ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 173

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
9 ta' Lulju 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda ( 1)

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi ( 1)

16

 

*

Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

25

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/1


REGOLAMENT (UE) 2018/956 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2018

dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika tal-2030 għall-klima u l-enerġija ġiet approvata mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet ta’ gass serra fis-setturi ekonomiċi kollha sal-2030 meta mqabbel mal-1990, u din il-mira ġiet ikkonfermata mill-ġdid fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Marzu 2016.

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014 stipulaw li l-mira għandha tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, bit-tnaqqis fis-sistema għall-iskambju fl-Unjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“EU ETS”, Emissions Trading System) u fis-setturi mhux tal-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % rispettivament sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Il-Ftehim ta’ Pariġi (3), fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul li tikkonforma mal-għan li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ħafna aktar baxxa minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dawn l-isforzi u li s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż it-trasport, jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet maqbul mill-Kunsill Ewropew u biex jitwettqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(3)

L-Istrateġija Ewropea tal-Kummissjoni tal-2016 għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tistabbilixxi l-għan li, sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport jeħtieġu li jkunu mill-inqas 60 % aktar baxxi minn kif kienu fl-1990, u jkunu resqin bis-sħiħ lejn iż-żero.

(4)

Sabiex jintlaħaq dak l-għan, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati firxa ta’ miżuri differenti. Minbarra li jiġu stabbiliti standards ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty, jiġifieri trakkijiet, xarabankijiet u coaches, dawk il-miżuri jistgħu jinkludu azzjonijiet oħra li jikkontribwixxu għal titjib tal-effiċjenza u emissjonijiet ta’ CO2 aktar baxxi ta’ vetturi heavy-duty, bħall-ottimizzazzjoni tat-tagħbija, il-platooning, it-taħriġ tas-sewwieqa, l-użu ta’ fjuwils alternattivi, l-iskemi ta’ tiġdid tal-flotta, it-tajers b’reżistenza baxxa għad-dawrien, it-tnaqqis tal-konġestjoni u l-investimenti fil-manutenzjoni tal-infrastruttura.

(5)

L-emissjonijiet ta’ gass serra minn vetturi heavy-duty bħalissa jirrappreżentaw madwar kwart tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq fl-Unjoni u, jekk ma tittieħed l-ebda miżura addizzjonali, mistennija jiżdiedu b’10 % bejn l-2010 u l-2030 u bi 17 % bejn l-2010 u l-2050. Jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri effettivi biex jitrażżnu l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet neċessarju fis-settur tat-trasport.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2014 dwar l-Istrateġija għat-Tnaqqis tal-Konsum tal-Fjuwil u tal-Emissjonijiet tas-CO2 mill-Vetturi Heavy Duty, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ tali miżuri hu proċedura regolata għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum tal-fjuwil.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprovdi l-qafas għat-twaqqif ta’ tali proċedura regolata. Il-kejl li sar skont dik il-proċedura ser jipprovdi data robusta u komparabbli dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil għal kull vettura heavy-duty fir-rigward ta’ parti sinifikanti tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty fl-Unjoni. Ix-xerrej ta’ vettura heavy-duty speċifika u l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni rispettiv ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni, biex b’hekk titnaqqas parzjalment id-diskrepanza fl-għarfien.

(8)

Fil-biċċa l-kbira, il-kumpanniji tat-trasport huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, huma għad m’għandhomx aċċess għal informazzjoni standardizzata biex jevalwaw it-teknoloġiji dwar l-effiċjenza tal-fjuwil jew iqabblu l-vetturi heavy-duty sabiex jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew dwar ix-xiri, biex b’hekk inaqqsu l-kontijiet tal-fjuwil tagħhom, li jammontaw għal aktar minn kwart tal-ispejjeż operattivi tagħhom.

(9)

Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar ir-rendiment ta’ vettura heavy-duty f’termini ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ konsum ta’ fjuwil titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex l-operaturi tal-vetturi kollha jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati sewwa dwar ix-xiri u biex ikun żgurat livell għoli ta’ trasparenza. Il-manifatturi tal-vetturi heavy-duty kollha ser ikunu jistgħu jqabblu r-rendiment tal-vetturi tagħhom ma’ dawk ta’ għamliet differenti. Dak ser iżid l-inċentivi għall-innovazzjoni u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ vetturi heavy-duty aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, biex b’hekk iżid il-kompetittività. Din l-informazzjoni ser tipprovdi wkoll lil min ifassal il-politika fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’bażi tajba għall-iżvilupp ta’ politiki li jippromwovu l-użu ta’ vetturi heavy-duty iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(10)

Biex jinkiseb għarfien komplet dwar il-konfigurazzjoni tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty fl-Unjoni, dwar l-iżvilupp tagħha matul iż-żmien u dwar l-impatt potenzjali fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, hu xieraq li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi heavy-duty ġodda kollha u tal-karrijiet ġodda kollha, inkluż id-data dwar is-sistemi tal-motopropulsjoni kif ukoll dwar il-karozzerija rilevanti.

(11)

Għalhekk huwa xieraq li l-manifatturi tal-vetturi heavy-duty jimmonitorjaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni l-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum tal-fjuwil iddeterminati għal kull vettura heavy-duty ġdida skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (5).

(12)

Id-disponibbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil għall-kategoriji differenti ta’ vetturi heavy-duty tiddependi fuq meta l-kategoriji ser ikunu koperti mir-Regolament (UE) 2017/2400. Sabiex ikunu pprovduti ċarezza u ċertezza legali rigward l-obbligi tal-monitoraġġ u r-rappurtar għall-manifatturi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi s-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar għal kull kategorija ta’ vettura heavy-duty li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Skont ir-Regolament (UE) 2017/2400, id-data ser tkun disponibbli għal ċerti vetturi heavy-duty ġodda li jkunu rreġistrati fl-2019. Mill-bidu ta’ dik is-sena, jenħtieġ li l-manifatturi għandhom ikunu rikjesti jimmonitorjaw u jirrappurtaw id-data teknika relatata ma’ dawk il-vetturi. Għal kategoriji oħrajn ta’ vetturi heavy-duty u gruppi oħrajn ta’ vetturi heavy-duty, id-data ser tkun disponibbli biss minn data aktar tard. Jenħtieġ li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien sabiex jiġu ddeterminati s-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data għal dawk il-kategoriji ta’ vetturi u gruppi ta’ vetturi. Minħabba l-kumplessità teknika tal-iżvilupp tal-proċeduri li jiddeterminaw l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil tal-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty u l-gruppi ta’ vetturi li jkun jifdal, l-iskeda ta’ żmien għandha tiġi stabbilita għal seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Huwa fl-interess tal-pubbliku li d-data teknika essenzjali għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tar-rendiment tal-konsum tal-fjuwil ta’ vettura heavy-duty tkun disseminata attivament lill-pubbliku biex tiżdied it-trasparenza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura heavy-duty u tar-rendiment relatat, u biex titrawwem kompetizzjoni fost il-manifatturi. Data li hija sensittiva għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ data personali u ta’ kompetizzjoni ġusta m’għandhiex tiġi ppubblikata. Jenħtieġ li ċerta data relatata mar-rendiment ajrudinamiku tal-vetturi heavy-duty ssir disponibbli għall-pubbliku f’format sabiex jittieħed kont ta’ konsiderazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Jenħtieġ li id-data rrappurtata ssir disponibbli għall-pubbliku f’mod aċċessibbli aktar faċilment u mingħajr ħlas. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ulterjuri tal-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent, fost l-oħrajn skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(14)

Huwa importanti li s-sistema ta’ monitoraġġ u rappurtar tkun waħda faċli biex tintuża għall-operaturi tat-trasport kollha irrispettivament mid-daqs u r-riżorsi tagħhom. Fl-istess mod, huwa importanti li l-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv tali sistema biex tiżgura li jkollha impatt sinifikattiv fuq is-settur u biex tqajjem kuxjenza dwar id-disponibbiltà tad-data rrappurtata.

(15)

Jenħtieġ li l-analiżi tal-Kummissjoni tad-data trażmessa mill-Istati Membri u l-manifatturi għas-sena kalendarja preċedenti tiġi ppreżentata lill-pubbliku f’mod li juri biċ-ċar ir-rendiment tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty tal-Unjoni u ta’ kull Stat Membru kif ukoll dak ta’ kull manifattur. Dan għandu jippermetti l-komparabbiltà kemm fil-flotot kif ukoll bejniethom f’termini tal-konsum medju ta’ fjuwil u ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull grupp ta’ vetturi heavy-duty skont il-profil tal-missjoni.

(16)

Huwa essenzjali li l-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil determinati skont ir-Regolament (UE) 2017/2400 jirriflettu b’mod korrett ir-rendiment tal-vetturi heavy-duty. Għalhekk, dak ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex tkun verifikata u żgurata l-konformità kemm tat-tħaddim tal-għodda ta’ simulazzjoni kif ukoll tal-proprjetajiet relatati tal-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ konsum tal-fjuwil tal-komponenti rilevanti, is-sistemi u l-unitajiet tekniċi separati. Jenħtieġ li dik il-proċedura ta’ verifika tinkludi l-ittestjar fuq it-triq. Il-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprovdi l-mezzi biex jiżguraw li, fil-każ ta’ devjazzjonijiet, jittieħdu miżuri ta’ rimedju mill-manifattur, u li f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi amministrattivi. Dak il-qafas il-ġdid jirrikonoxxi wkoll l-importanza ta’ partijiet terzi li jitħallew iwettqu ittestjar indipendenti ta’ vetturi u li għandhom aċċess għal data neċessarja. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja r-riżultati ta’ tali testijiet ta’ verifika u għandha tinkludi analiżi ta’ dawk ir-riżultati fir-rapport annwali tagħha.

(17)

Huwa importanti li jkun żgurat li d-data mmonitorjata u rappurtata tkun robusta u affidabbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-mezzi biex tivverifika, u fejn ikun hemm bżonn, tikkoreġi d-data finali. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-monitoraġġ jipprevedu wkoll parametri li jippermettu li d-data tkun traċċata u vverifikata b’mod adegwat.

(18)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li timponi multa amministrattiva fejn issib li d-data rrappurtata mill-manifattur tiddevja mid-data rreġistrata fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 u, b’mod partikolari, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (8) u r-Regolament (UE) 2017/2400 jew fejn il-manifattur jonqos milli jagħti d-data meħtieġa fl-iskadenza applikabbli. Dawk il-multi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(19)

Skont l-esperjenza miksuba mill-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda, huwa xieraq li r-responsabbiltà għall-iskambju tad-data mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-manifatturi, kif ukoll għall-ġestjoni tal-bażi tad-data finali għan-nom tal-Kummissjoni, tingħata lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Huwa wkoll xieraq li sa fejn hu possibbli, il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għal vetturi heavy-duty jiġu allinjati ma’ dawk diġà eżistenti għal vetturi light-duty.

