ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 314

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
30 ta' Novembru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2204 tas-17 ta' Novembru 2017 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Međimursko meso 'z tiblice (IĠP))

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2205 tad-29 ta' Novembru 2017 dwar regoli dettaljati rigward il-proċeduri għan-notifika ta' vetturi kummerċjali b'nuqqasijiet kbar jew perikolużi identifikati matul spezzjoni teknika waqt it-traġitt ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2206 tad-29 ta' Novembru 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

12

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2207 tad-29 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

31

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2208 tad-29 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta' allokazzjoni li trid tiġi applikata għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib li għandhom jiġu esportati lejn ir-Repubblika Dominikana skont il-kwota msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1187/2009

33

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2204

tas-17 ta' Novembru 2017

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Međimursko meso 'z tiblice” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Kroazja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Međimursko meso 'z tiblice” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk id-denominazzjoni “Međimursko meso 'z tiblice” jenħtieġ li tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Međimursko meso 'z tiblice” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 252, 3.8.2017, p. 17.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2205

tad-29 ta' Novembru 2017

dwar regoli dettaljati rigward il-proċeduri għan-notifika ta' vetturi kummerċjali b'nuqqasijiet kbar jew perikolużi identifikati matul spezzjoni teknika waqt it-traġitt

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/47/UE, f'każijiet fejn, fost affarijiet oħra, jiġu identifikati nuqqasijiet kbar jew perikolużi f'vettura li mhijiex irreġistrata fl-Istat Membru tal-ispezzjoni, il-punt ta' kuntatt għandu jinnotifika r-riżultati tal-ispezzjoni lill-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. In-notifika għandu jkun fiha l-elementi tar-rapport tal-ispezzjoni waqt it-traġitt kif stipulat fl-Anness IV tagħha, li jkollu jitfassal mill-ispettur mat-tlestija ta' spezzjoni aktar dettaljata b'konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/47/UE.

(2)

Sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali, jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' notifika.

(3)

B'konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/47/UE, in-notifika għandha preferibbilment tiġi kkomunikata permezz tar-reġistru elettroniku nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jispeċifika l-kontenut minimu obbligatorju tar-reġistri elettroniċi nazzjonali. Madankollu, l-elementi tar-rapport tal-ispezzjoni waqt it-traġitt kif stipulat fl-Anness IV tad-Direttiva 2014/47/UE ma jagħmlux parti minn dak il-kontenut minimu obbligatorju.

(5)

L-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jipprevedi li r-reġistri elettroniċi nazzjonali għandhom ikunu interkonnessi.

(6)

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u l-ambitu limitat li jirriżulta tar-Reġistri Ewropej tas-sistema tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), in-notifika stabbilita fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/47/UE ma tistax tiġi trażmessa permezz tar-reġistri elettroniċi nazzjonali bl-użu ta' dik is-sistema.

(7)

Madankollu, sabiex jiġu evitati piżijiet u spejjeż amministrattivi mhux meħtieġa, jenħtieġ li tintuża l-arkitettura tas-sistema tal-ERRU biex tiġi żviluppata s-sistema ta' messaġġi għan-notifika stipulata bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/47/UE.

(8)

Ir-regoli komuni għall-interkonnessjoni permezz tal-ERRU huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1213/2010 (3).

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 (4) se jintroduċi xi emendi sinifikanti għall-funzjonalitajiet ġenerali tal-ERRU u se jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1213/2010 mit-30 ta' Jannar 2019. Is-sistema ta' messaġġi li tintuża għan-notifika tal-ispezzjoni waqt it-traġitt (RSI) se tissawwar fuq il-funzjonalitajiet ġenerali tal-ERRU.

(10)

Għalhekk, sabiex jiġu limitati l-piżijiet u l-proċeduri amministrattivi u biex tiġi żgurata l-koerenza, huwa meħtieġ li s-sistema ta' messaġġi li tintuża għan-notifiki wara RSI ssir applikabbli wkoll mit-30 ta' Jannar 2019.

(11)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, kif stipulati b'mod partikolari permezz tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), japplikaw għall-ipproċessar ta' kwalunkwe dejta personali skont id-Direttiva 2014/47/UE. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri xierqa ta' sigurtà sabiex jipprevjenu l-użu ħażin tad-dejta personali.

(12)

Meta applikabbli, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, kif stipulati bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), japplikaw għall-ipproċessar ta' kwalunkwe dejta personali skont id-Direttiva 2014/47/UE.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma adottati skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli applikabbli għan-notifika tar-riżultati ta' spezzjoni teknika waqt it-traġitt (RSI) ta' vetturi kummerċjali b'nuqqasijiet kbar jew perikolużi kkomunikati permezz tas-sistema tal-RSI msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/480, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Messaġġ tal-RSI” tfisser il-messaġġ ta' notifika wara spezzjoni teknika aktar dettaljata waqt it-traġitt kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/47/UE, mibgħut permezz tas-sistema tal-RSI jew permezz ta' netwerk sigur f'format strutturat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

“Rapport aktar dettaljat tal-RSI” tfisser id-dokument maħruġ wara spezzjoni aktar dettaljata waqt it-traġitt kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/47/UE.

(3)

“Stat Membru tar-reġistrazzjoni” tfisser l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-vettura jew, f'każijiet fejn il-vettura ma tkunx soġġetta għal reġistrazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fejn din titqiegħed fis-servizz.

Artikolu 3

Is-sistema tal-RSI

1.   Il-Kummissjoni għandha twaqqaf sistema ta' messaġġi (is-sistema tal-RSI) li tuża l-arkitettura tas-sistema ta' messaġġi tar-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq b'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/480. Is-sistema tal-RSI għandha tiffaċilita l-obbligu ta' notifika stipulat fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/47/UE.

2.   Is-sistema tal-RSI għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I, fil-punti 1 u 2 tal-Anness III, fl-Annessi V, VI u VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/480 u fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

In-notifika

1.   Il-punt ta' kuntatt tal-Istat Membru li jkun wettaq l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt għandu jinnotifika mingħajr dewmien ir-riżultati tal-ispezzjoni lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

2.   L-Istat Membru li jmexxi l-ispezzjoni teknika waqt it-traġitt għandu jinnotifika lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni bl-użu tas-sistema tal-RSI, skont il-proċeduri u r-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-Anness.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta' Ġunju 2020.

Madankollu, l-Artikolu 4(1) għandu jibda japplika mill-20 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1213/2010 tas-16 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta' April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010 (ĠU L 87, 2.4.2016, p. 4).

(5)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).


ANNESS

Ir-rekwiżiti minimi għall-kontenut tal-messaġġi XML

1.   Intestatura

Kull messaġġ XML li jiġi skambjat mas-sistema għandu jkollu l-istess intestatura biex jiġu identifikati l-persuna li tkun bagħtitu, id-destinatarju, id-data u l-ħin li ntbagħat, u xi informazzjoni teknika.

Intestatura Komuni

Obbligatorja

Verżjoni

Il-verżjoni uffiċjali tal-ispeċifikazzjonijiet XML għandha tiġi speċifikata fl-ispazju tal-isem definit fil-fajl tad-Definizzjoni tal-Iskema XML (XSD) tal-messaġġ u fl-attribut tal-verżjoni tal-element tal-intestatura ta' kull messaġġ XML. In-numru tal-verżjoni (“n.m”) għandu jiġi definit bħala valur fiss f'kull rilaxx tal-XSD.

Iva

Identifikatur tat-Test

ID fakultattiv għall-ittestjar. L-oriġinatur tat-test għandu jimla l-ID u kull parteċipant fil-fluss tax-xogħol għandu jgħaddi 'l quddiem/jirritorna l-istess ID. Fil-produzzjoni dan għandu jiġi injorat, u jekk jingħata ma għandux jintuża.

Le

Identifikatur Tekniku

UUID li jidentifika b'mod uniku kull messaġġ individwali. Min jibgħat il-messaġġ jiġġenera UUID u jimla dan l-attribut. Din id-dejta ma tintużax f'xi kapaċità kummerċjali.

Iva

Identifikatur tal-Fluss tal-Ħidma

L-ID tal-fluss tal-ħidma hija UUID u għandha tiġi ġġenerata mill-Istat Membru tar-rikjesta. Imbagħad din l-ID tintuża fil-messaġġi kollha biex tikkorrelata l-fluss tal-ħidma.

Iva

Mibgħut Fi

Id-data u l-ħin fil-format ta' Ħin Universali Koordinat (UTC) meta ntbagħat il-messaġġ.

Iva

Skadenza

Dan hu attribut fakultattiv tad-data u tal-ħin (fil-format ta' UTC). Dan il-valur għandu jiġi ssettjat biss mill-Hub għar-rikjesti mgħoddijin 'il quddiem. Dan għandu jinforma lill-Istat Membru tat-tweġiba dwar il-ħin meta tkun se tiskadi r-rikjesta. Huwa fakultattiv u allura l-istess definizzjoni tal-intestatura tista' tintuża għat-tipi kollha ta' messaġġi kemm jekk ikun meħtieġ l-attribut tal-Iskadenza kif ukoll jekk ma jkunx.

MHUX UŻATI, peress li nibagħtu notifiki biss, mhi mistennija l-ebda risposta.

Le

Mingħand

Il-kodiċi Alfa 2 tal-ISO 3166-1 tal-Istat Membru li jibgħat il-messaġġ jew “EU” (“EU” tintuża meta jintbagħtu messaġġi ta' żball mill-Hub).

Iva

Lil

Il-kodiċi Alfa 2 tal-ISO 3166-1 tal-Istat Membru li jkun qed jintbagħatlu l-messaġġ jew “EU” (“EU” tintuża meta jintbagħtu messaġġi ta' żball lill-Hub).

Iva

2.   Rapport Aktar Dettaljat

F'każ ta' komunikazzjoni tar-riżultat ta' spezzjoni teknika aktar dettaljata waqt it-traġitt, il-messaġġ tal-RSI u l-messaġġ ta' konferma li jintbagħat awtomatikament għandhom ikunu komposti kif ġej.

