ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 164

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
20 ta' Ġunju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/983 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol ( 1 )

23

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/984 tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu għall-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba

30

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/1


REGOLAMENT (UE) 2019/982 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar it-twaqqif tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (“il-Ftehim tal-GFCM”) jipprovdi qafas adattat għall-kooperazzjoni multilaterali sabiex jiġu promossi l-iżvilupp, il-konservazzjoni, il-ġestjoni razzjonali u l-aħjar użu tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed f’livelli li huma kkunsidrati sostenibbli u b’riskju baxx li l-istokkijiet jinqerdu;

(2)

Wieħed mill-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jkunu sostenibbli mil-lat ambjentali fit-tul, u li jkunu ġestiti b’mod konsistenti mal-għanijiet għall-ksib ta’ benefiċċji f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija, is-soċjetà u l-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.

(3)

L-Unjoni, kif ukoll il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja huma partijiet kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-“GFCM”, General Fisheries Commission for the Mediterranean) huma vinkolanti għall-partijiet kontraenti tagħha. Peress li l-Unjoni hi parti kontraenti tal-Ftehim tal-GFCM, dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma vinkolanti għall-Unjoni u għalhekk jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni, sakemm il-kontenut tagħhom mhuwiex diġà kopert minnu.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM. Hu l-att leġiżlattiv xieraq għall-implimentazzjoni tal-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet tal-GFCM li ġew adottati mill-GFCM u li għadhom mhumiex koperti mid-dritt tal-Unjoni.

(6)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2015, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/2 dwar l-istabbiliment ta’ sett ta’ standards minimi għas-sajd tat-tkarkir tal-qiegħ fuq stokkijiet demersali fil-Kanal ta’ Sqallija. Dawk l-istandards jinkludu miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) u għall-merluzz (Merluccius merluccius). Partijiet minn dawk il-miżuri diġà jinsabu fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (5) dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati. Madankollu, il-miżuri li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-flotta li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 39/2015/2 jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(7)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2015, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/3 dwar l-istabbiliment ta’ sett ta’ miżuri għall-prevenzjoni, għad-deterrenza u għall-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għall-barbun imperjali (Psetta maxima) fil-Baħar l-Iswed. Ħafna minn dawk il-miżuri diġà huma previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 (6), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (7), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8), fir-Regolament (UE) Nru 1343/2011, fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (9). Numru ta’ miżuri ta’ ġestjoni tal-flotta stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 39/2015/3 mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għaldaqstant jenħtieġ li dawn jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(8)

Fis-Sessjoni Annwali tagħha fl-2015, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/39/2015/4 dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd għall-tal-mazzola griża fil-Baħar l-Iswed li tintroduċi daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-ispeċijiet ikkonċernati.

(9)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2016, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni tal-GFCM 40/2016/4 li tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd għall-merluzz u għall-gamblu abjad fil-Kanal ta’ Sqallija (subżoni ġeografiċi 12 sa 16). Uħud mill-elementi ta’ dak il-pjan pluriennali diġà huma previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 u fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Minkejja dan, ċerti miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 40/2016/4 mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(10)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/2 dwar il-ġestjoni tas-sajd għall-paġella ħamra fil-Baħar Alboran (subżoni ġeografiċi 1, 2, 3) għal perjodu tranżitorju ta’ sentejn. L-għan operazzjonali ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni hu li żżomm il-mortalità mis-sajd għall-paġella ħamra fi ħdan il-punti ta’ referenza prekawzjonali miftiehma u tikseb jew iżżomm ir-rendiment massimu sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(11)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/3 dwar l-istabbiliment ta’ żona ristretta tas-sajd fil-Fossa ta’ Jabuka/Pomo fil-Baħar Adrijatiku.

(12)

Fis-Sessjoni Annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (subżona ġeografika 29). Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi sett ta’ miżuri ta’ ġestjoni, ta’ miżuri tekniċi, ta’ miżuri tal-flotta u ta’ miżuri ta’ kontroll, bħala proġett pilota biex tiġġieled kontra s-sajd IUU fil-Baħar l-Iswed. Uħud mill-elementi ta’ dak il-pjan pluriennali diġà huma previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218, fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008, fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fir-Regolament (UE) Nru 1343/2011, fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Minkejja dan, ċerti miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 41/2017/4 mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(13)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/5 dwar l-istabbiliment ta’ pjan ta’ ġestjoni adattiv reġjonali għall-isfruttament tal-qroll aħmar fil-Baħar Mediterran

(14)

Matul is-Sessjoni Annwali tagħha fl-2017, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/8 dwar skema konġunta internazzjonali ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza barra mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali fil-Kanal ta’ Sqallija (subżoni ġeografiċi 12 sa 16) li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jieħdu sehem fih. Biex tkun żgurata l-konformità mal-PKS, ġiet adottata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar, li tiġġieled ukoll l-attivitajiet IUU. B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-kontroll, għall-ispezzjoni u għall-infurzar mill-Unjoni b’approċċ globali u integrat biex jiżgura l-konformità mar-regoli kollha tal-PKS. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema Komunitarja li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU (illegali, mhux rappurtat u mhux regolat). Dawk ir-Regolamenti diġà jipprovdu għal numru mill-miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/8. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li dawk il-miżuri jiddaħħlu f’dan ir-Regolament. Minkejja dan, ċerti miżuri stabbiliti f’dik ir-Rakkomandazzjoni mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

(15)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 jigi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 hu emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament japplika għall-attivitajiet kummerċjali kollha tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll għall-attivitajiet tas-sajd rikreattivi fejn ikun speċifikament previst f’dan ir-Regolament, imwettqa mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u miċ-ċittadini tal-Istati Membri fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM.”;

(2)

L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (*2):

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1)”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

‘żona ta’ lqugħ’ tfisser żona li ddur madwar żona ristretta tas-sajd sabiex jiġi evitat l-aċċess aċċidentali għaliha, u b’hekk tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żona mdawra;

(f)

‘sajd għall-paġella ħamra’ tfisser it-twettiq tal-attivitajiet tas-sajd li fihom il-kwantitajiet ta’ paġella ħamra abbord jew li nħatt l-art jikkostitwixxu aktar minn 20 % tal-qabda f’piż ħaj wara t-tqassim skont il-marea.”;

(3)

It-Taqsima li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 9:

Sezzjoni Ia

Żoni ristretti għas-sajd għall-protezzjoni ta’ ħabitats essenzjali ta’ ħut u ekosistemi tal-baħar vulnerabbli

Artikolu 9a

Żoni ristretti għas-sajd fil-Kanal ta’ Sqallija

Is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għandu jkun ipprojbit f’dawn iż-żoni:

(1)

iż-żona ristretta għas-sajd ‘Lvant mill-Adventure Bank’ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

37° 23,850′ N, 12° 30,072′ E

37° 23,884′ N, 12° 48,282′ E

37° 11,567′ N, 12° 48,305′ E

37° 11,532′ N, 12° 30,095′ E

(2)

iż-żona ristretta tas-sajd ‘Punent mill-Baċin ta’ Gela’ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

37° 12,040′ N, 13° 17,925′ E

37° 12,047′ N, 13° 36,170′ E

36° 59,725′ N, 13° 36,175′ E

36° 59,717′ N, 13° 17,930′ E

(3)

iż-żona ristretta tas-sajd ‘Lvant mill-Malta Bank’ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

36° 12,621′ N, 15° 13,338′ E

36° 12,621′ N, 15° 26,062′ E

35° 59,344′ N, 15° 26,062′ E

35° 59,344′ N, 15° 13,338′ E.

Artikolu 9b

Żoni ta’ lqugħ fil-Kanal ta’ Sqallija

1.   Żona ta’ lqugħ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin għandha tiġi stabbilita madwar iż-żona ristretta tas-sajd ‘Lvant mill-Adventure Bank’ kif imsemmi fl-Artikolu 9a(1):

37° 24,849′ N, 12° 28,814′ E

37° 24,888′ N, 12° 49,536′ E

37° 10,567′ N, 12° 49,559′ E

37° 10,528′ N, 12° 28,845′ E

2.   Żona ta’ lqugħ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin għandha tiġi stabbilita madwar iż-żona ristretta tas-sajd ‘Punent mill-Baċin ta’ Gela’ kif imsemmi fl-Artikolu 9a(2):

37° 13,041′ N, 13° 16,672′ E

37° 13,049′ N, 13° 37,422′ E

36° 58,723′ N, 13° 37,424′ E

36° 58,715′ N, 13° 16,682′ E

3.   Żona ta’ lqugħ konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin għandha tiġi stabbilita madwar iż-żona ristretta tas-sajd ‘Lvant mill-Malta Bank’ kif imsemmi fl-Artikolu 9a(3):

36° 13,624′ N, 15° 12,102′ E

36° 13,624′ N, 15° 27,298′ E

35° 58,342′ N, 15° 27,294′ E

35° 58,342′ N, 15° 12,106′ E

4.   Bastimenti li jwettqu attivitajiet tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fiż-żoni ta’ lqugħ imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiżguraw il-frekwenza tat-trażmissjoni xierqa tas-sinjali tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) tagħhom. Bastimenti mhux mgħammra bi transponder tal-VMS u li jkollhom l-għan li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fiż-żoni ta’ lqugħ għandhom ikunu mgħammra bi kwalunkwe sistema oħra ta’ ġeolokalizzazzjoni biex jippermettu lill-awtoritajiet ta’ kontroll jintraċċaw l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 9c

Restrizzjonijiet fuq is-sajd fiż-żona tal-Fossa ta’ Jabuka / Pomo fil-Baħar Adrijatiku

