ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 66

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
7 ta' Marzu 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/368 tal-4 ta' Marzu 2019 li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/369 tat-13 ta' Diċembru 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta' sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta' droga

3

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 ( ĠU L 347, 20.12.2013 )

6

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali ( ĠU L 337, 25.11.2014 )

7

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/368

tal-4 ta' Marzu 2019

li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti.

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 (3), il-Kummissjoni kklassifikat prodott miksub mill-fażola tas-sojja bix-xaħam imneħħi wara l-estrazzjoni taż-żejt, umbagħad estratt iżjed bl-ilma u bl-etanol biex jitneħħew il-karboidrati u l-minerali solubbli (“il-prodott ikkonċernat”) taħt is-subintestatura 2309 90 31 tan-Nomenklatura Magħquda bħala “preparazzjonijiet oħrajn ta' tip użati għal għalf tal-annimali”.

(3)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-preżenza tal-lamtu jew in-nuqqas tiegħu fi prodotti tal-intestatura 2309, din għandha tiġi aċċertata bl-applikazzjoni ta' test kwalitattiv (analiżi mikroskopika tar-reazzjoni tal-lamtu għall-jodju). Ladarba l-preżenza tal-lamtu tiġi vverifikata, il-kontenut tal-lamtu ta' kwalunkwe prodott tal-intestatura 2309 jiġi ddeterminat bl-użu tal-metodu polarimetriku (il-metodu Ewers) kif stabbilit fil-Parti L tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (4). Meta l-metodu polarimetriku ma jkunx japplika, pereżempju minħabba l-preżenza f'ammonti sinifikanti tal-materjali speċifiċi elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 121/2008 (5), irid jiġi applikat il-metodu analitiku enżimatiku stabbilit fl-Anness ta' dak ir-Regolament.

(4)

Fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013, l-uniku metodu analitiku li kellu jiġi applikat fuq il-prodott ikkonċernat kien il-metodu polarimetriku.

(5)

Bis-sentenza tagħha fil-każ C-144/15 (“Customs Support Holland BV”) (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konċentrat tal-proteina tas-sojja li jkun ġie adattat għall-użu bħala għalf irid jiġi kklassifikat fl-intestatura 2309. F'dak il-każ, fil-proċedimenti prinċipali, il-konċentrat tal-proteina tas-sojja inkwistjoni huwa deskritt bħala sustanza miksuba mill-fażola tas-sojja mqaxxra, mitħuna u msajra bil-fwar li l-ewwel tgħaddi minn proċess tal-estrazzjoni taż-żejt u dak li jibqa' wara dan ikun l-hekk imsejjaħ dqiq tas-sojja. Dan id-dqiq jiġi sussegwentement ipproċessat bl-etanol u bl-ilma sabiex jiġi estratt ix-xaħam residwu, jitnaqqas il-kontenut tal-komponenti għajr il-proteini, prinċipalment il-karboidrati jew il-fibri alimentari, u jiġu eliminati ċerti sustanzi noċivi. Il-konċentrat tal-proteina tas-sojja miksub b'dan il-mod ma jkun fih ebda traċċa tal-etanol użat u jikkonsisti, inter alia, minn proteini u lamtu.

(6)

Il-prodott inkwistjoni fil-proċedimenti prinċipali tal-kawża C-144/15 u l-prodott ikkonċernat huma suffiċjentement simili peress li t-tnejn huma prodotti tal-għalf ibbażati fuq prodotti tas-sojja, li għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura 2309. Fiż-żewġ każijiet, il-prodotti m'humiex residwu tal-intestatura 2304 li jirriżulta direttament mill-estrazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-sojja iżda jirriżultaw minn proċess li minħabba fih il-materjal veġetali li minnu nkisbu l-prodotti jkun tilef il-karatteristiċi essenzjali tiegħu.

(7)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/68 (7) żied “prodotti tas-sojja” mal-lista tal-materjali tal-għalf stabbilita fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 121/2008 li għalihom il-kontenut tal-lamtu tal-preparazzjonijiet ta' tip li jintużaw fl-għalf tal-annimali (l-intestatura 2309) jrid jiġi ddeterminat permezz tal-metodu analitiku enżimatiku.

