ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 113

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
3 ta' Mejju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/670 tat-30 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fejn għandu x'jaqsam mat-titwil tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bromukonażol, buprofeżin, ħalossifop-P u napropammid ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/671 tat-2 ta' Mejju 2018 li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/672 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja (notifikata bid-dokument C(2016) 8419)

10

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/670

tat-30 ta' April 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fejn għandu x'jaqsam mat-titwil tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bromukonażol, buprofeżin, ħalossifop-P u napropammid

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi li huma meqjusa bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi ħalossifop-P u napropammid jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

Il-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi bromukonażol u buprofeżin jiskadu fil-31 ta' Jannar 2021.

(4)

Tressqu l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi mniżżlin f'dan ir-Regolament b'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3). Madankollu, l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi x'aktarx li se jiskadu għal raġunijiet li ma għandux kontroll fuqhom l-applikant qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjonijet tagħhom. Għaldaqstant jenħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jittawlu bi qbil mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Minħabba l-ħin u r-riżorsi li hemm bżonn biex titlesta l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet ta' għadd kbir ta' sustanzi attivi li se jiskadu bejn l-2019 u l-2021, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016)6104 (4) stabbiliet programm ta' ħidma li fiħ ingħaqdu fi gruppi s-sustanzi attivi simili u l-prijoritajiet ġew ordnati skont it-tħassib dwar l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent, kif stipulat fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(6)

Billi s-sustanzi attivi mniżżlin f'dan ir-Regolament ma jidħlux fil-kategoriji pprijoritizzati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016)6104, jenħtieġ li l-perjodu tal-approvazzjoni tagħhom jittawwal b'sentejn jew bi tliet snin, filwaqt li jitqiesu d-data ta' skadenza attwali, il-fatt li skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 id-dossier supplimentari dwar kull sustanza attiva jrid jitressaq mhux aktar tard minn 30 xahar qabel l-iskadenza tal-approvazzjoni, il-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni ekwa tar-responsabbiltajiet u tax-xogħol fost l-Istati Membri li jagħmluha ta' relaturi u korelaturi, u r-riżorsi li jeżistu li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għaldaqstant jixraq li jittawwal b'sentejn il-perjodu tal-approvazzjoni għas-sustanza attiva buprofeżin, u jittawal bi tliet snin għas-sustanzi attivi bromukonażol, ħalossifop-P u napropammid.

(7)

Billi l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f'dak li għandu x'jaqsam ma' każijiet meta ma jitressaqx id-dossier supplimentari bi qbil mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, qabel l-għeluq tat-30 xahar qabel id-data ta' skadenza rispettiva stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tiffissa d-data ta' skadenza għall-istess data li kienet qabel ma sar dan ir-Regolament, jew fl-aktar data bikrija ta' warajha.

(8)

Billi l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f'dak li għandu x'jaqsam ma' każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jistipula li l-approvazzjoni ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji għall-approvazzjoni, il-Kummissjoni tiffissa data ta' skadenza li tkun l-istess data ta' qabel ma sar dan ir-Regolament, jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dejjem jekk l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi l-aħħar. F'każijiet meta l-Kummissjoni tkun se tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid ta' sustanza attiva msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tipprova tiffissa, skont kif ikun xieraq fiċ-ċirkostanzi, l-iktar data tal-applikazzjoni bikrija possibbli.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta' programm ta' ħidma għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li jiskadu fl-2019, fl-2020 u fl-2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 357, 29.9.2016, p. 9).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni tar-ringiela 309, tal-Ħalossifop-P, id-data hija ssostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

(2)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni tar-ringiela 310, tan-Napropammid, id-data hija ssostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2023”;

(3)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni tar-ringiela 318, tal-Bromukonażol, id-data hija ssostitwita bil-“31 ta' Jannar 2024”;

(4)

fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni tar-ringiela 320, tal-Buprofeżin, id-data hija ssostitwita bil-“31 ta' Jannar 2023”.


3.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/671

tat-2 ta' Mejju 2018

li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) (“l-avviż ta' ftuħ ta' AD”), il-ftuħ ta' proċediment antidumping (“il-proċediment antidumping”) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”) wara lment imressaq fit-8 ta' Settembru 2017 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“l-ilmentatur” jew l-“EBMA” - European Bicycle Manufacturers Association) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' roti elettriċi.

(2)

Fil-21 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) (“in-notifika ta' bidu ta' AS”), il-bidu ta' proċediment antisussidju (“il-proċediment antisussidju”) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-RPĊ wara lment imressaq fit-8 ta' Novembru 2017 mill-ilmentatur f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' roti elettriċi.

1.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) għaż-żewġ proċedimenti huwa roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li joriġinaw fir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(4)

L-ilmentatur indika fl-ilmenti tiegħu l-intenzjoni tiegħu li jitlob għal reġistrazzjoni. Fil-31 ta' Jannar 2018, l-ilmentatur ressaq talbiet għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbilit fir-Regolamenti bażiċi.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolamenti bażiċi jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(6)

Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni hija ġustifikata billi l-prodott ikkonċernat qed ikun l-oġġett ta' dumping u ssussidjat. Qed ikun ikkawżat dannu sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni b'żieda rapida ta' importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li se jimminaw l-effett ta' rimedju tad-dazji definittivi potenzjali billi jippermetti l-ħżin qabel l-istaġun tal-bejgħ tal-2018.

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(8)

Fir-rigward tal-parti tat-talba li għandha x'taqsam mad-dumping, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux a konoxxenza, jew jekk kellhomx ikunu a konoxxenza, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x'aktarx timmina serjament l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

(9)

Fir-rigward tal-parti tat-talba li għandha x'taqsam mas-sussidji, il-Kummissjoni vverifikat jekk hemmx ċirkostanzi kritiċi fejn huwa kkawżat dannu għall-prodott sussidjat inkwistjoni li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat minħabba importazzjonijiet kbar f'perjodu relattivament qasir ta' prodott li jibbenefika minn sussidji kumpensabbli u jekk huwiex meqjus neċessarju li jiġu vvalutati dazji kumpensatorji b'mod retroattiv fuq dawk l-importazzjonijiet sabiex tiġi evitata r-rikorrenza ta' dannu bħal dan.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi tad-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(10)

Fir-rigward tad-dumping, f'dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed ikunu oġġett ta' dumping. B'mod partikolari, l-ilmentatur provda evidenza fuq il-valur normali abbażi tal-prezzijiet domestiċi u abbażi tal-għażla tal-Iżvizzera skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku.