1.   Sajd rikreazzjonali u sajd bix-xbieki tal-qiegħ, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases għandhom ikunu pprojbiti f’żona konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

43° 32,044′ N, 15° 16,501′ E

43° 05,452′ N, 14° 58,658′ E

43° 03,477′ N, 14° 54,982′ E

42° 50,450′ N, 15° 07,431′ E

42° 55,618′ N, 15° 18,194′ E

43° 17,436′ N, 15° 29,496′ E

43° 24,758′ N, 15° 33,215′ E

2.   Mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Ottubru kull sena, sajd bix-xbieki tal-qiegħ, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases għandu jkun ipprojbit f’żona konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

43° 03,477′ N, 14° 54,982′ E

42° 49,811′ N, 14° 29,550′ E

42° 35,205′ N, 14° 59,611′ E

42° 49,668′ N, 15° 05,802′ E

42° 50,450′ N, 15° 07,431′ E

3.   Mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Ottubru kull sena, sajd rikreazzjonali u sajd bix-xbieki tal-qiegħ, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases għandhom ikunu pprojbiti f’żona konfinata permezz ta’ linji li jgħaqqdu l-koordinati li ġejjin:

43° 17,436′ N, 15° 29,496′ E

43° 24,758′ N, 15° 33,215′ E

43° 20,345′ N, 15° 47,012′ E

43° 18,150′ N, 15° 51,362′ E

43° 13,984′ N, 15° 55,232′ E

43° 12,873′ N, 15° 52,761′ E

43° 13,494′ N, 15° 40,040′ E

Artikolu 9d

Bastimenti awtorizzati fiż-żona tal-Fossa ta’ Jabuka / Pomo

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 109c(2) u (3), l-attivitajiet tas-sajd kummerċjali mwettqa bix-xbieki tal-qiegħ, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases għandhom ikunu awtorizzati biss, fiż-żoni msemmija f’dawk il-paragrafi, jekk il-bastiment ikun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni speċifika u jekk dan ikun jista’ juri li storikament wettaq attivitajiet tas-sajd fiż-żoni kkonċernati.

2.   Fiż-żona msemmija fl-Artikolu 9c(2), il-bastimenti tas-sajd awtorizzati m’għandhomx ikunu intitolati li jistadu għal aktar minn jumejn tas-sajd fil-ġimgħa. Il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jużaw irkaptu li jkun xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti tewmin m’għandhomx ikollhom id-dritt li jistadu għal aktar minn jum wieħed tas-sajd fil-ġimgħa.

3.   Fiż-żona msemmija fl-Artikolu 9c(3), il-bastimenti awtorizzati li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għandhom ikunu intitolati li jistadu biss kull nhar ta’ Sibt u Ħadd mill-5.00 H sal-22.00 H. Bastimenti awtorizzati li jistadu bix-xbieki tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases għandhom jitħallew jistadu biss minn nhar ta’ Tnejn 05.00 H sal-Ħamis 22.00 H.

4.   Il-bastimenti awtorizzati jistadu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 9c(2) u (3) bl-irkaptu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinħarġilhom awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istat Membru tagħhom f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

5.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu kull sena, il-lista ta’ bastimenti li għalihom ikunu ħarġu l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lis-Segretarjat tal-GFCM, mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, il-lista ta’ bastimenti awtorizzati stabbiliti għas-sena li jmiss. Għal kull bastiment, il-lista għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-bastiment;

(b)

in-numru tar-reġistru tal-bastiment;

(c)

l-identifikatur uniku tal-GFCM (il-kodiċi 3-alfa tal-ISO tal-pajjiż + 9 figuri, eż. xxx000000001);

(d)

l-isem ta’ qabel (jekk kien hemm);

(e)

il-bandiera ta’ qabel (jekk kien hemm);

(f)

id-dettalji tat-tħassir ta’ qabel minn reġistri oħra (jekk kien hemm);

(g)

is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (jekk hemm);

(h)

it-tip ta’ bastiment, it-tul totali (LOA) u t-tunnellaġġ gross (GT) u/jew it-tunnellaġġ irreġistrat gross (GRT);

(i)

l-isem u l-indirizz tal-proprjetarju/i u l-operatur(i);

(j)

l-irkaptu ewlieni użat għas-sajd fiż-Żona Ristretta tas-Sajd;

(k)

il-perjodu staġjonali awtorizzat għas-sajd fiż-Żona Ristretta tas-Sajd;

(l)

in-numru ta’ jiem tas-sajd li għalih huwa intitolat kull bastiment;

(m)

il-port magħżul.

6.   Il-bastimenti tas-sajd awtorizzati għandhom iħottu biss qabdiet ta’ stokkijiet demersali fil-portijiet magħżula. Għal dak l-għan, kull Stat Membru kkonċernat għandu jagħżel portijiet li fihom hu awtorizzat il-ħatt tal-qabdiet miż-Żona Ristretta tas-Sajd tal-Fossa ta’ Jabuka/Pomo. Il-lista ta’ dawk il-portijiet għandha tiġi kkomunikata lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena.

7.   Il-bastimenti tas-sajd awtorizzati biex jistadu fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 9c(2) u (3) bl-irkaptu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollhom VMS u/jew Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatiċi (AIS) li jaħdmu kif suppost, u l-irkaptu tas-sajd abbord jew użat għandu jkun identifikat, enumerat u mmarkat kif xieraq qabel tibda kwalunkwe operazzjoni tas-sajd jew in-navigazzjoni f’dawk iż-żoni.

8.   Il-bastimenti tas-sajd bix-xbieki tal-qiegħ, bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, bil-konzijiet tal-qiegħ u bin-nases mingħajr awtorizzazzjonijiet għandhom jitħallew jgħaddu miż-Żona Ristretta tas-Sajd biss jekk dawn isegwu rotta diretta b’veloċità kostanti ta’ mhux anqas minn 7 knots u b’VMS u/jew l-AIS attivi abbord, u jekk ma jwettqu l-ebda tip ta’ attivitajiet tas-sajd.

Artikolu 9e

Restrizzjonijiet spazjali/temporali fil-Baħar Alboran

1.   Filwaqt li jikkunsidraw il-parir xjentifiku disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet spazjali/temporali fil-Baħar Alboran (subżoni ġeografiċi 1, 2 u 3 tal-GFCM kif iddefiniti fl-Anness I), li fihom l-attivitajiet tas-sajd għandhom ikunu pprojbiti jew ristretti biex jiġu protetti żoni ta’ aggregazzjoni ta’ paġelli ħomor li għadhom qed jikbru u/jew li jkunu ser iwelldu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-GFCMu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-11 ta’ Jannar 2020 iż-żoni u r-restrizzjonijiet applikati fihom.”;

(4)

Fil-Kapitolu I tat-Titolu II, tiżdied it-Taqsima li ġejja:

Taqsima III

Għeluq temporanju fil-Golf ta’ Gabès

Artikolu 11a

Għeluq temporanju fil-Golf ta’ Gabès

Mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Settembru kull sena, is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għandu jkun ipprojbit bejn il-kosta u l-isobat ta’ 200 metru fond tas-Subżona Ġeografika 14 tal-GFCM (il-Golf ta’ Gabès kif iddefinit fl-Anness I).”;

(5)

Fit-Titolu II, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

KAPITOLU IIA

Għeluq temporali fil-Baħar l-Iswed

Artikolu 14a

Perjodu tal-għeluq matul l-istaġun tar-riproduzzjoni tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed

1.   Fil-perjodu ta’ bejn April u Ġunju kull sena, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perjodu tal-għeluq ta’ tal-anqas xahrejn fil-Baħar l-Iswed.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw restrizzjonijiet spazjali/temporali addizzjonali li fihom l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jiġu pprojbiti jew ristretti biex jipproteġu żoni ta’ aggregazzjoni ta’ barbuni imperjali li għadhom qed jikbru.”

(6)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 16ca

Għeluq ta’ prekawzjoni għall-qroll aħmar

1.   Meta jintlaħaq il-livell ta’ qabdiet skattatur tal-qroll aħmar kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jagħlqu ż-żona kkonċernata b’mod temporali għal kwalunkwe sajd għall-qroll aħmar.

2.   Il-livell ta’ qabdiet skattatur għandu jitqies li ntlaħaq meta l-kolonji tal-qroll aħmar b’dijametru bażiku ta’ anqas minn 7 mm jaqbżu l-25 % tal-qabda totali li ssir minn bank partikolari tal-qroll aħmar għal sena partikolari.

3.   Meta l-banks tal-qroll ma jkunux għadhom ġew identifikati kif suppost, il-livell ta’ qabdiet skattatur u l-għeluq previst fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw fuq l-iskala tar-rettangolu statistiku tal-GFCM.

4.   Fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi għeluq kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membri għandhom jiddefinixxu ż-żona ġeografika kkonċernata, id-durata tal-għeluq u l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sajd f’dik iż-żona matul l-għeluq.

