ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 63

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
10 ta' Marzu 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/337 tat-2 ta' Marzu 2016 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Karlovarský suchar (IĠP)]

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/338 tad-9 ta' Marzu 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/339 tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 2010-2025 MHz għal kollegamenti bil-vidjow mingħajr fili portabbli jew mobbli u għal kameras mingħajr fili li jintużaw għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (notifikata bid-dokument C(2016) 1197)  ( 1 )

5

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 404/14/COL tat-8 ta' Ottubru 2014 dwarl-Iskema ta' Inċentiv għall-Investiment fl-Iżlanda (L-Iżlanda) [2016/340]

9

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi ( ĠU L 395, 30.12.1989 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, kapitolu 6, Volum 1, paġna 246)

44

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/337

tat-2 ta' Marzu 2016

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Karlovarský suchar (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tar-Repubblika Ċeka għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Karlovarský suchar”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 982/2007 (2).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għall-emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi.

(3)

Billi l-Kummissjoni ma waslitilha l-ebda stqarrija ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni għandha tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna d-denominazzjoni “Karlovarský suchar” (IĠP) hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 982/2007 tal-21 ta' Awwissu 2007 li jintroduċi ċertu denominazzjonijiet fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pimentón de la Vera (DPO) — Karlovarský suchar (IĠP) — Riso di Baraggia Biellese e Vercellese (DPO)) (ĠU L 217, 22.8.2007, p. 22).

(3)  ĠU C 353, 24.10.2015, p. 6.


10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/338

tad-9 ta' Marzu 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

236,2

MA

100,3

TN

112,1

TR

102,5

ZZ

137,8

0707 00 05

MA

84,5

TR

159,7

ZZ

122,1

0709 93 10

MA

66,7

TR

154,8

ZZ

110,8

0805 10 20

EG

43,7

IL

77,0

MA

53,6

TN

56,9

TR

64,2

ZZ

59,1

0805 50 10

MA

108,5

TR

88,9

ZZ

98,7

0808 10 80

CL

93,0

CN

66,5

US

152,0

ZZ

103,8

0808 30 90

AR

145,1

CL

134,7

CN

112,4

TR

153,5

ZA

90,6

ZZ

127,3


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/339

tat-8 ta' Marzu 2016

dwar l-armonizzazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz għal kollegamenti bil-vidjow mingħajr fili portabbli jew mobbli u għal kameras mingħajr fili li jintużaw għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali

(notifikata bid-dokument C(2016) 1197)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-użu tal-baned tal-frekwenzi 1 900-1 980 MHz, 2 010-2 025 MHz u 2 110-2 170 MHz (flimkien imsejħa “il-banda tat-2 GHz”) kien jiġi kkoordinat bid-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Din id-Deċiżjoni skadiet fit-22 ta' Jannar 2003 iżda l-Istati Membri għadhom jużaw dan l-ispettru b'mod armonizzat.

(2)

Sussegwentement, l-użu tas-sub-banda 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz akkoppjata (“il-banda terrestri akkoppjata tat-2 GHz”) ġie armonizzat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE (3) biex jinżamm aġġornat mal-evoluzzjoni teknoloġika u mal-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizzi.

(3)

Il-parti mhux akkoppjata tal-banda terrestri tat-2 GHz li tinkludi l-baned tal-frekwenzi 1 900-1 920 MHz u 2 010-2 025 MHz, li kienet ġiet allokata lill-operaturi tat-telefonija mobbli fl-Unjoni, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ntużatx minn-netwerks tat-telefonija mobbli għal aktar minn għaxar snin u allura dan l-ispettru validu ma ntużax biżżejjed. Dan in-nuqqas ta' użu jiġġustifika miżuri ġodda ta' armonizzazzjoni li jiżguraw li l-ispettru jintuża b'mod effettiv u effiċjenti f'konformità mal-għanijiet tal-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (l-RSPP) (4) pluriennali. Dawn il-miżuri b'mod partikolari huma intenzjonati biex ikun hemm spettru suffiċjenti li jappoġġa l-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (PMSE), f'konformità mas-suq intern u mal-għan li jkun hemm aċċess għall-kultura u biex jiġu żviluppati l-protezzjoni ċivili u l-għajnuna fid-diżastri (PPDR).

(4)

B'reazzjoni għall-mandat tal-Kummissjoni maħruġ fl-2011 skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE dwar il-kundizzjonijiet tekniċi għall-alternattivi tal-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-mikrofoni tar-radju mingħajr fili u għall-kameras tal-vidjow mingħajr fili (5), il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) ippreżentat ir-rapport tagħha Nru 51 (6) li jqis il-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz u baned oħra tal-frekwenzi bħala spettru possibilment ġdid għall-kameras u l-kollegamenti bil-vidjow mingħajr fili, iżda dwar dan irid isir aktar studju. Għalhekk f'Ottubru 2012 (7), il-Kummissjoni ħarġet mandat ulterjuri lis-CEPT biex tistudja l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-baned tal-frekwenzi 1 900-1 920 MHz u 2 010-2 025 MHz fl-UE. Konsegwentement fis-6 ta' Marzu 2015, is-CEPT ippubblikat ir-Rapport 52 (8) tagħha li jidentifika l-użi potenzjali alternattivi għal dawn il-baned terrestri mhux akkoppjati tat-2 GHz biex jiġu implimentati l-politiki identifikati mill-RSPP fir-rigward tal-PMSE u tal-PPDR.

(5)

Kif jidentifika r-rapporti tas-CEPT, il-kategoriji tal-kollegamenti bil-vidjow mingħajr fili portabbli jew mobbli u tal-kameras mingħajr fili li jistgħu jintużaw għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (il-PMSE bil-vidjow) fost l-oħrajn jistgħu jinkludu kameras mingħajr fili manwali jew inkella mmuntati bi trażmettituri integrati jew clip-on, provvisti tal-enerġija u antenni għal filmati bil-kwalità tax-xandir flimkien ma' sinjali tal-ħoss fuq medded qosra, direttament taħt l-għajn jew inkella mhux direttament taħt l-għajn; kollegamenti bil-vidjow portabbli minn trażmettituri żgħar li jintużaw fuq meded akbar, tipikament sa żewġ kilometri, u kollegamenti bil-vidjow mobbli bħal sistemi ta' trażmissjoni tal-vidjow b'radjutrażmettituri u riċevituri mmuntati fil-muturi, fil-muturi tat-tiġrija, fir-roti bil-pedali, fil-karozzi, fid-dgħajjes, fil-ħelikopters, fl-iġfna tal-ajru u f'inġenji oħrajn tal-ajru, jew fuqhom, bil-possibbiltà li wieħed mit-terminali tal-kollegament jew it-tnejn li huma jkunu jistgħu jintużaw waqt spostament minn post għall-ieħor.

(6)

L-użu tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz għal kollegamenti bil-vidjow u għal kameras mingħajr fili għandu l-vantaġġi tekniċi u ekonomiċi li jibbenefika mill-banda tal-frekwenzi 2 025-2 110 MHz li hija viċin. Din tintuża wkoll għal dawn it-tip ta' kollegamenti u kameras mingħajr fili f'għadd ta' Stati Membri u tissemma fir-Rakkomandazzjoni 25-10 (9) tal-ERC bħala medda tal-intunar rakkomandata. Billi r-Rapport 52 tas-CEPT jikkonferma li l-PMSE bil-vidjow jista' jopera fil-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz bl-istess kundizzjonijiet tekniċi bħal dawk applikabbli għall-użu tal-PMSE fil-banda tal-frekwenzi 2 025-2 110 MHz, dan jestendi d-disponibbiltà tal-ispettru għal kollegamenti bil-vidjow u għal kameras mingħajr fili minn medda ta' 85 MHz sa medda ta' 100 MHz.

(7)

Minkejja li għal bosta snin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz ma ġietx allokata lill-operaturi tat-telefonija mobbli jew inkella dawn baqgħu ma użawhiex, xi drabi l-ispettru qed jintuża minn servizzi diġà eżistenti. Din is-sitwazzjoni jaf teħtieġ approċċ flessibbli u arranġamenti lokali li jqisu fatturi bħalma huma l-post fejn jintuża l-ispettru kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-użu tal-ispettru għal PMSE bil-vidjow fil-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz, kemm fl-Istat Membru rilevanti kif ukoll fl-Istati Membri ġirien.

(8)

Barra minn hekk, id-disponibbiltà u l-użu tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz għal PMSE bil-vidjow għandhom ikunu fuq bażi mhux esklussiva biex fuq firxa nazzjonali l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu l-użu ta' dak l-ispettru għal tipi oħra ta' applikazzjonijiet bħall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna fid-diżastri jew għal kollegamenti bil-vidjow temporanji minn punt għal punt jew kameras industrijali, sakemm dawn l-applikazzjonijiet ikunu jissodisfaw il-parametri tekniċi stipulati f'din id-Deċiżjoni.

(9)

Kundizzjonijiet armonizzati mal-Unjoni kollha jgħinu biex jiġi stabbilit suq waħdieni effettiv għal dawn l-applikazzjonijiet, bl-ekonomiji ta' skala u benefiċċji għaċ-ċittadini u l-industrija tal-Unjoni, f'konformità mad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju u t-Tagħmir Terminali tat-Telekomunikazzjoni (id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (10) u d-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju (id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (11).

(10)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz fuq tul ta' żmien, l-Istati Membri għandhom jagmlu skrutinju kontinwu tal-użu tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz għal PMSE bil-vidjow fuq bażi mhux esklussiva.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, PMSE bil-vidjow tfisser kollegamenti bil-vidjow bla fili li jistgħu jkunu portabbli jew mobbli u kameras mingħajr fili użati għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali.

Artikolu 3

Kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jkollhom disponibbli l-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz għall-PMSE bil-vidjow, fuq bażi mhux esklussiva u f'konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness.

Meta jsibu xi interferenzi ma' tipi oħra ta' utenti tal-ispettru jew servizzi li huma intitolati biex jużaw il-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz fid-data meta din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-użu tagħha fil-porzjon relevanti tal-banda tal-frekwenzi f'żoni ġeografiċi speċifiċi b'konformità mal-Anness.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jagħmlu skrutinju kontinwu tal-użu tal-banda tal-frekwenzi 2 010-2 025 MHz u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni, inkluż kull informazzjoni dwar l-emendar jew l-irtirar tad-drittijiet tal-użu, sabiex jekk ikun meħtieġ tkun tista' ssir analiżi f'waqtha ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002 p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 1998 dwar l-introduzzjoni koordinata ta' sistema ta' komunikazzjonijiet mingħajr fili u mobbli (UMTS) tat-tielet ġenerazzjoni fil-Komunità (ĠU L 17, 22.1.1999, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE tal-5 ta' Novembru 2012 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded tal-frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni (ĠU L 307, 7.11.2012, p. 84).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(5)  Il-mandat lis-CEPT, datat il-15 ta' Diċembru 2011, RSCOM11-59 finali.

(6)  Dwar il-kundizzjonijiet tekniċi biex tkun żgurata l-operazzjoni sostenibbli tal-kameras tal-vidjo mingħajr fili, rapport approvat mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (l-ECC) fit-8 ta' Novembru 2013.

(7)  RSCOM12-17 rev 3, adottat fl-10 ta' Ottubru 2012

(8)  Ir-Rapport 52 tas-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea b'reazzjoni għall-Mandat “Twettiq ta' studji dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-baned tal-frekwenzi 1 900-1 920 MHz u 2 010-2 025 MHz (‘Baned terrestri mhux akkoppjati tat-2 GHz’) fl-UE”, (“To undertake studies on the harmonised technical conditions for the 1 900-1 920 MHz and 2 010-2 025 MHz frequency bands (‘Unpaired terrestrial 2 GHz bands’) in the EU”), rapport approvat mill-ECC fis-6 ta' Marzu 2015.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni 25-10 tal-ERC dwar il-baned tal-frekwenzi li jintużaw għal kollegamenti SAP/SAB (Service Ancillary to Broadcasting/Services Ancillary to Programme making) terrestri u temporanji tal-awdjo u tal-vidjow (inkluż l-hekk imsejjaħ Electronic News Gathering and Outside Broadcasting (ENG/OB)).

(10)  Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10).

(11)  Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


ANNESS

IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, e.i.r.p. tfisser potenza rradjata isotropika ekwivalenti, li hija l-prodott matematiku tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f'direzzjoni speċifika relattiva għal antenna isotropika (gwadann assolut jew isotropiku)

e.i.r.p. għal PMSE bil-vidjow

Tip ta' Kollegament

e.i.r.p.

Kamera mingħajr fili

– 7 dBW

Kollegament bil-vidjow portabbli

16 dBW

Kollegament bil-vidjow mobbli

10 dBW

B'mod predominanti l-aċċess għall-ispettru jista' jiġi awtorizzat bl-arranġamenti lokali. Dawk l-arranġamenti lokali jistgħu jiġu kkonfigurati biex jitqiesu fatturi bħalma huma l-post fejn jintuża l-ispettru u kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-użu tal-ispettru għal PMSE bil-vidjow jew għal servizzi eżistenti.

Jekk iċ-ċirkostanzi lokali fl-Istat Membru rilevanti u fl-Istati Membri ġirien ikunu jippermettu limiti ogħla mingħajr ma tiġi kompromessal-koeżistenza ta' dawn is-servizzi eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jadattaw il-limiti e.i.r.p. għal PMSE bil-vidjow indikati fit-tabella.


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/9


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 404/14/COL

tat-8 ta' Ottubru 2014

dwarl-Iskema ta' Inċentiv għall-Investiment fl-Iżlanda (L-Iżlanda) [2016/340]

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (l-“Awtorità”),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif tal-Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (il-“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sorveljanza u l-Qorti (“Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 7(5) u 14 tal-Parti II tiegħu,

WARA li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   FATTI

1.   KRONOLOĠIJA TAL-AVVENIMENTI

(1)

Fit-13 ta' Ottubru 2010, l-Awtorità approvat skema dwar l-inċentivi għall-investiment (l-“Iskema”) li ġiet innotifikata mill-awtoritajiet Iżlandiżi skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3. L-approvazzjoni tal-Awtorità ngħatat fid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL. (2)

(2)

L-iskema pprovdiet għall-possibbiltà tal-għoti tal-għajnuna fil-forma ta' għotjiet diretti, permezz ta' eżenzjonijiet tat-taxxa u permezz tal-bejgħ u l-lokazzjoni ta' art taħt il-livell tas-suq lill-kumpaniji fis-setturi kollha minbarra fis-settur finanzjarju. Dawn l-għotjiet ta' għajnuna kellhom isiru b'konnessjoni mal-investiment inizjali f'oqsma eliġibbli għal għajnuna reġjonali (magħrufa bħala “reġjuni-c”) fl-Iżlanda.

(3)

L-iskema skadiet fil-31 ta' Diċembru 2013.

(4)

Il-bażi ġuridika għall-Iskema li ġiet approvata mill-Awtorità kienet:

a.

L-Att Nru 99/2010 dwar Inċentivi għal Investimenti Inizjali fl-Iżlanda (“Att Nru 99/2010”), adottat mill-Parlament Iżlandiż fid-29 ta' Ġunju 2010, u li daħal fis-seħħ fit-3 ta' Lulju 2010, bil-kundizzjoni li jiġi approvat mill-Awtorità; kif ukoll

b.

Ir-Regolament Nru 985/2010 dwar Inċentivi għal Investimenti Inizjali fl-Iżlanda, maħruġ mill-Ministeru tal-Industrija fil-25 ta' Novembru 2010 (ir-“Regolament dwar l-Inċentivi”), li jikkorrispondi għal abbozz ta' regolament li kien sottomess lill-Awtorità fis-27 ta' Settembru 2010. Ir-Regolament dwar l-Inċentivi huwa biċċa leġiżlazzjoni sekondarja ibbażata fuq l-Att Nru 99/2010.

(5)

Fit-30 ta' Diċembru 2010 il-Ministeru tal-Industrija ħareġ regolament ġdid, ir-Regolament Nru 1150/2010 (ir-“Regolament Supplimentari”), li jemenda r-Regolament dwar l-Inċentivi. Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, ir-Regolament Supplimentari, kellu jiġi nnotifikat lill-Awtorità. Madankollu, l-Awtorità ma rċeviet ebda notifika.

(6)

Matul il-perjodu bejn l-2010 u l-2013, l-Istat tal-Iżlanda daħal f'numru ta' ftehimiet li huma kkunsidrati li jaqgħu taħt l-Iskema, u għaldaqstant li huma eliġibbli għal għotja ta' għajnuna magħmula taħt l-Iskema. Dawn huma dawn li ġejjin: (3)

a.

Fit-30 ta' Diċembru 2010, il-Ministru tal-Industrija, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħal fi ftehim ta' investiment ma' Becromal Iceland ehf. u Becromal Properties ehf. (issa Krossaneseignir ehf.) (flimkien magħrufa bħala “Becromal”), Stokkur Energy ehf. u Becromal S.p.A. (il-“Ftehim ta' Investiment Becromal”).

b.

Fit-30 ta' Diċembru 2010 il-Ministru tal-Industrija, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħal fi ftehim ta' investiment ma' Thorsil ehf., Timminco Ltd. u Stokkur Energy ehf. (il-“Ftehim ta' Investiment Thorsil”).

c.

Fis-17 ta' Frar 2011, il-Ministru tal-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħlu fi ftehim ta' investiment ma' Íslenska Kísilfélagið ehf., Tomahawk Development á Íslandi ehf. u GSM Enterprises LLC (il-“Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið”).

d.

Fit-22 ta' Settembru 2011, il-Ministru tal-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħal fi ftehim ta' investiment ma' Verne Real Estate II ehf. kif ukoll Verne Holdings Ldt. (il-“Ftehim ta' Investiment Verne”).

e.

Fis-7 ta' Mejju 2012 il-Ministru tal-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħlu fi ftehim ta' investiment ma' GMR Endurvinnslan ehf. (il-“Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan”).

f.

Fit-28 ta' Jannar 2013, il-Ministru tal-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi, f'isem il-Gvern tal-Iżlanda, daħlu fi ftehim ta' investiment ma' Marmeti ehf. (il-“Ftehim ta' Investiment Marmeti”).

2.   PROĊEDURA

(7)

Wara d-diskussjonijiet ta' prenotifika, u skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, fit-13 ta' Diċembru 2012 l-awtoritajiet Iżlandiżi nnotifikaw lill-Awtorità dwar sensiela ta' emendi proposti (l-“emendi nnotifikati”) għall-Att Nru 99/2010.

(8)

Matul l-eżaminazzjoni preliminari tal-emendi nnotifikati, l-Awtorità nnotat l-emendi mhux innotifikati li kienu saru għar-Regolament dwar l-Inċentivi. Madankollu, investigazzjoni ulterjuri indikat, numru ta' kwistjonijiet potenzjali dwar il-kompatibbiltà mal-liġi taż-ŻEE tal-ftehimiet ta' investiment li ġew konklużi matul l-2010-13, apparentement taħt l-Iskema.

(9)

Bid-Deċiżjoni Nru 177/13/COL tat-30 ta' April 2013, l-Awtorità fetħet investigazzjoni formali fir-rigward tal-Iskema u ftehimiet ta' investiment (id-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”). (4) L-awtoritajiet Iżlandiżi u Becromal issottomettew kummenti għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. (5) Permezz tal-Ittra ddatata l-10 ta' Ottubru 2013, l-Awtorità ressqet il-kummenti sottomessi minn Becromal lill-awtoritajiet Iżlandiżi u stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il-kummenti. Madankollu ma ġew sottomessi ebda osservazzjonijiet ulterjuri mill-awtoritajiet Iżlandiżi.

(10)

Il-kwistjoni ġiet diskussa wkoll waqt laqgħa fi Brussell fid-29 ta' April 2014 bejn l-Awtorità u r-rappreżentanti ta' Becromal.

3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

3.1.    Sfond

(11)

L-Iskema għandha l-għan li tippromwovi investiment inizjali u b'hekk toħloq impjiegi fir-reġjuni żvantaġġati tal-Iżlanda.

(12)

Din id-deċiżjoni tikkonċerna tliet settijiet ta' miżuri li ttieħdu fl-Iżlanda fir-rigward tal-Iskema: (i) l-emendi nnotifikati; (ii) l-emendi mhux innotifikati; kif ukoll (iii) il-ftehimiet ta' investiment. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk il-miżuri kinux jikkonformaw mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, u dwar jekk l-għajnuna mogħtija skont il-ftehimiet ta' investiment ingħatatx skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvat.

3.2.    L-emendi nnotifikati għall-Iskema

(13)

Fit-30 ta' Novembru 2012, il-Gvern Iżlandiż issottometta liġi lill-Parlament, li tipproponi sensiela ta' emendi għall-Iskema ta' għajnuna eżistenti. Fit-13 ta' Diċembru 2012 l-awtoritajiet Iżlandiżi ssottomettew notifika lill-Awtorità tal-emendi proposti. Il-Parlament Iżlandiż adotta l-liġi, bħala l-Att Nru 25/2013, fit-13 ta' Marzu 2013, abbażi li tidħol fis-seħħ biss ladarba l-Awtorità tiddeċiedi li tapprova l-emendi. L-emendi nnotifikati, kif deskritti f'iktar dettall fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, (6) relatati ma':

a.

