|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 361 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 59 |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. Din il-harga taghlaq is-serje L ghall-2016. |
II Atti mhux leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
|
31.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 361/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2395
tal-5 ta' Awwissu 2016
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32619 (2012/C (ex 2011/N)) innotifikata mir-Renju ta' Spanja għall-kumpens ta' ċerti spejjeż għal-liberazzjoni tad-dividend diġitali
(notifikata bid-dokument C(2016) 4886)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lil partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
|
(1) |
Fil-5 ta' Lulju 2011 l-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar żewġ miżuri ta' għajnuna mill-Istat. Il-Miżura I kienet tirrigwarda sussidji għar-residenti ta' binjiet kollettivi li, sabiex jibqgħu jirċievu l-kanali li jittrażmettu bla ħlas (Free-to-air, “FTA”) (2) li s'issa kienu jiġu mxandra fuq il-banda 790-862 MHz (“800 MHz”), kellhom jaġġornaw l-infrastruttura eżistenti tagħhom tat-Televiżjoni Diġitali Terrestri (Digital Terrestrial Television — “DTT”) jew jaqilbu għal pjattaforma oħra tal-għażla tagħhom. Il-Miżura II kienet tipprovdi kumpens lix-xandara pubbliċi u privati għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba l-obbligu li jxandru simultanjament waqt il-proċess tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali (3) (“simulcast”). |
|
(2) |
Wara skambji bil-miktub mal-awtoritajiet Spanjoli dwar il-miżuri nnotifikati, fil-25 ta' April 2012 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (4) li ma toġġezzjonax għal Miżura I u li tagħti bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) b'rabta mal-Miżura II kemm fir-rigward tax-xandara pubbliċi kif ukoll dawk privati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (“id-Deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta' Lulju 2012 (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni. |
|
(3) |
L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ permezz tal-ittri datati d-29 ta' Ġunju 2012, it-12 ta' Diċembru 2012 u s-6 ta' Ġunju 2013. Barra minn hekk kien hemm żewġ telekonferenzi organizzati mal-awtoritajiet Spanjoli: l-ewwel waħda fl-24 ta' Ġunju 2013 u t-tieni waħda fit-3 ta' Ġunju 2014. Barra minn hekk saru tliet laqgħat magħhom: l-ewwel waħda f'Ġunju 2014, it-tieni waħda f'Diċembru 2014 u t-tielet waħda f'Marzu 2015. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand Abertis Telecom (6) (“Abertis”) permezz tal-ittra datata s-7 ta' Awwissu 2012, mingħand Sociedad Gestora de Televisión NET TV (“NET TV”) permezz tal-ittra datata l-14 ta' Awwissu 2012, mingħand Broadcast Networks Europe (“BNE”) permezz tal-ittra datata s-17 ta' Awwissu 2012, mill-Unjoni Ewropea tax-Xandir (“EBU”) permezz tal-ittri datati l-20 ta' Awwissu 2012 u l-21 ta' Ġunju 2013, u finalment mingħand SES Astra (“Astra”) permezz tal-ittri datati d-19 ta' Awwissu 2012 u t-30 ta' Ottubru 2012. Matul l-investigazzjoni saru bosta telekonferenzi u laqgħat: bejn il-Kummissjoni u l-EBU f'Ġunju u f'Diċembru 2013 u f'Ġunju u f'Diċembru 2014, u bejn il-Kummissjoni u Astra f'Ġunju, f'Lulju u f'Diċembru 2013 u f'April u f'Novembru 2014. L-awtoritajiet Spanjoli bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti ta' Astra fit-12 ta' Diċembru 2012. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Settembru 2014 l-awtoritajiet Spanjoli rtiraw in-notifika dwar il-kumpens tal-ispejjeż tax-xandir simultanju mġarrba mix-xandara pubbliċi (iżda mhux mix-xandara privati). Huma informaw lill-Kummissjoni li d-Digriet Irjali 677/2014 dwar l-għoti ta' għotjiet diretti lix-xandara pubbliċi kellu l-għan li jkopri l-kumpens imsemmi fuq il-bażi tal-kunċett ta' Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (“SIEĠ”). Id-Digriet ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' Spanja (7) fis-6 ta' Awwissu 2014 (8). |
|
(6) |
L-awtoritajiet Spanjoli ma ssottomettew ebda emenda oħra għan-notifika dwar il-Miżura II. |
|
(7) |
Peress li l-awtoritajiet Spanjoli rtiraw il-parti tal-Miżura II li kienet tirrigwarda lix-xandara pubbliċi f'Settembru 2014, il-proċedura ta' investigazzjoni formali rigward dik il-parti ta' Miżura II saret mingħajr skop. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali dwar dik il-parti ta' Miżura II. Din id-deċiżjoni tkopri esklussivament il-kumpens innotifikat tal-ispejjeż tax-xandir simultanju lix-xandara privati (“Miżura”). |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
2.1. Kuntest
|
(8) |
Għan importanti tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (9) huwa li jitgawdew il-benefiċċji tad-Dividend Diġitali bl-użu ta' broadband bla fili biex tiġi żgurata l-kopertura taż-żoni kollha, inklużi r-reġjuni mbiegħda u rurali, u għalhekk huwa parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 (10). Biex jibnu n-netwerks bla fili tagħhom, l-operaturi mobbli jeħtieġu frekwenzi tar-radju skarsi sabiex jittrażmettu s-sinjali tagħhom. Jekk fl-Istati Membri dawn il-frekwenzi jkunu okkupati minn netwerks tat-televiżjoni terrestri, ix-xandara terrestri jridu jiġu trasferiti jew fuq pjattaforma ta' trażmissjoni oħra (broadband, kejbil jew satellita) jew fuq frekwenza oħra (mhux użata) fl-ispettru disponibbli adattat għal dan il-għan. Fl-2009, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi kollha tax-xandir televiżiv terrestri ma jibqgħux jużaw it-teknoloġija tat-trażmissjoni analoga u jappoġġjaw l-isforzi regolatorji biex il-banda ta' frekwenza siewja ta' 800Mhz tkun magħmula disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dan il-proċess jissejjaħ il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali (11) u jirrigwarda biss lis-servizzi tax-xandir televiżiv terresti. |
|
(9) |
Il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali tiġġenera spejjeż ta' tranżizzjoni għax-xandara terrestri li jinkludu spejjeż għax-xandir simultanju tas-sinjal fuq il-baned ta' frekwenza l-qodma u l-ġodda. (12) |
2.2. Il-politika Ewropea dwar il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali
|
(10) |
Fil-passat is-settur tax-xandir għadda minn bidliet kbar minħabba l-introduzzjoni ta' teknoloġiji diġitali. B'paragun mat-televiżjoni analoga, it-trażmissjoni diġitali tat-televiżjoni tipprovdi għal użu aħjar tal-ispettru tal-frekwenzi skarsi, u għalhekk għal aktar kanali tat-televiżjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2003 dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali (13) enfasizzat il-benefiċċji tal-qlib għax-xandir diġitali u fetħet id-dibattitu dwar l-orjentazzjonijiet tal-politika tal-UE dwar kwistjonijiet bħall-ammont ta' spettru li għandu jiġi liberat u l-użu futur tiegħu. |
|
(11) |
Il-bidla mix-xandir analogu għal dak diġitali wassal għal-liberazzjoni ta' parti tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju (“FR”) li sa dak iż-żmien kienet tintuża għax-xandir tat-televiżjoni. Din kienet possibbli bis-saħħa taż-żieda fl-effiċjenza tat-teknoloġija diġitali meta mqabbla ma' dik analoga. Il-parti liberata tal-ispettru li rriżultat minn dan it-titjib ġiet imsejħa “Dividend Diġitali”. |
|
(12) |
Il-ftehimiet internazzjonali, bħal dawk li ġew miftiehma fil-Konferenza Internazzjonali (RRC-06) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) f'Ġunju 2006 u l-Konferenza Dinjija tal-UIT dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-07) f'Novembru 2007, ikkonkludew dwar l-allokazzjoni koprimarja tal-banda 800 MHz għas-servizzi mobbli b'żieda mas-servizzi tax-xandir u dawk fissi (14). Madankollu, fuq il-bażi tal-allokazzjoni preċedenti ta' dawn il-frekwenzi lis-servizzi tax-xandir waqt l-ippjanar bikri tal-bidla mit-teknoloġija analoga għal dik diġitali ċerti Stati Membri, bħal Spanja, ma kkunsidrawx il-possibbiltà li jużaw mill-ġdid l-ispettru liberat ta' 800 MHz għal servizzi oħrajn minbarra x-xandir terrestri. |
|
(13) |
Lejn l-aħħar tal-2007, fid-dawl taż-żieda globali fid-domanda għall-ispettru tal-FR u tat-teknoloġiji aktar effiċjenti, il-Kummissjoni studjat il-possibbiltajiet u l-potenzjal enormi, kemm kummerċjali kif ukoll f'termini ta' innovazzjoni u tkabbir, li d-Dividend Diġitali seta' joffri kieku kellu jintuża sabiex jipprovdi servizzi ta' komunikazzjoni elettronika avvanzata. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tgawdija tal-benefiċċji kollha tad-Dividend Diġitali tkun teħtieġ li l-Istati Membri jassenjaw simultanjament l-ispettru rilevanti għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fl-iqsar perjodu ta' żmien possibbli (15). |
|
(14) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar it-trasformazzjoni tad-Dividend Diġitali f'benefiċċji soċjali u tkabbir ekonomiku (16) irrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jieqfu jużaw il-banda ta' 800 MHz għas-servizzi tax-xandir b'qawwa għolja u jimplimentaw bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni teknika minn ċerta data miftiehma fil-livell tal-UE. |
|
(15) |
Finalment, id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju kienet titlob li l-Istati Membri kollha jassenjaw il-banda ta' 800 MHz għall-komunikazzjonijiet elettroniċi sal-1 ta' Jannar 2013 (18). Id-deċiżjoni awtorizzat lill-Kummissjoni tagħti derogi speċifiċi sal-31 ta' Diċembru 2015 f'każ ta' ċirkustanzi lokali jew nazzjonali eċċezzjonali jew problemi ta' koordinazzjoni ta' frekwenza transfruntieri (19). |
2.3. L-evoluzzjoni tad-Dividend Diġitali fi Spanja
|
(16) |
Spanja lestiet it-tranżizzjoni tagħha għad-DTT fit-3 ta' April 2010, li temmet ix-xandir analogu. Minħabba li l-bażi legali għall-qlib mix-xandir analogu għad-diġitali terrestri — il-Pjan Tekniku Nazzjonali tad-DTT (“PTN”) (20) — kienet tmur lura għall-2005, f'dak iż-żmien ma kienu saru ebda pjanijiet biex l-ispettru (allokat mill-UIT għat-televiżjoni terrestri) jintuża għal skopijiet oħrajn. Dan il-fatt kellu żewġ konsegwenzi:
|
|
(17) |
Il-PTN u miżuri regolatorji sussegwenti qasmu t-territorju ta' Spanja fi tliet żoni:
|
|
(18) |
Il-bidla diġitali kienet timponi wkoll xi spejjeż fuq it-telespettaturi. Il-familji individwali fiż-Żoni I u II kellhom iħallsu għall-apparat tad-decoder sabiex jadattaw is-settijiet tat-televiżjoni tagħhom għad-DTT. Ir-residenti ta' binjiet kollettivi kellhom iħallsu wkoll biex jadattaw l-infrastruttura tar-riċezzjoni tagħhom għas-sinjal diġitali. Ir-residenti ta' Żona III min-naħa tagħhom kellhom jixtru t-tagħmir ta' riċezzjoni bis-satellita, f'ċerti każijiet dan kien iffinanzjat kompletament jew parzjalment mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali (22). |
|
(19) |
F'Novembru 2007, aktar minn sentejn wara l-approvazzjoni tal-PTN, il-UIT iddeċidiet li talloka l-banda ta' 800 Mhz lis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fuq bażi koprimarja. F'dik id-data, il-kopertura DTT permezz tal-banda ta' 800 MHz kienet laħqet diġà bejn 80 % u 90 % tal-popolazzjoni fi Spanja. |
|
(20) |
Imbagħad, f'Mejju 2009, Spanja ddeċidiet li tuża l-banda ta' 800 MHz għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. It-tħabbira kellha sostenn regolatorju permezz tal-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli (23). L-Att jipprovdi li l-banda ta' frekwenza ta' 800 MHz għandha tintuża prinċipalment għall-provvediment ta' servizzi avvanzati tal-komunikazzjoni elettronika, skont l-użijiet armonizzati miftiehma fl-UE (24). L-Artikolu 51 tal-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli jistabbilixxi d-dritt kemm tas-servizz pubbliku kif ukoll tax-xandara privati għall-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż kollha marbuta mal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru meħtieġ għal-liberazzjoni tal-banda ta' frekwenza ta' 800 MHz, l-aktar l-ispejjeż tax-xandir simultanju (25). Din id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali hija għalhekk il-bażi legali tal-Miżura. |
|
(21) |
Peress li l-banda ta' 800 MHz kienet tintuża mix-xandara tad-DTT fiż-żmien meta ġiet adattata mill-ġdid għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (26), dawn ix-xandara riedu jkunu ttrasferiti mill-kanali li kienu jintużaw dak iż-żmien għal kanali oħrajn fuq il-banda ta' 694-790 MHz (“700 MHz”). Dan il-proċess ġie stabbilit skont id-Digriet Irjali 365/2010 (27), li rregola l-assenjazzjoni ta' multiplessi ta' DTT wara d-diżattivazzjoni tal-analogu. |
|
(22) |
Id-Digriet Irjali 365/2010 jinvolvi l-forniment ta' ħames multiplessi (28) biex jieħdu post dawk użati fil-banda ta' 800 MHz. Din il-migrazzjoni ħolqot dawn id-diffikultajiet li ġejjin:
|
|
(23) |
Id-Digriet Irjali 365/2010 stabbilixxa li l-kanali tax-xandir ikollhom jiġu ttrasferiti fuq frekwenzi oħrajn taħt is-790 MHz sal-aħħar tal-2014. Kien jimponi wkoll fuq ix-xandara l-obbligu li jxandru fl-istess ħin fuq iż-żewġ baned ta' frekwenzi sakemm jiġu assenjati b'mod definittiv il-multiplessi fil-banda ta' 700 MHz. |
|
(24) |
Fl-2011 Spanja ddeċidiet li tbigħ il-banda ta' 800 MHz b'irkant lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni (29). L-operaturi ekonomiċi li ngħataw il-frekwenzi l-ġodda ħallsuhom sa Ġunju 2012 u ntrabtu li jiksbu kopertura (permezz ta' kwalunkwe teknoloġija jew fuq banda ta' frekwenza oħra) li tagħti aċċess b'veloċitajiet ta' 30 Mbps jew ogħla, lil mill-inqas 90 % tal-unitajiet ta' popolazzjoni ta' inqas minn 5 000 abitant sas-sena 2020. |
|
(25) |
L-awtoritajiet Spanjoli stmaw li l-Miżura kienet ser iddum bejn sitta (6) u 24 xahar skont it-territorju f'Żona I iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014 (30). Il-baġit totali għall-Miżura ġie stmat għal EUR 100-200 miljun (31). Il-kumpens ma kellux jaqbeż il-100 % tal-ispejjeż li x-xandara kellhom iħallsu minħabba l-obbligu tax-xandir simultanju. |
2.4. Deskrizzjoni tas-suq
|
(26) |
Il-Miżura tirrigwarda lill-industrija tax-xandir, fejn hemm żewġ gruppi ta' atturi, kull wieħed attiv f'livell differenti tal-katina tal-prodott tas-servizzi tax-xandir: (i) xandara ta' kanali tat-televiżjoni u (ii) operaturi tal-pjattaformi. |
|
(27) |
Ix-xandara huma l-edituri tal-kanali tat-televiżjoni. Dawn jixtru jew jipproduċu kontenut tat-televiżjoni tagħhom stess, jiġbruhom f'kanali u jipprovduhom lill-pubbliku permezz ta' diversi pjattaformi (jiġifieri, bis-satellita, bid-DTT, bil-kejbil, bl-IPTV (32)). Minbarra li jxandru bid-DTT, ix-xandara jistgħu jxandru l-kanali bi ħlas skont kemm tara jew FTA permezz ta' pjattaformi oħrajn, pereżempju Movistar+ fuq is-satellita. |
|
(28) |
Ix-xandir ta' kanali FTA nazzjonali, reġjonali u lokali, ipprovdut mix-xandara pubbliċi (RTVE fil-livell nazzjonali) mingħajr ħlas lit-telespettaturi, ġie kkwalifikat mil-leġiżlatur bħala servizz pubbliku (33). Għall-kuntrarju, il-provvista ta' kanali FTA mix-xandara privati ma ġietx ikkwalifikata bħala servizz pubbliku (34). Ix-xandara privati ngħataw liċenzji għax-xandir fil-frekwenzi assenjati, li jibdew jiskadu mill-2025. |
|
(29) |
