ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 169

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
28 ta' Ġunju 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1038 tas-27 ta' Ġunju 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1039 tas-16 ta' Ġunju 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO relattiva għar-reġim preferenzjali awtonomu għall-Balkani tal-Punent

4

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1040 tal-24 ta' Ġunju 2016 li tagħti deroga mitluba mir-Repubblika Taljana fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2016) 3820)

6

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/1041 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18)

14

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

28.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1038

tas-27 ta' Ġunju 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

152,3

ZZ

152,3

0709 93 10

TR

130,4

ZZ

130,4

0805 50 10

AR

147,9

CL

182,0

MA

174,9

UY

196,2

ZA

179,3

ZZ

176,1

0808 10 80

AR

130,2

BR

101,6

CL

135,4

CN

75,7

NZ

149,9

US

161,9

ZA

114,5

ZZ

124,2

0809 10 00

TR

232,2

ZA

254,4

ZZ

243,3

0809 29 00

TR

368,8

ZZ

368,8

0809 30 10 , 0809 30 90

TR

155,9

ZZ

155,9

0809 40 05

TR

148,6

ZZ

148,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

28.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1039

tas-16 ta' Ġunju 2016

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO relattiva għar-reġim preferenzjali awtonomu għall-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) jistipulaw il-proċeduri għad-deroga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Multilaterali dwar il-Kummerċ.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 (1) li introduċa trattament mingħajr dazju jew preferenzjali għal prodotti li joriġinaw mill-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*), il-Montenegro u s-Serbja) ġie emendat sostanzjalment għal bosta drabi u ġie kkodifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1336/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) estenda l-għoti tal-preferenzi kummerċjali awtonomi sal-31 ta' Diċembru 2015.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 (4) neħħa lill-Kroazja mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 konsegwentement għall-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (UE) 2015/2423 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jestendi l-għoti tal-preferenzi kummerċjali awtonomi sal-31 ta' Diċembru 2020. Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009, kif emendat l-aktar reċentement, jipprevedi aċċess liberu għas-suq tal-Unjoni għal prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi u mit-territorji tal-Balkani tal-Punent, ħlief għal ċerti prodotti agrikoli, li jibbenefikaw minn konċessjonijiet limitati fil-forma ta' kwoti tariffarji mingħajr dazju.

(3)

Fin-nuqqas ta' deroga mill-obbligi tal-Unjoni taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT 1994 u tal-Artikolu XIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994, safejn hu possibbli, it-trattament ipprovdut mill-preferenzi kummerċjali awtonomi jeħtieġ li jiġi estiż għall-Membri l-oħra kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

(4)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li titlob estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO.

(5)

L-Unjoni hija obbligata li tippreżenta tali talba lid-WTO.

(6)

Għaldaqstant, jinħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar din it-talba,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li ssir talba għal estensjoni tad-deroga eżistenti tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent sal-31 ta' Diċembru 2021, u li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta' dik it-talba.

Dik il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

L.F. ASSCHER


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 tat-18 ta' Settembru 2000 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali ta'eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2820/98, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1763/1999 u (KE) Nru 6/2000 (ĠU L 240, 23.9.2000, p. 1).

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil- proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1336/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali ta' eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta' Mejju 2013 li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, d-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s- sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2015/2423 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina (OJ L 341, 24.12.2015, p. 18).


28.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1040

tal-24 ta' Ġunju 2016

li tagħti deroga mitluba mir-Repubblika Taljana fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2016) 3820)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u, b'mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi stabbilit b'mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fit-3 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/721/UE (2), li tippermetti lill-Italja tawtorizza fir-reġjuni tal-Emilja-Romanja, il-Lombardija, il-Pjemonte u l-Veneto, skont ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni sa massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru kull sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer f'azjendi agrikoli b'mill-anqas 70 % tal-għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir.

(3)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/721/UE kienet tikkonċerna madwar 300 azjenda agrikola u 13 000 ettaru ta' art u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2015.

(4)

Fl-20 ta' Jannar 2016, l-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte.

