ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 160

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
25 ta' Ġunju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/895 tat-22 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( 1 )

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 tad-19 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE (notifikata bid-dokument C(2018) 3736)  ( 1 )

6

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill Konġunt UE-Kuba tal-15 ta' Mejju 2018 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat Konġunt [2018/897]

11

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/895

tat-22 ta' Ġunju 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 74(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-istruttura u l-ammont tal-ħlasijiet previsti f'dak ir-Regolament għandhom iqisu l-ħidma li hemm bżonn titwettaq mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) u mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu ffissati f'livell li jiżgura li d-dħul idderivat minnhom meta jiġi kkombinat ma' sorsi oħra ta' dħul tal-Aġenzija jkun biżżejjed biex ikopri l-ispiża tas-servizzi mogħtija.

(2)

L-esperjenza miksuba mill-Aġenzija u l-Kumitati tagħha għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika sa issa, fil-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni wriet li l-ammont ta' xogħol involut f'tali valutazzjoni huwa xprunat mill-għadd ta' użi li għalihom tkun saret applikazzjoni waħda, iktar milli min-numru ta' applikanti li jkunu ppreżentaw l-applikazzjoni b'mod konġunt. Għaldaqstant, il-ħlas li jrid isir għal applikazzjoni partikolari jenħtieġ li jkun l-istess, irrispettivament mill-għadd ta' applikanti; jenħtieġ li ma jiġi impost ebda ħlas addizzjonali għal kull applikant addizzjonali. L-istess raġunament japplika wkoll għall-ispejjeż marbuta mal-preżentazzjoni ta' xi rapport ta' rieżami. Il-modifiki xierqa fil-ħlasijiet u fl-ispejjeż jistgħu jippermettu li jittaffa l-piż finanzjarju fuq l-operaturi ż-żgħar, bħal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(3)

Meta jiġi ppreżentat rapport ta' rieżami konġunt, il-ħlasijiet u l-ispejjeż jenħtieġ li jinqasmu bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). It-tnaqqis tal-SMEs eżistenti għall-ħlasijiet u spejjeż jenħtieġ li jitqiesu meta jiġu biex jinqasmu l-ħlasijiet u l-ispejjeż totali applikabbli.

(4)

Fil-każ li l-intrapriżi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni jkunu f'kategoriji ta' daqs differenti li għalihom ikunu japplikaw ħlasijiet ta' bażi differenti, għandu jiġi impost l-ogħla ħlas.

(5)

Barra minn hekk, wara r-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 (2), li saret fl-2015, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba fit-trattament ta' applikazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni, jixraq li l-ħlasijiet u l-ispejjeż għall-awtorizzazzjoni jiġu aġġustati biex jirriflettu l-piż tax-xogħol tal-Aġenzija. Għal dan il-għan, il-ħlasijiet u l-ispejjeż addizzjonali applikabbli għal kull użu addizzjonali jenħtieġ li jkunu biss kemxejn inqas mill-ħlas jew l-ispiża bażi. Għalhekk, dawk il-ħlasijiet jew l-ispejjeż addizzjonali għal kull użu addizzjonali jenħtieġ li jiżdiedu.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jgħoddx għall-applikazzjonijiet ppreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 340/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Aġenzija għandha timponi ħlas bażi għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' sustanza, kif stipulat fl-Anness VI. Il-ħlas ta' bażi għandu jkopri l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' sustanza waħda u għal użu wieħed.

L-Aġenzija għandha timponi ħlas addizzjonali, kif stabbilit fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament, għal kull użu addizzjonali u għal kull sustanza addizzjonali li tissodisfa d-definizzjoni ta' grupp ta' sustanzi kif iddefinit fil-punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li tkun koperta bl-applikazzjoni. L-ebda ħlas addizzjonali ma għandu jiġi impost fejn ikun hemm aktar minn applikant wieħed li jagħmel parti mill-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

Fil-każ li l-applikanti li jkunu parti minn applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni jkunu ta' daqsijiet differenti, il-ħlas li għandu jiġi impost huwa dak li jkun japplika għal dak il-wieħed minn fost l-applikanti li jrid iħallas l-iktar għal dik l-applikazzjoni.

Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni, l-applikanti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex il-ħlas jinqasam bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

L-Aġenzija għandha toħroġ fattura waħda li tkopri l-ħlas ta' bażi u kull ħlasijiet addizzjonali applikabbli.”

(2)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Aġenzija għandha timponi spiża bażi għall-preżentazzjoni ta' kull rapport ta' rieżami, kif stipulat fl-Anness VII. L-ispiża ta' bażi għandha tkopri l-preżentazzjoni ta' rapport ta' rieżami ta' sustanza waħda u ta' użu wieħed.

L-Aġenzija għandha timponi spiża addizzjonali, kif stabbilit fl-Anness VII ta' dan ir-Regolament, għal kull użu u għal kull sustanza addizzjonali li tissodisfa d-definizzjoni ta' grupp ta' sustanzi kif iddefinit fil-punt 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li tkun koperta mir-rapport ta' rieżami. L-ebda spiża addizzjonali ma għandha tkun imposta jekk ikun hemm iktar minn parti waħda għar-rapport ta' rieżami.

Fil-każ li l-entitajiet li jkunu parti mill-preżentazzjoni ta' rapport ta' rieżami konġunt ikunu ta' daqsijiet differenti, għal dik l-applikazzjoni għandha tiġi imposta l-ogħla spiża li tapplika għal kwalunkwe wieħed minn dawk l-applikanti

Meta jiġi ppreżentat rapport ta' rieżami konġunt, id-detenturi tal-applikazzjoni għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex il-ħlas jinqasam bejn l-applikanti b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju, b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

L-Aġenzija għandha toħroġ fattura waħda li tkopri l-ispiża bażi u kull spiża addizzjonali applikabbli oħra.”

(3)

L-Annessi VI u VII huma sostitwiti bit-test li jinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 340/2008, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/864 (3) għandu japplika għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel il-15 ta' Lulju 2018.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas-16 ta' April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 107, 17.4.2008, p. 6), kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/864 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/864 tal-4 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 1).


ANNESS

“ANNESS VI

Ħlasijiet għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Tabella 1

Ħlasijiet standard

Ħlas bażi

EUR 54 100

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 10 820

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 48 690


Tabella 2

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi medji

Ħlas bażi

EUR 40 575

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 8 115

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 36 518


Tabella 3

Ħlasijiet imnaqqsa għall-intrapriżi żgħar

Ħlas bażi

EUR 24 345

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 869

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 21 911


Tabella 4

Ħlasijiet imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Ħlas bażi

EUR 5 410

Ħlas addizzjonali għal kull sustanza

EUR 1 082

Ħlas addizzjonali għal kull użu

EUR 4 869

ANNESS VII

Spejjeż għar-rieżami ta' awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Tabella 1

Spejjeż standard

Spiża bażi

EUR 54 100

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 10 820

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 48 690


Tabella 2

Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Spiża bażi

EUR 40 575

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 8 115

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 36 518


Tabella 3

Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Spiża bażi

EUR 24 345

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 4 869

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 21 911


Tabella 4

Spejjeż imnaqqsa għall-mikrointrapriżi

Spiża bażi

EUR 5 410

Spiża addizzjonali għal kull sustanza

EUR 1 082

Spiża addizzjonali għal kull użu

EUR 4 869


DEĊIŻJONIJIET

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/896

tad-19 ta' Ġunju 2018

li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE

(notifikata bid-dokument C(2018) 3736)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 94/62/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief u tipprevedi li dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li ma jinqabiżx ċertu għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna fis-sena, jew mira ekwivalenti stabbilita abbażi tal-piż.

(2)

Jenħtieġ li jintużaw sistema ta' rappurtar armonizzata u metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna, għall-monitoraġġ ta' dak il-konsum fil-livell tal-Unjoni u biex jiġi vvalutat jekk inkisibx jew le tnaqqis sostnut fil-konsum ta' dan it-tip ta' basktijiet.

