ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 267

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
14 ta' Ottubru 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1840 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Istarski pršut/Istrski pršut (DOP)]

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1841 tat-13 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1842 tad-9 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip (notifikata bid-dokument C(2015) 6729)  ( 1 )

5

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1840

tas-7 ta' Ottubru 2015

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Istarski pršut/Istrski pršut (DOP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Istarski pršut” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Is-Slovenja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-avviż ta' oppożizzjoni tat-30 ta' Awwissu 2013 u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni tal-25 ta' Ottubru 2013. L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli.

(3)

Bl-ittri tas-7 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. Barra minn hekk ingħatat estensjoni ta' tliet xhur għall-iskadenza tal-konsultazzjonijiet, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 51(3), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)

Is-Slovenja allegat, fost affarijiet oħra, li r-reġistrazzjoni ta' “Istarski pršut” ma kinitx konformi mad-definizzjoni ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta minħabba li ż-żona ġeografika tal-materja prima kienet ikbar miż-żona ġeografika ddefinita. Barra minn hekk, is-Slovenja affermat li r-reġistrazzjoni kienet se tipperikola l-eżistenza ta' “Istrski pršut”, jiġifieri l-isem użat fis-Slovenja għal prodott li għandu l-istess karatteristiċi bħal ta' “Istarski pršut”, u li kien ilu legalment fis-suq għal aktar minn ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument uniku ta' “Istarski pršut” f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Wara sitt xhur ta' konsultazzjonijiet, intlaħaq ftehim bejn il-Kroazja u s-Slovenja. Dan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni bl-ittri tat-3 u tal-10 ta' Settembru 2014.

(6)

Wara l-ftehim saru diversi emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-applikazzjoni tal-Kroazja saret applikazzjoni multinazzjonali (Kroata u Slovena). L-isem tal-prodott “Istarski pršut” inbidel għal “Istarski pršut/Istrski pršut”, u għalhekk jinkludi wkoll l-isem fil-lingwa Slovena. Iż-żona ta' produzzjoni ġiet estiża biex tinkludi l-parti Slovena tal-Peniżola tal-Istrija. Ġew introdotti wkoll aġġustamenti żgħar għal taqsimiet oħra tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

(7)

Peress li d-dokument uniku kien ġie emendat b'mod sostanzjali, f'konformità mal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni rrepetiet l-iskrutinju tal-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfati.

(8)

Fir-rigward tal-parti taż-żona tal-Kroazja, id-differenza bejn iż-żona għall-materja prima u ż-żona ġeografika ddefinita nżammet bħalma kienet fl-applikazzjoni oriġinali. Billi r-rekwiżiti kollha elenkati fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ġew issodisfati, l-isem jista' jibbenefika mid-deroga stipulata f'dak l-Artikolu u għaldaqstant jista' jiġi rreġistrat bħala Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja u mis-Slovenja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(10)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda stqarrija ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” għandha għalhekk tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” (DOP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 155, 1.6.2013, p. 3.

(3)  ĠU L 186, 5.6.2015, p. 9.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


14.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1841

tat-13 ta' Ottubru 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

49,1

MA

145,5

MK

41,5

TR

118,1

ZZ

88,6

0707 00 05

AL

38,5

TR

112,1

ZZ

75,3

0709 93 10

TR

138,3

ZZ

138,3

0805 50 10

AR

133,8

CL

149,0

TR

106,2

UY

86,1

ZA

114,7

ZZ

118,0

0806 10 10

BR

250,8

EG

188,2

MA

56,6

MK

97,5

TR

179,3

ZZ

154,5

0808 10 80

AR

258,5

CL

209,5

MK

23,1

NZ

168,2

ZA

138,6

ZZ

159,6

0808 30 90

CN

65,9

TR

134,0

XS

96,3

ZA

218,5

ZZ

128,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

14.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1842

tad-9 ta' Ottubru 2015

dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip

(notifikata bid-dokument C(2015) 6729)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/40/UE stabbiliet regoli ġodda dwar it-twissijiet tas-saħħa, inklużi twissijiet tas-saħħa kkombinati, li jitqiegħdu fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip. It-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandu jkun fihom waħda mill-kitbiet ta' twissija elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva u ritratt bil-kulur korrispondenti speċifikat fil-librerija tal-istampi fl-Anness II ta' dik id-Direttiva, u informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip. Dawn għandhom ikopru 65 % tal-erja esterna tal-wiċċ ta' quddiem u ta' wara tal-pakketti individwali u kwalunkwe mballaġġ estern.