Biex tiżgura li l-popolazzjoni tista' tgawdi b'mod effettiv mis-servizzi tat-televiżjoni, il-Liġi Spanjola tobbliga kemm lix-xandara pubbliċi kif ukoll lil dawk privati biex jiżguraw kopertura minima permezz ta' netwerk terrestri. Dawn l-obbligi ta' kopertura huma marbutin mal-kompitu ta' servizz pubbliku fdat f'idejn ix-xandara pubbliċi u mal-liċenzji li għandhom ix-xandara privati. Ix-xandara pubbliċi jridu jkopru mill-inqas 98 % tal-popolazzjoni Spanjola, filwaqt li x-xandara privati jkopru mill-inqas 96 % tal-popolazzjoni. |
|
(30) |
L-operaturi tal-pjattaformi huma entitajiet ikkontrollati pubblikament jew mill-privat u li joperaw l-infrastruttura teknoloġika meħtieġa għat-trasport u x-xandir tal-kanali prodotti mix-xandara lill-pubbliku. Fil-passat, l-unika pjattaforma disponibbli kienet il-pjattaforma terrestri analoga. Bil-progress tat-teknoloġija, aktar pjattaformi saru disponibbli fuq is-suq, u fil-preżent fi Spanja hemm erba' pjattaformi tax-xandir:
|
|
(31) |
Id-DTT hija l-pjattaforma dominanti fi Spanja u hija d-distributur ewlieni tat-televiżjoni FTA. In-netwerk terrestri jikkonsisti f'infrastruttura ta' trasport u ċentri tax-xandir (li min-naħa tagħhom, jikkonsistu f'torrijiet, trażmettituri eċċ.). Iċ-ċentri tax-xandir huma l-proprjetà ta' operturi ta' pjattaformi nazzjonali u reġjonali u tal-awtoritajiet pubbliċi (kunsilli lokali jew gvernijiet reġjonali). Minħabba restrizzjonijiet tekniċi, it-televiżjoni terrestri ma tilħaqx lill-popolazzjoni sħiħa ta' Spanja (pereż. xi postijiet ftit li xejn popolati jew postijiet fil-muntanji ma jirċevux is-sinjal — Area III). Madankollu, bis-saħħa tal-obbligi ta' kopertura imposti fuq ix-xandara (Żona I) u ta' fondi pubbliċi pprovduti għall-estensjoni tan-netwerk tad-DTT f'żoni mbiegħda jew inqas urbanizzati (Żona II), il-kopertura tad-DTT tilħaq madwar 98,85 % tal-popolazzjoni (36). Il-1,15 % li jifdal tal-popolazzjoni Spanjola hija moqdija bis-satellita. Skont Astra, is-satellita hija l-unika pjattaforma teknikament kapaċi tqassam is-sinjal lill-popolazzjoni kollha ta' Spanja (37). |
|
(32) |
Bħal fil-każ ta' pjattaformi oħrajn, skont id-dejta disponibbli tar-regolatur Spanjol tat-telekomunikazzjoni (38) (“CMT”), in-netwerk diġà attivat ta' televiżjoni bil-kejbil jista' jilħaq ftit aktar minn 20 % tal-popolazzjoni u n-netwerk tal-broadband diġà attivat (fuq FTTH u XDSL) jista' joffri servizzi tal-IPTV lil 16,5 % tal-popolazzjoni (39). |
|
(33) |
Is-servizz tat-trasport u d-distribuzzjoni tas-sinjal tad-DTT huwa pprovdut mill-operaturi tal-pjattaformi, (40) b'dak ewlieni jkun Abertis (41). |
|
(34) |
Madwar 10,8 % tal-popolazzjoni Spanjola (42) huma abbonati mat-televiżjoni bi ħlas. Il-parti l-kbira tal-kanali FTA disponibbli fuq id-DTT huma mxandra wkoll (bla ħlas jew bħala parti minn pakkett imħallas) fuq pjattaformi alternattivi. It-tieni pjattaforma predominanti għat-televiżjoni bi ħlas hija s-satellita (43), li għaliha hemm żewġ operaturi tal-pjattaforma ewlenin — Hispasat u Astra. |
2.5. Qafas legali għax-xandir privat (kummerċjali) fi Spanja
|
(35) |
Id-drittijiet u l-obbligi tax-xandara privati li jxandru permezz ta' pjattaforma terrestri huma stipulati f'sensiela ta' atti legali: konċessjonijiet mogħtija lilhom għall-provvista ta' servizzi tat-televiżjoni, it-tiġdid rispettiv tagħhom u l-liċenzji sussegwenti. Dawk ix-xandara privati li xtaqu jużaw il-frekwenza skarsal-ewwel irċevew konċessjonijiet, wara proċess ta' sejħa għall-offerti mniedi mill-awtoritajiet. Sabiex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni għall-konċessjonijiet, kellhom jippreżentaw offerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifikati fis-sejħa għall-offerti (44). Ix-xandara mbagħad ingħataw id-dritt li jxandru l-kanali tagħhom fuq il-frekwenzi permezz tan-netwerk terrestri, li l-kapaċità tiegħu hija limitata u trid tiġi rregolata mill-Istat. Il-konċessjonijiet ġew imġedda u fl-2010 inbidlu f'liċenzji li se jibdew jiskadu fl-2025 (45). L-Istat huwa marbut bit-terminu tal-liċenzji, u jista' jirrevokahom biss f'każ li ma jiġux irrispettati l-obbligi mix-xandara (46). Ix-xandara jistgħu jagħtu l-liċenzji lura jekk ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom. |
|
(36) |
Ix-xandara privati huma obbligati li jipprovdu s-servizz permezz tan-netwerk terrestri lil perċentwal minimu tal-popolazzjoni, li fil-PTN huwa stabbilit għal 96 %. Id-Digriet Irjali 365/2010 stipula li fil-kuntest tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali x-xandara huma obbligati jipprovdu x-xandir simultanju fuq iż-żewġ frekwenzi, sakemm jiġu assenjati b'mod definit il-multiplessi l-ġodda (47). |
|
(37) |
Il-konċessjonijiet inizjali mogħtija lix-xandara privati għall-forniment tas-servizzi tat-televiżjoni, it-tiġdid rispettiv tagħhom u l-liċenzji sussegwenti ma kien fihom ebda referenza għad-dritt għal kumpens għall-ispiża tal-migrazzjoni jew tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru. Barra minn hekk, il-PTN ipprovda li l-awtoritajiet setgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċjali għax-xandir, mhux previsti fil-konċessjonijiet, f'każ li jkun meħtieġ jinbidel il-mod tax-xandir minħabba l-evoluzzjoni tas-suq jew l-iżvilupp teknoloġiku (48). Il-PTN ma stabbilixxiex id-dritt għall-kumpens tax-xandara privati f'dan il-każ. |
3. PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI
3.1. Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura
|
(38) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnutat, l-ewwel nett, li l-Miżura kienet tidher li tissodisfa l-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk setgħet titqies bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni. |
|
(39) |
Skont id-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-benefiċjarji diretti tal-Miżura huma kemm ix-xandara tad-DTT pubbliċi kif ukoll dawk privati. |
|
(40) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-ftuħ ikkunsidrat li l-operaturi tal-pjattaformi tad-DTT, b'mod partikolari Abertis, setgħu jkunu benefiċjarji indiretti tal-Miżura. |
|
(41) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-Miżura tiġġustifikax il-kumpens li jkopri spiża li normalment tkun inkluża fil-baġit tax-xandara u għalhekk iddubitat il-kompatibbiltà tagħha. Hija kienet tal-fehma preliminari li l-Miżura kienet se tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-Kummissjoni kkonkludiet li “fuq il-bażi tal-informazzjoni eżistenti, dan l-appoġġ jista' ma jkunx kompatibbli sakemm ma jittiħdux miżuri adegwati biex jindirizzaw b'mod partikolari l-effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-pjattaformi”. |
|
(42) |
Għaldaqstant il-Kummissjoni talbet lil Spanja tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-Miżura u tipprovdi l-informazzjoni kollha utli għall-valutazzjoni tagħha. |
|
(43) |
Dettalji addizzjonali tal-fatti dwar ir-raġunijiet tat-tnedija tal-proċedura ta' investigazzjoni formali jinsabu fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, li għandha titqies bħala parti integrali minn din id-Deċiżjoni. |
3.2. Kummenti mingħand l-awtoritajiet Spanjoli
Kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ
|
(44) |
Skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-Miżura mhijiex għajnuna mill-Istat, peress li l-benefiċjarji mhumiex se jingħataw xi vantaġġ meta jittrasferixxu ruħhom fuq il-banda ta' frekwenza l-baxxa. Minn din il-perspettiva, il-Miżura hija kumpens skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, li jgħid li l-Istat huwa obbligat jikkumpensa għal kwalunkwe ħsara kkawżata minn azzjoni amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, jekk jinstab li l-Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat — peress li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali hija avveniment straordinarju. |
|
(45) |
Inkella, il-Miżura tista' tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, peress li skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-Miżura: (i) tappoġġja l-politika Ewropea dwar it-tibdil tad-Dividend Diġitali f'benefiċċji soċjali u tkabbir ekonomiku; (ii) tirrimedja falliment tas-suq; (iii) hija l-istrument xieraq, peress li se tapplika biss għal dawk ix-xandara li huma obbligati jġarrbu spejjeż mhux dovuti minħabba l-impożizzjoni tax-xandir simultanju u l-kumpens ser ikun strettament limitat għall-ammont ta' dawn l-ispejjeż eċċezzjonali; (iv) għandha effett ta' inċentiv peress li kieku ma tingħatax l-għajnuna, ix-xandara jistgħu joqogħdu lura milli jieħdu sehem fl-allokazzjoni mill-ġdid tal-ispettru u li jipprovdu x-xandir simultanju; (v) hija proporzjonata, peress li tkopri biss l-ispejjeż addizzjonali mġarrba mix-xandara minħabba l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kanali; (vi) hija teknoloġikament newtrali, peress li pjattaformi oħrajn mhumiex affettwati mill-bidla tal-kanali meħtieġa biex jiġi liberat id-Dividend Diġitali; u (vii) ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, peress li kieku x-xandara kellhom iġorru l-ispejjeż mingħajr kumpens, dan ifixkel l-aspettattivi tagħhom ta' tkabbir u minn dan igawdu parteċipanti fi swieq oħrajn. |
|
(46) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Spanjoli ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti dwar il-Miżura u li jipprovdu fost l-oħrajn din l-informazzjoni: (i) dokumenti (bħal korrispondenza max-xandara, dikjarazzjonijiet) li juru n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw il-perjodu tax-xandir simultanju mir-riżorsi tagħhom stess; (ii) evidenza (bħal offerti, analiżi ex ante tal-ispejjeż/benefiċċji, konsultazzjoni pubblika dwar is-suġġett, eċċ.) li tiġġustifika l-għażla tal-pjattaforma terrestri (l-allokazzjoni mill-ġdid tax-xandir terrestri fuq il-banda ta' frekwenza terrestri aktar baxxa) sabiex tissolva l-problema ta' skarsezza ta' frekwenzi; (iii) sommarju tad-drittijiet u l-obbligi li x-xandara għandhom taħt il-liċenzji attwali, konċessjonijiet, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn il-liċenzji/konċessjonijiet jistgħu jiġu mmodifikati u l-konsegwenzi ta' dawn il-modifiki (għall-Istat u għax-xandara); (iv) ħarsa ġenerali ddettaljata tal-ispejjeż relatati mal-aġġustament tal-infrastruttura li kull xandar qed jiffinanzja mir-riżorsi proprji; (v) spjega tal-impatt tat-terminu tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali; u (vi) aktar informazzjoni dwar l-eliġibbiltà tax-xandara tal-kanali li attwalment jixxandru permezz tad-DTT. |
|
(47) |
L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu li ħafna minn din l-informazzjoni kienet diġà ġiet ipprovduta qabel ma bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Spanjoli għamlu kummenti speċifiċi fuq il-mistoqsija dwar l-evidenza meħtieġa biex tiġġustifika l-għażla tal-pjattaforma terrestri biex tissolva l-problema tal-iskarsezza tal-frekwenzi billi argumentaw li din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-valutazzjoni tan-newtralità tal-Miżura u li mhumiex obbligati jiġġustifikaw miżuri kumpensatorji ppjanati li huma kompatibbli b'mod ċar mad-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet Spanjoli żammew l-istess linja ta' argumenti f'dak li jirrigwarda l-liċenzji tax-xandara privati fis-sens li huwa d-dritt tal-Istat li jimponi liċenzji li mhumiex teknoloġikament newtrali sabiex jiżgura l-obbligu ta' kopertura preskritt ta' 96 % f'Żona I. Huma qalu wkoll li anki jekk dawn il-liċenzji ma jipprovdux id-dritt tax-xandara privati għall-kumpens għal kwalunkwe spiża relatata mal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali, lanqas ma jeskludu tali kumpens. Barra minn hekk, huma spjegaw li x-xandara privati kollha li jipprovdu servizzi awdjoviżivi fl-interess pubbliku mingħajr liċenzja huma ħielsa li jagħżlu mit-teknoloġiji tal-pjattaformi disponibbli. Dan id-dritt japplika wkoll għax-xandara privati li għandhom liċenzja iżda biss lil hinn mill-obbligu ta' kopertura ta' 96 % u b'mod komplementari. |
|
(48) |
Rigward b'mod aktar speċifiku n-newtralità teknoloġika, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li n-notifika tagħhom kienet tirrispetta dan il-prinċipju fis-sens li x-xandara privati kienu ħielsa li jagħżlu liema pjattaforma jridu biex jiżguraw l-obbligu tax-xandir simultanju (satellita, kejbil, ADSL, fibra ottika jew DTT). Madankollu, huma speċifikaw li l-Miżura tapplika esklussivament għall-perjodu tax-xandir simultanju u mhux għal wara. Ladarba l-perjodu (tranżitorju) tax-xandir simultanju jintemm, l-obbligu ta' dawn ix-xandara li jipprovdu l-kopertura ġeografika permezz tad-DTT, kif previst fil-liċenzji validi, jibqa' fis-seħħ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li l-obbligu tax-xandara privati li jiżguraw l-obbligu ta' kopertura ta' 96 % f'Żona I permezz tad-DTT ma jfissirx li dan il-perċentwal eżatt effettivament jirċievi l-programmi tax-xandara terrestri permezz tas-sistemi ta' riċezzjoni tad-DTT. Dan għaliex iż-żona ta' kopertura ta' teknoloġiji alternattivi tista' tikkoinċidi ma' dik tad-DTT (49). |
|
(49) |
L-awtoritajiet Spanjoli kkonkludew li l-Miżura ma tagħtix xi vantaġġ ekonomiku lix-xandara privati li joperaw fuq il-pjattaforma tad-DTT peress li tillimita ruħha għar-rimborż tal-ispejjeż eċċezzjonali tax-xandir simultanju li jirriżultaw direttament mill-obbligu tagħhom li jilliberaw il-banda ta' 800 MHz. |
Ir-reazzjonijiet tal-awtoritajiet Spanjoli għall-kummenti ta' Astra
|
(50) |
Kif imsemmi fil-premessa 4, l-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti li Astra ressaq matul l-investigazzjoni formali. Huma saħqu li Astra ma jipprovdix informazzjoni addizzjonali minbarra l-argumenti li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-ftuħ. |
|
(51) |
L-awtoritajiet Spanjoli enfasizzaw li l-kritika ta' Astra tmur lil hinn mill-ambitu tal-Miżura nnotifikata li hija limitata għal kumpens temporanju lix-xandara privati għall-ispejjeż imġarrba minħabba x-xandir simultanju. Fil-fehma tal-awtoritajiet Spanjoli, Astra jimmira lejn tibdil fil-qafas regolatorju Spanjol għat-trażmissjoni ta' kanali tat-televiżjoni f'Żona I li mhuwiex is-suġġett tan-notifika. L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw ukoll li fil-prattika l-Miżura tapplika mhux biss għax-xandara privati li jużaw it-teknoloġija tad-DTT iżda għax-xandara kollha tal-kanali FTA li jeżistu fi Spanja. Dan għaliex ma hemmx xandara esklussivi fuq pjattaformi alternattivi, u b'mod partikolari fuq is-satellita. Is-satellita tintuża għax-xandir tal-kanali tat-televiżjoni bi ħlas (kanali barranin FTA u verżjonijiet internazzjonali ta' ċerti kanali), miġburin f'Canal+ (50). F'dan l-isfond, l-awtoritajiet Spanjoli jqisu li fi kwalunkwe każ ix-xandara tal-kanali FTA tad-DTT u l-pjattaforma Canal+ ibbażati fuq is-satellita mhumiex parti mill-istess suq. |
|
(52) |
L-awtoritajiet Spanjoli mbagħad irreaġixxew fid-dettall għall-opinjoni ta' Astra li l-Miżura ma għandha l-ebda sostenn fid-dritt tal-Unjoni, b'referenza għad-Deċiżjoni 243/2012/UE u d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (51) (id-“Direttiva ta' Awtorizzazzjoni”). |
