ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 291

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
16 ta' Novembru 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ( 1 )

3

 

*

Regolament (UE) 2018/1719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tar-riżorsi għall-għan tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

5

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2018/1720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall — EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa għall-ilbies

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1717 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw mal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-kuntest tan-notifika tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2017 tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), is-27 Stat Membru ieħor, imlaqqgħin fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-Kunsill, għażlu lil Pariġi, Franza, bħala s-sede l-ġdida tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (l-“Awtorità”).

(2)

B’kont meħud tar-“Rapport konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea” tat-8 ta’ Diċembru 2017 u b’mod partikolari tal-kapitolu dwar is-saldu finanzjarju, u tal-impenn tar-Renju Unit li jikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-snin finanzjarji 2019 u 2020 daqslikieku jkun għadu fl-Unjoni u li jħallas is-sehem tiegħu tal-finanzjament tal-impenji pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-ispejjeż tar-rilokazzjoni tas-sede tal-Awtorità kkawżati mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni għandhom jitħallsu mill-kontribwenti kollha tal-Unjoni permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-Renju Unit offra li jiddiskuti ma’ dawk l-aġenziji tal-Unjoni li għandhom is-sede tagħhom f’Londra dwar kif jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-ħruġ tagħhom.

(3)

B’kont meħud tal-Artikolu 50(3) tat-TUE, jenħtieġ li l-Awtorità tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha mit-30 ta’ Marzu 2019.

(4)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Awtorità fil-post il-ġdid tagħha, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-Awtorità u Franza u li jiġi approvat proġett ta’ bini skont l-Artikolu 88 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (3) qabel ma l-Awtorità tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha. Jenħtieġ li s-sede l-ġdida tkun lesta u adatta għall-fini ta’ rilokazzjoni permanenti sat-30 ta’ Marzu 2019. Jenħtieġ li l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali jirrifletti r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Franċiżi li jipprovdu l-aktar kundizzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat li l-Awtorità tiffunzjona sewwa fil-kuntest tar-rilokazzjoni tagħha.

(5)

It-trasferiment tas-sede tal-Awtorità la jaffettwa l-pjan tal-istabbiliment kif adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u lanqas l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali jew għall-aġenti l-oħra li jaħdmu fl-Awtorità.

(6)

Jenħtieġ li r-rilokazzjoni tal-Awtorità ma jkollha l-ebda konsegwenza rigward l-eżekuzzjoni tal-mandati distinti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jew iż-żamma tal-istatus legali separat tagħhom. Ir-rilokazzjoni tista’ tippermetti, fejn ikun applikabbli, il-kondiviżjoni bejn aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u servizzi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin.

(7)

Jenħtieġ li r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitmexxew b’kooperazzjoni reċiproka leali, u li kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha fit-TUE u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-objettivi stabbiliti fihom.

(8)

Sabiex l-Awtorità tingħata biżżejjed żmien għar-rilokazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza wara l-adozzjoni tiegħu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1093/2010 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Sede

L-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha f’Pariġi, Franza.

Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, l-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità. Sat-30 ta’ Marzu 2019 u kull 12-il xahar wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità ta’ dawn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ma’ dak ir-rekwiżit.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta’ Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 72.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2018.

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/3


REGOLAMENT (UE) 2018/1718 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-punt (c) tal-Artikolu 168(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-kuntest n-notifika tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2017 tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), is-27 Stati Membri l-oħra, imlaqqa’ fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-Kunsill, għażlu lil Amsterdam, in-Netherlands, bħala s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”).

(2)

B’kont meħud tal-Artikolu 50(3) TUE, jenħtieġ li l-Aġenzija tibda tokkupa s-sede il-ġdida tagħha mit-30 ta’ Marzu 2019.

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija fil-post il-ġdid tagħha, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-Aġenzija u n-Netherlands qabel ma l-Aġenzija tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha.

(4)

Huwa ta’ min ifaħħar lill-awtoritajiet tan-Netherlands li qed jagħmlu sforzi biex jiżguraw l-effikaċja operattiva, il-kontinwità u l-funzjonament bla interruzzjoni tal-Aġenzija matul u wara r-rilokazzjoni. Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni straordinarja, l-Aġenzija jista’ jkollha tiffoka temporanjament fuq il-kompiti ewlenin tagħha u tistabbilixxi ordni ta’ prijorità għall-attivitajiet l-oħra skont l-impatt tagħhom fuq is-saħħa pubblika u l-kapaċità tal-Aġenzija li tiffunzjona.

(5)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja l-proċess ġenerali ta’ rilokazzjoni tal-Aġenzija għas-sede l-ġdida tagħha u tassisti dak il-proċess fil-limiti tal-kompetenzi tagħha.

