ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 33

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
8 ta' Frar 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/207 tat-3 ta' Ottubru 2016 dwar il-qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni li jsir provvediment għalih fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/208 tal-31 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal flussi ta' ħruġ ta' likwidità addizzjonali li jikkorrispondu għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni ( 1 )

14

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/209 tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

16

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/210 tas-7 ta' Frar 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi u endo-1,3(4)-beta-glukanażi prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov DSM 26702 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tal-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Adisseo France S.A.S.) ( 1 )

19

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/211 tas-7 ta' Frar 2017 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) bħala addittiv tal-għalf għat-tjur, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer għat-tismin u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1259/2004, (KE) Nru 1206/2005, u (KE) Nru 322/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 516/2007 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Beldem, diviżjoni ta' Puratos NV) ( 1 )

23

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/212 tas-7 ta' Frar 2017 li jaħtar il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti supplimentari għal dan il-laboratorju u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

27

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/213 tas-7 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

31

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/207

tat-3 ta' Ottubru 2016

dwar il-qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni li jsir provvediment għalih fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 55(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex il-Kummissjoni tingħata sostenn fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u tar-Regolamenti Speċifiċi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2 tiegħu, u sabiex tkun tista' ssir analiżi integrata fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom isegwu approċċ uniformi, safejn ikun possibbli, meta jkunu qegħdin jagħmlu attivitajiet ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni.

(2)

L-esperti tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Istati Membri kkooperaw mal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-indikaturi komuni tar-riżultat u tal-impatt, li għandhom jintużaw biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u tar-Regolamenti Speċifiċi. Dawn l-indikaturi jikkumplimentaw il-lista ta' indikaturi komuni li ssir referenza għalihom fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (3) u l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(3)

L-esperti tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Istati Membri kkooperaw mal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' mistoqsijiet komuni ta' evalwazzjoni għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali implimentati mill-Istati Membri. Il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55(3) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

(4)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u b'hekk huma marbuta b'dan ir-Regolament.

(5)

Id-Danimarka mhix marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014, u lanqas b'dan ir-Regolament, u mhix soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kull Stat Membru għandu jinnomina, fi ħdan l-Awtorità Responsabbli, koordinatur b'funzjonijiet ta' monitoraġġ u evalwazzjoni u għandu jiddefinixxi l-kompiti tiegħu.

Il-koordinaturi tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom, permezz ta' netwerking iffaċilitat mill-Kummissjoni:

(a)

jiskambjaw għarfien espert dwar l-aħjar prassi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(b)

jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u kkumplimentati minn dan ir-Regolament;

(c)

jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali kif stabbilit fl-Artikoli 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u kkumplimentati minn dan ir-Regolament; kif ukoll

(d)

jikkollaboraw mal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat dokument li jipprovdi gwida dwar kif għandha ssir l-evalwazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Artikolu 2

1.   Ir-rapporti ta' evalwazzjoni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 għandhom isegwu l-mudell li għandu jiġi żviluppat mill-Kummissjoni, li jkun jinkludi l-mistoqsijiet ta' evalwazzjoni stipulati fl-Anness I u fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapporti ta' evalwazzjoni għandhom jużaw l-indikaturi stabbiliti fl-Annessi III u IV. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-definizzjoni, is-sors u l-bażi tal-indikaturi elenkati fl-Annessi III u IV fid-dokument li jipprovdi gwida dwar kif għandhom isiru l-evalwazzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 56(3) tar-Regolmant (UE) Nru 514/2014.

3.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta' evalwazzjoni permezz tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' dejta (“SFC2014”) stabbilita bl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2014 (5).

4.   Skont l-Artikolu 12(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-Awtorità Responsabbli għandha tikkonsulta lill-kumitat ta' monitoraġġ dwar ir-rapporti ta' implimentazzjoni annwali u dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti ta' evalwazzjoni qabel mad-dokumenti jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmula fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni ta' kriżi u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93)..

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2014 tal-24 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi mudelli għal programmi nazzjonali u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tas-sistema tal-iskambju tad-dejta elettronika bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 22).


ANNESS I

Il-lista tal-mistoqsijiet għar-rapporti ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, dwar il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Effikaċja

(1)

Sa liema punt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (“il-Fond”) laħaq l-objettivi definiti fir-Regolament (UE) Nru 516/2014?

(a)

Kif ikkontribwixxa l-Fond għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha?

(i)

Xi progress sar lejn it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-proċeduri tal-ażil, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(ii)

Xi progress sar lejn it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iii)

Xi progress sar fil-kisba tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-qafas legali tad-direttiva dwar l-ikkwalifikar (u l-modifiki sussegwenti tagħha), u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iv)

Xi progress sar lejn it-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri biex jiżviluppaw, jissorveljaw u jevalwaw il-politiki u l-proċeduri tagħhom tal-ażil, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(v)

Xi progress sar biex jiġu stabbiliti, żviluppati u implimentati l-programmi u l-istrateġiji nazzjonali ta' sistemazzjoni mill-ġdid, u ta' programmi oħra ta' ammissjoni umanitarja, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(b)

Kif ikkontribwixxa l-Fond biex tiġi appoġġata l-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħalma huma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-integrità tas-sistemi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll tiġi mħeġġa l-integrazzjoni effettiva taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi?

(i)

Xi progress sar biex jingħata sostenn lill-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri f'konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħalma huma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(ii)

Xi progress sar fil-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iii)

Xi progress sar fis-sostenn tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, bl-għan li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-sistemi tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iv)

Xi progress sar għat-tisħiħ tal-kapaċità ta' integrazzjoni u ta' migrazzjoni legali fl-Istati Membri, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(c)

Il-Fond kif ikkontribwixxa fit-titjib ta' strateġiji ġusti u effettivi ta' ritorn fl-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, b'enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-ritorn u tar-riammissjoni effettiva fil-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu?

(i)

Xi progress sar għas-sostenn tal-miżuri li jakkumpanjaw il-proċeduri tar-ritorn, u l-Fond kif ikkontribwixxa biex isir il-progress?

(ii)

Xi progress sar għall-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri tar-ritorn (volontarju u bil-forza), u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iii)

Xi progress sar fit-titjib tal-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri u/jew mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi dwar il-miżuri ta' ritorn, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-progress?

(iv)

Xi progress sar fit-tisħiħ tal-kapaċità tar-ritorn, u kif ikkontribwixxa l-Fond biex isir dan il-proress?

(d)

Kif ikkontribwixxa l-Fond għat-titjib tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari lejn dawk l-aktar milquta mill-flussi migratorji u tal-ażil, inkluż permezz tal-kooperazzjoni prattika?

(i)

Il-Fond kif ikkontribwixxa għat-trasferiment tal-applikanti għall-ażil (ir-rilokazzjoni skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (1) u (UE) 2015/1601 (2))?

(ii)

Il-Fond kif ikkontribwixxa għat-trasferiment ta' benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri?

(e)

Kif ikkontribwixxa l-Fond biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza debitament sostanzjati li jkunu jirrikjedu azzjoni urġenti?

(i)

X'tip ta' azzjonijiet ta' emerġenza ġew implementati?

(ii)

L-azzjonijiet ta' emerġenza implimentati taħt il-Fond kif ikkontribwew biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti tal-Istat Membru?

(iii)

X'kienu r-riżultati prinċipali tal-azzjonijiet ta' emerġenza?

Effiċjenza (L-objettivi ġenerali tal-Fond intlaħqu bi spiża raġonevoli?)

