ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 286

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
1 ta' Novembru 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2017/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fir-rigward tal-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi

9

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1953 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fir-rigward tal-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, tistabbilixxi viżjoni Ewropea tal-konnettività tal-internet għaċ-ċittadini u għan-negozji fis-suq uniku diġitali u tiddeskrivi għadd ta' miżuri possibbli li kapaċi jsaħħu l-konnettività fl-Unjoni.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta' Awwissu 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, il-Kummissjoni tfakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 enfasizzat l-importanza tal-introduzzjoni tal-broadband sabiex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-Unjoni u affermat mill-ġdid l-għan li tiżgura li, sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet tal-internet ta' aktar minn 30 Mbps u li 50 % jew aktar tad-djar Ewropej jabbonaw għal konnessjonijiet tal-internet ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

(3)

Fost il-miżuri li jappoġġjaw il-viżjoni tal-konnettività tal-Internet fl-Unjoni kollha, il-Kummissjoni tippromwovi, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Settembru 2016, l-introduzzjoni ta' punti tal-aċċess lokali bla fili permezz ta' proċeduri simplifikati tal-ippjanar u b'inqas ostakli regolatorji. Dawn il-punti tal-aċċess, inklużi dawk li huma anċillari għall-forniment ta' servizzi pubbliċi oħrajn jew b' natura mhux kummerċjali, jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jitjiebu n-netwerks attwali tal-komunikazzjoni bla fili u biex jiġu introdotti l-ġenerazzjonijiet futuri ta' tali netwerks, billi jiffaċilitaw kopertura aktar granulari skont il-ħtiġijiet li qed jinbidlu. Jenħtieġ li dawk il-punti tal-aċċess ikunu jistgħu jiffurmaw parti minn netwerk b'sistema ta' awtentikazzjoni unika li tkun validafl-Unjoni kollha u li netwerks oħra ta' konnettività lokali bla fili u mingħajr ħlas ikunu jistgħu jingħaqdu mas-sistema. Jenħtieġ li dik is-sistema tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, konnettività lokali bla fili li tkun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji tfisser, fir-rigward hi mingħajr ħlas,li tiġi pprovduta mingħajr remunerazzjoni korrispondenti, kemm bi ħlas dirett jew b'tipi oħra ta' kumpens, bħar-reklamar kummerċjali jew il-forniment ta' data personali għal finijiet kummerċjali. Fir-rigward li hi mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji, tfisser li tiġi pprovduta, mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali li tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, kif ukoll li tkun suġġetta għal ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tan-netwerk u b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi żgurata allokazzjoni ġusta tal-kapaċità fost l-utenti fl-eqqel ħinijiet.

(5)

Suq kompetittiv, u qafas leġiżlattiv validu li jista' jiġi adattat għall-izviluppi u li jħeġġeġ il-kompetizzjoni, l-investiment, u d-disponibbiltà mifruxa u l-adozzjoni ta' konnettività għolja ħafna, kif ukoll in-netwerks trans-Ewropej u l-mudelli kummerċjali l-ġodda, huma l-fatturi ewlenin għall-investimenti f'netwerks b'kapaċità kbira ħafna li jistgħu jipprovdu konnettività liċ-ċittadini fl-Unjoni kollha.

(6)

Fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 u sabiex tippromwovi l-inklużjoni diġitali, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja l-forniment ta' konnettività lokali bla fili ta' kwalità għolja li tkun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fiċ-ċentri tal-ħajja pubblika lokali, inkluż fi spazji fil-beraħ miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Tali appoġġ mhux kopert bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 (5) jew bir-Regolament (UE) Nru 283/2014 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)

Jenħtieġ li tali appoġġ iħeġġeġ lill-korpi tas-settur pubbliku, kif definiti fid-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), joffru konnettività lokali bla fili mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji bħala servizz anċillari għall-missjoni pubblika tagħhom biex jiżguraw li n-nies fil-komunitajiet lokali jistgħu jibbenefikaw mill-broadband ultraveloċi u jkollhom l-opportunità jtejbu l-ħiliet diġitali tagħhom fiċ-ċentri tal-ħajja pubblika. Tali korpi jistgħu jinkludu lill-muniċipalitajiet, assoċjazzjonijiet magħmula minn municipalitajiet, awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi lokali oħra, libreriji u sptarijiet.