(5)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Italja li tippermetti l-applikazzjoni fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte sa massimu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru kull sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer f'azjendi agrikoli b'mill-anqas 70 % tal-għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir. Huwa stmat li d-deroga potenzjalment tiġbor taħtha madwar 600 azjenda agrikola tal-ifrat u 60 azjenda agrikola tal-ħnieżer fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte li jikkorrispondu rispettivament għal 15 % u 6 % tal-azjendi agrikoli kollha tal-ifrat u tal-ħnieżer fl-istess reġjuni, 4 % tal-Erja Agrikola Użata (EAU) u 14 % tal-bhejjem tal-ħalib kollha u 7,4 % tal-għadd totali ta' ħnieżer fl-istess reġjuni. L-azjendi li joperaw fil-qasam tal-kultivazzjoni tar-raba' jistgħu japplikaw ukoll għad-deroga.

(6)

Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE u tistabbilixxi l-programmi ta' azzjoni fil-Lombardija (Deċiżjoni nru X/5171 tas-16 ta' Mejju 2016) u l-Pjemonte (Deċiżjoni nru 19/2971 tad-29 ta' Frar 2016) ġiet adottata u tapplika flimkien ma' din id-Deċiżjoni għall-perjodu ta' bejn l-2016 u l-2019.

(7)

Iż-żoni vulnerabbli magħżula li japplikaw għalihom il-programmi ta' azzjoni jkopru madwar 80 % tal-AAU tal-Lombardija u 44 % tal-AAU tal-Pjemonte.

(8)

Id-dejta mressqa dwar il-kwalità tal-ilma turi li għall-ilma ta' taħt l-art fir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte 87 % mill-korpi tal-ilma ta' taħt l-art għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati taħt il-50 mg/l ta' nitrati u 55 % għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l ta' nitrati. Għall-ilma tal-wiċċ, aktar minn 90 % tas-siti ta' monitoraġġ għandhom medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati taħt il-25 mg/l u fl-ebda punt ma hemm konċentrazzjonijiet ta' aktar minn 50 mg/l ta' nitrati.

(9)

Ir-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte jgħoddu għal aktar minn 35 % tal-bhejjem fl-Italja: partikolarment, 38 % tal-ifrat tal-ħalib, 60 % tal-ħnieżer u 15 % tat-tjur. L-għadd tal-bhejjem juri xejra ta' tnaqqis fil-perjodu 2007-2013.

(10)

Fil-perjodu 2003-2013, il-konsum tan-nitroġenu kimiku naqas b'madwar 27 %, u naqas ukoll l-użu tal-fertilizzanti bil-fosforu minerali; dan tal-aħħar tnaqqas b'57 %.

(11)

Il-mergħat, iż-żerriegħa tal-qamħirrum, il-qamħirrum għall-ħżin għall-għalf u ċ-ċereali tax-xitwa jokkupaw madwar 65 % tal-erja agrikola totali fil-Lombardija u l-Pjemonte.

(12)

Id-dokumenti ta' appoġġ ippreżentati fit-talba għad-deroga juru li l-ammont propost ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer huwa ġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma l-preċipitazzjoni netta għolja, l-istaġuni twal tat-tkabbir u r-rendimenti għolja ta' għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu.

(13)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta' 250 kg għal kull ettaru minn demel tal-ifrat u minn demel ittrattat tal-ħnieżer mhux se jippreġudika l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

(14)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi approċċ transfruntier u komprensiv għall-ħarsien tal-ilma organizzat madwar id-distretti tal-baċiri idrografiċi, bil-għan li l-korpi tal-ilmijiet Ewropej jiksbu status tajjeb sal-2015. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta' deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-obbligi li joħorġu minnha.

(15)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-dejta, l-Italja, meta tiġbor id-dejta neċessarja skont din id-Deċiżjoni għandja, fejn xieraq, tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta' Amministarazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deroga

Tingħata d-deroga mitluba mill-Italja, fir-rigward tar-Reġjuni tal-Lombardija u l-Pjemonte bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel tal-irziezet minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali u suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7 għall-azjendi agrikoli, fejn 70 % jew aktar tas-superfiċji tal-azjenda agrikola tkun ikkultivata b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“azjendi agrikoli” tfisser azjendi agrikoli kemm jekk irabbu l-bhejjem kif ukoll jekk ma jrabbux;

(b)

“roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-kultivazzjoni, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni;

(c)

“bur” tfisser bur permanenti jew temporanju (temporanju jirreferi għal perjodu ta' anqas minn ħames snin);

(d)

“qamħirrum li jimmatura tard” tfisser qamħirrum tal-klassi FAO 600-700, miżrugħ bejn nofs Marzu u l-bidu ta' April, b'ċiklu ta' tkabbir ta' mill-anqas 145-150 jum;

