ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 84

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
30 ta' Marzu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/604 tas-17 ta' Marzu 2017 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Terre Tarentine (DOP))

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/605 tad-29 ta' Marzu 2017 li jemenda l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu ( 1 )

3

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/606 tad-29 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/607 tad-29 ta' Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

6

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 93/16/COL tal-11 ta' Mejju 2016 Rakkomandazzjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika li huma suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante skont l-Att imsemmi fil-punt 5cl tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi), kif adattat mill-Protokoll 1 tiegħu u mill-adattamenti settorjali fl-Anness XI ta' dak il-Ftehim [2017/608]

7

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/604

tas-17 ta' Marzu 2017

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Terre Tarentine (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Terre Tarentine”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2004 (2).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi.

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tikkonċerna d-denominazzjoni “Terre Tarentine” (DOP) hija approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2004 tad-29 ta' Ottubru 2004 li jissupplimenta l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar l-iskrizzjoni ta' isem fir-“Reġistru ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” (Terre Tarentine) — [DPO] (ĠU L 328, 30.10.2004, p. 66).

(3)  ĠU C 440, 26.11.2016, p. 4.


30.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/605

tad-29 ta' Marzu 2017

li jemenda l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jistabbilixxi dati limitu li warajhom jenħtieġ li ma jibqgħux jintużaw l-aloni għat-tagħmir għat-tifi tan-nar u għas-sistemi ta' protezzjoni min-nar fit-“tagħmir ġdid”, inkluż fl-inġenji tal-ajru ġodda. Skont il-punt 2(b) tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, id-definizzjoni ta' “tagħmir ġdid” tiddependi fuq id-data ta' preżentazzjoni ta' talba għal ċertifikazzjoni tat-tip lill-awtorità regolatorja xierqa.

(2)

Għal raġunijiet ta' ċarezza tad-dritt u ta' konsistenza fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, jenħtieġ li fid-definizzjoni ta' “tagħmir ġdid” fil-punt 2(b) tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jiġi speċifikat li għall-inġenji tal-ajru, it-talba għal ċertifikazzjoni tat-tip tirrigwarda biss it-talba għal ċertifikazzjoni ġdida tat-tip u ma tkoprix il-bidliet f'ċertifikazzjoni eżistenti tat-tip. Dan ikun konformi wkoll mal-kunċett użat mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-istandards dwar l-aloni.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt 2(b) tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, tiżdied it-tieni sentenza li ġejja:

“Għall-inġenji tal-ajru, il-preżentazzjoni ta' talba għal ċertifikazzjoni tat-tip tirreferi għal preżentazzjoni ta' talba għal ċertifikazzjoni tat-tip ta' inġenju tal-ajru ġdida.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.


30.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/606

tad-29 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

288,4

IL

288,6

MA

105,2

SN

213,0

TN

200,0

TR

110,6

ZA

81,7

ZZ

183,9

0707 00 05

TR

179,1

ZZ

179,1

0709 93 10

MA

50,0

TR

118,8

ZZ

84,4

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

51,0

IL

60,7

MA

51,0

TN

50,6

TR

77,1

ZA

99,3

ZZ

65,0

0805 50 10

EG

72,0

TR

92,7

ZZ

82,4

0808 10 80

BR

110,4

CL

99,4

CN

142,3

US

128,4

ZA

114,1

ZZ

118,9

0808 30 90

AR

100,4

CL

137,3

CN

84,7

MA

115,2

ZA

108,1

ZZ

109,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

30.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/607

tad-29 ta' Marzu 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/173/PESK (1).

(2)

Abbażi ta' reviżjoni tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta' Marzu 2018.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/173/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  Id-Deċiżjoni 2011/173/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 68).


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

30.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/7


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 93/16/COL

tal-11 ta' Mejju 2016

Rakkomandazzjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika li huma suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante skont l-Att imsemmi fil-punt 5cl tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi), kif adattat mill-Protokoll 1 tiegħu u mill-adattamenti settorjali fl-Anness XI ta' dak il-Ftehim [2017/608]

L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 5cl tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi  (2) (minn hawn 'il quddiem, id-Direttiva Qafas), kif adattata mill-Protokoll 1 tiegħu u mill-adattamenti settorjali li jinsabu fl-Anness XI għal dak il-Ftehim, u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-5 ta' Novembru 2008 dwar swieq rilevanti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante regulation (3) (minn hawn 'il quddiem ir-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità) u l-linji gwida tal-Awtorità dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tas-saħħa sinifikanti tas-suq (4),

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-Kummissjoni) ħarġet ir-Rakkomandazzjoni 2014/710/UE (5) dwar swieq rilevanti ta' prodotti u servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante f'konformità mad-Direttiva Qafas.