It-tneħħija ta' għotjiet diretti

b.

It-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji għal 18 %

c.

It-tneħħija tat-taxxi tal-boll.

d.

It-tnaqqis b'50 % fir-rata tat-taxxa tal-proprjetà muniċipali għal proġetti ġodda ta' investiment

e.

It-tnaqqis b'50 % fit-tariffa tas-sigurtà soċjali inġenerali għal proġetti ta' investiment ġodda

(14)

Dawn l-emendi ma daħlux fis-seħħ qabel ma skadiet l-Iskema.

3.3.    L-emendi mhux innotifikati għall-Iskema

(15)

Il-Gvern Iżlandiż introduċa r-Regolament Supplimentari ftit wara l-approvazzjoni tal-Iskema mill-Awtorità

(16)

Ir-Regolament Supplimentari emenda numru ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Inċentivi, li stabbilixxa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna skont l-Att Nru 99/2010.

(17)

L-ewwel nett, ir-Regolament Supplimentari affettwa l-applikazzjoni tat-test tal-effett ta' inċentiv skont l-Iskema, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Inċentivi, billi żied referenza għal “ftehim ta' investiment speċjali” li jkun sar qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att Nru 99/2010. (7) Kif iddikjarat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-fehim preliminari tal-Awtorità kien li din l-emenda tippermetti li tingħata għajnuna għall-proġetti li nbdew qabel daħlet fis-seħħ l-Iskema.

(18)

It-tieni nett, ir-Regolament Supplimentari emenda l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-Inċentivi billi jagħmel rrefera għat-taxxa korporattiva massima applikabbli “[…] skont ftehim ta' investiment speċjali qabel ma jidħol fis-seħħ l-Att”. (8) L-Awtorità fid-deċiżjoni tal-Ftuħ kienet tal-fehma preliminari li din l-emenda dehret li tippermetti wkoll applikazzjoni retroattiva tal-Iskema, billi tintuża rata ta' taxxa korporattiva applikabbli qabel il-bidu tal-Iskema.

(19)

It-tielet nett, ir-Regolament Supplimentari emenda l-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Inċentivi. Din l-emenda affettwat id-data għall-kalkolu tal-perjodu massimu tal-eżenzjonijiet mit-taxxa permessi skont l-Iskema. (9) Kif innotat l-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, din l-emenda tidher li pprovdiet perjodu massimu tal-eżenzjonijiet mit-taxxa li jmur lura għall-iffirmar tal-ftehim qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema fl-2010.

3.4.    Il-ftehimiet ta' investiment

(20)

L-awtoritajiet Iżlandiżi pprovdew lill-Awtorità b'kopji ta' sitt Ftehimiet ta' Investiment, elenkati hawn taħt:

 

Data

Ftehim

Proġett

1

fit-30 ta' Diċembru 2010.

Il-Ftehim ta' Investiment Becromal

Impjant għall-anodizzazzjoni tal-fojl tal-aluminju fil-belt ta' Akureyri

2

fit-30 ta' Diċembru 2010.

Il-Ftehim ta' Investiment Thorsil

Produzzjoni tal-metall tas-siliċju f'Þorlákshöfn fil-muniċipalità ta' Ölfus

3

fis-17 ta' Frar 2011.

Il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið

Produzzjoni tal-metall tas-siliċjuf'Helguvík fil-muniċipalità ta' Reykjanesbær

4

fis-27 ta' Settembru 2011.

Il-Ftehim ta' Investiment Verne

Ċentru tad-dejta fil-muniċipalità ta' Reykjanesbær

5

fis-7 ta' Mejju 2012.

Il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan

Impjant tar-riċiklaġġ tal-azzar fi Grundartangi fil-muniċipalità ta' Hvalfjarðarsveit

6

fit-28 ta' Jannar 2013.

Il-Ftehim ta' Investiment Marmeti

Fabbrika tal-ħut fil-belt ta' Sandgerði

4.   MOTIVI GĦALL-BIDU TA' PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(21)

Fir-rigward tal-emendi nnotifikati stabbiliti fl-Att Nru 25/2013, il-fehma preliminari tal-Awtoritá fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet li l-emendi nnotifikati għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida, kif definit fl-Artikolu 1(c) Parti II tal-Protokoll 3. Barra minn hekk, dawn l-emendi ma setgħux jiġu kklassifikati bħala alterazzjonijiet li jistgħu jinqatgħu mill-Iskema oriġinali. Għalhekk, l-Awtorità kienet tal-fehma li l-Iskema kollha għandha titqies bħala għajnuna ġdida, li kienet titlob approvazzjoni ġdida qabel tkun tista' tiġi implimentata. (10)

(22)

Fir-rigward tal-emendi mhux innotifikati li ddaħħlu fis-seħħ bir-Regolament Supplimentari, il-fehma preliminari tal-Awtorità kienet li dawn affettwaw b'mod negattiv ir-rekwiżit tal-effett ta' inċentiv stabbilit fl-Iskema oriġinali, billi wessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema lil hinn minn dak li kien approvat bid-deċiżjoni tal-Awtorità Nru 390/10/COL. Jidher, b'mod partikolari, li r-Regolament Supplimentari ppermetta li tingħata għajnuna għal proġetti li kienu diġà nbdew qabel daħlet fis-seħħ l-Iskema.

(23)

Għalhekk, il-fehma preliminari tal-Awtorità kienet li l-emendi mhux innotifikati għall-Iskema jkollhom effett fuq il-valutazzjoni tal-Iskema li għamlet l-Awtorità meta approvatha oriġinarjament. B'mod partikolari, l-emendi se jbiddlu l-valutazzjoni tal-Awtorità tal-effett ta' inċentiv, li hija element ċentrali fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE. Bħala riżultat, l-Awtorità kellha l-fehma preliminari li l-Iskema kollha, kif emendata mir-Regolament Supplimentari, għandha tikkostitwixxi għajnuna ġdida skont il-Protokoll 3, Artikolu 1 Parti II. (11)

(24)

Sabiex tiġi analizzata l-applikazzjoni tal-effett ta' inċentiv, l-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ eżaminat il-mod li bih l-Iskema ġiet applikata minn dakinhar li daħlet fis-seħħ fl-2010. (12) F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Iżlandiżi pprovdew lill-Awtorità b'dettalji tal-ftehimiet tal-investiment li tkun daħlet fihom, fil-fehma tal-awtoritajiet Iżlandiżi, abbażi tal-Iskema.

(25)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Iskema, wara l-eżaminazzjoni tal-ftehimiet ta' investiment, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk l-applikazzjoni tal-Iskema kinitx konsistenti mal-Iskema kif approvata. Hija qalet li għandha ċerti dubji dwar jekk id-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi skont l-iskema kinux ċari biżżejjed biex jiżguraw li l-għajnuna hija limitata b'mod suffiċjenti u proporzjonata biex tiżgura li tissodisfa l-għanijiet tal-għajnuna reġjonali, u li minflok ma tikkostitwix forma ta' għajnuna operatorja. (13)

(26)

Barra minn hekk, l-Awtorità esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-liġi ŻEE tar-Regolament Supplimentari, fis-sens li dan tal-aħħar deher li jippermetti applikazzjoni retroattiva tal-Iskema fir-rigward tar-rata tat-taxxa korporattiva, kif ukoll perjodu massimu tal-eżenzjonijiet mit-taxxa li jkopru wkoll ftehimiet konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema. (14)

(27)

Għalhekk, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk l-Iskema, kif applikata, u kif emendata bir-Regolament Supplimentari u bl-Att Nru 25/2013, tistax tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. (15)

(28)

Fl-aħħar nett, rigward il-ftehimiet ta' investiment, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk ingħatatx għajnuna skont dawn il-ftehimiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema, kif ukoll jekk tali għajnuna għandhiex tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. (16)

5.   KUMMENTI RĊEVUTI MILL-AWTORITÀ

(29)

Permezz tal-ittra ddatata 8 ta' Lulju 2013, l-awtoritajiet Iżlandiżi ssottomettew kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-Awtorità. L-awtoritajiet Iżlandiżi ssottomettew ukoll kopji ta':

a.

Ftehim ta' investiment bejn l-Istat tal-Iżlanda u Becromal, iddatat 7 ta' Lulju 2009,

b.

Ftehim ta' investiment bejn l-Istat tal-Iżlanda u Kísilfélagið, iddatat 29 ta' Mejju 2009,

c.

Ftehim ta' investiment bejn l-Istat tal-Iżlanda u Verne, iddatat 29 ta' Mejju 2009,

d.

Silta ta' aħbarijiet minn Ríkisútvarpið (ix-Xandar Nazzjonali tal-Iżlanda), iddatata 4 ta' Mejju 2012, li tikkonċerna l-istatus tal-proġett Kísilfélagið.

(30)

Fit-3 ta' Ottubru 2013, l-Awtorità rċeviet kummenti minn Becromal. Becromal issottomettiet ukoll ittra mill-Ministru tal-Industrija li kien fil-kariga mill-24 ta' Mejju 2007 sal-10 ta' Mejju 2009, kopji tal-korrispondenza elettronika mal-uffiċjali tal-Ministeru tal-Industrija u pjan ta' direzzjoni tan-negozju mill-2007. Barra minn hekk, wara talba minn Becromal, saret laqgħa fi Brussell fid-29 ta' April 2014 biex tiddiskuti l-każ u s-sejbiet preliminari tal-Awtorità.

(31)

L-Awtorità ma rċevietx kummenti mill-allegati benefiċjarji l-oħra (jiġifieri Verne, Marmeti, Íslenska Kísilfélagið, Endurvinnslan u Thorsil).

5.1.    Kummenti mill-awtoritajiet Iżlandiżi

(32)

L-awtoritajiet Iżlandiżi kkummentaw dwar ir-Regolament Supplimentari u l-ftehimiet ta' investiment individwali.

(33)

L-awtoritajiet Iżlandiżi esprimew id-dispjaċir tagħhom li ebda wieħed mill-ftehimiet ta' investiment ma inkluda referenza għall-valur preżenti nett tal-għajnuna mogħtija, u li tnejn biss minn sitt ftehimiet ta' investiment (Il-Ftehim ta' Investiment Becromal u l-Ftehim ta' Investiment Verne) jirreferu għan-nefqa tal-investiment tal-proġetti rispettivi, kif mitlub mill-Iskema kif approvata. L-awtoritajiet Iżlandiżi impenjaw ruħhom li jemendaw il-ftehimiet kif xieraq u biex idaħħlu l-informazzjoni rilevanti.

(34)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi ddikjaraw li huma jirrispettaw il-fehma preliminari tal-Awtorità li ċerti dispożizzjonijiet fil-Ftehimiet ta' Investiment Kísilfélagið, Thorsil u GMR Endurvinnslan, li jipprevedu inċentivi ulterjuri minn dawk previsti fl-Att Nru 99/2010, u l-possibbiltà ta' estensjoni tal-perjodu tal-għajnuna lil hinn l-għaxar snin inizjali jew wara 13-il sena, mhumiex konsistenti mal-Iskema kif approvata. L-awtoritajiet Iżlandiżi impenjaw ruħhom li jemendaw l-investiment inkwistjoni skont il-każ u li jħassru dawn id-dispożizzjonijiet (ara t-Taqsima II.5, hawn taħt).

5.1.1.   Ir-Regolament Supplimentari

(35)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-emendi mhux innotifikati għall-Iskema, li ddaħħlet fis-seħħ mir-Regolament Supplimentari, l-awtoritajiet Iżlandiżi għamlu numru ta' kummenti u sottomissjonijiet.

(36)

L-awtoritajiet Iżlandiżi issottomettew li r-referenza għal “ftehim ta' investiment speċjali” (miżjuda mal-Artikoli 3, 8 u 20 tar-Regolament dwar l-Inċentivi mir-Regolament Supplimentari), hija relatata biss mal-preparazzjoni ta' proġett ta' investiment, li fi kwalunkwe każ kellha tissodisfa l-kriterji tal-effett ta' inċentiv tar-Regolament dwar l-Inċentivi, kif emendat mir-Regolament Supplimentari.

(37)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha ddikjarat li Becromal, Kísilfélagið u Verne jidhru li kellhom ftehimiet iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema.

(38)

F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Iżlandiżi affermaw li l-emendi introdotti għall-iskema mir-Regolament Supplimentari huma relatati biss ma' ftehim ta' investiment speċjali wieħed: ftehim li sar ma' Becromal qabel il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Investiment Becromal fit-30 ta' Diċembru 2010. L-awtoritajiet Iżlandiżi ssottomettew li l-emendi ma għandhom l-ebda fini jew effett ieħor ħlief li jakkomodaw il-proġett Becromal. Barra minn hekk, huma qalu li ebda ftehim ta' investiment speċjali ieħor ma ġie ffirmat jew se jiġi ffirmat, skont l-emendi introdotti bir-Regolament Supplimentari.

(39)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Iżlandiżi ddikjaraw li r-Regolament Supplimentari ma għandu ebda effett fuq il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið. Dawn isostnu li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið huma differenti mill-ftehim ta' investiment konkluż bejn l-Iżlanda u Kísilfélagið fid-29 ta' Mejju 2009, li kien relatat mal-eżenzjonijiet mir-Regoli tal-Kambju Internazzjonali. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Iżlandiżi kienu tal-fehma li l-ftehim ta' qabel ma jistax jiġi kkunsidrat li hu “ftehim ta' investiment speċjali” skont it-tifsira tar-Regolament Supplimentari. L-awtoritajiet Iżlandiżi żiedu f'dan ir-rigward li x-xogħol, fiż-żmien meta nkiteb, kien għadu ma nbediex fuq il-proġett li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið kien intenzjonat li jappoġġa.

(40)

B'mod simili, l-awtoritajiet Iżlandiżi qalu li r-Regolament Supplimentari ma għandu ebda effett fuq il-Ftehim ta' Investiment Verne, abbażi li ma hemm ebda ftehim ta' investiment preċedenti ffirmat ma' Verne. Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, abbozz ta' ftehim ta' investiment kien inbeda (iżda mhux iffirmat) fit-23 ta' Ottubru 2009. Għalhekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi, ddikjaraw li ma kien hemm ebda ftehim ta' investiment preċedenti ffirmat ma' Verne li jista' jikkostitwixxi “ftehim ta' investiment speċjali” skont it-tifsira tar-Regolament Supplimentari.

5.1.2.   Il-ftehimiet ta' investiment

(41)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk il-Ftehimiet ta' Investiment Verne u Becromal kinux ikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Iskema, peress li x-xogħol fuq iż-żewġ proġetti jidher li kien beda qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema fl-2010. Barra minn hekk, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk il-kriterji tal-effett tal-inċentiv neċessarju kinux issodisfati fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið. Madankollu, l-Awtorità nnotat ukoll li f'dak iż-żmien ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar l-istatus ta' dak il-proġett.

(42)

L-awtoritajiet Iżlandiżi ddikjaraw, bi tweġiba, li:

Il-proġett Becromal beda x-xogħol ta' kostruzzjoni wara l-ftehim ta' investiment li ġie konkluż fid-29 ta' Mejju 2009, qabel il-Ftehim ta' Investiment Becromal (konkluż fit-30 ta' Diċembru 2010);

Il-proġett Kísilfélagið ma kienx inbeda fiż-żmien li fih l-awtoritajiet Iżlandiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Awtorità. Il-ftehim li kien iffirmat fid-29 ta' Mejju 2009 huwa relatat ma' eżenzjoni mir-restrizzjonijiet tal-munita u ma għandu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-effett ta' inċentiv;

Barra minn hekk, ma hemm ebda rabta bejn il-Ftehim ta' Investiment Verne tas-27 ta' Settembru 2011 u l-abbozz ta' ftehim tat-23 ta' Ottubru 2009, li ġie nnotifikat lill-Awtorità, iżda li iktar tard ġie rtirat.

(43)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi sostnew li l-ftehimiet ta' investiment kollha, minbarra l-Ftehim ta' Investiment Becromal, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata (iktar milli kif emendata bir-Regolament Supplimentari), fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-Inċentivi (dwar l-għajnuna relatata mat-taxxi u imposti oħra). Għal dan l-għan, l-awtoritajiet qalu li l-emendi introdotti bir-Regolament Supplimentari, li jippermettu applikazzjoni ta' rata ta' taxxa korporattiva applikabbli qabel il-bidu tal-Iskema, ġew adottati biss għall-finijiet li jkopru ftehim ta' investiment speċjali ma' Becromal.

(44)

Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, il-proġetti kollha kienu soġġetti għal reviżjoni mill-Kumitat għall-Inċentivi, li jinkludi rappreżentanti maħtura mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru tal-Industrija u l-Innovazzjoni. Il-Kumitat evalwa jekk kull proġett issodisfax il-kriterji dwar l-eliġibbiltà stipulati fl-Att 99/2010 u fir-Regolament dwar l-Inċentivi. Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, l-Aġenzija Invest in Iceland (“Investi fl-Iżlanda”) għamlet analiżi tal-kost-benefiċċju għal kull proġett qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim. (17)

(45)

L-awtoritajiet Iżlandiżi jsostnu li għalkemm il-Ftehimiet ta' Investiment Kísilfélagið, Thorsil, GMR Endurvinnslan u Marmeti ma jirreferux b'mod espliċitu għall-ispejjeż ta' investiment tal-proġetti rispettivi u ma għandhomx dikjarazzjoni rigward l-intensitajiet tal-għajnuna kumplessiva jew tal-limitu massimu tal-għajnuna, xorta huma soġġetti għall-obbligi stretti ta' monitoraġġ biex jiżguraw użu xieraq tal-inċentivi previsti fil-ftehimiet. Il-ftehimiet jistipulaw ukoll li: jekk jiġi żvelat li l-inċentivi previsti f'dan il-Ftehim ikunu qabżu l-livelli permessi fl-Att Nru 99/2010, jew il-Ftehim, l-ammont żejjed jiġi reklamat mill-Kumpanija u l-għoti ulterjuri ta' inċentivi jitwaqqaf. (18) Għalhekk, skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, l-għajnuna mogħtija abbażi ta' dawk il-ftehimiet qatt ma setgħet taqbeż dak li kien awtorizzat skont l-Iskema.

(46)

Rigward il-Ftehim ta' Investiment Becromal, il-fehma tal-awtoritajiet Iżlandizi hija li Becromal ma ħaditx deċiżjonijiet vinkolanti rigward l-investiment ikkonċernat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema. Barra minn hekk, Becromal s'issa għadha ma ħadet ebda deċiżjoni rigward l-investiment lejn […]. Kieku Becromal kellha tiddeċiedi li tmexxi 'l quddiem l-investiment tagħha f'[…], abbażi ta' valutazzjoni indipendenti u deċiżjoni separata mill-kumpanija, l-awtoritajiet Iżlandiżi kkunsidraw li dan l-investiment ikun eliġibbli għall-appoġġ mill-Iskema, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet neċessarji kollha.

(47)

F'dak li jirrigwarda l-Ftehim ta' Investiment Verne, l-awtoritajiet Iżlandiżi esprimew il-fehma li Verne kellha inċentiv li ġġib il-proġett imsemmi fih taħt l-Iskema, fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha li tirtira mill-proġett oriġinali tagħha ta' ċentru tad-dejta u twaqqaf il-kostruzzjoni kollha fuq is-sit minħabba l-kriżi finanzjarja.

(48)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi argumentaw li l-Ftehim ta' Investiment Verne jikkonċerna proġett ġdid, mhux relatat mal-proġett oriġinali (li minn Diċembru 2009 sar kompletament barra minn żmienu). Huma jgħidu li dan il-ftehim ġdid juri karatteristiċi kuntrattwali differenti:

a.

Il-partijiet huma differenti;

b.

Ġie injettat kapital ġdid fl-entità l-ġdida stabbilita biex tibbenefika mill-Iskema;

c.

Il-livell potenzjali ta' investiment huwa iktar baxx;

d.

Jikkonċerna l-bini ġdid ta' spazju u infrastruttura ta' ċentru ta' dejta;

e.

Il-partijiet mhumiex eżentati mill-obbligi ġuridiċi bħal restrizzjonijiet fuq kontrolli tal-kapital, tariffi industrijali, tariffi ta' konnessjonijiet ta' toroq eċċ, kif ukoll

f.

Jimponi obbligi addizzjonali fir-rigward tat-trasferiment tal-ishma.

(49)

L-awtoritajiet Iżlandiżi argumentaw ukoll li l-Ftehim ta' Investiment Verne mis-27 ta' Settembru 2011 huwa iktar ristrett fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu milli l-ftehim tal-2009 fir-rigward tal-benefiċċji tal-għajnuna mill-Istat li jipprovdi. Pereżempju, it-taxxa fuq l-introjtu pagabbli hija stabbilita fir-rata ta' 20 %, milli 15 %, kif kien il-każ skont il-Ftehim tal-2009. Barra minn hekk, il-perjodu ta' żmien huwa 13-il sena (minflok 20 sena), u s-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet Iżlandiżi huma estiżi.

