ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 190

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
27 ta' Lulju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1059 tal-24 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għaċ-ċiċċirell u l-qabdiet inċidentali assoċjati taż-żona 2r ta' ġestjoni taċ-ċiċċirell minn bastimenti fl-ilmijiet tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tad-Danimarka

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1060 tas-26 ta' Lulju 2018 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva trifloksistrobin skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1061 tas-26 ta' Lulju 2018 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva karfentrażon-etil, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1062 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt CETA stabbilit mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura għall-Kumitat Konġunt CETA u l-kumitati speċjaliżżati

13

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 ( ĠU L 16, 19.1.2012 )

20

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja ( ĠU L 147, 1.6.2013 )

20

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1059

tal-24 ta' Lulju 2018

li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għaċ-ċiċċirell u l-qabdiet inċidentali assoċjati taż-żona 2r ta' ġestjoni taċ-ċiċċirell minn bastimenti fl-ilmijiet tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tad-Danimarka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018.

(2)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament li għamlu l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fih jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2018.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi fih għall-2018 għandha titqies li hija eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi f'dak l-Anness jew li huma rreġistrati fih, għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikulari, wara dik id-data għandu jkun ipprojbit li l-ħut ta' dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, jiġi ttrasportat lejn pajjiż ieħor jew jinħatt l-art.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, p. 1).


ANNESS

Nru

12/TQ120

Stat Membru

Id-Danimarka

Stokk

SAN/234_2R

Speċi

Iċ-ċiċċirell u l-qabdiet inċidentali assoċjati (Ammodytes spp.)

Żona

Żona ta' ġestjoni 2r taċ-ċiċċirella fl-ilmijiet tal-Unjoni

Data tal-għeluq

22.6.2018


27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1060

tas-26 ta' Lulju 2018

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva trifloksistrobin skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/68/KE (2) inkludiet it-trifloksistrobin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva trifloksistrobin, kif stabbilita fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018.

(4)

Ġiet ippreżentata applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-trifloksistrobin skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu taż-żmien previst f'dak l-Artikolu.

(5)

L-applikant ippreżenta d-dossiers supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur, u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fid-29 ta' Settembru 2016.

(7)

L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll id-dossier tas-sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(8)

Fid-19 ta' Settembru 2017 l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jistax jiġi mistenni li t-trifloksistrobin jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fit-23 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid għat-trifloksistrobin lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(9)

L-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport għat-tiġdid.

(10)

Dwar użu rappreżentattiv wieħed jew aktar, ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(11)

Għaldaqstant, jixraq li l-approvazzjoni tat-trifloksistrobin tiġġedded.

(12)

Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-trifloksistrobin hija bbażata fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-trifloksistrobin. Għalhekk, jixraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni fuq l-użu esklussivament bħala fungiċida.

(13)

Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(15)

Minħabba li l-approvazzjoni attwali tat-trifloksistrobin tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva trifloksistrobin hija mġedda kif stipulat fl-Anness I.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/68/KE tal-11 ta' Lulju 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi trifloxystrobin, carfentrazone-ethyl, mesotrione, fenamidone u isoxaflutole bħala sustanzi attivi (ĠU L 177, 16.7.2003, p. 12).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  EFSA Journal 2017;15(9):4980. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Trifloksistrobin

Nru CAS 141517-21-7

Nru CIPAC 617

aċetat tal-metil (E)-metossimmino-{(E)-α-[1-(α,α,α-trifluworo-m-tolil)etilideneaminoossil]-o-tolil}

≥ 975 g/kg

AE 1344136 (mass. 4 g/kg)

fl-1 ta' Awwissu 2018.

fil-31 ta' Lulju 2033.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar il-trifloksistrobin, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ħarsien tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni li jkollhom ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

lill-protezzjoni ta' organiżmi akkwatiċi, in-naħal, u l-għasafar li jieklu l-ħut u l-mammali.