(2)

Il-punt tat-tluq għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità dwar swieq rilevanti huwa r-Rakkomandazzjoni 2014/710/UE. Fil-proċess ta' reviżjoni tagħha, l-Awtorità ħadet l-approċċ li l-paragun tal-iżviluppi tas-suq għandu jitwettaq abbażi ta' parametru referenzjarju għaż-ŻEE u mhux biss b'kont meħud tas-sitwazzjoni tas-suq fl-Istati individwali tal-EFTA.

(3)

Fuq il-bażi ta' żviluppi tas-suq fl-Istati tal-EFTA jidher li, b'mod ġenerali, il-funzjonament tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tliet Stati tal-EFTA x'aktarx ma jiddevjax iktar (milli huwa l-każ fl-Istati Membri tal-UE individwali) mill-funzjonament medju tas-swieq fl-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE kollha.

(4)

L-objettiv tal-Ftehim taż-ŻEE huwa li jistabbilixxi Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġenja bbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni (6). Fid-dawl ta' dan l-objettiv u l-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, l-Awtorità tadotta Rakkomandazzjoni allinjata mar-Rakkomandazzjoni 2014/710/UE sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-qafas regolatorju komuni u ċertezza ġuridika għall-partijiet ikkonċernati fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fiż-ŻEE.

(5)

Id-Direttiva Qafas tistabbilixxi qafas leġiżlattiv għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jfittex fost l-oħrajn li jwieġeb għal xejriet ta' konverġenza billi jkopri n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. L-għan tal-qafas regolatorju huwa fost l-oħrajn li jnaqqas ir-regolamentazzjoni speċifika għas-settur ex ante progressivament hekk kif il-kompetizzjoni fis-swieq tiżviluppa u finalment, sabiex il-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu regolati bil-liġi tal-kompetizzjoni biss.

(6)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas jistipula li l-Awtorità għandha, wara konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (“NRAs”) fl-Istati tal-EFTA, tadotta rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti ta' prodotti u ta' servizzi.

(7)

F'konformità ma' dan l-għan, l-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tidentifika dawk is-swieq tal-prodotti u s-servizzi li fihom ir-regolamentazzjoni ex ante tista' tiġi ġġustifikata f'konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva Qafas. L-objettiv ta' kull intervent regolatorju ex ante huwa finalment biex jipproduċi benefiċċji għall-utenti finali billi jagħmel is-swieq tal-imnut effettivament kompetittivi fuq bażi sostenibbli. Huwa probabbli li l-NRAs gradwalment ikunu jistgħu jsibu li s-swieq bl-imnut ikunu kompetittivi anke fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-suq bl-ingrossa, speċjalment meta jitqies it-titjib mistenni fl-innovazzjoni u fil-kompetizzjoni.

(8)

Id-definizzjoni tas-swieq rilevanti tista' tinbidel maż-żmien minħabba li l-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi jistgħu jevolvu u l-possibiltajiet tas-sostituzzjoni tad-domanda u l-provvista jistgħu jinbidlu. Issa li r-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità ilha fis-seħħ għal iktar minn seba' snin, huwa xieraq li din tiġi riveduta abbażi tal-iżviluppi tas-swieq li seħħew mill-adozzjoni tagħha. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-2008 u tipprovdi gwida lill-NRAs għar-reviżjonijiet tas-suq fil-ġejjieni.

