ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 289

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
25 ta' Ottubru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Cook Islands u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni għalih

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1879 tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

2

 

 

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

4

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1880 tad-29 ta' Settembru 2016 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

13

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1881 tal-24 ta' Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 837/2012 fir-rigward tal-attività minima tas-6-fitażi prodotta mill-Aspergillus oryzae (DSM 22594) bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa (id-dententur tal-awtorizzazzjoni huwa DSM Nutritional Products Ltd) ( 1 )

15

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1882 tal-24 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1883 tat-18 ta' Ottubru 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament preferenzjali lil prodotti eliġibbli li joriġinaw min-Nepal

20

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ( ĠU L 124, 27.4.2004 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Volum 02, p. 130)

21

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni ( ĠU L 56, 4.3.1968 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Volum 002 p. 5)

21

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/1


Informazzjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Cook Islands u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni għalih

L-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Cook iffirmaw, fit-3 ta' Mejju 2016, fi Brussell, u rispettivament fl-14 ta' Ottubru 2016, f'Avarua, Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

Għaldaqstant il-Ftehim japplika fuq bażi proviżorja mill-14 ta' Ottubru 2016, skont l-Artikolu 16 tiegħu.


25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1879

tal-24 ta' Ġunju 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) trasferixxa r-referenza għall-Istati Federali tal-Mikroneżja mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

(2)

Dik ir-referenza għall-Istati Federali tal-Mikroneżja hija akkumpanjata minn nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Istati Federali tal-Mikroneżja sabiex jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).

(4)

In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fis-17 ta' Diċembru 2014 u ġew iffinalizzati b'suċċess permezz tal-inizjalar tagħhom, bl-iskambju ta' ittri, fis-16 ta' Diċembru 2015 mill-Istati Federali tal-Mikroneżja u fit-13 ta' Jannar 2016 mill-Unjoni.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati, f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni huma approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu (5), sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/4


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Federali tal-Mikroneżja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

L-ISTATI FEDERALI TAL-MIKRONEŻJA, minn hawn 'il quddiem il-“Mikroneżja”,

minn hawn 'il quddiem flimkien il-“Partijiet Kontraenti”,

BIL-ĦSIEB LI jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet amikevoli bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1) billi, inter alia, 19-il pajjiż terz, inkluża l-Mikroneżja, ġew trasferiti għal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti minn dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Mikroneżja dwar l-obbligu tal-viża jew l-eżenzjoni minnha u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, li jinsab anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop

Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Mikroneżja meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda;

(b)

“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

(c)

“ċittadin tal-Mikroneżja” tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Mikroneżja;

(d)

“żona Schengen” tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri skont id-definizzjoni fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li huwa validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Mikroneżja għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

Iċ-ċittadini tal-Mikroneżja li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li huwa validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Mikroneżja għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu attività bi ħlas.

Għal dik il-kategorija ta' persuni, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi b'mod individwali li jimponi r-rekwiżit ta' viża fuq iċ-ċittadini tal-Mikroneżja jew li jirtirah f'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

Għal dik il-kategorija ta' persuni, il-Mikroneżja tista' tiddeċiedi dwar ir-rekwiżit ta' viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' kull Stat Membru b'mod individwali f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

3.   L-eżenzjoni mill-viża prevista minn dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Mikroneżja jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta.

4.   L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-mezz ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

5.   Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali tal-Mikroneżja.

Artikolu 4

Tul ta' żmien tas-soġġorn

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Mikroneżja għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

2.   Iċ-ċittadini tal-Mikroneżja jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dak il-perjodu jiġi kkalkulat irrispettivament minn kwalunkwe soġġorn f'xi Stat Membru li għalissa ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

Iċ-ċittadini tal-Mikroneżja jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, irrispettivament mill-perjodu ta' soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istat Membru li japplika l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ.

3.   Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Mikroneżja u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta' soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni territorjali

1.   Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2.   Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti tal-Mikroneżja. L-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat ikollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)

li jsolvi tilwimiet li jfeġġu mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Ir-relazzjoni ta' dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali eżistenti ta' eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u l-Mikroneżja

Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u l-Mikroneżja, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu.

2.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit, sakemm ma jiġix terminat taħt il-paragrafu 5.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-iskop.

