ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 250

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
25 ta' Settembru 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1582 tas-17 ta' Lulju 2013 dwar il-miżuri SA.30704 — 12/C (ex NN 53/10), li l-Latvja implimentat għall-Bank Ipotekarju u tal-Artijiet Latvjan SA — il-parti kummerċjali (notifikata bid-dokument C(2013) 4406)  ( 1 )

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1583 tal-4 ta' Awwissu 2014 dwar l-iskema ta' Għajnuna SA.18859 (11/C) (ex 65/10 NN) implimentata mir-Renju Unit — Għajnuna mill-Imposta fuq l-Aggregat fl-Irlanda ta' Fuq (ex N 2/2004) (notifikata bid-dokument C(2014) 5466)  ( 1 )

18

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1584 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero (notifikata bid-dokument C(2014) 6838)  ( 1 )

38

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-iskema ta' għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija) (notifikata bid-dokument C(2014) 8786)  ( 1 )

122

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2015) 1281)  ( 1 )

165

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1587 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35546 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Portugall għal Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. (notifikata bid-dokument C(2015) 3036)  ( 1 )

208

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1582

tas-17 ta' Lulju 2013

dwar il-miżuri SA.30704 — 12/C (ex NN 53/10), li l-Latvja implimentat għall-Bank Ipotekarju u tal-Artijiet Latvjan SA — “il-parti kummerċjali”

(notifikata bid-dokument C(2013) 4406)

(Il-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni approvat żewġ miżuri ta' rikapitalizzazzjoni favur “il-Bank Ipotekarju u tal-Artijiet Latvjan” (2) (“l-MLB” jew “il-Bank”) għall-ammont totali ta' LVL 72,79 miljun (EUR [102,5-103,6] miljun), li ngħataw lill-bank f'Jannar u Novembru 2009 (3) rispettivament (“id-Deċiżjoni ta' Novembru 2009”).

(2)

Fl-1 ta' April 2010, l-awtoritajiet Latvjani nnotifikaw rikapitalizzazzjoni oħra fl-ammont ta' LVL 70,2 miljun (EUR 100 miljun), li kienet ġie implimentata fit-23 ta' Marzu 2010. In-notifika ġiet irreġistrata fis-6 ta' April 2010. Bejn Mejju 2010 u Jannar 2012 l-awtoritajiet Latvjani taw aktar tagħrif lill-Kummissjoni (4).

(3)

Fis-26 Jannar 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet (5) li tapprova temporanjament il-miżura ta' rikapitalizzazzjoni ta' LVL 70,2 miljun mogħtija fit-23 ta' Marzu 2010, miżura ta' rikapitalizzazzjoni ta' LVL 50 miljun mogħtija lill-bank fl-aħħar tal-2011 (mogħtija bħala miżura ta' likwidità li għandha tinqaleb f'kapital), faċilità ta' likwidità ta' riżerva sal-massimu ta' LVL 250 miljun għall-bank, garanziji sal-massimu ta' LVL 32 miljun lill-kredituri kummerċjali internazzjonali tal-parti kummerċjali ta' MLB u appoġġ ta' likwidità sal-massimu ta' LVL 60 miljun għal-likwidazzjoni solventi tal-assi indeboliti f'HipoNIA, kumpanija maniġerjali tal-assi pposseduta u ffinanzjata mill-MLB, u li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) rigward dawk il-miżiuri li kollox ma kollox kienu meħtieġa għar-ristrutturar tal-parti kummerċjali tal-MLB (“il-miżuri ta' ristrutturar”) u li l-parti tal-iżvilupp tagħha bbenefikat minnhom u rigward il-pjan ta' trasformazzjoni tal-MLB (6) (“id-deċiżjoni ta' ftuħ”). Il-Kummissjoni kellha d-dubji tagħha dwar il-kompatibilità tal-miżuri ta' ristrutturar mas-suq intern fid-dawl tal-kwistjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi finanzjarja attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat  (7) (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”).

(4)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri ta' ristrutturar. Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti min-naħa tal-partijiet interessati.

(5)

Fit-22 ta' Marzu 2012 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Latvjani.

(6)

Fil-5 ta' April 2012, il-Latvja ressqet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ.

(7)

Bejn Mejju 2012 u Ġunju 2013, seħħ l-iskambju regolari tal-informazzjoni bejn il-Latvja u l-Kummissjoni. Il-Latvja żammet lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress li sar rigward il-proċedura ta' privatizzazzjoni tal-parti kummerċjali tal-bank billi kemm-il darba tat informazzjoni.

(8)

Fit-23 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali. Bl-ittra li ġġib id-data tat-3 ta' Ġunju 2013 il-Latvja wieġbet għat-talba ta' informazzjoni, ħlief għall-mistoqsijiet dwar il-parti tal-iżvilupp tal-bank. Fl-istess ħin, il-Latvja pprovdiet diversi dokumenti ta' sostenn, inkluż aġġornament dwar tal-bejgħ tal-parti kummerċjali tal-MLB.

(9)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, l-awtoritajiet Latvjani infurmaw lill-Kummissjoni li huma aċċettaw b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bil-lingwa Ingliża.

(10)

Fit-28 ta' Ġunju 2013, il-Latvja infurmat lill-Kummissjoni li hija kienet effettivament sellfet LVL 70,98 miljun lil HipoNIA, u għaldaqstant kienet qabżet b'madwar LVL 11-il miljun l-ammont tal-miżura awtorizzata temporanjament fid-deċiżjoni ta' ftuħ.

2.   IL-FATTI

2.1.   Il-benefiċjarju — l-MLB

(11)

Fit-19 ta' Marzu 1993, l-MLB ġie stabbilit mill-Gvern Latvjan bħala bank tal-Istat. Il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvja huwa l-proprjetarju ta' 100 % tal-ishma tal-Bank.

(12)

L-MLB huwa bank ta' daqs medju fil-Latvja li joffri servizzi bankarji għall-konsumatur. L-MLB għandu rwol doppju, jiġifieri jopera kemm bħala bank għall-iżvilupp u kemm bħala bank kummerċjali universali (8).

(13)

L-MLB u s-sussidjarji tiegħu jiffurmaw il-grupp tal-MLB. Is-sussidjarji kollha tal-Bank huma involuti f'attivitajiet ta' natura kummerċjali. Dawk ewlenin huma kif ġej:

SIA “Riska investiciju sabiedriba”, entità bi skop speċjali (“RIS”);

SIA “Hipolizings” (“Hipolizings”), li tipprovdi servizzi ta' lokazzjoni (primarjament il-lokazzjoni ta' vetturi), b'sehem mis-suq ta' 5 % sa mit-30 ta' Ġunju 2011, iffinanzjata esklussivament mill-MLB permezz ta' faċilità ta' self ta' LVL 49 miljun;

L-IPS “Hipo Fondi” (9) (“Hipo Fondi”), li hija kumpanija maniġerjali tal-assi li tiġġestixxi fond għal skema obbligatorja tal-pensjonijiet ffinanzjata mill-Istat (it-tieni pilastru), bil-ġestjoni ta' LVL 34 miljun (madwar 4 % tas-sehem mis-suq), u b'51 % li jappartjenu għall-RIS, is-sussidjarja tal-Bank; Hipo Fondi operat bħala entità awtonoma, iżda bbenefikat min-netwerk tal-fergħat, mill-forza tal-bejgħ u mill-appoġġ tal-IT tal-MLB;

SIA “Hipoteku bankas Nekustama Ipasuma Agentura” (“HipoNIA”), li hija kumpanija maniġerjali tal-assi (10) improduttivi li tiġġestixxi portafoll tal-assi, hija ffinanzjata esklussivament mill-MLB.

(14)

Skont il-pjan ta' trasformazzjoni deskritt fil-premessi minn 45 sa 95 tad-deċiżjoni ta' ftuħ, l-MLB qed jinbidel kollu kemm hu f'bank tal-iżvilupp (jiġifieri bank li jappoġġja politiki strutturali, ekonomiċi u soċjali f'isem l-Istat, skont il-missjoni pubblika tiegħu). Għal dan l-għan, qed jitneħħewlu l-attivitajiet kummerċjali tiegħu.

(15)

Il-Latvja ħatret konsulent indipendenti estern biex iħejji kunċett għall-istituzzjonijiet tal-iżvilupp fil-Latvja. Fil-11 ta' Frar 2011, l-ewel abbozz tar-“Rapport dwar l-Ottimizzazzjoni tas-Sistema tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Iżvilupp fil-Latvja” kien ippreżentat lill-Kummissjoni u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

(16)

L-abbozz tar-rapport jipproponi, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta' istituzzjoni unika għall-iżvilupp (“SDI”) filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tagħha billi din tiġi stabbilita permezz ta' liġi speċjali u billi jinħolqu korpi indipendent deċiżjonali. F'dan il-kuntest, l-abbozz tar-rapport jidentifika l-ħtieġa li titfassal struttura funzjonali tal-SDI mill-bidu nett, abbażi ta' rieżami sħiħ tal-programmi eżistenti u tal-ħtiġijiet funzjonali u tal-persunal tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-funzjonijiet maniġerjali.

(17)

Barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa ta' interventi mill-Istat permezz ta' strumenti indiretti (garanziji individwali u għall-portafoll, il-kapital ta' riskju, fondi mezzana eċċ.), filwaqt li jitbiegħed mis-self dirett kbir u jħalli l-interventi diretti biss bħala opzjoni għal għadd żgħir ta' każijiet ferm speċifiċi u ġġustifikati (għall-mikroself, għall-bdiewa, eċċ.).

(18)

Skont l-abbozz tar-rapport, l-iffukar indirett tas-self appoġġjat mill-Istat jżid l-aċċess għall-benefiċjarji potenzjali ta' dawn il-programmi, u jtejjeb kemm il-kosteffiċjenza tat-tqassim, kif ukoll il-kooperazzjoni mas-settur bankarju kummerċjali.

2.2.   L-istrateġija ta' ristrutturar: il-bejgħ mill-MLB tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu

(19)

F'konformità mal-Memorandum Supplementari ta' Qbil ta' Lulju 2010 (Supplemental Memorandum of Understanding — “sMoU”), konsulent indipendenti kellu jfassal il-pjan ta' trasformazzjoni tal-MLB. Dan il-konsulent ngħata struzzjonijiet biex iħejji xenarji għat-trasformazzjoni tal-bank sabiex l-assi u l-obbligazzjonijet relatati mal-finanzjament tal-iżvilupp ikunu jistgħu jiġu maqsuma, u biex jiġi privatizzat il-bank bl-attivitajiet kummerċjali tiegħu jew biex il-Bank jiġi ttrasformat sabiex l-attivitajiet kummerċjali jkunu jistgħu jinbiegħu biex jinfatmu mill-parti tal-iżvilupp.

(20)

Wara li l-konsulent indipendenti analizza s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank, ikkonkluda fil-pjan ta' trasformazzjoni mħejji f'April 2011 (“il-pjan ta' trasformazzjoni ta' April 2011”) li l-aħjar xenarju jkun li l-assi kummerċjali tal-MLB jinbiegħu f'pakketti meta jkun f'waqtu.

(21)

Fl-1 ta' Novembru 2011, il-gvern Latvjan approva l-istrateġija ta' bejgħ irrakkomandata fil-pjan ta' trasformazzjoni ta' April 2011, u b'mod partikolari l-bejgħ tal-parti kummerċjali tal-MLB f'sitt pakketti.

(22)

L-entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp tal-MLB li kellhom jinbiegħu bħala entitajiet legali permezz ta' ftehim dwar l-ishma qed jintwerew fit-Tabella 1.

Tabella 1

Ħarsa ġenerali lejn l-entitajiet legali li jappartjenu għall-grupp tal-MLB  (11)

Image

Sors: L-awtoritajiet Latvjani

(23)

Fil-31 ta' Awwissu 2011, l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-parti kummerċjali tal-MLB li kellhom jinbiegħu kienu jinkludu:

Il-portafoll tas-self kummerċjali u l-ishma f'sussidjarji (HipoNIA, Hipolizings, u Hipo Fondi) li jammontaw għal LVL 283,8 miljun;

Id-depożiti li jammontaw għal LVL 356,1 miljun.

(24)

Il-proċess tal-bejgħ twettaq bl-għajnuna ta' konsulent estern ta' reputazzjoni tajba. Fil-bidu ġew ikkuntattjati 121 xerrej potenzjali. Kien hemm 98 minnhom li rċevew prospett, u minn dawn 18 iffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità, 51 ma kinux interessati u 29 ma taw l-ebda tweġiba. Sas-16 ta' Diċembru 2011, fi tmiem l-ewwel fażi tal-proċess ta' bejgħ, kienu waslu disa' offerti inizjali. Sal-11 ta' Jannar 2012, matul it-tieni fażi tal-proċess ta' bejgħ, tliet xerrejja potenzjali ppreżentaw offerta aħjar, sitta żammew l-offerta inizjali tagħhom, u waslet offerta ġdida. Dawn l-investituri potenzjali kollha ngħataw aċċess għall-kamra tad-dejta. Matul din il-fażi tal-proċedura, tliet xerrejja potenzjali rtiraw mill-proċess, u wieħed wera biss interess f'partijiet miż-żewġ pakketti (il-Pakkett 2 u 3), iżda ma ppreżentatx offerta speċifika. Bħala riżultat, sas-16 ta' Marzu 2012, l-offerti finali waslu mingħand erba' investituri potenzjali, l-aktar għal wieħed mill-pakketti, għalkemm xerrej potenzjali ppreżenta offerta għal tliet pakketti.

Pakketti

(25)

L-istrateġija tal-bejgħ approvata mill-awtoritajiet Latvjani fl-1 ta' Novembru 2011 inizjalment kienet li taqsam l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-MLB f'sitt pakketti separati, skont l-interess fis-suq li ġie ttestjat. Matul il-proċess tal-bejgħ il-Pakkett 3 nqasam f'żewġ pakketti separati, 3 A u 3B. Il-pakketti nbiegħu lil xerrejja separati, bil-bqija tal-assi u tal-obligazzjonijiet tal-MLB li ġew ittrasferiti għall-parti tal-iżvilupp. Il-proċess intemm u l-pakketti kollha nbiegħu sat-30 ta' Ġunju 2013. Il-pakketti huma magħmulin minn:

1.

Pakkett 1 (12) u Pakkett 2 (13) li fihom il-biċċa l-kbira tas-self u tad-depożiti kummerċjali li ġew mibjugħa. Il-proċess kien materjalment mitmum nhar l-24 ta' Novembru 2012. Il-kundizzjonijiet kummerċjali li jkun fadal jiġu stabbiliti matul l-2013 (il-kumpens mingħand ix-xerrej […] (*) (LVL […]) u […] skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta' bejgħ (LVL […]) ma' […]);

2.

Il-Pakkett 5 li jikkonsisti minn Hipolizings, is-sussidjarja tal-MLB għas-servizzi ta' lokazzjoni, u li nbiegħet fl-1 ta' Awwissu 2012, u l-Pakkett 6 magħmul minn skemi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, ġestit minn Hipo Fondi, li nbiegħ f'Novembru 2012. Il-bejgħ ta' Hipo Fondi, li hija l-aħħar kumpanija tal-isem li jkun fadal, se jseħħ fl-2013;

3.

Il-Pakkett 3 jikkonsisti minn self produttiv lil kumpanniji, għal żviluppaturi tal-proprjetà immobbli u għall-kostruzzjoni. Ġie maqsum fil-Pakkett 3 A u 3B sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura ta' bejgħ, peress li ma kienx hemm biżżejjed interess mis-suq. Il-Pakkett 3 A nbiegħ lil investitur privat fit-18 ta' Ġunju 2013, u l-Pakkett 3B inbiegħ lill-Aġenzija tal-Privatizzazzjoni Latvjana (LPA) fit-28 ta' Ġunju 2013;

4.

Il-Pakkett 4 (14) marbut ma' HipoNIA, inbiegħ lil-LPA fit-28 ta' Ġunju 2013.

(26)

Fir-rigward tad-diversi opzjonijiet ta' bejgħ għall-Pakketti 3B u 4, l-awtoritajiet Latvjani qiesu li l-offerti ppreżentati minn investituri ma kinux adegwati għalihom, u ma kinux jirriflettu l-valur reali intrinsiku tal-assi li kien fihom (kif stmat minn espert indipendenti ta' reputazzjoni tajba). Biex jiġi minimizzat it-telf, l-Istat iddeċieda li jbiegħ il-Pakketti 3B u 4 lil-LPA.

(27)

Rigward Hipo Fondi, meta jitqiesu l-offerti li waslu mingħand l-investituri, din setgħet inbiegħet jew bħala bejgħ ta' entità ġuridika bħala negozju avvjat, fejn l-assi kollha huma ġestiti minnha jew inkella permezz tal-bejgħ tal-assi. Skont il-Latvja, intagħżlet it-tieni opzjoni peress li, fost raġunijiet oħrajn, kien offrut prezz aħjar għal ftehim dwar l-assi. Bħala riżultat, kważi l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta' Hipo Fondi nbiegħu, jiġifieri t-tliet skemi tal-pensjoni “Rivjera”, “Safari” u “Jurmala”. Apparti minn dawn il-fondi tal-pensjoni, Hipo Fondi ġġestiet wkoll diversi portafolli privati u fondi b'kapital fiss Xi wħud minnhom diġà ingħalqu, u l-bqija qed jiġu tterminati. Hipo Fondi se tibqa' purament kumpanija tal-isem mingħajr negozju reali attiv x'tiġġestixxi. Din il-kumpanija tal-isem li fadal setgħet ġiet likwidata jew mibjugħa. Il-proċess ta' bejgħ kien sar għal din l-entità ġuridika u l-azzjonist minoritarju ta' Hipo Fondi (15) wera l-interess tiegħu li jakkwista l-ishma […]. L-awtoritajiet Latvjani ddeċidew li jipproċedu bil-bejgħ lill-azzjonist minoritarju minħabba eżitu finanzjarju aħjar u soluzzjoni aktar malajr meta mqabblin ma' likwidazzjoni. Il-bejgħ ta' Hipo Fondi kważi tlesta. Il-ftehim dwar il-bejgħ ġie ffirmat, iżda għadu ma ġiex konkluż peress li l-akkwist qed jiġi analizzat mis-superviżur Latvjan, mill-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital (“FCMC”). Hipo Fondi ma għandhiex id-drittijiet irreġistrati tal-proprjetà intellettwali, u l-marka kummerċjali rreġistrata “hipo” u d-drittijiet relatati huma f'idejn l-MLB. L-MLB bħala parti mill-ftehim max-xerrej ma oġġezzjonax għall-użu tat-terminu“hipo” fl-isem HipoFondi.

(28)

Rigward il-bejgħ ta' HipoNlA, l-MLB ittrasferrixxa kapital li jammonta għal LVL […] lil HipoNIA fl-20 ta' Ġunju 2013. Din ir-rikapitalizzazzjoni kienet meħtieġa minħabba li t-trasferiment ta' HipoNlA mill-MLB, għal-LPA seħħet fi […] f'termini tal-valur kontabilistiku, bid-differenza li tammonta għal LVL […]. Din id-differenza kienet […] mill-MLB peress li kienet prekondizzjoni kemm għat-Teżor tal-Istat li jagħti self lil HipoNlA kif ukoll għal-LPA li takkwista l-ishma ta' HipoNIA. It-total nett […] għall-MLB mit-tranżazzjoni huwa ta' LVL […] (jiġifieri, […] f'termini tal-valur kontabilistiku nett, wara l-provvediment, waqt it-tnedija tat-tranżazzjoni).

Tabella 1

Ħarsa ġenerali lejn il-Pakketti u l-kundizzjonijiet ta' bejgħ tagħhom

f'LVL 000

Kontenut

STATUS ATTWALI

Investitur

Il-valur kontabilistiku gross

Il-valur kontabilistiku nett

Prezz Finali/Il-Valur Ekonomiku fuq Terminu Twil

Skont Gross

Skont Nett

Telf Gross

Telf Nett

Pakkett 1

Self produttiv lil individwi u kumpanniji żgħar

Mibjugħ

SwedBank

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Pakkett 2

Self produttiv lil kumpanniji kbar

Mibjugħ

Swedbank

(…)

(…)

(…)

Pakkett 3A

Self produttiv lil kumpanniji, għal żviluppaturi tal-proprjetà immobbli u għall-kostruzzjoni.

Mibjugħ

Investitur 2

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Pakkett 3B

Fil-proċess

L-Aġenzija tal-Privatizzazzjoni

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Pakkett 4

HipoNIA: kumpanija maniġerjali tal-assi improduttivi

Fil-proċess

L-Aġenzija tal-Privatizzazzjoni

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Pakkett 5

Hipolizings: kumpanija għal servizzi ta' lokazzjoni (vetturi...)

Mibjugħ

Swedbank

(…)

(…)

(…)

 

(…)

Pakkett 6

Hipo Fondi: il-ġestjoni tal-assi għall-fond tal-pensjoni obbligatorju tal-Istat

Mibjugħ

SEB Bank

(…)

(…)

(…)

Sors: L-awtoritajiet Latvjani

(29)

L-ammont totali ġġenerat mill-proċedura tal-bejgħ kien ftit aħjar minn dak mistenni fix-xenarju bażi tal-iskontijiet bażilari fl-istrateġija tal-bejgħ, jekk l-iskontijiet gross mill-istateġija tal-bejgħ jiġu applikati għall-valuri kontabilistiċi gross. Kien hemm telf ta' LVL 53,1 miljun meta mqabbel mat-telf mistenni ta' LVL 56,8 miljun.

It-terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet tat-titoli

(30)

L-MLB qed tittermina l-ftehimiet dwar is-servizzi tal-kustodja mal-klijenti tiegħu. Se jżarma l-infrastruttura tal-IT relatata u se jqassam mill-ġdid jew ikeċċi lill-impjegati.

(31)

L-MLB fil-prattika se jittermina wkoll għal kollox it-tranżazzjonijiet tat-titoli tiegħu. Se jżomm biss il-kontijiet ta' madwar 100 klijent li l-ebda wieħed minnhom ma jista' jiġi kkuntattjat (prinċipalment minħabba li l-biċċa l-kbira mietu). Minħabba li l-bank ma jistax legalment ibigħ immedjatament it-titoli ta' dawn il-klijenti inattivi, l-MLB biħsiebu 1) iġib liċenzja sabiex jopera l-kontijiet tat-titoli ta' dawn il-klijenti u 2) jirrevoka liċenzja bankarja sħiħa li tkopri wkoll is-servizzi ta' kustodja.

2.3.   L-istrateġija ta' ristrutturar: il-ħolqien ta' SDI

(32)

L-attivitajiet kummerċjali li jifdal wara l-bejgħ huma mistennija li jiġu ttrasferiti lill-parti tal-iżvilupp: dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-assi likwidi li jammontaw għal LVL 20,3 miljun; assi oħra li jammontaw għal LVL 7,6 miljun; depożitu ta' domanda ta' LVL 5,9 miljun u depożitu ta' żmien fiss ta' LVL 1 miljun; obbligazzjonijiet oħra li jammontaw għal LVL 1,7 miljun; u ekwitajiet pendenti ta' LVL 19,2-il miljun.

(33)

Wara l-bejgħ tal-attivitajiet kummerċjali, mit-30 ta' Ġunju 2013 l-MLB huwa mistenni li jkun magħmul biss minn attivitajiet ta' żvilupp. Dan se jżomm assi li jammontaw għal madwar LVL 222,3 miljun.

(34)

Fil-Memorandum Supplementari ta' Qbil, il-Latvja ħadet dawn l-impenji mal-Unjoni u mal-FMI:

(a)

Wara l-bejgħ tal-assi kummerċjali tal-MLB, il-Latvja se tgħaqqad il-parti tal-iżvilupp tal-MLB ma' istituzzjonijiet oħra tal-Istat, sabiex tinħoloq l-SDI. L-SDI se timplimenta programmi ta' għajnuna mill-Istat permezz ta' strumenti finanzjarji li jiġu ttrattati mill-MLB, mill-Aġenzija ta' Garanzija Latvjana, mill-Fond għall-Iżvilupp Rurali u mill-Fond ta' Investiment għall-Ambjent (16).

(b)

L-SDI mhix se titħalla tattira depożiti privati. Hija se tevita self dirett, ħlief meta programmi li jagħtu konċessjoni jkunu diġà ġew approvati, jew meta s-self huwa: (i) assoċjat mal-għoti ta' prodotti li mhumiex offruti mill-banek kummerċjali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; (ii) dipendenti fuq għarfien speċjalizzat li l-banek kummerċjali jew l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji ma jkollhomx; jew (iii) ta' volum żgħir wisq jew riskjuż wisq sabiex ikun ta' interess għall-banek kummerċjali jew għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji.

(c)

L-MLB mhux se jibda programmi ġodda ta' self dirett sakemm il-pjan ta' azzjoni għall-SDI jiġi approvat; il-finanzjament kollu li l-MLB kien allokat għall-implimentazzjoni tal-istrumenti nazzjonali tal-inġinerija finanzjarja jridu jitħarsu u jiġu ttrasferiti kollha għall-SDI malli din tiġi stabbilita. Sabiex jitjiebu l-monitoraġġ professjonali u t-trasparenza ġaladarba titwaqaf l-SDI, se jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv ippresedut mill-Ministeru tal-Finanzi li jkun magħmul minn membri ta' Ministeri ewlenin, minn sħab soċjali, mill-Assoċjazzjoni tal-Banek Kummerċjali u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali magħrufin li jispeċjalizzaw fl-attivitajiet ta' żvilupp.

(d)

Ġaladarba l-partijiet kummerċjali tal-MLB jinbiegħu jew jiġu ttrasferiti lil LPA, il-bank ma jitħalliex jattira depożiti privati ġodda. L-FCMC se tiżgura konformità ma' dan l-impenn.

2.4.   Deskrizzjoni tal-miżuri koperti b'din id-Deċiżjoni

(35)

Fir-rigward tal-attivitajiet ta' żvilupp tal-MLB, il-Kummissjoni tispikkalha l-intenzjoni tal-Latvja li tottimizza s-sistema ta' żvilupp tal-istituzzjonijiet finanzjarji billi tikkonsolidahom f'SDI. Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, kien previst li l-MLB iwettaq attivitajiet ta' żvilupp sakemm titwaqqaf l-SDI biss, u dan kellu jseħħ sal-31 ta' Diċembru 2012. Madankollu dan il-proċess ittardja, u għadu għaddej. Billi l-awtoritajiet Latvjani għadhom ma ffinalizzawx il-proġett tal-SDI, din id-deċiżjoni tkopri biss il-parti kummerċjali tal-MLB. Bħala konsegwenza, il-parti ta' żvilupp tal-MLB se tiġi vvalutata f'deċiżjoni finali separata.

(36)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ il-miżuri li ġejjin mogħtija mil-Latvja lill-parti kummerċjali tal-MLB ġew approvati temporanjament bħala għajnuna għas-salvataġġ:

(a)

LVL 70,2 miljun mogħtija bħala miżura ta' rikapitalizzazzjoni fit-23 ta' Marzu 2010,

(b)

LVL 50 miljun mogħtija bħala miżura ta' rikapitalizzazzjoni fi tmiem l-2011 (mogħtija bħala miżura ta' likwidità li għandha tinqaleb f'kapital),

(c)

sa LVL 250 miljun bħala faċilità ta' likwidità ta' riżerva,

(d)

sa LVL 32 miljun bħala garanziji għall-kredituri internazzjonali tal-parti kummerċjali tal-MLB ta', u

(e)

sa LVL 60 miljun bħala appoġġ ta' likwidità għal-likwidazzjoni solventi tal-assi indeboliti ta' HipoNIA.

(37)

Il-Latvja ssottomettiet informazzjoni dwar l-użu ta' dan l-appoġġ mill-Istat għal-likwidazzjoni tal-parti kummerċjali tal-MLB, emendata sabiex tittieħed inkonsiderazzjoni l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-bejgħ.

(38)

L-ammont globali ta' kapital meħtieġ skont il-miżura deskritta fil-punt (b) tal-premessa 36 kien inqas minn dak li kien ippjanat fil-bidu, LVL 25 miljun minflok LVL 50 miljun, billi l-awtoritajiet Latvjani ddeċidew li l-MLB kien se jopera mingħajr liċenzja bankarja, li naqqas l-ammont tal-kapital meħtieġ. Iż-żieda fil-kapital ta' LVL 25 miljun seħħet f'Ġunju 2012 (17).

(39)

Il-faċilità ta' likwidità ta' riżerva li tammonta sa LVL 250 miljun imsemmija fil-punt (c) tal-premessa 36 ġiet temporanjament approvata u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-MLB mill-1 ta' Jannar 2012 sakemm jitlesta l-proċess ta' bejgħ, sabiex tkun disponibbli f'każ ta' avveniment fejn hemm emerġenza ta' likwidità. Mit-30 ta' Mejju 2013 l-appoġġ ta' likwidità użat kienu sostanzjalment inqas mill-ammont massimu previst (LVL 50 miljun), minħabba li ma kienx hemm assalt bankarju u l-proċess ta' trasformazzjoni mar tajjeb. Bħalissa hemm bilanċ pendenti ta' LVL 25 miljun, li hu mistenni li jitħallas lura sal-31 ta' Diċembru 2013.

(40)

Il-garanziji sal-massimu ta' LVL 32 miljun imsemija fil-punt (d) tal-premessa 36 kellhom jiġu pprovduti lil kredituri internazzjonali tal-MLB għas-segment kummerċjali tiegħu. Billi l-bejgħ tal-parti kummerċjali u t-trasformazzjoni tal-MLB f'bank ta' żvilupp setgħu tqiesu każ ta' inadempjenza skont il-kuntratti tagħhom, kienet meħtieġa din il-miżura sabiex jiġu ggarantiti l-obbligazzjonijiet f'każ li dawn il-kredituri internazzjonali jitolbu l-pagament bil-quddiem tas-self lill-MLB. Madankollu, l-ammont ta' garanziji meħtieġ għall-parti kummerċjali kien aktar baxx mit-LVL 32 miljun mistennija minħabba li xi kredituri internazzjonali riedu miżuri ta' sikurezza addizzjonali. Mit-30 ta' Mejju 2013, il-livell ta' garanziji meħtieġa li kienu previsti kien ta' LVL 12,4-il miljun.

(41)

L-appoġġ ta' likwidità għal HipoNIA msemmi fil-punt (e) tal-premessa 36 irriżulta li kien ogħla mill-ammont approvat temporanjament mill-Kummissjoni, LVL 71 miljun minflok LVL 60 miljun. Iż-żieda kienet meħtieġa billi parti mill-Pakkett 3 ma nbigħetx fis-suq iżda minflok ġiet ittrasferita għal HipoNIA, u b'hekk żdied l-ammont meħtieġ ta' finanzjament. Dan l-appoġġ ta' likwidità huwa mistenni li jiġi mħallas sal-31 ta' Diċembru 2018.

(42)

Il-Latvja għaldaqstant talbet lill-Kummissjoni biex tapprova ż-żieda ta' LVL 11-il miljun bħala appoġġ ta' likwidità. F'dan il-kuntest, il-Latvja argumentat li l-ammont globali tal-għajnuna meħtieġ għat-tneħħija gradwali tal-parti kummerċjali tal-MLB huwa inqas mill-ammont ta' għajnuna approvat temporanjament.

Tabella 2

Ħarsa ġenerali lejn l-għajnuna mill-Istat approvata vs l-għajnuna mill-Isat mogħtija

(is-sitwazzjoni f'Mejju 2013)

L-appoġġ ta' likwidità lill-MLB

L-ammont preliminari approvat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2012

LVL 250,0 miljun

L-ammont mogħti f'Diċembru 2011

LVL 50,0 miljun

L-appoġġ ta' likwidità lil HipoNIA

L-ammont preliminari approvat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2012

LVL 60,0 miljun

L-ammont mogħti f'Ġunju 2013

LVL 71,0 miljun

Garanziji

L-ammont preliminari approvat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2012

LVL 32,0 miljun

L-ammont mogħti f'Ġunju 2012

LVL 12,4 miljun

Kapital

L-ammont preliminari approvat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2012

LVL 70,2 + 50,0 miljun

L-ammont mogħti f'Ġunju 2012

LVL 70,2 + 25,0 miljun

L-għajnuna totali mill-Istat

L-ammont preliminari approvat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2012

LVL 462,2 miljun

Stima tal-ammont attwali tal-miżuri ta' għajnuna

LVL 228,6 miljun

2.5.   Raġunijiet sabiex jingħata bidu għall-proċedura

(43)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar (18) tistabbilixxi r-regoli tal-Istat applikabbli għar-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi attwali. Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, ir-ristrutturar ta' istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali irid:

jinkludi kontribuzzjoni suffiċjenti mill-benefiċjarju nnifsu (il-qsim tal-piżijiet);

ikun fih biżżejjed miżuri li jillimitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni;

iwassal biex terġa' tistabbilixxi ruħha l-vijabbiltà tal-bank jew juri kif jista' jseħħ stralċ b'mod ordnat.

(44)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni temporanjament approvat l-għajnuna għas-salvataġġ, meta rat li l-miżuri deskritti fil-premessa 36 kienu adegwati minħabba li kellhom l-għan li jeliminaw it-theddida għall-ekonomija tal-Latvja li tirriżulta mill-problemi tal-MLB. Il-Kummissjoni qieset ukoll li dawn il-miżuri kienu meħtieġa u kienu l-għażliet bl-aqwa valur għall-Gvern Latvjan sabiex jelimina gradwalment l-attivitajiet kummerċjali tal-bank. Madankollu l-Kummissjoni kellha dubju dwar kemm l-għajnuna kienet proporzjonata, u talbet aktar informazzjoni f'dan ir-rigward.

Is-salvagwardji kontra t-tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni — Il-waqfien tal-attivitajiet kummerċjali

(45)

Skont l-istrateġija tal-bejgħ, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi tal-parti kummerċjali tal-MLB kellhom jitwaqqfu u jinbiegħu f'pakketti, u s-sussidjarji Hipolizings u Hipo Fondi kellhom jinbiegħu separatament mill-bank, u dan il-Kummissjoni kkunsidratu pożittiv.

(46)

Fir-rigward ta' stralċ b'mod ordnat, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm bżonn ta' aktar informazzjoni dwar il-kompatibilità tal-għajnuna għall-waqfien tal-attivitajiet kummerċjali tal-MLB. B'mod partikolari, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Latvjani sabiex jipprovdu l-istadji ewlenin preċiżi li huma previsti għall-bejgħ tal-attivitajiet, kif ukoll aktar tagħrif dwar l-attivitajiet li ma setgħux jinbiegħu.

(47)

Rigward l-attivitajiet ekonomiċi li kellhom jitkomplew, żewġ entitajiet biss kellhom jinbiegħu bħala entitajiet legali awtonomi, Hipolizings u Hipo Fondi. Madankollu, fid-dawl tal-preżenza tas-suq limitata tagħhom (19) u l-bejgħ tagħhom f'waqtu mill-Bank, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod preliminari li l-miżuri ta' għajnuna kienu adegwati.

Il-ħolqien mill-ġdid tal-vijabbiltà fit-tul tal-attivitajiet ekonomiċi tal-grupp tal-MLB.

(48)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Latvjani sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali biex jiġi żgurat li l-entitajiet li se jibqgħu fuq bażi awtonoma (Hipolizings u Hipo Fondi) jkunu vijabbli wara l-bejgħ. B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni xtaqet tkun taf min se jipprovdi l-infrastrutturi jew il-finanzjament li dawn jeħtieġu flok l-MLB wara l-bejgħ.

L-istralċ ordnat tal-attivitajiet kummerċjali mhux mibjugħa

(49)

Għalkemm l-istrateġija tal-bejgħ tipprovdi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għal stralċ ordnat tal-attivitajiet kummerċjali, il-Kummissjoni qajmet dubji fid-deċiżjoni ta' ftuħ dwar jekk ġewx stabbiliti biżżejjed salvagwardji kontra t-tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni.

(50)

Il-Kummissjoni b'mod partikolari stiednet lill-awtoritajiet Latvjani sabiex jitterminaw il-bejgħ fil-mument opportun u sabiex jipproponu miżuri addizzjonali ħalli jiżguraw li l-bank jipprezza l-prodotti kummerċjali tiegħu b'mod mhux daqshekk attraenti u jillimita l-avvanzi fuq is-self eżistenti.

3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(51)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati.

4.   KUMMENTI MIL-LATVJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

(52)

Fil-5 ta' April 2012, il-Latvja ppreżentat kummenti dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ u wara kompliet isseddaq il-pożizzjoni tagħha billi b'mod regolari tat informazzjoni sa Ġunju 2013. (20)

(53)

Kollox ma' kollox il-Latvja hija tal-opinjoni li l-kriterji kollha marbutin mal-għajnuna mill-Istat intlaħqu fir-rigward tal-MLB għax: (i) il-parti kummerċjali ġiet likwidata; (ii) il-parti ta' żvilupp li kien fadal qed topera b'firxa ta' prodotti strettament definiti (il-missjoni), u (iii) l-istituzzjoni li jkun fadal se titteħdilha l-liċenzja u għaldaqstant mhix se tikkompeti mal-banek kummerċjali fil-finanzjament.

(54)

Fir-rigward tal-parti ta' żvilupp tal-MLB, il-Latvja tat informazzjoni estensiva (21). Madankollu, il-Latvja ċċarat li sa issa ma kien intlaħaq l-ebda ftehim definittiv dwar il-ħolqien ta' SDI, li tkun mistennija li tieħu f'idejha l-parti ta' żvilupp tal-MLB. Il-Latvja ddikjarat li pjan ta' azzjoni konġunt dwar l-istabbiliment ta' SDI mill-ministeri kkonċernati u mill-espert estern kien previst għat-2 ta' Awwissu 2013, u li l-ħidma kellha titkompla matul l-2013. Madankollu, id-data finali għall-ħolqien ta' SDI għadha mhix ċara.

(55)

Għal din ir-raġuni, il-Latvja talbet li l-valutazzjoni tal-għajnuna statali għall-ħolqien ta' SDI tiġi ttrattata fi proċedura separata u mhux fi ħdan il-proċedura għall-parti kummerċjali tal-MLB.

(56)

F'dak li għandu x'jaqsam ma' salvagwardji kontra tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni, il-Latvja hija tal-opinjoni li l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ jiżguraw li ma jkunx hemm kompetizzjoni diretta bejn il-parti kummerċjali tal-MLB u banek kummerċjali oħrajn. Sa minn Novembru 2009, l-MLB waqqfet l-attivitajiet ġodda ta' self. Dwar id-depożiti, oriġinarjament kienet meħtieġa l-ġestjoni attiva tal-bażi tad-depożiti sabiex tiġi evitata għajnuna mill-Istat addizzjonali fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità sakemm isir il-bejgħ. Id-depożiti relatati mal-parti kummerċjali tal-MLB eventwalment inbiegħu bħala parti mill-Pakketti 1 u 2, filwaqt li l-operazzjonijiet ta' ħlas bil-kard u n-netwerk tal-magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus iżżarma.

(57)

HipoNIA, li akkwistat portafolli ta' self mingħand l-MLB, ma tipprovdix finanzjament addizzjonali lill-ebda wieħed mill-klijenti tagħha. B'mod partikolari, minħabba l-istat ta' dan is-self (kważi kollu skada b'aktar minn 90 jum u t-tentattivi ta' ristrutturar kienu diġà saru) kważi l-każijiet kollha jirriżultaw fil-pussess mill-ġdid tal-propjetà minn HipoNIA.

(58)

Fir-rigward tal-parti kummerċjali, il-Latvja ppreżentat skeda ta' żmien sħiħa dwar il-bejgħ jew il-likwidazzjoni tal-assi, stabbilixxiet l-istadji ewlenin tal-proċess u infurmat lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar u effettivament id-dati tal-ftehimiet ta' bejgħ. Il-Latvja sostniet li l-pożizzjonijiet kollha fil-karta tal-bilanċ li għandhom x'jaqsmu mal-parti kummerċjali se jiġu eliminati sa Jannar 2014.

(59)

Il-Latvja tat ħarsa ġenerali ddettaljata lejn l-ammonti ta' għajnuna mill-Istat mogħtija għall-parti kummerċjali tal-MLB (jiġifieri l-appoġġ ta' likwidità lill-MLB ta' LVL 50 miljun, il-garanziji mill-Istat ta' LVL 12,4-il miljun, il-miżuri ta' kapital ta' LVL 95,2 miljun u l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 71 miljun li HipoNIA). Il-Latvja enfasizza li l-għajnuna totali meħtieġa mill-MLB għall-parti kummerċjali tiegħu hija inqas minn dik oriġinarjament stmata (u approvata fuq bażi temporanja fid-deċiżjoni ta' ftuħ).

(60)

Skont il-Latvja, l-ebda waħda mill-miżuri ta' għajnuna ma jibbenefikaw minnhom l-attivitajiet kummerċjali li se jitkomplew minn Hipolizings u Hipo Fondi wara li jinbiegħu. Il-kummerċ prinċipali tal-MLB nqasam fi tliet pakketti u nbiegħ fil-forma ta' bejgħ tal-assi. L-ebda wieħed minn dawn il-pakketti ma jikkostitwixxi impriża skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat; għaldaqstant il-Latvja tqis li l-attività ekonomika ma tibqax għaddejja wara l-bejgħ, u li l-pakketti ma jibbenefikawx mill-għajnuna tal-Istat li tkun waslet qabel il-bejgħ.

(61)

Il-Latvja hija tal-opinjoni li l-bejgħ ta' Pakkett 4 (Hipolizings) biss jista' jikkostitwixxi attività ekonomika li għadha għaddejja. Madankollu, Hipolizings se tifforma parti żgħira ħafna mill-grupp li għalih jappartjeni x-xerrej tagħha (inqas minn 0,1 %) u […]. […]. Il-bejgħ se jiżgura l-vijabbiltà fuq terminu twil tal-entità u mhux se jipperikola l-vijabbiltà tax-xerrej. Barra minn hekk, Hipolizings għandha biss sehem żgħir ħafna ta' 5 % mis-suq. Barra minn hekk ibbenefikat biss sa ċertu punt u b'mod indirett mill-għajnuna mogħtija lill-MLB: l-arranġamenti kuntrattwali eżistenti tagħha ma kellhhomx għalfejn jiġu tterminati b'mod mhux mistenni u, bħall-kumpanniji l-oħra tal-Bank, ma kellhiex għalfejn tinbiegħ minn sid f'diffikultà. Meta jiġi kkunsidrat l-ammont limitat ħafna ta' għajnuna għal Hipolizings, il-Latvja hija tal-opinjoni li wara l-bejgħ u l-integrazzjoni sħiħa max-xerrej tagħha, Hipolizings mhux se tibbenefika mill-għajnuna.

(62)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kumpanija tal-isem Hipo Fondi mibjugħa lil investitur privat, il-Latvja tieħu l-impenn li […].

(63)

Dwar it-trasferiment ta' assi mill-MLB għal HipoNIA u l-bejgħ sussegwenti tagħha, il-Latvja taqbel mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni stabbiliti fid-deċiżjoni ta' ftuħ, li t-trasferiment ma kienx jinvolvi għajnuna.

(64)

Rigward iż-żieda fil-kapital tal-2012 għall-parti kummerċjali, il-Latvja ċċarat li din iż-żieda saret f'żewġ partijiet: l-ewwel waħda kienet marbuta mal-bejgħ tal-Pakketti 1, 2, 3, 5 u 6 filwaqt li t-tieni waħda kienet marbuta mal-bejgħ tal-Pakkett 4. L-ammont ta' kapital inżamm għall-minimu u ġie kkalkulat sabiex jiżgura l-adegwatezza ta' kapital regolatorju għall-parti kummerċjali wara t-telf mill-bejgħ.

(65)

Fir-rigward tal-faċilità ta' likwidità ta' riżerva mogħtija fil-kuntest tar-ristrutturar, il-Latvja stipulat li l-appoġġ għall-parti kummerċjali kien ta' natura temporanja sabiex jiġi żgurat bejgħ b'mod ordnat. Skont il-Latvja, iċ-ċokon u n-natura temporanja tagħha naqqsu għall-minimu t-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni.

(66)

Fl-aħħar nett, il-Latvja impenjat ruħha li tissottometti rapporti ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-MLB, inkluż l-istralċ tal-attivitajiet kummerċjali mhux mibjugħa u valutazzjoni ex post tal-likwidazzjoni.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

5.1.   L-eżistenza tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(67)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat f'kull għamla possibbli, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, jekk din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor mit-TFUE.

Benefiċjarji tal-għajnuna

(68)

Kif stipulat fil-premessa 145 tad-deċiżjoni ta' ftuħ, meta jiġu vvalutati l-miżuri sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet bankarji attwali u fututri ta' żvilupp tal-MLB min naħa waħda, u l-attivitajiet kummerċjali residwi mwettqa mill-MLB waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni (it-tneħħija gradwali) fuq in-naħa l-oħra. L-awtoritajiet Latvjani ppreżentaw id-dejta li turi kif il-miżuri kienu ta' benefiċċju għal parti jew għal oħra.

(69)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni jkopri biss il-miżuri mogħtija għall-parti kummerċjali tal-MLB. Il-kundizzjonijiet tal-operat tal-parti ta' żvilupp tal-MLB, li mistennija titkompla permezz ta' istituzzjoni għall-iżvuilupp li għadha trid tiġi stabbilita, se jiġu vvalutati f'deċiżjoni finali separata.

(70)

B'riżultat ta' dan, din id-deċiżjoni se tivvaluta biss il-miżuri mogħtija mil-Latvja li se jkunu ta' benefiċċju għall-parti kummerċjali tal-MLB, dejjem jekk ikunu meħtieġa għar-ristrutturar tal-parti kummerċjali tal-MLB.

(71)

Ta' min isemmi li sabiex jiġu vvalutati l-miżuri li jkunu ta' benefiċċju għall-parti kummerċjali tal-bank huwa importanti li jiġi aċċertat kif għadha għaddejja l-attività ekonomika u sa liema punt, jew inkella twaqqfitx wara l-bejgħ tal-assi u tal-obligazzjonijiet kummerċjali (22). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bil-bejgħ tal-pakketti 3 A (lil investitur privat), 3B u 4 (lil-LPA għal likwidazzjoni gradwali) sat-30 ta' Ġunju 2013, l-attivitajiet ekonomiċi tal-eks parti kummerċjali tal-MLB twaqqfu. Ta' min jinnota wkoll li parti kbira mill-assi li qabel kienu ġestiti minn Hipo Fondi ġew mibjugħa separatament minn din il-kumpannija permezz tal-bejgħ ta' assi. Il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ f'pakketti, li ppermetta lil xerrejja differenti biex jagħtu offerta għal partijiet separati ta' assi u ta' obbligazzjonijiet kummerċjali tal-MLB, effettivament jikkontribwixxi għall-likwidazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tal-MLB. Ta' min jinnota li l-bank ipprova aktar minn darba biex ibigħ l-assi mhux mibjugħa, li fl-aħħar mill-aħħar se jiġu trasferiti għand l-LPA, biex joħloq pakketti mill-ġdid u biex jinnegozja mill-ġdid l-offerti ma' investituri potenzjali. Għalhekk jidher li l-MLB eżawrixxa l-opportunitajiet kollha disponibbli fis-suq biex ibigħ l-aktar assi indeboliti bi prezz raġonevoli, jiġifieri prezz ogħla minn dak tal-valur ekonomiku fuq terminu twil tagħhom, kif stmat minn konsulent estern ta' reputazzjoni tajba.

(72)

Rigward tal-attivitajiet anċillari ta' natura kummerċjali tal-MLB, il-Latvja tat ukoll biżżejjed informazzjoni dwarhom, dawn diġà ġew itterminati jew se jiġu tterminati f'qasir żmien. Il-kumpanija tal-isem Hipo Fondi, li ser tibqa' wara li jiġi ġestit il-bejgħ tal-assi tagħha, se tinbiegħ fix-xhur li ġejjin, it-tranżazzjonijiet tat-titoli se jiġu tterminati, u RIS, li hija purament kumpanija azzjonarja li bħalissa għandha ishma f'Hipo Fondi u f'żewġ kumpaniji f'insolvenza, se tiġi llikwidata. Huwa ppjanat li sal-31 ta' Diċembru 2013 il-liċenzja bankarja tal-MLB tiġi rrevokata.

(73)

Rigward Hipolizings, din ġiet mibjugħa bħala entità legali permezz tat-trasferiment ta' ishma. Il-Latvja stipulat li Hipolizings ma bbenefikatx direttament minn xi appoġġ mogħti lill-MLB, il-kumpannija prinċipali tagħha (23). F'dak li għandu x'jaqsam mal-miżura ta' salvataġġ tal-assi potenzjali, deskritta fil-premessi 165 sa 170 tad-deċiżjoni ta' ftuħ, ta' min isemmi li qabel il-bejgħ ta' Hipolizings, l-agħar assi tal-MLB ġew ittrasferiti internament għal HipoNIA. Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali trasferiment intern ta' assi seta' biss jikkostitwixxi miżura ta' salvataġġ tal-assi favur Hipolizings u Hipo Fondi, jekk bbenefikaw minn dan it-trasferiment u sal-liema punt ibbenefikaw. Quddiem il-konferma tal-Latvja li l-ebda assi ma ġie ttrasferit minn Hipolizings għal HipoNIA, jista' jiġi konkluż li Hipolizings ma rċeviet l-ebda miżura ta' salvataġġ tal-assi li kienet ta' benefiċċju dirett għall-attivitajiet tagħha. Madankollu, kif rikonoxxut mil-Latvja, ma jistax jiġi eskluż li Hipolizings approfittat sa ċertu punt mill-għajnuna mogħtija lill-MLB, billi l-arranġamenti kuntrattwali eżistenti ta' Hipolizings ma kellhomx għalfejn jiġu tterminati b'mod mhux mistenni, u ma kellhiex għalfejn tiġi mibjugħa minn sid f'diffikultà. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li Hipolizings ibbenefikat mill-għajnuna mogħtija lill-MLB, għalkemm b'mod indirett u bi ftit ħafna.

(74)

Fir-rigward ta' Hipo Fondi, il-Kummissjoni tosserva li meta din inbiegħet lill-azzjonist minoritarju tagħha, din kienet sempliċement kumpanija tal-isem. Il-Latvja kkonfermat li portafolli privati u l-fondi b'kapital fiss li fadal ġestiti minn Hipo Fondi ngħalqu, qegħdin fil-proċess ta' terminazzjoni jew se jiġu stralċjati. Barra minn hekk, il-Latvja impenjat ruħha li […].

