ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 320

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
26 ta' Novembru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra ( 1 )

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 tat-22 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet ta' verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu ( 1 )

5

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2073 tat-23 ta' Novembru 2016 dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2016

25

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2074 tal-25 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 fir-rigward tas-sustanza saliċilat tal-aluminju, bażiku ( 1 )

29

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2075 tal-25 ta' Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni lil Spanja ta' jiem addizzjonali fuq il-baħar fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES għajr għall-Golf ta' Cádiz

32

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2076 tal-25 ta' Novembru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

34

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness VI tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-1, ir-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, ir-Regolament SOLAS II-1/3-12, il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, il-Kodiċi tas-Sistemi ta' Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011

36

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2078 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.41617 — 2015/C (ex SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands favur il-klabb professjonali tal-futbol NEC f'Nijmegen (notifikata bid-dokument C(2016) 4048)  ( 1 )

40

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1970 tad-29 ta' Settembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra ( ĠU L 304, 11.11.2016 )

52

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2071

tat-22 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu, li jinsabu, jew li jitilqu minn portijiet li huma taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru, sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu b'mod kosteffiċjenti.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi l-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 abbażi l-konsum tal-fjuwil. L-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 jistabbilixxi r-regoli għal “monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra”.

(3)

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 tistipula li l-emissjonijiet ta' CO2 għandhom ikunu kkalkulati bil-multiplikazzjoni tal-fatturi ta' emissjoni u l-konsum ta' fjuwil li huwa determinat bil-metodi ta' monitoraġġ A (BDN u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil), B (monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord) u C (miters tal-fluss għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli) stipulati fil-Parti B ta' dak l-Anness. Ir-Riżoluzzjoni tal-IMO (2) dwar linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-indiċi nominali tal-effiċjenza enerġetika (EEDI) għall-bastimenti ġodda li tistabbilixxi sett ta' valuri predefiniti għal fatturi ta' emissjoni għal fjuwils standard użati abbord il-bastimenti. Dawn il-valuri predefiniti jistgħu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. Billi l-bastimenti japplikaw dawn il-valuri predefiniti biex jissorveljaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom ta' CO2 skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/757 jiżgura kemm approċċ regolatorju effiċjenti kif ukoll implimentazzjoni armonizzata.

(4)

Il-metodi ta' monitoraġġ A, B u C jindirizzaw id-determinazzjoni tal-fjuwil ippumpjat (“bunkering”) jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali tal-fjuwil. Skont il-punt (c) tal-ħames subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Parti B tal-Anness I, il-kumpaniji li jużaw il-metodu ta' monitoraġġ B jistgħu jiddeterminaw id-densità attwali skont id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettqa f'laboratorju akkreditat tal-fjuwil, jekk disponibbli. L-estensjoni tal-possibbiltà għal kumpaniji li jużaw il-metodi ta' monitoraġġ A u C għandha tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata ta' dawn it-tliet metodi ta' monitoraġġ, f'konformità mal-istandard ISO 3675:1998 (3). Għandha wkoll tirrifletti b'mod sħiħ il-prattiki tal-industrija u għandha tiżdied il-komparabbiltà tal-konsum tal-fjuwil immonitorjati bl-użu tat-tliet metodi konċernati.

(5)

Il-kunċett “minn irmiġġ għal irmiġġ” għandu jipprovdi aktar ċarezza u approċċ armonizzat għall-punti eżatti tal-bidu u tat-tmiem tal-vjaġġi. Dan għandu jirfina l-parametri użati biex jiġi mmonitorjat il-ħin iddedikat fuq il-baħar u d-distanza vvjaġġata, kif speċifikat fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, u għandu jirrifletti l-prattiki tal-industrija.

(6)

Il-linji gwida tal-IMO għall-użu volontarju tal-Indikatur Operattiv tal-Effiċjenza Enerġetika tal-bastimenti (4) u l-istandard EN 16258 (2012) tas-CEN (5) jagħtu lill-bastimenti ro-ro l-possibbiltà li jimmonitorjaw u jirrappurtaw il-merkanzija li tinġarr abbord abbażi l-massa attwali tal-merkanzija. Billi jiżdied dan il-parametru addizzjonali ma' dawk stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757 għandu jirrifletti aħjar il-prattiki tal-industrija u b'hekk il-montoraġġ isir aktar faċli.

(7)

Skont il-prassi normali tal-Kummissjoni li tikkonsulta esperti fil-fażi preparatorja tal-atti ddelegati, kien imwaqqaf “sottogrupp ta' monitoraġġ tal-MRV tat-trasport marittimu” li jiġbor flimkien esperti mill-Istati Membri, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF). Is-sottogrupp identifika għadd ta' standards internazzjonali u Ewropej u regoli internazzjonali u żviluppi xjentifiċi u tekniċi u rrakkomanda li jiġu koperti minn dan ir-Regolament. L-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet tas-sottogrupp dwar dawn l-aspetti ġew approvati mis-seduta plenarja tal-ESSF fit-28 ta' Ġunju 2016.

(8)

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

(2)  MEPC 245 (66) 2014.

(3)  ISO 3675:1998 crude petroleum and liquid petroleum products — Laboratory determination of density — Hydrometer method.

(4)  MEPC.1/Circ.684 IMO Guidelines for voluntary use of the ship Energy Efficiency Operational Indicator.

(5)  Metodoloġija għall-kalkolu u d-dikjarazzjoni tal-konsum ta' enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tas-servizzi tat-trasport (merkanzija u passiġġieri).


ANNESS

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2015/757 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti A tinbidel b'dan li ġej:

“A.   KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 (L-ARTIKOLU 9)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta' CO2, il-kumpaniji għandhom japplikaw il-formula li ġejja:

Il-konsum tal-fjuwil × il-fattur ta' emissjoni

Il-konsum tal-fjuwil għandu jinkludi fjuwil ikkunsmat minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert.

Il-konsum tal-fjuwil fil-portijiet tal-irmiġġ għandu jiġu kkalkulat b'mod separat.

Għandhom jiġu applikati dawn il-valuri predefiniti għall-fatturi ta' emissjoni għal fjuwils użati abbord:

Tip ta' fjuwil

Referenza

Fattur ta' emissjoni (t-CO2/t-fjuwil)

1.

Diżil/Gas oil

ISO 8217 Gradi DMX sa DMB

3,206

2.

Żejt kombustibbli light (light fuel oil/LFO)

ISO 8217 Gradi RMA sa RMD

3,151

3.

Żejt kombustibbli heavy (heavy fuel oil/HFO)

ISO 8217 Gradi RME sa RMK

3,114

4.

Gass petroleum likwifikat (LPG)

Propan

3,000

Butan

3,030

5.

Gass naturali likwifikat (LNG)

 

2,750

6.

Metanol

 

1,375

7.

Etanol

 

1,913

Fatturi ta' emissjoni xierqa għandhom jiġu applikati għall-bijofjuwils u għall-fjuwils mhux fossili alternattivi u fjuwils oħra li għalihom ma hu speċifikat l-ebda valur predefinit.”;

(b)

il-parti B hija emendata kif ġej:

(i)

fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;”;

(ii)

fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.”;

(iii)

fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;”;

(iv)

fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 3, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.”.

(2)

Il-paragrafu 1 tal-parti A tal-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“id-data u s-siegħa tat-tluq mill-irmiġġ u tal-wasla fl-irmiġġ għandhom jiġu kkunsidrati bl-użu tal-Ħin Universali ta' Greenwich (GMT/UTC).”;

(b)

fil-punt (b), l-aħħar sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“Id-distanza vvjaġġata għandha tkun determinata mill-irmiġġ fil-port tat-tluq sal-irmiġġ fil-port tal-wasla u għandha tkun espressa f'mili nawtiċi.”;

(c)

fil-punt (e), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“għal bastimenti ro-ro, il-merkanzija li tkun qed tinġarr għandha tiġi definita bħala l-massa ta' merkanzija abbord, stabbilita bħala l-massa attwali jew bħala n-numru ta' unitajiet ta' merkanzija (trakkijiet, karozzi, eċċ.) jew il-metri fil-korsija okkupati mmultiplikat bil-valuri predefiniti għall-piż tagħhom.”.


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2072

tat-22 ta' Settembru 2016

dwar l-attivitajiet ta' verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/757 jistipulaw, rispettivament, li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu regoli oħrajn għall-attivitajiet ta' verifika u għall-metodi għall-akkreditament tal-verifikaturi. Billi dawk l-attivitajiet u l-metodi huma marbuta flimkien b'mod sostantiv, f'dan ir-Regolament jintużaw iż-żewġ bażijiet ġuridiċi.

(2)

L-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2015/757 teħtieġ qafas ġenerali ta' regoli li jiżguraw li l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet stabbiliti skont dak ir-Regolament jitwettqu b'mod armonizzat minn verifikaturi li jippossjedu l-kompetenza teknika sabiex iwettqu l-kompiti fdati bihom b'mod indipendenti u imparzjali.

(3)

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/757, jeħtieġ li tiġi żgurata sinerġija bejn il-qafas komprensiv għall-akkreditament stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet ta' verifika u akkreditament li japplikaw għall-emissjonijiet ta' CO2 mis-settur tat-trasport marittimu. Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-aspetti tal-akkreditament tal-verifikaturi li mhumiex indirizzati mir-Regolament (UE) 2015/757.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li d-dejta rrapportata tkun robusta u affidabbli, jeħtieġ li jiġi żgurat li titwettaq verifika minn verifikaturi kompetenti u indipendenti. Jenħtieġ li s-sistema ta' verifika u akkreditament tevita kwalunkwe duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' proċeduri u organizzazzjonijiet stabbiliti skont strumenti legali oħrajn tal-Unjoni, minħabba li din tista' tirriżulta f'piż akbar għall-Istati Membri jew għall-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, huwa xieraq li wieħed jibbaża fuq l-aħjar prattiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' standards armonizzati adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fuq il-bażi ta' mandat maħruġ mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (bħal dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-korpi ta' verifika u validazzjoni tal-gassijiet b'effett serra li jintużaw fl-akkreditament jew forom oħrajn ta' rikonoxximent, u dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta' akkreditament li jakkreditaw lill-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), id-Dokument EA-6/03 u dokumenti tekniċi oħrajn żviluppati mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament.

(5)

Ir-regoli armonizzati għall-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ, il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet u l-ħruġ ta' dokumenti ta' konformità mill-verifikaturi jeħtieġ li jiddefinixxu b'mod ċar ir-responsabbiltajiet u l-attivitajiet tal-verifikaturi.

(6)

Meta jivvalutaw pjan ta' monitoraġġ, il-verifikaturi jeħtieġ li jwettqu għadd ta' attivitajiet sabiex jevalwaw il-kompletezza, ir-rilevanza u l-konformità tal-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanija inkwistjoni fir-rigward tal-proċess ta' rappurtar u monitoraġġ tal-bastiment sabiex ikunu jistgħu jikkonkludu jekk il-pjan huwiex konformi mar-Regolament (UE) 2015/757.

(7)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 (4), meta jippreżentaw il-pjan ta' monitoraġġ tal-bastiment, il-kumpaniji jistgħu jirreferu għal informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kontrolli eżistenti tal-bastiment, kif koperti mill-istandards armonizzati tal-kwalità, tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-enerġija (bħal EN ISO 9001:2015, EN ISO 14001:2015, EN ISO 50001:2011) jew skont il-Kodiċi tal-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sikurezza (ISM) (5) jew il-Pjan dwar il-Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP) (6). Sabiex jiżguraw approċċ issimplifikat, jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu jistgħu jikkunsidraw dawn sakemm ikunu rilevanti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-dejta skont ir-Regolament (UE) 2015/757 [u dan ir-Regolament].

(8)

Il-forniment tad-dokumenti u l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti bejn il-kumpaniji u l-verifikaturi huma essenzjali għall-aspetti kollha tal-proċess ta' verifika, b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, għat-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju u għall-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet. Jeħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' rekwiżiti armonizzati li jirregolaw l-għoti ta' informazzjoni u dokumenti li jridu jkunu disponibbli għall-verifikatur qabel ikun jista' jibda l-attivitajiet ta' verifika tiegħu u f'punti oħrajn matul il-verifika.

(9)

Jenħtieġ li l-verifikatur jieħu approċċ ibbażat fuq ir-riskji meta jiġi biex jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet, skont il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2015/757. L-analiżi tas-suxxettibbiltà tad-dejta rrapportata għad-dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali hija parti essenzjali mill-proċess ta' verifika u tiddetermina kif il-verifikatur jeħtieġ li jwettaq l-attivitajiet tiegħu.

(10)

Kull parti mill-proċess ta' verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, inklużi ż-żjarat fuq il-post, hija marbuta mill-qrib mal-eżitu tal-analiżi tar-riskju ta' dikjarazzjoni skorretta. Jenħtieġ li l-verifikatur ikun obbligat li jaġġusta attività ta' verifika waħda jew aktar fid-dawl tas-sejbiet u tal-informazzjoni miksuba matul il-proċess ta' verifika, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-kisba ta' garanzija raġonevoli.

(11)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-komparabbiltà tad-dejta mmonitorjata matul iż-żmien skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/757, il-pjan ta' monitoraġġ li jkun ġie vvalutat bħala sodisfaċenti jeħtieġ li jkun il-punt ta' referenza għall-verifikatur meta jiġi biex jivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet ta' bastiment. Il-verifikatur jeħtieġ li jevalwa jekk il-pjan u l-proċeduri meħtieġa ġewx implimentati b'mod korrett. Huwa jinnotifika lill-kumpanija dwar kwalunkwe nuqqas ta' konformità jew dikjarazzjoni skorretta li jidentifika. Il-verifikatur jirrapporta d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti li jwasslu għal żbalji materjali f'rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet mhuwiex konformi mar-Regolament (UE) 2015/757 u ma' dan ir-Regolament.

(12)

L-attivitajiet kollha fil-proċess ta' verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet huma konnessi ma' xulxin u jeħtieġ li jirriżultaw fil-ħruġ ta' rapport ta' verifika li jkun fih dikjarazzjoni tal-eżitu tal-verifika. Jenħtieġ li l-livell ta' garanzija ikun relatat mal-profondità u d-dettall tal-attivitajiet ta' verifika u mal-kliem użat fid-dikjarazzjoni tal-verifika. Ir-rekwiżiti armonizzati għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika u r-rapporti ta' verifika jkunu jiżguraw li l-verifikaturi kollha japplikaw l-istess standards.

(13)

L-attivitajiet ta' verifika, inklużi l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, jeħtieġ li jitwettqu minn verifikaturi u persunal kompetenti. Sabiex jiżguraw li l-persunal involut ikun kompetenti biex iwettaq il-kompiti fdati lilu, il-verifikaturi jeħtieġ li jistabbilixxu u jtejbu kontinwament il-proċessi interni. Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk verifikatur huwiex kompetenti jew le jeħtieġ li jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li jkunu verifikabbli, oġġettivi u trasparenti.

(14)

Bil-għan li tiġi promossa kwalità għolja fl-attivitajiet ta' verifika, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati sabiex jiddeterminaw jekk verifikatur huwiex kompetenti, indipendenti u imparzjali u, b'hekk, jekk jikkwalifikax sabiex iwettaq l-attivitajiet meħtieġa.

(15)

Huwa meħtieġ qafas ġenerali ta' regoli għall-akkreditament tal-entitajiet legali bil-għan li jkun żgurat li l-verifikaturi jippossjedu l-kompetenza teknika sabiex iwettqu l-kompiti fdati lilhom b'mod indipendenti, imparzjali u f'konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/757, fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f'dan ir-Regolament.

(16)

B'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, l-Artikoli 4 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jeħtieġ li japplikaw għall-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi nazzjonali ta' akkreditament.

(17)

Skont il-prattika tas-soltu tal-Kummissjoni li tikkonsulta mal-esperti meta tkun qed tħejji atti delegati, twaqqaf 'sottogrupp ta' verifika u akkreditament MRV tat-trasport marittimu', li jlaqqa' flimkien esperti mill-Istati Membri, mill-industrija u minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn, inkluż mis-soċjetà ċivili, taħt l-umbrella tal-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF). Is-sottogrupp irrakkomanda li għadd ta' elementi jkunu koperti minn dan ir-Regolament. Il-plenarja tal-ESSF approvat l-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet tagħha dwar dawk l-aspetti fit-28 ta' Ġunju 2016,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet. Huwa jistabbilixxi wkoll rekwiżiti f'termini ta' kompetenzi u proċeduri.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-akkreditament u s-superviżjoni tal-verifikaturi mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“akkreditament” tfisser attestazzjoni minn korp tal-akkreditament nazzjonali li verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti ta' standards armonizzati skont it-tifsira tal-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u b'hekk huwa kkwalifikat biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika skont il-Kapitolu II;

(2)

“nuqqas ta' konformità” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

għall-fini tal-valutazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ, li l-pjan ma jissodisfax ir-rekwiżiti skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2015/757 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927;

(b)

għall-fini tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet, li l-emissjonijiet tas-CO2 u informazzjoni rilevanti oħra ma jiġux irrapportati skont il-metodoloġija tal-monitoraġġ deskritta fi pjan ta' monitoraġġ li jkun ġie vvalutat minn verifikatur akkreditat bħala sodisfaċenti;

(c)

għall-fini tal-akkreditament, kwalunkwe att jew ommissjoni mill-verifikatur li jmorru kontra r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u dan ir-Regolament;

(3)

“garanzija raġonevoli” tfisser livell ta' garanzija għoli iżda mhux assolut, espress pożittivament fid-dikjarazzjoni tal-verifika, dwar jekk ir-rapport dwar l-emissjonijiet soġġett għal verifika huwiex ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(4)

“livell ta' materjalità” tfisser il-limitu kwantitattiv jew il-punt ta' limitu li 'l fuq minnu l-verifikatur iqis id-dikjarazzjonijiet skorretti, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, bħala materjali;

(5)

“riskju inerenti” tfisser is-suxxettibbiltà ta' parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet għad-dikjarazzjonijiet skorrretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jiġi kkunsidrat l-effett ta' kwalunkwe attività ta' kontroll relatata;

(6)

“riskju ta' kontroll” tfisser is-suxxettibbiltà ta' parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet għad-dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, u li ma jkunux se jiġu evitati jew individwati u kkoreġuti fil-ħin mis-sistema ta' kontroll;

(7)

“riskju tad-detezzjoni” tfisser ir-riskju li verifikatur ma jindividwax dikjarazzjoni skorretta materjali;

(8)

“riskju ta' verifika” tfisser ir-riskju (funzjoni ta' riskju inerenti, riskju ta' kontroll u riskju tad-detezzjoni) li l-verifikatur jesprimi opinjoni ta' verifika mhux xierqa meta r-rapport dwar l-emissjonijiet ma jkunx ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(9)

“dikjarazzjoni skorretta” tfisser ommissjoni, dikjarazzjoni falza jew żball fid-dejta rrapportata, minbarra l-inċertezza permessibbli skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u wara li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

(10)

“dikjarazzjoni skorretta materjali” tfisser dikjarazzjoni skorretta li, fl-opinjoni tal-verifikatur, individwalment jew meta meqjusa flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, taqbeż il-livell ta' materjalità jew tista' inkella, tħalli impatt fuq it-total ta' emissjonijiet irrapportati jew informazzjoni rilevanti oħra;

(11)

“post”, għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' bastiment, tfisser post fejn jiġi definit u ġestit il-proċess ta' monitoraġġ, inklużi l-postijiet fejn jiġu kkontrollati u maħżuna d-dejta u l-informazzjoni rilevanti;

(12)

“dokumentazzjoni ta' verifika interna” tfisser id-dokumentazzjoni interna kollha li jkun ġabar verifikatur sabiex jirreġistra l-evidenza dokumentarja u l-ġustifikazzjoni tal-attivitajiet imwettqa għall-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew għall-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet skont dan ir-Regolament;

(13)

“awditur MRV tat-trasport marittimu” tfisser membru individwali ta' tim ta' verifika responsabbli mill-valutazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ jew mill-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet;

(14)

“eżaminatur indipendenti” tfisser persuna magħżula mill-verifikatur speċifikament sabiex twettaq l-attivitajiet ta' analiżi interna, li tkun tappartjeni għall-istess entità, iżda li ma tkun wettqet ebda waħda mill-attivitajiet ta' verifika soġġetti għal analiżi;

(15)

“espert tekniku” tfisser persuna li tipprovdi għarfien dettaljat u kompetenza dwar suġġett speċifiku kif meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika għall-finijiet tal-Kapitolu II u għat-twettiq tal-attivitajiet ta' akkreditament għall-finijiet tal-Kapitoli IV u V;

(16)

“assessur” tfisser persuna magħżula minn korp nazzjonali ta' akkreditament sabiex tivvaluta verifikatur skont dan ir-Regolament, individwalment jew bħala parti minn tim ta' valutazzjoni;

(17)

“assessur ewlieni” tfisser assessur li jingħata responsabbiltà ġenerali għall-valutazzjoni ta' verifikatur skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Il-preżunzjoni ta' konformità

Verifikatur li juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew partijiet minnu, li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta' dan ir-Regolament sal-punt li l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

KAPITOLU II

L-ATTIVITAJIET TA' VERIFIKA

TAQSIMA 1

Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ

Artikolu 4

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kumpaniji

1.   Il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-verifikatur bil-pjan ta' monitoraġġ tal-bastiment tagħhom bl-użu ta' mudell li jkun jikkorrespondi għall-mudell stabbilit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927. Jekk il-pjan ta' monitoraġġ ikun b'lingwa oħra minbarra l-Ingliż, huma għandhom jipprovdu traduzzjoni bl-Ingliż.