Sabiex tiġi ffaċilitata n-notifika, il-lista ta' kontroll stipulata fl-Anness IV, ir-raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2014/47/UE għandhom ikunu inklużi fil-messaġġ tal-RSI bħala kontenut fakultattiv.

Il-messaġġ tal-RSI għandu dejjem jintbagħat mill-Istat Membru tal-ispezzjoni lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni. L-irċevuta tal-messaġġ tal-RSI ma għandhiex tiġi rrifjutata.

Il-messaġġ ta' konferma jservi biex jiġi kkonfermat li jkun wasal il-messaġġ tan-notifika.

Talba għal Notifika ta' RSI

Obbligatorja

Identifikatur tal-Każ tan-Negozju

Numru tas-serje jew ta' referenza li jidentifika kull każ individwali.

L-ID tal-każ tista' tintuża biex tinżamm konnessjoni meta aktar minn fluss wieħed ta' messaġġi jintuża biex jittratta l-istess każ, pereżempju meta tintbagħat notifika inizjali u warajha oħra aktar dettaljata, u t-tnejn li huma jkunu relatati mal-istess każ.

(Test)

Iva

Awtorità Emittenti

L-awtorità kompetenti li toħroġ il-messaġġ tal-RSI.

(Test)

Iva

Dettalji tal-RSI

Iva

Identifikatur tal-RSI

L-ID uniku tal-RSI fl-Istat Membru tal-ispezzjoni.

Jiffaċilita l-komunikazzjoni u jippermetti li l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni jitlob għal aktar dettalji lill-Istat Membru tal-ispezzjoni, li jista' jużah biex ifittex fil-bażi tad-dejta rispettiv.

(Test)

Le

Post

Il-post fejn seħħ l-RSI. Jista' jkun l-koordinati eżatti, il-muniċipalità, il-belt jew ir-raħal, eċċ.

(Test)

Iva

Data/Ħin

Id-data tal-RSI fl-ISO 8601 f'Format ta' UTC (SSSS-XX-JJTss:mm:ssZ)

Iva

Spettur

L-isem tal-uffiċjal, tal-ispettur jew tal-awtorità li mexxa/mexxiet l-RSI.

(Test)

Iva

Dettalji tal-Vettura

Iva

Kategorija

Il-kategorija tal-vettura.

N2 (3,5 sa 12-il t)

N3 (aktar minn 12-il t)

O3 (3,5 sa 12-il t)

O4 (aktar minn 10 t)

M2 (> 9 sits sa 5 t)

M3 (> 9 sits u aktar minn 5 t)

T5

T1b,

T2b,

T3b,

T4.1b,

T4.2b

T4.3b

Kategorija oħra ta' vettura

(Lista bl-għażla, b'element wieħed biss magħżul)

Iva

Kategorija oħra

Speċifika l-kategorija l-oħra:

M1, N1, O1, O2, T1a, T2a, T3a, T4a, T4.1a, T4.2a, T4.3a, C, R1a, R1b, R2a, R2b, R3a, R3b, R4a, R4b, S1a, S1b, S2a, S2b, L1e, L2e, L3e, L4e, L5e, L6e, L7e

(Lista bl-għażla, b'element wieħed biss magħżul, jekk tintgħażel “Oħra” biss iżda mhix obbligatorja)

Le

Reġistrazzjoni

In-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

(Test)

Iva

VIN

In-numru tal-identifkazzjoni tal-vettura.

(Test)

Iva

Odometru

Il-qari tal-odometru tal-vettura fil-mument tal-RSI.

IMPORTANTI: Jekk ikun hemm odometru mwaħħal, din il-kaxxa trid jimtela, jew inkella niżżel “0”.

(Numru)

Iva

Impriża tat-Trasport/Dettalji tad-Detentur

Iva (Waħda minnhom trid timtela, Impriża jew Detentur)

 

Impriża tat-Trasport

Iva (fil-każ ta' Impriża biss)

Isem l-Impriża

Isem l-impriża tat-trasport.

(Test)

Iva

Indirizz tal-Impriża

L-indirizz tal-impriża tat-trasport (l-indirizz, il-kodiċi postali, il-belt u l-pajjiż).

(Test)

Iva

Il-Liċenzja Komunitarja tal-Impriża

In-numru tal-liċenzja Komunitarja (skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1072/2009 u (KE) Nru 1073/2009)

IMPORTANTI: Jekk il-liċenzja Komunitarja tkun magħrufa, trid timtela.

(Test)

Iva

 

Id-detentur (f'każ ta' ebda impriża)

Iva (f'kaz ta' Detentur biss)

 

Kumpanija

Iva (jekk id-Detentur ikun kumpanija biss)

Isem

Isem il-kumpanija tad-Detentur

(Test)

Iva

Indirizz

L-indirizz tal-kumpanija tad-Detentur (l-indirizz, il-kodiċi postali, il-belt u l-pajjiż).

(Test)

Iva

Persuna fiżika

Iva (jekk id-Detentur ikun persuna fiżika biss)

Kunjom

Kunjom id-Detentur.

(Test)

Iva

Isem

Isem (ismijiet) id-Detentur.

(Test)

Iva

Indirizz

L-indirizz tad-Detentur (l-indirizz, il-kodiċi postali, il-belt u l-pajjiż).

(Test)

Iva

Ċertifikat tar-reġistrazzjoni

Numru taċ-“Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni”.

Le

Dettalji tas-Sewwieq

Iva

Kunjom

Kunjom is-sewwieq.

(Test)

Iva

Isem

Isem (ismijiet) is-sewwieq.

(Test)

Iva

Liċenzja tas-Sewqan

In-numru tal-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq. Jekk huwa possibbli, għal identifikazzjoni aħjar.

(Test)

Le

Il-pajjiż tal-Liċenzja tas-Sewqan

Il-pajjiż fejn inħarġet il-liċenzja tas-sewqan b'kodiċi ta' żewġ ittri alfa 2 tal-ISO 3166-1.

Le

Element iċċekkjat

(din it-taqsima tiġi ripetuta għal kull Element Iċċekkjat; obbligatorja għal messaġġ ta' RSI u mbagħad mill-inqas element wieħed irid ikun indikat bħala iċċekkjat)

Iva

Element

L-elementi definiti fil-lista ta' kontroll tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/47/UE.

Jekk element jintgħażel, dan ifisser li jkun ġie ċċekkjat.

Elementi fil-lista:

(0)

Identifikazzjoni

(1)

Tagħmir tal-ibbrejkjar

(2)

Stering

(3)

Viżibbiltà

(4)

Tagħmir tat-tidwil u sistema elettrika

(5)

Fusijiet, roti, tajers, sospensjoni

(6)

Xażi u aċċessorji tax-xażi

(7)

Tagħmir ieħor inklużi t-takografu u l-apparat ta' limitazzjoni tal-ispid

(8)

Fastidju inklużi l-emissjonijiet u t-tixrid ta' fjuwil u/jew ta' żejt

(9)

Testijiet addizzjonali għall-vetturi tal-kategoriji M2 u M3

(10)

Irbit tal-merkanzija

(Lista bl-għażla, b'element wieħed biss magħżul)

Iva

Ma għaddiex?

Għal kull Element iċċekkjat ir-riżultat tal-kontroll (Għadda/Ma għaddiex): Veru jekk Ma għaddiex

(Veru/Falz)

Iva

 

Dettall tal-element iċċekkjat

(Jekk ir-riżultat Ma għaddiex, għal kull element iċċekkjat din it-taqsima tiġi ripetuta għal kull nuqqas misjub)

Le (Jekk ir-riżultat ikun li Ma għaddiex biss, iżda mhux obbligatorju li jiġu indikati aktar dettalji)

Raġuni għaliex element ma jgħaddix mit-test

Għal kull Element iċċekkjat = Ma għaddiex, id-dettall tan-nuqqas kif definit fl-Anness II tad-Direttiva 2014/47/UE.

Elementi fil-lista:

0.1.a IDENTIFIKAZZJONI TAL-VETTURA > Pjanċi tar-Reġistrazzjoni (jekk meħtieġ mir-rekwiżiti) > Pjanċa/i nieqsa/neqsin jew tant mhux imwaħħla sew li aktarx taqa'/jaqgħu.

1.1.1.a TAGĦMIR TAL-IBBREJKJAR > Kundizzjoni u tħaddim mekkaniċi > Pern tal-pedal/liver tal-brejk ta' servizz > Pern magħfus wisq.

6.2.5.a.1 XAŻI U AĊĊESSORJI TAX-XAŻÌ > Kabina u karrozzerija > Sit tas-sewwieq > Sit bi struttura difettuża.

Eċċ.

(Lista bl-għażla, element wieħed biss magħżul, jekk ikun hemm aktar minn nuqqas wieħed din is-subtaqsima għandha tiġi ripetuta għal kull wieħed minnhom)

Il-valutazzjoni tan-nuqqas mhijiex indikata, l-għarfien huwa skont l-Anness II tad-Direttiva 2014/47/UE.

IMPORTANTI: Fl-Anness II, mhumiex numerati xi raġunijiet għaliex elementi ma jgħaddux mit-test, jiġifieri 6.2.5.a għandha żewġ għażliet, biex wieħed ikun jaf għal-liema waħda qed nirreferu dawn għandhom ikunu numerati 1 u 2 fis-sistema.

Iva

Rettifikat?

In-nuqqas ġie rettifikat fl-Istat Membru tal-ispezzjoni? Veru = Iva

(Veru/Falz)

Le

Riżultat tal-ispezzjoni

Iva

Riżultat tal-ispezzjoni

Ir-riżultat tal-RSI (Għadda/Ma għaddiex): Veru jekk Għadda

(Veru/Falz)

Iva

Projbizzjoni jew Restrizzjoni

Projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-użu tal-vettura, li għandha nuqqasijiet perikolużi.

