ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 150

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
14 ta' Ġunju 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/997 tat-8 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/998 tat-12 ta' Ġunju 2017 li jemenda għall-268 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

5

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) ( 1 )

7

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA ( 1 )

14

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta' Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana ( ĠU L 294, 28.10.2016 )

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/997

tat-8 ta' Ġunju 2017

li jemenda l-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku”

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 38(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jelenka l-karatteristiċi tal-iskart li jirrenduh perikoluż.

(2)

Id-Direttiva 2008/98/KE tiddikjara li l-klassifikazzjoni tal-iskart bħala skart perikoluż għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta' taħlitiet bħala perikolużi, inklużi l-valuri limitu ta' konċentrazzjoni li jintużaw għal dak l-iskop. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (2) stabbiliet lista tat-tipi ta' skart biex tinkoraġġixxi klassifikazzjoni armonizzata tal-iskart u biex tiżgura d-determinazzjoni armonizzata tal-karatteristiċi perikolużi tal-iskart fl-Unjoni.

(3)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jipprevedi li l-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” jenħtieġ li tiġi attribwita abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (3).

(4)

Id-Direttiva 67/548/KEE tħassret b'effett mill-1 ta' Ġunju 2015 u ġiet sostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, dik id-Direttiva tista' tibqa' tapplika għal xi taħlitiet sal-1 ta' Ġunju 2017, fil-każ li ġew ikklassifikati, ittikkettati u imballati f'konformità mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u jkunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Ġunju 2015.

(5)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 (6) biex fejn ikun hemm bżonn, id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi perikolużi jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u biex ir-referenzi għad-Direttiva 67/548/KEE jiġu sostitwiti b'referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)

Id-definizzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” ma ġietx emendata mir-Regolament (UE) Nru 1357/2014, billi kien meħtieġ studju ieħor biex jiġu aċċertati l-kompletezza u r-rappreżentattività rigward l-informazzjoni dwar l-impatti possibbli ta' allinjament tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Peress li dak l-istudju tlesta, jixraq li jiġu riflessi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-valutazzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” għall-iskart stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, u li dik il-valutazzjoni tiġi allinjata kemm jista' jkun mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-valutazzjoni tal-ekotossiċità tas-sustanzi kimiċi. Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-perikli tal-iskart għall-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” billi jiġu applikati l-formuli tal-kalkolu, jenħtieġ li japplikaw il-valuri ta' limitu ġeneriċi, kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(7)

L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fih fatturi ta' multiplikazzjoni armonizzati assenjati lil numru limitat ta' sustanzi klassifikati bħala “perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija akuta 1” jew “perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija kronika 1”, li huma użati biex titwassal il-klassifikazzjoni ta' taħlita li fiha dawn is-sustanzi huma preżenti. Fid-dawl tal-progress li sar fl-istabbiliment ta' tali fatturi ta' multiplikazzjoni, il-Kummissjoni tista', skont l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, tirrieżamina l-metodu ta' kalkolu għall-valutazzjoni tas-sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” fid-dawl tal-inklużjoni possibbli ta' fatturi ta' multiplikazzjoni f'dak il-metodu.

(8)

Meta jitwettaq test għall-valutazzjoni talkaratteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku”, hu adatt li jiġu applikati l-metodi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 (7) jew metodi ta' ttestjar u linji gwida oħrajn li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Id-Deċiżjoni 2000/532/KE tipprevedi li, meta karatteristika perikoluża tal-iskart tkun ġiet ivvalutata b'test u bl-użu tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi perikolużi indikati fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, jirbħu r-riżultati tat-test. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(b) u l-metodoloġiji għall-applikazzjoni tiegħu. Huwa adatt li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' metodi ta' ttestjar għall-valutazzjoni ta' sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” bil-ħsieb tal-armonizzazzjoni possibbli tagħhom.

(9)

Jixraq li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(10)

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant jenħtieġ li il-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (8),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-5 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jieħu post l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li jħassar ċertu Direttivi (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 89).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta' ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).


ANNESS

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata dwar HP 14 “Ekotossiku” tinbidel b'dan li ġej:

“HP 14 ‘Ekotossiku’ skart li jippreżenta jew jista' jippreżenta riskji immedjati jew li jimmanifestaw ruħhom maż-żmien għal settur wieħed tal-ambjent jew aktar setturi tal-ambjent.

L-iskart li jissodisfa kwalunkwe waħda minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż minn HP 14:

L-iskart li jkun fih sustanza li tkun ikklassifikata bħala sustanza qerrieda tal-ożonu bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H420 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-konċentrazzjoni ta' din is-sustanza tkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0,1 % jew taqbżu.