2.   Qabel il-bidu tal-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-kumpanija għandha tipprovdi wkoll lill-verifikatur b'mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dokumentazzjoni rilevanti jew deskrizzjoni tal-installazzjonijiet tal-bastiment, inklużi ċertifikati tas-sorsi tal-emissjonijiet, l-apparat li jintuża biex ikejjel il-fluss (jekk applikabbli), il-proċeduri u l-proċessi jew il-flowcharts imħejjija u miżmuma barra l-pjan, fejn applikabbli, li ssir referenza għalihom fil-pjan;

(b)

fil-każ ta' dawk il-bidliet fis-sistema ta' rapportar u monitoraġġ imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, verżjonijiet aġġornati rilevanti jew dokumenti ġodda li jippermettu li ssir il-valutazzjoni tal-pjan emendat.

3.   Il-kumpanija għandha, fuq talba, tipprovdi kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala rilevanti sabiex il-verifikatur ikun jista' jwettaq il-valutazzjoni tiegħu tal-pjan.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ

1.   Meta jivvaluta l-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur għandu jindirizza d-dikjarazzjonijiet tal-kompletezza, tal-preċiżjoni, tar-rilevanza u tal-konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 tal-informazzjoni pprovduta fil-pjan ta' monitoraġġ.

2.   Il-verifikatur għandu mill-inqas:

(a)

jivvaluta li l-kumpanija użat il-mudell tal-pjan ta' monitoraġġ xieraq u li tiġi pprovduta informazzjoni għall-elementi obbligatorji kollha msemmija fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927;

(b)

jivverifika li l-informazzjoni fil-pjan ta' monitoraġġ tiddeskrivi b'mod preċiż u komplet is-sorsi tal-emissjonijiet u l-apparat tal-kejl installat abbord il-bastiment, kif ukoll is-sistemi u l-proċeduri fis-seħħ għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-informazzjoni rilevanti skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

(c)

jiżgura li jiġu previsti arranġamenti ta' monitoraġġ adegwati f'każ li l-bastiment ifittex li jibbenefika mid-deroga ta' monitoraġġ 'fuq bażi ta' kull vjaġġ' tal-fjuwil u tal-emissjonijiet ta' CO2 skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2015/757;

(d)

fejn applikabbli, jivvaluta jekk l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija rigward l-elementi, il-proċeduri jew il-kontrolli implimentati bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni eżistenti tal-bastiment jew koperti mill-istandards armonizzati rilevanti tal-kwalità, tal-ambjent jew tal-ġestjoni hijiex rilevanti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 u għal informazzjoni u rapportar rilevanti oħrajn skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 (7).

3.   Għall-fini ta' valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur jista' jirrikorri għal inkjesta, spezzjoni tad-dokumenti, osservazzjoni u kwalunkwe teknika ta' verifika oħra meqjusa xierqa.

Artikolu 6

Iż-żjarat fuq il-post

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq żjarat fuq il-post sabiex jikseb biżżejjed għarfien tal-proċeduri deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ u jivvalida li l-informazzjoni fih hija preċiża.

2.   Il-verifikatur għandu jiddetermina l-post jew postijiet fejn issir iż-żjara fuq il-post wara li jieħu f'kunsiderazzjoni l-post fejn tinħażen il-massa kritika tad-dejta rilevanti, inklużi kopji elettroniċi jew stampati tad-dokumenti li l-oriġinali tagħhom għandhom jinżammu fuq il-bastiment, kif ukoll il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta.

3.   Il-verifikatur għandu jiddetermina wkoll l-attivitajiet li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ għaż-żjara fuq il-post.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-verifikatur jista' jirrinunzja żjara fuq il-post sakemm tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollu biżżejjed għarfien tas-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment, inklużi l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-operat effettiv tagħhom mill-kumpanija;

(b)

in-natura u l-livell ta' kumplessità tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment ikunu tali li ma jkunx hemm bżonn li ssir żjara fuq il-post;

(c)

ikollu l-ħila li jikseb u jivvaluta l-informazzjoni meħtieġa kollha mill-bogħod.

5.   Jekk il-verifikatur jirrinunzja żjara fuq il-post skont il-paragrafu 4, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' twettiq ta' żjarat fuq il-post fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 7

L-indirizzar tan-nuqqas ta' konformitajiet fil-pjan ta' monitoraġġ

1.   Fejn il-verifikatur jidentifika nuqqasijiet ta' konformità matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, huwa għandu jinforma lill-kumpanija bihom mingħajr dewmien bla bżonn u jitlob li jsiru l-korrezzjonijiet rilevanti f'perjodu ta' żmien propost.

2.   Il-kumpanija għandha tikkoreġi n-nuqqasijiet ta' konformità kollha kkomunikati mill-verifikatur u tippreżenta pjan ta' monitoraġġ rivedut lill-verifikatur skont il-perjodu ta' żmien miftiehem, li jippermetti lill-verifikatur jivvalutah mill-ġdid qabel jibda l-perjodu ta' rapportar.

3.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, u jimmarkahom bħala riżolti, in-nuqqasijiet ta' konformità kollha li jkunu ġew ikkoreġuti matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ.

Artikolu 8

L-analiżi indipendenti tal-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

1.   It-tim tal-verifika għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jabbozza konklużjonijiet mill-valutazzjoni tal-pjan lil eżaminatur indipendenti maħtur mingħajr dewmien u qabel ma jikkomunikahom lill-kumpanija.

2.   L-eżaminatur indipendenti għandu jwettaq analiżi sabiex jiżgura li l-pjan ta' monitoraġġ ikun ġie vvalutat skont dan ir-Regolament u li jkunu ġew eżerċitati attenzjoni u ġudizzju professjonali xierqa.

3.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess sħiħ ta' valutazzjoni deskritt f'din it-Taqsima u rreġistrat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

4.   Il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 9

Il-konklużjonijiet tal-verifikatur dwar il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ, il-verifikatur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-kumpanija bil-miktub dwar il-konklużjonijiet milħuqa u jindika jekk il-pjan ta' monitoraġġ:

(a)

huwiex ivvalutat bħala konformi mar-Regolament (UE) 2015/757;

(b)

fihx nuqqasijiet ta' konformità li jagħmluh mhux konformi mar-Regolament (UE) 2015/757.

TAQSIMA 2

Verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet

Artikolu 10

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kumpaniji

1.   Qabel il-bidu tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-verifikatur bl-informazzjoni ta' sostenn li ġejja:

(a)

lista tal-vjaġġi mwettqa mill-bastiment inkwistjoni matul il-perjodu ta' rappurtar skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/757;

(b)

kopja tar-rapport dwar l-emissjonijiet mis-sena ta' qabel, fejn xieraq, jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika għal dak ir-rapport;

(c)

kopja tal-pjan jew pjanijiet ta' monitoraġġ applikati, inkluża evidenza tal-konklużjonijiet mill-valutazzjoni mwettqa minn verifikatur akkreditat, fejn xieraq.

2.   Ladarba l-verifikatur ikun identifika t-taqsima/taqsimiet jew id-dokument(i) speċifiċi meqjusa bħala rilevanti għall-fini tal-verifika tiegħu, il-kumpaniji għandhom jipprovdu wkoll l-informazzjoni ta' sostenn li ġejja:

(a)

kopji tal-ġurnal ta' abbord uffiċjali tal-bastiment u tal-ktieb tar-reġistrazzjoni taż-żejt (jekk dan jinżamm separat);

(b)

kopji tad-dokumenti tal-bunkering;

(c)

kopji tad-dokumenti li fihom informazzjoni dwar l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati u l-ammont ta' merkanzija li tinġarr, id-distanza li tiġi vvjaġġata u ż-żmien imqatta' fuq il-baħar għall-vjaġġi tal-bastiment matul il-perjodu tar-rapportar.

3.   Barra minn hekk, u jekk ikun applikabbli fuq il-bażi tal-metodu ta' monitoraġġ applikat, il-verifikaturi jistgħu jitolbu lill-kumpanija sabiex tipprovdi:

(a)

ħarsa ġenerali lejn il-perspettiva tal-IT li turi l-fluss tad-dejta għall-bastiment rilevanti;

(b)

evidenza tal-manutenzjoni u tal-preċiżjoni/inċertezza tal-apparat tal-kejl/apparat li jkejjel il-fluss (eż. iċ-ċertifikati ta' kalibrazzjoni);

(c)

silta mid-dejta dwar l-attività tal-konsum tal-fjuwil minn apparat li jkejjel il-fluss;

(d)

kopji ta' evidenza tal-qari tal-miter mit-tank tal-fjuwil;

(e)

silta mid-dejta dwar l-attività mis-sistemi li jkejlu l-emissjonijiet diretti;

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet.

4.   Fil-każ ta' bidla tal-kumpanija, il-kumpaniji involuti għandhom jeżerċitaw diliġenza xierqa sabiex jipprovdu lill-verifikatur bid-dokumenti ta' sostenn imsemmija fuq jew b'informazzjoni relatata mal-vjaġġi mwettqa taħt ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

5.   Il-kumpaniji għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fuq għall-perjodi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL) u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1988 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS). Sakemm jinħareġ id-Dokument ta' konformità skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/757, il-verifikatur jista' jitlob kwalunkwe mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 11

Il-valutazzjoni tar-riskju li trid issir minn verifikaturi

1.   Minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2015/757, il-verifikatur għandu jidentifika u janalizza dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

ir-riskji ta' kontroll;

(c)

ir-riskji tad-detezzjoni.

2.   Il-verifikatur għandu jikkunsidra l-oqsma ta' riskju ta' verifika ogħla u mill-inqas dawn li ġejjin: id-dejta tul il-vjaġġ, il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2, id-distanza vvjaġġata, iż-żmien imqatta' fuq il-baħar, il-merkanzija li tinġarr u l-aggregazzjoni tad-dejta fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

3.   Meta jidentifika u janalizza l-aspetti msemmija fil-paragrafu 2, il-verifikatur għandu jikkunsidra l-eżistenza, il-kompletezza, il-preċiżjoni, il-konsistenza, it-trasparenza u r-rilevanza tal-informazzjoni rrapportata.

4.   Fejn ikun xieraq, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-verifika, il-verifikatur għandu jirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju u jimmodifika jew jirrepeti l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu.

Artikolu 12

Il-pjan ta' verifika

Il-verifikatur għandu jabbozza pjan ta' verifika proporzjonat mal-informazzjoni miksuba u r-riskji identifikati waqt il-valutazzjoni tar-riskju. Il-pjan ta' verifika għandu jinkludi mill-inqas:

(a)

programm ta' verifika li jiddeskrivi n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika, kif ukoll il-ħin li fih u l-mod li bih iridu jitwettqu dawn l-attivitajiet;

(b)

pjan ta' kampjunar tad-dejta li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-dejta marbuta mal-punti tad-dejta sottostanti għall-emissjonijiet ta' CO2 aggregati, il-konsum tal-fjuwil jew informazzjoni rilevanti oħra fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

Artikolu 13

L-attivitajiet ta' verifika li jikkonċernaw ir-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta' verifika u, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, jivverifika jekk is-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ, kif deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ li kien ivvalutat bħala sodisfaċenti, jeżistux fil-prattika u jekk ġewx implimentati kif suppost.

Għal dak il-għan, il-verifikatur għandu jikkunsidra li jwettaq mill-inqas it-tipi ta' proċedura li ġejjin:

(a)

inkjesta mal-persunal rilevanti;

(b)

spezzjoni tad-dokumenti;

(c)

proċeduri ta' osservazzjoni u ta' proċess mill-bidu sal-aħħar ('walkthrough').

2.   Jekk ikun applikabbli, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-attivitajiet ta' kontroll intern deskritti fil-pjan ta' monitoraġġ humiex implimentati b'mod effettiv. Għal dak l-iskop, huwa jista' jikkunsidra li jittestja l-effettività tal-kontrolli ddokumentati abbażi ta' kampjun.

Artikolu 14

Il-verifika tad-dejta rrapportata

1.   Il-verifikatur għandu jivverifika d-dejta rrapportata fir-rapport dwar l-emissjonijiet permezz ta': ittestjar dettaljat, inkluż permezz tat-traċċar tagħhom lura għas-sors primarju tad-dejta; kontroverifiki tagħhom mas-sorsi esterni tad-dejta, inkluża dejta dwar it-traċċar tal-bastimenti; twettiq ta' rikonċiljazzjonijiet; verifika tal-limiti fir-rigward tad-dejta xierqa; u twettiq ta' kalkoli mill-ġdid.

2.   Bħala parti mill-verifika tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jivverifika:

(a)

il-kompletezza tas-sorsi tal-emissjonijiet kif deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ;

(b)

il-kompletezza tad-dejta, inkluża dik dwar il-vjaġġi, irrapportata bħala li taqa' taħt ir-Regolament (UE) 2015/757;

(c)

il-konsistenza bejn id-dejta aggregata rrapportata u d-dejta mid-dokumentazzjoni rilevanti jew minn sorsi primarji;

(d)

il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-fjuwil u d-dejta dwar il-fjuwil mixtri jew fornut b'mod ieħor lill-bastiment inkwistjoni, jekk applikabbli;

(e)

l-affidabilità u l-preċiżjoni tad-dejta.

Artikolu 15

Il-livell ta' materjalità

1.   Għall-fini tal-verifika tal-konsum tal-fjuwil u tad-dejta dwar l-emissjonijiet ta' CO2 fir-rapport dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tat-total rispettiv irrapportat għal kull element fil-perjodu tar-rapportar.

2.   Għall-fini tal-verifika ta' informazzjoni rilevanti oħra fir-rapport dwar l-emissjonijiet, dwar it-tagħbija li tinġarr, ix-xogħol tat-trasport, id-distanza vvjaġġata u ż-żmien imqatta' fuq il-baħar, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tat-total rispettiv irrapportat għal kull element fil-perjodu tar-rapportar.

Artikolu 16

Iż-żjarat fuq il-post

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq żjarat fuq il-post bl-iskop li jikseb biżżejjed għarfien tal-kumpanija u tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment kif deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ.

2.   Il-verifikatur għandu jiddetermina l-post jew postijiet fejn issir iż-żjara fuq il-post abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u wara li jieħu f'kunsiderazzjoni l-post fejn tinħażen il-massa kritika tad-dejta rilevanti, inklużi kopji elettroniċi jew stampati tad-dokumenti li l-oriġinali tagħhom għandhom jinżammu fuq il-bastiment, kif ukoll il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta.

3.   Il-verifikatur għandu jiddetermina wkoll l-attivitajiet li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ għaż-żjara fuq il-post.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, il-verifikatur jista' jirrinunzja żjara fuq il-post sakemm, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollu biżżejjed għarfien tas-sistemi ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment, inklużi l-eżistenza, l-implimentazzjoni u l-operat effettiv tagħhom mill-kumpanija;

(b)

in-natura u l-livell ta' kumplessità tas-sistema ta' rapportar u monitoraġġ tal-bastiment ikunu tali li ma jkunx hemm bżonn li ssir żjara fuq il-post;

(c)

ikollu l-ħila li jikseb u jivvaluta mill-bogħod l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluża l-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ u l-verifika tad-dejta rrapportata fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

5.   Abbażi tal-eżitu ta' żjara fuq il-post fuq l-art, fejn jikkonkludi li hija meħtieġa verifika abbord sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti materjali fir-rapport dwar l-emissjonijiet, il-verifikatur jista' jiddeċiedi li jżur il-bastiment.

6.   Jekk il-verifikatur jirrinunzja żjara fuq il-post skont il-paragrafu 4, huwa għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għal dan fid-dokumentazzjoni ta' verifika interna.

Artikolu 17

L-indirizzar tad-dikjarazzjonijiet skorretti u tan-nuqqasijiet ta' konformità fir-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   Meta l-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti jew nuqqasijiet ta' konformità matul il-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, huwa għandu jinforma lill-kumpanija bihom mingħajr dewmien bla bżonn u jitlob li jsiru l-korrezzjonijiet rilevanti f'perjodu ta' skadenza raġonevoli.

2.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, billi jimmarkahom bħala riżolti, id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità kollha li jkunu ġew ikkoreġuti matul il-verifika.

3.   Meta l-kumpanija ma tikkoreġix id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu, qabel joħroġ ir-rapport tal-verifika, jitlob lill-kumpanija sabiex tispjega l-kawżi ewlenin tad-dikjarazzjonijiet skorretti jew tan-nuqqasijiet ta' konformità.

4.   Il-verifikatur għandu jiddetermina jekk id-dikjarazzjonijiet mhux ikkoreġuti, individwalment jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, għandhomx impatt fuq l-emissjonijiet totali rrapportati jew informazzjoni rilevanti oħra, u jekk dak l-impatt iwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

5.   Il-verifikatur jista' jqis id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li, individwalment jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ikunu taħt il-livell ta' materjalità stabbilit fl-Artikolu 15 bħala dikjarazzjonijiet skorretti materjali fejn dan ikun ġustifikat mill-iskala u n-natura tagħhom jew miċ-ċirkostanzi partikolari tal-okkorrenza tagħhom.

