ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 28

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
31ta' Jannar 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/117 tal-14 ta' Lulju 2017 dwar il-każ ta' Għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/C) (ex 2011/NN) — L-Irlanda — in-nuqqas ta' applikazzjoni tat-Taxxa fuq l-Ivvjaġġar bl-Ajru għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment (notifikata bid-dokument C(2017) 4932)  ( 1 )

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/118 tal-31 ta' Awwissu 2017 dwar Għajnuna mill-Istat SA.35818 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2012/CP) implimentata minn Spanja għal Iberpotash (notifikata bid-dokument C(2017) 5877)  ( 1 )

25

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/119 tat-18 ta' Settembru 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.47702 (2017/C) (ex 2017/N) — Ir-Renju Unit — Pakkett alternattiv li jissostitwixxi l-impenn għar-Royal Bank of Scotland li jċedi n-negozju Rainbow (notifikata bid-dokument C(2017) 6184)  ( 1 )

49

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/117

tal-14 ta' Lulju 2017

dwar il-każ ta' Għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/C) (ex 2011/NN)

L-Irlanda — in-nuqqas ta' applikazzjoni tat-Taxxa fuq l-Ivvjaġġar bl-Ajru għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment

(notifikata bid-dokument C(2017) 4932)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet ikkonċernati jressqu l-kummenti tagħhom (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B'ittra datata l-21 ta' Lulju 2009, irreġistrata mal-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2009 bin-numru CP 231/2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment mil-linja tal-ajru Ryanair Ltd (issa Ryanair Designated Activity Company, minn hawn 'il quddiem: “Ryanair”) li l-Irlanda kienet tat għajnuna mill-Istat illegali permezz tat-Taxxa fuq l-Ivvjaġġar bl-Ajru (Air Travel Tax — “ATT”), dazju tas-sisa introdott mill-Irlanda fuq it-tluq ta' passiġġieri fuq titjiriet mill-ajruporti Irlandiżi.

(2)

B'ittra datata t-28 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment lill-Irlanda u staqsietha tispjega l-pożizzjoni tagħha rigward l-allegazzjonijiet magħmula fl-ittra datata l-21 ta' Lulju 2009.

(3)

B'ittra datata s-26 ta' Awwissu 2009, l-Irlanda talbet estensjoni tal-iskadenza għat-tweġiba, li l-Kummissjoni aċċettat b'ittra datata t-3 ta' Settembru 2009.

(4)

Fil-15 ta' Ottubru 2009, l-Irlanda wieġbet għall-ittra tal-Kummissjoni u t-tweġiba tagħha ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fl-istess jum.

(5)

Peress li l-għajnuna allegata kienet ġiet implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni, il-każ ġie rreġistrat bħala miżura mhux innotifikata. Il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni preliminari skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

(6)

Bid-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2011 (“id-Deċiżjoni tal-2011”) (2), adottata meta ntemm l-istadju tal-investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni rrifjutat ħafna mill-ilmenti ta' Ryanair. B'mod partikolari, hija sabet li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Iżda l-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali rigward ir-rati tat-taxxa differenzjati applikabbli għat-titjiriet lejn destinazzjonijiet li mhumiex aktar minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin u għat-titjiriet l-oħrajn kollha.

(7)

B'applikazzjoni mressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta' Settembru 2011, Ryanair ippreżentat rikors għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-2011, peress li din sabet li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-kawża ġiet irreġistrata taħt in-numru T-512/11.

(8)

Fil-25 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha (“id-Deċiżjoni tal-2012”) dwar l-applikazzjoni tar-rati differenzjati tal-ATT (3). Hija sabet li bejn it-30 ta' Marzu 2009 u t-28 ta' Frar 2011 l-Irlanda kienet tat għajnuna mill-Istat fil-forma ta' rata tal-ATT aktar baxxa applikabbli għat-titjiriet lejn destinazzjonijiet mhux aktar minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna mill-Istat kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern, u talbet lill-Irlanda tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji.

(9)

Ryanair u Aer Lingus appellaw id-Deċiżjoni tal-2012 permezz tal-applikazzjonijiet imressqa fl-1 ta' Novembru 2012 u fil-15 ta' Novembru 2012. Dawn l-każijiet kienu rreġistrati bħala Kawża T-473/17 u Kawża T-500/12.

(10)

Bis-sentenza tal-25 ta' Novembru 2014, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2011 peress li d-Deċiżjoni tal-2011 sabet li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE (4). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE.

(11)

Permezz tas-sentenza tal-5 ta' Frar 2015, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2012 rigward ir-rati tat-taxxa differenzjati applikabbli għal titjiriet lejn destinazzjonijiet li jinsabu inqas minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin, peress li d-Deċiżjoni tal-2012 ordnat l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarji għal ammont stabbilit għal EUR 8 għal kull passiġġier (5). Il-Kummissjoni ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra dik is-sentenza.

(12)

Wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2011, b'ittra datata t-28 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni informat lill-Irlanda li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu. Din id-deċiżjoni (“Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(13)

L-Irlanda ppreżentat il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ bl-ittra datata t-22 ta' Diċembru 2015, irreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta' Jannar 2016.

(14)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati. Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-Irlanda, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Fin-nuqqas ta' tweġiba mingħand l-Irlanda, il-Kummissjoni tenniet l-istedina tagħha lill-Irlanda sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti tal-partijiet interessati f'ittra datata s-17 ta' Ottubru 2016.

(15)

B'ittra datata d-9 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tipprovdi informazzjoni addizzjonali. L-Irlanda wieġbet bl-ittra tat-18 ta' Jannar 2017. F'dik l-ittra, l-Irlanda għamlet ukoll l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti tal-partijiet interessati.

(16)

Bis-sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali peress li dawk is-sentenzi kienu annullaw id-Deċiżjoni tal-2012 (7). B'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Irlanda trid tirkupra s-somma ta' EUR 8 għal kull passiġġier mil-linji tal-ajru li bbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat illegali.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA U L-PROĊEDURI PREĊEDENTI

2.1.   L-ATT

(17)

L-ATT kienet stabbilita mit-Taqsima 55(2) tal-Att tal-2008 (Nru 2) dwar il-Finanzi (“l-Att dwar il-Finanzi”) (8). L-Att dwar il-Finanzi daħal fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2009. It-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi tipprovdi li l-linji tal-ajru għandhom iħallsu l-ATT fir-rigward ta' “kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport fl-Irlanda”,

(18)

Il-kliem użat fit-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi huwa definit fit-Taqsima 55(1). Id-definizzjoni tal-kelma “passiġġier” li tinsab fit-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi teskludi b'mod espliċitu “passiġġier fi transitu jew fi trasferiment”, li jfisser li t-tluq ta' “passiġġier fi transitu jew fi trasferiment” ma jikkostitwixxix “tluq ta' passiġġier” li għalih il-linji tal-ajru jridu jħallsu ATT. “Passiġġier fi transitu” huwa definit bħala “passiġġier li huwa abbord ajruplan li jinżel f'ajruport waqt il-vjaġġ tiegħu u li jkompli l-vjaġġ tiegħu fuq dak l-ajruplan”. Barra minn hekk, “passiġġier fi trasferiment” tfisser“passiġġier li jasal fuq titjira lejn ajruport u li jitlaq mill-ajruport fuq titjira oħra, iżda mhux lejn l-ajruport minn fejn beda l-vjaġġ tal-passiġġier, fejn iż-żewġ titjiriet ikunu parti minn prenotazzjoni waħda u fejn it-tul ta' ħin bejn il-ħin skedat tal-wasla tat-titjira fl-ajruport u l-ħin skedat tat-tluq tat-titjira minn dak l-ajruport ma jkunx aktar minn sitt sigħat”. Fl-aħħar nett, “ajruport” tfisser ajruport fit-tifsira tal-Att (Emenda) dwar in-Navigazzjoni u t-Trasport bl-Ajru tal-1998, iżda ma tinkludix ajruport li minnu telqu inqas minn 10 000 passiġġier fis-sena kalendarja preċedenti (9).

(19)

Meta l-ATT ġiet introdotta, it-Taqsima 55(2)(b) tal-Att dwar il-Finanzi kien jipprovdi li “It-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru għandha tkun iddebitata, imposta u mħallsa abbażi tad-distanza bejn il-post tat-tluq tat-titjira u l-post fejn tintemm it-titjira, bir-rata ta': (i) EUR 2 fil-każ ta' titjira minn ajruport lejn destinazzjoni li mhijiex aktar minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin, (ii) EUR 10 fi kwalunkwe każ ieħor”.

(20)

Wara investigazzjoni mill-Kummissjoni rigward ksur possibbli tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u tal-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà għall-operat tas-servizzi tal-ajru, ir-rati ġew mibdula b'effett mill-1 ta' Marzu 2011 b'mod li minn dik id-data 'l quddiem bdiet tapplika rata ta' taxxa waħda ta' EUR 3 għat-tluq kollu, irrispettivament mid-distanza mill-ajruport ta' Dublin (11).

(21)

L-ATT ġiet abolita b'effett mill-1 ta' April 2014.

2.2.   Il-funzjonament tal-ATT

(22)

Fl-ittra tagħha tat-18 ta' Jannar 2017, l-Irlanda spjegat li biex tiddetermina r-rata tat-taxxa pagabbli, kif ipprovdut fil-gwida maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarji tad-Dħul (“il-Kummissarji tad-Dħul”) fit-30 ta' Marzu 2009 (ara l-premessa 84)), il-linja tal-ajru jeħtieġ li tikkunsidra l-vjaġġ fl-intier tiegħu, fil-każ ta' vjaġġi li jikkonsistu f'diversi partijiet. L-Irlanda tat eżempju ta' titjira b'żewġ partijiet, bl-ewwel parti tkun Dublin – Shannon, u t-tieni parti tkun Shannon – New York. Shannon mhijiex aktar minn 300 km 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin, filwaqt li New York hija aktar minn 300 km 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin. Id-destinazzjoni finali (New York) hija aktar minn 300 km 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin. B'hekk, skont l-Irlanda, peress li jenħtieġ li jitqies il-vjaġġ kollu (jiġifieri minn Dublin sa New York), it-titjira hija soġġetta għall-ATT bir-rata ta' EUR 10. It-tluq minn Shannon jista' jiġi injorat, fis-sens li ma hi dovuta ebda ATT (addizzjonali), diment li l-passiġġier jidħol fid-definizzjoni ta' “passiġġier fi trasferiment” jew “passiġġier fi transitu” fl-Ajruport ta' Shannon skont it-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi. Għaldaqstant, il-linja tal-ajru kellha tqis il-vjaġġ kollu u tapplika r-rata rilevanti xierqa għad-destinazzjoni finali (12).

(23)

Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Air Lingus, li ġabret l-ATT matul il-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2014 skont il-gwida maħruġa mill-Kummissarji tad-Dħul ikkonfermat li l-ATT ma kinitx tapplika għal segmenti partikolari ta' vjaġġ. Minflok, l-event taxxabbli kien vjaġġ li beda fl-Irlanda u t-taxxa dovuta kienet tiddependi fuq id-destinazzjoni finali ddikjarata fuq il-biljett, irrispettivament minn jekk il-passiġġier ħax titjira waħda jew aktar sabiex jasal għad-destinazzjoni finali.

(24)

Rigward ir-rata tal-ATT, l-Irlanda ddikjarat li matul il-perjodu mit-30 ta' Marzu 2009 sal-1 ta' Marzu 2011, ir-rata aktar baxxa ta' EUR 2 għal kull passiġġier kienet tapplika biss fejn id-destinazzjoni finali tal-vjaġġ kollu, irrispettivament mill-għadd ta' titjiriet fil-vjaġġ, kienet f'distanza ta' 300 km mill-ajruport ta' Dublin, filwaqt li r-rata ogħla ġiet applikata “f'kull każ ieħor”. Skont l-Irlanda, ir-rata aktar baxxa (EUR 2) kienet eċċezzjoni għar-regola ġenerali.

(25)

It-Tabella 1, tagħrif mogħti mill-Irlanda, tispjega kif ġiet applikata l-ATT, qabel u wara l-introduzzjoni ta' rata tal-ATT unika għat-tluq kollu taxxabbli fl-2011.

Tabella 1

Eżempji ta' vjaġġi u t-taxxa pagabbli qabel u wara t-tibdil fir-rata tal-ATT fl-2011

 

Perjodu

Tluq

Waqfa

Destinazzjoni

Taxxa pagabbli (EUR)

(a)

30.3.2009 sa 1.3.2011

Dublin

Shannon

New York

10

(b)

2.3.2011 sa 31.3.2014

Dublin

Shannon

New York

3

(c)

30.3.2009 sa 1.3.2011

Dublin

Xejn

New York

10

(d)

2.3.2011 sa 31.3.2014

Dublin

Xejn

New York

3

(e)

30.3.2009 sa 1.3.2011

Dublin

Cork

Cardiff

2

(f)

2.3.2011 sa 31.3.2014

Dublin

Cork

Cardiff

3

(g)

30.3.2009 sa 1.3.2011

Dublin

Xejn

Cardiff

2

(h)

2.3.2011 sa 31.3.2014

Dublin

Xejn

Cardiff

3

(i)

30.3.2009 sa 31.3.2014

New York

Shannon

Dublin

Xejn

(j)

30.3.2009 sa 31.3.2014

New York

Xejn

Dublin

Xejn

(26)

Skont l-Irlanda, l-eżempji stabbiliti fit-Tabella 1 jistgħu jkunu spjegati kif ġej:

(a)

Id-destinazzjoni finali hija New York (aktar minn 300 km mill-ajruport ta' Dublin), għalhekk it-titjira hija soġġetta għar-rata ta' EUR 10 tal-ATT. It-tluq mill-waqfa f'Shannon huwa eżenti mill-ATT, peress li l-passiġġier huwa passiġġier fi transitu jew fi trasferiment fl-ajruport ta' Shannon;

(b)

Bħal (a), ħlief li r-rata unika ta' EUR 3 tapplika matul dan il-perjodu;

(c)

Id-destinazzjoni finali hija New York (aktar minn 300 km mill-ajruport ta' Dublin), għalhekk it-titjira hija soġġetta għar-rata ta' EUR 10 tal-ATT;

(d)

Bħal (c), ħlief li r-rata unika ta' EUR 3 tapplika matul dan il-perjodu;

(e)

Id-destinazzjoni finali hija Cardiff (inqas minn 300 km mill-ajruport ta' Dublin), għalhekk it-titjira hija soġġetta għar-rata ta' EUR 2 tal-ATT. It-tluq mill-waqfa f'Cork hija eżenti mill-ATT, peress li l-passiġġier huwa passiġġier fi transitu jew fi trasferiment fl-ajruport ta' Cork;

(f)

Bħal (e), ħlief li r-rata unika ta' EUR 3 tapplika matul dan il-perjodu;

(g)

Id-destinazzjoni finali hija Cardiff (inqas minn 300 km mill-ajruport ta' Dublin), għalhekk it-titjira hija soġġetta għar-rata ta' EUR 2 tal-ATT;

(h)

Bħal (g), ħlief li r-rata unika ta' EUR 3 tapplika matul dan il-perjodu;

(i)

Ma titħallasx l-ATT fuq dan il-vjaġġ. L-ajruport tat-tluq (New York) mhuwiex fl-Irlanda u t-tluq mill-waqfa f'Shannon huwa eżenti, peress li l-passiġġier huwa passiġġier fi transitu jew fi trasferiment f'dan l-ajruport. Din il-pożizzjoni kienet tapplika qabel u wara l-emenda tar-rati fl-2011;

(j)

Ma titħallasx l-ATT fuq dan il-vjaġġ. L-ajruport tat-tluq mhuwiex fl-Irlanda.

(27)

Dawn l-eżempji ma jinkludux is-sitwazzjoni ta' vjaġġ li jibda u jintemm barra mill-Irlanda iżda li jinkludi waqfa fl-Irlanda, pereżempju Londra-New York b'waqfa fl-Ajruport ta' Dublin. Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet kollha li tat l-Irlanda, ma hemmx dubju li ebda ATT ma tkun dovuta għal vjaġġ bħal dan. Tabilħaqq, it-tluq minn Londra ma jkunx soġġett għall-ATT, peress li l-ajruporti ta' Londra mhumiex ajruporti skont id-definizzjoni tat-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi peress li mhumiex fl-Irlanda, u t-tluq minn Dublin ma jiġix intaxxat diment li l-passiġġier jikkwalifika bħala passiġġier fi transitu jew fi trasferiment.

(28)

Skont l-informazzjoni li tat l-Irlanda, l-ATT ġiet introdotta bħala tweġiba għall-isfidi finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali sabiex jiżdied id-dħul. L-Irlanda ma semmiet ebda għan ieħor bħall-protezzjoni tal-ambjent.

2.3.   Id-Deċiżjoni tal-2011

(29)

Kif indikat fil-premessa 6, id-Deċiżjoni tal-2011 ġiet adottata fi tmiem l-istadju ta' investigazzjoni preliminari li kien beda fil-21 ta' Lulju 2009.

(30)

Sabiex tevalwa jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment kienx selettiv, il-Kummissjoni l-ewwel identifikat is-sistema fiskali rilevanti ta' referenza. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għan u l-istruttura tas-sistema tal-ATT kienu li jiġu ntaxxati l-passiġġieri li jitilqu minn ajruport fl-Irlanda sabiex jiżdied id-dħul għall-baġit tal-Istat. Mill-informazzjoni li tat l-Irlanda, il-Kummissjoni kienet fehmet li l-ewwel parti ta' vjaġġ li jinkludi diversi partijiet dejjem kienet eżenti mill-ATT. L-Irlanda tat ukoll l-eżempji ta' vjaġġi minn New York għal Dublin u minn Dublin għal New York b'waqfa u mingħajr waqfa f'Shannon u bir-rati applikabbli tal-ATT. B'hekk, is-sistema ta' referenza kienet mifhuma bħala taxxa li titħallas għal kull tluq ta' passiġġier f'ajruplan minn ajruport fl-Irlanda. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu kienu passiġġieri li jitilqu minn ajruport Irlandiż u b'hekk jidhru li huma parti minn dik is-sistema ta' referenza. B'hekk l-esklużjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kinitx taqa' fl-applikazzjoni normali ta' dak il-qafas ġenerali tat-taxxa.

(31)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk l-esklużjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu mill-ATT kinitx iġġustifikata mit-tip jew mill-prinċipji ġenerali tas-sistema fiskali fl-Istat Membru. Hija sabet li l-iskop tal-ATT kien li tkun newtrali fir-rigward tar-rotta magħżula biex wieħed jasal fid-destinazzjoni finali, kemm jekk kien hemm waqfa kif ukoll jekk le, u li tiġi evitata t-taxxa doppja. Skont id-Deċiżjoni tal-2011, kieku l-ATT kienet ġiet applikata għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, il-linja tal-ajru kien ikollha tħallas dik it-taxxa darbtejn għal vjaġġ b'waqfa. Għaldaqstant ġie konkluż li l-eżenzjoni mill-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, li wasslet biex il-passiġġieri jiġu intaxxati bl-istess mod irrispettivament mir-rotta tal-vjaġġ, kienet taqa' fin-natura u l-loġika tas-sistema fiskali rilevanti.

(32)

Minn dawk l-elementi l-Kummissjoni ddeduċiet li l-esklużjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu mill-ATT kienet fin-natura u l-loġika tas-sistema fiskali identifikata (13).

2.4.   Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512/11

(33)

Kif indikat fil-premessa 10, bis-sentenza tagħha fil-Kawża T-512/11, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-2011 peress li din id-Deċiżjoni tal-2011 sabet li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

(34)

Il-Qorti Ġenerali sabet li investigazzjoni preliminari ta' madwar sentejn kienet taqbeż sew il-perjodu ġeneralment meħtieġ għal investigazzjoni preliminari li ssir skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

(35)

Ikkunsidrat ukoll li l-eżami tal-Kummissjoni la kien komplut u lanqas suffiċjenti. B'mod partikolari, il-Qorti Ġenerali sabet li kien hemm inkonsistenzi bejn il-kontenut tal-ittra mill-Irlanda datata l-15 ta' Ottubru 2009, imsemmija fil-premessa 4), u d-Deċiżjoni tal-2011.

(36)

F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni aċċettat l-opinjoni tal-Irlanda li l-parti tal-vjaġġ eżenti mill-ħlas tal-ATT kienet l-ewwel parti, anki jekk l-eżempji mogħtija fit-tabella stipulata fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni tal-2011 ma kinux isostnu din il-konklużjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, għalkemm dan jista' jkun il-każ tal-eżempju ta' passiġġieri li telqu minn Dublin lejn New York b'waqfa f'Shannon, li kienu soġġetti għall-ħlas tal-ATT, għall-kuntrarju, ma kienx ċar, u l-Kummissjoni ma spjegatx, għalfejn il-passiġġieri li ħadu r-rotta opposta, jiġifieri minn New York lejn Dublin bl-istess waqfa, ma kellhomx iħallsu l-ATT għat-tluq mill-ajruport ta' Shannon fejn saret il-waqfa.

(37)

Barra minn hekk, bir-referenza għall-fatt li, skont l-awtoritajiet Irlandiżi, ir-raġunijiet ta' newtralità jwasslu wkoll għall-eżenzjonijiet għall-istess kategoriji ta' passiġġieri mogħtija minn sistemi oħrajn ta' tassazzjoni fuq l-ivvjaġġar bl-ajru li jeżistu fi Stati Membri oħrajn, għalkemm saret referenza espliċita għar-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali sabet li d-Dazju fuq il-Passiġġieri li Jivvjaġġaw bl-Ajru fis-seħħ fir-Renju Unit ma setax iservi ta' mudell ta' referenza rilevanti f'dan il-każ peress li jipprovdi li hija dejjem l-ewwel parti tal-vjaġġ li hija soġġetta għall-ħlas tat-taxxa, li ma kienx jikkorrispondi għall-opinjoni appoġġjata mill-awtoritajiet Irlandiżi fl-ittra tagħhom datata l-15 ta' Ottubru 2009 u kkonfermata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2011.

(38)

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li l-ittra datata l-15 ta' Ottubru 2009 ma kinitx tirreferi b'mod espliċitu għall-ħtieġa li tiġi evitata t-taxxa doppja. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Irlanda kienet offriet li tikkunsidra li taġġusta l-liġi dwar il-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, billi tneħħi r-rekwiżit għal prenotazzjoni waħda bħala parti mid-definizzjoni ta' passiġġier fi trasferiment u li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar dik id-dikjarazzjoni.

(39)

Dawn l-inkonsistenzi pprovdew il-bażi biex jiġi konkluż li, meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-2011, ma kellhiex l-informazzjoni biex twettaq analiżi kompluta biżżejjed tas-selettività tal-miżura u biex tikkonkludi li r-regoli għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni ma kinux dubjużi.

(40)

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe analiżi tal-kompatibbiltà possibbli tal-miżura kkontestata mas-suq intern, il-Kummissjoni messha fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali, sabiex tiġbor kull informazzjoni rilevanti sabiex tivverifika li l-miżura kkontestata ma kinitx selettiva u sabiex possibbilment tikkonkludi li l-miżura ma kinitx għajnuna mill-Istat, u sabiex tippermetti lill-applikant u lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward dik il-proċedura.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(41)

Wara s-sentenza fil-Kawża T-512/11, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali sabiex tiġbor informazzjoni biex tivverifika li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx selettiv u sabiex tippermetti lill-applikant u lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward dik il-proċedura.

(42)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għat-tluq tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu rriżulta f'telf fid-dħul mit-taxxa għall-Istat u għaldaqstant kien iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat u deher li kien jagħti vantaġġ lil-linji tal-ajru li bbenefikaw minnu. Barra minn hekk, fl-istadju tal-ftuħ tal-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu kien selettiv.

(43)

Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod preliminari li peress li l-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) TFUE setgħu a priori jkunu ssodisfati, il-miżura tista' tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-operaturi tal-linji tal-ajru li operaw ir-rotot li bbenefikaw mill-eżenzjoni mill-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu.

(44)

Għaldaqstant il-Kummissjoni stiednet lill-Irlanda terġa' tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha għall-adozzjoni tal-ATT u tispjega għalfejn l-ATT ma kinitx tapplika għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu.

(45)

Il-Kummissjoni stiednet lill-Irlanda tistabbilixxi wkoll fid-dettall kif għandha tiġi interpretata t-Taqsima 55 tal-Att dwar il-Finanzi. Il-Kummissjoni talbet biex l-Irlanda tipprovdi eżempji ċari ta' kif tapplika l-ATT għall-kategoriji rilevanti kollha tar-rotot, tiċċara jekk l-ATT teżentax b'mod speċifiku t-tieni parti tal-vjaġġ jew, b'mod aktar ġenerali, teżentax lill-passiġġieri kollha fi trasferiment u fi transitu, u sabiex tagħti kull informazzjoni oħra li l-Irlanda tqis utli f'dak ir-rigward. Il-Kummissjoni stiednet lill-Irlanda wkoll tagħti dawn l-eżempji b'rabta mal-perjodi ta' qabel u ta' wara l-emenda introdotta fl-2011 u li biddlet ir-rati tal-ATT.

(46)

Skont is-suppożizzjoni preliminari li s-sistema ta' referenza hija taxxa fuq kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport fl-Irlanda, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu kienx jidderoga mis-sistema ta' tassazzjoni ta' referenza billi ddifferenzja bejn l-operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għan mogħti lis-sistema tat-taxxa tal-Istat Membru kkonċernat, kienu f'sitwazzjonijiet fattwali u legali simili, u għalhekk ta vantaġġ lil ċerti linji tal-ajru.

(47)

Il-Kummissjoni sabet ukoll, madankollu, li l-isem, u tabilħaqq il-kliem, tal-ATT jistgħu jissuġġerixxu li l-prinċipju gwida tagħha huwa li tintaxxa l-vjaġġi bl-ajru minn ajruport fl-Irlanda, minflok kull tluq minn ajruport fl-Irlanda. Skont il-Kummissjoni, taħt din is-suppożizzjoni, in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jidher li jsegwi direttament minn dan il-prinċipju, peress li vjaġġ bl-ajru jista' jinvolvi aktar minn tluq wieħed minn ajruport fl-Irlanda.

4.   IL-KUMMENTI TAL-IRLANDA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(48)

Fil-kummenti tagħha datati t-22 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Irlanda ċaħdet kull suġġeriment li l-eżenzjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

4.1.   Dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Taqsima 55 tal-Att dwar il-Finanzi

(49)

L-Irlanda ddikjarat li l-obbligu li titħallas l-ATT kien definit fl-Att dwar il-Finanzi, li jrid ikun interpretat b'mod strett. Waqt li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza tal-Qorti Suprema Irlandiża, l-Irlanda saħqet li taħt il-liġi Irlandiża, kontribwent jista' jkun biss obbligat iħallas taxxa jew isofri żvantaġġ jekk dan ikun espliċitu fil-liġi u kkwotat mis-sentenza Texaco (l-Irlanda) Ltd vs Murphy (l-Ispettur tat-Taxxi): “Huwa stat tad-dritt stabbilit li ċittadin ma għandux ikun intaxxat sakemm il-lingwaġġ tal-istatut ma jimponix l-obbligu b'mod ċar” (14). Fuq dik il-bażi, l-Irlanda ddikjarat li sabiex tiddetermina jekk vjaġġ kienx soġġett għall-ATT, kien jeħtieġ li tara l-kliem tal-Att dwar il-Finanzi. Kwalunkwe dubju dwar l-applikazzjoni tal-Att dwar il-Finanzi ikun ta' benefiċċju għall-kontribwent.

(50)

Skont it-Taqsima 55(2)(c) tal-Att dwar il-Finanzi, l-ATT tkun “dovuta meta passiġġier jitlaq minn ajruport fuq ajruplan”. F'dan ir-rigward, l-Irlanda nnotat li:

id-definizzjoni ta' “passiġġier” teskludi (soġġett għal ċerti kundizzjonijiet) persuni b'diżabilità, jew taħt is-sentejn, jew il-passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu.

id-definizzjoni ta' “ajruport” teskludi wkoll ċerti vjaġġi, peress li ebda taxxa ma hija dovuta għal tluq minn ajruport li mhux fl-Irlanda u minn ċerti ajruporti b'għadd żgħar ta' passiġġieri (15).

id-definizzjoni ta' “inġenju tal-ajru” teskludi ajruplani li ma jistgħux iġorru aktar minn 20 passiġġier, u teskludi wkoll l-ajruplani użati għal skopijiet militari u tal-Istat.

(51)

Fid-dawl tal-premessa 50, l-Irlanda kkunsidrat li ma kienet dovuta ebda ATT fir-rigward tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, irrispettivament mill-parti tal-vjaġġ ikkonċernata. L-Irlanda kkonfermat li t-tieni parti tal-vjaġġ ma kinitx awtomatikament eżentata mit-taxxa. Skont l-Irlanda, it-tieni parti ta' vjaġġ setgħet kienet jew ma kinitx intaxxata, skont l-applikazzjoni tat-Taqsima 55 tal-Att dwar il-Finanzi għall-fatti, inkluż jekk il-passiġġier kienx passiġġier fi trasferiment jew fi transitu (l-istess kien japplika għall-ewwel parti ta' vjaġġ). Id-definizzjoni ta' “ajruport” tista' teskludi wkoll ċerti vjaġġi, peress li ebda ATT ma kienet dovuta għat-tluq minn ajruport barra l-Irlanda.

(52)

L-Irlanda rrimarkat li l-esklużjonijiet tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu huma normali fit-taxxi fuq l-ivvjaġġar bl-ajru implimentati minn pajjiżi oħrajn, pereżempju r-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja. L-Irlanda sostniet li r-regoli għal kull taxxa għandhom jinqraw fil-kuntest tal-liġi nazzjonali rilevanti.

4.2.   Dwar l-interpretazzjoni tal-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu

(53)

L-Irlanda kkummentat dwar il-paragrafu 88 tas-sentenza fil-Kawża T-512/11, li jirrigwarda din id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 20 tad-Deċiżjoni tal-2011: “Fir-rigward tan-nuqqas ta' applikazzjoni tat-taxxa fuq il-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, l-awtoritajiet Irlandiżi jiddikjaraw li l-fatt li kull parti inizjali ta' vjaġġ sħiħ mhijiex soġġetta għat-taxxa jiżgura li l-passiġġier ma jiġix ikkastigat minħabba li rotta tinkludi waqfa sabiex jasal fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu”. Fil-paragrafu msemmi hawn fuq tas-sentenza tagħha fil-Kawża T-512/11, il-Qorti Ġenerali kienet indikat li filwaqt li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni li tiddubita l-informazzjoni fl-ittra tal-Irlanda datata l-15 ta' Ottubru 2009, li fuqha hija bbażata l-premessa 20 tad-Deċiżjoni tal-2011, baqa' l-fatt li anki wara l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Irlandiżi li kull parti inizjali ta' vjaġġ li tinkludi waqfa hija eżenti mill-ħlas tal-ATT, l-eżempji prodotti fit-tabella stipulata fil-paragrafu 9 tad-Deċiżjoni tal-2011 ma setgħux isostnu dik l-interpretazzjoni. Il-Qorti Ġenerali indikat li ma kienx ċar, u l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn il-passiġġieri li jivvjaġġaw minn New York lejn Dublin b'waqfa f'Shannon mhumiex soġġetti għall-ħlas tal-ATT għat-tluq mill-ajruport ta' Shannon fejn saret il-waqfa. L-Irlanda rreferiet għall-paragrafu 13 tal-ittra tagħha tal-15 ta' Ottubru 2009, li tgħid “Fir-rigward tal-passiġġieri fi trasferiment, l-eżenzjoni sempliċiment tiżgura li l-ewwel parti ta' vjaġġ sħiħ mhijiex soġġetta għall-ATT”. L-Irlanda rrimarkat li l-paragrafu jsegwi minn deskrizzjoni ta' titjira minn Dublin lejn New York b'waqfa f'Shannon u kien korrett fil-kuntest ta' vjaġġ bħal dan, iżda ma kienx korrett sabiex jikkaratterizzaha bħala regola ġenerali li permezz tagħha l-parti inizjali ta' kull vjaġġ qatt ma tkun intaxxata taħt l-ATT.

(54)

Fir-rigward tal-eżempju mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-paragrafu 88 tas-sentenza fil-Kawża T-512/11, li jinvolvi vjaġġ minn New York għal Dublin b'waqfa f'Shannon, l-Irlanda spjegat li ebda ATT ma hi dovuta fir-rigward ta' kwalunkwe parti li tifforma dak il-vjaġġ minħabba l-kliem tal-Att dwar il-Finanzi, b'mod partikolari:

l-ewwel parti (New York għal Shannon) hija eżenti peress li t-taxxa tinġabar biss fuq it-tluq mill-ajruporti Irlandiżi.

it-tieni parti (Shannon għal Dublin) hija eżenti peress li fl-ajruport ta' Shannon, il-passiġġier jikkwalifika bħala passiġġier fi transitu jew fi trasferiment kif definit fit-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi.

(55)

L-Irlanda kkonkludiet li l-vjaġġ kollu minn New York għal Dublin b'waqfa f'Shannon ikun eżenti mill-ATT minħabba l-kliem tal-Att dwar il-Finanzi. Skont l-Irlanda, l-ispjegazzjonijiet fl-ittra tagħha datata l-15 ta' Ottubru 2009 kienu maħsuba sabiex jiċċaraw il-liġi iżda mhumiex vinkolanti.

4.3.   Dwar il-loġika għall-eżenzjoni ta' passiġġieri fi transitu jew fi trasferiment u s-sistema ta' referenza li għandha tintuża biex tiġi vvalutata

(56)

Rigward ir-raġunijiet għalfejn il-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu kienu eżenti, l-Irlanda spjegat li ma kienx xieraq li tintaxxa titjiriet individwali separatament jekk fir-realtà kienu parti minn vjaġġ wieħed. F'dak ir-rigward, l-Irlanda rreferiet:

għat-test tad-definizzjoni ta' “passiġġier fi trasferiment” jew “fi transitu” għall-finijiet tal-ATT, skont it-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi (id-dispożizzjoni hija kkwotata fil-premessa 18);

għat-test tal-ittra tal-Irlanda lill-Kummissjoni, datata l-15 ta' Ottubru 2009, li fiha l-Irlanda spjegat li l-ATT kienet maħsuba biex tintaxxa vjaġġ wieħed, anki jekk il-vjaġġ kien maqsum f'diversi partijiet.

(57)

B'mod partikolari, l-Irlanda rreferiet għax-xenarju ipotetiku ta' titjira mill-Istati Uniti li kellha waqfa f'Shannon u mbagħad kompliet għal Dublin u li pprovdiet lill-Kummissjoni fl-ittra tagħha datata l-15 ta' Ottubru 2009. Il-passaġġ tat-test kien jgħid li “it-titjira hija b'mod ċar Stati Uniti-Dublin, u l-fatt tal-waqfa ma għandu jiġġenera ebda obbligu ta' ATT”. Meta ddeskriva titjira fid-direzzjoni opposta, it-test kien jgħid li “għat-titjiriet li jħallu l-pajjiż b'wafqa, l-uniku għan tal-eżenzjoni huwa li jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet tal-vjaġġ ma jiġux intaxxati separatament”. Skont l-Irlanda, dan enfasizza li l-vjaġġ minn Dublin lejn l-Istati Uniti kien meqjus bħala vjaġġ wieħed u għaldaqstant kellu jkun soġġett għall-ATT darba, anki jekk kien jinvolvi diversi partenzi.

(58)

L-Irlanda ddikjarat li din kienet ir-raġuni għala t-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi teskludi b'mod espliċitu passiġġieri fi “trasferiment” u fi “transitu”, kif definiti f'dik it-taqsima, mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ATT.

(59)

Meta kkunsidrat is-sistema ta' referenza meqjusa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ jew bħala (i) taxxa mħallsa fuq kull tluq, jew inkella (ii) taxxa mħallsa fuq kull vjaġġ, li jista' jinvolvi diversi partijiet, l-Irlanda ssuġġeriet li l-għan tal-ATT kien li kull vjaġġ jiġi ntaxxat darba biss. Skont l-Irlanda, ikun aktar eżatt jekk wieħed iqis l-ATT bħala taxxa fuq il-vjaġġi minflok taxxa fuq it-tluq. It-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi tirreferi għat-“tluq” bħala l-iskattatur tal-ATT. Id-definizzjonijiet u t-taqsimiet tal-Att dwar il-Finanzi deskritti fil-premessi 18 u 19 juru, madankollu, li s-servizz li kien intaxxat kien il-vjaġġ u li l-għan reali kien li jiġu ntaxxati l-vjaġġi u mhux it-tluq.

4.4.   Dwar id-distinzjoni bejn linji tal-ajru minn punt għal punt u oħrajn

(60)

L-Irlanda sostniet li l-valutazzjoni ta' jekk l-operaturi tal-linji tal-ajru li jipprovdu biss servizzi minn punt għal punt u dawk li jipprovdu titjiriet konnessi humiex f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan mogħti lis-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat tista' biss tkun raġuni sekondarja għaċ-ċaħda tal-ilment. Is-sottomissjoni ewlenija tal-Irlanda hija li l-ATT kellha l-għan li tintaxxa l-vjaġġi u mhux it-tluq individwali. Minħabba f'dan, l-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu tirrifletti sempliċiment il-fatt li vjaġġ wieħed jista' jinkludi diversi “partijiet”. L-Irlanda rrimarkat ukoll li l-ATT ma kinitx imfassla biex tivvaforixxi jew tippenalizza xi mudell ta' negozju speċifiku.

4.5.   Dwar in-natura u l-iskema ġenerali tat-taxxa

(61)

Fl-aħħar nett l-Irlanda ddikjarat li jekk l-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu tat xi vantaġġi lil ċerti linji, dan seta' jirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi u gwida tas-sistema fiskali Irlandiża bħall-evitar ta' tassazzjoni doppja jew in-newtralità fiskali.

(62)

Waqt li fakkret il-kliem tal-ittra tagħha tal-15 ta' Ottubru 2009, l-Irlanda spjegat li l-eżenzjoni kienet maħsuba biex tiġi evitata l-applikazzjoni sproporzjonata tal-ATT. B'mod partikolari, kienet maħsuba sabiex tevita d-diskriminazzjoni kontra l-passiġġieri li l-vjaġġ tagħhom kien jinkludi waqfa. Naturalment, din ir-referenza għad-diskriminazzjoni kienet teħtieġ tqabbil bejn (a) il-passiġġieri li l-vjaġġ tagħhom kien jinkludi waqfa u (b) il-passiġġieri b'titjira diretta. Billi l-għan kien li t-tnejn jiġu ttrattati l-istess, dan isostni l-konklużjoni li l-għan tal-ATT kien li tintaxxa kull vjaġġ darba biss.

(63)

L-Irlanda semmiet ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. Għalkemm dan il-prinċipju seta' ma ġiex ikkwotat fl-ittra tal-Irlanda tal-15 ta' Ottubru 2009, dik l-ittra invokat kwistjonijiet ta' ekwità u trattament ugwali li jġiegħlu lill-Istati joqogħdu lura mit-tassazzjoni doppja. Bl-istess mod, l-Irlanda invokat ukoll il-prinċipju tan-newtralità fiskali.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   Kummenti minn Ryanair

(64)

Ryanair hija tal-fehma li l-miżura hija selettiva u għalhekk hija għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u ma taqa' taħt ebda waħda mill-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE.

(65)

Il-linja tal-ajru rrimarkat li l-osservazzjonijiet tagħha għandhom jinqraw fuq l-isfond ta':

l-ilment tagħha lill-Kummissjoni datat il-21 ta' Lulju 2009 kontra l-għoti tal-għajnuna illegali permezz tal-ATT;

l-applikazzjoni tagħha datata l-24 ta' Settembru 2011 lill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512-11, flimkien mal-annessi tagħha;

is-sottomissjonijiet l-oħrajn tagħha bil-miktub u orali datati l-24 ta' Settembru 2011 ippreżentati lill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512/11 inkluża, b'mod partikolari, it-tweġiba tagħha tas-17 ta' Jannar 2012.

5.1.1.   Dwar il-kamp ta' applikazzjoni preċiż tal-ATT, il-ġustifikazzjoni għall-ATT, u r-raġunijiet għan-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT fir-rigward tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu

(66)

Ryanair taqbel li l-esklużjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu fl-eżempju tat-titjira Dublin-Shannon-New York tirrigwarda t-tieni parti tal-vjaġġ. Għaldaqstant, Ryanair targumenta li t-taxxa totali dovuta qabel il-bidla fir-rati b'effett mill-1 ta' Marzu 2011 kellha tkun biss ir-rata l-baxxa ta' EUR 2 (għal Dublin Shannon) minflok dik ta' EUR 10 kif jidher fit-Tabella 1.

(67)

Barra minn hekk, anki jekk l-Irlanda tipprovdi evidenza li l-applikazzjoni ta' din il-miżura fil-prattika kienet konsistenti mal-interpretazzjoni li l-ewwel parti ta' vjaġġ kienet eżenti mill-ATT, fil-fehma ta' Ryanair, dan mhuwiex biżżejjed biex jirrimedja d-distorsjoni riflessa fl-Att dwar il-Finanzi.

5.1.2.   Dwar is-sistema ta' tassazzjoni “normali” jew ta' referenza

(68)

Ryanair issostni l-pożizzjoni tagħha dwar id-definizzjoni u r-rilevanza tas-sistema ta' tassazzjoni “normali” jew ta' referenza, sakemm joħroġ l-eżitu tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-164/15 P u C-165/15 P (16). Ryanair targumenta li d-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-sistema ta' tassazzjoni “normali” jew ta' referenza mhijiex konsistenti ma' wħud mill-konklużjonijiet li hija tasal għalihom fil-bqija tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

5.1.3.   Dwar il-kwistjoni ta' jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT fir-rigward tal-passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu jidderogax mis-sistema ta' referenza

(69)

B'referenza għall-paragrafu (44) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u waqt li tikkwota minn dak il-passaġġ testwali, Ryanair tistaqsi kif il-Kummissjoni, abbażi tal-konklużjonijiet preċedenti fuq is-sistema ta' tassazzjoni ta' referenza, targumenta fil-paragrafu (44) li “l-għan tal-ATT huwa li jiġu ntaxxati l-vjaġġi bl-ajru li jibdew f'ajruport fl-Irlanda” iżda mbagħad, mingħajr ebda spjegazzjoni jew analiżi, taqbeż għall-konklużjoni illoġika li fid-dawl ta' dan l-għan “jista' jkun xieraq li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' linji tal-ajru li jipprovdu biss servizzi minn punt għal punt minn dik ta' linji tal-ajru li jipprovdu wkoll servizzi li jinvolvu trasferiment jew transitu f'dawn l-ajruporti” (17). Il-konklużjoni preċedenti li Ryanair tirreferi għaliha tinsab fil-paragrafu (42) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, fejn il-Kummissjoni tadotta l-opinjoni preliminari li s-sistema ta' tassazzjoni ta' referenza hija taxxa li titħallas fuq kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport fl-Irlanda.

(70)

Ryanair tqis il-kwotazzjonijiet fil-paragrafu 44 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ bħala tentattiv biex tiġi ġġustifikata d-distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' linji tal-ajru li jipprovdu servizzi minn punt għal punt u dik ta' linji tal-ajru li jipprovdu wkoll servizzi li jinkludu trasferiment jew transitu. Ryanair tqis tali distinzjoni bħala difettuża u mhux mixtieqa, peress li evidentement twitti t-triq għal deċiżjoni finali li l-miżura investigata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(71)

Fil-kummenti tagħha, Ryanair tirreferi għall-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, fejn il-Kummissjoni, wara li qieset il-prattika tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-kontroll tal-fużjonijiet fl-Unjoni, tispjega li s-servizzi li jinvolvu trasferiment jew transitu jikkostitwixxu, mill-perspettiva tal-klijent, vjaġġ mill-ajruport tal-oriġini għall-ajruport tad-destinazzjoni u mhux żewġ vjaġġi separati. Fil-fehma ta' Ryanair, meta l-Kummissjoni tagħmel dan, qed tħallat l-eżerċizzju tekniku ferm ristrett li jiddefinixxi swieq ta' prodotti rilevanti f'każijiet ta' fużjoni mal-kunċett ta' “sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli” fil-każijiet ta' għajnuna mill-Istat. B'referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti u d- Deċiżjoni tal-Ftuħ (18), Ryanair tissottometti li l-kunċett ta' “sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli” mhuwiex iddeterminat permezz tas-sostitwibbiltà tad-domanda u l-provvista (li, skont Ryanair, huma kriterji li tipikament jintużaw fl-analiżijiet tal-fużjonijiet u f'każijiet oħrajn ta' kompetizzjoni, u li hawnhekk il-Kummissjoni bbażat fuqhom), iżda huwa funzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-iskema taħt kunsiderazzjoni.

(72)

Is-“sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli” fil-każijiet ta' għajnuna mill-Istat skont Ryanair huma kważi dejjem ħafna usa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom mis-“swieq tal-prodotti rilevanti” fil-każijiet ta' fużjoni, peress li l-għanijiet imfittxija mill-iskema domestika f'dan il-każ ta' għajnuna mill-Istat jew f'oħrajn ma kellhom xejn x'jaqsmu mad-definizzjoni ta' suq tal-prodott rilevanti fil-każijiet ta' kontroll tal-fużjonijiet. F'dak ir-rigward, Ryanair terġa' tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti fejn il-Qorti ma ddelimitatx is-“sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli” abbażi tal-perspettiva tal-klijenti jew tal-mudelli ta' negozju tal-benefiċjarji, bħalma qed tipproponi li tagħmel il-Kummissjoni f'din id-Deċiżjoni.

(73)

Fil-kummenti tagħha, Ryanair tirreferi għall-prattika tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, pereżempju fil-qasam tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard online u tradizzjonali, fejn il-Kummissjoni taċċetta li l-impriżi b'mudelli differenti ta' negozju jkunu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fit-tifsira msemmija fil-premessa 72 (19).

(74)

Ryanair tispjega li jekk is-sistema ta' referenza tal-ATT hija taxxa li tintalab għal kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport fl-Irlanda, l-unika konsegwenza loġika tista' tkun li l-iskema kienet anjostika rigward l-opinjonijiet tal-passiġġieri dwar il-vjaġġ tagħhom jew il-mudell ta' negozju tal-linji tal-ajru kkonċernati. Interpretazzjoni differenti tirrifletti approċċ selettiv, aktar ristrett mill-għan tal-ATT, u b'hekk tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin tal-għajnuna mill-Istat.

