ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 82

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
29 ta' Marzu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/600 tat-28 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/601 tas-6 ta' Marzu 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

4

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/602 tas-27 ta' Marzu 2017 li taħtar membru, propost mir-Renju ta' Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

8

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija tat-13 ta' Marzu 2017 dwar il-qbil rigward il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija [2017/603]

9

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/600

tat-28 ta' Marzu 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

288,4

IL

288,6

MA

112,8

SN

213,0

TN

200,0

TR

107,5

ZA

81,7

ZZ

184,6

0707 00 05

TR

177,8

ZZ

177,8

0709 93 10

MA

54,8

TR

136,3

ZZ

95,6

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

45,3

IL

83,4

MA

50,1

TN

55,9

TR

75,9

ZA

99,3

ZZ

68,3

0805 50 10

EG

72,0

TR

71,4

ZZ

71,7

0808 10 80

CL

122,2

CN

142,3

US

128,4

ZA

114,1

ZZ

126,8

0808 30 90

AR

100,2

CL

143,4

CN

81,8

MA

115,2

ZA

144,6

ZZ

117,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

29.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/601

tas-6 ta' Marzu 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005.

(2)

Il-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat intlaqgħet tajjeb fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015; fejn il-Kunsill ikkonferma, b'mod partikolari, l-intenzjoni tiegħu li jibda fażi ġdida ta' djalogu mal-pajjiżi sħab fl-2016 li tista' twassal għad-definizzjoni ta' prijoritajiet ġodda ta' sħubija, fejn xieraq, iffukati fuq prijoritajiet u interessi maqbula konġuntament.

(3)

Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Alġerija jikkooperaw sabiex jilħqu l-objettiv kondiviż tagħhom ta' spazju komuni ta' paċi, stabbiltà u prosperità, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondiviżijoni tar-responsabbiltajiet u d-differenzjazzjoni, kif ukoll li jikkunsidraw ir-rwol ċentrali li l-Alġerija għandha fir-reġjun.

(4)

Filwaqt li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti, l-Unjoni u l-Alġerija qed ikomplu jsegwu l-objettivi prinċipali tas-sħubija tagħhom fuq terminu twil, u jaħdmu sabiex ikun hemm stabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun, kif ukoll jifavorixxu t-tkabbir ekonomiku u permezz ta' istituzzjonijiet tal-Istat solidi u d-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Alġerija.

(5)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija, għandha tkun ibbażata fuq fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.


ABBOZZ TA'

DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA

ta' …

dwar il-qbil rigward il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

Filwaqt li jikkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

Billi

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005.

(2)

L-Artikolu 94 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim, il-partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

(4)

Fil-kuntest tar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016 ġiet propota fażi ġdida ta' djalogu mas-sħab, li jikkontribwixxi għal sens aktar qawwi ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-UE u l-Alġerija qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi japprovaw sett ta' prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Alġerija.

(6)

Il-partijiet għall-Ftehim adottaw it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE-Alġerija, bl-objettiv li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta' interessi identifikati u kondiviżi bejn is-sħab li tingħatalhom prijorità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija kif indikati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija

Il-President


(1)   ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.

ANNESS

Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija


29.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/602

tas-27 ta' Marzu 2017

li taħtar membru, propost mir-Renju ta' Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Spanjol,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020. Fit-18 ta' Lulju 2016, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1203 (4), is-Sur Francesc HOMS i MOLIST ġie sostitwit mis-Sur Jordi SOLÉ i FERRANDO bħala membru.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Jordi SOLÉ i FERRANDO, sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Hija b'dan maħtura membru fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

Is-Sinjura Maria BADIA i CUTCHET, Secretaria de Asuntos Exteriores y de la Unión Europea de la Comunidad Autónoma de Cataluña.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1203 tat-18 ta' Lulju 2016 li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Renju ta' Spanja, fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 198, 23.7.2016, p. 44).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

29.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/9


DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA

tat-13 ta' Marzu 2017

dwar il-qbil rigward il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija [2017/603]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

Filwaqt li jikkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra,

Billi

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005.