(11)

L-evidenza ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali b'hekk stabbilit, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Kumplessivament, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta' dumping allegat li jvarjaw minn 193 % sa 430 %, f'dan l-istadju din l-evidenza hija ta' appoġġ biżżejjed li l-produtturi esportaturi jwettqu d-dumping.

(12)

Din l-informazzjoni kienet tinsab fl-avviż ta' bidu għal dan il-proċediment ippubblikata fl-20 ta' Ottubru 2017.

(13)

Giant, produttur esportatur b'importatur relatat, sostna li l-bidu ta' investigazzjoni antidumping ma kienx biżżejjed biex tkun stabbilita konoxxenza tad-dumping.

(14)

Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika ta' bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, l-aktar tard f'dak il-mument, l-importaturi kienu a konoxxenza, jew kellhom ikunu a konoxxenza, tal-prattiki allegati ta' dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat.

(15)

L-istess parti interessata sostniet li importatur ma setax ikun mistenni li jkun a konnoxxenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku u wisq anqas mistenni li jkun kapaċi jantiċipa l-valur normali li miegħu għandhom ikunu vvalutati l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni.

(16)

Il-Kummissjoni nnutat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku ssemmiet fl-ilment u rreferiet għaliha wkoll fin-notifika ta' bidu.

(17)

Apparti hekk, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza ta' dannu allegat li wriet tnaqqis f'daqqa tas-sehem mis-suq tal-Industrija tal-Unjoni minn 42,5 % fl-2014 għal 28,6 % fil-perjodu li ntuża għall-ilment; livelli ta' profittabbiltà mnaqqsa u li qed jonqsu minn 3,4 % tal-fatturat fl-2014 għal 2,1 % fil-perjodu li ntuża għall-ilment, kif ukoll kalkoli ta' bejgħ bil-prezz imwaqqa' li jvarjaw minn 153 % għal 206 %.

(18)

B'hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni ġie ssodisfat fir-rigward tal-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(19)

Id-dejta tal-Eurostat ma tippermettix analiżi kompluta tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tar-roti elettriċi fl-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li l-perjodu ta' investigazzjoni jibda f'Ottubru 2016, sa Jannar 2017 iċ-ċifra stmata ta' 99 % tal-importazzjonijiet tar-roti elettriċi kienu kklassifikati taħt kodiċi NM li kienet tkopri prodotti oħra.

(20)

F'dan il-kuntest, l-ilmentatur ipprovda ċifri dettaljati bbażati fuq id-dejta dwar l-esportazzjonijiet tad-dwana Ċiniża minn Jannar 2014 sa Frar 2018. Abbażi tas-sottomissjonijiet minn partijiet interessati u rikonċiljazzjoni tal-istatistika, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li hemm dewmien ta' xahrejn bejn l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni.

(21)

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li d-dejta dwar l-esportazzjonijiet tad-dwana Ċiniża provdiet biżżejjed evidenza prima facie dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni b'dewmien ta' xahrejn għall-konsenja. Sabiex tiddetermina l-ammont ta' importazzjonijiet matul il-perjodu ta' investigazzjoni (jiġifieri l-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017), il-Kummissjoni użat għalhekk id-dejta dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi ta' bejn Awwissu 2016 u Lulju 2017.

(22)

Il-volum tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdied bi 82 % fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 meta mqabbel mal-perjodu minn Novembru 2016 sa Frar 2017. Barra minn hekk, il-volum medju ta' esportazzjonijiet fix-xahar mir-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 kien 64 % ogħla mill-volum medju ta' importazzjonijiet fix-xahar lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li dawn iċ-ċifri pprovdew evidenza ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet.

(23)

Xi importaturi mhux relatati u Giant sostnew li d-dejta mhux ipproċessata dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi li l-ilmentatur serraħ fuqha bħala sostenn għat-talba tiegħu għal reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi ddivulgata fil-fajl mhux kunfidenzjali sabiex tkun aċċertata l-affidabilità tas-sors u tad-dejta provduta. L-importaturi jsostnu li l-kodiċijiet li ntużaw ma ssemmewx u jistgħu jinkludu prodotti oħra.

(24)

L-ilmentatur qiegħed l-istatistika ddettaljata li ntużat bħala sostenn għat-talba tiegħu għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni. Id-divulgazzjoni ta' din id-dejta twassal għal ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, l-ilmentatur qiegħed iċ-ċifri aggregati dwar l-esportazzjonijiet għal kull xahar u għal kull sena għad-dispożizzjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba. L-ilmentatur indika wkoll li s-sors kien id-dwana Ċiniża, semma l-kodiċijiet użati u spjega l-metodoloġija tiegħu biex jeskludi prodotti oħra li mhumiex il-prodott ikkonċernat. Bħala tali, is-sors kien magħruf u għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bi ħlas. Barra minn hekk, din id-dejta kienet ġeneralment ikkorroborata mill-Eurostat għall-perjodu disponibbli. L-ebda parti interessata oħra ma pproponiet metodoloġija jew dejta alternattiva. F'dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba l-livell ta' divulgazzjoni tal-metodoloġija u d-dejta aggregata dwar il-fajl mhux kunfidenzjali, il-Kummissjoni tqis li d-dejta tal-input mhijiex meħtieġa biex il-parti kkonċernata teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument kellu jiġi miċħud.

