ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 302

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
17 ta' Novembru 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2017/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

17.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/1


REGOLAMENT (UE) 2017/2092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma soġġetti għal limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art tal-qabdiet ta’ ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (l-“obbligu ta’ ħatt l-art”).

(2)

Il-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (4) jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art (“pjanijiet għall-iskartar”).

(3)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar fuq bażi temporanja u għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin.

(4)

L-esperjenza wriet li l-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni li jinkludu pjanijiet għall-iskartar jieħdu iktar żmien milli kien previst fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi ffissat il-perjodu li matulu l-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fejn ma jkun ġie adottat l-ebda pjan pluriennali, jew l-ebda pjan ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għat-tip ta’ sajd inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament, atti delegati li jistabbilixxu fuq bażi temporanja pjanijiet għall-iskartar speċifiċi li jkun fihom l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta’ tliet snin. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, fit-tfassil tat-tali pjan bil-ħsieb li l-Kummissjoni tadotta t-tali atti jew li din tippreżenta proposta skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Novembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2017.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).