(8)

Konnettività lokali bla fili u li hi mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji tista' tikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk diġitali, b'mod speċjali f'kommunitajiet li għadhom lura f'termini ta' litteriżmu diġitali, inkluż f'żoni rurali u dawk imbiegħda.

(9)

It-titjib tal-aċċess għal broadband veloċi u ultraveloċi u konsegwentement għas-servizzi online, speċjalment f'żoni rurali u dawk imbiegħda, jista' jżid il-kwalità tal-ħajja billi jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi, pereżempju s-saħħa elettronika u l-gvern elettroniku, u jista' jippromwovi l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju lokali.

(10)

Sabiex tiggarantixxi s-suċċess tal-għajnuna li għandha tingħata taħt dan ir-Regolament u biex tippromwovi l-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-entitajiet li jwettqu proġetti u li jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja taħt dan ir-Regolament jipprovdu lill-utenti aħħarin kemm jista' jkun informazzjoni dwar id-disponibilità tas-servizzi u jenħtieġ li jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-UE tat il-finanzjament. Tali informazzjoni tista' wkoll tagħti lill-utenti aħħarin aċċess faċli għal informazzjoni dwar l-Unjoni.

(11)

B'kunsiderazzjoni tal-iskop speċifiku u li tindirizza l-ħtiġijiet lokali,il-promozzjoni ta' konnettività bla fili li tkun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet discriminatorji fiċ-ċentri tal-ħajja jenħtieġ li tiġi identifikata bħala proġett distint ta' interess komuni fis-settur tat-telekomunikazzjoni skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014.

(12)

Biex jiġi pprovdut finanzjament xieraq għall-promozzjoni ta' konnettività tal-internet f'kommunitajiet lokali u biex tiżġura l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha, jenħtieġ għalhekk li l-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (is-CEF) fis-settur tat-telekomunikazzjoni jiżdied b'EUR 25 000 000, u li jista' jiżdied għal EUR 50 000 000.

(13)

Billi l-appoġġ li għandu jingħata fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandu natura mhux kummerċjali u l-proġetti individwali previsti huma żgħar, jenħtieġ li l-piż amministrattiv ikun limitat għall-inqas possibbli u jenħtieġ li dan ikun proporzjonat għall-benefiċċji previsti, b'kunsiderazzjoni tal-ħtieġa ta' responsabilizzazzjoni u ta' bilanċ xieraq bejn is-simplifikazzjoni u l-kontroll. Jenħtieġ għalhekk li dan ir-Regolament jiġi implimentat bl-aktar forom xierqa ta' għajnuna finanzjarja, b'mod partikolari b'għotjiet, pereżempju permezz ta' vawċers, disponibbli skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), issa jew fil-futur. Jenħtieġ li l-appoġġ li għandu jingħata fil-qafas ta' dan ir-Regolament ma jistrieħx fuq l-istrumenti finanzjarji. Jenħtieġ li jiġi applikat il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

(14)

Minħabba l-volum limitat tal-allokazzjonijiet finanzjarji b'paragun man-numru potenzjalment kbir ta' applikazzjonijiet, ser ikun meħtieġ li jiġu simplifikati l-proċeduri amministrattivi sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet fil-ħin. Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 jiġi emendat sabiex jippermetti lill-Istati Membri jaqblu ma' kategoriji ta' proposti f'konformità mal-kriterji definiti fit-Taqsima 4 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 283/2014, sabiex tiġi evitata l-approvazzjoni individwali tal-applikazzjonijiet u jiġi żgurat li ċ-ċertifikazzjoni tal-infiq u r-rappurtar annwali lill-Kummissjoni ma jkunux obbligatorji għall-għotjiet jew forom oħra ta' għajnuna finanzjajra mogħtija fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

(15)

Billi punt ta' aċċess lokali bla fili partikolari għandu lħuq limitat u l-valur tal-proġetti individwali koperti hu żgħir, il-punti ta' aċċess li ser jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja fil-qafas ta' dan ir-Regolament mhumiex mistennija jikkontestaw l-offerti kummerċjali. Sabiex ikun żgurat aktar li din l-għajnuna finanzjarja ma xxekkilx il-kompetizzjoni, ma tgerrixx l-investimenti privati jew ma tiddiżinċentivax lill-operaturi privati milli jinvestu, jenħtieġ li l-appoġġ mogħti fil-qafas ta' dan ir-Regolament ikun limitat għall-proġetti li ma jidduplikawx l-offerti privati jew pubbliċi mingħajr ħlas diġà eżistenti b'karatteristiċi simili fl-istess spazju pubbliku. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix l-istabbiliment ta' limitazzjonijiet, fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-utent, bħall-limitu fuq il-konnettività għal perijodu ta' żmien jew sa konsum massimu raġonevoli ta' data.