[c(H420) ≥ 0,1 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika akuta bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H400 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u t-total tal-konċentrazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għandu japplika valur ta' limitu ta' 0,1 % għal dawn is-sustanzi.

[Σ c (H400) ≥ 25 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda kklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2 jew 3 assenjati għall-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411 jew H412 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 1 (H410) immultiplikat b'100 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 2 (H411) immultiplikat b'10 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 3 (H412) ikun ugwali għal-limitu tal-konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 jew H412.

[100 × Σc (H410) + 10 × Σc (H411) + Σc (H412) ≥ 25 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2, 3, jew 4 bil-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411, H412, jew H413 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha li jkunu klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 H412, jew H413.

[Σ c H410 + Σ c H411 + Σ c H412 + Σ c H413 ≥ 25 %]

Fejn: Σ = it-total u c = il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).”."

(2)

tħassret in-nota taħt l-entrata tal-HP 15.



14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/998

tat-12 ta' Ġunju 2017

li jemenda għall-268 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fis-7 ta' Ġunju 2017, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jemenda entrata waħda fil-lista tiegħu tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li għalihom jenħtieġ li japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

Id-dejta ta' identifikazzjoni għall-entrata “Al-Nusrah Front for the People of the Levant (magħruf ukoll bħala (a) the Victory Front; (b) Jabhat al-Nusrah; (c) Jabhet al-Nusra; (d) Al-Nusrah Front; (e) Al-Nusra Front; (f) Ansar al-Mujahideen Network; (g) Levantine Mujahideen on the Battlefields of Jihad). Informazzjoni oħra: (a) Jopera fis-Sirja; (b) Preċedentement elenkat bejn it-30 ta' Mejju 2013 u t-13 ta' Mejju 2014, magħruf ukoll bħala tal-Al-Qaida fl-Iraq. Data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 14.5.2014.” taħt l-intestatura “Persuni ġuridiċi, gruppi u entitajiet” fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Al-Nusrah Front for the People of the Levant (magħruf ukoll bħala (a) the Victory Front; (b) Jabhat al-Nusrah; (c) Jabhet al-Nusra; (d) Al-Nusrah Front; (e) Al-Nusra Front; (f) Ansar al-Mujahideen Network); (g) Levantine Mujahideen on the Battlefields of Jihad); (h) Jabhat Fath al Sham; (i) Jabhat Fath al-Sham; (j) Jabhat Fath al-Sham; (k) Jabhat Fath al-Sham; (l) Fatah al-Sham Front; (m) Fatah al-Sham Front; (n) Conquest of the Levant Front; (o) The Front for the Liberation of al Sham; (p) Front for the Conquest of Syria/the Levant; (q) Front for the Liberation of the Levant; (r) Front for the Conquest of Syria. Informazzjoni oħra: (a) Jopera fir-Repubblika Għarbija Sirjana, (b) l-Iraq. (c) Preċedentement elenkat bejn it-30 ta' Mejju 2013 u t-13 ta' Mejju 2014, magħruf ukoll bħala tal-Al-Qaida fl-Iraq. Data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 14.5.2014.”


14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/999

tat-13 ta' Ġunju 2017

li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 58 u 131 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza 1-bromopropan (bromur tal-n-propil), tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għaldhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Is-sustanza diisopentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku, esteri alkiliċi di-C6-8-ramifikati, C7-rikki, tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(4)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku, di-C7-11-ramifikat u esteri alkiliċi lineari, tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(5)

Is-sustanza aċidu 1,2-benżenedikarbossiliku dipentilester, ramifikat u lineari, tilħaq il-kriterji biex tkun ikklassifiata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tilħaq il-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(6)

Is-sustanza ftalat ta' bis(2-metossietil) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Is-sustanza dipentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(8)

Is-sustanza N-pentil-isopentilftalat tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament.

(9)

Fejn ikun fiha ċertu perċentwal ta' benżo[a]piren is-sustanza żejt tal-antraċene tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala karċinoġena (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza hija wkoll persistenti, bijoakkumulattiva u tossika, kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(d) u (e) ta' dak ir-Regolament.

(10)

Is-sustanza żift, qatran, temperatura għolja tissodisfa l-kriterji biex ikun ikklassifikata bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza hija wkoll persistenti, bijoakkumulativa u tossika, kif ukoll persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(d) u (e) ta' dak ir-Regolament.

(11)

Il-grupp ta' sustanzi 4-(1,1,3,3-tetrametilbutil) fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (“sustanzi UVCB”)(sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi), polimeri u omologi) huma sustanzi li permezz tad-degradazzjoni tagħhom għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li għalihom hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli fuq l-ambjent. Fil-fatt, dawn jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u, għalhekk, jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament.

