ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 105

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
21 ta' April 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/612 tat-23 ta' Marzu 2016 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-missjoni PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

1

 

 

Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

3

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/613 tad-19 ta' April 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

8

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/614 tad-19 ta' April 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

11

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/615 tad-19 ta' April 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

14

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/616 tal-20 ta' April 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

16

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/617 tal-20 ta' April 2016 li jiffissal-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti mill-1 sas-7 ta' April 2016 fil-kuntest tal-kwoti tariffarji miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 341/2007 għat-tewm

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/618 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Iżvezja — EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

20

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/619 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 — Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

22

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/612

tat-23 ta' Marzu 2016

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-missjoni PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK (1) jipprevedi li arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Fis-7 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera, (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Parteċipazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex ikun jorbot lill-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 9(1) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/3


TRADUZZJONI

FTEHIM TA' PARTEĊIPAZZJONI

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

L-UNJONI EWROPEA (“UE” jew “Unjoni”),

minn naħa waħda, u

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

B'KONT MEĦUD TA'

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (1),

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (2),

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1916 tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/3/2015) (3),

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1917 tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribut tal-Iżvizzera għall-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (EUCAP Sahel Mali/4/2015) (4),

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (5) (l-“Ftehim dwar l-Istatus tal- Missjoni”)

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fil-Missjoni

1.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tipparteċipa fil-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (“EUCAP Sahel Mali”) f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi EUCAP Sahel Mali, kif ukoll dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim.

2.   Il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lill-EUCAP Sahel Mali huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tinforma lill-Konfederazzjoni Żvizzera fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla jew emenda għall-Missjoni u b'mod partikolari għad-dokumenti msemmija fis-subparagrafu 3.

3.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tiżgura li l-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':

Id-Deċiżjoni 2014/219/PESK u kwalunkwe emenda sussegwenti għaliha;

Il-Pjan tal-Missjoni;

Miżuri ta' implimentazzjoni.

4.   Il-persunal sekondat lill-Missjoni mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jaqdi d-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bil-ħsieb tal-interess tal-EUCAP Sahel Mali.

5.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tinforma lill-Kap tal-Missjoni fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħha fil-Missjoni

Artikolu 2

Status tal-persunal

1.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit lil EUCAP Sahel Mali mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkun regolat mill-“Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni”.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jkun qed jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali.

3.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fil-EUCAP Sahel Mali, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli li tieħu kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe u kull pretensjoni, minbarra pretensjonijiet kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni fir-rigward ta' assi li jkunu proprjetà ta,' jew operati minn, kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mill-qadi tad-dmirijiet tagħhom marbuta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

5.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera timpenja ruħha li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fil-EUCAP Sahel Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

6.   L-Unjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-EUCAP Sahel Mali, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Informazzjoni klassifikata

Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (6), għandu japplika fil-kuntest tal-EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 4

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta', il-EUCAP Sahel Mali fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta', il-EUCAP Sahel Mali.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-EUCAP Sahel Mali u jassumi l-ġestjoni ta' kuljum tagħha.

6.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-UE, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 1.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal tal-EUCAP Sahel Mali. Fejn ikun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali Żvizzera kompetenti.

8.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġenti Nazzjonali (“NPC”) mill-Konfederazzjoni Żvizzera biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fil-EUCAP Sahel Mali. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.

9.   Id-deċiżjoni biex tintemm EUCAP Sahel Mali għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Konfederazzjoni Żvizzera, ladarba l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun għadha qed tikkontribwixxi għal EUCAP Sahel Mali fid-data tat-terminazzjoni ta' EUCAP Sahel Mali.

10.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera, fi kwalunkwe waqt jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

Artikolu 5

Aspetti finanzjarji

1.   Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-EUCAP Sahel Mali, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titmexxa l-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni.

