ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 252

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
8 ta' Ottubru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1489 tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

35

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

38

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

40

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1492 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

42

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

44

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk ( ĠU L 96, 16.4.2018 )

47

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1488

tat-28 ta' Settembru 2018

li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Billi

(1)

Is-sħubijiet pubbliċi privati bl-għamla ta' Impriżi Teknoloġiċi Konġunti kienu inizjalment previsti mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), “Orizzont 2020”. Huwa jimmira li jżid l-impatt fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni billi jgħaqqad il-finanzjament ta' Orizzont 2020 mal-fondi tas-settur privat fi sħubijiet pubbliċi privati f'oqsma fejn il-kamp ta' applikazzjoni u l-iskala tar-riżorsi fir-riċerka u l-innovazzjoni huma ġustifikati għall-għanijiet usa' tal-kompetittività tal-Unjoni, jimmobilizza l-investiment privat u jgħin ħalli jingħelbu l-isfidi tas-soċjetà f'numru limitat ta' każijiet b'valur miżjud Ewropew ċar. Dawk is-sħubijiet jenħtieġ ikunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluż kontribuzzjoni bilanċjata mingħand is-sħab kollha, ikunu responsabbli għall-kisba tal-għanijiet tagħhom u jkunu allinjati mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta' dawk is-sħubijiet jenħtieġ li jkunu miftuħa, trasparenti, effettivi, effiċjenti u inklużivi, billi jagħtu l-opportunità biex firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati attivi fl-oqsma speċifiċi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem.

(3)

F'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (5), jista' jingħata appoġġ lill-impriżi konġunti stabbiliti fil-qafas ta' Orizzont 2020 bil-kondizzjonijiet speċifikati f'dik id-Deċiżjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxa l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Il-FNE jenħtieġ tippermetti t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni fi ħdan il-qafas tal-politika tan-netwerks trans-Ewropej fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija. B'mod partikolari, il-FNE jenħtieġ tappoġġa l-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti ta' interess komuni mmirati biex jiżviluppaw u jibnu infrastrutturi u servizzi ġodda, jew biex jaġġornaw infrastrutturi u servizzi eżistenti, fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija. Il-FNE jenħtieġ tikkontribwixxi għall-appoġġ ta' proġetti b'valur miżjud Ewropew u b'benefiċċji soċjetali sinifikanti li ma jirċevux finanzjament adegwat mis-suq.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) stabbilixxa l-linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u stabbilixxa l-kundizzjonijiet settorjali speċifiċi għas-settur tat-telekomunikazzjoni.

(6)

Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja jikkwalifika bħala proġett ta' interess komuni fil-qasam tal-infrastrutturi ta' servizz diġitali identifikati li huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 283/2014, jiġifieri l-aċċess għal informazzjoni tas-settur pubbliku li tista' terġa' tintuża, kif imsemmi fil-punt 3(d) tal-Anness għal dak ir-Regolament. F'konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, il-Kummissjoni tista' tafda parti mill-implimentazzjoni tal-FNE f'idejn il-korpi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (l-“Istrateġija Ewropa 2020”), approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, tenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-għarfien u fl-innovazzjoni ħalli jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata “Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing — il-bini ta' data kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” tappella għall-istabbiliment ta' infrastruttura Ewropea tad-data bbażata fuq kapaċitajiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u l-iżvilupp ta' ekosistema sħiħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew li tkun kapaċi tiżviluppa teknoloġija Ewropea ġdida u toħloq superkompjuters fuq skala eksa. L-importanza tal-qasam u l-isfidi li jsibu quddiemhom il-partijiet konċernati tal-Unjoni jeħtieġu azzjoni ħalli jinġabru r-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa, inkluż dawk eżistenti bħal, pereżempju, superkompjuters nazzjonali u ċentri tas-supercomputing, ħalli tingħalaq il-katina mir-riċerka u l-iżvilupp sar-realizzazzjoni u t-tħaddim ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa. Għaldaqstant, jenħtieġ jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-Unjoni li jikkombina u jikkonċentra l-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment ta' infrastruttura tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew ta' klassi dinjija u għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja mill-Istati Membri, l-Unjoni u s-settur privat. Jenħtieġ li din l-infrastruttura tipprovdi aċċess lill-utenti mis-settur pubbliku, l-utenti mill-industrija, inkluż l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u l-utenti akkademiċi, fosthom lill-komunitajiet xjentifiċi tal-Cloud Ewropew emerġenti tax-Xjenza Miftuħa.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali — Suq Uniku Diġitali Konness għal Kulħadd, tidentifika l-Computing ta' Prestazzjoni Għolja bħala element kritiku għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u l-ekonomija tad-data. Hemm bżonn isiru investimenti kbar għall-iżvilupp, l-akkwiżizzjoni u t-tħaddim ta' superkompjuters klassifikati fost l-aqwa tlieta fid-dinja u, waħdu, l-ebda pajjiż Ewropew ma għandu r-riżorsi biex jiżviluppa ekosistema sħiħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. Għaldaqstant, hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri, l-Unjoni u s-settur privat jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jaqsmu r-riżorsi bejniethom ħalli jlaħħqu mad-domanda dejjem tikber għal Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u biex tinbena ekosistema xjentifika u industrijali b'saħħitha u innovattiva tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Unjoni kollha. Il-Komunikazzjoni tipproponi l-ħolqien ta' strument legali li jipprovdi qafas tal-akkwist għal infrastruttura integrata tad-data u tas-supercomputing fuq skala eksa.

(10)

Biex l-Unjoni tingħata l-prestazzjoni tal-computing meħtieġa biex tibqa' fuq quddiem fir-riċerka, jenħtieġ li l-investiment tal-Istati Membri fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja jiġi kkoordinat u jrid jissaħħaħ l-użu mis-suq u mill-industrija tat-teknoloġija tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir aktar effettiva billi ssarraf l-iżviluppi tat-teknoloġija f'sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew li huma orjentati lejn id-domanda u xprunati mill-applikazzjoni u li huma kompetittivi fil-post tas-suq, filwaqt li tistabbilixxi rabta effettiva bejn il-forniment tat-teknoloġija, il-kodisinn mal-utenti, u l-akkwist konġunt ta' sistemi ta' klassi dinjija, u l-ħolqien ta' ekosistema li kapaċi tikkompeti globalment fit-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Unjoni tipprovdi opportunità għall-industrija tal-provvista tagħha biex timmobilizza investimenti bħal dawn, u dan wassal biex l-użu tagħhom fuq skala kbira u f'oqsma ta' applikazzjonijiet emerġenti bħall-mediċina personalizzata, is-sewqan konness u awtomatizzat jew swieq ewlenin oħra li huma bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji tal-blockchain, l-edge computing jew b'mod aktar wiesa' bid-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(11)

Impriża Konġunta tirrappreżenta l-aqwa strument li kapaċi jimplimenta l-miri tal-Istrateġija għal Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew kif stabbilit fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, biex jixxejnu l-limitazzjonijiet ta' żmienna, jitħalla l-aktar impatt ekonomiku, soċjetali u ambjentali, u jkunu żgurati l-interessi tal-Unjoni bl-aħjar mod. Tiġbor flimkien riżorsi tal-Unjoni, tal-Istati Parteċipanti u tas-settur privat. Tista' timplimenta qafas tal-akkwist u tħaddem sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija bil-promozzjoni tat-teknoloġija, partikolarment jekk kompetittiva u Ewropea. Tista' tniedi programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp tat-teknoloġiji Ewropej u l-integrazzjoni sussegwenti tagħhom f'sistemi tas-supercomputing fuq skala eksa u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' industrija kompetittiva Ewropea għall-forniment tat-teknoloġija.

(12)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta titwaqqaf u tibda taħdem sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019 biex tintlaħaq il-mira li l-Unjoni jkollha infrastruttura fuq skala pre-eksa sal-2020 u biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu l-kapaċitajiet fuq skala eksa lejn l-2022-2023, filwaqt li tkun promossa ekosistema kompetittiva tal-innovazzjoni tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew. Iċ-ċiklu tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss normalment jieħu erbgħa sa ħames snin, u għalhekk biex nibqgħu kompetittivi fis-suq dinji, l-azzjonijiet biex tintlaħaq il-mira fuq skala eksa jridu jibdew malajr kemm jista' jkun.

(13)

Is-sħubija pubblika privata bl-għamla ta' Impriża Konġunta jenħtieġ tgħaqqad il-mezzi tekniċi u finanzjarji li huma essenzjali biex tingħaraf il-kumplessità tar-ritmu dejjem aktar mgħaġġel tal-innovazzjoni f'dan il-qasam. Għalhekk, il-membri tal-Impriża Konġunta jenħtieġ ikunu l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 li jiftiehmu fuq inizjattiva Ewropea konġunta tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-entitajiet kostitwenti tagħhom u lil organizzazzjonijiet oħra b'impenn espliċitu u attiv ħalli jinkisbu riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u jżommu l-għarfien fil-qasam tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Ewropa. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li tkun miftuħa għal membri ġodda.

(14)

Jenħtieġ li l-Unjoni, l-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta, ilkoll jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta. Skont il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż amministrattivi tista' tintuża għall-ispejjeż operazzjonali biss sal-2023. L-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta jenħtieġ ikopru l-bqija tal-ispejjeż amministrattivi kollha tal-Impriża Konġunta mill-2024.

(15)

Bil-ħsieb li terġa' tinkiseb pożizzjoni fuq quddiem nett fit-teknoloġiji tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u tiġi żviluppata ekosistema sħiħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja għall-Unjoni, il-partijiet ikkonċernati industrijali u tar-riċerka fl-Assoċjazzjoni privata tal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) waqqfu Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali mal-Unjoni fl-2014. Il-missjoni tagħha hi li toħloq katina tal-valur tat-teknoloġija Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija, li jenħtieġ tkun kompetittiva globalment, filwaqt li trawwem sinerġiji bejn it-tliet komponenti ewlenin tal-ekosistema tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, jiġifieri l-iżvilupp tat-teknoloġija, l-applikazzjonijiet u l-infrastruttura tas-supercomputing. Meta jitqies l-għarfien espert tagħha u r-rwol tagħha li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati privati rilevanti tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, l-Assoċjazzjoni privata ETP4HPC jenħtieġ li tkun eliġibbli biex issir membru tal-Impriża Konġunta.

(16)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-katina tal-valur tad-data, jissaħħaħ il-bini tal-komunitajiet madwar id-data u jinfirxu l-pedamenti għal ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data fl-Unjoni, fl-2014 il-partijiet ikkonċernati industrijali u tar-riċerka fl-Assoċjazzjoni dwar il-Valur tal-Big Data (BDVA) waqqfu sħubija pubblika privata kuntrattwali mal-Unjoni. Meta jitqies l-għarfien espert tagħha u r-rwol tagħha li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati privati rilevanti tal-big data, il-BDVA jenħtieġ li tkun eliġibbli biex issir membru tal-Impriża Konġunta.

(17)

L-assoċjazzjonijiet privati ETP4HPC u BDVA esprimew, bil-miktub, ir-rieda tagħhom li jikkontribwixxu għall-istrateġija teknoloġika tal-Impriża Konġunta u li jinvolvu l-għarfien espert tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta. Jixraq li l-assoċjazzjonijiet privati jaċċettaw l-Istatuti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament b'ittra tal-approvazzjoni.

(18)

L-assoċjazzjoni ta' Sħubija għall-Computing Avvanzat fl-Ewropa (PRACE) li hija mingħajr skop ta' qligħ għandha 25 pajjiż membru li l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħha joħolqu infrastruttura tas-supercomputing pan-Ewropea, li tipprovdi aċċess għar-riżorsi u s-servizzi tal-computing u l-ġestjoni tad-data għal applikazzjonijiet xjentifiċi u tal-inġinerija fuq skala kbira fl-ogħla livell ta' prestazzjoni. L-Impriża Konġunta tista' tikkoopera mal-PRACE għall-għoti u l-ġestjoni tal-aċċess għal supercomputing federat u interkonness u l-infrastruttura tad-data u s-servizzi tagħha, kif ukoll għal faċilitajiet ta' taħriġ u opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet.

(19)

In-netwerk GÉANT jgħaqqad 38 imsieħeb tan-netwerks nazzjonali ta' riċerka u edukazzjoni li jwasslu netwerk pan-Ewropew għall-eċċellenza xjentifika, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Permezz tal-katalgu integrat tiegħu ta' konnettività, ta' kollaborazzjoni u ta' servizzi ta' identità, GÉANT jipprovdi lill-utenti b'servizzi li huma affidabbli ħafna, b'aċċess mingħajr limiti għall-computing, l-analiżi, il-ħażna, l-applikazzjonijiet u riżorsi oħra, biex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tar-riċerka. L-Impriża Konġunta tista' tikkoopera man-netwerk GÉANT għall-konnettività bejn is-superkompjuters tal-Impriża Konġunta, kif ukoll ma' infrastrutturi tad-data u s-supercomputing Ewropej oħra.

(20)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tindirizza suġġetti ddefiniti b'mod ċar li jippermettu lill-industriji Ewropej u l-akkademiċi inġenerali biex ifasslu, jiżviluppaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u biex jibnu infrastruttura integrata f'network mal-Unjoni kollha b'kapaċità tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija, konnettività b'veloċità kbira, applikazzjonijiet mill-aktar avvanzati, u s-servizzi tad-data u tas-software għax-xjenzati tagħha u għal utenti ewlenin oħra mill-industrija, inkluż mill-SMEs u mis-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li tagħmel sforzi biex tnaqqas id-distakk fil-ħiliet speċifiċi relatati mal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja madwar l-Union billi tinvolvi ruħha f'miżuri ta' sensibilizzazzjoni u tassisti fil-bini ta' għarfien ġdid u tal-kapital uman.

(21)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta twitti t-triq għal viżjoni aktar fit-tul u tipprepara t-triq biex tinbena l-ewwel infrastruttura ibrida tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Ewropa, li tintegra arkitetturi tradizzjonali tal-computing ma' tagħmir tal-quantum computing, pereżempju li tisfrutta l-quantum kompjuter bħala aċċelleratur ta' fili tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. Hemm bżonn appoġġ finanzjarju strutturat u kkoordinat fil-livell Ewropew biex jgħin lit-timijiet tar-riċerka u lill-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem nett f'kuntest internazzjonali kompetittiv ħafna billi jipproduċu riżultati fost l-aħjar fid-dinja biex ikun żgurat l-isfruttament industrijali malajr u mifrux tar-riċerka u t-teknoloġija Ewropea madwar l-Unjoni li joħloq effetti konsegwenzjali importanti għas-soċjetà, biex jinqasam it-teħid tar-riskji u jingħaqdu l-forzi b'allinjament tal-istrateġiji u l-investimenti lejn interess Ewropew komuni.

(22)

Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha li jitfasslu, jiġu żviluppati u jintużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, l-Impriża Konġunta jenħtieġ tipprovdi appoġġ finanzjarju, l-aktar fl-għamla ta' għotjiet u akkwist, wara sejħiet miftuħa u kompetittivi għal proposti u għal sejħiet għal offerti bbażati fuq pjanijiet ta' ħidma annwali. Dan l-appoġġ finanzjarju jenħtieġ jiġi indirizzat b'mod partikolari għan-nuqqasijiet pruvati fis-suq li jxekklu l-iżvilupp tal-programm ikkonċernat, u jenħtieġ ikollu effett ta' inċentiv b'mod li jibdel l-aġir ta' min jirċevih.