(12)

Il-grupp ta' sustanzi 4-nonilfenol, ramifikati u lineari, etossilati (inklużi s-sustanzi b'katina ta' alkil lineari u/jew ramifikati bin-numru ta' karbonju ta' 9 f'rabta kovalenti fil-pożizzjoni 4 għall-fenol, ethossilati li jkopru sustanzi UVCB u sustanzi definiti tajjeb, polimeri u omologi, li jinkludu kwalunkwe iżomeru individwali u/jew taħlitiet tagħhom), huma sustanzi li permezz tad-degradazzjoni tagħhom għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li għalihom hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli fuq l-ambjent. Fil-fatt, dawn jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u, għalhekk, jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament.

(13)

Dawk is-sustanzi ġew identifikati u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Barra minn hekk, dawn ingħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”) fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tas-6 ta' Frar 2014 (3) u tal-1 ta' Lulju 2015 (4), skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar l-impatti soċjoekonomiċi mogħtija f'għadd ta' sottomissjonijiet ta' partijiet konċernati wara l-wasla tal-ħames rakkomandazzjoni tal-Aġenzija jew mogħtija permezz ta' konsultazzjoni pubblika li saret b'mod parallel mal-konsultazzjoni pubblika tal-Aġenzija dwar l-abbozz tas-sitt rakkomandazzjoni tagħha. Minkejja l-informazzjoni li waslitilha, huwa xieraq li dawk is-sustanzi jiddaħħlu f'dak l-Anness.

(14)

Huwa xieraq li jiġu indikati d-dati msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 u tal-1 ta' Lulju 2015. Dawn id-dati ġew identifikati abbażi tat-tul ta' żmien stmat li jkun meħtieġ biex titħejja applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar is-sustanzi differenti u l-informazzjoni li tkun waslet matul il-konsultazzjoni pubblika mwettqa skont l-Artikolu 58(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għal dak il-fini, għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-kapaċità tal-Aġenzija li tittratta l-applikazzjonijiet fiż-żmien stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kif ipprovdut fl-Artikolu 58(3) ta' dak ir-Regolament.

(15)

Għal kull waħda mis-sustanzi elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, ma hemm l-ebda raġuni għaliex id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandha tkun aktar tard minn 18-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii) ta' dak ir-Regolament.

(16)

L-Artikolu 58(1)(e) flimkien mal-Artikolu 58(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprevedu l-possibbiltà ta' eżenzjonijiet għal użi jew kategoriji ta' użi f'każijiet fejn il-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni timponi rekwiżiti minimi marbutin mal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent sabiex tiżgura kontroll xieraq tar-riskji. Skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti eżenzjonijiet ibbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet.

(17)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti eżenzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp orjentati lejn il-prodotti u l-proċessi.

(18)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti perjodi ta' reviżjoni għal ċerti użi. Skont l-Artikolu 60(8) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, perjodi ta' reviżjoni għandhom jiġu determinati fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tar-riskji li jirriżultaw mill-użi tas-sustanza, mill-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tagħha u l-analiżi ta' alternattivi jew kwalunkwe pjan għal sostituzzjoni preżentat għall-użi li għalihom tintalab l-awtorizzazzjoni. F'każijiet fejn ma hemmx alternattivi xierqa, ir-riskji li joħloq l-użu jkun limitat b'miżuri ta' ġestjoni tar-riskju xierqa u effettivi, u meta l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu huma mistennija jkunu sostanzjali, kif jista' jkun il-każ għal użi fil-produzzjoni ta' prodotti mediċinali jew ta' apparat mediku, il-perjodi ta' reviżjoni jistgħu jkunu twal.

(19)

Sabiex tiġi evitata l-obsolexxenza prematura ta' oġġetti li m'għadhomx jiġu prodotti wara d-dati tat-terminazzjoni msemmija fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, xi sustanzi (waħedhom jew f'taħlitiet) inklużi f'dak l-Anness jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-produzzjoni ta' parts tal-bdil ta' dawk l-oġġetti, meta dawk l-oġġetti ma jistgħux jaħdmu kif suppost mingħajr dawk il-parts tal-bdil, kif ukoll meta xi sustanzi tal-Anness XIV, (waħedhom jew f'taħlitiet) huma meħtieġa għat-tiswija ta' dawn l-oġġetti. Għal dak il-fini, l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta' sustanza tal-Anness XIV għall-produzzjoni ta' parts tal-bdil ta' dan it-tip u għat-tiswija ta' dawn l-oġġetti għandhom ikunu simplifikati. L-arranġamenti tranżizzjonali applikabbli għas-sustanzi kkonċernati minn dawn l-użi għandhom jiġu estiżi sabiex jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni għal tali applikazzjonijiet simplifikati għall-awtorizzazzjoni.