(16)

Appoġġ addizzjonali jista' jikkontribwixxi għal effett iktar sinifikanti u għalhekk jenħtieġ li ma jiġix eskluż. Tali appoġġ addizzjonali jista' jiġi pprovdut minn sorsi pubbliċi ta' finanzjament, bħal fondi nazzjonali jew tal-Unjoni, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, jew min sorsi privati ta' finanzjament.

17)

Jenħtieġ li l-baġit disponibbli jiġi allokat b'mod bilanċjat ġeografikament għall-proġetti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' hawn fuq fid-dawl tal-proposti li jaslu u, fil-prinċipju, fuq bażi ta' min japplika l-ewwel. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu mmirat lejn l-żġurar ta' bilanċ ġeografiku jiġi inkluż fil-programmi ta' ħidma rilevanti adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013, u jenħtieġ li jkun speċifikat ulterjorment fis-sejħiet għal proposti, jekk meħtieġ, pereżempju, billi tiġi permessa l-parteċipazzjoni mtejba tal-applikanti mill-Istati Membri li l-użu ta' għotjiet jew forom oħra ta' għajnuna finanzjarja kien baxx b'mod komparattiv.

(18)

Sabiex ikun żgurat li l-konnettività f'konformità ma' dan ir-Regolament tingħata malajr, jenħtieġ li l-għajnuna finanzjarja tiġi implimentata kemm jista' jkun b'għodod online biex l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jitressqu u jiġu pproċessati malajr u jappoġġjaw l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-awditjar tal-punti tal-aċċess lokali bla fili installati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri jippromwovu l-proġett ta' interess komuni.

(19)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, bħal dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jħallux li l-muniċipalitajiet jipprovdu konnettività bla fili u mingħajr ħlas direttament, filwaqt li jagħmluha li dawn jipprovdu tali konnettività permezz ta' entitajiet privati.

(20)

Minħabba l-ħtieġa urġenti tal-konnettività tal-internet fl-Unjoni u tal-promozzjoni ta' aċċess għal netwerks tal- li jistgħu jwasslu, fl-Unjoni kollha, inkluż f'żoni rurali u dawk imbiegħda, esperjenza tal-internet ta' kwalità għolja bbażata tal-inqas fuq servizzi tal-broadband veloċi, u li preferebilment jilħqu wkoll l-objettivi tas-Soċjetà Ewropea tal-Gigabit, jenħtieġ li l-għajnuna finanzjarja tipprova tikseb distribuzzjoni bilanċjata ġeografikament.

(21)

Jenħtieġ li l-entitajiet benefiċjarji jiġu rikjesti jipprovdu konnettività bla fili għal mhux anqas minn tliet snin.

(22)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas ta' dan ir-Regolament jużaw l-aktar tagħmir reċenti u l-aħjar tagħmir disponibbli, li jkun kapaċi jipprovdi konnettività veloċi mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji, faċli biex tiġi aċċessata u sikura kif xieraq lill-utenti tagħhom.

(23)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jappoġġja l-forniment ta' konnettività veloċi bla fili fil-komunitajiet lokali fl-Unjoni kollha, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-istati Membru, iżda jista' minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dak l-objettiv.

(24)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1316/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)

‘proġett ta' interess komuni’ tfisser proġett identifikat fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 jew ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).”;"

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, is-CEF għandha tappoġġja l-azzjonijiet li jfittxu li jiksbu l-objettivi speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 283/2014.”;

(3)

fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

is-settur tat-telekomunikazzjoni: EUR 1 066 602 000;”;

(4)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-appoġġ tal-għajnuna finanzjarja tal-UE, b'mod partikolari fl-għamla ta' għotjiet, akkwist u strumenti finanzjarji, għandhom ikunu eliġibbli biss dawk l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġetti ta' interess komuni f'konformità mar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013, (UE) Nru 347/2013 u (UE) Nru 283/2014, kif ukoll azzjonijiet ta' appoġġ għall-programmi.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, l-azzjonijiet kollha li jimplimentaw il-proġetti ta' interess komuni u l-azzjonijiet ta' appoġġ għall-programmi identifikati fir-Regolament (UE) Nru 283/2014 u li jkunu jissodisfaw il-kriterji u/jew il-kondizzjonijiet ta' eliġibilità stabbiliti b'konformità ma' dak ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli biex jirċievu għajnuna finanzjarja tal-Unjoni fil-qafas ta' dan ir-Regolament, kif ġej:

(a)

is-servizzi ġeneriċi, il-pjattaformi ta' servizzi prinċipali u l-azzjonijiet ta' appoġġ għall-programmi għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' għotjiet u/jew akkwist;

(b)

l-azzjonijiet fil-qasam tan-netwerks tal-broadband għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji;

(c)

l-azzjonijiet fil-qasam tal-forniment tal-konnettività lokali bla fili li tkun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fil-komunitajiet lokali għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' għotjiet jew forom oħra ta' għajnuna finanzjarja, li ma' jinkludux strumenti finanzjarji.”;

(5)

fl-Artikolu 9, jiżdied dan il-paragrafu li ġej:

“1a.   Meta jkun ġustifikat bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, b'mod partikolari fil-każ ta' għotjiet b'valur baxx skont it-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012, l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiftiehmu fuq kategorija ta' proposti fil-programmi ta' ħidma adottati b'konformità mal-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament, mingħajr ma jiġu indikati applikanti individwali. Tali ftehim għandu jelimina l-ħtieġa li l-Istati Membri japprovaw kull applikazzjoni individwali.”;

(6)

fl-Artikolu 10(4), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“L-azzjonijiet fil-qasam tal-forniment tal-konnettività lokali bla fili mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fil-komunitajiet lokali għandhom jiġu ffinanzjati b'għajnuna finanzjarja tal-Unjoni li għandha tkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' kofinanzjament.”;

(7)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-istrumenti finanzjarji stabbiliti f'konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jistgħu jintużaw sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament minn entitajiet li jimplimentaw azzjonijiet li jikkontribwixxu għal proġetti ta' interess komuni kif definiti fir-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013, (UE) Nru 347/2013 u (UE) Nru 283/2014, u l-kisba tal-objettivi tagħhom. Dawk l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet ex-ante tal-imperfezzjonijiet fis-suq jew tal-qagħdiet subottimi ta' investiment u tal-bżonnijiet ta' investiment. It-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri prinċipali għal kull strument finanzjarju għandhom ikunu dawk stipulati fil-Parti III tal-Anness I għal dan ir-Regolament.”;

(8)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni, meta tadotta programmi ta' ħidma settorjali pluriennali u annwali, għandha tistabbilixxi l-kriterji tal-għażla u tal-għoti b'konformità mal-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta' dan ir-Regolament u fir-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013, (UE) Nru 347/2013 u (UE) Nru 283/2014. Meta tkun qed tistabbilixxi l-kriterji tal-għażla, il-Kummissjoni għandha tqis l-orjentazzjonijiet ġenerali stipulati fil-Parti V tal-Anness I għal dan ir-Regolament.”;

(9)

fl-Artikolu 22, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Iċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu mhix obbligatorja għall-għotjiet jew forom oħra ta' assistenza finanzjarja mogħtija fil-qafas tal-punt (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 283/2014.

Ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi infurmata annwalment imsemmi fit-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-għotjiet jew forom oħra ta' għajnuna finanzjarja mogħtija fil-qafas tal-punt (c) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 283/2014.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 283/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(2) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(h)

‘punt tal-aċċess lokali bla fili’ tfisser tagħmir b'potenza baxxa li jaħdem fuq firxa żgħira, li juża spettru tar-radju fuq bażi mhux esklużiva li l-kondizzjonijiet għad-disponibbiltà tiegħu u l-użu effiċjenti għal dan l-iskop huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni, u li permezz tiegħu l-utenti jkunu jistgħu jiksbu aċċess bla fili għal netwerk tal-komunikazzjoni elettronika.”;

(2)

fl-Artikolu 4(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(c)

jappoġġjaw il-forniment ta' konnettività lokali bla fili ta' kwalità għolja li tkun mingħajr ħlas u bla kondizzjonijiet diskriminatorji fil-komunitajiet lokali.”;

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġetti ta' interess komuni fil-qasam tal-forniment tal-konnettività lokali bla fili mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fil-komunitajiet lokali għandhom jiġu appoġġjati permezz ta':

(a)

għotjiet; u/jew

(b)

forom oħra ta' għajnuna finanzjarja, li ma jinkludux strumenti finanzjarji.”;

