naħa tal-Unjoni, ta' pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad (Xiphias gladius) fil-baħar Mediterran (“pixxispad tal-Mediterran”), adottat mill-ICCAT, li jibda fl-2017 u li jkompli għaddej sal-2031.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika:

(a)

għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għall-bastimenti tal-Unjoni li jintużaw għas-sajd rikreattiv:

(i)

li jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran; jew

(ii)

li jittrasbordaw jew iġorru abbord, inkluż 'l barra miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, il-pixxispad tal-Mediterran;

(b)

għall-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi li jintużaw għas-sajd rikreattiv li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni u li jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran;

(c)

għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi li jiġu spezzjonati fil-portijiet tal-Istati Membri u li jkollhom abbord pixxispad tal-Mediterran jew prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-pixxispad tal-Mediterran li ma jkunux inħattu l-art jew ġew ittrasbordati fil-portijiet qabel.

Artikolu 3

Għan

B'deroga mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jinkiseb livell tal-bijomassa tal-pixxispad tal-Mediterran li jkun jikkorrispondi mal-MSY sal-2031, u li jkun hemm probabbiltà ta' mill-inqas 60 % li jintlaħaq dan il-għan.

Artikolu 4

Rabta ma' liġijiet oħrajn tal-Unjoni

Dan ir-Regolament japplika minbarra għar-Regolamenti li ġejjin jew, meta dawk ir-Regolamenti jkunu jipprevedu dan, b'deroga minnhom:

(a)

ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(b)

Ir-Regolament (UE) Nru 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(c)

ir-Regolament (UE) 2017/2107;

Artikolu 5

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(2)

“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(3)

“iż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT” tfisser l-ilmijiet kollha tal-Oċean Atlantiku u tal-ibħra ta' madwaru;

(4)

“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet marittimi tal-Mediterran li jinsabu fil-Lvant tal-linja 5°36′ tal-Punent;

(5)

“PKK” tfisser il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tal-ICCAT u l-Partijiet, l-Entitajiet jew l-Entitajiet tas-Sajd mhux Kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha;

(6)

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni li tagħtih id-dritt iwettaq attivitajiet speċifiċi tas-sajd tul perjodu speċifikat, f'żona partikulari jew għal sajd partikulari, b'kundizzjonijiet speċifiċi;

(7)

“opportunità ta' sajd” tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f'termini ta' qabdiet jew ta' sforz tas-sajd;

(8)

“stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f'żona ta' ġestjoni partikulari;

(9)

“prodotti tas-sajd” tfisser l-organiżmi akkwatiċi li jirriżultaw minn kull attività tas-sajd jew il-prodotti li ġejjin minnha;

(10)

“skartar” tfisser qabdiet li jerġgħu jintefgħu lura fil-baħar;

(11)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi akkwatiċi bijoloġiċi tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(12)

“data tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti” tfisser id-data dwar l-identifikazzjoni, il-pożizzjoni ġeografika, id-data, il-ħin, ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment tas-sajd li l-apparat ta' lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord il-bastiment tas-sajd jittrażmetti liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru tal-bandiera;

(13)

“ħatt l-art” tfisser il-ħatt inizjali ta' kull kwantità ta' prodotti tas-sajd minn abbord bastiment tas-sajd għal fuq l-art;

(14)

“trasbord” tfisser il-ħatt tal-prodotti kollha tas-sajd li jkunu abbord bastiment, jew ta' parti minnhom, minn fuq dak il-bastiment għal fuq bastiment ieħor;

(15)

“kiri” tfisser arranġament li permezz tiegħu bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru jingħata b'kuntratt għal perjodu ddefinit lil operatur li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, mingħajr ma l-bastiment tinbidillu l-bandiera tiegħu;

(16)

“konzijiet” tfisser irkaptu tas-sajd li jinkludi lett prinċipali b'ħafna snanar fuq lettijiet sekondarji iqsar imdendlin minnu (brazzoli) ta' tul u spazjar varjabbli skont l-ispeċijiet fil-mira;

(17)

“sunnara” tfisser fidiferru tal-azzar mgħawweġ li jkun ġej għall-ponta;

(18)

“qasba u xlief” tfisser xlief imqabbad ma' qasba li jintuża mis-sajjieda li jistadu bil-qasba u li jkun imdawwar fuq mekkaniżmu ta' tidwir (ril) li jintuża biex jitkebbeb ix-xlief.

TITOLU II

MIŻURI TA' ĠESTJONI, MIŻURI TEKNIĊI TA' KONSERVAZZJONI U MIŻURI TA' KONTROLL

KAPITOLU 1

Miżuri ta' ġestjoni

Artikolu 6

Sforz tas-sajd

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-isforz tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jkun proporzjonat mal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

2.   Għandu jkun ipprojbit it-trasferiment minn sena għall-oħra tal-kwoti għall-pixxispad tal-Mediterran li ma jintużawx.

Artikolu 7

Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd

1.   B'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huma u jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika, u għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex iqassmu l-kwoti nazzjonali b'mod ġust fost id-diversi segmenti tal-flotta, filwaqt li jqisu s-sajd tradizzjonali u artiġjanali, u biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b'impatt ambjentali mnaqqas.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi l-qabdiet aċċessorji tal-pixxispad fil-kwota tiegħu tal-pixxispad tal-Mediterran u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan meta jkun qed jibagħtilha l-pjan annwali tas-sajd tiegħu skont l-Artikolu 9. It-tali dispożizzjoni għandha tiżgura li l-pixxispad tal-Mediterran mejjet kollu jitnaqqas mill-kwota.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jallokaw kwalunkwe żieda fl-opportunitajiet tas-sajd, li tirriżulta mill-implimentazzjoni b'suċċess ta' dan ir-Regolament, lil bastimenti tas-sajd li ma ġewx allokati preċedentement kwoti għall-pixxispad tal-Mediterran u li jissodisfaw il-kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 8

Limiti fuq il-kapaċità

1.   Għandu jkun hemm limitu fuq il-kapaċità tal-bastimenti tas-sajd skont it-tip ta' rkaptu tas-sajd għall-perjodu kollu li matulu jdum għaddej il-pjan ta' rkupru stabbilit f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jillimitaw skont it-tip ta' rkaptu tas-sajd l-għadd ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran għall-għadd annwali medju ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu stadu għall-pixxispad tal-Mediterran, jew żammewh abbord, jew ittrasbordawh, ittrasportawh jew li ħattewh l-art matul il-perjodu 2013-2016.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw l-għadd ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu stadu, żammew abbord, ittrasbordaw, ittrasportaw jew żbarkaw il-pixxispad tal-Mediterran fl-2016 għall-fini tal-kalkolu tal-limitazzjoni tal-kapaċità, jekk dak l-għadd ikun inqas mill-medja tal-għadd ta' bastimenti fis-sena matul il-perjodu 2013-2016. Dak il-limitu fuq il-kapaċità għandu jkun applikat skont it-tip ta' rkaptu għall-bastimenti tas-sajd.

3.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw tolleranza ta' 5 % għal-limitu fuq il-kapaċità msemmi fil-paragrafu 1 għall-2018 u l-2019.

4.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu ta' kull sena bil-miżuri li jkunu ħadu biex jillimitaw l-għadd ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fit-trażmissjoni tal-pjanijiet annwali tas-sajd skont l-Artikolu 9.

Artikolu 9

Pjanijiet annwali tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet tas-sajd annwali tagħhom lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu ta' kull sena. Tali pjanijiet tas-sajd annwali għandhom ikunu fil-format stabbilit fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni, u għandu jkun fihom informazzjoni ddettaljata dwar il-kwota għall-pixxispad tal-Mediterran allokata skont it-tip ta' rkaptu tas-sajd, fosthom il-kwota allokata għas-sajd rikreattiv, meta dan ikun rilevanti, u dik allokata għall-qabdiet aċċessorji.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet tas-sajd annwali msemmijin fil-paragrafu 1 u tintegrahom fi pjan tas-sajd tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak il-pjan tas-sajd tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Marzu ta' kull sena.

KAPITOLU 2

Miżuri tekniċi ta' konservazzjoni

Taqsima 1

Staġuni tas-sajd

Artikolu 10

Perjodi ta' għeluq

1.   Il-pixxispad tal-Mediterran ma għandux jinqabad, la bħala speċi fil-mira u lanqas bħala qabda aċċessorja, u ma għandux jinżamm abbord, jiġi ttrasbordat jew jinħatt l-art matul il-perjodu ta' għeluq. Il-perjodu ta' għeluq għandu jkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu ta' kull sena.

2.   Sabiex jitħares il-pixxispad tal-Mediterran, għandu jkun hemm perjodu ta' għeluq tas-sajd mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Novembru ta' kull sena għall-bastimenti tas-sajd bil-konz li jkunu qed jistadu għall-alongi (Thunnus alalunga) fil-Mediterran;

3.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effettività tal-perjodi ta' għeluq imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, u kull sena, tal-inqas xahrejn u ħmistax-il ġurnata qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet ix-xierqa li huma jkunu wettqu fis-sena ta' qabel sabiex jiżguraw li jitħares dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT kull sena.

Taqsima 2

Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, qabdiet inċidentali u qabdiet aċċessorji

Artikolu 11

Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għall-pixxispad tal-Mediterran

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li jiġu maqbuda jew li jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati, jinħattu l-art, jiġu ttrasportati, jinħażnu, jinbiegħu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ tal-pixxispad tal-Mediterran, inkluż mis-sajd rikreattiv:

(a)

li jkunu twal inqas minn 100 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta; jew

(b)

li jkollu piż ħaj ta' inqas minn 11,4 kg jew piż ta' inqas minn 10,2 kg wara li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun tnaddaf mill-ġewwieni.

2.   Jista' jinżamm abbord, jiġi ttrasbordat, jinħatt l-art jew jinġarr waqt l-ewwel trasport wara l-ħatt l-art biss il-pixxispad tal-Mediterran sħiħ li ma tkun tneħħietlu l-ebda parti esterna, jew il-pixxispad li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun tnaddaf mill-ġewwieni.

Artikolu 12

Qabdiet inċidentali ta' pixxispad li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

Minkejja l-Artikolu 1(11), il-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jimmiraw għall-pixxispad tal-Mediterran jistgħu jżommu abbord, jittrasbordaw, jittrasferixxu, iħottu l-art, jittrasportaw, jaħżnu, jbigħu jew juru jew joffru għall-bejgħ il-qabdiet inċidentali ta' pixxispad tal-Mediterran li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sakemm dawn il-qabdiet ma jkunux jaqbżu l-5 % skont il-piż jew l-għadd ta' kampjuni tal-qabda totali tal-pixxispad tal-Mediterran tal-bastimenti tas-sajd ikkonċernati.

Artikolu 13

Qabdiet aċċessorji

1.   Fi kwalunkwe ħin wara operazzjoni tas-sajd, il-qabdiet aċċessorji tal-pixxispad tal-Mediterran ma għandhomx jaqbżu l-limitu tal-qabdiet aċċessorji li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-pjanijiet annwali tagħhom tas-sajd għall-qabda totali abbord skont il-piż jew skont l-għadd ta' kampjuni.

2.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tas-sajd li ma jkunux qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran ma għandhomx iżommu abbord pixxispad tal-Mediterran li jaqbeż dak il-limitu ta' qabdiet aċċessorji.

3.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk il-kwota għall-pixxispad tal-Mediterran allokata lill-Istat Membru tal-bandiera tiġi eżawrita, il-pixxispad tal-Mediterran kollu li jinqabad ħaj għandu jinħeles.

4.   Meta l-kwota għall-pixxispad tal-Mediterran allokata lill-Istat Membru tal-bandiera tiġi eżawrita, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' pixxispad tal-Mediterran mejjet għandhom ikunu pprojbiti u l-qabdiet kollha għandhom jiġu rreġistrati. Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kwantità tat-tali pixxispad tal-Mediterran mejjet lill-Kummissjoni, li għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT skont l-Artikolu 21.

Taqsima 3

Karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd

Artikolu 14

Karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd

1.   L-għadd massimu ta' snanar li l-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu għall-pixxispad fil-Mediterran jistgħu jkalaw jew jinġarru abbord għandu jkun ta' 2 500 sunnara.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti tas-sajd għandhom jitħallew ikollhom abbord sett armat ta' sostituzzjoni ta' 2 500 sunnara għal vjaġġi ta' iktar minn jumejn, sakemm dan jintrabat kif suppost u jinżamm fil-gvieret ta' taħt b'mod li ma jkunx jista' jintuża faċilment.

3.   It-tul tas-snanar ma għandux ikun ta' inqas minn 7 cm.

4.   It-tul tal-konzijiet pelaġiċi ma għandux ikun aktar minn 30 mil nawtiku (55,56 km).

KAPITOLU 3

Miżuri ta' kontroll

Taqsima 1

Reġistru tal-bastimenti

Artikolu 15

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran u li jtajru l-bandiera tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403, b'mod partikolari l-Artikoli 20 u 21 tiegħu.

2.   Il-bastimenti tal-Unjoni mniżżlin fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16 u 17 biss għandhom jitħallew jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran, iżommuh abbord, jittrasbordawh, iħottuh l-art, jittrasportawh jew jipproċessawh, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-qabdiet aċċessorji stabbiliti fl-Artikolu 13.

3.   Il-bastimenti l-kbar tas-sajd awtorizzati mill-Istati Membri għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru tal-ICCAT tal-bastimenti li b'kollox huma twal 20 metru jew aktaru awtorizzati li joperaw fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

Artikolu 16

Informazzjoni dwar il-bastimenti awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran u l-alongi fis-sena attwali

1.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b'mod elettroniku lill-Kummissjoni, fil-format stabbilit fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni:

(a)

sal-1 ta' Jannar, l-informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran, kif ukoll il-bastimenti awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran fil-kuntest tas-sajd rikreattiv;

(b)

sal-1 ta' Marzu, l-informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu awtorizzati jistadu għall-alongi tal-Mediterran.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) sal-15 ta' Jannar ta' kull sena u l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) sal-15 ta' Marzu ta' kull sena.

L-informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun fiha isem il-bastiment u n-numru tiegħu tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (in-numru tas-CFR), kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 (15).

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe modifika tal-informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 30 ġurnata minn dik il-modifika. Fi żmien 45 jum wara d-data tal-modifika, il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.

3.   Minbarra kwalunkwe informazzjoni trażmessa lis-Segretarjat tal-ICCAT b'konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2017/2403, tibgħat mingħajr dewmien dettalji aġġornati tal-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 17

Informazzjoni dwar il-bastimenti li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bl-użu ta' ħarpuni jew ta' konzijiet tal-wiċċ matul is-sena ta' qabel

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b'mod elettroniku lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bil-konzijiet tal-wiċċ jew bil-ħarpuni fis-sena ta' qabel:

(a)

isem il-bastiment (jekk il-bastiment ma jkollux isem, i n-numru tar-reġistrazzjoni mingħajr l-inizjali tal-pajjiż);

(b)

in-numru tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (CFR) kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/218;

(c)

in-numru fir-reġistru tal-ICCAT.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat fil-format stabbilit fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.

Taqsima 2

Monitoraġġ u sorveljanza

Artikolu 18

Sistema ta' Monitoraġġ tal-bastimenti

1.   Għall-finijiet tal-kontroll, it-trażmissjoni tad-data tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) mill-bastimenti tas-sajd li huma awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran ma għandhiex tiġi interrotta meta dawk il-bastimenti jkunu fil-port.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jibagħtu l-messaġġi tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti li jaslulhom mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom lill-Kummissjoni u lil korp magħżul minnha, f'ħin reali u billi jużaw il-format “https data feed”. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk il-messaġġi b'mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)

li l-messaġġi tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni tal-inqas kull sagħtejn;

(b)

f'każ ta' ħsara teknika fis-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti, il-messaġġi alternattivi li jaslulhom f'konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa minn meta ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jirċevuhom;

(c)

il-messaġġi VMS li jintbagħtu lill-Kummissjoni jiġu nnumerati b'mod sekwenzjali (b'identifikatur uniku) sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni;

(d)

il-messaġġi VMS li jintbagħtu lill-Kummissjoni jkunu konformi mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011.

4.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-messaġġi VMS kollha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bastimenti ta' spezzjoni tiegħu jiġu ttrattati b'mod kunfidenzjali u jkunu limitati biss għall-attivitajiet ta' spezzjoni fuq il-baħar.

Artikolu 19

Kiri ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni

Għandu jkun ipprojbit il-kiri ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni sabiex jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran.

Artikolu 20

Programmi ta' osservaturi xjentifiċi nazzjonali għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

1.   Kull Stat Membru li jkollu kwota għall-pixxispad tal-Mediterran għandu jimplimenta programm ta' osservaturi xjentifiċi nazzjonali għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jtajru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru u li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran skont dan l-Artikolu. Il-programm tal-osservaturi nazzjonali għandu jikkonforma mal-istandards minimi stabbiliti fl-Anness I.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiżgura li jintbagħtu l-osservaturi xjentifiċi nazzjonali fuq tal-inqas 10 % tal-bastimenti kollha tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jkollhom tul totali ta' aktar minn 15-il metru li jtajru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru u li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran. Il-perċentwal ta' kopertura għandha jitkejjel f'għadd ta' jiem tas-sajd, ta' kalati, ta' bastimenti jew ta' vjaġġi.

3.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jfassal u jimplimenta approċċ ta' monitoraġġ xjentifiku biex jiġbor l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-bastimenti pelaġiċi tas-sajd bil-konz li jkollhom tul totali ta' 15-il metru jew inqas li jtajru l-bandiera ta' dak l-Istat Membru. Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jippreżenta d-dettalji ta' dak il-monitoraġġ xjentifiku lill-Kummissjoni fil-pjan tas-sajd annwali msemmi fl-Artikolu 9 sal-2020.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji tal-approċċ ta' monitoraġġ xjentifiku msemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (SCRS) tal-ICCAT minnufih biex dan jevalwah. L-approċċ ta' monitoraġġ xjentifiku għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni ICCAT waqt il-laqgħa annwali tal-ICCAT qabel ma jiġi implimentat.

5.   L-Istati Membri għandhom joħorġu dokumenti uffiċjali ta' identifikazzjoni lill-osservaturi xjentifiċi nazzjonali tagħhom.

6.   Minbarra l-kompiti tal-osservaturi xjentifiċi stabbiliti fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-osservaturi xjentifiċi jivvalutaw u jirrappurtaw id-data li ġejja dwar il-pixxispad tal-Mediterran:

(a)

il-livell ta' skartar ta' kampjuni li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

(b)

id-daqs u l-età tal-ħut meta jilħqu l-istat adult f'dak ir-reġjun partikulari;

(c)

l-użu tal-ħabitat, biex titqabbel id-disponibbiltà tal-pixxispad tal-Mediterran għal sajd differenti, fosthom tqabbil bejn is-sajd bil-konzijiet tradizzjonali u dawk mesopelaġiċi;

(d)

l-impatt tas-sajd bil-konzijiet mesopelaġiċi f'termini tal-kompożizzjoni tal-qabdiet, tas-serje tal-qabda għal kull unità tal-isforz u tat-tqassim u tad-daqs tal-qabdiet; u

(e)

l-istima tal-proporzjon, ta' kull xahar, ta' ħut riproduttiv u ta' rekluti fil-qabdiet.

7.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li tkun inġabret fil-programmi tal-osservaturi xjentifiċi nazzjonali tagħhom tas-sena ta' qabel lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.

Taqsima 3

Kontroll tal-qabdiet

Artikolu 21

Reġistrazzjoni u rappurtar tal-qabdiet

1.   Il-kaptan ta' kull bastiment tas-sajd li jkun awtorizzat jaqbad il-pixxispad tal-Mediterran għandu jżomm ġurnal ta' abbord dwar is-sajd skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u għandu jibgħat l-informazzjoni tal-ġurnal ta' abbord lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tar-rappurtar tal-Istati Membri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull tliet xhur l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapporti lill-Kummissjoni dwar il-qabdiet kollha tal-pixxispad tal-Mediterran li l-bastimenti awtorizzati u li jtajru l-bandiera tagħhom ikunu għamlu, sakemm tali informazzjoni ma tintbagħatx fuq bażi ta' kull xahar. Dawk ir-rapporti ta' kull tliet xhur għandhom jintbagħtu bl-użu tal-format tal-rapport tad-data aggregata dwar il-qbid) sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jintemm kull perjodu ta' tliet xhur (jiġifieri sal-15 ta' April, sal-15 ta' Lulju u sal-15 ta' Ottubru ta' kull sena u sal-15 ta' Jannar tas-sena ta' wara). Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sat-30 ta' April, sat-30 ta' Lulju u sat-30 ta' Ottubru ta' kull sena u sat-30 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bil-konzijiet tal-wiċċ jew bil-ħarpun fis-sena ta' qabel:

(a)

informazzjoni marbuta mal-attivitajiet tas-sajd skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona, ibbażata fuq il-kampjunar jew fuq il-flotta kollha, fosthom:

(i)

il-perjodu jew il-perjodi tas-sajd u l-għadd totali annwali ta' jiem tas-sajd tal-bastiment;

(ii)

iż-żoni ġeografiċi, skont ir-rettangoli statistiċi tal-ICCAT, għall-attivitajiet tas-sajd li wettaq il-bastiment;

(iii)

it-tip ta' bastiment;

(iv)

l-għadd ta' snanar li uża l-bastiment;

(v)

l-għadd ta' konzijiet individwali li uża l-bastiment;

(vi)

it-tul kollu tal-unitajiet ta' konzijiet li għandu l-bastiment;

(b)

id-data dwar il-qabdiet, fl-iżgħar unità temporali-spazjali possibbli, fosthom:

(i)

it-tqassim tad-daqs u, jekk inhu possibbli, tal-età tal-qabdiet;

(ii)

il-qabdiet ta' kull bastiment u l-kompożizzjoni tagħhom;

(iii)

l-isforz tas-sajd (l-għadd medju ta' jiem tas-sajd għal kull bastiment, l-għadd medju ta' snanar għal kull bastiment, l-għadd medju ta' konzijiet individwali għal kull bastiment u t-tul medju tal-konzijiet kollha f'daqqa għal kull bastiment).

Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 għandha tintbagħat fil-format stabbilit fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-data u tal-informazzjoni.

Artikolu 22

Data dwar it-teħid mill-kwota

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta jqis li t-teħid mill-kwota għall-pixxispad tal-Mediterran allokata għal tip ta' rkaptu partikulari tkun laħqet it-80 %.

2.   Meta l-qabdiet akkumulati tal-pixxispad tal-Mediterran ikunu laħqu t-80 % tal-kwota nazzjonali, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jibgħat id-data dwar il-qabdiet lill-Kummissjoni kull ġimgħa.

Taqsima 4

Ħatt l-art u trasbord

Artikolu 23

Portijiet magħżulin

1.   Il-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran, inklużi l-qabdiet aċċessorji u l-pixxispad tal-Mediterran maqbud fil-kuntest tas-sajd rikreattiv mingħajr marka fuq kull kampjun kif imsemmi fl-Artikolu 30, għandhom jinħattu l-art jew jiġu ttrasbordati fil-portijiet magħżulin biss.

2.   Kull Stat Membru għandu jagħżel, f'konformità mal-Artikolu 43(5) tar-Regolament (KE) 1224/2009, il-portijiet li fihom għandhom isiru l-ħatt l-art u t-trasbordi tal-pixxispad tal-Mediterran msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Sal-15 ta' Frar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lista tal-portijiet magħżulin tagħhom lill-Kummissjoni. Sal-1 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik il-lista lis-Segretarjat tal-ICCAT.

Artikolu 24

Notifika minn qabel

1.   L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b'kollox ikunu twal 12-il metru jew iktar u li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament. In-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkun beħsiebhom jużaw, kif ukoll lill-Istat Membru tal-bandiera, jekk dan ikun differenti mill-Istat Membru tal-port.

2.   Mill-inqas erba' sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla tagħhom fil-port, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b'kollox ikunu iqsar minn 12-il metru li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 16 għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw, kif ukoll lill-Istat Membru tal-bandiera jekk dan ikun differenti mill-Istat Membru tal-port, bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-ħin stmat tal-wasla tagħhom;

(b)

il-kwantità stmata ta' pixxispad tal-Mediterran li għandhom abbord; u

(c)

l-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika fejn tkun saret il-qabda.

3.   Jekk il-post għas-sajd ikun inqas minn erba' sigħat mill-port, il-kwantitajiet stmati ta' pixxispad tal-Mediterran miżmuma abbord jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe mument qabel il-wasla.

4.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-port għandhom iżommu reġistru tan-notifiki kollha minn qabel għas-sena attwali.

Artikolu 25

Trasbord

1.   It-trasbord fuq il-baħar mill-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom abbord il-pixxispad tal-Mediterran, jew minn bastimenti ta' pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni, għandu jkun ipprojbit f'kull ċirkustanza.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51, l-Artikolu 52(2) u (3), u l-Artikoli 54 u 57 tar-Regolament (UE) 2017/2107, il-bastimenti għandhom jittrasbordaw il-pixxispad tal-Mediterran f'portijiet magħżulin biss.

Taqsima 5

Spezzjonijiet

Artikolu 26

Pjanijiet annwali ta' spezzjoni

1.   Sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet annwali ta' spezzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Dawk il-pjanijiet annwali ta' spezzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont:

(a)

l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta' riferiment għall-attivitajiet ta' spezzjoni stipulat fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 (16); u

(b)

il-programm ta' azzjoni nazzjonali għall-kontroll għall-pixxispad tal-Mediterran stabbilit skont l-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet nazzjonali ta' spezzjoni u tintegrahom fil-pjan ta' spezzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta' spezzjoni tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT biex l-ICCAT tkun tista' tapprovah, flimkien mal-pjanijiet annwali tas-sajd imsemmijin fl-Artikolu 9.

Artikolu 27

Skema ta' Spezzjoni Internazzjonali Konġunta tal-ICCAT

1.   L-attivitajiet internazzjonali konġunti ta' spezzjoni għandhom jitwettqu skont l-iskema tal-ICCAT għal spezzjonijiet internazzjonali konġunti (imsejħa “l-iskema tal-ICCAT”) stabbilita fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran għandhom jassenjaw lill-ispetturi u jwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-baħar skont l-iskema tal-ICCAT. Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha jistgħu jaħtru spetturi tal-Unjoni għall-iskema tal-ICCAT.

3.   Jekk, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn 50 bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru partikulari li jkunu qed iwettqu sajd għall-pixxispad tal-Mediterran fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, dak l-Istat Membru għandu jibgħat bastiment ta' spezzjoni għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kontroll fuq il-Baħar Mediterran għall-perjodu kollu li matulu dawk il-bastimenti jkunu hemmhekk. Dak l-obbligu għandu jitqies li jkun tħares ukoll f'każijiet fejn l-Istati Membri jikkooperaw biex jibagħtu bastiment ta' spezzjoni jew f'każijiet fejn jintbagħat bastiment ta' spezzjoni tal-Unjoni fil-Mediterran.

4.   Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta' sorveljanza u ta' spezzjoni għall-Unjoni. Flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tfassal programmi ta' spezzjoni konġunta biex l-Unjoni tkun tista' twettaq l-obbligu tagħha fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu qed iwettqu sajd għall-pixxispad tal-Mediterran għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi konġunti ta' spezzjoni, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u mal-perjodi meta jridu jintużaw dawk ir-riżorsi u maż-żoni ġeografiċi fejn iridu jintużaw.

5.   Sal-1 ta' Diċembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-ispetturi u tal-bastimenti ta' spezzjoni li beħsiebhom jassenjaw għall-iskema tal-ICCAT fis-sena ta' wara. Permezz ta' dan it-tagħrif, il-Kummissjoni għandha tfassal, flimkien mal-Istati Membri, pjan annwali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-iskema tal-ICCAT, li hija għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-1 ta' Jannar ta' kull sena.

Artikolu 28

Spezzjonijiet f'każ ta' ksur

Meta bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru jkun kiser id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li ssir spezzjoni fiżika ta' dak il-bastiment taħt l-awtorità tiegħu fil-portijiet tiegħu jew, meta l-bastiment ma jkunx jinsab f'xi wieħed mill-portijiet tiegħu, minn persuna maħtur minn dak l-Istat Membru.

KAPITOLU 4

Sajd rikreattiv

Artikolu 29

Miżuri ta' ġestjoni

1.   Kull Stat Membru li jippermetti s-sajd rikreattiv għall-pixxispad tal-Mediterran għandu jipprevedi kwota għas-sajd rikreattiv fil-kwota nazzjonali tiegħu u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan meta jkun qed jibagħtilha l-pjan tas-sajd annwali tiegħu skont l-Artikolu 9. It-tali dispożizzjoni għandha tiżgura li l-pixxispad tal-Mediterran mejjet kollu jitnaqqas mill-kwota.

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta'dan l-Artikolu għandhom, għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jwettqu sajd rikreattiv għall-pixxispad tal-Mediterran, jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-bastimenti awtorizzati msemmija fl-Artikolu 30(2) tinkludi dawk il-bastimenti. Il-bastimenti li ma jkunux inklużi ma' dik l-informazzjoni ma għandhomx jiġu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran.

3.   Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ tal-pixxispad tal-Mediterran maqbud waqt is-sajd rikreattiv u kull tip ta' kummerċjalizzazzjoni oħra tiegħu.

4.   Minkejja l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-każ tas-sajd rikreattiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew il-ħatt l-art ta' aktar minn pixxispad tal-Mediterran wieħed għal kull bastiment kuljum. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw kemm jista' jkun possibbli, u jiffaċilitaw ir-rilaxx tal-pixxispad tal-Mediterran maqbud ħaj waqt is-sajd rikreattiv u jistgħu jieħdu miżuri aktar restrittivi li jtejbu l-protezzjoni tal-pixxispad tal-Mediterran.

Artikolu 30

Miżuri ta' kontroll

1.   Il-bastimenti li jużaw “qasba u xlief” biss għandhom ikunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran waqt is-sajd rikreattiv.

2.   L-informazzjoni dwar il-bastimenti awtorizzati li jintużaw għas-sajd rikreattiv li tintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT skont il-punt (a) tal-Artikolu 16(1) għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

isem il-bastiment (jekk il-bastiment ma jkollux isem, in-numru tar-reġistrazzjoni mingħajr l-inizjali tal-pajjiż);

(b)

l-isem preċedenti tal-bastiment, meta jkun il-każ;

(c)

it-tul totali tal-bastiment;

(d)

l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien u tal-operatur jew tal-operaturi tal-bastiment.

3.   Id-data dwar il-qabdiet, fosthom it-tul (mix-xedaq ta' isfel sal-furketta) u l-piż ħaj ta' kull pixxispad tal-Mediterran li jinqabad, jinżamm abbord u jinħatt l-art fil-kuntest tas-sajd rikreattiv, għandha tiġi rreġistrata u rrappurtata skont l-Artikolu 21.

4.   Il-pixxispad tal-Mediterran jista' jinħatt l-art biss sħiħ jew bil-garġi mneħħijin u msewwi, u jista' jinħatt l-art jew f'port magħżul skont l-Artikolu 23 jew b'marka fuq kull kampjun. Kull marka għandu jkollha numru uniku speċifiku għall-pajjiż u tkun imħarsa mit-tbagħbis.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta' mmarkar tal-ħut għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tat-tali programm fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 9.

6.   Kull Stat Membru għandu jawtorizza l-użu tal-marki tal-ħut biss sakemm l-ammonti akkumulati tal-qabdiet ikunu fil-limiti tal-kwota allokata lilu.

7.   Ta' kull sena, u tal-inqas xahrejn u ħmistax-il ġurnata qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-immarkar tal-ħut. Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri u tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT tal-inqas xahrejn qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Rapport annwali

1.   Sal-15 ta' Settembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni, għas-sena kalendarja ta' qabel, dwar l-implimentazzjoni tagħhom ta' dan ir-Regolament, u kull informazzjoni oħra rilevanti.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġu mmitigati l-qabdiet aċċessorji u biex jitnaqqas l-iskartar ta' pixxispad tal-Mediterran li jkun inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, u informazzjoni dwar kull riċerka rilevanti f'dak il-qasam.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafi 1 u 2 u għandha tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta' Ottubru ta' kull sena.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni b'rabta mar-regoli ddettaljati għall-format tar-rapport annwali msemmi f'dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).

Artikolu 32

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-pjan għall-irkupru stabbilit f'dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2025.

Artikolu 33

Finanzjament

Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), il-pjan ta' rkupru stabbilit f'dan ir-Regolament għandu jitqies li huwa pjan pluriennali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 34

Proċedura tal-emendi

1.   Meta jkun hemm bżonn sabiex, fil-liġi tal-Unjoni, jiġu implimentati ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jemendaw jew jissupplimentaw il-pjan ta' rkupru tal-ICCAT li jsiru jorbtu lill-Unjoni, u sakemm l-emendi tal-liġi tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati, b'konformità mal-Artikolu 35, biex temenda:

(a)

l-iskadenzi għar-rappurtar tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2), fl-Artikolu 10(3), fl-Artikolu 16(1) u (3), fl-Artikolu 17(1) u (3), fl-Artikolu 21(2) u (3), fl-Artikolu 22(2), fl-Artikolu 23(3), fl-Artikolu 26(1), fl-Artikolu 27(5) u fl-Artikolu 31(1) u (3);

(b)

il-perjodi tal-għeluq mogħtija fl-Artikolu 10(1) u (2);

(c)

id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11(1);

(d)

il-livelli ta' tolleranza msemmijin fl-Artikoli 12 u 13;

(e)

il-karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd stabbiliti fl-Artikolu 14(1) sa (4);

(f)

il-perċentwal tat-teħid mill-kwota stabbilit fl-Artikolu 22(1) u (2);

(g)

l-informazzoni dwar il-bastimenti msemmija fl-Artikolu 16(2), fl-Artikolu 17(1), l-Artikolu 21(1), (2), (3) u (4) u l-Artikolu 30(2); u

(h)

l-Annessi I, II u III.

2.   Kwalunkwe emenda li tiġi adottata skont il-paragrafu 1 għandha tkun strettament limitata għall-implimentazzjoni tal-emendi tar-rakkomandazzjonijiet korrispondenti tal-ICCAT fil-liġi tal-Unjoni jew taż-żidiet magħhom.

Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 34 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-15 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 34 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 34 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 36

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 37

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2107

Fir-Regolament (UE) 2017/2107 jitħassru l-Artikoli 20 sa 26.

Artikolu 38

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1967/2006

Fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, il-punt 6(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.

2 500 sunnara għall-bastimenti li jkunu qed jistadu għall-pixxispad (Xiphias gladius) fejn dawn l-ispeċi jagħmlu minn tal-inqas 70 % tal-qabda f'piż ħaj wara li jiġu magħżula;”.

Artikolu 39

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 174.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 23).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/98 tat-8 ta' Ġunju 1998 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 894/97 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd (ĠU L 171, 17.6.1998, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad- 29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 1).

(11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(15)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta' Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).

(16)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 tat-13 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi programmi speċifiċi ta' kontroll u ta' spezzjoni għal ċertu sajd u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni 2012/807/UE, 2013/328/UE, 2013/305/UE u 2014/156/UE (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 29).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).


ANNESS I

L-ISTANDARDS MINIMI TAL-ICCAT GĦALL-PROGRAMMI TAL-OSSERVATURI XJENTIFIĊI TAL-BASTIMENTI TAS-SAJD

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.

Dawn huma l-istandards minimi għall-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tal-bastimenti tas-sajd stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT.

Il-kwalifiki tal-osservaturi

2.

Mingħajr preġudizzju għal kull taħriġ jew kwalifika teknika rrakkomandati mill-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (l-SCRS), il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi tagħhom ikollhom il-kwalifiki minimi li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:

(a)

biżżejjed għarfien u esperjenza biex ikunu jafu jidentifikaw l-ispeċijiet u l-konfigurazzjonijiet tal-irkaptu tas-sajd tal-ICCAT;

(b)

il-ħila li josservaw u jirreġistraw b'mod preċiż l-informazzjoni li trid tinġabar skont il-programm;

(c)

il-ħila li jwettqu l-kompiti mniżżlin fil-paragrafu 7 ta' hawn taħt;

(d)

il-ħila li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi; u

(e)

taħriġ minimu u xieraq fis-sikurezza u fis-sopravvivenza fuq il-baħar.

3.

Barra minn hekk, biex jiżguraw l-integrità tal-programm nazzjonali tal-osservaturi tagħhom, il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi:

(a)

ma jkunux membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi osservat;

(b)

ma jkunux impjegati tas-sid jew tas-sid benefiċjarju tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi osservat; u

(c)

ma jkollhomx interessi finanzjarji jew benefiċjarji attwali fis-sajd li jkun qed jiġi osservat.

L-affarijiet li jkopru l-programmi tal-osservaturi

4.

Kull PKK għandha tiżgura dawn li ġejjin rigward il-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħha:

(a)

kopertura minima ta' 5 % tal-programmi tal-osservaturi tal-isforz tas-sajd f'kull sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, u, skont kif inhuma ddefiniti fil-glossarju tal-ICCAT, f'kull sajd bix-xlief u l-qasba, f'kull sajd bin-nases, f'kull sajd bl-għeżula, u f'kull sajd bix-xbieki tat-tkarkir. Il-perċentwal tal-kopertura se jitkejjel kif ġej:

(i)

għas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, f'għadd ta' jiem tas-sajd, kalati, jew f'għadd ta' vjaġġi;

(ii)

għas-sajd bix-xlief u l-qasba u għas-sajd bin-nases, f'jiem tas-sajd;

(iii)

għas-sajd bl-għeżula, f'għadd ta' sigħat jew f'jiem tas-sajd; u

(iv)

għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, f'għadd ta' rfigħ tax-xbieki jew f'jiem tas-sajd;

(b)

minkejja l-punt (a), fil-każ ta' bastimenti li b'kollox ikunu iqsar minn 15-il metru, u li fihom jista' jkun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li ma jippermettix li jintbagħat osservatur abbord il-bastiment, PKK tista' tuża approċċ alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku li jiġbor data ekwivalenti speċifikata fir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, b'mod li jiżgura l-istess kopertura. F'każ bħal dan, il-PKK li tkun tixtieq tuża approċċ alternattiv għall-monitoraġġ trid tressaq id-dettalji tal-approċċ lill-SCRS biex dan jevalwah. L-SCRS jagħti l-parir tiegħu lill-ICCAT dwar kemm l-approċċ alternattiv ikun addattat biex jintlaħqu l-obbligi tal-ġbir tad-data stipulati fir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT. L-approċċi alternattivi li jintużaw skont din id-dispożizzjoni għandhom jiġu approvati mill-ICCAT waqt il-laqgħa annwali tagħha qabel ma jiġu implimentati;

(c)

kopertura rappreżentattiva temporali u spazjali tal-ħidma tal-flotta biex ikun żgurat li tinġabar biżżejjed data xierqa, kif meħtieġ skont ir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, u skont kull rekwiżit ieħor tal-programmi domestiċi tal-osservaturi tal-PKK, li tqis il-karatteristiki tal-flotot u tas-sajd;

(d)

il-ġbir tad-data dwar l-aspetti rilevanti tal-ħidma tas-sajd, fosthom dwar il-qabdiet, kif speċifikat fil-paragrafu 7.

5.

Il-PKK jistgħu jikkonkludu arranġamenti bilaterali bejniethom, li bihom PKK waħda tibgħat l-osservaturi domestiċi tagħha fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta' PKK oħra, dment li jitħarsu d-dispożizzjonijiet kollha tar-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 16-14.

6.

Il-PKK għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-osservaturi jintbagħtu fuq bastimenti differenti wara li jispiċċaw ħidmiethom fuq bastiment partikulari.

Il-kompiti tal-osservaturi

7.