(2)

B'qies tad-diversi forom ta' pakketti, għandhom jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati. B'mod partikolari, il-pożizzjoni tar-ritratt, it-twissija miktuba u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fi twissija tas-saħħa kombinata, id-daqs ta' dawk l-elementi, il-format, il-kuluri u t-tipi li għandhom jintużaw għandhom ikunu speċifikati sabiex ikun żgurat li kull element huwa kompletament viżibbli.

(3)

Minħabba l-forom u d-daqsijiet differenti tal-pakketti fis-suq, huwa xieraq li jintalab li t-twissijiet tas-saħħa kkombinati jitqassmu f'format fuq xulxin jew f'format ħdejn xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata jkun aktar minn 70 % tal-wisa' tagħha, għandu jintuża format fuq xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata jkun aktar minn 20 % imma anqas minn 65 % tal-wisa' tagħha, għandu jintuża format ħdejn xulxin. Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata tkun akbar minn jew ugwali għal 65 % iżda anqas minn jew ugwali għal 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk għandhom jitħallew jagħżlu liema format għandu jintuża, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli u ma jkunux imfixkla.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li r-ritratt ikun l-aktar element importanti tat-twissija tas-saħħa kkombinata, dan għandu jitqiegħed fuq nett tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format fuq xulxin u fuq in-nofs tax-xellug tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati fil-format ħdejn xulxin. Ir-ritratt għandu wkoll ikun l-akbar element f'twissija tas-saħħa kkombinata.

(5)

Madankollu, meta minħabba l-forma tal-pakkett individwali jew l-imballaġġ estern, it-twissija tas-saħħa tkun ferm usa' minn kemm tkun għolja, ikun xieraq li wieħed jipprevedi regoli speċjali dwar id-daqs tal-elementi tat-twissija tas-saħħa kkombinata, sabiex jiġi żgurat li dan ir-ritratt ma jiġix distort permezz ta' skalar u li l-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip jibqgħu kompletament viżibbli u leġġibbli.

(6)

Sabiex ikunu żgurati l-viżibilità u ċ-ċarezza tat-twissija tas-saħħa kkombinata, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kuluri, ir-riżoluzzjoni minima, il-font u l-ispazju tat-tipa bejn il-linji. Tolleranzi tal-istampa li ma jistgħux jiġu evitati jitqiesu bħala aċċettabbli.

(7)

Jixraq li wieħed jipprevedi regoli speċjali fir-rigward ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati li jitqiegħdu fuq quddiem ta' pakketti individwali b'għatu tat-tip li jifflippja (flip-top lid) meta l-għatu jkopri erja tal-wiċċ ikbar jew iżgħar minn 50 % tal-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt u l-ftuħ tal-għatu li jifflippja jwassal għal qasma fir-ritratt, fil-kliem ta' twissija jew fl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip. F'dawn il-każijiet jixraq li jiġu previsti regoli aktar flessibbli fir-rigward tad-daqs ta' kull wieħed mit-tliet elementi ta' twissija tas-saħħa kkombinata. Il-manifatturi jew l-importaturi għandhom ukoll jitħallew inaqqsu d-daqs tat-tipa, l-ispazju bejn il-linji f'kitba ta' twissija u fl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip meta t-twissija tas-saħħa kkombinata fuq il-parti ta' quddiem ta' tali pakketti tinkiteb b'aktar minn lingwa waħda jew meta dan ma jkunx jista' jiġi evitat fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipa tal-ilma, sakemm l-elementi kollha jibqgħu kompletament viżibbli.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar it-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta' twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip.