(2)

Sa liema punt ir-riżultati tal-Fond intlaħqu bi spiża raġjonevoli f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi finanzjarji u umani użati? Liema miżuri ġew stabbiliti sabiex jiġu evitati, jinqabdu, irrappurtati u segwiti każijiet ta' frodi u irregolaritajiet oħra, u kemm kienu effikaċi?

Relevanza (L-objettivi tal-interventi ffinanzjati mill-Fond jikkorrispondu għall-ħtiġijiet reali?)

(3)

L-objettivi stabbiliti mill-Istat Membru fil-programm nazzjonali rrispondew għall-ħtiġijiet identifikati? L-objettivi stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma Annwali (l-Azzjonijiet tal-Unjoni) kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali? L-objettivi stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali (l-Assistenza ta' Emerġenza) kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet reali? Liema miżuri stabbilixxa l-Istat Membru biex jindirizza l-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu?

Koerenza (L-objettivi stabbiliti fil-programm nazzjonali tal-Fond kienu koerenti ma' dawk stabbiliti fi programmi oħra ffinanzjati minn riżorsi tal-UE u li japplikaw għal oqsma simili ta' xogħol? Ġiet żgurata wkoll koerenza waqt l-implimentazzjoni tal-Fond?)

(4)

Saret valutazzjoni ta' interventi oħrajn b'objettivi simili, u din ittieħdet inkonsiderazzjoni waqt l-istadju ta' pprogrammar? Ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, bejn il-Fond u interventi oħrajn b'objettivi simili, għall-perjodu ta' implimentazzjoni? L-azzjonijiet implimentati permezz tal-Fond kienu koerenti ma' interventi oħrajn b'objettivi simili mingħajr ma jikkontradixxuhom?

Komplimentarjetà (L-objettivi stabbiliti fil-programm nazzjonali u l-azzjonijiet korrispondenti implimentati kienu kumplimentari għal dawk stabbiliti fil-qafas ta' politiki oħrab'mod partikolari dawk segwiti mill-Istat Membru)?

(5)

Saret valutazzjoni ta' interventi oħrajn b'objettivi kumplimentari, u din ittieħdet inkonsiderazzjoni waqt l-istadju ta' pprogrammar? Ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-Fond u interventi oħrajn b'objettivi simili biex tiġi żgurata l-kumplimentarità tagħhom għall-perjodu ta' implimentazzjoni? Il-mekkaniżmi kienu maħsubin biex jevitaw id-duplikazzjoni ta' strumenti finanzjarji stabbiliti?

Il-valur miżjud tal-UE (Inkiseb xi valur miżjud permezz tal-appoġġ tal-UE?)

(6)

Liema huma t-tipi ewlenin ta' valur miżjud li jirriżultaw mis-sostenn tal-Fond (il-volum, l-ambitu, ir-rwol, il-proċedura)? Kienu l-Istati Membri jwettqu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-politiki tal-UE f'oqsma tal-Fond mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Fond? X'kienu jkunu l-konsegwenzi l-aktar probabbli li kieku twaqqaf l-appoġġ ipprovdut mill-Fond? Sa liema punt l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond irriżultaw f'benefiċċju fil-livell tal-Unjoni?

Sostenibbiltà (Huwa probabbli li l-effetti pożittivi tal-proġetti ffinanzjat mill-Fond jibqgħu jinħassu anki meta l-appoġġ mill-Fond jintemm?)

(7)

X'kienu l-miżuri ewlenija adottati mill-Istat Membru biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti implimentati bl-appoġġ tal-Fond (kemm fl-istadju ta' pprogrammar kif ukoll dak ta' implimentazzjoni)? Ġew stabbiliti mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat il-kontroll tas-sostenibbiltà fl-istadju ta' pprogrammar u ta' implimentazzjoni? Sa liema punt huwa mistenni li r-riżultati u l-benefiċċji tal-azzjonijiet appoġġati mill-Fond ikomplu jinħassu wara dan?

Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv (Ġew issimplifikati l-proċeduri ta' ġestjoni tal-Fond, u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji tiegħu?)

(8)

Il-proċeduri innovattivi introdotti mill-Fond (l-għażla tal-ispejjeż issimplifikati, l-ipprogrammar multiannwali, ir-regoli nazzjonali ta' eliġibbiltà, aktar programmi nazzjoni komprensivi li jippermettu l-flessibbiltà) wasslu għal simplifikazzjoni, għall-benefiċjarji tal-Fond?


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).


ANNESS II

Lista ta' domandi ta' evalwazzjoni għar-rapporti ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, għall-Fond għas-Sigurtà Interna, kif issir referenza għalihom fl-Artikoli 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Effettività

(1)

X'kien il-kontribut tal-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”) għall-kisba tal-objettiv ġenerali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 515/2014?

(a)

X'kien il-kontribut tal-Fond għall-kisba tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

 

Is-sostenn għal politika komuni dwar il-viżi biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu;

 

L-għoti ta' servizzi ta' kwalità għolja għal min japplika għal viża;

 

L-iżgurar ta' trattament ugwali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kif ukoll

 

It-trattament tal-migrazzjoni illegali?

(i)

Liema progress sar lejn il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(ii)

Liema progress sar lejn l-iżgurar ta' kopertura konsulari u ta' prattiċi armonizzati aħjar fil-ħruġ tal-viżi bejn l-Istati Membri, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iii)

Liema progress sar lejn l-iżgurar tal-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar il-viżi u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iv)

Liema progress sar lejn il-kontribuzzjoni mill-Istati Membri fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw f'pajjiżi terzi għar-rigward tal-flussi ta' ċittadin ta' pajjiż terz lejn it-territorju tal-Istati Membri, inkluż il-prevenzjoni u t-trattament tal-immigrazzjoni llegali, kif ukoll tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(v)

Liema progress sar lejn is-sostenn tal-politka komuni dwar il-viżi bl-istabbiliment u l-użu ta' sistemi tal-IT, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-apparat tagħhom, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(vi)

Liema kien il-kontribut tas-sostenn operattiv li huwa stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 lejn il-kisba tal-objettiv speċifiku dwar il-politika komuni dwar il-viża?

(b)

X'kien il-kontribut tal-Fond għall-kisba tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

 

Is-sostenn ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluża l-promozzjoni ta' aktar armonizzazzjoni ta' miżuri li jolqtu l-ġestjoni tal-fruntieri skont standards komuni tal-Unjoni u permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea?

 

L-iżgurar, minn naħa, ta' livell għoli u uniformi tal-kontroll u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż permezz tat-trattament tal-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, tal-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni f'konformità mal-acquis ta' Schengen, filwaqt li tiġi ggarantita l-protezzjoni internazzjonali għal dawk li jkollhom bżonnha, skont l-obbligi kkuntrattati mill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bil-prinċipju ta' non-refoulement?

(i)

Liema progress sar lejn il-promozzjoni tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' politiki li għandhom l-iskop li jiġi żgurat in-nuqqas ta' xi kontrolli fuq il-persuni meta jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri interni, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(ii)

Liema progress sar lejn it-twettiq ta' kontrolli fuq il-persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iii)

Liema progress sar biex gradwalment tiġi stabbilita sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni, abbażi tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iv)

Liema progress sar lejn l-iżgurar tal-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(v)

Liema progress sar lejn il-kontribut għat-tisħiħ ta' għarfien tas-sitwazzjoni fil-fruntieri estertni u l-kapaċitajiet ta' reazzjoni tal-Istati Membri, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(vi)

Liema progress sar lejn l-istabbiliment u t-tmexxija ta' sistemi tal-IT, l-infrastruttura tagħhom ta' komunikazzjoni u l-apparat li jsostnu l-kontrolli fil-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri fil-fruntieri esterni, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progressu?