(8)

Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-prodotti tal-intestatura 2309 ibbażata fuq il-prodotti tas-sojja u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fi ħdan l-Unjoni, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 għandu jitħassar.

(9)

Jixraq li jiġi stipulat li, għal ċertu perjodu, l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa abbażi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 fir-rigward tal-prodotti li jinsabu f'dan ir-Regolament, tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 jitħassar.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa abbażi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2013 fir-rigward tal-prodotti li jinsabu f'dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 444/2013 tas-7 ta' Mejju 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 130, 15.5.2013, p. 19).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1)

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 121/2008 tal-11 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi l-metodu ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-lamtu fil-preparazzjonijiet ta' tip użat fl-għalf tal-annimali (kodiċi NM 2309) (ĠU L 37, 12.2.2008, p. 3).

(6)  ECLI:EU:C:2016:133.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/68 tad-9 ta' Jannar 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 121/2008 li jistabbilixxi l-metodu ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-lamtu fil-preparazzjonijiet ta' tip użat fl-għalf tal-annimali (kodiċi NM 2309) (ĠU L 9, 13.1.2017, p. 4).


DIRETTIVI

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/3


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/369

tat-13 ta' Diċembru 2018

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta' sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta' “droga”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta' “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI (2) fih lista ta' sustanzi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' droga taħt il-punt 1(b) tal-Artikolu 1 ta' dik id-Deċiżjoni Kwadru.

(2)

L-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI żdied bid-Direttiva (UE) 2017/2103. Jelenka s-sustanzi psikoattivi ġodda kollha li kienu soġġetti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI (3) qabel ma ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2017/2103.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2017/2103 ħassret id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI b'effett mit-23 ta' Novembru 2018. Mill-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2103 sat-23 ta' Novembru 2018, ħames sustanzi psikoattivi ġodda ġew soġġetti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali taħt id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. Madankollu, dawk is-sustanzi psikoattivi ġodda għadhom ma ġewx inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI.

(4)

Għaldaqstant, minħabba li d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tħassret, jenħtieġ li s-sustanzi psikoattivi ġodda li ġejjin jiġu inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI:

(a)

N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossamid (furanilfentanil) soġġetta għal miżuri ta' kontroll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 (4);

(b)

N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossamid (ADB-CHMINACA) soġġetta għal miżuri ta' kontroll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/747 (5);

(c)

1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossamid (CUMYL-4CN-BINACA) soġġetta għal miżuri ta' kontroll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/748 (6);

(d)

N-fenil-N-[1-(2-fenilethil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossamid (ċiklopropilfentanil) and 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) soġġetta għal miżuri ta' kontroll bid-Deċiżjoni ta'Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1463 (7).

(5)

L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva (UE) 2017/2103 u għaldaqstant qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta'din id-Direttva delegata.

(6)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Direttiva (UE) 2017/2103 u għaldaqstant mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva delegata u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Id-Danimarka mhijiex marbuta bid-Direttiva (UE) 2017/2103 u għaldaqstant mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva delegata u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI

Dan li ġej jiżdied mal-lista fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI:

“13.

N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossamid (furanilfentanil), kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 (*1).

14.

N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossamid (ADB-CHMINACA), kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/747 (*2).

15.

1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossamid (CUMYL-4CN-BINACA), kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/748 (*3).

16.

N-fenil-N-[1-(2-fenilethil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossamid (ċiklopropilfentanil) and 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil), kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1463 (*4).

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sas-7 Settembru 2019. Madankollu, għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-punt 16 tal-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva sad-29 ta' Settembru 2019. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom ikun hemm referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 305, 21.11.2017, p. 12.

(2)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 tal-15 ta' Novembru 2017 li tissoġġetta lill-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 306, 22.11.2017, p. 19).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/747 tal-14 ta' Mejju 2018 li tissottoponi s-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (ADB-CHMINACA) għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 125, 22.5.2018, p. 8).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/748 tal-14 ta' Mejju 2018 li tissottoponi s-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 125, 22.5.2018, p. 10).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1463 tat-28 ta' Settembru 2018 li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 245, 1.10.2018, p. 9).