Artikolu 18

Il-konklużjoni tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet

Sabiex jikkompleta l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet, il-verifikatur għandu mill-inqas:

(a)

jikkonferma li twettqu l-attivitajiet ta' verifika kollha;

(b)

iwettaq proċeduri analitiċi finali fuq id-dejta aggregata sabiex jiżgura li din tkun ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(c)

jivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2015/757;

(d)

qabel joħroġ ir-rapport, iħejji d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u l-abbozz ta' rapport u jibgħathom lill-eżaminatur indipendenti b'konformità mal-Artikolu 21;

(e)

jawtorizza persuna sabiex tawtentiċizza r-rapport abbażi tal-konklużjonijiet milħuqa mill-eżaminatur indipendenti u l-evidenza tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna, u jinnotifika lill-kumpanija dwarhom;

(f)

jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-dokument tal-konformità ġewx issodisfati.

Artikolu 19

Ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib

1.   Il-verifikatur għandu jikkomunika lill-kumpanija rakkomandazzjonijiet għal titjib b'rabta mad-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti li ma jwasslux għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   Il-verifikatur jista' jikkomunika rakkomandazzjonijiet oħrajn għal titjib li huwa jqis bħala rilevanti, fid-dawl tal-eżitu tal-attivitajiet ta' verifika.

3.   Meta jikkomunika r-rakkomandazzjonijiet lill-kumpanija, il-verifikatur għandu jibqa' imparzjali vis-à-vis il-kumpanija, il-bastiment u s-sistema ta' rapportar u monitoraġġ. Huwa ma għandux jipperikola l-imparzjalità tiegħu billi jagħti pariri jew jiżviluppa partijiet mill-proċess ta' rapportar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 20

Ir-rapport ta' verifika

1.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lill-kumpanija fuq kull rapport dwar l-emissjonijiet soġġett għal verifika.

2.   Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi dikjarazzjoni li tivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet bħala sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti, f'każ li jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma ġewx ikkoreġuti qabel inħareġ ir-rapport.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jitqies li kien ivverifikat bħala sodisfaċenti biss jekk ikun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

4.   Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem tal-kumpanija u l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)

titolu li jagħmilha ċara li huwa rapport ta' verifika;

(c)

l-identità tal-verifikatur;

(d)

referenza għar-rapport dwar l-emissjonijiet u l-perjodu ta' rapportar soġġett għal verifika;

(e)

referenza għal pjan ta' monitoraġġ wieħed jew aktar li jkunu ġew ivvalutati bħala sodisfaċenti;

(f)

referenza għall-istandard(s) ta' verifika użati;

(g)

sommarju tal-proċeduri tal-verifikatur, inkluża informazzjoni dwar iż-żjarat fuq il-post jew ir-raġunijiet għar-rinunzja tagħhom;

(h)

sommarju tal-bidliet sinifikanti fil-pjan ta' monitoraġġ u fid-dejta dwar l-attività fil-perjodu tar-rapportar, fejn applikabbli;

(i)

dikjarazzjoni tal-verifika;

(j)

deskrizzjoni tad-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nuqqasijiet ta' konformità mhux ikkoreġuti, inklużi n-natura u l-iskala tagħhom, jekk dawn għandhomx impatt materjali jew le u l-element(i) tar-rapport dwar l-emissjonijiet li miegħu/magħhom huma marbuta, jekk ikun hemm;

(k)

fejn applikabbli, rakkomandazzjonijiet għal titjib;

(l)

id-data tar-rapport ta' verifika u l-firma ta' persuna awtorizzata f'isem il-verifikatur.

Artikolu 21

L-analiżi indipendenti tar-rapport dwar l-emissjonijiet

1.   L-eżaminatur indipendenti għandu janalizza d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u l-abbozz tar-rapport ta' verifika sabiex jivverifika li l-proċess ta' verifika tmexxa b'konformità ma' dan ir-Regolament u li ġew eżerċitati attenzjoni u ġudizzju professjonali xierqa.

2.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess ta' verifika sħiħ stabbilit f'din it-Taqsima u rreġistrat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

3.   Wara l-awtentifikazzjoni tar-rapport dwar l-emissjonijiet skont l-Artikolu 18(e), il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

KAPITOLU III

IR-REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKATURI

Artikolu 22

Il-proċess kontinwu ta' kompetenza

1.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess kontinwu ta' kompetenza sabiex jiżgura li l-membri tal-persunal kollha fdati bl-attivitajiet ta' verifika jkunu kompetenti sabiex iwettqu l-kompiti li jiġu allokati lilhom.

2.   Għall-fini tal-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm dawn li ġejjin:

(a)

kriterji ta' kompetenza ġenerali għall-membri tal-persunal kollha li jwettqu attivitajiet ta' verifika skont l-Artikolu 23(3);

(b)

kriterji ta' kompetenza speċifiċi għal kull funzjoni fi ħdan il-verifikatur li jwettaq l-attivitajiet ta' verifika, b'mod partikolari għall-awditur MRV tat-trasport marittimu, għall-validatur indipendenti u għall-espert tekniku skont l-Artikoli 24, 25 u 26;

(c)

metodu sabiex jiġu żgurati l-kompetenza kontinwa u l-evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tal-membri tal-persunal kollha li jwettqu l-attivitajiet ta' verifika;

(d)

proċess sabiex jiġi żgurat it-taħriġ kontinwu tal-membri tal-persunal li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika.

3.   Il-verifikatur għandu jimmonitorja regolarment, mill-inqas darba fis-sena, il-prestazzjoni tal-membri tal-persunal kollha li jwettqu l-attivitajiet ta' verifika, sabiex jikkonferma l-kompetenza kontinwa tagħhom.

Artikolu 23

It-timijiet ta' verifika

1.   Għal kull impenn ta' verifika, il-verifikatur għandu jlaqqa' tim ta' verifika li kapaċi jwettaq l-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikoli 5 sa 20.

2.   It-tim tal-verifika għandu jikkonsisti minn mill-inqas awditur MRV wieħed tat-trasport marittimu u, fejn xieraq, fid-dawl tal-għarfien tal-verifikatur tal-kumplessità tal-kompiti li jridu jitwettqu u tal-ħila tiegħu li jmexxi l-valutazzjoni tar-riskju meħtieġa, għadd xieraq ta' awdituri MRV tat-trasport marittimu addizzjonali u/jew esperti tekniċi.

3.   Il-membri tat-tim għandu jkollhom għarfien ċar tar-rwol speċifiku tagħhom fil-proċess ta' verifika u għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod effettiv bil-lingwa meħtieġa sabiex iwettqu l-kompiti ta' verifika tagħhom u jeżaminaw l-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanija.

Artikolu 24

Ir-rekwiżiti tal-kompetenza għall-awdituri MRV tat-trasport marittimu

1.   L-awdituri MRV tat-trasport marittimu għandu jkollhom il-kompetenza sabiex jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet b'konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 u ma' dan ir-Regolament.

2.   Għal dak il-għan, l-awdituri MRV tat-trasport marittimu għandu jkollhom, mill-inqas:

(a)

għarfien tar-Regolament (UE) 2015/757, ta' dan ir-Regolament, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1927, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1928 u tal-linji gwida rilevanti maħruġa mill-Kummissjoni;

(b)

għarfien u esperjenza tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, inklużi:

(i)

il-metodoloġiji tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, l-applikazzjoni tal-livell ta' materjalità u l-valutazzjoni tal-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti;

(ii)

l-analiżi tar-riskji inerenti u tar-riskji ta' kontroll;

(iii)

it-tekniki ta' kampjunar b'rabta mal-kampjunar tad-dejta u l-verifika tal-attivitajiet ta' kontroll;

(iv)

il-valutazzjoni tas-sistemi tad-dejta u tal-informazzjoni, is-sistemi tal-IT, l-attivitajiet ta' fluss tad-dejta, l-attivitajiet ta' kontroll, is-sistemi ta' kontroll u l-proċeduri għall-attivitajiet ta' kontroll.

3.   Barra minn hekk, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għarfien speċifiku għas-settur u l-esperjenza tal-aspetti rilevanti kif speċifikati fl-Anness.

Artikolu 25

Ir-rekwiżiti ta' kompetenza għal eżaminaturi indipendenti

1.   L-eżaminatur indipendenti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza li japplikaw għall-awdituri MRV tat-trasport marittimu, kif imsemmi fl-Artikolu 24.

2.   Sabiex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni tal-verifika interna hijiex kompleta u jekk inġabritx biżżejjed evidenza matul l-attivitajiet ta' verifika, l-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa sabiex:

(a)

janalizza l-informazzjoni pprovduta u jikkonferma l-kompletezza u l-integrità tagħha;

(b)

jikkontesta l-informazzjoni nieqsa jew kontradittorja;

(c)

jivverifika t-traċċi tad-dejta sabiex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni tal-verifika interna tipprovdix biżżejjed informazzjoni li tappoġġja l-abbozz ta' konklużjonijiet eżaminati fl-analiżi interna.

Artikolu 26

L-użu tal-esperti tekniċi

1.   Fejn ikunu meħtieġa għarfien dettaljat u għarfien espert speċifiku matul l-attivitajiet ta' verifika jew il-proċess ta' analiżi, l-awditur MRV tat-trasport marittimu jew l-eżaminatur indipendenti jistgħu jagħmlu użu minn esperti tekniċi, taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa rispettivi tagħhom.

2.   Minbarra l-għarfien tas-suġġett speċifiku, l-esperti tekniċi għandu jkollhom biżżejjed għarfien tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24.

Artikolu 27

Il-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika

1.   Il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu proċedura waħda jew aktar u proċess wieħed jew aktar għall-attivitajiet ta' verifika deskritti fl-Artikoli 5 sa 21.

2.   Meta jiġi biex jistabbilixxi u jimplimenta tali proċeduri u proċessi, il-verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet b'konformità mal-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-korpi ta' verifika u validazzjoni tal-gassijiet b'effett serra għall-użu fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent.

3.   Il-verifikaturi għandhom ifasslu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu sistema ta' ġestjoni tal-kwalità sabiex jiżguraw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-titjib u l-analiżi konsistenti tal-proċeduri u l-proċessi b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Barra minn hekk, il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu l-proċeduri, il-proċessi u l-arranġamenti li ġejjin b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fil-paragrafu 2:

(a)

proċess u politika għall-komunikazzjoni mal-kumpanija;

(b)

arranġamenti adegwati għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba;

(c)

proċess għall-indirizzar tal-appelli tal-kumpaniji;

(d)

proċess għall-indirizzar tal-ilmenti (inkluża skeda taż-żmien indikattiva) tal-kumpaniji;

(e)

proċess għall-ħruġ ta' rapport ta' verifika rivedut fejn ikun ġie identifikat żball fir-rapport ta' verifika jew fir-rapport dwar l-emissjonijiet wara li l-verifikatur ikun ippreżenta r-rapport ta' verifika lill-kumpanija.

Artikolu 28

Id-dokumentazzjoni ta' verifika interna

1.   Il-verifikatur għandu jipprepara u jikkompila dokumentazzjoni tal-verifika interna li tkun tinkludi mill-inqas:

(a)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' verifika mwettqa;

(b)

il-pjan ta' verifika u l-valutazzjoni tar-riskju;

(c)

biżżejjed informazzjoni li tappoġġja l-valutazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ u tal-abbozz tar-rapport ta' verifika, inklużi l-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti kinux materjali jew le.

2.   Id-dokumentzzjoni tal-verifika interna għandha tiġi abbozzata b'tali mod li l-eżaminatur indipendenti msemmi fl-Artikoli 8 u 21 u l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-verifika tkunx twettqet b'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Ir-rekords u komunikazzjoni

1.   Il-verifikaturi għandhom iżommu rekords sabiex juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-kompetenza u l-imparzjalità tal-persunal tagħhom.

2.   Il-verifikaturi għandhom jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba matul il-verifika, b'konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

Artikolu 30

L-imparzjalità u indipendenza

1.   Il-verifikaturi għandhom ikunu organizzati b'tali mod li jissalvagwardjaw l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

2.   Il-verifikaturi ma għandhomx iwettqu attivitajiet ta' verifika għal kumpanija li tippreżenta riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità tagħhom jew li fir-rigward tagħha għandhom kunflitt ta' interess.

3.   Għandu jitqies li rriżulta riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità jew kunflitt ta' interess, inter alia, fejn verifikatur, jew kwalunkwe parti mill-istess entità legali jew persunal u persuni kkuntrattati involuti fil-verifika, jipprovdu:

(a)

servizzi ta' konsulenza sabiex tiġi żviluppata parti mill-proċess ta' rapportar u monitoraġġ deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ, inkluż l-iżvilupp tal-metodoloġija ta' monitoraġġ, l-abbozzar tar-rapport dwar l-emissjonijiet u l-abbozzar tal-pjan ta' monitoraġġ;

(b)

assistenza teknika għall-iżvilupp jew iż-żamma tas-sistema għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet jew ta' informazzjoni rilevanti oħra skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

4.   Il-verifikaturi ma għandhomx jesternalizzaw l-analiżi indipendenti jew il-ħruġ tar-rapport ta' verifika.

5.   Meta l-verifikaturi jesternalizzaw attivitajiet ta' verifika oħrajn, huma jeħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

6.   Il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw, jimplimentaw u jżommu proċess sabiex jiżguraw l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi tagħhom, u dawk tal-partijiet mill-istess entità legali u tal-membri tal-persunal kollha. Fil-każ tal-esternalizzazzjoni, l-istess obbligi japplikaw għall-persuni kkuntrattati involuti fil-verifika. Dak il-proċess għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 27.

KAPITOLU IV

L-AKKREDITAMENT TAL-VERIFIKATURI

Artikolu 31

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi għandu jkopri l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet.

Artikolu 32

L-għanijiet tal-proċess tal-akkreditament

Matul il-proċess tal-akkreditament u tas-sorveljanza annwali tal-verifikaturi akkreditati, skont l-Artikoli 36 sa 41, il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jivvalutaw jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet ta' verifika:

(a)

għandhomx il-kompetenza sabiex jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u sabiex jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet skont dan ir-Regolament;

(b)

humiex fil-fatt qegħdin jivvalutaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u jivverifikaw ir-rapport dwar l-emissjonijiet b'konformità ma' dan ir-Regolament;

(c)

jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-verifikaturi msemmija fl-Artikoli 22 sa 30, inklużi dawk li jirrigwardaw l-imparzjalità u l-indipendenza.

Artikolu 33

Ir-rekwiżiti minimi għall-akkreditament

Fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għall-akkreditament u r-rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament, għandu japplika l-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jikkonċerna r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta' akkreditament li jakkreditaw il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità.

Artikolu 34

Il-kriterji sabiex jintalab l-akkreditament mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament

1.   L-entitajiet legali stabbiliti fi Stat Membru għandhom jitolbu l-akkreditament skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Meta l-entità legali li titlob l-akkreditament ma tkunx stabbilita fi Stat Membru, hija tista' tindirizza t-talba tagħha lill-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi akkreditament skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 35

It-talbiet għal akkreditament

1.   It-talbiet għal akkreditament għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Barra minn hekk, qabel il-bidu tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 36, l-applikanti għandhom jagħmlu disponibbli għall-korp nazzjonali ta' akkreditament, fuq talba, informazzjoni dwar:

(a)

il-proċeduri u l-proċessi msemmija fl-Artikolu 27(1) u s-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 27(3);

(b)

il-kriterji ta' kompetenza msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(2), ir-riżultati tal-proċess ta' kompetenza kontinwa msemmi f'dak l-Artikolu u dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-membri tal-persunal kollha involuti fl-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikoli 24 u 25;

(c)

il-proċess għall-iżgurar tal-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi, kif imsemmi fl-Artikolu 30(6);

(d)

l-esperti tekniċi u l-membri tal-persunal ewlenin involuti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u fil-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet;

(e)

il-proċeduri u l-proċessi għall-iżgurar ta' verifika xierqa, inklużi dawk li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-verifika interna msemmija fl-Artikolu 28;

(f)

ir-rekords rilevanti msemmija fl-Artikolu 29;

(g)

aspetti oħrajn meqjusa bħala rilevanti mill-korp nazzjonali ta' akkreditament.

Artikolu 36

Il-valutazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 32, it-tim tal-valutazzjoni għandu, mill-inqas:

(a)

janalizza d-dokumenti u r-reġistri rilevanti kollha fornuti mill-applikant skont l-Artikolu 35;

(b)

iwettaq żjara fuq il-post sabiex janalizza kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tal-applikant u l-proċeduri jew il-proċessi għall-attivitajiet ta' verifika msemmija fl-Artikolu 27;

(c)

jixhed il-prestazzjoni u l-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-applikant involuti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' monitoraġġ u fil-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet sabiex jiżgura li dawn joperaw b'mod konformi ma' dan ir-Regolament.

2.   It-tim ta' valutazzjoni għandu jwettaq l-attivitajiet deskritti fil-paragrafu 1 f'konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

3.   It-tim ta' valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu u kwalunkwe nuqqasijiet ta' konformità lill-applikant u jitlob tweġiba, b'konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   L-applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva sabiex jindirizza kwalunkwe nuqqas ta' konformità rrapportat skont il-paragrafu 3 u jindika fit-tweġiba tiegħu x'azzjoni ħa jew qed jippjana li jieħu fi żmien stabbilit mill-korp nazzjonali ta' akkreditament bil-għan li jirrisolvi tali nuqqasijiet ta' konformità.

5.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu janalizza t-tweġiba li jagħti l-applikant skont il-paragrafu 4.

6.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament isib li t-tweġiba tal-applikant jew l-azzjoni meħuda jkunu insuffiċjenti jew ineffettivi, huwa għandu jitlob lill-applikant sabiex jissottometti aktar informazzjoni jew jieħu azzjoni ulterjuri.

7.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jitlob ukoll evidenza ta', jew iwettaq valutazzjoni ta' segwitu sabiex jivvaluta, l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni korrettiva.

Artikolu 37

Id-deċiżjoni dwar l-akkreditament u ċ-ċertifikat tal-akkreditament

1.   Meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar jekk għandux jagħti, jestendi jew iġedded l-akkreditament ta' applikant, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun iddeċieda li jagħti jew iġedded akkreditament ta' applikant, huwa għandu joħroġ ċertifikat ta' akkreditament għal dak l-effett.

3.   Iċ-ċertifikat ta' akkreditament għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun validu għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu.

Artikolu 38

Is-sorveljanza annwali

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq sorveljanza annwali ta' kull verifikatur li jkun inħariġlu ċertifikat tal-akkreditament. Dik is-sorveljanza għandha tinkludi, mill-inqas:

(a)

żjara fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 36(1)(b);

(b)

xhieda tal-prestazzjoni u l-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-verifikatur skont l-Artikolu 36(1)(c).

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta' verifikatur skont il-paragrafu 1 fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' akkreditament.

3.   L-ippjanar tas-sorveljanza għandu jippermetti lill-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta l-kampjuni rappreżentanti tal-attivitajiet tal-verifikatur fil-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikat ta' akkreditament, kif ukoll tal-membri tal-persunal involuti fl-attivitajiet ta' verifika, skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax jew le l-kontinwazzjoni tal-akkreditament.

5.   Meta verifikatur iwettaq verifika fi Stat Membru ieħor, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkreditah jista' jitlob lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru l-ieħor sabiex iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 39

Ir-rivalutazzjoni

1.   Qabel l-iskadenza ta' ċertifikat ta' akkreditament maħruġ minnu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jerġa' jivvaluta lill-verifikatur inkwistjoni sabiex jiddetermina jekk il-validità taċ-ċertifikat tistax tiġi estiża.