Il-PKK għandhom jitolbu lill-osservaturi jwettqu, fost affarijiet oħra, il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jirreġistraw l-attività tas-sajd tal-bastiment li jkunu qed osservaw u jagħmlu rapport dwarha, li għall-inqas għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(i)

li jiġbru d-data, fost l-oħrajn, dwar il-kwantitajiet totali tal-qabdiet tal-ispeċijiet fil-mira, tal-qbid skartat u tal-qabdiet aċċessorji (li jinkludu l-klieb il-baħar, il-fkieren tal-baħar, il-mammiferi tal-baħar, u l-għasafar tal-baħar), li jistmaw jew ikejlu l-kompożizzjoni tal-qabda skont id-daqsijiet fejn dan ikun jista' jsir, u l-istat tal-ħut maqbud (jiġifieri miżmum, skartat, mejjet jew meħlus ħaj), li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi għall-istudji tal-istorja tal-ħajja (eż. il-gonadi, l-otoliti, ix-xewk tad-dahar u l-qxur);

(ii)

li jiġbru l-marki tal-ħut kollha li jsibu u jirrappurtaw dwarhom;

(iii)

li jiġbru l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd, li tkun tinkludi dan li ġej, u jirrappurtaw dwarha:

fejn saret il-qabda skont il-latitudni u l-lonġitudni,

l-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd (eż. l-għadd ta' kalati, l-għadd ta' snanar, eċċ.),

id-data ta' kull attività tas-sajd, u fejn ikun rilevanti, il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tal-attività tas-sajd,

informazzjoni dwar l-użu ta' oġġetti biex jinġabar il-ħut, fosthom l-irkapti biex jinġema' l-ħut (FADs), u

informazzjoni dwar il-kundizzjoni ġenerali tal-annimali li jinħelsu b'rabta mar-rati tas-sopravvivenza (jiġifieri jkunux ħajjin jew mejtin, midrubin, eċċ.);

(b)

josservaw u jirreġistraw l-użu ta' miżuri ta' mitigazzjoni tal-qabdiet aċċessorji u informazzjoni rilevanti oħra;

(c)

sa fejn ikun possibbli, li josservaw il-kundizzjonijiet ambjentali (eż. l-istat tal-baħar, il-klima, u l-parametri idroloġiċi, eċċ.) u jirrappurtaw dwarhom;

(d)

li josservaw l-irkaptu biex jinġema' l-ħut u jirrappurtaw dwaru, bi qbil mal-programm tal-osservaturi tal-ICCAT li ġie adottat skont il-programm pluriennali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn tropikali; u

(e)

li jwettqu l-kompiti xjentifiċi l-oħrajn irrakkomandati mill-SCRS u approvati mill-ICCAT.

L-obbligi tal-osservaturi

8.

Il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi:

(a)

ma jbagħbsux it-tagħmir elettroniku tal-bastiment;

(b)

ikunu jafu l-proċeduri ta' emerġenza ta' abbord il-bastiment, fost l-oħrajn, fejn jinsabu ċ-ċattri tas-salvataġġ, l-apparati tat-tifi tan-nar u l-kaxxi għall-ewwel għajnuna;

(c)

jikkomunikaw, skont il-bżonn, mal-kaptan dwar kwistjonijiet u kompiti li huma rilevanti għalihom;

(d)

ma jfixklux l-attivitajiet tas-sajd u l-attivitajiet normali tal-bastiment u lanqas ma jindaħlu fihom;

(e)

jieħdu sehem fis-sessjonijiet ta' informazzjoni mar-rappreżentanti rilevanti tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm tal-osservaturi.

L-obbligi tal-kaptan

9.

Il-PKK għandhom jiżguraw li l-kaptan tal-bastiment li fuqu jkun assenjat l-osservatur:

(a)

jippermetti l-aċċess ix-xieraq għall-bastiment u għall-attivitajiet ta' fuqu;

(b)

jippermetti lill-osservatur iwettaq dmirijietu b'mod effettiv, fost affarijiet oħra billi:

(i)

jipprovdi l-aċċess ix-xieraq għall-irkaptu tal-bastiment, għad-dokumenti tiegħu (inklużi l-ġurnali ta' abbord, kemm dawk elettroniċi, kif ukoll dawk fuq il-karta), u għall-qabdiet tiegħu;

(ii)

jikkomunika fi kwalunkwe ħin mar-rappreżentanti rilevanti tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika;

(iii)

jiżgura l-aċċess ix-xieraq għat-tagħmir elettroniku u għal tagħmir ieħor rilevanti għas-sajd, li jinkludi t-tagħmir li ġej, iżda li mhuwiex limitat għalih:

it-tagħmir tan-navigazzjoni bis-satellita,

il-mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

(iv)

jiżgura li l-ebda persuna li tkun abbord il-bastiment li jkun qed jiġi osservat ma timmanipula jew teqred xi apparat jew xi dokument tal-osservaturi; ma timpedixxi lill-osservaturi milli jwettqu dmirijiethom, jew tindaħal jew tagħmel xi ħaġa oħra biex ma tħallihomx jagħmlu xogħolhom; b'xi mod tbeżża', tagħti fastidju, jew tweġġa' lill-osservaturi; jew ixxaħħamhom jew tipprova xxaħħamhom;

(c)

jagħti l-akkomodazzjoni lill-osservaturi, inkluż xi mkien fejn joqogħdu, ikel u faċilitajiet sanitarji u mediċi xierqa, li tkun l-istess bħalma jingħataw l-uffiċjali;

(d)

jagħti biżżejjed spazju lill-osservaturi biex iwettqu l-kompiti tagħhom fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier, u biżżejjed spazju fuq il-gverta sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta' osservazzjoni tagħhom.

Id-dmirijiet tal-PKK

10.

Kull PKK għandha:

(a)

teżiġi li meta l-bastimenti tagħha jkunu qed jistadu għall-ispeċijiet tal-ICCAT, ikollhom abbord osservatur xjentifiku bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT;

(b)

tissorvelja s-sikurezza tal-osservaturi tagħha;

(c)

fejn ikun fattibbli u xieraq, tħeġġeġ lill-istitut xjentifiku jew lill-awtorità domestika tagħha jagħmlu ftehimiet mal-istituti xjentifiċi jew mal-awtoritajiet domestiċi ta' PKK oħrajn biex jiskambjaw ir-rapporti u d-data tal-osservaturi bejniethom;

(d)

tipprovdi, fir-rapport annwali tagħha lill-ICCAT u lill-SCRS, informazzjoni speċifika dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, li għandha tinkludi:

(i)

dettalji dwar l-istruttura u t-tfassil tal-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tagħha li għandhom jinkludu, fost affarijiet oħra:

il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi skont it-tipi ta' sajd u t-tipi ta' rkaptu, kif ukoll kif dan se jitkejjel;

id-data li jenħtieġ li tinġabar;

il-protokolli fis-seħħ għall-ġbir tad-data u għall-manipulazzjoni tal-kampjuni;

l-informazzjoni dwar kif jintagħżlu l-bastimenti li jkunu se jiġu koperti biex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi tal-PKK;

ir-rekwiżiti marbutin mat-taħriġ tal-osservaturi; u

ir-rekwiżiti marbutin mal-kwalifiki tal-osservaturi;

(ii)

l-għadd ta' bastimenti ssorveljati u l-livell ta' kopertura li jinkiseb, skont it-tipi ta' sajd u t-tipi ta' rkaptu; u

(iii)

dettalji dwar kif ġew ikkalkulati dawk il-livelli ta' kopertura;

(e)

wara l-ewwel preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 10(d)(i), tirrapporta l-bidliet fl-istruttura jew fit-tfassil tal-programmi tal-osservaturi tagħha fir-rapporti annwali tagħha meta jseħħu dawn il-bidliet biss. Kull sena, il-PKK għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 10(d)(ii) lill-ICCAT;

(f)

kull sena, bl-użu tal-formati elettroniċi magħżulin li jiġu żviluppati mill-SCRS, tirrapporta lill-SCRS l-informazzjoni li tkun inġabret permezz tal-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħha biex din tintuża mill-ICCAT, b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-istokkijiet u għal skopijiet xjentifiċi oħra, bi qbil mal-proċeduri fis-seħħ għar-rekwiżiti l-oħrajn dwar ir-rappurtar tad-data u b'konsistenza mar-rekwiżiti domestiċi tal-kunfidenzjalità;

(g)

tiżgura l-implimentazzjoni ta' protokolli sodi għall-ġbir tad-data mill-osservaturi tagħha waqt li dawn ikunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 7, inkluż, meta jkun hemm bżonn, li jittieħdu r-ritratti.

Id-dmirijiet tas-Segretarju Eżekuttiv

11.

Is-Segretarju Eżekuttiv jiffaċilita l-aċċess tal-SCRS u tal-ICCAT għad-data u għall-informazzjoni rilevanti li titressaq skont dir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT.

Id-dmirijiet tal-SCRS

12.

Il-kompiti tal-SCRS huma li:

(a)

jiżviluppa skont il-bżonn u r-rilevanza, manwal ta' ħidma għall-osservaturi li jista' jintuża b'mod fakultattiv mill-PKK fil-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħhom. Dan ikun jinkludi mudelli tal-formuli għall-ġbir tad-data u proċeduri standardizzati għall-ġbir tad-data, li jkunu tfasslu filwaqt li tqiesu l-manwali għall-osservaturi u l-materjali relatati li diġà jkunu jeżistu minn sorsi oħrajn, fosthom mingħand il-PKK, il-korpi reġjonali u sottoreġjonali u organizzazzjonijiet oħrajn;

(b)

jiżviluppa linji gwida speċifiċi għas-sajd dwar is-sistemi elettroniċi ta' monitoraġġ;

(c)

jipprovdi sommarju tad-data xjentifika u tal-informazzjoni li tkun inġabret u ġiet irrappurtata skont din ir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, u kull sejba assoċjata rilevanti lill-ICCAT;

(d)

jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji u rilevanti dwar kif tiżdied l-effikaċja tal-programmi tal-osservaturi xjentifiċi biex jintlaħqu l-bżonnijiet tad-data tal-ICCAT, inklużi r-reviżjonijiet possibbli tar-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT jew dwar l-implimentazzjoni mill-PKK ta' l-istandards u l-protokolli minimi mniżżlin f'dan l-Anness.

Is-sistemi elettroniċi ta' monitoraġġ

13.

Meta l-SCRS ikun stabbilixxa li dawn is-sistemi huma effettivi għal tip ta' sajd partikulari, is-sistemi elettroniċi ta' monitoraġġ jistgħu jiġu installati abbord il-bastimenti tas-sajd biex jikkumplimentaw ix-xogħol tal-osservaturi umani abbord il-bastiment jew, fl-istennija li jinħareġ il-parir tal-SCRS u tittieħed deċiżjoni mill- ICCAT, biex joħdulu postu.

14.

Jeħtieġ li l-PKK jikkunsidraw il-linji gwida applikabbli li jkun approva l-SCRS dwar l-użu tas-sistemi elettroniċi ta' monitoraġġ.

15.

Il-PKK huma mħeġġa jirrappurtaw lill-SCRS l-esperjenzi tagħhom b'rabta mal-użu tas-sistemi elettroniċi ta' monitoraġġ fis-sajd tal-ICCAT tagħhom biex jikkumplimentaw il-programmi tal-osservaturi umani tagħhom. Il-PKK li għadhom ma implimentawx dawn is-sistemi huma mħeġġa jippruvaw jużawhom u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-SCRS.

ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-ĠURNALI TA' ABBORD TAS-SAJD

 

Speċifikazzjonijiet minimi għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd:

1.

Kull folja tal-ġurnal ta' abbord għandu jkollha numru.

2.

Il-ġurnal ta' abbord għandu jimtela kuljum (f'nofsillejl) jew qabel il-wasla fil-port.

3.

Il-ġurnal ta' abbord għandu jimtela f'każ ta' spezzjonijiet fuq il-baħar.

4.

Kopja waħda tal-folji għandha tibqa' mehmuża mal-ġurnal ta' abbord.

5.

Il-ġurnali ta' abbord għandhom jinżammu abbord il-bastiment biex ikopru perijodu ta' sena waħda ta' ħidma.

 

Tagħrif minimu standard għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd:

1.

L-isem u l-indirizz tal-kaptan.

2.

Id-dati u l-portijiet tat-tluq u d-dati u l-portijiet tal-wasla.

3.

Isem il-bastiment, in-numru tiegħu fir-reġistru, in-numru tal-ICCAT tiegħu, il-kodiċi internazzjonali tar-radju u n-numru tal-IMO (jekk dan ikun disponibbli).

4.

Tagħmir tas-sajd:

(a)

il-kodiċi tat-tip tal-FAO;

(b)

il-qisien (pereżempju t-tul, id-daqs tal-malji u l-għadd ta' snanar).

5.

L-attivitajiet fuq il-baħar, b'linja waħda (mill-inqas) għal kull jum tal-vjaġġ, li tkun tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

l-attività (pereżempju s-sajd jew it-tbaħħir);

(b)

il-pożizzjoni: il-pożizzjonijiet eżatti ta' kuljum (fi gradi u minuti), irreġistrati għal kull attività tas-sajd jew f'nofsinhar meta ma jkun sar l-ebda sajd matul dak il-jum;

(c)

reġistru tal-qabdiet, li jinkludi:

(i)

il-kodiċi tal-FAO,

(ii)

il-piż sħiħ (RWT) tal-ħut maqbud għal kull jum, f'kilogrammi,

(iii)

l-għadd ta' kampjuni maqbudin għal kull jum.

6.

Il-firma tal-kaptan.

7.

Il-mezz tal-użin: stima, użin abbord;

8.

Fil-ġurnal ta' abbord, il-piż tal-ħut għandu jingħata f'ammont li jkun ekwivalenti għall-piż tal-ħut ħaj u għandhom jissemmew il-fatturi ta' konverżjoni użati fl-evalwazzjoni.

 

Tagħrif minimu għall-ġurnali ta' abbord tas-sajd fil-każ ta' ħatt l-art jew tat-trasbord:

1.

Id-dati ta' ħatt l-art jew tat-trasbord u l-port fejn dan iseħħ.

2.

Prodotti:

(a)

l-ispeċijiet u preżentazzjoni tagħhom skont il-kodiċi tal-FAO;

(b)

l-għadd ta' ħut jew ta' kaxxi u l-kwantità f'kilogrammi.

3.

Il-firma tal-kaptan jew tal-aġent tal-bastiment;

4.

Fil-każ tat-trasbord: isem il-bastiment li jkun qed jirċievi l-ħut, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu.


ANNESS III

L-ISKEMA TAL-ICCAT TA' SPEZZJONI INTERNAZZJONALI KONĠUNTA

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, l-ICCAT tirrakkomanda li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li ġejjin għall-kontrolli internazzjonali fl-ilmijiet li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali, sabiex ikun żgurat li l-Konvenzjoni tal-ICCAT u l-miżuri li huma fis-seħħ abbażi tagħha jiġu applikati:

I.   Infrazzjonijiet serji

1.

Għall-finijiet ta' dawn il-proċeduri, infrazzjoni serja tfisser l-infrazzjonijiet li ġejjin tad-dispożizzjonijiet tal-miżuri tal-ICCAT dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni adottati mill-ICCAT:

(a)

sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-PKK tal-bandiera,

(b)

in-nuqqas ta' żamma ta' reġistri suffiċjenti ta' data dwar il-qbid u relatata mal-qbid skont ir-rekwiżiti ta' rappurtar tal-ICCAT jew rappurtar ħażin sinifikanti ta' data bħal din dwar il-qbid jew relatata mal-qbid;

(c)

is-sajd f'żona magħluqa;

(d)

is-sajd waqt staġun magħluq;

(e)

it-teħid jew iż-żamma intenzjonali ta' speċijiet bi ksur ta' kwalunkwe miżura applikabbli ta' konservazzjoni u ġestjoni adottata mill-ICCAT;

(f)

ksur sinifikanti tal-limiti tal-qbid jew tal-kwoti fis-seħħ skont l-ICCAT;

(g)

l-użu ta' rkaptu pprojbit tas-sajd;

(h)

il-falsifikazzjoni jew il-ħabi apposta tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd;

(i)

il-ħabi, it-tbagħbis jew it-twarrib tax-xhieda li jkollha x'taqsam ma' investigazzjoni;

(j)

avvenimenti multipli ta' ksur li meħuda flimkien jikkostitwixxu nuqqas serju ta' osservanza tal-miżuri skont l-ICCAT;

(k)

attakk, reżistenza, intimidazzjoni, fastidju sesswali, indħil, jew tfixkil jew tidwim bla bżonn fil-konfront ta' spettur jew osservatur awtorizzat;

(l)

tbagħbis jew diżattivazzjoni intenzjonali tas-sistema tal-VMS;

(m)

avvenimenti oħrajn simili ta' ksur kif jistgħu jiġu ddeterminati mill-ICCAT, ġaladarba dawn jiġu inklużi u ċċirkolati f'verżjoni riveduta ta' dawn il-proċeduri;

(n)

l-indħil fis-sistema tal-monitoraġġ bis-satellita jew l-użu ta' bastiment mingħajr VMS;

(o)

it-trasbord fuq il-baħar.

2.

Fil-każ ta' kwalunkwe tlugħ abbord jew spezzjoni fuq bastiment tas-sajd li matulha l-ispetturi awtorizzati josservaw attività jew kundizzjoni li tista' tikkostitwixxi infrazzjoni serja, kif definita fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastimenti ta' spezzjoni għandhom jinnotifikaw minnufih l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, direttament kif ukoll permezz tas-Segretarjat tal-ICCAT. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-ispettur għandu jgħarraf ukoll lil kwalunkwe bastiment ta' spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib.

3.

L-ispetturi tal-ICCAT għandhom jirreġistraw l-ispezzjonijiet imwettqa u l-infrazzjonijiet identifikati (jekk hemm) fil-ktieb ta' abbord tal-bastiment tas-sajd.

4.

Il-PKK tal-bandiera għandu jiżgura li, wara l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 2 il-bastiment tas-sajd konċernat iwaqqaf kull attività tas-sajd. Il-PKK tal-bandiera għandu jitlob lill-bastiment tas-sajd jipproċedi fi żmien 72 siegħa lejn port magħżul minnu, fejn għandha tinbeda investigazzjoni.

5.

F'każ li waqt spezzjoni jiġu nnutati attività jew kundizzjoni li jistgħu jikkostitwixxu ksur serju, jeħtieġ li l-bastiment jiġi evalwat skont il-proċeduri deskritti fir-Rakkomandazzjoni 11-18 tal-ICCAT li tkompli temenda r-Rakkomandazzjoni 09-10 li tistabbilixxi lista tal-bastimenti li hu meqjus li wettqu attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrapportati u mhux irregolati fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT, filwaqt li jitqiesu kull azzjoni li tkun ittieħdet bi tweġiba għal dan u kull segwitu ieħor li jkun hemm għal dan.

II.   Twettiq tal-ispezzjonijiet

6.

L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu mill-ispetturi maħturin mill-Gvernijiet Kontraenti. L-ismijiet tal-aġenziji tal-gvern awtorizzati u tal-ispetturi individwali maħtura għal dak il-għan mill-gvernijiet rispettivi tagħhom għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni ICCAT.

7.

Il-bastimenti ta'spezzjoni li jwettqu servizzi ta' imbarkazzjoni internazzjonali u dmirijiet ta' spezzjoni skont dan l-Anness għandhom itajru bandiera jew fjamma speċjali approvata mill-Kummissjoni ICCAT u maħruġa mis-Segretarjat tal-ICCAT. L-ismijiet tal-bastimenti użati b'dan il-mod għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT malli jkun prattikabbli qabel jibdew l-attivitajiet ta' spezzjoni. Is-Segretarjat tal-ICCAT għandu jqiegħed it-tagħrif dwar il-bastimenti ta' spezzjoni maħturin għad-dispożizzjoni tal-PKK kollha, fosthom billi jpoġġi dan it-tagħrif fuq is-sit elettroniku tiegħu li jkun protett b'password.

8.

L-ispetturi għandhom iġorru dokumentazzjoni xierqa tal-identità maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, li għandha tkun fil-forma murija fil-paragrafu 21.

9.

Suġġett għall-arranġamenti miftiehma fil-kuntest tal-paragrafu 16, bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Partit Kontraenti u li jkun qed jistad għat-tonn jew għall-ħut li jixbah lit-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT barra l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandu jieqaf meta jingħata s-sinjal ix-xieraq tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment ta'spezzjoni li jtajjar il-fjamma tal-ICCAT deskritta fil-paragrafu 7 u li jkollu spettur abbord, sakemm il-bastiment tas-sajd ma jkunx qed iwettaq attivitajiet tas-sajd dak il-ħin stess, f'liema każ għandu jieqaf minnufih hekk kif itemm it-tali attivitajiet. Kif speċifikat fil-paragrafu 10 ta' dan l-Anness, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jitla' abbord u jeħtieġlu jipprovdilu sellum biex jitla' abbord. Il-kaptan għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jeżamina t-tagħmir, il-qabda jew l-irkaptu u kwalunkwe dokument rilevanti li l-ispettur iqis li jkun meħtieġ sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi spezzjonat. Barra minn hekk, l-ispetturi jistgħu jitolbu kwalunkwe spjegazzjoni li huma jqisu li hija meħtieġa.

10.

L-uffiċjal kmandant tal-bastiment tal-ispezzjoni għandu jiddeċiedi kemm għandu jkun kbir it-tim tal-ispezzjoni filwaqt li jqis iċ-ċirkustanzi rilevanti. It-tim tal-ispezzjoni għandu jkun żgħir kemm jista' jkun sabiex iwettaq id-dmirijiet mogħtija f'dan l-Anness b'sigurtà u b'sikurezza.

11.

Meta jimbarkaw abbord il-bastiment tas-sajd, l-ispetturi għandhom juru d-dokumenti tal-identità deskritti fil-paragrafu 8. L-ispetturi għandhom iħarsu r-regoli, il-proċeduri u l-prattiki internazzjonali aċċettati b'mod ġenerali li jirrigwardaw is-sikurezza tal-bastiment tas-sajd li qed jiġi spezzjonat u tal-ekwipaġġ tiegħu, u għandhom inaqqsu kemm jista' jkun l-interferenza fl-attivitajiet tas-sajd jew fl-istivar tal-prodotti u, sa fejn ikun fattibbli, għandhom jevitaw li jieħdu azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-qabda li jkun hemm abbord; L-ispetturi għandhom jillimitaw l-inkjesti tagħhom għall-aċċertazzjoni li qed jitħarsu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat. Huma u jwettqu l-ispezzjoni, l-ispetturu jistgħu jistaqsu lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd għal kwalunkwe għajnuna li jistgħu jeħtieġu. L-ispetturi għandhom iħejju rapport tal-ispezzjoni f'forma approvata mill-Kummissjoni ICCAT. L-ispetturi għandhom jiffirmaw ir-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd, li għandu d-dritt iżid mar-rapport kwalunkwe osservazzjoni li jaħseb li hija xierqa, jew li jitlob li din tiżdied mar-rapport, u jridu jiffirmaw ħdejn it-tali osservazzjonijiet.

12.

Għandhom jingħataw kopji tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd u lill-gvern tat-tim tal-ispezzjoni, li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi kopji tiegħu lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat u lill-Kummissjoni ICCAT. Fejn jiġi notat xi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, l-ispettur għandu jgħarraf b'dan ukoll lil kwalunkwe bastiment ta' spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib, fejn dan ikun possibbli.

13.

L-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat għandu jittratta l-fatt li jkun hemm reżistenza għal spetturi jew li ma jkunx hemm konformità mal-istruzzjonijiet tagħhom bl-istess mod bħal dak l-aġir imwettaq fir-rigward ta' spettur nazzjonali.

14.

L-ispetturi għandhom jaqdu dmirijiethom skont dawn l-arranġamenti bi qbil mar-regoli stipulati f'dan ir-Regolament, iżda għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operattiv tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u għandhom ikunu responsabbli lejhom.

15.

Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom iqisu r-rapporti ta' spezzjoni, il-folji tat-tagħrif dwar il-lemħ skont ir-Rakkomandazzjoni 94-09 tal-ICCAT u d-dikjarazzjonijiet li jkunu ġejjin minn spezzjonijiet iddokumentati ta' spetturi barranin taħt dawn l-arranġamenti u jaġixxu fuqhom bl-istess mod bħalma jagħmlu għar-rapporti tal-ispetturi nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu m'għandhomx jimponu obbligu fuq Gvern Kontraenti biex jagħti valur ogħla lil rapport ta' spettur barrani minn dak li kieku jkollu fil-pajjiż tal-ispettur stess. Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw sabiex jiffaċilitaw proċedimenti ġudizzjarji u oħrajn li jistgħu joħorġu minn rapport ta' spettur b'dawn l-arranġamenti.

16.

(a)

Il-Gvernjiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni ICCAT sal-1 ta' Jannar ta' kull sena bil-pjanijiet proviżorji tagħhom għat-twettiq tal-attivitajiet ta' spezzjoni fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT f'dik is-sena kalendarja u l-Kummissjoni ICCAT tista' tagħmel suġġerimenti lill-Gvernijiet Kontraenti għall-koordinament tal-operazzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam, fosthom dwar l-għadd ta' spetturi u ta' bastimenti ta'spezzjoni li jkollhom l-ispetturi abbord.

(b)

l-arranġamenti mniżżla fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT u l-pjanijiet għall-parteċipazzjoni għandhom japplikaw bejn il-Gvernijiet Kontraenti sakemm mhux maqbul mod'ieħor bejniethom; u tali qbil għandu jiġi notifikat lill-Kummissjoni ICCAT: Madankollu, sakemm jiġi konkluż ftehim bħal dan, l-implimentazzjoni tal-iskema għandha tkun sospiża bejn żewġ Gvernijiet Kontraenti jekk xi wieħed minnhom ikun għarraf lill-ICCAT dwar dan.

17.

(a)

L-irkaptu tas-sajd għandu jiġi spezzjonat skont ir-regolamenti li jkunu fis-seħħ għas-subżona li għaliha sseħħ l-ispezzjoni. L-ispetturi għandhom jindikaw is-subżona li għaliha tkun seħħet l-ispezzjoni u deskrizzjoni ta' kull ksur li jinstab, fir-rapport tal-ispezzjoni.

(b)

L-ispetturi għandu jkollhom l-awtorità li jispezzjonaw l-irkaptu kollu tas-sajd li jkun qed jintuża jew li jkun hemm abbord.

18.

L-ispetturi għandhom iwaħħlu marka ta' identifikazzjoni approvata mill-Kummissjoni ICCAT ma' kwalunkwe rkaptu spezzjonat li jidher li hu fi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ fir-rigward tal-istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd konċernat u għandhom jirreġistraw dak il-fatt fir-rapport tagħhom.

19.

L-ispetturi jistgħu jieħdu ritratti tal-irkaptu, tat-tagħmir, tad-dokumentazzjoni u ta' kwalunkwe element ieħor li huma jqisu li jkun meħtieġ, b'tali mod li jiġu żvelati dawk il-karatteristiċi li, fl-opinjoni tagħhom, mhumiex konformi mar-regolament fis-seħħ, f'liema każ l-oġġetti li jitteħdilhom ritratt għandhom jitniżżlu fir-rapport u kopji tar-ritratti għandhom jinhemżu mal-kopja tar-rapport maħsuba għall-Istat tal-bandiera.

20.

L-ispetturi għandhom, skont il-bżonn, jispezzjonaw il-qabda kollha abbord sabiex jistabbilixxi l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT.

21.

Il-mudell tal-Karta tal-Identità tal-ispetturi huwa mogħti hawn taħt:

dimensjonijiet: wisa' 10,4 ċm, għoli 7 ċm.

Image 1


12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/25


REGOLAMENT (UE) 2019/1155 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Unjoni dwar il-viża komuni kienet parti integrali tal-istabbiliment ta' żona mingħajr fruntieri interni. Jenħtieġ li l-politika dwar il-viża tibqa' strument essenzjali għall-iffaċilitar tat-turiżmu u tan-negozju, filwaqt li tkun ta' għajnuna kontra riskji ta' sigurtà u r-riskju tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni. Il-politika komuni dwar il-viżi għandha tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir u tkun konsistenti ma' politiki oħrajn tal-Unjoni, bħal dawk relatati mar-relazzjonijiet esterni, il-kummerċ, l-edukazzjoni, il-kultura u t-turiżmu.

(2)

Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b'mod aħjar il-politika tagħha tal-viża fil-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi, u li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn il-preokkupazzjonijiet ta' migrazzjoni u ta' sigurtà, konsiderazzjonijiet ekonomiċi u relazzjoni esterni ġenerali.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perijodu ta' 180 jum.

(4)

Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għall-visa jiġu eżaminati u deċiżi mill-konsulati jew, b'deroga, mill-awtoritajiet ċentrali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulati u l-awtoritajiet ċentrali jkollhom biżżejjed għarfien taċ-ċirkostanzi lokali biex tiġi żgurata l-integrità tal-proċedura tal-viża.

(5)

Jenħtieġ li l-proċedura tal-applikazzjoni tkun kemm jista' jkun faċli għall-applikanti. Jenħtieġ li jkun ċar liema Stat Membru jkun kompetenti li jeżamina applikazzjoni, b'mod partikolari meta l-applikant ikollu l-intenzjoni li jżur diversi Stati Membri. Fejn possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu li l-formoli tal-applikazzjonijiet jimtlew u jiġu ppreżentati b'mod elettroniku. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-applikanti jkunu jistgħu jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni elettronikament, meta firma elettronika tkun rikonoxxuta mill-Istat Membru kompetenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti skadenzi għad-diversi passi tal-proċedura, b'mod partikolari sabiex il-vjaġġaturi jkollhom iż-żmien biżżejjed biex jippjanaw minn qabel u jevitaw iż-żminijiet meta jkun hemm l-akbar attività fil-konsulati.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jżommu l-possibbiltà ta' aċċess dirett għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet fil-konsulat f'postijiet fejn fornitur estern tas-servizzi jkun ingħata mandat li jiġbor l-applikazzjonijiet f'ismu, mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha.

(7)

Jenħtieġ li t-tariffa tal-viża tiżgura li jkun hemm disponibbli riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, inkluż tal-istrutturi xierqa u tal-għadd suffiċjenti ta' membri tal-persunal sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-integrità tal-eżami tal-applikazzjonijiet, kif ukoll ir-rispett għall-iskadenzi. L-ammont tat-tariffa tal-viża jenħtieġ li jiġi rivedut kull tliet snin abbażi ta' kriterji ta' valutazzjoni oġġettivi.

(8)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit tal-viża jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fil-post tar-residenza tagħhom anke jekk l-Istat Membru kompetenti ma jkollux konsulat bl-iskop tal-ġbir ta' applikazzjonijiet, u ma jkunx irrappreżentat minn Stat Membru ieħor, f'dak il-pajjiż terz. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jikkooperaw ma' fornituri esterni tas-servizzi, li jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu tariffa għas-servizz. Jenħtieġ li dik it-tariffa għas-servizz, fil-prinċipju, ma tkunx aktar mill-ammont tat-tariffa tal-viża. Fejn dak l-ammont ma jkunx biżżejjed biex jingħata servizz sħiħ, jenħtieġ li l-fornitur estern tas-servizzi jkun madankollu jista' jimponi tariffa għas-servizz ogħla, soġġett għal-limitu previst f'dan ir-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li jiġu integrati u ffaċilitati arranġamenti ta' rappreżentanza u jenħtieġ li jiġu evitati l-ostakli għall-konklużjoni ta' tali arranġamenti fost l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istat Membru rappreżentanti jkun responsabbli għall-proċedura kollha kemm hi tal-viża, mingħajr l-involviment tal-Istat Membru rappreżentat.

(10)

Fejn il-ġurisdizzjoni tal-konsulat tal-Istat Membru rappreżentanti tkun tkopri aktar mill-pajjiż ospitanti, jenħtieġ li jkun possibbli li l-arranġament tar-rappreżentanza jkopri dawk il-pajjiżi terzi.

(11)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-konsulati u sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għal vjaġġaturi frekwenti jew regolari, jenħtieġ li jinħarġu viżi ta' dħul multiplu b'perijodu twil ta' validità lil applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul matul il-perijodu kollu tal-validità tal-viża maħruġa skont kriterji komuni stabbiliti b'mod oġġettiv u li ma jkunux ristretti għal skopijiet speċifiċi ta' vjaġġar jew għal xi kategoriji ta' applikanti. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu konsiderazzjoni partikolari għal persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, bħal persuni tan-negozju, baħħara, artisti u atleti. Jenħtieġ li jkun possibbli li jinħarġu viżi ta' dħul multiplu b'perijodu iqsar ta' validità jekk ikun hemm raġunijiet validi għal dan.

(12)

Meta jitqiesu d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali, notevolment għar-rigward tar-riskji ta' migrazzjoni u dawk ta' sigurtà, kif ukoll ir-relazzjonijiet li l-Unjoni żżomm ma' pajjiżi speċifiċi, jenħtieġ li l-konsulati f'postijiet individwali jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu adattati r-regoli dwar il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu sabiex dawn ikunu jippermettu applikazzjoni aktar favorevoli jew aktar restrittiva. Jenħtieġ li l-approċċi aktar favorevoli fil-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu b'perijodu twil ta' validità jieħdu f'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' ftehimiet ta' kummerċ li jkopru l-mobbiltà tal-persuni tan-negozju. Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' tali viżi li għandhom jiġu applikati f'kull ġurisdizzjoni.

(13)

Fejn ikun hemm nuqqas ta' kooperazzjoni minn ċerti pajjiżi terzi fejn tidħol ir-riammissjoni ta' dawk iċ-ċittadini tagħhom li jkunu jinqabdu f'sitwazzjoni irregolari, u n-nuqqas minn dawk il-pajjiżi terzi li jikkooperaw b'mod effettiv fil-proċess ta' ritorn, jenħtieġ li tiġi applikata applikazzjoni restrittiva u temporanja ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, abbażi ta' mekkaniżmu trasparenti bbażat fuq kriterji oġġettivi, sabiex titjieb il-kooperazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fejn tidħol ir-riammissjoni ta' migranti irregolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari, mill-inqas darba fis-sena, il-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi fir-rigward tar-riammissjoni, u jenħtieġ li teżamina kwalunkwe notifika mill-Istati Membri li tikkonċerna l-kooperazzjoni ma' pajjiż terz fir-riammissjoni ta' migranti irregolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk pajjiż terz ikunx qed jikkoopera b'mod suffiċjenti u jekk tkunx meħtieġa azzjoni, tqis il-kooperazzjoni ġenerali ta' dak il-pajjiż terz fil-qasam tal-migrazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti u tal-prevenzjoni ta' transitu ta' migranti irregolari mit-territorju tiegħu. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed jew fejn tiġi notifika minn maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri li pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed, jenħtieġ li tressaq proposta lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni, filwaqt li tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, fejn, rigward il-livell ta' kooperazzjoni ta' pajjiż terz mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari, ivvalutat abbażi ta' data rilevanti u oġġettiva, il-Kummissjoni tqis li pajjiż terz ikun qed jikkoopera biżżejjed, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni, li tipprovdi waħda jew iktar miżuri intiżi li jiffaċilitaw l-għoti tal-viżas, dwar applikanti jew kategoriji ta' applikanti li huma ċittadini ta' dak il-pajjiż terz u li japplikaw għal viża fit-territorju ta' dak il-pajjiż terz.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-fatturi rilevanti u l-implikazzjonijiet possibbli kollha tal-applikazzjoni tal-miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni ta' pajjiż terz dwar ir-riammissjoni jitqiesu b'mod adegwat, b'kont meħud tan-natura politika partikolarment sensittiva ta' tali miżuri u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħhom għall-Istati Membri u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jingħataw lill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. L-għoti ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill iqis b'mod adegwat in-natura politikament sensittiva potenzjali tal-implimentazzjoni tal-miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ta' pajjiż terz dwar ir-riammissjoni, minħabba wkoll il-ftehimiet ta' faċilitazzjoni li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ ma' pajjiżi terzi.

(15)

Jenħtieġ li l-applikanti li ġew miċħudin minn viża jkollhom id-dritt jappellaw. Jenħtieġ li n-notifika taċ-ċaħda tinkludi informazzjoni dettaljata dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda u dwar il-proċedura tal-appell. Matul il-proċedura tal-appell, jenħtieġ li l-applikanti jingħataw aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti għall-każ tagħhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

(16)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva d-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, huwa għandu l-għan li jiżgura rispett sħiħ għad-dritt tal-protezzjoni ta' data personali, id-dritt għal rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-drittijiet tat-tfal, u l-protezzjoni ta' persuni vulnerabbli.

(17)

Il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen hija kruċjali għall-applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi u biex issir valutazzjoni tajba tar-riskji migratorji u ta' sigurtà. Fi ħdan dik il-kooperazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw l-applikazzjoni operattiva ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dawl taċ-ċirkustanzi lokali u tar-riskju migratorju. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-iskambji fost il-konsulati f'postijiet individwali jkunu kkoordinati minn delegazzjonijiet tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib u jissorveljaw b'mod regolari l-operazzjonijiet tal-fornituri esterni tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istrument legali li jirregola r-responsabbiltajiet fdati lilhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar il-kooperazzjoni mal-fornituri esterni tas-servizzi, u s-sorveljanza fuqhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura kollha għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-fornituri esterni tas-servizzi tkun issorveljata minn membri tal-persunal espatrijat.

(19)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli flessibbli li jippermettu li l-Istati Membri jottimizzaw il-qsim tar-riżorsi u tiżdied il-kopertura konsulari. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (Ċentri ta' Viżi ta' Schengen) tista' tieħu kull forma adattata għaċ-ċirkostanzi lokali sabiex tiżdied il-kopertura ġeografika konsulari, jitnaqqsu l-kosti tal-Istati Membri, tiżdied il-viżibilità tal-Unjoni u jitjieb is-servizz offrut lill-applikanti.

(20)

Is-sistemi elettroniċi għall-applikazzjonijiet huma għodda importanti biex jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-applikazzjoni. Jenħtieġ li fil-futur tiġi żviluppata soluzzjoni komuni bil-għan tad-diġitalizzazzjoni biex b'hekk isir użu sħiħ mill-iżviluppi legali u teknoloġiċi reċenti, biex l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu ppreżentati online biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-applikanti u biex jiġu attirati aktar viżitaturi għaż-żona ta' Schengen. Il-garanziji proċedurali sempliċi u integrati jenħtieġ li jissaħħu u jiġu applikati b'mod uniformi. Barra minn hekk, fejn possibbli, l-intervisti jistgħu jsiru bl-użu ta' għodod diġitali moderni u mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod, bħal telefonati awdjo jew vidjo bl-internet. Jenħtieġ li d-drittijiet fundamentali tal-applikanti jiġu ggarantiti matul il-proċess.

(21)

Sabiex tiġi prevista l-possibbiltà li jiġi rivedut l-ammont tat-tariffi tal-viża stabbilit f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa għall-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex dan ir-Regolament jiġi emendat fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(24)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (7); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(25)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(26)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn it-tnejn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9) li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

(27)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (11) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12).

(28)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (14).

(29)

Fir-rigward ta' Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(30)

Fir-rigward tal-Belġju u r-Rumanija dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(31)

Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011.

(32)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi għal soġġorni intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jittieħdu fuq bażi individwali.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 2, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

soġġorn intenzjonat fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunx aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum; jew”;

(b)

il-punt 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.

“dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut” tfisser dokument tal-ivvjaġġar rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri bl-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni u li fih jitwaħħlu l-viżi f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b'viża u dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-istabbiliment ta' din il-lista (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 9).”;"

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“12.

“baħħar” tfisser kwalunkwe persuna li tkun impjegata, ingaġġata jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità abbord vapur f'navigazzjoni marittima jew vapur li jbaħħar f'ibħra interni internazzjonali;

13.

“firma elettronika” tfisser firma elettronika kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”;"

(3)

fl-Artikolu 3(5), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(b)

ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-pussess ta' permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jew minn Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, jew ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu fil-pussess ta' wieħed mill-permessi ta' residenza validi elenkati fl-Anness V maħruġa mill-Andorra, il-Kanada, il-Ġappun, San Marino jew l-Istati Uniti tal-Amerka li jiggarantixxu r-riammissjoni mhux kondizzjonata tad-detentur, jew li huma fil-pussess ta' permess ta' residenza validu għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej tar-Renju tan-Netherlands (Aruba, Curaçao, Sint Maarten, Bonaire, Sint Eustatius u Saba);

(c)

ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-pussess ta' viża valida għal Stat Membru li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, jew għal Stat Membru li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, jew għal pajjiż li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew għall-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti tal-Amerka, jew detenturi ta' viża valida għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej tar-Renju tan-Netherlands (Aruba, Curaçao, Sint Maarten, Bonaire, Sint Eustatius u Saba), meta jivvjaġġaw lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew meta, wara li jkunu għamlu użu mill-viża, jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża;”;

(4)

fl-Artikolu 4 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed għarfien taċ-ċirkostanzi lokali tal-pajjiż fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sabiex jivvalutaw ir-riskju migratorju u r-riskju għas-sigurtà, kif ukoll għarfien suffiċjenti tal-lingwa biex janalizzaw id-dokumenti, u li l-konsolati jkunu involuti, fejn ikun neċessarju, biex iwettqu eżamijiet u intervisti addizzjonali.”;

(5)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jekk iż-żjara tinkludi aktar minn destinazzjoni waħda, jew jekk għandhom jitwettqu diversi żjarat separati f'perijodu ta' xahrejn, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jikkostitwixxi d-destinazzjoni prinċipali taż-żjara(t) fir-rigward tat-tul tas-soġġorn, f'numru ta' jiem, jew l-iskop tas-soġġorn; jew”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista' jaqbel li jirrappreżenta Stat Membru ieħor li jkun kompetenti f'konformità mal-Artikolu 5 bl-iskop li jeżamina l-applikazzjonijiet u jiddeċiedi dwarhom f'isem dak l-Istat Membru. Stat Membru jista' wkoll jirrappreżenta Stat Membru ieħor b'mod limitat unikament għall-ġbir tal-applikazzjonijiet u għar-reġistrazzjoni ta' identifikaturi bijometriċi.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Meta r-rappreżentanza tkun limitata f'konformità mat-tieni sentenza tal-paragrafu 1, il-ġbir u t-trasmissjoni tad-data lill-Istat Membru rappreżentat għandhom jitwettqu f'konformità mar-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data u r-regoli tas-sigurtà.

