ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 144

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
7 ta' Ġunju 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 tad-29 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/953 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 1 )

12

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/954 tas-6 ta' Ġunju 2017 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

14

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/955 tad-29 ta' Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta' Riċerka tal-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm

17

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2017/956 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta' riċerka tar-reattur ta' fluss għoli għall-2016-2019 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

23

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/957 tas-6 ta' Ġunju 2017 għat-tmiem tal-proċediment kontra d-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

27

 

*

Deċiżjoni Nru 2/2015 tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì tat-30 ta' Novembru 2015 li tissostiwixxi l-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra dwar it-trasport dirett [2017/958]

35

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/579 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi ( ĠU L 87, 31.3.2017 )

37

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/952

tad-29 ta' Mejju 2017

li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Huwa imperattiv li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b'mod effettiv is-sovranità tat-taxxa tagħhom. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ħarġet rakkomandazzjonijiet ta' azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS).

(2)

Ir-rapporti finali dwar il-15-il Punt ta' Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS ġew ippubblikati fil-5 ta' Ottubru 2015. Dan il-kontribut intlaqa' tajjeb mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2015. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jkunu komuni iżda fl-istess ħin flessibbli, u li jkunu konsistenti mal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS.

(3)

Bi tweġiba għall-ħtieġa ta' tassazzjoni aktar ġusta b'mod partikolari b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa tagħha fit-28 ta' Jannar 2016. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (3), dwar regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa, ġiet adottata fil-qafas ta' dak il-pakkett.

(4)

Id-Direttiva (UE) 2016/1164 tipprevedi qafas biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi ibridi.

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jinnewtralizzaw id-diskrepanzi ibridi b'mod kemm jista' jkun komprensiv. B'konsiderazzjoni tal-fatt li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tkopri biss d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi għat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri, fit-12 ta' Lulju 2016 il-Kunsill ECOFIN ħareġ dikjarazzjoni fejn jitlob lill-Kummissjoni biex sa Ottubru 2016 tressaq proposta dwar id-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi biex ikunu previsti regoli konsistenti mar-regoli rakkomandati mir-rapport tal-OECD dwar in-Newtralizzar tal-Effetti tal-Arranġamenti tad-Diskrepanzi Ibridi, Azzjoni 2 — Rapport Finali 2015 (“rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2”) u mhux inqas effettivi minnhom, bil-għan li jintlaħaq ftehim sa tmiem l-2016.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2016/1164, tirrikonoxxi, fost oħrajn, li huwa kritiku li ssir ħidma ulterjuri dwar diskrepanzi ibridi oħra bħal dawk li jinvolvu stabbilimenti permanenti. Fid-dawl ta' dak, huwa essenzjali li d-diskrepanzi ta' stabbilimenti permanenti ibridi jiġu indirizzati f'dik id-Direttiva wkoll.

(7)

Biex ikun previst qafas li huwa konsistenti mar-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2 u mhux inqas effettiv minnu, huwa essenzjali li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tinkludi wkoll regoli dwar trasferimenti ibridi, diskrepanzi importati u tindirizza l-firxa wiesgħa ta' eżiti ta' tnaqqis doppju, sabiex il-kontribwenti ma jitħallewx jisfruttaw il-lakuni li fadal.

(8)

Id-Direttiva (UE) 2016/1164 tinkludi regoli dwar diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri u għalhekk huwa adatt li tinkludi wkoll regoli dwar diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi fejn mill-inqas waħda mill-partijiet involuti hija kontribwent korporattiv jew fil-każ ta' ibridi bil-maqlub, entità fi Stat Membru, kif ukoll regoli dwar diskrepanzi importati. B'konsegwenza ta' dan, ir-regoli dwar diskrepanzi ibridi u diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa jenħtieġ li japplikaw għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi Stat Membru inkluż għal stabbilimenti permanenti, jew għal arranġamenti trattati bħala stabbilimenti permanenti, ta' entitajiet residenti f'pajjiżi terzi. Ir-regoli dwar diskrepanzi ibridi bil-maqlub jenħtieġ li japplikaw għal dawk l-entitajiet kollha li huma ttrattati bħala trasparenti għall-finijiet tat-taxxa minn Stat Membru.

(9)

Jenħtieġ li r-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' diskrepanza li jirriżultaw minn tnaqqis doppju, minn konflitt fil-karatterizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji, pagamenti u entitajiet, jew mill-allokazzjoni ta' pagamenti. Peress li d-diskrepanzi ibridi jistgħu jwasslu għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom l-Istat Membru kkonċernat jew jiċħad it-tnaqqis ta' pagament, spiża jew telf jew jirrikjedi li l-kontribwent jinkludi l-pagament fl-introjtu taxxabbli tiegħu, kif xieraq. Madankollu, dawk ir-regoli japplikaw biss għal pagamenti li jistgħu jitnaqqsu u m'għandhomx jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali ta' sistema tat-taxxa, kemm jekk hija sistema klassika jew ta' imputazzjoni.

(10)

Id-diskrepanzi ta' stabbiliment permanenti ibridi jseħħu meta d-differenzi bejn ir-regoli ta' ġurisdizzjoni tal-istabbiliment permanenti u ta' residenza għall-allokazzjoni tal-introjtu u n-nefqa bejn partijiet differenti tal-istess entità jagħtu lok għal diskrepanza fl-eżiti tat-taxxa u jinkludu dawk il-każijiet fejn eżitu ta' diskrepanza jirriżulta minħabba l-fatt li stabbiliment permanenti jiġi injorat taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-fergħa. Dawk l-eżiti ta' diskrepanza jistgħu jwasslu għal tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni, u jenħtieġ għalhekk li jiġu eliminati. Fil-każ ta' stabbilimenti permanenti injorati, l-Istat Membru fejn il-kontribwent huwa residenti jenħtieġ li jinkludi l-introjtu li kieku altrimenti jiġi attribwit lill-istabbiliment permanenti.

(11)

Kwalunkwe aġġustament li jkun meħtieġ isir taħt din id-Direttiva, bħala prinċipju, ma għandux jaffettwa l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet stipulati taħt trattat dwar tassazzjoni doppja.

(12)

Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, huwa neċessarju li jkunu indirizzati biss il-każijiet fejn hemm riskju sostanzjali ta' evitar ta' taxxa bl-użu ta' diskrepanzi ibridi. Għaldaqstant, huwa xieraq li jkunu koperti d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità, diskrepanzi ibridi li jinħolqu bejn il-kontribwent u l-impriżi assoċjati tiegħu jew bejn l-impriżi assoċjati, u dawk li jirriżultaw minn arranġament strutturat li jinvolvi lil kontribwent.

(13)

Diskrepanzi li, b'mod partikolari, jirriżultaw min-natura ibridità tal-entitajiet jenħtieġ li jiġu indirizzati biss meta waħda mill-impriżi assoċjati għandha, bħala minimu, kontroll effettiv fuq l-impriża assoċjata l-oħra. B'konsegwenza, f'dawk il-każijiet, jenħtieġ jintalab li impriża assoċjata tkun fil-pussess tal-kontribwent jew ta' impriża assoċjata oħra, jew għandha l-pussess tagħhom, b'parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot, sjieda ta' kapital jew dritt għall-profitti riċevuti ta' 50 fil-mija jew aktar. Is-sjieda, jew id-drittijiet ta' persuni li jaġixxu flimkien, jenħtieġ li jiġu aggregati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-rekwiżit.

(14)

Biex tkun prevista definizzjoni suffiċjentement komprensiva ta' “impriża assoċjata” għall-finijiet tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi, dik id-definizzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għall-finijiet ta' kontabbiltà, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikanti fil-ġestjoni u, bil-maqlub, impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent.

(15)

Huwa neċessarju li jiġu indirizzati erba' kategoriji ta' diskrepanzi ibridi: l-ewwel, diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagamenti taħt strument finanzjarju; it-tieni, diskrepanzi ibridi li huma l-konsegwenza ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti magħmula lil entità ibrida jew stabbiliment permanenti, inkluż bħala riżultat ta' pagamenti lil stabbiliment permanenti injorat; it-tielet, diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagamenti magħmula minn entità ibrida lil sidha, jew pagamenti meqjusa bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar; fl-aħħar nett, eżiti ta' tnaqqis doppju li jirriżultaw minn pagamenti magħmula minn entità ibrida jew stabbiliment permanenti.

(16)

Fir-rigward ta' pagamenti taħt strument finanzjarju, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-eżitu tal-inklużjoni hija attribwibbli għad-differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument jew il-pagamenti magħmula taħtu. Jekk in-natura tal-pagament tikkwalifikah għal ħelsien minn taxxa doppja taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju, bħal eżenzjoni mit-taxxa, tnaqqis fir-rata ta' taxxa jew kwalunkwe kreditu jew pagament lura tat-taxxa, il-pagament jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida sal-livell tal-ammont intaxxat anqas li jirriżulta. Madankollu, pagament taħt strument finanzjarju ma għandux jiġi trattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida meta l-ħelsien mit-taxxa mogħti fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju ikun unikament dovut minħabba l-istatus fiskali tal-benefiċjarju jew il-fatt li l-istrument ikun miżmum soġġett għat-termini ta' reġim speċjali.

(17)

Sabiex jiġu evitati eżiti mhux mixtieqa fl-interazzjoni bejn ir-regola tal-istrument finanzjarju ibridu u r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf imposti fuq il-banek, u mingħajr preġudizzju għal regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva strumenti intragrupp li nħarġu bl-uniku skop li jintlaħqu r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-emittent u mhux bl-iskop li tiġi evitata t-taxxa.

