ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 270

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
29 ta' Ottubru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1615 tat-22 ta' Ottubru 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (Lucanica di Picerno (IĠP))

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1616 tat-18 ta' Mejju 2018 dwar il-miżura SA.12594 (C13a/2003) (ex NN/2002) implimentata minn Franza favur Orange (France Telecom) (notifikata bid-dokument C(2018) 2882)  ( 1 )

3

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1617 tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar miżura meħuda minn Franza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar il-mezzi mediċi Terrafor u Defiligne (notifikata bid-dokument C(2018) 6943)  ( 1 )

29

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ( ĠU L 150, 14.6.2018 )

37

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1615

tat-22 ta' Ottubru 2018

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Lucanica di Picerno” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja biex id-denominazzjoni “Lucanica di Picerno” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li d-denominazzjoni “Lucanica di Picerno” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Lucanica di Picerno” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.2 - Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 153, 2.5.2018, p. 15.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


DEĊIŻJONIJIET

29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1616

tat-18 ta' Mejju 2018

dwar il-miżura SA.12594 (C13a/2003) (ex NN/2002) implimentata minn Franza favur Orange (France Telecom)

(notifikata bid-dokument C(2018) 2882)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (1) u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-proċedura amministrattiva

(1)

B'ittra tal-31 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni infurmat lil Franza dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (2) (minn hawn 'il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) kontra l-miżuri finanzjarji stabbiliti mill-awtoritajiet Franċiżi favur France Télécom (minn hawn 'il quddiem “FT”).

(2)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet innotifikata lil Franza fil-31 ta' Jannar 2003. Wara li saret korrezzjoni tal-iżbalji materjali, ġie nnotifikat corrigendum lil Franza fis-7 ta' Marzu 2003.

(3)

Franza kkomunikat informazzjoni kumplimentari lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tal-4 ta' April u tal-15 ta' Mejju 2003 u tad-29 ta' Jannar 2004.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lil partijiet terzi interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lil Franza fis-16 ta' Mejju 2003. Din irċeviet il-kummenti tagħha permezz ta' ittri tat-30 ta' Ġunju 2003 u tad-29 ta' Lulju 2003.

(6)

Fit-30 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta' kuntratt għal “provvista ta' servizzi ta' assistenza għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lil FT mal-prinċipju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq u għall-analiżi eventwali tal-pjan ta' rkupru ta' FT” (4). Fl-24 ta' Settembru 2003, il-kuntratt għall-provvista ta' servizzi ingħata lil NERA (minn hawn 'il quddiem “NERA” jew “il-konsulent”).

(7)

Il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi r-rapport NERA tat-28 ta' April 2004 (minn hawn 'il quddiem “ir-rapport NERA”), li fih parti legali u parti ekonomika. Fid-9 u l-21 ta' Ġunju 2004, l-awtoritajiet Franċiżi r-ressqu l-kummenti tagħhom dwar ir-rapport NERA.

(8)

Fit-3 ta' Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta' Awwissu 2004 li tiddikjara li s-self ta' azzjonist mogħti minn Franza lil France Télécom f'Diċembru 2002 fil-forma ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljun huwa għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern (5).

1.2.   Proċeduri ġudizzjarji wara d-deċiżjoni tat-2 ta' Awwissu 2004

(9)

Ir-Repubblika Franċiża, FT u l-intrapriżi Bouygues ippreżentaw ilkoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. B'sentenza tal-21 ta' Mejju 2010, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (6). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wrietx li t-tħabbira tal-4 ta' Diċembru 2002 kienet tinvolvi trasferiment ta' riżorsi tal-Istat.

(10)

Il-Kummissjoni u l-intrapriżi Bouygues ressqu appell kontra s-sentenza tal-21 ta' Mejju 2010. B'sentenza tad-19 ta' Marzu 2013 (minn hawn 'il quddiem “is-sentenza Bouygues”), il-Qorti annullat is-sentenza tal-21 ta' Mejju 2010 u rreferiet il-kawżi T-425/04, T-444/04 u T-450/04 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi ssollevati u t-talbiet imressqa lilha u li ma kinitx tkellmet dwarhom (7).

(11)

F'dan ir-rigward, il-Qorti sabet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ħaditx pożizzjoni dwar l-argument imqajjem mill-intrapriżi Bouygues fl-ilment tagħhom tat-22 ta' Jannar 2003, li skont dan ir-raġunar, id-dikjarazzjonijiet maħruġa minn Lulju 2002 'il quddiem jikkostitwixxu, fihom infushom, għajnuna mill-Istat.

(12)

Imbagħad, il-Qorti ddeċidiet li, peress li l-interventi tal-Istat ikollhom diversi forom u għandhom jiġu analizzati f'termini tal-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat ikollhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed.

(13)

Il-Qorti kkonkludiet li, billi kienet ikkunsidrat li kien jenħtieġ jiġi identifikat tnaqqis fil-baġit tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentament konkret ta' piżijiet li jaqgħu fuq dan il-baġit marbut mill-qrib u li jikkorrispondi, jew li jagħmel tajjeb, għal vantaġġ speċifiku riżultanti kemm mill-avviż tal-4 ta' Diċembru 2002 kif ukoll mis-self minn azzjonist tal-20 ta' Diċembru 2002, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi meta applikat kriterju ta' natura li jeskludi mill-ewwel li dawn l-interventi statali jistgħu, abbażi tar-rabtiet bejniethom u tal-effetti tagħhom, jitqiesu bħala intervent wieħed. Kuntrarjament, il-Kummissjoni kienet korretta fid-deċiżjoni tagħha li teżamina dawn iż-żewġ miżuri flimkien, peress li kien jidher ċar li l-ewwel waħda ma setgħetx tinfired mit-tieni.

(14)

Fis-sentenza tat-2 ta' Lulju 2015, il-Qorti Ġenerali sabet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata minn żbalji ta' liġi u minn żbalji ovvji ta' valutazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat diliġenti (8). Dan għalhekk annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(15)

Il-Kummissjoni ressqet appell kontra dik is-sentenza. Dan l-appell ġie miċħud mill-Qorti b'sentenza tat-30 ta' Novembru 2016 (9).

(16)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi permezz ta' deċiżjoni ġdida l-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, li nfetħet fil-31 ta' Jannar 2003.

2.   DESKRIZZJONI TAL-FATTI

(17)

FT, operatur u fornitur ta' netwerks u ta' servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, kienet ġiet stabbilita matul is-sena 1991 fil-forma ta' persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku u kellha, sa mill-31 ta' Diċembru 1996, l-istatus ta' intrapriża b'responsabbiltà limitata. Sa mix-xahar ta' Ottubru 1997, FT ġiet ikkwotata fil-Borża. Matul is-sena 2002, is-sehem tal-Istat Franċiż fil-kapital ta' FT kien jammonta għal 56,45 %, il-kumplament tal-ishma kien diviż bejn il-pubbliku (32,25 %), FT innifisha (8,26 %) u l-impjegati tal-impriża (3,04 %). FT bidlet l-isem tal-intrapriża fl-1 ta' Lulju 2013 biex issir Orange.

(18)

Deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' FT tinsab fil-premessi 16 sa 61 tad-deċiżjoni annullata tat-2 ta' Awwissu 2004.

2.1.   Is-sitwazzjoni finanzjarja ta' FT fl-ewwel nofs tal-2002 u l-avvenimenti ta' dan il-perjodu

(19)

L-analiżi, fid-dawl tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, tal-imġiba tal-Istat għandha titwettaq abbażi tad-data u tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta' kull intervent mill-Istat. Peress li l-każ preżenti jirrigwarda avvenimenti li ġraw fl-2002, huwa imperattiv li tittieħed stampa kronoloġika tal-informazzjoni disponibbli mill-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-2001 'il hawn.

(20)

FT kienet, sa minn kmieni f'Ġunju 2002, intrapriża bi problemi strutturali serji u b'karta tal-bilanċ żbilanċjata. Il-kontijiet għas-sena 2001 wrew progress fir-riżultati operattivi kif ukoll likwidità sostanzjali.

(21)

Fil-21 ta' Marzu 2002, FT kellha tħabbar mhux biss tindif sinifikanti fil-karta tal-bilanċ tagħha permezz ta' dispożizzjonijiet ta' kontabbiltà u disponimenti ta' EUR 27,2 biljuni, iżda wkoll żieda sinifikanti fil-flussi ta' flus kontinġenti disponibbli ta' EUR 14-il biljun għall-perjodu 2002-2005.

2.1.1.   Il-klassifikazzjoni ta' FT

(22)

Fl-ewwel nofs tal-2002, is-sitwazzjoni ta' FT iddeterjorat malajr, u wasslet għal tniżżil sussegwenti fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-intrapriża. Għalhekk, fis-27 ta' Marzu 2002, l-aġenzija tal-klassifikazzjoni Moody's ħabbret deterjorament fil-klassifikazzjoni ta' FT minħabba dejn fit-tul. Fit-28 ta' Marzu 2002, Standard & Poor's (“S&P”) żammet il-klassifikazzjoni ta' FT iżda niżżlet il-perspettiva tagħha għal livell negattiv wara l-aħbarijiet dwar Mobilcom (10).

(23)

Fit-13 ta' Mejju 2002, Moody's, li kellha dubji dwar il-ħila tal-Intrapriża li twettaq l-istrateġija tagħha dwar it-tnaqqis fid-dejn, ħabbret deterjorament possibbli tal-klassifikazzjoni tad-dejn fuq żmien qasir ta' FT. Fl-14 ta' Mejju 2002, Standard & Poor's żammet il-klassifikazzjoni eżistenti ta' FT.

(24)

Fl-24 ta' Ġunju 2002, il-klassifikazzjoni ta' FT ta' Moody's iddeterjorat. Il-perspettiva għall-klassifikazzjoni tal-Intrapriża nżammet f'livell negattiv. Id-deċiżjoni ta' Moody's għalhekk kienet immotivata mill-fatt li l-aġenzija ma kinitx qed tistenna li FT tkun f'pożizzjoni li tiġġenera flussi ta' flus kontinġenti suffiċjenti biex tnaqqas id-dejn ikkonsolidat tal-grupp. L-aġenzija tal-klassifikazzjoni nnotat li FT kienet qed taffaċċja dejn ta' madwar EUR 15-il biljun li mmatura fl-2003.

(25)

Fil-25 ta' Ġunju 2002, Standard & Poor's niżżlet il-klassifikazzjoni tad-dejn ta' FT fuq żmien qasir u twil billi mmotivat id-deċiżjoni tagħha bid-diffikultajiet li jirrigwardaw lil Mobilcom u l-inabbiltà ta' FT li tnaqqas b'mod suffiċjenti id-dejn b'mod rapidu biżżejjed. S&P tirreferi wkoll għad-dejn ta' EUR 15 biljun li mmatura fis-sena 2003.

(26)

Fit-12 ta' Lulju 2002, Standard & Poor's irrapportaw ukoll problema potenzjali fil-finanzjament mill-ġdid tad-dejn li mmatura fl-2003.

(27)

It-tabella tagħti sommarju tal-pożizzjonijiet differenti ta' S&P, Moody's u Fitch fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' FT:

Avvenimenti relatati mal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

 

S&P

Moody's

Fitch

Żmien qasir

Żmien twil

Żmien qasir

Żmien twil

Żmien qasir

Żmien twil

Is-sitwazzjoni f'Mejju 2002

A2

BBB+

P2

Baa1

F2

BBB+

24 Ġunju 2002

 

 

P3

Baa3

 

 

25 Ġunju 2002

A3

BBB

 

 

 

 

5 Lulju 2002

 

 

 

 

F3

BBB-

12 Lulju 2002

 

BBB-

 

 

 

 

Sors: NERA

2.1.2.   Il-prezz tal-ishma ta' FT

(28)

Fl-istess waqt, il-prezz tal-ishma ta' FT waqa' b'mod sinifikanti matul l-ewwel nofs tal-2002 u laħaq l-iktar livell baxx tiegħu għall-ewwel darba fis-27 ta' Ġunju 2002 (EUR 7,79), u għat-tieni darba fit-30 ta' Settembru 2002 (EUR 6,01).

2.2.   L-avvenimenti ta' Lulju 2002

(29)

F'intervista ppubblikata ma' Les Echos fit-12 ta' Lulju 2002, il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija (minn hawn 'il quddiem “Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi”) ddikjara u kkonferma diversi drabi li jekk FT ikollha problemi ta' finanzjament, l-Istat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jegħlibhom. B'mod aktar preċiż, it-test ippubblikat huwa dan:

“Semmejt l-eċċessi tas-swieq. Il-prezz fil-borża ta' France Telecom huwa volatili ħafna. Int l-azzjonist maġġoritarju ta' din l-intrapriża, għandek xi messaġġ x'tibgħat?

Aħna l-azzjonist maġġoritarju, b'55 % tal-kapital, imma ovvjament din b'ebda mod mhi kwistjoni ta' “rinazzjonalizzazzjoni” tal-intrapriża, kif smajt f'xi nħawi. Inħossni responsabbli mill-interessi kapitali tal-Istat. L-azzjonist tal-Istat għandu jaġixxi bħala investitur diliġenti, u jekk France Telecom ikollha xi diffikultajiet, aħna nieħdu l-miżuri x-xierqa.

L-Istat ġie nnotifikat billi ħalla France Telecom tidħol fid-dejn, pereżempju billi bdiet impenji fil-Ġermanja?

Mhux kompitu tiegħi li nikkritika lill-predeċessuri tiegħi. Ninnota li s-settur kollu kellu l-istess strateġija fl-istess waqt. Minkejja dan, ir-rieda ideoloġika li tinżamm il-maġġoranza tal-kapital ma ffaċilitatx l-internazzjonalizzazzjoni ta' France Telecom, li ma setgħetx tixtri intrapriżi bil-“karta”. Minn hemm id-dejn. Nirrepeti li kieku France Telecom kellha problemi ta' finanzjament, li llum mhuwiex il-każ, l-Istat kien jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jegħlibhom.

Qed tqajjem xniegħat ta' żieda fil-kapitali…

Le, xejn affattu! Sempliċement qed ngħid li se nieħdu l-miżuri xierqa fil-ħin. Jekk ikun meħtieġ…”  (11).

(30)

Fl-istess data, S&P niżżlet il-klassifikazzjoni ta' FT għal-livell BBB-. Dan it-tniżżil kien, madankollu, limitat għal klassifikazzjoni bi grad ta' investiment sigur: kwalunkwe tniżżil ulterjuri kien iwassal biex id-dejn tal-Intrapriża jiġi kklassifikat bħala bond spekulattiv (“junk bond”), li jfisser li d-dejn ma jkunx aktar ikklassifikat fil-grad ta' investiment sigur.

(31)

Fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta' Lulju 2002, S&P iddikjarat li r-raġuni li ddeċidiet li żżomm lil FT fil-grad ta' investiment sigur kienet l-indikazzjoni tal-Istat fir-rigward tal-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-Intrapriża: “FT could face certain difficulties refinancing its debt obligations coming due in 2003. Nevertheless, the State's indication underpins France Télécom's investment-grade credit quality.” (“FT tista' taffaċċja xi diffikultajiet biex tiffinanzja mill-ġdid l-obbligi tad-dejn tagħha li se jiskadu fl-2003. Madankollu, l-indikazzjoni tal-Istat hija l-bażi tal-kwalità ta' kreditu tal-grad ta' investiment ta' FT.”). Din l-assigurazzjoni kienet ingħatat, fuq naħa, direttament mill-gvern Franċiż lil S&P: “the French State — which owns 55 % of France Télécom — has clearly indicated to Standard & Poor's that it will behave as an aware investor and would take appropriate steps if France Télécom were to face any difficulties. France Télécom LT rating cut to BBB-.” (“l-Istat Franċiż — li huwa s-sid ta' 55 % ta' France Télécom — indika b'mod ċar lil Standard & Poor li kien se jaġixxi ta' investitur diliġenti u li se jieħu miżuri xierqa jekk FT jkollha xi diffikultajiet. Il-klassifikazzjoni fit-tul ta' France Télécom imwaqqa' għal-livell BBB-.”  (12) ) u, min-naħa l-oħra, pubblikament fl-intervista msemmija fil-premessa 29.

(32)

Fid-dawl ta' dan imsemmi hawn fuq, jidher li f'Lulju 2002, FT kienet soġġetta għal kriżi ta' kunfidenza. L-aġenziji tal-klassifikazzjoni u l-analisti kienu konvinti li FT kienet f'riskju li tista' ma tkunx tista' timplimenta l-pjan ta' rifinanzjament ippreżentat mill-maniġment biex jissodisfa d-dati tal-maturità. FT għalhekk kellha taffaċċja problema akuta ta' finanzjament relatata mad-dejn tagħha. Madankollu, l-aġenziji żammew il-klassifikazzjoni tal-Intrapriża fil-grad ta' investiment sigur, filwaqt li qiesu l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Istat. It-tniżżil fil-klassifikazzjoni għal livell aktar baxx kien ikompli jaggrava din il-kriżi u jnaqqas ir-riżorsi tal-Intrapriża biex taffaċċjaha.

2.3.   Data ppubblikata mit-13 ta' Settembru 2002 u l-avvenimenti ta' dan il-perjodu

2.3.1.   Data mit-13 ta' Settembru 2002

(33)

F'Settembru 2002, il-kontijiet ta' nofs is-sena ta' FT urew żieda fil-figuri ta' FT fl-ewwel nofs tal-2002 meta mqabbla mas-sena preċedenti: tkabbir ta' 10 % fil-fatturat, ta' 13,2 % fl-EBITDA u ta' 17,3 % fir-redditu operatorju. Naraw ukoll it-tkabbir sostnut fit-telefonija mobbli u prestazzjoni aħjar fl-attività tal-Internet. Madankollu, ir-redditu operatorju mis-segment ta' telefonija fissa fi Franza, li ammonta għal 31 % tal-bejgħ għall-istess perjodu, naqas bi 12,2 %. Ir-riżultati wara l-ispejjeż finanzjarji (EUR 1,75 biljun), imma qabel it-taxxi, l-ishma u l-interessi minoritarji, minbarra elementi eċċezzjonali, kienu ta' EUR 718 miljun b'kuntratt ma' EUR 271 miljun fit-30 ta' Ġunju 2001. Il-flussi ta' flus kontinġenti liberi operattivi telgħu sa EUR 3,6 biljuni, b'żieda ta' 15 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2001.

(34)

Minbarra r-riżultati operattivi tajba deskritti hawn fuq, FT ikkonfermat l-iżbilanċ fil-qagħda finanzjarja tagħha. Ir-riżultat negattiv ta' EUR 12,2 biljuni tat-30 ta' Ġunju 2002 huwa prinċipalment relatat mal-provvedimenti sinifikanti magħmula għall-investimenti. B'riżultat ta' telf sa nofs is-sena bħal dan, il-fondi proprji kkonsolidati ta' FT saru negattivi fit-30 ta' Ġunju 2002, u ammontaw għal EUR 440 miljun.

(35)

Analiżi tal-flussi ta' flus kontinġenti tat-30 ta' Ġunju 2002 turi li d-dejn nett żdied fl-ewwel nofs tal-2002 b'EUR 6,3 biljuni, peress li l-EBITDA, li tirrappreżenta EUR 6,870 biljun, ma tkoprix l-ispejjeż rappreżentati minn:

l-imgħax fuq id-dejn (EUR 3 099 miljun),

l-investimenti (EUR 3 820 miljun),

ir-riakkwist ta' ishma ta' FT f'VODAFONE (EUR 4 973 miljun),

ir-riakkwist ta' ishma ta' Orange f'E.On (EUR 950 miljun), u

il-ħlas tat-taxxa (EUR 608 miljuni).

(36)

Fuq dejn nett ta' EUR 69,69 biljun fit-30 ta' Ġunju 2002, il-biċċa l-kbira hija obbligazzjonarja, jiġifieri ammont ta' EUR 50,6 biljuni.

(37)

Il-maturità ta' dan id-dejn hija kkaratterizzata mit-tul qasir tagħha, jiġifieri EUR 12,9 biljuni li jimmaturaw fl-2003. Fl-ewwel nofs tal-2004, kien mistenni jimmatura ammont ta' EUR 11,9 biljuni, fit-tieni nofs tal-2004, ammont ta' EUR 5,4 biljuni u matul l-2005, fl-aħħar, ammont ta' EUR 18,6 biljuni.

(38)

B'riżultat ta' dan, fil-perspettiva ta' Settembru 2002, FT affaċċjat dejn dovut matul il-perjodu 2003-2005 li ammonta għal EUR 48,9 biljuni.

2.3.2.   L-avvenimenti ta' Settembru u Ottubru 2002

(39)

Fit-12 ta' Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru li kienu aċċettaw ir-riżenja tal-president u kap eżekuttiv ta' FT.

(40)

Fit-13 ta' Settembru, il-Gvern tenna fi stqarrija għall-istampa l-appoġġ tiegħu għal FT u ddikjara b'mod espliċitu li kien iddeċieda li jipparteċipa f'operazzjoni futura ta' rinfurzar tal-fondi proprji ta' TF: “… Wara t-telf eċċezzjonali nnotat fl-ewwel nofs tas-sena, France Télécom qed taffaċċja nuqqas serju fil-fondi proprji tagħha. … Il-Gvern huwa għalhekk determinat li jwettaq ir-responsabilitajiet kollha tiegħu… Il-president il-ġdid se jipproponi lill-bord tad-diretturi pjan ta' rkupru għall-kontijiet, li jippermetti li jitnaqqas id-dejn u li terġa' tiġi stabbilita l-istruttura finanzjarja tagħha, filwaqt li jibqa' jżomm l-assi strateġiċi tiegħu. L-Istat se jappoġġja lil France Télécom fl-implimentazzjoni ta' dan il-pjan u se jikkontribwixxi, min-naħa tiegħu, għal rinfurzar sostanzjali ħafna tal-fondi proprji tal-intrapriża, fi skeda u skont proċeduri li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kondizzjonijiet tas-suq. Sadanittant, l-Istat se jieħu, jekk dan ikun meħtieġ, miżuri biex jevita lill-intrapriża kwalunkwe problema ta' finanzjament (13)”.

(41)

Fl-istess jum, l-aġenzija Moody's biddlet il-perspettiva tad-dejn ta' FT minn negattiva għal stabbli minħabba l-konferma tal-Istat Franċiż rigward l-impenn tiegħu ta' sostenn għal FT (14).

(42)

Fit-2 ta' Ottubru 2002, fi stqarrija għall-istampa, il-Gvern tenna l-impenji tiegħu: “Il-President se jniedi minnufih l-ewwel inventarju tal-intrapriża u r-riżultati tiegħu se jiġu kkomunikati lill-Bord tad-Diretturi… u biħsiebu jibni fuqhom pjan ta' rkupru finanzjarju u ta' żvilupp strateġiku li jippermetti li jitnaqqas id-dejn tal-intrapriża filwaqt li jissaħħu l-aspetti sodi kollha tagħha. F'dan il-kuntest, Thierry Breton se jkollu l-appoġġ tal-azzjonist tal-Istat li huwa determinat li jwettaq ir-responsabbiltajiet kollha tiegħu. L-Istat se jappoġġja l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' rkupru u se jikkontribwixxi, min-naħa tiegħu, għat-tisħiħ tal-fondi proprji tal-intrapriża b'termini li għandhom jiġu determinati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-intrapriża u mal-Bord tad-Diretturi. Kif diġà indikat, sadanittant l-Istat se jieħu, jekk dan ikun meħtieġ, miżuri biex jevita lill-intrapriża kwalunkwe problema ta' finanzjament (15)”.

(43)

Il-prezz tal-ishma ta' FT irkupra fit-2 ta' Ottubru 2002 (żieda ta' aktar minn 10,4 % fuq il-ġimgħa tat-2 ta' Ottubru) wara t-tħabbira tal-ħatra tal-maniġment il-ġdid.

