ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 273

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
24 ta' Ottubru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1931 tas-17 ta' Ottubru 2017 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' denominazzjoni reġistrata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Bleu d'Auvergne (DOP))

2

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1932 tat-23 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1933 tat-23 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1934 tat-23 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Guinea

10

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1935 tat-23 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/573/PESK li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova

11

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1936 tat-18 ta' Ottubru 2017 dwar il-passi immedjati sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-prekursuri tal-isplussivi ( 1 )

12

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-rekwiżiti ta' l-assigurazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru u l-operaturi ta' l-ajruplani ( ĠU L 138, 30.4.2004 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 8, p. 160)

15

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/1


Avviż dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra (1)

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan taw notifika dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, fit-3 ta' Ottubru 2017. Għaldaqstant, il-Ftehim japplika proviżorjament skont l-Artikolu 59(3) ta' dan il-Ftehim mill-1 ta' Diċembru 2017 'il quddiem.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 tat-13 ta' Frar 2017 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati proviżorjament bejn l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, iżda biss sa fejn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, inklużi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni biex tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni:

 

Artikolu 2 (Prinċipji ġenerali);

 

Artikolu 3 (Djalogu politiku);

 

Artikolu 4 (Drittijiet tal-bniedem);

 

Artikolu 5 (Ugwaljanza bejn is-sessi);

 

Titolu III (Kooperazzjoni għall-iżvilupp);

 

Titolu IV (Kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment);

 

Artikolu 28 (Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni);

 

Titolu VII (Kooperazzjoni reġjonali);

 

Titolu VIII (Qafas istituzzjonali) sal-punt li d-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu jkunu limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim;

 

Titolu IX (Dispożizzjonijiet finali) sal-punt li d-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu jkunu limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.


(1)  ĠU L 67, 14.3.2017, p. 3.


REGOLAMENTI

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/2


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1931

tas-17 ta' Ottubru 2017

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' denominazzjoni reġistrata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Bleu d'Auvergne (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta' Franza għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-denominazzjoni ta' oriġini protetta “Bleu d'Auvergne”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/2008 (3).

(2)

L-emenda konċernata mhix minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, bis-saħħa tal-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4).

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-emenda fl-ispeċifikazzjoni tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-denominazzjoni “Bleu d'Auvergne” (DOP) hija approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta' Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni elenkati fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Bleu d'Auvergne (DPO)] (ĠU L 338, 17.12.2008, p. 5).

(4)  ĠU C 194, 17.6.2017, p. 52.


24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1932

tat-23 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). L-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament imsemmi qabel, użat bħala perjodu ta' investigazzjoni l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011 (“l-investigazzjoni oriġinali”).

2.   L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI

2.1.   Proċedura

(2)

Wara talba mressqa minn Kyocera Fineceramics Group (“l-applikant” jew “Kyocera”), il-Kummissjoni ħabbret b'notifika (“notifika ta' bidu”) ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) il-bidu ta' rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Il-grupp jinkludi Dongguan Shilong Kyocera Co. Ltd., produttur esportatur fiċ-Ċina. Ir-rieżami kien limitat għal eżaminazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika dwar jekk ċerti tipi ta' prodott (jiġifieri apparati taċ-ċeramika li jqattgħu fi flieli, ħakkieka taċ-ċeramika, imqassijiet taċ-ċeramika, barraxa taċ-ċeramika, magni taċ-ċeramika li jsinnu u mtieħen tal-kafe taċ-ċeramika jew, flimkien, “it-tipi ta' prodott inkwistjoni”) jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat.

(3)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment il-partijiet kollha li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll l-awtoritajiet taċ-Ċina bil-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta' żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lill-applikant. Barra minn hekk, il-partijiet li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali ġew mitluba jikkummentaw fuq kwalunkwe differenzi bejn il-prodott li qed jiġi rieżaminat, kif definit fil-premessa (8), u t-tipi ta' prodott inkwistjoni fir-rigward tal-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tagħhom, il-proċess tal-produzzjoni tagħhom, l-użu finali u aspetti oħra (jekk ikollhom).