(Veru/Falz)

Iva

PTI Mitluba?

L-Istat Membru tal-ispezzjoni qed jitlob lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni biex iwettaq spezzjoni teknika perjodika? Veru = Iva

(Veru/Falz)

Iva


Konferma ta' Notifika ta' RSI

(Mibgħuta awtomatikament)

Obbligatorja

Kodiċi tal-Istatus

Il-kodiċi tal-istatus tal-konferma.

(Lista bl-għażla, b'element wieħed biss magħżul)

Iva

Messaġġ tal-Istatus

Kummenti addizzjonali dwar il-Kodiċi tal-Istatus.

(Test)

Le


30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2206

tad-29 ta' Novembru 2017

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

(1)

F'Lulju 2005, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom (“pallet trucks tal-idejn”) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”). Il-miżuri kkonsistew f'dazju anti-dumping ad valorem li jvarja bejn 7,6 % u 46,7 % (“il-miżuri oriġinali”).

(2)

F'Lulju 2008, permezz tar-Regolament (KE) Nru 684/2008 (3), il-Kunsill, wara rieżami interim parzjali ex officio skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, iċċara l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri u eskluda mill-miżuri anti-dumping oriġinali ċerti prodotti, high lifters, stackers, scissor lifts u weighing trucks, li nstab li kienu distinti minn pallet trucks tal-idejn minħabba l-karatteristiċi u l-funzjonijiet tagħhom u l-użi finali speċifiċi tagħhom.

(3)

F'Ġunju 2009, skont ir-Regolament (KE) Nru 499/2009 (4), il-Kunsill, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, estenda d-dazju anti-dumping definittiv applikabbli “għall-kumpaniji l-oħra kollha” impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għal pallet trucks tal-idejn ikkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk ġew iddikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja, kif ukoll jekk le.

(4)

F'Ottubru 2011, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 (5), il-Kunsill, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn li joriġinaw fir-RPĊ.

(5)

F'April 2013, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 (6), il-Kunsill, wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, emenda r-Regolament (UE) Nru 1008/2011, u impona rata ta' dazju ta' 70,8 % applikabbli għall-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni ta' pallet trucks tal-idejn li joriġinaw fir-RPĊ.

(6)

F'Settembru 2014, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 946/2014 (7), il-Kummissjoni, wara rieżami ta' esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, emendat ir-Regolament (UE) Nru 1008/2011 li jimponi rata' ta' dazju individwali ta' 54,1 % fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co.

(7)

F'Awwissu 2016. permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1346 (8), il-Kummissjoni, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, estendiet id-dazji anti-dumping definittivi fis-seħħ għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn kemm kemm immodifikati li jinkorporaw sistema ta' indikazzjoni tal-piż mhux integrata fix-xażi (il-frieket) li joriġinaw fir-RPĊ.

(8)

Il-miżuri li bħalissa qegħdin fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-RPĊ li jikkonsistu f'dazju ad valorem stabbilit għal 70,8 %.

1.2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(9)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti (9) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għat-tnedija ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri fis-seħħ kontra r-RPĊ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(10)

It-talba tressqet minn żewġ produtturi tal-Unjoni, Toyota Material Handling Manufacturing Sweden AB u PR Industrial S.r.l. (“l-applikanti”), li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom.

(11)

It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta' dumping u għal kontinwazzjoni ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(12)

Billi ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, fit-12 ta' Ottubru 2016 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10) (“Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Investigazzjoni parallela għal ċirkomvenzjoni possibbli

(13)

Fid-19 ta' Lulju 2017, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1348 (11), il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ minn importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom ikkonsenjati mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Vjetnam kif ukoll jekk le, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku.

1.5.   L-investigazzjoni

1.5.1.   Il-partijiet interessati

(14)

Fin-Notifiki ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-applikanti, lill-produtturi l-oħra magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-awtoritajiet Ċiniżi, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(15)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali sal-limitu ta' żmien stipulat fin-Notifika ta' Bidu.

1.6.   Pajjiż analogu

(16)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hi kkunsidrat lill-Brażil bħala pajjiż terz bl-ekonomija tas-suq (“pajjiż analogu”) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar din l-għażla. Ma ġie rċevut l-ebda kumment.

(17)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet Brażiljani u informat liż-żewġ produtturi magħrufin tal-pallet trucks tal-idejn fil-Brażil dwar il-bidu u stednithom jipparteċipaw. Wieħed mill-produtturi fil-Brażil kien lest li jikkoopera. L-ebda produttur ieħor magħruf, u l-ebda produttur ieħor Brażiljan, ma wieġeb.

(18)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll il-kooperazzjoni ta' produtturi magħrufa f'pajjiżi analogi potenzjali oħra u kkuntattjat lill-awtoritajiet rilevanti fil-Kambodja, fl-Indja, fil-Malasja, fit-Tajwan, fit-Turkija u fl-Istati Uniti u stednithom jipprovdu l-ismijiet u l-indirizzi ta' assoċjazzjonijiet ta' produtturi u produtturi li huma magħrufa li jipproduċu u jbigħu pallet trucks tal-idejn fis-suq tagħhom. Madankollu, l-ebda wieħed mill-pajjiżi li ġew ikkuntattjati ma pprovda tali informazzjoni u l-ebda produttur minn dawn il-pajjiżi ma kien lest jikkoopera.

(19)

Kif imsemmi fil-premessa 17 ta' hawn fuq, ġiet riċevuta kooperazzjoni biss mill-Brażil fejn instab li wieħed miż-żewġ produtturi l-kbar fil-pajjiż kien lest li jikkoopera. Fi kwalunwke każ, wara eżaminazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni tas-suq disponibbli, il-Brażil hu meqjus pajjiż analogu xieraq anki minħabba s-suq kompetittiv tiegħu. L-eżistenza ta' kompetizzjoni ġenwina hi mixhuda mill-preżenza ta' mill-inqas żewġ produtturi domestiċi u mill-fatti dwar l-importazzjonijiet. Il-Brażil ma għandux miżuri anti-dumping fis-seħħ u minkejja dazju normali tal-importazzjoni tal-MFN ta' 14 %, is-suq Brażiljan tqies li hu miftuħ għall-importazzjonijiet, kif turi data disponibbli għall-pubbliku mill-ITC dwar l-importazzjonijiet (12) għas-snin mill-2012 sal-2016. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda indikazzjoni li l-Brażil ma jkunx għażla xierqa meta titqies is-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tiegħu. Għalhekk, il-Brażil intgħażel bħala pajjiż analogu.

1.7.   Kampjunar

(20)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li jaf tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.7.1.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(21)

Minħabba għadd potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, fin-Notifika ta' Bidu kien previst kampjunar.

(22)

Sabiex jiġi deċiż jekk ikunx meħtieġ kampjunar u, jekk dan ikun il-każ, sabiex jintgħażel kampjun, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ intalbu jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-rieżami u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' bidu lill-Kummissjoni. Madankollu, ħadd minn dawn il-produtturi esportaturi ma ppreżenta ruħu. Għalhekk, il-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.7.2.   Kampjun tal-importaturi

(23)

Minħabba l-għadd apparentament kbir ta' importaturi mhux relatati tqies xieraq li, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jiġi eżaminat jekk jenħtieġx li jintuża l-kampjunar. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jittieħdu kampjuni u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq intalbu jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-rieżami u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' bidu lill-Kummissjoni. Madankollu, l-ebda importatur mhux relatat ma ppreżenta ruħu biex jikkoopera. Għalhekk, il-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.7.3.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(24)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet proviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Skont it-talba għal rieżami, fl-Unjoni hemm sitt produtturi ta' pallet trucks tal-idejn. Ħames produtturi tal-Unjoni ppreżentaw ruħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju eżistenti. Produttur addizzjonali wieħed tal-Unjoni kien magħruf fiż-żmien tal-bidu. Dawn is-sitt produtturi tal-Unjoni jirrappreżentaw il-produzzjoni kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kellha l-għan li tinvestiga s-sitt produtturi kollha u ma ġie applikat l-ebda kampjunar. Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha b'dan u stednithom jikkummentaw. Ma ġie rċevut l-ebda kumment qabel l-iskadenza.

1.8.   Kwestjonarji

(25)

Intbagħtu kwestjonarji lis-sitt produtturi magħrufa tal-Unjoni u liż-żewġ produtturi tal-pallet trucks tal-idejn fil-Brażil. Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand ħames produtturi tal-Unjoni u mingħand produttur wieħed tal-pallet trucks tal-idejn fil-Brażil.

(26)

L-ebda wieħed mill-utenti ma bagħat lill-Kummissjoni xi informazzjoni jew għamel lilu nnifsu magħruf matul l-investigazzjoni.

1.9.   Żjarat ta' verifika

(27)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa biex tiddettermina l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping u ta' ħsara li tirriżulta u tal-interess tal-Unjoni. Żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi tal-Unjoni:

PR Industrial S.r.l., Casole d'Elsa, l-Italja

Toyota Material Handling Manufacturing Sweden AB, Mjölby, l-Iżvezja

Logitrans A/S - Denmark, Ribe, id-Danimarka

ZAKREM Sp. z o.o., Grajewo, il-Polonja

VMH - Material Handling s. r. o., Veľký Šariš, is-Slovakkja

 

Produttur fil-pajjiż analogu:

Paletrans Equipamentos, Cravinhos, il-Brażil

1.10.   Perjodu ta' investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(28)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2015 u t-30 ta' Settembru 2016 (“il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sat-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

(29)

Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażì u l-idrawlika, li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet NM eks 8427 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 8427900011, 8427900013 u 8427900019) u eks 8431 20 00 (il-kodiċijiet TARIC 8431200011, 8431200013 u 8431200019), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-miżuri anti-dumping fir-rigward ta' dan il-prodott ġew estiżi għall-istess prodott iżda ġew ippreżentati fl-importazzjoni b'hekk-imsejħa “sistema ta' indikazzjoni tal-piż” li tikkonsisti f'mekkaniżmu tal-użin mhux integrat fix-xażì, jiġifieri mhux integrat fil-frieket, li bħalissa jaqa' fil-kodiċijiet TARIC 8427900030 u 8431200050 (“il-prodott taħt rieżami”). Id-definizzjoni tal-prodott ta' hawn fuq ġiet aġġornata skont ir-rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta' Awwissu 2016 (13).