2.4.   L-avvenimenti ta' Diċembru 2002 u Jannar 2003 u l-pjan “Ambition FT 2005”

(44)

Fl-4 ta' Diċembru 2002, ġie ppreżentat il-pjan ta' azzjoni “Ambition FT 2005 (16)” (minn hawn 'il quddiem “il-pjan Ambition 2005”) mill-maniġment il-ġdid ta' FT sabiex jiġi żgurat titjib sinifikanti fil-prestazzjoni operattiva tal-Intrapriża u fil-perspettivi ta' redditu sodisfaċenti fuq il-fondi proprji investiti. Għalhekk, l-objettivi fuq perjodu medju kienu li jiġu affaċċjati l-ħtiġijiet finanzjarji ta' FT u li jinkiseb tnaqqis fid-dejn nett u rikostituzzjoni tal-fondi proprji.

(45)

Il-pjan ta' azzjoni kien ibbażat fuq il-komponenti li ġejjin: (i) il-Pjan Totali ta' Prestazzjoni Operattiva (minn hawn, “pjan TOP”), li ppreveda li FT kellha tiġġenera riżorsi proprji addizzjonali ta' EUR 15 biljun fi flussi ta' flus; (ii) l-azzjonisti, li ntalbu jsaħħu l-fondi proprji b'EUR 15-il biljun; u (iii) is-swieq tal-bonds u dawk bankarji, li ntalbu jfornu l-ammont ekwivalenti ta' EUR 15 biljun.

(46)

Rigward ir-riżorsi proprji, il-pjan TOP jinkludi miżuri ta' tfaddil intern imfassla biex itejbu l-prestazzjoni operattiva tal-Intrapriża u biex iżidu l-fluss ta' flus kontinġenti disponibbli għat-tnaqqis tad-dejn sa EUR 15-il biljun sal-2005, issupplimentati b'miżuri ta' disponiment tal-assi. Il-pjan TOP huwa l-pilastru ewlieni tal-pjan ġenerali ta' rkupru ta' FT u għandu juri r-rieda tal-intrapriża li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti u rapidu għall-isforzi meħtieġa biex din terġa' lura għal sitwazzjoni ta' dejn normali għal dan is-settur qabel tmiem l-2005. Fir-rigward taż-żieda fil-fluss ta' flus kontinġenti fuq tliet snin, il-pjan TOP jissarraf fi tnaqqis u ottimizzazzjoni tal-investimenti (minn 40 % sa 45 % ta' tfaddil); tnaqqis fl-ispejjeż operattivi (minn 35 % sa 40 % ta' tfaddil); u ottimizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kapital operatorju (minn 20 % sa 25 % ta' tfaddil).

(47)

Il-pjan TOP għandu implikazzjonijiet konsiderevoli fuq il-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-intrapriża b'mod partikolari f'termini ta' spejjeż operattivi u ta' impjiegi u speċjalment ta' investiment. Dan jipprevedi tkabbir annwali fil-fatturat, fl-EBITDA u fil-fluss ta' flus kontinġenti operattivi għall-perjodu 2003-2005.

(48)

Il-pjan għad-disponiment tal-assi huwa konformi mat-tkomplija tad-disponimenti diġà mwettqa minn FT biex tirristruttura l-ambitu tal-attivitajiet tagħha ta' matul is-sena 2001. L-objettiv tiegħu huwa li jimminimizza l-livell tad-dejn mingħajr ma jxekkel il-kapaċità tal-intrapriża li tiġġenera fluss dejjem jikber ta' flus kontinġenti disponibbli. L-ilħuq ta' dan l-objettiv timplika strateġija biex l-intrapriża tiffoka mill-ġdid fuq in-negozju ewlieni tagħha, mingħajr ma tqiegħed f'dubju l-vokazzjoni ta' FT li tkun operatur tat-telekomunikazzjonijiet li jintegra s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet kollha.

(49)

Fir-rigward tat-tisħiħ tal-fondi proprji ta' FT, dan għandu jinkiseb permezz ta' żieda sinifikanti fil-kapital. Il-kontribuzzjoni mill-Istat u minn azzjonisti privati oħrajn se tkun proporzjonali għas-sehem tal-kapital li għandhom u se tkun ta' EUR 9 biljun u EUR 6 biljun rispettivament.

(50)

Għal dan il-għan, l-Istat u FT laqqgħu sindikat bankarju, li ntrabat li jiggarantixxi, meta jasal iż-żmien, it-tlestija b'suċċess tal-parti miż-żieda fil-kapital maħsuba għall-investituri privati. L-istess bħad-deċiżjoni ta' investiment tal-Istat, l-impenn tal-banek kien soġġett għall-avviż lis-suq dwar pjan meqjus kredibbli li jkopri l-miżuri ta' ġestjoni u inflezzjonijiet strateġiċi li aktarx jikkonvinċu lis-suq kif ukoll previżjonijiet ta' flus kontanti li juru perspettiva ta' fluss ta' flus disponibbli.

(51)

L-Istat u l-investituri privati li jipparteċipaw fl-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji, abbażi tal-pjan TOP, setgħu jistennew rati ta' redditu fuq il-kapital li jvarjaw minn 16,7 % fl-2004 sa 21,5 % fl-2005, bis-saħħa tar-riżultati operattivi ta' FT ta' EUR 11,1 biljun u EUR 13,9 biljun rispettivament fl-2004 u fl-2005.

(52)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-tisħiħ tal-fondi proprji ma setax jitwettaq minnufih, minħabba raġunijiet prinċipalment marbuta mas-sitwazzjoni ġenerali fis-swieq finanzjarji, b'mod partikolari fir-rigward tat-titoli tat-telekomunikazzjoni, iżda wkoll minħabba raġunijiet marbuta mal-iskadenzi tekniċi meħtieġa biex titnieda operazzjoni bħal din, bħall-konvokazzjoni ta' laqgħa ġenerali straordinarja u l-approvazzjoni tal-kontijiet finanzjarji annwali meħtieġa għal tali operazzjoni.

(53)

L-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw ukoll li jkun tajjeb kemm għal FT kif ukoll għall-azzjonisti tagħha li operazzjoni bħal din titwettaq wara li s-suq ikun integra bis-sħiħ il-perspettivi ta' titjib operazzjonali previsti u vvaluta wkoll l-ewwel riżultati jew sinjali tanġibbli.

(54)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, u sabiex jagħtu lil FT il-flessibbiltà meħtieġa biex tniedi operazzjoni fis-suq fl-aħjar kondizzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi esprimew ir-rieda tagħhom bħala azzjonist maġġoritarju li jantiċipaw il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tisħiħ tal-fondi proprji u, għal dan il-għan, li jiżguraw li jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' FT self minn azzjonist temporanju fil-forma ta' linja ta' kreditu u li l-ammont tiegħu, jekk jiġi prelevat minn FT, ikollu jiġi kkonsolidat fiż-żmien tal-ħruġ ta' fondi proprji ġodda. L-ammont massimu ta' fondi li jistgħu jkunu disponibbli f'self għal FT kien ta' EUR 9 biljuni u kien jikkorrispondi għall-ammont ta' parteċipazzjoni mill-Istat fit-tisħiħ futur tal-fondi proprji. Il-konverżjoni ta' dan is-self f'titoli kienet obbligatorja malli titwettaq l-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji.

(55)

Il-pjan ta' azzjoni kien jipprevedi li s-self seta' jinġibed biss, jekk ikun meħtieġ, skont il-ħtiġijiet tal-intrapriża fid-dawl tal-pjan ta' likwidità tagħha. Is-self se jkun ukoll remunerat skont il-kondizzjonijiet prevalenti tas-suq u l-imgħax se jkun ikkapitalizzat. B'hekk jidher li l-għoti u l-forniment tas-self minn azzjonist ma kienx se jitħallas bħala tali u li kien se jkun biss il-prelevament bil-quddiem li kien se jkun soġġett għal rata ta' imgħax li tkun ugwali għal Euribor flimkien ma' marġni determinata b'referenza għall-ispreads medji rreġistrati f'dak iż-żmien fuq l-erba' linji ta' bonds ewlenin ta' FT meta mqabbla mar-rata tal-iswaps korrispondenti, b'żieda ta' 1 %. Huwa previst li, irrispettivament mid-data li fiha jsir dan il-prelevament, il-marġni applikabbli għall-prelevament se jiżdiedu b'mod awtomatiku b'0,35 % mis-6 xahar ta' wara d-data tal-ewwel prelevament u b'0,7 % mit-12 il-xahar ta' wara d-data tal-ewwel prelevament. L-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw f'dan ir-rigward li l-kondizzjonijiet għat-tnedija ta' ħruġ ta' bonds f'Diċembru kienu aktar favorevoli minn dawk mogħtija lil FT mill-Istat bħala azzjonist prinċipali għall-provvediment ta' fondi għas-self eventwali. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li f'kondizzjonijiet komparabbli (swap b'rata varjabbli), il-porzjon f'euro tal-ħruġ ta' bonds ammonta għal rata ta' EURIBOR + 290pb, jiġifieri madwar 100pb taħt dik tas-self minn azzjonist, filwaqt li s-self obbligazzjonarju kien ħafna itwal minn dik tas-self.

(56)

Sabiex jipproċedi bis-self minn azzjonist, l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew l-użu ta' veikolu, l-Entreprise de Recherches et d'Activités Pétrolières (ERAP), stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali li se jkollu l-għan li jżomm il-parteċipazzjoni tal-Istat f'FT u jirrifletti r-rieda tal-Istat li jidentifika b'mod ċar l-isforz patrimonjali magħmul bl-iżolament ta' FT fi struttura ddedikata.

(57)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw li l-ERAP se tidħol f'dejn biex twettaq it-tisħiħ tal-fondi proprji inizjalment mal-Istat, u mbagħad direttament mis-swieq tal-bonds.

(58)

Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 kienet akkumpanjata bi stqarrija għall-istampa mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi fil-5 ta' Diċembru 2002, fejn il-Gvern ikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-pjan inkwistjoni, l-impenn tiegħu li jipparteċipa fl-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji u l-provvediment ta' self minn azzjonist fil-forma ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni. Il-paragrafi rilevanti tal-istqarrija għall-istampa huma dawn li ġejjin: “Francis Mer, Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija, jikkonferma l-appoġġ tal-Istat għall-pjan ta' azzjoni approvat mill-Bord tad-Diretturi ta' France Télécom fl-4 ta' Diċembru. (1) Il-Grupp France Télécom huwa grupp industrijali koerenti bi prestazzjonijiet notevoli. Madankollu, illum l-intrapriża qiegħda taffaċċja struttura finanzjarja żbilanċjata, nuqqas ta' fondi proprji u teħtieġ rifinanzjament fuq medda ta' żmien medju. Din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-falliment ta' investimenti fl-imgħoddi, li ġew ġestiti u rrealizzati b'mod ħażin fil-quċċata tal-‘bużżieqa’ finanzjarja u, b'mod iktar ġenerali, mill-bidliet fis-swieq. L-impossibbiltà għal France Télécom li tiffinanzja l-iżvilupp tagħha mod ieħor għajr b'dejn aggravat din is-sitwazzjoni. (2) L-Istat, li huwa l-azzjonist maġġoritarju, talab lid-diriġenti l-ġodda biex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċi finanzjarji tal-intrapriża, filwaqt li jibqgħu jżommu l-integrità tal-grupp. (3) Fid-dawl tal-pjan ta' azzjoni mfassal mid-diriġenti u l-perspettivi ta' redditu fuq l-investiment, l-Istat se jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji ta' EUR 15-il biljun fuq bażi pro rata skont is-sehem tiegħu mill-kapital, jiġifieri investiment ta' EUR 9 biljuni. L-Istat azzjonist b'hekk biħsiebu jaġixxi bħala investitur diliġenti. Hija r-responsabbiltà ta' France Télécom li tiddefinixxi l-modalitajiet u l-iskeda taż-żmien preċiża għat-tisħiħ tal-fondi proprji tagħha. …Sabiex tingħata l-possibbiltà li titnieda operazzjoni fis-suq fl-iktar mument opportun, l-Istat lest jantiċipa l-parteċipazzjoni tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi proprji, permezz ta' self temporanju minn azzjonist, remunerat bil-kondizzjonijiet tas-suq, li jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta' France Télécom. (4) L-ERAP, stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali, se tittrasferixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istat fi France Télécom. Din se tissellef mis-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat fit-tisħiħ tal-fondi proprji tal-intrapriża”.

(59)

Iż-żieda fil-prezz tal-ishma ta' FT kompliet u żdiedet bit-tħabbira tal-pjan TOP u bil-kumitat eżekuttiv il-ġdid tal-5 ta' Diċembru 2002, li rriżultaw f'żieda ta' aktar minn 25 % f'jumejn.

(60)

Ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005, FT nediet żewġ ħarġiet ta' bonds suċċessivi fil-11 ta' Diċembru u fit-12 ta' Diċembru 2002 b'ammont totali ta' EUR 2,9 biljuni. L-ewwel self obbligazzjonarju kien ammonta għal totali ta' EUR 2,5 biljuni fuq 7 snin, b'rata fissa ta' 7 %, jiġifieri EURIBOR + 290pb. It-tieni self obbligazzjonarju tqiegħed fis-suq tal-Lira Sterlina (GBP) b'ammont ta' GBP 250 miljun, b'rata fissa ta' 8 % fuq 15-il sena, jiġifieri LIBOR + 330pb. Inħareġ self ieħor fil-15 ta' Jannar 2003 b'ammont totali ta' EUR 5,5 biljun. Fl-10 ta' Frar 2003, il-porzjon tas-self sindikalizzat ta' EUR 15-il biljun ġie mġedded, jiġifieri madwar EUR 5 biljuni fuq 3 snin bir-rata Euribor + 125pb.

(61)

Fis-17 ta' Diċembru 2002, S&P speċifikat li minn Lulju 2002, l-appoġġ tal-Gvern kien fattur ewlieni fiż-żamma tal-klassifikazzjoni ta' France Télécom fil-grad ta' investiment sigur (17) u li t-tħabbira tiegħu dwar is-self minn azzjonist u l-impenn biex jissottoskrivi, fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tiegħu, għal operazzjoni ta' rikapitalizzazzjoni ta' EUR 15-il biljun ikkonfermat dan l-appoġġ (18).

(62)

Fl-20 ta' Diċembru, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kuntratt tas-self inizjalat u ffirmat mill-ERAP lil FT. FT qatt ma ffirmat dan il-kuntratt.

(63)

FT għalqet is-sena 2002 b'telf ta' madwar EUR 21 biljun u b'dejn finanzjarju nett ta' kważi EUR 68 biljun.

(64)

Fl-4 ta' Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji ta' EUR 15-il biljun prevista mill-pjan Ambition 2005. L-operazzjoni kienet suċċess kbir u ntemmet fil-11 ta' April.

(65)

Iż-żieda fil-kapital fil-biċċa l-kbira ssodisfat il-ħtiġijiet strutturali tal-finanzjament ta' FT. Għalhekk, wara din l-operazzjoni, il-klassifikazzjoni ta' FT bdiet titjieb: S&P tellgħet il-klassifikazzjoni għal BBB flimkien ma' perspettiva stabbli fl-14 ta' Mejju 2003 (minn A-3 għal A-2 għall-klassifikazzjoni tagħha fuq żmien qasir) u Fitch tellgħet il-klassifikazzjoni minn BBB- għal BBB fit-8 ta' Awwissu 2003.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(66)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn Cable and Wireless, Cégétel, AFORS Télécom, LDCOM, Tiscali, WorldCom France, Bouygues SA u Bouygues Télécom (minn hawn 'il quddiem “BT”) u Telecom Italia. Diversi partijiet interessati (A, B u Ċ) xtaqu jżommu l-identità tagħhom kunfidenzjali.

3.1.   Kummenti minn Telecom Italia u WorldCom

(67)

Telecom Italia u WorldCom jenfasizzaw li kwalunkwe għajnuna mogħtija favur FT aktarx taffettwa l-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, partikolarment lis-suq Franċiż. Huwa għalhekk essenzjali li l-miżuri mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi jiġu akkumpanjati minn kontropartijiet sabiex jittaffew l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

3.2.   Kummenti minn A, B u Ċ

(68)

Skont A, B u Ċ, il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. C ssostni li, skont il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' intrapriżi f'diffikultà (19) (minn hawn 'il quddiem “il-Linji Gwida”), l-għoti ta' fondi b'oriġini pubblika għal intrapriża f'diffikultà finanzjarji timplika l-preżunzjoni tal-eżistenza ta' elementi ta' għajnuna. A, B u Ċ jippreċiżaw li l-tħabbira u l-kondizzjonijiet tal-għoti tal-linja ta' kreditu f'ammont ta' EUR 9 biljuni mill-Istat Franċiż favur FT, u l-parteċipazzjoni tal-Istat Franċiż fir-rikapitalizzazzjoni ta' FT fihom elementi ta' għajnuna. Il-prinċipju ta' investitur diliġenti ma ġiex irrispettat fir-rigward tat-termini tal-provvediment tal-linja ta' kreditu, partikolarment minħabba r-rata tal-imgħax proposta u commitment fee. B u Ċ enfasizzaw ukoll li l-prinċipju tal-konkomitanza ma ġiex irrispettat sal-punt li l-awtoritajiet Franċiżi taw il-linja ta' kreditu u ħabbru l-parteċipazzjoni tagħhom fir-rikapitalizzazzjoni qabel it-tħabbira tal-pjan Ambition 2005 u qabel impenn sod mill-investituri.

3.3.   Kummenti minn Bouygues u Bouygues Télécom (BT)

(69)

BT targumenta li l-appoġġ mill-Istat huwa l-pedament tal-pjan ta' rikapitalizzazzjoni ta' FT li wassal għall-irkupru tal-Intrapriża. Għalhekk, skont BT, l-Istat Franċiż biss seta' jġib lura l-fiduċja fis-suq u jistabbilixxi ċirku virtuż li jippermetti li FT tissodisfa l-impenji tagħha fuq żmien qasir u li tniedi operazzjoni vasta ta' rikapitalizzazzjoni b'kondizzjonijiet ekonomiċi favorevoli. Skont BT, id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi matul il-perjodu mit-12 ta' Lulju sal-4 ta' Diċembru 2002 jikkostitwixxu garanzija mill-Istat li tikkommetti r-riżorsi tal-Istat; bl-istess mod, is-self minn azzjonist u l-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji tikkommetti r-riżorsi tal-Istat. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Dawn jagħtu vantaġġi lil France Télécom li ma kinitx tikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq u ma jirrispettawx il-prinċipju tal-investitur privat diliġenti li jopera taħt il-kondizzjonijiet tas-suq.

(70)

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, l-appoġġ ripetut mill-Istat, ifformulat f'sensiela ta' avviżi mit-12 ta' Lulju 2002 sal-4 ta' Diċembru 2002 u ssupplimentat b'sensiela ta' miżuri li l-ftuħ tagħhom tal-linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni kif ukoll l-impenn irrevokabbli tal-Istat li jipparteċipa f'żieda fil-kapital fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tiegħu f'FT jirrappreżentaw impenn min-naħa tiegħu, li ma jistax jidderoga, biex ittaffi b'kull mezz possibbli falliment tal-Intrapriża fir-rigward tal-impenji finanzjarji tagħha. BT enfasizzat f'dan ir-rigward li dan l-impenn jikkostitwixxi garanzija statali ġenwina li tipproduċi effetti legali li jikkommettu r-riżorsi tal-Istat.

(71)

Matul l-osservazzjonijiet tagħha, BT appellat lil espert (20), li indika li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-imħallef amministrattiv Franċiż jirriżulta li l-eżistenza ta' impenn minn awtorità amministrattiva m'għandhiex tiġi evalwata f'termini tal-forma tagħha iżda f'termini tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħha. L-espert tal-BT jinnota li din il-ġurisprudenza hija applikata espressament fil-każ partikolari tad-dikjarazzjonijiet: l-imħallef amministrattiv għalhekk iqis li l-wegħdiet, minkejja li ma jkunux akkumpanjati minn att legali partikolari, jikkostitwixxu impenji għax jirriflettu manifestazzjoni tar-rieda tal-awtorità amministrattiva. Huwa biżżejjed li l-amministrazzjoni taġixxi b'tali mod li tagħti l-konvinzjoni li se taġixxi b'ċertu mod sabiex ikun hemm impenn tal-Istat. Id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi jissodisfaw il-kriterji kollha meħtieġa biex jikkaratterizzaw impenn mill-Istat. Dawn huma sodi u preċiżi u fformulati mingħajr riżerva, u huma analizzati bħala impenji mill-Istat fir-rigward ta' FT, tal-kredituri tagħha jew tal-impjegati tagħha.

(72)

Fir-rigward tas-self minn azzjonist u tat-tisħiħ fil-fondi proprji, BT issostni li, minn naħa, il-ftuħ ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni għall-benefiċċju ta' FT u, min-naħa l-oħra, l-impenn irrevokabbli tal-Istat li jipparteċipa f'żieda fil-kapital fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tiegħu f'FT u mbagħad fl-operazzjoni ta' rikapitalizzazzjoni bħala tali, huma l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-Istat u huma ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat. B'riżultat ta' dan, il-miżuri inkwistjoni huma ffinanzjati mir-riżorsi li ġejjin l-Istat, minkejja li l-linja tal-kreditu fl-aħħar mill-aħħar ma ntużatx.

(73)

Fir-rigward tal-kondizzjoni tal-benefiċċju, BT argumentat li okkorrenza operattiva tal-garanzija żvolġiet wara t-tniżżil tal-klassifikazzjoni ta' FT mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-suq. Il-garanzija kellha l-effett li tippermetti li FT terġa' tidħol fis-swieq finanzjarji.

(74)

Fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur privat diliġenti, BT targumenta li l-miżuri ta' appoġġ mhumiex konformi ma' dan il-prinċipju. BT tfakkar li d-dikjarazzjonijiet tal-Istat jikkostitwixxu impenn legali sod u inkondizzjonat li investitur qatt ma jagħmel mingħajr ebda riżerva. Għaldaqstant dan jikkostitwixxi garanzija illimitata mogħtija lil intrapriża estremament midjuna u fraġli fuq żmien qasir.

(75)

BT targumenta li, fid-dawl tal-kriżi fit-tul fl-ekonomija dinjija u aktar partikolarment ta' settur tat-telekomunikazzjonijiet fi tranżizzjoni, u fid-dawl tal-importanza tas-somma inkwistjoni, ebda investitur privat ma seta' qatt jipprevedi żieda fil-kapitali ta' dak l-ammont u mingħajr kondizzjonijiet, u li Stat bi affidabbiltà kreditizja bħal ta' Franza biss seta' jġorr dik l-inċertezza. BT nnotat li l-finanzjament għat-tisħiħ tal-fondi proprji, iggarantit sa 100 % mid-dejn mingħajr ebda fondi proprji, kien jaffettwa l-klassifikazzjoni ta' kull investitur privat li jkun għamel l-istess, filwaqt li bil-kontra, Stat jista' jiġi sanzjonat biss mill-votanti, li m'għandhomx l-istess objettivi. Il-kredituri u l-azzjonisti tal-investitur privat kieku kienu jitolbu li l-investiment inkwistjoni jkun assigurat minn pjan ta' negozju b'impenji speċifiċi, inklużi d-disponimenti tal-assi. BT ikkonkludiet li, ikun xi jkun il-każ, investitur diliġenti b'kapaċità finanzjarja komparabbli ma' dik tal-Istat Franċiż u li joħroġ garanzija bħal din, ma kienx jispira wisq fiduċja fis-swieq u jidher ċar li kien bis-saħħa tal-kwalifika ta' “dejn sovran” li minnha jibbenefikaw l-impenji tal-Istat li treġġgħet lura l-fiduċja.