(3)

L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-miżuri nazzjonali tagħhom permezz ta' referenza għall-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief jew permezz ta' referenza għall-piż. L-approċċi użati għall-kejl tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief huma marbuta b'mod intrinsiku mal-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ bl-għan li jitnaqqas il-konsum. Għalhekk, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum għandha tipprevedi kalkolu bbażat kemm fuq l-għadd kif ukoll fuq il-piż, sabiex titqies l-għażla tal-Istati Membri bejn iż-żewġ tipi ta' miżuri ta' tnaqqis.

(4)

Meta jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief f'termini ta' piż, għandha tiġi rrappurtata informazzjoni dwar il-piż medju tal-basktijiet tal-plastik ħfief, sabiex iċ-ċifri tal-konsum ikunu jistgħu jiġi konvertiti f'numri u biex ikun jista' jsir tqabbil bejn id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri differenti abbażi tal-piż jew abbażi tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna mill-miżuri nazzjonali għat-tnaqqis tal-konsum. Madankollu, dawn il-basktijiet jikkwalifikaw bħala basktijiet tal-plastik għall-għanijiet tal-obbligi ta' rappurtar u għandhom jiġu inklużi fir-rappurtar dwar il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief. Il-metodoloġiji ta' kalkolu bbażati fuq id-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji jistgħu ma jkoprux dawn il-basktijiet eżenti. Sabiex jitqies dan, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd jew il-piż tal-basktijiet tal-plastik ħfief kollha introdotti fis-suq, inklużi dawk li huma eżenti minn taxxi, imposti jew levies ta' dan it-tip.

(6)

Il-formati għar-rappurtar dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (2). Hemm bżonn ta' formati ġodda għall-għanijiet tar-rappurtar dwar il-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/270/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Metodoloġija għall-kalkolu u għar-rappurtar tal-konsum annwali

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna għandu jiġi kkalkulat u rrappurtat bl-użu tal-metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-għadd stabbilita fl-Artikolu 2, jew tal-metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-piż stabbilita fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-għadd

1.   Meta Stat Membru jikkalkula u jirrapporta l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief abbażi tal-għadd, għandu juża wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq nazzjonali tiegħu;

(b)

l-ammont totali:

(i)

tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat abbażi tad-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji li jridu jitħallsu mill-konsumaturi għal kull unità ta' basktijiet tal-plastik ħfief kif iddikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi skont il-liġijiet nazzjonali, u

(ii)

tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn dawk it-taxxi, imposti jew levies, introdott fis-suq nazzjonali tiegħu kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi f'konformità mal-liġijiet nazzjonali.

2.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(a) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti minnhom fis-suq fit-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

3.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(b) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief li huma eżenti mit-taxxi, imposti jew levies introdotti minnhom fis-suq fit-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

4.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(a) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(b) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 5 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

Artikolu 3

Metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-piż

1.   Meta Stat Membru jikkalkula u jirrapporta l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief abbażi tal-piż, għandu juża wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq nazzjonali tiegħu;

(b)

l-ammont totali:

(i)

tal-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat abbażi tad-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji li jridu jitħallsu mill-konsumaturi għal kull unità ta' basktijiet tal-plastik ħfief kif iddikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi skont il-liġijiet nazzjonali, u

(ii)

tal-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn dawk it-taxxi, imposti jew levies, introdott fis-suq nazzjonali tiegħu kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi f'konformità mal-liġijiet nazzjonali.

2.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief f'konformità ma' dan l-Artikolu għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-piż medju ta' basktijiet tal-plastik ħfief.

