ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 32

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
4 ta' Frar 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/162 tal-1 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE, Euratom) 2019/163 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-1 ta' Frar 2019 li taħtar Imħallfin tal-Qorti Ġenerali

5

 

*

Deċiżjoni (UE, Euratom) 2019/164 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-1 ta' Frar 2019 li taħtar żewġ Imħallfin u Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/165 tal-1 ta' Frar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni

9

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta' Jannar 2019 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3)

14

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tal-14 ta' Jannar 2019 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali ta' Mauritius rigward tat-tirsite mmellaħ [2019/167]

32

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/162

tal-1 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jelenka korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji u persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet tal-gvern preċedenti tal-Iraq koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi li kienu jinsabu barra mill-Iraq nhar it-22 ta' Mejju 2003 skont dan ir-Regolament.

(2)

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jeleneka persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi jew entitajiet assoċjati mar-reġim tal-eks President Saddam Hussein koperti bl-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi u bi projbizzjoni milli l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli.

(3)

Fid-29 ta' Jannar 2019, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi tmien entrati mil-lista ta' persuni jew entitajiet li għalihom jenħtieġ li japplika l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) Nru 1210/2003 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif indikat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif indikat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)   ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS I

Fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003, jitħassru l-entrati segwenti:

“45.

GENERAL ESTABLISHMENT FOR HOSPITALITY AFFAIRS. Indirizz: P.O. Box 240, Hay Al-Wihda, Al-Wathik Square, Baghdad, l-Iraq.”

“50.

GENERAL ESTABLISHMENT FOR TRAVEL AND TOURIST SERVICES. Indirizz: P.O. Box 10028, Karrada, No. 19, Hay Al-Wadha, Mahala (904), Baghdad, l-Iraq.”

“93.

NATIONAL COMPUTER CENTRE. Indirizz: P.O. Box 3267, Saadoun Nafoora Square, Baghdad, l-Iraq.”

“121.

STATE CONTRACTING BUILDINGS COMPANY (magħrufa wkoll bħala STATE COMPANY FOR BUILDING CONTRACTS). Indirizz: P.O. Box 19036, Al Nahda Area, Baghdad, l-Iraq.”

“149.

STATE ENTERPRISE FOR RUBBER INDUSTRIES. Indirizz: P.O. Box 71, Diwaniya, l-Iraq.”

“175.

STATE ORGANISATION FOR BUILDINGS (magħrufa wkoll bħala (a) STATE ORGANISATION OF BUILDING, (b) DESIGN AND STUDIES SECTION, (c) GENERAL ESTABLISHMENT OF BUILDINGS FOR CENTRAL REGION, (d) GENERAL ESTABLISHMENT OF BUILDINGS FOR NORTHERN REGION, (e) GENERAL ESTABLISHMENT OF BUILDINGS FOR SOUTHERN REGION). Indirizzi: (a) Museum Square, Karkh, Baghdad, Iraq; (b) Mosul, left side, ħdejn Al Hurya Bridge, P.O. Box 368, Baghdad, Iraq; (c) Karkh, Karadat Mariam, Baghdad, l-Iraq; Maysan, l-Iraq.”

“189.

STATE ORGANISATION FOR TOURISM. Indirizzi: (a) P.O. Box 2387, Alwiyah, Saadoon St., Karrada Al Basra, Baghdad, l-Iraq; (b) Al-Masbah, ħdejn Al Fatih Square, Baghdad, l-Iraq.”

ANNESS II

Fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003, titħassar l-entrata segwenti:

“94.

AL-HUDA STATE COMPANY FOR RELIGIOUS TOURISM (magħrufa wkoll bħala (a) AL-HUDA FOR RELIGIOUS TOURISM COMPANY, (b) AL-HODA STATE COMPANY FOR RELIGIOUS TOURISM, (c) AL-HODA FOR RELIGIOUS TOURISM COMPANY). Indirizz: Iraq.”

DEĊIŻJONIJIET

4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/5


DEĊIŻJONI (UE, Euratom) 2019/163 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tal-1 ta' Frar 2019

li taħtar Imħallfin tal-Qorti Ġenerali

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 254 u 255 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mandati ta' tlieta u għoxrin Imħallef fil-Qorti Ġenerali ser jiskadu fil-31 ta' Awwissu 2019. Jenħtieġ li jsiru ħatriet biex jimtlew dawn il-karigi għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2025.

(2)

Il-kandidaturi tas-Sur Stéphane GERVASONI, is-Sa Mariyana KANCHEVA, is-Sur Alexander KORNEZOV, is-Sur Ulf ÖBERG, is-Sa Inga REINE u s-Sur Fredrik SCHALIN ġew proposti għat-tiġdid tal-mandat tagħhom.

(3)

Barra minn hekk, l-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jipprevedi li l-Qorti Ġenerali tkun komposta minn żewġ imħallfin għal kull Stat Membru mill-1 ta' Settembru 2019 'il quddiem. L-Artikolu 2(c) ta' dak ir-Regolament jiddetermina t-tul tal-mandat ta' disa' mħallfin supplementari ġodda nnominati mill-1 ta' Settembru 2019 b'tali mod li t-tmiem ta' dan il-mandat jikkorrispondi mat-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali li ser isir fl-1 ta' Settembru 2022 u l-1 ta' Settembru 2025.

(4)

Il-kandidatura tas-Sa Mirela STANCU u tas-Sur Laurent TRUCHOT ġew proposti għall-karigi ta' Mħallfin supplementari fil-Qorti Ġenerali.

(5)

Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni dwar l-idoneità tas-Sur Stéphane GERVASONI, is-Sa Mariyana KANCHEVA, is-Sur Alexander KORNEZOV, is-Sur Ulf ÖBERG, is-Sa Inga REINE, is-Sur Fredrik SCHALIN, is-Sa Mirela STANCU u s-Sur Laurent TRUCHOT għall-qadi tad-dmirijiet ta' Mħallef fil-Qorti Ġenerali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-segwenti għandhom jinħatru Mħallfin tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2025:

is-Sur Stéphane GERVASONI,

is-Sa Mariyana KANCHEVA,

is-Sur Alexander KORNEZOV,

is-Sur Ulf ÖBERG,

is-Sa Inga REINE,

is-Sur Fredrik SCHALIN,

is-Sur Laurent TRUCHOT.

2.   Is-Sa Mirela STANCU għandha tinħatar Imħallef tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Awwissu 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

Il-President

L. ODOBESCU


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341 tal-24.12.2015, p. 14).


4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/7


DEĊIŻJONI (UE, Euratom) 2019/164 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tal-1 ta' Frar 2019

li taħtar żewġ Imħallfin u Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 253 u 255 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mandati ta' erbatax-il Imħallef u ta' ħames Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja skadew fis-6 ta' Ottubru 2018. Jenħtieġ li jsiru ħatriet biex jimtlew dawn iż-żewġ karigi li għadhom vakanti.

(2)

Il-kandidatura tas-Sur Christopher VAJDA ġiet proposta għall-kariga ta' Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kandidatura tas-Sur Priit PIKAMÄE ġiet proposta għall-kariga ta' Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja.

(3)

Fir-rigward tal-mandat ta' Imħallef propost mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, is-Sur M. VAJA, ser jiskadi fis-6 ta' Ottubru 2024 jew fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, skont liema minn dawn l-iskadenzi tiġi l-ewwel. Madankollu, il-mandat tal-Avukat Ġenerali ser jiskadi fis-6 ta' Ottubru 2024.

(4)

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 5 u 7 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u wara r-riżenja tas-Sur Allan ROSAS, li ssir effettiva fis-7 ta' Ottubru 2019, jenħtieġ li jinħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja għall-bqija tal-mandat tas-Sur Allan ROSAS, jiġifieri sas-6 ta' Ottubru 2021.

(5)

Il-kandidatura tas-Sur Niilo JÄÄSKINEN ġiet proposta għall-kariga li saret vakanti.

(6)

Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni dwar l-idoneità ta' dawn il-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta' Mħallef u Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-Sur Christopher VAJA huwa b'dan maħtur Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni sas-6 ta' Ottubru 2024, jew sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, skont liema minn dawn l-iskadenzi tiġi l-ewwel.

2.   Is-Sur Priit PIKAMÄE huwa b'dan maħtur Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni sas-6 ta' Ottubru 2024.

3.   Is-Sur Niilo JÄÄSKINEN huwa b'dan maħtur Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu mis-7 ta' Ottubru 2019 sas-6 ta' Ottubru 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

Il-President

L. ODOBESCU


4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/165

tal-1 ta' Frar 2019

li tistabbilixxi regoli interni dwar il-provvista ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u r-restrizzjoni ta' ċerti mid-drittijiet tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u ta' sospensjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) u skont l-Anness IX tiegħu kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1588 (2). Dawk il-kompiti huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju ta' Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (“IDOC”), li huwa direttorat mehmuż mad-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà. Proċedimenti dixxiplinari jistgħu jinkludu investigazzjonijiet immexxija mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

(2)

Fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jiġbru u jipproċessaw l-informazzjoni rilevanti. Dik l-informazzjoni tinkludi data personali, b'mod partikolari data dwar l-identifikazzjoni, ta' kuntatt u dwar l-imġiba. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jittrasmettu data personali lil servizzi oħra tal-Kummissjoni fuq bażi ta' tagħrif li jkun meħtieġ.

(3)

Id-data personali hija maħżuna f'ambjent elettroniku u sigur biex ma jkunx hemm aċċess illegali jew trasferiment ta' data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu. Wara li jintemm l-ipproċessar, id-data tinżamm f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Kummissjoni (3).