|
(53) |
Rigward l-argumenti tagħhom b'referenza għad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, huma enfasizzaw li skont l-Artikolu 6(5) tagħha “L-Istati Membri jistgħu jiżguraw li, fejn huwa adatt u f'konformità mal-liġi tal-Unjoni l-ispiża diretta għall-migrazzjoni jew l-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru tkun adegwatament ikkumpensata skont il-liġi nazzjonali”. L-awtoritajiet Spanjoli jaqraw din id-dispożizzjoni flimkien mal-premessa 18 li tgħid li “L-Istati Membri għandhom jitħallew, fejn ikun adatt, jintroduċu miżuri ta' kumpens relatati ma' spejjeż tal-migrazzjoni.” |
|
(54) |
Rigward l-argumenti li jikkonċernaw lid-Direttiva ta' Awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ma qablux mal-qari ta' Astra tal-Artikolu 14. Skont din id-dispożizzjoni, “L-Istati Membri għandhom jiżġuraw li d-drittijiet, kondizzjonijiet u proċeduri li jikkonċernaw awtorizzazzjonijiet ġenerali u drittijiet ta' użu jew drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet jistgħu jiġu emendati biss f'każijiet oġġettivament ġustifikati u b'mod proporzjonat”. Dan l-Artikolu jippreskrivi wkoll li “L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu jew jirtiraw drittijiet għall-installazzjoni ta' faċilitajiet qabel ma jiskadi l-perjodu li għalih kienu ngħataw ħlief fejn ġustifikat u fejn applikabbli b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti li jirrigwardaw kumpens għall-irtirar ta' drittijiet”. |
|
(55) |
F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li kuntrarju għal dak li huwa ddikjarat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-liċenzji tax-xandara ma jeskludux il-kumpens għall-ispejjeż tax-xandir simultanju minħabba li ma kinux spejjeż prevedibbli meta nħarġu l-liċenzji (52). Rigward il-kompatibbiltà tal-Miżura mad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ma jaqblux mal-eżempji ta' preċedenti tal-każistika tal-Qrati tal-UE kkwotati fil-premessi 65-67 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ b'konnessjoni mal-Miżura, minħabba li: (1) il-kumpens previst mill-Miżura huwa konsegwenza diretta tal-obbligu impost ta' xandir simultanju; (2) dan l-obbligu huwa kompatibbli mad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE li, kif spjegat, tipprovdi d-dritt għall-kumpens; (3) il-qafas legali għall-kumpens kien adottat bħala konsegwenza tal-impożizzjoni tal-obbligu ta' xandir simultanju; (4) l-ispejjeż iġġenerati minn dan l-obbligu jikkorrispondu eżattament mal-ambitu tal-kumpens. |
|
(56) |
Fid-dawl tal-liberazzjoni ppjanata tal-banda ta' 700 MHz sal-2020, l-awtoritajiet Spanjoli huma tal-fehma li deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni dwar il-Miżura tista' toħloq ostakolu għall-iżvilupp bla xkiel ta' dik l-inizjattiva. |
Il-kumpens għall-ispejjeż tax-xandir simultanju mġarrba mix-xandara pubbliċi
|
(57) |
F'Settembru 2014, wara l-adozzjoni tad-Digriet Irjali 677/2014, l-awtoritajiet Spanjoli rtiraw in-notifika dwar il-kumpens għall-ispejjeż tax-xandir simultanju mġarrba mix-xandara pubbliċi. Id-Digriet Irjali jidentifika disa' xandara pubbliċi. Wieħed ikopri t-territorju kollu ta' Spanja (RTVE) u tmienja huma reġjonali. Għal dawn ix-xandara pubbliċi kollha, b'mandat ta' servizz pubbliku definit b'mod ċar, ix-xandir simultanju kien iddikjarat obbligatorju sabiex jippermetti l-adattament tas-sistemi ta' riċezzjoni tal-unitajiet domestiċi mingħajr ma jintilef is-servizz. L-ammont totali ta' finanzjament pubbliku kien aktar baxx minn dak li kien previst oriġinarjament fin-notifika tal-2011 u ż-żmien tax-xandir simultanju kien imqassar ukoll (53). L-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li d-Digriet Irjali jikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (54) u għaldaqstant m'għandux għalfejn jiġi nnotifikat. |
|
(58) |
Rigward il-kumpens għax-xandir simultanju għax-xandara privati (55), l-awtoritajiet Spanjoli ma rtirawx din il-parti tan-notifika taħt il-Miżura. |
3.3. Kummenti mingħand il-partijiet interessati
|
(59) |
Il-partijiet interessati kollha identifikati fil-premessa 4, bl-eċċezzjoni ta' Astra, ippreżentaw argumenti kontra l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar il-Miżura. |
3.3.1. Il-kummenti mingħand Astra
|
(60) |
L-operatur privat tas-satellita Astra jikkunsidra li l-Miżura hija bla dubju għajnuna mill-Istat, tmur kontra l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u ssaħħaħ lill-operatur dominanti tal-pjattaforma tad-DTT Abertis. Huwa jikkunsidra lil Abertis bħala benefiċjarju indirett tal-Miżura. |
|
(61) |
Rigward l-impatt tal-Miżura, Astra jemmen li minkejja li hija limitata għall-kumpens tax-xandir simultanju, fil-prattika tkopri l-ispejjeż kollha tax-xandara relatati mal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali. |
|
(62) |
Astra jaqbel mal-Kummissjoni li l-obbligu tax-xandara privati li jxandru b'mod simultanju jirriżulta mil-liġi nazzjonali (miżura regolatorja) u bħala tali ma tagħtix lok għad-dritt ta' kumpens. Skont Astra, il-PTN jipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċjali għax-xandir mhux previsti fil-liċenzji bħala konsegwenza tar-regolazzjoni tas-suq jew żviluppi tekniċi mingħajr id-dritt għall-kumpens. |
|
(63) |
Astra jenfasizza wkoll il-fatt li x-xandara tad-DTT kienu konxji mil-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali u t-trasferiment relatat tal-frekwenzi qabel l-adozzjoni tad-Digriet Irjali 365/2010. Il-Miżura tibbenefika esklussivament lil dawn ix-xandara, bi ħsara għax-xandara li jużaw pjattaformi oħrajn. |
|
(64) |
Rigward il-valutazzjoni legali tal-Miżura, Astra ma jaqbilx li l-Miżura hija avveniment straordinarju li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat. Ma jaqbilx ukoll li l-Miżura tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, peress li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-pjattaformi minħabba li għandha karattru mhux teknoloġikament newtrali. F'dan ir-rigward, Astra jenfasizza li l-benefiċjarji diretti tal-Miżura għandhom inċentiv ċar li jxandru b'mod simultanju mingħajr kumpens sabiex iżommu l-udjenza tagħhom u d-dħul mir-reklamar; mingħajr ma jitqiesu l-vantaġġi addizzjonali tagħhom mil-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali (pereż. li joffri l-possibbiltà li wieħed jara t-televiżjoni mit-telefonija mobbli fuq il-banda liberata ta' 800 MHz). Astra jargumenta wkoll li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu li jipproduċu studju indipendenti li jiġġustifika l-Miżura bħala għajnuna xierqa, meħtieġa u proporzjonata. |
|
(65) |
B'konklużjoni, Astra huwa favur il-ftuħ tas-suq tat-televiżjoni Spanjol fiż-Żona I u li jkun hemm kompetizzjoni fuq il-merti bejn pjattaformi teknoloġiċi alternattivi. |
3.3.2. Il-kummenti mingħand Abertis
|
(66) |
L-istess bħall-awtoritajiet Spanjoli Abertis ukoll ma jikkwalifikax il-Miżura bħala għajnuna mill-Istat minħabba n-nuqqas ta' vantaġġ ekonomiku selettiv u ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tikkwalifika l-Miżura bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiddikjaraha kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3) tat-Trattat. |
|
(67) |
Abertis jinforma li huwa la se jibbenefika u lanqas jitlef mill-għażla tat-teknoloġija użata mix-xandara waqt ix-xandir simultanju. Huwa jikkunsidra li l-kumpens għax-xandir simultanju jista' fil-fatt iżid il-kompetittività bejn il-pjattaformi għall-benefiċċju tas-suq tax-xandir u l-konsumaturi. |
|
(68) |
Abertis jiddefendi l-effettività tat-teknoloġija tad-DTT iżda ma jaqbilx li l-użu ta' din it-teknoloġija partikolari waqt ix-xandir simultanju jiddetermina l-pjattaforma li għandha tintuża mix-xandara fil-futur. Min-naħa l-oħra, Abertis jammetti li s-sinjal tad-DTT se jibqa' jkun trażmess esklussivament permezz tat-teknoloġija tad-DTT taħt il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-liċenzji tax-xandara. |
|
(69) |
B'konklużjoni, Abertis ma jaqbilx mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar il-Miżura. |
3.3.3. Il-kummenti mill-EBU
|
(70) |
L-EBU ukoll ma tikkunsidrax il-Miżura bħala għajnuna mill-Istat. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tikkwalifika l-Miżura bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiddikjaraha kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3) tat-Trattat peress li tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. |
|
(71) |
L-EBU titlob lill-Kummissjoni tillimita l-valutazzjoni għall-objettiv fattwali u għall-effetti tal-Miżura, jiġifieri, l-iżgurar tax-xandir simultanju waqt il-proċess ta' migrazzjoni tad-DTT fil-kuntest tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali. Skont l-EBU, id-Dividend Diġitali mhuwiex xi konsegwenza ta' att regolatorju mill-awtorità pubblika rilevanti għas-settur tax-xandir: mhuwiex relatat mal-mod kif is-servizz tad-DTT għandu jiġi pprovdut, mhuwiex ir-riżultat ta' żvilupp fis-suq jew fit-teknoloġija u mhux neċessarjament jaffettwa lill-industrija kollha tad-DTT. |
|
(72) |
L-EBU ma taqbilx li l-Miżura tista' tagħti xi vantaġġ reali lix-xandara tad-DTT jew lill-operaturi tal-pjattaformi u titlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-investiment konsiderevoli li x-xandara Spanjoli diġà għamlu biex jadattaw is-servizzi tagħhom għat-teknoloġija u l-infrastruttura tad-DTT waqt il-qlib mit-televiżjoni analoga għal dik diġitali. |
|
(73) |
Skont l-EBU, ix-xandara privati tad-DTT għandhom aspettattivi leġittimi għal kumpens għax-xandir simultanju peress li dan il-kumpens kien previst fil-liġi nazzjonali u fil-liċenzji validi. |
|
(74) |
L-EBU temmen li ma teżisti ebda alternattiva reali għat-teknoloġija tad-DTT li tippermetti l-konformità mal-obbligu ta' kopertura preskritt tax-xandara. Il-pjattaforma tad-DTT tirrappreżenta suq separat minn pjattaformi oħrajn, peress li l-użu u l-operat tagħha mhumiex sostitwibbli. |
|
(75) |
B'konklużjoni, l-EBU ma taqbilx mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar il-Miżura. |
3.3.4. Il-kummenti minn BNE
|
(76) |
BNE hija tal-fehma li l-Miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tikkwalifika l-Miżura bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiddikjaraha kompatibbli taħt l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u fi kwalunkwe każ teknoloġikament newtrali. |
|
(77) |
Skont il-BNE, l-ispejjeż tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali għax-xandara ma jinkludux biss l-ispejjeż addizzjonali tax-xandir waqt ix-xandir simultanju (li jridu jitħallsu lill-operatur tal-pjattaforma tad-DTT rispettiv) iżda wkoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bidla meħtieġa tal-frekwenzi ta' trażmissjoni fin-netwerk terrestri. L-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT la ser jibbenefikaw u lanqas ma hi se ssirilhom ħsara mill-Miżura, peress li mhix se tibdel l-obbligu tax-xandara li jxandru fuq il-pjattaforma tad-DTT b'kopertura miżmuma fuq frekwenzi aktar baxxi. |
|
(78) |
BNE titlob lill-Kummissjoni tillimita l-valutazzjoni tagħha għal kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat u mhux tiddubita t-trattament tat-teknoloġija tad-DTT f'paragun mat-teknoloġija bis-satellita. BNE temmen li mingħajr il-Miżura x-xandara jitilfu l-inċentiv li jħallu l-banda ta' 800 MHz liberata mid-Dividend Diġitali fl-iskeda ta' żmien prevista. Dan iwassal għalhekk għal falliment tas-suq. |
|
(79) |
B'konklużjoni, BNE ma taqbilx mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar il-Miżura. |
3.3.5. Il-kummenti minn NET TV
|
(80) |
NET TV jitlob lill-Kummissjoni ma tikkwalifikax il-Miżura bħala għajnuna mill-Istat u jekk iva, allura tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. |
|
(81) |
NET TV jiddubita li x-xandara jkunu obbligati jkomplu jissodisfaw l-obbligu ta' interess pubbliku tagħhom sabiex iżommu l-liċenzji tagħhom fin-nuqqas tal-Miżura. Dan għaliex mhumiex se jirċievu xi vantaġġ billi jmorru fuq frekwenza oħra. Għaldaqstant ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni li tikkumpensa lix-xandara għall-ispejjeż tax-xandir simultanju hija ġġustifikata. |
|
(82) |
L-ispejjeż tax-xandir simultanju huma spejjeż “impossibbli” għal NET TV, meta wieħed iqis is-sehem mis-suq baxx tiegħu u l-istatus tiegħu ta' SME. Huwa jsostni li dan jista' jwassal biex NET TV joħroġ mis-suq rilevanti. |
|
(83) |
B'konklużjoni, NET TV ma jaqbilx mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar il-Miżura. |
4. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
4.1. L-eżistenza tal-għajnuna
|
(84) |
Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Miżura inkwistjoni tistax tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li jipprovdi li “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. |
|
(85) |
Isegwi li sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin iridu jiġu ssodisfati: (1) il-miżura trid tingħata minn riżorsi tal-Istat, (2) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi, (3) il-vantaġġ irid ikun selettiv u joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, (4) il-miżura trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
4.1.1. Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat
|
(86) |
Kif diġà stabbilit fil-premessa 39 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Miżura kkontestata se tiġi ffinanzjata direttament mill-baġit Spanjol permezz tad-dħul miksub mill-irkantar tal-frekwenzi liberati lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni. L-awtoritajiet Spanjoli ma kkontestawx il-konstatazzjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li l-Miżura għandha tiġi ffinanzjata direttament mir-riżorsi baġitarji. |
|
(87) |
Il-Miżura, kif deskritta fis-Sezzjoni 2.3, hija deċiża mill-Istat u ffinanzjata direttament mill-baġit ċentrali tal-Istat. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li hija imputabbli lill-Istat u tinvolvi l-użu tar-riżorsi tal-Istat. |
4.1.2. Vantaġġ ekonomiku
|
(88) |
Fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li x-xandir kummerċjali (56) kif ukoll l-operat tan-netwerks tat-trażmizzjoni tat-televiżjoni (57) jikkostitwixxu attività ekonomika. |
|
(89) |
L-awtoritajiet Spanjoli u l-partijiet kollha interessati ħlief Astra jikkunsidraw li x-xandara privati ma jirċevux xi vantaġġ meta jmorru fuq il-banda ta' frekwenzi aktar baxxa u li huma sempliċiment ikkumpensati għall-ispejjeż żejda li jkollhom iġorru wara bidla regolatorja. |
|
(90) |
L-Artikolu 51 tal-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli jistabbilixxi d-dritt kemm tas-servizz pubbliku kif ukoll tax-xandara privati għall-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż kollha marbuta mal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru meħtieġ għal-liberazzjoni tal-banda ta' frekwenza ta' 800 MHz, l-aktar l-ispejjeż tax-xandir simultanju. Waqt l-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li din id-dispożizzjoni leġiżlattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 106(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola (58), li jgħid li l-kumpens għandu jkun ikkaratterizzat bħala responsabbiltà patrimonjali tal-amministrazzjoni pubblika li jirriżulta f'obbligu ġenerali ta' kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata minn azzjoni amministrattiva, anki meta ma jkunx possibbli li jiġu ddeterminati r-responsabbiltajiet. |