(18)

Fir-rigward ta' pagamenti magħmula lil entità ibrida jew stabbiliment permanenti, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-eżitu tal-inklużjoni jirriżulta minn differenzi fir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni ta' dak il-pagament bejn l-entità ibrida u sidha fil-każ ta' pagament li jsir lil entità ibrida, jew bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti, jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar fil-każ ta' pagament meqjus lil stabbiliment permanenti. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida tapplika biss fejn l-eżitu ta' diskrepanza hija riżultat ta' differenzi fir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni ta' pagamenti taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet u pagament m'għandux jagħti lok għal diskrepanza ibrida li kienet tirriżulta fi kwalunkwe każ minħabba l-istatus ta' eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

(19)

Id-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida jenħtieġ li tkopri wkoll tnaqqis mingħajr l-eżiti ta' inklużjoni li huma r-riżultat ta' pagamenti magħmula għal stabbiliment permanenti injorat. Stabbiliment permanenti injorat huwa kwalunkwe arranġament li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju prinċipali iżda li mhuwiex ittrattat bħala stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra. Ir-regola dwar id-diskrepanza ibrida m'għandhiex tapplika, madankollu, fejn id-diskrepanza tkun irriżultat fi kwalunkwe każ minħabba l-istatus ta' eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

(20)

Fir-rigward ta' pagamenti magħmula minn entità ibrida lil sidha, jew pagamenti meqjusa li saru bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżitu tar-riżultati mill-pagament jew il-pagament meqjus ma jkunx rikonoxxut fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. F'dak il-każ, fejn l-eżitu tal-diskrepanza huwa konsegwenza tan-nuqqas ta' allokazzjoni tal-pagament jew tal-pagament meqjus, il-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju hija l-ġurisdizzjoni fejn il-pagament jew il-pagament meqjus jiġi trattat bħala riċevut skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-pagatur. Bħal fil-każ ta' diskrepanzi ibridi oħra ta' entitajiet u fergħat li jagħtu lok għal tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżiti, l-ebda diskrepanza ibrida m'għandha tirriżulta fejn il-benefiċjarju huwa eżenti mit-taxxa skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Fir-rigward ta' din il-kategorija ta' diskrepanzi ibridi, madankollu, eżitu ta' diskrepanza jirriżulta biss sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti t-tnaqqis fir-rigward tal-pagament jew il-pagament meqjus ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis jiġi riportat għal perijodu tat-taxxa sussegwenti, ir-rekwiżit li jsir kwalunkwe aġġustament skont din id-Direttiva jista' jiġi differit sakemm it-tnaqqis ikun fil-fatt ikkumpensat bl-introjtu li mhuwiex b'inklużjoni doppja fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

(21)

Id-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida jenħtieġ li tinkludi wkoll l-eżiti ta' tnaqqis doppju irrispettivament minn jekk dawn jirriżultawx bħala riżultat ta' pagamenti, spejjeż li mhumiex meqjusa bħala pagamenti skont il-liġi domestika jew bħala riżultat ta' telf minn amortizzament jew deprezzament. Bħal fil-każ ta' pagamenti meqjusa u pagamenti magħmula minn entità ibrida li jiġu injorati mill-benefiċjarju, diskrepanza ibrida jenħtieġ li tirriżulta biss, madankollu, sakemm il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Dan ifisser li jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis jiġi riportat għal perijodu tat-taxxa sussegwenti, ir-rekwiżit li jsir aġġustament skont din id-Direttiva jista' jiġi differit sakemm it-tnaqqis ikun fil-fatt ikkumpensat bl-introjtu li mhuwiex b'inklużjoni doppja fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

(22)

Id-differenzi fl-eżiti tat-taxxa li huma attribwibbli biss għal differenzi fil-valur attribwit għal pagament, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' prezzijiet ta' trasferiment, m'għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' diskrepanza ibrida. Barra minn hekk, minħabba li l-ġurisdizzjonijiet jużaw perijodi differenti tat-taxxa u għandhom regoli differenti biex jiġi rikonoxxut meta entrati ta' introjtu jew nefqa jkunu ġew derivati jew imġarrba, b'mod ġenerali dawk id-differenzi fl-għażla taż-żmien m'għandhomx jitqiesu bħala li jagħtu lok għal differenzi fl-eżiti tat-taxxa. Madankollu, pagament li jista' jitnaqqas skont strument finanzjarju li ma jkunx raġonevolment mistenni li jiġi inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida jekk dak it-tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżiti huwa attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument finanzjarju jew pagamenti magħmula taħtu. Jenħtieġ li jiġi mifhum li eżitu ta' diskrepanza jista' jirriżulta jekk pagament li jsir taħt strument finanzjarju ma jkunx inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Tali pagament jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, jekk ikun inkluż mill-benefiċjarju fi żmien 12-il xahar minn tmiem il-perijodu tat-taxxa tal-pagatur jew kif determinat skont il-prinċipju ta' kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li pagament jiġi inkluż f'perijodu ta' żmien fiss sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskrepanza fl-eżitu u jiżguraw kontroll tat-taxxa.

(23)

Trasferimenti ibridi jistgħu jagħtu lok għal differenza fit-trattament tat-taxxa jekk, bħala riżultat ta' arranġament għal trasferiment ta' strument finanzjarju, ir-redditu sottostanti fuq dak l-istrument kien trattat bħala derivat minn aktar minn waħda mill-partijiet għall-arranġament. F'dawk il-każijiet, il-pagament taħt it-trasferiment ibridu jista' jagħti lok għal tnaqqis għall-pagatur filwaqt li jkun trattat bħala redditu fuq l-istrument sottostanti mill-benefiċjarju. Din id-differenza fit-trattament tat-taxxa tista' twassal għal tnaqqis mingħajr eżitu tal-inklużjoni jew għall-ġenerazzjoni ta' kreditu tat-taxxa eċċessiv għat-taxxa miżmuma fis-sors fuq l-istrument sottostanti. Għalhekk jenħtieġ li diskrepanzi bħal dawn jiġu eliminati. Fil-każ ta' tnaqqis mingħajr l-inklużjoni, jenħtieġ li japplikaw l-istess regoli bħal fil-każ tad-diskrepanzi newtralizzanti minn pagamenti permezz ta' strument finanzjarju ibridu. Fil-każ ta' trasferimenti ibridi li ġew strutturati biex jipproduċu krediti tat-taxxa eċċessivi, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jevita li l-pagatur juża l-kreditu tat-taxxa eċċessiv biex jikseb vantaġġ fiskali, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' regola ġenerali kontra l-abbuż konsistenti mal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/1164.

(24)

Huwa neċessarju li tiġi prevista regola li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskrepanzi fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li jirriżultaw f'diskrepanza ibrida minkejja l-fatt li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità ma' din id-Direttiva. Fejn tirriżulta sitwazzjoni bħal din u r-regola primarja prevista f'din id-Direttiva ma tapplikax, jenħtieġ li tapplika regola sekondarja. Madankollu, l-applikazzjoni kemm tar-regoli primarji u kif ukoll sekondarji japplikaw biss għal diskrepanzi ibridi kif definit minn din id-Direttiva u m'għandhomx jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta' Stat Membru.

(25)

Diskrepanzi importati jċaqilqu l-effett ta' diskrepanza ibrida bejn partijiet f'pajjiżi terzi lejn il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru bl-użu ta' strument mhux ibridu u b'hekk tiddgħajjef l-effettività tar-regoli li jinnewtralizzaw diskrepanzi ibridi. Pagament li jista' jitnaqqas fi Stat Membru jista' jintuża għall-finanzjament ta' spiża li tinvolvi diskrepanza ibrida. Biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi importati, huwa neċessarju li jiġu inklużi regoli li ma jħallux it-tnaqqis ta' pagament jekk l-introjtu korrispondenti minn dak il-pagament ikun kumpensat, direttament jew indirettament, bi tnaqqis li jirriżulta taħt diskrepanza ibrida li jagħti lok għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bejn pajjiżi terzi.

(26)

Diskrepanza ta' residenza doppja tista' twassal għal tnaqqis doppju jekk pagament magħmul minn kontribwent ta' residenza doppja jitnaqqas taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn il-kontribwent huwa residenti. Peress li diskrepanzi ta' residenza doppja jistgħu jwasslu għal eżiti ta' tnaqqis doppju, jenħtieġ li dawn jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Stat Membru għandu jirrifjuta t-tnaqqis duplikat li jirriżulta fir-rigward ta' kumpannija ta' residenza doppja sal-punt li dan il-pagament huwa kkumpensat b'ammont li mhuwiex trattat bħala introjtu skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra.

(27)

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-suq intern globali kontra d-diskrepanzi ibridi. Dan ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, peress li s-sistemi għat-taxxa korporattiva nazzjonali huma differenti u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċiment tirreplika biss il-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B'hekk din tkun tippermetti li jippersistu l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet fl-interazzjoni ta' miżuri nazzjonali distinti. Dan jirriżulta f'nuqqas ta' koordinazzjoni. Dak l-objettiv jista' minflok jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba n-natura transfruntiera tad-diskrepanzi ibridi u l-ħtieġa li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern globali. L-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan. Bl-istabbiliment tal-livell meħtieġ ta' protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva timmira biss li tikseb il-livell essenzjali ta' koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

(28)

Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw l-ispjegazzjonijiet applikabbli u l-eżempji fir-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2bħala sors ta' deskrizzjoni jew interpretazzjoni sakemm huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u mad-dritt tal-Unjoni.

(29)

Ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi fl-Artikolu 9(1) u 9(2) japplikaw biss sakemm is-sitwazzjoni li tinvolvi kontribwent tagħti lok għal eżitu ta' diskrepanza. Ma għandu jirriżulta l-ebda eżitu ta' diskrepanza meta arranġament huwa soġġett għal aġġustament skont l-Artikolu 9(5) jew 9a u, għaldaqstant, l-arranġamenti li huma soġġetti għal aġġustament skont dawk il-partijiet ta' din id-Direttiva m'għandhom ikunu soġġetti għall-ebda aġġustament ulterjuri skont ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi.

(30)

Meta d-dispożizzjonijiet ta' direttiva oħra, bħal dawk fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE (4), iwasslu għan-newtralizzazzjoni tad-diskrepanza f'riżultati fiskali, ma għandux ikun hemm lok għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi previsti f'din id-Direttiva.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

(32)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva (UE) 2016/1164 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru wieħed jew aktar, inklużi stabbilimenti permanenti fi Stat Membru wieħed jew aktar ta' entitajiet residenti f'pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa.