Artikolu 2

Tqassim tal-għamla u forma tat-twissija tas-saħħa kkombinata

1.   Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata ikun ta' aktar minn 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi għandhom jistabbilixxu t-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format fuq xulxin kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness.

Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata huwa ta' aktar minn 20 % iżda anqas minn 65 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi għandhom jistabbilixxu t-twissijiet tas-saħħa kkombinati f'format ħdejn xulxin kif muri fit-Taqsima 2 tal-Anness.

Meta l-għoli ta' twissija tas-saħħa kkombinata hija akbar minn jew ugwali għal 65 % iżda anqas minn jew ugwali għal 70 % tal-wisa' tagħha, il-manifatturi jistgħu jagħżlu jekk jużawx l-format fuq xulxin jew il-format ħdejn xulxin, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli u ma jkunux distorti.

2.   Meta jintuża format fuq xulxin, ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip stampati taħtu kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 50 %, it-twissija bil-miktub 38 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

Meta jintuża format ħdejn xulxin, ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-nofs tax-xellug tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub fuq in-naħa ta' fuq tal-lemin u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fin-naħa t'isfel fuq il-lemin tat-twissija kif muri fit-Taqsima 2 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 50 %, it-twissija bil-miktub 40 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 10 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

3.   Meta, minħabba l-forma tal-pakkett individwali jew l-imballaġġ estern, l-għoli tat-twissija tas-saħħa kkombinata huwa inqas minn jew ugwali għal 20 % tal-wisa' tagħha, it-twissija tas-saħħa għandha tkun stabbilita f'format ma' ġemb xulxin b'wisa' addizzjonali kif muri fit-Taqsima 3 tal-Anness. Ir-ritratt għandu jokkupa 35 %, it-twissija bil-miktub 50 %, u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip 15 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda ta' barra.

Artikolu 3

Disinn tal-forma tat-twissija tas-saħħa kkombinata

1.   It-twissija tas-saħħa għandha tkun stampata f'erba' kuluri CMYK. L-elementi kollha bl-iswed għandhom ikunu C0, M0, Y0 u K100 u dawk bl-isfar moħmi għandhom ikunu C0, M10, Y100 u K0.

It-twissija tas-saħħa għandha tkun riprodotta f'riżoluzzjoni minima ta' 300dpi meta tiġi stampata f'daqs attwali.

2.   It-twissija bil-miktub għandha tkun stampata b'karattri bojod fuq sfond iswed.

Meta l-prodotti tat-tabakk għat-tipjip ikunu maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Istati Membri li għandhom iktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-kliem tat-twissija bl-ewwel lingwa għandu jiġi stampat bl-abjad, il-kliem tat-twissija bit-tieni lingwa għandu jiġi stampat bl-isfar moħmi u l-kliem tat-twissija bit-tielet lingwa, jekk applikabbli, għandu jiġi stampat bl-abjad.

L-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip għandha tiġi stampata bl-iswed fuq sfond isfar moħmi, kif jidher fl-Anness.

3.   Meta jintuża format ma' ġenb xulxin, format fuq xulxin mreġġa' lura jew format b'wisa' addizzjonali, għandha tiġi stampata bordura sewda ta' 1 mm bejn l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip u r-ritratt fil-panew bl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.

4.   Il-manifatturi jew l-importaturi għandhom jiżguraw li r-ritratt:

(a)

huwa riprodott mingħajr ma jiġu applikati effetti, aġġustament tal-kuluri, rtokk, jew estensjoni fl-isfond;

(b)

mhux maqtugħ qrib wisq jew wisq 'il bogħod mill-punt fokali tal-immaġni u

(c)

jitnaqqas fid-daqs proporzjonalment mingħajr ma jiġġebbed jew jinxtorob.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li:

(a)

il-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip huma allinjati mix-xellug u ċċentrati b'mod vertikali;

(b)

il-kliem tat-twissija u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip huma stampati bit-tipa Neue Frutiger Condensed Bold;

(c)

il-kliem tat-twissija huwa stampat b'tipa ta' daqs uniformi;