(20)

Biex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-verifika u l-korrezzjoni tad-data mmonitorjata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat tal-implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(21)

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tad-data u l-proċedura ta’ monitoraġġ u rappurtar jibqgħu rilevanti tul iż-żmien għall-valutazzjoni tal-kontribut tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty għall-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tad-data dwar teknoloġiji ġodda u avvanzati li jnaqqsu s-CO2 u fuq ir-riżultati tat-testijiet tal-verifika fit-triq u biex jiġi żgurat li l-format ta’ firxa ta’ valuri tar-reżistenza tal-arja jibqgħu rileventi għal finijiet ta’ informazzjoni u ta’ komparabbiltà, kif ukoll sabiex jiġu supplimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-multi amministrattivi, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ikkompletar tas-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty koperti, tal-emendar tar-rekwiżiti tad-data u l-emendar tal-proċedura tal-monitoraġġ u rappurtar stabbilita fl-Annessi għal dan ir-Regolament, tal-ispeċifikazzjoni tad-data li tkun teħtieġ tiġi rrappurtata mill-Istati Membri għall-monitoraġġ tar-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq, tal-emendar tal-firxiet tal-valuri tar-reżistenza tal-arja, u tad-definizzjoni tal-kriterji, il-kalkolu u l-metodu tal-ġbir tal-multi amministrattivi imposti fuq il-manifatturi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jindirizzaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(22)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-monitoraġġ u r-rappurtar mill-Istati Membri u mill-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty ta’ data dwar vetturi heavy-duty ġodda.

Huwa japplika fir-rigward tal-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin:

(a)

il-vetturi tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 b’massa ta’ referenza li teċċedi 2 610 kg u li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u l-vetturi kollha tal-kategoriji M3 u N3;

(b)

il-vetturi tal-kategoriji O3 u O4.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawk il-vetturi huma msemmijin bħala vetturi heavy-duty.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fir-Regolament (KE) Nru 595/2009.

Artikolu 4

Monitoraġġ u rappurtar mill-Istati Membri

1.   Mill-bidu tal-1 ta’ Jannar 2019, u għal kull sena kalendarja sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw id-data speċifikata fil-Parti A tal-Anness I relatata ma’ vetturi heavy-duty ġodda rreġistrati għall-ewwel darba fl-Unjoni.

Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, mill-2020 ’il quddiem, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dik id-data lill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ rappurtar stabbilita fl-Anness II.

Data relatata ma’ vetturi heavy-duty ġodda li ġew irreġistrati qabel barra mill-Unjoni ma għandhiex tiġi mmonitorjata u rrappurtata, sakemm dik ir-reġistrazzjoni ma tkunx saret inqas minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fl-Unjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ data skont dan ir-Regolament għandhom ikunu dawk nominati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Artikolu 5

Monitoraġġ u rappurtar mill-manifatturi

1.   Mis-snin tal-bidu stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I, il-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty għandhom jimmonitorjaw, fuq bażi ta’ sena kalendarja, id-data speċifikata fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I, għal kull vettura heavy-duty ġdida.

Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, mis-snin tal-bidu stabbiliti fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I, il-manifatturi ta’ vetturi heavy-duty għandhom jirraportaw dik id-data għal kull vettura heavy-duty ġdida b’data ta’ simulazzjoni li taqa’ fis-sena kalendarja preċedenti lill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ rappurtar stabbilita fl-Anness II.

Id-data tas-simulazzjoni għandha tkun id-data rappurtata skont l-entrata tad-data 71 fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I.

2.   Kull manifattur għandu jaħtar punt ta’ kuntatt għall-iskop tar-rappurtar tad-data skont dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Reġistru Ċentrali għal data dwar vetturi heavy-duty

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm Reġistru Ċentrali għad-data dwar vetturi heavy-duty (“ir- Reġistru”) li tiġi rappurtata f’konformità mal-Artikoli 4 u 5.

Ir-Reġistru għandu jkun disponibbli pubblikament bl-eċċezzjoni tal-entrata tad-data (a) speċifikata fil-Parti A tal-Anness I u l-entrati tad-data 1, 24, 25, 32, 33, 39 u 40 speċifikati fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I. Fir-rigward tal-entrata tad-data 23 speċifikata fil-punt 2 tal-parti B tal-Anness I, il-valur għandu jsir disponibbli pubblikament f’format ta’ firxa ta’ valuri kif stabbilit fil-Parti C tal-Anness I.

2.   Ir-Reġistru għandu jkun ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’isem il-Kummissjoni.

Artikolu 7

Monitoraġġ tar-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ, fejn disponibbli, tar-riżultati ta-testijiet fit-triq mwettqa fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 biex tivverifika l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-data li għandha tiġi rappurtata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Il-kwalità tad-data

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-manifatturi għandhom ikunu responsabbli għall-eżattezza u l-kwalità tad-data li jirrapportaw taħt l-Artikoli 4 u 5. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe żball misjub fid-data rappurtata.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-verifiki tagħha stess tal-kwalità tad-data rappurtata taħt l-Artikoli 4 u 5.

3.   Fejn il-Kummissjoni tkun infurmata bl-iżbalji fid-data jew issib, bis-saħħa tal-verifika tagħha stess, diskrepanzi fis-sett tad-data, hi għandha, fejn xieraq, tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkoreġi d-data ppubblikata fir-Reġistru msemmi fl-Artikolu 6.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-miżuri ta’ verifika u korrezzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 9

Multi amministrattivi

1.   Il-Kummissjoni tista’ timponi multa amministrattiva f’kull wieħed minn dawn il-każijiet:

(a)

fejn issib li d-data rappurtata mill-manifattur taħt l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament tiddevja mid-data li tirriżulta mill-fajl tar-rekords tal-manifattur jew iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għall-magna maħruġ fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009, u d-devjazzjoni tkun intenzjonata jew minħabba traskuraġni serja;

(b)

fejn id-data ma tkunx ppreżentata fi żmien id-data ta’ skadenza applikabbli skont l-Artikolu 5(1) u d-dewmien ma jistax ikun debitament ġustifikat.

Għall-iskopijiet tal-verifika tad-data msemmija fil-punt (a), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet ta’ approvazzjoni rilevanti.

Il-multi amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi u m’għandhomx jeċċedu EUR 30 000 għal kull vettura heavy-duty kkonċernata minn devjazzjoni jew dewmien ta’ data kif imsemmi fil-punti (a) u (b).

2.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-prinċipji stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-proċedura, il-metodi għall-kalkolu u l-ġbir tal-multi amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni għandha tirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari d-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u ta’ sigrieti kummerċjali;

(b)

fil-kalkolu tal-multa amministrattiva adatta, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-effettività, il-proporzjonalità u d-dissważività, b’kont meħud, fejn rilevanti, tas-serjetà u l-effetti tad-devjazzjoni jew tad-dewmien, l-għadd ta’ vetturi heavy-duty kkonċernati minn devjazzjoni jew dewmien ta’ data, il-bona fides tal-manifattur, il-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni tal-manifattur, ir-ripetizzjoni, il-frekwenza jew it-tul ta’ żmien tad-devjazzjoni jew id-dewmien kif ukoll sanzjonijiet preċedenti imposti fuq l-istess manifattur;

(c)

il-multi amministrattivi għandhom jinġabru mingħajr dewmien żejjed billi jiġu ffissati skadenzi għall-ħlas u, skont il-każ, tiġi inkluża l-possibbiltà li l-ħlas jinqasam f’diversi pagamenti parzjali u fażijiet.

4.   L-ammonti tal-multi amministrattivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 10

Rapport

1.   Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali bl-analiżi tagħha tad-data trażmessa mill-Istati Membri u mill-manifatturi għas-sena kalendarja preċedenti.

2.   L-analiżi għandha tindika, bħala minimu, ir-rendiment tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty tal-Unjoni kif ukoll dik ta’ kull Stat Membru u kull manifattur f’termini tal-konsum medju ta’ fjuwil u tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull kategorija ta’ vetturi heavy-duty skont il-profil, tagħbija u l-kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni. Din għandha wkoll, fejn disponibbli, tqis id-data dwar it-teħid ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati ta’ tnaqqis tas-CO2, kif ukoll ta’ sistemi ta’ motopropulsjoni alternattivi. Barra minn hekk, din għandha tinkludi analiżi ta’, fejn ikunu disponibbli, ir-riżultati tat-testijiet ta’ verifika fit-triq kif immonitorjati skont l-Artikolu 7.

3.   Il-Kummissjoni għandha tħejji l-analiżi bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Artikolu 11

L-emendar tal-Annessi

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 13 bil-ħsieb li temenda l-Annessi għall-iskop ta’:

(a)

l-aġġornament jew l-aġġustament tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-Parti A u l-Parti B tal-Anness I, fejn dan jitqies li hu neċessarju biex tiġi prevista analiżi bir-reqqa skont l-Artikolu 10;

(b)

l-ikkompletar tas-snin tal-bidu fil-punt 1 tal-Parti B tal-Anness I;

(c)

l-aġġornament jew l-aġġustament tal-firxiet ta’ valuri stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I biex jitqiesu l-bidliet fit-tfassil ta’ vetturi heavy-duty u biex ikun żgurat li l-firxiet ta’ valuri jibqgħu rilevanti għal skopijiet ta’ informazzjoni u komparabbiltà;

(d)

l-aġġustament tal-proċedura ta’ monitoraġġ u rappurtar speċifikata fl-Anness II biex titqies l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ Lulju 2025.

Artikolu 12

Il-proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 13

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mid-29 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(2), 9(2) u 11(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 95.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2018.

(3)  Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy — duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d- Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad- Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).


ANNESS I

Regoli dwar data li għandha tiġi mmonitorjata u rappurtata

PARTI A:DATA LI GĦANDHA TIĠI MMONITORJATA U RAPPURTATA MILL-ISTATI MEMBRI:

(a)

in-numri tal-identifikazzjoni tal-vetturi heavy-duty ġodda kollha kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 li huma rreġistrati fit-territorju ta’ Stat Membru;

(b)

l-isem tal-manifattur;

(c)

id-ditta (l-isem kummerċjali tal-manifattur);

(d)

il-kodiċi għall-karozzerija kif speċifikat fil-punt 38 taċ-ċertifikat ta’ konformità, fejn disponibbli;

(e)

fil-każ tal-vetturi heavy-duty msemmija fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, l-informazzjoni fuq l-impjant tal-enerġija speċifikata fil-punti 23, 23.1 u 26 taċ-ċertifikat ta’ konformità.

PARTI B: DATA LI GĦANDHA TIĠI MMONITORJATA U RAPPURTATA MILL-MANIFATTURI TA’ VETTURI HEAVY-DUTY

1.

Is-snin tal-bidu għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għall-kategoriji ta’ vetturi heavy-duty stipulati fil-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2:

Kategorija ta’ vetturi heavy-duty

Grupp ta’ vetturi fil-kategorija tal-vetturi (kif imsemmi fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/2400)

Sena tal-bidu

Monitoraġġ

Sena tal-bidu

Rappurtar

N1

N2

1 u 2

2020

2021

N3

3

2020

2021

4, 5, 9 u 10

2019

2020

11, 12 u 16

2020

2021

M1

M2

M3

O3

O4

2.