(75)

B'mod speċifiku, is-selettività f'din id-Deċiżjoni tirriżulta mill-fatt li għalkemm linji tal-ajru tradizzjonali, li joffru titjiriet ta' trasferiment u ta' transitu, u dawk li jagħmlu biss titjiriet minn punt għal punt (bħal Ryanair) huma f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat, tal-ewwel biss se jgawdu mill-eżenzjoni mill-ATT lill-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu.

(76)

Ryanair tafferma li huwa faċli a priori tiddefinixxi l-benefiċjarji ta' din l-eżenzjoni. Barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-eżenzjoni kienet miftuħa għal-linji tal-ajru kollha, bla ebda diskriminazzjoni. L-ewwel nett, huwa virtwalment impossibbli għal linja tal-ajru li tadatta l-mudell ta' negozju fundamentali tagħha minn punt għal punt għal mudell ta' destinazzjonijiet diretti (hub-and-spoke); sa fejn taf Ryanair, ma hemmx preċedent wieħed ta' tali bidla fis-suq. It-tieni, aġġustament bħal dan ikun imfixkel ulterjorment minn limitazzjonijiet tal-kapaċità fil-maġġoranza tal-ajruporti.

(77)

Bħala konklużjoni, fil-fehma ta' Ryanair, in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu kien deroga ċara mis-sistema ta' referenza u mill-għanijiet imfittxija mill-ATT fis-sens li dak il-kliem huwa interpretat mill-każistika tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, Ryanair tirreferi għas-sottomissjonijiet preċedenti tagħha, fejn tgħid li l-għanijiet mhux iddikjarati iżda reali tal-Irlanda kienu li tappoġġja b'mod selettiv lil ċerti linji tal-ajru domestiċi u tippromwovi lill-ajruport ta' Dublin bħala hub internazzjonali.

5.1.4.   Dwar il-kwistjoni ta' jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jirriżultax direttament mill-prinċipji bażiċi u gwida tagħha

(78)

Ryanair ma taċċettax l-idea li l-eżenzjoni mill-ATT tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu tirriżulta direttament “mill-prinċipji bażiċi u gwida tagħha”. Ryanair tqis id-Deċiżjoni tal-Ftuħ bħala tentattiv biex tiġi ġġustifikata tali konklużjoni minn sett ta' argumenti mgħawġa miġbura flimkien ex post facto mill-Irlanda u l-Kummissjoni sabiex jikkanċellaw l-implikazzjonijiet ċari tas-“sistema ta' referenza” u tal-“għan” tal-ATT, kif definiti qabel fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, permezz tal-kliem dubjuż “prinċipji bażiċi u gwida”.

(79)

Wara li kkunsidrat it-Taqsima 6.1.5 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Ryanair tikkummenta fuq għadd ta' prinċipji li tqis li huma postulati mill-Kummissjoni jew mill-Irlanda jew mit-tnejn:

Dwar iċ-“ċarezza tal-applikazzjoni” (20): Ryanair tqajjem il-kwistjoni dwar jekk [wieħed hux mistenni li jaċċetta li] tali “ċarezza” tinkisibx permezz taċ-ċirkomvenzjoni selettiva tas-sistema ta' referenza u tal-għan tal-ATT.

Dwar l-evitar ta' “applikazzjoni sproporzjonata tal-ATT” (20): Ryanair tqis li dan it-terminu mhuwiex ċar. Ryanair tirreferi għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' kumpaniji li jużaw ħafna elettriku li jirriżultaw mill-iffinanzjar ta' appoġġ lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli (21), u b'mod aktar speċifiku għall-premessa 32 ta' dik id-Deċiżjoni, li tistipula li “Il-miżura hija selettiva wkoll peress li [utenti li jużaw ħafna elettriku] biss f'ċerti setturi speċifiċi jistgħu jibbenefikaw minnha”. Fuq dik il-bażi, Ryanair tikkonkludi li applikazzjoni ġusta u ekwa tal-ATT tipprovdi biss argument ieħor kontra l-eżenzjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni jeħtieġ li ssib li eżenzjoni għal linji tal-ajru li jużaw ħafna l-infrastruttura tal-ajruport minħabba l-mudell ta' destinazzjonijiet diretti tagħhom tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ryanair targumenta li jekk, kif issemmi l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Irlanda allegatament tixtieq li tipproteġi lill-passiġġieri mill-konsegwenzi ta' titjira b'waqfa (20), allura l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna ta' natura soċjali, u l-kompatibbiltà tagħha trid tiġi eżaminata taħt l-Artikolu 107(2) TFUE.

Dwar is-suppożizzjoni li “L-esklużjonijiet tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu huma normali fit-taxxi fuq l-ivvjaġġar bl-ajru implimentati minn pajjiżi oħrajn, pereżempju r-Renju Unit”: B'referenza għall-paragrafi 41 sa 44 tal-Applikazzjoni preċedenti tagħha lill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512/11, Ryanair tiċħad l-argument ta' “prattika internazzjonali komuni”. Ryanair targumenta li r-referenza għar-Renju Unit bħala eżempju allegatament simili mhijiex konsistenti mal-fehim korrett aktar tard tal-Kummissjoni tal-mekkaniżmu tal-ATT diskuss fit-Taqsima 6.1.2 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

Dwar is-suppożizzjoni “L-isem, u tabilħaqq il-kliem, tal-ATT jistgħu jissuġġerixxu li l-prinċipju gwida tagħha huwa li tintaxxa l-vjaġġi bl-ajru minn ajruport fl-Irlanda, minflok kull tluq minn ajruport fl-Irlanda” (22). Skont Ryanair, ma tistax tinżamm din il-pożizzjoni, peress li fid-dispożizzjoni legali rilevanti li tiddefinixxi l-ATT, il-kelma “kull” tintuża darba biss u b'rabta mal-kelma “tluq” biss pjuttost milli mal-kelma “vjaġġ”. Ryanair tenfasizza li “tluq” mhux l-istess bħal “vjaġġ”. Għaldaqstant, il-konġettura tal-Kummissjoni li l-fowkus ta' dan it-test tal-Att dwar il-Finanzi huwa fuq “kull vjaġġ” minflok fuq “kull tluq” kienet sempliċi negazzjoni tal-kliem u t-tifsira ċari tat-test tal-Att dwar il-Finanzi, bl-għan li tiġġustifika dak li mhuwiex ġustifikabbli. B'mod aktar ġenerali, l-isem li Stat Membru jagħti lil miżura mhuwiex fattur li fuqu għandha tibbaża l-liġi tal-Unjoni sabiex tiddetermina jekk dik il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(80)

Rigward it-tul tal-proċedura ta' investigazzjoni preliminari, tal-litigazzjoni u tal-proċeduri ta' investigazzjoni formali, Ryanair tiddikjara li l-fatti rilevanti għandhom ikunu ċari biżżejjed sa issa. Ryanair tinkwieta li, fiċ-ċirkustanzi, il-kumment tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li jista' jkollha bżonn tirrevedi l-konklużjoni attwali tagħha dwar il-konformità tal-eżenzjoni kkontestata mal-“prinċipju bażiku u ta' gwida” tal-ATT, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura fl-investigazzjoni formali ma tantx joffri tama li l-Kummissjoni effettivament se tibdel l-opinjoni tagħha. F'dak ir-rigward, Ryanair tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, ebda informazzjoni jew argument ex post facto ma jistgħu jitħallew jgħawġu l-kliem u l-implikazzjonijiet ċari tal-eżenjoni kkontestata tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jew jintużaw bħala skuża biex ma tinstabx għajnuna f'din id-Deċiżjoni.

5.1.5.   Dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(81)

Ryanair tistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tagħha fid-dawl tas-sottomissjonijiet tagħha.

(82)

Fil-kummenti tagħha, Ryanair taqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li, jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ma taqa' taħt ebda waħda mill-eżenzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE.

5.2.   Kummenti mingħand Aer Lingus

(83)

Aer Lingus issostni li l-eżenzjoni mill-ATT lill-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

is-sistema ta' referenza tal-ATT hija li tintaxxa t-tluq fuq ajruplan minn ajruport Irlandiż b'referenza għall-vjaġġ sħiħ, b'mod li vjaġġ li jikkonsisti f'żewġ titjiriet konnessi jitqies bħala vjaġġ wieħed u li l-vjaġġi li jibdew barra mill-Irlanda mhumiex soġġetti għall-ATT. L-ATT tinġabar darba biss, fir-rigward tal-itinerarju kollu. Abbażi ta' dik is-“sistema ta' referenza tal-vjaġġ”, l-ATT ma tistax titqies selettiva u b'hekk mhijiex għajnuna mill-Istat.

anki jekk il-Kummissjoni kellha ssostni l-opinjoni preliminari tagħha li s-sistema ta' referenza tal-ATT hija bbażata fuq kull tluq ta' titjira minn ajruport Irlandiż, l-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu mhijiex selettiva peress li ma tiddiskriminax bejn l-operaturi ekonomiċi: it-trasportaturi purament minn punt għal punt jiffaċċjaw ċirkustanzi oġġettivament differenti meta mqabbla mal-linji tal-ajru li joperaw servizzi għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu. Fi kwalunkwe każ l-eżenzjoni tkun iġġustifikata wkoll peress li l-eżenzjoni tindirizza t-tħassib tat-tassazzjoni doppja kif ukoll hija allinjata mal-prinċipju gwida tal-ATT li jattribwixxi t-taxxa għall-vjaġġ.

5.2.1.   Dwar l-iskop tal-ATT

(84)

Aer Lingus talbet kjarifika mingħand il-Kummissarji tad-Dħul rigward l-interpretazzjoni tal-Att dwar il-Finanzi. Fit-30 ta' Marzu 2009, il-Kummissarji tad-Dħul bagħtu email lil Aer Lingus fejn iċċaraw l-interpretazzjoni tal-Att dwar il-Finanzi. Aer Lingus issostni li fuq il-bażi ta' dik l-email, huwa ċar mill-interpretazzjoni tat-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi li t-taxxa trid tiġi stabbilita abbażi tad-destinazzjoni finali, irrispettivament minn xi post ta' waqfa intermedju. Aer Lingus tikkonkludi li irrispettivament mill-għadd ta' segmenti li fih vjaġġ, it-taxxa tinġabar fuq il-bażi tad-destinazzjoni finali tal-passiġġier u tiġi vvalutata darba, b'referenza għall-vjaġġ sħiħ, irrispettivament minn jekk jinkludix titjira waħda jew aktar. Il-passaġġ rilevanti mill-email datata t-30 ta' Marzu 2009 jaqra hekk:

“It-titjira tintemm fid-destinazzjoni finali tal-passiġġier skont il-prenotazzjoni tiegħu, tkun xi tkun ir-rotta ppjanata għalih mill-operatur tal-linja tal-ajru lejn id-destinazzjoni tiegħu. Fix-xenarju deskritt minnkom tat-titjiriet transatlantiċi [Shannon-Dublin-Chicago], jekk persuna tipprenota titjira minn Shannon għal Chicago ma' Aer Lingus, ir-rata tat-taxxa li Aer Lingus għandha tapplika hija EUR 10, peress li l-post fejn tintemm it-titjira huwa Chicago, jiġifieri, aktar minn 300 km 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin. Il-fatt li hemm waqfa fir-rotta ma jibdilx dik il-pożizzjoni” (enfasi miżjuda minn Aer Lingus).

(85)

Aer Lingus tqis din l-interpretazzjoni konsistenti mad-definizzjonijiet tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu li jirreferu għall-“vjaġġ” tal-passiġġier aktar milli għat-titjira tal-passiġġier. Skont Aer Lingus, minn dan isegwi li “vjaġġ” jista' jkun kontinwu jew jista' jinkludi waqfa ta' mhux aktar minn sitt sigħat.

5.2.2.   Dwar ir-raġunijiet wara l-intaxxar ta' vjaġġ ta' passiġġier mill-Irlanda u mhux ta' titjira bi trasferiment/transitu

(86)

Skont Aer Lingus, l-eżenzjoni inkwistjoni tagħti effett lill-prinċipju bażiku li t-taxxa trid tiġi stabbilita abbażi tad-destinazzjoni finali, mingħajr ma jitqies xi post ta' waqfa intermedju.

(87)

Aer Lingus targumenta li, barra minn hekk, l-eżenzjoni sservi l-iskop li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja mhux biss fl-Irlanda iżda wkoll lil hinn mill-fruntiera tagħha. F'dak ir-rigward, Aer Lingus tirreferi għal silta mill-email imsemmija fil-premessa 84 li kienet irċeviet mingħand il-Kummissarji tad-Dħul:

“L-effett tad-definizzjoni ta' “passiġġier fi transitu” hija li jiġi evitat li tiġi imposta taxxa separata fuq kull parti tal-vjaġġ (…), fejn it-titjiriet ikunu sa sitt sigħat 'il bogħod minn xulxin. Kieku t-titjiriet kienu aktar minn sitt sigħat 'il bogħod minn xulxin, l-eżenzjoni tal-“passiġġier fi transitu” ma tapplikax u kull element tal-vjaġġ ikollu jiġi ntaxxat separatament (jiġifieri, żewġ partenzi, kull waħda soġġetta għar-rata xierqa tal-ATT)” (enfasi miżjuda minn Aer Lingus).

(88)

Fuq il-bażi tas-silta msemmija fil-premessa 87, Aer Lingus tikkonkludi li jekk passiġġier li jitlaq fuq titjira li hija parti minn itinerarju b'żewġ segmenti (jew aktar) minn ajruport Irlandiż huwiex soġġett għall-ATT jew le jiddependi l-ewwel nett fuq il-post tat-tluq tal-ewwel titjira, u t-tieni fuq il-post tal-wasla tad-destinazzjoni finali. Dan jevita:

li l-ATT tapplika għal aktar minn parti waħda tal-vjaġġ; u

li l-ATT tapplika għal parti waħda mill-vjaġġ filwaqt li taxxa ekwivalenti ta' ġurisdizzjoni oħra diġà tapplika għall-istess vjaġġ.

(89)

Aer Lingus tispjega li l-eżenzjoni inkwistjoni mhijiex unika għall-ATT tal-Irlanda iżda karatteristika inerenti ta' skemi oħrajn ta' taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. F'dak ir-rigward, Aer Lingus tindika l-applikazzjoni tad-dazju tal-passiġġieri (air passenger duty — “APD”) fir-Renju Unit li tittratta lit-titjiriet konnessi bħala vjaġġ wieħed minflok żewġ vjaġġi separati, diment li l-konnessjoni tissodisfa ċerti rekwiżiti speċifiċi (23). Aer Lingus tkompli tispjega li filwaqt li d-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi “titjira konnessa” tiddependi fuq għadd ta' fatturi, inkluż l-intervall ta' ħin bejn it-titjiriet rilevanti u jekk il-konnessjoni hijiex għal titjira interna fir-Renju Unit jew titjira internazzjonali, il-prinċipju prevalenti, fil-fehma ta' Aer Lingus, huwa li t-titjiriet konnessi huma ttrattati bħala vjaġġ wieħed u l-APD jinġabar biss fuq vjaġġi meqjusa li bdew fir-Renju Unit. B'eċċezzjoni, it-titjiriet li jaslu u jitilqu mill-istess pajjiż ma jitqisux li huma konnessi (pereżempju, Pariġi-Londra-Marsilja) u l-APD jinġabar fuq titjiriet li jibdew fir-Renju Unit. Aer Lingus tinnota wkoll li sabiex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni fuq it-titjiriet konnessi, it-titjiriet konnessi jridu jidhru fuq l-istess biljett jew biljetti konġunti u l-awtokonnessjonijiet għalhekk ma jikkwalifikawx għal din l-eżenzjoni.

(90)

Aer Lingus issemmi aktar eżempji ta' taxxi (24):

Franza: L-Aviation Civile Taxe Franċiża teżenta lill-passiġġieri f'konnessjoni f'ajruport Franċiż (waqfa ta' inqas minn 24 siegħa) u lill-passiġġieri fi transitu dirett (l-istess ajruplan u numru tat-titjira). It-taxxa tiġi kkalkulata b'referenza għall-punt finali tal-vjaġġ b'biljett wieħed.

L-Awstrija: Taxxa kkalkulata b'referenza għall-iktar punt 'il bogħod muri f'itinerarju b'biljett wieħed b'titjira konnessa jekk it-trasferiment ikun fi żmien 24 siegħa.

Il-Ġermanja: Taxxa fuq il-bażi tal-ibgħad punt ġeografiku muri fuq il-biljett; tapplika regola ta' 12 jew 24 siegħa, skont il-pajjiż ta' trasferiment.

5.2.3.   Dwar l-applikazzjoni tal-ATT qabel u wara l-2011

(91)

It-Tabella 2 turi l-eżempji li ġabet Aer Lingus sabiex tispjega l-applikazzjoni tal-ATT u r-raġunijiet għall-eżenzjoni tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu.

Tabella 2

Eżempji tal-applikazzjoni tal-ATT qabel u wara l-2011 mogħtija minn Air Lingus

Rotta

Qabel l-2011 (EUR)

Wara l-2011 (EUR)

Avveniment taxxabbli

1

Dublin-New York

10

3

Tluq minn ajruport Irlandiż

Distanza tal-vjaġġ: aktar minn 300 km

2

New York-Dublin

0

0

Ebda tluq minn ajruport Irlandiż

Possibbilment soġġett għat-taxxa tal-Istati Uniti

3

Dublin-Manchester

2

3

Tluq minn ajruport Irlandiż

Distanza tal-vjaġġ: inqas minn 300 km

4

Manchester-Dublin

0

0

Ebda tluq minn ajruport Irlandiż

Possibbilment soġġett għat-taxxa tar-Renju Unit

5

Londra-Dublin-New York

Waqfa: inqas minn sitt sigħat

0

0

Tluq minn ajruport fir-Renju Unit mhux soġġett għat-taxxa Irlandiża iżda soġġett għat-taxxa tar-Renju Unit

Tluq minn ajruport Irlandiż eżenti minħabba li huwa trasferiment kif definit

6

Londra-Dublin-New York

Waqfa: aktar minn sitt sigħat

10

3

Tluq minn ajruport fir-Renju Unit mhux soġġett għat-taxxa Irlandiża iżda soġġett għat-taxxa tar-Renju Unit

Tluq minn ajruport Irlandiż soġġett għat-taxxa Irlandiża peress li mhux trasferiment kif definit: distanza tal-vjaġġ aktar minn 300 km

7

New York-Shannon-Dublin

Waqfa: inqas minn sitt sigħat

0

0

Tluq minn ajruport fl-Istati Uniti mhux soġġett għat-taxxa Irlandiża iżda aktarx soġġett għat-taxxa tal-Istati Uniti

Tluq minn ajruport Irlandiż eżenti mit-taxxa Irlandiża peress li huwa trasferiment kif definit

8

New York-Shannon-Dublin

Waqfa: aktar minn sitt sigħat

2

3

Tluq minn ajruport fl-Istati Uniti mhux soġġett għat-taxxa Irlandiża iżda aktarx soġġett għat-taxxa tal-Istati Uniti

Tluq minn ajruport Irlandiż soġġett għat-taxxa Irlandiża peress li mhux trasferiment kif definit: distanza tal-vjaġġ aktar minn 300 km

9

Dublin-Shannon-New York

Waqfa: inqas minn sitt sigħat

10

3

Tluq minn ajruport Irlandiż (DUB): soġġett għat-taxxa Irlandiża

Tluq minn ajruport Irlandiż (SNN) mhux soġġett għat-taxxa Irlandiża peress li huwa trasferiment kif definit

Distanza tal-vjaġġ: aktar minn 300 km

10

Dublin-Shannon-New York

Waqfa: aktar minn sitt sigħat

12

6

Tluq minn ajruport Irlandiż (DUB): soġġett għat-taxxa Irlandiża u d-distanza tal-vjaġġ hija inqas minn 300 km

Tluq minn ajruport Irlandiż (SNN) soġġett għat-taxxa Irlandiża peress li mhux trasferiment kif definit; distanza tal-vjaġġ aktar minn 300 km

(92)

Aer Lingus ikkummentat fuq it-Tabella 2:

It-Tabella 2 tagħti eżempji tal-ATT miġbura fil-prattika fuq diversi rotot, f'konformità mal-gwida kontemporanja pprovduta mill-Kummissarji tad-Dħul (kif imsemmi fil-premessi 84 u 87);

l-eżempji 1 sa 4, li huma kollha titjiriet bi vjaġġ wieħed, jispjegaw li t-titjira trid titlaq minn ajruport Irlandiż biex tkun event taxxabbli taħt l-ATT Irlandiża;

l-eżempji 5 sa 8, li jinvolvu vjaġġi li ma jibdewx fl-Irlanda, jiddeskrivu kif l-eżenzjoni tevita li passiġġier ikollu jħallas taxxa fuq it-trasport bl-ajru f'ġurisdizzjonijiet differenti għall-istess vjaġġ; u li waqfa ma tridx tkun itwal minn sitt sigħat;

l-eżempji 9 u 10, li jinvolvu vjaġġi li jibdew fl-Irlanda b'titjira konnessa fl-Irlanda, jiddeskrivu kif l-eżenzjoni tevita li passiġġier ikun soġġett għall-ATT aktar minn darba, diment li waqfa ma tkunx itwal minn sitt sigħat; u li t-taxxa hija kkalkulata b'referenza għall-vjaġġ sħiħ.

5.2.4.   Dwar l-applikazzjoni tal-ATT minn Aer Lingus u l-eżenzjoni għal trasferiment/transitu

(93)

Aer Lingus tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ fejn saret referenza għal ittra mill-Irlanda datata l-15 ta' Ottubru 2009, fejn huwa spjegat li fil-każ ta' vjaġġ li jinkludi diversi partijiet, l-ATT teżenta l-ewwel parti ta' vjaġġ bħal dan (25). Aer Lingus tisħaq li hija ma tirrikonoxxix dan il-prinċipju u ma tistax tispjega għalfejn ġie ssuġġerit.

(94)

Skont Aer Lingus, dan il-prinċipju mhuwiex konformi mal-gwida tal-Kummissarju tad-Dħul ipprovduta fl-email tat-30 ta' Marzu 2009 imsemmija fil-premessa 84, u mhuwiex il-mod kif Aer Lingus kienet tikkalkula l-ATT fil-prattika. Lanqas ma huwa konsistenti mal-eżempji fil-paragrafu (20) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, li ma jispjegawx l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-passiġġieri fi transitu għall-ewwel parti ta' vjaġġ iżda pjuttost juru li vjaġġ mhuwiex soġġett għall-ATT jekk ma jibdiex fl-Irlanda (26).

(95)

Aer Lingus tafferma li hija ġabret l-ATT skont il-gwida tal-Kummissarju tad-Dħul u rrapportat l-ammont mibgħut bħala awtodikjarazzjoni lill-awtoritajiet (27).

5.2.5.   Dwar il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

(96)

Aer Lingus targumenta li ma hemm ebda selettività fl-eżenzjoni ta' passiġġieri fi trasferiment u fi transitu mill-ATT. Skont Aer Lingus, huwa inerenti fl-iskema tal-ATT li passiġġier fi trasferiment jew fi transitu ma għandux jiġi meqjus, peress li l-ATT ma tapplikax għal segmenti partikolari ta' vjaġġ. Minflok, l-event taxxabbli huwa vjaġġ li jibda fl-Irlanda u t-taxxa dovuta tiddependi fuq id-destinazzjoni finali ddikjarata fuq il-biljett, irrispettivament minn jekk il-passiġġier jaqbadx titjira waħda jew aktar sabiex jasal għad-destinazzjoni finali.

(97)

F'dak ir-rigward, Aer Lingus tirreferi għall-paragrafu (41) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ fejn il-Kummissjoni qieset b'mod preliminari li l-event taxxabbli huwa vjaġġ li jibda fl-Irlanda u li t-taxxa dovuta tiddependi fuq id-destinazzjoni finali ddikjarata fuq il-biljett, irrispettivament minn jekk il-passiġġier jaqbadx titjira waħda jew aktar sabiex jasal għad-destinazzjoni finali:

“Sistema ta' referenza oħra possibbli tista' tkun taxxa imposta għall-ivvjaġġar bl-ajru minn ajruport fl-Irlanda, jekk wieħed jifhem il-kunċett ta' “vjaġġ bl-ajru” bħala vjaġġ minn ajruport fl-Irlanda lejn destinazzjoni finali li jista' jikkonsisti f'parti waħda jew diversi partijiet. Kieku din kellha tkun is-sistema ta' referenza korretta, jidher ovvju li l-ATT ma għandhiex tapplika għall-passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu. Għaldaqstant il-miżura ma tkunx selettiva” (enfasi ta' Aer Lingus).

5.2.6.   Dwar kwistjonijiet oħrajn

(98)

Taħt il-preżunzjoni li l-Kummissjoni se tibqa' ssostni l-fehma preliminari tagħha li s-sistema ta' referenza tal-ATT hija t-tassazzjoni fuq kull tluq (individwali), Aer Lingus sostniet li:

l-eżenzjoni ta' passiġġieri fi trasferiment/transitu mhijiex selettiva; u

anki kieku l-eżenzjoni kellha titqies selettiva, tkun iġġustifikata.

5.2.6.1.   Dwar l-ewwel punt “l-eżenzjoni ta' passiġġieri fi trasferiment/transitu mhijiex selettiva”

(99)

B'referenza għall-każistika (28), Aer Lingus issostni li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għat-tluq ta' passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jkun selettiv biss kieku kellu jagħmel distinzjoni bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għan mogħti lill-ATT, jinsabu f'sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli. F'dak ir-rigward, Aer Lingus tirreferi għall-kwistjoni ta' jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jiffavorixxix lit-trasportaturi bħal Aer Lingus (li toffri biljett wieħed għal vjaġġi li jinkludu żewġ titjiriet jew aktar) għall-kuntrarju ta' trasportaturi minn punt għal punt (li ma joffrux biljett wieħed għal vjaġġi bħal dawn u allura kellhom jimponu l-ATT għal kull titjira għall-passiġġieri li l-vjaġġ tagħhom kien jinkludi awtokonnessjoni).

(100)

Aer Lingus tikkonkludi li minħabba s-sitwazzjoni fattwali u legali differenti bejn is-servizzi purament minn punt għal punt u s-servizzi b'biljett wieħed — b'mod partikolari l-ispejjeż differenti għat-trasportatur u l-livell ta' servizz lill-passiġġier — l-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kinitx selettiva, għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

ċertament hemm porzjon konsiderevoli ta' passiġġieri ta' Aer Lingus li jagħżlu li jagħmlu awtokonnessjoni (29), għal kwalunkwe raġuni, irrispettivament mill-fatt li Aer Lingus tista' toffri biljett wieħed għall-vjaġġ sħiħ. B'definizzjoni, Aer Lingus mhijiex f'pożizzjoni li tidentifika jew tikkwantifika l-għadd ta' passiġġieri li jippreferu jivvjaġġaw fuq bażi ta' awtokonnessjoni – daqskemm it-trasportaturi minn punt għal punt ma jistgħu jikkwantifikaw b'mod ċar dawn il-passiġġieri (li jistgħu jagħmlu awtokonnessjoni, pereżempju, ma' trasportatur ieħor). Fil-każ ta' dawk il-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni, Aer Lingus tinsab fl-istess pożizzjoni fattwali u legali tat-trasportaturi minn punt għal punt.

Madankollu s-sitwazzjoni fattwali u legali ta' Aer Lingus hija differenti għal dawk il-passiġġieri li jixtru vjaġġi bi trasferiment jew bi transitu b'biljett wieħed. F'dak ir-rigward, Aer Lingus tirreferi għal parti mill-aħħar sentenza tal-paragrafu (45) [(44)] (30) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, fejn, skont Aer Lingus, il-Kummissjoni nfisha tirrikonoxxi “jista' jkun xieraq li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' linji tal-ajru li jipprovdu biss servizzi minn punt għal punt minn dik ta' linji tal-ajru li jipprovdu wkoll servizzi li jinvolvu trasferiment jew transitu f'dawn l-ajruporti”.

(101)

B'referenza għas-siltiet tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ li huma relatati mad-differenzi bejn il-vjaġġi li jinkludu diversi titjiriet taħt prenotazzjoni waħda u vjaġġi li jinkludu diversi titjiriet taħt prenotazzjonijiet separati, Aer Lingus tosserva wkoll dan li ġej fil-kuntest tas-selettività:

fir-rigward tas-silta “Il-mudelli ta' negozju ta' linji tal-ajru li jiffukaw fuq servizzi minn punt għal punt u dawk li joperaw servizzi li jinvolvu trasferiment jew transitu huma differenti ħafna.” (31) Aer Lingus tisħaq li hija timplimenta proċeduri speċifiċi sabiex takkomoda lill-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu. Dan jinvolvi l-organizzar ta' trasferiment mingħajr intoppi li jinkludi uffiċċji ta' trasferiment u nollijiet totali u l-irfigħ tar-responsabbiltà f'każ ta' konnessjonijiet mitlufa (pereżempju billi jingħataw kura, assistenza u akkomodazzjoni). Skont Aer Lingus, dawn ifissru spejjeż u responsabbiltajiet konsiderevoli, li ma japplikawx għall-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni.

rigward is-silta “is-servizzi li jinvolvu trasferiment jew transitu jikkostitwixxu, mill-perspettiva tal-klijent, vjaġġ mill-ajruport tal-oriġini għall-ajruport tad-destinazzjoni u mhux żewġ vjaġġi separati” (32). Aer Lingus tispjega li, għall-passiġġieri, l-esperjenza tas-servizz ukoll hija differenti, l-evitar ta' diversi reġistrazzjonijiet, ħafna biljetti, il-possibbiltà ta' allowances tal-bagalji differenti, eċċ.

rigward is-silta “Il-vjaġġ sħiħ li jinkludi żewġ partijiet jew aktar jinbiegħ bħala wieħed u jista' jsir b'biljett wieħed.” (33) Aer Lingus tispjega li ovvjament dan mhuwiex il-każ ta' vjaġġ b'awtokonnessjoni. Fil-fatt, vjaġġ b'awtokonnessjoni jkun jinkludi tal-anqas żewġ biljetti separati (u żewġ kuntratti separati) possibbilment ma' żewġ linji tal-ajru differenti. Biljett wieħed ikun ibbażat fuq kuntratt wieħed ma' linja tal-ajru waħda.

rigward is-silta “Normalment il-passiġġieri fi trasferiment ma jkollhomx għalfejn jiġbru l-bagalji tagħhom.” (34) Skont Aer Lingus, dan huwa l-oppost għall-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni. Ma hemmx servizzi ta' trasferiment tal-bagalji għall-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni fl-ajruporti Irlandiżi.

rigward is-silta “Il-kontrolli fuq il-passiġġieri u l-bagalji normalment ikunu differenti.” (34) Aer Lingus tispjega li l-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni jkollhom jagħmlu reġistrazzjoni separata għal kull titjira.

5.2.6.2.   Dwar it-tieni punt “anki kieku l-eżenzjoni kellha titqies selettiva, tkun iġġustifikata”

(102)

Aer Lingus issostni li l-miżura tevita t-tassazzjoni doppja u tapplika fl-Irlanda kif ukoll barra mill-pajjiż. Fil-fatt eżenzjoni bħal din normalment tiġi applikata minn ġurisdizzjonijiet oħrajn bħar-Renju Unit.

(103)

Aer Lingus issostni wkoll li l-prinċipju bażiku u gwida tal-ATT huwa li din tiġi kkalkulata b'referenza għall-vjaġġ sħiħ. Fil-każ ta' biljett wieħed, il-biljett wieħed ikun ifisser vjaġġ wieħed (diment li kull waqfa tkun iqsar minn sitt sigħat). Madankollu, għal servizz ta' awtokonnessjoni magħmul minn żewġ prenotazzjonijiet separati, kull prenotazzjoni titqies separata mis-sistemi ta' prenotazzjoni tal-linji tal-ajru u ma jiġux rikonoxxuti bħala passiġġieri fi trasferiment.

5.3.   Il-kummenti tal-Irlanda dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

(104)

B'mod ġenerali, l-Irlanda qablet mal-punti li għamlet Aer Lingus, ħlief għal dawk miġbura fil-qosor fil-premessi 93 u 94. Skont l-Irlanda, Aer Lingus ikkwotat ittra mingħand l-Irlanda datata l-15 ta' Ottubru 2009 li kienet tgħid li jekk vjaġġ ikun jikkonsisti f'diversi partijiet, l-ewwel parti hija dejjem eżenti mill-ATT. L-Irlanda irreferiet għall-ittra tagħha tat-22 ta' Diċembru 2015 fejn hija spjegat li dan kien nuqqas ta' fehim. L-ittra tal-Irlanda datata l-15 ta' Ottubru 2009 kienet ġabet eżempju speċifiku li fih l-ewwel parti tal-vjaġġ ma kienx soġġett għall-ATT. Madankollu, l-Irlanda tqis li dan ma għandux ikun interpretat bħala dikjarazzjoni ġenerali li l-ewwel parti hija dejjem eżenti.

(105)

Rigward il-kummenti li għamlet Ryanair dwar it-taxxa pagabbli (ara l-premessa 65), l-Irlanda indikat li Ryanair infisha ma ġġorrx passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu u għalhekk ma għandha ebda esperjenza prattika ta' kif tapplika r-regoli dwar l-ATT. Skont l-Irlanda, Ryanair lanqas ma tispjega r-raġunament tagħha.

6.   IL-VALUTAZZJONI TAN-NUQQAS TA' APPLIKAZZJONI TAT-TAXXA FUQ L-IVVJAĠĠAR BL-AJRU GĦALL-PASSIĠĠIERI FI TRANSITU U FI TRASFERIMENT

6.1.   Kummenti preliminari: l-interpretazzjoni xierqa tal-ATT fir-rigward tal-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu

(106)

Fl-ittra tagħha tal-15 ta' Ottubru 2009, l-Irlanda ddikjarat li l-eżenzjoni għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu tiżgura li l-“ewwel parti” ta' vjaġġ sħiħ ma tkunx soġġetta għall-ATT. Dik id-dikjarazzjoni ħawdet l-interpretazzjoni korretta tal-eżenzjoni, kif jidher mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512/11.

(107)

Fid-dawl tal-kummenti li waslu mill-Irlanda u minn partijiet terzi, issa huwa ċar li l-leġiżlazzjoni Irlandiża għandha tinftiehem kif stipulat fit-Taqsima 2.2 aktar 'il fuq.

(108)

Kif spjegat hemmhekk, taħt it-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi l-linji tal-ajru huma obbligati jħallsu l-ATT għal kull tluq ta' passiġġier abbord ajruplan minn ajruport li jinsab fl-Irlanda, filwaqt li passiġġieri fi transitu u fi trasferiment mhumiex meqjusa bħala passiġġieri fit-tifsira tat-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi u għalhekk l-ATT ma tapplikax għat-tluq tagħhom. Għaldaqstant, ma jistax jingħad f'termini ġenerali li l-ATT tapplika għal parti speċifika ta' vjaġġ bl-ajru.

(109)

Għandu jkun innotat li meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2011, kien hemm żewġ rati tat-taxxa differenti applikabbli għat-titjiriet lejn destinazzjonijiet li mhumiex aktar minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin u għat-titjiriet l-oħrajn kollha. Issa huwa ċar li r-rata tat-taxxa applikabbli tiddependi fuq id-distanza sad-destinazzjoni finali, irrispettivament mill-post ta' transitu jew ta' trasferiment. Pereżempju, vjaġġ minn Dublin sa New York b'waqfa f'Shannon ikun intaxxat b'rata ta' EUR 10, u mhux EUR 2. It-tluq mill-Ajruport ta' Dublin jagħti lok għal tassazzjoni bir-rata ta' EUR 10 ATT, anki jekk Shannon hija inqas minn 300 kilometru 'l bogħod mill-Ajruport ta' Dublin, peress li d-distanza mill-Ajruport ta' Dublin sa New York jaqbeż dak il-limitu. Barra minn hekk, it-tluq mill-waqfa fl-Ajruport ta' Shannon mhuwiex soġġett għall-ATT, peress li l-passiġġier huwa passiġġier fi transitu jew fi trasferiment f'dak l-ajruport.

(110)

Il-kwalifika bħala passiġġier fi transitu jew fi trasferiment f'ajruport Irlandiż ma kinitx tiddependi fuq fejn jinsab l-ajruport li minnu kien ġej il-passiġġier meta niżel fl-ajruport Irlandiż, li wkoll seta' jkun barra l-Irlanda, eż. fil-każ ta' vjaġġ minn Londra sa New York b'waqfa ta' mhux aktar minn sitt sigħat f'Shannon. Ebda ATT ma tkun dovuta għal vjaġġ bħal dan peress li l-ajruport tat-tluq f'Londra jinsab barra mill-Irlanda, filwaqt li l-passiġġier jikkwalifika bħala passiġġier fi trasferiment jew fi transitu meta jitlaq mill-Ajruport ta' Shannon.

6.2.   Eżistenza tal-għajnuna

6.2.1.   Introduzzjoni

(111)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(112)

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lil benefiċjarju tagħha, li jrid ikun impriża (jiġifieri jwettaq attività ekonomika); (iii) dan il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(113)

F'dan il-każ, huwa xieraq li l-ewwel jiġi kkunsidrat jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu aktarx li jagħti vantaġġ selettiv lil ċerti linji tal-ajru.

6.2.2.   Selettività

6.2.2.1.   Introduzzjoni

(114)

Miżura hija selettiva jekk din tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(115)

Għall-miżuri applikabbli għall-impriżi kollha li jissodisfaw ċerti kriterji, li dan jimmitiga l-imposti li dawk l-impriżi normalment ikollhom iħallsu, is-selettività tal-miżura normalment jeħtieġ tiġi vvalutata permezz ta' analiżi fi tliet passi (35). L-ewwel jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta' referenza”. It-tieni, għandu jiġi ddeterminat jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema peress li tiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, din ma tkunx selettiva. Jekk iva (u għalhekk tkun selettiva prima facie), fit-tielet stadju tal-analiżi jrid ikun stabbilit jekk il-miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza hijiex iġġustifikata mill-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta' referenza. Jekk miżura selettiva prima facie hija ġġustifikata bin-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema, din ma titqiesx bħala selettiva u taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(116)

F'ċerti każijiet eċċezzjonali, ma tistax tiġi applikata l-analiżi fi tliet stadji, meta jitqiesu l-effetti prattiċi tal-miżuri kkonċernati. F'każijiet bħal dawn, jista' jkun meħtieġ ukoll li jiġi evalwat jekk il-limiti ta' dik is-sistema ġewx imfassla mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, għall-kuntrarju, b'mod li huwa arbitrarju jew preġudikat b'mod ċar, sabiex jiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn. Inkella, minflok ma jistabbilixxi regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha li minnhom issir deroga għal ċerti impriżi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, filwaqt li jevita r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta u jgħaqqad ir-regoli tiegħu b'tali mod li, sa mill-applikazzjoni tagħhom, jirriżultaw f'piż differenti għal impriżi differenti (36). Ta' min ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta' intervent mill-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-iskopijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom abbażi tal-effetti tagħhom u, b'hekk, b'mod indipendenti mit-tekniki użati (37).

(117)

Hawn taħt, l-analiżi fi tliet passi se tiġi applikata l-ewwel għall-eżenzjoni mill-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment (it-Taqsima 6.2.2.2 u t-Taqsima 6.2.2.3). Imbagħad, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk l-ATT ġietx imfassla mill-Istat Membru b'mod arbitrarju jew ippreġudikat b'mod ċar, sabiex jiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn (it-Taqsima 6.2.2.4.).

6.2.2.2.   Id-determinazzjoni tas-sistema ta' referenza

(118)

Is-sistema ta' referenza hija l-valutazzjoni komparattiva li skontha tiġi vvalutata s-selettività ta' miżura. Is-sistema ta' referenza tikkonsisti f'sett ta' regoli konsistenti li ġeneralment japplikaw abbażi ta' kriterji oġġettivi għall-impriżi kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif definit mill-objettiv tagħha. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni tas-sistema ta' referenza tiddependi minn elementi bħall-persuni taxxabbli, il-bażi taxxabbli, l-avvenimenti taxxabbli u r-rati tat-taxxa applikabbli.

6.2.2.3.   L-ATT

(119)

L-ATT hija reġim ta' taxxa distinta fiha nfisha, li ma tagħmilx parti minn sistema fiskali usa'. Għaldaqstant, is-sistema ta' referenza ma tmurx lil hinn mil-limiti tal-ATT infisha.

(120)

Il-mistoqsija ewlenija f'dan il-każ hija jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment huwiex parti mis-sistema ta' referenza jew jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni huwiex deroga mis-sistema ta' referenza. Fl-ewwel każ, l-ATT hija meqjusa bħala taxxa li tapplika għall-passiġġieri kollha li jitilqu mill-Irlanda fuq vjaġġ bl-ajru, bil-fehim li vjaġġ bl-ajru jista' jikkonsisti f'aktar minn titjira waħda. F'dak l-approċċ, huwa loġiku li t-taxxa ma tinġabarx darbtejn meta l-vjaġġ sħiħ jinvolvi aktar minn tluq wieħed minn ajruport Irlandiż. Barra minn hekk, il-passiġġieri li jibdew il-vjaġġ tagħhom f'pajjiż terz mhumiex intaxxati, peress li l-vjaġġ tagħhom ma jkunx telaq minn ajruport Irlandiż (“is-sistema tal-vjaġġ”). Fit-tieni każ, l-ATT hija meqjusa bħala taxxa li tapplika għall-passiġġieri kollha li jitilqu fuq ajruplan fl-Irlanda, u n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT lill-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment jikkostitwixxi deroga minn dik ir-regola (“is-sistema ta' tluq”).

(121)

F'analiżi inizjali, il-kliem tat-Taqsima 55(2)(a) tal-Att dwar il-Finanzi (“kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport”) jista' jissuġġerixxi li s-sistema ta' tluq tikkostitwixxi s-sistema ta' referenza xierqa. Dik hija wkoll l-opinjoni preliminari li l-Kummissjoni ħadet fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ: is-sistema ta' referenza hija taxxa li titħallas għal kull tluq ta' passiġġier f'ajruplan minn ajruport fl-Irlanda.

(122)

Dik il-konklużjoni preliminari kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Att dwar il-Finanzi kien jirreferi għat-tassazzjoni fuq it-tluq. Madankollu, wara li saret l-investigazzjoni formali u nġabret aktar informazzjoni dwar l-interpretazzjoni ġusta tat-Taqsima 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi, u fid-dawl tal-ispjegazzjoni tal-Irlanda li l-ATT kienet maħsuba biex tintaxxa kwalunkwe vjaġġ wieħed li jibda f'ajruport Irlandiż, anki jekk il-vjaġġ kien maqsum f'diversi partijiet (ara l-premessa 59), jista' jkun konkluż li l-objettiv tas-sistema kien li tintaxxa l-vjaġġi bl-ajru li jibdew fl-Irlanda. Fuq dik il-bażi, u għar-raġunijiet kollha stabbiliti hawn taħt, is-sistema ta' referenza hija t-tassazzjoni tal-vjaġġi li jibdew fl-Irlanda.

(123)

L-ewwel, għandu jkun osservat li d-definizzjoni ta' “passiġġier” ma tinkludix passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu. Għaldaqstant, il-kliem tal-Att dwar il-Finanzi jippermetti l-konklużjoni li s-sistema ta' referenza hija s-“sistema tal-vjaġġ” li teskludi lill-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, peress li t-tluq ta' passiġġier fi trasferiment jew fi transitu mhuwiex “tluq ta' passiġġier” fit-tifsira ta' 55(2) tal-Att dwar il-Finanzi u, bħala tali, mhux event taxxabbli (38). Li wieħed iqis is-sistema ta' referenza bħala s-“sistema tal-vjaġġ” huwa konsistenti wkoll mal-għan sottostanti tal-leġiżlazzjoni, kif ippreżentat mill-Irlanda fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(124)

Barra minn hekk, il-mod kif kienet taħdem l-ATT jikkonferma li t-taxxa kienet relatata mal-vjaġġi bl-ajru. B'hekk, matul il-perjodu fejn kienu japplikaw rati differenzjati, ir-rata tat-taxxa kienet iddeterminata skont it-taxxa fuq id-destinazzjoni finali tal-passiġġier kif iddikjarata fuq il-biljett, irrispettivament minn jekk il-passiġġier qabadx titjira waħda jew aktar biex jasal f'dik id-destinazzjoni (ara l-premessi 22 u 23 rispettivament u l-eżempji tal-applikazzjoni tal-ATT mogħtija fit-Tabella 2). Pereżempju, it-taxxa pagabbli b'rabta ma' passiġġier li kien qed jivvjaġġa minn Dublin għal New York b'waqfa f'Shannon kienet EUR 10, u mhux EUR 2 (ara l-premessa 91).

(125)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, fil-prinċipju, huwa leġittimu li l-ivvjaġġar bl-ajru jkun intaxxat fuq il-bażi ta' rata applikata darba fuq vjaġġ bl-ajru minn ajruport partikolari fl-Irlanda lejn destinazzjoni partikolari, mibjugħ bi prenotazzjoni waħda, minflok ma jiġu ntaxxati partijiet separati ta' tali vjaġġ waħdieni b'mod separat. Din it-tassazzjoni separata timplika li t-taxxa titħallas darbtejn għal passiġġier li jirkeb ajruplan ieħor f'ajruport Irlandiż, li jista' tabilħaqq joħloq kwistjonijiet ta' ekwità u trattament indaqs (ara l-premessa 63).

(126)

Fil-fatt, dazji tas-sisa bħall-ATT normalment japplikaw għax-xiri ta' prodott jew servizz finali minn klijent, u mhux għall-komponenti separati li jistgħu jikkostitwixxu dan il-prodott jew servizz finali. Għar-raġunijiet spjegati hawn taħt, vjaġġ li jkun magħmul minn diversi partijiet, fejn il-passiġġier jikkwalifika bħala passiġġier fi trasferiment jew fi transitu f'kull ajruport ta' waqfa, jista' jitqies bħala servizz wieħed.