(20)

Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(21)

Is-sustanza N,N dimetilformammid (DMF) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament. Din is-sustanza ġiet identifikata u inkluża wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħatat prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Is-sustanza DMF għandha propjetajiet intrinsiċi simili għal dawk tas-sustanzi dimetilaċetammid (DMAC) u N-metil-2-pirrolidon (NMP) u t-tliet sustanzi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala alternattivi potenzjali għal uħud mill-użi ewlenin tagħhom. Bħalissa s-sustanza kimika NMP hija soġġetta għal proċedura ta' restrizzjoni li għaddejja bħalissa skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Minħabba s-similaritajiet tat-tliet sustanzi, kemm fir-rigward tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom kif ukoll tal-applikazzjonijiet industrijali tagħhom, u sabiex tiżgura approċċ regolatorju konsistenti, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tad-DMF fl-Anness XIV kif diġà sar għad-DMAC meta l-Kummissjoni qieset ir-Rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-17 ta' Jannar 2013.

(22)

Is-sustanza diażen-1,2-dikarbossammid (C,C′-ażodi (formammid)) (ADCA) tissodisfa l-kriterji biex tkun ikklassifiata bħala sensitizzatur respiratorju (Resp. Sens.1). Meta titqies l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tal-ADCA u l-effetti negattivi tagħha, l-Aġenzija kkonkludiet li tista' titqies bħala sustanza li għaliha hemm evidenza xjentifika ta' effetti serji probabbli għas-saħħa tal-bniedem u li jagħtu lok għal livell ta' tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mis-sustanzi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk tissodisfa l-kriterji biex tiddaħħal fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament stipulati fl-Artikolu 57(f) ta' dak ir-Regolament. Din is-sustanza ġiet identifikata u inkluża wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħatat prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. L-użi tal-ADCA jvarjaw ħafna u jikkonċernaw firxa wiesgħa ta' diversi industriji tal-manifattura, u dan mistenni li jwassal għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kumplessi ħafna. Billi bħalissal-esperjenza mill-ipproċessar ta' applikazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni li jkopru meded wesgħin ta' użi għadha limitata, huwa xieraq li għalissa tiġi posposta d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-ADCA fl-Anness XIV.

(23)

Ċerti fibri ċeramiki rifrattarji (alluminosilikati) (Al-RCF) u fibri ċeramiki rifrattarji tal-aluminosilikat taż-żirkonju (Zr-RCF) jissodisfaw il-kriterji biex ikunu kklassifikati bħala karċinoġeni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(a) ta' dak ir-Regolament. Dawn is-sustanzi ġew identifikati u inklużi wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament bir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tas-6 ta' Frar 2014 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Il-fibri stess huma mmanifatturati f'numru limitat ħafna ta' siti industrijali u b'mod ġenerali jiġu kkonvertiti direttament fi ħdan l-istess proċess ta' manifattura f'oġġetti li huma sussegwentement użati f'firxa wiesgħa ta' tagħmir industrijali ta' iżolament ta' temperatura għolja, u dan jista' potenzjalment iwassal għall-esponiment sostanzjali tal-ħaddiema. Madankollu, l-użu ta' oġġetti magħmulin mill-fibri mhuwiex suġġett għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Sabiex tiddeċiedi dwar l-aktar approċċ regolatorju rilevanti, il-Kummissjoni tqis li għalissa jkun xieraq li tipposponi d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-Al-RCF u ż-Zr-RCF fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(24)

Is-sustanzi aċidu boriku, tetraborat tad-disodju (anidru), triossidu tad-diboron, u ettaossidu tat-tetraboron u tad-disodju (idrat) jissodisfaw il-kriterji biex ikunu kklassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk jissodisfaw il-kriterji biex jiddaħħlu fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 stipulati fl-Artikolu 57(c) ta' dak ir-Regolament. Dawn is-sustanzi ġew identifikati u inklużi wkoll fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u ngħataw prijorità għall-inklużjoni fl-Anness XIV ta' dak ir-Regolament fir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija tal-1 ta' Lulju 2015 skont l-Artikolu 58 ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-użu ta' dawn is-sustanzi jvarja ħafna u jikkonċerna firxa wiesgħa ta' diversi industriji tal-manifattura, u dan mistenni li jwassal għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kumplessi ħafna. Billi bħalissal-esperjenza mill-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni li jkopru firxa wiesgħa ta' użi għadha limitata, huwa xieraq li għalissa tiġi posposta d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta' dawn is-sustanzi fl-Anness XIV.

