ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 103

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
23 ta' April 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/596 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020)

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2018/597 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri tal-Komunità għal kontroll tal-marda Newcastle ( 1 )

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2018/598 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/1


REGOLAMENT (UE) 2018/596 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) biex jiġu appoġġjati s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej.

(2)

Il--partikolarità tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea (EUYO) ġejja mill-fatt li hija orkestra Ewropea li tmur lil hinn mill-konfini kulturali u li hija magħmula minn mużiċisti żgħażagħ li jintgħażlu skont kriterji eżiġenti ta' kwalità permezz ta' proċess annwali rigoruż ta' udjenza bi prova li jsir fl-Istati Membri kollha. Din hija l-unika orkestra fl-Unjoni li tirrekluta mill-Istati Membri kollha.

(3)

Mit-twaqqif tagħha, l-EUYO kkontribwixxiet għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u għar-rispett u l-fehim reċiproku. L-EUYO aġixxiet ta' ambaxxatur kulturali għall-Unjoni billi serviet ta' vetrina tar-rikkezza u tad-diversità tal-kulturi Ewropej, u tat-talenti emerġenti. Ikkontribwixxiet ukoll għall-għarfien tal-patrimonju mużikali Ewropew, għaċ-ċirkolazzjoni ta' xogħolijiet mużikali Ewropej u għall-mobbiltà tat-talenti żgħażagħ Ewropej lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u Ewropej.

(4)

L-EUYO tipprovdi taħriġ regolari għall-mużiċisti żgħażagħ permezz ta' programm reżidenzjali u toffri opportunitajiet biex jagħtu rappreżentazzjonijiet, u b'hekk issaħħaħ il-karrieri internazzjonali tagħhom u tiżviluppa l-ħiliet tagħhom taħt il-gwida ta' surmastrijiet rinomati.

(5)

Jenħtieġ li l-EUYO tiddiversifika kontinwament id-dħul tagħha billi tfittex b'mod attiv appoġġ finanzjarju minn sorsi oħra apparti l-finanzjament mill-Unjoni sabiex tiggarantixxi s-sostenibbiltà tagħha u bl-għan li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-finanzjament tal-Unjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-EUYO tiżgura l-kosteffiċjenza fil-ġestjoni tagħha.

(6)

Jenħtieġ li l-EUYO tfittex li żżid il-viżibbiità tagħha, inkluż fil-media tradizzjonali u diġitali, u li tagħti rappreżentazzjonijiet f'avvenimenti Ewropej u f'aktar Stati Membri.

(7)

Jenħtieġ li l-EUYO, b'kollaborazzjoni mas-sħab assoċjati nazzjonali tagħha, iżżid l-għarfien tal-udjenzi bi prova annwali bil-ħsieb li tilħaq stat ta' rappreżentanza aktar bilanċjat ta' mużiċisti minn kull Stat Membru fl-orkestra.

(8)

Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-EUYO jkunu konformi mal-objettivi tal-Programm Ewropa Kreattiva, b'mod partikolari l-objettiv tagħha li tappoġġja l-iżvilupp tal-udjenza, u mal-prijoritajiet tas-Sottoprogramm Kultura. Jenħtieġ li l-EUYO għalhekk timpenja ruħha b'mod attiv fl-iżvilupp tal-udjenza, b'attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ.

(9)

L-EUYO twaqqfet wara riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 1976 (4) u għaldaqstant hija distinta fost l-orkestri fl-Ewropa.

(10)

Il-kontribut tal-EUYO ġie rikonoxxut mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż minn Presidenti suċċessivi tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew.

(11)

Minħabba l-istatus speċifiku tagħha, l-objettivi strateġiċi u l-attivitajiet li jmorru lil hinn mill-interess u l-benefiċċju uniku ta' Stat Membru wieħed jew aktar u li juru b'mod ċar valur Ewropew miżjud, l-EUYO tikkwalifika bħala korp identifikat minn att bażiku fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 190(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5), li jippermetti li jingħataw għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti.