(75)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, jista' jiġi konkluż li Hipo Fondi se tibqa' purament kumpanija tal-isem mingħajr negozju reali x'tiġġestixxi, għall-inqas għal xi żmien. Peress li l-kumpanija tal-isem mhix se tibqa' twettaq l-attivitajiet li qabel kienu jsiru minn Hipo Fondi bħala sussidjarja tal-MLB, u mhi se twettaq l-ebda attività ekonomika ġdida immedjatament, jista' jiġi konkluż li ma hemm l-ebda kontinwità bejn Hipo Fondi bħala impriża li kienet parti mill-grupp tal-MLB u l-entità l-ġdida, jiġifieri Hipo Fondi fil-pussess ta' sid ġdid/sidien ġodda, u li forsi qed twettaq attivitajiet ekonomiċi ġodda. Għalhekk, il-kumpanija tal-isem Hipo Fondi ma tistax titqies li qed tibbenefika mill-għajnuna li qabel ingħatat lil MLB.

(76)

Fir-rigward ta' HipoNIA, din se jkollha assi tal-eks parti kummerċjali tal-MLB illikwidata u se topera għal żmien limitat biss. Madankollu, skont il-prattika tal-każijiet stabbilita, il-miżuri mmirati lejn l-istralċ tal-attivitajiet kummerċjali xorta jistgħu jikkostitwixxu għajnuna (24).

(77)

Rigward l-impriżi li huma x-xerrejja tal-pakketti, il-Kummissjoni tosserva li, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mil-Latvja, il-proċess tal-bejgħ twettaq b'mod miftuħ u nondiskriminatorju, bil-kundizzjonijiet tas-suq u bil-għan li jiġi massimizzat l-prezz għal pakketti speċifiċi.

(78)

Rigward it-trasferiment ta' HipoNIA taħt il-valur tas-suq, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni preliminari tad-deċiżjoni ta' ftuħ li x-xerrejja tagħha, l-LPA, ma tistax tiġi kkunsidrata l-benefiċjarju tal-għajnuna, minħabba li ma twettaqx attivitajiet ekonomiċi u hija biss aġenzija tal-Istat Latvjan (25).

(79)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tqis li ma ngħatat l-ebda għajnuna lill-impriżi li huma x-xerrejja tal-assi u tal-obbligazjonijiet kummerċjali tal-MLB.

(80)

Bħala konklużjoni, wara l-bejgħ tal-pakketti kollha li kienu jiffurmaw l-attivitajiet kummerċjali ta' qabel tal-MLB, li sa issa ġew konklużi, il-miżuri ta' għajnuna huma ta' benefiċċju biss għal dawk l-attivitajiet kummerċjali tal-MLB li komplew jitwettqu minn HipoNIA u Hipolizings wara l-bejgħ.

Miżuri ta' għajnuna

(81)

Kif intqal fil-premessa 73, Hipolizings bbenefikat (għalkemm sa ċertu punt biss) mill-għajnuna mogħtija lill-MLB. Kif imsemmi hawn fuq, l-arranġamenti kuntrattwali ma kellhomx għalfejn jiġu tterminati b'mod mhux mistenni u l-kumpanija ma kellhiex għalfejn tinbiegħ minn sid f'diffikultà, għax setgħu possibilment jwasslu għall-bejgħ bl-għaġla. In-natura limitata tal-vantaġġ jew il-fatt li ma jistax jiġi kwantifikat, bl-ebda mod ma jibdel il-valutazjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward.

(82)

Peress li Hipolizings hija attiva fis-settur finanzjarju, kull vantaġġ mir-riżorsi tal-Istat li jkun ta' benefiċċju għall-attivitajiet tagħha jista' jaffettwa l-kummerċ fl-Unjoni u jfixkel il-kompetizzjoni. Għalhekk, il-miżuri li jkunu ta' benefiċċju għall-attivitajiet tagħha jridu jitqiesu li x'aktarx ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan il-vantaġġ ingħata mir-riżorsi tal-Istat u huwa selettiv ġaladarba jibbenefika minnu grupp finanzjarju wieħed biss.

(83)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vantaġġ indirett mogħti lil Hipolizings mill-miżuri ta' għajnuna mogħtija lill-MLB jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(84)

Rigward il-miżura ta' likwidità mogħtija lil HipoNIA, li qed tinżamm matul il-fażi ta' ristrutturar, għalkemm għal ammont ogħla, diġà ġie stabbilit fid-deċiżjoni ta' ftuħ li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni għalfejn għandha tibdel il-valutazzjoni preċedenti tagħha fid-dawl taż-żieda fl-ammont għall-appoġġ ta' likwidità. L-ammont mibdul fil-miżura ma jaffettwawx il-fatt li jikkwalifika bħala għajnuna. Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi li l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 71 miljun lil HipoNIA jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(85)

Fir-rigward ta' miżuri oħra ta' għajnuna mogħtija lil kumpanija prinċipali ta' HipoNIA, l-MLB, il-vantaġġ li jirriżulta minnhom ma hux ta' benefiċċju għal HipoNIA. Il-miżuri l-oħra ta' għajnuna mogħtija lill-MLB kellhom l-għan u l-effett li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-MLB għal perjodu ta' żmien itwal minn dak li kieku kien ikun possibbli f'każ ta' insolvenza u likwidazzjoni immedjati. Meta dawn ingħataw lill-MLB, HipoNIA kienet il-kumpanija għall-ġestjoni tal-assi indeboliti fi ħdan il-grupp tal-MLB. Jekk jittieħed bħala fatt li l-attivitajiet ta' HipoNIA kienu limitati għal-likwidazzjoni tal-assi mingħajr dewmien u mingħajr l-ebda avvanz lill-klijenti, kienu parti integrali mill-proċess ta' likwidazzjoni. Għalhekk, l-għajnuna indiretta minn miżuri oħra ta' għajnuna mogħtija lill-parti kummerċjali tal-MLB tista' tiġi eskluża fil-każ ta' HipoNIA.

5.2.   Il-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern

(86)

Billi fit-Taqsima 5.1 instab li l-miżura ta' likwidità lil HipoNIA u l-vantaġġ indirett mogħti lil Hipolizings mill-miżuri ta' għajnuna mogħtija lill-MLB jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kompatibilità tagħhom mas-suq intern għandha tiġi vvalutata.

5.2.1.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibilità

(87)

Diġà ġie stabbilit fil-premessi minn 177 sa 180 tad-deċiżjoni ta' ftuħ li l-miżuri ta' għajnuna li jibbenefikaw minnhom l-attivitajiet kummerċjali tal-MLB għandhom jiġu vvalutati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat u b'mod partikolari skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Ristrutturar.

5.2.2.   Il-kompatibilità tal-miżuri ta' għajnuna mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar

Il-ħolqien mill-ġdid tal-vijabbiltà fit-tul tal-attivitajiet ekonomiċi tal-MLB li qed jitkomplew minn Hipolizings wara l-bejgħ tagħha

(88)

Il-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tikkonferma li bejgħ ta' (parti minn) istituzzjoni finanzjarja lil parti terza jista' jgħin biex din terġa' ssir vijabbli fuq terminu ta' żmien twil.

(89)

Hipolizings ġiet mibjugħa lil Swedbank Lizings, li hija l-akbar kumpanija tal-lokazzjoni fil-Latvja (is-sehem mis-suq huwa ta' 22 %). Hija integrata mill-qrib mal-operazzjonijiet bankarji ġenerali ta' Swedbank. Mill-31 ta' Mejju 2013, il-klassifikazzjoni minn Moody's ta' Swedbank telgħet għal A1. L-operazzjonijiet tal-grupp għandhom rekord adegwat ta' profitabbiltà (b'redditu fuq il-proporzjon tal-ekwità ta' 16,9 % fi tmiem is-sena 2012 u ta' 13,8 % fil-ewwel trimestru tal-2013 (26)) bi proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta' aktar minn 15 %. L-attivitajiet ta' Hipolizings jammontaw għal sehem żgħir ħafna mill-assi tal-grupp ta' Swedbank (bejn wieħed u ieħor 0,05 %).

(90)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-attivitajiet ekonomiċi tal-MLB li tkomplew minn Hipolizings wara l-bejgħ tagħha lil Swedbank Lizings, kif inhija integrata mal-grupp Swedbank, huma vijabbli.

L-istralċ ordnat tal-attivitajiet kummerċjali mhux mibjugħa

(91)

Il-Latvja kkonfermat li HipoNIA, li akkwistat portafolli ta' self mingħand l-MLB, ma tipprovdix finanzjament addizzjonali lill-ebda wieħed mill-klijenti tagħha. Barra minn hekk impenjat ruħha li tissottometti rapporti ta' monitoraġġ dwar l-istralċ tal-attivitajiet kummerċjali mhux mibjugħa kif ukoll valutazzjoni ex post tal-likwidazzjoni.

(92)

Il-Kummissjoni tosserva b'mod pożittiv l-isforzi li saru mil-Latvja u mill-MLB biex ibigħu l-attivitajiet kummerċjali kollha li setgħu jinbiegħu, ħlief meta dan kien inqas vantaġġjuż ekonomikament milli jiġu ġestiti matul iż-żmien, kif evalwat minn konsulent estern ta' reputazzjoni tajba.

(93)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji li tqajmu fid-deċiżjoni ta' ftuħ tneħħew, u r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar fir-rigward tal-istralċ ordnat tan-negozju huma ssodisfati f'dan il-każ.

Għajnuna limitata għall-minimu neċessarju/il-kontribuzzjoni proprja

(94)

Diġà ġie konkluż fid-deċiżjoni tal-ftuħ li x-xenarju bażilari li jinsab fl-istrateġija tal-bejgħ jiżgura l-limitazzjoni tal-għajnuna meħtieġa għal tneħħija gradwali tal-attivitajiet kummerċjali tal-MLB għall-minimu (27). It-twettiq effettiv ta' dan il-pjan ma jbiddilx din il-valutazzjoni.

(95)

Barra minn hekk, ġie konkluż ukoll fid-deċiżjoni ta' ftuħ li, permezz ta' dan il-bejgħ, l-attivitajiet kummerċjali tal-MLB jitwaqqfu, li jiżgura li l-bank jikkontribwixxi kemm jista' jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tiegħu (28).

L-evitar ta' tfixkil bla bżonn fil-kompetizzjoni

(96)

Kif diġà stabbilit fid-deċiżjoni ta' ftuħ, l-iżvestiment f'waqtu tas-sussidjarji tal-MLB separatament mill-bank kif ukoll id-diviżjoni tal-bank f'diversi pakketti qabel ma nbiegħu naqqsu t-tfixkil fil-kompetixjoni li l-għajnuna toħloq. Għalhekk, jitqiesu bħala fatturi pożittivi (29).

(97)

Peress li l-bejgħ ġie konkluż, id-dubji li tqajmu fid-deċiżjoni ta' ftuħ rigward ir-ritmu tal-bejgħ tneħħew.

(98)

Peress li l-Latvja kkonfermat li ebda avvanz mhuwa se jingħata fuq is-self eżistenti minn HipoNIA, id-dubji li tqajmu fid-deċiżjoni ta' ftuħ f'dan ir-rigward tneħħew.

(99)

Rigward Hipolizings, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod preliminari fid-deċiżjoni ta' ftuħ li l-miżuri sabiex jiġi limitat it-tfixkil fil-kompetizzjoni kkawżat mill-għajnuna mogħtija lilha kienu adegwati. Billi l-Latvja kkonfermat li Hipolizings ma bbenefikat mill-ebda għajnuna diretta, dawn is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni issa jistgħu jiġu kkonfermati. Barra minn hekk, Hipolizings […]. […]. Effettivament, fid-dawl tal-preżenza limitata fis-suq ta' Hipolizings (b'sehem mis-suq ta' 5 %) u bl-għajnuna limitata mogħtija lilha, li hija biss indiretta, il-miżuri li jillimitaw it-tfixkil fil-kompetizzjoni li jikkonsistu primarjament mill-bejgħ tagħha f'waqtu lill-MLB huma adegwati.

5.2.3.   Konklużjoni dwar il-kompatibiltà

(100)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonstata li l-pjan ta' trasformazzjoni tal-MLB u l-implimentazzjoni tiegħu sa issa fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tal-MLB jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

6.   KONKLUŻJONI

(101)

Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 71 miljun li ngħataw f'Ġunju 2013 mil-Latvja lill-MLB (lill-persuna ġuridika ta' HipoNIA) u l-vantaġġ indirett mogħti lil Hipolizings mill-miżuri ta' ristrutturar mogħtija lill-MLB jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(102)

Il-Kummissjoni tqis li l-Latvja implimentat l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 11-il miljun mhux skont il-liġi, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżura flimkien mal-appoġġ ta' likwidità oriġinali ta' LVL 60 miljun lil HipoNIA huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(103)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-vantaġġ mogħti lil Hipolizings permezz tal-miżuri ta' ristrutturar mogħtija lill-MLB, huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Latvja tat lill-MLB fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità għal HipoNIA li jammonta għal LVL 71 miljun u l-vantaġġ indirett mogħti lil Hipolizings permezz tal-miżuri ta' ristrutturar mogħtija lill-MLB huma kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 130, 4.5.2012, p. 42.

(2)  Bil-Latvjan, Latvijas Hipoteku un zemes bankas.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ tal-għajnuna mill-Istat NN 60/09, ir-Rikapitalizzazzjoni tal-“Bank Ipotekarju u tal-Artijiet Latvjan” tad-19 ta' Novembru 2009 (ĠU C 323, 31.12.2009, p. 5).

(4)  Għal aktar dettalji ara l-premessi 3-21 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30704 (12/C) (ex NN53/10) — Miżura ta' għajnuna addizzjonali lill-Bank Ipotekarju u tal-Artijiet Latvjan tas-26.1.2012 (ĠU C 130, 4.5.2012, p. 42).

(6)  B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar ir-remunerazzjoni bl-istrumenti ta' għajnuna, il-waqfien tal-attivitajiet kummerċjali tal-MLB, il-ħolqien mill-ġdid tal-vijabbiltà fit-tul tal-attivitajiet ekonomiċi tal-grupp tal-MLB, l-istralċ ordnat tal-attivitajiet kummerċjali mhux mibjugħa u l-miżuri kompensatorji.

(7)  ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(8)  Għal aktar dettalji dwar l-MLB ara l-premessi 22-42 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(9)  Hipo Fondi hija kumpanija maniġerjali tal-assi awtonoma b'kontabilità u ġestjoni indipendenti. Parti mdaqqsa tal-kumpanija ([42-43] %) tappartjeni għal azzjonisti attivi.

(10)  Dawn primarjament jikkonsistu f'self u fi proprjetà immobbli.

(11)  Is-sussidjarji b'sehem ta' aktar minn 50 % biss qed jintwerew.

(12)  Il-Pakkett 1 jikkonsisti minn self produttiv lil individwi u kumpanniji żgħar, mingħajr ma jkun hemm esponiment għal żviluppaturi tal-proprjetà immobbli u għall-kostruzzjoni, ta' bejn wieħed u ieħor LVL 94,6 miljun f'termini tal-valur kontabilistiku nett flimkien mad-depożiti kollha, għal terminu ta' żmien u fuq domanda tal-individwi u tal-kumpaniji żgħar, li jammontaw għal LVL 244 miljun.

(13)  Il-Pakkett 2 jikkonsisti minn self produttiv lil kumpanniji kbar, mingħajr ma jkun hemm esponiment għal żviluppaturi tal-proprjetà immobbli u għall-kostruzzjoni, ta' bejn wieħed u ieħor LVL 27,4 miljun f'termini ta' valur kontabilistiku nett flimkien mad-depożiti kollha għal terminu ta' żmien u fuq domanda tal-kumpanniji kbar li jammontaw għal LVL 103 miljun.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali; l-ommissjonijiet huma indikati kif ġej […].

(14)  Il-Pakkett 4 jikkonsisti f'ishma u self intragrupp ta' HipoNIA mill-MLB lil HipoNIA, li jammontaw għal LVL 41,3 miljun; kif iseħħ il-bejgħ, l-assi ta' HipoNIA jkunu jikkonsistu prinċipalment minn self improduttiv (“NPLs”).

(15)  L-azzjonist minoritarju ta' Hipo Fondi li qed jakkwista l-kumpanija tal-isem mhuwiex relatat max-xerrej tal-assi li qabel kienu ġestiti minn Hipo Fondi.

(16)  Skont l-sMoU, l-awtoritajiet Latvjani kellhom jippreżentaw pjan ta' azzjoni sat-30 ta' Ġunju 2013 rigward din il-fużjoni. Madankollu, il-progress kien bil-mod, speċjalment peress li l-Ministeri tal-Ekonomija u tal-Finanzi ma setgħux jaqblu dwar liema istituzzjoni għandha tkun responsabbli sabiex tissorvelja l-SDI.

(17)  Ir-rikapitalizzazzjoni totali tal-2010 u tal-2012 rispettivament, tammonta għalhekk għal LVL 95,2 miljun (70,2 miljun u LVL 25 miljun).

(18)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(19)  Hipolizings għandha sehem mis-suq ta' 5 % fis-suq ta' lokazzjoni u Hipo Fondi għandha sehem mis-suq ta' 4 % fis-suq tal-ġestjoni tal-pensjonijiet tat-tieni livell.

(20)  Is-sottomissjonijiet ewlenin waslu fil-15 ta' April 2013 u fit-3 ta' Ġunju 2013.

(21)  L-informazzjoni dwar il-parti tal-iżvilupp mhijiex riprodotta fid-dettall għaliex mhijiex is-suġġett ta' din id-Deċiżjoni.

(22)  Ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(23)  Ara l-premessa 60.

(24)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2010 fil-każ N 560/09 Għajuna għal-likwidazzjoni tal-Bank Fionia (ĠU C 76, 10.3.2011, p. 3), tat-23 ta' April 2010 fil-każ N 194/09 Għajnuna għal-likwidazzjoni lil Bradford & Bingley (ĠU C 143, 2.6.2010, p. 22) u tal-5 ta' Novembru 2008 fil-każ NN 39/08 Għajnuna għal-likwidazzjoni lill-Bank Roskilde (ĠU C 12, 17.1.2009, p. 3).

(25)  Ara l-premessa 158 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.

(26)  Sors: http://www.swedbank.com/idc/groups/public/@i/@sbg/@gs/@ir/documents/financial/cid_900555.pdf.

(27)  Ara l-Premessa 210 tagħha.

(28)  Ara l-Premessi 211-212 tagħha.

(29)  Ara l-premessa 219 tad-deċiżjoni ta' ftuħ.


25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1583

tal-4 ta' Awwissu 2014

dwar l-iskema ta' Għajnuna SA.18859 (11/C) (ex 65/10 NN) implimentata mir-Renju Unit — Għajnuna mill-Imposta fuq l-Aggregat fl-Irlanda ta' Fuq (ex N 2/2004)

(notifikata bid-dokument C(2014) 5466)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi eżenzjoni mit-taxxa fl-Irlanda ta' Fuq, applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u sfruttat kummerċjalment hemmhekk u għal prodotti pproċessati minn aggregati mhux ipproċessati estratti fl-Irlanda ta' Fuq sfruttati kummerċjalment hemm minn imposta fuq l-aggregati stabbilita fir-Renju Unit (il-“miżura”) permezz ta' ittra tal-5 ta' Jannar 2004, irreġistrata fid-9 ta' Jannar 2004.

(2)

Il-miżura ġiet notifikata bħala modifika tal-eżenzjoni oriġinali mill-Imposta tal-Aggregati fl-Irlanda ta' Fuq (2) li kienet approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-24 ta' April 2002 fil-każ N863/01 (3) (id-Deċiżjoni N863/01).

(3)

Fis-7 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni “mingħajr l-ebda oġġezzjoni” rigward il-miżura (4) (id-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004).

(4)

Fit-30 ta' Awwissu, l-Assoċazzjoni ta' Aggregati Brittanika, Healy Bros. Ltd u David K. Trotter & Sons Ltd newdew appell kontra d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 (l-azzjoni kienet irreġistrata taħt il-Każ T-359/04).

(5)

Fid-9 ta' Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 (5). Skont din is-sentenza, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tadotta legalment id-Deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet minħabba li ma kinitx eżaminat il-kwistjoni tal-possibbiltà ta' diskriminazzjoni fiskali bejn il-prodotti domestiċi fil-kwistjoni u l-prodotti importati li joriġinaw mill-Irlanda. Il-Kummissjoni ma appellatx din is-sentenza.

(6)

Fil-15 ta' Diċembru 2010 u fil-21 ta' Diċembru 2011, ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-miżura, inklużi dokumenti li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-miżura mill-1 ta' Diċembru 2010 bir-revoka tar-Regolament tal-2004 tal-Imposta tal-Aggregat (Kreditu tat-Taxxa għall-Irlanda ta' Fuq) (S.I. 2004/1959)].

(7)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra tat-2 ta' Frar 2011. Ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni ulterjuri permezz ta' ittri tas-7 ta' Marzu 2011 u tal-10 ta' Ġunju 2011.

(8)

Permezz ta' ittra datata t-13 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni nfurmat lir-Renju Unit li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna.

(9)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (id-'Deċiżjoni ta' Ftuħ'). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ kummenti mingħand partijiet interessati, it-tnejn li huma fit-23 ta' Settembru 2011. Hija bagħtithom lir-Renju Unit fl-10 ta' Novembru 2011, li ngħata l-opportunità li jirreaġixxi; il-kummenti tar-Renju Uniti waslu permezz ta' ittra datata l-25 ta' Novembru 2011.

(11)

Ir-Renju Unit issottometta aktar informazzjoni fis-17 ta' Settembru 2012 u fl-10 ta' Ottubru 2012. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fit-23 ta' Jannar 2014 u fis-7 ta' Frar 2014, li r-Renju Unit ipprovda fl-1 ta' April 2014 u rispettivament fl-4 ta' Ġunju 2014.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   L-Imposta fuq l-Aggregat

(12)

L-Imposta fuq l-Aggregat (l-“AGL”) hija taxxa ambjentali fuq l-isfruttar kummerċjali ta' aggregati u hija applikata għall-ġebel, ramel jew żrar. Hija kienet introdotta mir-Renju Unit b'effett mill-1 ta' April 2002 għal finijiet ambjentali sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' aggregat riċiklat u alternattivi oħrajn għal aggregat mhux ipproċessat u għall-promozzjoni tal-estrazzjoni effiċjenti u għall-użu ta' aggregat mhux ipproċessat, li huwa riżorsa naturali mhux rinnovabbli. L-ispejjeż ambjentali mill-estrazzjoni tal-aggregat li qed jiġi indirizzat permezz tal-AGL jinkludu fastidju minħabba l-istorbju, it-trabijiet, it-theddida għall-bijodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi.

(13)

L-AGL hija applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fir-Renju Unit u għall-aggregat pur importat fl-ewwel użu jew bejgħ tiegħu fir-Renju Unit (7). Ir-rata fiż-żmien tan-notifika oriġinali kienet ta' GBP 1,60 għal kull tunnellata (8). L-AGL hija applikata wkoll għall-isfruttar kummerċjali tal-aggregat pur użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati. Ma tapplikax għall-aggregat ipproċessat u riċiklat u aggregat pur esportat mir-Renju Unit.

2.2.   L-eżenzjoni oriġinali mill-AGL fl-Irlanda ta' Fuq

(14)

Fid-Deċiżjoni tagħha N863/01, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-introduzzjoni progressiva tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet fit-Taqsima E.3.2 tal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (9) (“il-Linji gwida tal-2001 dwar l-Għajnuna Ambjentali”). L-għajnuna approvata kienet tikkonsisti fi skema digressiva ta' eżenzjoni mit-taxxa ta' ħames snin, li bdiet fl-2002 u spiċċat fl-2007. L-eżenzjoni mill-AGL oriġinali fl-Irlanda ta' Fuq kienet tkopri biss l-isfruttar kummerċjali tal-aggregat użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati.

2.3.   L-eżenzjoni mill-AGL modifikata fl-Irlanda ta' Fuq

(15)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna esklussivament l-eżenzjoni mill-AGL modifikata fl-Irlanda ta' Fuq, li kienet applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u sfruttat kummerċjalment hemmhekk u għal prodotti pproċessati minn aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq sfruttat kummerċjalment hemmhekk.

2.3.1.   Modifika

(16)

Kif spjegat fil-premessi 12 sa 14 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit qies li ċ-ċirkostanzi speċjali fl-Irlanda ta' Fuq talbu għal estensjoni tal-qasam ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-AGL fl-Irlanda ta' Fuq.

(17)

L-iskema ta' eżenzjoni oriġinali (introduzzjoni f'fażijiet ta' AGL) ġiet modifikata. L-eżenzjoni applikata għat-tipi kollha tal-aggregat pur, jiġifieri mhux biss għall-aggregat użat fil-manifattura ta' prodotti proċessati, kif kien il-każ għal eżenzjoni oriġinali fid-Deċiżjoni N863/01, iżda wkoll għal aggregat pur użat direttament fl-istat nej (10).

(18)

L-eżenzjoni ġiet stabbilita għal 80 % tal-livell tal-AGL dovut, u kienet maħsuba bħala arranġament tranżitorju. Daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2004 u kellha tkompli sal-31 ta' Marzu 2011 (jiġifieri disa' snin mill-bidu tal-AGL, fl-1 ta' April 2002).

(19)

L-iskema ta' eżenzjoni ġiet sospiża fl-1 ta' Diċembru 2010.

2.3.2.   Ftehimiet ambjentali

(20)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali b'mod aktar effettiv, ir-Renju Unit għamel l-eżenzjoni bil-kondizzjoni li r-rikorrenti formalment josservaw il-ftehimiet innegozjati mar-Renju Unit, bl-impenn tar-rikorrenti għal programm ta' titjib fil-prestazzjoni ambjentali matul iż-żmien tal-eżenzjoni.

(21)

Il-kriterji ewlenin għad-dħul fl-iskema kienu li:

(a)

il-permessa/i ta' ppjanar rekwiżita/i u permessi ambjentali regolatorji, eċċ. kellhom ikunu stabbiliti għal kull sit eliġibbli; kif ukoll

(b)

l-operatur tas-sit kien meħtieġ li “jirreġistra” għal reġim ta' awditjar ambjentali. L-ewwel awditu kellu jiġi kkummissjonat u ppreżentat fi żmien 12-il xahar mid-data ta' dħul għall-iskema u aġġornat kull sentejn, minn hemm 'il quddiem.

(22)

Kull ftehim ġie mfassal individwalment skont iċ-ċirkustanzi tal-barriera, filwaqt li jitqiesu, pereżempju, l-istandards attwali u lok għal titjib. L-oqsma ta' prestazzjoni koperti kienu: il-kwalità tal-arja; l-arkeoloġija u l-ġeodiversità; il-bijodiversità, l-isplużjonijiet; ir-responsabbiltà tal-Komunità; it-trab; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; l-ilma ta' taħt l-art; il-pajsaġġ u l-fastidju viżiv; il-ħsejjes; il-ħżin u t-trattament taż-żejt u tal-kimika; ir-restawr u l-kura ta' wara; l-użu ta' alternattivi għal aggregat primarju; l-ilma tal-wiċċ; l-effetti barra mis-sit ta' trasport; u l-immaniġġar tal-iskart.

(23)

Id-Dipartiment tal-Ambjent fl-Irlanda ta' Fuq kien responsabbli għall-monitoraġġ ta' dawk il-ftehimiet, u l-eżenzjoni ġiet irtirata għal dawk il-kumpaniji li għandhom nuqqasijiet sinifikanti.

2.3.3.   L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aggregat, il-prezz tal-bejgħ u l-elastiċità tal-prezzijiet tad-domanda

(24)

Fir-rigward l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aggregat, ir-Renju Unit spjega li dawn ivarjaw b'mod sinifikanti minn barriera għall-barriera u li l-istess ikun validu għall-prezzijiet (11). Il-prezz medju tal-bejgħ ex barriera għal klassijiet differenti ta' aggregat ġie miġbur fit-Tabella 1 (12). Il-marġnijiet ta' profitt kienu għal darb'oħra varjabbli, iżda l-industrija stmat li 2 % sa 5 % kien livell tipiku.

Tabella 1

Prezz tal-bejgħ

It-tip ta' blat

Il-prezz ex-quarry qabel it-taxxa (GBP/tunnellata)

Bażalt

4,21

Ġebel imrammel

4,37

Ġebla tal-ġir

3,72

Ramel & żrar

4,80

Oħrajn

5,57

Prezz medju peżat

4,42

(25)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż ta' produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja. Hemm spejjeż ogħla tal-elettriku u għall-permess tal-ippjanar fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla mal-Gran Brittanja. L-ispejjeż tal-elettriku ta' impriża ta' daqs żgħir/medju fl-Irlanda ta' fuq huma f'medja ta' madwar 14p/kWh u 11p/kWh għal ditti ta' daqs simili fir-Renju Unit kollu. Konsumaturi kbar u kbar ħafna tal-elettriku fl-Irlanda ta' Fuq se jħallsu, fuq medja, 10p/kWh, meta mqabbla ma' 8p/kWh fir-Renju Unit kollu. L-istimi pprovduti mill-industrija jissuġġerixxu li l-ispejjeż tal-elettriku u tal-fjuwil se jikkostitwixxu bejn 30-46p għal kull tunnellata ta' aggregat li jkun prodott. Barra minn hekk, il-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq jiffaċċjaw spejjeż tal-ippjanar akbar b'mod sinifikanti mill-kontrapartijiet tagħhom fil-Gran Brittanja u r-Repubblika tal-Irlanda. Ir-Renju Unit ipprovda tqabbil bejn l-ispejjeż bħala sostenn ta' dik id-dikjarazzjoni.

(26)

Fir-rigward, b'mod ġenerali, id-differenza fil-livelli ta' prezzijiet bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja, ir-Renju Unit kien spjega li l-fornituri fl-Irlanda ta' Fuq qatt ma kienu kapaċi jimponu l-istess prezz bħal fil-Gran Brittanja. Ir-Renju Unit kien wera dan bħala l-medja tal-prezzijiet tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja bejn l-2001 u l-2008. L-imposta bir-rata sħiħa kienet għalhekk tkun tirrapprenżenta proporzjon akbar tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress. Din l-inabilità storika li l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumaturi ilha fattur sinifikanti f'nuqqas ta' investiment f'titjib ambjentali u hija ġġustifikata fatturi ekonomiċi (frammentazzjoni tas-suq) u fatturi ġeoloġiċi.

(27)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni dettaljata b'kunsiderazzjoni tal-medja totali tal-prezzijiet. Milli jidher, ħlief fil-każ ta' materjal aggregat speċjalist ta' valur kbir, ma jagħmilx sens ekonomiku li tittrasporta aggregat mill-Irlanda ta' Fuq lejn il-Gran Brittanja jew saħansitra fil-Gran Brittanja mill-Iskozja, pereżempju, għall-użu f'Londra. It-Tabella 2 turi l-prezzijiet medji ex-quarry fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja bejn l-2006 u l-2011, fil-każ tal-Irlanda ta' Fuq, u fl-2012 fil-każ tal-Gran Brittanja.

Tabella 2  (13)

Medja tal-prezzijiet ex-quarry

Is-sena

Il-prezz għal kull tunnellata fl-Irlanda ta' Fuq (GBP)

Il-prezz għal kull tunnellata fil-Gran Brittanja (GBP)

 

Ramel u Żrar

Blat Imfarrak

Ramel u Żrar

Blat Imfarrak

2006

3,81

3,60

9,18

7,34

2007

4,68

4,07

9,08

7,01

2008

3,74

4,84

10,05

8,11

2009

4,80

4,30

10,04

8,03

2010

3,38

4,25

10,47

7,90

2011

2,93

4,30

10,70

7,77

2012

 

 

10,02

8,28

(28)

Aktar informazzjoni dettaljata rigward il-prezzijiet li jikkonverġu f'konklużjoni waħda fir-Renju Unit kienet irrappurtata fil-passat (premessa 26), jiġifieri li l-AGL bir-rata sħiħa jkollha għalhekk tirrappreżenta proporzjon ħafna akbar tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress. Id-dejta turi li ramel u żrar jew ġebel imfarrak ta' materjal aggregat mill-Irlanda ta' Fuq ma jkunux kapaċi jikkompetu ma' prezzijiet medji fil-Gran Brittanja ladarba l-ispejjeż GBP […] (*) għal kull tunnellata ta' trasport fuq bil-baħar ikunu kkunsidrati. Dan il-prezz baxx ta' aggregat b'mod ġenerali jipprojbixxi l-bejgħ tiegħu fi swieq imbiegħda kif, anki għal […] GBP għal kull tunnellata, vjaġġ ta' […] mil iżid kważi […] % tal-prezz ex-quarry. Huwa probabbli li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eqreb barriera se tkun tista' toffri prezz aktar kompetittiv.

(29)

Fir-rigward tal-elastiċità tal-prezz tad-domanda, ir-Renju Unit kien spjega, li l-elastiċità tal-prezz tad-domanda għal aggregat ivarja minn 0,2 sa 0,5. L-eżaminazzjoni tar-Renju Unit ta' kwantità ta' aggregat u dejta dwar il-prezzijiet għal Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq issuġġeriet li għal ħafna tipi ta' aggregat l-elastiċità tal-prezz kienet tvarja minn kważi xejn għal madwar 0,52. Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit wera li l-istimi dwar l-elastiċità tal-prezz tad-domanda għall-art prinċipali tar-Renju Unit ma jistgħux jiġu applikati għall-Irlanda ta' Fuq minħabba d-differenzi bejn iż-żewġ swieq. Għalhekk, iċ-ċifri prodotti inizjalment ma humiex rilevanti għas-suq tal-Irlanda ta' Fuq. Ir-Renju Unit indika li ppruva jiddetermina l-elastiċità applikabbli biss għall-Irlanda ta' Fuq, iżda li d-dejta rilevanti għall-kalkolu kienet nieqsa.

(30)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li turi kif id-differenzi fil-prezzijiet taffettwa d-domanda fis-suq tal-Irlanda ta' Fuq. L-informazzjoni waslet għal tali finijiet minn erba' mill-ħames l-akbar kumpaniji fis-settur tal-isfruttar tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq. Minħabba li l-ispejjeż tat-trasportazzjoni għandhom it-tendenza li jillimitaw s-suq li fih il-barrieri jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet kompetittivi, kienet diffiċli biex tiġi stabbilita korrelazzjoni diretta bejn il-prezzijiet u l-ishma tas-suq. It-talba u s-sehem tas-suq huma aktar probabbli li jirreaġixxu għall-bidu jew it-tlestija ta' proġetti kbar ta' kostruzzjoni fiż-żona lokali milli minn differenzi fil-prezz man-nazzjon. Barra minn hekk, dawk il-kumpaniji li jkollhom l-akbar sehem tas-suq fl-Irlanda ta' Fuq ukoll xi drabi jbiegħu prodotti speċjalizzati ta' kwalità ogħla, b'hekk paragun bejn il-produtturi għad-determinazzjoni ta' tendenza tas-suq ma jkunx korrett. Madanakollu, ir-Renju Unit juri li d-differenzi fil-prezz jaffetwaw id-domanda, iżda pjuttost fuq bażi aktar lokali. Kumpaniji li joperaw qrib il-fruntiera mar-Repubblika tal-Irlanda, jiġifieri bejn wieħed u ieħor fi 23 mil mill-fruntiera, urew li huma esperjenzaw tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ meta huma jżidu l-prezzijiet tagħhom. Ġiet ipprovduta dejta speċifika fir-rigward ta' […] u […]. It-Tabella 3 turi l-impatt tal-bidliet tal-prezzijiet fi […] u […] […] il-post bejn l-2009 u l-2013 turi tnaqqis sinifikanti fil-volumi ta' bejgħ u dħul wara t-tneħħija tas-sospensjoni tal-eżenzjoni fl-2010. Meta tipprova tgħaddi t-taxxa b'mod sħiħ, […] u […] […] is-sit tilef […] % tal-bejgħ tiegħu — tnaqqis sinifikanti.

Tabella 3

L-impatt tal-bidliet tal-prezzijiet fi […] u […] […] il-post bejn l-2009 u l-2013

Is-sena

Tunnellati

Bejgħ

Il-prezz medju

2009

(…)

(…)

(…)

2010

(…)

(…)

(…)

2011

(…)

(…)

(…)

2012

(…)

(…)

(…)

2013

(…)

(…)

(…)

(31)

Siti ta' prodotti pproċessati qrib il-fruntiera mar-Repubblika tal-Irlanda wkoll esperjenzaw tnaqqis sinifikanti tal-bejgħ tagħhom meta jippruvaw jgħaddu l-ispejjeż ta' imposta fuq l-aggregat b'mod sħiħ. Pereżempju, […] […] f' […], li huwa biss mil mill-fruntiera, ra l-produzzjoni tiegħu tonqos minn […] m3 fl-2005 għal biss […] m3 fl-2013, wara żieda fil-prezzijiet tal-materjali tiegħu.

(32)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li turi l-evoluzzjoni tal-infrastruttura u ħidma oħra tas-settur pubbliku bejn l-2000 u l-2012. L-evoluzzjoni turi żieda fil-produzzjoni ta' xogħol pubbliku fil-perjodu bejn l-2007 u l-2009 segwita bi tnaqqis u żieda żgħira fl-2012. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni b'mod ġenerali ġew influwenzati mir-riċessjoni ekonomika, għalhekk, xejriet bħal dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati fuq bażi awtonoma minħabba li dawn jistgħu jkunu minħabba l-ambjent ekonomiku u xejriet fis-suq tal-kostruzzjoni.

(33)

Ir-Renju Unit ipprovda ukoll il-prezzijiet tal-offerti għall-perjodu 2007 sa 2013 għal aggregati mixtrija mid-Dipartiment ta' Akkwist tat-Toroq tal-Irlanda ta' Fuq (Tabella 4) inklużi l-ispejjeż tat-trasport lejn l-impjanti tad-Dipartiment tat-Toroq lokali. Id-dejta turi b'mod ċar li wara l-2010, meta ġiet sospiża l-eżenzjoni tal-AGL, il-prezzijiet jew naqsu, xi drabi b'mod drammatiku, jew żdiedu bi ftit, iżda ħafna inqas mill-ammont tar-rata sħiħa tal-AGL, GBP 1,95. Dan juri li anke fir-rigward tal-bejgħ pubbliku, il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq ma setgħux jgħaddu l-AGL lill-klijenti tagħhom. Dan huwa aktar evidenti hekk kif is-settur pubbliku huwa inqas probabbli li jiġi milqut mill-kriżi ekonomika u xogħol ta' kostruzzjoni tas-settur pubbliku, bħal dik imwettqa mid-dipartiment tat-toroq, żied is-sehem tiegħu mir-rata globali fid-domanda għal aggregati.

Tabella 4

Il-prezzijiet tal-offerta għall-perjodu 2007 sa 2013 għal aggregati mixtrija mid-Dipartiment ta' Akkwist tat-Toroq tal-Irlanda ta' Fuq

Is-sena

10 mm żrar (GBP)

Ramel għall-konkrit (GBP)

Ġebel tat-tip 3 (GBP)

2007

8,43

9,52

4,67

2008

8,49

9,52

4,70

2009

(…)

(…)

(…)

2010

(…)

(…)

(…)

2011

(…)

(…)

(…)

2012

(…)

(…)

(…)

2013

(…)

(…)

(…)

2.3.4.   Is-Suq tal-Aggregat tal-Irlanda

(34)

Billi l-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq biss ibbenefikaw mill-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL u mhux il-bqija tar-Renju Unit, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni dwar għaliex is-suq tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq huwa suq ġeografiku differenti minn dak tas-suq ġenerali tar-Renju Unit u fejn jinsabu d-differenzi.

(35)

Ir-Renju Unit juri li s-swieq tal-aggregati fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja huma separati u distinti minn xulxin, bi ftit li xejn interazzjoni. Is-suq tal-aggregat għandu t-tendenza li jkun ta' natura lokali minħabba l-ispejjeż relattivament għoljin għat-trasportazzjoni ta' materjal fir-rigward il-prezzijiet tal-bejgħ tiegħu. Bl-użu ta' dejta disponibbli mid-Dipartiment għat-Trasport, ir-Renju Unit ikkalkula li l-ispiża medja tat-trasportazzjoni bit-triq ta' tunnellata ta' aggregat jammonta għal GBP 0,855 kull tunnellata għal kull mil. Dan il-prezz baxx ta' prodotti tal-aggregat ifisser li vjaġġi twal se jwasslu biex prodotti aggregati jkunu inqas kompetittivi mill-materjali li jinkiseb minn barrieri li huma aktar lokali lill-klijent. Barra minn hekk, esportaturi ta' materjal aggregat stmaw li l-ispiża tat-trasport bil-baħar aggregat bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja tkun madwar GBP […] għal kull tunnellata. Il-ġarr bil-baħar imbagħad jiġi supplimentat bil-ġarr bit-triq meħtieġ mill-barriera għall-port u mill-mollijiet tal-wasla għall-post tal-użu. Ir-Renju Unit ikompli juri li t-trasport ta' aggregat bejn iż-żewġ reġjuni mhuwiex ekonomiku ħlief fil-każ ta' ġebel ikkulurit aktar speċjalizzat jew materjal aggregat bi prezz ogħla. Huwa stmat li anke għal dawk il-materjali, x'aktarx li jkun hemm aktar GBP […] — […] għal kull tunnellata fl-ispiża tat-trasport bit-triq tal-merkanzija minn moll fil-Gran Brittanja sal-eqreb impjant ta' taħlit tal-asfalt.

(36)

Il-provvista ta' aggregat tjvarja ħafna bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja minħabba kemm id-disponibbiltà ta' materjali u l-għadd ta' kumpaniji operattivi differenti ta' barrieri. Minħabba n-natura ġeoloġika tagħha, l-Irlanda ta' Fuq tgawdi mill-aktar varjetà wiesa' ta' tipi ta' blat ta' kwalunkwe daqs komparabbli fir-reġjun tar-Renju Unit. Il-barrieri huma relattivament mifruxa b'mod ugwali madwar l-Irlanda ta' Fuq. Filwaqt li pajjiżi differenti għandhom depożiti akbar ta' ċerti tipi ta' blat, ġebel imfarrak aggregat huma kważi interkambjabbli, jiżguraw abbundanza ta' blat tajbin għal użu bħala aggregatt fiż-żona kollha. Għall-kuntrarju, l-Ingilterra m'għandhiex l-istess varjetà ġeoloġika. Minħabba d-depożiti diversi u rikki ta' blat, mifruxin b'mod uniformi madwar il-pajjiż u qrib is-swieq ewlenin kollha, l-Irlanda ta' Fuq għandha forniment ferm akbar ta' prodotti interkambjabbli mis-suq fil-Gran Brittanja. Li jwassal għal livelli ogħla ta' kompetizzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u jnaqqas il-marġnijiet tal-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq sabiex iżidu l-prezzijiet tagħhom.

(37)

Kif indikat mir-Renju Unit, fejn proporzjon ferm akbar ta' barrieri indipendenti u n-numru ogħla ta' barrieri għal kull mil kwadru fl-Irlanda aggregat jiżgura wkoll aktar kompetizzjoni fost il-fornituri. Fil-Gran Brittanja, 'il fuq minn 75 % tal-aggregati kollha huma pprovduti mill-ħames akbar kumpaniji (14). B'kuntrast, l-aqwa ħames kumpaniji fl-Irlanda ta' Fuq jirrappreżentaw biss madwar 39 % tal-produzzjoni globali totali tal-aggregat hemmhekk.

(38)

Ir-Renju Unit juri li ż-żewġ swieq huma kkaratterizzati minn xejriet tad-domanda differenti hekk kif it-tnaqqis fid-domanda għal aggregati matul u mit-tnaqqis ekonomiku kien ferm akbar fl-Irlanda ta' Fuq milli fil-Gran Brittanja. Barra minn hekk, hekk kif tonqos il-produzzjoni tal-kostruzzjoni u d-domanda għall-aggregati, tintensifika l-kompetizzjoni fost l-operaturi ta' barrieri għall-bqija tad-domanda.

(39)

L-Irlanda ta' Fuq għandha aktar volontà lejn operazzjonijiet awtonomi, b'integrazzjoni vertikali bejn il-produzzjoni tal-aggregati, ta' siment u konkrit ħafna inqas komuni fi ħdan is-suq fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla mal-Gran Brittanja. Fil-Gran Brittanja, kif indikat fil-premessa 37, l-ikbar ħames kumpaniji jikkontrollaw 75 % tal-produzzjoni ta' aggregat. Dawn l-istess kumpaniji wkoll jikkontrollaw 70 % tal-produzzjoni tal-konkrit imħallat lest, u proporzjon kbir tal-impjanti tat-taħlit tal-asfalt kollha, it-tnejn swieq ewlenin għal bejgħ aggregat. B'hekk, meta l-kostruzzjoni, il-produzzjoni u d-domanda jonqsu għall-konkrit u l-asfalt, l-ikbar ħames kumpaniji fil-Gran Brittanja għandhom kontroll fuq it-tnaqqis aggregati tagħhom fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-aggregat. Fil-fatt, il-provvista ta' aggregati se taġġusta aktar malajr għad-domanda fil-Gran Brittanja, bil-limitazzjoni tal-pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet. L-Irlanda ta' Fuq hija differenti minħabba n-nuqqas ta' integrazzjoni vertikali tas-suq, il-produttività tal-kostruzzjoni u mid-domanda għall-aggregat li qed tonqos, il-kompetizzjoni fost l-operaturi ta' barrieri għall-bqija tad-domanda qed tintensifika. Din tagħmel is-suq tal-Irlanda ta' Fuq ħafna iktar kompetittiv minn dak tal-Gran Brittanja, b'numru ikbar ta' barrieri għal kull mil kwadru u per capita u proporzjon akbar ta' barrieri indipendenti li jippruvaw ibigħu l-prodotti tagħhom lill-impjanti indipendenti, awtonomi, dawk li jipproċessaw il-prodotti.

(40)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit wera li s-swieq tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq u tar-Repubblika tal-Irlanda huma simili ħafna.

2.3.5.   L-espożizzjoni għall-kummerċ

(41)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni dwar l-espożizzjoni għall-kummerċ lill-industrija tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq bejn l-2002 u l-2013. L-istatistika uffiċjali tista' tagħti biss ċifri amalgamati biannwali minħabba regoli ta' żvelar ta' Her Majesty's Revenue and Customs (HMRC). Ma jippermettux tqassim skont it-tip ta' skopertura fit-total u għal xi snin l-istatistiċi tal-kummerċ ma kinux disponibbli. Kien hemm aktar diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' dejta uffiċjali dwar il-produzzjoni ta' prodotti pproċessati ta' konkrit u ta' asfalt. F'dawk il-każijiet, ir-Renju Unit għamel użu mill-istimi (15) tas-suq ipprovduti mill-Quarry Products Association Northern Ireland (“QPANI”). Minħabba li ma teżistix statistika nazzjonali għal kategoriji oħra ta' prodotti, ir-Renju Unit ipprovda l-aħjar stimi ta' kalkoli tal-iskoperturi kummerċjali ta' blat imfarrak, prodotti ipproċessati tal-konkrit, asfalt u ramel. Madankollu, anke meta wieħed iqis dawn il-limitazzjonijiet, ir-Renju Unit huwa tal-opinjoni li d-dejta dwar l-espożizzjoni għall-kummerċ turi l-grad ta' kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. L-iskopertura kummerċjali hija deskritta fit-Tabella 5. Iċ-ċifri huma bbażati fuq iċ-ċifri annwali jew biannwali għall-importazzjonijiet u għall-esportazzjonijiet annwali u għall-produzzjoni annwali u li kienu ukoll provduti lill-Kummissjoni.

Tabella 5

L-espożizzjoni għall-kummerċ

Aggregat ta' Blat Imfarrak (GBP)

 

2006-2007

2008-2009

 

 

 

 

Importazzjonijiet

13 699 717

5 986 891

 

 

 

 

Esportazzjonijiet

28 519 715

19 938 824

 

 

 

 

Il-valur stmat tal-bejgħ domestiku

160 426 000

143 524 581

 

 

 

 

L-espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

24,25 %

17,34 %

 

 

 

 

Prodotti Pproċessati tal-Konkrit (GBP)

 

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Importazzjonijiet

10

10

9

7

7,5

7,5

Esportazzjonijiet

70

35

28

21

16

15

Il-valur stmat tal-bejgħ domestiku

325

276

210

210

216

226

L-espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

23,9 %

15,7 %

16,9 %

12,9 %

10,5 %

9,6 %

Prodotti pproċessati tal-asfalt u r-ramel (16) (GBP)

 

2007-2008

2009-2010

2011-2012

 

 

 

Importazzjonijiet ta' prodotti ta' asfalt u ramel

1 540 633

1 909 210

4 489 366

 

Esportazzjonijiet ta' prodotti ta' asfalt u ramel

12 382 394

6 220 782

4 670 559

Valur stmat tal-bejgħ domestiku ta' prodotti ta' asfalt u ramel

384 518 301

310 666 790

293 343 700

Espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

3,61 %

2,60 %

3,08 %

(42)

In-numri fit-Tabella 5 juru li l-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq hija soġġetta għal grad sinifikanti ta' skopertura tal-bejgħ ta' blat imfarrak tagħha. Ir-Renju Unit juri li l-importazzjonijiet mhux iddikjarati tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq żdiedu b'mod sinifikanti wara l-introduzzjoni tal-AGL fl-2002. Dan il-livell mhux iddikjarat tal-importazzjoni huwa probabbli li ġie aċċellerat għal darb'oħra wara s-sospensjoni tal-eżenzjoni tal-AGL fl-2010. Stħarriġ li sar fl-2002 mill-Università ta' Ulster għadd in-numru ta' trakkijiet li jġibu l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq fit-tmien l-aktar qsim tal-fruntieri importanti. Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ urew li sa 89 trakk kienu qed jittrasportaw l-aggregat kuljum. It-total annwali ta' importazzjonijiet iddikjarati uffiċjalment kienu jeħtieġu biss 243 trakk għas-sena kollha. Dan issuġġerixxa li l-livell reali tal-importazzjonijiet ta' aggregat setgħu kienu sa 133 darba dak irreġistrat mill-istatistika uffiċjali fl-2002, u dan ifisser li l-istima ta' skoperturi kummerċjali x'aktarx tissottovaluta l-livell attwali ta' skopertura għall-kummerċ.

