ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
7 ta' Ġunju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturalis

1

 

*

Regolament (UE) 2019/881Tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tas- 17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) ( 1 )

15

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi ( 1 )

70

 

*

Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE ( 1 )

116

 

*

Direttiva (UE) 2019/884 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI

143

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


REGOLAMENT (UE) 2019/880 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2019

dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturalis

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi,

(1)

Fid-dawl tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta’ Frar 2016 dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li jiġu adottati regoli komuni dwar il-kummerċ mal-pajjiżi terzi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva kontra l-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali u kontra t-telf jew il-qerda tagħhom, il-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali tal-umanità u l-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus permezz tal-bejgħ ta’ beni kulturali sakkeġġati lil xerrejja fl-Unjon.

(2)

Fir-rigward tal-isfruttament tal-popli u t-territorji li jista’ jwassal għall-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali, partikolarment meta dan il-kummerċ illeċitu joriġina f’kuntest ta’ kunflitt armat. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkunsidra l-karatteristiċi reġjonali u lokali tal-popli u t-territorji, aktar milli l-valur fis-suq tal-beni kulturali.

(3)

Il-beni kulturali huma parti mill-patrimonju kulturali, u ħafna drabi jkollhom importanza kulturali, artistika, storika u xjentifika kbira. Il-patrimonju kulturali huwa wieħed mill-elementi bażiċi taċ-ċiviltà, billi għandu, fost l-oħrajn, valur simboliku, u billi jifforma parti mill-memorja kulturali tal-umanità. Huwa jarrikkixxi l-ħajja kulturali tal-popli kollha u jgħaqqad lin-nies permezz ta’ memorja kondiviża, għarfien u żvilupp taċ-ċiviltà. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi protett minn approprjazzjoni illegali u sakkeġġ. Is-sakkeġġ ta’ siti arkeoloġiċi kien jiġri minn dejjem, iżda issa laħaq skala industrijali u, flimkien mal-kummerċ ta’ beni kulturali skavati illegalment, huwa delitt serju li joħloq tbatija sinifikanti lil dawk li jintlaqtu direttament jew indirettament. F’ħafna każijiet, il-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali jikkontribwixxi għal omoġenizzazzjoni kulturali furzata jew it-telf furzat tal-identità kulturali, filwaqt li s-sakkeġġ ta’ beni kulturali jwasslu, fost konsegwenzi oħra, għad-diżintegrazzjoni ta’ kulturi. Sakemm ikun possibbli l-involviment fil-kummerċ lukrattiv ta’ beni kulturali skavati illegalment li jħalli profitt mingħajr riskju notevoli, tali skavi u sakkeġġ se jkomplu. Minħabba l-valur ekonomiku u artistiku tal-beni kulturali, hemm domanda qawwija għalihom fis-suq internazzjonali. L-assenza ta’ miżuri leġislattivi internazzjonali b’saħħithom u l-infurzar ineffettiv ta’ dawk il-miżuri li jeżistu jwasslu għat-trasferiment ta’ dawn il-beni lejn l-ekonomija s-sewda. Jenħtieġ li l-Unjoni tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ beni kulturali esportati illegalment minn pajjiżi terzi fit-territorju doganali tagħha, b’enfasi partikolari fuq beni kulturali minn pajjiżi terzi milquta minn kunflitt armat, partikolarment fejn dawn il-beni kulturali jkunu ġew kummerċjalizzati illeċitemant minn organizzazzjonijiet terroristiċi jew organizzazzjonijiet kriminali oħrajn. Waqt li jenħtieġ li dik il-projbizzjoni ġenerali ma tinvolvix kontrolli sistematiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintervjenu meta jirċievu intelligence dwar konsenji suspettużi u jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jinterċettaw beni kulturali esportati illegalment.

(4)

Fid-dawl tar-regoli differenti li japplikaw fl-Istati Membri fir-rigward tal-importazzjoni ta’ beni kulturali fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li jiddaħħlu miżuri biex b’mod partikolari jiżguraw li ċerti importazzjonijiet ta’ beni kulturali jkunu soġġetti għal kontrolli uniformi hekk kif jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni, abbażi tal-proċessi, il-proċeduri u l-għodod amministrattivi eżistenti mmirati lejn l-implimentazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Il-protezzjoni ta’ beni kulturali li huma meqjusin bħala teżori nazzjonali tal-Istati Membri hija diġà koperta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 (4) u mid-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Konsegwentement, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal beni kulturali li jkunu nħolqu jew ġew skoperti fit-territorju doganali tal-Unjoni. Jenħtieġ li r-regoli komuni introdotti permezz ta’ dan ir-Regolament ikopru t-trattament doganali ta’ beni kulturali mhux tal-Unjoni li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li t-territorju doganali rilevanti jkun it-territorju doganali tal-Unjoni fil-mument tal-importazzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontroll li jridu jiġu stabbiliti fir-rigward ta’ żoni ħielsa u l-hekk imsejħa “portijiet ħielsa” ikollhom kamp ta’ applikazzjoni kemm jista’ jkun wiesa’ f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri doganali kkonċernati, sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni permezz tal-isfruttament ta’ dawk iż-żoni liberi, li għandhom il-potenzjal li jintużaw għall-proliferazzjoni kontinwa tal-kummerċ illegali. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn il-kontrolli ta’ miżuri ma jikkonċernawx biss il-beni kulturali rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera iżda wkoll il-beni kulturali mqiegħda skont il-proċeduri doganali speċjali. Madankollu, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ma jmurx lil hinn mill-objettiv tal-prevenzjoni tal-beni kulturali esportati illeċitament milli jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Minħabba f’dan, filwaqt li jiġu inklużi r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera u wħud mill-proċeduri speċjali tad-dwana li skonthom il-beni li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu, jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontroll sistematiku jeskludu t-tranżitu.

(7)

Ħafna pajjiżi terzi u l-parti l-kbira tal-Istati Membri huma familjari mad-definizzjonijiet użati fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Mezzi ta’ Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illeċitu tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali ffirmata f’Pariġi fl-14 ta’ Novembru 1970 (“il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1970”) li għadd sinifikanti ta’ Stati Membri huma parti tagħha, u fil-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar is-Serq jew l-Esportazzjoni Illegali ta’ Beni Kulturali ffirmata f’Ruma fl-24 ta’ Ġunju 1995. Għal dik ir-raġuni, id-definizzjonijiet użati f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq dawk id-definizzjonijiet.

(8)

Jenħtieġ li l-legalità tal-esportazzjoni ta’ beni kulturali tiġi primarjament eżaminata skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż fejn dawk il-beni kulturali kienu ġew maħluqa jew skoperti. Madankollu, sabiex ma jiġix impedit l-kummerċ leġittimu b’mod mhux raġonevoli, jenħtieġ li persuna li tfittex li timporta beni kulturali fit-territorju doganali tal-Unjoni, f’ċerti każijiet, titħalla b’mod eċċezzjonali turi minflok l-esportazzjoni illegali minn pajjiż terz differenti fejn il-beni kulturali kienu jinsabu qabel id-dispaċċ tagħhom lejn l-Unjoni. Jenħtieġ li dik l-eċċezzjoni tapplika f’każijiet fejn il-pajjiż li fih il-beni kulturali nħolqu jew ġew skoperti ma jistax jiġi determinat b’mod raġonevoli jew meta l-esportazzjoni tal-beni kulturali inkwistjoni seħħet qabel l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1970 daħlet fis-seħħ, jiġifieri l-24 ta’ April 1972. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament billi sempliċiment jintbagħtu beni kulturali esportati illegalment f’pajjiż terz ieħor qabel l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni, jenħtieġ li l-eċċezzjonijiet ikunu applikabbli fejn il-beni kulturali kienu jinsabu f’pajjiż terz għal perijodu ta’ aktar minn ħames snin għal finijiet oħra għajr l-użu temporanju, it-tranżitu, l-esportazzjoni mill-ġdid jew it-trasbord. Fejn dawk il-kondizzjonijiet jiġu sodisfatti għal aktar minn pajjiż wieħed, jenħtieġ li l-pajjiż rilevanti jkun l-aħħar wieħed minn dawk il-pajjiżi qabel ma l-beni kulturali jiġu introdotti fit-territorju doganali tal-Unjoni.

(9)

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1970 jappella lill-Istati Partijiet biex iwaqqfu servizz nazzjonali wieħed jew aktar għall-protezzjoni tal-beni kulturali kontra l-importazzjoni illeċita, l-esportazzjoni u t-trasferiment illegali tas-sjieda. Tali servizzi nazzjonali jenħtieġ li jkunu mgħammra b’persunal ikkwalifikat li għadd tiegħu ikun suffiċjenti sabiex jiżguraw dik il-protezzjoni f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, u jenħtieġ ukoll li jagħmlu possibbli l-kollaborazzjoni attiva meħtieġa bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma Partijiet f’dik il-Konvenzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-importazzjoni illegali ta’ beni kulturali, speċjalment minn żoni milquta minn kunflitt armat.

(10)

Sabiex ma jiġix imfixkel b’mod sproporzjonat il-kummerċ f’beni kulturali minn naħa għal oħra tal-fruntiera esterna tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għal beni kulturali li jaqbżu età minima li tiġi stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament. Jidher ukoll xieraq li jiġi stabbilit limitu finanzjarju sabiex jiġu esklużi beni kulturali b’valur aktar baxx mill-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni. Dawk il-limiti jiżguraw li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jiffokaw fuq dawk il-beni kulturali l-aktar suxxettibli li jkunu fil-mira ta’ sakkeġġaturi fiż-żoni ta’ kunflitt, mingħajr ma jiġu esklużi beni oħra li hu meħtieġ li jsirilhom kontroll sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali.

(11)

Il-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali antiki sakkeġġati ġie identifikat bħala sors possibbli għal attivitajiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jolqtu s-suq intern.

(12)

Peress li wħud mill-kategoriji tal-beni kulturali, prinċipalment oġġetti arkeoloġiċi u elementi minn monumenti, huma partikolarment vulnerabbli għas-sakkeġġ u l-qerda, jidher li huwa neċessarju li tiġi prevista sistema għal żieda fl-iskrutinju qabel ma jitħallew jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali sistema tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Istat Membru qabel ma jingħata r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dawk il-beni kulturali fl-Unjoni jew it-tqegħid tagħhom skont il-proċedura doganali speċjali għajr it-tranżitu. Jenħtieġ li persuni li jfittxu li jiksbu liċenzja bħal din ikunu jistgħu jippruvaw l-esportazzjoni illegali mill- pajjiż fejn il-beni kulturali nħolqu jew ġew skoperti bid-dokumenti ta’ appoġġ u l-evidenza xierqa, bħal ċertifikati ta’ esportazzjoni, titoli ta’ sjieda, fatturi, kuntratti ta’ bejgħ, dokumenti ta’ assigurazzjoni, dokumenti ta’ trasport u valutazzjonijiet ta’ esperti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu jekk għandhiex tinħareġ liċenzja mingħajr dewmien żejjed, abbażi tal-applikazzjonijiet kompluti u preċiżi. Jenħtieġ li l-liċenzji tal-importazzjoni kollha jkunu maħżuna f’sistema elettronika.

(13)

Ikona hija kull rappreżentazzjoni ta’ figura reliġjuża jew avveniment reliġjuż. Tista’ tiġi prodotta b’mezzi u f’daqsijiet differenti u tista’ tkun monumentali jew tista’ tinġarr. F’każijiet fejn ikona kienet darba tifforma parti, pereżempju, mill-intern ta’ knisja, monasteru, kappella, waħedha jew inkella bħala parti minn għamara arkitetturali, pereżempju ikonostasi jew stand ta’ ikona, din hija parti vitali u inseparabbli ta’ qima divina u ħajja liturġika, u jenħtieġ li titqies li tifforma parti integrali minn monument reliġjuż li ġie imkisser. Anke f’każijiet fejn ma jkunx magħruf il-monument speċifiku li kienet tagħmel parti minnu l-ikona, iżda fejn hemm evidenza li darba kienet tifforma parti integrali minn monument, b’mod partikolari meta sinjali jew elementi jkunu preżenti li jindikaw li darba kienet parti minn ikonostasi jew stand ta’ ikona, jenħtieġ li l-ikona xorta tkun koperta mill-kategorija “elementi ta’ monumenti artistiċi jew storiċi, jew siti arkeoloġiċi li ġew imkissra” elenkata fl-Anness.

(14)

Fid-dawl tan-natura speċifika tal-beni kulturali, ir-rwol tal-awtoritajiet doganali huwa estremament rilevanti u dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu, fejn ikun hemm bżonn, jirrikjedu informazzjoni addizzjonali mingħand id-dikjarant u janalizzaw il-beni kulturali billi jeżaminawhom fiżikament.

(15)

Għal kategoriji ta’ beni kulturali li l-importazzjoni tagħhom ma tirrikjedix liċenzja tal-importazzjoni, jenħtieġ li permezz ta’ dikjarazzjoni, il-persuni li jfittxu li jimportaw tali beni fit-territorju doganali tal-Unjoni jiċċertifikaw u jieħdu r-responsabbiltà għall-esportazzjoni tagħhom skont il-liġi minn pajjiż terz, u jenħtieġ li jipprovdu biżżejjed informazzjoni sabiex dawk il-beni kulturali jiġu identifikati mill-awtoritajiet doganali. L-informazzjoni dwar il-beni kulturali jenħtieġ li tingħata permezz ta’ dokument standardizzat sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura, kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Id-dokument standard ta’ identifikazzjoni tal-oġġett rakkomandat mill-Unesco, jista’ jintuża biex jiddeskrivi l-beni kulturali. Jenħtieġ li d-detentur tal-beni jirreġistra dawk id-dettalji f’sistema elettronika, sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni mill-awtoritajiet doganali, biex tkun tista’ ssir analiżi tar-riskju u kontrolli mmirati u biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà wara li l-beni kulturali jidħlu fis-suq intern.

(16)

Fil-kuntest tal-ambjent ta’ Tieqa Unika għad-dwana tal-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli għall- istabbiliment ta’ sistema elettronika ċentralizzata għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni u ta’ dikjarazzjonijiet tal-importatur, kif ukoll il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari rigward dikjarazzjonijiet tal-importatur u liċenzji tal-importazzjoni.

(17)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-ipproċessar ta’ data taħt dan ir-Regolament ikopri wkoll data personali u jenħtieġ li tali pproċessar jitwettaq f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jipproċessaw data personali biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jew f’ċirkostanzi debitament ġustifikati għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid u l-prevenzjoni tiegħu għas-sigurtà pubblika. Kull ġbir, divulgazzjoni, trażmissjoni, komunikazzjoni u pproċessar ieħor tad-data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) 2016/679 (6) u (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ ukoll li l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ dan ir-Regolament jirrispetta d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif rikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif rikonoxxuti, rispettivament, mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(18)

Il-beni kulturali li ma nħolqux jew li ma ġewx skoperti fit-territorju doganali tal-Unjoni iżda li ġew esportati bħala beni tal-Unjoni jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni jew dikjarazzjoni tal-importatur meta dawn jiġi ritornati lejn dak it-territorju bħala beni ritornati fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

(19)

L-ammissjoni temporanja ta’ beni kulturali għal finijiet ta’ edukazzjoni, xjenza, restawr, wiri, diġitizzazzjoni, arti tal-ispettaklu, riċerka mwettqa minn istituzzjonijiet akkademiċi u jew kooperazzjoni bejn mużewijiet jew istituzzjonijiet simili jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni jew ta’ dikjarazzjoni.

(20)

Il-ħżin ta’ beni kulturali minn pajjiżi milquta minn kunflitt armat jew diżastru naturali għall-fini esklussiv li jinstab post sikur biex tiġi żgurata l-kustodja u l-preservazzjoni tagħhom minn awtorità pubblika jew taħt is-superviżjoni tagħha, jenħtieġ li ma jkunx soġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja jew dikjarazzjoni tal-importatur.

(21)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ beni kulturali f’fieri tal-arti kummerċjali, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa liċenzja tal-importazzjoni fejn il-beni kulturali jkunu taħt ammissjoni temporanja, fis-sens tal-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, u fejn dikjarazzjoni tal-importatur tkun ġiet ipprovduta minflok liċenzja tal-importazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-importazzjoni tkun rikjesta meta tali beni kulturali jibqgħu fl-Unjoni wara l-fiera tal-arti.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tadotta arranġamenti dettaljati għall-beni kulturali li jkunu beni ritornati jew għad-dħul temporanju ta’ beni kulturali fit-territorju doganali tal-Unjoni u l-kustodja tagħhom, għall-mudelli għall-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni u l-formoli għal-liċenzja tal-importazzjoni, għall-mudelli għad-dikjarazzjonijiet tal-importatur u d-dokumenti mehmuża magħhom, u għar-regoli proċedurali ulterjuri dwar il-preżentazzjoni u l-ipproċessar tagħhom,. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tagħmel l-arranġamenti għall-istabbiliment ta’ sistema elettronika għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni u dikjarazzjonijiet tal-importatur u għall-ħżin ta’ informazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(23)

Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva u biex jiġu evitati d-duplikazzjoni tal-isforzi meta jiġu organizzati t-taħriġ, l-attivitajiet tal-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll biex jiġu kummissjonati riċerka rilevanti u l-iżvilupp ta’ standards, fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, bħall-Unesco, l-INTERPOL, l-EUROPOL, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Preservazzjoni u r-Restawr tal-Proprjetà Kulturali u l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM).

(24)

Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti dwar il-flussi kummerċjali tal-beni kulturali tinġabar u tinqasam elettronikament bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex tiġi pprovduta l-bażi għall-valutazzjoni futura tagħha. Fl-interess tat-trasparenza u tal-iskrutinju pubbliku, jenħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-akbar ammont possibbli ta’ informazzjoni. Ma jistax isir monitoraġġ tal-flussi kummerċjali tal-beni kulturali bil-valur jew il-piż tagħhom biss. Huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar l-għadd ta’ oġġetti ddikjarati tinġabar elettronikament. Minħabba li fin-Nomenklatura Magħquda ma hemm speċifikata l-ebda unità ta’ kejl supplimentari għall-beni kulturali, huwa neċessarju li jintalab li jiġi ddikjarat l-għadd ta’ oġġetti.

(25)

L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali għandha l-għan, inter alia, li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali sabiex jiżdied ir-rispons għal riskji fil-qasam tal-beni kulturali. Il-qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju stipulat fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 jenħtieġ li jintuża u li l-informazzjoni tar-riskju rilevanti tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet doganali.

(26)

Sabiex jittieħed benefiċċju mill-kompetenza esperta ta’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali li huma attivi fi kwistjonijiet kulturali u mill-esperjenza tagħhom fil-kummerċ illeċitu f’beni kulturali, jenħtieġ li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet u tal-gwida maħruġa minn dawk l-organizzazzjonijiet u l-korpi fil-qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju fl-identifikazzjoni ta’ riskji relatati ma’ beni kulturali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Listi l-Ħomor ippubblikati mill- ICOM iservu bħala gwida għall-identifikazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi terzi li l-patrimonju tagħhom huwa l-aktar f’riskju u l-oġġetti esportati minn hemm li jkunu aktar spiss l-oġġett ta’ kummerċ illeċitu.

(27)

Teżisti l-ħtieġa li jinħolqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn ix-xerrejja ta’ beni kulturali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskju ta’ kummerċ illeċitu u li jassistu lill-atturi tas-suq biex jifhmu u japplikaw dan ir-Regolament. Fit-tixrid ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali rilevanti u lil servizzi ta’ informazzjoni oħra.

(28)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-intrapriżi mikro, żgħar u medji (SMEs) jibbenefikaw minn assistenza teknika adegwata u li tiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni lilhom sabiex dan ir-Regolament jiġi implimentat b’mod effiċjenti. Għalhekk, jenħtieġ li SMEs stabbiliti fl-Unjoni li jimportaw beni kulturali jibbenefikaw mill-programmi attwali u futuri tal-Unjoni b’appoġġ għall-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji.

(29)

Sabiex titħeġġeġ il-konformità u tiġi skoraġġuta ċ-ċirkomvenzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jikkomunikaw dawk il-penali lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-penali introdotti mill-Istati Membri għall-ksur ta’ dan ir-Regolament ikollhom effett deterrenti ekwivalenti fl-Unjoni kollha.

(30)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti jaqblu dwar miżuri skont l-Artikolu 198 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li d-dettalji ta’ dawk il-miżuri -jkunu soġġetti għal-liġi nazzjonali.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta, mingħajr dewmien, regoli li jimplimentaw dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk rigward il-formoli elettroniċi standardizzati xierqa li għandhom jintużaw biex wieħed japplika għal liċenzja tal-importazzjoni jew biex iħejji dikjarazzjoni tal-importatur, u tistabbilixxi s-sistema elettronika wara fl-iqsar żmien possibbli. Jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-liċenzji tal-importazzjoni u d-dikjarazzjonijiet tal-importatur ikunu differiti skont dan.

(32)

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa neċessarju u xieraq, biex jintlaħqu l-objettivi bażiċi ta’ dan ir-Regolament, li jiġu stipulati regoli dwar l-introduzzjoni, u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-importazzjoni, ta’ beni kulturali fit-territorju doganali tal-Unjoni. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ beni kulturali u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-importazzjoni ta’ beni kulturali għall-finijiet tas-salvagwardja tal-patrimonju kulturali tal-umanità u l-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali, b’mod partikolari fejn tali kummerċ illeċitu jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal beni kulturali li nħolqu jew li ġew skoperti fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“beni kulturali” tfisser kwalunkwe oġġett li huwa ta’ importanza arkeoloġika, preistorika, storika, letterarja, artistika jew xjentifika kif elenkat fl-Anness;

(2)

“introduzzjoni ta’ beni kulturali” tfisser kull dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ beni kulturali li huma soġġetti għal superviżjoni doganali jew kontroll doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(3)

“importazzjoni ta’ beni kulturali” tfisser:

(a)

ir-rilaxx ta’ beni kulturali għaċ-ċirkolazzjoni libera kif imsemmi fl-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; jew

(b)

it-tqegħid ta’ beni kulturali f’waħda mill-kategoriji li ġejjin ta’ proċeduri speċjali msemmija fl- Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013:

(i)

ħżin, li jinkludi l-ħżin doganali u ż-żoni liberi;

(ii)

użu speċifiku, li jinkludi d-dħul temporanju u l-użu aħħari;

(iii)

ipproċessar attiv;

(4)

“detentur tal-beni” tfisser id-detentur tal-merkanzija kif definit fil-punt (34) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(5)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi ddeżinjati mill-Istati Membri biex joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni.

Artikolu 3

Introduzzjoni u importazzjoni ta’ beni kulturali

1.   L-introduzzjoni ta’ beni kulturali msemmija fil-Parti A tal-Anness li tneħħew mit-territorju tal-pajjiż fejn inħolqu jew fejn ġew skoperti bi ksur tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż għandha tkun ipprojbita.

L-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kull miżuri xierqa meta tkun hemm tentattiv biex jiġu introdotti beni kulturali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

2.   L-importazzjoni ta’ beni kulturali elenkati fil-Parti B u C tal-Anness għandha tkun awtorizzata biss wara l-forniment ta’:

(a)

liċenzja tal-importazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 4; jew

(b)

dikjarazzjoni tal-importatur ippreżentata skont l-Artikolu 5.

3.   Il-liċenzja tal-importazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-importatur imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. F’każ li l-beni kulturali jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ żona libera, id-detentur tal-beni għandu jipprovdi l-liċenzja tal-importazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-importatur mal-preżentazzjoni tal-beni skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 245(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

4.   Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal:

(a)

beni kulturali li jkunu beni ritornati fis-sens tal-Artikolu 203 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(b)

l-importazzjoni ta’ beni kulturali għall-iskop esklużiv tal-kustodja tagħhom minn awtorità pubblika, jew taħt is-superviżjoni tagħha, bil-ħsieb li dawk l-beni kulturali jerġgħu jingħataw lura, meta s-sitwazzjoni tippermetti;

(c)

l-ammissjoni temporanja ta’ beni kulturali, fis-sens tal-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fit-territorju doganali tal-Unjoni għal finijiet ta’ edukazzjoni, xjenza, konservazzjoni, restawr, wiri, diġitizzazzjoni, arti tal-ispettaklu, riċerka mwettqa minn istituzzjonijiet akkademiċi jew kooperazzjoni bejn mużewijiet jew istituzzjonijiet simili.

5.   Ma għandhiex tkun meħtieġa liċenzja tal-importazzjoni għall-beni li jkunu tqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ammissjoni temporanja, fis-sens tal-Artikolu 250 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fejn tali beni għandhom jiġu ppreżentati f’fieri tal-arti kummerċjali. F’tali każijiet, għandha tingħata dikjarazzjoni tal-importatur f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, jekk dawk il-beni kulturali sussegwentement jitqiegħdu taħt proċedura doganali oħra msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi rikjesta liċenzja tal-importazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistipula, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti dettaljati għall-beni kulturali li jkunu beni ritornati, għall-importazzjoni tal-beni kulturali għall-kustodja tagħhom, u għall-ammissjoni temporanja tal-beni kulturali kif imsemmi fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

7.   Il-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri l-oħra adottati mill-Unjoni skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

8.   Fil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali għall-importazzjoni ta’ beni kulturali elenkati fil-Partijiet B u C tal-Anness, l-għadd ta’ oġġetti għandha tkun indikata bl-użu tal-unità supplementari, kif stipulat f’dak l-Anness. Fejn il-beni kulturali jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ żona libera, id-detentur tal-beni għandu jindika l-għadd tal-oġġetti mal-preżentazzjoni tal-beni skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 245(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 4

Liċenzji ta’ importazzjoni

1.   L-importazzjoni ta’ beni kulturali elenkati fil-Parti B tal-Anness għajr dawk elenkati fl-Artikolu 3(4) u (5) għandha tirrikjedi liċenzja tal-importazzjoni. Dik il-liċenzja tal-importazzjoni għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih jitqiegħdu l-beni kulturali taħt waħda mill-proċeduri doganali msemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 2 għall-ewwel darba.

2.   Il-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru skont dan l-Artikolu għandhom ikunu validi mal-Unjoni kollha.

3.   Liċenzja tal-importazzjoni maħruġa skont dan l-Artikolu ma għandhiex titqies bħala evidenza tal-provenjenza jew is-sjieda leċita tal-beni kulturali inkwistjoni.

4.   Id-detentur tal-beni għandu japplika għal liċenzja tal-importazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 8. Mal-applikazzjoni għandu jkun hemm kwalunkwe dokument u informazzjoni li tagħti evidenza li l-beni kulturali inkwistjoni kienu esportati mill-pajjiż fejn inħolqu jew ġew skoperti skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż jew li tagħti evidenza tal-assenza ta’ tali liġijiet u regolamenti fil-mument li ttieħdu barra t-territorju tiegħu.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, minflok, mal-applikazzjoni jista’ jkun hemm kwalunkwe dokument u informazzjoni ta’ prova li tagħti evidenza li l-beni kulturali inkwistjoni kienu esportati skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-aħħar pajjiż fejn kienu jinsabu għal perijodu ta’ aktar minn ħames snin u għal skopijiet mhux ta’ użu temporanju, transitu, esportazzjoni mill-ġdid jew trasbord, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-pajjiż fejn il-beni kulturali nħolqu jew ġew skoperti ma jistax jiġi ddeterminat b’mod affidabbli; jew

(b)

il-beni kulturali ttieħdu barra l-pajjiż li fih inħolqu jew ġew skoperti qabel l-24 ta’ April 1972.

5.   L-evidenza li l-beni kulturali inkwistjoni kienu esportati f’konformità mal-paragrafu 4 għandha tingħata fil-forma ta’ ċertifikati tal-esportazzjoni jew liċenzji tal-esportazzjoni fejn il-pajjiż inkwistjoni jkun stabbilixxa tali dokumenti għall-esportazzjoni tal-beni kulturali fil-mument tal-esportazzjoni.

6.   L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta. Għandha titlob lill-applikant kwalunkwe informazzjoni jew dokument nieqes jew addizzjonali fi żmien 21 jum minn meta tasal l-applikazzjoni.

7.   Fi żmien 90 jum mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta l-awtorità kompetenti għandha teżaminaha u tiddeċiedi jekk toħroġx il-liċenzja tal-importazzjoni jew tirrifjutax l-applikazzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni fejn:

(a)

ikollha informazzjoni jew raġunijiet tajba biżżejjed biex temmen li l-beni kulturali tneħħew mit-territorju tal-pajjiż fejn dawn nħolqu jew ġew skoperti bi ksur tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż;

(b)

l-evidenza meħtieġa mill-paragrafu 4 ma tkunx ingħatat;

(c)

ikollha informazzjoni jew raġunijiet tajba biżżejjed biex temmen li d-detentur tal-beni ma kisibhomx skont il-liġi; jew

(d)

tkun ġiet infurmata li hemm talbiet pendenti għar-ritorn tal-beni kulturali mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn nħolqu jew ġew skoperti.

8.   Fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda, id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 7, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet u informazzjoni dwar il-proċedura tal-appell, għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant mingħajr dewmien.

9.   Fejn issir applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni marbuta ma’ beni kulturali li għalihom qabel tkun ġiet rifjutata applikazzjoni bħal din, l-applikant għandu jinforma lill-awtorità kompetenti li lilha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni dwar ir-rifjut ta’ qabel.

10.   Fejn Stat Membru jirrifjuta applikazzjoni, dak ir-rifjut, kif ukoll ir-raġunijiet li kien ibbażat fuqhom, għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 8.

11.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw mingħajr dewmien l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni skont dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll kwalunkwe tibdil f’dak ir-rigward lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe tibdil għalihom fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

12.   Il-Kummissjoni għandha tistipula, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-mudell u l-format tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni u għandha tindika d-dokumenti ta’ prova possibbli li jippruvaw il-provenjenza leċita tal-beni kulturali inkwistjoni kif ukoll ir-regoli proċedurali tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar ta’ tali applikazzjoni. Bl-istabbiliment ta’ dawk l-elementi, il-Kummissjoni għandha tistinka biex ikun hemm applikazzjoni uniformi tal-proċeduri għal-liċenzjar tal-importazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 5

Dikjarazzjoni tal-importatur

1.   L-importazzjoni tal-beni kulturali elenkati fil-Parti C tal-Anness għandha tirrikjedi dikjarazzjoni tal-importatur li d-detentur tal-beni għandu jippreżenta permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 8.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-importatur għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni ffirmata mid-detentur tal-beni li tgħid li l-beni kulturali kienu esportati mill- pajjiż fejn inħolqu jew ġew skoperti f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż fil-mument li ttieħdu barra t-territorju tiegħu; u

(b)

dokument standardizzat li jiddeskrivi l-beni kulturali inkwistjoni f’dettall biżżejjed biex jiġu identifikati mill- awtoritajiet u biex titwettaq analiżi tar-riskju u kontrolli mmirati.

B’deroga mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, id-dikjarazzjoni tista’ minflok tgħid li l-beni kulturali inkwistjoni kienu esportati skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-aħħar pajjiż fejn kienu jinsabu għal perijodu ta’ aktar minn ħames snin u għal skopijiet mhux ta’ użu temporanju, transitu, esportazzjoni mill-ġdid jew trasbord, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-pajjiż fejn il-beni kulturali nħolqu jew instabu ma jistax jiġi ddeterminat b’mod affidabbli; jew

(b)

il-beni kulturali ttieħdu barra -l-pajjiż li fih inħolqu jew ġew skoperti qabel l-24 ta’ April 1972.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistipula, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-mudell standardizzat u l-format tad-dikjarazzjoni tal-importatur kif ukoll tar-regoli ta’ proċedura dwar il-preżentazzjoni tagħha, u għandha tindika dokumenti ta’ prova possibbli li jippruvaw il-provenjenza leċita tal-beni kulturali inkwistjoni li jenħtieġ li jkunu fil-pussess tad-detentur tal-beni u r-regoli dwar l-ipproċessar tad-dikjarazzjoni tal-importatur. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 6

Uffiċċji doganali kompetenti

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ uffiċċji doganali kompetenti li jittrattaw l-importazzjoni ta’ beni kulturali soġġetti għal dan ir-Regolament. Fejn japplikaw din ir-restrizzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta’ dawk l-uffiċċji doganali, kif ukoll kwalunkwe tibdil dwarhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-uffiċċji doganali kompetenti u kwalunkwe tibdil dwarhom fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Kooperazzjoni amministrattiva

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Użu ta’ sistema elettronika

1.   Il-ħżin u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari dwar il-liċenzji tal-importazzjoni u d-dikjarazzjonijiet tal-importatur, għandhom jitwettqu permezz ta’ sistema elettronika ċentralizzata.

Fil-każ ta’ ħsara temporanju tas-sistema elettronika, jistgħu jintużaw mezzi oħra għall-ħżin u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq bażi temporanja.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistipula, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

(a)

l-arranġamenti għad-disponiment, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

ir-regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz tas-sistema elettronika jew b’mezzi oħra msemmija fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2) sat-28 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 9

Stabbiliment ta’ sistema elettronika

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 8. Is-sistema elettronika għandha tkun operazzjonali sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel wieħed mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 10

Protezzjoni u tad-data personali u perijodu għaż-żamma tad-data

1.   L-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaġixxu ta’ kontrolluri tad-data personali li kisbu bis-saħħa tal-Artikoli 4, 5 u 8.

2.   L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għandu jsir biss għall-iskop definit fl-Artikolu 1(1).

3.   Id-data personali kollha miksuba skont l-Artikoli 4, 5 u 8 għandha tiġi kkonsultata biss mill-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet, u għandha tkun protetta b’mod adegwat kontra l-aċċess u l-komunikazzjoni mhux awtorizzati. Id-data ma għandhiex tiġi divulgata jew komunikata mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub espressa tal-awtorità li oriġinarjament kisbet l-informazzjoni. Madankollu, tali awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-awtoritajiet ikunu mitluba jiddivulgaw jew jikkomunikaw dik l-informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni, b’mod partikolari b’rabta ma’ proċedimenti legali.

4.   L-awtoritajiet għandhom jaħżnu d-data personali miksuba bis-saħħa tal-Artikoli 4, 5 u 8 għal perijodu ta’ 20 sena mid-data li fiha nkisbet dik id-data. Dik id-data personali għandha titħassar f’għeluq dak il-perijodu.

Artikolu 11

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Sat-28 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-introduzzjoni ta’ beni kulturali bi ksur tal-Artikolu 3(1), u bil-miżuri relatati.

Sat-28 ta’ Ġunju 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ieħor ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet foloz u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni falza, u bil-miżuri relatati.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk ir-regoli.

Artikolu 12

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tista’, fi kwistjonijiet koperti mill-attivitajiet tagħha u sa fejn meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, torganizza taħriġ u attivitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċità għal pajjiżi terzi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14

Rapporti u evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tindirizza kwestjonarji rilevanti lill-Istati Membri. L-Istati Membri għandu jkollhom sitt xhur minn meta jirċievu l-kwestjonarju biex jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni.

2.   Fi żmien tliet snien mid-data meta dan ir-Regolament isir applikabbli fl-intier tiegħu, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandu jinkludi informazzjoni statistika rilevanti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, bħall-għadd ta’ liċenzji tal-importazzjoni maħruġa, tal-applikazzjonijiet rifjutati u tad-dikjarazzjonijiet tal-importatur ippreżentati. Għandu jinkludi analiżi tal-implimentazzjoni prattika, inkluż l-impatt fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs.

3.   Sat-28 ta’ Ġunju 2020 u kull tnax-il xahar wara dan sakemm is-sistema elettronika kif msemmi fl-Artikolu 9 tkun ġiet stabbilita, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni kif indikat fl-Artikolu 8(2) u fl-istabbiliment tas-sistema elettronika kif indikat fl-Artikolu 9.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1:

(a)

l-Artikolu 3(1) għandu japplika mit-28 ta’ Diċembru 2020;

(b)

l-Artikolu 3(2) sa (5), (7) u (8), l-Artikolu 4(1) sa (10), l-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 8(1) għandhom japplikaw mid-data li fiha s-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 8 ssir operazzjonali jew sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-data li fiha kienu ssodisfati l-kondizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(2)  Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(3)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1).

(5)  Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

Parti A.   Beni kulturali koperti mill-Artikolu 3(1)

(a)

kollezzjonijiet rari u eżemplari ta’ fawna, flora, minerali u anatomija, u oġġetti ta’ interess paleontoloġiku;

(b)

proprjetà relatata mal-istorja, inkluż l-istorja tax-xjenza u t-teknoloġija, u l-istorja militari u soċjali, il-ħajja tal-mexxejja nazzjonali, ħassieba, xjentisti u artisti, u avvenimenti ta’ importanza nazzjonali;

(c)

prodotti ta’ skavi arkeoloġiċi (inkluż dawk regolari u klandestini) jew ta’ sejbiet arkeoloġiċi fuq l-art jew taħt l-ilma;

(d)

elementi ta’ monumenti artistiċi jew storiċi, jew siti arkeoloġiċi li ġew imkissra (1);

(e)

antikitajiet eqdem minn mitt sena, bħal skrizzjonijiet, muniti u siġilli minquxa;

(f)

oġġetti ta’ interess etnoloġiku;

(g)

oġġetti ta’ interess artistiku, bħal:

(i)

stampi, pitturi u tpinġijiet magħmula għalkollox bl-idejn fuq kwalunkwe sapport u ta’ kwalunkwe materjal (għajr disinji industrijali u oġġetti manifatturati mżejna bl-idejn);

(ii)

xogħlijiet oriġinali ta’ arti statwarja u skulturi ta’ kwalunkwe materjal;

(iii)

inċiżjonijiet, stampi u litografiji oriġinali;

(iv)

assemblaġġi u muntaġġi artistiċi oriġinali ta’ kwalunkwe materjal;

(h)

manuskritti rari u inkunabula;

(i)

kotba, dokumenti u pubblikazzjonijiet antiki ta’ interess speċjali (storiku, artistiku, xjentifiku, letterarju, eċċ.) waħedhom jew f’kollezzjonijiet;

(j)

bolol postali, tat-taxxa jew simili, waħedhom jew f’kollezzjonijiet;

(k)

arkivji, fosthom l-arkivji akustiċi, fotografiċi u ċinematografiċi;

(l)

biċċiet tal-għamara eqdem minn mitt sena u strumenti mużikali antiki.

Parti B.   Beni kulturali koperti mill-Artikolu 4

Kategoriji ta’ beni kulturali skont il-Parti A

Kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda (NM), Intestatura jew Subintestatura

Limitu minimu ta’ żmien

Limitu minimu finanzjarju (valur doganali)

Unitajiet supplimentari

(c)

prodotti tal-iskavi arkeoloġiċi (inkluż dawk regolari u klandestini) jew tas-sejbiet arkeoloġiċi fuq l-art jew taħt l-ilma;

ex 9705 ; ex 9706

Aktar minn 250 sena

Kull valur

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(d)

elementi ta’ monumenti artistiċi jew storiċi, jew siti arkeoloġiċi li ġew imkissra (2);

ex 9705 ; ex 9706

Aktar minn 250 sena

Kull valur

għadd ta’ oġġetti (p/st)

Parti C.   Beni kulturali koperti mill-Artikolu 5

Kategoriji ta’ beni kulturali skont il-Parti A

Kapitolu tan-Nomenklatura Magħquda (NM), Intestatura jew Subintestatura

Limitu minimu ta’ żmien

Limitu minimu finanzjarju (valur doganali)

Unitajiet supplimentari

(a)

kollezzjonijiet rari u eżemplari ta’ fawna, flora, minerali u anatomija, u oġġetti ta’ interess paleontoloġiku;

ex 9705

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(b)

proprjetà relatata mal-istorja, inkluż l-istorja tax-xjenza u t-teknoloġija, u l-istorja militari u soċjali, il-ħajja tal-mexxejja nazzjonali, ħassieba, xjentisti u artisti, u avvenimenti ta’ importanza nazzjonali;

ex 9705

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(e)

oġġetti antiki, bħal iskrizzjonijiet, muniti u siġilli mnaqqxa;

ex 9706

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(f)

oġġetti ta’ interess etnoloġiku;

ex 9705

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(g)

oġġetti ta’ interess artistiku, bħal:

 

 

 

 

(i)

stampi, pitturi u tpinġijiet magħmula għalkollox bl-idejn fuq kwalunkwe sapport u ta’ kwalunkwe materjal (għajr disinji industrijali u oġġetti manifatturati mżejna bl-idejn);

ex 9701

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(ii)

xogħlijiet oriġinali ta’ arti statwarja u skulturi ta’ kwalunkwe materjal;

ex 9703

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(iii)

inċiżjonijiet, stampi u litografi oriġinali

ex 9702 ;

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(iv)

assemblaġġi u muntaġġi artistiċi oriġinali ta’ kwalunkwe materjal;

ex 9701

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(h)

manuskritti rari u inkunabula;

ex 9702 ; ex 9706

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)

(i)

kotba, dokumenti u pubblikazzjonijiet antiki ta’ interess speċjali (storiku, artistiku, xjentifiku, letterarju, eċċ.) waħedhom jew f’kollezzjonijiet.

ex 9705 ; ex 9706

Aktar minn 200 sena

EUR 18 000 jew aktar kull oġġett

għadd ta’ oġġetti (p/st)


(1)  Ikoni u statwi liturġiċi, anke jekk waħedhom, għandhom jitqiesu bħala beni kulturali f’din il-kategorija.

(2)  Ikoni u statwi liturġiċi, anke jekk waħedhom, għandhom jitqiesu bħala beni kulturali f’din il-kategorija


7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/15


REGOLAMENT (UE) 2019/881TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas- 17 ta’ April 2019

dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

In-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni kif ukoll in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi għandhom rwol ċentrali fis-soċjetà u saru s-sinsla tat-tkabbir ekonomiku. It-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) isservi ta’ xprun għas-sistemi kumplessi li jappoġġaw l-attivitajiet soċjetali ta’ kuljum, iżommu l-ekonomiji tagħna f’qagħda operattiva f’setturi ewlenin bħalma huma s-saħħa, l-enerġija, il-finanzi u t-trasport u, b’mod partikolari, jappoġġaw il-funzjonament tas-suq intern.

(2)

L-użu tan-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni miċ-ċittadini, mill-organizzazzjonijiet u min-negozji madwar l-Unjoni, issa nfirex sew. Id-diġitalizzazzjoni u l-konnettività qegħdin isiru fatturi ċentrali f’għadd dejjem akbar ta’ prodotti u ta’ servizzi u bl-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) huwa mistenni li jiddaħħlu numru estremament għoli ta’ apparati diġitali konnessi madwar l-Unjoni fl-għaxar snin li ġejjin. Filwaqt li għadd dejjem jiżdied ta’ apparati huwa konness mal-Internet, is-sigurtà u r-reżiljenza mhumiex biżżejjed integrati mill-istadju tad-disinn, u b’hekk iċ-ċibersigurtà għadha mhix b’saħħitha biżżejjed. F’dak il-kuntest, l-użu limitat taċ-ċertifikazzjoni jwassal biex utenti individwali, dawk organizzazzjonali u dawk tan-negozju jkollhom informazzjoni insuffiċjenti dwar il-karatteristiċi taċ-ċibersigurtà ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT, u b’hekk qiegħda tiġi mminata l-fiduċja fis-soluzzjonijiet diġitali. In-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni huma kapaċi jappoġġaw l-aspetti kollha ta’ ħajjitna u jmexxu t-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni. Huma l-bażi biex ikun jista’ jinkiseb is-suq uniku diġitali.

(3)

Żieda fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività jżidu r-riskji għaċ-ċibersigurtà u b’hekk is-soċjetà ġenerali ssir aktar vulnerabbli għat-theddid ċibernetiku u l-perikli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-individwi, fosthom il-persuni vulnerabbli bħalma huma t-tfal. Sabiex dawk ir-riskji jittaffew, jeħtieġ li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tittejjeb iċ-ċibersigurtà fl-Unjoni biex b’hekk in-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni, in-netwerks tal-komunikazzjoni, il-prodotti diġitali, is-servizzi u l-apparati użati miċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji – li jvarjaw minn intrapriżi ż-żgħar u medji (SMEs), kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4) sa operaturi tal-infrastruttura kritika – jiġu mħarsa aħjar mit-theddid ċibernetiku.

(4)

Billi l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli għall-pubbliku, l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-industrija taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, b’mod partikolari SMEs u negozji ġodda. Jenħtieġ li l-ENISA tfittex kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-universitajiet u l-entitajiet tar-riċerka sabiex tikkontribwixxi għal tnaqqis tad-dipendenzi fuq prodotti u servizzi taċ-ċibersigurtà minn barra l-Unjoni u għall-infurzar tal-katini ta’ provvista ġewwa l-Unjoni.

(5)

L-attakki ċibernetiċi qed jiżdiedu, u ekonomija u soċjetà konnessi li huma aktar vulnerabbli għat-theddid u l-attakki ċibernetiċi jeħtieġu difiżi aktar b’saħħithom. Madankollu, filwaqt li l-attakki ċibernetiċi kemm-il darba jseħħu minn naħa għall-oħra tal-fruntiera, il-kompetenza ta’, u r-risponsi politiċi mill-awtoritajiet taċ-ċibersigurtà u tal-infurzar tal-liġi huma fil-biċċa l-kbira ta’ natura nazzjonali. Inċidenti fuq skala kbira jistgħu jfixklu l-provvista ta’ servizzi essenzjali madwar l-Unjoni. Dan jesiġi risponsi u ġestjoni tal-kriżijiet effikaċi u koordinati fil-livell tal-UE, abbażi ta’ politiki apposta u strumenti usa’ għas-solidarjetà Ewropea u l-assistenza reċiproka. Barra minn hekk, għal dawk li jfasslu l-politika, għall-industrija u għall-utenti hu importanti li ssir valutazzjoni regolari tal-istat taċ-ċibersigurtà u tar-reżiljenza fl-Unjoni, ibbażata fuq data affidabbli tal-Unjoni, kif ukoll previżjonijiet sistematiċi tal-iżviluppi, l-isfidi u t-theddidiet futuri fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell globali.

(6)

Fid-dawl tal-isfidi dejjem akbar taċ-ċibersigurtà li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni, teżisti l-ħtieġa għal sett komprensiv ta’ miżuri li jkun jibni fuq azzjoni mgħoddija tal-Unjoni u li jitrawmu għanijiet li jappoġġaw lil xulxin b’mod reċiproku. Dawk l-objettivi jinkludu ż-żieda ulterjuri tal-kapaċitajiet u l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri u tan-negozji, kif ukoll it-titjib tal-kooperazzjoni, il-kondiviżjoni u l-koordinazzjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba n-natura bla fruntieri tat-theddid ċibernetiku, hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni li jistgħu jikkumplimentaw l-azzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’każijiet ta’ inċidenti u kriżijiet transfruntiera fuq skala kbira, filwaqt li titqies l-importanza li jinżammu u jissaħħu aktar il-kapaċitajiet nazzjonali biex jingħata rispons għal theddid ċibernetiku ta’ kull daqs.

(7)

Huma meħtieġa wkoll sforzi addizzjonali biex jittejjeb l-għarfien taċ-ċittadini, tal-organizzazzjonijiet u tan-negozji dwar kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, peress li l-inċidenti ċibernetiċi jdgħajfu l-fiduċja fil-fornituri tas-servizz diġitali u fis-suq uniku diġitali nnifsu, speċjalment fost il-konsumaturi, jenħtieġ li tissaħħaħ aktar il-fiduċja billi tiġi offruta informazzjoni b’mod trasparenti tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT filwaqt li jiġi enfasizzat li lanqas livell għoli ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ma jista’ jiggarantixxi li l-prodott ICT, is-servizz ICT u l-proċess tal-ICTikun kompletament sigur. Żieda fil-fiduċja jista’ jiġi ffaċilitat permezz ta’ ċertifikazzjoni għall-Unjoni kollha, billi jiġu pprovduti rekwiżiti taċ-ċibersigurtà u kriterji ta’ evalwazzjoni komuni għas-swieq nazzjonali u s-setturi kollha.

(8)

Iċ-ċibersigurtà mhix biss kwistjoni relatata mat-teknoloġika, iżda waħda li fiha l-imġiba umana hija daqstant importanti. Għalhekk, jenħtieġ li ssir promozzjoni qawwija tal-“iġjene ċibernetika”, jiġifieri, miżuri sempliċi ta’ rutina li meta jiġu implimentati u mwettqa regolarment miċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji jimminimizzaw l-espożizzjoni tagħhom għal riskji minn theddid ċibernetiku.

(9)

Għall-fini tat-tisħiħ tal-istrutturi tal-Unjoni taċ-ċibersigurtà, huwa importanti li jinżammu u jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Istati Membri sabiex iwieġbu għal theddid ċibernetiku, inkluż għal inċidenti transfruntiera.

(10)

Jenħtieġ li n-negozji u l-konsumaturi individwali jkollhom informazzjoni preċiża dwar il-livell ta’ assigurazzjoni li bihom tkun ġiet iċċertifikat s-sigurtà tal-prodotti ICT, s-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT. Fl-istess ħin, ebda prodott ICT jew servizz ICT ma huwa ċibersigur għalkollox u regoli bażiċi tal-iġjene ċibernetika jridu jiġu promossi u jingħataw prijorità.Peress li qed tiżdied id-disponibbiltà tal-apparati tal-Internet tal-oġġetti, hemm firxa ta’ miżuri volontarji li s-settur privat jista’ jieħu biex isaħħaħ il-fiduċja fis-sigurtà tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

(11)

Prodotti u sistemi moderni tal-ICT spiss jintegraw jew jistrieħu fuq teknoloġiji u komponenti ta’ parti terza, pereżempju moduli tas-software, libreriji jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. Din id-dipendenza, li tissejjaħ “dipendenza”, tista’ tippreżenta riskji addizzjonali għaċ-ċibersigurtà hekk kif vulnerabbiltajiet li jinsabu f’komponenti ta’ parti terza jistgħu jaffettwaw ukoll is-sigurtà tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT. F’ħafna każijiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ tali dipendenzi jippermettu lill-utenti aħħarin tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT itejbu l-attivitajiet tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà billi jtejbu, pereżempju, il-proċeduri tal-utenti għall-ġestjoni u r-rimedju tal-vulnerabbiltajiet taċ-ċibersigurtà.

(12)

Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet, il-manifatturi jew il-fornituri involuti fid-disinn u l-iżvilupp ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT jiġu mħeġġa jimplimentaw miżuri, fl-istadji tal-bidu nett tad-disinn u l-iżvilupp biex tiġi protetta s-sigurtà ta’ dawk il-prodotti, proċessi u servizzi bl-ogħla grad possibbli, b’mod li l-okkorrenza ta’ attakki ċibernetiċi tkun preżunta u li l-impatt tagħhom ikun antiċipat u minimizzat (“sigurtà ppjanata”). Jenħtieġ li s-sigurtà tkun żgurata tul il-ħajja kollha tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT, permezz ta’proċessi tad-disinn u l-iżvilupp li qed jevolvu l-ħin kollu biex inaqqsu r-riskju ta’ ħsara minn esplojtazzjoni malizzjuża.

(13)

Jenħtieġ li l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u s-settur pubbliku jikkonfiguraw il-prodotti ICT,s-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT iddiżinjati minnhom b’mod li jiżgura livell aktar għoli ta’ sigurtà li jkun jippermetti lill-ewwel utent jirċievi konfigurazzjoni prestabbilita bis-settings l-aktar siguri possibbli (“sigurtà prestabbilita”), biex b’hekk inaqqas il-piż li l-utenti jkollhom jikkonfiguraw prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICT b’mod xieraq. Jenħtieġ li s-sigurtà prestabbilita ma tkunx tirrikjedi ħafna konfigurazzjoni jew għarfien tekniku speċifiku jew imġiba mhux intwittiva min-naħa tal-utent, u jenħtieġ li taħdem b’mod faċli u affidabbli meta tiġi implimentata. Jekk, abbażi ta’ każ b’każ, analiżi tar-riskju u tal-użu twassal għall-konklużjoni li tali prestabbiliment ma jkunx fattibbli, jenħtieġ li l-utenti jiġu mħeġġa biex jagħżlu l-aktar setting sigur.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxa l-ENISA bl-għanijiet li tikkontribwixxi għall-għanijiet li jiġi żgurat livell għoli u effettiv tas-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni fl-Unjoni, u biex tiġi żviluppata kultura ta’ sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-intrapriżi u tal-amministrazzjonijiet tas-settur pubbliku. Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) estenda l-mandat tal-ENISA sa Marzu 2012. Ir-Regolament (UE) Nru 580/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) kompla jestendi l-mandat tal-Aġenzija sat-13 ta’ Settembru 2013. Ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 estenda l-mandat tal-ENISA sad-19 ta’ Ġunju 2020.

(15)

L-Unjoni diġà ħadet passi importanti biex tiżgura ċ-ċibersigurtà u biex ittejjeb il-fiduċja fit-teknoloġiji diġitali. Fl-2013, ġiet adottata l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea biex tiggwida r-rispons politiku tal-Unjoni għat-theddid u r-riskji għaċ-ċibersigurtà. Fi sforzi tagħha biex tħares liċ-ċittadini b’mod aħjar meta jkunu fuq l-Internet, l-ewwel att ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà ġie adottat fl-2016 fl-għamla tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Id-Direttiva (UE) 2016/1148 stabbiliet rekwiżiti dwar il-kapaċitajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà, stabbiliet l-ewwel mekkaniżmi biex tittejjeb il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali bejn l-Istati Membri, u introduċiet obbligi dwar miżuri ta’ sigurtà u n-notifiki dwar l-inċidenti f’setturi li huma kruċjali għall-ekonomija u s-soċjetà, bħalma huma l-enerġija, it-trasport, il-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb, is-settur bankarju, l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, il-kura tas-saħħa, l-infrastruttura diġitali kif ukoll fornituri tas-servizzi diġitali ewlenin (magni tat-tiftix, servizzi ta’ cloud computing u s-swieq fuq l-Internet).

