ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 6

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
9ta' Jannar 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/19 tat-8 ta' Jannar 2016 li jiffissa l-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqin mill-4 ta' Jannar 2016 sal-5 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għaż-żejt taż-żebbuġa li ġej mit-Tuneżija

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/20 tat-8 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/21 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwisti konġunti tal-Eurosistema (BĊE/2015/51)

5

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/22 tas-7 ta' Jannar 2016 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, li tħassar ir-Rakkomandazzjoni 2010/133/UE ( 1 )

8

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir ( ĠU L 333, 19.12.2015 )

13

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/19

tat-8 ta' Jannar 2016

li jiffissa l-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqin mill-4 ta' Jannar 2016 sal-5 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għaż-żejt taż-żebbuġa li ġej mit-Tuneżija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (1) (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-Artikolu 188(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 (2) fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa verġni li jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 1509 10 10 u NC 1509 10 90, miksub bis-sħiħ fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż sal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006 jistabbilixxi għas-sena 2016 il-kwantità tal-kwota li għandha n-numru tal-ordni 09.4032 għal 56 700 tunnellati

(3)

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni mressqin minn mill-4 ta' Jannar 2016 sal-5 ta' Jannar 2016 huma ogħla mill-kwantitajiet disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet mitluba, ikkalkulati f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(4)

M'għandhomx jinħarġu aktar liċenzji għall-importazzjoni għall-kwota tariffarja li għandha n-numru tal-ordni 09.4032, prevista fir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għall-perjodu tal-kwota attwali.

(5)

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżura, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-kwantitajiet li għalihom isiru l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' importazzjoni rilevanti għall-kwota bin-numru ta' ordni 09.4032, prevista fl-Artikolu 2(1), tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, introdotti fl-4 ta' Jannar 2016 sal-5 ta' Jannar 2016 qed jiġi applikat koeffiċjent ta' attribuzzjoni ta' 74,495088 %.

2.   Il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet ġodda ta' ċertifikati ta' importazzjoni rilevanti għall-kwota bin-numru ta' ordni 09.4032, prevista fl-Artikolu 2(1), tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, hija sospiża mill-11 ta' Jannar 2016 għall-perjodu tal-kwoti li għaddej bħalissa.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/20

tat-8 ta' Jannar 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

139,2

IL

236,2

MA

81,9

TR

120,9

ZZ

144,6

0707 00 05

MA

89,3

TR

154,2

ZZ

121,8

0709 93 10

MA

63,7

TR

143,3

ZZ

103,5

0805 10 20

EG

45,6

MA

59,5

TR

75,8

ZZ

60,3

0805 20 10

IL

167,2

MA

75,5

ZZ

121,4

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

145,2

JM

147,1

MA

86,7

TR

80,0

ZZ

114,8

0805 50 10

EG

98,7

MA

94,2

TR

90,6

ZZ

94,5

0808 10 80

CL

81,3

US

105,7

ZZ

93,5

0808 30 90

CN

78,7

TR

137,9

ZZ

108,3


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/5


DEĊIŻJONI (UE) 2016/21 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Diċembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwisti konġunti tal-Eurosistema (BĊE/2015/51)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5,16 u 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-mandat tal-Uffiċċju għal Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) sal-31 ta' Diċembru 2019. Fis-7 ta' Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv ħatar lill-Banque centrale du Lussemburgu biex jospita l-EPCO għal dan il-perijodu.

(2)

Minbarra l-banek ċentrali nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni, jew organizzazzjonijiet internazzjonali jista' wkoll ikollhom interess li jipparteċipaw f'attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri tiegħu ta' sejħiet għall-offerti konġunti. Dik il-parteċipazzjoni għandha ssir taħt il-kundizzjonijiet deċiżji mill-Kunsill Governattiv. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu simili għall-kundizzjonijiet applikabbli għall-banek ċentrali.