2.   L-Artikolu 9a japplika wkoll għall-entitajiet kollha li huma ttrattati bħala trasparenti għall-finijiet ta' taxxa minn Stat Membru.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (4), l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikoli 9 u 9a:

(a)

Fejn l-eżitu tad-diskrepanza jirriżulta skont il-punti (b), (c), (d), (e) jew (g) tal-ewwel subparagrafu tal-punt (9) ta' dan l-Artikolu jew fejn huwa meħtieġ aġġustament skont l-Artikolu 9(3) jew l-Artikolu 9a, id-definizzjoni ta' impriża assoċjata hija modifikata biex ir-rekwiżit tal-25 fil-mija jiġi sostitwit b'rekwiżit ta' 50 fil-mija;

(b)

persuna li taġixxi flimkien ma' persuna oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-vot jew tas-sjieda tal-kapital ta' entità għandha tkun trattata bħala li għandha parteċipazzjoni fid-drittijiet tal-vot jew fis-sjieda tal-kapital kollha ta' dik l-entità li huma miżmuma mill-persuna l-oħra;

(c)

impriża assoċjata tfisser ukoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja bħall-kontribwent, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikattiva fil-ġestjoni jew impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent.”;

(b)

il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(9)

“diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi kontribwent jew, fir-rigward tal-Artikolu 9(3), entità fejn:

(a)

pagament taħt strument finanzjarju jwassal għal eżitu ta' tnaqqis mingħajr inklużjoni u:

(i)

pagament bħal dan mhuwiex inkluż f'perijodu ta' żmien raġonevoli; u

(ii)

l-eżitu ta' diskrepanza huwa attribwibbli għad-differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument jew il-pagament magħmul taħtu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, pagament taħt strument finanzjarju għandu jiġi ttrattat bħala inkluż fl-introjtu f'perijodu raġonevoli ta' żmien meta:

(i)

il-pagament huwa inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu ta' taxxa li jibda fi żmien 12-il xahar minn tmiem il-perijodu tat-taxxa tal-pagatur; jew

(ii)

huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-pagament ser jiġi inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu tat-taxxa futur u t-termini tal-pagament huma dawk li jkunu mistennija li jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti;

(b)

pagament lil entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti li saru lill-entità ibrida skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni fejn tkun stabbilita jew irreġistrata l-entità ibrida u l-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe persuna li jkollha parteċipazzjoni f'dik l-entità ibrida;

(c)

pagament lil entità bi stabbiliment permanenti wieħed jew aktar iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet fejn topera l-entità;

(d)

pagament iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bħala riżultat ta' pagament lil stabbiliment permanenti injorat;

(e)

pagament minn entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju;

(f)

pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar li jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fejn dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju; jew

(g)

isir eżitu ta' tnaqqis doppju.

Għall-finijiet ta' dan il-punt (9):

(a)

pagament li jirrappreżenta r-redditu sottostanti fuq strument finanzjarju trasferit ma għandux jagħti lok għal diskrepanza ibrida skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta l-pagament isir minn kummerċjant finanzjarju fil-kuntest ta' trasferiment ibridu fis-suq dment li l-ġuriżdizzjoni tal-pagatur titlob lill-kummerċjant finanzjarju jinkludi bħala introjtu l-ammonti kollha rċevuti b'rabta mal-istrument finanzjarju trasferit;

(b)

diskrepanza ibrida għandha tirriżulta biss skont il-punti (e), (f) jew (g) tal-ewwel subparagrafu sal-punt li l-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja;

(c)

eżitu ta' diskrepanza m'għandux jiġu trattat bħala diskrepanza ibrida sakemm ma tirriżultax bejn impriżi assoċjati, bejn kontribwent u impriża assoċjata, bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti, bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità jew taħt arranġament strutturat.

Għall-finijiet ta' dan il-punt (9) u l-Artikoli 9, 9a u 9b:

(a)

“eżitu ta' diskrepanza” tfisser tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni;

(b)

“tnaqqis doppju” tfisser tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf fil-ġurisdizzjoni li fiha l-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż ikunu saru jew it-telf ikun iġġarrab (ġurisdizzjoni tal-pagatur) u f'ġurisdizzjoni oħra (ġurisdizzjoni tal-investitur). Fil-każ ta' pagament minn entità ibrida jew stabbiliment permanenti, il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija l-ġurisdizzjoni fejn l-entità ibrida jew l-istabbiliment permanenti jkun stabbilit jew sitwat;

(c)

“tnaqqis mingħajr inklużjoni” tfisser it-tnaqqis ta' pagament jew pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar fi kwalunkwe ġurisdizzjoni li fiha dak il-pagament jew pagament meqjus huwa ttrattat li sar (ġurisdizzjoni tal-pagatur) mingħajr inklużjoni korrispondenti għall-finijiet ta' taxxa ta' dak il-pagament jew pagament meqjus fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Il-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju hija kwalunkwe ġurisdizzjoni fejn dak il-pagament jew pagament meqjus ikun ġie riċevut, jew jiġi ttrattat bħala riċevut skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra;

(d)

“tnaqqis” tfisser l-ammont li jiġi ttrattat bħala deduċibbli mill-introjtu taxxabbli taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-pagatur jew tal-investitur. It-terminu “deduċibbli” għandu jiġi interpretat skont dan;

(e)

“inklużjoni” tfisser l-ammont li jitqies fl-introjtu taxxabbli skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Pagament skont strument finanzjarju m'għandux jiġi ttrattat bħala inkluż sal-punt li l-pagament jikkwalifika għal kwalunkwe ħelsien mit-taxxa biss minħabba l-mod li bih il-pagament huwa kkaratterizzat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. It-terminu “inkluż” għandu jiġi interpretat skont dan;

(f)

“ħelsien mit-taxxa” tfisser eżenzjoni mit-taxxa, tnaqqis fir-rata tat-taxxa jew kwalunkwe kreditu jew rifużjoni tat-taxxa (għajr kreditu għal taxxi miżmuma fis-sors);

(g)

“introjtu ta' inklużjoni doppja” tfisser kull entrata ta' introjtu li huwa inkluż skont il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn ikun irriżulta l-eżitu ta' diskrepanza;

(h)

“persuna” tfisser individwu jew entità;

(i)

“entità ibrida” tfisser kwalunkwe entità jew arranġament li titqies bħala entità taxxabbli skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni waħda u li l-introjtu jew in-nefqa tagħha titqies bħala introjtu jew nefqa ta' persuna waħda oħra jew aktar skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni oħra;

(j)

“strument finanzjarju” tfisser kwalunkwe strument sal-punt li dan jagħti lok għal redditu ta' ekwità jew ta' finanzjament li huwa intaxxat skont ir-regoli tat-tassazzjoni fuq dejn, ekwità jew derivati skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet tal-benefiċjarju jew tal-pagatur u jinkludi trasferiment ibridu;

(k)

“kummerċjant finanzjarju” tfisser persuna jew entità involuta fin-negozju fejn isir xiri u bejgħ b'mod regolari ta' strumenti finanzjarji f'isimha għal skopijiet ta' qligħ;

(l)

“trasferiment ibridu” tfisser kwalunkwe arranġament biex isir trasferiment ta' strument finanzjarju fejn ir-redditu sottostanti fuq l-istrument finanzjarju trasferit huwa trattat għal finijiet ta' taxxa bħala derivat simultanjament minn iktar minn waħda mill-partijiet għal dak l-arranġament;

(m)

“trasferiment ibridu fis-suq” tfisser kwalunkwe trasferiment ibridu li kummerċjant finanzjarju jkun daħal fih matul il-perkors normali tan-negozju, u mhux bħala parti minn arranġament strutturat;

(n)

“stabbiliment permanenti injorat” tfisser kwalunkwe arranġament li jiġi ttrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju prinċipali u li mhuwiex ittrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra.”;

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(10)

“grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja” tfisser grupp li jikkonsisti mill-entitajiet kollha li huma kompletament inklużi f'rapporti finanzjarji kkonsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;

(11)

“arranġament strutturat” tfisser arranġament li jinvolvi diskrepanza ibrida fejn l-eżitu ta' diskrepanza huwa pprezzat fit-termini tal-arranġament jew arranġament li tfassal biex jipproduċi eżitu ta' diskrepanza ibrida, ħlief jekk il-kontribwent jew impriża assoċjata ma setax ikun raġonevolment mistenni minnhom li jkunu konxji tad-diskrepanza ibrida u ma kkondividewx fil-valur tal-benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta mid-diskrepanza ibrida.”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 5, il-punt (ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha huma vvalutati bl-istess metodu bħal fir-rapporti finanzjarji konsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 7, il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li juża rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija taħt standards tal-kontabbiltà oħrajn minbarra l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru.”.

(4)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Diskrepanzi ibridi

1.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis doppju:

(a)

it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-investitur; u

(b)

fejn it-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-investitur, it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

Madankollu, kwalunkwe tnaqqis bħal dan għandu jkun eliġibbli li jkun ikkumpensat b'introjtu b'inklużjoni doppja jekk l-introjtu jirriżulta f'perijodu tat-taxxa kurrenti jew f'wieħed sussegwenti.

2.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni:

(a)

it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur; u

(b)

meta t-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur, l-ammont tal-pagament li altrimenti jwassal għal eżitu ta' diskrepanza għandu jiġu inkluż fl-introjtu fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

3.   Stat Membru għandu jiċħad tnaqqis għal kwalunkwe pagament minn kontribwent sal-punt li pagament bħal dak jiffinanzja direttament jew indirettament spejjeż deduċibbli li jwasslu għal diskrepanza ibrida permezz ta' tranżazzjoni jew serje ta' tranżazzjonijiet bejn impriżi assoċjati jew li sar bħala parti minn arranġament strutturat ħlief sal-punt li waħda mill-ġurisdizzjonijiet involuta fit-transazzjoni jew fis-serje ta' transazzjonijiet ma tkunx għamlet aġġustament ekwivalenti fir-rigward ta' diskrepanza ibrida bħal dik.

4.   Stat Membru jista' jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni:

(a)

tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi kif definiti fil-punti (b), (c), (d) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9);

(b)

tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagament ta' imgħax permezz ta' strument finanzjarju lil intrapriża assoċjata fejn:

(i)

l-istrument finanzjarju jkollu karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva;

(ii)

l-istrument finanzjarju jkun inħareġ bl-iskop waħdieni li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli għas-settur bankarju u l-istrument finanzjarju jkun rikonoxxut bħala tali fir-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-kontribwent;

(iii)

l-istrument finanzjarju jkun inħareġ

b'rabta ma' strumenti finanzjarji b'karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva fil-livell ta' impriża prinċipali;

fil-livell meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli;

mhux bħala parti minn arranġament strutturat; u

(iv)

it-tnaqqis nett ġenerali għall-grupp konsolidat taħt l-arranġament ma jaqbiżx l-ammont li kien ikun li kieku l-kontribwent ħareġ tali strument finanzjarju direttament fis-suq.

Il-punt (b) għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2022.