(4)

Meta twettaq il-kompiti tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat, kif ukoll id-drittijiet previsti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tikkonforma ma' regoli stretti ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali u biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati u tax-xhieda, b'mod partikolari l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-persuna kkonċernata.

(5)

F'ċerti ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa ta' effettività ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dixxiplinari u proċeduri ta' sospensjoni, kif ukoll b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data. F'dan is-sens, l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti lill-Kummissjoni bil-possibbiltà li tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament.

(6)

Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali lill-persuna kkonċernata fil-bidu ta' inkjesta amministrattiva. L-għoti ta' dik l-informazzjoni jista' jaffettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li tmexxi l-inkjesta amministrattiva, pereżempju minħabba li l-persuna kkonċernata tista' teqred evidenza qabel ma tiġi eżaminata mill-Kummissjoni jew tinterferixxi ma' xhieda potenzjali qabel ma jinstemgħu. Bl-istess mod, l-għoti ta' aċċess għal data personali waqt fażijiet tal-proċedura fejn il-persuna kkonċernata ma jkollhiex aċċess għall-fajl, bħal waqt il-valutazzjoni preliminari jew l-inkjesta amministrattiva, tista' tiżvela informazzjoni li tista' taffettwa ħażin it-tmexxija tal-inkjesta amministrattiva. Fiż-żewġ każijiet, il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata tista' tkun meħtieġa għas-salvagwardja ta' funzjoni ta' monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta mal-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali f'każ fejn huwa kkonċernat għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li l-persunal tal-Kummissjoni jirrispetta l-obbligi statutorji tiegħu u jaġixxi b'mod etiku.

(7)

Jista' jkun meħtieġ ukoll li jiġi limitat id-dritt ta' aċċess għal data personali mill-persuna kkonċernata meta aċċess bħal dan jiżvela informazzjoni dwar xhud jew informatur li jkun talab biex l-identità tiegħu ma tiġix żvelata. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirrestrinġi l-aċċess għad-dikjarazzjoni dwar il-persuna kkonċernata sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta' dan ix-xhud jew informatur.

(8)

Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-effettività tal-inkjesti amministrattivi, il-proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni, filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ li jiġu adottati regoli interni li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f'konformità mal-Artikolu 25(1) (c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(9)

Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar imwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha, inkluż operazzjonijiet ta' pproċessar mwettqa qabel il-ftuħ ta' inkjesta amministrattiva u matul l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali barra l-attivitajiet tagħha.

(10)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-individwi kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b'mod trasparenti u koerenti permezz ta' avviż ta' protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħarraf individwalment, f'format xieraq, is-suġġetti tad-data involuti f'inkjesta amministrattiva jew fi proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

(11)

Barra minn hekk, biex tinżamm il-kooperazzjoni effettiva jista' jkun meħtieġ għall-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-attivitajiet ta' pproċessar ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE jew tal-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji, aġenziji, awtoritajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar ir-raġunijiet rilevanti biex timponi restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet, sakemm dawn ma jfixklux l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

(12)

Il-Kummissjoni tista' wkoll ikollha tirrestrinġi l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta' drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta' data personali riċevuta minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tissodisfa d-dmir ta' kooperazzjoni tagħha ma' dawk il-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet u b'hekk tissalvagwardja għan importanti ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Madankollu, f'ċerti ċirkustanzi l-interess jew id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu jegħlbu l-interess tal-kooperazzjoni internazzjonali.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza r-restrizzjonijiet kollha b'mod trasparenti u tirreġistra kull applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fis-sistema ta' reġistrazzjoni korrispondenti.

(14)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu, iħallu barra jew jiċħdu l-għoti ta' informazzjoni fuq ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk l-għoti ta' dik l-informazzjoni fi kwalunkwe każ jikkomprometti l-fini tar-restrizzjoni. Dan, b'mod partikolari, huwa l-każ tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(15)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi b'mod regolari r-restrizzjonijiet imposti sabiex tiżgura li d-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa mill-Kummissjoni biex tkun tista' tmexxi l-inkjesti amministrattivi tagħha kif ukoll proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

(16)

Fejn jiġu ristretti drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data, il-kontrollur jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix l-għan tagħha.

(17)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-deċiżjoni.

(18)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta' Diċembru 2018.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom f'konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

2.   Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal -Artikoli 4(1) (a), 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) ta' dak ir- Regolament.

3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness IX tiegħu, kif ukoll id-Deċiżjoni C (2004) 1588.

4.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni sakemm din tipproċessa data personali għal finijiet relatati ma' inkjesti amministrattivi, u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

5.   Il-kategoriji ta' data personali koperti b'din id-Deċiżjoni jinkludu d-data għall-identifikazzjoni, il-kuntatt u dwar l-imġiba.

Artikolu 2

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikoli 3 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta' trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 ta' dak ir-Regolament, meta l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta' preġudizzju għall-inkjesti amministrattivi u proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni jew ikun jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

3.   Skont l-Artikoli 3 sa 7, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' data personali miksuba minn servizzi oħra tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħrajn tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' atti oħrajn previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament, jew skont ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (7);

(b)

meta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(c)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-tmexxija tal-inkjesti amministrattivi u proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni.

Qabel ma' tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji rilevanti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni hija pprovduta minn xi wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti jew li din il-konsultazzjoni tqiegħed f'periklu l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-interess tal-Kummissjoni li tikkoopera ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jkun megħlub mill-interessi jew id-drittijiet fundamentali u libertà tas-suġġetti tad-data.

Artikolu 3

L-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-avviżi tal-protezzjoni tad-data li jinformaw lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf individwalment, f'format xieraq, lill-persuna kkonċernata minn inkjesta amministrattiva jew proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari jew ta' sospensjoni, kif ukoll ix-xhieda mitluba jipprovdu informazzjoni fir-rigward ta' dawk il-proċedimenti, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

3.   Meta l-Kummissjoni tillimita skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 6.

Artikolu 4

Dritt ta' aċċess mis-suġġetti tad-data, dritt ta' tħassir u dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, totalment jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' tħassir, jew id-dritt ta' restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali talli sar hekk, u bil-possibbiltà li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 5

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali tas-suġġetti tad-data

Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali għas-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tirrekordja u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni każ b'każ tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' tali restrizzjoni.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-għan tal-inkjesta amministrattiva u l-proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari u ta' sospensjoni, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 2(2) jew (3), jew li jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

2.   Ir-reġistru u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

Artikolu 7

Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew 5 ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'kull ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u f'kull każ fi tmiem inkjesta amministrattiva u proċedimenti ta' qabel dawk dixxiplinari, dawk dixxiplinari jew ta' sospensjoni. Minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-ħtieġa li jinżamm differiment fuq bażi annwali.

Artikolu 8

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien żejjed, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokumenti li fihom elementi fattwali u legali sottostanti.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 1588 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni dwar it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u ta' proċeduri dixxiplinari.

(3)  Il-lista komuni ta' ritenzjoni fil-livell ta' Kummissjoni għall-fajls tal-Kummissjoni Ewropea — SEC(2012)713

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/14


DEĊIŻJONI (UE) 2019/166 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta' Jannar 2019

dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2012/13 tat-18 ta' Lulju 2012 dwar it-TARGET2-Securities (1),

Billi:

(1)

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS.

(2)

Fis-16 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, il-korp ta' governanza responsabbli għall-kompiti ta' ġestjoni teknika u operattiva fil-qasam tal-infrastrutturi u tal-pjattaformi tas-suq.

(3)

Fil-passat, il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq iltaqa' f'formati dedikati differenti skont l-infrastrutturi, il-pjattaformi u l-proġetti differenti tas-suq li huwa responsabbli għalihom. Minn meta twaqqaf il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, il-Bord T2S, oriġinarjament imwaqqaf bis-saħħa tad-Deċiżjoni BĊE/2012/6, (2) kien qed jopera bħala wieħed minn dawn il-formati dedikati tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, kif rifless fid-Deċiżjoni (UE) 2017/1403 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/20) (3).

(4)

Il-Bord T2S ma twaqqafx biss bid-Deċiżjoni BĊE/2012/6 iżda huwa bbażat ukoll fuq protokoll T2S iffirmat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

(5)

Rieżami tal-operat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq wera li mhemmx bżonn ta' formati dedikati biex jiffunzjona b'mod effiċjenti. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 għandha tiġi revokata u l-format tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq għandu jiġi rivedut b'mod li l-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq ikun strutturat u jiffunzjoni skont din id-Deċiżjoni.

(6)

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq fil-format rivedut tiegħu għandu jappoġġa lill-Kunsill Governattiv billi jiżgura li l-infrastrutturi u l-pjattaformi tas-suq tal-Eurosistema, fl-oqsma tas-saldu tal-flus kontanti, is-saldu ta' titoli u l-ġestjoni tal-kollateral, jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment skont l-għanijiet tat-Trattat għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), il-bżonnijiet tan-negozju tas-SEBĊ, avvanzi teknoloġiċi, kif ukoll rekwiżiti regolatorji u ta' superviżjoni, kif japplika minn żmien għal żmien.

(7)

Huwa mifhum li l-effett legali tal-Anness III għal din id-Deċiżjoni (“Kodiċi ta' Kondotta”) jiddependi mill-iffirmar tad-dikjarazzjonijiet fl-Appendiċijiet 1 u 2 għall-Anness III mill-Membri tal-MIB,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Ir-referenzi kollha għall-Bord T2S fil-Linja Gwida BĊE/2012/13, fid-Deċiżjonijiet BĊE/2011/20 (4) u BĊE/2011/5 (5) għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq. It-termini l-oħrajn kollha użati f'din id-Deċiżjoni għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fil-Linji Gwida BĊE/2012/27 (6), u BĊE/2012/13.