(127)

F'dan ir-rigward, għandu jkun innotat li l-linji tal-ajru jikkumerċjalizzaw is-servizzi tagħhom bħala vjaġġi minn punt ta' oriġini partikolari (A) lejn destinazzjoni finali (B), anki jekk tali vjaġġ jinvolvi waqfa f'ajruport intermedjarju (C). Servizz bħal dan jinvolvi bażikament it-trasport bl-ajru minn A sa B, bl-eżistenza u l-post tal-ajruport intermedjarju C jkun karatteristika sekondarja ta' dak is-servizz, u mill-perspettiva tal-passiġġier, irrilevanti fl-aħħar mill-aħħar (ħlief għall-impatt possibbli tiegħu fuq il-ħin totali tal-vjaġġ tal-passiġġieri) (39). Għaldaqstant, fil-prinċipju huwa aċċettabbli u nondiskriminatorju li vjaġġ indirett jiġi intaxxat, mibjugħ bħala servizz waħdieni, minn A sa B u b'waqfa f'C bl-istess mod ta' vjaġġ dirett minn A sa B (b'A jkun fl-Irlanda fiż-żewġ sitwazzjonijiet), peress li ż-żewġ servizzi jissodisfaw l-istess ħtieġa tal-klijent (jiġifieri l-vjaġġ minn A sa B).

(128)

Fadal li jiġi kkunsidrat jekk id-definizzjonijiet ta' passiġġieri fi transitu u fi trasferiment fl-Att dwar il-Finanzi jirriflettux dawk il-prinċipji. Dan huwa analizzat fil-premessi li ġejjin.

(129)

Kif imsemmi fil-premessa 18, il-passiġġieri fi transitu huma definiti bħala passiġġieri li jibqgħu fuq l-istess ajruplan għat-titjira li tkun waslet u dik li tkun se titlaq. Il-Kummissjoni tqis li f'sitwazzjoni bħal din, huwa ċar li effettivament hemm vjaġġ wieħed, bl-unika differenza minn titjira diretta tkun li l-ajruplan jieqaf għal ftit f'ajruport partikolari fi triqtu lejn id-destinazzjoni finali.

(130)

Għall-passiġġieri fi trasferiment, intużaw tliet kundizzjonijiet biex jiġu definiti l-passiġġieri fl-ajruport C meta jkunu qed jivvjaġġaw minn ajruport A lejn ajruport B b'waqfa fl-ajruport C: (i) it-tul massimu tal-ħin mgħoddi f'C ma jridx ikun ta' aktar minn sitt sigħat; (ii) A u B, ma jridux ikunu l-istess; u (iii) it-titjiriet minn A sa C u minn C sa B iridu jinxtraw taħt “prenotazzjoni waħda”. Il-Kummissjoni tqis li t-tliet kundizzjonijiet huma adegwati u proporzjonati. Il-punt (i) jiżgura li C huwa ajruport ta' waqfa ġenwina, fejn il-passiġġier essenzjalment iħejji u jistenna t-titjira konnessa tiegħu, u mhux destinazzjoni finali “moħbija”. F'dan ir-rigward, sitt sigħat huwa limitu ta' ħin raġonevoli, li jiżgura li C huwa verament ajruport ta' waqfa (40). Il-punt (ii) jiżgura li l-vjaġġ mhuwiex titjira diretta moħbija minn A sa C u lura. Rigward (iii), kif spjegat fil-premessi 132-134 hawn taħt, dan jiżgura li l-vjaġġ minn A sa B jinbiegħ lill-klijent bħala servizz wieħed integrat.

(131)

L-eżenzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment kienet timponi l-kundizzjoni li t-titjiriet kollha li jiffurmaw vjaġġ wieħed iridu jkunu taħt prenotazzjoni waħda.

(132)

Meta passiġġier jagħmel prenotazzjoni waħda li tkopri diversi titjiriet (jew “partijiet”), huwa jidħol f'kuntratt waħdieni mal-fornitur li jkopri d-diversi titjiriet. Għall-kuntrarju, meta passiġġier jagħmel aktar minn prenotazzjoni waħda li jkopru titjiriet differenti, huwa jidħol f'kuntratti indipendenti separati ma' fornitur wieħed jew aktar. Dan diġà juri li prenotazzjoni waħda tikkorrispondi għax-xiri ta' servizz waħdieni li fih komponenti differenti, filwaqt li prenotazzjonijiet multipli jikkorrispondu għal bosta servizzi separati mixtrija b'mod separat mill-passiġġier.

(133)

Taħt prenotazzjoni waħda, il-vjaġġ sħiħ li jinkludi żewġ titjiriet jew aktar jinbiegħ bħala prenotazzjoni waħda u passiġġier għandu biljett wieħed u referenza ta' prenotazzjoni waħda għall-vjaġġ sħiħ. Barra minn hekk, kif indikaw kemm l-Irlanda u Aer Lingus fil-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessa 101), hemm għadd ta' differenzi importanti bejn vjaġġ li jinkludi diversi titjiriet mibjugħa taħt prenotazzjoni waħda u vjaġġ li jinkludi diversi titjiriet mibjugħa taħt prenotazzjonijiet separati. B'mod partikolari, taħt prenotazzjoni waħda, il-passiġġier ma għandux għalfejn jikkonforma ma' diversi rekwiżiti differenti ta' reġistrazzjoni, ta' dokumenti ta' bagalji u tal-ivvjaġġar għal kull titjira tal-vjaġġ, iżda ma' sett wieħed ta' rekwiżiti li jkopru l-vjaġġ sħiħ sad-destinazzjoni finali. Barra minn hekk, jekk l-ewwel titjira titħassar jew tittardja sa punt li l-passiġġier jitlef it-titjira konnessa, il-fornitur ta' vjaġġ bi prenotazzjoni waħda jkollu jġorr ir-responsabbiltà għall-konnessjoni mitlufa (bħall-għoti ta' kura u assistenza, akkomodazzjoni, u prenotazzjoni ġdida lill-passiġġier fuq l-ewwel titjira disponibbli li jkun imiss jew inkella joffri kumpens).

(134)

Vjaġġ magħmul minn diversi partijiet li jiġu prenotati b'mod separat jinvolvi x-xiri ta' servizzi indipendenti. Dan jimplika, pereżempju, li meta l-passiġġier jitlef it-tieni titjira tiegħu minħabba li l-ewwel titjira ddum ma tasal, ma jistax jitlob assistenza mingħand il-fornitur tat-tieni titjira. Il-passiġġier sempliċiment jitqies li “ma tfaċċax” għat-tieni titjira. Barra minn hekk, meta jinxtraw diversi titjiriet taħt prenotazzjonijiet separati, il-passiġġier irid jiġbor il-bagalji tiegħu f'kull ajruport u jerġa' jirreġistra għat-titjiriet sussegwenti. Aer Lingus enfasizzat li ma hemmx servizzi ta' trasferiment tal-bagalji għall-passiġġieri li jagħmlu awtokonnessjoni fl-ajruporti Irlandiżi (ara l-premessa 101).

(135)

Fid-dawl ta' dan, id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet hija li, f'każ minnhom, il-passiġġier jixtri servizz integrat (vjaġġ minn A sa B) b'żewġ komponenti li huma kkombinati mill-fornitur tas-servizz, filwaqt li fis-sitwazzjoni l-oħra, il-passiġġier jikkombina ż-żewġ komponenti huwa nnifsu b'riskju għalih, u b'hekk effettivament jixtri żewġ servizzi separati. Għaldaqstant, passiġġier li jtir mill-ajruport A sal-ajruport B b'waqfa fl-ajruport C taħt prenotazzjoni waħda jixtri servizz li huwa fundamentalment differenti mis-servizzi mixtrija minn passiġġier li jipprenota b'mod separat titjira mill-ajruport A sal-ajruport C u titjira mill-ajruport C sal ajruport B.

(136)

Il-fatt li prenotazzjoni waħda li tkopri diversi titjiriet tvarja b'mod materjali minn diversi titjiriet koperti minn prenotazzjonijiet separati huwa ssimplifikat mill-avviż li easyJet, wieħed mit-trasportaturi ewlenin minn punt għal punt li joperaw fl-Unjoni, jindirizza lill-passiġġieri fis-sit web tiegħu:

“easyJet huwa trasportatur minn punt għal punt (itir biss minn ajruporti ta' tluq u ta' wasla) u ma joffrix servizz ta' titjiriet konnessi għal vjaġġi sussegwenti permezz tat-titjiriet tagħna jew titjiriet ta' linji tal-ajru oħrajn. Jekk ipprenotajt titjira sussegwenti magħna din tirrappreżenta kuntratt separat u nikkunsidraw kull titjira bħala vjaġġ separat” (41).

(137)

Għaldaqstant huwa proporzjonat u nondiskriminatorju li kull wieħed minn dawn iż-żewġ servizzi jiġu ntaxxati b'mod separat filwaqt li vjaġġ indirett mixtri taħt prenotazzjoni waħda jiġi ntaxxat darba biss.

(138)

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq (ara l-premessi 131-137), il-Kummissjoni tikkunsidra li d-definizzjonijiet ta' passiġġieri fi trasferiment u fi transitu taħt l-Att dwar il-Finanzi huma għalhekk konsistenti mal-għan tal-intaxxar ta' vjaġġi singoli bl-ajru minn oriġini partikolari fl-Irlanda lejn destinazzjoni partikolari, mixtrija minn klijent bħala servizz singolu integrat.

(139)

Jista' jkun konkluż li s-sistema ta' referenza hija l-ATT kif stabbilita fl-Att dwar il-Finanzi, u għalhekk tinkludi n-nuqqas ta' applikazzjoni tat-taxxa għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment (is-sistema tal-vjaġġ).

6.2.2.4.   Deroga mis-sistema ta' referenza

(140)

Peress li n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu huwa parti mis-sistema ta' referenza, ma hemm ebda deroga mis-sistema ta' referenza.

(141)

Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-ATT permezz tal-approċċ fi tliet passi ma turi ebda selettività.

6.2.2.5.   L-ATT ma kinitx imfassla b'mod arbitrarju jew ippreġudikat b'mod ċar sabiex tiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn

(142)

Biex naslu għal konklużjoni finali dwar is-selettività għad jonqos li jiġi ddeterminat jekk l-Irlanda fasslitx l-ATT b'mod arbitrarju jew ippreġudikat b'mod ċar, sabiex tiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn.

(143)

Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, Ryanair argumentat essenzjalment li l-eżenzjoni mill-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment toħloq diskriminazzjonijiet mhux iġġustifikati bejn żewġ mudelli ta' negozju, jiġifieri l-mudell ta' negozju ta' trasporaturi “hub-and-spoke”, li joffru prenotazzjonijiet singoli li jkopru diversi titjiriet, u l-mudell ta' negozju tat-trasportaturi minn punt għal punt, bħal Ryanair, li ma joffrux dan, u li ma setax jingħad li l-eżenzjoni kienet miftuħa għal-linji tal-ajru kollha mingħajr diskriminazzjoni.

(144)

Ta' min jinnota l-ewwel li ma hemm ebda evidenza fil-fajl li l-Irlanda fasslet in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment b'mod li hija tiffavorixxi impriżi partikolari fuq oħrajn. F'dan ir-rigward, jista' jkun osservat li diversi Stati Membri joperaw taxxi simili li wkoll jinkludu eżenzjonijiet għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment.

(145)

L-argument ta' Ryanair li huwa virtwalment impossibbli għal linja tal-ajru li tadatta l-mudell ta' negozju fundamentali tagħha minn mudell minn punt għal punt għal mudell “hub-and-spoke” u li safejn taf hi, ma hemmx preċedent wieħed għal bidla bħal din fis-suq, mhuwiex għal kollox eżatt peress li Ryanair stess issa bdiet toffri titjiriet konnessi (42). F'Mejju 2017, Ryanair ħabbret li kienet se tniedi l-ewwel titjiriet konnessi tagħha mill-Ajruport ta' Fiumicino f'Ruma, billi għall-ewwel darba bdiet toffri lill-klijenti tagħha l-opportunità li jipprenotaw u jagħmlu trasferimenti diretti fuq titjiriet konnessi ta' Ryanair. Dwar dan, il-Kap Uffiċjal tal-Kummerċ ta' Ryanair iddikjara: “Bi pjaċir Ryanair qed tniedi l-ewwel servizz ta' titjiriet konnessi tagħna mill-Ajruport ta' Fiumicino f'Ruma, u b'hekk qed tippermetti lill-klijent jipprenotaw titjiriet konnessi ta' Ryanair bl-orħos prezzijiet fl-Ewropa. Se nibdew b'għaxar rotot minn Ruma, fejn il-klijenti se jkunu jistgħu jittrasferixxu ruħhom fuq it-titjira li jkun imiss mingħajr ma jkollhom għalfejn jinżlu, u l-bagalji tagħhom jiġu rreġistrati sad-destinazzjoni finali tagħhom. Dan is-servizz il-ġdid fir-raba' sena tal-programm tagħna “Always Getting Better” (Dejjem Aħjar), se jitħaddem fin-netwerk kollu ta' Ryanair, (b'aktar rotot minn Ruma se jkunu miżjuda fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin) jekk tirnexxi l-prova ta' Ruma Fiumicino” (43). Il-klijenti se jirċievu wkoll referenza ta' prenotazzjoni waħda għaż-żewġ titjiriet. Dan juri li Ryanair bdiet tipprovdi servizz ġdid li hija nfisha tqis bħala ġdid u fundamentalment differenti mit-titjiriet minn punt għal punt li hija kienet tħaddem s'issa.

(146)

It-tieni, jista' jkun osservat li l-ATT twassal biex servizzi separati jiġifieri, diversi titjiriet mixtrija taħt diversi prenotazzjonijiet, jiġu ntaxxati b'mod separat, u servizzi singoli integrati, jiġifieri t-titjiriet li jikkomponu vjaġġ wieħed mixtrija taħt prenotazzjoni waħda, ikunu ntaxxati darba biss. Fid-dawl tar-raġunijiet iddikjarati hawn fuq (ara t-Taqsima 6.2.2.3 ta' din id-Deċiżjoni), din id-differenzjazzjoni tirriżulta mid-differenzi fundamentali bejn is-servizzi mixtrija mill-klijent f'kull sitwazzjoni, li jissarfu f'konsegwenzi prattiċi importanti, b'mod partikolari f'termini ta' reġistrazzjoni, ġestjoni tal-bagalji, u r-responsabbiltà tal-linja tal-ajru f'każ ta' konnessjoni mitlufa. Il-fatt li ċerti linji tal-ajru adottaw mudell ta' negozju ffukat fuq is-servizzi minn punt għal punt filwaqt li oħrajn jiffukaw fuq servizzi ta' netwerk ma jimplikax li jkun diskriminatorju li servizzi li huma oġġettivament differenti jiġu ntaxxati b'mod differenti. Kif spjegat fit-Taqsima 6.2.2.3 hawn fuq, jista' jitqies leġittimu li jiġu ntaxxati l-vjaġġi bl-ajru li jibdew fl-Irlanda, minflok ma jiġi ntaxxat kull tluq tal-passiġġieri fuq ajruplan barra mill-Irlanda.

(147)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' Ryanair rigward l-allegata diskriminazzjoni jidhru li huma bbażati b'mod impliċitu fuq il-premessa li ċerti passiġġieri joħolqu vjaġġ bl-ajru billi jixtru diversi titjiriet mingħand Ryanair, bl-għan li jivvjaġġaw minn ajruport partikolari lejn ajruport partikolari ieħor b'“waqfiet” f'ajruporti oħrajn, u li dawn it-titjiriet differenti għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod ta' prenotazzjoni waħda (44). Inkella, Ryanair ma jkollha ebda raġuni biex tqis lilha nfisha diskriminata fil-konfront ta' linji tal-ajru oħrajn li joffru prenotazzjonijiet singoli għal diversi titjiriet. Madankollu, Ryanair ma indikatx li hija ġarret passiġġieri bħal dawn fil-perjodu li fih kienet tapplika l-ATT, u wisq inqas ipprovdiet xi data rigward l-għadd ta' dawn il-passiġġieri (45). Aktar importanti minn hekk, xejn fid-dikjarazzjonijiet ta' Ryanair ma jista' jitfa' dubju fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-premessi 132 sa 134 li jiġġustifikaw it-trattament ta' diversi titjiriet mixtrija taħt prenotazzjoni waħda bħala servizz fundamentalment differenti minn diversi titjiriet li jgħaqqdu lill-istess ajruporti iżda mixtrija taħt prenotazzjonijiet separati, peress li dawn tal-aħħar fir-realtà huma diversi servizzi indipendenti.

(148)

Kif imsemmi fil-premessa 38, fis-sentenza tagħha fil- Kawża T-512/11, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Irlanda aċċettat li tikkunsidra li taġġusta l-ATT, billi tneħħi r-rekwiżit ta' prenotazzjoni waħda bħala parti mid-definizzjoni ta' passiġġier fi trasferiment, jekk ikun hemm bżonn.

(149)

L-investigazzjoni formali wriet (ara l-premessi 131-148) li l-kundizzjoni ta' prenotazzjoni waħda ma kinitx diskriminatorja, peress li kienet tassigura li l-vjaġġi bl-ajru li jibdew minn ajruport Irlandiż biss, u mibjugħin lill-klijent bħala servizz singolu integrat, irrispettivament mill-għadd ta' titjiriet inklużi fil-vjaġġ, ikunu soġġetti għall-ATT. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx hemm bżonn li l-Irlanda tneħħi l-kundizzjoni ta' prenotazzjoni waħda mid-definizzjoni ta' passiġġier fi trasferiment biex tiżgura li ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

(150)

Jista' jiġi konkluż li l-Irlanda ma fasslitx l-ATT b'mod arbitrarju u ppreġudikat b'mod ċar sabiex tiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn. Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment jidher iġġustifikat u raġonevoli.

6.2.3.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(151)

Fid-dawl tal-valutazzjoni preċedenti, billi l-miżura investigata mhijiex selettiva, din tonqos li tissodisfa tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(1) TFUE. Minħabba li d-diversi kundizzjonijiet tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi, minn dan isegwi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant ma hemmx bżonn li jiġi vvalutat jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

7.   KONKLUŻJONI

(152)

In-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-nuqqas ta' applikazzjoni tat-Taxxa fuq l-Ivvjaġġar bl-Ajru għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, introdotta mir-Repubblika tal-Irlanda permezz tal-Att dwar il-Finanzi (Nru 2) tal-2008, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 220, 17.6.2016, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/NN) Eżenzjonijiet mit-taxxa għall-passiġġieri bl-ajru, l-Irlanda (ĠU C 306, 18.10.2011, p. 10).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/199/UE tal-25 ta' Lulju 2012 fil-dwar l-għajnuna mill-Istat, il-każ SA.29064 (11/C, ex 11/NN) – Rati tat-taxxa differenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru implimentati mill-Irlanda (ĠU L 119, 30.4.2013, p. 30).

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta' Novembru 2014, Ryanair vs il-Kummissjoni, T-512/11, ECLI:EU:T:2014:989.

(5)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta' Frar 2015, Aer Lingus Ltd vs il-Kummissjoni Ewropea, T-473/12, ECLI:EU:T:2015:78.

(6)  ĠU C 220, 17.6.2016, p. 13.

(7)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni Ewropeavs Aer Lingus Ltd u Ryanair, Il-Kawżi Magħquda C-164/15 P u C-165/15 P, ECLI:EU:C:2016:990.

(8)  Kif emendat mit-Taqsima 18 tal-Att dwar il-Finanzi tal-2009 u t-Taqsima 48 tal-Att dwar il-Finanzi tal-2011.

(9)  Skont it-Taqsima 2 tal-Att (Emenda) dwar in-Navigazzjoni u t-Trasport bl-Ajru tal-1998 “ajruport” tfisser l-aggregat ta' artijiet f'ajrudrom u l-art kollha li hija proprjetà ta' awtorità tal-ajruport jew okkupata minnha, inklużi l-ħangers tal-inġenju tal-ajru, it-toroq u l-parkeġġi tal-karozzi, li, fl-intier tagħhom jew partijiet minnhom, jintużaw jew huma maħsuba biex jintużaw, għall-finijiet tal-operat ta' dan l-ajrudrom jew b'konnessjoni miegħu.

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(11)  Fil-kuntest tal-proċedura ta' ksur, il-Kummissjoni bagħtet l-avviż formali tagħha b'ittra datata t-18 ta' Marzu 2010, li fiha ħadet il-pożizzjoni li l-Irlanda bid-differenzjazzjoni fir-rati tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Artikolu 56 TFUE. Wara l-ittra ta' avviż formali, l-awtoritajiet Irlandiżi emendaw is-sistema tat-taxxa.

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1), jipprovdi li fil-każ ta' titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni finali hija d-destinazzjoni tal-aħħar titjira, filwaqt li fil-każ ta' titjiriet separati, id-destinazzjoni finali hija definita bħala d-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post tar-reġistrazzjoni.

(13)  Raġunament fil-premessi 30-32, konklużjoni fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni tal-2011.

(14)  Is-sentenza tal-Qorti Suprema tal-15 ta' Mejju 1992, Texaco (Ireland) Ltd vs Murphy (l-Ispettur tat-Taxxi), Ir-Rapporti dwar it-Taxxa Irlandiża (IV) 1988-1993.

(15)  F'dak ir-rigward, l-Irlanda tirreferi għad-definizzjoni ta' “ajruport” fit-Taqsima 55(1) tal-Att dwar il-Finanzi, u l-emenda ta' wara.

(16)  Kif spjegat fil-premessa 16, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-21 ta' Diċembru 2016.

(17)  Il-paragrafu (44) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ jgħid hekk: “In-nuqqas ta' applikazzjoni tal-ATT għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu jidderoga mir-reġim komuni li taħtu kull tluq ta' passiġġier fuq ajruplan minn ajruport fl-Irlanda huwa soġġett għat-taxxa. Ta' min jistaqsi, madankollu, jekk dik id-deroga tinvolvix differenzjazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li huma f'sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan mogħti lill-ATT. Jekk l-għan tal-ATT huwa li jiġu ntaxxati l-vjaġġi bl-ajru li jibdew minn ajruport fl-Irlanda, jista' jkun xieraq li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' linji tal-ajru li jipprovdu biss servizzi minn punt għal punt u dik ta' linji tal-ajru li jipprovdu wkoll servizzi li jinkludu trasferiment jew transitu f'dawn l-ajruporti”.

(18)  Referenza pereżempju għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta' Jannar 2013, Salzgitter AG vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-308/00, ECLI:EU:T:2013:30, il-paragrafu 81, b'analoġija mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 2011, Adria-Wien Pipeline GmbH u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598. Ryanair tirreferi wkoll għall-paragrafi (21) u (28)-(30) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Marzu 2015 fil-Każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34469 (2014/NN ex 2012/CP) Rati ta' taxxa differenzjati għal-logħob tal-azzard online u tradizzjonali fi Spanja (ĠU C 136, 24.4.2015, p. 1), il-premessa 56.

(20)  B'referenza għall-paragrafu (48) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(21)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Awwissu 2015 fil-Każ ta' għajnuna mill-Istat SA.42424 Kontribuzzjoni mnaqqsa għall-finanzjament ta' appoġġ RES għal utenti li jużaw ħafna enerġija, id-Danimarka (ĠU C 369, 6.11.2015, p. 1), premessa 32.

(22)  B'referenza għall-paragrafu (49) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(23)  B'referenza għas-sit web tal-HM Revenue and Customs, Avviż tas-Sisa 550: Dazju tal-Passiġġieri tal-Ajru, https://www.gov.uk/government/publications/excise-notice-550-air-passenger-duty/excise-notice-550-air-passenger-duty

(24)  Aer Lingus ipprovdiet siltiet mil-Lista ta' Taxxi u Tariffi tal-Biljetti u tal-Ajruporti tal-IATA, fejn tat dettalji dwar it-taxxi Awstrijaċi, Ġermaniżi u Franċiżi.

(25)  Il-paragrafi (19) u (20) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(26)  Ara l-eżempji tal-paragrafu (20) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u murija fil-premessa 91 hawn fuq.

(27)  Aer Lingus tat eżempju ta' tali rapport u spjegat li l-kalkolu ppreżentat sempliċiment inaqqas għadd dikjarat ta' passiġġieri fi trasferiment/transitu.

(28)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598.

(29)  Passiġġier li jagħmel diversi prenotazzjonijiet separati għal titjiriet differenti li jiffurmaw parti mill-vjaġġ tiegħu, minflok jagħmel prenotazzjoni waħda li tkopri diversi titjiriet ma' fornitur ta' servizz wieħed.

(30)  Bi żball Aer Lingus irreferiet għall-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ li ma jinkludix is-sentenza kkwotata fis-silta rilevanti tal-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(31)  L-aħħar sentenza tal-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(32)  L-ewwel sentenza tal-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(33)  It-tieni nofs tas-sentenza tal-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(34)  L-aħħar parti tat-tieni sentenza tal-paragrafu (45) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(35)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2011, Paint Graphos et, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, ECLI:EU:C:2011:550, il-paragrafu 49; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2011, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, ECLI:UE:C:2011:551, il-paragrafu 62; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline vs Finanzlandesdirektion für Kärnten, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598, il-paragrafi 42 – 54; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, GIL Insurance vs Commissioners of Customs & Excise, C-308/01, ECLI:EU:C:2004:252, il-paragrafu 72. Ara wkoll il-punti 127 u 128 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“l-Avviż dwar il-kunċett ta' għajnuna”) (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 29).

(36)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u Ir-Renju Unit, il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, ECLI:EU:C:2011:732. Ara wkoll il-punti 129 – 131 tal-Avviż dwar il-kunċett ta' għajnuna.

(37)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Diċembru 2008, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-487/06 P, ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafi 85 u 89, u l-każistika ċċitata, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2011, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renu tal-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, ECLI:EU:C:2011:551, il-paragrafu 51.

(38)  Għaldaqstant jidher li huwa aktar xieraq li wieħed iqis li l-ATT ma tapplikax għall-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, minflok li dawn il-passiġġieri huma “eżenti” mit-taxxa.

(39)  Dan huwa konsistenti mal-prattika standard tal-Kummissjoni fil-każijiet ta' antitrust u ta' fużjoni li tiddefinixxi s-swieq rilevanti għas-servizzi tal-ajru skedati fuq il-bażi tal-approċċ oriġini – destinazzjoni.

(40)  Bħall-Irlanda, ir-Renju Unit japplika wkoll kriterju ta' sitt sigħat biex jiddefinixxi lill-passiġġieri fuq titjiriet konnessi (tal-anqas f'dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ewwel titjira tasal qabel il-ħamsa ta' wara nofsinhar).

(41)  Ara http://www.easyjet.com/en/help/at-the-airport/connect-and-transit (ikkonsultat fit-28 ta' Marzu 2017).

(42)  Ara https://corporate.ryanair.com/news/news/170517-connecting-flights-launched-at-rome-fiumicino/?market=en (ikkonsultat fl-1 ta' Ġunju 2017).

(43)  Ara https://corporate.ryanair.com/news/news/170517-connecting-flights-launched-at-rome-fiumicino/?market=en (ikkonsultat fl-1 ta' Ġunju 2017).

(44)  Dan ikun il-każ pereżempju ta' passiġġier li jixtri biljett għal titjira minn Shannon sa Dublin u biljett separat għal titjira minn Dublin sa Barċellona, b'differenza ta' inqas minn sitt sigħat bejn il-wasla tal-passiġġier fl-Ajruport ta' Dublin u t-tluq tiegħu minn dak l-ajruport lejn Barċellona. Taħt l-ATT, kemm it-tluq minn Shannon kif ukoll dak minn Dublin huma eventi taxxabbli. Madankollu, kieku d-definizzjoni ta' passiġġieri fi trasferiment ma rreferietx għall-kunċett ta' prenotazzjoni waħda, it-tluq minn Dublin ma kienx ikun event taxxabbli taħt l-ATT; it-tluq minn Shannon biss kien ikun event taxxabbli.

(45)  Fil-passat, Ryanair kienet tiskoraġġixxi b'mod attiv lill-passiġġieri milli jagħmlu konnessjonijiet fuq titjiriet oħrajn ta' Ryanair. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007 fil-każ ta' fużjoni COMP.M.4439 Ryanair/Aer Lingus (ĠU C 47, 20.2.2008, p. 14), il-premessa 48.


31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/118

tal-31 ta' Awwissu 2017

dwar Għajnuna mill-Istat SA.35818 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2012/CP) implimentata minn Spanja għal Iberpotash

(notifikata bid-dokument C(2017) 5877)

(It-test Spanjol biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a),

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija aktar 'il fuq (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B'ilment tat-30 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni ġiet infurmata li Spanja kienet implimentat diversi miżuri ta' għajnuna allegati għal Iberpotash S.A., li ngħatat l-isem ġdid ta' ICL Iberia Súria & Sallent fl-2014 (it-tnejn li huma qed isir riferiment għalihom bħala “Iberpotash” minn hawn 'il quddiem). L-ilmentatur, li jixtieq li l-identità tiegħu tinżamm kunfidenzjali (“l-Ilmentatur”), issupplementa l-ilment tiegħu bis-sottomissjonijiet addizzjonali tat-28 ta' Diċembru 2012, l-14 ta' Frar 2014, l-24 ta' Frar 2014, is-6 ta' Mejju 2014 u s-27 ta' Jannar 2015.

(2)

L-ilment intbagħat lil Spanja fl-10 ta' Jannar 2013 flimkien ma' talba għal informazzjoni. Spanja wieġbet fit-8 ta' Marzu 2013. Intbagħtu talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil Spanja fl-14 ta' Mejju 2013, fis-16 ta' Jannar 2014 u fis-26 ta' Marzu 2014. Bl-ittri tat-13 ta' Ġunju 2013, l-14 ta' Frar 2014 u l-15 ta' April 2014 rispettivament, Spanja pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni b'risposta għal dawk it-talbiet.

(3)

Ittra ta' valutazzjoni preliminari ntbagħtet lill-Ilmentatur fit-30 ta' Jannar 2015. B'reazzjoni għall-ittra ta' valutazzjoni preliminari, l-Ilmentatur issottometta aktar informazzjoni fil-5 ta' Marzu 2015 (risposta preliminari) u fil-21 ta' April 2015 (risposta finali għall-ittra ta' valutazzjoni preliminari). Barra minn hekk, fid-9 ta' Marzu 2015 saret laqgħa mal-Ilmentatur, u ġiet preżentata informazzjoni addizzjonali mill-Ilmentatur fl-4 ta' Ġunju 2015.

(4)

Ir-risposta finali tal-Ilmentatur għall-ittra ta' valutazzjoni preliminari ntbagħtet lil Spanja għal kummenti fid-9 ta' Ġunju 2015, flimkien ma' talba għal informazzjoni addizzjonali. Spanja wieġbet fit-8 ta' Lulju 2015. Fuq talba ta' Spanja, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ittra ta' valutazzjoni preliminari ntbagħtet lil Spanja fil-31 ta' Lulju 2015.

(5)

Permezz tal-ittra tas-26 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni infurmat lil Spanja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' tnejn mill-allegati miżuri ta' għajnuna. Bl-istess ittra, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tliet miżuri l-oħra li fuqhom tressaq l-ilment ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar iż-żewġ allegati miżuri ta' għajnuna.

(7)

Permezz ta' ittra datata d-19 ta' April 2016, Spanja pprovdiet kummenti dwar id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura. B'ittra tas-6 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni talbet lil Spanja tipprovdi informazzjoni addizzjonali, li ġiet sottomessa minn Spanja b'ittra datata t-28 ta' Novembru 2016.

(8)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand tliet partijiet terzi interessati, inkluża Iberpotash, l-allegata benefiċjarja tal-għajnuna. Hija bagħtithom lil Spanja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu permezz tal-ittri datati s-27 ta' Lulju 2016 u s-6 ta' April 2017.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   RIĊEVITUR

(9)

Iberpotash hija s-sid u l-operatur ta' żewġ minjieri tal-potassa fil-baċir tax-xmara Llobregat fir-reġjun Bages fil-Katalonja, waħda f'Súria u l-oħra f'Sallent u f'Balsareny. Il-potassa tintuża għall-produzzjoni ta' fertilizzanti. Barra minn hekk, Iberpotash tipproduċi u tbigħ ukoll il-melħ, primarjament għal skopijiet industrijali.

(10)

Iberpotash hija sussidjarja ta' ICL Fertilisers, kumpanija multinazzjonali Iżraeljana, li hija l-ikbar produttur ta' fertilizzanti fid-dinja. Il-minjieri tal-potassa, li ilhom joperaw fir-reġjun mis-snin 1920, kienu proprjetà tal-Istat sal-1998. Iberpotash akkwistat il-minjieri tal-potassa f'Súria u f'Sallent/Balsareny abbażi ta' ftehim ta' bejgħ u xiri konkluż fil-21 ta' Ottubru 1998 mas-Sociedad Estatal de Participaciones Industriales – SEPI, kumpanija azzjonarja pubblika tal-Istat Spanjol.

2.2.   ALLEGATI MIŻURI TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(11)

Skont l-Ilmentatur, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat lil Iberpotash permezz ta' għadd ta' miżuri. Dawn il-miżuri ta' għajnuna allegati kollha għandhom x'jaqsmu mal-obbligi ambjentali ta' Iberpotash rigward is-siti tal-minjieri tagħha fil-baċir tax-Xmara Llobregat u l-munzelli ta' skart tal-melħ li nħolqu f'dawn is-siti bħala riżultat tad-deċennji li matulhom operaw il-minjieri. Dawn l-allegati miżuri ta' għajnuna mill-Istat jinkludu:

(a)

In-nuqqas tal-awtoritajiet Spanjoli li jikkonformaw mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni”), li allegatament wassal għal garanziji finanzjarji mnaqqsa għall-ksib tal-permessi għat-tħaddim tal-minjieri ta' Iberpotash' (“Miżura 1: livell imnaqqas tal-garanziji finanzjarji”);

(b)

Investimenti magħmula mill-awtoritajiet Spanjoli biex jiġu limitati u/jew jissewwew id-danni allegatament ikkawżati lill-ambjent minn Iberpotash bi ksur tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”. Dawn l-investimenti jinkludu:

Il-bini ta' kollettur ġdid tal-ilma mielaħ li ilu jopera mill-2008 (“Miżura 2: kollettur ġdid tal-ilma mielaħ”)

Investimenti għat-titjib tal-faċilitajiet tat-trattament tal-ilma f'Abrera u f'Sant Joan Despí fix-Xmara Llobregat (“Miżura 3: investimenti fil-faċilitajiet tat-trattament tal-ilma”)

Il-kisja li tgħatti l-munzell tal-iskart tal-melħ fis-sit tal-minjiera ta' Vilafruns ta' Iberpotash (“Miżura 4: kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns”)

(c)

Il-finanzjament ta' studju ambjentali dwar il-munzell ta' skart ta' Cogulló (“Miżura 5: studju dwar il-munzell ta' skart ta' Cogulló”)

(12)

L-Ilmentatur jistma li t-total tal-allegata għajnuna lil Iberpotash minħabba dawn il-miżuri jinsab fil-medda ta' bejn EUR 260 u EUR 407 miljuni.

(13)

L-Ilmentatur issottometta wkoll ilment separat dwar allegat ksur tal-liġi ambjentali tal-UE. Abbażi ta' dan l-ilment, f'Lulju tal-2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja u b'hekk bdiet il-proċedura ta' ksur minħabba nuqqas ta' konformità mal-obbligi fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni. F'Settembru 2015, ittra ta' intimazzjoni addizzjonali estendiet il-proċedura ta' ksur għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”). Il-proċedura ta' ksur għadha pendenti (5).

2.3.   RAĠUNIJIET BIEX JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA

(14)

Fis-26 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tiftaħ investigazzjoni formali rigward il-miżuri 1 u 4 (6) (“id-Deċiżjoni ta' Ftuħ”) bil-għan li tindirizza d-dubji tagħha dwar jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u jekk humiex kompatibbli mas-suq intern.

(15)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri 2, 3 u 5 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Billi din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata, il-miżuri 2, 3 u 5 mhumiex l-oġġett tad-deċiżjoni preżenti u m'għandhomx jiġu vvalutati aktar minn hawn 'il quddiem.

2.3.1.   DUBJI RIGWARD IL-MIŻURA 1: GARANZIJI FINANZJARJI MNAQQSA

(16)

Il-Kummissjoni sabet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li ma setgħetx teskludi li l-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, kellha dubji dwar il-fatt jekk il-Miżura 1 involvitx it-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat u jekk tatx xi vantaġġ ekonomiku lil Iberpotash, u għalhekk stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli u lil partijiet terzi jipprovdu aktar evidenza f'dan ir-rigward.

(17)

Sa fejn il-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet tiddubita li setgħet titqies kompatibbli.

2.3.2.   DUBJI RIGWARD IL-MIŻURA 4: KISI TAL-MUNZELL TA' SKART TA' VILAFRUNS

(18)

Il-Kummissjoni sabet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-finanzjament pubbliku tal-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns probabbilment jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, qieset li l-Miżura 4 kienet probabbli li tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil Iberpotash billi tiżgura prevenzjoni aħjar kontra t-tniġġis fil-faċilità tal-iskart proprjetà ta' Iberpotash u b'hekk tiżgura l-konformità mal-obbligi ambjentali tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli u partijiet terzi jikkummentaw fuq dawn il-konklużjonijiet preliminari.

(19)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li peress li l-kostijiet tal-investiment kienu ffinanzjati bis-sħiħ mill-awtoritajiet pubbliċi u Iberpotash tkopri biss il-kostijiet tal-manutenzjoni sussegwenti, l-intensità tal-għajnuna tal-Miżura 4 taqbeż sew l-intensitajiet għal għajnuna għal impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta' dawn l-istandards taħt it-taqsima 3.1.1 tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (2008/c 82/01) (“il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008”) (7). Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta' tali għajnuna u stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli u lil partijiet terzi jikkumentaw fuq dawn is-sejbiet preliminari.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

3.1.   KUMMENTI MINN IBERPOTASH

(20)

Fil-parti l-kbira tagħhom, Iberpotash tallinja l-kummenti tagħha ma' dawk sottomessi minn Spanja dwar iż-żewġ miżuri taħt investigazzjoni.

(21)

Iberpotash tinnota, barra minn hekk, li l-Miżura 1 ma tinvolvix riżorsi tal-Istat peress li ma kienx hemm trasferiment ta' riżorsi minn Spanja lejn Iberpotash sal-lum. Barra minn hekk, ir-riskju li dan iseħħ huwa baxx ħafna minħabba li Iberpotash mhux qed tiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi u se tkun f'pożizzjoni li ġġarrab il-kostijiet tar-riabilitazzjoni ambjentali fil-każ li l-ammont tal-garanzija jkun insuffiċjenti. Iberpotash tesprimi l-istess tħassib bħal Spanja rigward is-selettività tal-miżuri u rigward jekk humiex qed jikkonferixxu vantaġġ ekonomiku jew distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn Stati Membri.

(22)

Iberpotash ittenni li l-Miżura 4 hija kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008 u li l-intensità tal-għajnuna applikabbli għar-riabilitazzjoni ta' siti kkontaminati hija 100 %.

3.2.   KUMMENTI MILL-EWWEL PARTI INTERESSATA (L-ILMENTATUR)

(23)

L-ewwel parti interessata, li tixtieq li l-identità tagħha tinżamm kunfidenzjali, tappoġġa l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u tappoġġja l-argumenti tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ rigward iż-żewġ Miżuri.

(24)

L-ewwel parti interessata żżid li l-iffissar ta' garanzija insuffiċjenti jinvolvi piż reali għall-awtoritajiet pubbliċi, li jġarrbu l-kostijiet tal-obbligi ambjentali ta' Iberpotash. Hija tinnota wkoll li Iberpotash kisbet vantaġġ ekonomiku minħabba li Iberpotash użat ir-riżorsi finanzjarji li hija ffrankat għall-iffinanzjar tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha stess.

(25)

L-ewwel parti interessata taqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna hija inkompatibbli peress li tikkostitwixxi għajnuna operatorja.

(26)

Fir-rigward tal-Miżura 2, l-ewwel parti interessata tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Qorti Provinċjali ta' Barċellona tat-22 ta' Frar 2016 li kkonfermat l-obbligu ta' Iberpotash li tirriabilita l-artijiet li saritilhom ħsara minħabba l-attivitajiet tagħha. Hija żżid ukoll li l-kisi tal-munzell ta' skart tal-melħ mhuwiex proġett “pilota” peress li l-ebda dokument relatat mal-iffinanzjar pubbliku ta' din il-miżura ma jiddeskrivi l-proġett fih innifsu u peress li l-metodu użat huwa wieħed magħruf sew li ntuża minn kumpaniji oħrajn tal-minjieri għal mill-inqas 15-il sena għal munzelli simili.

3.3.   KUMMENTI MIT-TIENI PARTI INTERESSATA

(27)

It-tieni parti interessata, li wkoll tixtieq li l-identità tagħha tinżamm kunfidenzjali, tappoġġja d-Deċiżjoni ta' Ftuħ tal-Kummissjoni.

(28)

Fir-rigward tal-Miżura 1, hija tinnota, barra minn hekk, li l-kwistjoni jekk l-ammont tal-garanzija jikkonformax mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE jew ta' Spanja hija irrilevanti, minħabba li l-għajnuna tikkonsisti mill-fatt li l-Istat jassumi r-riskju finanzjarju tar-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet affettwati; il-kwantifikazzjoni ta' tali riskju hija esklussivament kwistjoni ta' fatt, mhux tal-liġi.

(29)

Barra minn hekk, it-tieni parti interessata tiddubita d-disponibbiltà ta' Iberpotash li tħallas għar-riabilitazzjoni ambjentali meta jirriżulta dan l-obbligu, minħabba li l-uniċi assi Spanjoli ta' Iberpotash huma l-faċilitajiet tal-minjieri tagħha, li se jingħalqu u għaldaqstant se jkunu ta' valur baxx wara l-2035.

(30)

It-tieni parti interessata tinnota wkoll li l-iffissar ta' ammont ta' garanzija suffiċjenti jġib miegħu kost annwali ta' mill-inqas EUR 2 806 000 għal Iberpotash, li diffiċli jitqies bħala ammont insinifikanti. Hija żżid li l-istabbiliment tal-garanziji bl-ammont reali jirriżulta wkoll fl-evitar min-naħa ta' Iberpotash tal-kollateralizzazzjoni tar-riżervi finanzjarji tagħha.

(31)

Fir-rigward tal-Miżura 2, it-tieni parti interessata tosserva li s-sentenza tal-Qorti Suprema tal-14 ta' Mejju 2009 flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE (8) u mal-liġi Spanjola applikabbli tipprovdi li Iberpotash weħidha hija responsabbli għall-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns preċiżament mill-mument meta ġew ittrasferiti lilha d-drittijiet tat-tħaffir, irrispettivament jekk is-sit huwiex attiv jew le.

(32)

Fir-rigward tal-Miżura 4, it-tieni parti interessata targumenta li l-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns hija responsabbiltà ta' Iberpotash u li Iberpotash għalhekk irċeviet vantaġġ selettiv minħabba l-finanzjament pubbliku tal-kisja. Barra minn hekk, it-tieni parti interessata ma taqbilx mal-kwalifikazzjoni tal-kisi bħala proġett pilota ta' teknika ġdida ta' riabilitazzjoni. Hija targumenta li l-kisi ta' munzelli ta' skart tal-melħ b'membrani ġeosintetiċi hija teknika antika li ilha tintuża għal żmien twil, pereżempju minn kumpaniji tal-potassa ta' Alsace jew dawk Ġermaniżi.

(33)

Finalment, it-tieni parti interessata targumenta li l-kwistjoni jekk Iberpotash hijiex l-uniku produttur tal-potassa fi Spanja hija irrelevanti peress li s-suq rilevanti tal-potassa huwa wieħed globali. Wieħed ma jistax jiddubita xi effett fuq il-kummerċ peress li ġeografikament, Iberpotash qed tikkompeti ma' produtturi Franċiżi tal-melħ, bħalma jidher mill-prossimità (inqas minn 100 km bogħod) tas-siti ta' Súria u ta' Sallent mal-fruntiera Franċiża.

(34)

Kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni parti interessata pprovdew ukoll kummenti rigward tliet miżuri oħrajn analizzati fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ (miżuri relatati ma' (i) kollettur ġdid tal-ilma mielaħ, (ii) investimenti fil-faċilitajiet tat-trattament tal-ilma, u (iii) studju dwar il-munzell ta' skart ta' Cogulló). Madankollu, kif ġie nnutat fil-premessa 15, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u għalhekk mhumiex l-oġġett tal-proċedura ta' investigazzjoni formali. Il-kummenti tal-partijiet terzi pprovduti esklussivament rigward dawn il-miżuri mhux koperti mill-investigazzjoni formali għalhekk jitqiesu irrelevanti għall-għanijiet ta' din id-deċiżjoni.

4.   KUMMENTI MINN SPANJA

4.1.   KUMMENTI DWAR ID-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

(35)

Fejn tidħol il-Miżura 1, Spanja hija tal-opinjoni li l-ammont tal-garanzija kien dejjem adegwat u stabbilit b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta' Spanja u tal-Unjoni. B'mod aktar partikolari, Spanja targumenta li l-każijiet ta' ksur possibbli tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni ma jinkludux l-iffissar baxx wisq tal-ammont tal-garanzija, u għalhekk ma setax kien hemm ksur tad-Direttiva.

(36)

Barra minn hekk, rigward il-kwistjoni tal-istabbiliment tal-ammont adegwat tal-garanzija, Spanja tiċħad bħala mhux konklużiva l-istqarrija datata t-2 ta' Ottubru 2013 tas-Sinjura Assumpta Feran (id-Direttur tad-Direttorat inkarigat mill-ambjent fi ħdan il-Generalitat de Catalunya) quddiem il-Kumitat Ambjentali tal-Parlament Katalan, li sostniet li l-garanzija finanzjarja kellha tammonta għal EUR 200 miljun. Skont Spanja, id-dikjarazzjoni saret f'dibattitu bejn partijiet politiċi opposti u għaldaqstant kienet xprunata minn kunsiderazzjonijiet politiċi. Spanja tqis ukoll is-sentenza tal-11 ta' Ottubru 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja bħala mhux konklużiva rigward id-determinazzjoni tal-ammont adegwat tal-garanzija peress li l-qorti nfisha żammet lura milli tikkalkulah.

(37)

Barra minn hekk, Spanja tqis bħala mhux affidabbli l-istudju pprovdut mill-ilmentatur u ċċitat mill-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni ta' ftuħ, peress li l-istudju ma kkalkulax l-ammont ta' garanzija adegwat abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Digriet 202/1994 tal-14 ta' Ġunju 1994, jiġifieri l-leġiżlazzjoni applikabbli rigward l-ammont tal-garanzija.