5.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tinvolvi introjtu ta' stabbiliment permanenti injorat li mhuwiex soġġett għal tassazzjoni fl-Istat Membru li fih huwa residenti l-kontribwent għall-finijiet ta' taxxa, dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi l-introjtu li altrimenti jkun attribwit lill-istabbiliment permanenti injorat. Dan japplika sakemm l-Istat Membru ma jkunx obbligat jeżenta l-introjtu taħt trattat dwar it-taxxa doppja li l-Istat Membru jkun daħal fih ma' pajjiż terz.

6.   Sal-punt li trasferiment ibridu huwa maħsub biex jipproduċi ħelsien mit-taxxa mis-sors fuq pagament derivat minn strument finanzjarju trasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jillimita l-benefiċċju ta' tali ħelsien fi proporzjon mal-introjtu taxxabbli nett fir-rigward ta' tali pagament.”.

(5)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Diskrepanzi ibridi bil-maqlub

1.   Fejn entità waħda jew aktar mhux residenti li jkollhom f'aggregat interess dirett jew indirett f'50 fil-mija jew aktar tad-drittijiet tal-vot, interessi tal-kapital jew drittijiet għal sehem tal-profitt f'entità ibrida li hija inkorporata jew stabbilita fi Stat Membru, ikunu jinsabu f'ġurisdizzjoni jew ġurisdizzjonijiet li jqisu l-entità ibrida bħala persuna taxxabbli, l-entità ibrida għandha titqies bħala resident ta' dak l-Istat Membru u tiġi intaxxata fuq l-introjtu tagħha sa fejn dak l-introjtu mhuwiex intaxxat b'mod ieħor skont il-liġijiet tal-Istat Membru jew kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal veikolu ta' investiment kollettiv. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “veikolu ta' investiment kollettiv” tfisser fond jew veikoli ta' investiment li huwa miżmum b'mod wiesa', għandu portafoll diversifikat ta' titoli u huwa soġġett għal regolamentazzjoni għall-protezzjoni tal-investitur fil-pajjiż fejn huwa stabbilit.

Artikolu 9b

Diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa

Sal-punt li tnaqqis għal pagament, spiża jew telf ta' kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta' taxxa f'żewġ ġurisdizzjonijiet jew aktar huwa deduċibbli mill-bażi tat-taxxa fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis sal-punt li dik il-ġurisdizzjoni l-oħra tippermetti li t-tnaqqis doppju jkun ikkumpensat b'introjtu li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Jekk iż-żewġ ġurisdizzjonijiet huma Stati Membri, l-Istat Membru fejn il-kontribwent ma jitqiesx bħala residenti skont it-trattat dwar tassazzjoni doppja bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandu jiċħad it-tnaqqis.”.

(6)

Fl-Artikolu 10(1) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 9b, u b'mod partikolari l-konsegwenzi tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 9(4), sal-1 ta' Jannar 2022 u tirrapporta lill-Kunsill dwarha.”.

(7)

Fl-Artikolu 11 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2019, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 9. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2021, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 9a tad-Direttiva (UE) 2016/1164. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CARDONA


(1)  Opinjoni tas-27 ta' April 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 345, 29.12.2011, p. 8).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/953

tas-6 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) tagħha

Billi:

(1)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi ta' komoditajiet, tal-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, jenħtieġ li l-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar li fih jiġu nnegozjati dawn l-istrumenti finanzjarji jippubblikaw rapport ta' kull ġimgħa li juri l-għadd aggregat ta' persuni li għandhom il-kuntratt u t-total ta' pożizzjonijiet miftuħa għal kull derivattiva ta' komoditajiet, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiva tal-kwota ta' emissjonijiet li tkun taqbeż il-limiti speċifikati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 (2) fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajietu jikkomunikaw dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(2)

Il-preżentazzjoni f'waqtha tar-rapporti preċedentement ippubblikati miċ-ċentri tan-negozjar rispettivi bi skadenza ċara u komuni tiffaċilita l-pubblikazzjoni ċentralizzata ta' kull ġimgħa mill-ESMA ta' dawn ir-rapporti minn madwar l-Unjoni.

(3)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(5)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skadenzi tar-rapportar

L-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment imsemmija fl-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jibgħatu lill-ESMA, mhux aktar tard mill-Erbgħa 17.30 CET tal-ġimgħa sussegwenti, ir-rapport ta' kull ġimgħa imsemmi fil-punt (a) ta' dan l-Artikolu rigward il-pożizzjonijiet aggregati miżmuma, kull ġimgħa fil-ħin tal-għeluq tan-negozju.

Meta t-Tnejn, it-Tlieta jew l-Erbgħa tal-ġimgħa li fiha għandu jiġi ppreżentat ir-rapport ma jkunx jum tax-xogħol għall-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment għandhom jippreżentaw ir-rapport mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-Ħamis 17.30 CET ta' dik il-ġimgħa.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 479).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/954

tas-6 ta' Ġunju 2017

dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet ikunu penalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji matul il-proċessi ta' rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (central counterparties — CCPs) eżistenti, l-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżizzjonali li matulu s-CCPs ta' pajjiżi terzi li istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom, jkunu jistgħu jitqiesu bħala CCPs kwalifikanti minn dawn l-istituzzjonijiet.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs ta' pajjiżi terzi. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jobbliga ċerti CCPs ta' pajjiżi terzi biex jirrappurtaw, għal perjodu ta' żmien limitat, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżizzjonali jirrifletti l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Iż-żewġ perjodi tranżizzjonali kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

(4)

L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta' fondi proprji jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni jinħtieġ li tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawn il-perjodi tranżizzjonali ġew estiżi sal-15 ta' Ġunju 2017 permezz tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 (3), (UE) Nru 1317/2014 (4), (UE) 2015/880 (5), (UE) 2015/2326 (6), (UE) 2016/892 (7) u (UE) 2016/2227 (8).

(5)

Mis-CCPs stabbiliti f'pajjiżi terzi li sa issa applikaw għar-rikonoxximent, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) diġà rrikonoxxiet 28 CCP. Minn dawn, żewġ CCPs mill-Istati Uniti tal-Amerka ġew rikonoxxuti wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2227 fuq il-bażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/377 (9). Barra dan, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 (10), (UE) 2016/2275 (11), (UE) 2016/2276 (12), (UE) 2016/2277 (13) u (UE) 2016/2278 (14) ingħataw rikonoxximent ħames CCPs mill-Indja, mill-Ġappun, mill-Brażil, miċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai u mill-Emirati Għarab Magħquda rispettivament. Fl-aħħar nett, CCPs addizzjonali mill-Indja u minn New Zealand jistgħu jiġu rikonoxxuti fuq il-bażi tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 u (UE) 2016/2274 (15), rispettivament. Minkejja dawn l-iżviluppi, il-kumplament tas-CCPs ta' pajjiżi terzi għadhom qed jistennew ir-rikonoxximent u l-proċess ta' rikonoxximent mhuwiex se jkun lest sal-15 ta' Ġunju 2017. Jekk il-perjodu tranżizzjonali ma jiġix estiż, l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li jkollhom skoperturi għall-kumplament tas-CCPs ta' pajjiżi terzi, jiġu obbligati jżidu b'mod sinifikanti l-fondi proprji tagħhom għal dawn l-iskoperturi. Anki jekk dawn iż-żidiet jistgħu jkunu biss temporanji, dawn jistgħu potenzjalment iwasslu għall-irtirar ta' dawk l-istituzzjonijiet bħala parteċipanti diretti f'dawk is-CCPs jew għall-waqfien, mill-inqas temporanju, tal-provvediment ta' servizzi ta' kklerjar lill-klijenti ta' dawk l-istituzzjonijiet u b'hekk jinħoloq tfixkil serju fis-swieq li fihom joperaw dawk is-CCPs.

(6)

Għaldaqstant, wara li tiskadi l-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2227, tibqa' l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil fi swieq barra l-Unjoni, li qabel kien wassal għall-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżizzjonali tkun tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji minħabba li ma jkunx tlesta l-proċess ta' rikonoxximent għal CCPs li jipprovdu, b'mod vijabbli u aċċessibbli, it-tip ta' servizzi ta' kklerjar li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra l-Unjoni) jeħtieġu. Għalhekk jixraq li l-perjodi tranżizzjonali jiġu estiżi b'sitt xhur oħra.

(7)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmija fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif estiżi l-aħħar f'konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2227, qed jiġu estiżi b'sitt xhur oħra sal-15 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 591/2014 tat-3 ta' Ġunju 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1317/2014 tal-11 ta' Diċembru 2014 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 355, 12.12.2014, p. 6).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/880 tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 9.6.2015, p. 7).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2326 tal-11 ta' Diċembru 2015 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 108).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/892 tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 151, 8.6.2016, p. 4).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2227 tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 336, 10.12.2016, p. 36).

(9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/377 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti tal-Amerka għall-kontropartijiet ċentrali li huma awtorizzati u li ssirilhom superviżjoni mill-Commodity Futures Trading Commission mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 32).

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indja skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 38).

(11)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2275 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fil-Ġappun skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 57).

(12)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2276 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fil-Brażil skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 61).

(13)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2277 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fiċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 65).

(14)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2278 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Emirati Għarab Magħquda skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 68).

(15)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2274 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fi New Zealand skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 54).


DEĊIŻJONIJIET

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/955

tad-29 ta' Mejju 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2008/376/KE dwar l-adozzjoni tal-Programm ta' Riċerka tal-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“Programm Qafas Orizzont 2020”) jipprovdi inċentiv għar-rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE (3), sabiex jiġi żgurat li l-Programm ta' Riċerka tal-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (“Programm RFCS”) jikkomplementa l-Programm Qafas Orizzont 2020 fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.

(2)

Sabiex ikun żgurat qafas koerenti għall-parteċipazzjoni kemm fil-Programm RFCS kif ukoll fil-Programm Qafas Orizzont 2020, jeħtieġ li ċerti regoli għall-parteċipazzjoni skont il-Programm RFCS ikunu allinjati ma' dawk applikabbli skont il-Programm Qafas Orizzont 2020.

(3)

Jeħtieġ li jiġu riveduti r-regoli dwar il-kompetenzi u l-kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi u tal-Gruppi Tekniċi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tip ta' esperti maħtura mill-Kummissjoni biex tkun żgurata aktar trasparenza kif ukoll konformità u koerenza mal-qafas għall-gruppi esperti tal-Kummissjoni, u jingħata kontribut, sa fejn huwa possibbli, għal rappreżentanza bilanċjata tal-oqsma rilevanti ta' għarfien espert u oqsma ta' interess kif ukoll għal bilanċ aħjar bejn is-sessi.