2.   L-ippjanar tar-rivalutazzjoni għandu jiżgura li l-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta kampjun rappreżentattiv tal-attivitajiet tal-verifikatur koperti miċ-ċertifikat.

Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-rivalutazzjoni, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 40

Il-valutazzjoni straordinarja

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur fi kwalunkwe ħin sabiex jiżgura li dan ikompli jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jevalwa l-ħtieġa għal valutazzjoni straordinarja, il-verifikatur għandu jgħarraf lill-korp minnufih bi kwalunkwe bidliet sinifikanti rilevanti għall-akkreditament tiegħu dwar kwalunkwe aspett tal-istat jew l-operat tiegħu.

Dawk il-bidliet sinifikanti għandhom jinkludu l-bidliet imsemmija fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 41

Il-miżuri amministrattivi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissospendi jew jirtira l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi jew jirtira l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur jitlob dan.

3.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni u l-irtirar tal-akkreditament skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

4.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi l-akkreditament ta' verifikatur fejn il-verifikatur ikun:

(a)

naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-kompetenza skont l-Artikolu 22, dwar il-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika skont l-Artikolu 27, dwar id-dokumentazzjoni tal-verifika interna skont l-Artikolu 28 jew dwar l-imparzjalità u l-indipendenza skont l-Artikolu 30;

(b)

kiser kwalunkwe termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħrajn stipulati mill-korp nazzjonali ta' akkreditament.

5.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jirtira l-akkreditament ta' verifikatur meta:

(a)

il-verifikatur ikun naqas milli jirrimedja r-raġunijiet għal deċiżjoni ta' sospensjoni taċ-ċertifikat tal-akkreditament;

(b)

membru tal-ġestjoni superjuri tal-verifikatur ikun instab ħati ta' frodi;

(c)

il-verifikatur ikun ipprovda intenzjonalment informazzjoni falza.

6.   Id-deċiżjonijiet ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi jew jirtira akkreditament b'konformità mal-paragrafi 1, 4 u 5 għandhom ikunu soġġetti għal appell b'konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

7.   Id-deċiżjonijiet ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi jew jirtira akkreditament għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jiġu nnotifikati lill-verifikatur. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jikkunsidra l-impatt fuq l-attivitajiet imwettqa qabel dawk id-deċiżjonijiet fid-dawl tan-natura tan-nuqqas ta' konformità.

8.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jtemm is-sospensjoni ta' ċertifikat ta' akkreditament fejn ikun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jikkonkludi li l-verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

IR-REKWIŻITI GĦALL-KORPI NAZZJONALI TA' AKKREDITAMENT

Artikolu 42

Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament

1.   Il-kompiti relatati mal-akkreditament skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu minn korpi nazzjonali ta' akkreditament maħtura skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 43

It-tim ta' valutazzjoni

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jaħtar tim ta' valutazzjoni għal kull valutazzjoni mwettqa skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33.

2.   Tim ta' valutazzjoni għandu jikkonsisti minn assessur ewlieni responsabbli mit-twettiq ta' valutazzjoni skont dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, għadd adegwat ta' assessuri jew esperti tekniċi bl-għarfien u l-esperjenza rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-akkreditament.

3.   Tim ta' valutazzjoni għandu jinkludi, mill-inqas, persuna waħda bil-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien tar-Regolament (UE) 2015/757, ta' dan ir-Regolament u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra msemmija fl-Artikolu 24(2)(a);

(b)

għarfien tal-karatteristiċi tad-diversi tipi ta' bastimenti u tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta' CO2, tal-konsum tal-fjuwil u informazzjoni rilevanti oħra skont ir-Regolament (UE) 2015/757.

Artikolu 44

Ir-rekwiżiti ta' kompetenza għall-assessuri

1.   L-assessuri għandu jkollhom il-kompetenza sabiex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 36 sa 41. Għal dak il-għan, l-assessur għandu:

(a)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 33;

(b)

ikollu għarfien tal-awditjar tad-dejta u tal-informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 24(2)(b), miksub permezz ta' taħriġ jew aċċess għal persuna li jkollha għarfien u esperjenza ta' tali dejta u informazzjoni.

2.   Minbarra r-rekwiżiti tal-kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-assessuri ewlenin għandhom juru li għandhom il-kompetenza sabiex imexxu tim ta' valutazzjoni.

3.   Minbarra r-rekwiżiti tal-kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-eżaminaturi interni u l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta' akkreditament għandu jkollhom biżżejjed għarfien u esperjenza sabiex jevalwaw l-akkreditament.

Artikolu 45

L-esperti tekniċi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jinkludi esperti tekniċi fit-tim ta' valutazzjoni sabiex jipprovdu għarfien dettaljat u għarfien espert dwar suġġett speċifiku bil-għan li huwa jkun jista' jappoġġa lill-assessur ewlieni jew lill-assessur.

2.   L-esperti tekniċi għandhom iwettqu kompiti speċifikati taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni tat-tim ta' valutazzjoni inkwistjoni.

Artikolu 46

Il-bażijiet tad-dejta tal-verifikaturi akkreditati

1.   Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jistabbilixxu u jiġġestixxu bażi ta' dejta li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u tinkludi, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, in-numru tal-akkreditament u l-indirizz ta' kull verifikatur akkreditat minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament;

(b)

l-Istati Membri li fihom il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika, jekk applikabbli;

(c)

id-data li fiha jkun ingħata l-akkreditament u d-data ta' skadenza tiegħu;

(d)

informazzjoni dwar il-miżuri amministrattivi imposti fuq il-verifikatur.

2.   Kwalunkwe bidla fl-istatus tal-verifikaturi għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni bl-użu ta' mudell standardizzat rilevanti.

3.   Il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet ta' dejta nazzjonali.

KAPITOLU VI

ID-DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 47

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jiħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(3)  Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204. 21.7.1998, p. 37).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta' monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta' konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1).

(5)  Adottat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea A.741(18).

(6)  Ir-Regolament 22 ta' MARPOL, l-Anness VI.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22).


ANNESS

Għarfien u esperjenza speċifiċi għas-settur tal-baħar

Għall-finijiet tal-Artikolu 24(3) għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għarfien u l-esperjenza ta' dawn li ġejjin:

il-fehim tar-regolamenti rilevanti skont il-Konvenzjoni ta' MARPOL u l-Konvenzjoni ta' SOLAS, bħal dawk dwar l-effiċjenza enerġetika għall-bastimenti (1), il-Kodiċi Tekniku tal-NOx (2), ir-Regolament dwar l-Ossidi tal-Kubrit (3), ir-Regolament dwar il-Kwalità taż-Żejt Kombustibbli, (4) il-Kodiċi dwar l-Istabbiltà Intatta tal-2008 u l-linji gwida rilevanti (bħall-gwida dwar l-iżvilupp tal-SEEMP);

is-sinerġiji possibbli bejn il-monitoraġġ u r-rappurtar skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u s-sistemi tal-ġestjoni eżistenti speċifiċi għas-settur marittimu, (eż. il-Kodiċi ISM) u gwida rilevanti oħra speċifika għas-settur (bħall-gwida dwar l-iżvilupp tal-SEEMP);

is-sorsi tal-emissjonijiet abbord il-bastiment;

ir-reġistrazzjoni tal-vjaġġi u l-proċeduri li jiżguraw il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-lista ta' vjaġġi (kif ippreżentata mill-kumpanija);

is-sorsi esterni affidabbli (inkluża d-dejta dwar it-traċċar tal-bastimenti) li jistgħu jservu biex jikkontroverifikaw l-informazzjoni b'dejta mill-bastimenti;

il-metodi għall-kalkolazzjoni tal-konsum tal-fjuwil, kif applikati mill-bastimenti fil-prattika;

l-applikazzjoni ta' livelli ta' inċertezza skont ir-Regolament (UE) 2015/757 u l-gwida rilevanti;

l-applikazzjoni tal-fatturi tal-emissjonijiet għall-fjuwils kollha użati abbord il-bastiment, inklużi l-LNG, il-fjuwils ibridi u l-bijofjuwil;

it-trattament tal-fjuwil, it-tindif tal-fjuwil, is-sistemi tat-tankijiet;

il-manutenzjoni tal-bastiment/il-kontroll tal-kwalità tal-apparat tal-kejl;

dokumenti tal-bunkering, inklużi noti tal-kunsinna tal-bunker;

reġistri operazzjonali, astratti tal-vjaġġ u astratti tal-port, reġistri tal-gverta tal-bastiment;

dokumentazzjoni kummerċjali, pereżempju, ftehimiet ta' noleġġ, poloz ta' kargu;

ir-rekwiżiti statutorji eżistenti;

l-operat tas-sistemi tal-bunkering tal-bastiment;

id-determinazzjoni tad-densità tal-fjuwil mill-bastimenti fil-prattika;

il-proċessi tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet għall-kalkolazzjoni tal-merkanzija li tinġarr (f'volum jew massa), kif applikati għat-tipi ta' bastimenti u l-attivitajiet skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

il-kunċett ta' piż mejjet li jinġarr kif applikabbli għat-tipi ta' bastimenti u l-attivitajiet skont ir-Regolament (UE) 2015/757 b'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1928;

il-proċessi tal-fluss tad-dejta li jintużaw sabiex tiġi kkalkolata d-distanza vvjaġġata u ż-żmien fuq il-baħar għall-vjaġġi skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

il-makkinarju u s-sistemi tekniċi użati abbord il-bastiment għad-determinazzjoni tal-konsum tal-fjuwil, ix-xogħol tat-trasport u informazzjoni rilevanti oħra.


(1)  ir-Regolament 22, l-Anness VI tal-Konvenzjoni ta' MARPOL.

(2)  Il-Kodiċi tekniku rivedut dwar il-Kontroll tal-Emissjoni tal-Ossidi tan-Nitroġenu mill-Magni Diżil għal Użu Marittimu, (Riżoluzzjoni MEPC.176(58), kif emendata mir-riżoluzzjoni MEPC.177(58)).

(3)  ir-Regolament 14, l-Anness VI għall-Konvenzjoni ta' MARPOL.

(4)  ir-Regolament 18, l-Anness VI għall-Konvenzjoni ta' MARPOL.


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/25


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2073

tat-23 ta' Novembru 2016

dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2016

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-approprjazzjonijiet mhux impenjati li jirrigwardaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (l-FAEG) kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja ta' wara. Dan ir-riport huwa limitat għal 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali u għall-ammont tal-aġġustament tal-pagamenti diretti kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li kien applikat matul is-sena finanzjarja ta' qabel. Dan jista' jwassal għal pagament addizzjonali lill-benefiċjarji finali li kienu soġġetti għal dak l-aġġustament.

(2)

Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b'deroga mill-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw dawk ir-riporti msemmija fl-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 lill-benefiċjarji finali li huma soġġetti għar-rata ta' aġġustament fis-sena finanzjarja li lejha jiġu riportati l-approprjazzjonijiet. Dak ir-rimborż japplika biss għall-benefiċjarji finali f'dawk l-Istati Membri fejn id-dixxiplina finanzjarja kienet tapplika (4) fis-sena finanzjarja preċedenti.

(3)

Meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont ta' riport li għandu jiġi rimborżat, skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom jiġu kkunsidrati l-ammonti tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament li ma jkunux intużaw għall-miżuri għall-kriżijiet sa tmiem is-sena finanzjarja.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/1146 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għall-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2015 biex tistabbilixxi riżerva ta' EUR 441,6 miljun għall-kriżijiet. Ir-riżerva għall-kriżijiet ma ntużatx fis-sena finanzjarja tal-2016.

(5)

Skont id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2015 sal-15 ta' Ottubru 2016, it-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja applikat attwalment mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja tal-2016 jammonta għal EUR 435 miljun.

(6)

Għaldaqstant, approprjazzjonijiet mhux użati li jikkorrispondu għall-ammont tad-dixxiplina finanzjarja applikata fis-sena finanzjarja tal-2016 ta' EUR 435 miljun, li jibqa' taħt il-limitu ta' 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali, jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja tal-2017 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(7)

Sabiex ikun żgurat li r-rimborż ta' dawk l-approprjazzjonijiet lid-destinatarji finali jibqa' proporzjonat mal-ammont tal-aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja, jixraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammonti disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż.

(8)

Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jkollhom jagħmlu pagament addizzjonali għal dan il-rimborż, dan ir-Regolament irid japplika mill-1 ta' Diċembru 2016. Għaldaqstant, l-ammonti stabbiliti minn dan ir-Regolament huma definittivi u japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' tnaqqis skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal kwalunkwe korrezzjoni oħra kkunsidrata fid-deċiżjoni dwar il-pagament ta' kull xahar li tikkonċerna n-nefqa magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri għal Ottubru 2016, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u għal kwalunkwe tnaqqis u pagamenti supplimentari li għandhom isiru skont l-Artikolu 18(4) ta' dak ir-Regolament, jew għal kwalunkwe deċiżjoni li se tittieħed fil-qafas tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-approprjazzjonijiet mhux impenjati jistgħu jiġu riportati għas-sena finanzjarja ta' wara biss. Għalhekk jixraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi dati ta' eliġibilità għan-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, filwaqt li tqis is-sena finanzjarja agrikola kif definita fl-Artikolu 39 ta' dak ir-Regolament.

(10)

Sabiex jitqies il-perjodu qasir taż-żmien bejn il-komunikazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-2016 taħt ġestjoni konġunta għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2015 sal-15 ta' Ottubru 2016 mill-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-Regolament mill-1 ta' Diċembru 2016, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ammonti tal-approprjazzjonijiet li se jiġu riportati mis-sena finanzjarja tal-2016 f'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u li, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, qed isiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż għall-benefiċjarji finali li huma soġġetti għar-rata ta' aġġustament fis-sena finanzjarja tal-2017, huma stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

L-ammonti li se jiġu riportati huma soġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riporti f'konformità mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 2

In-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni jekk l-ammonti rilevanti jkunu tħallsu lill-benefiċjarji qabel is-16 ta' Ottubru 2017.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jibda japplika mill-1 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Id-dixxiplina finanzjarja ma tapplikax fis-sena finanzjarja tal-2016 fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/1146 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2015 li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015 (ĠU L 191, 17.7.2015, p. 6).


ANNESS

L-ammonti disponibbli għar-rimborż tal-approprjazzjonijiet riportati

(ammonti f'EUR)

Il-Belġju

6 414 552

Ir-Repubblika Ċeka

11 049 216

Id-Danimarka

10 864 696

Il-Ġermanja

60 049 657

L-Estonja

1 293 797

L-Irlanda

13 600 170

Il-Greċja

17 254 566

Spanja

55 869 779

Franza

90 755 440

L-Italja

39 147 477

Ċipru

368 399

Il-Latvja

1 676 449

Il-Litwanja

3 462 420

Il-Lussemburgu

416 787

L-Ungerija

15 068 124

Malta

34 366

In-Netherlands

8 963 299

L-Awstrija

7 080 542

Il-Polonja

25 435 226

Il-Portugall

6 735 448

Is-Slovenja

987 364

Is-Slovakkja

5 646 824

Il-Finlandja

6 067 712

L-Iżvezja

7 922 613

Ir-Renju Unit

38 847 027


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/29


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2074

tal-25 ta' Novembru 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 fir-rigward tas-sustanza saliċilat tal-aluminju, bażiku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta' limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fformulata mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, il-limitu massimu ta' residwi (minn hawn 'il quddiem, “MRL”) għas-sustanzi farmakoloġikament attivi maħsuba għall-użu fl-Unjoni fil-prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew fil-prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali għandu jiġi stabbilit f'Regolament.

(2)

It-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) tistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali.

(3)

Is-saliċilat tal-aluminju, bażiku huwa attwalment inkluż f'dik it-tabella bħala sustanza permessa għal użu topiku fl-ispeċijiet kollha li jipproduċu l-ikel ħlief dawk bovini, kaprini, ekwidi, fniek u ħut bil-pinen. Is-saliċilat tal-aluminju, bażiku huwa wkoll sustanza permessa għall-ispeċijiet tal-bovini, il-kaprini, l-ekwidi u tal-fniek skont sett tal-MRL provviżorju stabbilit għal dik is-sustanza li jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2016.

(4)

Applikazzjoni għal modifika tal-entrata eżistenti għas-saliċilat tal-aluminju, bażiku biex tneħħi l-istatus proviżorju tal-MRL fl-annimali tal-ispeċijiet bovini, kaprini, u ekwidi u l-fniek ġiet sottomessa lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (minn hawn 'il quddiem imsejħa “EMA”).

(5)

L-EMA, abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, irrakkomandat li jitneħħa l-istatus provviżorju tal-MRL għas-saliċilat tal-aluminju, bażiku fl-ispeċijiet tal-annimali bovini, kaprini u ekwidi u l-fniek.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 37/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mill-25 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta' residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1).


ANNESS

Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, l-entrata għas-sustanza “saliċilat tal-aluminju, bażiku” tiġi sostwita b'dan li ġej:

Sustanza farmakoloġikament attiva

Residwu markatur

Speċijiet tal-Annimali

MRL

Tessuti Kkonċernati

Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009)

Klassifikazzjoni terapewtika

“saliċilat tal-aluminju, bażiku

Aċidu saliċiliku

Bovini,

kaprini,

Ekwidi,

fniek

200 μg/kg

500 μg/kg

1 500 μg/kg

1 500 μg/kg

Muskoli

Xaħam

Fwied

Kliewi

L-EBDA ENTRATA

Aġenti kontra l-infjammazzjonijiet tal-imsaren u kontra d-dijarea”

Bovini,

kaprini,

Ekwidi

9 μg/kg

Ħalib

 

MHUX APPLIKABBLI

L-ispeċijiet kollha li jipproduċu l-ikel ħlief bovini, kaprini, Ekwidi, fniek u ħut bil-pinen

L-ebda MRL mhuwa meħtieġ

MHUX APPLIKABBLI

Għall-użu topiku biss

 


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2075

tal-25 ta' Novembru 2016

dwar l-allokazzjoni lil Spanja ta' jiem addizzjonali fuq il-baħar fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES għajr għall-Golf ta' Cádiz

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/72 tat-22 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/104 (1), u b'mod partikolari l-punt 8.5 tal-Anness IIB tiegħu,

Billi:

(1)

It-tabella I tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2016/72 tispeċifika l-għadd massimu ta' ġranet li fihom bastimenti tal-Unjoni ta' tul totali ta' 10 metri jew aktar u li jġorru abbord jew ikalaw xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkapti simili b'malji ta' 32 mm jew akbar u pariti b'malji ta' 60 mm jew akbar u konzijiet tal-qiegħ, jistgħu jkunu preżenti fit-taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, għajr għall-Golf ta' Cádiz, mill-1 ta' Frar 2016 sal-31 ta' Jannar 2017.

(2)

Skont il-punt 8.5 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2016/72, abbażi ta' waqfiet permanenti tal-attivitajiet tas-sajd li seħħew bejn l-1 ta' Frar 2015 u l-31 ta' Jannar 2016 u suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 8.5 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2016/72, il-Kummissjoni tista' talloka għadd addizzjonali ta' ġranet fuq il-baħar li fihom bastiment jista' jiġi awtorizzat mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu biex ikun preżenti fiż-żona rilevanti meta jkollu abbord irkaptu regolat.

