ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 62 |
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
4.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/348
tal-25 ta' Ottubru 2018
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-impatt ta' falliment ta' istituzzjoni fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra u fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (1) u b.mod partikolari l-Artikolu 4(6,) tagħha,
Billi:
(1) |
Biex tiddetermina jekk l-Istati Membri jenħtiġux li jagħtu lill-istituzzjonijiet fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom obbligi simplifikati, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jesiġi li dawk l-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jivvalutaw l-impatt li l-falliment ta' istituzzjoni jista' jkollu, minħabba għadd ta' fatturi speċifikati f'dak l-Artikolu. |
(2) |
Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun distinta, u jenħtieġ li ma tiddeterminax minn qabel, xi valutazzjoni oħra li għandha issir mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, inkluż, b'mod partikolari, kwalunkwe valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni jew grupp, jew dwar jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmija fid-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) humiex sodisfatti. |
(3) |
L-ispeċifikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jenħtieġ li jkunu prattiċi, effiċjenti u effettivi. L-impatt li falliment ta' istituzzjoni jista' jkollu jenħtieġ għalhekk li jkun ivvalutat, l-ewwel nett fuq il-bażi ta' kriterji kwantitattivi u sussegwentement fuq il-bażi ta' kriterji kwalitattivi. B'mod ġenerali, il-valutazzjoni bbażata fuq kriterji kwalitattivi jenħtieġ li ssir biss fejn il-valutazzjoni fuq il-bażi ta' kriterji kwantitattivi ma twassalx għall-konklużjoni li, fid-dawl tal-impatt li l-falliment tal-istituzzjoni jista' jkollu, obbligi sħaħ, aktar milli sempliċiment obbligi simplifikati, huma meħtieġa. |
(4) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konverġenti u effettiva ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jivvalutaw il-kriterji kwantitattivi ma' limitu komuni tal-Unjoni fil-forma ta' punteġġ kwantitattiv totali. L-awtoritajiet kompetenti u tar-riżoluzzjoni jenħtieġ li jikkalkolaw dak il-punteġġ kwantitattiv totali skont sett ta' indikaturi, billi jużaw il-valuri mill-qafas ta' rappurtar superviżorju applikabbli stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 680/2014 (3). |
(5) |
Biex ikun żgurat il-bilanċ mixtieq f'termini ta' proporzjon mistenni tal-istituzzjonijiet ineliġibbli għal obbligi simplifikati fl-Istati Membri u tad-distribuzzjoni tal-istituzzjonijiet ineliġibbli madwar l-Istati Membri, il-limitu totali tal-Unjoni għall-punteġġ kwantitattiv totali għal istituzzjonijiet ta' kreditu jenħtieġ li fil-prinċipju jkun stabbilit għal 25 punt bażi. Madankollu, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u dawk kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jgħollu jew ibaxxu l-limitu ta' 25 punti bażi u jistabbilixxuh fil-firxa bejn 0 sa 105 punti bażi, skont l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju ta' Stat Membru. Settur bankarju konċentrat ħafna jista' jiġġustifika limitu ogħla, waqt li għadd kbir ta' istituzzjonijiet żgħar flimkien ma' numru żgħir ta' istituzzjonijiet kbar jistgħu jwasslu għal limitu aktar baxx. Il-limitu jenħtieġ li jsib il-bilanċ xieraq bejn il-valur kumulattiv tal-assi totali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jistgħu jkunu eliġibbli għal obbligi simplifikati fi Stat Membru partikolari u tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkunu ineliġibbli abbażi tal-valutazzjoni kwantitattiva. |
(6) |
L-awtoritajiet kompetenti u tar-riżoluzzjoni jenħtieġ li jużaw proxies xierqa bbażati fuq il-prinċipji tal-kontabbiltà nazzjonali ġeneralment aċċettati (GAAP — generally accepted accounting principles) fejn dawn ma jirċevux l-valuri tal-indikatur minn istituzzjonijiet bħala parti mir-rapportar superviżorju. L-awtoritajiet kompetenti jew ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jassenjaw valur ta' żero għall-indikaturi rilevanti meta l-identifikazzjoni ta' proxies tkun eċċessivament ikkumplikata. Madankollu, din il-possibilità jenħtieġ li tkun limitata għal istituzzjonijiet li ma jirrapurtawx bil-mudell 20 fuq il-bażi tal-Artikolu 5(a)(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014, minħabba li ma jaqbżux il-limitu msemmi f'dak l-Artikolu. |
(7) |
Biex jiġi żgurat li l-approċċ meħud f'dan ir-Regolament huwa konformi għal kollox mal-prinċipju ta' proporzjonalità u sabiex ikun eliminat kwalunkwe piż sproporzjonat, jenħtieġ li jkun possibbli li istituzzjonijiet ta' kreditu żgħar ikunu kwantitattivament vvalutati abbażi tad-daqs tagħhom biss. L-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jikkonkludu li l-falliment ta' istituzzjonijiet tal-kreditu żgħar mhux probabbli li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr l-applikazzjoni tal-punteġġ kwantitattiv totali, sakemm il-valutazzjoni kwalitattiva tagħhom tappoġġa din il-konklużjoni. Għal dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu żgħar, il-valutazzjoni tal-kriterji kwalitattivi jenħtieġ li jitwettqu wkoll b'mod proporzjonat. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività u l-effiċjenza tal-valutazzjoni tal-impatt ta' falliment tal-istituzzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji kwantitattivi u kwalitattivi jenħtieġ li tibni fuq termini u kategoriji diġà stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(9) |