Artikolu 2

Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

1.   Il-mandat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB), inklużi l-għanijiet, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-MIB, inklużi l-kompożizzjoni u l-proċeduri ta' ħidma tiegħu, huma stabbiliti fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-MIB, stabbiliti fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni huwa approvat mill-Kunsill Governattiv.

4.   Il-proċeduri u r-rekwiżiti għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni tal-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali huma stabbiliti fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

5.   Huwa mifhum li din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

Artikolu 3

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 hija revokata.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u ordnata għall-MIB, stabbilit skont din id-Deċiżjoni, inklużi l-ħatra tal-membri tiegħu, it-terminu tal-mandat ta' membri eżistenti tal-MIB, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, jitqies li huwa estiż b'erba' xhur.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta' Jannar 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)   ĠU L 215, 11.8.2012, p. 19.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2012/6 tad-29 ta' Marzu 2012 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 (ĠU L 117, 1.5.2012, p. 13).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2017/1403 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2012/6 fuq it-twaqqif tal-Bord tat-TARGET2-Securities (BĊE/2017/20) (ĠU L 199, 29.7.2017, p. 24).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2011/20 tas-16 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-TARGET2 (ĠU L 319, 2.12.2011, p. 117).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2011/5 tal-20 ta' April 2011 dwar l-għażla ta' fornituri ta' servizz ta' netwerk ta' TARGET2-Securities (ĠU L 134, 21.5.2011, p. 22).

(6)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).


ANNESS I

BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

MANDAT

INTRODUZZJONI

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, ECMS (“is-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema”).

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema (il-“proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ għall-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

1.   Ir-rwol tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

Il-Kunsill Governattiv b'dan jinkariga lill-MIB bit-twettiq tal-kompiti definiti f'dan il-mandat. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa aħħarija tiegħu li jieħu d-deċiżjonijiet, il-Kunsill Governattiv inkariga lill-MIB bit-twettiq ta' kompiti definiti b'mod ċar, relatati kemm mat-tħaddim tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ma' proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-BĊNi taħt l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jassenja kompiti oħrajn definiti b'mod ċar lill-MIB, minbarra dawk stipulati fil-paragrafu 2, li normalment ikunu fil-kompetenza tal-Kunsill Governattiv. Fid-dawl tal-kompetenza aħħarija tal-Kunsill Governattiv fi kwistjonijiet ta' infrastrutturi tal-Eurosistema, kull wieħed mill-kompiti fdati lill-MIB jista' xorta jittieħed u jitwettaq mill-Kunsill Governattiv.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

2.   Responsabbiltajiet u kompiti tal- Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

2.1.   Tħejjija ta' proposti għal deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv dwar servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Bord Eżekuttiv li jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u li jkun responsabbli għan-negozju kurrenti tal-BĊE, l-MIB iħejji proposti li l-Kunsill Governattiv jiddeċiedi fuqhom fil-kwistjonijiet li ġejjin, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett speċifiku/infrastruttura speċifika, u b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE:

(a)

l-istrateġija ġenerali, inkluża d-definizzjoni tal-kamp ta' applilkazzjoni ta' servizzi u deskrizzjonijiet ta' servizzi;

(b)

kwistjonijiet ta' governanza tal-proġetti;

(c)

kwistjonijiet finanzjarji, inklużi:

(i)

it-tfassil tal-karatteristiċi ewlenin tas-sistema finanzjarja (b'mod partikolari, il-baġit, l-ammont, il-kopertura tal-perjodu ta' żmien, il-finanzjament);

(ii)

analiżi regolari tar-riskji finanzjarji li għalihom hija esposta l-Eurosistema;

(iii)

ir-regoli ta' ġestjoni għall-kontijiet miżmuma fil-kotba tal-BĊE u ġestiti mill-MIB f'isem l-Eurosistema;

(iv)

il-metodoloġija tal-kostijiet;

(v)

il-politika tal-ipprezzar; u

(vi)

analiżi tas-sistema tal-obbligi;

(d)

l-ippjanar globali;

(e)

il-qafas legali mal-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊNi) li jipprovdu servizzi ta' infrastruttura tas-suq lill-Eurosistema jew li jeżegwixxu proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema magħha (“il-BĊNi fornituri”), u mal-klijenti, kif ukoll kwalunkwe arranġament jew kundizzjonijiet kuntrattwali li jridu jiġu ffirmati bejn l-Eurosistema u partijiet ikkonċernati esterni;

(f)

il-qafas ta' ġestjoni tar-risku;

(g)

ftehimiet fil-livell tas-servizzi ma' partijiet rilevanti;

(h)

l-awtorizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' Talbiet għal Tibdil u strateġiji ta' ttestjar/migrazzjoni;

(i)

l-istrateġiji għall-konnettività tan-netwerks;

(j)

l-istrateġiji għall-ġestjoni ta' kriżi;

(k)

ir-reżiljenza ċibernetika u strateġija u oqfsa tas-sigurtà tal-informazzjoni;

(l)

obbligazzjonijiet u pretensjonijiet oħrajn; u

(m)

il-konformità tal-parteċipanti tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema mal-kriterji ta' eliġibbiltà applikabbli.

2.2.   Attivitajiet ta' ġestjoni fir-rigward ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema

2.2.1.   Ġestjoni u Tmexxija

L-MIB iwettaq il-ġestjoni ġenerali tas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema, sa fejn il-Kunsill Governattiv ikun inkariga lill-MIB bi proġett speċifiku/infrastruttura speċifika, u b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitati SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. F'dan il-kuntest, l-MIB għandu:

(a)

jiżgura li s-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq;

(b)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji globali, inkluża d-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz(i) u/jew id-deskrizzjonijiet ta' servizzi;

(c)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-arranġamenti ta' governanza;

(d)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-arranġamenti u l-istrateġiji finanzjarji;

(e)

jiġġestixxi l-attivitajiet ta' ġestjoni ta' tibdil u ta' rilaxx rilevanti;

(f)

jiġġestixxi, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, l-iżvilupp, it-tħaddim u ż-żamma ta' għodod ta' simulazzjoni, u jiġġestixxi, f'konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Infrastruttura tas-Suq u tal-Ħlasijiet tal-Eurosistema (MIPC) u kumitati SEBĊ rilevanti oħrajn fejn applikabbli, u soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, studji dwar il-fattibbiltà;

(g)

jikkoordina proċessi ta' ġestjoni ta' tibdil u jipprijoritizza tibdil awtorizzat relatat ma' rilaxx ġdid, jistabbilixxi xenarji ta' testijiet għat-testijiet ta' aċċettazzjoni tal-Eurosistema, jikkoordina t-testijiet li jinvolvu diversi tipi ta' partijiet ikkonċernati, u jikkoordina l-proċessi ta' ttestjar tal-utent;

(h)

jiġġestixxi l-ippjanar dettaljat ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fuq il-bażi tal-pjanijiet tal-programmi ġenerali, kif approvati mill-Kunsill Governattiv;

(i)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-oqfsa ta' ġestjoni tar-riskju rilevanti, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(j)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' migrazzjoni rilevanti, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(k)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-oqfsa operattivi rilevanti, inkluża l-istrateġija ta' ġestjoni tal-inċidenti u tal-kriżijiet, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(l)

jiżgura l-funzjonament xieraq u l-kwalità tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(m)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' konnettività tan-netwerk;

(n)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi l-istrateġiji ta' ġestjoni tal-kriżi;

(o)

jimplimenta u/jew jiġġestixxi r-reżiljenza ċibernetika u l-istrateġija u l-oqfsa ta' sigurtà tal-informazzjoni; u

(p)

jiżgura konformità mar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji.

2.2.2   Sistema finanzjarja

L-MIB japprova u/jew iniedi:

(a)

il-pagament ta' ħlasijiet parzjali lill-BĊNi fornituri, skont skeda ta' ħlas miftiehma approvata mill-Kunsill Governattiv, ladarba r-riżultati rilevanti jkunu ġew aċċettati mill-MIB;

(b)

ir-rimborż ta' kostijiet relatati ma' appoġġ addizzjonali mill-BĊNi fornituri lill-banek ċentrali tal-Eurosistema, skont il-ftehim rilevanti ta' Livell 2-Livell 3 u kwalunkwe ftehim relatat ieħor;

(c)

il-pagament ta' ħlasijiet parzjali lill-BĊE, fuq il-bażi tal-kostijiet imġarrba minn dan tal-aħħar b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema; u

(d)

il-ġbir ta' ħlasijiet mingħand il-klijenti, fejn applikabbli, u r-rimborż ta' dawn il-ħlasijiet lill-banek ċentrali tal-Eurosistema. Sa fejn ikun meħtieġ, il-BĊE għandu jipprovdi l-appoġġ xieraq lill-MIB.

2.2.3.   Relazzjonijiet mal-BĊNi fornituri

L-MIB:

(a)

jiżgura l-involviment tal-BĊNi fornituri f'kull kwistjoni rilevanti;

(b)

imexxi n-negozjati ta' kwalunkwe emenda għall-ftehim ta' Livell 2-Livell 3 rilevanti u kwalunkwe ftehim ieħor relatat bejn il-BĊNi fornituri u l-banek ċentrali tal-Eurosistema u jissottometti dawn l-emendi għall-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv;

(c)

jistabbilixxi u jżomm kuntatti regolari mal-BĊNi fornituri sabiex jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu f'konformità ma' tali ftehimiet;

(d)

jivvalida l-proposti mill-BĊNi fornituri u japprova r-riżultati tad-disinn tekniku u funzjonali (żviluppat mill-BĊNi fornituri); u

(e)

jassisti lill-Kunsill Governattiv fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-fornituri ta' servizzi ta' konnettività tan-netwerk, fejn dawn tal-aħħar jifformaw parti mis-servizz ta' infrastruttura tal-Eurosistema.