(2)

L-Artikolu 94 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 104 tal-Ftehim, il-partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-objettivi tagħhom.

(4)

Fil-kuntest tar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016 ġiet proposta fażi ġdida ta' djalogu mas-sħab, li jikkontribwixxi għal sens aktar qawwi ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-UE u l-Alġerija qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi japprovaw sett ta' prijoritajiet għall-perijodu 2017-2020 bl-għan li jappoġġaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Alġerija.

(6)

Il-partijiet għall-Ftehim adottaw it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE-Alġerija, bl-objettiv li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta' interessi identifikati u kondiviżi bejn is-sħab li tingħatalhom prijorità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Alġerija kif indikati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.


ANNESS

PRIJORITAJIET KONDIVIŻI TAS-SĦUBIJA BEJN IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-POPLU TAL-ALĠERIJA (L-ALĠERIJA) U L-UNJONI EWROPEA (UE) TAĦT IL-POLITIKA EWROPEA TAL-VIĊINAT RIVEDUTA

Il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija huwa stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) li ġie ffirmat fl-2002, li daħal fis-seħħ fl-2005 u li jistabbilixxi l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet. Mingħajr preġudizzju għal dawn l-oqsma ta' kooperazzjoni, dan id-dokument jistabbilixxi l-prijoritajiet tas-sħubija kif definiti b'mod konġunt bejn l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta għall-perjodu 2016-2020.

Fl-ispirtu tal-prinċipji gwida tal-PEV riveduta u fid-dawl tal-prijoritajiet politiċi taż-żewġ partijiet, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jimpenjaw li jerġgħu jagħtu spinta lid-djalogu tagħhom u li jaqblu dwar il-linji ewlenin tar-relazzjonijiet tagħhom, biex jispeċifikaw l-objettivi u l-interessi reċiproċi tagħhom u biex jagħtu prijorità lill-assi tal-kooperazzjoni tagħhom. Il-prijoritajiet ta' sħubija dettaljati iktar 'l isfel jindikaw l-oqsma ewlenin għal djalogu msaħħaħ u għal kooperazzjoni amministrattiva u istituzzjonali li hija konkreta kemm jista' jkun bejn l-UE u l-Alġerija, abbażi tal-esperjenzi u l-għarfien rispettivi tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-karatteristiċi speċifiċi u l-indipendenza ta' kull waħda mill-partijiet.

L-ambizzjoni tal-Alġerija u l-UE hija li jiżviluppaw sħubija globali u multidimensjonali rafforzata fl-indirizzar tal-isfidi komuni tas-sigurtà u tal-żvilupp. Il-partijiet jesprimu wkoll ix-xewqa komuni tagħhom li jilħqu dawn il-prijoritajiet fl-oqsma ewlenin fejn ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Alġerija huma destinati li jissaħħu fil-futur. Uħud minn dawn il-prijoritajiet ser ikunu s-suġġett ta' kooperazzjoni teknika u finanzjarja li ser tiġi implimentata fil-qafas tal-ipprogrammar finanzjarju 2018-2020.

I.   Djalogu politiku, Governanza, l-Istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jagħtu importanza speċjali lit-tisħiħ tad-djalogu politiku tagħhom fil-forom kollha tiegħu.

Permezz tar-reviżjoni tal-Kostituzzjoni tagħha fis-7 ta' Frar 2016, l-Alġerija qed tkompli bil-proċess ta' konsolidazzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, tal-istat tad-dritt u tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tal-Istat fir-rapporti tagħha maċ-ċittadini. Dan il-proċess jikkorrispondi għad-djalogu bilaterali li nżamm bejn l-UE u l-Alġerija matul dawn l-aħħar 15-il sena u jindika li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet huma bbażati fuq ir-rispett reċiproku u r-rikonoxximent ta', u konformità ma', valuri universali u impenji internazzjonali relatati mal-istat tad-dritt u mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

F'dan il-kuntest, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jagħtu importanza speċjali lill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Kostituzzjoni. F'dan ir-rigward, l-UE biħsiebha tappoġġa lill-Alġerija fl-implimentazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza, id-demokrazija parteċipattiva, il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet fundamentali, inkluż dawk tal-ħaddiema, it-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà, id-deċentralizzazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja li tinkludi l-amministrazzjoni penitenzjarja, u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-użu ta' programmi ta' assistenza teknika.