(b)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Dak l-ammont għandu jkun sa 15 % tal-pakkett finanzjarju għas-settur tat-telekomunikazzjoni msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.”;

(4)

fl-Artikolu 6, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“8a.   L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-proġetti ta' interess komuni fil-qasam tal-forniment ta' konnettività lokali bla fili ta' kwalità għolja li tkun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fil-komunitajiet lokali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Anness sabiex ikunu eliġibbli għall-finazjament.”;

(5)

fl-Artikolu 8(9), jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

l-għadd ta' konnessjonijiet għall-punti tal-aċċess lokali bla fili stabbilit taħt l-azzjonijiet li jimplimentaw it-Taqsima 4 tal-Anness.”;

(6)

fl-Anness, tiżdied din it-taqsima:

“TAQSIMA 4. KONNETTIVITÀ BLA FILI FIL-KOMUNITAJIET LOKALI

L-azzjonijiet iridu jimmiraw għall-forniment tal-konnettività lokali bla fili u mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji fiċ-ċentri tal-ħajja pubblika lokali, inkluż fi spazji fil-beraħ miftuħa għall-pubbliku ġenerali, u li jaqdu rwol ewlieni fil-ħajja pubblika tal-komunitajiet lokali, sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja. Għall-finijiet ta' aċċessibilità, dawk l-azzjonijiet għandhom jipprovdu aċċess għas-servizzi mill-inqas bil-lingwi rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat u, sa fejn ikun possibbli, b'lingwi uffiċċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-għajnuna finanzjarja għandha tkun disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), li jipprovdu, f'konformità mal-liġi nazzjonali, konnettività lokali bla fili u mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji bl-installazzjoni ta' punti tal-aċċess lokali bla fili.

L-azzjonijiet meħuda għall-forniment tal-konnettività bla fili għandhom ikunu eleġibbli biex jirċievu finanzjament jekk:

(1)

ikunu implimentati minn korp tas-settur pubbliku kif imsemmi fit-tieni paragrafu li jkun kapaċi jippjana u jissorvelja l-installazzjoni tal-punti tal-aċċess lokali bla fili interni u esterni fl-ispazji pubbliċi kif ukoll jiżgura bħal minimu ta' tliet snin il-finanzjament tal-ispejjeż operattivi;

(2)

jissejsu fuq konnettività tal-broadband veloċi li tagħmilha possibbli li l-utenti jkunu jistgħu jesperjenzaw internet ta' kwalità għolja li:

(a)

ikun mingħajr ħlas u mingħajr kondizzjonijiet diskriminatorji, faċli li jiġi aċċessat, sikurizzat, u li juża l-aktar tagħmir reċenti u l-aħjar tagħmir disponibbl, li jkun kapaċi jwassal konnettività veloċi lill-utenti tiegħu; u

(b)

jappoġġja l-aċċess għal servizzi diġitali innovattivi, bħal dawk offruti permezz ta' infrastrutturi tas-servizzi diġitali;

(3)

jużaw l-identità viżiva komuni li għandha tiġi provduta mill-Kummissjoni u r-rabta mal-għodod online assoċjati;

(4)

jirrispettaw il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika fil-livell tal-backhaul, l-użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi u l-kapaċità ta' adattament tal-proġetti għall-aħjar offerti teknoloġiċi;

(5)

jimpenjaw ruħhom li jixtru t-tagħmir meħtieġ u/jew is-servizzi ta' installazzjoni relatati neċessarji skont id-dritt applikabbli sabiex jiżguraw li l-proġetti ma jfixklux indebitament il-kompetizzjoni.

L-azzjonijiet li jidduplikaw offerti privati jew pubbliċi mingħajr ħlas li jeżistu u li jkollhom karatteristiċi simili, inkluża l-kwalità, fl-istess spazju pubbliku ma għandhomx ikunu eliġibbli biex jirċievu finanzjament. Tali duplikazzjoni tista' tiġi evitata billi jiġi żgurat li l-medda tal-punti ta' aċċess iffinanzjata fil-qafas ta' dan ir-Regolament titfassal sabiex tkopri primarjament l-ispazji pubbliċi u mhux sabiex titrikkeb fuq dik tal-offerti privati jew pubbliċi eżistenti b'karatteristiċi simili.

