ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 123

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
10 ta' Mejju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/711 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

1

 

*

Regolament (UE) 2019/712 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004

4

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI

18

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/714 tas-7 ta' Marzu 2019 li jissostitwixxi l-Anness I u li jemenda l-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

30

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/1


REGOLAMENT (UE) 2019/711 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni u ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

(2)

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (4) emenda l-ammont totali tar-riżorsi għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (“YEI”) billi żied l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI fl-2019 b'EUR 116,7-il miljun fi prezzijiet attwali u b'hekk żied l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-perijodu ta' programmazzjoni kollu għal EUR 4 527 882 072 fi prezzijiet attwali.

(3)

Għall-2019, ir-riżorsi addizzjonali ta' EUR 99 573 877 fi prezzijiet tal-2011 huma ffinanzjati mill-Marġni Globali għall-Impenji fil-marġni tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.

(4)

Huwa xieraq li jkunu previsti miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-YEI, minħabba l-istadju avvanzat tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

(5)

Minħabba l-urġenza li qabel tmiem l-2019 il-programmi li jappoġġaw lill-YEI jiġu emendati sabiex ikunu jinkludu r-riżorsi addizzjonali għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 91, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali disponibbli għall-impenn baġitarju għall-perijodu 2014 - 2020 għandhom ikunu EUR 330 081 919 243 fi prezzijiet tal-2011, b'konformità mad-diżaggregazzjoni annwali stabbilita fl-Anness VI, li minnhom EUR 325 938 694 233 jirrappreżentaw ir-riżorsi globali allokati għall-FEŻR, għall-FSE u għall-Fond ta' Koeżjoni, u EUR 4 143 225 010 jirrappreżentaw allokazzjoni speċifika għall-YEI. Għall-finijiet ta' programmazzjoni u tal-inklużjoni sussegwenti fil-baġit tal-Unjoni, l-ammont tar-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandu jkun indiċizzat għal 2 % kull sena.”;

(2)

fl-Artikolu 92, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Ir-riżorsi għall-YEI għandhom jammontaw għal EUR 4 143 225 010 mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI, li minnhom EUR 99 573 877 jikkostitwixxu riżorsi addizzjonali għall-2019. Dawk ir-riżorsi għandhom jiġu kkomplementati mill-investiment immirat tal-FSE b'konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-FSE.

L-Istati Membri li jibbenefikaw minn riżorsi addizzjonali għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-2019 kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, jistgħu jitolbu t-trasferiment lill-FSE sa 50 % tar-riżorsi addizzjonali għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI, bil-għan li jiġi kkonstitwit l-investiment immirat korrispondenti tal-FSE kif meħtieġ mill-Artikolu 22 tar-Regolament tal-FSE. Tali trasferiment għandu jsir għall-kategoriji rispettivi ta' reġjuni li jikkorrispondu għall-kategorizzazzjoni tar-reġjuni eliġibbli għaż-żieda tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI. L-Istati Membri għandhom jitolbu t-trasferiment fit-talba għal emenda tal-programm b'konformità mal-Artikolu 30(1) ta' dan ir-Regolament. Ir-riżorsi allokati għas-snin li għaddew ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

It-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika għar-riżorsi addizzjonali kollha għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI li jżidu ir-riżorsi 'l fuq minn EUR 4 043 651 133.”;

(3)

L-Anness VI huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  L-Opinjoni tat-22 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 320).

(4)   ĠU L 67, 7.3.2019, p. 1..


ANNESS

“ANNESS VI

DIŻAGGREGAZZJONI ANNWALI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN GĦAS-SNIN 2014 SAL-2020

Profil annwali aġġustat (inkluż pagament supplimentari għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ)

 

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Total

EUR, prezzijiet tal-2011

34 108 069 924

55 725 174 682

46 044 910 736

48 027 317 164

48 341 984 652

48 811 933 191

49 022 528 894

330 081 919 243


10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/4


REGOLAMENT (UE) 2019/712 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 868/2004

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-avjazzjoni għandha rwol kruċjali fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni, u hija wieħed mill-aktar setturi effiċjenti u dinamiċi tal-ekonomija tal-Unjoni. Hija mutur b'saħħtu għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll il-konnettività u l-mobbiltà kemm tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini, b'mod partikolari fi ħdan is-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni. Matul l-aħħar deċennji, it-tkabbir fis-servizzi tat-trasport bl-ajru kkontribwixxa b'mod sinifikanti għat-titjib fil-konnettività fl-Unjoni u ma' pajjiżi terzi u kien faċilitatur sinifikanti tal-ekonomija tal-Unjoni.

(2)

It-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni huma fiċ-ċentru tan-network globali li jgħaqqad l-Ewropa internament u mal-bqija tad-dinja. Jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jikkompetu mat-trasportaturi bl-ajru ta' pajjiżi terzi f'ambjent ta' kompetizzjoni miftuħa u ġusta. Dan huwa neċessarju sabiex jinġiebu benefiċċji għall-konsumaturi, jinżammu kundizzjonijiet li jwasslu għal livell għoli ta' konnettività bl-ajru fl-Unjoni u biex jiġu żgurati t-trasparenza, kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u kompetittività kostanti tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni, kif ukoll livelli għoljin ta' impjieg ta' kwalità fl-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni.

(3)

F'kuntest ta' kompetizzjoni akbar bejn l-atturi tat-trasport bl-ajru fuq livell globali, il-kompetizzjoni ġusta hija prinċipju ġenerali indispensabbli fit-tħaddim ta' servizzi tat-trasport bl-ajru internazzjonali. Dan il-prinċipju huwa rikonoxxut b'mod partikolari mill-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta' Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta' Chicago”) li l-preambolu tagħha jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-servizzi internazzjonali tat-trasport bl-ajru jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta' ugwaljanza ta' opportunità. L-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni ta' Chicago jiddikjara wkoll li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) timmira li trawwem l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru sabiex jiġi żgurat li kull Stat kontraenti jkollu opportunità ġusta biex jopera linji tal-ajru internazzjonali u biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-Istati kontraenti.

(4)

Il-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta huwa stabbilit sew fl-Unjoni fejn prattiki li għandhom effett distortiv fuq is-suq ikunu soġġetti għal-liġi tal-Unjoni eżistenti, li jiggarantixxi opportunitajiet indaqs u kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni u ta' pajjiżi terzi li joperaw fl-Unjoni.

(5)

Madankollu, minkejja l-isforzi kontinwi tal-Unjoni u xi pajjiżi terzi, il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta għadhom ma ġewx definiti permezz ta' regoli multilaterali speċifiċi, b'mod partikolari, fil-kuntest tal-ftehimiet tal-ICAO jew tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), bħall-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), u l-Anness dwar is-Servizzi tat-Trasport bl-Ajru tiegħu, minn liema kamp ta' applikazzjoni ġew fil-parti l-kbira esklużi s-servizzi tat-trasport bl-ajru.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li jissaħħu l-isforzi fil-kuntest tal-ICAO u tad-WTO biex jappoġġaw b'mod attiv l-iżvilupp ta' regoli internazzjonali li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi bl-ajru kollha.

(7)

Preferibbilment, jenħtieġ li l-kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi bl-ajru tiġi indirizzata fil-kuntest tal-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru ma' pajjiżi terzi. Madankollu, il-maġġoranza tal-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew it-tnejn li huma, minn naħa, u l-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, s'issa ma jipprevedux regoli adegwati għal kompetizzjoni ġusta. Għalhekk, jenħtieġ li jissaħħu l-isforzi biex tiġi negozjata l-inklużjoni ta' klawżoli ta' kompetizzjoni ġusta fi ftehimiet eżistenti u futuri dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru ma' pajjiżi terzi.

(8)

Il-kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi bl-ajru tista' tiġi żgurata wkoll permezz ta' leġislazzjoni tal-Unjoni xierqa bħar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (3) u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (4). Inkwantu l-kompetizzjoni ġusta tassumi protezzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni minn ċerti prattiki adottati minn pajjiżi terzi jew minn trasportaturi ta' pajjiżi terzi, din il-kwistjoni ġiet indirizzata preċedentement fir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 wera li mhuwiex effettiv fir-rigward tal-għan ġenerali sottostanti tiegħu ta' kompetizzjoni ġusta. Dan huwa b'mod partikolari l-każ fir-rigward ta' wħud mir-regoli tiegħu li jappartjenu għad-definizzjoni tal-prattiki kkonċernati, għajr għas-sussidjar, u għar-rekwiżiti dwar it-tnedija u t-twettiq tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 ma rnexxielux jipprovdi komplementarjetà mal-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru, li l-Unjoni tagħmel parti minnhom. Minħabba l-għadd u s-sinifikat tal-emendi li jkunu meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 jiġi sostitwit b'att ġdid.

(9)

Il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni tiddependi mill-kompetittività ta' kull parti tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni u hija tista' tinżamm biss permezz ta' sett ta' politiki komplementari. Jenħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa f'djalogu kostruttiv ma' pajjiżi terzi biex issib bażi għal kompetizzjoni ġusta. F'dan ir-rigward, leġislazzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva tibqa' meħtieġa sabiex jinżammu kundizzjonijiet li jwasslu għal livell għoli ta' konnettività tal-Unjoni u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta mat-trasportaturi bl-ajru ta' pajjiżi terzi. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi fdata bis-setgħa li twettaq investigazzjoni u tieħu miżuri fejn meħtieġ. Miżuri bħal dawn jenħtieġ li jkunu disponibbli fejn prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni jikkawżaw ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni.

(10)

Id-diskriminazzjoni tista' tinkludi sitwazzjonijiet fejn trasportatur bl-ajru tal-Unjoni jkun soġġett għal trattament differenzjat mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, b'mod partikolari trattament differenzjat dwar: il-prezzijiet ta' servizzi fuq l-art u l-aċċess għal dak is-servizzi; l-infrastruttura tal-ajruport; is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru; l-allokazzjoni ta' slots; il-proċeduri amministrattivi bħal dawk għall-allokazzjoni ta' viżi għall-persunal barrani tat-trasportaturi; l-arranġamenti dettaljati għall-bejgħ u d-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ajru; jew kwalunkwe “kwistjoni ta' twettiq ta' negozju” oħra, bħal pereżempju proċeduri komplikati ta' żdoganar tal-merkanzija jew kwalunkwe prattika inġusta oħra ta' natura finanzjarja jew operazzjonali.

