ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 60

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
28 ta' Frar 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/334 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq f'każ ta' trasport bil-baħar mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, iċ-Channel Islands u Isle of Man u lejhom

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/335 tas-27 ta' Frar 2019 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni tax-xarba spirituża Tequila bħala indikazzjoni ġeografika

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/336 tas-27 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1141/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 fir-rigward tal-Istat Membru relatur għall-evalwazzjoni tal-1-methylcyclopropene, il-famoxadone, il-mancozeb, il-methiocarb, il-methoxyfenozide, il-pirimicarb, il-pirimiphos-methyl u t-thiacloprid ( 1 )

8

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/337 tas-27 ta' Frar 2019 li japprova s-sustanza attiva mefentrifluconazole, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

12

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/338 tal-20 ta' Frar 2019 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja (notifikata bid-dokument C(2019) 1481)

17

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/339 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tas-21 ta' Frar 2019 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti kummerċjali

20

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 246/2018 tal-5 ta' Diċembru 2018 li temenda l-Anness VI (Sigurtà soċjali) tal-Ftehim ŻEE [2019/340]

29

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/341]

31

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 21/2019 tat-8 ta' Frar 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/342]

34

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1497 tat-8 ta' Ottubru 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kategorija tal-ikel 17 u l-użu tal-addittivi tal-ikel fis-supplimenti tal-ikel ( ĠU L 253, 9.10.2018 )

35

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ( ĠU L 193, 30.7.2018 )

36

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/334

tad-19 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq f'każ ta' trasport bil-baħar mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, iċ-Channel Islands u Isle of Man u lejhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 131(b) u 265(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ, jew fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Ladarba r-Renju Unit isir pajjiż terz u fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ, il-merkanzija li tasal fit-territorju doganali tal-Unjoni mir-Renju Unit, se tkun soġġetta għall-obbligu ta' preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, u l-merkanzija li titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni għal destinazzjoni fir-Renju Unit se tkun soġġetta għall-obbligu ta' preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' qabel it-tluq. Dawk id-dikjarazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati f'limitu ta' żmien li jipprevedi biżżejjed żmien għall-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri biex iwettqu analiżi xierqa tar-riskju għal finijiet ta' sigurtà u sikurezza qabel il-wasla tal-merkanzija u qabel it-tluq tagħha, rispettivament, mingħajr ma jinħoloq l-ebda tfixkil serju fil-flussi u l-proċessi loġistiċi tal-operaturi ekonomiċi.

(3)

Skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2), bħalissa hemm stipulati limiti speċifiċi ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul jew ta' dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq għall-movimenti tal-merkanzija bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u kwalunkwe port fil-Baħar tat-Tramuntana. Ladarba r-Renju Unit isir pajjiż terz, jenħtieġ li għal dawk il-finijiet japplikaw l-istess limiti ta' żmien għall-merkanzija ttrasportata bil-baħar li tasal mill-portijiet jew titlaq lejn il-portijiet tar-Renju Unit li ma jinsabux fil-Baħar tat-Tramuntana. Għalhekk, jenħtieġ li l-limiti ta' żmien stipulati għall-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana japplikaw għall-portijiet kollha tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u taċ-Channel Islands u Isle of Man.

(4)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u japplika mill-għada tal-jum li fih ma jibqgħux japplikaw it-Trattati kemm għar-Renju Unit kif ukoll fih, sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 105(c), jiżdied il-punt li ġej:

“(vi)

il-portijiet kollha tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u ċ-Channel Islands u l-Isle of Man;”;

(2)

fl-Artikolu 244(1)(a), il-punt (ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

għal movimenti tal-merkanzija f'kontejners bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u Greenland, il-Gżejjer Faeroe, l-Iżlanda jew portijiet fuq il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar l-Iswed jew il-Mediterran, il-portijiet kollha tal-Marokk u l-portijiet kollha tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u ċ-Channel Islands u l-Isle of Man, sa mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorju doganali tal-Unjoni;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-għada tal-jum li fih ma jibqgħux japplikaw kemm għar-Renju Unit kif ukoll fih, skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sa dik id-data jkun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/335

tas-27 ta' Frar 2019

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni tax-xarba spirituża “Tequila” bħala indikazzjoni ġeografika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Consejo Regulador del Tequila (“l-applikant”), korp Messikan stabbilit skont il-liġi Messikana, applika għar-reġistrazzjoni ta' “Tequila”, bħala indikazzjoni ġeografika, fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17(1) ta' dak ir-Regolament. It-“Tequila” hija xarba spirituża li hija tradizzjonalment prodotta fl-Istati Uniti tal-Messiku permezz tad-distillazzjoni tal-meraq estratt mill-Agave tequilana F.A.C. Weber (tal-varjetà blu).

(2)

F'konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Tequila” mibgħuta mill-applikant.

(3)

Wara li kkonkludiet li l-applikazzjoni tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-fajl tekniku għat-“Tequila” f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, għall-finijiet tal-proċedura ta' oġġezzjoni.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 (3), l-Unión Española del Licor minn Spanja u l-Vinum et Spiritus mill-Belġju ressqu oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Tequila” bħala indikazzjoni ġeografika fil-limitu ta' żmien speċifikat. Il-Kummissjoni qieset li dawn iż-żewġ oġġezzjonijiet kienu ammissibbli skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013. Waslet ukoll oġġezzjoni mill-Unión de Licoristas Cataluña kif ukoll aktar informazzjoni mill-Unión Española del Licor u minn Vinum et Spiritus iżda dawn tqiesu bħala inammissibbli, f'konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013, billi ma kinux sottomessi fil-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(5)

Permezz ta' ittra datata l-4 ta' April 2017, il-Kummissjoni bagħtet iż-żewġ ilmenti ammissibbli lill-applikant u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn, f'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013. L-applikant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu fl-iskadenza meħtieġa, eżattament fit-3 ta' Ġunju 2017.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet mingħand l-applikant permezz ta' ittri datati l-31 ta' Lulju 2017 liż-żewġ persuni li oġġezzjonaw, li ngħataw xahrejn biex iressqu kwalunkwe kumment f'konformità mal-Artikolu 15(2) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni. Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba mingħand l-Unión Española del Licor fit-22 ta' Settembru 2017.

(7)

L-oġġezzjonijiet tal-Unión Española del Licor u ta' Vinum et Spiritus jirrigwardaw ir-rekwiżiti obbligatorji stabbiliti fl-Istandard Uffiċjali NOM-006-SCFI-2012 (xarbiet alkoħoliċi — Tequila — speċifikazzjonijiet) ippubblikati fid-Diario Oficial de la Federación fit-13 ta' Diċembru 2012 (4) (“L-Istandard Uffiċjali Messikan”) u msemmijin fil-fajl tekniku tat-“Tequila”, li jikkonċernaw: (a) ir-rekwiżiti ta' tikkettar fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-informazzjoni dwar is-saħħa u dawk tan-numri ta' referenza tal-produtturi awtorizzati; (b) ir-restrizzjonijiet fuq l-arranġamenti kummerċjali bejn il-fornituri u l-bottiljaturi rigward l-awtorizzazzjoni biex jużaw it-trademarks reġistrati jew sinjali distintivi oħra li jillimitaw l-abbiltà tal-bottiljaturi li jfornu ruħhom bil-prodott Messikan u li jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni tat-“Tequila” wara l-ibbottiljar għal ċerti trademarks awtorizzati, u b'hekk jostakolaw il-kummerċjalizzazzjoni għall-operaturi bit-trademarks proprji tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni speċifika; (c) ir-regoli għall-awtorizzazzjoni tal-operaturi fl-Unjoni li għandhom il-permess biex jibbottiljaw it-“Tequila” u l-preskrizzjonijiet għall-proċeduri tal-ibbottiljar; (d) ir-rekwiżiti ta' kontroll applikati biex jawtorizzaw lill-bottiljaturi fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll il-konsegwenzi stipulati fl-Istandard Uffiċjali Messikan f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità; (e) il-projbizzjoni ta' kummerċ bl-ingrossa tal-prodott “Tequila” tal-kategorija b'taħlita ta' zokkrijiet (li jkun fiha sa 49 % tat-total taz-zokkrijiet riduċenti ġejjin minn sorsi oħra minbarra z-zokkrijiet li joriġinaw mill-Agave tequilana F.A.C. Weber tal-varjetà blu) fl-Unjoni u l-projbizzjoni li wieħed iforni ruħu bit-“Tequila” tal-istess kategorija (jiġifieri dik bit-taħlita ta' zokkrijiet) bl-ingrossa permezz ta' pajjiżi terzi; u (f) ir-rekwiżit li t-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave trid tiġi bbottiljata f'impjant immaniġġjat mill-produtturi awtorizzati li jinsab fiż-żona ġeografika ddeżinjata fl-Istati Uniti tal-Messiku. Dawk li oġġezzjonaw jsostnu li dawn ir-rekwiżiti joħolqu lok għaċ-ċirkomvenzjoni, u huma inkompatibbli mal-kummerċ ħieles u mal-kompetizzjoni ħielsa fir-rigward tat-“Tequila” fl-Istati Membri, u b'mod partikolari jiksru l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(8)

L-applikant jiddikjara li jenħtieġ li l-oġġezzjonijiet jiġu rrifjutati u jingħaddu bħala inammissibbli għaliex ma ntużax il-mudell meħtieġ fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 minn dawk li oġġezzjonaw fis-sottomissjoni tagħhom, u li dawn tal-aħħar ma wrewx liema kundizzjonijiet speċifiċi għar-reġistrazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 ma ġewx issodisfati. L-applikant jafferma li l-għan prinċipali tas-sistema ta' kontrolli fuq l-ibbottiljar, il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni huwa li tiġi ggarantita t-traċċabbiltà u, konsegwentement, l-awtentiċità tat-“Tequila”. Barra minn hekk, l-applikant jiddikjara li kull operatur li jixtieq jibbottilja t-“Tequila” bl-ingrossa jista' jagħmel dan dment li huwa jikseb iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni ta' bottiljatur tat-Tequila u jidħol fi ftehim ta' responsabbiltà konġunta fir-rigward tat-trademark irreġistrata jew ta' xi sinjal distintiv ieħor.