(76)

BT issostni wkoll li l-prinċipju tal-konkomitanza ma ġiex irrispettat. BT targumenta li l-parteċipazzjoni minn investituri privati la kienet ċerta u lanqas sinifikanti meta l-Gvern ħabbar il-parteċipazzjoni tiegħu fiż-żieda tal-kapital, anke jekk id-data tad-deċiżjoni dwar l-investiment kellha tiġi posposta għall-5 ta' Diċembru. Meta l-investituri jkunu lesti jintervjenu biss wara li l-awtoritajiet ikunu ddeċidew li jagħtu għajnuna, il-fatt li dawn l-investituri privati mbagħad ikunu saru lesti biex jintervjenu fl-istess waqt ma jibqax rilevanti. Dan l-intervent ikun ir-riżultat tal-appoġġ mogħti mill-Istat u mhux ir-riżultat ta' deċiżjoni minn investitur privat. Għalhekk, f'dan il-każ, il-fatt li sindikat bankarju kkommetta ruħu li jiggarantixxi t-tlestija b'suċċess tal-operazzjoni ma jistax jintuża biex jiġi konkluż li l-prinċipju tal-konkomitanza ġie rrispettat. Id-deċiżjoni favur l-investiment mill-awtoritajiet Franċiżi hija soda u inkondizzjonata, filwaqt li dik ta' investituri privati mhijiex, u l-investituri privati taw il-kontribut tagħhom biss wara li rċevew, f'diversi okkażjonijiet u b'ċertezza, l-assigurazzjoni li l-Istat se jipparteċipa wkoll fl-operazzjoni u speċjalment li se jieħu l-miżuri kollha li jippermettu li FT tevita kwalunkwe problema ta' finanzjament.

3.4.   Kummenti minn Cable & Wireless

(77)

Cable & Wireless irrimarkat li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-fiduċja tas-suq li tirriżulta mill-tħabbira tal-għoti tas-self minn azzjonist mill-awtoritajiet Franċiżi kienet biżżejjed biex tagħtu vantaġġ lil FT. Sal-punt li investitur privat diliġenti ma kienx jieħu d-deċiżjoni favur ir-rikapitalizzazzjoni ta' intrapriża bħal FT, li kienet b'mod ċar ineffiċjenti qabel l-adozzjoni tal-pjan Ambition 2005, din tal-aħħar ibbenefikat minn vantaġġ li ma kinitx tikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq.

3.5.   Kummenti minn AFORS Télécom

(78)

AFORS Telecom (Assoċjazzjoni Franċiża tal-Operaturi tan-Netwerks u tas-Servizzi tat-Telekomunikazzjoni) rrimarkat li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Permezz ta' serje ta' deċiżjonijiet inkrementali matul l-2002 sal-ftuħ tal-linja tal-provvediment ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni lil FT, l-awtoritajiet Franċiżi reġġgħu lura l-fiduċja tal-investituri billi kkonkretizzaw l-appoġġ tagħhom. AFORS Télécom targumenta wkoll li, anki jekk jitqies li l-linja ta' kreditu miftuħa mill-ERAP qatt ma tintuża minn FT, din xorta tissimbolizza l-garanzija ta' appoġġ mill-Istat u timmobilizza r-riżorsi għal dan il-għan fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(79)

Il-kondizzjonijiet tal-linja ta' kreditu u l-kondizzjonijiet ta' remunerazzjoni tagħha ma jissodisfawx il-kriterji tal-prinċipju tal-investitur privat diliġenti. AFORS Télécom argumentat li derivattivi finanzjarji ta' FT mis-sena 2000 ma kinux jistgħu jintervjenu fil-preżenza ta' investitur diliġenti. L-appoġġ mill-Istat kellu l-effett li jipprevjeni kwalunkwe tniżżil ulterjuri fil-klassifikazzjoni ta' FT mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni, u dan aċċellera r-ritorn ta' FT fis-suq u l-finanzjament mill-ġdid tad-dejn tagħha b'kondizzjonijiet finanzjarji inqas peżanti. Għalhekk, kienet il-kredibbiltà tal-Istat Franċiż li ddeterminat il-kondizzjonijiet tar-ritorn ta' FT fis-swieq finanzjarji.

3.6.   Kummenti minn Cégétel

(80)

Cégétel issostni li hemm żewġ miżuri separati ta' għajnuna: minn naħa, it-tħabbira mill-awtoritajiet Franċiżi dwar l-għoti ta' self minn azzjonist lil FT u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tal-Istat fir-rikapitalizzazzjoni ta' FT.

(81)

Rigward l-ewwel miżura, Cégétel iddikjarat li s-sitwazzjoni ta' intrapriża b'azzjonist ta' referenza privat u dik ta' intrapriża b'azzjonist maġġoritarju pubbliku ma setgħux jitqabblu. Cégétel ippreċiżat li tħabbira simili magħmula minn azzjonist privat kienet tiġi milqugħa bl-ikbar prudenza mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Cégétel tikkonkludi li s-sempliċi fatt li tkun appoġġjata mill-Istat iġib vantaġġ konsiderevoli fir-rigward tal-investituri u pprevjena kwalunkwe deterjorazzjoni ulterjuri fil-klassifikazzjoni ta' FT mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni anke jekk l-operatur kien jinsab, fit-teorija, f'sitwazzjoni insolubbli. Cégétel targumenta li l-Istat Franċiż ta l-għajnuna lil FT anki qabel l-iffirmar ta' ftehim ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni, minħabba li t-tħabbira tal-appoġġ kienet biżżejjed biex tagħmel dan il-finanzjament ta' emerġenza inutli. Għalhekk, il-kredituri kienu ċerti li FT qatt ma setgħet tkun fi stat ta' inadempjenza għax il-Gvern dejjem ikun lest li jipprovdi l-fondi meħtieġa biex ikun jista' jonora l-impenji tiegħu, u dan ippermetta li FT tikseb direttament finanzjamenti fis-suq. FT għalhekk ibbenefikat minn vantaġġi li ma kinitx tikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. L-użu tas-suq tal-bonds ippermettielha li tevita li tirrikorri esklużivament għand l-istituzzjonijiet finanzjarji biex tiġi ttratta l-kriżi tal-likwidità tagħha u biex taffaċċja l-limitazzjonijiet kollha relatati ma' dan it-tip ta' finanzjament. Cégétel issostni li l-kondizzjonijiet għall-għoti tal-linja ta' kreditu mill-awtoritajiet Franċiżi mhumiex konformi ma' dawk miżmuma minn investitur diliġenti li jkollu dawn l-interessi.

3.7.   Kummenti minn LDCOM (21)

(82)

LDCOM tidentifika mekkaniżmu doppju ta' għajnuna li tappoġġja lil FT, appoġġjat minn appoġġ għall-mobbiltà tal-persunal, l-għoti ta' garanzija illimitata u l-għoti ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni.

(83)

Dwar l-għoti tal-garanzija illimitata, LDCOM tibbaża fuq il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Franċiżi ppubblikati minn Lulju 2002, li għandhom l-għan li jirriassiguraw lis-swieq finanzjarji dwar is-sitwazzjoni ta' FT. Dawn id-dikjarazzjonijiet ikkontribwixxew direttament għat-titjib tal-klassifikazzjoni ta' FT fis-swieq u ppermettewlha taffronta l-ħajt tal-likwidità li kienet qed taffaċċja. Skont LDCOM, safejn jirrigwarda l-liġi Franċiża, dikjarazzjoni orali tista', taħt ċerti kondizzjonijiet, tikkostitwixxi att legali li joħloq drittijiet għad-destinatarju tagħha.

(84)

LDCOM tispeċifika li t-tħabbira tal-provvediment tal-linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljun tikkostitwixxi għajnuna; l-appoġġ mill-Istat ma jistax jinvoka l-kriterju tal-investitur diliġenti, kemm mill-ammont tiegħu kif ukoll mill-modalitajiet tiegħu jew mill-objettiv tiegħu stess. Għalhekk, f'Settembru 2002 (meta l-Gvern ħabbar li kien se jappoġġa lil FT finanzjarjament), ebda investitur diliġenti ma kien se jsellef EUR 9 biljuni f'ċirkostanzi ekonomiċi bħal dawk mingħajr ma jibbaża fuq pjan ta' ristrutturar.

(85)

Barra minn hekk, skont LDCOM, il-pożizzjoni tal-Istat li investitur maġġoritarju diliġenti ma kienx se jikkontesta l-integrità funzjonali ta' FT ma treġġix meta mqabbla mal-analiżi tal-imġiba ta' investitur bħal dan fil-kondizzjonijiet reali tas-suq li kienu jeżistu f'Ġunju-Lulju 2002. Għalhekk, l-investituri li poġġew parti estremament kbira tal-assi tagħhom f'intrapriża li setgħet iġarrab falliment jeħtieġu, l-ewwel nett, reviżjoni radikali u immedjata tal-istrateġija li tista', jekk ikun meħtieġ, tinvolvi disponimenti enormi ta' assi strateġiċi.

(86)

L-LDCOM enfasizzat ukoll li l-Istat ma setax imur lura mid-dikjarazzjonijiet tiegħu mingħajr ma jdgħajjef il-kredibbiltà finanzjarja tiegħu stess. Tabilħaqq, fl-intervent tiegħu fis-suq, l-Istat għandu rwol ta' kreditur u rwol ta' azzjonist maġġoritarju ta' ċertu għadd ta' intrapriżi. Dan ir-rwol doppju huwa rifless fi klassifikazzjoni doppja mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni, bħala mutwatarju u bħala azzjonist permezz ta' klassifikazzjonijiet mogħtija lill-intrapriżi pubbliċi. Din il-possibbiltà doppja ta' intervent tassumi viġilanza partikolari minħabba li kull falliment osservat f'wieħed minn dawn iż-żewġ rwoli aktarx ikollu konsegwenzi fuq ir-rwol l-ieħor u fuq il-klassifikazzjoni tiegħu. LDCOM enfasizzat ukoll li l-kredibbiltà tal-Istat hija fundamentalment differenti minn dik li tista' titgawda minn intrapriżi oħra f'sitwazzjoni simili u ma tistax tassigura lis-suq. Il-kunsiderazzjoni tal-appoġġ mill-Istat wara kuntatt dirett mal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tenfasizza l-kredibbiltà tal-appoġġ mill-Istat għal FT.

3.8.   Kummenti minn Tiscalinet

(87)

Tiscalinet iżżid mal-osservazzjonijiet imsemmija hawn fuq li d-dikjarazzjonijiet tal-Istat li ġew ifformulati mit-2 ta' Lulju 2002 jindikaw lis-suq li r-riċevitura ġudizzjarja ta' FT hija eskluża. Fl-istess waqt, l-għażla tal-Istat li jitħallas għad-dividendi tal-2002 f'ishma u mhux fi flus kontanti hija sinjal ieħor mill-Istat għas-suq li kien qed jappoġġa lil FT, anki jekk investitur diliġenti kien jagħżel ir-rimunerazzjoni fi flus kontanti ta' dawn id-dividendi.

(88)

Tiscalinet enfasizzat ukoll li l-miżuri leġiżlattivi kollha biex jiġi estiż l-ambitu tal-ERAP sabiex jippermettulha żżomm ishma ta' FT (22), l-għoti ta' garanzija mill-Istat favur l-ERAP biex jippermettilha tinvesti f'FT (23) u finalment it-test dwar il-modalità tal-pussess mill-Istat tal-kapital azzjonarju ta' FT jikkonsolida l-analiżi tan-natura irrevokabbli tal-garanzija tal-Istat li fuqha bbażaw ruħhom l-atturi fis-suq, u partikolarment id-detenturi tal-bonds, biex jissottoskrivu għas-sejħiet suċċessivi magħmula minn FT minn dik id-data. Dawn l-elementi jappoġġjaw il-fatt li l-Istat ipoġġi ruħu bħala “l-aħħar rimedju” fir-rigward ta' FT — xi ħaġa li ma kinitx issir minn investitur diliġenti.

3.9.   Il-kummenti minn ECTA

(89)

L-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Telekomunikazzjoni (ECTA) hija tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet ministerjali ta' Lulju u ta' Ottubru 2002 u l-għoti ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni kif ukoll l-impenn antiċipat mill-Istat li jipparteċipa f'żieda fil-kapital ġejjiena tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mogħtija lil FT ippermettitilha żżomm l-istatus tagħha bħala operatur integrat u li żżid il-parteċipazzjoni tagħha f'Orange. L-ECTA hija tal-fehma li intrapriża fis-sitwazzjoni ta' FT kellha tirreaġixxi b'mod kompletament differenti, kif kienu għamlu kompetituri ta' FT fis-suq globali tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bħal British Telecom u KPN, li kellhom iċedu assi strateġiċi biex inaqqsu d-dejn tagħhom.

3.10.   Kummenti minn FT

(90)

FT ressqet kummenti fil-forma ta' tliet rapporti: (i) rapport imħejji mis-Sur Ehlermann tat-12 ta' Jannar 2004 bl-isem “Avviż lil France Télécom”; (ii) rapport imħejji mis-Sur Galmot tas-6 ta' Jannar 2004 bl-isem “Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet tista' taċċetta li ‘l-miżuri finanzjarji stabbiliti mill-Istat b'appoġġ għal France Télécom’ u li fuqhom il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat wettqu ‘trasferiment ta' riżorsi tal-Istat’ favur din l-intrapriża?”; u (iii) Rapport tal-HSBC bl-isem “Opinjoni tal-HSBC datata 6 ta' Jannar 2004”.

(91)

L-ewwel rapport janalizza l-imġiba tal-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat b'mod ġenerali u fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur diliġenti b'mod partikolari. Ir-rapport għandu l-għan ukoll li juri li FT ma kinitx intrapriża f'diffikultà finanzjarja fis-sens tal-Linji Gwida fiż-żmien li l-Istat iddeċieda li jipparteċipa fil-rikapitalizzazzjoni u ħabbar li kien lesta jagħti self minn azzjonist. Ir-rapport jenfasizza li hija ħaġa normali u komuni li l-azzjonist maġġoritarju jagħti self biex jantiċipa l-parteċipazzjoni tiegħu fir-rikapitalizzazzjoni.

(92)

It-tieni rapport jiffoka fuq jekk tħabbira sempliċi ta' għoti ta' self minn azzjonista fil-forma ta' linja ta' kreditu tistax, bħala tali, tikkostitwixxi impenn tar-riżorsi tal-Istat. Skont ir-rapport, m'hemm ebda trasferiment ta' riżorsi mill-Istat għax finalment ma kien hemm ebda ftuħ ta' linja ta' kreditu jew għoti ta' garanzija, li kien ikollhom bżonn awtorizzazzjoni minn liġi dwar il-finanzi. Barra minn hekk, m'hemm ebda trasferiment ta' riżorsi tal-Istat minħabba li, fil-liġi Franċiża, ebda dikjarazzjoni bil-fomm minn awtorità pubblika mhi probabbli li tirriżulta f'xi impatt jew ieħor fuq il-finanzi pubbliċi u topera kwalunkwe trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, u f'dan il-każ dawn huma sempliċi dikjarazzjonijiet ministerjali li m'għandhom ebda impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi.

(93)

It-tielet rapport jiffoka fuq ir-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat ta' bejn l-4 ta' Settembru 2002 (tħabbira tar-riżultati tal-ewwel nofs tas-sena) u l-15 ta' April 2003 (it-twettiq taż-żieda tal-kapital). Ir-rapport huwa bbażat fuq analiżi tas-sitwazzjoni ta' FT f'Settembru 2002 u jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-prestazzjoni operattiva ta' FT (attivitajiet b'saħħithom b'potenzjal ta' titjib fil-likwidità operattiva) u, min-naħa l-oħra, l-ammont tad-dejn tal-operatur. Ir-rapport jikkonkludi fuq dan il-punt li l-intervall ta' żmien bejn il-ġenerazzjoni ta' flussi ta' flus kontinġenti tal-grupp u d-dati tal-maturitajiet finanzjarji grossi fuq żmien qasir (2003-2005) joħolqu problema ta' rifinanzjament iżda mhux ta' solvenza.

(94)

HSBC jiddeskrivi wkoll il-kuntest tal-kriżi tal-likwidità fuq żmien qasir li ġiet ikkomplikata minn kriżi ta' fiduċja fis-suq fir-rigward tal-grupp. HSBC qal li f'sitwazzjoni bħal din, ir-raġuni imponiet l-urġenza u rrakkomandat l-implimentazzjoni ta' pjan biex jitjiebu r-riżultati operattivi, żieda fil-kapital, riskedar tad-dejn u politika mmirata għad-disponiment ta' assi. HSBC jgħid li f'dan il-każ, il-pjan Ambition 2005 huwa pjan koerenti komplut u razzjonali peress li jippermetti, b'mod partikolari, li jiġu ġġenerati EUR 15-il biljun ta' flussi ta' flus permezz ta' titjib operattiv u ta' disponiment ta' assi ma xxekkilx in-negozji ewlienin. HSBC jenfasizza li żieda fil-kapital b'appoġġ għal intrapriża permezz tal-implimentazzjoni ta' pjan ta' rkupru operattiv hija mod naturali biex terġa' tiġi bbilanċjata l-karta tal-bilanċ. HSBC jenfasizza li l-appoġġ orali minn azzjonist maġġoritarju huwa wkoll komuni u razzjonali u li huwa normali u komuni għall-azzjonisti ta' referenza li jħabbru d-deċiżjoni tagħhom qabel azzjonisti oħra. HSBC irrimarka wkoll li s-self minn azzjonist kien operazzjoni b'riskju baxx, profitabbli u abitwali - matul l-istennija taż-żieda fil-kapital - biex jiġu protetti l-interessi kapitali tal-azzjonist maġġoritarju peress li ma kienx possibbli li ssir rikapitalizzazzjoni f'Diċembru minħabba raġunijiet ta' skedar. HSBC iddikjara wkoll li s-self kien previst taħt il-kondizzjonijiet tas-suq.

(95)

Ir-rapport ta' HSBC isemmi wkoll l-evoluzzjoni tal-prezz fil-borża tal-ishma ta' FT, u jinsisti fuq il-fatt li l-ishma telgħu f'Lulju 2002 minħabba xnihat ta' nazzjonalizzazzjoni u mbagħad waqgħu f'Settembru minħabba li filwaqt li s-suq kien konxju mill-possibbiltà ta' żieda kapitali ta' EUR 15-il biljun, it-termini kienu għadhom mhumiex ċari. Ir-rapport jindika wkoll li l-projezzjonijiet finanzjarji ta' FT jissuġġerixxu redditu sodisfaċenti ħafna għall-Istat: skont il-metodoloġija “discounted cash-flow”, ir-rikapitalizzazzjoni għandha rata ta' redditu annwali ta' 25 % filwaqt li r-rata medja fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet hija ta' 9,9 %.

(96)

Bi tweġiba għat-trażmissjoni tar-rapport NERA, FT tinnota li l-kondizzjonijiet meħtieġa biex l-Istat jinżamm responsabbli għall-ksur tal-wegħda tiegħu f'dan il-każ ma ġewx issodisfati. B'ebda mod is-sempliċi fatt li ssir wegħda, anki dwar ħlas ta' ċerti somom ta' flus, ma jkun biżżejjed biex waħdu jikkommetti l-finanzi pubbliċi u biex “jimmobilizza r-riżorsi tal-Istat” mingħajr att legali. FT tikkonkludi fuq dan il-punt li l-ġurisprudenza Franċiża ma tistax turi li f'dan il-każ kien hemm “trasferiment ta' riżorsi tal-Istat” minħabba l-wegħda kondizzjonali ta' self minn azzjonist.

(97)

Skont FT, l-Istat ma poġġa ebda linja ta' kreditu għad-dispożizzjoni ta' FT permezz tal-ERAP. Id-dikjarazzjonijiet ma jorbtux lill-Istat f'termini legali, u lanqas lil FT jew lil partijiet terzi. Madankollu, l-Istat ma jistax jikkommetti ruħu mingħajr att li joħloq dritt meħud skont ir-regoli ta' kompetenza u l-proċedura baġitarja.

(98)

B'mod aktar partikolari, FT tenfasizza l-kuntest li fih kienu saru d-dikjarazzjonijiet u tippreċiża li dan huwa meħtieġ sabiex jitkejjel l-ambitu veru. Għalhekk, analiżi tad-dikjarazzjonijiet fid-dawl tal-ġrajjiet li ġraw bejn l-aħħar ta' Ġunju u Diċembru 2002 turi li d-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu wegħda u li ma jurux li l-miżuri adegwati previsti mill-Istat kienu miżuri finanzjarji. B'mod partikolari, dak iż-żmien kien hemm differenzi fi ħdan il-Gvern, u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi ma kienx jirrappreżenta l-opinjoni tal-Gvern. Studju tal-fatti juri li ma kien hemm ebda intenzjoni min-naħa tad-diriġenti, li kienu fid-dlam dwar is-soluzzjoni għall-problema, u li l-operaturi qatt ma esprimew it-twemmin tagħhom li l-Istat kien wiegħed li jżomm xi soluzzjoni jew oħra.

(99)

FT tikkonkludi li l-konklużjonijiet tal-konsulent mhumiex korretti minħabba li:

“L-analiżi tas-sitwazzjoni tal-grupp FT fiż-żmien tat-tħabbira tar-riżultati tal-ewwel nofs tal-2002 turi li l-grupp għandu karta tal-bilanċ żbilanċjata u problema ta' likwidità fuq żmien qasir iżda r-riżultati operattivi tal-attività huma tajbin ħafna.

L-analiżi tal-firxa ta' miżuri li azzjonist diliġenti għandu jikkunsidra f'sitwazzjoni ta' dejn kbir tindika li kien razzjonali li jiġi stabbilit pjan ta' rkupru, inkluża r-rikapitalizzazzjoni, għal grupp b'assi b'saħħithom u li l-valur intrinsiku tal-intrapriża tiegħu huwa akbar mis-somma tal-kapitalizzazzjoni tas-suq u mid-dejn nett.

L-analiżi tal-ħolqien tal-valur u tal-perspettivi tar-redditu jissuġġerixxu li l-Istat jagħmel investiment tajjeb ħafna billi jipparteċipa f'żieda tal-kapital u ftit li xejn jieħu riskju billi jistabbilixxi self minn azzjonist fejn ikun xieraq”.

4.   KUMMENTI MINN FRANZA

(100)

L-awtoritajiet Franċiżi fakkru fuq bażi preliminari li aġixxew skont il-prinċipju tal-investitur privat diliġenti mill-bidu nett. Għalhekk, mit-tħabbira tar-riżultati ta' FT għall-ewwel nofs tal-2002, li enfasizzat struttura finanzjarja żbilanċjata u ħtiġijiet kapitali sinifikanti minkejja riżultati operattivi tajbin, l-Istat laqa' għall-konsegwenzi billi ħatar diriġenza ġdida fil-maniġment tal-Intrapriża u laqqa' sindikat bankarju li impenja ruħu minn Settembru 2002 biex jikkostitwixxi ruħu bħala garanti fil-ħin għat-tlestija b'suċċess taż-żieda tal-kapital. Fl-istess waqt, l-Istat staqsa lid-diriġenti l-ġodda għal awditu bir-reqqa tal-Intrapriża. Abbażi tal-pjan Ambition 2005 li fih l-azzjonist maġġoritarju kien informat regolarment u abbażi tal-impenn tal-sindikat bankarju, l-Istat, fl-4 ta' Diċembru 2002, ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji tal-Intrapriża b'ammont ta' EUR 9 biljuni u ħabbar ukoll li kien lest jagħmel disponibbli lil FT, permezz tal-ERAP, self possibbli fuq din is-sottoskrizzjoni remunerata bil-kondizzjonijiet tas-suq. Madankollu, minħabba l-kondizzjonijiet finanzjarji għall-għoti ta' dan is-self mill-awtoritajiet Franċiżi u l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward id-dubji tagħha dwar il-preżenza ta' elementi ta' għajnuna f'din il-miżura, FT ippreferiet tirrikorri direttament għas-suq tal-bonds.

