ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 152

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
15 ta' Ġunju 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1002 tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' Stop Extremism (notifikata bid-dokument C(2017) 4105)

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1003 tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew biex ikunu disponibbli bla ħlas għall-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja f'Awwissu u f'Ottubru 2016 (notifikata bid-dokument C(2017) 3865)

3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1002

tas-7 ta' Ġunju 2017

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop Extremism”

(notifikata bid-dokument C(2017) 4105)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop Extremism” jirreferi għal li ġej “Nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tipprevjeni l-konsegwenzi negattivi tal-estremiżmu, fuq kollox għas-Suq Intern”.

(2)

L-objettivi ddikjarati tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma: “Skont id-dispożizzjonijiet proposti tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw: (1) motivazzjoni pożittiva biex jiżguraw li l-estremiżmu fis-Suq Intern jiġi identifikat u eskluż; (2) it-trasparenza biex ikun faċli biex iċ-ċittadini u n-negozji kollha jidentifikaw l-appoġġ (finanzjarju) għall-estremiżmu; u (3) il-liġi dwar il-qgħad u l-benefiċċji ta' kumpens biex jiġi miġġieled l-estremiżmu b'mod effettiv fis-Suq Intern”.

(3)

Jistgħu jiġu adottati atti legali tal-Unjoni bl-iskop li jimplementaw it-Trattati, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern.

(4)

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għall-Artikolu 114 tat-TFUE huwa ġġustifikat biss meta jkun hemm differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma tali li jxekklu d-drittijiet fundamentali u għaldaqstant għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li sempliċi konstatazzjoni tad-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali mhijiex biżżejjed. Jekk l-għan ta' miżura huwa li tipprevjeni l-ħolqien ta' ostakli futuri għall-kummerċ b'riżultat tad-diverġenzi fil-liġijiet nazzjonali, il-ħolqien ta' dawn l-ostakli jrid ikun probabbli u l-miżura inkwistjoni trid tkun imfassla biex tipprevenihom.

(5)

Rigward il-miżuri fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi, l-Artikolu 153 tat-TFUE jista' jservi bħala bażi ġuridika għal att legali tal-Unjoni li jistipula dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema meta jintemm il-kuntratt ta' impjieg tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikolu 19 tat-TFUE jista' jservi bħala bażi għal miżuri li jkollhom l-għan li jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, inkluż fuq il-post tax-xogħol.

(6)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(7)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonali man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(8)

Għal dawn ir-raġunijiet, ikun adegwat li wieħed jikkunsidra li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija tista' tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(9)

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop Extremism” għandha għaldaqstant tiġi rreġistrata. Madankollu, jenħtieġ li jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta biss jekk din hija maħsuba għall-preżentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' proposti għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati fl-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni msemmi fil-premessi 3 u 5.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop Extremism” tiġi rreġistrata.

2.   Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini, abbażi tal-ftehim li din tkun maħsuba għall-preżentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' proposti ta' atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati:

għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom it-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern;

tistabbilixxi dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni ta' ħaddiema meta l-kuntratt ta' impjieg tagħhom jintemm;

tiġġieled id-diskriminazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem ta' “Stope Extremism”, irrappreżentata mis-Sinjura Seyran ATEȘ u s-Sur Sebastian REIMER li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)   ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1003

tat-13 ta' Ġunju 2017

dwar l-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew biex ikunu disponibbli bla ħlas għall-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja f'Awwissu u f'Ottubru 2016

(notifikata bid-dokument C(2017) 3865)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talba mir-Repubblika Taljana datata l-14 ta' Marzu 2017, għall-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew biex ikunu disponibbli bla ħlas lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja f'Awwissu u f'Ottubru 2016,

Billi:

(1)

Terremoti bħal dawk li seħħew fl-Italja fl-24 ta' Awwissu u fis-26 u fit-30 ta' Ottubru 2016 jikkostitwixxu diżastru skont it-tifsira tal-Kapitolu XVII, Taqsima C, tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009; għalhekk hemm raġuni għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta' oġġetti bla dazju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 74 sa 80 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(2)

Ir-Repubblika Taljana għandha tinforma lill-Kummissjoni bin-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jiddaħħlu mingħajr dazju għall-benefiċċju tal-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja fl-2016, bl-organizzazzjonijiet li tkun tathom approvazzjoni biex iqassmu jew biex jagħmlu disponibbli dawk l-oġġetti u bil-miżuri meħuda biex l-oġġetti ma jitħallewx jintużaw għal xi skop ieħor għajr dak li tingħata għajnuna f'każ ta' diżastru lil dawk il-vittmi.

(3)

L-eżenzjoni mid-dazju doganali għandha tingħata fir-rigward tal-importazzjoni mid-data ta' meta seħħ l-ewwel terremot.

(4)

L-Istati Membri l-oħra ġew ikkonsultati kif stabbilit fl-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-oġġetti jiddaħħlu ħielsa mid-dazji tal-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 fejn ikunu rispettati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-oġġetti jkunu maħsuba għal xi wieħed minn dawn l-iskopijiet:

(i)

id-distribuzzjoni tal-oġġetti bla ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja fl-2016 mill-korpi u l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (c);

(ii)

li dawk il-vittmi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawn l-oġġetti bla ħlas filwaqt li l-oġġetti jibqgħu proprjetà tal-organizzazzjonijiet imsemmija;

(b)

l-oġġetti jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 75, 78 u 79 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009;

(c)

l-oġġetti jkunu importati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn korpi Statali jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet Taljani kompetenti.

2.   Oġġetti jiddaħħlu wkoll bla dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 meta dawn jiġu importati biex jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn aġenziji li jagħtu għajnuna f'każ ta' diżastru sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu li fih ikunu qed joffru għajnuna lill-vittmi tat-terremoti li seħħew fl-Italja fl-2016.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Taljana għandha tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017:

(a)

lista tal-organizzazzjonijiet approvati msemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

informazzjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tad-diversi oġġetti li jkunu ddaħħlu bla dazju skont l-Artikolu 1;

(c)

miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 għar-rigward tal-oġġetti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet li saru mill-24 ta' Awwissu 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Pierre MOSCOVICI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.