4.   Għandu jiġi stabbilit arranġament bilaterali bejn l-Istat Membru rappreżentanti u l-Istat Membru rappreżentat. Dak l-arranġament:

(a)

għandu jispeċifika t-tul tal-perijodu tar-rappreżentanza, anki jekk temporanju, u l-proċeduri għat-terminazzjoni tagħha;

(b)

jista', b'mod partikolari fejn l-Istat Membru rappreżentat ikollu konsulat fil-pajjiż terz ikkonċernat, jipprevedi l-forniment ta' uffiċċji, persunal u ħlasijiet mill-Istat Membru rappreżentat”;

(d)

il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“7.   L-Istat Membru rappreżentat għandu jinnotifika l-arranġamenti dwar rappreżentanza jew it-tmiem ta' dawn l-arranġamenti lill-Kummissjoni mill-inqas 20 jum kalendarju qabel ma jidħlu fis-seħħ jew jintemmu, minbarra fil-każijiet ta' force majeure.

8.   Il-konsulat tal-Istat Membru rappreżentanti għandu, fl-istess ħin li ssir in-notifika msemmija fil-paragrafu 7, jinforma kemm lill-konsulati tal-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll lid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-ġurisdizzjoni kkonċernata dwar l-arranġamenti ta' rappreżentanza jew dwar it-terminazzjoni ta' tali arranġamenti.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“10.   Jekk Stat Membru la jkun preżenti u lanqas ma jkun irrappreżentat fil-pajjiż terz fejn l-applikant ser jippreżenta l-applikazzjoni, dak l-Istat Membru għandu jimpenja ruħu biex jikkoopera ma' fornitur estern tas-servizzi, f'konformità mal-Artikolu 43, f' dak il-pajjiż terz.

11.   Fejn konsulat ta' Stat Membru f'post partikolari jesperjenza forza maġġuri teknika fit-tul, dak l-Istat Membru għandu jfittex rappreżentanza temporanja minn Stat Membru ieħor f'dak il-post għal kull kategorija ta' applikanti jew għal uħud mill-kategoriji.”;

(7)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar minn sitt xhur, u fil-każ ta' baħħara fil-qadi ta' dmirijiethom, mhux aktar minn disa' xhur, qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata, u, bħala regola, mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata. F'każijiet ta' urġenza individwali ġġustifikati, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali jistgħu jippermettu li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel ma tibda ż-żjara intenzjonata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati:

(a)

mill-applikant;

(b)

minn intermedjarju kummerċjali akkreditat;

(c)

minn xi assoċjazzjoni jew istituzzjoni professjonali, kulturali, sportiva jew edukattiva f'isem il-membri tagħha.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Applikant ma għandux ikun obbligat jidher personalment f'aktar minn post wieħed biex ikun jista' jippreżenta applikazzjoni.”;

(8)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-applikanti għandhom jidhru personalment meta jippreżentaw applikazzjoni għall-ġbir ta' marki tas-swaba', f'konformità mal-Artikolu 13(2) u (3) u l-punt (b) tal-Artikolu 13(7). Mingħajr preġudizzju għall-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu u għall-Artikolu 45, l-applikanti jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom b'mod elettroniku, fejn disponibbli.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(9)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   Kull applikant għandu jippreżenta formola tal-applikazzjoni mimlija manwalment jew elettronikament kif stipulat fl-Anness I. Il-formola tal-applikazzjoni għandha tiġi ffirmata. Din tista' tiġi ffirmata manwalment jew, fejn firma elettronika tkun rikonoxxuta mill-Istat Membru kompetenti li jeżamina u jiddeċiedi dwar applikazzjoni, elettronikament.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Fejn l-applikant jiffirma l-formola tal-applikazzjoni elettronikament, il-firma elettronika għandha tkun firma elettronika, fis-sens tal-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

1b.   Il-kontenut tal-verżjoni elettronika tal-formola tal-applikazzjoni, jekk applikabbli, għandu jkun kif stipulat fl-Anness I.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-formola għandha bħala minimu tkun disponibbli bil-lingwi li ġejjin:

(a)

il-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab viża jew l-Istat Membru rappreżentanti; u

(b)

il-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti.

Minbarra bil-lingwa/i msemmija fil-punt (a), il-formola tista' tkun disponibbli bi kwalunkwe lingwa/i oħra uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Jekk il-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitanti ma tkunx/jkunux integrata/i fil-formola, traduzzjoni f'dik/dawk il-lingwa/i għandha tkun disponibbli separatament għall-applikanti.”;

(10)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 3 sa 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   L-Anness II jinkludi lista mhux eżawrjenti ta' dokumenti ta' sostenn li jistgħu jintalbu mingħand l-applikant sabiex jiġi vverifikat jekk ikunux ġew issodisfati l-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikanti jippreżentaw prova ta' sponsorizzazzjoni jew ta' akkomodazzjoni privata, jew tat-tnejn li huma, billi jimlew formola abbozzata minn kull Stat Membru. Dik il-formola għandha tindika b'mod partikolari:

(a)

jekk l-iskop tagħha huwiex li tagħti prova ta' sponsorizzazzjoni jew ta' akkomodazzjoni privata, jew tat-tnejn li huma;

(b)

jekk l-isponsor jew il-persuna li stiednet tkunx individwu, kumpannija jew organizzazzjoni;

(c)

l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-isponsor jew tal-persuna li stiednet;

(d)

id-data tal-identità (isem u kunjom, data tat-twelid, post tat-twelid u ċittadinanza) tal-applikant jew applikanti;

(e)

l-indirizz tal-akkomodazzjoni;

(f)

it-tul u l-iskop tas-soġġorn;

(g)

irbit familjari possibbli mal-isponsor jew il-persuna li stiednet;

(h)

l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament VIS.

Minbarra bil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru, il-formola għandha titfassal tal-inqas b'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għandu jintbagħat kampjun tal-formola lill-Kummissjoni.

5.   Il-konsulati għandhom, fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, ir-riskji migratorji u r-riskji għas-sigurtà.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jittieħed kont taċ-ċirkostanzi lokali kif imsemmi fl-Artikolu 48, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta lista armonizzata ta' dokumenti ta' sostenn li għandhom jiġu użati f'kull ġurisdizzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu rinunzjati fil-każ ta' applikant li jkun magħruf lill-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għall-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu legali ta' viżi preċedenti, jekk ma jkun hemm l-ebda dubju li huwa ser jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(*3)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal- fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).”;"

(11)

fl-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-applikanti għal viża bi dħul multiplu għandhom jagħtu prova li jkollhom fil-pussess tagħhom assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida li tkopri l-perijodu tal-ewwel żjara intenzjonata tagħhom.”;

(12)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-applikanti għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta' EUR 80.

2.   Tfal mill-età ta' sitt snin sa inqas minn 12-il sena għandhom iħallsu tariffa tal-viża ta' EUR 40.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għandha tapplika tariffa tal-viża ta' EUR 120 jew EUR 160 jekk deċiżjoni ta' implimentazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill skont il-punt (b) tal-Artikolu 25a(5). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal tfal taħt l-età ta' 12-il sena.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(d)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

riċerkaturi, kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu riċerka xjentifika jew li jipparteċipaw f'seminar jew konferenza xjentifika;

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).”;"

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   It-tariffa tal-viża tista' tiġi rinunzjata għal:

(a)

tfal mill-età ta' sitt snin u taħt it-18-il sena;

(b)

detenturi ta' passaporti diplomatiċi u ta' servizz;

(c)

parteċipanti li jipparteċipaw f'seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ, u li ma għandhomx aktar minn 25 sena.”;

(f)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   F'każijiet individwali, l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta tista' tiġi rinunzjata jew imnaqqsa meta din il-miżura sservi biex tippromwovi interessi kulturali jew sportivi, interessi fil-qasam tal-politika estera, il-politika tal-iżvilupp u oqsma oħrajn ta' interess pubbliku vitali, jew għal raġunijiet umanitarji jew minħabba obbligi internazzjonali.”;

(g)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta l-ammont tat-tariffa tal-viża jkun impost f'munita li mhijiex l-Euro, l-ammont tat-tariffa tal-viża impost f'dik il-munita għandu jiġi ddeterminat u rieżaminat b'mod regolari fl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta' referenza esterna tal-euro stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-ammont impost jista' jiġi aġġustat għall-eqreb ċifra u għandu jiġi żgurat li jiġu imposti tariffi simili skont il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen.”;

(h)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi l-ammont tat-tariffi tal-viża stipulat fil-paragrafi 1, 2 u 2a ta' dan l-Artikolu kull tliet snin, b'kont meħud ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma r-rata tal-inflazzjoni ġenerali fl-Unjoni kollha, kif ippubblikata mill-Eurostat, u l-medja ponderata tas-salarji tal-uffiċjali pubbliċi tal-Istati Membri. Abbażi ta' dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn ikun xieraq, atti delegati f'konformità mal-Artikolu 51a dwar l-emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-viża.”;

(13)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   Tista' tiġi imposta tariffa għas-servizz minn fornitur estern tas-servizzi kif imsemmi fl-Artikolu 43.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   B'deroga mill-paragrafu 4, it-tariffa għas-servizz, fil-prinċipju, ma għandhiex tkun aktar minn EUR 80 f'pajjiżi terzi fejn l-Istat Membru kompetenti ma jkollux konsulat bl-iskop tal-ġbir ta' applikazzjonijiet u ma jkunx rappreżentat minn Stat Membru ieħor.

4b.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn l-ammont imsemmi fil-paragrafu 4a ma jkunx biżżejjed biex jingħata servizz sħiħ, tista' tiġi imposta tariffa ogħla għas-servizz sa mhux aktar minn EUR 120. F'tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-intenzjoni tiegħu li jippermetti li tiġi imposta tariffa ogħla għas-servizz, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tagħha. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom jiġi ddeterminat il-livell tat-tariffa għas-servizz, b'mod partikolari l-ispejjeż dettaljati li jwasslu biex jiġi ddeterminat ammont ogħla.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Istat Membru kkonċernat jista' jżomm il-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tiegħu jew fil-konsulat ta' Stat Membru li miegħu jkollu arranġament ta' rappreżentanza, f'konformità mal-Artikolu 8.”;

(14)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti għandhom jivverifikaw jekk:”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti jikkonkludu li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati, l-applikazzjoni għandha tkun ammissibbli u l-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom:

isegwu l-proċeduri deskritti fl-Artikolu 8 tar-Regolament VIS, u

ikomplu jeżaminaw l-applikazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Fejn il-konsulat kompetenti jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru kompetenti jikkonkludu li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, l-applikazzjoni ma għandhiex tkun ammissibbli u l-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom mingħajr dewmien:

iroddu lura l-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti kollha ppreżentati mill-applikant,

jeqirdu d-data bijometrika miġbura,

jirrimborżaw it-tariffa tal-viża, u

ma jeżaminawx l-applikazzjoni.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   B'deroga mill-paragrafu 3, applikazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 tista' titqies ammissibbli għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta' interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali.”;

(15)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Waqt il-verifika ta' jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet tad-dħul, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom jivverifikaw:”;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

li l-applikant ikollu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli, li tkun tkopri l-perijodu tas-soġġorn intenzjonat, jew, jekk issir applikazzjoni għal viża bi dħul multiplu, il-perijodu tal-ewwel żjara intenzjonata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Fejn applikabbli, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom jivverifikaw it-tul tas-soġġorni preċedenti u dawk intenzjonati sabiex jivverifikaw li l-applikant ma qabiżx it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, irrispettivament minn soġġorni potenzjalment awtorizzati minn viża nazzjonali għal soġġorn twil jew permess ta' residenza.”;

(c)

fil-paragrafu 6, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Waqt l-eżami ta' applikazzjoni għal viża għal transitu fl-ajruport, il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom b'mod partikolari jivverifikaw:”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Waqt l-eżami ta' applikazzjoni, il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali jistgħu, f'każijiet ġustifikati, jagħmlu intervista lill-applikant u jitolbuh dokumenti addizzjonali.”;

(16)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 sa 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Għal raġunijiet ta' theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, ir-relazzjonijiet internazzjonali jew is-saħħa pubblika, Stat Membru jista' jitlob lill-awtoritajiet ċentrali ta' Stati Membri oħra biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet ċentrali tiegħu matul l-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta' dawn iċ-ċittadini. Tali konsultazzjoni ma għandhiex tapplika għall-applikazzjonijiet għal viżi għal transitu fl-ajruport.

2.   “L-awtoritajiet ċentrali kkonsultati għandhom iwieġbu b'mod definit mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jiġu kkonsultati. In-nuqqas ta' tweġiba qabel dik l-iskadenza għandha tfisser li huma ma jkollhomx raġunijiet biex joġġezzjonaw għall-ħruġ tal-viża.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tar-rekwiżit għal konsultazzjoni minn qabel, bħala regola, tal-inqas 25 jum kalendarju qabel ma ssir applikabbli. Dik l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(17)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dan il-perjodu jista' jiġi estiż sa massimu ta' 45 jum kalendarju f'każijiet individwali, b'mod notevoli meta jkun meħtieġ skrutinju ulterjuri tal-applikazzjoni.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għandha tittieħed deċiżjoni mingħajr dewmien dwar l-applikazzjonijiet f'każijiet ta' urġenza individwali ġġustifikati.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

tinħareġ viża għal transitu fl-ajruport f'konformità mal-Artikolu 26; jew”;

(ii)

punt (c) huwa ssostitwit permezz ta' dan li ġej:

“(c)

tinċaħad viża skont l-Artikolu 32.”;

(iii)

il-punt (d) huwa mħassar;

(18)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tielet subparagrafu huwa mħassar;

(ii)

ir-raba' subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-Artikolu 12, il-perijodu ta' validità ta' viża għal dħul wieħed għandu jinkludi ‘perijodu ta' konċessjoni’ addizzjonali ta' 15-il jum kalendarju”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Dment li l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' dħul stipulati fil-punt (a) u l-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399, viżi bi dħul multiplu b'validità twila għandhom jinħarġu għall-perijodi ta' validità li ġejjin, sakemm il-validità tal-viża ma tkunx taqbeż dik tad-dokument tal-ivvjaġġar:

(a)

għal perijodu ta' validità ta' sena, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment tliet viżi fi żmien is-sentejn preċedenti;

(b)

għal perijodu ta' validità ta' sentejn, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment viża bi dħul multiplu preċedenti valida għal sena matul is-sentejn preċedenti;

(c)

għal perijodu ta' validità ta' ħames snin, dment li l-applikant ikun kiseb u uża legalment viża bi dħul multiplu preċedenti valida għal sentejn matul it-tliet snin preċedenti.

Viżi għal transitu fl-ajruport u viżi b'validità territorjali limitata maħruġa f'konformità mal-Artikolu 25(1) ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu.”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafu li ġejjin:

“2a.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-perijodu ta' validità tal-viża maħruġa jista' jitqassar f'każijiet individwali fejn ikun hemm dubju raġonevoli dwar jekk il-kondizzjonijiet tad-dħul ikunux ser jiġu ssodisfati għall-perijodu kollu.

2b.   B'deroga mill-paragrafu 2, il-konsulati għandhom, fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jikkunsidraw jekk ir-regoli dwar il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu stipulati fil-paragrafu 2 għandhomx jiġu adattati biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, ir-riskji migratorji u r-riskji għas-sigurtà, fid-dawl tal-adozzjoni ta' regoli aktar favorevoli jew aktar restrittivi f'konformità mal-paragrafu 2d.

2c.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, viża bi dħul multiplu valida għal massimu ta' ħames snin tista' tinħareġ lil applikanti li jagħtu prova tal-ħtieġa jew jiġġustifikaw l-intenzjoni tagħhom li jivvjaġġaw ta' spiss jew regolarment, dment li jagħtu prova tal-integrità u l-affidabbiltà tagħhom, b'mod partikolari l-użu legali ta' viżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż tal-oriġini u l-intenzjoni ġenwina tagħhom li jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li jkunu applikaw għaliha.

2d.   Fejn ikun meħtieġ, abbażi tal-kunsiderazzjoni msemmija fil-paragrafu 2b ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li għandhom jiġu applikati f'kull ġurisdizzjoni sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali, tar-riskji migratorji u għas-sigurtà, u tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz inkwistjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(19)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni

1.   Skont il-livell ta' kooperazzjoni ta' pajjiż terz mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari, ivvalidata abbażi ta' data rilevanti u oġġettiva, l-Artikolu 14(6), l-Artikolu 16(1), il-punt (b) tal-Artikolu 16(5), l-Artikolu 23(1), u l-Artikolu 24(2) u (2c) ma għandhomx japplikaw għal applikanti jew kategoriji ta' applikanti li jkunu ċittadini ta' pajjiż terz li jkun meqjus li ma jikkooperax biżżejjed f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment, tal-inqas darba fis-sena, il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi fir-rigward tar-riammissjoni, billi tqis, b'mod partikolari, l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa lil persuni mill-pajjiż terz inkwistjoni li jkunu b'soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri

(b)

l-għadd ta' ritorni reali furzati ta' persuni li jkunu nħarġulhom deċiżjonijiet ta' ritorn bħala perċentwal tal-għadd ta' deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa lil ċittadini tal-pajjiż terz inkwistjoni inkluż, fejn xieraq, abbażi ta' ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jew bilaterali, l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għaddew mit-territorju tal-pajjiż terz inkwistjoni;

(c)

l-għadd ta' talbiet ta' riammissjoni għal kull Stat Membru aċċettati mill-pajjiż terz bħala perċentwal tal-għadd ta' tali talbiet sottomessi lilu;

(d)

il-livell ta' kooperazzjoni prattika fir-rigward tar-ritorn fl-istadji differenti tal-proċedura tar-ritorn, bħal:

(i)

l-assistenza li tingħata fl-identifikazzjoni tal-persuni b'soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri u fil-ħruġ f'waqtu tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(ii)

l-aċċettazzjoni tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment jew laissez-passer;

(iii)

l-aċċettazzjoni tar-riammissjoni ta' persuni li għandhom jiġu ritornati legalment lejn pajjiżhom;

(iv)

l-aċċettazzjoni tat-titjiriet u l-operazzjonijiet ta' ritorn.

Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta' data affidabbli pprovduta mill-Istati Membri, kif ukoll mill-istituzzjonijiet,, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment, tal-inqas darba f'sena, il-valutazzjoni tagħha lill-Kunsill.

3.   Stat Membru jista' wkoll jinnotifika lill-Kummissjoni jekk ikollu problemi prattiċi sostanzjali u persistenti fil-kooperazzjoni ma' pajjiż terz fir-riammissjoni ta' migranti irregolari abbażi tal-istess indikaturi bħal dawk elenkati fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bin-notifika.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika magħmula skont il-paragrafu 3 fi żmien perijodu ta' xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

5.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafi 2 u 4, u b'kont meħud tal-passi meħudin mill-Kummissjoni biex jittejjeb il-livell ta' kooperazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-qasam tar-riammissjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma' dak il-pajjiż terz, inkluż fil-qasam tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li pajjiż mhux qed jikkoopera biżżejjed u li għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni, jew fejn, fi żmien 12-il xahar, maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri tkun innotifikat lill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3, il-Kummissjoni, filwaqt li tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill biex tiġi adottata:

(a)

deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta' xi wieħed jew aktar mill-Artikolu 14(6), il-punt (b) tal-Artikolu 16(5), l-Artikolu 23(1) jew l-Artikolu 24(2) u (2c), għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat jew għal ċerti kategoriji minnhom;

(b)

fejn, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-miżuri applikati skont id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu jitqiesu ineffikaċi, deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tapplika, fuq bażi gradwali, waħda mit-tariffi tal-viża stabbiliti fl-Artikolu 16(2a) għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat jew għal ċerti kategoriji minnhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha kontinwament tivvaluta u tirrapporta abbażi tal-indikaturi stabbiliti fil-paragrafu 2 jekk ikunx jista' jiġi stabbilit titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari u, b'kont meħud ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma' dak il-pajjiż terz, tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiġu revokati jew emendati d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

7.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fejn tidħol il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ta' dak il-pajjiż terz.

8.   Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 2 u b'kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, speċjalment fejn tidħol il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pajjiż terz ikkonċernat ikun qed jikkoopera biżżejjed, hija tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill biex tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar applikanti jew kategoriji ta' applikanti li jkunu ċittadini ta' dak il-pajjiż terz u li japplikaw għal viża fit-territorju ta' dak il-pajjiż terz, li tipprevedi waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

tnaqqis tat-tariffa tal-viża msemmija fl-Artikolu 16(1) għal EUR 60;

(b)

tnaqqis taż-żmien li fih għandhom isiru d-deċiżjonijiet dwar applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) għal għaxart ijiem;

(c)

żieda fil-perijodu tal-validità tal-viżi bi dħul multiplu skont l-Artikolu 24(2).

Dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni għandha tapplika għal massimu ta' sena. Din tista' tiġġedded.”;

(20)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli għall-mili tal-istiker tal-viża. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).

2.   L-Istati Membri jistgħu jżidu annotamenti nazzjonali fit-taqsima tal-“kummenti” fl-istiker tal-viża. Dawk l-annotamenti ma għandhomx jidduplikaw l-annotamenti obbligatorji stabbiliti f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Stiker tal-viża għal dħul wieħed tista' timtela manwalment biss fil-każ ta' forza maġġuri teknika. Ma għandha ssir ebda bidla fi stiker tal-viża li tkun imtliet manwalment.”;

(21)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-istiker tal-viża għandha titwaħħal mad-dokument tal-ivvjaġġar.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta r-regoli dettalji dwar it-twaħħil tal-istiker tal-viża. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(22)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista' jeħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali tiegħu jiġu infurmati dwar viżi maħruġa minn Stati Membri oħrajn lil ċittadini ta' pajjiżi terzi speċifiċi jew lil kategoriji speċifiċi ta' tali ċittadini, minbarra fil-każ ta' viżi għal tranżitu fl-ajruport.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni jew it-tneħħija tar-rekwiżit għal din l-informazzjoni tal-inqas sa 25 jum kalendarju qabel ma ssir applikabbli. Dik l-informazzjoni għandha tingħata wkoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(23)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jiddaħħal il-punt li ġej:

“(iia)

ma jipprovdix ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tat-transitu fl-ajruport intenzjonat;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI bil-lingwa tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u b'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”.;

(c)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(24)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, istruzzjonijiet operazzjonali għall-ħruġ ta' viżi fuq il-fruntiera lil baħħara. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(25)

fl-Artikolu 37, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-ħażna u l-ġestjoni tal-istikers tal-viża għandhom ikunu soġġetti għal miżuri ta' sigurtà adatti biex jiġu evitati l-frodi jew it-telf. Kull konsulat għandu jżomm kont tal-istokk ta' stikers tal-viża tiegħu u jirreġistra kif intużat kull stiker tal-viża. Kwalunkwe telf sinifikanti ta' stikers vojta tal-viża għandu jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni.

3.   Il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom iżommu arkivji tal-applikazzjonijiet stampati jew f'format elettroniku. Kull fajl individwali għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti li tippermetti rikostruzzjoni, jekk ikun hemm bżonn, tal-isfond għad-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni.

Il-fajls individwali tal-applikazzjonijiet għandhom jinżammu għal tal-inqas sena mid-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 23(1) jew, fil-każ ta' appell, sa tmiem il-proċedura tal-appell, skont liema perijodu jkun l-itwal. Jekk ikun applikabbli, il-fajls individwali tal-applikazzjonijiet elettroniċi għandhom jinżammu għall-perijodu tal-validità tal-viża maħruġa.”;

(26)

l-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b'dan li ġej:

“Riżorsi għall-eżami tal-applikazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-proċeduri tal-viża”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn persunal adatt f'għadd suffiċjenti fil-konsulati biex iwettqu l-kompiti relatati mal-eżami tal-applikazzjonijiet, b'tali mod li jiżguraw kwalità raġonevoli u armonizzata tas-servizz lill-pubbliku.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura kollha tal-viża fil-konsulati, inkluż il-preżentazzjoni u t-trattament tal-applikazzjonijiet, l-istampar tal-istikers tal-viża u l-kooperazzjoni prattika mal-fornituri esterni tas-servizzi, tiġi ssorveljata minn persunal espatrijat biex tiġi żgurata l-integrità tal-istadji kollha tal-proċedura.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ adegwat kemm lill-membri tal-persunal espatrijati kif ukoll lill-membri tal-persunal impjegati lokalment u għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdulhom informazzjoni kompluta, preċiża u aġġornata dwar il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.”;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Fejn applikazzjonijiet jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 4(1a), l-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ speċifiku biex jiżguraw li l-persunal ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali ikollu għarfien suffiċjenti u aġġornat dwar il-pajjiż fir-rigward taċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi lokali, u informazzjoni kompleta, preċiża u aġġornata dwar il-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

3b.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-konsulati jkollhom numru suffiċjenti ta' persunal adegwatament imħarreġ biex jassisti lill-awtoritajiet ċentrali jeżaminaw u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet, notevolment billi jipparteċipa f'laqgħat ta' kooperazzjoni lokali ta' Schengen, jiskambja informazzjoni ma' konsulati u awtoritajiet lokali oħrajn, jiġbor informazzjoni rilevanti lokalment dwar ir-riskju migratorju u prattiki frodulenti, u jwettaq intervisti u eżamijiet addizzjonali.”;

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura fis-seħħ li tippermetti li l-applikanti jippreżentaw ilmenti rigward:

(a)

l-imġiba tal-persunal fil-konsulati u, fejn applikabbli, tal-fornituri esterni tas-servizzi; jew

(b)

il-proċess ta' applikazzjoni.

Il-konsulati jew l-awtoritajiet ċentrali għandhom iżommu rekord tal-ilmenti u s-segwitu li jingħata.

L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-informazzjoni dwar il-proċedura prevista f'dan il-paragrafu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”;

(27)

fl-Artikolu 39, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Fit-twettiq ta' dmirijietu, il-persunal konsulari u tal-awtoritajiet ċentrali għandu jirrispetta b'mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Kwalunkwe miżura meħuda għandha tkun proporzjonata għall-objettivi segwiti minn dawn il-miżuri.”;

3.   Fit-twettiq ta' dmirijietu, il-persunal konsulari u tal-awtoritajiet ċentrali ma għandux jiddiskrimina kontra persuni fuq bażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.”;

(28)

l-Artikolu 40 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 40

Organizzazzjoni u kooperazzjoni konsulari

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jorganizza l-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jgħammru lill-konsulati u lill-awtoritajiet responsabbli tagħhom għall-ħruġ tal-viżi fuq il-fruntieri bil-materjal meħtieġ għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, kif ukoll lill-uffiċċji tal-konsli onorarji tagħhom, fejn jagħmlu użu minnhom, biex ikunu jistgħu jinġabru l-identifikaturi bijometriċi f'konformità mal-Artikolu 42;

(b)

jikkooperaw ma' Stat Membru wieħed jew aktar taħt arranġamenti ta' rappreżentazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta' kooperazzjoni konsulari.

3.   Stat Membru jista' jikkoopera wkoll ma' fornitur estern tas-servizzi f'konformità mal-Artikolu 43.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-organizzazzjoni u l-kooperazzjoni konsulari tagħhom f'kull rappreżentanza konsulari.

5.   Fil-każ li jtemmu l-kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jassiguraw il-kontinwità ta' servizz sħiħ.”;

(29)

l-Artikolu 41 huwa mħassar;

(30)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-fornituri esterni tas-servizzi fl-ebda ċirkostanza m'għandu jkollhom aċċess għall-VIS. L-aċċess għall-VIS għandu jkun riżervat esklużivament għall-persunal debitament awtorizzat tal-konsulati jew tal-awtoritajiet ċentrali.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti għall-viża, f'konformità mal-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 47(1), u l-formoli tal-applikazzjoni;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

jiġbor data u applikazzjonijiet (inkluż ġbir ta' identifikaturi bijometriċi) u jittrasmetti l-applikazzjoni lill-konsulat jew lill-awtoritajiet ċentrali;”;

(iii)

Il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(e)

jiġġestixxi l-appuntamenti għall-applikant, fejn applikabbli, fil-konsulat jew fil-bini ta' fornitur estern tas-servizzi.

(f)

jiġbor id-dokumenti tal-ivvjaġġar, inkluż notifika ta' ċaħda jekk applikabbli, mingħand il-konsulat jew l-awtoritajiet ċentrali u jgħaddihom lura lill-applikant.”;

(d)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Fl-għażla tal-fornitur estern tas-servizzi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jivvaluta l-affidabbiltà u s-solvenza tal-organizzazzjoni jew il-kumpannija u għandu jiżgura li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta' interess. Il-valutazzjoni għandha tinkludi, kif xieraq, l-iskrutinju tal-liċenzji neċessarji, ir-reġistrazzjoni kummerċjali, l-istatuti u l-kuntratti bankarji.”;

(e)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali u jiżguraw li l-fornitur estern tas-servizzi jkun soġġett għal sorveljanza mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(f)

il-paragrafu 11 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(a)

l-informazzjoni ġenerali dwar il-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex issir applikazzjoni għal viża, kif stipulat fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 47(1), u l-kontenut tal-formoli ta' applikazzjoni pprovduti mill-fornitur estern tas-servizzi lill-applikanti.

(b)

il-miżuri ta' sigurtà kollha tekniċi u organizzattivi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, jew telf, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat aċċidentali, b'mod partikolari meta l-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta' fajls u data lill-konsulati jew lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati, u l-forom illegali l-oħra kollha ta' pproċessar ta' data personali;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għal dan l-iskop, il-konsulat(i) jew l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom, fuq bażi regolari u tal-inqas kull disa' xhur, iwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda fuq il-post tal-fornitur estern tas-servizzi. L-Istati Membri jistgħu jaqblu li jaqsmu bejniethom l-oneru ta' dan il-monitoraġġ regolari.”;

(g)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“11a.   Sal-1 ta' Frar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni magħhom u s-sorveljanza tagħhom, kif imsemmi fil-punt C tal-Anness X, tal-fornituri esterni tas-servizzi madwar id-dinja.”;

(31)

l-Artikolu 44 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 44

Kriptaġġ u trasferiment sigur ta' data

1.   Fil-każ ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri u kooperazzjoni ma' fornitur estern tas-servizzi u r-rikors għal konsli onorarji, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data tkun kompletament kriptata, kemm jekk trasferita elettronikament jew fiżikament fuq mezz ta' ħżin elettroniku.

2.   F'pajjiżi terzi li jipprojbixxu li d-data kriptata ta' tiġi trasferita elettronikament, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati ma għandhomx jippermettu li d-data tiġi trasferita elettronikament.

F'dawn il-każijiet, l-Istat jew Stati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li d-data elettronika tiġi trasferita fiżikament f'forma kompletament kriptata fuq mezz ta' ħżin elettroniku minn uffiċjal konsulari ta' Stat Membru jew, fejn trasferiment bħal dan ikun jirrikjedi miżuri sproporzjonati jew mhux raġonevoli, b'mod sigur ieħor, pereżempju bl-użu ta' operaturi stabbiliti li jkollhom esperjenza fit-trasport ta' dokumenti u data sensittiva fil-pajjiż terz ikkonċernat.

3.   Fil-każijiet kollha l-livell ta' sigurtà għat-trasferiment għandu jiġi adattat għan-natura sensittiva tad-data.”;

(32)

l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-intermedjarji kummerċjali akkreditati għandhom ikunu ssorveljati regolarment permezz ta' kontrolli fuq il-post li jinvolvu intervisti wiċċ imb' wiċċ jew bit-telefon mal-applikanti, il-verifika tal-vjaġġi u tal-akkomodazzjoni, u kulfejn jitqies neċessarju, il-verifika tad-dokumenti b'rabta mar-ritorn tal-grupp.”;

(b)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull konsulati u l-awtoritajiet ċentrali għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun informat bil-lista tal-intermedjarji kummerċjali akkreditati li jikkooperaw magħhom, fejn rilevanti.”;

(33)

l-Artikolu 47(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

il-kriterji biex applikazzjoni titqies ammissibbli, kif previst fl-Artikolu 19(1);

(ab)

dik id-data bijometrika, fil-prinċipju, tinġabar kull 59 xahar, li jibdew mid-data tal-ewwel ġbir;”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fejn l-applikazzjoni tkun tista' tiġi ppreżentata (il-konsulat kompetenti jew il-fornitur estern tas-servizzi);”;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“(j)

informazzjoni dwar il-proċedura tal-ilmenti prevista fl-Artikolu 38(5).”;

(34)

l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-konsulati t u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw f'kull ġurisdizzjoni sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali.

Għal dak il-għan, f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (*6), il-Kummissjoni għandha toħroġ struzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni biex iwettqu l-kompiti ta' koordinazzjoni rilevanti previsti f'dan l-Artikolu.

Fejn, l-applikazzjonijiet ippreżentati fil-ġurisdizzjoni kkonċernata jiġu eżaminati u deċiżi mill-awtoritajiet ċentrali jkunu qed kif imsemmi fl-Artikolu 4(1a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment attiv ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali fil-kooperazzjoni lokali ta' Schengen. Il-persunal li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni lokali ta' Schengen għandu jkun imħarreġ sew u involut fl-eżami tal-applikazzjonijiet fil-ġurisdizzjoni kkonċernata.

(*6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).”;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, b'mod partikolari, jikkooperaw sabiex:

(a)

iħejju lista armonizzata ta' dokumenti ta' sostenn li għandhom ikunu ppreżentati mill-applikanti, b'kont meħud tal-Artikolu 14;

(b)

iħejju l-implimentazzjoni lokali tal-Artikolu 24(2) rigward il-ħruġ ta' viżi bi dħul multiplu;

(c)

jiżguraw traduzzjoni komuni tal-formola tal-applikazzjoni, fejn rilevanti;

(d)

jistabbilixxu l-lista ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-pajjiż ospitanti, u jaġġornawha regolarment;

(e)

ifasslu skeda informattiva komuni li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(1);

(f)

jissorveljaw, fejn rilevanti, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 25a(5) u (6).”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri taħt il-kooperazzjoni lokali ta' Schengen għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

statistika kull kwart dwar il-viżi uniformi, il-viżi b'validità territorjali limitata, u l-viżi għal transitu fl-ajruport li għalihom tkun saret applikazzjoni, kemm li jkunu nħarġu kif ukoll li nċaħdu;

(b)

informazzjoni rigward il-valutazzjoni tar-riskji migratorji u riskji għas-sigurtà, b'mod partikolari dwar:

(i)

l-istruttura soċjoekonomika tal-pajjiż ospitanti;

(ii)

is-sorsi ta' informazzjoni fil-livell lokali, inkluż is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tas-saħħa, ir-reġistri fiskali u r-reġistrazzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ;

(iii)

l-użu ta' dokumenti foloz, kontrafatti jew iffalsifikati;

(iv)

ir-rotot ta' immigrazzjoni irregolari;

(v)

ix-xejriet f'imġiba frodulenti;

(vi)

ix-xejriet rigward iċ-ċaħdiet;

(c)

informazzjoni dwar kooperazzjoni ma' fornituri esterni tas-servizzi u ma' kumpanniji tat-trasport;

(d)

informazzjoni dwar il-kumpanniji tal-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata, inkluża l-verifika tat-tip ta' kopertura u l-ammont possibbli tal-eċċess.”;

(e)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Għandu jitħejja rapport annwali f'kull ġurisdizzjoni sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena. Abbażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali dwar l-istat tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(35)

l-Artikolu 50 huwa mħassar;

(36)

l-Artikolu 51 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 51

Istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament

Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta struzzjonijiet operazzjonali dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 52(2).”;

(37)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 51a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16(9) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*7).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikolu 16(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(38)

l-Artikolu 52 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 52

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat, (“il-Kumitat tal-Viża”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 Parlament Ewropew u l-Kunsill (*8).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(39)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness I għal dan ir-Regolament;

(40)

l-Anness V huwa sostitwit bit-test fl-Anness II għal dan ir-Regolament;

(41)

l-Anness VI huwa sostitwit bit-test fl-Anness III għal dan ir-Regolament;

(42)

l-Annessi VII, VIII u IX huma mħassra;

(43)

l-Anness X huwa sostitwit bit-test fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Sat-2 ta' Awwissu 2022, il-Kummissjoni għandha tipproduċi evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar- -Regolament (KE) Nru 810/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi u tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, proposti xierqa.

3.   Sat-2 ta' Mejju 2020, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni id-data rilevanti disponibbli dwar l-użu tal-assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 minn detenturi ta' viża matul is-soġġorn tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-fornituri ta' servizzi mediċi għad-detenturi tal-viża. Abbażi ta' dik id-data, il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta' Novembru 2020, tipproduċi rapport li għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu jibda japplika mit-2 ta' Frar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 142.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki fuq il-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS I

“ANNESS I

Formola armonizzata tal-applikazzjoni

APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻA TA' SCHENGEN

Din il-formola tal-applikazzjoni hija bla ħlas

Image 2  (1)

Membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma għandhomx jimlew il-partijiet nru 21, 22, 30, 31 u 32 (immarkati b'*).

Il-partijiet 1-3 għandhom jimtlew skont kif jidhru fid-dokument tal-ivvjaġġar.

1.

Kunjom (Isem tal-familja):

GĦAL UŻU UFFIĊJALI BISS

Data tal-applikazzjoni:

Numru tal-applikazzjoni::

2.

Kunjom fit-twelid (Kunjom(ijiet) preċedenti):

3.

L-ewwel isem/ismijiet (Isem/ismijiet mogħti(ja)):

4.

Data tat-twelid (jum-xahar-sena):

5.

Post tat-twelid:

6.

Pajjiż tat-twelid::

7.

Ċittadinanza attwali:

Ċittadinanza fit-twelid, jekk tkun differenti:

Ċittadinanzi oħra::

Applikazzjoni ppreżentata lil

Ambaxxata/konsulat

Fornitur tas-servizzi

Intermedjarju kummerċjali

8.

Sess:

☐ Raġel ☐ Mara

9.

Status ċivili:

☐ Ġuvni/Xebba ☐ Miżżewweġ/Miżżewġa ☐ Sħubija reġistrata ☐ Separat(a) ☐ Divorzjat(a) ☐ Armel/Armla ☐ Ieħor (jekk jogħġbok speċifika):

Fruntiera (Isem):

Oħra

10.

Awtorità tal-ġenituri (f'każ ta' minorenni) /kustodju legali (kunjom, isem, indirizz, jekk ikun differenti minn dak tal-applikant, numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika u ċittadinanza):

Fajl ġestit minn: ☐

11.

Numru tal-identità nazzjonali, fejn applikabbli:

Dokumenti ta' sostenn:

Dokument tal-ivvjaġġar

Mezzi ta' sussistenza

Stedina

12.

Tip ta' dokument tal-ivvjaġġar:

☐ Passaport ordinarju ☐ Passaport diplomatiku ☐ Passaport tas-servizz ☐ Passaport uffiċjali ☐ Passaport speċjali

☐ Dokument tal-ivvjaġġar ieħor (jekk jogħġbok speċifika):

13.

Numru tad-dokument tal-ivvjaġġar:

14.

Data tal-ħruġ:

15.

Validu sa:

16.

Maħruġ fi (pajjiż):

Assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar

Mezzi ta' trasport

Oħra:

Deċiżjoni dwar viża:

Miċħuda

Maħruġa:

A

C

VTL

Valida:

Minn:

Sa:

17.

Data personali tal-membru tal-familja li huwa ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera jekk applikabbli

Kunjom (Isem tal-familja):

Isem/ismijiet (Isem/ismijiet mogħti(ja)):

Data tat-twelid (jum-xahar-sena):

Ċittadinanza:

Numru tad-dokument tal-ivvjaġġar jew tal-karta tal-identità:

18.

Parentela familjari ma' ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera jekk applikabbli:

☐ konjuġi ☐ wild ☐ wild tal-wild ☐ axxendent dipendenti

☐ Sħubija Reġistrata ☐ oħra: ☐

19.

Indirizz tad-dar u indirizz tal-posta elettronika tal-applikant:

Nru tat-telefon:

20.

Residenza f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza attwali:

☐ Le

☐ Iva. Permess ta' residenza jew ekwivalenti … Nru … Validu sa …

*21.

Impjieg attwali:

Għadd ta' dħul:

☐ 1 ☐ 2 ☐ Multiplu

Għadd ta' jiem:

*22.

Isem l-impjegatur u l-indirizz u n-numru tat-telefon tiegħu. Għall-istudenti, l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment edukattiv:

23.