(9)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva Qafas jirrikjedi li l-Awtorità tidentifika swieq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li l-karatteristiċi tagħhom jaf ikunu tali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-obbligi regolatorji f'konformità mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni għalhekk jintużaw f'din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiddefinixxu s-swieq tal-prodotti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(10)

F'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas, huwa l-kompitu tal-NRAs sabiex jiddefinixxu, f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni u filwaqt li jqisu bir-reqqa din ir-Rakkomandazzjoni, is-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b'mod partikolari swieq ġeografiċi rilevanti fit-territorju tagħhom.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, l-obbligi regolatorji ex ante huma imposti biss fi swieq li mhumiex effettivament kompetittivi. Kif spjegat fil-premessa 27 tad-Direttiva, dawn huma swieq li fihom ikun hemm impriża waħda jew iktar b'saħħa sinifikanti fis-suq (significant market power — SMP) u fejn ir-rimedji tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u taż-ŻEE waħedhom mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problema tal-kompetizzjoni identifikata. Barra minn hekk, analiżi ta' kompetizzjoni effettiva għandha tinkludi analiżi ta' jekk is-suq huwiex prospettivament kompetittiv u għalhekk jekk kull nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva jkunx wieħed dewwiemi.

(12)

Kemm għall-Awtorità kif ukoll għall-NRAs, il-punt tal-bidu tal-identifikazzjoni tas-swieq bl-ingrossa li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante huwa l-analiżi tas-swieq bl-imnut korrispondenti. Din l-analiżi tal-bejgħ issir billi titqies in-naħa tad-domanda u fejn xieraq, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista minn perspettiva li tħares 'il quddiem fuq orizzont ta' żmien partikolari. Meta jiddefinixxu swieq rilevanti f'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas, l-NRAs għandhom jidentifikaw żona ġeografika fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu simili jew omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti miż-żoni tal-madwar li fihom, il-kundizzjonijiet prevalenti tal-kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti, billi jkollhom kunsiderazzjoni partikolari għall-kwistjoni jekk l-operatur SMP potenzjali jaġixxix b'mod uniformi madwar iż-żona tan-netwerk tiegħu jew jekk jaffaċċjax kundizzjonijiet ferm differenti sal-punt li l-attivitajiet tiegħu jkunu limitati f'xi żoni, iżda mhux f'oħrajn.

(13)

Għandu jiġi vvalutat jekk is-swieq bl-imnut humiex effettivament kompetittivi minn perspettiva futura fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni bbażata fuq sejbien ta' SMP. Min-naħa l-oħra, l-analiżi għandha tqis l-effetti ta' tipi ta' regolamentazzjoni oħra applikabbli għall-bejgħ rilevanti u suq/swieq bl-ingrossa relatati tul il-perjodu rilevanti.

(14)

Meta titwettaq analiżi tas-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, il-valutazzjoni ta' suq għandha ssir minn perspettiva li tħares 'il quddiem, u tibda mill-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti. L-analiżi għandha tivvaluta jekk is-suq huwiex prospettivament kompetittiv u jekk kull nuqqas ta' kompetizzjoni huwiex wieħed dewwiemi, billi tqis żviluppi tas-swieq mistennija jew prevedibbli (7).

(15)

Jekk is-suq bl-imnut ikkonċernat ma jkunx effettivament kompetittiv minn perspettiva li tħares 'il quddiem fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni ex ante, għandhom jiġu vvalutati s-suq/swieq bl-ingrossa korrispondenti li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante f'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Meta jiġu analizzati l-konfini u s-saħħa f'suq/swieq bl-ingrossa rilevanti korrispondenti biex jiġi ddeterminat jekk huwiex/humiex effettivament kompetittivi, għandhom jitqiesu restrizzjonijiet kompetittivi diretti u indiretti, irrispettivament minn jekk dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultawx minn netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew tipi oħra ta' servizzi jew applikazzjonijiet li huma komparabbli mill-perspettiva tal-utenti finali (8). Min-naħa l-oħra, jekk is-suq bl-imnut ikkonċernat ikun effettivament kompetittiv minn perspettiva li tħares 'il quddiem fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-suq bl-ingrossa ex ante dwar is-suq/swieq rilevanti korrispondenti, dan għandu jwassal lill-NRA biex tikkonkludi li r-regolamentazzjoni ma għadhiex iktar meħtieġa fil-livell bl-ingrossa. F'dan il-każ, is-suq/swieq bl-ingrossa rilevanti korrispondenti għandhom jiġu vvalutati bil-ħsieb li r-regolamentazzjoni ex ante tiġi rtirata. Meta swieq bl-ingrossa jkunu relatati vertikalment fil-katina tal-provvista, is-suq bl-ingrossa li għandu jiġi analizzat l-ewwel, ikun dak li jkun l-iktar upstream mis-suq bl-imnut inkwistjoni.