B'mod partikolari, skont l-Artikolu 131(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-G-SIIs huma identifikati bħala tali abbażi ta', inter alia, id-daqs, l-interkonnettività mas-sistema finanzjarja, il-kumplessità u l-attività transfruntiera tagħhom. Peress li dawn il-kriterji jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira mal-kriterji tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u dawk kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li l-falliment ta' G-SII mhux mistenni jħalli effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr ma jkollhom għalfejn iwettqu valutazzjoni kwantitattiva. |
(10) |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 131(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-O-SIIs huma identifikati bħala tali abbażi ta', inter alia, id-daqs tagħhom, l-importanza tagħhom għall-ekonomija tal-Unjoni, jew tal-Istat Membru rilevanti, is-sinifikat tal-attivitajiet transfruntieri tagħhom u l-interkonnettività tagħhom mas-sistema finanzjarja. Peress li dawn il-kriterji huma simili ħafna tal-kriterji tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u dawk kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li l-falliment ta' O-SII mhux mistenni jħalli effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr ma jkollhom għalfejn iwettqu valutazzjoni kwantitattiva. |
(11) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 107(3) tad-Direttiva 2013/36/UE jirrikjedi li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) sabiex toħroġ linji gwida dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni (SREP — supervisory review and evaluation process) skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji, li lilhom indirizzati dawn il-linji gwida, huma meħtieġa li jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw magħhom. Il-kategorizzazzjoni skont il-linji gwida SREP tal-EBA mill-awtoritajiet kompetenti għalhekk jenħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtoritajiet kompetenti jikklassifikaw l-istituzzjonijiet f'erba' kategoriji. L-ewwel kategorija (Kategorija SREP 1) hija kompriża mill-G-SIIs u l-O-SIIs u, fejn ikun xieraq, minn istituzzjonijiet oħra kategorizzati bħala tali minn awtorità kompetenti fuq il-bażi tad-daqs, l-organizzazzjoni interna tagħhom u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. Għalhekk, meta l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li istituzzjoni taqa' fil-Kategorija SREP 1, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u dawk kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li l-falliment ta' O-SII mhux mistenni jħalli effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr ma jkollhom għalfejn iwettqu valutazzjoni kwantitattiva. |
(12) |
Biex tkun żgurata valutazzjoni konsistenti tal-istituzzjonijiet, huwa meħtieġ li tkun speċifikata l-lista minima tal-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u dawk kompetenti jenħtieġ li jwettqu valutazzjonijiet kwalitattivi tagħhom, mingħajr ma jipprevjeni lil dawk l-awtoritajiet milli jitqiesu kunsiderazzjonijiet rilevanti oħra. Il-lista minima ta' kunsiderazzjonijiet kwalitattivi jenħtieġ li tirreferi għal ċirkustanzi li jindikaw li l-falliment ta' istituzzjoni jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament. |
(13) |
Fid-dawl tal-firxa varjata ta' ditti ta' investiment koperti mid-Direttiva 2014/59/UE u l-ħtieġa li tkun prevista l-ħidma li għaddejja fil-livell tal-Unjoni dwar ir-rieżami tar-rekwiżiti prudenzjali għal dawk id-ditti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika biss indikaturi li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u dawk kompetenti jenħtieġ li jikkunsidraw biex jivvalutaw il-kriterju ta' daqs. Dawn l-awtoritajiet jenħtieġ li jistabbilixxu l-piżijiet assenjati għal dawk l-indikaturi u jiddeterminaw il-limiti rilevanti. |
(14) |
Istituzzjoni li tagħmel parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE (grupp transfruntier) hija ferm interkonnessa u l-attivitajiet tagħha huma ħafna aktar kumplessi minn dawk ta' istituzzjoni għal rasha. L-impatt ta' falliment ta' istituzzjoni li tappartjeni għal grupp transfruntier għalhekk x'aktarx ikun aktar sinifikanti. L-awtoritajiet kompetenti u tar-riżoluzzjoni jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jikkonkludu li l-falliment ta' istituzzjonijiet tal-kreditu żgħar x'aktarx li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, fejn xi valutazzjoni fil-livell tal-Istat Membru individwali fejn il-grupp huwa preżenti tikkonkludi hekk. Biex jagħmlu dan, awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tagħhom u jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja kollha, fl-istruttura tal-Unjoni Bankarja u fil-Qafas tal-kolleġġi superviżorji u ta' riżoluzzjoni. |
(15) |