2.3.6.   Tnaqqis tal-bejgħ u tat-trasferimenti

(43)

Rigward it-trasferiment tal-ispejjeż ta' produzzjoni miżjuda lill-klijenti finali u l-potenzjal ta' tnaqqis ta' bejgħ, ir-Renju Unit kien ipprovda informazzjoni li turi li, wara l-introduzzjoni tat-taxxa fl-2002, il-prezz medju tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kien żdied b'ferm inqas milli kien ikun mistenni kieku l-AGL għaddiet b'mod sħiħ, u li dan kien marbut ma' tnaqqis tal-bejgħ leġittimu, li kien proprozjonalment ħafna akbar mit-tnaqqis irreġistrat fil-Gran Brittanja.

(44)

Ir-Renju Unit kien ukoll spjega li l-bejgħ ta' aggregat u mili ta' grad baxx, waqa' fis-sena li ntemmet fil-31 ta' Marzu 2003 meta mqabbel mal-livelli esperjenzati fis-sentejn ta' qabel l-AGL. Il-produzzjoni minn barrieri leġittimi fis-sena kalendarja 2002 kienet inqas ferm mit-tendenza stabbilita tal-bejgħ aggregat (ġeneralment, matul dawn l-aħħar 30 sena, kien hemm tendenza ta' żieda f'bejgħ tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq). Fil-Gran Brittanja l-produzzjoni totali naqset fl-2002 b'5,7 %, meta mqabbel ma' żieda żgħira mis-sena ta' qabel (madankollu, ix-xejra fl-analiżi wriet li, fil-Gran Brittanja, il-produzzjoni ġeneralment kellha tendenza ta' tnaqqis matul l-aħħar 10 snin).

(45)

Ir-Renju Unit kien spjega wkoll li ladarba t-taxxa kienet ġiet introdotta għal GBP 1,60 għal kull tunnellata, il-prezz medju tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kien żdied b'madwar GBP 0,25-0,30 għal kull tunnellata fl-2002 meta mqabbel mal-2001, billi fil-Gran Brittanja l-prezz tela' minn GBP 1–1,40 għal kull tunnellata. Anke meta jitqies li l-aggregat użat fi prodotti proċessati, li bbenefikaw minn eżenzjoni ta' 80 % skont l-iskema ta' kreditu digressiva oriġinali fl-Irlanda ta' Fuq, hija inkluża f'din il-medja, li jimplika li l-operaturi tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq kienu qed ikollhom jassorbu proporzjon sostanzjali tal-imposta. Fuq is-suppożizzjoni li l-prodotti proċessati użaw nofs il-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq, u li l-prezz tagħhom ma kienx affettwat mill-imposta fl-2002, li jimplika skont ir-Renju Unit li, bħala medja, aktar minn GBP 1 għal kull tunnellata tal-imposta li kellha tiġi assorbita fuq kull tunnellata ta' aggregat mibjugħ għall-użu fl-istat nej tiegħu.

(46)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda spjegazzjonijiet ulterjuri għall-affermazzjoni tagħhom f'premessa 45 li, ladarba l-AGL ġiet introdotta, il-prezz medju fl-Irlanda ta' Fuq żdied b'ferm inqas mir-rata tat-taxxa, filwaqt li fil-Gran Brittanja żdied b'GBP 1–1,40 għal kull tunnellata peress li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati qatt ma ħallsu r-rata sħiħa tal-AGL. Ir-Renju Unit wera stimi li bejn terz u nofs l-aggregat kollu prodott fl-Irlanda ta' Fuq huwa użat fil-manifattura ta' prodotti proċessati. Anki kieku, għall-argument, wieħed kellu jieħu ċifra ogħla u japplika eżenzjoni sħiħa ta' 100 % li applikat għall-prodotti pproċessati matul l-ewwel sena tat-taxxa, u għalhekk wieħed jassumi li ma kien hemm l-ebda żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni b'riżultat tal-imposta fuq 50 % ta' aggregati, allura dan biss jirdoppja ż-żieda fil-prezz fuq il-50 % li jifdal. Tali rduppjar jindika li ż-żieda fil-prezz miksub kien GBP 0,50-60 għal kull tunnellata, li għadu aktar baxx b'mod sinifikanti minn dak miksub fil-Gran Brittanja, u ma joqrobx lejn l-ispiża żejda addizzjonali ta' GBP 1,60 għal kull tunnellata imposta mill-imposta fl-ewwel tal-applikazzjoni.

(47)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda dejta miġbura minn kampjuni rappreżentattivi lill-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq fir-rigward ix-xejriet tal-produzzjoni tal-aggregat, il-fatturat u l-qligħ. Madankollu, ix-xejriet murija huma marbuta u ma jistgħux jiġu diżassoċjati mit-tendenzi tas-suq tal-kostruzzjoni u r-riċessjoni ekonomika li bdiet fl-2008.

(48)

Id-dejta wriet li l-profittabbiltà u l-prezzijiet kienu diġà daqstant baxxi qabel is-sospensjoni tal-iskema ta' eżenzjoni li assorbiment sħiħ tat-taxxa ma jkunx finanzjarjament vijabbli. Il-kumpaniji minflok urew li t-taxxa ġiet mgħoddija, u, min-naħa l-oħra, kellhom jaċċettaw aktar telf fil-bejgħ, flimkien ma' dawk diġà kkawżati minn ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli. Sabiex ikomplu joperaw in-negozji tagħhom, l-industrija ttardjat investimenti kapitali kritiċi, u keċċiet xi persunal. Il-prospetti tal-istħarriġ jindikaw li l-mgħoddija ta' GBP 1,95 kull tunnellata imposta fuq il-klijenti kienet ta' sfida minħabba li l-prezzijiet lill-klijenti jkollhom jiżdiedu bejn 50 % u 66 %. Minħabba wkoll il-klima ekonomika, il-klijenti qed iżommu lura li jħallsu prezz ogħla u minflok jew jiddifferixxu l-investiment jew ifittxu lil kompetituri għal materjali alternattivi jew prezz aktar kompetittiv. Dan huwa ta' ħsara kummerċjali għan-negozji tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq li jirriżulta f'telf ta' klijenti, tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u pressjoni 'l isfel fuq il-marġnjiet ta' profitt ulterjuri.

(49)

Għalhekk, għalkemm id-dejta li tinġabar minn kampjuni rappreżentattivi tal-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq hija indikazzjoni tajba tal-evoluzzjoni tad-dħul mill-bejgħ u l-profitti tal-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq, dawn ma jistgħux jiġu diżassoċjati mill-kuntest ekonomiku u mhumiex konklużivi biex jivvalutaw l-effetti tal-AGL sħiħa fuq bażi awtonoma.

2.3.7.   Informazzjoni oħra

(50)

Il-baġit annwali stmat tal-iskema ta' eżenzjoni (riżorsi tal-Istat mitlufin) varja fiż-żmien tan-notifika oriġinali bejn GBP 15-il miljun (2004-2005) u GBP 35 miljun (2010-2011).

(51)

Fir-rigward tan-numru ta' benefiċjarji, ġie stmat li madwar 170 tal-operaturi tal-barrieri jkunu eliġibbli għall-eżenzjoni.

(52)

L-awtorità tal-għoti ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet l-HMRC.

2.3.8.   Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

(53)

Kif spjegat fil-premessi 47 sa 54 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-eżenzjoni mill-AGL immodifikata applikabbli fl-Irlanda ta' Fuq kinitx konformi mat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikolu 110 tagħha. Dawn id-dubji kienu jipprekludu lill-Kummissjoni milli ssib il-miżura kompatibbli mas-suq intern f'dan l-istadju.

(54)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-AGL kienet tammonta għal taxxa interna fis-sens tal-Artikolu 110 tat-Trattat. Sussegwentement hija qieset li kien hemm distinzjoni fl-applikazzjoni tal-AGL bejn il-produtturi fl-Irlanda ta' Fuq u l-produtturi minn Stati Membri oħra li ma jistgħux ikunu ġġustifikati.

(55)

Kif spjegat fil-premessa 56 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-ġurisprudenza rilevanti, bħala riżultat tal-annullament tad-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004, li l-miżura kif applikabbli minn dik id-data (u sas-sospensjoni tagħha fl-1 ta' Diċembru 2010) għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li għandha dejjem tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna illegali mill-Istat mas-suq intern b'konformtà mal-kriterji sostantivi stabbiliti f'kull strument fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna (17). Hekk kif l-għajnuna għandha titqies bħala illegali u kienet mogħtija matul il-perjodu li jkopri l-applikabbiltà tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 kif ukoll wara l-pubblikazzjoni tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 (18), il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien meta l-għajnuna tkun ingħatat kif ġej:

(a)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; kif ukoll

(b)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 mit-2 ta' April 2008.

(56)

Dwar il-valutazzjoni tal-miżura skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà stabbiliti hemmhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti. Madankollu, hija fakkret li fid-dawl tad-dubji espressi fir-rigward tal-Artikolu 110 tat-Trattat, hija kienet prekluża milli ssib il-miżura kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 f'dan l-istadju.

(57)

Fir-rigward il-kompatibbiltà tal-miżura skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-Kummissjoni kkonkludiet:

(a)

li eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq tikkontribwixxi mill-inqas indirettament għal titjib fil-ħarsien ambjentali u li ma timminax l-objettiv ġenerali segwit mill-AGL f'konformità mal-punt 151 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(b)

li l-benefiċjarji tal-eżenzjoni huma definiti bl-użu ta' kriterji li huma oġġettivi u trasparenti skont il-punt 158(a) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(c)

li t-taxxa mingħajr tnaqqis twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni meħtieġa skont il-punt 158(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(d)

li l-kundizzjoni ta' proporzjonalità tal-għajnuna kif prevista mill-punt 159 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 qed tiġi sodisfatta minħabba li l-benefiċjarji ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq għadhom iħallsu 20 % tat-taxxa.

(58)

Għalkemm l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit turi żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-AGL, li normalment jagħmluha probabbli li tali żieda ma tistax tiġi riflessa mingħajr tnaqqis importanti fil-bejgħ, il-Kummissjoni f'dan l-istadju ma setgħetx tikkonkludi fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija, b'mod partikolari informazzjoni mhux dettaljata biżżejjed, li l-kondizzjoni tal-kompatibbiltà fil-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 kienet sodisfatta.

(59)

Skont il-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-konformità mal-kriterji ta' neċessità teħtieġ li ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni msemmija fil-premessa 58 ma jistgħux jiġu mgħoddija mill-klijenti mingħajr ma jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu stimi ta' elastiċità ta', inter alia, il-prezz ta' prodott tas-settur ikkonċernat fis-suq ġeografiku rilevanti kif ukoll stimi ta' bejgħ mitluf u/jew profitti mnaqqsa għall-kumpaniji fis-settur jew fil-kategorija kkonċernata.

(60)

Il-Kummissjoni nnotat f'dan il-kuntest li l-argumenti tar-Renju Unit li ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma setgħetx tiġi mgħoddija mingħajr ma twassal għal tnaqqis importanti fil-bejgħ, kienu bbażati fuq tqabbil bejn iż-żieda fil-prezz minħabba l-introduzzjoni tal-AGL (madwar GBP 0,25–0,30 għal kull tunnellata fl-2002 meta mqabbla ma' 2001 fl-Irlanda ta' Fuq, billi fil-Gran Brittanja l-prezz żdied b'GBP 1–1,40 għal kull tunnellata). Fir-rigward tat-tnaqqis (leġittimu) ta' bejgħ fl-Irlanda ta' Fuq, il-Kummissjoni nnotat li dan ivarja f'total għat-tipi kollha ta' aggregati bejn – 17,6 % (2001-2003) u – 22,8 % (2002-2003) u kien b'mod proporzjonali ħafna akbar minn dak irreġistrat fil-Gran Brittanja. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-argumenti jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni tad-diffikultajiet li nstabu fil-mgħoddija tal-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq.

(61)

Il-Kummissjoni madankollu osservat li r-Renju Unit ma pprovdiex dejta dettaljata biżżejjed li turi u tikkwantifika l-impatt fuq dawn l-argumenti tal-fatt li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati li qatt ma ħallsu peress li l-introduzzjoni tal-modulazzjoni sħiħa tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet iddaħħlet f'fażijiet.

(62)

Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-dimostrazzjoni ta' tnaqqis ta' bejgħ, ir-Renju Unit ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' swieq tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2002. Figura 2 tar-Rapport tal-Quarry Products Association Northern Ireland lill-Office of Fair Trading Market Study dwar is-Settur tal-Aggregati fir-Renju Unit (19) kif imressaq mir-Renju Unit wriet żieda fil-produzzjoni mill-2004 sal-2007.

(63)

Ir-Renju Unit kien indika fis-sottomissjoni tiegħu li l-“ispejjeż iżidu l-fatturat tal-operaturi affettwati u jnaqqsu l-profitti tagħhom”. Madankollu, ma ġiet pprovduta l-ebda dejta li tappoġġa dik l-istqarrija.

(64)

Biex juri l-konformità tiegħu mal-kondizzjoni ta' kompatibbiltà skont il-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, ir-Renju Unit kien ippreżenta biss dejta fuq livell ġenerali tal-industrija, ma ġew ipprovduti l-ebda kampjuni rappreżentattivi ta' benefiċjarji individwali bbażati, pereżempju, fuq id-daqs tagħhom.

(65)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-osservazzjonijiet tar-Renju Unit issuġġerew li għal ħafna tipi ta' aggregati l-prezz tal-elastiċita kien jvarja minn kważi xejn għal madwar 0,52, jiġifieri jidher li hu relattivament mhux elastiku. Fil-prinċipju tfisser li ż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni setgħu jiġu mgħoddija lill-klijenti finali. Ir-Renju Unit ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet oħrajn u lanqas l-kalkoli li jikkonċernaw speċifikament l-impatt ta' nuqqas relattiv ta' elastiċità kif konkluż fuq l-argumenti mogħtija fir-rigward (l-inkapaċità) li jgħaddu jiżdiedu l-ispejjeż ta' produzzjoni lill-klijenti finali.

3.   IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

3.1   Kummenti li waslu mill-QPANI fit-23 ta' Settembru 2011

(66)

QPANI sostniet li l-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq jiddaħħlu fl-iskema ta' eżenzjoni in bona fede, waqt li tkun qagħdet fuq il-fatt li r-Renju Unit kien fittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ħarġet deċiżjoni pożittiva. Barra minn hekk, huma daħlu fi ftehimiet ambjentali li kien ifisser investimenti sinifikanti min-naħa tagħhom.

(67)

L-applikanti li sfidaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-iskema ta' eżenzjoni qatt ma taw prova b'eżempji li kien hemm diskriminazzjoni reali kontra l-aggregati importati.

(68)

QPANI tallega li kwalunkwe rkupru tal-għajnuna mill-Istat jikser l-aspettattivi leġittimi lill-operaturi tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq li l-għajnuna kienet legali. Billi l-operaturi tal-barrieri diġà investew għal titjib ambjentali, ordni ta' rkupru jkun ifisser li dawn tal-aħħar iħallsu l-ispejjeż darbtejn. Barra minn hekk, l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipju ta' ċertezza legali.

(69)

QPANI tkompli ssemmi li l-aggregat importat lejn l-Irlanda ta' Fuq minn dejjem kien minimu. Dawn juru li wara l-introduzzjoni tal-AGL, l-importazzjonijiet fil-fatt żdiedu bħala żvilupp akbar tad-djar privati u żieda fil-kostruzzjoni tas-settur pubbliku.

(70)

Rigward l-impossibbiltà li l-AGL tiġi mgħoddija lill-klijenti, QPANI tinvoka li ż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni, diġà rikonoxxuta mill-Kummissjoni, ma setgħetx tiġi mgħoddija minħabba l-kapaċità żejda tas-settur tal-aggregat u s-suq ħafna iktar kompetittiv fl-Irlanda ta' Fuq. Barra minn hekk, fl-Irlanda ta' fuq hemm volum imdaqqas ta' materjal eżentat mill-applikazzjoni tat-taxxa, bħal shale, li jintuża kemm fis-setturi pubbliċi u privati u f'proġetti ta' kostruzzjoni mill-bdiewa. Stħarriġ ta' QPANI tal-bejgħ privat ta' kull xahar ta' ġebel (Settembru 2001 — Settembru 2002) wera tnaqqis konsiderevoli fin-negozju minn April 2002 meta mqabbla mas-sena ta' qabel. Il-fergħa tal-istatistika tad-Dipartiment tal-Intrapriżi, il-Kummerċ u l-Investimenti (NI) fid-dikjarazzjoni annwali tal-minerali tal-2002 żvelat tnaqqis ta' madwar 2,7 miljun tunnellata fis-sena tal-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq li jirrappreżenta madwar 11 % tal-produzzjoni.

(71)

QPANI ssostni li l-inkjesta tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Irlanda ta' Fuq, “Introduzzjoni ta' Imposta fuq l-Aggregat — Sena Wara, it-tielet rapport tas-sessjoni 2003-2004” tiġbor evidenza ċara li turi l-impatt fuq il-bejgħ aggregat u l-livelli tal-impjiegi permezz tal-introduzzjoni tal-AGL.

(72)

QPANI targumenta li r-raġuni għal din iż-żieda fil-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq mill-2004 sal-2007 kien riżultat ta' aktar attività ta' kostruzzjoni fi ħdan il-provinċja.

(73)

QPANI targumenta wkoll li ż-żieda fl-ispejjeż tal-operaturi affettwat il-marġini ta' profitt kif muri mill-fatt li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu biss qed jiżdiedu minn GBP 0,25 sa 0,30 kif intqal fil-premessa 81 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. B'hekk huma kienu qegħdin jassorbu l-biċċa l-kbira taż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni kkawżati mill-AGL u, minħabba n-natura ġenerali u intensiva ta' kapital għoli ta' din l-industrija, sar evidenti li l-marġnijiet tal-profitt stretti kienu qed jonqsu aktar.

(74)

QPANI targumenta li d-dejta dwar l-elastiċità tal-prezzijiet tirrigwarda s-suq tal-aggregat fil-Gran Brittanja u ma tirriflettix is-sitwazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq.

3.2   Kummenti li waslu mill-British Aggregates Association (“BAA”) fit-23 ta' Settembru 2011

(75)

Il-BAA ssostni li jkun imposibbli li r-Renju Unit retroattivament jirrettifika diskriminazzjoni fiskali ta' prodotti importati minn Stati Membri oħrajn. Huwa mistqarr li anki jekk ir-Renju Unit kellu jħallas lura kwalunkwe ammont imħallas bħala imposta fuq l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq għal prodotti importati minn Stati Membri oħra, din ma setgħetx tneħħi l-effett dissważiv gravi ta' diskriminazzjoni fiskali. Għalhekk, l-approvazzjoni retroattiva ta' skema ta' eżenzjoni ma tkunx possibbli.

(76)

Il-BAA tallega li l-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL ma tkunx skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001. Allegatament l-AGL ma għandhiex impatt notevoli fuq l-ambjent kif meħtieġ mill-punt 51(2)(a) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; l-iskema ta' eżenzjoni tal-2004 ma kinitx approvata meta l-AGL ġiet adottata kif meħtieġ skont il-punt 51(2)(b) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; 20 % mhuwiex proporzjon sinifikanti tat-taxxa kif meħtieġ skont il-punt 51(1)(b) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(77)

Il-BAA tkompli billi tiddikjara li l-iskema ta' eżenzjoni mhijiex konformi skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008. L-eżenzjoni tal-AGL tippreġudika l-objettiv ambjentali segwit mill-AGL, għall-kuntrarju tal-punt 151 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, peress li tat lok għal “importazzjoni” ta' aggregati mill-Irlanda ta' Fuq lejn il-Gran Brittanja sa mill-2004. Dan jissuġġerixxi li kienu qed jiġu evitati r-regoli li jeħtieġu li l-aggregat jiġi estratt fl-Irlanda ta' Fuq iżda jintuża fil-Gran Brittanja, jiġu ntaxxati bir-rata sħiħa.

(78)

Barra minn hekk, il-BAA tistqarr li l-eżenzjoni tal-AGL mhijiex konformi mal-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 hekk kif ma ġietx ippruvata l-impossibbiltà li tiġi mgħoddija ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni. B'mod speċifiku, id-dejta ekonomika mressqa mir-Renju Unit, imsemmija fil-premessi 21 sa 23 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, hija dubjuża u possibilment qarrieqa. Il-prezzijiet medji imressqa mir-Renju Unit, allegatament, huma bla sinifikat, minħabba li hemm ħafna tipi differenti ta' aggregat u, b'mod korrispondenti, numru kbir ta' prezzijiet. Barra minn hekk, il-prezz ex-quarry jiddependi wkoll fuq il-post tal-barriera u d-distanza minn siti ta' kostruzzjoni. Għalhekk, paragun tal-prezz medju għall-Irlanda ta' Fuq (żona relattivament żgħira u rurali) u prezz medju għall-Gran Brittanja kollha mhuwiex rilevanti. Allegatament, jekk tabilħaqq il-prezzijiet ex-quarry fl-Irlanda ta' Fuq kienu 50 % inqas mill-prezzijiet fil-Gran Brittanja, kien ikun hemm talba kbira għal aggregat tal-Irlanda ta' Fuq fil-Gran Brittanja. Il-BAA ssostni li l-ispejjeż tat-trasportazzjoni mill-Irlanda ta' Fuq lejn Londra mhumiex ogħla minn spejjeż tat-trasport mill-Iskozja għal Londra.

4.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT LI WASLU FIL-25 TA' NOVEMBRU 2011

(79)

Ir-Renju Unit jargumenta li l-għajnuna ma għandhiex tiġi meqjusa bħala għajnuna illegali u li, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, jistgħu jiġu applikati biss il-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali tal-2011.

(80)

Ir-Renju Unit jargumenta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Mejju 2004 li tapprova li l-għajnuna ġiet iddikjarata nulla minħabba n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali. Il-miżura kienet notifikata lill-Kummissjoni u kienet approvata qabel ma tingħata kwalunkwe eżenzjoni tat-taxxa. Meta ngħatat l-għajnuna, hija ma kinitx għajnuna illegali.

(81)

Ir-Renju Unit jallega li minħabba li d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 kienet nulla, il-Kummissjoni fil-fatt ma ħaditx deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (20) (“ir-Regolament Proċedurali”), fil-limitu ta' żmien ta' xahrejn. Għalhekk, il-miżura għandha titqies bħala awtorizzata. Jekk l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Proċedurali hu applikat fuq notifika inizjali, allura l-għajnuna ġiet meqjusa bħala approvata fl-2004, u l-Kummissjoni m'għandha l-ebda kompetenza biex tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 4. Minflok, il-miżura għandha tiġi ttrattata bħala għajnuna eżistenti, li hija soġġetta għal rieżami biss dwar l-effetti futuri tagħha u li ma tistax tkun soġġetta għal ordni ta' rkupru retrospettiv. Madankollu, ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3), għalkemm illegalment u minkejja li hija sussegwentement iddikjarata bla effett, f'liema każ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Proċedurali ma jibqax iktar applikabbli. Ir-Renju Unit isostni li għandu jkun intitolat li jibbaża ruħu fuq il-fatt li deċiżjoni ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Proċedurali ġiet meħuda qabel ma ngħatat l-eżenzjoni mit-taxxa, sabiex l-għoti ta' għajnuna ma kinitx illegali fis-sens li tingħata mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(82)

Ir-Renju Unit isostni li, f'dan il-każ, ir-raġuni li l-għajnuna hija kkunsidrata bħala illegali huwa biss li d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 ġiet iddikjarata nulla peress li naqset milli tiftaħ l-investigazzjoni formali fl-2004. Mhuwiex il-każ li r-Renju Unit kien, fiż-żmien li l-miżura daħlet fis-seħħ, fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, il-Linji gwida biss dwar l-Għajnuna Ambjentali għandhom jiġu applikati. Il-Kummissjoni għandha tipproċedi biex tevalwa l-għajnuna fuq il-bażi tan-notifika fl-2004 u tapplika r-regoli applikabbli f'dak iż-żmien.

(83)

Peress li r-Renju Unit isostni li l-għajnuna mhijiex kontra l-liġi, dan jallega li l-Kummissjoni mhijiex intitolata li taqsam l-għajnuna mogħtija bejn il-perjodi meta l-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 u l-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 kienu rispettivament fis-seħħ. Minn dan isegwi li, peress li l-Kummissjoni sabet li l-miżura kienet skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001, l-għajnuna kollha mogħtija skont l-iskema għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

(84)

Ir-Renju Unit jirrifjuta l-argumenti mressqa mill-British Aggregates Association (“BAA”) fir-risposta tiegħu għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li fiha l-BAA ssostni li l-miżura, hekk kif innotifikata fl-2004, ma osservatx il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001. Ir-Renju Unit jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni diġà kkonstatat kif iddikjarat fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-AGL kellha effetti ambjentali sinifikanti u li l-BAA ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ftehimiet konklużi ma' kumpaniji tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq jibbenefikaw minn 80 % ta' eżenzjoni tal-AGL jkollhom effetti ambjentali pożittivi u ma tippreġudikax l-objettivi imfittxija permezz tal-AGL. Barra minn hekk, ir-Renju Unit juri li l-miżura approvata mill-Kummissjoni fl-2004 kienet estensjoni tal-iskema ta' eżenzjoni li kienet oriġinarjament introdotta fl-istess ħin tat-taxxa. Il-punt 51(2)(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 ma jeħtieġx li kull aspett singolu ta' din id-deroga jrid jkun ġie stabbilit jew implimentat fiż-żmien meta ġiet introdotta t-taxxa. F'dan il-każ qatt ma jkun possibbli li tiġi introdotta deroga modifikata u l-punt 51(2) jkun dispożizzjoni superfluwa. Barra minn hekk, ir-Renju Unit qed jipproponi li l-punt 51(1)(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 hu sodisfatt u, billi l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet fil-premessa 67 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li r-rekwiżit li jitħallas 20 % tal-AGL jirrappreżenta rekwiżit ta' ħlas għal proporzjon sinifikanti tat-taxxa. Il-kwistjoni dwar jekk dak il-proporzjon ikun sinifikanti trid tqes ukoll li l-operaturi tal-barriera li huma eliġibbli għall-eżenzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż għal titjib fir-rendiment ambjentali globali u li l-prezzijiet tal-aggregat huma ġeneralment irħas fl-Irlanda ta' Fuq milli fil-bqija tar-Renju Unit. F'termini assoluti, il-valur monetarju ta' 20 % tat-taxxa nazzjonali pagabbli għalhekk huwa akbar milli fil-bqija tar-Renju Unit.

(85)

Ir-Renju Unit isostni li l-kunċett li l-iskema tal-eżenzjoni setgħet tikkostitwixxi taxxa diskriminatorja kontra l-Artikolu 110 tat-Trattat huwa żbaljat. L-importazzjonijiet mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit huma ntaxxati b'mod ekwivalenti għall-produzzjoni fir-Renju Unit, inkluża l-produzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq fejn il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jkunux sodisfatti. Għalhekk, ma hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn prodotti importati mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit u oġġetti prodotti fir-Renju Unit. L-Irlanda ta' Fuq mhijiex Stat Membru, b'tali mod li ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 110 tat-Trattat biex jiddetermina li t-trattament fiskali speċifiku ta' ċerti produtturi fi ħdan l-imsemmija żona jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra prodotti importati minn Stati Membri oħra u mibjugħa f'dik iż-żona. Ir-Renju Unit jallega li d-diskriminazzjoni għandha tiġi evalwata għall-prodotti nazzjonali, u, peress li prodotti nazzjonali fir-Renju Unit huma suġġetti għall-AGL sħiħa, ma jista' jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti produtturi f'żona partikolari ta' Stat Membru huma mogħtija eżenzjoni mit-taxxa hija kwistjoni għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 tat-Trattat u mhux l-Artikolu 110. Huwa biss l-Artikolu 107(3) tat-Trattat li għandu jkun applikabbli għal miżuri ta' għajnuna fiskali mogħtija lill-produtturi u mhux l-Artikolu 110. Li kieku, l-għajnuna fiskali kollha lil produtturi tkun trid tiġi estiża għal prodotti minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda regola fil-liġi tal-Unjoni li teżiġi għajnuna mogħtija permezz ta' eżenzjoni mit-taxxa lill-produtturi f'parti ta' Stat Membru għandha tkun disponibbli ugwalment għall-importaturi ta' prodotti simili minn Stati Membri oħra.

(86)

Ir-Renju Unit ma jaċċettax li l-għajnuna hija illegali, iżda li kieku kellha tiġi meqjusa hekk mill-Kummissjoni, jemmen li ordni ta' rkupru ma jkunx xieraq. Ordni ta' rkupru jikser l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji u jkun sproporzjonat.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

5.1   Għajnuna tal-Istat fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat (ex Artikolu 87(1) KE)

(87)

L-għajnuna tal-Istat hija definita fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat bħala għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(88)

L-eżenzjoni tal-AGL ingħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat, f'forma ta' tnaqqis tar-rata tat-taxxa, lill-kumpaniji li jinsabu fuq parti ddefinita tat-territorju tar-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq), li tiffavorixxihom billi jnaqqsu l-ispejjeż li normalment huma jkollhom iħallsu. Il-benefiċjarji tal-għajnuna huma involuti fl-estrazzjoni ta' aggregati jew fil-manifattura ta' prodotti pproċessati, li huma attivitajiet ekonomiċi li jinvolvu kummerċ bejn l-Istati Membri.

(89)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 39 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (l-ex Artikolu 87(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).

5.2   Valutazzjoni tal-għajnuna tal-Istat

5.2.1   Bażi legali

(90)

Kif deskritt fil-premessa 55, il-Kummissjoni kkonkludiet li peress li l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna illegali, u, meta jitqies l-objettiv ambjentali tal-miżura, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, ibbażat fuq il-bażi legali fis-seħħ f'dak il-waqt li ngħatat l-għajnuna, kif ġej:

(a)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; kif ukoll

(b)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 mit-2 ta' April 2008.

(91)

Ir-Renju Unit iqis, għar-raġunijiet deskritti fil-premessi 79 sa 83, li l-għajnuna m'għandhiex tiġi meqjusa bħala għajnuna illegali u li din għandha tiġi vvalutata biss fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(92)

Minbarra s-sejbiet tagħha f'dan ir-rigward fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, minħabba l-pożizzjoni espressa mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li fejn deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni hija kkontestata fit-termini preskritti u annullata mill-Qorti, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ma jipprekludux li l-Kummissjoni tiddikjara li miżura ta' għajnuna partikolari tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli u ordnat l-irkupru. F'CELF I (21), il-Qorti ddikjarat li “l-għajnuna implementata wara d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni hija preżunta legali sad-deċiżjoni ta' annullament ta' dik id-deċiżjoni mill-qorti Komunitarja. Imbagħad, fid-data ta' din id-deċiżjoni tal-aħħar, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, jiġi preżunt li l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx iddikjarata bħala kompatibbli mid-deċiżjoni annullata, b'tali mod li l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali”. F'CELF II (22) il-Qorti tikkonferma s-sejbiet tagħha li “deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni ma tistax tagħti lok għal stennija leġittima mill-parti tal-benefiċjarju tal-għajnuna, minn naħa, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkontestata f'ħin tajjeb quddiem il-ġudikatura tal-Komunità, u li tkun sussegwentement ġiet annullata u lanqas, min-naħa l-oħra, sakemm ma jiskadi t-terminu għall-preżentata ta' rikors jew, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors, sakemm il-qorti Komunitarja ma tkunx tat deċiżjoni finali f'dan ir-rigward”.

(93)

Għalhekk, il-Kummissjoni tibqa' tal-opinjoni li l-eżenzjoni tal-AGL għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija għajnuna illegali. Konsegwentement, l-għajnuna mogħtija wara t-2 ta' April 2008 tkun skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Madankollu, anki kif qed jistqarr ir-Renju Unit, l-eżenzjoni tal-AGL kellha titqies bħala għajnuna eżistenti, hija xorta waħda għandha tiġi adattata skont il-punt 200 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

5.2.2   Ksur tal-Artikolu 110 tat-Trattat

(94)

Kif spjegat fil-premessi 53 u 54, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżenzjoni tal-AGL li ma tingħatax għall-prodotti impurtati lejn l-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħra tista' tikser l-Artikolu 110 tat-Trattat.

(95)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tat-Trattat jidher li jipprekludi skema nazzjonali bħal dik applikabbli ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq li tipprovdi għal tnaqqis tar-rata tal-AGL fir-rigward tal-aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq minn produtturi li jkunu daħlu fi ftehimiet ambjentali, filwaqt li prodotti identiċi importati minn Stati Membri oħra huma esklużi mill-iskema tar-rata mnaqqsa u għalhekk huma ntaxxati bir-rata sħiħa tal-AGL (23). Kuntrarjament għas-sottomissjoni tar-Renju Unit deskritta fil-premessa 85, il-fatt li l-iskema tar-rata mnaqqsa għandha tapplika għal żona definita biss, ma tbiddilx din l-interpretazzjoni. Fil-fatt jekk dispożizzjonijiet, bħall-iskema tal-eżenzjoni tar-Renju Unit, kienu permessi, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw faċilment il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 110 tat-Trattat.

(96)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet (24), hekk kif isostni r-Renju Unit, li “il-liġi tal-Komunità ma tirrestrinġix il-libertà ta' kull Stat Membri li jistabbilixxi sistema tat-taxxa li tiddistingwi bejn ċerti prodotti, anke prodotti li huma simili fi ħdan it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE.” Tali divrenzjar, madankollu, huwa biss kompatibbli mad-dritt Komunitarju, “jekk ifittex li jilħaq l-objettivi li huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat u tad-dritt sekondarju u jekk ir-regoli dettaljati tiegħu huma ta' natura li jevitaw kull forma ta' diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, fir-rigward tal-importazzjonijiet li ġejjin minn Stati Membri oħra, jew ta' protezzjoni favur prodotti nazzjonali li jikkompetu magħhom”. Fir-rigward ta' eżenzjoni tal-AGL, it-trattament differenti tal-aggregat importat huwa manifestament mhux konformi mar-rekwiżiti għal distinzjoni kif stabbilit mill-Qorti.

(97)

Il-prinċipju gwida fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni huwa li l-prinċipji tat-Trattat għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod li jagħti effett lill-għanijiet tagħhom. L-Artikolu 110 tat-Trattat jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tassazzjoni internazzjonali, li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jimponu taxxi interni ta' natura diskriminatorja. Sabiex miżura fiskali, li tikkostitwixxi għajnuna, tkun valida, il-Kummissjoni għandha għalhekk, tkun sodisfatta li l-miżura inkwistjoni, l-ewwel nett, ma tiksirx l-Artikolu 110 tat-Trattat, u min-naħa l-oħra, tissodisfa l-kondizzjonijiet rilevanti kollha stipulati fl-Artikoli 107 u 108 (25). M'hemm l-ebda raġuni biex jitqies li miżura ta' għajnuna fil-forma ta' eżenzjoni mit-taxxa li hija applikata biss f'parti ta' Stat Membru tikkostitwixxi eċċezzjoni minn din l-interpretazzjoni.

(98)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-Renju Unit impenja ruħu permezz tal-ittra tiegħu mill-1 ta' April 2014 sabiex jirrimedja l-inkompatibbiltà ta' eżenzjoni tal-AGL mal-Artikolu 110 tat-Trattat billi jirrimborża l-ammonti miġbura li huma inkompatibbli mas-suq intern skont il-kriterji deskritti fil-premessi 99 sa 103. L-ambitu tar-rimedju huwa li jippermetti l-akkwisti tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħrajn, u li titħallas ir-rata sħiħa tal-AGL matul il-perjodu fejn tħaddmet l-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL bejn l-2004 u l-2010, li tibbenefika minn kreditu tal-imposta fuq l-aggregat ta' 80 % li kien disponibbli għall-operaturi ta' barrieri fl-Irlanda ta' Fuq li ħadu sehem fl-eżenzjoni tal-AGL. L-għan tal-introduzzjoni tal-iskema proposta għandu jkun li jindirizzaw kwalunkwe inġustizzja li setgħet isseħħ.

(99)

Il-Kummissjoni tinnota l-impossibbiltà, allegata mir-Renju Unit fl-ittra tiegħu tas-17 ta' Settembru 2012, li jidentifika l-barrieri barranin li biegħu l-aggregat suġġett għall-AGL li kienu importati u użati fl-Irlanda ta' Fuq. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-verità, entitajiet li jħallsu l-AGL ma kinux barrieri barranin, iżda l-importaturi rreġistrati għall-ħlas tat-taxxa. Għalhekk, jidher xieraq u konsistenti mal-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni (26) li l-entitajiet li effettivament iħallsu t-taxxa u li kkawżaw li l-aggregati li jgħaddu l-punt tat-taxxa huma dawk intitolati għal rimborż. L-iskema retroattiva proposta tiżgura li kwalunkwe persuna li tipprovdi evidenza għal ħlas tal-kontijiet għal HMRC għall-AGL bir-rata sħiħa fuq l-akkwisti ta' aggregat li ġew impurtati lejn l-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħra bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010 (“il-perjodu rilevanti”), u ssodisfat il-kriterji ambjentali speċifiċi u l-kundizzjonijiet speċifiċi, tista' tkun eleġibbli għal intitolament ta' kreditu ta' 80 % fuq it-taxxa mħallsa.

(100)

Peress li l-iskema retroattiva teħtieġ li tiżgura li huma biss l-importazzjonijiet ta' aggregati minn barrieri li jissodisfaw l-istess standards ambjentali bħall-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq li kienu eliġibbli għall-eżenzjoni jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' rimborż, ir-Renju Unit kellu jipprovdi għal mekkaniżmu ta' verifika. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li biex l-iskema retroattiva tkun verament applikabbli u mhux ta' piż bla bżonn, ir-Renju Unit mhux se jivverifika jekk il-barrieri barranin laħqux l-istandards eżatti imposti fuq il-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq, hekk kif fir-realtà dawn ma kien ikollhom l-ebda inċentiv biex jagħmlu dan, iżda tal-anqas kienu jkun bħall-istandards ambjentali pprovduti f'dak iż-żmien skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni trasposta fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi. Id-Dipartiment tal-Ambjent (DoE) tal-Irlanda ta' Fuq għandu jiżgura l-istandards ambjentali ta' kwalunkwe rikorrent potenzjali u għandu jkun hemmw perjodu għar-reġistrazzjoni ta' sena li jibda mill-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar eżenzjoni retroattiva fir-Renju Unit.

(101)

Biex ikun intitolat għal eżenzjoni, ir-rikorrent għandu juri li l-barriera barra r-Renju Unit li minnha oriġina l-aggregat u japplika għall-DOE fl-Irlanda ta' Fuq għal ċertifikat li l-istandards ambjentali li huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġew sodisfatti mill-barriera f'dak iż-żmien. Id-DOE għandu mbagħad jikkonsulta lill-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn biex jiġu żgurati l-istandards applikabbli u l-konformità tagħhom. Jekk ikun sodisfatt, id-DOE imbagħad joħroġ ċertifikat ta' konformità li jkun disponibbli għal HMRC (27) għall-iżgurar li din kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex tipproċessa t-talbiet għal ħlas lura ta' taxxa. Għal applikazzjonijiet dwar l-istess barriera, l-istess ċertifikat ikun applikabbli.

(102)

It-talbiet għar-rimborż għandhom jinkludu din l-evidenza dokumentata: l-aggregati ġew akkwistati minn barriera minn Stat Membru ieħor matul il-perjodu rilevanti; il-barriera tkun ġiet iċċertifikata mid-DoE; tħallset ir-rata sħiħa tal-AGL; u l-ebda eżenzjoni għal skopijiet oħra ma ġiet mitluba. Prova ta' akkwist għandha tikkonsisti minn dokumentazzjoni kummerċjali xierqa li turi d-data ta' tranżazzjoni u l-oriġini tal-aggregat. Il-kont tal-imposta fuq l-aggregati tal-kontribwenti reġistrati jista' jservi bħala prova li tħallset ir-rata sħiħa tal-AGL u li l-ebda eżenzjoni oħra ma ġiet mitluba. Dan hwau parti mir-reġsitri ta' dawk li jħallsu t-taxxi, hekk kif l-awtoritajiet ikunu provduti biss bl-ammont totali tal-imposta dovuta fuq aggregat taxxabbli użat kummerċjalment. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet li rikorrenti possibbli jistgħu jkollhom sabiex jipprovdu tali dokumentazzjoni minħabba l-perjodu twil ta' żmien li għadda mill-introduzzjoni tal-eżenzjoni tal-AGL (28). Madankollu, hi tieħu nota li r-Renju Unit qed jitlob biss prova raġonevoli disponibbli għall-eżenzjoni retroattiva, fid-dawl tal-fatt li ma hemm l-ebda reġistri pubbliċi b'din l-informazzjoni kollha.

(103)

Ir-rimedju retroattiv propost mir-Renju Unit għandu l-karatteristiċi ewlenin li ġejjin:

(a)

Se jiġi ppubbliċizzat b'mod qawwi, inkluż permezz ta' reklamar fl-istampa nazzjonali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-Repubblika tal-Irlanda. Peress li l-punt tat-taxxa għall-imposta fuq l-aggregat joriġina minn sit barra mir-Renju Unit hu meta aggregat huwa sfruttat kummerċjalment, jiġifieri jkun suġġett għal ftehim ta' forniment fir-Renju Unit, użat għal skopijiet ta' kostruzzjoni jew jitħallat ma' xi ħaġa oħra għajr l-ilma, entitajiet possibbilment eliġibbli jistgħu jiġu identifikati b'mod l-aktar preċiż billi wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni ta' reġistrazzjoni tal-imposta fuq l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq. Għalhekk, l-ippubbliċizzar tal-iskema retroattiva se jinkludi, fost l-oħrajn, ittri lil kull negozju bl-imposta tal-aggregat irreġistrat fl-Irlanda ta' Fuq, inkluż kull min seta' jiġi rreġistrat matul il-perjodu rilevanti iżda li minn dak iż-żmien 'l hawn tneħħa mir-reġistru.

(b)

Se jkun illeġiżlat fil-Karta Finanzjarja fattibbli li jmiss wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li x-xogħol fuq l-abbozz ta' liġi kien diġà beda f'April 2014 waqt li diġà qed jipprovdi lill-Kummissjoni b'kampjun tal-formoli ta' ritorn tal-AGL. Huwa previst li l-iskema retroattiva tista' tidħol fis-seħħ f'April jew Mejju 2015.

(c)

Hija se tipprovdi perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sena mad-DOE mill-punt fejn l-abbozz tal-liġi jiġi ppubblikat, li jiżgura li d-DOE jkollu biżżejjed żmien biex jinvestiga l-barrieri rilevanti.

(d)

Dan se jdum għaddej għal 4 snin mill-punt li tiġi approvata l-leġiżlazzjoni (jiġifieri wara l-Kunsens Irjali għall-Karta Finanzjarja rilevanti).

(e)

Mhux se tkun limitata f'termini tad-daqs tal-fond.

(f)

Hija se tinkludi ħlasijiet ta' imgħax għar-rimborż retrospettiv tal-imposta. Ir-rata tal-interessi għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (29).

(g)

Se jiżgura li l-ħlasijiet ikunu pproċessati malajr kemm jista' jkun (il-perjodu eżatt se jiddependi fuq kemm idumu l-awtoritajiet fi Stati Membri oħra biex jivverifikaw il-kredenzjali ambjentali ta' barrieri li minnhom ġie importat l-aggregat lejn l-Irlanda ta' Fuq).

(104)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li r-Renju Unit impenja ruħu li jistabbilixxi strument xieraq biex jirrimedja kull diskriminazzjoni li setgħet isseħħ fil-passat.

5.2.3   Valutazzjoni skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2011

(105)

Kif indikat fil-premessa 56, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b'mod pożittiv il-valutazzjoni tagħha tal-eżenzjoni tal-AGL skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 minħabba dubji li kellha fir-rigward tal-Artikolu 110 tat-Trattat. Peress li r-Renju Unit se jistabbilixxi strument xieraq biex jirrimedja kull diskriminazzjoni li tirriżulta mill-miżura, il-Kummissjoni issa tista' tikkonkludi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-BAA fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżura fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u dwar il-kummenti mir-Renju Unit f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ssib li l-ebda argument ġdid ma ġie ppreżentat li ma kienx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-valutazzjoni tagħha fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ għandha tinbidel.

5.2.4   Valutazzjoni skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008

(107)

Il-Kummissjoni vvalutat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet pożittiva f'kull aspett minbarra għall-konformità mal-punt 158(c) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008, jiġifieri permezz ta' kriterji ta' neċessità li jirrikjedu li ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni kkawżati mill-AGL ma setgħux jiġu trasferiti lill-klijenti mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis importanti fil-bejgħ mill-benefiċjarji ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq.

(108)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni osservat li r-Renju Unit ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b'mod xieraq l-impatt tal-fatt li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati li qatt ma kienu ħallsu l-AGL sħiħa fuq il-medja ta' żidiet fil-prezzijiet fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla ma' żidiet fil-prezzijiet fil-Gran Brittanja fl-2001 u 2002 wara l-introduzzjoni tal-AGL. Ir-Renju Unit issa pprovda stima dwar l-impatt ta' prodotti pproċessati bħal dawn fuq id-dejta li turi li, fil-fatt, il-livell taż-żidiet fil-prezzijiet jindika l-impossibbiltà li tgħaddi l-AGL (ara l-premessa 46).

(109)

Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-dimostrazzjoni ta' tnaqqis ta' bejgħ, il-Kummissjoni nnotat li r-Renju Unit ma kienx pprovda spjegazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta' swieq tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2002. Id-dejta li ġiet ipprovduta wriet żieda fil-produzzjoni mill-2004 sal-2007. Kif indikat fil-premessi 47 sa 49, id-dejta minn kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq ġiet ipprovduta, inklużi xejriet ta' produzzjoni. Madankollu, dawn jidhru li jkunu segwew mill-qrib ix-xejriet tal-kostruzzjoni u ġew affettwati serjament mir-riċessjoni ekonomika fl-2008 u għalhekk ma jkunux kompletament rilevanti biex juru tnaqqis tal-bejgħ minħabba l-introduzzjoni tal-AGL.

(110)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li ma ġiet ippreżentata l-ebda dejta għall-appoġġ tas-sottomissjoni li ż-żieda fl-ispejjeż affettwat id-dħul tal-operaturi u naqset l-profitti tagħhom. Minkejja diffikultajiet kbar biex tinġabar l-informazzjoni rilevanti, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni b'appoġġ ta' din l-allegazzjoni, kif deskritt fit-Taqsimiet 2.3.4 sa 2.3.7. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li wriet il-kompetizzjoni kbira li jridu jiffaċjaw il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq u l-marġnijiet żgħar tagħhom għal żidiet fil-prezzijiet minħabba provvista ikbar ta' prodotti interkambjabbli, in-nuqqas ta' integrazzjoni vertikali tas-suq, għadd kbir ta' produtturi li għandhom ishma żgħar fis-suq (ara l-premessi 34 sa 40).

(111)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll, fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li d-dejta dwar l-elastiċità tal-prezz tad-domanda mitluba enfasizzat il-fatt li d-domanda tkun riġida. Ir-Renju Unit issa wera li d-dejta rispettiva kienet qed tirreferi għar-Renju Unit kollu u ma setgħetx tkun rilevanti għall-Irlanda ta' Fuq biss. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ispjegazzjonijiet tar-Renju Unit li l-elastiċità speċifika tas-suq tal-Irlanda ta' Fuq ma tistax tiġi kkalkolata.

(112)

Il-Kummissjoni tinnota li, wara kumment tal-BAA li d-dejta ekonomika mressqa mir-Renju Unit, indikat fil-premessi 21 sa 23 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ hija dubjuża u possibilment qarrieqa, ir-Renju Unit ipprovda aktar dejta dettaljata (premessa 27) fir-rigward il-prezzijiet tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja. Id-dejta turi li l-AGL bir-rata sħiħa kienet fil-fatt rappreżentanti ħafna aktar ta' proporzjon tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress.

(113)

Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-raġuni għalfejn l-AGL setgħet tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi fil-Gran Brittanja, iżda mhux fl-Irlanda ta' Fuq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valutazzjoni tar-Renju Unit kif deskritt fil-premessi 34 sa (40), ikkonfermata mill-Office of Fair Trading (OFT) fir-rapport tiegħu fuq l-Aggregati (30) li s-suq tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq huwa suq ġeografiku differenti minn dak tal-Gran Brittanja u li jista' jkun hemm inqas diskrezzjoni biex il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq jgħaddu l-imposta sħiħa lill-klijenti tagħhom.

(114)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ambitu għal żidiet fil-prezzijiet fl-Irlanda ta' Fuq huwa wkoll limitat, apparentement, fil-parti l-kbira permezz ta' spejjeż tal-produzzjoni ogħla li jiffaċċjaw f'ħafna oqsma. Ir-Renju Unit wera li d-dejta pprovduta minn erba' mill-aħjar ħames kumpaniji fi ħdan l-industrija żvelat li l-marġnijiet ta' qligħ li diġà huma estremament stretti, b'ħafna barrieri jaħdmu b'telf għal xi snin, ukoll minħabba spejjeż ogħla minħabba permessi tal-elettriku u tal-ippjanar (ara l-premessa 25).

(115)

Il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm mhux mifruxa fi snin u skont it-tip ta' aggregati, id-dejta pprovduta mir-Renju Unit u deskritta fit-Taqsima 2.3.6, fil-fatt turi li lill-industrija tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kienet qed tiffaċċja skopertura kummerċjali għolja, b'mod ġenerali aktar minn 10 % u laħqet il-24,25 %. Kif ġie osservat mir-Renju Unit, minħabba importazzjonijiet li ma ġewx iddikjarati mill-Irlanda ta' Fuq, l-espożizzjoni għall-kummerċ tista' possibbilment anke tkun ħafna ogħla. Fil-prattika preċedenti tagħha (31), il-Kummissjoni diġà kkunsidrat li esponiment tal-kummerċ li jaqbeż l-10 % jikkostitwixxi riskju għall-kompetittività tal-industrija rispettiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li skopertura kummerċjali għolja flimkien ma' ishma tas-suq baxxi tagħmilha impossibbli li jiġu mgħoddija l-ispejjeż addizzjonali sostanzjali fuq il-klijenti (32) mingħajr fil-volumi ta' bejgħ.

(116)

Il-Kummissjoni madankollu tinnota li d-dejta ta' asfalt u ramel ma ssegwix din it-tendenza u għandha ħafna inqas skopertura għall-kummerċ. Madankollu, ramel u asfalt ma jsegwux l-istess xejriet bħall-aggregat mhux ipproċessat ieħor jew ipproċessat. B'mod ġenerali, iċ-ċifri juru tnaqqis fl-importazzjonijiet u fl-esportazzjonijiet. Madankollu, l-importazzjonijiet tar-ramel u l-asfalt jidhru li rduppjaw f'dawn l-aħħar snin. Li, naturalment, jaffettwa l-kalkolu tal-parametru ta' skopertura għall-kummerċ. Għandu jissemma wkoll li l-aggregati proċessati importati qatt ma kienu responsabbli għall-AGL, li jfisser li wara s-sospensjoni ta' eżenzjoni tal-AGL, meta l-asfalt fl-Irlanda ta' Fuq kien suġġett għall-AGL sħiħa, l-asfalt importat awtomatikament ġie ferm irħas. Għaldaqstant, it-tendenza tal-importazzjonijiet tista' tiġi influwenzata minn din id-differenza fil-prezz.