Data li għandha tiġi mmonitorjata u rappurtata:

Nru

Parametri tal-monitoraġġ

Is-sors: Parti I tal- Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2400, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor

Deskrizzjoni

1

Numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN)

1.1.3

Identifikazzjoni tal-vettura u l-komponenti

2

Numru taċ-ċertifikazzjoni tal-magna

1.2.2

3

Numru taċ-ċertifikazzjoni CdxA (1) (jekk applikabbli)

1.8.3

4

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-trażmissjoni

1.3.2

5

Numru taċ-ċertifikazzjoni tal-fus

1.6.2

6

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 1

1.9.2

7

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 2

1.9.6

8

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 3

1.9.10

9

Numru taċ-ċertifikazzjoni tat-tajer, fus 4

1.9.14

10

Kategorija tal-vettura (N1, N2, N3, M1, M2, M3)

1.1.4

Klassifikazzjoni tal-vettura

11

Konfigurazzjoni tal-fus

1.1.5

12

Piż gross massimu tal-vettura (t)

1.1.6

13

Grupp tal-vettura

1.1.7

14

Isem u indirizz tal-manifattur

1.1.1

Speċifikazzjoni tal-vettura u tax-xażì

15

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur)

1.1.7 Parti II tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400

 

16

Massa attwali kkoreġuta tal-vettura mingħajr okkupanti (kg)

1.1.8

17

Potenza nominali tal-magna (kW)

1.2.3

Speċifikazzjonijiet ewlenin tal-magna

18

Veloċità tal-magna mhux ingranata (1/min)

1.2.4

19

Veloċità nominali tal-magna (1/min)

1.2.5

20

Kapaċità tal-magna (ltr)

1.2.6

21

Tip ta’ fjuwil ta’ referenza tal-magna(diżil/LPG/CNG…)

1.2.7

22

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ CdxA (valuri jew kejl standard)

1.8.2

Ajrudinamika

23

Valur CdxA (valur tar-reżistenza tal-arja)

1.8.4

24

Isem u indirizz tal-manifattur tat-trażmissjoni

Speċifikazzjonijiet ewlenin tat-trażmissjoni

25

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tat-trażmissjoni)

26

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni tal-mapep tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (Opzjoni 1/Opzjoni 2/Opzjoni 3/Valuri standard)

1.3.3

27

Tip ta’ trażmissjoni (SMT (2), AMT (3), APT (4) -S (5), APT-P (6))

1.3.4

28

Għadd ta’ gerijiet

1.3.5

29

Proporzjon tal-ger finali tat-trażmissjoni

1.3.6

30

Tip ta’ ritardant

1.3.7

31

Konnessjoni motorizzata (iva/le)

1.3.8

32

Isem u indirizz tal-manifattur tal-fus

Speċifikazzjonijiet tal-fus ewlieni

33

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tal-fus)

34

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ mappa tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (valuri/kejl standard)

1.7.3

35

Tip ta’ fus (eż. fus wieħed standard operat)

1.7.4

36

Proporzjon tal-fus

1.7.5

37

Opzjoni taċ-ċertifikazzjoni użata għall-ġenerazzjoni ta’ mappa tat-telf tal-għodda tas-simulazzjoni (valuri/kejl standard)

1.6.3

L-ispeċifikazzjonijiet tas-sewqan f’angolu

38

Proporzjon tas-sewqan f’angolu

1.6.4

39

Isem u indirizz tal-manifattur tat-tajer

Speċifikazzjonijiet ewlenin tat-tajers

40

Ditta (isem kummerċjali tal-manifattur tat-tajer)

41

Daqs tat-tajer, fus 1

1.9.1

42

Koeffiċjent speċifiku tar-reżistenza għad-dawrien (RRC, rolling resistance coefficient) tat-tajers kollha fuq il-fus 1

1.9.3

43

Daqs tat-tajer, fus 2

1.9.4

44

Fus doppju (iva/le) fus 2

1.9.5

45

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 2

1.9.7

46

Daqs tat-tajer, fus 3

1.9.8

47

Fus doppju (iva/le), fus 3

1.9.9

48

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 3

1.9.11

49

Daqs tat-tajer fus 4

1.9.12

50

Fus doppju (iva/le) fus 4

1.9.13

51

RRC speċifika tat-tajers kollha fuq il-fus 4

1.9.15

52

Teknoloġija tal-fann tat-tkessiħ tal-magna

1.10.1

Speċifikazzjonijiet ewlenin awżiljarji

53

Teknoloġija tal-pompa tal-istering

1.10.2

54

Teknoloġija tas-sistema tal-elettriku

1.10.3

55

Teknoloġija tas-sistema pnewmatika

1.10.4

56

Profil tal-missjoni (trasport fit-tul, trasport fit-tul (EMS (7)), reġjonali, reġjonali (EMS), urban, muniċipali, kostruzzjoni)

2.1.1

Parametri ta’ simulazzjoni (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

57

Tagħbija (kif definita fl-għodda tas-simulazzjoni) (kg)

2.1.2

 

58

Tip ta’ fjuwil (diżil/petrol/LPG/CNG/...)

2.1.3

 

59

Massa totali tal-vettura taħt simulazzjoni (kg)

2.1.4

 

60

Veloċità medja (km/h)

2.2.1

Rendiment tas-sewqan tal-vettura (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

61

Veloċità minima istantanja (km/h)

2.2.2

62

Veloċità massima istantanja (km/h)

2.2.3

63

Deċellerazzjoni massima (m/s2)

2.2.4

64

Aċċellerazzjoni massima (m/s2)

2.2.5

65

Perċentwal tat-tagħbija sħiħa fuq il-ħin tas-sewqan

2.2.6

66

Għadd totali tat-tibdil tal-gerijiet

2.2.7

67

Distanza totali misjuqa (km)

2.2.8

68

Emissjonijiet CO2 (espressi fi g/km, g/t-km, g/p-km, g/m3-km)

2.3.13-2.3.16

emissjonijiet ta’ CO2 u konsum tal-fjuwil (għal kull profil/tagħbija/kombinazzjoni tal-fjuwil tal-missjoni)

69

Konsum tal-fjuwil (espress fi g/km, g/t-km, g/p-km, g/m3-km, l/100 km, l/t-km, l/p-km, l/m3-km, MJ/km, MJ/t-km, MJ/p-km, MJ/m3-km)

2.3.1-2.3.12

70

Verżjoni (X.X.X.) tal-għodda ta’ simulazzjoni

3.1.1

Informazzjoni tas-softwer u l-utent

71

Data u ħin tas-simulazzjoni

3.1.2

72

Numru tal-liċenzja biex topera l-għodda tas-simulazzjoni

73

Hash kriptografiku tar-riżultat tal-għodda tas-simulazzjoni

3.1.4

74

Teknoloġiji avvanzati għat-tnaqqis tas-CO2

Teknoloġiji għat-tnaqqis tas-CO2 tal-vettura

75

Emissjonijiet ta’ massa ta’ CO2 għat-test WHTC (8) (g/kWh)

Il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

Emissjonijiet ta’ CO2 tal-magna u konsum ta’ fjuwil speċifiku

76

Konsum ta’ fjuwil tal-magna ’l fuq minn WHTC (g/kWh)

Il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.2 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

77

Emissjonijiet ta’ massa ta’ CO2 tal-magna ’l fuq minn WHSC (9) (g/kWh)

Il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

78

Konsum ta’ fjuwil tal-magna ’l fuq minn WHSC (g/kWh)

Il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 5, jew il-punt 1.4.1 tal-addendum għall-Appendiċi 7, għall-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 582/2011, skont liema jkun applikabbli

 

PARTI C: VALUR TAR-REŻISTENZA TAL-ARJA (CDXA) FIRXIET TA’ VALURI GĦALL-ISKOP TA’ PUBBLIKAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 6

Għall-fini li jkun pubblikament disponibbli l-valur CdxA speċifikat fl-entrata tad-data 23 skont l-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tuża l-firxiet ta’ valuri definiti fit-tabella li ġejja li fiha l-firxa korrispondenti għal kull valur CdxA:

Firxa

Valur CdxA [m2]

CdxA Min (CdxA ≥ min CdxA)

CdxA Mass (CdxA < MaxCdxA)

A1

0,00

3,00

A2

3,00

3,15

A3

3,15

3,31

A4

3,31

3,48

A5

3,48

3,65

A6

3,65

3,83

A7

3,83

4,02

A8

4,02

4,22

A9

4,22

4,43

A10

4,43

4,65

A11

4,65

4,88

A12

4,88

5,12

A13

5,12

5,38

A14

5,38

5,65

A15

5,65

5,93

A16

5,93

6,23

A17

6,23

6,54

A18

6,54

6,87

A19

6,87

7,21

A20

7,21

7,57

A21

7,57

7,95

A22

7,95

8,35

A23

8,35

8,77

A24

8,77

9,21


(1)  Reżistenza tal-arja.

(2)  Trażmissjoni Manwali Sinkronizzata.

(3)  Trażmissjoni Manwali Awtomatizzata jew Trażmissjoni Ingranata Mekkanikament Awtomatika.

(4)  Trażmissjoni b’Powershifting Awtomatiku.

(5)  “S” tindika l-arranġament serjali ta’ torque converter u l-partijiet mekkaniċi konnessi tat-trażmissjoni.

(6)  “P” tindika l-arranġament parallel ta’ torque converter u l-partijiet mekkaniċi konnessi tat-trażmissjoni (p.e. f’installazzjonijiet ta’ power split).

(7)  Sistema Modulari Ewropea (EMS, European Modular System) f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(8)  World Harmonized Transient Driving Cycle.

(9)  World Harmonized Steady state Cycle.


ANNESS II

Rappurtar u ġestjoni tad-data

1.   RAPPURTAR MILL-ISTATI MEMBRI

1.1.

Id-data speċifikata fil-Parti A tal-Anness I għandha tiġi trażmessa skont l-Artikolu 4 mill-punt tal-kuntatt tal-awtorità kompetenti permezz tat-trasferiment ta’ data elettronika lir-Repożitorju tad-Data Ċentrali ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“l-Aġenzija”).

Il-punt tal-kuntatt għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija meta d-data tiġi trażmesssa bil-posta elettronika lill-indirizzi li ġejjin:

EC-CO2-HDV-IMPLEMENTATION@ec.europa.eu

u

HDV-monitoring@eea.europa.eu

2.   RAPPURTAR MILL-MANIFATTURI

2.1.

Il-manifatturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018 l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem il-manifattur indikat fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni individwali;

(b)

il-kodiċi tan-Numru ta’ Identifikazzjoni Dinji tal-Manifattur (il-kodiċi WMI) kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 (1) biex jintuża fin-numri ta’ identifikazzjoni tal-vetturi ta’ vetturi heavy-duty ġodda li ser jitpoġġew fis-suq;

(c)

il-punt tal-kuntatt responsabbli għat-tqegħid tad-data fir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju tal-Aġenzija.

Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe tibdil f’dik l-informazzjoni.

In-notifiki għandhom jintbagħtu lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

2.2.

Manifatturi ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar l-informazzjoni msemmija fil-punt 2.1.

2.3.

Id-data speċifikata fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness I għandha tiġi trażmessa f’konformità mal-Artikolu 5(1) mill-punt tal-kuntatt tal-manifattur permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-data lir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju ġestit mill-Aġenzija.

Il-punt tal-kuntatt għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija meta d-data tiġi trażmesssa bil-posta elettronika lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA

3.1.

L-Aġenzija għandha tipproċessa d-data trażmessa skont il-punti 1.1 u 2.3 u għandha tirreġistra d-data pproċessata fir-Reġistru.

3.2.

Id-data relatata ma’ vetturi heavy-duty rreġistrati fis-sena kalendarja preċedenti u rreġistrati fir-Reġistru għandha tkun magħmula pubblika sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-2020 ’il quddiem, bl-eċċezzjoni tal-entrati tad-data speċifikati fl-Artikolu 6(1).

3.3.