Il-baġit disponibbli għandu jiġi allokat b'mod bilanċjat ġeografikament fl-Istati Membri kollha għall-azzjonijiet li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati f'din it-Taqsima fid-dawl tan-numru ta' proposti li jaslu u, fil-prinċipju, skont min japplika l-ewwel. L-allokazzjoni totali tal-fondi taħt kull sejħa għandha tinkludi lill-Istati Membri kollha li mingħandhom jiġu rċevuti proposti eliġibbli.

L-azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas ta' din it-Taqsima għandhom ikunu operattivi u ssorveljati mill-qrib mill-Kummissjoni għal mill-anqas tliet snin. Wara l-perijodu operattiv, il-Kummissjoni għandha tkompli tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-funzjonalità ta' dawk l-azzjonijiet u tagħti input eventwali għal inizjattivi futuri.

(*2)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).”."

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)   ĠU C 125, 21.4.2017, p. 69.

(2)   ĠU C 207, 30.6.2017, p. 87.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta'Ottubru 2017.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jenħtieġ li l-inizjattiva WiFi4EU jkollha impatt sinifikanti u skalabilità. Għal dan l-għan, huma jinnotaw li jekk ma tistax tiġi garantita b'mod sħiħ żieda ta' bejn EUR 25 000 000 u EUR 50 000 000 fil-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tas-CEF fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, il-Kummissjoni tista' tipproponi riallokazzjonijiet ta' EUR 120 000 000 fi ħdan dak il-pakkett sabiex ikun iffaċilitat il-finanzjament globali għall-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali.


1.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/9


REGOLAMENT (UE) 2017/1954 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (2) jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(2)

Il-format uniformi preżenti għall-permessi ta' residenza, li ilu jintuża 20 sena, jitqies bħala li ma għadux joffri sigurtà fid-dawl ta' inċidenti serji ta' falsifikazzjoni u frodi.

(3)

Jenħtieġ, għalhekk, li jiġi stabbilit disinn komuni ġdid għall-permessi ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'karatteristiċi ta' sigurtà aktar moderni sabiex tali permessi jsiru aktar siguri u biex tiġi evitata l-falsifikazzjoni.

(4)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom permess ta' residenza validu mfassal skont il-format uniformi maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri li japplikaw b'mod sħiħ l-Acquis ta' Schengen għandhom id-dritt ta' moviment liberu għal mhux aktar minn 90 jum fiż-żona Schengen, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dħul imsemmija fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen).

(5)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tistabbilixxi skemi li jagħtu drittijiet ta' mobbiltà addizzjonali, b'kondizzjonijiet speċifiċi għad-dħul u s-soġġorn fi Stati Membri li huma marbuta b'dak l-acquis. Il-permessi ta' residenza maħruġa f'konformità ma' dik il-leġiżlazzjoni jużaw il-format uniformi stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Għalhekk, biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jibbenefikaw minn dawk id-drittijiet speċifiċi ta' mobbiltà, huwa importanti li dawk il-permessi ta' residenza juru b'mod ċar l-annotazzjonijiet rilevanti, bħal “riċerkatur”, “student” jew “ICT” f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(6)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar ir-Regolament jekk hijiex ser timplimenta dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)

B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhux qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, rispettivament, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

(11)

Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

(12)

Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-ħażniet eżistenti ta' permessi ta' residenza, jeħtieġ li jkun hemm perijodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza l-antiki.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 huwa sostitwit bl-immaġni u bit-test li jinsabu fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-permessi ta' residenza li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1030/2002, li huma applikabbli sad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, jistgħu jinħarġu sa sitt xhur wara dik id-data.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn 15-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2017.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(6)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(8)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

“ANNESS

XBIEHA TA' QUDDIEM U TA' WARA TAL-KARD

Image 1

Image 2

(a)   Deskrizzjoni

Il-permess ta' residenza, inklużi l-elementi bijometriċi, għandu jiġi prodott bħala dokument separat fil-format ID 1. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti fid-dokument ICAO dwar dokumenti tal-ivjaġġar li jinqraw mill-magni (Dokument 9303, is-seba' edizzjoni, 2015). Għandu jkollu dan li ġej (1):

Xbieha ta' quddiem tal-kard:

1.

Il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti kif stabbilit fid-Dokument ICAO 9303 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni, integrata fl-istampar tal-isfond.

2.

Is-simbolu ICAO għal dokument tal-ivvjaġġar li jinqara mill-magni b'mikroċippa ta' bla kuntatt (simbolu e-MRTD), b'kuluri li jvarjaw ottikament. L-ilwien jidhru differenti skont mil-liema naħa wieħed iħares lejhom.