(50)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Iżlandiżi kienu tal-fehma li l-Ftehim ta' Investiment Verne jikkonforma għal kollox mat-termini tal-Iskema.

5.1.3.   L-emendi nnotifikati

(51)

Rigward l-emendi nnotifikati għall-Iskema wara l-adozzjoni tal-Att Nru 25/2013, l-awtoritajiet Iżlandiżi huma tal-fehma li dawn ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-Iskema sakemm l-Awtorità tkun approvathom. Madankollu, minħabba li l-Awtorità ma approvatx l-emendi nnotifikati qabel l-iskadenza tal-Iskema kollha, huma ma daħlux fis-seħħ.

5.1.4.   Miżuri ssuġġeriti

(52)

Rigward ir-Regolament Supplimentari, l-awtoritajiet Iżlandiżi esprimew ir-rieda tagħhom li jirtirawh jew jannullawh b'effett immedjat.

(53)

L-awtoritajiet Iżlandiżi ssuġġerew dan li ġej:

a.

Iċ-ċifri fil-kalkoli tal-analiżi tal-kost-benefiċċju, li għamlet l-Aġenzija Invest in Iceland, se jiddaħlu fil-ftehimiet ta' investiment, kif ukoll fi kwalunkwe ftehim fil-futur.

b.

Il-ftehimiet ta' investiment, kif ukoll kwalunkwe ftehim fil-futur, se jiġi emendat biex jipprovdi referenza għal-limitu massimu ġenerali tal-kostijiet tal-investiment eliġibbli.

c.

Id-dispożizzjoni fil-Ftehimiet ta' Investiment Kísilfélagið, Verne, GMR Endurvinnslan u Marmeti, li l-benefiċjarji għandhom “f'każ li jsiru emendi fl-Att Nru 99/2010 li jitqiesu mill-Kumpanija, bħala li jipprevedu inċentivi ulterjuri minn dak li diġà huwa stipulat fl-Att”, id-dritt li jkollhom il-ftehimiet ta' investiment tagħhom emendati u jiġu pprovduti b' “emendi ġodda li għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tal-iffirmar tal-Ftehim emendat”, se titħassar.

d.

Il-klawżola mdaħħla fil-Ftehimiet ta' Investiment Becromal u Thorsil li tippermetti l-possibbiltà ta' estensjoni tal-perjodu ta' għajnuna lil hinn mill-perjodu massimu previst fl-Iskema se titħassar.

5.2.    Kummenti minn Becromal

(54)

Becromal argumentat li l-ftehim ta' investiment tagħha jikkonforma mal-prinċipji ta' kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar Kriterji għall-Valutazzjoni Ddettaljata tal-Għajnuna Reġjonali għall-Proġetti Kbar ta' Investiment (“Il-linji Gwida LIP”). (19) Barra minn hekk, hija tgħid li l-inċentivi tal-investiment mogħtija lil Becromal huma konsistenti mal-inċentivi previsti fl-Iskema.

(55)

B'mod partikolari, Becromal qalet li l-miżuri ta' għajnuna għandhom effetti pożittivi: żieda fit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi (impjiegi diretti u indiretti), żieda fil-ħtiġijiet tat-taħriġ għall-akkwist ta' ħiliet speċifiċi, u effetti ta' raggruppament.

(56)

Becromal tikkunsidra wkoll li l-għajnuna mill-istat kienet l-istrument xieraq sabiex jinħoloq ambjent ekonomiku stabbli fl-Iżlanda u jistimola l-investimenti barranin.

(57)

Fir-rigward tal-kunċett tal-effett ta' inċentiv, Becromal ma taqbilx mar-referenza tal-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ għas-sentenza Kronoply, li abbażi tagħha l-Awtorità argumentat li tista' tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-effett ta' inċentiv b'referenza għaċ-ċirkostanza ta' natura kronoloġika. (20) Hija tgħid li dan il-każ ikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-1998 u minn dak iż-żmien, l-eżaminazzjoni ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat inbidlet bl-introduzzjoni ta' analiżi ekonomika iktar irfinata. (21) Għalhekk, meta tivvaluta l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna, l-Awtorità għandha tivvaluta wkoll in-natura ekonomika tal-għajnuna (jiġifieri jekk ikkontribwietx għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna). (22)

(58)

Barra minn hekk, Becromal issostni li x-xiri tal-art u/jew il-bini ta' impjant mhux neċessarjament jimmarka l-bidu ta' deċiżjoni ta' investiment, minħabba li tali investiment faċilment jista' jinbiegħ fi kwalunkwe ħin. Minflok, l-ordni ta' tagħmir imfassal apposta għal tip speċifiku ta' impjant għandu jikkostitwixxi l-“bidu tax-xogħol” skont it-tifsira tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (RAG). Skont Becromal, ix-xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-impjant beda fl-2008, wara li saret offerta formali mill-awtoritajiet Iżlandiżi biex jikkonkludu ftehim ta' investiment. Madankollu, fil-fehma ta' Becromal, ma ġiex ordnat tagħmir speċjalizzat qabel l-2009, meta n-negozjati għall-ftehim ta' qabel l-investiment kienu diġà nbdew.

(59)

Barra minn hekk, diġà sar investiment ta' madwar EUR 76 miljun fil-Fażi I tal-proġett Becromal. (23) […].

(60)

Becromal issottomettiet ukoll ittra ddatata fl-20 ta' Settembru 2013, mill-eks Ministru tal-Industrija, li fiha dan tal-aħħar jikkonferma li l-Gvern qabel li jikkonkludi ftehim ta' investiment mal-kumpanija fl-2007 u li x-xogħol fuq il-ftehim kien beda fl-2008. Filwaqt li kien qiegħed jiġi abbozzat ftehim ta' investiment, ġie deċiż bħala miżura interim sakemm jiġi finalizzat il-ftehim sħiħ, biex tiġi ffirmata forma eħfef ta' ftehim ta' investiment ma' Becromal li jipprovdi lill-kumpanija b'eżenzjonijiet mill-kontrolli tal-kapital.

(61)

Skont Becromal, it-talba tagħha biex tidħol fi ftehim ta' investiment komplut fl-2009 ġiet irrifjutata. Fid-dawl ta' dan, l-awtoritajiet Iżlandiżi rrifjutaw li jidħlu fi ftehim ta' investiment mal-kumpanija sakemm l-iskema ta' inċentiv għall-investiment tkun ġiet stabbilita. Barra minn hekk, skont Becromal fl-2009, ġie ffirmat ftehim ta' preinvestiment li jipprovdi lill-Becromal b'eżenzjoni mill-kontrolli tal-kapital. Il-ftehim ta' investiment komplut ma kienx iffirmat qabel l-2010, bħala konsegwenza tal-iżvilupp tal-iskema ta' inċentivi għall-investiment u l-kriżi ekonomika.

(62)

Barra minn hekk, Becromal argumentat li l-benefiċċji sħaħ tal-inċentivi skont il-ftehim għadhom ma ġewx realizzati, Skont l-informazzjoni pprovduta ma ngħatat ebda għajnuna għat-taħriġ s'issa mill-awtoritajiet Iżlandiżi, filwaqt li l-għajnuna li waslet s'issa skont il-Ftehim ta' Investiment ta' Becromal jammonta għal:

20 % tnaqqis fit-tariffi tas-sigurtà soċjali

EUR […]

Eżenzjoni mid-dazji tas-sisa

EUR […]

Tnaqqis fit-taxxi tal-boll

EUR […]

Total

EUR […]

(63)

Becromal barra minn hekk qalet li l-miżuri tal-għajnuna ma jaffettwawx il-kummerċ fiż-ŻEE, minħabba li s-suq tal-anode foils użati fil-kapasiters elettrolittiċi tal-aluminju huwa globali, u l-ikbar kompetituri huma l-kumpaniji minn […].

II.   VALUTAZZONI

1.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-VALUTAZZJONI

(64)

Fid-dawl tal-informazzjoni li waslet matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-Awtorità tikkunsidra li huwa xieraq li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tagħha.

1.1.    Skadenza tal-iskema

(65)

L-Iskema, kif approvata bid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL, skadiet fil-31 ta' Diċembru 2013.

(66)

L-emendi nnotifikati għall-iskema (stabbiliti fl-Att Nru 25/2013), ma daħlux fis-seħħ, minħabba li ma kinux approvati mill-Awtorità qabel l-iskadenza tal-Iskema stess. Għalhekk, jirriżulta li l-emendi nnotifikati ma kienu ta' ebda benefiċċju għall-kumpaniji li kienu diġà ffirmaw ftehim ta' investiment mal-awtoritajiet Iżlandiżi.

(67)

L-iskadenza tal-Iskema jfisser li mhu se jiġi konkluż ebda Ftehim taħtha.

(68)

L-Awtorità għalhekk tqis li ma għadhiex meħtieġa investigazzjoni formali tal-Iskema, mibdija skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Għaldaqstant, l-Awtorità tagħlaq l-investigazzjoni fir-rigward tal-Iskema nnifisha, minbarra f'dak li jirrigwarda l-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari.

(69)

Rigward l-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari (dwar l-applikazzjoni tal-effett ta' inċentiv skont l-Iskema, it-taxxa massima korporattiva applikabbli, u d-data għall-kalkolu tal-perjodu massimu tal-eżenzjonijiet mit-taxxa permessi taħt l-Iskema), l-Awtorità se tivvaluta (i) jekk dawn l-emendi jikkostitwux għajnuna mill-Istat u jekk iva, (ii) in-natura tal-għajnuna eżistenti tal-miżuri.

1.2.    Il-Ftehim ta' Investiment Marmeti

(70)

Il-Ftehim ta' Investiment Marmeti jikkonċerna l-kostruzzjoni u l-operat ta' fabbrika li tipproċessal-ħut f'Sandgerði. L-operazzjonijiet ta' Marmeti involvew it-tmelliħ u t-tnixxif tal-frott tal-baħar. Marmeti twaqqfet fl-2012 u bdiet l-operat tagħha fi Frar 2013. Il-kumpanija kienet operazzjonali għal 8 xhur u fit-18 ta' Frar 2014 Marmeti ġiet iddikjarata falluta.

(71)

Sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat fl-Artikoli 61 sa 63 tal-Ftehim ŻEE, l-għajnuna għandha tingħata lill-impriżi involuti fil-produzzjoni ta' prodotti taħt il-kopertura tal-prodott tal-Ftehim ŻEE. L-Artikolu 8(3) tal-Ftehim ŻEE jgħid kif ġej:

“Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss għal:

(a)

prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifika tal-Kommoditajiet, minbarra l-prodotti elenkati fil-Protokoll 2;

(b)

prodotti speċifikati fil-Protokoll 3, soġġett għal arranġamenti speċifiċi stabbiliti f'dak il-Protokoll.”

(72)

Għalhekk, l-Artikolu 8(3) tal-Ftehim ŻEE jillimita l-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-Ftehim ŻEE għall-prodotti msemmija hawn fuq, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Ftehim ŻEE. Il-ħut u l-prodotti tas-sajd, sakemm ma jaqgħux taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifika tal-Kommoditajiet (HS) jew huma speċifikati fil-Protokoll 3, jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ġenerali tal-Ftehim ŻEE. Għalkemm l-Artikolu 4 tal-Protokoll 9 tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li kwalunkwe għajnuna “[…] mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat lis-settur tas-sajd li tgħawweġ il-kompetizzjoni għandha titneħħa”, il-kompetenza li tiġi vvalutata l-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd tibqa' tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE. (24)

(73)

L-Awtorità qiegħda tifhem li l-prodotti manifatturati minn Marmeti jaqgħu taħt il-Kapitoli 03, 05, 15, 16 u 23 tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifika tal-Komoditajiet (HS) u għaldaqstant ma kinux jaqgħu taħt il-kopertura tal-prodotti tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, l-Awtorità ma għandhiex il-kompetenza li tivvaluta l-għajnuna potenzjali mogħtija taħt il-Ftehim ta' Investiment Marmeti.

(74)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tagħlaq l-investigazzjoni tagħha tal-Ftehim ta' Investiment Marmeti.

1.3.    Konklużjoni

(75)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità se tillimita l-valutazzjoni tagħha tal-emendi tal-Iskema, imressqa mir-Regolament Supplimentari, u l-impatt li dawk l-emendi kellhom fuq il-ftehimiet ta' investiment iffirmati ma' Becromal, Kísilfélagið, Verne, Thorsil u GMR Endurvinnslan (il-“ħames Ftehimiet ta' Investiment”).

2.   IL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

2.1.    Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

(76)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jgħid kif ġej:

“Ħlief jekk ikun previst mod ieħor f'dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi mill-Istat fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew li thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti, sa fejn din taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, hija inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”.

(77)

F'dan li ġej, l-Awtorità se tivvaluta jekk il-kriterji għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE humiex issodisfati għal (i) l-Iskema kif emendata bir-Regolament Supplimentari u (ii) il-ħames Ftehimiet ta' Investiment.

2.2.    Preżenza ta' riżorsi tal-Istat

(78)

Sabiex wieħed jikkwalifika għal għajnuna mill-Istat, għandu jingħata vantaġġ mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. Għal finijiet tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat, it-terminu “Stat” ikopri wkoll korpi reġjonali u lokali. (25) Telf ta' introjtu mit-taxxa huwa ekwivalenti għall-konsum ta' riżorsi tal-Istat fil-forma ta' nefqa fiskali u appoġġ mill-Istat jista' jiġi pprovdut kemm minn provvedimenti tat-taxxa ta' natura leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva kif ukoll permezz tal-prattiki tal-awtoritajiet tat-taxxa. (26) Tnaqqis fil-bażi tat-taxxa jew tnaqqis totali jew parzjali fuq l-ammont ta' taxxa, tariffi jew imposti, jinvolvi telf ta' introjtu u għalhekk huwa ekwivalenti għall-konsum tar-riżorsi tal-Istat fil-forma ta' nefqa fiskali.

2.2.1.   L-Iskema kif emendata mir-Regolament Supplimentari

(79)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL ikkonkludiet li l-Iskema kkostitwiet trasferiment ta' riżorsi mill-Istat. L-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari ma jbiddlux dik il-konklużjoni.

2.2.2.   Il-ħames Ftehimiet ta' Investiment

(80)

B'mod partikolari, il-ħames Ftehimiet ta' Investiment inkludew id-derogi li ġejjin mit-taxxi u l-imposti:

a.

Ir-rata massima ta' taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji għall-kumpanija li tinvesti fil-proġett rilevanti ġiet stabbilita fil-livell tar-rata applikabbli fiż-żmien meta ġie ffirmat ftehim bejn il-kumpanija u l-Ministeru tal-Industrija.

b.

Ingħataw derogi mir-regoli fuq id-deprezzament:

i.

Deprezzament tal-assi li ma għandhomx valur residwu, minflok ir-rata tat-taxxa statutorja fuq id-dħul ta' 10 % prevista fl-Att Nru 90/2003, u

ii.

Il-benefiċjarju jista', fis-sena meta l-assi jibdew joperaw, jagħżel li jiddepprezza tali assi b'fattur proporzjonali tad-deprezzament annwali, minflok deprezzament ta' sena sħiħa, kif mitlub mill-Artikolu 34 tal-Att 90/2003.

c.

Ingħataw eżenzjonijiet mit-tariffi industrijali stabbiliti fl-Att Nru 134/1992 u mit-tariffi tas-suq stabbiliti fl-Att Nru 160/2002.

d.

It-taxxa tal-boll fuq dokumenti relatati mal-investiment ġiet stabbilita fil-livell ta' 0,15 % minflok it-taxxa statutorja tal-boll prevista fl-Att 36/1978.

e.

Ingħataw eżenzjonijiet mit-tariffa għall-kontroll tas-sikurezza tal-elettriku stabbilita fl-Artikoli 14(1)(1), 14(1)(4) u 14(1)(5) tal-Att Nru 146/1996.

f.

Ir-rata tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà ġiet stabbilita f'livell ta' 30 % inqas mir-rata massima stabbilita fil-Kapitolu II tal-Att Nru 4/1995.

g.

It-tariffa tas-sigurtà soċjali ġenerali kienet stabbilita f'livell ta' 20 % inqas minn dak li ġie stipulat fl-Artikolu 2(3) tal-Att Nru 113/1990.

h.

Ingħataw eżenzjonijiet mid-dazji skont l-Att Nru 88/2005 u mid-dazji tas-sisa skont l-Att Nru 97/1987.

(81)

Barra minn hekk, il-Preambolu tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jirreferi għal ftehim bejn Kísilfélagið, il-Muniċipalità ta' Reykjanesbær u l-Harbour Fund Company dwar il-Ħruġ ta' Liċenzji u l-Imposti relatati mal-Proġett, inklużi prinċipji dwar taxxa fuq il-proprjetà u l-lokazzjoni tal-art. (27) Il-lokazzjoni tal-art jew il-proprjetà taħt il-prezz tas-suq tinvolvi telf ta' introjtu u għalhekk trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.

(82)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li r-riżorsi tal-Istat huma involuti wkoll fil-ħames Ftehimiet ta' Investiment.

2.3.    Preferenzi għal ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti

2.3.1.   L-Iskema kif emendata mir-Regolament Supplimentari

(83)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL ikkonkludiet li l-Iskema kienet selettiva, u kienu biss impriżi li jinvestu f'ċerti reġjuni fl-Iżlanda għal assistenza skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE li setgħu jirċievu għajnuna mingħandha. L-Awtorità tikkonkudi wkoll li l-Iskema tippermetti benefiċjari li jinħelsu minn parti tal-ispejjeż li normalment ikollhom iġorru huma stess fil-perkors tan-negozju tagħhom. Dawn l-ispejjeż inkludew il-pagament ta' rata ta' taxxa fuq il-kumpaniji fi kwalunkwe żmien, it-taxxa muniċipali standard fuq il-proprjetà u t-tariffi ġenerali applikabbli tas-sigurtà soċjali.

(84)

L-Awtorità taċċetta l-argument tal-awtoritajiet Iżlandiżi li l-emendi tal-Iskema mressqa mir-Regolament Supplimentari jestendu l-vantaġġi mogħtija skont l-Iskema lil Becromal. Għalhekk, l-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari jikkostitwixxu miżura selettiva, minħabba li jikkonċernaw kumpanija partikolari.

(85)

Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li r-Regolament Supplimentari jiffavorixxi ċerti impriżi u l-produzzjoni ta' ċerti prodotti skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

2.3.2.   Il-ħames Ftehimiet ta' Investiment

(86)

Bl-istess mod, il-benefiċjarji tal-ħames Ftehimiet ta' Investiment huma kumpaniji individwali u għalhekk il-miżuri huma selettivi.

(87)

Id-definizzjoni ta' għajnuna hija usa' minn dik ta' sussidju, minħabba li tinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess iżda wkoll miżuri tal-Istat, li f'diversi forom jagħmlu tajjeb għall-imposti li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li għalhekk, mingħajr mhuma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura u għandhom l-istess effett. (28) Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lil ċerti impriżi, għalkemm ma jinvolvux trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, u li tpoġġi lil dawk li l-eżenzjoni tapplika għalihom, f'sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn kontributuri fiskali oħra, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. (29)

(88)

Il-ħames Ftehimiet ta' Investiment ippermettew lill-benefiċjarji biex jinħelsu minn parti mill-ispejjeż li normalment ikollhom iġarrbu huma stess fil-perkors tan-negozju tagħhom, bħal pereżempju l-ħlas ta' rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji applikabbli fi kwalunkwe ħin, it-taxxa muniċipali standard fuq il-proprjetà u l-imposti ġeneralment applikabbli tas-sigurtà soċjali.

(89)

Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-ħames Ftehimiet ta' Investiment jiffavorixxu lil ċerti impriżi u l-produzzjoni ta' ċerti oġġetti skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

2.4.    Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti

(90)

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-kategorizzazzjoni ta' miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, mhux meħtieġ li wieħed juri li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti u li l-kompetizzjoni attwalment qiegħda titgħawweġ, iżda li jiġi analizzat jekk dik l-għajnuna hix probabbli li taffettwa t-tali kummerċ u li tgħawweġ il-kompetizzjoni. (30)

(91)

Barra minn hekk, meta għajnuna mogħtija minn Stat tal-EFTA ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriża oħra li tikkompeti fil-kummerċ ġewwa ż-ŻEE, din tal-aħħar għandha titqies bħala influwenzata minn dik l-għajnuna. (31)

2.4.1.   L-Iskema kif emendata mir-Regolament Supplimentari

(92)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni 390/10/COL ikkonkludiet li l-Iskema saħħet is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi appoġġati fir-reġjuni eliġibbli, meta mqabbla mal-kompetituri attwali u potenzjali fiż-ŻEE. L-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari ma jbiddlux dik il-konklużjoni.