2.2.4   Relazzjonijiet mal-korpi ta' governanza tal-Eurosistema u mal-partijiet ikkonċernati esterni

L-MIB:

(a)

jiġġestixxi, kif xieraq, ir-relazzjonijiet mal-Kumitati SEBĊ, mal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji, kif ukoll ma' awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħrajn b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(b)

jinteraġixxi mal-klijenti u mal-banek ċentrali SEBĊ sabiex jiffaċilita l-migrazzjoni tagħhom, u jiddiskuti, jikkoordina u jipprova jsib soluzzjonijiet possibbli sabiex isolvi tilwim fil-qafas legali applikabbli u fil-mandat tiegħu li jridu jiġu approvati mill-korpi responsabbli;

(c)

jinnegozja abbozzi ta' ftehimiet ta' parteċipazzjoni (flimkien mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, fejn applikabbli) ma' parteċipanti ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema, u ma' banek ċentrali mhux fiż-żona tal-euro li ffirmaw ftehimiet ta' parteċipazzjoni, inkluża kwalunkwe emenda għal dawk il-ftehimiet;

(d)

jikkoordina mal-korpi l-oħrajn ta' governanza ta' servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(e)

fejn rilevanti, jaħtar lill-presidenti tal-gruppi tekniċi wara konsultazzjoni mal-korpi ta' governanza rilevanti, u finalment jirċievi rapporti mill-gruppi tekniċi;

(f)

jinteraġixxi ma' fornituri ta' servizzi ta' konnettività tan-netwerk fejn ikunu jifformaw parti mis-servizz ta' infrastruttura tal-Eurosistema;

(g)

jiddefinixxi l-politika ta' komunikazzjoni teknika b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema; u

(h)

jiżgura trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni f'waqtha u konsistenti ta' dokumentazzjoni teknika rilevanti b'rabta mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema soġġett għall-obbligi ta' kunfidenzjalità stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta.


ANNESS II

BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

REGOLI TA' PROĊEDURA

KAPITOLU 1

Ħatra u Sħubija

INTRODUZZJONI

L-Eurosistema toffri infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral, li jinkludu servizzi TARGET li jinkludu servizzi TARGET2, T2S u TIPS kif ukoll, fil-futur, ECMS (“servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema”).

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-iżgurar li s-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw is-servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema (il-“proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxi ebda preżunzjoni bl-effett li kull proġett ġdid ta' infrastrutturi tas-suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f'din id-Deċiżjoni ta' proġett ta' infrastruttura tal-Eurosistema għandu jiġi fdat awtomatikament lill-MIB. Huma biss dawk il-proġetti fdati espliċitament mill-Kunsill Governattiv lill-MIB li għandhom jiġu ġestiti mill-MIB.

1.   Għażla u ħatra

Il-membri tal-MIB jinħatru mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi ta' proposta mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (il-“Bord Eżekuttiv”).

L-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati lill-Bord Eżekuttiv mill-Gvernatur jew il-President, skont kif japplika, tal-Bank Ċentrali Nazzjonali (BĊN). Fil-proposta tiegħu lill-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti preferenza lil kandidati li jirrapportaw direttament lill-ogħla korp ta' governanza fil-bank ċentrali tiegħu. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura fil-proposta tiegħu li l-prinċipji stipulati fit-Taqsima 3 ta' dan l-Anness II jiġu osservati.

L-applikazzjonijiet għall-membri ta' banek mhux ċentrali tal-MIB għandhom jinġabru mill-Bord Eżekuttiv skont il-proċedura għall-għażla ta' tali membri skont l-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

2.   Sħubija u mandat – Parteċipazzjoni ta' osservaturi

Ladarba jinħatru, il-membri tal-MIB għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-aħjar interess tal-Eurosistema. Huma m'għandhomx ikunu soġġetti għal struzzjonijiet minn xi korp pubbliku jew privat. Il-membri tal-MIB għandhom jirrapportaw flimkien u esklussivament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' membri tal-MIB. Il-membri tal-banek ċentrali tal-MIB jistgħu jitolbu, fejn xieraq, fuq inizjattiva proprja u fid-diskrezzjoni tagħhom stess, l-opinjoni ta' membri oħrajn tal-persunal tal-bank ċentrali tagħhom, iżda la għandhom jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-bank ċentrali tagħhom, jew jintrabtu li jieħdu pożizzjoni speċifika waqt id-deliberazzjonijiet u l-votazzjoni tal-MIB.

L-MIB għandu Chairperson li huwa maniġer anzjan fil-BĊE.

L-MIB huwa magħmul minn tlettax-il (13) membru, kif ġej:

(a)

Disa' membri minn BĊNi tal-Eurosistema, inkluż membru għal kull BĊN li jipprovdi servizzi ta' infrastruttura tas-suq lill-Eurosistema jew li jeżegwixxi proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema mal-Eurosistema (il-“BĊN fornitur”);

(b)

Żewġ membri minn BĊNi mhux tal-Eurosistema li qed jipparteċipaw f'servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema (eż. li ffirmaw il-Ftehim ta' Parteċipazzjoni tal-Valuta T2S jew qed jipparteċipaw f'TARGET2);

(c)

Żewġ membri ta' bank mhux ċentrali (mingħajr drittijiet ta' votazzjoni), wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti u wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tat-titoli.

Iċ-Chairperson huwa appoġġat minn Deputat Chairperson mill-membri tal-MIB li jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Il-kompitu esklussiv tad-Deputat Chairperson għandu jkun li jippresjedi laqgħat tal-MIB, fl-assenza temporanja taċ-Chairperson waqt laqgħa, skont l-aġenda determinata minn qabel għal-laqgħa tal-MIB inkwistjoni.

Il-mandat tal-membri tal-MIB idum għal 36 xahar u jista' jiġġedded. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi fuq mandat iqsar, inkluż meta membri jirriżenjaw jew jirtiraw qabel ma jintemm il-mandat tagħhom.

Biex ikun żgurat li l-BĊNi kollha (l-Eurosistema u l-BĊNi parteċipanti fis-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura rilevanti tal-Eurosistema) ikollhom l-opportunità li jibagħtu rappreżentant lill-MIB, għandu jkun hemm rotazzjoni ta' membri minn BĊNi mhux fornituri, normalment fiż-żmien meta jintemm il-mandat inizjali ta' 36 xahar tal-membri tal-MIB. Huwa mifhum li l-iskema ta' rotazzjoni ta' hawn fuq m'għandhiex tirriżulta fl-esklużjoni tal-istess BĊN mhux fornitur għal aktar minn żewġ perijodi ta' rotazzjoni.

Għandu jinżamm bilanċ xieraq bejn il-membri b'esperjenza fil-ġestjoni ta' proġetti, esperjenza fin-negozju tal-infrastruttura tas-suq tal-Eurosistema u b'esperjenza fl-IT.

Iċ-Chairperson għandu jistieden lil osservaturi mingħajr vot minn Kumitati rilevanti tas-SEBĊ sabiex jiddiskutu servizzi jew proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fil-qasam ta' kompetenza tagħhom. Il-membri tal-MIB huma mistennija li jiddedikaw mill-inqas 30 % tal-kapaċità ta' ħidma tagħhom għall-kwistjonijiet tal-MIB.

Il-membri tal-MIB m'għandhomx ikunu involuti direttament fis-sorveljanza tas-servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema jew ta' entitajiet parteċipanti f'dawn ta' hawn fuq (eż. depożitarji ċentrali tat-titoli li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta' saldu lit-T2S), sa fejn tali involviment jista' joħloq kunflitti reali jew potenzjali mal-funzjonijiet tagħhom bħala membri tal-MIB. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex jiġu identifikati u evitati tali kunflitti. Il-membri m'għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC) tal-Eurosistema, u lanqas m'għandhom ikunu involuti f'attivitajiet ta' Livell 3 fuq bażi ta' kuljum.

KAPITOLU 2

Proċeduri ta' ħidma

1.   Teħid ta' deċiżjonijiet

Skont il-prinċipji ta' governanza tajba, il-membri għandhom jipparteċipaw regolarment fil-laqgħat tal-MIB. Il-parteċipazzjoni hija strettament fuq bażi personali; il-membri ma jistgħux jinbidlu.

Biex l-MIB ikun jista' jiddelibera b'mod validu, għandu jkun hemm kworum ta' seba' membri bi dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr l-osservanza tal-kworum.

Sa fejn huwa possibbli, id-deċiżjonijiet tal-MIB għandhom jittieħdu permezz ta' konsensus. Fin-nuqqas ta' dan, u fuq talba taċ-Chairperson, l-MIB jista' jiddeċiedi permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi. F'każ ta' numru ugwali ta' voti, iċ-Chairperson għandu vot deċisiv.

L-MIB jipproċedi għall-vot fuq talba taċ-Chairperson. Iċ-Chairperson għandu jniedi wkoll proċedura ta' votazzjoni fuq talba ta' mill-inqas tliet membri tal-MIB bid-dritt tal-vot. Membru għandu jastjeni milli jivvota jekk ikollu kunflitt ta' interess, fit-tifsira tal-Kodiċi ta' Kondotta. Membri li jistgħu jivvotaw u li jkunu assenti jistgħu jiddelegaw il-vot tagħhom fir-rigward ta' proċedura ta' votazzjoni speċifika lil membru ieħor li jista' jivvota diment li ebda membru li jista' jivvota ma jeżerċita aktar minn żewġ voti dwar kwalunkwe kwistjoni.

Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta' proċedura bil-miktub, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar bid-dritt tal-vot. Proċedura bil-miktub għandha teħtieġ: (a) mhux anqas minn notifika ta' jumejn tax-xogħol, (ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, identifikati bħala tali miċ-Chairperson tal-MIB); u (b) nota ta' kwalunkwe deċiżjoni bħal din fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' wara tal-MIB.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali jinħatru f'kapaċità personali. M'għandhomx dritt tal-vot u ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor tal-MIB jew parti terza.

2.   Il-laqgħat tal-MIB

L-MIB jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta taċ-Chairperson. L-MIB għandu jiltaqa' regolarment abbażi ta' skeda li huwa jħejji fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta' kull sena.

Iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-MIB kull meta jidhirlu li jkun meħtieġ. Iċ-Chairperson għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja jekk talba għal laqgħa bħal din tiġi ppreżentata minn tal-anqas tliet membri.

Il-laqgħat tal-MIB ġeneralment jinżammu fil-bini tal-BĊE.

Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta' telekonferenza, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar.

L-MIB jadotta aġenda għal kull laqgħa.

L-attendenza fil-laqgħat tal-MIB hija limitata għall-membri tal-MIB u għal persuni oħrajn mistednin miċ-Chairperson.

3.   Ir-rapportar lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet

L-MIB jirrapporta fuq bażi regolari lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. F'dan ir-rigward, huwa jħejji r-rapporti għall-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet kif meħtieġ.

4.   Fluss intern ta' informazzjoni u trasparenza

Membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jirċievu, taħt kundizzjonijiet ta' kunfidenzjalità, id-dokumentazzjoni kollha dwar servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema ppreżentata lill-Kunsill Governattiv.

BĊNi tal-Eurosistema li mhumiex irrappreżentati fl-MIB għandu jkollhom aċċess awtomatiku għad-dokumentazzjoni kollha tal-MIB, inklużi l-aġendi u l-minuti tal-MIB, fl-istess ħin tal-membri tal-MIB u jistgħu jipprovdu kummenti bil-miktub qabel il-laqgħat tal-MIB biex l-opinjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu debitament ikkunsidrati mill-MIB. Huma jistgħu wkoll jagħmlu talba liċ-Chairperson biex jipparteċipaw fl-MIB jekk ikollhom interess partikolari f'suġġett. Iċ-Chairperson ikun responsabbli biex jinforma lil tali BĊNi tal-Eurosistema jekk jitqies li jista' jkollhom xi interess partikolari u jista' jressaq kwalunkwe punt imqajjem minn tali BĊN tal-Eurosistema quddiem l-MIB.

Sabiex jiġi żgurat li l-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti (Market Infrastructure and Payments Committee - MIPC) tal-Eurosistema jinżamm aġġornat dwar ix-xogħol tal-MIB, se jkun hemm punt ta' rapportar regolari dwar suġġetti tal-MIB fuq kull aġenda tal-MIPC. Jekk jitqies xieraq, jistgħu jsiru laqgħat konġunti tal-MIPC u tal-MIB.

L-interazzjoni bejn l-MIB u Kumitati oħrajn tas-SEBĊ għandha ssir permezz ta' konsultazzjonijiet bil-miktub.

L-attivitajiet tal-MIB huma soġġetti għar-rieżami tal-IAC.

5.   Fluss estern ta' informazzjoni, trasparenza u rappreżentanza

Iċ-Chairperson regolarment jinforma lill-partijiet interessanti rilevanti dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha li jirrigwardaw servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB. Iċ-Chairperson jiżgura t-trasparenza permezz tad-disponibbiltà f'waqtha u konsistenti ta' dokumentazzjoni teknika rilevanti relatata mas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema fit-taqsima dedikata lill-MIB tas-sit web tal-BĊE.

Il-membri għandhom jinformaw liċ-Chairperson bil-quddiem qabel ma jassumu kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna rilevanti u sostanzjali fir-rigward tar-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-MIB, bħalma huma li jitkellmu fuq servizzi u proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MIB f'konferenzi jew laqgħat ma' partijiet interessati rilevanti, u għandhom jipprovdu lill-MIB b'sommarju bil-miktub fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-okkażjoni. Kwalunkwe attività/komunikazzjoni esterna sostanzjali għandha tkun fl-interess tal-Eurosistema u għandha tkun konsistenti ma' kwalunkwe deċiżjoni ta' politika tal-Kunsill Governattiv.

6.   Appoġġ

L-MIB għandu jirċievi appoġġ organizzattiv mill-BĊE, fost l-oħrajn, għat-tħejjija tal-laqgħat tal-MIB, inkluża d-dokumentazzjoni tal-laqgħat.

Bħala regola, il-BĊE jibgħat dokumenti għad-diskussjoni lill-membri ħamest ijiem tax-xogħol qabel laqgħa. Madankollu, dokumenti qosra jistgħu jintbagħtu jum tax-xogħol bil-quddiem. Dokumenti mibgħuta anqas minn jumejn tax-xogħol qabel huma meqjusa “table documents” li ma jistgħux iwasslu għal deċiżjoni tal-MIB, sakemm il-membri kollha ma jaqblux mod ieħor.

Wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE iħejji abbozz tal-minuti li jirreġistra t-temi li kienu kkunsidrati u r-riżultati tad-diskussjoni kif ukoll is-segwitu miftiehem. L-abbozz tal-minuti jinkludi pożizzjonijiet espressi matul il-laqgħa minn membri individwali meta mitluba. L-abbozz tal-minuti jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

Ukoll wara kull laqgħa tal-MIB, il-BĊE iħejji abbozz ta' lista ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu li jkun fiha l-kompiti u l-iskadenzi li jkunu ġew allokati u miftiehma matul dik il-laqgħa, li jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

L-abbozz tal-minuti u l-lista ta' azzjonijiet jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-MIB fil-laqgħa ta' wara (jew qabel, jekk meħtieġ, permezz ta' proċedura bil-miktub) u jiġu ffirmati miċ-Chairperson.

L-MIB għandu jaħtar, u jirċievi input mingħand, Kontrollur, li jista' jkun wieħed mill-membri tiegħu.

L-MIB jista' joħloq substrutturi bi ftehim mal-BĊE. Subtstruttura tista' tiġi stabbilita b'mod differenti mill-kompożizzjoni tal-MIB, u tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-BĊNi kollha tal-Eurosistema u, fejn rilevanti, għall-BĊNi li mhumiex tal-Eurosistema.

7.   Reviżjoni tal-mandat

Il-mandat tal-MIB jista' jiġi rivedut kull ħames snin fid-dawl tal-esperjenza miksuba.


ANNESS III

KODIĊI TA' KONDOTTA

TAL-BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ

INTRODUZZJONI

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) huwa kompost minn membri maħtura mill-Kunsill Governattiv (il-“Kunsill Governattiv”) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il-membri għandhom jaġixxu biss fl-aqwa interess tal-Eurosistema u għandhom jallokaw ħin biżżejjed għall-involviment attiv tagħhom fil-ħidma tal-MIB.

L-MIB huwa l-korp ta' governanza li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv sabiex jiġi żgurat li l-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tal-Eurosistema u s-servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu ta' flus kontanti, tas-saldu tat-titoli u tal-ġestjoni tal-kollateral (is-“servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema”) jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment, kif ukoll li l-proġetti li jirrigwardaw servizzi ta' infrastruttura tal-Eurosistema ġodda jew eżistenti (il-“proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema” jew “proġetti”) jiġu ġestiti, f'konformità mal-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), mal-bżonnijiet tan-negozju, l-avvanzi teknoloġiċi, il-qafas legali applikabbli għal servizzi u proġetti tal-infrastruttura tal-Eurosistema, kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji, b'rispett sħiħ tal-mandati tal-Kumitat SEBĊ stabbiliti taħt l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-BĊE. L-MIB jirrapporta lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Huwa essenzjali għat-teħid ta' deċiżjonijiet informati u indipendenti tal-Kunsill Governattiv li l-ħidma tal-MIB ma tkunx affettwata minn ċirkustanzi li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess għal xi membru tiegħu. Huwa wkoll essenzjali għar-reputazzjoni tajba u l-kredibbiltà tal-Eurosistema u tas-SEBĊ u għas-sodizza legali tas-servizzi u l-proġetti ta' infrastruttura tal-Eurosistema illi l-membri tal-MIB ikunu ggwidati u jidhru bħala li jkunu ggwidati mill-interess ġenerali tal-Eurosistema. Għaldaqstant il-membri għandhom (a) jevitaw sitwazzjonijiet fejn jeżistu jew jidhru li jeżistu kunflitti ta' interess; (b) jaġixxu biss fl-aħjar interessi tal-Eurosistema fit-trattattivi tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi, banek ċentrali, rappreżentanti tal-industrija u partijiet oħra interessati esterni involuti fid-disinn, l-iżvilupp u t-tħaddim ta' infrastrutturi, pjattaformi, applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati offruti mill-Eurosistema; u (c) jiżguraw l-oġġettività, in-newtralità u l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri b'interess fl-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tas-suq u s-servizzi relatati offruti mill-Eurosistema.