5.   L-Istati Membri li jistabbilixxu l-għeluq għandhom jinformaw lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 16cb

Għeluq spazjali/temporali

L-Istati Membri li jistadu b’mod attiv għall-qroll aħmar għandhom jintroduċu għeluq addizzjonali għall-protezzjoni tal-qroll aħmar fuq il-bażi tal-parir xjentifiku disponibbli u mhux aktar tard mill-11 ta’ Jannar 2020.”;

(7)

Fit-Titolu II, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej wara l-Kapitolu IV:

KAPITOLU IVA

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-mazzola griża tal-Baħar l-Iswed

Artikolu 16da

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-mazzola griża tal-Baħar l-Iswed

Eżemplari ta’ mazzola griża fil-Baħar l-Iswed iżgħar minn 90 cm m’għandhomx jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, jinħattu l-art, jinħażnu, jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ. Meta jinqabdu bi żball, dawn l-eżemplari tal-mazzola griża għandhom jinħelsu minnufih mingħajr ma ssirilhom ħsara u ħajjin, sa fejn ikun possibbli. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd għandhom jirreġistraw qbid inċidentali, avvenimenti ta’ rilaxx u/jew ta’ rimi għall-mazzola griża fil-ġurnal ta’ abbord. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dik l-informazzjoni lill-GFCM u lill-Kummissjoni fir-rappurtar annwali tagħhom lill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku u permezz tal-qafas ta’ ġbir tad-data tal-GFCM.”;

(8)

Jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU IIA

KAPAĊITÀ TAS-SAJD U OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 16m

Il-limiti ta’ qbid għall-qroll aħmar

Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi fil-Baħar Mediterran sistema ta’ limiti ta’ qbid ta’ kuljum u/jew annwali individwali għall-qroll aħmar.

Artikolu 16n

Kapaċità jew sforz tas-sajd tal-flotta tas-sajd għall-paġella ħamra fil-Baħar Alboran

Sa mhux aktar tard mill-2020, l-Istati Membri għandhom iżommu l-livelli tal-kapaċità jew tal-isforz tas-sajd tal-flotta tas-sajd fil-livelli awtorizzati u applikati fis-snin reċenti għall-qbid tal-paġella ħamra fil-Baħar Alboran (subżoni ġeografiċi 1, 2 u 3 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I).”;

(9)

Jitħassar l-Artikolu 17a;

(10)

Fit-Titolu III, jiżdiedu l-Kapitoli li ġejjin:

KAPITOLU III

Il-kontroll tas-sajd għall-qroll

Artikolu 22a

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-qroll aħmar

1.   Bastimenti jew sajjieda awtorizzati li jistadu għall-qroll aħmar fil-Baħar Mediterran għandu jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd valida, li għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi li fihom jista’ jsir is-sajd.

2.   Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun ipprojbit li wieħed jistad, iżomm abbord, jittrasborda, iħott, jittrasferixxi, jaħżen, ibigħ jew juri jew joffri għall-bejgħ il-qroll aħmar.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru aġġornat tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu kull sena, il-lista ta’ bastimenti li għalihom ikunu nħarġu l-awtorizzazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-lista lis-Segretarjat tal-GFCM sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena. Dik il-lista għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull bastiment:

(a)

l-isem tal-bastiment;

(b)

in-numru tar-reġistru tal-bastiment (kodiċi assenjat mill-parti kontraenti);

(c)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-GFCM (il-kodiċi 3-alfa tal-ISO tal-pajjiż + 9 figuri, eż. xxx000000001)

(d)

il-port tar-reġistrazzjoni (l-isem sħiħ tal-port)

(e)

l-isem ta’ qabel (jekk kien hemm);

(f)

il-bandiera ta’ qabel (jekk kien hemm);

(g)

id-dettalji tat-tħassir ta’ qabel minn reġistri oħra (jekk kien hemm);

(h)

is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (jekk hemm);

(i)

il-VMS jew tagħmir ieħor għall-ġeolokalizzazzjoni tal-bastimenti (indika I/L);

(j)

it-tip ta’ bastiment, it-tul totali (LOA) u t-tunnellaġġ gross (GT) u/jew it-tunnellaġġ reġistrat gross (GRT) u s-saħħa tal-magna espressa f’kW;

(k)

it-tagħmir ta’ sikurezza u ta’ sigurtà għall-ospitar tal-osservatur(i) abbord (indika I/L);

(l)

il-perjodu ta’ żmien li fih hu awtorizzat is-sajd għall-qroll aħmar

(m)

iż-żona/i li fiha/fihom hu awtorizzat is-sajd għall-qroll aħmar: is-subżoni ġeografiċi tal-GFCM u ċ-ċelloli tal-grilja statistika tal-GFCM;

(n)

il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ riċerka mmexxija minn istituzzjonijiet xjentifiċi nazzjonali/internazzjonali (indika I/L; ipprovdi deskrizzjoni).

4.   L-Istati Membri m’għandhomx iżidu n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd sa meta l-parir xjentifiku jindika status favorevoli tal-popolazzjonijiet tal-qroll aħmar.

Artikolu 22b

Reġistrazzjoni tal-qabdiet għall-qroll aħmar

1.   Is-sajjieda jew il-kaptani tal-bastimenti awtorizzati biex jistadu għall-qroll aħmar għandhom jirreġistraw il-qabdiet f’piż ħaj, u, jekk possibbli, in-numru ta’ kolonji, wara l-operazzjonijiet tas-sajd, jew, sa mhux aktar tard minn meta dawn jinħattu fil-port, f’każ ta’ vjaġġi tas-sajd ta’ kuljum.

2.   Il-bastimenti tas-sajd awtorizzati jistadu għall-qroll aħmar għandu jkollhom abbord ġurnal ta’ abbord li fih jiġu rreġistrati l-qabdiet ta’ kuljum tal-qroll aħmar, irrispettivament mill-piż ħaj tal-qabda, u l-attività tas-sajd skont iż-żona u l-fond, inkluż, fejn possibbli, in-numru ta’ jiem tas-sajd u ta’ għadsiet. Dik l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel l-iskadenza stabbiliti fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 22c

Notifika minn qabel għall-qroll aħmar

Bejn sagħtejn u erba’ sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd jew ir-rappreżentant tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-ħin stmat tal-wasla;

(b)

in-numru ta’ identifikazzjoni estern u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(c)

il-kwantità stmata f’piż ħaj u, jekk possibbli, in-numru ta’ kolonji tal-qroll aħmar miżmuma abbord;

(d)

l-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika fejn tkun saret il-qabda.

Artikolu 22d

Il-portijiet magħżula għall-qroll aħmar

Is-sajjieda jew il-bastimenti tas-sajd awtorizzati għandhom iħottu qabdiet tal-qroll aħmar f’portijiet magħżula biss. Għaldaqstant, kull Stat Membru għandu jagħżel il-portijiet li fihom hu awtorizzat il-ħatt tal-qroll aħmar u jikkomunika lista ta’ dawk il-portijiet lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, ħlief fil-każ li ma jkun seħħ ebda tibdil fil-portijiet magħżula diġà kkomunikati.

Artikolu 22e

Kontroll tal-ħatt tal-qroll aħmar

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi programm ta’ kontroll ibbażat fuq l-analiżi tar-riskju, b’mod partikolari biex jivverifika l-ħatt u jivvalida l-ġurnali ta’ abbord.

Artikolu 22f

Trasbord tal-qroll aħmar

L-operazzjonijiet ta’ trasbord fil-baħar tal-qroll aħmar għandhom ikunu pprojbiti.

Artikolu 22g

Informazzjoni xjentifika għall-qroll aħmar

L-Istati Membri li jkollhom flotot tas-sajd li jistadu għall-qroll aħmar għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu għall-monitoraġġ xjentifiku adegwat tas-sajd u tal-qabdiet bl-għan li jippermettu lill-kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-GFCM jipprovdi informazzjoni deskrittiva u pariri fuq tal-anqas:

(a)

l-isforz skjerat tas-sajd (eż. in-numru ta’ għadsiet għas-sajd fil-ġimgħa) u l-livelli totali ta’ qabdiet skont l-istokkijiet f’livell lokali, nazzjonali jew supranazzjonali;

(b)

il-punti ta’ referenza tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni bl-għan li jkompli jittejjeb il-pjan ta’ ġestjoni reġjonali f’konformità mal-objettiv ta’ rendiment massimu sostenibbli u ta’ riskju baxx li l-istokkijiet jinqerdu;

(c)

l-effetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi tax-xenarji ta’ ġestjoni alternattivi, inklużi l-kontroll tal-input/output u/jew il-miżuri tekniċi, kif proposti mill-partijiet kontraenti għall-GFCM;

(d)

għeluq spazjali/temporali possibbli biex tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tas-sajd.

KAPITOLU IV

Miżuri ta’ kontroll relatati ma’ ċerti subżoni ġeografiċi tal-GFCM

Taqsima I

Kontroll tas-sajd għall-paġella ħamra fil-Baħar Alboran

Artikolu 22h

Ir-rapportar tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali ta’ kuljum tal-paġella ħamra

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiżguraw li l-qabdiet u l-qabdiet inċidentali kummerċjali ta’ kuljum kollha tal-paġella ħamra fil-Baħar Alboran (subżoni ġeografiċi 1, 2, 3 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I), irrispettivament mill-piż ħaj tal-qabda, jiġu rrapportati. Rigward is-sajd rikreazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jirreġistraw jew jagħmlu stimi tal-qabdiet ta’ dik l-ispeċi.

Artikolu 22i

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd u attivitajiet tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru tal-bastimenti tas-sajd li huma awtorizzati jġorru abbord jew iħottu kwantitajiet ta’ paġella ħamra maqbuda fil-Baħar Alboran li jikkostitwixxu aktar minn 20 % tal-qabda f’piż ħaj wara t-tqassim skont il-marea. Dak ir-reġistru għandu jinżamm u jiġi aġġornat.

2.   Il-bastimenti tas-sajd li jistadu għall-paġella ħamra għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet tas-sajd biss jekk dawk l-attivitajiet tas-sajd ikunu indikati f’awtorizzazzjoni valida tas-sajd maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti u li tispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi li fihom jistgħu jitwettqu t-tali attivitajiet. L-awtorizzazzjoni għandha tinkludi d-data stabbilita fl-Anness VIII.