Fejn awtorità kompetenti jew il-manifatturi jidentifikaw żbalji fid-data sottomessa, dawn għandhom jinnotifikawhom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija billi jissottomettu rapport ta’ notifika ta’ żball lir-Repożitorju tad-Data Ċentrali jew lir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju u bil-posta elettronika mibgħuta lill-indirizzi msemmija fil-punt 1.1.

3.4.

Bl-appoġġ tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-iżbalji nnotifikati u, fejn xieraq, tikkoreġi d-data fir-Reġistru.

3.5.

Bl-appoġġ tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli formati elettroniċi għat-trażmissjonijiet tad-data msemmija fil-punti 1.1 u 2.3 fiż-żmien dovut qabel id-dati tal-iskadenza tat-trażmissjoni.

(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 19/2011 tal-11 ta’ Jannar 2011 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-pjanċa statutorja tal-manifattur u għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 8, 12.1.2011, p. 1).


DIRETTIVI

9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/16


DIRETTIVA (UE) 2018/957 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2018

li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regjuni (2)

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern imnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dawk il-prinċipji huma żviluppati aktar mill-Unjoni u huma mmirati biex jiggarantixxu kondizzjonijiet ekwi għan-negozji u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema.

(2)

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi d-dritt tal-impriżi li jipprovdu servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jistazzjonaw lill-ħaddiema tagħhom temporanjament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru għal dak l-iskop. Skont l-Artikolu 56 TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni huma pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li għaliha huma ddestinati s-servizzi.

(3)

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali. Skont l-Artikolu 9 TFUE, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Aktar minn għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, sar neċessarju li jiġi vvalutat jekk id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għadhiex tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi, min-naħa l-waħda, u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, min-naħa l-oħra. Sabiex jiġi żgurat li r-regoli jiġu applikati b’mod uniformi u biex ikun hemm konverġenza soċjali ġenwina, flimkien mar-reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

Hija ta’ importanzi kbira data suffiċjenti u preċiża fil-qasam tal-ħaddiema stazzjonati, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema stazzjoni f’setturi tax-xogħol speċifiċi u għal kull Stat Membru. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiġbru u jimmonitorjaw tali data.

(6)

Il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità ġew mnaqqxa fil-liġi tal-Unjoni sa mit-Trattati fundaturi. Il-prinċipju ta’ paga ugwali ġie implimentat permezz tal-liġi sekondarja mhux biss bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll bejn ħaddiema b’kuntratti b’terminu fiss u ħaddiema permanenti komparabbli, bejn ħaddiema part-time u dawk full-time u bejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u ħaddiema komparabbli tal-impriża utenti. Dawk il-prinċipji jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe miżura li tiddiskrimina direttament jew indirettament għal raġunijiet ta’ nazzjonalità. Fl-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji, għandha tittieħed inkonsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-awtoritajiet u l-korpi kompetenti, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jenħtieġ li jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati pprovdut direttament jew indirettament minn min iħaddem jikkonformawx mar-regoli nazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġu stazzjonati l-ħaddiema (l-Istat Membru ospitanti) li japplikaw ukoll għall-ħaddiema stazzjonati.

(8)

Il-ħaddiema stazzjonati li jintbagħtu temporanjament mill-post tax-xogħol regolari tagħhom għal post tax-xogħol ieħor, jenħtieġ li jirċievu tal-anqas l-istess allowances jew rimborż ta’ spejjeż biex ikopru spejjeż ta’ vjaġġar, ikel u alloġġ għal ħaddiema ’l bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali li japplikaw għall-ħaddiema lokali f’dak l-Istat Membru. L-istess jenħtieġ li japplika fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba minn ħaddiema stazzjonati li jkollhom jivvjaġġaw lejn u mill-post regolari tax-xogħol tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Ħlas doppju ta’ spejjeż ta’ vjaġġar, ikel u alloġġ jenħtieġ li jiġi evitat.

(9)

L-istazzjonar huwa ta’ natura temporanja. Il-ħaddiema stazzjonati normalment jirritornaw lejn l-Istat Membru li minnu ġew stazzjonati wara li jkunu lestew ix-xogħol li għalih kienu ġew stazzjonati. Madankollu, minħabba d-durata twila ta’ xi stazzjonamenti u b’rikonoxximent tar-rabta bejn is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u l-ħaddiema stazzjonati għal tali perijodi twal, fejn l-istazzjonament idum għal perijodi itwal minn 12-il xahar jenħtieġ li l-Istati Membri ospitanti jiżguraw li impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju tagħhom jiggarantixxu lil dawk il-ħaddiema sett addizzjonali ta’ termini u kondizzjonijiet tal-impjieg li jkunu applikabbli b’mod obbligatorju għall-ħaddiema fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol. Dak il-perijodu jenħtieġ li jiġi estiż fejn il-fornitur tas-servizz jippreżenta notifika motivata.

(10)

Huwa neċessarju li tiġi żgurata protezzjoni akbar tal-ħaddiema biex tkun salvagwardata l-libertà li jiġu pprovduti, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll dak fit-tul, servizzi fuq bażi ġusta, b’mod partikolari billi jiġi evitat l-abbuż tad-drittijiet garantiti mit-Trattati. Madankollu, ir-regoli li jiżguraw tali protezzjoni għall-ħaddiema ma jistgħux jaffettwaw id-dritt ta’ dawk impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi, inkluż f’każijiet fejn stazzjonament jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar. Kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli għal ħaddiema stazzjonati fil-kuntest ta’ stazzjonament li jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar għandha b’hekk tkun kompatibbli ma’ dik il-libertà. Skont każistika stabbilita, restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi huma permissibbli biss jekk ikunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u jekk ikunu proporzjonati u neċessarji.

(11)

Fejn stazzjonament jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar, is-sett addizzjonali ta’ termini u kondizzjonijiet tal-impjieg li għandu jiġi ggarantit mill-impriża li tistazzjona ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jenħtieġ li jkopri wkoll ħaddiema li jkunu stazzjonati biex jissostitwixxu ħaddiema stazzjonati oħra li jwettqu l-istess xogħol fl-istess post, biex jiġi żgurat li tali sostituzzjonijiet ma jintużawx biex jiġu evitati r-regoli altrimenti applikabbli.

(12)

Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tesprimi l-prinċipju li l-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jenħtieġ li jkunu tal-inqas dawk li japplikaw għal tali ħaddiema kieku kellhom ikunu reklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg. Dak il-prinċipju jenħtieġ li japplika wkoll għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jiġu stazzjonati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fejn japplika dak il-prinċipju, jenħtieġ li l-impriża utenti tinforma lill-aġenzija tax-xogħol temporanju dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni li hi tapplika għall-ħaddiema tagħha. -L-Istati Membri għandhom il-kapaċità, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ paga ugwali skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104/KE. Meta tapplika tali deroga, l-aġenzija tax-xogħol temporanju ma għandhiex bżonn l-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impriża utenti u għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżit ta’ informazzjoni ma japplikax.

(13)

L-esperjenza turi li ħaddiema li jkunu ġew fornuti minn impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju għal impriżi utenti xi drabi jintbagħtu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-qafas tal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dawk il-ħaddiema. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-impriża utenti tinforma lill-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju dwar il-ħaddiema stazzjonati li jkunu qegħdin jaħdmu b’mod temporanju fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru fejn normalment jaħdmu għall-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju jew għall-impriża utenti, sabiex min iħaddem ikun jista’ japplika, kif xieraq, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiem stazzjonat.

(14)

Din id-Direttiva, bl-istess mod tad-Direttiva96/71/KE, jenħtieġ li ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (7) u (KE) Nru 987/2009 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(15)

Minħabba n-natura mobbli ħafna tal-ħidma fit-trasport internazzjonali bit-triq, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva f’dak is-settur tqajjem kwistjonijiet u diffikultajiet legali partikolari, li għandhom jiġu indirizzati, fil-qafas tal-pakkett tal-mobbiltà, permezz ta’ regoli speċifiċi għat-trasport bit-triq ukoll bit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż.

(16)

F’suq intern tassew integrat u kompetittiv, l-impriżi jikkompetu abbażi ta’ fatturi bħall-produttività, l-effiċjenza, u l-edukazzjoni u l-livell ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol, kif ukoll il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom u l-grad tal-innovazzjoni tagħhom.

(17)

Huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali. L-Istati Membri u s-sħab soċjali biss għandhom il-kompitu li jiffissaw il-pagi. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ma jiġux imminati s-sistemi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi jew il-libertà tal-partijiet involuti.

(18)

Meta jitqabblu r-remunerazzjoni mħallsa lil ħaddiem stazzjonat u r-remunerazzjoni dovuta skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, jenħtieġ li jittieħed kont tal-ammont gross tar-remunerazzjoni. Jenħtieġ li jiġu mqabbla l-ammonti grossi totali tar-remunerazzjoni, u mhux l-elementi kostitwenti individwali tar-remunerazzjoni li huma magħmula obbligatorji kif previst b’din din id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u biex l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti jiġu assistiti fit-twettiq ta’ verifiki u kontrolli, huwa neċessarju li l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni jkunu jistgħu jiġu identifikati f’dettall suffiċjenti skont il-liġi u’jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat il-ħaddiem. Sakemm l-allowances speċifiċi għall-istazzjonament ma jikkonċernawx spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħall-ispejjeż tal-ivjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ, jenħtieġ li dawn jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni u jenħtieġ li jitqiesu għall-finijiet tat-tqabbil tal-ammont grossi totali tar-remunerazzjoni.

(19)

L-allowances speċifiċi għall-istazzjonament spiss jaqdu diversi skopijiet. Sakemm l-iskop tagħhom huwa r-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħal spejjeż tal-ivjaġġar, l-ikel jew l-alloġġ, jenħtieġ li dawn ma jiġux ikkunsidrati bħala parti mir-remunerazzjoni. Huwa f’idejn l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tagħhom, li jistabbilixxu regoli dwar ir-rimborż ta’ tali spejjeż. Min iħaddem jenħtieġ li jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonati għal tali spejjeż f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg.

(20)

Fid-dawl tar-rilevanza tal-allowances li huma speċifiċi għall-istazzjonament, jenħtieġ li tiġi evitata l-inċertezza dwar liema elementi ta’ tali allowances speċifiċi għall-istazzjonament huma allokati għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-istazzjonament. L-allowance sħiħa jenħtieġ li titqies li tkun imħallsa bħala rimborż tal-ispejjeż dment li t-termini u l-kondizzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet -leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, ftehimiet kollettivi, sentenzi ta’ arbitraġġ jew ftehimiet kuntrattwali li japplikaw għar-relazzjoni ta’ impjieg ma jiddeterminawx liema elementi tal-allowance huma allokati għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-istazzjonament u li huma parti mir-remunerazzjoni.

(21)

L-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni u termini u kondizzjonijiet oħra tal-impjieg skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi kif imsemmi f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu ċari u trasparenti għall-impriżi u l-ħaddiema stazzjonati kollha. Billi t-trasparenza tal-informazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni huma essenzjali għaċ-ċertezza legali u l-infurzar tal-liġi, huwa, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, iġġustifikat li jiġi estiż l-obbligu tal-Istati Membri li jippubblikaw l-informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg, fis-sit web uffiċjali uniku, għall-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji, kif ukoll għas-sett addizzjonali ta’ termini u kondizzjonijiet applikabbli għall-istazzjonamenti li jaqbżu t-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li kull Stat Membru jiżgura li l-informazzjoni li tingħata fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku tkun preċiża u li tiġi aġġornata fuq bażi regolari. Kwalunkwe penali imposta fuq impriża għal nuqqas ta’ konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom jiġu żgurati għal ħaddiema stazzjonati jenħtieġ li tkun proporzjonata, u jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-penali tieħu kont, b’mod partikolari, ta’ jekk l-informazzjoni fis-sit web nazzjonali uffiċjali uniku dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg tkunx ingħatat f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, b’rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali.