(9)

Barra minn hekk, l-applikant jikkunsidra li l-ebda waħda minn dawn l-osservazzjonijiet li jqajmu dubji dwar l-applikazzjoni tal-Istandard Uffiċjali Messikan ma tikkostitwixxi raġuni għal oppożizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 minħabba li d-denominazzjoni “Tequila” hija diġà vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Messiku tas-27 ta' Mejju 1997 fuq ir-rikonoxximent komuni u l-protezzjoni tad-deskrizzjoni ta' spirti alkoħoliċi (“il-Ftehim tal-1997”) (5) li jistipula fl-Artikolu 4(2) tiegħu li fit-territorju tal-Unjoni, id-denominazzjoni protetta “Tequila” ma tistax tintuża mod ieħor għajr taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Messiku.

(10)

Rigward il-forma ta' oġġezzjonijiet imressqa mill-applikant, il-Kummissjoni qieset li l-oġġezzjonijiet mill-Unión Española del Licor u minn Vinum et Spiritus huma ammissibbli peress li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 13(1) u 14(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 billi l-informazzjoni kollha mitluba fil-formola “Talba għall-oġġezzjoni għal indikazzjoni ġeografika” stabbilita fl-Anness III ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni kienet ġiet ipprovduta fl-oġġezzjonijiet.

(11)

Rigward l-applikabbiltà tar-regoli li jinsabu fl-Istandard Uffiċjali Messikan, billi huwa regolament ta' pajjiż terz, il-Kummissjoni tqis li ma għandhiex effett extraterritorjali dirett fl-Unjoni. Madankollu, permezz tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-fajl tekniku għat-“Tequila” f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ċerti regoli mill-Istandard Uffiċjali Messikan jissemmew espressament u b'hekk ġew affermati li huma applikabbli għall-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni. Dawn jinkludu rekwiżiti ta' produzzjoni, dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar, u regoli dwar l-ibbottiljar tat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave, li huma stabbiliti jew imsemmija fil-pubblikazzjoni msemmija f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sistema li tippermetti lill-operaturi jew lill-awtoritajiet ta' pajjiż terz jipprevjenu d-distribuzzjoni ta' prodott fis-suq uniku kollu b'mod inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni wara l-importazzjoni tiegħu, ma jistgħux jiġu protetti permezz tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(12)

Fir-rigward tar-referenza għall-Ftehim tal-1997 li jipproteġi t-“Tequila” fit-territorju tal-Unjoni, qed jitfakkar li l-protezzjoni possibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 ssegwi strateġija legali differenti, indipendenti minn dik stabbilita mill-Ftehim tal-1997. Minħabba li l-applikant iddeċieda li japplika għall-protezzjoni individwali tal-indikazzjoni ġeografika “Tequila” skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 minbarra l-protezzjoni taħt il-Ftehim tal-1997, jenħtieġ li jiġi kkjarifikat li l-protezzjoni taħt iż-żewġ strumenti tapplika skont ir-regoli rispettivi ta' kull strument.

(13)

Il-Kummissjoni evalwat l-argumenti u l-evidenza pprovduti minn dawk li oġġezzjonaw u mill-applikant, u kkonkludiet li jenħtieġ li d-denominazzjoni “Tequila” tiġi rreġistrata bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 skont il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

(14)

Fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmijin fil-punt (a) fil-premessa (7), l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli addizzjonali dwar il-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, u t-tikkettar li huma aktar stretti minn dawk stipulati fl-Anness II ta' dak ir-Regolament sa fejn huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) ta' dak ir-Regolament għandu jiġi applikat mutatis mutandis għar-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi. Mill-Istandard Uffiċjali Messikan u mit-Taqsima 9 tal-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-fajl tekniku tat-“Tequila”, jidher li l-Istati Uniti tal-Messiku jipprevedu regoli aktar stretti dwar it-tikkettar tal-prodotti kollha tat-“Tequila” komplimentari għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 110/2008. Ir-regoli inkwistjoni jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-informazzjoni dwar is-saħħa, in-numri ta' referenza u l-ismijiet u l-indirizzi li jidentifikaw il-produtturi jew il-bottiljaturi awtorizzati. Dawn ir-rekwiżiti mhumiex inkonsistenti mar-regoli tal-Unjoni dwar it-tikkettar u b'mod partikolari dawk li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Ir-rekwiżit li l-operaturi jiġu identifikati b'numru ta' referenza jew b'isem u b'indirizz huwa ġustifikabbli f'ġieħ it-trasparenza u t-traċċabbiltà u mhuwiex rekwiżit mhux raġonevoli. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunijiet għall-oppożizzjoni li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' tikkettar mhumiex fondati u jridu jiġu rrifjutati.

(15)

Ir-restrizzjonijiet fuq arranġamenti kummerċjali bejn il-fornituri u dawk li jibbottiljaw imsemmija fil-punt (b) tal-premessa (7) u r-regoli għall-awtorizzazzjoni tal-bottiljaturi fl-Unjoni u l-proċeduri għal dawn l-awtorizzazzjonijiet msemmija fil-punt (c) tal-premessa (7) huma ġġustifikati fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-prevenzjoni tal-frodi. Ir-regoli huma applikati b'mod espliċitu għat-tikkettar ta' prodott maħsub għall-esportazzjoni kif iddikjarat fit-tieni paragrafu tat-Taqsima 9 tal-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-fajl tekniku għat-“Tequila” ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jirreferi għall-użu tat-terminu “Tequila” u għat-trademarks irreġistrati jew għal sinjali distintivi oħra skont il-ftehim tar-responsabbiltà konġunta rreġistrat fl-Uffiċċju Messikan tal-Privattivi u tat-Trademarks. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli u l-arranġamenti sa fejn dawn japplikaw għall-użu tat-terminu “Tequila” fl-Unjoni huma proporzjonati u ġustifikati u r-raġunijiet ta' oppożizzjoni mhumiex fondati u jridu jiġu rrifjutati.

(16)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' kontroll applikati għall-bottiljaturi awtorizzati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-konsegwenzi stipulati fl-Istandard Uffiċjali Messikan fil-każijiet ta' nuqqas ta' konformità msemmija fil-punt (d) tal-premessa (7), l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq, li fir-rigward tat-“Tequila” għall-bejgħ lill-konsumaturi, jinkludu l-attivitajiet tal-ibbottiljar, u b'mod partikolari jeħtieġu li l-verifika tal-konformità tkun żgurata mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż terz jew minn korp(ijiet) ta' ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar għal prodott li joriġina f'pajjiż terz. Il-Kummissjoni tosserva li l-proċeduri ta' verifika u azzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità huma ġġustifikati fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-prevenzjoni tat-taħlit u tal-frodi li huma diffiċli biex jinqabdu għal tali prodott. Sakemm l-Istandard Uffiċjali Messikan jipprevedi verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-fajl tekniku, qabel it-tqegħid fis-suq tat-“Tequila” maħsub għall-bejgħ lill-konsumaturi fis-suq tal-Unjoni, ir-regoli huma f'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunijiet tal-oppożizzjoni li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kontroll mhumiex fondati u jridu jiġu rrifjutati.

(17)

F'dak li jirrigwarda l-allegata projbizzjoni tal-kummerċ bl-ingrossa tal-prodott “Tequila” tal-kategorija bit-taħlita ta' zokkrijiet fl-Unjoni msemmija fil-punt (e) tal-premessa (7), il-Kummissjoni tinnota li l-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-fajl tekniku għat-“Tequila” f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tiddettalja biss ir-regola speċifika għall-projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-prodott bl-ingrossa għat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave, u ma hemm l-ebda referenza li tipprojbixxi l-kummerċ fi ħdan is-suq uniku tat-“Tequila” tal-kategorija bit-taħlita taz-zokkrijiet bl-ingrossa ladarba tkun ġiet importata fl-Unjoni.

(18)

F'dak li jirrigwarda l-allegata projbizzjoni fuq il-ksib bl-ingrossa tat-“Tequila” tal-kategorija bit-taħlita taz-zokkrijiet permezz ta' pajjiżi terzi li tirriżulta mir-rekwiżit li jiġi konkluż ftehim ta' responsabbiltà konġunta rreġistrat fl-Uffiċċju Messikan tal-Privattivi u tat-Trademarks għall-provvista ta' prodott bl-ingrossa u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-prevenzjoni tal-frodi, il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikat li jintalab li x-xiri ta' prodott bl-ingrossa minn barra l-Unjoni jista' jsir biss minn produtturi fil-pajjiż tal-oriġini. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunijiet ta' oppożizzjoni li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet fuq prodott bl-ingrossa mhumiex fondati u jridu jiġu rrifjutati.