Meta jixraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

L-applikant għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità informazzjoni ta' konferma dwar:

(1)

ir-rilevanza tal-metaboliti li jistgħu jseħħu fl-ilma ta' taħt l-art meta titqies kwalunkwe klassifikazzjoni relevanti għat-trifloksistrobin f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b'mod partikolari bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2;

(2)

l-effett ta' proċessi ta' trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, meta l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' taħt l-art huwa estratt għal ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba fil-punt (1) fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni, fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), dwar l-opinjoni adottata mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECHA skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 rigward it-trifloksistrobin.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba msemmija fil-punt (2) fi żmien sentejn wara li l-Kummissjoni tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar il-valutazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, titħassar l-entrata 59 dwar it-trifloksistrobin;

(2)

fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“124

Trifloksistrobin

Nru CAS 141517-21-7

Nru CIPAC 617

aċetat tal-metil (E)-metossimmino-{(E)-α-[1-(α,α,α-trifluoro-m-tolil)etilideneaminooksil]-o-tolil}

≥ 975 g/kg

AE 1344136 (mass. 4 g/kg)

fl-1 ta' Awwissu 2018.

fil-31 ta' Lulju 2033.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar il-trifloksistrobin, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ħarsien tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni li jkollhom ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

lill-protezzjoni ta' organiżmi akkwatiċi, in-naħal, u l-għasafar u l-mammali li jieklu l-ħut.

Fejn jixraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

L-applikant għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità informazzjoni ta' konferma dwar:

(1)

ir-rilevanza tal-metaboliti li jistgħu jseħħu fl-ilma ta' taħt l-art meta titqies kwalunkwe klassifikazzjoni relevanti għat-trifloksistrobin f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, b'mod partikolari bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2;

(2)

l-effett ta' proċessi ta' trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi preżenti fl-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art, meta l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' taħt l-art huwa estratt għal ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba fil-punt (1) fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni, fuq is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), dwar l-opinjoni adottata mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECHA skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 rigward it-trifloksistrobin.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba msemmija fil-punt (2) fi żmien sentejn wara li l-Kummissjoni tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar il-valutazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' revizjoni.


27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1061

tas-26 ta' Lulju 2018

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva karfentrażon-etil, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, u b'mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/68/KE (2) inkludiet il-karfentrażon-etil bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva karfentrażon-etil, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018.

(4)

Ġiet ippreżentata applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-karfentrażon-etil skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu ta' żmien stipulat fl-istess Artikolu.

(5)

L-applikant ippreżenta d-dossiers supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur, u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2015.

(7)

L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll id-dossier tas-sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(8)

Fit-22 ta' Lulju 2016 (6), l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jistax jiġi mistenni li l-karfentrażon-etil jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fl-24 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid għall-karfentrażon-etil lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(9)

L-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport għat-tiġdid.

(10)

Dwar użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-karfentrażon-etil, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(11)

Għalhekk, jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-karfentrażon-etil.

(12)

Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-karfentrażon-etil hija msejsa fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-karfentrażon-etil. Għalhekk, jixraq li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użu esklussivament bħala erbiċida.

(13)

Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(15)

Minħabba li l-approvazzjoni attwali tal-karfentrażon-etil tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva karfentrażon-etil hija mġedda kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1)

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/68/KE tal-11 ta' Lulju 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi trifloxystrobin, carfentrazone-ethyl, mesotrione, fenamidone u isoxaflutole bħala sustanzi attivi (ĠU L 177, 16.7.2003, p. 12).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  EFSA (European Food Safety Authority), 2016. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance carfentrazone-ethyl. EFSA Journal 2016; 14(8):4569. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu.


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Karfentrażon-etil

Nru CAS: 128639-02-1

Nru CIPAC 587.202

Etil (RS)-2-kloro-3-[2-kloro-4-fluworo-5-[4-(difluworometil)-4,5-diidro-3-metil-5-osso-1H- 1,2,4-triażol-1-il]fenil]propjonat

≥ 910 g/kg

fl-1 ta' Awwissu 2018.

fil-31 ta' Lulju 2033.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-karfentrażon-etil, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

Fil-valutazzjoni kumplessiva tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u jew b'kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

il-protezzjoni tal-organiżmi tal-ħamrija mhux fil-mira;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi;

il-protezzjoni tal-pjanti ogħla terrestri mhux fil-mira;

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq.