Skop(ijiet) tal-vjaġġ:

☐ Turiżmu ☐ Negozju ☐ Żjara lill-familja jew lill-ħbieb ☐ Kulturali ☐ Sports ☐ Żjara uffiċjali ☐ Raġunijiet mediċi ☐ Studju ☐ Transitu fl-ajruport ☐ Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

24.

Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskop tas-soġġorn:

25.

Stat Membru ta' destinazzjoni prinċipali (u Stati Membri oħra ta' destinazzjoni, jekk applikabbli):

26.

Stat Membru tal-ewwel dħul:

27.

Għadd ta' dħul mitlub:

☐ Dħul wieħed ☐ Żewġ daħliet ☐ Dħul multiplu

Data prevista tal-wasla tal-ewwel soġġorn intenzjonat fiż-żona Schengen:

Data prevista tat-tluq miż-żona Schengen wara l-ewwel soġġorn intenzjonat:

28.

Marki tas-swaba' miġbura preċedentement bl-iskop li ssir applikazzjoni għal viża ta' Schengen: ☐ Le ☐ Iva.

Data, jekk magħrufa … Numru tal-istiker tal-viża, jekk magħruf …

29.

Permess ta' dħul għall-pajjiż tad-destinazzjoni finali, fejn applikabbli:

Maħruġ minn … Validu minn … sa …

*30.

Kunjom u isem il-persuna/i li qed tistieden/jistiednu fl-Istat(i) Membru/i. Jekk mhux applikabbli, isem il-lukanda/i jew l-akkomodazzjoni(jiet) temporanja/i fl-Istat(i) Membru/i:

L-indirizz u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna/i li qed tistieden/jistiednu / il-lukanda/i / l-akkomodazzjoni(jiet) temporanja/i:

Nru tat-telefon:

*31.

Isem u indirizz tal-kumpannija/organizzazzjoni li qed tistieden:

Kunjom, isem, indirizz, nru tat-telefon, u indirizz tal-posta elettronika tal-persuna ta' kuntatt fil-kumpannija/fl-organizzazzjoni:

Nru tat-telefon tal-kumpannija/organizzazzjoni:

*32.

L-ispiża tal-ivvjaġġar u tal-għajxien matul is-soġġorn tal-applikant hija koperta:

mill-applikant stess

Mezzi ta' sussistenza

Flus kontanti

Ċekkijiet tal-vjaġġaturi

Karta ta' kreditu

Akkomodazzjoni mħallsa minn qabel

Trasport imħallas minn qabel

Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

minn sponsor (ospitant, kumpannija, organizzazzjoni), jekk jogħġbok speċifika:

… ☐ imsemmi fil-parti 30 jew 31

… ☐ oħra (jekk jogħġbok speċifika):

Mezzi ta' sussistenza:

Flus kontanti

Akkomodazzjoni pprovduta

L-ispejjeż kollha koperti waqt is-soġġorn

Trasport imħallas minn qabel

Oħra (jekk jogħġbok speċifika):

 

Jien konxju/a li t-tariffa tal-viża ma tingħatax lura jekk il-viża tiġi miċħuda.

 

Applikabbli f'każ fejn issir applikazzjoni għal viża bi dħul multiplu:

Jien konxju/a mill-ħtieġa li jkolli assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata għall-ewwel soġġorn tiegħi u għal kwalunkwe żjara sussegwenti fit-territorju tal-Istati Membri.

 

Jien konxju/a u nagħti l-kunsens tiegħi għal dan li ġej: il-ġbir tad-data meħtieġa minn din il-formola tal-applikazzjoni u t-teħid tar-ritratt tiegħi u, jekk applikabbli, it-teħid tal-marki tas-swaba', huma obbligatorji għall-eżami tal-applikazzjoni; u kull data personali li tikkonċernani li tidher fil-formola tal-applikazzjoni, kif ukoll il-marki tas-swaba' tiegħi u r-ritratt tiegħi, jintbagħtu lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u jiġu pproċessati minn dawk l-awtoritajiet, bl-iskop li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħi.

Din id-data kif ukoll id-data li tikkonċerna d-deċiżjoni meħuda fl-applikazzjoni tiegħi jew deċiżjoni dwar jekk viża li tkun inħarġet tiġix annullata, revokata jew estiża ser jiddaħħlu, u jinħażnu fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għal perijodu massimu ta' ħames snin, li matulu jkunu aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-viża u l-awtoritajiet responsabbli mit-twettiq ta' verifiki tal-viżi fuq il-fruntieri esterni u fl-Istati Membri, għall-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u l-asil fl-Istati Membri biex jivverifikaw jekk il-kondizzjonijiet għal dħul, soġġorn u residenza legali fit-territorju tal-Istati Membri ntlaħqux, biex jiġu identifikati persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, biex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-asil u biex tiġi determinata r-responsabbiltà għal dan l-eżami. F'ċerti kondizzjonijiet, id-data ser tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u għall-Europol għall-iskop ta' prevenzjoni, kxif u investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra. L-awtorità tal-Istat Membru li hija responsabbli mill-ipproċessar tad-data hija: [(…)].

Jiena konxju li għandi d-dritt li, fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, inkun mgħarraf bid-data relatata miegħi li hija rreġistrata fil-VIS u bl-Istat Membru li ttrasmetta d-data, u li nitlob li data relatata miegħi li ma tkunx eżatta, tiġi kkoreġuta u li d-data relatata miegħi li tkun ġiet ipproċessata illegalment titħassar. Fuq talba espressa tiegħi, l-awtorità li teżamina l-applikazzjoni tiegħi ser tgħarrafni bil-mod li bih nista' neżerċita d-dritt tiegħi biex nivverifika d-data personali li tikkonċernani u nagħmel mezz biex nikkorreġiha jew inħassarha, inkluż ir-rimedji relatati skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorità superviżorja nazzjonali ta' dak l-Istat Membru [dettalji ta' kuntatt: …] ser tisma' pretensjonijiet rigward il-protezzjoni ta' data personali.

Niddikjara li sa fejn naf jien id-dettalji kollha mogħtija minni huma korretti u kompluti. Jiena konxju li kull dikjarazzjoni falza twassal biex l-applikazzjoni tiegħi tiġi miċħuda jew għall-annullament ta' viża li tkun diġà nħarġet u tista' wkoll tagħmilni suġġett għal prosekuzzjoni skont il-liġi tal-Istat Membru li jittratta l-applikazzjoni.

Nimpenja ruħi li nitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża, jekk tingħatali. Ġejt mgħarraf li l-pussess ta' viża huwa biss wieħed mill-prerekwiżiti għad-dħul fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Is-sempliċi fatt li ngħatatli viża ma jfissirx li jiena ser inkun intitolat għal kumpens jekk nonqos milli nikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 (il-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta' Schengen) u għalhekk niġi miċħud id-dħul. Il-prerekwiżiti għad-dħul jerġgħu jiġu vverifikati mad-dħul fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri.

 

Post u data:

Firma:

(firma tal-persuna bis-setgħa tal-ġenituri/il-kustodju legali, jekk applikabbli):

”.

(1)  Mhi meħtieġa ebda emblema għan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera.


ANNESS II

“ANNESS V

LISTA TA' PERMESSI TA' RESIDENZA LI JINTITOLAW LID-DETENTUR GĦAL TRANSITU MILL-AJRUPORTI TAL-ISTATI MEMBRI MINGĦAJR MA JKUN MEĦTIEĠ LI JKUN FIL-PUSSESS TA' VIŻA GĦAL TRANSITU FL-AJRUPORT

ANDORRA:

autorització temporal (permess ta' immigrazzjoni temporanju – aħdar),

autorització temporal per a treballadors d'empreses estrangeres (permess ta' immigrazzjoni temporanju għall-impjegati ta' intrapriżi barranin – aħdar),

autorització residència i treball (permess ta' residenza u tax-xogħol – aħdar),

autorització residència i treball del personal d'ensenyament (permess ta' residenza u tax-xogħol għal persunal li jgħallem – aħdar),

autorització temporal per estudis o per recerca (permess ta' immigrazzjoni temporanju għal studju jew riċerka – aħdar),

autorització temporal en pràctiques formatives (permess ta' immigrazzjoni temporanju għal apprendistati u taħriġ – aħdar),

autorització residència (permess ta' residenza – aħdar).

KANADA:

permanent resident (PR) card (kard ta' resident permanenti),

permanent Resident Travel Document (PRTD) (dokument tal-ivvjaġġar għal resident permanenti).

ĠAPPUN:

karta ta' residenza.

SAN MARINO:

permesso di soggiorno ordinario (validità ta' sena, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi),

permessi ta' residenza speċjali għar-raġunijiet li ġejjin (validità ta' sena, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi): attendenza ta' kors universitarju, sports, kura tas-saħħa, motivi reliġjużi, persuni li jaħdmu bħala infermiera fi sptarijiet pubbliċi, funzjonijiet diplomatiċi, koabitazzjoni, permess għal minorenni, motivi umanitarji, permess għall-ġenituri,

permessi tax-xogħol staġjonali u temporanji (validità ta' 11-il xahar, jista' jiġġedded dakinhar li jiskadi),

karta tal-identità maħruġa għal nies b'residenza uffiċjali f'San Marino (“residenza”) (validità ta' 5 snin).

STATI UNITI TAL-AMERKA:

viża ta' immigrant valida, mhux skaduta. tista' tkun ivvalidata fil-port tad-dħul għal sena bħala evidenza temporanja ta' residenza, filwaqt li l-kard I-551 tkun qiegħda fil-proċess li tkun prodotta,

formola I-551 valida, mhux skaduta (Kard ta' Resident Permanenti); tista' tkun valida sa sentejn (2) jew sa 10 snin – skont il-klassi tal-ammissjoni; jekk fuq il-kard ma jkunx hemm data tal-iskadenza, il-kard tkun valida għall-ivvjaġġar,

formola I-327 valida, mhux skaduta (Permess ta' Dħul mill-Ġdid),

formola I-571 valida, mhux skaduta (Dokument tal-Ivvjaġġar għal Refuġjat approvat bħala “Barrani Residenti Permanenti”).

”.

ANNESS III

“ANNESS VI

Image 3  (1)

FORMOLA STANDARD GĦAN-NOTIFIKA TAR-RAĠUNIJIET TA' ĊAĦDA, ANNULLAMENT JEW REVOKA TA' VIŻA

ĊAĦDA/ANNULLAMENT/REVOKA TA' VIŻA

Sinjura/Sur …,

L-ambaxxata/il-konsulat-ġenerali/il-konsulat/[awtorità kompetenti oħra] ta' … fi … [f'isem (isem l-Istat Membru rrappreżentat)];

[Awtorità kompetenti oħra] ta' …;

L-awtoritajiet responsabbli għal verifiki fuq persuni fi …

eżaminaw l-applikazzjoni tiegħek;

eżaminaw il-viża tiegħek, bin-numru: …, maħruġa: … [jum/xahar/sena].

Il-viża ġiet miċħuda

Il-viża ġiet annullata

Il-viża ġiet irrevokata

Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin:

1.

ġie ppreżentat dokument tal-ivvjaġġar falz/kontrafatt/iffalsifikat

2.

ma ngħatatx ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn intenzjonat

3.

ma tajtx prova ta' mezzi suffiċjenti ta' sussistenza, għat-tul tas-soġġorn intenzjonat jew għar-ritorn fil-pajjiż tal-oriġini jew ta' residenza, jew għat-transitu lejn pajjiż terz li fih inti ċert li ser titħalla tidħol

4.

ma tajtx prova li inti tinsab f'pożizzjoni li takkwista b'mod legali mezzi suffiċjenti ta' sussistenza, għat-tul tas-soġġorn intenzjonat jew għar-ritorn fil-pajjiż tal-oriġini jew ta' residenza, jew għat-transitu lejn pajjiż terz li fih inti ċert li ser titħalla tidħol

5.

diġà qgħadt għal 90 jum matul il-perijodu attwali ta' 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri abbażi ta' viża uniformi jew viża b'validità territorjali limitata

6.

inħareġ allert fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) biex jinċaħadlek id-dħul minn … (indikazzjoni tal-Istat Membru)

7.

Stat Membru jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna

8.

Stat Membru wieħed jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għas-saħħa pubblika kif definita fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

9.

Stat Membru wieħed jew aktar jikkunsidraw li inti ta' theddida għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom

10.

l-informazzjoni pprovduta rigward il-ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn intenzjonat ma kinitx affidabbli

11.

jeżistu dubji raġonevoli dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li saru rigward … (jekk jogħġbok speċifika)

12.

hemm dubji raġonevoli dwar l-affidabbiltà fir-rigward tal-awtentiċità tad-dokumenti ta' sostenn ippreżentati jew dwar il-verità tal-kontenut tagħhom

13.

hemm dubji raġonevoli dwar l-intenzjoni tiegħek li titlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża

14.

ma ngħatatx prova suffiċjenti li inti ma kontx f'pożizzjoni li tapplika għal viża minn qabel, li tiġġustifika l-applikazzjoni għal viża fuq il-fruntiera

15.

ma ngħatatx ġustifikazzjoni għall-iskop u l-kondizzjonijiet tat-transitu fl-ajruport intenzjonat

16

ma tajtx prova li għandek fil-pussess tiegħek assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida

17.

ir-revoka tal-viża ntalbet mid-detentur tal-viża (2).

Kummenti addizzjonali:

Inti tista' tappella kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda/annullament/revoka ta' viża.

Ir-regoli dwar l-appell kontra deċiżjonijiet ta' ċaħda/annullament/revoka ta' viża huma stipulati fi (referenza għal-liġi nazzjonali):

L-awtorità kompetenti li quddiema jista' jiġi ppreżentat appell (dettalji ta' kuntatt):

L-informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita tinsab hawn (dettalji ta' kuntatt):

Appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien (indikazzjoni tal-limitu ta' żmien):

Data u timbru tal-ambaxxata/konsulat-ġenerali/konsulat/ tal-awtoritajiet responsabbli mill-verifiki fuq il-persuni/ta' awtoritajiet kompetenti oħra:

Firma tal-persuna kkonċernata (3): …

”.

(1)  Mhi meħtieġa ebda emblema għan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera.

(2)  Revoka ta' viża bbażata fuq din ir-raġuni mhijiex soġġetta għad-dritt ta' appell.

(3)  Jekk meħtieġa mil-liġi nazzjonali.


ANNESS IV

“ANNESS X

LISTA TA' REKWIŻITI MINIMI LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI FL-ISTRUMENT LEGALI FIL-KAŻ TA' KOOPERAZZJONI MA' FORNITURI ESTERNI TAS-SERVIZZI

A.

L-istrument legali għandu:

(a)

jinnumera l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-fornitur estern tas-servizzi, f'konformità mal-Artikolu 43(6) ta' dan ir-Regolament;

(b)

jindika l-postijiet minn fejn ikun ser jopera l-fornitur estern tas-servizzi u l-konsulat li ċ-ċentru tal-applikazzjoni individwali jirreferi għalih;

(c)

jelenka s-servizzi koperti mit-tariffa għas-servizz obbligatorja;

(d)

jagħti struzzjonijiet lill-fornitur estern tas-servizzi biex jagħti informazzjoni ċara lill-pubbliku li servizzi fakultattivi oħra huma koperti minn tariffi oħra.

B.

Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, rigward il-protezzjoni tad-data:

(a)

jipprevjeni fil-ħinijiet kollha kwalunkwe qari, ikkupjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta' data, b'mod partikolari matul it-trasmissjoni tagħha lill-konsulat tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kompetenti għall-ipproċessar ta' applikazzjoni;

(b)

f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati, jittrasmetti d-data:

elettronikament, f'forma kriptata, jew

fiżikament, b'mod sikur;

(c)

jittrasmetti d-data mill-aktar fis possibbli:

fil-każ ta' data trasferita fiżikament, tal-inqas darba fil-ġimgħa,

fil-każ ta' data kriptata trasferita b'mod elettroniku, tal-inqas fi tmiem il-jum li fih tkun inġabret,

(d)

jiżgura li jkun hemm mezzi xierqa għall-intraċċar ta' fajls ta' applikazzjonijiet individwali lil u mill-konsulat;

(e)

iħassar id-data mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li din tkun ġiet trasmessa u jiżgura li jinżammu biss l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-applikant għall-iskopijiet tal-arranġamenti biex isir appuntament, kif ukoll in-numru tal-passaport, sakemm il-passaport jiġi rritornat lill-applikant u li dawn jitħassru ħamest ijiem wara dan;

(f)

jiżgura li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha tekniċi u organizzattivi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, jew telf, alterazzjoni, żvelar mhux awtorizzat jew aċċess aċċidentali, b'mod partikolari meta l-kooperazzjoni tkun tinvolvi t-trasmissjoni ta' fajls u data lill-konsulat tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati u kontra kull forma oħra illegali ta' pproċessar ta' data personali;

(g)

jipproċessa d-data biss għall-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data personali tal-applikanti f'isem l-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati;

(h)

japplika standards ta' protezzjoni tad-data li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/679;

(i)

jipprovdi lill-applikanti l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 37 tar-Regolament VIS.

C.

Rigward it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu, fir-rigward tal-imġiba tal-persunal:

(a)

jiżgura li l-persunal tiegħu jkun imħarreġ b'mod adatt;

(b)

jiżgura li l-persunal tiegħu, fit-twettiq tal-obbligi tiegħu:

jilqa' lill-applikant b'korteżija,

jirrispetta d-dinjità umana u l-integrità tal-applikanti, ma jiddiskriminax kontra persuni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, u

jirrispetta r-regoli ta' kunfidenzjalità; dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll ladarba l-membri tal-persunal ikunu telqu mix-xogħol tagħhom jew wara s-sospensjoni jew it-tmiem tal-istrument legali;

(c)

jipprovdi, f'kull ħin, identifikazzjoni tal-persunal li jaħdem għall-fornitur estern tas-servizzi;

(d)

jagħti prova li l-persunal tiegħu ma jkollux kondotta kriminali mtebba' u għandu l-għarfien espert meħtieġ.

D.

Rigward il-verifika tat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a)

jipprovdi aċċess għall-persunal intitolat mill-Istat jew Stati Membri kkonċernati għall-bini tiegħu fil-ħinijiet kollha mingħajr avviż preċedenti, b'mod partikolari għal skopijiet ta' spezzjoni;

(b)

jiżgura li jkun hemm il-possibbiltà ta' aċċess mill-bogħod għas-sistema tiegħu ta' appuntamenti għal skopijiet ta' spezzjoni;

(c)

jiżgura li jintużaw metodi ta' sorveljanza rilevanti (eż. eżami tal-applikanti; webcam);

(d)

jiżgura li jkun hemm aċċess, mill-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għall-prova tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż obbligi ta' rappurtar, awditi esterni u verifiki fuq il-post regolari;

(e)

jirrapporta bil-miktub lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati mingħajr dewmien kwalunkwe ksur ta' sigurtà jew kwalunkwe lment mill-applikanti dwar użu ħażin ta' data jew aċċess mhux awtorizzat, u jikkoordina mal-Istat jew Stati Membri kkonċernati biex tinstab soluzzjoni u jingħataw spjegazzjonijiet fil-pront lill-applikanti li jilmentaw.

E.

Rigward rekwiżiti ġenerali, il-fornitur estern tas-servizzi għandu:

(a)

jaġixxi skont l-istruzzjonijiet tal-Istat jew Stati Membri kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni;

(b)

jadotta miżuri adatti kontra l-korruzzjoni (eż remunerazzjoni adatta tal-persunal; kooperazzjoni fl-għażla ta' membri tal-persunal involuti fil-kompitu; regola ta' żewġ persuni; prinċipju ta' rotazzjoni);

(c)

jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-istrument legali, li għandu jkun fih klawsola ta' sospensjoni jew terminazzjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur tar-regoli stabbiliti, kif ukoll klawsola ta' reviżjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-istrument legali jirrifletti l-aħjar prattika.

”.

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/55


REGOLAMENT (UE) 2019/1156 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Approċċi regolatorji u superviżorji li jirrigwardaw id-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment alternattivi (“AIFs”), kif definit fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inklużi l-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (EuVECA), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEF), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIF), kif definit fir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif ukoll l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (“UCITS”), fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jirriżultaw fi frammentazzjoni u ostakli għall-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera u għall-aċċess tal-AIFs u l-UCITS, li min-naħa tagħhom jistgħu jwaqqfuhom milli jkunu kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn. UCITS tista' tiġi ġestita esternament jew internament, skont il-forma ġuridika tagħha. Kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament relatata ma' kumpaniji maniġerjali tal-UCITS jenħtieġ li tapplikakemm għal kumpanija, li n-negozju regolari tagħha huwa l-ġestjoni tal-UCITS u għal kwalunkwe UCITS li ma jkunx ħatar kumpanija maniġerjali tal-UCITS.

(2)

Sabiex jissaħħaħ il-qafas regolatorju applikabbli għall-impriżi ta' investiment kollettiv u biex jitħarsu aħjar l-investituri, il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u f'UCITS jenħtieġ li jkunu identifikabbli bħala tali, u jenħtieġ li jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew UCITS bl-istess mod prominenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri tkun ippreżentata b'mod ġust, ċar u mhux qarrieqi. Sabiex tiġi salvagwardjata l-protezzjoni tal-investitur u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-AIFs u l-UCITS, jenħtieġ li l-istandards għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni japplikaw għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-AIFS u għall-UCITS.

(3)

Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u UCITS jenħtieġ li jispeċifikaw fejn, kif u f'liema lingwa l-investituri jistgħu jiksbu informazzjoni fil-qosor dwar id-drittijiet tal-investitur u jenħtieġ li jiddikjaraw b'mod ċar li l-AIFM, il-maniġer tal-EuVECA, il-maniġer tal-EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS (flimkien, “maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv”), għandhom id-dritt li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni.

(4)

Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-protezzjoni tal-investitur u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jippubblikaw dawn it-testi fuq is-siti web tagħhom fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, inklużi s-sommarji mhux uffiċjali tagħhom li jippermettu lill-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jiksbu ħarsa ġenerali wiesgħa ta' dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi. Il-pubblikazzjoni jenħtieġ li tkun għal finijiet ta' informazzjoni biss u jenħtieġ li ma toħloqx obbligi legali. Għall-istess raġunijiet, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ESMA) jenħtieġ li toħloq bażi tad-data ċentrali li jkun fiha sommarji tar-rekwiżiti nazzjonali għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fis-siti web tal-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Sabiex jiġu promossi prattiki tajba ta' protezzjoni tal-investitur li jkunu minquxa fir-rekwiżiti nazzjonali għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ġusti u ċari, inklużi l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-ESMA jenħtieġ li toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jesiġu notifika minn qabel ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-iskop ta' verifika ex ante tal-konformità ta' dawk il-komunikazzjonijiet ma' dan ir-Regolament u rekwiżiti applikabbli oħra, bħal pereżempju jekk il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni humiex identifikabbli bħala tali, jekk jiddeskrivux ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet ta' UCITS, u fil-każijiet li fihom Stat Membru jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF b'mod ugwalment prominenti u jekk l-informazzjoni kollha fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni hijiex ippreżentata b'mod li jkun ġust, ċar u mhux qarrieqi. Dik il-verifika jenħtieġ li titwettaq f'perjodu ta' żmien limitat. Meta l-awtoritajiet kompetenti jesiġu notifika minn qabel, dan jenħtieġ li ma jwaqqafhomx milli jivverifikaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ex post.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirrapportaw lill-ESMA r-riżultati ta' dawk il-verifiki, it-talbiet għal emendi u kwalunkwe sanzjoni imposta fuq il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv. Bil-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, minn naħa waħda, u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-ESMA, kull tieni sena, tipprepara u tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar dawk ir-regoli u l-applikazzjoni prattika tagħhom abbażi ta' verifiki ex ante u ex post ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

(8)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-maniġers tal-impriża ta' investiment kollettiv u jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom rigward jekk għandhomx jinvolvu ruħhom fid-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment, huwa importanti li t-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta' attivitajiet transfruntiera jkunu proporzjonati għall-kompiti ta' superviżjoni mwettqa u żvelati pubblikament, u li, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, dawk it-tariffi u l-ħlasijiet ikunu ppubblikati fis-siti web tal-awtoritajiet kmopetanti. Għall-istess raġuni, il-hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-tariffi u l-ħlasijiet jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ESMA sabiex ikun hemm punt ċentrali għall-informazzjoni. Jenħtieġ li s-sit web tal-ESMA jinkludi wkoll għodda interattiva li tippermetti l-kalkoli indikattivi ta' dawk it-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti.

(9)

Biex jiġi żgurat l-irkupru aħjar tat-tariffi jew tal-ħlasijiet u biex jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċarezza tal-istruttura tat-tariffi u tal-ħlasijiet, meta tali tariffi jew ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jenħtieġ li jirċievu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li tistabbilixxi b'mod ċar l-ammont ta' tariffi jew ħlasijiet dovuti u l-metodu ta' pagament.

(10)

Peress li, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA jenħtieġ li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha, huwa xieraq u meħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-ESMA billi jitwessgħu l-bażijiet tad-data attwalment eżistenti tal-ESMA biex jinkludu bażi tad-data ċentrali li telenka l-AIFs u l-UCITS kollha li huma kkummerċjalizzati b'mod transfruntier, il-maniġers ta' dawk l-impriżi ta' investiment kollettiv u l-Istati Membri li fihom issir il-kummerċjalizzazzjoni. Għal dan il-għan, u sabiex l-ESMA tkun tista' żżomm il-bażi tad-data ċentrali aġġornata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibagħtu lill-ESMA informazzjoni dwar in-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni li jkunu rċevew skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward ta' attività ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe bidla li jenħtieġ li tiġi riflessa f'dik il-bażi tad-data. F'dak ir-rigward, l-ESMA jenħtieġ li tistabbilixxi portal ta' notifika li fih l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jtellgħu d-dokumenti kollha rigward id-distribuzzjoni transfruntiera tal-UCITS u l-AIFs.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013, jew fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013, minn naħa, u AIFs oħrajn, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li f'dawk ir-Regolamenti jiġu inklużi regoli dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li jkunu identiċi għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE dwar il-prekummerċjalizzazzjoni. Tali regoli jenħtieġ li jippermettu lill-maniġers irreġistrati skont dawk ir-Regolamenti sabiex jiffukaw fuq l-investituri billi jittestjaw il-ħajra tagħhom għal opportunitajiet jew strateġiji ta' investiment futuri permezz ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

(12)

B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ċerti kumpaniji u persuni msemmija fl-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament huma eżentati mill-obbligi skont dak ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2019. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha tirrevedih sal-31 ta' Diċembru 2018, sabiex tivvaluta, inter alia, jekk jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tranżizzjonali tiġi estiża, jew jekk, wara l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe aġġustament neċessarju, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur fid-Direttiva 2009/65/KE jiġu sostitwiti minn dokument bl-informazzjoni ewlenija jew jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għalih kif stabbilit f'dak ir-Regolament.

(13)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq ir-rieżami skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 kif previst oriġinarjament, l-iskadenza għal dak ir-rieżami jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jenħtieġ li jappoġġja l-proċess ta' rieżami tal-Kummissjoni billi jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-suġġett mal-partijiet interessati rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur u l-industrija.

(14)

Sabiex jiġi evitat li l-investituri jirċievu żewġ dokumenti differenti ta' żvelar minn qabel, jiġifieri dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur (KIID) kif meħtieġ mid-Direttiva 2009/65/KE u dokument bl-informazzjoni ewlenija (KID) kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, għall-istess impriża ta' investiment kollettiv filwaqt li jkunu qed jiġu adottati u implimentati l-atti leġiżlattivi li jirriżultaw mir-rieżami tal-Kummissjoni skont dak ir-Regolament, l-eżenzjoni tranżizzjonali mill-obbligi skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi estiża b'24 xahar. Mingħajr preġudizzju għal dik l-estensjoni, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet superviżorji kollha involuti jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jaġixxu malajr kemm jista' jkun biex jiffaċilitaw it-terminazzjoni ta' dik l-eżenzjoni tranżizzjonali.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji, żviluppati mill-ESMA, fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjoni u n-notifika mill-awtoritajiet kompetenti tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u s-sommarji tagħhom dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni applikabbli fit-territorji tagħhom, il-livelli ta' tariffi jew ħlasijiet imposti minnhom għal attivitajiet transfruntiera, u fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu rilevanti. Barra minn hekk, biex titjieb it-trażmissjoni lill-ESMA, jenħtieġ li l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni jiġu adottati wkoll fir-rigward tan-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera li huma meħtieġa mid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/EU u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal tan-notifika li se jiġi stabbilit mill-ESMA. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjnament tal-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(16)

Jeħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata kull tliet xhur lill-ESMA, sabiex il-bażijiet tad-data tal-impriżi ta' investiment kollettiv kollha u l-maniġers tagħhom jinżammu aġġornati.

(17)

Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jsir b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li jsiru skont ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(18)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet attribwiti lilhom f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha neċessarji.

(19)

Sat-2 ta' Awwissu 2024, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tas-suq u tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux id-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv.

(20)

Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar.

(21)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġu sinkronizzati d-dati tal-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta' dan ir-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni.

(22)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-effiċjenza tas-suq filwaqt li tiġi stabbilita l-unjoni tas-swieq kapitali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni għall-impriżi ta' investiment kollettiv u dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri, kif ukoll il-prinċipji komuni rigward tariffi u ħlasijiet imposti fuq il-maniġers ta' investiment kollettiv fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tagħhom, l-istabbiliment ta' bażi ta' data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi;

(b)

kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, inkluż kwalunkwe UCITS li ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali tal-UCITS;

(c)

maniġers ta' EuVECA; u

(d)

maniġers ta' EuSEF.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFs” tfisser AIFs kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, u tinkludi EuVECA, EuSEF u ELTIF;

(b)

“maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFMs” tfisser AIFMs kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE u awtorizzati f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva;

(c)

“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, irreġistrat skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament;

(d)

“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 u rreġistrat skont l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament;

(e)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew awtoritajiet kompetenti tal-EU AIF kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(f)

“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih l-AIFM, il-maniġer ta' EuVECA, il-maniġer ta' EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom;

(g)

“UCITS” tfisser UCITS awtorizzata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)

“kumpanija maniġerjali tal-UCITS” tfisser kumpanija maniġerjali kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE;

Artikolu 4

Rekwiżiti għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs u l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha indirizzati lill-investituri jkunu identifikabbli bħala tali u jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew unitajiet ta' UCITS b'mod ugwalment prominenti, u li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa.

2.   Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar xi UCITS ma jikkontradixxux jew inaqqsu s-sinifikat tal-informazzjoni li tkun fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE jew it-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 ta' dik id-Direttiva. Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha jindikaw li jeżisti prospett u li t-tagħrif ewlieni għall-investituri jkun disponibbli. Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu l-prospett u t-tagħrif ewlieni għall-investituri u għandhom jipprovdu hyperlinks jew indirizzi tas-sit web għal dawk id-dokumenti.

3.   Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu sommarju tad-drittijiet tal-investitur u għandhom jipprovdu hyperlink għal tali sommarju, li għandu jinkludi, kif xieraq, informazzjoni dwar aċċess għall-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali f'każ ta' tilwim.

Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandu jkun fihom ukoll informazzjoni ċara li l-maniġer jew il-kumpanija maniġerjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiddeċiedu li jtemmu l-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ta' investiment kollettivi tagħhom skont l-Artikolu 93a tad-Direttiva 2009/65/KE u l-Artikolu 32a tad-Direttiva 2011/61/UE.

4.   L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu jinkludu stedina għal xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar AIF ma jikkontradixxux l-informazzjoni li trid tiġi divulgata lill-investituri f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 jew mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013, jew inaqqsu s-sinifikat tagħha.

5.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-AIFs li jippubblikaw prospett skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew skont il-liġi nazzjonali, jew japplikaw regoli dwar il-format u l-kontenut tat-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE.

6.   Sat-2 ta' Awwissu 2021, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u wara dan taġġorna dawk il-linji gwida minn żmien għal żmien, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 5

Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom informazzjoni aġġornata u kompleta dwar il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali kollha applikabbli li jirregolaw ir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni għall-AIFs u l-UCITS, u s-sommarji tagħhom, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA il-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu mingħajr dewmien żejjed.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 6

Bażi tad-data ċentrali tal-ESMA dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni

Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika u żżomm fuq is-sit web tagħha bażi ta' data ċentrali li jkun fiha s-sommarji msemmija fl-Artikolu 5(1), u l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 7

Verifika ex ante tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Għall-fini uniku ta' verifika tal-konformità ma' dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom il-ħsieb li jużaw direttament jew indirettament fit-trattazzjonijiet tagħhom mal-investituri.

Ir-rekwiżit ta' notifika minn qabel imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel għall-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet ta' UCITS u ma għandux ikun parti mill-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikolu 93 tad-Direttiva 2009/65/KE.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu notifika minn qabel kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol wara li jaslu l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jinformaw lill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS dwar kwalunkwe talba biex din temenda l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha.

In-notifika minn qabel imsemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tkun meħtieġa fuq bażi sistematika jew skont kwalunkwe prattika oħra ta' verifika u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa superviżorja ulterjuri rigward il-verifika ex post tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti li jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jistabbilixxu, japplikaw, u jippubblikaw fis-siti web tagħhom, il-proċeduri għan-notifika minn qabel. Ir-regoli u l-proċeduri interni għandhom jiżguraw trattament trasparenti u nondiskriminatorju tal-UCITS kollha, irrispettivament mill-Istati Membri li fihom huma awtorizzati l-UCITS.

3.   Fejn l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF jikkummerċjalizzaw unitajiet jew ishma tal-AIFs tagħhom lill-investituri individwali, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dawk l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF.

Artikolu 8

Rapport tal-ESMA dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Sal-31 ta' Marzu 2021 u kull tieni sena wara dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta' talbiet għal emendi fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li saru abbażi ta' verifika ex ante, fejn applikabbli;

(b)

in-numru ta' talbiet għal emendi u deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' verifiki ex post, b'distinzjoni ċara tal-aktar ksur frekwenti, inklużi deskrizzjoni u n-natura ta' dak il-ksur;

(c)

deskrizzjoni tal-aktar ksur frekwenti tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4; u

(d)

eżempju wieħed ta' kull ksur imsemmi fil-punti (b) u (c).

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2021 u kull tieni sena wara dan, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jippreżenta ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) fl-Istati Membri kollha u li jkun fih analiżi tal-effetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni abbażi wkoll tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Prinċipji komuni rigward tariffi jew ħlasijiet

1.   Fejn it-tariffi jew il-ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' dmirijiethom fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera ta' AIFMs, maniġers tal-EuVECA, maniġers ta' EuSEFs u kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, tali tariffi jew ħlasijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispiża ġenerali relatata mal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tal-awtorità kompetenti.

2.   Fir-rigward tat-tariffi jew il-ħlasijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li jistipulaw b'mod ċar il-metodu ta' pagament u d-data li fiha huwa dovut il-pagament lill-indirizz imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew il-punt (i) tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/61/UE.

Artikolu 10

Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw tariffi u ħlasijiet

1.   Sat-2 ta' Frar 2020, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu informazzjoni aġġornata fis-siti web tagħhom li telenka t-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1), jew, fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu għal dawk it-tariffi jew ħlasjiet, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11

Pubblikazzjoni tal-ESMA dwar it-tariffi u l-ħlasijiet

1.   Sat-2 ta' Frar 2022 l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(2). Dawk il-hyperlinks għandhom jinżammu aġġornati.

2.   Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli fis-sit web tagħha għodda interattiva pubblikament aċċessibbli fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali li tipprovdi kalkolu indikattiv tat-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1). Dik l-għodda għandha tinżamm aġġornata.

Artikolu 12

Bażijiet tad-data ċentrali tal-ESMA dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-AIFs u l-UCITS

1.   Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha bażi tad-data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera ta' AIFs u UCITS, aċċessibbli għall-pubbliku b'lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, li telenka:

(a)

l-AIFs kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju, l-AIFM, il-maniġer tal-EuSEF jew il-maniġer tal-EuVECA tagħhom, u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati; u

(b)

il-UCITS kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tagħhom u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati.

Dik il-bażi tad-data ċentrali għandha tinżamm aġġornata.

2.   L-obbligi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 13 relatati mal-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi relatati mal-lista msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, mar-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-bażi ta' data ċentrali msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 u mal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013.

Artikolu 13

Standardizzazzjoni tan-notifiki lill-ESMA

1.   Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju għandhom jikkomunikaw lill-ESMA l-informazzjoni li hija neċessarja għall-ħolqien u ż-żamma tal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament rigward kwalunkwe notifika, ittra ta' notifika, jew informazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) u fl-Artikolu 93a(2) tad-Direttiva 2009/65/KE u fl-Artikolu 31(2), fl-Artikolu 32(2) u fl-Artikolu 32a(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u kwalunkwe bidla f'dik l-informazzjoni, jekk tali bidla tkun tirriżulta f'bidla fl-informazzjoni f'dawk il-bażijiet ta' data ċentrali.

2.   L-ESMA għandha tistabbilixxi portal ta' notifika li fih kull awtorità kompetenti għandha ttella' d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata, kif ukoll il-forom, il-mudelli u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-paragrafu 1, u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal ta' notifika msemmi fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u ta' investigazzjoni kollha li jkunu neċessarji għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, ir-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) 2015/760, inkluż dawk relatati ma' sanzjonijiet u miżuri oħra, għandhom ikunu eżerċitati fir-rigward tal-maniġers msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 345/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(o)

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, b'mod dirett jew indirett, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment mill-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, jew f'ismu, lill-investituri potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni sabiex jittestja l-interess tagħhom f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li għadu mhuwiex stabbilit, jew f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huwa stabbilit, iżda li għadu mhux innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 15, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali huma ddomiċiljati jew għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, u li fi kwalunkwe każ ma jammontax għal offerta jew pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvesti fl-unitajiet jew l-ishma ta' dak il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:

(a)

tkun suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jakkwistaw unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti partikolari;

(b)

tkun tammonta għal formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili kemm f'forma ta' abbozz kif ukoll f'forma finali; jew

(c)

tkun tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li għadu mhux stabbilit f'forma finali.

Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a)

ma jikkostitwixxux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti; u

(b)

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex titqies bħala affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

3.   Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 15.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 15.

4.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu.

5.   Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6.   Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq.

(*1)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”."

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 346/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(o)

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, b'mod dirett jew indirett, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jew f'ismu, lill-investituri potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni sabiex jittestja l-interess tagħhom f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għadu mhux stabbilit, jew f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa stabbilit, iżda li għadu mhux innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 16, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali huma ddomiċiljati jew għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, u li fi kwalunkwe każ ma jammontax għal offerta jew pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvesti fl-unitajiet jew l-ishma ta' dak il-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jista' jagħmel prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:

(a)

tkun suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jakkwistaw unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti partikolari;

(b)

tkun tammonta għal formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili kemm f'forma ta' abbozz kif ukoll f'forma finali; jew

(c)

tkun tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għadu mhux stabbilit f'forma finali.

Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a)

ma jikkostitwixxux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti; u

(b)

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex titqies bħala affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

3.   Il-maniġers ta' fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 16.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġers ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu bdew il-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 16.

4.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża-informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu.

5.   Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu.

6.   Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq.”.

(*3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”."

Artikolu 17

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1286/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 32(1), “sal-31 ta' Diċembru 2019” hija sostitwita b'“sal-31 ta' Diċembru 2021”;

(2)

l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, “Sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“Sal-31 ta' Diċembru 2019”;

(b)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, “sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“sal-31 ta' Diċembru 2019”;

(c)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, “Sal-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita b'“Sal-31 ta' Diċembru 2019”.

Artikolu 18

Evalwazzjoni

Sat-2 ta' Awwissu 2024 il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mal-ESMA u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha, inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar. Dak ir-rapport għandu jeżamina wkoll jekk il-portal ta' notifika stabbilit skont l-Artikolu 13(2) għandux jiġi żviluppat sabiex it-trasferimenti kollha ta' dokumenti bejn l-awtoritajiet kompetenti jsiru permezz tiegħu.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2019.

Madankollu, l-Artikolu 4(1) sa (5), l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 għandhom japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠUL 123, 19.5.2015, p. 98).

(7)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv (Ara l-paġna 106 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).


12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/67


REGOLAMENT (UE) 2019/1157 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jiżgura il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tal-Ewropa, billi jistabbilixxu spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi fuq kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta' moviment liberu, soġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipprevedi wkoll libertà ta' moviment u ta' residenza. Il-libertà ta' moviment tinvolvi d-dritt ta' ħruġ u ta' dħul fl-Istati Membri b'karta tal-identità jew passaport validu.

(3)

Skont id-Direttiva 2004/38/KE, l-Istati Membri jridu joħorġu u jġeddu l-karti tal-identità u l-passaporti liċ-ċittadini tagħhom f'konformità mal-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, dik id-Direttiva tipprevedi li Stati Membri jistgħu jirrikjedu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti. L-Istati Membri huma obbligati joħorġu ċertifikati ta' reġistrazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih. Skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri huma obbligati wkoll joħorġu karti ta' residenza lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u, mal-applikazzjoni, joħorġu dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti kif ukoll joħorġu karti ta' residenza permanenti.

