ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 106

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
22 ta' April 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/718 tas-27 ta' Marzu 2017 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

1

 

 

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/719 tas-7 ta' April 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2192 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

8

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/720 tal-21 ta' April 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

10

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/721 tal-20 ta' April 2017 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet mill-Iżvezja dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoBac 12AS b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2017) 2435)

12

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/722 tal-20 ta' April 2017 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet min-Netherlands dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoMaxFG b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2017) 2436)

14

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin ( ĠU L 315, 1.12.2015 )

16

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/718

tas-27 ta' Marzu 2017

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' Mejju 2015, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tiftaħ negozjati taħt l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tikkonkludi Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova.

(2)

Konsegwentement għal dik l-awtorizzazzjoni, ir-RGħ innegozjat Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata.

(3)

Dak il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

L-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-UE”,

u

ir-Repubblika tal-Moldova;

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”;

WAQT LI JQISU li l-Partijiet jikkondividu l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà tagħhom stess bil-modi kollha u tal-provvediment liċ-ċittadini tagħhom ta' livell għoli ta' sikurezza f'żona ta' sigurtà;

FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jaqblu li bejniethom għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess komuni relatati mas-sigurtà;

FILWAQT LI JQISU li, f'dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JQISU li l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu l-aċċess għal, u l-iskambju ta', informazzjoni klassifikata u materjal relatat tal-Partijiet;

KONXJI li tali aċċess għal, u skambju ta', informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġu li jittieħdu miżuri adegwati ta' sigurtà,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà ta' kull waħda mill-Partijiet b'kull mod, dan il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) għandu japplika għal informazzjoni jew materjal klassifikati fi kwalunkwe forma li jkunu jew ipprovduti mill-Partijiet jew skambjati bejniethom.

2.   Kull Parti għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra minn telf jew żvelar mhux awtorizzat f'konformità mat-termini stabbiliti hawnhekk u f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, “informazzjoni klassifikata” għandha tfisser:

(i)

għall-UE: kwalunkwe informazzjoni jew materjal,

(ii)

għar-Repubblika tal-Moldova: kwalunkwe informazzjoni jew materjal attribwiti lil sigrieti tal-Istat,

fi kwalunkwe forma, li:

(a)

jiġu ddeterminati minn waħda mill-Partijiet bħala li jeħtieġu protezzjoni, billi t-telf jew l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' joħloq livelli varji ta' dannu jew ħsara għall-interessi tar-Repubblika tal-Moldova, jew tal-UE jew ta' Stat Membru wieħed jew aktar tagħha; u

(b)

ikollhom marka ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà kif stipulat fl-Artikolu 7.

Artikolu 3

1.   L-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE li għalihom japplika dan il-Ftehim huma: il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Kunsill”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem “is-SEAE”) u l-Kummissjoni Ewropea.

2.   Dawn l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE jistgħu jikkondividu informazzjoni klassifikata li taslilhom taħt dan il-Ftehim ma' istituzzjonijiet u entitajiet oħrajn tal-UE, soġġett għall-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti u għal assigurazzjonijiet xierqa li l-entità riċeventi tipproteġi l-informazzjoni b'mod adegwat.

Artikolu 4

Kull waħda mill-Partijiet għandha tiżgura li jkollha fis-seħħ sistemi u miżuri ta' sigurtà xierqa, ibbażati fuq il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti fil-liġijiet jew regolamenti rispettivi tagħhom, u riflessi fl-arranġamenti ta' sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12, sabiex ikun żgurat li qed jiġi applikat livell ekwivalenti ta' protezzjoni għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Kull waħda mill-Partijiet għandha:

(a)

tipproteġi l-informazzjoni klassifikata pprovduta minn jew skambjata mal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim f'livell li jkun tal-inqas ekwivalenti għal dak mogħti mill-Parti provvedenti;

(b)

tiżgura li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim iżżomm il-marka tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà mogħtija lilha mill-Parti provvedenti, u li ma tbaxxix il-livell tal-klassifikazzjoni tagħha jew tiddeklassifikaha mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Il-Parti riċeventi għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta' sigurtà tagħha stess għal informazzjoni li jkollha klassifikazzjoni ta' sigurtà ekwivalenti kif speċifikat fl-Artikolu 7;