3.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jikkomunikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar kull sena, il-lista tal-bastimenti operazzjonali li għalihom inħarġet l-awtorizzazzjoni għas-sena kurrenti jew għas-sena/snin li jmiss; il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-lista lis-Segretarjat tal-GFCM sa mhux aktar tard minn tmiem Frar kull sena. Il-lista għandu jkun fiha d-data stabbilita fl-Anness VIII;

(b)

jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-GFCM, sa tmiem Novembru kull sena, filwaqt li jibdew mit-30 ta’ Novembru 2018 u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2020, rapport dwar l-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1, f’format aggregat, inkluża l-informazzjoni minima li ġejja:

(i)

in-numru ta’ jiem tas-sajd,

(ii)

iż-żona tas-sajd, u

(iii)

il-qabdiet ta’ paġella ħamra.

4.   Il-bastimenti kollha itwal minn 12-il metru komplessivi awtorizzati għas-sajd għall-paġella ħamra għandhom ikunu mgħammra b’VMS jew bi kwalunkwe sistema oħra ta’ ġeolokalizzazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet jintraċċaw l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 22j

Monitoraġġ xjentifiku

L-Istati Membri li għandhom flotot tas-sajd li jistadu għall-paġella ħamra għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu għall-monitoraġġ adegwat tas-sajd u tal-qabdiet bl-għan li jippermettu lill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku jipprovdi informazzjoni deskrittiva u pariri dwar tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, fost l-oħrajn, it-tul massimu tal-konz u tax-xbieki fissi u n-numru, it-tip u d-daqs tas-sunnara;

(b)

l-isforz skjerat tas-sajd (eż. in-numru ta’ jiem tas-sajd fil-ġimgħa) u l-livelli ġenerali ta’ qabdiet mill-flotot tas-sajd kummerċjali; jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll stima tal-qabdiet mis-sajd rikreazzjonali;

(c)

il-punti ta’ referenza tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni bl-għan li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd sostenibbli f’konformità mal-objettiv ta’ rendiment massimu sostenibbli u ta’ riskju baxx li l-istokkijiet jinqerdu;

(d)

l-effett soċjoekonomiku tax-xenarji ta’ ġestjoni alternattivi, inklużi l-kontroll tal-input/tal-output u/jew il-miżuri tekniċi, kif identifikati mill-GFCM u/jew mill-partijiet kontraenti;

(e)

għeluq spazjali/temporali possibbli biex tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tas-sajd;

(f)

l-impatt potenzjali tas-sajd rikreazzjonali fuq l-istatus tal-istokk(ijiet) tal-paġella ħamra.

Taqsima II

il-Kanal ta’ Sqallija

Artikolu 22k

Awtorizzazzjonijiet għas-sajd tat-tkarkir tal-qiegħ għal stokkijiet demersali fil-Kanal ta’ Sqallija

1.   Il-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ li jistadu għal stokkijiet demersali fil-Kanal ta’ Sqallija (subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 tal-GFCM kif iddefiniti fl-Anness I), għandhom jitħallew iwettqu l-attivitajiet speċifiċi tas-sajd indikati f’awtorizzazzjoni valida tas-sajd maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti u li tispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi li fihom għandhom jitwettqu t-tali attivitajiet.

2.   L-awtorizzazzjoni tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, minbarra d-data ddefinita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 (*3), id-data li ġejja:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-GFCM;

(b)

l-isem ta’ qabel (jekk kien hemm);

(c)

il-bandiera ta’ qabel (jekk kien hemm);

(d)

id-dettalji tat-tħassir ta’ qabel minn reġistri oħra (jekk kien hemm).

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Ottubru kull sena, il-lista ta’ bastimenti li għalihom ikunu ħarġu l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-lista lill-korp maħtur minnha u lis-Segretarjat tal-GFCM mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru kull sena.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-GFCM, mhux aktar tard mil-31 ta’ Awwissu kull sena, f’format aggregat, rapport dwar l-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni minima li ġejja:

(i)

in-numru ta’ jiem ta’ sajd;

(ii)

iż-żona tas-sajd; u

(iii)

il-qbid tal-merluzz Ewropew u l-gamblu abjad.

Artikolu 22l

Portijiet magħżulin

1.   Kull Stat Membru konċernat għandu jagħżel il-portijiet tal-ħatt l-art li fihom jista’ jsir il-ħatt l-art tal-merluzz u tal-gamblu abjad mill-Kanal ta’ Sqallija, b’konformità mal-Artikolu 43(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni lista tal-portijiet tal-ħatt l-art magħżula sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2018. Kwalunkwe bidla sussegwenti li ssir lil dik il-lista għandha tiġi notifikata fil-pront lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni.

2.   Għandu jkun ipprojbit li tinħatt l-art jew li tiġi trażbordata kwalunkwe kwantità ta’ merluzz u ta’ gamblu abjad li jkun ġie mistad fil-Kanal ta’ Sqallija fi kwalunkwe post ħlief fil-portijiet tal-ħatt l-art magħżula mill-Istati Membri.

Artikolu 22m

Skema Internazzjonali Konġunta ta’ Spezzjoni u ta’ Sorveljanza fil-Kanal ta’ Sqallija

1.   L-Istati Membri jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza fil-qafas ta’ Skema Internazzjonali Konġunta ta’ Spezzjoni u ta’ Sorveljanza (“l-Iskema”) li tkopri l-ilmijiet li jaqgħu barra mill-ġurisdizzjoni nazzjonali fis-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 tal-GFCM, kif iddefiniti fl-Anness I (“iż-żona ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza”).

2.   L-Istati Membri jistgħu jassenjaw spetturi u mezzi ta’ spezzjoni, u jwettqu spezzjonijiet fl-ambitu tal-Iskema. Il-Kummissjoni jew korp maħtur minnha wkoll jistgħu jassenjaw spetturi tal-Unjoni għall-Iskema.

3.   Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għall-UE u jistgħu jfasslu, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, pjan ta’ eżerċizzju konġunt biex l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha fl-ambitu tal-Iskema. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u mal-perjodi u maż-żoni ġeografiċi li fihom iridu jintużaw dawk ir-riżorsi.

4.   Kull Stat Membru għandu, mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru kull sena, jinnotifika lill-Kummissjoni jew lil korp maħtur minnha l-lista ta’ ismijiet tal-ispetturi awtorizzati jwettqu l-ispezzjoni u s-sorveljanza fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll l-ismijiet tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru użati għall-ispezzjoni u s-sorveljanza li beħsiebhom jassenjaw lill-Iskema għas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni jew l-entità maħtura minnha għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-GFCM sal-1 ta’ Diċembru kull sena jew mill-aktar fis possibbli qabel il-bidu tal-attivitajiet ta’ spezzjoni.

5.   L-ispetturi assenjati għall-Iskema għandhom iġorru karta ta’ spettur tal-GFCM maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, li għandha tkun fil-forma stabbilita fl-Anness IV.

6.   Il-bastimenti li jwettqu dmirijiet ta’ imbarkazzjoni u ta’ spezzjoni skont l-Iskema għandhom itajru bandiera speċjali jew pennell, kif deskritta fl-Anness V.

7.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull pjattaforma għall-ispezzjoni intitolata ttajjar il-bandiera tagħha u li topera fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1 iżżomm kuntatt sigur, ta’ kuljum fejn possibbli, ma’ kull pjattaforma għall-ispezzjoni oħra li topera f’dik iż-żona, biex jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja bl-għan li jikkoordinaw l-attivitajiet.

8.   Kull Stat Membru bi preżenza ta’ spezzjoni jew ta’ sorveljanza fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi lil kull pjattaforma għall-ispezzjoni, mad-dħul tiegħu fiż-żona, lista ta’ osservazzjonijiet stabbilita skont l-Anness VII, ta’ imbarkar u ta’ spezzjonijiet li jkun għamel fil-perjodu ta’ għaxart ijiem preċedenti, inklużi d-dati, il-koordinati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

Artikolu 22n

It-twettiq tal-ispezzjonijiet

1.   L-ispetturi assenjati għall-Iskema għandhom:

(a)

qabel l-imbarkazzjoni, jinnotifikaw lill-bastimenti tas-sajd bl-isem tal-bastiment ta’ spezzjoni;

(b)

juru, fuq il-bastiment ta’ spezzjoni u fuq il-bastiment ta’ imbarkazzjoni, il-pennell deskritt fl-Anness V;

(c)

jillimitaw kull tim ta’ spezzjoni għal massimu ta’ tliet spetturi.

2.   Mal-imbarkazzjoni fuq il-bastiment, l-ispetturi għandhom jipproduċu l-karta tal-identità deskritta fl-Anness IV lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd. L-ispezzjonijiet għandhom isiru f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-GFCM u, fejn possibbli, fil-lingwa mitkellma mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd.

3.   L-ispetturi għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni fil-format stabbilit fl-Anness VI.

4.   L-ispetturi għandhom jiffirmaw ir-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment li għandu jkollu d-dritt iżid mar-rapport kwalunkwe osservazzjoni li jaħseb li hi xierqa u li jrid jiffirma wkoll.

5.   Għandhom jingħataw kopji tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment u lill-awtoritajiet tat-tim tal-ispezzjoni, li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi kopji tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni u/jew korp maħtur minnha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja lis-Segretarjat tal-GFCM.