(25)

Xi importaturi mhux relatati argumentaw ulterjorment li l-ħżin ma kienx possibbli minħabba l-perjodi twal ta' żmien li jkun hemm bejn id-disinn u l-konsenja. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-perjodu ta' żmien li jgħaddi mid-disinn ta' rota elettrika għall-konsenja effettiva ma kienx jipprevjeni l-possibbiltà ta' ħżin ta' rota elettrika li diġà tkun ġiet iddisinjata, speċjalment meta wieħed iqis l-informazzjoni li tinsab fl-ilment li jirrigwarda l-kapaċitajiet ta' riżerva fir-RPĊ. Apparti minn hekk, l-evidenza ta' statistika disponibbli kienet ta' sostenn għall-affermazzjoni li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Għalhekk l-argument ġie miċħud.

(26)

Xi importaturi mhux relatati u Giant ċaħdu li ż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi forniet evidenza ta' żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet u sostnew li din kienet tirrifletti l-istaġjonalità tal-bejgħ tar-roti elettriċi. Il-Kummissjoni qieset li paragun sena b'sena ma kienx influwenzat minn effetti staġjonali u forna evidenza ta' żieda ta' 82 % fil-volum ta' importazzjonijiet sa mill-bidu tal-każ. Għalhekk l-argument ġie miċħud.

(27)

Giant ċaħad li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet sostanzjali u sostna li kienet anqas jew konformi mat-tkabbir kumplessiv fid-domanda tal-Unjoni għar-roti elettriċi. Giant ikkwota l-pubblikazzjonijiet tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Ewropea tar-Roti (“CONEBI” - European Bicycle Industry) li stmat dan it-tkabbir għal 22,2 % fl-2016 meta mqabbel mal-2015, u tal-EBMA, l-ilmentatur, li stima r-rata ta' tkabbir għall-2017 għal 23 % meta mqabbla mal-2016. Giant sostna li Ottubru 2017 kien il-punt ta' tluq xieraq biex tiġi vvalutata ż-żieda fl-importazzjonijiet. Giant ikkalkula li abbażi tad-dejta dwar l-importazzjonijiet tal-Eurostat, l-importazzjonijiet fix-xahar tar-roti elettriċi kienu żdiedu bi 8,7 % bejn Ottubru 2017 u Jannar 2018.

(28)

Il-Kummissjoni tinnota li Giant fis-sottomissjonijiet tiegħu ddikjara li l-perjodu ta' żmien li tieħu l-konsenja bejn l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni kien “minn tal-inqas ta' xahar jew xahrejn”. Minħabba f'hekk, l-importazzjonijiet f'Ottubru 2017 kienu jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet mir-RPĊ li saru f'Awwissu 2017, qabel ma bdiet l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-volum medju ta' esportazzjonijiet fix-xahar mir-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Awwissu 2017 sa Frar 2018 kien 36 % ogħla mill-volum medju ta' importazzjonijiet fix-xahar lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Din ir-rata ta' tkabbir ma tikkunsidrax iż-żieda ferm sinifikanti tal-importazzjonijiet li kienet diġà seħħet matul il-perjodu ta' investigazzjoni u xorta waħda hija ferm ogħla mir-rati ta' tkabbir tal-2016 u tal-2017 fid-domanda tas-suq tal-Unjoni.

(29)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni għall-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba ġie ssodisfat ukoll.

3.3.   L-imminar tal-effett ta' rimedju tad-dazju

(30)

Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwata fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkaġuna dannu addizzjonali.

(31)

Kif stabbilit fil-premessi minn (19) sa (29), hemm biżżejjed evidenza ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(32)

Apparti hekk, teżisti evidenza ta' xejra dejjem tonqos fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Il-prezz medju f'euro tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-Unjoni kien tabilħaqq 8 % anqas fil-perjodu minn Novembru 2017 sa Frar 2018 milli fil-perjodu minn Novembru 2016 sa Frar 2017 u 7 % anqas meta mqabbel mal-perjodu ta' investigazzjoni.

(33)

Ċirkostanzi addizzjonali juru li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet x'aktarx li timmina serjament l-effett ta' rimedju tad-dazji li għandhom jiġu applikati. Huwa fil-fatt raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jiżdiedu ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri proviżorji, jekk ikun hemm, billi din tal-aħħar isseħħ lejn l-20 ta' Lulju l-aktar tard, li jkun jikkoinċidi ma' tmiem l-istaġun tal-bejgħ tar-roti elettriċi għall-2018.

(34)

Żieda ulterjuri bħal din fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ x'aktarx għalhekk li, fid-dawl taż-żmien u tal-volum tagħha u ta' ċirkostanzi oħra (bħall-kapaċità żejda fir-RPĊ u l-komportament fir-rigward tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi), timmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kull dazju definittiv, sakemm tali dazju ma jkunx applikat b'mod retroattiv.

(35)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni għall-parti tad-dumping li għandha x'taqsam mat-talba ġie ssodisfat ukoll.

3.4.   Id-dannu li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat, huwa kkawżat minn importazzjonijiet kbar ta' prodott sussidjat f'perjodu relattivament qasir

(36)

Fir-rigward tas-sussidjar, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed ikunu ssussidjati. Is-sussidji allegati jikkonsistu, inter alia, minn (i) trasferimenti diretti ta' fondi u obbligazzjonijiet, bħal għotjiet, self preferenzjali u krediti diretti minn banek tal-istat kif ukoll banek privati, kif ukoll garanziji u krediti għall-esportazzjonijiet u assigurazzjoni tal-esportazzjonijiet; (ii) dħul tal-gvern rinunzjat jew mhux miġbur, pereżempju tnaqqis u eżenzjonijiet fit-taxxa fuq l-introjtu, ribassi fuq it-tariffi tal-importazzjonijiet, tnaqqis fit-taxxa minn ras il-għajn u eżenzjonijiet mill-VAT u ribassi tagħha; u (iii) forniment mill-gvern ta' materjal għall-input, ta' art u enerġija għal remunerazzjoni mhux adegwata biżżejjed. Tali evidenza kienet disponibbli fil-verżjoni miftuħa tal-ilment u fil-memorandum dwar l-evidenza suffiċjenti.

(37)

Huwa allegat li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-RPĊ jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Huwa allegat li dawn huma dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet u/jew fuq l-użu ta' prodotti domestiċi minflok importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta' intrapriżi u/jew postijiet, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

(38)

Għalhekk, f'dan l-istadju l-evidenza disponibbli turi li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji.