(c)

ma tużax tali informazzjoni klassifikata għal għanijiet li mhumiex dawk stabbiliti mill-oriġinatur jew dawk li għalihom tiġi pprovduta jew skambjata l-informazzjoni;

(d)

ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti;

(e)

ma tippermettix l-aċċess għal tali informazzjoni klassifikata lil individwi ħlief jekk dawn ikollhom bżonn it-tagħrif u jkunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà kif xieraq skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Parti riċeventi;

(f)

tiżgura li l-faċilitajiet fejn l-informazzjoni klassifikata pprovduta tiġi ttrattata u maħżuna jkollhom iċ-ċertifikat tas-sigurtà xieraq; u

(g)

tiżgura li l-individwi kollha li għandhom aċċess għal informazzjoni klassifikata huma infurmati bir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġuha skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Artikolu 6

1.   L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi żvelata jew rilaxxata f'konformità mal-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur.

2.   Sabiex isir rilaxx lil riċevituri oħra diversi mill-Partijiet, tittieħed deċiżjoni dwar l-iżvelar jew ir-rilaxx ta' informazzjoni klassifikata mill-Parti riċeventi fuq bażi ta' każ b'każ, soġġett għall-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti u skont il-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur.

3.   Ma għandu jkun possibbli l-ebda rilaxx ġeneriku sakemm ma jkunux ġew maqbula proċeduri bejn il-Partijiet rigward ċerti kategoriji ta' informazzjoni li huma rilevanti għall-ħtiġiet speċifiċi tagħhom.

4.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju ta' informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet.

5.   L-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim tista' tiġi pprovduta lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv biss bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti. Qabel tali rilaxx, il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv u l-faċilità tal-kuntrattur huma kapaċi jipproteġu l-informazzjoni u jkollhom approvazzjoni ta' sigurtà adegwata.

Artikolu 7

Sabiex jiġi stabbilit livell ekwivalenti ta' protezzjoni għal informazzjoni klassifikata pprovduta mill-Partijiet jew skambjata bejniethom, il-klassifikazzjonijiet tas-sigurtà għandhom jikkorrispondu kif ġej:

UE

Ir-Repubblika tal-Moldova

TRES SECRET UE / EU TOP SECRET

STRICT SECRET

SECRET UE / EU SECRET

SECRET

CONFIDENTIEL UE / EU CONFIDENTIAL

CONFIDENŢIAL

RESTREINT UE / EU RESTRICTED

RESTRICŢIONAT

Artikolu 8

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE / EU CONFIDENTIAL jew CONFIDENȚIAL jew ogħla pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni ta' sigurtà adegwata qabel ma dawn jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

2.   Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jitfasslu biex jiġi determinat jekk individwu, b'kont meħud tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu, jistax ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata apparti r-rekwiżit li l-individwu għandu bżonn it-tagħrif kif previst fl-Artikolu 5(e).

Artikolu 9

Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta' informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta' interess komuni ta' sigurtà. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom iwettqu konsultazzjonijiet u żjajjar ta' valutazzjoni reċiproċi ta' sigurtà biex tiġi stmata l-effettività tal-arranġamenti tas-sigurtà fil-qasam tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom stabbiliti skont dak l-Artikolu.

Artikolu 10

1.   Għall-fini ta' dan il-Ftehim:

(a)

fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill u għandha tintbagħat minnu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3, soġġett għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)

fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova, il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat lir-Reġistru Ċentrali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea.

2.   Eċċezzjonalment, il-korrispondenza minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta' dik il-Parti tista', għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss lil uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra magħżula b'mod speċifiku bħala riċevituri, b'kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju ta' ħtieġa ta' tagħrif. Sa fejn tkun ikkonċernata l-UE, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tas-SEAE, jew il-Kap tar-Reġistru tal-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq. Sa fejn għandha x'taqsam ir-Repubblika tal-Moldova, tali korrispondenza għandha tintbagħat permezz tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea kif xieraq.