(117)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-suq tal-aggregat għal kull tip ta' aggregat pur jirrappreżenta suq ta' prodott uniku. Dan huwa minħabba l-interkambjalità ta' aggregati mhux ipproċessati differenti u ġiet ikkonfermata mill-OFT fir-rapport tagħha tal-2012 (33) meta evalwat is-swieq għal aggregati (aggregat pur), siment u konkrit mħallat lest u ma qassmitx is-suq tal-aggregat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diversi livelli ta' esponiment ta' kummerċ għal ramel u asfalt b'paragun ma' tipi oħra ta' aggregati mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni tagħha hekk kif l-ewwel nett, ramel u asfalt huma meħudin flimkien, meta dawn huma fi swieq ta' prodotti differenti, ramel li jappartjeni għall-ewwel kategorija ta' blat imfarrak aggregat u asfalt li hu aggregat ipproċessat, u, it-tieni nett, iċ-ċifri huma influwenzati minn xejriet tal-importazzjonijiet, probabbilment dwar asfalt.

(118)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju Unit issa wera li żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-AGL ma setgħetx tiġi riflessa mingħajr tnaqqis importanti fil-bejgħ u li l-kundizzjoni tal-kompatibbiltà li hemm fil-punt 158(c) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 jintlaħaq.

(119)

Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonkludi pożittivament dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

6.   KONKLUŻJONI

(120)

Kif spjegat fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Renju Unit kien implimenta illegalment l-eżenzjoni mmodifikata tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-obbligi għar-rimedju retroattiv meħud mir-Renju Unit, sabet li l-eżenzjoni tal-AGL modifikata hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 u tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-eżenzjoni modifikata tal-Imposta fuq l-Aggregat li r-Renju Unit implimenta bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sakemm ir-Renju Unit jissodisfa l-impenji stipulati fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   Biex ineħħu d-diskriminazzjoni li sofrew il-kumpaniji li importaw l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq fil-ħlas sħiħ tal-Imposta tal-Aggregat mingħajr ma setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni modifikata minn dik l-Imposta applikata fl-Irlanda ta' Fuq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jimplimentaw mekkaniżmu biex b'mod retroattiv iħallsu lura 80 % tal-imposti kollha miġburin minn importaturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq, bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010.

2.   Il-mekkaniżmu ta' rimborż għandu jipprovdi għal perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sena mad-Dipartiment tal-Ambjent tal-Irlanda ta' Fuq mid-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni. Il-mekkaniżmu ta' rimborż għandu jdum għal erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

3.   Ir-rimborż għandu jkun stabbilit b'liġi għall-Karta tal-Finanzi li jmiss fattibbli wara din id-Deċiżjoni.

4.   Il-mekkaniżmu ta' rimborż ma għandux ikun limitat f'termini tad-daqs tal-fond u se jinkludi ħlasijiet ta' imgħax b'rata ikkalkulata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 659/1999.

5.   Ir-Renju Unit għandu jippubbliċizza b'mod estensiv il-mekkaniżmu tar-rimborż, inkluż permezz ta' reklamar fl-istampa nazzjonali fl-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda.

Artikolu 3

Fi żmien sena mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata, ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma magħha.

Huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-progress tal-proċedura ta' rimborż imsemmija fl-Artikolu 2, li jibdew mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata sa tmiem il-perjodu ta' erba' snin imsemmi fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 245, 24.8.2011, p. 10 b'Rettifika fil-ĠU C 328, 11.11.2011, p. 11.

(2)  L-introduzzjoni f'fażijiet tal-imposta tal-aggregati.

(3)  ĠU C 133, 5.6.2002, p. 11.

(4)  ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4.

(5)  Il-Każ T-359/04 British Aggregates a. o. vs Il-Kummissjoni, sentenza tad-9 ta' Settembru 2010, 2010 II-04227.

(6)  Idem [1].

(7)  L-AGL hija applikata għal aggregat importat mhux maħdum, iżda mhux għal aggregat li jkun jinsab fi prodotti proċessati importati.

(8)  Fit-2 ta' April 2008, jiġifieri l-ġurnata li minnha kienu applikabbli l-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-livell tal-AGL kien ta' GBP/tunnellata 1,95.

(9)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(10)  L-aggregat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u mibgħut lejn kwalunkwe destinazzjoni fil-Gran Brittanja kien suġġett għall-AGL bir-rata sħiħa. Dak kien ukoll il-każ għall-aggregat estratt fl-Irlanda ta' Fuq li kien użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati ttrasportati lejn il-Gran Brittanja. Li żgura li l-aggregat u prodotti pproċessati mill-Irlanda ta' Fuq ma kellhomx vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-Gran Brittanja.

(11)  L-informazzjoni ġiet sottomessa mir-Renju Unit għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-miżura fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Dikjarazzjoni tal-2009 tal-Minerali DETI.

(12)  L-ispejjeż ta' distribuzzjoni jiddependu fuq id-distanzi tat-trasport tal-merkanzija, bl-ispejjeż tat-trasportazzjoni tal-merkanzija fil-medda ta' GBP 0,15-0,20 għal kull tunnellata għal kull mil, b'aggregat li qed jitwassal f'żona 10 sa 15-il mil, jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi lokali.

(13)  Dejta għall-Irlanda ta' Fuq minn mill-Istħarriġ Annwali tal-Minerali tad-Dipartiment tal-Intrapriżi, tal-Kummerċ u tal-Investiment tal-Irlanda ta' Fuq u dejta għall-Gran Brittanja minn ONS, liema dejta hi miġbura permezz tal-Istħarriġ Annwali tal-Minerali Misjuba.

(*)  Sigriet kummerċjali.

(14)  Il-konċentrazzjoni ta' numru żgħir ta' kumpaniji kbar u l-integrazzjoni vertikali tal-operazzjonijiet tagħhom ngħataw bħala uħud mir-raġunijiet għall-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust biex jirreferi għas-swieq tal-aggregati, tas-siment u l-konkrit għall-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni f'Awwissu 2011. Fl-istess perjodu ta' riferiment, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust jiddistingwi s-suq tal-Irlanda ta' Fuq mis-suq ġenerali tar-Renju Unit minħabba l-karatteristiċi tiegħu. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust qies li s-suq tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq ma joħloqx l-istess tħassib dwar il-kompetizzjoni bħas-suq ġenerali tar-Renju Unit.

(15)  Dawn l-aktar li jiddependu fuq ċifri mir-rapport ta' Grant Thornton's InterTradeIreland, ippubblikat fl-2012, u l-projezzjoni tad-dejta 'l quddiem u lura skont il-bidliet perċentwali annwali b'mod ġenerali fil-produttività tal-kostruzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq. Iċ-ċifri kienu wkoll verifikati bħala li jkunu stimi ġusti minn operaturi ewlenin fi ħdan l-industrija.

(16)  Ir-Renju Unit wera li l-importazzjoni ta' prodotti ta' asfalt u ramel żdied f'daqqa fis-snin 2011-12 wara s-sospensjoni tal-AGL fl-2010. Madankollu, bħala riżultat tar-regoli ta' żvelar tal-HMRC, huwa diffiċli li tagħraf kemm minn din iż-żieda hija minħabba r-ramel u kemm minnha hija r-riżultat ta' prodotti pproċessati tal-asfalt. Madankollu, huwa probabbli li proporzjon kbir ta' dik iż-żieda huwa attribwibbli f'prodotti pproċessati tal-asfalt importati mir-Repubblika tal-Irlanda. Filwaqt li r-ramel xorta jkun suġġett għall-AGL meta jkun importat fir-Renju Unit, prodotti pproċessati tal-asfalt mhumiex u għalhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn spejjeż ta' produzzjoni aktar baxxi u jkunu aktar kompetittivi fuq l-istess suq fl-Irlanda ta' Fuq minn asfalt lokali.

(17)  Avviż mill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat illegali (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).

(18)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali tal-2008 (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(19)  Ara: http://webarchive.nationalarchives.gov.uk/20140402142426/http://www.oft.gov.uk/OFTwork/markets-work/aggregates/, aċċessat fit-18 ta' Lulju 2014.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [illum l-Artikolu 108 tat-Trattat], (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(21)  C-199/06 — CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, paragrafu 63, 2008 I-00469.

(22)  C-1/09 — CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, paragrafu 45, 2010 I-02099. Ara wkoll T-116/01 — P & O European Ferries (Vizcaya) vs Il-Kummissjoni, paragrafu 205, 2003 II-02957.

(23)  Ara l-każ C-221/06, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, paragrafi 56-73, 2007 I-09643

(24)  Idem 22

(25)  E. Szyszczak, Research Handbook on European State Aid Law, Edward Elgar Publishing Limited, UK, 2011, p. 287.

(26)  C-43/02 (ex NN 75/01) — il-Lussemburgu, C-7/05 — is-Slovenja, NN 162/A/2003 u N 317/A/2006 — l-Awstrija, C-4/09 (ex N 679/97) — Franza.

(27)  HMRC amministra l-iskema tal-imposta u ta' eżenzjoni.

(28)  Negozji fir-Renju Unit huma normalment meħtieġa li jżommu reġistri tat-taxxa għal sitt snin għal skopijiet ta' taxxa fuq l-aggregat.

(29)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(30)  Aggregati — Ir-raġuni tal-OFT biex issir referenza tal-investigazzjoni tas-suq lill-Kummissjoni tal-kompetizzjoni minn Jannar 2012

(31)  N 327/08 — id-Danimarka, premessa 64.

(32)  Idem 31, premessa 66.

(33)  Idem 29


25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1584

tal-1 ta' Ottubru 2014

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero

(notifikata bid-dokument C(2014) 6838)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fit-22 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand it-trasportatur tal-ajru Taljan Air One S.p.A. (“Air One”), fejn dan allega li l-maniġers ta' bosta ajruporti Taljani kienu taw għajnuna illegali lil Ryanair Ltd. (“Ryanair”) permezz ta' bosta ftehimiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet operattivi fl-ajruporti. L-ajruporti kkonċernati kienu Alghero, Pescara u Ruma, ġestiti rispettivament minn Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. (“So.Ge.A.AL”), SAGA S.p.A. u Aeroporti di Roma S.p.A., kif ukoll l-ajruporti ta' Pisa, Treviso u Bergamo (“Orio al Serio”).

(2)

Permezz ta' ittra tal-11 ta' Ġunju 2004, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-ilment tiegħu b'konformità mal-Artikolu 265 tat-Trattat u introduċa applikazzjoni għal nuqqas ta' azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti ma laqgħetx ir-rikors (2).

(3)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-Italja. Wara li l-Kummissjoni qablet ma' estensjoni tad-data ta' skadenza, il-kummenti tal-Italja dwar l-ilment intbagħtu permezz ta' ittri datati l-5 ta' Ottubru 2004 u l-5 ta' Novembru 2004.

(4)

Il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra tal-14 ta' Marzu 2005. Wara li l-Kummissjoni qablet ma' estensjoni tad-data ta' skadenza, l-Italja bagħtet l-informazzjoni mitluba permezz ta' ittra datata s-17 ta' Ġunju 2005. L-Italja bagħtet informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni permezz ta' ittra datata t-30 ta' Ġunju 2005.

(5)

Permezz ta' ittra tal-21 ta' Novembru 2005, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex testendi l-investigazzjoni tagħha għall-ajruporti ta' Bari u Brindisi. Permezz ta' ittra tat-18 ta' Mejju 2006, Air One talab b'mod formali lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 265 tat-Trattat. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta' ittra tal-14 ta' Lulju 2006.

(6)

Permezz tal-ittri tas-26 ta' Ottubru 2006 u tal-10 ta' Jannar 2007, Air One llimitata l-għanijiet tiegħu għall-għajnuna preżunta mogħtija skont il-ftehimiet iffirmati bejn il-maniġer tal-ajruport ta' Alghero, So.Ge.A.AL, u Ryanair. Fit-12 ta' Frar 2007, Air One talab lill-Kummissjoni sabiex tikkonforma mal-Artikolu 265 tat-Trattat.

(7)

Permezz tal-ittri tas-27 ta' Ġunju 2006 u tat-30 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand l-Italja. Dik it-talba kienet parzjalment indirizzata permezz tal-ittra tal-Italja tas-17 ta' Jannar 2007. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-Italja permezz ta' ittra datata d-19 ta' Frar 2007. L-Italja wieġbet għal dik it-talba permezz ta' ittri datati s-16 ta' Marzu 2007 u s-26 ta' Marzu 2007.

(8)

Wara li eżaminat l-informazzjoni fornuta mill-Italja, fit-12 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (“id-Deċiżjoni tal-2007”). Id-Deċiżjoni tal-2007 ġiet ippubblikata f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(9)

Permezz ta' ittri datati l-15 ta' Ottubru 2007 u t-22 ta' Ottubru 2007, l-Italja talbet lill-Kummissjoni sabiex testendi d-data ta' skadenza sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni fid-Deċiżjoni tal-2007. Il-Kummissjoni tat estensjoni tad-data ta' skadenza permezz ta' ittra tat-23 ta' Ottubru 2007. L-Italja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2007 fl-14 ta' Novembru 2007.

(10)

Fit-12 ta' Frar 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rettifika għad-Deċiżjoni tal-2007 (4).

(11)

Fit-18 ta' Frar 2008, Ryanair bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2007. So.Ge.A.AL bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fl-istess data. So.Ge.A.AL bagħtet informazzjoni ulterjuri permezz ta' ittra datata s-16 ta' Ġunju 2008. Fl-20 ta' Frar 2008, l-Italja bagħtet l-osservazzjonijiet tar-Reġjun ta' Sardinja (“RAS”) lill-Kummissjoni.

(12)

L-osservazzjonijiet ta' Ryanair u So.Ge.A.AL intbagħtu lill-Italja permezz ta' ittra datata t-28 ta' Frar 2008.

(13)

Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Ġunju 2008, Air One ssupplimenta l-ilment oriġinali tiegħu. Fl-10 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet dik is-sottomissjoni lill-Italja għall-kummenti tagħha. Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani talbu għal estensjoni tad-data ta' skadenza sabiex ikunu jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar is-sottomissjoni ta' Air One. Il-Kummissjoni qablet li testendi d-data ta' skadenza permezz ta' ittra datata l-20 ta' Jannar 2009. Fit-13 ta' Frar 2009, l-Italja bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

(14)

Fl-1 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni kkuntattjat lil Ecorys Netherlands BV (“Ecorys”) sabiex twettaq valutazzjoni ekonomika fir-rigward ta' bosta investigazzjonijiet li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluża dik li tikkonċerna lill-ajruport ta' Alghero. L-analiżi indirizzat, fost l-oħrajn, l-imġiba tal-maniġer tal-ajruport So.Ge.A.AL u tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL u t-trasportaturi tal-ajru u l-punt safejn l-arranġamenti mat-trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero kienu konformi mal-Prinċipju ta' Operatur fl-Ekonomija tas-Suq (“MEOP”). Ecorys bagħtet ir-rapport finali tagħha fit-30 ta' Marzu 2011 (“ir-Rapport ta' Ecorys”).

(15)

Permezz ta' ittra tal-5 ta' Marzu 2010, Ryanair issottomettiet informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat li jinvolvu lil Ryanair, li fosthom hemm dik relatata mal-ajruport ta' Alghero.

(16)

Fit-30 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni addizzjonali lill-Italja. Permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta' Ecorys lill-Italja.

(17)

Il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lil Ryanair fit-8 ta' April 2011. Ryanair wieġbet għal dik it-talba permezz ta' ittra datata t-22 ta' Lulju 2011.

(18)

Permezz ta' ittri datati t-23 ta' Mejju 2011 u t-30 ta' Mejju 2011, l-Italja talbet għal estensjoni tad-data ta' skadenza sabiex tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fit-30 ta' Marzu 2011. Permezz tal-istess ittra, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tal-verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta' Ecorys. Fl-1 ta' Ġunju 2011, l-Italja kkonfermat it-talba għat-traduzzjoni. Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni bagħtet it-traduzzjoni fit-Taljan tar-Rapport ta' Ecorys lill-Kummissjoni.

(19)

Permezz ta' ittri datati l-31 ta' Awwissu 2011 u d-9 ta' Settembru 2011, l-Italja (kemm l-RAS kif ukoll il-Ministeru tat-Trasport Taljan) wieġbet għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tat-30 ta' Marzu 2011.

(20)

Permezz ta' ittra datata d-19 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet it-tweġiba ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011 lill-Italja. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Novembru 2011, l-Italja talbet għal estensjoni tad-data ta' skadenza għall-kummenti. Permezz tal-istess ittra, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tar-Rapport ta' Valutazzjoni tal-Prinċipju ta' Investitur fl-Ekonomija tas-Suq (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2011”) mehmuż mat-tweġiba ta' Ryanair. Permezz ta' ittra tas-17 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni qablet li testendi d-data ta' skadenza. Fit-23 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bit-Taljan tar-Rapport tal-MEOP tal-2011 lill-Italja. Fil-15 ta' Frar 2012, l-Italja bagħtet il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ta' Ryanair, b'mod partikolari dwar ir-Rapport tal-MEOP tal-2011.

(21)

Fis-17 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lil Ryanair dwar serje ta' investigazzjonijiet li għaddejjin dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluża dik dwar l-ajruport ta' Alghero. Ryanair wieġbet għal din it-talba permezz ta' ittra tas-16 ta' April 2012.

(22)

Fis-27 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali sabiex tinkludi l-miżuri addizzjonali meħuda mill-Italja, li ma kinux soġġetti għall-ilment ta' Air One (“id-Deċiżjoni tal-2012”) (5). Id-Deċiżjoni tal-2012 ġiet ippubblikata f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri taħt investigazzjoni.

(23)

L-Italja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012 fil-31 ta' Awwissu 2012, fit-3 ta' Ottubru 2012, fid-19 ta' Ottubru 2012, fit-22 ta' Ottubru 2012 u fl-20 ta' Frar 2013. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand erba' partijiet interessati: So.Ge.A.AL, Ryanair, Airport Marketing Services Ltd. (“AMS”) u Unioncamere. Is-sottomissjoni ta' Ryanair kienet tinkludi rapport aġġornat tal-MEOP (“ir-rapport tal-MEOP tal-2013”). Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti mill-partijiet interessati lill-Italja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. L-osservazzjonijiet tal-Italja dwar il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati waslu fis-6 ta' Settembru 2013 u fit-13 ta' Novembru 2013.

(24)

Waslu bosta sottomissjonijiet mingħand Ryanair fl-20 ta' Diċembru 2013 u fis-17, fl-24 u fil-31 ta' Jannar 2014. Il-Kummissjoni bagħtet is-sottomissjonijiet kollha rilevanti għall-ajruport ta' Alghero lill-Italja fid-9 ta' Jannar 2014 u fil-5 ta' Frar 2014. Fl-24 ta' Frar 2014, l-Italja talbet għat-traduzzjoni fit-Taljan tas-sottomissjonijiet mibgħuta lilha minn Ryanair permezz ta' ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2014. Permezz ta' ittra tat-8 ta' April 2014, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni bit-Taljan tas-sottomissjonijiet ta' Ryanair lill-Italja, kif mitlub.

(25)

Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni talbet għal tagħrif addizzjonali mill-Italja dwar il-miżuri soġġetti għall-investigazzjoni. Wara estensjoni tad-data ta' skadenza inizjali stabbilita, l-Italja pprovdiet tweġiba parzjali għat-talba tal-Kummissjoni fit-18 ta' Frar 2014. Fl-4 ta' Marzu 2014, l-Italja ġiet imfakkra dwar l-obbligu tagħha li tipprovdi tweġiba komprensiva għall-mistoqsijiet kollha indirizzati lilha fl-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta' Diċembru 2013. L-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub permezz ta' ittra tal-25 ta' Marzu 2014.

(26)

Fl-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja u lill-partijiet interessati fil-proċedura li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014”) (6) ġew adottati fl-20 ta' Frar 2014 u stiednet lill-Italja sabiex tissottometti l-kummenti tagħha fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014. L-Italja ma weġbitx għall-ittra tal-Kummissjoni datata l-14 ta' Marzu 2014.

(27)

Il-Kummissjoni talbet aktar tagħrif mingħand l-Italja permezz ta' ittra tal-21 ta' Marzu 2014. Wara estensjoni tad-data ta' skadenza inizjali stabbilita, l-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub fil-25 ta' April 2014 u fit-8 ta' Mejju 2014.

(28)

Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 ġew ippubblikati f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta' April 2014. Huma ħadu post il-linji gwida tal-2005 dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005”) (7).

(29)

Fil-15 ta' April 2014 ġie ppubblikat avviż f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li stieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, f'dan il-każ fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. So.Ge.A.AL bagħtet il-kummenti tagħha fit-8 ta' Mejju 2014. Il-kummenti ta' So.Ge.A.AL intbagħtu lill-Italja fit-22 ta' Mejju 2014.

(30)

Il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif mingħand l-Italja permezz ta' ittra tas-26 ta' Mejju 2014. L-Italja pprovdiet it-tagħrif mitlub fl-10 ta' Ġunju 2014, fit-28 ta' Lulju 2014, fl-20 u fis-27 ta' Awwissu 2014 u fl-1 u fid-19 ta' Settembru 2014.

(31)

Permezz ta' ittra tal-11 ta' Settembru 2014, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li hija taċċetta b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż biss.

2.   TAGĦRIF ĠENERALI DWAR L-AJRUPORT TA' ALGHERO

(32)

L-ajruport ta' Alghero jinsab fil-Majjistral tal-gżira Taljana ta' Sardinja. Fil-bidu, l-ajruport ta' Alghero twaqqaf bħala ajruport militari u nfetaħ għat-traffiku ċivili fl-1974. L-infrastrutturi u l-faċilitajiet tal-ajruport huma proprjetà tal-Istat permezz tal-Ente Nazionale Aviazione Civile (“ENAC”), li hija l-Awtorità Nazzjonali Taljana għall-Avjazzjoni Ċivili.

(33)

Fir-rigward tad-distanza bejn l-ajruport ta' Alghero u l-ajruporti l-oħrajn f'Sardinja, l-ajruport ta' Alghero jinsab 128 km bogħod mill-ajruport ta' Olbia, 133 km bogħod mill-ajruport ta' Oristano, 225 km bogħod mill-ajruport ta' Tortolì — Arbatax u 235 km bogħod mill-ajruport ta' Cagliari (8). Skont l-Italja, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u l-karatteristiċi speċifiċi tan-netwerk tat-trasport (il-modalitajiet ferrovjarji u tat-toroq), l-ajruport ta' Alghero ma huwa sostitwibbli ma' ebda wieħed minn dawk l-ajruporti fil-qrib.

(34)

It-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport żdied minn 663 570 fis-sena 2000 għal aktar minn miljun fl-2005 u kważi 1,6 miljun fl-2013.

Tabella 1

It-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport ta' Alghero

Sena

Passiġġieri

2000

663 570

2001

680 854

2002

803 763

2003

887 127

2004

997 674

2005

1 078 671

2006

1 069 595

2007

1 299 047

2008

1 379 791

2009

1 506 080

2010

1 387 287

2011

1 513 245

2012

1 512 954

2013

1 563 020

(35)

Ryanair ilha l-linja tal-ajru ewlenija li tuża l-ajruport mis-sena 2000. Madankollu, hemm ukoll linji tal-ajru oħrajn, inklużi trasportaturi low-cost oħrajn, li ilhom joperaw fl-ajruport mis-sena 2000 (Germanwings, Air Italy, Air Dolomiti, Air Vallée, Meridiana, Alpi Eagles, bmibaby, easyJet, Air One, Volare, Alitalia) (9).

(36)

It-tariffi imposti fuq il-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero ġeneralment jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' skeda ppubblikata ta' tariffi tal-ajruport, li tinkludi dawn li ġejjin: tariffa fuq it-tlugħ u l-inżul, tariffa tal-passiġġieri, tariffa tas-sigurtà, tariffa fuq l-iskrinjar tal-bagalji u tariffa għas-servizz tal-groundhandling.

3.   IL-ĠESTJONI TAL-AJRUPORT TA' ALGHERO

3.1.   So.Ge.A.AL

(37)

So.Ge.A.AL ġiet stabbilita fl-1994 bħala l-maniġer tal-ajruport ta' Alghero. Il-kumpanija kellha kapital inizjali ta' ITL 200 miljun (EUR 103 291,4), sottoskritt kollu kemm hu minn korpi pubbliċi lokali. Il-maġġoranza tal-kapital inżamm (direttament jew indirettament permezz tas-Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna — SFIRS S.p.A (“SFIRS”) mill-RAS. SFIRS twaqqfet bħala kumpanija ta' investiment tal-RAS (10).

(38)

Għalkemm il-kompożizzjoni tal-kapital ta' So.Ge.A.AL varjat matul is-snin, sa mill-1994, il-kumpanija dejjem kienet kollha kemm hi l-proprjetà ta' korpi pubbliċi: il-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, il-Provinċja ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Alghero, l-RAS u SFIRS S.p.A.

(39)

Fl-2010, l-ishma ta' So.Ge.A.AL inżammu 80,20 % mill-RAS u 19,80 % minn SFIRS.

3.2.   IL-KONĊESSJONI TAL-ĠESTJONI

(40)

Fit-28 ta' Mejju 2007, So.Ge.A.AL iffirmat Konvenzjoni ma' ENAC għall-konċessjoni tal-ġestjoni “komprensiva” ta' erbgħin sena (11) tal-ajruport ta' Alghero (“il-Konvenzjoni”) (12). Qabel l-2007, l-ajruport ta' Alghero kien ġestit minn So.Ge.A.AL fuq il-bażi ta' konċessjoni tal-ġestjoni “temporanja” mogħtija lilha fil-11 ta' Frar 1999.

(41)

Fl-Italja, il-konċessjoni għall-ġestjoni ta' ajruport tingħata minn ENAC abbażi tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà ta' pjan tan-negozju, li jinkludi pjan ta' azzjoni, pjan ta' investiment u pjan ekonomiku-finanzjarju. Fil-pjan ta' azzjoni, il-maniġer tal-ajruport jiddeskrivi l-istrateġiji tal-programmazzjoni ekonomika tiegħu, kif ukoll l-istruttura organizzazzjonali. Il-pjan ta' investiment jikkonsisti f'rapport fil-qosor dwar l-azzjonijiet ippjanati u l-fattibbiltà teknika, ekonomika u amministrattiva tagħhom. Il-pjan ekonomiku-finanzjarju jispjega l-bilanċ finanzjarju tal-maniġment tal-ajruport.

(42)

Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, ir-rikavati ta' So.Ge.A.AL jikkonsistu minn:

(a)

tariffi tal-utenti tal-ajruporti skont il-Liġi Taljana Nru 324 tal-5 ta' Mejju 1976 u l-modifiki sussegwenti;

(b)

tariffi tat-tagħbija u tal-ħatt għall-merkanzija ttrasportata bl-ajru skont il-Liġi Taljana Nru 117 tas-16 ta' April 1974;

(c)

tariffi ta' konċessjoni għas-servizzi ta' sigurtà stabbiliti skont il-Liġi Taljana Nru 248/2005 u l-modifiki sussegwenti;

(d)

id-dħul li jirriżulta direttament jew indirettament mit-tmexxija tal-ajruport, kif ukoll mill-użu taż-żoni u tal-faċilitajiet tal-ajruport minn partijiet terzi, kif previst fid-Digriet Leġiżlattiv Taljan Nru 18/1999.

(43)

Il-maniġers tal-ajruport għandhom iħallsu tariffa ta' konċessjoni annwali lil ENAC għad-dritt li jiġġestixxu l-ajruport, fl-ammont u skont il-proċeduri definiti mil-liġijiet rilevanti fis-seħħ (għad-dettalji dwar l-iffissar tat-tariffi tal-konċessjoni ara l-premessi 155 sa 157).

(44)

Abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, kull sena li tibda bis-sena tal-għoti tal-konċessjoni, il-maniġer tal-ajruport għandu jissottometti lil ENAC rapport dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Barra minn hekk, il-maniġer tal-ajruport għandu jissottometti lil ENAC, sabiex tkun tista' tagħti l-approvazzjoni tagħha, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza ta' kull perjodu ta' erba' snin tal-konċessjoni, il-pjan tan-negozju (inkluż il-pjan ta' investiment u l-pjan ta' azzjoni) għall-perjodu sussegwenti ta' erba' snin. Intant, japplikaw xi penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-maniġer tal-ajruport ma' dawk l-obbligi.

(45)

Skont l-Artikolu 14bis tal-Konvenzjoni, il-konċessjoni tiġi rrevokata u l-Konvenzjoni tiġi tterminata legalment f'każ ta': (i) nuqqas ta' implimentazzjoni sad-dati ta' skadenza stabbiliti tal-miżuri deskritti fil-premessa 44; (ii) dewmien ta' aktar minn tnax-il xahar sabiex titħallas it-tariffa tal-konċessjoni dovuta mill-maniġer tal-ajruport; (iii) falliment jew (iv) nuqqas ta' kisba ta' bilanċ ekonomiku-finanzjarju sal-aħħar tal-ewwel perjodu ta' erba' snin.

3.3.   IL-MANDAT TAL-POLITIKA PUBBLIKA

(46)

Permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2014, l-Italja sostniet li So.Ge.A.AL ma twettaqx attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-politika pubblika (13).

(47)

Madankollu, So.Ge.A.AL tagħmel il-bini tal-ajruport disponibbli għall-fini tal-provvista ta' ċerti servizzi mill-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat pubbliċi tagħha u ġġorr l-ispejjeż għall-manutenzjoni u l-amministrazzjoni taż-żoni inkwistjoni.

(48)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014 (14), l-Italja reġgħet ikkunsidrat il-pożizzjoni tagħha u sostniet li l-ispejjeż imġarrba fl-amministrazzjoni tal-bini tal-ajruport jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika. Fir-rigward tal-qafas legali, l-Italja sostniet li jeżistu regoli legali li jimponu strettament dawk l-ispejjeż fuq il-maniġers tal-ajruporti. B'mod partikolari, il-maniġer tal-ajruport huwa marbut li jagħmel ċerti żoni tal-ajruport disponibbli għall-ENAC u għal entitajiet pubbliċi oħrajn (il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Ajru, l-Aġenzija Doganali, il-Gwardja tal-Finanzi, l-Uffiċċju tas-Saħħa Marittima, fl-Ajru u fil-Fruntieri, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar fl-Italja, is-servizz tat-Tifi tan-Nar, il-Pulizija) u jġorr l-ispejjeż ta' amministrazzjoni u manutenzjoni korrispondenti (15). L-obbligu fuq il-maniġers tal-ajruporti li jagħmlu l-bini tal-ajruport disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u li jġorru l-ispejjeż rispettivi kien stipulat mill-Konvenzjoni Qafas għall-għoti tal-ġestjoni tal-ajruporti Taljani msemmija mid-Dispożizzjoni Taljana Nru 12479 tal-20 ta' Ottubru 1999 tal-Ministeru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, li ġiet adottata fl-applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 521 tal-1997. Id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu trasposti fil-Konvenzjoni, li tistipula fl-Artikolu 4(1)(ċ) tagħha l-obbligu fuq il-maniġer tal-ajruport “li jwettaq l-attivitajiet meħtieġa sabiex jappoġġa l-attivitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat, tas-servizzi tal-emerġenza u tas-saħħa, fil-bini tal-ajruport”. Skont l-Italja, l-ispejjeż operattivi totali mġarrba minn So.Ge.A.AL fil-manutenzjoni ta' dawk iż-żoni fil-perjodu 2000-2010 kienu jammontaw għal EUR 2 776 073 (16).

(49)

Barra minn hekk, l-Italja sostniet li EUR 1 284 133 tal-ispejjeż totali tal-investiment fit-terminal il-ġdid jirrappreżentaw l-ispejjeż tal-kostruzzjoni taż-żoni li So.Ge.A.AL hija marbuta li tagħmel disponibbli għall-entitajiet pubbliċi u, għalhekk, jikkwalifikaw ukoll bħala spejjeż imġarrba fil-provvediment tal-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika (ara wkoll il-premessa 86).

3.4.   IT-TARIFFI TA' KONĊESSJONI MĦALLSIN MINN So.Ge.A.AL

(50)

It-tariffi ta' konċessjoni (ġestjoni u sigurtà) mħallsin minn So.Ge.A.AL bejn is-sena 2000 u l-2010 huma murija fit-Tabella 2 (17).

Tabella 2

It-tariffi ta' konċessjoni mħallsin minn So.Ge.A.AL matul il-perjodu 1998–2010 (EUR)

Deskrizzjoni

1998

1999

2000

2001

2002

2003

2004

Tariffa ta' konċessjoni għall-ġestjoni dovuta lill-Ministeru

139 572

166 505

243 880

266 205

312 950

371 912

418 358

Tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà

Total

139 572

166 505

243 880

266 205

312 950

371 912

418 358

Deskrizzjoni

2005

2006

2007

2008

2009

2010

Total

Tariffa ta' konċessjoni għall-ġestjoni

473 836

119 197

171 019

232 130

267 009

171 005

2 643 514

Tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà

7 092

37 324

45 439

48 205

52 618

48 571

239 249

Total

480 928

156 539

216 458

280 335

319 627

219 575

2 882 763

3.5.   IS-SITWAZZJONI FINANZJARJA TA' So.Ge.A.AL

(51)

Ir-riżultati finanzjarji ta' So.Ge.A.AL kienu negattivi matul il-perjodu 2000–2010. Skont l-Italja, il-prestazzjoni ħażina tal-kumpanija kienet ir-riżultat tad-dewmien fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport. Wara l-għoti tal-konċessjoni, il-kriżi ekonomika rriżultat fi tnaqqis qawwi fl-għadd ta' passiġġieri, li affettwa l-attività tal-ajruport b'mod negattiv.

(52)

F'Awwissu 2011, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni rapport li jivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ajruport ta' Alghero matul il-perjodu 2000–2010 (“ir-Rapport ta' Accuracy”) (18). Abbażi tar-Rapport ta' Accuracy, ir-riżultati finanzjarji annwali ta' So.Ge.A.AL kienu kif ġej:

Tabella 3

Ir-riżultati finanzjarji ta' So.Ge.A.AL matul il-perjodu 2000–2010 (f'eluf ta' EUR)

Sena

Riżultat

2000

(32,2)

2001

(790,7)

2002

(47,3)

2003

(951,0)

2004

(2 981,7 )

2005

(2 064,7 )

2006

(1 108,2 )

2007

(1 800,8 )

2008

(4 577,3 )

2009

(12 404,1 )

2010

(1 847,2 )

(53)

Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni r-rapporti annwali ta' So.Ge.A.AL (“Relazione sulla gestione del bilancio”) għall-perjodu 2000–2010 (19).

(54)

So.Ge.A.AL irrapportat telf ta' ITL 1 530 960 048 fl-2001. So.Ge.A.AL irrapportat ukoll figuri negattivi fl-2002 u fl-2003.

(55)

So.Ge.A.AL għalqet is-sena 2004 b'telf ta' EUR 2 981 688. Hija kompliet iżżid it-telf fl-2005 u fl-2006. Fl-2007, hija rreġistrat ukoll telf ta' EUR 1 801 000, minkejja li ngħatat il-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport fit-3 ta' Awwissu 2007. Abbażi tar-rapport annwali tal-2007, kien hemm ċerti avvenimenti mhux previsti li dgħajfu l-prestazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL matul l-2007.

(56)

So.Ge.A.AL irrapportat telf b'valur ta' EUR 4 577 000 fl-2008 u ta' EUR 12 404 126 fl-2009.

(57)

Fir-rapport annwali tagħha għall-2009, So.Ge.A.AL ħadet nota li, abbażi tal-Konvenzjoni tal-2007, hija kellha tilħaq ekwilibriju fi żmien erba' snin mill-għoti tal-konċessjoni. Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tagħha fl-2009, So.Ge.A.AL ipproponiet it-tħejjija u l-adozzjoni ta' pjan ta' negozju aġġornat li hija ddeskriviet bħala neċessarju sabiex il-previżjonijiet isiru aktar konformi mal-iżviluppi tas-suq. F'dak is-sens, il-pjan tan-negozju mħejji minn Roland Berger (ara l-premessi 64–70) kien meqjus bħala li mhuwiex affidabbli biżżejjed.

(58)

Għall-2010 kien irrapportat ukoll telf ta' EUR 1 847 165. Allegatament, il-figuri tat-traffiku komplew jiżviluppaw b'mod pożittiv, anki f'dak li kien ambjent ekonomiku diffiċli b'impatt mill-kriżi tal-irmied vulkaniku, li wasslet għall-għeluq temporanju tal-ispazju tal-ajru Ewropew.

4.   IL-PJANIJIET TAN-NEGOZJU

(59)

Sa mill-1999, So.Ge.A.AL ħejjiet bosta pjanijiet ta' negozju, li huma miġburin fil-qosor fil-premessi 60 sa 75.

4.1.   IL-PJAN TAN-NEGOZJU TAL-1999

(60)

Il-pjan tan-negozju tal-1999 ikopri l-perjodu bejn l-1999 u l-2007 f'żewġ fażijiet konsekuttivi:

(a)

1999–2001: matul dak il-perjodu, So.Ge.A.AL ippjanat, b'mod partikolari, żieda fil-kapital, it-tnedija tal-privatizzazzjoni tagħha, l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”, investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, il-bidu ta' titjiriet skedati ġodda minn żewġ linji tal-ajru u d-definizzjoni ta' pjan ta' kummerċjalizzazzjoni u żvilupp kummerċjali;

(b)

2002–2007: din il-fażi kienet mistennija li tkun iddedikata għall-iżvilupp tan-negozju abbażi tal-infrastruttura tal-ajruport imtejba.

(61)

Il-pjan tan-negozju assuma l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” fl-1999, wara żieda fil-kapital ta' So.Ge.A.AL għal ITL 6 biljun.

(62)

Il-pjan tan-negozju assuma diversifikazzjoni tal-konnessjonijiet tal-linji tal-ajru billi attira żewġ linji tal-ajru low-cost, li bdew jikbru b'pass mgħaġġel, bħala xprunatur ewlieni tat-tkabbir. Trasportatur tal-ajru wieħed kellu jibda jopera mill-ajruport ta' Alghero fuq ir-rotta bejn Alghero u Milan fl-1999 u t-tieni wieħed kellu jibda jopera fuq ir-rotta bejn Alghero u Londra fis-sena 2000, bi tliet titjiriet fil-ġimgħa operati b'tariffi promozzjonali skontati għall-ewwel sena.

(63)

Il-previżjonijiet tat-traffiku wrew li l-ajruport ta' Alghero laħaq minn 1 miljun passiġġier fl-2004 sa 1,1 miljun fl-2007 bħala riżultat tar-rotot ġodda li bdew jiġu operati miż-żewġ trasportaturi tal-ajru msemmija fil-premessa 62 li, fiż-żmien li tħejja l-pjan tan-negozju, kienu qegħdin jinnegozjaw ftehimiet ta' servizzi fl-ajruport ma' So.Ge.A.AL.

4.2.   IL-PJAN TA' ROLAND BERGER

(64)

Il-pjan tal-2004 imħejji għal So.Ge.A.AL mill-kumpanija tal-konsulenza Roland Berger (“il-Pjan ta' Roland Berger”) ippreveda previżjoni ddettaljata għall-perjodu 2004–2008. L-elementi ewlenin tal-pjan tan-negozju kienu:

(a)

Żieda fit-traffiku tat-trasportaturi low-cost minn 20 % għal 44 % tat-traffiku globali fl-ajruport, jiġifieri għal 620 000 passiġġier fl-2008;

(b)

Tkabbir fid-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi minn 2,2 EUR/pax għal 5 EUR/pax (20);

(c)

Tkabbir fid-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi minn 6,8 EUR/pax fl-2003 għal 7,47/7,75 EUR/pax fl-2008;

(d)

EUR 42,6 miljun ta' investimenti f'infrastruttura u tagħmir, li EUR 41,3 minnhom jiġu koperti minn finanzjament pubbliku.

(65)

Sabiex wieħed jifhem il-prestazzjoni tal-ajruport ta' Alghero fl-isfond tas-suq, il-prestazzjoni tiegħu ġiet imqabbla ma' dik ta' ajruporti komparabbli:

(a)

id-dħul mill-immaniġġjar u d-dħul minn sorsi mhux ajrunawtiċi, bħall-parkeġġ, il-karozzi tal-kiri, il-fluss tal-karburanti u l-konċessjonijiet għall-ikel u l-bejgħ bl-imnut kienu allegatament taħt il-medja tas-settur; in-nefqa għal kull passiġġier kienet tvarja minn nofs għal terz ta' dik irreġistrata minn ajruporti żgħar, u inqas minn 20 % ta' dik irreġistrata minn ajruporti akbar;

(b)

il-prestazzjoni ħażina mid-dħul kienet ikkonfermata min-nefqa għal kull passiġġier b'konformità ma' dik tal-ajruport ta' Puglia, li rreġistra riżultat operattiv nett negattiv;

(c)

madankollu, l-ispejjeż operattivi kienu allinjati mal-ajruporti Taljani bl-aqwa prestazzjoni.

(66)

Il-projezzjonijiet żviluppati fil-Pjan ta' Roland Berger urew id-dħul u l-ispejjeż operattivi futuri tal-maniġer tal-ajruport abbażi ta' żewġ xenarji: l-iżvilupp tal-ajruport taħt xenarju ta' konċessjoni “temporanja” kontra xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”. Taħt l-ewwel xenarju, l-ajruport kien mistenni li jkompli jżid it-telf sal-2008, filwaqt li taħt it-tieni, l-ajruport ikun diġà laħaq ekwilibriju fl-2005 abbażi ta' dħul annwali ogħla minn 7 %, bħala medja, f'xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”, meta mqabbel max-xenarju ta' konċessjoni “temporanja” (l-aktar minħabba dħul ogħla minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi — negozju ta' reklamar aktar effikaċi, l-operat tal-parkeġġi għall-karozzi u l-bejgħ tal-karburanti kienu mistennija jagħtu spinta 'l fuq lid-dħul minn attivitajiet kummerċjali). Ir-riżultati finanzjarji għall-attivitajiet ajrunawtiċi kienu mistennija li jkunu negattivi anki f'xenarju ta' konċessjoni “komprensiva”.

(67)

Il-Pjan ta' Roland Berger wera dħul minn immaniġġjar ta' prestazzjoni dgħajfa, primarjament akkont tat-traffiku tat-trasportaturi low-cost. L-immaniġġjar kien mistenni li jkompli jiġġenera t-telf fuq perjodu ta' żmien medju, anki f'approċċ ottimistiku. Kien stmat li d-dħul mitluf li jirriżulta mill-immaniġġjar tat-traffiku tat-trasportaturi low-cost ikun ugwali għal EUR 3,2 miljun fl-2008.

(68)

Abbażi tal-Pjan ta' Roland Berger, l-enfasi primarja tal-ajruport sabiex jitreġġa' lura t-tnaqqis preċedenti u jintlaħaq punt ta' ekwilibriju kienet fuq l-ixprunar ta' dħul kummerċjali, sal-punt meta n-nefqa għal kull passiġġier tinġieb f'konformità ma' dik tal-ajruporti komparabbli (minn EUR 2,2 għal EUR 5 kull passiġġier). It-traffiku tat-trasportaturi low-cost kien mistenni li jkun il-fattur ewlieni li jiġġenera dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-perjodu 2004–2008 u li jnaqqas it-telf fin-negozju ajrunawtiku. Il-projezzjonijiet urew li kien hemm 620 000 passiġġier low-cost fl-2008.

(69)

Il-Pjan ta' Roland Berger innota wkoll li l-kontinwazzjoni tal-ġestjoni tal-ajruport taħt “konċessjoni temporanja” tista' tirrikjedi r-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL sabiex jiġi kopert it-telf operattiv.

(70)

Il-Pjan ta' Roland Berger kien aġġornat darbtejn, fl-2007 u fl-2008, sabiex jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi fis-settur. L-aġġornamenti pproponew azzjonijiet konkreti għall-iżvilupp tal-ajruport matul il-perjodu 2008–2011, permezz ta' żieda kemm tad-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi — b'mod partikolari min-negozju tal-immaniġġjar, kif ukoll tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi.

4.3.   IL-PJAN TAN-NEGOZJU GĦALL-GĦOTI TAL-KONĊESSJONI

(71)

Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL, li tħejja fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva, kien approvat f'Settembru 2005 u ppreveda previżjoni tad-dħul u tal-ispejjeż għall-perjodu ta' erbgħin sena tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-ajruport, fuq is-suppożizzjoni li l-konċessjoni tingħata lil So.Ge.A.AL fl-2006.

(72)

Il-previżjonijiet tat-traffiku annwali wrew żieda stabbli minn sena għal sena ta' 4,5 % sal-2010, 2,6 % mill-2011 sal-2025 u 3,78 % matul il-perjodu 2006–2025, għal madwar 2,8 miljun passiġġier sakemm toqrob is-sena 2045. Id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien ibbaġitjat li jiżdied mill-ammont annwali ta' EUR 2 929 000 fl-2006 għal EUR 8 814 000 fl-2045. Bl-istess mod, id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi kien mistenni li jiżdied minn EUR 9 288 000 fl-2006 għal EUR 29 587 000 fl-aħħar tal-perjodu ta' erbgħin sena. Il-previżjonijiet assumew tnaqqis ta' 20 % fid-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi sakemm l-ajruport jilħaq il-limitu ta' 2 miljun passiġġieri u d-dħul konsegwenti fis-suq ta' fornitur addizzjonali ta' servizzi tal-groundhandling b'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-groundhandling fl-ajruporti Ewropej (21).

(73)

Bejn l-2006 u l-2045 kienet prevista nefqa kapitali ta' EUR 143,3 miljun. Il-pjan kien jinkludi programm iddettaljat ta' investmenti kapitali fis-sena matul il-perjodu 2006–2045 u elenka s-sorsi ta' finanzjament (privat jew pubbliku) għal dawn l-investimenti.

4.4.   IL-PJAN TA' RIORGANIZZAZZJONI U RISTRUTTURAR TAL-2010

(74)

Il-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010 kien approvat mill-RAS f'Settembru 2010. Il-pjan ippreveda analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni ekonomika ta' So.Ge.A.AL għall-perjodu 2000–2010 u pproġetta li l-kumpanija kellha terġa' lura għal vijabbiltà fl-2012, wara li kkunsidra wkoll rikapitalizzazzjoni tal-kumpanija prevista għall-2010.

(75)

Skont il-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010, il-prestazzjoni ħażina ta' So.Ge.A.AL sal-2010 kienet ir-riżultat ta' ġestjoni inadegwata, attività ta' groundhandling ineffikaċi, nuqqasijiet fl-infrastruttura u dħul insuffiċjenti minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi.

5.   MIŻURI SOĠĠETTI GĦAL INVESTIGAZZJONI

(76)

Il-miżuri li ġejjin huma soġġetti għall-investigazzjoni miftuħa u estiża mid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2012, rispettivament:

(a)

Miżuri favur il-maniġer tal-ajruport So.Ge.A.AL:

Injezzjonijiet ta' kapital mill-RAS u minn azzjonisti pubbliċi oħrajn;

Kontribuzzjonijiet għal 'fittings u xogħlijiet' mill-RAS;

Iffinanzjar tal-infrastruttura u tat-tagħmir tal-ajruport mill-Istat.

(b)

Għajnuna potenzjali f'diversi ftehimiet konklużi mal-linji tal-ajru li bdew jużaw l-ajruport mis-sena 2000.

5.1.   MIŻURI FAVUR So.Ge.A.AL

5.1.1.   Miżura 1 — Injezzjonijiet ta' kapital

(77)

Il-liġi Taljana titlob li l-maniġers tal-ajruporti jżommu livell minimu ta' kapital skont il-volumi tat-traffiku (22): għal ajruporti bi traffiku ta' bejn 300 000 u miljun passiġġier, il-kapital minimu meħtieġ kien iffissat bħala EUR 3 miljun, filwaqt li għal traffiku ta' bejn miljun u żewġ miljuni, il-livell limitu kien iffissat bħala EUR 7,5 miljun. Matul l-investigazzjoni, l-Italja sostniet li l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL kienu mmirati primarjament sabiex jiksbu lura l-kapital tal-kumpanija li kien naqas minħabba t-telf għal-livell impost mil-liġi nazzjonali.

(78)

Abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Italja, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL injettaw kapital ġdid fl-ekonomija f'diversi okkażjonijiet, kif ġej (23):

Tabella 4

Operazzjonijiet fuq il-kapital ta' So.Ge.A.AL

Sena

Deskrizzjoni

Laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL

Injezzjoni ta' kapital

(EUR)

2003

Injezzjoni sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf u sabiex il-kapital jiżdied għal EUR 7 754 000

fid-9 ta' Mejju 2003.

5 198 000

2005

Injezzjoni ta' EUR 3 933 372,17 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

fid-29 ta' April 2005.

3 933 372,17

2007

Injezzjoni ta' EUR 3 797 185 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

fil-31 ta' Ottubru 2007.

3 797 185

2009

Injezzjoni ta' EUR 5 649 535 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

fis-26 ta' Jannar 2009.

5 649 535

2010

Injezzjoni ta' EUR 12 508 306 sabiex jinkiseb lura l-kapital li naqas minħabba t-telf

fil-21 ta' Mejju 2010.

12 508 306

5.1.2.   Miżura 2 — Iffinanzjar ta' “fittings u xogħlijiet”

(79)

Skont it-tagħrif ipprovdut mill-Italja, mill-1998 sal-2009, So.Ge.A.AL irċeviet kontribuzzjonijiet mingħand l-RAS għal “fittings u xogħlijiet” għal ammont totali ta' EUR 6 540 269.