(30)

L-investigazzjoni kkonfermat li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott taħt rieżami u l-prodotti mmanifatturati u mibjugħin fis-suq domestiku fir-RPĊ, il-prodotti mmanifatturati u mibjugħin fis-suq tal-pajjiż analogu, kif ukoll dawk immanifatturati u mibjugħin fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi u huma, għalhekk, meqjusin bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW TA' RIKORRENZA TA' DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(31)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx qed iseħħ dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hijiex probabbli li twassal għal kontinwazzjoni jew għal rikorrenza ta' dumping.

(32)

Kif imsemmi fil-premessa 22, l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera f'din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ċiniżi li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-fatti disponibbli jistgħu jintużaw fir-rigward tal-produttur esportatur Ċiniż sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx dumping fil-preżent u l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta mingħand l-awtoritajiet Ċiniżi f'dan ir-rigward.

(33)

Abbażi ta' dan, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza tad-dumping u tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod partikolari:

(i)

l-informazzjoni inkluża fit-talba,

(ii)

l-istatistiki tal-Eurostat u d-data rrapportata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)”),

(iii)

l-istatistika disponibbli għall-pubbliku tal-Istatistika dwar l-Esportazzjonijiet Ċiniżi,

(iv)

l-istatistika disponibbli għall-pubbliku tad-DataWeb Interattiva dwar il-Kummerċ tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istati Uniti dwar il-Kummerċ (“U.S. International Trade Commission Interactive Trade DataWeb”) (USITC DataWeb), li tuża data miksuba mill-Bureau għaċ-Ċensiment tal-Istati Uniti (“U.S. Bureau of the Census”),

(v)

l-istatistika disponibbli għall-pubbliku tat-“Trade Map” tad-Diviżjoni tal-Analiżi u r-Riċerka tas-Suq taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ (ITC) f'Ġinevra, l-Iżvizzera.

3.2.   Dumping

3.2.1.   Produtturi esportaturi li ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq fl-investigazzjoni oriġinali

3.2.1.1.   Valur normali

(34)

Produttur esportatur wieħed ingħata trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”) fir-rieżami ta' esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku msemmi fil-premessa 7. Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-valur normali għal dan il-produttur esportatur għalhekk kien ibbażat fuq il-fatti disponibbli.

(35)

Il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezz tal-esportazzjonijiet lejn pajjiż terz xieraq li tnaqqsu għal livell ta' kif il-prodott joħroġ mill-fabbriki Ċiniżi. F'dan il-każ intużat id-data dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn li joriġinaw fiċ-Ċina għal ġol-Istati Uniti (14). Fl-2016 ġew impurtati madwar 424 000 pallet trucks tal-idejn fl-Istati Uniti li joriġinaw fir-RPĊ f'valur ta' madwar US$ 76,115 miljun. Il-prezz mill-fabbrika ġie kkalkulat wara li ġiet applikata r-rata tal-kambju medja tal-EURO għall-istess sena u wara li tnaqqas l-istess livell ta' aġġustamenti għall-ġarr tal-merkanzija bil-baħar (5,5 %), għall-assigurazzjoni fuq it-trasport bil-baħar (0,05 %) u għall-ġarr tal-merkanzija fuq l-art (1,67 %) kif użati fis-sejbiet tar-rieżami interim parzjali msemmi fil-premessa 5.

(36)

Fil-kuntest ta' dan ir-rieżami ta' skadenza, din ġiet ikkunsidrata bħala l-aktar metodoloġija raġonevoli minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni oħra disponibbli minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni.

3.2.1.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(37)

Il-prezz tal-esportazzjoni għal dan il-produttur esportatur ġie bbażat fuq l-importazzjonijiet tiegħu fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-reviżjoni kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

3.2.1.3.   Paragun

(38)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti fuq bażi ta' kif joħorġu mill-fabbrika. Għall-iskop ta' tqabbil ġust, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ġew aġġustati għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-ġarr tal-merkanzija bil-baħar, għall-kostijiet tal-immaniġġar u għall-ġarr tal-merkanzija fuq l-art msejsa fuq l-informazzjoni użata fis-sejbiet tar-rieżami interim parzjali msemmija fil-premessa 5 skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.2.1.4.   Marġni ta' dumping

(39)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat kif stabbilit hawn fuq skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(40)

Abbażi ta' dan, il-marġni medju ponderat ta' dumping espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, fejn id-dazju mhux imħallas kien ta' 5,7 % għal Ningbo Logitrans Handling Equipment Co.

3.2.2.   Produtturi esportaturi li ma ngħatawx trattament ta' ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni oriġinali

3.2.2.1.   Valur normali

(41)

Għal dawk il-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx TES fl-investigazzjoni oriġinali, jenħtieġ li l-valur normali jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz bl-ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”).

(42)

Kif spjegat fil-premessi 16 sa 18, il-Brażil intgħażel bħala pajjiż analogu u produttur wieħed fil-Brażil ikkoopera fl-investigazzjoni. Il-valur normali f'dan ir-rigward ġie stabbilit abbażi tal-prezz mill-fabbrika għall-bejgħ ta' pallet trucks tal-idejn fil-pajjiż analogu, li jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-bejgħ totali, u nbena fil-każijiet l-oħra kollha skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

3.2.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(43)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku abbażi tal-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6) għall-importazzjonijiet li saru fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. B'mod partikolari, kif imsemmi fil-Premessa 70 il-prezzijiet tal-importazzjoni ntużaw biex jiġi kkalkulat il-prezz tal-esportazzjoni waqt il-PIR billi jnaqqas minn dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni l-istess livell ta' aġġustamenti għall-merkanzija fuq il-baħar, għall-kostijiet tal-immaniġġar u għall-ġarr tal-merkanzija fuq l-art bħalma ntużaw fis-sejbiet tar-rieżami interim parzjali msemmija fil-premessa 5.

3.2.2.3.   Paragun

(44)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti fuq bażi ta' kif joħorġu mill-fabbrika. Fejn dan kien iġġustifikat għall-iskop ta' tqabbil ġust, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ġew aġġustati għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-ġarr tal-merkanzija bil-baħar, għall-kostijiet tal-immaniġġar u għall-ġarr tal-merkanzija fuq l-art msejsa fuq l-informazzjoni użata fis-sejbiet tar-rieżami interim parzjali msemmija fil-premessa 5 skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.2.2.4.   Marġni ta' dumping

(45)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat kif stabbilit hawn fuq skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(46)

Abbażi ta' dan, il-marġni medju ponderat ta' dumping iddikjarat bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u l-ġarr (cost, insurance, freight, CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas kien ta' 29,2 % għall-produtturi kollha tar-RPĊ li ma ngħatawx trattament ta' ekonomija tas-suq waqt l-investigazzjoni oriġinali.

3.2.3.   Żviluppi tal-importazzjonijiet f'każ li jitħassru l-miżuri

(47)

Wara li rriżulta dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping fil-każ li jitħassru l-miżuri. Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi f'pajjiżi terzi oħrajn u kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni.

(48)

Minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-prodotturi esportaturi Ċiniżi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri s-sorsi msemmija fil-premessa 22.

3.2.4.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fiċ-Ċina

(49)

Fir-rigward tal-produzzjoni u tal-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina, fin-nuqqas ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, l-analiżi saret abbażi tad-data li ġiet ippreżentata waqt l-investigazzjoni mill-applikanti għall-akbar 22 produttur Ċiniż.

(50)

Abbażi ta' dan, il-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina ġiet stmata li mill-inqas hi 2,5 miljun unità fis-sena, il-produzzjoni attwali madwar 2,0 miljun unità fis-sena u, bħala riżultat, il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża ġiet stmata li mill-inqas hi nofs miljun unità fis-sena. Madankollu, din hi stima konservattiva peress li skont l-applikanti hemm 34 kumpanija Ċiniża magħrufa addizzjonali li qed jimmanifatturaw pallet trucks tal-idejn fiċ-Ċina fuq skala iżgħar.

(51)

Din il-kapaċità ta' riżerva stmata tikkorrispondi għal madwar 100 % tal-konsum annwali totali medju tas-suq tal-Unjoni mill-2014 sal-2016. Peress li ma hemmx evidenza li turi bil-kontra, il-Kummissjoni aċċettat din l-istima bħala waħda raġonevoli.

3.2.5.   L-imġiba taċ-Ċina fl-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra

(52)

Rigward l-imġiba taċ-Ċina fl-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħrajn, ma hemm l-ebda statistika disponibbli dwar il-prodott taħt rieżami waħdu. Il-kodiċijiet rilevanti tal-prodotti tal-bażi tad-data tal-Istatistika Ċiniża dwar l-Esportazzjonijiet jinkludu wkoll prodotti oħrajn, jiġifieri “Trakkijiet mgħammra b'tagħmir għall-irfigħ jew għat-tqandil, mhux motorizzati”, li għandhom prezz ta' unità ogħla minn pallet trucks tal-idejn, li jżid il-prezz medju tal-esportazzjoni.

(53)

It-talba għal rieżami ma tipprovdix data. Il-bażi tad-data tal-Istatistika Ċiniża dwar l-Esportazzjonijiet tista' tintuża bħala indikatur li jagħti idea approssimattiva tat-tendenzi tal-volumi tal-esportazzjonijiet, madankollu bil-limitazzjoni enfasizzati hawn fuq fil-premessa 52 (15). Abbażi ta' dan, ġie stabbilit li l-volumi tal-esportazzjonijiet baqgħu sinifikanti u relattivament stabbli mill-2014 sal-2016.

