ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 43

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
16 ta' Frar 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 tat-23 ta' Jannar 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/220 tad-9 ta' Frar 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/221 tal-15 ta' Frar 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-referenza tal-Unjoni Ewropea għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli ( 1 )

6

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/222 tal-15 ta' Frar 2018 li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi ( 1 )

8

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/223 tal-15 ta' Frar 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

10

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/224 tal-15 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/225 tal-15 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/346 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

14

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/226 tal-15 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia)

15

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/227 tal-15 ta' Frar 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

16

 

*

Deċiżjoni (UE) 2018/228 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/936 li tinnomina kapijiet ta' unità ta' xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2018/6)

18

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/219

tat-23 ta' Jannar 2018

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta' Novembru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Is-sistemi ta' limitu u skambju huma għodda ta' politika li jnaqqsu b'mod kosteffikaċi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Il-kollegament ta' sistemi ta' limitu u skambju huwa mistenni li jwassal għal ipprezzar usa' tal-karbonju, żieda tad-disponibbiltà ta' opportunitajiet ta' tnaqqis u titjib tal-kosteffiċjenza tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet. L-iżvilupp ta' suq internazzjonali tal-karbonju li jiffunzjona sew permezz ta' kollegament minn isfel għal fuq ta' skemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (“ETS”, emissions trading systems) huwa għan tal-politika fit-tul tal-Unjoni u tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, inkluż taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

(3)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat.

(4)

Huwa essenzjali li l-avjazzjoni tkun koperta mill-ETS Żvizzera biex l-ETS Żvizzera tiġi kollegata mal-ETS tal-Unjoni. Minkejja li l-ETS Żvizzera bħalissa għadha ma tkoprix l-avjazzjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera qed taħdem fuq regoli li jestendu l-ETS tagħha mal-avjazzjoni. Jenħtieġ li l-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ qabel ma jiġu stabbiliti dawk ir-regoli u qabel ma l-Anness I, Parti B tal-Ftehim jiġi emendat biex jirreferi għal dawk ir-regoli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jipproċedu, f'isem l-Unjoni, biex jiskambjaw l-istrumenti ta' ratifika jew approvazzjoni previsti fl-Artikolu 21 tal-Ftehim, biex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni biex tkun marbuta bil-Ftehim. (4)

2.   L-istrument ta' approvazzjoni tal-Unjoni għandu jiġi notifikat biss ladarba l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun daħħlet fis-seħħ ir-regoli meħtieġa li jestendu l-ETS tagħha għall-avjazzjoni u l-Anness I, Parti B tal-Ftehim ikun emendat skont dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Kunsens tat-12 ta' Diċembru 2017 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 1).

(3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


REGOLAMENTI

16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/220

tad-9 ta' Frar 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat mekkaniku (l-hekk imsejjaħ “makkinarju għat-tidmil manwali”) li jikkonsisti minn struttura tal-azzar u t-tank tal-plastik, b'inforra tal-kanvas ta' volum ta' madwar 60 litri, b'makkinarju għat-tidmil ta' rotazzjoni fil-qiegħ, u żewġ tajers pnewmatiċi.

Dan hu maħsub għad-distribuzzjoni (tixrid/tixrid permezz ta' rotazzjoni) ta' fertilizzanti, ramel, żrieragħ, melħ eċċ. Il-volum tad-distribuzzjoni jista' jiġi aġġustat mill-manku. Huwa adattat għal manutenzjoni regolari ta' żoni kbar.

Ara l-istampa (*1).

8424 89 70

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita skont ir-regoli ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2 tal-Kapitolu 84 kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8424 , 8424 89 u 8424 89 70 .

L-apparat jaqbel mad-deskrizzjoni taħt l-intestatura 8424 (tixrid ta' ramel u melħ) u mad-deskrizzjoni taħt l-intestatura 8432 (distributuri tal-fertilizzant u ħawwiel taż-żerriegħa). Ma jistax jiġi kklassifikat skont in-Nota 3 tat-Taqsima XVI peress li ma jwettaqx dik il-funzjoni prinċipali. Skont in-nota 2 tal-Kapitolu 84, apparat li joqgħod għal deskrizzjoni f'wieħed jew aktar mit-titli 8401 sa 8424 u fl-istess ħin għal deskrizzjoni f'wieħed jew ieħor mit-titli 8425 sa 8480 għandu jiġi kklassifikat taħt it-titlu xieraq tal-eksgrupp (intestatura 8424 f'dan il-każ).