(80)

Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012, l-Italja ċċarat li l-għan ewlieni tal-miżuri li jikkonċernaw 'il-fittings u x-xogħlijiet' kien li tiġi ammeljorata l-infrastruttura tal-ajruport. L-Italja rreferiet għad-definizzjoni ġenerali ta' xogħlijiet pubbliċi (“lavoro pubblico”) pprovduta fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 tal-Liġi Taljana Nru 109 tal-11 ta' Frar 1994 (“Legge quadro in materia di lavori pubblici”) (24), jiġifieri l-“attivitajiet ta' kostruzzjoni, twaqqigħ, restawr, rinnovazzjoni u manutenzjoni tax-xogħlijiet u tal-installazzjonijiet, inklużi d-difiża tal-ambjent u l-bijoinġinerija” (25). L-Italja ċċarat li l-finanzjament inkwistjoni eventwalment intuża għall-iffinanzjar tax-xogħlijiet fuq it-terminal tal-passiġġieri, l-ammeljorament tal-konnessjonijiet tat-toroq esterni, l-ammeljorament taż-żoni għall-parkeġġ tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll l-apparat neċessarju għall-operat tal-ajruport.

(81)

Abbażi ta' dawk il-kjarifiki, fil-valutazzjoni mwettqa f'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat l-iffinanzjar ta' “fittings u xogħlijiet” (il-Miżura 2) u s-sussidji għall-investimenti infrastrutturali (il-Miżura 3) flimkien, bħala serje ta' miżuri li jiffinanzjaw il-ħolqien u l-ammeljorament tal-infrastruttura u l-apparat.

5.1.3.   Miżura 3 — Iffinanzjar tal-infrastruttura u tat-tagħmir tal-ajruport

(82)

It-tabella 5 tispjega fid-dettall l-investimenti infrastrutturali mwettqa matul il-perjodu 2000–2010, li kienu parzjalment iffinanzjati minn fondi pubbliċi (26).

Tabella 5

Investimenti infrastrutturali matul il-perjodu 2000–2010

Investiment

Data tal-impenn vinkolanti għall-finanzjament pubbliku

Spejjeż tal-investiment

(EUR)

Finanzjament pubbliku

(EUR)

Sors tal-finanzjament pubbliku

Żona ġdida għat-tluq tal-passiġġieri

1994

109 773,59

109 774

RAS

Ristrutturar taż-żona għall-wasla tal-passiġġieri (“Ristrutturazione zona arrivi”)

1996

1 442 990,23

1 350 812

RAS

Terminal ġdid

1997

17 325 483,05

15 012 344,72

ENAC

Ammeljorament tal-bankina tat-taxiway

1997

4 175 608,09

3 861 392

ENAC

Żoni ta' sikurezza laterali

1998

429 894,54

417 102

RAS

TOTAL

mhux disponibbli

23 483 749,5

20 751 424,72

ENAC

Sistema ta' kontroll tal-bagalji bir-raġġi X

2003

208 782,99

191 082,99

ENAC

Ristrutturar tat-terminal l-antik tal-passiġġieri (“Ristrutturazione vecchia aerostazione passeggeri”)

2003

2 406 862,57

1 623 967

ENAC

Ammeljorament tar-rampa tal-ajruport

2003

7 499 177,02

6 905 599

ENAC

Ammeljorament tat-taxiway

2003

7 287 065,75

6 755 162

ENAC

Ammeljorament tar-runway

2003

6 702 055,64

6 323 883

ENAC

Sistema ta' kontroll tal-perimetru

2003

6 073 054,61

5 951 919

ENAC

Apparat kontra l-isplussivi (“Carrello antideflagrante”)

2004

76 001,29

76 000

ENAC

TOTAL

mhux disponibbli

53 736 749,37

48 579 036,23

mhux disponibbli

(83)

Barra minn hekk, fil-perjodu 2000–2010, l-RAS ta għotjiet diretti lil So.Ge.A.AL għall-akkwist ta' apparat (mezzi ta' komunikazzjoni interna, softwer, vetturi, eċċ.) għal ammont totali ta' EUR 4 680 281,44.

(84)

Skont l-Italja (27), kien impenjat legalment ammont ta' EUR 25 431 706,16 tal-finanzjament pubbliku qabel is-sena 2000, jiġifieri d-data meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris  (28). B'mod partikolari:

(a)

Il-finanzjament mill-Istat stipulat mid-Deċiżjoni tas-CIPE (29) tad-29 ta' Awwissu 1997: il-finanzjament intuża għall-kostruzzjoni tat-terminal tal-passiġġieri l-ġdid u għall-ammeljorament tat-taxiway;

(b)

Il-finanzjament reġjonali mogħti lil So.Ge.A.AL abbażi tal-Ftehim Qafas bejn l-RAS u l-Ministeru tat-Trasport tal-5 ta' Awwissu 1996, il-Liġijiet Reġjonali Taljani Nru 2 tad-29 ta' Jannar 1994 u Nru 9 tal-15 ta' Frar 1996: il-finanzjament kien indirizzat lejn ir-ristrutturar tat-terminal l-antik u l-kostruzzjoni ta' żoni ta' sikurezza laterali. Barra minn hekk, skont dawk il-Liġijiet Reġjonali, ingħata finanzjament reġjonali lil So.Ge.A.AL għall-iffinanzjar tal-apparat.

(85)

Skont l-Italja, qabel l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” fl-2007, l-Istat żamm ir-responsabbiltà għall-investmenti infrastrutturali, filwaqt li l-maniġer tal-ajruport kien sempliċi eżekutur tax-xogħlijiet infrastrutturali approvati mill-Istat.

(86)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014 (30), l-Italja sostniet ukoll li, mill-ispejjeż totali tal-investiment fit-terminal il-ġdid, EUR 1 284 133 jikkwalifikaw bħala spejjeż imġarrba fil-provvediment tal-attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika u bħala li jikkorrespondu għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni taż-żoni tat-terminal, li So.Ge.A.AL hija marbuta li tagħmel disponibbli għall-entitajiet pubbliċi (ara wkoll il-premessa 49).

5.2.   MIŻURI FAVUR IL-LINJI TAL-AJRU LI JUŻAW L-AJRUPORT

(87)

L-investigazzjoni tkopri bosta ftehimiet li daħlet fihom So.Ge.A.AL ma' diversi linji tal-ajru li jtiru mill-ajruport ta' Alghero, li, fid-Deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2012, kienu meqjusa mill-Kummissjoni bħala li possibbilment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru kkonċernati.

(88)

Skont l-Italja, il-ftehimiet mat-trasportaturi tal-ajru kienu nnegozjati mid-Direttur Ġenerali ta' So.Ge.A.AL, li rrapporta lill-Bord tad-Diretturi dwar l-istatus tan-negozjati u l-kontenut tal-ftehimiet. Il-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL approva t-termini tal-ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom (31).

5.2.1.   Miżura 4 — Ftehimiet iffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair/AMS

(89)

Ryanair ilha sa mis-sena 2000 il-linja tal-ajru ewlenija li topera fl-ajruport ta' Alghero. Ġew iffirmati żewġ tipi ta' ftehimiet bejn Ryanair u s-sussidjarja tagħha AMS, fuq naħa waħda, u So.Ge.A.AL, fuq in-naħa l-oħra.

i.   Ftehimiet dwar is-Servizzi fl-Ajruport (Airport Services Agreements — “ASAs”)

(90)

Il-Ftehimiet dwar is-Servizzi fl-Ajruport (“ASAs”) iffirmati mis-sena 2000 'il quddiem bejn Ryanair u So.Ge.A.A stipulaw il-kundizzjonijiet operattivi ta' Ryanair fl-ajruport ta' Alghero u l-livell tat-tariffi tal-ajruport dovuti mil-linja tal-ajru. Ryanair impenjat ruħha li tilħaq il-miri definiti minn qabel ta' titjiriet/passiġġieri bi ħlas għal eżitu pożittiv li jrid jitħallas minn So.Ge.A.AL. Ġew stipulati penali f'każ li dawn il-miri ma jintlaħqux għal kollox.

ii.   Ftehimiet dwar is-Servizzi ta' Kummerċjalizzazzjoni

(91)

Il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma relatati mar-reklamar tad-destinazzjoni ta' Alghero fuq is-sit elettroniku uffiċjali ta' Ryanair. Sa mill-2006, dawn kienu ffirmati ma' AMS, kumpanija sussidjarja 100 % ta' Ryanair, u konklużi fl-istess dati li fihom ġew iffirmati l-ASAs ma' Ryanair.

(92)

Fil-premessi 93 sa 109, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-ftehimiet (l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni) iffirmati minn So.Ge.A.AL u Ryanair/AMS.

5.2.1.1.   L-ASA tas-sena 2000 ma' Ryanair

(93)

L-ewwel ASA bejn Ryanair u So.Ge.A.AL kien maqbul fit-22 ta' Ġunju 2000 għal perjodu ta' għaxar snin.

(94)

Abbażi tal-ASA tas-sena 2000, Ryanair kellha topera mill-inqas titjira waħda ta' ritorn kuljum bejn Londra u Alghero u tħallas lil So.Ge.A.AL l-ammont ta' ITL […] (*) għal kull tlugħ u nżul. Kull sena, Ryanair kellha tissottometti wkoll pjan tal-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni u tindika r-riżultati miksuba fl-operat tar-rotta, kif ukoll il-prospetti ta' żvilupp.

(95)

So.Ge.A.AL impenjat ruħha li tipprovdi servizzi relatati mat-terminal u l-immaniġġjar lil Ryanair. Il-maniġer tal-ajruport kellu “jħallas jew jikkredita” ammont fix-xahar li jkun ekwivalenti għall-ammont pagabbli minn Ryanair għat-tariffi tal-immaniġġjar, b'limitu massimu għall-ewwel sena tal-ftehim. So.Ge.A.AL impenjat ruħha wkoll li tħallas ammont fiss annwali lil Ryanair, kif ukoll ammont addizzjonali f'każ li tiżdied titjira addizzjonali mal-iskeda tagħha.

5.2.1.2.   L-ASA tal-2002 u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair

(96)

Ryanair iffirmat it-tieni ASA ma' So.Ge.A.AL fil-25 ta' Jannar 2002, li ħa post l-ASA tas-sena 2000 u kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2002 u l-31 ta' Diċembru 2012. Abbażi ta' dak il-ftehim, Ryanair kellha tħallas lil So.Ge.A.AL l-ammont ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar. Ryanair kellha tħallas tariffi tal-ajruport u tariffi tas-sigurtà skont l-iskeda ppubblikata ta' tariffi.

(97)

Fl-istess data ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, li kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA tal-2002. Ryanair impenjat ruħha li twettaq attivitajiet promozzjonali u ta' reklamar fuq il-paġna elettronika tagħha u fuq mezzi oħrajn fid-diskrezzjoni tagħha li tippromwovi l-konnessjoni bejn Alghero u Londra b'konsultazzjoni ma' So.Ge.A.AL. Abbażi ta' dan il-ftehim, So.Ge.A.AL kellha tħallas kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' EUR […] għall-ewwel rotazzjoni ta' kuljum matul is-sena kollha fuq kull rotta u EUR […] għat-tieni rotazzjoni ta' kuljum matul is-sajf biss fuq kull rotta.

5.2.1.3.   L-ASA tal-2003 u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair

(98)

Fl-1 ta' Settembru 2003, So.Ge.A.AL iffirmat ASA ġdid ma' Ryanair għal perjodu ta' ħdax-il sena (bil-possibbiltà ta' estensjoni għal perjodu addizzjonali ta' għaxar snin), bil-ħsieb li jieħu post l-ASA tal-2002.

(99)

Abbażi tal-ASA tal-2003, Ryanair kellha tkompli ttir lejn Londra u, skont is-suċċess tal-ftehimiet preċedenti f'termini tal-flussi tat-traffiku, Ryanair kellha tibda topera titjira ġdida ta' kuljum lejn Frankfurt-Hahn jew lejn kwalunkwe punt ieħor fuq in-netwerk ta' Ryanair. Ryanair kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar. Il-linja tal-ajru kellha tħallas it-tariffi tal-ajruport u t-tariffi tas-sigurtà skont l-iskeda ppubblikata ta' tariffi.

(100)

Fl-1 ta' Settembru 2003 ġie ffirmat ukoll ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, li kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA tal-2003. Abbażi ta' dak il-ftehim, So.Ge.A.AL kellha tħallas kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' (i) EUR […] fis-sena għall-ewwel rotazzjoni ta' kuljum matul is-sena kollha fuq kull rotta internazzjonali, (ii) EUR […] għat-tieni rotazzjoni ta' kuljum matul is-sajf biss fuq kull rotta u (iii) kontribuzzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni introduttorja ta' darba ta' EUR […] fir-rigward tal-ewwel sena tal-operat ta' kull rotta internazzjonali minbarra r-rotta ta' Londra, kif ukoll EUR […] oħra għal kull waħda mit-tieni u mit-tielet sena tal-operat ta' tali rotta ġdida.

(101)

Ryanair kellha tissokta bis-servizzi skedati ta' kuljum tagħha tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru bejn Alghero u Londra u tinawgura servizzi addizzjonali ta' trasport ta' kuljum tal-passiġġieri bl-ajru bejn Alghero u Frankfurt Hahn u/jew kwalunkwe punt ieħor fuq in-netwerk ta' Ryanair (“is-Servizzi”). Ryanair kellha twettaq ukoll, b'konsultazzjoni ma' So.Ge.A.AL, kwalunkwe servizz u attività normalment offruti minn kumpaniji tar-reklamar, tal-promozzjoni tal-bejgħ u tar-relazzjonijiet pubbliċi, li jaġixxu fl-istess qasam, bħal (iżda mhux limitati għal):

id-disinn, l-arranġament, il-produzzjoni, l-iżvilupp, l-ittestjar, l-implimentazzjoni, iż-żamma u l-aġġornar ta' web links u tas-sit elettroniku ta' Ryanair u t-teħid ta' kwalunkwe miżuri oħrajn meqjusa bħala xierqa minn Ryanair bħala li kapaċi jiġġeneraw, iżommu u/jew jippromwovu l-isforzi tar-reklamar fir-rigward tal-prenotazzjonijiet mill-klijenti minn fuq l-Internet lejn jew mill-ajruport ta' Alghero;

id-disinn ta' reklamar bl-Ingliż jew b'lingwa oħra (jekk dan ikun xieraq) adattat għal fuq l-Internet u t-twettiq ta' promozzjoni tal-bejgħ u relazzjonijiet pubbliċi meqjusa bħala li kapaċi jiġġeneraw, iżommu u/jew jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tas-Servizzi mill-klijenti permezz tal-Internet;

id-disinn, l-arranġament u l-produzzjoni ta' materjal ta' reklamar jew kwalunkwe metodu rilevanti ieħor għall-promozzjoni tas-Servizzi;

id-disinn, l-arranġament u l-produzzjoni ta' materjal ta' reklamar jew kwalunkwe metodu rilevanti ieħor għall-promozzjoni tal-ajruport ta' Alghero fir-Renju Unit u fi kwalunkwe pajjiż ieħor fejn Ryanair tinawgura rotta tas-Servizzi;

l-edukazzjoni tal-istampa dwar is-Servizzi u, b'hekk, l-influwenzar tal-pubbliku ġenerali, sabiex dawn isiru aktar familjari mar-reġjun li jdawwar l-ajruport ta' Alghero u jiġu mħeġġa jivvjaġġaw fuq ir-rotot inkwistjoni;

l-arranġament sabiex sit elettroniku propost minn So.Ge.A.AL u maqbul ma' Ryanair jiġi magħqud mas-sit elettroniku ta' Ryanair, soġġett għall-kundizzjoni li tali sit elettroniku ma jkun fih ebda funzjoni diretta ta' prenotazzjoni ta' lukanda jew kiri ta' karozza online.

5.2.1.4.   L-ASA tal-2006 ma' Ryanair u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

(102)

Fit-3 ta' April 2006 ġie ffirmat ASA ġdid bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, li ħa post l-ASA tal-2003 u kien effettiv mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' ħames snin.

(103)

Assoċjat ma' dak il-ftehim kien hemm ftehim supplimentari li ġie ffirmat fit-3 ta' April 2006 għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Diċembru 2010, li stabbilixxa l-miri tal-passiġġieri globali li kellhom jintlaħqu minn Ryanair u l-ħlas għal eżitu pożittiv pagabbli minn So.Ge.A.AL. Dan il-ftehim ippreveda wkoll il-penali li kellhom jitħallsu minn Ryanair f'każ li ma jintlaħqux il-miri tal-passiġġieri.

(104)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2006 ġie ffirmat ma' AMS (minflok ma' Ryanair) fit-3 ta' April 2006 u kien ikopri l-istess perjodu bħall-ASA. Il-ftehim kien imsejjes fuq l-impenn ta' Ryanair li topera ċerti rotot tal-UE u li tilħaq ċerti miri fir-rigward tal-livell ta' passiġġieri. AMS offriet servizzi ta' reklamar online lil So.Ge.A.AL inkambju għal EUR […] fis-sena.

5.2.1.5.   L-ASA tal-2010 ma' Ryanair u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

(105)

Fil-bidu tal-2010, So.Ge.A.AL u Ryanair esprimew l-intenzjoni tagħhom li jġeddu t-termini tar-relazzjoni eżistenti tagħhom billi nnegozjaw ftehim ġdid u ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) fl-10 ta' Marzu 2010. Il-MtQ jgħid li “minn Marzu 2010, Ryanair u So.Ge.A.AL għandhom jinnegozjaw in bona fede sabiex jiddefinixxu mill-ġdid it-termini u d-dispożizzjonijiet tas-sħubija tagħhom”.

(106)

Abbażi ta' dan, sussegwentement ġie ffirmat ASA ġdid bejn So.Ge.A.AL u Ryanair fl-20 ta' Ottubru 2010, li ħa post l-ASA tal-2006. Dan il-ftehim stabbilixxa tariffi ġodda u struttura ta' inċentivi għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' ħames snin mal-iskadenza tat-terminu inizjali tal-ftehim.

(107)

So.Ge.A.AL impenjat ruħha li tħallas ħlasijiet għal eżitu pożittiv għal għadd immirat ta' titjiriet u ċerti livelli ta' traffiku tal-passiġġieri, filwaqt li Ryanair impenjat ruħha li tħallas it-tariffi tal-immaniġġjar u t-tariffi tal-ajruport, kif ukoll li twettaq attivitajiet ta' promozzjoni tal-bejgħ u relazzjonijiet pubbliċi.

(108)

Fl-istess jum ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni għal tul ta' erba' snin b'possibbiltà li dan jiġi estiż għal erba' snin oħra. AMS offriet pakkett ta' servizzi ta' reklamar online lil So.Ge.A.AL inkambju għar-rati annwali li ġejjin: EUR […] għall-2010; EUR […] għall-2011; EUR […] għall-2012 u EUR […] għall-2013. Bħal fl-2006, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kien imsejjes fuq l-impenn ta' Ryanair li topera ċerti rotot tal-UE u li tilħaq ċerti miri tal-passiġġieri.

(109)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Italja reġgħet bniet l-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li b'mod raġonevoli setgħu jkunu mistennija minn operatur fl-ekonomija tas-suq li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fil-ħin tal-konklużjoni ta' kull wieħed minn dawn il-ftehimiet matul il-perjodu taħt investigazzjoni, jiġifieri bejn l-2000 u l-2010 (“ir-Rapport tal-MEOP tal-2014”) (32). Skont l-Italja, So.Ge.A.AL stenniet li l-ftehimiet ma' Ryanair ikunu profittabbli għall-ajruport f'dak iż-żmien li ġew konklużi.

5.2.2.   Miżura 5 — Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn

(110)

Fiż-żmien li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni nnotat li kien jidher ukoll li So.Ge.A.AL tat skontijiet fuq it-tariffi tal-ajruport lil trasportaturi oħrajn għajr Ryanair. Għalkemm il-Kummissjoni kienet konxja li So.Ge.A.AL kienet ikkonkludiet ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' trasportaturi oħrajn ukoll, f'dak l-istadju ma kinitx ipprovduta biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-ftehimiet lill-Kummissjoni.

(111)

Permezz ta' ittra datata t-18 ta' Frar 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'analiżi tal-profittabbiltà bbażata fuq dejta ex post tal-arranġamenti ma' Alitalia, Meridiana u Volare sabiex turi li l-konklużjoni tal-ftehimiet ma' dawn il-linji tal-ajru kienet ekonomikament ġustifikata mill-perspettiva tal-ajruport. Sa dik id-data ma ġiet ipprovduta ebda analiżi tal-ftehim ma' Germanwings.

(112)

Sussegwentement, permezz ta' ittra datata l-25 ta' Marzu 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings, li fittxet li turi li dawn il-ftehimiet kienu mistennija jkunu profittabbli għal So.Ge.A.AL fuq bażi ex ante.

(113)

Fl-aħħarnett, fl-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja ssottomettiet lill-Kummissjoni analiżi tal-profittabbiltà mistennija tal-ftehimiet tal-immaniġġjar li ġew konklużi minn So.Ge.A.AL ma' bmibaby, Air Vallée u Air Italy.

(114)

Il-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair soġġetti għall-investigazzjoni f'dan il-każ huma ppreżentati fil-premessi 115 sa 132.

5.2.2.1.   Ftehimiet ma' Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia

(115)

So.Ge.A.AL ikkonkludiet ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u mmaniġġjar ma' Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia.

i.   Germanwings

(116)

Il-ftehim tal-immaniġġjar bejn Germanwings u So.Ge.A.AL kien iffirmat fid-19 ta' Marzu 2007 u kellu jibda japplika mill-25 ta' Marzu 2007. Abbażi ta' dan il-ftehim, Germanwings kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar.

(117)

Fil-25 ta' Marzu 2007 ġie ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Germanwings u So.Ge.A.AL, li permezz tiegħu it-trasportatur impenja ruħu li jopera ċerti rotot tal-UE u li jilħaq ċerti miri ta' frekwenza u passiġġieri. Il-ftehim kellu japplika mill-25 ta' Marzu 2007 sal-31 ta' Ottubru 2009. Madankollu, Germanwings bdiet topera mill-ajruport ta' Alghero fl-2007. Skont l-Italja, it-trasportatur iddeċieda li jwaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport ta' Alghero minħabba li ma setax jiġġenera biżżejjed traffiku sabiex jilħaq ekwilibriju minn perspettiva finanzjarja.

(118)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa kontribuzzjoni ta' “għajnuna tal-bidu” li kienet tammonta għal EUR […] u li kellha titħallas minn So.Ge.A.AL lil Germanwings “sabiex tippromwovi l-ajruport ta' Alghero bil-għan li jiżdied il-volum ta' passiġġieri li jitilqu permezz tal-ftuħ ta' rotta ġdida”.

(119)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa wkoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv li kellhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL lil Germanwings li kieku l-linja tal-ajru kellha tilħaq il-miri tat-traffiku stipulati. Il-ftehim speċifika wkoll il-penali li kellhom jitħallsu minn Germanwings lil So.Ge.A.AL f'każ li l-linja tal-ajru kellha tikkanċella 10 % tat-titjiriet tagħha jew li kieku ma ssodisfatx il-miri tat-traffiku stipulati.

ii.   Volare

(120)

Fid-29 ta' Novembru 2007, Volare ffirmat ftehim ta' mmaniġġjar u kummerċjalizzazzjoni ma' So.Ge.A.AL.

(121)

Il-ftehim ta' mmaniġġjar stabbilixxa l-miri li kellhom jintlaħqu mit-trasportatur f'termini tal-għadd ta' passiġġieri u titjiriet fis-sena, kif ukoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv korrispondenti li kellhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL.

(122)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni stabbilixxa ħlas għal eżitu pożittiv annwali ta' EUR […] li kellu jitħallas mill-maniġer tal-ajruport bħala “appoġġ għar-reklamar għall-ewwel sena ta' attività”. Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni applika mit-28 ta' Ottubru 2007 sal-31 ta' Ottubru 2010.

iii.   Meridiana

(123)

Meridiana operat mill-ajruport ta' Alghero fis-snin 2000, 2001 u 2010.

(124)

Fis-snin 2000 u 2001, Meridiana ma operatx servizzi skedati mill-ajruport ta' Alghero u pprovdiet biss servizzi ta' titjiriet ibbażati fuq domandi għal titjiriet charter. Bħala tali, ma ġie ffirmat ebda ftehim ta' mmaniġġjar formali bejn So.Ge.A.AL u Meridiana. It-trasportatur ħallas lil So.Ge.A.AL it-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha offruti fl-ajruport.

(125)

Meridiana ma operatx mill-ajruport bejn l-2002 u l-2010. Fl-2010, Meridiana reġgħet bdiet topera mill-ajruport u ffirmat ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kif ukoll ftehim ta' mmaniġġjar ma' So.Ge.A.AL.

(126)

Il-ftehim ta' mmaniġġjar ġie ffirmat fit-28 ta' April 2010 u kien ikopri l-perjodu bejn April 2010 u April 2011. Abbażi ta' dan il-ftehim, Meridiana kellha tħallas lil So.Ge.A.AL is-somma ta' EUR […] kull tlugħ u nżul għas-servizzi tal-immaniġġjar.

(127)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ġie ffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010 u kien ikopri l-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010. Il-ftehim speċifika ħlas ta' darba ta' EUR […] (minbarra l-VAT) li kellu jitħallas minn So.Ge.A.AL lil Meridiana b'rabta mat-tnedija tar-rotot lejn/minn Milan, Verona u Bari fis-sajf tal-2010. Il-ħlas kien kundizzjonali fuq jekk Meridiana tilħaqx ċerti miri ta' traffiku. Skont l-Italja, matul iż-żmien li fih il-ftehim ma' Meridiana applika b'mod retrospettiv, So.Ge.A.AL kienet qiegħda tinnegozja termini simili mat-trasportatur, li eventwalment ġew inklużi fil-ftehim iffirmat. F'dan is-sens, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni abbozz ta' ftehim li kien qiegħed jiġi nnegozjat f'dak iż-żmien minn Meridiana u So.Ge.A.AL datat is-7 ta' Ġunju 2010.

iv.   Air One/Alitalia

(128)

Sal-2010, Air One/Alitalia ma kienet iffirmat ebda ftehim formali ma' So.Ge.A.AL jew ħallset lil So.Ge.A.AL it-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha offruti fl-ajruport. Sal-2010, So.Ge.A.AL ma kienet ipprovdiet ebda servizz ta' groundhandling lil Air One/Alitalia.

(129)

Fl-2010, So.Ge.A.AL bdiet tipprovdi servizzi ta' groundhandling lil Air One/Alitalia. Dan wassal sabiex Air One/Alitalia tiffirma ftehim ta' mmaniġġjar ma' So.Ge.A.AL. Iż-żewġ partijiet daħlu wkoll fi ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni relatat mal-bidu tal-operat ta' rotot internazzjonali minn Air One/Alitalia mill-ajruport ta' Alghero.

(130)

Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ġie ffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010 u kien ikopri l-perjodu mis-7 ta' Ġunju 2010 sat-30 ta' Settembru 2010. L-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni l-abbozz ta' ftehim li kien ġie nnegozjat minn Alitalia u So.Ge.A.AL f'Mejju 2010. Il-ftehim iffirmat speċifika ħlas ta' kummerċjalizzazzjoni ta' darba ta' EUR […] li kellu jiġi riċevut minn Air One/Alitalia talli pprovdiet servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni lil So.Ge.A.AL f'dak il-perjodu, bil-possibbiltà li l-ftehim jiġi estiż sal-2011 u l-2012.

(131)

Il-ftehim ta' mmaniġġjar ġie ffirmat bejn Air One/Alitalia u So.Ge.A.AL fit-30 ta' Novembru 2010 għal perjodu ta' sitt snin u speċifika t-tariffi tal-immaniġġjar li kellhom jitħallsu minn Air One/Alitalia lil So.Ge.A.AL għar-rotot domestiċi u internazzjonali.

5.2.2.2.   Ftehimiet ta' mmaniġġjar ma' trasportaturi oħrajn

(132)

Il-Kummissjoni investigat ukoll il-ftehimiet ta' groundhandling li ġew konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air Italy, Bmibaby u Air Vallée. Il-ftehimiet ġew konklużi għal tul ta' żmien ta' bejn xahar (Air Vallée) u aktar minn sentejn (Air Italy) u speċifikaw it-tariffi tal-immaniġġjar li kellhom jitħallsu mit-trasportaturi.

Tabella 6

Il-ftehimiet ta' mmaniġġjar ma' Air Italy, Bmibaby u Air Vallée

Data tal-konklużjoni

Trasportatur

Tul ta' żmien

28.5.2008

Air Italy

1.6.2008–31.12.2010

29.7.2010

Bmibaby

29.5.2010–30.9.2010

2010

Air Vallée

9.8.2010–30.8.2010

6.   IR-RAPPORT TA' ECORYS

(133)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lil Ecorys sabiex tipproduċi rapport dwar il-prestazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL u sabiex tistabbilixxi jekk il-maniġer tal-ajruport aġixxiex bħal operatur fl-ekonomija tas-suq meta kkonkluda ftehimiet mat-trasportaturi tal-ajru. Ir-Rapport ta' Ecorys ġie ppreżentat fit-30 ta' Marzu 2011.

(134)

Ir-Rapport ta' Ecorys ikkonkluda li l-imġiba ta' So.Ge.A.AL kienet konformi mal-MEOP. Ecorys kienet tal-fehma li l-istrateġija tan-negozju segwita So.Ge.A.AL ħalliet il-frott. Tali strateġija implikat li l-maniġer tal-ajruport issottometta applikazzjoni għall-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport, li l-kapaċità tat-terminal ġiet estiża u li ġew iffirmati ftehimiet ma' trasportaturi low-cost, li kienu mmirati biex jinċentivaw il-flussi tat-traffiku internazzjonali. Ecorys ikkonkludiet li mill-perspettiva ta' MEO, il-konklużjoni tal-ftehimiet ma' Ryanair kienet deċiżjoni razzjonali fis-sens li dawk il-ftehimiet żguraw żieda konsiderevoli fit-traffiku, li kienet mistennija li twassal għal dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi. Skont Ecorys, So.Ge.A.AL setgħet tistenna b'mod raġonevoli li, fuq perjodu ta' żmien twil, il-benefiċċji derivati minn tali ftehimiet jissuperaw l-ispejjeż inkrementali.

7.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

7.1.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA LIL SO.GE.A.AL

(135)

Fir-rigward tal-għajnuna potenzjali lill-maniġer tal-ajruport, il-Kummissjoni nnotat li, qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris, l-iżvilupp u l-operat tal-infrastruttura tal-ajruport ma kinux jikkwalifikaw bħala attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (33). Minħabba li wħud mill-miżuri taħt valutazzjoni kienu deċiżi qabel l-2001, il-Kummissjoni nnotat li kien ser ikollha tivvaluta jekk dawn irriżultawx minn impenji vinkolanti meħuda qabel inħarġet id-deċiżjoni fil-kawża Aéroports the Paris, jiġifieri t-12 ta' Diċembru 2000 (34) u b'hekk allura jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(136)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li, sakemm il-finanzjament tal-attivitajiet li normalment kienu jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat pubbliċi kien limitat sabiex ikopri l-ispejjeż u ma ntużax sabiex jiffinanzja attivitajiet ekonomiċi oħrajn (35), tali finanzjament ma kienx soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar in-natura (ekonomika jew le) tal-attivitajiet imwettqa minn So.Ge.A.AL u dwar l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura ffinanzjati mill-miżuri soġġetti għall-investigazzjoni, lanqas dwar jekk ċerti spejjeż kinux inerentement marbuta ma' attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-politika pubblika. Il-Kummissjoni stiednet lill-Italja sabiex tikkjarifika liema attivitajiet għandhom jitqiesu bħala ta' natura mhux ekonomika u liema spejjeż marbuta ma' dawn l-attivitajiet, jekk kien hemm, kienu ffinanzjati mill-miżuri koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

7.1.1.   Miżura 1 — Injezzjonijiet ta' kapital

(137)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm l-injezzjonijiet ta' kapital kienu ser ikunu konformi mal-MEOP. Hija rrimarkat li So.Ge.A.AL kienet ilha topera b'mod kostanti f'telf sa mis-sena 2000 u li l-prestazzjoni finanzjarja tagħha kienet tidher li marret għall-agħar wara l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Dan deher li kien jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-Italja li r-riżultati ħżiena tal-kumpanija kienu primarjament ġustifikati min-nuqqas ta' possibbiltà li l-attivitajiet relatati mal-ajruport jiġu sfruttati b'mod sħiħ abbażi tal-konċessjoni parzjali/temporanja.

(138)

Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li, f'dak iż-żmien, l-Italja kienet ipprovdiet biss kunsiderazzjonijiet ex post biex tappoġġa l-affermazzjonijiet tagħha li l-miżuri kienu ggwidati minn prospetti ta' profittabbiltà. Barra minn hekk, kien jidher li tali analiżi kienet relatata mal-benefiċċju globali derivat mill-RAS minn żieda fil-livelli tat-traffiku tal-ajru u, għalhekk, mad-dħul li investitur privat ma jikkunsidrax fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li l-injezzjonijiet ta' kapital taw vantaġġ lill-maniġer tal-ajruport u kienu jikkostitwixxu għajnuna operattiva lil dan tal-aħħar.

(139)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni nnotat li, anki jekk So.Ge.A.AL issodisfat il-kundizzjonijiet sabiex tikkwalifika bħala impriża f'diffikultà skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà (36), ma ġie sottomess ebda element lill-Kummissjoni mill-Italja sabiex jappoġġa l-konklużjoni li tali għajnuna tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kompatibbiltà ta' dawk il-linji gwida.

7.1.2.   Miżura 2 — Kontribuzzjonijiet għall-fittings u x-xogħlijiet

(140)

Il-Kummissjoni ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet għall-fittings u x-xogħlijiet b'valur ta' EUR 6 540 269 mogħtija lil So.Ge.A.AL mill-RAS bejn l-1998 u l-2009. L-Italja ġiet mistiedna sabiex tispeċifika n-natura eżatta tal-ispejjeż issussidjati mill-RAS.

7.1.3.   Miżura 3 — Investimenti fl-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport

(141)

Il-Kummissjoni nnotat li bejn l-2001 u l-2010 So.Ge.A.AL ħallset is-somma ta' EUR 3 042 887 lill-Istat f'tariffi għall-użu tal-infrastruttura tal-ajruport, filwaqt li l-Istat iffinanzja l-investimenti infrastrutturali għal EUR 46 940 534 u l-apparat għal EUR 284 782 matul il-perjodu mill-2004 sal-2010.

(142)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL fl-2007 ma kienx jidher li wassal għal żieda fil-livell tat-tariffi tal-konċessjoni. Abbażi ta' dak, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li t-tariffa ta' konċessjoni kienet evidentement sproporzjonata mal-finanzjament pubbliku disponibbli mill-Istat fir-rigward tal-investimenti infrastrutturali. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li So.Ge.A.AL setgħet ingħatat vantaġġ billi ħallset tariffa ta' konċessjoni taħt il-prezz tas-suq.

(143)

L-Italja ġiet mistiedna tipprovdi kwalunkwe pjan ta' negozju ex ante li juri l-prospetti tal-profittabbiltà tal-investimenti infrastrutturali mwettqa mill-entitajiet pubbliċi fl-ajruport ta' Alghero u li jista' jappoġġa l-affermazzjoni li tali investimenti kienu konformi mal-MEIP.

7.2.   OPINJONIJIET PRELIMINARI DWAR IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL So.Ge.A.AL

(144)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà, skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, tal-għajnuna mogħtija lil So.Ge.A.AL skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

(145)

Għalkemm il-miżuri kienu jidhru li jissodisfaw għan ta' interess ġenerali li kien definit b'mod ċar, il-Kummissjoni ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tivvaluta jekk l-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kinitx neċessarja u proporzjonali għall-għan stabbilit. Il-Kummissjoni lanqas ma kellha biżżejjed elementi biex tivvaluta l-perspettivi għall-użu ta' tali infrastruttura fuq perjodu ta' żmien medju. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk l-infrastruttura tal-ajruport tpoġġietx disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru fuq termini mhux diskriminatorji.

(146)

Fl-aħħarnett, minħabba li f'dak l-istadju kien jidher li ċerti investimenti infrastrutturali kienu jidhru li jirriżultaw mill-obbligi kuntrattwali ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair, il-Kummissjoni kellha dubji dwar in-neċessità ta' kwalunkwe għajnuna maħsuba biex tiffinanzja investimenti bħal dawn.

7.3.   GĦAJNUNA POTENZJALI LIL-LINJI TAL-AJRU

(147)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet operattivi tal-linji tal-ajru fl-ajruport ta' Alghero x'aktarx li kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u jkunu imputabbli lill-Istat.

7.3.1.   Miżura 4 — Ftehimiet iffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair/AMS

(148)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li AMS hija kumpanija sussidjarja bi proprjetà sħiħa ta' Ryanair, li twaqqfet bl-għan speċifiku li tforni servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni permezz tas-sit elettroniku ta' Ryanair u li ma tipprovdix servizzi oħrajn. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li sabiex tivvaluta l-preżenza ta' vantaġġ selettiv, Ryanair u AMS kellhom jitqiesu bħala entità waħda. Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma li, meta tiġi biex tivvaluta jekk il-miżuri fir-rigward ta' Ryanair/AMS kinux konformi mas-suq, l-imġiba ta' So.Ge.A.AL kellha tiġi vvalutata flimkien mal-imġiba tal-RAS u/jew ta' azzjonisti pubbliċi oħrajn ta' So.Ge.A.AL matul il-perjodu taħt investigazzjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-MEOP, l-ASAs u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom ma setgħux jitneħħew u, għalhekk, għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni konġunta.

(149)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kunsiderazzjonijiet tal-iżvilupp reġjonali ma setgħux jittieħdu f'kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-MEOP. Hija osservat ukoll li, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha f'dak l-istadju, ma kinux tħejjew pjan ta' negozju jew analiżi ex ante tal-ftehimiet iffirmati ma' Ryanair/AMS bħala l-bażi għad-deċiżjoni ta' So.Ge.A.AL li tidħol f'arranġamenti bħal dawn.

(150)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew bħala investitur fl-ekonomija tas-suq fir-relazzjoni tagħhom ma' Ryanair/AMS.

7.3.2.   Miżura 5 — Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair

(151)

Il-Kummissjoni nnotat li ġew applikati skontijiet sostanzjali fuq it-tariffi tal-ajruport minn So.Ge.A.AL għal trasportaturi tal-ajru oħrajn għajr Ryanair, pereżempju skont il-bidu ta' rotot ġodda u ż-żieda fil-livelli tat-traffiku. Il-Kummissjoni stiednet lill-Italja biex tipprovdi kwalunkwe pjanijiet ta' negozju, studji jew dokumenti ex ante li jivvalutaw il-profittabbiltà għall-maniġer tal-ajruport ta' kull wieħed mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport jew, jekk dawn id-dokumenti ma jkunux disponibbli, l-aħħar previżjonijiet baġitarji ta' So.Ge.A.AL imħejjija qabel il-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew bħala investituri fl-ekonomija tas-suq fir-relazzjoni tagħhom mat-trasportaturi li joperaw fl-ajruport.

8.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(152)

Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra t-tweġibiet għat-talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni, l-Italja għamlet diversi sottomissjonijiet matul l-investigazzjoni. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat li tagħti estensjoni ta' xahar mad-data tal-għeluq stipulata mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali (37) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom wara deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, waħda biss mis-sottomissjonijiet tal-Italja saret fi ħdan din l-iskadenza estiża, jiġifieri l-ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2012. Is-sottomissjonijiet tal-Italja tat-3 ta' Ottubru 2012, tad-19 ta' Ottubru 2012, tat-22 ta' Ottubru 2012 u tal-20 ta' Frar 2013 ġew sottomessi wara l-iskadenza tad-data tal-għeluq.

(153)

Għalhekk, din it-taqsima tittratta biss l-osservazzjonijiet ipprovduti mill-Italja fl-ittra tagħha tal-31 ta' Awwissu 2012. L-argumenti mressqa fl-ittri sussegwenti tal-Italja, li huma ta' rilevanza għall-valutazzjoni f'dan il-każ, ġew ippreżentati fit-Taqsimiet 3–5.

8.1.   GĦAJNUNA POTENZJALI LILL-AJRUPORT

i.   Dwar ir-ripagament tat-telf u tal-injezzjonijiet ta' kapital

(154)

L-Italja fakkret li l-maniġers tal-ajruport huma mitluba bil-liġi li josservaw ċerti limiti ta' kapital. Skont l-Italja, f'dan il-każ, l-injezzjonijiet ta' kapital taħt valutazzjoni kellhom l-għan li jreġġgħu lura l-kapital ta' So.Ge.A.AL għall-istandards meħtieġa.

ii.   Dwar il-finanzjament pubbliku għall-fittings u x-xogħlijiet

(155)

L-Italja spjegat li, qabel l-2003, it-tariffi tal-konċessjoni li kellhom jitħallsu mill-maniġers tal-ajruporti li kisbu l-konċessjoni “komprensiva” kienu stabbiliti bħala 10 % tat-tariffi tal-utenti skont il-Liġi Taljana Nru 324 tal-5 ta' Mejju 1976, kif emendata sussegwentement, u t-tariffa għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija ttrasportata bl-ajru skont il-Liġi Taljana Nru 117 tas-16 ta' April 1974.

(156)

Mill-2003 'il hawn, it-tariffi tal-konċessjoni annwali bdew jiġu stabbiliti b'referenza għall-Unitajiet tat-Tagħbija tax-Xogħol tal-ajruport (WLU, jew unitajiet ta' tagħbija li jikkorrespondu għal passiġġier wieħed jew mitt kilogramma ta' merkanzija jew posta), li min-naħa tagħhom kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta dwar it-traffiku ppubblikata kull sena mill-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport-ENAC.

(157)

Permezz tal-Liġi Taljana 296 tas-27 ta' Diċembru 2006, it-tariffa tal-konċessjoni annwali għall-maniġers tal-ajruporti żdiedet sabiex tiggarantixxi dħul ta' EUR 3 miljun fl-2007, EUR 9,5 miljun fl-2008 u EUR 10 miljun fl-2009, rispettivament, għat-Teżor Taljan.

8.2.   GĦAJNUNA POTENZJALI LIL-LINJI TAL-AJRU

(158)

L-Italja ma kkummentatx dwar l-għajnuna potenzjali lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero fi ħdan l-iskadenza stipulata mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom wara deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali mill-Kummissjoni.

9.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(159)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti tal-partijiet interessati jkopru firxa wiesgħa ta' argumenti. Pereżempju, fl-għadd numeruż ta' sottomissjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, Ryanair spjegat fid-dettall il-prinċipji u s-suppożizzjonijiet sottostanti li hija tqis li għandhom iservu bħala l-bażi għall-analiżi tal-MEOP tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru. So.Ge.A.AL sostniet li jeżistu bosta raġunijiet li abbażi tagħhom il-miżuri soġġetti għall-valutazzjoni favur tagħha jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

9.1.   KUMMENTI MINN SO.GE.A.AL

9.1.1.   Għajnuna potenzjali lill-maniġer tal-ajruport

i.   Dwar l-attività ekonomika

(160)

So.Ge.A.AL tenfasizza li l-finanzjament pubbliku mogħti lilha sabiex tkopri l-ispejjeż imġarrba fil-provvista tas-servizzi li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. So.Ge.A.AL ma tatx dettalji dwar in-natura jew l-ammont ta' dawn l-ispejjeż.

(161)

So.Ge.A.AL hija tal-fehma li, f'dan il-każ, il-miżuri kollha taħt valutazzjoni li jikkonċernaw l-iffinanzjar tal-infrastruttura, tal-apparat u tal-“fittings u x-xogħlijiet” kienu impenjati legalment qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris u, għalhekk, għandhom jiġu esklużi mill-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat. F'dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu wara t-12 ta' Diċembru 2000, So.Ge.A.AL tfakkar li l-Italja kienet diġà ssottomettiet evidenza tal-karattru mhux ekonomiku ta' ċerti attivitajiet imwettqa mill-maniġer tal-ajruport. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tattribwixxi parti mill-finanzjament pubbliku inkwistjoni għall-ispejjeż imġarrba fil-provvediment ta' attivitajiet mhux ekonomiċi.

(162)

So.Ge.A.AL tinnota wkoll li d-Deċiżjoni tal-2012 mhijiex ċara dwar in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna preżunta lill-maniġer tal-ajruport. B'mod partikolari, mhuwiex ċar jekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni kinitx li tikkwalifika t-totalità tal-finanzjament għax-xogħlijiet infrastrutturali bħala għajnuna mill-Istat jew, b'mod alternattiv, li tikkunsidra li hija biss id-differenza li teżisti bejn it-tariffa tal-konċessjoni bbażata fuq is-suq, li So.Ge.A.AL ikollha tħallas lill-Istat għall-infrastruttura mtejba, u t-tariffa tal-konċessjoni effettivament imħallsa mill-maniġer tal-ajruport illi tikkwalifika bħala għajnuna. Hija sostniet li l-ewwel għażla ma setgħetx tiġi rrikonċiljata mal-fatt li l-Istat żamm is-sjieda tal-infrastruttura tal-ajruport matul il-ħin materjali kollu. Għalhekk, So.Ge.A.AL ma tistax titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna għall-investiment. Fi kwalunkwe rata, So.Ge.A.AL issostni li hija ma kienet tibbenifika minn ebda vantaġġ ekonomiku mhux dovut li kieku ġiet ippreferuta t-tieni għażla.

ii.   Dwar in-nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni

(163)

So.Ge.A.AL tenfasizza li ma tista' tinħoloq ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni bħala riżultat tal-finanzjament pubbliku mogħti lilha. Minħabba l-lokazzjoni remota tal-ajruport ta' Alghero, iż-żona ta' lħuq tiegħu (38) ma tikkoinċidix ma' dik ta' ajruporti oħrajn fl-Italja jew fi Stati Membri oħrajn. L-ajruport lanqas ma qiegħed jikkompeti ma' ajruporti oħrajn fuq il-gżira, minħabba d-distanza li teżisti bejniethom u n-nuqqas ta' konnessjonijiet affidabbli fuq l-art. So.Ge.A.AL iżżid li t-tliet ajruporti f'Sardinja jittrattaw tipi differenti ta' traffiku. Barra minn hekk, it-trasport bl-ajru ma jikkompetix ma' mezzi ta' trasport oħrajn għat-traffiku lejn u mill-gżira.

(164)

So.Ge.A.AL ma taċċettax l-argument imressaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012, jiġifieri li bosta maniġers tal-ajruporti jikkompetu għall-ġestjoni tal-infrastruttura tal-ajruport. So.Ge.A.AL ingħatat l-ewwel konċessjoni “parzjali” (39) għall-ġestjoni tal-ajruport fl-1995 u, għalhekk, ħafna qabel ingħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris. Mill-1995 'il quddiem, So.Ge.A.AL bdiet taġixxi biss bħala maniġer tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero u, għalhekk, l-attività tagħha mhijiex f'kompetizzjoni ma' dik ta' kwalunkwe maniġer ta' ajruport ieħor.

iii.   Dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL

(165)

So.Ge.A.AL issostni li l-injezzjonijiet ta' kapital għandhom ikunu konformi mal-MEIP. Skont So.Ge.A.AL, il-motiv ekonomiku tal-miżuri għandu jiġi vvalutat separatament u distintivament għal żewġ perjodi: qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” lil So.Ge.A.AL fl-2007.

(166)

So.Ge.A.AL issostni li r-rikapitalizzazzjonijiet imwettqa qabel l-2007 kienu ggwidati mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju tagħha, b'mod partikolari fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” li diġà kellha fit-18 ta' Jannar 1999. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jiġi injettat kapital fil-kumpanija, il-perspettiva li tingħata l-konċessjoni “komprensiva” kellha importanza kruċjali għall-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL, sal-punt li din setgħet tippermetti lill-maniġer tal-ajruport jikkapitalizza b'mod sħiħ fuq l-attivitajiet tal-ajruport u, għalhekk, iżid id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi. L-azzjonisti pubbliċi ma kien jifdallhom ebda alternattiva ħlief li jirrikapitalizzaw il-kumpanija u, fil-fatt, kienu ġustifikati li jagħmlu dan meta wieħed iqis li d-dewmien fl-għoti tal-konċessjoni kien ikkawżat minn avvenimenti esterni li ma setgħux jiġu attribwiti lill-kumpanija. So.Ge.A.AL issostni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan fil-valutazzjoni tal-MEOP tagħha. So.Ge.A.AL iżżid li l-miżuri għandhom jiġu ġustifikati wkoll abbażi taż-żieda mbassra fil-volumi tal-passiġġieri bħala riżultat tal-istrateġija ta' spejjeż baxxi li bdiet tiġi segwita mill-1999.

(167)

L-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa fl-2009 u fl-2010 kienu xprunati mill-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-operabbiltà tal-maniġer tal-ajruport, b'mod partikolari fid-dawl tal-perspettivi tal-vijabbiltà mtejba li jirriżultaw mill-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Il-fatt li So.Ge.A.AL ma rkupratx il-profittabbiltà tagħha wara l-għoti tal-konċessjoni kien dovut għal xenarju fis-suq li kien differenti b'mod sinifikanti minn kif kien imbassar, li affettwa b'mod konsiderevoli l-iżvilupp tat-traffiku tal-ajru f'dak il-perjodu, jiġifieri t-tnaqqis fl-attività ekonomika u l-isfidi ekonomiċi konsegwenti ffaċċjati mil-linji tal-ajru internazzjonali. F'dak is-sens, So.Ge.A.AL sofriet tnaqqis ta' 1,8 % fil-livelli tat-traffiku. Barra minn hekk, So.Ge.A.AL issostni li t-traffiku ma setax jiżviluppa kif kien ipproġettat minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet infrastrutturali (li suppost kienu nbdew diġà fl-2004, iżda kienu għadhom ma bdewx fl-2009). Fl-aħħarnett, in-nuqqas tal-ENAC milli tirrevedi t-tariffi tal-ajruport 'il fuq, irrispettivament mit-talba formali introdotta f'dak is-sens minn So.Ge.A.AL, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni.

(168)

Kien f'dan il-kuntest li So.Ge.A.AL żviluppat azzjonijiet korrettivi bil-għan li jintlaħaq bilanċ ekonomiku, bħal permezz tar-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, it-tnaqqis fl-ispejjeż operattivi u l-miżuri ta' investiment fl-infrastruttura. Dawk l-azzjonijiet huma vvalutati fid-dettall fil-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010.

(169)

So.Ge.A.AL tirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni li ma twettqet ebda analiżi ex ante qabel iddaħħlu fis-seħħ il-miżuri. Preżumibbilment, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL wettqu l-miżuri inkwistjoni abbażi ta' pjanijiet tan-negozju żviluppati ex ante. L-evidenza f'dan is-sens tkun id-dokumenti sottomessi lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, b'mod partikolari:

(a)

Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tal-15 ta' Marzu 1999;

(b)

il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tat-8 ta' April 2000;

(c)

il-pjan tan-negozju għall-għoti tal-konċessjoni ta' erbgħin sena ta' Settembru 2005;

(d)

il-Pjan ta' Roland Berger, kif ġie aġġornat fl-2007 u fl-2009;

(e)

il-programm ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar għall-perjodu 2010–2012;

(f)

ir-rapport ta' Accuracy.