4.   Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew protezzjoni tas-saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew hekk kif jerġa' jiddaħħal ir-rekwiżit tal-viża minn waħda mill-Partijiet Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.

5.   Kull Parti Kontraenti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dan.

6.   Il-Mikroneżja tista' tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

7.   L-Unjoni tista' tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul f'żewġ eżemplari bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b'kull test ugwalment awtentiku.

Съставено в Ню Йорк, 19 септември 2016 г.

Hecho en Nueva York, el 19 de septiembre de 2016.

V New Yorku dne 19. září 2016.

Udfærdiget i New York, den 19. september 2016.

Geschehen zu New York am 19. September 2016.

New Yorgis, 19. september 2016.

Έγινε στη Νέα Υόρκη, 19 Σεπτεμβρίου 2016.

Done at New York, 19 September 2016.

Fait à New York, le 19 septembre 2016.

Sastavljeno u New Yorku 19. rujna 2016.

Fatto a New York, addì 19 settembre 2016.

Ņujorkā, 2016. gada 19. septembrī.

Priimta Niujorke 2016 m. rugsėjo 19 d.

Kelt New York-ban, 2016. szeptember 19-én.

Magħmul fi New York, 19 ta' Settembru 2016.

Gedaan te New York, 19 september 2016.

Sporządzono w Nowym Jorku dnia 19 września 2016 r.

Feito em Nova Iorque, 19 de setembro de 2016.

Întocmit la New York, la 19 septembrie 2016.

V New Yorku 19. septembra 2016.

V New Yorku, 19. septembra 2016.

Tehty New Yorkissa, 19. syyskuuta 2016.

Som skedde i New York den 19 september 2016.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

За Федеративните щати Микронезия

Por los Estados Federados de Micronesia

Za Federativní státy Mikronésie

For Mikronesiens Forenede Stater

Für die Föderierten Staaten von Mikronesien

Mikroneesia Liiduriikide nimel

Για τις Ομόσπονδες Πολιτείες της Μικρονησίας

For the Federated States of Micronesia

Pour les États fédérés de Micronésie

Za Savezne Države Mikronezije

Per gli Stati federati di Micronesia

Mikronēzijas Federatīvo Valstu vārdā –

Mikronezijos Federacinių Valstijų vardu

A Mikronéziai Szövetségi Államok részéről

Għall-Istati Federali tal-Mikroneżja

Voor de Federale Staten van Micronesië

W imieniu Sfederowanych Stanów Mikronezji

Pelos Estados Federados da Micronésia

Pentru Statele Federate ale Microneziei

Za Mikronézske federatívne štáty

Za Federativne države Mikronezije

Mikronesian liittovaltion puolesta

För Mikronesiska federationen

Image


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F'tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein, min-naħa, u l-Mikroneżja, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA' PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BL-ISKOP LI JWETTQU ATTIVITÀ BI ĦLAS KIF PREVIST MILL-ARTIKOLU 3(2) TA' DAN IL-FTEHIM

Bix-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri lill-persuni li jidħlu fit-territorju tal-Parti Kontraenti bl-għan li jkollhom impjieg bi qligħ jew iwettqu attività b'remunerazzjoni bħala impjegati jew fornituri ta' servizz.

Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw bl-iskop ta' deliberazzjoni ta' negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

persuni li jieħdu sehem fl-isport jew artisti tal-ispettaklu li jwettqu attività fuq bażi ad hoc,

ġurnalisti mibgħuta mill-media tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

apprendisti intrakorporattivi.

Għandu jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni mill-Kumitat Konġunt fir-responsabbiltà tiegħu taħt l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, abbażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrahom bħala meħtieġa.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA' 90 JUM FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum kif previst fl-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza “mobbli” ta' 180 jum, billi titqies b'lura kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligu tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum ikunx baqa' jiġi sodisfatt. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TA' EŻENZJONI MILL-VIŻA

Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Mikroneżja, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiżguraw it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.


25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1880

tad-29 ta' Settembru 2016

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti permezz ta' ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2)

F'isem l-Unjoni, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (il-“Ftehim”) f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2003.

(3)

Fit-23 ta' Novembru 2013, il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/35/UE (2).