(19)

Fir-rigward tal-oġġezzjoni li r-rekwiżit tal-ibbottiljar obbligatorju fiż-żona ġeografika demarkata li japplika għat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave msemmija fil-punt (f) fil-premessa (7) mhuwiex f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi ddikjarat li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013, kwalunkwe restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-ibbottiljar ta' xorb spirituż fi ħdan iż-żona ġeografika demarkata jridu jiġu ġġustifikati fil-fajl tekniku peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-merkanzija u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan is-suq uniku. Id-dritt tal-Unjoni ma japplikax biex jiddetermina jekk pajjiż terz jistax jirrestrinġi l-ibbottiljar fit-territorju tiegħu, iżda japplika biex jimpedixxi r-restrizzjonijiet tal-ibbottiljar mill-ġdid jew tal-ibbottiljar ta' prodott bl-ingrossa fi ħdan l-Unjoni, jekk tali prodotti bl-ingrossa kienu esportati fl-Unjoni minn pajjiż terz. Such restrictions can only be allowed if they are necessary, proportionate and suitable to protect the reputation of the geographical indication. (7)

(20)

Fit-Taqsima 7 tal-ispeċifikazzjoni prinċipali tal-fajl tekniku, l-applikant jiddikjara li l-għan tar-restrizzjoni tal-ibbottiljar huwa li tippreżerva l-akbar kumplessità organolettika tal-prodott li tista' tiġi pperikolata mit-trasport bl-ingrossa billi ma jiżdiedu ebda zokkrijiet oħra għajr dawk miksuba mill-Agave tequilana F.A.C. Weber (tal-varjetà blu). L-applikant isostni wkoll li raġuni oħra għar-restrizzjoni tal-ibbottiljar huwa li tippreżerva r-reputazzjoni tat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave li hija bbażata essenzjalment fuq karatteristiċi partikolari u b'mod aktar ġenerali fuq il-kwalità tal-prodott li tirriżulta mill-għarfien tal-produtturi awtorizzati lokali u li tista' tkun ipperikolata minħabba r-riskju ta' taħlit u frodi li huma diffiċli li jinqabdu. Minkejja l-effett restrittiv tiegħu, ir-rekwiżit inkwistjoni jrid jitqies bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk jintwera li huwa dan huwa neċessarju u proporzjonat u kapaċi jżomm ir-reputazzjoni konsiderevoli li bla dubju tgawdi fost il-klijenti tagħha d-denominazzjoni Messikana “Tequila”. Mill-informazzjoni li tinsab fil-fajl tekniku jirriżulta li r-restrizzjoni tal-ibbottiljar hija limitata għal kategorija waħda biss ta' “Tequila”, u ma tirrappreżentax ostakolu għall-importazzjoni bl-ingrossa fl-Unjoni tat-“Tequila” tal-kategorija bit-taħlita li fiha sa 49 % zokkor minn sorsi oħra għajr mill-materja prima li għaliha din ir-restrizzjoni ma tapplikax. Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tar-restrizzjoni huwa limitat għaż-żona ġeografika demarkata għat-“Tequila” li hija limitata għal ħames stati Messikani. L-evidenza pprovduta mill-applikant turi din li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata bħala miżura proporzjonata u xierqa biex tippreżerva l-garanzija tal-kompożizzjoni tal-prodott u tar-reputazzjoni tiegħu fost il-konsumaturi. Barra minn hekk, ma ġew indikati l-ebda miżuri alternattivi inqas restrittivi li jistgħu jiksbu livell adegwat ta' kontroll. Għalhekk, il-ġustifikazzjoni meħtieġa tar-restrizzjoni fuq l-ibbottiljar obbligatorju tat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave, hija kompatibbli mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013.

(21)

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet ipprovduti fl-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Tequila” fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, li tikkonċerna l-ibbottiljar obbligatorju fiż-żona ġeografika demarkata li tapplika għat-“Tequila” tal-kategorija bil-100 % Agave mhumiex fondati u jridu jiġu rrifjutati.

(22)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u f'konformità mal-Artikolu 17(8) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-“Tequila” bħala indikazzjoni ġeografika tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li d-denominazzjoni “Tequila” tiġi protetta u reġistrata bħala indikazzjoni ġeografika fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(23)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 110/2008 jiġi emendat skont dan.

(24)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, fil-kategorija tal-prodotti “Xorb spirituż ieħor” tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Tequila

L-Istati Uniti tal-Messiku

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)   ĠU C 255, 14.7.2016, p. 5.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta' Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 21).

(4)  NORMA Oficial Mexicana NOM-006-SCFI-2012, Bebidas alcohólicas - Tequila - Especificaciones, ippubblikat fil-Mexican Diario Oficial (Il-Ġurnal Uffiċjali Messikan) fit-13 ta' Diċembru 2012.

(5)   ĠU L 152, 11.6.1997, p. 15. Il-Ftehim tal-1997 ġie implimentat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 936/2009 (ĠU L 264, 8.10.2009, p. 5).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(7)  Il-premessa (6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013.


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/336

tas-27 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1141/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 fir-rigward tal-Istat Membru relatur għall-evalwazzjoni tal-1-methylcyclopropene, il-famoxadone, il-mancozeb, il-methiocarb, il-methoxyfenozide, il-pirimicarb, il-pirimiphos-methyl u t-thiacloprid

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (3) allokaw lir-Renju Unit, bħala l-Istat Membru relatur, l-evalwazzjoni ta' ċerti sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(2)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(3)

Dan l-abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ kif maqbul bejn in-negozjaturi, u approvat mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), fih arranġamenti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit waqt perjodu ta' tranżizzjoni u fih lil hinn mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti se tapplika għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim u se jieqaf japplika fit-tmiem ta' dak il-perjodu. Madankollu, anke jekk il-ftehim dwar il-ħruġ jiġi rratifikat mill-UE u r-Renju Unit, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni r-Renju Unit ma jistax jaġixxi bħala l-awtorità ewlenija għall-valutazzjonijiet tar-riskju, l-eżamijiet, l-approvazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell tal-Istati Membri waqt li jaġixxi b'mod konġunt kif imsemmi, fost oħrajn, fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu allokati lil Stati Membri oħra l-evalwazzjonijiet tas-sustanzi attivi li għalihom ir-Renju Unit huwa l-Istat Membru relatur u li mistenni li ser toħroġ deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom qabel it-30 ta' Marzu 2019. Is-sustanzi attivi kkonċernati huma l-1-methylcyclopropene, il-famoxadone, il-mancozeb, il-methiocarb, il-methoxyfenozide, il-pirimicarb, il-pirimiphos-methyl u t-thiacloprid.

(5)

Dik l-allokazzjoni jenħtieġ li tiżgura bilanċ fit-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-ħidma bejn l-Istati Membri.

(6)

Billi l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi kkonċernati hija fi stadju avvanzat u x-xogħol li jrid isir huwa mistenni li jkun żgħir, jenħtieġ li ma jiġix allokat Stat Membru korelatur għal dik l-evalwazzjoni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 jiġu emendati kif xieraq.

(8)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mit-30 ta' Marzu 2019. Madankollu, f'każ li jiġi estiż il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika mill-jum wara dak li fih tieqaf tapplika l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għar-Renju Unit u fih, peress li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (4), il-waqfien tal-applikazzjoni tal-atti ffissati f'data partikolari jseħħ meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li taħbat f'dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 1141/2010 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta' Marzu 2019.

Madankollu, fejn ittieħdet deċiżjoni biex jiġi estiż il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum wara dak li fih il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 tas-26 ta' Lulju 2012 li jalloka lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta' tiġdid, l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 5).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

(4)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).


ANNESS I

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-entrata għall-1-methyl-cyclopropene hija sostiwtita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“1-methyl-cyclopropene

NL”

 

(b)

l-entrata għall-Mancozeb hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Mancozeb

EL”

 

(c)

l-entrata għall-Methiocarb hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Methiocarb

DE”

 

(d)

l-entrata għall-Methoxyfenozide hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Methoxyfenozide

SK”

 

(e)

l-entrata għall-Pirimicarb hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Pirimicarb

SE”

 

(f)

l-entrata għall-Pirimiphos-methyl hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Pirimiphos-methyl

FR”

 

(g)

l-entrata għat-Thiacloprid hija sostitwita b'dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru relatur

Stat Membru korelatur

“Thiacloprid

DE”

 


ANNESS II

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010, l-entrata għall-Famoxadone hija sostitwita b'dan li ġej:

Kolonna A

 

Kolonna B

Kolonna C

Kolonna D

“Famoxadone

2012

FI

 

Il-31 ta' Awwissu 2012”


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/337

tas-27 ta' Frar 2019

li japprova s-sustanza attiva mefentrifluconazole, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fid-29 ta' Frar 2016 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand BASF Agro B.V. għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva mefentrifluconazole.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-30 ta' Marzu 2016 ir-Renju Unit, bħala l-Istat Membru relatur, innotifika lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(3)

Fil-25 ta' April 2017, l-Istat Membru relatur issottometta abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni, b'kopja lill-Awtorità, li fih ġie vvalutat jekk dik is-sustanza attiva hix mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, hija talbet lill-applikant jibgħat iktar informazzjoni lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni u lilha stess. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru relatur tressqet quddiem l-Awtorità fil-format ta' abbozz aġġornat tar-rapport ta' valutazzjoni fl-1 ta' Frar 2018.

(5)

Fil-5 ta' Lulju 2018, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar jekk is-sustanza attiva mefenentfluconazole tistax tiġi mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.

(6)

Fir-rigward tal-kriterji l-ġodda biex jiġu identifikati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali introdotti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (3), li sar applikabbli fl-10 ta' Novembru 2018 u d-dokument ta' gwida konġunt biex jiġu identifikati s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (4), il-konklużjoni tal-Awtorità tiddeduċi li mhuwiex probabbli li l-mefenentfluconazole huwa interferent endokrinali permezz ta' modalitajiet estroġeniċi, androġeniċi, tirojdoġeniku u sterojdoġeniċi. Barra minn hekk, abbażi tal-evidenza disponibbli u skont il-gwida għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, huwa improbabbli li l-mefentrefluconazole jkun interferent endokrinali għall-ħut meta jitqies li l-modalitajiet ta' ttestjar ġew koperti b'mod xieraq. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-mefenentfluconazole ma għandux jitqies li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali.

(7)

Fit-12 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami għall-mefentrefluconazole lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf u fil-25 ta' Jannar 2019, ippreżentat abbozz ta' Regolament li jipprevedi l-approvazzjoni tal-mefenentfluconazole.

(8)

L-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' reviżjoni.

(9)

Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b'mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta' reviżjoni.

(10)

Għaldaqstant, jixraq li l-mefentrifluconazole jiġi approvat.

(11)

Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva mefentrifluconazole, kif inhu speċifikat fl-Anness I, hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) (2018). “Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance BAS 750 F (mefentrifluconazole)”. (Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva BAS 750 F (mefentrifluconazole)). EFSA Journal 2018;16(7):5379, 32 pp, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5379.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta' April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).

(4)  L-ECHA (Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi) u l-EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) bl-appoġġ tekniku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), Andersson N, Arena M, Auteri D, Barmaz S, Grigard E, Kienzler A, Lepr P, Lostia AM, Mun S, Parra Morte JM, Pellizzato F, Taraona J, Terrron A u Van der Linden S, 2018. “Guidance for the identification of endocrine disruptors in the context of Regulations (EU) No 528/2012 and (EC) No 1107/2009” (Gwida għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 528/2012 u (KE) Nru 1107/2009). EFSA Journal 2018;16(6):5311, 135 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5311. ECHA-18-G-01-EN.

