ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 256

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
4 ta' Ottubru 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1787 tat-12 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni tal-fondi taħt ġestjoni diretta fost l-objettivi tal-Politika Marittima Integrata u l-Politika Komuni tas-Sajd

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1788 tat-22 ta' Settembru 2017 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Ossolano (DOP)]

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1789 tal-25 ta' Settembru 2017 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/415/KE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

5

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1790 tal-25 ta' Settembru 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja

9

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f'sewqan reali ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6) ( ĠU L 175, 7.7.2017 )

11

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1787

tat-12 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni tal-fondi taħt ġestjoni diretta fost l-objettivi tal-Politika Marittima Integrata u l-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-finanzjament ta' miżuri li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Marittima Integrata u l-Politika Komuni tas-Sajd.

(2)

It-titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi l-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati f'konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni diretta mill-Unjoni.

(3)

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi d-distribuzzjoni indikattiva tal-fondi taħt ġestjoni diretta fost l-objettivi speċifiċi tal-Politika Marittima Integrata u tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikoli 82 u 85 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Il-perjodu ta' programmazzjoni għal miżuri ffinanzjati permezz tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jkopri s-snin mill-2014 sal-2020. Wara t-tmiem tat-tielet sena tal-perjodu ta' programmazzjoni, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba minn azzjonijiet implimentati s'issa fil-firxa tal-oqsma differenti ta' nfiq, tfaċċaw xi diverġenzi f'ċerti oqsma bejn id-distribuzzjoni xierqa ta' fondi u l-perċentwali stipulati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(5)

S'issa kien possibbli li jiġu ttrattati dawn id-diverġenzi permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. Dak l-Artikolu jippermetti lill-Kummissjoni li tiddevja mill-perċentwali indikattivi iżda mhux b'aktar minn 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju f'kull każ.

(6)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex taġġusta l-perċentwali stabbiliti fl-Anness III tiegħu.

(7)

Sabiex jiġi massimizzat l-użu tal-fondi disponibbli għall-bqija tal-perjodu ta' programmazzjoni u l-kontribuzzjoni tal-azzjonijiet sottostanti għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 82 u 85 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, jenħtieġ li tiġi adottata d-distribuzzjoni indikattiva tal-fondi fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jinbidel bit-test stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.


ANNESS

ANNESS III

DISTRIBUZZJONI INDIKATTIVA TAL-FONDI TAĦT IL-KAPITOLI I U II TAT-TITOLU VI FOST L-OBJETTIVI, STIPULATI FL-ARTIKOLI 82 U 85  (1)

Objettivi kif stipulati fl-Artikolu 82:

1.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-governanza integrata tal-affarijiet marittimi u kostali – 6 %

2.

L-Iżvilupp ta' inizjattivi transettorjali – 24 %

3.

Appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda – 17 %

4.

Il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar – 5 %

Objettivi kif stipulati fl-Artikolu 85:

1.

Il-ġbir, il-ġestjoni u t-tixrid ta' parir xjentifiku fil-PKS – 11 %

2.

Miżuri speċifiċi ta' kontroll u ta' infurzar taħt il-PKS – 11 %

3.

Kontribuzzjonijiet volontarji għal organizzazzjonijiet internazzjonali – 13 %

4.

Kunsilli Konsultattivi u attivitajiet ta' komunikazzjoni taħt il-PKS u l-PMI – 7 %

5.

Informazzjoni dwar is-suq, inkluż l-istabbiliment ta' swieq elettroniċi – 6 %


(1)  Il-perċentwali japplikaw għall-ammont stipulat fl-Artikolu 14 minbarra l-allokazzjoni skont l-Artikolu 92.