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru (3) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jipproċedu f'isem l-Unjoni Ewropea, sabiex jagħmlu n-notifika prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim li tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea biex tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. ŽIGA


(1)  Kunsens tat-12 ta' April 2016 (għad mhuwiex ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/35/UE tal-10 ta' Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar ċerti aspetti tas- servizzi tal-ajru (ĠU L 21, 24.1.2014, p. 1).

(3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 21, 24.1.2014, p. 2 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.


REGOLAMENTI

25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1881

tal-24 ta' Ottubru 2016

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 837/2012 fir-rigward tal-attività minima tas-6-fitażi prodotta mill-Aspergillus oryzae (DSM 22594) bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa (id-dententur tal-awtorizzazzjoni huwa DSM Nutritional Products Ltd)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu tas-6-fitażi (EC 3.1.3.26) prodotta mill-Aspergillus oryzae (DSM 22594) u li tifforma parti mill-kategorija ta' “addittivi żootekniċi”, ġie awtorizzat għal għaxar snin bħala addittiv fl-għalf għall-użu fuq it-tjur, il-ħnienes miftuma, il-ħnieżer għat-tismin u l-ħnieżer nisa permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 837/2012 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ppropona tibdil fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-adittiv ikkonċernat bi tnaqqis fl-attività minima minn 1 000 FYT/kg għal 500 FYT/g ta' għalf komplet fil-każ ta' ħnieżer nisa. Mal-applikazzjoni ntbagħtet ukoll id-dejta rilevanti ta' sostenn. Il-Kummissjoni din l-applikazzjoni bagħtitha lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “L-Awtorità”).

(3)

Fl-opinjoni tagħha tas-26 ta' Jannar 2016 (3) l-Awtorità kkonkludiet li d-doża proposta hija effikaċi biex titjieb id-diġestibbiltà evidenti tar-rawt tal-fosfru għal attività minima ta' 500 FYT/kg ta' għalf komplet. It-tnaqqis propost tad-doża għall-ħnieżer nisa mhuwiex se jbiddel il-konklużjonijiet preċedenti fir-rigward tas-sigurtà tal-ħnieżer nisa, il-konsumatur, l-utent u l-ambjent. Il-Bord ikkonkluda li l-addittiv huwa sikur għall-ħnieżer nisa, għall-konsumatur u għall-ambjent; ma jirritax il-ġilda jew l-għajnejn iżda għandu jiġi ttrattat bħala sensitizzatur tal-ġilda. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq.

(4)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma issodisfati.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 837/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 837/2012 jinbidel bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  ĠU L 252, 19.9.2012, p. 7.

(3)  EFSA Journal 2016; 14(2):4393.


ANNESS

“ANNESS

In-numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

L-addittiv

Il-kompożizzjoni, il-formula kimika, id-deskrizzjoni, il-metodu analitiku

L-ispeċi jew il-kategorija tal-annimal

L-età massima

Il-kontenut minimu

Il-kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

L-unitajiet ta' attività/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Il-kategorija tal-addittivi żootekniċi. Il-grupp funzjonali: Is-sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà.

4a18

DSM Nutritional Products Ltd

Is-6-fitażi

(EC 3.1.3.26)

Il-kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tas-6-fitażi (EC 3.1.3.26) prodotta mill-Aspergillus oryzae (DSM 22594) b'attività minima ta':

 

10 000 FYT (1)/g f'għamla solida

 

20 000 FYT/g f'għamla likwida

Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Is-6-fitażi (EC 3.1.3.26) prodotta mill-Aspergillus oryzae (DSM 22594)

Il-Metodu analitiku  (2)

Għal kwantifikazzjoni tas-6-fitażi fl-għalf:

Metodu kolorimetriku li jkejjel il-fosfat inorganiku rilaxxat bis-6-fitażi mill-fitat (ISO 30024:2009)

It-tjur

Il-ħnieżer għat-tismin

Il-ħnienes (miftuma)

500 FYT

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta minn qabel, indika t-temperatura tal-ħażna, iż-żmien tal-ħażna u l-istabbiltà waqt il-proċess ta' tgerbib.

2.

Doża rakkomandata għall kull kilogramma ta' għalf sħiħ:

it-tjur, il-ħnienes (miftuma) u l-ħnieżer għas-simna: 500-4 000  FYT;

il-ħnieżer nisa: 500-4 000 FYT.

3.