(3)

Fit-13 ta' Novembru 2014, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida dwar l-akkwist ta' karti tal-flus tal-euro (1). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwisti ġiet irriveduta permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li tippromwovi l-akkwist konġunt ta' oġġetti u servizzi u l-użu ta' ċerti tekniċi ta' xiri ċentralizzat. Il-Kunsill Governattiv jimmira li jibbenefika mil-leġiżlazzjoni aġġornata billi jrawwem parteċipazzjoni f'akkwisti konġunti.

(4)

L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' każijiet potenzjali għal akkwisti konġunti tingħata prijorità fi ħdan il-lista ta' kompiti tal-EPCO, u l-irtirar minn akkwisti konġunti huwa soġġett għal skadenzi ddefiniti minn qabel.

(5)

Sabiex il-proċeduri baġitarji tal-EPCO jsiru aktar effiċjenti u sabiex jingħata appoġġ għal sforzi addizzjonali fil-kuntest tat-tmexxija ta' akkwisti konġunti, fis-7 ta' Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv approva l-użu ta' envelopp finanzjarju sabiex ikopri baġit fuq medda ta' snin. Il-Kunsill Governattiv immodifika wkoll l-ippjanar tal-akkwisti sabiex dan isir aktar flessibbli, billi l-EPCO jibda jħejji pjan ta' akkwisti rikorrenti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv kull sena.

(6)

L-effettività u l-effiċjenza tal-EPCO għandhom jiġu evalwati qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu.

(7)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2008/17 (3) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad- Deċiżjoni BĊE/2008/17

Id-Deċizjoni BĊE/2008/17 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal-Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*).

(*)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2008/17) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).”;"

2.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-EPCO għandu jwettaq il-kompiti bażiċi kollha li ġejjin:

(a)

identifika każijiet potenzjali għal akkwisti konġunti li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni, jew barra minnu, fuq il-bażi tal-ħtiġiet ta' akkwisti li l-banek ċentrali jindirizzaw lill-EPCO;

(b)

iħejji u jaġġorna kif meħtieġ pjan annwali għall-akkwisti għal proċeduri ta' sejħiet għall-offerti konġunti bbażati fuq valutazzjoni deskritta taħt il-punt (a);

(c)

iħejji rekwiżiti komuni b'kooperazzjoni mal-banek ċentrali li jipparteċipaw fi proċedura konġunta ta' sejħa għall-offerti;

(d)

jgħin lill-banek ċentrali fil-proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti;

(e)

jgħin lill-banek ċentrali f'akkwisti relatati ma' proġetti komuni tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, jekk jintalab biex jagħmel dan mill-bank jew banek ċentrali li jmexxu l-proġett;

L-EPCO jista' jwettaq ukoll kompiti oħrajn minbarra dawk speċifikati iktar 'il fuq, b'mod partikolari sabiex jiffaċilita l-adozzjoni tal-aqwa prattiċi għall-akkwisti fi ħdan l-Eurosistema u sabiex jiżviluppa l-infrastruttura (eż. il-ħiliet, l-għodod funzjonali, sistemi tal-informazzjoni, proċessi) meħtieġa għall-akkwisti konġunti.”;

3.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-bank ċentrali għandhom jiffinanzjaw il-baġit tal-EPCO skont ir-regoli adottati mill-Kunsill Governattiv, li jista' jkun ibbażat fuq envelopp finanzjarju li jkopri bosta snin jew proposta ta' baġit annwali, u jista' jinkludi inċentivi li jippromwovu t-tmexxija ta' proġetti konġunti ta' akkwisti.”;

4.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-EPCO għandu jwettaq valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-EPCO fiż-żmien propizju qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu. Fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jorganizza proċedura ta' għażla biex jagħżel bank ċentrali ospitanti ġdid.”;

5.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   Wara li jiġi identifikat każ potenzjali għal akkwist konġunti, l-EPCO għandu jistieden lill-banek ċentrali biex jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta' sejħiet għall-offerti. Il-banek ċentrali għandhom jinfurmaw lill-EPCO fiż-żmien opportun jekk għandhomx il-ħsieb li jieħdu sehem fil-proċedura konġunta ta' sejħiet għall-offerti u, jekk dan ikun il-każ, għandhom jikkomunikaw il-ħtiġijiet tal-ħidma tagħhom lill-EPCO. Meta l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt ma tkunx meħtieġa, bank ċentrali jista' jirtira milli jipparteċipa f'akkwist konġunt sakemm jikkommetti formalment li jipparteċipa. Meta tkun meħtieġa l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, bank ċentrali jista' jirtira milli jipparteċipa f'kull ħin qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt.”;