L-awtoritajiet kompetenti u dawk ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-falliment ta' ċerti istituzzjonijiet x'aktarx ma jkollux impatt negattiv sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, anki meta l-punteġġ kwantitattiv totali tagħhom jilħaq limitu determinat minn qabel. It-trattament differenti ta' dawn l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jkun ġustifikat mill-karatteristiċi eċċezzjonali tagħhom. L-ewwel ta' istituzzjonijiet bħal dawn jikkonsisti minn banek promozzjonali li għandhom l-għan li javvanzaw l-objettivi tal-politika pubblika ta' gvern ċentrali jew reġjonali jew awtorità lokali ta' Stat Membru permezz tal-provvediment ta' self promozzjonali fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt. Is-selfiet li jagħtu dawn l-istituzzjonijiet ikunu, direttament jew indirettament, iggarantiti minn gvern ċentrali jew reġjonali jew l-awtorità lokali. Banek promozzjonali jistgħu għalhekk jitqiesu bħala istituzzjonijiet li l-falliment tagħhom mhux probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, sakemm dik il-konklużjoni tkun konsistenti ma' valutazzjoni kwalitattiva mwettqa għal dawn tal-banek promozzjonali. It-tieni grupp jikkonsisti minn istituzzjonijiet ta' kreditu li kienu soġġetti għal proċess ta' stralċ b'mod ordnat. Minħabba li proċess ta' stralċ ordinat ġeneralment jipprevjeni negozju ġdid, istituzzjonijiet ta' kreditu li kienu soġġetti għal tali proċess jistgħu wkoll jitqiesu bħala istituzzjonijiet li l-falliment tagħhom mhux probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, sakemm dan huwa konsistenti mal-valutazzjoni kwalitattiva mwettqa għal dawn l-istituzzjonijiet tal-kreditu. |
(16) |
Wara li kkunsidra l-għanijiet differenti għall-ippjanar ta' rkupru u riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u dawk kompetenti tal-istess Stat Membru jenħtieġ li jkunu jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti biex il-valutazzjonijiet tagħhom jitwettqu f'konformità ma' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, huma jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet differenti waqt li jistabbilixxu limiti għal punteġġ kwantitattiv totali, billi japplikaw trattament speċjali għal banek promozzjonali u istituzzjonijiet suġġetti għal stralċ ordinat tal-proċess, kif ukoll li jaslu għal konklużjonijiet differenti dwar il-possibbiltà li jagħtu obbligi simplifikati. F'dawk il-każijiet, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u dawk kompetenti jenħtieġ li jivvalutaw regolarment jekk id-differenza tibqax ġustifikata. |
(17) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-EBA lill-Kummissjoni. |
(18) |
L-EBA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqha huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Valutazzjoni kwantitattiva għall-istituzzjoni ta' kreditu
1. Awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw l-impatt tal-falliment ta' istituzzjoni finanzjarja fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra jew fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament abbażi tal-punteġġ kwantitattiv totali kkalkolat skont l-Anness I. Huma għandhom jagħmlu dan fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn.
2. Istituzzjoni ta' kreditu b'punteġġ kwantitattiv totali daqs jew ogħla minn 25 punt bażi għandha tkun ikkunsidrata bħala istituzzjoni li l-falliment tagħha jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament.
3. L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jgħollu jew ibaxxu l-livell imsemmi fil-paragrafu 2 fil-firxa ta' 0 sa 105 punti bażi. L-awtoritajiet kompetenti u dawk ta' riżoluzzjoni għandhom jirrieżaminaw regolarment il-limitu emendat.
4. Fejn il-valuri tal-indikatur tal-Anness I ma jkunux disponibbli, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir abbażi ta' proxies korrelatati kemm jista' jkun possibbli mal-indikaturi kif speċifikat fl-Anness III.
5. Meta istituzzjoni ta' kreditu ma taqbiżx il-limitu speċifikat fl-Artikolu 5(a) (4) tar-Regolament (UE) Nru 680/2014 u ma tippreżentax il-Mudell 20 ta' dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jassenjaw valur ta' żero għall-indikaturi rilevanti speċifikati fl-Anness III.
6. Fejn l-assi totali ta' istituzzjoni ta' kreditu ma jaqbżux 0,02 % tal-assi totali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati u, fejn id-data rilevanti tkun disponibbli, ta' fergħat stabbiliti fl-Istat Membru, inklużi fergħat fl-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti u dawk ta' riżoluzzjoni jistgħu, mingħajr ma jiapplikaw il-paragrafi minn 1 sa 5, jistabbilixxu li l-falliment ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu x'aktarx ma jkollux effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, dment li dan ma jkunx iġġustifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 2.
7. Fejn istituzzjoni ta' kreditu tkun ġiet identifikata bħala G-SII jew O-SII skont l-Artikolu 131(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jew klassifikata bħala Kategorija 1 fuq il-bażi tal-linji gwida dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni (SREP) maħruġa skont l-Artikolu 107(3) ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu, mingħajr ma japplikaw il-paragrafi minn 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu, jistabbilixxu li l-falliment ta' dik l-istituzzjoni ta' kreditu x'aktarx li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament. Il-valuri tal-indikatur rilevanti għal dawn l-istituzzjonijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, xorta waħda jitqiesu għad-determinazzjoni tal-ammont aggregat imsemmi fil-punt 2 tal-Anness I, u biex jiġu ddeterminati l-assi totali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istat Membru għall-iskop tal-paragrafu 6.