|
(91) |
Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-konċessjonijiet inizjali mogħtija lix-xandara privati għall-forniment tas-servizzi tat-televiżjoni, it-tiġdid rispettiv tagħhom u l-liċenzji sussegwenti ma kien fihom ebda referenza għad-dritt għal kumpens għall-ispiża tal-migrazzjoni jew tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru. Barra minn hekk, il-PTN ipprovda li l-awtoritajiet setgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċjali għax-xandir, mhux previsti fil-konċessjonijiet, f'każ li jkun meħtieġ jinbidel il-mod ta' xandir minħabba l-evoluzzjoni tas-suq jew l-iżvilupp teknoloġiku f'konformità mal-prattiki ta' Stati Membri oħrajn tal-UE. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-PTN ma stabbilixxiex id-dritt għall-kumpens tax-xandara privati f'dan il-każ. |
|
(92) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-25 ta' Jannar 1989 (59) li fuqu huma bbażati l-konċessjonijiet u l-liċenzji sussegwenti tax-xandara privati b'obbligu ta' servizz pubbliku, jinkludi obbligu għax-xandara li jipprovdu s-servizz tax-xandir b'kontinwità u wkoll li jġorru l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-konċessjonijiet oriġinali u l-liċenzji attwali. |
|
(93) |
Kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessi 65 — 70 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-każistika tal-Qrati tal-Unjoni tikkonferma li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' obbligu legali normalment jinġarru mill-impriżi affettwati u allura kwalunkwe miżura ta' kumpens f'dan ir-rigward titqies bħala għajnuna mill-Istat (60). Bħala eżempju, fis-Sentenza tagħha fi Fleuren Compost BV vs il-Kummissjoni (61) il-QĠE iddeċidiet li “huwa irrilevanti li l-objettiv ta' dik l-iskema huwa li tassisti lill-impriżi jissodissfaw l-obbligi legali tagħhom ta' protezzjoni tal-ambjent. Skont każistika stabbilita, l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta' intervent tal-Istat b'referenza għall-kawżi jew l-għanijiet tagħhom iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Indipendentement mill-kwistjoni ta' jekk il-Linji Gwida Ambjentali japplikawx f'dan il-każ […] il-fatt li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema tal-BPM tippromwovi r-rispett lejn l-ambjent mhuwiex suffiċjenti biex jeskludiha immedjatament milli tkun kategorizzata bħala għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107 tat-Trattat”. |
|
(94) |
Bl-istess mod, fi Franza vs il-Kummissjoni (62) il-QĠE speċifikat li l-ispejjeż tal-impriżi li jirriżultaw minn miżuri regolatorji huma inklużi min-natura tagħhom fil-baġits tal-impriżi. Hija ddikjarat: “għandu jkun imfakkar li l-ispejjeż għall-impriżi […] jinħolqu minn ftehimiet kollettivi konklużi bejn min iħaddem u t-trejdjunjins, li l-impriżi huma obbligati jirrispettaw, jew għax ikunu qablu ma' dawk il-ftehimiet jew għax dawk il-ftehimiet ġew estiżi b'regolament. Dawn l-ispejjeż huma inklużi, min-natura tagħhom, fil-baġits tal-impriżi”. |
|
(95) |
Peress li l-ispejjeż regolatorji huma min-natura tagħhom inklużi fil-baġits tal-impriżi, normalment jaqgħu taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F'Cassa di Risparmio di Firenze (63), il-QĠE iddikjarat f'dan ir-rigward: “Id-definizzjoni ta' għajnuna hija usa' minn dik ta' sussidju, minħabba li tinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess iżda wkoll miżuri tal-Istat, li f'diversi forom jagħmlu tajjeb għall-imposti li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li għalhekk, mingħajr mhuma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura u għandhom l-istess effett.” |
|
(96) |
F'dan il-każ, il-Miżura tipprevedi kumpens għal spejjeż li x-xandara privati normalment ikollhom iħallsu mill-baġit tagħhom stess. Il-Miżura tippermetti lil dawk ix-xandara jissodisfaw l-obbligi tagħhom imposti fuqhom bil-liġi u għalhekk iżommu l-liċenzji u l-udjenza tagħhom u d-dħul mir-reklamar relatat. Barra minn hekk tnaqqsilhom ukoll b'mod sostanzjali l-ispejjeż tat-tranżizzjoni. Madankollu, fin-nuqqas tal-Miżura x-xandara jkunu obbligati wkoll, mill-att regolatorju, jissodisfaw l-obbligu li jipprovdu s-servizz tax-xandir b'kontinwità u allura li jġarrbu l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mil-liċenzji. F'dawn iċ-ċirkustanzi wieħed jista' jikkonkludi li qegħdin jieħdu vantaġġ li ma kienx ikollhom mingħajr il-Miżura. |
|
(97) |
L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw ukoll li l-kumpens tax-xandara għax-xandir simultanju huwa previst fid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, u għaldaqstant mhuwiex xi vantaġġ ekonomiku mhux dovut lill-benefiċjarji tal-għajnuna taħt il-Miżura. Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE jippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jagħtu kumpens għall-ispejjeż diretti tal-migrazzjoni jew tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru fil-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-kumpens irid ikun miżura xierqa u (ii) irid ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F'dan il-każ, il-possibbiltà għall-Istat Membru li jikkumpensa għall-ispejjeż diretti assoċjati mal-migrazzjoni jew mal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru ma tistax ma taqax taħt il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. |
|
(98) |
Finalment, il-Kummissjoni tinnota li x-xandara privati mhumiex soġġetti għal xi obbligu legali li jipprovdu servizzi ta' xandir simultanju (64). |
|
(99) |
Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura tagħti vantaġġ ekonomiku fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE lix-xandara privati. Dawn jirċievu sussidju li effettivament inaqqas l-ispiża li normalment ikollhom iġorru. |
|
(100) |
Il-vantaġġ kwantifikabbli lill-benefiċjarji diretti, ix-xandara privati tad-DTT, jirrappreżenta l-ammont totali tal-fondi pubbliċi magħmulin disponibbli għat-twettiq tal-obbligu ta' xandir simultanju. |
|
(101) |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta' miżura, huwa stabbilit li “għandha tingħata kunsiderazzjoni mhux biss lill-benefiċjarju immedjat tas-sussidju, iżda wkoll l-effetti tas-sussidju li jestendu lil hinn minn dik ir-relazzjoni” (65). Dan ifisser li l-benefiċjarju ta' Miżura jista' jkun kwalunkwe entità li effettivament ibbenefikat minnha (66). |
|
(102) |
F'dan ir-rigward ta' min jinnota li fil-każ ta' Mediaset, il-Qorti kkonfermat li “l-Artikolu 107 jipprojbixxi għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk il-vantaġġi relatati mal-għajnuna jingħatawx b'mod dirett jew indirett (67)”. |
|
(103) |
Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni tagħha dwar id-dispaċċ Preferenzjali Spanjol ta' impjanti ta' faħam indiġenu (68), ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali (69), il-Kummissjoni kkonstatat li minkejja l-fatt li kien hemm obbligu legali li jsir xiri mingħand il-minaturi tal-faħam u li l-kumpens kien stabbilit biss wara l-impożizzjoni tal-obbligu inkwistjoni, il-produtturi tal-faħam Spanjoli kienu benefiċjarji indiretti tal-għajnuna. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-vantaġġ tagħhom kien jirriżulta mill-obbligu fuq il-ġeneraturi li jixtru l-faħam tagħhom li kien ikkumpensat mis-sussidji mogħtija lill-produtturi tal-elettriku li jużaw faħam indiġenu. |
|
(104) |
Jista' jiġi argumentat li l-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT jinsabu f'pożizzjoni simili għal dik tas-sidien tal-minjieri tal-faħam fil-każ tal-faħam fi Spanja fejn l-awtoritajiet Spanjoli imponew obbligu fuq il-ġeneraturi (f'dan il-każ ix-xandara) li jixtru faħam minn minjieri tal-faħam Spanjoli (f'dan il-każ li jagħmlu kuntratti ta' servizzi ta' xandir simultanju mal-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT). |
|
(105) |
F'dan l-isfond, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat li l-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT jistgħu jkunu benefiċjarji indiretti tal-Miżura. L-investigazzjoni formali kkonfermat dik il-pożizzjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. |
|
(106) |
L-ewwel, minħabba l-intervent regolatorju tal-PTN li obbliga lix-xandara privati tad-DTT li jkopru 96 % tal-popolazzjoni fuq il-bażi tad-DTT, u għall-kuntrarju ta' dak li jargumentaw l-awtoritajiet Spanjoli, Abertis u NET TV, ix-xandara privati jkunu aktar imħeġġa jużaw din il-pjattaforma. Fil-fatt, skont il-liċenzji tagħhom, ix-xandara tad-DTT mhumiex awtorizzati jużaw pjattaformi alternattivi oħrajn (jiġifieri, is-satellita, il-kejbil jew l-IPTV) sabiex jiżguraw il-kopertura ġeografika minima preskritta f'Żona I (70). |
|
(107) |
It-tieni, b'konsegwenza tax-xandir simultanju, l-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT jiksbu vantaġġ addizzjonali fil-forma ta' dħul garantit, li ma kinux jiksbu mingħajr il-Miżura. Tabilħaqq, mingħajr il-Miżura, ix-xandara privati setgħu pprovdew is-servizz ta' xandir simultanju sa punt inqas. Fil-fatt, ix-xandara privati setgħu anki ddeċidew li lanqas biss jipprovdu s-servizz (71). |
|
(108) |
Għalkemm il-Miżura tapplika irrispettivament minn jekk il-benefiċjarju għandux pożizzjoni dominanti jew le, meta l-benefiċjarju jkollu sehem mis-suq b'saħħtu jew ikun jiddomina, il-miżuri kompensatorji għandhom saħansitra impatt akbar (72). |
|
(109) |
F'dan il-każ, l-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT jibbenefikaw mill-fatt li x-xandara privati huma kkompensati għall-forniment tas-servizz ta' xandir simultanju permezz tad-DTT u li ser ikomplu jużaw il-pjattaforma tad-DTT. B'hekk, kwalunkwe kumpens lix-xandara għat-trażmissjoni tat-televiżjoni simultanja jiġġenera kontinwazzjoni ta' dak il-vantaġġ peress li x-xandara jħallsu lill-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT talli jittrażmettu l-programmi tagħhom fl-istess ħin fuq il-baned ta' 800 MHz u ta' 700 MHz waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni. |
|
(110) |
Peress li l-Miżura tiggarantixxi l-benefiċċji li jirriżultaw mill-forniment tas-servizzi ta' xandir simultanju lix-xandara, u minħabba l-vantaġġ addizzjonali għall-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT fil-forma ta' dħul garantit, il-Kummissjoni tkkunsidra li l-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT huma benefiċjarji indiretti tal-Miżura. |
4.1.3. Is-selettività tal-Miżura
|
(111) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun speċifika jew selettiva fis-sens li trid tiffavorixxi biss lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti. |
|
(112) |
Il-Miżura hija selettiva peress li hija mmirata speċifikament lejn impriżi privati li attwalment joperaw fis-settur tas-servizzi ta' trażmissjoni tax-xandir tat-televiżjoni permezz tat-teknoloġija tad-DTT. Minħabba f'dan, il-Miżura kkontestata tibbenefika biss lil kumpaniji li joperaw fuq il-pjattaforma tad-DTT meta mqabbla ma' kumpaniji oħrajn li joperaw fuq pjattaformi alternattivi bħas-satellita jew il-kejbil. |
|
(113) |
B'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura li tipprovdi għal kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba l-obbligu tax-xandir simultanju hija miżura selettiva fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
4.1.4. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(114) |
Il-miżuri tal-Istat jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat sakemm joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jiffavorixxu lil ċerti impriżi jew lill-produzzjoni ta' ċerti oġġetti u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Skont il-każistika tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett ta' “effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” huwa marbut mal-kunċett ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni u t-tnejn li huma spiss ikunu marbuta b'mod indissoċjabbli. F'dan ir-rigward, il-Qorti ddikjarat li “iż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jiġifieri li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jrid ikun affettwat u l-kompetizzjoni mfixkla, huma bħala regola ġenerali marbuta b'mod indissoċjabbli. B'mod partikolari, meta għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati minn din l-għajnuna” (73). |
|
(115) |
Barra minn hekk, skont il-każistika Philip Morris (74), l-impatt fuq il-kummerċ huwa preżunt meta l-għajnuna mogħtija mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta' kumpanija fir-rigward ta' kompetituri oħrajn fil-kummerċ intra-UE. |
|
(116) |
Kif spjegat aktar 'il fuq, il-Miżura tiffavorixxi lix-xandara tad-DTT u b'mod indirett lill-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT. Il-benefiċjarji tal-Miżura kkontestata jikkompetu ma' fornituri alternattivi oħrajn (satellita, kejbil, IPTV) li mhumiex sejrin jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Istat. Għaldaqstant, il-Miżura ser toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fost ix-xandara u l-operaturi tal-pjattaformi. |
|
(117) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-swieq għax-xandir kummerċjali u l-operat tan-netwerks ta' trażmissjoni tat-televiżjoni huma miftuħa għall-kompetizzjoni fi ħdan l-UE (75). |
|
(118) |
Ix-xandara joperaw fuq is-swieq tar-reklamar u jixtru drittijiet ta' kontenut minn pajjiżi oħrajn, waqt li jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Is-swieq Spanjoli għax-xandir u l-operat tan-netwerks tat-televiżjoni jospitaw ukoll atturi barranin (pereż. dawk li jfornu l-kontenut u dawk li jirreklamaw). |
|
(119) |
L-operaturi tal-pjattaformi jikkompetu fuq livell transfruntier kontra xulxin kif ukoll kontra operaturi ta' pjattaformi ta' komunikazzjoni elettronika oħrajn. |
|
(120) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura tfikxel il-kompetizzjoni u għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
4.1.5. Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna
|
(121) |
Minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta' dak l-Artikolu. |
4.2. Valutazzjoni tal-kompatibbiltà
4.2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(122) |
Mill-2002, il-Kummissjoni appoġġjat b'mod attiv id-diġitizzazzjoni tax-xandir fl-UE. Il-“Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005” (76), l-“inizjattiva i2010” (77), il-Komunikazzjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali kif ukoll l-impenn tal-Kummissjoni li tlesti t-tneħħija gradwali tat-trażmissjonijiet analogi fl-UE fl-2012 huma evidenza ċara tal-istrateġija tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward. |
|
(123) |