(3)

Fis-27 ta' Mejju 2016, skont il-punt 8.4 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2016/72, Spanja ressqet talba għal ġranet addizzjonali fuq il-baħar abbażi tal-waqfa permanenti tal-attivitajiet tas-sajd, flimkien ma' informazzjoni ta' appoġġ. Fis-6 ta' Ġunju 2016, Spanja kkonfermat li 14-il bastiment waqqfu l-attivitajiet tas-sajd bejn l-1 ta' Frar 2015 u l-31 ta' Jannar 2016.

(4)

Fid-dawl tad-dejta mogħtija lill-Kummissjoni u wara li ġie kkunsidrat il-metodu ta' kalkolu stabbilit fil-punt 8.2 tal-Anness IIB tar-Regolament (UE) 2016/72, Spanja għandha tiġi allokata disgħat ijiem addizzjonali fuq il-baħar għall-bastimenti msemmija fil-punt 1 ta' dak l-Anness, għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Frar 2016 u sal-31 ta' Jannar 2017.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għadd massimu ta' jiem fuq il-baħar li għalihom Spanja tista' tawtorizza li bastiment li jtajjar il-bandiera tagħha jkun preżenti fit-taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, għajr għall-Golf ta' Cádiz, li jkollu abbord jew li jkala rkaptu regolat u mhux suġġett għal kundizzjonijiet speċjali, kif stabbilit fit-Tabella I tal-Anness IIB għar-Regolament (UE) 2016/72, għandu jiżdied għal 126 jum fis-sena.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 22, 28.1.2016, p. 1.


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2076

tal-25 ta' Novembru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-25 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

90,0

TR

80,7

ZZ

85,4

0707 00 05

MA

69,4

TR

158,6

ZZ

114,0

0709 93 10

MA

100,9

TR

141,9

ZZ

121,4

0805 20 10

MA

71,7

ZA

138,5

ZZ

105,1

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

JM

110,2

TR

80,3

ZZ

95,3

0805 50 10

AR

64,7

CL

90,0

TR

78,5

ZZ

77,7

0808 10 80

CL

185,9

NZ

177,5

ZA

186,7

ZZ

183,4

0808 30 90

CN

106,4

TR

126,8

ZZ

116,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2077

tas-17 ta' Ottubru 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness VI tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-1, ir-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, ir-Regolament SOLAS II-1/3-12, il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, il-Kodiċi tas-Sistemi ta' Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima u tipproteġi l-ambjent tal-baħar.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ('OMI'), fid-69 sessjoni tiegħu, qabel dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' ġbir ta' data obbligatorja għall-konsum tal-fjuwil u l-emendi meħtieġa għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri ('MARPOL Anness VI'). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati matul is-70 sessjoni tal-MEPC, li għandha ssir f'Ottubru 2016.

(3)

Il-Kumitat tas-Sigurtà Marittima (MSC-Maritime Safety Committee) tal-OMI, li ltaqa' fil-95 u s-96 sessjoni tiegħu, approva emendi għar-Regolament II-1, ir-Regolamenti III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti II-2/1 u II-2/10 u r-Regolament II-1/3-12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Istandards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara ('il-Konvenzjoni u l-Kodiċi STCW'), għall-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien ('Kodiċi FSS') u għall-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011 (il-'Kodiċi ESP 2011'). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati matul is-97 sessjoni tal-MSC, li għandha tinżamm f'Novembru 2016.

(4)

L-emendi tal-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL għandhom jistabbilixxu sistema globali u obbligatorja għall-ġbir tad-data għad-data li għandha tinġabar u tiġi rrapportata kull sena minn ċerti bastimenti, il-proċessi ta' verifika relatati mad-data rrappurtata, l-istabbiliment ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità, sitwazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment tas-sjieda, il-preżentazzjoni tad-data lill-OMI, l-anonimizzazzjoni tad-data u l-aċċess għaliha, kif ukoll proċeduri biex tiġi kkonfermata l-konformità tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dawk li mhumiex parti mill-Anness VI tal-MARPOL. Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistabbilixxi sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport marittimu. Dan japplika għall-bastimenti kollha b'aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross li jaslu f'portijiet, ikunu fihom, jew jitilqu minnhom taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru mill-1 ta' Jannar 2018 'il quddiem, irrispettivament minn fejn huma rreġistrati il-bastimenti.

(5)

L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2015/757 jinkludi klawżola ta' reviżjoni fil-każ ta' ftehim internazzjonali f'dan il-qasam. L-adozzjoni tal-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL ser tibda proċess ta' reviżjoni bħal dan, li jista' jwassal għal proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2015/757 sabiex ikun żgurat l-allinjament, safejn ikun xieraq, mas-sistema tal-ġbir tad-data globali maqbula fl-OMI.

(6)

L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 — 17, II-1/19, II-1/21 — 22 u II-1/35 ser jintroduċu bidliet editorjali u konsegwenzjali, kif ukoll bidliet li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' suddiviżjoni u ta' stabbiltà f'kundizzjonijiet ta' ħsara għat-titjib tas-sopravivenza tal-bastiment tal-passiġġieri f'każ ta' ħsara. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jitħaddmu fuq vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

(7)

L-emendi għar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament il-ġdid SOLAS II-1/19-1, u l-emendi għar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 fir-rigward ta' provi tal-kontroll tal-ħsara jiffurmaw parti minn approċċ komprensiv għat-titjib tas-sopravivenza f'każ ta' għargħar bl-intenzjoni li tiġi mtejba s-sikurezza fuq il-bastimenti tal-passiġġieri ġodda u eżistenti. Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u b'mod partikolari r-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I, tinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri. Il-Konvenzjoni STCW, li ġiet inkorporata fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/106/KE, tinkludi rekwiżiti ta' taħriġ dwar l-istabbiltà tal-bastiment fit-tabelli ta' kompetenzi rilevanti tal-Kodiċi STCW.

(8)

L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 ser jipprevedu li apparat tat-tifi tan-nar bir-ragħwa li għandu tal-anqas kapaċità ta' 135 l mhux ser ikun iżjed meħtieġ fil-kmamar tal-kaldarun fil-każ ta' kaldaruni domestiċi ta' anqas minn 175 kW, jew kaldaruni imħarsa minn sistemi fissi tat-tifi tan-nar b'applikazzjoni lokali bbażata fuq l-ilma. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jipprevedi li l-vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendati. Barra minn hekk, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 huma applikabbli għall-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassijiet B, C u D u l-vapuri eżistenti tal-passiġġieri tal-Klassi B skont l-Anness I, il-Kapitolu II-2 il-Parti A, il-punt 6.7 (“Arranġamenti fit-tifi tan-nar fi spazji tal-makkinarju”) tad-Direttiva 2009/45/KE, fejn huwa stabbilit li l-ispazji tal-makkinarju u l-kmamar tal-kaldaruni għandhom ikunu mgħammra b'sistemi li jistgħu jinġarru.

(9)

L-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3-12 ser jindirizzaw in-nuqqas fir-Regolament attwali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Livelli ta' Storbju Abbord Bastimenti għal bastimenti li għalihom il-kuntratt tal-bini kien stabbilit qabel l-1 ta' Lulju 2014 u li l-primi tagħhom huma stabbiliti jew qegħdin fi stadju simili ta' bini fl-1 ta' Jannar 2015 jew wara u li l-kunsinna tagħhom ma għandhiex issir qabel l-1 ta' Lulju 2018. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u jistipula valuri ta' limitu ta' espożizzjoni u valuri ta' azzjoni ta' espożizzjoni. Barra minn hekk, bħala leġislazzjoni sekondarja rilevanti, l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jagħmel l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, applikabbli għall-bastimenti ġodda tal-Klassi A, u l-Anness I PARTI C, ir-Regolament 15, ta' din id-Direttiva jistabbilixxi miżuri għat-tnaqqis tal-ħoss fl-ispazji tal-makkinarju għall-bastimenti ġodda tal-Klassi B, C u D.

(10)

L-emendi għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW li għandhom x'jaqsmu mat-taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-Partijiet A u B tal-Kodiċi STCW ser jindirizzaw sfidi ġodda imposti mid-daqs akbar ta' bastimenti tal-kruċiera moderni u n-numru kbir ta' passiġġieri abbord u jinkludu erba' livelli distinti ta' taħriġ u familjarizzazzjoni: familjarizzazzjoni dwar emerġenza fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-folla fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-imġiba tal-bniedem fuq bastiment tal-passiġġieri, u taħriġ fir-rigward ta' bastiment tal-passiġġieri ro-ro. Id-Direttiva 2008/106/KE, b'mod partikolari r-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I tinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifika ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri.

(11)

L-emendi għall-Kapitolu 13 tal-Kodiċi FSS ser jiċċaraw li l-kalkoli tad-dimensjonijiet tal-mezzi tas-salvataġġ, li huma magħmula abbażi tan-numru totali ta' persuni mistennija li jaħarbu mit-taraġ u permezz ta' bibien, kurituri u indani, għandhom isiru b'mod separat għal żewġ każijiet differenti ta' okkupanza tal-ispazji speċifikati. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jistabbilixxi li l-vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendati. Barra minn hekk, il-Kapitolu II-2, il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE japplika l-Kodiċi FSS adottat bir-Riżoluzzjoni MSC.98(73), għal bastimenti tal-Klassi B, C u D mibnija fl-1 ta' Jannar 2003 jew wara.

(12)

Sa fejn l-emendi għar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 — 17, II-1/19, II-1/21 — 22 u II-1/35, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 u l-Kapitolu 13 tal-Kodiċi FSS jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/45/KE f'dak li jikkonċerna vapuri tal-passiġġieri u vapuri tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jaħdmu fuq vjaġġi domestiċi, dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(13)

L-emendi għall-Kodiċi ESP 2011 għandhom jipprovdu allinjament mas-serje Z10 aġġornata tar-Rekwiżiti Unifikati fi ħdan ir-Rekwiżiti Uniformi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni (is-serje Z10 IACS UR), li jikkonċernaw rekwiżiti ta' stħarriġ u ta' ċertifikazzjoni. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jagħmlu l-applikazzjoni tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI obbligatorja għat-tankers taż-żejt b'buq wieħed li jkollhom aktar minn 15-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet matul il-kontrolli ta' Trasportaturi ta' Tagħbija bl-Ingrossa u ta' Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Billi l-CAS tuża l-ESP bħala l-istrument biex tikseb l-għan tagħha, kull bidla fl-ispezzjonijiet tal-ESP tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

(14)

L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL, kif stipulati fl-Anness 7 għad-dokument tal-OMI MEPC 69/21/Add.1.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi li ġejjin għal:

(a)

Ir-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 — 17, II-1/19, II-1/21 — 22 u II-1/35 kif stabbilit fl-Anness 1 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016;

(b)

Ir-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-regolament ġdid II-1/19-1, u l-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 kif stabbilit fl-Anness 1 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016;

(c)

Ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 kif stabbilit fl-Anness 1 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016;

(d)

Ir-Regolament SOLAS II-1/3-12 kif stabbilit fl-Anness 1 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016;

(e)

Il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW li għandhom x'jaqsmu mat-taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-Partijiet A u B tal-Kodiċi STCW kif stabbilit fl-Annessi 8, 9 u 10 għad-Dokument tal-OMI MSC 96/25/Add.1;

(f)

Il-Kapitolu 13 tal-Kodiċi FSS kif stabbilit fl-Anness 2 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016;

(g)

Il-Kodiċi tal-ESP tal-2011 kif stabbilit fl-Anness 4 għall-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta' Mejju 2016.

2.   Jekk l-emendi għar-Regolament SOLAS II-1/6 imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jiġu riveduti fis-97 sessjoni tal-Kumitat għas-Sigurtà Marittima tal-OMI, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni għandha tkun li taqbel mal-bidliet għal dawk l-emendi li jtejbu l-livelli attwali ta' sikurezza.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif tinsab fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Jista' jsir qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

L. SÓLYMOS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(2)  Id-Direttiva Nru 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33).

(4)  Id-Direttiva 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 dwar il-ħtiġiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (ĠU L 42, 15.2.2003, p. 38).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).


26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2078

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.41617 — 2015/C (ex SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands favur il-klabb professjonali tal-futbol NEC f'Nijmegen

(notifikata bid-dokument C(2016) 4048)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-2010, il-Kummissjoni ġiet infurmata minn ċittadini li n-Netherlands kienet implimentat miżura ta' għajnuna għall-klabb tal-futbol professjonali NEC f'Nijmegen. L-ilmenti ġew irreġistrati taħt in-numri SA.31616 u SA.31767. Fl-2010 u l-2011, il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilmenti dwar miżuri favur klabbs tal-futbol professjonali oħra fin-Netherlands, b'mod partikolari MVV f'Maastricht, Willem II f'Tilburg, FC Den Bosch f's-Hertogenbosch u PSV f'Eindhoven. B'ittra tat-2 ta' Settembru 2011 in-Netherlands ipprovdiet lill-Kummissjoni aktar informazzjoni dwar il-miżura rigward NEC.

(2)

B'ittra tas-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni infurmat lin-Netherlands li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri favur Willem II, NEC, MVV, PSV u FC Den Bosch.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (minn hawn 'il quddiem: “Id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

(4)

In-Netherlands issottomettiet osservazzjonijiet fil-qafas tal-proċedura rigward il-miżura favur NEC b'ittra tas-6 ta' Ġunju 2013, li kienet tinkludi l-kummenti mill-muniċipalità ta' Nijmegen (minn hawn 'il quddiem: “il-muniċipalità”) bħala parti interessata. Fis-27 ta' Frar 2015, saret laqgħa man-Netherlands li fiha pparteċipat il-muniċipalità wkoll. Aktar informazzjoni min-Netherlands waslet fl-10 ta' April 2015, fil-11 ta' Mejju 2015, fit-13 ta' Mejju 2015 u fis-16 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti mingħand partijiet interessati oħra.

(5)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, u bi qbil man-Netherlands, l-investigazzjonijiet għall-klabbs differenti twettqu b'mod separat. L-investigazzjoni rigward NEC ġiet irreġistrata taħt in-numru tal-każ SA.41617.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Il-miżura u l-benefiċjarju tagħha

(6)

Il-federazzjoni tal-futbol nazzjonali Koninklijke Nederlandse Voetbal Bond (minn hawn 'il quddiem: il-“KNVB”) hija l-organizzazzjoni umbrella għall-kompetizzjoni tal-futbol professjonali u amatorjali. Il-futbol professjonali fin-Netherlands huwa organizzat f'sistema ta' żewġ saffi. Fl-istaġun 2014/2015, din is-sistema kienet tinvolvi 38 klabb, li minnhom 18 kienu fl-ogħla lig (eredivisie) u 20 fil-lig inferjuri (eerste divisie).

(7)

Nijmegen Eendracht Combinatie (minn hawn 'il quddiem: “NEC”) twaqqaf fl-1900 u jilgħab il-partiti tiegħu f'Nijmegen. L-istruttura legali ta' NEC hija kif ġej: il-kumpaniji Nijmegen Eendracht Combinatie B.V, Exploitatie-Maatschappij De Goffert B.V. u N.E.C. horeca B.V. huma proprjetà tal-fondazzjoni Stichting Administratiekantoor N.E.C. Il-kumpanija Exploitatie-Maatschappij De Goffert B.V hija l-benefiċjarju tal-miżura. Skont l-informazzjoni sottomessa min-Netherlands, NEC hija intrapriża ta' daqs medju bi 62,3 impjegat tal-FTE fis-sena 2015 (69,5 FTE fl-2010). Fil-perjodu kkonċernat minn din l-investigazzjoni NEC lagħab fl-ogħla lig. Huwa lagħab l-aħħar f'turnew Ewropew (it-tazza UEFA) fl-istaġun 2008/2009.

(8)

Sa mill-2003, NEC kien l-utent ewlieni, iżda mhux l-uniku wieħed tal-istejdjum multifunzjonali Goffer stadion, li jinsab fil-park kbir Goffert f'Nijmegen. Biswit l-istejdjum fil-park Goffer, fl-2003 inbena kumpless tal-isport multifunzjonali De Eendracht mill-muniċipalità bl-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Il-kumpless De Eendracht jinkera lil NEC u jintuża wkoll minn ħaddieħor għal skopijiet ta' taħriġ.

(9)

Ir-relazzjonijiet bejn il-muniċipalità u NEC rigward id-De Eendracht ġew stabbiliti f'żewġ kuntratti konklużi fl-2003: ftehim ta' intenzjoni għall-iżvilupp taż-żona fejn jinsab id-De Eendracht fil-kuntest tal-viżjoni tal-politika tal-isports usa' tal-muniċipalità kif ukoll kuntratt lokatizju għad-De Eendracht.

(10)

Fl-2008 u l-2009, NEC kiteb lill-awtoritajiet muniċipali fir-rigward ta' klawżola fil-kuntratti, skont liema kien intitolat jikseb id-De Eendracht mill-muniċipalità. Deskritt bħala “opzjoni ta' xiri”, NEC kiteb li kellu l-intenzjoni li jikseb l-“opstalrecht” jew id-dritt tas-superfiċji (3) għall-kumpless. Fl-ewwel ittra tiegħu, NEC ippropona li jirrinunzja l-opzjoni tax-xiri tiegħu għall-kumpens tas-somma ta' EUR 2,3 miljun, li ġiet ikkalkulata abbażi tal-valur kontabilistiku stmat u l-valur reali tal-kumpless skont għarfien espert estern. Fil-fehma ta' NEC, id-differenza bejn iż-żewġ valuri tikkorrispondi mal-benefiċċju li jirċievi li kieku jeżerċita l-opzjoni tax-xiri tiegħu. F'ittra oħra NEC informa lill-muniċipalità li xtaq jeżerċita l-opzjoni tax-xiri tiegħu.

(11)

Fl-2010, il-muniċipalità rċeviet opinjonijiet legali minn żewġ ditti legali dwar din il-kwistjoni: waħda f'Jannar 2010, l-oħra f'Settembru 2010. L-ewwel opinjoni innotat klawżola fil-kuntratt lokatizju skont liema l-kuntratt kopra l-perjodu sakemm id-De Eendracht jinkiseb mill-kerrej (NEC) u nnutat li kienet l-intenzjoni tal-muniċipalità u NEC li l-kumpless jinkiseb minn NEC ladarba mil-FEŻE ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal dan. Hija kkonkludiet li NEC kellu l-ikbar dritt li jitlob l-akkwist. It-tieni opinjoni ntalbet fuq l-insistenza tal-kunsill muniċipali dwar l-allegazzjoni li l-pretensjoni ta' NEC tagħmel sens. Din l-opinjoni kkonkludiet li kien hemm biss obbligu li l-muniċipalità tinnegozja ma' NEC, peress li l-klawżola inkwistjoni ma tistipulax prezz jew mekkaniżmu tal-ipprezzar.

(12)

Il-muniċipalità qablet li tixtri l-pretensjoni għal EUR 2,2 miljun f'Settembru 2010. In-Netherlands ma nnotifikatx, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-intenzjoni tagħha li tirrimborża lil NEC għar-rinunzja tal-opzjoni tax-xiri tiegħu. Huwa fir-rigward ta' din it-tranżazzjoni li nfetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali u għalhekk hija s-suġġett tad-deċiżjoni attwali.