L-apparat jista' jintuża kemm bħala apparat agrikolu jew kemm bħala apparat ortikulturali tas-subintestatura 8424 82 u bħala apparat ieħor tas-subtitlu 8424 89 . Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, l-ebda waħda minn dawn il-funzjonijiet ma hija kkunsidrata bħala l-funzjoni prinċipali tal-apparat fit-tifsira tan-Nota 3 tat-Taqsima XVI u l-ebda waħda miż-żewġ subintestaturi hija kkunsidrata li tipprovdi deskrizzjoni aktar speċifika. Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt subintestatura li tidher fl-aħħar tal-ordni numerika.

Għaldaqstant l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8424 89 70 bħal apparat mekkaniku ieħor għal xħit, tixrid jew traxxix ta' likwidi jew trabijiet.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/221

tal-15 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-referenza tal-Unjoni Ewropea għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (1), u partikolarment l-Artikolu 23a(m) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, mas-saħħa u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2), b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE magħżula huma elenkati fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament, inkluż dak li hu responsabbli għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs u l-kompiti speċifiċi tiegħu.

(3)

L-għażla tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs, li bħalissa jinsab fir-Renju Unit, se tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2018 b'konsegwenza tan-notifika li għamel ir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)

Jinħtieġ li jkun hemm laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs sabiex jiġu żgurati l-kwalità għolja u l-affidabbiltà tal-metodi dijanjostiċi għat-TSEs kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tagħhom madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, fid-29 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet biex jintgħażel laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs. Wara li titlesta l-proċedura tal-għażla, il-konsorzju magħżul — jiġifieri dak magħmul mill-Istituto Zooprofilatticoo Sperimentale del Piemonte Liguria e della Valle d'Aosta (IZSPLVA) u mill-Istituto Superiore di Sanità (ISS) — li se jitmexxa mill-ewwel istituzzjoni msemmija, għandu jinħatar bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 999/2001 u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 jiġu emendati skont dan.

(6)

Sabiex ma jkunx hemm tfixkil tal-attivitajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs u sabiex il-laboratorju ta' referenza tal-UE l-ġdid ikollu biżżejjed ħin biex isir operattiv bis-sħiħ, jixraq li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu B tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.

Il-laboratorju ta' referenza tal-UE għat-TSEs huwa konsorzju magħmul mill-Istituto Zooprofilattico Sperimentale del Piemonte Liguria e della Valle d'Aosta (IZSPLVA) u mill-Istituto Superiore di Sanità (ISS), immexxi minn IZSPLVA:

 

Istituto Zooprofilattico Sperimentale del Piemonte, Liguria e Valle d'Aosta (IZSPLVA)

Via Bologna 148

10154 Torino

L-Italja

 

Istituto Superiore di Sanità (ISS)

Viale Regina Elena 299

00161 Roma

L-Italja”.

Artikolu 2

Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-punt 13 jinbidel b'dan li ġej:

“13.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs)

Il-laboratorju msemmi fil-punt 1 tal-Kapitolu B tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/222

tal-15 ta' Frar 2018

li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (“il-laboratorji ta' referenza tal-UE”) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE maħturin qegħdin elenkati fl-Anness VII ta' dak ir-Regolament, u fosthom dak li hu responsabbli mill-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi.