L-obbligu tas-segretezza professjonali ddikjarat fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) japplika kemm għall-persunal tal-BĊE kif ukoll għal persunal ta' bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li jwettaq kompiti tas-SEBĊ, u jkopri, fost affarijiet oħra, informazzjoni kunfidenzjali li tirrigwarda s-sigrieti tan-negozju jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha valur kummerċjali. Obbligu ekwivalenti japplika għall-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali. Membri li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jikkonformaw ukoll ma' kwalunkwe regola ta' kondotta addizzjonali li għaliha jista' jkun hemm provvediment fl-ittra tal-ħatra tagħhom u fil-kuntratt tagħhom mal-BĊE.

Huwa xieraq u skont il-prattiċi ta' amministrazzjoni tajba, illi l-Kundizzjonijiet tal-Impieg applikabbli għaċ-Chaiperson tal-MIB, u d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Membri tal-MIB li huma membri tal-istaff ta' BĊN, għandhom jipprovdu għal kumpens legali għal ksur ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta (“il-Kodiċi”). Dispożizzjoni ekwivalenti tapplika għall-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, kif deskritt fl-Anness IV.

Dan il-Kodiċi huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit li jirriżulta minn dispożizzjonijiet ta' etika oħrajn li jista' jkun applikabbli għall-membri tal-MIB fil-funzjoni tagħhom bħala membri tal-istaff tal-BĊE jew ta' BĊN.

1.   Definizzjonijiet

Ghall-finijiet ta' dan il-Kodiċi:

(a)

“Chairperson” tfisser il-persuna maħtura mill-Kunsill Governattiv biex tippresjedi l-MIB;

(b)

“Deputat Chairperson” tfisser il-persuna li tappoġġa liċ-Chairperson li jinħatar minn fost il-membri tal-MIB mill-Kunsill Governattiv. Il-kompitu esklussiv tad-Deputat Chairperson għandu jkun li jippresjedi l-laqgħat tal-MIB, fl-assenza temporanja taċ-Chairperson waqt laqgħa, skont l-aġenda ddeterminata minn qabel għal-laqgħa tal-MIB inkwistjoni.

(c)

mingħajr preġudizzju għall-obbligu tas-segretezza professjonali fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jew ta' dokumenti kklassifikati skont ir-reġim tal-kunfidenzjalità li huma pprovduti lil kull membru tal-MIB, “informazzjoni kunfidenzjali” tfisser (i) sigrieti tan-negozju tal-Eurosistema jew ta' partijiet terzi u kull informazzjoni li għandha valur kummerċjali ħlief għall-finijiet tax-xogħol tal-MIB; (ii) kull informazzjoni li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista' jagħmel ħsara lill-interessi essenzjali tal-Eurosistema; u (iii) kwalunkwe informazzjoni illi persuna raġonevoli tqis bħala kunfidenzjali; “informazzjoni kunfidenzjali” ma tinkludix informazzjoni li: (i) hija jew issir ġeneralment disponibbli għall-pubbliku, minbarra permezz ta' ksur ta' dan il-Kodiċi; jew (ii) hija żviluppata indipendentement minn parti terza mingħajr ebda aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali; jew (iii) billi hija soġġetta għal Taqsima 3, tenħtieġ li tiġi żvelata mil-liġi;

(d)

“membru li mhuwiex minn bank ċentrali” tfisser membru tal-MIB li mhuwiex membru tal-istaff tal-BĊE jew ta' BĊN;

(e)

“mandat” tfisser il-mandat stipulat f'Anness I;

(f)

“membru” tfisser membru tal-MIB, inkluż iċ-Chairperson;

(g)

“fornituri” tfisser entitajiet kummerċjali u organizzazzjonijiet ta' negozju li attwalment jipprovdu jew għandhom interess li jipprovdu merkanzija u/jew servizzi relatati mal-infrastrutturi, il-pjattaformi, l-applikazzjonijiet tas-suq u servizzi relatati offruti mill-Eurosistema.

2.   Evitar ta' kunflitti ta' interess

(a)

Fir-rigward tal-provvista ta' merkanzija u/jew servizzi rilevanti għall-mandat tal-MIB, kunflitt ta' interess għandu jitqies li jirriżulta fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 0.2.1.2 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE, u b'mod partikolari, fejn membru għandu interess kummerċjali jew professjonali, jew sehem, f'fornitur, kemm permezz ta' proprjetà, kontroll, investiment, lealtà personali jew mod ieħor, li attwalment jinfluwenza jew jista' jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet ta' dak il-membru.

(b)

Il-membri għandhom jaġixxu fl-interess ġenerali tal-Eurosistema u skont ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-MIB. Huma għandhom jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li x'aktarx twassal għal kunflitt ta' interess.

(c)

Jekk jirriżulta jew x'aktarx jirriżulta kunflitt ta' interess b'konnessjoni mal-kompiti tal-MIB, il-membru kkonċernat għandu jgħarraf b'dan il-kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali tiegħu (jew, fil-każ ta' membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) permezz tal-formola stipulata f'Appendiċi 2 u fl-istess ħin jinforma liċ-Chairperson b'dan. Jekk l-awtorità għall-konformità (jew, f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, l-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) tikkonkludi illi jeżisti kunflitt ta' interess, hija tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha lill-Gvernatur jew lill-President tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-President tal-BĊE) fir-rigward tal-ġestjoni xierqa tal-kunflitt ta' interess inkwistjoni.

(d)

Jekk, matul laqgħa tal-MIB, membru jkollu raġuni biex jemmen illi l-parteċipazzjoni ta' membru ieħor fid-diskussjoni, votazzjoni jew proċedura bil-miktub tal-MIB tista' toħloq kunflitt ta' interess, huwa għandu jinforma liċ-Chairperson immedjatament.

(e)

Iċ-Chairperson għandu jistieden lill-membru li dwaru jkun tqajjem tħassib dwar kunflitt ta' interess skont il-paragrafu (c) u (d), biex jiddikjara jekk jeżistix kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali. Iċ-Chairperson għandu jinforma lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f'każ ta' membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE) dwar kull każ bħal dan mingħajr dewmien żejjed u, jekk meqjus neċessarju, lill-Kunsill Governattiv ukoll.

(f)

Jekk iċ-Chairperson huwa l-membru kkonċernat taħt il-paragrafu (c), (d) jew (e), iċ-Chairperson għandu jinforma lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

(g)

Il-membri għandhom minnufih jeskludu lilhom infushom milli jieħdu sehem fi kwalunkwe diskussjoni, deliberazzjoni jew vot dwar kwalunkwe kwistjoni li fir-rigward tagħha dak il-membru għandu kunflitt ta' interess u m'għandux jingħata dokumentazzjoni relatata.

3.   Użu xieraq ta' informazzjoni kunfidenzjali

(a)

Il-membri għandhom jużaw l-informazzjoni kunfidenzjali biss għall-finijiet, u fl-interessi tal-Eurosistema u biex jilħqu l-objettivi tal-MIB, skont il-mandat tal-MIB.

(b)

Il-membri m'għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jiżvelaw, lil hinn mill-mandat tagħhom, informazzjoni kunfidenzjali lil partijiet terzi u/jew entitajiet fi jew barra l-Eurosistema. Fir-rigward taċ-Chairperson tal-MIB u tal-membri tal-istaff tal-BĊNi, huma jistgħu jiżvelaw biss informazzjoni kunfidenzjali lil membri tal-istaff tal-bank ċentrali tagħhom fuq bażi stretta ta' ħtieġa ta' tagħrif, u bl-iskop uniku li jipprovdu pariri li jippermettu li tiġi ffurmata opinjoni dwar kwistjoni speċifika. Informazzjoni kunfidenzjali mmarkata “membri biss” m'għandhiex, fil-prinċipju, tiġi żvelata minn membri lil membri tal-istaff tal-bank ċentrali tagħhom, sakemm ma jkunx hemm qbil mill-MIB.

(c)

Il-membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjenu l-iżvelar aċċidentali ta', jew l-aċċess mhux awtorizzat għal, informazzjoni kunfidenzjali.

(d)

Il-membri m'għandhomx jużaw l-informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tagħhom jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna oħra skont l-Artikolu 4.1.3 tal-Qafas tal-Etika tal-BĊE u miżuri nazzjonali li jimplimentaw l- Artikolu 7(2) tal-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1). B'mod partikolari, m'għandhomx jieħdu vantaġġ minn informazzjoni kunfidenzjali fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata jew meta jirrakkomandaw jew jagħtu pariri kontra tali tranżazzjonijiet.

(e)

Sa fejn membru huwa ordnat minn qorti jew awtorità regolatorja, superviżorja jew kompetenti oħra li għandha ġurisdizzjoni fuq dak il-membru sabiex jiżvela jew jagħmel disponibbli informazzjoni kunfidenzjali, dak il-membru għandu:

(i)

meta permess mil-liġi, jagħti minnufih avviż bil-miktub ta' ordni bħal din liċ-Chairperson u lill-awtorità għall-konformità (jew, f'każ ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE)) tal-bank ċentrali tiegħu, bl-aktar dettall possibbli;

(ii)

jikseb parir legali espert għal dak li jirrigwarda l-legalità u l-infurzabbiltà ta' ordni bħal din, jekk meqjus neċessarju miċ-Chairperson;

(iii)

jikkoopera mal-banek ċentrali kollha kkonċernati u jipprovdu l-assistenza li ċ-Chairperson jista' jitlob raġonevolment sabiex l-MIB jew il-BĊN tal-membru kkonċernat jitħalla jfittex rimedji legali biex jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali;

(iv)

jinnotifika lill-qorti jew lill-awtorità kkonċernata bin-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u jitlob lill-qorti jew awtorità biex tippreżerva l-kunfidenzjalita tal-informazzjoni, sa fejn hu permess mil-liġi.