(38)

Spanja targumenta wkoll, barra minn hekk, li l-Miżura 1 mhux qed tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil Iberpotash. Kwalunkwe allegat vantaġġ ġie ffissat abbażi ta' qafas legali li kien applikabbli b'mod ugwali għall-kompetituri potenzjali kollha. Barra minn hekk, l-estrazzjonijiet ta' Sallent u ta' Súria huma l-uniċi attivi fi Spanja, u għaldaqstant Iberpotash ma kellhiex il-possibbiltà tikseb vantaġġ billi m'hemmx estrazzjonijiet oħrajn komparabbli fit-territorju Spanjol.

(39)

Spanja ssostni li mhemmx riżorsi tal-Istat involuti peress li, fil-każ li l-ammont tal-garanzija ma jkunx suffiċjenti, l-obbligu ta' Iberpotash li tirriabilita l-art affettwata mill-attivitajiet ta' estrazzjoni jibqa' validu. Għalhekk, Spanja tista' tinforza l-obbligu ta' Iberpotash b'mezzi ta' sekwestru tad-drittijiet u tal-proprjetà ta' din tal-aħħar fit-territorju Spanjol.

(40)

Fl-aħħar, Spanja tinnota li l-Miżura 1 mhux qed tfixkel il-kompetizzjoni u mhux qed taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri peress li l-kostijiet imġarrba minn Iberpotash, kieku kienet obbligata tiffissa ammont ta' garanzija ogħla, huma negliġibbli għall-istandards tal-industrija tal-estrazzjoni tal-potassa.

(41)

Rigward il-Miżura 4, Spanja targumenta li ma jistax ikun li Iberpotash kisbet vantaġġ ekonomiku peress li, billi ma kinitx tniġġes, Iberpotash ma kellhiex l-obbligu tiksi l-munzell ta' skart tal-melħ ta' Vilafruns, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli fuq livell ġenerali. Barra minn hekk, Iberpotash iġġarrab il-kostijiet tal-manutenzjoni tal-kisi tal-munzell, u għaldaqstant, anki jekk, bis-saħħa tal-finanzjament pubbliku, hija ffrankat il-kostijiet tal-kostruzzjoni tal-munzell, hija mistennija tonfoq ammont ħafna ogħla għall-manutenzjoni tagħha għad-deċennji li ġejjin u b'hekk titlef kwalunkwe vantaġġ ekonomiku miksub permezz tal-miżura.

(42)

Spanja tallega li l-Miżura 4 ma tistax tkun selettiva peress li Iberpotash hija l-unika intrapriża fi Spanja involuta f'attivitajiet ta' estrazzjoni tal-potassa.

(43)

B'żieda ma' dan, il-miżura m'għandhiex effett distorsiv fuq il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri peress li l-melħ estratt, minħabba diffikultajiet relatati mat-trasport, ma jistax jiġi ttrasferit bejn l-Istati Membri.

(44)

Jekk, minkejja dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, Spanja tqis li din taqa' taħt il-livell limitu ta' għajnuna de minimis tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (9) u (UE) Nru 1407/2013 (10).

(45)

U fl-aħħar, Spanja talbet li l-Miżura 4 tiġi ddikjarata kompatibbli abbażi tal-Linji Gwida Ambjentali 2008, u b'mod speċjali fid-dawl tal-karattru innovattiv tat-teknoloġija użata għall-kisi tal-munzell ta' skart tal-melħ ta' Vilafruns li, b'differenza mit-teknoloġija użata f'faċilitajiet ta' minjieri oħrajn, hija ddisinjata wkoll biex tipprevjeni t-tnixxija tal-materjal iddepożitat.

4.2.   RISPONS TA' SPANJA GĦALL-KUMMENTI SOTTOMESSI MINN PARTIJIET TERZI

(46)

Spanja rrispondiet għall-osservazzjonijiet ifformulati dwar il-Miżura 1 miż-żewġ partijiet interessati billi għal darba oħra ġibdet l-attenzjoni għall-proċedura amministrattiva applikabbli skont il-liġi Spanjola għall-infurzar tal-obbligi ambjentali ta' Iberpotash u għall-irkuprar minn Iberpotash ta' kwalunkwe ammont eventwalment imħallas minn Spanja fil-każ li l-garanzija għar-riabilitazzjoni ambjentali tispiċċa insuffiċjenti. Il-kapaċità li hija tinforza dan l-obbligu ta' Iberpotash tfisser li m'hemmx piż fuq il-baġit tal-Istat u konsegwentement m'hemmx trasferiment ta' riżorsi tal-Istat.

(47)

Spanja wieġbet għall-osservazzjonijiet ifformulati dwar il-Miżura 4 miż-żewġ partijiet interessati billi spjegat li d-deċiżjoni tal-Qorti Provinċjali ta' Barċellona tat-22 ta' Frar 2016 inkludiet elenku tal-inħawi fejn Iberpotash kienet obbligata timplimenta miżuri ta' riabilitazzjoni ambjentali, li la fiha l-munzell ta' Vilafruns u lanqas jissemma li l-munzell hija sors ta' tniġġis. Barra minn hekk, il-persuni kkundannati bid-deċiżjoni kienu jiffurmaw parti mill-kumpanija li kienet tagħmel użu mill-minjieri qabel l-akkwiżizzjoni tal-konċessjoni tal-minjieri minn Iberpotash. Barra minn hekk, dawk il-persuni ġew ikkundannati għal azzjonijiet u ommissjonijiet li seħħew ħafna qabel il-kisi tal-munzell ta' Vilafruns.

(48)

Spanja ttenni wkoll l-argumenti tagħha rigward in-nuqqas ta' obbligu min-naħa ta' Iberpotash, skont il-liġi Spanjola, biex tgħatti l-ponta ta' Vilafruns.

(49)

U fl-aħħar, Spanja tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja li l-ewwel parti interessata tenfasizza li l-ebda dokumenti relatati mal-iffinanzjar pubbliku tal-kisja tal-munzell ma jiddeskrivuha bħala proġett “pilota”, madankollu l-parti msemmija ma tqegħidx f'dubju li t-teknoloġija użata għall-kisja tal-munzell hija waħda distinta u, b'differenza mit-teknoloġija użata f'minjieri oħra tal-potassa, hija wkoll iddisinjata biex tipprevjeni t-tnixxija tal-materjal iddepożitat. Il-fatt li l-kelma “pilota” mhux qed tissemma' ma jeskludix il-karattru innovattiv tat-teknoloġija użata.

5.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(50)

Id-deċiżjoni l-ewwel tanalizza jekk iż-żewġ Miżuri taħt skrutinju jinkludux għajnuna mill-Istat lil Iberpotash skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u mbagħad jekk tali għajnuna, kieku tkun preżenti, kinitx tkun legali u kompatibbli mas-suq intern.

5.1.   EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(51)

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, peress li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(52)

Sabiex tikkonkludi jekk hemmx preżenti għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta jekk il-kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE (jiġifieri trasferiment ta' riżorsi tal-Istat u imputabbiltà, vantaġġ selettiv, distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-UE) humiex issodisfati għall-Miżuri vvalutati.

5.1.1.   MIŻURA 1: LIVELL IMNAQQAS TAL-GARANZIJI FINANZJARJI

(53)

Skont il-liġi nazzjonali u, fil-każ tal-minjieri li kienu diġà joperaw fl-1 ta' Mejju 2008, sa mill-2014 anki skont il-liġi tal-Unjoni, l-operaturi ta' faċilitajiet ta' minjieri huma obbligati jistabbilixxu garanzija finanzjarja mmirata lejn l-iżgurar li huma jkollhom riżorsi suffiċjenti mwarrba għall-kopertura tal-kostijiet tar-riabilitazzjoni tas-siti tagħhom malli jintemmu l-attivitajiet tagħhom ta' estrazzjoni. Barra minn hekk, dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw minn awtoritajiet pubbliċi fil-qafas tal-liġi nazzjonali rilevanti għall-iffinanzjar ta' miżuri ta' ħarsien tal-ambjent li l-operaturi huma obbligati jieħdu, iżda jonqsu li jagħmlu dan. L-operaturi jistgħu jistabbilixxu tali garanziji f'għamla ta' garanzija bankarja li għaliha jħallsu xi imposta. Skont l-Ilmentatur, Iberpotash irċeviet għajnuna illegali u inkompatibbli billi l-ammont tal-garanzija finanzjarja ġie ffissat lilha f'livell baxx ħafna mill-awtoritajiet rilevanti.

5.1.1.1.    Vantaġġ ekonomiku selettiv

(54)

Il-Kummissjoni l-ewwel trid tivvaluta jekk il-livelli tal-garanziji finanzjarji kif iffissati mill-awtoritajiet Spanjoli kinux fil-fatt aktar baxxi minn dawk meħtieġa mir-regoli applikabbli fil-perjodu rilevanti. Dan huwa rekwiżit neċessarju għall-eżistenza ta' kwalunkwe għajnuna mill-Istat potenzjali rigward din il-miżura partikolari. Jekk, bil-kuntrarju, il-livell tal-garanziji kien ġie ffissat b'mod konformi mar-regoli applikabbli, Iberpotash tkun ġiet ittrattata bħal kwalunkwe impriża oħra f'sitwazzjoni simili u għalhekk ma kienx ikun hemm raġuni għalfejn titqies li ġiet iffavorita b'mod selettiv mill-applikazzjoni konkreta, fil-każ tagħha, tar-regoli stabbiliti għall-iffissar ta' garanziji finanzjarji.

Leġiżlazzjoni applikabbli

(55)

Għalhekk, jinħtieġ li wieħed l-ewwel jiddeskrivi fil-qosor ir-regoli rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirregolaw l-istabbiliment tal-garanziji finanzjarji.

(56)

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha, “qabel ma jinbdew kwalunkwe operazzjonijiet li jinvolvu l-akkumulu jew id-depożitu ta' skart tal-estrazzjoni ġo faċilità tal-iskart, titlob garanzija finanzjarja (p.e. f'forma ta' depożitu finanzjarju, inklużi fondi ta' garanzija reċiproka sponserjati mill-industrija) jew l-ekwivalenti”. L-għan ta' din il-garanzija hu li “l-obbligi kollha taħt il-permess li jinħareġ skont din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet ta' wara l-għeluq, jiġu sodisfatti” u li “ikun hemm fondi faċilment disponibbli fi kwalunkwe ħin għar-riabilitazzjoni tal-art affettwata mill-faċilità ta'-iskart”.

(57)

Abbażi tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva, il-kalkolu tal-garanzija għandu jsir abbażi ta' (i) l-impatt ambjentali probabbli tal-faċilità ta' skart, u (ii) il-presunzjoni li partijiet terzi indipendenti u kwalifikati kif xieraq jivvalutaw u jwettqu kwalunkwe xogħol ta' riabilitazzjoni meħtieġ. L-ammont tal-garanzija għandu jiġi aġġustat perjodikament skont kwalunkwe xogħol ta' riabilitazzjoni meħtieġ.

(58)

Fejn jidħlu r-regoli nazzjonali, id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni ġiet trasposta għal-liġi Spanjola b'Digriet Rjali 975/2009 tat-12 ta' Ġunju 2009 dwar il-ġestjoni tal-iskart mill-estrazzjoni fil-minjieri u l-barrieri u r-riabilitazzjoni tal-inħawi affettwati minn attivitajiet tal-minjieri (“Digriet Rjali 975/2009”). Skont l-Ewwel Dispożizzjoni Tranżitorja (Disposición transitoria primera) tad-Digriet Rjali 975/2009, id-dispożizzjonijiet ta' dak l-att rigward il-garanziji finanzjarji (jiġifieri b'mod partikolari l-Artikolu 43) ikunu japplikaw mill-1 ta' Mejju 2014 'il quddiem għas-siti ta' minjieri li kienu diġà joperaw fl-1 ta' Mejju 2008 (inklużi s-siti ta' Iberpotash).

(59)

Madankollu, qabel l-applikabbiltà tad-Digriet Rjali 975/2009 li jittrasponi d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, fir-reġjun Katalan, il-permessi, il-pjanijiet ta' riabilitazzjoni u l-garanziji f'każijiet ta' kumpaniji tal-minjieri kienu regolati mil-Liġi 12/1981 li tistabbilixxi miżuri addizzjonali għall-protezzjoni ta' siti naturali affettwati minn attivitajiet ta' estrazzjoni (“Liġi 12/1981”) (11) u mid-Digriet 202/1994 li jistabbilixxi l-kriterji biex jiġu ddeterminati l-garanziji relatati mal-programmi ta' riabilitazzjoni għal attivitajiet ta' estrazzjoni (“Digriet 202/1994”) (12). Skont l-Artikolu 8 (2) tal-Liġi 12/1981, il-garanzija finanzjarja jenħtieġ li tiġi stabbilita filwaqt li tiġi kkunsidrata ż-żona affettwata mir-riabilitazzjoni u/jew il-kostijiet globali ta' din ir-riabilitazzjoni. L-Artikolu 2 tad-Digriet 202/1994 jikkwantifika l-ammont tal-garanziji għal kull ettaru għal diversi miżuri standard ta' riabilitazzjoni u jindika li għal kwalunkwe miżura speċifika oħra, l-ammont irid iqis il-kostijiet tagħhom (13). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Digriet 202/1994 jistipula li għal attivitajiet ta' estrazzjoni li ma jseħħux f'siti naturali ta' interess speċjali (inklużi s-siti ta' Iberpotash), l-ammont li jirriżulta abbażi tal-Artikolu 2 irid jitnaqqas b'50 %.

L-ammonti ta' garanzija finanzjarja stabbiliti għal Iberpotash

(60)

Abbażi ta' dawn ir-regoli nazzjonali, Iberpotash kisbet permess mill-Generalitat de Catalunya biex twettaq l-attivitajiet ta' estrazzjoni tagħha tal-potassa fis-sit tagħha f'Súria fid-9 ta' Novembru 2006 u fis-sit tagħha f'Balsareny/Sallent fit-28 ta' April 2008. Dawn il-permessi jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi individwali li jiffissaw il-garanziji finanzjarji bl-ammont ta' EUR 1 130 128 għas-sit f'Balsareny/Sallent u bl-ammont ta' EUR 773 682,28 (li żdied għal EUR 828 013,24 fl-2008) għas-sit f'Súria. Dawn l-ammonti tal-garanzija ġew riveduti biss fl-2015, meta l-awtoritajiet Spanjoli pproponew livelli ferm ogħla li jammontaw għal EUR 6 979 471,83 għas-sit f'Balsareny/Sallent (fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja f'Diċembru tal-2016 – ara hawn taħt) u EUR 6 160 872,35 għas-sit f'Súria (fis-seħħ minn Mejju 2015). L-ammonti ta' garanzija ġew iffissati b'deċiżjonijiet individwali u speċifiċi adottati mill-Generalitat u indirizzati lil Iberpotash.

Evidenza li l-ammonti ta' garanzija għal Iberpotash huma aktar baxxi milli meħtieġ

(61)

F'dan ir-rigward ta' min wieħed jenfasizza li l-ewwel huwa f'idejn l-awtoritajiet ambjentali kompetenti li jiddeterminaw u japprovaw l-ammonti tal-garanziji finanzjarji skont ir-regoli nazzjonali jew reġjonali applikabbli fil-każ partikolari. Għalkemm il-Kummissjoni hija responsabbli biex tissalvagwardja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, li hija applikabbli għall-garanziji finanzjarji ta' Iberpotash mill-1 ta' Mejju 2014, din id-Direttiva tħalli diskrezzjoni sinifikanti lill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-ammont preċiż tal-garanziji. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma daħlitx għal evalwazzjoni tagħha stess tal-livelli korretti tal-garanziji finanzjarji skont id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, iżda tillimita l-valutazzjoni tagħha għal evalwazzjoni tal-evidenza eżistenti tal-insuffiċjenza tal-garanziji finanzjarji. Fil-fatt, hemm għadd ta' elementi ta' evidenza li jissuġġerixxu li l-ammont tal-garanziji finanzjarji kif iffissati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-2006 u fl-2008 kien eventwalment aktar baxx milli mitlub mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

(62)

L-aktar fatt importanti huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja (Tribunal Superior de Justicia de Cataluña) iddeċidiet fil-11 ta' Ottubru 2011 li l-ammont tal-garanzija finanzjarja għall-munzell ta' skart ta' Cogulló fis-sit ta' Iberpotash f'Balsareny/Sallent bl-ammont ta' EUR 585 153 kien aktar baxx milli meħtieġ. Is-sentenza tikkonkludi li l-ammont tal-garanzija ma jirrispettax il-parametri legali u regolatorji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li tagħmel referenza partikolari għall-Artikolu 8(2) tal-Liġi 12/1981 u għad-Digriet 202/1994. Is-sentenza tgħid li, anki fin-nuqqas ta' kwalunkwe prova konklużiva (“una prueba concluyemente determinada”) tal-ammont korrett tal-garanzija, il-Qorti kapaċi tikkonkludi li l-ammont tal-garanzija ffissat fil-livell ta' EUR 585 153 biss huwa ċar li mhuwiex konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet legali. B'hekk, il-qorti tiddikjara l-garanzija bħala insuffiċjenti u mhux konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli u tordna lill-awtoritajiet Spanjoli jiffissaw livell ġdid għall-garanzija finanzjarja. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata bis-sħiħ fl-appell bis-sentenza tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo) tad-9 ta' Lulju 2014. Fl-aħħar, kif ġie nnutat mill-awtoritajiet Spanjoli, bid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta' Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja kkonfermat li l-ammont il-ġdid propost ta' EUR 6 979 471,83 għas-sit kollu f'Balsareny/Sallent kien adegwat.

(63)

Fid-dawl tas-sentenza nazzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja tal-11 ta' Ottubru 2011, li b'mod awtorevoli tinterpreta r-regoli rilevanti nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li ntwera li l-ammont oriġinali tal-garanzija finanzjarja għas-sit ta' Iberpotash f'Balsareny/Sallent iffissat fl-2006 fil-livell ta' EUR 1 130 128 (inkluż EUR 585 153 munzell ta' skart ta' Cogulló) kien ferm insuffiċjenti. Bid-deċiżjoni tagħha tal-2016, il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja kkonfermat li l-ammont totali għal Balsareny/Sallent kellu fil-fatt jiġi ffissat f'livell mill-inqas 6 darbiet ogħla, u x'aktarx saħansitra ogħla għall-perjodu ta' qabel it-tħabbir tal-Pjan Phoenix fl-2011 – ara l-premessi 73, 80 u 81 ta' hawn taħt.

(64)

Minkejja li m'hemmx sentenza tal-qorti simili rigward il-garanzija għas-sit ta' Súria, hemm evidenza konvinċenti li s-sejba ta' insuffiċjenza ċara tal-livell ta' garanzija kienet tkun daqstant probabbli f'każ ta' kwalunkwe kawża l-qorti. L-ammont tal-garanzija oriġinali ta' EUR 773 682,28 (li żdied għal EUR 828 013,24 fl-2008) jirrifletti b'mod proporzjonali l-fatt li s-sit f'Súria huwa iżgħar minn dak f'Balsareny/Sallent fir-rigward tal-massa tal-iskart akkumulat u l-erja totali tal-munzelli ta' skart (14). Barra minn hekk, il-garanzija għal Súria żdiedet b'mod sinifikanti għal EUR 6 160 872,35 fl-istess żmien bħal dik għal Balsareny/Sallent (jiġifieri biss wara l-ordni tal-qorti u l-konferma tagħha fl-appell) u bi proporzjon saħansitra ogħla (aktar minn 7 darbiet ogħla). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' kwalunkwe fattur ieħor li jispjega d-differenza tal-ammonti tal-garanziji għal Súria minn naħa u għal Balsareny/Sallent min-naħa l-oħra, l-ammont tal-garanzija għal Súria jista' wkoll jitqies insuffiċjenti.

(65)

Kemm l-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll Iberpotash jikkonfermaw fis-sottomissjonijiet tagħhom li l-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja qieset li l-garanzija għal El Cogulló kienet insuffiċjenti. Huma jippruvaw itaffu s-sentenza tal-qorti billi jsostnu li: (i) il-qorti rrikonoxxiet li, mill-inqas f'parti minnha, is-sitwazzjoni tmur lura għall-1929, (ii) il-qorti tammetti li m'għandhiex prova konklużiva, u (iii) il-qorti allegatament ma sabitx ksur konkret ta' norma legali partikolari. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti rigward is-sentenza ma jaffettwa l-konklużjoni dwar l-insuffiċjenza tal-garanzija. Il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli fil-fatt irrivedew l-ammont tal-garanzija wara l-konferma tas-sentenza fl-appell u ssottomettewh lill-qorti għall-approvazzjoni jikkonferma r-rilevanza tas-sentenza. Barra minn hekk, is-sentenza tal-11 ta' Ottubru 2011 tirreferi espliċitament għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-Liġi 12/1981 u fid-Digriet 202/1994.

(66)

Apparti s-sejba awtorevoli minn qorti nazzjonali, l-investigazzjoni żvelat diversi elementi oħra ta' evidenza li jikkorroboraw is-sejba li l-livell oriġinali tal-garanziji finanzjarji kien aktar baxx milli suppost.

(67)

L-ewwel, tliet partijiet issottomettew traskrizzjoni uffiċjali mis-seduta ta' smigħ quddiem il-Kumitat Ambjentali tal-Parlament Katalan tat-2 ta' Ottubru 2013, bi stqarrijiet espliċiti mid-Direttur Ġenerali għall-Ambjent tal-Generalitat de Catalunya li skonthom il-garanziji kienu insuffiċjenti b'mod ċar. Id-Direttur Ġenerali ssuġġerixxa li l-ammont ta' garanzija meħtieġ possibbilment jista' saħansitra jlaħħaq l-ammont ta' EUR 200 miljun. Minkejja li t-traskrizzjonijiet ta' diskussjoni politika fil-Parlament ma fihomx ġustifikazzjoni rilevanti għall-ammont mgħoddi, u għalhekk iridu jiġu ttrattati b'mod kawt, l-ordnijiet tad-daqs u d-differenza mill-ammont reali fil-fatt jikkonfermaw il-konklużjonijiet milħuqa mill-esperti fil-qasam, li qiesu l-ammont tal-garanziji ffissati fl-2006 u l-2008 bħala insuffiċjenti b'mod ċar.

(68)

It-tieni, l-Ilmentatur issottometta studju ta' Awwissu tal-2012 li kkummissjona minn esperti tal-ambjent (“Studju ERF”). L-istudju huwa stħarriġ minn esperti li janalizza u jikkompila ammont kbir ta' informazzjoni eżistenti (legali, akkademika jew li tirriżulta minn investigazzjoni tas-suq) dwar is-suġġett rilevanti. L-Istudju ERF analizza s-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tal-impatt ambjentali tas-siti tal-minjieri ta' Iberpotash u l-iżviluppi futuri previsti rigward l-ammont totali tal-materjal akkumulat fil-munzelli ta' skart. Huwa jikkonkludi li l-impatt ambjentali tal-munzelli ta' skart kien sinifikanti u mistenni li jibqa' jikber fil-futur.

(69)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-Istudju ERF jistma l-evoluzzjoni li ġejja tal-volum ta' skart akkumulat fil-munzelli ta' skart f'Súria u f'Sallent sa tmiem l-attivitajiet ta' estrazzjoni fl-2035:

Tabella 1

Akkumulazzjoni stmata tal-iskart fil-munzelli f'Suria u f'Sallent

 

Volum fl-2012

(fi kt)

Żieda annwali netta fil-volum (fi kt/sena)

Volum fl-2035

(fi kt)

Sallent

41 000

1 454

74 531

Súria

22 000

525

33 895

TOTAL

63 000

1 979

108 426

(70)

Barra minn hekk, l-Istudju ERF janalizza għażliet possibbli għar-riabilitazzjoni tal-munzelli ta' skart, inkluż: (i) l-irdim tal-materjal ta' skart fil-mini ta' taħt l-art, (ii) it-taħlil tal-melħ preżenti fil-munzelli tal-iskart bl-ippumpjar ta' ilma u r-rimi tal-ilma mielaħ li jirriżulta, jew lejn il-baħar jew taħt l-art, jew (iii) il-kisi tal-munzelli ta' skart b'materjal li jipprevjeni l-infiltrazzjoni tal-ilma tax-xita u t-tnixxija tal-melħ fl-ambjent. Jikkonkludi li fis-sitwazzjoni tas-siti ta' Iberpotash l-aktar metodu xieraq huwa l-kisi tal-munzelli ta' skart. Huwa metodu pjuttost sempliċi u magħruf sew minħabba li diġà ntuża f'għadd ta' każijiet, saħansitra mill-awtoritajiet Katalani stess. Barra minn hekk, huwa l-aktar metodu xieraq għar-riabilitazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi f'każ li l-kumpanija tal-estrazzjoni ma tissodisfax l-obbligi tagħha billi, għall-kuntrarju tal-metodi l-oħrajn, ma jeħtieġx installazzjoni addizzjonali ta' infrastruttura industrijali sinifikanti. Għalhekk, l-Istudju ERF jikkalkula l-kost mistenni tar-riabilitazzjoni tas-siti ta' Iberpotash bil-kisi tal-munzelli.

(71)

Il-kalkolu tal-kostijiet mistennija huwa bbażat fuq l-analiżi tal-kost unitarju tal-komponenti individwali tal-kisi għall-munzell ta' skart li jirriżulta minn riċerka dwar is-suq mill-esperti ma' fornituri ta' diversi xogħlijiet u provvisti involuti u bl-użu tad-data dwar il-prezzijiet tal-2012 ippubblikata mill-Istitut Katalan għat-Teknoloġija u l-Kostruzzjoni (Institut de Tecnologia de la Construcció de Catalunya – ITeC). Għall-paragun, l-istudju juża wkoll il-kostijiet globali tar-riabilitazzjonijiet għall-għażliet ta' riabilitazzjoni differenti kif stmati fl-istudju mħejji fl-2001 minn Symonds Group għad-DĠ għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea (15). Jinkludi wkoll il-kostijiet ta' manutenzjoni u ta' kontroll tal-munzelli miksijin għal 10 snin addizzjonali wara l-finalizzazzjoni tal-kisja. Dan il-kost unitarju jiġi mbagħad applikat għall-ammont stmat tal-materjal ta' skart fil-munzelli fi tliet mumenti ta' żmien differenti: (i) l-ammonti reali fl-2012, (ii) l-ammonti mistennija fl-2015 (sena tal-bidu mistenni tal-produzzjoni tal-melħ mill-materjal ta' skart f'impjant ġdid f'Súria), u (iii) l-ammonti mistennija fl-2035 (meta hu ppjanat it-twaqqif tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' Iberpotash). l-kostijiet totali ta' riabilitazzjoni li rriżultaw f'dawn il-perjodi huma miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja:

Tabella 2

Kostijiet stmati ta' riabilitazzjoni skont l-Istudju ERF

Sena

kostijiet stmati ta' riabilitazzjoni (EUR miljun)

Súria

Balsareny/Sallent

Total

2012

24,8

46,2

71,0

2015

26,9

52,3

79,2

2035

38,2

83,8

122,0

(72)

Fuq din il-bażi, l-Istudju ERF iqis li l-ammont tal-garanzija finanzjarja bbażat fuq ir-regoli leġiżlattivi l-ġodda tad-Digriet Rjali 975/2009 definittivament m'għandux ikun aktar baxx mill-kostijiet bażiċi tar-riabilitazzjoni fl-2012, li jammontaw għal EUR 71 miljun għaż-żewġ siti, u l-ammont adegwat tagħha, bil-kunsiderazzjoni tal-kostijiet totali fil-futur, għandu jkun madwar EUR 100 miljun.

(73)

Fl-aħħar, l-Istudju ERF janalizza l-impatt tal-estrazzjoni ppjanata u l-kummerċjalizzazzjoni tal-melħ fil-munzelli abbażi tal-Pjan Phoenix li kien għadu kif tħabbar u li beda jiġi implimentat fl-2012. B'kunsiderazzjoni ta' diversi xenarji rigward il-produzzjoni mistennija tal-potassa u l-melħ fil-futur (inklużi l-aktar pjanijiet ambizzjużi ta' Iberpotash li tbigħ 1,5 miljun tunnellata melħ fis-sena), l-Istudju ERF jikkonkludi li fil-qafas ta' kwalunkwe wieħed minn dawk ix-xenarji, il-Pjan Phoenix kien se jdewwem biss, iżda mhux se jwaqqaf, iż-żieda annwali kontinwata tal-materjal totali ta' skart akkumulat fis-siti ta' Iberpotash. Fl-aktar xenarju ottimistiku, il-Pjan Phoenix kien se jwassal għal tnaqqis tal-materjal ta' skart totali ddepożitat fil-munzelli għal 1 213 kt fis-sena (meta mqabbel ma' 1 979 kt fis-sena mingħajr il-Pjan Phoenix). Għalhekk, filwaqt li l-Pjan Phoenix għandu impatt apprezzabbli billi jnaqqas l-akkumulazzjoni annwali tal-iskart b'sa kważi 40 %, l-Istudju ERF iqis li l-Pjan Phoenix ma jistax jitqies bħala miżura awtosuffiċjenti ta' riabilitazzjoni, iżda pjuttost bħala fattur ta' taffija peress li se jwassal l-aktar l-aktar għal dewmien tat-tkabbir tal-munzelli eżistenti ta' skart, iżda mhux għall-eliminazzjoni tagħhom.

(74)

Iberpotash targumenta li l-Istudju ERF ma jistax iservi ta' bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-garanzija peress li huwa stess jirrikonoxxi l-fatt li mhuwiex ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet 202/1994 u peress li fih għadd ta' stqarrijiet u data skorretti.

(75)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istudju ma jsegwix d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet 202/1994 u jiffoka aktar fuq il-kundizzjonijiet tad-Digriet Rjali 975/2009 li jittrasponi d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni filwaqt li jiffoka fuq il-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni. Madankollu, ir-riżultati tiegħu li jindikaw il-kostijiet stmati ta' riabilitazzjoni għas-siti individwali ta' Iberpotash huma bbażati fuq metodoloġija soda u suppożizzjonijiet raġonevoli kif deskritti hawn fuq fil-premessi 68–73 u għalhekk huma rilevanti għall-kalkolu tal-garanziji anki fil-qafas tad-Digriet 202/1994. Dan huwa muri b'mod partikolari fl-Artikolu 2.4(h) tad-Digriet 202/1994, li jirreferi għall-kostijiet ta' kwalunkwe miżura speċifika oħra li tista' tkun meħtieġ u b'hekk mhux qed jillimita l-kalkolu għall-miżuri individwalment elenkati fil-punti preċedenti tal-Artikolu 2) (16).

(76)

Barra minn hekk, ir-rilevanza tal-firxa ta' ħsara għall-ambjent u tal-kostijiet mistennija għar-riabilitazzjoni hija wkoll, almenu b'mod espliċitu, evidenti fil-kliem tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja tal-11 ta' Ottubru 2011, li fir-rigward tal-ammont tal-garanziji finanzjarji, tistqarr li: “id-dispożizzjoni ewlenija u ċentrali hija l-Artikolu 8.2 tal-Liġi Nru 12/1981 […] li jistabbilixxi li f'kull każ, b'rabta mar-riabilitazzjoni, l-ammont irid jiġi stabbilit abbażi tal-erja affettwata mir-riabilitazzjoni, il-kost kumplessiv jew midawn iż-żewġ kriterji […] (“el precepto cardinal y central del caso es el artículo 8.2 de Ley 12/1981[…] al disponer que en cualquier caso, en lo referente a la restauración, la cuantía debe fijarse en función de la superficie afectada por la restauración, por el coste global de la restauración o por ambos aspectos conjuntamente […]”)” u li mbagħad tikkonkludi li l-awtorizzazzjoni mhijiex konformi mal-liġi applikabbli peress li “ma stabbilixxietx il-garanziji fil-każ preżenti b'konformità mal-limiti legali […] (“no ha establecido une fianza ajustada al caso en los límites legales […]”)”. U fl-aħħar, tali kostijiet mistennija ta' riabilitazzjoni huma b'mod ċar rilevanti għall-kalkolu tal-garanzija skont l-Artikolu 43 tad-Digriet Rjali 975/2009, applikabbli għal Iberpotash mill-1 ta' Mejju 2014.

(77)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li barra minn kritika ġenerali tas-suppożizzjonijiet allegatament impreċiżi u skorretti tal-Istudju ERF, la l-awtoritajiet Spanjoli u lanqas Iberpotash ma jidentifikaw dawk l-allegati nuqqasijiet ta' preċiżjoni u suppożizzjonijiet skorretti jew jipprovdu kwalunkwe argument speċifiku jew jipproponu stima alternattiva tagħhom tal-kostijiet totali tar-riabilitazzjoni għas-siti ta' Iberpotash.

(78)

L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-ammonti tal-garanziji kienu jikkonformaw mal-kriterji skont il-liġi nazzjonali billi kienu jikkunsidraw il-kostijiet mistennija skont il-pjan ta' riabilitazzjoni eżistenti ta' dakinhar. Barra minn hekk, Iberpotash issottomettiet l-istudju tagħha stess minn esperti bil-għan li turi li l-garanzija kienet suffiċjenti rigward iż-żewġ kriterji indikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri d-daqs tal-erja affettwata u l-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni.

(79)

Madankollu, kif ġie spjegat hawn fuq, huwa ċar li l-konformità mal-kriterji skont il-liġi nazzjonali ma ġietx ikkonfermata mis-sentenza tal-qorti. Barra minn hekk, il-miżuri inklużi fil-pjan ta' riabilitazzjoni u kkunsidrati fl-istudju sottomess minn Iberpotash kienu limitati għall-bini ta' kanali perimetriċi, baċini għall-ilma mielaħ mix-xita miġbur u miżuri simili mmirati għal-limitazzjoni tat-tniġġis, iżda huwa ċar li ma wasslux għal riabilitazzjoni permanenti tal-munzelli ta' skart. Għalhekk, l-istudju la jinkludi u lanqas jikkwantifika miżuri xierqa ta' riabilitazzjoni għall-kalkolu tal-kost mistenni. Peress li l-kostijiet reali mistennija ta' riabilitazzjoni huma rilevanti għall-kalkolu tal-garanzija finanzjarja kemm fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Katalana (ara l-premessa 75 ta' hawn fuq) kif ukoll fil-qafas ta' dik tal-Unjoni, il-konklużjonijiet tal-istudju pprovdut minn Iberpotash ma jistgħux iservu ta' bażi għall-kalkolu tal-ammont sħiħ u korrett tal-garanziji. Kif intwera mill-Istudju ERF, iżda wkoll minn eżempji ta' munzelli simili ta' skart fi Franza jew fil-Ġermanja (17), tali riabilitazzjoni normalment tinvolvi jew (a) tneħħija totali tal-munzelli (pereżempju bl-irdim tal-materjal taħt l-art), jew (b) id-desalinizzazzjoni gradwali tal-munzelli bl-ippumpjar tal-ilma fil-munzell u l-ġbir tal-ilma mielaħ li jirriżulta minn dan, jew (c) il-kisi permanenti tal-munzelli. Dawn il-miżuri ta' riabilitazzjoni xierqa, madankollu jiswew ferm aktar flus mill-bini ta' kanali perimetriċi, baċini għall-ilma mielaħ mix-xita miġbur u miżuri simili mmirati biss għal-limitazzjoni tat-tniġġis. Dan huwa muri wkoll mill-kostijiet involuti għall-kisi tal-miżbla ta' Vilafruns, li ammontaw għal EUR 7,9 miljun (mingħajr l-kostijiet tal-manutenzjoni annwali). Meta wieħed jikkunsidra li Vilafruns b'madwar 3 miljun tunnellata materjal tal-melħ huwa munzell żgħir meta mqabbel mal-munzell attiv ta' Cogulló (Balsareny/Sallent) b'41 miljun tunnellata jew il-munzell ta' Fusteret (Súria) bi 22 miljun tunnellata, l-kostijiet totali tar-riabilitazzjoni ta' dawn il-minjieri attivi u l-kisi tal-munzelli tal-iskart korrispondenti x'aktarx li jkunu ferm ogħla mill-kostijiet għal Vilafruns.

(80)

Barra minn hekk, Iberpotash targumenta li l-ammont ta' skart fil-munzelli se jitnaqqas b'mod sinifikanti bis-saħħa tal Pjan Phoenix tagħha, li tħabbar fl-2011 u li jimmira għall-ipproċessar tal-iskart fil-munzelli bil-għan li jiġi prodott melħ tekniku għall-bejgħ fis-suq. Bħala parti minn dan il-proġett, Iberpotash tippjana li tibni impjant tal-melħ bil-vakwu għall-estrazzjoni tal-melħ mill-materjal ta' skart prodott matul l-attivitajiet tagħha ta' estrazzjoni tal-potassa u li tbigħ dan il-melħ fis-suq. Hija tistenna li se tibda billi tbiegħ annwalment madwar 750 elf tunnellata ta' melħ u qed tippjana li aktar tard iżżid dan l-ammont sa 1,5 miljun tunnellata melħ fis-sena.

(81)

Madankollu, minkejja li l-pjan li mill-inqas parti mill-materjal ta' skart jiġi pproċessat u kkummerċjalizzat, jista', fil-prinċipju, inaqqas il-volum u s-salinità tal-munzelli u b'hekk anki l-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni tagħhom, dan il-pjan tħabbar minn Iberpotash biss fl-2011, u l-implimentazzjoni tiegħu bdiet fl-2012 u għadha għaddejja. Għalhekk, huwa ċar li l-Pjan Phoenix ma kellux jiġi kkunsidrat għall-istabbiliment tal-ammont tal-garanziji fl-2006 u fl-2008 peress li kien għadu inċert wisq dakinhar.

Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku selettiv

(82)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-evidenza miġbura u l-perizja sottomessa jikkorroboraw is-sejbiet tal-qorti nazzjonali, li l-ammonti oriġinali tal-garanziji finanzjarji kienu insuffiċjenti b'mod ċar biex jiżguraw riabilitazzjoni xierqa.

(83)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-garanziji finanzjarji ffissati mill-awtoritajiet Spanjoli fl-2006 u fl-2008 kienu fil-fatt aktar baxxi mil-livell normali meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għalhekk, Iberpotash ngħatat vantaġġ ekonomiku f'għamla ta' imposti bankarji mraħsa mħallsa ta' kull sena għall-garanzija finanzjarja. Peress li skont Iberpotash, l-imposti bankarji tagħha għall-garanziji ammontaw għal 1 % tal-ammont tal-garanziji fis-sena, livell totali ferm aktar baxx tal-garanziji b'hekk naqqas l-imposti bankarji rilevanti mħallsa minn Iberpotash u għalhekk naqqas ukoll il-kostijiet tagħha meta mqabbla ma' operaturi oħrajn li l-garanziji tagħhom kellhom jikkonformaw mal-liġi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Iberpotash gawdiet minn vantaġġ ekonomiku minħabba l-livell imnaqqas tal-garanziji finanzjarji.

(84)

L-argumenti tal-awtoritajiet Spanjoli u ta' Iberpotash li l-awtoritajiet pubbliċi ma pprovdewx lil Iberpotash bi kwalunkwe vantaġġ jew trattament preferenzjali bħala riżultat tal-applikazzjoni rigoruża tar-regoli rilevanti ma jistgħux jiġu aċċettati billi ġie stabbilit hawn fuq li dawn id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi wasslu għal livell ta' garanziji finanzjarji aktar baxx milli normalment meħtieġ. Barra minn hekk, l-argument li l-leġiżlazzjoni Katalana hija fil-fatt aktar stretta minn regoli simili fil-livell tal-Istat jew f'reġjuni oħra ta' Spanja mhuwiex rilevanti peress li tali spejjeż huma speċifiċi għas-sit u r-regoli li jikkonċernaw il-garanziji finanzjarji li kellhom jiġu stabbiliti minn Iberpotash, li kellhom jiġu rrispettati, kienu dawk applikabbli fil-Katalonja, fejn kienu jinsabu l-munzelli ta' skart. Iberpotash tħalliet mill-awtoritajiet pubbliċi żżomm garanziji finanzjarji aktar baxxi milli mitluba s-soltu mil-leġiżlazzjoni Katalana applikabbli għaliha u għaldaqstant irċeviet vantaġġ selettiv f'għamla ta' imposti bankarji aktar baxxi għall-garanziji mnaqqsa meta mqabbla ma' operaturi oħra f'pożizzjoni simili.

(85)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 ipprovdiet vantaġġ ekonomiku selettiv lil Iberpotash.

5.1.1.2.    Trasferiment ta' riżorsi tal-Istat

(86)

Rigward il-kriterju tar-riżorsi tal-Istat, l-Ilmentatur jissottometti li garanzija baxxa wisq li ma tkoprix il-kostijiet sħaħ tar-riabilitazzjoni tippreżenta trasferiment (potenzjali) ta' riżorsi tal-Istat. Allegatament jikkonsisti f'riskju li fil-każ li Iberpotash ma tissodisfax l-obbligi tagħha rigward ir-riabilitazzjoni tas-siti tagħha, l-Istat ikollu jġarrab dawn il-kostijiet. L-ilmentatur jirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ tal-minjieri ta' Georgsmarienhütte, (18) fejn il-Kummissjoni qieset bħala għajnuna mill-Istat eċċezzjoni mill-obbligi ambjentali ta' produttur tal-azzar rigward ir-riċiklaġġ u r-rimi tat-trab industrijali.

(87)

L-awtoritajiet Spanjoli u Iberpotash jargumentaw li anki fil-każ li l-garanzija tkun aktar baxxa milli meħtieġ, Iberpotash kien se jkollha madankollu l-obbligu ġenerali li tirriabilita s-siti tagħha u kienet se tiġi obbligata tħallas il-kostijiet ta' din ir-riabilitazzjoni. Dawn il-kostijiet fl-ebda każ mhuma limitati mill-ammont tal-garanzija finanzjarja. Għalhekk, l-Istat mhux qed jeħles lil Iberpotash mill-obbligi finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, kwalunkwe riskju li fil-futur Iberpotash ma tkunx f'pożizzjoni li tkopri dawn il-kostijiet kollha u jkun jenħtieġ li l-Istat jintervjeni mil-lat tar-riżorsi tal-Istat, huwa remot għall-aħħar u mhuwiex probabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja b'saħħitha tal-kumpanija omm ta' Iberpotash. L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li fil-każ li fil-futur Iberpotash ma tissodisfax dawn l-obbligi, hemm biżżejjed assi ta' Iberpotash fi Spanja li jistgħu jiġu ssekwestrati mill-awtoritajiet bil-għan li jiġu rkuprati l-kostijiet tar-riabilitazzjoni.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li l-garanziji inkwistjoni f'dan il-każ mhux qed jiġu eżaminati taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward l-ammont ta' imposta possibbilment mitluf fid-dawl tar-riskju jew l-esponiment għar-riskju tal-garanti (jiġifieri bank privat, mhux l-Istat), iżda rigward ir-riskju għall-Istat fil-każ li l-ammont ta' garanzija jkun aktar baxx mill-kostijiet reali tad-dannu għall-ambjent u li l-kumpanija li għandha l-garanzija ma tħallasx jew ma tistax tħallas il-kostijiet sħaħ tar-riabilitazzjoni.

(89)

Fir-rigward tal-każ preċedenti mqajjem mill-ilmentatur, il-każ ta' Georgsmarienhütte kien ferm differenti peress li l-Land tas-Sassonja t'Isfel b'mod ċar assuma r-responsabbiltà għar-rimi tat-trab u fil-fatt ħallas DEM 64,64 miljun għal dan ir-rimi. Dan mhuwiex il-każ hawnhekk, irrispettivament mill-ammont tal-garanzija, billi Iberpotash tibqa' responsabbli għar-riabilitazzjoni tas-siti tal-minjieri tagħha u l-awtoritajiet Spanjoli s'issa ma impenjawx ruħhom iħallsu kwalunkwe kost ta' riabilitazzjoni minflok Iberpotash. Għalhekk, il-każ ta' Georgsmarienhütte ma jistax iservi ta' preċedent għall-każ preżenti.

(90)

Il-garanzija finanzjarja minn Iberpotash hija pprovduta f'għamla ta' garanzija bankarja, li mhijiex liberament disponibbli għall-Istat tista' tintuża biss għal miżuri strettament definiti mil-liġi, b'mod partikolari għall-iffinanzjar tat-tneħħija ta' skart, ir-riabilitazzjoni tas-sit u miżuri ambjentali oħrajn fil-każ li Iberpotash ma tissodisfax l-obbligi ambjentali tagħha. L-Istat mhu qed jikseb l-ebda mgħax fuq il-fondi tal-garanzija jew vantaġġ finanzjarju ieħor li se jitnaqqas f'każ ta' ammont aktar baxx tal-garanzija. Barra minn hekk, l-Istat s'issa ma kienx f'pożizzjoni fejn kien meħtieġ li jagħmel kwalunkwe użu mill-garanzija għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ta' hawn fuq. Madankollu, anke jekk l-ammont imnaqqas tal-garanzija s'issa ma wassalx għal kwalunkwe effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat, dan il-fatt waħdu ma jeskludix l-eżistenza ta' effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba r-riskju miżjud li l-Istat jiġi obbligat jonfoq ir-riżorsi tiegħu fil-futur.

(91)

Fil-fatt, il-ħolqien ta' riskju konkret tal-impożizzjoni futura ta' piż addizzjonali fuq l-Istat huwa suffiċjenti għall-għanijiet li jiġi ssodisfat il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li r-rabta ma' u l-effett fuq ir-riżorsi tal-Istat ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat teħtieġ li tkun diretta biex jiġi ssodisfat dan il-kriterju.

