ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 74

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
18 ta' Marzu 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data rilevanti

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

18.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/1


REGOLAMENT (UE) 2017/458 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Marzu 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data rilevanti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

It-twettiq ta’ verifiki fuq il-fruntieri esterni għadu waħda mis-salvagwardji ewlenin taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiġi garantita s-sigurtà fit-tul tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. Tali verifiki jsiru fl-interess tal-Istati Membri kollha. Wieħed mill-għanijiet ta’ tali verifiki huwa li jimpedixxu kwalunkwe theddida għas-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali theddida, inkluż fejn tali theddida tirriżulta minn ċittadini tal-Unjoni.

(2)

Bħalissal-verifiki minimi bbażati fuq verifika rapida u sempliċi tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar sabiex tinqasam il-fruntiera huma r-regola għal persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni. Il-fenomenu ta’ ġellieda terroristiċi barranin, li ħafna minnhom huma ċittadini tal-Unjoni, juri l-ħtieġa li jiġu rinforzati l-verifiki fuq il-fruntieri esterni fir-rigward ta’ persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni jkunu vverifikati sistematikament, mad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri u mal-ħruġ minnu, ma’ bażijiet ta’ data rilevanti għal dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprijati, mitlufa u invalidati sabiex ikun żgurat li tali persuni ma jaħbux l-identità vera tagħhom.

(4)

L-Istati Membri huma obbligati li jivverifikaw sistematikament iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-bażijiet ta’ data rilevanti kollha mad-dħul. Jenħtieġ li jkun żgurat li tali verifiki jitwettqu wkoll b’mod sistematiku mal-ħruġ.

(5)

Jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntieri ukoll jivverifikaw b’mod sistematiku persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u bażijiet ta’ data rilevanti oħra tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali u tal-Interpol.

(6)

Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-gwardji tal-fruntiera tagħhom ikollhom aċċess f’punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna għall-bażijiet ta’ data rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni, inklużi s-SIS u l-bażi ta’ data tal-Interpol dwar id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (“SLTD”, Stolen and Lost Travel Documents) sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Jenħtieġ li tali verifiki sistematiċi jitwettqu f’konformità sħiħa mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/399, jenħtieġ li l-Istati Membri jħaddmu persunal u riżorsi adatti u f’numri suffiċjenti biex jitwettqu verifiki sistematiċi biex jiġi evitat li tali verifiki joħolqu ħinijiet ta’ stennija sproporzjonati u jostakolaw il-fluss tat-traffiku fil-fruntieri esterni.

(9)

L-obbligu tat-twettiq ta’ verifiki sistematiċi mad-dħul u mal-ħruġ japplika għall-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Dan japplika wkoll, kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, għall-fruntieri interni tal-Istati Membri li għalihom il-verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, diġà tlestiet b’suċċess, iżda li għalihom għadha ma tteħditx id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta’ Adeżjoni rilevanti. Sabiex jiġi evitat li persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni jkunu soġġetti għal dawk il-verifiki darbtejn meta jaqsmu l-fruntieri interni ta’ dawk l-Istati Membri fuq l-art, jenħtieġ li jkun possibbli li mal-ħruġ huma jkunu soġġetti għal dawk il-verifiki fuq bażi mhux sistematika, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

(10)

L-iżviluppi teknoloġiċi għamlu possibbli, fil-prinċipju, li jiġu kkonsultati bażijiet ta’ data rilevanti b’mod li jkollu effett limitat fuq it-tul ta’ ħin tal-qsim tal-fruntiera, peress li l-verifiki kemm għad-dokumenti kif ukoll għall-persuni jistgħu jitwettqu b’mod parallel. Il-punti ta’ kontroll awtomatiċi fuq il-fruntieri jistgħu jkunu rilevanti f’dak il-kuntest. L-użu ta’ data dwar il-passiġġieri riċevuta f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (3), jew f’konformità ma’ liġi oħra tal-Unjoni jew ma’ liġi nazzjonali, jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tħaffif tal-proċess tat-twettiq tal-verifiki meħtieġa waqt il-proċess tal-qsim tal-fruntieri. Huwa għalhekk possibbli li jissaħħu l-verifiki fuq il-fruntieri esterni, mingħajr effett negattiv sproporzjonat fuq persuni li jivvjaġġaw b’rieda tajba, biex jiġu identifikati aħjar dawk il-persuni li għandhom l-intenzjoni li jaħbu l-identità vera tagħhom jew li huma soġġetti għal xi allert rilevanti għal raġunijiet ta’ sigurtà jew għall-arrest. Jenħtieġ li jsiru verifiki sistematiċi fuq il-fruntieri esterni kollha.