(vii)

Liema progress sar lejn servizzi ta' sostenn lill-Istati Membri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ssostanzjati kif dovut, li jkunu jirrikjedu azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni, u x'kontribut ingħata mill-Assistenza ta' Emerġenza għall-ksib ta' dan il-progress? X'tip ta' azzjonijiet ta' emerġenza ġew implementat? L-azzjonijiet ta' emerġenza implimentati taħt il-Fond kif ikkontribwew fl-indirizzar tal-ħtiġijiet urġenti tal-Istat Membru? X'kienu r-riżultati prinċipali tal-azzjonijiet ta' emerġenza?

(viii)

Liema kien il-kontribut tas-sostenn operattiv li huwa stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 lejn il-kisba tal-objettiv speċifiku fejn tidħol il-ġestjoni tal-fruntieri?

(2)

X'kien il-kontribut tal-Fond għall-kisba tal-objettiv ġenerali kif definit fir-Regolament (UE) Nru 513/2014?

(a)

X'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

 

Il-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali, serja u organizzata, inkluż it-terroriżmu?

 

It-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet nazzjonali oħrajn tal-Istati Membri, inkluż mal-Europol jew korpi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, u ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti?

(i)

Liema progress sar lejn il-ksib tar-riżultati mistennija fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, serja u organizzata, inkluż it-terroriżmu u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni reċiproka tagħhom f'dan il-qasam, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(ii)

Liema progress sar lejn l-iżvilupp tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni amministrattiva u operattiva fost l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-Europol jew entitajiet tal-Unjoni rilevanti oħrajn u, fejn xieraq, ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iii)

Liema progress sar lejn l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ, bħal dawk rigward il-ħiliet tekniċi u professjonali u l-għarfien tal-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' taħriġ tal-UE, inkluż permezz ta' programmi ta' skambju speċifiċi tal-Unjoni dwar l-infurzar tal-liġi, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iv)

Liema progress sar biex jiġu stabbiliti miżuri, mekkaniżmi ta' salvagwardja u l-aħjar prassi, għall-identifikazzjoni u s-sostenn ta' xhieda u ta' vittmi tal-kriminalità, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(b)

X'kien il-kontribut tal-Fond biex titjieb il-kapaċità tal-Istati Membri biex jimmaniġġaw b'mod effettiv ir-riskji u l-kriżijiet relatati mas-sigurtà u biex jipproteġu lill-persuni u lill-infrastruttura kritika kontra attakki terroristiċi u inċidenti oħra relatati mas-sigurtà?

(i)

Liema progress sar biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u operazzjonali tal-Istati Membri biex tiġi protetta l-infrastruttura kritika fis-setturi kollha tal-attività ekonomika, inkluż permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati u ta' titjib fil-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni, l-iskambju u t-tixrid ta' kompetenzi u esperjenza fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjiżi terzi rilevanti, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(ii)

Liema progress sar lejn l-istabbiliment ta' konnessjonijiet sikuri u ta' koordinazzjoni effettiva bejn atturi eżistenti speċifiċi għas-setturi fit-twissija bikrija u l-kooperazzjoni waqt kriżi fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

(iii)

Liema progress sar biex titjieb il-kapaċità amministrattiva u operazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jiżviluppaw valutazzjonijiet komprensivi tat-theddid u tar-riskju, u x'kien il-kontribut tal-Fond għall-ksib ta' dan il-progress?

Effiċjenza (L-objettivi ġenerali tal-Fond inkisbu b'kost raġonevoli?)

(3)

Sa liema punt inkisbu b'kost raġjonevoli r-riżultati mistennija tal-Fond f'dak li għandu x'jaqsam ma' riżorsi finanzjarji u umani użati? Liema miżuri ttieħdu għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, ir-rappurtar u s-segwitu ta' każijiet ta' frodi u irregolaritajiet oħra, u dawn kif marru?

Relevanza (L-objettivi tal-interventi ffinanzjati mill-Fond jikkorrispondu għall-ħtiġijiet reali?)

(4)

L-objettivi stabbiliti mill-Istati Membri fil-programmi nazzjonali tagħhom rrispondew għall-ħtiġijiet identifikati? L-objettivi stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali (l-azzjonijiet tal-Unjoni) kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali? L-objettivi stabbiliti fil-programm ta' ħidma annwali (l-assistenza ta' Emerġenza) kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali? Liema miżuri stabbiliixa l-Istat Membru biex jindirizza ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu?

Koerenza (L-objettivi stabbiliti fil-programm nazzjonali kienu koerenti ma' dawk stabbiliti fi programmi oħra ffinanzjati minn riżorsi tal-UE u li japplikaw f'oqsma simili ta' ħidma? Il-koerenza ġiet żgurata wkoll waqt l-implimentazzjoni tal-Fond?)

(5)

Saret valutazzjoni ta' interventi oħrajn b'objettivi simili, u din ittieħdet f'kunsiderazzjoni fl-istadju ta' pprogrammar? Ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn il-Fond u interventi oħrajn b'għanijiet simili għall-perjodu ta' implimentazzjoni? L-azzjonijiet implimentati permezz tal-Fond kienu koerenti ma' interventi oħrajn b'għanijiet simili, u mingħajr kontradizzjoni magħhom?

Komplimentarjetà (L-objettivi stabbiliti fil-programm nazzjonali u l-azzjonijiet korrispondenti implimentati kienu kumplimentari għal dawk stabbiliti fil-qafas ta' politiki oħrab'mod partikolari dawk segwiti mill-Istat Membru?)

(6)

Saret valutazzjoni ta' interventi oħrajn b'objettivi kumplimentari u din ittieħdet f'kunsiderazzjoni fl-istadju ta' pprogrammar? Ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn il-Fond u interventi oħrajn b'objettivi simili għall-perjodu ta' implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata l-kumplimentarjetà tagħhom għall-perjodu ta' implimentazzjoni? Il-mekkaniżmi kienu maħsubin biex jevitaw duplikazzjoni ta' strumenti finanzjarji stabbiliti?

Valur miżjud tal-UE (Inkiseb xi valur miżjud permezz tal-appoġġ tal-UE?)

(7)

Liema huma t-tipi ewlenin ta' valur miżjud li jirriżultaw mis-sostenn tal-Fond (il-volum, l-ambitu, ir-rwol, il-proċess)? L-Istati Membri kienu jkunu jistgħu jwettqu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-politiki tal-UE fl-oqsma sostnuti mill-Fond mingħajr is-sostenn finanzjarju tiegħu? X'ikunu l-aktar konsegwenzi probabbli ta' interruzzjoni tas-sostenn ipprovdut mill-Fond? Sa liema punt l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond irriżultaw f'benefiċċju fil-livell tal-Unjoni? X'kien il-valur miżjud tas-sostenn operattiv?

Sostenibbiltà (Huwa probabbli li l-effetti pożittivi tal-proġetti sostnuti mill-Fond jibqgħu jinħassu meta s-sostenn tiegħu jintemm?)