Artikolu 2
Valutazzjoni kwalitattiva għall-istituzzjoni ta' kreditu
1. Fejn, skont l-Artikolu 1, istituzzjoni ta' kreditu ma tkunx meqjusa bħala istituzzjoni li l-falliment tagħha jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra jew fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw l-impatt li falliment tal-istituzzjoni ta' kreditu jkollu fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn u, almenu, jikkunsidraw il-kunsiderazzjonijiet kwalitattivi kollha li ġejjin:
(a) |
il-punt sa fejn l-istituzzjoni ta' kreditu twettaq funzjonijiet kritiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar; |
(b) |
jekk depożiti koperti tal-istituzzjoni ta' kreditu jaqbżux il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema rilevanti ta' garanzija tad-depożiti u l-kapaċità tal-iskema tal-garanziji tad-depożiti li tgħolli kontribuzzjonijiet straordinarji ex post, kif imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); |
(c) |
jekk l-istruttura azzjonarja tal-istituzzjoni ta' kreditu hiex ikkonċentrata ħafna, mifruxa ħafna jew mhux trasparenti biżżejjed b'mod li jista' jkollha impatt negattiv fuq id-disponibilità jew l-implimentazzjoni f'waqtha ta' azzjonijiet ta' rkupru jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni; |
(d) |
jekk l-istituzzjoni ta' kreditu li tkun membru ta' IPS, kif imsemmi fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), tipprovdix funzjonijiet kritiċi lill-membri IPS oħra, inkluż ta' klerjar, ta' teżor jew servizzi oħra; |
(e) |
jekk l-istituzzjoni ta' kreditu hijiex affiljata ma' korp ċentrali, kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u l-mutwalizzazzjoni tat-telf fost l-istituzzjonijiet affiljati jikkostitwixxix impediment sostantiv għal proċedimenti normali ta' insolvenza. |
2. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq b'mod indipendenti minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-objettivi mfittxija mill-ippjanar ta' rkupru u riżoluzzjoni.
3. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' ssir għal kategorija ta' istituzzjonijiet tal-kreditu fejn l-awtorità rilevanti kompetenti jew ta' riżoluzzjoni tiddetermina li żewġ istituzzjonijiet ta' kreditu jew aktar għandhom karatteristiċi simili f'termini tal-kunsiderazzjonijiet kwalitattivi kollha stabbiliti fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Valutazzjoni kwantitattiva għad-ditti ta' investiment
1. L-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw l-impatt ta' falliment ta' ditta tal-investiment fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn u fuq il-bażi ta':
(a) |
il-punteġġ kwantitattiv totali kkalkulat abbażi tal-indikaturi msemmija fl-Anness II; |
(b) |
il-piżijiet assenjati għal dawk l-indikaturi minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni. |
2. Il-valuri tal-indikaturi għandhom ikunu determinati abbażi tal-indikaturi kif speċifikat fl-Anness III. Fejn il-valuri tal-indikatur tal-Anness II mhumiex disponibbli, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir abbażi ta' proxies kemm jista' jkun korrelati mal-indikaturi kif speċifikati fl-Anness III. Fejn proxies mhumiex disponibbli, awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jistgħu jissostitwixxu l-indikaturi msemmija fl-Anness II b'indikaturi rilevanti oħra.
3. Il-limitu għal punteġġ kwantitattiv totali għandu jkun stabbilit minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni.
4. Ditta ta' investiment b'punteġġ kwantitattiv totali daqs jew ogħla mil-limitu msemmi fil-paragrafu 3 għandha tkun ikkunsidrata bħala istituzzjoni li l-falliment tagħha jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament.
5. Fejn ditta ta' investiment tkun ġiet identifikata bħala G-SII jew O-SII skont l-Artikolu 131(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jew kienet klassifikata bħala Kategorija 1 fuq il-bażi tal-linji gwida dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għas-SREP maħruġa skont l-Artikolu 107(3) ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu, mingħajr ma japplikaw il-paragrafi minn 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, jistabbilixxu li l-falliment ta' dik l-istituzzjoni x'aktarx li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament.
Artikolu 4
Valutazzjoni kwalitattiva għad-ditti ta' investiment
1. Fejn ditta ta' investiment ma tkunx meqjusa bħala istituzzjoni li l-falliment tagħha jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra u fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament skont l-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw l-impatt li falliment ta' dik id-ditta ta' investiment ikollu fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn u, almenu, jikkunsidraw il-kunsiderazzjonijiet kwalitattivi kollha li ġejjin:
(a) |
il-punt sa fejn id-ditta ta' investiment twettaq funzjonijiet kritiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar; |
(b) |
jekk l-istruttura azzjonarja tad-ditta ta' investiment hiex ikkonċentrata ħafna, mifruxa ħafna jew mhux trasparenti biżżejjed b'mod li jista' jkollha impatt negattiv fuq id-disponibilità jew l-implimentazzjoni f'waqtha ta' azzjonijiet ta' rkupru jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni; |
(c) |
jekk id-ditta ta' investiment li tkun membru ta' IPS, kif imsemmi fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tipprovdix funzjonijiet kritiċi lill-membri IPS oħra, inkluż ta' klerjar, ta' teżor jew servizzi oħra; |
(d) |
jekk il-maġġoranza tal-klijenti tad-ditta ta' investiment humiex fil-livell ta' konsumatur jew professjonali; |
(e) |
il-punt sa fejn flus u strumenti finanzjarji miżmuma mid-ditta ta' investiment f'isem il-klijenti tagħha ma jkunux kompletament protetti minn mekkaniżmi ta' kumpens għall-investitur kif imsemmija fid-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); |
(f) |
jekk il-mudell tan-negozju tad-ditta ta' investiment hux kumpless, inkluż l-iskala tal-attivitajiet ta' investiment tagħha. |
2. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq b'mod indipendenti minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-objettivi mfittxija mill-ippjanar għall-irkupru u r-riżoluzzjoni.