(e)

“qamħirrum jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa” tfisser qamħirrum jew sorgu ta' maturazzjoni medjutardiva jew bikrija, skont il-klassifika internazzjonali tal-FAO, jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa;

(f)

“ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tax-sajf” tfisser qamħ tax-xitwa, xgħir tax-xitwa jew triticale, segwiti bi ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrum, is-sorgu, is-Setaria jew il-Panicum sp.;

(g)

“għelejjel b'domanda għolja ta” nitroġenu jew bi staġun ta' tkabbir twil' tfisser bur, qamħirrum li jimmatura tard, qamħirrum jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa u b'ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tas-sajf;

(h)

“demel tal-ifrat” tfisser demel tal-irziezet li jipproduċu l-ifrat, inkluż waqt li jkunu jirgħu jew f'forma pproċessata;

(i)

“trattament tad-demel” tfisser l-ipproċessar tad-demel tal-ħnieżer f'żewġ partijiet, il-parti solida u l-oħra likwida, u li jsir biex titjieb l-applikazzjoni fl-art u jissaħħaħ l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu;

(j)

“demel ittrattat” tfisser il-parti likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel tal-ħnieżer, bi proporzjon minimu ta' nitroġenu mal-fostfat (N/P2O5) ta' 2,5;

(k)

“demel ittrattat mingħajr nitroġenu” tfisser demel ittrattat b'kontenut ta' nitroġenu ta' anqas minn 30 % meta mqabbel mal-kontenut ta' nitroġenu fid-demel tal-ħnieżer mhux ittrattat;

(l)

“ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika” tfisser ħamrijiet b'kontenut ta' karbonju organiku ta' anqas minn 2 % fit-30 ċentimetru ta' fuq tal-ħamrija;

(m)

“ħamrijiet mingħajr salinità jew b'salinità baxxa” tfisser dawk il-ħamrijiet b'konduttività elettrika f'estratt minn pejst saturat ta' ħamrija ECe < 4 mS/cm jew b'konduttività elettrika ta' EC 1:2 < 1 mS/cm f'estratt milwiem bi proporzjon ta' ħamrija mal-ilma ta' 1:2, jew żoni definiti li żgur mhumiex f'riskju ta' salinizzazzjoni, kif indikat fil-mappa tal-ħamrija definita fil-livell reġjonali;

(n)

“effiċjenza fl-użu tan-nitroġenu” tfisser il-perċentwali mit-total ta' nitroġenu applikat fil-forma ta' demel tal-irziezet li jkun disponibbli għall-għelejjel fis-sena ta' applikazzjoni.

Artikolu 4

Applikazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta' kull sena jressqu applikazzjoni għal deroga lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta' Frar. Għas-sena 2016, l-applikazzjoni annwali għandha titressaq sat-30 ta' Ġunju 2016.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-bdiewa għandhom jintrabtu bil-miktub li se jwettqu l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 5

Trattament tad-demel

1.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga għall-applikazzjoni ta' demel tal-ħnieżer ittrattat għandhom ta' kull sena jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta' trattament tad-demel;

(b)

il-kapacità u l-karatteristiċi ewlenin tal-impjant tat-trattament, inkluż l-effiċjenza tiegħu;

(c)

l-ammont ta' demel mibgħut għat-trattament;

(d)

l-ammont, il-kompożizzjoni, inkluż speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tal-parti solida;

(e)

l-ammont, il-kompożizzjoni, inkluż speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tad-demel ittrattat;

(f)

l-istima tat-telf f'gassijiet matul it-trattament.

2.   Il-parti solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel għandha tiġi stabbilizzata sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġeniċi, tiġi ffaċilitata l-ġestjoni u tiżdied id-disponibbiltà tan-nitroġenu u tal-fosforu għall-għelejjel. Il-prodott li jirriżulta ma għandux jintuża f'azjendi agrikoli derogati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw miżuri biex iħeġġu l-użu tal-parti solida stabbilizzata f'ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika. Dawn il-ħamrijiet huma indikati f'mapep stabbiliti fil-livell reġjonali u li jkunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-metodoloġiji għall-valutazjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull azjenda agrikola li tibbenefika minn deroga individwali.