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni,

Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Mefentrifluconazole

Nru CAS: 1417782-03-6

Nru CIPAC: Mhux assenjat

(2RS)-2-[4-(4-klorofenossi)-2-(trifluworometil)fenil]-1-(1H-1,2,4-triażol-1-il)propan-2-ol

≥ 970 g/kg

L-impurità tal-N, N-dimetilformammid ma għandhiex taqbeż l-0,5 μg/kg f'materjal tekniku.

L-impurità toluwen ma għandhiex taqbeż l-1 g/kg fil-materjal tekniku.

L-impurità tal-1, 2, 4-dimetilformammid ma għandhiex taqbeż l-1 μg/kg f'materjal tekniku.

l-20 ta' Marzu 2019

l-20 ta' Marzu 2029

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-mefentrifluconazole, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ b'mod partikulari l-affarijiet li ġejjin:

il-protezzjoni tal-operaturi, filwaqt li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni personali xieraq;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi.

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju, bħal żoni ta' lqugħ u/jew strippi veġetattivi, fejn xieraq.

L-applikant għandu jibgħat informazzjoni ta' konferma lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità b'rabta mal-affarijiet li ġejjin:

1.

l-ispeċifikazzjoni teknika tas-sustanza attiva kif immanifatturata (abbażi tal-produzzjoni fuq skala kummerċjali) u l-konformità tal-lottijiet għall-istudji tossikoloġiċi mal-ispeċifikazzjoni teknika kkonfermata;

2.

l-effett ta' proċessi ta' trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, meta l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' taħt l-art huwa estratt għal ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-punt 1 sal-20 ta' Marzu 2020 u l-informazzjoni msemmija fil-punt 2 fi żmien sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Isem Komuni,

Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“132

Mefentrifluconazole

Nru CAS: 1417782-03-6

Nru CIPAC: Mhux assenjat

(2RS)-2-[4-(4-klorofenossi)-2-(trifluworometil)fenil]-1-(1H-1,2,4-triażol-1-il)propan-2-ol

≥ 970 g/kg

L-impurità tal-N, N-dimetilformammid ma għandhiex taqbeż l-0,5 μg/kg f'materjal tekniku.

L-impurità toluwen ma għandhiex taqbeż l-1 g/kg fil-materjal tekniku.

L-impurità tal-1, 2, 4 N-dimetilformammid ma għandhiex taqbeż l-1 μg/kg f'materjal tekniku.

l-20 ta' Marzu 2019

l-20 ta' Marzu 2029

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-mefentrifluconazole, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu każ b'mod partikulari l-affarijiet li ġejjin:

il-protezzjoni tal-operaturi, filwaqt li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni personali xieraq;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi.

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju, bħal żoni ta' lqugħ u/jew strippi veġetattivi, fejn xieraq.

L-applikant għandu jibgħat informazzjoni ta' konferma lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità b'rabta mal-affarijiet li ġejjin:

1.

l-ispeċifikazzjoni teknika tas-sustanza attiva kif immanifatturata (abbażi tal-produzzjoni fuq skala kummerċjali) u l-konformità tal-lottijiet għall-istudji tossikoloġiċi mal-ispeċifikazzjoni teknika kkonfermata;

2.

l-effett ta' proċessi ta' trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, meta l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' taħt l-art huwa estratt għal ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-punt 1 sal-20 ta' Marzu 2020 u l-informazzjoni msemmija fil-punt 2 fi żmien sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


DEĊIŻJONIJIET

28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/338

tal-20 ta' Frar 2019

dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2019) 1481)

(It-test Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-iskadenza tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fl-20 ta' Awwissu 2018, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 (2) attivat sorveljanza msaħħa għall-Greċja għal perjodu ta' sitt xhur, mill-21 ta' Awwissu 2018.

(2)

Jenħtieġ li l-Greċja tissokta bir-riformi istituzzjonali u strutturali ewlenin fuq terminu medju sabiex taċċerta l-ikkompletar u l-effettività sħiħa tagħhom, filwaqt li tibni fuq l-għadd sostanzjali ta' azzjonijiet implimentati minnha taħt il-programm ta' assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“il-programm”). Għal dan l-għan, il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati taħt il-programm u biex tissalvagwardja l-objettivi tar-riformi importanti adottati taħt dan il-programm u l-predeċessuri tiegħu.

(3)

Il-Greċja impenjat ruħha wkoll biex timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta' politiki fiskali u fiskali-strutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f'anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jindirizzaw sorsi potenzjali ta' diffikultajiet ekonomiċi tal-Greċja.

(4)

Sa mill-2010, il-Greċja rċeviet ammont sostanzjali ta' assistenza finanzjarja, u b'konsegwenza ta' hekk, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jammontaw għal total ta' EUR 243 700 miljun. Il-Greċja rċeviet sostenn finanzjarju mis-sħab Ewropej tagħha fuq termini konċessjonali u fl-2012 ġew adottati miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli u għal darb'oħra fl-2017 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. Fit-22 ta' Ġunju 2018, intlaħaq qbil politiku fil-Grupp tal-Euro biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali biex tiġi aċċertata s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-miżuri jinkludu l-estensjoni tal-maturitajiet medji ponderati b'10 snin oħra, id-differiment tal-imgħax u l-amortizzament b'10 snin oħra kif ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri oħra ta' dejn. Darbtejn fis-sena jista' jsir qbil fil-Grupp tal-Euro dwar żewġ miżuri addizzjonali (l-abolizzjoni taż-żieda fil-marġni tar-rata tal-imgħax relatata mas-segment tax-xiri lura tad-dejn tal-programm tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja mill-2018 u t-treġġigħ lura tat-trasferiment ta' ammonti ekwivalenti għall-introjtu li daħħlu l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-bonds tal-gvern Grieg miżmuma fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli) abbażi ta' rapportar pożittiv fl-ambitu tas-sorveljanza msaħħa tal-konformità tal-Greċja mal-impenji ta' politika tagħha għal wara l-programm.

(5)

Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Greċja ilu pożittiv mill-2016. Il-Greċja hija mistennija li tkun laħqet il-mira ta' surplus primarju ta' 3,5 % tal-Prodott Domestiku Gross fl-2018 u hija pproġettata li tikseb il-mira matul it-terminu medju. Is-self nett estern qaleb għall-pożittiv fl-2015, u ta indikazzjoni ta' defiċits żgħar biss minn hemm 'il quddiem. L-ekonomija kompliet tirpilja, bi tkabbir ta' 2,0 % fl-2018, u l-qgħad beda jonqos. Il-Greċja tat bidu għal aġenda ta' riforma strutturali wiesgħa biex ittejjeb l-ambjent ta' negozju u l-kompetittività tagħha fl-ambitu tal-programmi ta' assistenza finanzjarja u ilha tieħu miżuri f'dan il-qasam minn Awwissu 2018.

(6)

Madanakollu, minkejja dawn ir-riformi, il-Greċja għadha qed tesperjenza żbilanċi u vulnerabbiltajiet sinifikanti fl-istokk akkumulat fl-imgħoddi. B'mod partikolari, kif ġie identifikat ukoll mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019 tal-Kummissjoni, imħejji skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Greċja qed taffaċċja xi diffikultajiet. Id-dejn pubbliku huwa stmat li laħaq il-182,8 % tal-Prodott Domestiku Gross fi tmiem it-tielet kwart tal-2018, l-ogħla livell fl-Unjoni. Il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta ta' – 140,5 % tal-Prodott Domestiku Gross fl-2017 tibqa' wkoll għolja ħafna; barra minn hekk, minkejja li l-kont kurrenti qiegħed qrib il-bilanċ, għadu mhuwiex biżżejjed biex jappoġġa tnaqqis tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta kbira għal livelli prudenti b'ritmu sodisfaċenti. Filwaqt li l-qgħad kompla jonqos mil-livell massimu tiegħu ta' 27,9 % fl-2013, kien għadu ta' 18,6 % f'Ottubru 2018. Il-qgħad fuq terminu twil (13,5 % fit-tielet trimestru tal-2018) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (39,1 % f'Novembru 2018) ukoll għadhom għoljin ħafna. L-ambjent tan-negozju u s-sistema ġudizzjarja għadhom jeħtieġu titjib addizzjonali konsiderevoli, peress li l-Greċja xorta għadha ferm lura mix-xefaq tal-aħjar prestazzjoni f'diversi oqsma tal-komponenti strutturali ta' indikaturi komparattivi ewlenin (eż. il-ħin meħud biex tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja, l-infurzar tal-kuntratti, ir-reġistrazzjoni ta' proprjetà, ir-riżoluzzjoni tal-insolvenza, eċċ.).

(7)

Filwaqt li s-settur bankarju għadu kapitalizzat biżżejjed, għadu jaffaċċja sfidi marbuta ma' stokkijiet kbar ta' skoperturi improduttivi u ma' livelli baxxi ta' profittabbiltà, filwaqt li għad hemm rabtiet b'saħħithom mal-Istat. Fi tmiem Settembru 2018, l-istokk ta' skoperturi improduttivi kien għadu għoli ħafna b'EUR 84,7 biljun jew 46,7 % tal-iskoperturi totali fil-karta tal-bilanċ. Il-Greċja adottat riformi ewlenin fl-ambitu tal-programm, u beħsiebha tiżviluppa għodod addizzjonali fi żmien qasir, biex issaħħaħ il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-iskoperturi improduttivi u b'hekk tiffaċilita t-trażżin tad-dejn fil-karti tal-bilanċ tal-banek. Minkejja dan, se jkun hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex ikun hemm livelli sostenibbli tal-proporzjon ta' skoperturi improduttivi, u biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jitħallew jissodisfaw il-funzjoni ta' intermedjazzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji f'kull ħin.

