ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 224

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
5 ta' Settembru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1213 tat-28 ta' Awwissu 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Rucavas baltais sviests (IĠP)

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1214 tad-29 ta' Awwissu 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Morcilla de Burgos (IĠP)

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

4

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1216 tal-4 ta' Settembru 2018 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija (notifikata bid-dokument C(2018) 5885)  ( 1 )

10

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

5.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1213

tat-28 ta' Awwissu 2018

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Rucavas baltais sviests” (IĠP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Rucavas baltais sviests” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk id-denominazzjoni “Rucavas baltais sviests” jenħtieġ li tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Rucavas baltais sviests” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 139, 20.4.2018, p. 13.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


5.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1214

tad-29 ta' Awwissu 2018

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “Morcilla de Burgos” (IĠP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ta' Spanja biex id-denominazzjoni “Morcilla de Burgos” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ avviżi ta' oppożizzjoni, segwiti minn żewġ dikjarazzjonijiet motivati ta' oppożizzjoni, skont l-Artikolu 51(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mingħand is-Sur Iñaki Libano minn Köln fil-Ġermanja u mingħand is-Sur Diego Garcia f'isem il-kumpanija Hydroplus li tinsab f'Chatou fi Franza, li qisithom bħala dikjarazzjonijiet mhux ammissibbli. Skont l-Artikolu 51 ta' dak ir-Regolament, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom interess leġittimu u li jkunu stabbiliti jew residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun saret l-applikazzjoni, ma għandhomx id-dritt jippreżentaw avviż ta' oppożizzjoni direttament lill-Kummissjoni.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-denominazzjoni “Morcilla de Burgos” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Morcilla de Burgos” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 455, 6.12.2016, p. 7.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


DEĊIŻJONIJIET

5.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1215

tas-16 ta' Lulju 2018

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u l-progress soċjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jieħdu kont tal-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema.

(2)

L-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni, kif ukoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(3)

F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni ta' politika għall-politiki fiskali, makroekonomiċi u strutturali. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji Gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (4), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati li Jimplimentaw l-Istrateġija Ewropa 2020. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li jirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita ta' politika ekonomika u soċjali ġenerali adatta li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(4)

Il-Linji Gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni u diversi inizjattivi tal-Unjoni, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (5), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet (7) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (8).

(5)

Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien l-istrumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata ta' politiki ekonomiċi, baġitarji, soċjali u dwar l-impjiegi u għandu l-għan li jikseb il-miri tal-Ewropa 2020, inkluż dawk dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE (9). Filwaqt li jiġu promossi l-objettivi tal-politika li jingħataw spinta l-investimenti, jitwettqu r-riformi strutturali u jiġu żgurati politiki fiskali responsabbli, is-Semestru Ewropew issaħħaħ u ġie ssimplifikat kontinwament mill-2015. Il-fokus tiegħu soċjali u fuq l-impjiegi ġie b'mod partikolari msaħħaħ, u ġie approfondit id-djalogu mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(6)

L-irkupru tal-Unjoni mill-kriżi ekonomika qed jappoġġa tendenzi pożittivi fis-suq tax-xogħol, iżda għad fadal sfidi u spareġġi importanti fil-prestazzjoni ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom. Il-kriżi enfasizzat l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tax-xogħol. L-iżgurar li l-Unjoni timxi 'l quddiem għal stat ta' tkabbir u ħolqien ta' impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi huwa l-isfida ewlenija ffaċċata llum. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Billi tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, tali azzjoni ta' politika jenħtieġ li tinkludi li tingħata spinta lill-investiment, iġġedded l-impenn għal riformi strutturali b'sekwenza b'mod adatt li jtejbu l-produttività, il-prestazzjoni tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u r-reżiljenza ekonomika fil-preżenza ta' xokkijiet u l-eżerċizzju ta' responsabbiltà fiskali, filwaqt li tieħu kont tal-impatt tagħhom fuq l-impjiegi u s-soċjetà.

(7)

Riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jsegwu prattiki nazzjonali ta' djalogu soċjali u jippermettu l-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni b'mod ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż titjib fil-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi, politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, kif ukoll tad-dħul reali.