(2)

Fil-31 ta' Diċembru 2018 se tintemm il-ħatra tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, li jinsab fir-Renju Unit, minħabba n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

Billi s-Salmonella, Escherichia coli u l-viruses huma r-riskji ewlenin ta' oriġini alimentari mill-molluski bivalvi, il-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-analiżi u l-ittestjar taż-żoonożijiet (salmonella), jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Escherichia coli inkluża l-Verotoxigenic E. coli (VTEC) u l-laboratorju ta' referenza għall-vajrusijiet li jittieħdu mill-ikel iwettqu t-testijiet analitiċi rispettivi għas-salmonella, għall-E. coli u għall-vajrusijiet li sa issa kienu jitwettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi. Jenħtieġ li l-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-bijotossini marini jassumi l-attivitajiet marbutin mal-klassifikazzjoni u l-monitoraġġ taż-żoni ta' produzzjoni ta' molluski bivalvi. Għaldaqstant ma għadux meħtieġ laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, u jenħtieġ li dan jitħassar mil-lista li tinsab fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 882/2004 jiġi emendat skont dan.

(5)

Biex ma jiġux interrotti l-attivitajiet li fil-preżent qegħdin jitwettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi, jixraq li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jitħassar il-punt 4.

Artikolu 2

L-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-analiżi u l-ittestjar taż-żoonożijiet (salmonella), il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-Escherichia coli inkluża l-Verotoxigenic E. coli (VTEC) u l-laboratorju ta' referenza għall-viruses li jittieħdu mill-ikel għandhom jassumu l-attivitajiet li sa issa twettqu mil-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni virali u batterjoloġika tal-molluski bivalvi fir-rigward tat-testijiet analitiċi għas-salmonella, għall-E. coli u għall-vajrusijiet, rispettivament.

L-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-monitoraġġ tal-bijotossini marini għandu jassumi l-attivitajiet marbutin mal-klassifikazzjoni u l-monitoraġġ taż-żoni ta' produzzjoni ta' molluski bivalvi.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/223

tal-15 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jelenka l-persuni u l-entitatjiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi skont dan ir-Regolament.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK (2), tidentifika l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għalihom japplikaw ir-restrizzjonijiet kif previst fl-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni, u r-Regolament (KE) Nru 314/2004 idaħħal fis-seħħ din id-Deċiżjoni sal-punt li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tkun meħtieġa.

(3)

Fil-15 ta' Frar 2018, il-Kunsill iddeċieda li jaġġorna l-entrata għal persuna waħda fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK li jelenka l-persuni u l-entitajiet li għalihom għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet. Din il-persuna ddeżinjata ġiet identifikata mill-Kunsill bħala l-eks President taż-Żimbabwe, responsabbli għal attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

(4)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz għall-Politika Barranija Strumenti


(1)   ĠU L 55, 24.2.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).


ANNESS

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 huwa emendat kif ġej:

L-entrata tal-persuna fiżika li ġejja taħt l-intestatura “I. Persuni ”:

Isem (u kull psewdonimu)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

“(1)

Mugabe, Robert Gabriel

President, imwieled fil-21.2.1924; Passaport AD001095

Kap tal-Gvern u responsabbli għal attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.”

tinbidel b'dan li ġej:

Isem (u kull psewdonimu)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

“(1)

Mugabe, Robert Gabriel

imwieled fil-21.2.1924; Passaport AD001095

Kap tal-Gvern u responsabbli għal attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.”


DEĊIŻJONIJIET

16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/224

tal-15 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (1).

(2)

Il-Kunsill wettaq rieżami tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, b'kont meħud tal-iżviluppi politiċi fiż-Żimbabwe. Meta wieħed iqis l-għadd u l-importanza tal-inċertezzi li jikkaratterizzaw it-tranżizzjoni attwali wara l-bidla fit-tmexxija f'Diċembru 2017, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-miżuri restrittivi jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sakemm is-sitwazzjoni tiċċara.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe jiġu estiżi sal-20 ta' Frar 2019. Jenħtieġ li l-Kunsill iżomm il-miżuri restrittivi taħt rieżami kontinwu fid-dawl ta' żviluppi politiċi u ta' sigurtà fiż-Żimbabwe.

(4)

Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jinżammu għas-seba' persuni u l-entità elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK. Is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi jenħtieġ li tiġġedded għall-ħames persuni elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/101/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta' Frar 2019.

3.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) u (2), safejn japplikaw għall-persuni elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta' Frar 2019.