Artikolu 5
Istituzzjonijiet li huma proprjetà ta' gruppi
1. Għal istituzzjoni li hija parti minn grupp, il-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli minn 1 sa 4 għandhom jsiru fil-livell tal-impriża omm fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ġiet awtorizzata.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, għal istituzzjoni li hija parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE, il-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli minn 1 sa 4 ta' dan ir-Regolament għandhom isiru fil-livelli li ġejjin:
(a) |
il-livell tal-impriża prinċipali fl-Unjoni; |
(b) |
il-livell ta' kull impriża prinċipali fi Stat Membru jew, fejn ma hemm l-ebda impriża prinċipali fi Stat Membru, il-livell ta' kull sussidjarja awtonoma tal-grupp fi Stat Membru. |
3. Istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jitqiesu bħala istituzzjonijiet li l-falliment tagħhom jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, fejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin japplikaw fi kwalunkwe wieħed mil-livelli msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu:
(a) |
l-istituzzjoni jkollha punteġġ kwantitattiv totali li huwa daqs jew aktar mil-limitu stabbilit minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 1(3) jew l-Artikolu 3(3); |
(b) |
il-kriterji fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) huma sodisfatti. |
4. Il-paragrafi 2 u 3 m'għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet li huma soġġetti għal pjan ta' rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2014/59/UE.
5. L-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni għandhom jikkoordinaw il-valutazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu u jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-qafas ta' kulleġġi superviżorji u ta' riżoluzzjoni.
Artikolu 6
Valutazzjoni ta' bank promozzjonali
L-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkunsidraw banek promozzjonali, kif definiti fl-Artikolu 3(27) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 (9), bħala istituzzjonijiet li l-falliment tagħhom mhux probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr ma japplikaw il-paragrafi 2 u 7 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 5(3), meta l-kunsiderazzjonijiet kwalitattivi tal-Artikolu 2(1) ma jiġux issodisfati fi kwalunkwe mil-livelli li ġejjin:
(a) |
il-livell tal-impriża prinċipali fl-Unjoni; |
(b) |
il-livell ta' kull impriża prinċipali fi Stat Membru jew, fejn ma hemm l-ebda impriża prinċipali fi Stat Membru, il-livell ta' kull sussidjarja awtonoma tal-grupp fi Stat Membru. |
Artikolu 7
Valutazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu soġġetti għal proċess ta' stralċ ordinat
L-awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkunsidraw istituzzjonijiet ta' kreditu li huma soġġetti għal proċess ta' stralċ ordinat bħala istituzzjonijiet li l-falliment tagħhom mhux probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, istituzzjonijiet oħra jew il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, mingħajr ma japplikaw il-paragrafi 2 u 7 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 5(3), meta l-kunsiderazzjonijiet kwalitattivi tal-Artikolu 2(1) ma jiġux issodisfati fi kwalunkwe mil-livelli li ġejjin:
(a) |
il-livell tal-impriża prinċipali fl-Unjoni; |
(b) |
il-livell ta' kull impriża prinċipali fi Stat Membru jew, fejn ma hemm l-ebda impriża prinċipali fi Stat Membru, il-livell ta' kull sussidjarja awtonoma tal-grupp fi Stat Membru. |
Artikolu 8
Valutazzjoni minn awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni mill-istess Stat Membru
Filwaqt li jitqiesu għanijiet differenti għall-ippjanar ta' rkupru u riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u dawk kompetenti mill-istess Stat Membru jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 4, 6 u 7, f'liema każ huma għandhom jivvalutaw regolarment jekk dawk il-konklużjonijiet differenti għadhomx ġustifikati.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ta' ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(6) Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(7) Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(8) Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 dwar skemi ta' kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).
(9) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 44).