(23)

Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha li jiżdied il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-industrija, u b'mod partikolari tal-SMEs, tikkontribwixxi biex tnaqqas id-distakk fil-ħiliet speċifiċi relatati mal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, tappoġġa ż-żieda tal-għarfien u tal-kapital uman u ttejjeb il-kapaċitajiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tappoġġa l-ħolqien, u b'mod partikolari n-networking u l-koordinazzjoni ta' ċentri ta' kompetenza nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li dawn iċ-ċentri ta' kompetenza jipprovdu servizzi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq it-talba tal-industrija, l-akkademiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Huma jenħtieġ li primarjament jippromwovu u jippermettu aċċess għall-ekosistema tal-innovazzjoni tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, jiffaċilitaw l-aċċess għas-superkompjuters, jindirizzaw l-iskarsezza sinifikanti ta' esperti tekniċi ta' ħila permezz ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ u attivitajiet ta' komunikazzjoni, u jagħmlu attivitajiet ta' networking mal-partijiet ikkonċernati u ċentri ta' kompetenza oħra biex jitrawmu innovazzjonijiet usa', pereżempju permezz tal-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattika ta' każijiet ta' użu jew ta' esperjenzi ta' applikazzjonijiet, billi jikkondividu l-faċilitajiet ta' taħriġ u l-esperjenzi tagħhom, billi jiffaċilitaw l-iżvilupp konġunt u l-iskambju tal-kodiċijiet paralleli, jew billi jappoġġaw il-kondiviżjoni ta' applikazzjonijiet innovattivi u għodod għall-utenti pubbliċi u privati, b'mod partikolari l-SMEs.

(24)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tipprovdi qafas orjentat lejn id-domanda u xprunata mill-utent u tippermetti approċċ ta' kodisinn għall-akkwiżizzjoni ta' infrastruttura integrata tad-data u tas-supercomputing fuq skala eksa ta' klassi dinjija fl-Unjoni, sabiex l-utenti jingħatawlhom ir-riżorsi strateġiċi tal-informatika li jeħtieġu ħalli jibqgħu kompetittivi u jegħlbu l-isfidi tas-soċjetà, ambjentali, ekonomiċi u tas-sigurtà. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tikkontribwixxi għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala pre-eksa u fuq skala peta. Jenħtieġ li s-superkompjuters tal-Impriża Konġunta jkunu installati fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru.

(25)

Jenħtieġ li Orizzont 2020 jikkontribwixxi biex jixxejjen id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni billi jippromwovi sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE). Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tipprova tiżviluppa interazzjonijiet mill-qrib mal-FSIE, li speċifikament jistgħu jgħinu biex isaħħu l-kapaċitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tipprovdi qafas favorevoli għall-Istati Parteċipanti li huma Stati Membri biex jużaw il-FSIE tagħhom għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters. L-użu tal-FSIE fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta huwa essenzjali għall-iżvilupp fl-Unjoni ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u infrastruttura tad-data integrati u f'network, minħabba li l-benefiċċji għal tali infrastruttura jestendu lil hinn sew mill-utenti tal-Istati Membri. Jekk l-Istati Parteċipanti jiddeċiedu li jużaw l-FSIE sabiex jikkontribwixxu għall-ispejjeż involuti fl-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tqis is-sehem tal-Unjoni fl-FSIE ta' dan l-Istat Parteċipanti, filwaqt li jiġi kontabbilizzat biss is-sehem nazzjonali tal-FSIE bħala kontribuzzjoni nazzjonali għall-baġit tal-Impriża Konġunta. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-fondi ta' Orizzont 2020 u l-FNE tkopri sa 50 % tal-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni u sa 50 % tal-ispejjeż operattivi tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa, biex ikun hemm allinjament mal-objettiv tal-Impriża Konġunta li jingħata kontribut għall-ġbir flimkien tar-riżorsi biex l-Unjoni tiġi mgħammra b'superkompjuters fuq skala pre-eksa ta' klassi dinjija. Fil-każ ta' superkompjuters fuq skala peta, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-fondi ta' Orizzont 2020 u l-FNE għandhom ikopru sa 35 % tal-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni tas-superkompjuter, biex ikun hemm allinjament mal-fondi eżistenti għall-akkwist tal-innovazzjoni f'Orizzont 2020. Jenħtieġ li l-bqija tal-ispejjeż tas-superkompjuters fuq skala peta u s-superkompjuters fuq skala pre-eksa jkunu koperti mill-Istati Parteċipanti.

(27)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tkun is-sid tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa li tkun akkwistat. Jenħtieġ li t-tħaddim ta' kull superkompjuter fuq skala pre-eksa tiġi fdata f'idejn entità ospitanti. L-entità ospitanti tista' tirrappreżenta Stat Parteċipanti wieħed li jkun Stat Membru jew konsorzju ospitanti. L-entità ospitanti jenħtieġ li tkun f'pożizzjoni li tipprovdi stima preċiża u li tivverifika l-ispejjeż operattivi ta' superkompjuter, billi tiżgura, pereżempju is-separazzjoni funzjonali u, sa fejn ikun possibbli, is-separazzjoni fiżika tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa tal-Impriża Konġunta u kwalunkwe sistema tal-computing nazzjonali jew reġjonali li tħaddem. Jenħtieġ li l-entità ospitanti tintgħażel mill-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta (“Bord tat-Tmexxija”) wara sejħa għal espressjoni ta' interess ivvalutata minn esperti indipendenti. Ladarba tintgħażel entità ospitanti, jenħtieġ li l-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew il-Konsorzju ospitanti, ikun jista' jiddeċiedi li jistieden lil Stati Parteċipanti oħra biex jissieħbu u jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa li jkun ser jiġi installat fl-entità ospitanti magħżula. Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għas-superkompjuter fuq skala pre-eksa jenħtieġ li jkun direttament proporzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li saret mill-fondi ta' Orizzont 2020 u tal-FNE għall-ispiża totali tas-sjieda ta' dak is-superkompjuter u jenħtieġ li ma' jeċċedix 50 % tal-ħin tal-aċċess totali ta' dak is-superkompjuter. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti f'Konsorzju ospitanti għas-superkompjuter fuq skala pre-eksa jenħtieġ li jissarrfu f'ishma tal-ħin tal-aċċess għal dak is-superkompjuter. Jenħtieġ li l-Istati Parteċipanti jaqblu bejniethom dwar it-tqassim tas-sehem tagħhom tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuter fuq skala pre-eksa. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li tibqa' s-sid tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa sakemm jiġu deprezzati.

Imbagħad is-sjieda tista' tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti għad-dekummissjonar, ir-rimi jew kwalunkwe użu ieħor. Jekk jiġi hekk miftiehem, fejn is-sjieda tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti qabel il-perijodu tad-deprezzament sħiħ ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa, jew minħabba li l-Impriża Konġunta tkun qed tiġi likwidata, jenħtieġ li l-entità ospitanti tħallas lura lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-superkompjuter.

(28)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta takkwista b'mod konġunt mal-Istati Parteċipanti s-superkompjuters fuq skala peta. Jenħtieġ li t-tħaddim ta' kull superkompjuter fuq skala peta tiġi fdata f'idejn entità ospitanti. L-entità ospitanti tista' tirrappreżenta Stat Parteċipanti wieħed li huwa Stat Membru jew konsorzju ospitanti ta' Stati Parteċipanti. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tkun proprjetarja tal-parti li tikkorrispondi għas-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni mill-fondi ta' Orizzont 2020 u l-FNE. Jenħtieġ li l-entità ospitanti tintgħażel mill-Bord tat-Tmexxija wara sejħa għal espressjoni ta' interess ivvalutata minn esperti indipendenti. Jenħtieġ li s-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter fuq skala peta jkun proporzjonali direttament mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni mill-fondi ta' Orizzont 2020 u l-FNE għall-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni ta' dak is-superkompjuter fuq skala peta. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tittrasferixxi s-sjieda tagħha lill-entità ospitanti wara d-deprezzament sħiħ tat-tħaddim tas-superkompjuter fuq skala peta jew meta jkun qed jiġi likwidat. F'dak il-każ, l-entità ospitanti jenħtieġ li tirrimborża lill-Impriża Konġunta, il-valur residwu tas-superkompjuter.

(29)

Jenħtieġ li d-disinn u t-tħaddim tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u fuq skala peta appoġġati mill-Impriża Konġunta jikkunsidraw l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà ambjentali.

(30)

Sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw id-domanda li dejjem qed tikber tal-utenti għal riżorsi tas-supercomputing, l-Istati Parteċipanti jistgħu jipprovdu lill-Impriża Konġunta ħin tal-aċċess għal wieħed jew aktar mis-superkompjuters nazzjonali tagħhom disponibbli, jiġifieri li għadu ma ġiex impenjat u li mhux kofinanzjat mill-Impriża Konġunta. F'dan il-każ, jenħtieġ li l-Istati Parteċipanti jipprovdu lill-Impriża Konġunta fuq bażi volontarja sehem raġonevoli tal-ħin tal-aċċess għal superkompjuters nazzjonali li jkollhom livell ta' prestazzjoni aċċettabbli, sabiex l-Impriża Konġunta tkun tista' tindirizza id-domanda tal-utenti. Jenħtieġ li tali provvediment tal-ħin tal-aċċess għal superkompjuter nazzjonali ma jkunx kontabbilizzat bħala kontribuzzjoni finanzjarja jew in natura tal-Istat Parteċipanti lill-Impriża Konġunta.

(31)

Jenħtieġ li s-superkompjuters fuq skala pre-eksa u peta jintużaw primarjament għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni pubblika, minn utenti akkademiċi, mill-industrija jew mis-settur pubbliku. Jenħtieġ li l-allokazzjoni lill-utent tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters tkun ibbażata primarjament fuq sejħiet miftuħa għal espressjoni ta' interess imnedija mill-Impriża Konġunta u vvalutati minn esperti indipendenti. Jenħtieġ li malli tittieħed deċiżjoni mill-Bord ta' Tmexxija, jkun possibbli li jingħata perċentwal żgħir ta' ħin tal-aċċess mingħajr sejħa għal espressjoni ta' interess f'xi każijiet eċċezzjonali bħal pereżempju, l-inizjattivi strateġiċi Ewropej jew f'sitwazzjonijiet ta' ġestjoni ta' emerġenza u kriżi. L-Impriża Konġunta jenħtieġ titħalla twettaq ftit attivitajiet ekonomiċi limitati għal skopijiet kummerċjali. Jenħtieġ li jingħata aċċess lill-utenti stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020. Id-drittijiet tal-aċċess jenħtieġ ikunu bħad-drittijiet ta' kull utent ieħor u jingħataw b'mod trasparenti. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jiddefinixxi u jissorvelja d-drittijiet tal-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter.

(32)

Is-superkompjuters tal-Impriża Konġunta jenħtieġ li jitħaddmu u jintużaw f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 (9), id-Direttiva 2002/58/KE (10) u d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(33)

Jenħtieġ li jitħalla jsir użu limitat tas-superkompjuters mill-utenti li jwettqu attivitajiet ekonomiċi għal applikazzjonijiet ċivili li mhumiex tar-riċerka. Il-ħin tal-aċċess jenħtieġ jingħata primarjament lill-utenti stabbiliti fl-Unjoni jew f'Pajjiż Assoċjat ma' Orizzont 2020. Id-drittijiet tal-aċċess jenħtieġ jingħataw b'mod trasparenti.

(34)

Il-governanza tal-Impriża Konġunta jenħtieġ tkun żgurata minn żewġ korpi: Bord tat-Tmexxija u Bord ta' Konsulenza Industrijali u Xjentifika. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Istati Parteċipanti. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jkun responsabbli għat-tfassil tal-politika strateġika u d-deċiżjonijiet ta' finanzjament relatati mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, b'mod partikolari għall-attivitajiet kollha tal-akkwist pubbliku. Jenħtieġ li l-Bord ta' Konsulenza Industrijali u Xjentifika jinkludi rappreżentanti mid-dinja akkademika u mill-industrija bħal pereżempju utenti u fornituri tat-teknoloġija. Jenħtieġ li jipprovdi konsulenza indipendenti lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-aġenda strateġika ta' riċerka u innovazzjoni u dwar l-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuters li huma proprjetà tal-Impriża Konġunta.

(35)

Għall-kompiti amministrattivi ġenerali tal-Impriża Konġunta, jenħtieġ li d-drittijiet tal-vot tal-Istati Parteċipanti jkunu mqassmin ugwalment bejniethom. Għall-kompiti li jikkorrispondu għall-istabbiliment tal-parti tal-pjan ta' ħidma li tirrigwarda l-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters, l-għażla tal-entità ospitanti u l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta, id-drittijiet tal-vot tal-Istati Parteċipanti li huma Stati Membri jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta' maġġoranza kwalifikata. L-Istati Parteċipanti li huma pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 jenħtieġ li jkollhom ukoll drittijiet tal-vot għall-kompiti li jikkorrispondu mal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni. Għall-kompiti li jikkorrispondu mal-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuters, jenħtieġ li jkunu biss dawk l-Istati Parteċipanti u l-Unjoni li jikkontribwixxu riżorsi għall-akkwist ta' superkompjuters fuq skala peta u l-ispiża totali tas-sjieda ta' superkompjuters fuq skala pre-eksa li jkollhom drittijiet tal-vot fi proporzjon mal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

(36)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ titmexxa f'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u mar-regoli rilevanti dwar il-ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Ir-regoli applikabbli għall-Impriża Konġunta biex tidħol fi proċeduri tal-akkwist pubbliku huma stabbiliti fir-regoli finanzjarji tagħha.

(37)

Biex trawwem ekosistema tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew innovattiva u kompetittiva, l-Impriża Konġunta jenħtieġ li tagħmel użu xieraq tal-istrumenti tal-akkwist u tal-għoti, inkluż l-akkwist konġunt, l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi.

(38)

Fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali tal-Impriża Konġunta jenħtieġ jitqiesu l-investimenti tal-membri privati, bħala kontribuzzjonijiet in natura, li jikkonsistu mill-ispejjeż li ġarrbu bl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta.

(39)

Biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-impriżi kollha attivi fis-suq intern, jenħtieġ li l-finanzjament mill-Programmi Qafas tal-Unjoni jkun kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ħalli tkun żgurata l-effettività tal-infiq pubbliku u jkunu evitati d-distorsjonijiet tas-suq bħall-esklużjoni tal-finanzjament privat, il-ħolqien ta' strutturi tas-suq mhux effettivi jew il-preservazzjoni ta' ditti mhux effiċjenti.

(40)

Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet indiretti iffinanzjati mill-Impriża Konġunta jenħtieġ tkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Minbarra dan, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tiżgura applikazzjoni konsistenti ta' dawk ir-regoli abbażi ta' miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat kofinanzjament xieraq ta' azzjonijiet indiretti mill-Istati Parteċipanti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, jenħtieġ li l-Istati Parteċipanti jimmiraw li jikkontribwixxu ammont mill-inqas ugwali għar-rimborż pprovdut mill-Impriża Konġunta għall-ispejjeż eliġibbli mġarrba minn benefiċjarji tal-azzjonijiet. Għal dan il-għan, jenħtieġ li r-rati massimi ta' finanzjament stabbiliti fil-pjan ta' ħidma annwali tal-Impriża Konġunta f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 jiġu stabbiliti skont dan.

(41)

Jenħtieġ li l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għal attivitajiet mill-FNE jikkonforma mar-regoli tal-FNE.

(42)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta jenħtieġ li jkunu protetti b'miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tal-infiq, inkluż il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b'mod skorrett u, fejn xieraq, l-applikazzjoni ta' penali amministrattivi u finanzjarji skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(43)

Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta taħdem b'mod miftuħ u trasparenti u tipprovdi kull informazzjoni rilevanti fil-ħin u tippromwovi l-attivitajiet tagħha, fosthom attivitajiet tal-informazzjoni u tad-disseminazzjoni, lill-pubbliku ġenerali. Ir-regoli tal-proċedura tal-korpi tal-Impriża Konġunta jenħtieġ ikunu disponibbli għall-pubbliku.