(8)

X'kienu l-miżuri ewlenija adottati mill-Istat Membru biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti implimentati b'sostenn tal-Fond (kemm fl-istadju ta' pprogrammar kif ukoll dak ta' implimentazzjoni)? Ġew stabbiliti mekkaniżmi biex ikun hemm żgur kontroll ta' sostenibbiltà fl-istadju ta' pprogrammar u ta' implimentazzjoni? Sa liema punt huwa mistenni li r-riżultati u l-benefiċċji tal-azzjonijiet sostnuti mill-Fond ikomplu jinħassu wara dan? Liema miżuri ttieħdu sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet imwettqa bis-saħħa tas-sostenn operattiv?

Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv (Ġew issimplifikati l-proċeduri ta' ġestjoni tal-Fond, u l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji tiegħu tnaqqsu?)

(9)

Il-proċeduri innovattivi introdotti mill-Fond (l-għażla ssimplifikata tal-kosti, l-ipprogrammar pluriennali, ir-regoli nazzjonali ta' eliġibbiltà, aktar programmi nazzjonali komprensivi li jippermettu l-flessibbiltà, l-appoġġ operattiv u l-Iskema Speċjali ta' Tranżitu għal-Litwanja) wasslu għal simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fond?


ANNESS III

Lista ta' indikaturi komuni tar-riżultat u tal-impatt għar-rapporti ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Indikaturi għall-evalwazzjoni tal-objettivi speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 516/2014

1.   L-indikaturi skont l-objettivi speċifiċi

(a)

It-tisħiħ u l-iżvilupp tal-aspetti kollha tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha.

(i)

l-għadd ta' postijiet alterati għall-minorenni mhux akkumpanjati sostnuti mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (il-Fond), apparagun tal-għadd totali ta' postijiet alterati għall-minorenni mhux akkumpanjati;

(ii)

l-għadd ta' kawżi pendenti ta' prim'istanza, skont it-tul ta' żmien;

(iii)

il-proporzjon tas-sentenzi pożittivi finali fl-istadju tal-appell;

(iv)

l-għadd ta' persuni fis-sistema ta' akkoljenza (l-ammont fi tmiem il-perjodu tar-rapportar).

(v)

l-għadd ta' persuni fis-sistema ta' akkoljenza apparagun tal-għadd ta' applikanti għall-ażil;

(vi)

l-għadd ta' postijiet ta' akkomodazzjoni alterati għall-minorenni mhux akkumpanjati apparagun tal-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati;

(vii)

il-konverġenza tar-rati ta' rikonoxximent ta' prim'istanza/tal-aħħar istanza mill-Istati Membri għall-applikanti għall-ażil mill-istess pajjiż terz.

(b)

L-appoġġ għall-migrazzjoni legali lejn l-Istati Membri f'konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, bħalma huma l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-sistemi ta' immigrazzjoni tal-Istati Membri, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effettiva ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi:

(i)

il-proporzjon ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu rċevew status ta' residenza għal perjodu twil minn fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kollha;

(ii)

ir-rata tal-impjiegi: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti;

(iii)

ir-rata tal-qgħad: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti;

(iv)

ir-rata ta' attività: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti;

(v)

il-proporzjon ta' persuni li jieqfu mill-iskola u mit-taħriġ qabel iż-żmien: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti;

(vi)

il-proporzjon ta' dawk li għandhom bejn it-30 u l-34 sena b'livell edukattiv terzjarju: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti;

(vii)

il-proporzjon tal-popolazzjoni fir-riskju ta' faqar soċjali jew ta' esklużjoni soċjali: id-differenza bejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti.

(c)

It-titjib ta' strateġiji ta' ritorn ġusti u effettivi fl-Istati Membri li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali b'enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-ritorn u r-riammissjoni effettiva fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-transitu:

(i)

l-għadd ta' tneħħijiet appoġġjati mill-Fond, apparagun tal-għadd totali ta' persuni li jirritornaw wara ordni ta' tkeċċija;

(ii)

l-għadd ta' persuni mibgħuta lura fil-qafas tal-operazzjonijiet konġunti tar-ritorn appoġġati mill-Fond apparagun tal-għadd totali ta' persuni li jirritornaw appoġġjati mill-Fond;

(iii)

l-għadd ta' persuni mibgħuta lura li rċevew assistenza għar-riintegrazzjoni ta' qabel jew ta' wara r-ritorn ikkofinanzjata mill-Fond, appargun tal-għadd totali ta' persuni li jirritornaw b'mod volontarju appoġġjati mill-Fond;

(iv)

l-għadd ta' postijiet f'ċentri ta' detenzjoni maħluqa/rinnovati b'appoġġ mill-Fond, apparagun tal-għadd totali ta' postijiet fiċ-ċentri ta' detenzjoni;

(v)

l-għadd ta' persuni li jirritornaw wara ordni ta' tkeċċija apparagun tal-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu ordnati jitilqu;

(vi)

id-deċiżjonijiet ta' ritorn meħuda fir-riward ta' applikanti għall-ażil miċħuda;

(vii)

kemm-il persuna effettivament tirritorna mill-applikanti għall-ażil miċħuda.

2.   L-indikaturi dwar l-effiċjenza, il-valur miżjud u s-sostenibbiltà, kif previsti fir-Regolament (UE) Nru 514/2014

(d)

Għall-kejl u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza, il-valur miżjud u s-sostenibbiltà:

(i)

l-Għadd ta' Ekwivalenti ta' Ingaġġ Tull-Time fl-Awtorità Responsabbli, fl-Awtorità Delegata u fl-Awtorità tal-Awditjar, li jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-AMIF u mħallsin mill-assistenza teknika jew mill-baġits nazzjonali, apparagun tal-għadd ta' proġetti implimentati u tal-ammont ta' finanzjament mitlub għas-sena finanzjarja;

(ii)

l-assistenza teknika flimkien mal-ispejjeż (indiretti) amministrattivi tal-proġetti apparagun tal-ammont ta' finanzjament mitlub għas-sena finanzjarja;

(iii)

ir-rata ta' assorbiment tal-Fond.


ANNESS IV

Lista ta' indikaturi komuni tar-riżultati u tal-impatt għar-rapporti ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif issir referenza għalihom fl-Artikoli 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014

Indikaturi għall-evalwazzjoni tal-objettivi speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 513/2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u r-Regolament (UE) Nru 515/2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża

1.   Indikaturi b'objettivi speċifiċi

(a)

Is-sostenn ta' politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu, jingħata livell għoli ta' servizz lill-applikanti għall-viżi u jiġi żgurat trattament ugwali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u tiġi ttrattata l-migrazzjoni illegali:

(i)

l-għadd ta' missjonijiet ta' evalwazzjoni ta' Schengen fil-qasam tal-viża li saru bis-sostenn tal-Fond għas-Sigurtà Interna (“il-Fond”);

(ii)

l-għadd ta' rakkomandazzjonijiet ta' evalwazzjoni ta' Schengen fil-qasam tal-viża indirizzati bis-sostenn tal-Fond, kif imqabbel mal-għadd totali ta' rakkomandazzjonijiet maħruġa;

(iii)

l-għadd ta' persuni li qegħdin jużaw dokumenti tal-ivjaġġar foloż li nqabdu f'konsulati sostnuti mill-Fond;

(iv)

l-għadd ta' applikanti għall-viża li jkollhom japplikaw għal viża ta' Schengen barra mill-pajjiż tagħhom ta' reżidenza;

(v)

l-għadd ta' pajjiżi li jirrekjedu l-viża fid-dinja fejn l-għadd ta' Stati Membri preżenti jew irrappreżentati żdied.