(5)

Kyocera ressaq tweġiba u kummenti għal kwestjonarju dwar is-sustanza tar-rieżami. Distributur Taljan qal li t-tipi ta' prodott inkwistjoni jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tal-varjetà tiegħu. Tmintax-il kumpanija (żewġ importaturi fl-Italja u 16-il kumpanija fiċ-Ċina) wieġbu li ma kellhomx x'jaqsmu mat-tipi ta' prodott inkwistjoni. L-ilmentatur fl-investigazzjoni oriġinali ppreżenta ruħu iżda ma għamel l-ebda rappreżentazzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni fittxet li tiġbor u li tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-finijiet ta' valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa ta' kjarifika/emenda tal-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri antidumping eżistenti.

(7)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet preżenti. Skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ingħataw perjodu li matulu setgħu jressqu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar. Apparti l-applikant (li laqa' t-test), l-ebda parti ma ssottomettiet kummenti orali jew bil-miktub.

2.2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

(8)

Il-prodott li qed jiġi rieżaminat huwa l-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament oriġinali, jiġifieri oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina, esklużi skieken taċ-ċeramika, oġġetti taċ-ċeramika li jaħżnu kondiment jew imtieħen tal-ħwawar u l-partijiet taċ-ċeramika tagħhom li jitħnu, għodod li jqaxxru l-frott u l-ħaxix magħmula miċ-ċeramika, senniena taċ-ċeramika għas-skieken u ġebel tal-pizza taċ-ċeramika cordierite tat-tip użat għall-ħami tal-pizza jew il-ħobż (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 6911 10 00, ex 6912 00 21, ex 6912 00 23, ex 6912 00 25 u ex 6912 00 29 (kodiċijiet TARIC 6911100090, 6912002111, 6912002191, 6912002310, 6912002510 u 6912002910) u li joriġinaw miċ-Ċina.

2.3.   Riżultati tal-investigazzjoni

2.3.1.   Introduzzjoni u metodoloġija

(9)

Fid-dawl tal-istatistika rilevanti meħuda mill-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, kull sena madwar 350 000 tunnellata ta' oġġetti taċ-ċeramika Ċiniżi li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina jidħlu fis-suq tal-Unjoni.

(10)

Skont Kyocera, it-tipi ta' prodott inkwistjoni għandhom proċess ta' produzzjoni, użi finali, disinn u karatteristiċi differenti mill-prodott li qed jiġi rieżaminat. B'konsegwenza, Kyocera saħaq li, kif kien ikkonfermat għal skieken taċ-ċeramika u tipi ta' prodott oħrajn fl-investigazjoni oriġinali, it-tipi ta' prodott inkwistjoni jenħtieġ li jiġu esklużi wkoll mill-miżuri antidumping.

(11)

Fid-dawl tal-proċessi tal-produzzjoni u/jew katalgi tagħhom, fl-investigazzjoni oriġinali l-produtturi li kkooperaw fil-kampjunar fl-Unjoni u ċ-Ċina, u l-produttur tal-pajjiż analogu fil-Brażil ma pproduċewx it-tipi ta' prodott inkwistjoni. Din is-sejba ġiet appoġġata iktar mid-dikjarazzjoni tas-16-il kumpanija (produtturi esportaturi li kkooperaw, tal-prodott ikkonċernat fiċ-Ċina fl-investigazzjoni oriġinali) u żewġ importaturi fl-Italja msemmija fil-premessa (5). Għalhekk, kull dejta u informazzjoni użati u ppreżentati fir-Regolament oriġinali ma inkludewx kwalunkwe dejta relatata mat-tipi ta' prodott inkwistjoni.

(12)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk it-tipi ta' prodott inkwistjoni kinux distinti minn tipi oħra ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina attwalment suġġetti għal miżuri bbażati fuq (i) il-karattereristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tagħhom, (ii) il-proċess ta' produzzjoni tagħhom u (iii) l-użi finali tipiċi u l-interkambjabbiltà tagħhom.

2.3.2.   Il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi

(13)

L-oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina kif definiti fir-Regolament oriġinali huma magħmula minn “ċeramika tradizzjonali”, jiġifieri porċellana jew kina, ta' fuħħar komuni, oġġetti magħmulin mill-ġebla, oġġetti magħmulin miċ-ċaqquf jew fuħħar fin jew materjali oħra li jagħtuhom saħħa ta' 1 000 kg/m2 ~ 1 200 kg/m2.