ANNESS 1
Tabella 1
Indikaturi u piżijiet għall-kalkolu tal-punteġġ kwantitattiv totali għal istituzzjonijiet ta' kreditu
Kriterju |
L-indikatur għall-istituzzjonijiet ta' kreditu |
Piż |
Daqs |
Assi totali |
25 % |
Kemm huma interkonnessi |
Obbligazzjonijiet Intrasistema Finanzjarja |
8,33 % |
Assi Intrasistema Finanzjarja |
8,33 % |
|
Titoli ta' dejn pendenti |
8,33 % |
|
Ambitu u kumplessità tal-attivitajiet |
Valur ta' tranżazzjonijiet barra l-borża (OTC) (nozzjonali) |
8,33 % |
Obbligazzjonijiet transġuriżdizzjonali |
8,33 % |
|
Pretensjonijiet transġuriżdizzjonali |
8,33 % |
|
Natura tan-negozju |
Depożiti tas-settur privat minn depożitanti fl-UE |
8,33 % |
Self tas-settur privat lil riċeventi fl-UE |
8,33 % |
|
Valur ta' pagamenti domestiċi |
8,33 % |
1. |
Għal kull indikatur elenkat fit-Tabella 1, il-valur korrispondenti għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness III. |
2. |
Il-valur tal-indikatur għal kull istituzzjoni ta' kreditu għandu jkun diviż bl-ammont aggregat tal-valur tal-indikatur korrispondenti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istat Membru u, fejn id-data rilevanti tkun disponibbli, fergħat stabbiliti fl-Istati Membri kkonċernati inkluż fergħat fl-Unjoni stabbiliti f'dak l-Istat Membru. |
3. |
Il-proporzjonijiet li jirriżultaw għandhom ikunu mmultiplikati b 10 000 biex ikunu espressi l-punti tal-indikatur f'termini ta' punti bażi. |
4. |
Kull punteġġatura tal-indikatur (espressa f'punti bażi) għandha tkun immultiplikata bil-piż assenjat għal kull indikatur, kif stipulat fit-Tabella 1. |
5. |
Il-punteġġatura kwantitattiva totali għandha tkun is-somma tal-kontribuzzjonijiet kollha tal-punteġġaturi tal-indikatur peżati. |
ANNESS 2
Tabella 2
Indikaturi għad-ditti tal-investiment
Kriterju |
Indikatur għad-ditti tal-investiment |
Daqs |
Assi totali |
Obbligazzjonijiet totali |
|
Total tal-introjtu mill-imposti u mill-kummissjonijiet |
|
Assi mmaniġġjati |
ANNESS 3
Tabella 3
Speċifikazzjonijiet tal-indikaturi
Indikatur |
Ambitu |
Speċifikazzjonijiet |
Assi totali |
Fid-dinja kollha |
FINREP (IFRS or GAAP) → F 01.01, ir-ringiela 380, il-kolonna 010 |
Passivi totali |
Fid-dinja kollha |
FINREP (IFRS or GAAP) →F 01.02, ir-ringiela 300, il-kolonna 010 |
Total tal-introjtu mill-imposti u mill-kummissjonijiet |
Fid-dinja kollha |
FINREP (IFRS or GAAP) →F 02.00, ir-ringiela 200, il-kolonna 010 |
Assi mmaniġġjati |
Fid-dinja kollha |
FINREP (IFRS or GAAP) → F 22.02, row 010, column 010 |
Obbligazzjonijiet Intrasistema Finanzjarja |
Fid-dinja kollha |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.06, ir-ringieli 020 + 030 + 050 + 060 + 100 + 110, il-kolonna 010, Il-pajjiżi kollha (assi-z) |
Assi Intrasistema Finanzjarja |
Fid-dinja kollha |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.04, ir-ringieli 020 + 030 + 050 + 060 + 110 + 120 + 170 + 180, il-kolonna 010, Il-pajjiżi kollha (assi-z) |
Titoli ta' dejn pendenti |
Fid-dinja kollha |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 01.02, ir-ringieli 050 + 090 + 130, il-kolonna 010 |
Il-valur ta' derivattivi OTC (nozzjonali) |
Fid-dinja kollha |
FINREP (IFRS) → F 10.00, ir-ringieli 300 + 310 + 320, il-kolonna 030 + F 11.00, ir-ringieli 510 + 520 + 530, il-kolonna 030 FINREP (il-GAAP) → F 10.00, ir-ringieli 300 + 310 + 320, il-kolonna 030 + F 11.00, ir-ringieli 510 + 520 + 530, il-kolonna 030 |
Obbligazzjonijiet transġuriżdizzjonali |
Fid-dinja kollha |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.06, ir-ringieli 010 + 040 + 070, il-kolonna 010, Il-pajjiżi kollha għajr il-pajjiż tal-oriġini (assi-z) Nota: Il-valur ikkalkulat għandu jeskludi (i) obbligazzjonijiet bejn l-uffiċji u (ii) obbligazzjonijiet ta' fergħat u sussidjarji barranin fil-konfront ta' kontropartijiet fl-istess pajjiż ospitanti. |
Pretensjonijiet transġuriżdizzjonali |
Fid-dinja kollha |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.04, ir-ringieli 010 + 040 + 080 + 140, il-kolonna 010, Il-pajjiżi kollha għajr il-pajjiż tal-oriġini (assi-z) Nota: Il-valur ikkalkulat għandu jeskludi (i) assi bejn l-uffiċji u (ii) assi ta' fergħat u sussidjarji barranin fil-konfront ta' kontropartijiet fl-istess pajjiż ospitanti |
Depożiti tas-settur privat minn depożitanti fl-UE |
L-UE biss |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.06, ir-ringieli 120 + 130, il-kolonna 010, il-pajjiżi tal-UE (assi-z) |
Self tas-settur privat lil riċeventi fl-UE |
L-UE biss |
FINREP (l-IFRS jew il-GAAP) → F 20.04, ir-ringieli 190 + +220, il-kolonna 010, il-pajjiżi tal-UE (assi-z) |
Il-valur ta' tranżazzjonijiet ta' pagament domestiċi |
Fid-dinja kollha |