L-applikant għandu jressaq lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità informazzjoni ta' konferma dwar:

(1)

ir-rilevanza tal-metaboliti li jistgħu jokkorru fl-ilma ta' taħt l-art meta titqies kwalunkwe klassifikazzjoni relevanti għall-karfentrażon-etil, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b'mod partikolari bħala karċinoġen tal-kategorija 2;

(2)

l-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-punt (1) fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni adottata mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fil-paġna web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, f'konformità mal-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-karfentrażon-etil.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba msemmija fil-punt (2) fi żmien sentejn wara li l-Kummissjoni tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni ta' sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapporti ta' reviżjoni tagħhom.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, titħassar l-entrata 60 dwar il-karfentrażon-etil;

(2)

fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“125

Karfentrażon-etil

Nru CAS 128639-02-1

Nru CIPAC 587.202

Etil (RS)-2-kloro-3-[2-kloro-4-fluworo-5-[4-(difluworometil)-4,5-diidro-3-metil-5-osso-1H- 1,2,4-triażol-1-il]fenil]propjonat

≥ 910 g/kg

fl-1 ta' Awwissu 2018.

fil-31 ta' Lulju 2033.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-karfentrażon-etil, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

Fil-valutazzjoni kumplessiva tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u jew b'kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

il-protezzjoni tal-organiżmi tal-ħamrija mhux fil-mira;

il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi;

il-protezzjoni tal-pjanti ogħla terrestri mhux fil-mira;

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq.

L-applikant għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità informazzjoni ta' konferma dwar:

(1)

ir-rilevanza tal-metaboliti li jistgħu jokkorru fl-ilma ta' taħt l-art, meta titqies kwalunkwe klassifikazzjoni relevanti għall-karfentrażon-etil f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b'mod partikolari bħala karċinoġen tal-kategorija 2.

(2)

l-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tajjeb għax-xorb.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-punt (1) fi żmien sena wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni adottata mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fil-paġna web tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, f'konformità mal-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-karfentrażon-etil.

L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba msemmija fil-punt (2) fi żmien sentejn wara li l-Kummissjoni tkun qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma ta' taħt l-art.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni ta' sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapporti ta' reviżjoni tagħhom.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1062

tas-16 ta' Lulju 2018

dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt CETA stabbilit mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura għall-Kumitat Konġunt CETA u l-kumitati speċjaliżżati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, flimkien mal-Artikolu 100(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (1) tipprevedi għall-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). Il-ftehim ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (2) tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja ta' partijiet tal-Ftehim, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt CETA u kumitati speċjalizzati. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b'mod proviżorju mill-21 ta' Settembru 2017.

(3)

Skont l-Artikolu 26.1.4(d) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

(4)

Skont l-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, il-kumitati speċjalizzati jistabbilixxu u jimmodifikaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom stess jekk iqisu li dan ikun xieraq.

(5)

Il-Kumitat Konġunt CETA, matul l-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess, kif previst mill-Ftehim.

(6)

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn kull kumitat speċjalizzat skont l-Artikolu 26.2.4, ir-Regoli ta' Proċedura japplikaw mutatis mutandis għall-kumitati speċjalizzati.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt CETA abbażi tal-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż tal-Kumitat Konġunt CETA dwar ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt CETA stabbilit mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt CETA u l-kumitati speċjalizzati, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt CETA mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru […/2018] TAL-KUMITAT KONĠUNT CETA

ta' …

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u tal-Kumitati Speċjalizzati

IL-KUMITAT KONĠUNT CETA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikoli 26.1.4(d) u 26.2.4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 30.7.3 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ilhom japplikaw provviżorjament mill-21 ta' Settembru 2017;

(2)

Skont l-Artikolu 26.1.4(d) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess;

(3)

Skont l-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, il-kumitati speċjalizzati għandhom jistabbilixxu u jimmodifikaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom stess jekk iqisu li dan ikun xieraq;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt CETA u tal-kumitati speċjalizzati tiegħu, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat Konġunt CETA

Il-Kopresidenti


ANNESS

IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT CETA

Regola 1

Il-Kompożizzjoni u l-Presidenza

1.   Il-Kumitat Konġunt CETA stabbilit skont l-Artikolu 26.1 tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-Ftehim) iwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fl-Artikolu 26.1 tal-Ftehim, jerfa' r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u jippromwovi l-għanijiet ġenerali tiegħu.