(14)

It-tipi ta' prodott inkwistjoni jinkludu parti li taħdem (biex taqta', titħon jew issinn) u parti li ma taħdimx (biex iżżommhom). Il-parti li taħdem hija magħmulha minn ċeramika avvanzata.

(15)

Oġġetti taċ-ċeramika avvanzata huma żviluppati b'teknoloġija avvanzata biex iservu bħala materjali industrijali. Dawn huma reżistenti għas-sħana, għandhom reżistenza għall-kedd u materjal ta' insulazzjoni. Is-saħħa tagħhom hija 10 000 kg/m2 ~12 000 kg/m2.

(16)

Il-materja prima prinċipali tagħhom ta' ċeramika tradizzjonali tinkludi minerali bħall-kawlina, feldspar u kwarz. Jew l-ossidu taż-żirkonju jew l-ossidu tal-aluminju huma l-materja prima ta' ċeramika avvanzata.

(17)

Minħabba d-disinn speċifiku u l-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, l-oġġetti taċ-ċeramika ta' fuq il-mejda u tal-kċina kif definiti fir-Regolament oriġinali jkopru prinċipalment oġġetti mmirati biex iġorru prodotti alimentari. Minħabba d-disinn speċifiku u l-karatterisitċi fiżiċi tagħhom (forma u ebusija) it-tipi ta' prodott inkwistjoni huma mmirati biex iqattgħu (biċċiet ta') prodotti alimentari b'mod differenti, inkluż pereżempju t-tħin jew, kif inhu l-każ tas-senniena taċ-ċeramika, biex isinnu ċerti għodod.

2.3.3.   Proċess tal-produzzjoni

(18)

L-investigazzjoni tar-rieżami stabbilixxiet li linja tal-produzzjoni użata biex tipproduċi ċeramika tradizzjonali mhijiex adatta biex tipproduċi ċeramika avvanzata. Tipikament, il-proċess ta' produzzjoni taċ-ċeramika tradizzjonali jeħtieġ iż-żieda tal-ilma mal-materja prima biex isir tafal jew barbotine, imbagħad issir il-forma u wara jsir f'kalkara konvenzjonali f'temperatura ta' 1 000 °C-1 250 °C. B'distinzjoni, il-partijiet li jaħdmu tat-tipi tal-prodott inkwistjoni huma prodotti billi t-trab taċ-ċeramika pur jitpoġġa f'forma li titqiegħed taħt pressjoni għolja biex it-trab jiġi solidifikat fil-forma mixtieqa. Il-materjal jiġi msajjar u sinterizzat f'kalkara taħt temperaturi kkontrollati b'mod preċiż (it-temperatura tat-tisjir tkun 1 400 °C).

2.3.4.   L-użi finali tipiċi u l-interkambjabbiltà

(19)

Kif enfasizzat fil-premessa (17), it-tipi tal-prodott inkwistjoni mhumiex immirati biex iżommu prodotti alimentari, li huwa l-użu finali tipiku tal-prodottt ikkonċernat kif definit fir-Regolament oriġinali.

(20)

L-investigazzjoni ta' rieżami uriet li ma hemm l-ebda interkambjabbiltà bejn kwalunkwe mill-kategoriji tal-prodott li qed jiġi riezaminat u t-tipi ta' prodotti inkwistjoni.

2.4.   Konklużjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott

(21)

L-investigazzjoni ta' rieżami stabbilixxiet li, minħabba l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi differenti tagħhom, l-użi finali differenti u proċessi tal-produzzjoni differenti, it-tipi tal-prodott inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ.

(22)

Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġi ċċarat li apparat taċ-ċeramika li jqattgħu fi flieli, ħakkieka taċ-ċeramika, imqassijiet taċ-ċeramika, barraxa taċ-ċeramika, magni taċ-ċeramika li jsinnu u mtieħen tal-kafe taċ-ċeramika ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott suġġett għal miżuri antidumping.

(23)

Fid-dawl ta' dak li ssemma hawn fuq, jitqies xieraq li jiġi emendat ir-Regolament oriġinali biex tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-prodott.

(24)

Partijiet interessati ġew informati dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta' rieżami.

2.5.   Applikazzjoni retroattiva

(25)

In-notifika ta' bidu stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu l-ħsibijiet tagħhom magħrufa dwar l-applikazzjoni retroattiva possibbli ta' kwalunkwe Regolament li jirriżulta minn dan ir-rieżami. Ħlief għall-applikant, l-ebda parti ma għamlet rappreżentazzjoni dwar il-kwistjoni.