Madankollu, konxja mir-riskji assoċjati mal-proċess tad-diġitizzazzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat ripetutament li r-regolamenti f'dan il-qasam la għandhom jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta' pjattaforma diġitali speċifika, iżda jżommu mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Dan ifisser li kull pjattaforma għandha tikkompeti skont il-kapaċitajiet tagħha, b'mod partikolari l-kapaċità tagħha li toffri l-aqwa benefiċċju lill-konsumaturi. |
|
(124) |
F'konformità mal-approċċ ġenerali lejn l-użu ta' għajnuna biex jingħeleb falliment tas-suq speċifiku jew biex tkun żgurata koeżjoni soċjali u reġjonali (78), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali tipprovdi li, fil-qasam speċifiku tad-diġitizzazzjoni, l-intervent pubbliku jkun iġġustifikat taħt żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, meta l-interessi ġenerali jkunu f'periklu u t-tieni, f'każ ta' falliment tas-suq, jiġifieri meta l-forzi tas-suq waħedhom jonqsu milli jwasslu s-servizzi tagħhom f'termini ta' benesseri kollettiv. Tispeċifika wkoll li, fi kwalunkwe każ, l-intervent pubbliku għandu jkun appoġġjat minn analiżi soda tas-suq. Il-Komunikazzjoni tindika wkoll li t-tranżizzjoni lejn ix-xandir diġitali tirrappreżenta sfida industrijali kbira li trid titmexxa mis-suq. Fil-prinċipju, kull netwerk għandu jikkompeti bil-kapaċitajiet tiegħu stess. Biex dan il-prinċipju jiġi ssalvagwardjat, kwalunkwe intervent pubbliku għandu jkun teknoloġikament newtrali (79). |
|
(125) |
Il-Kummissjoni applikat ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'dan is-settur f'diversi deċiżjonijiet, ibbażati fuq il-prinċipji tal-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tranżizzjoni diġitali (80). |
|
(126) |
Fi Spanja, il-gvern ċentrali kkoordina t-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali u fil-fatt appoġġja lill-pjattaforma tad-DTT b'detriment għal pjattaformi alternattivi (81). |
4.2.2. Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà taħt l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat
|
(127) |
L-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat jgħid li l-għajnuna sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji hija kompatibbli mas-suq intern. F'dan il-każ, l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali għandha titqies bħala avveniment straordinarju. |
|
(128) |
Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-eċċezzjonijiet mill-prinċipju ġenerali stipulat mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni, il-Qrati tal-UE jsostnu li l-kunċett ta' “avveniment straordinarju” fl-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat għandu jkun interpretat b'mod restrittiv (82). Sa issa, il-Qrati tal-UE aċċettaw bħala avvenimenti eċċezzjonali gwerer, tfixkil intern jew strajkijiet, u, b'ċerti riżervi u skont il-kobor tagħhom, aċċidenti u nirien nukleari jew industrijali kbar li jirriżultaw f'telf fuq skala kbira (83). Iżda l-Qrati tal-UE ma jqisux bħala tali kwalunkwe avveniment prevedibbli jew mhux prevedibbli li jseħħ minħabba riskji li normalment iġorru l-impriżi (84). L-istess jgħodd għal avvenimenti bbażati fuq żbalji politiċi, intraprenditorjali jew oħrajn, jew avvenimenti attribwiti għal riskji intraprenditorjali normali jew oħrajn ta' impriża. |
|
(129) |
Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jilliberaw id-Dividend Diġitali kienet teħtieġ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ispettru b'impatt fuq l-obbligi tal-kumpaniji attivi fis-settur tax-xandir. Madankollu, peress li dawn l-obbligi ġejjin bla dubju ta' xejn minn miżuri regolatorji, ma jistgħux jitqiesu bħala avvenimenti straordinarji. Kif analizzat aktar 'il fuq, l-obbligi u l-ispejjeż marbutin b'obbligi legali normalment jinġarru mill-impriżi attivi fis-settur speċifiku u huma inklużi min-natura tagħhom fil-baġits ta' dawn l-impriżi (85). |
|
(130) |
Għaldaqstant il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehma li l-Miżura għandha l-għan li tagħmel tajjeb għal spejjeż imġarrba minħabba avvenimenti straordinarji u għaldaqstant ma tqisx il-Miżura kompatibbli taħt l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat. |
4.2.3. Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà taħt l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat
|
(131) |
L-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jistabbilixxi li: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. |
|
(132) |
Biex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(c), il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna. Meta tkun qed tapplika dan it-test ta' bbilanċjar, il-Kummissjoni tivvaluta l-mistoqsijiet li ġejjin:
|
|
(133) |
Minbarra t-test ta' bbilanċjar, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali tistipula kriterji li għandhom ikunu rrispettati meta jitħallsu s-sussidji fil-proċess ta' bidla diġitali; b'mod partikolari l-miżuri nazzjonali jridu jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika (86). |
|
(134) |
Ir-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika kif stabbilit f'din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni meta tiġi vvalutata l-legalità tal-għajnuna mill-Istat ġie approvat ukoll mill-Qrati tal-UE (87). |
|
(135) |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika huwa rilevanti wkoll f'konnessjoni mal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali. Il-kunsiderazzjoni ta' dik il-kwistjoni ser tifforma parti mill-valutazzjoni tal-każ inkwistjoni. |
A. Objettiv ta' interess komuni
L-għajnuna hija konformi mal-politika tal-Unjoni dwar id-Dividend Diġitali
|
(136) |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tad-Dividend Diġitali fl-ewwel Komunikazzjoni tagħha dwar id-Dividend Diġitali (88), fejn qalet li d-Dividend Diġitali kellu jitqies mis-sens usa' ta' bilanċ globali bejn il-provvista u d-domanda tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju u enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa tiggarantixxi l-aqwa użu possibbli tad-Dividend Diġitali. Il-promozzjoni ta' użu kkoordinat tad-Dividend Diġitali kompliet tissaħħaħ fil-Komunikazzjoni dwar it-trasformazzjoni tad-Dividend Diġitali f'benefiċċji soċjali u tkabbir ekonomiku (89). |
|
(137) |
Il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali hija fattur importanti li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (90), li hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 (91). Wieħed mill-objettivi tal-Aġenda Diġitali Ewropea msemmija qabel huwa li tiġi ggarantita kopertura ta' faxxa ta' frekwenza universali b'veloċitajiet dejjem akbar, u li minħabba f'hekk kien propost li jintużaw ċerti frekwenzi tad-Dividend Diġitali għall-broadband bla fili (92). F'dak ir-rigward, id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE titlob li l-Istati Membri kollha jipprovdu l-banda ta' 800 MHz għall-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-1 ta' Jannar 2013. Il-Kummissjoni kienet awtorizzata tagħmel eċċezzjonijiet sal-2015 f'każ ta' avvenimenti nazzjonali jew lokali eċċezzjonali. |
|
(138) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista' jiġi konkluż li l-Miżura tikkontribwixxi għall-kisba ta' għan politiku definit sewwa. |
Il-falliment tas-suq
|
(139) |
Fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Għajnuna mill-Istat (93) il-Kummissjoni tispjega l-approċċ ġenerali tagħha lejn l-għajnuna mill-Istat immirata lejn it-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-koeżjoni. Hija tinnota li l-Istati Membri jistgħu jużaw l-għajnuna mill-Istat sabiex jegħlbu falliment speċifiku tas-suq jew sabiex jiżguraw il-koeżjoni soċjali jew reġjonali. Madankollu f'dawn il-każijiet irid jintwera li l-għajnuna hija l-istrument xieraq biex jindirizza l-kwistjoni, hija limitata għall-minimu meħtieġ u ma toħloqx distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni. |
|
(140) |
L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-Miżura tirrimedja falliment tas-suq fis-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jiġifieri l-iskarsezza fl-ispettru disponibbli għall-provvediment adegwat ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, b'mod speċjali għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ta' servizzi ta' broadband bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (4G). Din l-iskarsezza ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni diġà fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali u għaldaqstant fl-2009 hija rrakkomandat li tiġi liberata l-banda ta' frekwenza ta' 800 MHz li hija adattata ħafna għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. |
|
(141) |
Il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali tixbah lill-qlib diġitali fejn il-frekwenzi terrestri analogi kellhom jiġu liberati u x-xandir inqaleb għall-frekwenzi terrestri diġitali. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-każijiet ta' qlib diġitali (94) li jista' jseħħ falliment tas-suq, pereżempju jekk l-atturi tas-suq ma kinux lesti li jaqblu dwar skeda ta' żmien komuni biex jaqilbu minn banda għal oħra (problema ta' koordinazzjoni) jew jekk l-atturi tas-suq ma jikkunsidrawx l-effetti pożittivi ta' dan il-proċess għas-soċjetà inġenerali għax ma jkollhomx l-inċentivi adatti biex jagħmlu dan (esternalitajiet pożittivi). |
|
(142) |
L-esternalitajiet pożittivi prodotti mil-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali huma diretti lejn l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll lejn l-ekonomija inġenerali u mhux speċifikament lejn ix-xandara. |
|
(143) |
F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Miżura hija mmirata biex tikkumpensa lix-xandara privati għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba l-obbligu li jipprovdu xandir simultanju. |
|
(144) |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni ta' falliment tas-suq hija relatata mal-kontinwità tas-servizzi pprovduti mix-xandara privati. |
|
(145) |
F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li, għall-kuntrarju tax-xandara pubbliċi, ix-xandara privati m'għandhomx mandat ta' servizz pubbliku. |
|
(146) |
Jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat li, jekk ix-xandara ma kinux ser ixandru b'mod simultanju, xorta waħda kien ser ikollhom jittrasferixxu l-kanali tagħhom fuq frekwenzi ġodda, li seta' jirriżulta f'telf konsiderevoli ta' udjenza sakemm l-antenni kollha jiġu adattati. Fi kliem ieħor, it-telf tal-udjenza huwa motivazzjoni ta' negozju soda għax-xandara biex ixandru b'mod simultanju anki mingħajr obbligu regolatorju. Fil-fatt, kieku x-xandara kellhom iġorru dan il-piż, kienu jaraw li l-perjodu ta' xandir simultanju jkun qasir kemm jista' jkun, waqt li jiżguraw l-akbar numru possibbli ta' telespettaturi fl-aħħar ta' dan il-perjodu, u b'hekk jallinjaw l-interessi tagħhom ma' dawk tal-awtoritajiet Spanjoli mingħajr il-bżonn ta' finanzjament pubbliku. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li sadanittant il-qlib għall-banda ta' 700 MHz diġà seħħ u x-xandara privati diġà ħallsu għall-ispiża tax-xandir simultanju (95). |
|
(147) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli sadanittant neħħew l-obbligu tax-xandara privati li jxandru b'mod simultanju fid-Digriet Irjali 805/2014 (96), biex b'hekk ikkonfermaw ir-raġunament tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li t-telf tal-udjenza huwa motivazzjoni ta' negozju soda għax-xandara biex ixandru b'mod simultanju u/jew li l-forniment tax-xandir simultanju jista' ma jkunx meħtieġ u/jew jista' jiġi ffinanzjat mix-xandara. |
|
(148) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-Kummissjoni tikkonkludi li ma ġiex stabbilit li jeżisti falliment tas-suq. Ebda objettiv ta' interess komuni definit sew ma ġie ddikjarat mill-awtoritajiet Spanjoli jew mill-partijiet interessati. |
|
(149) |
Fin-nuqqas ta' objettiv ta' interess komuni definit sew, il-Miżura mhijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. |
|
(150) |
Madankollu, l-elementi l-oħrajn tat-test ta' bbilanċjar (deskritti hawn fuq) ser ikunu kkunsidrati aktar 'l isfel. Kif se jintwera, dawn jitkellmu wkoll kontra l-pretensjoni tal-kompatibbiltà tal-Miżura mas-suq intern. |
B. Għajnuna mfassla tajjeb
L-għajnuna hija l-għodda xierqa
|
(151) |
L-awtoritajiet pubbliċi għandhom mezzi differenti biex jimmaniġġjaw il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali. F'dan il-każ, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jimponu obbligu ta' xandir simultanju u li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali tax-xandara tad-DTT li jirriżultaw mill-obbligu. |
|
(152) |
B'mod aktar speċifiku, l-awtoritajiet Spanjoli ppjanaw fid-Digriet Irjali 365/2010 l-allokazzjoni mill-ġdid tal-frekwenzi u l-iskeda tagħha. Id-Digriet Irjali impona fuq ix-xandara l-obbligu li jxandru fl-istess waqt kemm fuq il-banda ta' frekwenza l-antika kif ukoll fuq il-ġdida (jiġifieri, il-banda ta' 800 MHz u ta' 700 MHz) sakemm jingħataw multiplessi definittivi (97) fil-banda ta' frekwenza aktar baxxa ta' 700 MHz, jiġifieri sakemm in-numru ta' infrastrutturi ta' riċezzjoni (l-antenni tax-xandir) adattat għall-multiplessi l-ġodda jkun l-istess bħal dak għall-multiplessi preċedenti (mogħtija fil-fażi tal-qlib). Aktar tard, fl-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew id-dritt tax-xandara għal kumpens finanzjarju tal-ispejjeż assoċjati mal-obbligu tax-xandir simultanju. |
|
(153) |
Madankollu, l-obbligu regolatorju fih innifsu kien biżżejjed biex jikseb l-objettiv mixtieq li jiġi assigurat ix-xandir simultanju fuq għadd ta' frekwenzi waqt perjodu ta' tranżizzjoni. Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa 147, l-iżvilupp tas-suq f'Żona I għamel lill-awtoritajiet Spanjoli konxji li anki l-obbligu regolatorju li jiġi pprovdut ix-xandir simultanju ma kienx meħtieġ biex jiżgura liberazzjoni tad-Dividend Diġitali mingħajr problemi. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura mhijiex għodda xierqa. |
Effett ta' inċentiv u neċessità
|
(154) |
Rigward l-effett ta' inċentiv u n-neċessità tal-Miżura, irid ikun eżaminat jekk ix-xandara privati jiddeċidux b'mod spontanju li jxandru simultanjament u jekk jagħmlux dan fl-istess skeda ta' żmien mingħajr għajnuna mill-Istat. |
|
(155) |
Waqt l-investigazzjoni formali l-awtoritajiet Spanjoli komplew jargumentaw li x-xandara privati ma jkunux lesti li jxandru b'mod simultanju: diġà ffinanzjaw l-ispiża kbira tal-qlib mix-xandir tat-televiżjoni analoga għal dak diġitali u solvew problemi li rriżultaw minn dak il-qlib pereż. interferenzi fuq il-kanali terrestri diġitali li ngħatawlhom oriġinarjament; u mhumiex se jieħdu xi benefiċċju ieħor meta jimxu fuq banda ta' frekwenza oħra. |
|
(156) |
Minkejja dawn l-affermazzjonijiet, ma ntweriex kif xieraq li x-xandara kienu se jopponu għax-xandir simultanju jekk ma jkollhomx għajnuna. Fil-fatt, l-imġiba tas-suq tagħhom uriet il-kuntrarju. |
|
(157) |