3.1.

It-titolu tad-dokument (Permess ta' Residenza) għandu jidher fil-lingwa/i tal-Istat Membru emittenti.

3.2.

Repetizzjoni tat-titolu tad-dokument imsemmi fil-kaxxa 3.1, f'mill-inqas lingwa waħda oħra (massimu ta' tnejn) uffiċjali tal-istituzzjonijet tal-Unjoni, sabiex jiġi ffaċilitat li l-kard tingħaraf bħala permess ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.1.

In-numru tad-dokument.

4.2.

Repetizzjoni tan-numru tad-dokument (b'karatteristiċi ta' sigurtà speċjali).

5.

In-Numru tal-Kard ta' Aċċess (CAN).

L-intestaturi tal-annotazzjonijiet 6 sa 12 għandhom jidhru fil-lingwa/i tal-Istat Membru emittenti. L-Istat Membru emittenti jista' jżid xi lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-istess linja, sa total ta' mhux aktar minn żewġ lingwi.

6.

Isem: kunjom(ijiet) u l-ewwel isem(ismijiet), f'dik l-ordni (2).

7.

Sess.

8.

Nazzjonalità.

9.

Data tat-twelid.

10.

Tip ta' permess: it-tip speċifiku ta' permess ta' residenza maħruġ mill-Istat Membru liċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Il-permess ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx eżerċita d-dritt ta' moviment liberu għandu jkollu l-annotazzjoni “membru tal-familja”. Fil-każ ta' benefiċjarji skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu “benefiċjarji taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE”.

11.

Id-data tal-iskadenza tad-dokument (4).

12.

Rimarki: l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali kif meħtieġa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż osservazzjonijiet dwar kwalunkwe permess għax-xogħol jew validità illimitata tal-permess għal soġġorn (5).

13.

Ritratt tal-identità għandu jkun integrat b'mod sigur fl-istruttura tal-kard u ssiġillat permezz ta' element difrattiv ta' immaġni ottikament varjabbli (DOVID).

14.

Firma tad-detentur

15.

DOVID għall-protezzjoni tar-ritratt.

Xbieha ta' wara tal-kard:

16.

Rimarki: l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali kif meħtieġa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiż terz, inkluż osservazzjonijiet relatati ma' kwalunkwe permess għax-xogħol (6), segwiti minn żewġ annotazzjonijiet mandatorji:

16.1.

Data tal-ħruġ, post tal-ħruġ/ awtorità emittenti: Id-data u l-post tal-ħruġ tal-permess ta' residenza. Fejn ikun xieraq, il-post tal-ħruġ jista' jiġi sostitwit b'referenza għall-awtorità emittenti.

16.2.

Post tat-twelid.

L-annotazzjonijiet 16.1 u 16.2 jistgħu jiġu segwiti minn annotazzjonijiet fakultattivi (7) bħal ma huma l-“Indirizz tad-detentur”.

16.3.

Kaxxa fakultattiva għall-informazzjoni relatata mal-produzzjoni tal-kard, bħall-isem tal-produttur, in-numru tal-verżjoni, eċċ.

17.

Il-parti li tinqara mill-magni. Il-parti li tinqara mill-magni għandha tkun konformi mal-linji-gwida rilevanti tal-ICAO stabbiliti fid-Dokument ICAO 9303 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni.

18.

Il-parti stampata għandu jkollha l-emblema nazzjonali tal-Istat Membru biex jintgħaraf il-permess ta' residenza u tiġi pprovduta ċertezza dwar l-oriġini nazzjonali tagħha.

19.

Il-parti li tinqara mill-magni għandu jkollha test stampat fl-isfond tal-istampar li jindika l-Istat Membru emittenti. Dan it-test ma għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tinqara mill-magni.

Karatteristiċi ta' sigurtà viżibbli nazzjonali (mingħajr preġudizzju għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 2(1)(f) ta' dan ir-Regolament):

20.

Ċippa RF għandha tiġi użata bħala mezz ta' ħażna f'konformità mal-Artikolu 4a ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkorporaw fil-permess ta' residenza interfaċċa doppja jew ċippa ta' kuntatt separata għall-użu nazzjonali. Tali ċippijiet ta' kuntatt għandhom jitpoġġew fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard, ikunu konformi mal-istandards ISO u ma għandhom bl-ebda mod jinterferixxu maċ-ċippa RF.