(12)

Jenħtieġ li l-finanzjament jingħata eċċezzjonalment lill-EUYO sa tmiem il-Programm Ewropa Kreattiva fil-31 ta' Diċembru 2020.

(13)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-EUYO, bħala eċċezzjoni, tiġi inkluża fost il-miżuri li jibbenefikaw minn appoġġ kemm mis-Sottoprogramm Kultura kif ukoll mit-Taqsima Transettorjali tal-Programm Ewropa Kreattiva.

(14)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-EUYO, jenħtieġ li tkun tista' tibbenefika mill-appoġġ mill-aktar fis possibbli, b'mod partikolari għall-ispejjeż imġarrba fl-2018 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika retroattivament mill-1 ta' Jannar 2018.

(15)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea li jikkontribwixxu għall-mobbiltà tal-mużiċisti, għaċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej minn naħa għall-oħra tal-fruntieri u għall-internazzjonalizzazzjoni tal-karrieri ta' mużiċisti żgħażagħ.”;

(2)

fl-Artikolu 15(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

l-Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea, għall-ispejjeż li mhumiex appoġġjati taħt il-punt (f) tal-Artikolu 13(1).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta' Ottubru 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018..

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE and Nru 1041/2009/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).

(4)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 1976 dwar il-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mis-Sinjura Kellett-Bowman dwar it-twaqqif ta' Orkestra taż-Żgħażagħ tal-Komunità Ewropea) (ĠU C 79, 5.4.1976, p. 8).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


DIRETTIVI

23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/4


DIRETTIVA (UE) 2018/597 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri tal-Komunità għal kontroll tal-marda Newcastle

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE (3) tistipula l-miżuri ta' kontroll tal-Unjoni li għandhom jittieħdu f'każ ta' tifqigħa tal-marda ta' Newcastle fi tjur, ħamiem tat-tlielaq u għasafar oħra miżmuma fil-kattività.

(2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle huwa msemmi fl-Anness V għal dik id-Direttiva. L-Anness V għal dik id-Direttiva debitament jirreferi għal dak il-laboratorju u jelenka l-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu.

(3)

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/66/KEE jistipula l-miżuri ta' kontroll li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fil-każ li ħamiem tal-messaġġi jew għasafar li jinżammu fil-kattività jkunu ssuspettati li huma infettati bil-marda ta' Newcastle. Dan jistipula li, safejn meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta' dawk il-miżuri ta' kontroll, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati skont il-formula mudell stipulata fl-Anness VI għal dik id-Direttiva.

(4)

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta' kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati f'każ ta' tifqigħa tal-marda ta' Newcastle. Jipprevedi li l-kriterji li għandhom jiġu applikati fit-tħejjija ta' dak il-pjan huma indikati fl-Anness VII għal dik id-Direttiva.

(5)

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/66/KEE jipprevedi li l-Annessi tagħha għandhom ikunu emendati, kif u meta meħtieġ, mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, partikolarment sabiex jitqiesu l-iżviluppi fir-riċerka u fil-proċeduri dijanjostiċi.

(6)

L-Annessi V, VI u VII għad-Direttiva 92/66/KEE jistabbilixxu rispettivament: (i) l-isem u l-indirizz tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle kif ukoll il-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu; (ii) il-mudell tal-formola li għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati; u (iii) il-kriterji minimi li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri biex iħejju pjanijiet ta' kontinġenza li jispeċifikaw il-miżuri nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fil-każ li tfaqqa' l-marda ta' Newcastle.

(7)

Sabiex jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-proċeduri għall-kontroll tal-marda ta' Newcastle, b'mod partikolari billi jitqiesu r-regoli l-ġodda fir-rigward tad-deżinjazzjoni ta' laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea previsti fl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll is-sistema l-ġdida tal-atti ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/66/KEE, jenħtieġ li l-Annessi V, VI u VII għad-Direttiva 92/66/KEE jitħassru, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fl-oqsma koperti minn dawk l-Annessi. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE, u l-kriterji għal pjanijiet ta' kontinġenza jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Artikolu 21 għal dik id-Direttiva.

