ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 284

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
12 ta' Novembru 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/1670 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 fir-rigward ta’ kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ shochu, spirtu ddistillat darba biss, li jsir b’lampik tat-tip pot still u bbottiljat fil-Ġappun

1

 

*

Regolament (UE) 2018/1671 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu

3

 

*

Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

6

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali

22

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Regolament (UE) 2018/1674 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

31

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (Ue) 2018/1675 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands — EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji

36

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1670 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 fir-rigward ta’ kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ “shochu”, spirtu ddistillat darba biss, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u bbottiljat fil-Ġappun

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li awtorizzat lill-Kummissjoni tibda negozjati mal-Ġappun għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

(2)

In-negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) kienu tlestew b’suċċess u l-Ftehim ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju 2018.

(3)

L-Anness 2-D tal-Ftehim jipprevedi li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, kif iddefinit fis-subparagrafu 10 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Ġappuniża dwar it-Taxxa fuq l-Alkoħol (il-Liġi Nru 6 tal-1953), li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, għandu jitħalla jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi fliexken tradizzjonali ta’ erba’ “go” (

Image

) u ta’ “sho” wieħed (

Image

), li jikkorrispondu għal kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml, rispettivament, dejjem jekk jiġu ssodisfati rekwiżiti legali applikabbli oħrajn tal-Unjoni.

(4)

Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi li l-prodotti mballati minn qabel jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss jekk ikunu mballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fit-taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva. Għall-ispirti, it-taqsima 1 tal-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE tirriferi għal disa’ kwantitajiet nominali fil-medda bejn 100 ml u 2 000 ml. Dawk il-kwantitajiet nominali ma jinkludux il-kwantitajiet ta’ 720 ml u 1 800 ml, li huma l-kwantitajiet nominali li fihom jiġi bbottiljat u kkummerċjalizzat fil-Ġappun l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still”.

(5)

Għalhekk hemm bżonn ta’ deroga mill-kwantitajiet nominali stabbiliti għall-ispirti fl-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Anness 2-D tal-Ftehim, fi fliexken li jkunu jesgħu 720 ml u 1 800 ml, li jikkorrispondu għall-fliexken Ġappuniżi tradizzjonali tad-daqsijiet ta’ erba’ “go” (

Image

) u ta’ “sho” wieħed (

Image

), rispettivament.

(6)

Jenħtieġ li d-deroga mid-Direttiva 2007/45/KE tiġi introdotta permezz ta’ emenda fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Istati Membri kollha fl-istess ħin malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 110/2008 jiġi emendat kif meħtieġ.

(8)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-Ftehim fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 110/2008:

“Artikolu 24a

Deroga mir-rekwiżiti ta’ kwantitajiet nominali fid-Direttiva 2007/45/KE

B’deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u mis-sitt ringiela tat-taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva, l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu” (*2), li jsir b’lampik tat-tip “pot still” u jiġi bbottiljat fil-Ġappun, jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 119.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2018 għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2018.

(3)  Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 17).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).


12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/3


REGOLAMENT (UE) 2018/1671 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 197(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni tista’ tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri, fuq talba tagħhom, biex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħhom għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

(2)

Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (“il-Programm”) ġie stabbilit bl-objettiv li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex iħejju u jimplimentaw riformi strutturali amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir ta’ interess għall-Unjoni, inkluż permezz ta’ provvista ta’ assistenza għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni. L-appoġġ taħt il-Programm jiġi pprovdut mill-Kummissjoni fuq talba minn Stat Membru, u jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. L-iżvilupp ta’ ekonomiji u ta’ soċjetà reżiljenti mibnija fuq strutturi ekonomiċi, soċjali u territorjali sodi, li jippermettu lill-Istati Membri jassorbu x-xokkijiet b’mod effiċjenti u jirkupraw minnhom malajr, jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u jiftaħ potenzjal ta’ tkabbir. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu, skont il-qafas legali tagħhom, kontributi u involviment adatti tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet interessati. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali istituzzjonali, amministrattivi u li jsostnu t-tkabbir, li huma ta’ importanza għall-Istati Membri, u s-sjieda fil-post ta’ riformi strutturali ta’ interess għall-Unjoni huma għodod importanti biex jinkisbu tali żviluppi.

(3)

Komunikazzjoni effettiva tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-Programm u tar-riżultati tagħhom fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, skont ma jkun f’loku, hija essenzjali biex tqajjem kuxjenza dwar il-kisbiet tal-Programm, tiżgura l-viżibbiltà u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-effetti konkreti tiegħu.

(4)

Minħabba li d-domanda għall-appoġġ tista’ tisboq il-finanzjament tal-Programm, jenħtieġ li t-talbiet jiġu pprijoritizzati, fejn xieraq, mill-Istat Membru kkonċernat matul it-talba għall-proċedura ta’ appoġġ. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għat-talbiet għall-appoġġ li jkollhom rabtiet mas-Semestru Ewropew u ma’ oqsma ta’ politika relatati mal-koeżjoni, mal-innovazzjoni, mal-impjiegi, u mat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Il-Programm jenħtieġ li jikkomplementa strumenti oħra sabiex jevita d-duplikazzjoni.

(5)

Minħabba li l-Programm ma jipprovdix finanzjament lill-Istati Membri, iżda biss appoġġ tekniku, ma għandux l-għan li jieħu post jew jissostitwixxi finanzjament mill-baġits nazzjonali.

(6)

L-Istati Membri dejjem żiedu fl-użu tagħhom ta’ appoġġ taħt il-Programm, lil hinn milli kien mistenni inizjalment. Abbażi tal-valur stmat tagħhom, it-talbiet għall-appoġġ mibgħuta lill-Kummissjoni matul iċ-ċiklu tal-2017 qabżu b’mod sinifikanti l-allokazzjoni annwali disponibbli. Matul iċ-ċiklu tal-2018, il-valur stmat tat-talbiet riċevuti kien ħames darbiet ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena. Kważi l-Istati Membri kollha talbu appoġġ taħt il-Programm, u t-talbiet ġew mqassma madwar l-oqsma kollha ta’ politika koperti mill-Programm.

(7)

It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ riformi strutturali, li jibbenefikaw lill-Unjoni u li huma konformi mal-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni, huwa kruċjali għall-irfid tar-reżiljenza ekonomika kif ukoll għal parteċipazzjoni b’suċċess u konverġenza reali msaħħa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jiżguraw l-istabbiltà u l-prosperità tagħha fit-tul. Dan hu ta’ importanza ugwali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fit-tħejjija tagħhom sabiex jissieħbu fiż-żona tal-euro, u għall-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(8)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi enfasizzat fl-objettiv ġenerali tal-Programm, fi ħdan il-kontribut tiegħu lejn ir-rispons għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, li t-titjib tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjijiet għall-parteċipazzjoni futura fiż-żona tal-euro minn dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.

(9)

Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli li jiġu ffinanzjati mill-Programm, jenħtieġ li jiġi indikat li l-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm jistgħu jappoġġjaw ukoll riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-Istati Membri kollha.

(10)

Sabiex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber tal-Istati Membri għall-appoġġ, u fid-dawl tal-bżonn li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li huma ta’ interess għall-Unjoni, inkluż fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, l-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm jenħtieġ li tiżdied għal livell suffiċjenti li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi appoġġ li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ dawk l-Istati Membri li jagħmlu t-talba u li tintuża b’mod konformi ma’ ġestjoni finanzjarja soda. Jenħtieġ li dik iż-żieda ma jkollhiex effett negattiv fuq il-prijoritajiet l-oħra tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jittrasferixxu l-allokazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(11)

Sabiex jingħata appoġġ ta’ kwalità bl-inqas dewmien possibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun f’qagħda li tuża parti mill-pakkett finanzjarju anki biex tkopri l-kost ta’ attivitajiet li jappoġġjaw il-Programm, bħal spejjeż relatati mal-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti fil-post. Dawk l-attivitajiet huma importanti biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-proġett.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/825 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jikkontribwixxi għal riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jsostnu t-tkabbir fl-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali għal miżuri maħsuba biex jirriformaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u soċjali b’risposta għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, bil-ħsieb li jtejbu l-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali u li jikkontribwixxu għall-konverġenza reali fl-Unjoni, hekk li jista’ wkoll iħejji għall-parteċipazzjoni fiż-żona tal-euro, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta’ governanza ekonomika, inkluż permezz ta’ assistenza għall-użu effiċjenti, effettiv u trasparenti tal-fondi tal-Unjoni.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Appoġġ għat-tħejjija għal sħubija fiż-żona tal-euro

Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 6, il-Programm jista’ jiffinanzja azzjonijiet u attivitajiet ukoll b’appoġġ għal riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro.”;

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm huwa stabbilit għal EUR 222 800 000 fi prezzijiet kurrenti.”;

(b)

fil-paragrafu 2, tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“L-ispejjeż jistgħu wkoll ikopru l-kosti ta’ attivitajiet ta’ appoġġ oħra bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ ta’ proġetti ta’ appoġġ fil-post.”.

(4)

fl-Artikolu 16(2), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(f)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53.

(2)  ĠU C 247, 13.7.2018, p. 54.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2018.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).


12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/6


REGOLAMENT (UE) 2018/1672 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-23 ta’ Ottubru 2018

dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-promozzjoni tal-iżvilupp armonjuż, sostenibbli u inklużiv tas-suq intern bħala żona fejn l-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu u sikur hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni.

(2)

L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ rikavati illeċiti fl-ekonomija u d-devjazzjoni tal-flus għall-finanzjament ta’ attivitajiet illeċiti joħolqu distorsjonijiet u żvantaġġi kompetittivi inġusti għaċ-ċittadini u l-kumpaniji li josservaw il-liġi, u huma għalhekk theddida għall-funzjonament tas-suq intern. Barra minn hekk, dawk il-prattiki jħeġġu attivitajiet kriminali u terroristiċi li jipperikolaw is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni ħadet azzjoni biex tipproteġi lilha nnifisha.