(44)

Għall-finijiet ta' simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv jenħtieġ jitnaqqas għall-partijiet kollha. Jenħtieġ ikunu evitati l-awditi doppji u ammonti ta' dokumentazzjoni u rappurtar sproporzjonati. Għall-azzjonijiet iffinanzjati minn Orizzont 2020, jenħtieġ isiru awditi ta' min jirċievi fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013. Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-FNE, jenħtieġ isiru awditi ta' min jirċievi fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

(45)

L-awditur intern tal-Kummissjoni jenħtieġ jeżerċita l-istess setgħat fuq l-Impriża Konġunta bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

(46)

Il-Kummissjoni, l-Impriża Konġunta, il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jkollhom aċċess għal kull informazzjoni meħtieġa u għall-binjiet biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet fuq l-għotjiet, il-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati mill-Impriża Konġunta.

(47)

Kull sejħa għal proposti u għal offerti skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tqis it-tul taż-żmien ta' Orizzont 2020 u l-FNE, kif adatt, għajr f'każijiet debitament ġustifikati.

(48)

L-Impriża Konġunta jenħtieġ tuża wkoll il-mezzi elettroniċi ġestiti mill-Kummissjoni biex tiżgura l-ftuħ u t-trasparenza u tiffaċilita l-parteċipazzjoni. Għalhekk, is-sejħiet għal proposti li tniedi l-Impriża Konġunta permezz ta' Orizzont 2020 jenħtieġ li jiġu ppubblikati wkoll fuq il-portal uniku tal-parteċipanti, kif ukoll b'mezzi elettroniċi oħrajn tad-disseminazzjoni ta' Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-data rilevanti fost l-oħrajn dwar il-proposti, l-applikanti, l-għotjiet u l-parteċipanti għandha tkun disponibbli mill-Impriża Konġunta għall-inklużjoni fis-sistemi elettroniċi tar-rappurtar u tad-disseminazzjoni ta' Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni, b'format xieraq u bil-perjodiċità li tikkorrispondi mal-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni.

(49)

Jenħtieġ li ssir evalwazzjoni interim u finali tal-Impriża Konġunta mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti indipendenti. Jenħtieġ li fl-ispirtu ta' trasparenza, ir-rapport rilevanti ta' esperti indipendenti isir disponibbli għall-pubbliku, f'konformità mar-regoli applikabbli.

(50)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni, l-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala peta u fuq skala pre-eksa, u l-aċċess għal infrastruttura tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tad-data madwar l-Unjoni permezz ta' Impriża Konġunta, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, billi tkun evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, tinżamm il-massa kritika u jkun żgurat li l-finanzjament pubbliku qed jintuża b'mod ottimali, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta ċerti miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva għal Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew, Impriża Komuni fis-sens tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (l-“Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew”, l-“Impriża Konġunta”) b'dan qed tiġi stabbilita għal perijodu sal-31 ta' Diċembru 2026.

2.   Sabiex jitqies it-tul taż-żmien tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“Orizzont 2020”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013, għandhom jiġu mnedija sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti skont dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020. F'każijiet debitament ġustifikati, is-sejħiet għal proposti jew is-sejħiet għal offerti jistgħu jiġu mnedija sal-31 ta' Diċembru 2021.

3.   L-Impriża Konġunta għandha tkun korp fdat bl-implimentazzjoni ta' sħubija pubblika privata kif imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

4.   L-Impriża Konġunta għandu jkollha personalità ġuridika. F'kull Stat Membru, hija għandha tgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru. B'mod partikolari, din takkwista proprjetà mobbli jew immobbli jew tiddisponi minnha, u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

5.   Is-sede tal-Impriża Konġunta għandha tkun tinsab il-Lussemburgu.

6.   L-Istatuti tal-Impriża Konġunta (“l-Istatuti”) huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“test tal-aċċettazzjoni” tfisser test li sar biex jiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tas-sistema humiex issodisfati;

(2)

“ħin tal-aċċess” tfisser il-ħin tal-computing ta' superkompjuter li jkun magħmul disponibbli għal utent jew għal grupp ta' utenti biex jeżegwixxu l-programmi tal-kompjuter tagħhom;

(3)

“entità affiljata” tfisser entità kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013;

(4)

“ċentru ta' kompetenza nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja” tfisser entità legali stabbilita fi Stat Parteċipanti li huwa Stat Membru, assoċjata maċ-ċentru nazzjonali tas-supercomputing ta' dak l-Istat Membru, li tipprovdi lill-utenti mill-industrija, inkluż l-SMEs, l-akkademiċi, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi b'aċċess, fuq talba, għas-superkompjuters u l-aħħar teknoloġiji, għodod, applikazzjonijiet u servizzi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u li toffri għarfien espert, ħiliet, taħriġ, networking u komunikazzjoni;

(5)

“entità kostitwenti” tfisser entità li tikkostitwixxi Membru Privat tal-Impriża Konġunta, skont l-istatuti ta' kull Membru Privat;

(6)

“superkompjuter fuq skala eksa” tfisser sistema tal-computing b'livell ta' prestazzjoni li kapaċi teżegwixxi għaxra b'potenza ta' tmintax-il operazzjoni kull sekonda (jew 1 Eksaflop) li tappoġġa applikazzjonijiet li jagħtu soluzzjonijiet ta' fedeltà għolja f'anqas żmien u li jindirizzaw problemi ta' kumplessità akbar;

(7)

“ftehim ta' akkoljenza” tfisser ftehim konkluż bejn l-Impriża Konġunta u l-entità ospitanti jew ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa jew bejn l-Impriża Konġunta, il-koproprjetarji l-oħra ta' superkompjuter fuq skala peta u l-entità ospitanti ta' superkompjuter fuq skala peta, li jista' jieħu l-forma ta' kuntratt ta' servizz jew kuntratt ieħor;

(8)

“konsorzju ospitanti” tfisser grupp ta' Stati Parteċipanti li qablu li jikkontribwixxu għall-akkwiżizzjoni u t-tħaddim ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa jew ta' superkompjuter fuq skala peta;

(9)

“entità ospitanti” tfisser entità legali li tinkludi faċilitajiet biex tospita u topera superkompjuter u li hija stabbilita fi Stat Parteċipanti li huwa Stat Membru;

(10)

“superkompjuter nazzjonali” tfisser sistema nazzjonali tal-computing li tinsab fi Stat Parteċipanti b'livell ta' prestazzjoni ta' mill-inqas 0,4 Petaflops u li mhix akkwistata skont dan ir-Regolament;

(11)

“Stat osservatur” tfisser Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 li mhuwiex Stat Parteċipant;

(12)

“Stat Parteċipant” tfisser pajjiż li huwa membri tal-Impriża Konġunta;

(13)

“superkompjuter fuq skala peta” tfisser sistema tal-computing b'livell ta' prestazzjoni li kapaċi teżegwixxi għaxra b'potenza ta' ħmistax-il operazzjoni kull sekonda (jew 1 Petaflop);

(14)

“superkompjuter fuq skala pre-eksa” tfisser sistema tal-computing b'livell ta' prestazzjoni li kapaċi teżegwixxi aktar minn 100 Petaflop u inqas minn 1 Eksaflop;

(15)

“Membru privat” tfisser assoċjazzjoni privata li hija membru tal-Impriża Konġunta;

(16)

“superkompjuter” tfisser sistema tal-computing li għandha prestazzjoni tal-computing mill-inqas fuq skala peta u li hija akkwistata skont dan ir-Regolament;

(17)

“spiża totali tas-sjieda” ta' superkompjuter tfisser l-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni kif ukoll l-ispejjeż operazzjonali, inkluż il-manutenzjoni, sakemm is-sjieda tas-superkompjuter tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti jew jinbiegħ jew sakemm is-superkompjuter jiġi dekummissjonat mingħajr trasferiment tas-sjieda;

(18)

“utent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew organizzazzjoni internazzjonali li tkun ingħatat ħin tal-aċċess biex tuża superkompjuter tal-Impriża Konġunta;

(19)

“pjan ta' ħidma” tfisser pjan ta' ħidma kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u li jservi wkoll bħala l-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

Artikolu 3

Missjoni, objettivi u attivitajiet

1.   Il-missjoni tal-Impriża Konġunta għandha tkun li tiżviluppa, timplimenta, testendi u żżomm fl-Unjoni infrastruttura integrata tas-supercomputing u tad-data ta' klassi dinjija u li tiżviluppa u tappoġġa ekosistema ferm kompetittiva u innovattiva ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja.

2.   L-Impriża Konġunta għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li tipprovdi lill-komunità tar-riċerka u xjentifika, kif ukoll lill-industrija inkluż l-SMEs, u lis-settur pubbliku mill-Unjoni jew minn pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 bl-aqwa infrastruttura ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tad-data disponibbli u l-aktar kompetittiva, u tappoġġa l-iżvilupp tat-teknoloġiji tagħha u l-applikazzjonijiet tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma;

(b)

li tipprovdi qafas għall-akkwiżizzjoni fl-Unjoni ta' supercomputing fuq skala peta u skala pre-eksa u infrastruttura tad-data integrat ta' klassi dinjija, orjentat fuq id-domanda u xprunat mill-utenti;

(c)

li tipprovdi koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni u riżorsi finanzjarji adegwati biex tappoġġa l-iżvilupp u l-akkwiżizzjoni ta' tali infrastruttura, li ser tkun aċċessibbli għal utenti mis-settur pubbliku u privat, primarjament għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni;

(d)

li tappoġġa aġenda ambizzjuża ta' riċerka u innovazzjoni biex tiżviluppa u żżomm fl-Unjoni ekosistema ta' klassi dinjija tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, fuq skala eksa u aktar, li tkopri s-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiċi u industrijali, inkluż proċessur b'saħħa baxxa u teknoloġiji middleware, algoritmi u disinn tal-kodiċi, applikazzjonijiet u sistemi, servizzi u inġinerija, interkonnessjonijiet, għarfien u ħiliet, għall-ġenerazzjoni li jmiss tas-supercomputing;

(e)

li tippromwovi l-adozzjoni u l-użu sistematiku tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni ġġenerati fl-Unjoni mill-utenti mix-xjenza, l-industrija, inkluż l-SMEs, u s-settur pubbliku.

3.   L-Impriża Konġunta għandu jkollha l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u d-Deċiżjoni 2013/743/UE, b'mod partikolari l-Parti II tal-programm speċifiku kif definit fl-Artikolu 2 ta' dik id-Deċiżjoni (“programm speċifiku”), u għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014;

(b)

li tallinja l-istrateġiji bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fi strateġija kkoordinata tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew u tikkontribwixxi biex l-appoġġ pubbliku jkun effettiv billi tevita d-duplikazzjonijiet żejda u l-frammentazzjoni tal-isforzi;

(c)

li tiġbor flimkien ir-riżorsi tal-Unjoni, ir-riżorsi nazzjonali u l-investiment privat, filwaqt li ġġib l-investimenti tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja f'livell komparabbli għal dak tal-kompetituri dinjin tagħha;

(d)

li tibni u tħaddem infrastruttura integrata tas-supercomputing u tad-data ta' klassi dinjija bil-varjetà meħtieġa fl-arkitettura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' utenti differenti madwar l-Unjoni bħala komponent essenzjali għall-eċċellenza xjentifika, u għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, u tas-settur pubbliku, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u l-kompetittività globali għall-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni;

(e)

li tipprovdi aċċess għal infrastrutturi u servizzi bbażati fuq Computing ta' Prestazzjoni Għolja lil firxa wiesgħa ta' utenti mill-komunità tar-riċerka u xjentifika, kif ukoll lill-industrija, inkluż lill-SMEs, u lis-settur pubbliku, għal applikazzjonijiet u servizzi ġodda u emerġenti li huma intensivi fl-informatika u d-data;

(f)

li tappoġġa l-iżvilupp fl-Unjoni ta' teknoloġiji tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa u post-eksa ta' klassi dinjija, inkluż teknoloġiji ta' mikroproċessuri b'potenza baxxa u software medju relatati, u l-integrazzjoni tagħhom f'sistemi tas-supercomputing permezz ta' approċċ ta' kodisinn, kif ukoll l-użu tagħhom f'applikazzjonijiet fuq skala kbira u emerġenti;

(g)

li xxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-forniment ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa, filwaqt li ssaħħaħ il-katina tal-provvista tat-teknoloġija diġitali fl-Unjoni u tippermetti l-akkwiżizzjoni mill-Impriża Konġunta ta' superkompjuters ta' klassi dinjija, possibbilment bl-integrazzjoni ta' teknoloġiji Ewropej;

(h)

li tikseb eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja għal prestazzjoni ta' klassi dinjija permezz tal-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ta' kodiċijiet u applikazzjonijiet, kif ukoll applikazzjonijiet oħra fuq skala kbira u fi swieq ewlenin emerġenti ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja f'approċċ ta' kodisinn, filwaqt li tappoġġa ċ-Ċentri ta' Eċċellenza f'applikazzjonijiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u dimostraturi pilota u esperimenti fuq skala kbira bis-saħħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja għal applikazzjonijiet u servizzi tal-big data f'firxa wiesgħa ta' oqsma xjentifiċi u industrijali;

(i)

li tinterkollega u tiffedera superkompjuters reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u sistemi tal-computing oħrajn, ċentri tad-data u software u applikazzjonijiet assoċjati f'kooperazzjoni ma' PRACE u GÉANT;

(j)

li żżid il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-industrija, u b'mod partikolari tal-SMEs, bl-użu ta' infrastrutturi, applikazzjonijiet u servizzi avvanzati tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, permezz tal-ħolqien u b'mod partikolari n-networking u l-koordinazzjoni ta' ċentri ta' kompetenza nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja madwar l-Unjoni;

(k)

li ttejjeb il-fehim tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tikkontribwixxi biex jonqsu d-distakki fil-ħiliet fl-Unjoni b'rabta mal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja permezz tas-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ u d-disseminazzjoni ta' għarfien;

(l)

li twessa' l-ambitu tal-użu tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja.

4.   L-Impriża Konġunta għandha timplimenta l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 madwar il-pilastri ta' attività ewlenin li ġejjin:

(a)

attivitajiet amministrattivi ġenerali għall-operat u l-ġestjoni tal-Impriża Konġunta;

(b)

attivitajiet għall-akkwiżizzjoni, l-installazzjoni, l-interkonnessjoni, l-operat u l-ġestjoni tal-ħin tal-aċċess ta' infrastrutturi ta' supercomputing u data ta' klassi dinjija;

(c)

attivitajiet għall-appoġġ ta' aġenda ta' riċerka u innovazzjoni għall-ħolqien ta' ekosistema ta' innovazzjoni li tindirizza teknoloġiji ta' hardware u software tas-supercomputing u l-integrazzjoni tagħhom f'sistemi ta' supercomputing fuq skala eksa, applikazzjonijiet avvanzati, servizzi u għodod, ħiliet u għarfien.

Artikolu 4

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta, inkluż l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, għandha tkun sa EUR 486 000 000, imqassmin kif ġej:

(a)

sa EUR 386 000 000 minn Orizzont 2020, li jinkludu mill-inqas EUR 10 000 000 għall-ispejjeż amministrattivi;

(b)

sa EUR 100 000 000 mill-FNE;

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati lill-programm speċifiku.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas EUR 180 000 000 għal sejħiet għal proposti sabiex l-Impriża Konġunta tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti li jikkorrispondu mal-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati lill-FNE u għandha tkun iddedikata esklużivament għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters.