(11)

Madankollu, fejn it-twettiq ta’ verifiki sistematiċi fuq il-fruntieri ma’ bażijiet ta’ data jkollu impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku fil-fruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ma jwettqux dawk il-verifiki sistematiċi jekk, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji, jiġi determinat li tali laxkar ma jwassalx għal riskju tas-sigurtà. Jenħtieġ li tali valutazzjoni tar-riskji tkun trasmessa lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u tkun is-suġġett ta’ rappurtar regolari kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Aġenzija. Jenħtieġ, madankollu, li l-possibbiltà li ma jitwettqux dawk il-verifiki sistematiċi tapplika biss għal perijodu transizzjonali limitat fir-rigward tal-fruntieri tal-ajru. Fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera fejn ma jitwettqux dawk il-verifiki sistematiċi, jenħtieġ li l-identità ta’ persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar awtentiku li jkun validu għall-qsim tal-fruntiera. Għal dak il-fini, jenħtieġ li dawk il-persuni jkunu soġġetti għal verifika rapida u sempliċi tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, u tal-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontraffazzjoni jew le, fejn adatt bl-użu ta’ apparat tekniku, u, fil-każijiet fejn ikun hemm dubji dwar id-dokument tal-ivvjaġġar jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li tali persuna tista’ tirrappreżenta theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-gwardja tal-fruntiera tikkonsulta l-bażijiet ta’ data rilevanti kollha f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(12)

Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jwettaq verifiki mal-bażijiet ta’ data rilevanti fuq bażi mmirata dwar persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li huwa jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, l-Aġenzija u l-Kummissjoni mingħajr dewmien. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa proċedura għal tali notifika, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, f’konformità mal-Manwal Prattiku għall-Għassiesa tal-Fruntieri (Manwal ta’ Schengen).

(13)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (5), l-Unjoni introduċiet l-identifikaturi bijometriċi tax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ bħala karatteristika ta’ sigurtà fil-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-Istati Membri. Dawk il-karatteristiċi ta’ sigurtà ġew introdotti sabiex jagħmlu l-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar aktar sikuri u sabiex jistabbilixxu rabta affidabbli bejn id-detentur u l-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jivverifikaw tal-anqas wieħed minn dawk l-identifikaturi bijometriċi f’każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera jew dwar l-identità tad-detentur tiegħu. Jenħtieġ li l-istess approċċ japplika għal verifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, fejn possibbli.

(14)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki sistematiċi ma’ bażijiet ta’ data, jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment id-dokumenti tal-ivjaġġar li ma jkollhomx partijiet li jinqraw minn magna.

(15)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(16)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, fl-interess tagħhom stess u fl-interess tal-Istati Membri l-oħra, idaħħlu d-data fil-bażijiet ta’ data tal-Unjoni. Jenħtieġ li huma jiżguraw ukoll li d-data tkun preċiża u aġġornata u tkun inkisbet u ddaħħlet legalment.

(17)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ data b’rispons partikolarment għaż-żieda fit-theddid mit-terroriżmu, jikkonċerna waħda mis-salvagwardji taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, huwa ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri b’mod individwali, iżda pjuttost jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. L-Unjoni tista’ għalhekk tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(18)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas mhi soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(19)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (7); ir-Renju Unit għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih u jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(20)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(21)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

(22)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11) li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12).

(23)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (14).

(24)

Sa fejn jirrigwarda l-użu tas-SIS, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew inkella huwa relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament. Jenħtieġ li r-riżultati tal-mistoqsijiet fis-SIS ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE (15).

(25)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, partikolarment, mill-Karta.

(26)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/399 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Mad-dħul u mal-ħruġ, persuni li għandhom id-dritt ta’ moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-verifiki li ġejjin:

(a)

il-verifika tal-identità u n-nazzjonalità tal-persuna u tal-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, inkluż billi jkunu kkonsultati l-bażijiet ta’ data rilevanti, b’mod partikolari:

(1)

is-SIS;

(2)

il-bażi tad-data tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (‘SLTD’);

(3)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprijati, mitlufa u invalidati.

Għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom mezz ta’ ħażna kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (*1), għandha tkun ivverifikata l-awtentiċità tad-data fiċ-ċippa.