2.4.2.   Il-ħames Ftehimiet ta' Investiment

(93)

Il-Ftehim ta' Investiment Becromal isaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva ta' Becromal fir-rigward ta' produtturi oħra ta' fojls tal-aluminju anodizzati għall-kapasiters elettrolittiċi. Kif kien ikkonfermat minn Becromal, is-suq tal-fojls tal-anodu użati fil-kapasiters elettrolittiċi tal-aluminju huwa wieħed globali u fost il-klijenti ta' Becromal hemm kumpaniji fi […] u […]. Għalhekk, il-fatt li l-ikbar kompetituri ta' Becromal huma kumpaniji minn […] ma jfissirx li ma hemmx effett fuq il-kummerċ fiż-ŻEE.

(94)

Il-Ftehim ta' Investiment Verne jsaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva ta' Verne fir-rigward ta' ċentri ta' dejta oħra stabbiliti fl-Iżlanda. Barra minn hekk, Verne topera ċentru ta' dejta globali fuq il-livell tal-operaturi fejn is-servizz se jkun disponibbli għall-klijenti fiż-ŻEE u għas-suq globali.

(95)

Il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jsaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva ta' Kísilfélagið fir-rigward ta' produtturi oħra ta' siliċju ta' grad metallurġiku u Trab tas-siliċju. Is-suq tas-siliċju ta' grad mettallurġiku u tat-trab tas-siliċju huwa globali.

(96)

Il-Ftehim ta' Investiment Thorsil isaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva ta' Thorsil fir-rigward ta' produtturi oħra ta' tas-siliċju metallurġiku. Kif innotat fil-Preambolu tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil, il-proġett kien inter alia mibdi biex tiġi ssodisfata d-domanda ikbar għas-siliċju metallurġiku fl-Ewropa u fl-Amerika ta' Fuq.

(97)

Il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan isaħħaħ is-sitwazzjoni kompetittiva ta' GMR Endurvinnslan fir-rigward ta' kumpaniji oħra tar-riċiklaġġ tal-azzar u produtturi tal-azzar. Il-kumpanija beħsiebha tesporta l-maġġoranza tal-prodotti tagħha lil xerrejja fl-industrija tal-kostruzzjoni. (32)

(98)

Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li l-ħames Ftehimiet ta' Investiment isaħħu s-sitwazzjoni ta' kompetittività tal-impriżi appoġġati fir-reġjuni eliġibbli meta mqabbla mal-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom fiż-ŻEE.

2.5.    Konklużjoni

(99)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-emendi mressqa mir-Regolament Supplimentari u l-ħames Ftehimiet ta' Investiment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

3.   L-EMENDI TAR-REGOLAMENT SUPPLIMENTARI — MIŻURA TA' GĦAJNUNA ĠDIDA

3.1.    Alterazzjoni sostanzjali tal-iskema

(100)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk għajnuna taħt il-Ftehimiet ta' Investiment ingħatawx jew le taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema, minħabba li prima facie l-ftehimiet dehru li kienu affettwati mill-emendi fl-Iskema mressqa mir-Regolament Supplimentari.

(101)

Skont l-Artikolu 1(c) Parti II tal-Protokoll 3 “alterazzjonijiet għall-għajnuna eżistenti” għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (id-“Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni”), “[…] tibdel fl-għajnuna eżistenti hija kwalunkwe bidla, minbarra modifiki ta' natura purament formali jew amministrattivi li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni”. Għalhekk alterazzjonijiet li ma jikkonċernawx is-sustanza tal-għajnuna ma jaffettwawx kif tiġi kklassifikata l-miżura.

(102)

L-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari jippermettu li tingħata għajnuna lil proġetti li x-xogħol fuqhom kien diġà nbeda qabel ma saret l-għotja ta' għajnuna — tabilħaqq qabel ma daħlet fis-seħħ l-Iskema.

(103)

L-emendi li ressaq ir-Regolament Supplimentari jbiddlu l-fatturi bażiċi tal-iskema. B'mod partikolari, tneħħa r-rekwiżit tal-Iskema tal-effett ta' inċentiv. Dan ir-rekwiżit kien parti sostanzjali mill-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna skont l-Iskema kif approvata oriġinarjament (kif deskritt fid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL).

(104)

Għalhekk, l-Awtorità hija tal-fehma li l-emendi għall-Iskema li saru mir-Regolament Supplimentari jikkostitwixxu alterazzjoni sostanzjali tal-iskema kif approvata.

(105)

Billi, skont l-Artikolu 1(c) Parti II tal-Protokoll 3, alterazzjonijiet tal-għajnuna eżistenti għandhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida, tqum il-kwistjoni jekk hix l-għajnuna eżistenti alterata li għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, jew hux l-alterazzjonijiet biss li għandhom jitqiesu bħala tali. Fis-sentenza tagħha fil-kawża ta' Ġibiltà, il-Qorti Ġenerali qalet li:

“[…] Huwa biss meta l-alterazzjoni taffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali li din tal-aħħar hija trasformata f'miżura ta' għajnuna ġdida. Ma jistax ikun hemm dubju dwar tali alterazzjoni sostantiva meta l-element ġdid b'mod ċar jista' jinqata' mill-iskema inizjali.” (33)

(106)

Konsegwentement, l-Awtorità għandha tivvaluta jekk l-alterazzjonijiet imressqa mir-Regolament Supplimentari jistgħux jinqatgħu mill-Iskema inizjali. Jekk dan huwa l-każ, l-alterazzjonijiet jikkostitwixxu bħala tali għajnuna ġdida u għaldaqstant għandhom jiġu valutati fid-dawl tal-Artikolu 61(3)(c) u l-Linji Gwida tal-Awtorità dwar Għajnuna Reġjonali għall-2007-2013 (“l-RAG tal-2007”). (34)

3.2.    Alterazzjonijiet li jistgħu jinqatgħu mill-Iskema

(107)

Skont ġurisprudenza stabbilita, alterazzjoni ta' skema tal-għajnuna eżistenti li testendiha għal kategorija ġdida ta' benefiċjarji, b'mod ċar tista' tinqata' mill-iskema inizjali, minħabba li l-applikazzjoni tal-iskema ta' għajnuna eżistenti għall-kategorija ġdida ta' benefiċjarji ma taffettwax il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema inizjali. (35)

(108)

Il-formulazzjoni emendata tal-Artikolu 3(c) tar-Regolament dwar l-Inċentivi tgħid li l-għajnuna tista' tingħata anki lil proġett li beda wara li jkun ġie konkluż ftehim ta' investiment speċjali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Supplimentari. Din l-emenda wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema lil hinn minn dak li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 390/10/COL, li ppermettiet li tingħata għajnuna għal proġetti li fuqhom diġà nbeda x-xogħol qabel daħlet fis-seħħ l-Iskema, u għalhekk li kieku ma kinux jissodisfaw it-test tal-effett ta' inċentiv stabbilit bl-Iskema approvata. Ir-Regolament Supplimentari għalhekk fetaħ l-iskema għal kategorija ġdida ta' benefiċjarji. Barra minn hekk, l-Awtorità tikkunsidra li l-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari għall-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament dwar l-Inċentivi, jiġifieri t-tnaqqis fir-rata ta' referenza għat-taxxa fuq il-kumpaniji u l-estensjoni tal-perjodu massimu tal-eżenzjonijiet fiskali, ġew introdotti biss għall-finijiet tal-kompatibbiltà tal-miżuri individwali diġà koperti mill-Iskema kif approvata.

(109)

Għalhekk l-Awtorità tikkunsidra l-emendi mressqa mir-Regolament supplimentari bħala alterazzjoni li b'mod ċar tista' tinqata' mill-Iskema inizjali. Għaldaqstant, l-Awtorità hija tal-fehma li dawn l-emendi għall-Iskema jikkostitwixxu miżura ġdida ta' għajnuna. Barra minn hekk, jirriżulta li kwalunkwe għajnuna mogħtija fuq il-bażi tar-Regolament Supplimentari se titqies ukoll bħala għajnuna ġdida.

3.3.    Kompatibbiltà tal-miżura ġdida ta' għajnuna

(110)

Għaldaqstant, l-Awtorità tipproċedi biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-emendi tal-Iskema mressqa mir-Regolament Supplimentari.

(111)

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 390/10/COL li tapprova l-Iskema, l-Awtorità tgħid li:

“L-Iskema teskludi l-għoti ta' għajnuna għal proġetti li jkunu diġà nbdew qabel ma jkun daħal fis-seħħ ftehim mal-awtoritajiet Iżlandiżi, b'konformità mal-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Inċentivi”. (36)

(112)

Barra minn hekk, l-Awtorità f'dik id-Deċiżjoni rreferiet għal asserzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Iżlandiżi dwar l-effett ta' inċentiv tal-Iskema, kif ġej:

“Barra minn hekk, ebda għajnuna mhi se tingħata taħt l-Iskema għal proġetti li x-xogħol fuqhom inbeda qabel l-iffirmar ta' ftehim bejn l-Istat u l-benefiċjarju dwar l-għoti ta' għajnuna. L-awtoritajiet Iżlandiżi kkonfermaw li l-iskema teskludi l-għoti ta' għajnuna għal proġetti li nbdew qabel il-pubblikazzjoni tat-test finali tal-Iskema b'konformità mal-paragrafu 93 skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”. (37)

(113)

Ir-rekwiżiti u l-metodi għall-verifika tal-eżistenza tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna, kif stabbilit mill-RAG tal-2007, kienu prekundizzjoni għall-approvazzjoni tal-Iskema mill-Awtorità. Madankollu, iż-żieda tar-Regolament Supplimentari tat-test ġdid “jew skont ftehim ta' investiment speċjali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att” fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Inċentivi jippermetti li jkun hemm għajnuna li tingħata għal proġetti li kienu nbdew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema.

(114)

Barra minn hekk, l-emenda li għamel ir-Regolament Supplimentari għall-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-Inċentivi tbiddel ir-rata ta' referenza għat-taxxa fuq il-kumpaniji li tista' tiġi ggarantita lil benefiċjarju bħala rata ta' taxxa massima. Skont il-verżjoni emendata tal-Artikolu, ir-rata ta' referenza fil-każ ta' “ftehim ta' investiment speċjali” hija rata ta' taxxa tal-kumpaniji fis-seħħ f'punt ta' żmien qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema. Skont il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu, ir-rata ta' referenza kienet tkun ir-rata tat-taxxa fiż-żmien li fih kien iffirmat il-ftehim ta' investiment skont l-Iskema. L-Awtorità tikkunsidra li r-Regolament Supplimentari jbiddel it-termini tal-għajnuna għal kwalunkwe benefiċjarju ġdid li jinġieb taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema mill-emendi tar-Regolament Supplimentari.

(115)

Fl-aħħar nett, l-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari għall-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-Inċentivi jipprevedu perjodu massimu ta' eżenzjonijiet mit-taxxa li jmur lura għall-iffirmar tal-ftehim qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema fl-2010. Dawn l-emendi b'mod simili jbiddlu t-termini tal-għajnuna għal kwalunkwe benefiċjarju ġdid li jinġieb taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema mill-emendi introdotti bir-Regolament Supplimentari.

(116)

L-Awtorità hija tal-fehma li l-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari jxekklu t-test tal-effett ta' inċentiv stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Att 99/2010, kif approvat mill-Awtorità. Barra minn hekk, dawn l-emendi jbiddlu r-rekwiżit oriġinali tal-effett ta' inċentiv tal-Iskema sal-punt fejn il-kundizzjonijiet tal-effett ta' inċentiv deskritti fil-paragrafu 30 tal-RAG tal-2007 (38) ma jibqgħux iktar issodisfati.

(117)

Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li l-emendi magħmula mir-Regolament Supplimentari għall-Artikoli 3, 8 u 20 tal-Iskema huma għajnuna ġdida li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tiegħu u l-RAG tal-2007.

(118)

Jirriżulta li kwalunkwe għajnuna mogħtija abbażi tal-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari hija wkoll inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) u l-RAG tal-2007.

(119)

L-Awtorità issa tipproċedi biex teżamina l-ħames Ftehimiet ta' Investiment.

4.   IL-FTEHIM TA' INVESTIMENT BECROMAL

4.1.    Effett tar-Regolament Supplimentari

(120)

Il-Ftehim ta' Investiment Becromal jirreferi għal investiment f'impjant tal-anodizzazzjoni tal-fojl tal-aluminju li għandu jinbena fil-belt ta' Akureyri f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi kellha tintemm sal-aħħar ta' Marzu 2011 u t-tieni fażi għandha tintemm sal-aħħar tas-sena 2014, għal kost ta' investiment totali ta' madwar EUR 117,25 miljun. (39)

(121)

It-Taqsimiet D, H u I tal-Preambolu tal-Ftehim ta' Investiment Becromal jirreferu għal ftehim ta' investiment preċedenti fuq l-istess proġett, li fih daħlu l-istess partijiet fis-7 ta' Lulju 2009.

(122)

Kif innotat qabel, l-awtoritajiet Iżlandiżi ddikjaraw li r-Regolament Supplimentari ġie adottat għall-finijiet tal-estensjoni tal-Iskema għall-proġett Becromal. Fil-fehma tagħhom, l-awtorizzazzjoni lil Becromal biex tapplika għal inċentivi taħt l-Iskema kienet neċessarja sabiex l-awtoritajiet Iżlandiżi jonoraw l-obbligi kuntrattwali tagħhom ma' Becromal.

(123)

Ir-referenzi għal “ftehim ta' investiment speċjali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att” għaldaqstant żdiedu mar-Regolament dwar l-Inċentivi mir-Regolament Supplimentari, sabiex tiġi akkomodata Becromal. Għaldaqstant, Becromal setgħet tilħaq biss it-test tal-inċentiv stabbilit mill-Iskema bis-saħħa tal-emendi introdotti mir-Regolament Supplimentari.

(124)

L-Awtorità diġà kkonkludiet li l-alterazzjonijiet għall-Iskema mressqa mir-Regolament Supplimentari jikkostitwixxu għajnuna ġdida li tista' tinqata' mill-Iskema. Jirriżulta li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Becromal b'mod simili ssir għajnuna ġdida, minħabba li dan il-Ftehim ġie konkluż skont il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Inċentivi biss kif emendat mir-Regolament Supplimentari.

(125)

L-Awtorità diġa kkonkludiet li kwalunkwe għajnuna mogħtija abbażi tal-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari hija għajnuna ġdida li hija inkompatibbli mal-Ftehim ŻEE. Jirriżulta li l-Ftehim ta' Investiment Becromal jikkostitwixxi wkoll għajnuna inkompatibbli, minħabba li ma jissodisfax it-test tal-effett ta' inċentiv stabbilit fl-Iskema kif approvata, u għaldaqstant ma jistax jaqa' taħt dan il-kamp ta' applikazzjoni.

(126)

Għall-fini ta' kompletezza u sabiex jiġu indirizzati l-argumenti mressqa minn Becromal u l-awtoritajiet Iżlandiżi, l-Awtorità vvalutat il-Ftehim ta' Investiment Becromal alternattiv bħala miżura ad hoc. Għal dan il-għan, l-Awtorità tirreferi għall-RAG tal-2007 u b'mod partikolari għar-rekwiżit tal-effett ta' inċentiv li jinsab fih.

4.2.    Effett ta' inċentiv

(127)

Kif innotat hawn fuq, il-Ftehim ta' Investiment Becromal jirreferi għall-ftehim preċedenti tas-7 ta' Lulju 2009. Iż-żewġ ftehimiet jiffurmaw parti mill-istess proġett li l-Awtorità tqis li jikkostitwixxi “proġett ta' investiment uniku” skont it-tifsira tal-paragrafu 49 u n-nota ta' qiegħ il-paġna 47 tal-RAG tal-2007.

(128)

Skont il-paragrafu 30 tal-RAG tal-2007, l-eżistenza tal-effett ta' inċentiv huwa prekundizzjoni neċessarja għall-kompatibbiltà:

“Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna reġjonali tipproduċi effett ta' inċentiv reali li jwettaq investimenti li kieku ma kinux isiru fiż-żoni assistiti. Għalhekk, l-għajnuna tista' tingħata biss taħt skema tal-għajnuna jekk il-benefiċjarju jkun issottometta applikazzjoni għal għajnuna u l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, soġġett għal verifika ddettaljata, il-proġett fil-prinċipju jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stabbiliti mill-iskema qabel il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett. Għandha tiġi inkluża wkoll referenza espressa għaż-żewġ kundizzjonijiet fl-iskemi tal-għajnuna kollha. Fil-każ ta' għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti kellha toħroġ ittra ta' intenzjoni, soġġetta għall-approvazzjoni tal-miżura mill-Awtorità, biex tingħata għajnuna qabel jibda x-xogħol fuq il-proġett. Jekk ix-xogħol jibda qabel jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna”.

(129)

F'konformità mal-prattiki tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità, ittra ta' intenzjoni skont it-tifsira tal-RAG tal-2007 tista' tiġi deskritta bħala “dokument li jista' jiġi kkunsidrat bħala li espliċitament jagħti għajnuna lil [il-kumpanija] għall-investiment.” (40) Barra minn hekk, skont il-paragrafu 30 tal-RAG tal-2007 tali ittra ta' intenzjoni għandha tintbagħat lill-Awtorità għall-approvazzjoni qabel ma tingħata l-għajnuna.

(130)

L-għan tal-paragrafu 30 tal-RAG tal-2007 huwa li jagħmel possibbli għall-Awtorità li taċċerta jekk għajnuna għall-investiment għandhiex biżżejjed effett ta' inċentiv, mingħajr ma tagħmel analiżi sħiħa taċ-ċirkostanzi ekonomiċi tad-deċiżjoni ta' investiment tal-benefiċjarju fiż-żmien meta saret. (41) Jekk tali assigurazzjonijiet ma jingħatawx u jibda x-xogħol, “il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna”; jiġifieri l-proġett bħala tali ma jkunx eliġibbli. Għalhekk, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Kronoply, l-Awtorità tista' tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-effett ta' inċentiv billi tagħmel referenza għal ċirkostanza ta' natura kronoloġika. (42)

(131)

Becromal argumentat li l-valutazzjoni ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat inbidlet, bl-introduzzjoni ta' analiżi ekonomika iktar irfinata b'tali mod li meta jiġi vvalutat l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna, l-Awtorità għandha tivvaluta n-natura ekonomika tagħha (jiġifieri jekk ikkontribwietx għall-bidla fl-imġiba tal-benfiċjarju tal-għajnuna), filwaqt li jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida LIP. L-Awtorità ma tistax taċċetta dan l-argument.

(132)

Becromal tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'HGA  (43) biex targumenta li: “[…]il-Qorti, fl-analiżi tagħha tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tgħid li l-fattur determinat biss dwar jekk il-miżura ta' għajnuna kellhiex effett ta' inċentiv, kien li tivverifika jekk bidlitx l-imġiba tal-investitur u warrbet ir-referenzi kollha li l-Qorti Ġenerali kienet għamlet għall-Kawża Kronoply”. (44)

(133)

Madankollu, il-fehim ta' Becromal tas-Sentenza HGA jwarrab is-sejba espliċita tal-Qorti tal-Ġustizzja li “[…] ir-rekwiżit li l-proġett ta' investiment jista' jibda qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna huwa kriterju sempliċi, rilevanti u adattat li jippermetti lill-Kummissjoni tassumi li l-għajnuna ppjanata hija neċessarja” ma kienx kwistjoni fil-proċeduri tal-appell. (45)

(134)

Barra minn hekk, il-Prim'Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Nuova Agricast ddeċidiet li: “Il-kostatazzjoni ta' nuqqas ta' ħtieġa ta' għajnuna tista' b'mod partikolari toħroġ mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew saħansitra mitmum, mill-impriża kkonċernata qabel ma t-talba għal għajnuna tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti”. Il-Qorti qalet ukoll li: “[it-tali każ] jeskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kkonċernata jkollha rwol ta' tħajjir”. (46) L-Awtorità għalhekk hija tal-fehma li f'dan il-każ, huwa xieraq li tibbaża s-sejbiet tagħha tal-inkompatibbiltà fuq il-valutazzjoni kronoloġika: b'mod partikolari li (i) it-test tal-inċentiv stabbilit fl-RAG tal-2007 ma ġiex issodisfat, u li (ii) x-xogħol beda fuq il-proġett qabel il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Investiment u l-għoti tal-għajnuna.

(135)

L-Awtorità tirrifjuta wkoll l-argument ta' Becromal li l-Awtorità għandha teżamina l-proġett fid-dawl tal-Linji Gwida LIP u tapplika t-test tal-effett ta' inċentiv stabbilit fih. L-Awtorità tinnota li għal ċerti proġetti kbar ta' investiment, it-test tal-effett ta' inċentiv stabbilit fil-paragrafu 30 tal-RAG tal-2007 (ibbażat fuq rekwiżit kronoloġiku li saret applikazzjoni u l-eliġibbiltà ġiet ikkonfermata qabel jibda x-xogħol) huma ssupplimentat mit-tieni test, li huwa ekonomiku fin-natura tiegħu (ibbażat fuq analiżi ekonomika li l-għajnuna tikkontribwixxi għat-tibdil fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna), previst fil-paragrafu 57 tal-RAG u l-Linji Gwida LIP.