(170)

So.Ge.A.AL tfakkar ukoll li l-konformità tal-injezzjonijiet ta' kapital mal-prinċipju tal-MEOP kienet diġà stabbilita mir-Rapport ta' Ecorys, mir-Rapport ta' Accuracy u mir-Rapport ta' Roland Berger.

(171)

Il-Kummissjoni setgħet tonqos milli tagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-karattru speċifiku tas-settur tat-traffiku tal-ajru fl-Italja fid-dawl tar-regolamenti Taljani applikabbli. Fil-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL, il-Kummissjoni kellha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikapitalizzazzjonijiet irriżultaw minn obbligu legali, li n-nuqqas ta' osservanza tiegħu seta' jwassal għar-revoka tal-konċessjoni. B'hekk, l-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL iffavorixxew l-aktar għażla kost-effiċjenti meta ddeċidew li jirrikapitalizzaw il-kumpanija.

(172)

So.Ge.A.AL hija tal-fehma li, meta wettqu l-injezzjonijiet tal-kapital, l-azzjonisti pubbliċi tagħha aġixxew bl-istess mod kif kien jaġixxi MEO f'ċirkostanzi simili, fis-sens li l-injezzjonijiet taw garanzija ta' redditu pożittiv lill-investituri pubbliċi fuq perjodu ta' żmien medju sa twil. Skont So.Ge.A.AL, l-attivitajiet tal-ajruport iġġeneraw introjtu mit-taxxa f'ammont superjuri għal dak tal-finanzjament pubbliku mogħti lilha.

(173)

So.Ge.A.AL issostni wkoll li l-injezzjonijiet ta' kapital ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku lill-maniġer tal-ajruport skont it-tifsira tal-ġurisprudenza ta' Altmark (40). Il-ġestjoni globali tal-ajruport tikkwalifika bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) minħabba l-ħtieġa li tiġi garantita l-aċċessibbiltà tal-gżira u, għalhekk, l-injezzjonijiet ta' kapital inkwistjoni jammontaw għal kumpens għall-forniment ta' SGEI mill-ajruport.

(174)

So.Ge.A.AL kellha tiġi fdata bil-forniment tal-SGEI mill-Konvenzjoni. Il-konċessjonijiet parzjali mogħtija lil So.Ge.A.AL qabel l-2007 jistgħu ugwalment jitqiesu bħala atti ta' inkarigu. So.Ge.A.AL tinnota wkoll li, minn perspettiva purament legali, il-maniġers tal-ajruporti huma kostretti li josservaw ċerti obbligi fir-rigward tal-ġestjoni tal-ajruporti, li inevitabbilment jieħdu f'kunsiderazzjoni l-interess pubbliku. Tali obbligi jirreferu għall-garanzija ta' kwalità suffiċjenti tas-servizzi, l-osservanza ta' standards tas-sigurtà, il-kontinwità u r-regolarità tas-servizzi.

(175)

It-tieni u t-tielet kundizzjonijiet li joħorġu mis-sentenza ta' Altmark ser jiġu osservati minħabba li So.Ge.A.AL kienet ikkumpensata biss sal-livell meħtieġ għat-tpaċija tat-telf, b'mod aktar speċifiku sal-livell meħtieġ sabiex il-kapital jinġieb lura f'konformità mar-rekwiżiti legali wara li jkun ġie kopert dan it-telf. So.Ge.A.AL iżżid ukoll li l-maniġers tal-ajruporti huma mitluba bil-liġi sabiex iżommu kontabbiltà separata bejn l-attivitajiet ewlenin u dawk mhux ewlenin.

(176)

Fl-aħħarnett, So.Ge.A.AL issostni li r-raba' kriterju ta' Altmark kellu jiġi rrispettat ukoll, madankollu, mingħajr ma pprovdiet ebda evidenza materjali f'dan ir-rigward.

iv.   Dwar il-kompatibbiltà

(177)

Skont So.Ge.A.AL, il-kompatibbiltà tal-għajnuna potenzjali lill-ajruport għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skont:

(a)

il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali;

(b)

il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar;

(c)

l-Artikolu 106(2) tat-Trattat;

(d)

il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(178)

L-ewwel nett, So.Ge.A.AL issostni li l-miżuri inkwistjoni ngħataw lill-ajruport ta' Alghero sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġ li jirriżulta mill-insularità tar-reġjun ta' Sardinja. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat.

(179)

It-tieni, So.Ge.A.AL issostni li l-miżuri kollha taħt valutazzjoni ngħataw sabiex jippermettu lil So.Ge.A.AL tgħaddi minn ristrutturar, sabiex b'hekk tkun tista' tiżgura r-ritorn tagħha għall-vijabbiltà. F'dak is-sens, So.Ge.A.AL sostniet li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-injezzjonijiet ta' kapital tal-2009 u tal-2010, So.Ge.A.AL ħejjiet pjan ta' ristrutturar, jiġifieri l-pjan ta' riorganizzazzjoni u ristrutturar tal-2010, li identifika l-fatturi li kellhom impatt negattiv fuq il-kumpanija u li ppropona azzjonijiet korrettivi mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż u biex jirrevedu l-politika tan-negozju. Dak il-pjan ippreveda kontribuzzjoni proprja sinifikanti minn So.Ge.A.AL għar-ristrutturar.

(180)

It-tielet, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, So.Ge.A.AL issostni li l-kumpens mogħti lilha għall-forniment tal-SGEIs kien kostantament taħt il-limitu massimu stipulat mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 (41), jiġifieri EUR 30 miljun fis-sena, kif ukoll li l-fatturat tagħha kien taħt il-EUR 100 miljun. So.Ge.A.AL iżżid li, qabel l-2004, il-limitu massimu ta' 1 miljun passiġġier stipulat fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 kien osservat ukoll. Id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 ser jiġu osservati wkoll fid-dawl tal-fatt li l-kumpens ingħata lill-kumpanija b'konnessjoni mal-SGEIs definiti b'mod korrett u fdati lil So.Ge.A.AL permezz ta' wieħed jew aktar mill-atti ta' inkarigu, kif ukoll li tali kumpens ma qabiżx dak li kien neċessarju għall-forniment tal-SGEIs.

(181)

Ir-raba', So.Ge.A.AL issostni li l-għajnuna lill-ajruport għall-investimenti infrastrutturali, għall-apparat u għall-fittings u x-xogħlijiet għandha titqies bħala kompatibbli abbażi tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. L-infrastruttura inkwistjoni ser tkun proporzjonali għall-għan segwit u jkollha prospetti li tintuża għal perjodu ta' żmien medju skont it-tifsira tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2004. L-infrastruttura tpoġġiet ukoll għad-dispożizzjoni tal-linji tal-ajru fuq termini mhux diskriminatorji. Barra minn hekk, il-kummerċ ma kienx affettwat sal-punt li jmur kontra l-interess komuni u l-finanzjament pubbliku kien neċessarju u proporzjonat.

9.1.2.   Miżuri favur il-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport

(182)

Il-Kummissjoni tkun korretta jekk tikkunsidra lil So.Ge.A.AL u RAS flimkien għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-MEOP. Meta adottaw il-miżuri inkwistjoni, l-RAS u So.Ge.A.AL aġixxew bl-istess mod kif kien jaġixxi MEO f'ċirkostanzi simili. So.Ge.A.AL ma setgħet tikseb ebda vantaġġ ekonomiku mill-kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni mogħtija mill-RAS favur il-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta' Alghero. Il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni għaddew biss għand il-maniġer tal-ajruport sabiex eventwalment setgħu jingħataw lil-linji tal-ajru.

(183)

So.Ge.A.AL issostni li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero fil-forma ta' tariffi tal-ajruport jew kontribuzzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni aktar baxxi għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) jew (c) tat-Trattat u l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

(184)

Sabiex tappoġġa dik il-konklużjoni, So.Ge.A.AL issostni li l-għajnuna potenzjali ngħatat lil kumpaniji li għandhom liċenzja biex jipprovdu servizzi ta' trasport bl-ajru minn Stat Membru, għal rotot li jgħaqqdu ajruport reġjonali li jaqa' fi ħdan il-kategorija Ċ jew D, kif definit mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, ma' ajruport ieħor tal-Unjoni. Il-finanzjament ma kienx jikkonċerna rotot li huma soġġetti għal obbligi ta' servizz pubbliku (“OSP”) skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42) u l-ftehimiet li ġew konklużi mal-linji tal-ajru stipulaw penali li kellhom jiġu applikati f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-impenji tagħhom mil-linji tal-ajru.

(185)

Filwaqt li tammetti li l-għotjiet inkwistjoni kienu ngħataw lil-linji tal-ajru għal perjodu itwal u b'intensità ogħla milli permess skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, So.Ge.A.AL tenfasizza li l-ftehimiet mal-linji tal-ajru ma kellhomx durata itwal minn tliet snin u li l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jippermettu derogi li jikkonċernaw il-livelli ta' intensità fil-każ tar-reġjuni żvantaġġjati.

9.1.3.   L-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014

(186)

Fil-kummenti tagħha dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, So.Ge.A.AL tfakkar li ebda waħda mill-miżuri taħt valutazzjoni favur l-ajruport ma tammonta għal għajnuna mill-Istat. Madankollu, f'każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li xi waħda minn dawk il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva lil So.Ge.A.AL, hija ssostni li l-kundizzjonijiet kollha tal-kompatibbiltà stipulati mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 huma osservati.

10.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRAJN

(187)

Ryanair, AMS u Unioncamere pprovdew l-osservazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni.

10.1.   KUMMENTI MINN RYANAIR

(188)

Ryanair issottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012 fit-12 ta' Marzu 2013. Ryanair irreferiet għas-sottomissjonijiet preċedenti tagħha fir-rigward ta' dan il-każ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2012, kif ukoll għal bosta sottomissjonijiet oħrajn li jikkonċernaw għadd ta' investigazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna potenzjali lil Ryanair.

(189)

Il-kummenti ewlenin ta' Ryanair kif jirriżultaw minn dawk is-sottomissjonijiet huma miġbura fil-qosor fil-premessi 190 sa 226.

i.   Dwar l-AMS

(190)

Ryanair tirrifjuta l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Ryanair u AMS għandhom jitqiesu bħala entità waħda, kif ukoll li l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni flimkien mal-konsegwenzi finanzjarji tagħhom għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt għall-fini ta' valutazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku.

(191)

La l-istruttura tas-sjieda tal-AMS u lanqas l-iskop tagħha ma jappoġġaw dan l-approċċ. L-ASAs konklużi ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' AMS għandhom ikunu separati u indipendenti, ikunu relatati ma' servizzi differenti u ma jkunu soġġetti għal ebda rabta kuntrattwali jew rabta oħra bejniethom li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni tagħhom bħala sett wieħed ta' miżuri.

(192)

Mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bbenifikat So.Ge.A.AL bħala xerrejja ta' servizzi ta' reklamar. Dawk il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu investiment sabiex tittejjeb l-immaġini kummerċjali tal-ajruport u setgħu wasslu għal żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jaslu u, konsegwentement, fl-introjtu minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi. Huma ma kinux intiżi biex itejbu l-fattur tat-tagħbija jew ir-rendiment fuq ir-rotot ta' Ryanair u lanqas ma kienu kontinġenti fuq kwalunkwe benefiċċju preżunt li tali reklamar tal-ajruport fuq Ryanair.com jipprovdi lil Ryanair.

(193)

Barra minn hekk, il-konklużjoni ta' ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS mhijiex kundizzjoni għall-operat tar-rotot minn Ryanair lejn u minn ajruport. Tabilħaqq, ħafna ajruporti servuti minn Ryanair ma jikkonkludux ftehimiet ma' AMS. B'mod ġenerali, il-ħtieġa għal kummerċjalizzazzjoni speċifika kellha l-għan li tibni l-immaġini kummerċjali ta' ajruport u li tinfluwenza ż-żieda tal-proporzjon tal-passiġġieri li jaslu f'ajruporti inqas magħrufa, fejn l-immaġini kummerċjali tal-ajruport ma tkunx viżibbli u fejn ikun meħtieġ li jingħata stimolu lit-traffiku li jidħol.

(194)

B'hekk, ikun perfettament razzjonali għal tali ajruport li jonfoq il-fondi tiegħu għal skop bħal dan, u l-fatt li Ryanair tista' tibbenifika u tista' ma tibbenifikax minn dak ir-reklamar ikun kummerċjalment irrilevanti għall-ajruport. Investitur privat ma joqgħodx lura milli jinvesti sempliċiment minħabba li jista' jkun hemm partijiet oħrajn li jgawdu huma wkoll minn tkabbir tan-negozju tiegħu.

(195)

Il-ftehimiet ta' Ryanair ma' So.Ge.A.AL kienu ftehimiet kummerċjali normali konformi mal-MEOP, u l-istess japplika fir-rigward tal-ftehimiet ta' AMS ma' So.Ge.A.AL, minħabba li AMS tikkonkludi l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni bl-istess rati u b'volumi komparabbli ma' ajruporti pubbliċi u privati, korpi tat-turiżmu, gruppi tal-kiri tal-karozzi, siti elettroniċi għall-prenotazzjoni tal-lukandi, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fornituri ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni (43).

(196)

Dak l-approċċ huwa konsistenti mal-linja meħuda minn Ryanair f'sottomissjonijiet oħrajn li ntbagħtu lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. F'dawk is-sottomissjonijiet l-oħrajn, Ryanair ma taqbilx mal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pagamenti lil AMS bħala spejjeż għall-ajruport. Skont Ryanair, dak l-approċċ jinjora l-valur tas-servizzi ta' AMS għall-ajruport (44). Billi jixtru l-ispazju tar-reklamar, l-ajruporti jistgħu jżidu l-proporzjon tal-passiġġieri li jaslu fuq titjiriet ta' Ryanair, li għandhom it-tendenza li jonfqu aktar mill-passiġġieri li jitilqu fuq prodotti u servizzi mhux ajrunawtiċi. It-twettiq ta' dan jagħmel sens kummerċjali għall-ajruporti (45). Ryanair temmen li x-xiri ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bir-rati tas-suq għandu jitħalla barra minn kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-MEOP. F'każ li l-Kummissjoni tinsisti li tinkludi l-arranġamenti ma' AMS u l-arranġamenti ma' Ryanair dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport f'test konġunt tal-MEO, il-valur tas-servizzi pprovduti minn AMS għall-ajruport ma għandux jiġi injorat.

ii.   Dwar l-imputabbiltà/ir-riżorsi tal-Istat

(197)

Ryanair tqis li l-fehma tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti fl-adozzjoni tal-miżuri taħt rieżami li jinvolvu lil Ryanair u AMS mhijiex appoġġata minn evidenza. Ma jistax jiġi preżunt — u għad irid jintwera — li l-awtoritajiet pubbliċi kienu fil-fatt involuti fl-adozzjoni tal-miżuri.

(198)

L-argument li 'So.Ge.A.AL hija kollha kemm hi proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi li “interferew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL” mhuwiex issostanzjat biżżejjed bl-evidenza, minħabba li huwa bbażat biss fuq il-kriterju organiku waħdieni tal-ħatra tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL mill-azzjonisti pubbliċi tagħha. Lanqas il-ftehim tal-2002, fejn Sardinja impenjat ruħha li tikkoopera ma' Ryanair bil-għan li tiżviluppa t-turiżmu u żżid ir-rata tal-impjiegi fir-reġjun, ma jagħti prova li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti, b'xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżuri meħuda minn So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS wara l-iffirmar ta' dak il-ftehim. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanza li So.Ge.A.AL u Sardinja ffirmaw ftehimiet sussegwenti fl-2004, fl-2005, fl-2006 u fl-2007 għall-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni tappoġġa biss il-pożizzjoni li Sardinja kienet qiegħda tiffinanzja lil So.Ge.A.AL, iżda mhux li kienet qiegħda tidderieġi l-azzjoni ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS.

(199)

Ryanair mhijiex konxja ta' jew responsabbli għall-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u l-RAS, ma nkoraġġietx u ma talbitx li jsiru dawn il-ftehimiet u, għalhekk, l-arranġamenti li Ryanair u AMS għandhom ma' So.Ge.A.AL ma għandhomx jiġu affettwati mill-arranġamenti bejn So.Ge.A.AL u l-RAS.

(200)

Ryanair lanqas ma tikkwalifika bħala benefiċjarja indiretta tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma tistax sempliċiment tippreżumi li l-għajnuna mill-Istat ingħatat lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport mingħajr evidenza li tistabbilixxi l-eżistenza effettiva ta' vantaġġ permezz tal-għajnuna mill-Istat. Sakemm it-termini tar-relazzjoni kummerċali bejn Ryanair u ajruport ikunu jistgħu jiġu ġustifikati skont l-MEOP, kwalunkwe obbligu ta' rkupru ma jistax jiġi estiż għal Ryanair. Ryanair tikkritika l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li kwalunkwe inċentiv mogħti minn ajruport pubbliku lil linja tal-ajru jikkwalifika awtomatikament bħala għajnuna mill-Istat, anki jekk parti biss minnu tkun ġiet iffinanzjata permezz ta' riżorsi pubbliċi. Ryanair issostni li r-riluttanza tal-Kummissjoni milli tinvestiga l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat ma tirriflettix il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, li jimplikaw li d-deċiżjoni li r-riżorsi pubbliċi jitqassmu mill-ġdid lil linja tal-ajru għandha tkun imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi biex tikkostitwixxi għajnuna (46).

iii.   Dwar l-analiżi tal-komparatur

(201)

Ryanair issostni li, skont il-każistika (47), analiżi tal-komparatur għandha tkun it-test primarju li jintuża sabiex tiġi vverifikata l-preżenza tal-għajnuna lil-linji tal-ajru, filwaqt li t-test ibbażat fuq l-ispejjeż għandu jintuża biss jekk ikun impossibbli li s-sitwazzjoni tal-allegat konċedent tal-għajnuna titqabbel ma' dik ta' grupp privat ta' intrapriżi. Ryanair tgħid ukoll li meta jiġu vvalutati l-ftehimiet konklużi mill-maniġers tal-ajruporti mal-linji tal-ajru, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-esternalitajiet tan-netwerk li jirriżultaw mill-ftehimiet. F'sottomissjoni differenti, Ryanair qablet li kemm l-analiżi tal-komparatur kif ukoll il-metodi ta' analiżi bbażati fuq l-ispejjeż huma prattika kummerċjali standard (48).

iv.   Dwar il-profittabbiltà ex ante

(202)

Ryanair essenzjalment issostni li r-raġunament kollu tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012 kien ivvizzjat minn applikazzjoni żbaljata tat-test tal-MEO, li setgħet oriġinat minn preżunzjoni mhux eżatta li pjan ta' negozju ex ante kien mitlub li jikkonkludi li l-MEOP kien irrispettat. Il-pjanijiet tan-negozju mhumiex sine qua non għall-azzjonijiet kummerċjali tal-investituri privati (49). Filwaqt li tali pjanijiet jistgħu juru mingħajr ebda dubju li korp pubbliku kien qiegħed jaġixxi bħala investitur privat, in-nuqqas ta' pjan bħal dan mhuwiex biżżejjed biex ikun jista' jiġi konkluż li korp pubbliku ma kienx qiegħed jaġixxi bħala investitur privat.

(203)

Fi kwalunkwe eventwalità, f'dan il-każ il-Kummissjoni kienet diġà ammettiet fid-Deċiżjoni tal-2012 li l-ajruport ta' Alghero ipprovda analiżi ex ante bażika, li għandha titqies bħala suffiċjenti. Il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tivvaluta x'jikkostitwixxi pjan ta' negozju “aċċettabbli” u ma għandhiex tipprova tagħmel dan.

(204)

Ryanair tinnota wkoll li l-Kummissjoni kisbet analiżi tal-MEOP minn Ecorys, li kkonkludiet li l-ftehimiet ta' Ryanair kienu konformi mal-MEOP u li t-telf ta' So.Ge.A.AL kien dovut għad-dewmien sinifikanti u imprevedibbli tal-Istat fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”. Id-dewmien u l-ineffiċjenzi imprevedibbli għandhom jiġu newtralizzati f'analiżi tal-MEOP, minħabba li jistgħu jiġu ffaċċjati wkoll minn ajruporti privati matul il-kors normali tan-negozju, kemm jekk minħabba nuqqasijiet tal-Istat jew inkella minħabba l-atti ta' intrapriżi privati oħrajn li fuqhom jiddependi l-ajruport.

(205)

Barra minn hekk, Ryanair ippreżentat serje ta' noti mħejjija minn Oxera, flimkien ma' analiżi mħejjija mill-Professur Damien P. McLoughlin.

Nota 1 ta' Oxera — L-identifikazzjoni tal-benchmark tas-suq f'analiżi tal-komparatur għat-testijiet tal-MEO. Każijiet ta' għajnuna mill-Istat għal Ryanair, imħejjija għal Ryanair minn Oxera, id-9 ta' April 2013

(206)

Oxera kienet temmen li l-approċċ imħaddan mill-Kummissjoni, jiġifieri li taċċetta biss ajruporti komparaturi fl-istess żona ta' lħuq bħall-ajruport li qiegħed jiġi investigat, kien wieħed difettuż.

(207)

Oxera sostniet li l-prezzijiet ta' referenza fis-suq miksuba mill-ajruporti komparaturi mhumiex ikkontaminati mill-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-ajruporti tal-madwar. Għalhekk, huwa possibbli li ssir stima robusta ta' referenza tas-suq għat-testijiet tal-MEO.

(208)

Dan minħabba li:

(a)

l-analiżijiet komparaturi jintużaw b'mod wiesa' għat-testijiet tal-MEO barra l-qasam tal-għajnuna mill-Istat;

(b)

il-kumpaniji jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-ipprezzar ta' xulxin biss sakemm il-prodotti tagħhom ikunu sostituti jew kumplimentarji;

(c)

l-ajruporti fl-istess żona ta' lħuq mhux bilfors jikkompetu ma' xulxin u l-ajruporti komparaturi użati fir-rapporti sottomessi jiffaċċjaw kompetizzjoni limitata mill-ajruporti tal-Istat fiż-żona ta' lħuq tagħhom (< 1/3 tal-ajruporti kummerċjali fiż-żona ta' lħuq tal-ajruporti komparaturi huma kompletament proprjetà tal-Istat u ebda wieħed mill-ajruporti fl-istess żona ta' lħuq li jaqgħu fiha l-ajruporti komparaturi ma kien soġġett għal tħassib kontinwu dwar l-għajnuna mill-Istat (minn April 2013);

(d)

anki meta l-ajruporti komparaturi jiffaċċjaw kompetizzjoni minn ajruporti tal-Istat fl-istess żona ta' lħuq, jeżistu raġunijiet għaliex wieħed għandu jemmen li l-imġiba tagħhom hija konformi mal-prinċipju tal-MEO (pereżempju, fejn ikun hemm sehem kbir ta' sjieda privata jew meta l-ajruport ikun immexxi mill-privat);

(e)

L-ajruporti tal-MEO ma jiffissawx prezzijiet taħt l-ispiża inkrementali.

Nota 2 ta' Oxera — Il-prinċipji li huma l-bażi tal-analiżi tal-profittabbiltà għat-testijiet tal-MEO. Każijiet ta' għajnuna mill-Istat għal Ryanair, imħejjija għal Ryanair minn Oxera, id-9 ta' April 2013

(209)

Oxera sostniet li l-analiżi tal-profittabbiltà mwettqa minn Oxera fir-rapporti tagħha sottomessi lill-Kummissjoni ssegwi l-prinċipji li għandhom jiġu adottati minn investitur razzjonali fis-settur privat u tkun tirrifletti l-approċċ li jirriżulta mill-preċedenti tal-Kummissjoni.

(210)

Il-prinċipji li jsejsu l-analiżi tal-profittabbiltà huma:

(a)

il-valutazzjoni titwettaq fuq bażi inkrementali;

(b)

mhux bilfors ikun meħtieġ pjan ta' negozju ex ante;

(c)

għal ajruport mhux konġestjonat, l-approċċ ta' ħlas wieħed (“single till”) huwa l-metodoloġija xierqa tal-ipprezzar;

(d)

għandu jiġi kkunsidrat biss id-dħul assoċjat mal-attività ekonomika tal-ajruport operattiv;

(e)

għandu jiġi kkunsidrat it-tul ta' żmien kollu tal-ftehim, inklużi kwalunkwe estensjonijiet;

(f)

il-flussi finanzjarji futuri għandhom jiġu skontati sabiex tkun tista' tiġi vvalutata l-profittabbiltà tal-ftehimiet;

(g)

il-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet ta' Ryanair għall-ajruporti għandha tiġi vvalutata abbażi tal-estimi tar-rata ta' redditu interna jew tal-valur preżenti nett (VPN).

Analiżi tal-Professur Damien P. McLoughlin — Il-bini tal-marki kummerċjali: għaliex u kif marki kummerċjali żgħar għandhom jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni, imħejjija għal Ryanair, l-10 ta' April 2013

(211)

Id-dokument kellu l-għan li jistabbilixxi l-loġika kummerċjali wara d-deċiżjonijiet tal-ajruporti reġjonali li jixtru reklamar fuq Ryanair.com mingħand AMS.

(212)

Id-dokument sostna li jeżistu għadd kbir ta' ajruporti b'saħħithom ħafna, magħrufa sewwa u abitwalment użati. Il-kompetituri aktar dgħajfa għandhom jegħlbu l-imġiba tax-xiri statiku tal-konsumaturi biex ikunu jistgħu jkabbru n-negozju tagħhom. Jeħtieġ li ajruporti reġjonali iżgħar isibu mod kif jikkomunikaw il-messaġġ dwar il-marka kummerċjali tagħhom b'mod konsistenti lill-akbar udjenza possibbli. Il-forom tradizzjonali ta' komunikazzjoni kummerċjali jirrikjedu nfiq li jisboq ir-riżorsi tagħhom.

Noti 3 u 4 ta' Oxera — Kif għandhom jiġu ttrattati l-Ftehimiet ta' AMS fi ħdan l-analiżi tal-profittabbiltà bħala parti mit-test tal-operatur fl-ekonomija tas-suq? Is-17 u l-31 ta' Jannar 2014

(213)

Ryanair ippreżentat rapporti oħrajn imħejjija mill-konsulenta tagħha Oxera. F'dawk ir-rapporti, Oxera ddiskutiet il-prinċipji li, skont il-linja tal-ajru, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà ta', minn naħa waħda, l-ASAs bejn Ryanair u l-ajruporti u, min-naħa l-oħra, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni bejn AMS u l-istess ajruporti bħala parti mit-test tal-MEO (50). Ryanair enfasizzat li dawk ir-rapporti b'ebda mod ma jbiddlu l-pożizzjoni tagħha, li ġiet ippreżentata aktar kmieni, jiġifieri li l-ASAs u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu analizzati taħt testijiet separati tal-MEO.

(214)

Ir-rapporti indikaw li l-profitti ġġenerati minn AMS għandhom jiġu inklużi bħala dħul f'analiżi konġunta rigward il-profittabbiltà, filwaqt li l-infiq ta' AMS għandu jiġi inkorporat fl-ispejjeż. Sabiex ikun jista' jsir dan, ir-rapporti ssuġġerew l-applikazzjoni ta' metodoloġija bbażata fuq il-fluss tal-flus għall-analiżi tal-profittabbiltà konġunta, li jfisser li l-infiq mill-ajruporti fuq AMS jista' jiġi ttrattat bħala spejjeż operattivi inkrementali.

(215)

Ir-rapporti enfasizzaw li l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni jikkontribwixxu għall-ħolqien u l-appoġġ tal-valur tal-marka kummerċjali, li tista' tiġġenera effetti u benefiċċji, mhux biss għat-tul ta' żmien tal-ftehimiet ma' linja tal-ajru, iżda wkoll wara t-terminazzjoni tagħhom. Dan ikun partikolarment il-każ jekk, minħabba l-fatt li Ryanair ikkonkludiet ftehim ma' ajruport, ikun hemm linji tal-ajru oħrajn li jistabbilixxu lilhom infushom fl-ajruport, li min-naħa tagħhom jattiraw aktar ħwienet biex jiftħu hemmhekk u b'hekk iġibu aktar dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-ajruport. Skont Ryanair, jekk il-Kummissjoni tgħaddi biex twettaq analiżi konġunta tal-profittabbiltà, dawk il-benefiċċji għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni billi l-ispejjeż ta' AMS jiġu ttrattati bħala spejjeż operattivi inkrementali, netti mill-ħlasijiet ta' AMS.

(216)

Barra minn hekk, Ryanair kienet tal-opinjoni li għandu jiġi inkluż valur terminali fil-profitti inkrementali pproġettati fi tmiem il-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni l-valur iġġenerat wara t-terminazzjoni tal-ftehim. Il-valur terminali jista' jiġi adattat fuq il-bażi tal-probabbiltà ta' “tiġdid”, il-kejl tal-aspettattiva li l-profitti ser jippersistu wara t-terminazzjoni tal-ftehim ma' Ryanair jew jekk jiġu maqbula kundizzjonijiet simili ma' linji tal-ajru oħrajn. Ryanair kienet tal-fehma li mbagħad ikun possibbli li jiġi kkalkulat limitu aktar baxx għall-benefiċċji ġġenerati b'mod konġunt mill-ftehim ma' AMS u mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti, li jirriflettu l-inċertezzi tal-profitti inkrementali wara t-terminazzjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti.

(217)

Insostenn ta' dak l-approċċ, ir-rapporti ppreżentaw sinteżi tar-riżultati tal-istudji dwar l-effetti tal-kummerċjalizzazzjoni fuq il-valur ta' marka kummerċjali. Dawk l-istudji jirrikonoxxu li l-kummerċjalizzazzjoni tista' tappoġġa l-valur ta' marka kummerċjali u tista' tgħin sabiex tinbena bażi ta' klijenti. Skont ir-rapporti, il-kummerċjalizzazzjoni ta' ajruport fuq is-sit Ryanair.com iżżid b'mod partikolari l-viżibbiltà tal-marka kummerċjali ta' dak l-ajruport. Barra minn hekk, ir-rapporti ddikjaraw li partikolarment l-ajruporti reġjonali iżgħar li jkunu jixtiequ jżidu t-traffiku tal-ajru tagħhom jistgħu għalhekk iżidu l-valur tal-marka kummerċjali tagħhom billi jikkonkludu ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS.

(218)

Fl-aħħarnett, ir-rapporti indikaw li approċċ ibbażat fuq il-fluss tal-flus kellu jiġi ppreferut fuq l-approċċ ta' kapitalizzazzjoni, fejn l-ispejjeż ta' AMS jiġu ttrattati bħala nfiq kapitali ta' assi intanġibbli (jiġifieri, il-valur tal-marka kummerċjali) (51). L-approċċ ta' kapitalizzazzjoni jieħu f'kunsiderazzjoni biss il-proporzjon tal-infiq fuq il-kummerċjalizzazzjoni, li huwa attribwibbli għall-assi intanġibbli ta' ajruport. L-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni jiġu ttrattati bħala assi intanġibbli u mbagħad jiġu deprezzati għat-tul ta' żmien tal-ftehim, billi jittieħed f'kunsiderazzjoni l-valur residwali fit-terminazzjoni prevista tal-ASA. Dak l-approċċ ma jikkunsidrax il-profitti inkrementali li ġġib magħha l-konklużjoni ta' ASA ma' Ryanair. Barra minn hekk, huwa wkoll diffiċli li jiġi kkalkulat il-valur tal-assi immaterjali minħabba l-ispejjeż tal-marka kummerċjali u l-perjodu ta' żmien tal-użu tal-assi. Il-metodu tal-fluss tal-flus huwa aktar xieraq minn approċċ ta' kapitalizzazzjoni, minħabba li dan tal-aħħar ma jaqbadx il-benefiċċji pożittivi li mistennija jiżviluppaw għall-ajruport bħala riżultat tal-iffirmar ta' ASA ma' Ryanair.

v.   Ir-rapporti tal-MEOP tal-2011 u tal-2013

(219)

Oxera ntalbet minn Ryanair sabiex twettaq test ibbażat fuq l-MEOP, li kien ippreżentat lill-Kummissjoni f'isem Ryanair f'lulju 2011 (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2011”) (52). Ir-rapport tal-MEOP tal-2011 ippreżenta r-riżultati ta' analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tas-snin 2000 u 2010 bejn So.Ge.A.AL u Ryanair, abbażi ta' informazzjoni li, skont Ryanair, kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew konklużi dawn il-ftehimiet. Ir-Rapport tal-MEOP tal-2011 ma kienx jinkludi analiżi tal-profittabbiltà mistennija tal-ASAs tas-snin 2002, 2003 u 2006.

(220)

Abbażi tar-Rapport tal-MEOP tal-2011, f'Marzu 2013 ġie ppreżentat rapport aġġornat lill-Kummissjoni (ir-“Rapport tal-MEOP tal-2013”) (53), li jistma l-profittabbiltà mistennija tal-ASAs li ma ġewx ikkunsidrati fir-Rapport tal-MEOP tal-2011 (jiġifieri, l-ASAs tas-snin 2002, 2003 u 2006).

(221)

Skont Ryanair, il-valutazzjoni ex ante tal-profittabbiltà tal-ASAs tas-snin 2000, 2002, 2003, 2006 u 2010 tissuġġerixxi li dawn il-ftehimiet kollha kienu mistennija li jkunu profittabbli għall-ajruport fiż-żmien meta ġew iffirmati. Il-profittabbiltà mistennija ta' kull ftehim bejn So.Ge.A.AL u Ryanair ġiet ivvalutata wara li ttieħdu f'kunsiderazzjoni l-ispiża inkrementali mistennija u l-previżjonijiet tad-dħul inkrementali, inkluż id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi u l-ispejjeż tal-inċentivi finanzjarji offruti lil Ryanair. Il-fatt li l-NPVs li rriżultaw huma kollha pożittivi preżumibbilment jikkonferma li kien razzjonali li jiġu konklużi l-ftehimiet ma' Ryanair.

(222)

Meta jiġi applikat it-test tal-MEO fir-rigward tal-ASAs, ir-Rapporti tal-MEOP tal-2011 u tal-2013 ma jikkunsidrawx il-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u AMS għall-forniment tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Skont Ryanair, il-ftehimiet ma' AMS huma separati mill-ASAs ta' Ryanair mal-ajruport, fis-sens li tal-ewwel jikkonċernaw il-forniment tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni lill-ajruporti (aktar milli t-titjiriet/il-passiġġieri) bi prezz tas-suq u, għalhekk, ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

vi.   Dwar in-nonselettività tat-tariffi tal-ajruport lil Ryanair

(223)

Ryanair tirrifjuta l-fehma tal-Kummissjoni li kwalunkwe skont mogħti mill-ajruport ta' Alghero għandu jiġi ttrattat bħala għajnuna mill-Istat, anki meta l-linji tal-ajru kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-iskontijiet. L-ewwel nett, skont Ryanair, jekk il-linji tal-ajru kollha jieħdu skontijiet, mela allura mbagħad il-prezz kontrofattwali xieraq jista' jkun l-aktar livell baxx tal-iskont, aktar milli t-tariffi ppubblikati. It-tieni, dak l-approċċ jonqos milli jieħu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe element tal-ispejjeż u l-benefiċċji differenzjali involuti sabiex jiġu servuti l-linji tal-ajru differenti. Valutazzjoni tal-kost-riflettività hija pass meħtieġ sabiex jiġi vvalutat jekk skont mogħti lil linja tal-ajru partikolari għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Minnhom infushom, it-tariffi relattivament baxxi mhux bilfors jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u, b'mod konsistenti mas-sejbiet ta' Ecorys, it-tariffi aktar baxxi jirriflettu livelli aktar baxxi tas-servizz mitlub minn Ryanair.

(224)

F'dan il-każ, l-iskontijiet li rċeviet Ryanair kienu offruti b'rikonoxximent tar-riskju kummerċjali sinifikanti li ħadet Ryanair meta stabbilixxiet operazzjonijiet skedati matul is-sena kollha f'ajruport li f'dak iż-żmien kien għadu mhux magħruf (54).

vii.   Dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

(225)

Jidher li l-Kummissjoni mhijiex teskludi li jkun hemm kompetizzjoni bejn l-ajruport ta' Alghero u l-ajruporti ta' Cagliari jew Olbia, minkejja li hemm 235 u 128 kilometri, rispettivament, ta' muntanji li jisseparaw dawn l-ajruporti, kif ukoll minkejja n-nuqqas ta' awtostradi f'Sardinja. Skont Ryanair, mhuwiex ċert jekk kwalunkwe għajnuna mill-Istat fl-ajruport ta' Alghero tistax tirriżulta f'distorsjoni tal-kompetizzjoni u x'temmen il-Kummissjoni li huwa l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali distorsjoni.

viii.   Dwar il-kompatibbiltà

(226)

Ryanair hija tal-fehma li l-arranġamenti bejn Ryanair u l-ajruport ma kienu jinvolvu ebda għajnuna mill-Istat. F'dak is-sens, Ryanair tqis l-applikabbiltà potenzjali tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 f'dan il-każ bħala irrilevanti.

10.2.   KUMMENTI MINN AMS

i.   Dwar AMS u s-sit elettroniku ta' Ryanair

(227)

AMS tappoġġa l-kummenti sottomessi minn Ryanair fir-rigward tagħha. Is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li t-tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni mħallsa lil AMS bi ħlas għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jikkostitwixxu għajnuna (lil Ryanair) u li AMS u Ryanair jiġu ttrattati bħala benefiċjarju wieħed tal-għajnuna mill-Istat titqies bħala difettuża. AMS toffri servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li huma ġustifikati mill-iskop separat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom huma bbażati fuq il-valur tagħhom fis-suq.

(228)

Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta' Ryanair li tinvolvi intermedjarju biex ibigħ spazju ta' reklamar fuq is-sit elettroniku tagħha mhijiex xi ħaġa mhux tas-soltu. AMS irnexxielha tippromwovi u tbigħ spazju ta' reklamar lil għadd numeruż ta' kumpaniji pubbliċi u privati madwar l-Ewropa kollha.

(229)

Is-sit elettroniku ta' Ryanair jippreżenta karatteristiċi partikolarment mixtieqa għall-kummerċjalizzazzjoni: huwa wieħed mill-aktar siti elettroniċi tal-ivvjaġġar popolari fid-dinja; il-ħin medju ta' kull żjara fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair huwa twil ħafna; ir-reklamar għal ajruport fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair jimmira b'mod uniku għal passiġġieri potenzjali lejn dak l-ajruport, sabiex b'hekk jiġi żgurat li ma tinħela kważi ebda euro minfuqa fuq ir-reklamar, kuntrarju għar-reklamar fil-gazzetti, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq mezzi oħrajn inqas iffokati li huma mmirati għall-pubbliku ġenerali.

ii.   Dwar in-nuqqas ta' vantaġġi għal AMS jew Ryanair

(230)

AMS tikkonkludi ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' ajruporti pubbliċi u privati, korpi tat-turiżmu, gruppi tal-kiri tal-karozzi, siti elettroniċi għall-prenotazzjoni tal-lukandi, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fornituri ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni.

(231)

Ir-rati li bihom jiġi pprovdut l-ispazju ta' reklamar minn AMS, kif ukoll il-volumi li fihom jinkiseb, ma jiddiskriminawx bejn l-entitajiet pubbliċi u privati li jirreklamaw. Ryanair u AMS ma jisforzawx lill-ajruporti sabiex jixtru s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, u ħafna ajruporti fil-fatt jagħżlu li ma jirreklamawx fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair. Ma tista' tirriżulta ebda għajnuna mill-Istat mill-arranġamenti ta' AMS mal-ajruporti pubbliċi jew mal-maniġers tagħhom, bħalma hija So.Ge.A.AL, meta AMS tista' b'mod daqstant faċli tbigħ l-ispazju fuq is-sit elettroniku lil kumpanija privata bi prezz komparabbli.

(232)

AMS ippreżentat bosta raġunijiet li jiġġustifikaw ix-xiri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni minn SO.GE.A.AL mingħand AMS sabiex tirreklama fuq Ryanair.com, li huma miġbura fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

(233)

L-ewwel nett, ir-reklamar fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair huwa investiment fir-rikonoxximent tal-marka kummerċjali. Il-maniġers ta' ajruporti periferali jiffaċċjaw sfidi sinifikanti sabiex ikollhom il-“marka kummerċjali” tagħhom rikonoxxuta mill-passiġġieri, mil-linji tal-ajru u minn maniġers kummerċjali mhux fis-settur tal-avjazzjoni, li lkoll jikkostitwixxu sorsi potenzjali ta' dħul għall-ajruporti. L-ajruporti jistgħu jibbenifikaw miż-żieda fir-rikonoxximent tal-marka kummerċjali b'għadd ta' modi inklużivi u kumplimentarji b'mod reċiproku, fejn b'mod partikolari din tista' tattira (i) passiġġieri li jaslu mil-linja tal-ajru li fuq is-sit tagħha jiġi rreklamat l-ajruport; (ii) klijenti potenzjali li jużaw is-sit elettroniku tal-linja tal-ajru li fuqu jiġi rreklamat l-ajruport sabiex jivvjaġġaw lejn dak l-ajruport fuq linja tal-ajru oħra li għandha rotot lejn l-ajruport; (iii) linja tal-ajru oħra sabiex tivvjaġġa lejn dak l-ajruport, u (iv) maniġers kummerċjali (bħal katina ta' ħwienet ta' bejgħ bl-imnut fl-ajruport).

(234)

It-tieni, ir-reklamar fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair iżid il-proporzjon ta' passiġġieri li jaslu. Hemm xejra fost l-ajruporti lejn il-ġenerazzjoni ta' kważi nofs id-dħul tagħhom minn operazzjonijiet mhux ajrunawtiċi. Mill-perspettiva ta' ajruport reġjonali, il-passiġġieri li jaslu fl-ajruport u li mbagħad jitilqu minnu għandhom probabbiltà akbar li jiġġeneraw dħul minn operazzjonijiet mhux ajrunawtiċi għall-ajruport mill-passiġġieri lokali li jużaw l-ajruport sabiex jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet barranin.

(235)

It-tielet, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar fuq is-sit elettroniku tal-linji tal-ajru kollha saru prassi mainstream. Is-sit elettroniku ta' Ryanair għandu valur eċċezzjonali bħala post ta' kummerċjalizzazzjoni għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi relatati mal-ivvjaġġar. Saret prattika ġenerali għall-ajruporti li jwettqu parti mill-promozzjoni tal-marka kummerċjali tagħhom fuq is-siti elettroniċi tal-linji tal-ajru. F'dan il-każ, l-ajruport ta' Alghero jidher li xtara servizzi ta' reklamar mhux biss mingħand AMS, iżda wkoll mingħand Meridiana u Alitalia.

(236)

Ir-raba', il-prezzijiet tas-servizzi ta' AMS huma bbażati fuq il-valur tagħhom fis-suq. Għadd ta' klijenti privati mhux tal-ajruport minn firxa ta' industriji jixtru servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mingħand AMS. Ir-rotot ta' Ryanair mhumiex offruti lil dawk il-klijenti, għad illi huma kuntenti li jipprovdu korrispettiv bħala ħlas għas-servizzi ta' AMS. Dawk il-klijenti privati, li jaġixxu bħala investituri fl-ekonomija tas-suq, jagħtu valur kummerċjali ċar lis-servizzi ta' AMS fuq bażi awtonoma, l-istess kif jagħmlu l-ajruporti pubbliċi u privati madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dawk l-elementi komparaturi privati minnhom infushom huma biżżejjed biex juru li l-prezzijiet ta' AMS huma prezzijiet reali tas-suq.

iii.   Dwar l-iffinanzjar ta' So.Ge.A.AL minn Sardinja

(237)

Il-Kummissjoni tqis lil So.Ge.A.AL bħala sempliċi mezz li permezz tiegħu l-finanzjament reġjonali jiġi indirizzat lil Ryanair/AMS sabiex evidentement ikun jista' jintuża għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, skont AMS, il-Kummissjoni naqset milli tippreżenta evidenza li turi li So.Ge.A.AL ma kellha ebda awtonomija fir-rigward tal-użu tal-fondi magħmula disponibbli mill-RAS u, għalhekk, ma setgħetx tużahom għal skopijiet oħrajn.

(238)

Jidher li So.Ge.A.AL kienet qiegħda tħallas tariffa ta' konċessjoni fissa lill-Istat u ma kinitx qiegħda taqsam id-dħul tagħha mal-Istat. Il-proprjetarju ta' So.Ge.A.AL, l-RAS, kellu interess dirett li jżid il-profittabbiltà fit-tul ta' So.Ge.A.AL, pereżempju, billi jappoġġa finanzjarjament l-isforzi tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha bil-għan li hija tkun tista' ttejjeb l-immaġini kummerċjali tagħha. Tali mġiba tkun konformi mat-test tal-MEO u minnha jibbenifika l-RAS.

(239)

AMS iżżid li jkun possibbli li parti mill-finanzjament lil So.Ge.A.AL tkun tista' titqies bħala kumpens għall-forniment tal-SGEIs. L-ajruport ta' Alghero jiffaċilita l-forniment tas-servizzi tal-ajru f'reġjun li huwa iżolat u li altrimenti diffiċli jintlaħaq.

iv.   Konklużjoni

(240)

AMS ikkonkludiet li hija ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat u li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew b'konformità mal-MEOP fil-konfront tagħha.

10.3.   KUMMENTI MINN UNIONCAMERE

(241)

Unioncamere tenfasizza li, mingħajr ma tikkontesta l-kunċett ta' attività ekonomika fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività li hija per se ekonomika ma tistax dejjem titqies bħala li ġiet ipprovduta f'suq, fis-sens li tali attività hija pprovduta (jew realistikament tista' tiġi pprovduta) f'kompetizzjoni ma' operaturi oħrajn.

(242)

Unioncamere tammetti li, f'ċirkostanzi simili, investitur privat x'aktarx li ma jkunx wettaq il-miżuri taħt skrutinju favur l-ajruport. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li investiment pubbliku f'ajruport ta' spiss jiġi xprunat minn kunsiderazzjonijiet li ma jkunux simili għal dawk ta' investitur privat. Investitur pubbliku ikollu aspettattivi differenti minn dawk relatati mal-profittabbiltà tal-investiment u, fl-istess ħin, isegwi għanijiet ta' natura aktar ġenerali, bħas-salvagwardja tal-ekonomija u l-iżvilupp reġjonali. Filwaqt li tammetti li, abbażi tal-każistika tal-Qorti, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu f'kunsiderazzjoni għall-fini ta' analiżi tal-MEOP, Unioncamere ssostni li l-finanzjament pubbliku lill-ajruport ta' Alghero ma kellux l-għan li jżomm fil-wiċċ intrapriża li altrimenti ma kinitx ser tkun kompetittiva, iżda minflok li jappoġġa l-iżvilupp reġjonali. Minħabba l-ġeografija speċifika ta' Sardinja, il-preżenza ta' ajruport iddedikat hija prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi.

(243)

Unioncamere tikkonkludi li l-Kummissjoni għandha tapplika l-MEOP wara li tikkunsidra l-għan tal-miżura, jiġifieri li tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u reġjonali, “fi kliem ieħor, għandha tikkunsidra l-miżuri bħala li twettqu fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi”.

(244)

Unioncamere hija tal-fehma li l-kompatibbiltà tal-miżuri taħt valutazzjoni favur So.Ge.A.AL għandha tiġi vvalutata skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

11.   KUMMENTI MILL-ITALJA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(245)

L-Italja kkummentat biss dwar l-osservazzjonijiet ta' Ryanair u Unioncamere.

11.1.   DWAR IL-KUMMENTI LI SARU MINN RYANAIR

(246)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri favur l-ajruport ta' Alghero, l-Italja sostniet li l-ajruport jopera f'reġjun remot u, għalhekk, 'ma tistax tiġi eskluża' missjoni globali ta' SGEI fl-ajruport.

(247)

L-Italja tappoġġa l-affermazzjoni ta' Ryanair li l-ajruporti iżgħar ma għandhom ebda għażla ħlief li jinvestu fl-immaġini tagħhom sabiex b'hekk jiżguraw il-prospetti tal-vijabbiltà. F'dak is-sens, ir-reklamar fuq is-siti elettroniċi tal-kumpaniji low-cost huwa prattika komuni. L-Italja tenfasizza wkoll li l-ajruport akkwista servizzi simili minn linji tal-ajru oħrajn bħal Germanwings, Volare, Meridiana u Alitalia.

(248)

L-Italja tikkonferma li l-prezzijiet tas-servizzi ta' AMS huma bbażati fuq ir-rati tas-suq. Il-prezzijiet huma disponibbli fuq is-sit elettroniku ta' AMS u r-rati applikabbli għal So.Ge.A.AL kienu konformi ma' dawk li ġew ippubblikati.

(249)

L-Italja tikkonkludi li AMS ma bbenifikatx mill-għajnuna mill-Istat u li So.Ge.A.AL u l-RAS aġixxew b'konformità mal-MEOP.

11.2.   DWAR IL-KUMMENTI LI SARU MINN UNIONCAMERE

(250)

L-Italja taqbel li l-investiment pubbliku f'ajruport ta' spiss jiġi ġustifikat minn kunsiderazzjonijiet li mhumiex simili għal dawk ta' investitur privat, minħabba li l-investituri pubbliċi jsegwu wkoll għanijiet ta' natura aktar ġenerali, bħall-iżvilupp ekonomiku u reġjonali.

12.   VALUTAZZJONI

12.1.   MIŻURI FAVUR SO.GE.A.AL

12.1.1.   L-eżistenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(251)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(252)

Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri li qegħdin jiġu investigati jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1), jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-premessa 251. Dan ifisser li l-appoġġ finanzjarju għandu:

(a)

jingħata minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat,

(b)

jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti,

(c)

iwassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni,

(d)

jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

12.1.1.1.   L-attività ekonomika u l-kunċett ta' intrapriża

(253)

Skont każistika stabbilita, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk So.Ge.A.AL hijiex intrapriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-kunċett ta' intrapriża jkopri kwalunkwe entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata (55). Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti jew servizzi f'suq partikolari titqies bħala attività ekonomika.