Rettifika

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/6


Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 347 tal-20 ta' Diċembru 2013 )

Fil-paġna 384, l-Artikolu 95(1), il-punt (2),

minflok:

“(2)

‘assi fissi’ tfisser l-assi tanġibbli u mhux tanġibbli kollha prodotti bħala riżultati mill-proċessi ta' produzzjoni ...”,

aqra:

“(2)

‘assi fissi’ tfisser l-assi tanġibbli u mhux tanġibbli kollha prodotti bħala outputs mill-proċessi ta' produzzjoni ...”;

Fil-paġna 391, l-Artikolu 106, il-punt (3),

minflok:

“(3)

deskrizzjoni tal-proġetti jew tat-tipi ta' proġetti previsti, flimkien mat-tragwardi, fejn rilevanti, u l-miri għall-eżiti u r-riżultati marbutin mal-indikaturi komuni skont l-assi ta' prijorità, fejn rilevanti;”,

aqra:

“(3)

deskrizzjoni tal-proġetti jew tat-tipi ta' proġetti previsti, flimkien mat-tragwardi, fejn rilevanti, u l-miri għall-outputs u r-riżultati marbutin mal-indikaturi komuni skont l-assi ta' prijorità, fejn rilevanti;”;

Fil-paġna 391, l-Artikolu 106, il-punt (8)(c),

minflok:

“(c)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-pjan ta' azzjoni konġunt inklużi l-arranġamenti li jiżguraw il-kwalità, il-ġbir u l-ħażna tad-data dwar il-kisba tat-tragwardi, tal-eżiti u tar-riżultati;”,

aqra:

“(c)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-pjan ta' azzjoni konġunt inklużi l-arranġamenti li jiżguraw il-kwalità, il-ġbir u l-ħażna tad-data dwar il-kisba tat-tragwardi, tal-outputs u tar-riżultati;”;

Fil-paġna 392, l-Artikolu 107(3),

minflok:

“3.

Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tindika l-benefiċjarju u l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni konġunt, it-tragwardi, fejn rilevanti, u l-miri għall-eżiti u għar-riżultati, il-kostijiet tal-kisba ta' dawk it-tragwardi u l-miri għall-eżiti u għar-riżultat, u l-pjan ta' finanzjament …”,

aqra:

“3.

Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tindika l-benefiċjarju u l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni konġunt, it-tragwardi, fejn rilevanti, u l-miri għall-outputs u għar-riżultati, il-kostijiet tal-kisba ta' dawk it-tragwardi u l-miri għall-outputs u għar-riżultat, u l-pjan ta' finanzjament …”.

7.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 66/7


Rettifika għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 337 tal-25 ta' Novembru 2014 )

F'paġna 27, fit-Titolu,

minflok:

“REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1254/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali”,

aqra:

“REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1254/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali”;

F'paġna 28, fl-Artikolu 1(2),

minflok:

“Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali li huma:”,

aqra:

“Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal unitajiet ta' ventilazzjoni residenzjali li:”;

F'paġna 28, fl-Artikolu 1(2), il-punt (a),

minflok:

“unidirezzjonali (dħul jew ħruġ tal-arja) b'potenza input ta' elettriku ta' inqas minn 30 W;”,

aqra:

“huma unidirezzjonali (dħul jew ħruġ tal-arja) b'potenza input ta' elettriku ta' inqas minn 30 W;”;

F'paġna 28, fl-Artikolu 1(2), il-punt (b),

minflok:

“speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'atmosferi potenzjalment esplożivi kif stabbilit fid-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);”,

aqra:

“huma speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'atmosferi potenzjalment esplożivi kif stabbilit fid-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);”;

F'paġna 28, fl-Artikolu 1(2), il-punt (c),

minflok:

“speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'użu ta' emerġenza, għal perjodi qosra ta' żmien, u bħala li huma konformi mar-rekwiżiti bażiċi għal xogħlijiet ta' bini fir-rigward tas-sigurtà f'każ ta' nirien kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);”,

aqra:

“huma speċifikati esklussivament bħala li jitħaddmu f'użu ta' emerġenza, għal perjodi qosra ta' żmien, u bħala li huma konformi mar-rekwiżiti bażiċi għal xogħlijiet ta' bini fir-rigward tas-sigurtà f'każ ta' nirien kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);”.