4.   L-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi fdata lill-Impriża Konġunta li taġixxi bħala korp kif imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 62(1), u l-Artikolu 154, ta' dak ir-Regolament.

5.   L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta' kontribuzzjoni u ftehimiet ta' trasferimenti ta' fondi annwali li jridu jintlaħqu bejn il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, u l-Impriża Konġunta.

6.   Il-ftehim ta' kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jindirizza l-elementi stabbiliti fl-Artikoli 129(2) u 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kif ukoll, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta rigward l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti msemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(b)

ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta fid-dawl tal-monitoraġġ imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

(c)

l-indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi relatati mal-funzjonament tal-Impriża Konġunta;

(d)

l-arranġamenti rigward il-forniment tad-data meħtieġa biex ikun żgurat li l-Kummissjoni tista' tissodisfa l-obbligi tagħha ta' disseminazzjoni u rappurtar kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013, inkluż fuq il-portal uniku tal-parteċipanti, kif ukoll b'mezzi elettroniċi oħrajn tad-disseminazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni;

(e)

l-arranġamenti dwar il-forniment tad-data meħtieġa biex ikun żgurat li l-Kummissjoni tista' tissodisfa l-obbligi tagħha ta' disseminazzjoni u rappurtar kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 283/2014;

(f)

id-dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti mill-Impriża Konġunta ukoll fuq il-portal uniku tal-parteċipanti, kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi oħrajn tad-disseminazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni;

(g)

id-dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal offerti mill-Impriża Konġunta f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi oħrajn tad-disseminazzjoni ġestiti mill-Kummissjoni;

(h)

l-użu tar-riżorsi umani u t-tibdil fihom, b'mod partikolari r-reklutaġġ skont il-grupp tal-funzjoni, il-grad u l-kategorija, l-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni mill-ġdid u kull tibdil fl-għadd ta' membri tal-persunal.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet oħra tal-Unjoni

Kontribuzzjonijiet minn programmi tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fl--Artikolu 4(1) li huma parti minn kofinanzjament mill-Unjoni għal programm implimentat minn wieħed mill-Istati Parteċipanti ma għandux jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Kontribuzzjonijiet tal-membri li mhumiex tal-Unjoni

1.   L-Istati Parteċipanti għandhom jagħtu kontribuzzjoni għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ta' mill-anqas EUR 10 000 000. Barra minn hekk, l-Istati Parteċipanti għandhom jagħmlu kontribuzzjoni għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta li hija proporzjonata mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 4(1). L-ammont ta' mill-anqas EUR 476 000 000 huwa previst.

2.   Il-Membri Privati tal-Impriża Konġunta għandhom jagħmlu kontribuzzjonijiet ta' mill-inqas EUR 422 000 000 lill-Impriża Konġunta inkluż EUR 2 000 000 għall-ispejjeż amministrattivi, jew inkella jieħdu ħsieb li dan isir mill-entitajiet kostitwenti u mill-entitajiet affiljati tagħhom.

3.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu minn kontribuzzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Istatuti.

4.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 15(3) tal-Istatuti jistgħu jiġu pprovduti minn kull Stat Parteċipanti lill-benefiċjarji stabbiliti f'dak l-Istat Parteċipanti. Huma jistgħu jikkumplimentaw il-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta, fil-limitu tar-rata ta' rimborż massima applikabbli stipulata fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Tali kontribuzzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

5.   Il-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni għandhom jirrappurtaw sal-31 ta' Jannar ta' kull sena lill-Bord tat-Tmexxija fuq il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu li jkunu saru fis-sena finanzjarja preċedenti.

6.   Għall-finijiet li jinstab il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punti (b) sa (f) tal-Artikolu 15(3) tal-Istatuti, l-ispejjeż għandhom jiġu ddeterminati skont il-prattiċi normali tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-entitajiet konċernati, l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn l-entità hi stabbilita, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà applikabbli u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju applikabbli. L-ispejjeż għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur estern indipendenti maħtur mill-entità konċernata. Jekk miċ-ċertifikazzjoni tfeġġ xi inċertezza, l-Impriża Konġunta tista' tivverifika l-metodu tal-valutazzjoni. Jekk ikun baqa' xi inċertezzi, il-metodu tal-valutazzjoni jista' jiġi awditjat mill-Impriża Konġunta.

7.   Il-Kummissjoni tista' ttemm, tnaqqas b'mod proporzjonat jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta jew tiskatta l-proċedura tal-likwidazzjoni imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatuti jekk xi membri li mhumiex tal-Unjoni, inkluż l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom, ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment biss jew jikkontribwixxu tard fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Provvediment ta' ħin tal-aċċess għal superkompjuters nazzjonali

L-Istati Parteċipanti jistgħu jipprovdu lill-Impriża Konġunta mill-inqas 20 % tal-ħin tal-aċċess għal wieħed jew aktar mis-superkompjuters nazzjonali tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1).

Artikolu 8

Entità ospitanti

1.   Is-superkompjuters għandhom ikunu jinsabu fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru. Stat Parteċipanti ma għandux jospita aktar minn superkompjuter fuq skala pre-eksa wieħed, jew superkompjuter fuq skala peta wieħed.

2.   L-entità ospitanti tista' tirrappreżenta Stat Parteċipanti wieħed li jkun Stat Membru jew konsorzju ospitanti. L-entità ospitanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Parteċipanti jew Stati Parteċipanti f'konsorzju ospitanti għandhom jidħlu fi ftehim għal dan il-għan.

3.   L-Impriża Konġunta għandha tinkariga lil entità ospitanti t-tħaddim ta' kull superkompjuter fuq skala pre-eksa individwali li għandha s-sjieda tiegħu skont l-Artikolu 10.

L-Impriża Konġunta u l-koproprjetarji l-oħra għandhom jinkarigaw lil entità ospitanti bit-tħaddim ta' kull superkompjuter fuq skala peta individwali li huma sidien tiegħu skont l-Artikolu 11.

4.   L-entitajiet ospitanti għas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u fuq skala peta għandhom jintgħażlu skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 15.

5.   Wara sejħa għal espressjoni ta' interess, l-entità ospitanti u l-Istat Parteċipanti korrispondenti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew il-konsorzju ospitanti korrispondenti għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija permezz ta' proċess ġust u trasparenti bbażat, fost l-oħrajn, fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ġenerali definiti fis-sejħa għal espressjoni ta' interess;

(b)

l-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuter;

(c)

l-esperjenza tal-entità ospitanti fl-installazzjoni u t-tħaddim ta' sistemi simili;

(d)

il-kwalità tal-infrastruttura fiżika u tal-IT tal-faċilitajiet ospitanti, is-sigurtà tagħha u l-konnettività tagħha mal-bqija tal-Unjoni;

(e)

il-kwalità tas-servizz lill-utenti, jiġifieri l-kapaċità li jirrispettaw il-ftehim fil-livell tas-servizz mogħti fost id-dokumenti mehmuża mal-proċedura tal-għażla;

(f)

l-aċċettazzjoni minn qabel mill-entità ospitanti tat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-mudell tal-ftehim ta' akkoljenza kif imsemmi fil-punt (o) tal-Artikolu 7(3) tal-Istatuti, inkluż b'mod partikolari l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u dawk definiti fil-proċedura tal-għażla;

(g)

il-provvediment ta' dokument xieraq ta' sostenn li jagħti prova tal-impenn tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità ospitanti jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Parteċipanti tal-konsorzju ospitanti biex ikopru s-sehem tal-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa li mhux kopert mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 4 jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 5, sakemm is-sjieda tiegħu tiġi ttrasferita mill-Impriża Konġunta lil dik l-entità ospitanti jew sakemm is-superkompjuter jinbiegħ jew jiġi dekummissjonat f'każ li ma jsir ebda trasferiment ta' sjieda;

(h)

il-provvediment ta' dokument xieraq ta' sostenn li jagħti prova tal-impenn tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-entità ospitanti jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ospitanti biex ikopri l-ammont kollu tal-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuter fuq skala peta li mhumiex koperti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 4 jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 5.

6.   Wara l-għażla tal-entità ospitanti, l-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti magħżula jew il-konsorzju ospitanti korrispondenti jista' jiddeċiedi li jistiednu aktar Stati Parteċipanti biex jingħaqdu miegħu. L-impenn tal-Istati Parteċipanti li jingħaqdu għandu jirrappreżenta frazzjoni żgħira tal-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa sakemm is-sjieda tiegħu jiġi ttrasferit mill-Impriża Konġunta lil dik l-entità ospitanti.

Artikolu 9

Ftehim ta' akkoljenza

1.   L-Impriża Konġunta għandha tikkonkludi ftehim ta' akkoljenza ma' kull entità ospitanti magħżula qabel it-tnedija tal-proċedura għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa.

L-Impriża Konġunta u l-koproprjetarji l-oħra għandhom jikkonkludu ftehim ta' akkoljenza ma' kull entità ospitanti magħżula qabel it-tnedija tal-proċedura għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuter fuq skala peta.

2.   Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jindirizza b'mod partikolari l-elementi li ġejjin:

(a)

id-drittijiet u l-obbligi matul il-proċedura għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuter, inkluż it-test tal-aċċettazzjoni tas-superkompjuter;

(b)

il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà għat-tħaddim tas-superkompjuter;

(c)

il-kwalità tas-servizz offrut lill-utenti meta jużaw is-superkompjuter, kif stabbilit fil-ftehim dwar il-livell ta' servizz;

(d)

il-pjanijiet rigward l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà ambjentali tas-superkompjuter;

(e)

il-kundizzjonijiet tal-aċċess tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuter, kif deċiż mill-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 13;

(f)

il-modalitajiet tal-kontabbiltà tal-ħinijiet tal-aċċess;

(g)

is-sehem tal-ispiża totali tas-sjieda li l-entità ospitanti għandha tagħmel l-arranġamenti biex jiġu koperti mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ta' akkoljenza;

(h)

il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta' sjieda msemmija fl-Artikoli 10(3) u 11(3), inkluż, fil-każ ta' superkompjuters fuq skala pre-eksa, dispożizzjonijiet għall-kalkolu tal-valur residwu tagħhom u għad-dekommissjonar tagħhom;

(i)

l-obbligu tal-entità ospitanti li tipprovdi aċċess għas-superkompjuters, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tas-superkompjuters, il-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-protezzjoni tal-privatezza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi skont id-Direttiva 2002/58/KE, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali skont id-Direttiva (UE) 2016/943 u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta' data oħra koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali;

(j)

fil-każ ta' superkompjuters fuq skala pre-eksa, l-obbligu tal-entità ospitanti li tistabbilixxi proċedura tal-awditu ċertifikat li tkopri l-ispejjeż operazzjonali tas-superkompjuter u l-ħinijiet tal-aċċess tal-utenti;

(k)

l-obbligu tal-entità ospitanti biex sal-31 ta' Jannar ta' kull sena tippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija rapport tal-awditu u data dwar l-użu tal-ħin tal-aċċess fis-sena finanzjarja preċedenti.

3.   Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jkun irregolat mid-dritt tal-Unjoni, issupplimentat għal kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, mil-liġi tal-Istat Membru fejn tinsab l-entità ospitanti.

4.   Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jkun fih klawżola ta' arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

5.   Wara li jiġi konkluż il-ftehim ta' akkoljenza, l-Impriża Konġunta, bl-appoġġ tal-entità ospitanti magħżula, għandha tniedi l-proċeduri tal-akkwiżizzjoni tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 15.

Wara li jiġi konkluż il-ftehim ta' akkoljenza, l-Impriża Konġunta, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Parteċipanti, bl-appoġġ tal-entità ospitanti magħżula, għandha tniedi l-proċeduri għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuter fuq skala peta skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 10

Akkwiżizzjoni u sjieda tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa

1.   L-Impriża Konġunta għandha takkwista s-superkompjuters fuq skala pre-eksa u għandu jkollha s-sjieda tagħhom.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tkopri sa 50 % tal-ispejjeż ta' akkwiżizzjoni flimkien ma' sa 50 % tal-ispejjeż operazzjonali tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa.

Il-bqija tal-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa għandha tiġi koperta mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew mill-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ospitanti possibbilment issupplimentati mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, mill-inqas erba' snin wara li jgħaddi b'suċċess it-test tal-aċċettazzjoni mill-Impriża Konġunta tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa installati f'entità ospitanti, is-sjieda tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa tista' tiġi ttrasferita lil dik l-entità ospitanti, mibjugħa lil entità oħra jew dekummissjonata b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u skont il-ftehim ta' akkoljenza. Fil-każ ta' trasferiment tas-sjieda qabel id-deprezzament sħiħ ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa, l-entità ospitanti għandha trodd lura lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-superkompjuter li jiġi ttrasferit. Jekk ma jkun hemm ebda trasferiment ta' sjieda lill-entità ospitanti iżda deċiżjoni għad-dekummissjonar, l-ispejjeż rilevanti għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn l-Impriża Konġunta u l-entità ospitanti. L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe spiża imġarrba wara t-trasferiment ta' sjieda ta' superkompjuter fuq skala pre-eksa jew wara l-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu.

Artikolu 11

Akkwiżizzjoni u sjieda tas-superkompjuters fuq skala peta

1.   L-Impriża Konġunta għandha takkwista, b'mod konġunt mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ta' akkoljenza, is-superkompjuters fuq skala peta u għandu jkollha s-sjieda konġunta tagħhom.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tkopri sa 35 % tal-ispejjeż ta' akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala peta. Il-bqija tal-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuters fuq skala peta għandha tiġi koperta mill-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew l-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ospitanti, possibbilment issupplimentati mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(4) tal-Istatuti, il-parti tas-sjieda tas-superkompjuter fuq skala peta proprjetà tal-Impriża Konġunta għandha tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti wara d-deprezzament sħiħ tas-superkompjuter. L-Impriża Konġunta m'għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe spiża imġarrba wara t-trasferiment ta' sjieda ta' superkompjuter fuq skala peta.

Artikolu 12

Użu ta' superkompjuters

1.   L-użu ta' superkompjuters għandu jkun primarjament għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni li jaqgħu taħt programmi ta' finanzjament pubbliku, għandu jkun miftuħ għall-utenti mis-settur pubbliku u dak privat u għandu jiffoka esklużivament fuq applikazzjonijiet ċivili.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess għall-użu tas-superkompjuters skont l-Artikolu 13 u jista' jiddefinixxi kundizzjonijiet speċifiċi tal-aċċess għal tipi differenti ta' utenti jew applikazzjonijiet. Il-kwalità tas-servizz għandha tkun l-istess għal kull utent.

3.   Mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, il-ħin tal-aċċess għandu jingħata biss lil utenti li jirrisjedu, huma stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020, għajr meta l-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi mod ieħor, f'każijiet debitament ġustifikati u filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 13

Allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għas-superkompjuters

1.   Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter fuq skala pre-eksa għandu jkun direttament proporzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għall-ispiża totali tas-sjieda tas-superkompjuter u ma għandux jaqbeż 50 % tal-ħin tal-aċċess totali tas-superkompjuter.

2.   Kull Stat Parteċipanti fejn tkun stabbilita entità ospitanti jew kull Stat Parteċipanti f'konsorzju ospitanti għandu jiġi allokat sehem tal-ħin tal-aċċess li jifdal għal kull superkompjuter fuq skala pre-eksa. Fil-każ ta' konsorzju ospitanti, l-Istati Parteċipanti għandhom jaqblu bejniethom dwar it-tqassim tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuter fuq skala pre-eksa.

3.   Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter fuq skala peta għandu jkun direttament proporzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għall-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni tas-superkompjuter.