(22)

Id-Direttiva 2014/67/UE tistipula numru ta’ dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema jiġu infurzati u rrispettati mill-impriżi kollha. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi elementi fattwali li jista’ jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu identifikati sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar ġenwini u biex jiġi evitat l-abbuż u ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli.

(23)

Qabel il-bidu ta’ stazzjonar, min iħaddem jenħtieġ li jieħu miżuri xierqa biex jipprovdi informazzjoni essenzjali lill-ħaddiem dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg rigward l-istazzjonar skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (9).

(24)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ibbilanċjat fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, li huwa nondiskriminatorju, trasparenti u proporzjonat filwaqt li jirrispetta d-diversità tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali. Din id-Direttiva ma tipprevjenix l-applikazzjoni ta’ termini u ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema stazzjonati.

(25)

Bil-ħsieb li jiġu affrontati l-abbużi f’sitwazzjonijiet ta’ subkuntrattar u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adatti, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/67/UE, biex jiżguraw responsabbiltà għas-subkuntrattar.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 96/71/KE tiġi applikata korrettament, il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u/jew il-korpi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi relatata mal-istazzjonar ta’ ħaddiema jenħtieġ li tiġi msaħħa.

(27)

Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi relatata mal-istazzjonar tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat (il-“Pjattaforma”), stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), skont il-mandat tagħha, tipparteċipa fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ każijiet ta’ frodi, ittejjeb l-implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, tiżviluppa mekkaniżmi ta’ twissija u tagħti assistenza u appoġġ għal kooperazzjoni amministrattiva u skambji ta’ informazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti. B’dan il-mod, il-Pjattaforma għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiem, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/17/KE (11).

(28)

In-natura transnazzjonali ta’ ċerti sitwazzjonijiet ta’ frodi jew abbużi relatati mal-istazzjonar tal-ħaddiema tiġġustifika miżuri konkreti li għandhom l-għan li jsaħħu d-dimensjoni transnazzjonali tal-ispezzjonijiet, l-inkjesti u l-skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Għal dak l-għan, fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttivi 96/71/KE u 2014/67/UE, b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2014/67/UE, l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti jenħtieġ li jkollhom il-mezzi neċessarji biex iwissu dwar tali sitwazzjonijiet u jiskambjaw informazzjoni bl-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-frodi u l-abbużi.

(29)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (12), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li, f’każijiet ġustifikati, jehmżu n-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument jew dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata,

(30)

Jenħtieġ li d-Direttiva 96/71/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 96/71/KE

Id-Direttiva 96/71/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit bi “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“–1.   Din id-Direttiva għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema stazzjonati matul l-istazzjonar tagħhom fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi jiġu stipulati dispożizzjonijiet obbligatorji rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema li għandhom jiġu rrispettati.

–1a.   Din id-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajk jew li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali. Lanqas ma taffettwa d-dritt tan-negozjar, il-konklużjoni u l-infurzar ta’ ftehimiet kollettivi, jew li tittieħed azzjoni kollettiva f’konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

billi jkunu impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju, ifornu ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perijodu tal-istazzjonament.”;

(ii)

jinżiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta ħaddiem li jkun ġie fornut minn impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju lil impriża utenti kif imsemmi fil-punt (c) ikun ser iwettaq ħidma fil-qafas tal-forniment transnazzjonali ta’ servizzi fis-sens tal-punt (a), (b) jew (c) mill-impriża utenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx dak fejn il-ħaddiem jaħdem normalment għall-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament temporanju, jew għall-impriża utenti, il-ħaddiem għandu jitqies li jkun stazzjonat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru mill-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ kollokament li l-ħaddiem ikollu relazzjoni ta’ impjieg magħha. L-impriża ta’ impjieg temporanju jew l-aġenzija ta’ kollokament għandha titqies li tkun impriża kif imsemmi fil-paragrafu 1 u għandha tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

L-impriża utenti għandha tinforma lill-impriża ta’ impjieg temporanju jew l-aġenzija ta’ kollokament li minnha ħaddiem ġie fornut fi żmien xieraq qabel il-bidu tax-xogħol imsemmi fit-tieni subparagrafu.

(*1)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).”;"

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tkun tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema li jkunu stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:

skont dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, u/jew

skont ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li jkunu ġew iddikjarati applikabbli universalment jew li japplikaw mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8:

(a)

il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ;

(b)

it-tul minimu tal-leave annwali mħallas;

(c)

ir-remunerazzjoni, inkluż ir-rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari;

(d)

il-kondizzjonijiet għall-forniment ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-forniment ta’ ħaddiema minn impriżi tal-impjieg temporanju;

(e)

is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)

miżuri protettivi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li welldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

(g)

ugwaljanza ta’ trattament bejn l-irġiel u n-nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar in-nondiskriminazzjoni;

(h)

il-kondizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema fejn ipprovduti minn min iħaddem lil ħaddiema li jkunu l-bogħod mill-post tax-xogħol regolari tagħhom;

(i)

allowances jew rimborż ta’ spejjeż biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ vjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ għal ħaddiema l-bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali.

Il-punt (i) għandu japplika esklużivament għal spejjeż tal-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ imġarrba minn ħaddiema stazzjonati fejn huma jkunu meħtieġa li jivvjaġġa lejn il-post regolari tax-xogħol tagħhom fl-Istat Membru li ġew stazzjonati fit-territorju tiegħu, u lura, jew fejn jintbagħtu temporanjament mill-impjegatur tagħhom minn dak il-post regolari tax-xogħol lejn post tax-xogħol ieħor.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jiġi ddeterminat mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u jfisser l-elementi kostitwenti kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, ftehimiet kollettivi jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li, f’dak l-Istat Membru, tkun ġiet iddikjarata universalment applikabbli jew tapplika mod ieħor f’konformità mal-paragrafu 8.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, mingħajr dewmien u f’mod trasparenti, fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku imsemmi f’dak l-Artikolu, inkluż l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u t-termini u l-kondizzjonijiet kollha tal-impjieg f’konformità mal-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu..

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku tkun preċiża u aġġornata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-indirizzi tas-siti web nazzjonali uffiċjali uniċi.

Fejn, b’mod mhux konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE, l-informazzjoni fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku ma tindikax liema termini u kondizzjonijiet ta’ impjieg għandhom jiġu applikati, dik iċ-ċirkostanza għandu jittieħed kont tagħha, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, fid-determinazzjoni tal-penali fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, fil-miżura neċessarja biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tagħha.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Fejn id-durata effettiva tal-stazzjonar taqbeż it-12-il xahar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, irrispettivament minn liema liġi tapplika għar-relazzjonijiet tal-impjieg, li impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu, abbażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament, lill-ħaddiema stazzjonati li jkunu fit-territorju tagħhom, flimkien mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli kollha tal-impjieg li jkunu stipulati fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol:

skont dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, u/jew

skont ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li jkunu ġew iddikjarati applikabbli universalment jew li japplikaw mod ieħor skont il-paragrafu 8.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proċeduri, il-formalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-konklużjoni u t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg, inkluż klawżoli ta’ nonkompetizzjoni;

(b)

skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar supplementari.

Fejn il-fornitur ta’ servizz jippreżenta notifika motivata, l-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz għandu jestendi l-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għal 18-il xahar.

Fejn impriża kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tissostitwixxi ħaddiem stazzjonat b’ħaddiem stazzjonat ieħor li jwettaq l-istess xogħol fl-istess post, id-durata tal-istazzjonament, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, għandha tkun id-durata kumulattiva tal-perijodi ta’ stazzjonament tal-ħaddiema stazzjonati individwali kkonċernati.

Il-kunċett ta’ “l-istess xogħol fl-istess post” imsemmi fir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi ddeterminat filwaqt li jittieħed kont fost l-oħrajn tan-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, ix-xogħol li għandu jitwettaq u l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol.

1b.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-impriżi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati t-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) lil ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fornuti minn aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.

L-impriża utenti għandha tinforma lil-impriżi msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3) dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impieg li din tapplika fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u r-remunerazzjoni safejn koperti mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

(*2)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).”;"

(c)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

L-allowances speċifiċi għall-istazzjonament għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni, sakemm ma jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħal spejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ. Min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonat għal tali spejjeż f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg.

Fejn it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg ma jiddeterminawx jekk u, fil-każ li iva liema, elementi tal-allowance speċifika għall-istazzjonament jitħallsux bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament jew li humiex parti mir-remunerazzjoni, allura l-allowance sħiħa għandha titqies li tkun tħallset bħala rimborż ta’ spejjeż effettivament.”;

(d)

fil-paragrafu 8, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Fl-assenza ta’, jew b’żieda ma’, sistema biex ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ jiġu ddikjarati li jkollhom applikazzjoni universali fis-sens tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:

ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata, u/jew

ftehimiet kollettivi li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq livell nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,

sakemm l-applikazzjoni tagħhom għal impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, fejn applikabbli, fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom jiġu ggarantiti lill-ħaddiema stazzjonati skont il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.

L-ugwaljanza ta’ trattament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu għandha titqies li tkun teżisti fejn impriżi nazzjonali f’pożizzjoni simili:

huma soġġetti, fil-post inkwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħal impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) fir-rigward tal-kwistjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, fejn applikabbli, fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom jiġu ggarantiti lill-ħaddiema stazzjonati skont il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, u

huma obbligati li jissodisfaw tali obbligi bl-istess effetti.”;

(e)

il-paragrafi 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“9.   L-Istati Membri jistgħu jobbligaw impriżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) biex jiggarantixxu lill-ħaddiema msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(3), b’żieda għat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu, termini u kondizzjonijiet oħra li japplikaw għal ħaddiema temporanji fl-Istati Membri fejn jitwettaq ix-xogħol.

10.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għal impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra, abbażi tal-ugwaljanza ta’ trattament, tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg dwar kwistjonijiet li mhumiex dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fil-każ ta’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.”;

(3)

fl-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, inkluż awtoritajiet pubbliċi li, skont il-liġi nazzjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3, inkluż fil-livell tal-Unjoni. Tali kooperazzjoni għandha b’mod partikolari tikkonsisti fit-tweġiba għal talbiet motivati minn dawk l-awtoritajiet jew korpi għal informazzjoni dwar il-forniment transnazzjonali ta’ ħaddiema, u fl-indirizzar ta’ abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet illegali, bħal każijiet transnazzjonali ta’ xogħol mhux iddikjarat u impjieg indipendenti fittizju marbuta mal-istazzjonar ta’ ħaddiema. Fejn l-awtorità jew il-korp kompetenti fl-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat l-ħaddiem ma jkollux fil-pussess tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-awtorità jew il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem, għandu jfittex dik l-informazzjoni minn awtoritajiet jew korpi oħra f’dak l-Istat Membru. Fil-każ ta’ dewmien persistenti fil-forniment ta’ tali l-informazzjoni lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem, il-Kummissjoni għandha tkun infurmata u għandha tiegħu miżuri xierqa.”;

(4)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u infurzar

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem u l-Istat Membru li minnu ġie stazzjonat il-ħaddiem għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar tal-obbligi stipulati f’din id-Direttiva u fid-Direttiva 2014/67/UE u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li proċeduri adegwati jkunu disponibbli għall-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva.