(11)

Jenħtieġ li l-proċedimenti jiġu konklużi mingħajr miżuri ta' rimedju skont dan ir-Regolament fejn l-adozzjoni ta' dan tal-aħħar tmur kontra l-interess tal-Unjoni, billi jitqies b'mod speċjali l-impatt tagħhom fuq persuni oħra, b'mod partikolari konsumaturi jew impriżi fl-Unjoni, kif ukoll tal-impatt tagħhom fuq livelli għoljin ta' konnettività fl-Unjoni kollha. Meta jitqies l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni tal-Istati Membri li jiddependu esklużivament jew b'mod sinifikanti fuq it-trasport bl-ajru għall-konnettività tagħhom mal-bqija tad-dinja, u jenħtieġ li tiġi żgurata ukoll il-konsistenza ma' oqsma ta' politika oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-proċedimenti jiġu konklużi wkoll mingħajr miżuri meta r-rekwiżiti għat-tali miżuri mhumiex issodisfati, jew ma għadhomx aktar issodisfati.

(12)

Meta jkun qed jiġi determinat jekk l-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju tkunx kontra l- l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha. Sabiex torganizza konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha u tagħtihom l-opportunità li jinstemgħu, jenħtieġ li fl-avviż tat-tnedija tal-investigazzjoni jiġu speċifikati skadenzi għall-għoti ta' informazzjoni jew għat-talba ta' smigħ. Jenħtieġ li l-partijiet interessati jkunu konxji tal-kondizzjonijiet tal-iżvelar għall-informazzjoni li huma jipprovdu u jenħtieġ li jkunu intitolati li jirrispondu għall-kummenti tal-partijiet l-oħra.

(13)

Sabiex il-Kummissjoni tkun informata b'mod adegwat dwar l-elementi possibbli li jiġġustifikaw it-tnedija ta' investigazzjoni, kwalunkwe Stat Membru, trasportatur bl-ajru tal-Unjoni jew assoċjazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu intitolati biex iressqu lment, li jenħtieġ li jiġi indirizzat fi żmien raġonevoli.

(14)

Fl-interess li tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkun tista' tniedi proċedimenti abbażi ta' lment li jippreżenta evidenza prima facie ta' theddida ta' ħsara.

(15)

Jenħtieġ li waqt l-investigazzjoni l-Kummissjoni tqis il-prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni fil-kuntest rilevanti. Minħabba l-varjetà ta' prattiki possibbli, il-prattika u l-effetti tagħha jistgħu, f'xi każijiet, ikunu limitati għall-attivitajiet ta' trasport bl-ajru ta' rotta bejn żewġt ibliet filwaqt li, f'każijiet oħra, jista' jkun rilevanti li jitqiesu l-prattika u l-effetti tagħha fuq in-network tat-trasport bl-ajru b'mod aktar ġenerali.

(16)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-investigazzjoni tkun tista' testendi għall-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' elementi pertinenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' twettaq investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi, soġġett għall-kunsens tal-entitajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati u fin-nuqqas ta' oġġezzjoni minn dawk il-pajjiżi terzi. Għall-istess raġunijiet u għall-istess għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jappoġġaw lill-Kummissjoni bl-aħjar kapaċitajiet tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonkludi l-investigazzjoni fuq il-bażi tal-aqwa evidenza disponibbli.

(17)

Waqt l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tista' tqis jekk il-prattika li qed tfixkel il-kompetizzjoni tikkostitwixxix ukoll ksur ta' ftehim internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li l-Unjoni tagħmel parti minnu. Jekk dak ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' tqis li l-prattika li qed tfixkel il-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi wkoll ksur ta' ftehim internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li l-Unjoni tagħmel parti minnu, tista' tiġi indirizzata b'mod aktar xieraq bl-applikazzjoni tal-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim stabbiliti minn dak il-ftehim. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tissospendi l-investigazzjoni mibdija skont dan ir-Regolament. Fejn l-applikazzjoni tal-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim stabbiliti mill-ftehim internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li l-Unjoni tagħmel parti minnu ma jirnexxilux jirrimedja s-sitwazzjoni b'mod suffiċjenti, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li terġa' tibda l-investigazzjoni.

(18)

Ftehimiet dwar l-avjazzjoni u dan ir-Regolament jenħtieġ li jiffaċilitaw djalogu mal-pajjiżi terzi kkonċernat sabiex isolvu tilwim b'mod effiċjenti u terġa' tiġi stabbilita l-kompetizzjoni ġusta. Meta l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tikkonċerna operazzjonijiet koperti bi ftehim dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru konkluż ma' pajjiż terz u li l-Unjoni ma tagħmilx parti minnu, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Kummissjoni taġixxi b'għarfien sħiħ ta' kwalunkwe proċediment maħsub, jew imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat, skont tali ftehim u b'rilevanza għas-sitwazzjoni soġġetta għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jżommu lill-Kummissjoni infurmata kif xieraq. F'każ bħal dak, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati kollha jkollhom id-dritt li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jindirizzaw il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni esklużivament skont il-proċeduri ta' riżoluzzjoni tat-tilwim li jinsabu fil-ftehimiet rispettivi tagħhom dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru konklużi ma' pajjiż terz u li l-Unjoni ma tagħmilx parti minnhom. Jekk l-Istati Membri kkonċernati kollha jinnotifikaw lill-Kummissjoni u ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissospendi temporanjament l-investigazzjoni tagħha.

(19)

Jekk l-Istati Membri kkonċernati beħsiebhom jindirizzaw il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni esklużivament permezz ta' proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli skont il-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru, dwar is-servizzi tal-ajru, jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li jkunu kkonkludew mal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawn il-ftehimiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforz biex jipproċedu bil-ħeffa bil-proċeduri bilaterali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u jenħtieġ li jinformaw bis-sħiħ lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward. Fejn il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni tippersisti u l-Kummissjoni terġa' tibda l-investigazzjoni, jenħtieġ li jittieħed kont tas-sejbiet miksuba waqt l-applikazzjoni ta' tali ftehim dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru sabiex ikun żgurat li terġa' tiġi stabbilita kompetizzjoni ġusta kemm jista' jkun malajr.

(20)

Jenħtieġ li jittieħed kont tas-sejbiet miksuba matul l-applikazzjoni tal-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont ftehim internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li l-Unjoni jew Stat Membru jagħmlu parti minnu.

(21)

Għal raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva u fid-dawl ta' terminazzjoni possibbli mingħajr miżuri, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu sospiżi l-proċedimenti fejn il-pajjiż terz jew l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernati jkunu ħadu passi deċiżivi biex jeliminaw il-prattika rilevanti li tfixkel il-kompetizzjoni jew il-ħsara li tirriżulta jew it-theddida ta' ħsara.

(22)

Jenħtieġ li s-sejbiet fir-rigward ta' ħsara jew theddida ta' ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati jirriflettu valutazzjoni realistika tas-sitwazzjoni u għalhekk jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-fatturi rilevanti kollha, b'mod partikolari li jappartjenu għas-sitwazzjoni ta' dawk it-trasportaturi u għas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tat-trasport bl-ajru affettwat.

(23)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom il-proċedimenti jenħtieġ li jiġu konklużi, bl-impożizzjoni ta' miżuri ta' rimedju jew mingħajrha.

(24)

Il-miżuri ta' rimedju fir-rigward ta' prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni għandhom l-għan li jikkumpensaw il-ħsara li sseħħ minħabba dawk il-prattiki. Għalhekk jenħtieġ li dawn jieħdu l-forma ta' dmirijiet finanzjarji jew ta' miżuri oħra li, billi jirrappreżentaw valur pekunjarju li jista' jitkejjel, huma kapaċi jiksbu l-istess effett. Sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-miżuri ta' kwalunkwe tip ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi kkumpensata l-ħsara identifikata. Jenħtieġ li l-miżura ta' rimedju tikkunsidra l-funzjonament xieraq tas-suq tal-ajru tal-Unjoni u jenħtieġ li ma tirriżultax fl-għoti ta' vantaġġ mhux dovut lil kwalunkwe trasportatur bl-ajru jew grupp ta' trasportaturi bl-ajru.

(25)

Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jimponi xi standards fuq it-trasportaturi bl-ajru ta' pajjiż terz, pereżempju fir-rigward ta' sussidji, billi jintroduċu obbligi aktar restrittivi minn dawk li japplikaw għat-trasportaturi tal-Unjoni.

(26)

Is-sitwazzjonijiet investigati skont dan ir-Regolament u l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-Istati Membri jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkostanzi. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu applikati miżuri ta' rimedju, skont il-każ, għal trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar ta' pajjiż terz, għal żona ġeografika speċifika jew għal perijodu ta' żmien speċifiku, jew li tiġi stabbilita data fil-ġejjieni li minnha huma għandhom japplikaw.

(27)

Jenħtieġ li miżuri ta' rimedju ma jikkonsistux mis-sospensjoni jew mil-limitu tad-drittijet tat-traffiku li jingħataw minn Stat Membru lil pajjiż terz.

(28)

F'konformità mal-istess prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri ta' rimedju fir-rigward tal-prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ biss sakemm, u sal-limitu li, huwa neċessarju fid-dawl ta' tali prattika u l-ħsara li tirriżulta. Konsegwentement, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jenħtieġu dan, jenħtieġ li tiġi prevista reviżjoni.

(29)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(30)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fuq bażi regolari, permezz ta' rapport. Dak ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar: l-applikazzjoni ta' miżuri ta' rimedju; it-tmiem tal-investigazzjonijiet mingħajr miżuri ta' rimedju; reviżjonijiet ta' miżuri ta' rimedju; u kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li dak ir-rapport jiġi abbozzat u ttrattat bil-livell xieraq ta' kunfidenzjalità.

(31)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-protezzjoni effiċjenti ugwali għat-trasportaturi bl-ajru kollha tal-Unjoni u abbażi ta' kriterji u proċeduri uniformi kontra l-ħsara jew it-theddida ta' ħsara għal trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar tal-Unjoni kkawżati minn prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni, adottat minn pajjiżi terzi jew entitajiet ta' pajjiżi terzi, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(32)

Minħabba li dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 868/2004, jenħtieġ għalhekk li dak ir-Regolament jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta' investigazzjonijiet mill-Kummissjoni u dwar l-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju, b'rabta ma' prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni bejn trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni u trasportaturi bl-ajru ta' pajjiżi terzi u li jikkawżaw ħsara jew li jheddu li jikkawżaw ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 u għall-Artikolu 20 tad-Direttiva 96/67/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasportatur bl-ajru” tfisser trasportatur bl-ajru kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(2)

“servizz tat-trasport bl-ajru” tfisser titjira jew serje ta' titjiriet li jġorru passiġġieri, merkanzija jew posta, bi ħlas jew kiri;

(3)

“parti interessata” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe korp uffiċjali, kemm jekk ikollhom personalità ġuridika proprja jew le, li x'aktarx ikollhom interess sinifikanti fir-riżultat tal-proċedimenti, inkluż iżda mhux limitat għal, trasportaturi bl-ajru;

(4)

“Stat Membru kkonċernat” tfisser kwalunkwe Stat Membru:

(a)

li ta l-liċenzja operattiva lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008; jew

(b)

li skont ftehim tiegħu dwar it-trasport bl-ajru, ftehim dwar servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li għandu mal-pajjiż terz ikkonċernat li fih dispożizzjonijiet dwar servizzi tat-trasport bl-ajru, joperaw it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati;

(5)

“entità ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk tagħmel profitt jew le, jew kwalunkwe korp uffiċjali kemm jekk għandu personalità ġuridika proprja jew le, li hija taħt il-ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz, kemm jekk ikkontrollata mill-gvern ta' pajjiż terz jew le, u hija involuta direttament jew indirettament f'servizzi tat-trasport bl-ajru jew f'servizzi relatati jew fil-forniment ta' infrastruttura jew servizzi użati biex jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru jew servizzi relatati;

(6)

“prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni” tfisser diskriminazzjoni u sussidji;

(7)

“theddida ta' ħsara” tfisser theddida li tista' tiġi prevista b'mod ċar li tiżviluppa fi ħsara, probabbli ħafna u imminenti, u li tista' tiġi attribwita mingħajr ebda dubju raġonevoli għal azzjoni jew deċiżjoni minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz.