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-obbligu tax-xandara taħt il-liċenzji li jipprovdu s-servizz b'kontinwità u bi kwalità jimplika l-awtofinanzjament tax-xandir simultanju waqt perjodu temporanju ta' żmien (98). Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat f'dan ir-rigward li l-impożizzjoni tal-obbligu fuq ix-xandara li jipprovdu xandir simultanju bi spejjeż tagħhom stess permezz ta' att regolatorju tidher suffiċjenti biex tassigura liberazzjoni bla xkiel tad-Dividend Diġitali. Il-fatt li anki dan l-obbligu espliċitu tneħħa aktar tard, kif spjegat fil-premessa 147, juri sempliċiment li l-impenn tax-xandara privati li jiżguraw il-kontinwità tas-servizz taħt il-liċenzji jeħtieġ l-awtofinanzjament tax-xandir simultanju u li fi kwalunkwe każ dawn ix-xandara għandhom biżżejjed inċentivi waħedhom sabiex jipprovdu s-servizz inkwistjoni u għalhekk il-Miżura mhijiex meħtieġa. |
|
(158) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli juru l-effett ta' inċentiv u l-ħtieġa tal-Miżura. |
Il-proporzjonalità
|
(159) |
Fil-kuntest ta' eżerċizzju ta' bbilanċjar, huwa importanti li jiġi vvalutat jekk il-miżura adottata mill-awtoritajiet hijiex proporzjonata mal-ħtieġa li jingħeleb il-falliment tas-suq u titrawwem il-kompetizzjoni fis-suq. Rigward il-proporzjonalità, fid-Deċiżjoni tagħha DVB-T Brandenburg (99), il-Kummissjoni sabet li kien jeħtieġ li tqabbel il-miżura adottata ma' alternattivi possibbli: “Ir-regolament la għandu jimponi u lanqas jiddiskrimina favur l-użu ta' pjattaforma diġitali partikolari bħall-kejbil, satellita, televiżjoni terrestri jew DSL u b'hekk jaderixxi mal-prinċipju tan-'newtralità teknoloġika'. Kif iddikjarat fid-Direttiva Qafas, dan ma jipprekludix Stat Membru milli jieħu passi proporzjonati sabiex jippromwovi ċerti servizzi speċifiċi fejn dan ikun iġġustifikat, pereżempju t-televiżjoni diġitali bħala mezz biex tiżdied l-effiċjenza tal-ispettru. Dan ifisser li kull pjattaforma għandha fil-prinċipju tikkompeti waħedha bil-kapaċitajiet tagħha stess, iżda li jista' jiġi previst l-immirar tal-intervent fil-korrezzjoni tal-fallimenti tas-suq li huma speċifiċi għal pjattaforma waħda. Fl-aħħar nett, għandhom jipprevalu dawk il-pjattaformi li joffru l-akbar benefiċċju lill-konsumaturi”. Il-Kummissjoni kkonkludiet f'dak il-każ li l-għajnuna la kienet meħtieġa u lanqas proporzjonata. |
|
(160) |
F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura hija limitata għall-ispejjeż straordinarji li x-xandara privati jkollhom iġarrbu minħabba l-obbligu tax-xandir simultanju fl-ambitu tal-obbligu ta' 96 % kopertura tagħhom fiż-Żona I. L-ammont ta' kumpens jiġi stabbilit sabiex ikopri esklussivament l-ispejjeż assoċjati mal-obbligu tax-xandir simultanju. |
|
(161) |
Il-Gvern Spanjol kellu l-ħsieb li jikkumpensa 100 % tal-ispejjeż addizzjonali relatati max-xandir simultanju. L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-kumpens ta' 100 % tal-ispejjeż addizzjonali kien meħtieġ minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tax-xandara li ffinanzjaw il-qlib għad-diġitali bil-mezzi tagħhom stess. Barra minn hekk, iddikjaraw li mingħajr il-finanzjament permezz tal-Miżura ċerti xandara lokali kienu jfallu. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli ma ppreżentawx evidenza konvinċenti biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-appoġġ sa dan il-punt. |
|
(162) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx teskludi li l-falliment possibbli tas-suq seta' ġie rrimedjat b'inqas għajnuna, jew b'għajnuna mmirata biss lejn l-impriżi li jistgħu juru l-ħtieġa tal-appoġġ jew billi jitnaqqas il-perjodu tax-xandir simultanju. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli mill-bidu nett ma kkunsidrawx dan l-approċċ. |
|
(163) |
L-awtoritajiet Spanjoli lanqas ma pprovdew evidenza konvinċenti, u b'mod partikolari studju tal-ispiża, li turi li l-għażla li jiġu allokati mill-ġdid il-multiplessi ta' 800 MHz lil banda ta' frekwenzi terrestri oħra kienet l-irħas u l-iqsar soluzzjoni għal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali. |
|
(164) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli juru li l-Miżura hija proporzjonata u limitata għall-minimu meħtieġ. |
Newtralità teknoloġika
|
(165) |
Il-Kummissjoni enfasizzat f'diversi okkażjonijiet l-importanza tan-newtralità teknoloġika fit-tranżizzjoni lejn ix-xandir diġitali. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li taġixxi b'mod konformi ma' “l-ispirtu ta' ‘qafas regolatorju ġdid għall-komunikazzjonijiet elettroniċi’, li huwa bbażat fuq inizjattiva tas-suq u newtralità teknoloġika” (100). Għaldaqstant, kwalunkwe intervent mill-Istati Membri għandu jevita li jfixkel bla bżonn il-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi, sabiex kull pjattaforma titħalla tikkompeti “bis-saħħiet tagħha stess” f'“kundizzjonijiet ekwi regolatorji”. |
|
(166) |
Fl-istess vena, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (101) jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li t-tipi kollha ta' teknoloġija użati għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jintużaw fil-baned ta' frekwenza tar-radju, u ddikjarati disponibbli għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta' Allokazzjoni tal-Frekwenza Nazzjonali tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li l-istess dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u nondiskriminatorji għat-tipi ta' teknoloġija għan-netwerks tar-radju jew għall-aċċess tal-wireless użati għas-servizzi ta' komunikazzjonjiet elettroniċi fejn dan ikun meħtieġ biex, fost l-oħrajn, jiżguraw (c) il-kwalità teknika tas-servizzi jew (f) l-issodisfar ta' objettiv ta' interess ġenerali bħall-evitar ta' użu ineffiċjenti tal-frekwenzi tar-radju jew is-sigurtà tal-ħajja. Madankollu, f'dan il-każ l-awtoritajiet Spanjoli la ddikjaraw u lanqas urew li l-Miżura tiġġustifika eċċezzjoni għall-prinċipju tan-newtralità teknoloġika għal dawk il-motivi. |
|
(167) |
Minflok, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-Miżura hija teknoloġikament newtrali fis-sens li x-xandara privati huma liberi li jagħżlu kwalunkwe pjattaforma teknoloġika disponibbli għall-forniment tax-xandir simultanju. Dan l-argument kien ivverifikat mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni formali, fejn sabet li xenarju bħal dan mhuwiex permess mil-liċenzji attwali li jimponu fuq ix-xandara privati l-użu tat-teknoloġija DTT sabiex jiżguraw il-kopertura ġeografika ta' 96 % fiż-Żona I. |
|
(168) |
Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għat-tranżizzjoni diġitali jikkonfermaw dan l-approċċ. Fid-deċiżjonijiet tagħha fil-każijiet DVB-T-Berlin Brandenburg (102) u Decoders diġitali (103), ikkonfermati mill-Qorti Ġenerali (104), kif ukoll fid-deċiżjonijiet tagħha kontra Spanja dwar it-tnedija tad-DTT fiż-Żona II (105), ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali (106), il-Kummissjoni indikat li: 1) it-teknoloġija tad-DTT mhijiex superjuri għat-teknoloġiji l-oħrajn, 2) jekk jingħata appoġġ lill-pjattaforma, dan ikun eċċezzjoni mhux iġġustifikata għall-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, u 3) diskriminazzjoni bi ksur tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika ma tippermettix li miżura speċifika tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. |
|
(169) |
Kif spjegat hawn fuq, ix-xandara privati jħallsu għat-trażmissjoni tal-kontenut tagħhom lill-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT li għalhekk indirettament jibbenefikaw mill-miżura. B'hekk ir-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jrid jiġi eżaminat fir-rigward tal-operaturi tal-pjattaforma. |
|
(170) |
Fi Spanja, l-għażla teknoloġika saret fil-bidu nett tal-proċess amministrattiv, meta ġie approvat id-Digriet Irjali 365/2010. Waqt li d-Digriet Irjali kien esklussivament ibbażat fuq l-allokazzjoni mill-ġdid għal banda ta' frekwenza terrestri aktar baxxa, u, b'mod partikolari, it-trasferiment tax-xandir bid-DTT għall-frekwenzi ta' taħt il-banda ta' 800 MHz sal-aħħar tal-2014, kien biss meta ġie adottat l-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli fl-2011 li ġiet stabbilita l-liberazzjoni ta' dik il-banda għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni u li l-kumpens finanzjarju tal-ispejjeż tax-xandir simultanju għall-benefiċċju esklussiv tal-pjattaforma tad-DTT u għad-detriment ta' pjattaformi alternattivi ġie stabbilit fil-liġi nazzjonali. |
|
(171) |
L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-Miżura tikkonsisti biss minn kumpens għal danni dovuti għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-frekwenzi terrestri. Pjattaformi oħrajn (bħas-satellita, il-kejbil,l-IPTV, eċċ.) mhumiex affettwati peress li m'għandhomx għalfejn jagħmlu l-bidla fil-kanali meħtieġa għal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali u għaldaqstant il-Miżura kompensatorja mhijiex meħtieġa għalihom. Argumentaw ukoll li s-satellita mhijiex adattata biex tittrażmetti programmi lokali u reġjonali bl-istess mod bħall-pjattaforma tad-DTT u żiedu li ċertu kontenut premium mixtri mix-xandara jista' biss jixxandar fit-territorju Spanjol jew saħansitra permezz tax-xandir terrestri biss. |
|
(172) |
Il-Kummissjoni tinnota fir-rigward ta' dawn l-argumenti li fil-livell tal-operaturi tal-pjattaformi, jeżistu pjattaformi differenti ta' trażmissjoni li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet alternattivi sabiex jirrimedjaw l-iskarsezza tal-frekwenzi fis-suq rilevanti Spanjol. Fil-każ tat-trażmissjoni bis-satellita, pereżempju, ma jkunx hemm ħtieġa li l-ispettru jiġi adattat mill-ġdid fuq il-banda UHF. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, dawn ma wettqux investigazzjoni ex ante (pereż. permezz ta' konsultazzjoni pubblika jew studju b'offerta) li tistieden lill-partijiet interessati jikkumentaw dwar dawn il-kwistjonijiet, u lanqas ma wettqu studju tal-kost u l-benefiċċju li jqabbel soluzzjonijiet alternattivi. Fil-fatt, ma ġiet ikkunsidrata ebda alternattiva għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-frekwenzi. |
|
(173) |
Minflok, kif spjegat ukoll f'aktar dettall fil-premessi 179-181, il-Miżura toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn id-diversi pjattaformi (jiġifieri soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti) jekk jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-użu ta' pjattaforma partikolari biss. Jekk wieħed iqis li pjattaformi alternattivi ma jipproduċux spejjeż simili relatati mal-adattament mill-ġdid tal-ispettru u ma jiddependux fuq il-frekwenzi skarsi tar-radju fuq il-banda UHF, il-Miżura ma tappoġġjax l-aktar soluzzjoni teknoloġika effiċjenti. |
|
(174) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli juru li l-Miżura hija teknoloġikament newtrali. |
C. Il-firxa tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(175) |
Il-Kummissjoni vvalutat għadd ta' miżuri mill-Istat relatati mal-qlib diġitali (107). Il-Kummissjoni spjegat li l-Istati Membri għandhom diversi possibbiltajiet biex jagħtu finanzjament pubbliku għall-qlib, inkluż ix-xandir simultanju, diment li l-miżuri ma jinvolvux distorsjoni bla bżonn bejn it-teknoloġiji jew il-kumpaniji, ikunu proporzjonati u limitati għall-minimu meħtieġ. B'analoġija mal-qlib diġitali, l-istess kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-Miżura nnotifikata mill-awtoritajiet Spanjoli. |
|
(176) |
F'dan il-każ, minħabba l-fatt li hemm benefiċjarji diretti u indiretti tal-għajnuna, id-distorsjoni fil-kompetizzjoni tista' sseħħ f'diversi livelli. |
Distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tax-xandara privati
|
(177) |
Kif diġà ġie konkluż, ix-xandara privati li jużaw il-pjattaforma tad-DTT jirċievu vantaġġ peress li huma kkumpensati għall-ispejjeż li normalment ikollhom iġarrbu. Il-Miżura tibdel l-imġiba tagħhom taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Tabilħaqq, mingħajr il-kumpens, kif argumentat mill-awtoritajiet Spanjoli, uħud mix-xandara involuti ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw ix-xandir simultanju u jfallu, li jwassal biex ikollhom jirritornaw il-liċenzja tagħhom. F'dan il-każ, xandara oħra jistgħu japplikaw għal-liċenzja disponibbli. Bis-saħħa tal-Miżura, madankollu, ix-xandara privati terrestri jżommu s-sitwazzjoni attwali u wkoll liċenzji terrestri skarsi, b'hekk il-Miżura tipprevjeni lil xandara oħra milli jidħlu fis-suq. L-unika konklużjoni li wieħed jista' jasal għaliha fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni hija li l-miżura tipproteġi l-pożizzjoni tal-atturi eżistenti fis-suq. |
|
(178) |
B'hekk, il-Miżura tfixkel il-kompetizzjoni fil-livell tax-xandara privati sa punt kuntrarju għall-interess komuni. |
Distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-operaturi tal-pjattaformi
|
(179) |
Bil-kumpens tal-ispejjeż tax-xandara għax-xandir simultanju permezz tal-infrastruttura tad-DTT, huma jkunu inkoraġġuti jkomplu jużaw il-pjattaforma terrestri minflok ma jikkunsidraw jekk il-qlib għal pjattaforma oħra jkunx fl-interessi tagħhom. Dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-pjattaformi tat-trażmissjoni. |
|
(180) |
Barra minn hekk, l-operaturi tad-DTT fiż-Żona I jibbenefikaw mill-intervent regolatorju tal-PTN li jobbliga lix-xandara jkopru 96 % tal-popolazzjoni fuq il-bażi tad-DTT. Barra minn hekk, skont il-liċenzji tagħhom, ix-xandara tad-DTT mhumiex awtorizzati jużaw kwalunkwe pjattaforma alternattiva oħra (jiġifieri, is-satellita, il-kejbil jew l-IPTV) sabiex jiżguraw il-kopertura ġeografika minima preskritta. Inkella jitilfu l-liċenzji tagħhom. Minħabba f'hekk, il-parti l-kbira tan-nefqa tax-xandir simultanju se tintefaq de facto għall-użu tal-pjattaforma tad-DTT ta' Abertis minħabba l-pożizzjoni tas-suq ta' dan tal-aħħar. Dan il-vantaġġ huwa għad-detriment ta' pjattaformi teknoloġiċi oħrajn li jikkompetu fuq l-istess suq, bħat-teknoloġija tas-satellita. |
|
(181) |
B'hekk, il-Miżura tfixkel il-kompetizzjoni fil-livell tal-operaturi tal-pjattaformi sa punt kuntrarju għall-interess komuni. |
Il-valutazzjoni
|
(182) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-Kummissjoni tikkonkludi li l-vantaġġ mogħti kemm lix-xandara privati tad-DTT kif ukoll lill-operaturi tal-pjattaforma tad-DTT huwa ta' ħsara għal xandara privati oħrajn u għall-operaturi ta' pjattaformi teknoloġiċi alternattivi li jikkompetu fl-istess suq u joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni f'livelli differenti sa punt kuntrarju għall-interess komuni. |
Konklużjoni
|
(183) |
Huwa konkluż li l-Miżura mhijiex għodda xierqa, meħtieġa, proporzjonata u teknoloġikament newtrali, u li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri sa punt li jmur kontra l-interess komuni. |
5. KONKLUŻJONI
|
(184) |
Il-Kummissjoni ssib li l-Miżura mmirata li tikkumpensal-ispejjeż tax-xandir simultanju ta' xandara privati fil-kuntest tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u allura hija inkompatibbli mas-suq intern. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat innotifikata mir-Renju ta' Spanja mmirata li tikkumpensal-ispejjeż tax-xandir simultanju ta' xandara privati fil-kuntest tal-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u allura hija inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tiġi implimentata.