Fejn, wara valutazzjoni ġenerali li ssir skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/67/UE minn Stat Membru, jiġi stabbilit li impriża b’mod skorrett jew frawdolenti qed toħloq l-impressjoni li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-ħaddiem jibbenefika mil-liġi u l-prattika rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu ma jwassalx għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun soġġett għal kondizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal ħaddiema stazzjonati.”;

(5)

il-kliem introduttorju tal-Anness huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) jinkludu x-xogħol kollu tal-bini li jirrigwarda l-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew it-twaqqigħ ta’ bini, u b’mod partikolari x-xogħol li ġej:”.

Artikolu 2

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Sat-30 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tipproponi, fejn adatt, l-emendi neċessarji għal din id-Direttiva u għad-Direttiva 96/71/KE.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi u biex jiġu protetti l-ħaddiema:

(a)

fil-każ tas-subkuntrattar;

(b)

fid-dawl tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-Direttiva, b’kont meħud tal-iżviluppi li jikkonċernaw l-att leġislattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) fir-rigward tar-rekwiżiti tal-infurzar u li jistipulaw regoli speċifiċi fir-rigward tad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq.

Artikolu 3

Traspożizzjoni u applikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Lulju 2020, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-30 ta’ Lulju 2020. Sa dik id-data, id-Direttiva 96/71/KE għandha tibqa’ applikabbli fil-formulazzjoni tagħha qabel l-emendi introdotti minn din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-settur tat-trasport bit-triq mid-data tal-applikazzjoni ta’ att leġislattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ infurzar u li jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fil-qasam tat-trasport bit-triq.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 81.

(2)  2. ĠU C 185, 9.6.2017, p. 75.

(3)  3. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Mejju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2018.

(4)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

(6)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(7)  1. Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(8)  2. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).

(10)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 12).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/17/KE tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar it-twaqqif tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 26).

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(13)  Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).


9.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/25


DIRETTIVA (UE) 2018/958 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2018

dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46, l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-libertà professjonali hija dritt fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) tiggarantixxi l-libertà professjonali, kif ukoll il-libertà tal-intrapriża. Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern minquxin fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li r-regoli nazzjonali li jorganizzaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati għaldaqstant ma jikkostitwixxux ostaklu mhux ġustifikat jew sproporzjonat għall-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet fundamentali.

(2)

Fejn id-dritt tal-Unjoni ma jistipulax dispożizzjonijiet speċifiċi li jarmonizzaw ir-rekwiżiti dwar l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, hija l-kompetenza ta’ Stat Membru li jiddeċiedi jekk u kif għandhu jirregola professjoni fi ħdan il-limiti tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

(3)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta (3) li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw, jew li jistgħu jirrendu inqas attraenti, l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-TFUE jenħtieġ li jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri, huma jenħtieġu jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju; ikunu ġġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku; ikunu adatti biex jiżguraw il-ksib tal-objettiv li jsegwu; u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(4)

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tinkludi obbligu għall-Istati Membri biex jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti tagħhom li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, u sabiex jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dik l-valutazzjoni lill-Kummissjoni, li tniedi il-“proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka”. Dak il-proċess ifisser li l-Istati Membri kellhom iwettqu analiżi tal-leġiżlazzjoni kollha tagħhom dwar il-professjonijiet kollha li kienu regolati fit-territorju tagħhom.

(5)

Ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka wrew nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri huma u jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, kif ukoll l-iskrutinju irregolari ta’ tali rekwiżiti fuq il-livelli kollha ta’ regolamentazzjoni. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u sabiex jiġu eliminati l-ostakli għal aċċess għal u l-eżerċitar ta’ ċerti attivitajiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jenħtieġ li jkun hemm approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni, li jipprevjeni l-adozzjoni ta’ miżuri sproporzjonati.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2015 intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġi adottat qafas tal-proporzjonalità analitiku għall-Istati Membri biex jużawh meta jirrieżaminaw ir-regolamenti eżistenti tal-professjonijiet jew meta jipproponu oħrajn ġodda.

(7)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli sabiex il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità jitwettqu mill-Istati Membri qabel l-introduzzjoni ta’ regolamenti professjonali ġodda, jew qabel l-emenda ta’ regolamenti professjonali eżistenti, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jiġu garantiti t-trasparenza u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

(8)

L-attivitajiet koperti b’din id-Direttiva jenħtieġ li jikkonċernaw il-professjonijiet regolati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal rekwiżiti li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati eżistenti jew professjonijiet ġodda li l-Istati Membri qed jikkunsidraw li jirregolaw. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika flimkien mad-Direttiva 2005/36/KE u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra stipulati f’att separat tal-Unjoni dwar l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni regolata partikolari.

(9)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ professjonali tagħhom u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiddelegaw lil organizzazzjonijiet professjonali s-setgħa li jorganizzaw jew jissorveljaw l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali. Dispożizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, inkluż emendi editorjali, adattamenti tekniċi għall-kontenut ta’ korsijiet ta’ taħriġ jew il-modernizzazzjoni ta’ regolamenti dwar it-taħriġ, jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Meta l-edukazzjoni jew taħriġ professjonali jikkonsisti f’attivitajiet li jkunu remunerati, jenħtieġ li jiġu ggarantiti l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

(10)

Meta l-Istati Membri jittrasponu rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni ta’ professjoni speċifika stabbilita f’att separat tal-Unjoni li ma jħallix għażla lill-Istati Membri rigward il-mod eżatt kif għandhom jiġu trasposti, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità, kif mitluba mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva, ma tiġix applikata.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju komuni bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jikkonċernaw il-modi differenti biex tiġi regolata professjoni fl-Unjoni kollha. Hemm diversi modi biex tiġi regolata professjoni, pereżempju billi l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, attività partikolari jkunu riżervati għal detenturi ta’ kwalifika professjonali. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw ukoll wieħed mill-modi ta’ eżerċitar ta’ professjoni billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ titoli professjonali jew billi jimponu rekwiżiti ta’ kwalifiki biss fuq il-persuni li jaħdmu għal rashom, fuq il-professjonisti bil-paga, jew fuq il-maniġers jew ir-rappreżentanti legali tal-intrapriżi, speċjalment meta l-attività titwettaq minn persuna ġuridika fil-forma ta’ kumpaniji professjonali.

(12)

Qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ tali dispożizzjonijiet. Il-portata tal-valutazzjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata għan-natura, għall-kontenut u għall-impatt tad-dispożizzjoni li tkun qed tiġi introdotta.

(13)

L-oneru tal-prova ta’ ġustifikazzjoni u ta’ proporzjonalità jinsab fuq l-Istati Membri. Ir-raġunijiet għar-regolamentazzjoni invokati minn Stat Membru permezz ta’ ġustifikazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu akkumpanjati minn analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dak l-Istat Membru u minn evidenza speċifika li tissostanzja l-argumenti tiegħu. Minkejja li Stat Membru mhux neċessarjament irid jipproduċi studju speċifiku jew forma speċifika ta’ evidenza jew materjal li jistabbilixxu l-proporzjonalità ta’ tali miżura qabel l-adozzjoni tagħha, jenħtieġ li jwettaq analiżi oġġettiva, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dak l-Istat Membru, li turi li jeżistu riskji ġenwini għall-ilħuq tal-objettivi ta’ interess pubbliku.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, b’mod oġġettiv u indipendenti, inkluż meta professjoni tkun regolata b’mod indirett billi korp professjonali partikolari jingħata s-setgħa li jirregola. Dawk il-valutazzjonijiet jistgħu jinkludu opinjoni miksuba minn korp indipendenti, inklużi korpi eżistenti li jkunu parti mill-proċess leġiżlattiv nazzjonali, li l-Istati Membri kkonċernati jkunu qabbdu biex jipprovdi tali opinjoni. Dan huwa partikolarment importanti f’każijiet li fihom il-valutazzjoni ssir minn awtoritajiet lokali, korpi regolatorji jew organizzazzjonijiet professjonali, li l-prossimità akbar tagħhom għall-kundizzjonijiet lokali u l-għarfien speċjalizzat jistgħu f’ċerti każi jpoġġuhom f’pożizzjoni aħjar biex jidentifikaw l-aħjar mod biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku, iżda li l-għażliet ta’ politika tagħhom jistgħu jipprovdu benefiċċji għall-operaturi stabbiliti b’detriment għall-parteċipanti ġodda fis-suq.

(15)

Huwa xieraq li l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati tiġi sorveljata wara l-adozzjoni tagħhom. Rieżami tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-professjonijiet regolati jenħtieġ li jkun ibbażat mhux biss fuq l-objettiv ta’ dik il-miżura nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tagħha, ivvalutati wara l-adozzjoni tagħha. Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tal-professjoni regolata minn mindu ġiet adottata l-miżura.

(16)

Kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita, kwalunkwe restrizzjoni mhux ġustifikata li tirriżulta mid-dritt nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija pprojbita, inkluż kwalunkwe diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew residenza.

(17)

Meta l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ attivitajiet ta’ impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom jiddependu fuq il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti marbuta mal-kwalifiki professjonali speċifiċi, stabbiliti direttament jew indirettament mill-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jkunu ġġustifikati mill-objettivi ta’ interess pubbliku, bħal dawk fis-sens tat-TFUE, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, rikonoxxuti bħala tali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa neċessarju wkoll li jiġi ċċarat li dawn li ġejjin huma fost ir-raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja: il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur, tar-riċevituri ta’ servizzi, anke billi tiġi ggarantita l-kwalità tax-xogħol artiġjanali, u tal-ħaddiema; is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; l-iżgurar tal-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u s-salvagwardja tal-effikaċja tas-superviżjoni fiskali; is-sikurezza tat-trasport; il-ħarsien tal-ambjent u l-ambjent urban; is-saħħa tal-annimali; il-proprjetà intellettwali; is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali; u l-objettivi tal-politika kulturali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet purament ekonomiċi, jiġifieri l-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali għad-detriment tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll raġunijiet purament amministrattivi, bħat-twettiq ta’ kontrolli jew il-ġbir ta’ statistika, ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku.

(18)

Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li jixtiequ jagħtu lill-objettivi ta’ interess pubbliku u l-livell xieraq ta’ regolamentazzjoni, fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltà. Il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li r-regoli ta’ dan tal-aħħar huma sproporzjonati u għaldaqstant inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

(19)

Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 168(1) tat-TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Din id-Direttiva hija konformi bis-sħiħ ma’ dak l-objettiv.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jintroduċu, u l-emendi li jagħmlu għad-dispożizzjonijiet eżistenti, ikunu proporzjonati, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità u l-kriterji addizzjonali li jkunu rilevanti għall-professjoni regolata li tkun qed tiġi analizzata. Meta Stat Membru jkun beħsiebu jirregola professjoni jew jemenda regoli eżistenti, jenħtieġ li jieħu kont tan-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għar-riċevituri ta’ servizzi, inklużi l-konsumaturi, għall-professjonisti jew għall-partijiet terzi. Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, fil-qasam tas-servizzi professjonali, normalment ikun hemm asimmetrija ta’ informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-professjonisti, peress li l-professjonisti juru livell għoli ta’ għarfien tekniku li l-konsumaturi jista’ ma jkollhomx.