2.2.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(13)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni li l-miżuri ta' għajnuna għall-klabbs tal-futbol professjonali aktarx ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-muniċipalità ipprovdiet vantaġġ selettiv lil NEC bl-użu tar-riżorsi tal-Istat u b'hekk ipprovdiet għajnuna lill-klabb tal-futbol.

(14)

L-ewwel, fir-rigward tal-eżistenza ta' opzjoni tax-xiri, il-Kummissjoni kkonkludiet li billi bbażat lilha nnifisha esklużivament fuq l-ewwel opinjoni legali u billi ma qisitx it-tieni opinjoni aktar mirquma, in-Netherlands ma urietx li NEC kellu opzjoni tax-xiri bil-prezz li la ġie stipulat fil-kuntratt u lanqas ma ġie nnegozjat.

(15)

It-tieni, fir-rigward tal-konformità mas-suq tal-prezz imħallas għar-rinunzja tal-opzjoni allegata tax-xiri, il-Kummissjoni insistiet li l-gwida ipprovduta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi ta' għajnuna fil-bejgħ tal-art mill-awtoritajiet pubbliċi (4) (minn hawn 'il quddiem: “il-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art”), li kienet ġiet invokata min-Netherlands, “tikkonċerna biss il-bejgħ ta' art u bini proprjetà tal-pubbliku. Din ma tikkonċernax l-akkwist pubbliku tal-art u l-bini jew il-kera jew il-lokazzjoni tal-art u l-bini mill-awtoritajiet pubbliċi. Tali tranżazzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll elementi ta' għajnuna mill-Istat.” Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-operaturi f'ekonomija tas-suq aktarx li jqisu wkoll il-probabbiltà li kerrej jeżerċita l-opzjoni tax-xiri tiegħu, dejjem jekk din tkun teżisti. Fost l-oħrajn huma jqisu wkoll il-mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu.

(16)

It-tielet, il-Kummissjoni nnutat li NEC kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, liema diffikultajiet kienu serji biżżejjed biex jipperikolaw il-futur tiegħu bħala klabb tal-futbol professjonali. Il-KNVB, meta vverifikat il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' NEC għall-2010/2011, talbet lil NEC garanzija esterna għal EUR 1 967 000 f'Lulju 2010, li fin-nuqqas tagħha NEC kien jirriskja li jitlef il-liċenzja tiegħu. Din il-garanzija (li skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni kienet ipprovduta minn kumpanija privata u kummerċjali u għalhekk mhux bir-riżorsi tal-Istat) kienet meħtieġa minbarra l-EUR 2,2 miljun koperti mid-Deċiżjoni preżenti. NEC innifsu f'Ġunju 2010 indika li l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu kienet waħda inkwetanti, b'ekwità negattiva, riżultat operazzjonali negattiv fl-2009/2010 u pożizzjoni ta' likwidità ħażina. NEC waqaf iħallas il-kera f'Settembru 2009.

(17)

Sabiex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f'diffikultà (5) (minn hawn 'il quddiem: “il-Linji gwida”), il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-Linji gwida.

(18)

Il-Kummissjoni b'mod partikolari ma setgħetx tivverifika jekk il-kundizzjonijiet fil-punti 34 sa 37 tal-Linji gwida dwar in-natura u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ġewx irrispettati. Il-Kummissjoni ma setgħetx ukoll tivverifika jekk kinux ittieħdu miżuri ta' kumpens adegwati fis-sens tal-punti 38 sa 42. Barra minn hekk kien meħtieġ li jintwera li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju, li l-benefiċjarju nnifsu jkun ħallas kontribuzzjoni proprja adegwata għar-ristrutturar tiegħu, li n-Netherlands tipprovdi rapporti ta' monitoraġġ u li l-prinċipju “darba waħda, l-aħħar darba” jiġi rispettat.

3.   KUMMENTI MIN-NETHERLANDS

(19)

In-Netherlands ma taqbilx li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(20)

F'dan ir-rigward, in-Netherlands l-ewwel tisħaq fuq il-kuntest importanti tat-tranżazzjoni. Skont in-Netherlands, id-deċiżjoni tal-ftuħ kien fiha xi żbalji fattwali f'dan ir-rigward. Għall-kuntrarju ta' dak li ġie ddikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-istejdjum Goffert kellu natura multifunzjonali saħansitra qabel l-2003. Il-muniċipalità tqis l-użu tad-De Eendracht (u l-istejdjum Goffert) għal finijiet mhux sportivi bħala fattur kuntestwali importanti.

(21)

In-Netherlands, b'mod partikolari tisħaq fuq l-interess li l-muniċipalità kellha fl-iżvilupp tal-park tal-innovazzjoni u tal-isport kompetittiv (minn hawn 'il quddiem: it-“TIP”) (6), li jintegra l-istejdjum Goffert eżistenti u d-De Eendracht. Il-preparazzjonijiet għall-iżvilupp tat-TIP kienu diġà bdew qabel ma n-NEC informa lill-muniċipalità li xtaq jeżerċita l-opzjoni tax-xiri tiegħu. Il-kumpless De Eendracht kellu rwol importanti fil-pjanijiet fir-rigward tat-TIP, li kienu mmexxija mill-muniċipalità. In-Netherlands tisħaq li l-preparazzjonijiet tat-TIP komplew ħafna wara li saret it-tranżazzjoni f'Settembru 2010. Kien biss f'Marzu 2012 li l-kunsill muniċipali ddeċieda li jwaqqaf il-preparazzjonijiet tat-TIP. Skont in-Netherlands, il-Kummissjoni għandha tqis b'mod espliċitu l-importanza essenzjali li l-muniċipalità dak iż-żmien ħasset li kellha li żżomm is-sjieda sħiħa tad-De Eendracht (inkluż kemm l-art ta' taħtu kif ukoll il-bini ta' fuqha) sabiex tippermetti l-iżvilupp tat-TIP.

(22)

F'dan ir-rigward, in-Netherlands tirreferi għar-rapport dwar l-effetti ekonomiċi mistennija tat-TIP, ippubblikat mill-Konsulenti tal-Affarijiet Reġjonali u Ewropej f'April 2009. Skont dan ir-rapport, kien mistenni li t-TIP ikollu impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-muniċipalità, inkluż żieda fl-impjiegi u l-infiq, iżda wkoll diversi effetti ekonomiċi pożittivi indiretti fl-oqsma tal-iżvilupp tal-għarfien, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-livelli tal-attività b'mod ġenerali. Ir-rapport “TIP Nijmegen Impact and Opportunities”, imħejji mill-muniċipalità u mill-Konsulenti tal-Buck, speċifikament jirreferi għall-funzjoni eżemplari tad-De Eendracht fl-iżvilupp tat-TIP.

(23)

It-tieni, in-Netherlands tisħaq fuq is-saħħa tal-pretensjoni ta' NEC. Hija ċċarat l-isfond li wassal għall-istabbiliment tal-opzjoni tax-xiri. Il-muniċipalità enfasizzat li dan huwa marbut mal-fatt li NEC irrinunzja d-dritt tas-superfiċji fuq dak li kien kumpless amatorjali eżistenti, sabiex jippermetti lill-muniċipalità tibdel dan il-kumpless permezz tal-bini tal-kumpless il-ġdid, id-De Eendracht. Fl-2000, id-dritt tas-superfiċji tal-kumpless amatorjali eżistenti kien f'idejn NEC, filwaqt li l-muniċipalità kienet is-sid tal-art ta' taħtu. Minħabba li l-kumpless ma kienx għadu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-KNVB biex ikompli jwettaq attivitajiet relatati mal-futbol fuq il-post, il-muniċipalità — f'konsulenza ma' NEC — fl-2002 iddeċidiet li tibni akkomodazzjoni multifunzjonali ġdida, id-De Eendracht. Id-De Eendract inbena bi flus il-pubbliku, u parzjalment iffinanzjat bl-appoġġ mill-FEŻR. Sabiex ikun jista' japplika għall-appoġġ mill-FEŻR, il-kumpless kellu jinbena mill-muniċipalità u l-bini ma setax jinbiegħ għal perjodu ta' ħames snin. Għalhekk NEC irrinunzja d-dritt tas-superfiċji tiegħu fuq il-kumpless, iżda kiseb opzjoni tax-xiri (id-dritt tas-superfiċji għal) għall-kumpless il-ġdid, id-De Eendracht. Skont in-Netherlands, NEC kellu l-intenzjoni li jkun jista' jieħu l-kumpless De Eendracht ladarba r-rekwiżiti tal-FEŻR ma jibqgħux jipprojbixxu dan, anke jekk il-prezz tal-akkwist ma jkunx ġie ddeterminat sa dak iż-żmien.

(24)

Għalhekk in-Netherlands tikkonfuta li l-muniċipalità segwiet waħda mill-opzjonijiet legali biss (ara l-premessa 14). Minflok, tenfasizza li qatt ma kien hemm kunflitt bejn il-muniċipalità u NEC dwar din il-pretensjoni, li ż-żewġ partijiet kienu jqisuha b'saħħitha. Hawnhekk in-Netherlands tirreferi għall-Artikolu 6:217 tal-Kodiċi Ċivili Netherlandiż, skont liema kunsens sempliċi bejn il-partijiet jkun biżżejjed biex jintlaħaq ftehim.

(25)

L-opzjoni tax-xiri tista' titnaqqas mill-kuntratti ta' intenzjoni u lokatizji bejn il-muniċipalità u l-kumpanija Exploitatiemaatschappij De Goffert B.V. (ara l-premessa 9). Il-fatt li l-klawżoli dwar l-opzjoni tax-xiri ma jistipulawx prezz jew mekkaniżmu tal-ipprezzar mhuwiex rilevanti skont in-Netherlands Fil-kuntest tal-ftehimiet tax-xiri fejn il-partijiet ma jiddeterminaw l-ebda prezz, l-Artikolu 7:4 tal-Kodiċi Ċivili Netherlandiż jipprovdi li x-xerrej għandu jħallas “prezz raġonevoli”.

(26)

B'mod ġenerali, il-muniċipalità ssostni li d-deċiżjoni li ma ssegwix it-tieni opzjoni legali kienet ibbażata fuq raġunijiet ġenwini u motivati minħabba li qieset li l-argumenti ppreżentati fit-tieni opinjoni legali mhumiex korretti. Dan ġie ssostanzjat minħabba li l-kittieb tal-ewwel opinjoni legali rreaġixxa għat-tieni opinjoni biex iżomm il-parir tiegħu. Il-muniċipalità tindika li t-tieni opinjoni kienet politikament motivata biċ-ċar minħabba li kienet intalbet mill-partijiet fl-oppożizzjoni fil-kunsill muniċipali. Li t-tieni opinjoni kienet aktar mirquma (il-premessa 14) ma jista' jwassal għall-ebda konklużjoni dwar il-validità tal-argumenti fiha.

(27)

Barra minn hekk, il-muniċipalità f'dan ir-rigward tinnota li l-ftehim bejn NEC u l-muniċipalità huwa soġġett għal-liġi privata nazzjonali u b'hekk kull valutazzjoni tal-validità tal-pretensjoni ta' NEC għandha ssir minn imħallef Netherlandiż.

(28)

It-tielet, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-opzjoni tax-xiri, in-Netherlands ipprovdiet ukoll kjarifiki ulterjuri. In-Netherlands tindika li l-eżistenza ta' vantaġġ (u b'hekk ta' għajnuna mill-Istat) ma tistax tiġi ssoponuta sempliċiment minħabba li l-prezz jiġi ddeterminat abbażi tan-negozjati. Fil-każ tan-NEC, il-prezz tal-opzjoni tax-xiri kien iddeterminat abbażi ta' valutazzjoni indipendenti u għalhekk huwa konformi mas-suq skont l-awtoritajiet Netherlandiżi. Fil-fatt, in-Netherlands issostni li t-tranżazzjoni ma kinitx selettiva u li ma tatx vantaġġ lil NEC.

(29)

In-Netherlands tirreferi għall-fatt li miżura ma tkunx selettiva jekk din tkun ibbażata fuq miżura nazzjonali ġenerali. B'mod partikolari, it-tranżazzjoni hija bbażata fuq il-Kodiċi Ċivili, li għandu kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huwa applikabbli għall-intrapriżi kollha. Il-valur tat-tranżazzjoni kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili, li jipprovdu għall-pagament ta' “prezz raġonevoli”. Skont in-Netherlands, dan kien il-każ minħabba li f'April 2009 kienet saret valutazzjoni indipendenti. Hija tikkonkludi li dik it-tranżazzjoni ma kinitx selettiva.

(30)

Anke jekk it-tranżazzjoni kienet titqies bħala waħda selettiva, NEC ma kienx jirċievi vantaġġ, minħabba li l-muniċipalità kienet qed taġixxi bħala investitur tas-suq u kienet qed tħallas prezz tas-suq. In-Netherlands tenfasizza l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni fl-użu tal-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art b'analoġija meta l-każijiet ikunu relatati mal-valutazzjoni ta' assi u drittijiet tal-proprjetà oħra. Minħabba li f'dan il-każ it-tranżazzjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art, tista' titqies bħala konformi mas-suq. Anke li kieku l-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ tal-art ma kinitx applikabbli, it-tranżazzjoni tibqa' konformi mas-suq minħabba li investitur tas-suq privat kien ukoll jiddetermina l-valur tal-opzjoni tax-xiri abbażi ta' valutazzjoni indipendenti.

(31)

Il-muniċipalità enfasizzat li hemm rabta mill-qrib bejn il-valur tat-tranżazzjoni u l-valur tal-kumpless De Eendracht. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni indipendenti (tas-7 ta' April 2009) jiffoka fuq żewġ valuri. Min-naħa, jiddetermina l-prezz tal-bejgħ li bejjiegħ jista' jirċievi mill-bejgħ tad-dritt tas-superfiċji (għal perjodu ta' 30 sena) fir-rigward tal-kumpless abbażi tal-ftehim tal-lokazzjoni eżistenti bejn il-muniċipalità u NEC […] (*1). Min-naħa l-oħra, jiddetermina l-prezz tal-bejgħ li bejjiegħ jista' jirċievi mill-bejgħ tad-dritt tas-superfiċji fir-rigward tal-kumpless abbażi tal-ftehimiet sublokatizji eżistenti bejn NEC u s-sublokatarji tiegħu, waqt li qies l-evoluzzjonijiet tal-kiri tas-suq. Fil-fatt il-kumpless kien is-suġġett tal-kuntratti lokatizji kemm bejn NEC u l-muniċipalità u kif ukoll bejn NEC u l-partijiet terzi (NEC jaġixxi bħala l-operatur tal-kumpless), ara wkoll il-premessa 8. Dan it-tieni valur ġie ffissat għal EUR […].

(32)

Iż-żewġ valutazzjonijiet fi kliem ieħor huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-kumpless jinbiegħ fi stat ta' kera. In-Netherlands issostni li skont il-leġiżlazzjoni Netherlandiża, tranżazzjoni ta' bejgħ ma twassalx għal bdil fis-sitwazzjoni ta' kera. Is-sid il-ġdid ta' proprjetà jissostitwixxi lis-sid preċedenti bħala l-parti li qed tikri. Għalhekk huwa normali li jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ ta' proprjetà mikrija abbażi tal-introjtu tal-kera.

(33)

Il-valutazzjonijiet indipendenti juru li l-muniċipalità tista' tbigħ il-kumpless De Eendracht fi stat mikri lil parti terza għal prezz massimu ta' EUR […]. Skont in-Netherlands, dan huwa daqs il-prezz massimu li NEC jista' jintalab għall-kumpless. Ladarba NEC jikseb id-dritt għas-superfiċi fir-rigward tal-kumpless De Eendracht, dan jista' jbigħ dak id-dritt għall-prezz massimu ta' EUR […]. Skont in-Netherlands, dan ifisser li NEC kien se jirrifjuta vantaġġ potenzjali massimu ta' […] EUR 2 064 000. Matul in-negozjati ma' NEC, il-valur finali tal-opzjoni tax-xiri ġie ddeterminat għal […] EUR 2 223 000. […]. Il-Kummissjoni tinnota li l-valutazzjoni ma qisitx b'mod espliċitu s-sitwazzjoni konkreta, jiġifieri meta NEC stess jikseb il-kumpless.

(34)

In-Netherlands ipprovdiet aktar informazzjoni ta' sfond dwar iċ-ċifri tal-kera użati fir-rapport tal-valutazzjoni biex tiġi spjegata d-differenza importanti bejn iż-żewġ valutazzjonijiet. B'mod partikolari, in-Netherlands tindika numru ta' fatturi b'impatt negattiv fuq il-prezz tal-lokazzjoni kif ġie stabbilit għal NEC:

(a)

Exploitatiemaatschappij De Goffert B.V. mhux biss kriet il-kumpless fit-tul, iżda aġixxiet ukoll bħala l-kumpanija operatorja biex tissulloka partijiet mill-kumpless lill-partijiet terzi. Id-De Eendracht kellu karattru sperimentali ċar u l-muniċipalità użat il-bini ta' dan il-kumpless il-ġdid biex issaħħaħ ir-rabta tal-kumpless mal-attivitajiet soċjali, l-ambjent ekonomiku u l-viċinanzi. Ma kinitx xi ħaġa ċerta li dawn il-proġetti soċjoekonomiċi kienu se jkunu ta' suċċess fil-prattika, u ma kienx eskluż li l-partijiet terzi jirtiraw. Dan żied ir-riskju għal Exploitatiemaatschappij De Goffert B.V.

(b)

Exploitatiemaatschappij De Goffert B.V. ħadet ħsieb ukoll il-manutenzjoni u s-sostituzzjoni tal-art li qabel kienet tieħu ħsiebhom il-muniċipalità.

(c)

NEC kien l-uniku sieħeb possibbli li seta' jwettaq l-objettivi soċjoekonomiċi tal-muniċipalità.

(d)

NEC oriġinarjament kellu d-dritt tas-superfiċji għall-kumpless, iżda rrinunzja dan mingħajr ħlas (ara l-premessa 23).

Abbażi ta' dan in-Netherlands tqis il-prezz lokatizju mħallas minn NEC, li jifforma l-bażi għall-ewwel valur ikkalkulat fit-tassazzjoni, bħala konformi mas-suq.

(35)

Barra minn hekk, in-Netherlands innutat li l-kuntratt lokatizju bejn NEC u l-muniċipalità għandu jitqies bħala ftehim lokatizju għal terminu fiss li ma setax jintemm mill-muniċipalità qabel id-data tat-tmiem tiegħu, li taħbat mat-trasferiment tad-dritt tas-superfiċji lil NEC. Dan jispjega għaliex it-tassazzjoni tikkalkula l-ewwel valur abbażi ta' kera statika, filwaqt li t-tieni valur iqis l-evoluzzjonijiet tal-kera tas-suq.

(36)

In-Netherlands tenfasizza li s-somma ta' EUR 2,2 miljun dovuta lil NEC għall-opzjoni ta' xiri ma tħallsitx, iżda minflok parti minnha ntużat biex tkopri l-pretensjonijiet pendenti fuq NEC u parti oħra bħala pagament bil-quddiem tal-kera (kera garantita). Fl-istess ħin, il-ftehim lokatizju ġie prolongat sal-aħħar ta' Frar 2043 u l-kera ġiet miżjuda […]. Dejjem jekk il-kera oriġinali kienet konformi mas-suq, in-Netherlands issostni li din iż-żieda tqiegħed din il-kera l-ġdida 'l fuq mil-livelli tas-suq. Min-naħa l-oħra, il-kera l-ġdida għandha titqies bħala konformi mas-suq skont in-Netherlands.