4.   Kull Stat Parteċipanti fejn tkun stabbilita entità ospitanti jew kull Stat Parteċipanti f'konsorzju ospitanti għandu jiġi allokat sehem tal-ħin tal-aċċess li jifdal għal kull superkompjuter fuq skala peta. Fil-każ ta' konsorzju ta' akkoljenza, l-Istati Parteċipanti għandhom jaqblu bejniethom dwar it-tqassim tal-ħin tal-aċċess għal superkompjuter fuq skala peta.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-drittijiet ta' aċċess għas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u s-superkompjuters fuq skala peta u għas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters nazzjonali:

Bħala prinċipju gwida, l-allokazzjoni ta' ħin tal-aċċess għal attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati b'fondi pubbliċi għal kwalunkwe utent ta' Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 għandha tkun ibbażata fuq proċess ġust u trasparenti ta' reviżjoni bejn il-pari wara sejħiet kontinwament miftuħa għal espressjoni ta' interess imnedija mill-Impriża Konġunta, li għandu jkollhom fil-mira utenti mill-qasam tax-xjenza, tal-industrija, inkluż l-SMEs, u s-settur pubbliku. Espressjonijiet ta' interess għandhom jiġu evalwati minn esperti indipendenti. Bħala regola ġenerali, il-prinċipji ta' Orizzont 2020 għandhom jiggwidaw il-kriterji biex jiġu evalwati l-proġetti tal-utenti ppreżentati fis-sejħiet għal espressjoni ta' interess.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija jista' jagħti l-ħin tal-aċċess tal-Unjoni mingħajr sejħa għal espressjoni ta' interess f'każijiet eċċezzjonali jew f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi.

7.   L-użu tas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għandu jkun bla ħlas għal applikazzjonijiet relatati ma' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati b'fondi pubbliċi.

8.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jissorvelja regolarment il-ħin tal-aċċess tal-Unjoni mogħti għal kull Stat Membru u kull pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 u għal kull kategorija ta' utent, inkluż għal skopijiet kummerċjali. Huwa jista' jiddeċiedi li:

(a)

jerġa' jadatta l-ħinijiet tal-aċċess għal kull kategorija ta' attività jew utent, bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa;

(b)

jipproponi miżuri addizzjonali ta' appoġġ sabiex jingħataw opportunitajiet xierqa ta' aċċess għal utenti mill-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 li jimmiraw li jgħollu l-livell ta' ħiliet u kompetenza f'sistemi ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja.

Artikolu 14

Ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal superkompjuters għal skopijiet kummerċjali

1.   Għandhom japplikaw kondizzjonijiet speċifiċi għal utenti industrijali li japplikaw għall-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal superkompjuters għal skopijiet kummerċjali. Is-servizz kummerċjali għandu jkun servizz bi ħlas skont l-użu, ibbażat fuq il-prezzijiet tas-suq. Il-livell tat-tariffa għandu jiġi stabbilit mill-Bord tat-Tmexxija.

2.   It-tariffi ġġenerati mill-użu kummerċjali tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għandhom jikkostitwixxi dħul għall-baġit tal-Impriża Konġunta u għandhom jintużaw biex ikopru spejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta.

3.   Il-ħin tal-aċċess totali allokat għas-servizzi kummerċjali ma għandux jaqbeż l-20 % tal-ħin tal-aċċess totali tal-Unjoni ta' kull superkompjuter fuq skala peta u kull superkompjuter fuq skala pre-eksa. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għall-utenti ta' servizzi kummerċjali, b'kont meħud tal-eżitu tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 13(8).

4.   Il-kwalità tas-servizzi kummerċjali għandha tkun l-istess għal kull utent.

Artikolu 15

Regoli finanzjarji

L-Impriża Konġunta għandha tadotta r-regoli finanzjarji speċifiċi tagħha skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 16

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (12) (“Regolamenti tal-Persunal” u “Kundizzjonijiet tal-Impjieg”) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-persunal tal-Impriża Konġunta.

2.   Fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija bir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-Awtorità tal-Ħatra u bil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg fuq l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”).

Skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord tat-Tmexxija għadu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li skonthom tista' tiġi sospiża dik id-delega. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

Meta ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jeżiġu dan, il-Bord tat-Tmexxija jista' jieħu deċiżjoni biex jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kull sottodelega ta' dawk is-setgħat minn dan tal-aħħar. F'dawn il-każijiet, il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal tal-Impriża Konġunta li mhux id-Direttur Eżekuttiv.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa li jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u lill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

4.   Ir-riżorsi tal-persunal għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal tal-Impriża Konġunta b'mod li jiġi indikat l-għadd ta' postijiet temporanji skont il-grupp tal-funzjoni u skont il-grad, kif ukoll skont l-għadd ta' persunal kuntrattwali espress f'ekwivalenti full-time, f'konformità mal-baġit annwali tagħha.

5.   Il-persunal tal-Impriża Konġunta għandu jikkonsisti minn persunal temporanju u persunal kuntrattwali.

6.   L-Impriża Konġunta għandha tinkorri l-ispejjeż kollha relatati mal-persunal.

Artikolu 17

Esperti nazzjonali sekondati u trainees

1.   L-Impriża Konġunta tista' tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati u trainees li ma jkunux impjegati mill-Impriża Konġunta. L-għadd ta' esperti nazzjonali sekondati espress f'ekwivalenti full-time għandu jiżdied mal-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) f'konformità mal-baġit annwali.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta' esperti nazzjonali mal-Impriża Konġunta u dwar l-użu tat-trainees.

Artikolu 18

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, mehmuża mat-TEU u mat-TFUE, għandu japplika għall-Impriża Konġunta u l-persunal tagħha.

Artikolu 19

Responsabbiltà tal-Impriża Konġunta

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Impriża Konġunta għandha tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u l-liġi applikabbli għall-ftehim, id-deċiżjoni jew il-kuntratt inkwistjoni.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta għandha tagħmel tajjeb, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għal kull dannu kkawżat mill-persunal tagħha waqt il-qadi ta' dmirijietu.

3.   Kull pagament mill-Impriża Konġunta fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2, u l-ispejjeż u l-infiq mġarrba b'rabta ma' dan, għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-Impriża Konġunta u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tagħha.

4.   L-Impriża Konġunta għandha tkun responsabbli unikament għat-twettiq tal-obbligi tagħha.

5.   L-Impriża Konġunta ma għandhiex tkun responsabbli għat-tħaddim mill-entità ospitanti tas-superkompjuters tagħha.

Artikolu 20

Evalwazzjoni

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' esperti indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta b'mod partikolari l-livell ta' parteċipazzjoni fi, u l-kontribuzzjoni lil, l-azzjonijiet mill-Istati Parteċipanti, il-Membri Privati u l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li tinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni, inkluż dawk tal-esperti indipendenti, u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi referenza għar-rapport disponibbli pubblikament tal-esperti indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2022.

2.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' taġixxi skont l-Artikolu 6(7) jew tieħu kwalunkwe azzjoni oħra xierqa.

3.   Fi żmien sitt xhur wara l-likwidazzjoni tal-Impriża Konġunta, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara li tinbeda l-proċedura tal-likwidazzjoni imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatuti, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta. Ir-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 21

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi applikabbli

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni:

(a)

bis-saħħa ta' kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fi ftehimiet jew f'kuntratti konklużi mill-Impriża Konġunta, jew f'deċiżjonijiet tagħha;

(b)

fir-rigward ta' tilwim relatat ma' kumpens għal dannu kkawżat mill-persunal tal-Impriża Konġunta waqt il-qadi ta' dmirijietu;

(c)

fir-rigward ta' kwalunkwe tilwima bejn l-Impriża Konġunta u l-persunal tagħha fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.

2.   Għal xi kwistjoni oħra li mhix koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti ġuridiċi oħra tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 22

Awditi ex post

1.   L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ta' Orizzont 2020 għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

2.   L-awditi ex post tan-nefqa fuq attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-FNE għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 bħala parti mill-azzjonijiet tal-FNE.

3.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twettaq hija stess l-awditi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. F'dawn il-każijiet, għandha tagħmel dan f'konformità mar-regoli applikabbli, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) 2018/1046, (UE) Nru 1290/2013, (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013.

Artikolu 23

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u xi attività illegali oħra, b'verifiki effettivi u, jekk jinkixfu irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn xieraq, b'sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Impriża Konġunta għandha tagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, għas-siti u l-binjiet tagħha u għal kull informazzjoni, inkluż informazzjoni f'format elettroniku, li tkun meħtieġa biex iwettqu l-awditi tagħhom.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista' jagħmel investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (13) u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat, direttament jew indirettament, skont dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-kuntratti u l-ftehimiet ta' għotja li joħorġu mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Impriża Konġunta, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu l-awditi u l-investigazzjonijiet f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Meta l-implimentazzjoni ta' azzjoni tiġi esternalizzata jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew meta tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratt tal-akkwist jew appoġġ finanzjarju lil parti terza, il-kuntratt jew il-ftehim ta' għotja għandhom jinkludu l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi l-aċċettazzjoni espliċita fuq xi parti terza involuta ta' dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, tal-Impriża Konġunta, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF.

5.   L-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu protetti b'mod adegwat billi tagħmel jew tikkummissjona verifiki interni u esterni xierqa.

6.   L-Impriża Konġunta għandha tissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (15). L-Impriża Konġunta għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex tiffaċilita l-investigazzjonijiet interni mwettqin mill-OLAF.

Artikolu 24

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, l-Impriża Konġunta għandha tiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni sensittiva li l-iżvelar tagħha jista' jagħmel ħsara lill-interessi tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 25

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Impriża Konġunta.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija jista' jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 228 TFUE.

Artikolu 26

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni applikabbli għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati minn Orizzont 2020

Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 għandu japplika għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta skont Orizzont 2020. Skont dak ir-Regolament, l-Impriża Konġunta għandha titqies bħala korp tal-finanzjament u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti kif stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Istatuti.

Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 jista' japplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet tal-Istat Parteċipanti msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 15(3) tal-Istatuti.

Artikolu 27

Regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-FNE

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 għandu japplika għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta skont il-FNE.

Artikolu 28

Appoġġ mingħand l-Istat Membru ospitanti

L-Impriża Konġunta u l-Istat Membru fejn tinsab is-sede jistgħu jikkonkludu ftehim amministrattiv dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li dak l-Istat għandu jagħti lill-Impriża Konġunta.

Artikolu 29

Azzjonijiet inizjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim inizjali tal-Impriża Konġunta sakemm din ikollha l-kapaċità operazzjonali li timplimenta l-baġit tagħha stess. F'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq kull azzjoni meħtieġa b'kollaborazzjoni mal-membri li mhumiex tal-Unjoni u bl-involviment tal-korpi kompetenti tal-Impriża Konġunta.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:

(a)

sakemm id-Direttur Eżekuttiv jassumi d-doveri tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 7 tal-Istatuti, il-Kummissjoni tista' tiddeżinja uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv li jista' jkun megħjun minn għadd limitat ta' uffiċjali tal-Kummissjoni;

(b)

b'deroga mill-Artikolu 16(2), id-Direttur interim għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra;

(c)

il-Kummissjoni tista' tassenja għadd limitat ta' uffiċjali tagħha fuq bażi interim.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv interim jista' jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit annwali tal-Impriża Konġunta ladarba jkunu approvati mill-Bord tat-Tmexxija, u jista' jikkonkludi ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti, inkluż kuntratti tal-persunal wara l-adozzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-persunal tal-Impriża Konġunta.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jiddetermina, bi qbil komuni mad-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta u soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija, id-data meta l-Impriża Konġunta għandu jkollha l-kapaċità biex timplimenta l-baġit tagħha. Minn dik id-data, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tagħmel impenji u teżegwixxi pagamenti għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SCHRAMBÖCK


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fir-rigward ta' investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ANNESS

STATUTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA TAL-COMPUTING TA' PRESTAZZJONI GĦOLJA EWROPEW

Artikolu 1

Kompiti

L-Impriża Konġunta għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

timmobilizza fondi mis-settur pubbliku u dak privat għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

(b)

tvara sejħiet għal offerti għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala pre-eksa u takkwista mill-inqas żewġ superkompjuters fuq skala pre-eksa mill-aqwa fid-dinja, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni permezz ta' Orizzont 2020, il-FNE u minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti rilevanti għall-Impriża Konġunta;

(c)

tvara, b'mod konġunt mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew mal-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Parteċipanti fil-konsorzju ospitanti, sejħiet għal offerti għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala peta u takkwista, b'mod konġunt ma' dawn l-awtoritajiet kontraenti, tal-anqas żewġ superkompjuters fuq skala peta; dan l-akkwist konġunt għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni permezz ta' Orizzont 2020 u minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti rilevanti;

(d)

tibda u timmaniġġa s-sejħiet għal espressjoni ta' interess biex jiġu ospitati s-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa u tevalwa l-offerti riċevuti, bl-appoġġ ta' esperti esterni indipendenti;

(e)

tagħżel l-entità ospitanti tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa b'mod ġust, miftuħ u trasparenti, skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament;

(f)

tikkonkludi ftehim ta' akkoljenza f'konformità mal-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament mal-entità ospitanti għat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u tissorvelja l-konformità kuntrattwali mal-ftehim ta' akkoljenza, inkluż it-test tal-aċċettazzjoni tas-superkompjuters akkwistati;

(g)

tikkonkludi, flimkien mal-koproprjetarji l-oħra, ftehim ta' akkoljenza skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament mal-entità ospitanti għat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-superkompjuters fuq skala peta u tissorvelja, flimkien mal-koproprjetarji l-oħra, il-konformità kuntrattwali mal-ftehim ta' akkoljenza;

(h)

tiddefinixxi l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi għall-allokazzjoni tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa u tissorvelja l-aċċess għal dawn is-superkompjuters f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

(i)

tiddefinixxi l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi għall-allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters nazzjonali u tissorvelja l-aċċess għal dawn is-superkompjuters f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

(j)

tagħti bidu għal sejħiet għal proposti u tagħti finanzjament skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u fi ħdan il-limiti tal-fondi disponibbli, għal azzjonijiet indiretti prinċipalment fil-forma ta' għotjiet, b'fokus fuq:

(i)

l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja ewlenija lejn skala eksa u li jindirizza l-ispettru teknoloġiku kollu kemm hu minn mikroproċessuri b'potenza baxxa u t-teknoloġiji ta' software medju relatati għal software, mudelli tal-programmazzjoni u għodod, sa arkitetturi ġodda u l-integrazzjoni tas-sistema tagħhom permezz ta' approċċ ta' kodisinn;

(ii)

algoritmi u kodiċijiet ġodda u aqwa għal applikazzjonijiet innovattivi eżistenti u emerġenti, pjattaformi għall-ittestjar u attivitajiet ta' dimostrazzjoni;

(iii)

attivitajiet ta' komunikazzjoni, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u attivitajiet ta' żvilupp professjonali biex jiġu attirati riżorsi umani għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, it-taħriġ tagħhom u ż-żieda fil-ħiliet u l-għarfien espert marbut mal-inġinerija tal-ekosistema madwar l-Unjoni; dan jista' jinkludi azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ, appoġġ għal Ċentri ta' Eċċellenza eżistenti jew ġodda, kif ukoll il-ħolqien ta' ċentri ta' kompetenza nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u l-kooperazzjoni tagħha fin-networking u l-koordinazzjoni tal-attività mifruxa madwar l-Unjoni;

(k)

tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tiġġestixxi l-ftehimiet tal-għotjiet;

(l)

tiżgura l-effiċjenza tal-inizjattiva tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew, abbażi ta' sett ta' miżuri xierqa;

(m)

tissorvelja l-progress inġenerali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta;

(n)

tibni kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma' attivitajiet tal-Unjoni u nazzjonali, korpi u partijiet kkonċernati, u li jinħolqu sinerġiji u jitjieb l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-computing ta' prestazzjoni għolja;

(o)

tiddefinixxi l-pjan strateġiku pluriennali, tfasslu u timplimenta l-pjanijiet ta' ħidma annwali korrispondenti għat-twettiq tagħhom u tagħmel kull aġġustament meħtieġ fil-pjan strateġiku pluriennali;

(p)

tinvolvi ruħha f'attivitajiet tal-informazzjoni, il-komunikazzjoni, l-isfruttament u d-disseminazzjoni billi tapplika mutatis mutandis l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, inkluż li l-informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tas-sejħiet għal proposti tkun disponibbli u aċċessibbli f'bażi tad-data elettronika komuni ta' Orizzont 2020;

(q)

twettaq kull kompitu ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Membri

1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu:

(a)

l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

(b)

l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija;

(c)

malli dawn l-Istatuti jiġu aċċettati b'ittra tal-approvazzjoni, l-Assoċjazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) irreġistrata skont il-liġi tan-Netherlands bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f'Amsterdam (in-Netherlands), l-Assoċjazzjoni tal-Valur tal-Big Data (BDVA) irreġistrata skont il-liġi Belġjana, bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Brussell (il-Belġju).