(16)

Is-swieq bl-ingrossa elenkati fl-Anness jista' jkollhom karatteristiċi li jiġġustifikaw ir-regolamentazzjoni ex ante għaliex globalment jissodisfaw it-tliet kriterji kumulattivi li ġejjin, li ntużaw ukoll biex jidentifikaw swieq li huma suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante fil-verżjonijiet preċedenti tar-Rakkomandazzjoni. L-ewwel kriterju huwa l-preżenza ta' ostakoli kbar u mhux tranżitorji għad-dħul. Madankollu, minħabba l-karattru dinamiku u l-funzjonament tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, meta titwettaq analiżi prospettiva biex jiġu identifikati s-swieq rilevanti għar-regolamentazzjoni ex ante possibbli, għandhom jitqiesu wkoll il-possibiltajiet biex jingħelbu l-barrieri għad-dħul fil-perjodu ta' żmien previst rilevanti. It-tieni kriterju jindirizza jekk struttura tas-suq ixxaqlibx lejn kompetizzjoni effettiva f'orizzont ta' żmien rilevanti. L-applikazzjoni ta' dan il-kriterju tinvolvi l-eżaminazzjoni tal-istat ta' kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kompetizzjonijiet oħrajn wara l-ostakoli għad-dħul. It-tielet kriterju huwa li l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni waħidha mhux se tindirizza kif xieraq in-nuqqas/ijiet tas-suq ikkonċernati. L-indikaturi prinċipali li għandhom jiġu kkunsidrati waqt il-valutazzjoni tal-ewwel u t-tieni kriterju huma simili għal dawk eżaminati bħala parti minn analiżi tas-suq li tħares 'il quddiem biex tiddetermina l-preżenza ta' SMP. B'mod partikolari, l-indikaturi tal-ostakoli għad-dħul fin-nuqqas tar-regolamentazzjoni (inkluż l-ammont tal-ispejjeż irrekuperabbli), l-istruttura tas-suq, il-prestazzjoni tas-suq u d-dinamika tas-suq, inkluż indikaturi bħal ishma u xejriet tas-suq, prezzijiet u xejriet tas-suq u l-firxa u l-kopertura ta' netwerks jew infrastrutturi kompetituri.

(17)

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, żewġ tipi ta' ostakoli għad-dħul huma rilevanti għall-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni: ostakoli strutturali u ostakoli ġuridiċi jew regolatorji. L-ostakoli strutturali għad-dħul jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tal-ispejjeż jew tad-domanda oriġinali li joħolqu kundizzjonijiet asimettriċi bejn operaturi stabbiliti u operaturi ġodda li jimpedixxu jew jipprevjenu d-dħul fis-suq ta' dawn tal-aħħar. Pereżempju, ostakoli strutturali kbar jistgħu jinstabu li jeżistu meta s-suq jiġi kkaratterizzat minn vantaġġi tal-ispejjeż assoluti, ekonomiji tal-kobor u/jew ekonomiji ta' firxa sostanzjali, restrizzjonijiet tal-kapaċità u spejjeż irrekuperabbli għoljin. Ostakolu strutturali relatat jista' jeżisti wkoll meta l-forniment tas-servizz ikun jeħtieġ komponent ta' netwerk li ma jkunx jista' jiġi teknikament dupplikat jew ikun jista' jiġi ddupplikat biss bi prezz li jagħmlu mhux ekonomiku għall-kompetituri.

(18)

L-ostakoli legali jew regolatorji mhumiex ibbażati fuq kundizzjonijiet ekonomiċi, iżda jirriżultaw minn miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew oħrajn li għandhom effett dirett fuq il-kundizzjonijiet tad-dħul u/jew il-pożizzjonament tal-operaturi fis-suq rilevanti. Eżempju ta' ostakolu ġuridiku jew regolatorju li jimpedixxi jew jipprevjeni d-dħul f'suq huwa l-limitu fuq in-numru tal-impriżi li għandhom aċċess għall-firxa kollha għall-forniment ta' servizzi sottostanti. Eżempji oħra ta' ostakoli ġuridiċi jew regolatorji huma l-kontrolli tal-prezzijiet jew miżuri oħrajn relatati mal-prezzijiet imposti fuq l-impriżi, li jaffettwaw mhux biss id-dħul iżda wkoll il-pożizzjonament tal-impriżi fis-suq. Ostakoli ġuridiċi jew regolatorji li x'aktarx jitneħħew fil-perjodu ta' żmien rilevanti ma għandhomx normalment jitqiesu li jikkostitwixxu ostakoli għad-dħul sabiex jissodisfaw l-ewwel kriterju.