4.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1788

tat-22 ta' Settembru 2017

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Ossolano (DOP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Ossolano”, ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li d-denominazzjoni “Ossolano” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Ossolano” (DOP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.3. Ġobon tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 186, 10.6.2017, p. 16.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


DEĊIŻJONIJIET

4.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1789

tal-25 ta' Settembru 2017

li tabroga d-Deċiżjoni 2009/415/KE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' April 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/415/KE (1) skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-gvern laħaq it-3,5 % tal-PDG fl-2007, u b'hekk ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG u kien stmat li kien 3,6 % tal-PDG fl-2008 (nett minn miżuri ta' darba biss jew 3,4 % tal-PDG inklużi dawk il-miżuri). Għall-2009, id-defiċit tal-gvern kien ipprojettat li jilħaq l-4,4 % tal-PDG (jew 3,7 % inkluż id-dħul ta' darba). Id-dejn gross tal-gvern kien 94,8 % tal-PDG fl-2007 u 94,6 % tal-PDG fl-2008, ferm ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG. Skont it-tbassir interim ta' Jannar 2009 tal-Kummissjoni, il-proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-PDG kien ipprojettat li jiżdied aktar għal 96,3 % fl-2009 u 98,5 % tal-PGD fl-2010.

(2)

Fis-27 ta' April 2009, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ħareġ Rakkomandazzjoni lill-Greċja biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2010, billi ġġib id-defiċit tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli. Għal dak il-għan, il-Kunsill stabbilixxa skadenza tas-27 ta' Ottubru 2009 biex il-Gvern Grieg jieħu azzjoni effikaċi.

(3)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill stabbilixxa, skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li l-Greċja ma kinitx ħadet azzjoni effikaċi; għaldaqstant, fis-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, avża lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) TFUE biex jieħu miżuri biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll skadenza tal-15 ta' Mejju 2010 biex tittieħed azzjoni effikaċi.

(4)

Id-deterjorazzjoni ferm serja tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex fl-2010, fuq talba mill-Greċja, jiddeċiedu li jipprovdu għajnuna ta' stabbiltà lill-Greċja, bil-ħsieb li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, b'mod konġunt ma' assistenza multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minn Marzu 2012, l-għajnuna pprovduta mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ħadet il-forma ta' self mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja.

(5)

Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (3), li kienet indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li jitqiesu neċessarji għall-korrezjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014.

(6)

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE ġiet emendata b'mod sostanzjali diversi drabi. Hija ġiet irriformulata fit-12 ta' Lulju 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE (4). Sussegwentement, id-Deċiżjoni 2011/734/UE ġiet emendata diversi drabi bejn it-8 ta' Novembru 2011 u Diċembru 2012 (5).

(7)

Fit-8 ta' Lulju 2015, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”) fil-forma ta' self għal tliet snin, u, fit-12 ta' Lulju 2015, intlaħaq qbil fil-prinċipju dwar l-għoti ta' self ta' ammont sa EUR 86 000 miljun lill-Greċja.

(8)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, Stat Membru li jitlob assistenza finanzjarja mill-MES irid iħejji programm ta' aġġustament makroekonomiku (“il-Programm”) għall-approvazzjoni mill-Kunsill. Jenħtieġ li tali programm jiżgura l-adozzjoni ta' sett ta' riformi meħtieġa sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kuntest regolatorju.

(9)

Il-Programm imħejji mill-Greċja ġie approvat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1411 (7). Fid-19 ta' Awwissu 2015 ġie ffirmat il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kondizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika bejn il-Kummissjoni f'isem il-MES u l-awtoritajiet Griegi.

(10)

Fid-19 ta' Awwissu 2015, il-Kunsill fuq Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/1410 (8) skont l-Artikolu 126(9) TFUE u avża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2017.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, il-Greċja ġiet eżentata minn rappurtar separat taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u rrapportat fil-qafas tal-Programm.

(12)

F'Ġunju 2016, il-Greċja ikkompletat b'mod pożittiv l-ewwel reviżjoni tal-Programm. Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Grupp tal-Euro laqa' l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji tat-tieni reviżjoni mill-Greċja, u b'hekk witta t-triq għall-għeluq ta' dik ir-reviżjoni. Il-laqgħat tal-Grupp tal-Euro tal-24 ta' Mejju 2016 u tal-15 ta' Ġunju 2017 ipprovdew kjarifika dwar il-miżuri li jittieħdu biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn Grieg jekk ikun meħtieġ, wara l-kompletament b'mod pożittivs tal-Programm.

(13)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u l-varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (9).

(14)

Il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet biex jiġu abrogati deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv abbażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, jenħtieġ li deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tiġi abrogata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx ser jaqbeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir (10).