(3)

Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-azzjoni meħuda mill-Unjoni kienet id-Direttiva 91/308/KEE (3), li stabbilixxiet sensiela ta’ miżuri u obbligi fuq istituzzjonijiet finanzjarji, persuni ġuridiċi u ċerti professjonijiet fir-rigward, fost l-oħrajn, tat-trasparenza u ż-żamma ta’ rekords, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet dwar l-għarfien dwar il-klijent, u li stabbilixxiet l-obbligu li jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs, Financial Intelligence Units) nazzjonali. L-FIUs ġew stabbiliti bħala ċentri għall-valutazzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet, jinteraġixxu mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi oħra u, fejn meħtieġ, jikkuntattjaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Minn dak iż-żmien, id-Direttiva 91/308/KEE ġiet emendata u sostitwita minn miżuri suċċessivi. Bħalissa, id-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Fid-dawl tar-riskju li l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/308/KEE twassal għal żieda fil-movimenti tal-flus kontanti għal finijiet illeċiti, li jistgħu joħolqu theddida għas-sistema finanzjarja u għas-suq intern, dik id-Direttiva ġiet ikkumplimentata bir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak ir-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni u jidentifika l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jistabbilixxi sistema ta’ kontrolli applikabbli għall-persuni fiżiċi deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni filwaqt li jġorru ammonti ta’ flus kontanti jew strumenti negozjabbli għall-portatur ta’ EUR 10 000 jew aktar, jew l-ekwivalenti tiegħu f’muniti oħra. Jenħtieġ li t-terminu “deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni” jiġi definit b’referenza għat-territorju tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikollu l-aktar kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ possibbli u li l-ebda żona ma tiġi eżentata mill-applikazzjoni tiegħu u tippreżenta opportunitajiet sabiex jiġu evitati l-kontrolli applikabbli.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 implimenta fil-Komunità l-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu żviluppati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

(6)

Il-FATF, stabbilit fis-summit tal-G7 li sar f’Pariġi fl-1989, huwa korp intergovernattiv li jistabbilixxi standards u jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri legali, regolatorji u operazzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u perikli oħra relatati mal-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali. Diversi Stati Membri huma membri tal-FATF jew huma rrappreżentati fl-FATF permezz ta’ korpi reġjonali. L-Unjoni hija rrappreżentata fl-FATF mill-Kummissjoni u impenjat ruħha li timplimenta b’mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF. Ir-Rakkomandazzjoni 32 tal-FATF dwar il-kurriera li jwasslu l-flus kontanti tispeċifika li jenħtieġ li jkunu stabbiliti miżuri fis-seħħ rigward il-kontrolli adegwati fuq movimenti transfruntiera ta’ flus kontanti.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tidentifika u tiddeskrivi għadd ta’ attivitajiet kriminali li r-rikavat tagħhom jista’ jkun suġġett għall-ħasil tal-flus jew jista’ jintuża għall-finanzjament tat-terroriżmu. Ħafna drabi t-trasport tar-rikavat ta’ dawk l-attivitajiet kriminali jaqsam il-fruntieri esterni tal-Unjoni biex jinħasel jew jintuża għall-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament iqis dak il-fatt u jistabbilixxi sistema ta’ regoli li, minbarra li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, u speċjalment reati presupposti bħal reati fiskali kif definiti fil-liġi nazzjonali, u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala tali, jiffaċilitaw il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-attivitajiet kriminali definiti fid-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)

Saru avvanzi fir-rigward tal-għarfien dwar il-mekkaniżmi li jintużaw għat-trasferiment ta’ valur akkwistat illeċitament li jaqsam il-fruntieri. Bħala riżultat, ġew aġġornati r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, ġie introdott mid-Direttiva (UE) 2015/849 tibdil fil-qafas legali tal-Unjoni u ġew żviluppati l-aħjar prattiki ġodda. Fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi u abbażi tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005. Madankollu, minħabba n-natura estensiva tal-emendi meħtieġa, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1889/2005 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(9)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprevedu, taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, kontrolli nazzjonali addizzjonali fuq movimenti tal-flus kontanti fl-Unjoni, sakemm dawk il-kontrolli jkunu jikkonformaw mal-Artikoli 63 u 65 tat-TFUE.

(10)

Ġabra ta’ regoli fil-livell tal-Unjoni li jippermettu kontrolli komparabbli fuq flus kontanti fl-Unjoni tkun tiffaċilita ħafna l-isforzi għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(11)

Dan ir-Regolament ma jikkonċernax il-miżuri li jieħdu l-Unjoni jew l-Istati Membri taħt l-Artikolu 66 tat-TFUE li jillimitaw il-movimenti tal-kapital li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għat-tħaddim tal-unjoni ekonomika u monetarja jew taħt l-Artikoli 143 u 144 tat-TFUE bħala riżultat ta’ kriżi li tinqala’ f’daqqa fil-bilanċ tal-pagamenti.

(12)

Fid-dawl tal-preżenza tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, l-għarfien espert tagħhom fit-twettiq ta’ kontrolli fuq il-passiġġieri u l-merkanzija li jaqsmu l-fruntieri esterni u l-esperjenza tagħhom miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkomplu jaġixxu bħala l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jagħżlu awtoritajiet nazzjonali oħra preżenti fil-fruntieri esterni biex jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu jipprovdu taħriġ adegwat għall-persunal tal-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra għat-twettiq ta’ dawk il-kontrolli, inklużi dawk kontra l-ħasil tal-flus ibbażat fuq il-flus kontanti.

(13)

Wieħed mill-kunċetti ewlenin użati f’dan ir-Regolament huwa dak tal-“flus kontanti”, li jenħtieġ li jiġi ddefinit li jinkludi erba’ kategoriji: muniti, strumenti negozjabbli għall-portatur, komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u ċerti tipi ta’ kards bi ħlas antiċipat. Minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ċerti strumenti negozjabbli għall-portatur, komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u kards bi ħlas antiċipat li ma jkunux marbutin ma’ kont bankarju u li jistgħu jaħżnu ammont ta’ flus li diffiċli jiġi identifikat x’aktarx li jintużaw flok munita bħala mezz anonimu ta’ trasferiment ta’ valur minn naħa għal oħra tal-fruntieri esterni b’mod li ma jistax jiġi ntraċċat mill-awtoritajiet pubbliċi bis-sistema klassika ta’ sorveljanza. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-komponenti essenzjali tad-definizzjoni ta’ “flus kontanti”, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-komponenti mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament bħala reazzjoni għall-attentati minn persuni kriminali u minn dawk assoċjati magħhom biex jevitaw miżura li tikkontrolla tip wieħed biss ta’ ħażna likwida ħafna ta’ valur billi jġibu tip ieħor min-naħa għal oħra tal-fruntieri esterni. Jekk tiġi identifikata evidenza ta’ tali mġiba fuq skala konsiderevoli, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri malajr biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Minkejja l-livell għoli ta’ riskju li jippreżentaw il-muniti virtwali, kif evidenzjat fir-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma’ attivitajiet transfruntiera, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx il-kompetenza biex jimmonitorjawhom.

(14)

L-istrumenti negozjabbli għall-portatur jippermettu li d-detentur fiżiku tagħhom jitlob pagament ta’ ammont finanzjarju mingħajr ma jkun irreġistrat jew imsemmi b’ismu. Dawn jistgħu faċilment jintużaw biex jiġu ttrasferiti ammonti ta’ valur kbar u għandhom ħafna similaritajiet mal-muniti f’termini ta’ likwidità, anonimità u riskji ta’ abbuż.

(15)

Il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur jirrappreżentaw proporzjon kbir bejn il-valur u l-volum tagħhom, li għalihom jeżisti suq kummerċjali internazzjonali li jista’ jiġi aċċessat faċilment, li jippermettilhom jiġu kkonveriti f’munita filwaqt li jġarrbu biss spejjeż tat-tranżazzjoni żgħar. Tali komoditajiet, fil-parti l-kbira tagħhom, jiġu ppreżentati b’mod standardizzat li jippermetti verifika rapida tal-valur tagħhom.

(16)

Il-kards bi ħlas antiċipat huma kards mhux nominattivi li jaħżnu jew jagħtu aċċess għal valur monetarju jew fondi li jistgħu jintużaw fi tranżazzjonijiet ta’ ħlas, fl-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi jew għat-tifdija ta’ muniti. Ma għandhomx rabta ma’ kont bankarju. Il-kards bi ħlas antiċipat jinkludu l-kards anonimi bi ħlas antiċipat imsemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849. Dawn jintużaw ħafna għal diversi skopijiet leġittimi u xi wħud minn dawk l-istrumenti jippreżentaw ukoll interess soċjali ċar. Tali kards bi ħlas antiċipat huma faċilment trasferibbli u jistgħu jintużaw faċilment biex jinġarru valuri kbar minn naħa għal oħra tal-fruntieri esterni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-kards bi ħlas antiċipat jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ flus kontanti, b’mod partikolari jekk dawn jistgħu jinxtraw mingħajr proċeduri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent. Dan ikun jippermetti li l-kontrolli jiġu estiżi għal ċerti tipi ta’ kards bi ħlas antiċipat, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli, jekk ikun ġustifikat mill-evidenza, sakemm tali kontrolli jiġu estiżi b’kont meħud tal-proporzjonalità u l-infurzabbiltà fil-prattika.

(17)

Għall-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li jiġi impost l-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti fuq il-persuni fiżiċi deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni. Biex ma jiġix limitat il-moviment liberu mingħajr raġuni valida jew biex ċittadini u awtoritajiet ma jitgħabbewx iżżejjed b’formalitajiet amministrattivi, jenħtieġ li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jiġi suġġett għal-livell limitu ta’ EUR 10 000. Dan jenħtieġ li japplika għal portaturi li jġorru tali ammonti fuqhom stess, fil-bagalji tagħhom jew fil-mezzi ta’ trasport li fihom jaqsmu l-fruntieri esterni. Jenħtieġ li huma jkunu obbligati jqiegħdu l-flus kontanti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti għal finijiet ta’ kontroll u, jekk ikun hemm bżonn, jippreżentawhom lil dawk l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “portatur” tinftiehem li teskludi dawk il-portaturi li jwettqu t-trasport professjonali ta’ beni jew ta’ persuni.

(18)

Fir-rigward ta’ movimenti ta’ flus kontanti li ma jkunux akkumpanjati, pereżempju flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni f’pakketti postali, konsenji bil-kurrier, bagalji mhux akkumpanjati jew merkanzija fil-kontejners, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-ispeditur jew lir-riċevitur, jew lir-rappreżentant tagħhom, biex jagħmlu dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni, sistematikament jew każ b’każ, skont il-proċeduri nazzjonali. Jenħtieġ li tali divulgazzjoni tkopri għadd ta’ elementi, li ma jkunux koperti mid-dokumentazzjoni tas-soltu ppreżentata lid-dwana, bħal dokumenti tal-konsenja u dikjarazzjonijiet doganali. Tali elementi huma l-oriġini, id-destinazzjoni, il-provenjenza ekonomika u l-użu intenzjonat tal-flus kontanti. L-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti li ma jkunux akkumpanjati jenħtieġ li jkun suġġett għal livell limitu identiku għal dak tal-flus kontanti li jinġarru minn portaturi.