(4)

Huwa xieraq li jiġu kkunsidrati regoli aktar sempliċi ta' finanzjament li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME) fil-Programm RFCS u li jkun permess l-użu ta' “kostijiet unitarji” biex jiġu kkalkolati l-ispejjeż eliġibbli tal-persunal għas-sidien tal-SMEs u għal persuni fiżiċi oħrajn li ma jirċevux salarju.

(5)

Jenħtieġ li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/376/KE jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/376/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/376/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

Kompiti tal-Gruppi Konsultattivi

Għall-aspetti relatati mar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-faħam u l-azzar rispettivament, kull Grupp Konsultattiv għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar li ġej:

(a)

l-iżvilupp ġenerali tal-Programm ta' Riċerka, il-pakkett ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 25(3), u linji gwida futuri;

(b)

il-konsistenza u d-duplikazzjoni possibbli ma' programmi oħra ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(c)

l-istabbiliment ta' prinċipji gwida għall-monitoraġġ ta' proġetti ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku;

(d)

ir-rilevanza tal-ħidma li qed issir fi proġetti speċifiċi;

(e)

l-objettivi ta' riċerka tal-Programm ta' Riċerka elenkati fit-Taqsimiet 3 u 4 tal-Kapitolu II;

(f)

l-objettivi prijoritarji annwali elenkati fil-pakkett ta' informazzjoni u, fejn adatt, l-objettivi prijoritarji għal sejħiet apposta għal proposti, kif imsemmi fl-Artikolu 25(2);

(g)

it-tħejjija ta' manwal għall-evalwazzjoni u l-għażla ta' azzjonijiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku, kif imsemmi fl-Artikoli 27 u 28;

(h)

ir-regoli, il-proċeduri u l-effettività li jirrigwardaw l-evalwazzjoni ta' proposti għal azzjonijiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku;

(i)

l-għadd, il-kompetenza u l-organizzazzjoni tal-Gruppi Tekniċi, kif imsemmi fl-Artikolu 24;

(j)

it-tfassil ta' sejħiet apposta għal proposti kif imsemmi fl-Artikolu 25(2);

(k)

miżuri oħrajn meta jintalbu jagħmlu dan mill-Kummissjoni.”;

(2)

L-Artikolu 22 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi

1.   Kull Grupp Konsultattiv għandu jkun magħmul skont it-tabelli stabbiliti fl-Anness. Il-membri tal-Gruppi Konsultattivi għandhom ikunu individwi maħtura mill-Kummissjoni biex jirrappreżentaw interess komuni kondiviż mill-partijiet interessati. Ma għandhomx jirrappreżentaw parti interessata individwali, iżda għandhom jesprimu opinjoni komuni għal organizzazzjonijiet differenti tal-partijiet interessati.

Il-ħatriet isiru għal perijodu ta' 42 xahar. Il-membri li ma jibqgħux aktar kapaċi jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li, anke meta ma jibqax ikollhom id-dmirijiet tagħhom, jiżvelaw informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali, b'mod partikolari informazzjoni dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew il-komponenti tal-ispejjeż tagħhom, ma għandhomx jibqgħu jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Gruppi Konsultattivi u jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom.

2.   Il-membri tal-Gruppi Konsultattivi għandhom jintgħażlu minn fost esperti b'kompetenza fl-oqsma msemmija fit-Taqsimiet 3 u 4 tal-Kapitolu II u li wieġbu għal sejħiet pubbliċi għall-applikazzjonijiet. Dawk l-esperti jistgħu jinħatru wkoll fuq il-bażi ta' proposti mressqa mill-entitajiet imsemmija fit-tabelli fl-Anness jew mill-Istati Membri.

Huma għandhom ikunu attivi fil-qasam ikkonċernat u għandhom ikunu konxji mill-prijoritajiet industrijali.

3.   Fi ħdan kull Grupp Konsultattiv, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura, livell għoli ta' għarfien espert, kif ukoll rappreżentanza bilanċjata tal-oqsma rilevanti ta' għarfien espert u tal-oqsma ta' interess u, sa fejn ikun possibbli, rappreżentanza bilanċjata tas-sessi u tal-oriġini ġeografika, waqt li tikkunsidra l-kompiti speċifiċi tal-Gruppi Konsultattivi, it-tip ta' għarfien espert meħtieġ u l-eżitu tal-proċedura tal-għażla ta' esperti.”;

(3)

L-Artikolu 24 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Stabbiliment u kompiti tal-Gruppi Tekniċi għall-Faħam u l-Azzar

1.   Il-Gruppi Tekniċi għall-Faħam u l-Azzar (“il-Gruppi Tekniċi”) għandhom jappoġġaw lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tar-riċerka u tal-proġetti pilota jew ta' dimostrazzjoni.

Il-membri tal-Gruppi Tekniċi għandhom jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom mill-Kummissjoni.

Il-membri li ma jibqgħux aktar kapaċi jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li, anke meta ma jibqax ikollhom id-dmirijiet tagħhom, jiżvelaw informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali, b'mod partikolari informazzjoni dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew il-komponenti tal-ispejjeż tagħhom, ma għandhomx jibqgħu jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Gruppi Tekniċi.

2.   Il-membri tal-Gruppi Tekniċi għandhom jintgħażlu minn fost esperti b'kompetenza fl-istrateġija tar-riċerka, il-ġestjoni jew il-produzzjoni fl-oqsma msemmija fit-Taqsimiet 3 u 4 tal-Kapitolu II u li wieġbu għal sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.

Huma għandhom ikunu attivi fil-qasam ikkonċernat u jkunu responsabbli għall-istrateġija tar-riċerka, il-ġestjoni jew il-produzzjoni fis-setturi relatati.

3.   Fi ħdan kull Grupp Tekniku, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura, livell għoli ta' għarfien espert professjonali, rappreżentanza bilanċjata tal-oqsma rilevanti ta' għarfien espert u, sa fejn ikun possibbli, rappreżentanza bilanċjata tas-sessi u tal-oriġini ġeografika, waqt li tikkunsidra l-kompiti speċifiċi tal-Gruppi Tekniċi, it-tip ta' għarfien espert meħtieġ u l-eżitu tal-proċedura tal-għażla ta' esperti. L-isħubija fi Grupp Tekniku ma għandhiex teskludi l-eliġibbiltà bħala espert tal-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri sabiex tevita u tindirizza kif adatt il-konflitti ta' interess tal-membri tal-Gruppi Tekniċi fdati bil-valutazzjoni ta' proġett speċifiku. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw ukoll trattament ugwali u imparzjalità matul il-proċess sħiħ ta' monitoraġġ tal-proġetti.

Il-laqgħat tal-Gruppi Tekniċi għandhom, kull meta jkun possibbli, isiru f'postijiet magħżula b'tali mod li l-monitoraġġ tal-proġetti u l-valutazzjoni tar-riżultati jiġu żgurati bl-aħjar mod.”;

(4)

L-Artikolu 25 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25

Sejħa għal proposti

1.   Sejħa annwali għall-proposti għandha tkun ippubblikata kull sena. Id-data tal-ftuħ għas-sottomissjoni tal-proposti għandha tkun ippubblikata fil-pakkett ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-15 ta' Settembru ta' kull sena għandha tkun id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-proposti għall-evalwazzjoni. Meta l-15 ta' Settembru taqa' fi tmiem il-ġimgħa jew il-Ġimgħa jew it-Tnejn, id-data ta' skadenza għandha titressaq awtomatikament għall-ewwel jum ta' xogħol wara l-15 ta' Settembru. Id-data ta' skadenza għandha tkun ippubblikata fil-pakkett ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.

2.   Meta f'konformità mal-punti (d) u (e) tal-Artikolu 41, il-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda d-data ta' skadenza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għas-sottomissjoni tal-proposti, jew li tniedi sejħiet apposta għal proposti, hi għandha tippubblika dik l-informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Is-sejħiet apposta għal proposti għandhom jindikaw id-dati u l-modalitajiet għas-sottomissjoni, inkluż jekk għandhiex issir fi stadju wieħed jew f'żewġ stadji, u għall-evalwazzjoni tal-proposti, il-prijoritajiet, it-tip ta' proġetti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 18, fejn meħtieġ, u l-finanzjament previst.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm disponibbli gwida u informazzjoni suffiċjenti għall-parteċipanti potenzjali kollha meta tiġi ppubblikata s-sejħa għal proposti, b'mod partikolari permezz ta' pakkett ta' informazzjoni aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni. Kopja stampata ta' dak il-pakkett ta' informazzjoni għandha tkun tista' tinkiseb ukoll mingħand il-Kummissjoni fuq talba.

Il-pakkett ta' informazzjoni għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni, il-metodi ta' ġestjoni tal-proposti u l-proġetti, il-formoli ta' applikazzjoni, ir-regoli għas-sottomissjoni tal-proposti, il-mudelli tal-ftehim ta' għotja, l-ispejjeż eliġibbli, il-kontribuzzjoni finanzjarja massima permessa, il-metodi ta' pagament u l-objettivi prijoritarji annwali tal-Programm ta' Riċerka.

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni skont ir-regoli stipulati fil-pakkett ta' informazzjoni.”;

(5)

fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tiżgura li manwal għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-azzjonijiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku jkun disponibbli għall-parteċipanti potenzjali kollha.”;

(6)

fl-Artikolu 28, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tħejji lista tal-proposti adottati skont il-mertu.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Implimentazzjoni tal-azzjonijiet

1.   Il-parteċipanti għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet skont il-kondizzjonijiet u l-obbligi kollha stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (*2), kif ukoll fis-sejħa għal proposti u l-ftehim ta' għotja.

2.   Il-parteċipanti ma għandhomx jagħmlu impenji li ma jkunux kompatibbli ma' din id-Deċiżjoni jew mal-ftehim ta' għotja. Meta parteċipant jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu rigward l-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni, il-parteċipanti l-oħrajn għandhom jikkonformaw mal-obbligi mingħajr ebda finanzjament addizzjonali mingħand l-Unjoni sakemm il-Kummissjoni ma teħlishomx espressament minn kwalunkwe wieħed minn dawk l-obbligi. Il-parteċipanti għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tkun informata fil-ħin dwar kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-azzjoni jew l-interessi tal-Unjoni.