(15)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika mill-Greċja f'April 2017, l-ewwel reviżjoni tal-Programm u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Mill-2009 'l hawn, meta d-defiċit laħaq il-livell massimu tiegħu ta' 15,1 % tal-PDG, il-bilanċ tal-gvern tjieb b'mod konsistenti, u d-defiċit naqas għal 5,9 % fl-2015 (3,2 % tal-PDG eskluż l-impatt nett tal-interventi tal-gvern relatati mal-appoġġ tas-settur finanzjarju kif irrappurtat mill-Eurostat) u eventwalment sar surplus ta' 0,7 % tal-PDG fl-2016 (11). It-tnaqqis tad-defiċit inkiseb bis-saħħa ta' trażżin fl-infiq u konsolidament tad-dħul tal-gvern, b'rata bejn wieħed u ieħor ugwali bejn it-tnejn.

Filwaqt li jitqies il-pakkett fiskali adottat fil-kuntest tal-ewwel reviżjoni, li huwa pprojettat li jrendi 3 % tal-PDG tul l-2018, u l-miżuri maqbula taħt it-tieni reviżjoni bl-għan li jikkumpensaw parzjalment għall-implikazzjonijiet baġitarji tat-tnedija nazzjonali tal-iskema ta' Dħul Minimu ta' Solidarjetà, it-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 1,2 % tal-PDG fl-2017 u, abbażi ta' suppożizjoni ta' ebda bidla fil-politika, surplus ta' 0,6 % tal-PDG fl-2018. Il-miżuri deskritti fl-Istrateġija Fiskali tat-Terminu l-Medju għall-2018-2021, adottata mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017, wara d-data limitu tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, huma mistennija jtejbu l-eżitu fiskali pprojettat għall-2018 u matul it-terminu medju. Għaldaqstant, id-defiċit għandu jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati matul il-perjodu ta' tbassir.

Minħabba d-defiċits baġitarji kbar, it-tnaqqis fil-PDG nominali u l-appoġġ finanzjarju għas-settur bankarju, u minkejja r-ristrutturar tad-dejn sinifikanti fl-2012, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG tal-Greċja żdied minn 109,4 % fl-2008 (12) għal 179,0 % fl-2016. B'mod partikolari, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-Greċja żdied minn 177,4 % fl-2015 għal 179,0 % fl-2016 għar-raġuni li s-surplus fiskali fl-2016 ġie parzjalment użat biex jinbnew ir-riżervi neċessarji ta' likwidità. Iż-żieda kienet relatata wkoll mal-aġġustament pożittiv ulterjuri bejn l-istokk u l-flussi minħabba l-ikklerjar tal-arretrati li, f'konformità mar-regoli statistiċi, ma kinux irreġistrati fid-dejn tal-gvern. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa pprojettat li jibqa' bejn wieħed u ieħor stabbli fl-2017, hekk kif ikompli l-programm ta' kklerjar tal-arretrati; imma fl-2018 huwa mistenni li jonqos għal 174,6 % tal-PDG bis-saħħa ta' surplus fiskali u kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli.

(16)

Wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni (Eurostat), f'April 2017, tal-eżitu fiskali tal-Greċja għall-2016, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-Greċja tissodisfa l-kondizzjonijiet biex il-Kunsill ikun jista' jabroga d-deċiżjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja. Fl-istess ħin, diversi elementi, inkluża t-trajettorja fiskali fit-terminu medju, li huma rilevanti għal rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex il-Kunsill jabroga d-deċiżjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja, kienu wkoll is-suġġett ta' diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tal-15 ta' Ġunju 2017.

(17)

Mill-2017, li tiġi s-sena ta' wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Greċja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u ser tkompli tiġi mmonitorjata taħt il-Programm li jkopri l-perjodu sa nofs l-2018. Minn hemm 'il quddiem, jenħtieġ li l-Greċja tagħmel progress lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju b'ritmu xieraq, inkluż billi tirrispetta l-parametruta' riferiment għall-infiq, u tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(18)

Skont l-Artikolu 126(12) TFUE, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie korreġut.