(39)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-prattiki ta' sussidju tal-produtturi esportaturi qed jikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Fl-ilment u fis-sottomissjonijiet sussegwenti relatati mat-talbiet għar-reġistrazzjoni, l-evidenza rigward il-volum tal-importazzjonijiet turi żieda massiva ta' importazzjonijiet f'termini assoluti u f'termini tas-sehem mis-suq fil-perjodu bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni kif ukoll f'dawn l-aħħar xhur. Speċifikament, l-evidenza disponibbli turi li l-produtturi esportaturi Ċiniżi ttriplikaw u aktar il-volum tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni, minn 219-il elf unità għal 703 elef unità (+ 484 elf unità), li rriżulta f'żieda drastika tas-sehem mis-suq minn 19,2 % għal 33 %. Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa (22) aktar 'il fuq, l-istess xejra tkompliet bejn Novembru 2017 u Frar 2018. Kumplessivament, l-evidenza turi li ż-żieda massiva fl-importazzjonijiet tar-roti elettriċi mir-RPĊ qed twassal għal effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni inklużi livelli mnaqqsa ta' profittabbiltà. L-evidenza dwar il-fatturi ta' dannu stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament antisussidji bażiku tikkonsisti f'dejta li tinsab fl-ilmenti u fis-sottomissjonijiet sussegwenti rigward ir-reġistrazzjoni.

(40)

Apparti hekk, f'dan l-istadju l-Kummissjoni vvalutat jekk id-dannu mġarrab kienx diffiċli li jiġi rrimedjat. Ladarba l-fornituri Ċiniżi jkunu integrati fil-katini ta' provvista tal-klijenti tal-industrija tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jaf ma jkunux iridu jibdlu l-fornituri tagħhom minn dawk Ċiniżi għall-produtturi tal-Unjoni. Barra dan, il-klijenti tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li ma jaċċettawx prezzijiet ogħla mill-industrija tal-Unjoni anki jekk, b'mod ipotetiku, il-Kummissjoni kellha timponi miżuri kumpensatorji mingħajr effett retroattiv fil-futur. Din it-theddida ta' telf permanenti tas-sehem mis-suq jew ta' dħul imnaqqas tikkostitwixxi dannu li huwa diffiċli li jiġi rrimedjat.

3.5.   Preklużjoni ta' rikorrenza tad-dannu

(41)

Finalment, minħabba d-dejta stabbilita fil-premessa (39) u l-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-premessa (40), il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li tħejji l-impożizzjoni retroattiva potenzjali tal-miżuri billi timponi reġistrazzjoni sabiex tipprekludi r-rikorrenza ta' dannu bħal dan.

4.   PROĊEDURA

(42)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku.

(43)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(44)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament antisussidji bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping u/jew dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli.

(45)

Kull responsabbiltà futura tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet antidumping u dawk antisussidji rispettivament.

(46)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni antidumping jistmaw marġini medju ta' antidumping ta' minn madwar 193 % sa 430 % u livell medju ta' eliminazzjoni tad-dannu ta' 189 % tal-prodott ikkonċernat. L-ammont ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 189 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

(47)

F'dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu mhuwiex possibbli li jiġi stmat l-ammont ta' sussidjar. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni antisussidju jistmaw li l-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu jirrappreżenta 189 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, stmat abbażi tal-ilment antisussidju, jiġifieri 189 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   PROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(48)

Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037 biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju li joriġinaw fir-RPĊ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  ĠU C 353, 20.10.2017, p. 19.

(4)  ĠU C 440, 21.12.2017, p. 22.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


DEĊIŻJONIJIET

3.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/672

tal-15 ta' Diċembru 2016

dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja

(notifikata bid-dokument C(2016) 8419)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 142 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE (1), il-Kummissjoni kienet approvat l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja (“l-iskema tal-għajnuna Nordika”), li l-Finlandja kienet innotifikat skont l-Artikolu 143 tal-Att tal-Adeżjoni sabiex din tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 142 ta' dak l-Att. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE nbidlet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 tat-30 ta' April 2009 (2). Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)2790 tat-30 ta' April 2015.

(2)

Fit-12 ta' Ottubru 2015, il-Finlandja pproponiet li l-Kummissjoni temenda d-Deċiżjoni C(2009)3067 sabiex tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni tal-iskema u sabiex jitqiesu l-bidliet li saru fil-politika agrikola komuni u l-iżviluppi ekonomiċi li kien hemm fl-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ġunju 2016, il-Finlandja emendat il-proposta u bagħtet iktar informazzjoni dwar il-produzzjoni agrikola tar-reġjuni tat-Tramuntana ta' dan il-pajjiż.

(3)

Minħabba l-emendi li saru minħabba f'hekk fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 u l-għadd ta' emendi li kienu saru qabel, jixraq li dik id-Deċiżjoni tinbidel b'Deċiżjoni ġdida.

(4)

L-għajnuna nazzjonali fit-tul imsemmija fl-Artikolu 142 tal-Att tal-Adeżjoni hija maħsuba biex tiżgura li tinżamm l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana kif stabbilit mill-Kummissjoni.

(5)

Meta jitqiesu l-fatturi msemmijin fl-Artikolu 142(1) u (2) tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-għajnuna nazzjonali skont dak l-Artikolu tkun limitata għaż-żoni li jinsabu fit-Tramuntana tat-62 parallel jew ħdejn dak il-parallel, u li jintlaqtu minn kundizzjonijiet klimatiċi komparabbli li jagħmlu l-attività agrikola partikolarment diffiċli. Jenħtieġ li l-muniċipalità (il-“kunta”) tintgħażel bħala l-unità amministrattiva rilevanti, inklużi l-muniċipalitajiet li madwarhom għandhom muniċipalitajiet oħrajn fit-tali żoni, anke meta dawn ma jkunux jissodisfaw l-istess rekwiżiti.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-iskema u biex din tiġi kkoordinata mal-appoġġ mogħti fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 (3) u tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll fil-kuntest tal-iskemi ta' għajnuna nazzjonali, jixraq li l-muniċipalitajiet taż-żona delimitata fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali għall-2014 sal-2020 għall-Finlandja Kontinentali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġu inklużi fost iż-żoni li jirċievu l-għajnuna fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni.