(b)

il-verifika li persuna li tgawdi d-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni mhijiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, inkluż billi jiġu kkonsultati s-SIS u bażijiet ta’ data rilevanti oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali u tal-Interpol.

Fejn ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew l-identità tad-detentur tiegħu, għandu jiġi vverifikat mill-anqas wieħed mill-identifikaturi bijometriċi integrati fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004. Fejn possibbli, tali verifika għandha titwettaq ukoll fir-rigward ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li mhumiex koperti minn dak ir-Regolament.

2a.   Fejn il-verifiki mal-bażijiet ta’ data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ikollhom impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwettaq dawk il-konsultazzjonijiet fuq bażi mmirata f’punti ta’ qsim tal-fruntiera speċifikati, wara valutazzjoni tar-riskji marbuta mal-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

L-ambitu u t-tul tat-tnaqqis temporanju tal-verifiki mmirati mal-bażijiet ta’ data ma għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament neċessarju u għandhom ikunu definiti f’konformità ma’ valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tgħid xi jkunu r-raġunijiet għat-tnaqqis temporanju tal-verifiki mmirati mal-bażijiet ta’ data, tieħu kont, fost l-oħrajn, tal-impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku u tipprovdi statistika dwar passiġġieri u inċidenti relatati ma’ reati transfruntieri. Hija għandha tkun aġġornata b’mod regolari.

Persuni li, fil-prinċipju, mhumiex soġġetti għal verifikii mmirati mal-bażijiet ta’ data, għandhom, bħala minimu, jkunu soġġetti għal verifika bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-identità tagħhom abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. Tali verifika għandha tikkonsisti minn verifika rapida u sempliċi tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, u tal-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontraffazzjoni jew le, fejn adatt bl-użu ta’ apparat tekniku, u, fil-każijiet fejn ikun hemm dubji dwar id-dokument tal-ivvjaġġar jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li tali persuna tista’ tirrappreżenta theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri, il-gwardja tal-fruntiera għandha tikkonsulta l-bażijiet ta’ data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jittrasmetti l-valutazzjoni tar-riskju tiegħu u l-aġġornamenti tagħha lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (‘l-Aġenzija’), stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), mingħajr dewmien u għandu jirrapporta kull sitt xhur lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar l-applikazzjoni tal-verifiki mal-bażijiet ta’ data mwettqa fuq bażi mmirata. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li jikklassifika l-valutazzjoni tar-riskju jew partijiet minnha.

2b.   Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jwettaq verifiki mmirati mal-bażijiet ta’ data skont il-paragrafu 2a, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li jikklassifika n-notifika jew partijiet minnha.

Fejn l-Istati Membri, l-Aġenzija jew il-Kummissjoni jkollhom tħassib dwar l-intenzjoni ta’ twettiq ta’ verifiki mmirati mal-bażijiet ta’ data, huma għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru inkwistjoni dwar dak it-tħassib mingħajr dewmien. L-Istat Membru inkwistjoni għandu jieħu kont ta’ dak it-tħassib.

2c.   Il-Kummissjoni għandha, sat-8 ta’ April 2019, tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tal-paragrafu 2.

2d.   Fir-rigward tal-fruntieri tal-ajru, il-paragrafi 2a u 2b għandhom japplikaw għal perijodu transizzjonali massimu ta’ sitt xhur mis-7 ta’ April 2017.

F’każijiet eċċezzjonali, fejn, f’ajruport partikolari, ikun hemm diffikultajiet infrastrutturali speċifiċi li jeħtieġu perjodu ta’ żmien itwal biex isiru l-adattamenti biex jippermettu t-twettiq ta’ verifiki sistematiċi mal-bażijiet ta’ data mingħajr ma dan ikollu impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku, il-perjodu transizzjonali ta’ sitt xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jiġi estiż għal dak l-ajruport partikolari b’massimu ta’ 18-il xahar f’konformità mal-proċedura speċifikata fit-tielet subparagrafu.

Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu, sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu transizzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu, jinnotifika lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-diffikultajiet infrastrutturali speċifiċi fl-ajruport ikkonċernat, il-miżuri previsti biex jirrimedjawhom u l-perjodu ta’ żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħhom.

Fejn jeżistu diffikultajiet infrastrutturali speċifiċi li jeħtieġu perjodu itwal għal adattamenti, il-Kummissjoni, fi żmien xahar mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fit-tielet subparagrafu u wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, għandha tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat biex itawwal il-perjodu transizzjonali għall-ajruport ikkonċernat u, fejn rilevanti, għandha tistabbilixxi t-tul ta’ tali estensjoni.