Artikolu 11

Id-Direttur tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Intelligence tar-Repubblika tal-Moldova, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal kwistjonijiet ta' sigurtà u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 12

1.   Sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti ta' sigurtà bejn l-awtoritajiet ta' sigurtà kompetenti nominati hawn taħt, fejn kull waħda taġixxi taħt id-direzzjoni u f'isem is-superjuri organizzattivi tagħha u f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra, sabiex jiġu stabbiliti l-istandards għall-protezzjoni reċiproka ta' informazzjoni klassifikata taħt dan il-Ftehim:

minn naħa waħda, is-Servizz tas-Sigurtà u l-Intelligence tar-Repubblika tal-Moldova;

u min-naħa l-oħra

(i)

id-Direttorat għas-Sikurezza u s-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(ii)

id-Direttorat HR.DS — id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea;

(iii)

id-Direttorat responabbli għas-Sigurtà fis-SEAE.

2.   Qabel ma tiġi pprovduta jew skambjata informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim, l-awtoritajiet tas-sigurtà kompetenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jaqblu li l-Parti riċeventi tkun tista' tipproteġi l-informazzjoni b'mod konsistenti mal-arranġamenti ta' sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont dak il-paragrafu.

Artikolu 13

1.   L-awtorità kompetenti ta' waħda jew l-oħra mill-Partijiet imsemmija fl-Artikolu 12 għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ ta' żvelar mhux awtorizzat ippruvat jew suspettat jew telf ta' informazzjoni klassifikata pprovduta minn dik il-Parti. L-awtorità kompetenti għandha tmexxi investigazzjoni, bl-assistenza tal-Parti l-oħra jekk meħtieġ, u għandha tirrapporta r-riżultati lill-Parti l-oħra.

2.   L-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'tali każijiet.

Artikolu 14

Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż tagħha stess fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jbiddel il-ftehimiet jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, lanqas ftehimiet bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Istati Membri tal-UE. Dan il-Ftehim m'għandux jipprekludi lill-Partijiet milli jikkonkludu ftehimiet oħra relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-obbligi taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Kwalunkwe tilwima bejn il-Partijiet li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi indirizzata permezz ta' negozjar bejn il-Partijiet. Matul in-negozjar iż-żewġ Partijiet għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi kollha tagħhom taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 17

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-għan.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bi kwalunkwe tibdil fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha li jista' jaffettwa l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata msemmija f'dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi rivedut sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

4.   Kwalunkwe emenda magħmula lil dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma' notifika reċiproka kif previst taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 18

Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat minn Parti waħda b'notifika bil-miktub ta' terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda ma għandhiex taffettwa l-obbligi li l-Partijiet ikunu diġà daħlu għalihom taħt dan il-Ftehim. B'mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi protetta skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti hawnhekk.

B'xiehda ta' dan is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu fis-sena 2017 f'żewġ eżemplari awtentiċi, it-tnejn li huma bl-Ingliż.

Għar-Repubblika tal-Moldova

Għall-Unjoni Ewropea


REGOLAMENTI

22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/719

tas-7 ta' April 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2192 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Novembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1801/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija”).

(2)

Fl-24 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/870 (2) dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija għal perjodu ta' erba' snin mis-16 ta' Novembru 2015 (“il-Protokoll”).

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 (3) jalloka fost l-Istati Membri l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll.

(4)

Il-parir xjentifiku tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt indipendenti stabbilit bl-Artikolu 4 tal-Protokoll identifika eċċess tal-merluzz iswed u ħa nota tal-parir xjentifiku tal-2014 tal-IMROP (Institut Mauritanien de Recherches Océanographiques et des Pêches — l-Istitut tal-Mawritanja għar-Riċerka Oċeanografika u għas-Sajd) billi kkonferma eċċess ta' klamari u ta' siċċ.

(5)

Skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 10 tal-Ftehim ta' Sħubija ddeċieda, fil-laqgħa tiegħu f'Nouakchott fil-15 u s-16 ta' Novembru 2016, li jimmodifika l-Protokoll billi jiġu introdotti opportunitajiet tas-sajd ġodda, fil-limiti tal-eċċess disponibbli, għal bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża li jintużaw għas-sajd tal-merluzz iswed bħala speċi primarja u tal-klamari u s-siċċ bħala speċi sekondarja.