(19)

L-ostakoli għad-dħul jistgħu jsiru inqas rilevanti fir-rigward ta' swieq xprunati mill-innovazzjoni kkaratterizzati minn progress teknoloġiku kurrenti. Fi swieq bħal dawn, ir-restrizzjonijiet kompetittivi ta' spiss jiġu minn theddid innovattiv minn kompetitturi potenzjali li ma jkunux attwalment fis-suq. Fi swieq immexxija mill-innovazzjoni, il-kompetizzjoni dinamika jew fit-tul tista' ssir fost ditti li mhumiex bilfors kompetituri f'suq “statiku” eżistenti. Din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika swieq fejn l-ostakoli għas-suq huma mistennija li jippersistu fuq perjodu prevedibbli. Fil-valutazzjoni ta' jekk l-ostakoli għad-dħul x'aktarx jippersistux fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-industrija esperjenzatx dħul frekwenti u ta' suċċess u jekk id-dħul kienx jew huwiex probabbli li fil-futur se jkun immedjat u persistenti biżżejjed biex jillimita s-saħħa fis-suq. Ir-rilevanza tal-ostakoli għad-dħul se tiddependi fost l-oħrajn fuq l-iskala minima ta' effiċjenza ta' produzzjoni u l-ispejjeż irrekuperabbli.

(20)

Anke meta suq ikun ikkaratterizat minn ostakoli kbar għad-dħul, fatturi strutturali oħrajn f'dak is-suq jistgħu jinvolvu li s-suq xorta jibqagħlu t-tendenza li jsir effettivament kompetittiv f'perjodu ta' żmien previst rilevanti. Tendenza lejn kompetizzjoni effettiva, skont it-tieni kriterju, timplika li s-suq jew ikun se jilħaq l-istatus ta' kompetizzjoni effettiva fl-assenza ta' regolamentazzjoni ex ante fil-perjodu tar-reviżjoni, jew ikun se jsir hekk wara dak il-perjodu, diment li jkun hemm disponibbli evidenza ċara ta' dinamiċi pożittivi fis-suq fil-perjodu tar-reviżjoni. Id-dinamika tas-suq tista' pereżempju tiġi kkawżata mill-iżviluppi teknoloġiċi jew mill-konverġenza tal-prodotti u s-swieq li tista' twassal sabiex jiġu eżerċitati restrizzjonijiet kompetittivi bejn l-operaturi attivi fi swieq ta' prodotti distinti. Dan jista' wkoll ikun il-każ fi swieq b'numru limitat, iżda suffiċjenti, ta' impriżi li għandhom strutturi ta' spejjeż diverġenti u li jaffaċjaw domanda tas-suq elastika għall-prezzijiet. Jista' jkun hemm ukoll kapaċità eċċessiva f'suq li normalment jippermetti li ditti rivali jespandu l-produzzjoni malajr ħafna b'rispons għal kwalunkwe żieda fil-prezz. Fi swieq bħal dawn, l-ishma tas-swieq jistgħu jinbidlu maż-żmien u/jew jistgħu jiġu osservati prezzijiet li qed jonqsu.

(21)

It-tielet kriterju jservi biex jivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri korrettivi li jistgħu jiġu imposti skont il-liġi tal-kompetizzjoni biex jiġu indirizzati l-falliment(i) tas-swieq persistenti, b'mod partikolari peress li l-obbligi regolatorji ex ante jistgħu effettivament jipprevjenu l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-interventi tal-liġi tal-kompetizzjoni x'aktarx ma jkunux biżżejjed meta, pereżempju, ir-rekwiżiti tal-konformità ta' intervent biex jagħmlu tajjeb għall-falliment(i) tas-swieq persistenti jkunu estensivi jew meta intervent frekwenti u/jew f'waqtu jkun indispensabbli. Għalhekk, ir-regolamentazzjoni ex ante għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkumplimenta l-liġi tal-kompetizzjoni b'mod xieraq meta l-liġi tal-kompetizzjoni waħedha ma tkunx tindirizza kif xieraq il-falliment(i) tas-suq persistenti identifikati.