2e.   Il-verifiki mal-bażijiet ta’ data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 jistgħu jitwettqu minn qabel abbażi ta’ data dwar il-passiġġieri riċevuta f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (*3) jew f’konformità ma’ liġi oħra tal-Unjoni jew ma’ liġi nazzjonali.

Fejn dawk il-verifiki jitwettqu minn qabel abbażi ta’ tali data dwar il-passiġġieri, id-data riċevuta minn qabel għandha tiġi vverifikata fil-punt tal-qsim tal-fruntiera mad-data fid-dokument tal-ivvjaġġar. L-identità u n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, għandhom jiġu vverifikati wkoll.

2f.   B’deroga mill-paragrafu 2, persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni u li jaqsmu l-fruntieri interni fuq l-art tal-Istati Membri li għalihom il-verifika, f’konformità mal-proċeduri tal-evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, diġà tlestiet b’suċċess, iżda li għalihom għadha ma tteħditx id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta’ Adeżjoni rilevanti, jistgħu jkunu soġġetti għall-verifiki mal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 2 biss fuq bażi mhux sistematika, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

(*1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1)."

(*2)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1)."

(*3)  Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).”;"

(2)

il-punt (a)(i) u (ii) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-verifika tal-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u tal-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, inkluż billi jkunu kkonsultati l-bażijiet ta’ data rilevanti, b’mod partikolari:

(1)

is-SIS;

(2)

il-bażi tad-data SLTD tal-Interpol;

(3)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprijati, mitlufa u invalidati.

Għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom mezz ta’ ħażna, l-awtentiċità tad-data fiċ-ċippa għandha tiġi vverifikata, soġġett għad-disponibbiltà ta’ ċertifikati validi.

(ii)

il-verifika li d-dokument tal-ivvjaġġar huwa akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew il-permess ta’ residenza meħtieġa.”;

(3)

il-punt (a)(vi) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vi)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, il-mezz ta’ trasport tiegħu jew tagħha u l-oġġetti li jinġarru minnu jew minnha ma jkunux ser jipperikolaw il-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri. Tali verifika għandha tinkludi konsultazzjoni diretta tad-data u l-allerti dwar persuni u, fejn meħtieġ, oġġetti li jinsabu fis-SIS u bażijiet ta’ data rilevanti oħra, u l-azzjoni li għandha tittieħed, jekk ikun hemm, bħala riżultat ta’ allert. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali u tal-Interpol.”;

(4)

il-punt (g)(i) u (ii) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-verifika tal-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u tal-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, inkluż billi jkunu kkonsultati l-bażijiet ta’ data rilevanti, b’mod partikolari:

(1)

is-SIS;

(2)

il-bażi ta’ data SLTD tal-Interpol;

(3)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprijati, mitlufa u invalidati.

Għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom mezz ta’ ħażna, l-awtentiċità tad-data fiċ-ċippa għandha tiġi vverifikata, soġġett għad-disponibbiltà ta’ ċertifikati validi.”;

(5)

il-punt (g)(iii) tal-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx meqjus bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, inkluż billi jkunu kkonsultati s-SIS u bażijiet ta’ data rilevanti oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali u tal-Interpol.”;

(6)

jitħassar il-punt (h)(iii) tal-paragrafu 3;

(7)

fil-paragrafu 3, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(ia)

il-verifiki mal-bażijiet ta’ data msemmija fil-punt (a)(i) u (vi) u fil-punt (g) jistgħu jitwettqu minn qabel abbażi ta’ data dwar il-passiġġieri riċevuta f’konformità mad-Direttiva 2004/82/KE jew ma’ liġi oħra tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali.

Fejn dawk il-verifiki jitwettqu minn qabel abbażi ta’ tali data dwar il-passiġġieri, id-data riċevuta minn qabel għandha tiġi vverifikata fil-punt tal-qsim tal-fruntiera mad-data fid-dokument tal-ivvjaġġar. L-identità u n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, għandhom jiġu vverifikati wkoll;

(ib)

fejn ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, il-verifiki, fejn possibbli, għandhom jinkludu l-verifika ta’ mill-anqas wieħed mill-identifikaturi bijometriċi integrati fid-dokumenti tal-ivvjaġġar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

I. BORG


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2017.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(7)  IdDeċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(9)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(11)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(13)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).