2.   Skont l-Artikolu 26.1.1 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet għall-Ftehim (minn hawn 'il quddiem imsejħa “membri tal-Kumitat Konġunt CETA”) u għandu jkun ikkopresedut mill-Ministru għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Kanada u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ. Il-kopresidenti jistgħu jkunu rappreżentati mill-persuni magħżula rispettivi tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 26.1.1 tal-Ftehim.

3.   Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk kif definiti fl-Artikolu 1.1 tal-Ftehim.

Regola 2

Rappreżentanza

1.   Kull Parti għal dan il-Ftehim tinnotifika l-Parti l-oħra għall-Ftehim dwar il-lista tal-membri tiegħu tal-Kumitat Konġunt CETA. Il-lista tiġi amministrata u tinżamm attwali mis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA.

2.   Kopresident tal-Kumitat Konġunt CETA jista' jkun rappreżentat minn persuna maħtura jekk hu jew hi ma jkunx jista' jattendi laqgħa. Il-kopresident, jew il-persuna maħtura, jinforma lill-kopresident l-ieħor u l-Punt ta' Kuntatt relevanti bil-miktub bil-quddiem kemm jista' jkun.

3.   Il-persuna maħtura minflok il-kopresident tal-Kumitat Konġunt CETA teżerċita d-drittijiet ta' dak kopresident sal-punt tal-ħatra. F'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, referenzi sussegwenti għal membri u kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA jinftiehmu bħala li jinkludu l-persuna maħtura.

Regola 3

Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA

Il-Punti ta' Kuntatt CETA maħtura mill-Partijiet għall-Ftehim skont l-Artikolu 26.5 tal-Ftehim jaġixxi bħala s-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA.

Regola 4

Laqgħat

1.   Skont l-Artikolu 26.1.2 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA għandu jiltaqa' darba fis-sena jew fuq talba ta' waħda mill-Partijiet għall-Ftehim. Il-laqgħat isiru fi Brussell u f'Ottawa alternattivament, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor.

2.   F'konformità mal-Artikolu 26.6.1 tal-Ftehim, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt CETA jistgħu jsiru permezz ta' vidjokonferenza jew telekonferenza.

3.   Kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt CETA titlaqqa' mis-Segretarju tal-Kumitat Konġunt CETA f'data u f'post maqbul miż-żewġ Partijiet għall-Ftehim. Kif previst fl-Artikolu 26.6.2, il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jagħmlu ħilithom biex jiltaqgħu fi żmien 30 jum wara li Parti għall-Ftehim tirċievi talba għal laqgħa mingħand il-Parti l-oħra għall-Ftehim.

Regola 5

Delega

Il-membri tal-Kumitat Konġunt CETA jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali tal-gvern. Qabel kull laqgħa, il-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA jkunu infurmati dwar kif bi ħsiebhom jkunu komposti d-delegazzjonijiet ta' kull Parti għall-Ftehim.

Regola 6

Dokumenti

Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt CETA jkunu bbażati fuq dokumenti ta' prova miktubin, dawn id-dokumenti jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA bħala dokumenti tal-Kumitat Konġunt CETA.

Regola 7

Korrispondenza

1.   Korrispondenza indirizzata mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA għaċ-ċirkolazzjoni, fejn xieraq, lill-membri tal-Kumitat Konġunt CETA.

2.   Korrispondenza mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA tintbagħat lir-reċipjenti tas-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA u tkun numerata u ċċirkolata, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kumitat Konġunt CETA.