(25)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/5th_a_xiv_recommendation_06feb2014_en.pdf

(4)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/6th_a_xiv_recommendation_01july2015_en.pdf


ANNESS

It-tabella fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 hija emendata kif ġej:

1.

Jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

 

 

Arranġamenti tranżitorji

 

 

Dħul Nru

Sustanza

Proprjetà(jiet) intrinsiċi msemmija fl-Artikolu 57

L-aħħar data tal-applikazzjoni (1)

Data tat-terminazzjoni (2)

(Kategoriji ta') użi eżentati

Perjodi ta' reviżjoni

“32.

1-bromopropan (n-propil bromur)

Nru tal-KE

:

203-445-0

Nru tas-CAS

:

106-94-5

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

33.

Diisopentilftalat

Nru tal-KE

:

210-088-4

Nru tas-CAS

:

605-50-5

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

34.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku, esteri alkiliċi di-C6-8-ramifikati, C7-rikki

Nru tal-KE

:

276-158-1

Nru tas-CAS

:

71888-89-6

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

35.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku, di-C7-11-ramifikat u esteri alkiliċi lineari

Nru tal-KE

:

271-084-6

Nru tas-CAS

:

68515-42-4

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

36.

Aċidu 1,2-benżendikarbossiliku dipentilester, ramifikat u lineari

Nru tal-KE

:

284-032-2

Nru tas-CAS

:

84777-06-0

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

37.

Flatat ta' bis(2-metossietil)

Nru tal-KE

:

204-212-6

Nru tas-CAS

:

117-82-8

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

38.

Dipentilftalat

Nru tal-KE

:

205-017-9

Nru tas-CAS

:

131-18-0

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

39.

N-pentil-isopentilftalat

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

776297-69-9

Tossiku għar-riproduzzjoni

(il-kategorija 1B)

l-4 ta' Jannar 2019

l-4 ta' Lulju 2020

40.

Żejt tal-antraċene

Nru tal-KE

:

292-602-7

Nru tas-CAS

:

90640-80-5

Karċinoġenu

(il-kategorija 1B)***, PBT, vPvB

l-4 ta' April 2019

l-4 ta' Ottubru 2020

41.

Żift, qatran, temperatura għolja

Nru tal-KE

:

266-028-2

Nru tas-CAS

:

65996-93-2

Karċinoġenu

(il-kategorija 1B), PBT, vPvB

l-4 ta' April 2019

l-4 ta' Ottubru 2020

42.

4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati

[li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta' reazzjoni jew materjali bijoloġiċi (“UVCB”), polimeri u omologi]

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (l-Artikolu 57(f) — l-ambjent)

l-4 ta' Lulju 2019

l-4 ta' Jannar 2021

43.

4-Nonilfenol, ramifikati u lineari, etossilati

[sustanzi b'katina ta' alkil lineari u/jew ramifikati bin-numru tal-karbonju ta' 9 b'rabta kovalenti fil-pożizzjoni 4 għall-fenol, etossilati li jkopru sustanzi UVCB u sustanzi definiti tajjeb, polimeri u omologi, li jinkludu kull iżomeru individwali u/jew taħlitiet tagħhom]

Nru tal-KE

:

Nru tas-CAS

:

Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina (l-Artikolu 57(f) — l-ambjent)

l-4 ta' Lulju 2019

l-4 ta' Jannar 2021

—”

2.

Is-simbolu “(*)” jiddaħħal ħdejn id-data indikata fil-kolonna “L-aħħar data tal-applikazzjoni” għan-numri tal-entrati tas-sustanzi li ġejjin: 4, 5, 6, 7, 10, 11, 12, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 25, 27, 28, 29, 30 u 31.

3.

Is-simbolu “(**)” jiddaħħal ħdejn id-data indikata fil-kolonna “Data tat-terminazzjoni” għan-numri tal-entrati tas-sustanzi li ġejjin: 4, 5, 6, 7, 10, 11, 12, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 25, 27, 28, 29, 30 u 31.

4.

In-noti li ġejjin jiddaħħlu wara t-tabella:

“(*)

l-1 ta' Settembru 2019 għall-użu tas-sustanza fil-produzzjoni ta' parts tal-bdil għat-tiswija ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom tkun waqfet jew li tkun se tieqaf qabel id-data tat-terminazzjoni indikata fl-entrata għal dik is-sustanza, meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu kif suppost mingħajr dik il-part tal-bdil, u għall-użu tas-sustanza (waħedha jew f'taħlita) għat-tiswija ta' dawk l-oġġetti meta dik is-sustanza waħedha jew f'taħlita tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u li dawn ma jistgħux jissewwew b'xi mod ieħor għajr bl-użu ta' dik is-sustanza.