(d)

id-daqs tat-tipa tat-test tat-twissija u tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip tkun kbira kemm jista' jkun biex tkun żgurata l-viżibbiltà massima tat-test;

(e)

id-daqs minimu tat-tipa tat-twissija bil-miktub ikun ta' 6 pt u d-daqs minimu tat-tipa tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip ikun ta' 5 pt;

(f)

l-ispazju bejn il-linji jkun ta' 2 pt akbar mid-daqs tat-tipa ta' twissija bil-miktub u jkun minn 1 sa 2 pt ikbar mid-daqs tat-tipa tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip;

(g)

il-kliem tat-twissija jkun riprodott kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 2014/40/UE, inkluż fir-rigward tal-użu ta' ittri kbar, iżda bl-esklużjoni tal-innumerar.

B'deroga mill-punti (e) u (f), il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakka għall-pipi tal-ilma jistgħu jnaqqsu d-daqs tal-font jew l-ispazju bejn il-linji tat-twissija miktuba u tal-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip meta dan ma jkunx jista' jiġi evitat, sakemm l-elementi kollha tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli.

Artikolu 4

Regoli speċjali għal ċerti pakketti individwali b'għatu li jifflippja (flip-top lid)

1.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2), ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal twissijiet tas-saħħa kkombinati li jitqiegħdu fuq quddiem ta' pakketti individwali li għandhom għatu li jifflippja (flip-top lid):

(a)

meta l-għatu jkun iżgħar mill-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt fl- Artikolu 2(2) u l-osservanza ta' din id-dispożizzjoni tirriżulta li dan ir-ritratt jinqasam meta l-pakkett jinfetaħ:

(i)

il-kitba tat-twissija għandha titqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bl-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip u r-ritratt stampati taħtha kif muri fit-Taqsima 4 tal-Anness; kif ukoll

(ii)

ir-ritratt għandu jokkupa talanqas 50 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija tas-saħħa kkombinata, il-kitba tat-twissija talanqas 30 % u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip talanqas 10 % iżda mhux aktar minn 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda esterna;

(b)

meta l-għatu jkun ikbar mill-erja tal-wiċċ prevista għar-ritratt fl- Artikolu 2(2) u l-osservanza ta' din id-dispożizzjoni tirriżulta li t-twissija bil-miktub jew l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip tinqasam meta l-pakkett jinfetaħ:

(i)

ir-ritratt għandu jitqiegħed fin-naħa ta' fuq tat-twissija tas-saħħa kkombinata, bit-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip stampati taħtu kif muri fit-Taqsima 1 tal-Anness; kif ukoll

(ii)

ir-ritratt għandu jokkupa talanqas 50 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija tas-saħħa kkombinata, il-kitba tat-twissija talanqas 30 % u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip talanqas 10 % iżda mhux aktar minn 12 % tal-erja tal-wiċċ tat-twissija dwar is-saħħa kkombinata fil-bordura sewda esterna.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li ebda wieħed mit-tliet elementi tat-twissija tas-saħħa kkombinata ma jinqasam meta jinfetaħ il-pakkett individwali.

2.   B'deroga mill-Artikolu 3(5)(e) u (5)(f), il-manifatturi jew l-importaturi tas-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk għall-pipi tal-ilma f'pakketti unitarji b'għatu li jifflippja jistgħu jnaqqsu d-daqs tat-tipa jew l-ispazju bejn il-linji tat-twissija bil-miktub u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip fuq in-naħa ta' quddiem tal-pakketti meta twissija tas-saħħa kkombinata tkun b'aktar minn lingwa waħda, sakemm l-elementi kollha tat-twissija tas-saħħa kkombinata jibqgħu kompletament viżibbli.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.


ANNESS

1.   Format fuq xulxin (l-Artikoli 2 (1), (2) u 4 (1b))

Image

2.   Format ma' ġemb xulxin (l-Artikoli 2(1) u (2))

Image

3.   Format ma' ġenb xulxin b'wisa' addizzjonali (l-Artikolu 2(3))

Image

4.   Format fuq xulxin mreġġa' lura (l-Artikolu 4(1a))

Image