3.   Il-parteċipanti għandhom jimplimentaw l-azzjoni u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u raġonevoli għal dak l-għan. Għandu jkollhom ir-riżorsi adatti kif u meta jkun meħtieġ biex iwettqu dik l-azzjoni. Fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjoni, huma jistgħu jinvolvu partijiet terzi, inkluż sottokuntratturi, biex jagħmlu xogħol taħt l-azzjoni. Il-parteċipanti għandu jkollhom responsabbiltà lejn il-Kummissjoni u lejn il-parteċipanti l-oħrajn għax-xogħol li jsir.

4.   L-għoti ta' sottokuntratti għat-twettiq ta' ċerti elementi tal-azzjoni għandu jkun limitat għall-każijiet previsti fil-ftehim ta' għotja u għal każijiet debitament iġġustifikati li ma setgħux ikunu previsti b'mod ċar meta daħal fis-seħħ il-ftehim ta' għotja.

5.   Partijiet terzi oħrajn li mhumiex sottokuntratturi jistgħu jagħmlu xogħol taħt l-azzjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta' għotja. Il-parti terza u x-xogħol li jkollha tagħmel għandhom ikunu identifikati fil-ftehim ta' għotja.

L-ispejjeż imġarrba minn dawk il-partijiet terzi jistgħu jitqiesu eliġibbli jekk il-parti terza tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

tkun eliġibbli għall-finanzjament kieku kienet parteċipant;

(b)

tkun entità affiljata jew hija legalment marbuta ma' parteċipant li jimplika kollaborazzjoni mhux limitata għall-azzjoni;

(c)

tkun identifikata fil-ftehim ta' għotja; u

(d)

tirrispetta r-regoli applikabbli għall-parteċipant imniżżla fil-ftehim ta' għotja fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż u l-kontroll tan-nefqa.

6.   Il-parteċipanti għandhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali, mar-regolamenti u mar-regoli ta' etika fil-pajjiżi fejn issir l-azzjoni. Fejn ikun adatt, il-parteċipanti għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-kumitati tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti qabel ma jibdew l-azzjoni.

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1);"

(*2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).”;"

(8)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 33

Spejjeż tal-persunal

L-ispejjeż tal-persunal eliġibbli għandhom ikopru biss is-sigħat reali maħdumin mill-persuni li jkunu qegħdin jagħmlu direttament ix-xogħol taħt l-azzjoni.

L-ispejjeż tal-persunal tas-sidien ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u persuni fiżiċi oħrajn li ma jirċevux salarju jistgħu jitħallsu lura fuq il-bażi ta' kostijiet unitarji.”;

(9)

L-Artikolu 39 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 39

Ħatra ta' esperti indipendenti u ferm ikkwalifikati

Għall-ħatra ta' esperti indipendenti u ferm ikkwalifikati msemmija fl-Artikolu 18, l-Artikolu 28(2) u l-Artikolu 38, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).”;"

(10)

fl-Artikolu 41, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

bidliet fid-data tal-iskadenza msemmija fl-Artikolu 25;”;

(11)

fl-Artikolu 42, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CARDONA


(1)  L-Opinjoni tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE tad-29 ta' April 2008 dwar l-adozzjoni tal-Programm ta' Riċerka tal-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (ĠU L 130, 20.5.2008, p. 7).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2017/956

tad-29 ta' Mejju 2017

dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta' riċerka tar-reattur ta' fluss għoli għall-2016-2019 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Billi:

(1)

Fi ħdan il-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-reattur ta' fluss għoli (“HFR”) li jinsab f'Petten kien, u ser jibqa' jkun għal xi żmien, riżors importanti għall-Komunità għar-riċerka dwar ix-xjenza tal-materjali, l-ittestjar tal-materjali, il-mediċina nukleari, u s-sikurezza tar-reatturi nukleari.

(2)

It-tħaddim tal-HFR ġie appoġġat minn serje ta' programmi supplimentari ta' riċerka, li l-aħħar wieħed fosthom (1) skada fil-31 ta' Diċembru 2015.

(3)

It-tħaddim tal-HFR kompla matul l-2016 mingħajr programm supplimentari ta' riċerka, sakemm isiru n-negozjati bejn l-entitajiet inkarigati mill-finanzjament mill-Istati Membri. Peress li dawn l-isforzi wasslu għall-ftehim bejn żewġ entitajiet nazzjonali, programm supplimentari ta' riċerka ġdid hu meħtieġ biex jipprovdi appoġġ finanzjarju kontinwu lill-HFR.

(4)

Sabiex tiġi żgurata kontinwità bejn il-programmi supplementari ta' riċerka, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Jenħtieġ li jkun permissibbli li parti mill-kontribuzzjonijiet taħt il-programm supplimentari ta' riċerka tal-HFR għall-2016-2019 ikopru n-nefqa li saret matul is-sena 2016.

(5)

Billi l-HFR hija infrastruttura insostitwibbli għar-riċerka Komunitarja dwar is-sikurezza tar-reatturi nukleari, is-saħħa (inkluż l-iżvilupp ta' isotopi mediċigħar-riċerka medika), il-fużjoni nukleari, ix-xjenza bażika, it-taħriġ, u l-immaniġġjar tal-iskart (inkluż l-imġiba fil-konfront tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari użati f'sistemi ta' reatturi speċifiċi tal-Unjoni li huma ta' interess għall-Ewropa), jenħtieġ li it-tħaddim tiegħu għandu jitkompla taħt dan il-programm supplimentari ta' riċerka sal-aħħar tal-2019.

(6)

Minħabba l-interess partikolari tagħhom fil-kapaċità tal-irradjazzjoni tal-HFR, il-Commissariat à l'énergie atomique et aux énergies alternatives — (CEA) u l-NRG: Nuclear Research and consultancy Group V.O.F. (“NRG”), bħala aġenti implimentattivi għal Franza u n-Netherlands, rispettivament, qablu li jiffinanzjaw il-programm supplimentari ta' riċerka tal-HFR għall-2016-2019 fl-intier tiegħu permezz ta' kontribuzzjonijiet li ser jagħmlu għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala dħul assenjat.

(7)

Dawk il-kontribuzzjonijiet ser iservu biex jiffinanzjaw it-tħaddim tal-HFR sabiex jiġi appoġġat programm ta' riċerka li jippresuppni it-tħaddim normali u l-manutenzjoni regolari tal-HFR. Jenħtieġ li l-ħruġ ta' notifika uffiċjali ta' waqfien definittiv mill-operatur NRG lill-awtorità regolatorja nazzjonali Olandiża qabel id-dikjarazzjoni ta' stat ta' konservazzjoni sikura jissospendi l-pagamenti pendenti u s-sejħiet għal fondi mill-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm supplimentari ta' riċerka dwar it-tħaddim tal-HFR li l-għanijiet tiegħu huma stipulati fl-Anness I, għandu jiġi adottat għal perijodu ta' erba' snin, li jibdew mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 2

L-ispejjeż għall-eżekuzzjoni tal-programm, li huma stmati għal EUR 30,2 miljuni, għandhom jiġu kompletament iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet minn Franza u n-Netherlands, permezz tas-CEA u l-NRG, rispettivament. It-tqassim ta' dan l-ammont jinsab stipulat fl-Anness II. Din il-kontribuzzjoni għandha titqies bħala dħul assenjat f'konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandu tkun repsonsabbli mill-ġestjoni tal-programm. Għal dak il-għan, għandha titlob is-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka infurmat bl-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Fil-każ li l-NRG jinnotifika uffiċjalment lill-awtorità regolatorja nazzjonali Olandiża bil-waqfien definittiv tal-HFR (qabel id-dikjarazzjoni ta' stat ta' konservazzjoni sikura), l-obbligi min-naħa ta' Franza u n-Netherlands, permezz tas-CEA u l-NRG, rispettivament, li jagħmlu pagamenti ulterjuri għandhom jiġu sospiżi, kif ukoll kwalunkwe talba għal fondi mill-Kummissjoni skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara t-tmiem tal-programm supplimentari ta' riċerka tal-HFR għall-2016-2019.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. CORDONA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/709/Euratom tat-13 ta' Novembru 2012 dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta' riċerka tar-Reattur ta' Fluss Għoli għall-2012-2015 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 59).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS I

GĦANIJIET XJENTIFIĊI U TEKNIĊI

L-għanijiet prinċipali tal-programm supplimentari ta' riċerka huma dawn li ġejjin:

1.

Li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tal-HFR, sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għal għanijiet sperimentali.

2.

Li jkun permess l-użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' riċerka: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari: is-saħħa (inkluż l-iżvilupp ta' isotopi mediċi); il-fużjoni nukleari; ix-xjenza bażika; it-taħriġ; u l-immaniġġjar tal-iskart (inkluż l-imġiba fil-konfront tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari għas-sistemi tar-reatturi li huma ta' interess għall-Ewropa).


ANNESS II

TQASSIM TAL-KONTRIBUZZJONIJIET

Il-kontribuzzjonijiet għall-programm supplimentari ta' riċerka jiġu min-Netherlands u minn Franza.

Dawn il-kontribuzzjonijiet huma mqassma kif ġej:

 

Franza: EUR 1,2 miljuni

 

In-Netherlands: EUR 29 miljun

 

It-total: EUR 30,2 miljuni.

Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom isiru lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu assenjati għal dan il-programm. Parti mill-kontribuzzjonijiet taħt dan il-programm supplimentari attwali jistgħu jkopru wkoll in-nefqa li saret għat-tħaddim tal-HFR matul is-sena 2016 f'konformità mal-programm ta' ħidma li ser jiġi maqbul fost l-Istati Membri li qegħdin jikkontribwixxu u l-Kummissjoni.

Dawk il-kontribuzzjonijiet huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward ta' varjazzjonijiet marbuta mal-ispejjeż ta' tħaddim, manutenzjoni u dekummisjonar.


7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/957

tas-6 ta' Ġunju 2017

għat-tmiem tal-proċediment kontra d-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fit-3 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet investigazzjoni antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' aċidu tereftaliku purifikat (“PTA”) u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (“il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”). Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-20 ta' Ġunju 2016 minn BP Aromatics Limited NV, Artland PTA SA u Indorama Ventures Quimica S.L.U. (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li jirriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-ilmentaturi, lill-produtturi esportaturi magħrufa oħrajn, lill-awtoritajiet Koreani, lill-importaturi magħrufa u lill-utenti dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom sabiex jipparteċipaw.