Pagamenti magħmula fis-sena tar-rapportar (pagamenti intragrupp esklużi) dan l-indikatur jiġi kkalkolat bħala l-valur tal-ħlasijiet ta' bank mibgħuta permezz tas-sistemi kollha ewlenin ta' pagament li huwa membru tagħhom. Irrapporta l-valur gross totali tal-pagamenti kontanti kollha mibgħuta mill-entità rilevanti permezz ta' sistemi ta' pagamen ta' valur kbir u l-valur gross tal-pagamenti kontanti kollha mibgħuta permezz ta' bank aġent (pereżempju bl-użu ta' kont ta' korrispondent jew kont nostro) matul is-sena ta' rapportar f'kull munita indikata. Il-pagamenti kollha mibgħuta permezz ta' bank aġent jenħtieġ li jkunu rrapportati, irrispettivament minn kif il-bank aġent effettivament jirriżolvi t-tranżazzjoni. Ma jinkludux tranżazzjonijiet intragrupp (jiġifieri tranżazzjonijiet ipproċessati f'entitajiet fl-istess grupp jew bejniethom bħala l-entità rilevanti). Jekk it-totali preċiżi ma jkunux disponibbli, jistgħu jiġu rrapportati sovraestimi magħrufa. Il-pagamenti għandhom jiġu rrapportati indipendentement mill-iskop, il-post u l-metodu ta' riżoluzzjoni. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, pagamenti fi flus kontanti assoċjati ma' derivattivi, tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u tranżazzjonijiet ta' kambju. Tinkludix il-valur ta' kwalunkwe oġġetti mhux flus saldati b'rabta ma' dawn it-tranżazzjonijiet. Inkludi l-pagamenti kontanti f'isem l-entità rilevanti kif ukoll dawk magħmula f'isem il-klijenti (inklużi istituzzjonijiet finanzjarji u klijenti kummerċjali oħra). Tinkludix pagamenti magħmula permezz ta' sistemi ta' pagament fil-livell tal-konsumatur. Inkludi l-pagamenti ħerġin biss (jiġifieri eskludi pagamenti riċevuti). Inkludi l-ammont ta' pagamenti li jkunu saru permezz tal-intermedjarju CLS (Continuous Linked Settlement). Minbarra l-pagamenti CLS, tirraportax il-valuri tal-pagamenti fil-livell tal-konsumatur li jkunu ħerġin fuq bażi netta, anki jekk it-tranżazzjoni tkun saret fuq bażi netta (jiġifieri l-pagamenti kollha fil-livell tal-konsumatur magħmula permezz ta' sistemi ta' pagament tal valur għoli jew permezz ta' aġent għandhom jiġu rrapportati fuq bażi grossa). Pagamenti bl-imnut mibgħuta permezz ta' sistemi ta' pagament ta' valuri għoli jew permezz ta' aġent, jistgħu jiġu rrapportati fuq bażi netta. Jekk jogħġbok irrapporta l-valuri f'euro, bl-użu tar-rata uffiċjali speċifikata fuq http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm (għal rati fix-xahar) jew http://www.ecb.europa.eu/stats/exchange/eurofxref/html/index.en.html (għal rati ta' kuljum). |
DEĊIŻJONIJIET
4.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 63/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/349
tat-22 ta' Frar 2019
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-FAP Rivedut”), u l-Istati Membri tagħha huma koperti mill-FAP Rivedut skont il-liġi tal-Unjoni. |
(2) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perijodu. B'mod awtomatiku, il-FAP Rivedut mhux ser jibqa' japplika għar-Renju Unit minn dik id-data. |
(3) |
Fl-1 ta' Ġunju 2018 ir-Renju Unit, bl-appoġġ tal-Unjoni, applika biex jaderixxi mal-FAP Rivedut. |
(4) |
Skont l-Artikolu XXII:2 tal-FAP Rivedut, kwalunkwe Membru tad-WTO jista' jaderixxi ma' dak il-Ftehim skont termini li jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, skont termini ddikjarati f'deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat FAP”). L-adeżjoni trid issir billi jiġi ddepożitat mad-Direttur Ġenerali tad-WTO strument ta' adeżjoni li jistipula t-termini miftehmin. Il-FAP Rivedut jidħol fis-seħħ għall-Membru li jaderixxi miegħu fit-30 jum wara li jiġi ddepożitat l-istrument ta' adeżjoni tiegħu. |
(5) |
L-impenji tar-Renju Unit dwar il-kopertura tal-aċċess għas-suq tal-akkwisti pubbliċi huma stipulati fl-offerta finali tiegħu, li ntbagħtu lill-Partijiet għall-FAP fit-2 ta' Ottubru 2018. |
(6) |
L-offerta finali tar-Renju Unit hija xierqa billi l-impenji tal-kopertura li r-Renju Unit joffri lill-Unjoni huma l-kopertura massima li għandu r-Renju Unit skont l-iskeda FAP tal-Unjoni, li tikkorrispondi mal-kopertura li għandu attwalment ir-Renju Unit skont l-iskeda tal-Unjoni bħala Stat Membru. Jenħtieġ li l-Unjoni tipprovdi trattament reċiproku u taddatta l-iskeda tagħha sabiex tipprovdi livell ta' aċċess korrispondenti għall-operaturi ekonomiċi tar-Renju Unit skont il-FAP Rivedut. Barra minn hekk, huma meħtieġa kjarifiki fl-iskeda tal-Unjoni fl-Appendiċi I tal-FAP Rivedut billi r-Renju Unit mhuwiex ser jibqa' kopert minn dik l-iskeda skont il-FAP Rivedut. Dawn it-termini, kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, ser isiru parti mit-termini tal-adeżjoni mal-FAP Rivedut għar-Renju Unit u ser ikunu riflessi fid-deċiżjoni li tiġi adottata mill-Kumitat FAP mal-adeżjoni tar-Renju Unit. |
(7) |
Għaldaqstant huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat FAP b'rabta mal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-FAP Rivedut. |
(8) |