(37)

Ir-raba', in-Netherlands issostni li l-muniċipalità qieset is-sitwazzjoni finanzjarja ta' NEC fiż-żmien tat-tranżazzjoni. Fiż-żmien tat-tranżazzjoni, il-muniċipalità kienet irċeviet informazzjoni li ġiegħlitha tissoponi li, minkejja l-problemi finanzjarji tiegħu, kien possibbli li NEC jeżerċita l-opzjoni tax-xiri tiegħu. B'mod partikolari, f'waħda mill-ittri tiegħu (ara l-premessa 10), NEC b'mod espliċitu informa lill-muniċipalità bl-interess li parti kummerċjali kellha fil-ksib tad-De Eendracht, possibbilment permezz ta' NEC. Għalhekk kwalunkwe problemi li NEC kien qed iħabbat wiċċu magħhom ma kinux neċessarjament se jipprojbixxu x-xiri tiegħu tad-De Eendracht. Barra minn hekk, fit-3 ta' Settembru 2010 il-muniċipalità ġiet infurmata li NEC kien irċieva finanzjament mingħand parti kummerċjali: kumpanija […] kienet xtrat minn qabel parti mill-biljetti (tal-istaġun) għall-istaġuni 2011/2012, 2012/2013 u 2013/2014. Din hija t-tranżazzjoni msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, iżda b'kuntrarju għal dak li ġie ddikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-finanzjament ma ħax il-forma ta' garanzija u l-prezz imħallas kien ferm ogħla mill-EUR 1,9 miljun imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ (jiġifieri madwar EUR 4 miljun) (ara l-premessa 16). Din l-indikazzjoni ta' kunfidenza fis-sitwazzjoni finanzjarja ta' NEC minn investitur kummerċjali kienet raġuni ulterjuri għall-muniċipalità dak iż-żmien biex taċċetta bħala possibbiltà l-eżerċizzju minn NEC tal-opzjoni tax-xiri tiegħu tad-De Eendracht.

(38)

Bħala konklużjoni, skont in-Netherlands il-muniċipalità aġixxiet bħala investitur tas-suq, billi qieset is-sitwazzjoni finanzjarja (osservata) ta' NEC dak iż-żmien.

(39)

Min-naħa l-oħra, in-Netherlands issostni li anke jekk il-miżura kellha tikkostitwixxi għajnuna, din kienet tkun kompatibbli mas-suq intern. Skont in-Netherlands, il-kundizzjonijiet tal-Linji gwida ġew issodisfati u l-miżura tista' b'dan titqies bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Hija pprovdiet informazzjoni fattwali biex issostni dan.

(40)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' NEC fil-mument tat-tranżazzjoni, in-Netherlands ippreżentat aktar evidenza li turi li NEC kienet ditta f'diffikultà. Il-muniċipalità kienet talbet rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja u l-perspettivi futuri tal-klabb, li ġie sottomess mid-ditta tal-kontabilità BDO (7) ftit taż-żmien wara t-tranżazzjoni (fid-29 ta' Ottubru 2010). Dan jirreferi għar-riżultati negattivi tal-kumpanija […], ekwità negattiva […] u żvilupp negattiv ta' kapital operatorju […]. Ir-rapport juri li r-riżultati tal-kumpanija ta' NEC kienu negattivi u dejjem imorru għall-agħar matul perjodu ta' tliet snin. Filwaqt li NEC irnexxielu jżomm ir-riżultati netti tiegħu pożittivi matul l-istess perjodu (minħabba l-introjtu mid-drittijiet tat-trasferimenti u l-bejgħ tal-plejers), ir-rapport biċ-ċar juri livelli ta' introjtu dejjem neżlin, filwaqt li l-mudelli tal-ispejjeż ta' NEC fil-biċċa l-kbira baqgħu l-istess. Barra minn hekk, l-ekwità tiegħu kienet negattiva matul l-aħħar tliet snin u s-solvenza ta' NEC f'dak l-istess perjodu kienet naqset.

(41)

Fir-rigward tal-pjan ta' ristrutturar, NEC fassal pjan ta' titjib (il-“Plan van Aanpak”) (8) biex jegħleb il-problemi finanzjarji tiegħu. Dan il-pjan ġie sottomess lill-KNVB f'Awwissu 2010. Dan kien jinkludi deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi tas-sitwazzjoni finanzjarja, tqabbil ta' punti ta' riferiment ma' klabbs tal-futbol simili u miżuri ppjanati biex jinkiseb status ta' Kategorija 2 (jiġifieri li jindika li s-saħħa finanzjarja tal-klabb hija “suffiċjenti”, ara wkoll il-premessa 75).

(42)

Fir-rigward tal-miżuri ta' kumpens, in-Netherlands tinnota li, jekk ikun hemm għajnuna, din tkun limitata fid-daqs u b'hekk l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jkunu relattivament żgħar. Minkejja dan, fil-pjan ta' ristrutturar tal-KNVB ġew inklużi diversi miżuri ta' kumpens.

(43)

Barra minn hekk, kull appoġġ kien limitat għall-minimu meħtieġ. F'dan ir-rigward, saret kontribuzzjoni proprja importanti għar-ristrutturar permezz tal-miżura msemmija fil-premessi 16 u 37, filwaqt li bidla fil-kundizzjonijiet ta' ripagament ta' selfa wasslet għal tnaqqis fl-ispejjeż ta' ripagament fissi b'EUR 250 000 fis-sena.

(44)

Fir-rigward tal-monitoraġġ, in-Netherlands impenjat ruħha li tissottometti r-rapporti meħtieġa lill-Kummissjoni.

(45)

Fl-aħħar, in-Netherlands tikkonferma li ma ġew implimentati jew mhuma se jiġu implimentati l-ebda miżuri ta' għajnuna oħra għal NEC.

4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

4.1.   Preżenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(46)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-għajnuna mill-Istat hija għajnuna li tingħata minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li tfixkel jew tipperikola li tfixkel il-kompetizzjoni billi tipprovdi vantaġġ ekonomiku lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti beni sakemm taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi u b'hekk, biex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati.

(47)

L-akkwist mill-muniċipalità tal-allegat dritt ta' NEC li jixtri d-De Eendracht għal EUR 2,2 miljun ġie ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat, peress li l-flus għat-tranżazzjoni inkwistjoni ġew ipprovduti mill-muniċipalità. In-Netherlands taqbel ma' dan il-fatt.

(48)

Fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq is-suq intern, il-Kummissjoni tindika li NEC kien parteċipant fit-turnej tal-futbol Ewropej. Barra minn hekk, minbarra li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet tal-futbol, il-klabbs tal-futbol professjonali għandhom attivitajiet ekonomiċi f'diversi swieq, bħas-suq tat-trasferimenti għall-plejers professjonali, ir-reklamar, l-isponsorizzazzjoni, il-merchandising jew dak li tkopri l-midja. L-għajnuna lil klabb tal-futbol professjonali issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f'kull wieħed minn dawk is-swieq internazzjonali. Għaldaqstant, jekk ir-riżorsi tal-Istat jintużaw biex jipprovdu vantaġġ selettiv lil klabb tal-futbol professjonali, irrispettivament mil-lig li jilgħab fih, tali għajnuna aktarx ikollha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (9).

(49)

Lanqas ma ġiet iddubitata s-selettività tal-miżura, li ġiet speċifikament approvata mill-kunsill muniċipali. In-Netherlands sostniet li l-miżura kienet ibbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali ġenerali (ara l-premessa 29) u għalhekk ma kinitx selettiva. Madanakollu, il-Kummissjoni tqis li anke jekk il-ftehim bejn NEC u l-muniċipalità jista' jitqies bħala suġġett ta' ftehim tal-liġi Netherlandiża ġenerali, id-dettalji tal-ftehim mhumiex ibbażati fuq il-prinċipji ġenerali biss, iżda wkoll fuq id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt(i) bejn NEC u l-muniċipalità. B'hekk jidher biċ-ċar li l-miżura għandha fil-mira tagħha intrapriża speċifika, NEC, u għalhekk hija selettiva.

(50)

In-Netherlands hija tal-fehma li l-ebda vantaġġ ma ġie akkumulat għal NEC u li minflok it-tranżazzjoni seħħet bil-kundizzjonijiet tas-suq. Hija b'mod partikolari tindika li NEC kellu opzjoni tax-xiri b'saħħitha għad-De Eendracht u li l-prezz għax-xiri ta' dak id-dritt ġie stabbilit skont valutazzjoni indipendenti.

(51)

Fir-rigward tas-saħħa tal-pretensjoni, in-Netherlands issottomettiet kjarifiki addizzjonali dwar ir-raġunijiet għaliex ġiet segwita l-ewwel opinjoni legali minflok it-tieni waħda. Barra minn hekk, in-Netherlands issottolineat li l-iżvilupp tat-TIP probabbilment ma kienx ikun possibbli li kieku d-De Eendracht inbiegħ lin-NEC. Kien biċ-ċar fl-interess tal-muniċipalità li tirrimborża lil NEC tar-rinunzja tal-opzjoni tax-xiri tiegħu.

(52)

Għandu jiġi nnutat li mhuwiex ċar liema prezz NEC kien ikollu jħallas lill-muniċipalità li kieku eżerċita l-opzjoni tax-xiri u kiseb id-De Eendracht. In-Netherlands sostniet li meta ma jintlaħaqx qbil dwar l-ebda prezz, skont il-Kodiċi Ċivili Netherlandiż ix-xerrej għandu jħallas prezz raġonevoli. Safejn dan il-prezz raġonevoli joqrob lejn jew ikun daqs il-valur tas-suq tad-dritt tal-superfiċji li jappartjeni għad-De Eendracht, l-opzjoni tax-xiri tkun tidher li jkollha biss valur ekonomiku limitat. F'dik is-sitwazzjoni, il-kumpens ta' EUR 2,2 miljun jidher li huwa għoli għalxejn u jagħti vantaġġ lil NEC.

(53)

Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk NEC fil-fatt kellux opzjoni tax-xiri b'saħħitha u argumenti oħra li jappartjenu għall-interpretazzjoni tal-liġi ċivili Netherlandiża, il-Kummissjoni tqis li l-kwistjoni ewlenija li għandha tiġi vvalutata hija dik dwar jekk it-tranżazzjoni seħħitx f'termini tas-suq u jekk il-muniċipalità aġixxietx bħala operatur privat.

(54)

F'dan ir-rigward, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tivvaluta jekk investitur privat kienx jidħol fit-tranżazzjoni taħt valutazzjoni bl-istess termini. L-attitudni tal-investitur privat ipotetiku hija dik ta' investitur prudenti li l-għan tiegħu ta' massimizzazzjoni tal-profitt huwa mtaffi b'attenzjoni dwar il-livell ta' riskju aċċettabbli għal rata ta' ritorn partikolari. L-MEIP ma jiġix rispettat jekk il-prezz għall-opzjoni tax-xiri jiġi ffissat għal livell ogħla mill-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni tqis li numru ta' elementi fil-proċess ta' valutazzjoni juru li ma jgħaddix mit-test tal-MEIP.

(55)

L-ewwel, mhuwiex ċar għaliex il-valur tal-opzjoni tax-xiri jkun daqs id-differenza bejn, min-naħa, il-valur tal-bejgħ tal-kumpless abbażi tal-ftehim lokatizju bejn il-muniċipalità u NEC u, min-naħa l-oħra, il-valur tal-bejgħ abbażi tal-ftehimiet lokatizji bejn NEC u s-subkerrejja, filwaqt li jitqiesu wkoll l-evoluzzjonijiet tal-kera tas-suq. Il-Kummissjoni tinnota li l-muniċipalità talbet il-valutazzjoni indipendenti ta' dawn iż-żewġ valuri tal-bejgħ, u mhux il-valutazzjoni tal-opzjoni tax-xiri bħala tali. Ma jingħataw l-ebda kuntest jew argumenti ulterjuri rigward għaliex id-differenza bejn dawn il-valuri hi daqs il-valur tal-opzjoni tax-xiri.

(56)

It-tieni, l-użu taż-żewġ valuri biex jiġi ddeterminat il-valur tal-opzjoni tax-xiri jidher li jaħdem bis-suppożizzjoni ta' bejgħ lil kwalunkwe parti terza għal wieħed mill-valuri, iżda mhux għall-ieħor. L-ewwel valur […] fil-fatt huwa stabbilit abbażi ta' bejgħ mill-muniċipalità lil kwalunkwe parti terza tad-drittijiet tas-superfiċji fi stat ta' kera, jiġifieri bil-kuntratt lokatizju lil NEC bħala “limitu” għal kwalunkwe xerrej. B'kuntrast ma' dan, minħabba li n-Netherlands issostni li l-ftehim lokatizju ma setax jiġi mitmum qabel it-trasferiment tad-dritt tas-superfiċji lil NEC, NEC biss seta' kien kapaċi jkompli jopera l-kumpless lejn partijiet terzi. Għalhekk it-tieni valur […] (il-valur tal-bejgħ possibbli fi stat ta' kera abbażi tal-kuntratti ta' sullokazzjoni) seta' jiġi rrealizzat biss minn NEC u mhux minn xi parti terza. Dan l-approċċ “imħallat” isaħħaħ l-idea li d-determinazzjoni tal-prezz tal-opzjoni tax-xiri abbażi ta' dan ma kinitx tagħmel sens għal operatur tas-suq.

(57)

It-tielet u b'rabta ma' dan, jekk wieħed bħala punt ta' tluq jieħu li l-opzjoni tax-xiri kellha tiġi rrinunzjata mhux minn kwalunkwe parti terza, iżda minn NEC, il-prezz li jirriżulta li għandu jitħallas sabiex NEC jirrinunzja l-opzjoni tax-xiri tiegħu ma tidhirx li tivvaluta b'mod korrett “il-benefiċċji rrifjutati” għal NEC tar-rinunzja tal-opzjoni. Skont in-Netherlands, NEC kien qed jirrifjuta vantaġġ potenzjali ta' EUR 2 miljun billi jirrinunzja l-opzjoni ta' xiri tiegħu (il-premessa 33). Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li NEC kien mistenni jibqa' l-operatur tal-kumpless anke wara li jirrinunzja l-opzjoni tax-xiri tiegħu. Għalhekk kien ikompli jirċievi l-istess dħul tal-kera li kien jifforma l-bażi għat-tieni valur użat fid-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni […]. Il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ attwali li NEC jirrifjuta billi jirrinunzja l-opzjoni tax-xiri tiegħu minflok tkun daqs il-kera lill-muniċipalità li ma kienx ikollu għalfejn jibqa' jħallas li kieku kiseb il-kumpless.

(58)

Fi kwalunkwe każ, ir-raba', il-muniċipalità ħallset aktar mill-ammont li ddeterminat abbażi tar-rapport ta' valutazzjoni ([…] ara l-premessa 33). Il-Kummissjoni tqis li tal-inqas id-differenza bejn iż-żewġ valuri tikkostitwixxi għajnuna. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, id-differenza taf il-bidu tagħha fin-negozjati ma' NEC, u fi kwalunkwe każ qed tiġi rimborżata s-somma sħiħa ta' EUR 2,2 miljun. Fil-fatt, in-Netherlands spjegat li l-prolongazzjoni tal-perjodu lokatizju u ż-żieda fil-kera annwali jiżguraw in-natura tan-newtralità baġitarja tat-tranżazzjoni għall-muniċipalità (il-premessa 36).

(59)

Il-ħames, fir-rigward ta' dan ir-rimborż, il-Kummissjoni tinnota li l-użu minn NEC tas-somma ta' EUR 2,2 miljun biex ikopri l-pretensjonijiet u l-kirjiet pendenti li kienu dovuti lill-muniċipalità ma jistax jitqies bħala rimborż. Fir-rigward taż-żieda tal-kera mħallsa fuq bażi annwali (il-premessa 36), din tista' titqies biss bħala rimborż tal-għajnuna f'każ li ż-żieda tkun tirrappreżenta bis-sħiħ kera ogħla mil-livell tas-suq. In-Netherlands ma pprovdietx evidenza li ssostni l-pretensjoni li l-kera ogħla minn Jannar 2011 tista' titqies bħala kera ogħla mil-livelli tas-suq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-kera mħallsa minn NEC lill-muniċipalità għall-kumpless kollu hija aktar baxxa mill-kera li NEC bħalissa jirċievi għas-sullokazzjoni ta' ċerti partijiet tal-kumpless filwaqt li r-rapport tal-valutazzjoni jissuġġerixxi li NEC jista' jikseb kirjiet saħansitra ogħla fil-futur.

(60)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li anke jekk il-livell tal-kera oriġinali kien konformi mas-suq waqt li jitqies il-kuntest f'dak iż-żmien (il-premessa 34), tal-anqas uħud mill-fatturi li kellhom impatt negattiv fuq il-prezz lokatizju stabbilit dak iż-żmien jidher li mhumiex rilevanti fiż-żmien tal-istabbiliment tal-livell tal-kera l-ġdid. B'mod partikolari r-riskji assoċjati mal-operat tal-kumpless jistgħu jiġu preżunti li nbidlu issa li ilu jopera kif xieraq għal aktar minn 5 snin. Ir-rinunzja tal-opzjoni tal-ksib tad-dritt tas-superfiċji ma baqatx tokkupa rwol minħabba li t-tranżazzjoni inkwistjoni solviet il-kwistjoni tas-sjieda għall-futur. Għalhekk seta' kien mistenni li f'Jannar 2011 il-livelli tal-kera tas-suq ikunu ogħla milli kienu fl-2003, meta l-kuntratt lokatizju bejn il-muniċipalità u NEC kien ġie konkluż. Jekk dan ikun il-każ, mela ż-żieda fil-kera ma tistax titqies li tikkorrispondi bis-sħiħ ma' rimborż tal-għajnuna.

(61)

Għandu jiġi nnutat ukoll li r-ripagament iseħħ matul perjodu ta' 33 sena u li l-pagamenti futuri ma twaqqfux.

(62)

L-aktar importanti huwa li n-Netherlands ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-muniċipalità għamlet valutazzjoni u kalkolu bir-reqqa tal-livelli tal-kera tas-suq qabel ma stabbiliet iż-żieda fir-rata tal-kera. Minflok, in-natura ta' newtralità baġitarja tat-tranżazzjoni kienet il-punt ta' tluq sabiex jiġu kkalkulati l-livelli l-ġodda tal-kera.

(63)

Is-sitta, il-benefiċċji li l-muniċipalità kisbet permezz ta' din it-tranżazzjoni u l-proporzjonalità tagħhom għall-ispiża diretta ta' EUR 2,2 miljun mhumiex ċari. Jidher li l-muniċipalità ħallset ħafna aktar milli qatt setgħet qalgħet mill-bejgħ tal-kumpless (fi stat tal-kera), sempliċiment biex tissalvagwardja s-sjieda li kellha diġà. Il-muniċipalità sostniet li r-riskji ekonomiċi tal-iżvilupp tat-TIP kienu għolja ħafna minħabba l-effetti mistennija tat-TIP fuq l-ekonomija tal-muniċipalità. Il-valur miżjud mistenni li tibqa' s-sid tal-kumpless, sa ċertu punt jista' jispjega r-rieda tal-muniċipalità li tħallas prezz ogħla. Madanakollu, il-muniċipalità ma għamlitx valutazzjoni espliċita tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tranżazzjoni li tqis dan il-valur fit-tul tal-proġett tat-TIP. Il-Kummissjoni tqis li operatur tas-suq ikun għamel valutazzjoni aktar mirquma tar-redditu mistenni fuq l-investiment tal-akkwist tal-opzjoni tax-xiri.