6.   Id-daqs tat-tim tal-ispezzjoni u t-tul tal-ispezzjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-uffiċjal kmandant tal-bastiment ta’ spezzjoni filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

Artikolu 22o

Ksur

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-attivitajiet li ġejjin għandhom jitqiesu li huma ksur:

(a)

l-attivitajiet imsemmija fil-punti (a),(b),(c),(e),(f),(g) u (h) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(b)

interferenza mas-sistema ta’ monitoraġġ abbażi ta’ satellita; kif ukoll

(c)

operat mingħajr VMS.

2.   Fil-każ ta’ kwalunkwe imbarkazzjoni u spezzjoni ta’ bastimenti tas-sajd li matulhom l-ispetturi jidentifikaw ksur, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment ta’ spezzjoni għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni jew lil korp maħtur minnha, li għandu jinnotifika lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd taħt spezzjoni, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz tas-Segretarjat tal-GFCM. Għandhom jinfurmaw ukoll lil kwalunkwe bastiment ta’ spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun magħruf li jinsab fil-viċinanza.

3.   L-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment għandu jiżgura li, wara spezzjoni li fiha jkun ġie individwat ksur, il-bastiment tas-sajd ikkonċernat iwaqqaf kull attività tas-sajd. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jitlob lill-bastiment tas-sajd jipproċedi fi żmien 72 siegħa lejn port magħżul minnu, fejn għandha tinbeda investigazzjoni.

4.   Fil-każ li xi ksur ġie skopert matul spezzjoni, l-azzjonijiet meħuda u s-segwitu mogħti mill-Istat Membru tal-bandiera għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni jew lil korp maħtur minnha. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandhom jgħaddu l-azzjoni u s-segwitu li jkun sar lis-Segretarjat tal-GFCM.

5.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jaġixxu fuq ir-rapporti tal-ispezzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 22n(3), u d-dikjarazzjonijiet li jirriżultaw mill-ispezzjonijiet dokumentarji mill-ispetturi fuq bażi simili bħalma jaġixxu fuq rapporti u dikjarazzjonijiet ta’ spetturi nazzjonali.

Taqsima III

il-Baħar l-Iswed

Artikolu 22p

Miżuri għall-prevenzjoni, għad-deterrenza u għall-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed

1.   Sal-20 ta’ Jannar kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, permezz tal-appoġġ normali tal-proċessar ta’ data, lista aġġornata tal-bastimenti li jużaw għeżula tal-qiegħ awtorizzati biex jistadu għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (is-subżona ġeografika 29 tal-GFCM, kif iddefinita fl-Anness I). Sal-1 ta’ Jannar kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik il-lista lis-Segretarjat tal-GFCM.

2.   Il-lista indikata fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, minbarra d-data stabbilita fl-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/218, id-data li ġejja:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-GFCM;

(b)

l-isem ta’ qabel (jekk kien hemm);

(c)

il-bandiera ta’ qabel (jekk kien hemm);

(d)

id-dettalji tat-tħassir ta’ qabel minn reġistri oħra (jekk kien hemm);

(e)

l-ispeċi ewlenija fil-mira;

(f)

l-irkaptu ewlieni użat għall-barbun imperjali, is-segment tal-flotta u l-unità operazzjonali kif iddefiniti fil-matriċi statistika tal-Kompitu 1 stabbilita fit-Taqsima C tal-Anness III;

(g)

il-perjodu ta’ żmien awtorizzat għas-sajd bl-għażel jew bi kwalunkwe rkaptu ieħor aktarx għas-sajd tal-barbun imperjali (jekk teżisti tali awtorizzazzjoni).

3.   Fuq talba mill-GFCM, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd awtorizzati biex iwettqu attività tas-sajd f’perjodu speċifiku. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ismijiet tal-bastimenti tas-sajd ikkonċernati, in-numru ta’ identifikazzjoni estern tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd allokati lil kull wieħed minnhom.

4.   Għeżula abbandunati mhux immarkati użati fis-sajd għall-barbun imperjali u li jinstabu fil-baħar għandhom jinġabru mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali. Imbagħad, dawk ix-xbieki għandhom jew jiġu kkonfiskati sakemm jiġi identifikat kif xieraq sidhom jew inkella jinqerdu jekk is-sid ma jkunx jista’ jiġi identifikat.

5.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jagħżel il-punti tal-ħatt, fejn għandhom isiru l-ħatt u t-trasbord tal-barbun imperjali maqbud fil-Baħar l-Iswed, f’konformità mal-Artikolu 43(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Lista tat-tali punti għandha tiġi kkomunikata lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru kull sena.

6.   Għandu jkun ipprojbit li wieħed iħott jew jittrasborda mill-bastimenti tas-sajd kwalunkwe kwantità ta’ barbun imperjali maqbud fil-Baħar l-Iswed fi kwalunkwe post ieħor li ma jkunx il-punti ta’ ħatt imsemmija fil-paragrafu 5.

Artickolu 22q

Pjanijiet nazzjonali ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza għas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza (“pjanijiet nazzjonali”) biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22p billi jiżguraw, fost l-oħrajn, monitoraġġ u reġistrazzjoni xierqa u preċiżi tal-qabdiet ta’ kull xahar u/jew tal-isforz tas-sajd skjerat.

2.   L-elementi li ġejjin għandhom jiddaħħlu fil-pjanijiet nazzjonali:

(a)

definizzjoni ċara tal-mezzi ta’ kontroll, b’deskrizzjoni tal-mezzi umani, tekniċi u finanzjarji speċifikament disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali;

(b)

definizzjoni ċara tal-istrateġija ta’ spezzjoni, (inklużi protokolli tal-ispezzjoni), li għandha tikkonċentra fuq il-bastimenti tas-sajd li aktarx li jaqbdu l-barbun imperjali u l-ispeċijiet assoċjati;

(c)

Il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-kontroll tas-swieq u tat-trasport;

(d)

definizzjoni tal-kompiti u tal-proċeduri ta’ spezzjoni, inklużi l-istrateġija ta’ kampjunar applikata għall-verifika tal-użin tal-qabdiet fl-ewwel bejgħ u l-istrateġija ta’ kampjunar għall-bastimenti li mhumiex soġġetti għal regoli dwar il-ġurnal ta’ abbord/id-dikjarazzjoni tal-ħatt;

(e)

linji gwida esploratorji għall-ispetturi, għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għas-sajjieda rigward is-sett ta’ regoli fis-seħħ għas-sajd li aktarx li jkun immirat lejn il-qbid tal-barbun imperjali, inklużi:

(i)

regoli għat-tlestija tad-dokumenti, inklużi rapporti tal-ispezzjonijiet, ġurnali ta’ abbord tas-sajd, dikjarazzjonijiet tat-trasbord, dikjarazzjonijiet tal-ħatt u tat-teħid tal-kontroll, dokumenti tat-trasport u noti tal-bejgħ;

(ii)

il-miżuri tekniċi fis-seħħ, inklużi d-daqs tal-malja u/jew id-dimensjonijiet tal-malja, id-daqs minimu tal-qabdiet, restrizzjonijiet temporanji;

(iii)

l-istrateġiji tal-kampjunar;

(iv)

mekkaniżmi ta’ kontroverifika.

(f)

taħriġ tal-ispetturi nazzjonali bil-ħsieb li jitwettqu l-kompiti msemmija fl-Anness II.

3.   Sal-20 ta’ Jannar kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, lill-Kummissjoni jew lil korp maħtur minnha, il-pjanijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha għandhom jgħaddu dawn il-pjanijiet lis-Segretarju tal-GFCM qabel il-31 ta’ Jannar kull sena.

Artikolu 22r

Monitoraġġ xjentifiku tas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-SAC (il-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku) u lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru kull sena, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali b’appoġġ tal-monitoraġġ xjentifiku tas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed.

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).”;"

(11)

L-Artikolu 23a hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

id-data dwar il-qroll aħmar imsemmija fl-Artikolu 22b; kif ukoll”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Kull Stat Membru għandu jissottometti rapport dettaljat dwar l-attivitajiet tas-sajd b’rabta mal-qroll aħmar tiegħu lis-Segretarjat tal-GFCM u lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju kull sena. It-tali rapport għandu jinkludi tal-anqas informazzjoni dwar il-qabdiet totali u ż-żoni tas-sajd u, jekk possibbli, dwar in-numru ta’ għadsiet u l-qabda medja għal kull għadsa.”;

(12)

L-Annessi IV, V, VI, VII u VIII jiddaħħlu kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 95.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2019.

(3)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(6)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(9)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).


ANNESS

L-Annessi li ġejjin jiżdiedu mar-Regolament (UE) Nru 1343/2011:

“ANNESS IV

Mudell tal-Karta tal-Identità għall-ispetturi tal-GFCM

Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran

Image 1

GFCM

Image 2

GFCM

Id-detentur ta' din il-karta tal-identità tal-ispettur hu spettur tal-GFCM maħtur kif xieraq skont it-termini tal-Iskema Konġunta ta' Spezzjoni u ta' Sorveljanza tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) u għandu s-setgħa li jaġixxi skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-GFCM.

KARTA TAL-IDENTITÀ TAL-ISPETTUR

Ritratt

Parti Kontraenti

Isem l-Ispettur:

Nru tal-Karta

……

Awtorità tal-Ħruġ

……

Spettur

Data tal-ħruġ:

Valida għal ħames snin

“ANNESS V

MUDELL TAL-PENNELL TAL-GFCM

Image 3

“ANNESS VI

RAPPORT TAL-ISPEZZJONI TAL-GFCM

1.   SPETTUR(I)

Isem … Parti Kontraenti … GFCM Numru tal-Karta tal-Identità …

Isem … Parti Kontraenti … GFCM Numru tal-Karta tal-Identità …

Isem … Parti Kontraenti … GFCM Numru tal-Karta tal-Identità …

2.   BASTIMENT LI JĠORR LILL-ISPETTUR(I)

2.1

Isem u Reġistrazzjoni …

2.2

Bandiera …

3.   INFORMAZZJONI DWAR IL-BASTIMENT SPEZZJONAT

3.1

Isem u Reġistrazzjoni …

3.2

Bandiera …

3.3

Kaptan (Isem u indirizz) …

3.4

Sid il-bastiment (Isem u indirizz) …

3.5

Numru tar-rekord tal-GFCM …

3.6

Tip ta' bastiment …

4.   POŻIZZJONI

4.1

Il-pożizzjoni kif iddeterminata mill-kaptan tal-bastiment ta' l-ispezzjoni fi … UTC; Lat … Lonġ …

4.