3.   L-Unjoni għandha teżenta lill-Konfederazzjoni Żvizzera minn kwalunkwe kontribut finanzjarju għall-baġit operattiv tal-EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 6

Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Partijiet.

Artikolu 7

Nonkonformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li tittermina dan il-Ftehim billi tibgħat avviż minn xahar qabel.

Artikolu 8

Riżoluzzjoni ta' tilwim

It-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.

3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm idum il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lill-Missjoni.

4.   Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-tmiem isir effettiv tliet xhur wara d-data ta' tali notifika.

Magħmul fi Brussell, f'żewġ kopji bil-lingwa Ingliża fit-13 ta' April 2016.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Konfederazzjoni Żvizzera


(1)  ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21.

(2)  ĠU L 13, 20.1.2015, p. 5.

(3)  ĠU L 280, 24.10.2015, p. 28.

(4)  ĠU L 280, 24.10.2015, p. 30.

(5)  ĠU L 344, 29.11.2014, p. 3.

(6)  ĠU L 181, 10.7.2008, p. 58.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

L-Istati Membri tal-UE li japplikaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK ser jagħmlu ħilithom sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistemi legali interni tagħhom, jirrinunzjaw, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra l-Konfederazzjoni Żvizzera għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħhom u użati mill-EUCAP Sahel Mali jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

ikkawżat minn persunal mill-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUCAP Sahel Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Konfederazzjoni Żvizzera, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-Missjoni tal-UE mill-Konfederazzjoni Żvizzera li juża dawk l-assi.

Test għall-Konfederazzjoni Żvizzera:

Il-Konfederazzjoni Żvizzera, meta tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015 li tvara l-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK, ser tagħmel ħilitha sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistema legali interna tagħha, tirrinunzja, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fil-EUCAP Sahel Mali għal korriment, mewt tal-persunal tagħha, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-Missjoni tal-UE jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUCAP Sahel Mali, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew ta' mġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Istati parteċipanti fil-missjoni tal-UE, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta' persunal tal-Missjoni tal-UE li juża dawk l-assi.


REGOLAMENTI

21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/613

tad-19 ta' April 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (l-hekk imsejjaħ “riġel tal-moniter”) magħmul mill-aluminju, li jikkonsisti f'żewġ riġlejn, ġogi mobbli, u agganċament f'kull tarf tal-oġġett.

Huwa ddisinjat biex jitwaħħal mal-ħajt, ma' skrivanija jew ma' rejl fuq naħa waħda u ma' moniter fuq in-naħa l-oħra.

L-oġġett jippermetti li jiġu aġġustati l-għoli/il-wisa'/il-fond tal-moniter li jkun imwaħħal miegħu. Il-moniter jista' jiġi mċaqlaq fid-direzzjonijiet kollha skont kif jixtieq l-utent. Fl-istess ħin il-kejbils ikunu jistgħu jinħbew b'mod ordinat fl-oġġett.

Dan l-oġġett jista' wkoll jiġi adattat biex jintuża ma' tablets, telefowns, eċċ.

 (*) Ara l-istampa

7616 99 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 7616 , 7616 99 u 7616 99 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8428 bħala makkinarju għall-irfigħ, immaniġġar, tagħbija jew ħatt hija eskluża minħabba li l-għan prinċipali tal-oġġett huwa li jiżgura li t-tagħmir imwaħħal mar-riġel jintuża b'mod vantaġġuż minn perspettiva ergonomika. L-apparat imwaħħal mar-riġel mhuwiex trattat skont it-tifsira tal-intestatura 8428 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8428 ).

Billi diversi tipi ta' apparat jistgħu jitwaħħlu mal-oġġett, hija eskluża wkoll il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8473 , bħala partijiet u aċċessorji tajbin biss u prinċipalment għal użu ma' magni ta' titli 8469 sa 8472 .