4.   L-ammonja u l-emissjonijiet l-oħra li ġejjin mit-trattament tad-demel għandhom jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet kompetenti f'postijiet rappreżentattivi għal kull teknika ta' trattament. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu inventarju tal-emissjonijiet.

Artikolu 6

Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 12, l-ammont ta' demel tal-ifrat, inkluż demel li jipproduċu l-bhejjem infushom, u ta' demel ittrattat applikat fuq l-art kull sena f'azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru.

2.   Il-kontribut totali ta' nitroġenu ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta' nutrijenti għall-għalla inkwistjoni. Għandu jqis il-provvista mill-ħamrija u d-disponibbiltà ogħla ta' nitroġenu fid-demel minħabba t-trattament tad-demel. Ma għandux jaqbeż l-istandards massimi ta' applikazzjoni, kif stabbiliti fil-programmi ta' azzjoni applikabbli għall-azjenda agrikola fil-Lombardija (Deċiżjoni Nru X/5171 tas-16 ta' Mejju 2016) u l-Pjemonte (Deċiżjoni Nru 19/2971 tad-29 ta' Frar 2016).

3.   Il-kontribut totali ta' fosforu użat ma għandux jaqbeż id-domanda prevista ta' nutrijenti għall-għalla inkwistjoni u għandu jqis il-provvista tal-fosforu fil-ħamrija. Fl-azjendi agrikoli derogati ma għandux jiġi applikat fosforu fil-fertilizzanti kimiċi.

4.   Għandu jitħejja pjan ta' fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tan-newba tal-għelejjel tal-art agrikola u tal-applikazzjoni ppjanata ta' demel u fertilizzanti minerali għal kull azjenda agrikola sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar. Għas-sena 2016, dan għandu jitħejja sat-30 ta' Ġunju 2016.

Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' bhejjem, deskrizzjoni ta' kif jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum u t-tip ta' ħżin disponibbli għad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu u l-fosforu tad-demel prodotti fl-azjenda agrikola;

(c)

id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u l-karatteristiċi tad-demel ittrattat (jekk rilevanti);

(d)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi ta' demel fornut barra l-azjenda agrikola jew fl-azjenda agrikola;

(e)

in-newba tal-għelejjel u s-superfiċji f'ettari ta' rqajja' b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u rqajja' b'għelejjel oħra;

(f)

ir-rendimenti mistennija minn kull għalla kkultivata, skont in-nutriment u l-ilma disponibbli, kif ukoll il-kundizzjonijet lokali, bħall-klima, it-tip ta' ħamrija, eċċ.;

(g)

il-ħtiġijiet stmati ta' nitroġenu u fosforu tal-għelejjel għal kull roqgħa;

(h)

kalkolu tan-nitroġenu u fosforu fid-demel li għandu jiġi applikat f'kull roqgħa;

(i)

kalkolu tan-nitroġenu mill-fertilizzanti kimiċi li għandhom jiġu applikati f'kull roqgħa;

(j)

l-istima tal-ammont ta' ilma meħtieġ għall-irrigazzjoni u l-indikazzjoni preċiża tas-sors tal-ilma; l-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew il-mappa li tindika li l-azjenda agrikola tinsab f'żoni fejn l-ilma ta' taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun inkluża fil-pjan.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli reali.

5.   Kull azjenda agrikola għandha tħejji rendikonti tal-fertilizzazzjoni għal kull roqgħa. Dawn għandhom jinkludu l-ammonti applikati u d-data ta' applikazzjoni tad-demel u l-fertilizzanti kimiċi.

6.   L-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew il-mappa li tindika li l-azjenda agrikola tinsab f'żoni fejn l-ilma ta' taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun disponibbli fl-azjenda agrikola. Fejn applikabbli, l-ammont ta' ilma awtorizzat jew kuntrattat għandu jkun biżżejjed biex jintlaħqu rendimenti tal-għelejjel li jinkisbu f'kundizzjonijiet fejn ma jkunx hemm restrizzjonijiet fl-ilma.

7.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal azjenda agrikola li tibbenefika minn deroga. L-analiżi u t-teħid ta' kampjuni għandhom jitwettqu qabel l-1 ta' Ġunju u tal-anqas darba kull erba' snin għall-fosforu u għan-nitroġenu għall kull erja omoġenja tal-azjenda agrikola, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġa, tal-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

8.   Id-demel tal-irziezet applikat fl-azjendi agrikoli derogati għandu jkollu effiċjenza tal-użu ta' nitroġenu ta' mill-anqas 65 % għad-demel likwidu u ta' 50 % għad-demel solidu.