(9)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u effiċjenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 92/66/KEE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 92/66/KEE

Id-Direttiva 92/66/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeżinja laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.

2.   Il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle għandhom ikunu:

(a)

li jikkoordina, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi li jintużaw fl-Istati Membri għad-dijanjosi tal-marda ta' Newcastle, speċifikament billi:

(i)

jagħżel bit-tipi, jaħżen u iforni t-tessut tal-virus tal-marda ta' Newcastle għal testijiet seroloġiċi u l-preparazzjoni ta' antisera;

(ii)

iforni sera standard u reaġenti ta' referenza oħra lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-reaġenti użati fl-Istati Membri;

(iii)

jibni u jżomm kollezzjoni ta' razez u iżolati tal-virus tal-marda ta' Newcastle;

(iv)

jorganizza testijiet komparattivi perjodiċi tal-proċeduri dijanjostiċi fuq il-livell tal-Unjoni;

(v)

jiġbor u jqabbel dejta u informazzjoni dwar il-metodi tad-dijanjożi użati u r-riżultati tat-testijiet imwettqa fl-Unjoni;

(vi)

jikkaratterizza l-iżolati tal-viruses tal-marda ta' Newcastle bil-metodi l-aktar aġġornati disponibbli sabiex iwasslu għal fehim aħjar tal-epidemjoloġija tal-marda ta' Newcastle;

(vii)

iżomm aġġornat ma' żviluppi fis-sorveljanza tal-marda ta' Newcastle, fl-epidemjoloġija u fil-prevenzjoni mad-dinja kollha;

(viii)

iżomm l-għarfien espert dwar il-virus tal-marda ta' Newcastle u viruses pertinenti oħra biex jgħin għal dijanjożi ddifferenzjata mħaffa;

(ix)

jikseb għarfien approfondit tal-preparazzjoni u l-użu tal-prodotti tal-immunoloġija veterinarja li jintużaw fl-eradikazzjoni u l-kontroll tal-marda ta' Newcastle;

(b)

li jgħin attivament fid-dijanjosi tat-tifqigħ tal-marda ta' Newcastle fl-Istati Membri billi jirċievi iżolati tal-viruses għad-dijanjosi konfermatorja, għall-karatterizzazzjoni u għall-istudji epidemjoloġiċi;

(c)

li jiffaċilita t-taħriġ jew it-taħriġ mill-ġdid ta' esperti fid-dijanjosi tal-laboratorju bil-ħsieb li jarmonizza t-tekniki fl-Unjoni kollha.”;

(2)

l-Artikolu 19 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Safejn huwa meħtieġ għall-applikazzjoni tajba tal-miżuri stabbiliti f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll applikati.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kif previst fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.”;

(3)

l-Artikolu 21 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   Kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta' kontinġenza li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li għandhom ikunu implimentati fil-każ li tfaqqa' l-marda ta' Newcastle. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi aġġornat, kif xieraq, sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni.

Il-pjan ta' kontinġenza għandu jippermetti aċċess għall-faċilitajiet, it-tagħmir, il-persunal u l-materjali l-oħra xierqa kollha meħtieġa għall-qerda rapida u effiċjenti tat-tifqigħ tal-marda ta' Newcastle. Għandu jagħti indikazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet ta' tilqim li kull Stat Membru jħoss li tkun meħtieġa bħala tilqim ta' emerġenza.

2.   Il-pjanijiet ta' kontinġenza u kwalunkwe aġġornament tagħhom għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjanijiet ta' kontinġenza u kwalunkwe emenda għalihom sabiex tiddetermina jekk jippermettux li jinkiseb l-objettiv mixtieq, u għandha tissuġġerixxi lill-Istat Membru kkonċernat kwalunkwe emenda meħtieġa b'mod partikulari biex jiġi żgurat li huma kompatibbli ma' dawk tal-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-pjanijiet ta' kontinġenza u kull aġġornament li jsirilhom, jekk meħtieġ emendati, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.