(92)

L-għan innifsu ta' dawn il-garanziji finanzjarji huwa li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-estrazzjoni jkollhom riżorsi suffiċjenti mwarrba biex ikopru kostijiet futuri ta' riabilitazzjoni, tkun liema tkun il-qagħda finanzjarja tagħhom fil-futur (ta' spiss pjuttost imbiegħed). Għalhekk huwa evidenti li fil-każ li l-ammont tal-garanzija jkun ferm aktar baxx mill-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni, hemm mill-inqas riskju miżjud li r-riżorsi tal-Istat forsi jiġu affettwati fil-futur. Dan ir-riskju tal-kostijiet potenzjali għall-baġit pubbliku huwa biċ-ċar ogħla milli fil-każ li l-ammont garantit ikun ġie ffissat b'mod korrett b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kostijiet mistennija ta' riabilitazzjoni. Jekk dawn ir-riżorsi jkunu ferm aktar baxxi milli meħtieġ, ir-riżorsi tal-Istat, fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw biex ikollhom ikopru parti ikbar minn dawn il-kostijiet fil-każ li Iberpotash, għal kwalunkwe raġuni, ma tkunx trid jew ma tkunx tista' tagħmel dan. Barra minn hekk, fil-każ li Iberpotash ma tkunx kapaċi tħallas il-kostijiet tar-riabilitazzjoni fil-futur, il-possibbiltà allegata għall-awtoritajiet Spanjoli li jissekwestraw assi ta' Iberpotash x'aktarx li ma twassalx għal riżorsi addizzjonali sinifikanti peress li l-uniċi assi Spanjoli ta' Iberpotash (u tal-grupp ICL kollu) huma l-faċilitajiet tagħha ta' estrazzjoni tal-potassa. Madankollu, malli jingħalqu l-minjieri tal-potassa, il-valur ta' dawn l-assi jkun dubjuż.

(93)

Il-fatt li l-Istat ikun obbligat jinvolvi ruħu fuq inizjattiva tiegħu stess fil-każ li Iberpotash ma tkunx trid jew ma tkunx tista' tieħu l-miżuri ta' riabilitazzjoni meħtieġa rigward il-munzelli ta' skart tagħha huwa stabbilit sew fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

(94)

L-ewwel, skont l-Artikolu 102 tal-Liġi 39/2015 (20), l-Istat jista' jieħu miżuri minflok il-parti legalment responsabbli għat-teħid ta' tali miżuri. Spanja jkollha (i) tordna lil Iberpotash tieħu miżuri ddefiniti b'mod speċifiku; (ii) tinforma lil Iberpotash li nkella, l-amministrazzjoni se tieħu dawk il-miżuri hija stess, u b'liema kostijiet; (iii) timplimenta dawn il-miżuri; u (iv) tipprova tirkupra l-kostijiet minn Iberpotash, ħaġa mhux possibbli mid-definizzjoni tagħha jekk Spanja jkollha teżegwixxi l-garanzija finanzjarja insuffiċjenti. Filwaqt li formalment, din il-possibbiltà hija waħda fakultattiva, fil-każ li Iberpotash tonqos li taqdi l-obbligi tagħha li tirriabilita l-faċilitajiet tagħha, Spanja ma jkollhiex għażla oħra ħlief li tħallas bil-quddiem għal riabilitazzjoni bħal din, peress li nkella, Spanja ma tikkonformax mal-obbligi tagħha stess.

(95)

It-tieni, kif ġie nnutat fil-premessa 13, Spanja tista' tkun qed tikser l-obbligi tagħha fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għalhekk, fil-każ li Iberpotash tabbanduna l-faċilitajiet tagħha wara li teżawrixxi r-riżorsi minerali u ma tirriabilitax dawn il-faċilitajiet, minħabba l-garanzija insuffiċjenti, l-uniku mod ta' kif Spanja tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha fil-qafas ta' dawk id-Direttivi u eventwalment tevita li tħallas penali ta' kuljum imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea huwa li hija stess tħallas għat-tneħħija tal-munzelli ta' skart tal-melħ jew riabilitazzjoni ugwalment effikaċi.

(96)

It-tielet, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola 27/2006 tat-18 ta' Lulju 2006, (21) l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jkunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fil-qafas tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stipulati fil-Liġi 27/2006 tista', fil-każ ta' ksur ambjentali elenkat fl-Artikolu 18(1) tal-Liġi 27/2006 (inkluż, pereżempju, każijiet ta' ksur rigward l-obbligi fil-qasam tal-ħarsien tal-ilma), tieħu azzjoni fil-qorti biex iġġiegħel lill-amministrazzjoni tikkonforma mal-obbligi ambjentali tagħha.

(97)

Ir-raba', id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) tindika fl-Artikolu 6(3) li fil-każijiet fejn operatur responsabbli, biex jieħu azzjonijiet ta' rimedju rigward dannu lill-ambjent, jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu, l-awtorità kompetenti tista' tieħu dawn il-miżuri hija stess, bħala l-aħħar soluzzjoni. B'mod simili, skont l-Artikolu 5(3), l-awtorità kompetenti tista', jekk l-operatur rilevanti jonqos milli jagħmel dan, tieħu miżuri ta' prevenzjoni neċessarji bil-għan li telimina theddida imminenti ta' dannu għall-ambjent. Jekk Iberpotash ma tiħux miżuri ta' riabilitazzjoni meħtieġa malli jingħalqu l-attivitajiet ta' estrazzjoni tagħha, il-munzelli mhux riabilitati ta' skart jistgħu jsiru theddida imminenti għall-ambjent, għaldaqstant ikun hemm bżonn li tittieħed azzjoni ta' rimedju jew ta' prevenzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti bħala l-aħħar soluzzjoni.

(98)

Finalment, l-awtoritajiet Spanjoli stess jindikaw (23) li skont l-Artikolu 9 tal-Liġi 12/1981, fil-każ li l-operatur ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu, l-Administratión de la Generalitat tista' teżegwixxi dawn il-miżuri b'mod sfurzat bil-kostijiet imġarrba mill-operatur. Huma jindikaw li fil-prattika, l-amministrazzjoni timplimenta l-miżuri rilevanti, li mbagħad ikunu ffinanzjati bil-garanzija finanzjarja jew, fil-każ li l-garanzija tkun insuffiċjenti, bil-bejgħ tal-assi tal-operatur. Għalhekk, fil-każ li l-garanziji finanzjarji jkunu ferm aktar baxxi milli meħtieġ, l-amministrazzjoni pubblika tkun f'riskju li l-assi tal-operatur ma jkunux suffiċjenti għall-finanzjament tal-miżuri rilevanti li tkun eżegwixxiet. Dan jikkonferma li garanzija finanzjarja baxxa żżejjed iżżid ir-riskju li l-miżuri ta' riabilitazzjoni meħuda mill-amministrazzjoni ma jkunux koperti biżżejjed bl-assi tal-operatur (b'mod partikolari fil-każ li ma jkollux attivitajiet Spanjoli oħra, bħal fil-każ ta' Iberpotash) u jkollhom jitħallsu mir-riżorsi pubbliċi.

(99)

Għalhekk, livell ta' garanziji li jkun ferm aktar baxx minn dak meħtieġ skont il-liġi jkun qed jesponi lill-Istat għal riskju konkret ta' piż addizzjonali fuq ir-riżorsi tiegħu. Ir-riskju miżjud ta' piż addizzjonali fuq l-Istat b'hekk ikun konkret biżżejjed biex jikkostitwixxi mill-inqas impatt potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba livell baxx iżżejjed tal-garanzija finanzjarja.

(100)

Il-livell tal-garanziji finanzjarji li jrid jiġi stabbilit minn Iberpotash ġie ffissat bid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Generalitat de Catalunya li approvaw il-permessi għall-operat tal-attività tagħha ta' estrazzjoni tal-potassa. Billi l-kunċett tal-Istat (Membru) għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jinkludi l-livelli kollha ta' awtoritajiet pubbliċi, irrispettivament jekk humiex awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali, id-deċiżjoni li jiġi applikat livell imnaqqas ta' garanziji finanzjarji hija imputabbli lill-Istat.

(101)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Miżura 1 involviet trasferiment ta' riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat.

5.1.1.3.    Distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni

(102)

Il-Kummissjoni tqis li l-kostijiet imnaqqsa ta' Iberpotash minħabba livell aktar baxx ta' garanziji finanzjarji milli meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni rilevanti jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-swieq fejn Iberpotash hija attiva – fuq kollox is-swieq tal-potassa u tal-melħ. Kif qed jiġi spjegat aktar 'il quddiem (ara l-premessa 110 u s-segwenti), dan it-tnaqqis fil-kostijiet ammonta għal madwar EUR 1,8 miljun tul il-perjodu rilevanti u għalhekk, għall-kuntrarju ta' dak li qed isostnu l-awtoritajiet Spanjoli, ma kienx negliġibbli.

(103)

Barra minn hekk, il-fatt li Iberpotash hija l-uniku produttur Spanjol tal-potassa ma jeskludix distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni billi s-suq ġeografiku rilevanti huwa definittivament usa' mis-suq nazzjonali Spanjol. Fl-1993, il-Kummissjoni kienet diġà qieset li s-suq tal-potassa kien usa' minn Spanja, fejn inkludiet ukoll lil Franza, lir-Renju Unit u lil Stati Membri oħrajn barra l-Ġermanja (24). Barra minn hekk, Iberpotash, fir-Rapport ta' Sostenibbiltà tagħha tal-2014 (25) tindika li 23 % biss tal-produzzjoni tagħha tal-potassa u tal-melħ tinbiegħ fi Spanja filwaqt li 50 % sejrin lejn pajjiżi Ewropej oħrajn u 18 % lejn l-Amerika t'Isfel u hemm ukoll aktar bejgħ lejn l-Amerika ta' Fuq, l-Afrika u l-Asja. F'dawn ir-reġjuni kollha, Iberpotash qed tikkompeti ma' produtturi oħrajn tal-potassa u tal-melħ, u din il-kompetizzjoni tasal biex tiġi affettwata mill-kostijiet imnaqqsa b'mod artifiċjali ta' Iberpotash.

(104)

Finalment, id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni mhijiex iddubitata bl-argument ta' Iberpotash li, irrispettivament mil-livell tal-garanziji finanzjarji, l-obbligi ambjentali tagħha jibqgħu l-istess (jiġifieri l-iżgurar tar-riabilitazzjoni tas-siti tagħha u l-prevenzjoni tat-tniġġis) u li f'kull każ jenħtieġ li żżomm dispożizzjonijiet li jkopru responsabbiltà għal dannu ambjentali possibbli. Barra dawn id-dispożizzjonijiet tal-kontabbiltà, l-obbligu li żżomm garanziji finanzjarji speċifiċi b'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-fatt jippreżenta kostijiet operatorji normali, iżda speċifiċi mġarrba minn Iberpotash – jew minn kwalunkwe kumpanija tal-estrazzjoni oħra soġġetta għall-istess regoli – b'riżultat tal-imposti li l-bank jiċċarġja għall-istabbiliment u ż-żamma tal-garanzija, u l-livell baxx wisq tagħhom għalhekk għandhom il-potenzjal li jiffavorixxu lil Iberpotash u jfixklu l-kompetizzjoni.

(105)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni.

5.1.1.4.    Effett negattiv fuq il-kummerċ fi ħdan l-UE

(106)

Kif diġà ġie indikat aktar 'il fuq, is-swieq tal-potassa u tal-melħ huma definittivament swieq transfruntiera bil-50 % tal-produzzjoni ta' Iberpotash li tiġi esportata lejn pajjiżi Ewropej oħrajn. Għalhekk, il-livell imnaqqas tal-garanziji finanzjarji jista' jasal biex jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE.

(107)

B'hekk, l-argument ta' Iberpotash li s-swieq tal-melħ huma biss nazzjonali jew saħansitra reġjonali minħabba l-kostijiet għoljin tat-trasport, mhuwiex appoġġat miċ-ċifri pprovduti minn Iberpotash fir-Rapport ta' Sostenibbiltà tagħha tal-2014 billi 80 % tal-produzzjoni tagħha tal-melħ qed tiġi esportata mhux biss lejn pajjiżi Ewropej oħrajn, iżda wkoll lejn l-Asja, l-Afrika ta' Fuq u l-Amerika. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet ta' Iberpotash dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ huma kontradittorji rigward dan il-punt billi jsostnu minn naħa li s-suq tal-melħ huwa nazzjonali jew saħansitra reġjonali u min-naħa l-oħra li produttur Franċiż tal-melħ huwa l-kompetitur dirett tagħha u qed jipprova jeskludi lil Iberpotash mis-suq.

(108)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-UE.

5.1.1.5.    Kwantifikazzjoni tal-għajnuna

(109)

L-istabbiliment tal-ammont reali tal-għajnuna l-ewwel jirrikjedi mill-inqas li jiġi ddeterminat ammont bejn wieħed u ieħor “korrett” tal-garanziji finanzjarji skont ir-regoli leġiżlattivi applikabbli tul il-perjodu rilevanti. Imbagħad, l-ammont tal-għajnuna jkun jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont mistenni tal-imposti bankarji li Iberpotash kellha tħallas biex dan jikkostitwixxi l-ammont ta' garanzija ffissat b'mod korrett, u l-ammont annwali reali li l-kumpanija ħallset.

(110)

Il-parti terza ssostni li l-ammont tal-għajnuna m'għandux jiġi limitat għall-imposti bankarji aktar baxxi, iżda għandu jinkludi wkoll il-ħtieġa li tiġi pprovduta kollateralizzazzjoni suffiċjenti lill-bank f'għamla ta' riżervi finanzjarji. Madankollu, minħabba li l-ammont tal-garanziji “kkorretti” bħalma ġie stmat hawn taħt huwa relattivament modest fid-dawl tal-fatturat annwali ta' Iberpotash (madwar EUR 300 miljun) u l-grupp kollu ta' ICL (USD 5,4 biljun), mhuwiex probabbli li l-iżgurar ta' ammont ogħla tal-garanzija jkun jeħtieġ kostijiet addizzjonali sinifikanti għall-kumpanija.

(111)

Peress li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri ta' Barċellona sabet f'Diċembru tal-2016 li l-ammont miżjud ta' EUR 6 979 471,83 għas-sit ta' Balsareny/Sallent jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Kummissjoni tqis li bħalissa, l-ammont “korrett” tal-garanziji għal Balsareny/Sallent jikkorrispondi għall-ammont attwalment applikabbli approvat mill-qorti.

(112)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni b'analoġija (ara wkoll il-premessa 64 ta' hawn fuq) tqis li l-ammont miżjud ta' EUR 6 160 872,35 għall-garanzija għal Súria applikabbli mill-2015 'il quddiem jista' jitqies ukoll konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Minkejja li m'hemmx konklużjoni awtorevoli minn qorti rigward dan is-sit, l-ammont miżjud tal-garanzija għal sit iżgħar f'Súria huwa fil-fatt komparabbli mal-ammont approvat għal Balsareny/Sallent. Dan jikkonferma li l-ammont jista' jitqies adegwat u konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

(113)

Għalhekk, l-ammont korrett tal-garanziji bħalissa jikkorrispondi għal total ta' EUR 13 140 344,18.

(114)

Madankollu, il-kalkolu ta' dan l-ammont jikkunsidra l-Pjan Phoenix li tħabbar fl-2011 u li ilu jiġi implimentat b'mod gradwali mill-2012. Il-pjan jipprevedi, fost l-oħrajn, investiment f'impjant tal-melħ bil-vakwu għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-melħ inkluż fl-iskart mill-estrazzjoni tal-potassa. Skont il-pjan, Iberpotash għandha tasal biex tbigħ madwar 1,5 miljun tunnellata melħ fis-sena.

(115)

Il-Kummissjoni taqbel mal-Istudju ERF li l-Pjan Phoenix fih innifsu ma jistax jitqies bħala miżura ta' riabilitazzjoni u fil-fatt ma jwaqqafx it-tkabbir tad-depożiti tal-iskart tul l-operat tal-minjieri. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll il-pretensjonijiet ta' Iberpotash u tal-awtoritajiet Spanjoli li l-pjan fil-fatt għandu impatt fuq il-kostijiet totali mistennija tar-riabilitazzjoni. L-Istudju ERF ma jikkunsidrax il-fatt li l-ipproċessar u l-bejgħ tal-melħ huwa probabbli li jkompli anki wara li jitwaqqfu l-attivitajiet ta' estrazzjoni tal-potassa. Il-Pjan Phoenix huwa għalhekk probabbli li jikkontribwixxi b'mod gradwali għall-eliminazzjoni tal-munzelli ta' skart fil-futur u b'hekk jista' jkun ikkunsidrat għall-iffissar tal-livell adegwat tal-garanziji kif ġara rigward il-livelli miżjuda tal-garanziji proposti fl-2015 u, għall-inqas għal Balsareny/Sallent, ġie kkonfermat mill-qorti nazzjonali.

(116)

Madankollu, dan il-fatt ifisser li l-livell reali tal-garanziji finanzjarji ma jistax jitqies bħala adegwat għall-perjodu qabel il-bidu tal-Pjan Phoenix fl-2012. Anke jekk qabel ma tħabbar il-Pjan Phoenix, Iberpotash kienet tipproċessa u tbigħ ammonti pjuttost żgħar tal-melħ mill-munzelli tagħha ta' skart, il-parti l-kbira tal-iskart tal-melħ kien sempliċiment qed jiġi akkumulat fil-munzelli ta' skart bit-tama li jkun jista' jintuża b'mod kummerċjali fil-futur (26). Madankollu, ma kienx hemm pjan konkret dwar kif u meta se titkabbar il-faċilità tal-ipproċessar tal-melħ biex l-ammonti ta' skart tal-melħ eliminati b'dan il-mod ikunu aktar sostanzjali u jkollhom impatt apprezzabbli fuq il-kostijiet futuri tar-riabilitazzjoni. Għalhekk, rigward il-perjodu qabel it-tnedija tal-Pjan Phoenix, tali tnaqqis futur pjuttost ipotetiku tal-munzelli tal-iskart dovut għall-ipproċessar u l-bejgħ ta' ammonti sinifikanti ta' melħ ma għandux ikun ikkunsidrat

(117)

B'hekk il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkunsidra evidenza oħra disponibbli għall-istimar ta' ammont approssimattiv “korrett” tal-garanziji fil-perjodu 2006-2011 abbażi tal-kostijiet ta' riabilitazzjoni kif mistennija dakinhar, mingħajr l-impatt tal-Pjan Phoenix.

(118)

Kif diġà ġie spjegat aktar 'il fuq (ara l-premessi 68-81), l-aktar stimi affidabbli tal-kostijiet ta' riabilitazzjoni totali mistennija (mingħajr il-Pjan Phoenix) ġew ipprovduti fl-Istudju ERF li ġie sottomess mill-ilmentatur. Il-Kummissjoni tqis kredibbli s-suppożizzjonijiet ta' din il-perizja minħabba li huma ġeneralment ibbażati fuq riċerka dwar is-suq u parametraġġ referenzjarju ma' siti simili x'imkien ieħor fid-dinja. Bil-kuntrarju, kif ġie spjegat hawn fuq, l-istudju pprovdut minn Iberpotash ma jistax jitqies bħala stima affidabbli tal-kostijiet mistennija ta' riabilitazzjoni peress li mhux qed iqis miżuri adegwati ta' riabilitazzjoni (ara l-premessa 79).

(119)

L-Istudju ERF jistma li l-kostijiet totali tar-riabilitazzjoni se jammontaw għal mill-inqas EUR 71 miljun. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet kollha l-oħrajn ta' ammonti possibbilment korretti fl-Istudju ERF jew minn sorsi oħra (ara t-taqsima 5.1.1.1 ta' hawn fuq) huma saħansitra ogħla. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li fin-nuqqas ta' kwalunkwe stima aħjar għall-perjodu 2006-2011, il-kostijiet ta' riabilitazzjoni rilevanti mistennija li jridu jkunu kkunsidrati jammontaw għal EUR 71 miljun (EUR 24,8 miljun għal Súria u EUR 46,2 miljun għal Balsareny/Sallent).

(120)

Finalment, skont l-Artikolu 3 tad-Digriet 202/1994 (il-leġiżlazzjoni applikabbli f'dak il-perjodu), l-ammont tal-garanziji finanzjarji li jirriżulta abbażi tal-Artikolu 2 (jiġifieri abbażi tal-kostijiet mistennija ta' riabilitazzjoni) irid jitnaqqas b'50 % għall-attivitajiet ta' estrazzjoni li ma jseħħux f'siti naturali ta' interess speċjali (inklużi s-siti ta' Iberpotash).

(121)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis abbażi tal-evidenza disponibbli li l-ammont “korrett” tal-garanziji finanzjarji għall-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' Iberpotash huwa mill-inqas EUR 12,4 miljun għal Súria (għall-perjodu 2006-2011) u EUR 23,1 miljun għal Balsareny/Sallent (għall-perjodu 2008-2011).

(122)

Skont Iberpotash, il-kostijiet kurrenti tal-garanzija jammontaw għal 1 % tal-ammont tal-garanzija ta' kull sena. Bl-użu tal-ammonti korretti ta' garanzija ta' hawn fuq għaż-żewġ perjodi rilevanti, l-għajnuna totali mogħtija lil Iberpotash fl-għamla ta' imposti aktar baxxi fuq il-garanziji, ta' kull sena tkun tammonta għal 1 % tad-differenza bejn l-ammont “korrett” u l-ammont reali stabbilit għal dik is-sena, kif muri fit-tabella li ġejja.

Tabella 3

Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna

(eluf ta' EUR, ammont arrotondit)

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

2016

Balsareny/Sallent

garanzija reali

1 130

1 130

1 130

1 130

1 130

1 130

1 130

1 130

1 130

garanzija “korretta”

23 100

23 100

23 100

23 100

6 979

6 979

6 979

6 979

6 979

differenza fl—imposti

146,5 (27)

219,7

219,7

219,7

58,5

58,5

58,5

58,5

58,5

Súria

garanzija reali

774

774

828

828

828

828

828

828

828

828

6 161

garanzija “korretta”

12 400

12 400

12 400

12 400

12 400

12 400

6 160

6 160

6 160

6 160

6 160

differenza fl-imposti

9,7 (28)

116,3

115,7

115,7

115,7

115,7

53,3

53,3

53,3

53,3 (29)

0

Differenza totali fl-imposti għal Iberpotash

9,7

116,3

262,2

335,4

335,4

335,4

111,8

111,8

111,8

76,3

58,5

(123)

Għaldaqstant, l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lil Iberpotash, fl-għamla ta' imposti bankarji aktar baxxi għal-livell imnaqqas tal-garanziji għall-perjodu kollu 2006-2016, jikkorrispondi għal EUR 1 864 622.

Din l-għajnuna ngħatat fil-mument li fih ġew stabbiliti l-livelli mnaqqsa tal-garanziji fl-awtorizzazzjonijiet ambjentali maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli, jiġifieri fis-6 ta' Novembru 2006 għal Súria u fid-29 ta' April 2008 għal Balsareny/Sallent.

5.1.1.6.    Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna: Miżura 1

(124)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-opinjoni li l-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u għalhekk se tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

5.1.2.   MIŻURA 4: INVESTIMENT FIL-KISI TAL-MUNZELL TA' SKART TA' VILAFRUNS

(125)

Fis-17 ta' Diċembru 2007, il-Ministeru tal-Ambjent ta' Spanja u l-Generalitat de Catalunya ffirmaw konvenzjoni li biha qablu li jikkooperaw u jaqsmu l-kostijiet rigward il-proġett immirat biex jitgħatta l-munzell ta' skart ta' Vilafruns biex b'hekk jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tiegħu. Il-Ministeru tal-Finanzi qabel li jikkontribwixxi EUR 4 miljun għall-kost ta' investiment filwaqt li l-bqija kellha tiġi koperta mill-Agencia Catalana del Agua, impriża pubblika ġestita mill-Generalitat de Catalunya. Ix-xogħlijiet tal-proġett bdew f'Awwissu 2008 u damu 18-il xahar. Il-kost totali ta' investiment ammonta għal EUR 7 887 571 u kollu kemm hu ġie kopert minn awtoritajiet pubbliċi, kif ġie miftiehem fil-konvenzjoni tal-2007.

(126)

Il-proġett ikkonsista fil-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns b'kisja impermeabbli (“lámina impermeable”) li tissiġilla l-munzell ta' skart u tiżola l-iskart ta' melħ minn kull kuntatt mal-ilma minn barra u b'hekk tipprevjeni kwalunkwe tnixxija tal-melħ mill-munzell. Il-kisja kienet protetta minn fojls ġeotessili u miksija bil-ħamrija biex b'hekk setgħet titħawwel il-veġetazzjoni fuq il-munzell miksi.

(127)

Il-munzell ta' skart ta' Vilafruns jinsab fis-sit ta' Iberpotash u jifforma parti mill-proprjetà tagħha. Huwa ġie ttrasferit lilha bħala parti mill-ftehim tax-xiri tal-21 ta' Ottubru 1998, li bih Iberpotash akkwistat l-attivitajiet ta' estrazzjoni fir-reġjun Katalan mis-Sociedad Estatal de Participaciones Industriales – SEPI, kumpanija azzjonarja pubblika tal-Istat Spanjol. Fiż-żmien tat-trasferiment, il-munzell ta' skart kien diġà inattiv, minħabba li l-operat tal-minjiera li kien jifforma parti minnha l-munzell ta' skart ta' Vilafruns kien ilu wieqaf sa mill-1973.

5.1.2.1.    Vantaġġ ekonomiku selettiv

(128)

Kif indikat hawn fuq, l-investiment fil-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns fis-sit ta' Iberpotash u taħt is-sjieda tagħha ġie ffinanzjat kollu minn awtoritajiet pubbliċi. Iberpotash iġġarrab biss il-kostijiet tal-manutenzjoni tal-installazzjoni tul il-ħajja tagħha.

(129)

Il-kisja, li twettqet fil-perjodu 2008-2009, tirrelata ma' munzell ta' skart li ilu proprjetà ta' Iberpotash mill-1998, meta s-sit ġie pprivatizzat flimkien ma' siti oħrajn tal-estrazzjoni tal-potassa fir-reġjun. Il-munzell huwa relatat ma' minjiera li waqfet topera fl-1973, u b'hekk Iberpotash ħadet f'idejha s-sit meta dan ma kienx baqa' jitħaddem. Għalhekk Iberpotash targumenta li ma għandha ebda obbligu tieħu miżuri biex tipprevjeni t-tniġġis mill-munzell, la mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas minn dik tal-Unjoni peress li oriġinarjament mhux Iberpotash kienet l-impriża li kkawżat it-tniġġis.

(130)

L-awtoritajiet Spanjoli ma jaqblux ma' dawn l-argumenti ta' Iberpotash u jsostnu li Iberpotash għandha obbligu ġenerali li tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni t-tniġġis mill-munzell ta' skart fis-sjieda tagħha u timmaniġġjah b'konformità man-normi ġuridiċi applikabbli. B'hekk, Iberpotash hija responsabbli għall-iżgurar tal-miżuri ta' ħarsien tal-ambjent meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti u wkoll għal kwalunkwe ħsara ambjentali kkawżata minn dan il-munzell.

(131)

Barra minn hekk, il-kummenti tal-parti terza jindikaw ir-responsabbiltà ta' Iberpotash għall-ġestjoni ta' Vilafruns mill-mument stess li d-drittijiet tat-tħaffir ġew ittrasferiti lilha. Din ir-responsabbiltà kienet ibbażata fuq l-Att Spanjol 6/1993 tal-15 ta' Lulju 1993 dwar il-ġestjoni tal-iskart u wkoll fuq id-Digriet Legali Rjali 1/2001 tal-20 ta' Lulju 2001, li jabbozza mill-ġdid l-Att Spanjol dwar l-Ilma. Il-parti terza ssostni li l-fatt li Vilafruns ma kienx attiv iżjed meta ġie akkwistat minn Iberpotash huwa irrelevanti peress li kwalunkwe detentur ta' konċessjoni tat-tħaffir jeħtieġlu jimmaniġġja kwalunkwe skart tal-minjieri fl-intier tiegħu, jiġifieri inkluż kull skart iġġenerat qabel l-akkwiżizzjoni tal-konċessjoni mid-detentur.

(132)

Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-minjiera fil-post tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns waqfet topera diġà fl-1973 ma jeskludix, fih innifsu, ir-responsabbiltà ta' Iberpotash bħala s-sid tagħha biex tiżgura r-riabilitazzjoni adegwata. Kif ġie kkonfermat mill-awtoritajiet Spanjoli, il-pjanijiet ta' riabilitazzjoni kollha, inkluż il-pjan tal-2008, inkludew miżuri speċifiċi ta' riabilitazzjoni li Iberpotash kienet obbligata tieħu rigward il-munzell ta' Vilafruns. Skont l-Artikolu 121 tal-Att Spanjol dwar il-Minjieri tal-1973, in-nuqqas li jiġu ssodisfati l-obbligi inklużi fil-pjan ta' riabilitazzjoni kien jikkostitwixxi ksur serju. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-ħarsien tal-ilma, Iberpotash kienet dejjem obbligata tieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma mill-istallazzjonijiet kollha tagħha, inkluż il-munzell ta' Vilafruns. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, l-operatur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipprevjeni u jnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent, anki fil-każ tal-immaniġġar ta' faċilità tal-iskart wara l-għeluq tagħha.

(133)

Iberpotash issostni wkoll li l-ftehim tax-xiri għas-sit jinkludi klawżola li tista' tiġi interpretata b'tali mod li teskludi r-responsabbiltà ta' Iberpotash li tirriżulta minn attivitajiet ta' qabel l-1997, jiġifieri inkluża kull responsabbiltà għall-munzell ta' skart. F'dan ir-rigward, Iberpotash tirreferi għal sentenza tal-Qorti Suprema tal-14 ta' Mejju 2009, b'ċitazzjoni tad-dispożizzjoni fil-kuntratt tax-xiri li tistipula li l-parti li tbigħ għandha tikkumpensa lix-xerrej għal kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn pretensjonijiet ta' partijiet terzi b'rabta ma' fatti ta' qabel it-trasferiment li ma kinux riflessi fil-karta tal-bilanċ u li ma kinux evidenti tul il-proċess tad-diliġenza dovuta. Iberpotash targumenta li l-obbligi relatati mar-riabilitazzjoni ta' Vilafruns ma kinux evidenti qabel il-bejgħ u li ma kienx hemm provvedimenti relatati fil-karta tal-bilanċ minħabba l-fatt li ma kinux jeżistu tali obbligi ġuridiċi dak iż-żmien.

(134)

Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli jindikaw li l-ftehim dwar il-bejgħ tal-ishma tal-1998 ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li kienet tobbliga lill-bejjiegħ jassumi kwalunkwe responsabbiltà tax-xerrej wara t-trasferiment tal-ishma.

(135)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-dispożizzjoni ċċitata fis-sentenza tal-Qorti Suprema x'aktarx hija dispożizzjoni kuntrattwali standard li tipproteġi lill-bejjiegħ kontra pretensjonijiet sussegwenti ta' partijiet terzi b'rabta ma' fatti mhux magħrufa waqt il-bejgħ. Madankollu, Iberpotash ma tistax issostni li ma kinitx konxja tal-munzell ta' skart eżistenti f'Vilafruns li sar sjieda tagħha bħala parti mit-tranżazzjoni u tar-responsabbiltà ġenerali tad-detentur tal-iskart li jiżgura l-ġestjoni xierqa tal-faċilitajiet tiegħu tal-iskart. Il-fatt li Iberpotash aċċettat l-obbligi ambjentali rigward il-munzell ta' Vilafruns f'diversi pjanijiet ta' riabilitazzjoni jikkonferma li hija kienet konxja ta' dawn ir-responsabbiltajiet.

(136)

B'hekk, il-Kummissjoni tqis li bħala konsegwenza tal-akkwiżizzjoni tal-attivitajiet ta' estrazzjoni tal-potassa fil-Katalonja fl-1998, Iberpotash kienet responsabbli biex tiżgura l-ġestjoni xierqa tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns b'konformità man-normi ġuridiċi applikabbli.

(137)

Madankollu, filwaqt li jaċċettaw din il-konklużjoni, l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-obbligi ta' Iberpotash ma kinux jinkludu l-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-obbligi ta' Iberpotash kienu jkunu ssodisfati b'miżuri sostanzjalment irħas li kienu ġew inklużi fil-pjan ta' riabilitazzjoni oriġinali tagħha tal-2008 (b'mod partikolari l-installazzjoni ta' sistema ta' tubi/drenaġġ, tipi oħra ta' protezzjoni u riabilitazzjoni b'kost totali ta' madwar EUR […] (*1)). Għalhekk, huma jargumentaw, flimkien ma' Iberpotash, li l-investiment pubbliku fil-kisi tal-munzell ma jikkostitwixxix vantaġġ ekonomiku għal Iberpotash peress li l-kostijiet iffrankati minnha (EUR […]) huma aktar milli kkumpensati mill-kostijiet ta' manutenzjoni li hija jkollha ġġarrab tul il-ħajja tal-installazzjoni (li jammontaw għal EUR […] għall-perjodu minn Marzu tal-2015 sa Marzu tal-2016) u l-kostijiet tal-opportunità li ma tistax tipproċessa u tbigħ il-melħ mill-munzell miksi ta' Vilafruns bħalma qed tippjana li tagħmel fil-każ tal-munzelli l-oħra tagħha (30).

(138)

Il-Kummissjoni tqis li, irrispettivament mil-livell tal-obbligi ta' Iberpotash rigward Vilafruns, ma jistax jiġi aċċettat li investiment pubbliku ta' EUR 7,9 miljun f'ħarsien tal-ambjent ferm aħjar u li, bi prinċipju, jikkorrispondi għar-riabilitazzjoni tas-sit ta' estrazzjoni mingħajr l-ebda kost ta' investiment għal Iberpotash ma kien fil-fatt iwassal għall-ebda vantaġġ ekonomiku ta' Iberpotash. L-installazzjoni tal-kisi tal-munzell ta' skart kellha l-għan li tnaqqas b'mod sinifikanti t-tniġġis ikkawżat minn tnixxijiet mill-munzell ta' Vilafruns. Il-miżuri alternattivi fin-nuqqas ta' għajnuna ma kinux se jipprovdu protezzjoni daqshekk tajba u fit-tul u kienu se jesponu lil Iberpotash għar-riskju li jkollha ġġarrab il-konsegwenzi tat-tniġġis (kif juru s-sentenzi kriminali tat-18 ta' Diċembru 2014 u tal-25 ta' Frar 2015 b'rabta ma' siti oħra tal-estrazzjoni – ara l-premessi 27 u 94 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ). Għaldaqstant, il-kostruzzjoni tal-faċilità mħallsa minn riżorsi pubbliċi tat lil Iberpotash il-possibbiltà li tipprevjeni aħjar it-tniġġis, it-tnaqqis tar-riskji ambjentali għall-futur u li tipprovdi riabilitazzjoni fit-tul tal-munzell (b'konformità ma riabilitazzjonijiet simili ta' munzelli ta' skart tal-melħ fi Franza jew fil-Ġermanja, kif ġie spjegat aktar 'il fuq fil-premessi 26 u 32). Iberpotash kienet tkun obbligata fl-aħħar mill-aħħar li tiżgura riabilitazzjoni xierqa tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns.

(139)

U fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija selettiva peress li hija mmirata speċifikament għall-finanzjament pubbliku tal-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns fis-sjieda ta' Iberpotash. L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-miżura ma tistax tkun selettiva peress li Iberpotash hija l-unika kumpanija tal-estrazzjoni tal-potassa fi Spanja u għalhekk ma hemmx il-possibbiltà li titqabbel ma' kumpaniji oħra. Madankollu, il-fatt li Iberpotash hija l-unika kumpanija tal-estrazzjoni tal-potassa fi Spanja ma jinvalidax is-selettività tal-miżura, li hija mmirata b'mod ċar għal faċilità tal-iskart speċifikament identifikata u mhux għal kwalunkwe waħda oħra.

(140)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 pprovdiet vantaġġ ekonomiku selettiv lil Iberpotash.

5.1.2.2.    Trasferiment ta' riżorsi tal-Istat

(141)

Il-kost ta' investiment totali tal-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns tħallas minn awtoritajiet pubbliċi, EUR 4 miljun mill-Ministeru tal-Ambjent ta' Spanja u l-bqija, li jammontaw għal EUR 3 887 571, mill-Agencia Catalana del Agua, impriża pubblika mmaniġġjata mill-Generalitat de Catalunya, li b'hekk onorat l-impenn tagħha li tkopri l-bqija tal-kostijiet tal-investiment, li l-Generalitat de Catalunyua aċċettat fil-konvenzjoni tas-17 ta' Diċembru 2007.

(142)

La l-awtoritajiet Spanjoli u lanqas Iberpotash ma sostnew l-assenza ta' riżorsi tal-Istat rigward din il-miżura.

(143)

Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jiġi pprovdut finanzjament pubbliku għall-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns ittieħdet mill-Ministeru tal-Ambjent ta' Spanja u l-Generalitat de Catalunya u b'hekk hija imputabbli lill-Istat b'mod ċar.

(144)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 involviet trasferiment ta' riżorsi tal-Istat u hija imputabbli għall-Istat.

5.1.2.3.    Distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni

(145)

Kif ġie indikat hawn fuq fid-dettall (ara l-premessi 103 u 105), Iberpotash tinsab f'kompetizzjoni ma' produtturi oħrajn tal-potassa u tal-melħ. Għaldaqstant, il-fatt li mill-inqas parti mill-obbligi ambjentali tagħha rigward Vilafruns ġew iffinanzjata minn riżorsi pubbliċi jasal biex ifixkel il-kompetizzjoni billi b'mod artifiċjali jitnaqqsu l-kostijiet ta' Iberpotash u b'hekk jiġi pprovdut vantaġġ indebitu vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

(146)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 għandha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni.

5.1.2.4.    Effett negattiv fuq il-kummerċ fi ħdan l-UE

(147)

Kemm il-potassa kif ukoll il-melħ huma nnegozjati fi ħdan l-UE (ara l-premessi 106 u 107 ta' hawn fuq), u għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-UE.

5.1.2.5.    Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna: Miżura 4

(148)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-fehma li l-Miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 7 887 571, u għalhekk sejra tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

5.2.   LEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(149)

Kemm il-Miżura 1 kif ukoll il-Miżura 4 ingħataw bi ksur tan-notifika u tal-obbligi ta' sospensjoni stabbiliti mill-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali.

5.3.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

5.3.1.   MIŻURA 1: LIVELL IMNAQQAS TAL-GARANZIJI FINANZJARJI

(150)

La l-awtoritajiet Spanjoli u lanqas Iberpotash ma jallegaw raġunijiet ta' kompatibbiltà għall-għajnuna fl-għamla ta' garanziji finanzjarji aktar baxxi milli meħtieġ skont il-liġi rilevanti.

(151)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna operatorja lil Iberpotash billi ppermettiet li l-kost ikkawżat mill-imposti fuq il-garanziji jkun aktar baxx milli meħtieġ waqt il-perjodu twil bejn l-2006 u l-2016.

(152)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni possibbli ta' kompatibbiltà għal tali għajnuna operatorja mogħtija mingħajr segwiment ta' objettiv apparenti ta' interess komuni, u b'hekk tikkonkludi li l-miżura li tikkonsisti f'livell imnaqqas tal-garanziji finanzjarji ta' Iberpotash tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli f'għamla ta' imposti bankarji aktar baxxi li jirriżultaw mil-livell aktar baxx milli suppost tal-garanziji finanzjarji.

5.3.2.   MIŻURA 4: INVESTIMENT BIEX JITGĦATTA L-MUNZELL TA' SKART TA' VILAFRUNS

(153)

L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li fil-każ li l-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, tkun kompatibbli abbażi tat-taqsima 3.1.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008, li tirrigwarda l-għajnuna ambjentali għall-intrapriżi li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni jew li jżidu l-livell tal-ħarsien tal-ambjent fl-assenza ta' standards tal-Unjoni.

(154)

Huma jsostnu li l-kisi tal-munzell ta' skart huwa proġett pilota mmirat għall-ittestjar ta' teknoloġija ġdida għall-prevenzjoni ta' tnixxijiet minn munzelli ta' skart tal-melħ. Is-sit ta' Vilafruns allegatament intgħażel għal dan il-proġett pilota minħabba l-karatteristiċi partikolari tiegħu (il-volum iżgħar, il-post tiegħu bħala l-ewwel munzell tal-melħ fuq nett tax-Xmara Llobregat, il-fatt li ilu inattiv għal deċennji). Billi jipprovdi lill-awtoritajiet b'data dwar riżultati reali, ikun qed jagħtihom il-possibbiltà li jindirizzaw aħjar il-problema ġenerali tal-munzelli ta' skart tal-melħ fir-reġjun. F'dan ir-rigward, il-proġett huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tal-ambjent fir-reġjun tal-baċir tax-xmara Llobregat u b'hekk isegwi objettiv ta' interess komuni.

(155)

L-awtoritajiet Spanjoli jispjegaw ukoll li l-proġett jifforma parti minn pjan ġenerali għal ġestjoni mtejba tal-baċir tal-ilma Katalan, inklużi diversi miżuri, xi wħud minnhom iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi u oħrajn minn riżorsi privati.

(156)

Il-Kummissjoni tqis li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008 fil-fatt jipprovdu bażi għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà fil-każ kurrenti. B'mod partikolari, il-punt 205 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008 moqri f'konnessjoni mal-punt 248 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija tal-2014 (31) jippermetti lill-Kummissjoni tapplika r-regoli stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008 f'każijiet ta' għajnuna illegali mogħtija tul il-perjodu 2009-2011.

(157)

Skont it-taqsima 3.1.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008, għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-impriżi jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali jew li jżidu l-livell ta' protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni għandha titqies kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE [issa l-Artikolu 107(3)(c) TFUE] kemm-il darba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 sa 84 u t-taqsima 3.2 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008.

(158)

L-istandards tal-Unjoni għar-riabilitazzjoni tal-iskart mill-estrazzjoni huma stipulati fid-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva, l-Artikoli 5, 6(3) sa (5), 7, 8, 12(1) u (2) u 14(1) sa (3) m'għandhomx japplikaw għal dawk il-faċilitajiet ta' skart li waqfu milli jaċċettaw skart qabel l-1 ta' Mejju 2006, bħalma huwa l-każ tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns. Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni m'hemm ebda standard speċifiku tal-Unjoni li kieku jistabbilixxi l-livell li għandu jintlaħaq mill-munzell ta' skart ta' Vilafruns f'termini ambjentali.

(159)

Parti terza partikolari ssostni li fl-2008-2009 diġà, Iberpotash kienet soġġetta għall-obbligu ġuridiku immedjat li tiżgura li l-munzell ikun mgħotti, għalkemm mingħajr ma tipprovdi evidenza speċifika għal dawn il-pretensjonijiet. F'kull każ, il-Kummissjoni tqis li minkejja li Iberpotash kienet eventwalment se tkun obbligata tiżgura riabilitazzjoni xierqa tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns fil-futur, ma kienx hemm tali obbligu fl-2008-2009, u fin-nuqqas ta' għajnuna, Iberpotash kienet tkun kapaċi tkompli timmaniġġja l-munzell ta' skart billi tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-pjan ta' riabilitazzjoni ambjentali applikabbli.

(160)

B'konformità mal-punt 79 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali 2008, l-intensità tal-għajnuna ta' tali għajnuna m'għandhiex taqbeż il-50 % tal-kostijiet eliġibbli fil-każ tal-intrapriżi l-kbar. Fejn l-investiment ikun jirrigwarda l-akkwist ta' ass ta' ekoinnovazzjoni jew it-tnedija ta' proġett ta' ekoinnovazzjoni, l-intensità tal-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'10 punti perċentwali, kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-punt 78 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Ambjentali 2008. Barra minn hekk, l-intensità tal-għajnuna tista' tilħaq 100 % fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u nondiskriminatorji, sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna tkun limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali (ara l-punt 77 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008) tali proċess ta' offerti jrid ikun nondiskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' impriżi. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni vinkolanti fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna.

(161)

Skont il-punt 80 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008, il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-kostijiet ta' investiment addizzjonali meħtieġ biex jinkiseb livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali, filwaqt li jitnaqqsu kwalunkwe benefiċċji operazzjonali u tiżdied kwalunkwe kost operattiva tul l-ewwel ħames snin. Fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni, dawn il-kostijiet ta' investiment addizzjonali jikkonsistu fl-kostijiet ta' investiment meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ta' protezzjoni ambjentali ogħla minn dak illi l-impriża jew l-impriżi inkwistjoni kienu jilħqu fin-nuqqas ta' kwalunkwe għajnuna ambjentali (ara l-punt 84(c) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008).

(162)

Fil-każ inkwistjoni, l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li qabel l-investiment fil-kisi tal-munzell, il-pjan ta' riabilitazzjoni applikabbli ta' Iberpotash kien jinkludi miżuri ta' riabilitazzjoni speċifiċi għall-munzell ta' skart ta' Vilafruns immirati biex jillimitaw it-tnixxijiet mill-munzell ta' skart u b'hekk jimminimizzaw l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. l-kostijiet mistennija ta' dawn il-miżuri, li jikkostitwixxu sitwazzjoni kontrafattwali fl-assenza ta' għajnuna mill-Istat konformi mal-punt 81(a) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008, ammontaw għal EUR […]. Il-Kummissjoni tifhem li dawn il-miżuri kienu jitqiesu suffiċjenti mill-awtoritajiet Spanjoli għall-iżgurar tas-sodisfazzjon tal-obbligi ambjentali applikabbli dak iż-żmien għall-munzell ta' skart inattiv ta' Vilafruns.

(163)

Barra minn hekk, kif ġie spjegat mill-awtoritajiet Spanjoli, il-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns kien jitqies bħala hekk imsejjaħ “proġett pilota” bil-għan li tiġi vverifikata fil-prattika l-adegwatezza ta' dak il-metodu ta' riabilitazzjoni għall-indirizzar tal-problemi ambjentali tar-reġjun ta' Llobregat. Għalhekk, il-kisi ma sarx minħabba xi obbligu ġuridiku reali li jimponi dan, iżda aktar fid-dawl ta' interess pubbliku aktar ġenerali biex jinstab l-aktar metodu ta' riabilitazzjoni adegwat sabiex fil-futur jiġi implimentat għall-munzelli ta' skart kollha l-oħra li jaffettwaw l-ambjent tar-reġjun.

(164)

Għalhekk, il-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns fl-2008-2009 tat lil Iberpotash il-possibbiltà li żżid il-livell tal-protezzjoni tal-ambjent b'riżultat tal-attivitajiet tagħha fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni skont il-punt 74(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008.

(165)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-kostijiet ta' investiment addizzjonali għall-proġett ta' investiment ikunu jammontaw għal kost ta' investiment ta' EUR 7 887 571 nieqes il-kost ta' EUR […] fix-xenarju kontrofattwali. Billi Vilafruns ilu ma jopera għal għadd ta' snin, m'hemmx benefiċċji operatorji mill-kisi tal-munzell ta' skart. Il-kostijiet operatorji għall-manutenzjoni tal-installazzjoni ammontaw għal EUR […] tul l-aħħar sena skont l-awtoritajiet Spanjoli. Bl-assunzjoni li jibqgħu f'dan il-livell tul l-ewwel ħames snin, l-ammont totali tal-kostijiet operatorji li jridu jiżdiedu mal-kostijiet eliġibbli ikun ta' EUR […]. Il-kostijiet eliġibbli totali b'hekk jammontaw għal EUR 7 804 922,60 (32).