(64)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tibqa' tal-fehma li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, il-muniċipalità ma qisitx biżżejjed id-diffikultajiet finanzjarji li NEC kien qed iħabbat wiċċu magħhom dak iż-żmien u l-influwenza tagħhom fuq il-kapaċità tiegħu li jixtri d-dritt tas-superfiċji għad-De Eendracht. Anke li kieku l-partijiet terzi wrew interess li jissieħbu ma' NEC, l-istampa finanzjarja b'mod ġenerali ma setgħetx tiġi injorata u seta' kien mistenni li tinfluwenza l-pożizzjoni tan-negozjar ta' NEC għall-benefiċċju tal-muniċipalità.

(65)

Għal dawk ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tqis li l-muniċipalità ma aġixxietx bħala operatur tal-ekonomija tas-suq iżda pjuttost tat l-għajnuna lil NEC billi rrimborżat lil NEC talli rrinunzja l-opzjoni tax-xiri tiegħu għas-somma ta' EUR 2,2 miljun. L-ammont preċiż ta' għajnuna ma jistax jiġi ddeterminat abbażi tal-informazzjoni pprovduta min-Netherlands. Madanakollu, sakemm l-ammont massimu ta' EUR 2,2 miljun ikun jista' jitqies bħala neċessarju biex jissodisfa l-pjan ta' ristrutturar, l-ammont preċiż ta' għajnuna jkun irrelevanti għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà.

4.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(66)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżura ta' għajnuna favur NEC tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed mir-reġjuni tan-Netherlands ma jaqa' taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Il-miżura ta' għajnuna inkwistjoni la tippromwovi proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, u lanqas ma sservi ta' rimedju għal kwalunkwe disturb serju fl-ekonomija tan-Netherlands fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b). Barra minn hekk, ma jistax jingħad li l-miżura ta' għajnuna tippromwovi l-konservazzjoni tal-kultura jew tal-patrimonju fis-sens tal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat.

4.2.1.   Linji gwida applikabbli

(67)

Fir-rigward tad-deroga fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat favur l-għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax il-kundizzjonijiet kummerċjali b'mod negattiv sa ċertu punt b'kuntrarju għall-interess komuni, in-Netherlands sostniet li din id-deroga tista' tiġi applikata jekk il-Kummissjoni, b'kuntrarju għall-opinjoni tan-Netherlands issib li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(68)

Fil-valutazzjoni tagħha tal-idea tal-“iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi” fis-settur tal-isport, il-Kummissjoni tqis l-Artikolu 165(1) u l-aħħar indennizz tal-Artikolu 165(2) tat-Trattat, li jipprovdu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet tal-isport Ewropej, filwaqt li tqis in-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

(69)

Għall-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni ħarġet għadd ta' Regolamenti, Oqfsa, Linji gwida u Komunikazzjonijiet dwar il-forom ta' għajnuna u l-għanijiet orizzontali jew tas-settur li għalihom tingħata l-għajnuna.

(70)

Il-Kummissjoni temmen li huwa xieraq li tivvaluta jekk il-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida (10) jistgħux japplikaw. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li l-Linji gwida ma jeskludux il-futbol professjonali. Għalhekk din l-attività ekonomika hija koperta mil-Linji gwida.

(71)

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppubblikat Linji gwida ġodda tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' intrapriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (11). Madanakollu, dawn mhumiex applikabbli għal din l-għajnuna mhux notifikata li ngħatat fl-2010. Skont il-punt 137 tal-linji l-gwida l-ġodda, dan ikun biss il-każ għal kull għajnuna ta' salvataġġ jew ta' ristrutturar mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel f'każ li parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni ta' dawk il-linji gwida f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont il-punt 138 tal-linji l-gwida tal-2014, fil-każijiet kollha l-oħra l-Kummissjoni se twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw dak iż-żmien li ngħatat l-għajnuna, u b'hekk, f'dan il-każ, dawk applikabbli qabel l-2014.

4.2.2.   NEC bħala kumpanija f'diffikultà

(72)

Skont il-punt 10(c) tal-Linji gwida, tkun liema tkun il-kumpanija kkonċernata, titqies li hi f'diffikultà jekk tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha talli tkun s-suġġett ta' proċedimenti ta' insolvenza kollettiva. Il-Punt 11 tal-Linji gwida jindika li, fl-assenza ta' dawn iċ-ċirkostanzi, ditta xorta waħda tista' titqies bħala li qed tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet meta s-sinjali tas-soltu jkunu preżenti, bħal telf dejjem jiżdied, dejn dejjem jiżdied, fluss tal-flus dejjem jonqos u oħrajn. Ditta f'diffikultà tkun eliġibbli biss meta jkun ċar li din ma tistax tirkupra permezz tar-riżorsi tagħha jew bil-fondi li tikseb mis-sidien/l-azzjonisti tagħha jew minn sorsi tas-suq.

(73)

In-Netherlands inizjalment kienet sostniet li NEC ma kinitx ditta f'diffikultà fl-2008/2009. Madanakollu, il-fatti deskritti fil-premessa 16 pjuttost jindikaw li NEC kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji, serji biżżejjed li setgħu ipperikolaw il-futur tiegħu bħala klabb tal-futbol professjonali. Għalhekk, skont il-Kummissjoni jidher biċ-ċar li NEC kienet kumpanija f'diffikultà. Fir-reazzjoni tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ, in-Netherlands irrikonoxxiet li NEC kienet kumpanija f'diffikultà u kienet hekk fiż-żmien tat-tranżazzjoni. Hija ssottomettiet aktar evidenza f'dan ir-rigward (ara l-premessa 40), fejn b'mod partikolari uriet li r-riżultati tal-kumpanija ta' NEC kienu negattivi u sejrin għall-agħar matul iż-żmien. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat lil NEC trid tiġi vvalutata skont il-Linji gwida.

4.2.3.   Irkupru tal-vijabbiltà fuq terminu twil

(74)

Fit-Taqsima 3.2, il-Linji gwida jitolbu li l-għotja tal-għajnuna trid tkun kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar (ara l-punti 34 sa 37 tal-Linji gwida), li jridu jirkupraw il-vijabbiltà fuq terminu twil tad-ditta f'perjodu ta' żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni tinnota li tali kundizzjonijiet ġew stabbiliti fil-kuntest tal-pjan imfassal minn NEC għall-KNVB f'Awwissu 2010.

(75)

F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar li kull klabb tal-futbol professjonali Netherlandiż jirċievi liċenzja mill-KNVB, skont liema jrid jikkonforma ma' diversi obbligi. Wieħed mill-obbligi taħt is-sistema applikabbli attwali jikkonċerna s-saħħa finanzjarja tal-klabb. Tliet darbiet kull staġun, klabb ikun soġġett għal klassifikazzjoni finanzjarja abbażi ta' rapporti finanzjarji li inter alia juru s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tiegħu, kif ukoll il-baġit għall-istaġun li jmiss. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-klabbs huma kklassifikati fi tliet kategoriji (1: insuffiċjenti, 2: suffiċjenti, 3: tajjeb). Il-klabbs tal-Kategorija 1 jistgħu jkunu obbligati jippreżentaw pjan għat-titjib biex jilħqu l-Kategorija 2 jew 3 fi żmien perjodu ta' tliet snin. Jekk il-klabb ma jirnexxilux jikkonforma mal-pjan, il-KNVB tista' timponi sanzjonijiet, inkluż twissija uffiċjali, tnaqqis fil-punti tal-kompetizzjoni u — bħala sanzjoni finali — it-tneħħija tal-liċenzja. F'dan il-kuntest għandu jiġi nnutat ukoll li klabb tal-futbol professjonali fin-Netherlands li jiġi ddikjarat fallut, jitlef il-liċenzja tiegħu. Jekk jitwaqqaf klabb suċċessur, dan ma jitħalliex jidħol fil-ligs tal-futbol professjonali direttament, iżda jkollu jibda mit-tieni l-ogħla lig amatorjali.

(76)

NEC ittella' fil-kategorija 1 abbażi tad-dejta finanzjarja tal-istaġun 2009/2010. Il-pjan ta' ristrutturar tiegħu stabbilixxa miżuri għall-ksib tal-istatus tal-Kategorija 2 wara tliet staġuni (sal-2012/2013).

(77)

Il-pjan ta' ristrutturar identifika r-relazzjoni problematika bejn il-fatturat u l-ispejjeż bħala l-kawża ewlenija tal-problemi finanzjarji ta' NEC. Il-ħtija kienet b'mod partikolari tal-ispejjeż għolja tal-persunal, filwaqt li t-tnaqqis fl-introjtu mill-midja wkoll ikkontribwixxa għar-riżultati negattivi. L-enfasi tal-pjan ta' ristrutturar kien fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tfaddil ġie mfittex l-aktar fil-qasam tal-ispejjeż tal-plejers. Il-miżuri kienu jinkludu tnaqqis fil-persunal (inkluż tnaqqis fin-numru ta' plejers irreġistrati), iffriżar tas-salarju u tnaqqis fis-salarji għal plejers ġodda kif ukoll tnaqqis fil-bonusijiet. Fi żmien tliet snin, il-proporzjon tal-ispejjeż tal-persunal meta mqabbel mal-fatturat kellu jinġieb għal […] % (meta mqabbel ma' […] % f'Marzu 2010). Kien previst tnaqqis f'diversi infiq oħra, bħall-ispejjeż tat-taħriġ taż-żgħażagħ (akkademja tal-futbol). Kwalunkwe investiment f'assi fissi materjali jew immaterjali ta' aktar minn EUR […] kellha taqbel dwaru l-kummissjoni tal-liċenzji tal-KNVB, li fil-fatt kien ifisser li NEC ma seta' jagħmel l-ebda trasferiment.

(78)

Il-Kummissjoni sabet li l-pjan ta' ristrutturar jittratta l-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji ta' NEC, speċjalment l-ispiża tal-persunal u l-plejers fil-forma ta' pagi u pagamenti għal trasferimenti. Klabb tal-futbol professjonali ma jistax ikun mistenni jiddiversifika fi swieq oħra fis-sens tal-Linji gwida; madanakollu jista' jkun mistenni jagħmel tfaddil fl-attività ewlenija tiegħu u dan NEC għamlu. Il-pjan ta' ristrutturar ma jiddependix fuq fatturi esterni li NEC jista' jsegwi iżda ma jkollux kompletament taħt il-kontroll tiegħu, bħat-tisjib ta' sponsors ġodda jew iż-żieda fin-numru ta' spettaturi.

(79)

Fil-baġit għall-istaġun 2010/2011, NEC ippreveda li jtejjeb ir-riżultati tal-kumpanija tiegħu […] billi jnaqqas l-ispejjeż tiegħu […]. Ir-riżultati finali kienu saħansitra aħjar milli kien previst: filwaqt li l-introjtu naqas (introjtu mil-logħbiet aktar baxx minħabba staġun ħażin fit-tazza; introjtu tal-midja baxx; riallokazzjoni ta' introjti mit-tpartit), l-ispejjeż naqqsu […] wkoll (tnaqqis fl-ispejjeż tal-persunal, tfaddil fl-akkademja tal-futbol, tnaqqis fl-ispejjeż kummerċjali). F'Diċembru 2011, il-KNVB tat lil NEC l-istatus ta' kategorija 2.

(80)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' ristrutturar ta' Awwissu 2010 jindirizza biżżejjed il-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji ta' NEC bil-għan li l-klabb isir vijabbli għal darb'oħra fuq terminu twil.

4.2.4.   Evitar ta' tfixkil mhux xieraq tal-kompetizzjoni

(81)

Il-Punti 38 sa 42 tal-Linji gwida jitolbu li jittieħdu miżuri ta' kumpens minn benefiċjarju sabiex jitnaqqas l-effett tat-tfixkil tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali. Fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura, il-Kummissjoni nnutat in-natura stramba tal-futbol professjonali f'dan ir-rigward u ssuġġeriet għadd ta' miżuri li għall-futbol professjonali jistgħu jiġu interpretati bħala miżuri ta' kumpens fis-sens tal-Linji gwida, bħal-limitazzjoni tal-plejers irreġistrati fil-limiti permessi mill-assoċjazzjoni nazzjonali, l-aċċettazzjoni ta' limitu fuq il-pagi aktar baxx mill-istandards tas-soltu fis-settur, projbizzjoni fuq il-pagament tal-ispejjeż tat-trasferimenti għal plejers ġodda għal ċertu perjodu, jew iż-żieda fl-attivitajiet għall-benefiċċju tas-soċjetà.

(82)

Kif spjegat fil-premessa 77, NEC fil-fatt naqqas in-numru ta' impjegati u n-numru ta' plejers irreġistrati, kif ukoll il-pagi mħallsa lilhom. L-ispiża tal-pagi kellha tinġieb taħt 60 % tal-livell tal-fatturar. Matul il-perjodu ta' ristrutturar ma seta' jsir l-ebda pagament ta' trasferiment għal plejers ġodda. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta' kumpens meħtieġa mil-Linji gwida kienu ttieħdu, u dan dgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva ta' NEC fil-futbol professjonali.

4.2.5.   Għajnuna limitata għall-inqas livell

(83)

Il-Punti 43, 44 u 45 tal-Linji gwida jsostnu li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu possibbli. Il-benefiċjarji tal-għajnuna mistennija jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti lill-pjan ta' ristrutturar mir-riżorsi proprji tagħhom.

(84)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta' ristrutturar sa ċertu punt huwa bbażat fuq il-finanzjament minn entitajiet privati esterni barra mit-tfaddil intern li sar. It- […] tranżazzjoni (il-premessa 37) ipprovdiet lil NEC b'madwar EUR 4 miljun f'finanzjament estern. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta' ripagament fuq selfa sa […] inbidlu fl-2010. Minflok obbligu ta' ripagament annwali […], ir-ripagamenti minn dak iż-żmien 'il quddiem bdew jiġu bbażati fuq l-introjtu tat-trasferimenti, u dan kellu effett pożittiv fuq il-likwidità ta' NEC (Ara l-premessa 43). Fi kliem ieħor il-kontribuzzjonijiet esterni u proprji jlaħħqu aktar minn EUR 4,25 miljun u għalhekk l-għajnuna, li tammonta għal massimu ta' EUR 2,2 miljun, fi kwalunkwe każ ma tammontax għal aktar minn madwar 35 % tal-isforz ta' ristrutturar b'mod ġenerali. Dan jissodisfa r-rekwiżit fil-punt 44 tal-Linji gwida li għal intrapriża ta' daqs medju bħal NEC tal-anqas 40 % tal-ispiża tar-ristrutturar għandha tiġi koperta mill-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju, inkluż il-finanzjament estern li juri twemmin fil-vijabbiltà tal-benefiċjarju.

4.2.6.   Monitoraġġ u rapport annwali

(85)

Il-Punt 49 tal-Linji gwida jitlob lill-Istat Membru jikkomunika dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan ta' ristrutturar permezz ta' rapporti dettaljati regolari. Il-Punt 51 jistabbilixxi kundizzjonijiet anqas stretti għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fejn it-trażmissjoni ta' kopji annwali tal-iskeda tal-bilanċ u r-rapport tal-introjtu normalment jitqiesu suffiċjenti. In-Netherlands impenjat ruħha li tissottometti dawn ir-rapporti.

4.2.7.   Darba waħda, l-aħħar darba

(86)

Il-Punti 72-77 tal-Linji gwida jirreferu għall-prinċipju ta' “darba waħda, l-aħħar darba”, skont liema l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata biss darba f'perjodu ta' għaxar snin.

(87)

In-Netherlands impenjat ruħha li tirrispetta r-rekwiżit ta' “darba waħda, l-aħħar darba” fil-Linji gwida. Hija kkonfermat li ma tat l-ebda għajnuna ta' salvataġġ jew ristrutturar lil NEC matul perjodu ta' għaxar snin qabel it-tranżazzjoni. Il-konformità mas-suq se tkun ukoll il-bażi għal kull negozjati attwali jew futur ma' NEC.

5.   KONKLUŻJONI

(88)

Il-Kummissjoni sabet li n-Netherlands implimentat illegalment l-għajnuna lil NEC bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, l-għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna tar-ristrutturar fis-sens tal-Linji gwida, peress li l-kundizzjonijiet kollha għat-tali għajnuna stabbiliti fil-Linji gwida ġew ssodisfati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li n-Netherlands implimentat favur il-klabb tal-futbol NEC f'Nijmegen hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN) — l-għajnuna tan-Netherlands għal ċerti klabbs tal-futbol professjonali Netherlandiżi mill-2008 sal-2011 — Stedina għas-sottomissjoni ta' kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 116, 23.4.2013, p. 19).

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(3)  Skont l-Artikolu 5:101 tal-Liġi Ċivili Netherlandiża, “dritt tas-superfiċji” (Latin: ius superficiarium) huwa dritt tal-proprjetà immobbli li jippermetti lill-propjetarju — “is-superfiċjarju” — li jkollu jew jikseb għalih innifsu bini, kostruzzjonijiet jew pjanti (veġetazzjoni), fi jew fuq proprjetà immobbli li tkun proprjetà ta' ħaddieħor.

(4)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2). L-applikazzjoni ta' dawk il-linji gwida ġiet prolongata permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prolongazzjoni tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' Impriżi f'diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3).

(6)  Il-muniċipalità kien beħsiebha tiżviluppa parti kbira mill-park Goffert f'“Topsport- en Innovatie Park” (“TIP”), b'approċċ multidixxiplinarju li jkopri l-isport, l-edukazzjoni, is-saħħa u x-xjenza. Dan il-proġett minn dak iż-żmien 'l hawn ġie abolit. Il-finanzjament futur tat-TIP ma kienx kopert mid-Deċiżjoni tal-ftuħ.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(7)  “Onderzoek naar financiële situatie en financieel toekomstperspectief N.E.C. Nijmegen,” rapport tad-29 ta' Ottubru 2010 minn BDO, Nijmegen.

(8)  Il-Plan van aanpak NEC, Awwissu 2010.

(9)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-Ġermanja tal-20 ta' Marzu 2013 dwar il-Multifunktionsarena der Stadt Erfurt (Il-Kawża SA.35135 (2012/N)), il-punt 12, u Multifunktionsarena der Stadt Jena (Il-Kawża SA.35440 (2012/N)), avviżi fil-qosor f'ĠU C 140, 18.5.2013, p. 1, u tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar il- Fußballstadion Chemnitz (Il-Kawża SA.36105 (2013/N)), avviż fil-qosor f'ĠU C 50, 21.2.2014, p. 1, il-punti 12-14; id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward Spanja tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-għajnuna possibbli mill-Istat lil erba' klabbs tal-futbol professjonali Spanjoli (Il-Kawża SA.29769 (2013/C)), il-punt 28, Real Madrid CF (Il-Kawża SA.33754 (2013/C)), il-punt 20, u għajnuna allegata favur tliet klabbs tal-futbol ta' Valencia (Il-Kawża SA.36387 (2013/C)), il-punt 16, ippubblikat f'ĠU C 69, 7.3.2014, p. 99.

(10)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 5.

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).


Rettifika

26.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/52


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1970 tad-29 ta' Settembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 304 tal-11 ta' Novembru 2016 )

Il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1970 għandha tkun ikkunsidrata nulla u bla effett.