(8)

Wara li nqatgħet mis-self tas-suq finanzjarju mill-2010 'l hawn, il-Greċja bdiet terġa' takkwista aċċess għas-suq permezz ta' ħruġ ta' bonds tal-gvern minn Lulju 2017. Il-Greċja kellha sessjoni ta' ħruġ ta' bonds li rnexxiet fi tmiem Jannar 2019, li kienet l-ewwel sessjoni tagħha minn mindu ħarġet mill-programm. Il-kundizzjonijiet ta' self tal-Greċja għadhom madanakollu fraġli fl-isfond tar-riskji ekonomiċi esterni u tal-isfidi interni biex tinżamm implimentazzjoni tar-riformi fuq terminu medju.

(9)

Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel valutazzjoni tagħha taħt sorveljanza msaħħa dwar il-Greċja fil-21 ta' Novembru 2018. Il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u riflessa fil-Komunikazzjoni tagħha ddeskriviet il-progress dwar l-impenji ġenerali u speċifiċi tal-Greċja fir-rigward tar-riformi li ħadet fil-Grupp tal-Euro u kkonkludiet li l-implimentazzjoni tar-riformi mxiet 'il quddiem iżda li kien hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Greċja dwar ir-riformi (4).

(10)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-istabbiliment tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 għadhom preżenti. B'mod partikolari, il-Greċja għadha qed taffaċċja riskji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha li, jekk jimmaterjalizzaw, jista' jkollhom effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Jekk jimmaterjalizzaw xi effetti kollaterali, dawn jistgħu jseħħu indirettament billi jkollhom impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u b'hekk fuq l-ispejjeż ta' rifinanzjament għall-banek u s-sovrani fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

(11)

Għaldaqstant, fuq terminu medju, il-Greċja teħtieġ li tkompli tadotta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u timplimenta riformi strutturali bħala sostenn għal irkupru ekonomiku robust u sostenibbli, bil-ħsieb li jittaffew l-effetti ta' diversi fatturi li tħallew b'legat. Dawn il-fatturi jinkludu majnar serju u fit-tul fir-ritmu ekonomiku matul il-kriżi; id-daqs tal-piż tad-dejn tal-Greċja; il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju tagħha; l-interkonnessjonijiet relattivament b'saħħithom u kontinwi bejn is-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi Griegi, inkluż permezz ta' sjieda mill-Istat; ir-riskju ta' kontaġju ta' tensjonijiet severi f'xi wieħed minn dawn is-setturi lil Stati Membri oħra, kif ukoll l-esponiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għad-dejn sovran Grieg.

(12)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi ssorveljat l-issodisfar tal-impenji mmirati apposta għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li s-sorveljanza msaħħa tal-Greċja tiġi estiża skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

(13)

Il-Greċja ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta' ittra mibgħuta fl-14 ta' Frar 2019. Fit-tweġiba tagħha tal-15 ta' Frar 2019, il-Greċja fil-biċċa l-kbira qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li qed taffaċċja, li hija l-bażi għall-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa.

(14)

Il-Greċja se tkompli tibbenefika mill-appoġġ tekniku taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (kif stipulat fir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)) għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi, inkluż għat-tkomplija u t-tlestija ta' riformi ewlenin f'konformità mal-impenji ta' politika ssorveljati taħt sorveljanza msaħħa.

(15)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, fil-kuntest tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tagħha, fl-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan il-perjodu ta' sorveljanza msaħħa tal-Greċja skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 attivat mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1192 għandu jiġi estiż għal perjodu ta' sitt xhur, li jibda mill-21 ta' Frar 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Pierre MOSCOVICI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 tal-11 ta' Lulju 2018 dwar l-attivazzjoni ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja (ĠU L 211, 22.8.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar is-Sorveljanza Msaħħa — il-Greċja, Novembru 2018, id-Dokument Istituzzjonali 90, Novembru 2018.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/20


DEĊIŻJONI (UE) 2019/339 TAL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

tas-21 ta' Frar 2019

dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti kummerċjali

IL-PRESIDENT tal-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipula li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Dan l-Artikolu jistabbilixxi għadd ta' drittijiet proċedurali li japplikaw għall-partijiet interessati involuti fi proċedimenti amministrattivi li jistgħu jaffettwaw l-interessi tagħhom.

(2)

Fl-2007, il-Kummissjoni ħolqot il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta, sabiex tissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati u tiżgura li l-proċedimenti kummerċjali jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli. Mill-2007 sal-2012, dan ir-rwol ġie fdat lil uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ li għandu esperjenza fi kwistjonijiet ta' difiża tal-kummerċ.

(3)

Fl-2012, sabiex isaħħaħ ir-rwol tal-uffiċjal tas-seduta, u biex isaħħaħ it-trasparenza u l-korrettezza tal-proċeduri kummerċjali, il-President tal-Kummissjoni adotta d-Deċiżjoni 2012/199/UE (2). Sabiex titqies l-esperjenza tal-passat, l-iżviluppi legali l-ġodda inkluż ir-referenza għar-rwol tal-uffiċjal tas-seduta fir-Regolamenti (UE) 2016/1036 (3) u (UE) 2016/1037 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll iż-żieda tar-restrizzjonijiet proċedurali, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi sostitwita.

(4)

Din il-funzjoni jenħtieġ li tiġi attribwita lil persuna indipendenti b'esperjenza fil-proċedimenti kummerċjali. L-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jinħatar mill-Kummissjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni. Skont dawk ir-regoli, għandha tingħata attenzjoni lill-kandidati li ma jkunux uffiċjali tal-Kummissjoni.

(5)

Sabiex tiġi żgurata indipendenza sħiħa, għal għanijiet amministrattivi, l-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jkun assenjat mal-membru tal-Kummissjoni li jkun responsabbli għall-politika kummerċjali.

(6)

Il-kompiti ewlenin tal-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jinkludu l-għoti ta' pariri lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u lid-Direttur Ġenerali responsabbli għall-politika kummerċjali (“id-Direttur Ġenerali”), li jiggarantixxi d-drittijiet proċedurali, jiddeċiedi dwar talbiet għal aċċess għall-fajl, li jieħu deċiżjonijiet dwar in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti u jirrevedi l-pożizzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-estensjoni tal-iskadenzi. L-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jfittex li jiżgura li fit-tħejjija tal-abbozz tal-atti legali jew tal-proposti, tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-fatti kollha rilevanti, kemm dawk favorevoli kif ukoll dawk li mhumiex għall-partijiet ikkonċernati.

(7)

L-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jiżgura li l-opportunitajiet mogħtija lill-partijiet interessati għall-preżentazzjoni tal-evidenza tal-fatti u d-difiża tal-interessi tagħhom matul il-proċediment ikunu tali li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom bl-aktar mod effettiv.

(8)

L-intervent tal-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jsir b'mod li jkun jista' jiġi implimentat kwalunkwe segwitu, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-limiti ta' żmien tal-proċedimenti.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-mod u ċ-ċirkostanzi li fihom l-uffiċjal tas-seduta jista' jintervjeni, u jiġu stabbiliti r-regoli għall-organizzazzjoni, it-twettiq u s-segwitu ta' tali interventi.

(10)

Is-setgħa tal-uffiċjal tas-seduta li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità u l-iskadenzi, għandha għax tipprovdi lill-partijiet involuti fil-proċedura kummerċjali garanzija proċedurali addizzjonali mingħajr ma jiġu ostakolati l-kondotta xierqa u t-tlestija fil-ħin tal-proċedimenti.

(11)

Ir-rapporti tal-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jiżguraw li l-kwistjonijiet ewlenin trattati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jinġiebu għall-attenzjoni ta' dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet u b'hekk jipprovdu garanzija addizzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-partijiet milquta minn proċediment kummerċjali. Ir-rapporti annwali tal-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ ukoll li jgħarrfu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-uffiċjal tas-seduta.

(12)

Meta tiġi pproċessata d-data personali, l-uffiċjal tas-seduta jenħtieġ li jaderixxi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(13)

Din id-Deċiżjoni jeħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali li jipprovdu jew jeskludu l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-uffiċjal tas-seduta

Għandha tinħoloq funzjoni speċifika ta' uffiċjal tas-seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

Il-kompitu tal-uffiċjal tas-seduta għandu jkun li jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati previsti fir-Regolamenti li ġejjin (“ir-Regolamenti bażiċi”) u jiżgura li l-proċedimenti kummerċjali jiġu trattati b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli:

(a)

Ir-Regolament (UE) 2016/1036 u b'mod partikolari l-Artikolu 5(10) u (11), l-Artikolu 6(5) sa (8), l-Artikolu 8(3), (4) u (9), u l-Artikoli 18 sa 21 tiegħu,

(b)

Ir-Regolament (UE) 2016/1037 u b'mod partikolari l-Artikoli 10(12) u (13), l-Artikolu 11(5) sa (8) u (10), l-Artikolu 1 (3), (4) u (9), u l-Artikoli 28 sa 31 tiegħu,

(c)

Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b'mod partikolari l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu,

(d)

Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u b'mod partikolari l-Artikoli 3 sa 5 tiegħu,

(e)

Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u b'mod partikolari l-Artikoli 9 sa 10 tiegħu,

(f)

Ir-Regolament (UE) 2016/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(12) u (13), l-Artikolu 6(5) sa (8), u l-Artikoli 12, 13 u 14 tiegħu,

(g)

Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu,

(h)

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 155/2013 (12), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 (13), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

(i)

Ir-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u b'mod partikolari l-Artikoli 1(2) u 2(2) tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“proċediment kummerċjali” tfisser kull investigazzjoni jew proċedura amministrattiva mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni skont kwalunkwe wieħed mir-Regolamenti bażiċi;

(b)

“parti interessata” tfisser kull persuna li l-interessi tagħha huma milquta minn proċediment kummerċjali, skont ir-Regolamenti bażiċi;

(c)

“drittijiet tal-partijiet interessati” tfisser id-drittijiet proċedurali u d-dritt ta' kull persuna li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli fil-proċedimenti kummerċjali.

Artikolu 3

Il-ħatra, it-tmiem tal-ħatra u s-sostituzzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal tas-seduta skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-ħatra tal-uffiċjal tas-seduta għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe interruzzjoni, tmiem tal-ħatra jew trasferiment tal-uffiċjal tas-seduta għandhom ikunu s-suġġett ta' deċiżjoni motivata tal-Kummissjoni. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

3.   Għal finijiet amministrattivi, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun assenjat mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali.