(166)

Peress li l-għajnuna ammontat għall-kost ta' investiment totali ta' EUR 7 887 571, hija tikkorrispondi għal aktar minn 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

(167)

L-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdew l-ebda evidenza li l-munzell ta' skart ta' Vilafruns kien se jintgħażel fost għadd ikbar ta' proġetti oħra possibbli fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv abbażi ta' kriterji ċari, trasparenti u nondiskriminatorji. Fil-fatt, il-munzell intgħażel mill-awtoritajiet Spanjoli biss minħabba l-karatteristiċi tiegħu, li tqiesu adegwati għall-proġett (ara l-premessa 154 ta' hawn fuq). Għalhekk, il-punt 77 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008, li jippermetti intensità tal-għajnuna sa 100 %, ma jistax jintuża fil-każ inkwistjoni.

(168)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-metodu ta' riabilitazzjoni ta' munzell ta' skart li jinvolvi l-fatt li jitgħatta kollox b'saff impermeabbli li jiżgura l-iżolament tiegħu mill-ilma, ma jistax jiġi kkunsidrat proġett ekoinnovattiv skont it-tifsira tal-punt 78 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008. Minkejja l-argumenti tal-awtoritajiet Spanjoli li l-kisja hija unika u innovattiva, dan il-metodu ma jistax jitqies bħala ġdid jew sostanzjalment imtejjeb meta mqabbel mal-aktar tekniki moderni fl-industrija tal-Unjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

(169)

Jista' jkun hemm differenzi tekniċi bejn il-kisja ta' Vilafruns u l-kisja magħmula fil-każ tal-munzelli ta' skart tal-Alsace, kif ġie spjegat b'kontribuzzjoni teknika mill-Agencia Catalana del Agua. Madankollu, metodoloġiji simili mmirati biex jgħattu u jissiġillaw il-munzell b'materjal impermeabbli kienu diġà twettqu, b'mod partikolari fil-Ġermanja. Skont ktieb ta' espert Ġermaniż li b'mod speċifiku jittratta t-teknoloġiji disponibbli fl-industrija tal-potassa (33), hemm esperjenza twila ta' 30 sena ta' kisi ta' munzelli sħaħ ta' skart mill-estrazzjoni tal-potassa fil-Ġermanja, bil-għan li jiġi pprevenut id-dħul tal-ilma fil-munzell biex b'hekk jiġu mminimizzati t-tnixxijiet. Il-ktieb isostni li esperimenti bil-kisi ta' munzelli ta' skart fil-Ġermanja jmorru lura għas-snin ħamsin u li mis-snin sebgħin, u b'mod partikolari fis-snin disgħin, tgħattew għadd ta' munzelli primarjament ta' daqs medju fil-Ġermanja filwaqt li kienu qed jiġu ppruvati diversi tipi ta' materjali u tekniki. Ir-Rapport Annwali tal-2015 tal-kumpanija Ġermaniża tal-estrazzjoni tal-potassa K+S jindika li munzelli li ma għadhomx użati ta' skart mit-tisfija tal-minerali, żgħar u ta' daqs medju tgħattew bħala parti mill-istrateġija tagħha dwar il-munzelli l-qodma fil-qafas ta' sforz biex jiġi evitat u mminimizzat l-impatt fit-tul fuq in-natura u l-ambjent. B'kollox, bħalissa qed issir manutenzjoni ta' 41 munzell li ma għadhomx użati ta' skart mit-tisfija tal-minerali fis-Sassonja t'Isfel u ta' tnejn fil-Baden-Württemberg twettqet ir-riveġetazzjoni ta' ħmistax minnhom filwaqt li sitta oħra jinsabu fil-proċess ta' riveġetazzjoni (34).

(170)

Għalhekk, minkejja li d-dettalji tekniċi ta' dawn il-proġetti jista' jkun li jvarjaw skont il-kundizzjonijiet partikolari ta' kull sit, il-proġett ma jistax jitqies bħala ekoinnovazzjoni skont it-taqsima 3.1.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008.

(171)

Għalhekk, l-intensità massima tal-għajnuna għal Iberpotash bħala intrapriża kbira skont il-punt 76 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Ambjentali 2008 hija 50 % tal-kostijiet eliġibbli.

(172)

Għaldaqstant, l-ammont massimu tal-għajnuna li l-Kummissjoni tqis kompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008 bħala għajnuna għall-investiment li tagħti lil Iberpotash il-possibbiltà li żżid il-livell ta' protezzjoni tal-ambjent tammonta għal EUR 3 902 461,30.

(173)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis il-bqija tal-ammont totali tal-għajnuna għal din il-miżura (jiġifieri EUR 3 985 109,70) bħala għajnuna illegali u inkompatibbli.

6.   IRKUPRU

(174)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (35). Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqisha inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (36).

(175)

F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbilixxiet li dan l-objettiv jintlaħaq ġaladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet restawrata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna (37).

(176)

B'konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (38) iddikjara li “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna li tmur kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

(177)

Għalhekk, billi l-miżuri inkwistjoni:

(a)

l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lil Iberpotash fil-qafas tal-Miżura 1 f'għamla ta' imposti bankarji aktar baxxi għal-livell imnaqqas tal-garanziji għall-perjodu 2006-2016, li jikkorrispondi għal EUR 1 864 622, u

(b)

dik il-parti mill-Miżura 4 li taqbeż l-intensità massima tal-għajnuna rigward l-għajnuna għall-investiment li tat lil Iberpotash il-possibbiltà li żżid il-livell ta' ħarsien tal-ambjent billi tgħatti l-munzell ta' skart ta' Vilafruns, li tammonta għal EUR 3 985 109,70, ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, u għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, dawn iridu jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tagħhom. L-irkupru jenħtieġ li jkopri ż-żmien minn meta seħħ il-vantaġġ għall-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv tagħha u s-somom li għandhom jiġu rkuprati jenħtieġ li jkollhom imgħax sal-irkupru effettiv.

7.   KONKLUŻJONI

(178)

Il-Kummissjoni ssib li Spanja implimentat b'mod illegali l-għajnuna mogħtija lil Iberpotash fil-qafas tal-Miżura 1 f'għamla ta' imposti fuq il-garanziji aktar baxxi milli suppost li jirriżultaw mil-livell baxx wisq tal-garanziji għall-perjodu 2006-2016, li jammontaw għal EUR 1 864 622, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ssib li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern u trid tiġi rkuprata.

(179)

Il-Kummissjoni ssib li Spanja implimentat b'mod illegali l-għajnuna għall-investiment li ppermetta lil Iberpotash iżżid il-livell ta' ħarsien tal-ambjent billi tgħatti l-munzell ta' skart ta' Vilafruns (Miżura 4), bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(180)

Madankollu, il-Kummissjoni ssib li parti mill-Miżura 4, li tammonta għal EUR 3 902 461,30, hija kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) billi tikkonforma mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali 2008.

(181)

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssib li l-parti li fadal mill-ammont totali tal-għajnuna għall-Miżura 4 u li taqbeż l-intensità massima tal-għajnuna awtorizzata, jiġifieri EUR 3 985 109,70, hija inkompatibbli mas-suq intern u trid tiġi rkuprata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)   L-għajnuna mill-Istat favur Iberpotash f'għamla ta' imposti fuq il-garanziji aktar baxxi milli suppost li jirriżultaw minn livell baxx wisq tal-garanziji għall-perjodu 2006-2016, li tammonta għal EUR 1 864 622, mogħtija minn Spanja b'mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

(2)   L-għajnuna mill-Istat għall-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns, li tammonta għal EUR 3 902 461,30, mogħtija minn Spanja favur Iberpotash b'mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c).

(3)   Il-parti li fadal tal-għajnuna mill-Istat għall-kisi tal-munzell ta' skart ta' Vilafruns, li tammonta għal EUR 3 985 109,70, mogħtija minn Spanja favur Iberpotash b'mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

(1)   Spanja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1(1) u (3) mingħand il-benefiċjarju.

(2)   L-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru reali tagħhom.

(3)   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (39) u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (40) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(4)   Spanja għandha tikkanċella l-pagamenti tal-għajnuna pendenti kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) u (3) b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) u (3) għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   Spanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1)   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Spanja għandha tissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (somma kapitali ewlenija u mgħaxijiet) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

(2)   Spanja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm tkun tħallset lura l-għajnuna kollha msemmija fl-Artikoli 1(1) u (3). Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax ta' rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 142, 22.4.2016, p. 18.

(2)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(3)  Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

(4)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(5)  L-allegati każijiet ta' ksur tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni ppreżentati f'din il-proċedura ta' ksur m'għandhomx x'jaqsmu mal-ammont tal-garanziji finanzjarji fil-qafas tal-Artikolu 14 tad-Direttiva kif ivvalutat f'din id-deċiżjoni.

(6)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(7)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(11)  Ley 12/1981, de 24 de diciembre, por la que se establecen normas adicionales de protección de los espacios de especial interés natural afectados por actividades extractivas.

(12)  Decreto 202/1994, de 14 de junio, por el que se establecen los criterios para la determinación de las fianzas relativas a los programas de restauración de actividades extractivas.

(13)  Ara l-Artikolu 2.4(h) tad-Digriet 202/1994.

(14)  Skont l-Istudju ERF sottomess mill-ilmentatur (ara l-premessa 68), fl-2011 il-munzell attiv tal-iskart f'Balsareny/Sallent (El Cogulló) kellu erja ta' 35 ettaru u massa tal-iskart ta' 41 Mt filwaqt li l-munzell attiv tal-iskart f'Súria (El Fusteret) kellu erja ta' 27 ettaru u massa tal-iskart ta' 22 Mt.

(15)  A study of the costs of improving management of mine waste, Symonds Group flimkien ma' COWI, rapport tad-DĠ għall-Ambjent, il-Kummissjoni Ewropea, rapport finali, Ottubru 2001.

(16)  L-adegwatezza tal-użu tal-Artikolu 2.4(h) tad-Digriet 202/1994 f'dan ir-rispett donnu tiġi rrikonoxxuta wkoll bl-osservazzjonijiet ta' Iberpotash dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ (ara b'mod partikolari l-paragrafu 68 tal-osservazzjonijiet).

(17)  Ara pereżempju r-Rapport Annwali tal-kumpanija Ġermaniża tal-estrazzjoni tal-potassa K+S Kali GmbHfor tal-2015, il-paġna 48 (http://www.k-plus-s.com/en/archiv/finanzberichte.html), il-metodi ta' riabilitazzjoni użati għall-munzelli ta' skart ta' Alsace, kif deskritti fid-dokument tal-ACA pprovdut bħala Anness 2 għas-sottomissjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tad-19 ta' April 2016, jew ktieb tal-espert Ġermaniż Henry Rauche: Die Kaliindustrie im 21. Jahrhundert, Springer-Verlag Berlin Heidelberg 2015, https://mining-report.de/blog/henry-rauche-die-kaliindustrie-im-21-jahrhundert/.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/227/KESE tad-29 ta' Lulju 1998 dwar għajnuna mogħtija mil-Land tas-Sassonja t'Isfel (il-Ġermanja) lil Georgsmarienhütte GmbH (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 72).

(19)  Ara wkoll il-kawża C-200/97 Ecotrade, ECLI:EU:C1998:579, b'mod partikolari l-paragrafu 41.

(20)  Ley 39/2015, de 1 de octubre, del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas: https://www.boe.es/buscar/act.php?id=BOE-A-2015-10565&p=20151002&tn=1#a99.

(21)  Ley 27/2006, de 18 de julio, por la que se regulan los derechos de acceso a la información, de participación pública y de acceso a la justicia en materia de medio ambiente.

(22)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(23)  Ara b'mod partikolari l-paragrafu 11 tal-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi sottomessi fis-27 ta' Lulju 2016.

(24)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/449/KE tal-14 ta' Diċembru 1993 rigward proċediment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (il-Każ Nru IV/M.308 - Kali- Salz/MdK/Treuhand) (ĠU L 186, 21.7.1994, p. 38).

(25)  Memoria de Sostenibilidad 2014, paġna 15, http://www.icliberia.com/noticia/icl-iberia-presents-the-sustainability-report.

(26)  Ara l-kummenti ta' Iberpotash dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-paragrafu 23.

(27)  Peress li l-garanzija għal Balsareny/Sallent ġiet iffissata bl-awtorizzazzjoni maħruġa fid-29 ta' April 2008, id-differenza fl-imposti ta' garanzija għal Balsareny/Sallent f'din is-sena hija kkalkulata bħala 8/12 tal-ammont annwali.

(28)  Peress li l-garanzija għal Súria ġiet stabbilita bl-awtorizzazzjoni maħruġa fid-9 ta' Novembru 2006, id-differenza fl-imposti ta' garanzija għal Súria f'din is-sena hija kkalkulata bħala 1/12 tal-ammont annwali.

(29)  Peress li l-garanzija għal Súria żdiedet għall-ammont “korrett” minn Mejju tal-2015, id-differenza fl-imposti ta' garanzija għal Súria f'din is-sena hija kkalkulata bħala 4/12 tal-ammont annwali.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(30)  Ara l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, paragrafu 55.

(31)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1).

(32)  Jiġifieri EUR 7 887 571 nieqes EUR […] biż-żieda ta' EUR […].

(33)  Henry Rauche: Die Kaliindustrie im 21. Jahrhundert, Springer-Verlag Berlin Heidelberg 2015, http://www.springer.com/de/book/9783662468333. Waħda mill-partijiet interessati ġibditilna l-attenzjoni għall-eżistenza ta' dan il-ktieb. Inkiteb minn espert bi 30 sena esperjenza fl-industrija tal-potassa u jikkostitwixxi, anki skont evalwazzjonijiet indipendenti (ara pereżempju https://mining-report.de/blog/henry-rauche-die-kaliindustrie-im-21-jahrhundert/) preżentazzjoni komprensiva tat-tekniki tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku fl-industrija tal-potassa.

(34)  Rapport Annwali tal-2015 ta' K+S, paġna 48, http://www.k-plus-s.com/en/archiv/finanzberichte.html

(35)  Ara l-Kawża C-70/72, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, [1973] ECLI:EU:C:1973:87, paragrafu 13.

(36)  Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs il-Kummissjoni, [1994] ECLI:EU:C:1994:325, il-paragrafu 75.

(37)  Ara l-Kawża C-75/97, il-Belġju vs il-Kummissjoni, [1999] ECLI:EU:C:1999:31, il-paragrafi 64 u 65.

(38)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(39)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(40)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/119

tat-18 ta' Settembru 2017

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.47702 (2017/C) (ex 2017/N) — Ir-Renju Unit

Pakkett alternattiv li jissostitwixxi l-impenn għar-Royal Bank of Scotland li jċedi n-negozju Rainbow

(notifikata bid-dokument C(2017) 6184)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija aktar 'il fuq (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B'deċiżjonijiet tal-14 ta' Diċembru 2009 (2) (“Deċiżjoni ta' Ristrutturar”), il-Kummissjoni ddikjarat għadd ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat (3) konċessi lir-Royal Bank of Scotland (“RBS”) bħala kompatibbli mas-suq intern. Il-konklużjoni ntlaħqet abbażi tal-pjan ta' ristrutturar (“Pjan ta' Ristrutturar”) u tal-impenji (“Impenji”) maħruġa mill-Gvern tar-Renju Unit (“l-awtoritajiet tar-Renju Unit”).

(2)

Permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' April 2014 (4) (“Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata”), il-Kummissjoni ddikjarat li l-lista emendata notifikata tal-impenji (5) (“Impenji Emendati”) ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-Impenji Emendati wkoll ma jaffettwawx il-konklużjoni milħuqa fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, li l-għajnuna mill-Istat ipprovduta lir-RBS hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata, is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tar-Renju Unit u r-RBS (direttament jew permezz tal-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ maħtur skont id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar) kellhom skambji frekwenti, f'għamla ta' laqgħat, sejħiet ta' konferenza u skambju ta' ittri elettroniċi u dokumenti.

(4)

Fis-17 ta' Frar 2017, Her Majesty's Treasury (“HMT”) ħabbar pubblikament li kien beħsiebu jitlob emenda formali biex jiġi ssostitwit l-impenn li jċedi n-negozju Rainbow (6) b'pakkett ta' miżuri li jkollhom l-għan li tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq bankarju SME u ta' daqs medju (7) (“suq bankarju SME u ta' daqs medju”).

(5)

Permezz ta' ittra tat-2 ta' Marzu 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit innotifikaw lill-Kummissjoni t-talba formali biex jiġi ssostitwit l-impenn li jċedi 'l hekk imsejjaħ negozju Rainbow, kif identifikat fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar (8) u sussegwentement emendat fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata (9).

(6)

Permezz ta' ittra tal-4 ta' April 2017 (“Deċiżjoni ta' Ftuħ”), il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward ta' din it-talba.

(7)

Fil-5 ta' Mejju 2017, id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

(8)

Fit-8 ta' Mejju 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit issottomettew ir-risposta tagħhom għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(9)

Tul Mejju u Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn partijiet interessati. Saru laqgħat ma' xi partijiet interessati biex jiġu kkjarifikati l-kummenti rċevuti. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit il-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati.

(10)

Fit-22 ta' Ġunju 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit issottomettew ir-riposta tagħhom għall-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati u għall-kummenti rċevuti fil-qafas tal-eżerċizzju ta' ttestjar tas-suq tal-awtoritajiet tar-Renju Unit infushom (11).

(11)

Permezz ta' ittra tat-28 ta' Lulju 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu notifika aġġornata lill-Kummissjoni li tirrifletti aġġornament rigward il-pakkett alternattiv propost fin-notifika oriġinali tat-2 ta' Marzu 2017.

2.   OSSERVAZZJONI ADDIZZJONALI

(12)

Billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dan il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni tapplika biss sakemm ir-Renju Unit jibqa' Stat Membru.

3.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA/GĦAJNUNA

3.1.   IR-RBS U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' RISTRUTTURAR U L-PJAN TA' RISTRUTTURAR EMENDAT

3.1.1.   Ir-RBS

(13)

Ibbażat f'Edinburgh, ir-RBS (12) huwa wieħed mill-ikbar gruppi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fl-Ewropa u jipprovdi servizzi lil klijenti privati, korporattivi u istituzzjonali. Fl-aħħar tal-2016, kellu karta tal-bilanċ b'total ta' GBP 799 biljun (13) u total ta' assi bil-piż differenzjat skont ir-riskju (“RWA”) (14) ta' GBP 228 biljun.

(14)

Deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat favur ir-RBS tista' tinstab fil-premessi 31 sa 54 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar. Id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata (15) indikat li l-unika miżura ta' għajnuna għall-kapital li kienet għadha ma ttemmitx jew għadha ma tħallsitx lura fl-2013 kienet ir-rikapitalizzazzjoni ta' GBP 45,5 biljun f'azzjonijiet ordinarji u pprivileġġjati (16), li magħha kien relatat is-sehem ta' aċċess għad-dividend (“DAS”) miżmum mill-Istat. Id-DAS inħoloq biex jiġu pprovduti drittijiet imsaħħa għad-dividendi lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(15)

F'Awwissu 2015, l-awtoritajiet tar-Renju Unit biegħu 5,4 % tal-bank (17), u dan kien l-ewwel bejgħ tal-ishma li l-Gvern kellu fil-grupp tar-RBS. L-ishma pprivileġġjati kollha nbidlu f'ishma ordinarji f'Ottubru tal-2015 (18). Rigward id-DAS, ir-RBS ħallas lill-awtoritajiet tar-Renju Unit dividend finali f'Marzu 2016, u sussegwentement id-DAS ġie rtirat (19). B'konsegwenza ta' dawn l-azzjonijiet, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bħalissa jżommu 8,4 biljun sehem ordinarju fir-RBS, li jirrappreżentaw 71,2 % tal-kapital azzjonarju ordinarju tal-kumpanija (20).

3.1.2.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IMPENJI U TAL-IMPENJI EMENDATI

(16)

L-implimentazzjoni tal-impenji ta' ċessjoni u ta' mġiba li wasslet għad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata hija deskritta b'mod iddettaljat fil-premessi 12 sa 22 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(17)

L-implimentazzjoni tal-impenji inklużi fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata hija deskritta fil-qosor fil-premessi 15 u 16 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Ir-RBS ikkompleta dawn iċ-ċessjonijiet qabel l-iskadenzi miftiehma, bl-eċċezzjoni tal-impenn relatat maċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow.

3.2.   L-IMPENN LI JĊEDI N-NEGOZJU RAINBOW

(18)

L-Impenji u l-Impenji Emendati inkludew iċ-ċessjoni ta' diversi negozji, inklużi tan-negozju bl-imnut u mal-SMEs tar-RBS relatat mal-fergħat fl-Ingilterra u f'Wales, u tan-negozju bl-imnut u mal-SMEs tan-NatWest relatat mal-fergħat fl-Iskozja, flimkien man-negozju dirett mal-SMEs u ċerti klijenti korporattivi ta' daqs medju (imsejjaħ in-“negozju Rainbow”). L-iskadenza inkluża fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar kienet il-31 ta' Diċembru 2013, u fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata, l-iskadenza ġiet estiża għall-31 ta' Diċembru 2017.

(19)

Fil-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità tal-għajnuna lir-RBS fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, il-Kummissjoni nnutat li l-impenn li jċedi n-negozju Rainbow ikkontribwixxa biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna fis-suq bankarju SME u ta' daqs medju fir-Renju Unit.

(20)

Deskrizzjoni ddettaljata tal-proċess segwit mir-RBS u l-awtoritajiet tar-Renju Unit biex iċedu n-negozju Rainbow u tad-diffikultajiet relatati li ħabbtu wiċċhom magħhom qed tingħata fil-premessi minn 19 sa 25 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(21)

B'ittra datata t-2 ta' Marzu 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit innotifikaw lill-Kummissjoni t-talba li l-impenn li jċedu n-negozju Rainbow jiġi ssostitwit b'pakkett alternattiv ta' impenji. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Lulju 2017, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu notifika emendata lill-Kummissjoni li tirrifletti aġġornament rigward il-pakkett alternattiv propost fin-notifika oriġinali.

3.3.   IL-PAKKETT ALTERNATTIV AĠĠORNAT LI ĠIE PROPOST MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT

(22)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-għan tal-pakkett alternattiv propost huwa li, minħabba d-diffikultajiet biex iċedu n-negozju Rainbow (21), tinstab alternattiva mill-inqas ekwivalenti rigward l-ambitu u l-impatt għall-impenn oriġinali li iċedu n-negozju Rainbow u li wkoll: (i) ikollha impatt aktar malajr u b'hekk ittaffi b'mod aktar effikaċi kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni; (ii) tieħu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi attwali tas-suq u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-entitajiet sfidanti (“entitajiet sfidanti”) (22) u ta' parteċipanti potenzjali oħra fis-suq bankarju SME u ta' daqs medju fir-Renju Unit; u (iii) ma tqegħidx f'riskju l-vijabbiltà tar-RBS.

(23)

Il-pakkett alternattiv aġġornat jinkludi firxa ta' rimedji ta' mġiba u jikkonsisti minn żewġ elementi

(a)

Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni (“Miżura A”); u

(b)

L-Iskema ta' Qlib Inċentivat (“Miżura B”).

(24)

Jiġi stabbilit korp indipendenti (“il-Korp”) għall-ġestjoni u l-kontroll tal-Fond ta' Kapaċità u l-Iskema ta' Qlib Inċentivat (23).

(25)

Il-pakkett alternattiv aġġornat ikun iffinanzjat mir-RBS. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jistmaw li l-ispiża totali tal-pakkett għar-RBS se tkun ta' madwar GBP [0,5-1,5] biljun jekk wieħed jikkunsidra l-kost kapitali bil-quddiem u tnaqqis kontinwu fil-qligħ tar-RBS (24).

3.3.1.   IL-FOND TA' KAPAĊITÀ U TA' INNOVAZZJONI (“MIŻURA A”)

(26)

Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jkollu daqs ta' GBP 425 miljun, imqassam lill-entitajiet eliġibbli (i) għall-iżvilupp tal-kapaċità biex jikkompetu mar-RBS fil-forniment ta' servizzi bankarji lil SMEs; u/jew(ii) għall-iżvilupp u t-titjib tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji disponibbli lill-SMEs. Il-proġetti ta' investiment li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ħtieġa ta' appoġġ biex jidħlu fil-mira l-Għanijiet Permessi (25).

(27)

Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jkun maqsum f'erba' pools, u l-fondi jkunu jsiru disponibbli kif deskritt fit-Tabella 1:

Tabella 1

Għotjiet disponibbli għall-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni

Il-pool

L-iskop

Għotjiet disponibbli

A.

Pool avvanzat ta' Kapaċità BCA (26) (GBP 280 miljun)

Bil-għan li jiġu żviluppati offerti BCA aktar avvanzati u settijiet ta' prodotti anċillari minn banek b'kapaċità BCA eżistenti u sostantiva

1 × GBP 120 miljun

1 × GBP 100 miljun

1 × GBP 60 miljun

B.

Pool ta' Żvilupp ta' Kapaċità BCA (GBP 80 miljun)

Biex jiġi ffaċilitat l-immodernizzar ta' offerti BCA eżistenti jew l-iżvilupp ta' proposti ġodda

1 × GBP 50 miljun

2 × GBP 15-il miljun

C.

Pool ta' Self u Ħlas Innovattiv (GBP 40 miljun)

Biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' negozi ġodda jew eżistenti li jisilfu lill-SMEs u jwettqu pagamenti għalihom, b'enfasi partikolari fuq l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għas-swieq rilevanti

4 × GBP 10 miljuni

D.

Fond ta' Innovazzjoni għat-teknoloġija finanzjarja fil-qasam tas-servizzi bankarji lin-negozji (GBP 25 miljun)

Biex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija finanzjarja rilevanti għall-SMEs

5 × GBP 5 miljuni

L-ikbar żborżi mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jkunu mmirati għal entitajiet b'kapaċità BCA eżistenti b'saħħitha. It-tliet l-ikbar għotjiet se jsiru disponibbli għal entitajiet b'tali kapaċità, għat-tisħiħ tal-abbiltà tagħhom li jikkompetu mar-RBS fil-forniment ta' servizzi bankarji u prodotti finanzjari għall-SMEs. Il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-pools differenti huma deskritti fil-premessi 28 sa 31.

(28)

Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-Pool A: Dan il-pool ikun miftuħ għal kull entità li taċċetta d-depożiti:

(a)

b'offerta ta' BCA;

(b)

awtorizzata mill-Awtorità tar-Renju Unit dwar ir-Regolazzjoni Prudenzjali biex taċċetta d-depożiti;

(c)

li fiż-żmien tal-applikazzjoni l-entità omm aħħarija tagħha, jew hija stess, ikollha domiċilju fiskali fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera u tkun entità li taċċetta depożiti jew kumpanija holding finanzjarja;

(d)

b'kapital fiss gross fir-Renju Unit ta' inqas minn GBP 350 biljun skont l-aħħar kontijiet ikkonsolidati ppubblikati (jew karta tal-bilanċ interim);

(e)

li d-dħul tagħha fir-Renju Unit ikun relatat primarjament mal-għoti ta' servizzi ta' aċċettazzjoni ta' depożiti, ta' self jew ta' pagamenti lil individwi u negozji fir-Renju Unit; u

(f)

u li tkun esprimiet l-intenzjoni li tespandi l-offerta ta' negozju tagħha lill-SMEs permezz tal-iżvilupp ta' prodotti ġodda, l-espansjoni lejn swieq ġeografiċi ġodda fir-Renju Unit jew segmenti tan-negozju ġodda u/jew tal-investiment fil-livelli tagħha ta' servizz lill-klijenti.

(29)

Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-Pool B: Kienu se japplikaw l-istess kriterji ta' eliġibbiltà kif deskritti fil-premessa 28 rigward il-Pool A, barra l-fatt li mhux meħtieġ li l-entità jkollha offerta BCA attwali (għalkemm jentħieġ mill-inqas li tkun esprimiet pubblikament l-intenzjoni tagħha li tniedi waħda).

(30)

Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-Pool C: Dan il-pool ikun miftuħ għall-entitajiet tal-Pool A u tal-Pool B u kwalunkwe entità oħra:

(a)

li fiż-żmien tal-applikazzjoni l-entità omm aħħarija tagħha, jew hija stess, ikollha domiċilju fiskali fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera;

(b)

li tirċievi (jew, jekk l-entità tifforma parti minn grupp, il-grupp jirċievi) l-parti l-kbira tal-introjtu tagħha mill-forniment ta' servizzi finanzjarji lil individwi u negozji; u

(c)

u li toffri, jew tkun esprimiet l-intenzjoni li tespandi l-offerta ta' negozju tagħha biex tinkludi, servizzi ta' self jew ta' pagament lill-SMEs fir-Renju Unit jew servizzi ta' pagamenti internazzjonali lill-SMEs.

(31)

Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-Pool D: Dan il-pool ikun miftuħ għal kull entità:

(a)

li fiż-żmien tal-applikazzjoni l-entità omm aħħarija tagħha, jew hija stess, ikollha domiċilju fiskali fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera;

(b)

li jew tipprovdi jew tiżviluppa prodotti jew servizzi finanzjarji primarjament għall-SMEs fir-Renju Unit jew tipprovdi prodotti jew servizzi lill-SMEs fir-Renju Unit; u

(c)

li tkun ġabret kapital ta' mill-inqas GBP 1 miljun fit-tliet snin ta' qabel id-data tas-sottomissjoni tal-argument għall-vijabbiltà tan-negozju tagħha lill-Korp.

(32)

Il-Korp ikun jimmanniġġa u jikkontrolla l-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni. Il-Korp huwa ddisinjat bħala indipendenti kemm mir-RBS kif ukoll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u se jkollu s-setgħat meħtieġa biex jaqdi l-kompitu tiegħu li jamministra l-applikazzjonijiet lill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jew jagħmel arranġamenti għall-amministrazzjoni tagħhom u għall-monitoraġġ tal-użu li jkun qed isir mill-fondi. Se jkun hemm erba' gruppi ta' salvagwardji rigward l-użu tal-fondi mill-entitajiet riċevituri li jiġu applikati tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fond: (i) salvagwardji ta' qabel l-iżborż, (ii) rappurtar u monitoraġġ permanenti mill-Korp, (iii) id-dritt tal-awditjar tal-Korp u (iv) id-dritt tal-Korp li jirkupra fondi.

(33)

L-ewwel grupp ta' salvagwardji japplika qabel l-iżborż. L-applikanti se jkunu mitluba jissottomettu lill-Korp pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jispjega, b'livell raġjonevoli ta' dettall, kif l-applikant jipproponi li se juża kwalunkwe fond mogħti lilu. Imbagħad, il-Korp irid jikkunsidra kull element tal-pjan skont għadd ta' fatturi determinati minn qabel u rigward jekk il-pjan huwiex konsistenti mal-Għanijiet Permessi (27).

(34)

It-tieni grupp ta' salvagwardji jikkonsisti fir-rappurtar u l-monitoraġġ permanenti mill-Korp: ir-riċevituri sejrin jirrappurtaw lill-Korp fuq bażi ta' kull tliet xhur għal 18-il xahar (il-korp se joħroġ ir-rapport annwali tiegħu stess dwar l-amministrazzjoni tal-fond min-naħa tiegħu). Ir-rapport fih dettalji rigward l-użu tal-fondi rċevuti, inkluż l-ammont totali minfuq tul l-aħħar tliet xhur. Fil-każ tal-entitajiet tal-Pool A, tal-Pool B u tal-Pool C, ir-rapport se jinkludi:

(a)

rendikont fil-qosor tal-iżviluppi fin-negozju tal-entità fil-qasam tal-SMEs tul is-sena preċedenti;

(b)

stampa ġenerali u kwantifikazzjoni tal-investimenti magħmula fin-negozju rilevanti fl-aħħar tliet xhur u kemm dawn l-iżviluppi jkunu relatati mal-argument għall-vijabbiltà tan-negozju tagħha;

(c)

dettalji dwar il-volumi li jkollha l-entità fin-negozju tal-SMEs, inkluż in-numri ta' klijenti, numri ta' BCA, bilanċi tas-self u tad-depożiti;

(d)

konferma li ammonti meħuda mill-Fond ta' Kapaċità tal-SME jkunu ntużaw għall-Għanijiet Permessi; u

(e)

punti oħra miftiehma bejn il-Korp u l-entità reċipjenti.

(35)

It-tielet grupp ta' salvagwardji jikkonsisti fid-dritt tal-awditjar tal-Korp: il-Korp ikollu l-kapaċità kuntrattwali li jaħtar “persuna kompetenti” (28) biex tinvestiga u tawditja l-użu tal-fondi mir-riċevituri f'ċirkostanzi fejn il-Korp ikollu dubji li r-riċevitur kien qed juża b'mod adegwat u bis-sħiħ il-fondi rċevuti fil-qafas tal-Miżura A.

(36)

Ir-raba' grupp ta' salvagwardji jikkonsisti fid-dritt tal-Korp li jirkupra fondi: jekk il-Korp iqis (wara awditu jew mod ieħor) li seħħ ksur materjali tal-ftehim ta' bejn il-Korp u r-reċipjent, dak tal-ewwel jista' jitlob l-irkupru tal-fondi diġà mqassma lil dan tal-aħħar. Dan jinkludi kull nuqqas li l-ammont tal-fondi jintuża għal Għanijiet Permessi jew kwalunkwe użu tiegħu għal għanijiet ipprojbiti (29): F'dawn il-każijiet, il-Korp jista' jobbliga lir-riċevitur jirrimedja l-ksur jew jitlob il-ħlas lura (sħiħ jew parzjali) tal-ammont tal-fondi.

(37)

Id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-użu tal-fondi tal-Pool A, tal-Pool B u tal-Pool C għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jistipulaw li:

(a)

entità jkollha tuża l-għotja għal għanijiet li jkollhom rabta ċara (i) ma' titjib tar-riżultat rigward il-klijenti fil-qasam tal-SMEs; u/jew (ii) espansjoni tal-kapaċità ta' negozju, tal-offerta ta' prodotti u/jew tas-swieq fil-mira tal-entità bil-għan li ttejjeb l-offerta tagħha lill-SMEs (il-“Prinċipji Ġenerali”).

(b)

għotja tista' tintuża minn entità biex hi tkopri n-nefqa kapitali jew l-ispejjeż operattivi tagħha b'rabta mal-għanijiet li ġejjin (“Għanijiet Permessi”):

(1)

l-iżvilupp ta' sistemi u/jew tal-infrastruttura meħtieġa għall-espansjoni jew (i) fil-każ ta' entità tal-Pool A jew tal-Pool B, tan-negozju bankarju tal-SMEs jew (ii) fil-każ ta' entità tal-Pool C, tan-negozju tas-self lill-SMEs u/jew tan-negozju tal-pagamenti għall-SMEs (“Negozju/i Rilevanti”)

(2)

ir-reklutaġġ u l-ħlas ta' impjegati bil-għan li tespandi u/jew topera n-Negozju/i Rilevanti tagħha;

(3)

il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti relatati man-Negozju/i Rilevanti tagħha;

(4)

l-akkwist jew il-kiri tal-uffiċċji meħtieġa għall-espansjoni tan-Negozju/i Rilevanti tagħha; jew

(5)

kwalunkwe għan ieħor konsistenti (fl-opinjoni tal-Korp) mal-Prinċipji Ġenerali.

(c)

Għotja ma tistax tintuża minn entità għall-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet ipprojbiti li ġejjin:

(1)

biex jiġi ssussidjat tnaqqis fil-prezzijiet ta' prodotti u/jew servizzi bankarji;

(2)

għall-ħlas lura ta' kwalunkwe obbligazzjoni eżistenti;

(3)

biex jiġi pprovdut finanzjament direttament lill-klijenti;

(4)

biex jiġu ffinanzjati nefqa kapitali u/jew spejjeż operattivi li l-kumpanija tkun ippjanat qabel id-data tal-applikazzjoni u: (a) li l-kumpanija kienet se twettaq irrispettivament minn jekk jiġix irċevut xi ammont mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni; jew (b) li kien ġie inkluż fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-kumpanija qabel id-data tal-applikazzjoni;

(5)

biex jintradd lura kapital lil azzjonisti eżistenti tal-kumpanija bi kwalunkwe mezz; jew

(6)

għal xi għan mhux konsistenti mal-Prinċipji Ġenerali u/jew mal-argument għall-vijabbiltà tan-negozju tagħha.

(38)

Id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-użu tal-fondi tal-Pool D għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jistipulaw li:

(a)

l-entità għandha tuża xi għotja għall-iżvilupp, it-titjib, l-operat, l-espansjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni (jew l-għoti ta' appoġġ lill-iżvilupp, it-titjib, l-operat, l-espansjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni) tal-prodott jew is-servizz tagħha tat-teknoloġija finanzjarja (30) u l-għotja tista' tintuża minn xi entità biex tkopri n-nefqa kapitali u l-ispejjeż operattivi tagħha b'rabta mal-għanijiet li ġejjin (“Għanijiet Permessi”):

(1)

L-iżvilupp ta' sistemi u/jew tal-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp, it-titjib, l-operat, l-espansjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew is-servizz tat-teknoloġija finanzjarja;

(2)

Ir-reklutaġġ u l-ħlas ta' impjegati għall-iżvilupp, it-titjib, l-operat, l-espansjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew is-servizz tat-teknoloġija finanzjarja;

(3)

il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew is-servizz tat-teknoloġija finanzjarja; jew

(4)

kwalunkwe għan ieħor li (fl-opinjoni tal-Korp) imexxi 'l quddiem l-iżvilupp, it-titjib, l-operat, l-espansjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew is-servizz tat-teknoloġija finanzjarja.

(b)

għotja ma tistax tintuża minn entità għall-għanijiet ipprojbiti li ġejjin:

(1)

għall-ħlas lura ta' kwalunkwe obbligazzjoni eżistenti;

(2)

biex jiġi pprovdut finanzjament direttament lill-klijenti;

(3)

biex jintradd lura kapital lil azzjonisti eżistenti tal-kumpanija bi kwalunkwe mezz; jew

(4)

għal xi għan mhux konsistenti mal-argument għall-vijabbiltà tan-negozju tagħha.

(39)

Il-finanzjament għall-entitajiet tal-Pools A, B u C ikun organizzat f'tali fażijiet li kwalunke entità li ma tirbaħx applikazzjoni għall-Pool A tkun eliġibbli biex tapplika għal finanzjament mill-Pool B, filwaqt li kwalunke entità li ma tirbaħx applikazzjoni għall-Pool B tkun eliġibbli biex tapplika għal finanzjament mill-Pool C. Il-proċess ta' finanzjament għall-Pool D ikun għaddej fl-istess ħin bħall-proċess ta' finanzjament organizzat f'fażijiet għall-Pools A, B u C.

(40)

Il-Korp se jikkummerċjalizza l-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni lill-entitajiet tal-Pools A u D malajr daqskemm ikun raġjonevolment prattikabbli wara l-istabbiliment tiegħu u wara li jiġi ffirmat l-Att ta' Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat (31). Il-kummerċjalizzazzjoni lill-entitajiet tal-Pools B u C se ssegwi 3 u 6 xhur (rispettivament) wara l-kummerċjalizzazzjoni tal-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni lill-entitajiet tal-Pool A.

(41)

Il-perjodu ta' applikazzjoni għall-fondi tal-Pool A se jiskadi fi żmien xahrejn (2) wara li l-Korp jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-fond, filwaqt li l-perjodu ta' applikazzjoni tal-Pool B se jiskadi fi żmien 5 xhur wara din id-data, u l-perjodu ta' applikazzjoni tal-Pool C se jiskadi fi żmien 8 xhur wara din id-data. Il-perjodu ta' applikazzjoni għall-Pool D se jkun għaddej fl-istess ħin bħall-perjodu ta' applikazzjoni għall-fondi tal-Pools A–C u se jiskadi wara massimu ta' 6 xhur wara li l-Korp jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-fond.

(42)

Il-fond huwa maħsub biex jiskadi wara tmiem l-Iskema ta' Qlib Inċentivat (għalkemm jista' jiġi estiż abbażi ta' kriterji ddeterminati minn qabel skont l-ammont ta' fondi mhux imqassma li jkun fadal). Id-drittijiet u l-obbligi tal-Korp rigward ir-rappurtar f'kull każ ikunu jkomplu għal tliet xhur wara li jintemm l-aħħar ftehim bejn il-Korp u kwalunkwe riċevitur li jkun jipparteċipa fil-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni.

(43)

L-ispiża tal-Miżura A għar-RBS tinkludi l-kost kapitali bil-quddiem ta' GBP 425 miljun u l-ispejjeż operattivi tal-Korp (32), li għalihom se jħallas ir-RBS.

3.3.2.   L-ISKEMA TA' QLIB INĊENTIVAT (“MIŻURA B”)

(44)

L-entitajiet eliġibbli biex jipparteċipaw fl-Iskema ta' Qlib Inċentivat (“Entitajiet Eliġibbli”) huma dawk li jaċċettaw depożiti u jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

ikollhom, jew ikunu esprimew pubblikament, l-intenzjoni li jniedu offerta ta' kont kurrenti għan-negozji;

(b)

jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafi minn (b) sa (f) tal-premessa 28 għal entità tal-Pool A; u

(c)

jieħdu sehem fis-Servizz ta' Qlib ta' Kont Kurrenti tar-Renju Unit (“CASS”) (33).

(45)

L-Iskema ta' Qlib Inċentivat iffinanzjata mir-RBS tkun tipprovdi fondi lill-Korp biex jitqassmu lill-Entitajiet Eliġibbli billi huma jittrasferixxu klijenti b'suċċess. B'hekk l-Entitajiet Eliġibbli jingħataw il-possibbiltà li joffru inċentivi lill-klijenti tas-servizzi bankarji għall-SMEs tar-RBS li jinkoraġġuhom jaqilbu l-BCA, il-kont ta' depożitu u s-self tagħhom lejn l-Entitajiet Eliġibbli. Dan ikun isir f'għamla ta' impenn mir-RBS li:

(a)

iħallas sa GBP 225 miljun f'doti (jiġifieri inċentivi monetarji) lil Entitajiet Eliġibbli b'rabta ma' kwalunkwe klijent li jaċċetta li jittrasferixxi l-BCA tiegħu (“doti BCA”);

(b)

iħallas sa GBP 50 miljun addizzjonali għal doti relatati mas-self (“doti ta' self”) għal dawk il-klijenti li jaqilbu prodott ta' self flimkien mal-BCA tagħhom;

(c)

jalloka GBP 75 miljun addizzjonali mill-ispejjeż tiegħu bħala disponibbli bħala għajnuna li tiffaċilita l-qlib (kumpens għall-ħlasijiet ta' waqfien relatati mat-trasferiment tal-bilanċi ta' self jew spejjeż oħra ta' partijiet terzi bħall-ispejjeż legali).

(46)

Id-doti BCA u ta' self se jagħtu l-possibbiltà lill-Entitajiet Eliġibbli jiffinanzjaw offerti bi prezzijiet attraenti jew inċentivi oħrajn lill-klijenti tar-RBS fil-perimetru ta' Williams & Glyn (“W&G”) (34) u jattiraw l-interess ta' dawk il-klijenti biex jaqilbu.

(47)

Id-doti BCA mħallsa lill-entitajiet riċevituri jkunu organizzati f'saffi karatterizzati minn żieda kbira fl-ammonti biex b'hekk huma jkollhom riżorsi suffiċjenti biex jipprovdu inċentivi konvinċenti lill-klijenti li jkunu kemm SMEs żgħar kif ukoll SMEs ta' daqs ikbar biex jaqilbu għalihom. L-ammonti ta' dota BCA proposti biex jingħataw fil-bidu tal-iskema jintwerew fit-tabella ta' hawn taħt.

Tabella 2

Ammonti proposti ta' dota BCA inizjali mill-Iskema ta' Qlib Inċentivat

Faxxa ta' fatturat tal-klijent SME

Ammont ta' dota BCA (GBP)

< GBP 15 000

750

GBP 15 000 –GBP 100 000

1 000

GBP 100 001 –GBP 1 000 000

3 000

GBP 1 000 001 –GBP 1 500 000

6 250

GBP 1 500 001 –GBP 2 000 000

13 125

GBP 2 000 001 –GBP 2 500 000

16 875

GBP 2 500 001 –GBP 7 500 000

25 000

> GBP 7 500 000

50 000

(48)

Id-doti ta' self se jagħtu l-possibbiltà lill-Entitajiet Eliġibbli li jnaqqsu r-rati tal-imgħax imposti fuq is-self lill-klijenti u b'hekk se jagħmlu l-offerti tagħhom aktar kompetittivi filwaqt li jisseddaq introjtu mill-kapital adegwat. Fil-każijiet fejn klijent jaqleb il-BCA primarju tiegħu u prodott ta' self mir-RBS, il-Korp se jħallas lill-entità riċevitriċi dota addizzjonali ta' 2,5 % tal-bilanċ tas-self meħud li jiġi ttrasferit.

(49)

Ir-RBS ikun qed jimmira għall-klijenti tiegħu fi ħdan il-perimetru W&G (li jinkludi madwar 200 000 klijent tas-servizzi bankarji għall-SMEs), li se titwasslilhom informazzjoni dwar il-benefiċċji tal-qlib u l-entitajiet sfidanti alternattivi potenzjali li huma forsi jkunu jixtiequ jikkunsidraw.

(50)

Ir-RBS se jibda jikkomunika l-Iskema ta' Qlib Inċentivat lill-klijenti madwar tliet xhur wara t-tnedija tal-pakkett, u d-doti jsiru disponibbli sa mit-tieni (2) trimestru tal-2018 (madwar tliet xhur wara li r-RBS jibda jikkomunika lill-klijenti tiegħu). Il-proċess tat-tqassim tad-doti għall-Iskema ta' Qlib Inċentivat jiġi rripetut kull tliet xhur sakemm id-doti jkunu disponibbli. Id-doti jieqfu malli jkun tħallas massimu ta' GBP 225 miljun għad-doti BCA jew, fil-każ li dan ma jkunx seħħ aktar kmieni, 18-il xahar wara l-komunikazzjoni tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat mir-RBS (suġġett għal estensjoni bi 12-il xahar, ara l-premessa 51(d)).