F'każ li jkun hemm ftehim dwar il-ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni li jipprevedi perijodu ta' tranżizzjoni li fih tkun tapplika l-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, jenħtieġ li l-Unjoni tinnotifika lill-Partijiet l-oħrajn għall-FAP li r-Renju Unit irid jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-finijiet tal-FAP Rivedut matul dan il-perijodu ta' tranżizzjoni. B'hekk, ir-Renju Unit ikun kopert mill-FAP Rivedut sad-data ta' skadenza tal-perijodu ta' tranżizzjoni li tkun ġiet miftiehma. F'dak il-każ, jenħtieġ li r-Renju Unit jissottometti għadd ta' tweġibiet aġġornati għal-Lista ta' Kontroll tal-Kwistjonijiet sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' tranżizzjoni. Il-Kumitat FAP imbagħad jirrevedi t-tweġibiet aġġornati tar-Renju Unit għal-Lista ta' Kontroll tal-Kwistjonijiet u jieħu qies ta' xi tkun id-deċiżjoni xierqa f'dak il-ħin. |
(9) |
Filwaqt li r-Renju Unit ma jkunx sar pajjiż terz meta l-Kumitat FAP jiddeċiedi dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-FAP Rivedut, huwa fl-interess tal-Unjoni li tiżgura li l-FAP Rivedut jidħol fis-seħħ għar-Renju Unit mill-jum wara dak li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih. Sal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, ir-Renju Unit jibqa' Stat Membru li jgawdi d-drittijiet kollha u marbut bl-obbligi kollha tat-Trattati, fost dawn il-konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera. |
(10) |
Jekk il-liġi tal-Unjoni tibqa' tapplika għar-Renju Unit u fih, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tinnotifika lill-Kumitat FAP, f'isem l-Unjoni fi żmien 30 jum tad-depożitu tal-istrument ta' adeżjoni tar-Renju Unit, li r-Renju Unit għadu kopert mill-FAP Rivedut skont il-liġi tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat FAP”) għandha tkun li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-FAP Rivedut”), soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni u għat-termini tal-adeżjoni stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni dment li l-interessi tal-Unjoni ma jiġux affettwati b'mod negattiv mill-pożizzjoni ta' Partijiet oħrajn għall-FAP.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni skont l-Artikolu 1 għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li d-deċiżjoni tal-Kumitat FAP ikun fiha d-dispożizzjonijiet li jiżguraw dan li ġej:
1. |
jekk ma jkunx hemm ftehim dwar il-ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni li jkun jipprevedi perijodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit għandu l-permess jiddepożita l-istrument ta' adeżjoni tiegħu mad-Direttur Ġenerali tad-WTO, dment li jagħmel dan:
|
2. |
jekk qabel ma jgħaddu 30 jum wara li r-Renju Unit ikun iddepożita l-istrument ta' adeżjoni tiegħu, l-Unjoni tinnotifika lill-Kumitat FAP li r-Renju Unit għadu kopert mill-FAP Rivedut skont il-liġi tal-Unjoni, dak id-depożitu jitqies li ma jkunx sar fit-tifsira tal-Artikolu XXIV:2 tal-FAP tal-1994 u tal-Artikolu XXII:2 tal-FAP Rivedut. |
Artikolu 3
Fil-każ li l-liġi tal-Unjoni tibqa' tapplika għar-Renju Unit u fih, il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnotifika lill-Kumitat FAP, f'isem l-Unjoni, fi żmien 30 jum tad-depożitu tal-istrument ta' adeżjoni tar-Renju Unit, li r-Renju Unit għadu kopert mill-FAP Rivedut skont il-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Frar 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
ANNESS
IT-TERMINI TAL-UE TAL-ADEŻJONI TAR-RENJU UNIT MAL-GPA GĦALIH WAĦDU
Mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliċi għar-Renju Unit għalih waħdu:
— |
il-punt 1 tat-Taqsima 2 (“L-Awtoritajiet Kontraenti tal-Gvernijiet Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim rivedut għandu jinqara kif ġej:
|
— |
It-Taqsima 2 tal-Anness 6 għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim rivedut għandha tinqara kif ġej: “Meta l-kuntratti ta' konċessjoni ta' xogħol jingħataw minn entitajiet tal-Annessi 1 u 2 jiddaħħlu fir-reġim ta' trattament nazzjonali għall-provdituri ta' servizzi ta' kostruzzjoni tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja, tan-Netherlands f'isem Aruba, l-Iżvizzera, Montenegro u r-Renju Unit, dejjem jekk il-valur tagħhom ikun ta' 5 000 000 SDR jew iżjed, u għall-provdituri ta' servizzi ta' kostruzzjoni tal-Korea; dejjem jekk il-valur tagħhom ikun ta' 15 000 000 SDR jew iżjed”. |
— |
In-nota ta' qiegħ il-paġna għat-titolu “L-Unjoni Ewropea” għall-Annessi għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim rivedut u għat-titolu “Unjoni Ewropea” skont il-Ftehim tal-1994 għandha tinkludi in-nota' qiegħ il-paġna li ġejja: “Ir-referenzi kollha għall-awtoritajiet kontraenti u għall-entitajiet kontraenti tar-Renju Unit li fil-preżent jinsabu fl-Annessi għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea huma obsoleti”. |