6.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull sena l-EPCO għandu jissottometti pjan ta' akkwisti aġġornat għal proċeduri konġunti t'a sejħiet għall-offerti, inklużi l-ismijiet tal-banek ċentrali li jmexxu, lill-Kunsill Governattiv għal approvazzjoni. Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-pjan ta' akkwisti u l-implimentazzjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Tmexxija tal-EPCO.”;

7.

L-Artikolu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta' istituzzjonijiet oħrajn

Il-Kunsill Governattiv jista' jistieden lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-EPCO u fil-proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-banek ċentrali tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv jista' jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EPCO u fi proċeduri konġunti ta' sejħiet għall-offerti taħt il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill Governattiv fl-istedina. Kull stedina ta' din ix-xorta għandha tkun limitata għall-akkwist konġunt ta' oġġetti u servizzi sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet li huma komuni għall-banek ċentrali u l-entitajiet mistiedna u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu simili għal dawk li japplikaw għall-banek ċentrali tal-Ewrosistema.”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/280 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44) (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 29).

(2)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2008/17 tas-17 ta' Novembru 2008 li twaqqaf il-qafas għall-akkwist konġunt tal-Ewrosistema (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 76).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/8


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/22

tas-7 ta' Jannar 2016

dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, li tħassar ir-Rakkomandazzjoni 2010/133/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu

Billi:

(1)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-Awtorità tas-Sigurtà tal-Ikel fl-Ewropa (EFSA) adotta opinjoni xjentifika fl-20 ta' Settembru 2007 dwar l-etil karbamat u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u fix-xorb (1). Il-Bord ikkonkluda li l-etil karbamat fix-xorb alkoħoliku huwa ta' tħassib għas-saħħa, b'mod partikolari fir-rigward tal-brandy magħmul mill-frott tal-għadma, u rrakkomanda li jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-livelli ta' etil karbamat f'dan ix-xorb. Billi l-aċidu idroċjaniku huwa prekursur importanti tal-formazzjoni tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, il-Bord ikkonkluda li miżuri bħal dawn għandhom jinkludu punt fokali fuq l-aċidu idroċjaniku u fuq prekursuri oħra tal-etil karbamat, għall-prevenzjoni tal-formazzjoni tal-etil karbamat matul il-ħajja ta' dawn il-prodotti.

(2)

Il-kontenut massimu tal-aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur ġie stipulat fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dan ir-Regolament jistipula li l-kontenut massimu ta' aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur għandu jkun ta' 7 grammi għal kull ettolitru ta' 100 % vol. ta' alkoħol (70 mg/l).

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi livell massimu ta' aċidu idroċjaniku ta' 35 mg/kg f'xorb alkoħoliku. Dan il-livell massimu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/133/UE (4) ipprevediet Kodiċi ta' Prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u rrakkomandat lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dan il-Kodiċi jiġi implimentat mill-operaturi tan-negozju tal-ikel kollha kkonċernati. Barra minn hekk, kellu jiġi żgurat li ttieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinkisbu livelli kemm jista' jkun baxxi tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur bl-għan li jinkiseb il-livell immirat ta' 1 mg/l. Ġie rrakkomandat ukoll li jiġu ssorveljati l-livelli tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur matul is-snin 2010, 2011, u 2012 biex jiġu evalwati l-effetti tal-Kodiċi ta' Prattika.