4.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula l-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri għat-tħejjija tal-pjanijiet ta' kontinġenza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25.”;

(4)

l-Artikolu 25 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 25

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imwaqqaf bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

2.   Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(5)

l-Annessi V, VI u VII jitħassru.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

Sat-30 ta' Ġunju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Dispożizzjoni tranżitorja

Id-deżinjazzjoni tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle imsemmija fl-Anness V għad-Direttiva 92/66/KEE, qabel l-emendi li saru permezz ta' din id-Direttiva, għandha tibqa' fis-seħħ sakemm laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle jkun ġie debitament iddeżinjat skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/66/KEE, kif emendat minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  Opinjoni tal-14 ta' Frar 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE tal-14 ta' Lulju 1992 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għal kontroll tal-marda Newcastle (ĠU L 260, 5.9.1992, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(*1)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;


DEĊIŻJONIJIET

23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/8


DEĊIŻJONI (UE) 2018/598 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) u l-Georgia qegħdin ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Il-Georgia ssieħbet fis-Sħubija tal-Lvant tal-UE fl-2009, li kienet segwita minn negozjati ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia. Dak il-Ftehim (2) (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), li jinkludi l-introduzzjoni gradwali ta' żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (Deep and Comprehensive Free Trade Area - DCFTA), ġie ffirmat f'Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

Il-Georgia kompliet taffaċċja ambjent estern dgħajjef, li permezz ta' esportazzjonijiet u rimessi mnaqqsa kkontribwixxa għat-tkabbir tal-PDG relattivament baxx fl-2016. Filwaqt li t-tkabbir reġjonali u globali tjieb fl-2017, huwa jibqa' soġġett għar-riskji negattivi.

(3)

Id-defiċit fiskali tal-Georgia għadu sinifikanti, u l-propozjon ta' dejn pubbliku tagħha għall-PDG qed jiżdied. Il-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti wkoll għadha vulnerabbli minħabba defiċit kbir ħafna fil-kont kurrenti u dejn estern kbir. Ir-riżervi tal-munita barranija tal-Georgia ilhom stabbli f'termini assoluti, iżda fid-dawl ta' numru akbar ta' ħtiġijiet ta' riżerva dawn waqgħu taħt il-livell stmat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) bħala xieraq. Il-Georgia qed tkompli wkoll tadatta għar-rekwiżiti tad-DCFTA mal-Unjoni.

(4)

F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-Georgia u l-FMI qablu, f'April 2017, dwar arranġament ta' Faċilità ta' Fond Estiża (Extended Fund Facility - EFF) ta' tliet snin għall-perjodu 2017-2020 bl-ammont ta' USD 285,3 miljun. Il-ftehim ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI fit-12 ta' April 2017. L-għan tal-arranġament tal-EFF huwa li jappoġġa programm ta' riforma ekonomika li se jgħin lill-Georgia tnaqqas il-vulnerabbiltajiet ekonomiċi, u tippromwovi tkabbir ekonomiku akbar u aktar inklużiv.

(5)

Fid-dawl tal-ħtiġijiet finanzjarji esterni residwi tal-Georgia, l-awtoritajiet tal-Georgia talbu assistenza makrofinanzjarja komplementari mill-Unjoni f'Ġunju 2017.

(6)

Sa mill-kunflitt militari mar-Russja f'Awwissu 2008, il-Georgia bbenefikat minn żewġ operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja mwegħda mill-Unjoni fil-Konferenza tad-Donaturi Internazzjonali fi Brussell f'Ottubru 2008. L-ewwel waħda minn dawn l-operazzjonijiet, li kienet tammonta għal EUR 46 miljun, kompletament fil-forma ta' għotjiet, ġiet implimentata fl-2009-2010. It-tieni waħda, li għal darb'oħra kienet tammonta għal EUR 46 miljun, nofsha f'għotjiet u nofsha f'self, ġiet implementata fl-2015-2017. L-Unjoni għamlet disponibbli wkoll EUR 610-746 miljun lill-Georgia mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat għall-perjodu 2014-2020, inklużi appoġġ baġitarju u assistenza teknika. Barra minn hekk, il-Georgia tibbenefika mill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat li kkontribwiet madwar EUR 86 miljun għal proġetti fil-Georgia matul il-perjodu tal-2008-2017.