(254)

Fis-sentenza tagħha fil-kawża Leipzig/Halle Airport, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-operat ta' ajruport għal finijiet kummerċjali u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport jikkostitwixxu attività ekonomika (56). Ladarba maniġer ta' ajruport jinvolvi ruħu f'attivitajiet ekonomiċi billi joffri servizzi fl-ajruport bi ħlas, irrispettivament mill-istatus legali tiegħu jew mill-mod kif jiġi ffinanzjat, dan jikkostitwixxi intrapriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu applikati għall-vantaġġi mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat lil dak il-maniġer tal-ajruport (57).

(255)

Rigward il-mument li minnu l-kostruzzjoni u l-operat ta' ajruport ikunu saru attività ekonomika, il-Kummissjoni tfakkar li l-iżvilupp gradwali tal-forzi tas-suq fis-settur tal-ajruporti ma jippermettix li tiġi stabbilita data preċiża. Madankollu, il-Qrati Ewropej irrikonoxxew l-evoluzzjoni fin-natura tal-attivitajiet tal-ajruport u, fil-kawża Leipzig/Halle Airport, il-Qorti Ġenerali sostniet li, mid-data meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris (it-12 ta' Diċembru 2000), l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-iffinanzjar tal-infrastruttura tal-ajruport ma setgħetx tibqa' tiġi eskluża. Konsegwentement, mit-12 ta' Diċembru 2000 'il quddiem, l-operat u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport għandhom jitqiesu bħala attività li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni issa ma tistax tqajjem dubji, abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dwar il-miżuri ta' finanzjament mogħtija lill-maniġers tal-ajruporti qabel it-12 ta' Diċembru 2000 (58).

(256)

Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li mit-12 ta' Diċembru 2000 'il quddiem, So.Ge.A.AL kienet involuta f'attività ekonomika u li hija tikkostitwixxi intrapriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Konsegwentement, f'dak li jsegwi, il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat u, għal dawk il-miżuri li jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri mogħtija mit-12 ta' Diċembru 2000. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-miżuri li ġew deċiżi qabel it-12 ta' Diċembru 2000 u, b'hekk, ma għandhiex bżonn tivvaluta dawk il-miżuri f'din id-Deċiżjoni.

(257)

L-Italja pprovdiet dejta dwar in-nefqa kapitali (inkluż l-iffinanzjar tal-infrastruttura, tal-apparat u tal-“fittings u x-xogħlijiet”) li saret qabel it-12 ta' Diċembru 2000 (ara l-premessa 84). Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhijiex intitolata li teżamina u tikkontesta l-ammont ta' EUR 25 431 706,16 li kien deċiż qabel dik id-data.

12.1.1.2.   Il-mandat tal-politika pubblika

(258)

Filwaqt li So.Ge.A.AL għandha titqies bħala li tikkostitwixxi intrapriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għall-inqas mit-12 ta' Diċembru 2000, għandu jiġi mfakkar li mhux l-attivitajiet kollha ta' maniġer ta' ajruport huma bilfors ta' natura ekonomika (59).

(259)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tagħha bħala awtorità pubblika mhumiex ta' natura ekonomika u ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(260)

Għalhekk, l-iffinanzjar tal-attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika jew tal-infrastruttura direttament relatata ma' dawk l-attivitajiet b'mod ġenerali ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat (60). F'ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar, l-attivitajiet neċessarji sabiex tiġi ssalvagwardjata l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u l-apparat meħtieġa għat-twettiq ta' dawn l-attivitajiet ġeneralment jitqiesu bħala li huma ta' natura mhux ekonomika (61).

(261)

Madankollu, il-finanzjament pubbliku tal-attivitajiet mhux ekonomiċi ma għandux iwassal għal diskriminazzjoni bla bżonn bejn il-linji tal-ajru u l-maniġers tal-ajruporti. Tabilħaqq, hija każistika stabbilita li jiżviluppa vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lill-intrapriżi mill-ispejjeż inerenti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (62). Għalhekk, jekk f'sistema legali partikolari tkun prassi normali li l-linji tal-ajru jew il-maniġers tal-ajruporti jġorru l-ispejjeż ta' ċerti servizzi, filwaqt li xi linji tal-ajru jew maniġers tal-ajruporti li jipprovdu l-istess servizzi f'isem l-istess awtoritajiet pubbliċi ma jkollhomx bżonn iġorru dawk l-ispejjeż, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu qegħdin igawdu minn vantaġġ, anki jekk dawk is-servizzi minnhom infushom jitqiesu bħala mhux ekonomiċi (63).

(262)

Kif issemma fil-premessa 49, permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja sostniet li So.Ge.A.AL wettqet ċerti attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. B'mod partikolari, l-Italja sostniet li l-ispejjeż (l-ispejjeż tal-investiment jew l-ispejjeż operattivi) li jirriżultaw mill-obbligu fuq l-ajruporti li jagħmlu l-bini tagħhom disponibbli għall-ENAC u għal entitajiet pubbliċi lokali oħrajn (il-Pulizija responsabbli mill-Fruntieri tal-Ajru, l-Aġenzija Doganali, is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, il-Brigata tat-Tifi tan-Nar, il-Pulizija) u li jġorru l-ispejjeż tal-amministrazzjoni/manutenzjoni ta' dak il-bini għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. Tali obbligu huwa stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u japplika għall-maniġers tal-ajruporti kollha fl-Italja. Skont l-Italja, l-ispejjeż totali mġarrba minn So.Ge.A.AL fil-manutenzjoni ta' dawk iż-żoni matul il-perjodu 2000–2010 kienu jammontaw għal EUR 2 776 073 (64).

(263)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, b'mod ġenerali, tali spejjeż jistgħu jitqiesu bħala li huma relatati ma' attivitajiet li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika. Madankollu, f'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistabbilixxi ebda intitolament ta' kumpens lill-maniġers tal-ajruporti għall-ispejjeż li jkollhom iħallsu għal attivitajiet bħal dawn. Għalhekk, taħt is-sistema legali applikabbli, l-ajruporti Taljani normalment ikollhom iħallsu l-ispejjeż rilevanti huma stess. Konsegwentement, l-ispejjeż relatati mal-forniment u l-manutenzjoni tal-ispazji u l-bini meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet elenkati fil-premessa 262 għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu spejjeż operattivi normali tal-maniġers tal-ajruporti (65). Għalhekk, l-ispejjeż operattivi (imsemmija fil-premessa 48) u l-ispejjeż tal-investiment (imsemmija fil-premessa 49) relatati mal-forniment u l-manutenzjoni tal-bini riservat għall-attivitajiet imsemmija fil-premessa 262 ma jikkwalifikawx bħala spejjeż li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika u l-iffinanzjar ta' dawk l-ispejjeż mill-awtoritajiet pubbliċi jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil So.Ge.A.AL.

12.1.1.3.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(264)

Kif ġie stabbilit mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża Stardust Marine, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat japplika għal kwalunkwe vantaġġ mogħti permezz ta' riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn kwalunkwe korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu (66). Ir-riżorsi tal-entitajiet intra-Statali (deċentralizzati, federati, reġjonali, lokali jew oħrajn) tal-Istati Membri huma, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-Trattat, riżorsi tal-Istat (67). Barra minn hekk, il-miżuri adottati minn entitajiet bħal dawn, irrispettivament mill-istatus legali u d-deskrizzjoni tagħhom, jaqgħu, bl-istess mod bħall-miżuri meħuda mill-awtorità ċentrali, fl-ambitu tal-Artikolu 107 (68).

(265)

F'dan il-każ, is-sussidji mill-RAS għall-“fittings u x-xogħlijiet” (il-Miżura 2) ingħataw lil So.Ge.A.AL direttament mill-baġit reġjonali u, għalhekk, jammontaw għal riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat. Bl-istess mod, il-kofinanzjament mill-Istat tal-infrastruttura tal-ajruport u mill-RAS tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero (il-Miżura 3) kien iffinanzjat direttament permezz ta' riżorsi tal-Istat.

(266)

Fir-rigward tal-ħames injezzjonijiet ta' kapital li saru fil-perjodu 2000–2010, għal ammont totali ta' EUR 31 086 398 (il-Miżura 1), billi dawn twettqu u b'hekk ġew iffinanzjati mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL, jiġifieri l-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, il-Provinċja ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Sassari, il-Muniċipalità ta' Alghero, l-RAS u SFIRS, huma kellhom jitqiesu bħala li ġew iffinanzjati permezz ta' riżorsi tal-Istat.

(267)

Kwistjoni separata li għandha tiġi esplorata hija dwar jekk dawk it-trasferimenti ta' riżorsi tal-Istat humiex imputabbli wkoll lill-Istat. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari, mill-Provinċja ta' Sassari, mill-Muniċipalità ta' Sassari, mill-Muniċipalità ta' Alghero u mill-RAS — bħala awtoritajiet pubbliċi jew korpi pubbliċi awtonomi lokali rregolati mil-liġi pubblika li tqishom bħala parti mill-amministrazzjoni pubblika u li huma inkarigati b'kompiti li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika (bħall-Kamra tal-Kummerċ ta' Sassari) — huma imputabbli lill-Istat.

(268)

Fir-rigward ta' SFIRS, hija każistika stabbilita li l-imputabbiltà lill-Istat ta' miżura meħuda minn intrapriża pubblika tista' tiġi stabbilita permezz ta' indikaturi “organiċi” jew “strutturali” jew permezz ta' indikazzjonijiet li l-Istat kien involut, jew ma kienx probabbli li jkun assenti, mid-deċiżjoni li twassal għall-miżura konkreta. Il-Qorti stabbilixxiet sett mhux eżawrjenti ta' indikaturi possibbli li huma rilevanti għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat, bħal (69):

(a)

il-fatt li l-intrapriża, permezz tal-intermedjarju li kkontribwixxa sabiex tingħata l-għajnuna, kellha tieħu f'kunsiderazzjoni d-direttivi maħruġa minn korpi governattivi;

(b)

l-integrazzjoni tal-intrapriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika;

(c)

in-natura tal-attivitajiet tal-intrapriża u t-twettiq tagħhom fis-suq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni ma' operaturi privati;

(d)

l-istatus legali tal-intrapriża (il-liġi pubblika jew il-liġi ordinarja tal-kumpaniji);

(e)

l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-intrapriża; u

(f)

kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment fl-adozzjoni ta' miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi.

(269)

L-investigazzjoni f'dan il-każ ikkonfermat il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni li l-injezzjonijiet ta' kapital għandhom jitqiesu bħala r-riżultat ta' mġiba imputabbli lill-Istat u li SFIRS ma kinitx involuta fl-injezzjonijiet ta' kapital taħt investigazzjoni minħabba kunsiderazzjonijiet ta' massimizzazzjoni tal-profitti.

(270)

SFIRS twaqqfet bħala kumpanija ta' investiment tal-RAS, bil-kompitu li tħejji pjanijiet u abbozz ta' linji gwida li jimmiraw għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun. B'hekk, l-għan prinċipali ta' SFIRS mhuwiex li timmassimizza l-profitt, iżda pjuttost li taġixxi bħala strument tal-RAS bil-għan li trawwem l-iżvilupp ekonomiku ta' Sardinja. Barra minn hekk, f'laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL tat-30 ta' April 2004, ir-rappreżentant tal-RAS warrab it-telf operattiv li ġie rreġistrat mill-maniġer tal-ajruport fl-2003 fid-dawl tal-“irwol strateġiku preżunt mill-ajruport fil-livell reġjonali” (70). Dan jindika li l-RAS ta importanza partikolari lill-iżvilupp tal-ajruport, għan li huwa segwa permezz tal-istrument tal-investiment tiegħu SFIRS flimkien mal-azzjonisti pubbliċi l-oħrajn ta' So.Ge.A.AL. Barra minn hekk, l-intervent ta' SFIRS kien konkomitanti ma' dak tal-azzjonisti pubbliċi l-oħrajn.

(271)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjonijiet ta' kapital jinvolvu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Italja ma kkontestatx din is-sejba fl-investigazzjoni.

12.1.1.4.   Vantaġġ ekonomiku

(272)

Skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, vantaġġ huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li intrapriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (71). F'dan ir-rigward, l-iffinanzjar tal-ispejjeż imġarrba fil-forniment tal-SGEI ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet preskritti mill-Qorti fil-kawża ta' Altmark (72) (ara l-premessi 273–278). Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-intrapriża li huwa rilevanti, la l-kawża u lanqas l-għan tal-intervent mill-Istat (73). F'dak li jsegwi, il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk il-miżuri inkwistjoni (il-Miżuri 1, 2 u 3) humiex konformi mal-kundizzjonijiet ta' Altmark u, it-tieni, tanalizza jekk dawn ingħatawx f'kundizzjonijiet tas-suq normali b'konformità mal-MEOP.

12.1.1.4.1.   Nuqqas ta' osservanza tal-kriterji ta' Altmark

(273)

Matul l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL sostniet li hija kienet ġiet inkarigata bil-forniment ta' SGEI. So.Ge.A.AL tafferma li hija wettqet l-OSP li huma minquxa fil-Konvenzjoni (ara l-premessi 173–176).

(274)

Għall-kuntrarju, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-2012, l-Italja ma sostnietx li l-ġestjoni globali tal-ajruport, jew ta' parti mill-attivitajiet tiegħu, tikkwalifika bħala SGEI u, għalhekk, li l-miżuri taħt skrutinju jikkostitwixxu kumpens għat-twettiq tal-OSP. B'reazzjoni għall-osservazzjonijiet ippreżentati matul l-investigazzjoni minn Ryanair, l-Italja sempliċiment ikkonfermat li 'ma jistax jiġi eskluż li l-maniġer tal-ajruport ipprovda servizz pubbliku' (ara l-premessa 246). Lejn l-aħħar tal-proċedura tal-investigazzjoni, b'reazzjoni għal talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni, l-Italja — f'isem l-RAS — iddikjarat li So.Ge.A.AL fil-fatt tipprovdi SGEIs li kellhom jiġu fdati lilha:

(a)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tal-ajruport, permezz tal-Konvenzjonijiet differenti li ġew iffirmati minn So.Ge.A.AL mal-Istat;

(b)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-infrastruttura tal-ajruport, permezz tal-atti differenti li jistipulaw l-iffinanzjar tagħha permezz ta' fondi pubbliċi.

(275)

Fil-każ tal-intrapriżi inkarigati bil-forniment ta' SGEI, sabiex tkun tista' tikkonkludi jekk il-miżuri taħt valutazzjoni jikkostitwixxux vantaġġ jew le skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha teżamina l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża ta' Altmark. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(a)

l-intrapriża benefiċjarja effettivament għandu jkollha obbligi ta' servizz pubbliku xi twettaq u dawn l-obbligi għandhom jiġu definiti b'mod ċar (“Altmark 1”);

(b)

il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti (“Altmark 2”);

(c)

il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi (“Altmark 3”);

(d)

meta missjoni ta' SGEI ma tiġix fdata lil intrapriża skont proċedura ta' akkwist pubbliku, il-livell ta' kumpens meħtieġ għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż li intrapriża tipika, immexxija sewwa u pprovduta b'mezzi adegwati sabiex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji ta' servizz pubbliku, tkun ġarrbet fit-twettiq ta' dawk l-obbligi, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi (“Altmark 4”).

(276)

Il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta l-osservanza tal-kriterju 2 ta' Altmark. Billi l-kriterji ta' Altmark għandhom jiġu rrispettati b'mod kumulattiv, in-nuqqas ta' osservanza ta' waħda minn dawk il-kundizzjonijiet iwassal għall-konklużjoni li l-preżenza ta' vantaġġ ma tistax tiġi eskluża abbażi ta' dan it-test, anki jekk is-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL jikkwalifikaw bħala SGEIs.

(277)

F'dan il-każ, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens lill-maniġer tal-ajruport għall-forniment tal-SGEIs ma ġewx stabbiliti minn qabel. Fil-fatt, fil-Konvenzjoni ma ssir ebda referenza espliċita għal kwalunkwe kumpens li jrid jingħata mill-Istat lill-maniġer tal-ajruport għall-forniment tas-servizzi pprovduti fl-ajruport. Dan waħdu huwa biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi konkluż li l-kriterju 2 ta' Altmark ma ġiex issodisfat f'dan il-każ.

(278)

Minħabba li l-erba' kundizzjonijiet ta' Altmark mhumiex issodisfati b'mod kumulattiv f'dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-preżenza ta' vantaġġ ma tistax tiġi eskluża abbażi ta' dan it-test, anki jekk is-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL jikkwalifikaw bħala SGEIs.

12.1.1.4.2.   Il-konformità mal-MEOP

(279)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li “l-kapital imqiegħed direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni ta' intrapriża mill-Istat f'ċirkostanzi li jikkorrespondu għal kundizzjonijiet tas-suq normali ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat” (74).

(280)

F'dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku tal-ajruport ta' Alghero tax vantaġġ lil So.Ge.A.AL li hija ma setgħetx tirċievi taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, il-Kummissjoni għandha tqabbel l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu l-finanzjament inkwistjoni ma' dik ta' investitur fl-ekonomija tas-suq li huwa ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà (75).

(281)

Il-valutazzjoni għandha tħalli fil-ġenb kwalunkwe riperkussjonijiet pożittivi fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport, 'lil hinn minn dawk li jaffettwaw il-profitti mistennija mill-entitajiet pubbliċi li jagħtu l-miżuri. Tabilħaqq, il-Qorti kkjarifikat li l-kwistjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-MEOP hija dwar jekk “f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà tal-kisba ta' redditu u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikun lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (76).

(282)

Fil-kawża Stardust Marine, il-Qorti qalet li, “[…] sabiex jiġi eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta' investitur prudenti fl-ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest taż-żmien li matulu kienu ttieħdu l-miżuri ta' sostenn finanzjarju sabiex b'hekk ikun jista' jivvaluta r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat u, b'hekk, tiġi evitata kull evalwazzjoni li tkun ibbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti” (77).

(283)

Barra minn hekk, fil-kawża ta' EDF, il-Qorti ddikjarat li, “[…] għall-finijiet li jintwera li, qabel jew fl-istess ħin li jagħti l-vantaġġ, l-Istat Membru ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonista, mhuwiex biżżejjed li wieħed jistrieħ fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, fuq sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien tabilħaqq profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tal-kors ta' azzjoni tabilħaqq magħżul” (78).

(284)

Għalhekk, sabiex tkun tista' tapplika l-MEOP, il-Kummissjoni trid tpoġġi lilha nnifisha fil-kuntest taż-żmien meta ttieħdet kull deċiżjoni li jiġu pprovduti fondi pubbliċi lil So.Ge.A.AL. Barra minn hekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-karattru mmexxi mill-profitt tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet li kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fiż-żmien meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jingħata finanzjament lil So.Ge.A.AL. Il-punt 63 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni jistabbilixxi li l-arranġamenti konklużi bejn il-linji tal-ajru u ajruport jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw it-test tal-MEO meta huma jikkontribwixxu b'mod inkrementali, minn perspettiva ex ante, għall-profittabbiltà tal-ajruport. Filwaqt li dan il-kriterju jirrifletti l-loġika tat-test tal-MEO, huwa ġie spjegat biss riċentament u jirreferi għal arranġamenti individwali minflok għall-kummerċ globali, kif ikun aktar ta' spiss il-każ meta jiġi applikat it-test tal-MEO. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista' jkun diffiċli għall-Istat Membru rilevanti u għall-operaturi kkonċernati li jipprovdu evidenza kontemporanja sħiħa fir-rigward tal-arranġamenti konklużi ħafna snin ilu u ser tieħu kunsiderazzjoni ta' dan kollu meta tiġi biex tapplika l-kriterju inkwistjoni fil-każ preżenti.

i.   L-iffinanzjar tal-infrastruttura tal-ajruport (inklużi l-'fittings u x-xogħlijiet') u tal-apparat

(285)

Kif issemma fil-premessa 81, fil-valutazzjoni mwettqa f'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat is-sussidji għall-infrastruttura u l-apparat (il-Miżura 3) u l-iffinanzjar tal-“fittings u x-xogħlijiet” (il-Miżura 2) flimkien, bħala serje ta' miżuri li jiffinanzjaw il-ħolqien u l-ammeljorament tal-infrastruttura u tal-apparat.

(286)

L-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni u l-operat ta' ajruport, inklużi l-ispejjeż tal-investiment, normalment jitħallsu mill-operatur tal-ajruport, għalhekk, il-kopertura ta' parti minn dawk l-ispejjeż teħilsu minn piż li normalment ikollu jġorr.

(287)

Għandu jiġi stabbilit jekk, meta jiġu pprovduti l-għotjiet ta' investiment sabiex jiġu ffinanzjati l-infrastrutturi, l-apparat, il-fittings u x-xogħlijiet fl-ajruport ta' Alghero, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux raġonevolment jistennew redditu fuq l-investiment fi kwalunkwe forma u li, sa ċertu punt, jagħmel l-investimenti tagħhom profittabbli għalihom.

(288)

L-Italja ma sostnietx b'mod espliċitu li l-għotjiet ta' investiment kienu konformi mal-MEOP. Hija lanqas ma ppreżentat pjan ta' negozju b'kalkoli rigward il-profittabbiltà mistennija tal-għotjiet ta' investiment, magħmul ex ante jew rikostruwit abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f'dak iż-żmien.

(289)

Fir-rigward tal-għotjiet ipprovduti mill-Istat, ta' min jinnota li bi skambju għad-dritt li timmaniġġja l-infrastruttura tal-ajruport, So.Ge.A.AL tħallas tariffa ta' konċessjoni lill-Istat. L-Italja sostniet li t-tariffi ta' konċessjoni dovuti mill-maniġers tal-ajruporti jiġu stabbiliti b'referenza għall-volumi tat-traffiku u, għalhekk, ma għandhomx l-għan li jirrimuneraw l-investimenti tal-Istat fl-infrastruttura tal-ajruport. Ma hemm ebda indikazzjoni li, meta jiffinanzja ċerti investimenti fl-ajruport ta' Alghero, l-Istat jista' jistenna żieda fit-traffiku u żieda relatata fit-tariffi ta' konċessjoni li jkunu kbar biżżejjed li jagħmlu l-infiq tiegħu profittabbli.

(290)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minħabba l-inċertezzi inerenti u sinifikanti relatati mal-proġetti ta' infrastruttura, l-għotjiet ta' investiment tal-Istat mhumiex konformi mat-tip ta' analiżi li jkun wettaq investitur prudenti għal proġetti bħal dawn. Minħabba li ma hemm ebda indikazzjoni li l-finanzjament inkwistjoni kien mistenni jrendi redditu normali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-finanzjament mogħti mill-Istat wara t-12 ta' Diċembru 2000 ma kienx konformi mal-MEOP u ta vantaġġ lill-maniġer tal-ajruport.

(291)

Il-finanzjament pubbliku għall-apparat mhuwiex konformi mal-MEOP billi la kien hemm pjan ta' negozju ex ante u lanqas analiżi tas-sensittività ta' kwalunkwe suppożizzjoni tal-profittabbiltà sottostanti li turi x'redditu finanzjarju seta' jistenna b'mod raġonevoli li jieħu l-RAS mis-sussidji tal-investiment li kien ta lil So.Ge.A.AL. Mhuwiex ċar lanqas jekk l-RAS setax tabilħaqq jistenna xi tip ta' redditu, minħabba li, kuntrarju għall-Istat, huwa ma jirċievi ebda tariffa ta' konċessjoni mingħand So.Ge.A.AL.

(292)

Barra minn hekk, anki li kieku wieħed kellu jassumi li d-dividendi li jista' jirċievi u ż-żieda potenzjali fil-valur tal-ishma li għandu f'So.Ge.A.AL, bħala l-azzjonista prinċipali tiegħu, jistgħu jitqiesu bħala sors possibbli ta' redditi finanzjarji li jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-MEOP f'dan il-kuntest (79), huwa biżżejjed li wieħed jinnota li So.Ge.A.AL iġġenerat telf sinifikanti f'kull sena matul il-perjodu soġġett għal investigazzjoni (li jibda fis-sena 2000). B'hekk, la l-Istat u lanqas l-RAS ma jista' jistenna b'mod raġonevoli li l-finanzjament tiegħu tal-infrastruttura jew tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero matul dan il-perjodu ser itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL b'tali mod li din tal-aħħar ikollha tħallas dividendi suffiċjenti, jew li l-valur tal-ishma ta' So.Ge.A.AL ser jiżdied bħala riżultat ta' din is-sejba b'tali mod li l-finanzjament pubbliku jkun “profittabbli”. La l-Italja u lanqas il-partijiet terzi ma pprovdew elementi li jissuġġerixxu li dan huwa l-każ.

(293)

Għalhekk, il-Miżura 2 u l-Miżura 3 mhumiex konformi mal-MEOP u taw vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL.

ii.   Injezzjonijiet ta' kapital bejn l-2000 u l-2010

(294)

Kemm l-Italja kif ukoll So.Ge.A.AL sostnew li l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL fil-perjodu 2000–2010 jikkonformaw mal-MEOP. Anki jekk il-maniġer tal-ajruport irreġistra telf b'mod konsistenti sa mis-sena 2000, huwa leġittimu li wieħed jassumi li l-attività ser trendi profitt, notevolment minħabba l-għoti imminenti tal-konċessjoni 'kompensiva' lil So.Ge.A.AL. Meta adottaw kull waħda mill-miżuri inkwistjoni, l-azzjonisti pubbliċi kellhom jaġixxu bħala investituri prudenti fl-ekonomija tas-suq.

(295)

Minħabba li f'dak iż-żmien li ġew deċiżi l-injezzjonijiet tal-kapital So.Ge.A.AL kienet tinsab f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-2012 kienet li investitur fl-ekonomija tas-suq kien jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' pjan sabiex ikun jista' jreġġa' lura l-vijabbiltà tal-kumpanija. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li investitur privat kellu jinjetta biss kapital ġdid f'kumpanija li l-kapital tagħha jkun waqa' taħt il-livell li huwa legalment meħtieġ, kif kien il-każ għal So.Ge.A.AL, jekk kien qed jistenna li l-kumpanija terġa' lura għal vijabbiltà fi żmien raġonevoli. F'dak iż-żmien ma ġie pprovdut ebda pjan bħal dan lill-Kummissjoni u, kif ġie spjegat fil-premessi 301 sa 311, id-diversi pjanijiet ta' negozju mħejjija minn jew għal So.Ge.A.AL fil-perjodu li matulu twettqu l-injezzjonijiet ta' kapital ma kinux jifformaw bażi soda li l-azzjonisti ggwidati minn prospetti ta' profittabbiltà kienu jsibu bħala suffiċjenti sabiex jistennew redditu raġonevoli.

(296)

Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'bosta dokumenti li hija sostniet li għandhom jitqiesu bħala l-pjanijiet ta' negozju li fuqhom kellhom jiġu bbażati d-deċiżjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL. L-Italja sostniet ukoll li, mill-perspettiva ta' investitur privat, il-kumpens għat-telf ta' So.Ge.A.AL jista' jiġi ġustifikat b'mod validu mhux biss mill-preżenza ta' programm ta' ristrutturar strateġiku bi prospetti ta' profitti fit-tul, iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħrajn għajr sempliċi profittabbiltà finanzjarja, b'mod partikolari għanijiet ta' interess pubbliku aktar ġenerali bħall-iżvilupp reġjonali. Il-pjanijiet ta' negozju sottomessi mill-Italja huma spjegati fid-dettall fil-premessi 59–75.

(297)

F'dak ir-rigward, il-miżuri implimentati mill-Istat, mill-RAS u minn SFIRS mhumiex konformi mal-imġiba ta' investitur fl-ekonomija tas-suq iggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà. Matul il-perjodu 2000–2010, l-Istat, l-RAS u SFIRS ipprovdew b'mod kostanti l-appoġġ finanzjarju meħtieġ sabiex So.Ge.A.AL setgħet tibqa' għaddejja. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL kienet tali li ebda operatur privat ma seta' jkopri t-telf tiegħu fuq medda ta' żmien daqstant twila, mingħajr valutazzjoni kredibbli u realistika minn qabel li turi li jkun aktar kosteffiċjenti jekk ikompli jiġi kopert it-telf minflok tiġi ristrutturata l-kumpanija.

(298)

Il-Kummissjoni lanqas ma tista' taċċetta l-argument tal-Italja li għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-għanijiet ta' interess pubbliku meta tiġi vvalutata l-bażi kummerċjali ta' investitur pubbliku. Abbażi tal-każistika stabbilita, jekk l-azzjonisti pubbliċi jkunu qegħdin jaġixxu bħala investituri privati fl-ekonomija tas-suq, huma ma jkunux iggwidati minn għanijiet ta' interess pubbliku u l-investiment ikollu jkun profittabbli minnu nnifsu.

(299)

Minħabba li matul l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL sostniet li l-bażi ekonomika tal-miżuri għandha tiġi vvalutata separatament qabel u wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva fl-2007, min-naħa tagħha l-Kummissjoni tivvaluta l-injezzjonijiet ta' kapital imwettqa matul il-perjodi 2000–2007 u 2008–2010.

Injezzjonijiet ta' kapital fil-perjodu 2000–2007

(300)

So.Ge.A.AL qalet li r-rikapitalizzazzjonijiet imwettqa qabel l-2007 kienu ggwidati mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju tal-kumpanija, b'mod partikolari fid-dawl tal-għoti imminenti tal-konċessjoni komprensiva. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien li ttieħdu d-deċiżjonijiet li jiġi injettat il-kapital fil-kumpanija, il-perspettiva tal-konċessjoni komprensiva mogħtija kienet ta' importanza kruċjali għall-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL.

(301)

F'dak is-sens, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjanijiet ta' negozju ta' So.Ge.A.AL ma jistgħux jitqiesu bħala bażi realistika għat-tbassir tal-prestazzjoni futura tal-kumpanija fil-perjodu 2000–2010. Dawk il-pjanijiet għamlu referenza iżolata għall-injezzjonijiet ta' kapital li jkunu meħtieġa sabiex il-kapital jinġieb lura f'konformità mar-rekwiżiti legali. Barra minn hekk, huma ma jinkludu ebda indikazzjoni li, f'dak iż-żmien li ġew deċiżi l-injezzjonijiet ta' kapital li qegħdin jiġu investigati, l-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL kienu qegħdin jistennew li l-kumpanija terġa' lura għal vijabbiltà jew li kienu qegħdin jistennew redditu fuq l-investiment tagħhom (f'termini tad-dividendi mħallsa jew żieda fil-valur tal-ishma tal-kumpanija) li jissupera l-ammont tal-kapital investit fil-kumpanija. Il-pjanijiet lanqas ma fihom analiżi tax-xenarji alternattivi li jeħtieġ li jkollu investitur privat diliġenti qabel ikun jista' jagħmel tali injezzjonijiet ta' kapital sostanzjali fil-kumpanija.

(302)

Il-Kummissjoni tinnota li wieħed biss mid-dokumenti msemmija mill-Italja bħala pjanijiet ta' negozju jippreċedi d-data tal-ewwel deċiżjoni dwar l-injezzjonijiet ta' kapital. Għalkemm il-pjan ta' negozju tal-1999 isemmi li jeħtieġ li So.Ge.A.AL tiġi rikapitalizzata, huwa ma jipprevedi ebda valutazzjoni li turi li jkun aktar kosteffiċjenti għall-azzjonisti tal-kumpanija li jkopru t-telf tal-maniġer tal-ajruport minflok jadottaw miżuri ta' ristrutturar li jkunu mmirati biex iżidu l-effikaċja tal-maniġer tal-ajruport f'perjodu ta' żmien aċċettabbli għal investitur privat. Barra minn hekk, il-pjan ta' negozju tal-1999 ma jindikax li So.Ge.A.AL ser issir profittabbli wara l-injezzjonijiet tal-kapital.

(303)

Barra minn hekk, il-pjan ta' negozju tal-1999 kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li So.Ge.A.AL kienet ser tingħata l-konċessjoni komprensiva f'dik l-istess sena. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat prudenti għandu jivvaluta l-istrateġija mill-ġdid u jikkunsidra l-għażliet ta' ristrutturar meta jsir evidenti li l-konċessjoni tkun ser iddum biex tingħata u li l-għan ta' ritorn għall-profittabbiltà ma jkunx ser jintlaħaq.

(304)

Ma kienet proposta ebda miżura għar-ristrutturar ta' So.Ge.A.AL fil-pjan ta' Roland Berger, l-uniku pjan ta' negozju li jivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL taħt żewġ xenarji — konċessjoni “komprensiva” versus “temporanja”. Il-pjan ta' Roland Berger ikkonkluda li So.Ge.A.AL ser tkompli tirreġistra telf f'xenarju ta' konċessjoni temporanja, madankollu, ma ppropona ebda miżura ta' rimedju. Dan in-nuqqas ta' tagħrif qata' qalb kwalunkwe investitur privat milli jsegwi l-istrateġija inkwistjoni, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' ċertezza fir-rigward tad-data effettiva tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva lil So.Ge.A.AL. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' Roland Berger kien meqjus bħala li mhuwiex affidabbli biżżejjed minn So.Ge.A.AL innifisha (ara l-premessa 57).

(305)

Il-pjan ta' negozju tal-2005 tfassal fid-dawl tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva. Filwaqt li pprovda previżjoni tad-dħul u tal-ispejjeż għall-erbgħin sena tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-ajruport, fuq is-suppożizzjoni li l-konċessjoni tingħata lil So.Ge.A.AL fl-2006, il-pjan ma ppropona ebda miżura li tindirizza n-nuqqasijiet tan-negozju tal-immaniġġjar bi prestazzjoni ħażina, li kien meqjus fil-pjan ta' Roland Berger tal-2004 bħala taħt il-medja tas-settur u li kien mistenni jkompli jiġġenera t-telf fuq perjodu ta' żmien medju.

(306)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ebda wieħed mill-pjanijiet imsemmija hawn fuq ma jifforma dik li operatur prudenti fl-ekonomija tas-suq seta' jqis bħala bażi affidabbli sabiex iwettaq l-investimenti inkwistjoni.

Injezzjonijiet ta' kapital fil-perjodu 2008–2010

(307)

Fi kwalunkwe każ, investitur privat għandu jkun ivvaluta mill-ġdid l-istrateġija fil-pjan ta' negozju tal-2010, b'mod partikolari minħabba li, permezz tal-Artikolu 14bis tal-Konvenzjoni, il-konċessjoni kellha tiġi rrevokata li kieku So.Ge.A.AL ma laħqitx vijabbiltà fi żmien erba' snin mid-data li fiha daħlet fis-seħħ tali konċessjoni, jiġifieri sal-2011. Madankollu, il-pjan tal-2010 ipproġetta li l-kumpanija kienet ser terġa' lura għal vijabbiltà sena biss aktar tard mill-2011, jiġifieri fl-2012, wara li kkunsidra wkoll li r-rikapitalizzazzjoni tal-kumpanija kienet prevista għall-2010.

(308)

Id-deċiżjoni tal-azzjonisti li jkomplu jkopru t-telf ta' So.Ge.A.AL mingħajr ebda programm ta' ristrutturar fis-seħħ, anki meta l-prestazzjoni ekonomika wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva wriet li ma kienx probabbli li tiġi rreġistrata żieda fil-profittabbiltà fl-iskedi ta' żmien imposti mill-Konvenzjoni, ma tistax titqabbel mal-aġir ta' investitur privat.

(309)

Barra minn hekk, So.Ge.A.AL qalet li l-avvenimenti mhux previsti kellhom impatt negattiv fuq ir-riżultati tagħha wara l-2007 u rreferiet b'mod partikolari għall-effetti fuq il-fatturat tagħha mit-tnaqqis fl-attività ekonomika, li b'konsegwenza tiegħu l-kumpanija rreġistrat tnaqqis ta' 1,8 % fit-traffiku tal-passiġġieri. Minbarra dan, So.Ge.A.AL sostniet li t-traffiku ma żviluppax kif kien previst minħabba d-dewmien fit-twettiq tax-xogħlijiet infrastrutturali fl-ajruport u n-nuqqas ta' reviżjoni mill-ENAC tal-livell tat-tariffi tal-ajruport.

(310)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Italja ma pprovdiet ebda mezz li jevalwa l-effetti tal-avvenimenti mhux previsti inkwistjoni. Ma hemm ebda prova li turi li t-tnaqqis ta' 1,8 % fit-traffiku seta' jiġi attribwit lill-kriżi ekonomika.

(311)

Abbażi ta' dan, id-deċiżjonijiet dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL ma jidhrux li kienu bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma' dawk li, fiċ-ċirkostanzi rilevanti, setgħu jitwettqu minn investitur razzjonali fis-suq privat f'sitwazzjoni simili, qabel jagħmel investimenti bħal dawn sabiex jiddetermina l-profittabbiltà tagħhom fil-ġejjieni.

(312)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kemm l-Italja kif ukoll So.Ge.A.AL ikkonfermaw li l-injezzjonijiet ta' kapital kienu primarjament maqbula sabiex jissodisfaw rekwiżiti regolatorji. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-konformità mar-rekwiżiti kapitali regolatorji ma tistax minnha nnifisha tiġġustifika li investitur fis-suq privat jinjetta aktar kapital fil-kumpanija. L-investituri ta' spiss ikunu obbligati bil-liġi li jikkontribwixxu ekwità addizzjonali lill-intrapriżi li l-bażi kapitali tagħhom tkun tnaqqret mit-telf kontinwu taħt livell stabbilit minn qabel. L-investituri privati ffaċċjati b'sitwazzjoni bħal din jikkunsidraw ukoll l-għażliet l-oħrajn kollha — inklużi l-likwidazzjoni jew l-għeluq (80) — u jagħżlu dik li tkun l-aktar finanzjarjament vantaġġjuża.

(313)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-injezzjonijiet ta' kapital, So.Ge.A.AL ma kinitx konformi mal-MEOP u, għalhekk, dan ta vantaġġ ekonomiku lil So.Ge.A.AL.

12.1.1.5.   Is-selettività

(314)

Sabiex taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura tal-Istat għandha tiffavorixxi lil “ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. B'hekk, huma biss dawk il-miżuri li jiffavorixxu lill-intrapriżi li jagħtu vantaġġ b'mod selettiv li jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat.

(315)

Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-Miżuri 1, 2 u 3 ġew ipprovduti biss lil So.Ge.A.AL u, għalhekk, huma selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

12.1.1.6.   L-effett fuq il-kummerċ u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni

(316)

Sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, miżura finanzjarja għandha taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-valutazzjoni tagħha ta' dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mhijiex mitluba li tistabbilixxi li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li l-kompetizzjoni qiegħda tiġi effettivament imfixkla, iżda tintalab teżamina biss jekk, fiċ-ċirkostanzi, l-għajnuna tistax taffettwa l-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (81). Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' intrapriża, meta mqabbla ma' intrapriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li ġew affettwati minn dik l-għajnuna.

(317)

Kif ġie vvalutat fil-premessi 253–257, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika. Il-kompetizzjoni sseħħ, minn naħa waħda, bejn l-ajruporti sabiex jattiraw lil-linji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (passiġġieri u merkanzija) u, min-naħa l-oħra, bejn il-maniġers tal-ajruporti, li jistgħu jikkompetu bejniethom sabiex jiġu inkarigati bil-ġestjoni ta' ajruport partikolari. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasportaturi low-cost u tal-operazzjonijiet charter, l-ajruporti li ma jinsabux fl-istess żoni ta' lħuq u fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu f'kompetizzjoni ma' xulxin sabiex jattiraw dawk il-linji tal-ajru.

(318)

Kif issemma fil-punt 40 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u kif ġie riaffermat fil-punt 45 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, mhuwiex possibbli li jiġu esklużi l-ajruporti żgħar mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għar-raġuni li l-iffinanzjar tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi ma jistax iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-punt 45 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jiddikjara b'mod espliċitu li “d-daqs relattivament żgħir tal-intrapriża li tirċievi finanzjament pubbliku ma jeskludix, bħala tali, il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi affettwat.”

(319)

L-ajruport ta' Alghero bħalissa qiegħed iservi madwar 1,5 miljun passiġġier fis-sena. Il-pjan ta' negozju tal-2005 ipprovdut mill-Italja ppreveda żieda stabbli ta' 4,5 % fl-għadd ta' passiġġieri sal-2010, ta' 2,6 % mill-2011 sal-2025 u ta' 3,78 % matul il-perjodu 2006–2025, għal madwar 2 800 000 passiġġier qrib l-2045. Barra minn hekk, l-ajruport ta' Alghero ilu sa mis-sena 2000 iservi għadd ta' destinazzjonijiet internazzjonali. Fid-dawl ta' dawn il-fatti, għandu jiġi kkunsidrat li l-vantaġġ ekonomiku mogħti lil So.Ge.A.AL permezz tad-diversi miżuri inkwistjoni wassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll li tali miżuri setgħu tal-anqas jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

12.1.1.7.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(320)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-injezzjonijiet ta' kapital u l-finanzjament pubbliku għall-infrastruttura, inklużi l-“fittings u x-xogħlijiet”, u għall-apparat, jikkostitwixxu għajnuna lil So.Ge.A.AL.

12.1.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(321)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe pjan li jagħtu jew ibiddlu l-għajnuna, u ma għandhomx jimplimentaw il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura ta' notifika tirriżulta f'deċiżjoni finali.

(322)

Il-miżuri inkwistjoni kollha ddaħħlu fis-seħħ mingħajr ma kienu awtorizzati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni fil-premessi 323 sa 327, il-miżuri ta' għajnuna taħt investigazzjoni favur So.Ge.A.AL ma jistgħux jitqiesu bħala li huma eżentati mir-rekwiżiti ta' notifika abbażi tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 applikabbli għall-għajnuna mogħtija qabel il-31 ta' Jannar 2012.

(323)

Id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 eżentat mir-rekwiżit tan-notifika l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lill-intrapriżi b'konnessjoni mal-SGEIs li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 iddikjarat bħala kompatibbli l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku lill-ajruporti i) li t-traffiku annwali għalihom ma jaqbiżx il-1 000 000 passiġġier, ii) b'fatturat annwali qabel it-taxxa ta' inqas minn 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel dik li fiha kien assenjat l-SGEI, li jirċievu kumpens annwali ta' inqas minn EUR 30 miljun.

(324)

Id-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 kienet tapplika biss għall-għajnuna fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku għal SGEI ġenwin. Sabiex jibbenifika minn eżenzjoni, kumpens għas-servizz pubbliku għall-operat ta' SGEI kellu jkun konformi wkoll mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni.

(325)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 talab li l-SGEI jiġi fdat lill-intrapriża kkonċernata permezz ta' att uffiċjali wieħed jew aktar, li jistabbilixxu, inter alia, in-natura u t-tul tal-obbligi tas-servizz pubbliku, il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens, kif ukoll l-arranġamenti neċessarji għall-evitar u l-ħlas mill-ġdid ta' kwalunkwe kumpens eċċessiv. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 stabbilixxa li l-ammont ta' kumpens kellu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni tal-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 talab lill-Istati Membri sabiex iwettqu kontrolli regolari bil-għan li jiżguraw li l-intrapriżi ma jirċevux kumpens iżjed mill-ammont stabbilit skont l-Artikolu 5.

(326)

Skont l-Italja u So.Ge.A.AL, f'dan il-każ, il-kwalifika tal-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero bħala SGEI għandha tiġi dedotta mill-Konvenzjoni. Madankollu, fil-Konvenzjoni la ngħatat definizzjoni espliċita tal-allegata missjoni ta' SGEI fdata lil So.Ge.A.AL u lanqas ma ġew stabbiliti regoli li jirregolaw id-dritt ta' So.Ge.A.AL għal kumpens. Min-naħa tagħha, So.Ge.A.AL ma għamlet disponibbli għall-Kummissjoni ebda dokument ieħor li jiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tal-OSP li preżumibbilment kellha twettaq. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-allegat att ta' inkarigu ma imponiex OSP ġenwini fuq il-maniġer tal-ajruport. Huwa lanqas ma stabbilixxa l-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-reviżjoni tal-kumpens, flimkien mal-arranġamenti neċessarji għall-evitar u l-ħlas mill-ġdid ta' kwalunkwe kumpens eċċessiv. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005 relatati mal-kontenut tal-atti ta' inkarigu ma ġewx issodisfati.

(327)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, abbażi ta' dan, ma jistax jiġi konkluż li l-għajnuna mogħtija lil So.Ge.A.AL kienet eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fuq il-bażi tad-Deċiżjoni dwar l-SGEI tal-2005.

(328)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Italja ma rrispettatx l-obbligu ta' waqfien stipulat mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat u li, b'hekk, il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat.

12.1.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(329)

Minħabba li l-Miżuri 1, 2 u 3 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kompatibbiltà tagħhom tista' tiġi vvalutata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu u fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

12.1.3.1.   L-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni

(330)

L-Artikolu 107(3) tat-Trattat jipprevedi ċerti eżenzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna inkwistjoni tista' tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat, li jistipula li: “l-għajnuna għall-iffaċilitar tal-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti oqsma ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(331)

Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jipprovdu qafas għall-valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna mogħtija lill-ajruporti tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

(332)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-“avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat” (82) japplika għall-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija lill-ajruporti. F'dak ir-rigward, jekk l-għajnuna għall-investiment illegali ngħatat qabel l-4 ta' April 2014, il-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar il-kompatibbiltà li kienu fis-seħħ f'dak iż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment illegali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 fil-każ tal-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija lill-ajruporti qabel l-4 ta' April 2014. Għall-għajnuna għall-investiment illegali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, meta ma kien jeżisti ebda kriterju tal-kompatibbiltà għall-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE, billi tieħu f'kunsiderazzjoni wkoll il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment mogħtija lil So.Ge.A.AL qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, il-kriterji stipulati minn dawk il-linji gwida għandhom jiġu applikati b'analoġija.

(333)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-“Avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat” ma għandhomx japplikaw għall-każijiet pendenti ta' għajnuna operattiva illegali mogħtija lill-ajruporti qabel l-4 ta' April 2014. Minflok, il-Kummissjoni applikat il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 għall-każijiet kollha li jikkonċernaw l-għajnuna operattiva lill-ajruporti (notifiki pendenti u għajnuna illegali) anki jekk l-għajnuna ngħatat qabel l-4 ta' April 2014.

12.1.3.2.   Għajnuna għall-investiment jew għajnuna operattiva

(334)

Skont il-punt 25(r) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-għajnuna għall-investiment hija definita bħala “għajnuna biex ikunu ffinanzjati assi kapitali; speċifikament, biex tkopri d-diskrepanza tal-likwidità fl-ispejjeż kapitali”. Skont il-punt 25(r) tal-Linji Gwida, l-għajnuna għall-investiment tista' tkun relatata kemm ma' ħlas bil-quddiem (jiġifieri biex tkopri l-ispejjeż tal-investiment bil-quddiem) kif ukoll mal-għajnuna mħallsa fil-forma ta' pagamenti akkont perjodiċi (biex tkopri l-ispejjeż kapitali, f'termini tad-deprezzament annwali u l-ispejjeż tal-finanzjament).

(335)

Għajnuna operattiva tfisser li jiġu koperti l-ispejjeż operattivi kollha jew parti mill-ispejjeż operattivi ta' ajruport, definiti bħala “l-ispejjeż sottostanti tal-forniment ta' servizzi tal-ajruport, inklużi kategoriji ta' spejjeż bħal dawk relatati mal-persunal, is-servizzi b'kuntratt, il-komunikazzjoni, l-iskart, l-enerġija, il-manutenzjoni, il-kera, l-amministrazzjoni, eċċ., iżda jeskludu l-ispejjeż kapitali, is-sostenn tal-kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe inċentivi oħrajn mogħtija lil-linji tal-ajru mill-ajruport, u l-ispejjeż li jaqgħu fil-mandat tal-politika pubblika” (83).

(336)

Matul l-investigazzjoni (84), l-Italja sostniet li, ġeneralment, il-finanzjament pubbliku tal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport jista' jiġi vvalutat:

(a)

bħala għajnuna għall-investiment fil-livell tal-ammont sħiħ tal-finanzjament magħmul disponibbli lil So.Ge.A.AL sabiex tkopri l-ispejjeż tal-investiment, jew inkella

(b)

bħala għajnuna operattiva, li tammonta għad-differenza bejn tariffa ta' konċessjoni bbażata fuq is-suq, jekk ikun hemm, u t-tariffa ta' konċessjoni effettivament dovuta mill-maniġer tal-ajruport għad-dritt li jimmaniġġja l-ajruport.

(337)

L-Italja sostniet li, f'dan il-każ, il-finanzjament pubbliku inkwistjoni ma għandux jikkwalifika bħala għajnuna għall-investiment lil So.Ge.A.AL. Dan minħabba li, l-ewwel nett, l-Istat żamm is-sjieda tal-infrastruttura inkwistjoni u, it-tieni, minħabba li qabel id-data tal-għoti tal-konċessjoni komprensiva fl-2007, il-maniġer tal-ajruport ma kienx responsabbli għall-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport ta' Alghero, iżda minflok kien jaġixxi f'isem l-Istat għall-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport.

(338)

Fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda mill-Italja u d-definizzjonijiet previsti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, jista' jiġi kkunsidrat li:

(a)

l-injezzjonijiet ta' kapital magħmula wara t-12 ta' Diċembru 2006, li kienu jintużaw biex ikopru t-telf operattiv annwali ta' So.Ge.A.AL, jikkostitwixxu għajnuna operattiva favur So.Ge.A.AL;

(b)

il-finanzjament mill-Istat għall-infrastruttura, għall-“fittings u x-xogħlijiet” u għall-apparat, sakemm ingħatat il-konċessjoni komprensiva fl-2007, jikkostitwixxi għajnuna operattiva favur So.Ge.A.AL. Tabilħaqq, qabel ingħatat din il-konċessjoni, ma kinitx ir-responsabbiltà ta' So.Ge.A.AL li tiffinanzja l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, iżda r-responsabbiltà tal-Istat bħala l-proprjetarju tal-ajruport. Għalhekk, il-finanzjament mill-Istat għall-infrastruttura, għall-“fittings u x-xogħlijiet” u għall-apparat ma ħelisx lil So.Ge.A.AL mill-ispejjeż tal-investiment li normalment kien ikollha tħallas. Sabiex jaġixxi b'konformità mal-MEOP, l-Istat kellu jitlob għal żieda fit-tariffa tal-konċessjoni dovuta minn So.Ge.A.AL sabiex b'hekk jiżgura l-profittabbiltà tal-investimenti tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-għajnuna tieħu l-forma ta' tariffa ta' konċessjoni (li għal maniġer ta' ajruport bħal So.Ge.A.AL tikkostitwixxi spiża operattiva) li kienet aktar baxxa milli kellha tkun. Minħabba li wara l-għoti tal-konċessjoni komprensiva għall-ġestjoni tal-infrastruttura tal-ajruport, l-investimenti kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' So.Ge.A.AL, il-finanzjament pubbliku ta' tali investiment jikkostitwixxi għajnuna għall-investiment. Madankollu, fi kwalunkwe każ, jirriżulta li l-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-iffinanzjar tal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport ta' Alghero (i) taħt is-suppożizzjoni li dan jikkostitwixxi għajnuna għall-investiment (ara l-premessi 339–(367) kif ukoll (ii) taħt is-suppożizzjoni li dan jikkostitwixxi għajnuna operattiva (ara l-premessi 368–374. Bħala parti mill-valutazzjoni tagħha skont (ii), il-Kummissjoni analizzat ukoll il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-injezzjonijiet ta' kapital (il-Miżura 1), li evidentement jikkostitwixxu għajnuna operattiva.