Il-pożizzjoni kif iddeterminata mill-kaptan tal-bastiment ta' l-ispezzjoni fi … UTC; Lat … Lonġ …

5.   D-DATA U L-ĦINIJIET LI FIHOM BDIET U NTEMMET L-ISPEZZJONI

5.1

Data … Ħin tal-wasla abbord UTC-Ħin tat-Tluq … UTC

6.   TIP TA' RKAPTU TAS-SAJD ABBORD

Xibka tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti – OTB

 

Xibka tat-tkarkir tan-nofs fond bid-diriġenti – OTM

 

Xbieki tat-tkarkir għall-gambli – TBS

 

Tartarun tal-borża – PS

 

Għeżula ankrati (fissi) – GNS

 

Konzijiet tal-qiegħ – LLS

 

Rkaptu ta' rikreazzjoni – RG

 

Ieħor (Speċifika)

 

7.   IL-QIES TAL-MALJA – F'MILLIMETRI

7.1

Id-daqs legali tal-malja li għandu jintuża: … mm

7.2

Riżultat tal-qies medju tad-daqs tal-malja: … mm

7.3

Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

8.   SPEZZJONIJIET TAL-QABDIET ABBORD

8.1   Riżultati tal-ispezzjoni tal-ħut abbord

SPEĊI

(Kodiċi tri alfa tal-FAO)

 

 

 

 

 

 

Total (Kg)

 

 

 

 

 

 

Preżentazzjoni

 

 

 

 

 

 

Kampjun spezzjonat

 

 

 

 

 

 

% tal-ħut iżgħar milli suppost

 

 

 

 

 

 

8.2   Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

9.   SPEZZJONI TAD-DOKUMENTI ABBORD U TAL-VMS

9.1

Ġurnal ta' Abbord tas-Sajd: IVA  - LE 

9.2

Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

9.3

Liċenzja tas-Sajd IVA  - LE 

9.4

Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

9.5

Awtorizzazzjoni speċifika: IVA  - LE 

9.6

Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

9.7

VMS: IVA  - LE  …operattiva: IVA  - LE 

9.8

Ksur: IVA - LE  … Fil-każ li IVA, referenza legali:

10.   LISTA TAL-KSUR

Sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mis-CPC tal-bandiera – referenza legali:

Nuqqas ta' żamma ta' reġistri suffiċjenti dwar il-qbid u ta' data relatata mal-qbid skont l-obbligi ta' rapportar tal-GFCM jew rapportar ħażin sinifikanti ta' data bħal din dwar il-qbid u/jew relatata mal-qbid – referenza legali:;

Sajd f'żona magħluqa – referenza legali:

Sajd matul staġun magħluq – referenza legali:

Użu ta' rkaptu tas-sajd ipprojbit – referenza legali:

Falsifikazzjoni jew ħabi intenzjonali tal-markar, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd – referenza legali:

Ħabi, tbagħbis jew rimi ta' provi li jkollhom x'jaqsmu ma' investigazzjoni ta' ksur – referenza legali:

Każijiet ta' ksur multiplu li meħuda flimkien jikkostitwixxu nuqqas serju ta' osservanza tal-miżuri skont il-GFCM;

Attakk, reżistenza, intimidazzjoni, fastidju sesswali, interferenza ma', jew tfixkil jew dewmien żejjed kontra spettur jew osservatur awtorizzat;

Indħil fis-sistema ta' monitoraġġ abbażi ta' satellita u/jew operazzjonijiet mingħajr is-sistema VMS – referenza legali:

11.   LISTA TAD-DOKUMENTI KKUPJATI ABBORD

……

……

……

……

……

……

……

……

12.   KUMMENTI U FIRMA MILL-KAPTAN TAL-BASTIMENT

……

……

……

……

……

……

……

……

Firma tal-kaptan: …

13.   KUMMENTI U FIRMA MILL-ISPETTUR(I)

……

……

……

……

……

……

……

……

Firma tal-ispettur(i): …

“ANNESS VII

RAPPORT TAL-OSSERVAZZJONIJIET TAL-GFCM

1.

Data tal-osservazzjonijiet: ……/……/…… Ħin: …UTC

2.

Pożizzjoni tal-bastiment osservat:

Latitudni … - Lonġitudni …

3.

Rotta: … – Veloċità …

4.

L-isem tal-bastiment osservat:

5.

Il-bandiera tal-bastiment osservat:

6.

In-numru/il-markar estern:

7.

Tip ta’ bastiment:

Bastiment tas-sajd

Bastiment tal-ġarr

Bastiment bil-friża

Ieħor (speċifika)

8.

Sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju:

9.

In-numru IMO (fejn dan ikun applikabbli):

10.

Attività(ajiet):

Sajd

Trattament bil-fwar

Mitluq mal-kurrent

Trasbord

11.

Kuntatt bir-radju:  IVA LE

12.

Isem u nazzjonalità tal-kaptan tal-bastiment osservat: …

13.

Numru ta’ nies abbord il-bastiment osservat …

14.

Qabdiet abbord il-bastiment osservat: …

15.

Informazzjoni miġbura minn:

Isem l-ispettur:

Parti Kontraenti:

Numru tal-Karta tal-Identità tal-GFCM:

Isem il-bastiment tal-għassa:

“ANNESS VIII

DATA LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIL-LISTA TA' BASTIMENTI LI JISTADU GĦALL-PAĠELLA ĦAMRA

Il-lista msemmija fil-Artikolu 22i għandha tinkludi, għal kull bastiment, l-informazzjoni li ġejja:

L-isem tal-bastiment

In-numru tar-reġistru tal-bastiment (kodiċi assenjat mis-CPCs)

In-numru ta' reġistrazzjoni tal-GFCM (il-kodiċi 3-alfa tal-ISO tal-pajjiż + 9 figuri, eż. xxx000000001)

Il-port tar-reġistrazzjoni (l-isem sħiħ tal-port)

L-isem ta' qabel (jekk kien hemm)

Il-bandiera ta' qabel (jekk kien hemm)

Id-dettalji preċedenti tat-tħassir minn reġistri oħra (jekk kien hemm)

Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (jekk hemm)

VMS (indika I/L)

It-tip ta' bastiment, it-tul totali (LOA) u t-tunnellaġġ gross (GT) u/jew it-tunnellaġġ reġistrat gross (GRT) u s-saħħa tal-magna espressa f'kW

L-isem u l-indirizz tal-proprjetarju/i u tal-operatur(i)

L-irkaptu ewlieni użat għas-sajd għall-paġella ħamra u l-allokazzjoni tas-segment tal-flotta u l-unità operazzjonali kif identifikati fid-DCRF

Perjodu staġjonali awtorizzat għas-sajd għall-paġella ħamra.


DIRETTIVI

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/23


DIRETTIVA (UE) 2019/983 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kisba ta’ riżultati mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għal Xogħol Ġust u Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, hija impenn u responsabbiltà ta’ politika kondiviża. Il-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprevedi li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat. Id-dritt tal-ħaddiema għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol, u għal ambjent tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet professjonali tagħhom jinkludi wkoll il-protezzjoni mill-karċinoġeni u mill-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mit-tul tal-impjieg jew tal-espożizzjoni.

(2)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja u d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa previsti, rispettivament, fl-Artikoli 2 u 31 tagħha.

(3)

Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Dik id-Direttiva tipprevedi livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali biex jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. L-għan ta’ dawk ir-rekwiżiti minimi huwa l-protezzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni u li jingħata kontribut fit-tnaqqis tad-differenzi fil-livelli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-Unjoni kollha u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali huma komponenti importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti bid-Direttiva 2004/37/KE. Dawk il-valuri limitu jeħtieġ li jkunu bbażati fuq l-evidenza, proporzjonati u kapaċi jitkejlu u jenħtieġ li jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika aġġornata, il-fattibbiltà ekonomika tal-implimentazzjoni u tal-konformità, valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ protokolli u tekniki tal-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali aktar stretti jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/37/KE ma żżommx lill-Istati Membri milli japplikaw miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, bħal valur limitu bijoloġiku.

(4)

Id-Direttiva 2004/37/KE għandha l-għan li tkopri sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeni jew mutaġeni tal-kategorija 1A jew 1B stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kif ukoll bħala sustanzi, taħlitiet jew proċessi msemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE. Is-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeni jew mutaġeni tal-kategorija 1A jew 1B stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huma dawk bi klassifikazzjoni armonizzata jew ikklassifikati skont l-Artikolu 4 jew 36 ta’ dak ir-Regolament u nnotifikati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont l-Artikolu 40 ta’ dak ir-Regolament. Dawk is-sustanzi huma elenkati fl-Inventarju pubbliku ta’ Klassifikazzjoni u Tikkettar miżmum mill-ECHA. Għal kwalunkwe żieda ġdida mal-lista ta’ sustanzi, taħlitiet u proċessi msemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE skont il-punt (a)(ii) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, jeħtieġ li l-karċinoġeniċità tas-sustanza speċifika tintwera b’evidenza xjentifika robusta, abbażi ta’ sorsi xjentifiċi validi disponibbli bħall-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) u korpi nazzjonali, b’attenzjoni partikolari tingħata lil-letteratura ppubblikata evalwata bejn il-pari dwar dik is-sustanza.