4.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/225

tal-15 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/346 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 33 u 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/440/PESK (1) li taħtar lis-Sur Stavros LAMBRINIDIS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(2)

Fis-27 ta' Frar 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/346 (2) li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2019.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/346 ipprovdiet lir-RSUE bl-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2017 sat-28 ta' Frar 2018. Jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta' referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2018 sat-28 ta' Frar 2019.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/346 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/346, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2018 sat-28 ta' Frar 2019 għandu jkun ta' EUR 894 178”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2018.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta' Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/346 tas-27 ta' Frar 2017 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĠU L 50, 28.2.2017, p. 66).


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/226

tal-15 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/389/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR).

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2240 (2) li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK. L-isem tal-missjoni nbidel għal EUCAP Somalia, u l-mandat tagħha ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 u l-perijodu kopert mill-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub ġie estiż sat-28 ta' Frar 2017.

(3)

Fis-27 ta' Frar 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/349 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK u li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2017 sat-28 ta' Frar 2018.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/389/PESK tiġi emendata biex tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 2012/389/PESK, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Somalia għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018 għandu jkun ta' EUR 27 335 900.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2240 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal- Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (ĠU L 337, 13.12.2016, p. 18).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/349 tas-27 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 50, 28.2.2017, p. 80).


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/227

tal-15 ta' Frar 2018

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK.

(2)

L-entrata ta' persuna fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/101/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)   ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6.


ANNESS

L-entrata għall-persuna segwenti li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK hija sostitwita bl-entrata ta' hawn taħt.

 

Isem (u kwalunkwe psewdonimu)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-indikazzjoni

“1.

Mugabe, Robert Gabriel

Imwieled fil-21.2.1924

Passaport AD001095

Eks President u responsabbli għal attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.”


16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/18


DEĊIŻJONI (UE) 2018/228 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/936 li tinnomina kapijiet ta' unità ta' xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2018/6)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha,

Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/935 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/936 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/16) (4) tistipula illi deċiżjonijiet iddelegati, bis-saħħa tal- Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/935 (BĊE/2016/42), għandhom jiġu adottti mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tas-Superviżjoni Mikroprudenzjali IV responsabbli għal deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u minn kapijiet oħra ta' unitajiet ta' xogħol;

(2)

Fl-1 ta' Frar 2018, seħħ tibdil fl-organizzazzjoni tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, li jikkonsisti fit-trasferiment ta' tliet diviżjonijiet, inkluża d-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, mid-Direttorat Ġenerali Superviżjoni Mikroprudenzjali IV għad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju. Id-Deputat Direttorat Ġenerali Superviżjoni Mikroprudenzjali IV mhuwiex ser jibqa' aktar responsabbli għal deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità.

(3)

Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li lilhom għandha tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjoni ta' kompetenza u idoneità.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2017/936 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/16)għandha tiġi emendata f'dan is-sens sabiex tirrifletti t-trasferiment tar-responsabilità għal deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità lid-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/936 (BĊE/2017/16) huwa mibdul kif ġej:

“Artikolu 1

Deċiżjonijiet iddelegati ta' kompetenza u idoneità

Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoluu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/935 (BĊE/2016/42) huma adottati mid-Direttur Ġenerali jew id-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju.responsabbli għal deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità, jew jekk huma mhumiex disponibbli, mill-Kap tad-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, u minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali tad-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti hija mwettqa mid-Direttorat Ġenerali Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali tad-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti hija mwettqa mid-Direttorat Ġenerali Superviżjoni Mikroprudenzjali II; jew

(c)

jekk Direttur Ġenerali ma jkunx disponibbli, id-Deputat Direttur Ġenerali tagħhom.”.,

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 13 ta' Frar 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(2)   ĠU L 141, 1.6.2017, p. 21.

(3)   ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(4)  Deċiżjoni (UE) 2017/936 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2017 li tinnomina kapijiet ta' unità ta' xogħol biex jadottaw deċiżjonijiet iddelegati ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2017/16), ĠU L 141, 1.6.2017, p. 26.