(54)

Skont il-bażi tad-data Ċiniża dwar l-esportazzjonijiet, fil-PIR, il-prezz medju tal-bejgħ fl-UE kien EUR 221/unità filwaqt li fi swieq ta' pajjiżi terzi oħra ammonta biss għal EUR 162/unità. Għall-istess raġunijiet deskritti hawn fuq fil-premessa 52, jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-livell tal-prezz f'pajjiżi terzi oħra tal-prodott taħt rieżami fir-realtà hu saħansitra iktar baxx.

(55)

Fir-rigward tal-konsum domestiku fiċ-Ċina, it-talba indikat li dan hu ta' madwar nofs miljun unità fis-sena. Madankollu, meta jitqies in-nuqqas ta' kooperazzjoni u ta' data oħra, ma hemm l-ebda indikazzjoni ulterjuri dwar il-possibbiltà li ċ-Ċina tassorbi xi kapaċità ta' riżerva fil-futur. Madankollu, is-suq tal-Unjoni hu mistenni li jattira l-prodott taħt rieżami, kif diskuss hawn taħt fil-premessi 56 u 57.

3.2.6.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(56)

Is-suq tal-Unjoni dejjem kien attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi ta' pallet trucks tal-idejn. Dan jintwera mill-preżenza kontinwa tagħhom li tmur lura għall-investigazzjoni oriġinali kif ukoll mill-isforzi li saru biex il-miżuri fis-seħħ fil-passat jiġu evitati permezz tat-Tajlandja, kif imsemmi fil-premessa 3 u permezz ta' modifika żgħira tal-prodott imsemmi fil-premessa 7.

(57)

Barra minn hekk, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni tiġi kkonfermata mill-fatti li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jiksbu prezzijiet ogħla fis-suq tal-Unjoni meta mqabbla mal-prezzijiet li jiksbu bħala medja fis-swieq ta' pajjiżi terzi oħrajn, kif imsemmi fil-premessa 54.

3.3.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping

(58)

Abbażi ta' dak ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li jekk il-miżuri jitħassru, hemm probabbiltà kbira ta' kontinwazzjoni ta' dumping. Fil-fatti, abbażi tal-marġnijiet ta' dumping li nstabu waqt il-PIR għal importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni, aktarx l-importazzjonijiet miċ-Ċina ser ikomplu jsiru bi prezzijiet ta' dumping. Barra minn dan, meta titqies il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva sinifikanti disponibbli fiċ-Ċina, anki jekk ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar il-kapaċità tal-assorbiment, u meta titqies l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, aktarx dawn l-importazzjonijiet ser ikomplu jidħlu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet kbar li aktarx ikomplu jiżdiedu b'mod sinifikanti, f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

4.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW TA' RIKORRENZA TA' DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(59)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn sitt produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(60)

Ħames produtturi tal-Unjoni biss wieġbu għall-kwestjonarju. Is-sitt produttur tal-Unjoni kien lest jikkoopera iżda ma weġibx għall-kwestjonarju. Dan jirrappreżenta 2 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha fuq ħames produtturi li jirrappreżentaw 98 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, kif ukoll fuq l-istima tas-sitt produttur abbażi tal-informazzjoni li ngħatat waqt l-eżerċizzju eżistenti.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(61)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u d-data tal-importazzjoni mill-Eurostat.

(62)

Il-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni nkiseb abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-ħames produtturi tal-Unjoni u stima għas-sitt kumpanija, abbażi tas-sehem tagħha mis-suq.

(63)

Abbażi ta' dan, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni

 

2013

2014

2015

PIR

Konsum tal-Unjoni (unitajiet)

363 641

543 535

427 879

529 212

Indiċi (2013 = 100)

100

149

118

146

Sors: Il-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni u l-istatistiki tal-Eurostat.

(64)

Mill-2013 sal-PIR, il-konsum tal-Unjoni żdied b'46 %. Dan wera tnaqqis mill-2014 sal-2015, iżda reġa' żdied għal livelli simili għal dawk fl-2014 matul il-PIR.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(65)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż, il-Kummissjoni użat l-istatistika disponibbli fil-Eurostat sabiex tistabbilixxi l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni f'dan il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(66)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjoni u sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

PIR

Importazzjonijiet miċ-Ċina (unitajiet)

239 251

113 929

85 976

85 482

Indiċi

100

48

36

36

Sehem mis-suq Ċiniż (%)

66

21

20

16

Indiċi

100

32

31

25

Sors: Statistiki tal-Eurostat.

(67)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina naqsu b'64 %, Dan it-tnaqqis seħħ primarjament bejn l-2013 u l-2015, filwaqt li l-livelli tal-importazzjoni waqt il-PIR kienu f'livelli simili għal dawk fl-2015.

(68)

Dan it-tnaqqis irid jitqies fid-dawl taż-żieda tad-dazju anti-dumping (minn 46,7 % għal 70,8 %) li seħħ fl-2013 wara r-rieżami interim imsemmi fil-premessa 5.

(69)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sehem Ċiniż mis-suq naqas minn 66 % għal 16 %, tnaqqis globali ta' 50 punt perċentwali (jew 75 %).

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(70)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa hekk:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet

 

2013

2014

2015

PIR

Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (EUR/unità)

117

119

146

154

Indiċi

100

102

125

132

Il-prezzijiet ma jinkludux dazji anti-dumping fis-seħħ.

Sors: Statistiki tal-Eurostat.

(71)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu kontinwament matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u bi 32 % b'kollox bejn l-2013 u l-PIR.

(72)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż soġġett għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perjodu ta' rieżami billi qabblet:

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni li jintalab lill-konsumaturi indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustat għal livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika; u

il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi bbażat fuq l-istatistiki tal-Eurostat li jinkludi d-dazji anti-dumping.

(73)

Abbażi ta' dan, fil-PIR, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'1,9 % (jew 41 %, meta jiġu kkunsidrati l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi mingħajr dazji anti-dumping).

4.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(74)

Il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiż ikkonċernat jidher fit-tabella ta' hawn taħt. It-tendenzi tal-kwantità u tal-prezzijiet huma bbażati fuq il-Eurostat. Abbażi ta' dan, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

Volumi tal-importazzjonijiet, sehem mis-suq u prezzijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

 

2013

2014

2015

PIR

Il-Malasja (unitajiet)

2 933

252 004

136 046

182 177

Indiċi

100

8 592

4 638

6 211

Sehem mis-suq (%)

1

46

32

34

Indiċi

100

5 748

3 942

4 268

Prezz medju (EUR/unità)

118

146

153

149

Indiċi

100

124

130

127

Il-Vjetnam (unitajiet)

6 817

22 133

30 329

58 512

Indiċi

100

325

445

858

Sehem mis-suq (%)

2

4

7

11

Indiċi

100

217

378

590

Prezz medju (EUR/unità)

112

123

141

135

Indiċi

100

110

126

121

Pajjiżi terzi oħrajn  (*1) (unitajiet)

6 893

9 328

11 442

17 528

Indiċi

100

135

166

254

Sehem mis-suq (%)

2

2

3

3

Indiċi

100

91

141

175

Prezz medju (EUR/unità)

951

430

288

346

Indiċi

100

45

30

36

Total tal-pajjiżi terzi (unitajiet)

16 643

283 465

177 817

258 217

Indiċi

100

1 703

1 068

1 552

Sehem mis-suq (%)

5

52

42

49

Indiċi

100

1 139

908

1 066

Prezz medju (EUR/unità)

461

153

160

160

Indiċi

100

33

35

35

(75)

Il-volumi tal-importazzjonijiet minn swieq ta' pajjiżi terzi żdiedu b'mod sinifikanti (għaddew minn 16 643 fl-2013 għal 258 217-il unità fil-PIR) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Matul il-PIR, is-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom laħaq id-49 %. Din iż-żieda jenħtieġ li titqies fid-dawl tat-telf tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi (– 75 %) diskuss fil-premessa 69.

(76)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żdied bi 13 % bejn l-2013 u l-PIR.

(77)

Minn dawn l-importazzjonijiet, il-volumi mill-Malasja żdiedu ħafna matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u s-sehem mis-suq tagħhom tela' minn 1 % fl-2013 għal 34 % fil-PIR. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Malasja żdiedu b'27 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-PIR kienu fuq medja 3 % inqas mill-prezzijiet Ċiniżi (mingħajr dazji anti-dumping) u 13 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(78)

Bl-istess mod, il-volumi tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam żdiedu b'mod sinifikanti u s-sehem mis-suq tagħhom żdied minn 2 % għal 11 % bejn l-2013 u l-PIR. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam żdiedu b'21 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-PIR kienu fuq medja 12 % inqas mill-prezzijiet Ċiniżi (mingħajr dazji anti-dumping) u 22 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

5.   SITWAZZJONI EKONOMIKA TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

5.1.   Rimarki ġenerali

(79)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(80)

Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi tad-dannu. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta' data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju u għamlet stima għas-sitt produttur abbażi tal-informazzjoni li ngħatat fl-eżerċizzju eżistenti. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi ta' data li tinsab fil-kwestjonarji tal-ħames produtturi tal-Unjoni li pprovdew tweġiba.

(81)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impiegi, il-produttività u l-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat.

(82)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju medju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(83)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità tal-Unjoni

 

2013

2014

2015

PIR

Volum tal-produzzjoni (unitajiet)

134 632

187 979

194 129

226 379

Indiċi

100

140

144

168

Il-kapaċità tal-produzzjoni (unitajiet)

412 539

412 305

422 716

422 862

Indiċi

100

100

102

103

Użu tal-kapaċità (%)

33

46

46

54

Indiċi

100

140

141

164

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, stima għas-sitt produttur (ibbażata fuq tweġiba eżistenti).

