ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 200

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
1 ta' Awwissu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1405 tal-31 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 847/2006 fir-rigward tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1406 tal-31 ta' Lulju 2017 li tiddetermina fejn se tkun tinsab l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS ( 1 )

4

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

1.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1405

tal-31 ta' Lulju 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 847/2006 fir-rigward tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/324/KE tas-27 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja bis-saħħa tal-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakka matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

Mit-2 ta' Ġunju 2006, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 (2) introduċa żewġ kwoti tariffarji annwali għal importazzjonijiet bla dazju għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat.

(2)

Skont il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja, mehmuż mad-Deċiżjoni 2006/324/KE, xi volum ta' kull waħda minn dawk il-kwoti tariffarji ġie allokat lir-Renju tat-Tajlandja u l-kumplament infetaħ għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha.

(3)

Kwota tariffarja speċifika għall-pajjiż hija allokata abbażi tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija. L-indikazzjoni ta' din l-oriġini mhux preferenzjali trid tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni. F'xi każijiet, dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi sostnuta bi prova ta' oriġini maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 847/2006, il-benefiċċju tas-sehem tal-kwoti tariffarji allokati fit-Tajlandja, huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' oriġini li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3).

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 (4) ħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 b'effett mill-1 ta' Mejju 2016.

(6)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 (5), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2016, ma għadux jinkludi proċedura għall-ħruġ u l-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' oriġini komparabbli mal-proċedura applikata sat-30 ta' April 2016 skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(7)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħut ippreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja, li jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji miftuħa mir-Regolament (KE) Nru 847/2006, huma soġġetti għall-preżentazzjoni ta' Dokument Veterinarju Komuni ta' Dħul (CVED) skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (6). Il-proċedura għall-ħruġ tas-CVED tipprovdi biżżejjed garanziji fir-rigward tal-oriġini tal-ħut ippreparat jew ippreservat.

(8)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lid-dikjarant biex iġib prova tal-oriġini tal-merkanzija skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dan jippermetti mezzi oħra ta' prova differenti minn ċertifikat formali u jiżgura li r-regoli rilevanti jiġu applikati kif suppost.

(9)

Għaldaqstant, ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat ċertifikat ta' oriġini sabiex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji għall-oġġetti kkonċernati li joriġinaw mit-Tajlandja, jenħtieġ li jitħassar mir-Regolament (KE) Nru 847/2006.

(10)

Ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li mill-1 ta' Mejju 2016 biddlu r-regoli mill-Artikoli 308a sa 308d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Jeħtieġ li l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/2006 jiġi emendat biex ikopri r-regoli l-ġodda.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/2006 qed jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 3

L-oriġini għandha tkun determinata skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Unjoni.

Artikolu 4

Il-kwoti tariffarji stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (*1).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 120, 5.5.2006, p. 17.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 tat- 8 ta' Ġunju 2006 li jiftaħ u jipprevedi għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi tal-Komunità għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat (ĠU L 156, 9.6.2006, p. 8).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 tal-1 ta' April 2016 li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 87, 2.4.2016, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

1.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/4


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1406

tal-31 ta' Lulju 2017

li tiddetermina fejn se tkun tinsab l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u partikolarment l-Artikolu 12(3)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sistema EGNOS hija proprjetà tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. L-akkwist tagħha li sar mill-UE fl-1 ta' April 2009, kien is-suġġett ta' skambju ta' ittri bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu u fl-31 ta' Marzu 2009, u ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2009 (2). Fl-ittra mibgħuta lill-Aġenzija Spazjali Ewropea fil-31 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni ppreċiżat li taċċetta l-proprjetà fil-kundizzjoni de facto u de jure li kienet fihom.

(2)

L-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS tikkonsisti f'ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, ċentri tal-kontroll tal-missjoni, stazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u l-integrità tiegħu, stazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji, ċentru tas-servizzi u sistema sigura ta' komunikazzjoni tad-dejta.

(3)

Iċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema huwa l-qalba tal-operazzjoni tas-sistema EGNOS peress li jmexxi l-attivitajiet operattivi u l-manutenzjoni tas-sistema. Dan jinsab f'Toulouse (Franza) mill-2004, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġi mċaqlaq ladarba dan il-post jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefika minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tiegħu u jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema. Barra minn hekk, jekk jiċċaqlaq għal post ieħor, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(4)

Iż-żewġ ċentri tal-kontroll tal-missjoni għandhom il-kompitu li jissorveljaw u jikkontrollaw kontinwament l-istat u l-funzjonament tas-sistema. Dawn jinsabu f'Ciampino (l-Italja) u f'Torrejon (Spanja) mill-2004 u l-2003 rispettivament, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġu mċaqilqa ladarba dawn iż-żewġ postijiet jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefikaw minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tagħhom u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jinsabu ċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni. Barra minn hekk, jekk jiċċaqilqu lejn postijiet oħrajn, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(5)

L-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tas-sinjal u tal-integrità tiegħu (“Ranging and Integrity Monitoring Station” jew “RIMS”) għandhom rwol tas-sorveljanza tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita (GNSS) fil-livell lokali. Dawn ikejlu f'ħin reali d-differenzi bejn id-dejta ta' ġeolokalizzazzjoni minn sinjali li joħorġu minn dawn is-sistemi u l-lokalizzazzjoni ta' referenza tagħhom stess li tkun preċiża ħafna. L-għażla ta' fejn jinsabu tqis primarjament il-ħtieġa teknika li jkunu mifruxa ġeografikament b'mod armonjuż fit-territorji kollha koperti mis-sistema EGNOS, iżda tqis ukoll il-preżenza possibbli ta' installazzjonijiet u tagħmir eżistenti u r-rispett tal-ħtiġijiet tas-sigurtà f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi li fit-territorji tagħhom ikunu stabbiliti.