(19)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Greċja ġie korreġut u għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/415/KE tiġi abrogata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja ġiet korreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/415/KE hija b'dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/415/KE tas-27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja (ĠU L 135, 30.5.2009, p. 21).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE tat-12 ta' Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE tat-8 ta' Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE tat-13 ta' Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tinnotifika lill-Greċja sabiex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 113, 25.4.2012, p. 8); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s- sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 4, 9.1.2013, p. 40).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1411 tad-19 ta' Awwissu 2015 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (ĠU L 219, 20.8.2015, p. 12). Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1411 ġiet ippubblikata mill-ġdid fil-lingwi uffiċjali kollha fil-ĠU L 91, 7.4.2016, p. 27.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1410 tad-19 ta' Awwissu 2015 li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarja biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 219, 20.8.2015, p. 8). Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1410 ġiet ippubblikata mill-ġdid fil-lingwi uffiċjali kollha fil-ĠU L 91, 7.4.2016, p. 18.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(10)  F'konformità ma' “Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes”, kif maqbula mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) fil-15 ta' Mejju 2017. Ara: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9344-2017-INIT/en/pdf

(11)  Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat, il-bilanċ primarju tal-gvern laħaq it-3,9 % tal-PDG fl-2016. F'termini tad-definizzjoni stabbilita fil-Programm, il-bilanċ primarju kien ta' 4,2 % tal-PDG. Id-definizzjoni stabbilita fil-Programm teskludi l-kost ta' darba tar-rikapitalizzazzjonijiet tal-banek, l-infiq relatat mal-migrazzjoni nett tat-trasferimenti tal-Unjoni, it-trasferimenti relatati mad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro rigward l-introjtu tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (profitti ekwivalenti SMP u ANFA) u parti mir-rikavati tal-privatizzazzjoni, imma inkluża l-bidla tal-fondi ta' rifużjonijiet tat-taxxa pendenti mhux ipproċessati.

(12)  Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2008 ġie rivedut 'il fuq mill-valur ippubblikat inizjalment ta' 94,6 % tal-PDG minħabba reviżjonijiet statistiċi li jaffettwaw kemm id-dejn tal-gvern u kemm il-PDG.


4.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1790

tal-25 ta' Settembru 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-22 ta' April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 78 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ftehim.

(3)

Il-Partijiet qablu li jistabbilixxu l-Prijoritajiet ta' Sħubija bl-għan li jipprovdu gwida u enfasi għall-ħidma konġunta tagħhom fuq bażi ta' settur b'settur.

(4)

Il-Prijoritajiet ta' Sħubija ser jiġu adottati mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja għandha tiġi adottata mill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, kif inhu anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU L 239, 9.9.1999, p. 3.


ABBOZZ

RAKKOMANDAZZJONI Nru …/2017 TAL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI UE-ARMENJA

ta' …

dwar il-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja

IL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI UE-ARMENJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 78 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 95(1) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jagħmlu ħilithom biex l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim jintlaħqu.

(4)

Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta' involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-Unjoni u l-Armenja qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu fuq sett ta' prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Armenja.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim għalhekk qablu fuq it-test tal-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja, li ser jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, filwaqt li jiffokaw fuq il-kooperazzjoni f'interessi kondiviżi identifikati b'mod komuni,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet ta' Sħubija UE-Armenja, kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tieħu effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kunsill ta' Kooperazzjoni

Il-President


(1)  ĠU L 239, 9.9.1999, p. 3.


Rettifika

4.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/11


Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f'sewqan reali ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 175 tas-7 ta' Lulju 2017 )

F'paġna 715, fl-Anness II, li jemenda l-Anness IIIA tar-Regolament (UE) 2017/1151, fil-punt 8,

minflok:

“L-aħħar sentenza tal-punt 2.3 tiġi emendata kif ġej:”,

aqra:

“L-aħħar sentenza tal-punt 2.4 tinbidel b'dan li ġej:”;

F'paġna 727, fl-Anness II, li jemenda l-Anness IIIA tar-Regolament (UE) 2017/1151, fil-punt 36,

minflok:

“(d)

fil-punt 1 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, il-kliem “Fażi 1. Segmentazzjoni tad-dejta u esklużjoni tal-emissjonijiet ta' startjar kiesaħ (it-taqsima 4 fl-Appendiċi 4);” huwa sostitwit bil-kliem “Fażi 1. Segmentazzjoni tad-dejta;”;