L-ENISA ngħatat rwol ewlieni fl-appoġġar tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, il-ġlieda effikaċi kontra ċ-ċiberkriminalità hija prijorità importanti tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, u tikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-kisba ta’ livell għoli ta’ ċibersigurtà. Strumenti legali oħra bħar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttivi 2002/58/KE (11) u (UE) 2018/1972 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill wkoll jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ ċibersigurtà fis-suq uniku diġitali.

(16)

Mill-adozzjoni tal-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea fl-2013 u l-aħħar reviżjoni tal-mandat tal-ENISA, il-kuntest ġenerali tal-politika nbidel b’mod sinifikanti billi l-ambjent globali sar aktar inċert u inqas sikur. F’dan l-isfond u fil-kuntest tal-iżvilupp pożittiv tar-rwol tal-ENISA bħala punt ta’ referenza għal pariri u kompetenza esperta, bħala faċilitatriċi tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet kif ukoll fil-qafas tal-politika l-ġdida tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà, jeħtieġ li l-mandat tal-ENISA jiġi rivedut, biex jiġi stabbilit ir-rwol tagħha fl-ekosistema mibdula taċ-ċibersigurtà u biex jiġi żgurat li tikkontribwixxi b’mod effikaċi għar-rispons tal-Unjoni għall-isfidi taċ-ċibersigurtà li jirriżultaw mix-xenarju ta’ theddid ċibernetiku radikalment mibdul, li għalih, kif rikonoxxut waqt l-evalwazzjoni tal- ENISA, il-mandat attwali mhux biżżejjed.

(17)

L-ENISA kif stabbilita minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tissuċċedi l-ENISA kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 526/2013. L- ENISA jenħtieġ li twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz ta’ dan ir-Regolament u permezz ta’ atti legali tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, fost affarijiet oħra, billi tipprovdi konsulenza u għarfien espert, u billi sservi ta’ ċentru ta’ informazzjoni u ta’ għarfien tal-Unjoni. Jenħtieġ li hija tippromwovi l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati privati, toffri suġġerimenti ta’ politika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, isservi ta’ punt ta’ referenza għall-inizjattivi ta’ politika settorjali tal-Unjoni għal kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà, u trawwem il-kooperazzjoni operazzjonali, kemm bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

(18)

Fil-qafas tad-Deċiżjoni 2004/97/KE, Euratom bi qbil komuni bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-livell ta’ Kap ta’ Stat jew ta’ gvern (13), ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ddeċidew li l-ENISA jkollha s-sede tagħha f’belt fil-Greċja, li kellha tintgħażel mill-Gvern Grieg. L-Istat Membru ospitanti tal-ENISA jenħtieġ li jiżgura l-aħjar kondizzjonijiet possibbli għal ħidma effiċjenti u bla xkiel tal- ENISA. Hu essenzjali għat-twettiq xieraq u effiċjenti tal-kompiti tagħha, għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal u biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-attivitajiet tan-networking, li l-ENISA tkun ibbażata f’post xieraq, li fost affarijiet oħra jipprovdi konnessjonijiet u faċilitajiet tat-trasport adegwati għall-familjari li jakkumpanjaw il-membri tal-persunal tal- ENISA. L-arranġamenti neċessarji jenħtieġ li jiġu elenkati fi ftehim bejn l- ENISA u l-Istat Membru ospitanti, konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal- ENISA.

(19)

Minħabba ż-żieda fir-riskji u l-isfidi fil-qasam taċ-ċibersigurtà li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni, ir-riżorsi finanzjarji u umani allokati lill-ENISA jenħtieġ li jiżdiedu biex jirriflettu r-rwol u l-kompiti msaħħa tagħha, kif ukoll il-pożizzjoni kritika tagħha fl-ekosistema ta’ organizzazzjonijiet li jiddefendu s-sistema diġitali tal-Unjoni, li b’hekk jippermetti lill-ENISA twettaq b’mod effettiv il-kompiti mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

(20)

L-ENISA jenħtieġ li tiżviluppa u żżomm livell għoli ta’ għarfien espert u topera bħala punt ta’ referenza li tistabbilixxi fiduċja u kunfidenza fis-suq intern permezz tal-indipendenza tagħha, il-kwalità tal-konsulenza li toffri, il-kwalità tal-informazzjoni li xxerred, it-trasparenza tal-proċeduri tagħha, it-trasparenza tal-metodi tal-operat tagħha, u r-reqqa fit-twettiq tal-kompiti tagħha. Jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa attivament l-isforzi nazzjonali u jenħtieġ li tikkontribwixxi b’mod proattiv għall-isforzi tal-Unjoni filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha f’kooperazzjoni sħiħa mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u mal-Istati Membri, waqt li tevita kwalunkwe duplikazzjoni ta’ ħidma u tippromwovi s-sinerġija. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tibni fuq l-input minn u l-kooperazzjoni mas-settur privat u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Jenħtieġ li jkun hemm sett ta’ kompiti li jistabbilixxi kif l- ENISA għandha tikseb l-għanijiet tagħha filwaqt li jippermetti flessibbiltà fl-attivitajiet tagħha.

(21)

Sabiex tkun tista’ tipprovdi appoġġ adegwat għall-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li l-ENISA tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet u l-ħiliet tekniċi u umani tagħha. Jenħtieġ li l-ENISA ttejjeb l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħha. L-ENISA u l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi volontarja, jiżviluppaw programmi biex jissekondaw esperti nazzjonali lill- ENISA u b’hekk joħolqu gruppi komuni ta’ esperti u skambju ta’ persunal.

(22)

Jenħtieġ li l-ENISA tassisti lill-Kummissjoni permezz ta’ pariri, opinjonijiet u analiżi fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha tal-Unjoni relatati mal-iżvilupp tal-politika u tal-liġi, aġġornamenti u reviżjonijiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà u l-aspetti tagħhaspeċifiċi għas-settur sabiex ittejjeb ir-rilevanza tal-politiki u tal-liġi tal-Unjoni li jkollhom dimensjoni marbuta maċ-ċibersigurtà u sabiex tippermetti konsistenza fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki u l-liġijiet fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-ENISA sservi ta’ punt ta’ referenza għall-pariri u l-għarfien espert għall-inizjattivi ta’ politika u ta’ liġi tal-Unjoni speċifiċi għal setturi partikolari fejn ikunu involuti kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l-ENISA tgħarraf lill-Parlament Ewropew regolarment bl-attivitajiet tagħha.

(23)

Il-qalba essenzjali pubblika tal-Internet miftuħ, jiġifieri l-protokolli u l-infrastruttura prinċipali tiegħu, li huma beni pubbliċi globali, tipprovdi l-funzjonalità essenzjali tal-Internet b’mod ġenerali u tirfed l-operat normali tiegħu. Jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa s-sigurtà tal-parti pubblika tal-Internet miftuħ u l-istabbiltà tal-funzjonament tagħha, inkluż, iżda mhux biss, il-protokolli essenzjali (b’mod partkolari d-DNS, il-BGP u l-IPv6), l-operat tas-sistema tal-ismijiet tad-dominji (bħat-tħaddim tad-dominji tal-ogħla livell kollha), u l-operat tar-root zone.

(24)

Il-kompitu fundamentali tal-ENISA huwa li tippromwovi l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas legali rilevanti, b’mod partikolari l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva (UE) 2016/1148 u strumenti legali oħra rilevanti li jinkludu aspetti ta’ ċibersigurtà, li hija essenzjali biex tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika. Fid-dawl tax-xenarju ta’ theddid ċibernetiku li qed jevolvi b’pass mgħaġġel, huwa ċar li l-Istati Membri jkollhom jiġu appoġġati minn approċċ aktar komprensiv u transpolitiku biex tinbena r-reżiljenza ċibernetika.

(25)

Jenħtieġ li l-ENISA tgħin lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji y l-aġenziji tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jibnu u jtejbu l-kapaċitajiet u l-istat tat-tħejjija biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrispondu għal theddidiet u inċidenti ċibernetiċi u fir-rigward tas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa l-iżvilupp u t-titjib tal-Ikwadra ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (“CSIRTs”) nazzjonali u tal-Unjoni prevista fid-Direttiva (UE) 2016/1148, bil-għan li jinkiseb livell għoli komuni tal-maturità tagħhom fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-attivitajiet imwettqa mill-ENISA fir-rigward tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-Istati Membri jappoġġaw attivament l-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2016/1148 u għaldaqstant ma għandhomx jissostitwixxuhom.

(26)

Jenħtieġ li l-ENISA tgħin ukoll fl-iżvilupp u l-aġġornar tal-istrateġiji dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni u, fuq talba, fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari dwar iċ-ċibersigurtà, u jenħtieġ li tippromwovi t-tixrid ta’ tali strateġiji u ssegwi l-progress fl-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ ukoll li l-ENISA tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtieġa għal taħriġ u materjali tat-taħriġ, inkluż il-ħtiġijiet ta’ korpi pubbliċi, u fejn ikun xieraq, tħarreġ lill-ħarrieġa, b’mod estensiv abbażi tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini bil-ħsieb li tassisti lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ taħriġ.

(27)

Jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa lill-Istati Membri fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà billi tiffaċilita koordinazzjoni aktar mill-qrib u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri. Dak l-appoġġ jista’ jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ netwerk ta’ punti ta’ kuntatt edukattivi nazzjonali u l-Iżvilupp ta’ pjattaforma ta’ taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà. In-netwerk ta’ punti ta’ kuntatt edukattivi nazzjonali jista’ jopera fi ħdan in-Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali u jkun punt tal-bidu għal koordinazzjoni futura fl-Istati Membri.

(28)

Jenħtieġ li l-ENISA tgħin lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni maħluq bid-Direttiva (UE) 2016/1148 fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu, b’mod partikolari billi tipprovdi għarfien espert u konsulenza u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki, fost l-oħrajn fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ operaturi ta’ servizzi essenzjali mill-Istati Membri, kif ukoll fir-rigward ta’ dipendenza transfruntiera fir-rigward ta’ riskji u ta’ inċidenti.

(29)

Bil-għan li tistimula l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat kif ukoll fi ħdan is-settur privat, b’mod partikolari biex tappoġġa l-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fis-setturi u bejniethom, b’mod partikolari fis-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148, billi tipprovdi l-aħjar prattiki u gwida dwar l-għodod disponibbli u dwar il-proċedura, kif ukoll gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet regolatorji relatati mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, pereżempju billi tiffaċilita l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ kondiviżjoni u ta’ analiżi tal-informazzjoni) settorjali.

(30)

Peress li l-impatt negattiv potenzjali tal-vulnerabbiltajiet fil-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT qiegħed dejjem jiżdied, l-iskoperta ta’ u r-rimedju għal vulnerabbiltajiet bħal dawn jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tar-riskju ġenerali għaċ-ċibersigurtà. Irriżulta li l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet, il-manifatturi jew il-fornituri ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT vulnerabbli, u l-membri tal-komunità tar-riċerka dwar iċ-ċibersigurtà u l-gvernijiet li jsibu vulnerabbiltajiet żiedet sostanzjalment kemm ir-rata tal-iskoperta kif ukoll ir-rimedju tal-vulnerabbiltajiet fil-prodotti ICT, servizzi ICTu proċessi tal-ICT. Divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltajiet tispeċifika proċess strutturat ta’ kooperazzjoni fejn il-vulnerabbiltajiet jiġu rrappurtati lis-sid tas-sistema ta’ informazzjoni, u b’hekk l-organizzazzjoni jkollha l-opportunità twettaq dijanjożi u rimedju qabel ma l-informazzjoni dettaljata dwar il-vulnerabbiltà tiġi żvelata lil partijiet terzi jew lill-pubbliku. Il-proċess jipprevedi wkoll koordinazzjoni bejn min jiskopri u l-organizzazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ dawk il-vulnerabbiltajiet. Il-politiki ta’ divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltajiet jistgħu jaqdu rwol importanti fl-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu ċ-ċibersigurtà.

(31)

Jenħtieġ li l-ENISA taggrega u tanalizza r-rapporti nazzjonali kondiviżi b’mod volontarju mis-CSIRTs u mill-iskwadra interistituzzjonali ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni stabbilit bl-Arranġament bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (14) sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ proċeduri, lingwa u terminoloġija komuni għall-iskambju tal-informazzjoni. F’dak il-kuntest jenħtieġ li l-ENISA tinvolvi lis-settur privat fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2016/1148 li tistabbilixxi il-bażi għall-iskambju volontarju tal-informazzjoni teknika fil-livell operazzjonali, fin-netwerk tal-iskwadri ta’ rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters (“CSIRTs”) maluq minn dik id-Direttiva.

(32)

Jenħtieġ li l-ENISA tikkontribwixxi għal risponsi fil-livell tal-Unjoni fil-każ ta’ inċidenti u kriżijiet transfruntiera fuq skala kbira relatati maċ- ta’ ċibersigurtà. Jenħtieġ li dak il-kompitu jitwettaq f’konformità mal-mandat tal-ENISA skont dan ir-Regolament u ma’ approċċ li jenħtieġ li jiġi maqbul mill-Istati Membri fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 (15) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2018 dwar rispons tal-UE għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira. Dak il-kompitu jista’ jinkludi l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti u jservi ta’ faċilitatriċi bejn in-netwerk tas-CSIRTs u l-komunità teknika, kif ukoll bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali fost l-Istati Membri, meta ssir talba minn Stat Membru wieħed jew aktar, fl-indirizzar tal-inċidenti minn perspettiva teknika, billi tiffaċilita skambji rilevanti ta’ soluzzjonijiet tekniċi bejn l-Istati Membri, u billi tipprovdi kontribut fil-komunikazzjonijiet pubbliċi. Jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali billi tittestja l-arranġamenti għal tali kooperazzjoni permezz ta’ eżerċizzji regolari taċ-ċibersigurtà.

(33)

Jenħtieġ li, meta tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali, l-ENISA tagħmel użu mill-għarfien espert tekniku u operazzjonali disponibbli tac-CERT-UE permezz ta’ kooperazzjoni strutturata. Tali kooperazzjoni strutturata tista’ tibni fuq l-għarfien espert tal-ENISA. Fejn ikun xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti dedikati bejn iż-żewġ entitajiet biex tiġi definita l-implimentazzjoni prattika ta’ kooperazzjoni bħal din u biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

(34)

Fit-twettiq tal-kompitu tagħha li tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali fi ħdan in-netwerk tas-CSIRTs, jenħtieġ li l-ENISA tkun tista’ tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fuq talba tagħhom, pereżempju billi tipprovdi pariri dwar kif itejbu l-kapaċitajiet tagħhom għall-prevenzjoni, il-kxif u r-rispons għal inċidenti, billi tiffaċilita l-indirizzar tekniku ta’ inċidenti li jkollhom impatt sinifikanti jew sostanzjali jew billi tiżgura lli t-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi jiġu analizzati. Jenħtieġ li l-ENISA tiffaċilita l-indirizzar tekniku ta’ inċidenti li jkollhom impatt sinifikanti jew sostanzjali b’mod partikolari billi tappoġġa l-kondiviżjoni volontarja ta’ soluzzjonijiet tekniċi bejn l-Istati Membri jew billi tipproduċi informazzjoni teknika kombinata - bħal soluzzjonijiet tekniċi kondiviżi volontarjament mill-Istati Membri. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/1584 tirrakkomanda li l-Istati Membri jikkooperaw in bona fede u jaqsmu bejniethom u mal-ENISA informazzjoni dwar kriżijiet u inċidenti fuq skala kbira relatati maċ-ċibersigurtà mingħajr dewmien żejjed. Tali informazzjoni tkompli tgħin lill-ENISA fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni operazzjonali.

(35)

Bħala parti mill-kooperazzjoni regolari fuq livell tekniku b’appoġġ għall-għarfien tas-sitwazzjoni fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ENISA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tħejji Rapport dettaljat dwar is-Sitwazzjoni Teknika taċ-Ċibersigurtà fl-UE dwar l-inċidenti u t-theddid ċibernetiċi, abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament, l-analiżi tagħha u r-rapporti kondiviżi magħha mis-CSIRTs tal-Istati Membri jew il-punti ta’ kuntatt uniċi nazzjonali dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerk u tal-informazzjoni (“punti uniċi ta’ kuntatt”) previsti fid-Direttiva (UE) 2016/1148, it-tnejn fuq bażi volontarja, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fl-Europol, is-CERT-UE u, fejn xieraq, iċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EU INTCEN) fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dak ir-rapport jenħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tan-Netwerk tal-CSIRTs.

(36)

Jenħtieġ li l-appoġġ mill-ENISA għal inkjesti tekniċi ex-post dwar inċidenti li jkollhom impatt sinifikanti jew sostanzjali mwettqa fuq talba mill-Istati Membri kkonċernati jkun iffokat fuq il-prevenzjoni ta’ inċidenti futuri. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jipprovdu l-informazzjoni u l-assistenza neċessarji sabiex l-ENISA tkun tista’ tappoġġa l-inkjesta teknika ex-post b’mod effettiv.

(37)

L-Istati Membri jistgħu jistiednu l-impriżi milquta mill-inċident biex jikkooperaw billi jipprovdu t-tagħrif u l-għajnuna meħtieġa lill-ENISA mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jipproteġu informazzjoni kummerċjalment sensittiva u informazzjoni li tkun rilevanti għas-sigurtà pubblika.

(38)

Sabiex tifhem aħjar l-isfidi fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u bil-għan li tipprovdi pariri strateġiċi fit-terminu twil lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, l-ENISA jeħtieġ li tanalizza r-riskji kurrenti u dawk li qegħdin jitfaċċaw. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-ENISA, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u, kif xieraq, mal-korpi tal-istatistika u korpi oħrajn, tiġbor informazzjoni rilevanti li tkun disponibbli pubblikament jew kondiviża volontarjament u twettaq analiżijiet tat-teknoloġiji emerġenti u tipprovdi valutazzjonijiet speċifiċi għal ċerti suġġetti dwar l-impatti mistennija soċjetali, legali, ekonomiċi u regolatorji tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fuq is-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, b’mod partikolari ċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex jidentifikaw ir-riskji ta’ ċibersigurtà emerġenti u jipprevjenu inċidenti, billi jwettqu analiżijiet tat-theddid, il-vulnerabbiltajiet u l-inċidenti ta-ċibernetika.

(39)

Sabiex iżżid ir-reżiljenza tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ENISA tiżviluppa għarfien espert fil-qasam taċ-ċibersigurtà tal-infrastrutturi, b’mod partikolari biex tappoġġa lis-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148 u dawk li jintużaw mill-fornituri tas-servizzi diġitali elenkati fl-Anness III għad-Direttiva, billi tipprovdi pariri, toħroġ linji gwida u tagħmel skambju gtal-aħjar prattiki. Bil-għan li jiġi żgurat aċċess eħfef għal informazzjoni aktar strutturata dwar ir-riskji għaċ-ċibersigurtà u rimedji possibli, l-ENISA jenħtieġ li tiżviluppa u żżomm “hub tal-informazzjoni” tal-Unjoni, portal one-stop shop li jipprovdi lill-pubbliku informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà li toriġina minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-~Unjoni u nazzjonali. L-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni strutturata aħjar dwar ir-riskji għaċ-ċibersigurtà u rimedji possibli jista’ wkoll jgħin lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet tagħhom u jallinjaw il-prattiki tagħhom, u b’hekk iżidu r-reżiljenza globali tagħhom għal attakki ċibernetiċi.

(40)

Jenħtieġ li l-ENISA tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku għar-riskji taċ-ċibersigurtà, inkluż permezz ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni mifruxa fl-UE billi tippromwovi l-edukazzjoni u għall-għoti ta’ gwida dwar prattiki tajba għall-utenti individwali mmirata lejn iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji. Jenħtieġ li l-ENISA tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-aqwa prattiki u soluzzjonijiet, inkluż l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu ċibernetiku fil-livell taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji billi tiġbor u tanalizza informazzjoni disponibbli pubblikament dwar inċidenti sinifikanti, u billi tikkompila u tippubblika rapporti u gwida għaċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji, biex ittejjbu l-livell ġenerali ta’ tħejjija u ta’ reżiljenza tagħhom. L-ENISA jenħtieġ li tistinka wkoll sabiex tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni rilevanti dwar skemi ta’ ċertifikazzjoni applikabbli, pereżempju billi tipprovdi linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA torganizza, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Edukazzjoni Diġitali stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji edukattivi pubbliċi diretti lejn l-utenti aħħarin, biex jippromwovu mġiba online aktar sikura minn individwi u l-litteriżmu diġitali, biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni dwar it-theddid potenzjali taċ-ċibernetika, inkluż l-attività kriminali li seħħ online bħal attakki tal-phishing, botnets, frodi finanzjarja u bankarja, inċidenti ta’ frodi tad-data, u biex jippromwovu pariri bażiċi dwar l-awtentikazzjoni b’diversi fatturi, is-software korrettiv, il-kriptaġġ, l-anonimizzazzjoni u l-protezzjoni tad-data.

(41)

L-ENISA jenħtieġ li tieħu rwol ċentrali fl-aċċellerazzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-utenti aħħarin tas-sigurtà tal-apparati u tal-użu sigur tas-servizzi, u jenħtieġ li tippromwovi s-sigurtà ppjanata u l-privatezza mid-disinn fil-livell tal-Unjoni. Biex jintlaħaq dak l-objettiv, jenħtieġ li l-ENISA tagħmel użu mill-aqwa prattiki u esperjenza disponibbli, speċjalment l-aqwa prattiki u l-esperjenza tal-istituzzjonijiet akkademiċi u r-riċerkaturi tas-sigurtà tal-IT.

(42)

Bil-għan li tappoġġa n-negozji li joperaw fis-settur taċ-ċibersigurtà, kif ukoll l-utenti tas-soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li l-ENISA tiżviluppa u ssostni “osservatorju tas-suq” billi twettaq analiżijiet regolari u xxered informazzjoni dwar ix-xejriet ewlenin fis-suq taċ-ċibersigurtà, kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq dik tal-provvista.

(43)

Jenħtieġ li l-ENISA tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll fi ħdan oqfsa rilevanti ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ENISA tikkontribwixxi, fejn ikun adatt, għal kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħall-OECD, l-OSKE u n-NATO. Kooperazzjoni bħal din tista’ tinkludi eżerċizzji konġunti b’rabta maċ-ċibersigurtà u koordinazzjoni ta’ rispons konġunt għal inċidenti. Dawk l-attivitajiet iridu jitwettqu b’rispett sħiħ għall-prinċipji tal-inklużività, ir-reċiproċità u l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ kwalunkwe Stat Membru.

(44)

Biex jiġi żgurat li tilħaq l-għanijiet tagħha kompletament, jenħtieġ li l-ENISA żżomm kuntatt mal-awtoritajiet superviżorji u ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn fl-Unjoni, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u kompetenti oħrajn tal-Unjoni, inkluż is-CERT-UE, EC3, l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA), l-Agenzija Ewropea tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea), il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fil-Qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (eu-LISA), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), il-Bord tal-Protezzjoni tad-Data Ewropea (EDPB), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), l Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), u kwalunkwe aġenzija oħra tal-Unjoni involuta fiċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l- ENISA żżomm ukoll kuntatt mal-awtoritajiet li jittrattaw il-protezzjoni tad-data sabiex tiskambja magħhom it-tattika u l-aqwa prattiki u jenħtieġ li tipprovdi pariri dwar kwistjonijiet taċ-ċibersigurtà li jista’ jkollhom impatt fuq xogħolhom. Ir-rappreżentanti nazzjonali u tal-Unjoni tal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u għall-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal rappreżentanza fil-Grupp Konsultattiv tal-ENISA. Fil-koordinament mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħidma tagħha, jenħtieġ li l-ENISA tirrispetta l-kanali eżistenti ta’ informazzjoni u n-netwerks stabbiliti.

(45)

Jistgħu jiġu stabbiliti sħubijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi li jkollhom inizjattivi ta’ riċerka fl-oqsma rilevanti, u jenħtieġ li jkun hemm kanali xierqa għall-input mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u minn organizzazzjonijiet oħra, li jenħtieġ li jiġi kkunsidrat.

(46)

Jenħtieġ li l-ENISA, fir-rwol tagħha ta’ Segretarjat tan-netwerk tas-CSIRTs, tappoġġa lis-CSIRTs tal-Istati Membri u lis-CERT-UE fil-kooperazzjoni operazzjonali fir-rigward tal-kompiti rilevanti tan-netwerk tas-CSIRTs, kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2016/1148. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tippromwovi u tappoġġa l-kooperazzjoni bejn is-CSIRTs rilevanti f’każ ta’ inċidenti, attakki fuq jew tħarbit tan-netwerks jew l-infrastruttura ġestiti jew protetti mis-CSIRTs u li jinvolvu jew li jkunu kapaċi jinvolvu minn tal-inqas żewġ CSIRTs filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-Proċeduri Operattivi Standard tan-netwerk tas-CSIRTs.

(47)

Bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ tħejjija tal-Unjoni biex tirrispondi għal inċidenti taċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li l-ENISA torganizza regolarment eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni u, fuq talba tagħhom, tappoġġa lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-organizzazzjoni ta’ tali eżerċizzji. Jenħtieġ li eżerċizzji komprensivi fuq skala kbira li jinkludu elementi tekniċi, operazzjonali jew strateġiċi jġi organizzati darba kull sentejn. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ENISA tkun tista’ torganizza regolarment eżerċizzji inqas komprensivi bl-istess għan li jitjieb l-istat ta’ tħejjija tal-Unjoni fir-rispons għal inċidenti.

(48)

Jenħtieġ li l-ENISA tkompli tiżviluppa u ssostni l-għarfien espert tagħha fiċ-ċertifikazzjoni taċ-ċiberisigurtà bil-għan li tappoġġa l-politika tal-Unjoni f’dak il-qasam. Jenħtieġ li l-ENISA tibni fuq l-aqwa prattiki eżistenti u tħeġġeġ l-adozzjoni taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni, anke billi tikkontribwixxi għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni (Qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà) bil-għan li ttejjeb it-trasparenza tal-assigurazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-prodotti ICT,servizzi ICTu proċessi tal-ICT biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq intern diġitali u l-kompetittività tiegħu.

(49)

Il-politiki effiċjenti taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu bbażati fuq metodi tal-valutazzjoni tar-riskju li huma żviluppati sewwa, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Il-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju jintużaw f’livelli differenti b’ebda prattika komuni dwar kif għandhom jiġu applikati b’mod effiċjenti. Il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-aqwa prattika għall-valutazzjoni tar-riskju u għal soluzzjonijiet interoperabbli tal-ġestjoni tar-riskju f’organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u tas-settur privat ser iżidu l-livell taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-Unjoni u tiffaċilita l-isforzi tagħhom relatati mal-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ standards Ewropej u internazzjonali għall-ġestjoni tar-riskju u għal sigurtà li tista’ titkejjel ta’ prodotti, sistemi, netwerks u servizzi elettroniċi li, flimkien mas-software, jinkludu n-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni.

(50)

Jenħtieġ li l-ENISA tħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-manifatturi jew il-fornituri ta’ prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT biex itejbu l-istandards tas-sigurtà ġenerali tagħhom sabiex l-utenti kollha tal-Internet ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw iċ-ċibersigurtà personali tagħhom stess u jenħtieġ li jagħtu inċentivi biex jagħmlu dan. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-manifatturi u l-fornituri ta’ prodotti ICT, ta’ servizzi ICT u ta’ proċessi ICT jipprovdu kwalunkwe aġġornament u jenħtieġ li jiġbru lura, jirtiraw jew jirriċiklaw prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li ma jissodisfawx l-istandards taċ-ċibersigurtà, filwaqt li l-importaturi u d-distributuri jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli u ma jippreżentawx riskju għall-konsumaturi tal-Unjoni.

(51)

F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-ENISA tkun tista’ xxerred informazzjoni dwar il-livell taċ-ċibersigurtà tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICToffruti fis-suq intern, u jenħtieġ li toħroġ twissijiet immirati lejn il- il-manifatturi jew il-fornituri ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT u li tesiġi minnhom li jtejbu s-sigurtà tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT tagħhom, inkluż iċ-ċibersigurtà.

(52)

Jenħtieġ li l-ENISA tieħu kont sħiħ tal-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u valutazzjoni teknoloġika li qed isiru, b’mod partikolari dawk l-attivitajiet imwettqa mill-inizjattivi differenti ta’ riċerka tal-Unjoni sabiex jagħtu pariri lill-istituzzjonijiet il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u, fejn rilevanti, lill-Istati Membri fuq talba tagħhom, dwar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta’ riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Sabiex tidentifika l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tar-riċerka, l-ENISA jenħtieġ li tikkonsulta wkoll lill-gruppi tal-utenti rilevanti. Aktar speċifikament, tista’ tiġi stabbilita kooperazzjoni mal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà.

(53)

L-ENISA jenħtieġ li tikkonsulta regolarment lill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari dawk Ewropej, meta tkun qed tħejji l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(54)

It-theddid għaċ-ċibersigurtà huwa kwistjoni globali. Hemm bżonn kooperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib biex jittejbu l-istandards taċ-ċibersigurtà, inkluż il-ħtieġa għal definizzjonijiet ta’ normi komuni tal-imġiba, l-adozzjoni ta’ kodiċijiet tal-kondotta, l-użu ta’ standards internazzjonali, u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-promozzjoni ta’ kollaborazzjoni internazzjonali aktar imħaffa b’rispons għal kwistjonijiet tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta’ approċċ globali komuni għal tali kwistjonijiet. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-ENISA tappoġġa aktar l-involviment u l-kooperazzjoni tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali billi tipprovdi l-għarfien espert u l-analiżi meħtieġa lill-istituzzjonijiet il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, fejn xieraq.

(55)

Jenħtieġ li l-ENISA tkun tista’ tirrispondi għal talbiet ad hoc għal konsulenza u għajnuna mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ENISA.

(56)

Jagħmel sens u hu rakkomandat li jiġu implimentati ċerti prinċipji rigward il-governanza tal-ENISA biex tkun konformi mad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni li dwarhom sar ftehim f’Lulju 2012 fil-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE, li l-għan tagħhom huwa li jirrazzjonalizzaw l-attivitajiet tal-aġenziji deċentralizzati u li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet fid-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni jiġu riflessi wkoll, kif adatt, fil-Programmi ta’ Ħidma tal-ENISA, l-evalwazzjonijiet tal-ENISA, u r-rappurtar u l-prattika amministrattiva tal-ENISA.

(57)

Il-Bord ta’ Tmexxija, kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jistabbilixxi d-direzzjoni ġenerali tal-operat tal-ENISA u jiżgura li din twettaq il-kompiti skont dan ir-Regolament. Il-Bord ta’ Tmexxija jenħtieġ li jiġi fdat bil-poteri meħtieġa biex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-eżekuzzjoni tal-baġit, jadotta regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċeduri ta’ ħidma trasparenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-ENISA, jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-ENISA, jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jiddeċiedi dwar l-estensjoni u t-tmiem tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv.

(58)

Sabiex l-ENISA tiffunzjona b’mod korrett u effikaċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-persuni li jkunu ser jinħatru membri fil-Bord ta’ Tmexxija jkollhom il-kompetenza professjonali u l-esperjenza. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu wkoll l-isforzi biex jillimitaw ir-rata tas-sostituzzjoni tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija sabiex jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tiegħu.

(59)

Il-funzjonament bla xkiel tal-ENISA jirrikjedi li d-Direttur Eżekuttiv tagħha jinħatar fuq il-bażi tal-mertu u l-ħiliet amministrattivi u maniġerjali dokumentati, kif ukoll tal-kompetenza u l-esperjenza rilevanti għaċ-ċibersigurtà. Id-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jitwettqu b’indipendenza sħiħa. Jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv iħejji proposta għall-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, wara konsultazzjoni minn qabel mas-servizzi tal-Kummissjoni, u jenħtieġ li jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura l-implimentazzjoni adatta ta’ dak il-programm ta’ ħidma. Jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv iħejji rapport annwali li jrid jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija, li jkopri l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, ifassal abbozz ta’ prospett tal-estimi tad-dħul u l-infiq għall-ENISA, u jimplimenta l-baġit. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv ikollu l-għażla li jwaqqaf gruppi ta’ ħidma ad hoc biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari kwsitjonijiet ta’ natura xjentifika, teknika, legali jew soċjoekonomika. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tħejjija ta’ skema Ewropea kandidata ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifika (“skema kandidata”), l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma ad hoc hu meqjus bħala neċessarju. Jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jiżgura li l-membri ta’ gruppi ta’ ħidma ad hoc jintgħażlu abbażi tal-ogħla standards ta’ għarfien espert, filwaqt l jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi u bilanċ adatt, skont il-kwistjonijiet speċifiċi inkwistjoni, bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u s-settur privat, inkluż l-industrija, l-utenti, u l-esperti akkademiċi fis-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

(60)

Jenħtieġ li l-Bord Eżekuttiv jikkontribwixxu għall-funzjonament effikaċi tal-Bord ta’ Tmexxija. Bħala parti mix-xogħol ta’ tħejjija marbut mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, jenħtieġ li l-Bord Eżekuttiv jeżamina l-informazzjoni disponibbli fid-dettall, jesplora l-għażliet disponibbli kif ukoll joffri pariri u soluzzjonijiet biex jitħejjew id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Bord ta’ Tmexxija.

(61)

L-ENISA jenħtieġ li jkollha Grupp Konsultattiv tal-ENISA bħala korp ta’ konsulenza, biex jiżgura djalogu regolari bejn is-settur privat, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, stabbilit mill-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jenħtieġ li jiffoka fuq kwistjonijiet rilevanti għall-partijiet ikkonċernati u jenħtieġ li jippreżentahom għall-attenzjoni tal-ENISA. Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA jenħtieġ li jiġi kkonsultat b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA. Il-kompożizzjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA u l-kompiti assenjati lilu jenħtieġ li jiżguraw rappreżentanza suffiċjenti tal-partijiet ikkonċernati fil-ħidma tal-ENISA.

(62)

Il-Grupp ta’ Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà tal-Partijiet Ikkonċernati jenħtieġ li jiġi stabbilit sabiex jgħin lill-ENISA u l-Kummissjoni jiffaċilitaw il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-Grupp ta’ Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà tal-Partijiet Ikkonċernati jenħtieġ li jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw lill-industrija fi proporzjonijiet bilanċjati, kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista ta’ prodotti ICT u servizzi ICT, u inkluż, b’mod partikolari, SMEs, fornituri ta’ servizzi diġitali, korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali, korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali, awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), u d-dinja akkademika kif ukoll organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

(63)

Jenħtieġ li l-ENISA tadotta regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta’ interess. Jenħtieġ li l-ENISA tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali mill-ENISA jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Jenħtieġ li l-ENISA tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u mal-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni, b’mod partikolari informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI).

(64)

Sabiex ikun hemm garanzija tal-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-ENISA u sabiex tingħata l-kapaċità li twettaq kompiti addizzjonali, inkluż kompiti ta’ emerġenza mhux previsti, l-ENISA jenħtieġ li tingħata baġit suffiċjenti u awtonomu fejn id-dħul tagħha jenħtieġ li jiġi primarjament minn kontribuzzjoni mill-Unjoni u kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkun qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-ENISA. Baġit xieraq huwa essenzjali biex jiżgura li l-ENISA jkollha biżżejjed kapaċità sabiex twettaq il-kompiti kollha tagħha li qegħdin dejjem jiżdiedu u biex tilħaq l-objettivi tagħha. Il-parti l-kbira tal-persunal tal-ENISA jenħtieġ li jkun involut direttament fl-implimentazzjoni operazzjonali tal-mandat tal-ENISA. L-Istat Membru ospitanti, u kwalunkwe Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jitħalla jagħmel kontibuzzjonijiet volontarji għall-baġit tal-ENISA. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tibqa’ applikabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe sussidju li jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jenħtieġ li tivverifika l-kontijiet tal-ENISA biex tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà.

(65)

Iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandha rwol importanti biex jiżdiedu l-fiduċja u s-sigurtà fi prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT. Is-suq uniku diġitali, u b’mod partikolari l-ekonomija xprunata mid-data u l-IoT, jistgħu jiffjorixxu biss jekk ikun hemm fiduċja pubblika ġenerali li prodotti, servizzi u proċessi bħal dawn jipprovdu ċertu livell ta’ ċibersigurtà. Karozzi konnessi u awtomatizzati, apparati mediċi elettroniċi, sistemi industrijali ta’ kontroll awtomatizzat u grilji intelliġenti huma biss xi eżempji ta’ setturi fejn iċ-ċertifikazzjoni diġà tintuża ferm jew x’aktarx li tintuża fil-futur qrib. Is-setturi regolati mid-Direttiva (UE) 2016/1148 huma wkoll setturi fejn iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà hija kritika.

(66)

Fil-Komunikazzjoni tal-2016 “Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva”, il-Kummissjoni ddiskutiet il-ħtieġa għal prodotti u soluzzjonijiet ta’ kwalità għolja, affordabbli u interoperabbli fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Il-provvista tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT fis-suq uniku għadha frammentata ħafna mil-lat ġeografiku. Dan għaliex l-industrija taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa żviluppat l-aktar bis-saħħa tad-domanda tal-gvernijiet nazzjonali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet interoperabbli (standards tekniċi), prattiki u mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni madwar l-Unjoni huma fost in-nuqqasijiet l-oħra li jolqtu s-suq uniku fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Minħabba f’hekk huwa diffiċli biex in-negozji Ewropej jikkompetu fil-livell nazzjonali, dak tal-Unjoni u dak globali. B’hekk, titnaqqas ukoll l-għażla ta’ teknoloġiji vijabbli u li jistgħu jintużaw taċ-ċibersigurtà li għandhom aċċess għalihom l-individwi u l-impriżi. Bl-istess mod, fil-Komunikazzjoni dwar l-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali - Suq Uniku Diġitali Konness għal Kulħadd, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal prodotti u sistemi konnessi b’mod sikur, u indikat li l-ħolqien ta’ qafas Ewropew ta’ sigurtà fil-qasam tal-ICT li jistabbilixxi regoli dwar kif tiġi organizzata ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT fl-Unjoni jista’ jwassal kemm għall-preservazzjoni tal-fiduċja fl-Internet kif ukoll jindirizza l-frammentazzjoni attwali tas-suq intern.

(67)

Attwalment, iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT tintuża biss b’mod limitat. Fejn teżisti, din tokkorri l-aktar fil-livell tal-Istati Membri jew fil-qafas ta’ skemi xprunati mill-industrija. F’dak il-kuntest, ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-prinċipju mhux rikonoxxut fi Stati Membri oħra. Il-kumpaniji b’hekk jista’ jkollhom jiċċertifikaw il-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT tagħhom f’diversi Stati Membri minn fejn joperaw, pereżempju bil-għan li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist nazzjonali, lib’hekk iżid mal-ispejjeż tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li qegħdin jitfaċċaw skemi ġodda, jidher li ma hemm ebda approċċ koerenti u olistiku għal kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà orizzontali, pereżempju fil-qasam tal-IoT. L-iskemi attwali jippreżentaw nuqqasijiet u differenzi sinifikanti f’termini ta’ kopertura tal-prodotti, livelli ta’ assigurazzjoni, kriterji sostantivi u użu reali, u dan jimpedixxi mekkaniżmi ta’ rikonoxximent reċiproku fi ħdan l-Unjoni.

(68)

Saru xi sforzi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati fl-Unjoni. Madankollu, dawn irnexxew biss parzjalment. L-aktar eżempju importanti f’dan ir-rigward huwa l-Ftehim ta’ Rikonoxximent Reċiproku (MRA) tal-Grupp ta’ Uffiċjali Għolja għas-Sigurtà tas-Sistemi tal-Informazzjoni (SOG-IS). Filwaqt li dan jirrappreżenta l-aktar mudell importanti għall-kooperazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà, is-SOG-IS jinkludi biss xi Stati Membri. Dan il-fatt illimita l-effikaċja tal-MRA tas-SOG-IS mill-perspettiva tas-suq intern.

(69)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ komuni u li jiġi stabbilit qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jistabbilixxi r-rekwiżiti orizzontali ewlenin għall-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jridu jiġu żviluppati u li jippermetti li ċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE għall-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT jiġu rikonoxxuti u jintużaw fl-Istati Membri kollha. B’dan il-mod, huwa essenzjali li wieħed jibni fuq l-iskemi nazzjonali u internazzjonali eżistenti, kif ukoll fuq sistemi ta’ rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari l-SOG-IS, u li tkun possibbli transizzjoni bla xkiel mill-iskemi eżistenti li jiffunzjonaw abbażi ta’ sistemi bħal dawn għal skemi bbażati fuq il-qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà il-ġdid. Il-qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkollu żewġ għanijiet. L-ewwel, jenħtieġ li jgħin biex tiżdied il-fiduċja fil-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li ġew iċċertifikati taħt skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. It-tieni, jenħtieġ li jgħin biex tkun evitata l-multiplikazzjoni ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali taċ-ċibersigurtà li jkunu kunfliġġenti jew li jidduplikaw lil xulxin u b’hekk inaqqas l-ispejjeż għall-impriżi li joperaw fis-suq uniku diġitali. L-iskemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq standards Ewropej jew internazzjonali, sakemm dawk l-istandards ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa biex jissodisfaw l-għanijiet leġittimi tal-Unjoni f’dak ir-rigward.

(70)

Jenħtieġ li dan il-qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jkun stabbilit b’mod omoġenju fl-Istati Membri kollha biex tiġi evitata t-tfittxija għall-aħjar ċertifikazzjonijiet minħabba livelli differenti ta’ strettezza fi Stati Membri differenti.

(71)

L-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkunu bbażati fuq dak li jeżisti diġà fil-livell nazzjonali u internazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, fuq speċifikazzjonijiet tekniċi minn forums u konsorzji, tagħlim mill-punti b’saħħithom attwali u korrezzjoni tad-dgħufijiet.

(72)

Huma meħtieġa soluzzjonijiet flessibbli ta’ ċibersigurtà biex l-industrija tibqa’ pass ’il quddiem mit-theddid ċibernetiku, u għalhekk jenħtieġ li kwalunkwe skema ta’ ċertifikazzjoni tkun mfassla b’mod li tevita r-riskju li ssir obsoleta f’qasir żmien.

(73)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jirrigwardaw gruppi speċifiċi ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT. Jenħtieġ li dawk l-iskemi jiġu implimentati u sorveljati minn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u li ċ-ċertifikati maħruġa skont dawk l-iskemi jkunu validi u rikonoxxuti fl-Unjoni kollha. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni mħaddmin mill-industrija jew minn organizzazzjonijiet privati oħra jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, il-korpi li joperaw skemi bħal dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproponu li l-Kummissjoni tikkunsidra dawn l-iskemi bħal bażi għall-approvazzjoni tagħhom bħala skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(74)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tipprovdi regoli speċifiċi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni u siġilli u ta’ siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data, għall-finijiet ta’ dimostrazzjoni tal-konformità ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar minn kontrolluri u proċessuri ma’ dak ir-Regolament. Mekkaniżmi taċ-ċertifikazzjoni u siġillli u marki ta’ protezzjoni tad-data bħal dawn jenħtieġ li jippermettu lis-suġġetti tad-data jivvalutaw malajr il-livell ta’ protezzjoni tad-data tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTrilevanti. Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għaċ-ċertifikazzjoni ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, anke meta tali operazzjonijiet ikunu integrati fi prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

(75)

Jenħtieġ li l-fini tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jkun li jiġi żgurat li prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li jiġu ċċertifikati skont dawn l-iskemi jkunu jikkonformaw ma’ rekwiżiti speċifikati li l-għan tagħhom ikun li jiġu protetti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data maħżuna, trasmessa jew ipproċessata jew tal-funzjonijiet relatati jew tas-servizzi offruti minn, jew aċċessibbli permezz ta’ dawk il- prodotti, servizzi u proċessi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom Mhux possibbli li jiġu stabbiliti fid-dettall ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà li jikkonċernaw il-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT u l-ħtiġijiet taċ-ċibersigurtà kollha f’dan ir-Regolament. Il-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT u l-ħtiġijiet taċ-ċibersigurtà relatati ma’ dawk il-prodotti, servizzi jew proċessi tant huma varji li huwa diffiċli ħafna li jiġu żviluppati rekwiżiti ġenerali li jkunu validi f’kull ċirkostanza. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi adottat kunċett wiesa’ u ġenerali taċ-ċibersigurtà għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni, li jenħtieġ li jkun kumplimentat minn sett ta’ għanijiet speċifiċi taċ-ċibersigurtà li jridu jitqiesu fid-disinn ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. L-arranġamenti li bihom għandhom jinkisbu dawn l-għanijiet fi prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT speċifiċi tal-ICT jenħtieġ għalhekk li jkomplu jiġu speċifikati fid-dettall fil-livell tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni individwali adottata mill-Kummissjoni, pereżempju permezz ta’ referenza għal standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi jekk ma jkunux disponibbli standards adatti.

(76)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jridu jintużaw fi skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jkunu jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Madankollu, xi devjazzjonijiet minn dawk ir-rekwiżiti jistgħu jitqiesu bħala neċessarji f’każijiet ġustifikati kif dovut fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkunu ser jintużaw fi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li tirreferi għal livell għoli ta’ assigurazzjoni. Ir-raġunijiet għal devjazzjonijiet bħal dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(77)

Valutazzjonital-konformità hija proċedura għall-evalwazzjoni ta’ jekk ir-rekwiżiti speċifikati marbutin ma’ prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICT ikunux ġew issodisfati. Dik il-proċedura titwettaq minn parti terza indipendenti li mhijiex il-manifattur jew il-fornitur tal- prodotti ICT, is-servizzi ICT jew tal-proċesis tal-ICT li jkunu qed jiġu valutati. Jenħtieġ li ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jinħareġ wara evalwazzjoni huwa konformi mal-proċedura għall-evalwazzjoni ta’ prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICT. Jenħtieġ li ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jitqies bħala konferma li l-evalwazzjoni tkun twettqet sew. Skont il-livell tal-assigurazzjoni, jenħtieġ li l-iskema Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tipprevedi jekk iċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà ikunx irid jinħareġ minn korp privat jew pubbliku.Il-valutazzjoni tal-konformità u ċ-ċertifikazzjoni per se ma jistgħux jiggarantixxu li prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT humiex ċibersiguri. Huma pjuttost proċeduri u metodoloġiji tekniċi li jixhdu li l-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT ġew ittestjati u li jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti taċ-ċibersigurtà stabbiliti xi mkien ieħor, pereżempju fi standards tekniċi.

(78)

Jenħtieġ li l-għażla taċ-ċertifikazzjoni adatta u r-rekwiżiti ta’ sigurtà assoċjati mill-utenti taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-livell tal-assigurazzjoni jkun proporzjonat għal-livell tar-riskju assoċjat mal-użu intenzjonat ta’ prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICT.

(79)

Skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tipprevedi li l-valutazzjoni tal-konformità titwettaq taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur jew tal-fornitur tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT (“awtovalutazzjoni tal-konformità”). F’tali każijiet, jenħtieġ li jkun suffiċjenti li l-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT iwettaq hu stess il-verifiki kollha biex jiżgura li l-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT jikkonformaw mal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li dan it-tip ta’ awtovalutazzjoni tal-konformità jitqies bħala adatt għal prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT b’kumplessità baxxa li jippreżentaw riskju baxx għall-pubbliku, bħal mekkaniżmi ta’ disinn u ta’ produzzjoni sempliċi. Barra minn hekk, l-awtovalutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li tkun permessa biss għall-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT biss fejn huma jikkorrispondu għal livell bażiku ta’ assigurazzjoni.

(80)

Skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jistgħu jippermettu kemm għal awtovalutazzjonijiet tal-konformità kif ukoll ċertifikazzjonijiet ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT. F’tali każ, jenħtieġ li l-iskema tipprevedi mezzi ċari u li jinftehmu biex il-konsumaturi jew utenti oħra jiddifferenzjaw bejn prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTfir-rigward tal-manifattur jew tal-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICThuwa responsabbli għall-valutazzjoni, u ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li huma ċċertifikati minn parti terza.

(81)

Jenħtieġ li l-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li jwettqu awtovalutazzjoni tal-konformità jkun jista’ jabbozza u jiffirma d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bħala parti mill-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità. Dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE hija dokument li jiddikjara li prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICTspeċifikuhuwa konformi mar-rekwiżiti tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Permezz tal-abbozzar u l-iffirmar tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, il-manifattur jew il-fornitur tal-prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICT jassumi responsabbiltà għall-konformità tal-prodott ICT, servizz ICT u proċess tal-ICTmar-rekwiżiti legali tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li tiġi ppreżentata kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u lill-ENISA.

(82)

Jenħtieġ li l-manifatturi jew il-fornituri tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTjagħmlu d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, id-dokumentazzjoni teknika, u l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha marbuta mal-konformità tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICTbi skema Ewropea taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà disponibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għal perijodu previst fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà rilevanti. Jenħtieġ li d-dokumentazzjoni teknika tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli taħt l-iskema u jenħtieġ li tkoprid-disinn, il-manifattura u l-operat tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT safejn ikun rilevanti għall-awtovalutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li d-dokumentazzjoni teknika tkun miġbura b’tali mod li tippermetti l-valutazzjoni ta’ jekk prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICTjikkonformax mar-rekwiżiti applikabbli taħt dik l-iskema.

(83)

Il-governanza tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tieħu kont tal-involviment tal-Istati Membri kif ukoll tal-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati, u tistabbilixxi r-rwol tal-Kummissjoni matul l-ippjanar u meta tiġi proposta, tintalab, titħejja, tiġi adottata u tiġi eżaminata skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(84)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (the “ECCG”) u l-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà u wara konsultazzjoni miftuħa u wiesgħa, tħejji programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għall-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u jenħtieġ li tippubblikah fil-forma ta’ strument li mhux vinkolanti. Il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni jenħtieġ li jkun dokument strateġiku li jippermetti li l-industrija, l-awtoritajiet nazzjonali u l-korpi tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari, iħejju minn qabel għal skemi Ewropej futuri taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni jenħtieġ li jinkludi perspettiva ġenerali multiannwali tat-talbiet għal skemi kandidati li l-Kummissjoni beħsiebha tissottometti lill-ENISA għal tħejjija fuq bażi ġustifikata. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni waqt li tħejji l-Pjan Kontinwu għall-Istandardizzazzjoni tagħha tal-ICT u talbiet ta’ standardizzazzjoni lil organizzazzjonijiet Ewropej ta’ Standardizzazzjoni. Fid-dawl tal-introduzzjoni rapida u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, li feġġew każijiet li ma kinux magħrufa ta’ riskji għaċ-ċibersigurtà, u żviluppi leġislattivi u żviluppi tas-suq, il-Kummissjoni jew il-ECCG jenħtieġ li jkunu intitolati jitolbu lill-ENISA tħejji skemi kandidati li ma kinux inklużi fil-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l- ECCG jivvalutaw ukoll il-ħtieġa għal talba bħal din, billi jqisu l-għanijiet u l-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità fir-rigward tal-ippjanar u l-użu tar-riżorsi mill-ENISA.

Wara talba bħal din, ikun jenħtieġ li l-ENISA tħejji l-iskemi kandidati għal prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT speċifiċi mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt pożittiv u dak negattiv tat-talba tagħha fuq is-suq speċifiku in kwistjoni, speċjalment l-impatt fuq l-SMEs, fuq l-innovazzjoni, fuq l-ostakli għad-dħul f’dak is-suq u fuq l-ispejjeż għall-utenti aħħarin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, abbażi tal-iskema kandidata proposta mill-ENISA, ikollha s-setgħa tadotta l-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fid-dawl tal-għan ġenerali u l-objettivi ta’ sigurtà stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati mill-Kummissjoni jenħtieġ li jispeċifikaw sett minimu ta’ elementi li jikkonċernaw is-suġġett, l-ambitu u l-funzjonament tal-iskema individwali. Dawk l-elementi jenħtieġ li jinkludu, fost affarijiet oħra, l-ambitu u l-oġġett taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, inkluż il-kategoriji ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTkoperti, l-ispeċifikazzjoni dettaljata tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà, pereżempju b’referenza għal standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi, il-kriterji speċifiċi tal-evalwazzjoni u l-metodi tal-evalwazzjoni, kif ukoll il-livell ta’ assigurazzjoni maħsub (“bażiku”, “sostanzjali” jew “għoli”) u l-livelli tal-evalwazzjoni fejn applikabbli. L-ENISA jenħtieġ li tkun tista’ tiċħad talba mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi. Tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jittieħdu mill-Bord ta’ Tmexxija u għandhom ikunu sostanzjati kif xieraq.