3.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(a) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti minnhom fis-suq tat-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

4.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(b) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief li huma eżenti mit-taxxi, imposti jew levies introdotti minnhom fis-suq tat-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(a) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 6 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

6.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(b) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

Artikolu 4

Emendi għad-Deċiżjoni 2005/270/KE

Id-Deċiżjoni 2005/270/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-ġenerazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trattament tal-iskart mill-imballaġġ billi jagħmlu użu mill-formati stabbiliti fit-Tabella 1, fit-Tabella 2 u fit-Tabella 3 tal-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief billi jagħmlu użu mill-format stabbilit fit-Tabella 4 jew fit-Tabella 5 tal-Anness, kif xieraq, għar-rappurtar abbażi tal-għadd, u billi jagħmlu użu mill-format stabbilit fit-Tabella 6 jew fit-Tabella 7 tal-Anness, kif xieraq, għar-rappurtar abbażi tal-piż.”

(2)

L-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta' Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6).


ANNESS

Jiddaħħlu t-Tabelli 4 sa 7 fl-Anness mad-Deċiżjoni 2005/270/KE:

TABELLA 4

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896  (*1)

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

 

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

TABELLA 5

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif dikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

(a)

(b)

(a) + (b)

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

3.

Meta ma jkunx hemm eżenzjoni fis-seħħ, il-valur għal (b) għandu jiġi indikat bħala 0.

TABELLA 6

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

Piż medju ponderat għal kull basket tal-plastik ħafif kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

 

 

Li minnhom ta' ħxuna ta'

Ta' ħxuna ta'

 

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

TABELLA 7

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif dikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

Piż medju għal kull basket tal-plastik ħafif kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

a

b

 

a + b

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

(a)

15 < 50 mikron

(b)

15 < 50 mikron

 

 

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

3.

Meta ma jkunx hemm eżenzjoni fis-seħħ, il-valur għal (b) ikun ugwali għal 0.”

(*1)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 tad-19 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE (ĠU L 160, 25.6.2018, p. 6).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/11


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL KONĠUNT UE-KUBA

tal-15 ta' Mejju 2018

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat Konġunt [2018/897]

IL-KUNSILL KONĠUNT UE-KUBA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) u b'mod partikolari l-Artikoli 81(4) u 82(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 86(3) tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim bdew jiġu applikati fuq bażi provviżorja bejn l-Unjoni u Kuba mill-1 ta' Novembru 2017.

(2)

Skont l-Artikolu 81(4) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(3)

Skont l-Artikolu 82(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun megħjun minn Kumitat Konġunt fit-twettiq ta' dmirijietu,

(4)

Skont l-Artikolu 82(3) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt u dawk tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Annessi 1 u 2 rispettivament, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill Konġunt

Il-Presidenza

F. MOGHERINI


ANNESS 1

Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Kunsill Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 81(1) tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl- Artikolu 81(2) tal-Ftehim.

2.   Skont l-Artikolu 81(3) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Huwa għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali.

3.   Kif previst fl-Artikolu 81(6) tal-Ftehim, u biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-Kunsill Konġunt għandu jkollu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill Konġunt għandu jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil entitajiet speċifiċi stabbiliti taħt il-Ftehim, sabiex jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill Konġunt jista' jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi qbil bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi, b'konformità mal-Artikolu 11 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Il-Kunsill Konġunt jista' jiddelega s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.   Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk definiti fl-Artikolu 84 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Presidenza

Il-Kunsill Konġunt għandu jkun presedut b'mod alternat, minn laqgħa waħda għal dik suċċessiva, minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika ta' Kuba. L-ewwel Kunsill Konġunt għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Laqgħat

1.   Il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa' regolarment tal-inqas kull sentejn, u kull meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill Konġunt għandu jiltaqa' fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom isiru f'data li dwarha jkun hemm qbil bejn il-Partijiet.

3.   Il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill Konġunt, bi qbil mal-Presidenza tal-Kunsill Konġunt, mhux aktar tard minn 30 jum qabel id-data tal-laqgħa.

Artikolu 4

Rappreżentanza

1.   Il-membri tal-Kunsill Konġunt jistgħu jkunu rappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jkun jixtieq ikun rappreżentat, dak il-membru għandu jinforma lill-Presidenza bil-miktub b'isem ir-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa konċernata.