(19)

Jenħtieġ li jiġu rreġistrati, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għadd ta’ elementi tad-data standardizzati rigward il-moviment tal-flus kontanti, bħad-dettalji personali tad-dikjarant, tas-sid jew tar-riċevitur, il-provenjenza ekonomika u l-użu intenzjonat tal-flus kontanti. B’mod partikolari, hemm bżonn li d-dikjarant, is-sid jew ir-riċevitur jipprovdu d-dettalji personali tagħhom kif jinsabu fid-dokumenti ta’ identifikazzjoni tagħhom, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ żbalji fir-rigward tal-identitajiet tagħhom u d-dewmien minħabba l-possibbiltà li sussegwentement ikun hemm bżonn issir verifika.

(20)

Fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati u l-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti li ma jkunux akkumpanjati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa fuq il-persuna tagħhom, il-bagalja tagħhom, il-mezz tat-trasport użat biex jaqsmu l-fruntieri esterni u kwalunkwe konsenja mhux akkumpanjata jew reċipjent li jaqsam dik il-fruntiera li jista’ jkun fihom flus kontanti, jew mezz tat-trasport li jġorrhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu dikjarazzjoni ex officio għat-trażmissjoni sussegwenti tal-informazzjoni rilevanti lil awtoritajiet oħrajn.

(21)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-kontrolli primarjament ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju, bil-għan li jiġu identifikati u evalwati r-riskji u li jiġu żviluppati l-kontromiżuri meħtieġa.

(22)

Jenħtieġ li l-ħolqien ta’ qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju ma jimpedixxix lill-awtoritajiet kompetenti milli jwettqu verifiki każwali jew kontrolli spontanji kull meta jħossu li dan ikun meħtieġ.

(23)

Fejn jidentifikaw ammonti ta’ flus kontanti taħt il-livell limitu iżda jkun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti għandhom mnejn ikunu marbuta ma’ attività kriminali, kif koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirreġistraw, f’każ ta’ flus kontanti akkumpanjati, informazzjoni dwar il-portatur, is-sid u, fejn tkun disponibbli, dwar ir-riċevitur intenzjonat tal-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, dettalji dwar in-natura u l-ammont jew il-valur tal-flus kontanti, il-provenjenza ekonomika u l-użu intenzjonat tagħhom.

(24)

F’każ ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirreġistraw informazzjoni dwar id-dikjarant, is-sid, l-ispeditur, u r-riċevitur jew ir-riċevitur intenzjonat tal-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, dettalji dwar in-natura u l-ammont jew il-valur tal-flus kontanti, il-provenjenza ekonomika u l-użu intenzjonat tagħhom.

(25)

Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tintbagħat lill-FIU tal-Istat Membru inkwistjoni, li min-naħa tiegħu jenħtieġ li jiżgura li l-FIU tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni rilevanti spontanjament jew fuq talba lill-FIU tal-Istati Membri l-oħra. Dawk l-unitajiet huma indikati bħala l-elementi ċentrali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jirċievu u jipproċessaw l-informazzjoni minn diversi sorsi bħal istituzzjonijiet finanzjarji u janalizzaw dik l-informazzjoni biex jiddeterminaw jekk hemmx raġunijiet għal aktar investigazzjoni li jistgħu ma jkunux evidenti għall-awtoritajiet kompetenti li jiġbru d-dikjarazzjonijiet tal-kontroll u jwettqu l-kontrolli skont dan ir-Regolament. Biex ikun garantit li l-fluss ta’ informazzjoni jkun effettiv, jenħtieġ li l-FIUs jkunu lkoll konnessi mas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (is-’CIS’, Customs Information System) stabbilita mir-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 515/97 (6) u li d-data ġġenerata jew skambjata mill-awtoritajiet kompetenti u l-FIUs tkun kompatibbli u komparabbli.

(26)

Fid-dawl tal-importanza li dan ir-Regolament ikollu segwitu tajjeb biex ikun hemm skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, inklużi l-FIUs fil-qafas ġuridiku li jkopri dawk l-entitajiet, u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-FIUs fl-Unjoni, jenħtieġ li, sal-1 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu komuni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(27)

L-identifikazzjoni ta’ ammonti, taħt il-livell limitu, ta’ flus kontanti f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali hija rilevanti ħafna f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tinqasam l-informazzjoni dwar ammonti taħt il-limitu mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra jekk ikun hemm xi indikazzjonijiet ta’ attività kriminali.

(28)

Minħabba li l-movimenti ta’ flus kontanti li jiġu suġġetti għal kontrolli taħt dan ir-Regolament iseħħu minn naħa għal oħra tal-fruntieri esterni, u minħabba d-diffikultà li tittieħed azzjoni ladarba l-flus kontanti ikunu ħallew il-punt tad-dħul jew tal-ħruġ, kif ukoll ir-riskju assoċjat, jekk anki ammonti żgħar jintużaw b’mod illeċitu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, iżommu l-flus kontanti temporanjament, suġġett għal verifiki u kunsiderazzjonijiet: l-ewwel, fejn l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti ma jkunx ġie ssodisfat u, it-tieni, fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali, irrispettivament mill-ammont jew minn jekk il-flus kontanti humiex akkumpanjati jew mhux akkumpanjati. Minħabba n-natura ta’ tali żamma temporanja u l-impatt li jista’ jkollha fuq il-libertà tal-moviment u fuq id-dritt tal-proprjetà, il-perjodu ta’ żamma jenħtieġ li jiġi limitat għaż-żmien minimu assolut li jkollhom bżonn awtoritajiet kompetenti oħrajn biex jiddeterminaw jekk hemmx raġunijiet għal aktar interventi, bħal investigazzjonijiet jew sekwestru tal-flus kontanti abbażi ta’ strumenti legali oħrajn. Jenħtieġ li d-deċiżjoni li jinżammu flus kontanti temporanjament taħt dan ir-Regolament tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet u tiddeskrivi adegwatament il-fatturi speċifiċi li jkunu wasslu għall-azzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi estiż il-perjodu ta’ żamma temporanja tal-flus kontanti f’każijiet speċifiċi u debitament valutati, pereżempju meta l-awtoritajiet kompetenti jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ attività kriminali, fost l-oħrajn meta jkun hemm bżonn ta’ komunikazzjoni ma’ pajjiż terz, meta dokumenti jkunu jridu jiġu tradotti jew meta jkun diffiċli li jiġi identifikat u kkuntattjat l-ispeditur jew ir-riċevitur fil-każ ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati. Jekk fi tmiem il-perijodu ta’ żamma, ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni dwar interventi oħra, jew jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma jeżistux raġunijiet biex ikomplu jinżammu l-flus kontanti, jenħtieġ li dawn jiġu rilaxxati immedjatament, skont is-sitwazzjoni, lill-persuna li lilha nżammewlha temporanjament il-flus kontanti, il-portatur jew is-sid.

(29)

Sabiex titqajjem kuxjenza dwar dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw materjal xieraq dwar l-obbligu li l-flus kontanti jiġu ddikjarati jew divulgati.

(30)

Huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti li jiġbru l-informazzjoni skont dan ir-Regolament jittrażmettuha malajr lill-FIU biex din tkun tista’ tkompli tanalizza u tqabbel l-informazzjoni ma’ data oħra, kif previst fid-Direttiva (UE) 2015/849.

(31)

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, fejn l-awtoritajiet kompetenti jirreġistraw in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni jew divulgazzjoni ta’ flus kontanti jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ attività kriminali, jenħtieġ li huma jaqsmu dik l-informazzjoni minnufih ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn permezz ta’ mezzi xierqa. Tali skambju ta’ data jkun proporzjonat meta wieħed iqis li l-persuni li jkunu kisru l-obbligu tad-dikjarazzjoni jew divulgazzjoni ta’ flus kontanti u li jkunu nqabdu fi Stat Membru wieħed x’aktarx jagħżlu Stat Membru ieħor ta’ dħul jew ta’ ħruġ fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhom l-ebda għarfien dwar il-ksur li jkunu wettqu qabel. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ tali informazzjoni jsir obbligatorju sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun applikat b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha. Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti jkunu relatati ma’ attività kriminali li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li dik l-informazzjoni titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (7) mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa taħt dak ir-Regolament, u tal-Europol kif stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ta’ prevenzjoni u deterrenza fir-rigward tal-evażjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni jew divulgazzjoni ta’ flus kontanti, jenħtieġ li jiġu skambjati wkoll b’mod obbligatorju bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, informazzjoni anonimizzata dwar ir-riskju u riżultati tal-analiżi tar-riskju, skont standards li għandhom jiġu stabbiliti f’atti ta’ implimentazzjoni adottati taħt dan ir-Regolament.

(32)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi skambjata informazzjoni bejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz sakemm ikun hemm salvagwardji xierqa. Jenħtieġ li tali skambju jkun permess biss fejn jitħarsu d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali u t-trasferiment tad-data personali, wara awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet li jkunu kisbu l-informazzjoni oriġinarjament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi infurmata b’kull okkorrenza ta’ skambju ta’ informazzjoni li jsir ma’ pajjiżi terzi taħt dan ir-Regolament u li hija tirrapporta dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33)

Minħabba n-natura tal-informazzjoni li tinġabar u l-aspettattivi leġittimi tal-portaturi u tad-dikjaranti li d-data personali tagħhom u l-informazzjoni rigward il-valur tal-flus kontanti li jkunu daħħlu fl-Unjoni jew ħarġu mill-Unjoni jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jipprovdu biżżejjed salvagwardji biex jiżguraw li l-aġenti li jitolbu aċċess għall-informazzjoni jirrispettaw is-segretezza professjonali, u jipproteġu tali informazzjoni tajjeb kontra l-aċċess, l-użu jew il-komunikazzjoni mhux awtorizzati. Sakemm mhux previst mod ieħor minn dan ir-Regolament jew mil-liġi nazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedimenti legali, jenħtieġ li tali informazzjoni ma tiġix divulgata mingħajr il-permess tal-awtorità li tkun kisbitha.