(5)

Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali huma parti mill-miżuri għall-ġestjoni tar-riskju skont id-Direttiva 2004/37/KE. Dawk il-valuri limitu jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u fid-dawl tad-data xjentifika u teknika korretta disponibbli dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll it-titjib tat-tekniki tal-kejl, il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju u fatturi rilevanti oħra. Il-konformità ma’ dawk il-valuri limitu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra ta’ dawk li jħaddmu skont dik id-Direttiva, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-użu ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni u l-miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati għal dak l-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew tal-mutaġenu b’sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunx perikoluż jew li jkun inqas perikoluż għas-saħħa tal-ħaddiema, l-użu ta’ sistema magħluqa u miżuri oħra li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema.

(6)

Id-drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi li primarjament jintużaw fit-trattament tal-kanċer, jista’ jkollhom kwalitajiet ġenotossiċi, karċinoġeniċi jew mutaġeniċi. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu protetti l-ħaddiema li huma esposti għal drogi bħal dawn minħabba xogħol li jinvolvi: il-preparazzjoni, l-għoti bħala trattament jew ir-rimi ta’ drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi; servizzi relatati mat-tindif, il-ġarr, il-ħasla jew ir-rimi ta’ skart ta’ drogi perikolużi jew ta’ materjal ikkontaminat b’tali drogi; jew mill-kura personali ta’ pazjenti trattati bi drogi perikolużi. Id-drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi, huma soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni li jipprevedu rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (6). Drogi perikolużi li fihom sustanzi li huma wkoll karċinoġeni jew mutaġeni huma soġġetti għad-Direttiva 2004/37/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-istrument l-aktar adatt biex tiġi żgurata s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema esposti għal drogi perikolużi, inklużi drogi ċitotossiċi. Waqt li tagħmel dan, jenħtieġ li l-aċċess għall-aħjar trattament disponibbli għall-pazjenti ma jiġix ipperikolat.

(7)

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi. Filwaqt li l-istabbiliment tal-valuri limitu fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni skont din id-Direttiva ma jeliminax għalkollox ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskju residwu), madanakollu dan jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tar-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni bħal din fl-approċċ skont id-Direttiva 2004/37/KE li huwa gradwali u jistabbilixxi miri. Għal karċinoġeni u mutaġeni oħra, huwa xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma tkunx mistennija twassal għal effetti negattivi.

(8)

Il-livelli massimi għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għal xi karċinoġeni jew mutaġeni huma stabbiliti minn valuri li, skont id-Direttiva 2004/37/KE, ma għandhomx jinqabżu.

(9)

Din id-Direttiva ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina d-Direttiva 2004/37/KE fuq bażi regolari u tressaq proposti leġislattivi, jekk xieraq. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitu ġodda f’dik id-Direttiva fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika ġdida u l-aħjar prattiki, tekniki u protokolli bbażati fuq l-evidenza għall-kejl tal-livelli ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, jekk ikun possibbli, tinkludi data dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema, rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) u opinjonijiet tal-RAC, kif ukoll opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ASCH) u monografi tal-IARC. It-trasparenza tal-informazzjoni hija għodda għall-prevenzjoni f’dak il-kuntest u jenħtieġ li tiġi żgurata. L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu hija siewja għal kwalunkwe ħidma futura biex jiġu limitati r-riskji mill-espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni, u jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku fil-livell tal-Unjoni. Din id-Direttiva hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-SCOEL, tal-RAC u tal-ACSH, li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata f’emendi preċedenti għad-Direttiva 2004/37/KE.

(10)

Fid-dawl ta’ data xjentifika, huwa meħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-mezzi ta’ assorbiment tal-karċinoġeni u l-mutaġeni apparti bl-inalazzjoni, inkluż il-possibbiltà ta’ assorbiment mill-ġilda u, f’każijiet bħal dawk, tingħata notazzjoni għall-ġilda għal sustanzi rilevanti sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni. L-emendi għall-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE previsti f’din id-Direttiva jikkostitwixxu pass ieħor fi proċess aktar fit-tul li nbeda biex tiġi aġġornata dik id-Direttiva.

(11)

Il-valutazzjoni tal-effetti fuq is-saħħa tal-karċinoġeni soġġetti għal din id-Direttiva kienet ibbażata fuq l-għarfien espert xjentifiku rilevanti mill-SCOEL u l-RAC.

(12)

L-SCOEL, li ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (7), jassisti lill-Kummissjoni b’mod partikolari fl-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-analiżi fid-dettall tal-aktar data xjentifika reċenti disponibbli u billi jipproponi valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttivi 98/24/KE u 2004/37/KE.

(13)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-RAC iħejji l-opinjonijiet tal-ECHA dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, l-RAC ħejja l-opinjoni tiegħu kif mitlub skont il-punt (c) tal-Artikolu 77(3) ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Il-kampanja tal-2018 sal-2019 “Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa: Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi” hija eżempju tajjeb ta’ kif l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Tajjeb li l-EU-OSHA taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tipprovdi informazzjoni u eżempji ta’ prattiki tajba mfassla apposta għall-ħaddiema li jkollhom kuntatt ma’ ċerti sustanzi, waqt li tenfasizza l-iżviluppi fil-politika u l-qafas leġislattiv diġà fis-seħħ.

(15)

Il-kadmju u ħafna mill-komposti inorganiċi tiegħu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, il-kadmju, in-nitrat tal-kadmju, l-idrossidu tal-kadmju u l-karbonat tal-kadmju ġew identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u huma inklużi fil-lista ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-Regolament.

(16)

Fir-rigward tal-kadmju, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli li jkun hemm konformità ma’ valur limitu ta’ 0,001 mg/m3 fuq perijodu qasir. Huwa għalhekk xieraq li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ tmien snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,004 mg/m3 (frazzjoni inalabbli). Bil-ħsieb li jitħarsu l-aspettattivi leġittimi u sabiex jiġi evitat it-tħarbit potenzjali tal-prattiki eżistenti fl-Istati Membri li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jkunu jimplimentaw sistema ta’ bijomonitoraġġ b’valur limitu bijoloġiku li ma jaqbiżx 0,002 mg Cd/g ta’ kreatinina fl-awrina, il-valur limitu ta’ 0,004 mg/m3 f’dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jitkejjel bħala frazzjoni respirabbli matul il-perijodu transitorju, fid-dawl tal-opinjonijiet tal-SCOEL u tal-ACSH dwar il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu.

(17)

Abbażi ta’ sorsi xjentifiċi validi disponibbli bħal dawk ipprovduti mill-SCOEL, l-RAC u l-korpi nazzjonali rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-għażla li d-Direttiva 2004/37/KE tiġi emendata biż-żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar kombinazzjoni ta’ limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali fl-arja u ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu.

(18)

L-istabbiliment ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu jipproteġi lill-ħaddiema mit-tossiċità sistemika tagħhom, li taffettwa l-aktar lill-kliewi u l-għadam. Għalhekk il-monitoraġġ bijoloġiku jista’ jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol iżda biss bħala mezz li jikkumplementa l-monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tal-kadmju u tal-komposti inorganiċi tiegħu fl-arja u, għaldaqstant, ġewwa ż-żona tan-nifs għall-ħaddiema. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ linji gwida prattiċi għall-monitoraġġ bijoloġiku.

(19)

Il-berillju u ħafna mill-komposti inorganiċi tal-berillju jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Minbarra l-kwalitajiet karċinoġeniċi tiegħu, il-berillju huwa magħruf li jipprovoka l-berilljosi (CBD) u s-sensitizzazzjoni għall-berillju (BeS). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-berillju u għall-komposti inorganiċi tal-berillju f’dik id-Direttiva u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda.

(20)

Fir-rigward tal-berillju, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli li jkun hemm konformità ma’ valur limitu ta’ 0,0002 mg/m3 fuq perijodu qasir. Huwa għalhekk xieraq li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ seba’ snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,0006 mg/m3.

(21)

L-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-biċċa l-kbira tal-komposti inorganiċi tal-arseniku, jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll għall-komposti inorganiċi tiegħu f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, l-aċidu arseniku, il-pentaossidu tad-diarseniku u t-triossidu tad-diarseniku huma identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u huma inklużi fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u jeħtieġu awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jintużaw.

(22)

Fir-rigward tal-aċidu arseniku, huwa prevedibbli li li s-settur tat-tidwib tar-ram ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma ma’ valur limitu ta’ 0,01 mg/m3. Għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ erba’ snin.

(23)

Il-formaldeid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-formaldeid huwa karċinoġenu ġenotossiku li jaġixxi lokalment u hemm biżżejjed evidenza xjentifika tal-karċinoġeniċità tiegħu fil-bniedem. Il-formaldeid huwa wkoll allerġen ta’ kuntatt għall-ġilda (sensitizzatur tal-ġilda). Huwa għalhekk xieraq, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, li jiġi stabbilit valur limitu fuq perijodu twil u fuq perijodu qasir għall-formaldeid f’dik id-Direttiva u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-ECHA qed tiġbor l-informazzjoni eżistenti biex tivvaluta l-espożizzjoni potenzjali għall-formaldeid u mir-rilaxxaturi tal-formaldeid fuq il-post tax-xogħol, inkluż l-użi industrijali u professjonali.