Jekk iċ-Chairperson huwa kkonċernat minn din it-Taqsima, huwa għandu jinforma lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

4.   Prinċipji ta' komunikazzjoni ma' partijiet esterni

(a)

Bla ħsara għar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-informazzjoni kunfidenzjali, fil-kuntatti tagħhom ma' fornituri jew organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri, il-membri għandhom iħabirku biex tinżamm kompetizzjoni ġusta u jipprovdu informazzjoni oġġettiva u pertinenti lill-fornituri jew lir-rappreżentanti b'mod ikkoordinat u mhux diskriminatorju. Skont l-informazzjoni li għandha tingħata, dan il-għan jista' jinkiseb billi huma jiġu involuti fi djalogu kostruttiv u billi tinqasam id-dokumentazzjoni magħhom fi gruppi konsultattivi.

(b)

Il-membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil kull komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lilhom mill-fornituri jew mill-organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri. Il-membri għandhom jittrattaw dawn il-komunikazzjonijiet bħala kunfidenzjali, sakemm ma jiġix espressament iddikjarat il-kuntrarju mill-fornitur jew mir-rappreżentant.

(c)

Il-paragrafi 3(a) u 3(b) m'għandhomx ikunu miftehma bħala li jimpedixxu kuntatti bejn l-MIB u l-fornituri jew l-organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lill-fornituri.

5.   Parir fuq mistoqsijiet ta' etika

Jekk membru jkollu xi mistoqsija dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi, dak il-membru għandu jitlob parir mingħand l-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza tal-BĊE.

6.   Sanzjonijiet u dispożizzjonijiet finali

(a)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-proċeduri dixxiplinari inklużi fil-kundizzjonijiet tal-impieg tagħhom jew għal kull penali kriminali, dixxiplinari, amministrattiva jew kuntrattwali applikabbli, membru li jikser dan il-Kodiċi għandu jitkeċċa immedjatament mill-MIB u jiġi sostitwit.

(b)

Membru għandu jibqa' marbut mit-Taqsimiet 2 u 3 anki wara li dak il-membru jkun waqaf minn dmirijietu bħala membru tal-MIB.

(c)

Ex-membru m'għandux juża informazzjoni kunfidenzjali sabiex jikseb impieg ma' fornitur, jew jiżvela jew juża informazzjoni kunfidenzjali miksuba permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-MIB bħala impjegat ta' fornitur.

(d)

Matul l-ewwel sena wara li jkunu waqfu minn dmirijiethom, il-membri għandhom ikomplu jevitaw kull kunflitt ta' interess li jista' jinqala' minħabba attività professjonali jew ħatra ġdida. B'mod partikolari, huma għandhom jinformaw bil-miktub liċ-Chairperson dwar jekk għandhomx il-ħsieb jinvolvu ruħhom f'xi attività professjonali jew jaċċettaw ħatra, u għandhom jitolbu l-parir tal-MIB qabel ma jintrabtu. L-MIB għandu jirreferi l-kwistjonijiet lill-Uffiċċju tal-Konformità u tal-Governanza, kif xieraq.

(e)

Jekk ex-membru ma jirrispettax ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi (c) u (d), l-MIB jista' jinforma lil min iħaddem lil dak l-ex-membru illi jirriżulta, jew aktarx li jirriżulta, kunflitt ta' interess bejn il-pożizzjoni l-ġdida tal-ex-membru u dik li kellu qabel.

7.   Indirizzati u distribuzzjoni

Dan il-Kodiċi huwa indirizzat lill-membri. Titqassam kopja lil kull membru eżistenti u lil membri ġodda mal-ħatra. Il- Membri huma mitluba jiffirmaw l-Appendiċijiet 1 u 2 qabel ma jattendu għall-ewwel laqgħa tagħhom tal-MIB.


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l- prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

Appendiċi 1

DIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ MAL-KODICI TA' KONDOTTA

B'din id-Dikjarazzjoni, jiena naċċetta l-Kodiċi ta' Kondotta anness u nirrikonoxxi l-obbligi tiegħi hawn taħt, b'mod partikolari l-obbligu tiegħi biex (a) inżomm il-kunfidenzjalità stretta ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali u ma niżvelax informazzjoni kunfidenzjali miksuba minni, anki skont l-Iskema ta' kunfidenzjaliltà tal-BĊE; (b) nevita u niddikjara sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu kunflitt ta' interess fit-twettiq ta' dmirijieti bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) b'rabta mal-kompetenzi tal-MIB; u (c) ma nużax informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju tiegħi stess jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna oħra; b'mod partikolari, m'għandix nieħu vantaġġ minn informazzjoni kunfidenzjali fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata jew fir-rakkomandazzjoni jew fl-għoti ta' pariri kontra tali tranżazzjonijiet.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

Appendiċi 2

DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI  (1)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

(Impjieg)

Il-kompetenzi tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) huma direttament jew indirettament (eż. fir-rigward ta' membru tal-familja) affettwati mill-interessi ta' flus u/jew mhux ta' flus, li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess fit-tifsira tal-Kodiċi ta' Kondotta (2):

Investiment (eż. dirett jew indirett f'entità kummerċjali, inkluż sussidjarji jew entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv, li għandu interess bħala fornitur, sakemm ma jkunx miżmum permezz ta' fondi ta' investiment jew tal-pensjonijiet jew xi ħaġa simili):

Pożizzjoni (eż kurrenti jew preċedenti, imħallsa jew mhux imħallsa, ma' entità kummerċjali illi għandha interess bħala fornitur):

Introjtu jew rigali (eż. remunerazzjoni kurrenti, preċedenti jew mistennija, inkluż benefiċċji differiti, għażliet li għandhom jiġu eżerċitati fi stadju aktar tard u trasferimenti ta' drittijiet tal-pensjoni, jew rigali, riċevuti mingħand entità kummerċjali li għandha interess bħala fornitur):

Oħrajn:

Jien b'dan niddikjara, fuq l-unur tiegħi, illi sa fejn naf jien l-informazzjoni żvelata hija vera u kompleta.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)


(1)  Jekk membru m'għandu ebda interess rilevanti, dan għandu jkun indikat billi jiddikjara “l-ebda” fil-parti(jiet) rilevanti.

(2)  Membru b'interess rilevanti għandu jiddeskrivi l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, billi juża wkoll spazju addizzjonali jekk meħtieġ.


ANNESS IV

PROĊEDURI U REKWIŻITI GĦALL-GĦAŻLA, IL-ĦATRA U L-BIDLA TAL-MEMBRI TAL-BORD TAL-INFRASTRUTTURA TAS-SUQ LI MHUMIEX MINN BANK ĊENTRALI

1.   Avviż ta' Kompetizzjoni

1.1.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (il-“BĊE”) għandu jippubblika avviż ta' kompetizzjoni sabiex jinħatru esperti bħala membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (l-“MIB”) li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta' lista ta' riżerva. L- avviż ta' kompetizzjoni għandu jsir skont id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/2) (1). Mandakollu, għandu jiddevja mill-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2). L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jirrispetta tal-inqas il-prinċipji ewlenin tal-akkwist pubbliku u jiżgura kompetizzjoni xierqa u trasparenti.

1.2.

L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jistabbilixxi, fost l-oħrajn: (a) ir-rwol tal-MIB; (b) ir-rwol tal-membri li mhumiex minn bank ċentrali fl-MIB; (c) il-kriterji tal-għażla; (d) l-aspetti finanzjarji rilevanti; u (e) il-proċedura tal-applikazzjoni, inkluż skadenza għar-riċevuta tal-applikazzjonijiet.

1.3.

L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tal-BĊE fl-istess ħin. Fejn xieraq, il-BĊE jista' juża mezzi addizzjonali biex jirriklama l-avviż ta' kompetizzjoni. F'każ ta' diskrepanzi, il-verżjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tieħu l-preċedenza fuq verżjonijiet oħra.

1.4.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tal-kandidati għandha tkun tal-anqas 35 jum kalendarju wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' kompetizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-proċedura tal-għażla

2.1.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE (il-“Kunsill Governattiv”) għandu jaħtar lill-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali abbażi ta' proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (il-“Bord Eżekuttiv”), wara li jkun lesta l-proċedura tal-akkwist rilevanti.

2.2.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jevalwa lill-kandidati skont il-kriterji tal-għażla stipulati fit-Taqsima 3 ta' dan l-Anness IV.

2.3.

Iċ-Chairperson tal-MIB, rappreżentanti mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, u staff tal-BĊE jistgħu jagħtu appoġġ lill-Bord Eżekuttiv fil-mili tal-formoli għall-evalwazzjoni tal-kandidati, li jinkludu sommarju tal-merti u n-nuqqasijiet tal-kandidat fil-kuntest tal-kriterji tal-għażla għall-mandat u rakkomandazzjoni għall-ħatra skont l-adattabbiltà tal-kandidat.

2.4.

Bil-kontra tal-Artikolu 22(6) tad-Deċiżjoni BĊE/2016/2, żewġ kandidati għandhom jinħatru direttament, u għandha tiġi stabbilita lista ta' riżerva għal kandidati għal postijiet fil-futur.

3.   Il-kriterji tal-għażla

Il-kriterji tal-għażla huma kif ġej:

(a)

għarfien espert bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti jew għarfien espert fl-industrija tat-titoli, jew bħala fornitur ta' servizz jew bħala utent ta' servizzi f'dan il-qasam, kif ukoll għarfien espert relatat mas-settur finanzjarju usa' tal-Unjoni;

(b)

mill-anqas 10 snin esperjenza ta' interazzjoni mal-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

esperjenza rilevanti, preferibbilment fil-ġestjoni tal-proġetti; u

(d)

il-kapaċità ta' komunikazzjoni effettiva bl-Ingliż.