(7)

Jenħtieġ li, bl-użu tal-istatistika nazzjonali disponibbli bħala l-bażi, il-perjodu ta' referenza li b'rabta miegħu jridu jitqiesu l-iżviluppi fil-produzzjoni agrikola u l-livell tal-appoġġ ġenerali jibqa' l-istess bħal dak mogħti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 u jkun ikopri l-1991, l-1992 u l-1993 f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni agrikola.

(8)

Skont l-Artikolu 142 tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-ammont totali tal-għajnuna li jingħata jkun biżżejjed biex tinżamm l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja, iżda ma jwassalx għal appoġġ ġenerali li jaqbeż il-livell tal-appoġġ mogħti waqt il-perjodu ta' referenza ta' qabel l-adeżjoni. Għalhekk jeħtieġ li titqies l-għajnuna għall-introjtu mogħtija fil-kuntest tal-politika agrikola komuni meta jkun qed jiġi stabbilit il-livell massimu tal-għajnuna li jista' jingħata skont dak l-Artikolu. Abbażi tad-dejta tal-2016, jenħtieġ li l-ammont massimu annwali tal-għajnuna jiġi stabbilit bħala ammont ta' EUR 563,9 miljun, ikkalkulat bħala ammont medju fuq perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021.

(9)

Sabiex l-iskema tal-għajnuna Nordika tiġi ssimplifikata u sabiex il-Finlandja jkollha l-flessibbiltà li tagħti l-għajnuna lil setturi differenti tal-produzzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-għajnuna titqassam b'mod ibbilanċjat bejn setturi differenti, jenħtieġ li l-ammont massimu medju annwali tal-għajnuna jinqasam bejn il-kategoriji tal-għajnuna li ġejjin: it-trobbija tal-annimali, il-produzzjoni tal-pjanti u tipi oħra ta' għajnuna Nordika. Fil-każ tal-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar, jixraq li jiġi stabbilit ammont massimu medju annwali tal-għajnuna li jkun biżżejjed biex tinżamm din it-tip ta' produzzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja.

(10)

Jenħtieġ li l-għajnuna tingħata ta' kull sena abbażi ta' fatturi tal-produzzjoni (bħall-unitajiet tal-bhejjem u l-ettari), fil-limiti totali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-għajnuna għar-renni tingħata għal kull annimal u tkun limitata għall-għadd ta' renni li kien hemm tradizzjonalment fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. Fil-każ tal-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ, jenħtieġ li l-għajnuna titħalla tingħata għal kull kilogramm u, fil-każ tal-għajnuna għat-trasport tal-ħalib u tal-laħam u għal servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali, skont l-ispejjeż li jkunu ġġarrbu, filwaqt li jitnaqqsu l-pagamenti pubbliċi l-oħrajn li jkunu saru għall-istess spejjeż.

(12)

Fil-każ tal-ħalib tal-baqar, jenħtieġ li l-għajnuna titħalla tingħata għal kull kilogramm ta' ħalib sabiex jinżamm l-inċentiv favur il-produzzjoni effiċjenti.

(13)

Id-dejta dwar id-dħul tal-irziezet fil-Finlandja turi li dan ivarja b'mod konsiderevoli minn sena għall-oħra fir-reġjuni tat-Tramuntana, u dan kien il-każ b'mod partikulari mill-2008 'l hawn. Bil-ħsieb li jkun jista' jkun hemm reazzjoni rapida għal din il-varjazzjoni u li jinżammu l-attivitajiet agrikoli fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja, jixraq li, għal kull sena kalendarja, il-Finlandja titħalla tistabbilixxi l-ammont tal-għajnuna għal kull settur f'kategorija tal-għajnuna partikulari u għal kull unità tal-produzzjoni.

(14)

F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Finlandja tiddistingwi l-għajnuna fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha u tistabbilixxi l-ammonti annwali tal-għajnuna skont kemm ikun gravi l-iżvantaġġ naturali u abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u ġġustifikati oħrajn marbutin mal-għanijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni, li huma li jinżammu l-produzzjoni primarja u l-ipproċessar tradizzjonali li huma adattati b'mod partikulari għall-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjuni kkonċernati, li jittejbu l-istrutturi tal-produzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, li jiġi ffaċilitat id-disponiment tat-tali prodotti, u li jiġi żgurat li jitħarsu l-ambjent u l-kampanja.

(15)

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm pagamenti regolari tul is-sena kalendarja kollha, jenħtieġ li l-Finlandja titħalla tħallas l-għajnuna għal sena partikulari permezz ta' pagamenti bil-quddiem ibbażati fuq stima inizjali tal-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni u ta' unitajiet tal-produzzjoni, u tħallas l-għajnuna għall-produzzjoni tal-ħalib permezz ta' pagamenti parzjali ta' kull xahar ibbażati fuq il-produzzjoni fir-realtà.

(16)

Jenħtieġ li jiġi evitat li l-produtturi jingħataw kumpens żejjed billi, qabel l-1 ta' Ġunju tas-sena ta' wara, jiġu rkuprati l-pagamenti mhux dovuti li jkunu saru.

(17)

Hekk kif previst fl-Artikolu 142(2) tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-għajnuna li tingħata fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni ma twassalx għal żieda fil-produzzjoni ġenerali meta mqabbla mal-livell ta' produzzjoni tradizzjonali fiż-żona koperta mill-iskema tal-għajnuna Nordika.

(18)

Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni li jkunu eliġibbli għal kull kategorija tal-għajnuna, fosthom ammont massimu separat għall-għadd ta' baqar tal-ħalib, li jkun fl-istess livell ta' dak tal-perjodi ta' referenza jew inqas minnu.