Tali kooperazzjoni ser tinkludi wkoll appoġġ għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, monitoraġġ iktar mill-qrib tal-finanzi pubbliċi u tal-amministrazzjoni fiskali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll il-ġlieda kontra d-delokalizzazzjoni u l-ħasil tal-kapital u tal-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

II.   Kooperazzjoni, Żvilupp soċjoekonomiku inklużiv, kummerċ u aċċess għas-suq uniku Ewropew

Fil-kuntest attwali ta' staġnar tal-ekonomika mondjali u t-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-idrokarburi, l-Alġerija u l-Unjoni għandhom interess komuni u urġenti li jidentifikaw miżuri ta' governanza ekonomika kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, li għandhom jinkoraġġixxu inizjattivi privati, jagħtu spinta lill-investimenti fil-bażi tal-produzzjoni u, fis-settur pubbliku, li jimmodernizzaw il-ġestjoni finanzjarja u jirrazzjonalizzaw in-nefqa pubblika.

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn iż-żewġ partijiet jipprovdi qafas adatt għaż-żieda fill-kummerċ u l-investimenti, u l-partijiet għandhom japprofittaw kemm jista' jkun minnu biex b'mod konġunt jegħlbu l-kriżi ekonomika attwali. Barra minn hekk, l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid ix-xewqa komuni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2005, f'konformità sħiħa mal-Ftehim u filwaqt li jfittxu bilanċ tal-interessi. l-evalwazzjoni konġunta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hija parti minn din id-dinamika.

Fuq l-isfond tal-prezzijiet instabbli tal-idrokarburi, il-Gvern Alġerin għamel mod li d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tkun prijorità nazzjonali. Il-miżuri ta' riforma li qed jittieħdu f'dan is-sens joffru opportunità għal kooperazzjoni akbar fl-oqsma li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija Alġerina sabiex tiġi żviluppata l-firxa tal-esportazzjonijiet tagħha, b'mod speċjali ta' prodotti oħra għajr l-idrokarburi, għas-suq uniku Ewropew.

Konxji tal-importanza tal-klima kummerċjali biex jiġu attirati investituri ġodda, l-Alġerija u l-UE jimpenjaw ruħhom, matul il-perjodu ta' programmazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali li jmiss, li jiffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi privati, li jaħdmu flimkien biex itejbu l-klima kummerċjali u dik tal-politika tal-intrapriżi fl-Alġerija sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp ta' intrapriżi u l-industriji żgħar u ta' daqs medju (SMEs u SMIs), biex jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw sħubija pubblika-privata, inkluż estera, industrijali u teknoloġika, biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-impjieg Alġerina integrata u biex isaħħu l-programm ta' djalogu soċjali bilaterali u trilaterali tal-Alġerija. Il-partijiet jaqblu dwar l-importanza tal-appoġġ għall-programm Alġerin għat-tisħiħ tas-sistema bankarja u s-superviżjoni tagħha kif ukoll il-promozzjoni tal-iżvilupp tas-swieq kapitali sabiex jiġi appoġġat l-aċċess għall-finanzjament lill-intrapriżi kollha, b'mod partikolari l-SMEs u l-SMIs kif ukoll start-ups.