4.1.   Is-sitwazzjoni finanzjarja ta' FT

(101)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li meta ħadet id-deċiżjoni li tinvesti, FT ma kinitx kumpanija f'diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida (24). Tabilħaqq, il-fatturat tal-kumpanija kien qed jikber b'mod regolari (sa 10 % bejn l-ewwel nofs tal-2001 u l-ewwel nofs tal-2002), il-marġni gross tal-finanzjament proprju tagħha kien għoli u baqa' jikber aktar malajr mill-fatturat tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi rrapportaw l-istruttura finanzjarja żbilanċjata tal-Intrapriża fit-30 ta' Ġunju 2002 u ppreċiżaw li t-telf kien prinċipalment dovut għal dispożizzjonijiet u amortizzamenti eċċezzjonali relatati ma' deprezzament ta' assi li qabel kienu akkwistati qabel it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li kien kompletament imprevedibbli. Huma rrimarkaw ukoll li l-ispejjeż operattivi ta' FT kienu qed jikbru b'ritmu inqas mgħaġġel mill-fatturat, u dan kien ifisser li l-profittabbiltà tagħha kienet qed tiżdied. Barra minn hekk, id-dħul u l-fluss ta' flus kontinġenti operattivi kienu qed jiżdiedu (iktar minn 15 % għall-fluss ta' flus kontinġenti meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2001). L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-perspettivi ta' prestazzjoni tajba ta' FT tjiebu aktar bil-pjan TOP. Dawn il-prestazzjonijiet ġew ikkonfermati fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-kontijiet tal-2002, li wrew id-dinamiċi virtużi involuti fl-Intrapriża mid-diriġenti l-ġodda.

(102)

Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-evoluzzjoni fl-ekwità msemmi fil-punt 5(a) tal-Linji Gwida, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li l-indikatur rilevanti huwa, skont l-Artikolu L225-248 tal-Kodiċi Kummerċjali, l-istokk kapitali ta' FT SA li dejjem baqa' pożittiv u qatt ġie mnaqqas bin-nofs. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li FT għalhekk ma kinitx fis-sitwazzjoni msemmija fil-Linji Gwida, fejn l-ekwità taqa' taħt l-istokk kapitali.

(103)

FT ma kinitx f'sitwazzjoni ta' insolvenza, iżda sempliċement ġiet skoperta restrizzjoni possibbli fil-likwidità fl-ewwel nofs tal-2003 f'każ li l-irkupru mistenni tas-suq ma jiġrix. L-awtoritajiet Franċiżi żiedu li FT kellha disponibbiltà antiċipata ta' EUR 6,9 biljuni fil-31 ta' Diċembru 2002 u setgħet tasal fuq l-għatba tal-2003 mingħajr ma tirrikorri għas-suq finanzjarju. L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-Intrapriża kienet użat is-self sindikalizzat, li kien inqas għali mis-suq tal-bonds, u bbenefikat minn disponibbiltà fuq is-self sindikalizzat ta' EUR 4 biljuni.

(104)

B'mod partikolari, l-awtoritajiet Franċiżi jinnotaw li FT kellha aċċess għas-swieq finanzjarji matul l-2002 u ddeskrivew l-istrumenti ta' finanzjament kollha disponibbli għal FT bejn il-11 ta' Lulju 2002 u l-15 ta' Jannar 2003 (25). Huma jsemmu b'mod partikolari l-fatt li fl-14 ta' Frar 2002, FT innegozjat it-twaqqif ta' linja sindakalizzata ta' kreditu ta' EUR 15-il biljun u li FT kienet wettqet ħruġ ta' bonds matul is-sena 2002 (26), li minnhom EUR 442,2 miljuni minnhom kienu bonds li jistgħu jinfdew f'ishma.

(105)

L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw ukoll li FT ma kienet soġġetta għal ebda riskju finanzjarju minħabba tniżżil fil-klassifikazzjoni mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni peress li ma kienx hemm klawsola ta' appell antiċipat fil-kuntratti.

(106)

Barra minn hekk, skont l-opinjoni kondiviża minn diversi banek ikkonsultati bejn Ġunju u Novembru 2002, FT kienet, qabel tħabbar il-pjan Ambition 2005 u l-appoġġ tal-azzjonist maġġoritarju, tista' tirrifinanzja ruħha fis-swieq tal-bonds. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li f'Lulju 2002 u f'Settembru 2002 rispettivament, il-bank Barclays u l-bank Dresdner Kleinwort Wasserstein offrew li jirriffinanzjaw, permezz ta' programmi ta' swap imwettqa f'Ottubru jew f'Novembru, id-dejn obligazzjonarju ta' FT li kellu jiskadi bejn l-2003 u l-2005.

4.2.   Ir-razzjonalità tal-pjan “Pjan Totali ta' Prestazzjoni Operattiva” (“TOP”)

(107)

L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li, minħabba dak li ssemma' hawn fuq, iż-żieda fil-fluss ta' flus kontinġenti u t-tisħiħ tal-fondi proprji pprovdut mill-pjan Ambition 2005 huma komponenti ta' strateġija li kienet tiġi segwita minn kull azzjonist maġġoritarju diliġenti.

(108)

Fir-rigward tar-razzjonalità tal-pjan TOP, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-pjan jikkostitwixxi sforz konsiderevoli minn FT. Dan huwa pjan globali għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-ġestjoni bbażat fuq azzjonijiet konkreti li diġà pproduċew l-ewwel riżultati pożittivi. F'dan ir-rigward, huma jindikaw li l-pjan huwa estremament preċiż u jippermetti li jiżdied ir-redditu tal-Intrapriża b'rata ta' ritorn fuq l-investiment (TRI) ta' 43 % sal-2005 għall-investituri li pparteċipaw fiż-żieda tal-kapital f'April 2003, jiġifieri rendiment ħafna ogħla mir-rata mit-TRI ta' referenza (11 %) mistennija minn investitur privat fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Il-pjan TOP jinkludi wkoll komponent tal-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tal-forza tax-xogħol. Fir-rigward tal-pjan tad-disponimenti, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li d-disponiment ta'assi fi tmiem is-sena 2002 ippermetta li tiġi riportata kwalunkwe restrizzjoni fil-likwidità għall-aħħar tal-2003, anki fin-nuqqas ta' kwalunkwe rikors għas-swieq finanzjarji.

(109)

L-awtoritajiet Franċiżi finalment jenfasizzaw li l-istrateġiji segwiti mill-operaturi kompetituri ma jidhrux aktar diliġenti u li pjan ma jistax jiġi evalwat fid-dawl tal-ambitu jew tal-karattru strateġiku tal-assi li l-bejgħ tagħhom ikun previst, iżda fid-dawl tar-razzjonalità tal-pjan kollu. Barra minn hekk, is-suċċess tal-ħruġ tal-bonds f'Diċembru 2002 u Jannar 2003 kkonferma a posteriori l-kunfidenza tal-investituri privati fil-potenzjal operattiv ta' FT.

4.3.   L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur diliġenti għat-tisħiħ tal-fondi proprji

(110)

Fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur privat diliġenti fil-tħabbira tal-Istat tal-antiċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi proprji, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw li huma kienu rabtu l-qbil tagħhom mal-preżentazzjoni, mid-diriġenza l-ġdida, ta' pjan ġdid ta' riekwilibriju meqjus kredibbli u l-parteċipazzjoni tal-banek.

(111)

Dwar ir-rispett tal-prinċipju tal-konkomitanza, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li sa mill-bidu, l-Istat azzjonist ħa kull miżura biex jiżgura l-parteċipazzjoni konkomitanti tal-azzjonisti pubbliċi u privati u li dan ma kien ħa ebda riskju qabel l-investituri privati. B'hekk, it-tħabbira tal-intenzjoni tal-Istat li jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji, tat-12 ta' Settembru 2002 u, minn dik id-data, is-sindikat bankarju kien diġà impenja ruħu li jwiegħed sa ċertu żmien partikolari, it-tlestija b'suċċess tal-parti taż-żieda tal-kapital maħsuba għall-investituri privati flimkien mal-azzjonist pubbliku, bil-kondizzjoni li jitħabbar pjan ta' riekwilibriju kredibbli lis-suq. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li din il-kondizzjoni kienet normali fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja żbilanċjata ta' FT u jippreċiżaw li l-parteċipazzjoni tal-Istat ġiet sottomessa wkoll għal tħabbir ta' pjan meqjus kredibbli mis-suq. Kieku l-investituri privati ma kkostitwixxewx ruħhom bħala garanti, l-Istat ma kienx jagħmel tali tħabbira.

(112)

L-awtoritajiet Franċiżi jiddikjaraw ukoll li l-finanzjament privat ingħata qabel il-finanzjament pubbliku billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-investituri privati — fil-forma ta' self obbligazzjonarju u ta' riskedar ta' self bankarju bejn Diċembru 2002 u Frar 2003 — żvolġew fi proporzjonijiet sinifikanti. L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-analiżi ta' kwalunkwe provvediment possibbli ta' fondi tal-Istat għandha ssir fid-dawl ta' tali finanzjament privat.

(113)

L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, skont il-ġurisprudenza Alitalia (27), l-Istat ma kkommettiex ruħu b'mod formali qabel l-impenn formali tal-banek. Il-parteċipazzjoni tal-azzjonisti privati hija sinifikanti peress li tammonta għal 40 %.

(114)

Fir-rigward tar-rendiment mistenni, l-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li kif diġà kien indikat, ir-rispett tal-prinċipju tal-investitur privat diliġenti jintwera wkoll mill-perspettivi ta' redditu għoli tal-pjan TOP, li ġew ikkonfermati mill-fatt li dan ntlaqa' b'mod favorevoli fis-suq.

(115)

L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li ż-żieda fil-kapital saret malli kien teknikament possibbli li jiġu ppreżentati lill-Istat u lill-investituri stqarrijiet aġġornati dwar il-perspettivi operattivi tal-Intrapriża, u dan juri l-għażla mill-Istat ta' investituri ta' kwalità motivati minn perspettivi ta' rendiment fit-tul.

4.4.   Is-self minn azzjonist

(116)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-abbozz tal-proposta ta' self qatt ma ġiet iffirmata minn FT minħabba l-ispejjeż għoljin tal-kondizzjonijiet finanzjarji offruti lil FT, min-naħa waħda, u minħabba l-fatt li l-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-legalità ta' dik il-miżura taħt it-Trattat, min-naħa l-oħra. B'riżultat ta' dan, ebda riżorsa tal-Istat ma tpoġġiet disponibbli għall-Intrapriża permezz tal-abbozz tal-proposta ta' self minn azzjonist. L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li d-dħul fis-seħħ tas-self ma jistax jirriżulta mit-tħabbira magħmula mill-Istat fl-4 ta' Diċembru 2002, li jirrigwarda biss l-impenn tal-Istat azzjonist li jipparteċipa fl-operazzjoni tat-tisħiħ tal-fondi proprji tal-Intrapriża, filwaqt li tissemma biss dispożizzjoni “possibbli” ta' self minn azzjonist.

(117)

Huma josservaw ukoll li fi kwalunkwe każ l-abbozz tat-tħabbira ma jagħti ebda vantaġġ lil FT.

(118)

L-awtoritajiet Franċiżi b'hekk jippreċiżaw li, peress li dan ma daħal qatt fis-seħħ, is-self ma ntużax minn FT u għaldaqstant dan ma setax dewwem il-ħtiġijiet tal-likwidità tal-Intrapriża. L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li t-tħabbira tas-self ma tikkostitwix garanzija. Għalhekk, il-liġi Franċiża ma tirrikonoxxix garanzija impliċita: kwalunkwe garanzija mogħtija mill-Istat għandha tiġi rratifikata b'liġi. L-ekwiparazzjoni ta' tħabbira ta' self possibbli mill-Istat ma' garanzija mhijiex preċiża. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw ukoll il-fatt li l-garanzija li l-Istat ta lill-ERAP biex jippermettilha tiffinanzja l-parteċipazzjoni tagħha fit-tisħiħ tal-fondi proprji ta' FT m'għandhiex tiġi ekwiparata ma' garanzija mogħtija favur FT. Rigward l-ERAP, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li r-rwol tagħha kien kompletament newtrali u li intervjeniet biss għal raġunijiet baġitarji.

(119)

Bl-istess mod, it-tħabbira mill-Istat ta' abbozz ta' proposta ta' self ma setgħetx tiffaċilita l-aċċess ta' FT fis-suq tal-bonds. L-ewwel nett, is-self obbligatarju ma jgawdix minn xi tip ta' garanzija, peress li t-tul tagħhom huwa itwal minn dak tas-self. Barra minn hekk, id-detenturi tal-bonds ma jingħataw ebda rimedju f'każ ta' inadempjenza fil-maturità. It-tieni, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li ma kienx possibbli li titqabbel it-tħabbira, mill-Istat, tal-possibbiltà li jantiċipa l-parteċipazzjoni tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi proprji mal-garanzija mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/89/KE (28) (Crédit Foncier de France) għax ladarba s-self previst f'dan il-każ kien ipotetiku u strettament limitat fit-tul u fl-ammont, waħdu ma setax isolvi l-problemi finanzjarji tal-intrapriża minħabba l-iskeda tad-dejn tagħha. It-tielet, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-ħruġ tal-bonds kien għalhekk iddeterminat biss mill-perċezzjoni li kellu s-suq rigward il-kapaċità ta' FT li tonora l-impenji tagħha weħidha mingħajr garanzija mill-Istat. Għalhekk, il-fiduċja tas-suq fil-ħruġ tal-bonds imsemmija kienet primarjament ġejja mill-bidla fid-diriġenza u mil-laqgħa favorevoli tal-istrateġija l-ġdida żvelata waqt il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005.

(120)

Fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju tal-investitur diliġenti fir-rigward tas-self possibbli, l-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li ladarba d-deċiżjoni li jipparteċipa f'żieda tal-kapital ittieħdet u ġew issodisfati l-kondizzjonijiet, kienet ħaġa loġika li l-Istat jantiċipa l-parteċipazzjoni tiegħu. L-ewwel diskussjonijiet dwar dan l-abbozz ta' proposta ta' self tmur lura għal Novembru 2002. L-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw ukoll li l-leġittimità ta' tali miżura ma kinitx dubjuża għax, kif imsemmi hawn fuq, kienet ibbażata fuq pjan kredibbli u dettaljat li l-kontenut tiegħu kien essenzjalment magħruf matul il-perjodu tat-tħabbira tal-abbozz ta' proposta ta' self tal-4 ta' Diċembru 2002. Barra minn hekk, l-Istat diġà kien ikkommetta ruħu, soġġett għall-preżentazzjoni fis-suq ta' pjan kredibbli, mas-sindikat bankarju u kellu l-elementi kollha f'idejh mill-aħħar ta' Novembru biex jevalwa l-fatt li din il-kondizzjoni kienet se titneħħa, wara li osserva r-reazzjoni pożittiva tas-swieq mill-ħatra tad-diriġenti l-ġodda. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw f'dan ir-rigward li mhuwiex xieraq li jiġi vvalutat l-ammont involut f'dan il-każ iżda li, skont il-ġurisprudenza Alitalia, ikun xieraq li tiġi eżaminata l-konformità tal-kondizzjonijiet ta' finanzjament tal-operazzjoni għal kumpanija ta' daqs komparabbli.

(121)

Fir-rigward tar-remunerazzjoni tas-self possibbli, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li din kienet konformi mas-suq u li kienet ġiet miżjuda b'penali biex tirrifletti n-natura subordinata tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw ukoll li l-abbozz kien jipprevedi tariffa fuq in-nuqqas ta' użu u li n-nuqqas ta' sigurtà kien konformi mal-prattika tal-investitur diliġenti fil-każ ta' self fuq żmien qasir minn azzjonist b'antiċipazzjoni tas-sottoskrizzjoni tiegħu għal żieda fil-kapital. L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw ukoll li r-rimborż tas-somma fl-ishma kien jeżisti tabilħaqq u kien relatat ma' flus kontanti.

4.5.   It-tħabbira tal-Istat

(122)

L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw il-kuntest li fih għandhom jiġu analizzati d-dikjarazzjonijiet tal-Istat bħala azzjonist diliġenti. Għalhekk, bejn Settembru u Diċembru 2002, l-Istat ippromwova bidla fil-ġestjoni li l-element ewlieni tagħha kien il-bidla fid-diriġenza ta' FT u segwa mill-qrib l-iżvilupp tal-pjan ta' riekwilibriju filwaqt li żgura l-appoġġ tal-investituri privati f'każ ta' tnedija sussegwenti ta' żieda possibbli fil-kapital. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawn il-miżuri operattivi kellhom impatt finanzjarju deċiżiv u wasslu għal-laqgħa pożittiva ħafna mis-swieq finanzjarji u għall-irkupru tal-valur ta' FT.

(123)

L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-Istat qatt ma indika jew issuġġerixxa li kien se jipprovdi lil FT appoġġ inkondizzjonat u illimitat. Huma jżidu li “L-Istat […] enfasizza mis-sajf li kien se jaġixxi bħala azzjonist privat diliġenti u mhux bħala awtorità pubblika u li kien biħsiebu jintervjeni bħala azzjonist b'modalitajiet (li kellhom jiġu definiti) li ma jkunux differenti minn dawk li kien jagħżel investitur privat, u dan neċessarjament jeskludi li l-Istat kien diġà ddeċieda li jintervjeni b'mod inkondizzjonat u irrevokabbli” (29). Dawn id-dikjarazzjonijiet, li mhumiex differenti mill-modalitajiet li kien jagħżel investitur privat, jeskludu de facto kull appoġġ inkondizzjonat u irrevokabbli. L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw ukoll li d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi ta' bejn Lulju u Ottubru 2002 kienu jikkostitwixxu “dikjarazzjonijiet vagi minn qabel” mingħajr “miżuri implimentattivi”  (30). L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw f'dan ir-rigward li d-dikjarazzjonijiet sussegwenti kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-ewwel dikjarazzjoni u li huwa żbaljat li jingħad li mit-12 ta' Lulju 2002, l-Istat ħa “impenn irrevokabbli biex jappoġġja lil FT” u li, f'dik l-okkażjoni, ħa “impenn irrevokabbli biex jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji” . L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw li l-azzjonist ħabbar għall-ewwel darba f'Settembru 2002 l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji tal-Intrapriża u li “din kienet se tieħu l-forma ta' operazzjoni segwita mis-suq (referenza għal skeda li kellha tiġi definita skont il-kondizzjonijiet tas-suq) (31)”.

(124)

Dwar id-dikjarazzjoni tat-2 ta' Ottubru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li din ikkonfermat li l-preżentazzjoni ta' pjan meqjus kredibbli kienet prekondizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-Istat.

(125)

L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw ukoll li “l-uniċi miżuri speċifiċi maħsuba mill-Istat fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist maġġoritarju ta' FT huma dawk li ġew esposti fil-pakkett ta' informazzjoni/notifika mibgħut lill-Kummissjoni u mħabbar pubblikament fil-5 ta' Diċembru 2002, jiġifieri l-parteċipazzjoni flimkien ma' investituri privati f'żieda tal-kapital ta' EUR 15-il biljun fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital ta' FT u tħabbira possibbli għal ishma rimunerati bil-kondizzjonijiet tas-suq b'antiċipazzjoni għal din iż-żieda tal-kapital. Il-fatt li l-Istat fakkar li kien se jkollu rwol ta' azzjonist ma jikkostitwixxix garanzija mill-Istat. Kieku d-dikjarazzjonijiet tal-Istat ta' bejn Lulju u Ottubru 2002 kienu fil-fatt legalment ekwivalenti jew saħansitra sempliċiment ipperċeputi mis-suq u mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni bħala wegħda ta' “garanzija illimitata” lil FT, allura ma kien ikun hemm ebda tniżżil tal-klassifikazzjoni ta' FT f'Lulju u l-ispreads u l-klassifikazzjoni ta' FT matul dan il-perjodu kienu jirriflettu r-riskju tal-Istat (klassifikazzjoni AAA u spread baxxa ħafna). Fl-aħħar nett, il-konsiderazzjoni possibbli mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-preżenza tal-Istat bħala azzjonist maġġoritarju, irrispettivament minn kwalunkwe garanzija impliċita jew espliċita jew minn kwalunkwe miżura speċifika u irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja speċifika tal-intrapriża fi żmien partikolari fiha nnifisha ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat. Approċċ bħal dan imur direttament kontra l-prinċipju tan-newtralità tal-liġi Komunitarja rikonoxxut mill-Artikolu 295 tat-Trattat KE” (32).

4.6.   L-evoluzzjoni tal-prezz tal-ishma ta' FT

(126)

L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li l-miżuri operattivi biss kellhom impatt fuq il-prezz tal-ishma ta' FT. B'hekk, il-prezz tal-ishma tal-Intrapriża rkupra fit-2 ta' Ottubru 2002 (żieda ta' aktar minn 10,4 % matul il-ġimgħa tat-2 ta' Ottubru) wara t-tħabbira tal-ħatra tad-diriġenza l-ġdida, u ż-żieda fil-prezz tal-ishma kompliet u żdiedet bit-tħabbira tal-pjan TOP u bil-kumitat eżekuttiv il-ġdid tal-5 ta' Diċembru 2002, li rriżultaw f'żieda ta' aktar minn 25 % f'jumejn. L-awtoritajiet Franċiżi jinnotaw li d-dikjarazzjonijiet ta' prinċipju magħmula mill-Istat bejn Lulju u Ottubru 2002 ma kinux deċiżivi f'din iż-żieda u li sakemm ma kienx hemm miżuri operattivi, l-evoluzzjoni tal-prezz kienet baqgħet varjabbli, u dan jirrifletti l-inċertezza tas-suq rigward is-sitwazzjoni tal-Intrapriża. L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li din il-perċezzjoni wasslet għal tnaqqis fil-prezz tal-ishma fil-borża li laħaq l-iktar punt baxx tiegħu fit-30 ta' Settembru 2002 b'parenteżi relattiva fl-istabbiltà matul is-sajf mingħajr tħabbir jew xniegħat partikolari. Huma jispeċifikaw li, matul dan il-perjodu, id-dikjarazzjonijiet tal-Istat fir-rigward tal-intenzjoni tiegħu li jaqdi r-rwol tiegħu ta' azzjonist ma waqqafx it-tendenza tat-tnaqqis fil-valur tal-ishma ta' FT.

4.7.   Kummenti dwar ir-rapport NERA

(127)

Fir-rigward tal-parti legali tar-rapport NERA, l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-kummenti li ġejjin:

“Ir-rapport legali huwa bbażat fuq interpretazzjoni ħażina (anke tendenzjuża) tal-fatti. B'mod partikolari… dan ir-rapport jgħawweġ b'mod ċar il-kliem, madankollu ċar, li qal il-Ministru għall-Ekonomija f'intervista ma' ġurnalist ippubblikata f'Lulju 2002. L-awtoritajiet Franċiżi jikkontestaw b'mod qawwi li huwa possibbli li jiġu proposti interpretazzjonijiet infondati bħal dawn biex isiru konklużjonijiet legali, u b'mod partikolari li tiġi affermata l-eżistenza ta' xi garanzija mogħtija mill-Istat lil France Télécom”. “Din saħansitra lanqas biss hija dikjarazzjoni uffiċjali mill-Gvern jew minn France Télécom, iżda sempliċi artikolu tal-istampa li jirriproduċi t-test ta' intervista mal-Ministru għall-Ekonomija fil-kuntest usa' tal-prijoritajiet tal-Gvern, u għalhekk mingħajr ebda valur probatorju”.

“L-Istat, azzjonist ta' France Télécom, mhux biss dejjem kellu l-intenzjoni li jaġixxi bħala investitur diliġenti ma' France Télécom, iżda għażel ukoll li jesprimi b'mod ċar u pubbliku li din il-pożizzjoni kellha tkun prerekwiżit għall-possibilitajiet kollha possibbli interventi fil-fajl …”. L-intervista tal-Ministru ta' Lulju 2002 ma tiżvelax l-adozzjoni ta' xi deċiżjoni. “… [Fil]waqt li baqa' kunfidenti fil-vijabilità ta' FT, l-Istat sempliċemet qajjem dubji dwar is-sitwazzjoni ta' France Télécom u, fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist maġġoritarju, kien qed jipprova jirfina l-analiżi tiegħu, mingħajr ma kien f'qagħda, f'dak l-istadju, li jistabbilixxi dijanjożi preċiża jew li jieħu xi deċiżjoni. Barra minn hekk, m'hemm ebda raġuni sabiex wieħed jassumi a priori li l-kliem ‘miżuri adegwati’ kienu qed jirreferu b'mod speċifiku għal miżuri finanzjarji”.