(b)

Is-sostenn tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż il-promozzjoni ulterjuri tal-armonizzazzjoni tal-miżuri marbuta mal-ġestjoni tal-fruntieri skont l-istandards komuni tal-Unjoni u permezz tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (“il-Frontex”), sabiex jiġi żgurat, minn naħa livell uniformi u għoli ta' kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni, inkluż billi tiġi ttrattata l-immigrazzjoni illegali u, min-naħa l-oħra, il-qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni skont l-acquis ta' Schengen, filwaqt li jiġi ggarantit l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali għal dawk li jkollhom bżonnha, skont l-obbligi kkuntratati mill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju tan-non-refoulement:

(i)

l-għadd ta' missjonijiet ta' evalwazzjoni ta' Schengen fil-qasam tal-fruntieri li saru bis-sostenn tal-Fond;

(ii)

l-għadd ta' rakkomandazzjonijiet ta' evalwazzjoni ta' Schengen fil-qasam tal-fruntieri indirizzati bis-sostenn tal-Fond, kif imqabbel mal-għadd totali ta' rakkomandazzjonijiet maħruġa;

(iii)

l-għadd ta' biċċiet ta' apparat użati waqt Operazzjonijiet Koordinati ta' Frontex li nxtraw bis-sostenn tal-Fond kif imqabbel mal-għadd totali ta' biċċiet ta' apparat użati waqt Operazzjonijiet Koordinati ta' Frontex;

(iv)

l-għadd ta' qsim irregolari tal-fruntiera li nqabad fil-fruntieri esterni tal-UE a) bejn il-punti tal-qsim tal-fruntiera; b) fil-punti tal-qsim tal-fruntiera;

(v)

l-għadd ta' tfittxijiet fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) II;

(vi)

l-għadd ta' persuni li qegħdin jużaw dokumenti tal-ivjaġġar foloż li jkunu nqabdu fil-punti ta' qsim tal-fruntieri.

(c)

Il-prevenzjoni tal-kriminalità, il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, serja u organizzata inkluż it-terroriżmu, u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet nazzjonali oħrajn tal-Istati Membri, inkluż mal-Europol jew korpi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, u ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti:

(i)

ir-riżultati ta' azzjonijiet sostnuti mill-Fond li jwasslu biex jitħarbtu gruppi li jwettqu kriminalità organizzata;

(ii)

l-għadd/il-valur ta' assi kriminali ffriżati, maħtufa u kkonfiskati bħala riżultat ta' azzjonijiet fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 513/2014;

(iii)

l-għadd ta' offiżi rreġistrati mill-pulizija, suspettati, prosekuzzjonijiet u sentenzi finali li jirriżultaw minn azzjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 513/2014;

(iv)

il-kwantità ta' drogi maqbuda fi ħdan l-ambitu tal-Fond dwar il-kriminalità organizzata;

(v)

l-għadd ta' vittmi tal-kriminalità protetti jew assistiti;

(vi)

il-volum tal-iskambju ta' informazzjoni fi ħdan il-qafas ta' Prüm (abbażi tal-kejl tal-għadd totali ta' qbil pożittiv ta' DNA kull sena; l-għadd totali ta' qbil pożittiv ta' marki tas-swaba' kull sena; l-għadd totali ta' qbil pożittiv ta' dejta ta' reġistrazzjoni tal-vetturi kull sena);

(vii)

il-volum tal-iskambju tal-informazzjoni fil-qafas tal-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA) (abbażi tal-kejl ta' każijiet ta' SIENA inizjati kull sena mill-Istati Membri, il-Europol u partijiet terzi; messaġġi SIENA skambjati kull sena mill-Istati Membri, il-Europol u partijiet terzi);

(viii)

il-volum ta' dejta kondiviża permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Europol (EIS) (abbażi tal-kejl tal-għadd ta' persuni u oġġetti mdaħħla fl-EIS mill-Istati Membri kull sena; l-għadd ta' persuni u oġġetti mdaħħla fl-EIS mill-Istati Membri kull sena (suspettati, sentenzi finali); l-għadd ta' tfittxijiet bl-EIS li saru mill-Istati Membri kull sena).

(d)

It-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jiġġestixxu b'mod effettiv riskji u kriżijiet relatati mas-sigurtà, u t-tħejjija kontra attakki terroristiċi u inċidenti oħra marbuta mas-sigurtà, u l-protezzjoni tan-nies kontrihom:

(i)

il-volum ta' attakki terrorostiċi (abbażi tal-kejl ta' attakki li fallew, li ġew evitati u li twettqu; l-għadd ta' dawk li weġġgħu jew mietu f'attakki terroristiċi).

2.   Indikaturi dwar l-effiċjenza, il-valur miżjud u s-sostenibbiltà, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 514/2014

(e)

Għall-kejl u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza, il-valur miżjud u s-sostenibbiltà:

(i)

l-għadd ta' ekwivalenti full-time fl-Awtorità Responsabbli, l-Awtorità Delegata u l-Awtorità tal-Verifika li jkunu qegħdin jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Fond u li jkunu mħallsa mill-assistenza teknika jew mill-baġits nazzjonali kif imqabbel mal-għadd ta' proġetti implimentati u l-ammont tal-fondi għas-sena finanzjarja;

(ii)

l-assistenza teknika flimkien mal-kost amministrattiv (indirett) tal-proġetti kif imqabbel mal-ammont ta' fondi li jkunu mitluba għas-sena finanzjarja;

(iii)

ir-rata ta' assorbiment tal-Fond;

(iv)

l-għadd ta' apparat użat sentejn (2) wara l-akkwist tiegħu/l-għadd ta' apparat akkwistat bil-Fond (> aktar minn EUR 10 000);

(v)

is-sehem tal-kost ta' manutenzjoni ta' apparat akkwistat bil-Fond fil-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għal azzjonijiet ikkofinanzjati mill-Fond.


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/208

tal-31 ta' Ottubru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal flussi ta' ħruġ ta' likwidità addizzjonali li jikkorrispondu għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari r-raba' sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom iżidu fluss 'il barra (fluss ta' ħruġ) addizzjonali li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet kollaterali li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet ta' derivati, it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament u kuntratti oħra tal-istituzzjoni jekk ikunu materjali. Minħabba kunsiderazzjonijiet ta' materjalità, hemm urġenza li jkun speċifikat fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi tal-istituzzjoni, filwaqt li l-materjalità tal-ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament u kuntratti oħrajn tal-istituzzjoni se jiġu kkunsidrati fi stadju segwenti.

(2)

Ladarba l-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirreferi għall-ħtiġijiet kollaterali, ir-regoli li għandhom jiddaħħlu jenħtieġ li jkunu ristretti għal tranżazzjonijiet derivattivi li huma kollateralizzati, inklużi dawk li jimmaturaw fi żmien 30 jum.

(3)

Sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi għas-swieq tad-derivattivi u l-istituzzjonijiet, il-kalkolu tal-flussi ta' ħruġ ta' kollateral addizzjonali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Approċċ Storiku għall-bidliet fil-valwazzjonijiet tas-suq żviluppat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (“BCBS”) għall-iddeterminar ta' dawn il-flussi ta' ħruġ ta' kollateral addizzjonali, li għal dik il-fini juża l-akbar fluss ta' ħruġ jew ta' dħul nett kumulattiv aggregat ta' kollateral fit-tmiem il-perjodi kollha ta' 30 jum matul l-24 xahar preċedenti fil-livell tal-portafoll.