(8)

“diskriminazzjoni” tfisser divrenzjar ta' kwalunkwe tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi, inkluż servizzi pubbliċi, użati għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal tali servizzi, inkluż prattiki relatati man-navigazzjoni bl-ajru jew ma' faċilitajiet u servizzi tal-ajruport, karburant, servizzi fuq l-art, sigurtà, sistemi kompjuterizzati ta' prenotazzjoni, allokazzjonijiet tas-slots, imposti u l-użu ta' faċilitajiet jew servizzi oħrajn użati għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport bl-ajru;

(9)

“sussidju” tfisser kontribuzzjoni finanzjarja:

(a)

mogħtija minn gvern jew organizzazzjoni pubblika oħra ta' pajjiż terz f'waħda mill-forom li ġejjin:

(i)

prattika ta' gvern jew organizzazzjoni pubblika oħra li tinvolvi trasferiment dirett ta' fondi, trasferiment dirett potenzjali ta' fondi jew obbligi (bħal għotjiet, self, infużjoni ta' ekwità, garanziji ta' self, tnaqqis ta' telf operazzjonali, jew kumpens għal piżijiet finanzjarji imposti minn awtoritajiet pubbliċi);

(ii)

dħul ta' gvern jew organizzazzjoni pubblika oħra li jkun dovut jiġi maħfur jew ma jinġabarx (bħal trattament fiskali preferenzjali jew inċentivi fiskali bħal krediti tat-taxxa);

(iii)

gvern jew organizzazzjoni pubblika oħra, inkluż impriżi kkontrollati pubblikament, jipprovdu oġġetti jew servizzi, jew jixtru oġġetti jew servizzi;

(iv)

gvern jew organizzazzjoni pubblika oħra jagħmlu ħlasijiet lil mekkaniżmu ta' finanzjament jew jaħtru jew jordnaw lil entità privata biex twettaq waħda mit-tipi ta' funzjonijiet jew iktar, imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii), li normalment ikunu f'idejn il-gvern u, li fil-prattika, ma jkunux ivarjaw minn dawk il-prattiki li normalment jiġu segwiti mill-gvernijiet;

(b)

li tikkonferixxi benefiċċju; u

(c)

limitata, fid-dritt jew fil-fatt, għal entità jew industrija jew grupp ta' entitajiet jew industriji fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità awtorizzanti;

(10)

“Trasportatur bl-ajru tal-Unjoni” tfisser trasportatur bl-ajru b'liċenzja operattiva valida mogħtija mingħand Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008;

(11)

“trasportatur bl-ajru tal-Unjoni kkonċernat” tfisser it-trasportatur bl-ajru li jkun allegatament soġġett għal ħsara jew theddida ta' ħsara skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(1).

Artikolu 3

Interess tal-Unjoni

1.   Determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 13(2) għandha ssir mill-Kummissjoni abbażi ta' evalwazzjoni tal-interessi diversi kollha li huma rilevanti fis-sitwazzjoni partikolari, meqjusa flimkien. Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-interess tal-Unjoni, għandha tingħata prijorità lill-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur u li jinżamm livell għoli ta' konnettività għall-passiġġieri u għall-Unjoni. Fil-kuntest tal-katina sħiħa tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni tista' tqis ukoll fatturi soċjali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi eliminata l-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, sabiex terġa' tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva u ġusta, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni għas-suq intern.

2.   L-interess tal-Unjoni għandu jiġi determinat abbażi ta' analiżi ekonomika mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibbaża dik l-analiżi fuq l-informazzjoni miġbura mingħand il-partijiet interessati. Meta tiddetermina l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tfittex ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li hija tqis neċessarji, u għandha, b'mod partikolari, tqis il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 12(1). L-informazzjoni għandha titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza attwali li tissostanzja l-validità tagħha.

3.   Determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni għall-fini tal-punt (b) tal-Artikolu 13(2) għandha ssir biss fejn il-partijiet interessati kollha jkunu ngħataw l-opportunità li jagħmlu lilhom infushom magħrufa, li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub, li jippreżentaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni jew li japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni, f'konformità mal-iskadenzi speċifikati fil-punt (b) tal-Artikolu 4(8). Talbiet għal smigħ għandhom jispjegaw ir-raġunijiet li jappartjenu għall-interess tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-partijiet jixtiequ li jinstemgħu.

4.   Il-partijiet interessati msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu jistgħu jitolbu li l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom x'aktarx jiġu bbażati d-deċiżjonijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli sa fejn possibbli, f'konformità mal-Artikolu 8, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni.

5.   L-analiżi ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat, għall-informazzjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI FIR-RIGWARD TAL-PROĊEDIMENTI

Artikolu 4

Tnedija tal-proċedimenti

1.   Investigazzjoni għandha titniedi wara li jiġi preżentat ilment bil-miktub minn Stat Membru, trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar tal-Unjoni jew assoċjazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, jekk hemm evidenza prima facie tal-eżistenza taċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin:

(a)

prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż terz jew minn entità ta' pajjiż terz;

(b)

ħsara jew theddida ta' ħsara lil trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar tal-Unjoni; u

(c)

rabta kawżali bejn l-allegata prattika u l-allegati ħsara jew theddida ta' ħsara.

2.   Meta tirċievi lment skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina, fi żmien xieraq, il-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-elementi previsti fl-ilment jew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, sabiex jiġi determinat jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta' investigazzjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li ma tnedix investigazzjoni fejn il-fatti mressqa fl-ilment la jqajmu kwistjoni sistemika u lanqas ma għandhom impatt sinifikanti fuq trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar tal-Unjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-ilmentatur u lill-Istati Membri kollha fejn tkun iddeċidiet li ma tnedix investigazzjoni. L-informazzjoni mogħtija għandha tinkludi r-raġunijiet għad-deċiżjoni. L-informazzjoni għandha tintbagħat wkoll lill-Parlament Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 17.

6.   Fejn l-evidenza ppreżentata mhijiex biżżejjed għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 60 jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment, tinforma lill-ilmentatur dwar dik l-insuffiċjenza. L-ilmentatur għandu jingħata 45 jum biex jipprovdi evidenza addizzjonali. Meta l-ilmentatur jonqos milli jagħmel dan f'dak iż-żmien stipulat, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tnedix l-investigazzjoni.

7.   Soġġett għall-paragrafi 4 u 6, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tnedix investigazzjoni skont il-paragrafu 1 f'perijodu massimu ta' ħames xhur minn meta jkun tressaq l-ilment.

8.   Soġġetta għall-paragrafu 4, meta l-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

tniedi l-proċedimenti u tinnotifika lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew b'dan;

(b)

tippubblika avviż formali f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; l-avviż għandu jħabbar t-tnedija tal-investigazzjoni, jindika l-ambitu tal-investigazzjoni, il-pajjiż terz jew l-entità ta' pajjiż terz li allegatament ikunu ħadu sehem fi prattiki li jfixklu l-kompetizzjoni u l-allegata ħsara jew theddida ta' ħsara, it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati, u jiddikjara l-perijodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub, jissottomettu l-informazzjoni jew japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni. Dak il-perijodu għandu jkun ta' mill-anqas 30 jum.

(c)

tinnotifika uffiċjalment lir-rappreżentanti tal-pajjiż terz u lill-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata dwar it-tnedija tal-investigazzjoni;

(d)

tinforma lill-ilmentatur u lill-Kumitat previst fl-Artikolu 16 dwar it-tnedija tal-investigazzjoni.

9.   Meta l-ilment jiġi rtirat qabel t-tnedija tal-investigazzjoni, l-ilment jitqies li ma jkunx ġie ppreżentat. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tniedi investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

Investigazzjoni

1.   Wara t-tnedija tal-proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni.

2.   L-investigazzjoni għandu jkollha l-għan li tiddetermina jekk prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz, ikkawżatx ħsara jew theddida ta' ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati.

3.   Fejn, waqt l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ssib evidenza li l-prattika tista' twassal għal impatt negattiv fuq il-konnettività bl-ajru ta' reġjun partikolari, ta' Stat Membru jew ta' grupp ta' Stati Membri, u b'hekk impatt negattiv għall-passiġġieri, dik l-evidenza għandha titqies fid-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3.

4.   Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa sabiex twettaq l-investigazzjoni u għandha tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni li tkun irċeviet jew ġabret mat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati, mal-pajjiż terz, ma' parti interessata, jew l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata.

5.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 4 ma tkunx kompluta, għandu jittieħed kont tagħha dment li ma tkunx falza jew qarrieqa.

6.   Jekk evidenza jew informazzjoni ma tiġix aċċettata, il-parti li tforniha għandha tiġi mgħarrfa minnufih bir-raġunijiet għal dan u għandha tingħata opportunità biex tipprovdi spjegazzjonijiet ulterjuri fil-limitu taż-żmien speċifikat.

7.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri kkonċernati biex jappoġġawha fl-investigazzjoni. B'mod partikolari, fuq talba mill-Kummissjoni, huma għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni billi jipprovdu informazzjoni rilevanti u disponibbli. Fuq talba mill-Kummissjoni, kwalunkwe Stat Membru għandu jagħmel ħilitu biex jikkontribwixxi għall-verifika u l-analiżi rilevanti.

8.   Jekk jidher neċessarju, il-Kummissjoni tista' twettaq investigazzjonijiet fit-territorju ta' pajjiż terz, dment li l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata tkun tat l-approvazzjoni tagħha u l-gvern tal-pajjiż terz ikun ġie notifikat uffiċjalment u ma jkun qajjem l-ebda oġġezzjoni.

9.   Il-partijiet li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa fi ħdan l-iskadenzi stabbiliti fl-avviż tat-tnedija, għandhom jinstemgħu jekk ikunu għamlu talba għal smigħ li turi li huma parti interessata.