(6)

Huwa xieraq li dawn l-opportunitajiet tas-sajd ġodda jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-bqija tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-Protokoll.

(7)

Billi l-introduzzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd ġodda għandha impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar tal-istaġuni tas-sajd tagħhom, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(8)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/2192 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/2192, jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

Il-kategorija 2a — Bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) għas-sajd tal-merluzz iswed:

Spanja:

Merluzz iswed

3 500 tunnellata

Klamari

1 450 tunnellata

Siċċ

600 tunnellata

F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jistgħu jintużaw massimu ta' 6 bastimenti fl-ibħra tal-Mauritania.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/870 tal-24 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (ĠU L 145, 2.6.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (ĠU L 315, 1.12.2015, p. 72).


22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/720

tal-21 ta' April 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

325,6

MA

102,3

TR

118,5

ZZ

182,1

0707 00 05

MA

79,4

TR

149,8

ZZ

114,6

0709 93 10

MA

78,6

TR

143,0

ZZ

110,8

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

53,6

IL

80,2

MA

53,1

TR

71,4

ZZ

64,6

0805 50 10

AR

68,9

TR

67,2

ZZ

68,1

0808 10 80

AR

88,6

BR

118,1

CL

121,1

CN

147,6

NZ

141,8

US

116,7

ZA

97,0

ZZ

118,7

0808 30 90

AR

151,7

CL

125,6

CN

113,2

ZA

119,9

ZZ

127,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/12


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/721

tal-20 ta' April 2017

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet mill-Iżvezja dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoBac 12AS b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 2435)

(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Settembru 2016, l-Iżvezja adottat deċiżjoni b'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sal-5 ta' Marzu 2017 tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoBac 12AS għall-kontroll tat-tifqigħa tal-kironomi, Chironomidae, f'diversi impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fl-Iżvezja (“l-azzjoni”).

(2)

Fit-28 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mill-Iżvezja b'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex testendi l-azzjoni. It-talba motivata kienet ibbażata fuq l-argument li l-VectoBac 12AS huwa essenzjali għall-kontroll tal-kironomi fil-kuntest ferm partikolari tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fl-Iżvezja.

(3)

Il-VectoBac 12AS fih il-Bacillus thuringiensis tas-sottospeċi israelensis tas-serotip H14 u tar-razza AM65-52 bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodott tat-tip 18 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, l-estensjoni tal-azzjoni hija meħtieġa sabiex jitħarsu l-ħaddiema fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ. Din l-informazzjoni wriet esponiment okkupazzjonali fit-tul għal ammonti kbar ta' kironomi adulti u s-sensitizzazzjoni potenzjali tista' tikkawża l-iżvilupp tal-ażma u ta' reazzjonijiet allerġiċi, li fl-aktar każijiet serji jistgħu jikkawżaw anafilassi.

(4)

L-Iżvezja ddikjarat li fl-imgħoddi kienu ngħataw bosta permessi għall-użu tal-VectoBac 12AS fi provi ta' riċerka. L-eżitu ta' dawn il-provi wera li metodi alternattivi, inklużi metodi fiżiċi, ma jipprovdux soluzzjonijiet xierqa biex il-kironomi jiġu kkontrollati b'mod effettiv. Barra minn hekk, minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tal-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, instab li prodotti bijoċidali oħra ma kinux adegwati f'termini ta' applikazzjoni u effiċjenza.

(5)

Billi n-nuqqas ta' kontroll xieraq tal-kironomi, li ma jistgħux jiġu mrażżna b'mezzi oħrajn, jista' jwassal għal periklu għas-saħħa pubblika, huwa xieraq li l-Iżvezja titħalla testendi l-azzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Il-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni hija b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja tista' testendi għal perjodu li ma jaqbiżx il-550 jum, l-azzjoni biex jitqiegħed fis-suq u jintuża l-prodott bijoċidali VectoBac 12AS għall-kontroll tal-kironomi fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ u taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/722

tal-20 ta' April 2017

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet min-Netherlands dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoMaxFG b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 2436)

(It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Settembru 2016, in-Netherlands adottaw deċiżjoni b'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sal-1 ta' Novembru 2016 jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoMaxFG għall-kontroll, minn operaturi ċċertifikati, tal-larvi mill-ispeċijiet eżotiċi invażivi ta' nemus Aedes albopictus u Aedes japonicus (“l-azzjoni”).