Konxji li ż-żgħażagħ huma forzi dinamika għall-iżvilupp tal-entitajiet rispettivi tagħhom u fiċ-ċentru tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw u jagħtu spinta lill-enerġiji tagħhom. Il-partijiet jaqblu li jippromwovu, b'mod partikolari permezz tal-programmi u l-istrateġiji tal-UE fil-qasam tal-impiegi, tal-edukazzjoni formali u mhux formali jew tal-formazzjoni professjonali, il-kooperazzjoni tagħhom f'dan il-qasam bil-ħsieb li jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku u r-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Alġerija, l-edukazzjoni (mill-preprimarja sal-edukazzjoni għolja, inkluż taħriġ vokazzjonali) fid-dawl tal-Għanjiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG).

L-Alġerija u l-Unjoni Ewropea jieħdu l-impenn li jappoġġaw l-iżvilupp ta' politika kulturali fl-Alġerija li tgħin fl-ixprunar tal-iżvilupp ekonomiku u industrijali u tħeġġeġ skambji ma' operaturi kulturali Ewropej (pereżempju, permezz tal-programm Ewropa Kreattiva).

L-UE u l-Alġerija ser isaħħu d-djalogu tagħhom fil-qasam tal-kummerċ skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li jappoġġaw skambju bilanċjata ta' kummerċ b'valur miżjud għoli u li jnaqqsu u jeliminaw progressivament ir-restrizzjonijiet fuq kummerċ ta' oġġetti u servizzi.

F'dan ir-rigward, il-partijiet mhumiex ser jintroduċu l-ebda miżura li tista' tkun ta' ostakolu għall-kummerċ, għajr miżuri kompatibbli mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,. Il-partijiet ser jikkonsolidaw id-djalogu tagħhom dwar strumenti għad-difiża tal-kummerċ u għall-kooperazzjoni industrijali (fil-qafas tal-kooperazzjoni industrijali Ewro-Mediterranja).

L-UE u l-Alġerija jaqblu wkoll li, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tagħhom, jistabbilixxu djalogu dwar l-investimenti bl-iskop li jiġi attirat l-investiment barrani (u b'mod partikolari dak Ewropew). L-UE ttenni l-impenn tagħha li tappoġġa l-adeżjoni tal-Alġerija mad-WTO, b'mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta' ftehim bilaterali f'dan il-qafas.

Sabiex jappoġġjaw ir-riformi li qed jiġu implimentati progressivament mill-Alġerija (b'mod partikolari għas-sistema bankarja tagħha, l-amministrazzjoni tagħha jew l-armonizzazzjoni tar-regolamenti ma' dawk tal-UE), il-partijiet jiddikjaraw li huma lesti li jikkunsidraw li japprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom permezz ta' negozjati addizzjonali dwar servizzi jew bil-għan li jiġi konkluż ftehim dwar protezzjoni tal-investiment, meta l-kondizzjonijiet ikunu adatti. Il-partijiet jaqblu li dan il-proċess jista' jkun akkumpanjat mill-organizzazzjoni ta' konferenzi u avvenimenti appoġġati mill-UE sabiex jiġu mobilizzati investituri potenzjali fl-Alġerija.

L-UE tieħu l-impenn li tiżviluppa djalogu msaħħaħ dwar l-implimentazzjoni tal-mudell Alġerin ġdid ta' tkabbir ekonomiku bbażat fuq it-tisħiħ tal-intrapriża, l-inizjattiva u l-intraprenditorija privati, fuq sħubiji pubbliċi-privati, inkluż ma' pajjiżi esteri, u fuq l-ekonomija tal-għarfien. Huwa mudell imfassal biex joħloq ekonomija li hija kompetittiva, diversifikata, endoġena, inklużiva u attraenti għal investituri esteri.

Bil-għan li jiffavorixxu l-ħolqien ta' ekonomija Alġerina diversifikata, l-UE u l-Alġerija identifikaw ukoll setturi oħra ta' kooperazzjoni possibbli permezz ta' appoġġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki, informazzjoni u esperjenzi dwar: l-iżvilupp rurali u agrikolu, is-sajd, l-ekonomija marittima, it-turiżmu (partikolarment dak sostenibbli), l-akkwist pubbliku, l-istatistika, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regolamenti tekniċi Alġerini ma' dawk tal-UE fil-qasam tal-akkreditazzjoni, tal-evalwazzjoni tal-konformità u tas-sorveljanza tas-suq, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli ta' Oriġini Preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji.

