ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 61 |
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/454
tal-14 ta' Marzu 2018
li jistabbilixxi projbizzjoni għas-sajd għall-bakkaljaw fiż-żoni 1 u 2B minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kollha minbarra l-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018. |
(2) |
Skont l-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament, minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi hemmhekk jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata lilhom għall-2018. |
(3) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Eżawriment tal-kwota
Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-2018 għandha titqies eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.
Artikolu 2
Projbizzjonijiet
L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fl-Anness jew li huma rreġistrati f'dan l-Istat Membru għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikolari, wara dik id-data għandu jkun ipprojbit li l-ħut ta' dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jiġi rilokat, jiġi trażbordat jew jinħatt l-art.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
João AGUIAR MACHADO
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, p. 1).
ANNESS
Nru |
03/TQ120 |
Stat Membru |
Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Polonja, il-Portugall u r-Renju Unit |
Stokk |
COD/1/2B. |
Speċi |
Bakkaljaw (Gadus morhua) |
Żona |
1 u 2b |
Data tal-għeluq |
8.2.2018 |
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/4 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/455
tas-16 ta' Marzu 2018
li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti addizzjonali għal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji u l-ħut u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-punt 15 tal-Parti II ta' dak l-Anness jelenka s-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji. |
(2) |
Id-Direttiva 2006/88/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq, u l-importazzjoni u t-tranżitu mill-Unjoni tal-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u ċerti miżuri ta' prevenzjoni u kontroll minimi għal ċertu mard f'dawk l-annimali. L-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għall-ħatra ta' laboratorji ta' referenza tal-UE għall-mard tal-annimali akkwatiċi rilevanti għal dik id-Direttiva. |
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 (3) ħatar is-Centre for Environment, Fisheries & Aquaculture Science (Cefas), Weymouth Laboratory, ir-Renju Unit, bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2018. L-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi għal rieżami tal-funzjonijiet ta' dak il-laboratorju. |
(4) |
Bħala konsegwenza tan-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-funzjoni tas-CEFAS bħala laboratorju ta' referenza għall-mard tal-krustaċji ma tistax titkompla għal perjodu ieħor li jibda mill-1 ta' Lulju 2018. |
(5) |
Fid-dawl tas-sinerġiji fl-għarfien espert tekniku, fil-kapaċità tal-laboratorju u fin-netwerking ma' laboratorji ta' referenza nazzjonali, jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut jieħu wkoll il-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji. |
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li d-“Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, Danmark” li nħatar bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut, jieħu l-kompiti u l-funzjonijiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji. |
(7) |
Jenħtieġ li d-DTU Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab — Fiskesygdomme li qed jieħu r-responsabbiltajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-ħut u tal-krustaċji jiġi indikat bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-mard tal-krustaċji għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi elenkat fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għalhekk jenħtieġ li l-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tiġi emendata skont dan. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel tal-attivitajiet tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustaċji, huwa xieraq li tiġi prevista data ta' applikazzjoni speċifika għall-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Danmarks Tekniske Universitet, Veterinærinstituttet, Afdeling for Diagnostik og Beredskab - Fiskesygdomme, 2800 Kgs. Lyngby, id-Danimarka, għandu jkollu r-responsabbitajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-krustċji mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2023.
Artikolu 2
Il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 hija emendata kif ġej:
1. |
il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:
|
2. |
Il-punt 15 jitħassar. |
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 tat-28 ta' Lulju 2008 li jaħtar il-laboratorji Komunitarji ta' referenza għall-mard tal-krustaċji, ir-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal-laboratorji ta' referenza Komunitarja għar-rabja u t-tuberkolożi tal-ifrat u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 29).
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/6 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/456
tad-19 ta' Marzu 2018
dwar il-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' ikel ġdid fl-Unjoni. |
(2) |
L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar il-proċedura biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid. Il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu jirrikjedi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jivverifikaw jekk l-ikel li beħsiebhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
(3) |
Sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari, jenħtieġ li tiġi ppreżentata talba għal konsultazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jivverifikaw il-validità ta' tali talbiet. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-proċess ta' verifika. |
(4) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi żgurat li t-talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri. |
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-pubbliku jkunu infurmati dwar l-istatus ta' ikel ġdid, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid tkun disponibbli pubblikament. |
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2283 fir-rigward tal-passi proċedurali tal-proċess ta' konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk ikel jaqax jew le fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u fir-Regolament (UE) 2015/2283 (2), għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“talba għal konsultazzjoni” tfisser talba minn operatur tan-negozju tal-ikel lil Stat Membru riċevitur biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel partikolari; |
(b) |
“Stat Membru riċevitur” tfisser Stat Membru fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel beħsiebu jqiegħed fis-suq ikel partikolari għall-ewwel darba. |
Artikolu 3
Preżentazzjoni ta' talba għal konsultazzjoni
1. L-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jikkonsulta mal-Istat Membru riċevitur kif previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 billi jippreżenta talba għal konsultazzjoni lil dak l-Istat Membru.
2. Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ikun beħsiebu jqiegħed ikel fis-suq simultanjament f'diversi Stati Membri, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jippreżenta t-talba għal konsultazzjoni lil wieħed minn dawk l-Istati Membri biss.
Artikolu 4
Kontenut u preżentazzjoni tat-talba għal konsultazzjoni
1. It-talba għal konsultazzjoni għandha tiġi ppreżentata elettronikament lill-Istat Membru riċevitur u għandha tikkonsisti minn dan li ġej:
(a) |
ittra ta' akkumpanjament; |
(b) |
dossier tekniku; |
(c) |
dokumentazzjoni ta' appoġġ; |
(d) |
nota ta' spjegazzjoni li tiċċara l-iskop u r-rilevanza tad-dokumentazzjoni ppreżentata. |
2. L-ittra ta' akkumpanjament imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun abbozzata skont il-mudell ipprovdut fl-Anness I.
3. Id-dossier tekniku msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti lill-Istat Membru riċevitur jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u għandu jkun abbozzat skont il-mudell ipprovdut fl-Anness II.
4. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, applikant mhuwiex obbligat jipprovdi l-elementi kollha msemmija fl-Anness II, bil-kundizzjoni li l-applikant ikun ippreżenta ġustifikazzjoni verifikabbli għan-nuqqas ta' kull element nieqes.
Artikolu 5
Proċeduri biex tiġi vverifikata l-validità ta' talba għal konsultazzjoni
1. L-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien, jivverifika jekk it-talba għal konsultazzjoni tikkonformax jew le mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4.
2. Meta l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jippreżentax biżżejjed informazzjoni fit-talba għal konsultazzjoni, l-Istat Membru riċevitur għandu jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew jagħmel l-aġġornamenti rilevanti fit-talba għal konsultazzjoni fil-perjodu ta' żmien speċifikat mill-Istat Membru riċevitur.
3. It-talba għal konsultazzjoni għandha titqies li mhijiex valida meta:
(a) |
l-operatur tan-negozju tal-ikel ma jipprovdix l-informazzjoni addizzjonali mitluba jew it-talba għal konsultazzjoni aġġornata fil-perjodu speċifikat mill-Istat Membru riċevitur; |
(b) |
l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata ma tkunx biżżejjed biex jiġi konkluż li t-talba għal konsultazzjoni hija valida. |
4. L-Istat Membru riċevitur għandu jiddeċiedi dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni u mingħajr dewmien jinforma bid-deċiżjoni lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Meta t-talba għal konsultazzjoni titqies li mhijiex valida, l-Istat Membru riċevitur għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.
Artikolu 6
Proċeduri biex tiġi evalwata talba għal konsultazzjoni valida
1. L-Istat Membru riċevitur għandu jikkonkludi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel fi żmien erba' xhur mid-data li fiha jkun iddeċieda dwar il-validità tat-talba għal konsultazzjoni.
2. Meta l-Istat Membru riċevitur jidentifika li ma għandux biżżejjed evidenza biex jiddeċiedi dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, jista' jitlob lill-operatur tan-negozju tal-ikel biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Il-perjodu ta' dik it-talba għandu jiġi ddeterminat flimkien mal-operatur tan-negozju tal-ikel.
L-Istat Membru riċevitur jista' jikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, it-talba għal informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex testendi l-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1.
4. F'każijiet debitament ġustifikati, l-Istat Membru riċevitur jista' jestendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 b'massimu ta' erba' xhur. L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni.
5. Malli jasal għal konklużjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid ta' oġġett tal-ikel, l-Istat Membru riċevitur għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-operatur tan-negozju tal-ikel, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni u għandu jipprovdi ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid u pubblikazzjoni tagħha
1. In-notifika msemmija fl-Artikolu 6(5) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel ikkonċernat; |
(b) |
dikjarazzjoni li tindika jekk l-ikel ikkonċernat huwiex ġdid, mhux ġdid jew mhux ġdid biss fis-supplimenti tal-ikel; |
(c) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (b); |
(d) |
meta l-ikel ikun ikel ġdid, l-aktar kategorija tal-ikel xierqa li jaqa' taħtha skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
2. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tqiegħed l-informazzjoni dwar l-istatus ta' ikel ġdid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sit web tal-Kummissjoni.