9.   Id-demel tal-irziezet u l-fertilizzanti kimiċi applikati fl-azjendi agrikoli derogati ma jistgħux jintużaw wara l-1 ta' Novembru.

10.   Mill-inqas żewġ terzi tal-ammont ta' nitroġenu mid-demel, eskluż in-nitroġenu minn demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jintuża qabel il-31 ta' Lulju ta' kull sena. Għal dan il-għan, l-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga għandu jkollhom kapaċità adekwata ta' ħżin tad-demel tal-irziezet, li tkun tista' tkopri tal-anqas il-perjodi li matulhom ma tkunx permessal-applikazzjoni tad-demel.

11.   Id-demel likwidu, inkluż id-demel ittrattat u dak likwidu, għandu jiġi applikat permezz ta' tekniki ta' applikazzjoni b'emissjonijiet baxxi. Id-demel solidu għandu jiġi inkorporat fi żmien 24 siegħa.

12.   Sabiex jiġu protetti l-ħamrijiet mir-riskju ta' salinizzazzjoni, id-demel ittrattat mingħajr nitroġenu għandu jkun permess biss fuq ħamrijiet mingħajr salinità jew b'salinità baxxa. Għal dak il-għan, il-bdiewa li jkollhom il-ħsieb li japplikaw demel ittrattat mingħajr nitroġenu, għandhom ikejlu l-konduttività elettrika fl-irqajja' li se jintużaw għall-applikazzjoni tal-anqas kull erba' snin u għandhom jinkludu r-riżultati fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu protokol li għandu jintuża mill-bdiewa biex ikejlul-konduttività elettrika. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mapep li juru ż-żoni f'riskju ta' salinizzazzjoni.

Artikolu 7

Ġestjoni tal-artijiet

Il-bdiewa li beħsiebhom jibbenefikaw minn deroga għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

70 % jew aktar tas-superfiċji tal-azjenda agrikola għandha tkun ikkoltivata b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu u staġun ta' tkabbir twil;

(b)

il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa;

(c)

il-bwar temporanji u permanenti ma għandhomx jinkludu aktar minn 50 % ta' pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku;

(d)

il-qamħirrum li jimmatura tard għandu jinħasad, inklużi z-zkuk;

(e)

il-ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad tal-qamħirrum jew sorgu u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżera' l-qamħirrum jew sorgu;

(f)

il-ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrum, is-sorgu, is-Setaria jew il-Panicum sp., għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad taċ-ċereali tax-xitwa u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżergħu ċ-ċereali tax-xitwa;

(g)

għalla b'domanda għolja ta' nitroġenu għandha tinżera' fi żmien ġimagħtejn wara l-ħrit tal-bwar u ma għandhomx jiġu applikati fertilizzanti fis-sena li fiha jsir il-ħrit tal-bwar permanenti.

Artikolu 8

Miżuri oħra

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-derogi li jingħataw għall-applikazzjoni ta' demel ittrattat ikunu kompatibbli mal-kapaċità tal-impjanti tat-trattament tad-demel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull deroga mogħtija tkun kompatibbli mal-użu awtorizzat tal-ilma fl-azjenda agrikola li tibbenefika mid-deroga.

Artikolu 9

Miżuri għat-trasport tad-demel

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel tal-irziezet minn u lejn l-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga jiġi rreġistrat permezz ta' sistemi ta' pożizzjonament ġeografiku jew jiġi rreġistrat fid-dokumenti ta' akkumpanjament, li jispeċifikaw il-post tal-oriġini u d-destinazzjoni. Ir-reġistrazzjoni permezz ta' sistemi ta' pożizzjonament ġeografiku hija obbligatorja għal trasporti li jkopru distanzi itwal minn 30 km.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt it-trasport ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta' demel trasportat u l-kontentut ta' nitroġenu u fosforu tiegħu.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-demel ittrattat u l-partijiet solidi li jirriżultaw mit-trattament tad-demel jiġu analizzati għall-kontenut tagħhom ta' nitroġenu u fosforu. L-analiżi għandha titwettaq minn laboratorji rikonoxxuti. Ir-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun se jirċievi d-demel. Għandu jkun disponibbli ċertifikat tal-analiżi waqt kull trasport.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati l-mapep li juru l-perċentwali tal-azjendi agrikoli, il-perċentwali ta' bhejjem, il-perċentwali ta' art agrikola koperta b'deroga individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali għal kull muniċipalità.