(84)

Bejn l-2013 u l-PIR, il-produzzjoni tal-industrija tal-UE żdiedet b'mod kostanti u bi 68 % matul il-perjodu totali taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-kapaċità tagħha baqgħet pjuttost stabbli, fejn żdiedet biss bi 3 % matul l-istess perjodu. Bħala riżultat, l-użu tal-kapaċità żdied b'64 %. Minkejja din iż-żieda, l-użu tal-kapaċità baqa' baxx u laħaq biss l-54 % fil-PIR.

5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(85)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

PIR

Volum tal-bejgħ (unitajiet)

107 747

146 141

164 086

185 513

Indiċi

100

136

152

172

Sehem mis-suq (%)

30

27

38

35

Indiċi

100

91

129

118

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, stima għas-sitt produttur (ibbażata fuq tweġiba eżistenti).

(86)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied b'mod kontinwu u sinifikanti, b'kollox bi 72 %.

(87)

Is-sehem mis-suq naqas b'9 % bejn l-2013 u l-2014, peress li l-volumi tal-bejgħ żdiedu b'rata inqas (36 %) mill-konsum (49 %). Is-sena ta' wara, il-volumi tal-bejgħ komplew jiżdiedu bi 12 %, filwaqt li l-konsum niżel b'21 %. Bħala riżultat is-sehem mis-suq żdied bi 42 %. Fl-aħħar nett, bejn l-2015 u l-PIR, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 8 %.

5.2.3.   Tkabbir

(88)

Bejn l-2013 u l-PIR, iż-żieda tal-volumi tal-bejgħ (72 %) seħħet f'kuntest ta' konsum li kien qed jiżdied (34 %) kif osservat fil-premessa 64. Barra minn hekk, il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (minbarra ċ-Ċina) wkoll żdiedu matul il-perjodu b'34 %, kif jidher fil-premessa 75, filwaqt li l-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi niżlu b'64 % (ara l-premessa 67). Bħala riżultat, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied minn 30 % fl-2013 għal 35 % fil-PIR (żieda ta' ħames punti perċentwali).

5.2.4.   Impiegi u produttività

(89)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-impiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

Impiegi u produttività

Indiċi

2013

2014

2015

PIR

Għadd ta' impjegati

222

265

271

289

Indiċi

100

119

122

130

Produttività (unitajiet/impjegat)

607

710

716

785

Indiċi

100

117

118

129

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, stima għas-sitt produttur (ibbażata fuq tweġiba eżistenti).

(90)

In-numru ta' impjegati tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 30 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Peress li l-produzzjoni żdiedet b'rata aktar mgħaġġla matul l-istess perjodu (jiġifieri b'68 %), il-produttività, li tirrifletti n-numru medju ta' unitajiet prodotti għal kull impjegat, żdiedet b'29 %.

5.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru mid-dumping tal-passat

(91)

Miżuri anti-dumping kontra importazzjonijiet mir-RPĊ ġew imposti għall-ewwel darba fl-2005. Il-livell ta' dawn il-miżuri żdied fl-2013 wara rieżami interim.

(92)

Matul il-PIR, kif stabbilit fil-premessi 40 u 46, il-marġnijiet tad-dumping li nstabu kienu aktar mil-livell de minimis. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed jonqsu b'34 % li ssarraf ukoll fi tnaqqis fis-sehem mis-suq taċ-Ċina minn 66 % fl-2013 għal 16 % matul il-PIR. Kif deskritt fil-premessa 73, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR b'1,9 %. Għalhekk, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ jistgħu jitqiesu effettivi. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżid il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tagħha b'mod sinifikanti b'effetti pożittivi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u, għalhekk, setgħet tibda tirkupra mill-effett ta' dumping dannuż tal-passat.

5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(93)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' unità tal-ħames produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Prezzijiet medji tal-bejgħ u l-kostijiet tal-unitajiet

 

2013

2014

2015

PIR

Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (EUR/unità)

304

283

280

277

Indiċi

100

93

92

91

Il-kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/unità)

321

285

285

264

Indiċi

100

89

89

82

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarji.

(94)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' unità tal-industrija tal-Unjoni b'kollox naqsu b'9 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-istess waqt, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 18 %. Il-fattur ewlieni għal dan it-tnaqqis kien it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-materja prima (primarjament l-azzar).

5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(95)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-ħames produtturi tal-Unjoni li wieġbu l-kwestjonarju żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat

 

2013

2014

2015

PIR

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat (EUR)

31 607

35 860

32 403

30 519

Indiċi

100

113

103

97

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarji.

(96)

Bejn l-2013 u l-PIR, il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni naqas bi ftit bi 3 %. Beda jiżdied għall-ewwel darba bejn l-2013 u l-2014, iżda mbagħad naqas kontinwament u matul il-PIR laħaq livell iktar baxx minn dak fl-2013.

5.3.3.   Inventarji

(97)

Il-livelli tal-istokks tal-ħames produtturi tal-Unjoni li wieġbu għall-kwestjonarju żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Inventarji

 

2013

2014

2015

PIR

Stokk tal-għeluq (unitajiet)

5 949

9 509

6 011

8 048

Indiċi

100

160

101

135

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

4

5

3

4

Indiċi

100

114

70

80

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarji.

(98)

L-istokks tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni żdiedu mill-2013 għall-2014 b'60 % u sussegwentement naqsu b'59 % mill-2014 sal-2015. Mill-2015 sal-PIR, l-istokks reġgħu żdiedu b'34 %. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-istokks kollha tal-għeluq b'kollox żdiedu b'35 %.

(99)

Madankollu, meta l-istokks tal-għeluq jitqiesu bħala perċentwal tal-produzzjoni kien hemm tnaqqis ta' 20 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(100)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-ħames produtturi tal-Unjoni li wieġbu għall-kwestjonarju żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2013

2014

2015

PIR

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati

(% ta' fatturat ta' bejgħ)

– 5,7

– 0,7

– 1,7

4,6

Indiċi

100

187

170

281

Fluss tal-flus (EUR)

1 351 755

850 864

3 391 912

4 086 913

Indiċi

100

63

251

302

Investimenti netti (f'EUR)

689 176

2 072 908

782 675

837 146

Indiċi

100

301

114

121

ROI (profitt f' % tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti)

– 96

– 9

– 23

68

Indiċi

100

190

176

270

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarji.

(101)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-ħames produtturi tal-Unjoni li wieġbu għall-kwestjonarju billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Il-profitabbiltà żdiedet minn – 5,7 % fl-2013 għal + 4,6 % fil-PIR. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-PIR, l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf.

(102)

Il-fluss tal-flus, li hu l-kapaċità li l-produtturi tal-Unjoni jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess, irdoppja matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(103)

L-investimenti żdiedu b'21 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u b'mod partikolari fl-2014, meta dawn kienu 201 % ogħla minn kemm kienu fis-sena ta' qabel. Din iż-żieda kienet primarjament xprunata mill-akkwist ta' unità tan-negozju, li parzjalment timmanifattura pallet trucks tal-idejn, minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni.

(104)

Ir-redditu fuq l-investimenti hu l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żdied minn – 96 % fl-2013 għal 68 % fil-PIR. B'mod ġenerali, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, iż-żieda tar-redditu fuq l-investiment (+ 170 %) kienet bejn wieħed u ieħor konformi maż-żieda tal-profitabbiltà (181 %).

5.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(105)

Minħabba d-dazji anti-dumping fis-seħħ, u b'mod partikolari miż-żieda tagħhom għal 70,8 % fl-2013 wara r-rieżami interim imsemmi fil-premessa 5, l-industrija tal-Unjoni setgħet tibda tirkupra mill-effett ta' dumping dannuż tal-passat.

(106)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kważi l-indikaturi kollha, jiġifieri l-volum tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, l-impiegi, il-produttività, l-inventarji, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti u finalment il-profitabbiltà wrew titjib viżibbli. Il-kost unitarju tal-produzzjoni naqas parzjalment minħabba l-kostijiet inqas tal-materja prima u ż-żieda fil-volum tal-produzzjoni.

(107)

Madankollu, l-industrija tal-Unjoni għadha kif bdiet tirkurpra mid-dumping tal-passat riċentement u dan l-irkupru għadu dgħajjef. Dan jidher mill-fatt li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tirreġistra l-profitti biss fit-tmiem tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jiġifieri matul il-PIR. Bl-istess mod, f'kuntest ta' żieda qawwija fil-konsum (+ 46 %), l-industrija tal-Unjoni setgħet tespandi s-sehem mis-suq tagħha b'ħames punti perċentwali biss.

(108)

Bħala konklużjoni, l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx dannu materjali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Kif imsemmi hawn fuq, peress li l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni għadu riċenti, is-sitwazzjoni xorta waħda għadha dgħajfa.

6.   PROBABBILTÀ TA' RIKORRENZA TAD-DANNU

6.1.   Kumment preliminari

(109)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi saru f'livelli ta' prezzijiet li kienu oġġett ta' dumping matul il-PIR u li kien hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(110)

Fid-dawl tas-sejba li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx dannu materjali matul il-PIR, saret analiżi ta' jekk id-dannu materjali jerġax iseħħ f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni kkunsidrat is-sejbiet kif deskritt fil-premessi 49 sa 57, jiġifieri:

il-kapaċità sinifikanti ta' produzzjoni u ta' riżerva fir-RPĊ (premessi 49 sa (51),

l-imġiba fl-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq ta' pajjiżi terzi oħra (premessi 52 sa 55), u

l-attraenza tas-suq tal-Unjoni (premessi 56 u 57).

(111)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt probabbli li l-importazzjonijiet Ċiniżi jkollhom fuq l-industrija tal-Unjoni f'każ li dawn ikompli fi kwantitajiet sinifikanti.