(19)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-għadd ta' baqar tal-ħalib, jenħtieġ li jitqies kif żviluppat il-kwantità prodotta fil-każ ta' kull fattur tal-produzzjoni minn żmien il-perjodi ta' referenza 'l quddiem. Għalhekk jenħtieġ li l-għadd massimu ta' baqar tal-ħalib li jkunu eliġibbli jiġi stabbilit abbażi tal-produzzjoni medja tal-ħalib għal kull baqra fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2013.

(20)

Meta tingħata l-għajnuna għat-trobbija, għall-ipproċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni tar-renni, jenħtieġ li dan isir b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed meta tingħata flimkien mal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(21)

Fil-każ tal-produzzjoni tal-pjanti, sabiex l-art agrikola tkun tista' tintuża b'mod flessibbli għal oqsma differenti tal-produzzjoni, jenħtieġ li ż-żona massima permessa tkun ta' 944 300 ettaru, kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2790, li minnhom ammont massimu ta' 481 200 ettaru jistgħu jkunu bwar.

(22)

Fil-każ tal-produzzjoni fis-serer, jenħtieġ li tiġi stabbilita żona massima separata permessa ta' 203 ettari, li tikkorrispondi għaż-żona tradizzjonali tal-produzzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja.

(23)

Meta l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni f'kategorija partikulari jaqbeż l-għadd massimu tagħhom f'sena partikulari, jenħtieġ li l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli jitnaqqas b'għadd korrispondenti ta' fatturi tal-produzzjoni fis-sena kalendarja ta' wara dik li fiha jkun inqabeż l-għadd massimu.

(24)

Skont l-Artikolu 143(2) tal-Att tal-Adeżjoni, il-Finlandja trid tagħti informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna u l-effetti tagħha. Sabiex jiġu vvalutati aħjar l-effetti tal-għajnuna fit-tul u bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-livelli tal-għajnuna bħala ammonti medji fuq ħames snin, jixraq li kull ħames snin jintbagħat rapport dwar l-effetti soċjoekonomiċi tal-għajnuna u li jingħataw rapporti annwali li jkun fihom l-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni l-oħra marbuta mal-implimentazzjoni li tkun meħtieġa biex ikun żgurat li jitħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

(25)

Jenħtieġ li l-Finlandja tiżgura li jittieħdu l-miżuri ta' kontroll ix-xierqa fejn jidħlu l-benefiċjarji tal-għajnuna. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dawk il-miżuri u t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-iskema, jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, dawk il-miżuri ta' kontroll jiġu allinjati ma' dawk li jittieħdu fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

(26)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067 titħassar,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għajnuna awtorizzata

1.   Mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Finlandja hija awtorizzata timplimenta l-iskema ta' għajnuna fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha li jinkludu l-muniċipalitajiet (il-“kunta”) imniżżlin fl-Anness I.

2.   L-ammont totali tal-għajnuna li jingħata ma għandux jaqbeż l-ammont ta' EUR 563,9 miljun fis-sena kalendarja, li minnhom EUR 216,9 miljun għandhom jiġu allokati għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar. Dawn l-ammonti għandhom jitqiesu bħala ammonti medji annwali tal-għajnuna mogħtija fil-perjodu ta' ħames snin kalendarji kopert b'din id-Deċiżjoni.

3.   L-Anness II jistabbilixxi l-kategoriji tal-għajnuna u l-oqsma tal-produzzjoni għal kull kategorija, l-ammonti massimi medji annwali permessi għal kull kategorija tal-għajnuna, ikkalkulati kif speċifikat fil-paragrafu 2, kif ukoll l-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni li huma eliġibbli għal kull kategorija tal-għajnuna.

4.   L-għajnuna għandha tingħata abbażi tal-fatturi tal-produzzjoni kif ġej:

(a)

għal kull unità tal-bhejjem fil-każ tat-trobbija tal-annimali;

(b)

għal kull ettaru fil-każ tal-produzzjoni tal-pjanti;

(c)

għal kull metru kwadru fil-każ tal-produzzjoni fis-serer;

(d)

għal kull metru kubu fil-każ tal-ħżin tal-prodotti ortikulturali; u

(e)

bħala kumpens għall-ispejjeż li kien hemm fir-realtà fil-każ tat-trasport tal-ħalib u tal-laħam u ta' servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali, filwaqt li jitnaqqas kull appoġġ pubbliku ieħor li jingħata għall-istess spejjeż.

L-għajnuna għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar u għall-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ tista' tingħata għal kull kilogramm li jkun ġie prodott fir-realtà.

L-għajnuna għat-trobbija tar-renni ma għandhiex twassal għal kumpens żejjed meta tingħata flimkien mal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

L-Anness III jistabbilixxi r-rati ta' konverżjoni f'unitajiet tal-bhejjem għad-diversi tipi ta' bhejjem.

5.   Skont il-paragrafu 3 u fil-limiti stabbiliti fl-Anness II, il-Finlandja għandha tiddistingwi l-għajnuna fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha u tistabbilixxi, ta' kull sena, l-ammonti tal-għajnuna għal kull fattur tal-produzzjoni, għal kull spiża jew għal kull unità tal-produzzjoni abbażi ta' kriterji oġġettivi marbutin ma' kemm ikun gravi l-iżvantaġġ naturali u ma' fatturi oħrajn li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni.

Artikolu 2

Perjodi ta' referenza u ċertu għadd massimu ta' fatturi tal-produzzjoni

1.   Il-perjodu ta' referenza msemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni għandu jkun kif ġej:

(a)

fejn tidħol il-produzzjoni: l-1992 fil-każ tal-baqar u tal-ħalib tal-baqar, l-1993 fil-każ tal-ortikultura, u l-ammont medju għall-1991, għall-1992 u għall-1993 fil-każ tal-prodotti l-oħrajn;

(b)

fejn jidħol il-livell tal-appoġġ ġenerali: l-1993.