(4)

Id-Direttiva 2004/38/KE jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kwalunkwe dritt konferit minn dik id-Direttiva f'każ ta' abbuż tad-drittijiet jew frodi. Il-falsifikazzjoni ta' dokumenti jew il-preżentazzjoni falza ta' fatt materjali li jikkonċerna l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta' residenza ġew identifikati bħala każijiet tipiċi ta' frodi skont dik id-Direttiva.

(5)

Jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta' sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri u l-permessi ta' residenza għal ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u l-membri tal-familja tagħhom. Dawk id-differenzi jżidu r-riskju ta' falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti u jwasslu wkoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. Statistiċi min-Netwerk Ewropew tal-Analiżi tar-Riskju tal-Frodi ta' Dokumenti juru li inċidenti ta' karti tal-identità frodulenti żdiedu mal-mogħdija taż-żmien.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Settembru 2016 bl-isem “It-titjib tas-sigurtà f'dinja ta' mobbiltà: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar”, il-Kummissjoni enfasizzat li dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità siguri huma kruċjali kull meta jkun meħtieġ li tiġi stabbilita mingħajr dubbju l-identità ta' persuna, u ħabbret li se tippreżenta pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Skont dik il-Komunikazzjoni, approċċ imtejjeb iserraħ fuq sistemi robusti sabiex jiġu evitati l-abbużi u theddid għas-sigurtà interna li jirriżultaw minn nuqqasijiet fis-sigurtà tad-dokumenti, b'mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera.

(7)

Skont il-Plan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tat-8 ta' Diċembru 2016 (il-Pjan ta' Azzjoni 2016), mill-inqas tliet kwarti tad-dokumenti frodulenti identifikati fil-fruntieri esterni, iżda wkoll fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, huwa maħsub li kienu nħarġu mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati ma' Schengen. Karti tal-identità nazzjonali inqas siguri maħruġa mill-Istati Membri huma l-aktar dokumenti foloz li jiġu identifikati frekwentement użati fl-ivvjaġġar ġoż-żona Schengen.

(8)

Sabiex jiskoraġġixxu l-frodi tal-identità, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni tad-dokumenti ta' identifikazzjoni u l-użu ta' tali dokumenti falsifikati jew kontrafatti jiġu penalizzati b'mod adegwat mil-liġi nazzjonali tagħhom.

(9)

Il-Pjan ta' Azzjoni 2016 indirizza r-riskju minn karti tal-identità u dokumenti ta' residenza frodulenti. Il-Kummissjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni 2016, u fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tagħha għall-2017 impenjat ruħha li jiġu analizzati l-għażliet politiċi biex tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità u tad-dokumenti ta' residenza.

(10)

Skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-2016, il-ħruġ ta' karti tal-identità awtentiċi u siguri jirrikjedi proċess ta' reġistrazzjoni tal-identità affidabbli u dokumenti “oriġinaturi” siguri biex isostnu l-proċess tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jaħdmu flimkien biex jagħmlu d-dokumenti “oriġinaturi” inqas vulnerabbli għall-frodi, minħabba ż-żieda fl-użu ta' dokumenti “oriġinaturi” foloz.

(11)

Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jintroduċu karti tal-identità jew dokumenti ta' residenza meta ma jkunux previsti mil-liġi nazzjonali, u lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu, taħt il-liġi nazzjonali, dokumenti ta' residenza oħra li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju karti ta' residenza maħruġa lir-residenti kollha fit-territorju tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

(12)

Dan ir-Regolament ma jżommx lill-Istati Membri milli jaċċettaw, b'mod mhux diskriminatorju, dokumenti li mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar għal skopijiet ta' identifikazzjoni, bħal liċenzji tas-sewqan.

(13)

Dokumenti ta' identifikazzjoni maħruġa lil ċittadini li d-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu ġew ristretti f'konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, u li espressament jindikaw li ma jistgħux jintużaw bħala dokumenti tal-ivvjaġġar, jenħtieġ li ma jitqisux bħala dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

Dokumenti tal-ivvjaġġar konformi mal-parti 5 tad-Dokument 9303 (is-seba' edizzjoni, 2015), tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna (“Dokument ICAO 9303”), li ma jservux skopijiet ta' identifikazzjoni fl-Istati Membri emittenti, bħall-karta tal-passaport maħruġa mill-Irlanda, jenħtieġ li ma jitqisux li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(15)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-użu, mill-Istati Membri, ta' karti tal-identità u dokumenti ta' residenza b'funzjoni eID għal skopijiet oħra, u lanqas ma jaffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jipprevedi rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni kollha ta' identifikazzjonijiet elettroniċi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi u li jgħin liċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, billi jirrikjedi rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika suġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Jenħtieġ li karti tal-identità mtejba jiżguraw identifikazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għal aċċess aħjar għas-servizzi.

(16)

Verifika xierqa tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza tirrikjedi li l-Istati Membri jużaw it-titolu korrett għal kull tip ta' dokument kopert b'dan ir-Regolament. Sabiex jiffaċilita l-iċċekkjar ta' dokumenti koperti b'dan ir-Regolament fl-Istati Membri l-oħra, jenħtieġ li t-titolu tad-dokument jidher ukoll f'mill-inqas lingwa uffiċjali addizzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Meta l-Istati Membri diġà jużaw, għall-karti tal-identità, denominazzjonijiet stabbiliti sew ħlief it-titolu “karta tal-identità”, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-ebda denominazzjoni ġdida ma tiġi introdotta fil-futur.

(17)

Karatteristiċi tas-sigurtà huma neċessarji biex jiġi vverifikat jekk dokument huwiex awtentiku u biex tiġi stabbilita l-identità ta' persuna. L-istabbiliment ta' standards minimi tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta' data bijometrika fil-karti tal-identità u l-karti ta' residenza ta' membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru huma passi importanti biex l-użu tagħhom fl-Unjoni jsir aktar sigur. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta' dawn l-identifikaturi bijometriċi tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu.

(18)

Il-ħżin ta' immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba' (“data bijometrika”) fuq il-karti ta' residenza u tal-identità, kif diġà previst fir-rigward tal-passaporti bijometriċi u l-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, jirrappreżenta taħlita xierqa ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni affidabbli b'riskju mnaqqas ta' frodi, bl-iskop li tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti ta' residenza u tal-identità.

(19)

Bħala prattika ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri, għall-verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, jivverifikaw primarjament l-immaġni tal-wiċċ u, meta jkun meħtieġ biex jikkonfermaw mingħajr dubju l-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur, l-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw ukoll il-marki tas-swaba'.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f'każijiet meta verifika ta' data bijometrika ma tikkonfermax l-awtentiċità tad-dokument jew l-identità tad-detentur tiegħu, kontroll manwali obbligatorju jitwettaq minn persunal ikkwalifikat.

(21)

Dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta' bażijiet ta' data fil-livell nazzjonali għall-ħżin ta' data bijometrika fl-Istati Membri, li hija kwistjoni ta' liġi nazzjonali li trid tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jipprevedix bażi ġuridika għall-istabbiliment jew iż-żamma ta' bażi ta' data ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni.

(22)

Identifikaturi bijometriċi jenħtieġ li jinġabru u jinħażnu fil-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza għall-finijiet ta' verifika tal-awtentiċità tad-dokument u l-identità tad-detentur. Tali verifika jenħtieġ li ssir biss minn persunal debitament awtorizzat u biss meta jkun hemm obbligu legali li d-dokument jiġi ppreżentat. Barra minn hekk, data bijometrika maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta' residenza jenħtieġ li jinżammu b'mod sigur ħafna u biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ tad-dokument. Wara dak il-perjodu, dik id-data bijometrika trid titħassar minnufih jew tinqered. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pproċessar ieħor ta' din id-data skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(23)

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO dwar dokumenti li jinqraw minn magna li jiżguraw interoperabbiltà globali inkluż b'rabta mal-qari tad-dokumenti minn magna u l-użu ta' spezzjoni viżiva.

(24)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jinkludux is-sess ta' persuna fuq dokument kopert minn dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jinkludi s-sess ta' persuna fuq tali dokument, jenħtieġ li jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO “F”, “M” jew “X”, kif ikun xieraq.

(25)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istandards tas-sigurtà futuri u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (5) jitqiesu kif xieraq, meta jkun xieraq, għall-karti tal-identità u karti ta' residenza. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (7). Meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jkun possibbli għall-atti ta' implimentazzjoni adottati li jibqgħu sigrieti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-istabbiliment ta' proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi u li tali proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal ikun kunsiderazzjoni primarja matul il-proċedura tal-ġbir. Għal dak il-għan, il-persunal kwalifikat jenħtieġ li jirċievi taħriġ xieraq dwar prattiki adatti għat-tfal għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi.

(27)

Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, jenħtieġ li jitqiesu kunsiderazzjonijiet speċifiċi relatati mal-ġeneru u mal-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli.

(28)

Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta' standards minimi ta' sigurtà u tal-format għall-karti tal-identità tippermetti li l-Istati Membri joqgħodu fuq l-awtentiċità ta' dawk id-dokumenti meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. L-introduzzjoni ta' standards tas-sigurtà msaħħa jenħtieġ li tipprovdi garanziji suffiċjenti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-entitajiet privati sabiex tippermettilhom isserrħu fuq l-awtentiċità tal-karti tal-identità meta jintużaw miċ-ċittadini tal-Unjoni għal finijiet ta' identifikazzjoni.

(29)

Sinjal ta' distinzjoni fil-forma tal-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra, jiffaċilita l-ispezzjoni viżiva tad-dokument, b'mod partikolari meta d-detentur ikun qiegħed jeżerċita d-dritt ta' moviment liberu.

(30)

Filwaqt li tinżamm l-għażla li jiġu previsti karatteristiċi nazzjonali addizzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk il-karatteristiċi ma jnaqqsux l-effiċjenza tal-karatteristiċi ta' sigurtà komuni, jew inkella jaffettwaw b'mod negattiv il-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità, bħall-kapaċità li l-karti tal-identità jinqraw minn magni li jintużaw minn Stati Membri li ma jkunux ħarġu l-karti tal-identità.

(31)

L-introduzzjoni ta' standards tas-sigurtà fil-karti tal-identità u fil-karti ta' residenza ta' membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jenħtieġ li ma tirriżultax f'żieda sproporzjonata fit-tariffi għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu dan il-prinċipju meta joħorġu sejħiet għall-offerti.

(32)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data bijometrika tidentifika b'mod korrett il-persuna li lilha tinħareġ karta tal-identità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi, b'mod partikolari l-immaġni tal-wiċċ, permezz ta' reġistrazzjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu karti tal-identità.

(33)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw ma' xulxin tali informazzjoni skont kif ikun meħtieġ għall-aċċess, l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-informazzjoni li tinsab fil-mezz ta' ħżin sigur. Il-formati użati għall-mezz ta' ħżin sigur jenħtieġ li jkunu interoperabbli, inkluż fir-rigward ta' punti awtomatizzati tal-qsim tal-fruntiera.

(34)

Id-Direttiva 2004/38/KE tindirizza s-sitwazzjoni meta ċittadini tal-Unjoni, jew membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa jridu jingħataw kull opportunità raġonevoli biex juru b'mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta' moviment liberu. Tali mezzi jistgħu jinkludu dokumenti ta' identifikazzjoni użati fuq bażi proviżorja u karti ta' residenza maħruġa lil tali membri tal-familja.

(35)

Dan ir-Regolament jirrispetta l-obbligi stabbiliti fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu mal-Kummissjoni biex jintegraw karatteristiċi addizzjonali li jrendu l-karti tal-identità aktar aċċessibbli u faċli biex jintużaw minn persuni b'diżabbiltà, bħal persuni b'vista batuta. L-Istati Membri jeħtiġilhom jesploraw l-użu ta' soluzzjonijiet, bħal apparati tar-reġistrazzjoni mobbli, għall-ħruġ ta' karti tal-identità lil persuni li ma jkunux kapaċi jżuru l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-karti tal-identità.

(36)

Jenħtieġ li dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu informazzjoni speċifika biex jiġi żgurat li huma jiġu identifikati bħala tali fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-użu tad-dritt ta' moviment liberu miċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, kif ukoll tad-drittijiet li huma inerenti għal dan l-użu, iżda jenħtieġ li l-armonizzazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq biex tiġi indirizzata d-dgħufija tad-dokumenti attwali. L-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-format li fih jinħarġu dawn id-dokumenti u jistgħu joħorġuhom f'format konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

(37)

Rigward id-dokumenti ta' residenza maħruġa lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, huwa xieraq li jintużaw l-istess format u karatteristiċi ta' sigurtà bħal dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Minbarra li jagħtu prova tad-dritt ta' residenza, dawk id-dokumenti jeżentaw ukoll lid-detenturi li inkella jkunu soġġetti għal obbligu ta' viża mir-rekwiżit li jiksbu viża, meta jkunu qed jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma' ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni.

(38)

Id-Direttiva 2004/38/KE tipprevedi li dokumenti li jinħarġu lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru jridu jissejħu “Karta ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni”. Sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tagħhom, karti ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni jenħtieġ li jġibu titolu u kodiċi standardizzati.

(39)

Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm ir-riskju għas-sigurtà kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri, karti tal-identità kif ukoll karti ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni bi standards tas-sigurtà insuffiċjenti jenħtieġ li jiġu eliminati gradwalment. B'mod ġenerali, jenħtieġ li perjodu ta' eliminazzjoni gradwali ta' għaxar snin għall-karti tal-identità u ħames snin għall-karti ta' residenza jkun biżżejjed biex jintlaħaq bilanċ bejn il-frekwenza li biha d-dokumenti normalment jiġu sostitwiti u l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza eżistenti fis-sigurtà fl-Unjoni. Madankollu, għal raġunijiet ta' sigurtà, għal karti li ma jkollhomx karatteristiċi importanti ta' sigurtà, jew li ma jkunux jinqraw minn magna, huwa meħtieġ perjodu ta' eliminazzjoni gradwali iqsar.

(40)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) japplika fir-rigward tad-data personali li trid tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar salvagwardji applikabbli għad-data personali proċessata, u b'mod partikolari għad-data sensittiva bħall-identifikaturi bijometriċi. Jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu konxji li fid-dokumenti tagħhom jeżisti mezz ta' ħżin li jkun fih id-data bijometrika tagħhom, inkluża l-aċċessibbiltà tiegħu mingħajr kuntatt kif ukoll l-istanzi kollha meta tintuża d-data maħżuna fil-karti tal-identità u fid-dokumenti ta' residenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza tagħhom u li jkollhom id-dritt li jirrettifikawhom permezz tal-ħruġ ta' dokument ġdid meta tali data tkun żbaljata jew mhux kompluta. Il-mezz ta' ħżin jenħtieġ li jkun sigur ħafna u li jipproteġi b'mod effettiv id-data personali maħżuna fuqu minn aċċess mhux awtorizzat.

(41)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ipproċessar xieraq tad-data bijometrika, mill-ġbir sal-integrazzjoni tad-data fil-mezz ta' ħżin sigur ħafna, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

(42)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jeżerċitaw attenzjoni partikolari meta jikkooperaw ma' fornitur estern tas-servizzi. Jenħtieġ li tali kooperazzjoni ma teskludi l-ebda responsabbiltà tal-Istati Membri li tinħoloq taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali għall-ksur ta' obbligi fir-rigward ta' data personali.

(43)

Huwa neċessarju li f'dan ir-Regolament tiġi speċifikata l-bażi għall-ġbir u l-ħżin tad-data fuq il-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza. F'konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali u b'osservanza tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħżnu data oħra fuq mezz ta' ħżin għal servizzi elettroniċi jew finijiet oħra relatati mal-karta tal-identità jew mad-dokument ta' residenza. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta' din id-data oħra, inkluż il-ġbir tagħha u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża, jiġi awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Id-data nazzjonali kollha għal tali finijiet jenħtieġ li tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija f'dan ir-Regolament u jenħtieġ li tiġi proċessata skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

(44)

Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Mid-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu biss dokumenti li jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(45)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament sentejn, u ħdax-il sena, rispettivament, wara d-data ta' applikazzjoni tiegħu, inkluż dwar ix-xerqien tal-livell ta' sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. F'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (10), jenħtieġ li l-Kummissjoni, sitt snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u kull sitt snin wara dan, twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' arranġamenti ta' monitoraġġ speċifiċi, sabiex tivvaluta l-effetti reali ta' dan ir-Regolament u l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ulterjuri. Għall-fini tal-monitoraġġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġbru statistika dwar l-għadd ta' karti tal-identità u dokumenti ta' residenza maħruġa minnhom.

(46)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sigurtà u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(47)

Ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta inkluż id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti, id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt għal rimedju effettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkonformaw mal-Karta meta jimplimentaw dan ir-Regolament.

(48)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali taw l-opinjoni tagħhom fl-10 ta' Awwissu 2018 (11) u fil-5 ta' Settembru 2018 (12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament isaħħaħ l-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE;

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dokumenti ta' identifikazzjoni maħruġa fuq bażi proviżorja b'perjodu ta' validità ta' inqas minn sitt xhur.

(b)

ċertifikati ta' reġistrazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38/KE liċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ospitanti għal aktar minn tliet xhur, u għal dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38/KE liċ-ċittadini tal-Unjoni malli japplikaw;

(c)

karti ta' residenza maħruġa f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru u karti ta' residenza permanenti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38/KE lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru,.

KAPITOLU II

KARTI TAL-IDENTITÀ NAZZJONALI

Artikolu 3

Standards tas-sigurtà/format/speċifikazzjonijiet

1.   Il-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri għandhom jiġu prodotti fil-format ID-1 u għandu jkollhom parti li tinqara minn magna (MRZ). Tali karti tal-identità għandhom ikunu bbażati fuq l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards minimi tas-sigurtà stipulati fid-Dokument 9303 tal-ICAO u għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (c), (d), (f) u (g) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

2.   L-elementi tad-data inklużi fuq il-karti tal-identità għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-parti 5 tad-Dokument 9303 tal-ICAO.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, in-numru tad-dokument jista' jiddaħħal fiż-żona I u l-indikazzjoni tas-sess ta' persuna għandha tkun fakultattiva.

3.   Id-dokument għandu jġib it-titolu (“Karta tal-identità”) jew deżinjazzjoni nazzjonali stabbilita sew oħra fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru emittenti u bil-kliem “Karta tal-Identità” f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

4.   Fuq in-naħa ta' quddiem, il-karta tal-identità għandu jkun fiha l-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ il-kard, stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi 12-il stilla safra.

5.   Il-karti tal-identità għandhom jinkludu mezz ta' ħżin sigur ħafna li għandu jkun fih data bijometrika li tikkonsisti esklużivament f'immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-karta u żewġ marki tas-swaba' f'formati diġitali interoperabbli. Għall-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif stabbiliti mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767 (13).

6.   Il-mezz ta' ħżin għandu jkollu biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data. Id-data maħżuna għandha tkun aċċessibbli f'forma mingħajr kuntatt u miżmuma sigura kif previst fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2018)7767. L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex jawtentikaw il-mezz ta' ħżin u biex jaċċedu għad-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5 u jivverifikawha.

7.   It-tfal ta' taħt it-12-il sena jistgħu ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

It-tfal ta' taħt is-6 snin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

Persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba' għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

8.   Meta jkun meħtieġ u proporzjonat għall-għan li jrid jintlaħaq, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu tali dettalji u osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tagħhom. L-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà u l-kompatibbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità ma għandhomx jitnaqqsu bħala riżultat.

9.   Meta l-Istati Membri jinkorporaw interfaċċa doppja jew mezz ta' ħżin separat fil-karta tal-identità, il-mezz ta' ħżin addizzjonali għandu jikkonforma mal-istandards tal-ISO rilevanti u ma għandux jinterferixxi mal-mezz ta' ħżin imsemmi fil-paragrafu 5.

10.   Meta l-Istati Membri jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, fil-karti tal-identità, tali data nazzjonali għandha tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 5.

11.   Meta l-Istati Membri jżidu karatteristiċi tas-sigurtà addizzjonali għall-karti tal-identità, il-kompatibbiltà transfruntiera ta' tali karti tal-identità u l-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà ma għandhomx jitnaqqsu bħala riżultat.

Artikolu 4

Perjodu ta' validità

1.   Il-karti tal-identità għandu jkollhom perjodu ta' validità minimu ta' ħames snin u perjodu ta' validità massimu ta' għaxar snin.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu ta' validità ta':

(a)

inqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità maħruġa lill-minorenni;

(b)

f'każijiet eċċezzjonali, inqas minn ħames snin, għall-karti tal-identità maħruġa lil persuni f'ċirkostanzi speċjali u limitati u meta l-perjodu ta' validità tagħhom ikun limitat f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(c)

aktar minn 10 snin, għall-karti tal-identità maħruġa lil persuni minn 70 sena 'l fuq.

3.   L-Istati Membri għandhom joħorġu karta tal-identità li jkollha validità ta' 12-il xahar jew inqas meta jkun temporanjament fiżikament impossibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba' ta' kwalunkwe saba' tal-applikant.

Artikolu 5

Eliminazzjoni gradwali

1.   Karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta' Awwissu 2031, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1:

(a)

karti tal-identità li ma jissodisfawx l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jkunux jinkludu parti funzjonali li tinqara minn magna (machine-readable zone, MRZ), kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta' Awwissu 2026, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel;

(b)

karti tal-identità ta' persuni minn 70 sena 'l fuq fit-2 ta' Awwissu 2021, li jissodisfaw l-istandards tas-sigurtà minimi stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO u li jkollhom parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ), kif definit fil-paragrafu 3, ma għandhomx jibqgħu validi meta jiskadu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ) għandha tfisser:

(a)

parti li tinqara minn magna konformi mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-ICAO; jew

(b)

kwalunkwe parti oħra li tinqara minn magna li għaliha l-Istat Membru emittenti jinnotifika r-regoli meħtieġa għall-qari u għall-wiri tal-informazzjoni li tinsab fiha, sakemm Stat Membru ma jinnotifikax lill-Kummissjoni, sat-2 ta' Awwissu 2021, dwar in-nuqqas ta' kapaċità tiegħu li jaqra u juri din l-informazzjoni.

Malli tirċievi n-notifika kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kunsill kif ikun xieraq.

KAPITOLU III

DOKUMENTI TA' RESIDENZA GĦAĊ-ĊITTADINI TAL-UNJONI

Artikolu 6

Informazzjoni minima li trid tiġi indikata

Dokumenti ta' residenza meta jkunu maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jindikaw mill-inqas dan li ġej:

(a)

it-titolu tad-dokument fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat u f'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(b)

ir-referenza ċara li d-dokument huwa maħruġ lil ċittadin tal-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE;

(c)

in-numru tad-dokument;

(d)

l-isem (il-kunjom u l-isem/ismijiet) tad-detentur;

(e)

id-data tat-twelid tad-detentur;

(f)

l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikati u d-dokumenti ta' reġistrazzjoni li jiċċertifikaw ir-residenza permanenti, maħruġa f'konformità mal-Artikoli 8 u 19 tad-Direttiva 2004/38/KE, rispettivament;

(g)

l-awtorità emittenti;

(h)

fuq quddiem, il-kodiċi tal-pajjiż b'żewġ ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument, stampat fin-negattiv f'rettangolu blu u mdawwar bi tnax-il stilla safra.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jieħu l-marki tas-swaba', għandu japplika l-Artikolu 3(7) kif ikun xieraq.

Il-persuni li għalihom it-teħid tal-marki tas-swaba' ikun fiżikament impossibbli għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

KAPITOLU IV

KARTI TA' RESIDENZA GĦAL MEMBRI TAL-FAMILJA LI MHUMIEX ĊITTADINI TA' STAT MEMBRU

Artikolu 7

Format uniformi

1.   Meta joħorġu karti ta' residenza lil membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess format stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954, u kif implimentat mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2018)7767.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, karta għandha ġġib it-titolu “Karta ta' Residenza” jew “Karta ta' residenza permanenti” . L-Istati Membri għandhom jindikaw li dawn id-dokumenti huma maħruġa lil membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kodiċi standardizzat “Membru tal-Familja UE Art 10 DIR 2004/38/KE” jew “Membru tal-Familja UE Art 20 DIR 2004/38/KE”, fil-kamp tad-data [10], kif imsemmi fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

3.   L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu data għall-użu nazzjonali f'konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jdaħħlu u jaħżnu tali data, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/1954.

Artikolu 8

Eliminazzjoni gradwali tal-karti ta' residenza eżistenti

1.   Karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta' Awwissu 2026, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-parti 2 tad-Dokument 9303 tal-ICAO jew li ma jinkludux parti funzjonali li tinqara minn magna (MRZ) konformi mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-ICAO, ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sat-3 ta' Awwissu 2023, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 9

Punt ta' kuntatt

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas awtorità ċentrali waħda bħala punt ta' kuntatt għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Meta Stat Membru jkun ħatar aktar minn awtorità ċentrali waħda, għandu jaħtar liema minn dawk l-awtoritajiet se tkun il-punt ta' kuntatt għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa għandu jikkomunika isem dik l-awtorità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Jekk Stat Membru jibdel l-awtorità maħtura tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta' kuntatt ikunu konxji mill-informazzjoni u s-servizzi ta' assistenza rilevanti fil-livell tal-Unjoni inklużi fil-Gateway Diġitali Unika stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u li jkunu jistgħu jikkooperaw ma' tali servizzi.

Artikolu 10

Ġbir ta' identifikaturi bijometriċi

1.   L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat maħtur mill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' karti tal-identità jew karti ta' residenza għall-fini li jiġu integrati fil-mezz ta' ħżin sigur ħafna previst fl-Artikolu 3(5) għall-karti tal-identità u fl-Artikolu 7(1) għall-karti ta' residenza. B'deroga mill-ewwel sentenza, il-marki tas-swaba' għandhom jinġabru biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat ta' dawk l-awtoritajiet, ħlief fil-każ ta' applikazzjonijiet sottomessi lill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istat Membru.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-identifikaturi bijometriċi mal-identità tal-applikant, l-applikant għandu jidher personalment mill-inqas darba matul il-proċess ta' ħruġ għal kull applikazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri xierqa u effettivi għall-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi u li dawk il-proċeduri jikkonformaw mad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Meta jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jirrispettaw id-dinjità tal-persuna kkonċernata.

3.   Barra meta jkun obbligatorju għall-fini ta' pproċessar f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-identifikaturi bijometriċi maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta' residenza għandhom jinżammu b'mod sigur ħafna u biss sad-data tal-ġbir tad-dokument u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-ħruġ ta' dak id-dokument. Wara dan il-perjodu, dawn l-identifikaturi bijometriċi għandhom jitħassru jew jinqerdu minnufih.

Artikolu 11

Protezzjoni ta' data personali u responsabbiltà

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data miġbura u maħżuna għall-fini ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-fini ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' karti tal-identità u ta' dokumenti ta' residenza għandhom jitqiesu bħala l-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 u għandu jkollhom ir-responsabbiltà għall-ipproċessar ta' data personali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ il-kompiti tagħhom kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2016/679, inkluż l-aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa kif ukoll aċċess għal kwalunkwe bini jew tagħmir ta' pproċessar tad-data tal-awtoritajiet kompetenti.

4.   Il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz esterni ma għandha teskludi l-ebda responsabbiltà min-naħa tal-Istat Membru li tista' tirriżulta taħt id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali dwar ksur ta' obbligi fir-rigward tad-data personali.

5.   Informazzjoni f'forma li tinqara minn magna għandha tiġi inkluża biss f'karta tal-identità jew dokument ta' residenza f'konformità ma' dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti.

6.   Id-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta' ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza għandha tintuża biss f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, mill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-aġenziji tal-Unjoni, għall-fini li jivverifikaw:

(a)

l-awtentiċità tal-karta tal-identità jew id-dokument ta' residenza;

(b)

l-identità tad-detentur permezz ta' karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta jkun obbligatorju bil-liġi li tintwera l-karta tal-identità jew jintwera d-dokument ta' residenza.

7.   L-Istati Membri għandhom iżommu, u jikkomunikaw annwalment lill-Kummissjoni, lista tal-awtoritajiet kompetenti b'aċċess għad-data bijometrika maħżuna fil-mezz ta' ħżin imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika online ġabra ta' tali listi nazzjonali.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Sat-2 ta' Awwissu 2020, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatt ta' dan ir-Regolament, inkluż l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali.

Il-programm ta' monitoraġġ għandu jistipula l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa, u l-intervalli li fihom se jsir dan. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta' evidenza oħra.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u evidenza oħra meħtieġa għal tali monitoraġġ.

Artikolu 13

Rapportar u evalwazzjoni

1.   Sentejn, u 11-il sena, rispettivament, wara d-data ta' applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-data personali.

2.   Sitt snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u kull sitt snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu b'mod partikolari jiffoka fuq:

(a)

l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali;

(b)

il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni;

(c)

l-effikaċja ta' verifika bijometrika fl-iżgurar tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(d)

użu possibbli ta' karti ta' residenza bħala dokumenti tal-ivvjaġġar;

(e)

possibbiltà ta' aktar armonizzazzjoni viżiva tal-karti tal-identità;

(f)

il-ħtieġa li jiġu introdotti karatteristiċi ta' sigurtà komuni ta' dokumenti ta' identifikazzjoni użati fuq bażi proviżorja fid-dawl tar-rikonoxximent aħjar tagħhom.

3.   L-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta' dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali

1.   Sabiex jiġi żgurat, meta jkun xieraq, li l-karti tal-identità u d-dokumenti ta' residenza msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 2 jikkonformaw ma' standards minimi tas-sigurtà futuri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali, relatati ma' dan li ġej:

(a)

karatteristiċi u rekwiżiti ta' sigurtà addizzjonali, inklużi standards imsaħħa kontra l-falsifikazzjoni u l-kontrafazzjoni;

(b)

speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezz ta' ħżin tal-karatteristiċi bijometriċi msemmija fl-Artikolu 3(5) u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat u l-faċilitazzjoni tal-validazzjoni;

(c)

rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għall-immaġni tal-wiċċ u l-marki tas-swaba'.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.   F'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) jista' jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F'tali każ, għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni biss tal-korpi maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni debitament awtorizzati minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-karti tal-identità, u korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni, u għandu jikkomunika l-ismijiet ta' dawn il-korpi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jibdlu tali korpi maħtura u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jiddeċiedu li jaħtru korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar kemm tal-karti tal-identità kif ukoll għall-istampar tal-karti ta' residenza ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni u għandhom jikkomunikaw l-isem ta' dan il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu ukoll jaħtru korp uniku għal dawk il-finijiet u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma joħroġx opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-2 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 78.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(8)  Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(11)  ĠU C 338, 21.9.2018, p. 22.

(12)  Għadha mhijiex ippubblikata.

(13)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018)7767 tat-30 ta' Novembru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-format uniformi għal permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiż terz u li tħassar id-Deċiżjoni C(2002)3069.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta' assistenza u ta' soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).


DIRETTIVI

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/79


DIRETTIVA (UE) 2019/1158 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (i) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-punt (i) tal-Artikolu 153(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddisponi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fil-post tax-xogħol.

(2)

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddisponi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. B'mod simili, l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jirrikjedi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(3)

L-Artikolu 33 tal-Karta jipprevedi d-dritt għall-protezzjoni kontra s-sensja għal raġuni konnessa mal-maternità u d-dritt għal liv tal-maternità mħallas u għal liv tal-ġenituri wara t-twelid jew wara l-adozzjoni ta' wild, għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u dik professjonali.

(4)

L-Unjoni rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Għaldaqstant, dik il-Konvenzjoni hija parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni, u l-atti legali tal-Unjoni, sa fejn ikun possibbli, iridu jiġu interpretati b'mod li jkun konsistenti mal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni tiddisponi, b'mod partikolari fl-Artikolu 7(1), li l-partijiet għaliha għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mit-tfal b'diżabilità fuq bażi ugwali ma' tfal oħra.

(5)

L-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni jiddisponi li ż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltajiet komuni għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal u li l-ġenituri għandhom l-obbligu bażiku li jħarsu l-aħjar interessi tat-tfal.

(6)

Il-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn l-irġiel u n-nisa, u l-eliminazzjoni tad-disparitajiet bejn is-sessi fil-qligħ u fil-paga. Tali politiki jenħtieġ li jqisu l-bidliet demografiċi inklużi l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

(7)

Fid-dawl tal-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil demografiku, flimkien mal-pressjoni li tirriżulta fuq in-nefqa pubblika f'xi Stati Membri, il-ħtieġa ta' indukrar informali mistennija tiżdied.

(8)

Fil-livell tal-Unjoni, diversi direttivi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diġà jindirizzaw uħud mill-kwistjonijiet li huma rilevanti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari d-Direttivi 2006/54/KE (4) u 2010/41/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 92/85/KEE (6), 97/81/KE (7) u 2010/18/UE (8).

(9)

Il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma affermati mill-ġdid fil-Prinċipji 2 u 9 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017.

(10)

Madankollu, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għadu sfida konsiderevoli għal ħafna ġenituri u ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta' indukrar, b'mod partikolari minħabba l-prevalenza li qed tiżdied ta' sigħat tax-xogħol estiżi u ta' skedi tax-xogħol li jinbidlu, li għandha impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa. Fattur kbir li jikkontribwixxi għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa d-diffikultà li jibbilanċjaw l-obbligi tax-xogħol u tal-familja. Meta jkollhom it-tfal, in-nisa x'aktarx li jaħdmu inqas sigħat f'impjieg bi ħlas u jqattgħu iktar ħin jaqdu responsabbiltajiet ta' indukrar mhux imħallsa. Intwera li sitwazzjoni li fiha n-nisa jkollhom qarib marid jew dipendenti jkollha impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa u twassal biex xi nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol għalkollox.

(11)

Il-qafas legali attwali tal-Unjoni jipprovdi inċentivi limitati għall-irġiel biex jassumu sehem indaqs tar-responsabbiltajiet ta' indukrar. In-nuqqas ta' liv imħallas tal-paternità u tal-ġenituri f'ħafna Stati Membri jikkontribwixxi biex il-missirijiet ma tantx jużaw il-liv tagħhom. L-iżbilanċ fit-tfassil tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bejn in-nisa u l-irġiel jirrinforza l-isterjotipi u d-differenzi bejn ix-xogħol u l-indukrar għas-sessi. Il-politiki dwar it-trattament ugwali jenħtieġ li jkunu mmirati biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-isterjotipi fl-impjiegi u r-rwoli tal-irġiel u tan-nisa, u s-sħab soċjali huma mħeġġa jaġixxu fir-rwol essenzjali tagħhom li jinfurmaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-impjegaturi u jissensibilizzawhom aktar dwar l-indirizzar tad-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, l-użu ta' arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mill-missirijiet, bħal-liv jew l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, intwera li għandu impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-ammont relattiv ta' xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u jagħti lil dawn iktar ħin għall-impjieg bi ħlas.

(12)

Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu li t-teħid indaqs ta' liv relatat mal-familja bejn l-irġiel u n-nisa jiddependi wkoll minn miżuri xierqa oħra, bħall-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal u ta' indukrar fit-tul aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd, li huma kruċjali sabiex ġenituri u persuni oħra li jkollhom responsabbiltajiet ta' indukrar ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, jibqgħu fih, jew jerġgħu lura għalih. It-tneħħija ta' diżinċentivi ekonomiċi tista' wkoll tinkoraġġixxi lil dawk bit-tieni sors ta' dħul, li l-biċċa kbira minnhom huma nisa, biex jieħdu sehem sħiħ fis-suq tax-xogħol.

(13)

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jikkooperaw ma' xulxin sabiex jiżviluppaw statistika komparabbli li tkun diżaggregata skont is-sessi.

(14)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-maniġment u lill-ħaddiema fi proċess b'żewġ stadji fir-rigward tal-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, f'konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE. Ma kienx hemm qbil fost is-sħab soċjali biex jinbdew negozjati fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet, anke fir-rigward tal-liv tal-ġenituri. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni f'dak il-qasam billi jiġi modernizzat u adattat il-qafas legali attwali, filwaqt li jittieħed f'kunsiderazzjoni kemm ir-riżultat ta' dawk il-konsultazzjonijiet, kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika mwettqa biex jinkisbu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u taċ-ċittadini.

(15)

Id-Direttiva 2010/18/UE tirregola l-liv tal-ġenituri billi timplimenta ftehim qafas konkluż bejn is-sħab soċjali. Din id-Direttiva tibni fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2010/18/UE u tikkomplementahom billi ssaħħaħ id-drittijiet eżistenti u billi tintroduċi drittijiet ġodda. Id-Direttiva 2010/18/UE jenħtieġ li tiġi mħassra u sostitwita b'din id-Direttiva.

(16)

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi relatati mal-liv tal-paternità, mal-liv tal-ġenituri u mal-liv tal-persuni li jindukraw, u mal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw. Billi tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja għal tali ġenituri u persuni li jindukraw, din id-Direttiva mistennija tikkontribwixxi għall-għanijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, tat-trattament ugwali fuq ix-xogħol u tal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg fl-Unjoni.

(17)

Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratti ta' impjieg jew relazzjonijiet ta' impjieg oħra, inklużi kuntratti li jirrelataw mal-impjieg jew relazzjonijiet tal-impjieg ta' ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal żmien fiss jew persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju, kif preċedentement previst mid-Direttiva 2010/18/UE. B'kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) rigward il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta' ħaddiem, hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kuntratti tal-impjieg u r-relazzjonijiet tal-impjieg.

(18)

L-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jiddefinixxu l-istat ċivili u l-istat tal-familja, kif ukoll li jistabbilixxu liema persuni għandhom jitqiesu bħala ġenitur, omm u missier.

(19)

Sabiex titħeġġeġ kondiviżjoni iktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tkun tista' tinħoloq rabta bikrija bejn il-missirijiet u l-ulied, jenħtieġ li jiġi introdott id-dritt għal-liv tal-paternità għall-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, għat-tieni ġenituri ekwivalenti. Tali liv tal-paternità jenħtieġ li jittieħed madwar iż-żmien tat-twelid tal-wild u jenħtieġ li jkun marbut b'mod ċar mat-twelid għall-finijiet ta' indukrar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu liv tal-paternità f'każ ta' tarbija li titwieled mejta. Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk jippermettux li parti mil-liv tal-paternità tingħata qabel it-twelid tal-wild jew li jirrikjedu li jittieħed kollu wara t-twelid, il-perjodu ta' żmien li fih irid jittieħed il-liv tal-paternità, u jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, jippermettux li l-liv tal-paternità jittieħed fuq bażi part-time, f'perjodi li jalternaw, bħal pereżempju għal għadd ta' jiem konsekuttivi ta' liv separati b'perjodi ta' xogħol, jew b'modi flessibbli oħra. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw jekk il-liv tal-paternità huwiex espress f'jiem ta' xogħol, f'ġimgħat jew f'unitajiet oħra ta' ħin, filwaqt li jitqies li għaxart ijiem ta' xogħol jikkorrispondu għal ġimagħtejn kalendarji. Biex jitqiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri, id-dritt għal-liv tal-paternità jenħtieġ li jingħata irrispettivament mill-istat ċivili jew l-istat tal-familja, kif definit mil-liġi nazzjonali.

(20)

Peress li l-biċċa l-kbira tal-missirijiet ma jużawx id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri, jew jittrasferixxu sehem konsiderevoli mill-intitolament għal-liv tagħhom lill-ommijiet, din id-Direttiva testendi minn xahar wieħed għal xahrejn il-perjodu minimu ta' liv tal-ġenituri li ma jistax jiġi ttrasferit minn ġenitur għall-ieħor sabiex tinkoraġġixxi lill-missirijiet jieħdu l-liv tal-ġenituri, filwaqt li żżomm id-dritt ta' kull ġenitur li jieħu mill-inqas erba' xhur ta' liv tal-ġenituri kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE. L-għan li jiġi żgurat li mill-inqas xahrejn liv tal-ġenituri jkunu disponibbli għal kull ġenitur b'mod esklussiv u li ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-ġenitur l-ieħor, huwa biex il-missirijiet jiġu mħeġġa jużaw id-dritt tagħhom għal tali liv. Jippromwovi u jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol wara li jkunu ħadu perjodu ta' liv tal-maternità u tal-ġenituri.

(21)

Perjodu minimu ta' erba' xhur liv tal-ġenituri huwa garantit taħt din id-Direttiva għall-ħaddiema li jkunu ġenituri. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu d-dritt għal-liv tal-ġenituri lill-ħaddiema kollha li jeżerċitaw responsabbiltajiet ta' ġenituri f'konformità mas-sistemi legali nazzjonali.