(6)

Sabiex l-Aġenzija tingħata biżżejjed żmien għar-rilokazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 726/2004:

“Artikolu 71a

L-Aenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Aġenzija tkun tista’ tidħol fil-post temporanju tagħha mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019 u li tkun tista’ tidħol fil-post permanenti tagħha mhux aktar tard mis-16 ta’ Novembru 2019.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-adattamenti għall-uffiċċji temporanji u dwar il-kostruzzjoni tal-binja permanenti sas-17 ta’ Frar 2019, u kull tliet xhur wara din id-data, sakemm l-Aġenzija tkun daħlet fil-post permanenti tagħha.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta’ Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

F’isem il-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 71.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2018.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/5


REGOLAMENT (UE) 2018/1719 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tar-riżorsi għall-għan tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni u ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2305 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, inter alia, fir-rigward tar-riżorsi allokati għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(3)

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (4) emenda l-programmazzjoni finanzjarja għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (“YEI”) billi żied l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-allokazzjoni speċifika għall-YEI b’ammont ta’ EUR 116,7 miljuni fi prezzijiet attwali u l-ammont globali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-YEI fl-2018 għal EUR 350 miljun fi prezzijiet attwali.

(4)

Jenħtieġ li jiġi aġġustat ’l isfel l-ammont ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-2020 biex jirrifletti l-forniment minn qabel għall-2018. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Meta l-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2017/2305, ċerta data finanzjarja mniżżla fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/2305 kienet żbaljata. Dik id-data finanzjarja jenħtieġ li tinbidel bid-data korretta. Ir-Regolament (KE) Nru 1303/2013 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(6)

Minħabba l-urġenza li l-programmi li jappoġġaw il-YEI jiġu emendati, huwa xieraq li tiġi pprovduta eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(7)

Minħabba l-urġenza li l-programmi li jappoġġaw il-YEI jiġu emendati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 91, il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali disponibbli għall-impenn baġitarju għall-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu ta’ EUR 329 982 345 366 fi prezzijiet tal-2011, f’konformità mad-diżaggregazzjoni annwali stabbilita fl-Anness VI, li minnhom EUR 325 938 694 233 jirrappreżentaw ir-riżorsi globali allokati lill-FERŻ, lill-FSE u lill-Fond ta’ Koeżjoni u EUR 4 043 651 133 jirrappreżentaw allokazzjoni speċifika għall-YEI. Għall-finijiet ta’ programmazzjoni u tal-inklużjoni sussegwenti fil-baġit tal-Unjoni, l-ammont tar-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandu jkun indiċizzat għal 2 % kull sena.”;

(2)

l-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi għall-għan tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi għandhom jammontaw għal 96,09 % tar-riżorsi globali (jiġifieri, total ta’ EUR 317 073 545 392) u għandhom jiġu allokati kif ġej:

(a)

51,52 % (jiġifieri, total ta’ EUR 163 359 380 738) għar-reġjuni anqas żviluppati;

(b)

10,82 % (jiġifieri, total ta’ EUR 34 319 221 039) għar-reġjuni fi tranżizzjoni;

(c)

16,33 % (jiġifieri, total ta’ EUR 51 773 321 432) għar-reġjuni aktar żviluppati;

(d)

20,89 % (jiġifieri, total ta’ EUR 66 236 030 665) għall-Istati Membri sostnuti mill-Fond ta’ Koeżjoni;

(e)

0,44 % (jiġifieri, total ta’ EUR 1 385 591 518) bħala finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi identifikati fl-Artikolu 349 tat-TFUE u għar-reġjuni tan-NUTS livell 2 li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 6 għall-Att ta’ Adeżjoni tal-1994.”;

(b)

il-paragrafu 5 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Ir-riżorsi għall-YEI għandhom jammontaw għal EUR 4 043 651 133 mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI u mill-inqas EUR 4 043 651 133 mill-investiment immirat tal-FSE.”;

(3)

l-Anness VI hu ssostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2018.

(2)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 320).

(3)  Regolament (UE) 2017/2305 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u għall-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 335, 15.12.2017, p. 1).

(4)  ĠU L 57, 28.2.2018.


ANNESS

“ANNESS VI

TQASSIM ANNWALI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN GĦAS-SNIN 2014 SAL-2020

Profil annwali aġġustat (inkluża ż-żieda għall-YEI)

 

2014

2015

2016

2017

EUR, prezzijiet tal-2011

34 108 069 924

55 725 174 682

46 044 910 736

48 027 317 164


 

2018

2019

2020

Total

EUR, prezzijiet tal-2011

48 341 984 652

48 712 359 314

49 022 528 894

329 982 345 366 ”.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/8


DEĊIŻJONI (UE) 2018/1720 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2018

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall — EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa għall-ilbies

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b’mod partikolari Punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament (FEG) għall-Globalizzazzjoni għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont massimu annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fl-24 ta’ April 2018, il-Portugall ippreżenta applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, b’rabta ma’ sensji fil-manifattura tas-settur tal-ilbies fir-reġjuni ta’ Norte, Centro u Lisbona fil-Portugall. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Portugall iddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil 730 żagħżugħ li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)

Għaldaqstant, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 4 655 883 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall.

(6)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista’ jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 4 655 883 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mit-23 ta’ Ottubru 2018.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).