(**)

l-1 ta' Marzu 2021 għall-użu tas-sustanza fil-produzzjoni ta' parts tal-bdil għat-tiswija ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom tkun waqfet jew li tkun se tieqaf qabel id-data tat-terminazzjoni indikata fl-entrata għal dik is-sustanza, meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u dawn ma jkunux jistgħu jaħdmu kif suppost mingħajr dawk il-parts tal-bdil, u għall-użu tas-sustanza (waħedha jew f'taħlita) għat-tiswija ta' dawk l-oġġetti meta dik is-sustanza tkun intużat fil-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti u li dawn ma jistgħux jissewwew b'xi mod ieħor għajr bl-użu ta' dik is-sustanza.

(***)

Ma tissodisfax il-kriterji għall-identifikazzjoni bħala karċinoġenu jekk tinkludi < 0,005 % (piż skont il-piż) benżo[a]piren (EINECS Nru 200-028-5)”


(1)  Id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(ii).

(2)  Id-data msemmija fl-Artikolu 58(1)(c)(i).


14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1000

tat-13 ta' Ġunju 2017

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummikssjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (2) għandhom xi karatteristiċi speċifiċi bħal reżistenza ta' frizzjoni għolja, dielettrikalità, reżistenza għas-sħana u għall-aġenti kimiċi, u enerġija tal-wiċċ baxxa. Huma jintużaw f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet bħal fil-produzzjoni tal-fluworopolimeri u l-fluworoelastomeri, bħala aġenti tensjoattivi fil-fowms għat-tifi tan-nar, u fil-produzzjoni tat-tessuti u tal-karta biex jipprovdu reeżistenza għall-ilma, il-grassi, iż-żejt u/jew il-ħmieġ.

(2)

Fl-14 ta' Ġunju 2013, il-Kumitat tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, identifika l-PFOA bħala sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (“PBT”) skont l-Artikolu 57(d) ta' dak ir-Regolament. Fl-20 ta' Ġunju 2013, il-PFOA ġie inkluż fil-Lista tal-Kandidati ta' Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (“SVHC”) għall-inklużjoni possibbli fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(3)

Fis-17 ta' Ottubru 2014, il-Ġermanja u n-Norveġja ppreżentaw lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) dossier (3) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (minn hawn' il quddiem “id-dossier tal-Anness XV”), li jipproponi li jittrażżnu l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Ġermanja u n-Norveġja pproponew limitu ta' konċentrazzjoni ta' 2 ppb għall-preżenza ta' dawn is-sustanzi f'sustanzi oħra, taħlitiet jew oġġetti, u ma pproponewx eżenzjonijiet ħlief għal oġġetti użati li l-użu aħħari tagħhom fl-Unjoni jista' jintwera qabel id-data tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni.

(4)

Fit-8 ta' Settembru 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Istima tar-Riskju (“RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, fejn ikkonkluda li suġġetta għall-modifika tal-kamp ta' applizazzjoni u tal-kundizzjonijiet proposti fid-dossier tal-Anness XV, restrizzjoni ġenerali tal-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA, hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-effettività fit-tnaqqis ta' dawn ir-riskji. Ir-RAC ippropona żewġ limiti ta' konċentrazzjoni differenti, jiġifieri 25 ppb għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu u 1 000 ppb għal sustanza waħda jew kombinazzjoni ta' sustanzi relatati mal-PFOA, f'sustanzi, taħlitiet jew oġġetti oħrajn, b'rifless tal-preżenza possibbli ta' impuritajiet u ta' kontaminanti mhux intenzjonati li ma jistgħux jiġu evitati, u b'qies tal-kapaċitajiet tal-metodi analitiċi. Il-RAC ippropona li jiġu eżentati mir-restrizzjoni kisjiet fotografiċi applikati għal films, karti, jew pjanċi tal-istampar, tagħmir mediku impjantabbli u sustanzi jew taħlitiet użati b'semikondutturi u proċessi fotolitografiċi, b'kunsiderazzjoni għall-impatt ambjentali relattivament baxx u għaż-żmien fit-tul biex dawn jiġu sostitwiti. Il-RAC ippropona li jiġi eżentat ukoll l-użu ta' sustanzi bħala sustanzi intermedji iżolati trasportati bl-għan li jippermettu l-manifattura ta' alternattivi, kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti użati.

(5)

Fl-4 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li tindika li r-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV, kif immodifikata mill-RAC u l-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini ta' benefiċċji u kostijiet soċjoekonomiċi.