(136)

Il-Linji Gwida LIP jipprevedu valutazzjoni ddettaljata għal ċerti proġetti kbar ta' investiment, jiġifieri dawk li għandhom effett sinifikanti fuq il-kummerċ u li jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ sostanzjali tal-kompetizzjoni. (47) L-analiżi tal-effett ta' inċentiv f'dawn il-każijiet hija deskritta fil-paragrafu 19 tal-Linji Gwida LIP; hija “[…] se ssir fuq żewġ livelli: l-ewwel, fuq livell ġenerali, proċedurali, u, t-tieni, fuq livell ekonomiku iktar iddettaljat”. Jirriżulta li barra mill-applikazzjoni sottomessa qabel jibda x-xogħol fuq proġett, hija meħtieġa wkoll analiżi ekonomika ddettaljata għal ċerti proġetti kbar ta' investiment.

(137)

Skont il-paragrafu 3 tal-Linji Gwida LIP u l-paragrafu 49 tal-RAG tal-2007, proġett ta' investiment kbir huwa investiment inizjali b'nefqa eliġibbli ta' iktar minn EUR 50 miljun. Kif intqal qabel, il-Ftehim ta' Investiment Becromal jirreferi għal EUR 117.25 miljun bħala l-kost totali għall-investiment għaż-żewġ fażijiet tal-proġett. Madankollu, la Becromal u lanqas l-awtoritajiet Iżlandiżi ma ssottomettew ebda informazzjoni lill-Awtorità dwar l-intensità tal-għajnuna jew dwar il-kostijiet eliġibbli involuti fil-proġett. Dawn ma pprovdew lanqas ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-obbligu ta' verifika ddettaljata stabbilit fil-Linji Gwida LIP, li jirreferu għalih il-paragrafi 57 (a) u (b) tal-RAG tal-2007 (jiġifieri li l-benefiċjarju tal-għajnuna jammonta għal iktar minn 25 % tal-prodotti kkonċernati fis-suq ikkonċernat, u li l-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett hija iktar minn 5 % tas-suq għall-prodott ikkonċernat). Fil-fehma tal-Awtorità, ma hemm xejn li jindika li l-proġett Becromal jaqbeż il-limitu previst fil-paragrafu 57 tal-Linji Gwida tal-2007.

(138)

L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li l-analiżi ddettaljata prevista fil-Linji Gwida LIP ma tapplikax għall-Ftehim ta' Investiment Becromal.

(139)

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza u t-test tal-RAG tal-2007, huwa biżżejjed li jiġi aċċertat jekk saritx applikazzjoni għal għajnuna mill-benefiċjarju u jekk ingħatatx konferma bil-miktub mill-awtorità awtorizzanti soġġetta għall-approvazzjoni tal-miżura mill-Awtorità, qabel beda x-xogħol fuq il-proġett.

(140)

L-RAG tal-2007 jiddefinixxi t-terminu “bidu tax-xogħol” bħala “l-bidu ta' xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-ewwel impenn sod biex jiġi ordnat tagħmir, minbarra studji preliminari dwar fattibbiltà.”

(141)

Kif kien ikkonfermat mill-awtoritajiet Iżlandiżi u Becromal, ix-xogħol ta' kostruzzjoni kien beda fuq il-proġett Becromal fl-2008, anki qabel l-iffirmar tal-ftehim preċedenti fis-7 ta' Lulju 2009.

(142)

L-Awtorità ma tistax taċċetta l-argument ta' Becromal li l-“bidu tax-xogħol” għandu jiġi limitat għall-ordni ta' tagħmir maħsub apposta għal proġett speċifiku, u li x-xiri ta' art u/jew il-bini ta' impjant mhux neċessarjament jimmarka l-bidu ta' deċiżjoni ta' investiment minħabba li tali investiment jista' faċilment jinbiegħ fi kwalunkwe żmien. Din l-interpretazzjoni stretta mhix konsistenti mat-test tal-RAG tal-2007. Kif innotat hawn fuq, l-RAG tal-2007 jiddefinixxi b'mod ċar “bidu tax-xogħol” bħala jew “il-bidu ta' xogħol ta' kostruzzjoni jew l-ewwel impenn sod għall-ordni ta' tagħmir […]”. Din l-interpretazzjoni hija appoġġata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li anki livell żgħir ta' investiment mill-benefiċjarju huwa biżżejjed biex ikun hemm effetti ġuridiċi, u għaldaqstant jitqies li jikkostitwixxi l-ewwel stadju tax-xogħol. (48)

(143)

Barra minn hekk, l-informazzjoni disponibbli għall-Awtorità turi li Becromal bdiet il-kostruzzjoni fuq l-impjant tagħha fil-bidu tal-2008, (49) filwaqt li l-proċedura ta' reklutaġġ tagħha bdiet iktar tard dik is-sena. (50) Matul l-2008, Becromal daħlet fi ftehimiet ma' kuntratturi għat-tagħmir neċessarju. (51)

(144)

Dawn iċ-ċirkostanzi jappoġġaw il-fehma tal-Awtorità li għajnuna reġjonali ma kinitx l-uniku fattur motivazzjonali għall-investiment ta' Becromal fil-belt ta' Akureyri. Għall-kuntrarju, ix-xogħol fuq il-proġett kien mibdi minn Becromal mingħajr ma ġiet sottomessa ebda talba għall-għajnuna lill-awtoritajiet Iżlandiżi, u mingħajr ma ttieħed ebda impenn mill-awtoritajiet Iżlandiżi biex jagħtu għajnuna reġjonali.

(145)

Barra minn hekk, skont l-Iskema stess: “applikazzjoniet għall-għajnuna [biss] li jkunu waslu, flimkien mad-dokumenti neċessarji kollha biex tiġi vvalutata l-applikazzjoni, qabel jibda x-xogħol fuq il-proġett ta' investiment, se jiġu kkunsidrati sabiex jirċievu għajnuna reġjonali skont l-iskema”. (52) Minħabba li x-xogħol kien diġà beda fuq il-proġett ta' investiment Becromal qabel is-sottomissjoni ta' applikazzjoni għall-għajnuna, l-Awtorità tikkonkludi li l-proġett ma ssodisfax it-test tal-inċentiv u għalhekk ma kienx eliġibbli biex jirċievi għajnuna reġjonali skont l-Iskema kif approvata.

(146)

L-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni li tippermettilha tivverifika jekk l-awtoritajiet Iżlandiżi impenjawx ruħhom li jagħtu għajnuna għall-proġett qabel jibda x-xogħol. Becromal qalet li kienet irċeviet talba formali mill-awtoritajiet Iżlandiżi, li tistedinha biex tikkonkludi ftehim ta' investiment qabel ma jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit. Madankollu, la Becromal u lanqas l-awtoritajiet Iżlandiżi ma ssottomettew ebda evidenza tat-tali talba lill-Awtorità.

(147)

Kif innotat fil-premessa 141, l-awtoritajiet Iżlandiżi daħlu għall-ewwel darba fi ftehim ta' investiment ma' Becromal fis-7 ta' Lulju 2009. Dan il-ftehim, ipprovda lil Becromal b'assigurazzjonijiet li l-awtoritajiet Iżlandiżi kienu impenjati li jidħlu fi ftehim ta' investiment komplut mal-kumpanija. Għalkemm Becromal issottomettiet lill-Awtorità ittra ddatata 20 ta' Settembru 2013, mill-eks Ministru tal-Industrija, li fiha dan tal-aħħar jgħid li l-Gvern qabel li jikkonkludi ftehim ta' investiment mal-kumpanija fl-2007 u li x-xogħol fuq il-ftehim kien beda fl-2008, din id-dikjarazzjoni mhix appoġġata minn ebda dokument kontemporanju, li jista' juri li ngħataw inċentivi speċifiċi lil Becromal qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett. Fi kwalunkwe każ, l-Awtorità ma tatx l-approvazzjoni tagħha tal-miżura qabel ma beda x-xogħol fuq il-proġett.

(148)

Għalhekk, f'dan il-każ, la l-awtoritajiet Iżlandiżi u lanqas Becromal ma wrew li jeżistu ċirkostanzi li (minkejja li beda x-xogħol qabel ingħatat l-għajnuna) jistgħu jiżguraw li t-test għall-effett ta' inċentiv xorta ġie ssodisfat. (53)

(149)

L-Awtorità għaldaqstant tikkonkludi li l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv mhix issodisfata fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Becromal.

4.3.    Konklużjoni

(150)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Becromal hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c).

5.   L-ERBA' FTEHIMIET TA' INVESTIMENT OĦRA — MIŻURI AD HOC

5.1.    Il-Ftehim ta' Investiment Verne

5.1.1.   Effett tal-emendi tar-Regolament Supplimentari

(151)

L-awtoritajiet Iżlandiżi qalu li l-emendi fl-Iskema mressqa mir-Regolament Supplimentari ma għandhom ebda impatt fuq il-Ftehim ta' Investiment Verne. Dawn jagħmlu dan l-argument abbażi li l-Ftehim ta' Investiment Verne jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata. Filwaqt li l-Awtorità taċċetta l-ewwel argument tal-awtoritajiet Iżlandiżi f'dan ir-rigward, ma tistax taċċetta li l-Ftehim ta' Investiment Verne jissodisfa t-test tal-inċentiv stabbilit mill-Iskema approvata.

(152)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Awtorità ħadet nota tal-fatt li għalkemm il-Ftehim ta' Investiment Verne ma jirreferix għal ftehim preċedenti, xorta jidher li jikkonċerna l-istess proġett ta' investiment jew proġett ta' investiment simili bħal dak li kien is-soġġett ta' deċiżjoni preċedenti adottata mill-Awtorità: id-Deċiżjoni Nru 418/10/COL. (54)

(153)

Il-proġett ta' investiment inizjali beda fis-26 ta' Frar 2008 bl-iffirmar ta' ftehim ta' xiri ta' proprjetà, li permezz tiegħu Verne xtrat ħames binjiet mill-Istat Iżlandiż għall-finijiet li tistabbilixxi ċ-ċentru ta' dejta tagħha. Ftehim ta' investiment kien mibdi fit-23 ta' Ottubru 2009. (55) Iktar tard il-proġett twaqqaf u reġa' ġie introdott bl-iffirmar tal-Ftehim ta' Investiment Verne fis-27 ta' Settembru 2011, sabiex, skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, jiġi kopert mill-Iskema kif approvata.

(154)

Il-proġett, kif ippjanat oriġinarjament, ikkonċerna l-kostruzzjoni ta' ċentru ta' dejta fuq il-livell tal-operatur b'densità qawwija ħafna fil-muniċipalità ta' Reykjanesbær. Skont il-Ftehim ta' Investiment Verne, il-lokalità tal-proġett ma nbidlitx. L-istess binjiet għandhom jintużaw għall-ikkompletar tal-proġett, kif indikat b'mod ċar fil-preambolu kemm tal-Ftehim ta' Investiment tal-2009 kif ukoll il-Ftehim ta' Investiment Verne. (56) Barra minn hekk, il-partijiet ewlenin tal-ftehim (jiġifieri Verne Real Estate II ehf. (“VRE II”) u Verne Holdings Ltd) huma l-istess. Barra minn hekk, iż-żewġ ftehimiet ta' investiment għandhom għan komuni identifikat ċar: li jipprovdu servizzi ta' ċentru ta' dejta kritiċi għall-missjoni lis-suq globali tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

(155)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità ma tistax taċċetta l-argument tal-awtoritajiet Iżlandiżi li hemm differenzi materjali bejn iż-żewġ proġetti. L-awtoritajiet Iżlandiżi ma pprovdewx lill-Awtorità b'informazzjoni konvinċenti f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-Awtorità ma tistax taċċetta l-argument tal-awtoritajiet Iżlandiżi li, peress li l-Ftehim ta' Investiment Verne huwa relatat biss ma' bini ġdid ta' spazju u infrastruttura tad-dejta, għandha tikkonċerna proġett ġdid.

(156)

Skont l-RAG 2007: “[…] Sabiex jiġi evitat li proġett ta' investiment kbir ikun diviż artifiċjalment f'subproġetti sabiex wieħed jaħrab id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-linji gwida, proġett ta' investiment kbir se jkun ikkunsidrat bħala proġett ta' investiment uniku meta l-investiment inizjali jsir f'perjodu ta' tliet snin minn kumpanija waħda jew iktar u jikkonsisti f'assi fissi kkombinati f'mod ekonomikament indiviżibbli”. (57)

(157)

Barra minn hekk, “[…] sabiex jiġi vvalutat jekk investiment inizjali hux ekonomikament indiviżibbli, l-Awtorità se tikkunsidra r-rabtiet tekniċi, funzjonali u strateġiċi u l-prossimità ġeografika immedjata. L-indiviżibbiltà ekonomika se tiġi vvalutata indipendentement mis-sjieda.” (58) Kif ġie nnotat qabel, il-post u n-natura tal-proġett ma nbidlux, filwaqt li l-partijiet ewlenin huma l-istess kemm fil-ftehim tal-2009 kif ukoll fil-ftehim tal-2011. L-awtoritajiet Iżlandiżi enfasizzaw il-fatt li l-livell potenzjali ta' investiment issa huwa iktar baxx — peress li t-tliet fażijiet oriġinarjament ippjanati għall-kostruzzjoni ta' ċentru ta' dejta fil-livell tal-operaturi ġie sostitwit mill-iżvilupp ad hoc ta' moduli iżgħar, u li Verne, bħala parti mill-istrateġija ta' investiment ġdida, attivament fittxet li terga' tbiegħ lura binjiet lill-awtoritajiet lokali, għall-finijiet li ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja tagħha. Madankollu, dan ma jirrifletti ebda differenza teknika, funzjonali jew strateġika bejn il-proġett ta' investiment oriġinali jew il-Proġett fil-Ftehim ta' Investiment Verne. Għall-kuntrarju, abbażi tal-informazzjni quddiemha, l-Awtorità tqis dan l-iżvilupp bħala politika jew deċiżjoni kummerċjali li tirriżulta mill-isforzi tal-kumpanija biex tirrispondi għall-klijenti tagħha. (59)

(158)

Fl-aħħar nett, skont l-RAG tal-2007: “[…] sabiex jiġi stabbilit jekk proġett ta' investiment kbir jikkostitwix proġett ta' investiment uniku, il-valutazzjoni għandha tkun l-istess irrispettivament minn jekk il-proġett sarx minn impriża waħda, minn iktar minn impriża waħda li qasmu l-kost tal-investiment jew minn iktar impriżi li ġarrbu l-kostijiet tal-investimenti separati fl-istess proġett ta' investiment (pereżempju fil-każ ta' impriża konġunta)”. (60) Għaldaqstant, l-Awtorità tqis kwalunkwe divrenzjar fir-rigward tal-partijiet kontraenti bħala irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-indiviżibbiltà ta' proġett ta' investiment.

(159)

L-awtoritajiet Iżlandiżi jirreferu wkoll għal injezzjoni ġdida tal-kapital f'VRE II fl-aħħar tal-2011, u argumentaw li din tikkostitwixxi bidla strutturali fil-proġett ta' investiment oriġinali. Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, VRE II hija entità ġdida, imwaqqfa fl-2011 sabiex tibbenefika mill-Iskema, wara l-finalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' Verne fl-Iskema. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni possibbli min-naħa tal-Awtorità biex tibda investigazzjoni separata dwar l-injezzjoni msemmija, l-Awtorità tifhem li din l-injezzjoni tkopri l-kostijiet eliġibbli addizzjonali tal-proġett ikkonċernat. Madankollu, l-Awtorità tenfasizza li, b'konformità mal-RAG tal-2007, il-kostijiet eliġibbli totali għandhom jiġu determinati f'ċertu ammont qabel jibda l-proġett. Malli jibda l-proġett, mhux possibbli li dawn il-kostijiet eliġibbli jiżdiedu b'mod artifiċjali u l-ammont tal-għajnuna, minħabba li l-effett ta' inċentiv tat-tali għajnuna jiġi vvalutat fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

(160)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi jgħidu li l-Proġett ta' Investiment Verne jimponi ċerti obbligi li ma kinux parti mill-ftehim preċedenti. Għalhekk, l-Awtorità tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Investiment Verne dwar l-impożizzjoni ta' obbligi legali, bħal restrizzjonijiet fuq kontrolli kapitali, imposti industrijali, imposti għall-konnessjoni tat-triq, eċċ u/jew l-impożizzjonijiet ta' obbligi addizzjonali fir-rigward tat-trasferiment ta' ishma, jikkostitwixxu bidliet amministrattivi li ma jbiddlux in-natura tal-proġett oriġinali skont il-ftehim preċedenti.

(161)

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-għajnuna mill-Istat humiex differenti jew le ma tagħmilx differenza għall-finijiet tal-valutazzjoni tan-natura tal-investiment tal-proġett. L-Awtorità tinnota li l-Ftehim ta' Investiment Verne jipprevedi termini differenti fir-rigward tat-taxxa tad-dħul pagabbli mill-kumpanija jew il-perjodu tal-ftehim. Madankollu, kif ikkonfermaw l-awtoritajiet Iżlandiżi, dan sar sabiex ikun konformi mat-termini tal-Iskema. Għalhekk, la jbiddel in-natura tal-investiment tal-proġett u lanqas ma jipprova li dan hu proġett ġdid mhux relatat.

(162)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkunsidra l-Ftehim ta' Investiment Verne bħala investiment addizzjonali għax-xogħol li kien diġà nbeda bix-xiri tal-binjiet fis-26 ta' Frar 2008.

(163)

L-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni addizzjonali, la mill-awtoritajiet Iżlandiżi u lanqas minn Verne, biex tissostanzja l-pretensjoni tagħhom li dan hu proġett ta' investiment ġdid. B'mod partikolari, il-Partijiet ma pprovdew ebda informazzjoni tali li tipperswadi lill-Awtorità li jista' jkun possibbli li jiġu divrenzjati l-attivitajiet ta' Verne abbażi tal-karatteristiċi tekniċi, funzjonali u strateġiċi.

(164)

Kif kien innotat qabel, l-Iskema kif approvata, eskludiet kwalunkwe għoti ta' għajnuna għal proġetti meta x-xogħol inbeda qabel ma kumpanija daħlet fi ftehim mal-awtoritajiet Iżlandiżi skont l-Iskema. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi kkonfermaw li l-Iskema teskludi l-għoti ta' għajnuna għal proġetti li bdew qabel id-data tal-pubblikazzjoni tat-test finali tal-Iskema. Għalhekk, l-Awtorità hija tal-fehma li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil Verne setgħet biss issodisfat it-test tal-inċentiv stabbilit fl-Iskema bis-saħħa tal-emendi introdotti mir-Regolament Supplimentari. (61)

(165)

Madankollu, fid-dawl tal-asserzjoni tal-awtoritajiet Iżlandiżi li l-proġett Verne mhux kopert mill-emendi tar-Regolament dwar l-Inċentivi li saru mir-Regolament Supplimentari, il-Ftehim ta' Investiment Verne għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema, kif approvata, minħabba li l-proġett kien beda ħafna qabel id-data tal-pubblikazzjoni tat-test finali tal-Iskema. Għaldaqstant, l-Awtorità se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-Ftehim ta' Investiment Verne bħala miżura ta' għajnuna ġdida, ad hoc.

5.1.2.   Proġett ta' Investiment Kbir — il-bżonn ta' analiżi ddettaljata

(166)

Skont il-paragrafu 3 tal-Linji Gwida LIP u l-paragrafu 49 tal-RAG tal-2007, proġett ta' investiment kbir huwa investiment inizjali b'nefqa eliġibbli ta' iktar minn EUR 50 miljun. Kif innotat fil-Preambolu tal-Ftehim ta' Investiment Verne, Verne u l-Investituri tagħha stmaw li l-livell potenzjali tal-investiment għall-proġett jista' jaqbeż USD 675 miljun. Kif ġie diskuss hawn fuq fir-rigward tal-proġett Becromal, il-Linji Gwida LIP japplikaw biss għal ċerti proġetti kbar ta' investiment. L-awtoritajiet Iżlandiżi ma ssottomettew ebda informazzjoni lill-Awtorità dwar l-intensità tal-għajnuna jew il-kostijiet eliġibbli involuti fil-proġett Verne. Dawn lanqas ma pprovdew ebda informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet għall-obbligu tal-verifika ddettaljat stabbilit fil-Linji Gwida LIP, li jirreferu għalihom il-paragrafi 57(a) u (b) tal-RAG tal-2007 (jiġifieri li l-benefiċjarju tal-għajnuna jammonta għal iktar minn 25 % tal-prodotti kkonċernati fis-suq ikkonċernat, u li l-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett hija iktar minn 5 % tas-suq tal-prodott ikkonċernat). Fil-fehma tal-Awtorità ma hemm xejn li jindika li l-proġett Verne qabeż il-limiti previsti fil-paragrafu 57 tal-Linji Gwida tal-2007.

(167)

Għalhekk l-Awtorità tikkonkludi li l-analiżi ddettaljata prevista fil-Linji Gwida LIP ma tapplikax għall-Ftehim ta' Investiment Verne.