(85)

Jenħtieġ li l-ENISA tiġġestixxi sit web li jipprovdi informazzjoni dwar u li tirreklama skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, li jenħtieġ li jinkludu, fost affarijiet oħra, it-talbiet għat-tħejjija ta’ skema kandidata kif ukoll il-kummenti li tirċievi fil-proċess tal-konsultazzjoni mwettqa mill-ENISA fil-fażi tat-tħejjija. Jenħtieġ li s-sit web jipprovdi wkoll informazzjoni dwar iċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE maħruġa skont dan ir-Regolament inkluż informazzjoni dwar l-irtirar u l-iskadenza. Jenħtieġ li s-sit web jindika wkoll l-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jkunu ġew sostitwiti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(86)

Il-livell tal-assigurazzjoni ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni huwa bażi għall-fiduċja li prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICTjissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà ta’ skema speċifika Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Sabiex tiżgura l-konsistenza tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tkun tista’ tispeċifika l-livelli ta’ assigurazzjoni għaċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u għad-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE maħruġa taħt dik l-iskema. Kull ċertifikat Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jista’ jirreferi għal wieħed mil-livelli tal-assigurazzjoni: “bażiku”, “sostanzjali” jew “għoli”, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE tista’ tirreferi biss għal-livell bażiku ta’ assigurazzjoni. Il-livelli tal-assigurazzjoni jipprovdu l-grad ta’ serjetà u approfondiment korrispondenti tal-evalwazzjoni tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT u jkunu kkaratterizzati minn referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inkluż kontrolli tekniċi, bl-għan li jiġu mitigati jew jiġu evitati inċidenti. Jenħtieġ li kull livell tal-assigurazzjoni jkun konsistenti fl-oqsma settorjali differenti ta’ fejn tkun applikata ċ-ċertifikazzjoni.

(87)

Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tispeċifika diversi livelli ta’ evalwazzjoni skont ir-rigorożità u l-profondità tal-metodoloġija tal-evalwazzjoni użata. Il-livelli ta’ evalwazzjoni jenħtieġ li jikkorrispondu ma’ wieħed mil-livelli tal-assigurazzjoni u jkunu assoċjati ma’ taħlita adatta ta’ komponenti tal-assigurazzjoni. Jenħtieġ li għal-livelli kollha tal-assigurazzjoni, il-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT ikun fih għadd ta’ funzjonijiet siguri, kif speċifikat mill-iskema, li jistgħu jinkludu: konfigurazzjoni innovattiva sigura, kodiċi ffirmat, aġġornament sigur u tekniki użati biex ixekklu l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet (exploit mitigations) u protezzjoni sħiħa tal-memorja stack jew heap. Jenħtieġ li dawk il-funzjonijiet ikunu ġew żviluppati u jinżammu, bl-użu ta’ approċċi għall-iżvilupp iffokati fuq is-sigurtà u għodod assoċjati sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi effettivi tas-software u l-hardware jiġu inkorporati b’mod affidabbli.

(88)

Għal-livell tal-assigurazzjoni “bażiku”, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun gwidata tal-inqas mill-komponenti ta’ assigurazzjoni li ġejjin: jenħtieġ li l-evalwazzjoni tinkludi tal-inqas rieżami tad-dokumentazzjoni teknika tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICTmill-korp tal-valutazzjoni tal-konformità. Fejn iċ-ċertifikazzjoni tinkludi proċessi tal-ICT, jenħtieġ li l-proċess użat għad-disinn, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-prodott ICT jew tas-servizz ICT ikun ukoll soġġett għar-rieżami tekniku. Fejn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tipprevedi awtovalutazzjoni tal-konformità, jenħtieġ li jkun suffiċjenti li l-manifattur jew il-fornitur tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT ikun wettaq awtovalutazzjoni tal-konformità tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT mal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

(89)

Għal-livell tal-assigurazzjoni “sostanzjali”, minbarra r-rekwiżiti għal-livell tal-assigurazzjoni “bażiku”, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun gwidata tal-inqas mill-verifika tal-konformità tal-funzjonalitajiet tas-sigurtà tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICTmad-dokumentazzjoni teknika tiegħu.

(90)

Għal-livell tal-assigurazzjoni “għoli”, l-evalwazzjoni, minbarra r-rekwiżiti għal-livell tal-assigurazzjoni “sostanzjali”, jenħtieġ li tkun gwidata tal-inqas minn ittestjar tal-effiċjenza li jivvaluta r-reżistenza tal-funzjonalitajiet tas-sigurtà tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT kontra attakki ċibernetiċi elaborati mwettqa minn persuni li jkollhom ħiliet u riżorsi sinifikanti.

(91)

Jenħtieġ li r-rikors għaċ-ċertifikazzjoni Ewropea taċ-ċibersigurtà għad-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE jibqa’ fuq bażi volontarja, dment li ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni, jew fil-liġi tal-Istati Membri adottata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ liġi tal-Unjoni armonizzata, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regolamenti tekniċi nazzjonali li jipprevedu ċertifikazzjoni obbligatorja taħt skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). L-Istati Membri għandhom rikors ukoll għaċ-ċertifikazzjoni Ewropea taċ-ċibersigurtà fil-kuntest tal-akkwist pubbliku u tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(92)

F’ċerti oqsma, jista’ jkun neċessarju fil-futur li jiġu imposti rekwiżiti speċifiċi taċ-ċibersigurtà u li ċ-ċertifikazzjoni tagħha jsiru obbligatorji għal ċerti prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT,sabiex jittejjeb il-livell ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja regolarment l-impatt tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati fuq id-disponibbiltà prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT siguri fis-suq intern u jenħtieġ li li tivvaluta regolarment il-livell ta’ użu tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni mill-manifatturi jew il-fornituri tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICTfl-Unjoni. L-effiċjenza tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u l-kwistjoni ta’ jekk xi skemi speċifiċigħandhomx isiru obbligatorji jenħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl tal-leġislazzjoni tal-Unjoni marbuta maċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/1148, b’kont meħud tas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni użati minn operaturi ta’ servizzi essenzjali.

(93)

Jenħtieġ li ċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-konformità jgħinu lill-utenti aħħarin jagħmlu għażliet infurmati. Għalhekk, jenħtieġ li prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li jkunu ġew iċċertifikati jew li għalihom tkun inħarġet dikjarazzjoni tal-UE dwar il-konformità jkunu akkumpanjati minn informazzjoni strutturata li tkun adattata għal-livell tekniku mistenni tal-utent aħħari intenzjonat. L-informazzjoni kollha ta’ dan it-tip jenħtieġ li tkun disponibbli online, u, fejn xieraq, fil-forma fiżika. Jenħtieġ li l-utent aħħari jkollu aċċess għall-informazzjoni rigward in-numru ta’ referenza tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni, il-livell ta’ assigurazzjoni, id-deskrizzjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà assoċjati mal-prodott ICT, servizzi ICT jew proċess tal-ICT, u l-korp jew l-awtorità li joħorġu ċ-ċertifikat, jew ikun jista’ jakkwista kopja taċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-utent aħħari jkun mgħarraf bil-politika tal-appoġġ għaċ-ċibersigurtà, jiġifieri għal kemm żmien l-utent aħħari jista’ jistenna li jirċievi aġġornamenti jew software korrettiv għaċ-ċibersigurtà, tal-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT. Fejn japplika, jenħtieġ li tingħata gwida dwar azzjonijiet jew settings li l-utent aħħari jista’ jimplimenta biex iżomm jew biex itejjeb iċ-ċibersigurtà tal-prodott ICT jew tas-servizz ICT u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ punt uniku ta’ kuntatt fejn jintbagħtu rapporti jew mnejn jingħata appoġġ f’każ ta’ attakki ċibernetiċi (minbarra rappurtar awtomatiku). Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment fuq sit web filwaqt li tkun ipprovduta informazzjoni dwar l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(94)

Bil-għan li jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, jenħtieġ li l-iskemi jew il-proċeduri nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICTkoperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ma jibqgħux effettivi minn data stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jintroduċux skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ġodda għall-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT diġà koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà eżistenti. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux impediti milli jadottaw jew iżommu skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-finijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ECCG bi kwalunkwe intenzjoni li jfasslu skemi nazzjonali ġodda ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ECCG jevalwaw l-impatt tal-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà l-ġodda fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u fid-dawl ta’ kwalunkwe interess strateġiku li, minflok, tintalab skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(95)

L-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà huma maħsuba biex jgħinu fl-armonizzazzjoni tal-prattiki taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. Dawn jeħtieġ li jikkontribwixxu biex iżidu l-livell taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. It-tfassil tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jikkunsidraw u jippermettu l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

(96)

Jenħtieġ li l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jqisu l-metodi attwali tal-iżvilupp tas-software u tal-hardware u, b’mod partikolari, l-impatt ta’ aġġornamenti frekwenti ta’ software jew firmware fuq iċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà individwali. Jenħtieġ li l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li jwasslu biex aġġornament jista’ jkun jeħtieġ li prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT jiġi ċċertifikat mill-ġdid jew li l-ambitu ta’ ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà speċifiku jitnaqqas, b’kont meħud ta’ kwalunkwe effett negattiv possibbli tal-aġġornament fuq il-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà ta’ dak iċ-ċertifikat.

(97)

Ladarba tiġi adottata skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, il-manifatturi jew il-fornituri tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICTtagħhom lill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jagħżlu huma ikun fejn ikun fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkunu akkreditati minn korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali jekk ikunu jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni jenħtieġ li tinħareġ għal perijodu massimu ta’ ħames snin u li jenħtieġ li tkun tista’ tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun għadu jissodisfa r-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali jirrestrinġu, jissospendu jew jirrevokaw l-akkreditazzjoni ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux ġew issodisfati jew ma jibqgħux issodisfati, jew fejn il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jikser dan ir-Regolament.

(98)

Ir-referenzi fil-leġislazzjoni nazzjonali għall-istandards nazzjonali li jkunu waqfu milli jipproduċu effetti legali minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea taċ-ċibersigurtà jistgħu jkunu sors ta’ konfużjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jirriflettu l-adozzjoni ta’ skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

(99)

Sabiex jintlaħqu standards ekwivalenti fl-Unjoni kollha, sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku u jippromwovu l-aċċettazzjoni ġenerali ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ rieżami bejn il-pari bejn l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li r-rieżami bejn il-pari jkopri l-proċeduri għas-sorveljanza tal-konformità tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTmaċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà, għall-monitoraġġ tal-obbligi tal-manifatturi jew tal-fornituri tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jwettqu l-awtovalutazzjoni tal-konformità, għall-monitoraġġ tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll tal-adegwatezza tal-kompetenza esperta tal-persunal tal-korpi li joħorġu ċertifikati għal livelli ta’ assigurazzjoni “għoli”. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tkun tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi pjan ta’ mill-inqas ħames snin għar-rieżamijiet bejn il-pari, kif ukoll tistabbilixxi kriterji u metodoloġiji għat-tħaddim tas-sistema ta’ rieżami bejn il-pari.

(100)

Mingħajr preġudizzju għall-istabbiliment ta’ sistema ġenerali ta’ rieżami bejn il-pari fl-awtoritajiet nazzjonali kollha taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fi ħdan il-qafasEwropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, ċerti skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari għall-korpi li joħorġu ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà għall-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT f’livell ta’ assigurazzjoni “għoli” taħt skemi bħal dawn. Jenħtieġ li l-ECCG jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ tali mekkaniżmi ta’ rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li r-rieżamijiet bejn il-pari jivvalutaw b’mod partikolari jekk il-korpi kkonċernati jwettqux il-kompiti tagħhom b’mod armonizzat, u jistgħu jinkludu mekkaniżmi ta’ appelli. Jenħtieġ li r-riżultati tar-rieżamijiet bejn il-pari jkunu disponibbli għall-pubbliku. Il-korpi kkonċernati jistgħu jadottaw miżuri adatti biex jadattaw il-prattiki u l-għarfien espert tagħhom kif meħtieġ.

(101)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà waħda jew aktar biex jissorveljaw il-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. Awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tkun awtorità eżistenti jew waħda ġdida. Jenħtieġ li Stat Membru jkun jista’ wkoll jaħtar, wara li jkun laħaq qbil ma’ Stat Membru ieħor, awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà waħda jew aktar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

(102)

Jenħtieġ li awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà b’mod partikolari jimmonitorja u tinforza l-obbligi tal-manifatturi jew tal-fornituri tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jkunu stabbiliti fit-territorju rispettiv tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, jenħtieġ li jassistu lill-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni fil-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità billi tipprovdilhom għarfien espert u informazzjoni rilevanti, jenħtieġ li jawtorizzaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità biex iwettqu l-kompiti tagħhom meta dawn il-korpi jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u jenħtieġ li jimmonitorjaw żviluppi rilevanti fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jittrattaw l-ilmenti mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn dawk l-awtoritajiet jew fir-rigward taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità meta tali ċertifikati jindikaw il-livell ta’ assigurazzjoni “għoli”, jenħtieġ li jinvestigaw, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u jenħtieġ li jinformaw lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perijodu raġonevoli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jikkooperaw ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew awtoritajiet pubbliċi oħra, inkluż permezz tal-qsim tal-informazzjoni dwar in-n-nonkonformità possibbli tal- prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew mal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifiċi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita dak il-qsim ta’ informazzjoni billi tagħmel disponibbli sistema ġenerali ta’ appoġġ għall-informazzjoni elettronika, pereżempju s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) u s-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel (RAPEX), li diġà qegħdin jintużaw mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

(103)

Bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, jenħtieġ li jiġi stabbilit ECCG li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra. Jenħtieġ li l-kompiti ewlenin tal-ECCG ikunu li jipprovdi pariri u għajnuna lill-Kummissjoni f’ħidmietha lejn l-assigurazzjoni ta’ implimentazzjoni u applikazzjoni konsistenti tal-Qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, li jgħin lill-ENISA u li jikkoopera mill-qrib magħha fit-tħejjija ta’ skemi kandidati taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, f’każijiet debitament ġutsifikati li jitlob lill-ENISA tħejji skema kandidata, li jadotta opinjonijiet indirizzati lill-ENISA dwar skemi kandidati u li jadotta opinjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni dwar il-ġestjoni u r-rieżami ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li diġà jeżistu. Jenħtieġ li l-ECCG jiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba u għarfien espert bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà varji li jkunu responsabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għall-ħruġ ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà.

(104)

Għall-finijiet tas-sensibilizzazzjoni u tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà futuri, il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida taċ-ċibersigurtà speċifiċi għas-setturi, per eżempju dwar prattiki tajbin taċ-ċibersigurtà inkella imġiba responsabbli taċ-ċibersigurtà fejn jiġi enfasizzat l-effett pożittiv tal-użu ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

(105)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-kummerċ, u b’kont meħud tal-fatt li l-katini tal-provvista tal-ICT huma globali, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku dwar ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis pariri mill-ENISA u mill-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà, tista’ tirrakkomanda l-ftuħ ta’ negozjati rilevanti. Jenħtieġ li kull skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tipprevedi kondizzjonijiet speċifiċi għal tali ftehimiet tar-rikonoxximent reċiproku ma’ pajjiżi terzi.

(106)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

(107)

Il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għal prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar arranġamenti għat-twettiq ta’ inkjesti mill-ENISA, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar pjan għar-rieżami bejn il-pari ta’ awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri ta’ notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà lill-Kummissjoni.

(108)

L-attivitajiet tal-ENISA jenħtieġ li jkunu soġġetti għal evalwazzjoni regolari u indipendenti. Dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tqis l-objettivi tal-ENISA, il-prattiki tax-xogħol tagħha u r-rilevanza tal-kompiti tagħha, b’mod partikolari l-kompiti tagħha relatati mal-kooperazzjoni operazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tivvaluta wkoll l-impatt, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Fil-każ ta’ rieżami, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa kif ir-rwol tal-ENISA bħala punt ta’ referenza għal pariri u għarfien espert jista’ jiġi msaħħaħ u jenħtieġ li tevalwa l-possibbiltà ta’ rwol għall-ENISA li tappoġġa l-valutazzjoni tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTta’ pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mar-regoli tal-Unjoni, meta tali prodotti, servizzi u proċessi jidħlu fl-Unjoni.

(109)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(110)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 526/2013 jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern bl-intensjoni li jinkiseb livell għoli ta’ ċibersigurtà, ta’ reżiljenza ċibernetika u ta’ fiduċja fl-Unjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

l-objettivi, il-kompiti u kwistjonijiet organizzattivi relatati mal-ENISA (l-Aġenzija tal- Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà),; u

(b)

qafas għall-istabbiliment ta’ skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bil-għan li jiġi żgurat livell adegwat ta’ ċibersigurtà għall-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT fl-Unjoni, kif ukoll bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern fir-rigward ta’ skemi taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni.

Il-qafas imsemmi fil-punt (b)tal-ewwel sub-paragrafu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi f’atti legali oħra tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċertifikazzjoni volontarja jew obbligatorja.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ attivitajiet li jirrigwardaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tad-dritt kriminali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet meħtieġa biex jiġu mħarsa n-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi, u persuni oħra milquta minn theddid ċibernetiku;

(2)

“netwerk u sistema tal-informazzjoni” tfisser netwerk u sistema tal-informazzjoni kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(3)

“strateġija nazzjonali dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni” tfisser strateġija nazzjonali dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(4)

“operatur ta’ servizzi essenzjali” tfisser operatur ta’ servizzi essenzjali kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(5)

“fornitur ta’ servizz diġitali” tfisser fornitur ta’ servizz diġitali kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(6)

“inċident” tfisser inċident kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(7)

“l-indirizzar ta’ inċident” tfisser l-indirizzar ta’ inċident kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(8)

“theddida ċibernetika” tfisser kwalunkwe ċirkostanza, avveniment jew azzjoni potenzjali li tista’ tkun ta’ ħsara għal, tfixkel jew b’xi mod ieħor ikollha impatt negattiv fuq in-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi u persuni oħra;

(9)

“skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà” tfisser sett komprensiv ta’ regoli, rekwiżiti tekniċi, standards u proċeduri, li huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, u li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni jew il-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT speċifiċi;

(10)

“skema nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà” tfisser sett komprensiv ta’ regoli, rekwiżiti tekniċi, standards u proċeduri żviluppati u adottati minn awtorità pubblika nazzjonali u li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni jew għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema speċifika;

(11)

“ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà” tfisser dokument li jinħareġ minn korp rilevanti, li jiddikjara li prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT partikolari jkun ġie evalwat għall-konformità ma’ rekwiżiti ta’ sigurtà speċifiċi stabbiliti fi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(12)

“prodott tal-ICT” tfisser element jew grupp ta’ elementi ta’ netwerk jew sistema tal-informazzjoni;

(13)

“servizz tal-ICT” tfisser servizz li jikkonsisti b’mod sħiħ jew prinċipalment mit-trasmissjoni, il-ħżin, il-ġbir jew l-ipproċessar ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks u sistemi tal-informazzjoni;

(14)

“proċess tal-ICT” tfisser sett ta’ attivitajiet imwettqa biex jiġi ddiżinjat, żviluppat, fornut jew sostnut prodott ICT jew servizz tal-ICT;

(15)

“akkreditazzjoni” tfisser akkreditazzjoni kif definita fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(16)

“korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni” tfisser korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(17)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser valutazzjoni tal-konformità kif definita fil-punt (12) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(18)

“korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(19)

“standard” tfisser standard kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(20)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn, jew proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità ma’, prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT;

(21)

“livell ta’ assigurazzjoni” tfisser bażi għall-fiduċja li prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifika, jindika l-livell li fih prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT ikun ġie evalwat iżda fil-fatt ma jkejjilx is-sigurtà tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT kkonċernat.

(22)

“awtovalutazzjoni tal-konformità” tfisser azzjoni mwettqa minn manifattur jew fornitur ta’, prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT, li tevalwa jekk dawk il-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifika.

TITOLU II

ENISA-(L-“AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ”)

KAPITOLU I

Mandat u Objettivi

Artikolu 3

Mandat

1.   L-ENISA għandha twettaq il-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament bil-fini li tikseb livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni kollha, inkluż billi tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex itejbu ċ-ċibersigurtà. L-ENISA għandha taġixxi bħala punt ta’ referenza għal pariri u għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll għal partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tal-Unjoni.

L- ENISA għandha tagħti kontribut biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern billi twettaq il-kompiti mogħti lilha skont dan ir-Regolament.

2.   L-ENISA għandha twettaq il-kompiti assenjati lilha permezz ta’ atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istat Membru, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri marbuta maċ-ċibersigurtà.

3.   Meta twettaq il-kompiti tagħha, l-ENISA għandha taġixxi b’mod indipendenti filwaqt li tevita d-duplikazzjoni ta’ attivitajiet tal-Istat Membru u b’konsiderazzjoni tal-għarfien espert diġà eżistenti tal-Istat Membru.

4.   L-ENISA għandha tiżviluppa r-riżorsi tagħha stess, inkluż kapaċitajiet u ħiliet tekniċi u umani, meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha b”dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Objettivi

1.   L-ENISA għandha topera bħala ċentru tal-għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà minħabba l-indipendenza tagħha, il-kwalità teknika u xjentifika tal-konsulenza li toffri, l-informazzjoni li tipprovdi, it-trasparenza tal-proċeduri tal-operat tagħha, il-metodi tal-operat, u r-reqqa tagħha fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

2.   L- ENISA għandha tgħin lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-Unjoni marbuta maċ-ċibersigurtà, inkluż politiki settorjali dwar iċ-ċibersigurtà.

3.   L- ENISA għandha tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet u l-istat ta’ tħejjija madwar l-Unjoni, billi tgħin lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati,biex itejbu l-protezzjoni tan-netwerk u tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom, biex jiżviluppaw u jtejbu r-reżiljenza ċibernetika u l-kapaċitajiet ta’ rispons, u biex jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

4.   L-ENISA għandha tippromwovi l-kooperazzjoni inkluż il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u partijiet ikkonċernati rilevanti privati u pubbliċi fi kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà.

5.   L- ENISA għandha tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal ta’ theddid ċibernetiku, b’mod partikolari fil-każ ta’ inċidenti transfruntiera.

6.   L- ENISA għandha tippromwovi l-użu taċ-ċertifikazzjoni Ewropea taċ-ċibersigurtà, bil-ħsieb li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. L- ENISA għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont it-Titolu III ta’ dan ir-Regolament, bil-għan li ttejjeb it-trasparenza taċ-ċibersigurtà tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT, u b’hekk issaħħaħ il-fiduċja fis-suq intern diġitali u l-kompetittività tiegħu.

7.   L- ENISA għandha tippromwovi livell għoli ta’ għarfien dwar iċ-ċibersigurtà, inkluż l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu ċibernetiku fost iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji.

KAPITOLU II

Kompiti

Artikolu 5

Żvilupp u implimentazzjoni tal-politika u l-liġi tal-Unjoni

L-ENISA għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u l-liġi tal-Unjoni, billi:

(1)

tassisti u tagħti pariri dwar l-iżvilupp u r-rieżami tal-politika u tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam ta-ċibersigurtà, u dwar inizjattivi ta’ politika u tal-liġi speċifiċi għas-settur fejn ikunu involuti, b’mod partikolari billi tipprovdi l-opinjoni u l-analiżi indipendenti tagħha kif ukoll billi twettaq xogħol preparatorju;

(2)

tassiti lill-Istati Membri jimplimentaw il-politika u l-liġi tal-Unjoni fir-rigward taċ-ċibersigurtà b’mod konsistenti, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2016/1148, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ opinjonijiet, linji gwida, l-għoti ta’ pariri u l-aħjar prattiki dwar suġġetti bħalma huma l-ġestjoni tar-riskju, ir-rappurtar tal-inċidenti u l-qsim tal-informazzjoni, kif ukoll permezz tal-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet kompetenti f’dak ir-rigward;

(3)

tassisti lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politiki dwar iċ-ċibersigurtà li jappoġġaw id-disponibbiltà jew l-integrità ġenerali tal-qalba essenzjali pubblika tal-Internet miftuħ;

(4)

tikkontribwixxi għax-xogħol tal-Grupp ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2016/1148, billi tipprovdi l-għarfien espert u l-għajnuna tagħha;

(5)

tappoġġa:

(a)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-identità elettronika u s-servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari billi tipprovdi pariri u toħroġ linji gwida tekniċi, kif ukoll billitiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

il-promozzjoni ta’ livell imtejjeb tas-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, anke billi tipprovdi pariri u għarfien espert, kif ukoll billi tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiċi bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(c)

l lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ aspetti speċifiċi marbutin maċ-ċibersigurtà tal-politika u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, inkluż billi tipprovdi pariri lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

(6)

l-appoġġ tar-rieżami regolari tal-attivitajiet ta’ politika tal-Unjoni billi tipprepara rapport annwali dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-qafas legali rispettiv fi-rigward ta’:

(a)

informazzjoni dwar in-notifiki tal-inċidenti mill-Istati Membri kif provduti mill-punti uniċi ta’ kuntatt lill-Grupp ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(b)

taqsiriet tan-notifiki dwar vjolazzjonijiet tas-sigurtà jew nuqqas ta’ integrità riċevuti minn fornituri ta’ servizzi ta’ fiduċja pprovduti mill-korpi superviżorji lill-ENISA, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 910/2014tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

(c)

notifiki ta’ inċidenti tas-sigurtà trasmessi mill-fornituri ta’netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ENISA, skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

Artikolu 6

Bini ta’ kapaċitajiet

1.   L-ENISA għandha tassisti:

(a)

lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-prevenzjoni, l-kxif u l-analiżi u l-kapaċità li jirrispondu għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi billi tipprovdilhom l-għarfien u l-pariri esperti meħtieġa;

(b)

lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni biex jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ta’ divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet fuq bażi volontarja;

(c)

lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-prevenzjoni, il-kxif u l-analiżi ta’ theddid u inċidenti ċibernetiċi u biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jirrispondu għal tali theddid u inċidenti ċibernetiċi, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ xieraq għas-CERT-EU;

(d)

lill-Istati Membrifl-iżvilupp tal-CSIRTs nazzjonali, fejn mitluba skont l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva (UE) 2016/1148;

(e)

lill-Istati Membrifl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar is-sigurtà tan-netwerk u tas-sistemi tal-informazzjoni, fejn mitluba skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148, u tippromwovi t-tixrid ta’ dawk l-istrateġiji u tieħu nota tal-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tagħhom fl-Unjoni kollha sabiex tippromwovi l-aqwa prattiki;

(f)

lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-iżvilupp u r-rieżami tal-istrateġiji tal-Unjoni rigward iċ-ċibersigurtà, il-promozzjoni tat-tixrid tagħhom u s-segwitu fl-implimentazzjoni tagħhom;

(g)

lis-CSIRTs nazzjonali u tal-Unjoni biex itejbu l-livell tal-kapaċitajiet tagħhom, inkluż permezz tal-promozzjoni tad-djalogu u l-iskambji tal-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li, fir-rigward tal-ogħla livell tal-iżvilupp tekniku, kull CSIRT tippossjedi sett komuni ta’ kapaċitajiet minimi u li topera skont l-aħjar prattiki;

(h)

l-Istati Membri billi torganizza regolarment l-eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7(5) tal-inqas kull sentejn u billi tagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika abbażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-eżerċizzji u t-tagħlimiet miksuba minnhom;

(i)

lill-korpi ta’ politika rilevanti billi toffrilhom taħriġ rigward iċ-ċibersigurtà, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

(j)

lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni, fl-iskambju tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni mill-Istati Membri tal-operaturi ta’ servizzi essenzjali, skont il-punt (1) tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 ukoll fir-rigward ta’ dipendenzi transfruntiera fir-rigward ta’ riskji u inċidenti.

2.   L-ENISA għandha tappoġġa l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fis-setturi u bejniethom, b’mod partikolari fis-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148, billi tipprovdi l-aħjar prattiki u gwida dwar l-għodod disponibbli, il-proċeduri, kif ukoll dwar kif għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji marbuta mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 7

Kooperazzjoni operazzjonali fil-livell tal-Unjoni

1.   L-ENISA għandha tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u bejn il-partijiet ikkonċernati.

2.   L-ENISA għandha tikkoopera fil-livell operazzjonali u tistabbilixxi sinerġiji mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż is-CERT-UE, ma’ dawk is-servizzi involuti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u mal-awtoritajiet superviżorji li jittrattaw il-ħarsien tal-privatezza u tad-data personali, bil-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ interess komuni, inkluż permezz ta’:

(a)

l-iskambju tal-għarfien espert u l-aħjar prattiki;

(b)

il-forniment ta’ pariri u l-ħruġ ta’ linji gwida dwar kwistjonijiet rilevanti marbuta maċ-ċibersigurtà;

(c)

l-istabbiliment ta’ arranġamenti prattiċi għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti speċifiċi, wara li tikkonsulta l-Kummissjoni.

3.   L-ENISA għandha tipprovdi lis-Segretarjat tan-netwerk tas-CSIRTs, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 u f’dik il-kapaċità għandha tappoġġa b’mod attiv il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost il-membri tagħha.

4.   L-ENISA għandha tappoġġa lill-Istati Membri fir-rigward tal-kooperazzjoni operazzjonali fi ħdan in-netwerk tas-CSIRTs billi:

(a)

tagħti pariri dwar kif jistgħu itejbu l-kapaċitajiet tagħhom għall-prevenzjoni u l-kxif ta’ inċidenti kif ukoll għar-rispons għalihom u, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, tagħti pariri fir-rigward ta’ theddida ċibernetika speċifika;

(b)

tassisti, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, fil-valutazzjoni ta’ inċidenti li jkollhom impatt sinifikanti jew sostanzjali, permezz tal-provvista ta’ għarfien espert u tiffaċilita l-ġestjoni teknika ta’ inċidenti bħal dawn inkluż b’mod partikolari billi tappoġġa l-kondiviżjoni volontarja ta’ informazzjoni rilevanti u soluzzjonijiet tekniċi bejn l-Istati Membri;

(c)

tanalizza vulnerabbiltajiet u inċidenti abbażi ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament jew informazzjoni pprovduta volontarjament mill-Istati Membri għal dak il-għan; u

(d)

fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, tipprovdi appoġġ fir-rigward ta’ inkjesti tekniċi ex post fir-rigward ta’ inċidenti li jkollhom impatt sinifikanti jew sostanzjali fit-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

Fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti, l-ENISA u s-CERT-UE għandhom ikunu involuti f’kooperazzjoni strutturata biex jibbenefikaw mis-sinerġiji ubiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

5.   L-ENISA għandha torganizza regolarment eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni, u għandha tappoġġa lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tal-eżerċizzji ta’ ċibersigurtà fuq talba/iet tagħhom. Dawn l-eżerċizzji ta’ ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni jistgħu jinkludu elementi tekniċi, operazzjonali jew strateġiċi. Darba kull sentejn, l-ENISA għandha torganizza eżerċizzju komprensiv fuq skala kbira.

Fejn ikun xieraq, l-ENISA għandha tikkontribwixxi wkoll għal eżerċizzji settorjali taċ-ċibersigurtà u tgħin fl-organizzazzjoni tagħhom flimkien ma’ organizzazzjonijiet rilevanti li jieħdu sehem ukoll f’eżerċizzji taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-Unjoni.

6.   L-ENISA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tħejji Rapport Tekniku regolari dettaljat dwar is-Sitwazzjoni taċ-Ċibersigurtà fl-UE rigward inċidenti u theddid ċibernetiku bbażat fuq informazzjoni disponibbli pubblikament, l-analiżi tagħha u r-rapporti kondiviżi minn, fost l-oħrajn, is-CSIRTs tal-Istati Membri jew il-punti uniċi ta’ kuntatt stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2016/1148, it-tnejn fuq bażi volontarja,l-EC3,u s-CERT-UE.

7.   L-ENISA għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ rispons kooperattiv, fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, għal inċidenti jew kriżijiet taċ-ċibersigurtà transfruntiera fuq skala kbira, l-aktar billi:

(a)

tiġbor flimkien u tanalizza r-rapporti minn sorsi nazzjonali li jkunu fl-isfera pubblika jew kondiviżi fuq bażi volontarja bil-għan li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ għarfien komuni tas-sitwazzjoni;

(b)

tiżgura l-fluss effiċjenti tal-informazzjoni u l-forniment tal-mekkaniżmi ta’ eskalazzjoni bejn in-Netwerk tas-CSIRTs u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tekniċi u politiċi fil-livell tal-Unjoni;

(c)

fuq talba, tiffaċilita, l-indirizzar tekniku ta’ inċidenti jew kriżijiet bħal dawn, inkluż, b’mod partikolari, billi tappoġġa l-kondiviżjoni volontarja ta’ soluzzjonijiet tekniċi bejn l-Istati Membri;

(d)

tappoġġa lill-istituzzjonijiet il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u, fuq talba tagħhom, lill-Istati Membri, fil-komunikazzjoni pubblika relatata ma’ tali inċidenti jew kriżijiet;

(e)

tittestja l-pjanijiet ta’ kooperazzjoni għar-rispons għal inċidenti jew kriżijiet bħal dawn fil-livell tal-Unjoni, fuq talba tagħhom stess, tappoġġa lill-Istati Membri jittestjaw dawn il-pjanijiet fil-livell nazzjonali.

Artikolu 8

Suq, ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u standardizzazzjoni

1.   L-ENISA għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-unjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT fir-rigward taċ-ċibersigurtà, kif stabbilit fit-Titolu III ta’ dan ir-Regolament, billi:

(a)

tissorvelja l-iżviluppi, fuq bażi kontinwa, f’oqsma relatati ta’ standardizzazzjoni u tirrakkomanda speċifikazzjonijiet tekniċi adatti biex jintużaw fl-iżvilupp tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont il-punt (c) tal-Artikolu 54(1) fejn ma jkunx hemm standards disponibbli;

(b)

tħejji skemi kandidati Ewropej għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (“skemi kandidati”) ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICTskont l-Artikolu 49;

(c)

tevalwa l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati f’konformità mal-Artikolu 49(8).

(d)

tieħu sehem f’rieżamijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 59(4);

(e)

tassisti lill-Kummissjoni billi tipprovdi s-segretarjat lill-ECCG skont l-Artikolu 62(5).

2.   L-ENISA għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà skont l-Artikolu 202(4).

3.   L-ENISA għandha tikkompila u tippubblika linji gwida kif ukoll tiżviluppa prattiki tajbin, fir-rigward tar-rekwiżiti għaċ-ċibersigurtà ta’ prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-industrija fi proċess formali, strutturat u trasparenti.

4.   L-ENISA għandha tikkontribwixxi għal tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-proċessi ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni billi tikkompila u toħroġ linji gwida kif ukoll tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fuq talba min-naħa tagħhom.

5.   L-ENISA għandha tiffaċilita l-istabbiliment u l-użu ta’ standards Ewropej u internazzjonali għall-ġestjoni tar-riskji u għas-sigurtà tal-proċessi ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT.

6.   L-ENISA għandha tħejji, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija, pariri u linji gwida rigward l-oqsma tekniċi marbuta mar-rekwiżiti tas-sigurtà għall-operaturi ta’ servizzi essenzjali u għall-fornituri tas-servizzi diġitali, kif ukoll rigward standards li diġà jeżistu, inkluż standards nazzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

7.   L-ENISA għandha twettaq analiżijiet regolari u xxerridhom rigward ix-xejriet ewlenin fis-suq taċ-ċibersigurtà, kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, bil-għan li ssir promozzjoni tas-suq taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni.

Artikolu 9

Għarfien u informazzjoni

L-ENISA għandha:

(a)

twettaq analiżijiet tat-teknoloġiji emerġenti u tipprovdi valutazzjonijiet speċifiċi skont is-suġġett dwar l-impatt mistenni mil-lat soċjetali, legali, ekonomiku u regolatorju tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fuq iċ-ċibersigurtà;

(b)

twettaq analiżijiet strateġiċi fit-tul dwar it-theddid u l-inċidenti taċ-ċibernetika biex jiġu identifikati x-xejriet emerġenti u tgħin biex jiġu evitati l-inċidenti;

(c)

f’kooperazzjoni mal-esperti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti, tipprovdi pariri, gwida u l-aħjar prattiki għas-sigurtà tan-netwerk u tas-sistemi tal-informazzjoni, b’mod partikolari għas-sigurtà tal-infrastrutturi li jappoġġaw is-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148 u dawk li jintużaw mill-fornituri tas-servizzi diġitali elenkati fl-Anness III għal dik id-Direttiva;

(d)

permezz ta’ portall apposta, tikkondividi, torganizza u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, pprovduta mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà pprovduta fuq bażi volontarja mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati;

(e)

tiġbor u tanalizza informazzjoni disponibbli pubblikament rigward inċidenti sinifikanti u tikkompila rapporti bil-għan li tipprovdi gwidaliċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji madwar l-Unjoni.

Artikolu 10

Sensibilizzazzjoni u edukazzjoni

L-ENISA għandha:

(a)

tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà u tipprovdi gwida dwar prattiki tajba għall-utenti individwali mmirata lejn iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet u n-negozji, inkluż dwar l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu ċibernetiku;

(b)

f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l- aġenziji tal-Unjoni u l-industrija, torganizza kampanji regolari ta’ sensibilizzazzjoni biex ittejjeb iċ-ċibersigurtà u l-viżibbiltà tagħha fl-Unjoni u tinkoraġġixxi dibattitu pubbliku wiesa’;

(c)

tassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u l-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà;

(d)

tappoġġa koordinazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u.

Artikolu 11

Riċerka u innovazzjoni

Fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-ENISA għandha:

(a)

tagħti pariri lil l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri rigward il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, bil-għan li jiġu ffaċilitati risponsi effettivi għal riskji u theddid ċibernetiċi kurrenti u emerġenti, anke fir-rigward ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ġodda u emerġenti, u bil-għan li teknoloġiji għall-prevenzjoni tar-riskji jintużaw b’mod effettiv;

(b)

fejn tkun ingħatat is-setgħat rilevanti mill-Kummissjoni, tieħu sehem fil-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkella bħala benefiċjarju;

(c)

tikkontribwixxi għall-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 12

Kooperazzjoni internazzjonali

L-ENISA għandha tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll fi ħdan oqfsa rilevanti ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet marbuta maċ-ċibersigurtà, billi:

(a)

fejn xieraq, tkun involuta bħala osservatur fl-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji internazzjonali, u tanalizza l-eżitu ta’ dawn l-eżerċizzji u tirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija dwar dan;

(b)

fuq talba mill-Kummissjoni, tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prattiki;

(c)

fuq talba mill-Kummissjoni, tipprovdilha għarfien espert;

(d)

tagħti pariri u appoġġ lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw ftehimiet għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati taċ-ċibersigurtà ma’ pajjiżi terzi, f’kollaborazzjoni mal-ECCG stabbilit skont l-Artikolu 62,.

KAPITOLU III

Organizzazzjoni tal-Enisa

Artikolu 13

Struttura ta’ ENISA

L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-ENISA għandha tkun magħmula minn dawn li ġejjin:

(a)

Bord ta’ Tmexxija;

(b)

Bord Eżekuttiv;

(c)

Direttur Eżekuttiv;

(d)

Grupp Konsultattiv tal-ENISA;

(e)

Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali.

Taqsima 1

Bord ta’ Tmexxija

Artikolu 14

Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn membru wieħed minn kull Stat Membru, u żewġ membri maħtura mill-Kummissjoni. Il-membri kollha għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw.

2.   Kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu sostitut. Dak is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fin-nuqqas tal-membru.

3.   Il-membri tal-Bord Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw ir-rata ta’ sostituzzjoni tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom fuq il-Bord ta’ Tmexxija, sabiex jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-Bord ta’ Tmexxija.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun tali li jista’ jiġi mġedded.

Artikolu 15

Funzjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu:

(a)

jistabbilixxi d-direzzjoni ġenerali tal-operat tal-ENISA u jiżgura li l-ENISA topera f’konformità mar-regoli u l-prinċipji stipulati f’dan ir-Regolament. Għandu jiżgura wkoll il-konsistenza tal-ħidma tal-ENISA ma’ attivitajiet immexxija mill-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Unjoni;

(b)

jadotta l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-ENISA msemmi fl-Artikolu 21, qabel ma dan jitressaq quddiem il-Kummissjoni għal opinjoni;

(c)

jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-ENISA„ b’kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni;

(d)

jissorvelja l-programmazzjoni pluriennali u annwali inkluż fid-dokument uniku tal-programmazzjoni;

(e)

jadotta l-baġit annwali tal-ENISA u jeżerċita funzjonijiet oħra marbuta mal-baġit tal-ENISA b’konformità mal-Kapitolu IV;

(f)

jivvaluta u jadotta r-rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-ENISA, jinkludi l-kontabbilità u deskrizzjoni ta’ kif l-ENISA laħqet l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħha, jissottometti kemm ir-rapport annwali kif ukoll il-valutazzjoni ta’ dan sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u li jagħmel ir-rapport annwali pubbliku;

(g)

jadotta r-regoli finanzjarji li japplikaw għall-ENISA f’konformità mal-Artikolu 32;

(h)

jadotta strateġija kontra l-frodi li tkun proporzjonata għar-riskji ta’ frodi fid-dawl ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

(i)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu;

(j)

jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u d-diversi rapporti u evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni;

(k)

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, inkluż regoli għal deċiżjonijiet proviżorji dwar id-delega ta’ kompiti speċifiċi, skont l-Artikolu 19(7);

(l)

fir-rigward tal-persunal tal-ENISA, jeżerċita s-setgħat ikkonferiti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali (ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali”) u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea (il-“kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra”), stipulati fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (24) l-Awtorità tal-Ħatra u fuq l-Awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratt ta’ impjieg (“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”) f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(m)

jadotta regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali;

(n)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u fejn xieraq, jestendi l-mandat tiegħu jew ineħħih f’konformità mal-Artikolu 36;

(o)

jaħtar uffiċjal tal-kontabbiltà, li jista’ jkun l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu;

(p)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-ENISA u, fejn meħtieġ il-modifika ta’ dawk l-istrutturi interni, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-attivitajiet tal-ENISA u filwaqt li jqis il-prinċipji tal-ġestjoni baġitarja soda;

(q)

jawtorizza l-istabbiliment ta’ arranġamenti tax-xogħol fir-rigward tal-Artikolu 7;

(r)

jawtorizza l-istabbiliment jew il-konklużjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol f’konformità mal-Artikolu 42

2.   F’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Uffiċjali, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra, li biha jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li fiha jiddetermina l-kondizzjonijiet li bihom tkun tista’ tiġi sospiża dik id-delega tas-setgħat. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissottodelega dawk is-setgħat.

3.   Meta jkun meħtieġ minn ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jadotta deċiżjoni biex jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra mogħtija lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe setgħa tal-awtorità tal-ħatra li tkun ġiet sottodelegata mid-Direttur Eżekuttiv u minflok jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mha jkunx id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 16

President tal-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi l-President tiegħu u l-Viċi President tiegħu minn fost il-membri tiegħu, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri. Il-mandati tagħhom għandhom ikunu ta’ erba’ snin, li għandu jkun jista’ jiġġedded darba. Jekk, madankollu, is-sħubija tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi lill-President ex officio jekk il-President ma jkunx jista’ jwettaq id-doveri tiegħu.

Artikolu 17

Laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jorganizza tal-anqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Għandu jkollu wkoll laqgħat straordinarji fuq talba mill-President tiegħu, fuq talba mill-Kummissjoni, jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija iżda ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.

4.   Il-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija fuq stedina tal-President, iżda ma għandux ikollhom id-dritt tal-vot.

5.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom jistgħu ikunu assistiti fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija minn konsulenti jew esperti, soġġett għar-regoli tal-proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija.

6.   L-ENISA għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 18

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza tal-membri.

2.   Maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandha tkun meħtieġa għall-adozzjoni tad-dokument uniku ta’ programmar u tal-baġit annwali, għall-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew għat-tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv.

3.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ wieħed mill-membri, is-supplenti tiegħu għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw id-dritt tal-membru li jivvota.

4.   Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

6.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ votazzjoni aktar dettaljati b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

Taqsima 2

Bord Eżekuttiv

Artikolu 19

Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)

iħejji d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(b)

flimkien mal-Bord ta’ Tmexxija, jiżgura s-segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-investigazzjonijiet tal-OLAF u d-diversi rapporti u evalwazzjonijiet interni jew esterni tal-awditjar;

(c)

mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv stabbiliti fl-Artikolu 20, jgħin u jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija fuq il-kwistjonijiet amministrattivi u baġitarji skont l-Artikolu 20.

3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn ħames membri. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jiġu maħtura fost il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija. Wieħed mill-membri għandu jkun il-President tal-Bord ta’ Tmexxija, li jista’ wkoll jippresiedi l-Bord Eżekuttiv, u ieħor għandu jkun wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-mira tal-ħatriet tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandha tkun li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, iżda ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun tali li jista’ jiġi mġedded.

5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet xhur. Il-President tal-Bord Eżekuttiv għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba tal-membri tiegħu.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Eżekuttiv.

7.   Meta jkun meħtieġ, minħabba urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet proviżorji f’isem il-Bord ta’ Tmexxija, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni amministrattiva, inkluż is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra u kwistjonijiet baġitarji. Kwalunkwe deċiżjonijiet proviżorji ta’ dan it-tip għandhom jiġu notifikati lill-Bord ta’ Tmexxija mingħajr dewmien żejjed. Il-Bord ta’ tmexxija għandu mbagħad jiddeċiedi japprovax jew jiċħadx id-deċiżjoni proviżorja mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni. Il-Bord Eżekuttiv ma għandux jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Bord ta’ Tmexxija li jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija.

Taqsima 3

Direttur Eżekuttiv

Artikolu 20

Dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-ENISA għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord ta’ Tmexxija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-qadi ta’ dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jibgħatlu rapport dwar il-qadi ta’ dmirijietu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli li:

(a)

iwettaq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-ENIS;

(b)

jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(c)

iħejji l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni qabel ma jippreżentah lill-Kummissjoni;

(d)

jimplimenta d-dokument uniku tal-programmazzjoni u jirrapporta dwaru lill-Bord ta’ Tmexxija;

(e)

iħejji r-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-ENISA inkluż l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(f)

iħejji pjan ta’ azzjoni li jimxi mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi u rappurtar dwar il-progress kull sentejn lill-Kummissjoni;

(g)

iħejji pjan ta’ azzjoni li jimxi fuq il-konklużjonijiet ta’ rapporti ta’ awditjar intern jew estern, kif ukoll fuq investigazzjonijiet mill-OLAF u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lil-Kummissjoni kif ukoll regolarment lill-Bord ta’ Tmexxija;

(h)

iħejji l-abbozz ta’ regoli finanzjarji li japplikaw għall-ENISA kif msemmija fl-Artikolu 32;

(i)

iħejji l-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ENISA u jimplimenta l-baġit tagħha;

(j)

jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonali u dissważivi;

(k)

iħejji strateġija kontra l-frodi għall-ENISA u jippreżentaha lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni;

(l)

jiżviluppa u jżomm kuntatt mal-komunità kummerċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiżgura djalogu regolari mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(m)

jiskambja fehmiet u informazzjoni b’mod regolari mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom relatati maċ-ċibersigurtà biex tiġi żgurata l-koerenza fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni;

(n)

iwettaq kompiti oħrajn assenjati lid-Direttur Eżekuttiv b’dan ir-Regolament.

4.   Fejn meħtieġ, u fi ħdan l-objettivi u l-kompiti tal-ENISA, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma ad hoc magħmulin minn esperti, fosthom esperti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jgħarraf dan lill-Bord ta’ Tmexxija bil-quddiem. Il-proċeduri, b’mod partikolari, dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ ħidma, il-ħatra tal-esperti fil-gruppi ta’ ħidma mid-Direttur Eżekuttiv u t-tħaddim tal-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim tal-ENISA.

5.   Fejn meħtieġ, bil-għan li l-kompiti tal-ENISA jitwettqu b’mod effiċjenti u effettiv u abbażi ta’ analiżi adatta tal-kostijiet u l-benefiċċji, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar. Qabel ma jiddeċiedi jekk għandux jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur Eżekuttivi għandu jitlob l-opinjoni tal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-Istat Membru li fih tkun tinstab is-sede tal-ENISA, u għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni u tal-Bord ta’ Tmexxija. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil matul il-proċess ta’ konsultazzjoni bejn id-Direttur Eżekuttiv u l-Istati Membri kkonċernati, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kunsill għal diskussjoni. In-numru aggregat ta’ membri tal-persunal fl-uffiċċji lokali kollha għandu jinżamm f’livell minimu u ma għandux jeċċedi 40 % tan-numru totali tal-membri tal-persunal tal-ENISA li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tal-ENISA. In-numru tal-membri tal-persunal f’kull uffiċċju lokali ma għandux jeċċedi 10 % tan-numru totali tal-membri tal-persunal tal-ENISA li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn tkun tinstab is-sede tal-ENISA.

Id-deċiżjoni li tistabbilixxi uffiċċju lokali għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li jkunu ser isiru fl-uffiċċju lokali b’tali mod li jiġu evitati l-ispejjeż żejda u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-ENISA.

Taqsima 4

Grupp Konsultattiv tal-ENISA, Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati Taċ-Ċertifikazzjoni Taċ-Ċibersigurtà U Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali

Artikolu 21

Grupp Konsultattiv tal-ENISA

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi b’mod trasparenti l-Grupp Konsultattiv tal-ENISA magħmul minn esperti rikonoxxuti li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħalma huma l-industrija tal-ICT, il-fornituri tan-netwerks jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, l-SMEs, l-operaturi ta’ servizzi essenzjali, il-gruppi tal-konsumaturi, l-esperti akkademiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà u r-rappreżentanti ta’ awtoritajiet kompetenti notifikati f’konformità mad- Direttiva (UE) 2018/1972, tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni,kif ukoll ta’ awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-infurzar tal-liġi u għall-protezzjoni tad-data. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jimmira lijiżgura bilanċ xieraq ġeografiku u bejn is-sessi kif ukoll bilanċ bejn il-gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati.

2.   Il-proċeduri għall-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu, il-proposta mid-Direttur Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, in-numru u l-ħatra ta’ membri tiegħu u t-tħaddim tal-Grupp ta’ Ħidma tal-ENISA, għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni tat-tħaddim tal-ENISA u għandhom isiru pubbliċi.

3.   Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jkun ippresedut mid-Direttur Eżekuttiv jew minn kwalunkwe persuna li d-Direttur Eżekuttiv jaħtar abbażi ta’ każ b’każ.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija ma għandhomx ikunu membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA. L-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandhom id-dritt ikunu preżenti fil-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu. Ir-rappreżentanti ta’ korpi oħra meqjusa rilevanti mid-Direttur Eżekuttiv, li ma jkunux membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA u jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu.

5.   Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jagħti pariri lill-ENISA fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tal-ENISA, ħlief rigward l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar it-tfassil ta’ proposta għall-programm ta’ ħidma annwali tal-ENISA, u biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kwistjonijiet kollha relatati mal-programm ta’ ħidma annwali.

6.   Il-Grupp Konsultattiv tal-ENISA għandu jinforma lill-Bord ta’ Tmexxija bl-attivitajiet tiegħu fuq bażi regolari.

Artikolu 22

Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà

1.   Għandu jiġi stabbilit il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà.

2.   Il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà għandu jkun magħmul minn membri magħżula minn fost esperti rikonoxxuti li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-Kummissjoni, billi ssegwi sejħa miftuħa u trasparenti, għandha tagħżel, fuq bażi ta’ proposta mill-ENISA, membri tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà filwaqt li tiżgura bilanċ bejn il-gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati kif ukoll bilanċ xieraq ġeografiku u bejn il-ġeneri.

3.   Il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà għandu:

(a)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi dwar il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(b)

fuq talba, jagħti pariri lill-ENISA dwar kwistjonijiet strateġiċi u ġenerali rigward il-kompiti tal-ENISA relatati mas-suq, iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-istandardizzazzjoni;

(c)

jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 47;

(d)

jagħti opinjoni dwar il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni skont l-Artikolu 47(4); u

(e)

f’każijiet urġenti, jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-ECCG dwar il-ħtieġa għal skemi ta’ ċertifikazzjoni addizzjonali mhux inklużi fil-programm ta’ ħidma kontinwa tal-Unjoni, kif spjegat fl-Artikoli 47 u 48.

4.   Il-Grupptal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni għandu jkun kopresedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-ENISA, u s-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-ENISA.

Artikolu 23

Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha (Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali). Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed għan-Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali. Il-laqgħat tan-netwerk għandhom isiru f’konfigurazzjonijiet differenti tal-esperti.

2.   In-Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali għandu, b’mod partikolari, jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ENISA u l-Istati Membri, u għandu jappoġġa lill-ENISA fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti madwar l-Unjoni.

3.   L-Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali għandhom jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt f’livell nazzjonali biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-ENISA u l-esperti nazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-ENISA.

4.   Filwaqt li l-Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Istati Membri rispettivi tagħhom, in-Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali nnifsu ma għandux jidduplika l-ħidma tal-Bord ta’ Tmexxija jew dik ta’ fora oħra tal-Unjoni.

5.   Il-funzjonijiet u l-proċeduri tan-Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni dwar l-operat tal-ENISA u għandhom isiru pubbliċi.

Taqsima 5

OPERAT

Artikolu 24

Dokument uniku tal-programmazzjoni

1.   L-ENISA għandha topera f’konformità ma’ dokument uniku tal-programmazzjoni li jkun fih il-pjan annwali u pluriennali tagħha, li għandu jinkludi l-attivitajiet kollha ppjanati tagħha.

2.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta’ dokument uniku tal-programmazzjoni li jkun fih il-pjan annwali u pluriennali flimkien mal-ippjanar korrispondenti finanzjarju u għar-riżorsi umani f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (25) u b’kont meħud tal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, kif ukoll kwalunkwe verżjoni ta’ dak id-dokument aġġornata sussegwentement.

4.   Id-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

5.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u riżultati mistennija, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 7. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta’ qabel.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jiġi assenjat kompitu ġdid lill-ENISA. Kull emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħal dik użata biex jiġi adottat l-ewwel programm ta’ ħidma annwali. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddelega s-setgħa lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.

7.   Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

8.   Il-pjan għar-riżorsi għandu jiġi aġġornat kull sena. Il-pjan strateġiku għandu jiġi aġġornat kull meta jkun xieraq u b’mod partikolari fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 67.