10.   L-ilmentaturi, il-partijiet interessati, l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-pajjiż terz jew l-entità ta' pajjiż terz ikkonċernata jistgħu jikkonsultaw l-informazzjoni kollha li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, ħlief għad-dokumenti interni li huma għall-użu tal-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri kkonċernati, dment li tali informazzjoni ma tkunx kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 u dment li jkunu indirizzaw talba bil-miktub lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Sospensjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tissospendi l-investigazzjoni jekk ikun jidher aktar xieraq li tiġi indirizzata l-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni esklużivament skont il-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim stabbiliti bi ftehim applikabbli dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru li l-Unjoni tagħmel parti minnhom, jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li l-Unjoni tagħmel parti minnu. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni.

Il-Kummissjoni tista' tissokta bl-investigazzjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-proċedura mwettqa skont il-ftehim applikabbli dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru wasslet għal kostatazzjoni ta' ksur mill-parti(jiet) l-oħra għall-ftehim u din il-kostatazzjoni tkun saret definittiva u vinkolanti għat-tali parti(jiet), iżda azzjoni korrettiva ma tkunx ittieħdet minnufih, jew fi ħdan il-perijodu previst taħt il-proċeduri rilevanti;

(b)

il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni ma tkunx ġiet eliminata fi żmien 12-il xahar mid-data tas-sospensjoni tal-investigazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissospendi l-investigazzjoni jekk, fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tat-tnedija tal-investigazzjoni:

(a)

l-Istati Membri kollha kkonċernati msemmija fil-punt (4)(b) tal-Artikolu 2 ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jindirizzaw il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni esklużivament skont il-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli skont il-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru, jew kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru, li jkunu kkonkludew mal-pajjiż terz ikkonċernat; u

(b)

l-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati msemmija fil-punt (4)(a) tal-Artikolu 2 ma jkun oġġezzjona.

F'dawk il-każijiet ta' sospensjoni, l-Artikolu 7(1) u (2) għandhom japplikaw.

3.   Il-Kummissjoni tista' tissokta bl-investigazzjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri kkonċernati msemmijin fil-punt (4)(b) tal-Artikolu 2 ma jkunux taw bidu għall-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont il-ftehimiet internazzjonali rilevanti fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2;

(b)

l-Istati Membri kkonċernati msemmijin fil-punt (4)(b) tal-Artikolu 2 jinnotifikaw lill-Kummissjoni li l-eżitu tal-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma jkunx ġie infurzat b'mod korrett u malajr;

(c)

l-Istati Membri kollha kkonċernati jitolbu lill-Kummissjoni biex tissokta bl-investigazzjoni;

(d)

il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni ma tkunx ġiet eliminata fi żmien 12-il xahar mid-data tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 mill-Istati Membri kkonċernati;

(e)

fil-każijiet ta' urġenza previsti fl-Artikolu 11(3), jekk, fi żmien disa' xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu mill-Istati Membri kkonċernati msemmija fil-punt (4)(b) tal-Artikolu 2, il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni ma tkunx ġiet eliminata; fuq it-talba ta' Stat Membru kkonċernat, dak il-perijodu jista' jittawwal mill-Kummissjoni, f'każijiet debitament ġustifikati, b'mhux aktar minn tliet xhur.

Artikolu 7

Kooperazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedimenti rilevanti għall-każijiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu III

1.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-laqgħat rilevanti kollha skedati fil-qafas tal-ftehim dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru, jew ta' kwalunkwe dispożizzjoni dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru inkluża fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-pajjiż terz ikkonċernat, sabiex tiġi diskussa l-kwistjoni koperta mill-investigazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-aġenda u l-informazzjoni rilevanti kollha li jippermettu li jkun hemm fehim tas-suġġetti li għandhom jiġu diskussi f'dawk il-laqgħat.

2.   L-Istat Membru konċernat għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar it-twettiq ta' kwalunkwe proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim prevista fi ftehim dwar it-trasport bl-ajru jew is-servizzi tal-ajru jew fi kwalunkwe ftehim ieħor li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru konkluż mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandu, fejn xieraq, jistieden lill-Kummissjoni tattendi dawk il-proċeduri. Il-Kummissjoni tista' titlob aktar informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

1.   Il-Kummissjoni għandha, jekk tingħata raġuni valida, titratta bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni li min-natura tagħha hija kunfidenzjali, inkluż iżda mhux limitat għal informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista' jkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal kompetitur jew jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq xi persuna li tkun forniet l-informazzjoni jew fuq il-persuna li minnha wieħed ikun kiseb l-informazzjoni li jkun qed iforni, jew li tingħata fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għal investigazzjoni.

2.   Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu fehma raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-partijiet interessati jistgħu jindikaw li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tinġabar fil-qosor. F'tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tingħata dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex ma jkunx possibbli li jsir sommarju.

3.   L-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda bil-għan li titniedi investigazzjoni oħra skont dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inklużi l-uffiċjali rispettivi tagħhom, ma għandhom jiżvelaw ebda informazzjoni ta' natura kunfidenzjali riċevuta skont dan ir-Regolament, jew xi informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali minn parti għal investigazzjoni, mingħajr il-permess speċifiku mill-parti li tkun qiegħda tressaq din l-informazzjoni. L-iskambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew ta' kwalunkwe dokument intern imħejji mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri, ma għandhomx jiġu żvelati ħlief fejn previst speċifikament f'dan ir-Regolament.

5.   Fejn jidher li talba għal kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk il-persuna li tkun qed tagħti l-informazzjoni ma tkunx trid tagħmel l-informazzjoni pubblika jew jawtorizza l-iżvelar tagħha f'forma ġenerali jew fil-qosor, l-informazzjoni msemmija tista' tiġi injorata.

6.   Dan l-Artikolu ma għandu jipprekludi la l-iżvelar ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari, l-iżvelar tar-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament, u lanqas l-iżvelar tal-evidenza li joqgħodu fuqha l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali żvelar għandu jqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati li s-sigrieti kummerċjali jew tal-gvern tagħhom ma għandhomx jiġu żvelati.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa u xierqa maħsuba biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u dment li huma kompatibbli mat-termini tiegħu.

Artikolu 9

Bażi tas-sejbiet f'każ ta' nonkooperazzjoni

Fejn l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jiġi miċħud jew inkella ma jiġix ipprovdut sal-iskadenzi previsti f'dan ir-Regolament, jew fejn l-investigazzjoni tiġi mfixkla b'mod sinifikanti, sejbiet proviżorji jew finali, affermattivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti u l-evidenza disponibbli. Meta l-Kummissjoni ssib li tkun ġiet ippreżentata informazzjoni falza jew qarrieqa, tali informazzjoni għandha tiġi injorata.

Artikolu 10

Żvelar

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżvela lill-pajjiż terz, lill-entità tal-pajjiż terz u lit-trasportatur bl-ajru tal-pajjiż terz ikkonċernat, kif ukoll lill-ilmentatur, lill-partijiet interessati, lill-Istati Membri u lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni l-fatti u tal-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom beħsiebha tadotta miżuri ta' rimedju, jew biex jintemmu l-proċedimenti mingħajr ma jiġu adottati miżuri ta' rimedju, sa mhux aktar tard minn xahar qabel ma jitlaqqa' l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 16, skont l-Artikolu 13(2) jew l-Artikolu 14(1).

2.   L-iżvelar imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandu jippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista' tittieħed mill-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni jkun beħsiebha tibbaża tali deċiżjoni fuq kwalunkwe fatt u konsiderazzjoni addizzjonali jew differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr.

3.   L-informazzjoni addizzjonali pprovduta wara li jkun sar l-iżvelar għandha titqies biss jekk din tiġi riċevuta matul il-perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun ta' mill-inqas 14-il jum, b'kunsiderazzjoni dovuta mogħtija għall-urġenza tal-kwistjoni. Jista' jiġi stabbilit perijodu iqsar kull darba li jkun irid isir żvelar finali addizzjonali.

Artikolu 11

Durata tal-proċedimenti u tas-sospensjoni

1.   Il-proċedimenti għandhom jiġu konklużi fi żmien 20 xahar. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż f'każijiet debitament ġustifikati. Fil-każ ta' sospensjoni tal-proċedimenti kif stabbilit fil-paragrafu 4, dak il-perijodu ta' sospensjoni m'għandux jingħadd bħala parti mid-durata tal-proċedimenti.

2.   L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż f'każijiet debitament ġustifikati. Fil-każ ta' sospensjoni tal-investigazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6, dak il-perijodu ta' sospensjoni ma għandux jingħadd bħala parti mid-durata tal-investigazzjoni. Fejn il-perijodu għall-investigazzjoni jiġi estiż, id-durata tal-estensjoni għandha tingħadd mad-durata totali tal-proċedimenti kif stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Fil-każ ta' urġenza, jiġifieri f'sitwazzjonijiet fejn skont evidenza ċara ppreżentata mill-ilmentatur jew il-partijiet interessati, il-ħsara għal trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni tista' tkun irreversibbli, il-proċedimenti jistgħu jitqassru għal disa' xhur.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissospendi l-proċedimenti fejn il-pajjiż terz jew l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata jkunu ħadu passi deċiżivi biex jeliminaw il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni jew il-ħsara jew it-theddida ta' ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati.

5.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tissokta bil-proċedimenti jekk il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, il-ħsara jew it-theddida ta' ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati ma jkunux ġew eliminati wara perijodu raġonevoli ta' żmien, li, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun iżjed minn sitt xhur.

KAPITOLU III

PRATTIKI LI JFIXKLU L-KOMPETIZZJONI

Artikolu 12

Determinazzjoni tal-ħsara jew theddida ta' ħsara

1.   Sejba ta' ħsara għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu għandha tkun ibbażata fuq evidenza u għandha tqis il-fatturi rilevanti, b'mod partikolari:

(a)

is-sitwazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati, b'mod partikolari f'termini ta' aspetti bħalma huma l-frekwenza tas-servizzi, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-effett tan-network, il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-profitti, id-dħul minn kapital, l-investiment u l-impjiegi;

(b)

is-sitwazzjoni ġenerali dwar is-swieq affettwati tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, b'mod partikolari f'termini tal-livell tan-nollijiet jew tar-rati, il-kapaċità u l-frekwenza tas-servizzi tat-trasport bl-ajru jew l-użu tan-network.

2.   Determinazzjoni ta' theddida ta' ħsara għandha tkun ibbażata fuq evidenza ċara u mhux sempliċiment fuq allegazzjoni, suppożizzjoni jew possibbiltà rimota. L-iżvilupp fi ħsara jrid ikun prevedibbli b'mod ċar, probabbli ħafna u imminenti, u li jista' jiġi attribwit mingħajr ebda dubju raġonevoli għal azzjoni jew deċiżjoni minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz.