4.   Meta l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista' jaġixxi f'xi każ partikolari, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali, meta jkun possibbli wara konsultazzjoni mal-uffiċjal tas-seduta, għandu jaħtar uffiċjal, li ma jkunx involut fil-każ ikkonċernat u jkollu esperjenza biżżejjed fil-proċeduri kummerċjali, biex iwettaq id-dmirijiet tal-uffiċjal tas-seduta abbażi ta' każ b'każ.

5.   Il-paragrafu 4 għandu japplika meta l-uffiċjal tas-seduta jara kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, u jippreżenta kif dovut talba biex jinħeles mid-dmirijiet tagħhom, f'każ speċifiku, lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali.

6.   Meta l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista' jaġixxi għal perjodu ta' żmien mhux limitat għal każ partikolari jew ma jibqax jaġixxi bħala uffiċjal tas-seduta, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali għandu jaħtar uffiċjal b'esperjenza fi proċedimenti kummerċjali biex iwettaq id-dmirijiet tal-uffiċjal tas-seduta ad interim, sakemm l-uffiċjal tas-seduta jkun f'pożizzjoni li jerġa' jibda jaqdi dmirijietu jew sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li taħtar uffiċjal tas-seduta ġdid.

Artikolu 4

Prinċipji ta' intervent tal-uffiċjal tas-seduta

1.   Id-dmirijiet tal-uffiċjal tas-seduta għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 2 sa 11.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jaġixxi b'mod indipendenti u m'għandux jieħu struzzjonijiet fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun marbut bir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprojbixxu l-iżvelar mhux awtorizzat ta' informazzjoni li tkun waslet waqt il-qadi ta' dmirijietu u għandu jkompli jkun marbut b'dak l-obbligu wara li jitlaq mis-servizz.

4.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jqis il-ħtieġa ta' tħaddim effettiv tar-Regolamenti bażiċi skont il-liġi tal-Unjoni u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

5.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu aċċess mingħajr restrizzjoni u dewmien bla bżonn, għal kull fajl li jikkonċerna proċediment kummerċjali f'kull waqt tal-proċediment.

6.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu d-deċiżjonijiet kif stipulat fl-Artikoli 12 sa 16 u jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni dwar kull kwistjoni li tikkonċerna d-drittijiet tal-partijiet interessati li jkunu talbu l-intervent tiegħu. L-uffiċjal tas-seduta għandu jfittex li jiżgura li fit-tħejjija tal-abbozz tal-atti legali jew tal-proposti tal-Kummissjoni, tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-fatti kollha rilevanti, kemm dawk favorevoli kif ukoll dawk li mhumiex, lill-partijiet ikkonċernati.

7.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jinżamm mgħarraf mid-Direttur responsabbli jew mid-delegat tiegħu, dwar l-iżvilupp tal-proċedimenti kollha li fihom ikun intervjena l-uffiċjal tas-seduta sakemm jiġi adottat att legali finali.

8.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi mgħarraf mingħajr dewmien dwar kull tibdil sostanzjali tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fl-istadju tal-impożizzjoni tal-miżuri definittivi fil-proċedimenti kummerċjali sabiex jiġi vvalutat kull impatt potenzjali fuq id-drittijiet tal-partijiet interessati.

9.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jgħarraf lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u fejn xieraq lid-Direttur Ġenerali, dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, u, fejn meħtieġ, dwar ir-rimedji possibbli.

10.   Id-Direttur responsabbli għandu jikkonsulta lill-uffiċċju tas-seduta dwar kwalunkwe bidla jew aġġornament tal-politika dwar kwistjonijiet proċedurali u sostantivi li jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-partijiet interessati jew fuq kwalunkwe kwistjoni oħra li tirriżulta minn proċediment kummerċjali.

11.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jippreżenta osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta minn proċediment kummerċjali lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u, fejn meħtieġ, lid-Direttur Ġenerali.

Artikolu 5

Intervent tal-uffiċjal tas-seduta

1.   Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta fi proċedimenti kummerċjali. Kull talba għandha titressaq fi żmien xieraq, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-limiti ta' żmien tal-proċedimenti. Il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-uffiċjal tas-seduta minn kmieni kemm jista' jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent.

2.   L-uffiċjal tas-seduta jista' wkoll jaġixxi jekk jintalab jagħmel hekk mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali, id-Direttur Ġenerali, id-Direttur responsabbli għall-proċediment kummerċjali jew id-delegat tiegħu, jew id-Direttur ta' servizzi oħra kkonsultat dwar proċediment kummerċjali.

3.   Kwalunkwe talba għal intervent tal-uffiċjal tas-seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tiddikjara l-kwistjonijiet li għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-uffiċjal tas-seduta, inkluża spjegazzjoni dwar kif id-drittijiet tad-difiża tal-applikant huma affettwati.

4.   Kull att legali finali jew proposta tal-Kummissjoni għandha tkun akkumpanjata b'nota mill-uffiċjal tas-seduta fejn jiddikjara jekk intervjeniex jew le fil-proċediment ikkonċernat u x'kienet in-natura tal-intervent tiegħu.

5.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jirċievi kopja tal-konsultazzjonijiet imnedija mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Seduti

1.   L-uffiċjal tas-seduta jista', fuq talba jew kif stabbilit fir-Regolamenti bażiċi, jorganizza u jmexxi seduti bejn parti interessata individwali jew grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili u s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni. L-uffiċjal tas-seduta jista' wkoll jorganizza u jmexxi seduti fost il-partijiet interessati b'interessi differenti.

2.   Malli jirċievi talba għal seduta, l-uffiċjal tas-seduta għandu jivvaluta l-kwistjonijiet imqajma u jiddeċiedi jekk ikunx opportun li ssir seduta. Seduta tista' tkopri kull kwistjoni li titqajjem f'kull waqt tal-proċediment kummerċjali u li tista' taffettwa d-drittijiet tal-partijiet interessati.

3.   Fil-prinċipju, is-seduti għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu riżolti mas-servizzi tal-Kummissjoni.

4.   Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra l-iskedi ta' żmien rilevanti għall-proċediment, l-uffiċjal tas-seduta se jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta' dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jitqiesu kif dovut l-interessi ta' amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

5.   L-iskop tas-seduta għandu jkun li jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jiġu rispettati mis-servizzi tal-Kummissjoni. L-uffiċjal tas-seduta, fil-prinċipju, ma għandux jaċċetta jew jikkunsidra kwalunkwe evidenza li ma ġietx sottomessa lis-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedimenti.

6.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiġu mistiedna jattendu seduta mal-uffiċjal tas-seduta għandhom jew jidhru personalment jew ikunu rappreżentati minn aġent debitament awtorizzat maħtur minn fost il-persunal tagħhom jew rappreżentant legali. Jistgħu jiġu assistiti minn konsulent legali jew persuna kwalifikata oħra minn barra l-persunal tagħhom jekk ammessi mill-uffiċjal tas-seduta.

7.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt għal seduta mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni skont ir-Regolamenti bażiċi.

Artikolu 7

Seduti ma' partijiet interessati individwali jew gruppi ta' partijiet interessati b'interessi simili u s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni

1.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jorganizza u jmexxi seduta bejn parti interessata individwali jew grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili u s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni, meta jintalab jagħmel hekk minn dik il-parti interessata jew mill-grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili.

2.   Parti interessata individwali tista' titlob seduta dwar xi kwistjoni speċifika ma' grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili u s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. Is-seduta għandha ssir sakemm mill-inqas parti interessata individwali waħda oħra b'interessi simili taqbel li tipparteċipa.

Artikolu 8

Seduti bejn il-partijiet interessati b'interessi differenti

1.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jorganizza u jippresedi seduta fost il-partijiet interessati b'interessi differenti sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati fehmiet opposti u jitressqu argumenti kuntrarji.

2.   Seduta fost il-partijiet interessati b'interessi differenti tista' tiġi organizzata f'kull proċediment kummerċjali wara li l-uffiċjal tas-seduta jkun sema' s-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni.

3.   Parti interessata individwali tista' titlob seduta bejn il-partijiet interessati b'interessi differenti dwar kwistjoni speċifika. Tista' ssir seduta sakemm mill-inqas parti interessata individwali oħra b'interessi differenti taqbel li tipparteċipa.

4.   Is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni għandhom jattendu s-seduta bħala osservaturi.

5.   Ir-rappreżentanti kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jattendu kull seduta bejn il-partijiet interessati b'interessi differenti bħala osservaturi.

Artikolu 9

Preparazzjoni tas-seduti

1.   Wara li jikkonsulta mad-Direttur responsabbli jew mad-delegat tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddetermina d-data, it-tul ta' żmien u l-post tas-seduta. Meta l-partijiet interessati jew is-servizzi tal-Kummissjoni jitolbu posponiment, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk jippermettihx jew le.

2.   Fejn xieraq, l-uffiċjal tas-seduta jista' jorganizza laqgħa preparatorja mal-partijiet interessati jew mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni u servizzi oħra, sabiex jidentifikaw u jiċċaraw, kemm jista' jkun, kull kwistjoni ta' fatt jew liġi li trid tiġi indirizzata matul is-seduta. L-uffiċjal tas-seduta jista' jitlob kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tas-seduta mill-parteċipanti.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jħejji l-aġenda ta' kull seduta. L-aġenda għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti kollha qabel is-seduta.

4.   L-uffiċjal tas-seduta jista', fi żmien raġonevoli wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-kummenti dwar l-iżvelar u qabel is-seduta bejn il-partijiet, jistieden lill-parteċipanti biex iressqu mistoqsijiet dwar it-tagħrif pprovdut minn partijiet interessati oħra.

5.   L-uffiċjal tas-seduta jista', wara li jisma' lid-Direttur responsabbli jew lid-delegat tiegħu, jipprovdi bil-quddiem lill-partijiet mistiedna għal seduta lista ta' mistoqsijiet li dwarhom huma jkunu mistiedna jikkummentaw.