Artikolu 8
Awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u d-dettalji ta' kuntatt tal-punti ta' kuntatt rispettivi maħtura għall-finijiet ta' dan ir-Regolament sal-1 ta' Marzu 2018.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dettalji ta' kuntatt fis-sit web tal-Kummissjoni sal-1 ta' Mejju 2018.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità
1. L-operaturi tan-negozju tal-ikel jistgħu jitolbu lill-Istat Membru riċevitur biex jaqbel li l-iżvelar ta' ċerta informazzjoni ppreżentata bħala parti mit-talba għal konsultazzjoni jeħtieġ li jibbenefika minn trattament kunfidenzjali fejn l-iżvelar ta' tali informazzjoni jista' jkun ta' ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jindikaw lill-Istat Membru riċevitur liema partijiet mill-informazzjoni pprovduta jixtiequ li jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali u għandhom jipprovdu d-dettalji kollha meħtieġa biex jissostanzjaw it-talba tagħhom għal kunfidenzjalità.
3. L-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-operatur tan-negozju tal-ikel dwar l-opinjoni tiegħu dwar liema partijiet mill-informazzjoni jridu jibqgħu kunfidenzjali.
Madankollu, il-kunfidenzjalità ma għandhiex tapplika għall-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-isem u l-indirizz tal-applikant; |
(b) |
l-isem u d-deskrizzjoni tal-ikel; |
(c) |
sommarju tal-istudji ppreżentati mill-applikant; |
(d) |
meta jkun xieraq, il-metodu jew il-metodi tal-analiżi. |
4. Fil-każ tal-konsultazzjoni tal-Istati Membri l-oħra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2), l-Istat Membru riċevitur għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-opinjoni tiegħu dwar il-kunfidenzjalità tat-talba għal konsultazzjoni.
5. Wara li jiġi infurmat skont il-paragrafu 3, l-operatur tan-negozju tal-ikel jista' jirtira t-talba għal konsultazzjoni fi żmien tliet ġimgħat li matulhom għandha tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta.
6. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità xierqa tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u li huma jirċievu skont dan ir-Regolament, ħlief għall-informazzjoni li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.
7. Meta operatur tan-negozju tal-ikel jirtira jew ikun irtira t-talba tiegħu għal konsultazzjoni skont il-paragrafu 5, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom jiżvelaw l-informazzjoni li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità mill-operatur tan-negozju tal-ikel skont il-paragrafu 1.
8. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 7 ma għandhiex taffettwa l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meħtieġ biex jiġu kkunsidrati t-talbiet għal konsultazzjoni ppreżentati skont dan ir-Regolament.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
ANNESS I
MUDELL TAL-ITTRA LI TAKKUMPANJA TALBA GĦAL KONSULTAZZJONI BIEX JIĠI DDETERMINAT L-ISTATUS TA' IKEL ĠDID
Awtorità kompetenti tal-Istat Membru
Data: …
Suġġett: Talba għal konsultazzjoni biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …
…
L-Operatur(i) tan-negozju tal-ikel/il-parti li tikkonsulta:
Kumpanija: …
Indirizz: …
Telefown: …
Email: …
Persuna ta' kuntatt: …
tippreżenta/jippreżenta(w) it-talba għal konsultazzjoni attwali biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid ta' …
Dejjem tiegħek,
Firma …
Dokumenti mehmuża:
☐ |
Dossier tekniku |
☐ |
Dokumenti ta' appoġġ tat-talba għal konsultazzjoni |
☐ |
Nota ta' spjegazzjoni |
ANNESS II
MUDELL TAD-DOSSIER TEKNIKU
Ir-rabta bejn il-biċċiet differenti tal-informazzjoni għandha tiġi spjegata fin-nota ta' spjegazzjoni. B'mod partikolari, fejn għandha x'taqsam l-evidenza biex issostni l-konsum mill-bniedem f'livell sinifikanti, li ġiet ippreżentata fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, f'każ li jridu jitqiesu dokumenti li ġejjin minn firxa ta' sorsi sabiex wieħed jasal għal konklużjoni.
Meta partijiet biss mid-dokumenti jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat l-istatus ta' ikel ġdid, dawk il-partijiet għandhom jiġu indikati b'enfasi.
Għall-oġġetti tal-ikel kollha, trid timtela t-Taqsima 1.