(22)

L-applikazzjoni ta' dawn it-tliet kriterji kumulattivi għandha tillimita n-numru ta' swieq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi meta jkunu imposti obbligi regolatorji ex ante u b'hekk tikkontribwixxi għal wieħed mill-għanijiet tal-qafas regolatorju, jiġifieri li progressivament titnaqqas ir-regolamentazzjoni ex ante speċifika għas-settur hekk kif il-kompetizzjoni fis-swieq tiżviluppa. In-nuqqas milli jiġi ssodisfat xi wieħed mit-tliet kriterji jkun jindika li suq ma għandux ikun identifikat bħala suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante.

(23)

Ir-regolamentazzjoni ex ante imposta fil-livell tas-suq bl-ingrossa għandha tiġi ikkunsidrata biżżejjed biex tindirizza problemi potenzjali tal-kompetizzjoni dwar is-suq/swieq downstream relatati. Suq downstream għandu jkun soġġett biss għar-regolamentazzjoni ex ante jekk il-kompetizzjoni f'dak is-suq tkun għadha turi SMP, minkejja l-preżenza tar-regolamentazzjoni ex ante dwar is-suq/swieq upstream bl-ingrossa relatati. Bl-avvanzi fil-kompetizzjoni li nkisbu permezz tar-regolamentazzjoni, din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika biss swieq rilevanti fil-livell bl-ingrossa. Huwa mifhum li r-regolamentazzjoni tagħhom tista' tindirizza n-nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fil-livell bl-ingrossa, li mbagħad huwa l-kawża tan-nuqqasijiet tas-suq identifikati fis-swieq bl-imnut relatati. Jekk NRA madankollu turi li l-interventi bl-ingrossa kienu mingħajr suċċess, is-suq bl-imnut rilevanti jista' jkun suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante sakemm l-NRA tkun sabet li t-test tat-tliet kriterji preskritt f'din ir-Rakkomandazzjoni jkun ġie ssodisfat.

(24)

Is-swieq elenkati fl-Anness ġew identifikati abbażi tat-tliet kriterji kumulattivi msemmija hawn fuq. L-NRAs għandhom jibdew bis-suppożizzjoni li f'dawn is-swieq, it-tliet kriterji huma ssodisfati. Jekk, madankollu, dawn l-NRAs jikkonkludu li fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni fil-livell bl-ingrossa, is-suq/swieq bl-imnut kif definiti juru kompetizzjoni sostenibbli, dawn għandhom jikkonkludu wkoll li r-regolamentazzjoni ex ante ma tkunx iktar meħtieġa fil-livell bl-ingrossa.

(25)

Għas-swieq elenkati fl-Anness, NRA tista' xorta tikkunsidra xieraq, abbażi ta' ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, li twettaq it-test tat-tliet kriterji tagħha stess. NRA tista' tikkonkludi li t-test tat-tliet kriterji jkun ġie ssodisfat jew ma jkunx ġie ssodisfat fiċ-ċirkostanzi nazzjonali. Jekk it-test tat-tliet kriterji ma jiġix issodisfat għal suq speċifiku elenkat fir-Rakkomandazzjoni, l-NRA ma għandhiex timponi obbligi regolatorji fuq dak is-suq.

(26)

L-NRAs jistgħu jidentifikaw swieq oħrajn minbarra dawk elenkati f'din ir-Rakkomandazzjoni u japplikaw it-test tat-tliet kriterji. B'mod partikolari, jekk l-NRAs, wara li jkunu kkonkludew li suq bl-imnut ma jkunx effettivament kompetittiv fl-assenza ta' regolamentazzjoni ex ante, ikollhom l-intenzjoni li jirregolaw is-suq/swieq bl-ingrossa korrispondenti u dawn is-swieq ma jkunux elenkati fir-Rakkomandazzjoni, għandhom dejjem iwettqu t-test tat-tliet kriterji. F'dan il-każ, l-ewwel suq bl-ingrossa li għandu jiġi analizzat ikun dak li jkun l-iktar upstream mis-suq bl-imnut inkwistjoni fil-katina tal-provvista vertikali. NRA għandha twettaq analiżi gradwali tas-swieq li jkunu downstream minn input upstream irregolat, biex tiddetermina jekk ikunux effettivament kompetittivi fil-preżenza ta' regolamentazzjoni upstream, sakemm tilħaq is-suq/swieq bl-imnut.