(4)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) issottomettiet abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni. Madankollu, f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni infurmat lill-EBA dwar l-intenzjoni tagħha li ma tapprovax dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, u spjegat ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' approvazzjoni. L-EBA reġgħet issottomettiet l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji fl-għamla ta' opinjoni formali u aċċettat l-approċċ propost mill-Kummissjoni bbażat strettament fuq l-Approċċ Storiku tal-BCBS.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji kif sottomessi mill-ġdid mill-EBA lill-Kummissjoni.

(6)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Materjalità tat-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

1.   It-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati materjali għall-finijiet tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'dawk il-każijiet li fihom it-total tal-ammonti nozzjonali ta' tali tranżazzjonijiet ikun qabeż l-10 % tal-flussi ta' ħruġ netti ta' likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'kull waqt fis-sentejn preċedenti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-flussi ta' ħruġ netti ta' likwidità għandhom jiġu kkalkulati mingħajr il-fluss ta' ħruġ addizzjonali msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Kalkolu ta' fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

1.   Il-fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni kkunsidrati materjali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, għandu jkun l-akbar fluss nett assolut ta' kollateral fuq 30 jum matul l-24 xahar ta' qabel id-data tal-kalkolu tar-rekwiżit tal-kopertura ta' likwidità msemmi fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   L-istituzzjonijiet jistgħu jittrattaw il-flussi ta' dħul u ta' ħruġ tat-tranżazzjonijiet fuq bażi netta, biss meta dawn ikunu eżegwiti taħt l-istess ftehim prinċipali ta' netting. Il-fluss nett assolut ta' kollateral għandu jkun ibbażat fuq il-fluss kemm ta' ħruġ kif ukoll ta' dħul irrealizzat, u n-netting għandu jiġi kkalkulat fil-livell ta' portafoll tal-istituzzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/209

tat-2 ta' Frar 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Tliet oġġetti ppakkjati flimkien għal bejgħ bl-imnut:

(a)

mazz tal-karti li jikkonsisti minn bejn wieħed u ieħor 75 folja ta' karti vojta (l-aħħar folja fiha d-dettalji tal-kuntatt fejn jistgħu jinkisbu mazzi tal-karti li jissostitwixxu oħrajn) b'daqs ta' bejn wieħed u ieħor 8 × 14-il cm. Il-folji huma mwaħħla permezz tal-kolla fil-parti ta' fuq, u huma mtaqqbin sabiexwieħed ikun jista' jaqla' l-folji individwali. Il-parti ta' wara u l-parti żgħira ta' quddiem huma miksija bil-kartun.

(b)

ħowlder tal-mazz tal-karti b'daqs ta' bejn wieħed u ieħor 32 × 10 cm, magħmul minn folji tal-plastik rinfurzat bil-kartun fuq ġewwa. Il-parti tal-kartun tal-mazz tal-karti hija mdaħħla f'inċiżjoni fil-ħowlder. Il-ħowlder, li jista'jintewa' sabiex jgħatti l-mazz tal-karti, fih ukoll pocket ta' plastik trasparenti fil-parti ta' fuq u ċirku ta' materjali tessili elastiċi sabiex iżommu bajrow;

(c)

bajrow irqiqa tal-plastik b'tul ta' bejn wieħed u ieħor 10 cm tiddaħħal fiċ-ċirku tessili.

(Ara l-istampa) (*1).

4820 10 30

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 4820 , 4820 10 u 4820 10 30 .

L-oġġetti jikkonsistu minn prodotti ppreżentati bħala sett għal bejgħ bl-imnut fit-tifsira ta' GIR 3(b). Il-mazz tal-karti għandu r-rwol essenzjali fir-rigward tal-użu tas-sett, li hu li jipprovdi karti għall-kitba għal notazzjonijiet qosra jew messaġġi. Il-ħowlder għandu sempliċiment ir-rwol ta' envelop sabiex jipproteġi lill-mazz tal-karti milli jitħammeġ jew jitgħaffeġ Minħabba l-karatteristiki oġġettivi tagħha (daqs, disinn u valur), il-bajrow tal-plastik mhijiex komponent essenzjali mis-sett. Kwalunkwe bajrow jew lapes jistgħu jintużaw għall-kitba fil-mazz tal-karti. Għaldaqstant, il-mazz tal-karti jagħti l-karattru essenzjali lis-sett.

Il-mazz tal-karti huwa kklassifikat taħt l-intestatura 4820 , li tkopri kotba għan-noti u mazzi tal-karti ta' kull tip (ara n-Noti ta' Spjega tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 4820 , l-ewwel paragrafu, (1)).

Konsegwentement, is-sett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 4820 10 30 bħala “kotba għan-noti, mazzi folji tal-ittri u mazzi tal-memorandum”.

Image

(*1)  L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/210

tas-7 ta' Frar 2017

dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi u endo-1,3(4)-beta-glukanażi prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov DSM 26702 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tal-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Adisseo France S.A.S.)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8 u endo-1,3(4)-beta-glukanażi EC 3.2.1.6 prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8 u endo-1,3(4)-beta-glukanażi EC 3.2.1.6 prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tal-bajd li għandu jiġi klassifikat fil-kategorija ta' “addittivi żootekniċi”.

(4)

L-użu ta' dak il-preparat kien awtorizzat għal għaxar snin għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd u għal speċijiet minuri ta' tjur tas-simna u li jiġu mrobbija għall-bajd bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/661 (2) u għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani għat-tnissil bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2304 (3).

(5)

Fl-opinjoni tagħha tal-25 ta' Mejju 2016 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li skont il-kundizzjonijiet proposti dwar l-użu, il-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8 u endo-1,3(4)-beta-glukanażi EC 3.2.1.6 prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702 ma għandux effett avvers fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent, u li jtejjeb il-prestazzjoni tat-tiġieġ tal-bajd. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8 u endo-1,3(4)-beta-glukanażi EC 3.2.1.6 prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702 turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dak il-preparat għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparat speċifikat fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/661 tat-28 ta' April 2015 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi u endo-1,3(4)-beta-glukanażi prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov.IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov DSM 26702 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd u għal speċijiet minuri ta' tjur tas-simna u li jiġu mrobbija għall-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Adisseo France S.A.S.) (ĠU L 110, 29.4.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2304 tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-endo-1,4-beta-ksilanażi u tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi prodott minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov DSM 26702 bħala addittiv fl-għalf għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani għat-tnissil (detentur tal-awtorizzazzjoni Adisseo France S.A.S.) (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 39).

(4)  EFSA Journal 2016; 14(6):4510.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

Unitajiet ta' attività/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà

4a22

Adisseo France S.A.S.

Endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8

u

Endo-1,3(4)-beta-glukanażi EC 3.2.1.6

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) u endo-1,3(4)-beta-glukanażi (EC 3.2.1.6) prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702 b'attività minima ta':

forma solida: endo-1,4-beta-ksilanażi 22 000 VU/g u endo-1,3(4)-beta-glukanażi 15 200 VU (1)/g;

forma likwida: attività ta' 5 500 VU/ml ta' endo-1,4-beta-ksilanażi, u ta' 3 800  VU/ml ta' endo-1,3(4)-beta-glukanażi.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) u endo-1,3(4)-beta-glukanażi (EC 3.2.1.6) prodotti minn Talaromyces versatilis sp. nov. IMI CC 378536 u Talaromyces versatilis sp. nov. DSM 26702.