2.   L-għadd massimu ta' baqar tal-ħalib eliġibbli għandu jkun ta' 227 200 baqra.

3.   L-għadd massimu ta' ettari tal-produzzjoni tal-pjanti eliġibbli għandu jkun ta' 944 300 ettaru, li minnhom ammont massimu ta' 481 200 ettaru jistgħu jkunu bwar, u 203 ettari jkunu għall-produzzjoni fis-serer.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna

1.   Fil-limiti previsti f'din id-Deċiżjoni, il-Finlandja għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna lid-diversi kategoriji ta' benefiċjarji. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jinkludu l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla applikati u għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jiġu ttrattati bl-istess mod.

2.   Il-Finlandja għandha tagħti l-għajnuna ta' kull sena lill-benefiċjarji, abbażi tal-fatturi jew tal-unitajiet tal-produzzjoni fir-realtà msemmijin fl-Artikolu 1(3). Jistgħu jsiru pagamenti bil-quddiem tal-għajnuna abbażi tal-istima inizjali għal sena partikulari.

3.   L-għajnuna għall-ħalib tal-baqar tista' tingħata permezz ta' pagamenti parzjali ta' kull xahar ibbażati fuq iċ-ċifri tal-produzzjoni fir-realtà.

4.   Meta jinqabeż l-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna stabbilit fl-Anness II, għandu jkun hemm tnaqqis korrispondenti fl-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna fis-sena kalendarja ta' wara dik li fiha jkun inqabeż l-għadd massimu.

5.   Meta jkun sar pagament żejjed jew pagament mhux dovut lil benefiċjarju, dan għandu jiġi rkuprat billi l-ammonti korrispondenti jitnaqqsu mill-għajnuna li tingħata lill-benefiċjarju fis-sena ta' wara jew inkella b'xi mod ieħor matul dik is-sena meta l-benefiċjarju ma jkollu jingħata l-ebda ammont ieħor tal-għajnuna.

Artikolu 4

Miżuri ta' informazzjoni u ta' kontroll

1.   Bħala parti mill-informazzjoni li tipprovdi skont l-Artikolu 143(2) tal-Att tal-Adeżjoni, ta' kull sena qabel l-1 ta' Ġunju l-Finlandja għandha tibgħat informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna li tkun ingħatat tul is-sena kalendarja ta' qabel fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni.

L-informazzjoni għandha tinkludi, b'mod partikulari, l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-muniċipalitajiet li fihom ingħatat l-għajnuna permezz ta' mappa ddettaljata u ta' dejta oħra, fejn dan ikun meħtieġ;

(b)

il-produzzjoni totali li kien hemm fis-sena li dwarha qed isir ir-rapport fir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna skont din id-Deċiżjoni, mogħtija fil-kwantitajiet għal kull wieħed mill-prodotti speċifikati fl-Anness II;

(c)

l-għadd totali ta' fatturi tal-produzzjoni, l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna u l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni li ngħataw appoġġ skont l-oqsma tal-produzzjoni speċifikati fl-Anness II, imqassmin skont kull prodott f'kull qasam, fosthom informazzjoni dwar kull qbiż li seta' kien hemm tal-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni permess;

(d)

l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat, l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat għal kull kategorija tal-għajnuna u għal kull tip ta' produzzjoni, l-ammonti li tħallsu lill-benefiċjarji għal kull fattur tal-produzzjoni jew għal kull unità oħra, kif ukoll il-kriterji li jkunu ntużaw biex l-ammonti tal-għajnuna jiġu ddivrenzjati skont is-sottoreġjuni u t-tipi ta' azjendi agrikoli differenti jew abbażi ta' affarijiet oħrajn;

(e)

is-sistema ta' pagamenti li tkun ġiet applikata u d-dettalji dwar kull pagament bil-quddiem li jkun sar abbażi tal-istimi, dwar il-pagamenti finali u dwar il-pagamenti żejda li jkunu ġew innutati u l-irkupru tagħhom;

(f)

l-ammonti tal-għajnuna li tkun ingħatat skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-muniċipalitajiet koperti b'din id-Deċiżjoni; u

(g)

ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha tiġi implimentata l-għajnuna.

2.   Minbarra r-rapport annwali li jkopri l-2021, qabel l-1 ta' Ġunju 2022 il-Finlandja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jkun ikopri l-perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021.

Dak ir-rapport għandu jinkludi, b'mod partikulari, l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat matul il-perjodu ta' ħames snin u t-tqassim tiegħu fost il-kategoriji tal-għajnuna, it-tipi ta' produzzjoni u s-sottoreġjuni differenti;

(b)

il-produzzjoni totali, l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni u l-livell tad-dħul tal-bdiewa fir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna;

(c)

l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fil-kuntest soċjali u ekonomiku tar-reġjuni tat-Tramuntana;

(d)

l-effetti tal-għajnuna fuq il-ħarsien tal-ambjent u tal-kampanja; u

(e)

proposti għall-iżvilupp tal-għajnuna abbażi tad-dejta ppreżentata fir-rapport, abbażi tal-kuntest tal-produzzjoni agrikola fil-livell nazzjonali u f'dak tal-Unjoni, kif ukoll abbażi ta' fatturi rilevanti oħrajn.

3.   Il-Finlandja għandha tipprovdi d-dejta f'forma li tkun kompatibbli mal-istandards li tuża l-Unjoni fil-qasam tal-istatistika.

4.   Il-Finlandja għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tapplika din id-Deċiżjoni u biex tapplika l-miżuri ta' kontroll ix-xierqa fejn jidħlu l-benefiċjarji tal-għajnuna.

5.   Sa fejn ikun possibbli, il-miżuri ta' kontroll għandhom ikunu armonizzati mas-sistemi ta' kontroll li jiġu applikati fil-kuntest tal-iskemi ta' appoġġ tal-Unjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni tal-emendi

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda din id-Deċiżjoni, b'mod partikulari abbażi ta' xi bidla fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq jew fl-iskema ta' appoġġ dirett jew abbażi ta' bidla fl-ammont ta' kull għajnuna nazzjonali mill-Istat awtorizzata għas-settur tal-agrikoltura, kull emenda fl-għajnuna awtorizzata b'din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika biss mis-sena ta' wara dik li fiha tkun ġiet adottata l-emenda.

Artikolu 6

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067 titħassar.