(7)

Minħabba li l-Georgia hija pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(8)

L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta' żmien qasir.

(9)

Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tal-Georgia li tappoġġa l-istabilizzazzjoni ekonomika tagħha flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tgħin lill-istabbilizzazzjoni ekonomika u lill-aġenda ta' riforma strutturali tal-Georgia, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(10)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Georgia, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(11)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Georgia, u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Georgia u l-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

(12)

Meta jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Georgia, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha kif imkejjel bl-introjtu per capita u l-inċidenza tal-faqar, kif ukoll il-livell ta' dejn tagħha, parti mill-assistenza jenħtieġ li tingħata fil-forma ta' għotjiet.

(13)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun ġuridikament u sostanzjalment konformi mal-prinċipji fundamentali tal-azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mal-objettivi u mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(14)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Georgia. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-impenn tal-Georgia fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha favur il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(16)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Georgia tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inklużi sistema parlamentari multipartitika – u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Georgia, u li jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia jenħtieġ li tinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA. Biex ikun żgurat li l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu valutati b'mod xieraq, dawn jeħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod verifikabbli u li jista' jitkejjel. Kemm it-twettiq tal-prekundizzjonijiet kif ukoll il-kisba ta' dawk l-objettivi jenħtieġ li jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Jekk il-prekundizzjoni u l-objettivi ma jintlaħqux jew jekk l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu ġeneralment injorati, jenħtieġ li l-Kummissjoni b'mod temporanju tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(17)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Georgia jenħtieġ li tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, u biex tiġġieled kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet biex il-Kummissjoni twettaq verifiki u l-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi.

(18)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħala awtorità baġitarja.

(19)

L-ammonti ta' assistenza makrofinanzjarja mogħtija fil-forma ta' għotjiet u l-ammonti tal-allokazzjonijiet meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta' self jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(20)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(21)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(22)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Georgia taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu minimu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia, il-proċedura konsultattiva jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 45 miljun disponibbli lill-Georgia (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Georgia u aġenda ta' riforma sostanzjali. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 35 miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 10 miljuni għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiddependi mill-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Georgia għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   Sabiex jiġi ffinanzjat il-komponent tas-self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex imbagħad, min-naħa tagħha, tislef il-fondi mislufa lill-Georgia. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Georgia u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborsi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Georgia jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Georgia tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari multipartitika – u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni, stipulata fil-paragrafu 1, tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (4).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Georgia dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jitniżżlu f'memorandum ta' qbil (il-Memorandum ta' Qbil) li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti mesmmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Georgia bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Georgia, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   Il-kundizzjonijiet finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim tas-self u fil-ftehim tal-għotja li għandhom jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Georgia.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f'intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tal-Georgia jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f'element ta' self u element ta' għotja. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   Għall-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f'forma ta' self għandha tkun prevista allokazzjoni, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

(b)

l-implimentazzjoni kontinwament sodisfaċenti ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali.

4.   Meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew dan it-tħassir.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tal-Georgia. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Georgia bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self marbutin mal-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m'għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk il-Georgia titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fil-patti u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fil-patti u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.

3.   Meta ċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Georgia titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   Il-kostijiet kollha sostnuti mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Georgia.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-ftehim dwar is-self u l-ftehim dwar l-għotja msemmi fl-Artikolu 3(3) li jridu jiġu maqbula mal-awtoritajiet tal-Georgia għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li l-Georgia tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew indebitament approprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self u/jew għal ħlas lura sħiħ tal-għotja meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Georgia tkun ħadet sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni tal-Georgia li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' din l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospettivi tal-Georgia, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Georgia u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(2)  Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).