2.   Għandha tinġabar u tiġi aġġornata kull sena dejta dwar in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn derogi.

3.   Għandu jiġi stabbilit u miżmum netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid ta' kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma taħt l-art baxx sabiex jiġi valutat l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma. Il-pjan dwar in-netwerk ta' monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. L-ammont inizjali ta' siti ta' monitoraġġ ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni sakemm ma jkunx debitament iġġustifikat.

4.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar bir-reqqa fiż-żoni agrikoli li jinsabu qrib il-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli, li għandhom jiġu identifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

5.   Għandhom jiġu stabbiliti siti ta' monitoraġġ, sabiex tkun provduta dejta dwar il-konċentrazzjoni ta' nitroġenu u fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u t-telf korrispondenti ta' nitroġenu u fosforu li jgħaddi miż-żona tal-għeruq għal ġol-ilma ta' taħt l-art, kif ukoll it-telf ta' nitroġenu u fosforu minn tnixxija fuq u taħt wiċċ l-art, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta' deroga kif ukoll jekk le. Is-siti ta' monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta' ħamrija, il-prattiki ta' fertilizzazzjoni u l-għelejjel. Il-pjan dwar in-netwerk ta' monitoraġġ għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni. L-ammont inizjali ta' siti ta' monitoraġġ ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta' din id-Deċiżjoni sakemm ma jkunx debitament iġġustifikat.

Artikolu 11

Kontrolli u verifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet tal-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati ta' kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 7 % tal-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn deroga fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta' din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post fuq mill-inqas 2 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tad-demel, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1. Il-kontrolli għandhom jinkludu, tal-anqas, valutazzjoni tad-dokumenti ta' akkumpanjament, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u d-disponibbiltà tal-analiżi tad-demel trasportat.

4.   Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità ma' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa ta' rimedju. Partikolarment bdiewa li ma jikkonformawx mal-Artikoli 5, 6 u 7 għandhom jiġu esklużi mid-deroga s-sena ta' wara.

Artikolu 12

Rappurtar

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena u sat-30 ta' Settembru għas-sena 2019, jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deroga, abbażi ta' kontrolli fil-livell tal-azjenda agrikola, kif ukoll tal-kontrolli fuq it-trasport tad-demel u l-informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli li ma jkunux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta' fuq il-post;

(b)

informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-partijiet solidi, u dejta dettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta' trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, kif ukoll id-destinazzjoni finali tal-partijiet solidi;

(c)

mapep li juru żoni b'kontenut baxx ta' materja organika, kif ukoll il-miżuri meħuda sabiex jitħeġġeġ l-użu tal-parti solida stabbilizzata f'ħamrijiet b'kontenut baxx ta' materja organika, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(2);

(d)

il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ittrattat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull azjenda agrikola li tibbenifika minn deroga individwali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(3);

(e)

l-inventarju tal-ammonja u ta' emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(4);

(f)

il-protokol stabbilit biex titkejjel il-konduttività elettrika u l-mapep li juru ż-żoni affettwati mis-salinizzazzjoni, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(12);

(g)

il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà tad-derogi mogħtija mal-kapacità tal-impjanti tat-trattament tad-demel, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 8(1);

(h)

il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà ta' kull deroga mogħtija mal-użu awtorizzat tal-ilma fl-azjenda agrikola li qed tibbenifika mid-deroga, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 8(2);

(i)

mapep li juru l-perċentwali tal-azjendi agrikoli, il-perċentwali tal-bhejjem, il-perċentwali tal-art agrikola koperta minn derogi individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali, kif ukoll dejta dwar in-newbiet tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli fl-azjendi agrikoli derogati, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(1) u (2)

(j)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilmijiet ta' taħt l-art, tal-wiċċ u tal-kosta, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(3);

(k)

il-lista tal-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(4);

(l)

sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mis-siti tal-monitoraġġ kif hemm imsemmi fl-Artikolu 10(5);

Artikolu 13

Perjodu ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 14

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/721/UE tat-3 ta' Novembru 2011 li tagħti deroga mitluba mill-Italja fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 36).