(4)

Partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjonijiet u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.3.   Teħid ta' kampjuni

(5)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li għandha mnejn tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(a)   Kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea

(6)

Il-Kummissjoni, sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-Repubblika tal-Korea sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Korea għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tagħmel kuntatt ma' produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm minnhom, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(7)

Ħames produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet produtturi esportaturi bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufin kollha kkonċernati, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma saret l-ebda oġġezzjoni għall-kampjun propost.

(b)   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet se tibgħat il-kwestjonarju lis-sitt produtturi kollha magħrufa tal-prodott ikkonċernat. Minħabba n-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ.

(c)   Il-kampjunar tal-importaturi

(9)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(10)

Żewġ importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Minħabba n-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

(d)   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

(11)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun, lis-sitt produtturi tal-Unjoni, lid-disa' utenti u liż-żewġ importaturi magħrufa.

(12)

It-tweġibiet tal-kwestjonarji waslu mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun, mis-sitt produtturi tal-Unjoni, mit-12-il utent u miż-żewġ importaturi magħrufa.

(e)   Żjarat ta' verifika

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta' dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi esportaturi fil-Korea

Hanwha General Chemical Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Samnam Petrolchemical Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Taekwang Industrial Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

 

Produtturi tal-Unjoni

Artlant PTA SA, Sines, il-Portugall

BP Aromatics Limited NV, Geel, il-Belġju

Indorama Ventures Europe B.V., Rotterdam, in-Netherlands

Indorama Ventures Quimica S.L.U., San Roque, Spanja

PKN Orlen SA, Płock, il-Polonja

 

Utenti

UAB Neo Group, Klaipeda, il-Litwanja

UAB Orion Global PET, Klaipeda, il-Litwanja

1.4.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(14)

L-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2016 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu tereftaliku b'purità ta' 99,5 % bil-piż jew aktar u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (kodiċi TARIC 2917360010) (“il-prodott ikkonċernat”).

(16)

Il-PTA jinkiseb permezz tal-purifikazzjoni ta' aċidu tereftaliku mhux raffinat, li tirriżulta mir-reazzjoni bejn il-parassilin (PX) u solvent u soluzzjoni katalista.

(17)

Il-prodott ikkonċernat jintuża l-aktar bħala materja prima għas-sintetizzazzjoni ta' polimeri użati, pereżempju, il-produzzjoni ta' fibri ta' tessuti tal-poliester u fliexken tal-poli(etilene tereftalat) (PET).

2.2.   Prodott simili

(18)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat

il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat kif ukoll

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(19)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(20)

L-ambitu tal-prodott definit fil-premessa (15) hawn fuq jinkludi varjanti ta' PTA li minbarra l-varjazzjoni l-aktar pura ta' PTA (“il-PTA l-aktar pur”) jinkludi wkoll l-hekk imsejjaħ aċidu tereftaliku kwalifikat (“QTA”) ta' kwalità medja u aċidu tereftaliku (iktar 'il quddiem l-“MTA”). Il-varjanti jistgħu jiġu identifikati essenzjalment permezz tal-livelli ta' purità. L-MTA u l-QTA għandhom livelli ogħla ta' impuritajiet mill-iktar PTA pur. Fi kwalunkwe każ, il-livell ta' impuritajiet f'kull wieħed minn dawn il-varjanti ma jaqbiżx 0,5 % u għalhekk huma kollha inklużi fid-definizzjoni tal-prodott stabbilit fil-premessa (15).

(21)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li QTA għandu jkun eskluż mill-kamp mill-applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat. Skont dawn il-partijiet, il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-QTA huma differenti minn dawk tal-PTA l-aktar pur u dawn id-differenzi jwasslu għal użi differenti. Huma argumentaw ukoll li l-proċessi tal-produzzjoni u l-użu ta' QTA huma differenti minn dawk tal-PTA l-aktar pur u li l-ispiża tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ ta' QTA huma aktar baxxi minn dawk tal-PTA -aktar pura.

(22)

Filwaqt li l-aktar PTA pur fih sa 0,01 % ta' impuritajiet, QTA jista' jkun fih sa 0,2 % ta' impuritajiet u hemm ukoll xi differenzi fit-tip ta' tal-impuritajiet ikkontenuti. Madankollu, minkejja din id-differenza ta' impuritajiet, il-formula kimika tal-varjanti kollha ta' PTA hija l-istess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza relattivament żgħira fl-impuritajiet ma tbiddilx il-fatt li l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi bażiċi kollha tal-varjanti ta' PTA huma l-istess u għaldaqstant ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tal-QTA mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat.

(23)

L-istess partijiet interessati sostnew ukoll li QTA u PTA pur għandhom użi differenti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenzi ma kinux sinifikanti sabiex jeskludu QTA mill-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat.

(24)

L-istess partijiet interessati sostnew ukoll li QTA u l-iktar PTA pur jiġu prodotti minn proċessi ta' produzzjoni differenti, jiġifieri li tekniki tal-produzzjoni li jipproduċu l-aktar PTA pur jiffokaw primarjament fuq ir-reazzjoni tal-ossidazzjoni, ir-raffinar u t-tnaqqis tar-reazzjoni, li jappartjeni għall-produzzjoni fi żewġ stadji filwaqt li t-teknika tal-produzzjoni QTA tiffoka l-iktar fuq ir-reazzjoni tal-ossidazzjoni preċiża u raffinar, li jappartjeni għal teknika ta' produzzjoni ta' stadju wieħed. Il-Kummissjoni sabet illi ż-żewġ proċessi ta' produzzjoni jużaw l-istess materja prima u l-proċessi u partijiet tagħhom huma fil-biċċa l-kbira simili.

(25)

L-istess partijiet interessati fl-aħħar sostnew li minħabba d-differenza bejn it-tekniki ta' stadju wieħed u b'żewġ stadji msemmija hawn fuq, l-ispiża tal-produzzjoni ta' tekniki QTA hija bejn 18 u EUR 36/MT orħos minn dik tal-PTA l-aktar pur. L-investigazzjoni sabet li d-differenza fl-ispiża tal-produzzjoni ma kinetx sinifikanti. Fi kwalunkwe każ, id-differenzi fl-ispejjeż ta' produzzjoni bħala tali mhumiex rilevanti sabiex jiġi ddefinit l-ambitu tal-prodott iżda pjuttost karatteristiċi tekniki, kimiċi u fiżiċi simili u l-użu bażiku. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(26)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha li QTA għandu jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat minħabba d-differenzi fil-kompożizzjoni u l-kontenut tal-impuritajiet, id-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni u l-ispejjeż ta' produzzjoni u użi. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn id-differenzi huma relattivament żgħar u ma jbiddlux il-konklużjoni li l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-użi bażiċi ta' kemm il-QTA kif ukoll tal-aktar PTA pur huma essenzjalment l-istess. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(27)

Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet li jeskludu QTA mill-ambitu tal-prodott ġew miċħuda.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Valur normali

(28)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull produttur esportatur fil-kampjun kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur li jesporta jkun mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur tal-prodott simili fil-kampjun fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(29)

Il-Kummissjoni wara eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li għal kull produttur esportatur fil-kampjun, il-volum totali tal-bejgħ domestiku kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(30)

Il-Kummissjoni imbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall kalkolu tal-valur normali, b'konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(31)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ hux bi profitt jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew aktar mill-kost ikkalkulat tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat huwiex daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(32)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku matul il-PI.

(33)

Għal wieħed mill-produtturi esportaturi l-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa 31 kienu sodisfatti u l-volum ta' bejgħ bi profitt ta' dan il-prodott kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili. Għal dan il-produttur esportatur, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, ikkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ domestiku kollu.

(34)

Il-valur normali kien il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta' prodotti matul il-PI, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ bi profitt jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ; jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta' dan it-tip ta' prodott ikun inqas mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

(35)

Għal żewġ produtturi esportaturi l-analiżi tal-bejgħ domestiku uriet li inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kien bi profitt. Għaldaqstant, għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi l-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(36)

Parti waħda argumentat li l-entità tagħha li tipproduċi l-PTA tifforma entità ekonomika waħda mal-fornitur relatat tal-materja prima ewlenija tagħha. Il-fornitur relatat iħallas ukoll dividendi lill-produttur tal-PTA fil-kampjun. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tnaqqas il-profitt magħmul mill-fornitur relatat fuq il-materja prima mibjugħa lil produttur tal-PTA fil-kampjun għall-produzzjoni tal-PTA għall-kalkolu tal-marġni ta' dumping. Il-kumpanija kienet ikkalkolat il-profitt li jrid jitnaqqas bħala d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz totali tal-produzzjoni tal-materja prima.

(37)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba li l-produttur tal-PTA fil-kampjun u l-fornitur tal-materja prima relatat jifformaw entità ekonomika singola għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, l-investigazzjoni kkonfermat li l-produttur tal-PTA fil-kampjun m'għandux il-maġġoranza tal-ishma tal-fornitur relatat, li jfisser li hu m'għandux is-setgħa waħdanija ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq il-fornitur relatat. It-tieni, peress li l-bejgħ tal-materja prima kien jirrapreżenta biss parti żgħira tal-bejgħ totali relatat tal-fornitur tal-materja prima matul il-perjodu tal-investigazzjoni, ma hemm l-ebda rabta diretta bejn il-marġni ta' profitt għall-materja prima u d-dividendi li jiġu rċevuti.

(38)

It-tielet, il-fornitur relatat ma jbigħx materja prima esklussivament lill-produttur tal-PTA fil-kampjun, iżda wkoll lil klijenti oħra. Barra minn hekk, ibigħ ukoll għadd ta' prodotti oħra lil klijenti oħra. Għalhekk, ma hemm ebda rabta diretta bejn il-bejgħ ta' materja prima mill-fornitur relatat għall-produttur tal-PTA fil-kampjun u d-dividendi li hu jħallas lill-produttur tal-PTA fil-kampjun.

(39)

Ir-raba', il-produttur tal-PTA fix-kampjun jixtri l-materja prima mill-fornitur relatat bi prezzijiet li jinkludu profitt. Dawn il-prezzijiet huma konformi mal-prezzijiet li bihom hu jixtri l-istess materja prima minn fornituri mhux relatati.

(40)

Il-ħames, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-produttur PTA fil-kampjun mhumiex konsolidati mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-fornitur relatat.

(41)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, it-talba li l-produttur tal-PTA fil-kampjun jifforma entità ekonomika waħda mal-fornitur tal-materja prima relatat ġiet miċħuda. Konsegwentement, il-perċentwal tal-profitt impost mill-fornitur relatat għall-produttur tal-PTA fil-kampjun ma tnaqqasx mill-prezz tax-xiri.