(8)

L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jindirizzaw ukoll il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u jimmiraw li jibnu soċjetà inklużiva li fiha n-nies jingħataw is-setgħa li jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, kif deskritt fil-qosor fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE (10). Jenħtieġ li jiġu indirizzati l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali (inklużi dawk tat-tfal), b'mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż investimenti fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Jenħtieġ li jkompli jitwettaq il-potenzjal ta' persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali. Mas-seħħ ta' mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(9)

Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (11), wara konsultazzjoni pubblika estensiva u wiesgħa. Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri, biex jixpruna riformi fil-livell nazzjonali u jkun ta' direzzjoni għal proċess imġedded ta' konverġenza fl-Ewropa kollha. Minħabba r-rilevanza ta' dawn il-prinċipji għall-koordinazzjoni ta' politiki strutturali, il-linji gwida għall-impjiegi huma allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(10)

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa akkumpanjat minn tabella ta' valutazzjoni li jenħtieġ li tissorvelja l-implimentazzjoni u l-progress tal-Pilastru billi ssegwi x-xejriet u r-rendimenti fost l-Istati Membri u tivvaluta l-progress lejn aktar konverġenza soċjoekonomika. Din l-analiżi tikkontribwixxi għas-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fejn adatt.

(11)

Dawn il-Linji Gwida Integrati jenħtieġ li jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħra tal-Unjoni biex irawmu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, it-titjib fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(12)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ li jissorveljaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawn il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jiġi sostnut id-djalogu dwar politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

(13)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw parti mil-linji gwida integrati tal-Ewropa 2020.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-linji gwida stabbiliti fl-Anness fil-linji politiċi dwar l-impjiegi u l-programmi ta' riforma tagħhom, li għandhom jiġu rappurtati skont l-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Opinjoni tad-19 ta' April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-14 ta' Marzu 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tat-3 ta' Mejju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

(5)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(6)  ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

(7)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

(8)  ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11).

(11)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.


ANNESS

Linja gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inkluż billi jnaqqsu l-ostakli li n-negozji jiffaċċaw biex jimpjegaw in-nies, billi jrawmu intraprenditorija responsabbli u impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, billi jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro u żgħar. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu dawk il-forom innovattivi ta' impjieg li joħolqu opportunitajiet ta' impjieg ta' kwalità.

Il-piż tat-taxxa għandu jiċċaqlaq mix-xogħol għal sorsi oħra ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u t-tkabbir, filwaqt li jittieħed kont tal-effett ridistributtiv tas-sistema tat-taxxa, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali, jinkoraġġixxu mekkaniżmi trasparenti u prevedibbli li jiffissaw il-pagi li jippermettu li l-pagi jirrispondu għall-iżviluppi fil-produttività u jipprovdu pagi ġusti għal livell ta' għajxien deċenti. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-differenzi fil-livelli ta' ħiliet u d-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika bejn reġjuni, setturi u kumpaniji. Filwaqt li jirrispettaw prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw livelli tal-paga minima adegwati, filwaqt li jieħdu kont tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost min għandu xogħol.

Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista ta' ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi

Fil-kuntest ta' bidla teknoloġika, ambjentali u demografika, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies, li jwieġeb għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investiment meħtieġ kemm fl-edukazzjoni u fit-taħriġ inizjali kif ukoll f'dawk kontinwi (tagħlim tul il-ħajja). Għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi u partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, biex jipprovdu edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja inklussivi u ta' kwalità. Għandhom ifittxu li jiżguraw it-trasferiment ta' intitolamenti tat-taħriġ matul transizzjonijiet professjonali. Dan għandu jippermetti lil kulħadd li jantiċipa u jadatta aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jiġġestixxi b'suċċess it-transizzjonijiet, u b'hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.

L-Istati Membri għandhom irawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd fl-edukazzjoni, inkluż l-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Għandhom jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, b'mod partikolari għal dawk l-inqas kwalifikati u studenti li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati. Għandhom jiżguraw eżiti tat-tagħlim ta' kwalità, isaħħu l-ħiliet bażiċi, inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola u jżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fil-kontinwazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri għandhom isaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom (inkluż permezz ta' apprendistati effettivi u ta' kwalità), isaħħu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja, itejbu l-monitoraġġ u l-previżjoni tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u komparabbli u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u kompetenzi miksuba lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Għandhom itejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi flessibbli. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ukoll adulti bi ftit ħiliet biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jagħtu spinta lill-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim ta' kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta' Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta' edukazzjoni u taħriġ li jlaqqgħu l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

Il-qgħad u l-inattività għandhom jiġu indirizzati, inkluż permezz ta' assistenza koordinata, f'waqtha, effettiva u mfassla apposta bbażata fuq l-appoġġ għal tfittix ta' impjieg, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid. Għandhom jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond mhux aktar tard minn 18-il xahar qgħad bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b'mod sinifikanti l-qgħad strutturali u fit-tul. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ, għandhom jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni ta' tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (1).