(5)

Dawn ir-riżultati tal-monitoraġġ kienu rrapportati f'Rapport tekniku tal-EFSA “Evaluation of monitoring data on levels of ethyl carbamate in the years 2010-2012 (5)”, li ġie adottat fit-28 ta' Marzu 2014. Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-livelli ta' etil karbamat fi “Spirti magħmulin minn frott bl-għadma” u “Spirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma” ta' kampjuni tul it-tliet snin 2010-2012. Kollox ma' kollox, fis-sett tad-dejta dwar l-etil karbamat tal-2010-2012 aktar minn 80 % tar-riżultati analitiċi fl-“Ispirti magħmulin minn frott bl-għadma” u aktar minn 95 % tar-riżultati analitiċi fl-“Ispirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma” kienu taħt il-valur fil-mira ta' 1 mg/l. L-okkorrenza medja fl-istess gruppi tal-ikel kienet ukoll taħt il-mira (madwar terz tal-mira fil-każ tal-“Ispirti magħmulin minn frott bl-għadma” u terz tal-mira fil-każ tal-“Ispirti magħmulin mill-frott għajr frott tal-għadma”).

(6)

Huwa xieraq li jinżamm il-Kodiċi ta' Prattika, b'livell immirat ta' etil karbamat ta' 1 mg/l filwaqt li l-Kodiċi jiġi aġġornat bl-esperjenzi miksuba u jiġi allinjat fuq ċerti aspetti tal-Kodiċi ta' Prattika Codex dwar il-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fid-distillati tal-frott tal-għadma, adottat fl-2011 (CAC/RCP 70-2011),

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri

1.

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-“Kodiċi ta' Prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur” kif deskritt fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni, qed jiġi implimentat mill-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni, l-ippakkjar, it-trasport, iż-żamma u l-ħażna tal-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma,

2.

jiżguraw li qed jittieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinkisbu livelli kemm jista' jkun baxxi tal-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur bl-għan li jinkiseb il-livell immirat ta' 1 mg/l.

Ir-Rakkomandazzjoni 2010/133/UE hija mħassra.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku għall-Kontaminanti fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-etil karbamat u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u x-xorb, EFSA Journal 2007; 551, pp. 1-44. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/Contam_ej551_ethyl_carbamate_en_rev.1,3.pdf

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/133/UE tat-2 ta' Marzu 2010 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-etil karbamat fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u l-monitoraġġ tal-livelli ta' etil karbamat f'dawn ix-xarbiet (ĠU L 52, 3.3.2010, p. 53).

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2014; Evaluation of monitoring data on levels of ethyl carbamate in the years 2010-2012. EFSA supporting publication 2014:EN-578. 22 pp. Disponibbli fuq: http://www.efsa.europa.eu/en/supporting/doc/578e.pdf


ANNESS

INTRODUZZJONI

1.

L-etil karbamat huwa kompost li jinsab b'mod naturali f'ikel iffermentat u fix-xorb alkoħoliku bħall-ħobż, il-jogurt, iz-zalza tas-sojja, l-inbid, il-birra u b'mod partikolari fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, prinċipalment dawk magħmula miċ-ċirasa, l-għanbaqar, il-mirabelli u l-berquq.

2.

L-etil karbamat jista' jifforma minn diversi sustanzi inerenti fl-ikel u fix-xorb, inkluż iċ-ċjanur tal-idroġenu (jew l-aċidu idroċjaniku), l-urea, iċ-ċitrullina, u komposti oħra tal-N-karbamil. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet iċ-ċjanat huwa probabbilment l-aħħar prekursur, li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-etil karbamat.

3.

Fid-distillati tal-frott tal-għadma (l-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur) l-etil karbamat jista' jifforma mill-glokosidi ċjanoġeniċi li huma kostitwenti naturali tal-għadam. Meta l-frott isir maxx, l-għadam jista' jinkiser u l-glokosidi ċjanoġeniċi mill-għadam jistgħu jiġu f'kuntatt mal-enżimi fil-maxx tal-frott. Il-glokosidi ċjanoġeniċi huma mbagħad degradati għal aċidu idroċjaniku/ċjanuri. L-aċidu idroċjaniku jista' wkoll jiġi rrilaxxat mill-għadam intatt matul ħażna itwal tal-maxx iffermentat. Matul il-proċess ta' distillazzjoni l-aċidu idroċjaniku jista' jiġi arrikkit fil-frazzjonijiet kollha. Taħt l-influwenza tad-dawl, iċ-ċjanur huwa ossidat għal ċjanat waqt li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-etil karbamat. Ladarba tkun bdiet ir-reazzjoni, ma tistax titwaqqaf. Ċerti kundizzjonijiet ambjentali bħall-esponiment għad-dawl, temperaturi għoljin u l-preżenza ta' joni tar-ramm jippromwovu l-formazzjoni tal-etil karbamat fid-distillat.