(22)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċifikaw il-perjodu ta' avviż formali li l-ħaddiem irid jagħti lill-impjegatur meta japplika għal-liv tal-ġenituri u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk id-dritt għal-liv tal-ġenituri jkunx soġġett għal ċertu perjodu ta' servizz. Fid-dawl tad-diversità dejjem ikbar tal-arranġamenti kuntrattwali, jenħtieġ li s-somma tal-kuntratti suċċessivi b'terminu fiss mal-istess impjegatur tiġi kkunsidrata għall-fini tal-kalkolu ta' tali perjodu ta' servizz. Biex jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema ma' dawk tal-impjegaturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll jekk jippermettux lill-impjegaturi jipposponu l-għoti ta' liv tal-ġenituri taħt ċerti ċirkostanzi, soġġett għar-rekwiżit li l-impjegaturi jenħtieġ li jagħtu raġunijiet għal tali posponiment bil-miktub.

(23)

Peress li l-flessibilità tagħmilha iktar probabbli li kull ġenitur, b'mod partikolari l-missirijiet, jieħu l-intitolament tiegħu għal-liv tal-ġenituri, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jitolbu li l-liv tal-ġenituri jingħata fuq bażi full-time jew part-time, f'perjodi li jalternaw, bħal pereżempju għal għadd ta' ġimgħat konsekuttivi ta' liv separati b'perjodi ta' xogħol jew b'modi flessibbli oħra. L-impjegatur jenħtieġ li jkun jista' jaċċetta jew jirrifjuta tali talba għal-liv tal-ġenituri b'modi oħra għajr fuq bażi full-time. L-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-arranġamenti dettaljati għal-liv tal-ġenituri għandhomx jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' ġenituri f'sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati.

(24)

Il-perjodu li fih il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu intitolati jieħdu l-liv tal-ġenituri jenħtieġ li jkun marbut mal-età tal-wild. Dik l-età jenħtieġ li tiġi stabbilita b'tali mod li jippermetti liż-żewġ ġenituri jeżerċitaw b'mod effikaċi l-intitolament sħiħ tagħhom għal-liv tal-ġenituri skont din id-Direttiva.

(25)

Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn għax-xogħol wara perjodu ta' liv tal-ġenituri, il-ħaddiema u l-impjegaturi huma mħeġġa jżommu kuntatt volontarju matul il-perjodu ta' liv u jistgħu jagħmlu arranġamenti għal kwalunkwe miżura xierqa biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fil-post tax-xogħol. Tali kuntatt u arranġamenti jenħtieġ li jiġu deċiżi bejn il-partijiet ikkonċernati, b'kunsiderazzjoni tal-liġi nazzjonali, ta' ftehimiet kollettivi jew ta' prassi. Jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar proċessi ta' promozzjoni u postijiet vakanti interni u li jkunu jistgħu jieħdu sehem f'tali proċessi u japplikaw għal tali postijiet vakanti.

(26)

Studji juru li l-Istati Membri li jipprovdu sehem sinifikanti tal-liv tal-ġenituri lill-missirijiet u li jħallsu lill-ħaddiem pagament jew allowance matul dak il-liv b'rata ta' sostituzzjoni relattivament għolja, jesperjenzaw rata ogħla ta' teħid tal-liv mill-missirijiet u xejra pożittiva fir-rata tal-impjieg tal-ommijiet. Huwa għalhekk xieraq li tali sistemi jitħallew ikomplu sakemm jissodisfaw ċerti kriterji minimi, minflok ma jingħataw il-pagament jew l-allowance għal-liv tal-paternità kif previst f'din id-Direttiva.

(27)

Sabiex l-irġiel u n-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar jingħataw opportunitajiet akbar biex jibqgħu fil-forza tax-xogħol, kull ħaddiem jenħtieġ li jkollu d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem tax-xogħol fis-sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali liv jista' jittieħed f'perjodi ta' jum wieħed jew aktar ta' xogħol għal kull każ. Sabiex jitqiesu s-sistemi nazzjonali diverġenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jallokaw il-liv tal-persuni li jindukraw abbażi ta' perjodu ta' referenza li ma jkunx sena, b'referenza għall-persuna li teħtieġ indukrar jew appoġġ, jew għal kull każ. Hija mbassra żieda kontinwa fil-bżonnijiet ta' indukrar, minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ u, konsegwentement, iż-żieda konkomitanti fil-prevalenza ta' kundizzjonijiet relatati mal-età. Iż-żieda fil-bżonnijiet ta' indukrar jenħtieġ li titqies mill-Istati Membri meta jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar l-indukrar, anke fir-rigward tal-liv għall-persuni li jindukraw. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu d-dritt għal-liv għall-persuni li jindukraw disponibbli fir-rigward ta' qraba addizzjonali, bħan-nanniet u l-aħwa. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċertifikazzjoni medika minn qabel tal-ħtieġa għal indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja.

(28)

Minbarra d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-ħaddiema kollha jżommu d-dritt tagħhom li jieħdu ħin liberu mix-xogħol mingħajr it-telf ta' drittijiet tal-impjieg li jkunu nkisbu jew li jkunu qed jinkisbu, minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti u mhux mistennija, kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri.

(29)

Biex jiżdiedu l-inċentivi għall-ħaddiema li huma ġenituri, u b'mod partikolari għall-irġiel, biex jieħdu l-perjodi ta' liv previsti f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-ħaddiema jingħataw id-dritt għal allowance adegwata matul il-liv.

(30)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu livell għall-pagament jew l-allowance fir-rigward tal-perjodu minimu ta' liv tal-paternità li jkun tal-inqas ekwivalenti għal-livell tal-paga nazzjonali għall-mard. Peress li l-għoti ta' drittijiet għal-liv tal-paternità u tal-maternità għandu għanijiet simili, jiġifieri l-ħolqien ta' rabta bejn il-ġenitur u l-wild, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu pagament jew allowance għal-liv tal-paternità li jkunu ugwali għall-pagament jew l-allowance mogħtija għal-liv tal-maternità fil-livell nazzjonali.

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-pagament jew l-allowance għall-perjodu minimu mhux trasferibbli ta' liv tal-ġenituri ggarantit minn din id-Direttiva f'livell adegwat. Meta jistabbilixxu l-livell tal-pagament jew tal-allowance mogħtija għall-perjodu minimu mhux trasferibbli ta' liv tal-ġenituri, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu li l-użu tal-liv tal-ġenituri spiss jirriżulta f'telf ta' dħul għall-familja u li l-ewwel sorsi ta' dħul f'familja jkunu jistgħu jużaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri biss jekk ikun rimunerat tajjeb biżżejjed, bil-għan li jkollhom standard ta' għajxien diċenti.

(32)

Għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk jipprovdux pagament jew allowance għal-liv tal-persuni li jindukraw, huma mħeġġa jintroduċu tali pagament jew allowance sabiex jiggarantixxu l-użu effettiv tad-dritt mill-persuni li jindukraw, b'mod partikolari mill-irġiel.

(33)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali skont ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (9) u (UE) Nru 1231/2010 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (11). L-Istat Membru kompetenti għas-sigurtà soċjali ta' ħaddiem huwa determinat minn dawk ir-Regolamenti.

(34)

Sabiex il-ħaddiema li huma ġenituri, u persuni li jindukraw, ikunu mħeġġa jibqgħu fil-forza tax-xogħol, jenħtieġ li tali ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom għall-ħtiġijiet u għall-preferenzi personali tagħhom. Għal dak il-għan, u b'enfasi fuq il-ħtiġijiet tal-ħaddiema, għandhom id-dritt jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli, bil-għan li jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż, meta jkun possibbli, bl-użu ta' arranġamenti ta' xogħol minn distanza, ta' skedi tax-xogħol flessibbli, jew tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, għall-finijiet ta' indukrar.

(35)

Sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-impjegaturi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jillimitaw id-durata tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, inkluż kwalunkwe tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol jew kwalunkwe arranġament ta' xogħol minn distanza. Filwaqt li ntwera li x-xogħol part-time huwa utli biex ċerti nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal jew jindukraw qraba bi bżonnijiet ta' indukrar jew appoġġ, perjodi twal ta' sigħat tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jwasslu għal inqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u għaldaqstant għal intitolamenti tal-pensjoni mnaqqsa jew ineżistenti.

(36)

Meta jqisu talbiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli, l-impjegaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu, inter alia, id-durata tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u r-riżorsi u l-kapaċità operazzjonali tal-impjegaturi biex joffru tali arranġamenti. L-impjegatur jenħtieġ li jkun jista' jiddeċiedi jekk jaċċettax jew jirrifjutax talba ta' ħaddiem għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jwasslu għall-bżonn ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli jistgħu jinbidlu. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħaddiema jkollhom id-dritt mhux biss li jirritornaw għall-iskeda tax-xogħol oriġinali tagħhom fi tmiem perjodu li jkun hemm ftehim reċiproku dwaru, iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu wkoll li jagħmlu dan aktar kmieni meta dan ikun meħtieġ abbażi ta' bidla fiċ-ċirkustanzi sottostanti.

(37)

Minkejja r-rekwiżit li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet tal-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għal-liv tal-ġenituri jenħtieġx li jiġu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri f'sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għal-liv tal-paternità, il-liv tal-persuni li jindukraw u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli jenħtieġx li jiġu adattati għal bżonnijiet partikolari, bħal dawk ta' ġenituri waħedhom, ġenituri adottivi, ġenituri b'diżabilità, ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew b'mard fit-tul, jew ġenituri f'ċirkustanzi partikolari, bħal dawk relatati ma' twelid multiplu u twelid prematur.

(38)

L-arranġamenti tal-liv huma maħsuba biex jappoġġaw lill-ħaddiema li huma ġenituri, u lil persuni li jindukraw, matul perjodu speċifiku ta' żmien, u huma maħsuba li jżommu u jippromwovu l-involviment kontinwu tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, xieraq li jiġu previsti dispożizzjonijiet espliċiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jieħdu t-tipi ta' liv koperti minn din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva tipproteġi d-dritt tal-ħaddiema li jirritornaw lura fl-istess post jew f'post ekwivalenti wara li jkunu ħadu tali liv u d-dritt li ma jkunu soġġetti għal ebda deterjorament fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-impjieg jew tar-relazzjoni tal-impjieg b'riżultat tat-teħid ta' tali liv. Jenħtieġ li l-ħaddiema jżommu l-intitolament tagħhom għad-drittijiet rilevanti li jkunu diġà miksuba, jew li jkunu fil-proċess li jinkisbu, sa tmiem it-tali liv.

(39)

Kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddefinixxu l-istat tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv tal-ġenituri. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-ħaddiem u l-impjegatur hija miżmuma matul il-perjodu tal-liv u, b'riżultat ta' dan, il-benefiċjarju tat-tali liv jibqa', matul dak il-perjodu, ħaddiem għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Meta jkunu qed jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg matul il-perjodu tat-tipi ta' liv koperti minn din id-Direttiva, inkluż fir-rigward tal-intitolament għas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm.

(40)

Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu l-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif previst f'din id-Direttiva jkunu protetti kontra diskriminazzjoni jew kontra kwalunkwe trattament inqas favorevoli għal dik ir-raġuni.

(41)

Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu l-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif previst f'din id-Direttiva jgawdu minn protezzjoni kontra s-sensja u kwalunkwe pass ta' tħejjija għal sensja possibbli minħabba r-raġunijiet li jkunu applikaw għal, jew ħadu, tali liv, jew li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu tali arranġamenti tax-xogħol flessibbli f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza tagħha fil-Kawża C-460/06 (12). Il-ħaddiema li jqisu li jkunu ngħataw is-sensja abbażi tal-fatt li jkunu eżerċitaw tali drittijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja. Meta ħaddiem ikun applika għal, jew ikun ħa, liv tal-paternità, liv tal-ġenituri jew liv tal-persuni li jindukraw kif imsemmi f'din id-Direttiva, l-impjegatur jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet għas-sensja bil-miktub.

(42)

L-oneru tal-prova li ma kienx hemm sensja minħabba li l-ħaddiema li applikaw għal, jew ħadu, liv tal-paternità, liv tal-ġenituri jew liv tal-persuni li jindukraw kif imsemmi f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkun fuq l-impjegatur meta ħaddiem ikun stabbilixxa, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li kapaċi jwasslu għal suppożizzjoni li l-ħaddiem ingħata s-sensja għal tali raġunijiet.

(43)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu diġà fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u li jirrigwardaw id-drittijiet li huma fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Tali penali jistgħu jinkludu penali amministrattivi u finanzjarji, bħal multi jew il-ħlas ta' kumpens, kif ukoll tipi oħra ta' penali.

(44)

L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs tirrikjedi l-protezzjoni ġudizzjarja adegwata tal-ħaddiema kontra trattament avvers jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment jew minn proċedimenti li jirrigwardaw id-drittijiet taħt din id-Direttiva. Huwa possibbli li l-vittmi jaqtgħu qalbhom milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba r-riskju ta' ritaljazzjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jkunu protetti kontra kwalunkwe trattament avvers meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f'din id-Direttiva. Tali protezzjoni hija partikolarment rilevanti fir-rigward tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

(45)

Bil-għan li jkompli jitjieb il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jkunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż il-kompitu li tingħata assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fit-tressiq tal-ilmenti tagħhom.

(46)

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema. Il-fatt li ġenitur wieħed jitħalla jittrasferixxi lill-ġenitur l-ieħor aktar minn xahrejn mill-erba' xhur ta' liv tal-ġenituri previsti f'din id-Direttiva ma jikkostitwix dispożizzjoni li hija aktar favorevoli għall-ħaddiem mid-dispożizzjonijiet minimi stabbiliti f'din id-Direttiva. Id-drittijiet li jkunu diġà nkisbu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkomplu japplikaw sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva la jenħtieġ li tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti fid-dritt tal-Unjoni, u lanqas jenħtieġ li tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema, fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

(47)

B'mod partikolari, jenħtieġ li xejn f'din id-Direttiva ma jiġi interpretat bħala li jnaqqas id-drittijiet previsti fid-Direttivi 2010/18/UE, 92/85/KEE u 2006/54/KE, inkluż l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54/KE.

(48)

L-intrapriżi mikro, żgħar u medji (SMEs) kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (13), li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-intrapriżi fl-Unjoni, jista' jkollhom riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani limitati. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw li jimponu rabtiet amministrattivi, finanzjarji jew ġuridiċi b'manjiera li tikkostitwixxi diżinċentiv għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs jew piż eċċessiv għall-impjegaturi. Għalhekk, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw bir-reqqa l-impatt tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom fuq l-SMEs sabiex jiżguraw it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha, li l-SMEs ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat mill-miżuri, b'enfasi partikolari fuq il-mikrointrapriżi, u li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv mhux meħtieġ. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu inċentivi, gwida u pariri lill-SMEs biex jgħinuhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva.

(49)

Kwalunkwe tip ta' ħin liberu mix-xogħol relatat mal-familja, b'mod partikolari l-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-persuni li jindukraw, disponibbli skont il-liġi jew il-ftehimiet kollettivi nazzjonali jenħtieġ li jitqies fl-issodisfar tar-rekwiżiti ta' wieħed jew aktar mit-tipi ta' liv previsti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 92/85/KEE, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi ta' dawk id-direttivi u li ma jitnaqqasx il-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minnhom. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jagħtu isem ġdid jew inkella jibdlu t-tipi differenti ta' liv relatat mal-familja mogħtija taħt il-liġi jew il-ftehimiet kollettivi nazzjonali u li jitqiesu għall-konformità ma' din id-Direttiva.

(50)

L-Istati Membri huma mħeġġa, f'konformità mal-prassi nazzjonali, jippromwovu djalogu soċjali mas-sħab soċjali bil-għan li jħeġġu r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, inkluż bil-promozzjoni ta' miżuri għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-post tax-xogħol, bl-istabbiliment ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, bl-għoti ta' taħriġ vokazzjonali, biż-żieda tas-sensibilizzazzjoni u bit-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jidħlu fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-fornituri ta' servizzi, sabiex jippromwovu politiki għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

(51)

Is-sħab soċjali jenħtieġ li jiġu mħeġġa jippromwovu s-sistemi ta' ċertifikazzjoni volontarji li jivvalutaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-post tax-xogħol.

(52)

Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u tat-trattament fil-post tax-xogħol madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fil-post tax-xogħol, bil-faċilitazzjoni tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw.

Għal dak il-fini, din id-Direttiva tipprevedi drittijiet individwali relatati ma' dawn:

(a)

liv tal-paternità, liv tal-ġenituri u liv tal-persuni li jindukraw;

(b)

arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema rġiel u nisa kollha li għandhom kuntratt tal-impjieg jew relazzjoni tal-impjieg, kif definiti mil-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi li jkunu fis-seħħ f'kull Stat Membru, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“liv tal-paternità” tfisser liv mix-xogħol għall-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, għat-tieni ġenituri ekwivalenti, fl-okkażjoni tat-twelid ta' wild għall-finijiet ta' indukrar;

(b)

“liv tal-ġenituri” tfisser liv mix-xogħol għall-ġenituri minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta' wild, għall-indukrar ta' dak il-wild;

(c)

“liv tal-persuni li jindukraw” tfisser liv mix-xogħol għall-ħaddiema sabiex jipprovdu indukrar jew appoġġ personali lil qarib, jew lil persuna li tgħix fl-istess dar bħall-ħaddiem, u li jeħtieġu indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja, kif definita minn kull Stat Membru;

(d)

“persuna li tindokra” tfisser ħaddiem li jipprovdi indukrar jew appoġġ lil qarib, jew lil persuna li tgħix fl-istess dar mal-ħaddiem, u li jeħtieġu indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja, kif definita minn kull Stat Membru;

(e)

“qarib” tfisser iben, bint, omm, missier, konjuġi jew, fejn tali sħubijiet ikunu rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, sieħeb/sieħba fi sħubija ċivili;

(f)

“arranġamenti tax-xogħol flessibbli” tfisser il-possibbiltà għal ħaddiema li jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż bl-użu ta' arranġamenti ta' xogħol minn distanza, ta' skedi tax-xogħol flessibbli, jew ta' sigħat tax-xogħol imnaqqsa.

2.   Ir-referenza għall-jiem tax-xogħol fl-Artikoli 4 u 6 għandha tinftiehem bħala referenza għall-iskeda tax-xogħol full-time, kif definita fl-Istat Membru kkonċernat.

L-intitolament għal-liv ta' ħaddiem jista' jiġi kkalkulat b'mod proporzjonali għall-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem, f'konformità mal-iskeda tax-xogħol speċifikata fil-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg tal-ħaddiem.

Artikolu 4

Liv tal-paternità

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, it-tieni ġenituri ekwivalenti, ikollhom id-dritt għal liv tal-paternità ta' għaxart ijiem tax-xogħol, li għandu jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid tal-wild tal-ħaddiem. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk jippermettux li l-liv tal-paternità jittieħed parzjalment qabel jew esklussivament wara t-twelid tal-wild u jekk jippermettux li tali liv jittieħed b'modi flessibbli.

2.   Id-dritt għal-liv tal-paternità ma għandux ikun soġġett għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul ta' żmien fis-servizz.

3.   Id-dritt għal-liv tal-paternità għandu jingħata irrispettivament mill-istat ċivili jew l-istat tal-familja tal-ħaddiem, kif definit mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Liv tal-ġenituri

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu dritt individwali għal liv tal-ġenituri ta' erba' xhur li jrid jittieħed qabel ma l-wild jilħaq età speċifikata, sal-età ta' tmien snin, li għandha tiġi speċifikata minn kull Stat Membru jew permezz ta' ftehim kollettiv. Dik l-età għandha tiġi ddeterminata bil-għan li jkun żgurat li kull ġenitur jista' jeżerċita d-dritt tiegħu għal-liv tal-ġenituri b'mod effikaċi u fuq bażi ugwali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xahrejn mil-liv tal-ġenituri ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu ta' avviż raġonevoli li għandu jingħata mill-ħaddiema lill-impjegaturi meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba tal-ħaddiem għal-liv tal-ġenituri tispeċifika l-bidu u tmiem maħsuba tal-perjodu tal-liv.

4.   L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul ta' żmien fis-servizz, li ma għandhomx ikunu itwal minn sena. Fil-każ ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (14), mal-istess impjegatur, it-total ta' dawk il-kuntratti għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni għall-fini tal-kalkolu tal-perjodu kwalifikattiv.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi li fihom impjegatur, wara konsultazzjoni f'konformità mal-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, jitħalla jipposponi l-għoti tal-liv tal-ġenituri għal perjodu ta' żmien raġonevoli minħabba l-fatt li t-teħid tal-liv tal-ġenituri fiż-żmien mitlub ixekkel serjament il-funzjonament tajjeb tal-impjegatur. L-impjegaturi għandhom jagħtu raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe tali posponiment tal-liv tal-ġenituri.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jitolbu li jieħdu l-liv tal-ġenituri b'modi flessibbli. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħhom. L-impjegatur għandu jikkunsidra u jwieġeb għal tali talbiet, b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-ħaddiem. L-impjegatur għandu jagħti raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe rifjut li jaċċetta tali talba f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara t-talba.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li meta jikkunsidraw talbiet għal liv tal-ġenituri full-time, l-impjegaturi għandhom, qabel kwalunkwe posponiment f'konformità mal-paragrafu 5, sa fejn ikun possibbli, joffru modi flessibbli biex jittieħed il-liv tal-ġenituri skont il-paragrafu 6.

8.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li l-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-liv tal-ġenituri jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-ġenituri adottivi, tal-ġenituri b'diżabilità u tal-ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew b'marda fit-tul.

Artikolu 6

Liv tal-persuni li jindukraw

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem tax-xogħol fis-sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw dettalji addizzjonali rigward l-ambitu u l-kundizzjonijiet tal-liv tal-persuni li jindukraw f'konformità mal-liġi jew il-prassi nazzjonali. L-użu ta' dak id-dritt jista' jkun soġġett għal sostanzjar xieraq, f'konformità mal-liġi jew il-prassi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jallokaw il-liv tal-persuni li jindukraw fuq il-bażi ta' perjodu ta' referenza li ma jkunx sena, għal kull persuna li jkollha bżonn l-indukrar jew l-appoġġ, jew għal kull każ.

Artikolu 7

Ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu d-dritt għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti fil-każ ta' mard jew inċident li jagħmlu l-preżenza immedjata tal-ħaddiem indispensabbli. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta' kull ħaddiem għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal ċertu ammont ta' żmien kull sena jew għal kull każ, jew it-tnejn.

Artikolu 8

Pagament jew allowance

1.   F'konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, bħal-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, u b'kunsiderazzjoni tas-setgħat delegati lis-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv previst fl-Artikolu 4(1) jew fl-Artikolu 5(2) jirċievu pagament jew allowance f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fir-rigward tal-liv tal-paternità kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), tali pagament jew allowance għandu jiggarantixxi dħul tal-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiem ikkonċernat jirċievi f'każ ta' interruzzjoni tal-attivitajiet tal-ħaddiem għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tal-ħaddiem, soġġett għal kwalunkwe limitu massimu stabbilit fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal pagament jew allowance għal perjodi ta' impjieg preċedenti, li ma għandhomx jaqbżu sitt xhur immedjatament qabel id-data mistennija tat-twelid tal-wild.

3.   Fir-rigward tal-liv tal-ġenituri kif imsemmi fl-Artikolu 6(2), tali pagament jew allowance għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru jew mis-sħab soċjali u għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li jiffaċilita t-teħid tal-liv tal-ġenituri miż-żewġ ġenituri.

Artikolu 9

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema li jkollhom tfal sa età speċifikata, li għandha tkun ta' mill-inqas tmien snin, u l-persuni li jindukraw, ikollhom id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-finijiet ta' indukrar. Id-durata ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħal dawn tista' tkun soġġetta għal limitazzjoni raġonevoli.

2.   L-impjegaturi għandhom jikkunsidraw u jwieġbu t-talbiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1 f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema. L-impjegaturi għandhom jagħtu raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' tali talba jew għal kwalunkwe posponiment ta' tali arranġamenti.

3.   Meta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu limitati fid-durata tagħhom, il-ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali fi tmiem il-perjodu miftiehem. Il-ħaddiem għandu jkollu wkoll id-dritt li jitlob li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali qabel tmiem il-perjodu miftiehem meta dan ikun iġġustifikat abbażi ta' bidla fiċ-ċirkustanzi. L-impjegatur għandu jikkunsidra u jwieġeb talba għal ritorn bikri għall-iskeda tax-xogħol oriġinali, b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-ħaddiem.

4.   L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal talba għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul tas-servizz, li ma għandhomx jaqbżu sitt xhur. Fil-każ ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE mal-istess impjegatur, it-total ta' dawk il-kuntratti għandu jitqies għall-fini tal-kalkolu tal-perjodu li jikkwalifika.

Artikolu 10

Drittijiet tax-xogħol

1.   Id-drittijiet li jkunu nkisbu jew li jkunu fil-proċess li jinkisbu mill-ħaddiema fid-data li fiha jibda l-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jew il-ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7 għandhom jinżammu sa tmiem it-tali liv jew il-ħin liberu mix-xogħol. Fit-tmiem tat-tali liv jew tal-ħin liberu mix-xogħol, dawk id-drittijiet, inkluż kwalunkwe tibdil li jirriżulta mil-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, għandhom japplikaw.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem il-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, il-ħaddiema jkunu intitolati jirritornaw għall-karigi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b'termini u b'kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu jkunu intitolati għalihom li kieku ma ħadux il-liv.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew għall-ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7, inkluż fir-rigward tal-intitolamenti għas-sigurtà soċjali, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, filwaqt li jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm matul dak il-perjodu.

Artikolu 11

Diskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jew ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7, jew minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9.

Artikolu 12

Protezzjoni kontra s-sensja u l-oneru tal-prova

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu s-sensja u l-preparamenti kollha għas-sensja tal-ħaddiema, minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew minħabba li eżerċitaw id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9.

2.   Il-ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja minħabba li applikaw għal, jew ħadu liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew għaliex eżerċitaw id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmi fl-Artikolu 9, jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja tagħhom. Fir-rigward tas-sensja ta' ħaddiem li applika għal, jew ħa, liv previst fl-Artikoli 4, 5 jew 6, l-impjegatur għandu jipprovdi raġunijiet għas-sensja bil-miktub.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta l-ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista' jiġi preżunt li ngħataw is-sensja għal tali raġunijiet, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-impjegatur li jipprova li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet oħra.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw il-paragrafu 3 għall-proċedimenti li fihom tkun ir-responsabbiltà tal-qorti jew tal-korp kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm l-Istati Membri ma jiddisponux mod ieħor.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, jew tad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi avversi

L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiema, inkluż ħaddiema li jkunu rappreżentanti tal-impjegati, kontra kwalunkwe trattament avvers mill-impjegatur jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment ippreżentat fl-intrapriża jew kwalunkwe proċediment legali għall-fini tal-infurzar tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 15

Korpi tal-ugwaljanza

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-ispettorati tax-xogħol jew ta' korpi oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi s-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp jew il-korpi maħturin, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE, għall-promozzjoni, għall-analiżi, għall-monitoraġġ u għall-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ikunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 16

Livell ta' protezzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġunijiet biex jiġi ġġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Il-projbizzjoni ta' tali tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali li jistabbilixxu, fid-dawl ta' ċirkustanzi li jinbidlu, arranġamenti leġiżlattivi, regolatorji jew kuntrattwali għajr dawk fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2019, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 17

Disseminazzjoni ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ relatati mas-suġġett kif stabbilit fl-Artikolu 1, jinġiebu għall-attenzjoni tal-ħaddiema u l-impjegaturi, inklużi l-impjegaturi li jkunu SMEs, bil-mezzi kollha adatti fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 18

Rapportar u rieżami

1.   Sat-2 ta' Awwissu 2027, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li tkun neċessarja għall-Kummissjoni biex tfassal rapport. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi data aggregata disponibbli dwar it-teħid ta' tipi differenti ta' liv u arranġamenti tax-xogħol flessibbli, minn irġiel u nisa skont din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat ukoll bi:

(a)

studju tal-interazzjoni bejn it-tipi differenti ta' liv previsti f'din id-Direttiva kif ukoll tipi oħra ta' liv relatat mal-familja, bħal-liv tal-adozzjoni; u

(b)

studju tad-drittijiet għal liv relatat mal-familja li jingħataw lil persuni li jaħdmu għal rashom.

Artikolu 19

Tħassir

1.   Id-Direttiva 2010/18/UE hija mħassra b'effett mit-2 ta' Awwissu 2022. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.

2.   Minkejja t-tħassir tad-Direttiva 2010/18/UE skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe perjodu jew perjodu kumulattiv separat ta' liv tal-ġenituri meħud jew ittrasferit minn ħaddiem skont dik id-Direttiva qabel it-2 ta' Awwissu 2022 jista' jitnaqqas mill-intitolament għal-liv tal-ġenituri ta' dak il-ħaddiem skont l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2022. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-pagament jew l-allowance li jikkorrispondu għall-aħħar ġimagħtejn ta' liv tal-ġenituri kif previst fl-Artikolu 8(3), l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2024. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

5.   Ir-regoli dettaljati u l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi, sakemm ikunu rispettati r-rekwiżiti minimi u l-objettivi ta' din id-Direttiva.

6.   Għall-finijiet ta' konformità mal-Artikoli 4, 5, 6 u 8 ta' din id-Direttiva u mad-Direttiva 92/85/KEE, l-Istati Membri jistgħu jqisu kwalunkwe perjodu ta', u l-pagament jew l-allowance fir-rigward ta', il-ħin liberu mix-xogħol relatat mal-familja, b'mod partikolari l-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-persuni li jindukraw, disponibbli fil-livell nazzjonali li jkun aktar mill-istandards minimi previsti f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 92/85/KEE, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi għal tali liv u li ma jonqosx il-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minn dawk id-Direttivi.

7.   Fejn l-Istati Membri jiżguraw pagament jew allowance ta' mill-inqas 65 % tal-paga netta tal-ħaddiem, li jistgħu jkunu soġġetti għal limitu massimu, għal mill-inqas sitt xhur ta' liv tal-ġenituri għal kull ġenitur, jistgħu jiddeċiedu li jżommu tali sistema pjuttost milli jipprevedu l-pagament jew l-allowance msemmija fl-Artikolu 8(2).

8.   L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li r-riżultati din id-Direttiva trid tikseb ikunu ggarantiti f'kull mument.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44.

(2)  ĠU C 164, 8.5.2018, p. 62.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019.

(4)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(5)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal-14 ta' Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1).

(12)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Ottubru 2007, Nadine Paquay vs Société d'architectes Hoet + Minne SPRL, C-460/06, ECLI:EU:C:2007:601.

(13)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).


ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 2010/18/UE

Din id-Direttiva

Klawżola 1(1)

Artikolu 1

Klawżola 1(2)

Artikolu 2

Klawżola 1(3)

Artikolu 2

Klawżola 2(1)

Artikolu 5(1)

Klawżola 2(2)

Artikolu 5(1) u (2)

Klawżola 3(1)(a)

Artikolu 5(6)

Klawżola 3(1)(b)

Artikolu 5(4)

Klawżola 3(1)(c)

Artikolu 5(5)

Klawżola 3(1)(d)

Klawżola 3(2)

Artikolu 5(3)

Klawżola 3(3)

Artikolu 5(8)

Klawżola 4(1)

Artikolu 5(8)

Klawżola 5(1)

Artikolu 10(2)

Klawżola 5(2)

Artikolu 10(1)

Klawżola 5(3)

Artikolu 10(3)

Klawżola 5(4)

Artikolu 11

Klawżola 5(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(3)

Klawżola 5(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(3)

Klawżola 6(1)

Artikolu 9

Klawżola 6(2)

Premessa 25

Klawżola 7(1)

Artikolu 7

Klawżola 7(2)

Artikolu 7

Klawżola 8(1)

Artikolu 16(1)

Klawżola 8(2)

Artikolu 16(2)

Klawżola 8(3)

Klawżola 8(4)

Klawżola 8(5)

Klawżola 8(6)

Klawżola 8(7)


12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/94


DIRETTIVA (UE) 2019/1159 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex jinżamm, u bl-għan li jittejjeb, il-livell għoli ta' sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar, huwa essenzjali li jinżamm u possibbilment li jittejjeb il-livell tal-għarfien u tal-ħiliet tal-baħħara tal-Unjoni bl-iżvilupp tat-taħriġ marittimu u taċ-ċertifikazzjoni f'konformità mar-regoli internazzjonali u l-progress teknoloġiku, kif ukoll li tittieħed azzjoni ulterjuri biex tissaħħaħ il-bażi tal-ħiliet marittimi Ewropej.

(2)

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara huma regolati fuq livell internazzjonali mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tal-1978, kif emendata (il-“Konvenzjoni STCW”), li l-aħħar li ġiet suġġetta għal reviżjoni kbira kien fl-2010. Fl-2015 ġew adottati emendi għall-Konvenzjoni STCW dwar ir-rekwiżiti ta' taħriġ u ta' kwalifika għall-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi Internazzjonali ta' Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx (il-“Kodiċi tal-IGF”). Fl-2016, ġew adottati emendi għall-Konvenzjoni STCW fir-rigward tat-taħriġ u tal-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari.

(3)

Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tinkorpora l-Konvenzjoni STCW fil-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjoni STCW u għalhekk trid tinkiseb implimentazzjoni armonizzata tal-impenji internazzjonali tagħhom permezz tal-allinjament mal-Konvenzjoni STCW tar-regoli tal-Unjoni dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. Għalhekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu l-aħħar emendi fil-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u l-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-IGF, fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari.

(4)

Il-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara, kif adattat permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet STCW, fil-verżjoni aġġornata tiegħu (“Il-Kodiċi STCW”) diġà fih gwida dwar il-prevenzjoni tal-għeja (Taqsima B-VIII/1) kif ukoll dwar l-idoneità għax-xogħol (Taqsima A-VIII/1). Fl-interess tas-sikurezza, huwa imperattiv li r-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/106/KE jiġu infurzati u segwiti mingħajr eċċezzjoni u li jittieħed kont debitu ta' dik il-gwida.

(5)

Wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport fil-qasam tat-trasport marittimu huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-baħħara fi ħdan l-Unjoni. Dan il-moviment jikkontribwixxi, fost affarijiet oħra, sabiex is-settur tat-trasport marittimu tal-Unjoni jsir aktar attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri, biex b'hekk tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-cluster marittimu Ewropew iħabbat wiċċu ma' skarsezza ta' persunal kompetenti bit-taħlita ġusta ta' ħiliet u kompetenzi. Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri huwa essenzjali biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-baħħara. Fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa lil baħħara minn Stati Membri oħra għall-finijiet tal-ħruġ ta' ċertifikati nazzjonali ta' kompetenza jkunu bbażati fuq raġunijiet li jistgħu jiġu aċċertati mill-baħħara kkonċernati.

(6)

Id-Direttiva 2008/106/KE fiha wkoll sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi. Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) wera li nkiseb iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għall-Istati Membri mill-introduzzjoni tas-sistema ċentralizzata. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet ukoll li, fir-rigward ta' xi wħud mill-pajjiżi terzi rikonoxxuti, l-Istati Membri ħarġu biss għadd limitat ħafna ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent ta' ċertifikati f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċertifikati ta' kompetenza jew ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa minn dawk il-pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex jintużaw ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli b'mod aktar effiċjenti, il-proċedura għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħtieġa għal tali rikonoxximent, inkluż iżda mhux limitata biss għal indikazzjoni tal-istima tal-għadd ta' kaptani, uffiċjali u operaturi tar-radju li joriġinaw minn dak il-pajjiż li x'aktarx li jkunu jservu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dik l-analiżi tintbagħat għall-eżami lill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS).

(7)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-proċedura għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni REFIT żvelat li l-iskeda ta' żmien attwali ta' 18-il xahar ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-proċess li jinkludi spezzjoni fuq il-post imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. L-arranġamenti diplomatiċi meħtieġa biex tiġi ppjanata u titwettaq tali spezzjoni jeħtieġu aktar żmien. Barra minn hekk, il-perijodu ta' 18-il xahar mhux biżżejjed meta l-pajjiż terz ikollu jimplimenta azzjonijiet korrettivi u jagħmel tibdil legali fis-sistema tiegħu sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW. Għal dawk il-motivi, l-iskadenza għall-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi estiża minn 18-il xahar għal 24 xahar u, fejn pajjiż terz ikollu jimplimenta azzjonijiet korrettivi konsiderevoli, inklużi emendi fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi, jenħtieġ li l-iskadenza tiġi estiża ulterjorment għal 36 xahar. Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jirrikonoxxi proviżorjament is-sistema ta' standards ta' taħriġ, ċertifikazzjoni u għassa għall-baħħara tal-pajjiż terz, jenħtieġ li tibqa' sabiex tinżamm il-flessibbiltà tal-proċedura ta' rikonoxximent.

(8)

Sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-baħħara kollha għal impjieg deċenti u sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ir-rikonoxximent futur ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li jieħu inkonsiderazzjoni jekk dawk il-pajjiżi terzi rratifikawx il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

(9)

Sabiex tiżdied iktar l-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, ir-rivalutazzjoni ta' pajjiżi terzi li jipprovdu għadd baxx ta' baħħara għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri jenħtieġ li titwettaq f'intervalli itwal li jenħtieġ li jitwalu għal għaxar snin. Madankollu, dan il-perijodu itwal ta' rivalutazzjoni tas-sistema ta' dawn il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġi kkombinat ma' kriterji ta' prijorità li jieħdu kont tat-tħassib dwar is-sikurezza, filwaqt li tiġi bbilanċjata l-ħtieġa ta' effiċjenza b'mekkaniżmu effikaċi ta' salvagwardja f'każ ta' deterjorazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tal-baħħara pprovdut fil-pajjiżi terzi rilevanti.

(10)

Fil-livell tal-Unjoni, l-informazzjoni dwar il-baħħara impjegati minn pajjiżi terzi saret disponibbli bil-komunikazzjoni mill-Istati Membri tal-informazzjoni rilevanti miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom marbuta maċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet maħruġa. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tintuża għal finijiet ta' statistika u t-tfassil tal-politika, b'mod partikolari għall-fini ta' titjib fl-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi. Abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, jenħtieġ li r-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi li ma pprovdewx baħħara għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri għal perijodu ta' mill-inqas tmien snin jiġi rieżaminat. Jenħtieġ li l-proċess ta' rieżami jkopri l-possibbiltà taż-żamma jew l-irtirar tar-rikonoxximent tal-pajjiż terz rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri tintuża wkoll sabiex tagħti prijorità lir-rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti.

(11)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u biex jiġi żgurat l-adattament f'waqtu ta' regoli tal-Unjoni għal dawn l-iżviluppi, is-setgħa ta' adozzjoni ta'atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW bl-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara u bl-allinjament tad-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-Direttiva 2008/106/KE fir-rigward taċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara. B'mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni indaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(12)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, jenħtieġ li setgħat ta' implimentazzjoni jiġu konferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (5)

(13)

Id-dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali stipulati fid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mhumiex applikabbli fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara skont id-Direttiva 2008/106/KE. Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) kienet tirregola r-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. Madankollu, id-definizzjonijiet taċ-ċertifikati tal-baħħara msemmija fid-Direttiva 2005/45/KE saru obsoleti wara l-emendi tal-2010 għall-Konvenzjoni STCW. Għalhekk, l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tirrifletti emendi internazzjonali u d-definizzjonijiet taċ-ċertifikati tal-baħħara inklużi fid-Direttiva 2008/106/KE. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati mediċi tal-baħħara maħruġa taħt l-awtorità tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fl-iskema ta' rikonoxximent reċiproku. Sabiex jitneħħew l-ambigwità u r-riskju ta' inkonsistenzi bejn id-Direttivi 2005/45/KE u 2008/106/KE, ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara jenħtieġ li jiġi regolat bid-Direttiva 2008/106/KE biss. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li tiddaħħal sistema elettronika għall-preżentazzjoni tal-kwalifiki tal-baħħara ladarba jkunu ġew adottati l-emendi rilevanti għall-Konvenzjoni STCW.

(14)

Id-diġitalizzazzjoni tad-data hija parti integrali mill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-ġbir u l-komunikazzjoni tad-data bil-ħsieb li tgħin biex l-ispejjeż jitnaqqsu u biex ir-riżorsi umani jintużaw b'aktar effikaċja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra miżuri sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-kontroll mill-Istat tal-port, inkluż, fost l-oħrajn, evalwazzjoni tal-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta' bażi tad-data ċentrali taċ-ċertifikati tal-baħħara li tkun kollegata mal-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u li l-Istati Membri kollha ser ikunu konnessi magħha. Jenħtieġ li dik il-bażi tad-data ċentrali jkun fiha l-informazzjoni kollha stabbilita fl-Anness V għad-Direttiva 2008/106/KE dwar iċ-ċertifikati ta' kompetenza u l-approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Konvenzjoni STCW.