Il-proċessar ta’ data taħt dan ir-Regolament jista’ jkopri wkoll data personali u jenħtieġ li jsir skont il-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jipproċessaw data personali b’mod biss li jkun kompatibbli mal-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Kull ġbir, divulgazzjoni, trażmissjoni, komunikazzjoni u pproċessar ieħor tad-data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġu li jkunu suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolamenti (KE) Nru 45/2001 (9) u (UE) 2016/679 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ ukoll li l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jirrispetta d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif rikonoxxuti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif rikonoxxuti, rispettivament, mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(34)

Għall-finijiet tal-analiżi li ssir mill-FIUs u biex l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jikkontrollaw u jinfurzaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni li jkunu diġà wettqu ksur kontra dak l-obbligu, jenħtieġ li d-data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet magħmula taħt dan ir-Regolament tinħażen għal perjodu twil biżżejjed. Biex l-FIU twettaq l-analiżi tagħhom b’mod effettiv u biex l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw u b’mod effettiv jinfurzaw l-obbligu tad-dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti, jenħtieġ li l-perjodu ta’ żamma tad-data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet magħmula taħt dan ir-Regolament ma jaqbiżx ħames snin bil-possibbiltà ta’ estensjoni oħra, wara valutazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali żamma ulterjuri, li jenħtieġ li ma taqbiżx tliet snin oħra.

(35)

Sabiex tiġi inkoraġġita l-konformità u skoraġġita l-evażjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu penali għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti. Jenħtieġ li dawk il-penali japplikaw biss għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni jew ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti skont dan ir-Regolament u ma jieħdux kont tal-possibbiltà ta’ attività kriminali assoċjata mal-flus kontanti, li tista’ tkun l-għan ta’ investigazzjoni ulterjuri u miżuri li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex tiġi inkoraġġita l-konformità. Jenħtieġ li l-penali introdotti mill-Istati Membri jkollhom effett deterrenti ekwivalenti mal-Unjoni kollha fuq il-ksur ta’ dan ir-Regolament.

(36)

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà jużaw formola ta’ dikjarazzjoni armonizzata, l-EU Cash Declaration Form (EU-CDF), fuq bażi volontarja, biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-kontrolli u l-ipproċessar, it-trażmissjoni u l-analiżi effettivi tad-dikjarazzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta mudelli għall-formola tad-dikjarazzjoni u għall-formola tad-divulgazzjoni, biex tiddetermina l-kriterji għal qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju, biex tistabbilixxi r-regoli tekniċi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-mudell għall-formola li jkollha tintuża għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, u biex tistabbilixxi r-regoli u l-format li jkollhom jintużaw għall-għoti ta’ informazzjoni statistika lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(37)

Sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni attwali fejn hemm aċċess limitat għal informazzjoni statistika u hemm disponibbli biss xi indikazzjonijiet dwar l-ammonti ta’ flus kontanti li t-trasport tagħhom bil-kuntrabandu mill-kriminali jaqsam il-fruntieri esterni tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi introdotta kooperazzjoni aktar effettiva permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u mal-Kummissjoni. Biex ikun garantit li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jkun effettiv u effiċjenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk is-sistema stabbilita taqdix l-iskop jew jekk hemmx ostakli għal skambju ta’ informazzjoni f’waqtu u dirett. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika informazzjoni statistika fuq is-sit web tagħha.

(38)

Sabiex tkun tista’ rapidament tieħu kont ta’ modifiki futuri fl-istandards internazzjonali, bħal standards stabbiliti mil-FATF jew sabiex tiġi indirizzata l-evażjoni ta’ dan ir-Regolament billi wieħed jistrieħ fuq il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur jew fuq il-kards bi ħlas antiċipat, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti, skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta’ emendi għall-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(39)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala transnazzjonali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-ispeċifiċitajiet tas-suq intern u l-libertajiet fundamentali tiegħu, li jistgħu jiġu implimentati għalkollox biss billi jiġi żgurat li ma jiġi impost l-ebda trattament eċċessivament differenti abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar flus kontanti li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat dwar l-UE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(40)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-UE u riflessi fil-Karta, b’mod partikolari fit-Titolu II tagħha.

(41)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat b’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jipprevedi sistema ta’ kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni biex jikkomplementa l-qafas legali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu stabbilit fid-Direttiva (UE) 2015/849.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“flus kontanti” tfisser:

(i)

munita;

(ii)

l-istrumenti negozjabbli għall-portatur;

(iii)

il-komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur;

(iv)

il-kards bi ħlas antiċipat;

(b)

“deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni” tfisser ġejjin minn territorju li huwa barra t-territorju kopert mill-Artikolu 355 tat-TFUE lejn it-territorju li huwa kopert minn dak l-Artikolu, jew ħerġin mit-territorju kopert minn dak l-Artikolu;

(c)

“munita” tfisser karti tal-flus u muniti li huma fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju jew li kienu fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju u li għadu possibbli li jiġu skambjati, permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew banek ċentrali, għal karti tal-flus u muniti li huma fiċ-ċirkolazzjoni bħala mezz ta’ skambju;

(d)

“strumenti negozjabbli għall-portatur” tfisser strumenti li mhumiex munita, li jagħtu d-dritt lid-detenturi tagħhom li jitolbu ammont finanzjarju meta jippreżentaw l-istrumenti, mingħajr ma jkollhom bżonn jagħtu prova tal-identità tagħhom jew jagħtu prova li huma intitolati għal dak l-ammont. Dawk l-istrumenti huma:

(i)

traveller’s cheques; u

(ii)

ċekkijiet, promissory notes jew money orders li huma jew f’forma għall-portatur, iffirmati iżda mingħajr isem ir-riċevitur, iffirmati mingħajr restrizzjoni, indirizzati lil riċevitur fittizju, jew inkella f’tali forma li t-titoli tagħhom jiġu ttrasferiti mal-għoti tagħhom;

(e)

“komodità li tintuża bħala ħażna likwida ħafna ta’ valur” tfisser oġġett, kif elenkat fil-punt 1 tal-Anness I, li għandu proporzjon kbir bejn il-valur tiegħu u l-volum tiegħu u li jista’ jinbidel f’munita faċilment permezz tas-swieq tan-negozjar aċċessibbli filwaqt li joħloq biss spejjeż tat-tranżazzjoni żgħar;

(f)

“kard bi ħlas antiċipat” tfisser kard mhux nominattiva, kif elenkat fil-punt 2 tal-Anness I, li taħżen jew tipprovdi aċċess għal valur monetarju jew fondi li jistgħu jintużaw fi tranżazzjonijiet ta’ ħlas, fl-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi jew għat-tifdija ta’ munita fejn tali kard mhijiex marbuta ma’ kont bankarju;

(g)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri u kull awtorità oħra li tingħata s-setgħa mill-Istati Membri biex tapplika dan ir-Regolament;

(h)

“portatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tidħol fl-Unjoni jew toħroġ mill-Unjoni u ġġorr flus kontanti fuq il-persuna tagħha, fil-bagalja tagħha jew fil-mezz ta’ trasport tagħha;

(i)

“flus kontanti mhux akkumpanjati” tfisser flus kontanti li jagħmlu parti minn konsenja mingħajr portatur;

(j)

“attività kriminali” tfisser kwalunkwe attività elenkata fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(k)

“Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU)” tfisser l-entità stabbilita fi Stat Membru għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament biex jiġi emendat l-Anness I għal dan ir-Regolament biex jitqiesu x-xejriet ġodda tal-ħasil tal-flus, kif definit fl-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif definit fl-Artikolu 1(5) ta’ dik id-Direttiva, jew biex jitqiesu l-aħjar prattiki għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jew biex jiġi prevenut l-użu minn persuni kriminali ta’ komoditajiet li jintużaw bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u ta’ kards bi ħlas antiċipat biex jevadu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati

1.   Il-portaturi li jġorru flus kontanti ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew aktar għandhom jiddikjaraw dawk il-flus kontanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li minnu jkunu deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u jagħtuhom aċċess għalihom għall-finijiet ta’ kontroll. L-obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti ma għandux jitqies li jkun issodisfat jekk l-informazzjoni li tingħata ma tkunx korretta jew sħiħa jew jekk ma jingħatax aċċess għall-flus kontanti għall-finijiet ta’ kontroll.

2.   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti dettalji dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-portatur, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni;

(b)

sid il-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni fejn is-sid ikun persuna fiżika, jew l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, in-numru ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), fejn is-sid ikun persuna ġuridika;

(c)

jekk ikun disponibbli, ir-riċevitur intenzjonat tal-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni, fejn ir-riċevitur intenzjonat ikun persuna fiżika, jew l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, in-numru ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, fejn ir-riċevitur intenzjonat ikun persuna ġuridika;

(d)

in-natura u l-ammont jew il-valur tal-flus kontanti;

(e)

il-provenjenza ekonomika tal-flus kontanti;

(f)

l-użu intenzjonat tal-flus kontanti;

(g)

ir-rotta tat-trasport; u

(h)

il-mezz tat-trasport.

3.   Id-dettalji elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti bil-miktub jew b’mod elettroniku, permezz tal-formola ta’ dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1). Meta tintalab, għandha tingħata kopja approvata tad-dikjarazzjoni lid-dikjarant.

Artikolu 4

Obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati

1.   Fejn flus kontanti ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew aktar ikunu deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni mhux akkumpanjati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri li minnu jkunu deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni l-flus kontanti jistgħu jeżiġu li l-ispeditur jew ir-riċevitur tal-flus kontanti, jew rappreżentant tagħhom, skont il-każ, jagħmlu dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni f’perjodu ta’ skadenza ta’ 30 jum. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżommu l-flus kontanti sa meta l-ispeditur jew ir-riċevitur, jew rappreżentant tagħhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni. L-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati ma għandux jitqies li jkun issodisfat jekk id-dikjarazzjoni ma ssirx qabel l-għeluq tal-iskadenza, jekk l-informazzjoni li tingħata ma tkunx korretta jew sħiħa, jew jekk ma jingħatax aċċess għall-flus kontanti għall-finijiet ta’ kontroll.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni għandha tagħti dettalji dwar dawn li ġejjin:

(a)

id-dikjarant, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru ta’ dokument ta’ identifikazzjoni;

(b)

sid il-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni, fejn is-sid ikun persuna fiżika, jew l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, in-numru ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, fejn is-sid ikun persuna ġuridika;

(c)

l-ispeditur tal-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni, fejn l-ispeditur ikun persuna fiżika, jew l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, in-numru ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, fejn l-ispeditur ikun persuna ġuridika;

(d)

ir-riċevitur jew ir-riċevitur intenzjonat tal-flus kontanti, inklużi l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u n-numru tad-dokument ta’ identifikazzjoni, fejn ir-riċevitur jew ir-riċevitur intenzjonat ikun persuna fiżika, jew l-isem sħiħ, id-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz, in-numru ta’ reġistrazzjoni u, jekk ikun disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, fejn ir-riċevitur jew ir-riċevitur intenzjonat ikun persuna ġuridika;

(e)

in-natura u l-ammont jew il-valur tal-flus kontanti;

(f)

il-provenjenza ekonomika tal-flus kontanti; u

(g)

l-użu intenzjonat tal-flus kontanti.