Artikolu 7

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE tal-4 ta' Mejju 1995 dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja [traduzzjoni mhix uffiċjali] (ĠU L 126, 9.6.1995, p. 35).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 tat-30 ta' April 2009 dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja [traduzzjoni mhix uffiċjali].

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


ANNESS I

IL-MUNIĊIPALITAJIET IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1(1)

Enonkoski, Hankasalmi, Heinävesi, Ilmajoki, Isokyrö, Joensuu, Joroinen, Juva, Jyväskylä, Jämsä (1), Kaskinen, Kauhajoki, Kauhava, Kitee, Korsnäs, Kristiinankaupunki, Kuopio, Kuortane, Kurikka, Laihia, Lapua, Laukaa, Leppävirta, Liperi, Maalahti, Mikkeli, Mustasaari, Muurame, Mänttä-Vilppula, Närpiö, Outokumpu, Parikkala, Pieksämäki, Puumala, Rantasalmi, Rautjärvi, Ruokolahti, Ruovesi, Rääkkylä, Savitaipale, Savonlinna, Seinäjoki, Siilinjärvi, Sulkava, Suonenjoki, Taipalsaari, Teuva, Tuusniemi, Uusikaarlepyy, Vaasa, Varkaus, Vöyri, Alajärvi, Alavieska, Alavus, Evijärvi, Haapajärvi, Haapavesi, Halsua, Hirvensalmi, Honkajoki, Iisalmi, Isojoki, Joutsa, Juankoski, Kaavi, Kalajoki, Kangasniemi, Kannonkoski, Kannus, Karijoki, Karstula, Karvia, Kaustinen, Keitele, Kempele, Keuruu, Kihniö, Kinnula, Kiuruvesi, Kivijärvi, Kokkola, Konnevesi, Kontiolahti, Kruunupyy, Kyyjärvi, Kärsämäki, Lapinlahti, Lappajärvi, Lestijärvi, Liminka, Luhanka, Lumijoki, Luoto, Merijärvi, Merikarvia, Muhos, Multia, Nivala, Oulainen, Parkano, Pedersören kunta, Perho, Pertunmaa, Petäjävesi, Pielavesi, Pietarsaari, Pihtipudas, Polvijärvi, Pyhäjoki, Pyhäjärvi, Pyhäntä, Raahe, Rautalampi, Reisjärvi, Saarijärvi, Sievi, Siikainen, Siikajoki, Siikalatva, Soini, Sonkajärvi, Tervo, Tohmajärvi, Toholampi, Toivakka, Tyrnävä, Uurainen, Vesanto, Veteli, Vieremä, Viitasaari, Vimpeli, Virrat, Ylivieska, Ylöjärvi (2), Ähtäri, Äänekoski, Ilomantsi, Juuka, Kajaani, Lieksa, Nurmes, Paltamo, Rautavaara, Ristijärvi, Sotkamo, Vaala, Valtimo, Oulu, Utajärvi, Hailuoto, Hyrynsalmi, Ii, Kemi, Keminmaa, Kuhmo, Simo, Tervola, Tornio, Kemijärvi, Pello, Pudasjärvi, Puolanka, Ranua, Rovaniemi, Suomussalmi, Taivalkoski, Ylitornio, Kuusamo, Posio, Kittilä, Kolari, Pelkosenniemi, Salla, Savukoski, Sodankylä, Enontekiö, Inari, Muonio u Utsjoki.


(1)  Iż-żona ta' dawk li qabel kienu l-muniċipalitajiet ta' Jämsänkoski u Kuorevesi biss.

(2)  Iż-żona ta' dik li qabel kienet il-muniċipalità ta' Kuru biss.


ANNESS II

INFORMAZZJONI DDETTALJATA DWAR L-GĦAJNUNA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3)

Kategorija tal-għajnuna

Oqsma tal-produzzjoni

Ammont massimu medju annwali tal-għajnuna fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2017 u l-31 ta' Diċembru 2021

(f'miljuni ta' EUR) (1)

L-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli

1.

It-trobbija tal-annimali

Il-ħalib tal-baqar, l-annimali bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż, iż-żwiemel, il-ħnieżer u l-pollam

433,7

li minnu l-ammont li ġej għall-ħalib tal-baqar:

216,9

227 200  baqra tal-ħalib, 181 000  unità oħra tal-bhejjem u 139 200  unità tal-bhejjem fil-każ tal-ħnieżer u tal-pollam (1)

2.

Il-produzzjoni tal-pjanti

Il-produzzjoni fl-għelieqi u fis-serer u l-ħżin tal-prodotti ortikulturali

110,5

944 300  ettaru fil-każ tal-produzzjoni fl-għelieqi, li minnhom 481 200  ettaru jistgħu jkunu bwar; u

203 ettari fil-każ tal-produzzjoni fis-serer

3.

Tipi oħra ta' għajnuna

Ir-renni, it-trasport tal-ħalib u tal-laħam, is-servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali u l-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ

19,7

171 100  renna

L-ammont totali tal-għajnuna

 

563,9

 


(1)  Il-kwantità ta' referenza għall-għajnuna diżakkoppjata għall-ħnieżer u għall-pollam.


ANNESS III

IL-KOEFFIĊJENTI GĦALL-KONVERŻJONI F'UNITAJIET TAL-BHEJJEM IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1(4)

It-tabella li ġejja trid tintuża meta jkun qed jiġi stabbilit l-għadd medju ta' unitajiet tal-bhejjem

L-għadd massimu ta' unitajiet tal-bhejjem

 

Unitajiet tal-bhejjem

L-annimali bovini ta' iktar minn sentejn u l-baqar li jreddgħu

1,0

L-erieħ li jkollhom bejn tmien xhur u sentejn

0,6

Annimali bovini oħrajn li jkollhom bejn sitt xhur u sentejn

0,6

In-nagħaġ

0,2

Il-mogħoż

0,2

Iż-żwiemel (ta' iktar minn sitt xhur):

 

id-dwieb għat-tnissil, fosthom id-dwieb tal-poni

1,0

iż-żwiemel Finlandiżi

1,0

iż-żwiemel u l-ponijiet li jkollhom bejn sena u tliet snin

0,6