(42)

Wara d-divulgazzjoni, żewġ partijiet interessati saqsew għaliex il-Kummissjoni ma applikatx mira ta' profitt sabiex jiġi definit il-proporzjon ta' bejgħ bi profitt fis-suq domestiku fid-determinazzjoni tal-valur normali. Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, il-parametru referenzjarju rilevanti għal tranżazzjonijiet bi profitt huma l-kostijiet medji ta' produzzjoni ta' unità (fissi u varjabbli) flimkien mal-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u dawk amministrattivi. Il-kunċett ta' mira ta' profitt ma huwiex rilevanti f'dan il-kuntest u, għaldaqstant, dan l-argument ġie rrifjutat.

(43)

L-istess partijiet esprimew dubju wkoll dwar għaliex il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-proporzjon ta' bejgħ bi profitt fuq bażi ta' kull xahar. L-investigazzjoni ma stabbilixxiet l-ebda raġuni għala l-analiżi tal-bejgħ bi profitt jew id-determinazzjoni tal-valur normali għandha tiddevja mill-metodoloġija standard, li huwa l-użu tal-medja ponderata tal-valur normali bbażat fuq tranżazzjonijiet li seħħew matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

3.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(44)

Il-produtturi esportaturi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil konsumaturi indipendenti jew inkella permezz ta' kumpaniji esportaturi relatati li jinsabu 'l barra mill-Unjoni.

(45)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li tħallas realment jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(46)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpaniji relatati, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(47)

F'każ li l-produtturi esportaturi esportaw il-prodott konċernat permezz ta' kumpaniji tan-negozju li mhumiex relatati li jinsabu barra mill-Unjoni, l-ewwel ġie stabbilit li l-bejgħ lil kumpaniji kummerċjali mhux relatati kien tabilħaqq il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. F'dan il-każ il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz attwalment imħallas jew li jista' jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.3.   Paragun

(48)

Il-Kummissjoni pparagunat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ex-works.

(49)

Fejn kien iġġustifikat bil-ħtieġa ta' tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezz, b'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, il-ġestjoni u t-tagħbija, l-imballaġġ, il-kostijiet bankarji, l-ispejjeż tal-kreditu u l-kummissjonijiet.

3.4.   Il-marġnijiet tad-dumping

(50)

Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni paragunat il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(51)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medji peżati, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġni tad-dumping (%)

Hanwha General Chemical Co. Ltd

3,5

Samnam Petrolchemical Co. Ltd

0,3

Taekwang Industrial Co. Ltd

0,0

(52)

Il-ħames produtturi esportaturi li kkooperaw imsemmija fil-premessa 7 kienu jirrappreżentaw l-esportazzjonijiet kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat, u t-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 75 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(53)

Il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli ta' kooperazzjoni, il-livell għoli ta' rappreżentattività tal-kampjun imsemmi fil-premessa 52 iktar 'il fuq kif ukoll il-fatt li kien biss wieħed mill-esportaturi fil-kampjun li kellu marġini ta' dumping aktar mid-de minimis kif imsemmi fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, sabiex jiġi vvalutat jekk il-marġni ta' dumping għal produtturi esportaturi barra mill-kampjun, kien iktar baxx mid-de minimis, ġie stabbilit marġini medju peżat ta' dumping tal-pajjiż. Instab li dan il-marġni kien iktar baxx mill-livell de minimis, jiġifieri 0,8 %.

(54)

Wara d-divulgazzjoni, żewġ partijiet interessati saqsew għaliex il-marġni ta' dumping stabbilit għal Hanwha (3,5 %) ma kienx applikat għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun. Kif spjegat fil-premessa 53 hawn fuq, il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli ta' kooperazzjoni, il-livell għoli ta' rappreżentattività tal-kampjun kif ukoll il-fatt li kien biss wieħed mill-esportaturi fil-kampjun li kellu marġni ta' dumping ogħla mil-livell de minimis. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istima l-aktar raġonevoli għall-marġni ta' dumping għal produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun u għall-marġini ta' dumping għall-pajjiż kollu għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' tqabbil ta' valur normali medju peżat ma' prezz tal-esportazzjoni medju ponderat għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kif deskritt hawn fuq. Huwa mfakkar ukoll li l-istess metodoloġija kienet applikata f'każ simili qabel (3). Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(55)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata minnhom iddikjarat li kien hemm differenzi bejn l-istatistika tal-esportazzjoni Koreana u l-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat. Barra minn hekk, fid-dawl ta' dan, din il-parti esprimiet dubji dwar l-affidabbiltà tad-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi u użata mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġini tad-dumping. Il-Kummissjoni kkonfermat li wara l-prattika stabbilita u kif spjegat fil-premessa 52 hawn fuq, l-esportazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienu bbażati fuq id-dejta tal-Eurostat. Huwa mfakkar ukoll li kif spjegat fil-premessa 13 hawn fuq, il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta' dumping, u li d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi kienet ivverifikata kif xieraq f'konformità mal-prattika stabbilita. Għalhekk, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(56)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata waħda ressqet ipoteżi differenti u xenarji alternattivi rigward ir-relazzjoni bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, u saqsa jekk jiġix applikat il-prezz tal-esportazzjoni u l-valuri normali fuq il-bażi ta' dawn ix-xenarji kienx jirriżulta f'marġnijiet tad-dumping differenti. Il-Kummissjoni fakkret li l-kalkoli tad-dumping kienu bbażati fuq dejta attwali verifikata tat-tranżazzjoni u li dawn għandhom ikunu stabbiliti billi tintuża l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Ix-xenarji alternattivi ppreżentati minn din il-parti interessata ma kinux skont ir-Regolament bażiku u għalhekk ġew miċħuda.

(57)

Fir-rigward tal-marġni tad-dumping de minimis mal-pajjiż, ma għandhomx jiġu imposti miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-PTA li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea.

4.   ĦSARA, KAWŻALITÀ U L-INTERESS TAL-UNJONI

(58)

Fid-dawl tas-sejbiet li ssemmew hawn fuq fir-rigward tad-dumping mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

(59)

Wara d-divulgazzjoni, parti interessata ddubitat ir-raġunijiet għaż-żieda tal-esportazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea lejn l-Unjoni mill-2012. Kif spjegat hawn fuq, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tad-dumping, mhuwiex ikkunsidrat neċessarju li tiġi ppreżentata analiżi dwar il-ħsara. Għalhekk, din it-talba ġiet rifjutata.

5.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(60)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, il-proċediment għalhekk għandu jitwaqqaf peress li l-marġni tad-dumping determinat għar-Repubblika tal-Korea huwa inqas minn 2 %. Il-partijiet interessati ġew infurmati b'dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(61)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment tal-antidumping rigward l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea għandu jitwaqqaf mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri tal-antidumping.

(62)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku b'purità ta' 99,5 % bil-piż jew aktar u l-melħ tiegħu li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (kodiċi TARIC 2917360010) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea, huwa b'hekk terminat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea (ĠU C 281, 3.8.2016, p. 18).

(3)  Ara l-premessi 27 sa 30 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/32/UE tad-19 ta' Jannar 2011 li jtemmu l-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku purifikat u l-melħ tiegħu li joriġinaw mit-Tajlandja (ĠU L 15, 20.1.2011, p. 22).


7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/35


DEĊIŻJONI Nru 2/2015 TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĊILÌ

tat-30 ta' Novembru 2015

li tissostiwixxi l-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra dwar it-trasport dirett [2017/958]

IL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĊILÌ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Anness III tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jistabbilixxi li t-trattament preferenzjali japplika biss għall-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness III li huma ttrasportati direttament bejn ir-Repubblika taċ-Ċilì (“Ċilì”) u l-Unjoni Ewropea.

(2)

Iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea kkonkludew diversi ftehimiet b'kontenut kummerċjali mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, li taw il-possibbiltà lill-operaturi ekonomiċi li jadattaw l-istrateġija ta' esportazzjoni tagħhom biex jiffrankaw l-ispejjeż u jwieġbu aħjar għad-domanda tas-suq.

(3)

Iċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea ftiehmu li jemendaw l-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim sabiex l-operaturi ekonomiċi jkollhom aktar flessibbiltà,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 12 tat-Titolu III tal-Anness III għall-Ftehim, dwar it-trasport dirett, huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara l-jum li fih tkun saret l-aħħar notifika li permezz tagħha l-partijiet jikkomunikaw it-tlestija tal-proċeduri legali domestiċi meħtieġa.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.

Għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni UE- Ċilì

Edgardo RIVEROS

Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin, ir-Repubblika taċ-Ċilì.

Roland SCHAEFER

Deputat Direttur Eżekuttiv għall-Kontinent Amerikan, SEAE.


(1)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3.


ANNESS

“Artikolu 12

Trasport dirett

1.   It-trattament preferenzjali previst taħt dan il-Ftehim japplika biss għall-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan l-Anness, li huma trasportati direttament bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì. Madankollu, il-prodotti jistgħu jiġu trasportati minn territorji oħra bi trasbord jew ħażna temporanja f'dawn it-territorji, sakemm jibqgħu taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali fil-pajjiż ta' tranżitu jew ta' ħżin, u ma jsirux operazzjonijiet fuqhom għajr iż-żieda jew it-twaħħil ta' marki, tikketti jew siġilli; ħatt l-art; tagħbija mill-ġdid; qsim ta' kunsinni; jew kwalunkwe operazzjoni maħsuba biex il-prodotti jibqgħu f'kundizzjoni tajba.

2.   Għandu jitqies li jkun hemm konformità mal-paragrafu 1 sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx xi raġuni biex jemmnu mod ieħor; F'każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrikjedu lill-importatur biex jipprovdi evidenza tal-konformità, li għandha tingħata bi kwalunkwe mezz adatt, inklużi dokumenti kuntrattwali tat-trasport, pereżempju poloz tal-kargu, jew evidenza fattwali jew konkreta bbażata fuq l-immarkar jew in-numerazzjoni tal-pakketti, jew kwalunkwe evidenza relatata mal-prodotti nfushom.”


Rettifika

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/37


Rettifika tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/579 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 87 tal-31 ta' Marzu 2017 )

F'paġna 189, fit-titolu,

minflok:

“li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi”,

aqra:

“li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-effett dirett, sostanzjali u prevedibbli tal-kuntratti tad-derivattivi fl-Unjoni u biex ma jiġux evitati r-regoli u l-obbligi”.