4.

Il-konċentrazzjoni tal-etil karbamat tista' titnaqqas sew bl-użu ta' żewġ strateġiji differenti: l-ewwel, billi titnaqqas il-konċentrazzjoni tas-sustanzi prekursuri prinċipali; it-tieni, billi titnaqqas it-tendenza li dawn is-sustanzi jirreaġixxu biex jiffurmaw iċ-ċjanat. Il-fatturi ewlenin li huma ta' influwenza huma l-konċentrazzjoni tal-prekursuri (eż. l-aċidu idroċjaniku u ċ-cjanuri) u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, bħall-esponiment għad-dawl u t-temperatura.

5.

Għalkemm s'issa għad ma hemm l-ebda korrelazzjoni qawwija stabbilita bejn il-livell tal-aċidu idroċjaniku u l-etil karbamat, huwa evidenti li taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konċentrazzjonijiet qawwija ta' aċidu idroċjaniku jistgħu jwasslu għal livelli ogħla ta' etil karbamat. Żieda potenzjali fil-formazzjoni tal-etil karbamat ġiet assoċjata ma' livelli ta' 1 mg/l jew iktar ta' aċidu idroċjaniku fid-distillat finali (1)  (2). Abbażi ta' esperjenzi prattiċi, jista' jiġi preżunt li minn 1 mg ta' aċidu idroċijaniku jista' jifforma sa 0,4 mg etil karbamat f'relazzjoni mhux ekwimolari.

6.

Il-Parti I tagħti dettalji dwar il-proċess ta' produzzjoni. Il-Parti II fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi msejsa fuq Prattika ta' Manifattura Tajba (PMT).

I.   DESKRIZZJONI TAL-PROĊESS TA' PRODUZZJONI

7.

Il-proċess ta' produzzjoni għall-ispirti tal-frott u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur jinvolvi t-tgħaffiġ u l-fermentazzjoni tal-frotta kollha kemm hi, segwiti mid-distillazzjoni. Il-proċess isegwi b'mod tipiku l-istadji mniżżla hawn taħt:

it-tgħaffiġ tal-frotta kollha misjura;

il-fermentazzjoni tal-maxx f'tankijiet tal-azzar innossidabbli jew f'kontenituri adattati għall-fermentazzjoni;

it-trasferiment tal-maxx iffermentat fl-apparat ta' distillazzjoni, li ta' sikwit ikun borma tar-ram;

it-tisħin tal-maxx iffermentat b'metodu xieraq ta' tisħin biex iħalli l-alkoħol jagħli bil-mod;

it-tkessiħ tal-fwar tal-alkoħol f'kolonna xierqa (eż. tal-azzar inossidabbli) fejn jikkondensa u jinġabar;

it-tifrid tat-tliet frazzjonijiet differenti ta' alkoħol: “il-bidu”, “il-qalba” u “il-bqija”;

8.

Matul id-distillazzjoni, il-kontenut “tal-bidu” jagħli l-ewwel. Dan jista' jiġi normalment rikonoxxut mis-solvent tiegħu jew mill-aromi tal-lostru. Din il-frazzjoni mhijiex ġeneralment tajba għall-konsum u għandha tiġi skartata.

9.

Matul il-proċess ta' distillazzjoni tan-nofs (il-“qalba”), l-alkoħol tal-etil (etanol), li hu l-alkoħol prinċipali fl-ispirti kollha, jiġi ddistillat. Din il-parti tal-proċess ta' distillazzjoni, fejn il-kontenut ta' volatili għajr l-etanol huwa l-aktar baxx u fejn jinstabu l-aromi tal-frott l-aktar puri, tinġabar dejjem.

10.

