ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 74

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
16 ta' Marzu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/404 tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/405 tal-21 ta' Novembru 2017 li jikkoreġi xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/406 tat-2 ta' Marzu 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (Amêndoa Coberta de Moncorvo (IĠP))

5

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/407 tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

6

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/408 tal-15 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1758 li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li trid tintbagħat lill-Kummissjoni għall-fini tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll għall-finijiet tal-monitoraġġ u tat-tbassir

9

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/404

tat-13 ta' Marzu 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen jipparteċipaw fl-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplimentari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inkluż dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħat ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein għal Ftehim dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Fond għas-Sigurtà Interna – il-Fruntieri u l-Viża għall-perjodu 2014 sa 2020. In-negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-21 ta' April 2017.

(3)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (4) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


REGOLAMENTI

16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/405

tal-21 ta' Novembru 2017

li jikkoreġi xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 456(1)(j) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni tal-lingwa Olandiża tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fiha żball fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 429a(3) imdaħħal bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/62 (2) li jikkonsisti f'referenza żbaljata li minħabba fiha jitnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati mill-operaturi. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra mhumiex affettwati.

(2)

Il-verżjoni tal-lingwa Ċeka tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fiha żball fl-Artikolu 429b(4) imdaħħal bir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/62 li minħabba fih il-kundizzjoni li tirregola l-użu ta' metodu ssimplifikat tal-kollateral finanzjarju tinftiehem bis-sens oppost għal dak tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra mhumiex affettwati.

(3)

Il-verżjoni tal-lingwa Litwana tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fiha żball fl-Artikolu 429b(4) imdaħħal bir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/62 fir-rigward tad-determinazzjoni taż-żieda. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra mhumiex affettwati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi kkoreġut skont dan.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/62,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-18 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/62 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proporzjon ta' ingranaġġ (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 37).


16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/406

tat-2 ta' Marzu 2018

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Amêndoa Coberta de Moncorvo” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

It-talba tal-Portugall biex id-denominazzjoni “Amêndoa Coberta de Moncorvo” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li d-denominazzjoni “Amêndoa Coberta de Moncorvo” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Amêndoa Coberta de Moncorvo” (IĠP) għandha tiġi rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 391, 18.11.2017, p. 11.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/407

tal-14 ta' Marzu 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott bl-isem ta' “gagazza kannella tal-alumina fuża” li huwa prodott sekondarju miksub mill-produzzjoni tal-elettrokorundum komuni fil-fran elettriċi.

Il-prodott huwa kompost mill-ingredjenti li ġejjin (% skont il-piż):

7202 29 90

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 3(a) tal-Kapitolu 26, in-Nota 1(c) tal-Kapitolu 72, in-nota 2 tas-Sottointestatura tal-Kapitolu 72 u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 7202 , 7202 29 u 7202 29 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2620 hija eskluża peress li l-prodott ma jissodisfax ir-rekwiżiti tan-Nota 3(a) tal-Kapitolu 26.

Il-kompożizzjoni kimika tal-prodott tissodisfa r-rekwiżiti tan-nota 1(c) tal-Kapitolu 72 li tiddefinixxi l-ligi tal-ħadid u n-nota 2 tas-sottointestatura tal-Kapitolu 72 li tiddefinixxi l-ligi tal-ħadid tal-intestatura 7202 .

Iż-żewġ karatteristiċi essenzjali ta' dan il-prodott, li huma konformi mad-deskrizzjoni tal-ligi tal-ħadid, huma li l-prodott jintuża fis-separazzjoni gravimetrika tal-metalli mhux maħduma u li jiġi pproċessat permezz tal-fran elettriċi (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 7202 , ir-raba' u s-sitt paragrafi).

Minħabba l-kompożizzjoni kimika tal-prodott, li tippermetti li jintuża fis-separazzjoni gravimetrika tal-metalli mhux maħduma permezz tal-flotazzjoni selettiva, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 7202 bħala liga tal-metall.

Il-prodott għalhekk għandu jiġi kklassifikat fil-kodiċi NM 7202 29 90 bħala liga oħra tas-siliċju tal-ħadid.

ħadid

75

siliċju

15

titanju

5

aluminju

3

metalli oħra

2

Il-prodott jintuża għall-konċentrazzjoni tal-metalli mhux maħduma permezz ta' flotazzjoni selettiva fil-proċess ta' separazzjoni gravimetrika.


16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/408

tal-15 ta' Marzu 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1758 li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li trid tintbagħat lill-Kummissjoni għall-fini tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll għall-finijiet tal-monitoraġġ u tat-tbassir

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 104 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1758 (2) jistabbilixxi l-istruttura tal-kodiċijiet baġitarji tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (“il-FAEŻR”) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2393 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emenda diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fosthom dawk li jikkonċernaw allokazzjoni addizzjonali u kategorija ġdida ta' deroga mir-rata ta' kontribuzzjoni tal-FAEŻR. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1758 jirrifletti l-emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1758 jiġi emendat skont dan.

(4)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess jum bħar-Regolament (UE) 2017/2393.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tielet tabella, taħt il-punt 1.2 “l-istruttura tal-kodiċijiet baġitarji”, li tiddefinixxi it-tieni ċifra tal-kombinazzjoni ta' oġġetti li ntużaw biex tiġi stabbilita r-rata massima ta' kontribuzzjoni tal-FAEŻR, “RRR”, fl-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1758, hija emendata kif ġej:

(1)

Il-linja għall-kodiċi 6 tinbidel b'dan li ġej:

“6

59(4)(f)

Allokazzjoni addizzjonali għall-Irlanda, għall-Portugall u għal Ċipru”

(2)

Tiżdied il-linja li ġejja:

“8

59(4)(h)

Rata ta' kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 39a(13) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għall-istrument finanzjarju msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 38(1) ta' dak ir-Regolament”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1758 tas-27 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li trid tintbagħat lill-Kummissjoni għall-fini tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll għall-finijiet tal-monitoraġġ u tat-tbassir (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).