Artikolu 25

Dikjarazzjoni ta’ interessi

1.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv u uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja għandhom kull wieħed jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenji u dikjarazzjoni li tindika n-nuqqas jew il-preżenza ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jkun ikkunsidrat li huma ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi u kompleti, għandhom isiru annwalment bil-miktub, u għandhom jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ.

2.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv u l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma ad hoc, għandhom, kull wieħed, mhux aktar tard mill-bidu ta’ kull laqgħa, jiddikjaraw b’mod preċiż u komplet kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat ta’ li huma ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom b’rabta mas-suġġetti fuq l-aġenda u għandhom jastjenu milli jieħdu sehem fid-diskussjoni rigward tali punti jew fil-votazzjoni dwarhom.

3.   L-ENISA għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni dwar l-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi tar-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ interess msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 26

Trasparenza

1.   L-ENISA għandha twettaq l-attivitajiet tagħha b’livell għoli ta’ trasparenza u skont l-Artikolu 28.

2.   L-ENISA għandha tiżgura li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jiġu provduti b’informazzjoni xierqa, oġġettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati tax-xogħol tagħha. Hi għandha tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-pubbliku d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi magħmula b’konformità mal-Artikolu 25.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista’ jawtorizza lill-partijiet interessati biex josservaw il-proċedimenti ta’ xi wħud mill-attivitajiet tal-ENISA.

4.   L-ENISA għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni dwar l-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar it-trasparenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 27

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, l-ENISA m’għandhiex tiżvela lil persuni terzi l-informazzjoni li hija tipproċessa jew tirċievi li fir-rigward tagħha tkun saret talba mmotivata għal trattament kunfidenzjali.

2.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma ad hoc, u l-membri tal-persunal tal-ENISA, inklużi l-uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità tal-Artikolu 339 TFUE, anke wara t-terminazzjoni tad-doveri tagħhom.

3.   L-ENISA għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni dwar l-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-ENISA, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi li jħalli f’idejn l-ENISA r-responsabbiltà li tittratta l-informazzjoni klassifikata. F’dak il-każ l-ENISA, fi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, għandha tadotta regoli tas-sigurtà li japplikaw il-prinċipji tas-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (26) u 2015/444 (27). Dawk ir-regoli tas-sigurtà għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni kklassifikata.

Artikolu 28

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-ENISA.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sat-28 ta’ Diċembru 2019.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-ENISA skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu l-oġġett ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew taħt l-Artikolu 228 TFUE jew ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 263 TFUE.

KAPITOLU IV

Stabbiliment u struttura tal-baġit tal-ENISA

Artikolu 29

Stabbiliment tal-baġit TAL-ENISA

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ENISA għas-sena finanzjarja li jmiss u għandu jgħaddih lill-Bord ta’ Tmexxija, flimkien mal-abbozz tat-tabella tal-persunal. Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bbilanċjati.

2.   Kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija, abbażi tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi, għandu jħejji dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ENISA għas-sena finanzjarja li jmiss.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi, li għandha tkun parti mill-abbozz ta’ dokument uniku tal-programmazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet kif imsemmija fl-Artikolu 42(2).

4.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li jidhrilha li huma meħtieġa għat-tabella tal-persunal u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandu jintalab mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, li għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 314 TFUE.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-Unjoni lill-ENISA.

6.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw it-tabella tal-persunal tal-ENISA.

7.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-baġit tal-ENISA flimkien mad-dokument uniku tal-programmazzjoni. Il-baġit tal-ENISA għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaġġusta l-baġit tal-ENISA u d-dokument uniku tal-programmazzjoni f’konformità mal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 30

Struttura tal-baġit tal-ENISA

1.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-ENISA għandu jkun magħmul minn:

(a)

kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

dħul assenjat lil elementi speċifiċi ta’ nfiq f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha msemmija fl-Artikolu 32;

(c)

fondi tal-Unjoni fil-forma ta’ ftehimiet ta’ delega jew għotjiet ad hoc f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha msemmija fl-Artikolu 32 u d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni;

(d)

kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tal-ENISA kif imsemmi fl-Artikolu 42;

(e)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri fi flus jew in natura;

L-Istati Membri li jipprovdu kontribuzzjonijiet volontarji taħt il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx jitolbu xi dritt jew servizz speċifiku b’riżultat ta’ dan.

2.   L-infiq tal-ENISA għandu jinkludi spejjeż marbutin mal-persunal, mal-appoġġ amministrattiv u tekniku, mal-infrastruttura u spejjeż operattivi, u l-ispejjeż li jirriżultaw minn kuntratti ma’ partijiet terzi.

Artikolu 31

Implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA.

2.   L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-ENISA bħal ma jeżerċita fuq dipartimenti tal-Kummissjoni.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (sena N + 1).

4.   Kif jaslu l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-ENISA skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jħejji l-kontijiet finali tal-ENISA taħt ir-responsabbiltà tiegħu u għandu jippreżentahom lill-Bord ta’ Tmexxija għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-ENISA.

6.   Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jittrażmetti r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

7.   Sal-1 ta’ Lulju tas-sena N + 1, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jitrasmetti l-kontijiet finali tal-ENISA lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

8.   Fl-istess data tat-trasmissjoni tal-kontijiet finali tal-ENISA, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-ENISA għandu jibgħat ukoll lill-Qorti tal-Awdituri ittra ta’ rappreżentazzjoni li tkopri dawk il-kontijiet finali, b’kopja lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

9.   Sal-15 ta’ Novembru tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika l-kontijiet finali tal-ENISA f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Sat-30 ta’ Settembru tas-sena N + 1, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha u għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord ta’ Tmexxija u lill-Kummissjoni.

11.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

12.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 32

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-ENISA għandhom jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013, sakemm tali devjazzjoni ma tkunx meħtieġa b’mod speċifiku għall-operat tal-ENISA u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

Artikolu 33

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), l-ENISA għandha sat-28 ta’ Diċembru 2019 tissieħeb għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (30). L-ENISA għandha tadotta d-dispożizzjonijiet adatti li japplikaw għall-impjegati kollha tal-ENISA, permezz tal-mudell li jinsab fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa ta’ awditu, abbażi ta’ dokumenti u ta’ spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta’ għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-ENISA.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż spezzjonijiet u verifiki fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (31), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-ENISA.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja tal-ENISA għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU V

Persunal

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet ġenerali

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’Impjieg ta’ Aġenti Oħra, kif ukoll ir-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra jsiru effettivi, għandhom japplikaw għall-persunal tal-ENISA.

Artikolu 35

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u mat-TFUE għandu japplika għall-ENISA u l-persunal tagħha.

Artikolu 36

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-ENISA skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, b’segwitu għal proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti.

3.   Għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-ENISA għandha tkun irrappreżentata mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija.

4.   Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord ta’ Tmexxija għandu jiġi mistieden biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew u biex iwieġeb mistoqsijiet tal-Membri.

5.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-ENISA.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 18(2).

7.   Il-Bord tat-Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tieħu kont tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal ħames snin.

8.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien tliet xhur qabel kwalunkwe tali estensjoni, id-Direttur Eżekuttiv, jekk jiġi mistieden, għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Membri.

9.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura ta’ għażla oħra għall-istess post.

10.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 37

Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.   L-ENISA tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-ENISA. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra ma għandhomx japplikaw għal tali persunal.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistipula regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali għal-ENISA.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ENISA

Artikolu 38

Status ġuridiku tal-ENISA

1.   L-ENISA għandha tkun korp tal-Unjoni u għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F’kull Stat Membru, l-ENISA għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tista’ tingħata lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet nazzjonali. Tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-ENISA għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 39

Responsabbiltà tal-ENISA

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-ENISA għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenzi skont kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tinstab f’kuntratt konkluż mill-ENISA.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-ENISAgħandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe tilwim dwar il-kumpens għad-dannu kif msemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-ENISA lejn l-ENISA għandha tkun regolata mill-kondizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-ENISA.

Artikolu 40

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (32) għandu japplika għall-ENISA. L-Istati Membri u l-korpi l-oħra maħtura mill-Istati Membri jistgħu jindirizzaw lill-ENISA u jirċievu tweġiba fil-lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-għażla tagħhom.

2.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-ENISA għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 41

Protezzjoni tad-data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-ENISA għandha tkun soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ implimentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jadotta miżuri addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-ENISA.

Artikolu 42

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Safejn ikun meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-ENISA tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, jew mat-tnejn li huma. Għal dak il-għan, L-ENISA tista’ tistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, soġġett għall-approvazzjoni bil-quddiem mill-Kummissjoni. Dawk l-arranġamenti ta’ ħidma ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi fuq l-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

2.   L-ENISA għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni f’dak ir-rigward. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ tali ftehimiet, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw b’mod partikolari in-natura, il-grad sa fejn u l-mod li bih dawk il-pajjiżi terzi għandhom jieħdu sehem fil-ħidma tal-ENISA,u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi mwettqa mill-ENISA, dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u dwar il-persunal. Fir-rigward ta’ materji tal-persunal, dawk l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra fi kwalunkwe każ.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għalihom tkun kompetenti l-ENISA. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ENISA topera fil-limiti tal-mandat tagħha u tal-qafas istituzzjonali eżistenti billi tikkonkludi arranġament ta’ ħidma adatt mad-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA.

Artikolu 43

Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u ta’ informazzjoni klassifikata

Wara li tikkonsulta lill-Kummissjoni, l-ENISA għandha tadotta regoli ta’ sigurtà li japplikaw il-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u EUCI, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 u 2015/444. Ir-regoli ta’ sigurtà tal-ENISA għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ tali informazzjoni.

Artikolu 44

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u kundizzjonijiet tal-operat

1.   L-arranġamenti meħtieġa li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ENISA fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom isiru disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti lid-Direttur Eżekuttiv, lill-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, lill-persunal tal-ENISA u lill-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati fi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-ENISA u l-Istat Membru ospitanti, konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

2.   L-Istat Membru ospitanti tal-ENISA għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ENISA, b’kont meħud tal-aċċessibbiltà tal-post, l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni adegwati għat-tfal tal-membri tal-persunal, aċċess adatt għas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi tal-membri tal-persunal.

Artikolu 45

Kontroll amministrattiv

L-operat tal-ENISA għandu jaqa’ taħt is-superviżjoni tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 TFUE.

TITOLU III

QAFAS TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 46

Qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jkun stabbilit sabiex itejjeb il-kondizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern billi jżid il-livell ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni u jippermetti approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għal skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, bil-ħsieb li jinħoloq suq uniku diġitali għal prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

2.   Il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jipprevedi mekkaniżmu li jistabbilixxi skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u li jikkonferma li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jkunu ġew evalwati f’konformità ma’ tali skemi jikkonformaw ma’ rekwiżiti tas-sigurtà speċifikati bil-għan li jiġu protetti d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità jew il-kunfidenzjalità ta’ data maħżuna jew trasmessa jew ipproċessata jew il-funzjonijiet jew is-servizzi offruti minn, jew aċċessibbli permezz, ta’ dawk il-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Artikolu 47

Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà Ewropea

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà Ewropea (“il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni”) li għandu jidentifika l-prijoritajiet strateġiċi għal skemi futuri Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

2.   Il-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għandu b’mod partikolari jinkludi lista ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT jew ta’ kategoriji tagħhom li jkunu jistgħujibbenefikaw jekk jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

3.   L-inklużjoni ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT jew kategoriji tagħhom speċifiċi fil-Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għandha tiġi ġġustifikata abbażi ta wieħed jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-disponibbiltà u l-iżvilupp ta’ skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jkopru kategorija speċifika ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT u b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju ta’ frammentazzjoni

(b)

liġi jew politika rilevanti tal-Unjoni jew tal-Istati Membriu;

(c)

domanda tas-suq;

(d)

żviluppi fl-ambjent tat-theddid ċibernetiku;

(e)

talba għat-tħejjija ta’ skema kandidata speċifika proposta mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi (ECCG).

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont dovut tal-opinjonijiet maħruġa mill-ECCG u l-Grupp taċ-Ċertifikazzjoni tal-Partijiet Ikkonċernati dwar l-abbozz tal-Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni.

5.   L-ewwel programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għandu jiġi ppubblikat sat-28 ta’ Ġunju 2020. Il-Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għandu jiġi aġġornat, tal-inqas kull tliet snin u aktar ta’ spiss jekk meħtieġ.

Artikolu 48

Talba għal skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-ENISA tħejji skema kandidata jew tirrevedi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà eżistenti abbażi tal-Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni.

2.   F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni jew l-ECCG jista’ jitlob lill-ENISA tħejji skema kandidata Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew tirrevedi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà eżistenti li ma tkunx inkluża fil-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni. Il-Programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni għandu jiġi aġġornat kif meħtieġ.

Artikolu 49

Tħejjija, adozzjoni u rieżami ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Wara talba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 48, l-ENISA għandha tħejji skema kandidata li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54.

2.   Fuq talba mill-ECCG skont l-Artikolu 48(2), l-ENISA tista’ tħejji skema kandidata li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54. Jekk l-ENISA tiċħad tali talba, għandha tagħti raġunijiet għal tali ċaħda. Kwalunkwe deċiżjoni li tinċaħad tali talba għandha tittieħed mill-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Meta tħejji skema kandidata, l-ENISA għandha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni formali, miftuħa, trasparenti u inklużivi.

4.   Għal kull skema kandidata, l-ENISA għandha tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ad hoc f’konformità mal-Artikolu 20(4) bil-għan li jipprovdi parir speċifiku u għarfien espert lill-ENISA.

5.   L-ENISA għandha tikkoopera mill-qrib mal-ECCG. Il-ECCG għandu jipprovdi assistenza u pariri esperti lill-ENISA b’rabta mat-tħejjija tal-iskema kandidata u għandu jadotta opinjoni dwar l-iskema kandidata.

6.   L-ENISA għandha tieħu kemm jista’ jkun kont tal-opinjoni tal-ECCG qabel ma tibgħat l-iskema kandidata mħejjija f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5 lill-Kummissjoni. L-opinjoni tal-ECCG ma għandhiex tkun vinkolanti fuq l-ENISA, u n-nuqqas ta’ tali opinjoni lanqas ma għandu jimpedixxi lill-ENISA milli tibgħat l-iskema kandidata lill-Kummissjoni.

7.   Abbażi tal-iskema kandidata prreparata mill-ENISA, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jipprevedu skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall- prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 51, 52 u 54. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 66(2).

8.   Tal-inqas kull ħames snin, l-ENISA għandha tevalwa kull skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati, b’kont meħud tal-feedback li tirċievi mill-partijiet interessati. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni jew il-ECCG jista’ jitlob lill-ENISA biex tibda l-proċess ta’ żvilupp ta’ skema kandidata riveduta f’konformità mal-Artikoli 48 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 50

Sit web dwar skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   L-ENISA għandha tieħu ħsieb sit web iddedikat li jagħti informazzjoni dwar, u jirreklama, skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, ċertifikati Ewropej taċ-Ċibersigurtà u dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE, inkluż informazzjoni fir-rigward ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikati taċ-ċibersigurtà li m’għadhomx validi, ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u dikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-UE li ġew irtirati jew li skadew u tar-repożitorju ta’ links għal informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà pprovduti f’konformità mal-Artikolu 55.

2.   Fejn applikabbli, is-sit web imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika wkoll l-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jkunu ġew sostitwiti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 51

Objettivi marbutin mas-sigurtà tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandha titfassal b’tali mod li tikseb, kif applikabbli, tal-inqas l-objettivi marbutin mas-sigurtà li ġejjin:

(a)

il-protezzjoni tad-data maħżuna, trasmessa jew ipproċessata b’xi mod ieħor, minn ħżin, ipproċessar, aċċess jew divulgazzjoni aċċidentali jew mhux awtorizzata tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott ICT, tas-servizz ICT jew tal-proċess ICT;

(b)

il-protezzjoni tad-data maħżuna, trasmessa jew ipproċessata b’xi mod ieħor milli tinqered, tintilef jew tiġi mmodifikata b’mod aċċidentali jew mhux awtorizzat jew minn nuqqas ta’ disponibbiltà tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott ICT, tas-servizz ICT jew tal-proċess ICT;

(c)

li persuni, programmi jew magni awtorizzati jkunu jistgħu biss jaċċessaw id-data, is-servizzi jew il-funzjonijiet li għalihom jirreferu d-drittijiet tagħhom ta’ aċċess;

(d)

l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ dipendenzi u vulnerabbiltajiet magħrufa;

(e)

ir-reġistrazzjoni ta’ liema data, servizzi jew funzjonijiet ikunu ġew aċċessati, użati jew ipproċessati b’xi mod ieħor, il-ħinijiet ta’ meta sar dan u minn min;

(f)

ikun possibbli li jiġi vverifikat liema data, servizzi jew funzjonijiet ikunu ġew aċċessati, użati jew ipproċessati b’xi mod ieħor, il-ħinijiet ta’ meta sar dan u minn min;

(g)

il-verifikazzjoni li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u proċessi tal-ICT ma jkunx fihom vulnerabbiltajiet magħrufa;

(h)

l-istabbiliment mill-ġdid tad-disponibbiltà u l-aċċess għad-data, is-servizzi u l-funzjonijiet mingħajr dewmien fil-każ ta’ inċident fiżiku jew tekniku;

(i)

li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT ikunu siguri b’mod awtomatiku u mid-disinn;

(j)

li l-prodotti ICT, servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT jiġu pprovduti b’software u hardware aġġornati li ma jkunx fihom vulnerabbiltajiet magħrufa pubblikament, u jiġu pprovduti b’mekkaniżmi għal aġġornamenti sikuri.

Artikolu 52

Livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tispeċifika wieħed jew aktar mil-livelli ta’ assigurazzjoni li ġejjin għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT: “bażiku”, “sostanzjali” jew “għoli”. Il-livell ta’ assigurazzjoni għandu jkun proporzjonat mal-livell tar-riskju assoċjat mal-użu maħsub tal-prodott ICT, is-servizz ICT jew il-proċess tal-ICT, f’termini tal-probabbiltà u l-impatt ta’ inċident.

2.   Iċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u d-dikjarazzjoniijiet tal-konformità tal-UE għandhom jirreferu għal kwalunkwe livell ta’ assigurazzjoni speċifikat fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li skontu jkunu nħarġu ċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jew id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

3.   Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li jikkorrispondu għal kull livell ta’ assigurtazzjoni għandhom jiġu pprovduti fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni tal-ċibersigurtà, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sigurtà korrispondenti u l-grad ta’ serjetà u approfondiment tal-evalwazzjoni li għandu jsirlu l-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT.

4.   Iċ-ċertifikat jew id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandhom jirreferu għal speċifikazzjonijiet tekniċi, standards u proċeduri relatati magħhom, inkluż kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu r-riskju ta’ inċidenti ta’ ċibersigurtà jew jipprevenuhom.

5.   Ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jew dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE li tirreferu għal-livell ta’ assigurazzjoni “bażiku” għandhom jjipprovdu assigurazzjoni li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li għalihom ikunu nħarġu dak iċ-ċertifikat jew dik id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà korrispondenti, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sigurtà, u li jkunu ġew evalwati f’livell li hu intiż li jimminimizza r-riskji bażiċi magħrufa ta’ inċidenti u attakki ċibernetiċi. L-attivitajiet ta’ evalwazzjoni li jridu jittieħdu għandhom jinkludu tal-inqas rieżami tad-dokumentazzjoni teknika. Fejn tali reviżjoni ma tkunx adatta, għandhom isiru attivitajiet ta’ evalwazzjoni b’effett ekwivalenti.

6.   Ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà li jirreferi għal-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li għalihom ikun inħareġ dak iċ-ċeritifkat jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà korrispondenti, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sigurtà, u jkunu ġew evalwati evalwazzjoni f’livell intiż li jimminimizza r-riskji ċibernetiċi magħrufa, u r-riskju ta’ inċidenti u attakki ċibernetiċi mwettqa minn atturi b’ħiliet u riżorsi limitati. L-attivitajiet ta’evalwazzjoni li jridu jittieħdu għandha tinkludi tal-inqas dawn li ġejjin: rieżami biex jintwera n-nuqqas ta’ vulnerabbiltajiet magħrufa pubblikament u ttestjar biex jintwera li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT jimplimentaw b’mod korrett il-funzjonalitajiet tas-sigurtà meħtieġa. Fejn kwalunkwe attivitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ dan it-tip ma jkunux adatti, jistgħu jintużaw attivitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ sostituzzjoni b’effett ekwivalenti.

7.   Ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà li jirreferi għal livell ta’ assigurazzjoni “għoli” għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li għalihom ikun inħareġ dak iċ-ċertifikat jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà korrispondenti, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sigurtà, u li jkunu ġew evalwati f’livell inti li jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ attakki ċibernetiċi tal-ogħla livell imwettqa minn atturi b’ħiliet u riżorsi sinifikanti. L-attivitajiet ta’ evalwazzjoni li jridu jsiru għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin: rieżami biex jintwera n-nuqqas ta’ vulnerabbiltajiet magħrufa pubblikament;, ittestjar biex jintwera li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT jimplimentaw b’mod korrett il-funzjonalitajiet tas-sigurtà meħtieġa sal-ogħla livell; u valutazzjoni tar-reżistenza tagħhom kontra attakkanti esperti, billi jiġi ttestjat jekk tistax issir penetrazzjoni. Fejn kwalunkwe attivitajiet ta’ evalwazzjoni ta’ dan it-tip ma jkunux adatti, jistgħu jsiru attivitajiet ta’ sostituzzjoni b’effett ekwivalenti.

8.   Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tispeċifika diversi livelli ta’ evalwazzjoni skont kemm tkun serja u approfondita l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni użata. Kull wieħed mil-livelli ta’ evalwazzjoni għandu jikkorrispondi għal wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni u għandu jkun definit b’taħlita adatta ta’ komponenti ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 53

Awtovalutazzjoni tal-konformità

1.   Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tippermetti l-awtovalutazzjoni tal-konformità taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-manifattur jew tal-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT. L-awtovalutazzjoni tal-konformità għandha tkun permessa biss fir-rigward tal-prodotti ICT, -servizzi ICT, u proċessi tal-ICT li jippreżentaw riskju baxx li jikkorrispondi għal-livell ta’ assigurazzjoni “bażiku”.

2.   Il-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT jista’ joħroġ dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE li tiddikjara li ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-iskema. Permezz tal-ħruġ ta’ tali dikjarazzjoni, il-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott ICT, is-servizz ICT jew il-proċess tal-ICT mar-rekwiżiti stabbiliti fl-iskema.

3.   Il-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT għandu jagħmel id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, id-dokumentazzjoni teknika, ul-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha relatata mal-konformità tal-prodotti ICT jew is-servizzi ICT mal-iskema disponibbli lill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 58(1) għall-perijodu previst fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà korrispondenti. Kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u lill-ENISA.

4.   Il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE huwa volontarju, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt tal-Istati Membri.

5.   Id-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 54

Elementi tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandha tinkludi tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni, inkluż it-tip jew il-kategoriji ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT koperti;

(b)

deskrizzjoni ċara tal-għan tal-iskema u ta’ kif l-istandards, il-metodi ta’ evalwazzjoni u l-livelli ta’ assigurazzjoni magħżula jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-utenti maħsuba tal-iskema;

(c)

referenzi għall-istandards internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali applikati fl-evalwazzjoni jew fejn tali standards ma jkunux disponibbli jew adatti, għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew, jekk tali speċifikazzjonijiet ma jkunux disponibbli, għal speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra taċ-ċibersigurtà definiti fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(d)

fejn applikabbli, livell ta’ assigurazzjoni wieħed jew aktar;

(e)

indikazzjoni ta’ jekk tkunx permessa awtovalutazzjoni tal-konformità taħt l-iskema;

(f)

fejn applikabbli, rekwiżiti speċifiċi jew addizzjonali li għalihom huma soġġetti l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità sabiex tiġi garantita l-kompetenza teknika tagħhom li jevalwaw ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà;

(g)

il-kriterji u l-metodi speċifiċi ta’ evalwazzjoni li jirdu jintużaw, inkluż it-tipi ta’ evalwazzjoni, sabiex jintwera li jinkisbu l-objettivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 51;

(h)

fejn applikabbli, l-informazzjoni li hija meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni u li trid tingħata jew b’mod ieħor titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità minn applikant;

(i)

fejn l-iskema tipprevedi marki jew tikketti, il-kondizzjonijiet li skonthom jistgħu jintużaw tali marki jew tikketti;

(j)

ir-regoli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti ICT, tas-servizzi ICT u tal-proċessi tal-ICT mar-rekwiżiti taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà jew id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, inkluż mekkaniżmi li juri l-konformità kostanti mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà speċifikati;

(k)

fejn applikabbli, il-kondizzjonijiet għall-ħruġ, il-manutenzjoni, it-tkomplija u t-tiġdid taċ-ċertifikati Ewropjw taċ-ċibersigurtà, kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-estensjoni jew it-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni;

(l)

ir-regoli dwar il-konsegwenzi għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jkunu ġew iċċertifikati jew li għalihom tkun inħarġet dikjarazzjoni tal-konformità, iżda li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-iskema;

(m)

ir-regoli dwar kif għandhom jiġu rappurtati u indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbutin maċ-ċibersigurtà fil- prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li ma kinux ġew identifikati preċedentement;

(n)

fejn applikabbli, ir-regoli dwar iż-żamma ta’ rekords minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(o)

l-identifikazzjoni ta’ skemi nazzjonali jew internazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jkopru l-istess tip jew kategoriji ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT, rekwiżiti tas-sigurtà, metodi u kriterji ta’ evalwazzjoni u livelli ta’ assigurazzjoni;

(p)

il-kontenut u l-format taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE li jridu jinħarġu;

(q)

il-perijodu tad-disponibbiltà tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE, id-dokumentazzjoni teknika, u l-informazzjoni rilevanti kollha mill-manifattur jew il-fornitur ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT;

(r)

il-perijodu ta’ validità massimu taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa taħt l-iskema;

(s)

il-politika ta’ divulgazzjoni għal ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa, emendati jew irtirati taħt l-iskema;

(t)

il-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

(u)

fejn applikabbli, ir-regoli dwar kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rieżami bejn il-pari stabbilit mill-iskema għall-awtoritajiet jew korpi li joħorġu ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà għal livell ta’ assigurazzjoni “għoli” skont l-Artikolu 56(6). Tali mekkaniżmu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rieżami bejn il-pari previst fl-Artikolu 59;

(v)

il-format u l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-manifatturi jew il-fornituri tal-prodotti ICT, tas-servizzi ICT jew tal-proċessi tal-ICT fl-għoti u l-aġġornament tal-informazzjoni supplementari dwar iċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 55.

2.   Ir-rekwiżiti speċifikati tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom ikunu konsistenti ma kwalunkwe rekwiżit legali applikabbli, b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-liġi armonizzata tal-Unjoni.

3.   Fejn dan ikun previst minn att ġuridiku speċifiku tal-Unjoni, ċertifikat jew dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE maħruġa taħt skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tintuża biex tintwera l-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ dak l-att ġuridiku.

4.   Fin-nuqqas ta’ liġi armonizzata tal-Unjoni, il-liġi tal-Istati Membri tista’ tipprevedi wkoll li skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tintuża biex tiġi stabbilita l-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti legali.

Artikolu 55

Informazzjoni supplimentari dwar iċ-ċibersigurtà għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT ċċertifikati

1.   Il-manifattur jew il-fornitur tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT iċċertifikati li għalihom tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jagħmel disponibbli pubblikament l-informazzjoni supplementari dwar iċ-ċibersigurtà li ġejja:

(a)

gwida u rakkomandazzjonijiet biex jassistu lill-utenti aħħarin fil-konfigurazzjoni, l-installazzjoni, l-iskjerament, l-operat u l-manutenzjoni tal-prodotti ICT jew servizzi ICT;

(b)

il-perijodu li matulu ser jiġi offrut l-appoġġ għas-sigurtà lill-utenti aħħarin b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ aġġornamenti relatati maċ-ċibersigurtà;

(c)

informazzjoni ta’ kuntatt tal-manifattur jew fornitur u metodi aċċettati għar-riċeviment ta’ informazzjoni dwar il-vulnerabbiltà mill-utenti aħħarin u r-riċerkaturi tas-sigurtà;

(d)

referenza għal repożitorji online li jelenkaw vulnerabbiltajiet divulgati pubblikament relatati mal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT u ma’ kwalunkwe parir rilevanti dwar iċ-ċibersigurtà.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli f’forma elettronika u għandha tibqa’ disponibbli u tiġi aġġornata kif meħtieġ mill-inqas sal-iskadenza taċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jew id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE korrispondenti.

Artikolu 56

Ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Għandu jiġi preżunt li l-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li jkunu ġew iċċertifikati taħt skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottata skont l-Artikolu 49 ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ tali skema.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandha tkun volontarja, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod regolari l-effiċjenza u l-użu tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati u jekk xi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà speċifikagħandhiex issir obbligatorja permezz ta’ liġi rilevanti tal-Unjoni biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ ċibersigurtà tal-prodotti ICT, tas-servizzi ICT u tal-proċessi tal-ICT fl-Unjoni u jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern. L-ewwel valutazzjoni għandha titwettaq sal-31 ta’ Diċembru 2023, u valutazzjonijiet sussegwenti għandhom jitwettqu tal-inqas kull sentejn wara dan. Skont l-eżitu ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT koperti minn skema taċ-ċertifikazzjoni eżistenti li jridu jkunu koperti minn skema taċ-ċertifikazzjoni obbligatorja.

Bħala prijorità, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq is-setturi elenkati fl-Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1148, li għandhom jiġu vvalutati mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tal-ewwel skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

Meta tħejji l-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tieħu kont tal-impatt tal-miżuri fuq il-manifatturi jew il-fornituri ta’ tali prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT u fuq l-utenti f’termini ta’ spiża ta’ dawk il-miżuri u l-benefiċċji soċjetali jew ekonomiċi li jirriżultaw mil-livell imtejjeb antiċipat ta’ sigurtà għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT fil-mira jew il-proċessi ICT;

(b)

tieħu kont tal-eżistenza u l-implimentazzjoni tal-liġi rilevanti tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi;

(c)

twettaq proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ, trasparenti u inklużiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u mal-Istati Membri;

(d)

tieħu kont ta’ kwalunkwe implimentazzjoni, il-miżuri u il-perijodi transitorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt possibbli tal-miżuri fuq il-manifatturi jew fornituri ta’ prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT, inkluż SMEs;

(e)

tipproponi l-aktar mod rapidu u effiċjenti li bih trid tiġi implimentata t-transizzjoni minn skemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni għal dawk obbligatorji.

4.   Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 60 għandhom joħorġu ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà skont dan l-Artikolu li jirreferu għal-livell ta’ assigurazzjoni “bażiku” jew “sostanzjali” abbażi tal-kriterji inklużi fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 49.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, f’każijiet debitament ġustifikati, skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tipprevedi li ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà li jirriżultaw minn dik l-iskema jridu jinħarġu biss minn korp pubbliku. Tali korp għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 58(1); jew

(b)

korp pubbliku li jkun akkreditat bħala korp ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 60(1).

6.   Fejn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottata skont l-Artikolu 49 teħtieġ livell ta’ assigurazzjoni “għoli”, iċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà taħt dik l-iskema jrid jinħareġ biss minn awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-każijiet li ġejjin, minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità:

(a)

bl-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għal kull ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà individwali maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità; jew

(b)

abbażi ta’ delega ġenerali tal-kompitu ta’ ħruġ ta’ tali ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà lil korp ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

7.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta l-prodotti ICT, is-servizzi ICT jew il-proċessi tal-ICT għaċ-ċertifikazzjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni t tal-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 58, fejn dik l-awtorità tkun il-korp li joħroġ iċ-ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà, jew il-korp tal-valutazzjoni tl-konformità msemmi fl-Artikolu 60 l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq iċ-ċertifikazzjoni.

8.   Id-detentur ta’ ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà għandu jinforma lill-awtorità jew korp imsemmi fuil-paragrafu 7 bi kwalunkwe vulnerabbiltà jew irregolarità li jiskopri sussegwentement rigward is-sigurtà tal-prodott ICT, is-servizz ICT jew il-proċess tal-ICT iċċertifikat li jista’ jkollha impatt fuq il-konformità mar-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni. Dik l-awtorità jew korp għandu jibgħat dik l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà kkonċernata.

9.   Ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà għandu jinħareġ għall-perijodu previst fl-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u jistgħu jiġġeddu,dment li jibqgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti.

10.   Ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà maħruġ skont dan l-Artikolu għandu jiġi rikonoxxut fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 57

Skemi u ċertifikati nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-proċeduri relatati għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li huma koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jieqfu japplikaw mid-data stabbilita fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 49(7). L-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-proċeduri relatati għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT li mhumiex koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jibqgħu jeżistu.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu skemi nazzjonali ġodda taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li tkun fis-seħħ.

3.   Iċ-ċertifikati eżistenti li nħarrġu skont skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u li huma koperti minn skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.

4.   Bil-ħsieb li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ECCG bi kwalunkwe intenzjoni li jfasslu skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ġodda.

Artikolu 58

Awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà waħda jew aktar fit-territorju tiegħu, jew, bil-qbil ta’ Stat Membru ieħor, għandu jaħtar awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà waħda jew aktar stabbiliti f’dak l-Istat Membru l-ieħor biex ikunu responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru tal-ħatra.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-identità tal- awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Fejn Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità waħda, huwa għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni dwar il-kompiti assenjati lil kull waħda minn dawk l-awtoritajiet.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-Artikolu 48(4) u l-Artikolu 56(6), kull awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandha tkun indipendenti mill-entitajiet li tissorvelja fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament, fl-istruttura ġuridika u fil-mod kif tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 56(5) u fl-Artikolu 56(6) huma strettament separati mill-attivitajiet superviżorji tagħhom stabbiliti f’dan l-Artikolu u li dawk l-attivitajiet jitwettqu indipendentement minn xulxin.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jkollhom ir-riżorsi adegwati biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom u jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti.

6.   Għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, ikun adatt li l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jipparteċipaw fil-ECCG b’mod attiv, effettiv, effiċjenti u sigur.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom:

(a)

jissorveljaw u jinfurzaw ir-regoli inklużi fl-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont il-punt (j) tal-Artikolu 54(1) għall-monitoraġġ tal-konformità tal- prodotti ICT, is-servizzi ICT u l-proċessi tal-ICT mar-rekwiżiti taċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà li jkunu nħarġu fit-territorji rispettivi tagħhom, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rilevanti l-oħra;

(b)

jimmonitorjaw il-konformità ma’ u jinfurzaw, l-obbligi tal-manifatturi jew il-fornituri tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT ul- proċessi tal-ICT li jkunu stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom u li jwettqu awtovalutazzjoni tal-konformità, u għandhom b’mod partikolari jimmonitorjaw il-konformità ma’ u jinfurzaw l-obbligi ta’ tali manifatturi jew fornituri stabbiliti fl-Artikolu 53(2) u (3) u fl-iskema korrispondenti Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 60(3), jassistu u jappoġġaw b’mod attiv lill-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni fil-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, għall-fini ta’ dan ir-Regolament;

(d)

jimmonitorjaw u jissorveljaw l-attivitajiet tal-korpi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 56(5);

(e)

fejn applikabbli jawtorizzaw lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont mal-Artikolu 60(3) u jirrestrinġu, jissospendu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni eżistenti fejn il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jiksru rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(f)

jittrattaw l-ilmenti mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew, ta’ ċettifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 56(6) jew fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-UE maħruġa skont l-Artikolu 53, u għandhom jinvestigaw is-suġġett ta’ tali ilmenti safejn ikun adatt, u għandhom jinfurmaw lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perijodu raġonevoli;

(g)

jipprovdu rapport sommarju annwali dwar l-attivitajiet imwettqa skont il-punti (b), (c) u (d) ta’ dan il-paragrafu jew skont il-paragrafu 8 lill-ENISA u lill-ECCG;

(h)

jikkooperaw ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew awtoritajiet pubbliċi oħra, inkluż billi jikkondividu l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità possibbli tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT ul- proċessi tal-ICT mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew mar-rekwiżiti ta’ skemi speċifiċi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà; u

(i)

jimmonitorjaw l-iżviluppi rilevanti fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

8.   Kull awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jkollha mill-inqas is-setgħat li ġejjin:

(a)

li titlob lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, lid-detenturi ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u lil min joħroġ dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li teħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha;

(b)

li twettaq l-investigazzjonijiet, fil-forma ta’ awditi, tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità,tad-detenturi ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u ta’ min joħroġ dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE, għall-fini li tivverifika l-konformità tagħhom ma’ dan it-Titolu;

(c)

li tieħu miżuri adatti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, sabiex tiżgura li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, id-detenturi ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u min joħroġ dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jew ma’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(d)

li tikseb aċċess għas-sede ta’ kwalunkwe korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew ta’ detenturi ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà, bil-għan li twettaq investigazzjonijiet f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi proċeduralital-Istati Membri;

(e)

li tirtira, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà maħruġa minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 56(6), meta tali ċertifikati ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament jew ma’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(f)

li timponi pieni f’konformità mal-liġi nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 65, u li teħtieġ il-waqfien immedjat tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

9.   L-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni, b’mod partikolari, billi jiskambjaw informazzjoni, esperjenza u prattiki tajba fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u kwistjonijiet tekniċi rigward iċ-ċibersigurtà ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT.

Artikolu 59

Rieżami bejn il-pari

1.   Bil-ħsieb li jinkisbu standards ekwivalenti fl-Unjoni kollha fir-rigward ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà u dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom ikunu soġġetti għal rieżami bejn il-pari.

2.   Ir-rieżami bejn il-pari għandu jitwettaq abbażi ta’ kriterji u proċeduri ta’ evalwazzjoni korretti u trasparenti, b’mod partikolari dwar ir-rekwiżiti strutturali, proċesswali u tar-riżorsi umani, il-kunfidenzjalità u l-ilmenti.

3.   Ir-rieżami bejn il-pari jivvaluta:

(a)

fejn applikabbli, jekk l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 56(5) u fl-Artikolu 56(6) huma strettament separati mill-attivitajiet superviżorji tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 58 u jekk dawk l-attivitajiet jitwettqux indipendentement minn xulxin;

(b)

il-proċeduri għas-superviżjoni u l-infurzar tar-regoli għall-monitoraġġ tal-konformità ta’ prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT maċ-ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà skont il-punt (a) tal-Artikolu 58(7),

(c)

il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-obbligi tal-manifatturi jew il-fornituri ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT skont il-punt (b) tal-Artikolu 58(7);

(d)

il-proċeduri għall-monitoraġġ, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(e)

fejn applikabbli, jekk il-persunal tal-awtoritajiet jew il-korpi li joħorġu ċertifikati għal livell ta’ assigurazzjoni “għoli” skont l-Artikolu 56(6) ikollhomx l-għarfien espert adatt.

4.   Ir-rieżami bejn il-pari għandu jitwettaq minn tal-inqas żewġ awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà ta’ Stati Membri oħra u mill-Kummissjoni u għandu jitwettaq tal-inqas darba kull ħames snin. L-ENISA tista’ tipparteċipa fir-rieżami bejn il-pari.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu pjan għar-rieżami bejn il-pari li jkopri perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, jistipula l-kriterji dwar il-kompożizzjoni tat-tim tar-rieżami bejn il-pari, il-metodoloġija li trid tintuża fir-rieżami bejn il-pari, u l-iskeda, il-frekwenza u kompiti oħra relatati magħha. Fl-adozzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont b’mod dovut tal-fehmiet tal-ECCG. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 66(2).

6.   L-eżiti tar-rieżamijiet bejn il-pari għandhom jiġu eżaminati mill-ECCG, li għandu jfassal sommarji li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u li għandu, fejn meħtieġ, joħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet jew miżuri li għandhom jittieħdu mill-entitajiet ikkonċernati.

Artikolu 60

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiġu akkreditati mill-korpi nazzjonali ta’ akkreditament imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Tali akkreditament għandu jinħareġ biss meta l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.   Fejn ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jinħareġ minn awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont il-punt (a) tal-Artikolu 56(5) u l-Artikolu 56(6), il-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandu jiġi akkreditat bħala korp ta’ valutazzjoni tal-konformità skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Fejn l-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi jew addizzjonali skont il-punt (f) tal-Artikolu 54(1), huma biss korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti li jiġu awtorizzati mill-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà biex iwettqu kompiti taħt dawn l-iskemi.

4.   L-akkreditament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinħareġ lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għal perijodu massimu ta’ ħames snin u tista’ tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet, dment li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditament għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli biex jirrestrinġu, jissospendu jew jirrevokaw l-akkreditament ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità maħruġ skont il-paragrafu 1 fejn il-kondizzjonijiet għall-akkreditament ma jkunux ġew issodisfati jew ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jew fejn il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jikser dan ir-Regolament.

Artikolu 61

Notifika

1.   Għal kull skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, l-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew akkreditati u, fejn applikabbli, awtorizzati skont l-Artikolu 60(3) biex joħorġu ċertifikati Ewropej taċ-ċibersigurtà f’livelli ta’ assigurazzjoni speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 52. L-awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil sussegwenti f’dan ir-rigward mingħajr dewmien żejjed.

2.   Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati skont dik l-iskema f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi notifika wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 21, għandha tippubblika l-emendi għal-lista ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità notifikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahrejn mid-data meta tirċievi dik in-notifika.

4.   Awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tista’ tippreżenta talba lill-Kummissjoni biex jitneħħa korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnotifikat minn dik l-awtorità mil-lista msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi korrispondenti għal-lista f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahar mid-data li fiha tirċievi t-talba tal-awtorità nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi, il-formati u l-proċeduri għan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 66(2).

Artikolu 62

Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà

1.   Għandu jiġi stabbilit Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (il-ECGG).

2.   Il-ECCG għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra. Membru tal-ECCG ma għandux jirrappreżenta aktar minn żewġ Stati Membri.

3.   Partijiet ikkonċernati u partijiet terzi rilevanti jistgħu jiġu mistiedna biex jattendu laqgħat tal-ECGG u li jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu.

4.   Il-ECGG għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan it-Titolu, b’mod partikolari fir-rigward tal-programm ta’ ħidma kontinwu tal-Unjoni, ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, il-koordinazzjoni ta’ approċċi ta’ politika u t-tħejjija ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(b)

li jassisti, jagħti pariri u jikkoopera mal-ENISA fir-rigward tat-tħejjija ta’ skema kandidata skont l-Artikolu 49;

(c)

li jadotta opinjoni dwar l-iskemi kandidati preparati mill-ENISA skont l-Artikolu 49;

(d)

li jitlob lill-ENISA tħejji skemi kandidati skont l-Artikolu 48(2);

(e)

li jadotta opinjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni relatati mal-manutenzjoni u r-rieżami ta’ skemi eżistenti Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(f)

li jeżamina żviluppi rilevanti fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u li jiskambja informazzjoni u tal-aqwa prattiki dwar skemi taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(g)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà taħt dan it-Titolu permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet rigward iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà;

(h)

li jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ rieżami bejn il-pari f’konformità mar-regoli stabbiliti fi skema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont il-punt (u) tal-Artikolu 54(1).

(i)

li jiffaċilita l-allinjament tal-iskemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, inkluż billi jirrieżamina skemi eżistenti Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u, fejn adatt, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-ENISA biex tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti tal-istandardizzazzjoni biex jiġu indirizzati insuffiċjenzi jew lakuni fl-istandards rikonoxxuti internazzjonalment disponibbli.

5.   Bl-għajnuna tal-ENISA, il-Kummissjoni għandha tippresiedi l-ECCG, u l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-ECCG b’segretarjat skont il-punt (e) tal-Artikolu 8(1).

Artikolu 63

Dritt li jitressaq ilment

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment quddiem min joħroġ ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà jew, meta l-ilment ikun jirrigwarda ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà maħruġ minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 56(6), quddiem l-awtorità nazzjonali rilevanti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

2.   L-awtorità jew il-korp li quddiemu jkun tressaq l-ilment għandhom jinformaw lill-ilmentatur dwar il-progress tal-proċedimenti u d-deċiżjoni meħuda, u għandhom jinformaw lil min ikun għamel l-ilment bid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif imsemmi fl-Artikolu 64.

Artikolu 64

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

1.   Minkejja kwalunkwe rimedju amministrattiv jew nonġudizzjarju ieħor, persuni fiżiċi u ġuridiċi għandu jkollhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fir-rigward ta’:

(a)

deċiżjonijiet meħuda minn awtorità jew korp imsemmija fl-Artikolu 63(1) inkluż, fejn applikabbli, fir-rigward tal-ħruġ mhux adatt, in-nuqqas ta’ ħruġ jew ir-rikonoxximent ta’ ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà li dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkollhom fil-pussess tagħhom;

(b)

nuqqas li tittieħed azzjoni dwar ilment imressaq quddiem awtorità jew korp imsemmi fl-Artikolu 63(1).

2.   Il-proċedimenti skont dan l-Artikolu għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih ikunu jinstabu l-awtorità jew il-korp li kontrihom ikun qed jintalab rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 65

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan it-Titolu u għall-ksur ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 66

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-punt (b) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 67

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-28 ta’ Ġunju 2024, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-ENISA u ta’prattiki tax-xogħol tagħha, l-ħtieġa possibbli li jiġi mmodifikat il-mandat tal-ENISA u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe tali modifika. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe feedback pprovdut mill-ENISA b’rispons għall-attivitajiet tagħha. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-operazzjoni kontinwa tal-ENISA ma għadhiex iġġustifikata fid-dawl tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti assenjati lilha, Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ENISA.

2.   L-evalwazzjoni għandha tivvaluta wkoll l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-objettivi li jiġi żgurat livell adegwat ta’ ċibersigurtà tal-prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT fl-Unjoni u li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

3.   L-evalwazzjoni għandha tivvaluta jekk ikunux meħtieġa rekwiżiti taċ-ċibersigurtà essenzjali għall-aċċess għas-suq intern sabiex jiġi evitat li prodotti ICT, servizzi ICT u proċessi tal-ICT li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti bażiċi taċ-ċibersigurtà mid-dħul fis-suq tal-Unjoni.

4.   Sat-28 ta’ Ġunju 2024, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tgħaddi rapport dwar l-evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta’ Tmexxija. Is-sejbiet ta’ dak ir-rapport għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 68

Tħassir u suċċessjoni

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 jitħassar b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2019.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 526/2013 u għall-ENISA kif stabbilit minn dak ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għall-ENISA kif stabbilit b’dan ir-Regolament.

3.   L-ENISA kif stabbilita b’dan ir-Regolament għandha tissuċċiedi l-ENISA kif stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 526/2013 fir-rigward ta’ kull dritt ta’ proprjetà, ftehimiet, obbligi legali, kuntratti ta’ impjieg, impenji u responsabbiltajiet finanzjarji. Id-deċiżjonijiet kollha tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv adottati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 526/2013 għandhom jibqgħu validi, dment li huma jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

4.   L-ENISA għandha tiġi stabbilita għal perijodu ta’ żmien indefinit mis-27 ta’ Ġunju 2019.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv maħtur skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) Nru 526/2013 għandu jibqa’ fil-kariga u jeżerċita d-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv kif imsemmi fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament għall-bqija tal-mandat tal-kariga tad-Direttur Eżekuttiv. Il-kundizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu jew tagħha għandhom jibqgħu l-istess.

6.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u s-supplenti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 526/2013 għandhom jibqgħu fil-kariga u jeżerċitaw il-funzjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija kif imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament għall-bqija tal-mandat tagħhom.

Artikolu 69

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikoli 58, 60, 61, 63, 64 u 65 għandhom japplikaw mit-28 ta’ Ġunju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 86.

(2)  ĠU C 176, 23.5.2018, p. 29

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tagħha (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 580/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-perijodu effettiv (ĠU L 165, 24.6.2011, p. 3).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (OJ L 201, 31.7.2002, p. 37).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(13)  Id-Deċiżjoni (KE, Euratom) Nru 2004/97 meħuda bi ftehim komuni minn rappreżentanti tal-Istati Membri, laqgħa f’livell ta’ kap ta’ stat jew livell governattiv tat-13 ta’ Diċembru 2003 dwar il-lok tas-sedji ta’ ċerti uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 29, 3.2.2004, p. 15).

(14)  ĠU C 12, 13.1.2018, p. 1.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(24)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(25)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(27)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(28)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(29)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(30)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(32)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


ANNESS

REKWIŻITI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI MILL-KORPI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ jiġu akkreditati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

1.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

2.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz li jkun indipendenti mill-organizzazzjoni jew mill-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jivvaluta.

3.

Korp li jappartjeni għal assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tal-prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT li jivvaluta jista’, jitqies bħala korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, bil-kondizzjoni li juri l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess.

4.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak responsabbli għall-manutenzjoni tal-prodott ICT, servizz ICT jew proċess tal-ICT li jiġi vvalutat, jew r-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dik il-projbizzjoni ma għandiexx tipprekludi l-użu tal-prodotti ICT vvalutati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ tali prodotti ICT għal finijiet personali.

5.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità, la għandhom ikunu involuti direttament fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni, fl-installazzjoni, fl-użu jew fil-manutenzjoni tal-prodotti ICT, is-servizzi ICT jew il-proċessi tal-ICT li jiġu vvalutati, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet inkarigati li jwettqu dawk l-attivitajiet. Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment ta’ livell għoli tagħhom u l-persuni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità a għandhomx jieħdu sehem fl-ebda attività li tista’ toħloq konflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità. Dik il-projbizzjonigħandha tapplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ konsulenza.

6.

Jekk korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun proprjetà ta’ entità jew istituzzjoni pubblika jew ikun operat minnhom, l-indipendenza u n-nuqqas ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess għandhom ikunu żgurati bejn l-awtorità nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, u għandhom jiġu dokumentati.

7.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħhom marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità.

8.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika rekwiżita fil-qasam speċifiku, u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u persważjoni, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet tagħhom marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità, inklużi pressjonijiet u persważjonijiet ta’ natura finanzjarja, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

9.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu skont dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk dawk il-kompiti jitwettqu mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnifsu, kif ukoll f’isem il-korp u taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Kwalunkwe sottokuntrattar għal, jew konsultazzjoni ta’, persunal estern għandha tkun dokumentata b’mod adatt, ma għandha tinvolvi l-ebda intermedjarju u għandha tkun soġġetta għal ftehim bil-miktub li jkopri, fost affarijiet oħra, il-kunfidenzjalità u l-konflitti ta’ interess. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità inkwistjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa tal-kompiti mwettqa.

10.

Fi kwalunkwe mument u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip, kategorija jew subkategorija ta’ prodotti ICT, is-servizzi ICT jew il-proċessi tal-ICT, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu dawn il-ħtiġijiet li ġejjin:

(a)

persunal b’għarfien tekniku u esperjenza biżżejjed u adatt biex iwettaq il-kompiti marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet tal-proċeduri li f’konformità magħhom trid titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, biex tiġi żgurata t-trasparenza u ta’ dawk il-proċeduri u l-possibbiltà tar-riproduzzjoni tagħhom. Dan għandu jkollu fis-seħħ il-politiki u l-proċeduri adatti li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat skont l-Artikolu 61 u l-attivitajiet l-oħra tiegħu;

(c)

proċeduri għat-twettiq ta’ attivitajiet li jieħdu kont dovut tad-daqs ta’ impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodotti ICT, tas-servizzi ICT jew tal-proċessi tal-ICT inkwistjoni u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

11.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi b’rabta mal-attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità b’mod adatt, u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa.

12.

Il-persuni responsabbli biex iwettaq l-attivitajiet marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dan li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet tal-konformità li jwettqu u awtorità adegwata li jwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u intendiment adatti dwar ir-rekwiżiti applikabbli u l-istandards tal-ittestjar;

(d)

il-kapaċità li jfassal ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu twettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità.

13.

Għandha tiġi garantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment ta’ livell għoli tagħhom, tal-persuni responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet tal-konformità, u ta’ kwalunkwe sottokuntrattur.

14.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment ta’ livell għoli u tal-persuni responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi mill-għadd ta’ valutazzjonijiet tal-konformità mwettqa jew fuq ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

15.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipprevedu polza tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma tinġarrx mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, jew l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

16.

Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tiegħu, il-kumitati tiegħ, is-sussidjarji tiegħu, is-sottokuntratturi tiegħu, u kwalunkwe korp assoċjat jew persunal ta’ korpi esterni ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom iżommu l-kunfidenzjalità u josservaw is-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament jew skont kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tagħti effett lil dan ir-Regolament, u ħlief fejn id-divulgazzjoni tkun meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li tali persuni jkunu soġġetti għaliha, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom jiġu protetti. Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu proċeduri dokumentati fis-seħħ fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan il-punt.

17.

Bl-eċċezzjoni tal-punt 16, ir-rekwiżiti ta’ dan l-Anness ma għandhomx jipprekludu skambji ta’ informazzjoni teknika u gwida regolatorja bejn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u persuna li tapplika għaċ-ċertifikazzjoni jew li qed tikkunsidra tapplikax jew le għaċ-ċertifikazzjoni.

18.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom joperaw f’konformità ma’ sett ta’ termini u kondizzjonijiet konsistenti, ġusti u raġonevoli, filwaqt li jittieħed kont tal-interessi tal-SMEs b’rabta mat-tariffi.

19.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard rilevanti li jkun armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jwettqu ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ICT, servizzi ICT jew proċessi tal-ICT.

20.

Korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-laboratorji tal-ittestjar użati għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard rilevanti li jkun armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għall-akkreditazzjoni tal-laboratorji li jwettqu l-ittestjar.


DIRETTIVI

7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/70


DIRETTIVA (UE) 2019/882 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2019

dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tapprossimizza l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi billi, b’mod partikolari, telimina u tevita ostakli għall-moviment liberu ta’ ċerti prodotti u servizzi aċċessibbli li jirriżultaw minn rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri. Dan iżid id-disponibbiltà ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli fis-suq intern u jtejjeb l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti.

(2)

Id-domanda għal prodotti u servizzi aċċessibbli hija għolja u l-għadd ta’ persuni b’diżabilità huwa projettat li jiżdied b’mod sinifikanti. Ambjent fejn il-prodotti u s-servizzi jkunu aktar aċċessibbli jippermetti li jkun hemm soċjetà aktar inklużiva u jiffaċilita l-għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies il-fatt li l-prevalenza ta’ diżabilità fl-Unjoni hija ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel.

(3)

Din id-Direttiva tiddefinixxi l-persuni b’diżabilità f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 (UN CRPD), li għaliha l-Unjoni ilha Parti sa mill-21 ta’ Jannar 2011 u li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha. Il-UN CRPD tiddikjara li l-persuni b’diżabilità “jinkludu dawk li għandhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju fit-tul li meta jinteraġixxi ma’ diversi ostakli jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor”. Din id-Direttiva tippromwovi l-parteċipazzjoni ugwali sħiħa u effettiva billi ttejjeb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi konvenzjonali li, permezz tat-tfassil inizjali jew l-adattament sussegwenti tagħhom, jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tal-persuni b’diżabilità.

(4)

Persuni oħra li jesperjenzaw limitazzjonijiet funzjonali, bħal persuni anzjani, nisa tqal jew persuni li jivvjaġġaw b’bagalji, jibbenefikaw ukoll minn din id-Direttiva. Il-kunċett ta’ “persuni b’limitazzjonijiet funzjonali” kif imsemmi f’din id-Direttiva, tinkludi persuni li jkollhom xi indebolimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji, indebolimenti relatati mal-età, jew kawżi relatati mal-prestazzjoni tal-ġisem tal-bniedem, permanenti jew temporanji, li, meta jinteraġixxu ma’ ostakli differenti, jirriżultaw f’anqas aċċess għall-prodotti u s-servizzi, u dan iwassal għal sitwazzjoni li tirrikjedi li dawk il-prodotti u servizzi jiġu adattati għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

(5)

Id-disparitajiet bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċessibbiltà ta’ prodotti u servizzi għal persuni b’diżabilità, joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi u jfixklu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern. Għal xi prodotti u servizzi, dawk id-disparitajiet x’aktarx jiżdiedu fl-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-UN CRPD. L-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), huma partikolarment milquta minn dawk l-ostakli.

(6)

Minħabba d-differenzi fir-rekwiżiti nazzjonali ta’ aċċessibbiltà, il-professjonisti individwali, l-SMEs u l-mikrointrapriżi b’mod partikolari huma skoraġġuti milli jidħlu fi proġetti kummerċjali barra mis-swieq domestiċi tagħhom. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà nazzjonali, jew anki reġjonali jew lokali, li l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ attwalment ivarjaw kemm fil-kopertura kif ukoll fil-livell ta’ dettall. Dawk id-differenzi jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività u t-tkabbir, minħabba l-ispejjeż addizzjonali mġarrba fl-iżvilupp u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli għal kull suq nazzjonali.

(7)

Il-konsumaturi ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli u ta’ teknoloġiji ta’ assistenza qed jiffaċċjaw prezzijiet għolja minħabba kompetizzjoni limitata fost il-fornituri. Il-frammentazzjoni fost ir-regolamenti nazzjonali tnaqqas il-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mill-qsim ma’ pari nazzjonali u internazzjonali l-esperjenzi dwar ir-rispons tagħhom għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà.

(8)

L-approssimazzjoni tal-miżuri nazzjonali fil-livell tal-Unjoni hija għalhekk meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern sabiex tintemm il-frammentazzjoni fis-suq ta’ prodotti u servizzi aċċessibbli, biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala, biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-mobbiltà transkonfinali, kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna jikkonċentraw ir-riżorsi fuq l-innovazzjoni minflok ma jużaw dawk ir-riżorsi biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw minn leġislazzjoni frammentata madwar l-Unjoni.

(9)

Il-benefiċċji tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-suq intern intwerew mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-liftijiet u r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-qasam tat-trasport.

(10)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 22, dwar il-persuni b’diżabilità,annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri qablet li, fit-tfassil tal-miżuri skont l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.

(11)

L-għan ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015“Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, huwa li jipprovdi benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali konness, biex b’hekk jiffaċilita l-kummerċ u jsaħħaħ l-impjiegi fl-Unjoni. Il-konsumaturi tal-Unjoni għadhom mhux qed igawdu l-benefiċċji kollha ta’ prezzijiet u għażla li jista’ joffri s-suq uniku, minħabba li t-tranżazzjonijiet online transkonfinali għadhom limitati ħafna. Il-frammentazzjoni tillimita wkoll id-domanda għal tranżazzjonijiet transkonfinali tal-kummerċ elettroniku. Hemm ukoll il-ħtieġa għal azzjoni miftiehma biex jiġi żgurat li l-kontenut elettroniku, is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jkunu disponibbli b’mod sħiħ għall-persuni b’diżabilità. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fis-suq uniku diġitali kollu u li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, irrispettivament mill-kapaċitajiet tagħhom, ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tiegħu.

(12)

Billi l-Unjoni saret Parti għall-UN CRPD, id-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni u huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-Istati Membri tagħha.

(13)

Il-UN CRPD titlob lill-Partijiet biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali mal-oħrajn, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni, inkluż għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħra miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku, kemm f’żoni urbani kif ukoll rurali. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità identifika l-ħtieġa li jinħoloq qafas leġislattiv b’parametri referenzjarji konkreti, infurzabbli u marbuta biż-żmien għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni gradwali tal-aċċessibbiltà.

(14)

Il-UN CRPD tesiġi li l-Partijiet tagħha jwettqu jew jippromwovu riċerka u żvilupp ta’, u jippromwovu d-disponibbiltà u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-għajnuniet tal-mobbiltà, l-apparati u t-teknoloġiji ta’ assistenza, xierqa għall-persuni b’diżabilità. Il-UN CRPD tesiġi wkoll li tingħata prijorità lit-teknoloġiji affordabbli.

(15)

Id-dħul fis-seħħ tal-UN CRPD fl-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri jimplika l-ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali addizzjonali dwar l-aċċessibbiltà ta’ prodotti u servizzi.Mingħajr azzjoni tal-Unjoni, dawk id-dispożizzjonijiet ikomplu jżidu d-differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri.

(16)

Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni fl-Unjoni tal-UN CRPD billi jiġu pprovduti regoli tal-Unjoni komuni. Din id-Direttiva tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-impenji nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-obbligi tagħhom skont il-UN CRPD rigward l-aċċessibbiltà b’mod armonizzat.

(17)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2010“Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 – Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli ” – f’konformità mal- UN CRPD, tidentifika l-aċċessibbiltà bħala waħda mit-tmien oqsma ta’ azzjoni, tindika li din hija prekondizzjoni bażika għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u għandha l-għan li tiżgura l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi.

(18)

Id-determinazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija bbażata fuq eżerċizzju ta’ skrinjar li twettaq matul it-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt li identifikat prodotti u servizzi rilevanti għall-persuni b’diżabilità, u li għalihom l-Istati Membri adottaw jew x’aktarx jadottaw rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà nazzjonali diverġenti li jfixklu l-funzjonament tas-suq intern.

(19)

Sabiex tkun żgurata l-aċċessibbiltà tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ ukoll li l-prodotti użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi li jinteraġixxi magħhom il-konsumatur jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva.

(20)

Anki jekk servizz, jew parti minn servizz, jiġi sottokuntrattat lil parti terza, jenħtieġ li l-aċċessibbiltà ta’ dan is-servizz ma jiġix kompromess u jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi jikkonformaw mal-obbligi ta’ din id-Direttiva. Il-fornituri ta’ servizzi jenħtieġ li jiżguraw ukoll taħriġ xieraq u kontinwu tal-persunal tagħhom sabiex jiżguraw li dawn ikunu infurmati sew dwar kif jużaw prodotti u servizzi aċċessibbli. Dak it-taħriġ jenħtieġ li jkopri kwistjonijiet bħall-għoti ta’ informazzjoni, pariri u reklamar.

(21)

Jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà bl-eħfef mod għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri.

(22)

Jenħtieġ li jiġu speċifikati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tagħhom fis-suq intern.

(23)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tagħmel ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà funzjonali obbligatorji u dawn għandhom jiġu formulati f’termini ta’ objettivi ġenerali. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu preċiżi biżżejjed biex joħolqu obbligi legalment vinkolanti u jkunu dettaljati biżżejjed biex jagħmluha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-prodotti u għas-servizzi koperti b’din id-Direttiva, kif ukoll biex jitħalla ċertu grad ta’ flessibbiltà sabiex tkun possibbli l-innovazzjoni.

(24)

Din id-Direttiva fiha għadd ta’ kriterji funzjonali dwar il-prestazzjoni relatati mal-modalitajiet ta’ tħaddim ta’ prodotti u servizzi. Dawk il-kriterji mhumiex intenzjonati li jkunu alternattiva ġenerali għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva iżda jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi speċifiċi ħafna. Dawk il-kriterji jenħtieġ li japplikaw għal funzjonijiet jew karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti jew servizzi, biex isiru aċċessibbli, meta r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva ma jindirizzawx wieħed jew aktar minn dawk il-kriterji jew karatteristiċi speċifiċi. Barra minn hekk, fil-każ li rekwiżit ta’ aċċessibbiltà jkun fih rekwiżiti tekniċi speċifiċi, u soluzzjoni teknika alternattiva għal dawk ir-rekwiżiti tekniċi tkun provduta fil-prodott jew servizz, jenħtieġ li din is-soluzzjoni teknika alternattiva xorta tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà relatati, u jenħtieġ li tirriżulta f’aċċessibbiltà ekwivalenti jew miżjuda, bl-applikazzjoni tal-kriterji funzjonali tal-prestazzjoni rilevanti.

(25)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur. Biex dawk is-sistemi jiffunzjonaw b’mod aċċessibbli, jenħtieġ li s-sistemi operattivi tagħhom ikunu aċċessibbli wkoll. Sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bħal dawn huma kkaratterizzati min-natura multifunzjonali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu, bis-software adatt, l-aktar kompiti informatiċi komuni mitluba mill-konsumaturi u huma intenzjonati li jiġu mħaddma mill-konsumaturi. Il-kompjuters personali, inkluż desktops, notebooks, smartphones u tablets huma eżempji ta’ sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bħal dawn. Kompjuters speċjalizzati inkorporati fi prodotti elettroniċi tal-konsumatur ma jikkostitwixxux sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tkoprix, fuq bażi individwali, komponenti uniċi b’funzjonijiet speċifiċi, bħal mainboard jew ċippa tal-memorja, li jintużaw jew li jistgħu jintużaw f’sistema bħal din.

(26)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll terminals ta’ ħlas, li jinkludu kemm il-hardware kif ukoll is-software tagħhom, u ċerti terminals self-service interattivi, inkluż kemm il-hardware kif ukoll is-u software tagħhom, dedikati li għandhom jintużaw għall-provvista ta’ servizzi koperti minn din id-Direttiva, pereżempju Mmagni Aawtomatiċi tal-fFlus, magni tal-biljetti li joħorġu biljetti fiżiċi li jagħtu aċċess għal servizzi bħal magni tal-biljetti tal-ivvjaġġar; magni tal-biljetti għall-kju f’uffiċċju ta’ bank; u terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni, inkluż skrins tal-informazzjoni interattivi.

(27)

Madankollu, jenħtieġ li ċerti terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni installati bħala partijiet integrati ta’ vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li dawn jifformaw parti minn dawk il-vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji li mhumiex koperti b’din id-Direttiva.

(28)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika inkluż komunikazzjonijiet ta’ emerġenza kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Bħalissa, il-miżuri meħudin mill-Istati Membri biex jiġi pprovdut l-aċċess għal persuni b’diżabilità huma diverġenti u mhumiex armonizzati fis-suq intern kollu. L-iżgurar li l-istess rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà japplikaw fl-Unjoni kollha ser iwassal għal ekonomiji ta’ skala għal operaturi ekonomiċi attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed u jiffaċilita l-aċċess effettiv għal persuni b’diżabilità fl-Istati Membri tagħhom stess u meta jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri. Sabiex servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż komunikazzjonijiet ta’ emerġenza, ikunu aċċessibbli, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi, minbarra komunikazzjoni bil-vuċi, jipprovdu servizzi ta’ test f’ħin reali, u konverżazzjoni sħiħa fejn jipprovdu vidjo, sabiex tiġi żgurata s-sinkronizzazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri, minbarra r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, ikunu kapaċi jiddeterminaw fornitur ta’ servizz ta’ trażmissjoni li jista’ jintuża minn persuni b’diżabilità.

(29)

Din id-Direttiva tarmonizza r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u prodotti relatati u tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi rekwiżiti dwar aċċess u għażla ekwivalenti għal utenti aħħarin b’diżabilità. Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tistabbilixxi wkoll rekwiżiti taħt l-obbligi ta’ servizz universali dwar l-affordabbiltà tal-aċċess għall-Internet u l-komunikazzjonijiet bil-vuċi u dwar l-affordabbiltà u d-disponibbiltà ta’ tagħmir tat-terminals relatat, tagħmir speċifiku u servizzi għall-konsumaturi b’diżabilità.

(30)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll it-tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità tal-informatika interattiva prevedibbilment biex jiġi użat primarjament għal aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li dak it-tagħmir jinkludi tagħmir użat bħala parti mill-arranġament ta’ aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika msemmija bħal router jew modem.

(31)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jenħtieġ li tfisser li l-aċċess għal kontenut awdjoviżiv ikun aċċessibbli, kif ukoll mekkaniżmi li jippermettu lill-utenti b’diżabilità li jużaw it-teknoloġiji ta’ assistenza tagħhom. Servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva jistgħu jinkludu siti web, applikazzjonijiet online, applikazzjonijiet ibbażati fuq set-top tat-televiżjoni, applikazzjonijiet li jistgħu jitniżżlu, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli u plejers tal-media relatati kif ukoll servizzi ta’ televiżjoni konnessi. L-aċċessibbiltà ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva hija regolata mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), bl-eċċezzjoni tal-aċċessibbiltà tal-gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs) li huma inklużi fid-definizzjoni ta’ servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva li għalihom tapplika din id-Direttiva.

(32)

Fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri inter alia l-għoti tal-informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali permezz ta’ siti web, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, skrins tal-informazzjoni interattivi u terminals self-service interattivi, meħtieġa minn passiġġieri b’diżabilità sabiex jivvjaġġaw. Dan jista’ jinkludi informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri tal-fornitur tas-servizz, informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ, informazzjoni matul il-vjaġġ u informazzjoni pprovduta meta servizz jiġi kkanċellat jew meta jkun hemm dewmien fit-tluq. Elementi oħra ta’ informazzjoni jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar prezzijiet u promozzjonijiet.

(33)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll siti web, servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli żviluppati jew magħmula disponibbli minn operaturi tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew f’isimhom, servizzi tal-biljetti elettroniċi, biljetti elettroniċi u terminals self-service interattivi.

(34)

Id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-leġislazzjoni settorjali eżistenti marbuta mad-drittijiet tal-passiġġieri. Meta din id-Direttiva ma tapplikax għal ċerti tipi ta’ servizzi tat-trasport, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi japplikaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti f’din id-Direttiva.

(35)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) diġà tipprevedi obbligi għal korpi tas-settur pubbliku li jipprovdu servizzi tat-trasport, inkluż servizzi tat-trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali, biex jagħmlu s-siti web tagħhom aċċessibbli. Din id-Direttiva fiha wkoll eżenzjonijiet għal mikrointrapriżi li jipprovdu servizzi, inkluż servizzi tat-trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali. Fl-istess waqt, din id-Direttiva tinkludi obbligi biex jiġi żgurat li siti web tal-kummerċ elettroniku jkunu aċċessibbli. Peress li din id-Direttiva fiha obbligi għall-maġġoranza l-kbira tal-fornituri privati ta’ servizzi tat-trasport li jagħmlu s-siti web tagħhom aċċessibbli, meta jbiegħu biljetti onlajn, mhuwiex neċessarju li jiġu introdotti f’din id-Direttiva rekwiżiti ulterjuri għas-siti web ta’ fornituri ta’ servizzi tat-trasport urban u suburban u fornituri ta’ servizzi tat-trasport reġjonali.

(36)

Ċerti elementi tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, b’mod partikolari b’rabta mal-forniment ta’ informazzjoni kif stabbiliti f’din id-Direttiva, huma diġà koperti mil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri. Dan jinkludi elementi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan jinkludi wkoll atti rilevanti adottati abbażi tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza regolatorja, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti u dawk l-atti jenħtieġ li jkomplu jiġu applikati bħal qabel. Madankollu, ir-rekwiżiti addizzjonali ta’ din id-Direttiva jissupplimentaw ir-rekwiżiti eżistenti, filwaqt li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-trasport u jkunu ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilità.

(37)

Jenħtieġ li ċerti elementi tas-servizzi tat-trasport ma jkunux koperti minn din id-Direttiva meta jiġu pprovduti barra mit-territorju tal-Istati Membri anki fejn is-servizz ikun ġie dirett lejn is-suq tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ dawk l-elementi, jenħtieġ li operatur ta’ servizz tat-trasport tal-passiġġieri jkun obbligat biss jiżgura li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati fir-rigward tal-parti tas-servizz offrut fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, fil-każ tat-trasport bl-ajru, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva jkunu ssodisfati wkoll fuq titjiriet li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u li jtiru lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru kollha, inkluż dawk li mhumiex liċenzjati fl-Unjoni, jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati f’każijiet fejn it-titjiriet jitilqu minn territorju tal-Unjoni għal territorju ta’ pajjiż terz.

(38)

L-awtoritajiet urbani jenħtieġ li jiġu mħeġġa jintegraw l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għas-servizzi tat-trasport urban fil-Pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) tagħhom, kif ukoll li jippubblikaw regolarment listi tal-aħjar prattiki rigward l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għat-trasport urban pubbliku u għall-mobbiltà.

(39)

Il-liġi tal-Unjoni dwar servizzi bankarji u finanzjarji għandha l-għan li tipproteġi u tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi ta’ dawk is-servizzi madwar l-Unjoni iżda ma tinkludix ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Bil-għan li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jużaw dawk is-servizzi madwar l-Unjoni, inkluż fejn ipprovduti permezz ta’ siti web u ta’ servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inkluż applikazzjonijiet mobbli, jieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb, u jħossuhom kunfidenti li huma mħarsa b’mod adegwat fuq bażi ugwali ma’ konsumaturi oħra, kif ukoll biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà komuni għal ċerti servizzi bankarji u finanzjarji pprovduti lill-konsumaturi.

(40)

Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità xierqa jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-metodi ta’ identifikazzjoni, il-firma elettronika u s-servizzi ta’ ħlas, peress li dawn huma meħtieġa biex jiġu konklużi tranżazzjonijiet bankarji tal-konsumatur.

(41)

Il-fajls tal-kotba elettroniċi huma bbażati fuq kodifikazzjoni elettronika tal-kompjuter li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ xogħol intellettwali fil-biċċa l-kbira testwali u grafiku. Il-grad ta’ preċiżjoni ta’ din il-kodifikazzjoni tiddetermina l-aċċessibbiltà tal-fajls tal-kotba elettroniċi, b’mod partikolari rigward il-kwalifika tal-elementi kostituttivi differenti tax-xogħol u d-deskrizzjoni standardizzata tal-istruttura tagħha. L-interoperabilità f’termini ta’ aċċessibilità jenħtieġ li tottimizza l-kompatibbiltà ta’ dawk il-fajls mal-aġenti tal-utenti u mat-teknoloġiji ta’ assistenza attwali u futuri. Jenħtieġ li karatteristiċi speċifiċi ta’ volumi speċjali bħal komiks, kotba għat-tfal u kotba tal-arti jiġu kkunsidrati fid-dawl tar-rekwiżiti kollha ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri jagħmluha diffiċli għall-pubblikaturi u operaturi ekonomiċi oħrajn li jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq intern, jistgħu joħolqu problemi ta’ interoperabbiltà mal-qarrejja elettroniċi u jillimitaw l-aċċess għall-konsumaturi b’diżabilità. Fil-kuntest tal-kotba elettroniċi, il-kunċett ta’ fornitur tas-servizzi jista’ jinkludi pubblikaturi u operaturi ekonomiċi oħra involuti fid-distribuzzjoni tagħhom.

Huwa rikonoxxut li persuni b’diżabilità jkomplu jiffaċċaw ostakli biex jaċċessaw kontenut li jkun protett bi drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u li ċerti miżuri diġà ttieħdu biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni per eżempju permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), u wkoll li jistgħu jittieħdu miżuri ulterjuri tal-Unjoni f’dan ir-rigward fil-futur.

(42)

Din id-Direttiva tiddefinixxi s-servizzi tal-kummerċ elettroniku bħala servizz ipprovdut mill-bogħod, permezz ta’ siti web u servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ konsumatur, bil-ħsieb li jiġi konkluż kuntratt tal-konsumatur. Għall-finijiet ta’ dik id-definizzjoni “mill-bogħod” tfisser li servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament; “b’mezzi elettroniċi” tfisser li s-servizz inizjalment jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż il-kompressjoni diġitali) u l-ħżin tad-data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut kollu kemm hu permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħra; “fuq it-talba individwali ta’ konsumatur” tfisser li s-servizz jiġi pprovdut fuq talba individwali. Minħabba r-rilevanza akbar tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku u n-natura teknoloġika għolja tagħhom, huwa importanti li jkun hemm rekwiżiti armonizzati għall-aċċessibbiltà tagħhom.

(43)

Jenħtieġ li l-obbligi ta’ aċċessibbiltà tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-bejgħ online ta’ kwalunkwe prodott jew servizz u għalhekk jenħtieġ li japplikaw għall-bejgħ ta’ prodott jew servizz kopert fih innifsu minn din id-Direttiva.

(44)

Il-miżuri marbuta mal-aċċessibbiltà tat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza jenħtieġ li jiġu adottati mingħajr preġudizzju għal, u jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda impatt fuq, l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza nnifishom, li jibqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

(45)

F’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-aċċess minn utenti aħħarin b’diżabilità għal servizzi ta’ emerġenza jkun disponibbli permezz ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza u li huwa ekwivalenti għal dak li jitgawda minn utenti aħħarin oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li jarmonizza r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li, huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, l-utenti aħħarin b’diżabilità jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza fuq bażi ekwivalenti ma’ utenti aħħarin oħra, fejn fattibbli, mingħajr ebda reġistrazzjoni minn qabel. Dawk il-miżuri jippruvaw jiżguraw l-interoperabbiltà fost l-Istati Membri u jenħtieġ li jkunu bbażati, sa fejn hu l-aktar possibbli, fuq standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Tali miżuri ma jipprevjenux lill-Istati Membri milli jadottaw rekwiżiti addizzjonali sabiex jilħqu l-objettivi li jinsabu f’dik id-Direttiva. Bħala alternattiva għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fir-rigward tat-tweġib ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għall-utenti b’diżabilità stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw fornitur terz ta’ servizz ta’ trażmissjoni li għandu jintuża minn persuni b’diżabilità biex jikkomunikaw maċ-ċentru ta’ tweġib tas-sikurezza pubblika, sakemm dawk iċ-ċentri ta’ tweġib tas-sikurezza pubblika jkunu jistgħu jużaw servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika permezz ta’ protokolli għall-iżgurar tal-aċċessibbiltà tat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-obbligi ta’ din id-Direttiva ma jinftehmux bħala li jillimitaw jew inaqqsu kwalunkwe obbligu għall-benefiċċju ta’ utenti aħħarin b’diżabilità, inkluż l-aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u servizzi ta’ emerġenza kif ukoll l-obbligi ta’ aċċessibbiltà kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1972.

(46)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal siti web u applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi tas-settur pubbliku u aspetti relatati oħra, b’mod partikolari r-rekwiżiti relatati mal-konformità tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli rilevanti. Madankollu, dik id-Direttiva fiha lista speċifika ta’ eċċezzjonijiet. Eċċezzjonijiet simili huma rilevanti għal din id-Direttiva. Xi attivitajiet li jsiru permezz ta’ siti web u applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi tas-settur pubbliku, bħal pereżempju servizzi tat-trasport tal-passiġġieri jew servizzi tal-kummerċ elettroniku, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jkunu konformi wkoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli li jinsabu f’din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-bejgħ online ta’ prodotti u servizzi jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità irrispettivament minn jekk il-bejjiegħ huwiex operatur pubbliku jew privat. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li jinsabu f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu allinjati mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102, minkejja differenzi, pereżempju, fil-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-infurzar.

(47)

L-erba’ prinċipji ta’ aċċessibbiltà għas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli, kif użati fid-Direttiva (UE) 2016/2102, huma: il-perċezzjoni, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-informazzjoni u l-utent iridu jkunu preżentabbli għall-utenti f’diversi modi li jistgħu jipperċepixxu; l-operabbiltà, jiġifieri li l-komponenti tal-interfaċċa mal-utenti u n-navigazzjoni jridu jkunu operabbli; il-fehim, jiġifieri li l-informazzjoni u t-tħaddim ta’ interfaċċa tal-utent iridu jkunu faċli biex jinftiehmu; u s-saħħa, jiġifieri li l-kontenut irid jkun b’saħħtu biżżejjed li jkun jista’ jiġi interpretat b’mod affidabbli permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ aġenti għall-utenti, inklużi teknoloġiji assistivi. Dawk il-prinċipji huma wkoll rilevanti għal din id-Direttiva.

(48)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, fejn il-prodotti u s-servizzi koperti minn din id-Direttiva jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-moviment liberu tagħhom fi ħdan l-Unjoni ma jkunx ostakolat minħabba raġunijiet relatati ma’ rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

(49)

F’ċerti sitwazzjonijiet, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà komuni tal-ambjent mibni jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-servizzi relatati u tal-persuni b’diżabilità. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jinkludu l-ambjent mibni użat fl-għoti tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III.

(50)

Jenħtieġ li l-aċċessibbiltà tinkiseb permezz tat-tneħħija u l-prevenzjoni sistematika tal-ostakli, preferibbilment permezz ta’ disinn universali jew approċċ ta’ “disinn għal kulħadd”, li jikkontribwixxi biex ikun żgurat l-aċċess għal persuni b’diżabilità fuq bażi ndaqs ma’ oħrajn. Skont il-UN CRPD, dak l-approċċ ” ifisser id-disinn ta’ prodotti, ambjenti, programmi u servizzi biex ikunu jistgħu jintużaw mill-persuni kollha, sa fejn l-aktar possibbli, mingħajr il-bżonn għal adattament jew disinn speċjalizzat”. F’konformità mal-UN CRPD, “disinn universali” ma għandux jeskludi apparat ta’ għajnuna għal gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabilità meta dan ikun meħtieġ”. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aċċessibbiltà ma teskludix il-forniment ta’ soluzzjonijiet raġonevoli meta jkunu meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Jenħtieġ li l-aċċessibbiltà u d-disinn universali jiġu interpretati f’konformità mal-Kumment Ġenerali Nru 2 (2014) l-Artikolu 9: Aċċessibbilità kif miktub mill-Kumitat dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

(51)

Prodotti u servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jaqgħux awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (16). Madankollu, xi teknoloġiji ta’ assistenza li huma apparati mediċi, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(52)

Il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fl-Unjoni huma pprovduti mill-SMEs u mill-mikrointrapriżi. Dawn għandhom importanza kruċjali għat-tkabbir futur, iżda ħafna drabi jiffaċċjaw diffikultajiet u ostakli fl-iżvilupp tal-prodotti jew is-servizzi tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest transkonfinali. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi billi jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċessibbiltà filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji.

(53)

Sabiex il-mikrointrapriżi u l-SMEs jibbenefikaw minn din id-Direttiva jeħtieġ li tassew jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (17) u l-ġurisprudenza rilevanti, li għandhom l-għan li jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tagħha.

(54)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun ibbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) peress li tikkonċerna prodotti li huma diġà soġġetti għal atti oħra tal-Unjoni, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

(55)

L-operaturi ekonomiċi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jiżguraw li jagħmlu disponibbli fis-suq dawk il-prodotti biss li jkunu konformi ma’ din id-Direttiva. L-istess jenħtieġ li japplika għal operaturi ekonomiċi li jipprovdu servizzi. Jeħtieġ li tiġi prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-proċess tal-provvista u tad-distribuzzjoni.

(56)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli għall-konformità tal-prodotti u tas-servizzi, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-aċċessibbiltà u biex tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni.

(57)

L-obbligi ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw b’mod ugwali għall-operaturi ekonomiċi mis-settur pubbliku u dak privat.

(58)

Il-manifattur, li jkollu għarfien dettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni huwa fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-valutazzjoni kollha tal-konformità. Filwaqt li r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti tibqa’ tal-manifattur, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jaqdu rwol kruċjali fil-verifika ta’ jekk il-prodotti li saru disponibbli fl-Unjoni humiex manifatturati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(59)

Jenħtieġ li l-importaturi u d-distributuri jkunu involuti fil-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali, u jenħtieġ li jieħdu sehem b’mod attiv billi jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-prodott ikkonċernat.

(60)

L-importaturi jenħtieġ li jiżguraw li l-prodotti minn pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jkunu konformi ma’ din id-Direttiva u b’mod partikolari li l-manifatturi jwettqu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa fir-rigward ta’ dawk il-prodotti.

(61)

Meta jqiegħed prodott fis-suq, jenħtieġ li l-importaturi jindikaw, fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata, u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati.

(62)

Jenħtieġ li d-distributuri jiżguraw li t-trattament tagħhom tal-prodott ma jaffettwax ħażin il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

(63)

Kwalunkwe operatur ekonomiku li jew iqiegħed fis-suq prodott f’ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew jimmodifika prodott li jkun diġà tqiegħed fis-suq b’mod li dan jista’ jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli jenħtieġ li jitqies bħala l-manifattur u jenħtieġ li jassumi l-obbligi tal-manifattur.

(64)

Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà japplikaw biss sa fejn ma jimponux piż sproporzjonat fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat, jew sa fejn li ma jirrikjedux bidla sinifikanti fil-prodotti u fis-servizzi li tirriżulta fit-trasformazzjoni fundamentali tagħhom fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li jkunu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġi verifikat id-dritt għal eċċezzjonijiet għall-applikabbiltà tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

(65)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ssegwi l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u tqis il-piżijiet amministrattivi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs. Jenħtieġ li tistabbilixxi regoli ħfief f’termini tal-valutazzjoni tal-konformità u tistabbilixxi klawżoli ta’ salvagwardja għall-operaturi ekonomiċi, minflok ma tistipula eċċezzjonijiet u derogi ġenerali għal dawk l-intrapriżi. Konsegwentement, jenħtieġ li meta jiġu stabbiliti r-regoli għall-għażla u għall-implimentazzjoni tal-aktar proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa, titqies is-sitwazzjoni tal-SMEs filwaqt li l-obbligi biex tiġi vvalutata l-konformità tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà jenħtieġ li jiġu limitati sa fejn dawn ma joħolqux piż sproporzjonat fuq l-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq joperaw b’mod proporzjonat fir-rigward tad-daqs tal-intrapriżi u tan-natura ta’ serje żgħira jew bla serje tal-produzzjoni kkonċernata, mingħajr ma jinħolqu ostakli bla bżonn għall-SMEs u mingħajr ma tiġi kompromessa l-protezzjoni tal-interess pubbliku.

(66)

F’każijiet eċċezzjonali, fejn il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva jimponu piż sproporzjonat fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti biss sal punt li ma jimponux piż sproporzjonat. F’każijiet debitament ġustifikati bħal dawn, ma jkunx raġonevolment possibbli li operatur ekonomiku japplika wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jagħmel servizz jew prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kemm jista’ jkun aċċessibbli billi japplika dawk ir-rekwiżiti sal-punt li ma jimponux piż sproporzjonat. Jenħtieġ li japplikaw bis-sħiħ dawk ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li ma tqisux mill-operatur ekonomiku bħala li jimponu piż sproporzjonat. L-eċċezzjonijiet għall-konformità ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà minħabba l-piż sproporzjonat li jimponu jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġi limitat dak il-piż fir-rigward tal-prodott jew is-servizz partikolari kkonċernat f’kull każ individwali. Miżuri li jimponu piż sproporzjonat jenħtieġ li jinftiehmu bħala miżuri li jkunu jimponu piż organizzattiv jew finanzjarju eċċessiv addizzjonali fuq l-operatur ekonomiku, b’kont meħud tal-benefiċċju li x’aktarx jirriżulta għall-persuni b’diżabilità f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Il-kriterji bbażati fuq dawn il-konsiderazzjonijiet jenħtieġ li jiġu definiti sabiex ikun possibbli għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti li jqabblu sitwazzjonijiet differenti u li jivvalutaw b’mod sistematiku jekk jeżistix sproporzjonat. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati biss raġunijiet leġittimi fi kwalunkwe valutazzjoni sa fejn ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ma jistgħux jintlaħqu minħabba li jkunu jimponu piż sproporzjonat. Nuqqas ta’ prijorità, ħin jew għarfien jenħtieġ li ma jitqisux li huma raġunijiet leġittimi.

(67)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni ġenerali ta’ piż sproporzjonat issir bl-użu tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ piż sproporzjonat tiġi dokumentata mill-operatur ekonomiku filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji rilevanti. Jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi jġeddu l-valutazzjoni ta’ piż sproporzjonat mill-inqas kull ħames snin.

(68)

Jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jinforma lill-awtoritajiet rilevanti li jkun ibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mat-trasformazzjoni fundamentali u/jew il-piż sproporzjonat. Jenħtieġ li fuq talba mill-awtoritajiet rilevanti biss l-operatur ekonomiku jipprovdi kopja tal-valutazzjoni li tispjega għaliex il-prodott jew is-servizz tiegħu ma jkunx kompletament aċċessibbli u li tipprovdi evidenza tal-piż sproporzjonat jew it-trasformazzjoni fundamentali, jew it-tnejn li huma.

(69)

Jekk abbażi tal-valutazzjoni meħtieġa, fornitur ta’ servizz jikkonkludi li jkun jikkostitwixxi piż sproporzjonat li jinħtieġ li t-terminali self-service kollha, użati fil-provvista tas-servizzi ta’ din id-Direttiva, jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, il-fornitur ta’ servizz jenħtieġ li japplika xorta waħda dawk ir-rekwiżiti sa fejn dawk ir-rekwiżiti ma jimponux tali piż sproporzjonat fuqu. Konsegwentement, il-fornituri ta’ servizz jenħtieġ li jivvalutaw sa fejn livell limitat ta’ aċċessibbiltà fit-terminals self-service kollha jew numru limitat ta’ terminals self-service aċċessibbli b’mod sħiħ jippermettilhom jevitaw piż sproporzjonat li inkella jkun impost fuqhom, u jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva biss sa dak il-punt.

(70)

Il-mikrointrapriżi huma distinti mill-intrapriżi l-oħra kollha minħabba r-riżorsi umani limitati tagħhom u l-fatturat annwali jew il-karta tal-bilanċ annwali tagħhom. Il-piż ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal mikrointrapriżi, għalhekk, b’mod ġenerali, ser jieħu sehem akbar tar-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom milli għal intrapriżi oħra u huwa aktar probabbli li jirrappreżenta sehem sproporzjonat tal-ispejjeż. Proporzjon sinifikanti tal-ispiża għall-mikrointrapriżi jirriżulta mit-tlestija jew iż-żamma tad-dokumenti u r-rekords li juru l-konformità mar-rekwiżiti differenti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. Filwaqt li l-operaturi ekonomiċi kollha koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu kapaċi jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva u jenħtieġ li jkunu konformi magħhom biss sa fejn dawn ma jkunux sproporzjonati, it-talba ta’ tali valutazzjoni mill-mikrointrapriżi li jipprovdu s-servizzi fiha nnifisha tikkostitwixxi piż sproporzjonat. Għaldaqstant jenħtieġ li r-rekwiżiti u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva ma japplikawx għal mikrointrapriżi li jipprovdu s-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(71)

Għall-mikrointrapriżi li jitrattaw prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva r-rekwiżiti u obbligi ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu eħfef sabiex jiiġi mnaqqas il-piż amministrattiv.

(72)

Filwaqt li xi mikrointrapriżi jkunu eżentati mill-obbligi ta’ din id-Direttiva, il-mikrointrapriżi kollha jenħtieġ li jiġu inkoraġġuti jimmanifatturaw, jimportaw jewjiddistribwixxu l-prodotti u li jipprovdu s-servizzi li jkunu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, sabiex tiżdied il-kompetittività tagħhom kif ukoll it-tkabbir potenzjali tagħhom fis-suq intern. Jenħtieġ, għalhekk, li l-Istati Membri jipprovdu linji gwida u għodod lill-mikrointrapriżi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(73)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha jaġixxu b’mod responsabbli u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali applikabbli meta prodotti jitqiegħdu jew isiru disponibbli fis-suq jew meta jiġu pprovduti servizzi fis-suq.

(74)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli jkun meħtieġ li tiġi prevista preżunzjoni tal-konformità għall-prodotti u għas-servizzi li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati volontarji li jiġu adottati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) bl-għan li jitfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ dawk ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni diġà ħarġet għadd ta’ talbiet għal standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni dwar l-aċċessibbiltà, bħall-mandati ta’ standardizzazzjoni M/376, M/473 u M/420, li jkunu rilevanti għat-tħejjija ta’ standards armonizzati.

(75)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi proċedura għal oġġezzjonijiet formali għall-istandards armonizzati li huma kkunsidrati bħala mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

(76)

Jenħtieġ li l-istandards Ewropej ikunu mmexxija mis-suq, jieħdu kont tal-interess pubbliku, kif ukoll l-objettivi dwar il-politika ddikjarati b’mod ċar fit-talba tal-Kummissjoni lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jiġu abbozzati standards armonizzati, u jkunu bbażati fuq il-kunsens. Fin-nuqqas ta’ standards armonizzati u fejn meħtieġ għal finijiet ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta f’ċerti każijiet atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li r-rikors għal speċifikazzjonijiet tekniċi jiġi limitat għal tali każijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi per eżempju meta l-proċess ta’ standardizzazzjoni jkun imblukkat minħabba nuqqas ta’ kunsens bejn il-partijiet ikkonċernati jew ikun hemm dewmien żejjed fl-istabbiliment ta’ standard armonizzat, pereżempju minħabba li ma tkunx inkisbet il-kwalità meħtieġa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħalli biżżejjed żmien bejn l-adozzjoni ta’ talba lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jiġu abbozzati standards armonizzati u l-adozzjoni ta’ speċifikazzjoni teknika relatata mal-istess rekwiżit ta’ aċċessibbiltà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tadotta speċifikazzjoni teknika jekk qabel ma tkunx ippruvat ikollha r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà koperti permezz tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea, ħlief meta l-Kummissjoni ma tkunx tista’ turi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

(77)

Bil-ħsieb li jiġu stabbiliti, bl-aktar mod effiċjenti, standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti ta’ din id-Direttiva għall-prodotti u għas-servizzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn dan ikun fattibbli, tinvolvi organizzazzjonijiet Ewropej umbrella tal-persuni b’diżabbiltà u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fil-proċess.

(78)

Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-informazzjoni għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ddikjarata l-konformità mal-atti applikabbli kollha tal-Unjoni tkun disponibbli f’dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jinkludu fid-dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE, id-dikjarazzjonijiet individwali rilevanti kollha ta’ konformità.

(79)

Għall-valutazzjoni ta’ konformità tal-prodotti, jenħtieġ li din id-Direttiva tuża l-kontroll intern tal-produzzjoni tal-“Modulu A”, stabbilit fl-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, billi dan jgħin lill-operaturi ekonomiċi juru, u lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, li l-prodotti li jsiru disponibbli fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà filwaqt li ma jimponux piż żejjed.

(80)

Meta jwettqu sorveljanza tas-suq tal-prodotti u jivverifikaw il-konformità tas-servizzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet jivverifikaw ukoll il-valutazzjonijiet tal-konformità, inkluż jekk il-valutazzjoni rilevanti ta’ trasformazzjoni fundamentali jew piż sproporzjonat kenitx twettqet kif meħtieġ. Meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom jenħtieġ li l-awtoritajiet jagħmlu dan ukoll f’kooperazzjoni ma’ persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lilhom u l-interessi tagħhom.

(81)

Għas-servizzi, jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva tingħata fit-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali, jew f’dokument ekwivalenti mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(82)

It-tikketta CE, li tindika l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, hija l-konsegwenza viżibbli ta’ proċess sħiħ li jinkludi l-valutazzjoni ta’ konformità f’sens wiesa’. Jenħtieġ li din id-Direttiva ssegwi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw it-tikketta CE tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti. Minbarra li jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità, jenħtieġ li l-manifattur jinforma lill-konsumaturi b’mod kosteffikaċi dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti tagħhom.

(83)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, bit-twaħħil tat-tikketta CE ma’ prodott, il-manifattur jiddikjara li l-prodott huwa f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ aċċessibbiltà applikabbli u li l-manifattur jieħu r-responsabbiltà sħiħa għalihom.

(84)

F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw sorveljanza tas-suq rigoruża u effiċjenti tal-prodotti fit-territorji tagħhom u jenħtieġ li jallokaw setgħat u riżorsi suffiċjenti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom.

(85)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità ta’ servizzi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ li jsegwu lmenti jew rapporti relatati man-nonkonformità sabiex jiżguraw li tkun ittieħdet azzjoni korrettiva.

(86)

Fejn adatt il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tista’ tadotta linji gwida mhux vinkolanti li jappoġġaw il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet responsabbli li jivverifikaw il-konformità tas-servizzi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu inizjattivi bl-għan li jiġu kondiviżi r-riżorsi u l-għarfien espert tal-awtoritajiet.

(87)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet responsabbli mill-verifika ta’ konformità tas-servizzi jivverifikaw il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI f’konformità mal-Kapitolu VIII u IX. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp speċjalizzat għat-twettiq tal-obbligi tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew awtoritajiet responsabbli għall-verifika ta’ konformità tas-servizzi skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-kompetenzi ta’ tali korp speċjalizzat ikunu limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew ċerti partijiet minnha, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

(88)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ salvagwardja li tapplika f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri dwar miżuri meħuda minn Stat Membru li permezz tagħha partijiet interessati jiġu infurmati bil-miżuri maħsuba biex jittieħdu fir-rigward ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li din tippermetti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, f’kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, li jaġixxu fi stadju aktar bikri fir-rigward ta’ tali prodotti.

(89)

Fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu li miżura meħuda minn Stat Membru tkun ġustifikata, jenħtieġ li ebda involviment ulterjuri tal-Kummissjoni ma tkun meħtieġa, ħlief fejn in-nonkonformità tkun tista’ tiġi attribwita għan-nuqqasijiet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(90)

Id-Direttivi 2014/24/UE (22) u 2014/25/UE (23) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku, li jiddefinixxu l-proċeduri għall-akkwist ta’ kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn għal ċerti provvisti (prodotti), servizzi u xogħlijiet, jistabbilixxu li, għall-akkwisti kollha maħsuba għall-użu minn persuni fiżiċi, kemm jekk il-pubbliku ġenerali jew il-persunal tal-awtorità jew l-entità kontraenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, jitfasslu b’mod li jieħdu kont tal-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità jew disinn għall-utenti kollha. Barra minn hekk, dawk id-Direttivi jirrikjedu li, fejn ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà huma adottati permezz ta’ att legali tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jridu, sa fejn tkun konċernata l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità jew id-disinn għal kulħadd, jiġu stabbiliti b’referenza għalihom. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi r-rekwiżiti obbligatorji ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi koperti minnha. Għall-prodotti u s-servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, mhumiex vinkolanti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-użu ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà biex jiġu ssodisfati l-obbligi rilevanti stabbiliti fl-atti tal-Unjoni minbarra din id-Direttiva jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-aċċessibilità u jikkontribwixxi għal ċertezza legali u l-approssimazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ma jinżammux milli jistabbilixxu rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I għal din id-Direttiva.

(91)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tbiddilx in-natura obbligatorja jew volontarja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà f’atti oħra tal-Unjoni.

(92)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal proċeduri ta’ akkwist li għalihom intbagħtet is-sejħa għal kompetizzjoni jew, f’każijiet fejn ma tkunx prevista sejħa għal kompetizzjoni, fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tkun bdiet il-proċedura ta’ akkwist wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(93)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’: l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li, minnhom infushom, ma jistgħux jipproduċu l-effett maħsub tagħhom sakemm ma jiġux speċifikati ulterjorment f’atti legali vinkolanti tal-Unjoni; il-bdil tal-perijodu li matulu l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkun fornihom bi prodott jew li jkunu fornew prodott lilu; u l-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji rilevanti li jrid jittieħed kont tagħhom mill-operatur ekonomiku għall-valutazzjoni ta’ jekk il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà timponix piż sproporzjonat. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (24). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(94)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(95)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effikaċi biex jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva u għalhekk jenħtieġ li b’hekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ kontroll adatti, bħall-kontroll a posteriori mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġi verifikat li tkun ġustifikata l-eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà. Meta jindirizzaw l-ilmenti relatati mal-aċċessibbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari mal-obbligu li l-uffiċjali jiżguraw li tittieħed deċiżjoni dwar kull ilment f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

(96)

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li jikkonsisti mill-awtoritajiet u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki u biex jiġu pprovduti pariri. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni titrawwem bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż persuni b’diżabbiltà u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, fost oħrajn biex tittejjeb il-koerenza fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u biex ikun hemm monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar trasformazzjoni fundamentali u piż sproporzjonat.

(97)

Minħabba l-qafas legali eżistenti dwar rimedji fl-oqsma koperti mid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-infurzar u l-penali ma jkunux applikabbli għall-proċeduri ta’ akkwist soġġetti għall-obbligi imposti minn din id-Direttiva. Tali esklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont it-Trattati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

(98)

Jenħtieġ li l-penali jkunu adegwati b’rabta man-natura tal-ksur u maċ-ċirkostanzi sabiex ma jkunux ta’ alternattiva għall-issodisfar mill-operaturi ekonomiċi tal-obbligu tagħhom li jagħmlu aċċessibbli l-prodotti jew is-servizzi tagħhom.

(99)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, f’konformità mad-dritt eżistenti tal-Unjoni, ikunu fis-seħħ mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jippermettu r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe nonkonformità allegata għal din id-Direttiva qabel ma titressaq azzjoni quddiem qrati jew korpi amministrattivi kompetenti.

(100)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (26), l-Istati Membri ħadu l-impenn li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li tkun iġġustifikata t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti.

(101)

Sabiex il-fornituri ta’ servizzi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġi previst perijodu tranżitorju ta’ ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li matulu prodotti użati għall-forniment ta’ servizz li tqiegħdu fis-suq qabel dik id-data ma jkunx meħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva sakemm ma jiġux sostitwiti mill-fornituri ta’ servizzi matul il-perijodu tranżitorju. Minħabba l-ispejjeż u ċ-ċiklu tal-ħajja twil ta’ terminals self-service, huwa adatt li jiġi previst li, meta tali terminals jintużaw għall-forniment ta’ servizzi, jistgħu jkomplu jintużaw sa tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom, sakemm ma jiġux sostitwiti matul dak il-perijodu, iżda mhux għal aktar minn 20 sena.

(102)

(45) Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u s-servizzi pprovduti wara d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, inkluż il-prodotti użati importati minn pajjiż terz u mqiegħda fis-suq wara dik id-data.

(103)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità biex jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21, 25 u 26 tal-Karta.

(104)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, l-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-moviment liberu ta’ ċerti prodotti u servizzi aċċessibbli, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta’ regoli differenti li bħalissa jeżistu fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, iżda jista’, billi jiġu definiti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u r-regoli għall-funzjonament tas-suq intern, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tapprossimizza l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi billi, b’mod partikolari, telimina u tevita ostakli għall-moviment liberu ta’ prodotti u servizzi koperti minn din id-Direttiva li jirriżultaw minn rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà diverġenti fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-prodotti li ġejjin imqiegħda fis-suq wara t-28 ta’ Ġunju 2025:

(a)

sistemi ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur u sistemi operattivi għal dawn is-sistemi ta’ hardware;

(b)

it-terminals self-service li ġejjin:

(i)

terminals ta’ pagament;

(ii)

it-terminals self-service li ġejjin iddedikati għall-forniment ta’ servizzi koperti minn din id-Direttiva:

magni tal-flus awtomatiċi;

magni tal-biljetti;

magni taċ-check-in;

terminals self-service interattivi li jipprovdu informazzjoni, eskluż magni installati bħala partijiet integrati ta’ vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti jew vetturi ferrovjarji;

(c)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika;

(d)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għall-aċċess ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva; u

(e)

qarrejja elettroniċi.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, din id-Direttiva tapplika għas-servizzi li ġejjin ipprovduti lill-konsumaturi wara t-28 ta’ Ġunju 2025:

(a)

servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ trasmissjoni użati għall-għoti ta’ servizzi minn magna għal oħra;

(b)

servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ media awdjoviżiva;

(c)

l-elementi li ġejjin ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma, ħlief għal servizzi tat-trasport urban, suburban u reġjonali li għalihom japplikaw biss l-elementi taħt il-punt v:

(i)

siti web;

(ii)

servizzi bbażati fuq tagħmir mobbli inkluż applikazzjonijiet mobbli;

(iii)

biljetti elettroniċi u servizzi elettroniċi tal-ħruġ tal-biljetti;

(iv)

forniment ta’ informazzjoni dwar servizzi tat-trasport, inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali; fir-rigward tal-iskrins tal-informazzjoni, dan għandu jkun limitat għal skrins interattivi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni; u

(v)

it-terminals self-service interattivi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, ħlief dawk installati bħala partijiet integrali minn vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti u vetturi ferrovjarji użati fil-forniment ta’ kwalunkwe parti minn tali servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.

(d)

servizzi bankarji għall-konsumatur;

(e)

kotba elettroniċi u software ddedikat; u

(f)

servizzi tal-kummerċ elettroniku.

3.   Din id-Direttiva tapplika għat-tweġib għal komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’.

4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-kontenut tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli li ġej:

(a)

media temporali rrekordjata minn qabel ippubblikata qabel t-28 ta’ Ġunju 2025;

(b)

formati ta’ fajls burokratiċi ppubblikati qabel t-28 ta’ Ġunju 2025;

(c)

servizzi ta’ mapep u mmappjar online, jekk l-informazzjoni essenzjali tkun ipprovduta b’mod diġitali aċċessibbli għal mapep maħsuba għal użu ta’ navigazzjoni;

(d)

kontenut ta’ parti terza li la jkun iffinanzjat u lanqas żviluppat mill-operatur ekonomiku, u lanqas ma jkun taħt il-kontroll tal-operatur ekonomiku kkonċernat;

(e)

kontenut ta’ siti web u applikazzjonijiet mobbli li jikkwalifika bħala arkivji, jiġifieri li jkun fihom biss kontenut li mhuwiex aġġornat jew editjat wara t-28 ta’ Ġunju 2025.