Billi l-oġġett ma jwettaq l-ebda funzjoni b'mod distint u indipendenti minn kull magna jew apparat ieħor imwaħħal miegħu, hija eskluża wkoll il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8479 , bħala apparat mekkaniku ieħor b'funzjonijiet individwali (ara wkoll l-HSEN għall-intestatura 8479 , it-tielet paragrafu, (A)).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7616 99 90 , bħal oġġetti oħrajn tal-aluminju.

Image

(*)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/614

tad-19 ta' April 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (l-hekk imsejjaħ “serra tal-passatemp”), b'qisien ta' madwar 140 × 140 × 200 cm, magħmul minn qafas tal-azzar. Il-qafas għandu wkoll xtillieri magħmulin minn tmien xkafef tal-wajer tal-metall, erbgħa fuq iż-żewġ naħat, b'qisien ta' madwar 58 × 28 cm. Fuq kull naħa, il-qafas huwa mgħotti b'folji flessibbli tal-plastik u fuq quddiem għandu bieba li titkebbeb b'qisien ta' madwar 86 × 145 cm. Din il-bieba tista' tinżamm magħluqa permezz tal-“Velcro”. Fl-istruttura tista' tidħol persuna waħda. L-għan tal-użu tagħha huwa l-ħżin ta' pjanti għal perjodi qosra jew twal (pereżempju, għall-użu fi swieq).

Ara l-istampa (*)

7326 90 98

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 7326 , 7326 90 u 7326 90 98 .

L-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9403 bħala “tip ta' għamara oħra” għax ma għandux jintuża bħala għamara għal djar privati, lukandi, uffiċċji, skejjel, knejjes, ħwienet, laboratorji u postijiet simili oħrajn, iżda jintuża biss għall-ħżin tal-pjanti (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Kapitolu 94, Ġenerali, it-tieni paragrafu, (A), kif ukoll għall-intestatura 9403 , it-tieni paragrafu).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9406 bħala “bini prefabbrikat” hija eskluża wkoll, minħabba li l-kostruzzjoni tagħha hi relattivament instabbli, b'ħitan flessibbli. Għaldaqstant, mhijiex adatta għall-użu fuq barra għal żmien twil, minħabba li mhix meqjusa bħala oġġett li jiflaħ għal kull tip ta' temp.

Għalhekk, l-oġġett jiġi kklassifikat skont il-materjal li jkun magħmul minnu. Il-karattru essenzjali tal-prodott jingħata mill-element ta' kostruzzjoni (qafas u xkafef tal-metall).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7326 90 98 bħala oġġetti oħra tal-ħadid u tal-azzar.

Image

(*)  Din l-istampa hija għal finijiet ta' informazzjoni biss.


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/615

tad-19 ta' April 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex ikun żgurat li n-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 tiġi applikata b'mod uniformi, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilta fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat (hekk imsejjaħ “stazzjon għad-dokkjar tal-ismartphone”) li jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

skrin LCD tal-kulur ta' 29,5 cm,

kejsing biċ-ċappetti b'żewġ portijiet tal-USB,

tastiera b'touchpad,

dokk għal smartphone,

sokit tal-provvista tal-enerġija li juża vultaġġ ta' mhux aktar minn 1 000  V,

lawdspikers li qegħdin ġo fih stess,

Meta l-ismartphone jkun iddokkjat, il-batterija tiegħu tiġi ċċarġjata u, simultanjament, l-apparat iservi bħala unità tal-input/output biex jitwettqu l-funzjonijiet kollha tal-ismartphone ddokkjat.

Peress li l-apparat mhux mgħammar b'konvertitur tas-sinjali, is-sinjali kollha jitwasslu mhux mibdula mill-ismartphone ddokkjat.

L-apparat mhuwiex adattat għal konnessjoni ma' magna tal-ipproċessar ta' dejta awtomatika.

8537 10 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8537 , 8537 10 u 8537 10 99 .