6.2.   Livelli possibbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni

(112)

Il-Kummissjoni użat il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi mingħajr dazji anti-dumping applikabbli fil-PIR sabiex tivvaluta l-livell probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni f'każ li l-miżuri jitħassru. Abbażi ta' dan, il-prezzijiet Ċiniżi aktarx iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b'madwar 41 % bħala medja kif żvelat fil-premessa 73 hawn fuq.

(113)

Meta tiġi affaċċjata b'tali pressjoni fuq il-pressjonijiet f'volumi kbar, il-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni aktarx tiddeterjora immedjatament bir-riskju li tmur lura għat-telf. Fil-fatt, l-industrija tal-Unjoni jew se tkun imġiegħla tnaqqas il-prezzijiet tagħha, xi ħaġa li tħalli impatt negattiv dirett fuq il-profitabbiltà. Inkella hi tista' tiddeċiedi li żżomm il-livelli tal-prezzijiet tagħha mingħajr ma tibdilhom bħala sforz biex iżżomm il-profitabbiltà tagħha. Madankollu, kif osservat fil-passat, din l-alternattiva jkollha impatt negattiv fuq il-volumi tal-bejgħ tagħha għall-benefiċċju tal-esportaturi Ċiniżi. Barra minn hekk, meta jitnaqqsu l-volumi tal-bejgħ, is-sehem tal-kostijiet fissi għal kull unità jiżdied, b'mod partikolari meta jitqies li din hi industrija li tirrikjedi ħafna kapital. Min-naħa tiegħu, dan jaffettwa b'mod negattiv ukoll il-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, li l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni jinżammu f'livelli simili bħal dawk matul il-PIR ma tistax tiġi kkunsidrata bħala strateġija vijabbli peress li fuq terminu twil ma tkunx sostenibbli.

(114)

Barra minn hekk, ix-xenarju ta' hawn fuq jibqa' validu anki meta jitqies konsum li qed jiżdied. Fil-fatt, meta titqies il-kapaċità ta' riżerva enormi disponibbli fiċ-Ċina li aktarx tiġi esportata fis-suq tal-Unjoni fi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b'madwar 41 %, l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista' tlaħħaq maż-żieda mill-ġdid sinifikanti mistennija ta' importazzjonijiet Ċiniżi, li mhux biss jaħtfu s-sehem mis-suq attwali tal-industrija tal-Unjoni iżda aktarx jaħtfu wkoll il-konsum miżjud. F'dan ir-rigward hu mfakkar li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien għoli sa 83 % fil-PIR tal-ewwel rieżami ta' skadenza.

(115)

Finalment, il-marġni ta' bejgħ taħt il-prezz ibbażat fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi mingħajr dazju ammonta għal madwar 75 % fil-PIR, li jagħti wkoll stima raġonevoli tal-marġnijiet possibbli ta' bejgħ bil-prezz imwaqqa' f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

6.3.   Impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(116)

Kif deskritt fil-premessa 77, f'suq b'konsum li qed jiżdied, l-importazzjonijiet mill-Malasja ħadu parti kbira tas-sehem mis-suq Ċiniż matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, filwaqt li l-Malasja kisbet 33 punt perċentwal tas-sehem mis-suq, iċ-Ċina tilfet 50 punt perċentwal. Fl-istess waqt l-industrija tal-Unjoni kisbet biss ħames punti perċentwali.

(117)

F'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi aktarx iwaqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, kif jidher fil-premessa 112. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (mingħajr dazji anti-dumping) kienu wkoll iktar baxxi b'mod konsistenti mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-Malasja matul l-istess perjodu, ħlief matul il-PIR meta dawn kienu 3 % ogħla.

(118)

Aktarx il-produtturi esportaturi Ċiniżi jkunu kapaċi jkomplu jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom biex jerġgħu jiksbu sehem mis-suq. Indikazzjoni qawwija f'dan ir-rigward tingħata mil-livell tal-prezzjijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi għal pajjiżi terzi oħra rreġistrati fil-bażi tad-data Ċiniża dwar l-esportazzjonijiet kif deskritt fil-premessa 54 (16).

(119)

Abbażi ta' dan, wieħed jista' jistenna li importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi aktarx jaffettwaw kemm il-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-volumi tal-importazzjonijiet Malasjani. Peress li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bħala medja kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet Malasjani, wieħed jista' jistenna wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi aktarx ser ikollhom impatt negattiv akbar fuq il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni milli fuq l-importazzjonijiet Malasjani, peress li l-klijenti tal-industrija tal-Unjoni se jkollhom inċentiv ħafna akbar biex imorru lura għal fornituri Ċiniżi mill-klijenti tal-fornituri Malasjani.

(120)

Abbażi ta' dan, hu probabbli li l-importazzjonijiet Ċiniżi li (jerġgħu) jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet aktar baxxi se jkunu jistgħu jerġgħu jiksbu ishma mis-suq primarjament għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni.

(121)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam, li s-sehem mis-suq tagħhom żdied b'disa' punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bħalissa dawn huma soġġetti għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni msemmija fil-premessa 7 li nbdiet fuq il-bażi tar-raġunijiet li dawn l-importazzjonijiet allegatament għandhom oriġini Ċiniża.

(122)

Fi kwalunkwe każ, il-prezz tal-importazzjonijiet Vjetnamiżi, kif jidher fil-premessa 78, kien aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, kif deskritt hawn fuq, hu meqjus li l-klijenti tal-industrija tal-Unjoni se jkollhom inċentiv akbar biex jaqilbu għal importazzjonijiet bi prezz baxx miċ-Ċina mill-klijenti tal-fornituri Vjetnamiżi. Dawn tal-aħħar kienu qed ibigħu pallet trucks tal-idejn fis-suq tal-Unjoni diġà bi prezz irħas mill-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi, ħlief fl-2014. Abbażi ta' dan, wieħed jista' jistenna li l-importazzjonijiet Ċiniżi aktarx se jkollhom impatt negattiv akbar fuq l-industrija tal-Unjoni milli fuq l-importazzjonijiet Vjetnamiżi.

6.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dannu

(123)

Fi ftit kliem, l-investigazzjoni żvelat li matul il-PIR, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed isiru f'livelli ta' prezzijiet li kienu l-oġġett ta' dumping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet il-preżenza ta' kapaċità sinifikanti ta' produzzjoni u ta' riżerva fir-RPĊ, ivvalutat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jbigħu bi prezzijiet aktar baxxi fi swieq terzi milli fis-suq tal-Unjoni, qieset il-preżenza kontinwa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni u ħadet nota tal-isforz li sar għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, f'każ li l-miżuri jitħassru, il-Kummissjoni kkalkulat li l-prezz probabbli tal-importazzjonijiet Ċiniżi jwaqqa' l-prezzijiet tal-Unjoni u jġiegħel lill-industrija tal-Unjoni tbigħ f'livell taħt il-prezz. Finalment, f'każ li l-miżuri jitħassru, il-Kummissjoni vvalutat li l-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn se jkun iżgħar mill-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq l-industrija tal-Unjoni. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, jista' jiġi konkluż li t-tħassir tal-miżuri bil-probabbiltà kollha jwassal għal rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

7.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(124)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina fir-RPĊ wara s-sejbiet tar-rieżami ta' skadenza preżenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni inġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni. Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(125)

Il-Kummissjoni sabet li matul il-PIR l-industrija tal-Unjoni bdiet tirkupra mid-dumping tal-passat. Madankollu, f'każ li l-miżuri kontra ċ-Ċina jitħassru, hu probabbli li jkun hemm rikorrenza tad-dannu billi l-industrija tal-Unjoni tkun esposta għal importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina, potenzjalment f'volumi sinifikanti u li jixħtu pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet.

(126)

Bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni aktarx tiddeterjora, u dan jissarraf f'telf sinifikanti ta' volumi tal-bejgħ u ta' sehem mis-suq u aktarx jirriżulta f'telf.

(127)

Għall-kuntrarju ta' dan, iż-żamma tal-miżuri tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tikkonsolida s-sitwazzjoni ekonomika pożittiva tagħha li ġiet stabbilita riċentement.

7.2.   L-interess tal-importaturi u tal-utenti mhux relatati

(128)

Il-Kummissjoni kkuntattjat tnax-il importatur magħrufin u disa' utenti magħrufin fl-istadju tal-bidu. L-ebda wieħed mill-importaturi ma wieġeb għall-formola tal-kampjunar jew ressaq xi kummenti. Bl-istess mod, l-ebda wieħed mill-utenti ma ressaq jew ippreżenta xi kumment.

(129)

Hu mfakkar li fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali fl-2005 u fir-rieżami ta' skadenza li wassal għall-estensjoni ta' dawn il-miżuri fl-2011, instab li l-impatt tal-miżuri ma jkollux effett serju fuq l-importaturi/l-utenti fl-Unjoni.

(130)

Għalhekk, fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza ġdida li tissuġġerixxi konklużjoni differenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri mhix se taffettwa l-importaturi jew l-utenti fl-Unjoni b'xi mod sinifikanti.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(131)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti f'termini tal-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonjiet ta' pallet trucks tal-idejn li joriġinaw fir-RPĊ.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(132)

Il-partijiet interessati kollha kienu infurmati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jinżammu fis-seħħ il-miżuri anti-dumping. Huma ngħataw ukoll perjodu li matulu setgħu jressqu kummenti wara din id-divulgazzjoni. Ma ġie ppreżentat l-ebda kumment dwar is-sejbiet ta' hawn fuq.

(133)

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn joriġinaw fir-RPĊ jenħtieġ li jinżammu.