(21)

Ir-rekwiżiti marbuta mal-kwalifiki professjonali jenħtieġ li jitqiesu li huma meħtieġa biss meta l-miżuri eżistenti, bħal-liġi dwar is-sikurezza tal-prodotti jew il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adatti jew ġenwinament effettivi biex jintlaħaq l-objettiv segwit.

(22)

Biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li l-miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-objettiv segwit. Jenħtieġ li miżura tiġi kkunsidrata li hija adatta sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-objettiv segwit biss jekk, tabilħaqq, hija tirrifletti l-intenzjoni li l-objettiv jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku, pereżempju meta riskji simili relatati ma’ ċerti attivitajiet ikunu indirizzati b’mod komparabbli u meta kwalunkwe eċċezzjoni għar-restrizzjonijiet involuti tkun applikata b’konformità mal-objettiv iddikjarat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-miżura nazzjonali tikkontribwixxi b’mod effikaċi biex jintlaħaq l-objettiv segwit u għalhekk, meta ma jkollha ebda effett fuq ir-raġuni għal ġustifikazzjoni, jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata li hija adatta.

(23)

L-impatt globali tal-miżura fuq il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi fl-Unjoni, fuq l-għażla tal-konsumatur u fuq il-kwalità tas-servizz ipprovdut jenħtieġ li jiġi debitament ikkunsidrat mill-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-portata tad-dispożizzjoni li tirrestrinġi l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati hijiex proporzjonata għall-importanza tal-objettivi segwiti u l-kisbiet mistennija.

(24)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu paragun bejn il-miżura nazzjonali inkwistjoni u l-mezzi alternattivi, inqas restrittivi li jwasslu sabiex jintlaħaq l-istess objettiv filwaqt li jimponu inqas restrizzjonijiet. Meta l-miżuri jkunu ġġustifikati biss minħabba l-protezzjoni tal-konsumatur u meta r-riskji identifikati jkunu limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur u għaldaqstant ma jkunux jaffettwaw b’mod negattiv lil partijiet terzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk l-objettiv tagħhom jistax jintlaħaq b’mezzi li huma nqas restrittivi mir-riżervazzjoni tal-attivitajiet għall-professjonisti. Pereżempju, meta l-konsumaturi jkunu jistgħu raġonevolment jagħmlu għażla bejn jekk jużawx is-servizzi ta’ professjonisti kkwalifikati jew le, jenħtieġ li jintużaw mezzi inqas restrittivi, bħalma huma l-protezzjoni tat-titolu professjonali jew ir-reġistrazzjoni f’reġistru professjonali. Ir-regolamentazzjoni permezz ta’ attivitajiet riżervati u titolu professjonali protett jenħtieġ li tiġi kkunsidrata f’każijiet li fihom il-miżuri għandhom l-għan li jipprevjenu riskju ta’ dannu gravi għall-objettivi ta’ interess pubbliku, bħalma hija s-saħħa pubblika.

(25)

Meta jkun rilevanti fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tal-miżura li tkun qed tiġi analizzata, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll l-elementi li ġejjin: il-konnessjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet professjonali koperti minn professjoni u l-kwalifika professjonali meħtieġa; il-kumplessità tal-kompiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa; l-eżistenza ta’ possibbiltajiet differenti biex tinkiseb il-kwalifika professjonali; jekk l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonisti jistgħux jiġu kondiviżi ma’ professjonisti oħra; u l-livell ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata, b’mod partikolari meta l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost.

(26)

Din id-Direttiva tqis il-progress xjentifiku u teknoloġiku, u tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, anke fl-ambjent diġitali. Fid-dawl tal-ħeffa tal-bidla teknoloġika u tal-iżviluppi xjentifiċi, aġġornamenti fir-rekwiżiti għall-aċċess jistgħu jkunu ta’ importanza partikolari għal numru ta’ professjonijiet, speċjalment għas-servizzi professjonali pprovduti b’mezzi elettroniċi. Meta Stat Membru jirregola professjoni, jenħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi jistgħu jnaqqsu jew iżidu l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi. Meta l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi jġorru magħhom riskju għoli għall-objettivi ta’ interess pubbliku, huma l-Istati Membri li, meta jkun meħtieġ, iridu jinkoraġġixxu lill-professjonisti jibqgħu aġġornati ma’ dawk l-iżviluppi.

(27)

L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni komprensiva taċ-ċirkostanzi li fihom hija adottata u implimentata l-miżura u jeżaminaw b’mod partikolari l-effett tad-dispożizzjonijiet il-ġodda jew emendati meta kkombinati ma’ rekwiżiti oħra li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar, tal-professjoni. L-aċċess għal u l-eżerċitarta’ ċerti attivitajiet jistgħu jiddependu fuq il-konformità ma’ diversi rekwiżiti bħal regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, l-etika professjonali, is-superviżjoni u r-responsabbiltà. Għalhekk, meta jivvalutaw l-effett tad-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti eżistenti, inklużi l-iżvilupp professjonali kontinwu, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, l-iskemi ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-restrizzjonijiet territorjali, ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari u r-regoli tal-inkompatibbiltà, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kopertura ta’ assigurazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex jipprattikaw il-professjoni, ir-rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi, u r-rekwiżiti dwar ir-reklamar.

(28)

L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tista’ tkun adatta sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku. Is-sempliċi fatt li l-effett individwali jew ikkombinat tagħhom jenħtieġ li jiġi vvalutat ma jfissirx li dawk ir-rekwiżiti huma prima facie sproporzjonati. Pereżempju, l-obbligu li wieħed isegwi żvilupp professjonali kontinwu jista’ jkun adatt sabiex jiġi żgurat li l-professjonisti jibqgħu aġġornati mal-iżviluppi fl-oqsma rispettivi tagħhom, sakemm dan ma jistipulax kundizzjonijiet diskriminatorji u sproporzjonati għad-detriment ta’ min jidħol ġdid. Bl-istess mod, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali tista’ tiġi kkunsidrata xierqa meta dawk l-organizzazzjonijiet jew korpi professjonali jingħataw l-inkarigu mill-Istat biex jissalvagwardjaw l-objettivi rilevanti ta’ interess pubbliku, pereżempju fir-rigward tas-superviżjoni tal-eżerċitar leġittimu tal-professjoni, jew l-organizzazzjoni jew is-superviżjoni ta’ taħriġ professjonali kontinwu. Meta l-indipendenza ta’ professjoni ma tkunx tista’ tiġi ggarantita b’mod adegwat b’mezzi oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-applikazzjoni ta’ salvagwardji, pereżempju billi jillimitaw il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ persuni barra mill-professjoni jew jiddisponu li l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot iridu jinżammu minn persuni li jipprattikaw il-professjoni, sakemm tali salvagwardji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-objettiv ta’ interess pubbliku. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi li l-fornituri tas-servizzi jridu jikkonformaw magħhom, speċjalment għas-servizzi meta dan ikun neċessarju għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ rimborż tal-ispejjeż, sakemm tali restrizzjoni tkun proporzjonata, u, meta jkun meħtieġ, jiġu pprovduti derogi mit-tariffi minimi u/jew massimi. Meta l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tidduplika r-rekwiżiti, li diġà jkunu ġew introdotti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ regoli jew proċeduri oħra, tali rekwiżiti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala proporzjonati biex jintlaħaq l-objettiv segwit.

(29)

Skont it-Titolu II tad-Direttiva 2005/36/KE, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-fornituri ta’ servizz stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jipprovdu servizzi professjonali fuq bażi temporanja u ta’ kultant rekwiżiti jew restrizzjonijiet ipprojbiti f’dik id-Direttiva, bħalma huma l-awtorizzazzjoni minn, ir-reġistrazzjoni ma’, jew is-sħubija ma’, organizzazzjoni jew korp professjonali jew li jkollhom rappreżentanti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni regolata. L-Istati Membri, meta jkun neċessarju, jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizz li jixtiequ jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja, jipprovdu informazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li trid issir qabel l-ewwel forniment ta’ servizz u jġeddu din id-dikjarazzjoni fuq bażi annwali. Għalhekk, sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi professjonali, jeħtieġ li jiġi mtenni, filwaqt li titqies in-natura temporanja jew ta’ kultant tas-servizz, li rekwiżiti, bħar-reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew sħubija pro forma ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, dikjarazzjonijiet minn qabel u rekwiżiti ta’ dokumenti, kif ukoll il-ħlas ta’ tariffa jew ta’ kwalunkwe imposta, jenħtieġ li jkunu proporzjonati. Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li ma jwasslux għal piż sproporzjonat fuq il-fornituri ta’ servizz u jenħtieġ li ma jfixklux jew jagħmlu anqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk ir-rekwiżit li jiġu pprovduti ċerti informazzjoni u dokumenti skont id-Direttiva 2005/36/KE u l-possibbiltà li jinkisbu dettalji ulterjuri permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern humiex proporzjonati u humiex suffiċjenti biex jevitaw riskju serju ta’ ċirkomvenzjoni tar-regoli applikabbli mill-fornituri ta’ servizz. Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal miżuri mfassla biex jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli.

(30)

Kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita, is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem jokkupaw l-ewwel post fost l-interessi protetti mit-TFUE. Konsegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu debitament l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, meta jiġu vvalutati r-rekwiżiti għall-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, bħal attivitajiet riżervati, titolu professjonali protett, żvilupp professjonali kontinwu jew regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, is-superviżjoni u l-etika professjonali, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ, stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-pazjenti, tkun proporzjonata u tikkontribwixxi kemm għall-garanzija ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, rikonoxxut bħala dritt fundamentali fil-Karta, kif ukoll għal kura tas-saħħa sikura, ta’ kwalità għolja u effiċjenti għaċ-ċittadini fit-territorju tagħhom. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti politiki għal servizzi tal-kura tas-saħħa, jenħtieġ li titqies il-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, kwalità għolja ta’ servizz, u provvista adegwata u sikura ta’ prodotti mediċinali, skont il-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza professjonali tal-professjonisti fis-settur tal-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inklużi l-aċċessibbiltà u kwalità għolja ta’ kura tas-saħħa għaċ-ċittadini, u provvista adegwata u sikura ta’ prodotti mediċinali, filwaqt li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

(31)

Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li jkun żgurat li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, inklużi s-sħab soċjali, qabel ma jintroduċu rekwiżiti ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati. L-Istati Membri jenħtieġ li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha u jagħtuhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom. Meta jkun rilevanti u xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi b’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

(32)

L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa lid-dritt taċ-ċittadini ta’ aċċess għall-ġustizzja, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konsegwentement, b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali u fil-prinċipji kostituzzjonali, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jkunu kapaċi jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat, għal kull persuna fiżika jew ġuridika, id-dritt għal rimedju effettiv kontra restrizzjonijiet għal-libertà professjonali, għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

(33)

Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni adegwata u aġġornata b’mod regolari ma’ Stati Membri oħra dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet, kif ukoll dwar l-effetti ta’ tali regolamentazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita dak l-iskambju.