L-UE u l-Alġerija jixtiequ jħaffu l-pass tal-kooperazzjoni tagħhom dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli Alġerini ma' dawk tal-UE fis-setturi ta' prijorità identifikati mill-partijiet, u dwar l-aġġornament tal-infrastruttura ta' assigurazzjoni tal-kwalità bil-għan li jiġi nnegozjat ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta' prodotti industrijali (ACAA). Din il-ħidma tkun imfassla biex tintegra aħjar l-ekonomija Alġerina mal-katina ta' valur reġjonali u mondjali.

Fl-aħħarnett, il-partijiet jaqblu li jesploraw modi ta' kooperazzjoni sabiex jgħinu biex jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fl-Alġerija biex jingħata appoġġ għal miżuri li jippromwovu l-kompetittività, il-klima tan-negozju u l-investiment, amministrazzjoni iktar effiċjenti u governanza mtejba tal-intrapriżi tas-settur pubbliku u s-sħubiji pubbliċi-privati għall-iżvilupp tal-SMEs u l-SMIs kif ukoll attivitajiet ta' innovazzjoni.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jwaqqfu l-mekkaniżmi neċessarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-Alġerija, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskema Operatur Ekonomiku Awtorizzat, il-falsifikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, fost oħrajn dwar il-valur doganali.

B'żieda ma' dan, il-partijiet jikkonsidraw li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika tibqa' importanti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-armonizzazzjoni progressiva tas-sistemi kontabilistiċi nazzjonali.

III.   Sħubija fl-enerġija, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli

L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jiżviluppaw sħubija strateġika ta' benefiċċju reċiproku fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija. Dwar kwistjonijiet relatati mal-enerġija, l-Alġerija u l-Unjoni Ewropea huma marbuta minn interessi strateġiċi reċiproċi. L-Alġerija ilha minn żmien twil waħda mill-provvedituri tal-gass l-iktar importanti u l-iktar affidabbli tal-UE. L-UE, min-naħa tagħha, tibqa' klijent ewlieni tal-Alġerija.

Fl-għarfien li l-enerġija tibqa' waħda mill-ixprunaturi tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-UE u l-Alġerija jaffermaw mill-ġdid l-interessi strateġiċi kondiviżi tagħhom u jieħdu l-impenn li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom f'dan il-qasam fi ħdan il-qafas tad-Djalogu ta' Livell Għoli stabbilit bejn il-partijiet dwar kummerċ fl-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Fid-dawl ta' dan, il-partijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-provvista fuq terminu medju u twil u previżjonijiet ta' domanda għall-enerġija, inkluż forom ta' enerġija rinnovabbli. L-UE tibqa' wkoll lesta biex żżid l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni tal-Programm 2030 tal-Alġerija għall-Enerġija Rinnovabbli u Effiċjenza Enerġetika bil-għan li tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal konsiderevoli tal-Alġerija f'dan il-qasam.

L-Alġerija u l-UE jaqblu li jesploraw il-miżuri possibbli għal żieda fl-investiment, it-tisħiħ u l-iżvilupp ta' konnessjonijiet tal-elettriku fl-Ewropa u fil-Mediterran u l-promozzjoni ta' taħriġ u t-trasferiment tat-teknoloġija, innovazzjoni, għarfien u kompetenzi mill-UE għall-Alġerija.

Konxji dwar l-obbligi għall-ġenerazzjonijiet futuri, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jgħaqqdu din is-sħubija dwar l-enerġija ma' kooperazzjoni msaħħa dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fi u l-adattament għall-klima, bil-għan li l-Ftehim ta' Pariġi u l-kontribuzzjonijiet determinati fuq bażi nazzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-partijiet jieħdu l-impenn li jgħinu fl-integrazzjoni ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima f'politiki nazzjonali kif ukoll fil-monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni tal-emissjonijiet.