“L-awtoritajiet Franċiżi nnotaw ukoll bosta ineżattezzi fir-raġunament ifformulat fir-rapport legali. Dan ir-rapport b'hekk juri nuqqas ċar ta' oġġettività, ġieli billi jadotta analiżijiet legali kontestabbli ħafna (partikolarment dwar il-kwalifika tal-ittri ta' intenzjoni u l-ambitu tal-impenn unilaterali fil-liġi ċivili u kummerċjali), xi kultant permezz ta' applikazzjoni mhux iġġustifikata għall-fatti taħt eżami ta' ċerti kwalifiki legali irrilevanti (pereżempju, l-applikazzjoni tat-teorija tal-ġestjoni kummerċjali jew tar-regoli tal-liġi internazzjonali pubblika fir-relazzjonijiet bejn intrapriża u l-azzjonist maġġoritarju tagħha)”.

“Il-konklużjonijiet tar-rapport legali li jimmiraw li jistabbilixxu l-eżistenza ta' ‘garanzija illimitata’ mogħtija lil France Télécom mill-Istat fl-aħħar mill-aħħar huma totalment infondati fid-dritt Komunitarju”. Skont il-ġurisprudenza Compagnie nationale Air France (33), id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma jimplikawx impenn sod u inkundizzjonat mill-Istat.

Fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru ta' Lulju u l-ittra ta' intenzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li (i) “fl-ewwel lok, hija l-essenza tal-ittra ta' intenzjoni li għandha tiġi indirizzata lil benefiċjarju, (ii) it-tieni, u bħala riżultat tal-osservazzjoni preċedenti, l-effettività tal-proċess hija kkondizzjonata bl-aċċettazzjoni tal-benefiċjarju msemmi, (iii) finalment, l-ambitu tal-impenn (fir-rigward tal-oġġett tagħha u fir-rigward tal-forza li l-awtur tagħha jixtieq jorbot magħha) jiddependi esklużivament mit-termini użati” . “ Għalhekk… il-karattru tad-dikjarazzjonijiet ministerjali bħala minimu … jeskludi mingħajr dubju kwalunkwe impenn favur France Télécom jew il-kredituri tagħha, biex ma nsemmux kwalunkwe obbligu ta' riżultat (u għalhekk kwalunkwe idea ta' garanzija) kif ukoll kull obbligu ta' mezzi ”. “It-tweġiba tal-Ministru… turi l-fatt li ebda deċiżjoni — għajr dik li jaġixxi bħala azzjonist diliġenti — ma kienet ittieħdet mill-Istat azzjonist, illi, filwaqt li żamm il-fiduċja fil-kwalità operattiva tal-kumpanija, f'dik id-data ma kienx f'qagħda li jagħmel dijanjożi preċiża biżżejjed jew li jieħu xi deċiżjoni”. “Il-ġurisprudenza … qatt ma kkunsidrat li impenn ta' garanzija mingħajr benefiċjarju(i) partikolari tista' tiġi invokata b'dan il-mod minn kwalunkwe persuna li jkollha interess fiha. Dan mhu sorprendenti xejn, peress li huwa fin-natura tal-garanzija jew l-ittra ta' intenzjoni li din tkun indirizzata lil benefiċjarju wieħed jew aktar. Peress li ma kinitx maħsuba għal xi benefiċjarju partikolari, mhux sorprendenti, fit-tieni lok, li l-allegat impennn ma ġiex aċċettat” . Fir-rigward tal-ipoteżi tal-ġestjoni kummerċjali, dan il-kunċett assolutament ma jaħdimx f'dan il-każ.

Fir-rigward tal-liġi amministrattiva, “[minn] naħa, sempliċi rimarki lil ġurnalist — bħal dawk magħmula mill-Ministru għall-Ekonomija fit-12 ta' Lulju 2002 — ma jikkostitwixxux “att li jikkawża preġudizzju” li probabbli joħloq drittijiet u obbligi, aħseb u ara garanzija mogħtija lil France Télécom mill-Istat.”.

“Il-konklużjonijiet tal-konsulent legali huma b'mod ċar kontra l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, li tissoġġetta l-eżistenza ta' għajnuna għall-wiri ta' impenn sod, preċiż u inkondizzjonat tal-Istat ikkonċernat, u dan b'ebda mod ma tfisser bid-dikjarazzjonijiet ministerjali tat-12 ta' Lulju 2002 ”. “Miżura mill-Istat, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tabilħaqq tkun preċiża u konkreta biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddetermina l-eżistenza stess ta' vantaġġ”.

(128)

Fir-rigward tal-parti ekonomika tar-rapport, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li r-rapport isib li FT ma kinitx intrapriża f'diffikultà fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni (għax kellha aċċess għas-suq finanzjarju u ma kellhiex problema ta' vijabbiltà fit-tul) u li l-parteċipazzjoni tal-Istat azzjonist fil-pjan ta' riekwilibriju tal-bilanċ tal-kumpanija kienet konformi mal-kriterju tal-investitur privat.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT

(129)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprevedi li kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta' għajnuna jinkludi mhux biss sussidji pożittivi, iżda wkoll miżuri li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ħlasijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li, għalhekk mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura tagħhom u għandhom effett identiku (34). Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-kunċett ta' għajnuna huwa bbażat fuq il-kunċett ta' vantaġġ ekonomiku, li jiffoka esklużivament fuq l-effetti ta' dan tal-aħħar, u għaldaqstant il-kriterju formali huwa indifferenti (35).

(130)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, titlob li l-kondizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfati (36). Għaldaqstant, sabiex miżura nazzjonali tkun tista' tiġi kwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, fl-ewwel lok din għandha tkun intervent mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, dak l-intervent għandu jkun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fit-tielet lok, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, fir-raba' lok, għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (37).

(131)

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta' intrapriża, fi kwalunkwe forma, jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet ta' dan l-artikolu (38).

(132)

Fir-rigward tal-kondizzjoni li skontha l-miżura inkwistjoni għandha tiġi analizzata bħala għoti ta' benefiċċju lill-benefiċjarju tagħha fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-interventi għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat permezz ta' riżorsi tal-Istat li, tkun xi tkun il-forma tagħha, aktarx direttament jew indirettament tiffavorixxi lill-intrapriżi jew tagħti lill-benefiċjarju vantaġġ ekonomiku li ma kienx jikseb taħt kondizzjonijiet normali tas-suq (39).

(133)

F'dan il-każ, jidher xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata l-preżenza ta' vantaġġ għal FT iffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li tali vantaġġ huwa preżenti jew li kien iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat, allura għandha tikkonkludi li l-miżura kkunsidrata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, peress li l-kondizzjonijiet għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat huma kumulattivi.

(134)

Bħala punt preliminari, tajjeb li jiġu mfakkra l-prinċipji li japplikaw għal din l-analiżi, kif stipulat fis-sentenza Bouygues. Il-Qorti għalhekk qieset li:

“103.

ma jistax jiġi eskluż […] li diversi interventi konsekuttivi mill-Istat għandhom, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed.

104.

Dan jista' jkun il-każ b'mod partikolari meta l-interventi konsekuttivi jkollhom, b'mod partikolari fid-dawl tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fiż-żmien ta' dawn l-interventi, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati minn xulxin […].

105.

Il-Qorti kkonkludiet li, billi kienet ikkunsidrat li kien jenħtieġ li jiġi identifikat tnaqqis fil-baġit tal-Istat jew fir-riskju ekonomiku suffiċjentament konkret ta' piżijiet li jaqgħu fuq dan il-baġit marbut mill-qrib u li jikkorrispondi, jew li jagħmel tajjeb, għal vantaġġ speċifiku riżultanti kemm mill-avviż tal-4 ta' Diċembru 2002 kif ukoll mis-self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi meta applikat kriterju ta' natura li jeskludi mill-ewwel li dawn l-interventi statali jistgħu, abbażi tar-rabtiet bejniethom u tal-effetti tagħhom, jitqiesu bħala intervent wieħed.

106.

Barra minn hekk, għandu jingħad li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li intervent tal-istat jista', minħabba li jpoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f'sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn u joħloq riskju suffiċjentament konkret ta' realizzazzjoni, fil-futur, ta' piż supplimentari għall-Istat, jista' jkun ta' piż fuq ir-riżorsi tal-Istat […].

107.

B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li vantaġġi konsentiti fil-forma ta' garanzija tal-Istat jistgħu jimplikaw piż supplimentari għall-Istat […].

108.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li, f'termini ekonomiċi, il-modifika tal-kundizzjonijiet tas-suq, li tiġġenera vantaġġ indirettament mogħti lil ċerti impriżi, hija r-riżultat tat-telf tar-riżorsi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, anki t-teħid ta' deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-investituri ma għandux bħala effett li jħassar rabta eżistenti bejn l-imsemmi telf tar-riżorsi u l-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi kkonċernati […].

109.

B'hekk, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentament diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentament konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuqu […]

110.

Min-naħa l-oħra, […] la huwa neċessarju li tali tnaqqis, jew anki tali riskju, jikkorrispondi jew ikun ekwivalenti għall-vantaġġ, la li dan tal-aħħar ikollu bħala konsegwenza tali tnaqqis jew tali riskju, u lanqas li jkun tal-istess natura bħall-impenn tar-riżorsi tal-Istat minn fejn jirriżulta.”

(135)

Fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-ambitu tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali relatata mal-miżura inkwistjoni, is-sentenza Bouygues tinnota li d-deċiżjoni tal-ftuħ tirrigwarda esklużivament il-miżuri nnotifikati u għalhekk ma tikkonċernax “il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw, fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat”  (40). Din id-deċiżjoni finali, li għandha oġġett delimitat bid-deċiżjoni tal-ftuħ, għalhekk ma testendix għal din il-kwistjoni.

(136)

Dejjem bħala punt preliminari, il-Kummissjoni tfakkar li l-valutazzjonijiet tal-fatti u tal-liġi adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-2 ta' Lulju 2015 (41), moqrija fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tat-30 ta' Novembru 2016 (42), sakemm ma jikkostitwixxux l-appoġġ meħtieġ tad-dispożittiv tagħha, għandhom l-awtorità ta' res judicata.

5.1.   Il-miżuri meħuda minn Franza bejn Lulju u Ottubru 2002 kellhom effett importanti fuq is-suq

(137)

Id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 għamluha possibbli li tinżamm il-klassifikazzjoni ta' FT bħala investiment kif ukoll li tinkiseb lura l-fiduċja fis-swieq finanzjarji. Għamluha possibbli, eħfef u orħos biex FT ikollha aċċess għal krediti ġodda meħtieġa biex tiffinanzja mill-ġdid id-dejn fuq żmien qasir tagħha sa EUR 15-il biljun u fl-aħħar għenu biex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja fraġli ħafna tagħha, li, f'Ġunju u f'Lulju 2002, kienet f'punt li tiddeterjora sostanzjalment.

(138)

Matul l-ewwel nofs tal-2002, il-klassifikazzjoni ta' FT tnaqqset b'mod sinifikanti wara l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha tal-2001. Fl-24 ta' Ġunju 2002, Moody's niżżlet il-klassifikazzjoni tal-Intrapriża għall-aħħar pożizzjoni fil-grad ta' investiment sigur, li jippreċedi l-grad ta' “junk bond”, u dan għamilha diffiċli ħafna biex tiffinanzja mill-ġdid id-dejn tagħha (43). Dan id-deterjorament ikkawża ansjetà kbira fis-swieq finanzjarji fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja ta' FT (u b'mod partikolari l-kapaċità tagħha li tiffinanzja mill-ġdid id-dejn ta' EUR 15-il biljun tagħha li kellu jimmatura fi tmiem l-2003) u s-swieq imbagħad kellhom aspettattiva ta' reazzjoni mill-Istat biex jassigurawhom. Dawn iċ-ċirkostanzi jindikaw li l-Istat kellu jintervjeni b'mod urġenti sabiex jikseb il-fiduċja fis-suq u jipprevjeni deterjorament ulterjuri fil-klassifikazzjoni ta' FT fil-grad ta' “junk bond”, li kien ikollu konsegwenzi negattivi ħafna (44) fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Intrapriża.

(139)

Il-Gvern Franċiż b'hekk ippreserva din il-fiduċja permezz ta' dikjarazzjonijiet suċċessivi. Filfatt, l-intervent tal-Istat kellu l-effett li jipprevjeni kwalunkwe deterjorazzjoni fil-klassifikazzjoni ta' FT għall-grad ta' “junk bond” kif imsemmi b'mod ċar fl-istqarrija għall-istampa ta' S&P tat-12 ta' Lulju 2002 li tindika li l-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-Istat kienu fattur ewlieni fil-fatt li FT ma sfatx degradata għall-grad ta' “junk bond”.

(140)

Fir-rigward tar-reazzjoni tas-suq, it-tħabbira tat-12 ta' Lulju 2002 ikkawżat żieda mhux normali u sinifikanti fil-valur tal-ishma u l-bonds ta' FT. B'hekk, il-prezz tal-ishma ta' FT meta mqabbel ma' sett ta' indiċijiet tas-settur tat-telekomunikazzjoni rilevanti għas-suq żdied fil-medda ta' bejn 37,8 % u 43,8 %. Iż-żieda anormali fil-prezzijiet tal-bonds kienet bejn 3,2 % u 9,7 %. Din ir-reazzjoni timplika li s-suq emmen li, b'din it-tħabbira, l-Istat ikkommetta ruħu li joffri aktar appoġġ lil FT (45). Fir-rigward tal-kummenti tal-analisti finanzjarji, id-Deutsche Bank, pereżempju, f'rapport ippubblikat fit-22 ta' Lulju 2002, semma li s-suq kien konvint, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern, mill-għajnuna mill-Istat favur FT, anke jekk is-suq kien qed jistaqsi dwar l-ambitu u t-termini ta' dan l-appoġġ (46). Bl-istess mod, l-aġenzija S&P qieset li d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern kienu kredibbli, sal-punt li influwenzat l-klassifikazzjoni tal-intrapriża. Fit-12 ta' Lulju, S&P niżżlet il-klassifikazzjoni ta' FT fil-grad BBB-, iżda madankollu żammet il-klassifikazzjoni tagħha bħala investiment sigur b'perspettiva stabbli (47). Il-fatt li l-appoġġ mill-Istat kien kredibbli biżżejjed biex jippermetti li l-klassifikazzjoni ta' FT tibqa' fil-gradta' investiment sigur huwa wkoll ikkorroborat minn FT innifsu (48).

(141)

Dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom effetti sinifikanti ħafna fuq is-suq. Studju tal-kummenti u dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi u tal-ħidma parlamentari disponibbli juru li d-dikjarazzjonijiet tal-Istat għenu biex tinkiseb lura l-fiduċja fis-swieq finanzjarji (49). Tabilħaqq, mill-istqarrija għall-istampa ta' S&P tat-12 ta' Lulju 2002, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni qablu li jenfasizzaw li l-appoġġ muri mill-Istat minn Lulju 2002 kien deċiżiv fiż-żamma tal-klassifikazzjoni ta' France Télécom fil-grad ta' investiment sigur. Iż-żamma tal-klassifikazzjoni ta' FT fil-grad ta' investiment sigur ippermettiet li FT tevita spejjeż finanzjarji addizzjonali (50) fuq il-fondi li kienet diġà ssellfet minħabba l-preżenza ta' klawżoli set-up (51) f'ċerti ħarġiet ta' bonds kif ukoll fuq fondi li kellha tissellef aktar tard. Barra minn hekk, iż-żamma tal-klassifikazzjoni fil-grad ta investiment sigur ippermettiet li FT tirkupra l-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta' operazzjoni ta' rikapitalizzazzjoni. Fil-fatt, diġà f'Settembru 2002, waħda mill-kondizzjonijiet imposti mill-banek għall-parteċipazzjoni tagħhom fir-rikapitalizzazzjoni kienet “iż-żamma tal-klassifikazzjonijiet attwali tad-dejn fuq żmien twil tal-Intrapriża mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni Moody's u Standard & Poor; din il-kondizzjoni se tkun inkluża fil-ftehim ta' garanzija u investiment”  (52).

5.2.   Madankollu, dawn mhumiex marbutin b'mod indissolubbli mal-miżuri ta' Diċembru 2002

(142)

Fit-tmiem tal-valutazzjoni sovrana tal-fatti, il-Qorti Ġenerali sabet li s-self minn azzjonist offrut mill-Istat lil FT ma kienx seħħ sa Diċembru 2002, li l-Gvern Franċiż ma kien ħa ebda impenn sod f'Lulju 2002, u li d-deċiżjoni li jingħata appoġġ finanzjarju lil FT permezz tal-offerta tas-self minn azzjonist ma saritx matul Lulju 2002 iżda fil-bidu ta' Diċembru 2002 (53).

(143)

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li ma jistax jiġi eskluż li investitur privat ikun adotta, bejn Lulju u Diċembru 2002, imġiba simili għal dik tal-Istat Franċiż (54).

(144)

Mis-sejbiet u mill-valutazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta wkoll, fil-paragrafi 249-254 tas-Sentenza tat-2 ta' Lulju 2015 (55), li seħħet waqfa sinifikanti bejn il-miżuri tal-Istat meħuda minn Franza fir-rigward ta' France Télécom bejn ix-xhur ta' Lulju u Diċembru 2002.

(145)

Barra minn hekk, fil-punt 230 tas-sentenza, il-Qorti nnotat “sensiela ta' elementi rilevanti li effettivament iddeterminaw id-deċiżjoni tal-Istat Franċiż f'Diċembru 2002, jiġifieri, minbarra l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarji u ż-żamma tal-klassifikazzjoni ta' FT, fl-ewwel lok, il-miżuri ta' ristrutturar u ta' bbilanċjar mill-ġdid meħuda fi ħdanha, fosthom il-pjan Ambition 2005 fformulat mid-diriġenti l-ġodda tagħha bejn Ottubru u Diċembru 2002, li kien jipprevedi b'mod partikolari l-implementazzjoni ta' pjan ta' titjib tal-prestazzjoni operazzjonali tal-impriża, imsejjaħ il-“pjan TOP”.” Qieset ukoll li f'dan il-każ ċerti “elementi essenzjali” ta' valutazzjoni kienu jikkostitwxxu “impenn mogħti minn sindikat bankarju, f'Settembru 2002, li jikkostitwixxi ruħu bħala garanti, fir-rigward tal-parti ddestinata għall-investituri privati, għall-eżitu b'suċċess ta' żieda tal-kapital ta' FT, it-trasferiment ta' assi mhux strateġiċi minnha, bejn Lulju u Diċembru 2002, li kienu jammontaw għal madwar EUR 2,5 biljun, l-implementazzjoni f'Ottubru 2002 ta' tim diriġenti ġdid għall-impriża u r-riżoluzzjoni, f'Novembru 2002, ta' kawża bejn FT u l-operatur Ġermaniż Mobilcom. Barra minn hekk, dawn l-elementi kollha wasslu għal titjib sinifikanti tal-perspettivi operazzjonali u tal-prestazzjonijiet ta' FT matul it-tieni semestru tas-sena 2002” .

(146)

Fil-punt 143 tas-Sentenza tat-30 ta' Novembru 2016 (56), il-Qorti tqis li “f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-antiċipazzjoni għax-xahar ta' Lulju 2002 tal-mument li fih il-kriterju ta' investitur privat avżat kellu jiġi evalwat, neċessarjament wasslet għall-esklużjoni minn din l-evalwazzjoni ta' fatturi rilevanti li seħħew bejn ix-xahar ta' Lulju 2002 u x-xahar ta' Diċembru 2002, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 230 tas-sentenza appellata.”

(147)

Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari ta' dan il-każ, ma hemm ebda rabta indissolubbli bejn il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi qabel Diċembru 2002 u l-miżuri li ħadu f'Diċembru 2002. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, bejn l-4 ta' Diċembru 2002, id-data tat-tħabbira tas-self minn azzjonist mill-Istat lil FT, u l-20 ta' Diċembru 2002, id-data li fiha l-Istat ikkomunika lil FT abbozz ta' kuntratt ta' self minn azzjonist iffirmat u inizjalat, l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġewx issodisfati, u b'mod aktar partikolari, jekk l-Istat imbagħad aġixxiex bħala operatur privat diliġenti fl-ekonomija tas-suq.

5.3.   Il-miżuri meħudin minn Franza f'Diċembru 2002 issodisfaw il-kriterju tal-investitur privat

(148)

Is-self minn azzjonist ta' Diċembru 2002 jidher li jagħti vantaġġ lil FT minħabba li jippermettilha żżid il-mezzi ta' finanzjament tagħha u li tassigura lis-suq dwar il-kapaċità tagħha li taffaċċja l-iskadenzi tagħha. Għalkemm il-ftehim ta' self qatt ma ġie ffirmat, l-impressjoni mogħtija lis-suq dwar l-eżistenza ta' dan is-self a priori tista' tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Intrapriża kienet iktar solida (57). Dan seta' influwenza l-kondizzjonijiet tas-self ta' FT. Wieħed jista' mbagħad jara l-preżenza ta' effett vantaġġjuż tal-miżuri meħuda mill-Istat f'Diċembru 2002 favur FT.

(149)

Madankollu, miżura mhijiex meqjusa li tikkostitwixxi vantaġġ u għalhekk ma taqax taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat jekk l-impriża riċevitriċi tkun tista' tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li kien magħmul disponibbli għaliha permezz ta' riżorsi tal-Istat fiċ-ċirkostanzi li jikkorrespondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, b'din il-valutazzjoni tkun magħmula għall-impriżi pubbliċi, bl-applikazzjoni, fil-prinċipju, tal-kriterju ta' operatur privat prudenti.

(150)

F'dan il-każ, jenħtieġ jiġi vvalutat jekk, f'ċirkostanzi simili, f'Diċembru 2002, investitur privat ta' daqs komparabbli kienx ikollu jagħmel kontribuzzjonijiet ta' kapital bl-istess ammont, partikolarment fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli fid-data tal-kontribuzzjonijiet imsemmija (58). Il-kriterju tal-investitur privat diliġenti għandu għalhekk jiġi applikat billi jitqiegħed fil-mument meta l-miżura tal-Istat tal-appoġġ finanzjarju li aktarx tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat ġiet adottata (59), jiġifieri bejn l-4 ta' Diċembru 2002 u l-20 ta' Diċembru 2002.

(151)

Filfatt, it-tħabbira tal-4 ta' Diċembru 2002 u l-offerta tas-self minn azzjonist tal-20 ta' Diċembru 2002 għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt (60).

(152)

F'Diċembru 2002, jidher li l-fiduċja tas-suq finanzjarju fil-futur ta' FT kienet ġeneralment restawrata u li l-klassifikazzjoni ta' FT kienet miżmuma, grazzi għall-miżuri ta' ristrutturar u riekwilibriju meħuda fi ħdanha, fosthom il-ħatra ta' diriġenza ġdida u l-iżvilupp minn din tal-aħħar tal-pjan Ambition 2005 bejn Ottubru u Diċembru 2002, li inkluda b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta' pjan ta' titjib fil-prestazzjoni operattiva tal-intrapriża, imsejjaħ il-“pjan TOP”.

(153)

Biex jivvalutaw is-self minn azzjonist, fuq kollox għandu jiġi determinat jekk il-parteċipazzjoni fit-tisħiħ tal-fondi proprji tissodisfax il-kondizzjonijiet normali tas-suq.