Regola 8

Aġenda għal-Laqgħat

1.   Aġenda proviżorja titħejja għal kull laqgħa mis-Segretarju tal-Kumitat Konġunt CETA. Din tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti oħra, lill-membri tal-Kumitat Konġunt CETA, inkluż lill-kopresidenti mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja tinkludi dawk il-punti li s-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA ikun irċieva talba dwarhom mingħand Parti għall-Ftehim, biex jiddaħħlu fl-aġenda, flimkien mad-dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.   Il-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA jippubblikaw verżjoni approvata b'mod konġunt tal-aġenda proviżorja tal-Kumitat Konġunt CETA qabel issir il-laqgħa soġġett għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26.4 tal-Ftehim.

4.   L-aġenda tkun adottata mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk il-Partijiet għall-Ftehim jaqblu li jsir hekk.

5.   Il-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA jistgħu, b'kunsens reċiproku, jistiednu osservaturi, inklużi rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet għall-Ftehim jew esperti indipendenti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi.

6.   Il-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA jistgħu, b'kunsens reċiproku, inaqqsu jew iżidu l-perjodi ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 biex jittieħed kont tar-rekwiżiti ta' xi każ partikolari.

Regola 9

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa jinkitbu mis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA, normalment fi żmien 21 jum wara tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor b'kunsens reċiproku.

2.   Bħala regola ġenerali, il-minuti jiddeskrivu fil-qosor kull punt fuq l-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:

(a)

id-dokumenti mogħtija lill-Kumitat Konġunt CETA;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kumitat Konġunt CETA jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; kif ukoll

(c)

id-deċiżjonijiet adottati, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet konġunti li ttieħdu deċiżjonijiet dwarhom u l-konklużjonijiet operazzjonali adottati dwar punti speċifiċi.

3.   Il-minuti jinkludu lista tal-ismijiet, it-titoli u l-affiljazzjonijiet tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa f'kull kapaċità.

4.   Il-minuti jiġu approvati bil-miktub mill-kopresidenti fi żmien 28 jum mid-data tal-laqgħa jew minn kwalunkwe data oħra deċiża mill-Partijiet għall-Ftehim. Ladarba approvati, żewġ kopji tal-minuti jiġu ffirmati mill-Punti ta' Kuntatt lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA u kull Parti għall-Ftehim tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta' kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Kopji tal-minuti ffirmati jintbagħtu lill-membri tal-Kumitat Konġunt CETA.

5.   Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA jħejji wkoll sommarju tal-minuti. Ladarba l-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt ikunu approvaw it-test tas-sommarju, jagħmlu s-sommarju tal-minuti pubbliku soġġett għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26.4 tal-Ftehim.

Regola 10

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jieħu deċiżjonijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet kollha previsti minn il-Ftehim, u jista' wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa. Il-Kumitat Konġunt CETA għandu jaġixxi bi qbil reċiproku, kif stipulat fl-Artikolu 26.3.3 tal-Ftehim.

2.   Fil-perjodu ta' bejn il-laqgħat, il-Kumitat Konġunt CETA jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet għall-Ftehim jaqblu li jsir hekk b'kunsens reċiproku. Għal dak l-għan, it-test tal-proposta jitqassam bil-miktub f'korrispondenza mill-President lill-membri tal-Kumitat Konġunt CETA skont ir-Regola 7, b'limitu ta' żmien li fih il-membri għandhom jgħarrfu b'kull riżervi jew emendi li jixtiequ jagħmlu. Proposti adottati jkunu kkomunikati skont ir-Regola 7 ladarba l-limitu taż-żmien ikun għadda u rrekordjati fil-minuti tal-laqgħa li jmiss.

3.   Fejn il-Kumitat Konġunt CETA jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew interpretazzjonijiet skont il-Ftehim, dawn l-atti jingħatalhom it-titolu ta' “Deċiżjoni”, “Rakkomandazzjoni” jew “Interpretazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA jagħti kwalunkwe deċiżjoni, rakkomandazzjoni jew interpretazzjoni numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett. Kull deċiżjoni tipprevedi data ta' dħul fis-seħħ, soġġett għall-ikkompletar ta' kwalunkwe rekwiżit u proċedura interna meħtieġa.