(2)

Il-VectoMaxFG fih il-Bacillus thuringiensis tas-sottospeċi israelensis tas-serotip H14 u tar-razza AM65-52 u l-Bacillus sphaericus tas-sottospeċi 2362 tar-razza ABTS-1743 bħala sustanzi attivi għall-użu fil-prodott tat-tip 18 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Fil-5 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata min-Netherlands b'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex testendi l-azzjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/714 (2) qabel kienet tippermetti lin-Netherlands biex jestendu l-azzjoni temporanja dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' żewġ prodotti bijoċidali oħra, il-VectoBacWG u l-Aqua-K-Othrine. Dik id-deċiżjoni rrikonoxxiet li fin-Netherlands ma kien disponibbli l-ebda prodott alternattiv xieraq għall-kontroll tan-nemus vettur tal-mard.

(5)

Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-miżura koperta bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/714 kienet meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa pubblika billi dan in-nemus, li fin-Netherlands jinstab fl-istabbilimenti tal-kumpaniji tal-bejgħ tat-tajers, fiċ-ċimiterji u fil-ġonna, jista' jġorr mard tropikali bħad-dengue u ċ-chikungunya. Fl-2016 in-Netherlands wettqu monitoraġġ ulterjuri fejn ġiet żvelata l-preżenza ta' nemus anki f'kumpanija tar-riċiklaġġ tat-trakkijiet u f'żona residenzjali.

(6)

In-Netherlands iddikjaraw li l-prodotti koperti mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/714 mhumiex biżżejjed biex jikkontrollaw il-larvi tan-nemus f'żoni fejn in-nemus jista' jikber u fejn hija meħtieġa effettività residwali aktar dejjiema. Jenħtieġ kontroll xieraq f'dawn iż-żoni biex jiġi evitat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika msemmi hawn fuq, billi l-bajd u l-larvi jistgħu jimxu lejn postijiet oħra. Għaldaqstant, it-talba msemmija fil-premessa 3 kienet ibbażata fuq l-argument li l-applikazzjoni tal-VectoMaxFG, li huwa formulazzjoni granulata, f'taħlita mal-VectoBacWG hija essenzjali sabiex jiġi miġġieled b'mod effettiv l-iżvilupp tal-larvi tan-nemus.

(7)

Billi n-nuqqas ta' kontroll xieraq tal-larvi tan-nemus li ma jistgħux jiġu mrażżna b'mezzi oħrajn jista' jwassal għal periklu għas-saħħa pubblika, huwa xieraq li n-Netherlands jitħallew jestendu l-azzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

(8)

Il-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni hija b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-Netherlands jistgħu jestendu għal perjodu totali li ma jaqbiżx 550 jum l-azzjoni biex jitqiegħed fis-suq u jintuża l-prodott bijoċidali VectoMaxFG għall-kontroll tan-nemus vettur tal-mard minn operaturi ċċertifikati u taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/714 tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħadu n-Netherlands dwar id-disponibbiltà fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoBacWG u Aqua-K-Othrine skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 14).


Rettifika

22.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/16


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 315 tal-1 ta' Diċembru 2015 )

Fil-paġna 73, l-Artikolu 1, il-punt (b) tal-paragrafu 1:

minflok:

“Kategorija 2- Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-marlozz l-iswed:”;

aqra:

“Kategorija 2- Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz iswed:”;

Fil-paġna 73, l-Artikolu 1, il-punt (c) tal-paragrafu 1:

minflok:

“Kategorija 3: Bastimenti tas-sajd għal speċijiet demersali ħlief il-marlozz iswed u b'irkaptu li ma jinvolvix xbieki tat-tkarkir:”;

aqra:

“Kategorija 3: Bastimenti tas-sajd għal speċijiet demersali ħlief il-merluzz iswed u b'irkaptu li ma jinvolvix xbieki tat-tkarkir:”.