L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b'mod partikolari għall-aktar persuni mneħħija mis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b'diżabilità, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju mmirati u servizzi finanzjarji li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għandha tiġi indirizzata, inkluż bl-iżgurar ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. Għandha tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ġenituri u persuni oħra b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal leave adatt tal-familja u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.

Linja gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-prinċipji ta' flessibbiltà u sigurtà, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jrawmu it-transizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet ilkoll għandhom jipprovdu kemm ambjent adatt għar-reklutaġġ, kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għall-impjegaturi biex jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jiġu preservati ambjenti adatti tax-xogħol siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema. Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-ġlieda kontra l-abbuż ta' kuntratti atipiċi. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, għandhom jiġu żgurati f'każijiet ta' tkeċċija inġusta.

Il-politiki għandu jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-transizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jsostnu b'mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-effettività ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa, jilħqu aktar 'il bogħod u jorbtuhom aħjar mal-appoġġ għall-introjtu lil dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u abbażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandu jkollhom l-għan ta' servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f'waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawk qiegħda b'benefiċċji tal-qgħad adegwati ta' tul taż-żmien raġonevoli, skont il-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Tali benefiċċji ma għandhomx ikunu ta' diżinċentiv għal ritorn lura ta' malajr għax-xogħol u għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

Il-mobbiltà ta' studenti u ħaddiema għandha tiġi promossa bl-għan li jittejbu l-ħiliet ta' impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Għandhom jitneħħew l-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg. L-Istati Membri għandhom jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-“Brain Drain” potenzjali minn ċerti reġjuni.

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw involviment f'waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, fejn rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta' appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

Linja gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu kontra l-faqar

L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi, miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. Għandhom jiżguraw it-trattament ugwali rigward l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mis-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali effettiva, effiċjenti, sostenibbli u adegwata fl-istadji kollha tal-ħajja ta' individwu, li jrawwem l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà soċjali 'l fuq, jinċentiva l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jindirizza l-inugwaljanzi, inkluż permezz tat-tfassil tas-sistemi ta' taxxi u benefiċċji tagħhom. L-ikkumplementar ta' approċċi universali ma' approċċi selettivi jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. L-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandha twassal għal aċċess, sostenibbiltà, adegwatezza u kwalità aħjar.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji preventivi u integrati permezz tal-kombinament tat-tliet oqsma ta' inklużjoni attiva: appoġġ ta' dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw benefiċċji adegwati tad-dħul minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà.

Id-disponibbiltà ta' servizzi affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija essenzjali biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, inkluż għan-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż it-tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Għal dawk fil-bżonn jew f'sitwazzjoni vulnerabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta' akkomodazzjoni. Il-problema ta' persuni mingħajr dar għandha tiġi indirizzata b'mod speċifiku. Għandu jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa kurattiva, preventiva u affordabbli u kura fit-tul ta' kwalità tajba, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul.

F'kuntest ta' lonġevità li qed tiżdied u tibdil demografiku, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom, li jipprovdi opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta' skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat. Ir-riformi fil-pensjoni għandhom jiġu appoġġati minn miżuri li jestendu l-ħajjiet tax-xogħol, bħal biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, u jkunu stabbiliti fi strateġiji għat-tixjiħ attiv. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu djalogu kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta tar-riformi.


(1)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.


5.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1216

tal-4 ta' Settembru 2018

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2018) 5885)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabilità tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti magħmula minnhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn iridu japplikaw il-miżuri stipulati fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Ir-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li jiġu deskritti fil-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija, b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' dik ir-regjonalizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Il-Bulgarija

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Żona ta' protezzjoni

Il-villaġġi li ġejjin tar-reġjun ta' Varna:

 

Tutrakantsi

 

Bozveliysko

 

Provadiya

 

Dobrina

 

Manastir

 

Zhitnitsa

 

Barzitsa

 

Tsarevtsi

 

Nova Shipka

 

Velichkovo

 

Tsonevo

 

Sava

 

Dalgopol

 

Chayka

 

Royak

 

Blaskovo

 

Kiten

 

Hrabrovo

 

Ovcharga

 

Krivnya

Żona ta' sorveljanza

Il-bqija tar-reġjun ta' Varna