3.   Id-dettalji elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti bil-miktub jew b’mod elettroniku, permezz tal-formola ta’ divulgazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1). Meta tintalab, għandha tingħata kopja approvata tad-dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni lid-dikjarant.

Artikolu 5

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati stabbilit fl-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jwettqu kontrolli fuq persuni fiżiċi, il-bagalji tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati stabbilit fl-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jwettqu kontrolli fuq kwalunkwe konsenja, reċipjent jew mezz tat-trasport li fihom jista’ jkun hemm flus kontanti mhux akkumpanjati, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

3.   Jekk ma jkunx ġie ssodisfat l-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati taħt l-Artikolu 3 jew l-obbligu tad-divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati taħt l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu, bil-miktub jew f’forma elettronika, dikjarazzjoni ex officio li għandha tinkludi safejn possibbli d-dettalji elenkati fl-Artikolu 3(2) jew 4(2), skont il-każ.

4.   Il-kontrolli għandhom ikunu bbażati primarjament fuq analiżi tar-riskju, bil-għan li jiġu identifikati u evalwati r-riskji u li jiġu żviluppati l-kontromiżuri meħtieġa, u għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju konformi mal-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 16(1) li għandu jqis ukoll il-valutazzjoni tar-riskju stabbilita mill-Kummissjoni u mill-FIUs taħt id-Direttiva (UE) 2015/849.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Ammonti taħt il-livell limitu ssuspettati li jkunu relatati ma’ attività kriminali

1.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw portatur b’ammont ta’ flus kontanti taħt il-livell limitu msemmi fl-Artikolu 3 u jaraw indikazzjonijiet li l-flus kontanti huma marbutin ma’ attività kriminali, huma għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni u d-dettalji elenkati fl-Artikolu 3(2).

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jsibu li flus kontanti mhux akkumpanjati taħt il-livell limitu msemmi fl-Artikolu 4 jkunu deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti huma marbutin ma’ attività kriminali, huma għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni u d-dettalji elenkati fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 7

Żamma temporanja ta’ flus kontanti mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżommu l-flus kontanti temporanjament permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali fejn:

(a)

l-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati taħt l-Artikolu 3 jew l-obbligu tad-divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati taħt l-Artikolu 4 ma jiġix issodisfat; jew

(b)

ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti, irrispettivament mill-ammont, ikunu marbutin ma’ attività kriminali.

2.   Id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għal rimedju effettiv skont il-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deċiżjoni amministrattiva lil:

(a)

il-persuna li għandha l-obbligu li tagħmel id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 3 jew id-dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni skont l-Artikolu 4; jew

(b)

il-persuna li għandha l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni skont l-Artikolu 6(1) jew (2).

3.   Il-perjodu ta’ żamma temporanja għandu jkun limitat strettament taħt il-liġi nazzjonali għaż-żmien meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikawx żamma itwal. Il-perjodu ta’ żamma temporanja ma għandux jeċċedi 30 jum. Wara li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ żamma temporanja itwal, huma jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-perjodu ta’ żamma temporanja sa massimu ta’ 90 jum.

Fejn ma tiġix iddeterminata żamma itwal tal-flus kontanti f’dak il-perjodu, jew jekk jiġi ddeterminat li ċ-ċirkostanzi tal-każ ma jiġġustifikawx żamma itwal, il-flus kontanti għandhom jiġu minnufih rilaxxati lil:

(a)

il-persuna li lilha jkunu nżammewlha temporanjament il-flus kontanti fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 jew 4; jew

(b)

il-persuna li lilha jkunu nżammewlha temporanjament il-flus kontanti fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) jew (2).

Artikolu 8

Kampanji ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni jew il-persuni li jibagħtu flus kontanti mhux akkumpanjati mill-Unjoni jew li jirċievu flus kontanti mhux akkumpanjati fl-Unjoni jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw materjal xieraq immirat lejn dawk il-persuni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed fondi għal dawn il-kampanji ta’ informazzjoni.

Artikolu 9

Għoti ta’ informazzjoni lill-FIU

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw l-informazzjoni miksuba taħt l-Artikolu 3 jew 4, l-Artikolu 5(3) jew l-Artikolu 6 u jittrażmettuha lill-FIU tal-Istat Membru fejn tkun inkisbet, f’konformità mar-regoli tekniċi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 16(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIU tal-Istat Membru inkwistjoni taqsam tali informazzjoni mal-FIUs rilevanti tal-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun, u f’kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il ġurnata tax-xogħol wara d-data li fiha tkun inkisbet l-informazzjoni.

Artikolu 10

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u mal-Kummissjoni

1.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tittrażmetti l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha:

(a)

id-dikjarazzjonijiet ex officio mfassla taħt l-Artikolu 5(3);

(b)

l-informazzjoni li tinkiseb taħt l-Artikolu 6;

(c)

id-dikjarazzjonijiet li jinkisbu taħt l-Artikolu 3 jew 4, fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti jkunu marbutin ma’ xi attività kriminali;

(d)

l-informazzjoni anonimizzata dwar riskji u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju.

2.   Fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti jkunu marbutin ma’ attività kriminali li tista’ taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trażmessa wkoll lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew - mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa taħt ir-Regolament (UE) 2017/1939 u fejn għandu l-kompetenza li jaġixxi taħt l-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament, u lill-Europol fejn għandha l-kompetenza li taġixxi taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/794.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tittrażmetti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 f’konformità mar-regoli tekniċi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 16(1) u permezz tal-formola msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 16(1).

4.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandha tiġi trażmessa malajr kemm jista’ jkun u f’kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il ġurnata tax-xogħol wara d-data li fiha tkun inkisbet dik l-informazzjoni.

5.   L-informazzjoni u r-riżultati msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu trażmessi kull sitt xhur.

Artikolu 11

Skambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jistgħu, fil-qafas tal-assistenza amministrattiva reċiproka, jittrażmettu l-informazzjoni li ġejja lil pajjiż terz, suġġett għall-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-awtorità kompetenti li tkun kisbet l-informazzjoni oriġinarjament, sakemm tali trażmissjoni tikkonforma mal-liġi rilevanti, kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, dwar it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi:

(a)

id-dikjarazzjonijiet ex officio mfassla taħt l-Artikolu 5(3);

(b)

l-informazzjoni li tinkiseb taħt l-Artikolu 6;

(c)

id-dikjarazzjonijiet li jinkisbu taħt l-Artikolu 3 jew 4, fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti jkunu marbutin mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe trażmissjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 12

Segretezza professjonali u kunfidenzjalità u sigurtà tad-data

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data miksuba skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6.

2.   L-informazzjoni kollha miksuba mill-awtoritajiet kompetenti għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 13

Protezzjoni u perjodi ta’ żamma tad-data personali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġixxu bħala kontrolluri tad-data personali li jiksbu taħt l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6.

2.   L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għandu jsir biss għal skopijiet ta’ prevenzjoni tal-attivitajiet kriminali u biex dawn jiġu miġġielda.

3.   Id-data personali li tinkiseb taħt l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6 għandha tiġi aċċessata biss mill-persunal tal-awtoritajiet kompetenti, awtorizzat kif xieraq, u għandha tkun protetta b’mod adegwat kontra l-aċċess jew it-trażmissjoni mhux awtorizzati. Sakemm mhuwiex previst mod ieħor fl-Artikoli 9, 10 u 11, id-data ma tistax tiġi divulgata jew trażmessa mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-awtorità kompetenti li tkun kisbitha oriġinarjament. Madankollu, dik l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ikun meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti li jiddivulgaw jew jittrażmettu dik id-data skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, b’mod partikolari b’rabta ma’ proċedimenti legali.

4.   L-awtoritajiet kompetenti u l-FIU għandhom jaħżnu d-data personali miksuba taħt l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6 għal perjodu ta’ 5 snin minn meta tkun inkisbet id-data. Id-data personali għandha titħassar meta dak il-perjodu jiskadi.

5.   Il-perjodu ta’ żamma jista’ jiġi estiż darba b’perjodu ieħor li ma għandux jaqbeż 3 snin oħra jekk:

(a)

wara li tkun wettqet valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali żamma itwal u tqisha ġustifikata għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, l-FIU tiddetermina li tenħtieġ żamma itwal; jew

(b)

wara li jkunu wettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali żamma itwal u jqisuha ġustifikata għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fir-rigward ta’ kontrolli effettivi b’rabta mal-obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati kif stabbilit jew l-obbligu tad-divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati, l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw li tenħtieġ żamma itwal.

Artikolu 14

Penali

Kull Stat Membru għandu jintroduċi penali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tad-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti akkumpanjati stabbilit fl-Artikolu 3 jew l-obbligu tad-divulgazzjoni ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati stabbilit fl-Artikolu 4. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta’ Diċembru 2018.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Atti ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li ġejjin biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ kontrolli minn awtoritajiet kompetenti:

(a)

il-mudelli għall-formola ta’ dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) u għall-formola ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3);

(b)

il-kriterji għall-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 5(4) u, aktar speċifikament, il-kriterji ta’ riskju, l-istandards, u ż-żoni ta’ kontroll prijoritarji, abbażi tal-informazzjoni skambjata skont il-punt (d) tal-Artikolu 10(1), u l-politiki u l-aħjar prattika tal-Unjoni u internazzjonali;

(c)

ir-regoli tekniċi għall-iskambju effettiv ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 9(1) u (3) u l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament permezz tas-CIS stabbilita mill-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 515/97;

(d)

il-mudell għall-formola għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3); u

(e)

ir-regoli u l-format li għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex jipprovdu, skont l-Artikolu 18, lill-Kummissjoni b’informazzjoni statistika anonimizzata dwar id-dikjarazzjonijiet u l-każijiet ta’ ksur.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 17

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat ta’ Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 18

Trażmissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament

1.   Sal-4 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dawn li ġejjin lill-Kummissjoni:

(a)

il-lista tal-awtoritajiet kompetenti;

(b)

id-dettalji tal-penali introdotti skont l-Artikolu 14;

(c)

l-informazzjoni statistika anonimizzata rigward dikjarazzjonijiet, kontrolli u ksur, permezz tal-format imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 16(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil sussegwenti fl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 mhux aktar tard minn xahar wara li dak it-tibdil ikun daħal fis-seħħ.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni mill-inqas kull sitt xhur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra kollha l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u kwalunkwe tibdil sussegwenti f’dik l-informazzjoni skont il-paragrafu 2.