5.3.1.   Il-parteċipazzjoni fit-tisħiħ tal-fondi proprji

(154)

Il-parteċipazzjoni ta' Franza fit-tisħiħ tal-fondi proprji kienet soġġetta għall-preżentazzjoni lis-suq ta' pjan ta' ristrutturazzjoni kredibbli ta' FT. Il-pjan Ambition 2005 u l-pjan TOP flimkien jiffurmaw pjan koerenti, komplut u razzjonali. B'mod partikolari, dan jiġġenera EUR 15-il biljun ta' fluss ta' flus kontinġenti permezz ta' titjib operattiv u disponimenti ta' assi li ma jxekklux lin-negozji ewlenin.

(155)

Il-pjan TOP jikkostitwixxi sforz konsiderevoli minn FT. Huwa pjan globali għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-ġestjoni bbażata fuq azzjonijiet konkreti. L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw li l-pjan jippermetti li jiżdied ir-redditu tal-Intrapriża b'rata ta' ritorn fuq l-investiment (TRI) ta' 43 % sal-2005 għall-investituri li pparteċipaw fiż-żieda tal-kapital f'April 2003, jiġifieri rendiment ħafna ogħla mir-rata mit-TRI ta' referenza (11 %) mistennija minn investitur privat fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Il-pjan TOP jinkludi wkoll komponent tal-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tal-forza tax-xogħol.

(156)

Fir-rigward tar-rendiment mistenni, l-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw li r-rispett tal-prinċipju tal-investitur privat diliġenti jintwera wkoll mill-perspettivi ta' redditu għoli tal-pjan TOP, li ġew ikkonfermati mill-fatt li dan intlaqa' b'mod favorevoli fis-suq. Il-prezz tal-ishma ta' FT irkupra fit-2 ta' Ottubru 2002 (żieda ta' aktar minn 10,4 % matul il-ġimgħa tat-2 ta' Ottubru) wara t-tħabbira tal-ħatra tad-diriġenza l-ġdida, u ż-żieda fil-prezz tal-ishma kompliet u żdiedet bit-tħabbira tal-pjan TOP u bil-kumitat eżekuttiv il-ġdid tal-5 ta' Diċembru 2002, li rriżultaw f'żieda ta' aktar minn 25 % f'jumejn.

(157)

It-twettiq taż-żieda tal-kapital inbdiet hekk kif kien teknikament possibbli li jiġu ppreżentati lill-investituri stqarrijiet aġġornati dwar il-perspettivi operattivi ta' FT.

(158)

L-Istat diġà kien ikkommetta ruħu, soġġett għall-preżentazzjoni fis-suq ta' pjan kredibbli, mal-sindikat bankarju u kellu l-elementi kollha f'idejh mill-aħħar ta' Novembru biex jevalwa l-fatt li din il-kondizzjoni kienet se titneħħa, wara li osserva r-reazzjoni pożittiva tas-swieq mill-ħatra tad-diriġenti l-ġodda. Minbarra l-impenn mogħti minn sindikat bankarju f'Settembru 2002, li jiggarantixxi, fir-rigward tal-parti ddestinata għall-investituri privati, it-twettiq b'suċċess ta' żieda fil-kapital ta' FT, jeħtieġ li jitqiesu elementi essenzjali oħrajn, jiġifieri l-bejgħ ta' assi mhux strateġiċi bejn Lulju u Diċembru 2002, li kienu jammontaw għal madwar EUR 2,5 biljun, l-implementazzjoni f'Ottubru 2002 ta' tim amministrattiv ġdid għall-impriża u r-riżoluzzjoni, f'Novembru 2002, ta' kawża bejn FT u l-operatur Ġermaniż Mobilcom (61). Dawn l-elementi kollha wasslu għal titjib sinjifikattiv tal-perspettivi operazzjonali u tal-prestazzjonijiet ta' FT matul it-tieni semestru tas-sena 2002.

(159)

Meta ttieħdet id-deċiżjoni favur l-investiment, FT ma kinitx kumpanija f'diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida. Tabilħaqq, il-fatturat tal-kumpanija kien qed jikber b'mod regolari (sa 10 % bejn l-ewwel nofs tal-2001 u l-ewwel nofs tal-2002), il-marġni gross tal-finanzjament proprju tagħha kien għoli u baqa' jikber aktar malajr mill-fatturat tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw li t-telf kien prinċipalment dovut għal dispożizzjonijiet u amortizzamenti eċċezzjonali relatati ma' deprezzament ta' assi li qabel kienu akkwistati qabel it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li kien kompletament imprevedibbli. Huma rrimarkaw ukoll li l-ispejjeż operattivi ta' FT kienu qed jikbru b'ritmu inqas mgħaġġel mill-fatturat, u dan kien ifisser li l-profittabbiltà tagħha kienet qed tiżdied. Barra minn hekk, id-dħul u l-fluss ta' flus kontinġenti operattivi kienu qed jiżdiedu (iktar minn 15 % għall-fluss ta' flus kontinġenti meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2001). Dawn il-prestazzjonijiet ġew ikkonfermati meta ġew ippubblikati l-kontijiet tal-2002. FT ma baqgħetx f'sitwazzjoni ta' insolvenza.

(160)

FT kellha aċċess għas-swieq finanzjarji matul l-2002, u l-istrumenti ta' finanzjament kollha kienu disponibbli għal FT bejn il-11 ta' Lulju 2002 u l-15 ta' Jannar 2003 (62). L-awtoritajiet Franċiżi semmew b'mod partikolari l-fatt li fl-14 ta' Frar 2002, FT innegozjat l-istabbiliment ta' linja sindakalizzata ta' kreditu ta' EUR 15-il biljun u li kienet wettqet ħruġ ta' bonds matul is-sena 2002 (63), li EUR 442,2 miljuni minnhom kienu bonds li jistgħu jinfdew f'ishma.

(161)

Il-fiduċja tas-suq fl-irkupru tal-pożizzjoni finanzjarja ta' FT tista' tiġi bbażata wkoll fuq il-fatt li t-telf kien prinċipalment dovut għal dispożizzjonijiet u amortizzamenti eċċezzjonali relatati ma' deprezzament ta' assi miksuba qabel it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kompletament imprevedibbli u fuq il-fatt li l-ispejjeż operattivi ta' FT kienu qed jikbru b'ritmu inqas mgħaġġel mill-fatturat. Barra minn hekk, id-dħul u l-fluss ta' flus kontinġenti operattivi kienu qed jiżdiedu.

(162)

L-Istat azzjonist ħa l-miżuri kollha biex jiżgura l-parteċipazzjoni ta' azzjonisti pubbliċi u privati fit-tisħiħ tal-kapital ta' FT. B'hekk, it-tħabbira tal-intenzjoni tal-Istat li jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji, tat-12 ta' Settembru 2002 (64) u, f'dik id-data, is-sindikat bankarju kien diġà impenja ruħu li jwiegħed sa ċertu żmien partikolari, it-tlestija b'suċċess tal-parti taż-żieda tal-kapital maħsuba għall-investituri privati flimkien mal-azzjonist pubbliku, bil-kondizzjoni li jitħabbar pjan ta' riekwilibriju kredibbli lis-suq. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-parteċipazzjoni tal-Istat kienet ukoll soġġetta għat-tħabbira ta' pjan meqjus kredibbli mis-suq, u l-Istat ma kienx ikkommetta ruħu b'mod formali qabel l-impenn formali tal-banek. Il-kondizzjonijiet tal-operazzjoni kienu l-istess għall-korpi pubbliċi u l-operaturi privati kollha li pparteċipaw fit-tisħiħ tal-fondi proprji.

(163)

Barra minn hekk, il-EUR 15-il biljun tal-azzjonisti jikkostitwixxu biss terz tal-fondi mmobilizzati b'appoġġ għar-ristrutturar finanzjarju ta' FT.

5.3.2.   L-offerta ta' self minn azzjonist u t-tħabbira tal-4 ta' Diċembru 2002

(164)

Ladarba l-kondizzjoni li għaliha kien soġġett l-impenn tas-sindakat bankarju, jiġifieri t-tħabbira lis-suq ta' pjan ta' riekwilibriju kredibbli, l-Istat ħabbar fl-4 ta' Diċembru 2002, is-self minn azzjonist lil FT.

(165)

F'dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, kien ikun raġjonevoli għal operatur privat diliġenti li jkun fl-eqreb kondizzjonijiet possibbli tal-Istat, l-azzjonist maġġoritarju ta' FT, li jagħti tali appoġġ orali lil dan tal-aħħar. Is-self mogħti mill-Istat, l-azzjonist maġġoritarju, għall-investiment ippjanat, kien operazzjoni b'riskju baxx, profitabbli u abitwali - matul it-tentattiv taż-żieda fil-kapital (b'kondizzjonijiet ugwali) - biex jiġu protetti l-interessi kapitali tal-azzjonist maġġoritarju peress li ma kienx possibbli li ssir ir-rikapitalizzazzjoni ta' FT f'Diċembru minħabba raġunijiet ta' skedar.

(166)

Filfatt, kif tispjega FT, it-tieqa tal-ftuħ tas-swieq tonqos konsiderevolment fl-aħħar ta' Novembru. L-investituri għandhom iqisu l-għeluq tal-kontijiet tagħhom sal-31 ta' Diċembru, li hija operazzjoni kbira ħafna u diffiċli biex tiġi ġestita. Barra minn hekk, l-iskadenza tal-konvokazzjoni ta' laqgħa ġenerali straordinarja biex tawtorizza t-twettiq ta' żieda tal-kapital hija ta' mill-inqas ta' 15-il jum, u t-twettiq tal-operazzjoni teħtieġ 30 jum.

(167)

Is-self huwa temporanju u jservi bħala selfa tranżitorja għaż-żieda tal-kapital li ħafna elementi jissuġġerixxu li se tkun ta' suċċess. FT taw bosta eżempji ta' self minn azzjonisti mogħti fiż-żmien tal-fatti biex isostnu li self minn azzjonist maġġoritarju li se jkun ikkonvertit f'kapital fi żmien iż-żieda tal-kapital huwa operazzjoni normali.

(168)

Is-self minn azzjonist minn Italenergia Bis lil Edison ta' EUR 1 biljun ġie konvertit f'kapital fl-okkażjoni ta' żieda tal-kapital ta' Edison fl-2003.

(169)

Bħala preparazzjoni għal ristrutturar u għall-introduzzjoni fil-borża ta' Thus fuq il-London Stock Exchange, Scottish Power tat self ta' GBP 320 miljun li minnhom GBP 260 miljun ġew ikkonvertiti f'kapital; il-bilanċ mhux miġbud ġie kkanċellat.

(170)

Fl-2002, America Movil u Bell Kanada International ipparteċipaw fir-ristrutturar finanzjarju tal-impriża konġunta tal-Amerika t'Isfel Telecom Americas, flimkien ma' investitur ieħor. $ 120 miljun tħallsu fil-forma ta' self minn azzjonist li kellhom jiġu ffinanzjati mill-ġdid sentejn wara f'ishma ta' Telecom Americas.

(171)

Matul iż-żieda tal-kapital ta' Ericsson, l-impenn tal-azzjonist ewlieni (Industrivärden et Investor) kien parti mit-tħabbira tal-intrapriża f'April 2002, meta l-operazzjoni ma kinitx awtorizzata qabel Ġunju 2002 u tnediet f'Awwissu tal-istess sena.

(172)

Fil-każ taż-żieda tal-kapital ta' Fiat f'Lulju 2003, l-intenzjoni tal-azzjonisti ta' referenza li ssottoskrivew għal ishma ġodda li kienu jikkorrispondu mas-sehem tagħhom ġiet ippubblikata f'Marzu 2003.

(173)

Fid-dawl ta' dawn l-eżempji u tas-sitwazzjoni partikolari ta' FT f'Diċembru 2002, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li f'Diċembru 2002 l-Istat aġixxa bħalma kien jagħmel operatur privat diliġenti fl-ekonomija tas-suq fl-iżjed sitwazzjoni simili possibbli għal tiegħu, bħala azzjonist maġġoritarju ta' FT.

5.3.3.   Konklużjoni

(174)

Il-miżura eżaminata, jiġifieri t-tħabbira tas-self minn azzjonist tal-4 ta' Diċembru 2002, flimkien mal-offerta tas-self minn azzjonist tal-20 ta' Diċembru 2002, tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat diliġenti fl-ekonomija tas-suq. Għalhekk, din il-miżura m'għandhiex titqies li tikkostitwixxi vantaġġ għal FT.

5.4.   Il-kondizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(175)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, titlob li l-kondizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfati (65). Fin-nuqqas ta' vantaġġ għal FT minn riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, m'għadux aktar meħtieġ li jiġi analizzat jekk il-kondizzjonijiet l-oħrajn meħtieġa biex tiġi aċċertata għajnuna humiex issodisfati.

6.   KONKLUŻJONIJIET

(176)

Il-Kummissjoni tinnota li s-self minn azzjonist mogħti minn Franza lil FT f'Diċembru 2002 fil-forma ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-self minn azzjonist mogħti minn Franza lil France Télécom f'Diċembru 2002 fil-forma ta' linja ta' kreditu ta' EUR 9 biljuni ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 57, 12.3.2003, p. 5.

(2)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (TFUE). Fiż-żewġ każijiet id-dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE.

(3)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(4)  2003/S 103-091487.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE tat-2 ta' Awwissu 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza għal France Télécom (ĠU L 257, 30.9.2006, p. 11).

(6)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04, T-444/04, T-450/04 et T-456/04, ECLI:EU:T:2010:216.

(7)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs il-Kummissjoni e. a. U l-Kummissjoni vs Franza e. a., C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175.

(8)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza u Orange vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450.

(9)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C-486/15 P, ECLI:EU:C:2016:912.

(10)  Id-dħul fil-kapital ta' Mobilcom f'ċirkostanzi diffiċli b'ammont ta' investiment ta' ekwità għoli ħafna ta' EUR 3,7 biljuni għal 28,5 % tal-kapital, ivvalorizza lill-operatur daqs 80 darba iktar mill-EBITDA tiegħu (kontra l-valutazzjoni tas-suq tal-ishma ta' madwar 65 darba iktar mill-EBITDA qabel ix-xniegħat dwar l-operazzjoni). Fis-sajf 2002 sar awditu dwar il-perspettiva għal Mobilcom li enfasizza l-fraġilità estrema tal-intrapriża u l-impossibbiltà ovvja li jsir ritorn fuq l-investiment (Rapport f'isem il-kumitat ta' inkjesta dwar il-ġestjoni tal-intrapriżi pubbliċi sabiex tittejjeb is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet, irreġistrata fil-presidenza tal-Assemblea Nazzjonali fit-3 ta' Lulju 2003).

(11)  Les Echos Nru 18695, Franza, 12 ta' Lulju, 2002, p. 2.

(12)   Off Watch; Outlook Stable; Teleconf 3:30 PM BST Illum, Standard & Poor's Ratings Direct, 12 ta' Lulju 2002.

(13)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi tat-13 ta' Settembru 2002, is-sitwazzjoni Finanzjarja ta' France Télécom.

(14)  Moody's Investors Services, 13 ta' Settembru 2002. Il-parti rilevanti tal-istqarrija għall-istampa tgħid li “Moody's kompliet isserraħ rasha iżjed bid-dikjarazzjoni tal-Gvern, li għal darb'oħra kkonferma l-appoġġ qawwi tiegħu għal FT. Filwaqt li t-tħassib ta' Moody's dwar il-livell ġenerali ta' riskju finanzjarju u partikolarment dwar il-pożizzjoni dgħajfa tal-likwidità ta' FT għadu jippersisti, Moody's qed tħossha aktar komda bl-istennija li l-Gvern Franċiż se jaġixxi b'mod favorevoli jekk FT tibda taffaċċja diffikultajiet fl-iskeda tal-ħlas lura tad-dejn tagħha.”.

(15)  Stqarrija għall-istampa tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi tat-2 ta' Ottubru 2002.

(16)  Stqarrija għall-istampa ta' FT tal-5 ta' Diċembru 2002, p. 1.

(17)   Research France Télécom, Standard & Poor's Ratings Direct, 17 ta' Diċembru 2002: “Minn Lulju 2002, l-appoġġ mill-Istat Franċiż kien fattur ewlieni fil-klassifikazzjoni, u kien il-bażi tal-istatus tal-grad ta' investiment tal-grupp.”. Din id-dikjarazzjoni ssegwi dik tal-5 ta' Diċembru 2002: “Is-servizzi ta' klassifikazzjoni ta' Standard & Poor's illum qalu li affermaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu korporattivi ta' BBB- fuq żmien twil u ta' A-3 fuq żmien qasir [għal FT]… Minn Lulju 2002 Standard & Poor's indikat li l-appoġġ mistenni mill-azzjonist ta' 56 % ta' FT, jiġifieri l-Istat Franċiż, huwa fattur probabbli li jsejjes il-bażi tal-istatus tal-grad ta' investiment tal-grupp. It-tħabbira tal-Istat Franċiż li llum se jagħti minnufih self minn azzjonist ta' EUR 9 biljuni biex jgħin lil FT taffaċċja l-obbligi tad-dejn tagħha tal-2003 qed titqies minn Standard & Poor's bħala evidenza qawwija ta' dan l-appoġġ.”.

(18)   Research France Télécom, Standard & Poor's Ratings Direct, 17 ta' Diċembru 2002: “ It-tħabbira mill-Istat ta' Diċembru 2002 li se jagħti self minn azzjonist ta' EUR 9 biljuni, flimkien mal-impenn tiegħu li jissottoskrivi għal żieda ta' kapital ta' EUR 15-il biljun, jenfasizzaw dan l-appoġġ u jipprovdu protezzjoni sinifikanti tal-kreditu għall-kredituri ta' FT. …FT u l-miri tal-Istat f'dan ir-rigward jissodisfaw l-aspettattivi ta' Standard & Poor's għall-klassifikazzjonijiet tagħha. Filwaqt li l-kondizzjonijiet tas-suq jistgħu jisfidaw l-operazzjoni, l-impenn tal-Istat li jissottoskrivi għall-injezzjoni tal-ekwità — sabiex għall-inqas iżomm l-ishma tiegħu — inaqqas bil-qawwi r-riskji ta' eżekuzzjoni.”.

(19)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' intrapriżi f'diffikultà (Notifika lill-Istati Membri inklużi proposti għal miżuri xierqa (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2)).

(20)  Nota tas-Sur Sureau bid-data tal-14 ta' Jannar 2004.

(21)  Issa msejħa Neuf Télécom.

(22)  Digriet Nru 2002-1409 tat-2 ta' Diċembru 2002 li jemenda d-Digriet Nru 65-1117 tas-17 ta' Diċembru 1967 dwar l-organizzazzjoni amministrattiva u finanzjarja tal-ERAP.

(23)  L-Artikolu 80 tal-Liġi Nru 2002-1576 tat-30 ta' Diċembru 2002 rigward il-liġi dwar il-finanzi emendata għall-2002.

(24)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(25)  L-awtoritajiet Franċiżi b'mod partikolari semmew ħruġ ta' bonds, linji ta' kreditu, karti kummerċjali, self fuq żmien qasir, operazzjonijiet ta' titolizzazzjoni u derivattivi.

(26)  Mis-26 ta' Lulju 2002, sal-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 tal-4 ta' Diċembru 2002, FT ħarġet self obbligazzjonarju ta' EUR 70 miljun fis-26 ta' Lulju 2002 u ħarġet porzjon ta' EUR 150 miljun funġibbli mas-self obbligazzjonarju ta' EUR 3,5 biljun li kien inħareġ f'Marzu 2001.

(27)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Diċembru 2000, Alitalia/il-Kummissjoni, T-296/97, ECLI:EU:T:2000:289.

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/89/KE tat-23 ta' Ġunju 1999, dwar l-approvazzjoni kundizzjonali tal-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Crédit foncier de France (ĠU L 34, 3.2.2001, p. 36).

(29)  Kummenti mill-awtoritajiet Franċiżi tad-29 ta' Lulju 2003, p. 8.

(30)  Kummenti mill-awtoritajiet Franċiżi tad-29 ta' Lulju 2003, p. 9.

(31)  Kummenti mill-awtoritajiet Franċiżi tad-29 ta' Lulju 2003, p. 8.

(32)  Kummenti mill-awtoritajiet Franċiżi tad-29 ta' Lulju 2003, p. 9.

(33)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Diċembru 1996, Compagnie nationale Air France vs il-Kummissjoni, T-358/94, ECLI:EU:T:1996:194; ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/662/KE tas-27 ta' Lulju 1994 dwar is-sottoskrizzjoni ta' CDC participations għal ħruġ ta' bonds ta' Air France (ĠU L 258, 6.10.1994, p. 26).

(34)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, ECLI:UE:C:1994:100, paragrafu 13, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni C-156/98, ECLI:UE:C:2000:467, paragrafu 25, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta' Ġunju 2000, EPAC vs il-Kummissjoni, T-204/97 u T-270/97, ECLI:UE:T:2000:148.

(35)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs il-Kummissjoni, C-323/82, ECLI:UE:C:1984:345, paragrafu 31; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta' Jannar 1998, Ladbroke vs il-Kummissjoni, T-67/94, ECLI:EU:T:1998:7, punt 52.

(36)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, ECLI:UE:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C-524/14 P, ECLI:UE:C:2016:971, punt 40, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA e.a., C-20/15 P u C-21/15 P ECLI:UE:C:2016:981, punt 53, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni vs Frucona Kosice, C-300/16 P, ECLI:UE:C:2017:706, punt 19.

(37)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, ECLI:UE:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C-524/14 P, ECLI:UE:C:2016:971, punt 40, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA e.a., C-20/15 P u C-21/15 P ECLI:UE:C:2016:981, punt 53, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni vs Frucona Kosice, C-300/16 P, ECLI:UE:C:2017:706, punt 19.

(38)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, ECLI:EU:C:1994:325, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2003, l-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni, C-399/00 u C-328/99, ECLI:EU:C:2003:252, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(39)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, ECLI:UE:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(40)  Punti 70 sa 72 tas-sentenza Bouygues.

(41)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450.

(42)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni vs Franza, C-486/15 P, ECLI:EU:C:2016:912.

(43)  Ara d-dikjarazzjonijiet tas-CEO preċedenti ta' FT, Michel Bon, ippubblikati fl-istampa: artikolu f'La Tribune tas-16 ta' Settembru 2002 “… it-tnaqqis fil-klassifikazzjoni jipprevjeni l-finanzjament mill-ġdid previst”; artikolu f'Le Monde tas-16 ta' Settembru 2002 “id-deterjorament fl-aħħar ta' Ġunju fil-klassifikazzjoni attribwit lid-dejn ta' FT mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni Moody's […] għalqilna l-aċċess għas-suq”; artiklu fil-Financial Times tas-16 ta' Settembru 2002 “FT ma tistax tkampa meta ħadd ma jrid jislifna l-flus u, għall-kuntrarju, meta kulħadd irid jitħallas minnufih. Fis-swieq kurrenti, ir-rifinanzjament tad-dejn tagħna huwa sempliċement impossibbli.”.

(44)  Xi jemmnu wkoll li l-intrapriża lanqas biss setgħet issib il-likwidità meħtieġa fis-suq f'każ ta' tniżżil fil-klassifikazzjoni tagħha. Ara, pereżempju, p. 9 tar-rapport imsemmi qabel Goldman Sachs tat-22 ta' Lulju 2002: “Jekk dawn il-bonds jitmexxew mis-segment tal-grad ta' investiment tas-suq tad-dħul fiss, għal “junk”, jiġifieri rendiment għoli, dawn jgħabbu lis-suq ta' rendiment għoli Ewropew (…) [u] nemmnu li jkun diffiċli għall-bażi tal-investituri Ewropej eżistenti biex tassorbi weħidha l-bonds kollha ta' France Telecom.”.