6.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jitlob għal notifika bil-miktub minn qabel tal-kontenut essenzjali tad-dikjarazzjoni li l-parteċipanti jkun beħsiebhom jagħmlu f'kull seduta.

7.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jistieden lill-persunal tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u s-Servizz Legali għas-seduti organizzati mill-uffiċjal tas-seduta. L-uffiċjal tas-seduta jista' jistieden servizzi oħra tal-Kummissjoni biex jattendu għal dawn is-seduti.

8.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jistieden l-esperti esterni għas-seduti. Il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-uffiċjal tas-seduta biex ikunu ammessi l-esperti esterni għas-seduti. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar dawn it-talbiet. L-esperti esterni mistiedna għal seduta għandhom jintalbu biex jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità.

9.   L-esperti esterni jistgħu jintalbu biex jipprovdu kull analiżi, rapport jew pubblikazzjoni rilevanti. Għandhom jiġu inklużi fil-fajl miftuħ għall-konsultazzjoni minn partijiet interessati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha kull meta jkun possibbli qabel is-seduta.

Artikolu 10

Tmexxija tas-seduti

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli għal mod kif jitmexxew is-seduti. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiżgura li s-seduta tinżamm b'mod ġust u imparzjali.

2.   Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi liema persuni jridu jinstemgħu f'isem il-parti interessata u jekk il-persuni kkonċernati jridux jinstemgħu separatament jew fil-preżenza tal-persuni l-oħra li jkunu mistiedna jattendu. F'dan l-aħħar każ, għandu jitqies l-interess leġittimu tal-partijiet interessati fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom u ta' tagħrif kunfidenzjali ieħor.

3.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jippermetti lill-parteċipanti jqajmu u jwieġbu mistoqsijiet matul is-seduta.

4.   Jekk l-uffiċjal tas-seduta jaċċetta l-esperti esterni, dawn ikollhom l-opportunità biex iressqu l-fehmiet tagħhom u jwieġbu għall-mistoqsijiet ta' parteċipanti oħra fis-seduta.

5.   Fejn ikun xieraq wara seduta, sabiex jiġi żgurat id-dritt ta' smigħ, l-uffiċjal tas-seduta, wara li jikkonsulta mad-Direttur responsabbli jew mad-delegat tiegħu, jista' joffri lill-partijiet interessati l-opportunità li jippreżentaw aktar kummenti bil-miktub. L-uffiċjal tas-seduta jiffissa data sa meta jkunu jridu jsiru sottomissjonijiet bħal dawn. L-uffiċjal tas-seduta jista' jiddeċiedi li ma jikkunsidrax kummenti bil-miktub li jaslu wara dik id-data.

Artikolu 11

Segwitu tas-seduti

1.   Meta jiġu organizzati seduti bejn il-partijiet interessati b'interessi differenti, l-uffiċjal tas-seduta għandu jipproduċi traskrizzjoni jew sommarju informattiv tas-seduta u għandu jagħmilha disponibbli lill-parteċipanti kollha fis-seduta. It-traskrizzjoni jew sommarju sinifikanti għandhom jiġu inklużi fil-fajl miftuħ għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati;

Meta jiġu organizzati seduti bejn parti interessata individwali jew grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili u s-servizzi tal-Kummissjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jipproduċi traskrizzjoni jew sommarju informattiv tas-seduta u jagħmilha għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti kollha fis-seduta. Dawk il-parteċipanti jistgħu jippreżentaw talba motivata għall-kunfidenzjalità ta' ċertu tagħrif inkluż fit-traskrizzjoni jew fis-sommarju. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar it-talbiet wara li jikkonsulta mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni u fejn meħtieġ servizzi oħra. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-traskrizzjoni jew tas-sommarju tas-seduta għandha tiġi inkluża fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati.

2.   L-uffiċjal tas-seduta jista' jipprovdi rakkomandazzjonijiet lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni skont l-Artikolu 4(5). Is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni għandhom jgħarrfu lill-uffiċjal tas-seduta f'perjodu ta' żmien raġonevoli qabel l-adozzjoni tal-att legali finali, jekk ikunux qiesu dawk ir-rakkomandazzjonijiet u b'liema mod, u għandhom jipprovdu lill-uffiċjal tas-seduta b'kopja tal-abbozz tal-att legali.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jinforma mingħajr dewmien lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali dwar is-seduti ma' partijiet individwali jew grupp ta' partijiet interessati b'interessi simili previsti fl-Artikolu 18. Jekk il-każ jitlob hekk, l-uffiċjal tas-seduta għandu jippreżenta rakkomandazzjoni immedjata lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali jew lid-Direttur Ġenerali.

4.   Fil-prinċipju, kull rakkomandazzjoni li tingħata mill-uffiċjal tas-seduta lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni u r-rapporti u l-osservazzjonijiet lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u lid-Direttur Ġenerali pprovduti mill-uffiċjal tas-seduta, għandhom jitqiesu bħala dokumenti interni kunfidenzjali.

Madankollu, fl-interess tat-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi liema dokumenti, li joriġinaw mill-uffiċjal tas-seduta, iridu jiġu inklużi fil-fajl miftuħ għall-ispezzjoni mill-partijiet.

Artikolu 12

Aċċess għall-fajl

1.   Parti interessata tista' titlob lill-uffiċjal tas-seduta biex jirrevedi kull rifjut mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni li jipprovdu fi żmien raġonevoli aċċess għall-fajl miftuħ għall-konsultazzjoni jew għal xi dokument partikolari fil-pussess tal-Kummissjoni. L-uffiċjal tas-seduta għandu jeżamina l-każ u għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk jipprovdix aċċess parzjali jew sħiħ jew jirrifjutax l-aċċess għall-fajl jew għad-dokument mitlub.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jistabbilixxi l-limiti ta' żmien li fihom għandu jiġi pprovdut l-aċċess mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni.

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun marbut bir-regoli ġenerali dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif imressaq mill-partijiet interessati fil-proċeduri amministrattivi quddiem il-Kummissjoni.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jeżamina t-talbiet minn partijiet interessati jew mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni rigward in-natura kunfidenzjali ta' dokument fil-pussess tas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar dawn it-talbiet filwaqt li jżomm f'moħħu kemm id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati kif ukoll ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità.

Artikolu 14

Sommarji mhux kunfidenzjali ta' tagħrif kunfidenzjali

1.   Parti interessata tista' titlob lill-uffiċjal tas-seduta biex jagħmel rieżami tal-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni dwar jekk is-sommarju mhux kunfidenzjali ta' tagħrif kunfidenzjali ppreżentat matul investigazzjoni huwiex dettaljat biżżejjed biex jippermetti l-fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali.

2.   Jekk is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni jkun beħsiebhom ma jqisux dokument jew tagħrif li għalih parti interessata tkun irrifjutat li tipprovdi sommarju informattiv mhux kunfidenzjali, din tal-aħħar tista' titlob lill-uffiċjal tas-seduta biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jeżamina t-talbiet. Jekk is-sommarju mhux kunfidenzjali ma jkunx dettaljat biżżejjed, l-uffiċjal tas-seduta għandu jagħti lill-parti interessata li tkun pprovdiet is-sommarju, l-opportunità li tikkummenta u ttejjeb is-sommarju tagħha fi żmien raġonevoli.

4.   Jekk il-parti interessata li ppreżentat it-tagħrif kunfidenzjali tipprovdi sommarju mhux adegwat, jew toffri ġustifikazzjonijiet li ma jistgħux jintlaqgħu, jew ma taġixxix, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk jinjorax jew le t-tagħrif kunfidenzjali li għalih ma jkun ġie pprovdut l-ebda sommarju informattiv mhux kunfidenzjali skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti bażiċi.

Artikolu 15

Aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali mhux suxxettibbli għas-sommarju

Fuq talba ta' parti interessata, l-uffiċjal tas-seduta jista' jeżamina t-tagħrif li huwa kunfidenzjali u mhux suxxettibbli għal sommarju, li għalih tkun intalbet kunfidenzjalità u li għalih dik il-parti ma jkollix aċċess, sabiex jivverifika kif dak it-tagħrif intuża mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni.

L-uffiċjal tas-seduta għandu jgħarraf lill-parti interessata li tkun ressqet it-talba jekk, jekk:

(a)

it-tagħrif miżmum minn dik il-parti huwiex rilevanti għad-difiża ta' dik il-parti;

(b)

fejn rilevanti, is-servizzi tal-investigazzjoni rriflettewx b'mod korrett it-tagħrif fil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Artikolu 16

Estensjoni tal-iskadenzi

1.   It-talba biex jiġu estiżi l-limiti ta' żmien jew posposti d-dati għat-tweġibiet tal-kwestjonarji, għall-preżentazzjoni ta' tagħrif addizzjonali, għaż-żjarat fuq il-post, jew għal kummenti dwar l-iżvelar, għandha l-ewwel tiġi indirizzat minn kwalunkwe parti interessata lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. Talba bħal din għandha ssir fiż-żmien dovut qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien oriġinali.

Meta talba bħal din tiġi rifjutata jew fejn il-parti interessata tqis li l-estensjoni mogħtija hi qasira wisq, din tista' tippreżenta, qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien oriġinali, talba motivata lill-uffiċjal tas-seduta biex jirrevedi l-kwistjoni. It-talba għandha titressaq direttament lill-uffiċjal tas-seduta.

Wara li jikkonsulta mad-Direttur responsabbli jew mad-delegat tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta jista' jestendi l-limiti ta' żmien jew jirrifjuta t-talba.

L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi billi jqis b'mod xieraq iċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-talba kkonċernata u l-limiti ta' żmien tal-proċediment.

2.   Is-servizzi tal-Kummissjoni ma għandhomx jaġixxu fil-kwistjoni msemmija lill-uffiċjal tas-seduta qabel ma jkun iddeċieda l-uffiċjal tas-seduta.

Artikolu 17

Parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-kumitati

L-uffiċjal tas-seduta jista' jattendi l-laqgħat tal-kumitat. Fejn xieraq, l-uffiċjal tas-seduta jista' jwieġeb għall-mistoqsijiet mill-Istati Membri sakemm dawn il-mistoqsijiet jikkonċernaw in-natura tal-intervent tiegħu fil-proċedimenti.