4.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit web tagħha l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 u kwalunkwe tibdil sussegwenti f’dik l-informazzjoni skont il-paragrafu 2 u għandha tinforma lill-utenti, b’mod ċar, dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni.

Artikolu 19

Evalwazzjoni

1.   Sat-3 ta’ Diċembru 2021, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni li tirċievi regolarment mingħand l-Istati Membri, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu, b’mod partikolari, jevalwa jekk:

(a)

fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhomx jiġu inklużi assi oħra;

(b)

il-proċedura tad-divulgazzjoni għal flus kontanti mhux akkumpanjati hijiex effettiva;

(c)

il-livell limitu għal flus kontanti mhux akkumpanjati għandux jiġi rivedut;

(d)

il-flussi ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 9 u 10 u l-użu tas-CIS, b’mod partikolari, humiex effettivi għall-iskop jew jekk hemmx ostakli għall-iskambju f’waqtu u dirett ta’ informazzjoni kompatibbli u komparabbli bejn l-awtoritajiet kompetenti u mal-FIUs; u

(e)

il-penali introdotti mill-Istati Membri humiex effettivi, proprozjonati u dissważivi u jaqblux mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jekk għandhomx effett deterrenti ekwivalenti mal-Unjoni kollha fuq il-ksur ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi, fejn disponibbli:

(a)

kompilazzjoni ta’ informazzjoni riċevuta mingħand l-Istati Membri dwar flus kontanti relatati ma’ attivitajiet kriminali li jaffettwaw b’mod negattiv l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; u

(b)

informazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

Artikolu 20

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-3 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, l-Artikolu 16 għandu japplika mit-2 ta’ Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 22.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2018.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal l-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, 28.6.1991, p. 77).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS I

Komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u kards bi ħlas antiċipat li huma kkunsidrati flus kontanti skont il-punt (a) (iii) u (iv) tal-Artikolu 2(1)

1.

Komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur:

(a)

muniti b’kontenut ta’ deheb ta’ mill-inqas 90 %; u

(b)

metall ta’ valur bħal lingotti, biċċiet u ċapep b’kontenut ta’ deheb ta’ mill-inqas 99,5 %.

2.

Kards bi ħlas antiċipat: P.M.

ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4(1)

Artikolu 5

Artikolu 5(2)

Artikolu 6

Artikolu 4(2)

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 5(1)

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 10

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 8

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 9

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 10

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 11

Artikolu 21

Anness I

Anness II


DIRETTIVI

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/22


DIRETTIVA (UE) 2018/1673 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2018

dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament relatat tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata għadhom problemi sinifikanti fil-livell tal-Unjoni, li jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju u jheddu s-suq intern u s-sigurtà interna tal-Unjoni. Biex tittratta dawk il-problemi u wkoll tikkomplementa u ssaħħaħ l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), din id-Direttiva għandha l-għan li tiġġieled il-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, filwaqt li tippermetti kooperazzjoni transfruntiera aktar effiċjenti u aktar malajr bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(2)

Miżuri adottati biss fil-livell nazzjonali jew anki fil-livell tal-Unjoni, mingħajr ma jieħdu kont tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, ikollhom effetti limitati ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri adottati mill-Unjoni biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus ikunu kompatibbli ma’ azzjonijiet oħra mwettqa f’fora internazzjonali, u jenħtieġ li jkunu tal-anqas strinġenti daqshom.

(3)

Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), u ta’ strumenti ta’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali oħra attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-atti legali rilevanti tal-Unjoni jiġu ulterjorment allinjati, jekk meħtieġ, mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni (International Standards on Combating Money Laundering and the Financing of Terrorism and Proliferation) adottati mill-FATF fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”). Bħala firmatarja tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta’ Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, jenħtieġ li l-Unjoni tittrasponi r-rekwiżiti ta’ din il-Konvenzjoni fl-ordinament ġuridiku tagħha.

(4)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI (3) tistabbilixxi rekwiżiti fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus. Madankollu, dik id-Deċiżjoni Kwadru mhijiex komprensiva biżżejjed, u l-kriminalizzazzjoni attwali tal-ħasil tal-flus mhijiex koerenti biżżejjed biex effettivament tiġġieled il-ħasil tal-flus fl-Unjoni kollha, u dan iwassal għal lakuni fl-infurzar u f’ostakli għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti.

(5)

Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ attivitajiet kriminali li jikkostitwixxu reati presupposti għall-ħasil tal-flus tkun uniformi biżżejjed fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati kollha li huma punibbli b’terminu ta’ priġunerija kif imniżżel f’din id-Direttiva jitqiesu bħala reati presupposti għall-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, sa fejn dik l-applikazzjoni ta’ dawk il-limiti tal-pieni għadha ma tagħmilx dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu firxa ta’ reati f’kull waħda mill-kategoriji ta’ reati elenkati f’din id-Direttiva. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu kif ser jiddelimitaw il-firxa ta’ reati f’kull kategorija. Jekk kategorija ta’ reati, bħat-terroriżmu jew ir-reati ambjentali, tinkludi reati stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni, din id-Direttiva jenħtieġ li tirreferi għal tali atti legali. Jenħtieġ li l-Istati Membri, madankollu, jikkunsidraw kwalunkwe reat stipulat f’dawk l-atti legali bħala li jikkostitwixxi reat presuppost għall-ħasil tal-flus. Kwalunkwe tip ta’ involviment punibbli fit-twettiq ta’ reat presuppost meqjus bħala kriminali f’konformità mal-liġi nazzjonali jenħtieġ li jitqies ukoll bħala attività kriminali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. F’każijiet fejn il-liġi tal-Unjoni tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal sanzjonijiet oħra li mhumiex sanzjonijiet kriminali, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jikklassifikaw ir-reati f’dawk il-każijiet bħala reati presupposti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(6)

L-użu ta’ muniti virtwali jippreżenta riskji u sfidi ġodda mill-perspettiva tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk ir-riskji jiġu indirizzati b’mod adegwat.

(7)

Minħabba l-impatt ta’ reati tal-ħasil tal-flus imwettqa minn detenturi ta’ kariga pubblika fuq l-isfera pubblika u fuq l-integrità tal-istituzzjonijiet pubbliċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidraw li jinkludu fl-oqfsa nazzjonali tagħhom pieni aktar ħorox għal detenturi ta’ karigi pubbliċi f’konformità mat-tradizzjonijiet legali tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li reati fiskali relatati ma’ taxxi diretti u indiretti jiġu koperti mid-definizzjoni ta’ attività kriminali, f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF. Peress li f’kull Stat Membru reati fiskali differenti jistgħu jikkostitwixxu attività kriminali punibbli bis-sanzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva, id-definizzjonijiet ta’ reati fiskali jistgħu jvarjaw minn liġi nazzjonali għal oħra. L-għan ta’ din id-Direttiva, madankollu, mhuwiex l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ reati fiskali fil-liġi nazzjonali.

(9)

Fi proċedimenti kriminali għall-ħasil tal-flus, jenħtieġ li l-Istati Membri jassistu lil xulxin fl-usa’ mod possibbli, u jiżguraw li informazzjoni tiġi skambjata b’mod effettiv u f’waqtu, f’konformità mal-liġi nazzjonali u mal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni. Jenħtieġ li d-differenzi bejn id-definizzjonijiet ta’ reati presupposti fil-liġijiet nazzjonali ma jfixklux il-kooperazzjoni internazzjonali fi proċedimenti kriminali rigward il-ħasil tal-flus. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi tiġi intensifikata, b’mod partikolari billi jitħeġġeġ u jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ miżuri u mekkaniżmi effettivi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u billi tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali mtejba f’dan il-qasam.

(10)

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħasil tal-flus li jinvolvi proprjetà derivata minn reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huwa soġġett għal regoli speċifiċi kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jittrasponu din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2017/1371 permezz ta’ qafas komprensiv waħdieni fil-livell nazzjonali. Skont l-Artikolu 325(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu l-istess miżuri biex jiġġieldu kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jieħdu biex jiġġieldu kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ċerti attivitajiet ta’ ħasil tal-flus ikunu punibbli wkoll meta jitwettqu mill-awtur tal-attività kriminali li ġġenerat il-proprjetà (awtoriċiklaġġ). F’tali każijiet, fejn, l-attività ta’ ħasil tal-flus ma tammontax biss għas-sempliċi pussess jew użu tal-proprjetà, iżda tinvolvi wkoll it-trasferiment, il-konverżjoni, il-ħabi jew it-travestiment ta’ proprjetà u tirriżulta f’aktar ħsara minn dik diġà kkawżata mill-attività kriminali, pereżempju billi l-proprjetà li tkun ġiet minn attività kriminali titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u, permezz ta’ dan, tinħeba l-oriġini illegali tagħha, jenħtieġ li dik l-attività ta’ ħasil tal-flus tkun punibbli.

(12)

Sabiex miżuri tal-liġi kriminali jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, jenħtieġ li kundanna tkun possibbli mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit preċiżament liema attività kriminali tkun iġġenerat il-proprjetà, jew li jkun hemm kundanna preċedenti jew simultanja għal dik l-attività kriminali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi u l-evidenza kollha rilevanti. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri, f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali tagħhom, li jiżguraw dan b’mezzi oħra għajr il-leġislazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-prosekuzzjonijiet għall-ħasil tal-flus ma jiġux imxekkla mill-fatt li l-attività kriminali twettqet fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva.