Il-“bqija” tad-distillazzjoni tinkludi l-aċidu aċetiku u ż-żjut fusel li ta' spiss huma identifikati minn aromi ta' ħall u aromi veġetali mhux pjaċevoli. Din il-parti hija wkoll skartata, iżda tista' tiġi distillata mill-ġdid minħabba li xi etanol huwa inkluż b'mod invarjabbli mal-bqija.

II.   PRATTIKA RAKKOMANDATA MSEJSA FUQ PRATTIKA TA' MANIFATTURA TAJBA (PMT)

Materja prima u preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott

11.

Il-materja prima u l-preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott għandhom ikunu xierqa biex jevitaw ir-rilaxx tal-aċidu idroċjaniku, li huwa prekursur tal-etil karbamat.

12.

Il-frott tal-għadma għandu jkun ta' kwalità għolja, mhux imħassar mekkanikament u mhux mgħarraq mikrobijoloġikament, billi l-frott imħassar jew mgħarraq jista' jkun fih aktar ċjanur ħieles.

13.

Il-frott għandu preferibbilment titneħħilu l-għadma.

14.

Jekk il-frott ma titneħħilux l-għadma, għandu jitgħaffeġ bil-mod biex jiġi evitat li l-għadam jitfarrku. Jekk possibbli, l-għadam għandhom jitneħħew mill-maxx.

Il-fermentazzjoni

15.

Tipi ta' ħmira magħżula għall-produzzjoni tal-alkoħol għandha tiġi miżjuda flimkien mal-frott maxx, skont l-istruzzjonijiet għall-utenti.

16.

Il-frott maxx iffermentat għandu jiġi ttrattat bi standards għolja ta' iġjene, u l-esponiment għad-dawl għandu jiġi mminimizzat. Il-maxx tal-frott iffermentat li jkun fih l-għadam għandu jinħażen għal żmien qasir kemm jista' jkun qabel id-distillazzjoni billi l-aċidu idroċjaniku jista' wkoll jiġi rrilaxxat mill-għadam intatt matul perjodu ta' ħażna itwal tal-maxx.

It-tagħmir tad-distillazzjoni

17.

It-tagħmir ta' distillazzjoni u l-proċess ta' distillazzjoni għandhom ikunu adattati, biex jiżguraw li l-aċidu idroċjaniku ma jiġix trasferit fid-distillat.

18.

It-tagħmir ta' distillazzjoni għandu jinkludi apparat ta' tlaħliħ awtomatiku u konvertituri katalitiċi tar-ramm. L-apparat ta' tlaħliħ awtomatiku għandu jżomm l-imqatar indaf waqt li l-konvertituri katalitiċi tar-ramm jgħaqqdu l-aċidu idroċjaniku qabel ma jgħaddi fid-distillat.

19.

L-apparat ta' tlaħliħ awtomatiku mhuwiex meħtieġ fil-każ ta' distillazzjoni li mhuwiex kontinwu. It-tagħmir ta' distillazzjoni għandu jitnaddaf permezz ta' proċeduri ta' tindif sistematiċi u bir-reqqa.

20.

F'ċerti każijiet, fejn ma jintużaw l-ebda konvertituri katalitiċi tar-ramm jew separaturi oħra taċ-ċjanur, għandhom jiġu miżjuda l-aġenti tar-ramm mal-maxx tal-frott iffermentat qabel id-distillazzjoni. L-għan tal-aġenti tar-ramm hu li jgħaqqdu l-aċidu idroċjaniku. L-aġenti tar-ramm jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati u għandhom jintużaw b'reqqa kbira skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Dawn il-preparazzjonijiet jinkludu joni tar-ramm (I) marbutin mal-aċidu idroċijaniku. Il-joni tar-ramm (II) huma mingħajr effett u ma għandhomx jintużaw.

21.

Filwaqt li l-joni tar-ramm jistgħu jimpedixxu l-formazzjoni tal-prekursuri tal-etil karbamat fil-maxx u fl-istill, huma jistgħu jippromwovu l-formazzjoni tal-etil karbamat fid-distillat. Għalhekk, l-użu ta' kondensatur tal-azzar inossidabbli fit-tarf tal-apparat tad-distillazzjoni minflok kondensatur tar-ramm jillimita l-preżenza tar-ramm fid-distillat u jnaqqas ir-rata tal-formazzjoni tal-etil karbamat.