(27)

L-NRAs għandhom japplikaw ukoll it-test tat-tliet kriterji għal dawk is-swieq elenkati fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-14 ta' Lulju 2004 dwar is-swieq rilevanti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante  (9) u għar-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità li ma għadhomx aktar elenkati fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni jekk bħalissa huma rregolati fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali, sabiex jivvalutaw jekk, fuq il-bażi ta' dawn iċ-ċirkostanzi nazzjonali, dawn is-swieq għadhomx suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante.

(28)

Swieq ġodda emerġenti ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligi regolatorji mhux adegwati ex ante, anke jekk ikun hemm vantaġġ tal-innovatur, f'konformità mad-Direttiva Qafas. Swieq ġodda emerġenti huma kkunsidrati li jinkludu prodotti jew servizzi meta, minħabba n-novità tagħhom ikun diffiċli ħafna li jitbassru l-kundizzjonijiet tad-domanda jew il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-provvista tas-suq u konsegwentament ikun diffiċli biex jiġi applikat it-test tat-tliet kriterji. L-iskop li ma jiġux soġġetti swieq ġodda emerġenti għal obbligi regolatorji ex ante mhux xierqa, huwa biex tiġi promossal-innovazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas; fl-istess waqt, l-għeluq ta' dawn is-swieq mill-intrapriża ewlenija għandu jiġi impedit, kif indikat ukoll fil-linji gwida tal-Awtorità dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tal-SMP (10). L-aġġornamenti inkrementali fl-infrastruttura ta' netwerk eżistenti rarament iwasslu għal suq ġdid jew emerġenti. In-nuqqas ta' sostitwibbiltà ta' prodott għandu jiġi stabbilit mill-perspettivi kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista qabel ma jkun jista' jiġi konkluż li ma jkunx diġà parti minn suq diġà eżistenti. Il-ħruġ ta' servizzi bl-imnut ġodda jista' jwassal għal suq bl-ingrossa derivat ġdid sal-punt li dawn is-servizzi tal-bejgħ ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti bl-użu ta' prodotti bl-ingrossa eżistenti.

(29)

L-NRAs għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-Awtorità u għal NRAs oħra taż-ŻEE r-riżultati tal-applikazzjoni tat-test tat-tliet kriterji mwettaq f'konformità ma' din ir-Rakkomandazzjoni u li jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas. Jekk wieħed jonqos milli jinnotifika abbozz ta' miżura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati tal-EFTA kif deskritt fil-premessa 38 tad-Direttiva Qafas, dan jista' jwassal biex jittieħdu proċedimenti ta' ksur kontra l-Istat tal-EFTA kkonċernat.

(30)

Is-swieq elenkati fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni ma għadhomx jinkludi żewġt iswieq li kienu elenkati fir-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità tal-2008 (s-swieq 1 u 2) għaliex dawn ma għadhomx jissodisfaw it-test tat-tliet kriterji. Peress li jista' jkun hemm grad ta' varjazzjoni madwar l-Istati tal-EFTA fil-pass tal-iżviluppi mistennija jew prevedibbli tas-suq li fuqhom hija bbażata din is-sejba fil-livell taż-ŻEE, ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw li NRA tista' ssib li s-suq 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità jew swieq bl-imnut oħrajn relatati mas-suq 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità għadhom mhumiex effettivament kompetittivi minn perspettiva li tħares 'il quddiem jekk ma jsirux rimedji adegwati u proporzjonati fis-suq bl-ingrossa. L-NRAs għalhekk jistgħu jiġġustifikaw it-tkomplija tal-intervent ta' regolamentazzjoni ex ante fil-livell tas-suq bl-ingrossa, sakemm it-test tat-tliet kriterji jkun issodisfat fiċ-ċirkostanzi nazzjonali għall-perjodu ta' reviżjoni sussegwenti. Is-swieq li jibqa' tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità għadhom jeħtieġu regolamentazzjoni ex ante, għalkemm il-konfini tas-swieq 4, 5 u 6 tar-Rakkomandazzjoni tal-2008 tal-Awtorità ġew definiti mill-ġdid. L-NRAs iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom meta jiddelinjaw dawn is-swieq.