(3)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


28.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/14


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1041 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Ġunju 2016

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1) (Linja Gwida dwar Dokumentazzjoni Ġenerali), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4), Titoli I, II, IV, V, VI u VIII tal-Parti Erbgħa, u Parti Sitta tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq.

(2)

Il-kriterji standard u r-rekwiżiti minimi għal limiti tal-kwalità tal-kreditu li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' assi negozjabbli bħala kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha.

(3)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont l-Artikolu 59(6) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħarġa, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li l-Eurosistema tista' tikkunsidra bħala rilevanti biex tiżgura protezzjoni adegwata ta' riskju tal-Eurosistema.

(4)

L-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix illi l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku.

(5)

Fi Frar 2015, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li ma kienx possibbli li wieħed jassumi li hemm konklużjoni b'suċċess tar-rieżami tal-programm ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika li kien għaddej dak iż-żmien. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/6) (4) ipprovdiet li r-Repubblika Ellenika m'għandhiex iktar tkun ikkunsidrata li hija f'konformità mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 u li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Fid-19 ta' Awwissu 2015, wara li skada l-programm Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) għall-appoġġ finanzjarju tal-Greċja, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) approva programm ta' assistenza finanzjarja ta' tliet snin għall-Greċja.

(6)

L-ewwel porzjon taħt il-programm ESM ġdid tħallas ladarba l-miżuri meħtieġa kollha ttieħdu u l-istadji ewelnin tħarsu li appoġġaw l-istabbilizzazzjoni gradwali tal-ekonomija Griega u ppermettew ir-rikapitalizazzjoni tas-sistema bankarja Griega sal-aħħar tal-2015. Mat-tlestija tal-azzjonijiet ta' qabel miftiehma taħt il-programm għall-ewwel rieżami, il-Bord tad-Diretturi tal-ESM approva fis-17 ta' Ġunju 2016 il-ħlas tal-ewwel parti tat-tieni porzjon tal-programm. L-ewwel rieżami tal-programm ESM b'hekk ġie konkluż b'suċċess.

(7)

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-effetti tal-programm ESM ġdid għall-Greċja, l-implimentazzjoni kkontinwata tiegħu u l-impenn muri mill-awtoritajiet Griegi sabiex dan il-programm jiġi implimentat bi sħiħ.

(8)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija iktar 'il fuq, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi r-Repubblika Ellenika hija konformi mal-kundizzjonalità tal-programm u ddeċieda li jerġa' jagħmel eliġibbli l-istrumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iġgarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) għandha titħassar.

(9)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq u tar-riskju tal-kreditu għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bi sħiħ mir-Repubblika Ellenika, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrivedi l-iskeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal dawk l-istrumenti bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31.

(10)

Fuq il-passi tal-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-passat, xiri potenzjali ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku tas-swieq sekondarji (PSPP) se jiġi eżaminat fi stadju ulterjuri, wara li jitqies il-progress fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja u kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkunsidrata li tikkonforma mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari l-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa tagħha, m'għandhomx japplikaw għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

Artikolu 2

Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika

Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika huma suġġetti għat-telf impost speċifiku stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Xiri PSPP

Xiri ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandu jsir — skont l-Artikolu 5(3) ta' dik id-Deċiżjoni u fil-limiti li għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv skont dik — wara valutazzjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv tal-progress li sar fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-debitu pubbliku Grieg u kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-ġestjoni tar-riskju.

Artikolu 4

Revoka

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) hija b'dan imħassra:

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta' Ġunju 2016.

2.   F'każ ta' xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) jew il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Ġunju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2015 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 29).


ANNESS

SKEDA TA' TNAQQIS IMPOST APPLIKABBLI GĦAL STRUMENTI TA' DEJN NEGOZJABBLI MAĦRUĠA JEW IGGARANTITI GĦAL KOLLOX MIR-REPUBBLIKA ELLENIKA

Bonds tal-Gvern

Maturità reżidwa (snin)

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

15,0

15,0

1-3

33,0

35,5

3-5

45,0

48,5

5-7

54,0

58,5

7-10

56,0

62,0

> 10

57,0

71,0

Bonds tal-bank iggarantiti mill-Gvern u bonds ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji iggarantiti mill-gvern

Medda ta' maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

42,5

45,0

3-5

55,5

59,0

5-7

64,5

69,5

7-10

67,0

72,5

> 10

67,5

81,0