L-apparat huwa magna komposta li kapaċi twettaq il-funzjonijiet tal-intestaturi 8504 , 8518 , 8528 u 8537 . Il-funzjonijiet individwali kollha mwettqa mill-komponenti differenti tagħha qegħdin inklużi fl-intestaturi tal-Kapitolu 85 imsemmija hawn fuq. Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8543 bħala magni u apparati elettriċi, li għandhom funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi fi bnadi oħra fil-Kapitolu 85, hija eskluża.

Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, l-ebda funzjoni minn dawn ma hija kkunsidrata bħala l-funzjoni prinċipali tal-apparat fi ħdan it-tifsira tan-nota 3 għat-Taqsima XVI.

Konsegwentement, għandu jiġi kklassifikat taħt it-titlu li jiġi l-aħħar f'ordni numerika.

Għalhekk, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8537 10 99 bħala bords, pannelli, konsols, skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn għall-kontroll elettriku għal vultaġġ li ma jaqbiżx 1 000  V.


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/616

tal-20 ta' April 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

110,9

MA

92,8

SN

175,5

TR

108,9

ZZ

122,0

0707 00 05

MA

80,7

TR

108,5

ZZ

94,6

0709 93 10

MA

91,2

TR

126,2

ZZ

108,7

0805 10 20

CR

66,6

EG

48,9

IL

79,4

MA

57,5

TR

38,0

ZZ

58,1

0805 50 10

MA

132,7

ZZ

132,7

0808 10 80

AR

107,0

BR

104,1

CL

114,8

CN

131,9

NZ

153,8

US

153,3

ZA

87,3

ZZ

121,7

0808 30 90

AR

96,1

CL

117,4

CN

86,4

ZA

112,4

ZZ

103,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/617

tal-20 ta' April 2016

li jiffissal-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni introdotti mill-1 sas-7 ta' April 2016 fil-kuntest tal-kwoti tariffarji miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 341/2007 għat-tewm

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 188(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 341/2007 (2) fetaħ kwoti tariffarji annwali għall-importazzjoni tat-tewm.

(2)

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni “A” mressqin tul l-ewwel sebat ijiem kalendarji tax-xahar ta' April 2016, għas-subperjodu mill-1 ta' Ġunju 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016, għal ċerti kwoti, huma ogħla mill-kwantitajiet disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni “A”, billi jiġi ffissat il-koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet mitluba, ikkalkulat skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(3)

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżura, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni “A” mressqin skont ir-Regolament (KE) Nru 341/2007 għas-subperjodu mill-1 ta' Ġunju 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016 għandhom jinħarġu skont il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li jidher fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 341/2007 tad-29 ta' Marzu 2007 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema għal liċenzji tal-importazzjoni u ċertifikati ta' oriġini għat-tewm u għal ċerti prodotti agrikoli oħra importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 12).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


ANNESS

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni — applikazzjonijiet imressqa għas-subperjodu mill-1 ta' Ġunju 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016

(f'%)

Iċ-Ċina

Importaturi tradizzjonali

09.4105

71,983729

Importaturi ġodda

09.4100

0,483082

Pajjiżi terzi oħra

Importaturi tradizzjonali

09.4106

Importaturi ġodda

09.4102


DEĊIŻJONIJIET

21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/20


DEĊIŻJONI (UE) 2016/618 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2016

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Iżvezja — EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fis-16 ta' Settembru 2015, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji mogħtija minn Volvo Trucks (Volvo Group Truck Operation, EMEA) u f'erba' fornituri u produtturi downstream fl-Iżvezja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)

Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 793 710 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Iżvezja.

(5)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 793 710 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika mit-13 ta' April 2016.

Magħmula fi Strasburgu, it-13 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Martin SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/22


DEĊIŻJONI (UE) 2016/619 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2016

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 — Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b'mod partikolari l-Punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jsostni lill- ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir- riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jistipula li kull sena jista' jintuża massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(4)

Għaldaqstant, l-FEG għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 380 000 għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 380 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, it-13 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).