(51)

Il-Korp ikun responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, b'żieda mal-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni, u jkun qed jimmonitorja l-imġiba tar-RBS lejn il-klijenti u l-interazzjoni tiegħu magħhom fuq bażi permanenti. Dan ikun jinkludi l-possibbiltà li, suġġett għal-liġijiet applikabbli u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, il-Korp:

(a)

ibiddel l-ammont tad-doti mħallsa biex jiġi żgurat li jkunu kemm jista' jkun effikaċi;

(b)

japprova l-materjal ta' komunikazzjoni li se jintbagħat mir-RBS lill-klijenti SMEs b'rabta mal-Iskema ta' Qlib Inċentivat;

(c)

jobbliga lir-RBS iżid il-frekwenza ta' dawn il-komunikazzjonijiet;

(d)

jestendi l-perjodu li għalih ikunu disponibbli doti b'massimu ta' 12-il xahar jekk inqas minn […] Klijent Eliġibbli (35) jkunu qalbu (jew bdew il-proċess ta' qlib) fi żmien […] xhur mid-data tal-bidu tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat (id-“Data ta' Estensjoni għall-Qlib Inċentivat”); u

(e)

jobbliga lir-RBS jestendi l-klijentela li lilha jibgħat dawk il-komunikazzjonijiet 'il hemm mill-perimetru ta' W&G fil-każ li f'ċertu perjodu ta' żmien ma jinkisibx ċertu volum ta' klijenti li jaqilbu. Jekk il-perimetru jitwessa', l-iskema se timmira l-offerti ta' qlib għall-SMEs li jirrappreżentaw madwar […] mis-sehem mis-suq tal-BCA fir-Renju Unit. Il-perimetru se jitwessa' fejn:

(1)

[…] (36);

(2)

[…]

(3)

[…]

(52)

Sabiex jiġi żgurat li r-RBS ikollu l-inċentivi adegwati għall-implimentazzjoni effettiva tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, fil-każ li inqas minn […] klijent ikunu qalbu u jkun hemm nuqqas ta' nefqa għad-doti sal-aħħar tal-perjodu ta' […] xahar (jew, fil-każ li l-Korp jiddeċiedi li jestendi l-perjodu rilevanti, id-data li fiha jiskadi l-perjodu estiż), ir-RBS ikun obbligat jittrasferixxi ammont multiplu addizzjonali ddefinit minn qabel (il-“Multiplikatur”) ta' dan in-nuqqas ta' nefqa lill-Korp, suġġett għal massimu ta' GBP 50 miljun.

(53)

Il-Multiplikatur ġie ddefinit bħala […] tan-nuqqas ta' nefqa. Din il-penali hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

billi s-suċċess tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat se jkun dipendenti fuq l-abbiltà tal-Entitajiet Eliġibbli li joħolqu proposti attraenti għall-klijenti SMEs tar-RBS, il-Korp ikollu s-setgħa li jnaqqas il-Multiplikatur sal-livell li fih iqis raġjonevoli l-konklużjoni li xi nuqqas ta' nefqa jkun irriżulta minn fatturi lil hinn mill-kontroll tar-RBS;

(b)

bil-kunsens tal-Korp, jista' jiġi permess lir-RBS jirristruttura d-doti wara ċertu perjodu ta' żmien bil-għan li jtejjeb l-effikaċja tal-iskema u jnaqqas il-probabbiltà li jeħel penali; u

(c)

jekk (i) il-korp ikun estenda l-perimetru bis-saħħa tad-data ta' estensjoni massima għall-qlib inċentivat; (ii) ikun hemm inqas minn […] klijent li jkunu qalbu; u (iii) l-Korp iqis li r-RBS ma kkomunikax b'mod attiv il-qlib inċentivat lill-klijenti fil-pool imwessa', il-Korp jista' jżid il-multiplikatur sa persentaġġ li hu jqis xieraq, soġġett għal limitu massimu ta' GBP 50 miljun.

(54)

[…]

(55)

F'każ fejn it-total tal-ammont mhux minfuq kollu u l-multiplikatur (flimkien ma' kwalunkwe ammonti rkuprati u ammonti mhux imqassma mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni) ikun jammonta għal inqas minn GBP 5 miljun, il-Korp se jqassam il-fondi lil xi organizzazzjonijiet karitattivi.

(56)

Ir-RBS se jagħti l-kunsens tiegħu għal arranġamenti ta' non-solleċitazzjoni fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, li se jipprojbixxu lir-RBS u lill-membri tal-grupp tiegħu li (i) jieħdu ċerti azzjonjiet li jista' jkollhom effett negattiv fuq l-Iskema ta' Qlib Inċentivat; u (ii) li jissolleċitaw, iħeġġu jew jinkoraġixxu lil Klijenti Eliġibbli (jew klijenti li jkunu qalbu għal Entità Eliġibbli għall-Qlib Inċentivat) biex jibqgħu klijenti tal-grupp rigward kwalunkwe BCA jew prodott rilevanti ta' self, jew li jittrasferixxu kwalunkwe BCA jew prodott rilevanti ta' self minn Entitajiet Eliġibbli għall-Qlib Inċentivat lejn kwalunkwe membru tal-grupp tul ċerti perjodi ta' żmien definiti.

(57)

Bil-għan li jappoġġja s-suċċess tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, ir-RBS se joffri lill-entitajiet li jkunu qed jipparteċipaw fl-Iskema ta' Qlib Inċentivat l-għażla li jidħlu f'Kuntratt ta' Aġenzija Interbankarju li jħalli l-għażla lill-klijenti li jiġbdu lejhom fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat li jibqgħu jużaw servizzi ta' flus kontanti u ta' pproċessar ta' ċekkijiet fil-fergħat tar-RBS (l-“Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat”). Dan l-aċċess għall-fergħat se jkun disponibbli għall-Klijenti Eliġibbli għal minimu ta' tliet snin mit-tnedija tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat b'kundizzjonijiet kummerċjali raġjonevoli u mhux diskriminatorji, bi spejjeż tal-entità kkonċernata.

(58)

Il-kost kapitali bil-quddiem tal-Miżura B huwa ta' GBP 350 miljun, li magħhom iridu jiżdiedu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għar-RBS u t-telf permanenti ta' qligħ futur mir-RBS (37).

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI U L-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT

4.1.   KUMMENTI ĠENERALI DWAR IL-PAKKETT ALTERNATTIV

(59)

Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ tat l-opportunità lill-partijiet interessati biex jikkummentaw fuq il-proposta tal-awtoritajiet tar-Renju Unit. Waslu għadd kbir ta' kummenti tul il-perjodu ta' konsultazzjoni. Il-kummenti rċevuti kienu dwar il-pakkett alternattiv inizjali kif deskritt fil-premessi minn 28 sa 68 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ (“Pakkett Alternattiv Inizjali”). B'reazzjoni għall-kummenti mill-partijiet interessati u l-istudju tas-suq tagħhom stess (38), l-awtoritajiet tar-Renju Unit aġġornaw il-pakkett alternattiv, kif deskritt fit-Taqsima 2.3.

(60)

Minħabba l-għadd kbir ta' kummenti (39), il-kummenti ewlenin li ġew kondiviżi bejn diversi partijiet interessati sabiex jgħinu l-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-pakkett alternattiv maċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow huma deskritti fil-qosor f'din it-taqsima.

4.1.1.   KUMMENTI ĠENERALI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-PAKKETT ALTERNATTIV

(61)

Il-maġġoranza tal-kummenti rċevuti jindikaw li l-Pakkett Alternattiv Inizjali għandu għadd ta' karatteristiċi li jkunu jistgħu jsaħħu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-SMEs tar-Renju Unit. Xi wħud jindikaw li l-pakkett alternattiv ikollu impatt aktar rapidu fuq il-kompetizzjoni b'inqas riskju ta' eżekuzzjoni u jkun kapaċi jsaħħaħ mhux biss Entità Sfidanti waħda (bħalma hu l-każ taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow).

(62)

Xi partijiet interessati jissuġġerixxu dwar li-Pakkett Alternattiv Inizjali fl-intier tiegħu li

(a)

id-daqs totali tal-Pakkett Alternattiv Inizjali huwa insuffiċjenti biex imexxi 'l quddiem bidla strutturali fis-suq tal-SMEs tar-Renju Unit, li hu kkaratterizzat minn ostakli għoljin għall-qlib;

(b)

trasferiment tal-kontijiet kurrenti għan-negozji ekwivalenti għal sehem mis-suq ta' 2 % tas-suq tal-SMEs mhuwiex ekwivalenti għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow (li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor sehem mis-suq ta' 5 % fejn jidħol l-għadd ta' klijenti SMEs);

(c)

trasferiment ta' BCAs mhux qed jindirizza t-trasferiment tal-assi; u

(d)

il-Korp u d-deċiżjonijiet tiegħu se jkunu ta' importanza ewlenija għas-suċċess (jew mhux) tal-Miżuri Alternattivi. Se jkun diffiċli li jiġi żgurat li l-Korp ikollu l-grad meħtieġ ta' imparzjalità.

4.1.2.   KUMMENTI ĠENERALI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT FUQ IL-PAKKETT ALTERNATTIV U FUQ IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(63)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li l-pakkett alternattiv huwa mill-inqas ekwivalenti għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow f'termini tal-impatt tiegħu fuq il-limitazzjoni ta' distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, u jista' jiġi implimentat b'aktar ċertezza u b'mod aktar rapidu minn ċessjoni.

(64)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li l-pakkett alternattiv fl-intier tiegħu hu ddisinjat bil-għan li joħloq kapaċità fis-suq biex jiġu promossi livelli permanentement ogħla ta' qlib madwar is-suq kollu fis-swieq tal-SMEs u tal-klijenti korporattivi ta' daqs medju. Billi huwa l-ikbar attur, il-piż ta' dan se jaffettwa l-aktar lir-RBS. Minkejja li huwa inqas kwantifikabbli mill-benefiċċji tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni se jsaħħaħ l-offerti ta' servizzi bankarji lill-SMEs ta' ħafna banek u b'hekk iwassal għal għażla ikbar fis-suq billi joħloq diversità ta' mudelli ta' negozju u jmexxi 'l quddiem il-qlib. Se jaċċellera wkoll l-iżvilupp ta' negozji ġodda u ta' teknoloġiji ġodda li jista' jkun li jdgħajfu d-dipendenza tal-SMEs fuq il-banek tagħhom.

(65)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jissottomettu li l-pakkett alternattiv ġie ddisinjat biex jissodisfa l-istess għanijiet bħaċ-ċessjoni oriġinali tan-negozju Rainbow:

(a)

Tnaqqis fis-sehem mis-suq tar-RBS: L-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat u l-provvista ta' fondi għall-iżvilupp ta' kapaċità ta' servizzi bankarji lill-SMEs se jsaħħu lill-kompetituri ż-żgħar u se jippermettulhom jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva ikbar fuq ir-RBS;

(b)

Tnaqqis tal-qligħ kummerċjali mill-għajnuna rċevuta: Il-pakkett alternattiv jinvolvi kost bil-quddiem sinifikanti, b'impatt permanenti addizzjonali minħabba fatturat imnaqqas bit-tnaqqis tal-klijenti SMEs permezz tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat;

(c)

Trasferiment ta' klijenti SMEs: B'differenza minn xi ċessjoni, li tinvolvi kieku t-trasferiment impost fuq il-klijenti SMEs li ma jkunux għażlu li jaqilbu bank, l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tħeġġeġ lill-klijenti jieħdu d-deċiżjoni tagħhom stess favur il-qlib. Jekk il-klijenti jkollhom ċerta setgħa f'idejhom, ikun aktar probabbli li jinvolvu ruħhom mal-bank ġdid tagħhom u li jerġgħu jaqilbu fil-futur jekk jirnexxilhom jaslu għal soluzzjoni aktar vantaġġuża ma' bank ieħor; u

(d)

Aċċess għall-fergħat biex jinqdew il-klijenti SMEs: L-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat tappoġġja l-qlib ta' klijenti mir-RBS għall-Entitajiet Sfidanti fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat billi dawn il-klijenti mhux se jkollhom għalfejn ibiddlu l-arranġamenti tagħhom ta' pproċessar tal-flus kontanti ta' kuljum.

(66)

Rigward l-impatt tal-pakkett alternattiv fuq il-qasam tan-negozji ta' daqs medju, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu wkoll li:

(a)

Ir-RBS tilef [5-10] % mis-sehem tas-suq tiegħu fil-qasam korporattiv mir-raba' (4) trimestru tal-2010 'l quddiem, b'bidla fis-sehem minn [30-35] % għal [20-25] %. M'għadux l-ikbar bank fejn jidħol is-servizz lill-klijenti korporattivi ta' daqs medju fir-Renju Unit. Dan it-tnaqqis fis-sehem mis-suq jaqbeż ukoll b'mod sostanzjali t-tnaqqis fis-sehem mis-suq previst biċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow (40).

(b)

Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jinkludi għadd ta' għotjiet sinifikanti ħafna li jgħinu lill-banek bi franchise bankarja stabbilita għall-SMEs isaħħu u jestendu l-proposti eżistenti tagħhom ta' servizzi bankarji lin-negozji għall-SMEs il-kbar u l-klijenti korporattivi ta' daqs medju. L-awtoritajiet tar-Renju Unit qed jantiċipaw li ħafna minn dawn l-iżviluppi se jsaħħu l-kapaċità tal-banek li jaqdu klijenti korporattivi ta' daqs medju u se jżidu l-għadd totali tal-banek kapaċi li jiżviluppaw u joffru konsegwentament proposti għall-klijenti korporattivi ta' daqs medju.

(c)

L-Iskema ta' Qlib Inċentivat hija mmirata biex twassal għall-qlib ta' klijenti SMEs kbar mir-RBS għal banek oħrajn. Għall-banek riċevituri, l-għadd miżjud ta' klijenti SMEs kbar se jservi ta' inċentiv għall-iżvilupp ta' servizzi lil kumpaniji ikbar, inklużi l-klijenti korporattivi ta' daqs medju. B'żieda ma' dan, wieħed jista' jistenna li maż-żmien xi wħud mill-klijenti SMEs kbar jikbru b'tali mod li jsiru ditti ta' daqs medju, ħaġa li se sservi ta' inċentiv ulterjuri għall-iżvilupp ta' offerti rilevanti.

(d)

Is-CMA (41) sabet li l-SMEs b'fatturat li jaqbeż il-GBP 2 miljun ġeneralment kienu kapaċi jinnegozjaw mal-banek tagħhom il-kundizzjonjiet rigward il-prezzijiet u s-servizzi. Biex dan ikun mezz effettiv li joħloq il-kompetizzjoni, ikun ta' importanza kritika li dawk il-klijenti jkollhom fornituri alternattivi vijabbli. Billi banek addizzjonali jkunu f'pożizzjoni joħolqu kapaċitajiet għan-negozji ta' daqs medju, il-kompetizzjoni se tissaħħaħ b'mod sostanzjali.

(e)

Minħabba l-kumplessità tal-ġestjoni tal-klijenti korporattivi ta' daqs medju, il-proposti li kien irċieva r-RBS meta kien qed jipprova jbigħ in-negozju Rainbow (42) fil-passat kienu jipprevedu […].

(67)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu l-vantaġġi addizzjonali tal-pakkett alternattiv meta mqabbel maċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow.

(a)

Ambitu ġeografiku: Il-pakkett alternattiv ikollu impatt fuq il-kompetizzjoni madwar ir-Renju Unit kollu mingħajr limiti ġeografiċi.

(b)

Impatt wiesa' fuq is-suq: Il-pakkett alternattiv se jgħin biex titwassal fis-suq bidla sistemika fit-tul billi tiġi pprovduta assistenza lil għadd ta' Entitajiet Sfidanti biex jikkompetu b'mod aktar effikaċi mal-banek li ilhom stabbiliti. B'mod iktar speċifiku:

(i)

Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni se jipprovdi assistenza lill-entitajiet biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom biex jaqdu SMEs u negozji ta' daqs medju, filwaqt li jiżdiedu wkoll il-likwidità u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom. Se jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda li se jintużaw mill-Entitajiet Sfidanti;

(ii)

L-Iskema ta' Qlib Inċentivat se tgħin lill-entitajiet eliġibbli għaliha jsiru negozji stabbiliti billi jkabbru l-klijentela tagħhom;

(iii)

L-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat se tagħti l-possibbiltà lill-Entitajiet Eliġibbli biex fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat jaqdu fiżikament klijenti SMEs li jkunu għadhom kif ġew akkwistati, pereżempju billi jipprovdu servizzi ta' pproċessar tal-flus kontanti u taċ-ċekkijiet.

(c)

Jindirizza kwistjonijiet tas-suq identifikati mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Suq tar-Renju Unit (“CMA”): Il-pakkett alternattiv jindirizza wkoll xi kwistjonijiet ewlenin relatati mas-suq li ġew identifikati mis-CMA fl-analiżi reċenti tagħha tas-suq bankarju tal-SMEs fir-Renju Unit. Dawn il-kwistjonjiet jinkludu:

(i)

Livelli baxxi ta' ingaġġ ta' klijenti mas-servizzi bankarji tagħhom, rispons dgħajjef għal varjazzjonijiet fil-prezz u fil-kwalità u nuqqas ta' punti skattaturi li jirriżultaw fi qlib malajr;

(ii)

Nuqqas ta' inċentivi lill-banek biex jinvestu fl-attirar ta' klijenti li se jaqilbu;

(iii)

Spejjeż għoljin tal-akkwist ta' klijenti għall-Entitajiet Ġodda li deħlin fis-suq jew li qed jespandu n-negozju;

(iv)

Nuqqas ta' innovazzjoni tal-prodotti u ta' innovazzjoni teknika fis-servizzi bankarji lill-SMEs;

(v)

Tħassib min-naħa tal-Entitajiet Sfidanti dwar l-ispejjeż tal-ħolqien u l-operat ta' netwerk ta' fergħat.

(d)

Twaqqit u ċertezza rigward l-eżekuzzjoni: Il-pakkett alternattiv jista' jiġi implimentat b'mod aktar f'waqtu u b'aktar ċertezza. Ikun jevita r-riskji u l-inċertezzi ta' tranżazzjoni kapitali, kif esperjenzati f'tentattivi preċedenti ta' bejgħ tan-negozju Rainbow.

(e)

Tneħħija tal-ostakli rigward l-irtirar tal-awtoritajiet tar-Renju Unit mir-RBS: L-awtoritajiet tar-Renju Unit esprimew pubblikament l-intenzjoni tagħhom li jmexxu l-proċess tal-bejgħ tas-sehem tagħhom mir-RBS u b'hekk iroddu lura lir-RBS f'idejn proprjetarji privati. Id-diffikultajiet prevalenti u d-dewmien rigward iċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow, li huwa l-uniku wieħed mill-impenji ta' ċessjoni li għad fadal biex jiġi ssodisfat, wasslu għal inċertezzi li affettwaw l-attraenza tar-RBS bħala proposta ta' investiment. Il-pakkett alternattiv kieku jneħħi dawn l-inċertezzi.

(68)

Rigward il-kummenti minn partijiet interessati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li

(a)

s-sehem mis-suq tar-RBS naqas minn [25-30] % fir-raba' (4) trimestru tal-2010 għal [20-25] % fir-raba' (4) trimestru tal-2016 (43), żvilupp li jirrappreżenta tnaqqis bi [3-7] % għal dan il-perjodu. Għalhekk, it-tnaqqis b'5 % mistenni miċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow jinqabeż billi t-telf fis-sehem mis-suq mistenni mill-Iskema ta' Qlib Inċentivat ikun aggregat mat-telf osservat fis-sehem organiku tar-RBS mis-suq mill-2010 'l quddiem.

(b)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit għamlu għadd ta' tibdiliet fil-pakkett propost bil-għan li jindirizzaw il-punti ewlenin imressqa mill-partijiet interessati. L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li l-pakkett alternattiv aġġornat jindirizza t-tħassib tal-parti terza, ikun ekwivalenti għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow (rigward l-impatt tiegħu kemm fuq ir-RBS u kemm fuq is-suq fl-intier tiegħu) u se jkun effikaċi fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-servizzi bankarji lill-SMEs fir-Renju Unit.

(c)

Rigward il-kumment dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-Korp, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jinnutaw li l-Korp ikun marbut bl-Att ta' Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat (44) li jispeċifika l-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-Korp u jiddetermina l-obbligi u r-restrizzjonjiet tiegħu. Barra minn hekk, mhux se jkun permess li individwu jinħatar direttur tal-Korp jekk dan l-individwu fl-istess ħin ikollu kwalunkwe kariga (barra kariga mhux eżekuttiva li ma tkunx ta' president jew pożizzjoni ekwivalenti) jew pożizzjoni maniġerjali superjuri fi kwalunkwe korp tas-settur pubbliku jew ikun direttur jew maniġer superjuri tal-Grupp RBS jew ikun parti relatata (jew assoċjat ma' parti relatata) mar-RBS.

4.2.   KUMMENTI DWAR IL-FOND TA' KAPAĊITÀ TAL-SME

4.2.1.   KUMMENTI DWAR IL-FOND TA' KAPAĊITÀ TAL-SME MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(69)

F'għadd ta' kummenti mill-partijiet interessati ssemma li jkun tajjeb li jitkabbar id-daqs tal-Fond ta' Kapaċità tal-SME peress li b'hekk kieku jinħoloq impatt ikbar fuq il-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs.

(70)

Kummenti oħrajn mill-partijiet interessati semmew li l-frammentazzjoni tal-fondi bejn għadd kbir ta' banek, b'tali mod li l-ebda wieħed ma jkun jista' jwettaq investiment sinifikantii, mhux se jkollha effett materjali fuq il-kompetizzjoni jew il-konċentrazzjoni. Flok li jkun hemm żborżi indaqs fi ħdan il-pools rispettivi, ikun tajjeb li d-daqs tal-iżborżi jvarja biex ikunu jittieħdu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet u l-pjanijiet ta' investiment reali tal-applikant li jkun.

(71)

Għadd ta' partijiet ippreżentaw ukoll li jkun tajjeb li l-Fond ta' Kapaċità tal-SME jinfetaħ aktar lejn dawk l-istituzzjonijiet mingħajr kapaċità BCA b'saħħitha eżistenti u li istituzzjonijiet mhux bankarji (pereżempju kumpaniji tal-bini) għandu jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-Fond ta' Kapaċità.

4.2.2.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT FUQ IL-FOND TA' KAPAĊITÀ TAL-SME U FUQ IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(72)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li jkun raġjonevoli li wieħed jistenna li l-Fond ta' Kapaċità tal-SME, b'mod partikolari meta jingħaqad mal-Iskema ta' Qlib Inċentivat, se jżid is-sehem mis-suq tal-Entitajiet Sfidanti u b'hekk jirriżulta fi tnaqqis ekwivalenti fis-sehem mis-suq tar-RBS.

(73)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li l-Fond ta' Kapaċità se jżid is-sehem mis-suq tal-Entitajiet Sfidanti billi se jtejjeb b'mod sostanzjali s-sitwazzjoni ekonomika tal-banek li deħlin fis-suq bankarju tal-SMEs (u, jekk ikunu jixtiequ, f'dak tal-korporazzjonijiet ta' daqs medju) u/jew li qed jiżviluppaw aktar il-kapaċitajiet eżistenti. Biex tingħata illustrazzjoni tal-kunċett sottostanti, għotja ta' GBP 3 miljun mill-fond tista' trendi proġett ta' GBP 10 miljun fil-limitu profittabbli ekonomiku, billi żżid ir-redditu fuq l-investiment fi proġett minn redditu taħt il-kost kapitali għal livell vijabbli u sostenibbli.

(74)

B'rispons għall-kummenti mill-partijiet interessati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għamlu t-tibdiliet li ġejjin rigward il-pakkett alternattiv:

(a)

se jiżdied id-daqs tal-Fond ta' Kapaċità tal-SME li għalih ikollhom aċċess l-Entitajiet Sfidanti. L-ikbar żborżi mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jkunu mmirati lil dawk l-entitajiet sfidanti b'kapaċità BCA eżistenti b'saħħitha. Huwa probabbli li dan iwassal għall-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs u fl-iżgħar perjodu ta' żmien peress li dawn il-banek diġà investew ħin u flus biex jiżviluppaw il-prodotti BCA tagħhom u fl-infrastruttura ta' distribuzzjoni relatata.

(b)

il-Fond ta' Kapaċità tal-SME se jingħaqad mal-Fond ta' Innovazzjoni. Id-distinzjoni bejn il-pools 1 u 2 se titneħħa. Se tiżdied il-flessibbiltà biex ikun hemm opportunitajiet aħjar għall-banek mingħajr kapaċità BCA b'saħħitha eżistenti u għal istituzzjonijiet mhux bankarji li jkollhom aċċess għal żborżi ta' ċertu daqs mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni.

4.3.   KUMMENTI DWAR L-ISKEMA TA' QLIB INĊENTIVAT

4.3.1.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR L-ISKEMA TA' QLIB INĊENTIVAT

(75)

Xi partijiet interessati qajmu kwistjonijiet dwar jekk kienx se jkun hemm biżżejjed klijenti li jiġu inċentivati biżżejjed bid-daqs propost tad-doti biex jegħlbu l-isforzi li jinvolvi l-qlib. L-esperjenza tal-passat tat prova li l-klijenti huma inerti u li jrid ikun hemm proċess ċar u bla xkiel biex il-klijenti jaqilbu. Sabiex jiġi ffaċilitat il-qlib, ikun tajjeb ukoll li r-RBS jikkondividi informazzjoni dwar il-klijenti tiegħu mal-Entitajiet Sfidanti (inklużi r-rekords dwar l-istorja ta' kreditu). Xi partijiet interessati indikaw ukoll il-ħtieġa li jiġu pprovduti rekords tal-passat tal-klijenti għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja.

(76)

Għadd ta' kummenti indikaw li jrid jiżdied id-daqs tad-doti biex isir possibbli l-qlib (u skont il-komplessità u d-daqs tal-klijent), u dan ikun jirrikjedi żieda sinifikanti fid-daqs totali tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat.

(77)

Xi kummenti indikaw li t-tul tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat għandu jkun suffiċjenti biex ikun żgurat li ż-żmien ma jkunx ostakolu sinifikanti. Barra minn hekk, ġiet proposta l-estensjoni awtomatika tal-perimetru ta' klijenti (fil-każ li ma jintlaħaqx il-livell ta' qlib mixtieq).

(78)

Diversi kummenti ssuġġerixxew li jkun tajjeb li l-pakkett alternattiv jiffoka wkoll fuq it-trasferiment tas-self flimkien mat-trasferiment ta' BCAs, peress li l-enfasi fuq il-BCAs qed tinjora l-ħtieġa ta' kompetizzjoni ikbar fis-suq tas-self lill-SMEs. Il-pakkett ikun qed jiffoka żżejjed fuq il-fornituri ta' BCA. Is-suq tas-self lill-SMEs wieħed jarah bħala ferm aktar profittabbli mill-BCAs, u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni trid tissewwa fis-suq tas-self ukoll. Il-kummenti wkoll jispjegaw fil-qosor li bħalissa, l-Entitajiet Sfidanti jkunu żvantaġġati billi l-ikbar 4 banek huma permessi jużaw mudell ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni Avvanzati milli mudell kapitali standardizzat: dan jippermetti li l-erba' banek joffru prezzijiet aħjar għas-self mill-Entitajiet Sfidanti.

(79)

Xi kummenti ssuġġerew li x'aktarx ikun aħjar li r-RBS jiġġiegħel iċedi klijenti (inkluż bejgħ sfurzat ta' BCAs u/jew self) milli li l-klijenti jingħataw l-opportunità li jaqilbu bank. Kummenti oħrajn jissuġġerixxu li jkun tajjeb li r-RBS jikkommetti ruħu jittrasferixxi għadd minimu nett ta' BCA u tiġi imposta penali fil-każ ta' nuqqas ta' prestazzjoni.

(80)

Għadd ta' kummenti wkoll jissuġġerixxu li jkun tajjeb li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tibda biss wara li jkun irnexxielhom jimplimentaw l-investimenti li jsiru possibbli permezz tal-Fond ta' Kapaċità tal-SME.

4.3.2.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT FUQ L-ISKEMA TA' QLIB INĊENTIVAT U FUQ IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(81)

Rigward l-Iskema ta' Qlib Inċentivat inkluża fil-Pakkett Alternattiv Inizjali, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li:

(a)

id-daqs attwali tal-fond għandu l-kapaċità li jirriżulta f'xi ħaġa aktar minn tnaqqis bi 2 % fis-sehem mis-suq tar-RBS. It-tnaqqis immirat b'żewġ punti perċentwali ġie strutturat b'mod speċifiku biex jingħataw inċentivi għall-qlib lil għadd ikbar ta' klijenti SMEs kbar. Xejn ma jwaqqaf lill-klijenti tar-RBS milli jkomplu jaqilbu għal Entitajiet Sfidanti (mingħajr ma jingħataw doti) u b'hekk ikomplu jnaqqsu aktar is-sehem mis-suq tar-RBS. Fil-fatt, huwa ħafna aktar probabbli li jagħmlu dan wara li jkunu ġew esposti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-Entità Sfidanti;

(b)

l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tinvolvi inċentivi għall-qlib li minnhom infushom huwa probabbli li jkunu ħafna ikbar minn dawk li jinsabu fis-suq bħalissa. Barra minn hekk, huma mistennija li jitħallsu b'żieda ma' dawk l-inċentivi diġà disponibbli;

(c)

L-Entitajiet Sfidanti se jikkompetu bil-qawwa kollha għall-klijenti u se joħolqu offerti attraenti biżżejjed biex iħeġġu lill-klijenti għall-qlib. Hemm domanda ċara fis-suq għal dawn il-klijenti;

(d)

Il-qlib għal Entità Sfidanti fir-Renju Unit sar eħfef għal ħafna klijenti wara l-introduzzjoni tas-CASS fl-2013. Il-klijenti BCA diġà qed jużaw s-CASS biex jaqilbu mir-RBS għall-Entitajiet Sfidanti;

(e)

ir-RBS beħsiebu jtaffi/jaffronta kwalunkwe reżistenza tal-klijenti għall-qlib billi jikkommetti ruħu għal miżuri identifikati mis-CMA (45) bħala kompetittivi, inkluż l-għoti ta' informazzjoni dwar is-CASS lill-klijenti eliġibbli, u ta' assistenza rigward talbiet ta' data meħtieġa biex wieħed jissieħeb ma' servizz ġdid;

(f)

ikun mitlub li r-RBS jinvolvi ruħu ma' pool definit tal-klijenti tiegħu (inkluż permezz tal-provvista ta' materjal ta' kummerċjalizzazzjoni) f'isem l-Entitajiet Sfidanti rigward il-benefiċċji tal-qlib; u

(g)

l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tinkludi diversi mekkaniżmi ta' sikurezza interni li jiżguraw li jseħħ qlib suffiċjenti. Pereżempju: Il-Korp li jikkontrolla l-iskema jkollu l-kapaċità (i) li jitlob li r-RBS iżid il-frekwenza tal-komunikazzjonijiet jew (ii) li jestendi l-perjodu li matulu jkunu disponibbli doti b'massimu ta' 12-il xahar jew (iii) li jirristruttura l-formola tad-dota, wara ċertu perjodu ta' żmien, bil-għan li jtejjeb l-effikaċja tal-iskema u (iv) jekk ikun hemm nuqqas ta' nefqa għad-doti, ir-RBS ikollu jittrasferixxi l-Multiplikatur kif deskritt fil-premessi 52 u 53.

(82)

B'rispons għall-kummenti mill-partijiet interessati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jistqarru li huma fiduċjużi li biżżejjed klijenti jaqilbu bis-saħħa tal-inċentivi finanzjarji offruti bħal:

(a)

fil-passat, l-inċentivi ħeġġew lill-klijenti għall-qlib, kif inhu rifless ukoll fir-Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji bl-imnut u fir-riċerka minn Charterhouse, ikkummissjonata mir-RBS (46)“[…]” (47);

(b)

huwa probabbli li l-proċess tal-qlib ikun mingħajr xkiel għall-klijenti, bil-parti l-kbira tal-klijenti jibbenefikaw mill-Iskema ta' Qlib Inċentivat biex iwettqu l-qlib permezz tas-CASS. Madankollu, ikun probabbli li l-kondiviżjoni ta' rekords finanzjarji tal-klijenti jew informazzjoni oħra dwar klijenti tkun ristretta mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(c)

mhuwiex inqas probabbli l-qlib tal-klijenti fil-perimetru W&G; Ir-RBS jiddikjara li r-rati ta' qlib u ta' riżenja ta' klijenti ta' dawk il-klijenti fil-perimetru W&G ġeneralment jikkonformaw maċ-ċifri tal-klijenti “komuni” tar-RBSu li l-klijenti W&G kienu mistennija li jitilqu mill-grupp RBS mill-2010 'l quddiem.

(d)

sabiex ikun żgurat il-qlib tal-klijenti, qed jiġu applikati mekkaniżmi ta' protezzjoni u kontra l-evitar. il-Korp għandu s-setgħa li jimponi penali finanzjarja fuq ir-RBS jekk id-doti BCA ma jkunux intużaw bis-sħiħ tul il-perjodu ta' operat tal-iskema (jiġifieri l-Multiplikatur). Barra minn hekk, il-Korp se jkun f'pożizzjoni jagħmel tibdiliet rigward l-ammont tad-doti mħallsa biex jiġi żgurat li jkunu kemm jista' jkun effikaċi u jġiegħlu lir-RBS iżid il-frekwenza ta' kummerċjalizzazzjoni tal-iskema. Barra minn hekk, il-perimetru u t-tul tal-iskema se jiżdiedu fil-każ li ma jintlaħqux ċerti livelli ta' qlib.

(83)

Barra minn hekk, b'rispons għall-kummenti mill-partijiet terzi, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li:

(a)

il-klijenti beħsiebhom jittrasferixxu l-prodotti bankarji l-oħrajn tagħhom (pereżempju self) b'żieda mal-BCA tagħhom. Is-CMA sabet li “maġġoranza kbira ħafna ta' SMEs li qed ifittxu finanzjament jikkuntattjaw lill-bank tal-BCA tagħhom…aktar minn 90 % tal-SMEs fir-Renju Unit marru għand il-bank ewlieni tagħhom għal overdrafts, self u karti ta' kreditu” (48); u

(b)

ikun aħjar miċ-ċessjonijiet sfurzati li l-klijenti jkollhom is-setgħa jieħdu d-deċiżjoni tagħhom stess favur il-qlib, peress li fil-każ tal-klijenti b'ċerta setgħa f'idejhom ikun aktar probabbli li jinvolvu ruħhom mal-bank ġdid tagħhom u li jerġgħu jaqilbu fil-futur jekk jirnexxilhom jaslu għal soluzzjoni aktar vantaġġuża ma' bank ieħor. Dan l-approċċ qed jiġi appoġġjat ukoll fir-Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji bl-imnut, li jgħid li “ċ-ċessjoni jista' jkun li tħeġġeġ l-ingaġġ ta' xi klijenti addizzjonali fuq bażi temporanja u tranżizzjonali, b'mod partikolari fost il-klijenti li raw lilhom infushom ittrasferiti kontra l-volontà tagħhom għal bank “ġdid”, iżda dan bla dubju mhuwiex mod mixtieq ta' kif wieħed jista' jasal għal ingaġġ ta' klijenti b'sostenibbiltà ogħla” (49). Minflok, is-CMA sabet li rimedji mhux strutturali “immirati direttament għall-kawżi sottostanti tal-AEC — jiġifieri b'titjib tal-ingaġġ tal-klijenti u l-iffaċilitar tal-qlib — ikun ħafna aktar probabbli li jkunu effikaċi fl-indirizzar tal-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni li konna identifikajna…” (50) L-Iskema ta' Qlib Inċentivat se tissensibilizza lill-klijenti SMEs rigward għadd kbir ta' ditti li jkunu Entitajiet Sfidanti, bis-saħħa tal-kummerċjalizzazzjoni mmirata, u tħeġġeġ lill-klijenti biex jimpenjaw ruħhom mal-opzjonijiet u l-marki tal-Entitajiet Sfidanti qabel ma jiddeċiedu liema waħda se jagħżlu.

(84)

B'rispons għall-kummenti mill-partijiet interessati u l-istudju tagħhom stess dwar is-suq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għamlu wkoll it-tibdiliet li ġejjin fl-Iskema ta' Qlib Inċentivat:

(a)

id-daqs totali tal-iskema se jiżdied minn GBP 175 miljun għal GBP 350 miljun, li minnhom GBP 225 miljun se jkunu disponibbli għal doti BCA. GBP 50 miljun se jkunu disponibbli għal doti relatati mas-self biex jindirizzaw il-kumment li l-iskema trid tiffoka wkoll fuq it-trasferiment tas-self flimkien mat-trasferiment tal-BCAs. GBP 75 miljun addizzjonali jkunu għadhom disponibbli bħala għajnuna li tiffaċilita l-qlib (kumpens għall-ħlasijiet ta' waqfien relatati mat-trasferiment tal-bilanċi ta' self jew spejjeż oħra ta' partijiet terzi bħall-ispejjeż legali).

(b)

biż-żieda fid-daqs, l-Iskema ta' Qlib Inċentivat se timmira wkoll għat-trasferiment ta' sehem mis-suq ta' 3 % flok it-2 % tal-bidu; u

(c)

ir-RBS ikun jibda jikkomunika l-Iskema ta' Qlib Inċentivat lill-klijenti madwar tliet xhur wara t-tnedija tal-pakkett u wara l-ħruġ tal-ewwel għotjiet mill-Fond ta' Kapaċità.

4.4.   KUMMENTI DWAR L-ISKEMA TA' AĊĊESS GĦALL-FERGĦAT

4.4.1.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR L-ISKEMA TA' AĊĊESS GĦALL-FERGĦAT

(85)

Għadd ta' partijiet interessati ddubitaw il-benefiċċji tal-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat għall-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs u kienu tal-fehma li l-amministrazzjoni u l-iffinanzjar tal-iskema kienu se jkunu ta' piż għall-klijenti u l-Entitajiet Sfidanti involuti u li din tista' tfisser distrazzjoni mhux utli għall-Korp.

(86)

Għadd żgħir ta' partijiet interessati esprimew ruħhom favur l-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat u kienu jaħsbu li se jisfruttawha.

4.4.2.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT FUQ L-ISKEMA TA' AĊĊESS GĦALL-FERGĦAT U FUQ IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(87)

B'rispons għall-kummenti rċevuti li l-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat probabbli li tkun ta' interess limitat għall-Entitajiet Sfidanti, għalkemm importanti għal għadd żgħir minnhom, l-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat se tinżamm, iżda bir-reviżjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat se tkun miftuħa għal dawn il-klijenti li jkunu qalbu fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat (u fejn il-bank rilevanti li qed jipparteċipa fl-Iskema ta' Qlib Inċentivat ikun daħal f'kuntratt ta' aġenzija interbankarju mar-RBS).

(b)

il-banek ma jibqgħux jingħataw aċċess għall-fergħat bla ħlas, iżda se jiġi pprovdut aċċess għall-fergħat lill-klijenti eliġibbli tagħhom b'kundizzjonijiet kummerċjali raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-banek se jkunu f'pożizzjoni jużaw flus mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni u/jew doti rċevuti fil-qafas tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat biex ikopru l-ispejjeż. Il-flus iffrankati ġew riallokati għal aspetti oħra tal-pakkett alternattiv.

4.5.   KUMMENTI FUQ IL-FOND TA' INNOVAZZJONI

4.5.1.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI FUQ IL-FOND TA' INNOVAZZJONI

(88)

Xi partijiet interessati kienu kritiċi rigward il-Fond ta' Innovazzjoni propost billi jqisuh mhux neċessarju u, minħabba n-natura fit-tul tiegħu, kienu tal-fehma li mhux se jkollu impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni u mhu se jkollu ebda effett fuq il-pożizzjoni tar-RBS fis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit. Argumentaw li l-finanzjament mill-Fond ta' Innovazzjoni jkun aħjar li jiġi indirizzat lejn elementi oħrajn tal-pakkett.

(89)

Għadd żgħir ta' kummenti dwar il-Fond ta' Innovazzjoni kienu pożittivi u tal-fehma li dak kien se jgħin biex titħaffef l-innovazzjoni fis-settur bankarju tal-SME. Xi wħud argumentaw ukoll li l-banek u s-soċjetajiet tal-bini jrid ikollhom aċċess għall-benefiċċji ta' dan il-finanzjament.

4.5.2.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT IL-FOND TA' INNOVAZZJONI U FUQ IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(90)

B'rispons għall-kummenti rċevuti, il-Fond ta' Innovazzjoni se jingħaqad mal-Fond ta' Kapaċità tal-SME biex b'hekk jinħoloq Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni. Dan hu maħsub biex jindirizza t-tħassib dwar l-eżistenza ta' żewġ fondi distinti billi b'hekk tkun possibbli aktar flessibbiltà rigward min jista' japplika u l-mod ta' kif jiġu allokati l-fondi, filwaqt li jinżammu l-benefiċċji tal-finanzjament għall-innovazzjonijiet rilevanti għall-SMEs.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA/GĦAJNUNA

5.1.   EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(91)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija pprojbita. Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jqisu li fil-qafas tal-pakkett alternattiv aġġornat mhux se tkun qed tingħata għajnuna addizzjonali mill-Istat.

(92)

Il-kwalifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan is-sinifikat ta' din id-dispożizzjoni tirrikjedi għalhekk li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) din trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura għandha tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.1.   GĦAJNUNA POTENZJALI LIR-RBS

(93)

Il-pakkett alternattiv aġġornat deskritt fit-taqsima 2.3 jirrappreżenta kost finanzjarju għar-RBS. Abbażi tad-data pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-pakkett alternattiv ikollu kost bil-quddiem għar-RBS ta' madwar GBP 833 miljun (51), flimkien ma' kost addizzjonali permanenti kkawżat mit-telf ta' profitti (52). Mhux se jkun hemm fluss ta' riżorsa statali mill-Istat lejn ir-RBS għall-finanzjament ta' dawk il-Miżuri. L-ispejjeż tal-pakkett alternattiv aġġornat se jiġġarrbu mir-RBS fl-intier tagħhom.

(94)

Minħabba li l-pakkett alternattiv aġġornat ma jinvolvix riżorsi mill-Istat rigward ir-RBS, m'hemmx ħtieġa li jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra biex xi miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-pakkett alternattiv ma jinvolvix għajnuna ġdida lir-RBS.

5.1.2.   GĦAJNUNA POTENZJALI LILL-BENEFIĊJARJI TAL-PAKKETT ALTERNATTIV

(95)

Il-Kummissjoni tosserva li m'hemmx rabta diretta bejn l-għajnuna mill-Istat mogħtija lir-RBS fl-2008 u fl-2009 u l-pakkett alternattiv aġġornat li jiġi deskritt fit-taqsima 2.3. Fil-fatt, fil-proċedura li twassal għad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, l-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom biex iċedu n-negozju Rainbow, u l-approvazzjoni tal-għajnuna kienet ibbażata fuq dak l-impenn. Il-pakkett alternattiv ġie propost tmien snin wara l-għoti tal-aħħar għajnuna kapitali lir-RBS. Għaldaqstant, jista' jiġi eskluż li l-pakkett alternattiv ikun marbut direttament mal-għajnuna lir-RBS fl-2008 u l-2009 jew ibbażat fuqha.

(96)

Madankollu, ta' min wieħed jinnota li, kif ġie indikat fil-premessa 15, l-Istat għadu l-proprjetarju ta' 71,2 % tal-ishma tar-RBS. Dan jissuġġerixxi li l-piż finanzjarju tal-pakkett alternattiv jiġġarrab mill-Istat b'mod indirett, iżda fil-parti kbira tiegħu billi hu jkun l-azzjonist maġġoritarju tar-RBS. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu involuti mill-qrib fid-disinn tal-pakkett alternattiv, ħaġa li tista' tissuġġerixxi li d-disinn tal-pakkett huwa imputabbli għall-Istat. Barra minn hekk, jista' jkun li l-pakkett alternattiv jagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi li huma intitolati li jibbenefikaw minnu. Il-miżura hija wkoll imfassla b'tali mod li l-effetti tagħha jkunu indirizzati lejn l-Entitajiet Sfidanti.

(97)

Madankollu, għalkemm il-pakkett alternattiv ġie kkunsidrat li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-banek li kienu se jibbenefikaw minnu, il-Kummissjoni tqis li huwa kompatibbli bħala parti neċessarja mill-Impenji li abbażi tagħhom il-miżuri ta' għajnuna favur ir-RBS jitqiesu kompatibbli abbażi tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata u tad-Deċiżjoni preżenti (53).

5.1.3.   KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA ĠDIDA

(98)

Fid-dawl tal-elementi diskussi fit-taqsima 5.1.1, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pakkett alternattiv aġġornat ma jikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat ġdida lir-RBS.

(99)

Kif ġie analizzat fit-taqsima 5.1.2, sa fejn il-pakkett alternattiv jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat lill-banek li jibbenefikaw minnu, din l-għajnuna titqies kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE bħala parti neċessarja mill-Impenji li abbażi tagħhom il-miżuri ta' għajnuna inizjali favur ir-RBS jitqiesu kompatibbli fil-każ preżenti. Fid-dawl tas-sostituzzjoni tal-impenn ta' ċessjoni bil-pakkett alternattiv, il-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti lir-RBS hija analizzata fit-taqsima 5.2 tad-Deċiżjoni preżenti.

5.2.   KOMPATIBBILTÀ

(100)

Filwaqt li l-pakkett alternattiv aġġornat donnu ma jinkludix għajnuna mill-Istat ġdida lir-RBS, l-għajnuna eżistenti ġiet awtorizzata, fost l-oħrajn, abbażi tal-impenn li jinbiegħ in-negozju Rainbow. L-awtoritajiet tar-Renju Unit issa jitolbu li dan l-impenn jiġi ssostitwit b'impenn li jimplimenta l-pakkett alternattiv aġġornat. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk is-sostituzzjoni proposta hijiex se tibdel il-konklużjoni li l-għajnuna eżistenti lir-RBS hija kompatibbli mas-suq intern.