2.   Kull Stat Parteċipanti għandu jaħtar ir-rappreżentant tiegħu fil-Bord tat-Tmexxija tal-korpi tal-Impriża Konġunta u għandu jaħtar l-entità jew l-entitajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Bidliet fis-sħubija

1.   Dment li jikkontribwixxu skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament jew għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 15 ta' dawn l-Istatuti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 li mhumiex elenkati fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) għandhom isiru membri tal-Impriża Konġunta malli jinnotifikaw bil-miktub lill-Bord tat-Tmexxija li aċċettaw dawn l-Istatuti u kull dispożizzjoni oħra li tirregola l-funzjonament tal-Impriża Konġunta.

2.   Dment li tikkontribwixxi għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 15 ta' dawn l-Istatuti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u dment li taċċetta dawn l-Istatuti, kull entità legali stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 li direttament jew indirettament tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 tista' tapplika biex tkun membru tal-Impriża Konġunta.

3.   Kull applikazzjoni għas-sħubija fl-Impriża Konġunta li ssir f'konformità mal-paragrafu 2 għandha tiġi indirizzata lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jivvaluta l-applikazzjoni u jqis ir-rilevanza u l-potenzjal tal-valur miżjud tal-applikant biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta u għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

4.   Kwalunkwe membru jista' jtemm is-sħubija tiegħu fl-Impriża Konġunta. Dan it-tmiem għandu jsir effettiv u irrevokabbli sitt xhur wara n-notifika lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jinforma lill-membri l-oħra tal-Bord ta' Tmexxija u l-Membri Privati. Sa mid-data tat-terminazzjoni, il-membru preċedenti għandu jiġi rrilaxxat mill-obbligi kollha għajr dawk approvati jew li jkunu saru mill-Impriża Konġunta qabel in-notifika tat-terminazzjoni tas-sħubija.

5.   Is-sħubija fl-Impriża Konġunta ma tistax tiġi ttrasferita lil xi parti terza mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Bord tat-Tmexxija.

6.   Meta jsir xi tibdil fis-sħubija skont dan l-Artikolu, l-Impriża Konġunta għandha tippubblika minnufih lista aġġornata tal-membri u d-data tat-tibdil, fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 4

Korpi tal-Impriża Konġunta

Il-korpi tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu:

(a)

il-Bord tat-Tmexxija;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv;

(c)

il-Bord ta' Konsulenza Xjentifika u Industrijali magħmul mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura.

Artikolu 5

Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, u tal-Istati Parteċipanti.

2.   Il-Kummissjoni u kull Stat Parteċipanti għandhom jaħtru rappreżentant wieħed fil-Bord tat-Tmexxija. Kull rappreżentant jista' jkun akkumpanjat minn espert wieħed.

Artikolu 6

Funzjonament tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Ir-rappreżentanti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, għandu jittieħed vot.

2.   L-Unjoni għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot. Id-drittijiet tal-vot tal-Unjoni għandhom ikunu indiviżibbli.

3.   Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(3), il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandu jiġi distribwit b'mod ugwali fost l-Istati Parteċipanti kollha.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza li tikkonsisti mill-inqas 75 % tal-voti kollha, inkluż il-voti tal-membri assenti.

4.   Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(4), minbarra l-punti (g), (h) u (i), il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandhom jinżammu mill-Istati Parteċipanti li huma Stati Membri.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata. Maġġoranza kwalifikata għandha titqies li tkun stabbilita jekk tirrappreżenta lill-Unjoni u mill-inqas 55 % tal-Istati Parteċipanti li huma Stati Membri, li flimkien jagħmlu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali ta' dawn l-Istati. Sabiex tiġi ddeterminata l-popolazzjoni, għandhom jintużaw iċ-ċifri stabbiliti fl-Anness III għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE (1).

5.   Għal dawk il-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(4) punti (g), (h) u (i), u għal kull superkompjuter, id-drittijiet tal-vot tal-Istati Parteċipanti għandhom jitqassmu b'mod proporzjonali skont il-kontribuzzjonijiet finanzjarji impenjati tagħhom u l-kontributi in natura tagħhom lil dak is-superkompjuter sakemm jew is-sjieda tiegħu tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti skont l-Artikolu 8(3) ta' dan ir-Regolament inkella sakemm jiġi mibjugħ jew dekummissjonat; il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jitqiesu biss jekk ikunu ġew iċċertifikati ex ante minn espert jew awditur indipendenti.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' mill-inqas 75 % tal-voti kollha, inkluż il-voti tal-membri assenti.

6.   Għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 7(5), id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu f'żewġ stadji.

Fl-ewwel stadju, il-50 % li jifdal mid-drittijiet tal-vot għandhom jiġu distribwiti b'mod ugwali bejn l-Istati Parteċipanti kollha. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza li tikkonsisti mill-vot tal-Unjoni u tal-inqas 55 % tal-voti kollha tal-Istati Parteċipanti, inkluż il-voti tal-membri assenti.

Fit-tieni stadju, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

7.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President għal perijodu ta' sentejn. Il-mandat tal-president jista' jiġi estiż darba biss, wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

8.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħmel il-laqgħat ordinarji tiegħu mill-inqas darbtejn fis-sena. Dan jista' jorganizza laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni, b'maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati Parteċipanti, fuq talba tal-president, jew fuq talba tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 15(5). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jlaqqgħu l-President tiegħu u l-laqgħat normalment isiru fis-sede tal-Impriża Konġunta.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, diment li l-Bord tat-Tmexxija ma jkunx iddeċieda mod ieħor, iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot. Skont il-każ, il-Bord tat-Tmexxija jista' jistieden lil persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi.

Kull Stat osservatur jista' jaħtar delegat wieħed fuq il-Bord tat-Tmexxija, li għandu jirċievi d-dokumenti rilevanti kollha u jista' jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija. Dawk id-delegati ma għandux ikollhom drittijiet tal-vot u għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva skont l-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament.

9.   Ir-rappreżentanti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija ma għandhomx jinżammu responsabbli personalment għall-azzjonijiet meħuda fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-Bord tat-Tmexxija.

10.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu proċeduri speċifiċi biex jiġu identifikati u evitati l-konflitti ta' interess u tkun żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva.

11.   Kull meta l-kwistjonijiet diskussi jkollhom x'jaqsmu mal-kompiti tagħhom, il-President tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-President tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jkollhom id-dritt jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi u jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda ma għandux ikollhom id-drittijiet tal-vot.

Artikolu 7

Kompiti tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali għall-orjentazzjoni strateġika u t-tħaddim tal-Impriża Konġunta u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Għandu jiżgura li l-prinċipji ta' korrettezza u trasparenza jiġu applikati sew fl-allokazzjoni ta' finanzjament pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha fil-Bord tat-Tmexxija, għandha tara li tiżgura koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta u l-attivitajiet rilevanti tal-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni bil-ħsieb li jiġu promossi s-sinerġiji meta tkun qed tiġi żviluppata ekosistema ta' infrastruttura integrata ta' supercomputing u data meta jkunu qed jiġu identifikati l-prijoritajiet li tkopri r-riċerka kollaborattiva.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq b'mod partikolari dawn il-kompiti amministrattivi ġenerali tal-Impriża Konġunta:

(a)

jivvaluta, jaċċetta jew jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal sħubija skont l-Artikolu 3(2) ta' dawn l-Istatuti;

(b)

jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni tas-sħubija fl-Impriża Konġunta ta' membri li ma jkunux qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

(c)

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament;

(d)

jadotta l-baġit amministrattiv annwali tal-Impriża Konġunta, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal korrispondenti li jindika l-għadd ta' postijiet temporanji skont il-grupp tal-funzjoni u skont il-grad, l-għadd ta' persunal kuntrattwali u ta' esperti nazzjonali sekondati espressi f'ekwivalenti full-time;

(e)

jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal, skont l-Artikolu 16(2) ta' dan ir-Regolament;

(f)

jaħtar, ineħħi u jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, jipprovdilu gwida u jissorvelja l-prestazzjoni tiegħu;

(g)

japprova l-istruttura organizzattiva tal-Uffiċċju tal-Programm stabbilit skont l-Artikolu 9(5) ta' dawn l-Istatuti fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(h)

japprova r-rapport tal-attività annwali, inkluż l-infiq korrispondenti msemmi fl-Artikolu 19(1) ta' dawn l-Istatuti;

(i)

jagħmel arranġamenti, kif meħtieġ, għall-istabbiliment ta' kapaċità tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(j)

jistabbilixxi l-politika tal-komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(k)

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg skont l-Artikolu 16(3) ta' dan ir-Regolament;

(l)

fejn xieraq, jistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta' esperti nazzjonali mal-Impriża Konġunta u dwar l-użu tat-trainees skont l-Artikolu 17(2) ta' dan ir-Regolament;

(m)

fejn xieraq, jistabbilixxi gruppi konsultattivi apparti l-korpi tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 4 ta' dawn l-Istatuti;

(n)

fejn xieraq, jagħmel talba lill-Kummissjoni biex jiġi emendat dan ir-Regolament proposta minn membru tal-Impriża Konġunta;

(o)

japprova l-mudell tal-ftehim ta' akkoljenza li jrid jinhemeż mas-sejħiet għal espressjoni ta' interess għall-għażla tal-entità ospitanti;

(p)

jiddefinixxi l-kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta' aċċess għall-użu tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess tal-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa u l-ħin tal-aċċess ipprovdut mis-superkompjuters nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

(q)

jissorvelja regolarment l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' akkoljenza mal-entitajiet ospitanti;

(r)

jistabbilixxi l-livell tat-tariffi tas-servizzi kummerċjali msemmija fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament, u jiddeċiedi fuq l-allokazzjoni tal-ħin tal-aċċess għal dawk is-servizzi;

(s)

ikun responsabbli għal kull kompitu li mhux allokat speċifikament lil korp partikolari tal-Impriża Konġunta; jista' jassenja dawn il-kompiti lil kwalunkwe korp tal-Impriża Konġunta.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq, b'mod partikolari, il-kompiti li ġejjin relatati mal-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa u d-dħul ġenerat imsemmi fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament:

(a)

jadotta l-aġenda strateġika pluriennali għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters msemmija fl-Artikolu 18(1) ta' dawn l-Istatuti;

(b)

jadotta l-parti tal-pjan ta' ħidma annwali li hija relatata mal-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters u l-għażla ta' entitajiet ospitanti u l-istimi tal-infiq korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(2) ta' dawn l-Istatuti;

(c)

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal espressjoni ta' interess, skont il-pjan ta' ħidma annwali;

(d)

japprova l-għażla tal-entitajiet ospitanti għas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u skala peta magħżula permezz ta' proċess ġust, miftuħ u trasparenti f'konformità mal-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament;

(e)

japprova l-ftehim ta' akkoljenza;

(f)

jiddeċiedi kull sena dwar l-użu ta' kwalunkwe dħul iġġenerat mit-tariffi għas-servizzi kummerċjali msemmija fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament;

(g)

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal offerti, skont il-pjan ta' ħidma annwali;

(h)

japprova l-offerti magħżula għall-finanzjament;

(i)

jiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta' trasferiment tas-sjieda tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa lil entità ospitanti, il-bejgħ tagħhom lil entità oħra jew id-dekummissjonar tagħhom, skont l-Artikolu 10(3) ta' dan ir-Regolament.

(5)   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwettaq, b'mod partikolari, il-kompiti li ġejjin relatati mal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-Impriża Konġunta:

(a)

jadotta l-aġenda ta' riċerka u innovazzjoni strateġika pluriennali msemmija fl-Artikolu 18(1);

(b)

jadotta l-parti tal-pjan ta' ħidma annwali li hija relatata mal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni u l-istimi tal-infiq korrispondenti msemmija fl-Artikolu 18(2);

(c)

japprova t-tnedija tas-sejħiet għal offerti, skont il-pjan ta' ħidma annwali;

(d)

japprova l-lista ta' azzjonijiet magħżula għal finanzjament abbażi tal-klassifika prodotta minn panel ta' esperti indipendenti.

Artikolu 8

Ħatra, tneħħija jew estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtru l-Bord tat-Tmexxija minn lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Il-Kummissjoni tista' tassoċja r-rappreżentanza mill-membri li mhumiex tal-Unjoni tal-Impriża Konġunta fil-proċedura tal-għażla, kif xieraq.

B'mod partikolari, ir-rappreżentanza xierqa tal-membri li mhumiex tal-Unjoni tal-Impriża Konġunta tista' tkun żgurata fl-istadju ta' qabel il-proċedura tal-għażla. Għal dak il-għan, l-Istati Parteċipanti għandhom jaħtru rappreżentant bi qbil komuni kif ukoll osservatur f'isem il-Bord tat-Tmexxija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jkun ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Impriża Konġunta skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.

Biex jiġi konkluż il-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Impriża Konġunta għandu jirrappreżentaha l-President tal-Bord tat-Tmexxija.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' erba' snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni, li tassoċja l-membri li mhumiex tal-Unjoni, kif xieraq, għandha tagħmel valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Impriża Konġunta.

4.   Fuq proposta tal-Kummissjoni li tkun tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Bord tat-Tmexxija jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba waħda, għal perijodu ta' mhux aktar minn erba' snin.