3.   Meta tkun qed tiġi determinata theddida rigward l-eżistenza ta' theddida ta' ħsara, għandu jittieħed kont ta' fatturi bħal:

(a)

l-evoluzzjoni prevedibbli tas-sitwazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati, b'mod partikolari f'termini ta' frekwenza tas-servizzi, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-effett tan-network, il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-profitti, id-dħul minn kapital, l-investiment u l-impjiegi;

(b)

l-evoluzzjoni prevedibbli tas-sitwazzjoni ġenerali tas-swieq potenzjalment affettwati tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, b'mod partikolari f'termini tal-livell tan-nollijiet jew tar-rati, il-kapaċità u l-frekwenza tas-servizzi tat-trasport bl-ajru jew l-użu tan-network.

Għalkemm l-ebda wieħed mill-fatturi elenkati fil-punti (a) u (b), waħdu, huwa neċessarjament deċiżiv, it-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha tkun tali li twassal għall-konklużjoni li prattika ulterjuri li tfixkel il-kompetizzjoni hija imminenti u li, jekk ma titteħidx azzjoni, ser ikun hemm ħsara.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel perijodu ta' investigazzjoni li jinkludi, iżda li ma jkunx limitat, għall-perijodu li fih allegatament tkun saret il-ħsara u tanalizza l-evidenza rilevanti matul dak il-perijodu.

5.   Fejn il-ħsara jew it-theddida ta' ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati tkun ikkawżata minn fatturi oħra għajr il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, dawn ma għandhomx jiġu attribwiti għall-prattika taħt skrutinju u għandhom jiġu injorati.

Artikolu 13

Terminazzjoni mingħajr miżuri ta' rimedju

1.   Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni mingħajr ma jiġu adottati miżuri ta' rimedju meta l-ilment jiġi rtirat, sakemm il-Kummissjoni ma tkomplix l-investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jtemmu l-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5 mingħajr ma tadotta miżuri ta' rimedju meta:

(a)

il-Kummissjoni tikkonkludi li xi waħda minn dawn li ġejjin ma tkunx stabbilita:

(i)

l-eżistenza ta' prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz;

(ii)

l-eżistenza ta' ħsara jew theddida ta' ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati;

(iii)

l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn il-ħsara jew it-theddida ta' ħsara u l-prattika meqjusa;

(b)

il-Kummissjoni tikkonkludi li l-adozzjoni tal-miżuri ta' rimedju skont l-Artikolu 14 tkun kontra l-interessi tal-Unjoni;

(c)

il-pajjiż terz jew l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata jkunu eliminaw il-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni; jew

(d)

il-pajjiż terz jew l-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata jkunu eliminaw il-ħsara jew it-theddida ta' ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

3.   Id-deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni skont il-paragrafu 2 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Miżuri ta' rimedju

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jistipulaw miżuri ta' rimedju jekk l-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5 tiddetermina li prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz, ikkawżat ħsara lit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati.

L-atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

L-atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2) u (3).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, il-Kummissjoni tista', tadotta atti ta' implimentazzjoni, li jistipulaw miżuri ta' rimedju jekk l-investigazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5 tiddetermina li prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, adottata minn pajjiż terz jew entità ta' pajjiż terz, tikkawża theddida ta' ħsara, skont l-Artikolu 12(2) u (3), għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati. Dawn il-miżuri ta' rimedju ma għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel ma t-theddida ta' ħsara tiżviluppa fi ħsara proprja.

L-atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

L-atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2) u (3).

3.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu imposti fuq it-trasportaturi bl-ajru tal-pajjiż terz li jibbenefikaw mill-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni u jistgħu jieħdu l-forma ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

dmirijiet finanzjarji;

(b)

kwalunkwe miżura operazzjonali ta' valur ekwivalenti jew inqas, bħas-sospensjoni ta' konċessjonijiet, ta' servizzi dovuti jew ta' drittijiet oħra tat-trasportatur bl-ajru ta' pajjiż terz. Prijorità għandha tingħata lil miżuri operazzjonali reċiproċi, dment li dawn ma jkunux kontra l-interess tal-Unjoni inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni jew mal-obbligi internazzjonali.

4.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ biex tiġi kkumpensata l-ħsara għat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kkonċernati. Għal dak il-għan, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jiġu limitati għal żona ġeografika speċifika jew jistgħu jiġu limitati fiż-żmien.

5.   Il-miżuri ta' rimedju ma għandhomx jikkonsistu mis-sospensjoni jew il-limitazzjoni tad-drittijiet tat-traffiku mogħtija minn Stat Membru lil pajjiż terz skont ftehim dwar it-trasport bl-ajru, ftehim dwar is-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe dispożizzjoni dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru inkluża fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż ma' dak il-pajjiż terz.

6.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iwasslu lill-Unjoni jew l-Istati Membri kkonċernati biex jiksru l-ftehimiet tat-trasport bl-ajru jew tas-servizzi tal-ajru jew kwalunkwe dispożizzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru inklużi fi ftehim kummerċjali jew fi kwalunkwe ftehim ieħor konkluż mal-pajjiż terz ikkonċernat.

7.   Id-deċiżjoni li tiġi konkluża l-investigazzjoni bl-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Rieżami tal-miżuri ta' rimedju

1.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija fl-Artikolu 14 għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm, u sal-limitu li, huwa meħtieġ fid-dawl tal-persistenza tal-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni u l-ħsara li tirriżulta. Għal dak il-għan, għandha tapplika l-proċedura ta' rieżami stabbilita fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi regolarment rapport bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività u l-impatt tal-miżuri ta' rimedju.

2.   Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk, tista' tiġi rieżaminata l-ħtieġa għall-impożizzjoni kontinwa ta' miżuri ta' rimedju fil-forma inizjali tagħhom, jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-ilmentatur, jew inkella fuq talba motivata mill-Istati Membri kkonċernati, mill-pajjiż terz jew mill-entità tal-pajjiż terz ikkonċernata.

3.   Matul ir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-eżistenza kontinwa tal-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, tal-ħsara u tar-rabta kawżali bejn il-prattika u l-ħsara.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, tħassar, temenda jew iżżomm, kif xieraq, il-miżuri ta' rimedju stabbiliti fl-Artikolu 14. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Rapport u informazzjoni

1.   Fuq bażi regolari, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'rispett dovut għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8, ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju, it-terminazzjoni tal-investigazzjonijiet mingħajr miżuri ta' rimedju, reviżjonijiet ta' miżuri ta' rimedju u kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u pajjiżi terzi.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 huwa mħassar. Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU C 197, 8.6.2018, p. 58.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta' Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).


DIRETTIVI

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/18


DIRETTIVA (UE) 2019/713 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma theddid għas-sigurtà, peress li jirrappreżentaw sors ta' dħul għall-kriminalità organizzata u b'hekk jippermettu t-twettiq ta' attivitajiet kriminali oħrajn bħat-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin.

(2)

Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma wkoll ostakli għas-suq uniku diġitali, peress li jdgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi u jikkawżaw telf ekonomiku dirett.

(3)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (3) jenħtieġ li tiġi aġġornata u komplementata sabiex tinkludi dispożizzjonijiet ulterjuri dwar reati b'mod partikolari fir-rigward ta' frodi relatata mal-kompjuters, u dwar pieni, prevenzjoni, assistenza lill-vittmi u kooperazzjoni transfruntiera.

(4)

Lakuni u differenzi sinifikanti fil-liġijiet tal-Istati Membri fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jistgħu jostakolaw il-prevenzjoni, l-iskoperta u s-sanzjonar ta' dawk it-tipi ta' kriminalità u ta' kriminalità organizzata u serja oħra relatata magħhom u ffaċilitata permezz tagħhom, u jikkumplikaw aktar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja u b'hekk jagħmluha inqas effettiva, b'konsegwenzi negattivi għas-sigurtà.

(5)

Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti għandhom dimensjoni transfruntiera sinifikanti, aċċentwata minn żieda dejjem tikber fil-komponent diġitali, li tenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tiġi approssimata l-leġislazzjoni kriminali fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti.

(6)

L-aħħar snin ma ġabux biss żieda esponenzjali fl-ekonomija diġitali iżda anke proliferazzjoni ta' innovazzjoni f'ħafna oqsma, inkluż fit-teknoloġiji tal-pagament. It-teknoloġiji l-ġodda ta' pagament jinvolvu l-użu ta' tipi ġodda ta' strumenti ta' pagament, li, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji, iżidu wkoll l-opportunitajiet għall-frodi. Għaldaqstant, il-qafas legali għandu jibqa' rilevanti u aġġornat fl-isfond ta' dawk l-iżviluppi teknoloġiċi abbażi ta' approċċ teknoloġikament newtrali.

(7)

Il-frodi mhux biss tintuża sabiex tiffinanzja gruppi kriminali, iżda hija tillimita wkoll l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u tagħmilha aktar bi tqila għaċ-ċittadini biex jagħmlu xiri online.

(8)

Id-definizzjonijiet komuni fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma importanti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom ta' din id-Direttiva u sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li d-definizzjonijiet ikopru tipi ġodda ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti li jippermettu trasferimenti ta' flus elettroniċi u muniti virtwali. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti tirrikonoxxi li l-istrument ta' pagament mhux bi flus kontanti jista' jkun magħmul ukoll minn elementi differenti li joperaw flimkien, pereżempju applikazzjoni għal pagament b'mezz mobbli u awtorizzazzjoni korrispondenti (eż. password). Fejn din id-Direttiva tuża l-kunċett ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti, jenħtieġ li jinftiehem li l-istrument iqiegħed lid-detentur jew lill-utent tal-istrument f'pożizzjoni li jkun jista' fil-fatt jittrasferixxi flus jew valur monetarju jew li jagħti bidu għal ordni ta' pagament. Pereżempju, jenħtieġ li l-kisba illegali ta' applikazzjoni għal pagament b'mezz mobbli mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa ma tkunx meqjusa bħala kisba illegali ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti peress li fil-fatt ma tippermettix li l-utent jittrasferixxi flus jew valur monetarju.

(9)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti biss sa fejn hija kkonċernata l-funzjoni ta' pagament tal-istrument.

(10)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri l-muniti virtwali biss sa fejn dawn jistgħu jintużaw komunement għat-twettiq ta' pagamenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu mħeġġa jiżguraw fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-muniti futuri ta' natura virtwali maħruġa mill-banek ċentrali tagħhom jew minn awtoritajiet pubbliċi oħrajn igawdu mill-istess livell ta' protezzjoni kontra reati frodulenti bħall-mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti b'mod ġenerali. Jenħtieġ li l-kartieri diġitali li jippermettu t-trasferiment ta' muniti virtwali jiġu koperti minn din id-Direttiva sal-istess livell bħall-istrumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti. Id-definizzjoni tat-terminu “mezzi ta' skambju diġitali” jenħtieġ li tirrikonoxxi li l-kartieri diġitali għat-trasferiment ta' muniti virtwali jistgħu jipprovdu, iżda mhux neċessarjament jipprovdu, il-karatteristiċi ta' strument ta' pagament, u jenħtieġ li ma testendix id-definizzjoni ta' strument ta' pagament.