(6)

Il-SEAC qabel mal-eżenzjonijiet proposti mir-RAC. Barra minn hekk, l-SEAC issuġġerixxa diferiment ta' tliet snin għall-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni, minflok it-tmintax-il xahar proposti fid-dossier tal-Anness XV, ħalli l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità. Abbażi tal-konsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi, bħal spejjeż għoljin, piż ekonomiku sinifikanti, nuqqas ta' alternattivi, emissjonijiet relattivament baxxi fl-ambjent, użi kritiċi b'benefiċċji soċjetali għoljin, l-SEAC issuġġerixxa aktar posponimenti tar-restrizzjoni fil-każ tal-inki tal-istampar tal-lattiċe, it-tessuti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-membrani maħsuba għal tessuti mediċi, il-filtrazzjoni fit-trattament tal-ilma, il-proċessi ta' produzzjoni, u t-trattament tal-effluwenti, ċerti nanocoatings tal-plażma u tagħmir mediku mhux impjantabbli.

(7)

L-RAC u l-SEAC qablu wkoll li jeżentaw mir-restrizzjoni proposta il-fowms tat-tifi tan-nar li kienu diġà tqiegħdu fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tair-restrizzjoni, u t-tagħmir għall-manifattura tas-semikondutturi.

(8)

Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni u l-opinjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata.

(9)

Fit-12 ta' Jannar 2016, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC (4) lill-Kummissjoni.

(10)

Abbażi ta' dawk l-opinjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżulta mill-manifattura, mill-użu jew mill-introduzzjoni fis-suq tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA weħedhom, bħala kostitwenti ta' sustanzi oħra, jew f'taħlitiet u f'oġġetti. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-riskji għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

(11)

L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (“PFOS”) u d-derivati tiegħu għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjoni proposta, billi dawk is-sustanzi diġà huma rregolati bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-produzzjoni inevitabbli tal-PFOA matul il-manifattura ta' fluworokimiċi b'katina tal-karbonju ndaqs jew iqsar minn sitt atomi għandha wkoll tkunu eżentata mir-restrizzjoni proposta.

(12)

Skont il-parir mill-SEAC, l-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni għandha tiġi diferita ġeneralment għal perjodu ta' tliet snin u għal perjodi itwal fir-rigward ta' setturi speċifiċi sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta. Filwaqt li huwa disponibbli metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-PFOS estrattabbli f'oġġetti solidi miksijin jew imxappin, f'likwidi u f'fowms għat-tifi tan-nar (CEN/TS 15968:2010), li aktarx jista' jiġi aġġustat biex jinkludi wkoll il-PFOA u s-sustanzi relatati mal-PFOA bil-limiti tad-detezzjoni relevanti, fil-preżent l-ebda metodu standard ta' dan it-tip mhu disponibbli għall-estrazzjoni u l-analiżi kimika ta' dawk is-sustanzi. Il-perjodu ta' diferriment għar-ristrezzjoni għandu jippermetti l-iżvilupp ulterjuri ta' metodi analitiċi xierqa li jistgħu jiġu applikati għall-matriċi kollha.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Is-sustanzi relatati mal-PFOA huma sustanzi li, skont l-istruttura molekulari tagħhom, jitqiesu li għandhom il-potenzal li jiddegradaw jew jinbidlu biex isiru PFOA.

(3)  http://echa.europa.eu/documents/10162/e9cddee6-3164-473d-b590-8fcf9caa50e7

(4)  https://echa.europa.eu/documents/10162/2f0dfce0-3dcf-4398-8d6b-2e59c86446be

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“68.

Aċidu perfluworoottanojku (PFOA)

Nru tal-CAS 335-67-1

Nru KE 206-397-9

u l-imlieħ tiegħu.

Kwalunkwe sustanza relatata (inkluż l-imlieħ u l-polimeriu tagħha) li għandha grupp tal-perfluworoeptil lineari jew ramifikat bil-formula C7F15- direttament marbuta ma' atomu ieħor tal-karbonju, bħala wieħed mill-elementi strutturali.

Kwalunkwe sustanza relatata (inkluż l-imlieħ u l-polimeriu tagħha) li għandha grupp tal-perfluworoottil lineari jew ramifikat bil-formula C8F17- bħala wieħed mill-elementi strutturali.

Is-sustanzi li ġejjin huma esklużi minn dan it-titlu:

C8F17-X, fejn X = F, Cl, Br.

C8F17-C(=O)OH, C8F17-CF2-X′ (fejn X′ = kwalunkwe grupp, inklużi mlieħ).

1.

Ma għandhiex tiġi mmanifattura, jew imqiegħda fis-suq bħala sustanza waħidha mill-4 ta' Lulju 2020.

2.