Il-proċess ta' distillazzjoni

22.

L-għadam li jkun baqa' fil-maxx iffermentat ma għandux jiġi ppumpjat fl-apparat tad-distillazzjoni.

23.

Id-distillazzjoni għandha titwettaq b'tali mod li l-alkoħol jagħli bil-mod (eż. bl-użu tal-fwar minflok fjamma diretta bħala s-sors tat-tisħin).

24.

L-ewwel frazzjonijiet tad-distillat, li jissejjaħ il-kontenut “tal-bidu”, għandha tiġżi sseparata bir-reqqa.

25.

Il-frazzjoni tan-nofs, imsejħa “l-qalba”, għandha mbagħad tinġabar u tinħażen fid-dlam. Meta l-kontenut tal-alkoħol jilħaq il-50 % tal-vol. fir-riċevitur, għandha mbagħad tinġabar “il-bqija”, biex kwalunkwe etil karbamat li seta' ġie ffurmat jiġi sseparat fil-frazzjoni tal-bqija.

26.

Il-bqija li tkun ġiet separata, li possibbilment ikun fiha l-etil karbamat, għandha tinġabar u jekk tintuża għad-distillazzjoni mill-ġdid, għandha tiġi ddistillata għal darb'oħra separatament. Madankollu, biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-etil karbamat huwa preferibbli li l-bqija tintrema.

Verifiki fir-rigward tad-distillat, id-distillazzjoni mill-ġdid u l-ħażna

L-aċidu idroċjaniku:

27.

Id-distillati għandhom jiġu vverifikati regolarment għal-livelli tagħhom ta' aċidu idroċjaniku. Id-determinazzjoni għandha titwettaq permezz ta' testijiet xierqa, jew b'settijiet għall-ittestjar rapidu tal-livelli tal-aċidu idroċjaniku, jew, inkella, permezz ta' laboratorju speċjalizzat.

28.

Jekk il-konċentrazzjoni tal-aċidu idroċjaniku fid-distillat taqbeż il-livell ta' 1 mg/l, hija rrakkomandata d-distillazzjoni mill-ġdid b'konvertituri katalitiċi jew b'aġenti tar-ramm (ara l-punti 18 u 20), fejn xieraq.

29.

Id-distillati b'livelli ta' aċidu idroċjaniku viċin ta' 1 mg/l għandhom idealment jiġu distillati mill-ġdid jew, fejn dan mhux possibbli, jinħażnu fi fliexken li ma jgħaddix dawl minnhom jew f'kaxex tal-għata b'perjodi ta' ħażna li jkunu qosra kemm jista' jkun u mhux f'temperaturi ogħla biex tiġi evitata l-formazzjoni tal-etil karbamat matul il-ħażna.

L-etil karbamat:

30.

L-ittestjar tal-etil karbamat huwa rrakkomandat għad-distillati li fihom il-kompost seta' diġà ġie ffurmat (eż. distillati bi storja ta' produzzjoni mhux magħrufa, livelli ogħla ta' ċjanur, ħażna mdawwla jew f'temperaturi ogħla). Il-livell ta' etil karbamat jistgħu jiġu ttestjati biss minn laboratorju speċjalista.

31.

Jekk id-distillat juri konċentrazzjoni ta' etil karbamat li taqbeż il-livell immirat ta' 1 mg/l, id-distillat għandu jiġi ddistillat mill-ġdid, meta xieraq.


(1)  Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (I), Kleinbrennerei 1998; 11: 9-13.

(2)  Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (II), Kleinbrennerei 1999; 1: 5-13.


Rettifika

9.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/13


Rettifika tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 tad-19 ta' Diċembru 2015 )

F'paġna 6,

minflok:

“V Bruseli druhého decembra dvetisíctridsať.”,

aqra:

“V Bruseli druhého decembra dvetisícpätnásť.”.