(24)

L-użu tal-fissativi tal-formaldeid huwa normali fis-settur tal-kura tas-saħħa madwar l-Unjoni billi huma konvenjenti li jiġu mmaniġġati, għandhom livell għoli ta’ akkuratezza u huma estremament adattabbli. F’xi Stati Membri, huwa prevedibbli li s-settur tal-kura tas-saħħa ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma, fuq perijodu qasir ta’ żmien, mal-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm. Huwa għalhekk xieraq, li jiġi introdott għal dak is-settur perijodu transitorju ta’ ħames snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,62 mg/m3 jew ta’ 0,5 ppm. Is-settur tal-kura tas-saħħa jenħtieġ għalhekk, li jimminimizza l-espożizzjoni tal-formaldeid u huwa mħeġġeġ jirrispetta l-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm matul il-perijodu transitorju kull fejn ikun possibbli.

(25)

F’xi Stati Membri, il-formaldeid jintuża regolarment għall-fini tal-ibbalzmar ta’ persuni mejta bħala parti mill-prattiki kulturali jew reliġjużi tagħhom. Huwa prevedibbli li s-settur tal-funerali ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma, fuq perijodu qasir ta’ żmien, mal-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm. Huwa għalhekk xieraq, li jiġi introdott għal dak is-settur perijodu transitorju ta’ ħames snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,62 mg/m3 jew 0,5 ppm.

(26)

In-notazzjonijiet għas-sensitizzazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva għall-berillju u l-formaldeid iddaħħlu biex jagħtu ċarezza. Fl-istabbiliment ta’ notazzjonijiet bħal dawn fl-aġġornament tad-Direttiva 2004/37/KE, jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġii rilevanti tal-Unjoni. Dan jista’ jinkludi ż-żieda ta’ notazzjonijiet għas-sensitizzazzjoni għal sustanzi li għalihom diġà hemm entrata speċifika fl-Anness III għal dik id-Direttiva, fejn rilevanti.

(27)

Is-sustanza 4,4′-Metilen-bis(2-kloroanilina) (MOCA) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-karċinoġeniċità tagħha, flimkien mal-kapaċitajiet ġenotossiċi evidenti tagħha, għamlu possibbli l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala karċinoġenika għall-bniedem. Ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti permezz tal-ġilda għall-MOCA. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA u li tiġi assenjata notazzjoni għall-ġilda għaliha. Barra minn hekk, ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u hija inkluża fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u teħtieġ awtorizzazzjoni qabel ma tkun tista’ titqiegħed fis-suq jew tintuża. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA.

(28)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ACSH. Wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-ACSH adotta opinjonijiet għas-sustanzi koperti minn din id-Direttiva u ppropona valur limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għal kull wieħed minnhom, filwaqt li appoġġa n-notazzjonijiet rilevanti għal xi wħud minnhom.

(29)

Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva jridu jinżammu taħt skrutinju u rieżami regolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, b’mod partikolari sabiex titqies l-interazzjoni bejn il-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u l-livelli derivati ta’ bla effett għas-sustanzi kimiċi perikolużi skont dak ir-Regolament sabiex il-ħaddiema jkunu protetti b’mod effettiv.

(30)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa u sigurtà tagħhom, inkluż il-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, li jinqalgħu jew li jistgħu jinqalgħu minn espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(31)

Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri u l-korpi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali huma mħeġġa jipprovdu inċentivi, gwida u pariri lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex tiffaċilita l-konformità ma’ din id-Direttiva. F’dak il-kuntest, ftehimiet mas-sħab soċjali, gwida u azzjonijiet konġunta oħra li tidentifika u tiżviluppa l-aħjar prattiki jintlaqgħu b’sodisfazzjon.

(32)

Minħabba li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(33)

Għalhekk id-Direttiva 2004/37/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 18a, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Mhux aktar tard mill-11 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-għażla li din id-Direttiva tiġi emendata biż-żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar kombinazzjoni ta’ limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali fl-arja u ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu.

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2020 il-Kummissjoni għandha, waqt li tqis l-iżviluppi l-aktar reċenti fl-għarfien xjentifiku, u wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari mal-prattikanti u ma’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa, tivvaluta jekk temendax din id-Direttiva sabiex tinkludi drogi perikolużi, inkluż drogi ċitotossiċi, jew jekk tipproponix strument aktar xieraq għall-fini li tiżgura s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema esposti għal drogi bħal dawn. Abbażi t’hekk, il-Kummissjoni għandha tressaq, jekk ikun xieraq u wara konsultazzjoni mal-maniġment u l-ħaddiema, proposta leġislattiva.”.

(2)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 ta’ Lulju 2021. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 145.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2019.

(3)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(4)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fil-punt A tal-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE, jinżdiedu l-linji li ġejjin:

Isem tal-aġent

Nru tal-KE (1)

Nru tal-CAS (2)

Valuri limitu

Notazzjoni

Miżuri transitorji

għal 8 sigħat (3)

għal żmien qasir (4)

mg/m3 (5)

ppm (6)

f/ml (7)

mg/m3 (5)

ppm (6)

f/ml (7)

“Kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu

0,001 (11)

 

Valur limitu ta' 0,004 mg/m3  (12) sal-11 ta' Lulju 2027.

Berillju u l-komposti inorganiċi tal-berillju

0,0002 (11)

sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda (13)

Valur limitu ta' 0,0006 mg/m3 sal-11 ta' Lulju 2026.

Aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-komposti inorganiċi tal-arseniku

0,01 (11)

Għas-settur tat-tidwib tar-ram il-valur limitu għandu japplika mill-11 ta' Lulju 2023.

Formaldeid

200-001-8

50-00-0

0,37

0,3

0,74

0,6

sensitizzazzjoni tal-ġilda (14)

Valur limitu ta' 0,62 mg/m3 jew 0,5 ppm (3) għas-settur tal-kura tas-saħħa, tal-funerali u dak tal-ibbalzmar sal-11 ta' Lulju 2024.

4,4′-Metilen-bis(2-kloroanilina)

202-918-9

101-14-4

0,01

ġilda (10)

 


(11)  Frazzjoni inalabbli.

(12)  Frazzjoni inalabbli. Frazzjoni respirabbli f'dawk l-Istati Membri li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jimplimentaw sistema ta' bijomonitoraġġ b'valur limitu bijoloġiku li ma jaqbiżx 0,002 mg Cd/g ta' kreatinina fl-awrina.

(13)  Is-sustanza tista' tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda u tas-sistema respiratorja.

(14)  Is-sustanza tista' tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda.”


DEĊIŻJONIJIET

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/30


DEĊIŻJONI (UE) 2019/984 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE fir-rigward tal-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni tar-regoli speċjali dwar it-tul massimu għall-kabini li jagħtu prestazzjoni ajrudinamika, effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tas-sikurezza mtejba

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (3) ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) bil-għan li jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex il-leġislazzjoni tiġi adattata għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fil-bżonnijiet tas-suq u biex jiġi ffaċilitat it-trasport intermodali.

(2)

L-ajrudinamika mtejba tal-kabini tal-vetturi bil-mutur tkun tippermetti titjib sinifikanti fil-prestazzjoni enerġetika tal-vetturi. Madankollu, bir-restrizzjonijiet tat-tul massimu stipulati fid-Direttiva 96/53/KE, dan it-titjib kien impossibbli mingħajr it-tnaqqis tal-kapaċità tat-tagħbija tal-vettura. Għaldaqstant iddaħħlet deroga mir-restrizzjonijiet tat-tul massimu bid-Direttiva (UE) 2015/719.

(3)

Id-deroga mir-restrizzjonijiet tat-tulijiet massimi introdotta mid-Direttiva (UE) 2015/719 għandha tapplika mid-data li taħbat tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni jew ta' applikazzjoni tal-emendi meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi tal-approvazzjoni tat-tip.

(4)

Sabiex iseħħu mill-iktar fis possibbli l-benefiċċji tal-kabini ajrudinamiċi, f'termini ta' prestazzjoni enerġetika tal-vetturi tqal tal-merkanzija, iżda wkoll f'termini ta' viżibbiltà aħjar għas-sewwieqa, ta' sikurezza għall-ħaddieħor li jkun qed juża t-triq kif ukoll ta' sikurezza u kumdità għas-sewwieqa, jenħtieġ li jiġi żgurat li tali kabini ajrudinamiċi jkunu jistgħu jiġu introdotti mingħajr dewmien żejjed, hekk kif ikunu fis-seħħ ir-rekwiżiti meħtieġa tal-approvazzjoni tat-tip.

(5)

Is-settur tat-trasport u l-manifatturi tat-tagħmir jeħtieġu biżżejjed żmien biex jiżviluppaw servizzi u prodotti ġodda. Sabiex igawdu l-benefiċċji ta' regoli aktar flessibbli dwar id-disinn ta' kabini, huwa importanti li l-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tekniċi meħtieġa jkunu jistgħu jiġu adottati mill-iktar fis possibbli biex fis-swieq tkun tista' tidħol, bla xkiel u malajr, ġenerazzjoni ġdida ta' kabini. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fir-rwoli rispettivi tagħhom fil-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur, stabbilit mid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li tingħata opinjoni malajr. Jekk il-miżuri maħsuba mill-Kummissjoni ma jkunux konformi mal-opinjoni ta' dak il-kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi mingħajr dewmien skont l-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (6).

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 96/53/KE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 96/53/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, wara l-punt (d), huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa, fil-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE, biex tipprovdi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi jew kombinazzjonijiet ta' vetturi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sal-1 ta' Novembru 2019.”;

(2)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 286.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(4)  Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1).

(5)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1)

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).