4.   Lista ta' riżerva

4.1.

Il-BĊE għandu jimmira li dejjem iżomm lista ta' riżerva ta' kandidati potenzjali biex timla l-pożizzjonijiet ta' membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali.

4.2.

F'każ ta' post battal fl-MIB ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali, il-Bord Eżekuttiv jista' jagħżel kandidat mil-lista ta' riżerva skont il-klassifikazzjoni tiegħu u jipproponih lill-Kunsill Governattiv bħala membru mhux ċentrali tal-MIB għal mandat ta' 36 xahar jew iqsar. Il-mandat jista' jiġġedded għal mandat ieħor ta' mhux aktar minn 36 xahar biex il-mandat totali ma jkunx jaqbeż il-mandat massimu ta' [sitt] snin permess għall-membri li mhumiex minn bank ċentrali.

4.3.

Il-lista ta' riżerva għandha tibqa' valida għal perijodu ta' sitta u tletin xahar ladarba tiġi approvata mill-Kunsill Governattiv. Il-Kunsill Governattiv jista' jestendi l-validità tal-lista ta' riżerva għal perijodu ieħor ta' 36 xahar jekk iqis li huwa xieraq li jagħmel hekk.

4.4.

B'devjazzjoni mill-Artikolu 22(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2), il-lista ta' riżerva m'għandhiex tkun miftuħa għal applikanti ġodda.

4.5.

B'devjazzjoni mill-Artikolu 22(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2), il-kandidati jistgħu jaċċessaw, jaġġornaw jew jikkoreġu d-data tagħhom iżda ma jistgħux jaġġornaw jew jikkoreġu informazzjoni rilevanti biex jissodisfaw il-kriterji tal-għażla wara d-data tal-għeluq tal-avviż ta' kompetizzjoni.

5.   Ħatra

5.1.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jinħatru f'kapaċità personali. Huma ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew parti terza.

5.2.

Il-ħatriet kollha għandhom ikunu soġġetti għall-iffirmar ta' kuntratt ta' ħatra minn min jinħatar, iffirmat ukoll miċ-Chairperson tal-MIB kif ukoll kuntratt mal-BĊE, li jistabbilixxi l-indennizzi u r-rimborż tal-ispejjeż applikabbli fir-rigward ta' spejjeż, u wkoll id-dikjarazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 6.1.

5.3.

Il-Kunsill Governattiv għandu jaħtar membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali bħala membri mingħajr vot tal-MIB għal massimu ta' 36 xahar, li jiġġeddu għal mandat ieħor ta' mhux aktar minn 36 xahar biex il-mandat totali ma jkunx jaqbeż il-mandat massimu ta' sitt snin permess għall-membri li mhumiex minn bank ċentrali.

6.   Dikjarazzjonijiet

6.1.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali jintrabtu li jimxu mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-MIB. Għal dan il-għan, huma meħtieġa jiffirmaw id-“Dikjarazzjoni ta' konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta” fl-Appendiċi 1 tal-Anness III u li jimlew u jiffirmaw id-“Dikjarazzjoni tal-interessi” fl-Appendiċi 2 tal-Anness III.

6.2.

Il-membri tal-MIB li mhumiex minn bank ċentrali huma meħtieġa wkoll jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet ipprovduti mal-avviż ta' kompetizzjoni.

7.   Terminazzjoni u sostituzzjoni

7.1.

Il-Kunsill Governattiv jista' jittermina l-mandat ta' membru tal-MIB li mhuwiex minn bank ċentrali jekk, fil-każ ta' dak il-membru li mhuwiex minn bank ċentrali, iseħħ xi wieħed minn dawn li ġejjin: kunflitt ta' interess, ksur ta' dmir, l-inabbiltà li jwettaq dmirijietu, ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta u/jew nuqqas serju fl-imġieba.

7.2.

Il-mandat ta' membru li mhuwiex minn bank ċentrali jitqies bħala itterminat meta dak il-membru li mhuwiex minn bank ċentrali jirriżenja jew jiskadilu l-mandat tiegħu mingħajr ma jiġi mġedded.

7.3.

Jekk mandat jiġi tterminat qabel ma jintemm il-perijodu ta' 36 xahar, għandhom japplikaw it-Taqsimiet 4.2 u 4.3.

(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2) (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/32


DEĊIŻJONI Nru 1/2019 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE

tal-14 ta' Jannar 2019

dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali ta' Mauritius rigward tat-tirsite mmellaħ [2019/167]

IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (“ALN”), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 41(4) tal-Protokoll 1 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar min-naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (1) (“l-FSE interim”) japplika b'mod proviżorju sa mill-14 ta' Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Madagascar, ir-Repubblika ta' Mauritius, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe.

(2)

Il-Protokoll 1 tal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jinkludi r-regoli ta' oriġini għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-ALN.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, jingħataw derogi minn dawk ir-regoli ta' oriġini meta l-iżvilupp tal-industriji eżistenti fl-Istati tal-ALN jiġġustifikahom.

(4)

Fit-2 ta' Ottubru 2017, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE [2017/1924] (2) li tagħti deroga mir-regoli ta' oriġini fir-rigward tat-tirsite mmellaħ importat fl-Unjoni bejn it-2 ta' Ottubru 2017 u l-1 ta' Ottubru 2018 f'konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 tal-FSE interim. Madankollu, minħabba li kien hemm dewmien biex jiksbu l-ordnijiet, l-użu tal-kwota tad-deroga kien baxx.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 42 tal-Protokoll 1 tal-FSE interim, Mauritius talab deroga ġdida mir-regoli ta' oriġini fir-rigward ta' 100 tunnellata ta' tirsite mmellaħ tal-intestatura tas-SA 0305 69 importati fl-Unjoni bejn Ottubru 2018 u Ottubru 2019. Fit-talba tiegħu Mauritius itenni li ma hemmx disponibbiltà ta' tirsite li joriġina fl-Unjoni jew f'Mauritius, u li t-tirsite minn Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“l-Istati AKP”) oħrajn ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kwalità u l-provvista regolari. Għalhekk, jeħtieġ li Mauritius ikompli jakkwista materja prima mhux oriġinarja għall-industrija tal-ipproċessar tiegħu. Mauritius jantiċipa li se jkun kapaċi juża bis-sħiħ il-kwota mitluba għall-perjodu 2018/2019.

(6)

Id-deroga tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u tippermetti d-diversifikazzjoni tas-settur tal-frott tal-baħar ta' Mauritius, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu bbażat fuq prodotti tat-tonn. Mauritius indika li l-valur tal-esportazzjonijiet antiċipati taħt deroga jammonta għal EUR 390 000. Fl-2017, il-valur tal-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd tal-Kapitolu 03 tas-SA minn Mauritius lejn l-Unjoni ammonta għal EUR 21 217 843. Il-kwantitajiet baxxi, li jirrappreżentaw 1,84 % biss tal-valur ta' dawn l-importazzjonijiet u l-perjodu limitat mitlub għad-deroga ma jikkawżawx dannu serju lil xi wieħed mis-setturi ekonomiċi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar.

(7)

Għalhekk, jixraq li Mauritius jingħata deroga għal 100 tunnellata ta' tirsite mmellaħ, li tirrispetta l-abbiltà tal-industrija eżistenti li tkompli l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni, limitata għal perjodu ta' sena.

(8)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Sabiex ikun hemm monitoraġġ effiċjenti tal-operat tad-deroga, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' Mauritius jikkomunikaw lill-Kummissjoni b'mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 maħruġa,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B'deroga mill-Protokoll 1 tal-FSE interim u f'konformità mal-Artikolu 42(1) ta' dak il-Protokoll, it-tirsite mmellaħ tal-intestatura tas-SA 0305 69 (kodiċi NM 0305 69 80) manifatturat minn tirsite mmellaħ mhux oriġinarju (barracouta) tal-intestatura tas-SA 0303 89 għandu jitqies li joriġina f'Mauritius f'konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodott u għall-kwantità stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, iddikjarat għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni minn Mauritius għal perjodu limitat ta' sena mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-kwantità stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita f'konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali ta' Mauritius għandhom iwettqu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Qabel tmiem ix-xahar wara kull tliet xhur, l-awtoritajiet doganali ta' Mauritius għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu nħarġu ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Il-Kaxxa 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li nħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Deroga-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tal-14 ta' Jannar 2019 ”;

“Dérogation-Décision no 1/2019 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du 14 janvier 2019 ”.

Artikolu 6

1.   Mauritius u l-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.   Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, każijiet ta' irregolaritajiet jew frodi jew ta' nuqqas ripetut ta' rispett tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista' titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-14 ta' Jannar 2019.

Magħmul fi Brussel, l-14 ta' Jannar 2019.

B. SAMSON

Rappreżentant tal-Istati tal-ALN

f'isem l-Istati tal-ALN

J.G. SANCHEZ

Il-Kummissjoni Ewropea

f'isem l-Unjoni Ewropea


(1)   ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2017 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tat-2 ta' Ottubru 2017 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex tittieħed f'kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali ta' Mauritius fir-rigward tat-tirsite [2017/1924] (ĠU L 271, 20.10.2017, p. 47).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Numru tal-ordni

Kodiċi NM

Kodiċi tat-TARIC

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu

Piż nett

(f'tunnellati)

09.1611

ex 0305 69 80

25

tirsite (barracouta), immellaħ

14.1.2019–13.1.2020

100