5.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2017/1564 u r-Regolament (UE) 2017/1563.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“persuni b’diżabbiltà” tfisser persuni li jkollhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorju fit-tul li, meta jinteraġixxi ma’ diversi ostakli, jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor;

(2)

“prodott” tfisser sustanza, preparat, jew oġġett prodott permezz ta’ proċess ta’ manifattura, għajr ikel, għalf, pjanti ħajjin jew annimali ħajjin, prodotti ta’ oriġini umana u prodotti tal-pjanti u tal-annimali relatati direttament mar-riproduzzjoni futura tagħhom;

(3)

“servizz” tfisser servizz kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

(4)

“fornituri ta’ servizzi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fis-suq tal-Unjoni jew tagħmel offerti biex tipprovdi tali servizz lil konsumaturi fl-Unjoni;

(5)

“servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser servizzi kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE;

(6)

“servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser servizzi trażmessi b’netwerk tal-komunikazzjoni elettronika li jintużaw biex jiġu identifikati s-servizzi tal-media awdjoviżiva, biex dawn jintgħażlu, biex tasal informazzjoni dwarhom u biex wieħed jarahom, kif ukoll kwalunkwe karatteristika pprovduta, bħal sottotitoli għal dawk neqsin mis-smigħ u dawk b’diffikultajiet ta’ smigħ, deskrizzjoni bl-awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ miżuri biex is-servizzi jsiru aċċessibbli kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/13/UE; u tinkludi l-gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs);

(7)

“tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva, użat għall-aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva” tfisser kwalunkwe tagħmir li l-għan prinċipali tiegħu jkun li jipprovdi aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva;

(8)

“servizz ta’ komunikazzjoni elettronika” tfisser servizz ta’ komunikazzjoni elettronika kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(9)

“servizz ta’ konverżazzjoni totali” tfisser servizz ta’ konverżazzjoni totali kif definit fil-punt 35 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(10)

“ċentru li jwieġeb is-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” jew “PSAP” tfisser ċentru li jwieġeb is-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika jew PSAP kif definit fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(11)

“l-aktar PSAP adatt” tfisser l-aktar PSAP adatt kif definit fil-punt 37 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(12)

“komunikazzjoni ta' emerġenza” tfisser komunikazzjoni ta' emerġenza kif definit fil-punt 38 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(13)

“servizz ta’ emerġenza” tfisser servizz ta’ emerġenza kif definit fil-punt 39 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(14)

“test f’ħin reali” tfisser forma ta’ konverżazzjoni fl-għamla ta’ test f’sitwazzjonijiet minn punt għal punt jew f’konferenza bejn diversi punti fejn it-test li jiddaħħal jintbagħat karattru b’karattru, b’tali mod li l-komunikazzjoni tiġi perċepita mill-utent bħala kontinwa;

(15)

“tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas;

(16)

“tqegħid fis-suq” tfisser li prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(17)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li għandha prodott iddisinjat jew immanifatturat u li tikkummerċjalizzah f’isimha jew bit-trade mark tagħha;

(18)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur sabiex taġixxi f’ismu b’rabta ma’ kompiti determinati;

(19)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(20)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, minbarra l-manifattur jew l-importatur, li tagħmel prodott disponibbli fis-suq;

(21)

“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur, jew il-fornitur tas-servizz;

(22)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tixtri l-prodott rilevanti jew li tirċievi s-servizz rilevanti għal finijiet li huma barra mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(23)

“mikrointrapriża” tfisser intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li jkollha fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 2 miljuni jew karta tal-bilanċ annwali li ma taqbiżx l-EUR 2 miljuni;

(24)

“intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju” (SMEs) tfisser intrapriżi li jħaddmu inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, jew karta tal-bilanċ annwali b’total li ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun, iżda teskludi l-mikrointrapriżi;

(25)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt 1(c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(26)

“speċifikazzjonijiet tekniċi ” tfisser speċifikazzjoni teknika kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li tipprovdi mezz biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli għal prodott jew servizz;

(27)

“irtirar” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex prodott fil-katina tal-provvista ma jitħalliex isir disponibbli fis-suq;

(28)

“servizzi bankarji għall-konsumatur” tfisser il-provvista lill-konsumaturi tas-servizzi bankarji u finanzjarji li ġejjin:

(a)

ftehimiet ta’ kreditu koperti mid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) jew id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(b)

servizzi kif definit fil-punti 1, 2, 4 u 5 fit-Taqsima A u l-punti 1, 2, 4 u 5 fit-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30);

(c)

servizzi ta’ pagament kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(d)

servizzi marbuta mal-kont tal-ħlas kif definit fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32); u

(e)

flus elettroniċi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(29)

“terminal ta’ ħlas” tfisser tagħmir li l-għan prinċipali tiegħu jkun li jippermetti li jsiru ħlasijiet bl-użu ta’ strumenti ta’ pagament kif definit fil-punt 14 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 f’punt ta’ bejgħ fiżiku iżda mhux f’ambjent virtwali;

(30)

“servizzi ta’ kummerċ elettroniku” tfisser servizzi pprovduti mill-bogħod, permezz ta’ siti web u servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ konsumatur bl-għan li jiġi konkluż kuntratt mal-konsumatur;

(31)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru” tfisser servizzi kummerċjali tal-ajru għall-passiġġieri, kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, li jitilqu minn, li jittransitaw minn, jew li jaslu f’ajruport, meta l-ajruport jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, inklużi titjiriet li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru fejn is-servizzi jitħaddmu minn trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni;

(32)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank” tfisser servizzi koperti bl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 181/2011;

(33)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija” tfisser is-servizzi kollha tal-passiġġieri bil-ferrovija kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, bl-eċċezzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2) tiegħu;

(34)

“servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma” tfisser servizzi koperti bl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, bl-eċċezzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament;

(35)

“Servizzi tat-trasport urban u suburban” tfisser servizzi tat-trasport urban u suburban kif definiti fil-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34); iżda għall-finijiet ta’, din id-Direttiva, tinkludi biss il-mezzi ta’ trasport li ġejjin: bil-ferrovija, bix-xarabank u bil-kowċ, bil-metro, bit-tram u bit-trolley bus;

(36)

“servizzi tat-trasport reġjonali” tfisser servizzi reġjonali kif definit fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE; iżda għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, tinkludi biss il-mezzi ta’ trasport li ġejjin: bil-ferrovija, bix-xarabank u bil-kowċ, bil-metro, bit-tram u bit-trolley bus;

(37)

“teknoloġija ta’ assistenza” tfisser kwalunkwe oġġett, tagħmir, servizz jew sistema ta’ prodott, inkluż software, li jintuża biex jiżdiedu, jinżammu jew jitjiebu l-kapaċitajiet funzjonali ta’ persuni b’diżabbiltà jew biex jittaffew u jiġu kkumpensati xi indebolimenti, limitazzjonijiet tal-attività jew restrizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

(38)

“sistema operattiva” tfisser software, li fost l-oħrajn, jittratta l-interfaċċa għal hardware periferali, jiskeda kompiti, jalloka l-ħżin, u jippreżenta interfaċċa prestabbilita lill-utent meta l-ebda programm ta’ applikazzjoni ma jkun qed jopera inkluż interfaċċa grafika tal-utent, irrispettivament minn jekk tali software jkun parti integrali tal-hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur, jew ikun software awtonomu li għandu jiġi operat fuq hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur, iżda bl-esklużjoni ta’ karigatur tas-sistema operattiva, sistema bażika ta’ input/output jew firmware ieħor meħtieġ meta s-sistema tistartja jew meta tiġi installata s-sistema operattiva;

(39)

“sistema ta’ hardware tal-kompjuter bi skop ġenerali għall-konsumatur” tfisser it-taħlita ta’ hardware li tifforma kompjuter komplet, ikkaratterizzata min-natura multifunzjonali tagħha, il-kapaċità tagħha li twettaq, bis-software adatt, l-aktar kompiti informatiċi komuni mitluba mill-konsumaturi u maħsuba biex titħaddem mill-konsumaturi, inklużi kompjuters personali, b’mod partikolari kompjuters desktop, notebooks, smartphones u tablets;

(40)

“kapaċità informatika interattiva” tfisser funzjonalità li tappoġġa interazzjoni bejn it-tagħmir u l-bniedem li tippermetti l-ipproċessar u t-trasmissjoni ta’ data, vuċi jew video jew kwalunkwe taħlita tagħhom;

(41)

“ktieb elettroniku u software ddedikat” tfisser servizz, li jikkonsisti mill-provvista ta’ fajls diġitali li jagħtu verżjoni elettronika ta’ ktieb, li jista’ jiġi aċċessat, navigat, jinqara u jintuża u s-software inkluż servizzi bbażati fuq tagħmir tal-mobile inklużi applikazzjonijiet mobbli ddedikat għall-aċċess, in-navigazzjoni u l-qari u l-użu ta’ dawk il-fajls diġitali, u teskludi software kopert skont id-definizzjoni fil-punt (42);

(42)

“qarrej elettroniku” tfisser tagħmir apposta, li jinkludi kemm hardware u software, użat għall-aċċess, in-navigazzjoni, il-qari u l-użu ta’ fajls ta’ kotba elettroniċi;

(43)

“biljetti elettroniċi” tfisser kwalunkwe sistema li fiha intitolament għall-ivvjaġġar, fil-forma ta’ biljetti tal-ivvjaġġar singoli jew multipli, abbonamenti tal-ivvjaġġar jew kreditu tal-ivvjaġġar, ikun maħżun elettronikament fuq kard tat-trasport fiżika jew tagħmir ieħor, minflok ma jiġi stampat fuq biljett tal-karti;

(44)

“servizzi ta’ ħruġ ta’ biljetti elettroniċi” tfisser kwalunkwe sistema li fiha biljetti tat-trasport tal-passiġġieri jinxtraw online inkluż billi jintuża tagħmir b’kapaċità informatika interattiva, u jitwasslu għand ix-xerrejja fil-forma elettronika, biex huma jkunu jistgħu jistampawhom fuq karta jew juruhom fuq tagħmir mobbli b’kapaċità informatika interattiva meta jivvjaġġaw.

KAPITOLU II

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u moviment liberu

Artikolu 4

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u soġġett għall-Artikolu 14, li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu fis-suq biss il-prodotti u jipprovdu biss is-servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I.

2.   Il-prodotti kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima I tal-Anness I.

Il-prodotti kollha, bl-eċċezzjoni tat-terminals self-service, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima II tal-Anness I.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, is-servizzi kollha, ħlief is-servizzi tat-trasport urban u suburban u s-servizzi tat-trasport reġjonali, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness I.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, is-servizzi kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima IV tal-Anness I.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali, l-ambjent mibni użat mill-klijenti tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III, sabiex jiżdied l-użu tagħhom minn persuni b’diżabbiltà.

5.   Il-mikrointrapriżi li jipprovdu servizzi) għandhom ikunu eżentati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u minn kwalunkwe obbligu relatat mal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu linji gwida u għodod lill-mikrointrapriżi biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw dawk l-għodod f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

7.   L-Istati Membri jistgħu jinfurmaw lill-operaturi ekonomiċi bl-eżempji indikattivi, li jinsabu fl-Anness II, ta’ soluzzjonijiet possibbli li jikkontribwixxu biex jiġu sodifatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fl-Anness I.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tweġib għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’ mill-aktar PSAP adatt, għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ aċċessibbiltà stipulati fit-Taqsima V tal-Anness I bl-aktar mod adatt għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza.

9.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex tissupplimenta l-Anness I billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li, minnhom infushom, ma jistgħux jipproduċu l-effett mixtieq tagħhom sakemm ma jkunux speċifikati aktar f’atti legali vinkolanti tal-Unjoni, bħar-rekwiżiti relatati mal-interoperabbiltà.

Artikolu 5

Leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri

Is-servizzi li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni aċċessibbli u ta’ informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (KE) Nru 1371/2007, (UE) Nru 1177/2010 u (UE) Nru 181/2011 u l-atti rilevanti adottati abbażi tad-Direttiva 2008/57/KE għandhom jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. Fejn din id-Direttiva tipprevedi rekwiżiti addizzjonali għal dawk previsti f’dawk ir-Regolamenti u f’dawk l-atti, ir-rekwiżiti addizzjonali għandhom japplikaw b’mod sħiħ.

Artikolu 6

Moviment liberu

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxi, għal raġunijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà,it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fit-territorju tagħhom li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU III

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jittrattaw prodotti

Artikolu 7

Obbligi tal-manifatturi

1.   Meta jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tfasslu u ġew immanifatturati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika f’konformità mal-Anness IV u jwettqu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilita f’dak l-Anness jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha.

Fejn ikun intwera, permezz ta’ dik il-proċedura, li prodott huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u jwaħħlu t-tikketta CE.

3.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal ħames snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi ma’ din id-Direttiva. Għandu jittieħed kont b’mod adegwat tal-bidliet fid-disinn jew fil-karatteristiċi tal-prodott u tal-bidliet fl-istandards armonizzati, jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li b’referenza għalihom tiġi ddikjarata l-konformità ta’ prodott.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikollhom fuqhom numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom jew, fejn id-daqs jew in-natura tal-prodott ma jippermettux dan, li l-informazzjoni meħtieġa għandha tingħata fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

6.   Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trade mark irreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati rigward il-prodott jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. L-indirizz irid jindika punt uniku fejn il-manifattur jista’ jiġi kkuntattjat. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

7.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ta’ sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Dawn l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni, kif ukoll kwalunkwe tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

8.   Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li prodott li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew jekk adatt, jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva, il-manifatturi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dak il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda. F’tali każijiet, il-manifatturi għandhom iżommu reġistru tal-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli u tal-ilmenti relatati.

9.   Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-prodott, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu qiegħdu fis-suq, b’mod partikolari billi jġibu l-prodotti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

Artikolu 8

Rappreżentanti awtorizzati

1.   Manifattur jista’, b’mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stipulati fl-Artikolu 7(1) u t-tfassil ta’ dokumentazzjoni teknika ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat li jagħmel għall-inqas dan li ġej:

(a)

iżomm id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal perijodu ta’ ħames snin;

(b)

fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott;

(c)

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq it-talba tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti koperti mill-mandat tagħhom.

Artikolu 9

Obbligi tal-importaturi

1.   L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq biss prodotti konformi.

2.   Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun wettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika meħtieġa minn dak l-Anness, li l-prodott ikollu fuqu t-tikketta CE u li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u li l-manifattur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6).

3.   Fejn importatur iqis, jew ikollu raġuni biex jemmen, li prodott ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva, l-importatur ma għandux iqiegħed il-prodott fis-suq sakemm dan ikun inġieb f’konformità. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

4.   L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati rigward il-prodott jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

5.   L-importaturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

7.   L-importaturi għandhom, għal perijodu ta’ ħames snin, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun tista’ ssir disponibbli għal dawk l-awtoritajiet fuq talba.

8.   L-importaturi li jqisu, jew li jkollhom raġuni jemmnu, li prodott li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew, jekk adatt, biex jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, l-importaturi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda. F’tali każijiet, l-importaturi għandhom iżommu reġistru tal-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, u tal-ilmenti relatati.

9.   L-importaturi għandhom, fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 10

Obbligi tad-distributuri

1.   Meta jqiegħdu prodott għad-dispożizzjoni fis-suq id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

2.   Qabel ma prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-prodott ikollu fuqu t-tikketta CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti aħħarin oħra fl-Istat Membru li fih il-prodott ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq u li l-manifattur u l-importatur ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5) u (6) u l-Artikolu 9(4) rispettivament.

3.   Fejn distributur iqis, jew ikollu raġuni biex jemmen, li prodott ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva, id-distributur ma għandux iqiegħed il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq qabel ma dan jinġieb f’konformità. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

4.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

5.   Id-distributuri li jqisu, jew li jkollhom raġuni biex jemmnu, li prodott li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq ma jkunx f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott jinġieb f’konformità, jew, jekk adatt, biex jirtirawh. Barra minn hekk, fejn il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, id-distributuri għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu għamlu l-prodott disponibbli għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

6.   Id-distributuri għandhom, fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità ta’ prodott. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq it-talba tagħha, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex tiġi eliminata n-nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ prodotti, li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq.

Artikolu 11

Każijiet li fihom l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u għad-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 7, fejn iqiegħed prodott fis-suq taħt ismu jew bit-trademark tiegħu jew jimmodifika prodott li diġà jkun tqiegħed fis-suq b’tali mod li jista’ jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 12

Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jittrattaw prodotti

1.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 għandhom, fuq talba, jidentifikaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, dan li ġej:

(a)

kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkun fornihom prodott;

(b)

kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jkunu fornewh bi prodott.

2.   L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal perijodu ta’ ħames snin wara li jkunu ġew fornuti bil-prodott u għal perijodu ta’ ħames snin wara li jkunu fornew il-prodott.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26, biex temenda din id-Direttiva sabiex tbiddel il-perijodu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal prodotti speċifiċi. Dak il-perijodu emendat għandu jkun itwal minn ħames snin, u għandu jkun proporzjonat mal-ħajja ekonomikament utli tal-prodott ikkonċernat.

KAPITOLU IV

Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi

Artikolu 13

Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi

1.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jfasslu u jipprovdu s-servizzi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom iħejju l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Anness V u għandhom jispjegaw kif is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’format bil-miktub u bil-fomm, inkluż b’mod li jkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. Il-fornituri ta’ servizzi għandhom iżommu dik l-informazzjoni sakemm ikun qed jitħaddem is-servizz.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti proċeduri sabiex il-provvista ta’ servizzi tibqa’ f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. IBidliet fil-karatteristiċi tal-provvista tas-servizz, bidliet fir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli u bidliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li b’referenza għalihom servizz jiġi ddikjarat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għandhom jitqiesu b’mod adatt mill-fornituri ta’ servizzi.

4.   Fil-każ ta’ nonkonformità, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex iġibu s-servizz f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Barra minn hekk, fejn is-servizz ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, il-fornituri ta’ servizzi għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, li fihom jiġi pprovdut is-servizz, għal dak l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nonkonformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom, fuq talba motivata minn awtorità kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tas-servizz mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba ta’ dik l-awtorità, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex is-servizz jinġieb f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU V

Trasformazzjoni fundamentali ta’ prodotti jew servizzi u piż sproporzjonat għall-operaturi ekonomiċi

Artikolu 14

Trasformazzjoni fundamentali u piż sproporzjonat

1.   Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4 għandhom japplikaw biss sa fejn il-konformità:

(a)

ma tkunx teħtieġ bidla sinifikanti fi prodott jew servizz li tirriżulta fit-trasformazzjoni fundamentali tan-natura bażika tiegħu; u

(b)

ma tirriżultax fl-impożizzjoni ta’ piż sproporzjonat fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

2.   L-operaturi ekonomiċi għandhom iwettqu valutazzjoni dwar jekk il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4 tintroduċix trasformazzjoni fundamentali jew, abbażi tal-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness VI, timponix piż sproporzjonat, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-operaturi ekonomiċi għandhom jiddokumentaw il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.. L-operaturi ekonomiċi għandhom iżommu r-riżultati rilevanti kollha għal perijodu ta’ ħames snin li għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar darba li jkunu qiegħdu prodott għad-dispożizzjoni fis-suq jew wara l-aħħar darba li jkun ġie pprovdut servizz, kif applikabbli. Fuq talba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jew mill-awtoritajiet responsabbli mill-verifika tal-konformità tas-servizzi, kif applikabbli, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet b’kopja tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-mikrointrapriżi li jittrattaw prodotti għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jiddokumentaw il-valutazzjoni tagħhom. Madankollu, jekk awtorità tas-sorveljanza tas-suq titlob dan, mikrointrapriżi li jittrattaw prodotti u li jkunu għażlu li jserrħu fuq il-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità l-fatti rilevanti għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi li jserrħu fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom, fir-rigward ta’ kull kategorija jew tip ta’ servizz, iġeddu l-valutazzjoni tagħhom ta’ jekk il-piż ikunx sproporzjonat:

(a)

meta s-servizz offrut jiġi ttrasformat; jew

(b)

meta mitluba jagħmlu dan mill-awtoritajiet responsabbli mill-verifika tal-konformità tas-servizzi; u

(c)

fi kwalunkwe każ, mill-inqas kull ħames snin.

6.   Fejn l-operaturi ekonomiċi jirċievu finanzjament minn sorsi oħra għajr ir-riżorsi proprji tal-operatur ekonomiku, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jingħata għall-fini ta’ titjib tal-aċċessibbiltà, ma għandhomx ikunu intitolati jserrħu fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex tissupplementa l-Anness VI billi tispeċifika aktar il-kriterji rilevanti li għandu jittieħed kont tagħhom mill-operatur ekonomiku għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta tispeċifika aktar dawk il-kriterji, il-Kummissjoni għandha tqis mhux biss il-benefiċċji potenzjali għall-persuni b’diżabbiltà, iżda wkoll ta’ dawk għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel tali att delegat sat-28 ta’ Ġunju 2020. Tali att għandu jibda japplika, l-aktar kmieni fit-28 ta’ Ġunju 2025.

8.   Fejn l-operaturi ekonomiċi jserrħu fuq il-paragrafu 1 għal prodott jew servizz speċifiku għandhom jibagħtu l-informazzjoni għal dak l-għan lill-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq jew lill-awtoritajiet responsabbli għall-verifika tal-konformità tas-servizzi tal-Istat Membru fejn il-prodott speċifiku jitqiegħed fis-suq jew li jiġi pprovdut is-servizz speċifiku.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-mikrointrapriżi.

KAPITOLU VI

Standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ prodotti u servizzi

Artikolu 15

Preżunzjoni ta’ konformità

1.   Il-prodotti u s-servizzi li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva sa fejn dawk l-istandards jew partijiet minnhom ikopru dawk ir-rekwiżiti.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standards armonizzati għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-prodott stabbiliti fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel tali abbozz ta’ talba lill-kumitat rilevanti sat-28 ta’ Ġunju 2021.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva fejn ikunu ġew issodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkun ġiet ippubblikata ebda referenza għall-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; u

(b)

jew:

(i)

il-Kummissjoni tkun talbet lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat u jkun hemm dewmien żejjed fil-proċedura ta’ standardizzazzjoni jew it-talba ma tkun ġiet aċċettata minn ebda organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni; jew

(ii)

il-Kummissjoni tista’ turi li speċifikazzjoni teknika tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, ħlief għar-rekwiżit li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kellhom jiġu żviluppati minn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

4.   Il-prodotti u s-servizzi li jkunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ma’ partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jkunu f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva sa fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom ikopru dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU VII

Konformità tal-prodotti u t-tikketta CE

Artikolu 16

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE tal-prodotti

1.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li jkun intwera li ġew issodisfatti r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbl. Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun intuża l-Artikolu 14, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara liema rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà jkunu soġġetti għal dik l-eċċezzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Għandu jkun fiha l-elementi speċifikati fl-Anness IV għal din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Ir-rekwiżiti dwar id-dokumentazzjoni teknika għandhom jevitaw li jimponu kwalunkwe piż żejjed għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Għandha tiġi tradotta fil-lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq il-prodott.

3.   Fejn prodott ikun soġġett għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jirrikjedi dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward tat-tali atti tal-Unjoni kollha. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-identifikazzjoni tal-atti kkonċernati inkluż ir-referenzi tal-pubblikazzjoni.

4.   Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali tat-tikketta CE tal-prodotti

It-tikketta CE għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 18

Regoli u kondizzjonijiet għat-twaħħil tat-tikketta CE

1.   It-tikketta CE għandha titwaħħal b’mod viżibbli, leġġibbli u indelibbli mal-prodott jew mal-plakka tad-data tiegħu. Fejn dak ma jkunx possibbli, jew ma jkunx iġġustifikat, minħabba n-natura tal-prodott, għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjawh.

2.   It-tikketta CE għandha titwaħħal qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

3.   L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-reġim li jirregola t-tikketta CE u għandhom jieħdu azzjoni adatta fil-każ ta’ użu ħażin ta’ dik it-tikketta.

KAPITOLU VIII

Sorveljanza tas-suq tal-prodotti u proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

Artikolu 19

Sorveljanza tas-suq tal-prodotti

1.   L-Artikolu 15(3), l-Artikoli 16 sa 19, l-Artikolu 21, l-Artikoli 23 sa 28 u l-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għall-prodotti.

2.   Meta jwettqu sorveljanza tas-suq tal-prodotti, l-awtoritajiet rilevanti tas-sorveljanza tas-suq għandhom, meta l-operatur ekonomiku jkun serraħ fuq l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva:

(a)

jivverifikaw li l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tkun twettqet mill-operatur ekonomiku;

(b)

jirrieżaminaw dik il-valutazzjoni u r-riżultati tagħha, inkluż l-użu korrett tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI; u

(c)

jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni miżmuma minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli ta’ din id-Direttiva u l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 14, issir disponibbli lill-konsumaturi fuq talba u f’format aċċessibbli, ħlief fejn dik l-informazzjoni ma tkunx tista’ tingħata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kif previst fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 20

Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli

1.   Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li prodott kopert minn din id-Direttiva ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, għandhom iwettqu evalwazzjoni b’rabta mal-prodott ikkonċernat li tkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak l-għan.

Meta, matul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex il-prodott isir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, li jikkorrispondi għan-natura tan-nonkonformità, kif jista’ jkun preskritt minnhom.

L-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jeħtieġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jirtira l-prodott mis-suq, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli addizzjonali, biss jekk l-operatur ekonomiku rilevanti jkun naqas milli jieħu azzjoni korrettiva adegwata fil-perijodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu.

2.   Meta l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq iqisu li n-nonkonformità mhix limitata biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma talbu lill-operatur ekonomiku jieħu.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed l-azzjoni korrettiva xierqa kollha fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kollha li jkun qiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.   Meta l-operatur ekonomiku rilevanti ma jieħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perijodu ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri proviżorji kollha xierqa biex jipprojbixxu jew jillimitaw il-prodotti li jkunu qed isiru disponibbli fis-swieq nazzjonali tagħhom jew biex jirtiraw il-prodott minn dak is-suq.

L-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott mhux konformi, l-oriġini tal-prodott, in-natura tan-nonkonformità allegata u r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà li l-prodott ma jikkonformax magħhom, in-natura u t-tul tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nonkonformità hix dovuta jew:

(a)

għan-nonkonformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli; jew

(b)

għan-nuqqasijiet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 15 li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità.

6.   L-Istati Membri, għajr l-Istat Membru li jkun beda l-proċeduraskont dan l-Artikolu għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe miżura adottata u dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nonkonformità tal-prodott ikkonċernat, u, jekk ma jaqblux mal-miżura nazzjonali notifikata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Meta, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la minn Stat Membru u lanqas mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura proviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies bħala ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu mingħajr dewmien l-miżuri restrittivi xierqa, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

Artikolu 21

Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

1.   Meta, wara t-tlestija tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(3) u (4), jitressqu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew meta l-Kummissjoni jkollha evidenza raġonevoli li tissuġġerixxi li miżura nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew mal-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-prodott li ma jkunx konformi jiġi rtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni. Meta l-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira l-miżura.

3.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu titqies ġustifikata u n-nonkonformità tal-prodott tiġi attribwita għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(5), il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

4.   Meta l-miżura nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu titqies li hija ġustifikata u n-nonkonformità tal-prodott tiġi attribwita għal nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(5), il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jemendaw jew iħassru l-ispeċifikazzjoni teknika kkonċernata. Dawk l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 22

Nonkonformità formali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, meta Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jtemm in-nonkonformità kkonċernata:

(a)

it-tikketta CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva;

(b)

it-tikketta CE ma tkunx twaħħlet;

(c)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet;

(d)

id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx tfasslet b’mod korrett;

(e)

id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(f)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(6) jew fl-Artikolu 9(4) tkun nieqsa, falza jew mhux kompleta;

(g)

kwalunkwe rekwiżit amministrattiv ieħor previst fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 9 ma jkunx sodisfatt.

2.   Fejn tippersisti n-nonkonformità msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jillimita jew jipprojbixxi li l-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jew biex jiżgura li dan jiġi rtirat mis-suq.

KAPITOLU IX

Konformità tas-servizzi

Artikolu 23

Konformità tas-servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw perjodikament il-proċeduri adegwati sabiex:

(a)

jiċċekkjaw il-konformità tas-servizzi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluż il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 li għalihom għandu japplika l-Artikolu 19(2) mutatis mutandis;

(b)

isegwu l-ilmenti jew ir-rapporti dwar kwistjonijiet relatati man-nonkonformità tas-servizzi mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva;

(c)

jivverifikaw li l-operaturi ekonomiċi jkunu ħadu l-azzjoni korrettiva meħtieġa.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-konformità tas-servizzi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat bl-eżistenza, ir-responsabbiltajiet, l-identità, ix-xogħol u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-awtoritajiet għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli f’formati aċċessibbli fuq talba.

KAPITOLU X

Rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà f’atti oħra tal-Unjoni

Artikolu 24

Aċċessibbiltà skont atti oħra tal-Unjoni

1.   Fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I tagħha għandhom jikkostitwixxu r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà obbligatorja fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24/UE u tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2014/25/UE.

2.   Kwalunkwe prodott jew servizz, li l-karatteristiċi, l-elementi jew il-funzjonijiet tiegħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I għal din id-Direttiva għandu jkun preżunt li jissodisfa l-obbligi rilevanti stabbiliti f’atti tal-Unjoni għajr din id-Direttiva, fir-rigward tal-aċċessibilità, għal dawk il-karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dawk l-atti l-oħra.

Artikolu 25

Standards armonizzati u speċifikazzjonijiet tekniċi għal atti oħra tal-Unjoni

Il-konformità mal-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom li jiġu adottati skont l-Artikolu 15, għandhom joħolqu preżunzjoni ta’ konformità mal-Artikolu 24 sakemm dawk l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU XI

Atti delegati, setgħat ta’ implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 26

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(9) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mis-27 ta’ Ġunju 2019.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(9), l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(9), l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 14(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Grupp ta’ ħidma

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq, tal-awtoritajiet responsabbli mill-konformità tas-servizzi u tal-partijiet ikkonċernati, inkluż rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-grupp ta’ ħidma għandu:

(a)

jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(b)

irawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti rigward kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva biex tittejjeb il-koerenza fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva u biex isir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14; u

(c)

jagħti pariri, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 14.

Artikolu 29

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-konsumatur jista’ jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jiġu rispettati;

(b)

dispożizzjonijiet li permezz tagħhom korpi pubbliċi jew assoċjazzjonijiet privati, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li għandhom interess leġittimu, biex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi rispettata, jistgħu jkunu involuti skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti jew f’isem l-ilmentatur jew b’appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva prevista għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kuntratti li huma soġġetti għad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 30

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

2.   Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjoni effettiva ta’ rimedju f’każ ta’ nonkonformità tal-operatur ekonomiku.

3.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, b’kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

4.   Il-penali għandhom iqisu l-livell ta’ nonkonformità, inkluż il-gravità tagħha, u l-għadd ta’ unitajiet ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati li mhumiex konformi, kif ukoll l-għadd ta’ persuni affettwati.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kuntratti li huma soġġetti għad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Artikolu 31

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Ġunju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-28 ta’ Ġunju 2025.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(8) sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2027.

4.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri li jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(4) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw għal dak l-għan u għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 32

Miżuri tranżitorji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprevedu perijodu tranżitorju li jagħlaq fit-28 ta’ Ġunju 2030, li matulu l-fornituri ta’ servizzi jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi tagħhom bl-użu ta’ prodotti li kienu ntużaw legalment minnhom biex jipprovdu servizzi simili qabel dik id-data.

Il-kuntratti ta’ servizz miftiehma qabel it-28 ta’ Ġunju 2025 jistgħu jibqgħu mhux mittiefsa sakemm jiskadu, iżda mhux aktar tard minn ħames sena minn dik id-data.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-terminals self-service użati legalment minn fornituri ta’ servizzi għall-provvista ta’ servizzi qabel it-28 ta’ Ġunju 2025 jistgħu jibqgħu jintużaw fil-provvista ta’ servizzi simili sa tmiem il-ħajja ekonomikament utli tagħhom, iżda mhux aktar minn 20 sena minn meta jkunu bdew jintużaw.

Artikolu 33

Rapport u reviżjoni

1.   Sat-28 ta’ Ġunju 2030, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Ir-rapporti għandhom, fost l-oħrajn, jindirizzaw fid-dawl tal-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, l-evoluzzjoni tal-aċċessibbiltà ta’ prodotti u ta’ servizzi, il-lock-in teknoloġiku jew l-ostakli għall-innovazzjoni possibbli u l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-operaturi ekonomiċi, u fuq persuni b’diżabbiltà. Ir-rapporti għandhom jivvalutaw jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tkunx ikkontribwiet għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti diverġenti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, servizzi bankarji għall-konsumatur u ċ-ċentri għas-servizz tal-konsumaturi tal-ħwienet tal-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fejn possibbli, bil-ħsieb li jitħalla jsir l-allinjament progressiv tagħhom mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III.

Ir-rapporti għandhom jivvalutaw ukoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fakultattivi tagħha, ikunux ikkontribwew għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni li jikkostitwixxu xogħlijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), id-Direttiva 2014/24/UE, u d-Direttiva 2014/25/UE.

Ir-rapporti għandhom jindirizzaw ukoll l-effetti fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, inkluż, meta disponibbli, abbażi ta’ informazzjoni li tkun waslet skont l-Artikolu 14(8), kif ukoll l-eżenzjoni għall-mikrointrapriżi. Ir-rapporti għandhom jikkonkludu jekk din id-Direttiva tkunx laħqet l-objettivi tagħha u jekk ikunx xieraq li jiġu inklużi prodotti u servizzi ġodda, jew li jiġu esklużi ċerti prodotti jew servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dawn għandhom jidentifikaw, fejn dan ikun possibbli, oqsma għat-tnaqqis tal-piż bil-ħsieb ta’ reviżjoni possibbli ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri xierqa li jistgħu jinkludu miżuri leġislattivi.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien debitu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex tfassal rapporti bħal dawn.

4.   Ir-rapporti tal-Kummissjoni għandhom iqisu l-fehmiet tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Artikolu 34

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 103.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(3)  Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(6)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (Tfassil mill-ġdid), (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabilità fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabilità fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1).

(16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(18)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(20)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(22)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(23)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(24)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(26)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(27)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(28)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(29)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(30)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(31)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(32)  Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

(33)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(34)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(35)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).


ANNESS I

REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-PRODOTTI U GĦAS-SERVIZZI

Taqsima i

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ġenerali relatati mal-prodotti kollha koperti minn din id-direttiva f’konformità mal-artikolu 2(1)

Il-prodotti jridu jkunu ddisinjati u prodotti b’tali mod li jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità u għandhom ikunu akkumpanjati fejn possibbli fil-prodott jew fuqu minn informazzjoni aċċessibbli dwar il-funzjonament tagħhom u dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom.

1.

Rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni:

(a)

l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodott mogħtija fuq il-prodott innifsu (tikkettar, struzzjonijiet u twissija) għandha tkun:

(i)

magħmula disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ippreżentata b’mod li jinftiehem;

(iii)

ippreżentata lill-utenti b’mod li huma jistgħu jipperċepixxu;

(iv)

ippreżentata b’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi.

(b)

l-istruzzjonijiet għall-użu ta’ prodott, li ma jkunux mogħtija fuq il-prodott innifsu iżda jkunu disponibbli permezz tal-użu tal-prodott jew b’mezzi oħra bħal sit web, inkluż il-funzjonijiet tal-aċċessibbiltà tal-prodott, il-mod ta’ kif jiġu attivati u l-interoperabbiltà tagħhom b’soluzzjonijiet ta’ assistenza għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku meta l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandhom:

(i)

jiġu magħmula disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ikunu ppreżentati b’mod li jinftiehem;

(iii)

ikunu ppreżentati lill-utenti b’modi li jistgħu jipperċepixxuh;

(iv)

ikunu ppreżentati b’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(v)

rigward il-kontenut, ikun magħmul disponibbli f’formati tat-test li jistgħu jintużaw biex jiġu ġġenerati formati ta’ assistenza alternattivi li jiġu ppreżentati b’modi differenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(vi)

ikunu akkumpanjati minn preżentazzjoni alternattiva ta’ kwalunkwe kontenut mhux testwali;

(vii)

jinkludu deskrizzjoni tal-interfaċċa tal-utent tal-prodott (trattament, kontroll u feedback, input u output) mogħtija f’konformità mal-punt 2; id-deskrizzjoni għandha tindika għall kull wieħed mill-punti fil-punt 2 jekk il-prodott jipprovdix tali karatteristiċi;

(viii)

jinkludu deskrizzjoni tal-funzjonalità tal-prodott li tingħata permezz ta’ funzjonijiet immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, f’konformità mal-punt 2; id-deskrizzjoni għandha tindika għal kull wieħed mill-punti fil-punt 2 jekk il-prodott jipprovdix dawk il-karatteristiċi;

(ix)

jinkludu deskrizzjoni tal-interfaċċar tas-software u l-hardware tal-prodott ma’ tagħmir ta’ assistenza; id-deskrizzjoni għandha tinkludi lista ta’ dak it-tagħmir ta’ assistenza li ġie ttestjat flimkien mal-prodott.

2.

Interfaċċa tal-utent u disinn tal-funzjonalità:

Il-prodott, inkluż l-interfaċċa tal-utent tiegħu, għandu jkun fih karatteristiċi, elementi u funzjonijiet, li jippermettu lill-persuni b’diżabilità jaċċessaw, jipperċepixxu, iħaddmu, jifhmu u jikkontrollaw il-prodott billi jiġi żgurat li:

(a)

meta l-prodott jipprevedi komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni interpersonali, operazzjoni, informazzjoni, kontroll u orjentazzjoni, huwa għandu jagħmel dan permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed; dan għandu jinkludi l-għoti ta’ alternattivi għall-elementi tal-vista, tas-smigħ, tad-diskors u tal-mess;

(b)

meta l-prodott juża d-diskors għandhom jiġu proposti alternattivi għad-diskors u għall-input bil-vuċi għall-komunikazzjoni, it-tħaddim, il-kontroll u l-orjentazzjoni;

(c)

meta l-prodott juża elementi viżivi huwa għandu jipprevedi tkabbir, dija u kuntrast flessibbli għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u l-użu, kif ukoll jiżgura l-interoperabbiltà mal-programmi u t-tagħmir ta’ assistenza biex tiġi nnavigata l-interfaċċa;

(d)

meta l-prodott juża l-kulur biex iwassal informazzjoni, jindika azzjoni, jitlob risposta jew jidentifika elementi, huwa għandu jipprovdi alternattiva għall-kulur;

(e)

meta l-prodott juża sinjali li jinstemgħu biex jagħti informazzjoni, jindika azzjoni, jitlob risposta jew jidentifika elementi, huwa għandu jipprovdi alternattiva għas-sinjali li jinstemgħu;

(f)

meta l-prodott juża elementi viżivi, huwa għandu jipprovdi modi flessibbli biex titjieb iċ-ċarezza tal-viżjoni;

(g)

meta l-prodott juża l-awdjo, huwa għandu jipprovdi kontroll mill-utent tal-volum u l-veloċità, u karatteristiċi awdjo msaħħa inkluż it-tnaqqis ta’ sinjali awdjo ta’ interferenza minn prodotti fil-madwar u ċ-ċarezza tal-awdjo;

(h)

meta l-prodott jeħtieġ operazzjoni u kontroll manwali, huwa għandu jipprevedi kontroll sekwenzjali u alternattivi għal kontroll ibbażat fuq kapaċitajiet motorji fiċ-ċokon, filwaqt li tiġi evitata l-ħtieġa għal kontrolli simultanji għall-manipulazzjoni, u għandu juża partijiet identifikabbli bil-mess;

(i)

il-prodott għandu jevita modi ta’ tħaddim li jeħtieġu moviment estensiv u saħħa kbira;

(j)

il-prodott għandu jevita li jikkawża kriżi fotosensittiva;

(k)

il-prodott għandu jipproteġi l-privatezza tal-utenti meta dawn jużaw l-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà;

(l)

il-prodott għandu jipprovdi alternattiva għall-identifikazzjoni u l-kontroll bijometriċi;

(m)

il-prodott għand jiżgura il-konsistenza tal-funzjonalità u għandu jipprovdi ammonti ta’ żmien suffiċjenti u flessibbli għall-interazzjoni;

(n)

il-prodott għandu jipprovdi software u hardware għall-interfaċċar mat-teknoloġija ta’ assistenza;

(o)

il-prodott għandu jkun konformi mar-rekwiżiti speċifiċi għas-settur li ġejjin:

(i)

terminals self-service:

għandhom jipprevedu teknoloġija tal-qari awtomatiku tat-test;

għandhom jippermettu l-użu ta’ kuffji personali;

meta jkun meħtieġ rispons bil-ħin, għandhom javżaw lill-utent permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

għandhom jagħtu l-possibbiltà li jiġi estiż iż-żmien li jingħata;

għandu jkollhom kuntrast adegwat u f’każ li jkunu disponibbli buttuni u kontrolli, dawn għandhom ikunu identifikabbli bil-mess;

m’għandhomx jeħtieġu li tkun attivata karatteristika ta’ aċċessibbiltà biex utent li jkun jeħtieġ dik il-karatteristika jkun jista’ jużahom;

meta l-prodott juża sinjali awdjo jew li jinstemgħu, dan għandu jkun kompatibbli mal-apparati u t-teknoloġiji ta’ assistenza disponibbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż teknoloġiji tas-smigħ bħal apparat akustiku (hearing aids), telecoils, impjanti tal-koklea u tagħmir ta’ assistenza għas-smigħ;

(ii)

qarrejja elettroniċi għandhom jipprevedu teknoloġija tal-qari awtomatiku tat-test;

(iii)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva użat għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika:

għandu, meta prodotti bħal dawn minbarra l-vuċi jkollhom l-kapaċità tat-test, jipprevedi li t-test jiġi ttrattat fil-ħin reali u kompatibbiltà ma’ awdjo hifi;

għandu, meta l-prodotti jkollhom kapaċitajiet vidjo flimkien ma’ jew f’taħlita ta’ test u vuċi, jipprevedi li tiġi ttrattata l-konverżazzjoni kollha inkluż vuċi sinkronizzata, test f’ħin reali, u vidjo b’riżoluzzjoni li tippermetti l-komunikazzjoni bil-lingwa tas-sinjali;

għandu jiżgura konnessjoni bla fili effikaċi għal teknoloġiji tas-smigħ;

għandu jevita interferenzi ma’ tagħmir ta’ assistenza;

(iv)

tagħmir tat-terminals għall-konsumatur b’kapaċità informatika interattiva użat għal servizzi tal-media awdjoviżiva għandu jagħmel disponibbli lill-persuni b’diżabilità l-komponenti ta’ aċċessibbiltà pprovduti mill-fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, għall-aċċess, l-għażla, il-kontroll u l-personalizzazzjoni mill-utent u għat-trasmissjoni lejn tagħmir ta’ assistenza.

3.

Servizzi ta’ sostenn:

Fejn disponibbli, is-servizzi ta’ appoġġ (help desks, ċentri telefoniċi, appoġġ tekniku, servizzi ta’ trażmissjoni u servizzi ta’ taħriġ) għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-prodott u l-kompatibbiltà tiegħu ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’modi ta’ komunikazzjoni aċċessibbli.

Taqsima ii

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà marbuta ma’ prodotti fl-artikolu 2(1), ħlief għat-terminals self-service msemmija fl-artikolu 2(1)(b)

Minbarra R-REKWIŻITI TAt-Taqsima I, l-imballaġġ u l-istruzzjonijiet tal-prodotti koperti minn din it-Taqsima għandhom isiru aċċessibbli, sabiex jiġi mmassimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità. Dan Ifisser li:

(a)

l-imballaġġ tal-prodott, inkluż l-informazzjoni pprovduta fih (pereżempju dwar kif jinfetaħ, jingħalaq, jintuża, jintrema), inkluż, fejn provduta, informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott, għandhom isiru aċċessibbli; u, meta jkun fattibbli, li għandha tingħata informazzjoni fuq l-imballaġġ;

(b)

l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni u l-manutenzjoni, il-ħżin u r-rimi tal-prodott li ma jkunux provduti fuq il-prodott innifsu iżda jkunu disponibbli b’mezzi oħra bħal sit web għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku meta l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

ikunu disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

ikunu ppreżentati b’mod li jinftiehem;

(iii)

ikunu ppreżentati lill-utenti b’modi li jistgħu jipperċepixxuh;

(iv)

ikunu ppreżentati f’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu, u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(v)

il-kontenut tal-istruzzjonijiet għandu jsir disponibbli f’formati tat-test li jistgħu jintużaw biex jiġu ġġenerati formati ta’ assistenza alternattivi li jridu jiġu ppreżentati b’modi differenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed; u

(vi)

istruzzjonijiet li fihom kwalunkwe kontenut mhux testwali għandhom ikunu akkumpanjati minn preżentazzjoni alternattiva ta’ dak il-kontenut.

Taqsima iii

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ġenerali relatati mas-servizzi kollha koperti minn din id-direttiva f’konformità mal-artikolu 2(2)

Il-provvista ta’ servizzi sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabilità, għandha titwettaq billi:

(a)

tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-prodotti użati fil-forniment tas-servizz, f’konformità mat-Taqsima I ta’ dan l-Anness, u fejn applikabbli, it-Taqsima II tiegħu;

(b)

tingħata informazzjoni dwar il-funzjonament tas-servizz, u fejn il-prodotti jintużaw fil-forniment tas-servizz, ir-rabta tiegħu ma’ dawn il-prodotti kif ukoll informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà u interoperabbiltà tagħhom ma’ tagħmir u faċilitajiet ta’ assistenza:

(i)

l-informazzjoni ssir disponibbli permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(ii)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’mod li jinftiehem;

(iii)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti b’modi li huma jistgħu jipperċepixxu;

(iv)

il-kontenut tal-informazzjoni jsir disponibbli f’formati ta’ test li jistgħu jintużaw biex jiġġeneraw formati alternattivi ta’ assistenza li għandhom ikunu ppreżentati b’modi differenti mill-utenti u permezz ta’ aktar minn mezz sensorjali wieħed;

(v)

il-preżentazzjoni f’fonts ta’ daqs adegwat u forma adatta, li b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet prevedibbli ta’ użu u bl-użu ta’ kuntrast suffiċjenti, kif ukoll spazjar aġġustabbli bejn l-ittri, il-linji u l-paragrafi;

(vi)

kwalunkwe kontenut mhux testwali jiġi ssupplimentat bi preżentazzjoni alternattiva ta’ dak il-kontenut; u

(vii)

il-provvista ta’ informazzjoni elettronika meħtieġa fil-forniment ta’ servizz b’mod konsistenti u adegwat billi tagħmlu perċepibbli, operabbli, jinftiehem u robust;

(c)

is-siti web, inkluż l-applikazzjonijiet online marbuta magħhom, u s-servizzi bbażati fuq tagħmir mobbli, inkluż applikazzjonijiet mobbli, isiru aċċessibbli b’mod konsistenti u adegwat billi jsiru perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(d)

fejn disponibbli, is-servizzi ta’ appoġġ (help desks, ċentri telefoniċi, appoġġ tekniku, servizzi ta’ trażmissjoni u servizzi ta’ taħriġ) li jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizz u l-kompatibbiltà tiegħu ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’modi ta’ komunikazzjoni aċċessibbli.

Taqsima iv

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà addizzjonali relatati ma’ servizzi speċifiċi

Il-provvista ta’ servizzi biex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b’diżabbiltà, għandha titwettaq billi jiġu inklużi funzjonijiet, prattiċi, politiki u proċeduri u trasformazzjonijiet fl-użu tas-servizz immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità u jiżguraw l-interoperabbiltà ma’ teknoloġiji ta’ assistenza:

(a)

Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż dawk il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 109(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972:

(i)

il-forniment ta’ test f’ħin reali flimkien ma’ komunikazzjoni bil-vuċi;

(ii)

il-forniment ta’ konverżazzjoni sħiħa fejn il-vidjo huwa provdut flimkien ma’ komunikazzjoni bil-vuċi;

(iii)

jiġi żgurat li l-komunikazzjoni ta’ emerġenza bl-użu tal-vuċi, it-test (inkluż test f’ħin reali) tkun sinkronizzata u fejn ikun provdut il-vidjo tkun sinkronizzata wkoll bħala konverżazzjoni sħiħa u trażmessa mill-fornituri ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika lill-PSAP l-aktar xieraq.

(b)

Servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva:

(i)

il-forniment ta’ gwidi tal-programmi elettroniċi (EPGs) li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti u jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-aċċessibbiltà;

(ii)

l-iżgurar li l-komponenti ta’ aċċessibbiltà (servizzi ta’ aċċess) tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bħal sottotitoli għall-persuni neqsin mis-smigħ u għal dawk b’diffikultajiet ta’ smigħ, deskrizzjoni awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali huma trażmessi b’mod sħiħ bi kwalità adegwata biex jintwerew b’mod preċiż, u jkunu sinkronizzati mal-ħoss u l-vidjo, waqt li jkun possibbli kontroll mill-utent tal-wiri u l-użu tagħhom.

(c)

Servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma, ħlief għal servizzi ta’ trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali:

(i)

jiġi żgurat li tingħata informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-vetturi, l-infrastruttura tal-madwar u tal-ambjent mibni u dwar l-assistenza lill-persuni b’diżabilità;

(ii)

jiġi żgurat li tingħata informazzjoni dwar magni intelliġenti tal-biljetti (riservazzjoni elettronika, prenotazzjoni ta’ biljetti, eċċ.), informazzjoni tal-passiġġieri f’ħin reali (skedi, informazzjoni dwar tfixkil tat-traffiku, is-servizzi ta’ kollegament, vjaġġar ’il barra b’modi oħra ta’ trasport, eċċ.), u informazzjoni addizzjonali dwar is-servizz (eż. persunal ta’ stazzjonijiet, lifts li ma jaħdmux jew servizzi li huma temporanjament mhux disponibbli).

(d)

Servizzi ta’ trasport urban u suburban u servizzi ta’ trasport reġjonali: tiġi żgurata l-aċċessibbiltà ta’ terminals self-service użati fil-forniment tas-servizz f’konformità mat-Taqsima I ta’ dan l-Anness.

(e)

Servizzi bankarji għall-konsumatur:

(i)

jiġu provduti metodi ta’ identifikazzjoni, firem elettroniċi, sigurtà u servizzi ta’ pagament li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(ii)

jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun tinftiehem, mingħajr ma jinqabeż livell ta’ kumplessità aktar mil-livell B2 (intermedju għoli) tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa.

(f)

Kotba elettroniċi:

(i)

jiġi żgurat li meta ktieb elettroniku jkun fih awdjo flimkien ma’ test, dan imbagħad jipprovdi test u awdjo sinkronizzati;

(ii)

jiġi żgurat li fajls diġitali tal-ktieb elettroniku ma jżommux lit-teknoloġija ta’ assistenza milli topera tajjeb;

(iii)

jiġi żgurat aċċess għall-kontenut, in-navigazzjoni tal-kontenut tal-fajl u t-tqassim inkluż it-tqassim dinamiku, il-forniment tal-istruttura, il-flessibilità u l-għażla fil-preżentazzjoni tal-kontenut;

(iv)

jiġi permess twassil alternattiv tal-kontenut u l-interoperabbiltà tiegħu ma’ varjetà ta’ teknoloġiji ta’ assistenza, b’tali mod li jista’ jkun perċepibbli, li jinftiehem, operabbli u robust;

(v)

jiġi żgurat li dawn jinstabu billi tiġi provduta informazzjoni permezz ta’ metadata dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom;

(vi)

jiġi żgurat li miżuri ta’ ġestjoni ta’ drittijiet diġitali ma jimblokkawx fatturi ta’ aċċessibbiltà.

(g)

Servizzi ta’ kummerċ elettroniku:

(i)

tiġi pprovduta l-informazzjoni rigward l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi mibjugħa meta din l-informazzjoni tkun provduta mill-operatur ekonomiku responsabbli;

(ii)

jiġi żgurat li l-aċċessibbiltà tal-funzjonalità għall-identifikazzjoni, is-sigurtà u l-pagament meta jitwasslu bħala parti minn servizz minflok prodott billi jkunu perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;

(iii)

jiġu provduti metodi ta’ identifikazzjoni, firem elettroniċi, u servizzi ta’ pagament li huma perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti.

Taqsima v

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà speċifiċi marbuta mat-tweġib tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza ewropew ‘112’ mill-psap l-aktar xieraq

Sabiex jiġi massimizzat l-użu previst tagħhom minn persuni b’diżabilità, it-tweġib ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza Ewropew ‘112’, mill-PSAP l-aktar xieraq, għandu jitwettaq billi jinkludi funzjonijiet, prattiċi, politiki u proċeduri u alterazzjonijiet immirati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fuq in-numru uniku ta’ emerġenza Ewropew ‘112’, għandhom jitwieġbu kif xieraq, bl-aħjar mod li jaqbel għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza, bl-aktar PSAP xieraq bl-istess mezz ta’ komunikazzjoni kif waslu, jiġifieri bl-użu ta’ vuċi u test sinkronizzati (inkluż it-test f’ħin reali), jew, fejn huwa provdut vidjo, il-vuċi, it-test (inkluż it-test f’ħin reali) u l-vidjo sinkronizzati bħala konverżazzjoni sħiħa.

Taqsima vi

rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet tal-prodotti u servizzi f’konformità mal-artikolu 24(2)

Il-preżunzjoni li jitwettqu l-obbligi rilevanti stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni dwar karatteristiċi, elementi jew funzjonijiet tal-prodotti u servizzi teħtieġ dan li ġej:

1.

Prodotti:

(a)

l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tikkonċerna l-karatteristiċi tal-funzjoni u tal-aċċessibbiltà marbuta mal-prodotti tikkonforma mal-elementi korrispondenti stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima I ta’ dan l-Anness, jiġifieri l-informazzjoni dwar l-użu tal-prodott mogħtija fuq il-prodott innifsu u l-istruzzjonijiet għall-użu ta’ prodotti, mhux mogħtija fuq il-prodott innifsu iżda disponibbli permezz tal-użu tal-prodott jew b’mezzi oħra bħal sit web;

(b)

l-aċċessibbiltà ta’ karatteristiċi, elementi u funzjonijiet tal-interfaċċa tal-utent u tad-disinn tal-funzjonalità tal-prodotti tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà għal tali interfaċċa tal-utent jew disinn tal-funzjonalità stabbiliti fil-punt 2 tat-Taqsima I ta’ dan l-Anness;

(c)

l-aċċessibbiltà tal-imballaġġ, inkluż l-informazzjoni mogħtija fih u l-istruzzjonijiet għall-istallazzjoni u l-manutenzjoni, il-ħżin u r-rimi tal-prodott mhux mogħtija fil-prodott innifsu iżda disponibbli permezz ta’ mezzi oħra bħal sit web, ħlief għal terminals self service, tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fit-Taqsima II ta’ dan l-Anness.

2.

Servizzi:

 

l-aċċessibbiltà tal-karatteristiċi, l-elementi u l-funzjonijiet tas-servizzi tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ aċċessibbiltà għal dawk il-karatteristiċi, l-elementi u l-funzjonijiet stabbiliti fit-Taqsimiet marbuta mas-servizzi ta’ dan l-Anness.

Taqsima vii

kriterji tal-prestazzjoni funzjonali

Sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli minn persuni b’diżabilità, meta r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, stipulati fit-Taqsimiet I sa IV ta’ dan l-Anness, ma jindirizzawx funzjoni waħda jew aktar tad-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi, dawk il-funzjonijiet jew il-mezzi għandhom ikunu aċċessibbli billi jikkonformaw mal-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali relatati.