(11)

Jenħtieġ li t-trasmissjoni ta' fatturi foloz biex jinkisbu kredenzjali ta' pagament tkun ikkunsidrata bħala tentattiv ta' approprjazzjoni illegali li jaqa' taħt din id-Direttiva.

(12)

Permezz tal-liġi kriminali biex tingħata protezzjoni legali primarjament lil strumenti ta' pagament li jużaw forom speċjali ta' protezzjoni kontra l-imitazzjoni jew l-abbuż, l-intenzjoni hi li l-operaturi jiġu mħajra jipprovdu tali forom speċjali ta' protezzjoni lil strumenti ta' pagament maħruġa minnhom.

(13)

Miżuri effettivi u effiċjenti tal-liġi kriminali huma essenzjali għall-protezzjoni tal-mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. B'mod partikolari, hemm bżonn ta' approċċ komuni mil-liġi kriminali fir-rigward tal-elementi kostitwenti ta' mġiba kriminali li jikkontribwixxu jew iħejju t-triq għall-użu frodulenti fil-prattika ta' mezz ta' pagament bi flus kontanti. Għalhekk l-imġiba bħall-ġbir u l-pussess ta' strumenti ta' pagament b'intenzjoni li ssir frodi, pereżempju permezz ta' phishing, skimming, jew id-direzzjonar jew id-direzzjonar mill-ġdid ta' utenti ta' servizzi ta' pagament lejn siti web li jkunu imitazzjoni, u d-distribuzzjoni tagħhom, pereżempju permezz tal-bejgħ ta' informazzjoni dwar karti ta' kreditu fuq l-Internet, jenħtieġ li ssir reat kriminali fiha nnifisha mingħajr ma teħtieġ l-użu frodulenti fil-prattika ta' mezz ta' pagament bi flus kontanti. Għalhekk jenħtieġ li tali mġiba kriminali tkopri wkoll ċirkostanzi fejn il-pussess, l-akkwist jew id-distribuzzjoni mhux neċessarjament iwasslu għall-użu frodulenti ta' tali strumenti ta' pagament. Madankollu, fejn din id-Direttiva tikkriminalizza l-pussess jew iż-żamma, jenħtieġ li matikkriminalizzax is-sempliċi ommissjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tissanzjonax l-użu leġittimu ta' strument ta' pagament, inkluż, u relattivament għal, il-forniment ta' servizzi ta' pagament innovattivi, bħal servizzi li spiss jiġu żviluppati minn kumpanniji tat-teknoloġija finanzjarja.

(14)

Fir-rigward tar-reati kriminali msemmija f'din id-Direttiva, il-kunċett ta' intenzjoni japplika għall-elementi kollha li jikkostitwixxu dawk ir-reati kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali. Huwa possibbli li n-natura intenzjonali tal-att, kif ukoll kwalunkwe għarfien jew fini meħtieġ bħala element tar-reat, jiġu inferiti minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi. Jenħtieġ li r-reati kriminali li ma jirrikjedux intenzjoni ma jkunux koperti minn din id-Direttiva.

(15)

Din id-Direttiva tirreferi għall-forom klassiċi tal-imġiba, bħall-frodi, il-falsifikazzjoni, is-serq u l-approprjazzjoni illegali li kienu diġà ġew formulati mil-liġi nazzjonali qabel l-era tad-diġitalizzazzjoni. L-ambitu estiż ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' strumenti mhux korporali ta' pagament jeħtieġ għalhekk id-definizzjoni ta' forom ekwivalenti ta' mġiba fl-isfera diġitali, li jikkomplementaw u jsaħħu lid-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ li l-kisba illegali ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti tkun reat kriminali, tal-inqas meta din tkun tinvolvi t-twettiq ta' wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 2013/40/UE jew il-miżapproprjazzjoni ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti. Jenħtieġ li t-terminu “miżapproprjazzjoni” jinftiehem li jfisser l-azzjoni ta' persuna, fdata bi strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti, biex tuża konxjament l-istrument mingħajr id-dritt li tagħmel dan, għall-benefiċċju tagħha stess jew għall-benefiċċju ta' xi ħadd ieħor. L-akkwist għall-użu frodulenti ta' tali strument miksub illegalment għandu jkun punibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi fattwali kollha tal-kisba illegali, u mingħajr ma tkun meħtieġa l-eżistenza ta' kundanna preċedenti jew simultanja għar-reat prinċipali li jkun wassal għall-kisba illegali.

(16)

Din id-Direttiva tirreferi wkoll għal għodod li jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu r-reati msemmija fiha. Minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni f'każijiet fejn dawn l-għodod jiġu prodotti u jitqiegħdu fis-suq għal finijiet leġittimi u, għalkemm jistgħu jintużaw biex jitwettqu reati kriminali, fihom innifishom ma jikkostitwixxux theddida, il-kriminalizzazzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal dawk l-għodod li huma primarjament iddisinjati jew speċifikament adattati għall-fini li jitwettqu r-reati msemmija f'din id-Direttiva.

(17)

Is-sanzjonijiet u l-pieni għall-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi mal-Unjoni kollha. Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-individwalizzazzjoni u l-applikazzjoni ta' pieni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi skont iċ-ċirkostanzi tal-każ u għar-regoli ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali.

(18)

Peress li din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri huma fil-libertà li jadottaw jew iżommu regoli tal-liġi kriminali aktar stretti fir-rigward ta' frodi u falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, inkluża definizzjoni usa' tar-reati.

(19)

Huwa xieraq li jiġu previsti pieni iktar severi fejn reat kriminali jitwettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (5). L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jipprevedu ċirkostanzi aggravanti speċifiċi fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi reati kriminali separati u dan jista' jwassal għal sanzjonijiet aktar severi. Meta l-istess persuna twettaq reat imsemmi f'din id-Direttiva flimkien ma' reat ieħor imsemmi f'din id-Direttiva, u wieħed minn dawk ir-reati de facto jikkostitwixxi element meħtieġ għall-ieħor, Stat Membru jista', f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi nazzjonali, jipprevedi li tali imġiba titqies bħala ċirkostanza aggravanti għar-reat ewlieni.

(20)

Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li ssir prosekuzzjoni effettiva tar-reati msemmija f'din id-Direttiva. B'mod ġenerali, ir-reati l-aħjar jiġu trattati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li fih iseħħu. Jenħtieġ għalhekk li kull Stat Membru jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reati mwettqin fit-territorju tiegħu u fuq reati mwettqin miċ-ċittadini tiegħu. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq reati li jikkawżaw dannu fit-territorju tagħhom. Huma mħeġġa b'mod qawwi biex jagħmlu dan.

(21)

Filwaqt li jitfakkru l-obbligi taħt id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (7), l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa biex f'każijiet ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni jużaw il-possibbiltà li jkollhom konsultazzjonijiet diretti bl-assistenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust).

(22)

Minħabba l-ħtieġa ta' għodod speċjali għal investigazzjoni effettiva tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, u r-rilevanza tagħhom għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għodod investigattivi li normalment jintużaw għal każijiet li jinvolvu l-kriminalità organizzata jew reati kriminali serji oħra, jekk u sa fejn l-użu ta' dawk l-għodod ikun adatt u proporzjonat għan-natura u l-gravità tar-reati kif definiti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet kompetenti oħra jenħtieġ li jkollhom aċċess f'waqtu għal informazzjoni rilevanti biex issir investigazzjoni u prosekuzzjoni tar-reati msemmija f'din id-Direttiva. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex b'mod xieraq jinvestigaw u jipproċessaw ir-reati msemmija f'din id-Direttiva.

(23)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali li jinvestigaw jew jipproċessaw reati msemmijin f'din id-Direttiva jkollhom is-setgħa li jikkooperaw ma' awtoritajiet nazzjonali oħra fl-istess Stat Membru u mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

(24)

F'ħafna każijiet, l-attivitajiet kriminali jkunu l-oriġini ta' inċidenti li jenħtieġ li jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8). Tali inċidenti jistgħu jiġu suspettati li jkunu ta' natura kriminali anki jekk l-evidenza ta' reat kriminali f'dak l-istadju ma tkunx suffiċjenti. F'tali kuntest, l-operaturi rilevanti ta' servizzi essenzjali u l-fornituri rilevanti ta' servizzi diġitali jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu r-rapporti meħtieġa taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148 mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jissawwar rispons effettiv u komprensiv u biex jiġu ffaċilitati l-attribuzzjoni u r-responsabbiltà tar-reati lit-trasgressuri għall-azzjonijiet tagħhom. B'mod partikolari, il-promozzjoni ta' ambjent bla periklu, sigur u aktar reżiljenti teħtieġ rapportar sistematiku lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' inċidenti ssuspettati li huma ta' natura kriminali serja. Barra minn hekk, fejn rilevanti, jenħtieġ li fl-investigazzjonijiet għall-infurzar tal-liġi jiġu involuti skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters maħtura taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148, bil-għan li jipprovdu informazzjoni, kif meqjus xieraq fil-livell nazzjonali, kif ukoll li jipprovdu kompetenza esperta speċjalista dwar is-sistemi ta' informazzjoni.

(25)

L-inċidenti serji ta' sigurtà msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jista' jkollhom oriġini kriminali. Fejn rilevanti, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi r-rapporti li huma meħtieġa jippreżentaw lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom taħt id-Direttiva (UE) 2015/2366.