5.1.3.   Effett ta' inċentiv

(168)

Kif diġà ntqal fil-premessa 153, ix-xogħol fuq il-proġett kien diġà beda fi Frar 2008 meta Verne xtrat binjiet mill-Istat Iżlandiż. Sussegwentement, Verne, fl-2008 u l-2009, irrinovat żewġ imħażen kbar (binjiet 868 u 869) bħala parti mill-kampus ippjanat inizjalment magħmul minn diversi binjiet. (62) Minħabba li l-akkwist u r-rinovazzjoni ta' dawn il-binjiet (marbuta direttament mal-istabbiliment taċ-ċentru tad-dejta Verne), jitqiesu bħala investiment inizjali, id-data li fiha nbeda l-proġett għandha tiġi kkunsidrata bħala d-data tax-xiri ta' dawn il-binjiet. (63) L-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni li tippermettilha li tappoġġa l-possibbiltà li l-awtoritajiet Iżlandiżi impenjaw ruħhom biex jagħtu għajnuna għall-proġett qabel ma jibda x-xogħol. Tabilħaqq, għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Iżlandiżi issa kkonfermaw li huma ma daħlu fl-ebda ftehim ma' Verne dwar l-għoti ta' inċentivi qabel il-Ftehim ta' Investiment Verne, iddatat 27 ta' Settembru 2011. Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, il-Ftehim ta' Investiment tal-2009 kien inbeda iżda ma kienx iffirmat, u għalhekk ma pproduċa ebda effett ġuridiku. Ir-raġuni għalfejn Verne ma tirreferi għall-ebda ftehim preċedenti, skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, hija minħabba li ma kien hemm ebda ftehim ta' investiment preċedenti ffirmat ma' Verne.

(169)

Fil-premessi 131 sa 134 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Awtorità tesprimi dubji dwar jekk il-Ftehim ta' Investiment Verne jissodisfax jew le l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv tal-RAG tal-2007. L-awtoritajiet Iżlandiżi, fit-tweġiba tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, argumentaw li mingħajr il-Ftehim ta' Investiment, il-proġett kien jiġi abbandunat minħabba l-kriżi finanzjarja. (64) Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li l-Awtorità għandha ssegwi l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea f'ħafna mid-deċiżjonijiet tagħha biex ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra għajnuna mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjarji, meta effett ta' inċentiv ma kienx meħtieġ bħala prekundizzjoni għall-kompatibbiltà.

(170)

L-awtorità ma tistax taċċetta dan ir-raġunament. Il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja kienet relatata biss mal-għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju, prinċipalment permezz tal-użu tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ekwivalenti għall-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE) bħala bażi ġuridika biss. F'dawn il-każijiet, l-għajnuna ngħatat bħala rimedju għal disturbanza serja li taffettwa l-ekonomija sħiħa ta' Stat Membru. Il-Qorti Ġenerali ripetutament qalet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b'mod ristrett. (65) L-Awtorità tikkunsidra li ma jistgħux isiru punti paralleli mal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpaniji bħala għajnuna reġjonali skont l-RAG 2007, meta l-objettiv jinsab fl-iżvilupp ta' żona speċifika definita ġeografikament u l-effett ta' inċentiv jikkostitwixxi prinċipju ta' kompatibbiltà ewlieni. Għaldaqstant, l-Awtorità f'dan il-każ ma tistax issegwi l-approċċ tal-Kummissjoni rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja.

(171)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma pprovdew ebda informazzjoni li tiġġustifika l-ħtieġa tal-għajnuna għat-tlestija tal-proġett. Jekk, kif qegħdin jargumentaw l-awtoritajiet Iżlandiżi, il-proġett ma kienx jitlesta mingħajr l-għajnuna, huma kellhom jipprovdu informazzjoni u analiżi li tippermetti lill-Awtorità tivverifika din il-pretensjoni. Din l-analiżi, kienet tikkunsidra, inter alia, il-kalkoli tal-profittabbiltà għall-proġett bl-għajnuna jew mingħajrha, analiżi tas-sensittività, u rendikont iddettaljat dwar kif il-kriżi finanzjarja influwenzat id-deċiżjoni tal-investiment.

(172)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma wrewx li jeżistu ċirkostanzi li (minkejja li x-xogħol fuq il-proġett beda qabel ma ngħatat l-għajnuna) jistgħu jiżguraw li t-test għall-effett ta' inċentiv xorta huwa ssodisfat. (66)

(173)

Fid-dawl ta' dak diskuss hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv mhix issodisfata fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Verne.

(174)

Din is-sejba waħedha hija biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-Ftehim ta' Investiment Verne huwa inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) u l-RAG tal-2007.

(175)

Madankollu, għal raġunijiet ta' kompletezza, l-Awtorità se teżamina wkoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim u se tivvaluta jekk jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007.

5.1.4.   Il-kostijiet tal-investiment u l-livell massimu tal-għajnuna

(176)

Għall-miżuri ta' tassazzjoni mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Verne sabiex jiġu kkaratterizzati bħala għajnuna għall-investiment:

Għandhom ikunu relatati mat-twettiq ta' proġett speċifiku.

Għandhom ikunu bbażati fuq ammont investit fir-reġjun.

Għandu jkun possibbli li tiġi kkwantifikata l-għajnuna.

Għandu jkun hemm limitu massimu espress bħala perċentwal tal-ammont investit fir-reġjun. (67)

(177)

Il-kostijiet tal-investiment totali fil-Ftehim ta' Investiment Verne huma stabbiliti madwar USD 675 miljun. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni preliminari li ma kienx hemm rabta ċara fil-ftehim bejn il-kostijiet tal-investiment u l-għajnuna. F'dan il-kuntest, il-kostijiet eliġibbli ma kinux speċifikament definiti, l-għajnuna ma kinitx ikkwantifikata, u ma ġie espress ebda limitu massimu ta' għajnuna. L-awtoritajiet Iżlandiżi ma pprovdew ebda informazzjoni li tikkontradixxi dawk il-konklużjonijiet preliminari. In-nuqqas ta' dawn l-elementi mill-Ftehim ta' Investiment Verne huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-RAG tal-2007.

(178)

Kif diġà ntqal fil-premessa 44 hawn fuq, l-awtoritajiet Iżlandiżi ddikjaraw li l-Aġenzija Invest in Iceland għamlet analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għal kull proġett qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim, u l-Kumitat tal-Inċentivi evalwa jekk il-proġetti ssodisfawx il-kriterji dwar l-eliġibbiltà stabbiliti fl-Att 99/2010 u r-Regolament dwar l-Inċentivi.

(179)

Skont l-RAG tal-2007, “[…] għajnuna għal investiment regjonali tiġi kkalkolata jew b'referenza għall-kostijiet materjali u immaterjali tal-investiment li jirriżultaw mill-proġett ta' investiment inizjali jew bi (stima) tal-ispejjeż tal-pagi għal impjiegi maħluqa direttament mill-proġett tal-investiment […]. Il-livell tal-għajnuna huwa definit f'termini ta' intensità mqabbla mal-kostijiet ta' referenza.” (68)

(180)

Sabiex l-Awtorità tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna skont l-RAG tal-2007, il-limitu massimu tal-għajnuna għandu jiġi espress b'mod ċar b'referenza għall-kostijiet tal-investiment speċifiċi u eliġibbli. Il-fatt li l-awtoritajiet Iżlandiżi stabbilew mekkaniżmu sabiex tiġi ċċekkjata ex-post l-eliġibbiltà ta' proġetti mal-Iskema huwa irrilevanti għall-valutazzjoni tal-Awtorità tal-kompatibbiltà, minħabba li tali mekkaniżmu ma jiggarantix li l-intensità tal-għajnuna f'ekwivalenti ta' għotja grossa hija skontata għall-valur tagħha u espressa bħala perċentwal tal-valur skontat tal-kostijiet eliġibbli, u lanqas ma tiggarantixxi li n-nefqa eliġibbli prevista fil-Ftehim ta' Investiment Verne. Il-Ftehim huwa relatat mal-kostijiet tal-investiment eliġibbli għall-assi tanġibbli kif previst fl-RAG tal-2007. (69)

(181)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Verne ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007 minħabba li (i) il-ftehim ma jurix il-kostijiet eliġibbli, li l-investiment kellu jirrifletti fuqhom; (ii) l-għajnuna mhix ikkwantifikata b'mod xieraq, u (iii) m'hemmx metodoloġija ta' kalkolu fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna għall-proġett.

5.1.5.   Għajnuna addizzjonali fil-każ ta' emendi tal-Iskema

(182)

L-Artikolu 23.7 tal-Ftehim ta' Investiment Verne jistabbilixxi obbligu mhux kundizzjonali għall-awtoritajiet Iżlandiżi biex jagħtu għajnuna addizzjonali lill-benefiċjarju għal proġett li diġà ngħata għajnuna mill-Iskema, jekk emendi futuri tal-Iskema jippruvaw li huma iktar ta' benefiċċju.

(183)

Tali dispożizzjoni tiggarantixxi lill-benefiċjarju d-dritt li jirċievi għajnuna lil hinn mill-għotja inizjali ta' għajnuna li saret taħt l-Iskema kif approvata mill-Awtorità. Konsegwentement, tali għajnuna ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema.

(184)

L-Awtorità tikkonkludi li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont id-dispożizzjoni ta' hawn fuq għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna operatorja, minħabba li mhix marbuta ma' investiment inizjali. Tali għajnuna operatorja hija inkompatibbli mal-Ftehim ŻEE. B'mod partikolari, l-għajnuna ma tingħatax fir-rigward ta' sett predefinit ta' nefqiet jew kostijiet eliġibbli, kif stipulat fil-paragrafu 66 tal-RAG tal-2007.

5.1.6.   Konklużjoni fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Verne

(185)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Verne hija għajnuna mill-Istat ġdida ad hoc li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c).

5.2.    Il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið

5.2.1.   Effett tal-emendi tar-Regolament Supplimentari

(186)

Il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jirreferi għall-kostruzzjoni, f'żewġ stadji jew iktar, ta' impjant għall-produzzjoni tas-siliċju f'Helguvík, fil-muniċipalità ta' Reykjanesbær.

(187)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, l-Awtorità kellha l-fehma preliminari li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jirreferi għal ftehim preċedenti, li sar bejn l-istess partijiet għall-istess proġett fid-29 ta' Mejju 2009. (70) Kif jindika b'mod ċar il-Preambolu tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið:“[…] il-Ftehim ta' Investiment iffirmat fid-29 ta' Mejju 2009 tqies bħala pass preliminari lejn il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Investiment iktar komprensiv bejn il-partijiet” u li “dan il-Ftehim ta' Investiment għalhekk huwa ftehim ta' segwitu tal-Ftehim ta' Investiment preċedenti ddatat fid-29 ta' Mejju 2009”. (71)

(188)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim tad-29 ta' Mejju 2009 jgħid li: “il-Ftehim Komplut se jinkludi iżda mhux se jkun limitat għal dispożizzjonijiet relatati mad-deprezzament u t-tħassir ta' assi fissi u standards tal-kontabbiltà oħra, eżenzjonijiet mill-imposti tal-Gvern, rati tat-taxxa u tassazzjoni ġenerali tal-Kumpanija, Tomahawk and the Investors, imposti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, dazji tas-sisa, eċċ”. Barra minn hekk, il-punt 1.1 (f.1) tiegħu jgħid li “it-terminu ta' dan il-Ftehim ta' Investiment u l-Ftehim ta' Investiment Komplut sussegwenti ma jkunx inqas minn 20 sena mill-eżekuzzjoni […]. Dan il-Ftehim ta' Investiment jiġi sostitwit mill-Ftehim ta' Investiment Komplut u għalhekk jiġi tterminat meta l-Ftehim ta' Investiment Komplut isir legalment vinkolanti […]”.

(189)

L-awtoritajiet Iżlandiżi qalu li l-emendi fl-Iskema affettwati mir-Regolament Supplimentari kienu mmirati lejn il-Ftehim ta' Investiment Becromal, u li ebda proġett ieħor li nbeda qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema ma ngħata inċentivi skont l-Iskema.

(190)

Għalkemm Kísilfélagið daħlet fi Ftehim mal-awtoritajiet Iżlandiżi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Iskema, ix-xogħol fuq il-proġett stabbilit fil-ftehim tal-2009 kien għadu ma nbediex meta ġie ffirmat il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið skont l-Iskema. Għalhekk, il-proġett, ladarba ssodisfa t-test tal-effett ta' inċentiv, ikkwalifika għal inċentivi skont l-Iskema, irrispettivament mill-emendi introdotti mir-Regolament Supplimentari. Barra minn hekk, Kísilfélagið ma bbenefikatx mill-emendi li saru mir-Regolament Supplimentari għall-Artikoli 8 u 20 tar-Regolament dwar l-Inċentiv.

(191)

Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li l-emendi introdotti mir-Regolament Supplimentari ma kellhomx effett fuq il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið.

5.2.2.   Effett ta' inċentiv

(192)

L-Awtorità tinnota li, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Iżlandiżi, ix-xogħol fuq il-proġett għadu ma bediex. Barra minn hekk, mhux ċar jekk qattx xi darba se jinbeda. L-Awtorità mhix konxja li bdiet xi kostruzzjoni fuq il-proġett Kísilfélagið jew li saru xi impenji sodi fuq ordnijiet ta' tagħmir. Għalhekk, ma ngħatat ebda għajnuna qabel ma l-benefiċjarju beda xogħol fuq il-proġett.

(193)

Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv tal-Iskema hija ssodisfata fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment.

5.2.3.   Il-kostijiet tal-investiment u l-livell massimu tal-għajnuna

(194)

Għalkemm, il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jissodisfa l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv tal-Iskema, l-awtoritajiet Iżlandiżi jaqblu mal-konklużjoni preliminari tal-Awtorità, li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið ppreveda inċentivi ulterjuri li marru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata. (72)

(195)

Skont il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið, il-kostruzzjoni ta' impjant għall-produzzjoni ta' siliċju metallurġiku hija prevista li sseħħ f'żewġ stadji jew iktar matul perjodu ta' tliet snin. Il-ftehim ma jipprevedix data tal-bidu jew ta' skadenza għall-kostruzzjoni tal-impjant, u lanqas ma jipprevedi għall-ebda stadju meħtieġ sabiex isseħħ it-tali kostruzzjoni. Barra minn hekk, il-ftehim ma jagħmilx referenza għall-kostijiet ta' investiment eliġibbli, u lanqas ma jistipula l-intensitajiet tal-għajnuna jew limitu massimu tal-għajnuna. Jekk wieħed japplika mutatis mutandis ir-raġunament stabbilit fil-premessi 176 sa 181 hawn fuq, fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Verne, l-Awtorità kkunsidrat li dawn l-elementi jaffettwaw il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið fit-totalità kollha tiegħu, u bħala riżultat għandhom jiġu vvalutati bħala parti li ma tistax tinqata' mill-ftehim.

(196)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið ma jikkonformax għal kollox mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007 minħabba li (i) l-ftehim ma jurix il-kostijiet eliġibbli, li l-investiment kellu jirrifletti fuqhom; (ii) l-għajnuna mhix ikkwantifikata kif xieraq; u (iii) ma hemm ebda metodoloġija ta' kalkolu fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna għall-proġett.

(197)

Għaldaqstant, il-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida ad hoc, li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata.

5.2.4.   Għajnuna addizzjonali fil-każ tal-emendi tal-Iskema

(198)

L-Artikolu 22.8 tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jistabbilixxi obbligu mhux kundizzjonali għall-awtoritajiet Iżlandiżi biex jagħtu għajnuna addizzjonali lill-benefiċjarju għal proġett li diġà ngħata għajnuna skont l-Iskema, jekk emendi futuri tal-Iskema jippruvaw li huma iktar ta' benefiċċju.

(199)

Tali dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt li wieħed jingħata għajnuna lil hinn mill-għotja inizjali magħmula skont l-Iskema. Konsegwentement, tali għajnuna ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata mill-Awtorità. L-awtoritajiet Iżlandiżi kkonfermaw li huma jirrispettaw il-fehma tal-Awtorità li din l-applikazzjoni tal-Iskema mhix konsistenti mal-Iskema kif approvata. Għalhekk impenjaw ruħhom li jħassru dawn id-dispożizzjonijiet mill-Ftehim. Madankollu, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma nnotifikawx din il-miżura ad hoc lill-Awtorità, kif kellhom suppost jagħmlu skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

(200)

L-Awtorità tikkunsidra li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont id-dispożizzjoni ta' hawn fuq, għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna operatorja, minħabba li mhix marbuta ma' investiment inizjali. Tali għajnuna operatorja hija prima facie inkompatibbli mal-Ftehim ŻEE, u l-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni jew argumenti dwar għalfejn xorta waħda tista' tkun kompatibbli. B'mod partikolari, il-miżuri ma jingħatawx fir-rigward ta' sett predefinit ta' nefqiet jew kostijiet eliġibbli, jew kostijiet kif stipulat fil-paragrafu 66 tal-RAG tal-2007.

5.2.5.   Konklużjoni fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið

(201)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið jikkonforma mal-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv stabbilita fl-RAG tal-2007 u għaldaqstant, Kísilfélagið kienet eliġibbli biex tirċievi għajnuna skont l-Iskema.

(202)

Madankollu, l-Awtorità tikkonkludi wkoll li l-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007, minħabba li la hemm referenzi għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli, la għall-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas għal-limitu massimu tal-għajnuna. Għaldaqstant, l-awtorità tikkunsidra kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim tal-Investiment Kísilfélagið bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

5.3.    Il-Ftehim ta' Investiment Thorsil

5.3.1.   Miżura ta' għajnuna Ad hoc

(203)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Awtorità, il-Ftehim ta' Investiment Thorsil mhux relatat ma' xi ftehim ta' investiment preċedenti.

(204)

Madankollu, l-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ esprimiet dubji dwar jekk l-Artikolu 15.3 tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil ipprevediex għajnuna li għandha tingħata barra mill-Iskema approvata. (73)

(205)

Kif innotat fil-paragrafi 33 sa 34, l-awtoritajiet Iżlandiżi jaqblu mal-konklużjoni preliminari tal-Awtorità li l-ftehim jipprevedi inċentivi ulterjuri li kienu awtorizzati mill-Iskema.

(206)

Fi kwalunkwe każ, minħabba li l-ftehim diġà daħal fis-seħħ, l-Awtorità ma tistax teskludi l-possibbiltà li l-għajnuna ngħatat barra mill-Iskema approvata. Għaldaqstant l-Awtorità se tivvaluta l-inċentivi addizzjonali previsti fl-Artikolu 15.3 tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil bħala li tikkostitwixxi għajnuna ad hoc.

5.3.2.   Effett ta' inċentiv

(207)

Il-Ftehim ta' Investiment Thorsil ġie ffirmat fit-30 ta' Diċembru 2010. Dan jikkonċerna impjant għall-produzzjoni tas-siliċju metallurġiku li għandu jinbena fil-Muniċipalità ta' Ölfus, b'kapaċità ta' produzzjoni annwali ta' madwar 50 000 tunnellata metrika.

(208)

Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, il-bidu tal-impjant kien skedat li jkun f'Ottubru 2014. Madankollu, il-kostruzzjoni fuq l-impjant għadha ma bdietx u mhux ċar jekk il-proġett hux se jimmaterjalizza. Għalhekk, huwa ċar li ma ngħatat ebda għajnuna qabel ma l-benefiċjarju jibda x-xogħol fuq il-proġett. Għaldaqstant, l-Awtorità kkonkludiet li l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv hija ssodisfata fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil.

5.3.3.   Il-kostijiet tal-investiment u l-limitu massimu tal-għajnuna

(209)

Skont il-Ftehim ta' Investiment Thorsil, il-kostruzzjoni ta' impjant għall-produzzjoni tal-metall tas-silicon huwa previst li jseħħ fil-Muniċipalità ta' Ölfus bid-data tal-bidu tal-produzzjoni skedata għall-1 ta' Ottubru 2014. Madankollu, il-Ftehim ma jipprevedix id-data tal-bidu jew tal-iskadenza għall-kostruzzjoni tal-impjant, u lanqas ma jipprevedi ebda stadju meħtieġ għal din il-kostruzzjoni sabiex isseħħ. Barra minn hekk, il-Ftehim ma jagħmilx referenza għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli jew totali u lanqas ma jistipula l-intensitajiet tal-għajnuna jew il-limitu massimu tal-għajnuna.

(210)

L-applikazzjoni mutatis mutandis tar-raġunament stabbilit fil-paragrafi 176 sa 181 hawn fuq, fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Verne, l-Awtorità tikkunsidra li dawn l-elementi jaffettwaw il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil fit-totalità tiegħu, u bħala riżultat għandhom jiġu vvalutati bħala parti li ma tistax tinqata' minn mal-Ftehim.

(211)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Thorsil ma jikkonformax b'mod sħiħ mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007 minħabba li (i) l-ftehim ma jurix il-kostijiet eliġibbli, li l-investiment kellu jirrifletti fuqhom; (ii) l-għajnuna mhix ikkwantifikata kif xieraq; kif ukoll (iii) ma hemmx metodoloġija tal-kalkolu fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna għall-proġett.