(6)

L-għadd u l-post tal-istazzjonijiet RIMS jistgħu jevolvu skont il-progress tal-programm, il-bżonnijiet tiegħu u b'mod partikolari tal-estensjoni tal-kopertura tas-sistema b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Jistgħu jinbidlu wkoll skont ir-riżultati tal-analiżijiet tar-riskju tas-sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward tal-istazzjonijiet RIMS li jinsabu f'pajjiżi terzi.

(7)

L-istazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji (“Navigation Land Earth Station” jew “NLES”) jibagħtu lejn it-transponders EGNOS installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji, id-dejta rettifikata li biha r-riċetturi tas-sinjali GNSS li jinsabu fit-territorji koperti mis-sistema EGNOS jkunu jistgħu jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa lill-ġeolokazzjoni tagħhom. Hemm żewġ stazzjonijiet NLES għal kull satellita ġeostazzjonarja. L-għażla ta' fejn jinsabu tirrifletti essenzjalment ir-rekwiżiti tekniċi, b'mod partikolari l-bżonn li jiġi konness fuq livell lokali t-tagħmir tas-sistema EGNOS mat-tagħmir tat-trażmissjoni tas-sinjal li jkun proprjetà tal-operaturi tas-satelliti ġeostazzjonarji li fuqhom ikunu installati t-transponders EGNOS, iżda tqis ukoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà.

(8)

L-għadd u l-post tal-istazzjonijiet NLES jistgħu jevolvu skont il-progress u l-ħtiġijiet tal-programm, u b'mod partikolari fuq il-bażi tal-ħajja tat-transponders EGNOS installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji attwalment fl-orbita u l-għażla tas-satelliti li fuqhom se jiġu inkorporati t-transponders futuri.

(9)

Il-funzjoni taċ-ċentru tas-servizzi hi li jissorvelja l-kwalità tas-sinjali u tad-dejta mibgħuta lura mit-transponders installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji, u wkoll biex iservi ta' interfaċċa mal-utenti tal-EGNOS. Jassigura wkoll it-tixrid tad-dejta kummerċjali tas-servizz EDAS imsemmi fl-Artikolu 2(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Iċ-ċentru tas-servizzi jinsab f'Torrejon (Spanja) mill-2004, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġi mċaqlaq ladarba dan il-post jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefika minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tiegħu u jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tas-servizzi. Barra minn hekk, jekk jiċċaqlaq għal post ieħor, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(10)

Sabiex tiġi żgurata interkonnessjoni sigura f'ħin reali tal-komponenti kollha tal-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS, dawn huma konnessi ma' xulxin permezz tan-netwerk EWAN(“Egnos Wide Area Network”), netwerk sigur tat-trażmissjoni ta' dejta ddedikat għas-sistema. Minħabba l-karatteristiċi fiżiċi ta' dan in-netwerk, il-post tiegħu ma jistax jiġi ddeterminat u ma jistax jiġi speċifikat f'din id-Deċiżjoni.

(11)

Jenħtieġ li jiġu approvati l-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, iċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni, l-istazzjonijiet RIMS, l-istazzjonijiet NLES u ċ-ċentru tas-servizzi li jikkostitwixxu l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, iċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni, l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u tal-integrità tiegħu, l-istazzjonijiet tal-komunikazzjoni mas-satelliti ġeostazzjonarji u ċ-ċentru tas-servizzi li jikkosistitwixxu l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS huma determinati fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(2)  C(2009) 2386.


ANNESS

Isem

Post

Iċ-Ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema

Toulouse (Franza)

Ċentri tal-kontroll tal-missjoni

Ciampino (l-Italja), Torrejon (Spanja)

Stazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u l-integrità tiegħu (RIMSs)

Aalborg (id-Danimarka), Abu Simbel (l-Eġittu), Açores (il-Portugall), Agadir (il-Marokk), Al' Aqaba (il-Ġordan), Alessandrija (l-Eġittu), Ateni (il-Greċja), Berlin (il-Ġermanja), Catania (l-Italja), Ciampino (l-Italja), Cork (l-Irlanda), Djerba, (it-Tuneżija), Egilsstadir (l-Iżlanda), Gavle (l-Iżvezja), Glasgow (ir-Renju Unit), Golbasi (it-Turkija), Gran Canaria (Spanja), Haïfa (l-Iżrael), Hartebeeshoek (l-Afrika t'Isfel), Jan Mayen (in-Norveġja), Kiev (l-Ukrajna), Kirkenes (in-Norveġja), Kourou (Franza), Kuusamo (il-Finlandja), Lappeenranta (il-Finlandja), La Palma (Spanja), Lisbona (il-Portugall), Madères (il-Portugall), Malaga (Spanja), Moncton (il-Kanada), Nouakchott (il-Mawritanja), Oran (l-Alġerija), Palma de Mallorca (Spanja), Pariġi (Franza), Rejkjavík (l-Iżlanda), Santiago de Compostela (Spanja), Sofia (il-Bulgarija), Svalbard (in-Norveġja), Swanwick (ir-Renju Unit), Toulouse (Franza), Tromsoe (in-Norveġja), Trondheim (in-Norveġja), Varsavja (il-Polonja), Zurich (l-Iżvizzera)

Stazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji (NLES)

Aussaguel (Franza), Betzdorf (il-Lussemburgu), Burum (in-Netherlands), Cagliari (l-Italja), Fucino (l-Italja), Rambouillet (Franza), Redu (il-Belġju)

Ċentru tas-Servizzi

Torrejon (Spanja)