Għall-estratti, minbarra t-Taqsima 1, trid timtela t-Taqsima 2.
Għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew it-Taqsima 1 (il-punti 1 sa 3 u l-punt 7) u t-Taqsima 3.
Taqsima 1: L-ikel kollu (għall-ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997, iridu jimtlew biss il-punti 1 sa 3 u l-punt 7)
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
|
|||
A. Organiżmi (mikroorganiżmi, fungi, algi, pjanti, annimali) |
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
B. Sustanzi kimiċi |
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
|
|||
|
|
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
||
|
|
|
|||
|
|
||
|
|
|
|||
|
|
||
|
|
Taqsima 2: Estratti
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
Taqsima 3: Ikel li joriġina minn proċess ta' produzzjoni li ma ntużax għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta' Mejju 1997
|
|||
|
|
||
|
|
||
|
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1). |
(2) |
Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67). |
DEĊIŻJONIJIET
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/14 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/457
tat-13 ta' Marzu 2018
li tawtorizza lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Taħt l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE kwalunkwe persuna taxxabbli li tagħmel provvista taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
(2) |
Taħt il-punt (h) tal-Artiklu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti tal-konsols tal-logħob tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Il-Latvja ma tagħmilx użu minn din l-għażla, għalkemm tapplika r-reverse charge għall-provvisti ta' kompjuters tablets u ta' laptops abbażi tal-punt (h) tal-Artikolu 199a(1) ta' dik id-Direttiva. |
(3) |
Minħabba l-ammont miżjud ta' frodi fis-settur tal-konsols tal-logħob fil-Latvja, il-Latvja tixtieq tintroduċi l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti domestiċi tal-konsols tal-logħob. |
(4) |
Taħt l-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jista' jiġi applikat sal-31 ta' Diċembru 2018, għal perjodu minimu ta' sentejn. Billi mhijiex sodisfatta l-kundizzjoni tal-perjodu ta' sentejn, il-Latvja ma tistax tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge abbażi tal-punt (h) tal-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE. |
(5) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-15 ta' Novembru 2017, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tagħmel ir-riċevitur tal-provvista ta' konsols tal-logħob responsabbli għall-ħlas tal-VAT. |
(6) |
F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat, permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2017, lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Latvja. Permezz ta' ittra tal-24 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latjva li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
(7) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mil-Latjva, l-ammont ta' frodi tal-VAT żdied f'rabta mal-provvisti tal-konsols tal-logħol wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti ta' mobile phones, tablets, laptops u apparati biċ-ċirkwiti integrati. Il-konsols tal-logħob huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi tal-VAT billi huma relattivament żgħar, għandhom valur relattivament għoli u għandhom suq żviluppat tajjeb fuq l-Internet. Skont l-informazzjoni li bagħtet il-Latvja, hemm għadd ta' miżuri konvenzjonali li ġew introdotti mil-Latvja fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Madankollu, il-Latvja tqis li huwa meħtieġ li jiġi introdott il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-konsols tal-logħob sabiex ma jkunx hemm telf fid-dħul tal-VAT għall-baġit pubbliku. |
(8) |
Għalhekk, sabiex tiġi impedita l-evażjoni tat-taxxa, jenħtieġ li l-Latvja tiġi awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-konsols tal-logħob għal perjodu limitat. |
(9) |
Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttva 2006/112/KE, fil-każ tal-provvisti tal-konsols tal-logħob, il-Latvja hija awtorizzata tiddeżinja lir-riċevitur tal-provvista bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
V. GORANOV
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/458
tad-19 ta' Marzu 2018
li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK dwar miżuri restrittivi mmirati lejn persuni li wettqu atti vjolenti fl-inċidenti ta' Mostar nhar l-10 ta' Frar 1997
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta' Marzu 1997, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK (1). |
(2) |
Abbażi ta' rieżami tal-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK, il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni jenħtieġ li jitneħħew. |
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK titħassar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK hija b'dan imħassra.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Il-Pożizzjoni Komuni 97/193/PESK tas-17 ta' Marzu 1997 definita mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu J.2 fit-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, jirrestrinġi persuni li jkunu wettqu atti vjolenti fl-inċidenti ta' Mostar nhar l-10 ta' Frar 1997 (ĠU L 81, 21.3.1997, p. 1).
20.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/459
tad-19 ta' Marzu 2018
li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/173/PESK (1), dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina. |
(2) |
Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK, jenħtieġ li dawk il-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta' Marzu 2019. |
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/173/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2019.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Il-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/173/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 68).