Dawk il-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali jistgħu jintużaw biss bħala alternattiva għal rekwiżit tekniku speċifiku wieħed jew aktar, meta dawn jissemmew fir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, jekk u biss jekk l-applikazzjoni tal-kriterji tal-prestazzjoni funzjonali tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u tiddetermina li d-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi tirriżulta f’aċċessibbiltà ekwivalenti jew miżjuda għall-użu prevedibbli minn persuni b’diżabilità.

(a)   Użu mingħajr viżjoni

Fejn il-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi wkoll tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi viżjoni.

(b)   Użu b’viżjoni limitata

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tippermetti lill-utenti jħaddmu l-prodott b’viżjoni limitata.

(c)   Użu mingħajr perċezzjoni tal-kulur

Fejn il-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi wkoll tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi perċezzjoni tal-utent tal-kulur.

(d)   Użu mingħajr smigħ

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet tas-smigħ ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi smigħ.

(e)   Użu bi smigħ limitat

Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet tas-smigħ ta’ tħaddim, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim b’karatteristiċi awdjo mtejba li tippermetti li l-utenti bi smigħ limitat iħaddmu l-prodott.

(f)   Użu mingħajr kapaċitajiet vokali

Meta l-prodott jew is-servizz jirrikjedi input vokali mill-utenti, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li ma tkunx tirrikjedi input vokali. Input vokali jinkludi kwalunkwe ħoss iġġenerat mill-fomm bħal diskors, tisfir jew ċaqċiq.

(g)   Użu b’manipulazzjoni jew saħħa limitati

Meta l-prodott jirrikjedi jew is-servizz azzjonijiet manwali, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tippermetti lill-utenti jagħmlu użu mill-prodott permezz ta’ azzjonijiet alternattivi li ma jirrikjedux kontroll u manipulazzjoni bil-ħiliet motorji żgħar, saħħa bl-idejn jew it-tħaddim ta’ aktar minn kontroll wieħed fl-istess ħin.

(h)   Użu b’firxa ta’ moviment limitat

L-elementi operazzjonali tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu mill-utenti kollha. Meta l-prodott jew is-servizz jipprovdi modalitajiet manwali ta’ tħaddim, dawn għandhom jipprovdu tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li titħaddem b’firxa ta’ moviment limitat u b’saħħa limitata.

(i)   Minimizzazzjoni tar-riskju li jiġu kkawżati kriżijiet fotosensittivi

Meta l-prodott jipprovdi modalitajiet viżwali ta’ tħaddim, dan għandu jevita modalitajiet ta’ tħaddim li jikkawżaw kriżijiet fotosensittivi.

(j)   Użu b’konjizzjoni limitata

Il-prodott jew is-servizz għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tinkorpora karatteristiċi li jagħmluh aktar sempliċi u faċli biex jintuża.

(k)   Privatezza

Meta l-prodott jew is-servizz jinkorpora karatteristiċi li huma provduti għal aċċessibbiltà, dan għandu jipprovdi tal-inqas modalità waħda ta’ tħaddim li tħares il-privatezza meta jintużaw dawk il-karatteristiċi li huma provduti għal aċċessibbiltà.


ANNESS II

EŻEMPJI INDIKATTIVI MHUX VINKOLANTI TA’ SOLUZZJONIJIET POSSIBBLI LI JIKKONTRIBWIXXU BIEX JINTLAĦQU R-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ FL-ANNESS I

TAQSIMA I:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ ĠENERALI GĦALL-PRODOTTI KOLLHA KOPERTI MINN DIN ID-DIRETTIVA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 2(1)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI I TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

1.

L-għoti ta’ informazzjoni

(a)

(i)

L-għoti ta’ informazzjoni viżwali u li tinħass bil-mess jew informazzjoni viżwali u li tinstema’ li tindika l-post fejn għandha tiġi introdotta kard f’terminal self service sabiex persuni neqsin mid-dawl u mis-smigħ ikunu jistgħu jużawha.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ format ta’ riljiev li jinħass bil-mess jew ħoss flimkien ma’ twissija testwali sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jipperċepixxuha.

(iv)

Il-kapaċità għall-persuni b’vista batuta li jaqraw test.

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuhom aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ sottotitoli meta jingħataw struzzjonijiet f’vidjo.

(iv)

Il-kapaċità għall-persuni b’vista batuta li jaqraw it-test.

(v)

L-istampar bil-Braille, sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.

(vi)

Deskrizzjoni testwali flimkien ma’ dijagramma li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

(vii)

Ma ngħatax eżempju

(viii)

Ma ngħatax eżempju

(ix)

L-inklużjoni ta’ socket u software f’magni awtomatiċi tal-flus li jippermettu li titqabbad kuffja li tirċievi t-test fuq l-iskrin fil-forma ta’ ħoss.

2.

Eżempji marbuta mal-interfaċċa tal-utent u d-disinn tal-funzjonalità

(a)

L-għoti ta’ struzzjonijiet fil-forma ta’ vuċi u test, jew billi jiġu inkorporati sinjali li jinħassu f’tastiera, sabiex dawk il-persuni neqsin mid-dawl jew bi smigħ batut ikunu jistgħu jinteraġixxu mal-prodott.

(b)

F’terminal self-service, pereżempju minbarra struzzjonijiet mitkellma, jiġu offerti struzzjonijiet fil-forma ta’ test jew stampi sabiex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jwettqu l-azzjoni meħtieġa wkoll.

(c)

Il-possibbiltà li l-utenti jkabbru test, jiżżumjaw fuq pittogramma partikolari jew iżidu l-kuntrast, sabiex persuni b’vista batuta jkunu jistgħu jipperċepixxu l-informazzjoni.

(d)

Minbarra li tingħata l-għażla bejn l-għafsa tal-buttuna l-ħadra jew l-ħamra għall-għażla ta’ opzjoni, fuq il-buttuni jkun hemm miktub x’inhuma l-opzjonijiet, sabiex persuni li ma jagħrfux il-kuluri jkunu jistgħu jagħżlu.

(e)

Meta kompjuter jagħti sinjal ta’ żball, jingħata test bil-miktub jew immaġni li tindika l-iżball, sabiex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jintebħu li qed isir żball.

(f)

Il-possibbiltà ta’ żieda fil-kuntrast fi stampi fuq sfond sabiex persuni b’livell baxx tal-vista jkunu jistgħu jarawhom.

(g)

Il-possibbiltà li utenti tat-telefon jagħżlu l-volum tal-ħoss u jnaqqsu l-interferenza mal-apparat akustiku sabiex il-persuni bi smigħ batut ikunu jistgħu jużaw it-telefon.

(h)

Il-buttuni fuq l-iskrins li jitħaddmu bil-mess ikunu magħmula akbar u mifruda sew sabiex persuni bir-rogħda jkunu jistgħu jagħfsuhom.

(i)

Jiġi żgurat li l-buttuni li għandhom jingħafsu ma jkunux jeħtieġu ħafna forza sabiex persuni li għandhom indebolimenti motorji jkunu jistgħu jużawhom.

(j)

L-istampi li jteptpu jkunu evitati sabiex persuni li jista’ jaqbadhom attakk ta’ epilessja ma jkunux f’riskju.

(k)

Il-possibbiltà tal-użu ta’ kuffji meta tingħata informazzjoni mitkellma minn ATM.

(l)

Bħala alternattiva għall-qari tal-marki tas-swaba’, ikun possibbli għal utenti li ma jistgħux jużaw idejhom li jagħżlu password biex isakkru jew jiftħu apparat telefoniku.

(m)

Jiġi żgurat li software jirreaġixxi b’mod prevedibbli meta titwettaq azzjoni partikolari u jingħata ħin biżżejjed biex tiddaħħal il-password sabiex ikun faċli li jintuża minn persuni b’diżabilità intellettwali.

(n)

L-offerta ta’ konnessjoni ta’ wiri bil-Braille li jista’ jiġġedded sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw il-kompjuter.

(o)

Eżempji ta’ rekwiżiti speċifiċi għas-settur

(i)

Ma ngħatax eżempju

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(iii)

L-ewwel inċiż

Il-provvista ta’ telefon ċellulari li permezz tiegħu għandhom ikunu jistgħu jsiru konverżazzjonijiet b’test f’ħin reali sabiex il-persuni bi smigħ batut ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni b’mod interattiv.

(iii)

Ir-raba’ inċiż

Il-possibbiltà tal-użu simultanju ta’ vidjo biex jintwerew il-lingwa tas-sinjali u t-test biex jinkiteb messaġġ, sabiex żewġ persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin jew ma’ persuna li tisma’.

(iv)

Jiġi żgurat li s-sottotitoli jkunu trażmessi permezz tal-kaxxa tad-decoder għall-użu minn persuni neqsin mis-smigħ.

3.

Servizzi ta’ appoġġ Ma ngħatax eżempju

 

 

TAQSIMA II:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-PRODOTTI FL-ARTIKOLU 2(1), ĦLIEF GĦAT-TERMINALS SELF SERVICE MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)(b)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI II TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

L-imballaġġ u l-istruzzjonijiet tal-prodotti

(a)

L-indikazzjoni fl-imballaġġ li t-telefon għandu karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità.

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

Il-provvista ta’ format ta’ riljiev li jinħass jew ħoss meta tkun preżenti twissija b’test sabiex il-persuni neqsin mid-dawl jirċievu t-twissija.

(iv)

Il-persuni b’vista batuta jingħataw il-possibbiltà li jaqraw it-test.

(v)

L-istampar bil-Braille, sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jaqrawh.

(vi)

Is-supplementar ta’ dijagramma b’deskrizzjoni testwali li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

TAQSIMA III:

EŻEMPJI MARBUTA MAR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI KOLLHA KOPERTI MINN DIN ID-DIRETTIVA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 2(2)

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI III TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

L-għoti ta’ servizzi

(a)

Ma ngħatax eżempju

(b)

(i)

Il-provvista ta’ fajls elettroniċi li jistgħu jinqraw minn kompjuter bl-użu ta’ qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni.

(ii)

L-użu tal-istess kliem b’mod konsistenti, jew bi struttura ċara u loġika, sabiex il-persuni b’diżabilità intellettwali jkunu jistgħu jifhmuha aħjar.

(iii)

L-inklużjoni ta’ sottotitoli meta jingħata vidjo bl-istruzzjonijiet.

(iv)

Il-persuni neqsin mid-dawl jingħataw il-possibbiltà li jużaw fajl billi jistampawh bil-Braille.

(v)

Il-persuni b’vista batuta jingħataw il-possibbiltà li jaqraw it-test.

(vi)

Deskrizzjoni testwali flimkien ma’ dijagramma li tidentifika l-elementi ewlenin jew li tiddeskrivi l-azzjonijiet prinċipali.

(vii)

Meta fornitur ta’ servizz joffri USB-key b’informazzjoni dwar is-servizz, dik l-informazzjoni tkun aċċessibbli.

(c)

Il-provvista ta’ deskrizzjoni b’test ta’ stampi, il-funzjonalità kollha tkun disponibbli fuq tastiera, l-utenti jingħataw ħin biżżejjed biex jaqraw, il-kontenut ikun jidher u jopera b’mod prevedibbli, u tingħata kompatibbiltà ma’ teknoloġiji ta’ assistenza, sabiex il-persuni b’diżabilitajiet differenti jkunu jistgħu jaqraw u jinteraġixxu ma’ sit web.

(d)

Ma ngħatax eżempju

TAQSIMA IV:

EŻEMPJI MARBUTA MA’ REKWIŻITI ADDIZZJONALI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦAL SERVIZZI SPEĊIFIĊI

IR-REKWIŻITI F’SEZZJONI IV TAL- ANNESS I

EŻEMPJI

Servizzi speċifiċi

(a)

(i)

Il-possibbiltà lill-persuni bi smigħ batut biex ikunu jistgħu jiktbu u jirċievu test b’mod interattiv u f’ħin reali.

(ii)

Il-possibbiltà lill-persuni neqsin mis-smigħ li jużaw il-lingwa tas-sinjali biex jikkomunikaw bejniethom.

(iii)

Il-possibbiltà li l-persuni b’diżabilità fit-taħdit u s-smigħ li jagħżlu li jużaw taħlita ta’ test, vuċi u vidjo, ikunu jafu li l-komunikazzjoni ntbagħtet lis-servizz ta’ emerġenza permezz tan-netwerk.

(b)

(i)

Il-possibbiltà li l-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jagħżlu l-programmi fuq it-televiżjoni.

(ii)

L-appoġġ tal-possibbiltà tal-għażla, tal-personalizzazzjoni u tal-wiri tas-“servizzi ta’ aċċess” bħal sottotitoli għal dawk neqsin mis-smigħ jew dawk bi smigħ batut, deskrizzjoni bl-awdjo, sottotitoli mitkellma u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, bil-provvista ta’ mezzi għal konnessjoni mingħajr fili effettivi għat-teknoloġiji għas-smigħ jew bil-provvista ta’ kontrolli tal-utent biex jiġu attivati “servizzi ta’ aċċess” għal servizzi tal-media awdjoviżiva fl-istess livell ta’ prominenza bħall-kontrolli tal-media primarji.

(c)

(i)

Ma ngħatax eżempju

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(d)

Ma ngħatax eżempju

(e)

(i)

Id-djalogi għall-identifikazzjoni fuq l-iskrin ikunu kapaċi jinqraw minn qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.

(ii)

Ma ngħatax eżempju

(f)

(i)

Il-possibbiltà lill-persuni bid-dislessija li jaqraw u jisimgħu test fl-istess ħin.

(ii)

Il-kapaċità li t-test u l-awdjo joħorġu sinkronizzati jew tkun tista’ tingħata traskrizzjoni bil-Braille li tista’ tiġġedded.

(iii)

Il-possibbiltà lill-persuni neqsin mid-dawl li jkunu jistgħu jaċċessaw l-indiċi jew jibdlu l-kapitoli.

(iv)

Ma ngħatax eżempju

(v)

Jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħhom ikunu disponibbli fil-fajl elettroniku sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiġu infurmati.

(vi)

Jiġi żgurat li ma jkunx hemm ibblukkar, per eżempju li l-miżuri ta’ protezzjoni teknika, l-informazzjoni ta’ ġestjoni tad-drittijiet jew kwistjonijiet ta’ interoperabilità ma jostakolax li t-test jinqara b’vuċi għolja mit-tagħmir ta’ assistenza, biex l-utenti neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jaqraw il-ktieb.

(g)

(i)

Jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli dwar il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà ta’ prodott ma titħassarx.

(ii)

L-interfaċċa tal-utent għas-servizzi tal-ħlas issir disponibbli permezz tal-vuċi sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jixtru online b’mod indipendenti.

(iii)

Id-djalogi għall-identifikazzjoni fuq l-iskrin ikunu kapaċi jinqraw minn qarrejja tal-iskrin sabiex il-persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużawhom.


ANNESS III

REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ GĦALL-FINI TAL-ARTIKOLU 4(4) DWAR L-AMBJENT MIBNI FEJN JINGĦATAW IS-SERVIZZI LI JAQGĦU FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ DIN ID-DIRETTIVA

Sabiex jiġi massimizzat l-użu prevedibbli b’mod indipendenti minn persuni b’disabilità tal-ambjent mibni li fih jingħata servizz u li jkun taħt ir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), l-aċċessibilità taż-żoni maħsuba għall-aċċess pubbliku għandha tinkludi l-aspetti li ġejjin:

(a)

l-użu ta’ faċilitajiet u żoni esterni relatati;

(b)

il-mogħdijiet biex tasal għall-bini;

(c)

l-użu ta’ postijiet ta’ dħul;

(d)

l-użu ta’ passaġġi ta’ ċirkolazzjoni orizzontali;

(e)

l-użu ta’ passaġġi ta’ ċirkolazzjoni vertikali;

(f)

l-użu ta’ kmamar mill-pubbliku;

(g)

l-użu ta’ tagħmir u faċilitajiet użati fl-għoti tas-servizz;

(h)

l-użu ta’ toilets u faċilitajiet sanitarji;

(i)

l-użu ta’ postijiet ta’ ħruġ, rotot ta’ evakwazzjoni u l-kunċetti ta’ ppjanar ta’ emerġenza;

(j)

komunikazzjoni u orjentazzjoni permezz ta’ aktar minn kanal sensorjali wieħed;

(k)

l-użu ta’ faċilitajiet u binjiet għall-iskop previst għalihom;

(l)

protezzjoni minn perikli fl-ambjent ta’ ġewwa u ta’ barra.


ANNESS IV

PROĊEDURIA TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ - PRODOTTI

1.   Il-kontroll intern tal-produzzjoni

Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3 u 4 ta dan l-Anness, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li l-prodotti kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa ta’ din id-Direttiva.

2.   Id-dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti li tiġi vvalutata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti msemmija fl-Artikolu 4 u, f’każ li l-manifattur uża l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14, biex juri li r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti jintroduċu bidla fundamentali jew jimponu piż sproporzjonat. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika biss ir-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sakemm ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tal-prodott.

Kull fejn applikabbli, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tal-prodott;

(b)

lista tal-istandards armonizzati u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, applikati kompletament jew parzjalment, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà rilevanti msemmija fl-Artikolu 4 jekk dawk l-istandards armonizzati jew speċifiċitajiet tekniċi ma jkunux ġew applikati; fil-każ ta’ standards armonizzati jew speċifikazzjonijiet tekniċi applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika l-partijiet li ġew applikati.

3.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-prodotti mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta’ dan l-Anness u mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà ta’ din id-Direttiva.

4.   L-immarkar CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

4.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE msemmija f’din id-Direttiva ma’ kull prodott individwali li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

4.2.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal mudell ta’ prodott. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika l-prodott li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

5.   Ir-rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS V

INFORMAZZJONI DWAR IS-SERVIZZI LI JISSODISFAW IR-REKWIŻITI TA’ AĊĊESSIBBILTÀ

1.

Il-fornitur tas-servizz għandu jinkludi fit-termini u fil-kondizzjonijiet ġenerali, jew f’dokument ekwivalenti, l-informazzjoni li tivvaluta kif is-servizz jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà msemmija fl-Artikolu 4. L-informazzjoni għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti applikabbli u tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn u l-operazzjoni tas-servizz. Minbarra r-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-konsumaturi tad-Direttiva 2011/83/UE, l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tas-servizz f’formati aċċessibbli;

(b)

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem it-tħaddim tas-servizz;

(c)

deskrizzjoni ta’ kif ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà rilevanti stabbiliti fl-Anness I huma ssodisfati mis-servizz.

2.

Sabiex jikkonforma mal-punt 1 ta’dan l-Anness, il-fornitur tas-servizz jista’ japplika kompletament jew parzjalment l-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Il-fornitur tas-servizz għandu jipprovdi l-informazzjoni li turi li l-proċess ta’ forniment tas-servizz u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tas-servizz mal-punt 1 ta’ dan l-Anness u mar-rekwiżiti applikabbli ta’ din id-Direttiva.

ANNESS VI

KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-PIŻ SPROPORZJONAT

Kriterji biex titwettaq u tiġi ddokumentata l-valutazzjoni:

1.

Il-proporzjon tal-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà mal-ispejjeż globali (infiq operattiv u kapitali) tal-manifattura, id-distribuzzjoni jew l-importazzjoni tal-prodott jew l-għoti tas-servizz għall-operaturi ekonomiċi.

L-elementi li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati l-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà:

(a)

kriterji relatati ma’ spejjeż organizzattivi ta’ darba biex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż relatati ma’ riżorsi umani addizzjonali b’għarfien espert dwar l-aċċessibbiltà;

(ii)

l-ispejjeż relatati mat-taħriġ tar-riżorsi umani u biex jinkisbu kompetenzi dwar l-aċċessibbiltà;

(iii)

l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ proċess ġdid biex tiġi inkluża l-aċċessibbiltà fl-iżvilupp tal-prodott jew fil-forniment tas-servizz;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp ta’ materjal ta’ gwida dwar l-aċċessibbiltà;

(v)

l-ispejjeż ta’ darba biex ikun hemm għarfien tajjeb tal-leġislazzjoni dwar l-aċċessibbiltà;

(b)

kriterji relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u żvilupp li għaddejjin sabiex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż marbuta mad-disinn tal-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott jew tas-servizz;

(ii)

l-ispejjeż imġarrba fil-proċessi ta’ manifattura;

(iii)

l-ispejjeż relatati mal-ittestjar tal-prodott jew tas-servizz għall-aċċessibbiltà;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni.

2.

L-istima tal-ispejjeż u tal-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi, inkluż proċessi ta’ produzzjoni u investimenti, b’rabta mal-benefiċċju stmat għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li jitqiesu l-ammont u l-frekwenza tal-użu tal-prodott jew tas-servizz speċifiku.

3.

Il-proporzjon tal-ispejjeż netti tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà mal-fatturat nett tal-operatur ekonomiku.

Elementi li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati l-ispejjeż netti mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà:

(a)

kriterji relatati ma’ spejjeż organizzattivi ta’ darba biex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż relatati ma’ riżorsi umani addizzjonali b’għarfien espert dwar l-aċċessibbiltà;

(ii)

l-ispejjeż relatati mat-taħriġ tar-riżorsi umani u biex jinkisbu kompetenzi dwar l-aċċessibbiltà;

(iii)

l-ispejjeż tal-iżvilupp ta’ proċess ġdid biex tiġi inkluża l-aċċessibbiltà fl-iżvilupp tal-prodott jew fil-forniment tas-servizz;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-iżvilupp ta’ materjal ta’ gwida dwar l-aċċessibbiltà;

(v)

l-ispejjeż ta’ darba biex ikun hemm għarfien tajjeb tal-leġislazzjoni dwar l-aċċessibbiltà;

(b)

kriterji relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u żvilupp li għaddejjin sabiex fil-valutazzjoni jittieħed kont ta’:

(i)

l-ispejjeż marbuta mad-disinn tal-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tal-prodott jew tas-servizz;

(ii)

l-ispejjeż imġarrba fil-proċessi ta’ manifattura;

(iii)

l-ispejjeż relatati mal-ittestjar tal-prodott jew tas-servizz għall-aċċessibbiltà;

(iv)

l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ dokumentazzjoni.


7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/116


DIRETTIVA (UE) 2019/883 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2019

dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-politika marittima tal-Unjoni għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà u ta’ ħarsien tal-ambjent. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-konformità ma’ konvenzjonijiet, kodiċijiet u riżoluzzjonijiet internazzjonali filwaqt li tinżamm il-libertà tan-navigazzjoni kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (‘UNCLOS’).

(2)

L-Għan 14 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jiġbed l-attenzjoni għat-theddidiet ta’ tniġġis tal-baħar u tan-nutrijenti, it-tnaqqis tar-riżorsi u t-tibdil fil-klima, li kollha huma kkawżati primarjament minn azzjonijiet tal-bniedem. Dawk it-theddidiet ipoġġu pressjoni ulterjuri fuq sistemi ambjentali, bħall-bijodiversità u l-infrastruttura naturali, filwaqt li joħolqu problemi soċjoekonomiċi globali, inkluż riskji ta’ saħħa, ta’ sikurezza u finanzjarji. L-Unjoni trid taħdem biex tipproteġi l-ispeċi tal-baħar u biex tappoġġa lill-persuni li jiddependu mill-oċeani, irrispettivament minn jekk dan ikunx minħabba raġunijiet ta’ impjieg, riżorsi jew divertiment.

(3)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (il-“Konvenzjoni MARPOL”) tipprevedi projbizzjonijiet ġenerali dwar l-iskariku minn bastimenti fuq il-baħar, imma tirregola wkoll il-kondizzjonijiet li taħthom ċerti tipi ta’ skart jistgħu jiġu skarikati fl-ambjent tal-baħar. Il-Konvenzjoni MARPOL teħtieġ li l-Partijiet kontraenti jiżguraw il-forniment ta’ faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart.

(4)

L-Unjoni imxiet fuq l-implimentazzjoni ta’ partijiet tal-Konvenzjoni MARPOL permezz tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (4), billi segwiet approċċ ibbażat fuq il-portijiet. Id-Direttiva 2000/59/KE għandha l-għan li tirrikonċilja l-interessi ta’ ħidma bla xkiel tat-trasport marittimu mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

(5)

F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-Konvenzjoni MARPOL u l-Annessi tagħha kienu s-suġġett ta’ emendi importanti, li stabbilixxew normi u projbizzjonijiet aktar stretti għall-iskariku ta’ skart mill-bastimenti fuq il-baħar.

(6)

L-Anness VI għall-Konvenzjoni MARPOL daħħal normi dwar l-iskariku għal kategoriji ta’ skart ġodda, b’mod partikolari il-fdalijiet minn sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost, magħmula kemm mill-fluss ta’ ħama u ta’ ilma. Dawk il-kategoriji ta’ skart jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ikomplu jaħdmu fil-livell tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) għal konsiderazzjoni komprensiva tal-impatti ambjentali ta’ skariki ta’ ilma tad-drenaġġ minn purifikaturi b’ċirkwit miftuħ, inkluż għal miżuri kontra l-impatti possibbli.

(8)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri adatti f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inkluż projbizzjonijiet għall-skariki ta’ ilma tad-drenaġġ minn purifikaturi b’ċirkwit miftuħ u ċerti fdalijiet tal-merkanzija fl-ibħra territorjali tagħhom.

(9)

Fl-1 ta’ Marzu 2018, l- OMI adottat il-Gwida Konsolidata riveduta għall-fornituri u għall-utenti ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart (MEPC.1/Ċirk. 834/Rev.1) (il-“Gwida Konsolidata tal-OMI), li tinkludi formats standard għan-notifika ta’ skart, għall-irċevuta tal-konsenja tal-iskart, u għar-rappurtar tal-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, kif ukoll rekwiżiti ta’ rappurtar tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-iskart.

(10)

Minkejja dawk l-iżviluppi regolatorji, l-iskariku ta’ skart fil-baħar għadu jseħħ bi spejjeż ambjentali, soċjali u ekonomiċi sostanzjali. Dan hu dovut għal taħlita ta’ fatturi, jiġifieri faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li mhux dejjem qed ikunu disponibbli, infurzar li ta’ spiss mhux qed ikun suffiċjenti u li hemm nuqqas ta’ inċentivi biex l-iskart jiġi kkonsenjat fuq l-art.

(11)

Id-Direttiva 2000/59/KE kkontribwixxiet għaż-żieda fil-volumi ta’ skart li jiġu kkonsenjati lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, fost l-oħrajn billi żgurat li l-bastimenti jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ dawk il- faċilitajiet, irrispettivament mill-użu effettiv ta’ dawk il-faċilitajiet, u għaldaqstant kienet strumentali għat-tnaqqis l-iskariku ta’ skart fil-baħar, kif ħareġ mill-evalwazzjoni ta’ dik id-Direttiva li twettqet fil-qafas tal-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (“Evalwazzjoni REFIT”).

(12)

L-Evalwazzjoni REFIT uriet ukoll li d-Direttiva 2000/59/KE ma kinitx effettiva kompletament minħabba inkonsistenzi mal-qafas tal-Konvenzjoni MARPOL. Barra minn hekk, l-Istati Membri żviluppaw interpretazzjonijiet differenti tal-kunċetti ewlenin ta’ dik id-Direttiva, bħall-adegwatezza tal-faċilitajiet, in-notifika bil-quddiem dwar l-iskart, il-konsenja obbligatorja tal-iskart fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart u l-eżenzjonijiet għal bastimenti fi traffiku skedat. L-Evalwazzjoni REFIT appellat għal aktar armonizzazzjoni ta’ dawk il-kunċetti u għal allinjament sħiħ mal-Konvenzjoni MARPOL sabiex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed kemm fuq il-portijiet kif ukoll fuq l-utenti tal-portijiet.

(13)

Sabiex id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tkun allinjata (6) mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal- Konvenzjoni MARPOL dwar in-normi ta’ skariku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa x-xewqa għal rieżami ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari permezz ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(14)

Il-politika marittima tal-Unjoni jenħtieġ li timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-baħar b’kont meħud tad-diversità taż-żoni marittimi tal-Unjoni. Jenħtieġ li din tkun ibbażata fuq il-prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva u li l-ħsara lill-ambjent tal-baħar jenħtieġ li, bħala prijorità, tiġi rettifikata f’ras il-għajn u li min iniġġes jenħtieġ li jħallas.

(15)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun strumentali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-prinċipji ambjentali ewlenin fil-kuntest tal-portijiet u l-ġestjoni tal-iskart minn bastimenti. B’mod partikolari, id-Direttivi 2008/56/KE (7), u 2008/98/KE (8) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma strumenti rilevanti f’dan ir-rigward.

(16)

Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-ġestjoni tal-iskart, inkluż il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u l-ġerarkija tal-iskart, li titlob preċedenza tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart fuq tipi oħra ta’ rkupru u rimi tal-iskart u teżiġi l-istabbiliment ta’ sistemi għall-ġbir separat tal-iskart. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur huwa prinċipju gwida tal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, li abbażi tiegħu l-produtturi huma responsabbli għall-impatti ambjentali tal-prodotti tagħhom matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ dawk il-prodotti. Dawk l-obbligi japplikaw ukoll għall-ġestjoni tal-iskart minn bastimenti.

(17)

Il-ġbir separat ta’ skart mill-bastimenti, inkluż l-irkaptu tas-sajd abbandunat, huwa meħtieġ biex jiżgura l-irkupru ulterjuri tiegħu b’mod li jippermetti t-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ aktar ’l isfel fil-katina tal-ġestjoni tal-iskart u biex jevita li dan jikkawża ħsara lill-organiżmi u l-ambjenti tal-baħar. L-iskart spiss huwa segregat abbord ta’ bastimenti f’konformità ma’ normi u standards internazzjonali, u l-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li tiżgura li dawn l-isforzi ta’ segregazzjoni tal-iskart abbord ma jkunux kompromessi minn nuqqas ta’ arranġamenti għal ġbir separat fuq l-art.

(18)

Kull sena ammont sostanzjali ta’ plastik jidħol fl-ibħra u l-oċeani fl-Unjoni. Għalkemm, fil-biċċa l-kbira taż-żoni tal-baħar, il-maġġoranza tal-iskart fil-baħar ġejja minn attivitajiet fuq l-art, l-industrija tat-tbaħħir, inkluż is-setturi tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, hija wkoll kontributur importanti, bi skariku ta’ skart, inkluż plastik u rkaptu tas-sajd qadim, li jisfaw direttament fil-baħar.

(19)

Id-Direttiva 2008/98/KE tappella lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-produzzjoni tal-skart fil-baħar bħala kontribut għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi prevenut u jitnaqqas b’mod sinifikanti kull tip ta’ tniġġis tal-baħar.

(20)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 bit-titlu “L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari” rrikonoxxiet ir-rwol speċifiku li d-Direttiva 2000/59/KE kellha f’dan ir-rigward, billi tiżgura d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati għall-akkoljenza ta’ skart, u tipprevedi kemm il-livell tajjeb ta’ inċentivi kif ukoll l-infurzar tal-konsenja tal-iskart fil-faċilitajiet fuq l-art.

(21)

Installazzjonijiet barra mix-xtut huma waħda mis-sorsi bbażati fil-baħar tal-iskart fil-baħar. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri kif xieraq dwar il-konsenja tal-iskart minn installazzjonijiet offshore li jtajru l-bandiera tagħhom jew li joperaw fl-ilmijiet tagħhom, jew it-tnejn, u jiżguraw konformità man-normi stretti ta’ skariku applikabbli għal installazzjonijiet offshore stabbiliti fil-Konvenzjoni MARPOL.

(22)

L-iskart, b’mod partikolari skart tal-plastik, minn xmajjar huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-iskart fil-baħar, li jinkludi l-iskariku minn bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Jenħtieġ għalhekk li dawk il-bastimenti jiġu soġġetti għal normi stretti ta’ skariku u konsenja. Illum il-ġurnata, dawk ir-regoli huma stabbiliti mill-Kummissjoni tax-Xmajjar rilevanti. Madankollu, il-portijiet interni huma koperti mil-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart. Biex tkompli bl-isforzi ta’ armonizzazzjoni tal-qafas leġislattiv għall-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija mistiedna tevalwa reġim tal-Unjoni għal normi ta’ skariku u konsenja ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jqis il-Konvenzjoni dwar il-ġbir, id-depożitu u l-akkoljenza għall-iskart prodott matul in-navigazzjoni fuq ir-Renu u fuq passaġġi fuq l-ilma interni tad-9 ta’ Settembru 1996 (CDNI).

(23)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9) jirrikjedi li bastiment tas-sajd tal-Unjoni jkollu tagħmir abbord biex jirkupra l-irkaptu mitluf. F’każijiet fejn irkaptu tas-sajd jintilef, il-kaptan tal-bastiment għandu jipprova jirkuprah malajr kemm jista’ jkun. Jekk l-irkaptu mitluf ma jistax jiġi rkuprat, l-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu fi żmien 24 siegħa. L-Istat Membru tal-bandiera għandu mbagħad jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kostali. L-informazzjoni tinkludi n-numru ta’ identifikazzjoni estern u l-isem tal-bastiment tas-sajd, it-tip u l-pożizzjoni tal-irkaptu mitluf kif ukoll il-miżuri li ttieħdu biex dan jiġi rkuprat. Bastimenti tas-sajd taħt it-12-il metru jistgħu jiġu eżentati. Skont il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, ir-rappurtar mill-bastiment tas-sajd għandu jsir f’reġistru elettroniku, u l-Istati Membri huma meħtieġa jiġbru u jiddokumentaw l-informazzjoni dwar l-irkaptu mitluf u jgħadduha lill-Kummissjoni fuq talba. L-informazzjoni miġbura u disponibbli fl-irċevuti tal-konsenja ta’ skart fuq skart mistad b’mod passiv f’konformità ma’ din id-Direttiva tista’ wkoll tiġi rrapportata b’dan il-mod.

(24)

F’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Immaniġġjar tal-Ilma għas-Saborra tal-Vapuri u tas-Sedimenti, li ġiet adottata fit-13 ta’ Frar 2004 mill-OMI u li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Settembru 2017, il-bastimenti kollha huma obbligati jwettqu proċeduri ta’ ġestjoni tal-ilma tas-saborra skont l-istandards tal-OMI, u l-portijiet u t-terminals iddeżinjati għat-tindif u t-tiswija tat-tankijiet tas-saborra huma meħtieġa li jipprovdu faċilitajiet adegwati għall-ġbir ta’ sedimenti.

(25)

Faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart hija kkunsidrata adegwata jekk tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma tikkawża dewmien żejjed, kif speċifikat ukoll fil-Gwida Konsolidata tal-OMI u l-Linji Gwida tal-OMI biex tiġi żgurata l-adegwatezza għall-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet għall-iskart (ir-Riżoluzzjoni MEPC.83(44)). L-adegwatezza tirrigwarda kemm il-kondizzjonijiet operazzjonali tal-faċilità fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-utenti, kif ukoll il-ġestjoni ambjentali tal-faċilitajiet skont il-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart. F’xi każijiet, jista’ jkun diffiċli li jiġi vvalutat jekk faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li tinsab barra l-Unjoni tissodisfax tali istandard.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jirrikjedi li l-iskart internazzjonali mill-industrija tal-ikel jiġi inċinerat jew mormi permezz ta’ dfin f’miżbla awtorizzata, inkluż skart minn bastimenti li jidħlu f’portijiet tal-Unjoni li potenzjalment ġew f’kuntatt ma’ prodotti sekondarji tal-annimali abbord. Sabiex dan ir-rekwiżit ma jillimitax it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u riċiklaġġ ta’ skart minn bastimenti, jenħtieġ li jsiru sforzi f’konformità mal-Gwida Konsolidata tal-OMI sabiex l-iskart jiġi separat aħjar b’tali mod li l-kontaminazzjoni potenzjali tal-iskart, bħal skart mill-imballaġġ, tkun tista’ tiġi evitata.

(27)

Kif stabbilit ir-Regolament (KE) nru 1069/2009, flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (11), vjaġġi intra-Unjoni mhumiex ikkunsidrati bħala trasport li jopera internazzjonalment u l-iskart mill-industrija tal-ikel minn dawk il-vjaġġi ma għandux għalfejn jiġi inċinerat. Madankollu, tali vjaġġi intra-Unjoni huma kkunsidrati vjaġġi internazzjonali taħt il-leġislazzjoni marittima internazzjonali (il-Konvenzjoni MARPOL u l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS)). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu segwiti d-definizzjonijiet mir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 meta jiġu ddefiniti l-kamp ta’ applikazzjoni u t-trattament tal-iskart internazzjonali mill-industrija tal-ikel skont din id-Direttiva, flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011.

(28)

Biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni mill-ġdid tal-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart huma essenzjali, abbażi tal-konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti kollha. Għal raġunijiet prattiċi u ta’ organizzazzjoni, portijiet ġirien fl-istess reġjun ġeografiku jaf ikunu jixtiequ jiżviluppaw pjan konġunt, li jkopri d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart f’kull wieħed mill-portijiet koperti minn dak il-pjan, filwaqt li jipprovdu qafas amministrattiv komuni.

(29)

L-adozzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart għal portijiet mhux kummerċjali żgħar, bħal żoni għall-irmiġġ u l-marini, bi ftit traffiku, li jikkonsistu inġenji għar-rikreazzjoni biss, jew li jintużaw biss matul parti tas-sena, jaf ikunu ta’ sfida. L-iskart minn dawk il-portijiet iż-żgħar normalment jiġi ġestit mis-sistema muniċipali ta’ ġestjoni tal-iskart f’konformità mal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE. Sabiex l-awtoritajiet lokali ma jitgħabbewx iżżejjed u sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-iskart f’tali portijiet żgħar, jenħtieġ li jkun biżżejjed li l-iskart minn tali portijiet jiġi inkluż fil-fluss tal-iskart muniċipali u jiġi ġestit kif xieraq, u li l-port iqiegħed għad-disponibbiltà tal-utenti tal-port l-informazzjoni dwar l-akkoljenza tal-iskart, u li l-portijiet eżentati jiġu rappurtati f’sistema elettronika biex ikun jista’ jsir livell minimu ta’ monitoraġġ.

(30)

Biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart fil-baħar b’mod effettiv, huwa fundamentali li jiġi pprovdut il-livell ġust ta’ inċentivi għall-konsenja tal-iskart fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, b’mod partikolari l-iskart kif definit fl-Anness V għall-Konvenzjoni MARPOL (“skart skont l-Anness V għall-MARPOL”). Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż, li tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ tariffa indiretta. Jenħtieġ li dik it-tariffa indiretta tkun dovuta irrispettivament minn jekk jiġix konsenjat skart jew le u jenħtieġ li tagħti d-dritt ta’ konsenja tal-iskart mingħajr l-ebda imposti diretti addizzjonali. Is-setturi tas-sajd u tar-rikreazzjoni, minħabba l-kontribut tagħhom għall-okkorrenza tal-iskart fil-baħar, jenħtieġ li jkunu wkoll soġġetti għat-tariffa indiretta. Madankollu, fejn bastiment jikkonsenja ammont eċċezzjonali ta’ skart skont l-Anness V għall-MARPOL, speċjalment skart operattiv, li jaqbeż il-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima kif imsemmi fil-formola għan-notifika bil-quddiem għall-konsenja ta’ skart, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi applikata tariffa diretta addizzjonali biex ikun żgurat li l-ispejjeż relatati mar-riċeviment ta’ dan l-ammont eċċezzjonali ta’ skart ma jikkawżawx piż sproporzjonat fuq is-sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ port. Dan jista’ jkun ukoll il-każ fejn il-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima tkun eċċessiva jew mhux raġonevoli.

(31)

F’ċerti Stati Membri, ġew stabbiliti skemi biex jiġi pprovdut finanzjament alternattiv għall-ispejjeż tal-ġbir u l-ġestjoni ta’ skart ta’ rkaptu tas-sajd jew ta’ skart mistad l-art b’mod passiv, inkluż “skemi ta’ sajd għall-iskart”. Tali inizjattivi jenħtieġ li jintlaqgħu, u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkomplementaw is-sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż stabbiliti skont din id-Direttiva bl-iskemi ta’ sajd għall-iskart ikopru l-ispejjeż ta’ skart mistad b’mod passiv. Dawk is-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż per se, li huma bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ tariffa indiretta 100 % għall-skart skont l-Anness V għall-MARPOL, minbarra fdalijiet tal-merkanzija, jenħtieġ li ma joħolqux diżinċentiv għall-komunitajiet tal-portijiet tas-sajd milli jipparteċipaw fi skemi eżistenti ta’ konsenja għal skart mistad b’mod passiv.

(32)

Jenħtieġ li imposta fuq bastiment titnaqqas għal dawk il-bastimenti ddisinjati, mgħammra jew mħaddma biex inaqqsu l-iskart, b’segwitu ta’ ċerti kriterji li għandhom jiġu żviluppati permezz tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, f’konformità mal-linji gwida tal-OIM għall-implimentazzjoni tal-Anness V għall-MARPOL u mal-istandards żviluppati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni. It-tnaqqis u r-riċiklaġġ effiċjenti tal-iskart jistgħu jinkisbu primarjament permezz ta’ segregazzjoni effettiva abbord tal-iskart f’konformità mal-linji gwida u l-istandards.

(33)

Minħabba t-tip ta’ kummerċ tiegħu, li huwa kkaratterizzat minn waqfiet frekwenti fil-portijiet, it-trasport marittimu fuq distanzi qosra qed jiffaċċa spejjeż sinifikanti fis-sistema attwali għall-konsenja ta’ skart lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, billi bastiment ikollu jħallas imposta f’kull waqfa f’port. Fl-istess ħin, it-traffiku mhuwiex biżżejjed skedat u regolari biex jikkwalifika għal eżenzjoni minn ħlas u mill-konsenja ta’ skart għal dawk ir-raġunijiet. Sabiex jiġi limitat il-piż finanzjarju fuq is-settur, jenħtieġ li tiġi applikata tariffa mnaqqsa għall-bastimenti abbażi tat-tip ta’ traffiku li jkunu involuti fih.

(34)

Il-fdalijiet tal-merkanzija jibqgħu l-proprjetà ta’ sid il-merkanzija wara l-ħatt tal-merkanzija fit-terminal, u jista’ jkollhom valur ekonomiku. Għal din ir-raġuni, fdalijiet tal-merkanzija jenħtieġ li ma jiġux inklużi fis-sistemi għall-irkupru tal-ispejjeż u fl-applikazzjoni ta’ tariffa indiretta. L-imposti għall-konsenja ta’ fdalijiet ta’ merkanzija jenħtieġ li jitħallsu mill-utent tal-faċilità tal-akkoljenza fil-port għall-iskart, kif speċifikat fl-arranġamenti tal-ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet involuti jew f’arranġamenti lokali oħra. Fdalijiet tal-merkanzija jinkludu wkoll il-fdalijiet ta’ żejt jew likwidi noċivi wara operazzjonijiet ta’ tindif, li għalihom japplikaw in-normi dwar l-iskariku tal-Annessi I u II tal-Konvenzjoni MARPOL, u li f’ċerti kondizzjonijiet, kif stabbilit f’dawk l-Annessi, m’hemmx għalfejn jiġu kkonsenjati f’port biex jiġu evitati spejjeż operazzjonali bla bżonn għall-bastimenti u konġestjoni fil-portijiet.

(35)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-konsenja ta’ fdalijiet minn ħasil ta’ tankijiet li jkun fihom sustanzi li jżommu f’wiċċ l-ilma b’viskożità għolja u persistenti, possibbilment permezz ta’ inċentivi finanzjarji xierqa.

(36)

Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jinkludi d-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart bħala servizz fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan jipprovdi regoli dwar it-trasparenza tal-istrutturi tat-tariffi applikati għall-użu ta’ servizzi portwarji, il-konsultazzjoni tal-utenti tal-portijiet u l-ġestjoni tal-proċeduri ta’ lment. Din id-Direttiva tmur lil hinn mill-qafas ipprovdut minn dak ir-Regolament billi tipprovdi rekwiżiti aktar dettaljati għat-tfassil u t-tħaddim ta’ sistemi tal-irkupru ta’ spejjeż għal faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart minn bastimenti u trasparenza tal-istruttura tal-ispejjeż.

(37)

Minbarra li jipprovdi inċentivi għal konsenja tal-iskart, l-infurzar effettiv tal-obbligu ta’ konsenja huwa ta’ importanza kbira u jenħtieġ li jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li għalih jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju.

(38)

Wieħed mill-ostakli prinċipali għall-infurzar effettiv tal-konsenja obbligatorja kien l-interpretazzjoni u implimentazzjoni differenti mill-Istati Membri tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin. Sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni tippreġudika l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva, din jenħtieġ tiġi speċifikata aktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-port tal-waqfa li jmiss, u l-kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin jenħtieġ li tiġi ddeterminata b’mod armonizzat, abbażi ta’ metodoloġija u kriterji komuni. F’każijiet fejn ikun diffiċli li jiġi stabbilit jekk f’portijiet barra l-Unjoni jkunx hemm faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart adegwati disponibbli, huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti tikkunsidra bir-reqqa l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni.

(39)

Tinħtieġ aktar armonizzazzjoni tar-reġim ta’ eżenzjonijiet għal bastimenti involuti fi traffiku skedat b’waqfiet frekwenti u regolari fil-portijiet, b’mod partikolari kjarifika tat-termini użati u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dawk l-eżenzjonijiet. L-Evalwazzjoni tar-REFIT u l-valutazzjoni tal-impatt urew li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet u l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet irriżultaw f’piż amministrattiv żejjed għall-bastimenti u l-portijiet.

(40)

Il-monitoraġġ u l-infurzar jenħtieġ li jiġu ffaċilitati permezz ta’ sistema elettronika ta’ rappurtar u skambju ta’ informazzjoni. Għal dan il-għan, l-informazzjoni eżistenti u s-sistema ta’ monitoraġġ stabbiliti skont id-Direttiva 2000/59/KE jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar u jenħtieġ li jiġu mħaddma fuq bażi ta’ sistemi ta’ data elettronika eżistenti, b’mod partikolari s-sistema ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimi tal-Unjoni (SafeSeaNet) stabbilita permezz tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u l-Bażi tad-data għall-Ispezzjonijiet stabbilita permezz tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (THETIS). Tali sistema jenħtieġ li tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li jkunu disponibbli fil-portijiet differenti.

(41)

Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) tissimplifika u tarmonizza l-proċeduri amministrattivi applikati għat-trasport marittimu billi tagħmel it-trasmissjoni elettronika tal-informazzjoni aktar ġenerali u tissimplifika l-formalitajiet tar-rappurtar. Id-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta dwar il-prijoritajiet għall-politika tal-UE dwar it-Trasport Marittimu sal-2020, approvata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2017, stiednet lill-Kummissjoni biex tipproponi segwitu xieraq għar-reviżjoni ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għall-bastimenti bejn il-25 ta’ Ottubru 2017 u t-18 ta’ Jannar 2018. Fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal Regolament li jistabbilixxi ambjent ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt Marittimu Ewropew u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE.

(42)

Il-Konvenzjoni MARPOL titlob lill-Partijiet kontraenti li jżommu informazzjoni aġġornata dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart tagħhom u li jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-OMI. Għal dan il-għan, l-OMI stabbilixxiet bażi tad-data dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart fis-Sistema Globali Integrata ta’ Informazzjoni tat-Tbaħħir (“GISIS”) tagħha.

(43)

Fil-Gwida Konsolidata tal-OMI, l-OMI tipprevedi r-rappurtar ta’ inadegwatezzi allegati tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart. Skont dik il-proċedura, jenħtieġ li bastiment jirrapporta inadegwatezzi bħal dawn lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, li min-naħa tiegħu għandu jinnotifika lill-OMI u lill-Istat tal-port dwar l-okkorrenza. Jenħtieġ li l-Istat tal-port jeżamina r-rapport u jwieġeb b’mod adatt, filwaqt li jinforma lill-OMI u lill-Istat tal-bandiera li jkun irrapporta. Jenħtieġ li r-rappurtar ta’ din l-informazzjoni dwar inadegwatezzi allegati direttament fis-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar prevista f’din id-Direttiva jippermetti t-trasmissjoni sussegwenti ta’ din l-informazzjoni lill-GISIS, u b’hekk l-Istati Membri tal-bandiera u tal-port ma jkollhomx għalfejn jirrapportaw lill-OMI.

(44)

Is-Sottogrupp dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet għall-Iskart, li kien twaqqaf fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli, u li għaqqad flimkien firxa wiesgħa ta’ esperti fil-qasam tat-tniġġis minn bastimenti u l-ġestjoni ta’ skart minn bastimenti, ġie differit f’Diċembru 2017 minħabba l-bidu ta’ negozjati interistituzzjonali. Billi dak is-Sottogrupp ipprovda gwida u għarfien espert siewja lill-Kummissjoni, ikun xieraq li jinħoloq grupp ta’ esperti simili b’mandat ta’ skambju ta’ esperjenza dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(45)

Huwa importanti li kwalunkwe penali stabbilita mill-Istati Membri tiġi implimentata kif suppost u tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

(46)

Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għall-membri tal-persunal tal-port li jaħdmu fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart huma ta’ importanza kbira biex jinħoloq settur marittimu sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli, li kapaċi jattira ħaddiema kwalifikati u jiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar l-Ewropa. It-taħriġ inizjali u perjodiku tal-persunal huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati l-kwalità tas-servizzi u l-protezzjoni tal-ħaddiema. L-awtoritajiet tal-port u l-awtoritajiet tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jenħtieġ li jiżguraw li l-membri kollha tal-persunal jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex jiksbu l-għarfien li huwa essenzjali għax-xogħol tagħhom, b’attenzjoni speċifika għall-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza relatati mal-indirizzar ta’ materjali perikolużi, u li r-rekwiżiti ta’ taħriġ jiġu aġġornati regolarment biex jindirizzaw l-isfidi tal-innovazzjoni teknoloġika.

(47)

Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex timplimenta id-Direttiva 2000/59/KE jenħtieġ li jiġu aġġornati f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(48)

Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Annessi għal din id-Direttiva u tar-referenzi għal strumenti internazzjonali sal-miżura neċessarja biex dawn ikunu allinjati mal-liġi tal-Unjoni jew sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fil-livell tal-OMI; tal-emendar tal-Annessi għal din id-Direttiva fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġu mtejba l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ stabbiliti minnha, b’mod partikolari fir-rigward tan-notifika u l-konsenja effettivi tal-iskart u l-applikazzjoni korretta tal-eżenzjonijiet; kif ukoll, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun debitament ġustifikat minn analiżi adatta mill-Kummissjoni u sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli lill-ambjent tal-baħar, tal-emendar ta’ din id-Direttiva sal-miżura neċessarja biex tevita tali theddida, sabiex jiġu evitati, jekk neċessarju, bidliet għal dawk l-istrumenti internazzjonali milli japplikaw għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(49)

Biex jiġu previsti metodi għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti; biex jiġu żviluppati kriterji komuni għar-rikonoxximent, għall-fini tal-għoti ta’ tariffa mnaqqsa ta’ skart lill-bastimenti, li d-disinn, it-tagħmir u t-tħaddim ta’ bastiment juru li huwa jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart, u jiġġestixxi l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta lill-ambjent; biex jiġu definiti l-metodoloġiji għad- data ta’ monitoraġġ dwar il-volum u l-kwantità ta’ skart passiv mistad u l-format għar-rappurtar; biex jiġu definiti l-elementi dettaljati li għandhom ikunu inklużi fi pjanijiet ta’ akkoljenza u ġestjoni tal-iskart u biex jiġu definiti l-elementi dettaljati tal-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(50)

Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li l-ambjent tal-baħar jiġi protett minn skariku ta’ skart fil-baħar, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minħabba l-iskala tal-azzjoni, jista’ pjuttost jinkiseb b’mod aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-objettiv.

(51)

L-Unjoni hija karatterizzata minn differenzi reġjonali fil-livell tal-portijiet, kif muri wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt territorjali mwettqa mill-Kummissjoni. Il-portijiet ivarjaw abbażi tal-lokalità ġeografika, id-daqs, l-istruttura amministrattiva u s-sjieda, u huma kkaratterizzati mit-tip ta’ bastimenti li normalment iżuruhom. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ġestjoni tal-iskart jirriflettu d-differenzi fil-livell muniċipali u l-infrastruttura aktar ’l isfel fil-katina tal-ġestjoni tal-iskart.

(52)

L-Artikolu 349 TFUE jirrikjedi li tingħata konsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, jiġifieri għall-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji. Biex jiġu żgurati l-adegwatezza u d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, jista’ jkun xieraq li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għajnuna operatorja reġjonali għall-operaturi tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jew għall-awtoritajiet tal-port f’dawk ir-reġjuni tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-iżvantaġġi permanenti msemmija f’dak l-Artikolu. L-għajnuna operattiva reġjonali li titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri f’dak il-kuntest hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE jekk, fiż-żmien li tingħata, tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (18) adottat bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (19).