(15)

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara Ewropej biex ikunu kaptani u uffiċjali jenħtieġ li tiġi appoġġata bi skambji ta' studenti bejn l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-qasam Marittimu madwar l-Unjoni. Sabiex jitrawmu u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki tal-baħħara li jservu taħt bandiera Ewropea, hemm bżonn ta' skambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara jenħtieġ li jibbenefika b'mod sħiħ mill-opportunitajiet ipprovduti bil-programm Erasmus+.

(16)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi djalogu mas-sħab soċjali u l-Istati Membri biex jiżviluppaw inizjattivi ta' taħriġ addizzjonali għal-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara maqbul fuq livell internazzjonali, u li jistgħu jiġu reċiprokament rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala Diplomi Marittimi ta' Eċċellenza Ewropej. Dawk l-inizjattivi jenħtieġ li jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-proġetti pilota attwali u l-istrateġiji stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet, u jiġu żviluppati f'konformità magħhom.

(17)

Sabiex tiżdied iċ-ċarezza u l-konsistenza ġuridika, id-Direttiva 2005/45/KE jenħtieġ li titħassar.

(18)

Id-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/106/KE

Id-Direttiva 2008/106/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“43.

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fih il-baħħara jfittxu aċċettazzjoni jew rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza, iċ-ċertifikati ta' profiċjenza jew il-prova dokumentata tagħhom;

44.

“Kodiċi tal-IGF” tfisser il-Kodiċi Internazzjoni tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx, kif definit fir-Regolament II-1/2.29 tas-SOLAS 74;

45.

“Kodiċi Polari” tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għal Vapuri li Joperaw f'Ibħra Polari, kif definit fir-Regolament XIV/1.1 tas-SOLAS 74;

46.

“Ibħra polari” tfisser l-ibħra Artiċi u/jew iż-żona tal-Antartiku, kif definit fir-Regolamenti XIV/1.2 sa XIV/1.4 ta' SOLAS 74.”

(2)

L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu uniku, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-baħħara msemmija f'din id-Direttiva li jservu fuq vapuri tat-tbaħħir li jtajru bandiera ta' Stat Membru bl-eċċezzjoni ta':”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   L-Artikolu 5b japplika għall-baħħara fil-pussess ta' ċertifikat maħruġ minn Stat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.”

(3)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.   Soġġett għall-Artikolu 19(7), kwalunkwe ċertifikat meħtieġ b'din id-Direttiva għandu jinżamm disponibbli fil-forma oriġinali tiegħu abbord il-vapur li fuqu id-detentur jagħti s-servizz tiegħu, f'forma stampata jew f'format diġitali, li l-awtentiċità u l-validità tiegħu jistgħu jiġu verifikati skont il-proċedura stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 12 ta' dan l-Artikolu.”;

(b)

Il-paragrafu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“13.   Meta emendi rilevanti għall-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW relatati maċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara jidħlu fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 27a biex temenda din id-Direttiva billi tallinja d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tagħha ma' dawk l-emendi għall-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW sabiex iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet tal-baħħara jiġu diġitalizzati.”

(4)

L-Artikolu 5a jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5a

Informazzjoni lill-Kummissjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 20(8) u l-Artikolu 21(2) u esklużivament għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil tal-politika u għal finijiet ta' statistika, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, l-informazzjoni elenkata fl-Anness V għal din id-Direttiva dwar ċertifikati ta' kompetenza u approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza. Jistgħu jipprovdu wkoll, fuq bażi volontarja, informazzjoni dwar ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa lil ratings f'konformità mal-Kapitoli II, III, u VII tal-Anness għall-Konvenzjoni STCW, bħall-informazzjoni indikata fl-Anness V għal din id-Direttiva.”

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5b

Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċ-ċertifikati ta' profiċjenza u l-prova dokumentata maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew taħt l-awtorità tiegħu, f'forma stampata jew f'format diġitali, bl-iskop li jkun possibbli li l-baħħara jservu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta' kompetenza maħruġa minn Stat Membru ieħor jew ċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-kaptani u lill-uffiċjali skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Anness I għal din id-Direttiva, billi japprova dawk iċ-ċertifikati biex jaffermaw ir-rikonoxximent tagħhom. L-approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent għandha tkun limitata għall-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza jew profiċjenza preskritti fihom. L-approvazzjoni għandha tinħareġ biss jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW, skont ir-Regolament I/2, il-paragrafu 7, tal-Konvenzjoni STCW. Il-forma tal-approvazzjoni użata għandha tkun dik stabbilita fit-Taqsima A-I/2, il-paragrafu 3, tal-Kodiċi STCW.

3.   Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċertifikati mediċi maħruġa taħt l-awtorità ta' Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 11 biex ikun possibbli għall-baħħara jservu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

4.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jinħarġu fi żmien raġonevoli. L-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw ukoll li l-baħħara jkollhom id-dritt għal appell kontra kull ċaħda ta' approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta' ċertifikat validu, jew in-nuqqas ta' kwalunkwe risposta, skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri nazzjonali u li l-baħħara jiġu pprovduti b'konsulenza u għajnuna adegwati fir-rigward ta' appelli bħal dawn f'konformità mal-leġislazzjoni u l-proċeduri nazzjonali stabbiliti.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti jistgħu jimponu iktar limitazzjonijiet fuq il-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza jew profiċjenza marbuta ma' vjaġġi qrib ix-xatt, kif imsemmi fl-Artikolu 7, jew fuq ċertifikati alternattivi maħruġa skont ir-Regolament VII/1 tal-Anness I.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, Stat Membru ospitanti jista', fejn ikun hemm bżonn, jippermetti li baħħar iservi għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet xhur fuq vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, filwaqt li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat xieraq u validu maħruġ u approvat minn Stat Membru ieħor, iżda li jkun għadu mhux approvat għar-rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti konċernat.

Prova dokumentata li applikazzjoni għall-approvazzjoni tressqet lill-awtoritajiet kompetenti għandha tkun faċilment disponibbli.

7.   Stat Membru ospitanti għandu jiżgura li baħħara li jippreżentaw għar-rikonoxximent ċertifikati għal funzjonijiet fil-livell maniġerjali jkollhom għarfien xieraq tal-leġislazzjoni marittima ta' dak l-Istat Membru li tkun rilevanti għall-funzjonijiet li huma jkunu permessi li jwettqu.”.

(6)

L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Kull kaptan, uffiċjal u operatur tar-radju fil-pussess ta' ċertifikat maħruġ jew rikonoxxut taħt kwalunkwe kapitolu tal-Anness I għajr ir-Regolament V/3 tal-Kapitolu V jew il-Kapitolu VI, li jkun qiegħed iservi fuq il-baħar jew biħsiebu jerġa' lura fuq il-baħar wara perijodu fuq l-art, għandu, sabiex ikompli jikkwalifika għas-servizz fuq il-baħar, ikun meħtieġ f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin li:

(a)

jissodisfa l-istandards ta' saħħa medika preskritti mill-Artikolu 11; u

(b)

jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa skont it-Taqsima A-I/11 tal-Kodiċi STCW.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2b.   Kull kaptan jew uffiċjal għandu, biex ikompli jagħti servizz tat-tbaħħir fuq il-vapuri li joperaw fl-ibħra polari, jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandu jkun meħtieġ, f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin, jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari skont it-Taqsima A-I/11, il- il-paragrafu 4, tal-Kodiċi STCW.”;

(c)

il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta' kompetenza li huma meħtieġa mill-kandidati għaċ-ċertifikati ta' kompetenza u/jew ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa sal-1 ta' Jannar 2017 ma' dawk speċifikati għaċ-ċertifikat ta' kompetenza u/jew ċertifikat ta' profiċjenza rilevanti fil-Parti A tal-Kodiċi STCW, u għandu jiddetermina l-ħtieġa li jirrikjedi lid-detenturi ta' dawn iċ-ċertifikati ta' kompetenza u/jew ċertifikati ta' profiċjenza jagħmlu taħriġ jew valutazzjoni xierqa ta' tiġdid u ta' aġġornament.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta' kompetenza li kienu meħtieġa minn persuni li servew fuq vapuri mħaddma bil-gass qabel l-1 ta' Jannar 2017 mal-istandards ta' kompetenza fit-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW, u għandu jiddetermina l-bżonn, jekk ikun hemm, li jirrikjedi li dawk il-persuni jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom.”.

(7)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Stat Membru li jkun biħsiebu jirrikonoxxi, b'approvazzjoni, iċ-ċertifikati ta' kompetenza jew iċ-ċertifikati ta' profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, maħruġa minn pajjiż terz lil kaptan, uffiċjal jew operatur tar-radju, għal servizz fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz, akkumpanjata minn analiżi preliminari tal-konformità tal-pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW billi jiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II għal din id-Direttiva. F'dik l-analiżi preliminari, l-Istat Membru għandu jipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rikonoxximent tal-pajjiż terz, b'appoġġ għat-talba tiegħu.

Wara l-preżentazzjoni ta' tali talba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tipproċessa mingħajr dewmien dik it-talba u għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), dwar il-bidu tal-valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz fi żmien raġonevoli b'kunsiderazzjoni xierqa għal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Meta tiġi adottata deċiżjoni pożittiva biex tinbeda il-valutazzjoni, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u bl-involviment possibbli tal-Istat Membru li jkun qed iressaq it-talba u kwalunkwe Stat Membru ieħor interessat, għandha tiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II għal din id-Direttiva u għandha twettaq valutazzjoni tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz li għalih tkun tressqet it-talba għar-rikonoxximent, sabiex tivverifika li l-pajjiż ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u li ttieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi evitat il-ħruġ ta' ċertifikati frawdolenti, u biex ikun ikkunsidrat jekk irratifikax il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

3.   Meta, b'riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk ir-rekwiżiti kollha huma ssodisfati, hija għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent ta' pajjiż terz. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), fi żmien 24 xahar mill-preżentazzjoni tat-talba minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

F'każ li l-pajjiż terz ikkonċernat jeħtieġ jimplimenta azzjonijiet korrettivi kbar, inklużi emendi fil-leġislazzjoni tiegħu, is-sistema tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tiegħu biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati fi żmien 36 xahar mill-preżentazzjoni tat-talba minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

L-Istat Membru li jippreżenta tali talba jista' jiddeċiedi li jirrikonoxxi l-pajjiż terz b'mod unilaterali sa ma jiġi adottat att ta' implimentazzjoni skont dan il-paragrafu. F'każ ta' tali rikonoxximent unilaterali, l-Istati Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-għadd ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent maħruġa b'rabta maċ-ċertifikati ta' kompetenza u ċ-ċertifikati ta' profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1, maħruġa mill-pajjiż terz sakemm l-att ta' implimentazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz jiġi adottat.”.

(8)

Fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Jekk ma jkun hemm ebda approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent maħruġ minn Stat Membru b'rabta ma' ċertifikati ta' kompetenza jew ċertifikati ta' profiċjenza, imsemmija fl-Artikolu 19(1), maħruġa minn pajjiż terz għal perijodu ta' aktar minn tmien snin, ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' dak il-pajjiż għandu jiġi rieżaminat. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha wara dak ir-rieżami. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), wara notifika mill-inqas sitt xhur minn qabel lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz konċernat.”.

(9)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Il-pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti skont il-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3), inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 19(6), għandhom jiġu rivalutati mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fuq bażi regolari u mill-inqas kull għaxar snin mill-aħħar valutazzjoni, biex jiġi vverifikat li jissoddisfaw il-kriterji rilevanti mniżżla fl-Anness II u jekk ittieħdux il-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ħruġ ta' ċertifikati frawdolenti.

2.   Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, għandha twettaq rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi abbażi tal-kriterji ta' prijorità. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

data tal-prestazzjoni mill-kontroll tal-Istat tal-port skont l-Artikolu 23;

(b)

l-għadd ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent fir-rigward taċ-ċertifikati ta' kompetenza, jew taċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Konvenzjoni STCW, maħruġa mill-pajjiż terz;

(c)

l-għadd ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fikl-qasam marittimu akkreditati mill-pajjiż terz;

(d)

l-għadd ta' programmi ta' taħriġ u żvilupp professjonali għall-baħħara approvati mill-pajjiż terz;

(e)

id-data tal-aħħar valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pajjiż terz u l-għadd ta' nuqqasijiet fi proċessi kritiċi identifikati matul dik il-valutazzjoni;

(f)

kwalunkwe bidla sinifikanti fit-taħriġ marittimu u fis-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-pajjiż terz;

(g)

l-għadd globali ta' baħħara ċċertifikati mill-pajjiż terz, li jservu fuq vapuri li jtajru l-bnadar taL-Istati Membri u l-livell ta' taħriġ u kwalifiki ta' dawk il-baħħara;

(h)

informazzjoni dwar l-istandards ta' edukazzjoni u taħriġ fil-pajjiż terz, ipprovduta minn kwalunkwe awtorità kkonċernata jew parti ikkonċernata oħra, jekk din tkun disponibbli.

Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ta' pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW skont l-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva, il-valutazzjoni mill-ġdid ta' dak il-pajjiż terz għandu jkollha prijorità fir-rigward ta' pajjiżi terzi oħra.”.

(10)

Fl-Artikolu 25a, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Anness V lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 20(8) u l-Artikolu 21(2) u għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil tal-politika.”.

(11)

L-Artikolu 26 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Rapport ta' evalwazzjoni

Mhux aktar tard mit-2 ta' Awwissu 2024 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni, inkluż suġġerimenti għal azzjonijiet ta' segwitu li jridu jittieħdu fid-dawl ta' dik l-evalwazzjoni. F' dak ir-rapport ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, u kwalunkwe żvilupp rigward iċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll kwalunkwe żvilupp fir-rigward ta' konsiderazzjoni futura ta' Diplomi Marittimi Ewropej ta' Eċċellenza, kif imsejsa mir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mis-sħab soċjali.”.

(12)

L-Artikolu 27 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Emenda

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27a li jemendaw l-Anness I għal din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet relatati ta' din id-Direttiva sabiex tallinjadak l-Anness u dawk id-dispożizzjonijiet mal-emendi tal-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27a li jemendaw l-Anness V għal din id-Direttiva fir-rigward ta' kontenut u dettalji speċifiċi u rilevanti tal-informazzjoni li teħtieġ tiġi rrappurtata mill-Istati Membri kemm-il darba tali atti jkunu limitati għal li jqisu l-emendi fil-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW u jirrispettaw is-salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data. Tali atti delegati ma għandhomx ibiddlu d-dispożizzjonijiet dwar l-anonimizzazzjoni tad-data stipulati fl-Artikolu 25a(3).”.

(13)

L-Artikolu 27a jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 27a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(14)

L-Anness I għad-Direttiva 2008/106/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Tħassir

Id-Direttiva 2005/45/KE titħassar.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2021. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 125

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33).

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(7)  Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri u li temenda d-Direttiva 2001/25/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 160).

(8)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 2008/106/KE, il-Kapitolu V jiġi emendat kif ġej:

(1)

Ir-Regolament V/2 jinbidel b'dan li ġej:

Regolament V/2

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq vapuri tal-passiġġieri

1.

Dan ir-Regolament japplika għal kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri impenjati fi vjaġġi internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-applikabilità ta' dawn ir-rekwiżiti għall-persunal li jservi fuq vapuri tal-passiġġieri impenjat fi vjaġġi domestiċi.

2.

Qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, il-persuni kollha li jservu fuq il-vapur tal-passiġġieri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li hemm fiTaqsima A-VI/1, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

3.

Kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom ilestu taħriġ u familjarizzazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 5 sa 9 hawn taħt, skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

4.

Kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jeħtiġilhom ikunu mħarrġin skont il-paragrafi 7 sa 9 hawn taħt għandhom, f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin, jagħmlu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza meħtieġ matul il-ħames snin preċedenti.

5.

Persunal li jservi fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jtemm familjarizzazzjoni xierqa mal-emerġenza tal-vapur tal-passiġġieri skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu kif speċifikat fil-paragrafu 1, il-paragrafu 1, tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

6.

Persunal li jipprovdi servizz dirett lill-passiġġieri fi spazji tal-passiġġieri fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jtemm taħriġ ta' sikurezza speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW.

7.

Kaptani, uffiċjali, baħħara kkwalifikati skont il-Kapitoli II, III u VII ta' dan l-Anness u persunal ieħor innominat fuq il-lista tal-persunal biex jassistu passiġġieri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom itemmu taħriġ ta' maniġġ tal-folla fuq vapur tal-passiġġieri, kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 3, tal-Kodiċi STCW.

8.

Kaptani, uffiċjali inġiniera prinċipali, chief mates, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kwalunkwe persuna nominata fuq lista tal-persunal bir-responsabbiltà għas-sikurezza tal-passiġġieri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom itemmu taħriġ approvat fil-maniġġar ta' kriżijiet u l-imġiba tal-bnedmin kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 4, tal-Kodiċi STCW.

9.

Kaptani, chief mates, uffiċjali inġiniera prinċipali, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kull persuna assenjata r-responsabbiltà immedjata għall-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, għat-tagħbija, il-ħatt jew l-irbit tal-merkanzija, jew għall-iżbokk tal-buq fuq vapuri tal-passiġġieri ro-ro, għandhom itemmu taħriġ approvat fis-sikurezza tal-passiġġieri, fis-sikurezza tal-merkanzija u fl-integrità tal-buq kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 5, tal-Kodiċi STCW.

10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prova dokumentata tat-taħriġ li jkun tlesta tinħareġ lil kull persuna li tinsab li hija kwalifikata skont il-paragrafi 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament.”

(2)

Jiddaħħlu r-Regolamenti li ġejjin:

Regolament V/3

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifika ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF

1.

Dan ir-Regolament japplika għall-kaptani, l-uffiċjali u l-baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

2.

Qabel ma jiġu assenjati dmirijiet fuq vapuri soġġetti għall-kodiċi tal-IGF, il-baħħara għandhom ikunu temmew it-taħriġ meħtieġ mill-paragrafi 4 sa 9 ta' hawn taħt skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3.

Il-baħħara kollha li jservu fuq bastimenti soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom, qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, jirċievu familjarizzazzjoni speċifika xierqa tal-vapur u tat-tagħmir kif speċifikat fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1) ta' din id-Direttiva.

4.

Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta' sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew l-prekawzjonijiet ta' emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom ikollhom ċertifikat ta' taħriġ bażiku għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għal-Kodiċi tal-IGF.

5.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu jkun temm taħriġ bażiku skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

6.

Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta' sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew fir-rispons għal emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont ir-Regolament V/1-2, il-paragrafi 2 u 5, jew ir-Regolament V/1-2, il-paragrafi 4 u 5, fuq tankers tal-gass likwifikat, għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW għal taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

7.

Il-kaptani, l-uffiċjali inġiniera u l-persunal kollu b'responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

8.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu, filwaqt li jkollu ċertifikat ta' profiċjenza deskritt fil-paragrafu 4, ikun:

8.1.

temm taħriġ avvanzat approvat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW; u

8.2.

temm mill-inqas xahar ta' servizz ta' tbaħħir approvat li jinkludi minimu ta' tliet operazzjonijiet ta' bunkering fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF. Tnejn mit-tliet operazzjonijiet ta' bunkering jistgħu jinbidlu b'taħriġ fuq simulatur dwar operazzjonijiet ta' bunkering approvati bħala parti mit-taħriġ fil-paragrafu 8.1 hawn fuq.

9.

Kaptani, uffiċjali inġiniera u kwalunkwe persuna li għandha responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwils fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont l-istandards ta' kompetenza speċifikati fit-Taqsima A-V/1-2, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW għas-servizz fuq tankers tal-gass likwifikat għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW għal taħriġ avvanzat għall-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF, bil-kondizzjoni li jkunu wkoll:

9.1.

issodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6;

9.2.

issodisfaw ir-rekwiżiti ta' bunkering tal-paragrafu 8.2 jew ipparteċipaw fit-twettiq ta' tliet operazzjonijiet ta' tagħbija abbord tanker tal-gass likwifikat; u

9.3.

temmew servizz ta' tbaħħir ta' tliet xhur fil-ħames snin ta' qabel abbord:

9.3.1

vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF;

9.3.2

tankers li jġorru bħala merkanzija, fjuwils koperti mill-Kodiċi tal-IGF; jew

9.3.3

vapuri li jużaw gassijiet jew fjuwil ta' punt baxx ta' infjammabbiltà bħala fjuwil.

10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ ċertifikat ta' profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 4 jew 7, kif ikun xieraq.

11.

Il-baħħara li jkollhom ċertifikati ta' profiċjenza skont il-paragrafi 4 jew 7 hawn fuq għandhom, f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin, jieħdu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza rekwiżit matul il-ħames snin preċedenti.

Regolament V/4

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' kaptani u uffiċjali tal-gverta fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari

1.

Kaptani, chief mates, u uffiċjali inkarigati mill-għassa tan-navigazzjoni fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

2.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu jkun temm taħriġ bażiku approvat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/4, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

3.

Kaptani u chief mates fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari, għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

4.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu:

4.1.

jissodisfa r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ta' taħriġ bażiku għall-vapuri f'ibħra polari;

4.2.

ikollu tal-inqas xahrejn ta' servizz ta' tbaħħir approvat fid-dipartiment tal-gverta, fil-livell maniġerjali jew waqt li jkun wettaq dmirijiet tal-għassa fil-livell operazzjonali, f'ibħra polari jew servizz ieħor ekwivalenti ta' tbaħħir approvat; u

4.3.

ikun temm taħriġ avvanzat approvat għall-vapuri li joperaw fl-ibħra polari u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/4, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW.

5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ ċertifikat ta' profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 2 jew 4, kif ikun xieraq.

6.

Sal-1 ta' Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta' tbaħħir approvat f'ibħra polari qabel l-1 ta' Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 billi:

6.1.

ikunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ta' tbaħħir ekwivalenti approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell operazzjonali jew maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

6.2.

ikunu temmew b'suċċess kors ta' taħriġ organizzat skont il-gwida ta' taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għal vapuri li joperaw f'ibħra polari.

7.

Sal-1 ta' Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta' tbaħħir approvat f'ibħra polari qabel l-1 ta' Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 4 billi:

7.1.

ikunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ekwivalenti ta' tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

7.2.

ikunu temmew b'suċċess kors ta' taħriġ li jissodisfa l-gwida ta' taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari u jkunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ekwivalenti ta' tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti.”.


12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/106


DIRETTIVA (UE) 2019/1160 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-objettivi komuni tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jinkludu li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fost l-impriżi ta' investiment kollettiv u li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet u tal-ishma tal-impriżi ta' investiment kollettiv fl-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni aktar uniformi għall-investituri. Filwaqt li fil-parti l-kbira dawk l-objettivi ntlaħqu, ċerti ostakli għadhom qed irażżnu lill-maniġers ta' fondi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern.

(2)

Din id-Direttiva hija kkumplimentata mir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri addizzjonali li jikkonċernaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs). Jenħtieġ li dak ir-Regolament u din id-Direttiva jikkoordinaw aktar b'mod kollettiv il-kundizzjonijiet għall-maniġers ta' fondi li joperaw fis-suq intern u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi li jamministraw.

(3)

Hemm bżonn li titneħħa d-diskrepanza regolatorja fil-proċedura ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tibdiliet fir-rigward tal-UCITS bil-proċedura ta' notifika stabbilita fid-Direttiva 2011/61/UE.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2019/1156 ikompli jsaħħaħ il-prinċipji applikabbli għall-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni rregolati bid-Direttiva 2009/65/KE u jestendi l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji għall-AIFMs, u b'hekk jirriżulta fi standard għoli ta' protezzjoni tal-investituri, indipendentement mit-tip ta' investitur. Id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/65/KE relatati mal-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u mal-aċċessibbiltà tal-liġijiet u tar-regolamentazzjoni nazzjonali rilevanti għall-arranġament tal-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS għalhekk m'għadhomx neċessarji u jenħtieġ li jitħassru.

(5)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, li jeħtieġu li l-UCITS jipprovdu faċilitajiet lill-investituri, kif implimentati minn ċerti ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, sfaw ta' piż. Barra minn hekk, il-faċilitajiet lokali rarament jintużaw mill-investituri kif maħsub mid-Direttiva. Il-metodu ppreferut ta' kuntatt inbidel għal interazzjoni diretta bejn l-investituri u l-maniġers ta' fond, jew b'mod elettroniku inkella bit-telefon, filwaqt li l-pagamenti u t-tifdijiet qed jiġu eżegwiti permezz ta' mezzi oħra. Filwaqt li dawk il-faċilitajiet lokali li qed jintużaw bħalissa għal finijiet amministrattivi bħall-irkupru transfruntier tat-tariffi regolatorji, jenħtieġ li tali kwistjonijiet jiġu indirizzati permezz ta' mezzi oħra li jinkludu l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli, li jimmodernizzaw u jispeċifikaw ir-rekwiżiti għall-provvista ta' faċilitajiet lil investituri fil-livell tal-konsumatur, u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jeżiġu preżenza fiżika lokali għall-provvista ta' tali faċilitajiet. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li dawk ir-regoli jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni li huma intitolati għaliha.

(6)

Biex jiġi żgurat trattament konsistenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, hemm bżonn li r-rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet jiġu applikati għall-AIFMs ukoll meta l-Istati Membri jawtorizzawhom jikkumerċjalizzaw unitajiet jew ishma ta' fondi ta 'investiment alternattivi (AIFs) lil investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorji tagħhom.

(7)

In-nuqqas ta' kundizzjonijiet ċari u uniformi tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma ta' UCITS jew AIF fi Stat Membru ospitanti, joħloq inċertezza legali u ekonomika għall-maniġers tal-fondi. Għalhekk, id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE jenħtieġ li jistabbilixxu kundizzjonijiet ċari li bihom tista' sseħħ denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' xi unitajiet jew ishma jew tagħhom kollha. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jibbilanċjaw, minn naħa waħda, l-abbiltà tal-impriżi ta' investiment kollettiv jew tal-maniġers tagħhom li jtemmu l-arranġamenti tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma jew tal-unitajiet tagħhom meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-investituri f'tali impriżi.

(8)

Il-possibbiltà li tieqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS jew tal-AIFs fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li la tkun bi ħlas għall-investituri u lanqas tnaqqas is-salvagwardji tagħhom skont id-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom għal informazzjoni preċiża dwar l-attivitajiet issoktati ta' dawk il-fondi.

(9)

Hemm każijiet li fihom AIFM li jkun jixtieq jittestja l-aptit tal-investituri għal idea ta' investiment jew għal strateġija ta' investiment partikolari, jaffaċċja trattament diverġenti ta' prekummerċjalizzazzjoni f'ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti. Id-definizzjoni ta' prekummerċjalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet li taħthom hija permessa tvarja b'mod konsiderevoli bejn dawk l-Istati Membri fejn hija permessa, mentri fi Stati Membri oħrajn m'hemmx kunċett ta' prekummerċjalizzazzjoni affattu. Biex jiġu indirizzati dawk id-diverġenzi, jenħtieġ li tiġi pprovduta definizzjoni armonizzata tal-prekummerċjalizzazzjoni kif ukoll jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom AIFM tal-UE jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

(10)

Biex il-prekummerċjalizzazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala tali skont id-Direttiva 2011/61/UE, jenħtieġ li din tkun indirizzata lil investituri professjonali potenzjali u tikkonċerna idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment sabiex tittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment li jkun għadu ma ġiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda jkun għadu mhux notifikat għall-kummerċjalizzazzjoni f'konformità ma' dik id-Direttiva. Għaldaqstant, matul il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-investituri li jissottoskrivu ruħhom għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF u d-distribuzzjoni ta' formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili lil investituri professjonali potenzjali, kemm f'għamla ta' abbozz kif ukoll f'forma finali, jenħtieġ li ma jkunx permess. L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa taħt id-Direttiva 2011/61/UE.

Kwlaunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fid-Direttiva 2011/61/UE. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kontroll fuq il-prekummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru tagħhom, AIFM tal-UE jenħtieġ li jibgħat, fi żmien ġimgħatejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu, li tispeċifika inter alia f'liema Stati Membri jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni, il-perjodi li matulhom qed isseħħ jew tkun seħħet il-prekummerċjalizzazzjoni u inkluż, fejn rilevanti, lista ta' AIFs u ta' kompartimenti tal-AIFs tiegħu li huma jew li kienu s-soġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE jenħtieġ li jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-AIFM tal-UE jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

(11)

L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun dokumentata b'mod adegwat.

(12)

Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/61/UE u, b'mod partikolari, mar-regoli armonizzati dwar il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li bl-ebda mod ma jiżvantaġġaw lill-AIFMs tal-UE fil-konfront tal-AIFMs mhux tal-UE. Dan jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni attwali li fiha l-AIFMs mhux tal-UE m'għandhomx drittijiet tal-passaportar, kif ukoll sitwazzjoni li fiha d-dispożizzjonijiet dwar tali passaportar fid-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli.

(13)

Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu ssinkronizzati d-dati ta' applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2019/1156 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni.

(14)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (6), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 17(8), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-kumpanija maniġerjali fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali kif xieraq.

Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.”;

(2)

l-Artikolu 77 huwa mħassar;

(3)

fl-Artikolu 91, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(4)

l-Artikolu 92 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 92

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li UCITS tagħmel disponibbli, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebha tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jipproċessaw l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni, ta' riakkwist u ta' tifdija u jagħmlu pagamenti oħra lit-titolari ta' unitajiet relatati mal-unitajiet tal-UCITS, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX;

(b)

jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

(c)

jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni u l-aċċess għall-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 15 marbuta mal-eżerċizzju min-naħa tal-investituri tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-UCITS fl-Istat Membru fejn il-UCITS hi kkummerċjalizzata;

(d)

jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX disponibbli għall-investituri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94, għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kisba tal-kopji tagħhom;

(e)

jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu l-faċilitajiet f'mezz durabbli; u

(f)

jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li UCITS ikollha preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li taħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   Il-UCITS għandha tiżgura li l-faċilitajiet biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

(a)

bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-UCITS tkun ikkummerċjalizzata jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b)

mill-UCITS stess, minn parti terza li hija soġġetta għal regolament u superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-UCITS u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand il-UCITS.”;

(5)

l-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ittra ta' notifika għandha tinkludi wkoll id-dettalji neċessarji, inkluż l-indirizz, għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 92(1).”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Fl-eventwalità ta' tibdil fl-informazzjoni fl-ittra ta' notifika sottomessa skont il-paragrafu 1, jew tibdil li jirrigwarda l-klassijiet tal-ishma li jkunu se jiġu kummerċjalizzati, il-UCITS għandha tagħti notifika bil-miktub ta' dan lill-awtoritajiet kompetenti kemm tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS kif ukoll lill-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mill-inqas xahar qabel ma timplimenta tali tibdil.

Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinformaw lill-UCITS fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hi ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif xieraq.

Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjonif'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, li jinkludu, fejn meħtieġ, il-projbizzjoni espliċita tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.”;

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 93a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li UCITS tkun tista' tiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet, inkluż, fejn relevanti, fir-rigward ta' klassijiet ta' ishma, fi Stat Membru li fir-rigward tiegħu tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f'dak l-Istat Membru ospitanti li l-identità tagħhom tkun magħrufa;

(b)

l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni ta' tali unitajiet f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-UCITS;

(c)

kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji finanzjarji jew delegati huma modifikati jew itterminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, tal-unitajiet identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiddeskrivi b'mod ċar il-konsegwenzi għall-investituri jekk ma jaċċettawx l-offerta ta' tifdija jew tar-riakkwist tal-unitajiet tagħhom.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fir-rigward tiegħu l-UCITS tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93 jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru. Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-UCITS għandha twaqqaf kwalunkwe offerta jew tpoġġija ta' unitajiet ġodda jew ulterjuri, diretti jew indiretti li kienu s-soġġett ta' denotifika f'dak l-Istat Membru.

2.   L-UCITS għandha tissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-UCITS f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

Hekk kif tiġi trażmessa n-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw minnufih lill-UCITS dwar din it-trażmissjoni.

4.   Il-UCITS għandha tipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fil-UCITS kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 68 sa 82 u skont l-Artikolu 94.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2).

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif stipulat fl-Artikolu 21(2), fl-Artikolu 97(3) u fl-Artikolu 108. Mingħajr preġudizzju għal attivitajiet oħra ta' monitoraġġ u setgħat superviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 21(2) u fl-Artikolu 97, sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jeħtieġu li l-UCITS ikkonċernata turi konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

7.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4, dment li l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni jkunu disponibbli għall-investituri bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab l-investitur jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).”;"

(7)

fl-Artikolu 95(1), il-punt (a) huwa mħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

Id-Direttiva 2011/61/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aea)

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, diretta jew indiretta, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn AIFM tal-UE, jew f'ismu, lill-investituri professjonali potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju irreġistrat fl-Unjoni biex jittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment, li għadu mhuwiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda għadu mhux innotifikat għal kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 31 jew 32, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali jkunu ddomiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, u li f'kull każ ma jirriżultax f'offerta jew fi pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' dak l-AIF jew f'kompartiment tiegħu;”;

(2)

fil-bidu tal-Kapitolu VI jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 30a

Kundizzjonijiet għall-prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni minn AIFM tal-UE

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat ikun jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, għajr meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri professjonali potenzjali:

(a)

hi suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jixtru unitajiet jew ishma ta' AIF partikolari;

(b)

tikkostitwixxi formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili sew jekk f'forma ta' abbozz jew f'forma finali; jew

(c)

tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' AIF li għadu mhuwiex stabbilit f'forma finali.

Meta jiġi pprovdut abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandhomx ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment, u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a)

ma jikkostitwux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni għal unitajiet jew ishma ta' AIF; u

(b)

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex tintuża bħal likieku hija affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE ma jkunx meħtieġ jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kontenut jew id-destinatarji ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni jew rekwiżit għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

2.   L-AIFMs tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu biss jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 31 jew 32.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar mill-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għal unitajiet jew għal ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni, u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jibgħat, fi żmien ġimgħatejn wara li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri li fihom u l-perjodi li matulhom ser issir jew saret il-prekummerċjalizzazzjoni, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluż informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-AIFs u kompartimenti tal-AIFs li huma jew kienu s-suġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-AIFM tal-UE huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun qed sisir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE sabiex jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li tkun qed issir jew li tkun saret fit-territorju tiegħu.

3.   Parti terza għandha twettaq biss prekummerċjalizzazzjoni f'isem AIFM tal-UE awtorizzat fejn hija awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala AIFM skont din id-Direttiva, jew taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

4.   AIFM tal-UE għandhom jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata adegwatament.

(*2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”;"

(3)

fl-Artikolu 32(7), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi jiġu sostitwiti b'li ġej:

“Jekk, wara bidla ppjanata, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont il-każ.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b' xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

Jekk it-tibdiliet ma jinfluwenzawx il-konformità tal-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma' din id-Direttiva, jew, b'xi mod ieħor, il-konformità mill-AIFM ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw fi żmien xahar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar dawn it-tibdiliet.”;

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 32a

Denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta' AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jkun jista' jiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet jew ta' ishma ta' xi AIFs jew kollha fi Stat Membru fejn tkun intbagħtet notifika skont l-Artikolu 32, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ħlief fil-każ ta' AIFs tat-tip magħluq u fondi regolati mir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f'dak l-Istat Membru li l-identità tagħhom tkun magħrufa;

(b)

l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni jew ishma ta' xi AIFs tagħha jew kollha f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-AIF;

(c)

kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji jew delegati finanzjarji huma modifikati jew terminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-AIFM għandu jwaqqaf kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġja fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu huwa jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 2.

2.   L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-AIFM f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

Kif tintbagħat in-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw minnufih lill-AIFM dwar din it-trażmissjoni.

Għal perjodu ta' 36 xahar mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-AIFM ma għandux jagħmel prekummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma tal-AIFs tal-UE msemmija fin-notifika, jew fir-rigward ta' strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment simili, fl-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4.   l-AIFM għandu jipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 22 u 23.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-Anness IV.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif stabbilit fl-Artikolu 45.

7.   Mingħajr preġudizzju għal setgħat superviżorji oħra msemmija fl-Artikolu 45(3), sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jeħtieġu li l-AIFM ikkonċernat juri konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li jintuża kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).”;"

(5)

fl-Artikolu 33(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mingħajr dewmien żejjed.”;

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 43a

Faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/760, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM iqiegħed għad-dispożizzjoni, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta' AIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri ta' sottoskrizzjoni, ta' pagament, ta' riakkwist u ta' tifdija relatati mal-unitajiet jew mal-ishma tal-AIF, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti tal-AIF;

(b)

jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

(c)

jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-investituri li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-AIF fl-Istat Membru fejn hu kkummerċjalizzat l-AIF;

(d)

jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 22 u 23 disponibbli għall-investituri għall-finijiet ta' spezzjoni u l-kisba ta' kopji tagħhom;

(e)

jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li huma mwettqa mill-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; u

(f)

jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li AIFM ikollu preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li jaħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   L-AIFM għandu jiżgura li l-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

(a)

bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun ikkummerċjalizzat l-AIF jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b)

mill-AIFM stess, minn parti terza li hija soġġetti għal regolament u għal superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-AIFM u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand l-AIFM.”;

(7)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 69a

Valutazzjoni tar-reġim tal-passaport

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 67(6) li skonthom ir-regoli stipulati fl-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 isiru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tqis ir-riżultat ta' valutazzjoni tar-reġim tal-passaport ipprovdut f'din id-Direttiva inkluża l-estensjoni ta' dak ir-reġim għall-AIFMs mhux tal-UE. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.”;

(8)

fl-Anness IV, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

id-dettalji meħtieġa, inkluż l-indirizz għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

(j)

informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43a.”;

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   Sat-2 ta' Awwissu 2021, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-2 ta' Awwissu 2021,

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Evalwazzjoni

Sat-2 ta' Awwissu 2024, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Sat-2 ta' Awwissu 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 5

Rieżami

Sat-2 ta' Awwissu 2023, il-Kumissjoni għandha tippreżenta rapport li għandu jivvaluta, inter alia, il-merti tal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS li jittestjaw l-interess tal-investituri f'idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari, u jekk ikunux meħtieġa emendi għad-Direttiva 2009/65/KE għal dan il-għan.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(4)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (Ara l-paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/116


DIRETTIVA (UE) 2019/1161 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014, l-Unjoni hi impenjata li toħloq sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura u dekarbonizzata. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta' bejn l-2020 u l-2030” tistabbilixxi impenji ambizzjużi għall-Unjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, biex il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata jiżdied b'mill-inqas 27 %, biex tiġi ffrankata mill-inqas 27 % tal-enerġija, u biex jitjiebu s-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Unjoni. Minn dakinhar, id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxiet is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ta' mill-inqas 32 % tal-konsum ta' enerġija finali gross tal-Unjoni sal-2030 u d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) stabbiliet mira ġdida għall-effiċjenza enerġetika għall-Unjoni sal-2030 ta' mill-inqas 32,5 %.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titolu “Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi”, il-Kummissjoni ħabbret li biex jitwettqu l-impenji li l-Unjoni għamlet waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f'Pariġi fl-2015, trid titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u għalhekk jeħtieġ li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbdu t-triq it-tajba biex sa nofs is-seklu jixxejnu għalkollox. Minbarra dan, hemm bżonn li mingħajr dewmien jonqsu drastikament l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport li qed jagħmlu l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Dak jista' jintlaħaq b'għadd ta' inizjattivi ta' politika, fosthom miżuri li jappoġġaw bidla lejn it-trasport pubbliku, u permezz tal-akkwist pubbliku għall-promozzjoni ta' vetturi nodfa.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2017 bit-titolu “L-Ewropa Attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd”, il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żieda fil-produzzjoni u fl-adozzjoni ta' vetturi nodfa, l-infrastrutturi tal-karburanti alternattivi, u s-servizzi ta' sistemi moderni ġodda li jaħtfu l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni u tal-awtomatizzazzjoni fl-Unjoni, joffru diversi benefiċċji liċ-ċittadini tal-Unjoni, lill-Istati Membri u lill-industriji. Dawk il-benefiċċji jinkludu soluzzjonijiet ta' mobbiltà aktar sikur u mingħajr qtugħ, u inqas esponiment għall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja u jagħmlu l-ħsara. Barra minn hekk, kif iddikjarat fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017, wieħed mill-għanijiet hu li l-Unjoni ssir mexxejja dinjija fid-dekarbonizzazzjoni.

(4)

Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa Attiva” din il-Direttiva hi parti mit-tieni pakkett ta' proposti li se jikkontribwixxi għall-isforz tal-Unjoni għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi. Dak il-pakkett, li qed ġie ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2017 bit-titolu “It-twettiq ta' mobbiltà b'emissjonijiet baxxi - Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u lill-ħaddiema tagħha” fih taħlita ta' miżuri orjentati lejn il-provvista u miżuri orjentati lejn id-domanda ħalli l-Unjoni taqbad ir-ritmu għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi u fl-istess ħin issaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistema tal-mobbiltà tal-Unjoni. Il-promozzjoni ta' vetturi nodfa jenħtieġ li ssir b'mod parallel mal-iżvilupp ulterjuri tat-trasport pubbliku, bħala mod biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u konsegwentement biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb il-kwalità tal-arja.