21.

Tieqa trasparenti fakultattiva.

22.

Bordura trasparenti fakultattiva.

(b)   Kulur, proċess tal-istampar

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kulur u l-proċess tal-istampar skont il-format uniformi stabbilit f'dan l-Anness u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali li jridu jkunu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

(c)   Materjal

Il-kard għandha tkun magħmula kollha kemm hi minn polikarbonat jew xi polimeru sintetiku ekwivalenti (li jibqa' tajjeb għal mill-anqas 10 snin).

(d)   Tekniki ta' stampar

It-tekniki tal-istampar li ġejjin għandhom ikunu użati:

Stampar offset tal-isfond, b'sigurtà qawwija;

Stampar fluworexxenti taħt l-UV;

Stampar qawsalla.

Id-disinn ta' sigurtà fuq ix-xbieha ta' quddiem tal-kard għandu jkun distingwibbli minn dak fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard.

(e)   Enumerazzjoni

In-numru tad-dokument għandu jidher f'aktar minn pożizzjoni waħda fuq id-dokument (eskluża l-parti li tinqara mill-magni).

(f)   Protezzjoni kontra l-ikkuppjar

DOVID imtejba li tipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà mhux anqas mill-element użat fil-format uniformi kurrenti għall-viżi għandha tintuża fuq ix-xbieha ta' quddiem tal-permess ta' residenza b'disinn u elementi avvanzati, inkluż element difrattiv imtejjeb għal verifikazzjoni avvanzata bil-magni.

(g)   Teknika ta' personalizzazzjoni

Biex ikun żgurat li d-data tal-permess ta' residenza tkun imħarsa kif imiss minn tentattivi ta' falsifikazzjoni, id-data bijografika inkluż ir-ritratt, il-firma tad-detentur u d-data l-oħra prinċipali għandhom ikunu integrati fil-materjal bażiku tad-dokument. Din il-personalizzazzjoni għandha ssir billi tintuza teknoloġija tal-inċiżjoni bil-lejżer jew xi teknoloġija sigura ekwivalenti oħra.

(h)   L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll karatteristiċi addizzjonali ta' sigurtà nazzjonali, dment li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 2(1)(f) ta' dan ir-Regolament, li jkunu konformi mad-dehra armonizzata tal-mudelli hawn fuq u li l-effiċjenza tal-karatteristiċi uniformi tas-sigurtà ma titnaqqasx.


(1)  L-intestaturi li jridu jiġu stampati huma speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

(2)  Għall-kunjomijiet u l-ismijiet hija assenjata kaxxa waħda. Il-kunjomijiet għandhom jiddaħħlu b'ittri kbar; l-ismijiet b'ittri żgħar iżda l-ewwel ittra tkun kbira. Ma għandu jkun hemm l-ebda simbolu li jissepara l-kunjomijiet u l-ismijiet. Madankollu, il-karattru “,” jista' jitpoġġa bħala simbolu li jissepara bejn l-ewwel u t-tieni kunjomijiet jew ismijiet (pereżempju: TOLEDO, BURGOS Ana, Maria). Jekk ikun neċessarju, l-ewwel u t-tieni kunjomijiet jistgħu jiġu kkombinati fl-istess linja, kif ukoll il-kunjomijiet u l-ismijiet, sabiex jiġi ffrankat l-ispazju.

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  L-annotazzjoni għandha ssir biss f'format ta' data (jj/xx/ssss) u mhux bi kliem bħal ma huma “temporanju” jew “illimitat” minħabba l-fatt li d-data ta' skadenza tirreferi għad-dokument stess u mhux għad-dritt għal residenza.

(5)  Ir-rimarki addizzjonali jistgħu jiddaħħlu wkoll fil-linja 16 (“Rimarki”) fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard.

(6)  L-ispazju kollu disponibbli fuq ix-xbieha ta' wara tal-kard (ħlief għall-parti li tinqara mill-magni) għandu jiġi riżervat għall-kaxxa tar-“Rimarki”. Ikun fih ir-rimarki reali, segwit mill-kaxex bl-informazzjoni obbligatorja (id-data tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ/l-awtorità emittenti, il-post tat-twelid), u segwiti mill-kaxex fakultattivi li kull Stat Membru jenħtieġ.

(7)  L-annotazzjonijiet fakultattivi jridu jkunu preċeduti minn sottotitoli.