(13)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkriminalizza l-ħasil tal-flus meta jitwettaq intenzjonalment u bl-għarfien li l-proprjetà ġiet minn attività kriminali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tagħmilx distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn il-proprjetà tkun ġejja direttament minn attività kriminali u sitwazzjonijiet fejn din tkun ġejja indirettament minn attività kriminali, bi qbil mad-definizzjoni wiesgħa ta’ “rikavat”, kif stabbilita fid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’kull każ, meta jkun qed jitqies jekk il-proprjetà hijiex ġejja minn attività kriminali u jekk il-persuna akkużata kinitx taf b’dak, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, bħall-fatt li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna akkużata u li l-attività kriminali u l-akkwist tal-proprjetà jkunu seħħew fl-istess perjodu ta’ żmien. L-intenzjoni u l-għarfien jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi. Peress li din id-Direttiva tipprovdi għal regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-ħasil tal-flus, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli tal-liġi kriminali aktar stretti f’dak il-qasam. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, pereżempju, jistipulaw li l-ħasil tal-flus imwettaq bi traskuraġni jew negliġenza serja jikkostitwixxi reat kriminali. Jenħtieġ li r-referenzi f’din id-Direttiva għal ħasil tal-flus imwettaq b’negliġenza jinftiehmu bħala tali għal Stati Membri li jikkriminalizzaw tali imġiba.

(14)

Biex jiskoraġġixxu l-ħasil tal-flus fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mhux anqas minn erba’ snin. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-individwalizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-pieni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti f’kull każ individwali. L-Istati Membri għandhom ukoll jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali, bħal multi, esklużjoni temporanja jew permanenti mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet, skwalifiki temporanji mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali jew projbizzjonijiet temporanji fuq il-kandidatura għal kariga elettiva jew pubblika. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati biex jiddeċiedu jekk jimponux jew le sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali, fil-qies taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ partikolari.

(15)

Għalkemm m’hemm l-ebda obbligu li jiżdiedu s-sentenzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-imħallfin jew il-qrati jkunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi aggravanti kif definiti f’din id-Direttiva meta jagħtu sentenzi lit-trasgressuri. Tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati li jiddeterminaw jekk iżidux is-sentenza minħabba ċ-ċirkostanzi aggravanti speċifiċi, fil-qies tal-fatti kollha tal-każ partikolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jipprevedu ċirkostanzi aggravanti, fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi li r-reati kriminali stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (6) jew li reati mwettqa minn persuni fiżiċi li jaġixxu bħala entitajiet marbuta b’obbligu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom huma punibbli bħala reat kriminali distint u dan jista’ jwassal għal sanzjonijiet aktar severi.

(16)

L-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali ta’ attività kriminali u tar-rikavat minnha jneħħu l-inċentivi finanzjarji li jmexxu l-kriminalità. Id-Direttiva 2014/42/UE tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali ta’ attività kriminali u tar-rikavat minnha f’materji kriminali. Dik id-Direttiva teħtieġ ukoll lill-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tagħha u li tagħmel proposti adegwati jekk ikunu meħtieġa. Jenħtieġ li l-Istati Membri, bħala minimu, jiżguraw l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali tal-kriminalità u tar-rikavat minnha fil-każijiet kollha previsti fid-Direttiva 2014/42/UE. L-Istati Membri għandhom ukoll jikkunsidraw bis-sħiħ li jippermettu l-konfiska fil-każijiet kollha fejn proċedimenti kriminali ma jkunux jistgħu jiġu mibdija jew konklużi, inkluż f’każijiet fejn it-trasgressur ikun miet. Kif mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fid-dikjarazzjoni li takkumpanja d-Direttiva 2014/42/UE, il-Kummissjoni se tissottometti rapport li janalizza l-fattibilità u l-benefiċċji possibbli tal-introduzzjoni ta’ aktar regoli komuni dwar il-konfiska ta’ proprjetà li ġejja minn attivitajiet ta’ natura kriminali, inkluż fin-nuqqas ta’ kundanna ta’ persuna speċifika jew persuni speċifiċi għal dawk l-attivitajiet. Din l-analiżi se tqis ukoll id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

(17)

Minħabba l-mobilità tal-awturi u tar-rikavat minn attivitajiet kriminali, u minħabba l-investigazzjonijiet transfruntiera kumplessi meħtieġa biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw u jmexxu prosekuzzjoni għal tali attivitajiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li b’hekk l-Istati Membri jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħhom tkopri sitwazzjonijiet meta reat jitwettaq permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mit-territorju tagħhom, kemm jekk tali teknoloġija tkun ibbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.

(18)

Skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (7) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (8), l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar li qed imexxu proċedimenti kriminali paralleli fir-rigward tal-istess fatti li jinvolvu l-istess persuna għandhom, bl-assistenza ta’ Eurojust, jidħlu f’konsultazzjonijiet diretti ma’ xulxin, b’mod partikolari biex jiżguraw li r-reati kollha koperti b’din id-Direttiva jiġu pproċessati.

(19)

Sabiex jiżguraw is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ ħasil tal-flus, dawk responsabbli mill-investigazzjoni jew mill-prosekuzzjoni ta’ tali reati jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu minn għodod ta’ investigazzjoni effettivi bħal dawk li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra. Jenħtieġ li b’hekk jiġi żgurat li jkunu disponibbli biżżejjed persunal u taħriġ imfassal apposta, kif ukoll riżorsi u kapaċità teknoloġika aġġornata. L-użu ta’ tali għodod, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jenħtieġ li jkun immirat u li jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u n-natura u l-gravità tar-reati li jkunu qegħdin jiġu investigati, u jenħtieġ li jirrispetta d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

(20)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk stabbiliti fit-Titoli II, III, V u VI tagħha, li jħaddnu, inter alia, id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u l-pieni kriminali, u jkopru wkoll ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni, ċarezza u prevedibbiltà fil-liġi kriminali, il-preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni ssuspettati u akkużati li jkollhom aċċess għal avukat, id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu u d-dritt għal proċess ġust. Din id-Direttiva trid tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji fil-qies ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u obbligi oħra tad-drittijiet tal-bniedem skont id-dritt internazzjonali.

(22)

Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, li tissoġġetta l-ħasil tal-flus fl-Istati Membri kollha għal pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, ma jistax jintlaħaq b’suċċess suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, permezz tal-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(23)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(24)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI tibqa’ vinkolanti u applikabbli għad-Danimarka,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-ħasil tal-flus.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħasil tal-flus fir-rigward ta’ proprjetà li tkun ġiet minn reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huwa soġġett għal regoli speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/1371.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“attività kriminali” tfisser kwalunkwe tip ta’ involviment kriminali fit-twettiq ta’ kwalunkwe reat, punibbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, bit-tiċħid tal-libertà jew b’detenzjoni għal massimu ta’ aktar minn sena jew, fir-rigward ta’ Stati Membri li għandhom livell limitu minimu għal reati fis-sistemi legali tagħhom, kwalunkwe reat punibbli bit-tiċħid tal-libertà jew b’detenzjoni għal minimu ta’ aktar minn sitt xhur. Fi kwalunkwe każ, reati fil-kategoriji li ġejjin jitqiesu bħala attività kriminali:

(a)

il-parteċipazzjoni fi grupp ta’ kriminalità organizzata u rikattar organizzat, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI;

(b)

it-terroriżmu, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(c)

it-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI (11);

(d)

l-isfruttament sesswali, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(e)

it-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI (13);

(f)

it-traffikar illeċitu ta’ armi;

(g)

it-traffikar illeċitu ta’ oġġetti misruqa u oġġetti oħra;

(h)

il-korruzzjoni, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fil-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (14) u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (15);

(i)

il-frodi, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (16);

(j)

l-iffalsifikar tal-munita, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

(k)

il-falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti;

(l)

ir-reati ambjentali, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jew fid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(m)

il-qtil, l-offiżi gravi fuq il-persuna;

(n)

il-ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi;

(o)

is-serq;

(p)

il-kuntrabandu;

(q)

ir-reati fiskali li jirrigwardaw taxxi diretti u taxxi indiretti kif stipulat fil-liġi nazzjonali;

(r)

l-estorsjoni;

(s)

il-falsifikazzjoni;

(t)

il-piraterija;

(u)

l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20);

(v)

iċ-ċiberkriminalità, inkluż kwalunkwe reat stabbilit fid-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

(2)

“proprjetà” tfisser assi ta’ kwalunkwe tip, kemm korporali kif ukoll inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti jew strumenti legali fi kwalunkwe forma inkluża dik elettronika jew diġitali, li jixhdu t-titolu ta’ tali assi jew interess fihom;

(3)

“persuna ġuridika” tfisser kull entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, barra minn stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 3

Reati ta’ ħasil tal-flus

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja, meta mwettqa intenzjonalment, tkun punibbli bħala reat kriminali:

(a)

il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-għarfien li tali proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali, għall-fini ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni ta’ dik il-persuna;

(b)

il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id-dispożizzjoni, il-moviment, jew is-sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà tkun ġejja minn attività kriminali;

(c)

l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà, bil-konoxxenza, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà tkun ġiet minn attività kriminali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali, fejn it-trasgressur issuspetta jew kien imissu jkun jaf li l-proprjetà kienet ġejja minn attività kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)

kundanna preċedenti jew simultanja għall-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà ma tkunx prerekwiżit għal kundanna għar-reati msemmijin fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

kundanna għar-reati msemmijin fil-paragrafu 1 u 2 tkun possibbli fejn ikun ġie stabbilit li l-proprjetà tkun ġiet minn attività kriminali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi fattwali kollha jew iċ-ċirkostanzi kollha relatati ma’ dik l-attività kriminali, inkluża l-identità tal-awtur tar-reat;

(c)

ir-reati msemmija fil-paragrafu 1 u 2 ikunu estiżi għall-proprjetà li tkun ġiet minn imġiba mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew f’dak ta’ pajjiż terz, meta dik l-imġiba kienet tikkostitwixxi attività kriminali li kieku twettqet ġewwa l-pajjiż.

4.   Fil-każ tal-punt (c) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu wkoll li l-imġiba rilevanti tikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru l-ieħor jew f’dik tal-pajjiż terz fejn twettqet dik l-imġiba, ħlief meta dik l-imġiba tikkostitwixxi wieħed mir-reati msemmijin fil-punti (a) sa (e) u (h) tal-Artikolu 2(1) u kif definiti fil-liġi applikabbli tal-UE.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq minn persuni li wettqu jew kienu involuti fl-attività kriminali li minnha tkun ġiet il-proprjetà.

Artikolu 4

Għajnuna u assistenza, tixwix u tentattiv

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-għajnuna u l-assistenza, it-tixwix u t-tentattiv ta’ reat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u 3(5) jkunu punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 5

Pieni għall-persuni fiżiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikolu 3(1) u 3(5) jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mhux anqas minn erba’ snin.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li wettqu r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu, fejn meħtieġ, soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali.