(5)

L-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda tgħin biex jonqsu l-emissjonijiet tal-vetturi CO2 u biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u akustika, filwaqt li tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Żieda fl-adozzjoni ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi, tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u ta' ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja (materja partikulata, ossidi tan-nitroġenu u idrokarburi tan-nonmetan) u b'hekk ittejjeb il-kwalità tal-arja fl-ibliet u f'żoni oħra mniġġsa, filwaqt li tikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni fis-swieq globali dejjem jikbru tal-vetturi mingħajr emissjonijiet u b'emissjonijiet baxxi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi miżuri ta' politika biex trawwem assorbiment industrijali mifrux ta' u t-tkabbir tal-kapaċità ta' manifattura għal teknoloġiji ġodda bħal dawn fl-Istati Membri kollha sabiex jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ekwi u żvilupp ibbilanċjat madwar l-Istati Membri.

(6)

Previżjonijiet tas-suq ibassru li l-prezzijiet tax-xiri ta' vetturi nodfa ser ikomplu jonqsu. Illum, kostijiet operattivi u ta' manutenzjoni aktar baxxi diġà jinvolvu aktar kompetittività għal kost totali tas-sjieda. It-tnaqqis mistenni tal-prezzijiet tax-xiri se jkompli jnaqqas l-ostakli għad-disponibbiltà u l-użu tas-suq ta' vetturi nodfa fl-għaxar snin li ġejjin.

(7)

Filwaqt li l-Unjoni hija waħda mir-reġjuni fuq quddiem nett għar-riċerka u l-ekoinnovazzjoni ta' valur għoli, ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku qed jospita l-akbar produtturi tax-xarabanks elettriċi bil-batteriji u tal-batteriji. Bl-istess mod, l-iżviluppi tas-suq globali tal-vetturi elettriċi bil-batteriji huma xprunati mis-swieq fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti. Għalhekk, politika ambizzjuża tal-UE għall-kisba ta' vetturi nodfa ser tgħin biex tistimola l-innovazzjoni u tippromwovi aktar il-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija Ewropea fis-swieq globali dejjem jikbru għall-vetturi nodfa u għall-infrastruttura tat-teknoloġija assoċjata. Kif innutat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Ottubru 2017 bit-titolu “Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha”, il-Kummissjoni se tkompli tmexxi l-isforzi biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tippromwovi aċċess aħjar għal swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, inkluż għax-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi tat-trasport bit-triq.

(8)

B'kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nefqa pubblika fuq l-oġġetti, ix-xogħlijiet u s-servizzi rrappreżentat madwar 16 % tal-PDG fl-2018 l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-politika tal-akkwist pubbliku tagħhom, jistgħu joħolqu swieq ta' prodotti u servizzi innovattivi, u jappoġġawhom. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li tistabbilixxi l-miri ċari u trasparenti, inklużi objettivi tal-akkwist ċari u fit-tul u metodu sempliċi għall-kalkolu tagħhom. Id-Direttivi 2014/24/UE (7) u 2014/25/UE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxu regoli minimi dwar l-akkwist pubbliku li jikkoordinaw il-mod kif l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jakkwistaw xogħlijiet, fornimenti u servizzi. B'mod partikolari, dawk id-Direttivi jistabbilixxu limiti monetarji sabiex jkun determinat liema kuntratti pubbliċi huma soġġetti għal-leġislazzjoni ta' prokurament legali tal-Unjoni. Dawk il-limiti huma applikabbli wkoll għad-Direttiva 2009/33/KE.

(9)

Id-disponibbiltà ta' infrastruttura għall-iċċarġjar u għar-riforniment ta' karburant hija neċessarja għall-varar ta' vetturi li jużaw karburant alternattiv. Fit-8 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex tappoġġa l-introduzzjoni mgħaġġla ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi fl-Unjoni, inkluż appoġġ imsaħħaħ għall-introduzzjoni ta' infrastruttura pubblikament disponibbli permezz ta' fondi tal-Unjoni, li jgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għat-tranżizzjoni lejn vetturi nodfa, inkluż fit-trasport pubbliku. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) sal-31 ta' Diċembru 2020, u ser tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dik id-Direttiva, jekk tqis li dan ikun meħtieġ abbażi ta' dik ir-reviżjoni.

(10)

Id-Direttiva 2009/33/KE tikkumplimenta l-leġislazzjoni orizzontali dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni u żżid ċerti kriterji tas-sostenibbiltà, b'hekk għandha l-għan li tixpruna s-suq tal-vetturi tat-trasport bit-triq li jkunu nodfa u effiċjenti. Fl-2015, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2009/33/KE fl-2015 u kkonkludiet li dik id-Direttiva ma stimulatx l-adozzjoni mis-suq ta' vetturi nodfa madwar l-Unjoni, l-aktar minħabba ċerti nuqqasijiet fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet dwar -ix-xiri tal-vetturi. Dik l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-impatt ta' dik id-Direttiva kien limitat ħafna fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-promozzjoni tal-kompetittività industrijali.

(11)

Il-valutazzjoni tal-impatt li saret mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2009/33/KE issottolineat il-benefiċċji ta' bidla fl-approċċ ta' governanza ġenerali għall-akkwist tal-vetturi nodfa fil-livell tal-Unjoni. Jekk jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-akkwist, ikun jista' jgħin b'mod effetiv sabiex jintlaħaq l-għan li jippromwovi u jistimula l-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa meta mqabbel mad-dipendenza fuq l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni fid-deċiżjonijiet ġenerali tal-akkwist, filwaqt li tiġi nnutata r-rilevanza li fid-deċiżjonijiet kollha tal-akkwist jitqiesu l-aspetti ambjentali. Il-benefiċċji fiż-żmien medju u fit-tul għaċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-Unjoni jiġġustifikaw bis-sħiħ dak l-approċċ sakemm dan iħalli flessibbiltà suffiċjenti lill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti fl-għażla tat-teknoloġiji li għandhom jintużaw.

(12)

Jekk jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE biex ikun jinkludi prattiki bħal-leasing, il-kiri u l-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri tal-vetturi, kif ukoll kuntratti għal ċerti servizzi, jiżgura li l-prattiki ta' akkwist rilevanti kollha jkunu koperti. Is-servizzi koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, bħas-servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq b'għan speċjali, għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri mhux skedati, kif ukoll servizzi ta' posta u ta' pakketti speċifiċi u servizzi ta' ġbir tal-iskar,t jenħtieġ li jkunu dawk fejn il-vetturi użati għall-forniment ta' dawn is-servizzi jaqgħu fil-kategoriji ta' vetturi koperti b'din id-Direttiva, u fejn dawn jirrappreżentaw element ewlieni fil-kuntratt. Jenħtieġ li dawk is-servizzi jiġu identifikati permezz tal-kodiċijiet tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist elenkati fl-Anness. Kuntratti eżistenti jenħtieġ li ma jkunux affettwati b'mod retrospettiv minn din id-Direttiva.

(13)

Kien hemm appoġġ wiesa' fost il-partijiet konċernati ewlenin għal definizzjoni ta' vetturi nodfa li tqis ir-rekwiżiti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu l-arja minn vetturi ħfief. Biex ikun żgurat li jingħataw inċentivi xierqa li jippromwovu l-adozzjoni mis-suq ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi fl-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun allinjata mad-definizzjoni ta' vetturi mingħajr emissjonijiet u b'emissjonijiet baxxi pprovduta fir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Azzjoni mwettqa skont din id-Direttiva se tikkontribwixxi għall-konformità mar-rekwiżiti tal-istandards stipulati fir-Regolament (UE) 2019/631. Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja, jenħtieġ li l-vetturi nodfa jkollhom prestazzjoni aħjar meta mqabbla mar-rekwiżiti minimi għall-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-partiċelli ultrafini - Numru ta' Partiċella (PN) stabbiliti mill-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) li huma fis-seħħ. Minbarra l-vetturi mingħajr emissjonijiet, illum hemm ftit vetturi ħfief b'emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja ta' 80 % jew inqas tal-limiti ta' emissjonijiet attwali. Madankollu l-għadd ta' vetturi bħal dawn huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin, speċjalment ibridi rikarikabbli. B'approċċ aktar ambizzjuż għall-akkwist pubbliku jista' jingħata stimolu addizzjonali sinifikanti lis-suq.

(14)

Il-vetturi nodfa tqal jenħtieġ li jiġu ddefiniti permezz tal-użu ta' karburanti alternattivi f'konformità mad-Direttiva 2014/94/UE. Fejn il-bijokarburanti likwidi, il-karburanti sintetiċi jew paraffiniċi għandhom jintużaw mill-vetturi akkwistati, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw permezz ta' klawżoli kuntrattwali obbligatorji jew permezz ta' mezzi effettivi simili fi ħdan il-proċedura tal-akkwist pubbliku li dawn il-karburanti biss għandhom jintużaw f'dawk il-vetturi. Filwaqt li għandu possibbli li dawk il-karburanti jkun fihom addittivi tal-karburanti, kif inhu l-każ pereżempju bil-karburant ibbażat fuq l-etanol għal magni diesel adattati (ED95), jenħtieġ li dawn ma jitħalltux b'karburanti fossili.

(15)

Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-muniċipalitajiet, huwa kruċjali li l-flotta tat-trasport tiġġedded b'vetturi nodfa. Barra minn hekk, il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jeħtieġu l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti. Għalhekk, jenħtieġ li l-vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-vetturi nodfa jew ir-rekwiżiti tal-vetturi mingħajr emissjonijiet bħala riżultat ta' installazzjoni a posteriori jingħaddu wkoll għall-ilħuq tal-miri minimi rispettivi tal-akkwist.

(16)

Peress li l-vetturi ħfief u tqal jintużaw għal skopijiet differenti u għandhom livelli differenti ta' maturità tas-suq, hu importanti li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku jagħrfu dawn id-differenzi. Il-valutazzjoni tal-impatt tirrikonoxxi li s-swieq tax-xarabanks urbani mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi huma kkaratterizzati minn żieda fil-maturità tas-suq, filwaqt li s-swieq għat-trakkijiet mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi qegħdin fi stadju aktar bikri ta' żvilupp tas-suq. Minħabba l-livell limitat ta' maturità tas-suq ta' kowċis mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi, ir-rwol relattivament limitat tal-akkwist pubbliku f'dan is-segment tas-suq, u r-rekwiżiti operattivi speċifiċi tagħhom, il-kowċis jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. F'konformità mal-approċċ segwit fir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u fir-Regolament 107 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), vetturi tal-kategorija M3 b'żoni għal passiġġieri bilwieqfa biex jippermettu moviment frekwenti tal-passiġġieri huma meqjusa bħala xarabanks, filwaqt li vetturi tal-kategorija M3 b'żona limitata ħafna jew l-ebda żona għall-passiġġieri bilwieqfa huma kkunsidrati bħala kowċis. Minħabba s-suq limitat ħafna ta' xarabanks b'żewġ sulari u l-limitazzjonijiet speċifiċi tagħhom fid-disinn, huwa xieraq li, matul l-ewwel perijodu ta' referenza kopert minn din id-Direttiva, jiġu applikati miri minimi tal-akkwist aktar baxxi għal vetturi mingħajr emissjonijiet li jaqgħu taħt dik il-kategorija ta' vetturi tqal fl-Istati Membri, fejn ix-xarabanks b'żewġ sulari jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-akkwist pubbliku.

(17)

Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet sproporzjonati fuq l-awtoritajiet u l-operaturi pubbliċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva l-akkwist pubbliku ta' ċerti vetturi b'karatteristiċi speċifiċi marbuta mar-rekwiżiti operattivi tagħhom. Dawk il-vetturi jinkludu vetturi blindati, ambulanzi, karozzi tal-mejtin, vetturi tal-kategorija M1 aċċessibbli għas-siġġijiet bir-roti, krejnijiet mobbli, vetturi ddisinjati u mibnija għall-użu prinċipalment f'siti ta' kostruzzjoni jew f'barrieri, faċilitajiet tal-port jew tal-ajruport kif ukoll vetturi ddisinjati u mibnija speċifikament u adattati għall-użu mill-forzi armati, il-protezzjoni ċivili, is-servizzi tat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku. Adattamenti bħal dawn jistgħu jirrelataw mal-installazzjoni ta' tagħmir speċjalizzat ta' komunikazzjoni jew dwal tal-emerġenza. Ir-rekwiżiti previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx għal vetturi li huma ddisinjati u mibnija speċifikament biex iwettqu xogħol u li mhumiex adattati għall-ġarr tal-passiġġieri jew għat-trasport tal-merkanzija. Dawk il-vetturi jinkludu vetturi għall-manutenzjoni tat-toroq bħalma huma mħaret tas-silġ.

(18)

Jenħtieġ li l-istabbiliment ta' miri minimi għall-akkwist ta' vetturi nodfa li jridu jintlaħqu f'żewġ perijodi ta' referenza li jintemmu fl-2025 u fl-2030 fil-livell tal-Istati Membri, jikkontribwixi għaċ-ċertezza tal-politika għas-swieq fejn l-investimenti fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi huma meħtieġa. Il-miri minimi jappoġġaw il-ħolqien tas-swieq għal vetturi nodfa madwar l-Unjoni kollha. Dawn jipprovdu żmien għall-aġġustament tal-proċessi tal-akkwist pubbliku u jibagħtu sinjal ċar tas-suq. Barra minn hekk, il-ħtieġa li nofs il-mira minima għal xarabanks akkwistati f'dawk il-perijodi taż-żmien ta' referenza trid tiġi ssodisfata permezz tal-akkwist ta' xarabanks mingħajr emissjonijiet isaħħaħ l-impenn lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Jenħtieġ li jiġi nnutat li t-“trolley buses” huma meqjusa bħala xarabanks mingħajr emissjonijiet, dment li jaħdmu biss bl-elettriku jew li jużaw biss sistema ta' motopropulsjoni mingħajr emissjonijiet meta ma jkunux konnessi mal-grilja, inkella xorta jgħoddu bħala vetturi nodfa. Il-valutazzjoni tal-impatt tinnota li l-Istati Membri qed kulma jmur jistabbilixxu aktar miri nazzjonali skont il-kapaċità ekonomika tagħhom u skont is-serjetà tal-problema. Jenħtieġ jiġu stabbiliti miri nazzjonali differenti fi Stati Membri differenti skont il-kapaċità ekonomika tagħhom (il-prodott domestiku gross għal kull ras) u l-esponiment għat-tniġġis (id-densità tal-popolazzjoni urbana). Il-valutazzjoni tal-impatt territorjali mwettqa għal din id-Direttiva turi li l-impatt se jitqassam b'mod ekwu fost ir-reġjuni tal-Unjoni.

(19)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jqassmu l-isforzi biex jilħqu l-miri minimi fi ħdan it-territorju tagħhom, skont il-qafas kostituzzjonali tagħhom u f'konformità mal-objettivi tal-politika tat-trasport tagħhom. Fl-allokazzjoni tal-isforzi fi Stat Membru, jistgħu jitqiesu fatturi differenti, bħad-differenzi fil-kapaċità ekonomika, il-kwalità tal-arja, id-densità tal-popolazzjoni, il-karatteristiċi tas-sistemi tat-trasport, il-politiki għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, jew kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor.

(20)

Il-vetturi mingħajr emissjonijiet fl-iżbokk tal-egżost iħallu wkoll impronta ambjentali minħabba l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-katina tal-provvista tal-karburant mill-fażi ta' estrazzjoni għat-tank, kif ukoll għall-proċess ta' manifattura tal-komponenti u l-livell ta' riċiklabbiltà tagħhom. Sabiex ikunu konsistenti mal-objettivi tas-sostenibbiltà, il-batteriji jenħtieġ li jkunu prodotti bl-anqas impatti ambjentali ġewwa u barra l-Unjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proċess tal-estrazzjoni tal-materja prima użata għall-produzzjoani tal-batteriji. Il-promozzjoni ta' teknoloġiji li jindirizzaw dik l-isfida, bħal batteriji sostenibbli u riċiklabbli, tista' tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ġenerali tal-vetturi elettriċi, permezz ta' inizjattivi bħall-Alleanza tal-UE tal-Batteriji u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Batteriji u fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Ir-rifless possibbli tal-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja u tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-estrazzjoni sal-użu tal-vetturi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat għall-perijodu wara l-2030, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kalkolu tagħhom f'dak il-mument.

(21)

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (13), il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri jrawmu politiki tal-akkwist pubbliku ekoloġiku permezz tax-xiri ta' vetturi mingħajr emissjonijiet u vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna mill-awtoritajiet pubbliċi għall-flotot tagħhom jew għall-programmi ta' car sharing pubbliċi jew semi pubbliċi, u għall-eliminazzjoni gradwali tal-karozzi ġodda b'emissjonijiet ta' CO2 sal-2035.

(22)

L-impatt massimu jista' jinkiseb jekk l-akkwist pubbliku tal-vetturi nodfa jiġi mmirat f'oqsma li għandhom livell relattivament għoli ta' tniġġis tal-arja u akustiku. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri huma mħeġġa biex jiffukaw l-aktar fuq dawk l-oqsma, meta jkunu qed jimplimentaw il-miri minimi tal-akkwist nazzjonali L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa wkoll biex jieħdu miżuri, bħal li jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, biex jiġi evitat li l-kostijiet tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist stabbiliti f'din id-Direttiva jwasslu għal prezzijiet tal-biljetti ogħla għall-konsumatur jew għat-tnaqqis tas-servizzi tat-trasport pubbliku, jew jiskoraġġixxu l-iżvilupp tat-trasport nadif mhux bit-triq bħal trammijiet u ferroviji tal-metro. Jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jiffukaw fuq dawk l-oqsma fir-rappurtar tagħhom skont din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat u jiġu ottimizzati r-riżultati potenzjali ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi pprovduta assistenza teknika xierqa lill-awtoritajiet pubbliċi.

(23)

It-trasport pubbliku jikkontribwixxi biss għal sehem żgħir għall-emissjonijiet li joriġinaw mis-settur tat-trasport. Sabiex tkompli tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, tittejjeb il-kwalità tal-arja u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn operaturi differenti, l-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jiddeċiedu li jimponu rekwiżiti simili wkoll fuq l-operaturi u s-servizzi privati barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, bħal kumpaniji tat-taxi, tal-kiri tal-karozzi u tar-“ride-pooling”.

(24)

L-ikkalkular tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja hu għodda importanti għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti biex ikopru l-kostijiet tal-enerġija u l-ambjent tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' vettura, inkluż il-kost tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ta' sustanzi oħra li jniġġsu l-arja, permezz ta' metodoloġija rilevanti biex jinstab il-valur monetarju tagħhom. Minħabba l-użu skars tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul il-ħajja operattiva skont id-Direttiva 2009/33/KE u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti dwar l-użu tal-metodoloġiji tagħhom imfassla skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jenħtieġ li l-ebda metodoloġija mandatorja m'għandha tenħtieġ li tintuża, iżda l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu kwalunkwe metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja biex tappoġġa l-proċessi tal-akkwist tagħhom abbażi tal-kriterju tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża (“MEAT”) kif deskritt fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/25/UE, b'kunsiderazzjoni tal-kosteffettività fuq it-tul tal-ħajja tal-vettura, kif ukoll aspetti ambjentali u soċjali.

(25)

Ir-rappurtar dwar l-akkwist pubbliku skont din id-Direttiva jenħtieġ li jagħti ħarsa ġenerali ċara tas-suq biex isir monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu. Tali rappurtar jenħtieġ jibda bi preżentazzjoni ta' informazzjoni preliminari mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sat-2 ta' Awwissu 2022, u jissokta b'rapport komprensiv għall-ewwel darba fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-miri minimi tal-akkwist, u mbagħad kull tliet snin. Il-perijodu ta' żmien jenħtieġ li jkun alinjat mal-obbligi ta' rappurtar eżistenti skont id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat rappurtar semplifikat biex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq il-korpi pubbliċi u tinkiseb ħarsa ġenerali effettiva tas-suq. Il-Kummissjoni se tipprovdi soluzzjonijiet għar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ fil-bażi tad-data tal-offerti elettroniċi ta' kuljum (TED), u se tiżgura rappurtar komprensiv dwar il-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi jew għal vetturi oħra bi karburant alternattiv, fil-kuntest tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti tal-Unjoni. Il-kodiċijiet speċifiċi tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti se jgħinu r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tal-offerti elettroniċi ta' kuljum, u l-monitoraġġ tagħha.

(26)

L-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq tal-vetturi nodfa u tal-infrastrutturi tagħhom jista' jiżdied jekk jinħolqu miżuri ta' appoġġ pubbliku mmirati fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. Tali miżuri jinkludu l-użu akbar tal-fondi tal-Unjoni sabiex jappoġġa t-tiġdid tal-flottot tat-trasport pubbliku u skambju aħjar tal-għarfien u allinjament tal-akkwist ħalli jkunu jistgħu jitwettqu azzjonijiet fuq skala kbira biżżejjed biex jonqsu l-kostijiet u jitħalla impatt fuq is-suq. Il-possibbiltà ta' appoġġ pubbliku favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għad-distribuzzjoni tal-karburanti alternattivi hija rikonoxxuta fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2014-2020 (14). Iżda għal dan l-appoġġ pubbliku se jibqgħu japplikaw ir-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 tiegħu

(27)

Il-miżuri mmirati ta' appoġġ għall-akkwist ta' vetturi nodfa jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti. Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, għall-2014-2020, l-Unjoni diġà għandha firxa ta' fondi differenti biex tappoġġa lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-operaturi kkonċernati fit-tranżizzjoni tagħhom lejn mobbiltà sostenibbli. B'mod partikolari, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma sors ewlieni ta' finanzjament għall-proġetti ta' mobilità urbana. Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka tal-Unjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jiffinanzja proġetti ta' riċerka u innovazzjoni dwar il-mobilità urbana u l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti, filwaqt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) tiddedika appoġġ għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura rilevanti fin-nodi urbani. L-introduzzjoni ta' definizzjoni ta' vettura nadifa u l-istabbiliment ta' miri minimi għall-akkwist tagħhom f'din id-Direttiva jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat użu saħansitra aktar immirat tal-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni inkluż fl-MFF li jmiss għall-2021-2027. Dawk il-miżuri ta' appoġġ għandhom jgħinu sabiex inaqqsu l-investiment inizjali għoli f'bidliet infrastrutturali u se jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

(28)

Sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji potenzjali jiġu sfruttati bis-sħiħ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri fir-rigward tal-fondi differenti tal-Unjoni li jistgħu jintużaw, u jenħtieġ li tiffaċilita u tistruttura l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex jiġi promoss ix-xiri, il-leasing, il-kiri jew il-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tipprovdi servizzi ta' konsulenza teknika u finanzjarja lill-awtoritajiet lokali u lill-operaturi permezz ta' strumenti bħaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, JASPERS u JESSICA. Tali assistenza jenħtieġ li tinkludi l-inkoraġġiment tal-awtoritajiet kontraenti u tal-entitajiet kontraenti biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tagħhom fl-akkwist konġunt ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq b'emissjonijiet baxxi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sabiex jinkisbu ekonomiji ta' skala u tiġi ffaċilitata l-kisba tal-objettivi ta' din id-Direttiva.

(29)

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti, il-mobbiltà u l-ippjanar urban jeħtieġ ikunu kkoordinati aħjar, bħal permezz tal-użu ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPs). Is-SUMPs huma pjanijiet li jiġu żviluppati tul il-firxa tal-oqsma ta' politika individwali u b'kooperazzjoni mal-livelli differenti ta' governanza b'kombinament ta' modi differenti ta' trasport, sikurezza fit-toroq, konsenja ta' merkanzija, ġestjoni tal-mobbiltà u sistemi ta' trasport intelliġenti. Is-SUMPs jista' jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-miri tal-Unjoni rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, tat-tniġġis akustiku u tal-arja.

(30)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tat-tfassil tal-format komuni għar-rapporti mill-Istati Membri u l-arranġamenti ta' trażmissjoni tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(31)

Sal-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Dak ir-rieżami jenħtieġ li jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva li temenda dik id-Direttiva għall-perijodu wara l-2030, inkluż għall-istabbiliment ta' miri ambizzjużi ġodda u l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għal kategoriji oħra ta' vetturi, bħall-vetturi tal-kategorija L u l-makkinarju tal-kostruzzjoni. Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta wkoll, inter alia, il-possibbiltà li din id-Direttiva tiġi allinjata ma' kwalunkwe metodoloġija biex jingħaddu l-emissjonijiet ta' CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-emissjonijiet ta' CO2 mill-estrazzjoni sal-użu, żviluppati fil-kuntest tal-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi tal-UE, kif ukoll il-possibbiltà tal-promozzjoni ta' batteriji sostenibbli u riċiklabbli, u l-użu ta' tajers bl-aħjar klassifikazzjoni u tajers trattati mill-ġdid.

(32)

Minkejja l-istabbiliment tal-miri minimi tal-akkwist f'din id-Direttiva ma japplikawx għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jmexxu bl-eżempju.

(33)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jingħata stimolu min-naħa tad-domanda għall-vetturi nodfa b'appoġġ għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b'emissjonijiet baxxi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom iżda jistgħu, permezz ta' qafas ta' politika komuni u fit-tul u għar-raġunijiet ta' skala, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (18), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'wieħed jew aktar mid-dokumenti li jispjegaw ir-rabta bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

(35)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/33/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/33/KE

Id-Direttiva 2009/33/KE hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b'appoġġ għall-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi”;

(2)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u objettivi

Din id-Direttiva teħtieġ lill-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta' tul il-ħajja, inkluż il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' CO2 u ta' ċerti sustanzi li jniġġsu, meta jkunu qed jakkwistaw vetturi ta' trasport fuq it-triq, bl-għanijiet li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Unjoni.”;

(3)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva vetturi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(2) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u fil-punti 5.2. sa 5.5. u fil-punt 5.7. tal-Parti A tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).”;"

(4)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwist permezz ta':

(a)

kuntratti tax-xiri, tal-leasing, tal-kiri jew tal-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' vetturi tat-trasport bit-triq mogħtija minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti sakemm dawn ikunu obbligati japplikaw il-proċeduri tal-akkwist previsti fid-Direttivi 2014/24/UE (*2) u 2014/25/UE (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b)

kuntratti tas-servizz pubbliku skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) li s-suġġett tagħhom ikun il-provvista ta' servizzi ta' trasport għall-passiġġieri f'eċċess ta' livell ta' limitu li għandu jiġi definit mill-Istati Membri li ma jaqbiżx il-limitu tal-valur applikabbli stabbilit fl-Artikolu 5(4) ta' dak ir-Regolament;

(c)

kuntratti ta' servizz stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness għal din id-Direttiva sa fejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jkollhom l-obbligu li japplikaw il-proċeduri ta' akkwist stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal tali kuntratti li għalihom intbagħtet is-sejħa għall-kompetizzjoni wara t-2 ta' Awwissu 2021 jew, f'każijiet fejn ma tkunx prevista sejħa għall-kompetizzjoni, fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun bdiet il-proċedura ta' akkwist wara dik id-data.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a)

vetturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(2) u fil-punt (c) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 2018/858;

(b)

vetturi tal-kategorija M3 minbarra vetturi tal-Klassi I u tal-Klassi A kif definit fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*2)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65)."

(*3)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243)."

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1)."

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).”;"

(5)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Direttiva:

(1)

“awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/25/UE;

(2)

“entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE;

(3)

“vettura tat-trasport bit-triq” tfisser vettura tal-kategorija M jew N, kif definit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/858;

(4)

“vettura nadifa” tfisser:

(a)

vettura tal-kategorija M1, M2 jew N1 li għandha emissjoni massima mill-egżost espressa f'CO2 g/km u emissjonijiet tas-sewqan reali li jniġġsu l-arja inqas minn persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet applikabbli kif stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness, jew;

(b)

vettura tal-kategorija M3, N2 jew N3 li tuża karburanti alternattivi kif definit fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), esklużi karburanti prodotti minn materja prima b'riskju għoli ta' bidla indiretta fl-użu tal-art li għaliha jkun osservat li espansjoni sinifikanti tal-produzzjoni tkun f'art b'ħażna għolja ta' karbonju skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7). Fil-każ ta' vetturi li jużaw bijokarburanti likwidi, karburanti sintetiċi u paraffiniċi, dawn m'għandhomx jitħalltu ma' dawk il-karburanti fossili konvenzjonali;

(5)

“vettura tqila mingħajr emissjonijiet” tfisser vettura nadifa kif definit fil-punt 4(b) ta' dan l-Artikolu mingħajr magna b'kombustjoni interna, jew b'magna ta' kombustjoni interna li tirrilaxxa inqas minn 1 g CO2/kWh kif imkejjel skont ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8) u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, jew li temetti inqas minn 1 g CO2/km imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9) u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu.

(*6)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1)."

(*7)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82)."

(*8)  Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi tqal (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1)."

(*9)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).”;"

(6)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Miri minimi tal-akkwist

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xiri ta' vetturi u servizzi msemmija fl-Artikolu 3 jkunu konformi mal-miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief nodfa stabbiliti fit-Tabella 3 tal-Anness, u għall-vetturi tqal stabbiliti fit-Tabella 4 tal-Anness. Dawk il-miri huma espressi bħala perċentwali minimi ta' vetturi nodfa fin-numru totali ta' vetturi tat-trasport bit-triq koperti bl-aggregat tal-kuntratti kollha msemmija fl-Artikolu 3, mogħtija bejn it-2 ta' Awwissu 2021 u l-31 ta' Diċembru 2025 għall-ewwel perijodu ta' referenza, u bejn l-1 ta' Jannar 2026 u l-31 ta' Diċembru 2030, għat-tieni perijodu ta' referenza.

2.   Għall-fini li jiġu kkalkulati r-rekwiżiti minimi tal-akkwist, id-data tal-akkwist pubbliku li għandha titqies hija d-data tat-tlestija tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, permezz tal-għoti tal-kuntratt.

3.   Vetturi li jissodisfaw id-definizzjoni ta' vettura nadifa skont il-punt 4 tal-Artikolu 4 jew ta' vetturi tqal mingħajr emissjonijiet skont il-punt 5 tal-Artikolu 4 bħala riżultat ta' installazzjoni a posteriori jistgħu jitqiesu bħala vetturi nodfa jew vetturi tqal mingħajr emissjonijiet, rispettivament, għall-fini ta' konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

4.   Fil-każ ta' kuntratti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), in-numru ta' vetturi tat-trasport tat-triq mixtrija, b'leasing, mikrija jew b'lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri taħt kull kuntratt għandu jitqies għall-iskop tal-valutazzjoni tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

5.   Fil-każ ta' kuntratti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1), in-numru ta' vetturi tat-trasport tat-triq li għandhom jintużaw għall-provvista tas-servizzi koperti minn kull kuntratt għandu jitqies għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mal-miri minimi tal-akkwist.

6.   Fejn ma jiġux adottati miri ġodda għall-perijodu wara l-1 ta' Jannar 2030, il-miri stabbiliti għat-tieni perijodu ta' referenza għandhom ikomplu japplikaw, u għandhom jiġu kkalkulati skont il-paragrafi 1 sa 5, fuq perijodi sussegwenti ta' ħames snin.

7.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti tagħhom biex japplikaw miri nazzjonali ogħla jew rekwiżiti aktar stretti minn dawk imsemmija fl-Anness.”;

(7)

L-Artikoli 6 u 7 huma mħassra;

(8)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Skambju tal-għarfien u tal-aħjar prattika

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta' tagħrif u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri abbażi ta' prattiki għall-promozzjoni tax-akkwist ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għat-trasport bit-triq mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti.”;

(9)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/94/UE.

Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha titwaqqaf mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta jintalab dan permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

(*10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(10)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Rapportar u rieżami

1.   Sat-2 ta' Awwissu 2022 l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex tiġi implimentata din id-Direttiva u dwar l-intenzjonijiet tal-Istati Membri rigward attivitajiet futuri ta' implimentazzjoni, inkluż l-għażla taż-żmien u l-qsim tal-isforz possibbli bejn livelli differenti ta' governanza, kif ukoll dwar kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis rilevanti.

2.   Sat-18 ta' April 2026, u wara kull tliet snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Dawk ir-rapporti għandhom jakkumpanjaw ir-rapporti previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 83(3) tad-Direttiva 2014/24/UE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(3) tad-Direttiva 2014/25/UE, u għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex titwettaq din id-Direttiva, attivitajiet ta' implimentazzjoni futuri, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Istat Membru jikkunsidra rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll in-numru u l-kategoriji tal-vetturi koperti mill-kuntratti msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata abbażi tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11).

3.   Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti fl-obbligi ta' rappurtar tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġbor u tippubblika n-numru u l-kategoriji tal-vetturi koperti mill-kuntratti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva billi tiġbor id-data rilevanti mill-avviżi ta' għoti ta' Kuntratti Ppubblikati fuq il-Bażi tad-Data (TED) (Tenders Electronic Daily) skont id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.

4.   Sat-18 ta' April 2027, u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li jispeċifika l-miżuri meħuda minn Stati Membri f'dan ir-rigward, wara r-rapporti msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Sal-31 ta' Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva għall-emendar tagħha għall-perijodu wara l-2030, inkluż għall-istabbiliment ta' miri ġodda u għall-inklużjoni ta' kategoriji oħra ta' vetturi, bħal vetturi b'żewġ jew tliet roti.

6.   Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 9(2) li jistabbilixxu l-format tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-arranġamenti ta' trażmissjoni tagħhom.

(*11)  Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1).”;"

(11)

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2021. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir it-tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 58.

(2)  ĠU C 387, 25.10.2018, p. 70.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

(6)  Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).

(7)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(8)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(9)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

(13)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.

(14)  ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(18)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

“ANNESS

INFORMAZZJONI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA' MIRI MINIMI GĦALL-AKKWIST TA' VETTURI TAT-TRASPORT BIT-TRIQ NODFA B'APPOĠĠ GĦAL MOBBILTÀ B'EMISSJONIJIET BAXXI FL-ISTATI MEMBRI

Tabella 1

Il-kodiċijiet għas-servizzi tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwisti (CPV) msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1)

Kodiċi CPV

Deskrizzjoni

60112000-6

Servizzi pubbliċi tat-trasport bit-triq

60130000-8

Servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq għal skopijiet speċjali

60140000-1

Trasport tal-passiġġieri mhux skedat

90511000-2

Servizzi ta' ġbir tal-iskart

60160000-7

Trasport tal-posta bit-triq

60161000-4

Servizzi ta' trasport tal-pakketti

64121100-1

Servizzi ta' konsenja tal-posta

64121200-2

Servizzi ta' konsenja tal-pakketti

Tabella 2

Il-limiti tal-emissjonijiet għall-vetturi ħfief nodfa

Kategoriji ta' vetturi

Sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026

 

CO2 g/km

emissjonijiet RDE ta' sustanzi li jniġġsu l-arja (1) bħala persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet (2)

CO2 g/km

emissjonijiet RDE ta' sustanzi li jniġġsu l-arja (1) bħala persentaġġ tal-limiti tal-emissjonijiet (2)

M1

50

80 %

0

Mhux applikabbli

M2

50

80 %

0

Mhux applikabbli

N1

50

80 %

0

Mhux applikabbli

(*)

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta 'Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi (Direttiva) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

Tabella 3

Mira minima tal-akkwist għas-sehem tal-vetturi ħfief nodfa skont it-Tabella 2 fin-numru totali tal-vetturi ħfief koperti minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 3 fil-livell tal-Istati Membri

Stat Membru

Mit-2 ta' Awwissu 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Il-Lussemburgu

38,5 %

38,5 %

L-Iżvezja

38,5 %

38,5 %

Id-Danimarka

37,4 %

37,4 %

Il-Finlandja

38,5 %

38,5 %

Il-Ġermanja

38,5 %

38,5 %

Franza

37,4 %

37,4 %

Ir-Renju Unit

38,5 %

38,5 %

In-Netherlands

38,5 %

38,5 %

L-Awstrija

38,5 %

38,5 %

Il-Belġju

38,5 %

38,5 %

L-Italja

38,5 %

38,5 %

L-Irlanda

38,5 %

38,5 %

Spanja

36,3 %

36,3 %

Ċipru

31,9 %

31,9 %

Malta

38,5 %

38,5 %

Il-Portugall

29,7 %

29,7 %

Il-Greċja

25,3 %

25,3 %

Is-Slovenja

22 %

22 %

Iċ-Ċekja

29,7 %

29,7 %

L-Estonja

23,1 %

23,1 %

Is-Slovakkja

22 %

22 %

Il-Litwanja

20,9 %

20,9 %

Il-Polonja

22 %

22 %

Il-Kroazja

18,7 %

18,7 %

L-Ungerija

23,1 %

23,1 %

Il-Latvja

22 %

22 %

Ir-Rumanija

18,7 %

18,7 %

Il-Bulgarija

17,6 %

17,6 %

Tabella 4

Mira minima tal-akkwist għas-sehem tal-vetturi tqal nodfa fin-numru totali ta' vetturi tqal koperti minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 3 fil-livell tal-Istati Membri (*)

Stat Membru

Trakkijiet (kategorija tal-vettura N2 u N3)

Xarabanks (kategorija tal-vettura M3) (*1)

 

Mit-2 ta' Awwissu 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Mit-2 ta' Awwissu 2021 sal-31 ta' Diċembru 2025

Mill-1 ta' Jannar 2026 sal-31 ta' Diċembru 2030

Il-Lussemburgu

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Iżvezja

10 %

15 %

45 %

65 %

Id-Danimarka

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Finlandja

9 %

15 %

41 %

59 %

Il-Ġermanja

10 %

15 %

45 %

65 %

Franza

10 %

15 %

43 %

61 %

Ir-Renju Unit

10 %

15 %

45 %

65 %

In-Netherlands

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Awstrija

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Belġju

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Italja

10 %

15 %

45 %

65 %

L-Irlanda

10 %

15 %

45 %

65 %

Spanja

10 %

14 %

45 %

65 %

Ċipru

10 %

13 %

45 %

65 %

Malta

10 %

15 %

45 %

65 %

Il-Portugall

8 %

12 %

35 %

51 %

Il-Greċja

8 %

10 %

33 %

47 %

Is-Slovenja

7 %

9 %

28 %

40 %

Iċ-Ċekja

9 %

11 %

41 %

60 %

L-Estonja

7 %

9 %

31 %

43 %

Is-Slovakkja

8 %

9 %

34 %

48 %

Il-Litwanja

8 %

9 %

42 %

60 %

Il-Polonja

7 %

9 %

32 %

46 %

Il-Kroazja

6 %

7 %

27 %

38 %

L-Ungerija

8 %

9 %

37 %

53 %

Il-Latvja

8 %

9 %

35 %

50 %

Ir-Rumanija

6 %

7 %

24 %

33 %

Il-Bulgarija

7 %

8 %

34 %

48 %


(1)  Il-massimu ddikjarat ta' valuri tan-numriu tal-partikuli (PN) fl-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) f'#/km u ossidi tan-nitroġenu (NOx) f'mg/km kif irrappurtat fil-punt 48.2 taċ-Ċertifikat ta' Konformità, kif deskritt fl-Anness IX għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) kemm għall-vjaġġi kompluti kif ukoll għal dawk RDE urbani.

(2)  Il-limiti tal-emissjonijiet applikabbli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, jew fis-suċċessuri tiegħu.

(*1)  Nofs il-mira minima għas-sehem tax-xarabanks nodfa trid tiġi ssodisfata bl-akkwist ta' xarabanks mingħajr emissjonijiet kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 4. Dan ir-rekwiżit jitnaqqas għal kwart tal-mira minima għall-ewwel perijodu ta' referenza jekk aktar minn 80 % tax-xarabanks koperti mill-aggregat tal-kuntratti kollha msemmija fl-Artikolu 3, mogħtija matul dak il-perijodu fi Stat Membru, ikunu xarabanks b'żewġ sulari.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/131


Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnutaw li l-proċess għall-għażla tal-post tas-sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ma ġiex konkluż fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament ta' twaqqif tagħha (1).

Ifakkru fl-impenn favur kooperazzjoni sinċiera u trasparenti u jfakkru t-Trattati, it-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-valur tal-iskambju ta' informazzjoni mill-istadji inizjali tal-proċess għall-għażla tas-sede tal-ELA.

Tali skambju bikri ta' informazzjoni jagħmilha eħfef għat-tliet Istituzzjonijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati permezz ta' proċeduri relatati.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq il-miżuri meħtieġa sabiex ir-Regolament fundatur jforni dispożizzjoni dwar il-lokazzjoni tas-sede tal-ELA, u biex tiżgura li l-ELA topera b'mod awtonomu f'konformità ma' dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21.