2.   Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill Konġunt għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill Konġunt jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-Presidenza għandha tiġi infurmata, permezz tas-Segretarjat, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

Artikolu 6

Is-Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern ta' Kuba għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 7

Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill Konġunt għandha tintbagħat lil kwalunkwe wieħed mis-Segretarji, li min-naħa tiegħu għandu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2.   Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tingħadda lill-Presidenza u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata lill-membri tal-Kunsill Konġunt.

3.   Il-korrispondenza ċċirkolata skont il-paragrafu 2 għandha tintbagħat, kif ikun xieraq, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni ta' Kuba għall-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' Kuba.

4.   Il-komunikazzjonijiet mill-Presidenza tal-Kunsill Konġunt għandhom jintbagħtu lid-destinatarji miż-żewġ Segretarji f'isem il-Presidenza tal-Kunsill Konġunt. Tali komunikazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati, meta jkun xieraq, lill-membri tal-Kunsill Konġunt kif stipulat fil-paragrafu 3.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

1.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2.   Meta Parti tippreżenta informazzjoni lill-Kunsill Konġunt li tkun immarkata bħala kunfidenzjali, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-Presidenza għandha tfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi ċċirkolata mis-Segretarji lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi dawk il-punti li l-Presidenza tkun irċeviet talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Tali punti għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti ta' prova rilevanti li jridu jintbagħtu lis-Segretarji qabel dakinhar li tintbagħat l-aġenda.

3.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt li ma jkunx fost dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jiddaħħal fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Fuq konsultazzjoni mal-Partijiet, il-Presidenza tista' tqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti ta' każ partikolari.

5.   Fuq qbil bejn il-Partijiet, il-Kunsill Konġunt jista' jistieden esperti indipendenti f'qasam biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq bażi ta' każ b'każ dwar it-termini u l-kundizzjonijiet biex dawn l-esperti jattendu l-laqgħat u jiżguraw li dawn jirrispettaw kwalunkwe rekwiżit ta' kunfidenzjalità.

Artikolu 10

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti għal kull laqgħa għandu jitfassal miż-żewġ Segretarji b'mod konġunt.

2.   Sakemm waqt il-laqgħa ma jkunx hemm qbil mod ieħor, il-minuti għandhom jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

(a)

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill Konġunt;

(b)

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill Konġunt ikun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u

(c)

kwistjonijiet li jkun intlaħaq qbil dwarhom bejn il-Partijiet, bħal deċiżjonijiet adottati, dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kwalunkwe konklużjoni.

3.   L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Konġunt għall-approvazzjoni. Il-Kunsill Konġunt għandu japprova l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jkun imiss. Alternattivament, l-abbozz tal-minuti jista' jiġi approvat bil-miktub mill-Kunsill Konġunt qabel il-laqgħa li jkun imiss.

Artikolu 11

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

2.   Il-Kunsill Konġunt jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Għal dan l-għan, l-abbozz tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-Presidenza tal-Kunsill Konġunt lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju, li fih il-membri għandhom jgħarrfu b'kull riżerva jew emenda li jixtiequ jagħmlu. Fuq konsultazzjoni mal-Partijiet, il-Presidenza tista' tnaqqas il-limitu ta' żmien imsemmi qabel sabiex jitqiesu r-rekwiżiti ta' każ partikolari.

3.   L-atti tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, skont il-każ, segwiti bin-numru tas-serje, is-sena tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenza u jiġu ċċirkolati lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

4.   Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor

Artikolu 12

Lingwi

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill Konġunt għandhom ikunu l-Ingliż u l-Ispanjol.

2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill Konġunt għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.

Artikolu 13

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kull spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż postali u ta' telekomunikazzjoni.

2.   In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Unjoni Ewropea. F'każ li Kuba tkun teħtieġ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal u minn lingwi oħra barra dawk stipulati fl-Artikolu 12, hija għandha tħallas l-ispejjeż relatati.