(134)

Il-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv b'dan hu impost fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u s-sistema idrawlika, li fil-preżent jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 8427900011, 8427900013 u 8427900019) u ex 8431 20 00 (il-kodiċijiet TARIC 8431200011, 8431200013 u 8431200019), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-istess prodott iżda ppreżentat mal-importazzjoni b'hekk imsejħa “sistema ta' indikazzjoni tal-piż” li tikkonsisti minn mekkaniżmu tal-użin mhux integrat fix-xażi, jiġifieri mhux integrat fil-frieket, li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 8427900030 u 8431200050. Għall-għan ta' dan ir-Regolament, il-pallet trucks tal-idejn għandhom ikunu trakkijiet b'roti li jirfdu l-frieket tal-irfigħ għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, jinġibdu u jinstaqu bl-idejn, fuq superfiċji lixxi, invellati u ibsin, minn operatur pedonali bl-użu ta' laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jerfgħu tagħbija, billi jippumpjaw il-laċċ, għal għoli li jkun adegwat għall-ġarr u ma għandhom ebda funzjoni addizzjonali oħra jew użu ieħor bħal pereżempju (i) biex imexxu u jerfgħu t-tagħbijiet sabiex ipoġġuhom f'pożizzjoni ogħla jew sabiex jgħinu fil-ħżin ta' tagħbijiet (high lifters); (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers); (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal-livell li fih isir ix-xogħol (scissor lifts); jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbijiet (weighing trucks).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett free-at-Union-frontier, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata tad-dazju (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd., 58, Jing Yi Road, Economic Development Zone, Changxing, Zhejiang Province, 31300, PRC.

70,8

A603

Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd.,

54,1

A070

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

70,8

A999

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008 tas-17 ta' Lulju 2008 li jiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 tal-10 ta' Ottubru 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja u sew jekk le, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 268, 13.10.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 tat-22 ta' April 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 112, 24.4.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara analiżi tal-“esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 7).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta' Awwissu 2016 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn kemm kemm immodifikati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 214, 9.8.2016, p. 1).

(9)  Avviż tal-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 34, 29.1.2016, p. 15).

(10)  Notifika ta' bidu ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 373, 12.10.2016, p. 3).

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1348 tad-19 ta' Lulju 2017 li jagħti bidu għal investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli ta' miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 372/2013 dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Vjetnam, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Vjetnam u sew jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 188, 20.7.2017, p. 1).

(12)  www.trademap.org mill-Analiżi u r-Riċerka tas-Suq, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ (ITC)

(13)  Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta' Awwissu 2016 li testendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn kemm kemm immodifikati li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 202, 3.8.2017, p. 8).

(14)

Sors: DataWeb Interattiva dwar il-Kummerċ tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istati Uniti dwar il-Kummerċ (“U.S. International Trade Commission Interactive Trade DataWeb”) (USITC DataWeb), li tuża data miksuba mill-Bureau għaċ-Ċensiment tal-Istati Uniti (“U.S. Bureau of the Census”).

(15)  Il-kodiċi rilevanti tal-prodotti tal-bażi tad-data tal-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjonijiet jinkludi wkoll prodotti oħrajn, jiġifieri “Trakkijiet mgħammra b'tagħmir għall-irfigħ jew għat-tqandil, mingħajr magna”, li għandhom valur tal-unità ogħla. L-użu ta' tali bażi tad-data jista' jirriżulta f'dikjarazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni eċċessivi tal-pallet trucks tal-idejn.

(*1)  esklużi l-Malasja u l-Vjetnam.

Sors: L-istatistiki tal-Eurostat u l-istatistiki disponibbli fl-Artikolu 14(6) tal-bażi tad-data (għall-Malasja fl-2014).

(16)  Ta' min ifakkar li l-kodiċi NM rilevanti tal-bażi tad-data tal-Istatistika Ċiniża dwar l-Esportazzjonijiet jinkludi wkoll prodotti oħrajn, b'mod partikolari “Trakkijiet mgħammra b'tagħmir għall-irfigħ jew għat-tqandil, mhux motorizzati”, li għandhom valur tal-unità ogħla.


30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2207

tad-29 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat-13 ta' Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2), u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Fit-13 ta' Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' oġġetti taċ-ċeramika ta' fuq il-mejda u tal-kċina (“oġġetti tal-mejda”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Fl-investigazzjoni oriġinali għadd kbir ta' produtturi esportaturi mir-RPĊ għamlu lilhom infushom magħrufa. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' produtturi esportaturi Ċiniżi għall-investigazzjoni.

(3)

Il-Kunsill impona rati individwali ta' dazju fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti tal-mejda u tal-kċina li jvarjaw minn 13,1 % għal 23,4 % fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, u r-rata ta' dazju medja peżata ta' 17,9 % fuq kumpaniji oħra li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, ġie impost dazju bir-rata ta' 36,1 % fuq l-importazzjoni ta' oġġetti tal-mejda u tal-kċina mill-kumpaniji Ċiniżi l-oħra.

(4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 jgħid li fejn xi produttur esportatur ġdid ta' oġġetti tal-mejda u tal-kċina fir-RPĊ jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(1)

ma jkunx esporta fl-Unjoni oġġetti taċ-ċeramika ta' fuq il-mejda u tal-kċina matul il-perjodu ta' investigazzjoni mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”);

(2)

mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti minn dak ir-Regolament, u

(3)

esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni;

b'hekk l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament jista' jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata ta' dazju medja peżata ta' 17,9 %.

B.   TALBIET GĦAL TRATTAMENT TA' PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(5)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 412/2013, erba' kumpaniji ppreżentaw ruħhom jgħidu li huma jissodisfaw t-tliet kriterji stabbiliti hawn fuq fil-premessa (4) u pprovdew evidenza.

(6)

L-erba' kumpaniji lkoll huma manifatturi u esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

(7)

Tlieta minnhom diġa' kienu joperaw matul l-investigazzjoni oriġinali iżda sostnew li dak iż-żmien ma kinux jesportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(8)

Ir-raba' kumpanija sostniet li ma kinitx għadha teżisti matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u għalhekk ma setgħetx tesporta matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(9)

Il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-erba' kumpaniji u sabet li kull waħda mill-erba' kumpaniji tissodisfa t-tliet kriterji biex tkun ikkunsidrata bħala produttur esportatur ġdid. Konsegwentement, l-ismijiet tagħhom jinħtieġ li jiġu miżjuda mal-lista ta' kumpaniji li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 412/2013.

(10)

Il-Kummissjoni infurmat lill-erba' kumpaniji u l-industrija tal-Unjoni b'dawn is-sejbiet u tathom l-opportunità li jikkummentaw. Ma ġie riċevut l-ebda kumment.

(11)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament baziku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpaniji segwenti għandhom jiżdiedu mal-lista ta' produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Fujian Dehua Huamao Ceramics Co., Ltd

C303

Fujian Dehua Jiawei Ceramics Co., Ltd

C304

Fujian Dehua New Qili Arts Co., Ltd

C305

Quanzhou Dehua Hengfeng Ceramics Co., Ltd

C306

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat-13 ta' Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 803/2014 tal-24 ta' Lulju 2014 li jżid erba' kumpaniji mal-lista ta' produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 412/2013, ĠU L 219, 25.7.2014, p. 33.


30.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/33


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2208

tad-29 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta' allokazzjoni li trid tiġi applikata għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib li għandhom jiġu esportati lejn ir-Repubblika Dominikana skont il-kwota msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1187/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1) u b'mod partikulari l-Artikolu 188 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1187/2009 (2) jiddetermina l-proċedura għall-allokazzjoni ta' liċenzji tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib li għandhom ikunu esportati lejn ir-Repubblika Dominikana skont kwota miftuħa għal dak il-pajjiż.

(2)

L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009 jipprevedi l-possibbiltà li l-operaturi jressqu applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni mill-1 sal-10 ta' Novembru, jekk, wara l-perjodu ta' tressiq ta' applikazzjonijiet ta' liċenzji kif imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' dak l-Artikolu, tibqa' disponibbli kwalunkwe kwantità taħt il-kwota.

(3)

L-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1095 (3) jispeċifika li l-kwantità totali li jifdal għas-sena ta' kwota 2017/2018 hija ta' 8 745 tunnellati.

(4)

L-applikazzjonijiet imressqa bejn l-1 u l-10 ta' Novembru 2017 għall-perjodu li jifdal tas-sena ta' kwota kurrenti 2017/2018 jkopru kwantitajiet iktar baxxi minn dawk disponibbli. B'riżultat ta' dan, jixraq, skont ir-raba' subparagafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009, li tiġi prevista l-allokazzjoni tal-kwantità li jifdal. Il-ħruġ tal-liċenzji ta' esportazzjoni għal dik il-kwantità li jifdal għandu jkun soġġett li l-awtorità kompetenti tiġi nnotifikata bil-kwantità supplimentari aċċettata mill-operatur ikkonċernat u li ssir garanzija min-naħa tal-operaturi interessati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' esportazzjoni mressqa mill-1 sal-10 ta' Novembru 2017 għall-perjodu li jifdal tas-sena ta' kwota kurrenti 2017/2018 se jiġu aċċettati.

Il-kwantitajiet koperti bl-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1187/2009, għandhom ikunu mmultiplikati bil-koeffiċjent tal-allokazzjoni ta' 1,177619.

Il-liċenzji ta' esportazzjoni għall-kwantitajiet li jaqbżu l-kwantitajiet li tkun saret l-applikazzjoni għalihom u li jkunu allokati skont il-koeffiċjent stabbilit fit-tieni paragrafu, għandhom jinħarġu wara l-aċċettazzjoni min-naħa tal-operatur fi żmien ġimgħa mid-data ta' applikazzjoni tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament u suġġett li ssir il-garanzija korrispondenti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id- 29 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1187/2009 tas- 27 ta' Novembru 2009 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-liċenzji tal-esportazzjoni u r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 318, 4.12.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1095 tal-20 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi l-koeffiċjenti ta' allokazzjoni li trid tiġi applikata għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib li għandhom jiġu esportati lejn ir-Repubblika Dominikana skont il-kwota msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1187/2009 (ĠU L 158, 21.6.2017, p. 29).