Artikolu 2
Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Renju ta' Spanja għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri meħudin sabiex jikkonforma magħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju ta' Spanja.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2016.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/C-213/03 tal-25 ta' April 2012, ĠU C 213, 19.7.2012, p. 41).
(2) Trażmissjoni Free-to-air (FTA) tirreferi għas-servizzi tat-televiżjoni u tar-radju mxandra f'forma ċara ( mhux kriptata), li jippermettu lil kwalunkwe persuna bit-tagħmir ta' riċezzjoni xieraq tirċievi s-sinjal u tara jew tismal-kontenut mingħajr ma tkun teħtieġ abbonament, spiża kontinwa oħra jew ħlas ta' darba (pereż. tħallas skont kemm tara (Pay-per-view)). Fis-sens tradizzjonali, dan jivvjaġġa fuq sinjali tar-radju terrestri u jinqabad b'antenna.
(3) Korrispondenti għall-banda ta' 800 MHz.
(4) COM(2012)2533 final.
(5) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.
(6) Abertis Telecom S.A., attwalment Cellnex Telecom, S.A.
(7) Boletín Oficial del Estado.
(8) Real Decreto 677/2014, de 1 de agosto, por el que se regula la concesión directa de subvenciones a prestadores del servicio público de comunicación audiovisual televisiva de ámbito estatal e autonómico, destinadas a compensar los costes derivados de la emisión simultánea y transitoria de sus canales de televisión durante el proceso de liberación de la banda de frecuencias 790-862 MHz.
(9) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2010) 245 final/2.
(10) EWROPA 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. COM(2010) 2020.
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/848/KE tat-28 ta' Ottubru 2009 li tiffaċilita l-liberazzjoni tad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 308, 24.11.2009, p. 24). Il-modalitajiet prattiċi biex jiġi implimentat dan il-proċess jitħallew f'idejn l-Istati Membri. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li dan iseħħ bla problemi u b'mod konformi mad-dritt tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.
(12) Bosta Stati Membri taw għajnuna mill-Istat fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tax-xandir (“bidla diġitali”). B'mod partikolari, ingħatat għajnuna li ssostni lill-familji soċjalment żvantaġġjati biex jixtru decoders ġodda. Fejn il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika, tan-neċessità u tal-proporzjonalità ġew irrispettati, dawn il-miżuri setgħu jiġu approvati.
(13) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għax-xandir diġitali (minn “switchover” diġitali għal “switch-off” analogu). COM(2003) 541 final.
(14) L-allokazzjoni koprimarja lis-servizzi mobbli b'żieda mas-servizzi tax-xandir u fissi kellha ssir mill-2015, jew anki qabel dik id-data soġġett, fejn meħtieġ, għal koordinazzjoni teknika ma' pajjiżi oħrajn.
(15) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali fl-Ewropa: approċċ komuni lejn l-użu tal-ispettru liberat mill-bidla diġitali. COM(2007) 700 final.
(16) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f'benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku. COM(2009) 586 final.
(17) Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81,21.3.2012, p. 7).
(18) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-medda ta' frekwenzi 790-862 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 95).
(19) L-għoti ta' derogi speċifiċi huwa previst fl-Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni. Fin-notifika tal-miżuri Spanja straħet fuq din l-eċċezzjoni u argumentat li għaliha tapplika deroga speċjali minħabba d-diffikultajiet li kellha fil-liberazzjoni tal-ispettru: b'mod partikolari, aktar minn 1 300 kanal tat-televiżjoni ppjanat (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali), orografija Spanjola kumplessa li teħtieġ ippjanar tal-ispettru diffiċli, il-ħtieġa ta' koordinazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi ġirien Ewropej u fl-Afrika ta' Fuq, eċċ. Skont id-dikjarazzjoni tat-13 ta' Marzu 2012 mill-Ministru għall-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu, Spanja kkunsidrat li tillibera d-Dividend Diġitali sena qabel dik prevista fin-notifika, jiġifieri sa tmiem l-2013. Fir-realtà fi Spanja, id-Dividend Diġitali ġie liberat biss fil-31 ta' Marzu 2015.
(20) Real Decreto 944/2005, de 29 de julio, por el que se aprueba el Plan técnico nacional de la televisión digital terrestre.
(21) Il-miżuri implimentati mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jestendu l-kopertura tad-DTT f'Żona II kienu vvalutati f'żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mir-Renju ta' Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u inqas urbanizzati bl-eċċezzjoni ta' Castilla-La Mancha (SA.28599) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-awtoritajiet ta' Castilla-La Mancha għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f'żoni remoti u inqas urbanizzati f'Castilla-La Mancha (SA.27408).
(22) Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2012 fil-Każ “Captación de television digital en Cantabria”.
(23) Ley 2/2011, de 4 de marzo, de Economía Sostenible.
(24) Ara n-noti ta' qiegħ il-paġna 17 u 18.
(25) L-Artikolu 51 tal-Att dwar l-Ekonomija Sostenibbli jispeċifika li: “ L-ispejjeż tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-ispettru meħtieġ għal-liberazzjoni tal-banda ta' frekwenza ta' 790-862 MHz għandhom jitħallsu mill-amministrazzjoni…”.
(26) Fi Spanja l-frekwenzi fuq il-banda ta' 800 MHz kienu fil-fatt użati mix-xandara sal-31 ta' Marzu 2015.
(27) Real Decreto 365/2010, de 26 de marzo, por el que se regula la asignación de los múltiples de la Televisión Digital Terrestre tras el cese de las emisiones de televisión terrestre con tecnología analógica.
(28) Multipless huwa sinjal iġġenerat mill-aggregazzjoni ta' sinjali oħrajn biex itejbu t-trasport u x-xandir tagħhom. Dak iż-żmien, kien hemm b'kollox tmien multiplessi b'kopertura nazzjonali (tnejn għat-televiżjoni pubblika u sitta għat-televiżjoni privata).
(29) Real Decreto 458/2011, de 1 de abril, sobre actuaciones en materia de espectro radioeléctrico para el desarrollo de la sociedad digital.
(30) Il-31 ta' Diċembru 2014 kienet id-data finali stabbilita mid-Digriet Irjali 365/2010 għal-liberazzjoni tal-banda ta' 800 MHz għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni. Minħabba dewmien fl-adattament tal-familji għall-bidliet fil-frekwenzi, id-Dividend Diġitali ma ġiex liberat ħlief fil-31 ta' Marzu 2015 fi Spanja.
(31) L-istima oriġinali li tkopri kemm lix-xandara pubbliċi kif ukoll dawk privati.
(32) Protokoll IP Televiżjoni (Internet Protocol Television).
(33) Ara d-Deċiżjoni tal-ftuħ għad-dettalji.
(34) Il-liċenzja mill-Istat tinkludi l-assenjazzjoni ta' frekwenza għax-xandir terrestri. Ix-xandara privati nazzjonali huma Atresmedia (Antena 3+La Sexta), Mediaset España (Telecinco+Cuatro), Veo TV u Net TV. Minbarra x-xandara privati nazzjonali, hemm ukoll bosta xandara privati reġjonali u lokali.
(35) Filwaqt li x-xandara tad-DTT qegħdin jużaw il-banda ta' Frekwenza Ultra Għolja (Ultra High Frequency — “UHF”), l-operaturi tas-satellita qegħdin jittrażmettu s-sinjali tat-televiżjoni fuq il-banda ta' Frekwenza Super Għolja (Super High Frequency — “SHF”).
(36) 93,5 % tal-popolazzjoni jużaw il-pjattaforma terrestri biex jaraw it-televiżjoni. Il-5,35 % li jifdal jippreferu aċċess għas-servizzi tat-televiżjoni permezz ta' pjattaformi oħrajn.
(37) Il-pjattaforma tas-satellita tikkonsisti fi stazzjon terrestri, satellita u, fil-livell tar-riċevitur, dixx tas-satellita u decoder. Biex jifrex il-kopertura tas-satellita fir-reġjun, it-tagħmir ta' fuq l-art jeħtieġ li jkun installat fil-bini tal-klijent.
(38) Comisión del Mercado de Telecomunicaciones.
(39) Fl-2010 kien hemm 855 584 unità domestika li għamlu kuntratt mal-IPTV, u 1 586 573 kienu abbonati mal-kejbil. Il-popolazzjoni totali ta' Spanja kienet 47 021 031. Għal aktar dettalji, ara r-rapport annwali tas-CMT fuq http://informeanual.cmt.es/.
(40) Operaturi oħrajn tal-pjattaformi tad-DTT, fil-livell reġjonali, huma Itelazpi, Nasertic u TelecomCLM.
(41) Kif innutat fil-premessa 25 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtorità tal-kompetizzjoni Spanjola (Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia, CNMC) sabet li Abertis kien abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fuq is-swieq tal-provvista tad-distribuzzjoni tad-DTT u servizzi relatati tat-trasport fil-livell ta' konsumatur (CNMC Expediente S/0207/09 Transporte de Televisión). Abertis huwa obbligat joffri l-aċċess għan-netwerk tax-xandir tas-sinjali DTT tiegħu, peress li huwa assi li ma jistax ikun replikat u wieħed li huwa essenzjali għall-provvista tas-servizz tat-trasport u x-xandir tas-sinjal tad-DTT. Abertis jipprovdi wkoll dawn is-servizzi ta' trasport u ta' xandir tad-DTT lix-xandara fejn għandu pożizzjoni dominanti. Wara analiżi ddettaljata tal-ispejjeż u d-dħul ta' Abertis, is-CNMC sabet li, bil-prezzijiet li l-kumpanija tipprovdi s-servizz ta' aċċess għaċ-ċentri tagħha, u minħabba t-termini li qablet fuqhom mal-konsumaturi fis-suq fil-livell ta' konsumatur, il-kompetituri li huma effiċjenti daqs Abertis ma għandhom ebda marġni ta' sopravvivenza fis-swieq tat-trasport u d-distribuzzjoni tas-sinjal tad-DTT.
(42) “ Otro indicador de esta tendencia fue el aumento en más de un millón del número de abonados a la televisión de pago, que por primera vez superó los 5 millones de clientes.” CNMC Informe Económico Sectorial de las Telecomunicaciones y el Audiovisual 2015, p. 3.
(43) Id-distribuzzjoni tat-telespettaturi bejn il-pjattaformi tat-televiżjoni bi ħlas fl-2014 kienet kif ġej: IPTV — 38,8 %, satellita — 30,2 %, kejbil — 23,7 % u DTT — 4,5 %. Sors: http://data.cnmc.es/datagraph/jsp/inf_anual.jsp.
(44) Resolución de 25 de enero de 1989, de la Secretaria general de Comunicaciones, por la que se publica el acuerdo por el que se aprueba el pliego de bases del concurso para la adjudicación del servicio público de televisión, en gestión indirecta, y se dispone la convocatoria del correspondiente concurso público; Titulo III, derechos y obligaciones de los concesionarios.
(45) Ley 7/2010, de 31 de marzo, General de la Comunicación Audiovisual, ipprovdiet il-bażi legali għat-trasformazzjoni tat-titolu li jawtorizza l-forniment ta' servizzi awdjoviżivi. Il-konċessjonijiet validi ġew mibdula f'liċenzji permezz ta' ftehimiet individwali max-xandara kkonċernati — ara l-Ftehim tal-11 ta' Lulju 2010 ma' Antena 3, Telecinco, La Sexta u Veo u l-Ftehim tat-28 ta' Mejju 2010 ma' Sogecable.
(46) Pereżempju jekk ix-xandara jwaqqfu l-emissjoni għal 15-il ġurnata jew aktar.