4.   Kull deċiżjoni, rakkomandazzjoni jew interpretazzjoni tiġi ffirmata mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt CETA.

5.   Il-Partijiet għall-Ftehim jiżguraw li d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-interpretazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt CETA jiġu ppubblikati.

6.   F'każ ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt CETA li jemendaw il-protokolli u l-annessi għall-Ftehim skont l-Artikolu 30.2.2 tal-Ftehim, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma ugwalment awtentiċi kif stipulat fl-Artikolu 30.11 tal-Ftehim.

Regola 11

Pubbliċità u Kunfidenzjalità

1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Ftehim jew deċiż mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt CETA ma jkunux miftuħa għall-pubbliku.

2.   Meta Parti għall-Ftehim li tissottometti informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali jew protetta minn divulgazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-Kumitat Konġunt CETA jew lil kwalunkwe kumitat speċjalizzat jew korp ieħor stabbilit taħt il-Ftehim, il-Parti l-oħra għall-Ftehim għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali kif stipulat fl-Artikolu 26.4 tal-Ftehim.

Regola 12

Il-lingwi

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat Konġunt CETA jkunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet għall-Ftehim.

2.   Il-lingwi ta' ħidma tal-Kumitati Konġunt CETA jkunu l-Ingliż u/jew il-Franċiż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-Kumitat Konġunt CETA normalment jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq id-dokumentazzjoni f'dawn il-lingwi.

Regola 13

Spejjeż

1.   Kull Parti għall-Ftehim tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt CETA.

2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti għall-Ftehim li tkun qed tospita l-laqgħa.

3.   In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni għal-lingwi ta' ħidma matul il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt titħallas mill-Parti għall-Ftehim li tkun qed tospita l-laqgħa. Parti għall-Ftehim li titlob interpretazzjoni u traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra barra l-lingwi ta' ħidma speċifikati fir-Regola 12 tħallas għal dawn is-servizzi.

Regola 14

Kumitati speċjalizzati u korpi oħra

1.   Skont l-Artikolu 26.1.4(b) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt CETA għandu jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha u korpi oħra stabbiliti skont dan il-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt CETA jiġi infurmat bil-miktub dwar il-Punti ta' Kuntatt maħtura mill-kumitati speċjalizzati jew korpi oħra stabbiliti taħt il-Ftehim. Il-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha bejn il-Punti ta' Kuntatt ta' kull kumitat speċjalizzat rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim jintbagħtu lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt CETA fl-istess ħin.

3.   Skont l-Artikolu 26.2.6, il-kumitati speċjalizzati għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Konġunt CETA dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta' kull waħda mil-laqgħat tagħhom.

4.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn kull kumitat speċjalizzat skont l-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, ir-Regoli ta' Proċedura preżenti japplikaw mutatis mutandis għal kumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti taħt il-Ftehim.


Rettifika

27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/20


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 16 tad-19 ta' Jannar 2012 )

F'paġna 22, Anness IIa (Lista ta' persuni, entitatjiet u korpi msemmija fl-Artikoli 14 u 15(1)(b)), “Entitajiet”, entrata nru. 1 (rigward Commercial Bank of Syria), kolonna “Informazzjoni ta' identifikazzjoni”,

minflok:

“… SWIFT/BIC CMSY SY DA; ….”,

aqra:

“… SWIFT/BIC CMSYSYDA; ….”.


27.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/20


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 147 tal-1 ta' Ġunju 2013 )

Fil-paġna 45, Anness II (Lista ta' entitajiet imsemmija fl-Artikolu 28), “Entitajiet”, entrata Nru 1 (rigward Commercial Bank of Syria), Kolonna “Informazzjoni ta' identifikazzjoni”,

minflok:

“… SWIFT/BIC: CMSY SY DA; ….”,

aqra:

“… SWIFT/BIC: CMSYSYDA; ….”.