5.   Direttur Eżekuttiv li jiġi estiż il-mandat tiegħu ma jistax jieħu sehem fi proċedura tal-għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu sħiħ.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga biss b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija skont il-punt (f) tal-Artikolu 7(3) li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tassoċja l-membri li mhumiex tal-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 9

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli għat-tmexxija ta' kuljum tal-Impriża Konġunta skont id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Impriża Konġunta. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija u jwettaq dmirijietu b'indipendenza sħiħa fil-limiti tas-setgħat assenjati lilu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Impriża Konġunta.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq, b'mod partikolari, il-kompiti li ġejjin b'mod indipendenti:

(a)

jikkonsolida u jippreżenta għall-adozzjoni lill-Bord tat-Tmexxija l-abbozz tal-pjan strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 18(1);

(b)

iħejji u jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal korrispondenti u jindika l-għadd ta' postijiet temporanji f'kull grad u grupp ta' funzjonijiet u l-għadd ta' persunal kuntrattwali u ta' esperti nazzjonali sekondati espressi f'ekwivalenti full-time;

(c)

iħejji u jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni l-abbozz tal-pjan ta' ħidma annwali, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni għall-espressjoni ta' interess u sejħiet għal offerti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-pjanijiet għall-akkwist, kif propost mill-Bord ta' Konsulenza Industrijali u Xjentifika, u l-istimi tal-infiq korrispondenti, kif proposti mill-Istati Parteċipanti u mill-Kummissjoni;

(d)

iressaq il-kontijiet annwali għall-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija;

(e)

jipprepara u jressaq ir-rapport tal-attività annwali għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija, inkluż l-informazzjoni dwar l-infiq korrispondenti;

(f)

jiffirma ftehimiet tal-għotjiet individwali, deċiżjonijiet u kuntratti;

(g)

jiffirma kuntratti tal-akkwist;

(h)

jissorvelja t-tħaddim tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa miżmuma jew iffinanzjati mill-Impriża Konġunta, inkluż l-allokazzjoni tas-sehem tal-Unjoni tal-ħin tal-aċċess, il-konformità mad-drittijiet tal-aċċess għall-utenti akkademiċi u industrijali, u l-kwalità tas-servizzi mogħtija;

(i)

jimplimenta l-politika tal-komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta;

(j)

jorganizza, imexxi u jissorvelja t-tħaddim u l-persunal tal-Impriża Konġunta fil-limiti tad-delega mill-Bord tat-Tmexxija kif previst fl-Artikolu 16(2) ta' dan ir-Regolament;

(k)

jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta' sistema effettiva u effiċjenti tal-kontroll intern u jirrapporta kull bidla sinifikanti fiha lill-Bord tat-Tmexxija;

(l)

jiżgura li jsiru l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju;

(m)

jieħu kull miżura oħra meħtieġa għall-valutazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta lejn l-objettivi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

(n)

iwettaq kull kompitu ieħor fdat jew delegat lid-Direttur Eżekuttiv mill-Bord tat-Tmexxija.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwaqqaf Uffiċċju tal-Programm għall-eżekuzzjoni fir-responsabbiltà tiegħu tal-kompiti ta' appoġġ kollha li joħorġu minn dan ir-Regolament. L-Uffiċċju tal-Programm għandu jkun magħmul mill-persunal tal-Impriża Konġunta u b'mod partikolari għandu jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)

jappoġġa l-istabbiliment u l-ġestjoni ta' sistema xierqa tal-kontabbiltà skont ir-regoli finanzjarji msemmija fl-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament;

(b)

imexxi s-sejħiet għal proposti kif previst fil-pjan ta' ħidma annwali u jamministra l-ftehimiet tal-għotjiet u d-deċiżjonijiet;

(c)

imexxi s-sejħiet għal offerti kif previsti fil-pjan ta' ħidma annwali u jamministra l-kuntratti;

(d)

imexxi l-proċess għall-għażla tal-entitajiet ospitanti u jamministra l-ftehimiet ta' akkoljenza;

(e)

jipprovdi lill-membri u lill-korpi l-oħra tal-Impriża Konġunta bl-informazzjoni rilevanti kollha u bl-appoġġ li jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom, kif ukoll iwieġeb it-talbiet speċifiċi tagħhom;

(f)

jaġixxi bħala s-segretarjat tal-korpi tal-Impriża Konġunta u jagħti appoġġ lill-gruppi konsultattivi stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-Bord ta' Konsulenza Xjentifika u Industrijali

1.   Il-Bord ta' Konsulenza Xjentifika u Industrijali magħmul mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura.

2.   Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn tnax-il membru, li mhux aktar minn sitta minnhom għandhom jinħatru mill-Membri Privati b'kont meħud tal-impenji tagħhom mal-Impriża Konġunta u mhux aktar minn sitta għandhom jinħatru mill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla tal-membri li jaħtar.

3.   Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn tnax-il membru. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla, u għandu jaħtar il-membri tiegħu.

Artikolu 11

Funzjonament tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

1.   Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

2.   Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jista' jaħtar gruppi ta' ħidma meta meħtieġ, bil-koordinazzjoni ġenerali ta' membru wieħed jew aktar.

3.   Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jeleġġi l-President tiegħu.

4.   Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, inkluż in-nomina tal-entitajiet kostitwenti li għandhom jirrappreżentaw lill-Grupp Konsultattiv u t-tul taż-żmien tan-nomina tagħhom.

Artikolu 12

Funzjonament tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura

1.   Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

2.   Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura jista' jaħtar gruppi ta' ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazzjoni ġenerali ta' membru wieħed jew aktar.

3.   Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jeleġġi l-President tiegħu.

4.   Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, inkluż in-nomina tal-entitajiet kostitwenti li għandhom jirrappreżentaw lill-Grupp Konsultattiv u t-tul taż-żmien tan-nomina tagħhom.

Artikolu 13

Kompiti tal-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu:

(a)

ifassal u jaġġorna regolament l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) ta' dawn l-Istatuti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. Dan l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jidentifika l-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta' teknoloġiji u kompetenzi ewlenin għal Computing ta' Prestazzjoni Għolja f'oqsma differenti ta' applikazzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' ekosistema integrata ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Unjoni, isaħħu l-kompetittività u jgħinu biex jinħolqu swieq u applikazzjonijiet soċjetali ġodda. Għandu jiġi rivedut regolarment skont l-evoluzzjoni tad-domanda xjentifika u industrijali;

(b)

jippreżenta l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u tal-innovazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv bħala bażi għall-abbozzar tal-pjan ta' ħidma annwali fl-iskadenzi stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)

jorganizza konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-partijiet konċernati pubbliċi u privati kollha li għandhom interess fil-qasam tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, biex jinfurmahom dwar l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni u dwar l-abbozz tal-pjan tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għal sena partikolari, u jikseb ir-rispons mingħandhom dwarhom.

Artikolu 14

Kompiti tal-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura

Il-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura għandu jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija għall-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa. Għal dan il-fini, huwa għandu:

(a)

ifassal u jaġġorna regolarment l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa msemmija fl-Artikolu 18(1) ta' dawn l-Istatuti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. L-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet għall-għażla tal-entitajiet ospitanti u l-ippjanar għall-akkwiżizzjoni ta' infrastruttura; għal dan l-iskop, din għandha tidentifika, fost oħrajn, iż-żidiet fil-kapaċità meħtieġa, it-tipi ta' applikazzjonijiet u komunitajiet tal-utenti li jridu jiġu indirizzati, l-arkitetturi tas-sistemi, u l-integrazzjoni ma' infrastrutturi nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja;

(b)

jippreżenta lid-Direttur Eżekuttiv l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala peta u fuq skala pre-eksa biex iservi ta' bażi għall-abbozzar tal-pjan ta' ħidma annwali sal-iskadenzi stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)

jorganizza konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa għall-partijiet konċernati pubbliċi u privati kollha li għandhom interess fil-qasam tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, biex jinfurmahom dwar l-abbozz tal-aġenda strateġika pluriennali għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala peta u skala pre-eksa u dwar l-abbozz tal-pjan tal-attivitajiet relatati għal sena partikolari, u jikseb ir-rispons mingħandhom dwarhom.

Artikolu 15

Sorsi ta' finanzjament

1.   L-Impriża Konġunta għandha tiġi ffinanzjata b'mod konġunt mill-membri tagħha permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsin b'pagamenti parzjali u b'kontribuzzjonijiet in natura kif stabbilit fil-paragrafi (2) u (3).

2.   L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ma għandhomx jaqbżu t-EUR 22 000 000 u għandhom ikopruhom il-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikoli 4(1), 6(1) u 6(2) ta' dan ir-Regolament.

Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Parteċipanti għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta għandha tkun proporzjonali għas-sehem tal-kontribuzzjoni reali tiegħu għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta stabbiliti fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu (3) ta' dan l-Artikolu.

Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż amministrattivi ma tintużax, din tista' tkun disponibbli biex tkopri l-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta.

3.   L-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta għandhom jiġu koperti minn:

(a)

il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istat Parteċipanti fejn tkun stabbilita l-entità ospitanti jew tal-Istati Parteċipanti f'konsorzju ospitanti lill-Impriża Konġunta għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa u għat-tħaddim tagħhom sakemm is-sjieda tagħhom tiġi ttrasferita lill-entità ospitanti, jinbiegħu jew jiġu dekummissjonati skont l-Artikolu 10(3) ta' dan ir-Regolament, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet mill-Impriża Konġunta u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż;

(c)

kontribuzzjonijiet in natura tal-Istati Parteċipanti fejn l-entità ospitanti hija stabbilita jew tal-Istati Parteċipanti f'konsorzju ospitanti magħmula mill-ispejjeż operazzjonali tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa miżmuma mill-Impriża Konġunta, imġarrba mill-entitajiet ospitanti, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż;

(d)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istat Parteċipanti fejn hija stabbilita l-entità ospitanti jew tal-Istati Parteċipanti f'konsorzju ospitanti magħmula mill-ispejjeż imġarrba għall-akkwiżizzjoni, b'mod konġunt mal-Impriża Konġunta, tas-superkompjuters fuq skala peta, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet mill-Impriża Konġunta u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż;

(e)

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti għall-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarji stabbiliti f'dak l-Istat Parteċipanti fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet indiretti li jikkorrispondu mal-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala komplement għar-rimborż ta' dawn l-ispejjeż magħmula mill-Impriża Konġunta, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet mill-Impriża Konġunta u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż;

(f)

kontribuzzjonijiet in natura tal-Membri Privati jew tal-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom magħmula mill-ispejjeż imġarrba minnhom biex jimplimentaw azzjonijiet indiretti li jikkorrispondu għall-aġenda ta' riċerka u innovazzjoni, li minnhom jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta, kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż u l-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (e).

4.   Ir-riżorsi tal-Impriża Konġunta li ddaħħlu fil-baġit tagħha għandhom ikunu magħmula minn dawn il-kontribuzzjonijiet:

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż amministrattivi;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż operazzjonali;

(c)

kull dħul iġġenerat mill-Impriża Konġunta;

(d)

kull kontribuzzjoni finanzjarja, riżorsa u dħul oħrajn.

Kull imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Impriża Konġunta għandhom jitqiesu bħala dħul tagħha.

5.   Jekk xi membru tal-Impriża Konġunta jonqos mill-impenji tiegħu fir-rigward tal-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu nota ta' dan bil-miktub u għandu jistabbilixxi perijodu raġonevoli li matulu l-membru għandu jwettaq l-impenn tiegħu. Jekk l-impenn ma jitwettaqx matul dak il-perijodu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jlaqqa' l-Bord tat-Tmexxija biex jiddeċiedu jekk għandhiex tiġi revokata s-sħubija tal-membru li qed jonqos mill-impenji tiegħu jew jekk għandhomx jittieħdu xi miżuri oħrajn sakemm iwettaq l-impenn tiegħu. Id-drittijiet tal-vot li jkollu l-membru li qed jonqos mill-impenji tiegħu għandhom jiġu sospiżi sakemm iwettaq l-impenn tiegħu.

6.   Ir-riżorsi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għandhom ikun maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

7.   L-Impriża Konġunta għandha tkun il-proprjetarja tal-assi kollha ġġenerati minnha jew trasferiti lilha biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. Dan ma għandux jinkludi s-superkompjuters li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita mill-Impriża Konġunta lil entità ospitanti skont l-Artikolu 10(3) ta' dan ir-Regolament.

8.   Għajr f'każ ta' likwidazzjoni tal-Impriża Konġunta, kull dħul eċċessiv fuq l-infiq ma għandux jitħallas lill-membri tal-Impriża Konġunta.

Artikolu 16

Impenji finanzjarji

L-impenji finanzjarji tal-Impriża Konġunta ma għandhomx jaqbżu l-ammont tar-riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit tagħha mill-membri tagħha.

Artikolu 17

Sena finanzjarja

Is-sena finanzjarja hi mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 18

Ippjanar operazzjonali u finanzjarju

1.   Il-pjan strateġiku pluriennali għandu jispeċifika l-istrateġija u l-pjanijiet biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. Il-pjan strateġiku pluriennali għandu jkun magħmul minn aġenda strateġika pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni u minn aġenda strateġika pluriennali għall-akkwist tas-superkompjuters imfassla mill-Bord ta' Konsulenza Xjentifika u Industrijali u l-perspettivi finanzjarji pluriennali rċevuti mill-Istati Parteċipanti u l-Kummissjoni.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti abbozz ta' pjan ta' ħidma annwali lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni, inkluż l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-attivitajiet ta' akkwist, l-attivitajiet amministrattivi u l-istimi tal-infiq korrispondenti.

3.   Il-pjan ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat sal-aħħar tas-sena ta' qabel l-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan ta' ħidma għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit annwali għas-sena ta' wara u għandu jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni.

5.   Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jadottah il-Bord tat-Tmexxija sa tmiem is-sena preċedenti.

6.   Il-baġit annwali għandu jiġi adattat biex jitqies l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilita fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 19

Rappurtar operazzjonali u finanzjarju

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta kull sena lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-qadi tad-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 15 ta dan ir-Regolament.

Fi żmien xahrejn mill-għeluq ta' kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta rapport tal-attività annwali lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni, li jkun jittratta l-progress tal-Impriża Konġunta fis-sena finanzjarja preċedenti, b'mod partikolari b'rabta mal-pjan ta' ħidma annwali għal dik is-sena. Fost l-oħrajn, ir-rapport tal-attività annwali għandu jkun fih informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet:

(a)

l-azzjonijiet tar-riċerka, l-innovazzjoni u oħrajn li twettqu, u l-infiq korrispondenti;

(b)

l-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura, inkluż l-użu l-infrastruttura u l-aċċess għaliha, fosthom il-ħin tal-aċċess użati effettivament minn kull Stat Parteċipanti;

(c)

il-proposti u l-offerti mressqa, inkluż elenku mqassam skont it-tip ta' parteċipanti, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż;

(d)

il-proposti magħżula għall-finanzjament, inkluż elenku mqassam skont it-tip ta' parteċipanti, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż, u li jispeċifika l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta lill-parteċipanti u l-azzjonijiet individwali;

(e)

l-offerti magħżula għall-finanzjament, inkluż elenku mqassam skont it-tip ta' kuntratturi, fosthom l-SMEs, u skont il-pajjiż, u li jispeċifika l-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta lill-kuntratturi u l-azzjonijiet tal-akkwist individwali;

(f)

l-eżitu tal-attivitajiet tal-akkwist;

(g)

il-progress biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u proposti għal aktar ħidma meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

2.   Ladarba l-Bord tat-Tmexxija japprova r-rapport tal-attività annwali, dan għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

3.   Sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Impriża Konġunta għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

Sal-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Impriża Konġunta għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Impriża Konġunta skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Impriża Konġunta għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta, u d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija, sal-1 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara.

Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena finanzjarja ta' wara.

Sat-30 ta' Settembru tas-sena finanzjarja ta' wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri dwar l-osservazzjonijiet magħmula fir-rapport annwali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta dik it-tweġiba wkoll lill-Bord tat-Tmexxija.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta kull informazzjoni meħtieġa lill-Parlament Ewropew, meta dan jitolbu, għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, f'konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 20

Awditu intern

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-Impriża Konġunta bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

Artikolu 21

Responsabbiltà tal-membri u l-assigurazzjoni

1.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tal-Impriża Konġunta għad-djun tal-Impriża Komuni għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom li jkunu diġà għamlu għall-ispejjeż amministrattivi.