(45)  Ir-Rapport NERA: “Ir-riżultati ta' studju ta' avveniment li janalizza l-effett fuq il-prezzijiet tal-ishma u tal-bonds tat-tħabbira tat-12 ta' Lulju 2002. L-istudju juri li hemm effett pożittiv qawwi: b'riżultat tad-dikjarazzjoni, il-parteċipanti fis-suq qiesu li l-flussi ta' flus li France Télécom kienet tiġġenera kienu se jkunu ogħla milli kieku kienu jkunu mod ieħor. Barra minn hekk, l-effett huwa statistikament sinifikanti b'mod qawwi: mhuwiex ir-riżultat ta' varjazzjonijiet każwali fil-prezzijiet … Is-suq emmen li, b'riżultat tad-dikjarazzjoni, l-Awtoritajiet Franċiżi kienu se joffru aktar appoġġ lil France Télécom milli kieku kienu jagħmlu fin-nuqqas ta' spejjeż ta' inadempjenza” .

(46)  Rapport mid-Deutsche Bank tat-22 ta' Lulju 2002 intitolat France Télécom/Deutsche Telekom Debt Liquidity and possible solution, p. 19-33.

(47)   France Télécom LT rating cut to “BBB-”; Off Watch; Outlook Stable; Teleconf 3:30PM BST Today, Standard & Poor's Ratings Direct, 12 ta' Lulju 2002.

(48)   Board meeting presentation, France Télécom mission Etat des lieux, Diċembru 2002, p. 36.

(49)  F'ittra separata li takkumpanja l-protokoll finanzjarju ffirmat mill-bank Morgan Stanley fit-12 ta' Settembru 2002 rigward l-impenn tal-bank imsemmi fir-rigward taż-żieda tal-kapital ippjanata għall-Intrapriża, ir-rappreżentant tal-bank ma kienx ambigwu dwar dan il-punt: “Aħna nemmnu li l-operazzjoni prevista se tkun diffiċli fil-kondizzjonijiet attwali u li reazzjoni pożittiva mis-suq għad-dikjarazzjonijiet u għall-istqarrijiet li sejrin jiġu ppubblikati fi tmiem il-ġimgħa se tkun waħda mill-elementi ewlenin biex jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' din l-operazzjoni”.

(50)  Ara l-formola FT 20-F, Marzu 2003, p. 15-16 “tnaqqis bi grad wieħed fil-klassifikazzjoni tad-dejn tagħha fuq żmien twil minn S&P u Moody's awtomatikament iżżid l-ispiża tal-imgħax annwali tagħha b'madwar EUR 75 miljun.”.

(51)  Klawsola “step-up” tiddetermina żieda fil-kupun tal-bonds u fir-rati tal-imgħax fuq il-linji ta' kreditu skont il-grad tal-klassifikazzjoni.

(52)  Protokolli tal-ftehim iffirmat fil-11 u t-12 ta' Settembru 2002 bejn l-Istat u l-banek (kundizzjoni h).

(53)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni vs Franza, C-486/15 P, ECLI:EU:C:2016:912, punt 142 u l-punti tas-Sentenza tal-Qorti tat-2 ta' Lulju 2015, ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummissjoni Ewropea, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450, li tirreferi għaliha.

(54)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni vs Franza, C-486/15 P, ECLI:EU:C:2016:912, punt 137 u l-punti tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummissjoni Ewropea, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450, punt 247.

(55)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450

(56)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni vs Franza, C-486/15 P, ECLI:EU:C:2016:912.

(57)  Ara pereżempju “ Moody's issa tistenna li taħlita ta' din il-faċilità taħt il-faċilità sindakalizzata eżistenti ta' EUR 15-il biljun u l-fluss ħieles tal-kontanti se tippermetti li l-maturitajiet tad-dejn ta' EUR 15-il biljun jitħallsu lura matul it-12-il xahar li ġejjin ”, Moody's, 9 ta' Diċembru 2002.

(58)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450, punt 220; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2003, l-Italja u SIM 2 Multimedia SpA vs il-Kummissjoni, C-399/00 et C-328/99 ECLI:EU:C:2003:252, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(59)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450, punt 251.

(60)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs il-Kummissjoni e. a. u l-Kummissjoni vs Franza e. a., C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175, punti 127 sa 131.

(61)  Dawn l-elementi huma rilevanti skont is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2015, Franza vs il-Kummissjoni, T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, ECLI:EU:T:2015:450, punt 230.

(62)  L-awtoritajiet Franċiżi b'mod partikolari semmew ħruġ ta' bonds, linji ta' kreditu, karti kummerċjali, self fuq żmien qasir, operazzjonijiet ta' titolizzazzjoni u derivattivi.

(63)  Mis-26 ta' Lulju 2002 sal-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 tal-4 ta' Diċembru 2002, FT ħarġet self obbligazzjonarju ta' EUR 70 miljun fis-26 ta' Lulju 2002 u ħarġet porzjon ta' EUR 150 miljun funġibbli mas-self obbligazzjonarju ta' EUR 3,5 biljun li kien inħareġ f'Marzu 2001.

(64)  Kummenti mill-awtoritajiet Franċiżi tad-29 ta' Lulju 2003, p. 8.

(65)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, ECLI:UE:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1617

tal-25 ta' Ottubru 2018

dwar miżura meħuda minn Franza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar il-mezzi mediċi Terrafor u Defiligne

(notifikata bid-dokument C(2018) 6943)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta' Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-16 ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Franċiżi adottaw deċiżjoni bbażata fuq dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 93/42/KEE (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Direttiva 93/42/KEE” jew “id-Direttiva”), li tirrigwarda żewġ mezzi mediċi li għandhom l-istess kompożizzjoni, l-istess metodu ta' amministrazzjoni u l-istess għanijiet, ikkummerċjalizzati bl-ismijiet “Terrafor” jew “Defiligne” (minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-mezz”), u mmanifatturati mil-Laboratorju Claytone-Terrafor (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-manifattur”).

(2)

Il-mezz inkwistjoni huwa ppreżentat fil-forma ta' kapsuli li jiġu amministrati b'mod orali u li jippermettu, skont il-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu, “il-prevenzjoni tad-disturbi diġestivi, it-tnaqqis tal-iskumdità diġestiva, l-irkupru tal-kumdità diġestiva u t-tnaqqis tal-perimetru addominali”. Is-sustanza użata fil-manifattura tal-mezz hija l-“Octalite”, li huwa kumpless minerali ta' oriġini naturali (it-tafal).

(3)

Skont id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi, fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva, u meta titqies il-preżenza taċ-ċomb fil-mezz, dan jista' jkun ta' riskju għas-saħħa tal-utenti. Għalhekk, id-deċiżjoni tipprevedi li “il-manifattura, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-esportazzjoni u l-użu tal-mezzi mediċi Terrafor u Defiligne […] jiġu sospiżi sakemm il-prodotti jinġiebu f'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti li japplikaw għalihom”; barra minn hekk, “il-laboratorju Claytone-Terrafor huwa obbligat jiġbor lura l-mezzi mediċi Terrafor u Defiligne mingħand id-distributuri kollha kkonċernati”.

(4)

Permezz tal-ittra tal-4 ta' Ottubru 2016, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom tas-16 ta' Awwissu 2016 fil-qafas tad-Direttiva 93/42/KEE.

(5)

Fil-qafas tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42/KEE, permezz tal-messaġġ elettroniku tas-26 ta' Ottubru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-manifattur biex jindika l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi.

(6)

Permezz tal-ittra tat-30 ta' Novembru 2016, il-manifattur bagħat memorandum lis-servizzi tal-Kummissjoni li fih jispjega r-raġunijiet għaliex qed jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi.

(7)

Fid-19 ta' Diċembru 2016, fuq talba tal-manifattur, saret laqgħa bejn il-manifattur u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(8)

Matul l-2017, ġew skambjati diversi messaġġi elettroniċi bejn il-manifattur u s-servizzi tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-manifattur bosta drabi biex jikkuntattja lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jiddetermina l-elementi li huma neċessarji biex tinbidel id-deċiżjoni ta' dawn l-awtoritajiet.

(9)

Permezz tal-messaġġ elettroniku tal-20 ta' Marzu 2017, il-manifattur bagħat rapport tal-laboratorju NAMSA (2) lill-Kummissjoni li juri, skont il-manifattur, is-sikurezza tal-mezz. Is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-manifattur bosta drabi biex jibgħat dan id-dokument lill-awtoritajiet Franċiżi, ħaġa li l-manifattur għamel bosta xhur wara, f'Awwissu tal-2017. Fl-istess ħin, is-servizzi tal-Kummissjoni skambjaw messaġġi elettroniċi mal-awtoritajiet Franċiżi sabiex jiksbu informazzjoni addizzjonali.

(10)

F'Lulju tal-2017, il-manifattur ressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar id-dewmien tal-Kummissjoni fl-adozzjoni ta' deċiżjoni. Fil-5 ta' April 2018, l-Ombudsman iddeċieda li jagħlaq il-każ bil-konklużjoni li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni f'dan il-każ.

(11)

Permezz tal-messaġġ elettroniku tal-20 ta' Novembru 2017, l-awtoritajiet Belġjani nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom tat-28 ta' Ottubru 2016 li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq, it-tħaddim, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni tal-mezz mediku Terrafor, u li jimponu l-irtirar ta' dan il-mezz mis-suq.

(12)

Fis-7 ta' Frar 2018, fuq talba tal-manifattur, saret laqgħa bejn il-manifattur, l-awtoritajiet Franċiżi, l-awtoritajiet Belġjani, il-laboratorju NAMSA u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(13)

F'Marzu tal-2018, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu mistoqsijiet addizzjonali bil-miktub lill-manifattur, lill-korp notifikat tiegħu (TÜV Rheinland LGA Products GMBH) u lill-awtoritajiet Belġjani u Franċiżi, u dawn wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet matul ix-xhur ta' Marzu u April 2018.

2.   EŻAMINAZZJONI TAN-NATURA ĠUSTIFIKATA TAL-MIŻURA

(14)

Id-Direttiva 93/42/KEE tistabbilixxi sistema li permezz tagħha l-mezzi mediċi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali msemmijin fl-Anness I tad-Direttiva li japplikaw għalihom (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3). Il-manifattur, biex juri l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti essenzjali, irid isegwi waħda mill-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità previsti fid-Direttiva, u dan jippermetti t-twaħħil tal-marka CE fuq il-mezzi (l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1)). Il-mezzi li jkollhom il-marka CE li tindika li saritilhom valutazzjoni tal-konformità jistgħu jiċċirkolaw b'mod ħieles fi ħdan l-Unjoni (l-Artikolu 4(1)).

(15)

Madankollu, b'mod konformi mal-Artikolu 8 (Klawsola tas-sigurtà) tad-Direttiva 93/42/KEE, “meta Stat Membru jaċċerta li l-mezz […] meta dan jiġi armat b'mod korrett u mantnut u wżat skont l-għan intenzjonat, jista' jkun ta' perikolu għas-saħħa u/jew għas-sigurtà ta' pazjenti, utenti jew, fejn japplika, persuni oħra, għandu jieħu l-miżuri temporanji xierqa għall-irtirar ta' dan il-mezz mis-suq jew jipprojbixxi jew jirrestrinġi d-dħul tiegħu fis-suq jew fis-servizz. L-Istat Membru għandu jinforma mal-ewwel lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri, [u] jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu […]” (l-Artikolu 8(1)). Il-Kummissjoni mbagħad trid tiddetermina jekk il-miżuri humiex ġustifikati jew le (l-Artikolu 8(2)). Għalhekk, l-Istati Membri huma responsabbli biex jivvalutaw jekk prodott jistax jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew le u, jekk iva, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa. Eżerċizzju bħal dan jista' jirrikjedi evalwazzjonijiet kumplessi ta' natura teknika jew xjentifika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla n-natura ġustifikata ta' dawn il-miżuri, billi tiżgura b'mod partikolari l-mertu tar-raġunijiet legali u fattwali li mmotivaw l-adozzjoni tagħhom. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kbira (3).

(16)

F'dan il-każ, fid-deċiżjoni u fin-nota nnotifikati fl-4 ta' Ottubru 2016, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-mezzi inkwistjoni “jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa” u “ma jikkonformawx mar-rekwiżiti essenzjali”. L-eżistenza ta' riskju għas-saħħa u/jew għas-sigurtà tal-persuni, li jirriżulta b'mod partikolari min-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 93/42/KEE, timplika l-bidu ta' proċedura ta' klawsola ta' sigurtà skont l-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva (4). Minn dan jirriżulta li, f'dan il-każ, tapplika l-proċedura tal-klawsola ta' salvagwardja, b'tali mod li l-Kummissjoni trid tiddetermina jekk il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi hijiex ġustifikata jew le.

(17)

Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi tipprevedi s-sospensjoni tal-“manifattura, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-esportazzjoni u l-użu” tal-mezz u l-irtirar tal-mezz mingħand id-distributuri kkonċernati. Billi d-Direttiva 93/42/KEE essenzjalment tipprevedi li l-mezzi mediċi jistgħu jitqiegħdu fis-suq u/jew jitħaddmu biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva (l-Artikolu 2) u li l-Istati Membri ma jistgħux jostakolaw it-tqegħid fis-suq u t-tħaddim tal-mezzi li, sabiex tiġi ppruvata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti, ikunu ġew sottomessi għal valutazzjoni tal-konformità tagħhom skont id-Direttiva (l-Artikolu 4), u billi l-Artikolu 8 tad-Direttiva jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jieħu miżuri “għall-irtirar ta' dan il-mezz mis-suq jew jipprojbixxi jew jirrestrinġi d-dħul tiegħu fis-suq jew fis-servizz” meta jkun hemm riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika n-natura ġustifikata tat-tali miżuri, din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna l-miżura tal-awtoritajiet Franċiżi li tillimita l-preżenza fis-suq tal-mezz inkwistjoni.

(18)

Mid-deċiżjoni nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi u mil-konsultazzjonijiet imwettqa mal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li hemm dubju dwar il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva marbutin mal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji u marbutin mal-minimizzazzjoni tar-riskji, kif ukoll marbutin mal-applikazzjoni x-xierqa tal-istandards.

2.1.   Nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali

2.1.1.   Rekwiżiti essenzjali marbutin mal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji

(19)

Il-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 93/42/KEE jistipula dan li ġej: “Il-mezz għandu jiġi ddisinjat u mmanifatturat b'tali mod li, meta jiġi użat fil-kondizzjonijiet u għall-finijiet maħsuba, dan m'għandux jikkomprometti l-kondizzjoni klinika jew is-sigurtà tal-pazjenti, jew is-sigurtà u s-saħħa tal-konsumaturi jew, fejn applikabbli, persuni oħra, dejjem jekk kull riskju li jista' jiġi assoċjat mal-użu maħsub tiegħu jikkostitwixxi riskji aċċettabbli meta mqabbla mal-benefiċċji għall-pazjent u huma kompatibbli ma' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà […]”. Il-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva jistipula dan li ġej: “Kwalunkwe effetti laterali mhux mixtieqa għandhom jikkostitwixxu riskju aċċettabbli meta mqabbla mal-prestazzjoni intenzjonat[a]”.

(20)

Fir-rigward tar-riskji, qabel kollox jenħtieġ li jiġi indikat li r-riskju kkawżat mill-inġestjoni taċ-ċomb huwa ddokumentat ħafna, b'mod partikolari fil-pubblikazzjonijiet imsemmijin mill-“Guideline for elemental impurities – Q3D” stabbilita mill-“International Council for Harmonisation of Technical Requirements for Pharmaceuticals for Human Use” (ICH) (5), fir-“Report on Carcinogens, fourteenth edition” tad-Dipartiment Amerikan tas-saħħa u tas-servizzi umani, fis-“Scientific opinion on lead in food” tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u fil-pubblikazzjonijiet imsemmijin fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (6). F'dan il-każ, il-mezz fih iċ-ċomb u huwa maħsub biex jittiekel.

(21)

Imbagħad jenħtieġ li wieħed jinnota li l-popolazzjoni hija esposta għaċ-ċomb b'diversi modi (mill-arja, mill-ilma u mill-ikel), u għalhekk kull esponiment addizzjonali, bħal dak li jirriżulta mill-użu tal-mezz, iżid ir-riskju assoċjat mal-esponiment għaċ-ċomb.

(22)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għall-“Guideline for elemental impurities – Q3D” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Guideline ICH Q3D”), stabbilita mill-“International Council for Harmonisation of Technical Requirements for Pharmaceuticals for Human Use” (ICH), adottata mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-EMA) f'Diċembru tal-2014 u applikata minnha għat-talbiet il-ġodda għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-mediċini minn Ġunju tal-2016, u għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq eżistenti tal-mediċini minn Diċembru tal-2017. Din il-Guideline tikkonċerna l-impuritajiet elementari fil-mediċini, jiġifieri elementi li ma għandhomx benefiċċju terapewtiku għall-pazjent, hekk li l-livell tagħhom irid jibqa' fil-limiti aċċettabbli. Din tistabbilixxi esponiment ta' kuljum awtorizzat għall-elementi li huma ta' tħassib tossikoloġiku. Għaċ-ċomb, il-Guideline tindika li l-esponiment għal dan l-element jista' jikkawża effetti newroloġiċi, riproduttivi, immunitarji, kardjovaskulari u renali; hija tistabbilixxi l-esponiment ta' kuljum awtorizzat għal 5 μg kuljum, ikun xi jkun il-mod ta' amministrazzjoni tiegħu.

(23)

L-analiżijiet li għalihom qed jirreferu l-awtoritajiet Franċiżi jirrappurtaw proporzjon ta' ċomb fil-mezz ta' bejn 16 u 22,9 μg/g. Trattament ta' sitt kapsuli ta' 335 mg kuljum (jiġifieri 2 g kuljum), kif previst fil-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu tal-mezz, jikkorrispondi għal kwantità ta' ċomb inġestita ta' 32 sa 46 μg kuljum, u dan huwa ħafna aktar mil-limitu ta' referenza ta' 5 μg kuljum.

(24)

Fir-rigward tal-użu tal-Guideline ICH Q3D, jenħtieġ li wieħed jinnota li din il-Guideline, filwaqt li tapplika formalment għall-mediċini, tikkonċerna l-preżenza ta' elementi (inkluż iċ-ċomb) li mhumiex ta' benefiċċju terapewtiku (impuritajiet elementari) u li joħolqu tħassib tossikoloġiku fil-prodotti amministrati, fost l-oħrajn, b'mod orali. Għalhekk din tista' titqies bħala rilevanti biex jiġi vvalutat ir-riskju marbut mal-użu ta' mezz mediku li fih iċ-ċomb fl-istat ta' impurità u li jiġi amministrat b'mod orali.

(25)

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li wieħed jinnota li l-manifattur ma jikkontestax il-preżenza taċ-ċomb fil-mezz. Barra minn hekk, il-manifattur ma jikkontestax il-fatt li l-mezz jirrilaxxa ċ-ċomb, filwaqt li jqis li dan ir-rilaxx huwa baxx. Il-manifattur jindika wkoll li r-riskji identifikati fir-rapporti li semmew l-awtoritajiet Franċiżi – jiġifieri l-effetti kardjovaskulari, newroloġiċi u nefrotossiċi taċ-ċomb fil-bniedem – tqiesu permezz ta' indikazzjonijiet fil-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu tal-mezz, hekk li r-rekwiżit essenzjali tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva huwa ssodisfat; il-manifattur b'hekk jirrikonoxxi li l-użu tal-mezz joħloq riskji, filwaqt li jqis li dawn huma ta' livell aċċettabbli. Barra minn hekk, rapport tal-laboratorju NAMSA msemmi mill-manifattur jirrikonoxxi l-eżistenza ta' riskju marbut mal-preżenza taċ-ċomb fil-mezz, filwaqt li jikkwalifika dan ir-riskju bħala wieħed baxx.

(26)

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-użu tal-mezz joħloq riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pazjenti, u l-manifattur huwa responsabbli biex dawn ir-riskji jinżammu fil-limiti aċċettabbli meta mqabbla mal-benefiċċji pprovduti mill-mezz.

(27)

Fir-rigward tal-benefiċċji, skont il-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu, il-mezz huwa maħsub għall-“prevenzjoni tad-disturbi diġestivi, it-tnaqqis tal-iskumdità diġestiva, l-irkupru tal-kumdità diġestiva u t-tnaqqis tal-perimetru addominali”. Jenħtieġ li jiġi mfakkar li, b'mod konformi mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, mezz mediku għandu jkollu għan mediku. F'dan il-każ, jidher li, fost l-erba' pretensjonijiet tal-fuljett, il-“prevenzjoni tad-disturbi diġestivi” biss tista' eventwalment tiġi kkwalifikata bħala medika. Fin-nuqqas ta' dettalji fil-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu jew fid-dokumentazzjoni teknika, u fid-dawl tal-pretensjonijiet l-oħra u tar-reklamar li twettaq għall-mezz li huwa kkonċentrat fuq il-kisba ta' “żaqq ċatta”, wieħed jista' jaħseb li d-disturbi diġestivi inkwistjoni mhumiex daqshekk importanti. Fil-qosor, il-benefiċċju mediku tal-mezz huwa żgħir.

(28)

Meta jitqiesu dawn l-elementi, l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jikkunsidraw li l-mezz ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva fir-rigward tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji.

(29)

It-tali konklużjoni hija kkonfermata bin-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit essenzjali dwar l-evalwazzjoni klinika. Il-punt 6a tal-Anness I tad-Direttiva 93/42/KEE jistipula dan li ġej: “Dimostrazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali għandha tinkludi evalwazzjoni klinika skont l-Anness X”. Il-punt 1.1 tal-Anness X (evalwazzjoni klinika) tad-Direttiva jispeċifika b'mod partikolari dan li ġej: “Bħala regola ġenerali, il-konferma tal-konformità mal-kondizzjonijiet li jikkonċernaw il-karatteristiċi u l-kapaċità msemmija fis-Sezzjonijiet 1 u 3 tal-Anness I, taħt il-kondizzjonijiet normali tal-użu tal-mezz, u l-evalwazzjoni tal-effetti sekondarji u l-aċċettabilità tal-benefiċċju/proporzjon tar-riskju msemmija f'Sezzjoni 6 tal-Anness I, għandhom ikunu bbażati fuq id-data klinika”.

(30)

F'dan il-każ, kif indikat hawn fuq, fir-rigward tal-benefiċċji, il-mezz huwa maħsub għall-“prevenzjoni tad-disturbi diġestivi, it-tnaqqis tal-iskumdità diġestiva, l-irkupru tal-kumdità diġestiva u t-tnaqqis tal-perimetru addominali”. Iżda fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-evalwazzjoni klinika mwettqa mil-laboratorju NAMSA fuq talba tal-manifattur (7), li jirrigwardaw id-data kollha disponibbli, huwa indikat li ġew eżaminati tliet pretensjonijiet kliniċi (il-fatt li l-prodott “inaqqas l-iskumdità diġestiva, jgħin fit-tnaqqis taċ-ċirkonferenza tal-qadd, u jippermetti titjib rapidu tal-kumdità diġestiva”) u li ż-żewġ pretensjonijiet dwar it-tnaqqis tal-iskumdità diġestiva u t-tnaqqis taċ-ċirkonferenza tal-qadd biss tqiesu li ġew sostnuti mid-data klinika. Ir-raba' pretensjoni marbuta mal-prevenzjoni tad-disturbi diġestivi mhijiex imsemmija fil-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport tal-evalwazzjoni klinika. Għalhekk il-manifattur ma bagħatx data klinika li tappoġġa l-eżistenza tal-benefiċċji kollha ddikjarati, u b'mod partikolari l-eżistenza ta' benefiċċju f'termini tal-prevenzjoni tad-disturbi diġestivi. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tad-data klinika ma tikkonfermax li l-mezz jissodisfa r-rekwiżit essenzjali fir-rigward tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji.

(31)

Meta jitqiesu dawn l-elementi, wieħed jista' jqis li l-mezz ma jissodisfax ir-rekwiżit essenzjali dwar l-evalwazzjoni klinika b'rabta mar-rekwiżit essenzjali fir-rigward tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji.