Ma għandhiex, mill-4 ta' Lulju 2020, tintuża fil-produzzjoni ta', jew imqiegħda fis-suq fi:

(a)

sustanza oħra, bħala kostitwent;

(b)

taħlita;

(c)

oġġett,

b'konċentrazzjoni ugwali għal jew ogħla minn 25 ppb ta' PFOA inklużi l-imlieħ tiegħu jew 1 000 ppb ta' sustanza relatata mal-PFOA waħda jew f'kombinazzjoni.

3.

Il-punti 1 u 2 għandhom japplikaw:

(a)

mill-4 ta' Lulju 2022 għal:

(i)

tagħmir użat għall-manifattura tas-semikondutturi;

(ii)

inka tal-istampar tal-lattiċe.

(b)

mill-4 ta' Lulju 2023 għal:

(i)

tessuti għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji għal saħħithom u sikurezza tagħhom;

(ii)

membrani maħsuba għall-użu f'tessuti mediċi, filtrazzjoni fit-trattament tal-ilma, fil-proċessi ta' produzzjoni u fit-trattament tal-effluenti;

(iii)

nanocoatings tal-plażma.

(c)

mill-4 ta' Lulju 2032 fil-każ ta' tagħmir mediku għajr tagħmir mediku impjantabbli fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 93/42/KEE.

4.

Il-punti 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan u d-derivattivi tiegħu, li huma elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004;

(b)

il-manifattura ta' sustanza meta din isseħħ bħala prodott sekondarju inevitabbli tal-manifattura tal-fluworokimiċi b'katina tal-karbonju ta' 6 atomi jew aqsar;

(c)

sustanza li għandha tintuża, jew li tintuża bħala sustanza intermedja iżolata trasportata, sakemm il-kundizzjonijiet fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 18(4) ta' dan ir-Regolament huma ssodisfati;

(d)

sustanza, kostitwent ta' sustanza oħra jew taħlita li għandha tintuża, jew li tintuża:

(i)

fil-produzzjoni ta' tagħmir impjantabbli mediku fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 93/42/KEE;

(ii)

kisjiet fotografiċi applikati mal-films, il-karti jew il-folji tal-istampar;

(iii)

fi proċessi fotolitografiċi għas-semikondutturi jew fi proċessi ta' inċiżjoni għal semikondutturi komposti;

(e)

taħlitiet ta' fowm konċentrat għat-tifi tan-nar li tqiegħdu fis-suq qabel l-4 ta' Lulju 2020 u li għandhom jintużaw, jew li jintużaw fil-produzzjoni ta' taħlitiet oħra ta' fowm għat-tifi tan-nar.

5.

Il-punt 2(b) ma għandux japplika għal taħlitiet tal-fowm tat-tifi tan-nar li kienu:

(a)

tqiegħdu fis-suq qabel l-4 ta' Lulju 2020; jew immanifatturati skont il-punt 4(e),

(b)

sakemm, meta dawn jintużaw għal skopijiet ta' taħriġ, l-emissjonjiet lejn fl-ambjent jiġu minimizzati u l-effluwenti miġbura jintremew b'mod sikur.

6.

Il-punt 2(c) ma għandux japplika għal:

(a)

oġġetti li tqiegħdu fis-suq qabel qabel l-4 ta' Lulju 2020;

(b)

tagħmir mediku impjantabbli mmanifatturat skont il-punt 4(d)(i);

(c)

oġġetti miksijin b'kisjiet fotografiċi msemmija fil-punt 4(d)(ii);

(d)

semikondutturi jew semikondutturi komposti msemmija fil-punt 4(d)(iii).”


Rettifika

14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/19


Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta' Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 294 tat-28 ta' Ottubru 2016 )

Fil-paġna 207, fl-Anness, fit-test li jissostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, fit-Tieni Parti, fit-Taqsima V, fil-Kapitolu 27, fit-tielet paragrafu tan-nota addizzjonali 2(f)

minflok:

“It-terminu “kulur dilwit Ċ” ifisser il-kulur ta' prodott, kif iffissat bil-metodu ISO 2049 (ekwivalenti għall-metodu ASTM D 1500), wara li parti waħda minn dan il-prodott tkun tħalltet ma' 100 parti bil-volum ta' ksilin, toluwina, jew kwalunkwe solvent xieraq ieħor. Il-kulur għandu jkun stabbilit immedjatament wara t-taħlita.”,

aqra:

“It-terminu “kulur dilwit Ċ” ifisser il-kulur ta' prodott, kif stabbilit bil-metodu ISO 2049 (ekwivalenti għall-metodu ASTM D 1500), wara li parti waħda minn dak il-prodott titħallat ma' ksilin, toluwina, jew kwalunkwe solvent xieraq ieħor biex jintlaħaq volum ta' 100 parti. Il-kulur għandu jiġi stabbilit immedjatament wara li jitħallat il-prodott.”.