Fil-qasam tal-ambjent, il-partijiet jieħdu l-impenn li jippromwovu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tagħhom, b'mod partikolari ir-riżorsi tal-ilma, il-governanza tajba, l-integrazzjoni tal-prattiki ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħhom, is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni. Jieħdu wkoll l-impenn li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu u r-reġjun tax-xatt tal-Mediterran, kif ukoll kooperazzjoni reġjonali dwar it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran.

IV.   Djalogu dwar strateġija u sigurtà

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jippromwovu djalogu ta' strateġija u sigurtà fil-konfront tal-isfidi ta' sigurtà komuni u ta' żvilupp.

Għal bosta snin, l-Alġerija ilha tagħti kontribut ewlieni biex trawwem il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Saħel, billi tipproteġi l-fruntieri tagħha u tieħu sehem attiv fid-diplomazija bħala pajjiż ġirien: appoġġat il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja u medjazzjoni internazzjonali fil-Mali, li wassal għal ftehim ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali li issa irid jiġi implimentat.

Fid-dawl tar-rwol reġjonali li għandhom, l-Alġerija u l-UE jaqblu li jsaħħu d-djalogu sabiex jiżviluppaw is-sħubija għall-paċi u s-sigurtà, inkluż fi ħdan fora internazzjonali u reġjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana jew fi ħdan il-qafas ta' djalogi eżistenti bejn l-UE u fora bħal-Lega tal-Istati Għarab, Ewropa-Afrika, id-Djalogu 5 + 5, l-Unjoni għall-Mediterran, il-Fondazzjoni Anna Lindh u l-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu. Jieħdu wkoll l-impenn li jisfruttaw opportunitajiet għal kooperazzjoni trilaterali li tippermettilhom li jfasslu azzjonijiet konġunti biex jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċità li jirreżistu u jiġġieldu t-theddid ta' terroriżmu u jindirizzaw il-konnessjonijiet tiegħu mal-kriminalità organizzata, b'mod partikolari t-traffikar ta' droga.

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jikkonsultaw mill-qrib dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta' interess komuni bil-għan li jikkontribwixxu għar-riżoluzzjoni politika ta' kriżijiet u għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.

Fl-isforzi konġunti u sostnuti tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni fil-forom kollha tagħha, il-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' droga u traffikar ta' bnedmin, il-partijiet jieħdu l-impenn li jiżviluppaw id-djalogu tagħhom u jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari fi ħdan il-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, u l-kriminalità organizzata transnazzjonali. Din il-kooperazzjoni ser tkopri wkoll il-ġestjoni ta' riskji kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN), il-monitoraġġ ta' trasferiment leċitu ta' armi u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi, inkluż armi ħfief.

Il-partijiet jaqblu li jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u għarfien, b'mod partikolari fil-qasam taċ-ċiberkriminalità, biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija (AFRIPOL), biex jikkollegaw dan tal-aħħar mal-Europol u l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ tal-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u biex jappoġġaw iċ-Ċentru Afrikan għar-Riċerka u l-Istudju dwar it-Terroriżmu (ACSRT).

L-UE u l-Alġerija jaqblu li jimplimentaw bis-sħiħ l-arranġament amministrattiv li reċentement iffirmaw biex jipprevjenu, jħejju għal u jirrispondu għad-diżastri, kemm naturali u ta' oriġini umana, u li jirrispondu għal riskji teknoloġiċi u ekoloġiċi, b'mod partikolari billi jżommu u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ta' allarm bikri, sorveljanza, prevenzjoni, tħejjija u ġestjoni permezz ta' kooperazzjoni bejn il-korpi inkarigati mill-protezzjoni ċivili.

Il-partijiet jaqblu li jibdew jikkooperaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forza tas-servizzi doganali u tal-fruntiera Alġerini.