2.1.2.   Rekwiżiti essenzjali marbutin mal-minimizzazzjoni tar-riskji

(32)

Il-punt 7.2 tal-Anness I tad-Direttiva 93/42/KEE jistipula dan li ġej: “Il-mezz għandu jkun iddisinjat, prodott u ppakkjat b'tali mod li jitnaqqas ir-riskju miġjub minn kontaminanti u residwi għall-persuni konċernati fit-trasport, ħżin u użu tal-mezz u għall-pazjenti, wara li wieħed jikkonsidra l-għan li għalih huwa intenzjonat il-prodott. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tessuti u għat-tul ta' żmien u l-frekwenza tal-espożizzjoni”. Il-punt 7.5 tal-Anness I tad-Direttiva jistipula dan li ġej: “Il-mezz għandu jkun iddisinjat u mmanifatturat b'tali mod li jimminimizza r-riskji imposti minn sustanzi li jnixxu mill-mezz. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għal sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, b'konformità mal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi […]”. L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (8) sar il-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(33)

Mill-elementi msemmijin hawn fuq jirriżulta li l-użu tal-mezz joħloq riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pazjenti (il-punti 20 sa 26), li l-manifattur għandu jnaqqas kemm jista' jkun. Barra minn hekk, iċ-ċomb huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008; l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-ECHA) tqisu wkoll bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna (“substance of very high concern”) (10); dan jiġġustifika għaliex għandu jingħata attenzjoni partikolari.

(34)

Għal manifattur ta' mezz mediku, ir-rekwiżiti essenzjali msemmijin hawn fuq jistgħu jimplikaw li jkollu jagħżel il-lottijiet ta' materja prima li jkollhom l-inqas riskji fir-rigward tas-sustanzi tossiċi li jkun fihom, jiġifieri li jivverifika l-konċentrazzjoni ta' sustanza li tagħmel il-ħsara fil-lottijiet ta' materja prima u li jagħżel il-lottijiet li jkollhom il-konċentrazzjoni li tkun kompatibbli mal-aħħar avvanzi fil-qasam. F'dan il-każ, il-materja prima li tagħmel parti mill-kompożizzjoni tal-mezz mediku, jiġifieri t-tafal, fiha sustanzi li jagħmlu l-ħsara, b'mod partikolari ċ-ċomb, f'konċentrazzjonijiet li jistgħu jvarjaw minħabba li din hija materja prima ta' oriġini naturali. L-awtoritajiet Franċiżi u l-awtoritajiet Belġjani xeħtu dawl fuq varjazzjoni kbira fil-kontenut taċ-ċomb fil-lottijiet differenti ta' kapsuli tal-mezz mediku. Il-manifattur kellu l-possibbiltà jivverifika l-kontenut taċ-ċomb tal-lottijiet differenti tat-tafal qabel il-manifattura u jagħżel biss il-lottijiet li l-kontenut baxx ta' ċomb tagħhom kien jiggarantixxi li l-kapsuli manifatturati minn din il-materja prima jkollhom konċentrazzjoni aktar baxxa mil-limitu tal-Guideline ICH Q3D. Skont il-kuntratt bejn il-manifattur u l-fornitur tiegħu, il-lottijiet ta' materja prima kienu ttestjati fir-rigward tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb tagħhom u l-manifattur kien jaċċetta l-lottijiet li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb tagħhom ma kinitx taqbeż il-15-il ppm. Il-proporzjon ta' 15-il ppm huwa ekwivalenti għal 15-il μg/g. Meta wieħed iqis li t-trattament ta' kuljum ta' sitt kapsuli jikkorrispondi għal 2 g, il-kwantità ta' ċomb inġestita mill-pazjenti setgħet tilħaq it-30 μg kuljum, jiġifieri ħafna aktar mil-limitu ta' 5 μg kuljum. Għalhekk il-manifattur ma naqqasx kemm jista' jkun ir-riskju marbut mal-preżenza taċ-ċomb fil-mezz mediku billi għażel lottijiet ta' materja prima li setgħu jippermettulu li jimmanifattura mezz mediku li jkun fih proporzjon ta' ċomb aktar baxx mil-limitu stabbilit fil-Guideline ICH Q3D.

(35)

Ir-rekwiżiti essenzjali msemmijin hawn fuq jistgħu wkoll iġiegħlu lill-manifattur ta' mezz mediku jagħżel, bejn tipi differenti ta' materja prima, dik li jkollha l-inqas riskju fir-rigward tas-sustanzi tossiċi li jkun fiha. Fil-fatt, il-punt 7.1 tal-Anness I tad-Direttiva jipprevedi li “għandha tingħata aktar attenzjoni b'mod partikolari għal: l-għażla tal-materjali wżati, b'mod partikolari fir-rigward tat-tossiċità […]”. F'dan il-każ, hemm tipi ta' materja prima oħrajn - bħal, pereżempju, il-karbonju attivat, is-simetikon jew id-dimetikon - li għandhom karatteristiċi simili għat-tafal u li jista' jkun li jkunu jistgħu jilħqu l-istess għan mediku bħal dak li jiddikjara l-manifattur għall-mezz tiegħu, jiġifieri “il-prevenzjoni tad-disturbi diġestivi”. Dawn it-tipi ta' materja prima oħrajn mhumiex magħrufa li fihom iċ-ċomb u għalhekk mhux suppost joħolqu r-riskji li joħloq il-mezz inkwistjoni. Madankollu, il-manifattur ma fittixx materja prima alternattiva li mhijiex ikkontaminata b'sustanzi tossiċi (ara l-messaġġ elettroniku tiegħu tat-30 ta' Marzu 2018). Għalhekk ma naqqasx kemm jista' jkun ir-riskju marbut mal-preżenza taċ-ċomb fil-mezz b'dan il-mod.

(36)

Meta jitqiesu dawn l-elementi, l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jikkunsidraw li l-mezz ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva fir-rigward tal-minimizzazzjoni tar-riskji.

2.1.3.   Oġġezzjonijiet imqajma mill-manifattur dwar in-nuqqas tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali

(37)

Il-manifattur jikkontesta l-użu tal-Guideline ICH Q3D. Huwa jsostni b'mod partikolari li l-Guideline hija ratione materiae – tapplika għall-mediċini – u ratione temporis – tapplika għat-talbiet il-ġodda għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-mediċini minn Ġunju tal-2016 u għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-mediċini eżistenti minn Diċembru tal-2017 – inapplikabbli, u li l-applikazzjoni tagħha tmur kontra l-prinċipji tal-legalità u taċ-ċertezza legali.

(38)

Madankollu, l-użu tal-Guideline ICH Q3D jidħol fil-qafas tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva li jobbliga lil Stat Membru jieħu ċerti miżuri provviżorji jekk jara li mezz mediku joħloq riskju għas-sigurtà u/jew għas-saħħa, u li ma jillimitax l-elementi li fuqhom jista' jibbaża ruħu l-Istat Membru biex juri l-eżistenza ta' dan ir-riskju. Barra minn hekk, għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq (il-punt 24), filwaqt li formalment tapplika għall-mediċini, il-Guideline hija rilevanti biex jiġi osservat ir-riskju marbut mal-preżenza taċ-ċomb f'mezz mediku li s-sitwazzjoni tiegħu hija simili għal dik ta' mediċina. Minn dan jirriżulta li l-użu tal-Guideline jidher li għandu bażi ġuridika u li huwa prevedibbli.

(39)

Il-manifattur jikkontesta l-metodu użat biex jiġi vvalutat ir-riskju. Huwa jsostni b'mod partikolari li dan il-metodu, li huwa bbażat fuq il-kwantità ta' ċomb fil-mezz, mhuwiex rilevanti biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali li jirreferu għas-sustanzi rilaxxati minn mezz, u li mhuwiex adattat għal mezz li huwa magħmul mit-tafal, li ma jirrilaxxax l-elementi tiegħu.

(40)

Madankollu, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, fin-nuqqas ta' studju in vivo li jippermetti li tiġi vvalutata l-kwantità ta' ċomb realment irrilaxxata mill-mezz, il-fatt li l-metodu huwa bbażat fuq il-kwantità ta' sustanza tossika li jkun fih il-mezz jippermetti li tiġi ddeterminata l-kwantità li x'aktarx tiġi rrilaxxata fl-organiżmu u għalhekk li jiġi vvalutat ir-riskju li ġej mis-sustanzi rilaxxati mill-mezz. Jenħtieġ li jiġi indikat ukoll, minn naħa, li l-eżistenza ta' ċertu rilaxx ta' ċomb mill-mezz mhijiex ikkontestata (din tirriżulta b'mod partikolari mit-testijiet imwettqa mill-manifattur innifsu), u min-naħa l-oħra, li l-manifattur iqis li l-kwantità ta' dan ir-rilaxx hija żgħira, iżda l-metodu li huwa juża biex jasal għal din il-konklużjoni jista' jiġi kkontestat (ara l-punt 47 u dawk ta' warajh hawn taħt).

(41)

Il-manifattur isostni li, anki jekk intużat il-Guideline ICH Q3D, il-kwantità ta' ċomb rilaxxata (li fl-ittra tiegħu tat-30 ta' Novembru 2016 jivvaluta li hija ta' 3,126 μg kuljum, u li, skont l-istima li jagħti l-laboratorju NAMSA fir-rapport tiegħu ta' Frar tal-2017, hija ta' 3,96 μg kuljum) hija aktar baxxa mil-limitu msemmi fil-Guideline ICH Q3D (li huwa ta' 5 μg kuljum).

(42)

Madankollu, il-metodu użat mill-manifattur biex jiddetermina l-kwantità ta' ċomb irrilaxxata mill-mezz jista' jiġi kkontestat (ara l-punt 47 u l-punti ta' warajh hawn taħt) u għalhekk ma jippermettix li jiġi affermat li l-kwantità determinata b'dan il-metodu hija tant żgħira li ma toħloq l-ebda riskju, jekk jitqiesu l-Guideline ICH Q3D u dokumenti ta' referenza oħrajn.

(43)

Il-manifattur isostni li r-riskji (kardjovaskulari, newroloġiċi u nefrotossiċi) li osservaw l-awtoritajiet Franċiżi tqiesu permezz tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq il-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu tal-mezz, hekk li l-mezz huwa konformi mar-rekwiżit essenzjali tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva. Isostni wkoll li esponiment eċċessiv għaċ-ċomb jista' jiġi evitat permezz ta' miżuri tal-manifattur bħal, pereżempju, indikazzjonijiet fil-fuljett tal-istruzzjonijiet għall-użu, hekk li miżura tal-awtoritajiet li, fost affarijiet oħra, tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u timponi l-irtirar tal-mezz mis-suq, tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(44)

Madankollu, l-indikazzjonijiet miżjuda mill-manifattur fil-fuljett u li jillimitaw l-użu tal-mezz f'ċerti pazjenti (it-tfal, in-nisa tqal u l-persuni li jbatu minn mard tal-kliewi) ma jippermettux li jiġi eliminat ir-riskju ta' intossikazzjoni miċ-ċomb li jikkonċerna l-popolazzjoni kollha. Studju in vivo li juri li l-kwantità taċ-ċomb li tiġi rilaxxata realment mill-mezz hija aktar baxxa mil-limitu tal-Guideline jista' jikkontribwixxi biex jiġi eliminat ir-riskju ta' esponiment eċċessiv għaċ-ċomb.

(45)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/42/KEE iqis il-prinċipju tal-proporzjonalità billi jipprevedi li l-fatt li jiġi osservat riskju għas-saħħa u/jew għas-sigurtà tal-persuni jimponi t-teħid ta' miżuri utli u provviżorji għall-irtirar mis-suq jew għall-projbizzjoni jew għal-limitazzjoni tat-tqegħid fis-suq. Minn dan jirriżulta, f'dan il-każ, li, jekk l-awtoritajiet Franċiżi jixħtu dawl fuq riskju bħal dan, miżura li timponi s-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq tal-mezz u l-irtirar tiegħu mingħand id-distributuri, sakemm dan isir konformi mar-regolamentazzjoni, tkun konformi kemm mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva u kemm mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(46)

Meta jitqiesu dawn l-elementi, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-manifattur ma jistgħux jixħtu dubju fuq l-osservazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi dwar in-nuqqas ta' konformità tal-mezz ma' ċerti rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva.

2.2.   Applikazzjoni ħażina tal-istandards

(47)

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/42/KEE jirriżulta li r-riskju li jimponi lill-Istati Membri jieħdu xi miżuri jista' jirriżulta b'mod partikolari minn applikazzjoni ħażina tal-istandards imsemmijin fl-Artikolu 5 tad-Direttiva u li jkun qed jiġi allegat li ġew applikati.

(48)

Il-manifattur isostni li l-mezz ġie vvalutat u ġġudikat b'mod konformi ma' ċerti standards armonizzati dwar il-valutazzjoni bijoloġika tal-mezzi mediċi (b'mod partikolari l-istandards EN ISO 10993–1 2009/AC: 2010, EN ISO 10993-12 2012, EN ISO 10993-17 2009 u EN ISO 10993-18 2009) li jikkorrispondu għal ċerti rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva u li r-referenza tagħhom ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hekk li l-mezz irid jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali inkwistjoni.

(49)

Dawn l-istandards dwar il-valutazzjoni bijoloġika tal-mezzi mediċi jipprevedu, b'mod partikolari, li l-metodu użat irid jirriproduċi l-kundizzjonijiet reali tal-użu tal-mezz mediku u li jista' jkun meħtieġ li jitwettqu testijiet oħra minbarra dawk deskritti fl-istandards, kif muri mid-dispożizzjonijiet imniżżlin hawn taħt.

L-istandard EN ISO 10993-1 2010: valutazzjoni bijoloġika tal-mezzi mediċi – valutazzjonijiet u testijiet fi proċess ta' ġestjoni tar-riskji

L-introduzzjoni tal-istandard tindika b'mod partikolari li “jekk ikun meħtieġ, dan l-approċċ jiġbor flimkien l-eżami u l-valutazzjoni tad-data kollha eżistenti mal-għażla u mal-implimentazzjoni ta' testijiet addizzjonali, u dan jippermetti li titwettaq valutazzjoni kompluta tar-reazzjonijiet bijoloġiċi għal kull mezz mediku fir-rigward tas-sigurtà tal-użu tiegħu”; li “il-valutazzjoni bijoloġika hija bbażata, fost l-oħrajn, fuq metodi ta' ttestjar in vitro u in vivo u fuq mudelli bbażati fuq l-annimali”; li “l-istandard ISO 10993 mhuwiex maħsub biex jipprovdi sett riġidu ta' metodi ta' ttestjar bi kriterji ta' aċċettazzjoni u ta' rifjut”; u li huwa jrid jintuża “filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha li jikkonċernaw il-mezz mediku, l-użu previst tiegħu u l-għarfien attwali dwar il-mezz mediku li jkun inkiseb mill-konsultazzjoni tal-letteratura xjentifika u mill-esperjenza klinika preċedenti”.

Il-punt 4.4 tal-istandard jindika b'mod partikolari li “l-għażla tat-testijiet u tad-data meħtieġa f'valutazzjoni bijoloġika u l-interpretazzjoni tagħha jridu jqisu l-kompożizzjoni kimika tal-materjali, inklużi l-kundizzjonijiet ta' esponiment, kif ukoll in-natura, il-livell, il-frekwenza u t-tul ta' żmien tal-esponiment tal-ġisem uman għall-mezz jew għall-komponenti tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati l-mezzi biex tiġi ffaċilitata l-għażla tat-testijiet ix-xierqa (…). Ir-rigorożità meħtieġa fil-valutazzjoni bijoloġika hija prinċipalment determinata min-natura, mil-livell, mit-tul ta' żmien u mill-frekwenza tal-esponiment u tal-perikli identifikati għall-materjal”.

Il-punt 6.1 tal-istandard jindika b'mod partikolari li “ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskji jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li hija meħtieġa karatterizzazzjoni ulterjuri tal-materjali, pereżempju meta l-marġni ta' sigurtà ma titqiesx li hija biżżejjed li kieku l-ammont sħiħ tas-sustanza kimika kellu jiġi rilaxxat. F'każijiet bħal dawn, test ta' estrazzjoni li jissimula esponiment kliniku jista' jkun utli biex issir stima tal-livell ta' esponiment kliniku tal-komponent kimiku”.

Il-punt 6.2.2 tal-istandard, dwar id-deskrizzjoni tat-testijiet, jindika b'mod partikolari li “huwa essenzjali għat-testijiet li kull mezz jitqies skont il-kapaċitajiet tiegħu stess. Jistgħu jkunu meħtieġa xi testijiet addizzjonali mhux imsemmijin fit-tabella [tal-Anness A]” (il-punt 6.2.2.1), li “jistgħu jkunu meħtieġa xi testijiet in vivo biex tiġi vvalutata l-bijodegradazzjoni ta' materjal” (il-punt 6.2.2.13) u li “iridu jiġu previsti studji marbutin mal-aspetti tossikokinetiċi jekk (…) hemm iċ-ċertezza jew il-probabbiltà li jiġu rilaxxati kwantitajiet sostanzjali ta' prodotti li jlissu u li jkun hemm degradazzjoni potenzjalment tossika jew reattiva mill-mezz mediku lejn il-ġisem waqt l-użu kliniku” (il-punt 6.2.2.14).

L-Anness A (informattiv) tal-istandard, li jinkludi tabella li tiddeskrivi t-testijiet ta' valutazzjoni bijoloġika li jridu jitqiesu fir-rigward tan-natura tal-kuntatt mal-ġisem uman u tat-tul ta' żmien tal-kuntatt, ma jkoprix espliċitament il-mezzi mediċi li jiġu inġestiti. Jindika li “it-Tabella A.1 tipprovdi qafas għall-istabbiliment ta' programm ta' valutazzjoni u mhux lista ta' verifika” u li “minbarra l-qafas mogħti fit-Tabella A.1, għandu jitqies dan li ġej [jiġifieri t-testijiet li jridu jitwettqu] abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji (…)”.

L-istandard EN ISO 10993-12 2012: valutazzjoni bijoloġika tal-mezzi mediċi – tħejjija tal-kampjuni u materjali ta' referenza

Il-punt 10.3.2 tal-istandard, dwar il-kundizzjonijiet u l-metodi ta' estrazzjoni, jindika b'mod partikolari li “l-estrazzjoni trid issir bl-użu tas-solvent ta' estrazzjoni x-xieraq u fil-kundizzjonijiet tal-ħin/tat-temperatura li jippermettu s-simulazzjoni ta' esponiment esaġerat meta dan ikun possibbli. Jista' jkun li t-taħlil komplut ikun xieraq”.

Il-punt C.1 tal-Anness C (informattiv) tal-istandard, dwar il-prinċipji ta' estrazzjoni tal-kampjun, jindika b'mod partikolari li “idealment, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ta' estrazzjoni u ta' applikazzjoni tal-estratt għas-sistemi tal-ittestjar ikunu jirriflettu mhux biss il-kundizzjonijiet reali tal-użu tal-prodott, iżda wkoll l-għan u l-prevedibbiltà tat-testijiet” u li “it-testijiet bijoloġiċi jitwettqu biex jiġu identifikati l-fenomeni perikolużi u biex issir stima tar-riskji fil-kundizzjonijiet tal-użu esaġerati u/jew reali (…). L-estrazzjoni esaġerata jew l-estrazzjoni eżawrjenti huma adattati għall-identifikazzjoni tal-fenomeni perikolużi”.

L-istandard EN ISO 10993-18 2009: valutazzjoni bijoloġika tal-mezzi mediċi – karatterizzazzjoni kimika tal-materjali

Il-punt 5 tal-istandard jindika b'mod partikolari li “biex jiġu vvalutati r-riskji li jinħolqu mill-komponenti tal-prodott, jeħtieġ madankollu li tinġabar l-informazzjoni li tippermetti li wieħed juri l-ambitu tad-disponibbiltà tal-komponenti fil-kundizzjonijiet reali tal-użu tal-prodott aħħari”.

(50)

F'dan il-każ, jidher li l-manifattur uża metodu ta' ttestjar li ma jirriflettix il-kundizzjonijiet reali tal-użu tal-mezz. B'mod partikolari, il-metodu użat biex tiġi ddeterminata l-kwantità ta' ċomb rilaxxata, li jikkonsisti fl-użu ta' 12-il ml ilma biss bħala volum ta' estrazzjoni u fl-użu ta' ilma aċidifikat biss, mingħajr bolus u mingħajr ambjent xieraq (dinamiku), mhuwiex rappreżentattiv tal-kundizzjonijiet reali tal-użu tal-mezz, jiġifieri l-inġestjoni bi kwantità akbar ta' likwidu, il-preżenza ta' bolus u l-perkors tal-apparat diġestiv kollu. Barra minn hekk, jidher li l-manifattur ma użax metodu tal-ittestjar ieħor, b'mod partikolari testijiet fuq il-bniedem (in vivo) li jippermettu li jiġi stabbilit il-proporzjon ta' ċomb li realment jinsab fid-demm. Minn dan jirriżulta li l-manifattur ma jistabbilixxix li l-kwantità ta' ċomb rilaxxata hija żgħira u/jew aktar baxxa mil-limitu ta' referenza tal-Guideline ICH Q3D.

(51)

Meta jitqiesu dawn l-elementi, jista' jiġi kkunsidrat li ġew applikati ħażin l-istandards imsemmijin fl-Artikolu 5 tad-Direttiva li qed jiġi allegat li ġew applikati, hekk li r-riskju marbut mal-preżenza taċ-ċomb fil-mezz ma ġiex eliminat.

2.3.   Konklużjoni

(52)

Abbażi tal-informazzjoni miksuba mid-deċiżjoni nnotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi u mill-konsultazzjonijiet imwettqin mal-partijiet ikkonċernati, u meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu jqisu li hemm ir-riskju li l-mezz jikkomprometti s-saħħa u/jew is-sigurtà tal-persuni, u għalhekk setgħu jieħdu miżura provviżorja biex il-mezz ma jitqiegħedx aktar fis-suq u jiġi rtirat mis-suq fil-livell tad-distributuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li ħadu l-awtoritajiet Franċiżi fis-16 ta' Awwissu 2016 dwar il-mezzi mediċi Terrafor u Defiligne, li tissospendi t-tqegħid fis-suq tagħhom u tipprevedi l-irtirar mis-suq tagħhom, hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1.

(2)  It-titlu ta' dan ir-rapport huwa “Addendum to risk assessment No.164726 from 17 February 2017 ”.

(3)  Fir-rigward tal-klawsola ta' salvagwardja tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24), ara, b'mod partikolari, il-punti 46, 79 u 80 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Lulju 2015, CSF Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-337/13, ECLI:EU:T:2015:502.

(4)  Ara l-punt 71 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' April 2015, Christoph Klein vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-120/14 P, ECLI:EU:C:2015:252.

(5)  Agency for Toxic Substances and Disease Registry, Public Health Service, U.S. Department of Health and Human Services, “Toxicological profile for lead”, 2007; National Toxicology Program, U.S. Department of Health and Human Services, “Monograph on health effects of low-level lead”, 2012.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(7)  It-titolu ta' dan ir-rapport huwa “Project 164726 – Clinical evaluation report - Ventre plat devices - Version: V2 final May 24, 2016 ”.

(8)   ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1.

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(10)  https://echa.europa.eu/mt/substance-information/-/substanceinfo/100.028.273


Rettifika

29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/37


Rettifika tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 150 tal-14 ta' Ġunju 2018 )

Fil-paġna 54, l-Artikolu 54(2), l-ewwel sentenza,

minflok:

“Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 26(5), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), l-Artikolu 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l- Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2021.”,

aqra:

“Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), l-Artikolu 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l- Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-17 ta' Ġunju 2018.”;

Fil-paġna 54, l-Artikolu 54(3), l-ewwel sentenza,

minflok:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 26(5), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l-Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni.”,

aqra:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l-Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni.”.