(26)

Billi din l-investigazzjoni tar-reviżjoni kienet limitata għall-kjarifika tal-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott, u billi t-tipi ta' prodott inkwistjoni ma kinux koperti mill-investigazzjoni oriġinali u mill-miżura antidumping konsegwenti, jitqies xieraq li l-konklużjonijiet ta' dan ir-rieżami jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali, inkluża kull importazzjoni suġġetta għal dazji proviżorji bejn is-16 ta' Novembru 2012 u s-16 ta' Mejju 2013. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni prevalenti li tipprevjeni l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjoni retroattiva.

(27)

Għaldaqstant, għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 kif emendat b'dan ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 u d-dazji antidumping provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi.

(28)

Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(29)

Dan ir-rieżami ma jaffettwax id-data ta' meta r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 jintemm skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(30)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 huwa b'dan sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Permezz ta' dan qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 6911 10 00, ex 6912 00 21, ex 6912 00 23, ex 6912 00 25 u ex 6912 00 29 (kodiċijiet TARIC 6911100090, 6912002111, 6912002191, 6912002310, 6912002510 u 6912002910) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Ma humiex inklużi:

imtieħen tal-kondimenti jew tal-ħwawar taċ-ċeramika u l-partijiet tat-tħin taċ-ċeramika tagħhom,

imtieħen tal-kafè taċ-ċeramika,

senniena taċ-ċeramika għas-skieken,

senniena taċ-ċeramika,

għodod tal-kċina taċ-ċeramika li jintużaw għall-qtugħ, tħin, tħakkik, tfettit, brix u tqaxxir; kif ukoll

ġebel tal-pizza taċ-ċeramika cordierite tat-tip użat għall-ħami tal-pizza jew tal-ħobż”.

Artikolu 2

Għal oġġetti li mhumiex koperti mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 kif emendat b'dan ir-Regolament, id-dazji antidumping definittivi mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2013 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji antidumping provviżorji miġbura b'mod definittiv skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.

Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Fil-każijiet li fihom il-limitu ta' żmien ta' tliet snin stipulat fl-Artikolu 121(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ikun skada dakinhar tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew qabel, jew fi żmien sitt xhur wara dik id-data, dan għandu jkun prolongat għal perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Novembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 131, 15.5.2013, p.1.

(3)  ĠU C 117, 12.4.2017, p. 12.

(4)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.


DEĊIŻJONIJIET

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1933

tat-23 ta' Ottubru 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta' Ottubru 2018.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandha tapplika sal-31 ta' Ottubru 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. IVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi (ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37).


24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1934

tat-23 ta' Ottubru 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/638/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Guinea.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni 2010/638/PESK, jenħtieġ li dawk il-miżuri restrittivi jiġu estiżi sas-27 ta' Ottubru 2018.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/638/PESK tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2010/638/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-27 ta' Ottubru 2018. Hija għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded jew tiġi emendata, skont kif meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. IVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10).


24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1935

tat-23 ta' Ottubru 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2010/573/PESK li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/573/PESK (1).

(2)

Fuq il-bażi ta' reviżjoni tad-Deċiżjoni 2010/573/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova jiġu estiżi sal-31 ta' Ottubru 2018. Il-Kunsill ser jirrevedi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-miżuri restrittivi wara sitt xhur.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/573/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2010/573/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Ottubru 2018. Hija għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġġedded jew tiġi emendata, kif ikun adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. IVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/573/PESK tas-27 ta' Settembru 2010 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 253, 28.9.2010, p. 54).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1936

tat-18 ta' Ottubru 2017

dwar il-passi immedjati sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-prekursuri tal-isplussivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-attakki u l-inċidenti terroristiċi reċenti jindikaw li t-theddida tal-isplussivi magħmulin id-dar fl-Ewropa għadha għolja. Is-sustanzi li huma l-prekursuri tal-isplussivi għad qed ikun hemm aċċess għalihom u qed jiġu użati biex joħolqu splussivi magħmulin id-dar, minkejja l-isforzi sabiex dawn jiġu effettivament ristretti u biex jiġi kkontrollat l-aċċess għalihom.