Artikolu 6

Ċirkostanzi aggravanti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fir-rigward mar-reati msemmija fl-Artikolu 3(1) u (5) u l-Artikolu 4, iċ-ċirkostanzi li ġejjin jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti:

(a)

ir-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI; jew

(b)

it-trasgressur ikun entità marbuta b’obbligu skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u wettaq ir-reat fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċ-ċirkostanzi li ġejjin jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti, b’rabta mal-imġiba msemmija fl-Artikolu 3(1) u(5) u l-Artikolu 4:

(a)

il-proprjetà li tkun soġġetta għal ħasil tkun ta’ valur konsiderevoli; jew

(b)

il-proprjetà li tkun soġġetta għal ħasil tkun ġiet minn wieħed mir-reati msemmija fil-punti (a) sa (e) u (h) tal-punt (1) tal-Artikolu 2.

Artikolu 7

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(1) u (5) u l-Artikolu 4 imwettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun ippermetta t-twettiq ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (5) u l-Artikolu 4 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu awturi, inċitaturi jew aċċessorji fi kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (5) u l-Artikolu 4.

Artikolu 8

Sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 7 tkun punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali u mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b)

esklużjoni temporanja jew permanenti mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet;

(c)

skwalifikar temporanju jew permanenti mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali;

(d)

tqegħid taħt is-sorveljanza ġudizzjarja;

(e)

ordni ġudizzjarja ta’ stralċ;

(f)

għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat.

Artikolu 9

Konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw, kif opportun, li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiffriżaw jew jikkonfiskaw, f’konformità mad-Direttiva 2014/42/UE, ir-rikavat li jirriżulta minn u l-mezzi strumentali li jintużaw jew li huma maħsubin li jintużaw fit-twettiq jew il-kontribut għat-twettiq tar-reati kif imsemmi f’din id-Direttiva.

Artikolu 10

Ġurisdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 fejn:

(a)

ir-reat ikun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

(b)

it-trasgressur ikun ċittadin tiegħu.

2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġurisdizzjoni tiegħu għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 li twettqu barra mit-territorju tiegħu meta:

(a)

it-trasgressur ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu.

3.   Meta reat imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 jaqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u meta kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jista’ b’mod validu jipproċedi fuq il-bażi tal-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikooperaw sabiex jiddeċiedu liema minnhom se jipproċedi kontra t-trasgressur, bil-għan li l-proċedimenti jiġu ċċentralizzati fi Stat Membru wieħed.

Għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

(a)

it-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq ir-reat;

(b)

iċ-ċittadinanza jew ir-residenza tat-trasgressur;

(c)

il-pajjiż ta’ oriġini tal-vittma jew vittmi; u

(d)

it-territorju fejn instab it-trasgressur.

Fejn ikun xieraq u f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Eurojust.

Artikolu 11

Għodod ta’ investigazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod ta’ investigazzjoni effettivi, bħal dawk li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati gravi, ikunu disponibbli għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 3(1) u (5) u l-Artikolu 4.

Artikolu 12

Sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI

Il-punt (b) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI huma sostitwiti fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI msemmija fl-ewwel paragrafu jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-3 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri..

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Rapportar

Il-Kummissjoni, sat-3 ta’ Diċembru 2022, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha, sat-3 ta’ Diċembru 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-valur miżjud ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll l-impatt tagħha fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2018.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(3)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(5)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).

(6)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(7)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(10)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(13)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti tar-reat u l-pieni kriminali fil-qasam tat-traffikar illegali tad-droga (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).

(14)  L-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 (2) (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1).

(15)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠIA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54).

(16)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(19)  Id-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur (ĠU L 280, 27.10.2009, p. 52).

(20)  Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).

(21)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).


DEĊIŻJONIJIET

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/31


REGOLAMENT (UE) 2018/1674 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2018

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, taħt ċerti kondizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu għal ċerti wċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati jridu jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni u li, skont ċerti kondizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet ta’ pjanti tal-għalf, ċereali, pitravi, u pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti f’dawk il-pajjiżi jridu jitqiesu ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

(2)

Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (“il-Brażil”) ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u liż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Brażil, u, abbażi ta’ verifika mwettqa fl-2016 dwar is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni ta’ pjanti tal-għalf u żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f’rapport bit-titlu “Rapport finali ta’ verifika mwettqa fil-Brażil mill-11 sad-19 ta’ April 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tas-sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea”.

(4)

Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (4) u 66/402/KEE (5). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Brażil huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

(5)

Ir-Repubblika tal-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post ta’ wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu pjanti taż-żejt u tal-fibra, kif ukoll għaż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa tal-ħxejjex u ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti u ċċertifikati fir-Repubblika tal-Moldova.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova, u, abbażi ta’ verifika li twettqet fl-2016 dwar is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f’rapport bit-titlu “Rapport finali ta’ verifika mwettqa fir-Repubblika tal-Moldova mill-14 sal-21 ta’ Ġunju 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea”.

(7)

Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra jitwettqu b’mod xieraq, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/402/KEE, 2002/55/KE (6) u 2002/57/KE (7). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fir-Repubblika tal-Moldova huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

(8)

Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu.

(9)

Huwa xieraq ukoll li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u wċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, żerriegħa tal-ħxejjex u żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha.

(10)

Fl-Unjoni hemm domanda għall-importazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex minn pajjiżi terzi, inkluż mir-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tkopri ż-żerriegħa tal-ħxejjex iċċertifikata uffiċjalment kif imsemmi fid-Direttiva 2002/55/KE sabiex tiġi indirizzata d-domanda għal tali żerriegħa li toriġina mir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra fil-futur.

(11)

Filwaqt li jitqiesu r-regoli applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ (ISTA), huwa xieraq li l-pajjiż terz ikkonċernat jipprovdi dikjarazzjoni uffiċjali li ż-żerriegħa ttieħed kampjun tagħha u ġiet ittestjata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA (“ir-Regoli tal-ISTA”) fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta’ Żrieragħ, u li l-lottijiet ta’ żrieragħ jkunu akkumpanjati minn ċertifikat bħal dan.

(12)

Fid-dawl tal-iskadenza tal-“Esperiment derogatorju dwar it-teħid ta’ kampjuni taż-żerriegħa u l-analiżi taż-żerriegħa” li jinsab fl-Anness V(A) għad-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-28 ta’ Settembru 2000 dwar l-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, jenħtieġ li kwalunkwe referenza għal dak l-esperiment titħassar.

(13)

Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-Kroazja bħala pajjiż terz titħassar, minħabba l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-2013.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-ispezzjonijiet fuq il-post li jirrigwardaw l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni mwettqa fil-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE (*1) sakemm dawn:

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).”;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Iż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, prodotta fil-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet elenkati f’dak l-Anness, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa li tikkonforma mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-Anness II għal din id-Deċiżjoni.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta żerriegħa ekwivalenti tiġi ‘mogħtija t-tikketta mill-ġdid u marbuta mill-ġdid’ fil-Komunità, fit-tifsira tal-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, għandhom japplikaw b’analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-għeluq mill-ġdid tal-pakketti prodotti fil-Komunità.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-OECD applikabbli għal tali operazzjonijiet.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għall-pakketti żgħar tal-KE fit-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 2002/54/KE jew 2002/55/KE.”;

(4)

l-Annessi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2018.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11,7,1966, p. 2298/66).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).


ANNESS

L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin f’ordni alfabetiku:

“BR

Ministry of Agriculture, Livestock and Food Supply

Esplanada dos Ministérios, bloco D

70.043-900 Brasilia-DF

66/401/KEE

66/402/KEE”

“MD

National Agency for Food Safety (ANSA)

str. Mihail Kogălniceanu 63,

MD-2009, Chisinau

66/402/KEE

2002/55/KE

2002/57/KE”

(b)

fin-nota f’qiegħ il-paġna tat-tabella msemmija fil-punt (a), jiddaħħlu t-termini li ġejjin f’ordni alfabetiku: “BR — il-Brażil”, “MD — ir-Repubblika tal-Moldova,”;

(c)

fin-nota f’qiegħ il-paġna ta’ dik it-tabella, it-terminu “HR — il-Kroazja,” huwa mħassar;

(2)

l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt A, paragrafu 1, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”;

(b)

il-punt B huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”;

(ii)

fil-paragrafu 2.1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tielet inċiż:

“—

id-Direttiva 2002/55/KE, Anness II,”;

(iii)

il-paragrafu 2.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.2.

Għall-fini tal-eżami biex jiġi ċċekkjat jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.1, għandhom jittieħdu kampjuni b’mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA, u l-piżijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mal-piż stipulat skont dawn il-metodi, filwaqt li jitqiesu l-piżijiet speċifikati fid-Direttivi li ġejjin:

id-Direttiva 66/401/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

id-Direttiva 66/402/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

id-Direttiva 2002/54/KE, Anness II, it-tieni linja,

id-Direttiva 2002/55/KE, Anness III,

id-Direttiva 2002/57/KE, Anness III, kolonni 3 u 4,”;

(iv)

il-paragrafu 2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.3.

L-eżami għandu jitwettaq b’mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA.”;

(v)

il-paragrafu 2.4 huwa mħassar;

(vi)

fl-paragrafu 3.1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

dikjarazzjoni li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont metodi internazzjonali attwali: ‘Ittieħed kampjun u ġie analizzat f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta’ Żrieragħ minn …, (isem jew kodiċi tal-membru tal-istazzjon tat-testijiet taż-żrieragħ tal-ISTA)’,”;

(vii)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-lottijiet ta’ żrieragħ għandhom ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat Internazzjonali Oranġjo tal-ISTA tal-Lott ta’ Żrieragħ li jagħti t-tagħrif marbut mal-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2.”.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/36


DEĊIŻJONI (Ue) 2018/1675 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Ottubru 2018

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands — EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni talkriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fit-23 ta’ Frar 2018, in-Netherlands ippreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f’20 impriża li joperaw fis-settur tas-Servizzi finanzjarji fir-reġjuni li ġejjin: Friesland, Drenthe u Overijssel fin-Netherlands. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)

Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 192 500 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands.

(5)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista’ jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja għall-2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 192 500 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali talUnjoni Ewropea. Hija għandha tapplika mit-2 ta’ Ottubru 2018.

Magħmul fi Strasburgu, it-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).