Metodu analitiku  (2)

Għall-kwantifikazzjoni tal-attività ta' endo-1,4-beta-ksilanażi:

metodu viskosimetriku bbażat fuq tnaqqis ta' viskożità prodott b'azzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi fuq is-substrat li fih il-ksilan (arabinoksilan tal-qamħ).

Għall-kwantifikazzjoni tal-attività tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi:

metodu viskosimetriku bbażat fuq tnaqqis ta' viskożità prodott b'azzjoni tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi fuq il-betaglukan tax-xgħir tas-substrat tal-glukan b'pH = 5,5 u 30 °C.

Tiġieġ tal-bajd

Endo-1,4-beta-ksilanażi 1 100 VU

Endo-1,3(4)-beta-glukanażi 760 VU

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta minn qabel, indika l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt il-proċess ta' tgerbib.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali tal-użu tiegħu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għal-livelli minimi tagħhom bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs u dik tal-ġilda.

It-28 ta' Frar 2027


(1)  l VU (unità viskosimetrika) hija l-ammont ta' enżima li jidrolizza s-substrat (betaglukan tax-xgħir u arabinoksilan tal-qamħ, rispettivament), biex b'hekk inaqqas il-viskożità tas-soluzzjoni, biex ikun hemm bidla fil-fluwidità relattiva ta' 1 (unità bla dimensjoni)/min b'30 °C u b'pH ta' 5,5.

(2)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/211

tas-7 ta' Frar 2017

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) bħala addittiv tal-għalf għat-tjur, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer għat-tismin u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1259/2004, (KE) Nru 1206/2005, u (KE) Nru 322/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 516/2007 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Beldem, diviżjoni ta' Puratos NV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) ġie awtorizzat mingħajr limitu ta' żmien f'konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/2004 (3), għall-ħnienes miftuma bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1206/2005 (4), għall-ħnieżer għat-tismin u d-dundjani għat-tismin bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 516/2007 (5) u għat-tiġieġ tal-bajd bir-Regolament (KE) Nru 322/2009 (6). Sussegwentement, dak il-preparat iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, dak il-preparat kien awtorizzat ukoll għal għaxar snin għall-papri bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 242/2007 (7).

(3)

F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 b'mod konġunt mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) bħala addittiv tal-għalf għat-tjur, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer għat-tismin. L-applikant talab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”. Ma' din l-applikazzjoni ntbagħtu wkoll id-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-13 ta' Lulju 2016 (8), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) ma għandux effett avvers fuq saħħet l-annimali, saħħet il-bniedem jew l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-użu tal-preparat għandu l-potenzjal li jkun effikaċi fit-tiġieġ għat-tismin, fit-tiġieġ tal-bajd, fil-ħnienes miftuma u fil-ħnieżer għat-tismin. Din il-konklużjoni tista' tiġi estiża għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u t-tiġieġ għat-tnissil. L-Awtorità qieset ukoll li l-konklużjonijiet dwar l-effikaċja jistgħu jiġu estrapolati għal speċijiet minuri ta' tjur għat-tismin, għat-tnissil u għall-bajd. L-Awtorità mhijiex tal-fehma li jinħtieġu rekwiżiti speċifiċi biex isir monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Dwar id-dundjani għat-tismin l-awtorità kkonkludiet ukoll li żewġ studji jipprovdu evidenza li hemm effett pożittiv fuq il-piż finali tal-ġisem u fuq l-proporzjon għalf/ksib ta' piż. Studju ieħor li wera proporzjon aktar sinifikanti ta' għalf/ksib ta' piż, kif diġà evalwat u aċċettat fl-evalwazzjoni preċedenti għall-awtorizzazzjoni, ma tqiesx bħala wieħed sinifikanti mill-Awtorità. Peress li dawn l-evidenzi ġew iġġudikati bħala indikazzjoni sostanzjali tat-titjib tal-parametri żootekniċi, flimkien mal-istorja twila ta' użu, tqies li d-dejta pprovduta tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-turija tal-effikaċja tal-addittiv b'rabta mad-dundjani għat-tismin.

(6)

Il-valutazzjoni tal-preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis (LMG-S 15136) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dan il-preparat għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1259/2004, (KE) Nru 1206/2005, u (KE) Nru 322/2009 għandhom jiġu emendati skont dan. Ir-Regolament (KE) Nru 516/2007 għandu jitħassar.

(8)

Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li ġġib magħha l-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Il-preparat speċifikat fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emenda fir-Regolament (KE) Nru 1259/2004

L-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1259/2004 huwa mħassar.

Artikolu 3

Emenda fir-Regolament (KE) Nru 1206/2005

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1206/2005, titħassar l-entrata E 1606 endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8).

Artikolu 4

Emenda fir-Regolament (KE) Nru 322/2009

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 322/2009 huwa mħassar.

Artikolu 5

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 516/2007 huwa mħassar.

Artikolu 6

Miżuri tranżitorji

Il-preparat speċifikat fl-Anness, u l-għalf li jkun fih dak il-preparat, li huma prodotti u ttikkettati qabel it-28 ta' Awwissu 2017 skont ir-regoli applikabbli qabel it-28 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

Artikolu 7

Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1259/2004 tat-8 ta' Lulju 2004 dwar l-awtorizzazzjonijiet permanenti ta' ċerti addittivi diġà awtorizzati fl-għalf tal-bhejjem (ĠU L 239, 9.7.2004, p. 8).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1206/2005 tas-27 ta' Lulju 2005 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni permanenti ta' ċerti addittivi fl-għalf (ĠU L 197, 28.7.2005, p. 12).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 516/2007 tal-10 ta' Mejju 2007 dwar l-awtorizzazzjoni permanenti ta' addittiv fl-għalf (ĠU L 122, 11.5.2007, p. 22).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 322/2009 tal-20 ta' April 2009 li jikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet permanenti ta' ċerti addittivi fl-għalf (ĠU L 101, 21.4.2009, p. 9).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 242/2007 tas-6 ta' Marzu 2007 rigward l-awtorizzazzjoni tal-endo-1,4-beta xylanase EC 3.2.1.8 (Belfeed B1100MP u Belfeed B1100ML) bħala addittiv fl-għalf (ĠU L 73, 13.3.2007, p. 1).

(8)  EFSA Journal 2016; 14(9):4562


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

Unitajiet ta attività/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà.

4a1606i

Beldem, id-diviżjoni Puratos NV.

Endo-1,4-beta-ksilanażi EC 3.2.1.8

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta' endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis LMG-S 15136 li fih attività minima ta' 400 IU (1)/g

Forma solida u forma likwida.

Tjur

10 IU

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta minn qabel, indika l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt il-proċess ta' tgerbib.

2.

Għall-użu fi ħnienes miftuma b'piż tal-ġisem ta' sa 35 kg.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali tal-użu tiegħu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għall-minimu bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs.

it-28 ta' Frar 2027

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodott minn Bacillus subtilis LMG-S 15136

Ħnienes miftuma

10 IU

Metodu analitiku  (2)

Għall-kwantifikazzjoni tal-attività tal-ksilanażi fl-addittiv tal-għalf:

metodu kolorimetriku li jkejjel iz-zokkor riduċenti rilaxxat bl-azzjoni tal-ksilanażi fuq is-substrat tal-ksilan tal-injam tal-betula fil-preżenza ta' aċidu 3,5-dinitrosaliċiliku (DNS).