(101)

Deċiżjoni ta' ristrutturar, bħad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata, bi prinċipju tista' tiġi emendata mill-Kummissjoni fejn il-modifika tkun ibbażata fuq impenji ġodda li jistgħu jitqiesu ekwivalenti ma' dawk ipprovduti oriġinarjament (54). F'dik is-sitwazzjoni, il-miżuri ta' għajnuna eżistenti jibqgħu kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jekk jibqa' intatt il-bilanċ ġenerali tad-deċiżjoni oriġinali. Sabiex jinżamm il-bilanċ oriġinali, is-sostituzzjoni tal-impenn ta' ċessjoni bil-pakkett alternattiv m'għandhiex taffettwa ħażin il-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, bis-sett ġenerali ta' impenji jibqa' ekwivalenti f'termini ta' qsim tal-piżijiet u miżuri ta' kumpens filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni ta' Ristrutturar (55).

5.2.1.   VIJABBILTÀ

(102)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-modifiki tal-Impenji Emendati humiex iqiegħdu f'dubju l-konklużjoni milħuqa fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata rigward il-kapaċità tar-RBS li jreġġa' lura l-vijabbiltà tiegħu mingħajr ma jiġi bżonn għajnuna oħra mill-Istat.

(103)

Skont l-estimu pprovdut mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (ara t-Tabella 3), l-ispejjeż tal-pakkett alternattiv mhumiex ogħla mill-ispejjeż talli titkompla ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-qlib għall-pakkett alternattiv ma jaffettwax b'mod sinifikanti l-vijabbiltà tar-RBS.

(104)

Ta' min wieħed jinnota li n-negozju Rainbow fih innifsu mhuwiex entità li tagħmel it-telf (56). Konsegwentement, il-modifiki tal-Impenji Emendati li jippermettu lir-RBS iżomm in-negozju Rainbow mhux se jaffettwaw b'mod negattiv il-profittabbiltà tar-RBS.

(105)

Il-Kummissjoni tikkonkludi b'mod preliminari li l-emendi proposti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit mhux qed iqiegħdu f'periklu l-vijabbiltà tar-RBS.

(106)

Ir-RBS kellu telf sinifikanti attribwibbli lill-azzjonisti ordinarji mill-2008 'l quddiem (57), li jirriżulta primarjament mill-akkumulazzjoni ta' elementi kbar ta' darba, bħal multi u ħlasijiet minħabba mġiba ħażina fil-passat u bejgħ mhux permess ta' ċerti prodotti, spejjeż ta' ristrutturar u telf ogħla mill-mistenni rigward assi mhux komuni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk għadhiex valida il-konklużjoni tagħha li r-RBS se jkun kapaċi jreġġa' lura l-profittabbiltà u l-vijabbiltà tiegħu mingħajr għajnuna oħra mill-Istat.

(107)

Il-Kummissjoni qed tinnota li r-riżultati tar-RBS mill-ewwel (1) nofs tal-2017 jindikaw profittabbiltà mtejba (58). Għall-ewwel (1) nofs tal-2017, ir-RBS irrapporta introjtu operatorju ta' GBP 939 miljun lill-azzjonisti ordinarji.

(108)

Il-proporzjon kapitali tal-Grad 1 ta' ekwità komuni baqa' jitjieb mill-2013 'il quddiem, u l-introjtu operatorju komuni kompla b'mod pożittiv kif deskritt fil-premessa 11 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(109)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-emendi proposti ma jqegħdux f'dubju l-konklużjoni milħuqa fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar rigward il-kapaċità tar-RBS li jreġġa' lura l-vijabbiltà tiegħu.

5.2.2.   IL-QSIM TAL-PIŻIJIET

(110)

Id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata tindika li ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow ttieħdet inkonsiderazzjoni bħala miżura biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u la kien miżura ta' qsim tal-piżijiet u lanqas miżura li tillimita l-spejjeż ta' ristrutturar (59). F'dan is-sens, il-pakkett alternattiv aġġornat propost mhux qed jaffettwa l-valutazzjoni mwettqa qabel mill-Kummissjoni dwar il-qsim tal-piżijiet.

(111)

Għaldaqstant, it-tibdiliet innotifikati ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-qsim tal-piżijiet li seħħet fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar u fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

5.2.3.   MIŻURI MAĦSUBA SABIEX JILLIMITAW ID-DISTORSJONIJIET TAL-KOMPETIZZJONI

(112)

Skont id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata (60), l-għan ewlieni tal-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow kien li tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li setgħet toħloq l-għajnuna lir-RBS. B'mod aktar preċiż, l-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow kien immirat biex jiġi evitat li l-ammont kbir ħafna ta' għajnuna mill-Istat li ngħata lir-RBS fl-2008 u l-2009 jirriżulta f'distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi bankarji lill-SMEs u lill-korporazzjonijiet ta' daqs medju fir-Renju Unit, fejn ir-RBS kien il-mexxej tas-suq (61). Sabiex jiġi evitat tisħiħ tal-pożizzjoni tar-RBS f'dak is-suq li jnaqqas il-kompetizzjoni fih, l-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom li r-RBS kien se jċedi entità b'sehem ta' 5 % mis-suq tal-klijenti SMEs u korporazzjonijiet ta' daqs medju fir-Renju Unit (62).

(113)

L-għan tal-pakkett alternattiv kif deskritt fit-taqsima 3.3 huwa l-indirizzar tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni bl-istess mod bħal permezz tal-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow, li qed jiġi ssostitwit bih.

(114)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-pakkett alternattiv aġġornat huwiex ekwivalenti għall-impenn ta' ċessjoni li se jissostitwixxi.

5.2.3.1.    Id-disinn tal-miżuri individwali

(115)

Il-pakkett alternattiv jikkonsisti l-aktar f'żewġ miżuri individwali. Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-ekwivalenza kemm f'livell individwali kif ukoll fil-livell tal-pakkett.

Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni

(116)

Il-Kummissjoni tosserva li huwa probabbli li l-provvista ta' fondi mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni (63) lil Entitajiet Sfidanti bil-għan li tiżdied il-kapaċità tagħhom li joffru servizzi bankarji lill-SMEs se żżid il-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs.

(117)

Abbażi tal-kummenti li l-Kummissjoni rċeviet mingħand il-partijiet interessati b'riżultat tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, hija tqis li d-distribuzzjoni tal-fondi f'diversi għotjiet ta' daqs sa GBP 120 miljun tippermettiha ssaħħaħ l-offerti bankarji ta' għadd ta' entitajiet u ddaħħal għażla ikbar fis-suq.

(118)

L-interess li ntwera u r-rispons li wasal mill-partijiet interessati dwar kif kienu se jużaw il-fondi li jista' jkun li se jirċievu mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jipprovdi serħan il-moħħ ulterjuri li l-Fond ta' Kapaċità se jkollu impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq.

(119)

Abbażi tal-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati, id-daqs tal-għotjiet jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għad-daqs li xi wħud mill-partijiet interessati indikaw li jeħtieġu sabiex ikun hemm inċentiv għalihom biex jinvestu fil-kapaċitajiet tagħhom tas-servizzi bankarji lill-SMEs. Se jkun hemm kompetizzjoni għad-diżborżi mill-fondi, bl-aktar fondi jiġu indirizzati lejn dawk l-entitajiet li jkunu l-aktar kapaċi jikkonvinċu lill-Korp bl-argumenti tagħhom favur il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-daqs tal-għotjiet mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni huwa adegwat u li l-kompetizzjoni se twassal għal impatt ikbar fuq is-suq.

(120)

Il-Kummissjoni tinnota li, minn total ta' GBP 425 miljun, ir-riżorsi tal-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni huma kkonċentrati madwar erba' għotjiet kbar li flimkien jammontaw għal GBP 330 miljun. Fil-fatt, hemm qasma kbira bejn is-sehem mis-suq tal-erba' banek ewlenin għall-SMEs fir-Renju Unit (64) u l-Entitajiet Sfidanti. Barra minn hekk, fost l-Entitajiet Sfidanti, hemm differenza kbira bejn dawk l-entitajiet li stabbilixxew operat ta' servizzi bankarji lill-SMEs u dawk li għadhom deħlin fis-suq jew li qed joffru firxa limitata ta' prodotti ta' spiss immirati għall-iżgħar SMEs. L-għan taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow kien li jinħoloq bank għall-SMEs u l-korporazzjonijiet ta' daqs medju li, għalkemm iżgħar mill-erba' banek ewlenin għall-SMEs, madankollu jkun kbir biżżejjed biex jisfidahom. Il-fatt li l-parti l-kbira tal-fondi huma mmirati għal dawk il-ftit Entitajiet Sfidanti b'kapaċità BCA għall-SMEs eżistenti b'saħħitha, huwa probabbli li jwassal għall-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq u se jirriżulta b'aktar ċertezza f'tisħiħ sinifikanti tal-pożizzjoni ta' waħda jew aktar mill-entitajiet. B'hekk, dan iżid l-ekwivalenza mal-impatt li kien se jkollha ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow, meta mqabbla ma' pakkett alternattiv iffukat fuq il-banek il-ġodda li deħlin fis-suq jew il-banek li qed joffru biss firxa limitata ta' prodotti bankarji lill-SMEs, ta' spiss immirati għall-iżgħar SMEs biss.

(121)

Skont il-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati, huwa importanti għall-Entitajiet Sfidanti li l-ewwel joħolqu kapaċitajiet addizzjonali li jkunu ta' appoġġ għall-isforz tagħhom biex jikkonvinċu lill-klijenti ta' W&G biex jaqilbu permezz tal-Qlib Inċentivat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-fatt li jiġi pprovdut perjodu ta' tliet xhur wara l-ħruġ ta' għotja mill-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni jagħti l-possibbiltà lill-Entitajiet Sfidanti jippjanaw u jimplimentaw investimenti addizzjonali mingħajr ma jdewwmu bla bżonn l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat.

Qlib Inċentivat

(122)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat (65) se żżid il-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs, bit-trasferiment ta' klijenti mir-RBS lejn l-Entitajiet Sfidanti. L-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat timmira għat-trasferiment ta' għadd ta' klijenti li jikkorrispondi għal 3 punti perċentwali mis-sehem mis-suq tar-RBS fis-suq bankarju tal-SMEs fir-Renju Unit (ikkalkulat abbażi tal-għadd ta' SMEs).

(123)

F'termini ta' għadd ta' SMEs ittrasferiti, l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tista' twassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tar-RBS li jaqbeż it-3 punti perċentwali, iżda f'dan il-każ, il-portafoll tal-klijenti li jkunu jaqilbu kieku fih proporzjon ikbar ta' SMEs ta' daqs żgħir. Fil-fatt, billi hemm limitu massimu għall-ammont ta' fondi disponibbli għall-Miżura B, il-qlib ta' aktar klijenti neċessarjament jimplika li bħala medja, id-doti jkollhom ikunu iżgħar, bir-riżultat li l-klijenti ttrasferiti jkollhom ikunu SMEs żgħar ħafna, ħaġa li ma kinitx fil-mira taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Bħala konklużjoni, meta wieħed jivvaluta l-ekwivalenza, ta' min iqis li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat se jippermetti li t-trasferiment mis-sehem mis-suq tar-RBS ikun limitat għal 3 punti perċentwali.

(124)

Rigward kemm hu probabbli li jintlaħaq it-tnaqqis bi 3 punti perċentwali, il-Kummissjoni tosserva li l-offerti magħmula mill-Entitajiet Sfidanti se jkollhom ikunu attraenti biżżejjed biex jikkonvinċu l-għadd massimu ta' klijenti biex jaqilbu. Filwaqt li tikkunsidra l-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati, id-daqs tad-doti msemmi fir-riċerka Charterhouse ikkummissjonata mir-RBS (66), u ż-żieda fil-fondi disponibbli għall-Miżura B, il-Kummissjoni tqis li issa huma kbar biżżejjed biex iservu ta' inċentiv għat-trasferiment ta' għadd ta' klijenti li jikkorrispondi għal sehem mis-suq ekwivalenti għal 3 punti perċentwali.

(125)

Il-Kummissjoni tqis l-estensjoni tat-tul, tal-perimetru u tal-Multiplikatur kif deskritt fil-premessi 52 u 53 bħala salvagwardji importanti li jipprovdu serħan il-moħħ addizzjonali li jista' jintlaħaq trasferiment ta' sehem mis-suq ta' 3 punti perċentwali mir-RBS.

(126)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-BCAs huma prodott “gateway” għall-SMEs, li ġeneralment ikunu jikkunsidraw il-fornitur BCA tagħhom meta jkunu qed ifittxu servizzi bankarji oħra bħas-self (67). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-inċentivi għall-qlib ta' BCA huma wkoll inċentivi biex il-klijenti jaqilbu prodotti ta' self.

(127)

Il-Kummissjoni tosserva li d-doti għas-self deskritti fil-premessa 48 ikunu jippermettu lill-Entitajiet Sfidanti jipprovdu aktar inċentivi lill-klijenti SMEs biex jittrasferixxu prodotti oħra flimkien mal-BCAs tagħhom. Id-daqs tad-dota għas-self inaqqas ukoll l-iżvantaġġ li semmew il-partijiet interessati rigward l-użu ta' mudell kapitali standardizzat (68). Il-Kummissjoni tqis li dan il-fatt jipprovdi aktar serħan il-moħħ li l-pakkett alternattiv huwa ekwivalenti maċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow, li fil-qafas tagħha dawk is-selfiet kienu se jiġu ttrasferiti lejn xerrej potenzjali.

(128)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ammont allokat ta' GBP 75 miljun biex jiffaċilita l-qlib (kumpens għall-ħlasijiet ta' waqfien relatati mat-trasferiment tal-bilanċi ta' self jew spejjeż oħra ta' partijiet terzi bħall-ispejjeż legali) u s-Servizz ta' Qlib ta' Kont Kurrenti se jnaqqsu l-ostakoli li jżommu lura lill-klijenti milli jaqilbu għall-Entitajiet Sfidanti.

(129)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-setgħat u l-kontroll f'idejn il-Korp (69) jiżguraw li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat tista' tiġi adattata aktar għas-sinjali tas-suq wara li tkun tnediet l-iskema.

(130)

Il-Kummissjoni ma tqisx problematiku l-fatt li m'għadux qed jiġi propost li l-aċċess għall-fergħat tar-RBS (kif deskritt fil-premessa 57) jiġi offrut bla ħlas, kif previst fil-verżjoni inizjali tal-pakkett alternattiv. Fil-fatt, l-Entitajiet Sfidanti stabbiliti fil-qasam tal-SMEs ikkummentaw li huma ma kellhomx bżonn ta' tali aċċess biex ikunu jistgħu jikkompetu mal-erba' banek ewlenin tal-SMEs. Bl-użu tal-fondi inizjalment allokati lill-Iskema ta' Aċċess għall-Fergħat (inizjalment bla ħlas) għall-Miżuri A u B, il-fondi tal-pakkett alternattiv qed jiġu allokati b'mod aktar effikaċi bil-għan li tintlaħaq ekwivalenza mal-effett taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow.

(131)

Abbażi tat-tibdiliet li ġew introdotti fl-Iskema ta' Qlib Inċentivat, tas-salvagwardji inklużi fl-iskema u tal-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tikkonkludi li jkun probabbli ħafna li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat twassal għat-trasferiment b'suċċess ta' 3 punti perċentwali mis-sehem mis-suq tal-RBS.

5.2.3.2.    Ekwivalenza ġenerali tal-pakkett mal-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow

(132)

Kif ġie stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ (70), hemm modi differenti ta' kif wieħed jivvaluta l-ekwivalenza tal-pakkett alternattiv. F'termini ta' xenarju kontrofattwali, l-impatt tal-pakkett alternattiv jista' jitqabbel mal-impatt mistenni li jkollu l-bejgħ tan-negozju Rainbow lil xerrej kummerċjali li kieku ġie implimentat issa (“Ċessjoni tan-negozju Rainbow” fit-Tabella 3) jew mal-impatt li kien mistenni li se jkollha ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow skont id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar (“Deċiżjoni fuq l-Objettiv 2009” fit-Tabella 3). F'termini tal-indikaturi użati, wieħed jista' jkejjel l-ekwivalenza bl-użu ta' indikaturi differenti, bħall-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq tal-SMEs tar-RBS, l-ispejjeż finanzjarji għar-RBS, u d-daqs tal-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti.

(133)

It-Tabella 3 tqabbel it-tliet xenarji skont indikaturi differenti.

Tabella 3

Paragun ta' 3 xenarji skont indikaturi differenti

 

Deċiżjoni fuq l-Objettiv 2009

Ċessjoni tan-negozju Rainbow

Pakkett alternattiv aġġornat

Impenn ta' motivazzjoni

Limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit

Limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit

Limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit

Telf ta' sehem mis-suq tar-RBS fis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit (71)

5 %

[0-5] % [[5-10]]

3 % [[5-10]]

Telf kapitali totali (72)

GBP […]

GBP […]

[GBP […]]

GBP […]

[GBP […]]

Impatt fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1

M.A.

[…] %

[…] %

Trasferiment totali tal-assi

GBP 20 biljun

GBP [15-25] biljun

GBP [0-5] biljun

(134)

Il-motivazzjoni wara ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar u d-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata hija li tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq bankarju tal-SMEs u l-korporazzjonijiet ta' daqs medju fir-Renju Unit. L-awtoritajiet tar-Renju Unit iddisinjaw il-pakkett alternattiv bil-għan li jintlaħaq l-istess għan sottostanti.

(135)

L-alternattivi jistgħu jitqabblu bl-użu tal-impatt fuq is-sehem tar-RBS mis-suq tal-SMEs fir-Renju Unit. Skont id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, iċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow kienet mistennija li tirriżulta f'telf ta'5 % tas-sehem mis-suq, kif deskritt fil-premessa 112 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Il-pakkett alternattiv ikollu wkoll jirriżulta f'telf fis-sehem mis-suq. Dan ikun jammonta għal massimu ta' 3 % meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-Iskema ta' Qlib Inċentivat biss. Il-Kummissjoni tqis li l-impatt tal-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni se jkun ukoll sinifikanti biżżejjed biex jagħmel possibbli il-qlib ta' SMEs mir-RBS u minn banek oħrajn. Madankollu, il-kwantifikazzjoni ta' dan il-fenomenu hija diffiċli.

(136)

Kif indikat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (73), ikun raġjonevoli li wieħed iqis il-fatt li r-RBS ġarrab telf fis-sehem mis-suq bankarju tal-SMEs fir-Renju Unit mid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar'il quddiem. L-awtoritajiet tar-Renju Unit irreferew għal fornitur tad-data. Sfortunatament, il-fornitur tad-data beda jipproduċi kalkoli tas-sehem mis-suq mhux qabel ir-raba' (4) trimestru tal-2010. B'riżultat ta' dan, m'hemmx serje ta' perjodi konsistenti li tkopri l-perjodu mill-2008 jew l-2009 sal-lum. Skont id-data kkalkulata mill-fornitur, is-sehem mis-suq tar-RBS kien jammonta għal mhux inqas minn [25-30] % fir-raba' (4) trimestru tal-2010 (l-ewwel punt ta' data) fis-suq għall-SMEs b'fatturat sa GBP 25 miljun. Skont dik id-data, ir-RBS tilef [3-7] % tas-sehem mis-suq bejn ir-raba' (4) trimestru tal-2010 u r-raba' (4) trimestru tal-2016 fis-suq għall-SMEs b'fatturat sa GBP 25 miljun (74). Il-Kummissjoni tqis li l-użu tat-telf fis-sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2011 'il quddiem ([0-5] %) huwa aktar prudenti meta mqabbel mal-użu tat-telf fis-sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2010 'l quddiem ([3-7] %), peress li l-ewwel punt ta' data (Q4 2010) jagħti sehem mis-suq ogħla minn dak li ġie kkomunikat minn sorsi oħra fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, u għalhekk ma jistax jiġi eskluż li dak il-punt jikkostitwixxi massimu ta' darba li ma jirriflettix b'mod korrett il-punt ta' tluq fil-perjodu 2008-2009. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li s-sehem mis-suq diġà mitluf fis-segment tal-SMEs fir-Renju Unit jista' jiġi, b'mod prudenti, kkwantifikat fil-livell ta' [0-5] %.

(137)

It-tnaqqis b'5 % fis-sehem mis-suq tar-RBS mistenni fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar jinqabeż meta wieħed jgħaqqad flimkien it-telf fis-sehem mis-suq mistenni mill-pakkett alternattiv (sa 3 % b'rużultat tal-Miżura B weħidha) mat-telf fis-sehem mis-suq osservat ta' [0-5] %.

(138)

Abbażi tal-analiżi fil-premessi 122 sa 131, il-Kummissjoni tivvaluta li huwa probabbli ħafna li bil-pakkett alternattiv se jintlaħaq trasferiment ta' 3 % tas-sehem mis-suq tal-klijenti SMEs.

(139)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li t-telf fis-sehem mis-suq rigward l-SMEs antiċipat fl-2009 fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar ikun jiġi ssodisfat permezz tal-pakkett alternattiv.

(140)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Miżura A hija mmirata għall-klijenti SMEs, iżda ma teskludix il-korporazzjonijiet ta' daqs medju mill-benefiċċji tal-pakkett alternattiv. Il-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni se jippermetti lill-banek itejbu u jestendu l-proposti eżistenti fil-qasam tas-servizzi bankarji lin-negozji lejn l-SMEs il-kbar u b'hekk anki lejn il-korporazzjonijiet ta' daqs medju. Pereżempju, wieħed mill-banek indika fis-sottomissjoni tiegħu wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ li kien se jinvesti sa GBP 25 miljun fi pjattaforma sofistikata ta' servizzi bankarji onlajn lin-negozji li kienet se tipprovdi kapaċitajiet diġitali sofistikati (inklużi FX u kapaċitajiet ta' pagamenti internazzjonali) lill-korporazzjonijiet żgħar, ta' daqs medju u kbar. Dan il-bank antiċipa wkoll li sa GBP 50 miljun ta' pjanijiet ta' investiment oħra kienu jkunu ta' għajnuna għalih biex jindirizza s-segmenti kollha tas-suq.

(141)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Iskema ta' Qlib Inċentivat (b'doti kbar għall-SMEs ta' daqs ikbar u aktar kumplessi) se sservi ta' inċentiv ulterjuri lill-Entitajiet Sfidanti biex itejbu aktar il-prodotti u s-servizzi tagħhom għal dawk l-SMEs kbar. Għalhekk, dawk l-Entitajiet Sfidanti se jsaħħu wkoll il-kapaċità tagħhom li jaqdu klijenti korporattivi ta' daqs medju.

(142)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-għotjiet u d-doti tal-Miżuri A u B huma kkonċentrati f'idejn dawk il-ftit Entitajiet Sfidanti b'kapaċità BCA għall-SMEs eżistenti b'saħħitha. Dawk l-Entitajiet Sfidanti se jkunu wkoll li jkun probabbli li jippruvaw jikkompetu għall-klijenti korporattivi ta' daqs medju.

(143)

Skont id-data kkalkulata mill-fornitur, is-sehem mis-suq tar-RBS kien jammonta għal mhux inqas minn [30-35] % fir-raba' (4) trimestru tal-2010 (l-ewwel punt ta' data) fis-suq għall-klijenti korporattivi b'fatturat li jaqbeż il-GBP 25 miljun. (75). Skont dik id-data, ir-RBS tilef [5-10] % tas-sehem mis-suq bejn ir-raba' (4) trimestru tal-2010 u t-tieni (2) trimestru tal-2017 fis-suq għall-SMEs b'fatturat sa GBP 25 miljun (76). B'mod simili bħal fil-każ tas-segment tal-SMEs, il-Kummissjoni tqisu aktar prudenti li wieħed juża t-telf fis-sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2011 'il quddiem milli li jintuża t-telf fis-sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2010 'l quddiem. Il-Kummissjoni tinnota li t-telf osservat fis-sehem tar-RBS mis-suq tal-klijenti korporattivi mir-raba' (4) trimestru tal-2011 sar-raba' (4) trimestru tal-2016 ([0-5] %) huwa konformi mat-telf fis-sehem mis-suq tal-SMEs ([0-5] %). It-telf osservat huwa saħansitra ikbar meta wieħed jikkunsidra t-telf fis-sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2011 sat-tieni (2) trimestru tal-2017 ([5-10] %).

(144)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-klijenti korporattivi ta' daqs medju ta' spiss jitolbu prodotti bankarji aktar kumplessi u aktar varjati. Għadd limitat ħafna biss ta' Entitajiet Sfidanti wrew interess reali f'dawk il-klijenti (77), billi l-parti l-kbira tal-entitajiet ma jkollhomx il-kapaċità biex jiżviluppaw dawk il-prodotti b'mod profittabbli. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li huwa raġjonevoli li wieħed jikkunsidra l-kummenti mir-Renju Unit fil-premessa 66(e), li jiddeskrivu fil-qosor li ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow kien se jkollha impatt iżgħar u/jew aktar inċert fuq il-kompetizzjoni fis-segment tal-korporazzjonijiet ta' daqs medju meta mqabbel mas-segment tal-SMEs.

(145)

Minkejja li huwa aktar diffiċli li wieħed jikkwantifika d-distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-impatt indirett tal-pakkett alternattiv fuq is-segment tal-korporazzjonijiet ta' daqs medju, il-Kummissjoni tqis li, flimkien mat-telf fis-sehem mis-suq osservat, il-pakkett alternattiv ikun probabbli li jilħaq impatt rilevanti għall-kompetizzjoni rigward il-korporazzjonjiet ta' daqs medju li jkun mill-inqas ekwivalenti maċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija wkoll indirizzata rigward il-klijenti korporattivi ta' daqs medju bil-Miżuri A u B.

(146)

Rigward kemm il-klijenti korporattivi ta' daqs medju u kemm il-klijenti SMEs, it-telf kapitali totali stmat tax-xenarji differenti jista' wkoll jintuża biex titqabbel l-ekwivalenza bejn iċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow u l-pakkett alternattiv.

(147)

Id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar ma kinitx tinkludi estimu tal-kost kapitali taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Madankollu, huwa raġjonevoli li wieħed juża l-estimu tal-kost kapitali ġġenerat mill-bejgħ tan-negozju Rainbow kieku jiġi segwit, element li ġie kkwantifikat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(148)

L-ispejjeż imġarrba mir-RBS mill-2009 'l quddiem biex jikkonforma mal-impenn ta' ċessjoni jammontaw għal GBP [1-3] biljun (78). Dawn ikopru diversi tipi ta' spejjeż, bl-ikbar waħda minnhom tkun dik tat-teknoloġija għall-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT separata għan-negozju Rainbow.

(149)

It-telf kapitali dirett (79) tal-pakkett alternattiv huwa iżgħar milli kieku titkompla ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Barra minn hekk, meta wieħed iżid l-ispejjeż diġà mġarrba mir-RBS, huwa ċar li l-pakkett alternattiv jinvolvi aktar spejjeż minn dawk previsti b'mod impliċitu fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar (80).

(150)

Bħala konklużjoni, bl-użu ta' dak l-indikatur, il-pakkett alternattiv kif iddikjarat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, mhux qed iħaffef il-piż finanzjarju għar-RBS, meta mqabbel ma' dak previst fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar; eventwalment, jiswa sinifikantement aktar flus.

(151)

Għall-paragun bejn id-diversi xenarji, jista' jintuża wkoll l-impatt fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1. Id-differenza bejn l-indikatur tal-proporzjon tal-Grad 1 u l-indikatur tat-telf kapitali huwa li dak tal-ewwel jikkunsidra wkoll it-tnaqqis f'RWA: jekk xi xenarju jiġġenera tnaqqis ikbar fl-assi bil-piż differenzjat skont ir-riskju, dan ikollu — abbażi ta' ċertu telf kapitali konkret — effett inqas negattiv fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1.

(152)

Iċ-ċifri dwar il-kapital tal-Grad 1 ġew ipprovduti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. It-Tabella 3 turi li l-impatt fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 tal-pakkett alternattiv huwa aktar sinifikanti. Dan donnu jirriżulta mill-fatt li jinvolvi telf ta' assi iżgħar. B'hekk, anki jekk it-telf kapitali jkun ftit iżgħar, għandu effett ftit aktar negattiv fuq il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1.

(153)

Ix-xenarji alternattivi jistgħu jitqabblu anki madwar l-assi totali. L-impatt fuq l-assi totali tal-pakkett alternattiv huwa ferm iżgħar minn dak relatat mal-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow.

(154)

L-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow kellu l-għan għaċ-ċessjoni ta' entità vijabbli. Sabiex ikun entità vijabbli, in-negozju Rainbow ried ikollu biżżejjed assi li jiġġeneraw introjtu u klijenti li jġarrbu l-ispejjeż tan-netwerk u l-infrastruttura kbar estiżi tal-fergħat tiegħu. Għalhekk, barra s-self u d-depożiti għall-SMEs, li fuqhom kienet tiffoka l-miżura mmirata biex iżżid il-kompetizzjoni fis-suq tal-SMEs, il-perimetru tan-negozju Rainbow kien jinkludi wkoll ammont kbir ta' selfiet bl-imnut u depożiti.

(155)

Il-pakkett alternattiv mhux qed jipprevedi t-trasferiment tal-assi u l-obbligazzjonijiet bl-imnut u oħrajn mhux relatati mal-SMEs. Jiffoka fuq l-ilħuq tat-trasferiment ta' parti mill-klijenti SMEs flimkien mal-assi (selfiet) u l-obbligazzjonijiet (depożiti) tagħhom. Għaldaqstant, il-pakkett alternattiv huwa ħafna iżgħar f'termini tal-ammonti tal-assi ttrasferiti, iżda jipprova jwassal riżultat simili fis-suq bankarju tal-SMEs fir-Renju Unit.

5.2.3.3.    Konklużjoni fuq l-ekwivalenza tal-pakkett alternattiv aġġornat

(156)

Mid-data tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar (14 ta' Diċembru 2009) 'il quddiem, ir-RBS ġenwinament ipprova jċedi n-negozju Rainbow, kif turi l-evidenza tal-proċeduri suċċessivi li tnedew, l-ammont sinifikanti tar-riżorsi involuti u l-ħaddiema ddedikati għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow.

(157)

B'hekk, ir-RBS ġarrab spejjeż sinifikanti (b'mod partikolari, l-ispejjeż stmati tat-tentattivi biex jiġi ċedut in-negozju Rainbow, kif deskritt fil-premessa 148).

(158)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pakkett alternattiv donnu mhux qed iħaffef ir-rekwiżiti imposti fuq ir-RBS. Fejn jidħlu l-ispejjeż, barra dawk diġà mġarrba mir-RBS fil-passat, l-implimentazzjoni tal-pakkett alternattiv ikun qed jimponi l-piż ta' kost addizzjonali fuq ir-RBS. L-ispejjeż kumulattivi mill-2009 'l quddiem ikunu ferm ogħla milli mistenni b'mod impliċitu mid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(159)

Il-pakkett alternattiv, flimkien mat-telf fis-sehem mis-suq, se jirriżulta fi tnaqqis totali fis-sehem tar-RBS mis-suq tal-SMEs, ħaġa mill-inqas ekwivalenti ma' dak previst fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar. Għalhekk it-tħassib li l-għajnuna kbira ħafna tal-2008-2009 tintuża mir-RBS biex jikkonsolida jew ikabbar is-sehem tiegħu mis-suq fis-suq diġà kkonċentrat tal-SMEs, ma jkunx aktar realistiku milli kieku ċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow ġiet implimentata kif previst mid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(160)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, sabiex jintlaħaq l-effett intiż fuq il-kompetizzjoni, il-pakkett alternattiv huwa ekwivalenti għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow.

(161)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-RBS implimenta l-Impenji u l-Impenji Emendati kollha (barra ċ-ċediment tan-negozju Rainbow) mid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar u d-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata. Għalhekk, is-sostituzzjoni nnotifikata ta' impenn wieħed ta' ċessjoni qed isseħħ fil-kuntest tal-implimentazzjoni korretta tal-bqija tal-pjan ta' ristrutturar.

6.   KONKLUŻJONI

(162)

Abbażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, tneħħew id-dubji tal-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza tal-pakkett alternattiv, li ġew espressi fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. L-emenda rigward l-impenji ma taffettwax il-konklużjoni milħuqa fid-Deċiżjoni ta' Ristrutturar u d-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata, u għalhekk l-għajnuna mill-Istat ipprovduta lir-RBS trid tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

(163)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li jinħtieġ li l-għajnuna mill-Istat potenzjali lill-benefiċjarji mill-pakkett alternattiv tiġi ddikjarata kompatibbli bħala parti neċessarja mill-impenji li abbażi tagħhom il-miżuri ta' għajnuna favur ir-RBS jiġu ddikjarati kompatibbli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sostituzzjoni tal-impenn li jiġi ċedut in-negozju Rainbow bil-pakkett alternattiv innotifikat mir-Renju Unit rigward ir-RBS hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. B'hekk qed tiġi awtorizzata s-sostituzzjoni tal-impenn li jċedi n-negozju Rainbow bil-pakkett alternattiv.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat potenzjali lill-benefiċjarji tal-pakkett alternattiv hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq..

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 142, 5.5.2017, p. 8.

(2)  ĠU C 119, 7.5.2010, p. 1.

(3)  Għal lista sħiħa tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat approvati, ara l-premessi 31 sa 77 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(4)  ĠU C 24, 23.1.2015, p. 4.

(5)  Għal stampa ġenerali tal-emendi mitluba, ara l-premessi 27 sa 49 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(6)  Premessa 73 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(7)  Skont il-premessa 73 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar, is-suq bankarju SME huwa definit bħala t-taqsima tas-suq bankarju li tkopri d-ditti b'fatturat sa GBP 25 miljun u dak tal-entitajiet ta' daqs medju bħala t-taqsima li tkopri d-ditti b'fatturat bejn GBP 25 miljun u 1 biljun.

(8)  Premessa 93 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(9)  Premessa 28 u Impenji Emendati 3.1 u 3.2(A) tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(11)  Dan it-testjar tas-suq jinkludi l-intervisti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit ma' sitt entitajiet sfidanti kbar, 12-il entità sfidanti ta' daqs iżgħar u seba' rispondenti mill-qasam tal-kapital ta' riskju u tat-teknoloġija finanzjarja kif ukoll riċerka kkummissjonata mir-RBS minn Charterhouse dwar l-imġiba tal-klijenti rigward il-qlib fil-perimetru ta' W&G. L-entitajiet sfidanti l-kbar kienu CYBG PLC; Co-op Bank; Handelsbanken; Metro Bank; Santander UK PLC; u TSB Bank. L-entitajiet sfidanti ta' daqs iżgħar kienu Aldermore Group PLC; Allied Irish Bank; Atom Bank; Cumberland Building Society; Danske Bank; Monzo; OakNorth Bank; Paragon Bank PLC; Shawbrook Bank; Starling Bank; Tesco Bank; u Virgin Money. Ir-rispondenti mill-qasam tal-kapital ta' riskju/tat-teknoloġija finanzjarja kienu British Business Bank Investments Limited; Business Growth Fund; Funding Circle; Louise Beaumont (esperta indipendenti tat-teknoloġija finanzjarja); Iwoca; Nesta; u Transferwise.

(12)  Deskrizzjoni ddettaljata tar-RBS tista' tinstab fil-premessi 4 sa 11 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata. Ċifri pro forma ewlenin mill-2008 sal-2016 huma deskritti fil-premessi 7 sa 10 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(13)  F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qed tuża r-riżultati ppubblikati mir-RBS fir-rapport u l-kontijiet annwali tiegħu għas-sena kollha tal-2016.

(14)  RWA huwa kejl tal-ammont tal-assi ta' xi bank, aġġustat skont ir-riskju. Dan il-kejl jintuża meta jiġu ddeterminati r-rekwiżiti kapitali.

(15)  Premessa 11 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(16)  Kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni mingħajr dritt tal-vot, kif deskritt f'aktar dettalji fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(17)  Stqarrija għall-istampa ta' HMT: https://www.gov.uk/government/news/government-begins-sale-of-its-shares-in-the-royal-bank-of-scotland

(18)  Stqarrija għall-istampa tar-RBS: http://otp.investis.com/clients/uk/rbs1/rns1/regulatorystory.aspx?cid=365&newsid=580941

(19)  Stqarrija għall-istampa tar-RBS: http://otp.investis.com/clients/uk/rbs1/rns1/regulatory-story.aspx?cid=365&newsid=687910

(20)  Rapporti u kontijiet annwali 2016/2017 ta' UK Financial Investments Ltd.

(21)  Deskritt fil-premessi 19 sa 25 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(22)  Entitajiet finanzjarji ġodda li jkunu qegħdin jikkompetu għan-negozju mal-4 banek nazzjonali l-kbar li ilhom stabbiliti bl-ikbar sehem mis-suq (sehem mis-suq ikkombinat ta' 82 % fl-2015) fis-suq bankarju SME u ta' daqs medju fir-Renju Unit.

(23)  Il-Korp se jiġi stabbilit bil-għan li jiffaċilita u jissorvelja t-twassil tal-pakkett alternattiv. Se jkun regolat mill-“Att ta' Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat”, li huwa att bejn HMT, il-Korp u rl-RBS rigward l-impenji.

(24)  Meta wieħed jikkunsidra l-kost kapitali bil-quddiem, l-ispejjeż annwali tal-operat tal-pakkett alternattiv, u t-telf ta' qligħ relatat mat-trasferiment ta' klijenti b'riżultat tal-Miżura B, ikkumpensat mir-rilaxx tal-kapital relatat ma' dawk il-klijenti.

(25)  Deskritti fil-premessi 37 u 38 ta' din id-Deċiżjoni.

(26)  Kont kurrenti tan-negozju (“BCA”): ifisser kont li jiġi aktar ikkummerċjalizzat għal negozji milli għal individwi li jipprovdi l-faċilità li wieħed iżomm depożiti, jirċievi u jwettaq pagamenti biċ-ċekk u/jew bil-karta ta' debitu, juża faċilitajiet ta' ATM u jwettaq pagamenti regolari b'debitu dirett u/jew ordni permanenti, iżda ma jinkludix (i) kont li fih jinżammu f'depożitu flus f'munita differenti mill-munita uffiċjali tar-Renju Unit; jew (ii) kont li fih jinżammu fondi ta' kreditu paċuti ma' dejn ipotekarju jew self (differenti minn faċilità ta' overdraft).

(27)  Deskritti fil-premessi 37 u 38 ta' din id-Deċiżjoni

(28)  B'mod simili bħall-ħatriet regolatorji skont it-Taqsima 166 tal-Att dwar is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji tal-2000.

(29)  Kif deskritt fil-premessi 37 u 38.

(30)  It-teknoloġija finanzjarja jew Fintech hija linja ta' negozju bbażata fuq l-użu ta' softwer għall-forniment ta' servizzi finanzjarji, bħas-servizzi bejn il-pari, dawk iffinanzjati minn sorsi varji (crowdsourcing), eċċ.

(31)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 23.

(32)  Il-finanzjament totali għall-istabbiliment u l-operat tal-Korp se jammonta għal GBP 20 miljun.

(33)  Servizz appoġġjat minn Bacs Payment Schemes Limited li jippermetti t-trasferiment awtomatiku tal-arranġamenti ta' pagamenti kollha lejn bank ġdid u l-għeluq ta' kont eżistenti. Ara: https://www.currentaccountswitch.co.uk

(34)  It-termini “Rainbow” u “W&G” jirreferu għall-istess perimetru ta' negozju, kif deskritt fl-Iskeda 2 tad-dokument rivedut dwar il-kundizzjonijiet anness mad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(35)  Klijent Eliġibbli jfisser klijent tad-diviżjoni tar-RBS magħrufa bħala W&G, li hija SME.

(36)  […] Sigriet tan-negozju.

(37)  L-awtoritajiet tar-Renju Unit stmaw spiża tal-implimentazzjoni ta' GBP 38 miljun għar-RBS u kost addizzjonali permanenti tal-profitt imnaqqas ta' madwar GBP […] fis-sena.

(38)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 11.

(39)  Ġew irċevuti kummenti mingħand Santander UK plc, CYBG plc, Metro Bank PLC, Aldermore Bank plc, Masthaven Bank Ltd, Paragon Bank plc, Secure Trust Bank plc, Shawbrook Bank Ltd, Virgin Money plc, OakNorth Bank Ltd, Cumberland Building Society, Tide u RBS.

(40)  Riċerka minn Charterhouse fornita lir-RBS li tkejjel is-sehem mis-suq tan-negozji b'fatturat li jaqbeż il-GBP 25M.

(41)  Ir-rapport ewlieni tas-CMA dwar l-investigazzjoni tas-suq bankarju bl-imnut, appendiċi A8.1-16, figura 12.

(42)  Ara wkoll il-Premessa 25 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(43)  

Sors: Stħarriġ minn Charterhouse Research rigward is-servizzi bankarji lin-negozji fir-raba' (4) trimestru tal-2016 dwar l-SMEs b'fatturat li jaqbeż il-GBP 0-25 miljun. Data dejjem mill-aktar 12-il xahar reċenti. Data ponderata skont ir-reġjun u l-fatturat biex tkun rappreżentattiva tan-negozji fir-Renju Unit. Daqs totali stmat tas-suq ta' […].

(44)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 23.

(45)  Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji bl-imnut (9 ta' Awwissu 2016): https://www.gov.uk/cma-cases/review-of-banking-for-small-and-medium-sized-businesses-smes-in-the-uk

(46)  Ir-RBS ikkummissjona riċerka minn Charterhouse bi klijenti eliġibbli fil-perimetru W&G biex jiġu esplorati l-attitudnijiet tagħhom lejn il-qlib u l-impatt tal-inċentivi fuq il-probabbiltà li jagħmlu dan. Ir-riċerka ffukat fuq il-klijenti tas-servizzi bankarji lin-negozji, li jikkorrispondu għal […] tal-[…] klijenti fil-perimetru W&G. Ir-riċerka kienet kemm kwantitattiva (b'kampjun rappreżentattiv ta' […] klijenti intervistati) kif ukoll kwalitattiva ([…] intervisti fil-fond).

(47)  Rispons tar-RBS għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, paragrafu 4.12.

(48)  Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji, paragrafu 8.169.

(49)  Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji, paragrafu 17.19.

(50)  Rapport ta' investigazzjoni finali tas-CMA dwar is-servizzi bankarji, paragrafu 17.14.

(51)  Dawn jinkludu l-kost kapitali bil-quddiem ta' GBP 425 miljun tal-Fond ta' Kapaċità u ta' Innovazzjoni (premessa 43), il-finanzjament għall-istabbiliment u l-operat tal-Korp ta' GBP 20 miljun (nota ta' qiegħ il-paġna 31), il-kost kapitali bil-quddiem tal-Iskema ta' Qlib Inċentivat ta' GBP 350 miljun (premessa 13) u l-ispejjeż tal-operat stmati għall-implimentazzjoni mir-RBS ta' GBP 38 miljun (nota f'qiegħ il-paġna 36).

(52)  L-awtoritajiet tar-Renju Unit jistmaw kost addizzjonali permanenti kkawżat mill-profitt imnaqqas ta' madwar GBP […] fis-sena (nota ta' qiegħ il-paġna 36).

(53)  Kif ġie analizzat fit-taqsima 5.2 tad-Deċiżjoni preżenti.

(54)  Premessa 65 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(55)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(56)  L-introjtu operatorju ta' W&G ammonta għal GBP 345M fl-2016, għal GBP 431M fl-2015, għal GBP 467M fl-2014 (sors: analiżi segmentali mir-rapporti annwali tar-RBS).

(57)  Premessa 10 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(58)  http://investors.rbs.com/~/media/Files/R/RBS-IR/results-center/rbs-group-announcement-04-08-2017.pdf

(59)  Premessa 78 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(60)  Premessa 82 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(61)  Premessa 238 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar.

(62)  Premessa 29 tad-Deċiżjoni ta' Ristrutturar Emendata.

(63)  Kif deskritt fid-dettall fil-premessi 26 sa 43 ta' din id-Deċiżjoni.

(64)  RBS, Lloyds Banking Group, HSBC u Barclays.

(65)  L-Iskema ta' Qlib Inċentivat hija deskritta fid-dettall fil-premessi 44 sa 58 ta' din id-Deċiżjoni.

(66)  Kif deskritt fil-premessa 82(a) u n-nota ta' qiegħ il-paġna 45.

(67)  Kif deskritt fil-premessa 83(a).

(68)  Kif deskritt fil-premessa 78.

(69)  Kif deskritt fil-premessa 51.

(70)  Kif deskritt fil-premessi 122 u 123 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(71)  In-numri fil-parentesi jirreferu għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow u l-pakkett alternattiv aġġornat jinkludi t-telf ta' sehem mis-suq mir-raba' (4) trimestru tal-2011 'il quddiem.

(72)  In-numri fil-parentesi jirreferu għaċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow u l-pakkett alternattiv aġġornat jinkludi GBP [1-3] biljun ta' spejjeż diġà mġarrba.

(73)  Ara l-premessa 68.

(74)  Abbażi ta' data minn Charterhouse Research ipprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 42).

(75)  Il-Kummissjoni tinnota li mhi disponibbli l-ebda data separata għas-segment tal-korporazzjonijiet ta' daqs medju u għalhekk qed jintuża s-sehem mis-suq tal-klijenti li jaqbżu l-GBP 25 miljun bħala indikatur tas-sehem mis-suq.

(76)  Abbażi ta' data minn Charterhouse Research ipprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(77)  Bħala parti mir-rispons irċevut wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(78)  L-ammont ta' GBP [1-3] biljun ġie rrikonċiljat mal-ispejjeż attwali mniżżla taħt il-programm W&G minn konsulent estern.

(79)  It-Tabella 3 tindika t-telf kapitali totali dirett tal-alternattivi differenti. It-telf kapitali totali meta wieħed iżid l-ispejjeż ta' GBP [1-3] biljun diġà mġarrba mir-RBS huwa indikat fil-parentesi.

(80)  Id-Deċiżjoni ta' Ristrutturar ma kinitx tinkludi estimu tal-kost kapitali taċ-ċessjoni tan-negozju Rainbow. Madankollu, donnu raġjonevoli li wieħed juża l-estimu tal-kost kapitali ġġenerat mill-bejgħ tan-negozju Rainbow kieku jiġi segwit, element li ġie kkwantifikat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. L-ispejjeż imġarrba mir-RBS mill-2009 'l quddiem biex jikkonforma mal-impenn ta' ċessjoni jammontaw għal GBP [1-3] biljun. Bl-ispejjeż totali ta' GBP [1-3] biljun inklużi, it-telf kapitali totali ta' GBP […]sa GBP […] jaqbeż b'mod sinifikanti l-GBP […] ta' kost kapitali li kien se jiġġenera t-telf tan-negozju Rainbow.