(e)

fil-punt 3.1 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu hija emendata kif ġej:

“Il-kalkolu deskritt fil-punt preżenti jista' jseħħ mill-ewwel punt ('il quddiem).”;

(f)

fil-punt 3.1 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, fit-tieni paragrafu, it-tieni u r-raba' inċiżi huma mħassra;

(g)

fil-punt 3.2 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“F'każ li tiġi ttestjata NOVC-HEV, il-kalkolu tat-tieqa għandu jibda fil-punt tat-tqabbid u jinkludi avvenimenti ta' sewqan li matulhom ma jiġi emess ebda CO2.”;

(h)

fil-punt 5. wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Għall-vetturi tal-kategorija N2 li huma mgħammra b'tagħmir li jillimita l-veloċità tal-vettura għal 90 km/siegħa skont id-Direttiva 92/6/KEE, il-proporzjon tat-twieqi tal-awtostrada fit-test komplut għandu jkun mill-inqas 5 %.”;

(i)

fil-punt 5.3 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“Meta tiġi ttestjata NOVC-HEV u biss jekk ir-rekwiżit minimu speċifikat ta' 50 % ma jkunx issodisfat, it-tolleranza pożittiva ta' fuq tol1 tista' tiżdied bi stadji ta' punt perċentwal sakemm tintlaħaq il-mira ta' 50 % tat-twieqi normali. Meta jintuża dan l-approċċ, tol1 ma għandha qatt taqbeż il-50 %.”;

(j)

fil-punt 6.1 wara t-titolu “Verifika tal-kundizzjonijiet dinamiċi tal-vjaġġ u kalkolu tar-riżultat finali tal-emissjonijiet tal-RDE bil-metodu 1 (Tieqa tal-Medja Mobbli)”, jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“Għal kull tieqa tal-medja inklużi l-punti tad-dejta tal-istartjar kiesaħ, kif definit fil-punt 4 tal-Appendiċi 4, il- funzjoni tal-ponderazzjoni hija stabbilita għal 1.””,

aqra:

“(36a)

L-Appendiċi 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1, il-kliem “Fażi 1. Segmentazzjoni tad-dejta u esklużjoni tal-emissjonijiet ta' startjar kiesaħ (it-taqsima 4 fl-Appendiċi 4);” huwa sostitwit bil-kliem “Fażi 1. Segmentazzjoni tad-dejta;”;

(b)

fil-punt 3.1, fl-ewwel paragrafu, l-aħħar sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Il-kalkolu deskritt fil-punt preżenti jista' jseħħ mill-ewwel punt ('il quddiem).”;

(c)

fil-punt 3.1., fit-tieni paragrafu, it-tieni u r-raba' inċiż jitħassru;

(d)

fil-punt 3.2 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F'każ li tiġi ttestjata NOVC-HEV, il-kalkolu tat-tieqa għandu jibda fil-punt tat-tqabbid u jinkludi avvenimenti ta' sewqan li matulhom ma jiġi emess ebda CO2.”;

(e)

fil-punt 5, wara t-titolu “VERIFIKA TAL-KOMPLETEZZA TAL-VJAĠĠ U N-NORMALITÀ”, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Għall-vetturi tal-kategorija N2 li huma mgħammra b'tagħmir li jillimita l-veloċità tal-vettura għal 90 km/siegħa skont id-Direttiva 92/6/KEE, il-proporzjon tat-twieqi tal-awtostrada fit-test komplut għandu jkun mill-inqas 5 %.”;

(f)

fil-punt 5.3 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta tiġi ttestjata NOVC-HEV u biss jekk ir-rekwiżit minimu speċifikat ta' 50 % ma jkunx issodisfat, it-tolleranza pożittiva ta' fuq tol1 tista' tiżdied bi stadji ta' punt perċentwal sakemm tintlaħaq il-mira ta' 50 % tat-twieqi normali. Meta jintuża dan l-approċċ, tol1 ma għandha qatt taqbeż il-50 %.”;

(g)

fil-punt 6.1 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għal kull tieqa tal-medja inklużi l-punti tad-dejta tal-istartjar kiesaħ, kif definit fil-punt 4 tal-Appendiċi 4, il-funzjoni tal-ponderazzjoni hija stabbilita għal 1.””.