(31)

Din ir-Rakkomandazzjoni kienet suġġetta għal konsultazzjoni pubblika u għal konsultazzjoni mal-NRAs u awtoritajiet nazzjonali oħra fl-Istati tal-EFTA (11),

B'DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

Fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva Qafas, l-NRAs għandhom janalizzaw is-swieq tal-prodotti u s-servizzi identifikati fl-Anness.

2.

Meta jiġu identifikati swieq oħra minbarra dawk stabbiliti fl-Anness, l-NRAs għandhom juru u l-Awtorità għandha tivverifika, jekk it-tliet kriterji li ġejjin jintlaħqux b'mod kumulattiv:

(a)

il-preżenza ta' ostakoli għad-dħul kbar u mhux tranżitorji, strutturali, ġuridiċi jew regolatorji;

(b)

struttura tas-suq li ma xxaqlibx lejn kompetizzjoni effettiva fil-perjodu ta' żmien rilevanti, meta jiġi kkunsidrat l-istat tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u ta' kompetizzjoni oħra wara l-ostakoli għad-dħul;

(c)

il-liġi tal-kompetizzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex tindirizza adegwatament in-nuqqas(ijiet) tas-suq identifikati.

3.

Meta jikkunsidraw li xi wieħed mis-swieq stabbiliti fl-Anness ma jkunx suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante fiċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, l-NRAs għandhom juru u l-Awtorità għandha tivverifika li mill-inqas wieħed mit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 2 ma jkunx ġie ssodisfat.

4.

L-NRAs għandhom jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet kompetittivi rilevanti kollha, irrispetivament minn jekk is-sorsi ta' dawn il-limiti humiex meqjusin bħala netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew tipi oħra ta' servizzi jew applikazzjonijiet li huma komparabbli mill-perspettiva tal-utent aħħari.

5.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet tas-suq, ir-riżultati tal-analiżi tas-suq u l-obbligi regolatorji adottati mill-NRAs f'konformità mal-Artikoli 15(3) u 16 tad-Direttiva Qafas qabel id-data tal-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

6.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati tal-EFTA.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2016.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Sven Erik SVEDMAN

Il-President

Frank BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(2)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tal-5 ta' Novembru 2008 dwar swieq relevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolamentazzjoni ex ante skont l-Att imsemmi fil-punt 5cl tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjoni u servizzi elettroniċi), kif adattat mill-Protokoll 1 tiegħu u mill-adattamenti settorjali fl-Anness XI ta' dak il-Ftehim (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 18 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 36, 9.7.2009, p. 1).

(4)  Il-Linji Gwida tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tal-14 ta' Lulju 2004 dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta' saħħa tas-suq sinifikanti skont il-qafas regolatorju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Anness XI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU C 101, 27.4.2006, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 21, 27.4.2006, p. 1), minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-linji gwida tal-Awtorità dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta' SMP”.

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar swieq rilevanti ta' prodotti u servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante f'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 79).

(6)  Ir-raba' kunsiderazzjoni fil-Preambolu tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(7)  Il-punt 20 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta' SMP. Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4 aktar 'il fuq.

(8)  Bħal pereżempju, is-servizzi over-the-top (OTT) li għalkemm illum ma jistgħux jitqiesu bħala sostituti diretti għas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-iżviluppi teknoloġiċi x'aktarx jirriżultaw fl-espansjoni kontinwa tagħhom fis-snin li ġejjin.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tal-14 ta' Lulju 2004 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika li huma suxxettibli għal regolamentazzjoni ex ante skont l-Att imsemmi fil-punt 5cl tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjoni u servizzi elettroniċi), kif inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, adottata bid-Deċiżjoni 194/04/COL.

(10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4 aktar 'il fuq.

(11)  Il-konsultazzjoni saret bejn l-4 ta' Frar u t-18 ta' Marzu 2016.


ANNESS

Suq 1

:

Servizz ta' forniment bl-ingrossa ta' terminazzjoni tat-telefonati fuq netwerks pubbliċi tat-telefown individwali f'post fiss

Suq 2

:

Servizz ta' forniment bl-ingrossa ta' terminazzjoni tat-telefonati bil-vuċi fuq netwerks tal-mowbajl individwali

Suq 3

:

(a)

Aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f'post fiss

(b)

Aċċess ċentrali bl-ingrossa pprovdut f'post fiss għal prodotti tas-suq tal-massa

Suq 4

:

Aċċess ta' kwalità għolja bl-ingrossa pprovdut f'post fiss