ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 40

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
13 ta' Frar 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/181 tat-18 ta’ Ottubru 2017 li jemenda l-Anness IIIb tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

13.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/181

tat-18 ta’ Ottubru 2017

li jemenda l-Anness IIIb tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea„

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikoli 7b u 7e tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, hija meħtieġa awtorizzazzjoni għal kwalunkwe esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti li tista’ tintuża għall-iskop tal-piena kapitali u għal servizzi ta’ senserija jew ta’ assistenza teknika relatati ma’ dawn l-oġġetti, li huma elenkati fl-Anness IIIa ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, li ġiet stabbilita fl-Anness IIIb ta’ dan ir-Regolament, tapplika għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi li abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha u li kkonfermaw l-abolizzjoni permezz ta’ impenn internazzjonali, ladarba huma ssodisfati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni. Il-Parti 2 tagħha telenka l-pajjiżi rilevanti.

(3)

Fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, din il-lista tinkludi pajjiżi li mhux biss abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha iżda wkoll irratifikaw it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mingħajr l-ebda riżerva.

(4)

Wara r-ratifiki ta’ dan il-Protokoll mingħajr ebda riżerva, ir-Repubblika Dominicana, São Tomé u Príncipe u t-Togo jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni f’din il-lista.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex jiġu evitati piżijiet mhux dovuti fuq l-esportaturi u fuq l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-esportaturi jkunu jistgħu jserrħu fuq l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness IIIb tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, il-lista fil-Parti 2 – Destinazzjonijiet hija emendata kif ġej:

(1)

wara Ġibuti, tiddaħħal l-entrata “Ir-Repubblika Domenicana”,

(2)

wara San Marino tiddaħħal l-entrata “São Tomé u Príncipe”,

(3)

wara Timor Leste tiddaħħal l-entrata “It-Togo”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.