(26)

Fil-livell tal-Unjoni jeżistu għadd ta' strumenti u mekkaniżmi li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi għall-fini li ssir investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Biex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tiżgura li dawn l-istrumenti u mekkaniżmi jintużaw sal-limitu massimu, din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ l-importanza tal-punti operazzjonali ta' kuntatt introdotti bid-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri biex jiddeċiedu li jagħmlu użu min-netwerks eżistenti tal-punti operazzjonali ta' kuntatt, bħal dak stabbilit fid-Direttiva 2013/40/UE. Il-punti ta' kuntatt għandhom jagħtu assistenza effettiva, pereżempju billi jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti u l-għoti ta' pariri tekniċi jew ta' informazzjoni legali. Biex jiġi żgurat li n-netwerk jaħdem bla xkiel, kull punt ta' kuntatt jenħtieġ li jkun jista' jikkomunika malajr mal-punt ta' kuntatt ta' Stat Membru ieħor. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera sinifikanti tal-kriminalità koperta minn din id-Direttiva u, b'mod partikolari, in-natura volatili tal-evidenza elettronika, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jittrattaw fil-pront it-talbiet urġenti min-netwerk u jipprovdu rispons fi żmien tmien sigħat. F'każijiet urġenti u serji ħafna, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

(27)

Ir-rappurtar ta' reati kriminali lill-awtoritajiet pubbliċi mingħajr dewmien żejjed huwa ta' importanza kbira fil-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, peress li ħafna drabi dan huwa l-punt tat-tluq ta' investigazzjonijiet kriminali. Għandhom jittieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu r-rappurtar minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. Dawk il-miżuri jistgħu jkunu msejsa fuq tipi differenti ta' azzjoni, inklużi atti leġislattivi li jinkludu obbligi ta' rappurtar ta' suspetti ta' frodi, jew azzjonijiet mhux leġislattivi, bħall-istabbiliment ta', jew appoġġ għal, organizzazzjonijiet jew mekkaniżmi li jiffavorixxu l-iskambju ta' informazzjoni, jew kampanji ta' sensibilizzazzjoni. Kwalunkwe tali miżura li tinvolvi l-ipproċessar ta' data personali ta' persuni fiżiċi jenħtieġ li titwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). B'mod partikolari, kwalunkwe trasmissjoni ta' informazzjoni għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati li jirrigwardaw il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament, b'mod partikolari l-kriterji legali għall-ipproċessar.

(28)

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar fil-pront u dirett ta' kriminalità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-istabbiliment mill-Istati Membri ta' sistemi online effettivi għar-rappurtar ta' frodi u mudelli ta' rapportar standardizzati fil-livell tal-Unjoni. Tali sistemi jistgħu jiffaċilitaw ir-rappurtar ta' frodi mhux fi flus kontanti li ħafna drabi sseħħ online, u b'hekk isaħħu l-appoġġ għall-vittmi, l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' theddid ta' ċiberkriminalità u l-ħidma u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(29)

Ir-reati msemmija f'din id-Direttiva huma spiss ta' natura transfruntiera. Għalhekk, il-ġlieda kontra dawn ir-reati tiddependi mill-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw, sa fejn ikun adatt, l-applikazzjoni effettiva ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku u ta' assistenza legali b'rabta mar-reati koperti minn din id-Direttiva.

(30)

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tipi kollha ta' frodi u falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, inklużi dawk li jinvolvu ammonti żgħar ta' flus, huma partikolarment importanti sabiex dawn jiġu miġġielda b'mod effettiv. L-obbligi ta' rappurtar, l-iskambju ta' informazzjoni u r-rapporti ta' statistika huma modi effiċjenti biex jiġu skoperti attivitajiet frodulenti, speċjalment attivitajiet simili li jinvolvu ammonti żgħar ta' flus meta jitqiesu separatament.

(31)

Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jistgħu jirriżultaw f'konsegwenzi ekonomiċi u mhux ekonomiċi serji għall-vittmi tagħhom. Fejn tali frodi tinvolvi, pereżempju, is-serq tal-identità, il-konsegwenzi tagħha huma ħafna drabi aggravati minħabba l-ħsara li ssir lir-reputazzjoni u lill-professjoni, il-ħsara li ssir lill-klassifikazzjoni kreditizzja ta' individwu u ħsara emozzjonali serja. L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni bil-għan li jittaffew dawk il-konsegwenzi.

(32)

Spiss ħafna żmien jista' jgħaddi qabel il-vittmi jiskopru li huma jkunu sofrew dannu minn reati ta' frodi u falsifikazzjoni. Matul dak iż-żmien jaf jiżviluppa spiral ta' reati interkonnessi li, b'hekk, jaggrava l-konsegwenzi negattivi għall-vittmi.

(33)

Il-persuni fiżiċi li jisfaw vittmi ta' frodi relatata ma' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti għandhom drittijiet mogħtija taħt id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (11). L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri ta' assistenza u appoġġ għal tali vittmi, li jibnu fuq il-miżuri rikjesti minn dik d-Direttiva iżda li jirrispondu b'mod aktar dirett lill-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta' frodi relatata mas-serq tal-identità. Tali miżuri jenħtieġ li jinkludu, b'mod partikolari, l-għoti ta' lista ta' istituzzjonijiet iddedikati li jkopru aspetti differenti ta' reati relatati mal-identità u appoġġ għall-vittmi, appoġġ psikoloġiku speċjalizzat u pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji, prattiċi u legali, kif ukoll assistenza dwar kif wieħed jirċievi l-kumpens disponibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa jistabbilixxu għodda unika nazzjonali ta' informazzjoni online biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi. Informazzjoni speċifika u pariri dwar il-protezzjoni kontra l-konsegwenzi negattivi ta' tali reati jenħtieġ li jkunu offruti lill-persuni ġuridiċi wkoll.

(34)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi d-dritt għal persuni ġuridiċi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-proċeduri għat-tressiq ta' lmenti. Dan id-dritt huwa meħtieġ b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għandu jikkontribwixxi biex jinħoloq ambjent tan-negozju iktar favorevoli għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-persuni fiżiċi diġà jibbenefikaw minn dan id-dritt taħt id-Direttiva 2012/29/UE.

(35)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, assistiti mill-Kummissjoni, jistabbilixxu jew isaħħu politiki għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, u miżuri biex jitnaqqas ir-riskju li jseħħu tali reati, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw u jżommu aġġornata għodda permanenti ta' sensibilizzazzjoni online b'eżempji prattiċi ta' prattiki frodulenti, f'format li jinftiehem faċilment. Dik l-għodda tista' tkun marbuta ma', jew tkun parti minn, l-għodda unika nazzjonali ta' informazzjoni online permanenti għall-vittmi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu programmi ta' riċerka u ta' edukazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet u l-interessi ta' persuni vulnerabbli. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli għal tali kampanji.

(36)

Jenħtieġ li tinġabar data statistika dwar il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema adegwata għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta' data statistika eżistenti dwar ir-reati msemmija f'din id-Direttiva.

(37)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI. Peress li l-emendi li jridu jsiru huma ta' għadd u ta' natura sostanzjali, jenħtieġ li, għal finijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI tiġi sostitwita kompletament għall-Istati Membri li huma marbutin b'din id-Direttiva.

(38)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(39)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(40)

Ladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jsiru soġġett għal pieni kriminali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li titjieb u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi u l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta' intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li jiġi żgurat rispett sħiħ lejn dawk id-drittijiet u l-prinċipji u jenħtieġ li tiġi implimentata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fil-qasam tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti. Hija tiffaċilita l-prevenzjoni ta' tali reati, u l-għoti ta' assistenza u ta' appoġġ lill-vittmi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“strument ta' pagament mhux bi flus kontanti” tfisser apparat, oġġett jew rekord protett ta' natura korporali jew mhux korporali, jew kombinazzjoni tagħhom, minbarra valuta legali, li, waħdu jew flimkien ma' proċedura jew sett ta' proċeduri, jippermetti li d-detentur jew l-utent jittrasferixxi flus jew valur monetarju, inkluż permezz ta' mezzi ta' skambju diġitali;

(b)

“apparat, oġġett jew rekord protett” tfisser apparat, oġġetti jew rekord protett kontra imitazzjoni jew użu frodulenti, pereżempju permezz ta' disinn, kodiċi jew firma;

(c)

“mezz ta' skambju diġitali” tfisser kwalunkwe tip ta' flus elettroniċi kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jew munita virtwali;

(d)

“munita virtwali” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta' valur li mhijiex maħruġa jew garantita minn bank ċentrali jew awtorità pubblika, u lanqas neċessarjament ma hi marbuta ma' munita stabbilita legalment u ma għandhiex status legali ta' munita jew flus, iżda hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħala mezz ta' skambju, u li jista' jiġi trasferit, maħżun u negozjat b'mod elettroniku;

(e)

“sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema ta' informazzjoni kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE;

(f)

“data tal-kompjuter” tfisser data tal-kompjuter kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE;

(g)

“persuna ġuridika” tfisser entità li għandha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju ta' awtorità statali u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

TITOLU II

REATI

Artikolu 3

Użu frodulenti ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

(a)

l-użu frodulenti ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq jew b'xi mod ieħor approprjat jew miksub illegalment;

(b)

l-użu frodulenti ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun kontrafatt jew iffalsifikat.

Artikolu 4

Reati relatati mal-użu frodulenti ta' strumenti korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

(a)

is-serq jew xi tip ta' approprjazzjoni illegali oħra ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

(b)

il-kontrafazzjoni jew falsifikazzjoni frodulenti ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

(c)

il-pussess ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq jew approprjat illegalment b'xi mod ieħor, jew kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti;

(d)

l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inklużi r-riċezzjoni, l-approprjazzjoni, ix-xiri, it-trasferiment, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq, kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti.

Artikolu 5

Reati relatati mal-użu frodulenti ta' strumenti mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

(a)

il-kisba illegali ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti, tal-inqas meta din il-kisba tkun involviet it-twettiq ta' wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 2013/40/UE, jew miżapproprjazzjoni ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

(b)

il-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni frodulenti ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

(c)

iż-żamma ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat għal użu frodulenti, tal-inqas jekk l-oriġini illegali tkun magħrufa fil-ħin taż-żamma tal-istrument;

(d)

l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inkluż il-bejgħ, it-trasferiment jew id-distribuzzjoni, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta'strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti.

Artikolu 6

Frodi relatata ma' sistemi ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta jsir, jew issir azzjoni li twassal għal, trasferiment ta' flus, valur monetarju jew munita virtwali u b'hekk jiġi kkawżat it-telf illegali ta' proprjetà għal persuna oħra bil-għan li jittieħed vantaġġ illegali għat-trasgressur jew għal terza persuna, dan ikun punibbli bħala reat kriminali, meta jitwettaq intenzjonalment permezz ta':

(a)

mingħajr dritt, it-tfixkil jew l-interferenza tal-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni;

(b)

mingħajr dritt, l-introduzzjoni, it-tibdil, it-tħassir, it-trasmissjoni jew it-trażżin ta' data tal-kompjuter.