(2)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-Riżoluzzjoni 2370 (2017) tiegħu jenfasizza l-ħtieġa assoluta li t-terroristi jiġu impeduti milli jużaw jew jkollhom aċċess għal komponenti u materja prima li jistgħu jintużaw biex jiġu mmanifatturati splussivi, u jsejjaħ għal viġilanza aħjar, inkluż permezz tat-twettiq ta' prattiki tajbin, tal-qsim tal-informazzjoni bejn il-fruntieri u tal-ħolqien ta' sħubijiet.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-disponibbiltà, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta' sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati ħażin biex jiġu mmanifatturati splussivi b'mod illeċitu, bl-għan li dawn għall-pubbliku ġenerali jkunu disponibbli b'mod limitat, u biex jiġi żgurat li jiġu rrappurtati b'mod adegwat it-tranżazzjonijiet supettużi fil-katina tal-provvista.

(4)

L-applikazzjoni korretta tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 mill-Istati Membri kollha hija meħtieġa sabiex jintlaħaq l-objettiv tiegħu rigward il-moviment ħieles ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi fis-suq intern kif ukoll biex jitneħħew id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għas-sigurtà tal-pubbliku ġenerali. Tkompli tmexxi wkoll 'il quddiem l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għall-prevenzjoni ta' reati terroristiċi, li jinvolvu l-immanifatturar, l-akkwist, it-trasport, il-forniment jew l-użu ta' splussivi, kif ukoll il-forniment u l-ġbir ta' struzzjonijiet dwar kif isiru l-isplussivi u l-użu tagħhom.

(5)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 jista' jintlaħaq b'mod aktar effettiv billi l-Istati Membri jingħataw gwida dwar l-applikazzjoni tiegħu. Din ir-Rakkomandazzjoni tikkumplimenta l-Linji Gwida (3) adottati mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri (4) u jieħu inkonsiderazzjoni d-diskussjonijiet li seħħew f'dan il-kumitat u matul serje ta' workshops li kienu jinvolvu l-awtoritajiet tal-Istati Membri organizzati fl-2016 u fl-2017.

(6)

Id-disponibbiltà ta' prekursuri tal-isplussivi għall-pubbliku ġenerali jinħtieġ li tkun ristretta sabiex it-terroristiċi jitwaqqfu milli jakkwistaw il-prekursuri tal-isplussivi. Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 jirrestrinġi l-aċċess għal seba' sustanzi kimiċi u l-użu tagħhom (il-prekursuri tal-isplussivi ristretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nr 98/2013) (5) mill-membri tal-pubbliku ġenerali.

(7)

Minkejja din il-projbizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu aċċess lill-pubbliku għal dawn is-sustanzi permezz ta' sistema ta' liċenzji u reġistrazzjoni biss. Mill-1 ta' Jannar 2017, sittax-il Stat Membru għandhom fis-seħħ sistemi ta' liċenzjar u/jew ta' reġistrazzjoni minflok il-projbizzjoni (6). Għaldaqstant f'dawn l-Istati Membri, is-sustanzi u t-taħlitiet ristretti li huma l-prekursuri tal-isplussivi xorta għad hemm aċċess għalihom u huma użati mill-pubbliku ġenerali.

(8)

L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw u jippromwovu konċentrazjonijiet aktar baxxi kif ukoll sustanzi alternattivi li hemm anqas tħassib dwarhom, u jistabbilixxu kundizzjonijiet dwar il-ħżin tal-prekursuri tal-isplussivi. L-Istati Membri li għandhom sistema ta' liċenzjar jenħtieġ li jwettqu kontrolli dwar ħajjet l-individwu li jkun qed jitlob il-liċenzja.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni titlob ukoll għal infurzar aħjar fuq ir-restrizzjonjiet u l-kontrolli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 98/2013 u fuq il-kooperazzjoni transettorjali. Żieda fil-livell ta' sensibilizzazzjoni fost l-atturi kollha fil-katina tal-provvista, inkluż dawk li jaħdmu online, tgħinhom aktar biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013.

(10)

Mingħajr preġudizzju għall-oqfsa legali għall-iskambju transfruntier ta' informazzjoni fil-kuntest ta' investigazjonijiet kriminali marbutin ma' reat terroristiku (7), jew fil-qasam doganali (8), din ir-Rakkomandazzjoni titlob għall-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward ta' tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien, serq u inċidenti suspettużi oħra, jew ta' applikazzjonijiet għal liċenzja, meta dawn jidhru li jkollhom element transfruntier.