Għall-użu f'għalf li fih aktar minn 0,23 % ta' fosforu marbut mal-fitin.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet imħejjija minn qabel, l-operaturi ta' negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji li jistgħu jinqalgħu mill-użu tiegħu. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kważi għal kollox bi proċeduri u miżuri normali, għandu jintuża t-tagħmir ta' protezzjoni personali adattat.

5.

Għall-użu fil-każ ta' ħnienes miftuma b'piż ta' mhux aktar minn 35 kg

Id-9 ta' Ottubru 2022

Il-ħnieżer nisa

500 FYT


(1)  1 FYT huwa l-ammont ta' enżim li jirrilaxxa 1 μmol kull minuta ta' fosfat mhux organiku mill-fitat f'kundizzjonijiet ta' reazzjoni b'konċentrazzjoni ta' fitat ta' 5,0 mM b'pH ta' 5,5 u 37 °C.

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/Pages/index.aspx”


25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1882

tal-24 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

125,7

ZZ

125,7

0707 00 05

TR

147,7

ZZ

147,7

0709 93 10

TR

150,0

ZZ

150,0

0805 50 10

AR

76,0

CL

95,1

IL

72,6

TR

101,1

UY

34,4

ZA

39,3

ZZ

69,8

0806 10 10

BR

282,2

PE

444,8

TR

139,4

US

261,8

ZA

228,5

ZZ

271,3

0808 10 80

AR

240,2

AU

237,5

BR

124,9

CL

188,1

NZ

137,1

ZA

158,6

ZZ

181,1

0808 30 90

CN

97,1

TR

146,4

ZZ

121,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1883

tat-18 ta' Ottubru 2016

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament preferenzjali lil prodotti eliġibbli li joriġinaw min-Nepal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) jistipulaw il-proċeduri għall-eżenzjoni minn obbligu impost fuq Membru permezz tal-Ftehim tad-WTO jew ta' kwalunkwe Ftehim Multilaterali dwar il-Kummerċ.

(2)

Bis-saħħa tal-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ppreżentaw talba għall-eżenzjoni sal-31 ta' Diċembru 2025 mill-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 sa fejn ikun neċessarju biex l-Istati Uniti jkunu jistgħu jipprovdu trattament preferenzjali lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw min-Nepal importati fit-territorju doganali tal-Istati Uniti.

(3)

L-aċċettazzjoni tat-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO ma jaffettwax negattivament l-ekonomija tal-Unjoni jew ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-benefiċjarju tad-eżenzjoni.

(4)

Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tkun appoġġjata t-talba għal eżenzjoni tal-Istati Uniti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġa t-talba tal-Istati Uniti għależenzjonii mill-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 sal-31 ta' Diċembru 2025 f'konformità mat-termini tat-talba għal eżenzjoni tal-Istati Uniti.

Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


Rettifika

25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/21


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 124 tas-27 ta' April 2004 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Volum 02, p. 130)

F'paġna 151, l-Anness I, il-punt (58) (rigward l-Artikolu 59(2)),

minflok:

“2.   Jekk, fuq perjodu ta' 12-il xahar, uffiċjal huwa assenti sa tlett ijiem minħabba mard għal total ta' aktar minn 12-il ġurnata, …”,

aqra:

“2.   Jekk, fuq perjodu ta' 12-il xahar, uffiċjal huwa assenti mingħajr ċertifikat mediku sa tlett ijiem minħabba mard għal total ta' aktar minn 12-il ġurnata, …”.


25.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/21


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 56 tal-4 ta' Marzu 1968 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Volum 002 p. 5)

F'paġna 30, Artikolu 56b (7) (16):

minflok:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat għal allowance speċjali meta meħtieġ … li jibqa' fuq dmirijiet ta' riserva fuq il-post tax-xogħol jew id-dar barra s-siegħat normali ta' xogħol.”

aqra:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat għal allowance speċjali meta regolarment ikun meħtieġ … li jibqa' fuq dmirijiet ta' riserva fuq il-post tax-xogħol jew id-dar barra s-sigħat normali ta' xogħol.”

F'paġna 105, Artikolu 32 (46):

minflok:

“Il-ħaddiem jista' jappella kontra din id-deċiżjoni lill-Kumitat ta' l-Invalidità pprovdut fl-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

aqra:

“Il-ħaddiem jista' jappella kontra din id-deċiżjoni lill-Kumitat tal-Invalidità previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.”.