(47) Fil-11 ta' Frar 2016 l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li l-obbligu tax-xandara privati li jxandru b'mod simultanju kien tneħħa bid-Digriet Irjali 805/2014 tad-19 ta' Settembru 2014 li japprova l-Pjan Tekniku Nazzjonali l-ġdid għad-DTT. Din il-miżura regolatorja tipprovdi li x-xandara privati jistgħu jikkunsidraw ix-xandir simultanju waqt il-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali iżda mhumiex obbligati jagħmlu dan. Madankollu, din il-modifika ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.
(48) Disposición adicional decimocuarta. Condiciones especiales de emisión: “ En función de la evolución del mercado, de las posibilidades tecnológicas y del desarrollo de la televisión digital terrestre, el Gobierno podrá decidir el establecimiento de condiciones especiales de emisión en línea con las prácticas de los principales países europeos, no previstas en los actuales contratos concesionales.”
(49) Pereżempju, skont l-awtoritajiet Spanjoli, fi Spanja l-utenti tal-pjattaforma tat-televiżjoni bi ħlas bis-satellita jirċievu normalment il-kanali DTT permezz tal-pjattaforma tas-satellita għal raġunijiet prattiċi.
(50) Il-pjattaforma ta' televiżjoni bi ħlas biss, li tinkludi wkoll il-parti l-kbira tal-programmi FTA tad-DTT.
(51) Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).
(52) Fl-1989.
(53) L-għajnuna kienet tammonta għal madwar EUR 10 miljun u ż-żmien tax-xandir simultanju kien bejn 3 sa 6 xhur.
(54) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).
(55) Għall-kuntrarju tax-xandara pubbliċi, ix-xandara privati m'għandhomx mandat ta' servizz pubbliku u l-obbligu tal-kopertura ġeografika tagħhom huwa wkoll inqas.
(56) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N632/2009 — Nichtkommerzieller Rundfunk-Fonds Austria, paras. 22 ff; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/606/KE tas-26 ta' Ġunju 1997 skont l-Artikolu 90(3) tat-Trattat KE dwar id-dritt esklussiv tax-xandir tar-reklamar fuq it-televiżjoni fi Fjandra (ĠU L 244, 6.9.1997, p. 18), para. 5.
(57) Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni N622/2003 Digitalisierungsfonds Austria, para. 16; C25/2004 DVB-T Berlin Brandenburg, para. 62; C34/2006 DVB-T North-Rhine Westphalia, para. 83; C52/2005 Mediaset, para. 96.
(58) L-Artikolu 106(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprovdi li “ L-individwi, taħt it-termini stabbiliti fil-Liġi, għandhom ikunu intitolati għal kumpens għal kwalunkwe dannu li jsofru fi kwalunkwe assi jew dritt tagħhom, ħlief f'każijiet ta' force majeure, diment li dan id-dannu jkun konsegwenza tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku.”
(59) Resolución de 25 de enero de 1989, de la Secretaria general de Comunicaciones, por la que se publica el acuerdo por el que se aprueba el pliego de bases del concurso para la adjudicación del servicio público de televisión, en gestión indirecta, y se dispone la convocatoria del correspondiente concurso público; Titulo III, derechos y obligaciones de los concesionarios.
(60) Sentenza tal-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, para. 131; is-Sentenza tal-20 ta' Novembru 2003, GEMO SA, C-126/01, ECLI:EU:C:2003:622, para. 28; is-Sentenza tat-22 ta' Novembru 2001, Ferring SA, C-53/00, ECLI:EU:C:2001:627, para. 19 ff; is-Sentenza tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598, para 38; is-Sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-310/99, ECLI:EU:C:2002:143, para 251; is-Sentenza tal-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost BV vs il-Kummissjoni, T-109/01, ECLI:EU:T:2004:4, para. 54; is-Sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, Franza vs il-Kummissjoni, C-251/97, ECLI:EU:C:1999:480, para. 40.
(61) Is-Sentenza tal-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost BV vs il-Kummissjoni, T-109/01, ECLI:EU:T:2004:4, para. 54.
(62) Is-Sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, Franza vs il-Kummissjoni, C-251/97, ECLI:EU:C:1999:480, para. 40.
(63) Sentenza tal-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, para. 131.
(64) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 47.
(65) Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Lenz tat-23 ta' Mejju 1996, Ijssel-Vliet, C-311/94, ECLI:EU:C:1996:209, para. 9.
(66) Is-Sentenza tal-21 ta' Marzu 1991, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-303/88, ECLI:EU:C:1991:136, para 57.
(67) Is-Sentenza tal-15 ta' Ġunju 2010, Mediaset vs il-Kummissjoni, T-177/07, ECLI:EU:T:2010:233, para. 75; sussegwentement ikkonfermata mis-Sentenza tat-28 ta' Lulju 2011, Mediaset vs il-Kummissjoni, C-403/10, ECLI:EU:C:2011:533.
(68) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2010 N178/2010 — Spanja — Kumpens għal servizz pubbliku assoċjat ma' mekkaniżmu ta' dispaċċ preferenzjali favur impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija elettrika li jużaw faħam indiġenu.
(69) Is-Sentenza tat-3 ta' Diċembru 2014, Castelnou Energía, SL vs il-Kummissjoni, T-57/11, ECLI:EU:T:2014:1021.
(70) Peress li, għall-kuntrarju ta' pjattaformi tat-teknoloġija alternattiva, ir-riżorsi terrestri skarsi (jiġifieri l-frekwenzi) iridu jiġu kondiviżi għal diversi użi bħat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni, il-broadband tal-mowbajl u t-telefonija, dan l-intervent regolatorju ħoloq spejjeż addizzjonali li mhux bilfors kienu jinħolqu kieku kien possibbli mill-bidu li t-televiżjoni diġitali tiġi trażmessa permezz ta' pjattaformi oħra.
(71) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 47.
(72) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2004 SA N 370/2004, Franza — Għajnuna għar-ristrutturar lill-kumpanija Imprimerie nationale.
(73) Is-Sentenza tal-4 ta' April 2001, Regione Friuli Venezia Giulia vs il-Kummissjoni, T-288/97, ECLI:EU:T:2001:115, para. 41.
(74) Is-Sentenza tas-17 ta' Settembru 1980, Phillip Morris vs il-Kummissjoni, C-730/79, ECLI:EU:C:1980:209, para. 11.
(75) Ara n-noti ta' qiegħ il-paġna 56 u 57.
(76) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-pjan ta' azzjoni eEurope 2005: soċjetà tal-informazzjoni għal kullħadd. COM(2002) 263 final.
(77) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata — “i2010 — Soċjetà tal-Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi”. COM(2005) 229 final.
(78) Ara pereżempju l-Pjan ta' azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat — Inqas għajnuna mill-Istat u għajnuna aktar immirata: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009. COM(2005) 107 final, p. 4.
(79) Dan l-approċċ kien ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-Sentenzi tas-26 ta' Novembru 2015, Spanja vs il-Kummissjoni, T-461/13, ECLI:EU:T:2015:891; Il-Pajjiż Bask u Itelazpi vs il-Kummissjoni, T-462/13, ECLI:EU:T:2015:902; Galicia vs il-Kummissjoni u Retegal vs il-Kummissjoni, T-463/13 u T-464/13, ECLI:EU:T:2015:901; Katalonja u CTTI vs il-Kummissjoni, T-465/13, ECLI:EU:T:2015:900; Navarra vs il-Kummissjoni, T-487/13, ECLI:EU:T:2015:899; u finalment Abertis Telecom u Retevisión vs il-Kummissjoni, T-541/13, ECLI:EU:T:2015:898.
(80) Ara, fost l-oħrajn, N622/03 Digitalisierungsfonds — l-Awstrija (ĠU C 228, 17.9.2005, p. 11); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/513/KE tad-9 ta' Novembru 2005 dwar għajnuna mill-istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implimentat għall-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) f'Berlin-Brandenburg — il-Ġermanja (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 14); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/258/KE tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-miżura Nru C 24/2004 (ex NN 35/2004) implimentata mill-Iżvezja għall-introduzzjoni tat-Televiżjoni diġitali terrestri (ĠU L 112, 30.4.2007, p. 77); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/374/KE tal-24 ta' Jannar 2007 dwar għajnuna mill-istat C 52/2005 (ex NN 88/2005, ex CP 101/2004) li ġiet implimentata mir-Repubblika Taljana bis-sussidju għax-xiri ta' decoders diġitali ĠU L 147, 8.6.2007, p. 1); N270/06 Is-sussidji lid-decoders diġitali bl-API — l-Italja (ĠU C 80, 13.4.2007, p. 1); N107/07 Is-sussidji lill-IdTV — l-Italja (ĠU C 246, 20.10.2007, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/708/KE tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 34/06 (eks N 29/05 u eks CP 13/04), lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tagħti għall-introduzzjoni tat-televiżjoni diġitali terrestri (DVB-T) fin-North Rhine-Westphalia (ĠU L 236, 3.9.2008, p. 10); SA.28685 Captación de Televisión Digital en Cantabria — Spanja (ĠU C 119, 24.4.2012, p. 1); N671b/2009 — Il-qlib diġitali fis-Slovakkja (ĠU C 39, 8.2.2011, p. 1).
(81) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 21.
(82) Ara, fost l-oħrajn, is-Sentenza tal-11 ta' Novembru 2004, Spanja vs il-Kummissjoni, C-73/03, ECLI:EU:C:2004:711, para. 37; is-Sentenza tat-23 ta' Frar 2006, Atzeni vs Regione autonoma della Sardegna, C-346/03 u C-529/03, ECLI:EU:C:2006:130, para. 79; is-Sentenza tal-14 ta' Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-303/09, ECLI:EU:C:2011:483, para. 7; u s-Sentenza tal-25 ta' Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE vs il-Kummissjoni, T-268/06, ECLI:EU:T:2008:222, para. 52.
(83) Ara, pereżempju, is-Sentenza tat-12 ta' Novembru 2008, Cantieri Navali Termoli SpA vs il-Kummissjoni, T-70/07, ECLI:EU:T:2008:486, para. 59.
(84) Ara s-Sentenza tat-12 ta' Novembru 2008, Cantieri Navali Termoli SpA vs il-Kummissjoni, T-70/07, ECLI:EU:T:2008:486, para. 81.
(85) Ara s-Sentenza tal-25 ta' Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE vs il-Kummissjoni, T-268/06, ECLI:EU:T:2008:222, para. 66.
(86) Ara b'mod partikolari s-sezzjoni 2.1.3.
(87) Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-15 ta' Ġunju 2010, Mediaset vs il-Kummissjoni, T-177/07, ECLI:EU:T:2010:233. Dik is-sentenza tiddikjara fil-paragrafu 127 li l-għajnuna lill-“konsumaturi ma tiġġustifikax, madankollu, id-diskriminazzjoni bejn id-diversi pjattaformi, sa fejn ma huwiex meħtieġ li l-konsumaturi jiġu orjentati lejn pjattaforma diġitali partikolari”. Is-sentenza kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-Sentenza tat-28 ta' Lulju 2011, Mediaset vs il-Kummissjoni, C-403/10, ECLI:EU:C:2011:533. Ara wkoll is-Sentenza tal-15 ta' Settembru 2011, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-544/09, ECLI:EU:C:2011:584, fejn il-Qorti kkonstatat fil-paragrafu 80 li fil-każ inkwistjoni ma ntweriex li kien meħtieġ l-appoġġ lil teknoloġija u mhux lil oħra biex tissolva problema strutturali. Barra minn hekk, fis-Sentenza tas-6 ta' Ottubru 2009, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, T-21/06, ECLI:EU:T:2009:387, fil-Każ DVB-T — Berlin/Brandebourg, il-Qorti indirizzat in-newtralità teknoloġika fil-paragrafu 69 u speċifikat li l-pjattaformi kollha ta' trażmissjoni pereż. il-kejbil, is-satellita jew in-netwerks terrestri għandhom jiġu kkunsidrati meta jsir il-qlib mix-xandir analogu għax-xandir diġitali. Reċentement, fis-Sentenzi tas-26 ta' Novembru 2015, Spanja vs il-Kummissjoni, T-461/13, ECLI:EU:T:2015:891; Il-Pajjiż Bask u Itelazpi vs il-Kummissjoni, T-462/13, ECLI:EU:T:2015:902; Galicia vs il-Kummissjoni u Retegal vs il-Kummissjoni, T-463/13 u T-464/13, ECLI:EU:T:2015:901; Katalonja u CTTI vs il-Kummissjoni, T-465/13, ECLI:EU:T:2015:900; Navarra vs il-Kummissjoni, T-487/13, ECLI:EU:T:2015:899; u finalment Abertis Telecom u Retevisión vs il-Kummissjoni, T-541/13, ECLI:EU:T:2015:898, il-Qorti ċaħdet l-azzjonijiet kollha u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'SA.28599 dwar l-iskjerament tad-DTT fi Spanja. Il-Qorti kkonstatat b'mod partikolari li l-Kummissjoni kienet korretta meta ddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, b'mod partikolari peress li ma rrispettawx il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.
(88) COM(2007)700 final.
(89) COM(2009)586 final.
(90) COM(2010)245 final/2.
(91) COM(2010)2020final.
(92) “ Politika Ewropea dwar l-ispettru li tħares 'il quddiem għandha, filwaqt li takkomoda x-xandir, tippromowovi ġestjoni effiċjenti tal-ispettru, billi jingħata mandat għall-użu ta' ċerti frekwenzi tad-dividend diġitali għall-broadband bla fili sa data fissa fil-ġejjieni, permezz tal-iżgurar ta' flessibbiltà addizzjonali (jiġi permess ukoll il-kummerċ fl-ispettru), u bis-saħħa tal-appoġġ għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni.”
(93) COM(2005) 107 final.
(94) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 80.
(95) Skont l-informazzjoni li waslet f'Settembru 2015 mill-awtoritajiet Spanjoli.
(96) Real Decreto 805/2014, de 19 de septiembre, por el que se aprueba el Plan Técnico Nacional de la Televisión Digital Terrestre y se regulan determinados aspectos para la liberación del dividendo digital.
(97) Fil-qlib mix-xandir analogu għal dak diġitali, Spanja tat multiplessi tranżitorji lix-xandara (fażi I). Wara l-liberazzjoni tad-Dividend Diġitali, ingħataw multiplessi definittivi (fażi II).
(98) Naturalment dan ma waqqafx lill-awtoritajiet Spanjoli milli jobbligaw lix-xandara jxandru b'mod simultanju fuq iż-żewġ baned ta' frekwenzi sakemm jiġu allokati definittivament il-multiplessi fil-banda ta' 700 MHz sabiex jiżguraw liberazzjoni bla xkiel tad-Dividend Diġitali.
(99) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/513/KE tad-9 ta' Novembru 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja implimentat għall-introduzzjoni tat-televiżjoni terrestri diġitali (DVB-T) f'Berlin-Brandenburg (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 14).
(100) Taqsima 2.1.3.
(101) Id-Direttiva 2002/21/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).
(102) Għajnuna mill-Istat C 25/2004, DVB-T Berlin Brandenburg.
(103) Għajnuna mill-Istat C 52/2005, Decoders diġitali.
(104) Is-Sentenza tas-6 ta' Ottubru 2009, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni fil-kawża DVB-T — Berlin/Brandebourg, T-21/06, ECLI:EU:T:2009:387; u s-Sentenza tal-15 ta' Ġunju 2010, Mediaset vs il-Kummissjoni, T-177/07, ECLI:EU:T:2010:233.
(105) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 21.
(106) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 79.
(107) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 80.