(34)

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu promossi l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità bbażati fuq kriterji komparabbli, l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 346 tat-TFUE, jenħtieġ li tkun aċċessibbli faċilment fil-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati, sabiex dan jippermetti lil Stati Membri u partijiet interessati oħra jressqu kummenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati. Dawk il-kummenti jenħtieġ li jitqiesu debitament mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi tagħha, maħruġ b’konformità mad-Direttiva 2005/36/KE.

(35)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġu evitati restrizzjonijiet sproporzjonati fuq l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar qafas komuni għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-proporzjonalità qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew l-emenda ta’ dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, u lanqas il-marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedu jekk u kif għandhom jirregolaw professjoni fil-limiti tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi tal-Istati Membri li jirrestrinġu l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, jew wieħed mill-modi ta’ eżerċitar tagħha, inkluż l-użu ta’ titoli professjonali u l-attivitajiet professjonali permessi skont dan it-titolu, li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE.

2.   Meta rekwiżiti speċifiċi dwar ir-regolamentazzjoni ta’ professjoni partikolari jkunu stabbiliti f’att separat tal-Unjoni li ma jħallix għażla lill-Istati Membri rigward il-mod eżatt ta’ kif għandhom jiġu trasposti, id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36/KE.

Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“titolu professjonali protett” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-użu tat-titolu f’attività professjonali jew fi grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa soġġett, direttament jew indirettament, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, u fejn l-użu mhux xieraq ta’ dak it-titolu huwa soġġett għal sanzjonijiet;

(b)

“attivitajiet riżervati” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-aċċess għal attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa riżervat, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi għal membri ta’ professjoni regolata li jkollhom kwalifika professjonali speċifika, inkluż meta l-attività hija maqsuma ma’ professjonijiet regolati oħrajn.

Artikolu 4

Valutazzjoni ex ante ta’ miżuri ġodda u monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-proporzjonalità b’konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.

2.   Il-portata tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata għan-natura, għall-kontenut u għall-impatt tad-dispożizzjoni.

3.   Kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni li tkun dettaljata biżżejjed li tippermetti evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4.   Ir-raġunijiet biex jitqies li dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija ġġustifikata u proporzjonata għandhom jiġu sostanzjati b’elementi kwalitattivi u, kull meta jkun possibbli u rilevanti, kwantitattivi.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq b’mod oġġettiv u indipendenti.

6.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda jew emendati li jillimitaw l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, wara l-adozzjoni, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’kunsiderazzjoni dovuta għal kwalunkwe żvilupp li jkun seħħ mill-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ’l hawn.

Artikolu 5

Nondiskriminazzjoni

Meta jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji, kemm direttament kif ukoll indirettament, abbażi tan-nazzjonalità jew tar-residenza.

Artikolu 6

Ġustifikazzjoni minħabba objettivi ta’ interess pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati li jkunu beħsiebhom jintroduċu u li l-emendi li jkunu beħsiebhom jagħmlu għad-dispożizzjonijiet eżistenti huma ġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 humiex oġġettivament ġustifikati abbażi tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika, jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, bħall-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumaturi, tar-riċevituri ta’ servizzi u tal-ħaddiema; is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; l-iżgurar tal-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u s-salvagwardja tal-effikaċja tas-superviżjoni fiskali; is-sikurezza tat-trasport; il-ħarsien tal-ambjent u l-ambjent urban; is-saħħa tal-annimali; il-proprjetà intellettwali; is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi ta’ politika soċjali; u l-objettivi ta’ politika kulturali.

3.   Raġunijiet ta’ natura purament ekonomika jew raġunijiet purament amministrattivi ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, li jiġġustifika restrizzjoni fuq l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.

Artikolu 7

Proporzjonalità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, li jintroduċu, u li l-emendi li jagħmlu għal dispożizzjonijiet eżistenti, ikunu adattati sabiex jiggarantixxu l-ilħuq tal-objettiv segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

2.   Għal dak il-għan, qabel ma jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

(a)

in-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għar-riċevituri ta’ servizz, inklużi l-konsumaturi, għall-professjonisti jew għall-partijiet terzi;

(b)

jekk ir-regoli eżistenti ta’ natura speċifika jew iżjed ġenerali, bħal dawk li jinsabu fil-liġi dwar is-sikurezza tal-prodotti jew fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, humiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv segwit;

(c)

l-idoneità tad-dispożizzjoni fir-rigward tal-adegwatezza tagħha sabiex jintlaħaq l-objettiv segwit u jekk din verament tirriflettix dan l-objettiv b’mod koerenti u sistematiku u għaldaqstant tindirizzax ir-riskji identifikati b’mod simili bħal f’attivitajiet komparabbli;

(d)

l-impatt fuq il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi fl-Unjoni, fuq l-għażla tal-konsumatur u fuq il-kwalità tas-servizz ipprovdut;

(e)

il-possibilità li jintużaw mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess pubbliku; għall-finijiet ta’ dan il-punt, meta d-dispożizzjonijiet ikunu ġustifikati biss minħabba l-protezzjoni tal-konsumatur u meta r-riskji identifikati jkunu limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur, u għaldaqstant ma jkunux jaffettwaw b’mod negattiv lil partijiet terzi, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b’mod partikolari jekk l-objettiv jistax jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi mir-riżervazzjoni tal-attivitajiet;

(f)

l-effett ta’ dispożizzjonijiet ġodda jew emendati meta kkombinati ma’ dispożizzjonijiet oħra li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni, u b’mod partikolari kif id-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati, ikkombinati ma’ rekwiżiti oħra, jikkontribwixxu għall-istess objettiv ta’ interess pubbliku, u jekk dawn humiex meħtieġa biex dan jintlaħaq.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll l-elementi li ġejjin meta dawn ikunu rilevanti għan-natura u għall-kontenut tad-dispożizzjoni li tkun qed tiġi introdotta jew emendata:

(a)

il-konnessjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet koperti minn professjoni jew riżervati għaliha u l-kwalifika professjonali meħtieġa;

(b)

il-konnessjoni bejn il-kumplessità tal-kompiti kkonċernati u l-ħtieġa li dawk li jwettquhom jippossjedu kwalifiki professjonali speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa;

(c)

il-possibbiltà li tinkiseb kwalifika professjonali permezz ta’ possibbiltajiet alternattivi;

(d)

jekk, u għaliex, l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonijiet jistgħu jew ma jistgħux ikunu kondiviżi ma’ professjonijiet oħra;

(e)

il-grad ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata u l-impatt tal-arranġamenti organizzattivi u superviżorji fuq l-ilħuq tal-objettiv segwit, b’mod partikolari meta l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost;

(f)

l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li jistgħu effettivament inaqqsu jew iżidu l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi;

3.   Għall-finijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-effett tad-dispożizzjoni ġdida jew emendata meta kkombinata ma’ rekwiżit wieħed jew aktar, filwaqt li jitqies il-fatt li tali effetti jistgħu jkunu kemm pożittivi kif ukoll negattivi, u b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

attivitajiet riżervati, titolu professjonali protett jew kwalunkwe forma oħra ta’ regolamentazzjoni fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/36/KE;

(b)

obbligi biex jitwettaq żvilupp professjonali kontinwu;

(c)

regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, l-etika professjonali u s-superviżjoni;

(d)

sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, skemi ta’ reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni, b’mod partikolari fejn dawk ir-rekwiżiti jimplikaw il-pussess ta’ kwalifika professjonali speċifika;

(e)

restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari r-rekwiżiti li jillimitaw l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prattika, jew li jiffissaw numru minimu jew massimu ta’ impjegati, maniġers jew rappreżentanti li għandhom kwalifiki professjonali speċifiċi;

(f)

rekwiżiti ta’ forma legali speċifika jew rekwiżiti relatati mal-parteċipazzjoni azzjonarja jew il-ġestjoni ta’ kumpanija, sa fejn dawn ir-rekwiżiti huma marbuta direttament mal-eżerċitar tal-professjoni regolata;

(g)

restrizzjonijiet territorjali, anke fejn il-professjoni hija regolata f’partijiet tat-territorju ta’ Stat Membru b’manjiera li tkun differenti għall-mod li bih hija regolata f’partijiet oħra;

(h)

rekwiżiti li jirrestrinġu l-eżerċitar ta’ professjoni regolata b’mod konġunt jew bi sħab, kif ukoll regoli ta’ inkompatibbiltà;

(i)

rekwiżiti li jikkonċernaw il-koperatura tal-assigurazzjoni jew mezzi oħra ta’ protezzjoni personali jew kollettiva li jirrigwardaw ir-responsabbiltà professjonali;

(j)

rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex tiġi prattikata l-professjoni;

(k)

rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi;

(l)

rekwiżiti dwar ir-reklamar.

4.   Qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, l-Istati Membri, barra minn hekk, għandhom jiżguraw il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ rekwiżiti speċifiċi relatati mal-forniment temporanja jew ta’ kultant ta’ servizzi, previst skont it-Titolu II tad-Direttiva 2005/36/KE, inklużi:

(a)

reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew sħubija pro forma ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36/KE,

(b)

dikjarazzjoni li għandha ssir bil-quddiem skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, dokumenti meħtieġa skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jew kwalunkwe rekwiżit ekwivalenti ieħor;

(c)

il-ħlas ta’ tariffa jew kwalunkwe imposta meħtieġa għall-proċeduri amministrattivi, relatata mal-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati li l-fornitur ta’ servizz iġarrab.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal miżuri mfassla biex jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli li l-Istati Membri japplikaw skont id-dritt tal-Unjoni.

5.   Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa u jkollhom implikazzjonijiet fuq is-sikurezza tal-pazjenti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 8

Informazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati

1.   L-Istati Membri għandhom, b’mezzi xierqa, jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini, għar-riċevituri ta’ servizz u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi dawk li mhumiex membri tal-professjoni kkonċernata, qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.

2.   L-Istati Membri għandhom jinvolvu kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati kollha u għandhom jagħtuhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Meta jkun rilevanti u xieraq, l-Istati Membri għandhom iwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi b’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Artikolu 9

Rimedju effettiv

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun disponibbli rimedju effettiv fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali.

Artikolu 10

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva u dwar il-mod partikolari li huma jirregolaw professjoni, jew dwar l-effetti ta’ tali regolamentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita tali skambju ta’ informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-trażmissjoni u l-wasla ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

Artikolu 11

Trasparenza

1.   Ir-raġunijiet biex jitqies li d-dispożizzjonijiet, valutati skont din id-Direttiva, huma ġustifikati u proporzjonati, li, flimkien mad-dispożizzjonijiet, iridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE, għandhom jiġu reġistrati mill-Istati Membri fil-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati, imsemmija fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE u għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri u partijiet interessati oħra jistgħu jissottomettu kummenti lill-Kummissjoni jew lill-Istat Membru li kkomunika d-dispożizzjonijiet u r-raġunijiet għaliex iqis li huma ġustifikati u proporzjonati. Dawn il-kummenti għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi tagħha maħruġ skont l-Artikolu 59(8) tad-Direttiva 2005/36/KE.

Artikolu 12

Rieżami

1.   Sat-18 ta’ Jannar 2024 u darba kull ħames snin minn dakinhar ’l hemm, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż, fost aspetti oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-effikaċja tagħha.

2.   Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposti rilevanti.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Lulju 2020. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl- għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2018.

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, ECLI:EU:C:1995:411, paragrafu 37.

(4)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).