(212)

Għaldaqstant, il-Ftehim ta' Investiment Thorsil għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida ad hoc, li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata.

5.3.4.   Il-possibbiltà ta' perjodu ta' estensjoni tal-eżenzjonijiet mit-taxxa

(213)

L-Artikolu 15.3 tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil jipprevedi l-possibbiltà ta' estensjoni tal-perjodu ta' għajnuna lil hinn mill-perjodu massimu previst mill-Iskema, kif approvata. Din il-miżura inċentiv addizzjonali ad hoc ma ġietx innotifikata lill-Awtorità, kif suppost kellu jkun skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

(214)

Il-possibbiltà għall-perjodu ta' għajnuna estiż mhux marbut mal-investiment inizjali, iżda minflok inaqqas l-ispejjeż li Thorsil normalment kien ikollha ġġarrab matul it-twettiq tal-attivitajiet tan-negozju ta' kuljum. Konsegwentement, hija tikkostitwixxi għajnuna operatorja. Tali għajnuna operatorja hija prima facie inkompatibbli mal-Ftehimiet ŻEE, u l-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni jew argumenti dwar għaliex xorta tista' tkun kompatibbli. B'mod partikolari, il-miżuri ma ngħatawx fir-rigward ta' sett predefinit ta' nefqiet jew kostijiet, kif inhu stipulat fil-paragrafu 66 tal-RAG tal-2007.

5.3.5.   Konklużjoni fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil

(215)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Thorsil jikkonforma mal-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv stabbilita fl-RAG tal-2007 u li Thorsil kienet għalhekk eliġibbli biex tirċievi għajnuna skont l-Iskema.

(216)

Barra minn hekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Thorsil ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007, minħabba li la hemm referenzi għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli u totali, la l-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas il-livell massimu tal-għajnuna. Għalhekk, l-Awtorità tqis li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Thorsil tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

5.4.    Il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan

5.4.1.   Miżura Ad hoc

(217)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Awtorità, il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan mhux relatat ma' ebda ftehim ta' investiment preċedenti.

(218)

Madankollu, l-Awtorità fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ qajmet dubji dwar jekk l-Artikolu 22.7 tal-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan pprevediex għajnuna mogħtija lil hinn mill-Iskema approvata. (74)

(219)

Kif innotat fil-premessi 33 u 34, l-awtoritajiet Iżlandiżi jaqblu mal-konklużjoni preliminari tal-Awtorità li l-ftehim jipprevedi inċentivi ulterjuri minn dawk awtorizzati mill-Iskema.

(220)

Fi kwalunkwe każ, minħabba li l-ftehim kien diġà daħal fis-seħħ, l-Awtorità ma tistax teskludi l-possibbiltà li l-għajnuna ngħatat barra mill-Iskema approvata. L-Awtorità għalhekk se tivvaluta dawn l-inċentivi addizzjonali previsti fl-Artikolu 22.7 bħala li jikkostitwixxu għajnuna ad hoc.

5.4.2.   Effett ta' inċentiv

(221)

Fis-7 ta' Mejju 2012 l-awtoritajiet Iżlandiżi daħlu fi ftehim ma' GMR Endurvinnslan dwar l-għoti ta' eżenzjonijiet mit-taxxa għall-kostruzzjoni ta' impjant tar-riċiklaġġ fi Grundartangi fil-muniċipalità ta' Hvalfjarðarsveit. Il-ftehim jgħid li GMR kellha l-intenzjoni li tibda l-produzzjoni fl-aħħar tal-2012 u li jkollha l-impjant jaħdem b'mod sħiħ fl-2014.

(222)

Kif kien ikkonfermat mill-awtoritajiet Iżlandiżi, ma ngħatat ebda għajnuna qabel ma l-benefiċjarju beda x-xogħol fuq il-proġett.

(223)

Għaldaqstant, l-Awtorità tikkonkludi li l-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv hija ssodisfata rigward il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan.

(224)

L-Awtorità xorta għandha tivverifika jekk ċerti elementi tal-ftehim jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-RAG tal-2007.

5.4.3.   Il-kostijiet tal-investiment u l-limitu massimu tal-għajnuna

(225)

Il-ftehim ma jagħmilx referenza għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli, u lanqas ma jistipula l-intensitajiet tal-għajnuna jew il-limitu massimu tal-għajnuna.

(226)

Fl-applikazzjoni mutatis mutandis tar-raġunament stabbilit fil-premessi 176 sa 181 hawn fuq, fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment Verne, l-Awtorità kkunsidrat li dawn l-elementi jaffettwaw il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan fit-totalità kollha tiegħu, u bħala riżultat għandhom jiġu vvalutati bħala prti li ma tistax tinqata' mill-ftehim.

(227)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan ma jikkonformax għal kollox mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007 minħabba li (i) il-ftehim ma jurix il-kostijiet eliġibbli, li l-investiment kellu jirrifletti fuqhom; (ii) l-għajnuna mhix ikkwantifikata kif xieraq; u (iii) ma hemm ebda metodoloġija ta' kalkolu rigward l-intensità tal-għajnuna għall-proġett.

(228)

Għaldaqstant, il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan għandu jitqies bħala għajnuna ġdida ad hoc, li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata.

5.4.4.   Għajnuna addizzjonali fil-każ ta' emendi tal-Iskema

(229)

L-Artikolu 22.7 tal-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan jinkludi klawżola identika għal dik stabbilita fil-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið (ara l-premessi 198 sa 200 fir-rigward tad-dritt mhux kundizzjonali li ssir talba għal iktar għajnuna jekk l-Iskema tiġi estiża.

(230)

Kif innotat fil-premessa 199 hawn fuq, tali dispożizzjoni tiggarantixxi lill-benefiċjarju d-dritt li jirċievi għajnuna lil hinn mill-għotja inizjali li tkun saret skont l-Iskema. Konsegwentement, tali għajnuna ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema. L-awtoritajiet Iżlandiżi kkonfermaw li jirrispettaw l-fehma tal-Awtorità li din l-applikazzjoni tal-Iskema mhix konsistenti mal-Iskema kif approvata u għalhekk impenjat ruħha li tħassar din id-dispożizzjoni mill-ftehim. Madankollu, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma nnotifikawx din il-miżura ad hoc lill-Awtorità skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

(231)

L-Awtorità tikkunsidra li kwalunkwe għajnuna mogħtija skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna operatorja, minħabba li mhix marbuta ma' investiment inizjali. Tali għajnuna operatorja hija prima facie inkompatibbli mal-Ftehim ŻEE, u l-Awtorità ma rċeviet ebda informazzjoni jew argumenti dwar għalfejn xorta tista' tkun kompatibbli. B'mod partikolari, l-għajnuna ma tingħatax fir-rigward ta' sett predefinit ta' nefqiet jew kostijiet eliġibbli, kif inhu stipulat fil-paragrafu 66 tal-RAG tal-2007.

5.4.5.   Konklużjoni fir-rigward tal-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan

(232)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan jikkonforma mal-kundizzjoni tal-effett ta' inċentiv stabbilita fl-RAG tal-2007 u li l-GMR Endurvinnslan kienet għalhekk eliġibbli sabiex tirċievi għajnuna skont l-Iskema.

(233)

Barra minn hekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007, minħabba li la hemm referenzi għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli, la għall-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas għal-limitu massimu tal-għajnuna. Għalhekk, l-Awtorità tikkunsidra kwalunkwe għajnuna mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

5.5.    Konklużjoni

(234)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-Ftehim ta' Investiment Verne, kien fit-totalità kollha tiegħu konkluż barra mid-dispożizzjonijiet tal-Iskema kif approvata mill-Awtorità, u għaldaqstant tikkostitwixxi miżura ad hoc. Il-valutazzjoni wriet li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Investiment Verne jipprevedi għajnuna li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c).

(235)

Barra minn hekk, għalkemm il-proġetti Thorsil, Kísilfélagið u GMR Endurvinnslan jissodisfaw il-kriterju tal-effett ta' inċentiv għal eliġibbiltà skont l-Iskema, il-ftehimiet rispettivi, ivvalutaw ukoll bħala miżuri ad hoc ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007, minħabba li la hemm referenzi għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli, la għall-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas għal-limitu massimu tal-għajnuna li dawn il-kostijiet għandhom jikkorrispondu għalihom. Il-ftehimiet jinkludu wkoll ċertu dispożizzjonijiet addizzjonali li jipprevedu għajnuna li għandha tingħata barra mill-Iskema. Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu fit-totalità kollha tagħhom għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c).

6.   REKWIŻITI PROĊEDURALI

(236)

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, “l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tiġi infurmata, fi żmien qabel biżżejjed sabiex tkun tista' tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan biex tagħti jew tibdel għajnuna. L-Istat ikkonċernat ma jdaħħalx fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura tkun irriżultat f'deċiżjoni finali”.

(237)

L-awtoritajiet Iżlandiżi ma nnotifikawx l-alterazzjonijiet għall-Iskema li tressqu bir-Regolament Supplimentari, li jippermettu li tingħata għajnuna għal proġetti li fuqhom diġà nbeda x-xogħol qabel daħlet fis-seħħ l-Iskema. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma nnotifikawx il-Ftehimiet ta' Investiment Verne, Thorsil, Kísilfélagið u GMR Endurvinnslan lill-Awtorità, minħabba li kkunsidraw li dawn il-ftehimiet ta' investiment kienu jaqgħu taħt l-Iskema. Madankollu, minħabba l-konklużjoni tal-Awtorità fil-premessa 235 li dawn il-Ftehimiet ta' Investiment jaqgħu fit-totalità tagħhom barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema kif approvata, joħroġ li dawn il-ftehimiet kellhom jiġu nnotifikati lill-Awtorità sabiex jiġu vvalutati bħala miżuri ad hoc.

(238)

Minħabba li l-emendi għall-Iskema jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li tista' tinqata' mill-Iskema, u l-Ftehimiet Verne, Thorsil, Kísilfélagið u GMR Endurvinnslan jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema approvata, fil-prinċipju kienu soġġetti għal rekwiżiti tan-notifika stabbiliti fl-RAG tal-2007.

(239)

Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-awtoritajiet Iżlandiżi ma ħarsux l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ŻEE.

7.   ASPETTATTIVI LEĠITTIMI U ĊERTEZZA LEGALI

(240)

Il-prinċipji ġuridiċi fundamentali tal-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali jistgħu jiġu invokati mill-benefiċjarji tal-għajnuna biex jisfidaw ordni għall-irkupru ta' għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment. Madankollu, il-prinċipji japplikaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u impriża normalment ma jistax ikollha aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija legali sakemm tkun ingħatat f'konformità mal-proċedura għan-notifikazzjoni tal-għajnuna lill-Awtorità (jew il-Kummissjoni Ewropea). (75) Dan il-prinċipju ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja: “Fis-sitwazzjoni bħal dik tal-kawża inkwistjoni, l-eżistenza ta' ċirkostanza eċċezzjonali tista' tinżamm ukoll fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, minħabba li l-Qorti diġà qalet essenzjalment, li sakemm il-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni li tapprova l-għajnuna, […] il-benefiċjarju ma jistax ikun ċert dwar il-legalità tal-għajnuna, bir-riżultat li wieħed ma jistax iserraħ la fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u lanqas dak taċ-ċertezza legali.” (76)

(241)

Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li fil-prinċipju, aspettattiva leġittima li għajnuna hija leġittima ma tistax tiġi invokata sakemm dik l-għajnuna tkun ingħatat f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3, (77) u rrimarkat li negozjant diliġenti normalment għandu jkun jista' jiddetermina jekk il-proċedura ġietx segwità jew le. (78)

(242)

F'ċirkostanzi eċċezzjonali biss benefiċjarju ta' għajnuna, li ngħatat illegalment, jista' jibbaża fuq aspettattivi leġittimi li l-għajnuna kienet legali sabiex jopponi l-ħlas lura tagħha. (79) Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li entità tista' tibbaża fuq il-prinċipju ta' protezzjoni ta' aspettattivi leġittimi meta awtorità tal-Unjoni Ewropea wasslitha biex ikollha aspettattivi li huma ġustifikati. (80)

(243)

Skont l-awtoritajiet Iżlandiżi, l-uffiċjali tal-Awtorità li ltaqgħu fi Brussell fis-27 ta' Mejju 2011, taw l-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet Iżlandiżi u lil Verne biex jimpenjaw ruħhom fi ftehim rivedut, li jippermetti lil Verne tibbenefika mill-Iskema. Għalkemm l-awtoritajiet Iżlandiżi jirrikonoxxu li din it-tip ta' rappreżentazzjoni mill-Awtorità, jew mill-impjegati individwali tagħha, mhix kontestabbli skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE, huma talbu lill-Awtorità biex tikkunsidra dak li rriżulta mil-laqgħa msemmija qabel u tikkonkludi skont il-każ li ġiet stabbilita l-kompatibbiltà tal-Ftehim ta' Investiment Verne mal-Iskema.

(244)

L-Awtorità taqbel mal-awtoritajiet Iżlandiżi li wieħed ma jistax jibbaża fuq id-dikjarazzjonijiet minn uffiċjal tal-Awtorità waqt laqgħa informali bħala argument għall-kompatibbiltà tal-għajnuna u ma joħolqux aspettattivi leġittimi fost il-benefiċjarji. L-Awtorità għandha kompetenza esklussiva biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mal-Ftehim ŻEE. Sakemm l-Awtorità tkun adottat deċiżjoni finali dwar miżura identifikata, il-miżura inkwistjoni ma ġietx approvata bħala kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim ŻEE. Sal-lum l-Awtorità ma ħadet ebda deċiżjoni li tapprova l-għajnuna reġjonali lil Verne.

(245)

Barra minn hekk, l-Awtorità tirrifjuta l-pretensjoni tal-awtoritajiet Iżlandiżi li tat l-approvazzjoni tagħha lil Verne biex tirċievi għajnuna reġjonali skont l-Iskema kif approvata. L-Awtorità, fil-korrispondenza tagħha mal-awtoritajiet Iżlandiżi qatt ma indikat li l-proġett Verne jista' jkun eliġibbli biex jirċievi għajnuna reġjonali. Għall-kuntrarju, l-Awtorità, mill-2010, kull meta saru d-diskussjonijiet ta' prenotifika dwar il-proġett Verne, esprimiet dubji dwar jekk ġiex issodisfat it-test tal-effett ta' inċentiv. Permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2010, l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk l-awtoritajiet Iżlandiżi wrewx l-effett ta' inċentiv reali tat-taxxa differenti u l-konċessjoni tal-imposta prevista fil-ftehim ta' investiment tal-2009. L-Awtorità ċċarat ukoll li l-awtoritajiet Iżlandiżi ma ppreżentawx dokumentazzjoni biex juru li huma ħarġu ittra ta' intenzjoni biex jagħtu l-għajnuna qabel jibda x-xogħol fuq il-proġett, u li l-informazzjoni li huma ppreżentaw indikat li x-xogħol fuq il-proġett beda xi żmien qabel li l-benefiċjarju u l-awtoritajiet Iżlandiżi daħlu f'diskussjonijiet rigward ftehim ta' investiment. Kif innotat hawn fuq fil-premessa 153, l-awtoritajiet Iżlandiżi iktar tard irtiraw il-ftehim tal-2009 u fis-27 ta' Settembru 2011 kkonkludew ftehim ieħor ma' Verne, sabiex il-proġett jiġi kopert taħt l-Iskema. Il-Ftehim ta' Investiment Verne ma kienx innotifikat lill-Awtorità u konsegwentement ma kienx approvat bħala kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim ŻEE.

(246)

Għalhekk, l-Awtorità ma tistax taċċetta li argumenti relatati ma' ċertezza legali jew aspettattivi leġittimi jistgħu jkunu validi f'dan il-każ, b'mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-applikabbiltà wiesgħa tal-Artikolu 61 taż-ŻEE u l-Artikolu 107 TFEU.

8.   IRKUPRU

(247)

Għajnuna mogħtija mingħajr ma tiġi nnotifikata lill-Awtorità tikkostitwixxi għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tal-Parti II tal-Protokoll 3. Mill-Artikolu 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3 jirriżulta li l-Awtorità tiddeċiedi li għajnuna llegali, li hija inkompatibbli mal-għajnuna mill-Istat skont il-Ftehim ŻEE għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarji, sakemm din tkun tmur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt, skont l-Artikolu 14 tal-Parti II tal-Protokoll 3. L-awtoritajiet Iżlandiżi u l-benefiċjarji tal-għajnuna ma ssottomettew ebda argument li jiġġustifika devjazzjoni ġenerali mill-prinċipju ġenerali tal-liġi.

(248)

L-obbligu fuq Stat li jneħħi għajnuna inkompatibbli huwa maħsub għall-finijiet li terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti preċedentement. (81) Billi jħallsu lura l-għajnuna, il-benefiċjarji jitilfu l-vantaġġ li kienu jgawdu fuq il-kompetituri tas-suq tagħhom fis-suq, u titreġġa' kemm jista' jkun is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna. (82)

(249)

L-irkupru ta' għajnuna mill-Istat li mhux dovuta jinkludi l-imgħax kompost, f'konformità mal-Artikolu 14(2) tal-Parti II tal-Protokoll 3 u l-Artikoli 9 u 11 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità 195/04/COL tal-14 ta' Lulju 2004. (83)

(250)

L-awtoritajiet Iżlandiżi s'issa pprovdew informazzjoni limitata dwar l-ammont ta' għajnuna mogħtija skont ir-Regolament Supplimentari u l-ftehimiet ta' investiment. Barra minn hekk, dawn ma pprovdewx biżżejjed informazzjoni dwar id-dati li fihom l-għajnuna kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji. Għalhekk, l-Awtorità fil-preżent mhix f'pożizzjoni li tiddetermina l-ammonti reali li għandhom jiġu rkuprati mill-benefiċjarji.

(251)

L-awtoritajiet Iżlandiżi għandhom jibagħtu lill-Awtorità rapport xieraq dwar il-progress tagħhom biex jirkupraw l-għajnuna u għandhom jispeċifikaw b'mod ċar il-miżuri reali li ttieħdu sabiex l-għajnuna tiġi rkuprata b'mod immedjat u effettiv. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Iżlandiżi għandhom, fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, jibagħtu d-dokumenti li jippruvaw li għaddej l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-benefiċjarji (eż. ċirkolari, ordnijiet ta' rkupru maħruġa, eċċ.).

9.   KONKLUŻJONI

(252)

L-Awtorità tikkonkludi li l-awtoritajiet Iżlandiżi implimentaw b'mod illegali l-għajnuna mogħtija skont ir-Regolament Supplimentari (u l-Ftehim ta' Investiment Becromal bħala konsegwenza), bi ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Din l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE u għandha tiġi rkuprata sakemm din tkun tħallset.

(253)

L-Awtorità tikkonkludi li l-awtoritajiet Iżlandiżi implimentaw b'mod illegali l-għajnuna mill-Istat ad hoc mogħtija skont il-Ftehim ta' Investiment Verne bi ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Din l-għajnuna hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE u għandha tiġi rkuprata sakemm din tkun tħallset.

(254)

Rigward il-ftehimiet ta' investiment ma' Kísilfélagið, Thorsil u GMR Endurvinnslan, l-Awtorità tikkunsidra li għalkemm it-tliet proġetti jissodisfaw il-kriterju tal-effett ta' inċentiv għall-eliġibbiltà skont l-Iskema, il-ftehimiet ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-RAG tal-2007, minħabba li fihom m'hemmx la referenzi għal kostijiet tal-investiment eliġibbli, la l-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas il-livell massimu tal-għajnuna, u għaldaqstant jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli ad hoc skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE u l-RAG tal-2007. Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jinkludu ċerti dispożizzjonijiet, b'mod partikolari l-Artikoli 22.8 tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið, 15.3 tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil u 22.7 tal-Ftehim ta' Investiment GMR, li jipprevedu għajnuna li għandha tingħata barra mill-Iskema approvata. Dawn id-diżpożizzjonijiet pprevedew ukoll għajnuna li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c) u l-RAG tal-2007. Kwalunkwe għajnuna ad hoc mogħtija abbażi ta' dawn il-ftehimiet għandha tiġi rkuprata sakemm din tkun tħallset.

(255)

Fl-aħħar nett, huwa nnotat li l-miżuri ssuġġeriti mill-awtoritajiet Iżlandiżi fil-premessi 52 u 53 hawn fuq, mhumiex tali li jpoġġu lill-Awtorità f'pożizzjoni li teskludi inkompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni f'dan il-każ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali li tikkonċerna l-Iskema ta' Inċentivi għall-Investiment fl-Iżlanda, b'emendi nnotifikati mill-awtoritajiet Iżlandiżi, permezz ta' dan hija magħluqa.

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali dwar il-Ftehim ta' Investiment Marmeti permezz ta' dan hija magħluqa.