Artikolu 7

Għodod li jintużaw għat-twettiq ta' reati

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-produzzjoni, l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inklużi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, it-trasport jew id-distribuzzjoni, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' apparat jew ta' strument, ta' data tal-kompjuter jew ta' kwalunkwe mezz ieħor iddisinjat primarjament jew adattat speċifikament għall-fini tat-twettiq ta' kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4, fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6, tal-inqas meta jitwettaq bl-intenzjoni li dawn il-mezzi jintużaw, ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 8

L-istigazzjoni, l-assistenza u t-tentattiv fir-rigward ta' reati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-istigazzjoni jew l-assistenza fir-rigward ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq reat imsemmi fl-Artikolu 3, fil-punt (a), (b) jew (d) tal-Artikolu 4, fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6 jkun punibbli bħala reat kriminali. Fir-rigward tal-punt (d) tal-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tal-inqas it-tentattiv ta' akkwist frodulenti ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat, għall-użu personali jew għal persuna oħra, ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 9

Pieni għal persuni fiżiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 jkunu punibbli b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikolu 3, fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4 u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sentejn priġunerija.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4u fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sena priġunerija.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 6 jkun punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas tliet snin priġunerija.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 7 jkun punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sentejn priġunerija.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin jekk jitwettqu fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, irrispettivament mill-piena prevista f'dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta' waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll minn xi persuna msemmija fil-paragrafu 1 li tkun ħalliet jitwettaq, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu wettqu jew istigaw, jew kompliċi fi, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

Artikolu 11

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun inżammet responsabbli skont Artikolu 10(1) jew (2) tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji jew għajnuna pubblika;

(b)

l-esklużjoni temporanja mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet;

(c)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

(d)

it-tqegħid taħt sorveljanza tal-qorti;

(e)

l-istralċ ġudizzjarju;

(f)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat.

TITOLU III

ĠURISDIZZJONI U INVESTIGAZZJONI

Artikolu 12

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 fejn ikun japplika xi wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-reat jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

(b)

it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, reat għandu jitqies bħala li twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju ta' Stat Membru fejn it-trasgressur wettaq ir-reat meta kien fiżikament preżenti f'dak it-territorju u irrispettivament jekk ir-reat ikunx twettaq bl-użu ta' sistema ta' informazzjoni jew le f'dak it-territorju.

3.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn huwa jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni fuq reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8 li jkun twettaq barra mit-territorju tiegħu, inkluż fejn:

(a)

it-trasgressur ikollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu;

(c)

ir-reat ikun twettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew kontra persuna li għandha r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu.

Artikolu 13

Investigazzjonijiet u kooperazzjoni effettivi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod investigattivi, tali dawk li jintużaw biex jiġġieldu każijiet ta' kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta' reati kriminali serji, ikunu effettivi u proporzjonati għar-reat imwettaq u jkunu disponibbli għall-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-liġi nazzjonali tobbliga lil persuni fiżiċi u ġuridiċi biex jippreżentaw informazzjoni dwar reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, tali informazzjoni tasal għand l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' dawk ir-reati mingħajr dewmien żejjed.

TITOLU IV

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U RAPPORTAR TA' REATI KRIMINALI

Artikolu 14

Skambju ta' informazzjoni

1.   Għall-fini tal-iskambju ta' informazzjoni relatata mar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom punt operazzjonali ta' kuntatt nazzjonali disponibbli 24 kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom proċeduri fis-seħħ sabiex jittrattaw minnufih talbiet urġenti għall-assistenza u l-awtorità kompetenti twieġeb fi żmien tmien sigħat minn meta tirċievi t-talba, billi tal-inqas tindika jekk hux ser ikun hemm tweġiba għat-talba u l-forma ta' tali tweġiba u ż-żmien stmat li fih din tintbagħat. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn netwerks eżistenti ta' punti operazzjonali ta' kuntatt.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, lill-Europol u lill-Eurojust dwar il-punt ta' kuntatt maħtur tagħhom imsemmi fil-paragrafu 1. Huma għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni kif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 15

Rappurtar ta' reati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm disponibbli mezzi xierqa ta' rappurtar sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lil persuni ġuridiċi oħra li joperaw fit-territorju tagħhom sabiex jirrapportaw il-frodi suspettati mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil awtoritajiet kompetenti oħra, bil-għan tal-iskoperta, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

Artikolu 16

Assistenza u appoġġ lill-vittmi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li sofrew dannu bħala riżultat ta' xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li twettaq billi sar użu ħażin tad-data personali, jiġu:

(a)

offruti informazzjoni speċifika u pariri dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra l-konsegwenzi negattivi tar-reati, bħall-ħsara għar-reputazzjoni; u

(b)

mogħtija lista ta' istituzzjonijiet speċjalizzati li jittrattaw aspetti differenti ta' reati relatati mal-identità u l-appoġġ għall-vittmi.

2.   L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu għodod nazzjonali uniċi ta' informazzjoni online biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-assistenza u l-appoġġ għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu sofrew dannu bħala riżultat ta' xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li twettaq bl-użu ħażin tad-data personali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi li huma vittmi tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 ta' din id-Direttiva jiġu offruti, mingħajr dewmien żejjed wara l-ewwel kuntatt tagħhom ma' awtorità kompetenti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-proċeduri dwar kif isiru lmenti fir-rigward tar-reat u r-rwol tal-vittma f'tali proċeduri;

(b)

id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-każ skont il-liġi nazzjonali;

(c)

il-proċeduri disponibbli biex isiru l-ilmenti, jekk l-awtorità kompetenti ma tirrispettax id-drittijiet tal-vittma tul il-proċeduri kriminali;

(d)

id-dettalji ta' kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom.

Artikolu 17

Prevenzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, inkluż permezz tal-Internet, bħal kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' riċerka u ta' edukazzjoni, bil-għan li b'mod ġenerali titnaqqas il-frodi, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jitnaqqas ir-riskju li wieħed jisfa vittma ta' frodi. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni f'kooperazzjoni ma' partijiet ikkonċernati.

Artikolu 18

Monitoraġġ u statistika

1.   Sal-31 ta' Awwissu 2019, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta' din id-Direttiva. Il-programm ta' monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir, fil-kondiviżjoni u fl-analiżi tad-data u ta' evidenza oħra.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta' data statistika anonimizzata li tkejjel il-fażijiet ta' rapportar, investigattivi u ġudizzjarji li jinvolvu r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

3.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għandha, bħala minimu, tkopri data eżistenti dwar l-għadd ta' reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 8 rreġistrati mill-Istati Membri, u l-għadd ta' persuni mħarrka u li nstabu ħatja fir-rigward tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7.

4.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu d-data miġbura skont il-paragrafi 1, 2 u 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fuq bażi annwali jiġi ppubblikat rieżami konsolidat tar-rapporti ta' statistika u li dan jiġi ppreżentat lill-aġenziji u korpi kompetenti speċjalizzati tal-Unjoni.

Artikolu 19

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI

Id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta' dik id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Mejju 2021. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 21

Evalwazzjoni u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Mejju 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

2.   Il-Kummissjoni għandha sal-31 ta' Mejju 2026, twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta' din id-Direttiva fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, kif ukoll fuq id-drittijiet fundamentali, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

3.   Fil-kuntest tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta dwar il-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-effettività tal-ħolqien ta' sistemi nazzjonali online siguri li jippermettu lill-vittmi jirrapportaw kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8, kif ukoll tal-istabbiliment ta' mudell ta' rappurtar standardizzat tal-Unjoni biex iservi bħala bażi għall-Istati Membri.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU C 197, 8.6.2018, p. 24.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(3)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta' Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

(5)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(6)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

(8)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(9)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(10)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal- kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(12)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/30


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/714

tas-7 ta' Marzu 2019

li jissostitwixxi l-Anness I u li jemenda l-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li, f'tal-anqas kwart tal-Istati Membri, in-numru minimu ta' firmatarji ta' inizjattiva taċ-ċittadini jenħtieġ li jikkorrispondi għan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru, multiplikat b'750. Dawn in-numri minimi huma stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(2)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara din in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(3)

Fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 (2) li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Din id-Deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fit-3 ta' Lulju 2018, tistipula n-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għal-leġiżlatura 2019-2024, li tibda fit-2 ta' Lulju 2019.

Sabiex jiġu riflessi dawn ir-regoli fir-rigward tan-numru minimu ta' firmatarji stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, huwa xieraq li jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. Din l-emenda jenħtieġ li tibda tapplika fit-2 ta' Lulju 2019, meta tibda l-leġiżlatura 2019-2024. Madankollu, jekk il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġi estiż lil hinn minn din id-data, jenħtieġ li l-emenda ssir applikabbli wara li jkun skada l-perjodu estiż. Għar-raġunijiet ta' ċarezza, l-Anness I jenħtieġ li jiġi sostitwit.

(4)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li l-organizzaturi ta' inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(5)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jipprevedi li għall-preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni, l-organizzaturi għandhom jagħmlu użu mill-formola li tinsab fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-formoli fl-Annessi II u VII tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 fihom nota f'qiegħ il-paġna, li tipprovdi informazzjoni dwar kif tiġi pproċessatad-data personali tal-organizzaturi u tal-isponsors. L-informazzjoni f'din in-nota f'qiegħ il-paġna trid titqassar u tiġi ssimplifikata, sabiex tiġi evitata l-konfużjoni mad-dikjarazzjoni dwar il-privatezza użata għall-ipproċessar tad-data kkonċernat.

(7)

It-test tan-noti f'qiegħ il-paġna jirreferi għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tħassar u ġie sostitwit mill-11 ta' Diċembru 2018 bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ għalhekk li r-referenza għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 titneħħa minn dawn in-noti f'qiegħ il-paġna.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 jiġi sostitwit u li l-Annessi II u VII ta' dan ir-Regolament jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(2)

fl-Anness II, it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna (1) qed jiġi sostitwit b'li ġej:

“(1)

Se jkunu disponibbli biss għall-pubbliku l-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament, fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi serji marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.”;

(3)

fl-Anness VII, it-test tan-nota f'qiegħ il-paġna (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

Se jkunu disponibbli biss għall-pubbliku l-ismijiet sħaħ tal-organizzaturi, l-indirizzi tal-posta elettronika tal-persuni ta' kuntatt u l-informazzjoni relatata mas-sorsi tal-appoġġ u tal-finanzjament, fuq ir-reġistru online tal-Kummissjoni.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni tad-data personali tagħhom għal raġunijiet leġittimi serji marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 għandu japplika mit-2 ta' Lulju 2019 jew mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, skont liema data tkun l-aktar tard.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 165 I, 2.7.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

NUMRU MINIMU TA' FIRMATARJI GĦAL KULL STAT MEMBRU

Il-Belġju

15 750

Il-Bulgarija

12 750

Ir-Repubblika Ċeka

15 750

Id-Danimarka

10 500

Il-Ġermanja

72 000

L-Estonja

5 250

L-Irlanda

9 750

Il-Greċja

15 750

Spanja

44 250

Franza

59 250

Il-Kroazja

9 000

L-Italja

57 000

Ċipru

4 500

Il-Latvja

6 000

Il-Litwanja

8 250

Il-Lussemburgu

4 500

L-Ungerija

15 750

Malta

4 500

In-Netherlands

21 750

L-Awstrija

14 250

Il-Polonja

39 000

Il-Portugall

15 750

Ir-Rumanija

24 750

Is-Slovenja

6 000

Is-Slovakkja

10 500

Il-Finlandja

10 500

L-Iżvezja

15 750