2.   L-Impriża Konġunta għandu jkollha u żżomm assigurazzjoni xierqa.

Artikolu 22

Konflitt ta' interess

1.   L-Impriża Konġunta, il-korpi u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kull konflitt ta' interess fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta' interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet maħsuba biex ikun evitat kull konflitt ta' interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta li jservu fil-Bord tat-Tmexxija. Għal dan il-għan, ir-regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta' interess fil-korpi tal-Impriża Konġunta għandhom iqisu l-miżuri rilevanti applikati mill-Kummissjoni għall-esperti li jipprovdu pariri dwar l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 23

Likwidazzjoni

1.   L-Impriża Konġunta għandha tiġi likwidata fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

2.   Madankollu, il-proċedura tal-likwidazzjoni għandha tinbeda awtomatikament jekk l-Unjoni jew il-membri l-oħra kollha li mhumiex tal-Unjoni jirtiraw mill-Impriża Konġunta.

3.   Għall-finijiet biex jitwettqu l-proċeduri biex jinbeda l-proċess tal-likwidazzjoni tal-Impriża Konġunta, il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandhom jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija.

4.   Meta l-Impriża Konġunta tkun għaddejja bil-proċess tal-likwidazzjoni, l-assi tagħha għandhom jintużaw biex tkopri r-responsabbiltajiet tagħha u l-infiq relatat mal-proċess tal-likwidazzjoni tagħha. Is-superkompjuters li huma proprjetà tal-Impriża Konġunta għandhom jiġu ttrasferiti lill-entitajiet ospitanti rispettivi, mibjugħa jew dekummissjonati b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija u skont il-ftehim ta' akkoljenza. Il-membri tal-Impriża Konġunta ma għandhomx ikunu responsabbli għal ebda spiża mġarrba wara t-trasferiment ta' sjieda ta' superkompjuter jew il-bejgħ jew id-dekummissjonar tiegħu. F'każ ta' trasferiment tas-sjieda, l-entità ospitanti għandha tirrimborża lill-Impriża Konġunta l-valur residwu tas-superkompjuters trasferiti. Kull eċċess għandu jitqassam bejn il-membri eżistenti fiż-żmien tal-likwidazzjoni b'mod proporzjonat mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-Impriża Konġunta. Kull eċċess bħal dan imqassam lill-Unjoni għandu jiġi ritornat fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Għandha tiġi stabbilita proċedura ad hoc li tiżgura l-ġestjoni xierqa ta' kull ftehim konkluż jew deċiżjoni adottata mill-Impriża Konġunta, kif ukoll ta' kull kuntratt tal-akkwist b'durata itwal mid-durata tal-Impriża Konġunta.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1489

tat-3 ta' Ottubru 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Sett ta' oġġetti tal-plastik imqiegħed għall-bejgħ bl-imnut li fih:

tliet ġonot għall-pajpijiet tat-tisqija tal-ġonna;

żennuna li tisprejja b'mekkaniżmu li jirregola t-tip ta' ġett tal-ilma kif ukoll l-għeluq jew il-ftuħ tal-fluss;

konnetturi mgħammra b'siġilli tal-lasktu (l-hekk imsejħa “O-rings”).

L-oġġett huwa maħsub biex jintuża fil-ġonna biex ibexxex u jsaqqi l-pjanti.

Ara l-istampi (*1).

8481 80 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8481 , 8481 80 u 8481 80 99 .

Iż-żennuna li tisprejja li tbiddel it-tip ta' ġett tal-ilma u tirregola l-fluss tal-likwidu, tagħti lis-sett il-karattru essenzjali tiegħu.

L-oġġett la huwa sistema ta' irrigazzjoni (ara wkoll in-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 8424 , (E)) u lanqas apparat mekkaniku għat-tisqija tal-ġonna. L-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta' żennuna għall-pajpijiet tat-tisqija mgħammra b'viti, b'cocks, b'valvi jew b'apparat ieħor li jirregola l-fluss tal-likwidu u t-tip ta' ġett, li huwa eskluż mill-intestatura 8424 (ara wkoll in-NSSA għall-intestatura 8424 (D)). Iż-żennuni għall-pajpijiet tat-tisqija mgħammra b'cocks jew b'valvi biex jirregolaw ġett jew sprej huma kklassifikati fl-intestatura 8481 (ara wkoll n-NSSA għall-intestatura 8481 , il-punt 11). B'hekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8424 hija eskluża.

Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8481 80 99 bħala valvi oħrajn.

Image 1

(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.


DEĊIŻJONIJIET

8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1490

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta' Novembru 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex iżżid il-livell limitu għall-eżenzjoni għal EUR 48 000. Permezz ta' dik il-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE huwa miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittri datati s-6 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba tal-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

(5)

Il-miżura speċjali mitluba hija f'konformità mal-għanijiet ta' politika tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 intitolata “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(6)

B'kunsiderazzjoni li ż-żieda tal-livell limitu tirriżżulta fi tnaqqis fl-obbligi tal-VAT u b'hekk fi tnaqqis fil-piż amministrattiv u fl-ispejjeż ta' konformità għal impriżi żgħar, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat. L-iskema speċjali għal impriżi żgħar hija fakultattiva, u għalhekk persuni taxxabbli xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7)

Minħabba li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għal impriżi żgħar huma s-suġġett ta' reviżjoni, jista' jkun li tidħol fis-seħħ direttiva, li temenda dawk l-Artikoli, li tistabbilixxi data li minnha l-Istati Membri jkollhom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2021. Jekk jiġri hekk, din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(8)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, il-miżura speċjali ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali ta' dħul mit-taxxa li l-Ungerija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Ungerija ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE,Euratom ) Nru 1553/89 (2),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 48 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-aktar data bikrija minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2021;

(b)

id-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f'każ li tiġi adottata direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għal impriżi żgħar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1491

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra tat-12 ta' April 2018, Spanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port (“elettriku mill-art”) skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Bit-tnaqqis fid-dazju tas-sisa li beħsiebha tapplika, Spanja għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta' dan l-elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq ta' karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)

Safejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta' tniġġis tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti fl-irmiġġ, dan jikkontribwixxi għal titjieb tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Spanja, l-użu tal-elettriku mill-grilja tad-distribuzzjoni mill-art minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti abbord huwa mistenni li jnaqqas aktar l-emissjonijiet tad-CO2. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima.

(4)

L-għoti ta' permess lil Spanja biex tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku mix-xattt ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiżdied l-użu tal-elettriku mill-art, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku ser jibqa' l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li t-teknoloġija għadha mhix disponibbli fi Spanja, il-miżura x'aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul l-eżistenza tagħha u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(5)

B'konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu teħtieġ li tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta' awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex ma jaqtax qalb l-operaturi tal-portijiet milli jagħmlu investimenti neċessarji, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta' sitt snin, soġġett madankollu għal dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li jsiru applikabbli qabel l-iskadenza prevista tal-perjodu ta' awtorizzazzjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Spanja hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati fil-portijiet, għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat, diment li l-livelli minimi ta' tassazzjoni msemmijin fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rispettati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva mill-1 ta' Jannar 2019. Hija għandha tiskadi sitt snin wara tali data.

Madankollu, jekk il-Kunsill, li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 TFUE, jistipula regoli ġenerali dwar vantaġġi fiskali għall-elettriku mill-art, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1492

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq forniment taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Skont il-punt (j) tal-Artiklu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-fornimenti ta' metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Il-Latvja ma għamlitx użu minn din l-għażla.

(3)

Il-Latvja reċentement skopriet riskju għoli ta' frodi tal-VAT fis-settur tal-metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi u għalhekk tixtieq tintroduċi l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti domestiċi ta' dawk il-prodotti.

(4)

Skont l-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jista' jiġi applikat sal-31 ta' Diċembru 2018 u għal perjodu minimu ta' sentejn. Billi l-kundizzjoni tal-perjodu ta' sentejn ma tistax tiġi ssodisfata aktar, il-Latvja ma tistax tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge abbażi tal-punt (j) tal-Artikolu 199a(1) ta' dik id-Direttiva.

(5)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta' April 2018, il-Latvja talbet, taħt l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 ta' dik id-Direttiva sabiex tagħmel ir-riċevitur responsabbli għall-ħlas tal-VAT għall-fornimenti ta' metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi.

(6)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b'ittra datata l-4 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Latvja lill-Istati Membri l-oħra. B'ittra datata s-7 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7)

Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Latvja, ġew identifikati skemi ta' frodi tal-VAT fis-settur tal-prodotti tal-metall. Għalkemm il-Latvja introduċiet għadd ta' miżuri konvenzjonali biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, il-Latvja tqis li jeħtieġ li jiddaħħal il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti ta' metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi sabiex jiġi evitat it-telf ta' dħul mill-VAT għall-baġit pubbliku.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-fornimenti ta' metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi għal perjodu limitat.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttva 2006/112/KE, il-Latvja hija awtorizzata tinnomina r-riċevitur tal-fornimenti bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ tal-fornimenti ta' metalli parzjalment maħduma ferrużi u mhux ferrużi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/44


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1493

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta' Frar 2018, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta' tnaqqis tat-taxxa fir-rigward tal-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri (“miżura speċjali”).

(2)

Il-Kummissjoni għaddiet it-talba magħmula mill-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata t-8 ta' Ġunju 2018, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(3)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) imposta fuq provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi mogħtija lil persuna taxxabbli għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, jintuża għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha.

(4)

Bħalissa, il-persuni taxxabbli fl-Ungerija jistgħu jnaqqsu l-VAT fuq il-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri dment li karozza tal-passiġġieri tintuża għall-attività ekonomika taxxabbli tal-persuna taxxabbli. Sabiex jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis ta' VAT, il-persuni taxxabbli għandhom jagħtu prova ta' kemm jużaw il-karozzi tal-passiġġieri tagħhom għal skopijiet ta' negozju.

(5)

L-Ungerija ssostni li huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata. Ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali, u anke meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ biex isir dan huwa wieħed kumplikat.

(6)

Għalhekk, l-Ungerija talbet miżura speċjali fejn l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward tal-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali jiġi ffissat b'rata perċentwali fissa. Ibbażata fuq l-istimi tagħha, l-Ungerija tikkonkludi li huwa xieraq li jiġi applikat tnaqqis ta' 50 %. Fl-istess ħin, ir-rekwiżit ta' kontabbiltà tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta' karozzi tal-passiġġieri jenħtieġ li jkun sospiż meta dawn ikunu ġew soġġetti għal-limitu ta' tnaqqis ta' 50 %.

(7)

Il-limitazzjoni tad-dritt ta' tnaqqis skont l-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li tapplika għall-VAT imħallsa fuq il-kiri ta' karozzi tal-passiġġieri maħsuba għat-trasport ta' massimu ta' disa' persuni b'piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames tunnellati. Il-vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija, il-vetturi li jservu għanijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, magna tat-tifi tan-nar, truck-mixer), il-vetturi maħsuba għat-trasport ta' 10 persuni jew iktar, u t-tratturi u t-trejlers huma esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt ta' tnaqqis tal-VAT.

(8)

Il-persuni taxxabbli li ma jixtiqux japplikaw limitu ta' tnaqqis ta' 50 % u li jixtiequ japplikaw it-tnaqqis tal-VAT sal-proporzjon tal-użu kummerċjali reali jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi ta' evidenza dettaljata dwar l-użu kummerċjali.

(9)

Il-miżura li ntalbet tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi tan-negozju mikrija u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz ta' żamma skorretta ta' rekords. Huwa għalhekk xieraq li l-Ungerija tingħata l-awtorizzazzjoni biex tapplika l-miżura mitluba.

(10)

L-awtorizzazzjoni jenħtieġ tkun limitata fiż-żmien biex tkun tista' ssir analiżi tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura speċjali u r-rata ta' tqassim użata bejn l-użu kummerċjali u mhux.

(11)

Fejn l-Ungerija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2021 hija neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021.

(12)

Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata tillimita d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT għal 50 % b'rabta man-nefqa fuq il-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 2

B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi l-użu mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta' negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw biss għal karozzi tal-passiġġieri għat-trasport ta' massimu ta' disa' persuni b'piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames tunnellati.

Artikolu 4

L-Artikoli 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-kategoriji ta' karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:

vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija,

vetturi li jservu għanijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, magna tat-tifi tan-nar, truck-mixer),

vetturi maħsuba għat-trasport ta' 10 persuni jew iktar minn 10,

tratturi,

trejlers.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 u għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021.

Kull talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2021 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Rettifika

8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/47


Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/574 tal-15 ta' Diċembru 2017 dwar l-istandards tekniċi għat-twaqqif u għat-tħaddim ta' sistema ta' traċċabbiltà għall-prodotti tat-tabakk

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 96 tas-16 ta' April 2018 )

Fil-paġna 16, fl-Artikolu 12(2) u (3),

minflok:

“2.   Sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jibagħtu l-informazzjoni mniżżla fil-punt 3.2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness II, fil-format mogħti f'dak il-punt, lir-repożitorju primarju tagħhom.

3.   Sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-operaturi ekonomiċi li ma jkunux manifatturi u importaturi għandhom jibagħtu, permezz tar-router, l-informazzjoni mniżżla fil-punt 3.2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness II, fil-format mogħti f'dak il-punt, lir-repożitorju sekondarju.”,

aqra:

“2.   Sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jibagħtu l-informazzjoni mniżżla fil-punt 3.2 tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tal-Anness II, fil-format mogħti f'dak il-punt, lir-repożitorju primarju tagħhom.

3.   Sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-operaturi ekonomiċi li ma jkunux manifatturi u importaturi għandhom jibagħtu, permezz tar-router, l-informazzjoni mniżżla fil-punt 3.2 tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tal-Anness II, fil-format mogħti f'dak il-punt, lir-repożitorju sekondarju.”;

Fil-paġna 16, fil-punt (b) tal-Artikolu 13(4),

minflok:

“(b)

jibgħat, permezz tar-router, il-kodiċijiet, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, lir-repożitorju sekondarju, kif stabbilit skont l-Artikolu 26; u”,

aqra:

“(b)

jibgħat, permezz tar-router, il-kodiċijiet, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, lir-repożitorju sekondarju stabbilit skont l-Artikolu 27; u”;

Fil-paġna 19, fl-Artikolu 17(5),

minflok:

“5.   L-operaturi ekonomiċi u l-operaturi tal-ewwel stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom bejniethom, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jirreġistraw u jibagħtu l-informazzjoni dwar il-movimenti tal-prodotti, kif previst fl-Artikolu 32.”,

aqra:

“5.   L-operaturi ekonomiċi u l-operaturi tal-ewwel stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut għandhom jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni dwar il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni tal-istabbilimenti rispettivi tagħhom, sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jirreġistraw u jibagħtu l-informazzjoni dwar il-movimenti tal-prodotti, kif previst fl-Artikolu 32.”;

Fil-paġna 22, fil-punt (k) tal-Artikolu 25(1), it-tielet sentenza,

minflok:

“L-interfaċċja grafika għall-ġestjoni tal-utenti għandha tkun kompatibbli mar-Regolament (UE) Nru 910/2014, b'mod partikulari s-soluzzjonijiet rilevanti li jistgħu jerġgħu jintużaw li jiġu pprovduti bħala moduli fil-kuntest tal-parti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa marbuta mat-telekomunikazzjoni.”,

aqra:

“Il-modi ta' aċċess għall-interfaċċja grafika għall-ġestjoni tal-utenti għandha tkun kompatibbli mar-Regolament (UE) Nru 910/2014, b'mod partikolari s-soluzzjonijiet rilevanti li jistgħu jerġgħu jintużaw li jiġu pprovduti bħala moduli fil-kuntest tal-parti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa marbuta mat-telekomunikazzjoni.”.