3.   Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 14

Kumitat Konġunt

1.   Skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkun assistit fit-twettiq ta' dmirijietu mill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju fil-livell ta' uffiċjali anzjani.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Konġunt fejn ikun xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim. Huwa għandu jqis kull kwistjoni li tiġi riferita lilu mill-Kunsill Konġunt kif ukoll kull kwistjoni oħra li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Huwa għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjoni jew rakkomandazzjoni lill-Kunsill Konġunt għall-approvazzjoni tiegħu.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet fejn ikun mogħti s-setgħa li jagħmel dan mill-Ftehim. Skont l-Artikolu 82(4) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt jista' jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt biex jieħu deċiżjonijiet.

4.   F'każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta' konsultazzjoni jew possibbiltà ta' konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi qbil komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, tali konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat Konġunt, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista' tkompli fil-Kunsill Konġunt jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

Artikolu 15

L-emendar tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt, skont l-Artikolu 11.


ANNESS 2

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jgħin lill-Kunsill Konġunt fit-twettiq ta' dmirijietu u tal-funzjonijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti stipulati f'dan il-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill Konġunt.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Konġunt, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Konġunt fejn ikun meħtieġ u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim. Huwa għandu jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni riferita lilu mill-Kunsill Konġunt kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tal-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim. Huwa għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għall-adozzjoni lill-Kunsill Konġunt.

3.   Kif stipulat fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-livell ta' uffiċjali anzjani, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet speċifiċi li jkunu jridu jiġu indirizzati.

4.   Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk definiti fl-Artikolu 84 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Presidenza

Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b'mod alternat, minn laqgħa waħda għal dik suċċessiva, minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika ta' Kuba. L-ewwel Parti li jkollha l-Presidenza għandha tkun ir-Repubblika ta' Kuba.

Artikolu 3

Laqgħat

1.   Ħlief fuq qbil mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' b'mod regolari, tal-inqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat Konġunt fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li dan isir.

2.   Kull laqgħa għandha tissejjaħ mill-Presidenza f'data u f'post li dwarhom ikun hemm qbil mill-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt sa mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

3.   Kull meta jkun possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat Konġunt għandha tissejjaħ fi żmien adatt qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill Konġunt.

4.   Eċċezzjonalment u jekk jaqblu l-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru permezz ta' mezzi teknoloġiċi li jintlaħaq qbil dwarhom, bħal vidjokonferenza.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom ikunu infurmati, permezz tas-Segretarjat, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa fuq iż-żewġ naħat.

Artikolu 5

Is-Segretarjat

Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern ta' Kuba għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt u għandhom iwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt sakemm dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jistipulawx mod ieħor, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u ta' kooperazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt għandha tintbagħat lil kwalunkwe wieħed mis-Segretarji, li min-naħa tiegħu għandu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2.   Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tingħadda lill-Presidenza u tiġi ċċirkolata, fejn ikun xieraq, skont l-Artikolu 7.

3.   Il-korrispondenza mill-Presidenza għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-Presidenza. Tali korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, fejn ikun xieraq, skont l-Artikolu 7.

Artikolu 7

Dokumenti

1.   Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati permezz tas-Segretarji.

2.   Parti għandha tittrażmetti d-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju għandu jittrażmetti dawk id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra mingħajr dewmien żejjed.

3.   Kull Segretarju għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti responsabbli tal-Parti tiegħu, u sistematikament jinkludi lis-Segretarju tal-Parti l-oħra billi jgħaddilu kopji.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni lill-Kumitat Konġunt li tkun immarkata bħala kunfidenzjali, il-Parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9

Aġendi għal-laqgħat

1.   Is-Segretarjat għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 10 fuq il-bażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mingħand Parti, liema talba tkun sostnuta minn dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata skont l-Artikolu 7, mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti li ma jkunux dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Il-Presidenza tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tista', fuq bażi ad hoc u suġġett għall-qbil tal-Parti l-oħra, tistieden esperti indipendenti f'suġġett biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li dawk l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.