Artikolu 2

Ir-Regolament Supplimentari jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3) tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim ta' Investiment Becromal jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3) tiegħu.

Artikolu 4

Il-Ftehim ta' Investiment Verne jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3) tiegħu.

Artikolu 5

Il-Ftehimiet ta' Investiment Kísilfélagið, Thorsil u GMR Endurvinnslan ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Iskema kif approvata bid-Deċiżjoni Nru 390/10/COL, minħabba li l-ftehimiet la jinkludu referenzi għall-kostijiet tal-investiment eliġibbli, la għall-intensitajiet tal-għajnuna u lanqas għal-limitu massimu tal-għajnuna.

Il-Ftehimiet ta' Investiment Kísilfélagið, Thorsil u GMR Endurvinnslan jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ad hoc li hija inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3) tiegħu.

Artikolu 6

L-awtoritajiet Iżlandiżi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupraw mill-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 li kienet saret disponibbli għalihom illegalment.

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandu jkollha l-imgħax kompost mid-data li fiha kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data tal-irkupru reali tagħha.

Artikou 7

L-irkupru tal-għajnuna huwa immedjat u effettiv b'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali.

L-awtoritajiet Iżlandiżi għandhom jiżguraw li l-irkupru tal-għajnuna jiġi implimentat fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

L-awtoritajiet Iżlandiżi għandhom jikkanċellaw kwalunkwe ħlas pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikoli 3 sa 5, b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

L-awtoritajiet Iżlandiżi, fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Awtorità:

(a)

L-ammont totali (interessi prinċipali u ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarji;

(b)

Id-dati li fihom is-somom li għandhom jiġu rkuprati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji;

(c)

Rapport iddettaljat dwar il-progress li sar u l-miżuri li diġà ttieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni,

(d)

Dokumenti li jipprovaw li għaddej l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-benefiċjarji (eż. ċirkolari, ordinijiet ta' rkupru maħruġa eċċ.).

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Iżlanda.

Artikolu 10

Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża biss ta' din id-Deċiżjoni hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ottubru 2014.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

President

Helga JÓNSDÓTTIR

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Awtorità tat-30 ta' April 2013 biex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward ta' Skema ta' Inċentivi għall-Investiment u ċertu Ftehim dwar l-Investiment (ĠU C 237, 15.8.2013, p. 4, kif ukoll is-Suppliment ŻEE Nru 45, 15.8.2013, p. 1).

(2)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid/390-10-COL.pdf.

(3)  Il-Ftehimiet ta' Investiment huma disponibbli fil-qasam pubbliku, skont l-Artikolu 21(4) tal-Att Nru 99/2010, u huma (mill-4 ta' Marzu 2013) bl-Ingliż u bl-Iżlandiż fuq: http://stjornartidindi.is/AdvertList.aspx?ID=7F3926F3-992D-4211-903D-D4F28F1DC87A&view=2&value=ddc9274e-1111-44ac-9d52-5ffa832684fc.

(4)  Disponibbli fuq www.eftasurv.int.

(5)  Ara t-Taqsima I.5 hawn taħt.

(6)  Ara l-premessi 14 sa 15.

(7)  Traduzzjoni tal-Awtorità, bit-test miżjud mir-Regolament Supplimentari sottolineat:

“Artikolu 3 — Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna:

Meta jiġi vvalutat jekk għandhiex tingħata għajnuna għal proġetti ta' investiment ġodda, skont l-Att Nru 99/2010, jiġu ssodisfati l-kriterji kumulattivi li ġejjin: […]

c.

il-proġett ta' investiment prospettiv ma nbediex qabel l-iffirmar ta' ftehim skont l-Artikolu 20, jew skont ftehim ta' investiment speċjali qabel ma jidħol fis-seħħ l-Att, u jintwera li l-għoti tal-għajnuna huwa prerekwiżit għall-proġett biex jimmaterjalizza fl-Iżlanda.”

(8)  Traduzzjoni tal-Awtorità, bit-test miżjud mir-Regolament Supplimentari sottolineat:

“Artikolu 8 — Għajnuna relatata mat-taxxi u kwalunkwe tariffa oħra:

Għajnuna reġjonali skont l-Att Nru 99/2010 tista' tingħata permezz tat-tnaqqis fit-taxxi jew tariffi pubbliċi oħra relatati mal-proġett ta' investiment inkwistjoni.

Kumpanija, stabbilita għal finijiet ta' investiment inizjali, li tissodisfa l-kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Att Nru 99/2010, u f'dan ir-Regolament, tgawdi mid-derogi tat-taxxa li ġejjin:

1.

Ir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpanija, għall-perjodu stipulat fl-Artikolu 3, ma taqbiżx ir-rata tat-taxxa tal-introjtu fis-seħħ meta l-ftehim ta' investiment skont l-Artikolu 20 jew skont ftehim ta' investiment speċjali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att.”

(9)  Traduzzjoni tal-Awtorità, bit-test miżjud mir-Regolament Supplimentari sottolineat:

“Artikolu 20 — Ftehim dwar l-għoti tal-għajnuna:

Jekk applikant jaċċetta l-offerta tal-Ministru biex jidħol fi ftehim dwar l-għajnuna, tali ftehim għandu jiġi ffirmat bejn l-applikant u l-Ministru f'isem l-awtoritajiet nazzjonali, u fejn applikabbli l-awtoritajiet lokali, dwar l-għoti ta' għajnuna għal proġett ta' investiment.

It-tul ta' ftehim li jagħti għajnuna skont il-paragrafu 1, ma għandux jaqbeż 13-il sena mid-data tal-iffirmar, filwaqt li jitqies ftehim ta' investiment speċjali, jekk tali ftehim ikun ġie konkluż fir-rigward tal-proġett. Għajnuna mogħtija abbażi tal-Artikolu 9 tal-Att Nru 99/2010 tapplika għal 10 snin ikkalkolati mid-data meta jseħħ l-obbligazzjoni tat-taxxa rilevanti jew meta tiġi skattata l-obbligazzjoni għall-ħlas tat-tariffi rilevanti skont l-Artikolu 9(2) tal-Att Nru 99/2010, madankollu, li ma jaqbiżx 13-il sena mill-iffirmar ta' ftehim li jagħti l-għajnuna, filwaqt li jitqies ftehim ta' investiment speċjali jekk tali ftehim ikun ġie konkluż qabel fir-rigward tal-proġett. Il-valur preżenti net tal-għajnuna mill-Istat totali stmata li għandha tingħata matul il-perjodu ta' ftehim ta' investiment, għandu jiġi stipulat fil-ftehim. Ftehim ta' investiment li jkun daħal fis-seħħ abbażi tal-Att Nru 99/2010, għandu jiġi ppubblikat fit-Taqsima B tal-Gazzetta Uffiċjali.”

(10)  Ara l-premessi 42 sa 46.

(11)  Ara l-premessi 50.

(12)  Ara t-Taqsima 4.2.1.

(13)  Ara l-premessi 59 sa 70.

(14)  Ara l-premessi 72 sa 83.

(15)  Ara l-premessi 85.

(16)  Ara l-premessi 160 sa 163.

(17)  Invest in Iceland hija aġenzija tal-gvern li tipprovdi informazzjoni għall-investituri barranin dwar opportunitajiet ta' investiment fl-Iżlanda u l-ambjent tan-negozju. Invest in Iceland tiġbor ukoll dejta dwar l-ambjent tan-negozju fl-Iżlanda, torganizza żjarat fuq il-post u laqgħat ma' investituri potenzjali, tagħmel lobbying għal kundizzjonijiet imtejba għall-investituri barranin u tinfluwenza l-korp leġiżlattiv. Invest in Iceland twaqqfet bl-Att Nru 38/2010, l-Att Nippromwovu lill-Iżlanda. Iktar tagħrif huwa disponibbli onlajn fuq: http://www.invest.is/.

(18)  Ara l-Artikolu 22.5 tal-Ftehim ta' Investiment Kísilfélagið, l-Artikolu 21.5 tal-Ftehim ta' Investiment Thorsil, l-Artikolu 22.5 tal-Ftehim ta' Investiment GMR Endurvinnslan u l-Artikolu 20.5 tal-Ftehim ta' Investiment Marmeti.

(19)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/state-aid-guidelines/Part-III----Criteria-for-an-In-depth-Assessment-of-Regional-Aid-to-Large-Investment-Projects.pdf.

(20)  Kawża T-162/06 Kronoply [2009] Ġabra II-1, paragrafu 101.

(21)  Kawżi magħquda C-630/11 P to 633/11 P HGA Srl ECLI:EU:C:2013:387.

(22)  Kif ikkwotat fis-sottomissjoni ta' Becromal: “Għalhekk, ix-xiri tal-art u/jew il-bini ta' impjant mhux neċessarjament jimmarka l-bidu ta' deċiżjoni ta' investiment. Tali investiment jista' jinbiegħ faċilment fi kwalunkwe żmien. Madankollu, l-ordni ta' tagħmir maħsub apposta għal tip speċifiku ta' impjant jikkostitwixxi l-bidu tax-xogħol” (paġna 10).

(23)  Għal deskrizzjoni ulterjuri tal-proġett Becromal ara t-Taqsima II.4 hawn taħt.

(24)  Għal analiżi ulterjuri tal-iskop tal-prodott tal-ftehim ŻEE u l-kompetenza tal-Awtorità fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA 176/05/COL rigward l-allegata għajnuna mill-Istat fis-settur tas-sajd, disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=10276&1=1.

(25)  Kawża 248/84 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni [1987] Ġabra 4013, paragrafu 17.

(26)  Ara l-paragrafu 3 tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju.

(27)  Il-bejgħ u l-lokazzjoni ta' art mill-Istat inqas mill-valur tas-suq kienet waħda mill-miżuri ta' għajnuna previsti fl-Iskema, ara t-Taqsima I.2.5.2.6 u t-Taqsima I.2.5.3 tad-Deċiżjoni Nru 390/10/COL.

(28)  Ara b'mod partikolari, il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke [2001] Ġabra I-8365, paragrafu 38; il-Kawża C-501/00 Spanja vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-6717, paragrafu 90; u l-Kawża C-66/02 l-Italja vs il-Kummissjoni [2005] Ġabra I-10901, paragrafu 77.

(29)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España [1994] Ġabra I-877, paragrafu 14; u l-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn [2006] Ġabra I-289, paragrafu 132.

(30)  Cassa di Risparmio di Firenze, paragrafu 140.

(31)  Ibid, paragrafu 141.

(32)  Ara http://www.mbl.is/vidskipti/frettir/2012/03/31/ny_verksmidja_opnud_i_byrjun_naesta_ars/.

(33)  Kawżi konġunti T-195/01 u T-207/01 Il-Gvern ta' Ġibiltà vs il-Kummissjoni (Government of Gibraltar v Commission) [2002] Ġabra II-2309, paragrafu 109.

(34)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/.

(35)  Ara l-Kawża T-189/03 ASM Brescia vs Il-Kummissjoni [2009] Ġabra II-1831, paragrafu 106 u l-Kawża T-151/11 Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs il-Kummissjoni [għadha ma ġietx ippubblikata], paragrafu 64.

(36)  Taqsima I. 2.13.

(37)  Taqsima II.3.6.

(38)  Il-Paragrafu 30 jgħid: “Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna reġjonali tipproduċi effett tal-inċentiv reali li tagħmel investimenti li kieku ma kinux isiru fiż-żoni assistiti. Għalhekk, l-għajnuna tista' tingħata biss taħt skemi ta' għajnuna jekk il-benefiċjarju ssottometta applikazzjoni għal għajnuna u l-awtorità li tamministra l-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, suġġett għall-verifika ddettaljata, fil-prinċipju l-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stipulati mill-iskema qabel il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett.”

(39)  Ara l-paragrafi 93 sa 95 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(40)  Il-Kawża C 8/2009 Fri-El Acerra S.r.l. (Italy), paragrafu 40. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/110/UE tal-15 ta' Settembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplimenta favur Fri-El Acerra S.r.l. C 8/09 (ex N 357/08) (ĠU L 46, 19.2.2011, p. 28) u d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 418/10/COL biex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward ta' għajnuna reġjonali dwar il-kostruzzjoni ta' Ċentru tad-Dejta Verne, fit-Taqsima II.3.1.

(41)  Ara l-Kawża T-162/06 Kronoply [2009] Ġabra II-1, paragrafu 81: “Kif huwa indikat fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-punt 4.2 tal-linji gwida hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix effett ta' inċentiv, mingħajr ma jiġi mdewwem bla bżonn l-investiment permezz ta' eżami komplet tal-aspetti ekonomiċi kollha tad-deciżjoni ta' investiment tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li jista' jirriżulta diffiċli wisq u/jew twil wisq. Dan it-tħassib tal-aħħar jispjega l-fatt li s-sempliċi kostatazzjoni tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna meta mqabbla mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta' investiment tippermetti li tiġi preżunta, skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta' effett ta' inċentiv”.

(42)  Idem, paragrafu 80. “Għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni [it-tielet subparagrafu tal-punt 4.2 tal-Linji Gwida 1998 dwar Għajnuna Reġjonali Nazzjonali] tirreferi għal ċirkustanza ta' natura kronoloġika u tirreferi għaldaqstant għal eżami ratione temporis, li huwa kompletament adegwat għall-evalwazzjoni tal-effett ta' inċentiv. Dan tal-aħħar għandu fil-fatt isir f'rabta mad-deċiżjoni ta' investiment tal-impriża kkonċernat, li timmarka l-bidu ta' dan il-proċess dinamiku li jikkostitwixxi neċessarjament investiment ta' operat bħal dak li daħlet għalih ir-rikorrenti”.

(43)  Kawżi Magħquda C-630/11 P sa C-633/11 P HGA srl vs il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2013:387.

(44)  Ara l-ittra minn Becromal, iddatata 30 ta' Settembru 2013, paġna 10.

(45)  HGA vs il-Kummissjoni, paragrafi 106-107.

(46)  Kawża C-390/06 Nuova Agricast [2008] Ġabra I-2577, paragrafu 69.

(47)  Paragrafu 6.

(48)  Kawża T-551/10 Fri-El Acerra vs il-Kummissjoni ECLI:EU:T:2013:430, paragrafu 67.

(49)  Ara, pereżempju: http://www.loftorka.is/frettirloftorku/nr/74674/ u http://vikudagur.is/vikudagur/nordlenskar-frettir/2008/01/11/nytt-hus-fyrir-aflthynnuverksmidju-krossanesi.

(50)  Ara http://www.capacent.is/frettir/nr/612.

(51)  Ara pereżempju http://www.rafeyri.is/en/news/167-substation-for-becromal.

(52)  Deċiżjoni Nru 390/10/COL, Taqsima I.2.13.

(53)  Kawża T-394/08 Regione autonoma della Sardegna u oħrajn vs il-Kummissjoni [2011] Ġabra II-6255, paragrafu 226.

(54)  Bid-Deċiżjoni Nru 418/10/COL tat-3 ta' Novembru 2010, l-Awtorità fetħet proċedura ta' investigazzjoni formali dwar ftehim ta' investiment, li daħal fis-seħħ fit-23 ta' Ottubru 2009 bejn l-Istat u Verne Real Estate ehf. u Verne Holdings Ltd. dwar proġett ta' ċentru ta' dejta f'Reykjanesbær. In-notifika aktar tard ġiet irtirata. Disponibbli fuq http://www.eftasurv.int/media/decisions/418-10-COL.pdf. Ara wkoll il-paragrafi 131-139 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(55)  Dan il-ftehim ta' investiment ma kienx formalment konkluż u d-dħul fis-seħħ tiegħu kien soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Parlament, l-approvazzjoni tal-bordijiet tad-Diretturi ta' Verne u d-deċiżjoni pożittiva tal-Awtorità.

(56)  Il-preambolu taż-żewġ ftehimiet jgħid li:“BILLI l-Investituri u Verne ilhom jieħdu l-passi preliminari neċessarji għall-istabbiliment ta' kumpless ta' ċentru tad-dejta fl-Iżlanda magħmul minn erba' binjiet individwali li jakkomodaw tagħmir tal-elettriku, mekkaniku u tal-IT, u binjiet addizzjonali amministrattivi u għall-appoġġ tal-elettriku li sejrin iservu l-iktar klijenti li mhumiex internazzjonali (minn hawn 'il quddiem iċ-‘Ċentru tad-Dejta’) […]”.

(57)  Paragrafu 49.

(58)  Nota ta' qiegħ il-paġna 47.

(59)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Iżlandiżi, iddatata 8 ta' Lulju 2013, paġna 15.

(60)  Ibid.

(61)  Ara wkoll il-paragrafi 131-134 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(62)  Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Iżlandiżi, it-twaqqigħ, l-inġinerija, id-disinn, l-immaniġġjar tal-proġett u xogħol ieħor tal-preparazzjoni tas-sit li sar matul il-perjodu sa Ottubru 2008, laħħaq total ta' USD 8,1 miljun u ammonta għal USD 10 miljun oħra fil-perjodu minn Novembru 2008 sa Diċembru 2009, inklużi l-kostruzzjoni fiżika u x-xiri ta' tagħmir tal-elettriku u mekkaniku.

(63)  Ara f'dan ir-rigward id-Deċiżjoni 2011/110/UE, premessa 79.

(64)  B'mod speċifiku, l-awtoritajiet Iżlandiżi jgħidu li: (i) in-nefqa kapitali ta' Verne niżlet minn USD 8,5 miljun fl-2009 għal USD 1,54 miljun fl-2010; (ii) ingħataw sensji sabiex il-kumpanija ma tfallix; (iii) il-fażijiet tal-investiment proposti skont il-proġett oriġinali kienu skadew minn Diċembru 2009 u jeħtieġu rinovazzjoni sinifikanti; (iv) l-uniku investitur estern ġdid disponibbli għal Verne mill-2009 kien The Wellcome Trust, li ma riditx tinvesti kapital ġdid fi proġett ta' ċentru ta' dejta fin-nuqqas ta' impenn ċar tal-Istat Iżlandiż biex jipprovdi l-għajnuna; kif ukoll (v) investimenti esoġeni ma kinux affidabbli.

(65)  Kawża T-132/96 Sachsen-VW vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-3663, paragrafu 167.

(66)  Kawża T-394/08 Regione autonoma della Sardegna u Oħrajn vs il-Kummissjoni [2011] Ġabra II-6255, paragrafu 226.

(67)  Ara d-Deċiżjoni Nru 390/10/COL, Taqsima II.3.3.

(68)  Paragrafi 28 u 33.

(69)  Paragrafi 33 u 39.

(70)  Ara l-paragrafi 118-130.

(71)  Taqsimiet N u O tal-Preambolu.

(72)  Kif innotat hawn fuq fil-premessi 33 sa 34.

(73)  Taqsima 4.3.5.

(74)  Ara t-Taqsima 4.3.6 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(75)  Kawża C-5/89 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1990] Ġabra I-3437, paragrafu 14; Kawża C-169/95 il-Kummissjoni vs Spanja, [1997] Ġabra I-135, paragrafu 51; Kawża C-24/95 Land Rheinland-Pfalz vs Alcan Deutschland GmbH, [1997] Ġabra I-1591, paragrafu 25.

(76)  Kawża C-1/09 Centre d'Exportation du Livre Français (CELF), Ministre de la Culture et de la Communication v Société Internationale de Diffusion et d'Édition [2010] Ġabra I-2099, paragrafu 53. Ara wkoll il-Kawża C-91/01 l-Italja vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-4355, paragrafi 66 u 67.

(77)  Kawża C-5/89 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1990] Ġabra I-3437, paragrafu 14, Kawżi Magħquda C-183/02 P u C-187/02 P Demesa u Territorio Histórico de Álava vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-10609, paragrafu 51.

(78)  Kawża C-5/89 Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1990] Ġabra I-3437, paragrafu 14, Kawża C-169/95 Spanja vs Il-Kummissjoni [1997] Ġabra I-135, paragrafu 51.

(79)  Kawżi Magħquda C-183/02 P u C-187/02 P Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-10609, paragrafu 51.

(80)  Kawża T-290/97, Mehibas Dordstelaan vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-15 u Kawżi C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs il-Kummissjoni [2006] ECR I-05479, paragrafu 147.

(81)  Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-04103, paragrafu 75.

(82)  Ara l-Kawżi Magħquda E-17/10 u E-6/11 Il-Prinċipalità ta' Liechtenstein u VTM Fundmanagement vs l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA [2012] EFTA rapport tal-Qorti, p. 117, paragrafi 141-142.

(83)  Kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 789/08/COL tas-17 ta' Diċembru 2008, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kulleġġ Nru 195/04/COL dwar id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-formoli standard għan-notifika tal-għajnuna (ĠU L 340, 22.12.2010, p. 1, u s-Suppliment ŻEE Nru 72, 22.12.2010, p. 1).


Rettifika

10.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/44


Rettifika tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 395 tat-30 ta' Diċembru 1989 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, kapitolu 6, Volum 1, paġna 246)

F'paġna 248, fl-Artikolu 5:

minflok:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, qabel l-1 ta' Diċembru 1991,”;

aqra:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, qabel il-21 ta' Diċembru 1991,”.