Artikolu 18

Rapporti tal-uffiċjal tas-seduta

1.   Fi tmiem kull sena, l-uffiċjal tas-seduta għandu jħejji rapport annwali. Ir-rapport annwali għandu jinkludi t-tagħrif dwar il-każijiet li fihom ikun intervjena l-uffiċjal tas-seduta, it-tip ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet magħmula minnu u kull rakkomandazzjoni għat-titjib tal-proċeduri kummerċjali. Ir-rapport għandu jkun indirizzat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali. Id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi kkonċernati għandhom jirċievu kopja tar-rapport.

2.   Is-sommarji tar-rapport annwali għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri u ppubblikati fuq is-sit web tal-uffiċjal tas-seduta.

3.   Minbarra r-rapport annwali previst fil-paragrafu 1 u fejn meħtieġ, l-uffiċjal tas-seduta għandu fuq bażi ad hoc, jipprovdi lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali b'sommarju tal-attivitajiet tal-uffiċjal tas-seduta u l-kwistjonijiet li qamu matul dawk l-attivitajiet. Dan it-tagħrif għandu jispjega l-kwistjonijiet politiċi ewlenin, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-uffiċjal tas-seduta u kif dawk ir-rakkomandazzjonijiet tqiesu mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. Id-Direttur Ġenerali għandu jirċievi kopja ta' dan it-tagħrif.

4.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jirrapporta dwar kull seduta bejn il-partijiet interessati b'interessi differenti u jista' jippreżenta rapport lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali u lid-Direttur Ġenerali dwar kull kwistjoni oħra li tirriżulta mill-proċedura kummerċjali jew inkella li tkun rilevanti għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-liġi tal-Unjoni fil-proċedimenti kummerċjali.

5.   Ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta fis-seduti bejn il-partijiet b'interessi differenti għandu jiġi ppreżentat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika kummerċjali, lid-Direttur Ġenerali u lid-Direttur ikkonċernat. Dan għandu jiġi kkomunikat lir-rappreżentanti kompetenti tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-proċedimenti li jinbdew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u għall-proċedimenti li jkunu diġà nbdew qabel dik id-data.

Il-passi proċedurali meħuda qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni jibqgħu jkunu effettivi għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 20

Tħassir tad-Deċiżjoni 2012/199/UE

Id-Deċiżjoni 2012/199/UE hija mħassra.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-21 ta' frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.

(2)  Id-Deċiżjoni 2012/199/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta' Frar 2012 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti kummerċjali (ĠU L 107, 19.4.2012, p. 5).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 155/2013 tat-18 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti ta' arranġament ta' inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u l-governanza tajba skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 48, 21.2.2013, p. 5).

(13)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat-28 ta' Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta' miżuri ġenerali ta' salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 16).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u antisussidji (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 6).


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 246/2018

tal-5 ta' Diċembru 2018

li temenda l-Anness VI (Sigurtà soċjali) tal-Ftehim ŻEE [2019/340]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/492 tal-21 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness VI tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness VI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-inċiż li jmiss jiżdied fil-punti 1 (ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 2 (ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32017 R 0492: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/492 tal-21 ta' Marzu 2017 (ĠU L 76, 22.3.2017, p. 13).”

2.

Dan li ġej jiżdied fl-adattament (h) tal-punt 1 (ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“IN-NORVEĠJA

Pensjoni tal-introjtu tax-xjuħija taħt l-Att tal-Assigurazzjoni Nazzjonali (Kapitolu 20) u skemi tal-pensjoni ta' kontribuzzjoni definita skont l-Att dwar il-Pensjonijiet Okkupazzjonali Obbligatorji.”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) 2017/492 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Diċembru 2018, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Oda Helen SLETNES


(1)   ĠU L 76, 22.3.2017, p. 13.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 18/2019

tat-8 ta' Frar 2019

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/341]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), kif ikkoreġut mill-ĠU L 349, 21.12.2016, p. 8, għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punti 16b (id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 31ba (id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32014 R 0909: ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1), kif ikkoreġut mill-ĠU L 349, 21.12.2016, p. 8.”

2.

Dan li ġej jiżdied mal-punt 29f (ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:

“, kif emendat bi:

32014 R 0909: ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1), kif ikkoreġut mill-ĠU L 349, 21.12.2016, p.8.”

3.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31bea (ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 594/2014):

“31bf.

32014 R 0909: ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1), kif ikkoreġut mill-ĠU L 349, 21.12.2016, p.8.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta' dan il-Ftehim, u sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f'dan il-Ftehim, it-termini “Stat Membru(i)” u “awtoritajiet kompetenti” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Kull referenza għall-“membri tas-SEBĊ” jew għal “banek ċentrali” għandha tinftiehem li tinkludi, apparti t-tifsira tagħha fir-Regolament, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Il-Liechtenstein jista' jħalli lil CSDs ta' pajjiż terz li diġà jipprovdu servizzi msemmija fl-Artikolu 25(2) lil intermedjarji finanzjarji fil-Liechtenstein jew li diġà stabbilew fergħa fil-Liechtenstein, ikomplu jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Artikolu 25(2) għal perjodu li ma jaqbiżx il-5 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019.

(d)

Fl-Artikolu 1(3)(g), il-kliem “tad-dritt tal-Unjoni” huma sostitwiti bil-kliem “tal-Ftehim taż-ŻEE”.

(e)

Fl-Artikolu 12(3), il-kliem “il-muniti tal-Unjoni” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “il-muniti uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE”.

(f)

fl-Artikolu 13 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1), il-kliem “, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “l-awtoritajiet rilevanti”;

(g)

Fl-Artikoli 19(3), 33(3), 49(4), 52(2) u 53(3), il-kliem “ESMA, li” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “ESMA. ESMA jew, skont il-każ, Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA”.

(h)

Fl-Artikolu 24(5):

(i)

fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-kliem “u, f'każijiet li jikkonċernaw l-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “ESMA”;

(ii)

fit-tielet subparagrafu, il-kliem “ESMA, li” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “ESMA. ESMA jew, kif ikun il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA”.

(i)

Fl-Artikolu 34(8), il-kliem “tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “tar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli skont il-Ftehim ŻEE”.

(j)

Fl-Artikolu 38(5), il-kliem, “fis-17 ta' Settembru 2014” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019”.

(k)

Fl-Artikoli 49(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “sat-18 ta' Diċembru 2014” isir “fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019”.

(l)

Fl-Artikolu 55:

(i)

fil-paragrafi 5 u 6, il-kliem “liġi tal-Unjoni” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Ftehim taż-ŻEE”.

(ii)

fil-paragrafu 6, il-kliem “jew l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, kif ikun il-każ,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “ESMA”.

(m)

Fl-Artikoli 58(3) u 69(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “sas-16 ta' Diċembru 2014” isir “fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019”.

(n)

Fl-Artikolu 61(1), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “sat-18 ta' Settembru 2016” isir “fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 18/2019 tat-8 ta' Frar 2019”.

(o)

Fl-Artikolu 69(2) u (5), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “fiż-ŻEE” għandu jiddaħħal wara l-kliem “tad-dħul fis-seħħ”.

(p)

Fl-Artikolu 76, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafi 4, 5 u 6, il-kliem “tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tkun tinkludi” għandu jiddaħħal wara l-kliem “dħul fis-seħħ”;

(ii)

fil-paragrafu 5, il-kliem “sat-13 ta' Ġunju 2018” jiġi sostitwit bil-kliem “fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tinkludi d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014”;

(iii)

fil-paragrafu 7, il-kliem “it-3 ta' Jannar 2017” għandu jsir “dawn l-atti japplikaw fiż-ŻEE””.

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, kif ikkoreġuti mill-ĠU L 349, 21.12.2016, p. 8, bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li ser jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta' Frar 2019, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(*1)  Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.


28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 21/2019

tat-8 ta' Frar 2019

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/342]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament (1) permezz ta' kard irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Għalhekk, l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31j (id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IX tal-Ftehim ŻEE:

“31k.

32015 R 0751: Ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘fit-8 ta' Ġunju 2015’ jinqraw ‘fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 21/2019 tat-8 ta' Frar 2019’.

(b)

Fl-Artikolu 16(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘sad-9 ta' Diċembru 2016’ isir ‘sa sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 21/2019 tat-8 ta' Frar 2019.’”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) 2015/751 bl-Iżlandiż u bin-Norveġiż, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta' Frar 2019, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.

(*1)  Ir-rekwiżiti kostituzzjonali huma indikati.


Rettifika

28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/35


Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1497 tat-8 ta' Ottubru 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kategorija tal-ikel 17 u l-użu tal-addittivi tal-ikel fis-supplimenti tal-ikel

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 253 tad-9 ta' Ottubru 2018 )

Fil-paġna 44, fl-Anness, fl-emendi lill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 wara l-punt 2(c), tiġi kkoreġuta l-ommissjoni li ġejja:

minflok:

 

“E 969

Advantame

55

 

is-supplimenti tal-ikel f'għamla ta'ġulepp biss”,

aqra:

 

“E 969

Advantame

55

 

is-supplimenti tal-ikel f'għamla ta'ġulepp biss

(d)

l-entrata għas-subkategorija tal-ikel 17.3 hija mħassra.”.

28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/36


Rettifika tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 193 tat-30 ta' Lulju 2018 )

Fil-paġni 179 u 180, l-Artikolu 273, il-punt (3), (li jirrigwarda emendi tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1304/2013), it-tielet paragrafu tas-subpunt (1),

minflok:

“L-indikaturi komuni tal-eżitu għall-parteċipanti huma:

persuni qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul*,

persuni żvantaġġati oħra**.

L-għadd totali tal-parteċipanti ser jiġi kkalkolat awtomatikament abbażi tal-indikaturi tal-eżitu.”,

aqra:

“L-indikaturi komuni tal-output għall-parteċipanti huma:

persuni qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul*,

persuni żvantaġġati oħra**.

L-għadd totali tal-parteċipanti ser jiġi kkalkolat awtomatikament abbażi tal-indikaturi tal-output.”.