5.   F'konsultazzjoni mal-Partijiet, il-Presidenza tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tista' tnaqqas il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jitqiesu ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 10

Minuti u konklużjonijiet operazzjonali

1.   L-abbozz tal-minuti għal kull laqgħa għandu jitfassal miż-żewġ Segretarji b'mod konġunt.

2.   Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

(a)

lista tal-parteċipanti, lista ta' uffiċjali akkumpanjanti u lista ta' kull osservatur jew espert li attendew il-laqgħa;

(b)

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat Konġunt;

(c)

id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat Konġunt ikun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u

(d)

konklużjonijiet operazzjonali mil-laqgħa.

3.   L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Konġunt għall-approvazzjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu japprova l-minuti fil-laqgħa tiegħu li jkun imiss jew, alternattivament, bil-miktub.

4.   Abbozz tal-konklużjonijiet operazzjonali ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarju tal-Parti li jkollha l-Presidenza u jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa. Dak l-abbozz għandu jiġi aġġornat matul il-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, dment li ma jkunx hemm qbil mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt jadotta l-konklużjonijiet operazzjonali, li jkunu jirriflettu l-azzjoni ta' segwitu li tkun trid tittieħed mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operazzjonali għandhom ikunu mehmuża mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi rieżaminata waqt kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt. Għal dak il-għan il-Kumitat Konġunt għandu jadotta mudell, li jippermetti li kull punt ta' azzjoni jiġi segwit fir-rigward ta' skadenza speċifika.

Artikolu 11

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħtih is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt, il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet. Huwa għandu jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill Konġunt. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u malli jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-Presidenza.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn iż-żewġ Segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dan il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju, li matulu għandhom jiġu mgħarrfa kull kumment u kull oġġezzjoni. Il-Presidenza tal-Kumitat Konġunt jista', wara konsultazzjoni mal-Partijiet, inaqqas dak il-limitu ta' żmien, biex jitqiesu ċirkostanzi speċjali. Ladarba jintlaħaq qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-Presidenza.

3.   L-atti tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, skont il-każ, segwiti b'numru tas-serje, bis-sena tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm hija ma tipprevedix mod ieħor.

4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.

5.   Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 12

Rapporti

Il-Kumitat Konġunt għandu jagħti rapport lill-Kunsill Konġunt dwar l-attivitajiet tiegħu u dwar dawk tas-sottokumitati tiegħu f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 13

Lingwi

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Kunsill Konġunt.

2.   Il-lingwi tal-ħidma tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu l-Ingliż u l-Ispanjol. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat Konġunt għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.

Artikolu 14

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kull spiża li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż postali u ta' telekomunikazzjoni.

2.   L-infiq relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, mar-riproduzzjoni ta' dokumenti u mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u traduzzjoni ta' dokumenti għal u mill-Ingliż u l-Ispanjol għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa. L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra għandhom jitħallsu direttament mill-Parti li titlobhom.

Artikolu 15

L-emendar tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt skont l-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Konġunt.

Artikolu 16

Sottokumitati

1.   Skont l-Artikolu 83(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li joħloq sottokumitat f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim biex jassistih fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jtemm kwalunkwe tali sottokumitat, u li jiddefinixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu jew li jemendahom. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, dawk is-sottokumitati għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt, li lilu għandhom jagħtu rapport wara kull waħda mil-laqgħat tagħhom.

2.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-Ftehim jew ma jkunx hemm qbil mod ieħor fil-Kunsill Konġunt, dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kwalunkwe sottokumitat stabbilit mill-Ftehim jew taħt il-paragrafu 1.

3.   Il-laqgħat tas-sottokumitati jistgħu jsiru skont, u meta jkun hemm, il-bżonn personalment, fi Brussell jew f'Kuba, jew, pereżempju, b'vidjokonferenza. Is-sottokumitati għandhom ikunu l-pjattaforma għall-monitoraġġ tal-progress dwar l-approssimazzjoni f'oqsma speċifiċi, għad-diskussjoni ta' ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dak il-proċess u għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operazzjonali.

4.   Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt għandu jirċievi kopji tal-korrispondenza, dokumenti u komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw ix-xogħol ta' sottokumitat.

5.   Sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor mill-Partijiet fil-Kunsill Konġunt, is-sottokumitati għandu jkollhom biss is-setgħa li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.