Għall-kwantifikazzjoni tal-attività tal-ksilanażi fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf:

metodu kolorimetriku li jkejjel il-kolorant li jinħall fl-ilma rilaxxat bl-azzjoni tal-ksilanażi minn substrati ta' qamħ tal-arabinoksilan retikolat bl-azzurina.

Ħnieżer għat-tismin

10 IU


(1)  1 IU jikkorrispondi għall-ammont ta' enżima li jillibera 1 micromole ta' zokkor riduċenti (ekwivalenti tal-ksilożju) minn ksilan tal-injam tal-betula fil-minuta f'pH ta' 4,5 u 30 °C.

(2)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/212

tas-7 ta' Frar 2017

li jaħtar il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, li jistabbilixxi responsabbiltajiet u kompiti supplimentari għal dan il-laboratorju u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (l-UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament.

(2)

S'issa għad m'hemmx laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom ikopru l-oqsma tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u tas-saħħa tal-annimali fejn huma meħtieġa riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi. It-tifqigħat tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar iwasslu għall-ħtieġa ta' riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi.

(3)

Fit-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet sejħa għall-applikazzjonijiet biex tagħżel u taħtar laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar. Il-laboratorju magħżul “Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD)” għandu jinħatar bħala laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

(4)

Barra mill-funzjonijiet u d-dmirijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju magħżul għandu jiġi assenjat ċerti kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi. Dawn jikkonċernaw b'mod partikolari l-kollaborazzjoni bejn il-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri biex jappoġġaw il-funzjonijiet tagħhom u jipprovdu metodi ottimi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

(5)

Għalhekk il-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD), Montpellier, Franza jinħatar bħala laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.

Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti supplimentari ta' dak il-laboratorju huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, qed jiżdied il-punt 20 li ġej:

“20.

Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar

“Centre de coopération internationale en recherche agronomique pour le développement (CIRAD)”

TA A-15/G,

Campus International de Baillarguet

34398 Montpellier Cedex

Franza”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar

Barra mill-funzjonijiet u d-dmirijiet ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-UE fis-settur tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju ta' referenza tal-UE għall-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar għandu jkollu r-responsabbiltajiet u l-kompiti li ġejjin:

1.

li jiżgura l-kollaborazzjoni bejn il-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri u jipprovdi metodi ottimi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar fil-bhejjem, speċifikament billi:

(a)

jagħmel tipizzazzjoni u karatterizzazzjoni antiġenika u ġenomika, jagħmel analiżi filoġenetika tal-vajrusijiet (ir-relazzjoni tagħhom ma' razez oħrajn tal-istess vajrus) u jaħżen ir-razez tal-vajrus tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar biex iħaffef is-servizzi ta' dijanjożi fl-Unjoni u, fejn ikun rilevanti u meħtieġ, pereżempju, biex ikun hemm segwitu epidemjoloġiku jew verifika ta' xi dijanjożi;

(b)

jibni u jżomm kollezzjoni aġġornata ta' razez u iżolati tal-vajrusijiet tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar u seri speċifiċi u reaġenti oħra kontra l-marda meta u jekk ikunu disponibbli;

(c)

jarmonizza d-dijanjożi u jiżgura ttestjar b'ħila fl-Unjoni bl-organizzazzjoni u t-tħaddim ta' provi komparattivi perjodiċi bejn il-laboratorji u eżerċizzji tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterni dwar id-dijanjożi ta' din il-marda fil-livell tal-Unjoni u bit-tixrid perjodiku tar-riżultati ta' provi bħal dawn lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali kkonċernati;

(d)

iżomm għarfien espert dwar din il-marda li jippermetti dijanjożi divrenzjali rapida, b'mod partikolari minn ma' mard virali rilevanti ieħor;

(e)

iwettaq studji ta' riċerka bl-għan li jiżviluppa metodi mtejba ta' kontroll tal-mard, f'kollaborazzjoni mal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għal din il-marda, u kif miftiehem mill-Kummissjoni;

(f)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar aspetti xjentifiċi marbutin mal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar u, b'mod partikolari, dwar l-għażla u l-użu tal-varjetajiet tal-vaċċin tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar;

2.

li jappoġġa l-funzjonijiet tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali tal-Istati Membri maħtura għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, partikularment billi:

(a)

jaħżen u jipprovdi seri standard u reaġenti oħra ta' referenza, bħall-vajrusijiet, l-antiġeni inattivati u l-linji taċ-ċelloli, lil dawn il-laboratorji, biex ikunu standardizzati t-testijiet dijanjostiċi u r-reaġenti użati f'kull Stat Membru fejn ikunu meħtieġa l-identifikazzjoni tal-aġent u/jew l-użu ta' testijiet seroloġiċi;

(b)

jgħin b'mod attiv fid-dijanjożi tal-mard b'rabta mas-suspett u l-konferma ta' tifqigħat fi Stati Membri billi jirċievi iżolati tal-vajrusijiet tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar għall-finijiet ta' dijanjożi konfermatorja, tal-karatterizzazzjoni tal-vajrus u tal-għoti ta' kontribut għall-investigazzjonijiet u l-istudji epidemjoloġiċi. Huwa għandu jibgħat ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri u lil-laboratorji ta' referenza nazzjonali kkonċernati;

3.

li jagħti l-informazzjoni u jwettaq taħriġ ulterjuri, partikolarment billi:

(a)

jiffaċilita l-provvista tat-taħriġ, ta' korsijiet ta' aġġornament u ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-benefiċċju tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għad-dijanjożi tal-peste des petis ruminants u tal-esperti fid-dijanjostika fil-laboratorju bl-għan li jkun hemm armonizzazzjoni tat-tekniki dijanjostiċi għal din il-marda madwar l-Unjoni;

(b)

jipparteċipa f'fora internazzjonali li jikkonċernaw, b'mod partikolari, l-istandardizzazzjoni tal-metodi analitiċi għal din il-marda u l-implimentazzjoni tagħhom;

(c)

jikkollabora mal-laboratorji kompetenti rilevanti ta' pajjiżi terzi fejn din il-marda hija prevalenti li mhumiex Stati Membri tal-UE fir-rigward ta' metodi għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar;

(d)

jeżamina mill-ġdid, waqt il-laqgħa annwali tal-laboratorji ta' referenza nazzjonali maħtura għad-dijanjożi tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar, ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-ittestjar stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (l-OIE) fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u fil-Manwal ta' Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri;

(e)

jgħin lill-Kummissjoni fir-rieżami tar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u fil-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini tal-Annimali Terrestri;

(f)

iżomm ruħu aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fl-epidemjoloġija tal-pesta tal-annimali ruminanti ż-żgħar.


8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/213

tas-7 ta' Frar 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

125,6

TN

311,6

TR

151,5

ZZ

196,2

0707 00 05

MA

81,3

TR

187,9

ZZ

134,6

0709 91 00

EG

181,2

ZZ

181,2

0709 93 10

MA

109,8

TR

223,6

ZZ

166,7

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

40,2

IL

80,7

MA

48,4

TN

56,6

TR

77,1

ZZ

60,6

0805 21 10 , 0805 21 90 , 0805 29 00

EG

91,5

IL

133,7

JM

112,4

MA

89,6

TR

83,0

ZZ

102,0

0805 22 00

IL

88,5

MA

96,1

ZZ

92,3

0805 50 10

EG

85,5

TR

89,1

ZZ

87,3

0808 10 80

CN

139,4

US

205,0

ZZ

172,2

0808 30 90

CL

181,7

CN

112,8

TR

154,0

ZA

98,4

ZZ

136,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.