(53)

Id-Direttiva 2000/59/KE jenħtieġ għalhekk li titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent marittimu kontra l-effetti negattivi minn skariku ta’ skart minn bastimenti li jużaw il-portijiet li jinsabu fl-Unjoni, filwaqt li tiżgura l-operat mingħajr xkiel tat-traffiku marittimu, billi ttejjeb id-disponibbiltà u l-użu ta’ faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart u l-konsenja ta’ skart lejn dawk il-faċilitajiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bastiment” tfisser bastiment ta’ kull tip li jaħdem fl-ambjent tal-baħar, inkluż bastimenti tas-sajd, inġenji għar-rikreazzjoni, dgħajjes tal-hydrofoil, vetturi li jimxu fuq kuxxina tal-arja, inġenji li jimxu taħt l-ilma u dawk li jżommu f’wiċċ l-ilma;

(2)

“il-Konvenzjoni MARPOL” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti, fil-verżjoni aġġornata tagħha;

(3)

“skart minn bastimenti” tfisser kull skart, inkluż il-fdalijiet tal-merkanzija, li jiġi ġġenerat matul is-servizz ta’ bastiment jew matul it-tagħbija, il-ħatt jew l-operazzjonijiet ta’ tindif, u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Annessi I, II, IV, V u VI għall-Konvenzjoni MARPOL, kif ukoll skart mistad b’mod passiv;

(4)

“skart mistad b’mod passiv” tfisser skart li jinġabar fix-xbieki matul l-operazzjonijiet tas-sajd;

(5)

“fdalijiet tal-merkanzija” tfisser il-fdalijiet ta’ kwalunkwe materjal tal-merkanzija abbord li jibqgħu fuq il-gverta jew fl-istivi jew fit-tankijiet wara t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija, inkluż it-tixrid, it-tagħbija u l-ħatt eċċessiv, sew jekk imxarrab jew niexef, inkorporat fl-ilma tal-ħasil, bl-esklużjoni tat-trab li jifdal fuq il-gverta wara knis jew trab mal-uċuħ ta’ barra tal-bastiment;

(6)

“faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart” tfisser kull faċilità li hija fissa, mobbli jew li żżomm f’wiċċ l-ilma u li kapaċi tipprovdi s-servizz li tirċievi l-iskart mill-bastimenti;

(7)

“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar jew użat kummerċjalment għall-qbid tal-ħut jew ta’ riżorsi oħra ħajjin mill-baħar;

(8)

“inġenju għar-rikreazzjoni” tfisser bastiment ta’ kull tip, b’buq ta’ tul ta’ 2,5 metru jew iżjed, ikunu xi jkunu l-mezzi tal-propulsjoni tiegħu, maħsub għall-isport jew għal raġunijiet ta’ divertiment, u li mhux involut fil-kummerċ;

(9)

“port” tfisser post jew żona ġeografika magħmula minn xogħol ta’ titjib u tagħmir li huma imfassla prinċipalment biex jippermettu l-akkoljenza ta’ bastimenti, inkluż iż-żona ta’ ankraġġ fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-port;

(10)

“kapaċità suffiċjenti ta’ ħżin” tfisser biżżejjed kapaċità ta’ ħżin ta’ skart abbord mill-mument tat-tluq sal-port tal-waqfa li jkun imiss, inkluż l-iskart li x’aktarx jiġi ġġenerat matul il-vjaġġ;

(11)

“traffiku skedat” tfisser traffiku bbażat fuq lista ppubblikata jew ippjanata ta’ ħinijiet ta’ tluq u wasliet bejn portijiet identifikati jew traġitti rikorrenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxuta;

(12)

“waqfiet regolari fil-portijiet” tfisser vjaġġi ripetuti mill-istess bastiment li jiffurmaw xejra identifikata kostanti bejn il-portijiet jew serje ta’ vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji;

(13)

“waqfiet frekwenti fil-portijiet” tfisser żjarat minn bastiment lejn l-istess port, li jseħħu tal-anqas darba kull ġimagħtejn;

(14)

“GISIS” tfisser is-Sistema Globali Integrata ta’ Informazzjoni tat-Tbaħħir stabbilita mill-OMI;

(15)

“trattament” tfisser operazzjonijiet ta’ rkupru jew rimi, inkluż il-preparazzjoni qabel l-irkupru jew ir-rimi;

(16)

“tariffa indiretta” tfisser tariffa mħallsa għall-forniment ta’ servizzi ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, irrispettivament mill-konsenja reali tal-iskart mill-bastimenti.

“Skart minn bastimenti” imsemmi fil-punt (3) għandu jitqies bħala skart fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)

il-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jidħlu f’port ta’ Stat Membru jew li joperaw fih, bl-eċċezzjoni ta’ bastimenti involuti f’servizzi portwarji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/352, u bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe bastiment tal-gwerra, awżiljari navali jew bastiment ieħor fil-pussess ta’ Stat jew imħaddem minn Stat u, f’dan iż-żmien, użat biss fuq bażi mhux kummerċjali fis-servizz tal-gvern;

(b)

il-portijiet kollha tal-Istati Membri li normalment iżuruhom bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (a).

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, u biex jiġi evitat dewmien żejjed għall-bastimenti, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu ż-żona tal-ankraġġ mill-portijiet tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li, fejn ikun raġonevolment possibbli, il-bastimenti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jikkonsenjaw l-iskart tagħhom b’mod konsistenti ma’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri li la jkollhom portijiet u lanqas bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jistgħu, bl-eċċezzjoni tal-obbligu stabbilit fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li huma indirizzati unikament għall-portijiet.

Dawk l-Istati Membri li jkun biħsiebhom jagħmlu użu mid-derogi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sal-28 ta’ Ġunju 2021 jekk il-kondizzjonijiet rilevanti jkunux ġew issodisfati u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena minn hemm ’il quddiem bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Sakemm dawn l-Istati Membri ma jkunux ttrasponew u implimentaw din id-Direttiva, ma jistgħux ikollhom port li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ma jistgħux jippermettu lill-bastimenti, inkluż l-inġenji, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jtajjru l-bandiera tagħhom.

Taqsima 2

Forniment ta’ faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart

Artikolu 4

Faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart sabiex jilħqu mal-ħtieġa tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma jikkawżaw dewmien żejjed lill-bastimenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart ikollhom il-kapaċità li jirċievu t-tipi u l-kwantitajiet tal-iskart mill-bastiment li normalment jużaw dak il-port, filwaqt li jqisu:

(i)

il-ħtiġijiet tal-utenti tal-port;

(ii)

id-daqs u l-lokalità ġeografika ta’ dak il-port;

(iii)

it-tip tal-bastimenti li jidħlu f’dak il-port; u

(iv)

l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 9;

(b)

il-formalitajiet u l-arranġamenti prattiċi li għandhom x’jaqsmu mal-użu tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart huma sempliċi u veloċi biex jiġi evitat dewmien żejjed għall-bastimenti;

(c)

it-tariffi applikati għall-konsenja ma joħolqux diżinċentiv għall-bastimenti milli jużaw il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart; u

(d)

il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jippermettu l-ġestjoni tal-iskart mill-bastimenti b’mod li jirrispetta l-ambjent skont id-Direttiva 2008/98/KE u l-liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar l-iskart.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir separat biex jiġu ffaċilitati l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ skart minn bastimenti fil-portijiet kif meħtieġ skont il-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, b’mod partikolari d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), id-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Sabiex dan il-proċess jiġi ffaċilitat, il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jistgħu jiġbru l-frazzjonijiet separati tal-iskart b’konformità mal-kategoriji tal-iskart definiti fil-Konvenzjoni Marpol, b’kunsiderazzjoni tal-linji gwida tagħha.

Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti aktar stretti imposti mir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 għall-ġestjoni ta’ skart mill-industrija tal-ikel minn trasport internazzjonali.

3.   L-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom bħala Stati tal-bandiera, għandhom jużaw il-formoli u l-proċeduri tal-OMI biex jinnotifikaw lill-OMI kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istat tal-port b’inadegwatezzi allegati tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart.

L-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom bħala Stati tal-port, għandhom jinvestigaw kull każ rappurtat ta’ inadegwatezzi allegati u jużaw il-formoli u l-proċeduri tal-OMI biex jinnotifikaw lill-OMI u lill-Istat tal-bandiera li jirrapporta l-eżitu tal-investigazzjoni.

4.   L-awtoritajiet tal-port ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ dawn, l-awtoritajiet rilevanti, għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ konsenja jew ta’ akkoljenza tal-iskart jitwettqu b’miżuri ta’ sikurezza suffiċjenti biex jiġu evitati riskji kemm għan-nies kif ukoll għall-ambjent fil-portijiet koperti b’din id-Direttiva.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe parti involuta fil-konsenja jew fl-akkoljenza ta’ skart minn bastimenti tkun tista’ titlob kumpens għal ħsara kkawżata minn dewmien żejjed.

Artikolu 5

Pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit pjan adatt għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart ikun fis-seħħ u jkun ġie implimentat f’kull port wara konsultazzjonijiet mal-partijiet rilevanti, inkluż b’mod partikolari mal-utenti tal-port jew mar-rappreżentanti tagħhom, u, fejn ikun xieraq, mal-awtoritajiet kompetenti lokali, mal-operaturi tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, ma’ organizzazzjonijiet li jimplimentaw obbligi ta’ responsabbiltà tal-produttur estiżi u ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Dawk il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jsiru kemm matul l-abbozzar inizjali tal-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart kif ukoll wara l-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari fejn ikunu seħħu bidliet sinifikanti, fir-rigward tar-rekwiżiti fl-Artikoli 4, 6 u 7.

Ir-rekwiżiti ddettaljati għall-iżvilupp tal-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart huma indikati fl-Anness 1.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni segwenti mill-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart adegwati fil-portijiet tagħhom għall-iskart u l-istruttura tal-ispejjeż tiġi kkomunikata b’mod ċar lill-operaturi tal-bastimenti, ssir pubblikament disponibbli u tkun faċilment aċċessibbli, f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-port u, fejn rilevanti, f’lingwa użata internazzjonalment:

(a)

il-lokalità tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart li tapplika għal kull irmiġġ, u, fejn rilevanti, is-sigħat tal-ftuħ tagħhom;

(b)

lista ta’ skart minn bastimenti li normalment jiġi ġestit mill-port;

(c)

lista tal-punti tal-kuntatt, tal-operaturi tal-faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart u tas-servizzi offruti;

(d)

deskrizzjoni tal-proċeduri tal-konsenja tal-iskart;

(e)

deskrizzjoni tas-sistema tal-irkupru tal-ispejjeż, inkluż skemi tal-ġestjoni tal-iskart u fondi kif imsemmi fl-Anness 4, fejn applikabbli.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha wkoll tkun disponibbli elettronikament u tinżamm aġġornata f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13.

3.   Fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt minn żewġ portijiet ġirien jew aktar fl-istess reġjun ġeografiku, bl-involviment xieraq ta’ kull port, sakemm il-ħtieġa u d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jiġu speċifikati għal kull port.

4.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan tal-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid tiegħu mill-inqas kull ħames snin wara li jkun ġie approvat jew approvat mill-ġdid, u wara li jkunu seħħew bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port. Dawk il-bidliet jistgħu jinkludu bidliet strutturali fit-traffiku lejn il-port, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida, bidliet fid-domanda u l-provvista ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, u tekniki ġodda tat-trattament abbord.

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-port tal-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart. Fejn, matul il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu, ma tkun saret l-ebda bidla sinifikanti, l-approvazzjoni mill-ġdid tista’ tikkonsisti minn validazzjoni tal-pjanijiet eżistenti.

5.   Il-portijiet mhux kummerċjali żgħar ikkaratterizzati minn livell ta’ traffiku baxx jew rari minn inġenji għar-rikreazzjoni biss jistgħu jiġu eżentati mill-paragrafi 1 sa 4 jekk il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portjiet għall-iskart tagħhom ikunu integrati fis-sistema tal-ġestjoni tal-iskart immaniġġjata mill-muniċipalità rilevanti jew f’isimha u l-Istati Membri, fejn ikunu jinsabu dawk il-portijiet jiżguraw li l-informazzjoni rigward is-sistema tal-ġestjoni tal-iskart tkun disponibbli għall-utenti ta’ dawk il-portijiet.

L-Istati Membri fejn ikunu jinsabu tali portijiet għandhom jinnotifikaw l-isem u l-post ta’ dawk il-portijiet b’mod elettroniku f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13.

Taqsima 3

Konsenja ta’ skart minn bastimenti

Artikolu 6

Notifika bil-quddiem dwar l-iskart

1.   L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta’ bastiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE li jkun destinat għal port tal-Unjoni għandu jimla b’verità u eżattezza l-formola stabbilita fl-Anness 2 għal din id-Direttiva (“notifika bil-quddiem dwar l-iskart”) u għandu jinnotifika l-informazzjoni kollha li tkun fil-formola lill-awtorità jew lill-korp assenjat għal dan il-fini mill-Istat Membru li fih ikun jinsab dak il-port:

(a)

mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla, jekk il-port tal-waqfa jkun magħruf;

(b)

hekk kif il-port tal-waqfa jkun magħruf, jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli inqas minn 24 siegħa qabel il-wasla; jew

(c)

minn tal-inqas mat-tluq mill-port preċedenti, jekk it-tul tal-vjaġġ ikun inqas minn 24 siegħa.

2.   L-informazzjoni min-notifika bil-quddiem dwar l-iskart għandha tkun ukoll irrapportata elettronikament f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, f’konformità mad-Direttivi 2002/59/KE u 2010/65/UE.

3.   L-informazzjoni min-notifika bil-quddiem dwar l-iskart għandha tkun disponibbli abbord, preferibbilment f’forma elettronika, għall-inqas sal-port tal-waqfa li jkun imiss u għandha tkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tkun innotifikata skont dan l-Artikolu tkun eżaminata u tiġi kondiviża mal-awtoritajiet rilevanti ta’ infurzar mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Konsenja ta’ skart minn bastimenti

1.   Il-kaptan ta’ bastiment li jidħol f’port tal-Unjoni għandu, qabel ma jħalli dak il-port, jikkonsenja l-iskart kollu tiegħu li jkun qed jinġarr abbord lil faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart skont in-normi rilevanti dwar ir-rimi stabbiliti fil-Konvenzjoni MARPOL.

2.   Mal-konsenja, l-operatur tal-faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart jew l-awtorità tal-port fejn ġie kkonsenjat l-iskart għandha timla b’verità u eżattezza l-formola stabbilita fl-Anness 3 (“irċevuta tal-konsenja tal-iskart”) u toħroġ u tipprovdi, mingħajr dewmien żejjed, l-irċevuta tal-konsenja tal-iskart lill-kaptan tal-bastiment.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għal portijiet żgħar b’faċilitajiet mingħajr persunal jew li jinsabu f’post remot, dment li l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu t-tali portijiet ikun innotifika l-isem u l-post ta’ dawk il-portijiet b’mod elettroniku f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13.

3.   L-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta’ bastiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE għandu jirrapporta b’mod elettroniku, qabel it-tluq jew hekk kif tasal l-irċevuta tal-konsenja tal-iskart, l-informazzjoni li jkun fiha f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, f’konformità mad-Direttivi 2002/59/KE u 2010/65/UE.

L-informazzjoni mill-irċevuta tal-konsenja tal–iskart għandha tkun disponibbli abbord għal mill-inqas sentejn, fejn rilevanti flimkien mal-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żejt, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni tal-Merkanzija, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żibel jew il-Pjan għall-Ġestjoni taż-Żibel, adatti u għandha tkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, bastiment jista’ jipproċedi lejn il-port tal-waqfa li jmiss mingħajr ma jikkonsenja l-iskart, jekk:

(a)

l-informazzjoni pprovduta skont l-Annessi 2 u 3 turi li hemm kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti għall-iskart kollu li ġie akkumulat u li ser jiġi akkumulat matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sal-port tal-waqfa li jkun imiss;

(b)

l-informazzjoni disponibbli abbord il-bastimenti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE turi li hemm kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti għall-iskart kollu li ġie akkumulat u li ser jiġi akkumulat matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sal-port tal-waqfa li jkun imiss; jew

(c)

il-bastiment jankra biss għal inqas minn 24 siegħa jew f’kundizzjonijiet tat-temp ħżiena, sakemm tali żona ma tkunx ġiet eskluża f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1).

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi l-metodi li għandhom jintużaw għall-kalkolu ta’ kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

5.   Stat Membru għandu jirrikjedi lill-bastiment li jikkonsenja, qabel it-tluq, l-iskart tiegħu jekk:

(a)

ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż informazzjoni disponibbli elettronikament f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13 jew fil-GISIS, li fil-port tal-waqfa li jmiss hemm faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portjiet għall-iskart adegwati disponibbli; jew

(b)

il-port tal-waqfa li jmiss ma jkunx magħruf.

6.   Il-paragrafu 4 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti iktar stretti għall-bastimenti adottati skont id-dritt internazzjonali.

Artikolu 8

Sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż tat-tħaddim ta’ faċilitajiet fil-portijiet għall-akkoljenza u t-trattament tal-iskart mill-bastimenti, għajr il-fdalijiet tal-merkanzija, ikunu koperti permezz tal-ġbir ta’ tariffa mill-bastimenti. Dawk l-ispejjeż jinkludu l-elementi elenkati fl-Anness 4.

2.   Is-sistemi ta’ rkupru tal-ispejjeż ma għandhom jipprovdu l-ebda inċentiv għall-bastimenti biex dawn jarmu l-iskart fil-baħar. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipji kollha li ġejjin fit-tfassil u t-tħaddim tas-sistemi ta’ rkupru ta’ spejjeż:

(a)

il-bastimenti għandhom iħallsu tariffa indiretta, irrispettivament mill-konsenja ta’ skart lil faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

(b)

it-tariffa indiretta għandha tkopri:

(i)

l-ispejjeż amministrattivi indiretti:

(ii)

parti sinifikanti mill-ispejjeż operattivi diretti, kif determinat fl-Anness 4, li għandha tirrappreżenta mill-anqas 30 % tal-ispejjeż diretti totali għall-konsenja effettiva tal-iskart matul is-sena preċedenti, bil-possibbiltà li jitqiesu wkoll l-ispejjeż marbuta mal-volum ta’ traffiku mistenni għas-sena ta’ wara;

(c)

sabiex ikun previst inċentiv massimu għall-konsenja ta’ skart tal-Anness V għall-MARPOL għajr il-fdalijiet tal-merkanzija, ma għandha tiġi applikata ebda tariffa diretta fuq tali skart, sabiex jiġi żgurat dritt ta’ konsenja mingħajr tariffi addizzjonali bbażati fuq il-volum tal-iskart konsenjat, ħlief fejn il-volum ta’ skart konsenjat jaqbeż il-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima msemmija fil-formola indikata fl-Anness 2 għal din id-Direttiva; skart mistad b’mod passiv għandu jkun kopert minn dan ir-reġim, inkluż id-dritt ta’ konsenja;

(d)

sabiex jiġi evitat li l-ispejjeż tal-ġbir u t-trattament ta’ skart mistad b’mod passiv jaqgħu esklużivament fuq l-utenti tal-port, l-Istati Membri għandhom ikopru dawk l-ispejjeż, skont il-każ, mid-dħul iġġenerat minn sistemi ta’ finanzjament alternattiv, inkluż minn skemi ta’ ġestjoni tal-iskart u minn finanzjament tal-Unjoni, dak nazzjonali jew dak reġjonali disponibbli;

(e)

sabiex titħeġġeġ il-konsenja tal-fdalijiet mill-ħasil tat-tankijiet li jkun fihom sustanzi li jżommu f’wiċċ l-ilma b’viskożità għolja u persistenti, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu inċentivi finanzjarji adegwati għall-konsenja tagħhom;

(f)

it-tariffa indiretta ma għandhiex tinkludi l-iskart mis-sistemi tat-tindif tal-gass tal-egżost, li l-ispejjeż tagħhom għandhom ikunu koperti fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta’ skart konsenjat.

3.   Il-parti tal-ispejjeż li ma tkunx koperta bit-tariffa indiretta, jekk ikun hemm, għandha tiġi koperta fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta’ skart li fil-fatt ikun ġie kkonsenjat mill-bastiment.

4.   It-tariffi jistgħu jkunu differenzjati abbażi ta’ dan li ġej:

(a)

il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment;

(b)

il-forniment ta’ servizzi lil bastimenti barra s-sigħat operattivi normali fil-port; jew

(c)

in-natura perikoluża tal-iskart.

5.   It-tariffi għandhom jitnaqqsu abbażi ta’ dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ kummerċ li l-bastiment huwa involut fih, b’mod partikolari meta bastiment ikun involut f’kummerċ tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra;

(b)

id-disinn, it-tagħmir u l-operat tal-bastiment juru li l-bastiment jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart, u jiġġestixxi l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta lill-ambjent.

Sal-28 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi l-kriterji sabiex jiġi determinat li bastiment jissodisfa r-rekwiżiti indikati fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart abbord il-bastiment. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

6.   Sabiex jiġi żgurat li t-tariffi huma ġusti, trasparenti, faċilment identifikabbli, nondiskriminatorji, u li jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli u, fejn xieraq, użati, l-ammont tat-tariffi u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu disponibbli b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-port u, fejn rilevanti, b’lingwa li tintuża fuq livell internazzjonali għall-utenti tal-portijiet fil-pjan għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinġabar data ta’ monitoraġġ dwar il-volum u l-kwantità ta’ skart passiv mistad, u għandhom jirrapportaw din id-data ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport, abbażi ta’ dik id-data tal-monitoraġġ, sal-31 ta’ Diċembru 2022 u kull sentejn wara dan.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi l-metodoloġiji għad-data ta’ monitoraġġ u l-format għar-rappurtar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 9

Eżenzjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastiment li jidħol fil-portijiet tagħhom mill-obbligi fl-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 (“l-eżenzjoni”), fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li l-kondizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

(a)

il-bastiment ikun involut fi traffiku skedat b’waqfiet frekwenti u regolari fil-portijiet;

(b)

hemm arranġament li jiżgura l-konsenja tal-iskart u l-ħlas tat-tariffi f’port tul ir-rotta tal-bastiment li jkun:

(i)

evidenzjat b’kuntratt iffirmat ma’ port jew ma’ kuntrattur tal-iskart u b’irċevuti tal-konsenja tal-iskart;

(ii)

ġie nnotifikat lill-portijiet kollha tul ir-rotta tal-bastiment; u

(iii)

ġie aċċettat mill-port fejn il-konsenja u l-ħlas iseħħu, li jista’ jkun port tal-Unjoni jew xi port ieħor fejn, kif stabbilit abbażi tal-informazzjoni rrappurtata b’mod elettroniku f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13 u fil-GISIS, huma disponibbli faċilitajiet adegwati.

(c)

l-eżenzjoni ma toħloqx impatt negattiv fuq is-sigurtà marittima, is-saħħa, il-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol abbord jew fuq l-ambjent tal-baħar.

2.   Jekk l-eżenzjoni tingħata, l-Istat Membru fejn jinsab il-port għandu joħroġ ċertifikat ta’ eżenzjoni, abbażi tal-format stabbilit fl-Anness 5, li jikkonferma li l-bastiment jissodisfa l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni u li jiddikjara t-tul taż-żmien tal-eżenzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-informazzjoni miċ-ċertifikat tal-eżenzjoni elettronikament f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ u infurzar effikaċi tal-arranġamenti għall-konsenja u l-ħlas fis-seħħ għall-bastimenti eżentati li jżuru l-portijiet tagħhom.

5.   Minkejja l-eżenzjoni mogħtija, bastiment ma għandux jipproċedi għall-port tal-waqfa li jkun imiss jekk ikun hemm kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti għall-iskart kollu li jkun ġie akkumulat u li jkun ser jiġi akkumulat tul il-vjaġġ ippjanat tal-bastiment sal-port tal-waqfa li jkun imiss.

Taqsima 4

Infurzar

Artikolu 10

Spezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull bastiment jista’ jkun soġġett għal spezzjonijiet, inkluż spezzjonijiet għal għarrieda, sabiex jiġi vverifikat li jikkonforma ma’ id-Direttiva.

Artikolu 11

Impenji ta’ spezzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jwettaq spezzjonijiet tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tiegħu li jikkorrispondu għal tal-inqas 15 % tal-għadd totali ta’ bastimenti individwali li jidħlu fil-portijiet tiegħu kull sena.

L-għadd totali ta’ bastimenti individwali li jidħol fi Stat Membru għandu jiġi kkalkolat bħala l-għadd medju ta’ bastimenti individwali tul it-tliet snin preċedenti, kif irrapportat f’dik il-parti tas-sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar imsemmija fl-Artikolu 13.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jagħżlu bastimenti abbażi ta’ mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju.

Biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni tal-ispezzjonijiet u biex ikunu previsti kondizzjonijiet uniformi għall-għażla tal-bastimenti għall-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi l-elementi dettaljati tal-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-ispezzjonijiet għal bastimenti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE sabiex jiżguraw, sa fejn hu prattikabbli, il-konformità ma’ din id-Direttiva.

Meta jistabbilixxu dawk il-proċeduri, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju msemmi fil-paragrafu 2.

4.   Jekk l-awtorità rilevanti tal-Istat Membru ma tkunx sodisfatta bir-riżultati ta’ din l-ispezzjoni, din għandha, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali msemmija fl-Artikolu 16, tiżgura li l-bastiment ma jitlaqx mill-port qabel ma jkun ikkonsenja l-iskart tiegħu lil faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart f’konformità mal-Artikolu 7.

Artikolu 12

Sistema ta’ informazzjoni, monitoraġġ u infurzar

L-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu ffaċilitati bir-rappurtar elettroniku u l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri skont l-Artikoli 13 u 14.

Artikolu 13

Rappurtar u skambju ta’ informazzjoni

1.   Ir-rappurtar u l-iskambju ta’ informazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq s-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni Marittima (“SafeSeaNet”) imsemmija fl-Artikolu 22a(3) u l-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun irrapportata b’mod elettroniku u fi żmien raġonevoli skont id-Direttiva 2010/65/UE:

(a)

l-informazzjoni dwar il-ħin reali tal-wasla u l-ħin tat-tluq ta’ kull bastiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE li jidħol f’port tal-Unjoni, flimkien ma’ identifikatur tal-port ikkonċernat;

(b)

l-informazzjoni min-notifika bil-quddiem dwar l-iskart, kif indikat fl-Anness 2;

(c)

l-informazzjoni mill-irċevuta tal-konsenja tal-iskart, kif indikat fl-Anness 3;

(d)

l-informazzjoni miċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, kif indikat fl-Anness 5.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 5(2) tkun elettronikament disponibbli permezz tas-SafeSeaNet.

Artikolu 14

Dokumentazzjoni tal-ispezzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm u taġġorna bażi tad-data għall-ispezzjonijiet li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu konnessi magħha u li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-ispezzjoni prevista minn din id-Direttiva (il-“bażi tad-data għall-ispezzjonijiet”). Il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE u għandu jkollha funzjonalitajiet simili għal dik il-bażi tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni relatata mal-ispezzjonijiet skont din id-Direttiva, inkluża informazzjoni dwar nuqqas ta’ konformità u projbizzjoni tal-ordnijiet tat-tluq maħruġa, tiġi ttrasferita mingħajr dewmien fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet, hekk kif:

(a)

ir-rapport tal-ispezzjoni jkun tlesta;

(b)

l-ordni ta’ projbizzjoni tat-tluq tkun tneħħiet; jew

(c)

tkun ingħatat eżenzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe data rilevanti rrappurtata mill-Istati Membri għall-fini tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet tipprovdi informazzjoni għall-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-għażla bbażata fuq ir-riskju msemmi fl-Artikolu 11(2).

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi regolarment il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet biex twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tiġbed l-attenzjoni għal kwalunkwe dubju rigward l-implimentazzjoni komprensiva bl-għan li tħeġġeġ azzjoni korrettiva.

4.   F’kull ħin, l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dokumentata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet.

Artikolu 15

Taħriġ tal-persunal

L-awtoritajiet tal-port u l-awtoritajiet tal-faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għandhom jiżguraw li l-persunal kollu jirċievi t-taħriġ meħtieġ biex jikseb l-għarfien li huwa essenzjali għax-xogħol tagħhom dwar kif jittrattaw l-iskart, b’attenzjoni speċifika għal aspetti ta’ saħħa u sikurezza marbuta mat-trattament ta’ skart perikoluż, u li r-rekwiżiti tat-taħriġ jiġu aġġornati regolarment biex jilqgħu l-isfidi tal-innovazzjoni teknoloġika.

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Taqsima 5

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17

Skambju ta’ esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-esperti, inkluż dawk mis-settur privat, is-soċjetà ċivili u t-trade unions, dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-portijiet tal-Unjoni.

Artikolu 18

Proċedura ta’ emenda

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 19 sabiex temenda l-Annessi għal din id-Direttiva u r-referenzi għal strumenti tal-OMI f’din id-Direttiva sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jinġiebu konformi mal-liġi tal-Unjoni jew sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fil-livell tal-OMI.

2.   Il-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex temenda l-Annessi meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġu mtejba l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ stabbiliti b’din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 6, 7 u 9, sabiex ikunu żgurati n-notifika u l-konsenja effettivi tal-iskart, u l-applikazzjoni korretta tal-eżenzjonijiet.

3.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn ikun debitament ġustifikat minn analiżi adatta mill-Kummissjoni u sabiex tiġi evitata theddida serja u inaċċettabbli lill-ambjent tal-baħar, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 biex temenda din id-Direttiva sa fejn dan ikun meħtieġ biex tiġi evitata theddida bħal din, sabiex ma tiġix applikata, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, emenda għall-Konvenzjoni MARPOL.

4.   L-atti delegati previsti f’dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda għall-Konvenzjoni MARPOL jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta’ dik l-emenda.

Fil-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-att delegati, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra dik l-emenda fil-liġi nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat.

Artikolu 19

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 18(1), (2) u (3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-27 ta’ Ġunju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport b’rabta mad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 18(1), (2) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma’ esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 18(1), (2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 20

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS), stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 21

Emenda għad-Direttiva 2010/65/UE

Fil-punt A tal-Anness għad-Direttiva 2010/65/UE, il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Notifika tal-iskart mill-bastimenti, inkluż fdalijiet

L-Artikoli 6, 7 u 9 tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116)”.

Artikolu 22

Tħassir

Id-Direttiva 2000/59/KE hija imħassra.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 23

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva u tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-28 ta’ Ġunju 2026. L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll rapport li jiddeskrivi fid-dettall l-aħjar prassi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart abbord il-bastimenti.

2.   Fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), fl-okkażjoni tar-rieżami li jmiss tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk l-EMSA għandhiex tingħata wkoll kompetenzi addizzjonali għall-infurzar ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-28 ta’ Ġunju 2021. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 61.

(2)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 220.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(4)  Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

(5)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(7)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(8)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(14)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(15)  Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(16)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna tal-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77).


ANNESS 1

REKWIŻITI GĦALL-PJANIJIET GĦALL-AKKOLJENZA U L-ĠESTJONI TAL-ISKART

Il-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart għandhom ikopru kull tip ta’ skart li joriġina mill-bastimenti li normalment iżuru l-port u għandhom jiġu żviluppati skont id-daqs tal-port u t-tipi ta’ bastimenti li jidħlu f’dak il-port.

Il-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tal-ħtieġa għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-bastimenti li normalment iżuru l-port;

(b)

deskrizzjoni tat-tip u l-kapaċità tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

(c)

deskrizzjoni tal-proċeduri għall-akkoljenza u l-ġbir tal-iskart mill-bastimenti;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż;

(e)

deskrizzjoni tal-proċedura biex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

(f)

deskrizzjoni tal-proċedura għall-konsultazzjonijiet li jkunu qed isiru mal-utenti tal-port, il-kuntratturi tal-iskart, l-operaturi tat-terminals u partijiet interessati oħra; u

(g)

ħarsa ġenerali lejn it-tip u l-kwantitajiet ta’ skart li jasal mill-bastimenti u li jiġi ġestit fil-faċilitajiet.

Il-pjanijiet għall-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart jistgħu jinkludu:

(a)

sommarju tal-liġi nazzjonali rilevanti u l-proċedura u l-formalitajiet għall-konsenja tal-iskart lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

(b)

identifikazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt fil-port;

(c)

deskrizzjoni tat-tagħmir u l-proċessi ta’ qabel it-trattament għal flussi speċifiċi ta’ skart fil-port, jekk ikun hemm;

(d)

deskrizzjoni tal-metodi għad-dokumentazzjoni tal-użu attwali tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

(e)

deskrizzjoni tal-metodi għad-dokumentazzjoni tal-ammonti tal-iskart ikkonsenjat minn bastimenti;

(f)

deskrizzjoni tal-metodi tal-ġestjoni tal-flussi ta’ skart differenti fil-port.

Il-proċeduri għall-akkoljenza, il-ġbir, il-ħażna, it-trattament u r-rimi għandhom jikkonformaw fl-aspetti kollha ma’ skema ta’ ġestjoni ambjentali adatta għat-tnaqqis progressiv tal-impatt ambjentali ta’ dawn l-attivitajiet. Din il-konformità hija preżunta jekk il-proċeduri jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).


ANNESS 2

FORMAT STANDARD TAL-FORMOLA GĦAN-NOTIFIKA BIL-QUDDIEM GĦALL-KONSENJA TA’ SKART FIL-FAĊILITAJIET TAL-AKKOLJENZA FIL-PORTIJIET GĦALL-ISKART

Notifika ta’ konsenja ta’ skart lil: (daħħal isem il-port tal-waqfa, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/883)

Din il-formola għandha tinżamm abbord il-bastiment flimkien mal-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żejt, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni tal-Merkanzija, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żibel jew il-Pjan għall-Ġestjoni taż-Żibel, kif mitlub mill-Konvenzjoni Marpol.

Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni Image 3 Test ta 'immaġni

ANNESS 3

FORMAT STANDARD TAL-IRĊEVUTA TAL-KONSENJA TAL-ISKART

Ir-rappreżentant magħżul tal-fornitur tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għandu jipprovdi l-formola li ġejja lill-kaptan ta’ bastiment li jkun ikkonsenja l-iskart f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/883

Din il-formola għandha tinżamm abbord il-bastiment flimkien mal-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żejt, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni tal-Merkanzija, il-Ktieb tad-Dokumentazzjoni taż-Żibel jew il-Pjan għall-Ġestjoni taż-Żibel, kif mitlub mill-Konvenzjoni MARPOL.

Image 4 Test ta 'immaġni Image 5 Test ta 'immaġni

ANNESS 4

KATEGORIJI TA’ SPEJJEŻ U DĦUL NETT RELATATI MAL-OPERAT U L-AMMINISTRAZZJONI TAL-FAĊILITAJIET TAL-AKKOLJENZA FIL-PORTIJIET GĦALL-ISKART

Spejjeż diretti

Spejjeż operattivi diretti li jirriżultaw mill-konsenja reali ta’ skart minn bastimenti, inkluż l-elementi ta’ spejjeż elenkati hawn taħt.

Spejjeż indiretti

Spejjeż amministrattivi indiretti li jirriżultaw mill-ġestjoni tas-sistema fil-port, inkluż l-elementi ta’ spejjeż elenkati hawn taħt.

Dħul nett

Rikavat nett minn skemi ta’ ġestjoni tal-iskart u finanzjament reġjonali/nazzjonali disponibbli, inkluż l-elementi ta’ dħul elenkati hawn taħt.

Il-provvista tal-infrastruttura għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, inkluż containers, tankijiet, għodda għall-ipproċessar, braken, trakkijiet, akkoljenza tal-iskart, stallazzjonijiet tat-trattament;

Konċessjonijiet għal twellija tas-sit, jekk applikabbli, jew għat-twellija tal-apparat meħtieġ għat-tħaddim tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

It-tħaddim proprju tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart: ġbir ta’ skart mill-bastiment, trasport ta’ skart minn faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart għat-trattament aħħari, manutenzjoni u tindif tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, spejjeż għall-persunal, inkluż s-sahra, il-provvista tal-elettriku, l-analiżi tal-iskart u l-assigurazzjoni;

Tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ jew ir-rimi tal-iskart mill-bastimenti, inkluż il-ġbir separat tal-iskart;

Amministrazzjoni: il-fatturazzjoni, il-ħruġ ta’ riċevuti tal-konsenja tal-iskart lill-bastimenti, ir-rappurtar

L-iżvilupp u l-approvazzjoni tal-pjan tal-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart, inkluż kwalunkwe awditjar ta’ dak il-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu;

L-aġġornament tal-pjan tal-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart, inkluż l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż ta’ konsulenza, fejn applikabbli;

L-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni għar-(ri)evalwazzjoni tal-pjan tal-akkoljenza u l-ġestjoni tal-iskart;

Il-ġestjoni tas-sistemi ta’ notifika u ta’ rkupru tal-ispejjeż, inkluża l-applikazzjoni ta’ tariffi mnaqqsa għal “bastimenti ekoloġikament sensittivi”, il-provvediment ta’ sistemi tal-IT fil-livell tal-port, analiżi statistika u spejjeż tax-xogħol assoċjati;

L-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku għall-forniment ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart, kif ukoll il-ħruġ ta-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-forniment ta’ faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart;

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil utenti tal-portijiet permezz tat-tqassim ta’ fuljetti, tqegħid ta’ sinjali u posters fil-port, jew il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fuq is-sit web tal-port, u t-trażmissjoni elettronika tal-informazzjoni kif meħtieġ fl-Artikolu 5;

Ġestjoni tal-iskemi ta’ ġestjoni tal-iskart: Skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR), riċiklaġġ u applikazzjoni għal fondi nazzjonali/reġjonali u l-implimentazzjoni tagħhom;

Spejjeż amministrattivi oħra: spejjeż tal- monitoraġġ u tar-rappurtar elettroniku tal-eżenzjonijiet -previsti fl-Artikolu 9.

Benefiċċji finanzjarji netti pprovduti minn skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur;

Dħul nett ieħor mill-ġestjoni tal-iskart bħalma huma l-iskemi ta’ riċiklaġġ;

Finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

Finanzjament jew sussidji oħrajn disponibbli għall-portijiet għall-ġestjoni tal-iskart u għas-sajd.


Anness 5

ĊERTIFIKAT TA’ EŻENZJONI SKONT L-ARTIKOLU 9 B’RABTA MAR-REKWIŻITI SKONT L-ARTIKOLU 6, L-ARTIKOLU 7(1) U L-ARTIKOLU 8 TAD-DIRETTIVA (UE) 2019/883 FIL-PORT[IJIET] TA’ [DAĦĦAL ISEM IL-PORT] FI [DAĦĦAL ISEM L-ISTAT MEMBRU] (1)

Image 6

Test ta 'immaġni

(1)  Ħassar jekk mhux xieraq.


7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/143


DIRETTIVA (UE) 2019/884 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ April 2019

li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li tipprovdi liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Dak l-għan jenħtieġ li jinkiseb permezz ta', fost oħrajn, miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inklużi l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

(2)

Dak l-objettiv jirrikjedi li informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istati Membri tiġi ikkunsidrata barra l-Istat Membru tal-kundanna waqt proċedimenti kriminali ġodda, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI (2), kif ukoll biex jiġu prevenuti reati ġodda.

(3)

Dak l-objettiv jippresupponi l-iskambju ta’ informazzjoni misluta minn rekords kriminali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Tali skambju ta’ informazzjoni hu organizzat u ffaċilitat bir-regoli stabbiliti bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (3) u bis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), stabbilita skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (4).

(4)

Madankollu, il-qafas legali eżistenti tal-ECRIS ma jindirizzax b’mod suffiċjenti l-partikolaritajiet tat-talbiet li jirrigwardaw ċittadini ta’ pajjiż terz. Għalkemm diġà huwa possibbli li tiġi skambjata informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiż terz permezz tal-ECRIS, ma hemm l-ebda proċedura jew mekkaniżmu tal-Unjoni komuni mħaddem biex dan isir b’mod effiċjenti, rapidu u preċiż.

(5)

Fl-Unjoni, l-informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiż terz ma tinġabarx bħalma jsir għal ċittadini ta’ Stati Membri fl-Istati Membri taċ-ċittadinanza, iżda tinħażen biss fl-Istati Membri fejn ikunu ngħataw il-kundanni. Għalhekk, ħarsa ġenerali kompluta lejn l-istorja kriminali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tista' tkun aċċertata biss jekk tali informazzjoni tkun mitluba mill-Istati Membri kollha.

(6)

Tali “talbiet ġenerali” jimponu piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri kollha, inkluż fuq dawk li ma jkollhomx informazzjoni fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz partikolari. Fil-prattika, dak il-piż jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jitolbu informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn Stati Membri oħra, li serjament ifixkel l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom, u jillimita l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni ta’ rekords kriminali għal informazzjoni maħżuna fir-reġistru nazzjonali tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, jiżdied ir-riskju li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jkun ineffiċjenti u inkomplet.

(7)

Bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li jistabbilixxi sistema ċentralizzata fil-livell tal-Unjoni, li fiha d-data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew ikkundannati, li tippermetti li jiġu identifikati l-Istati Membri li għandhom informazzjoni dwar il-kundanni preċedenti tagħhom (“ECRIS-TCN”).

(8)

L-ECRIS-TCN ser tippermetti lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ssib fil-pront u b’mod effiċjenti f’liema Stat Membru ieħor tkun maħżuna l-informazzjoni ta’ rekords kriminali dwar ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex ikun jista' jintuża l-qafas eżistenti tal-ECRIS biex issir talba għall-informazzjoni ta’ rekords kriminali mingħand dawk l-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI.

(9)

L-iskambju ta’ informazzjoni fuq kundanni kriminali hu importanti f’kull strateġija għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Dan jikkontribwixxi biex il-ġustizzja kriminali twieġeb għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti jekk l-Istati Membri jużaw ECRIS bil-potenzjal kollu tagħha.

(10)

Bil-għan li tiżdied l-utilità tal-informazzjoni dwar kundanni u skwalifiki li jirriżultaw minn kundanni għal reati sesswali kontra t-tfal, id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stipulat l-obbligu li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li għall-fini ta’ reklutaġġ ta’ persuna għal post li jinvolvi kuntatt dirett u regolari mat-tfal, l-informazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ kundanni kriminali għal reati sesswali kontra t-tfal imdaħħla fir-rekords kriminali, jew ta’ kwalunkwe skwalifika li tirriżulta minn dawk il-kundanni kriminali, tiġi trażmessa skont il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI. L-għan ta’ dak il-mekkaniżmu huwa li jiġi żgurat li persuna kkundannata għal reat sesswali kontra tfal ma tkunx tista' taħbi dik il-kundanna jew skwalifika bil-ħsieb li twettaq attività professjonali li tinvolvi kuntatt dirett u regolari ma’ tfal fi Stat Membru ieħor.

(11)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tintroduċi l-modifiki meħtieġa għad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI li ser jippermettu skambju effettiv ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz tal-ECRIS. Hija tobbliga l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kundanni jkunu akkumpanjati minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew ċittadinanza tal-persuna kkundannata, sakemm l-Istati Membri jkollhom din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom. Hija tintroduċi wkoll il-proċeduri għat-tweġibiet għal talbiet għall-informazzjoni, tiżgura li l-estratt ta’ rekords kriminali mitlub minn ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi supplimentat b’informazzjoni minn Stati Membri oħra, u tipprovdi għall-bidliet tekniċi neċessarji biex is-sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni tkun tista' titħaddem.

(12)

Jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra t-theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet nazzjonali meta dan l-ipproċessar ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/680.

(13)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, il-prinċipji tad-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI jenħtieġ li jiġu inkorporati f’dik id-Deċiżjoni Qafas, u s-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(14)

L-infrastruttura ta’ komunikazzjoni komuni użata għall-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali jenħtieġ li tkun is-Servizzi Trans-Ewropej sikuri tat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (sTESTA), xi żvilupp ulterjuri ta’ din jew xi network sigur alternattiv.

(15)

Minkejja l-possibbiltà li jintużaw il-programmi finanzjarji tal-Unjoni skont ir-regoli applikabbli, kull Stat Membru jenħtieġ li jħallas l-ispejjeż tiegħu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-bażi ta’ data ta’ rekords kriminali tiegħu u mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni ta’ alterazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex ikun jista' juża ECRIS.

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali imnaqqxa, b’mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, id-drittijiet għal rikors ġudizzjarju u amministrattiv, il-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, id-dritt għal proċess ġust, u l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni. Din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi implimentata f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u prinċipji.

(17)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tippermetti l-iskambju rapidu u effiċjenti ta’ informazzjoni preċiża ta’ rekords kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, billi jiġu stabbiliti regoli komuni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(18)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(19)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(20)

F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(21)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fit-13 ta’ April 2016 (11).

(22)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI tiġi emendata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni Qafas:

(a)

tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li bihom Stat Membru tal-kundanna jiskambja informazzjoni ma’ Stati Membri oħra dwar kundanni;

(b)

tiddefinixxi l-obbligi għall-Istat Membru tal-kundanna u għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna kkundannata (l-‘Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna’), u tispeċifika l-metodi li għandhom jiġu segwiti fit-tweġiba għal talba għal informazzjoni estratta mir-rekords kriminali;

(c)

tistabbilixxi sistema deċentralizzata bit-teknoloġija tal-informatika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni bbażata fuq il-bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali f’kull Stat Membru, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS).”;

(2)

Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

‘Stat Membru tal-kundanna’ tfisser l-Istat Membru fejn tkun ingħatat kundanna;

(e)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE, jew li hija persuna apolida jew persuna li ċ-ċittadinanza tagħha mhix magħrufa;

(f)

‘data tal-marki tas-swaba'’ tfisser id-data relatata mal-impressjonijiet ċatti jew irroljati tal-marki tas-swaba' ta’ kull wieħed mis-swaba' ta’ persuna;

(g)

‘immaġni tal-wiċċ’ tfisser immaġni diġitali ta’ wiċċ il-persuna;

(h)

‘implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS’ tfisser is-software żviluppat mill-Kummissjoni u li tqiegħed għad-disponibbiltà tal-Istati Membri għall-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali permezz tal-ECRIS.”;

(3)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru tal-kundanna għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jassigura li l-kundanni mogħtija fit-territorju tiegħu jkunu akkumpanjati minn informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew ċittadinanzi tal-persuna kkundannata jekk il-persuna tkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew ċittadin ta’ pajjiż terz. Fejn il-persuna kkundannata tkun persuna li ċ-ċittadinanza tagħha ma tkunx magħrufa jew hija persuna apolida, ir-rekords kriminali għandhom jirriflettu dan.”;

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn ċittadin ta’ Stat Membru wieħed jitlob lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor għal informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tiegħu stess, dik l-awtorità ċentrali għandha tissottometti talba lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna għal informazzjoni u data relatata biex tkun estratta mir-rekords kriminali u din għandha tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li għandu jiġi pprovdut lill-persuna kkonċernata.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jitlob lill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru għal informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tiegħu, dik l-awtorità ċentrali għandha tissottometti talba biss lil dawk l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta’ dik il-persuna għal informazzjoni u data relatata biex tkun estratta mir-rekords kriminali u din għandha tinkludi tali informazzjoni u data relatata fl-estratt li għandu jiġi pprovdut lill-persuna kkonċernata.”;

(5)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn informazzjoni estratta mir-rekords kriminali dwar kundanni mogħtija kontra ċittadin ta’ Stat Membru tintalab taħt l-Artikolu 6 mill-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru barra mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna, l-Istat Membru rikjest għandu jibgħat tali informazzjoni bl-istess mod kif stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Fejn informazzjoni estratta mir-rekords kriminali dwar kundanni mogħtija lil ċittadin ta’ pajjiż terz tintalab taħt l-Artikolu 6 għall-iskopijiet ta’ proċedimenti kriminali, l-Istat Membru rikjest għandu jibgħat informazzjoni dwar kull kundanna mogħtija fl-Istat Membru rikjest u mdaħħla fir-rekords kriminali u fuq kull kundanna mogħtija f’pajjiżi terzi u sussegwentement trażmessi lilu u mdaħħla fir-rekords kriminali.

Għaldaqstant, jekk tali informazzjoni tintalab għal kwalunkwe skop għajr dak ta’ proċedimenti kriminali, għandu japplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”.

(6)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Tweġibiet għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6(2), (3) u (3a) għandhom jintbagħtu fi żmien għoxrin jum ta’ ħidma mid-data tal-wasla tat-talba.”;

(7)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “Artikolu 7(1) u (4)” huma sostitwiti b'“Artikolu 7(1), (4) u (4a)”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “Artikolu 7(2) u (4)” huma sostitwiti b'“Artikolu 7(2), (4) u (4a)”;

(c)

fil-paragrafu 3, il-kliem “Artikolu 7(1), (2) u (4)” huma sostitwiti b'“Artikolu 7(1), (2), (4) u (4a)”;

(8)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(iv)

l-immaġni tal-wiċċ.”;

(b)

il-paragrafi 3 sa 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b’mod elettroniku bl-użu ta’ ECRIS u b’format standardizzat skont l-istandards li għandhom jiġu stabbiliti f’atti ta’ implimentazzjoni:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4;

(b)

it-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6;

(c)

it-tweġibiet imsemmija fl-Artikolu 7; u

(d)

informazzjoni rilevanti oħra.

4.   Jekk il-mod tat-trasmissjoni msemmi fil-paragrafu 3 ma jkunx disponibbli, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 bi kwalunkwe mezz li kapaċi jipproduċi rekords bil-miktub taħt il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru riċeventi biex tistabbilixxi l-awtentiċità tal-informazzjoni, b’kont meħud tas-sigurtà tat-trasmissjoni.

Jekk il-mezz ta’ trasmissjoni msemmi fil-paragrafu 3 ma jkunx disponibbli għal perijodu estiż ta’ żmien, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

5.   Kull Stat Membru għandu jagħmel l-alterazzjonijiet tekniċi neċessarji biex ikun jista' juża il-format standardizzat biex jittrasmetti b’mod elettroniku l-informazzjoni kollha kif imsemmi fil-paragrafu 3 lil Stati Membri oħra permezz ta’ ECRIS. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-data li minnha jkun jista' jwettaq tali trasmissjonijiet.”;

(9)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 11a

Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

1.   Sabiex tiġi skambjata informazzjoni estratta minn rekords kriminali skont din id-Deċiżjoni Qafas b’mod elettroniku, qed tiġi stabbilita sistema deċentralizzata bl-użu tat-teknoloġija tal-informatika bbażata fuq il-bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali f’kull Stat Membru, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS). Hija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS;

(b)

infrastruttura għal komunikazzjoni komuni bejn l-awtoritajiet ċentrali li tipprovdi network kriptat.

Biex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni ta’ rekords kriminali trażmessi lil Stati Membri oħra, għandhom jintużaw miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati, b’kont meħud tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispiża tal-implimentazzjoni u r-riskji ppreżentati mill-ipproċessar ta’ informazzjoni.

2.   Id-data kollha dwar ir-rekords kriminali għandha tinħażen biss f’bażijiet ta’ data mħaddma mill-Istati Membri.

3.   L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri m’għandhomx ikollhom aċċess dirett għal bażijiet ta’ data ta’ rekords kriminali ta’ Stati Membri oħra.

4.   L-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS u l-bażijiet ta’ data li jaħżnu, jibagħtu u jirċievu informazzjoni estratta minn rekords kriminali għandhom joperaw taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandha tappoġġa lill-Istati Membri f’konformità mal-kompiti tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

5.   L-infrastruttura għal komunikazzjoni komuni għandha topera taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Din għandha tilħaq ir-rekwiżiti ta’ sigurtà neċessarji u tilħaq b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-ECRIS.

6.   eu-LISA għandha tipprovdi, tkompli tiżviluppa u żżomm l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS.

7.   Kull Stat Membru għandu jġorr l-ispejjeż tiegħu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-bażi ta’ data ta’ rekords kriminali tiegħu u l-installazzjoni u l-użu tal-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS.

Il-Kummissjoni għandha ġġorr l-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-użu, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tal-infrastruttura komuni tal-komunikazzjoni.

8.   L-Istati Membri li jużaw is-software nazzjonali tagħhom tal-implimentazzjoni tal-ECRIS skont il-paragrafi 4 sa 8 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/816 jistgħu jkomplu jużaw is-software nazzjonali tagħhom tal-implimentazzjoni tal-ECRIS minflok l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS, sakemm ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’dawk il-paragrafi.

Artikolu 11b

Atti ta’ Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-atti ta’ implimentazzjoni segwenti:

(a)

il-format standardizzat imsemmi fl-Artikolu 11(3), inkluż fir-rigward ta’ informazzjoni dwar ir-reat li jwassal għal kundanna u informazzjoni dwar il-kontenut tal-kundanna;

(b)

ir-regoli li jirrigwardaw l-implimentazzjoni teknika tal-ECRIS u l-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba';

(c)

kull mezz ieħor tekniku biex jiġu organizzati u ffaċilitati l-iskambji ta’ informazzjoni dwar kundanni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, inkluż:

(i)

il-mezz biex jiġi ffaċilitat il-fehim u t-traduzzjoni awtomatika ta’ informazzjoni trasmessa;

(ii)

il-mezz li bih informazzjoni tista' tiġi skambjata b’mod elettroniku, b’mod partikolari fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jridu jintużaw u, jekk ikun hemm bżonn, kwalunkwe proċedura ta’ skambju applikabbli.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12a(2).

(*1)  Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99)."

(*2)  Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1)”;"

(10)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;

(11)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

1.   Sal-29 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jevalwa l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-implimentazzjoni teknika tagħha.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi, fejn xieraq, proposti leġislattivi rilevanti.

3.   Il-Kummissjoni għandha b’mod regolari tippubblika rapport dwar l-iskambju ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali permezz tal-ECRIS u dwar l-użu tal-ECRIS-TCN ibbażat b’mod partikolari fuq l-istatistika pprovduta mill-eu-LISA u mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/816. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat għall-ewwel darba, sena wara li jkun ġie ppreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   Ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 3 għandu jkopri b’mod partikolari l-livell ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri, inkluż dik relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiż terz, kif ukoll l-għan tat-talbiet u n-numru rispettiv tagħhom, inkluż talbiet għal finijiet li mhumiex proċedimenti kriminali, bħalma huma verifiki tal-preċedenti personali u talbiet għal informazzjoni mill-persuni kkonċernati dwar ir-rekords kriminali tagħhom stess”.

Artikolu 2

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI

Id-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-28 ta’ Ġunju 2022. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Deċiżjoni sostitwiti b’din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza u dwar kif dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi fformulata.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-alterazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, kif emendata b’din id-Direttiva sal-28 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-28 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2019.

(2)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU L 220, 15.8.2008, p. 32).

(3)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).

(5)  Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(6)  Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(7)  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(8)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  ĠU C 186, 25.5.2016, p. 7.