V.   Dimensjoni umana, Migrazzjoni u Mobbiltà

L-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jagħtu l-importanza meħtieġa għat-tisħiħ tad-dimensjoni umana fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u jaqblu li l-migrazzjoni u l-mobbiltà huma fiċ-ċentru ta' din id-dimensjoni. Jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni ta' djalogu kulturali u interreliġjuż fir-rispett ta' dak li huwa distint u differenti għal kull parti u għall-ġlieda kontra l-emerġenza tal-estremiżmu.

Konxji kif inhuma li l-flussi migratorji bejn l-UE u l-Alġerija jirrappreżentaw mhux biss opportunità sostanzjali għall-iżvilupp uman, kulturali, ekonomiku, soċjali u xjentifiku iżda wkoll sfida jekk dawn ma jiġux ikkontrollati kif xieraq, b'mod partikolari fil-kuntest reġjonali attwali, l-UE u l-Alġerija jaqblu, abbażi tal-approċċ globali, bilanċjat u miftiehem fis-summit ta' Valletta dwar il-migrazzjoni, li jkollhom djalogi regolari fil-livelli l-aktar xierqa li jkopru t-temi kollha relatati mal-mobbiltà, il-migrazzjoni u d-dritt għall-ażil.

F'dan il-kuntest, l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jeżaminaw liema miżuri jistgħu jieħdu biex progressivament itejjbu l-kundizzjonijiet ta' moviment taċ-ċittadini tagħhom u li jirriammettu, b'kont dovut għad-drittijiet tal-bniedem, dawk li l-istatus residenzjali tagħhom huwa illegali skont il-proċeduri fis-seħħ.

L-UE u l-Alġerija jipproponu wkoll li jibdew jikkooperaw fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni u, f'konformità mal-istandards nazzjonali fis-seħħ, id-drittijiet tal-ħaddiema migranti, u dwar l-iżvilupp ta' miżuri, b'mod speċjali għal persuni vulnerabbli, biex jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta' dan il-fenomenu fir-reġjuni b'pressjoni migratorja għolja.

L-UE ser tappoġġa l-isforzi tal-Alġerija biex tiġġestixxi l-flussi migratorji. Iż-żewġ partijiet jieħdu wkoll l-impenn li jaħdmu flimkien bil-għan li jimmaniġġaw il-migrazzjoni regolari u l-mobbiltà tal-individwi billi jsaħħu d-djalogu tagħhom u l-kooperazzjoni fuq materji konsulari, dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi, dwar kontroll fil-fruntieri, il-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u l-kuntrabandu tal-migranti kif ukoll isegwu politika ta' ritorn u integrazzjoni sostenibbli tal-migranti irregolari, bil-għan li titjieb is-sistema ta' protezzjoni internazzjonali u l-ażil.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jkollhom skambju f'livell xieraq dwar ir-riammissjoni b'mod parallel ma' skambju dwar l-iffaċilitar tal-viżi b'konsiderazzjoni għall-eżistenza ta' ftehimiet bilaterali f'dawn is-setturi ma' ċerti Stati Membri tal-UE.

L-UE ser tkompli tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini Alġerini stabbiliti fl-UE bi sħiħ u ser teżamina miżuri biex ir-rwol u l-kontribuzzjoni tagħhom tissaħħaħ b'mod ulterjuri għall-iżvilupp tal-Alġerija.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tad-Djalogu bejn u l-Afrika l-UE, inkluż fuq bażi trilaterali rigward it-totalità tal-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni u l-mobbiltà li l-UE u l-Alġerija jieħdu l-impenn li jiżviluppaw.

Fil-kuntest tas-summit ta' Valletta dwar il-migrazzjoni, il-ħolqien ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, li jinkludi dimensjoni dedikata għall-Afrika ta' Fuq, kif ukoll ta' inizjattivi oħra bħall-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' migrazzjoni u mobbiltà maqbula miż-żewġ partijiet.