(11)

Minkejja li l-attakki u l-inċidenti reċenti kienu fil-biċċa l-kbira jinvolvu l-perossidu tal-aċetun triċikliku (TATP), it-theddida tirrigwarda firxa usa' ta' splussivi magħmulin id-dar u sustanzi li huma l-prekursuri tal-isplussivi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jibqgħu vigilanti billi jidentifikaw u jindirizzaw l-iżviluppi f'dan il-qasam, b'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-utenti relevanti.

(12)

Sa mill-adozzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni ssorveljat u ffaċilitat l-applikazjoni tiegħu b'kollaborazjoni mill-qrib mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri. Fi Frar 2017, il-Kummissjoni adottat rapport (9) li kkonkluda li għalkemm id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontribwixxa biex fl-Ewropa tonqos it-theddida mill-prekursuri tal-isplussivi, huwa meħtieġ li jiġu identifikati miżuri u azzjonijiet li jsaħħu s-sistema ta' kontrolli għall-isplussivi magħmulin id-dar. F'Mejju 2017 il-Kummissjoni bdiet il-ħidma biex tirrieżamina r-Regolament (10) dwar il-prekursuri tal-isplussivi b'evalwazzjoni li se tkun segwita b'valutazjoni tal-impatt matul l-ewwel nofs tal-2018. L-evalwazzjoni se teżamina r-relevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tar-Regolament, kif ukoll se tidentifika l-problemi u l-ostakli li jistgħu jenħtieġu aktar azzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt se tifli għażliet ta' politika differenti, sabiex kull problema u ostaklu identifikati jiġu indirizzati. Sa ma joħroġ ir-riżultat ta' dan ir-rieżami, ir-Rakkomandazzjoni tagħti parir li l-Istati Membri jieħdu passi immedjati sabiex effettivament jirrestrinġu d-disponibbiltà tal-prekursuri tal-isplussivi għall-pubbliku ġenerali skont il-qafas tar-Regolament eżistenti.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Li tillimita d-disponibbiltà tal-prekursuri tal-isplussivi għall-pubbliku ġenerali

1.

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 biex jirrestrinġu d-disponibbiltà tal-prekursuri tal-isplussivi għall-pubbliku ġenerali u biex jimpedixxu lit-terroristi milli jkollhom aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi, kif ukoll jiżguraw li jirrappurtaw b'mod adegwat it-tranżazzjonijiet supettużi fil-katina tal-provvista. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw bir-reqqa jekk is-sistema ta' projbizzjoni, liċenzjar jew reġistrazzjoni li waqqfu hijiex effettivament tilħaq dawn l-objettivi. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummisjoni bir-riżultati tal-valutazzjoni tagħhom fi żmien erba' xhur minn meta tiġi adottata din ir-rakkomandazzjoni. Din l-informazzjoni se tikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta' miżuri oħra possibbli fil-livell ta' UE.

2.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li urġentement jieħdu dawn l-azzjonijiet:

(a)

jippromwovu, u fejn possibbli u xieraq, jeżiġu l-użu ta' sustanzi alternattivi jew konċentrazzjonijiet aktar baxxi li jistgħu jintużaw għall-istess attività leġittima b'anqas tħassib għas-sigurtà;

(b)

jistipulaw il-kundizzjonijiet tas-sigurtà dwar il-ħżin tal-prekursuri tal-isplussivi għall-operaturi ekonomiċi, għall-utenti professjonali u għall-membri tal-pubbliku ġenerali li b'mod legali għandhom fil-pussess tagħhom il-prekursuri tal-isplussivi;

(c)

jipprovdu gwida ċara għall-operaturi ekonomiċi dwar kif b'mod effettiv u effikaċi jivverifikaw jekk persuna hijiex membru mill-pubbliku ġenerali jew le. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu japplikaw in-nozzjoni ta' “utent profesjonali” li timplika li din il-persuna għandha bżonn il-prekursuri tal-isplussivi ristretti għal skopijiet marbutin mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni;

(d)

meta hemm fis-seħħ skema ta' liċenzjar skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 98/2013, jitwettqu l-kontrolli dwar ħajjet l-individwu li jkun qed japplika għal liċenzja, b'mod partikolari tiġi vverifikata l-kondotta tal-applikant fl-istati kollha ta' residenza matul il-ħames snin ta' qabel; u

(e)

jitwaqqfu sistemi ta' spezzjoni sabiex l-operaturi ekonomiċi jidentifikaw in-nuqqas ta' konformità.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-involviment fil-katina tal-provvista

3.

Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jkun hemm involviment fil-katina tal-provvista, l-Istati Membri jinħtieġ li:

(a)

jipprovdu taħriġ sabiex jiżguraw li awtoritajiet doganali, għall-infurzar tal-liġi u l-persuni tal-ewwel intervent ikunu kapaċi jirrikonoxxu s-sustanzi u t-taħlitiet li huma l-prekursuri tal-isplussivi waqt il-qadi ta' dmirijiethom u jirreaġixxu fil-ħin opportun u b'mod adegwat għall-attività suspettuża.

(b)

jinkoraġġixxu lill-utenti aħħarin tal-prekursuri tal-isplussivi biex jirrappurtaw għajbien u serq sinifikanti, apparti l-obbligi ta' rappurtar eżistenti fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 98/2013;

(c)

jiskambjaw informazzjoni dwar tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien, serq u applikazzjonijiet għal liċenzja jew inċidenti suspettużi oħra, kull meta dawn jista' jkollhom element transfruntier, mal-Istati Membri l-oħra kkonċernati, kemm jista' jkun malajr u skont il-liġi nazzjonali u l-istrumenti legali internazzjonali relevanti, sakemm ma jkunux diġà koperti minn obbligi eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; u

(d)

jidentifikaw is-setturi kollha ta' rilevanza, inkluż dawk li ħidmiethom hija online, ikollhom fil-mira azzjonijiet li jissensibilizzaw dwar l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur differenti, u jżommu djalogu mal-utenti aħħarin u mal-katina tal-provvista sabiex itejbu l-fehim dwar l-użi professjonali u nonprofessjonali leġittimi tal-prekursuri tal-isplussivi.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kumissjoni

Julian KING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(3)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/guidelines_on_the_marketing_and_use_of_explosives_precursors_en.pdf

(4)  http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail=3245

(5)  Il-Perossidu tal-idroġenu, in-Nitrometan, l-Aċidu nitriku, il-Klorat tal-potassju, il-Perklorat tal-potassju, il-Klorat tas-sodju u l-Perklorat tas-sodju li jkollhom konċentrazzjoni ogħla mill-valur limitu korrispondenti stabbilit fl-Anness I u inklużi xi taħlita jew sustanza oħra li jkun fihom sustanża elenkata bħal dawn f'konċentrazzjoni ogħla mill-valur limitu korrispondenti.

(6)  Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-setgħat u d-delega tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi, COM (2017) 103 final tat-28 ta' Frar 2017.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p.1).

(9)  Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-setgħat u d-delega tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi, COM (2017) 103 final tat-28 ta' Frar 2017.

(10)  https://ec.europa.eu/home-affairs/what-is-new/work-in-progress/initiatives/revision-regulation-marketing-and-use-explosives-precursors_en


Rettifika

24.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/15


Rettifika tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-rekwiżiti ta' l-assigurazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru u l-operaturi ta' l-ajruplani

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 138 tat-30 ta' April 2004 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 8, p. 160)

Fil-paġna 164, l-Artikolu 7, l-intestatura tal-Artikolu u s-sentenza introduttiva,

minflok:

“Artikolu 7

Ir-responsabbiltà ta' l-assigurazzjoni b'rispett għal terzi partijiet

1.   In respect of liability for third parties, the minimum insurance cover per accident, for each and every aircraft, shall…”,

aqra:

“Artikolu 7

L-assigurazzjoni għar-riskji ta' terzi

1.   Fir-rigward tar-responsabbiltà lejn terzi, il-kopertura minima ta' assigurazzjoni għal kull aċċident, għal kull ajruplan, għandha tkun…”.

It-terminu “terzi parti” għandu jiġi sostitwit bit-terminu “terzi” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

It-terminu “terzi partijiet” għandu jiġi sostitwit bit-terminu “terzi” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

It-terminu “partijiet terzi” għandu jiġi sostitwit bit-terminu “terzi” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.