12.1.3.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-infrastrutturi u l-apparat (il-Miżuri 2 u 3) taħt is-suppożizzjoni li din hija għajnuna għall-investiment

(339)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li, skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, l-ispejjeż eliġibbli tal-investimenti f'ajruport għandhom ikunu limitati għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport (runways, terminals, rampi tal-ajruport, torri tal-kontroll) jew tal-faċilitajiet li jappoġġawhom direttament (faċilitajiet għat-tifi tan-nar, apparat tas-sigurtà jew tas-sikurezza). L-ispejjeż eliġibbli għandhom jeskludu l-ispejjeż li mhumiex direttament marbuta mal-attivitajiet ewlenin tal-ajruport, inklużi l-kostruzzjoni, l-iffinanzjar, l-użu u l-kiri tal-art u tal-bini, mhux biss għall-uffiċini u għall-imħażen, iżda wkoll għal-lukandi u għall-intrapriżi industrijali li jinsabu fl-ajruport, kif ukoll għall-ħwienet, għar-ristoranti u għall-ispazji ta' parkeġġ għall-karozzi.

(340)

F'dan il-każ, il-fondi pubbliċi kienu diretti lejn l-iffinanzjar tat-terminal tal-passiġġieri l-ġdid, ir-rinnovazzjoni tat-terminal l-antik, l-ammeljorament tat-taxiway, l-espansjoni taż-żoni ta' parkeġġ għall-inġenji tal-ajru, l-ammeljorament tar-runway, ir-realizzazzjoni tas-sistema ta' kontroll tal-bagalji u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tal-perimetri. Dawk l-ispejjeż tal-investiment huma eliġibbli għal finanzjament skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

(341)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-finanzjament pubbliku li qiegħed jiġi investigat, b'konformità mal-punt 61 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, il-Kummissjoni teżamina b'mod partikolari jekk:

(a)

il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfawx għan ta' interess ġenerali definit b'mod ċar (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.);

(b)

l-infrastruttura hijiex meħtieġa u proporzjonali għall-għan li ġie stabbilit;

(c)

l-infrastruttura għandhiex prospetti sodisfaċenti ta' użu għal perjodu ta' żmien medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti;

(d)

l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhomx aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju;

(e)

l-iżvilupp tal-kummerċ huwiex affettwat sa ċertu punt li jmur kontra l-interess tal-Unjoni.

(342)

Minbarra l-ħtieġa li tissodisfa l-kriterji speċifiċi tal-kompatibbiltà li huma speċifikati fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti, bħal kwalunkwe miżura oħra ta' għajnuna mill-Istat, għandu jkollha effett ta' inċentiv u tkun neċessarja u proporzjonali fir-rigward tal-għan leġittimu mmirat sabiex tkun tista' tiġi approvata bħala kompatibbli (85). Għalhekk, minbarra l-kriterji elenkati fil-premessa 341, il-Kummissjoni vvalutat l-effett ta' inċentiv, kif ukoll in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni.

i.   Għan ta' interess ġenerali definit b'mod ċar

(343)

Il-miżuri li qegħdin jiġu vvalutati kellhom l-għan li, fost l-oħrajn, jiffinanzjaw il-kostruzzjoni ta' terminal ġdid b'kapaċità ta' 2 000 000 passiġġier, minħabba li t-terminal l-antik (b'kapaċità ta' 800 000 passiġġier) kien diġà f'konġestjoni fl-2003 (86). Barra minn hekk, l-għajnuna għall-investiment intużat biex tiffinanzja għadd ta' miżuri li għenu sabiex l-ajruport jadatta għar-rekwiżiti ġodda ta' sigurtà u sikurezza bil-għan li jkun jista' jibqa' jopera b'mod sħiħ.

(344)

Skont l-Italja, l-għan ġenerali tal-iffinanzjar tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kien li jiġu żviluppati infrastrutturi tat-trasport u konnettività reġjonali sikuri u vijabbli. Skont l-Italja, l-ajruporti reġjonali għandhom irwol strumentali fil-promozzjoni tal-aċċessibbiltà għaż-żoni ta' lħuq u l-investimenti inkwistjoni jtejbu s-sikurezza, s-sigurtà u l-effiċjenza tal-ajruporti, filwaqt li jikkontribwixxu lejn il-kisba ta' għanijiet usa' tal-iżvilupp reġjonali.

(345)

Barra minn hekk, l-Italja tenfasizza li l-PDG per capita f'Sardinja huwa, bħala medja, ferm aktar baxx milli huwa fl-Italja, u r-rata tal-qgħad hija sostanzjalment ogħla mill-medja Taljana. Pereżempju, bejn l-2003 u l-2012, ir-rata tal-qgħad medja f'Sardinja kienet 13,3 % imqabbla ma' 7,9 % fl-Italja. Għalhekk, kwalunkwe żieda fil-flussi tat-traffiku li tirriżulta mill-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero x'aktarx li tipproduċi benefiċċji soċjali u ekonomiċi assoċjati għal Sardinia, kemm f'termini tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll f'termini tal-iżvilupp tal-gżira.

(346)

Dawk il-kummenti huma konsistenti mal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Accuracy, li rrikonoxxa li l-iżvilupp tas-settur tat-trasport bl-ajru f'Sardinja huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp reġjonali taż-żona. Ir-Rapport ta' Accuracy jenfasizza eżempju tal-kobor potenzjali tal-benefiċċji ekonomiċi pożittivi li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-infrastruttura tal-avjazzjoni f'Sardinja. Skont studju msemmi fir-Rapport ta' Accuracy, l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bl-ajru fl-Ajruport ta' Cagliari (ibbażat f'Sardinja) wassal għal effetti ekonomiċi pożittivi ta' madwar EUR 140 miljun fis-sena.

(347)

Barra minn hek, l-uniku mod ta' trasport konvenjenti lejn/minn Sardinja huwa l-ivvjaġġar bl-ajru, minbarra s-servizzi tal-laneċ, li madankollu jinvolvu ħinijiet ta' vvjaġġar konsiderevolment ogħla. Pereżempju, għalkemm Sardinja hija servuta minn rotot tal-ivvjaġġar bil-laneċ minn Spanja u mill-Italja kontinentali, it-tul medju ta' vjaġġ b'lanċa huwa ta' aktar minn disa' sigħat.

(348)

Għalhekk, l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kien parti mill-pjanijiet ta' Sardinja li ttejjeb il-konnettività permezz tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li l-finanzjament pubbliku pprovdut għall-ammeljorament tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero jissodisfa l-għanijiet definiti b'mod ċar tat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u tal-aċċessibbiltà reġjonali b'mod sikur u vijabbli. Għalhekk, l-iżvilupp tal-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero kienet fl-interess komuni, billi l-investimenti kienu mistennija jiġġeneraw effetti esterni pożittivi f'termini tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

ii.   In-neċessarjetà u l-proporzjonalità tal-infrastruttura għall-għan stabbilit

(349)

L-għajnuna għall-investiment tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli biss meta tkun neċessarja u proporzjonata għall-għan stabbilit ta' interess ġenerali. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-investiment ma jkunx jikkostitwixxi duplikazzjoni ta' infrastruttura eżistenti mhux utilizzata biżżejjed.

(350)

L-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tiffinanzja l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero kienet meħtieġa sabiex iżżid il-kapaċità tal-ajruport u, għalhekk, tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Qabel saru l-investimenti, il-kapaċità tal-ajruport ta' Alghero kienet ta' 800 000 passiġġier biss. L-ajruport ta' Alghero kien laħaq limitazzjonijiet tal-kapaċità fl-2003 u fl-2004 u, għalhekk, kien hemm bżonn li jsiru investimenti sabiex ikun jista' jilqa' fih aktar passiġġieri. Barra minn hekk, ġew implimentati ċerti miżuri ta' titjib li kienu meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-istandards tas-sikurezza, liema miżuri ffaċilitaw l-użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti tal-ajruport u b'hekk ikkontribwixxew għall-iżvilupp reġjonali u l-konnettività taż-żona ta' lħuq tal-ajruport.

(351)

L-investimenti wasslu għal żieda fil-kapaċità tal-ajruport minn 800 000 passiġġier fl-2003 għal 2 000 000 passiġġier fl-2004. Mill-2011, it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport laħaq madwar 70 % tal-kapaċità tal-ajruport. Skont l-Italja, huwa prevedibbli li t-traffiku tal-passiġġieri kien ikun f'livelli ogħla li kieku ma kienx hemm il-kriżi finanzjarja.

(352)

Ir-Rapport ta' Ecorys jirrikonoxxi li l-iżvilupp tat-turiżmu kien jeħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal tal-ajruport ta' Alghero sabiex jakkomoda t-tkabbir antiċipat fit-traffiku. Kif issemma hawn fuq, skont ir-Rapport ta' Ecorys, qabel saru l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu kien imxekkel minn nuqqas ta' konnettività internazzjonali. Tabilħaqq, il-pjan ta' negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport kien ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, meta mqabbel mal-livelli li kien hemm qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Dan il-livell ta' traffiku tal-passiġġieri ma setax jiġi akkomodat mingħajr l-investimenti.

(353)

Barra minn hekk, l-investimenti ġodda ma kienu jikkostitwixxu ebda duplikazzjoni tal-infrastruttura mhux profittabbli eżistenti, minħabba li l-eqreb tliet ajruporti ma jinsabux fl-istess żona ta' lħuq (ara l-premessa 33). Għalkemm l-ajruport ta' Alghero huwa wieħed mit-tliet ajruporti li hemm fuq il-gżira ta' Sardinja (flimkien ma' dawk ta' Cagliari u Olbia) li jservu lil-linji tal-ajru kummerċjali, ebda wieħed miż-żewġ ajruporti l-oħrajn ma jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Olbia u Cagliari jinsabu, rispettivament, 128 km u 235 km bogħod mill-ajruport ta' Alghero. Fid-Deċiżjoni tagħha tal-2007, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ajruport ta' Alghero mhuwiex sostitwibbli ma' dawn iż-żewġ ajruporti l-oħrajn, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u l-karatteristiċi tan-netwerk tat-trasport f'Sardinja. Għalhekk, l-investimenti ma kienu jikkostitwixxu ebda duplikazzjoni tal-infrastruttura mhux profittabbli eżistenti.

(354)

Għalhekk, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi li l-investimenti appoġġati kienu neċessarji u proporzjonali għall-għanijiet tal-konnettività u tal-iżvilupp ekonomiku reġjonali, illi l-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-avvanz tagħhom.

iii.   Prospetti għall-użu fuq perjodu ta' żmien medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(355)

L-investimenti ppermettew lill-ajruport ta' Alghero jkun konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza fl-ajruporti u li jadatta għall-ħtiġijiet tat-trasport fiż-żona ta' lħuq tiegħu.

(356)

Mal-għoti tal-konċessjoni “komprensiva” għall-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero, So.Ge.A.AL kienet ser tniedi programm ta' investiment bil-għan li tadatta l-infrastruttura u l-apparat tal-ajruport sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu maż-żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jivvjaġġaw. B'kollox, abbażi tal-pjan ta' negozju tal-2005, l-investimenti ppjanati fl-ajruport ta' Alghero matul il-perjodu tal-konċessjoni kienu jammontaw għal EUR 143,3 miljun (87).

(357)

Il-pjan ta' negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport ta' Alghero ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, imqabbel mal-livelli rreġistrati qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Dak il-livell ta' traffiku tal-passiġġieri ma setax jiġi akkomodat mingħajr l-investimenti li qegħdin jiġu vvalutati f'dan il-każ. B'mod ġenerali, l-iżviluppi li seħħew aktar tard jikkonfermaw dawn l-aspettattivi. Tabilħaqq, So.Ge.A.AL setgħet tikseb tkabbir sinifikanti fit-traffiku tagħha skont l-aspettattivi tagħha. Mill-2011, it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport laħaq madwar 70 % tal-kapaċità tal-ajruport. Skont l-Italja, it-traffiku tal-passiġġieri kien ikun f'livelli ogħla li kieku ma kienx hemm il-kriżi finanzjarja.

(358)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fuq perjodu ta' żmien medju, l-infrastruttura mtejba offriet perspettivi tajbin għall-użu.

iv.   L-aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura

(359)

Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Italja, u minkejja kull differenzazzjoni ġustifikata fil-prezzijiet applikata fil-ftehimiet individwali mal-linji tal-ajru, l-infrastruttura dejjem kienet miftuħa għall-utenti potenzjali kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni.

v.   L-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex affettwat sa ċertu punt li jmur kontra l-interess tal-Unjoni

(360)

Sal-2005, l-ajruport ta' Alghero kkwalifika bħala ajruport tal-kategorija D kif definit mill-punt 15 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 stipulaw li l-finanzjament lill-ajruporti tal-kategorija D mhux probabbli li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jaffettwa l-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni. Abbażi ta' dan, fid-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li, qabel l-2005, l-għajnuna ma affettwatx il-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni. La l-Italja u lanqas il-partijiet interessati ma kkontestaw din is-sejba preliminari matul l-investigazzjoni.

(361)

Barra minn hekk, ebda ajruport ieħor ma jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Kif muri fil-premessa 33, l-eqreb ajruport jinsab aktar minn 120 km 'il bogħod, f'reġjun fejn il-konnessjonijiet tat-toroq huma medjokri, fatt li jsaħħaħ is-sejba li, mill-perspettiva tal-passiġġieri, l-ajruport ta' Alghero mhuwiex sostitwibbli b'xi mod sinifikanti mill-ajruporti l-oħrajn li jinsabu f'Sardinja.

(362)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-finanzjament mogħti għall-ammeljorament tal-infrastruttura (inklużi l-“fittings u x-xogħlijiet”) u tal-apparat fl-ajruport ta' Alghero ma wassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni sa ċertu punt li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

vi.   L-effett ta' inċentiv, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna

(363)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll jekk l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-ajruport ta' Alghero biddlitx l-imġiba tal-intrapriża benefiċjarja b'tali mod li din tinvolvi ruħha f'attività li tikkontribwixxi għall-kisba ta' għan b'interess pubbliku li (i) hija ma tkunx tista' twettaq mingħajr l-għajnuna, jew (ii) tkun tista' twettaq b'mod aktar ristrett jew differenti. Barra minn hekk, l-għajnuna titqies bħala proporzjonata biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista' jintlaħaq b'inqas għajnuna u inqas distorsjoni. Dan ifisser li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

(364)

F'dan il-każ, l-għotjiet ta' investiment kienu primarjament relatati mal-ammeljorament tar-rampi, tar-runway u tat-taxiway, kif ukoll tat-terminal. Perjodi twal ta' ħlas lura assoċjati mal-investimenti fl-infrastruttura, flimkien mal-kumplessitajiet u r-riskji sinifikanti assoċjati ma' proġetti kbar, jimplikaw li jista' jkun hemm diffikultajiet sabiex jiġi attirat kapital privat. Ajruporti iżgħar, bħall-ajruport ta' Alghero, jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari sabiex jattiraw kapital privat bil-prezz xieraq sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti infrastrutturali meħtieġa.

(365)

Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Italja, dawn l-investimenti ma setgħux isiru mingħajr l-għajnuna. Tabilħaqq, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' So.Ge.A.AL, li akkumulat telf matul il-perjodu 2000–2010 li qiegħed jiġi investigat sa ċertu punt li kien meħtieġ li jsiru għadd ta' injezzjonijiet ta' kapital mill-awtoritajiet pubbliċi, jidher ċar li So.Ge.A.AL ma kinitx f'pożizzjoni li tikkontribwixxi wisq aktar għall-iffinanzjar ta' dawn l-investimenti milli kienet qiegħda tagħmel u li, fil-fatt, ma kellha ebda possibbiltà li tikseb finanzjament estern fis-suq. Għalhekk, jista' jiġi kkunsidrat li l-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni kienu neċessarji u proporzjonali għall-ħtieġa li tiġi ssodisfata d-domanda mistennija tal-linji tal-ajru u tal-passiġġieri fiż-żona ta' lħuq.

(366)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

vii.   Konklużjoni

(367)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f'każ li l-miżuri taħt skrutinju, li jipprevedu appoġġ pubbliku għall-investimenti fl-infrastruttura fl-ajruport ta' Alghero, jitqiesu bħala għajnuna għall-investiment, dawn ikunu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

12.1.3.4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna lil So.Ge.A.AL (il-Miżuri 1, 2 u 3) taħt is-suppożizzjoni li din tikkostitwixxi għajnuna operattiva

(368)

L-għajnuna operattiva mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, jiġifieri qabel l-4 ta' April 2014, tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-kontribut għal għan definit sewwa ta' interess komuni: din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata, fost l-oħrajn, jekk l-għajnuna żżid il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-konnettività tar-reġjuni jew tiffaċilita l-iżvilupp reġjonali (88);

(b)

L-adegwatezza tal-għajnuna mill-Istat bħala strument ta' politika: l-Istati Membri għandhom juru li l-għajnuna hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan maħsub jew jiġu riżolti l-problemi intiżi biex jiġu indirizzati permezz tal-għajnuna (89);

(c)

Il-ħtieġa għal intervent mill-Istat: l-għajnuna għandha tiġi mmirata lejn sitwazzjonijiet fejn hija tkun tista' trendi titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax iwassal (90);

(d)

L-eżistenza ta' effett ta' inċentiv: din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata jekk ikun probabbli li, fin-nuqqas ta' għajnuna operattiva, u b'kunsiderazzjoni tal-preżenza possibbli ta' għajnuna għall-investiment u tal-livell tat-traffiku, il-livell tal-attività ekonomika tal-ajruport ikkonċernat jitnaqqas b'mod sinifikanti (91);

(e)

Il-proporzjonalità tal-ammont ta' għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu neċessarju): sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruporti għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna (92);

(f)

L-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ (93).

(369)

Id-diversi miżuri operattivi mogħtija lil So.Ge.A.AL li, b'mod partikolari, kienu jinkludu bosta injezzjonijiet ta' kapital, kienu mmirati biex jippermettu lill-kumpanija jkollha biżżejjed kapital sabiex tkompli topera b'mod vijabbli, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll legali. B'mod simili, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jiffinanzjaw ċerti investimenti mingħajr ma jitolbu żieda korrispondenti fit-tariffi tal-konċessjoni mħallsin minn So.Ge.A.AL ikkontribwixxew ukoll sabiex il-kumpanija setgħet tibqa' għaddejja, minħabba li tariffi ta' konċessjoni ogħla kienu jissarrfu fi spejjeż operattivi ogħla li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. Għalhekk, dawn il-miżuri kollha kkontribwixxew sabiex l-ajruport ta' Alghero jkun jista' jibqa' għaddej jopera b'mod normali. Fid-dawl tal-irwol li għandu l-ajruport fl-aċċessibbiltà tar-reġjun u fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali, kif ġie spjegat fil-premessi 343–348, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operattiva mogħtija lil So.Ge.A.AL ikkontribwixxiet sabiex jintlaħaq għan ta' interess komuni.

(370)

Billi l-ajruport ta' Alghero kien qiegħed jagħmel it-telf fil-perjodu li qiegħed jiġi investigat (ara t-Tabella 3), kienet l-għajnuna operattiva li tat iċ-ċans lill-ajruport jissokta b'operazzjonijiet li jiżguraw il-konnettività tar-reġjun ta' Sardinja. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruport ta' Alghero kienet strument adegwat sabiex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni.

(371)

Fir-rigward tan-neċessità, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jitolbu li l-għajnuna operattiva ġġib magħha titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax iwassal. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ minħabba li, mingħajr l-għajnuna inkwistjoni, x'aktarx li So.Ge.A.AL kien ikollha toħroġ mis-suq u, b'hekk, Sardinja tiġi mċaħħda minn infrastruttura tat-trasport li għandha rwol sinifikanti fl-aċċessibbiltà u l-iżvilupp (it-turiżmu) tagħha.

(372)

Barra minn hekk, mingħajr l-għajnuna, l-attività tal-benefiċjarju kienet tonqos b'mod sinifikanti, jekk mhux ukoll tispiċċa għal kollox. Il-miżuri li qegħdin jiġu investigati kienu limitati għall-minumu neċessarju sabiex ipaċu t-telf u jippermettu lil So.Ge.A.AL tosserva r-rekwiżiti kapitali u jkomplu joperaw b'mod vijabbli. Tali miżuri kienu neċessarji sabiex il-kumpanija tkun tista' tibqa' għaddejja, anki ladarba jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tal-għajnuniet l-oħrajn kollha (għajnuna operattiva u għajnuna għall-investiment) li qegħdin jiġu investigati. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna operattiva kollha mogħtija lil So.Ge.A.AL kienet neċessarja u limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

(373)

Kif ġie ddikjarat aktar 'il fuq, ma hemm ebda ajruport ieħor li jinsab fl-istess żona ta' lħuq. Barra minn hekk, l-Italja kkonfermat li l-infrastruttura tal-ajruport hija disponibbli għal-linji tal-ajru kollha fuq termini mhux diskriminatorji.

(374)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stipulati mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 huma rrispettati u, għalhekk, il-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ).

12.2.   MIŻURI FAVUR IL-LINJI TAL-AJRU LI JOPERAW FL-AJRUPORT

12.2.1.   L-eżistenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(375)

F'din it-taqsima, il-Kummissjoni tivvaluta jekk id-diversi ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u bosta linji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru kkonċernati skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

12.2.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(376)

Kwalunkwe vantaġġ ekonomiku involut fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero ma ngħatax direttament mill-Istat, iżda mill-maniġer tal-ajruport tal-Istat So.Ge.A.AL. Jekk wieħed jassumi li tali vantaġġ ekonomiku huwa preżenti fi kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet li qegħdin jiġu investigati, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dan il-vantaġġ kienx iffinanzjat permezz ta' riżorsi tal-Istat u jekk huwiex imputabbli lill-Istat.

(377)

Skont każistika stabbilita, ir-riżorsi tal-intrapriżi pubbliċi (jiġifieri, l-intrapriżi li fuqhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu, direttament jew indirettament, jeżerċitaw influwenza dominanti) jikkwalifikaw ukoll bħala riżorsi tal-Istat, minħabba li dawn ir-riżorsi “jibqgħu kostantament taħt kontroll pubbliku u, għalhekk [huma] disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti” (94). Skont dik il-każistika, billi So.Ge.A.AL hija intrapriża pubblika, ir-riżorsi tagħha għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, influwenza dominanti mill-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi preżunta meta l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom parti kbira mill-kapital sottoskritt tal-kumpanija, ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta mal-ishma maħruġa mill-kumpanija jew ikunu jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-intrapriża. Fil-każ ta' So.Ge.A.AL, jidher li dawn it-tliet kriterji mhux kumulattivi kollha għall-preżunzjoni ta' influwenza dominanti mill-Istat ġew issodisfati.

(378)

So.Ge.A.AL u Ryanair jikkontestaw l-imputabbiltà lill-Istat tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru, filwaqt li l-Italja u Unioncamere jikkonfermawha.

(379)

Matul il-kors tal-investigazzjoni, kemm So.Ge.A.AL kif ukoll Ryanair sostnew li l-ftehimiet konklużi mill-ajruport ta' Alghero mal-linji tal-ajru jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat biss abbażi ta' sejba oġġettiva li turi li l-Istat intervjena fid-deċiżjoni ta' So.Ge.A.AL li tidħol fil-ftehimiet b'tali mod li tiddeterminahom jew tinfluwenzahom, fis-sens li So.Ge.A.AL kienet tadotta aġir differenti li kieku setgħet tieħu deċiżjoni indipendenti; huma sostnew li dan ma kienx il-każ għal ebda mill-azzjonisti pubbliċi ta' So.Ge.A.AL. Abbażi tal-każistika, il-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport jistgħu jinstabu li jinkludu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat biss jekk l-Istat ikun f'pożizzjoni li jikkontrolla lil So.Ge.A.AL u jekk l-awtoritajiet pubbliċi “jkunu ġew involuti, b'xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta' dawk il-miżuri”. Madankollu, “ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta' struzzjoni preċiża, li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b'mod speċifiku lill-intrapriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni” (95). Sabiex tikkonkludi jekk miżura speċifika tistax tiġi attribwita lill-Istat, il-Kummissjoni tista' tibbaża r-raġunament tagħha fuq kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment tagħhom fl-adozzjoni ta' miżura (96).

(380)

Kif stabbilixxiet il-Qorti fil-kawża Stardust Marine, l-imputabbiltà ta' miżura lill-Istat tista' tiġi stabbilita permezz ta' indikaturi “organiċi” jew “strutturali” jew inkella permezz ta' indikazzjonijiet li l-Istat kien involut fi, jew li ma kienx probabbli li jkun assenti, mid-deċiżjoni li wasslet għall-miżura konkreta. Fl-istess sentenza, il-Qorti stabbilixxiet sett mhux eżawrjenti ta' indikaturi possibbli li huma rilevanti għall-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat, kif spjegat fid-dettall fil-premessa 268: il-fatt li l-intrapriża, permezz tal-intermedjazzjoni li wasslet biex tingħata l-għajnuna, kellha tieħu f'kunsiderazzjoni d-direttivi maħruġa minn korpi governattivi; l-integrazzjoni tal-intrapriża pubblika fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika; in-natura tal-attivitajiet tal-intrapriża u t-twettiq tagħhom fis-suq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni mal-operaturi privati; l-istatus legali tal-intrapriża; l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-intrapriża; u kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, l-involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta' nuqqas ta' involviment tagħhom fl-adozzjoni ta' miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi.

(381)

L-investigazzjoni f'dan il-każ ikkonfermat li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru hija imputabbli lill-Istat.

(382)

L-ewwel nett, is-sjieda pubblika ta' So.Ge.A.AL, li tissarraf fl-intier tal-voti fl-Assemblea tal-Azzjonisti u fil-Bord tad-Diretturi, timplika li l-Istat għandu jitqies bħala li għandu influwenza fuq il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL u li huwa involut fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumpanija. Minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f'So.Ge.A.AL, Sardinja għandha maġġoranza ta' voti fil-laqgħa tal-azzjonisti. Skont l-Istatuti ta' So.Ge.A.AL, kull sehem nominali jintitola għal vot wieħed fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi jinħatru sabiex jirrappreżentaw b'mod proporzjonali l-parteċipazzjonijiet tal-azzjonisti maġġoritarji u tal-azzjonisti minoritarji.

(383)

It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li l-Italja qatt ma sostniet li d-deċiżjoni li tidħol fil-ftehimiet mal-linji tal-ajru ttieħdet b'mod awtonomu minn So.Ge.A.AL mingħajr ebda involviment mill-azzjonisti tagħha. Għall-kuntrarju, permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2014, l-Italja sostniet li:

il-ftehimiet mal-linji tal-ajru ġew innegozjati mid-Direttur Ġenerali ta' So.Ge.A.AL;

id-Direttur Ġenerali għarraf lill-Bord tad-Diretturi dwar l-istatus tan-negozjati, il-kontenut tal-ftehimiet u l-prospetti ta' żvilupp tal-ftehimiet inkwistjoni;

il-Bord tad-Diretturi approva t-termini tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru b'mod ġenerali u permezz ta' vot unanimu qabel l-iffirmar tagħhom.

(384)

Barra minn hekk, l-Italja kkjarifikat li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport għall-promozzjoni jew it-tnedija ta' rotot ġodda minn Alghero saret bi qbil ma' Sardinja u kienet parti integrali mill-istrateġija ta' Sardinja sabiex iżżid il-flussi ta' turisti lejn u mill-gżira (97). Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li n-natura tal-attivitajiet ta' So.Ge.A.AL (il-ġestjoni tal-ajruport) hija indikazzjoni oħra li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lill-Istat minħabba li l-ajruporti reġjonali ta' spiss jitqiesu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala għodda importanti għat-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku lokali.

(385)

It-tielet, f'dak li jsegwi, il-Kummissjoni turi li jeżistu biżżejjed indikazzjonijiet li l-awtoritajiet reġjonali fil-fatt inċitaw il-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, b'mod partikolari — iżda mhux biss — il-ftehimiet ma' Ryanair, li hija l-linja tal-ajru prinċipali li topera fl-ajruport. Dawk l-indikazzjonijiet jikkostitwixxu prova tal-imputabbiltà lill-Istat fis-sens tal-każistika ta' Stardust Marine  (98).

i.   L-awtoritajiet reġjonali ġew infurmati dwar u kienu mistennija jikkontribwixxu għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru

(386)

Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi ppreżentati mill-Italja matul l-investigazzjoni juru li Sardinja ġiet infurmata u kkonsultata dwar in-negozjati u li qablet mal-konklużjoni tal-kuntratti mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero.

(387)

Permezz ta' eżempju, il-minuti tal-Bord tad-Diretturi tad-9 ta' Marzu 2000 jindikaw li l-Bord tad-Diretturi approva b'mod unanimu l-ftehimiet mal-linji tal-ajru proposti minn So.Ge.A.AL. So.Ge.A.AL irrapportat b'mod partikolari dwar in-negozjati ma' Volare, Ryanair, Italair, Alpi Eagles, Air Dolomiti, Azzura u Gandalf Air. F'dak li għandu x'jaqsam ma' Volare, kien irrapportat li ftehim ġdid li kien qiegħed jiġi nnegozjat stabbilixxa pagament fiss ta' 4 550 000 għal kull moviment tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) u EUR 3 000 kull passiġġier għal fattur tat-tagħbija ta' 60 %. Il-minuti tal-Bord tad-Diretturi tat-18 ta' Diċembru 2006 juru li l-Bord tad-Diretturi kien infurmat dwar il-progress tan-negozjati tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings.

(388)

Għaldaqstant, il-konsultazzjoni u l-qbil tal-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ftehimiet konklużi mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ma kinux limitati għal Ryanair. Pereżempju, abbażi tal-minuti tal-Bord ta' Tmexxija tal-10 ta' Frar 2002, it-tnedija mit-trasportatur Franċiż Auris ta' rotta lejn Pariġi ġiet deċiża biss wara li ntlaħaq qbil espliċitu mill-azzjonisti, inkluż bl-impenn tagħhom li jkopru kwalunkwe obbligu finanzjarju li jirriżulta.

(389)

L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fid-deċiżjoni li jikkonkludu ftehimiet li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' diversi trasportaturi fl-ajruport ta' Alghero kif spjegat fid-dettall fil-premessi 382 sa 388 huwa indikazzjoni qawwija li l-awtoritajiet pubbliċi kienu ġeneralment involuti fil-konklużjoni ta' tali ftehimiet, anki għat-trasportaturi mhux imsemmija fl-evidenza spjegata fid-dettall fil-premessi 382 sa 388.

ii.   Meta kkonkludiet il-ftehimiet mal-linji tal-ajru, So.Ge.A.AL aġixxiet fuq mandat mill-awtoritajiet pubbliċi

(390)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeżistu biżżejjed indikazzjonijiet li juru li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru kienet imħeġġa u kkoordinata mill-Istat. Pereżempju, skont il-minuti tal-laqgħa tal-Assemblea tal-Azzjonisti tal-5 ta' Ottubru 2001, So.Ge.A.AL kienet qiegħda tinnegozja, “bi qbil mal-azzjonisti”, it-tnedija ta' rotta importanti għal Sardinja, jiġifieri r-rotta Alghero–Londra, u temporanjament ħallset l-ispejjeż li rriżultaw, “li suppost kellhom jitħallsu mill-entitajiet pubbliċi”.

(391)

Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi juru wkoll li, fil-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru, il-maniġment kellu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi. Permezz ta' eżempju, fil-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tat-30 ta' Lulju 2004, il-President tal-Bord għarraf dwar laqgħa bejn entitajiet reġjonali differenti dwar l-iżvilupp potenzjali tal-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport. Kien meħtieġ li jingħataw assigurazzjonijiet minn Sardinja fir-rigward tal-iffinanzjar, permezz ta' fondi reġjonali, tal-ispejjeż marbuta mal-inizjattivi ta' żvilupp tat-traffiku.

(392)

Il-fatt li, meta kkonkludiet il-ftehimiet inkwistjoni, So.Ge.A.AL aġixxiet taħt l-influwenza ta' Sardinja huwa evidenti wkoll fl-ASA tas-sena 2000 iffirmat ma' Ryanair, li jistabbilixxi li “So.Ge.A.AL, wara li interessat lill-korpi istituzzjonali tat-territorju, fosthom il-gvern Reġjonali Awtonomu, u wara li rċeviet ħafna interess u l-kunsens fir-rigward tal-inizjattiva inkwistjoni, qiegħda tikkonkludi mal-imsemmija qabel [jiġifieri Ryanair] għall-ħlas ta' kontribuzzjoni ekonomika biżżejjed biex tkopri l-impriża kollha tal-Ftehim preżenti” (Preambolu).

(393)

Skont il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tas-17 ta' Lulju 2009, jidher ċar li So.Ge.A.AL ikkunsidrat il-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni lil Ryanair bħala r-riżultat tal-għażliet politiċi fil-livell reġjonali. Konsegwentement, So.Ge.A.AL kienet tal-fehma li kellhom jiġu żgurati l-mezzi finanzjarji meħtieġa mill-awtoritajiet reġjonali. Il-kumpanija staqsiet ukoll dwar il-marġini tan-negozjar mat-trasportatur, jekk hemm, “minħabba li l-azzjonisti ta' So.Ge.A.AL ma tawx mandat lill-Bord sabiex jittermina l-ftehim mal-linja tal-ajru”.

(394)

Matul l-investigazzjoni, Ryanair sostniet li l-interferenza tal-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' So.Ge.A.AL setgħet ma kinitx ippruvata biżżejjed mill-Kummissjoni. Iċ-ċirkostanza li “So.Ge.A.AL u Sardinja ffirmaw il-ftehimiet fl-2004, fl-2005, fl-2006 u fl-2007 għall-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni” tappoġġa biss il-pożizzjoni li Sardinja kienet qiegħda tiffinanzja lil So.Ge.A.AL, iżda mhux li kienet qiegħda tidderieġi l-azzjoni ta' So.Ge.A.AL lejn Ryanair jew AMS.

(395)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta' Ryanair. L-ewwel nett, kif issemma fil-premessa 384, matul l-investigazzjoni, l-Italja kkonfermat espliċitament li l-konklużjoni tal-ftehimiet mal-linji tal-ajru kienet parti integrali mill-istrateġija ta' Sardinja sabiex iżżid il-flussi tat-turisti lejn u mill-gżira. Ir-referenzi għad-diskussjonijiet bejn So.Ge.A.AL u l-azzjonisti pubbliċi tagħha, bħala l-bażi tal-għan tal-iżvilupp ekonomiku u reġjonali segwit mill-RAS fir-rigward tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mat-trasportaturi li joperaw fl-ajruport ta' Alghero, juru li So.Ge.A.AL implimentat il-politiki reġjonali skont l-istruzzjonijiet u l-linji gwida riċevuti mingħand l-entitajiet pubbliċi.

(396)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ftehimiet li daħlu fihom So.Ge.A.AL u diversi trasportaturi li joperaw fl-ajruport ta' Alghero u li huma soġġetti għall-proċedura ta' investigazzjoni formali huma imputabbli lill-Istat.

12.2.1.2.   Vantaġġ ekonomiku

(397)

Matul l-investigazzjoni, l-Italja sostniet li, meta kkonkludiet kull wieħed mill-ftehimiet mal-linji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni, So.Ge.A.AL aġixxiet kif kien jaġixxi MEO prudenti ggwidat minn perspettivi ta' profittabbiltà f'sitwazzjoni simili, b'tali mod li l-miżuri li qegħdin jiġu vvalutati ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku li l-linji tal-ajru ma setgħu qatt jiksbu taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.

12.2.1.2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(398)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, permezz tal-MEOP, l-għajnuna lil linja tal-ajru li juża l-ajruport tista', fil-prinċipju, tiġi eskluża meta:

il-prezz mitlub għas-servizzi pprovduti fl-ajruport ikun jikkorrespondi għall-prezz tas-suq, jew

ikun jista' jintwera permezz ta' analiżi ex ante, jiġifieri analiżi bbażata fuq id-dejta li kienet disponibbli fil-mument li ġew deċiżi l-miżuri inkwistjoni, li l-arranġament mal-ajruport/linja tal-ajru jista' jkun mistenni li jwassal għal kontribut pożittiv ta' profitt inkrementali għall-ajruport (99).

(399)

Barra minn hekk, skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, “meta tivvaluta l-arranġamenti mal-ajruport/linja tal-ajru, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll kemm l-arranġamenti li qegħdin jiġu vvalutati jistgħu jitqiesu bħala parti mill-implimentazzjoni ta' strateġija globali tal-ajruport li mistennija twassal għal profittabbiltà, mill-inqas fuq perjodu ta' żmien twil” (100).

(400)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-ewwel approċċ imsemmi fil-premessa 398 (it-tqabbil tal-prezz mitlub għas-servizzi pprovduti fl-ajruport mal-prezz tas-suq), il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar kemm jista' jiġi definit valur referenzjarju adegwat sabiex jistabbilixxi l-valur fis-suq tas-servizzi pprovduti mill-ajruporti. Fil-preżent, il-Kummissjoni tqis l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali bħala l-aktar kriterju rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruporti ma' linji tal-ajru individwali (101).

(401)

F'dan is-sens, ta' min jinnota li, b'mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-MEOP b'referenza għal prezz medju osservat fis-swieq komparabbli tista' tkun affidabbli sal-punt li l-prezz tas-suq ikun jista' jiġi identifikat jew imnaqqas minn indikaturi oħrajn tas-suq. Madankollu, b'mod ġenerali, dak il-metodu mhuwiex affidabbli fil-każ tas-servizzi pprovduti fl-ajruport. Tabilħaqq, l-istruttura tal-ispejjeż u d-dħul għandhom it-tendenza li jvarjaw b'mod pjuttost sinifikanti minn ajruport għal ieħor. Dawk l-ispejjeż u d-dħul jiddependu fuq l-iżvilupp tal-ajruport, l-istat tal-infrastruttura tal-ajruport, l-għadd ta' trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport, il-kapaċità tal-ajruport, il-qafas regolatorju fil-livell nazzjonali, li jista' jkun differenti minn Stat Membru għal ieħor, kif ukoll id-defiċits u l-obbligi mġarrba mill-ajruport fl-imgħoddi.

(402)

Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru tikkomplika kwalunkwe analiżi purament komparattiva. Kif jista' jidher f'dan il-każ, il-prattiki kummerċjali bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru mhux dejjem ikunu bbażati esklussivament fuq skeda ta' tariffi ppubblikata. Minflok, dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali jvarjaw ħafna. Huma jinkludu l-kondiviżjoni tar-riskji fir-rigward tat-traffiku tal-passiġġieri u kwalunkwe responsabbiltà kummerċjali u finanzjarja relatata, skemi ta' inċentivi standard u l-adattament għat-tixrid tar-riskji matul it-terminu tal-ftehimiet. Konsegwentement, tranżazzjoni waħda ma tistax titqabbel faċilment ma' oħra abbażi ta' prezz għal kull tlugħ u nżul jew prezz għal kull passiġġier.

(403)

Matul il-kors tal-investigazzjoni, Ryanair sostniet li sabiex jiġi eskluż vantaġġ ekonomiku li ma jistax jinkiseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, it-tariffi stipulati fil-ftehimiet mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero għandhom jitqabblu mat-tariffi mħallsin minn Ryanair f'ajruporti simili fuq perjodu ta' żmien xieraq. […] L-ajruporti ntgħażlu minn Ryanair bħala l-aktar komparaturi rilevanti għall-finijiet ta' din l-analiżi (102).

(404)

[…] hija fl-aħħar mill-aħħar proprjetà ta' […], li min-naħa tagħha hija proprjetà ta' diversi awtoritajiet lokali mill-qasam ta' […]. Ryanair innotat li r-rapporti annwali ta' […] ma jipprovdu ebda indikazzjoni ta' finanzjament mill-Istat u li l-ajruport ilu jagħmel profitti kull sena mill-inqas minn […]. L-operazzjonijiet ta' Ryanair fl-Ajruport ta' […] bdew fi […]. L-ajruport ilu konsistentement ikun taħt proprjetà privata, li fil-fehma ta' Ryanair jissuġġerixxi li l-ajruport jista' jintuża bħala komparatur fl-applikazzjoni tat-test tal-MEO.

(405)

Skont Ryanair, ir-riżultati mit-tqabbil tad-dejta dwar it-tariffi mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero mat-tariffi f'ajruporti komparabbli huma mħalltin. Jekk wieħed jassumi li ma tiġi rritornata ebda taxxa muniċipali lejn ir-reġjun, it-tariffi pagabbli minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero huma, bħala medja, aktar baxxi minn dawk fl-ajruporti komparaturi kemm fuq bażi għal kull passiġġier kif ukoll fuq bażi għal kull inġenju tal-ajru. Madankollu, jekk wieħed jassumi li proporzjon tat-taxxa muniċipali — speċifikament, 66 %, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Ryanair — jiġi rritornat lejn ir-reġjun, it-tariffi medji mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero huma ogħla minn dawk imħallsin fl-Ajruport ta' […], għalkemm xorta waħda huma aktar baxxi minn dawk imħallsin fl-Ajruport ta' […]. Ryanair tissuġġerixxi li dan jista' jkun parzjalment spjegat mill-PDG aktar baxx f'Sardinja, meta mqabbel mal-PDG fi […] u […].

(406)

B'hekk, Ryanair tirrikonoxxi li r-riżultati mit-tqabbil tat-tariffi mħallsin minn Ryanair fl-ajruport ta' Alghero ma' dawk imħallsin fl-ajruporti ta' […] huma mħalltin u li d-differenzi fir-riżultati jistgħu jkunu dovuti għal għadd ta' raġunijiet, bħall-għażla tal-ajruporti komparaturi.

(407)

Il-Kummissjoni taqbel li benchmarking tat-tariffi tal-ajruport ma jistax jiġi eskluż għal kollox bħala approċċ possibbli sabiex tiġi vvalutata l-preżenza tal-għajnuna lil-linji tal-ajru. Madankollu, l-identifikazzjoni ta' valur referenzjarju titlob li jkunu jistgħu jintgħażlu għadd suffiċjenti ta' ajruporti komparabbli li jipprovdu servizzi komparabbli taħt kundizzjonijiet tas-suq normali. Skont il-paragrafu 54 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, valur referenzjarju xieraq fost l-ajruporti li l-maniġers tagħhom jaġixxu bħal MEO għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq disponibbli u rilevanti. Dan il-valur referenzjarju għandu jieħu f'kunsiderazzjoni indikaturi bħall-volumi tat-traffiku, it-tip ta' traffiku, l-importanza tal-merkanzija u l-importanza relattiva tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet mhux ajrunawtiċi tal-ajruport, it-tip u l-livell tas-servizzi pprovduti fl-ajruport, il-qrubija tal-ajruport lejn belt kbira, l-għadd ta' abitanti fiż-żona ta' lħuq tal-ajruport, il-prosperità taż-żona tal-madwar (PDG per capita) u ż-żoni ġeografiċi differenti li minnhom jistgħu jiġu attirati l-passiġġieri.

(408)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, anki jekk xi ajruporti huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat mingħajr kunsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali, il-prezzijiet mitluba minn dawn l-ajruporti jistgħu jkunu influwenzati ħafna mill-prezzijiet mitluba minn maniġers ta' ajruporti oħrajn issussidjati minn fondi pubbliċi, hekk kif dawn il-prezzijiet imsemmija l-aħħar jittieħdu f'kunsiderazzjoni mil-linji tal-ajru matul in-negozjati tagħhom mal-ajruporti li huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat.

(409)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li Ryanair innifisha kienet tal-fehma li billi l-ajruport ta' Alghero jinsab fuq gżira, b'mhux wisq bliet kbar jew ajruporti oħrajn fil-qrib, huwa diffiċli li jinstabu komparaturi b'karatteristiċi kważi identiċi. Ryanair innotat ukoll li r-riżultati mħalltin tal-eżerċizzju ta' benchmarking jistgħu jiġu spjegati mid-differenza bejn il-PDG f'Sardinja u l-PDG fiż-żoni fejn jinsabu l-ajruporti komparaturi potenzjali.

(410)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li anki kieku kienu disponibbli komparaturi affidabbli, fil-każ preżenti b'ebda mod ma seta' jkun possibbli li jsir eżerċizzju ta' benchmarking. Tabilħaqq, l-arranġamenti li qegħdin jiġu investigati jinkludu l-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, li jistabbilixxu “prezzijiet” differenti, jiġifieri tariffi tal-ajruport, tariffi tal-immaniġġjar u tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni differenti. Uħud minn dawk it-tariffi jiddependu fuq l-għadd ta' passiġġieri, uħud fuq l-għadd ta' tlugħ u nżul, filwaqt li hemm oħrajn li huma fissi. Għalhekk, kull wieħed mill-ftehimiet jimplika flussi finanzjarji kumplessi bejn il-maniġer tal-ajruport u l-linji tal-ajru (u s-sussidjarji tagħhom) li joperaw fl-ajruport, jiġifieri tariffi tal-ajruport, tariffi tal-immaniġġjar u tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni.

(411)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tqabbil tat-tariffi tal-ajruport mitluba minn So.Ge.A.AL lil-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero mat-tariffi tal-ajruport pagabbli fl-ajruporti komparaturi ma jipprovdi ebda indikazzjoni siewja għall-fini tal-applikazzjoni tal-MEOP. Sabiex tali eżerċizzju ta' benchmarking jipproduċi riżultati affidabbli, jeħtieġ li jinstabu mill-inqas arranġamenti komparabbli fl-ajruporti komparaturi, li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, ħlasijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u tariffi tal-immaniġġjar simili. Minħabba l-ispeċifiċità u l-kumplessità tal-arranġamenti inkwistjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali eżerċizzju ta' benchmarking ma jistax jitwettaq, b'mod partikolari wkoll minħabba li l-prezzijiet mitluba għas-servizzi tal-immaniġġjar u għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni rari jitpoġġew disponibbli għall-pubbliku u, għalhekk, ma jkunux faċilment disponibbli għall-fini ta' eżerċizzju bħal dan. Ryanair naqset ukoll milli tipprovdi tali dejta għaż-żewġ komparaturi.

(412)

Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li jista' jitwettaq eżerċizzju ta' benchmarking b'arranġamenti simili fis-seħħ fl-ajruporti komparabbli, li jwasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-“prezzijiet” inkwistjoni huma ekwivalenti jew saħansitra superjuri għall-“prezz tas-suq”, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, abbażi ta' dan, li l-arranġamenti li qegħdin jiġu investigati huma konformi mas-suq jekk jirriżulta li fil-mument li l-maniġer tal-ajruport daħal fl-arranġamenti inkwistjoni, dan tal-aħħar seta' jistenna b'mod raġonevoli li dawn kienu ser jirriżultaw fi spejjeż inkrementali li jaqbżu d-dħul inkrementali. Tabilħaqq, MEO ma kien ikollu ebda interess li joffri l-prodotti jew is-servizzi tiegħu bil-'prezz tas-suq' li kieku dan kien mistenni jirriżulta f'telf inkrementali.

(413)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-arranġamenti mal-linji tal-ajru fl-ajruporti, imressqa minn Ryanair bħala allegatament komparaturi rilevanti, ma jistgħux jikkostitwixxu valur referenzjarju xieraq sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq għas-servizzi pprovduti minn So.Ge.A.AL lil-linji tal-ajru differenti fl-ajruport ta' Alghero. Fin-nuqqas ta' valur referenzjarju tas-suq identifikabbli, il-Kummissjoni tqis li l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali hija l-kriterju rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruport ma' linji tal-ajru individwali.

(414)

F'din l-analiżi, għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni d-dħul u l-ispejjeż inkrementali rilevanti kollha assoċjati mat-tranżazzjoni. Id-diversi elementi (skontijiet għat-tariffi tal-ajruport, għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni, inċentivi finanzjarji oħrajn) ma għandhomx jiġu vvalutati separatament. Tabilħaqq, kif ġie ddikjarat fis-sentenza ta' Charleroi: “Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huwa […] neċessarju li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat u l-entità kkontrollata minn din tal-aħħar, meħuda flimkien, aġixxewx bħala operaturi razzjonali f'ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom […]” (103).

(415)

Id-dħul inkrementali mistenni għandu jinkludi, b'mod partikolari, id-dħul mit-tariffi tal-ajruport, b'kunsiderazzjoni tal-iskontijiet kif ukoll tat-traffiku li mistenni jiġi ġġenerat permezz tal-ftehim, flimkien mad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li mistenni jiġi ġġenerat mit-traffiku addizzjonali. L-ispejjeż inkrementali mistennija għandhom jinkludu, b'mod partikolari, l-ispejjeż għall-investiment u l-ispejjeż operattivi inkrementali kollha li ma jiġux imġarrba fin-nuqqas tal-ftehim, bħall-ispejjeż inkrementali marbuta mal-persunal, mal-apparat u mal-investiment ikkawżati mill-preżenza tal-linja tal-ajru fl-ajruport, kif ukoll l-ispejjeż tal-għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni u inċentivi finanzjarji oħrajn. Għall-kuntrarju, l-ispejjeż li l-ajruport ikollu jħallas xorta waħda, indipendentement mill-arranġament mal-linja tal-ajru, ma għandhomx jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-MEOP.

(416)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-differenzazzjoni tal-prezzijiet (inkluż l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u inċentivi oħrajn) hija prattika kummerċjali standard. Jista' jkun hemm diversi raġunijiet għaliex ma jiġux offruti l-istess kundizzjonijiet lil-linji tal-ajru kollha. B'mod partikolari, jista' jkun razzjonali li jiġu offruti inċentivi finanzjarji speċifiċi (inkluż fil-forma ta' għotjiet għall-kummerċjalizzazzjoni) u skontijiet speċifiċi għat-tariffi tal-ajruport ippubblikati lil-linji tal-ajru li jġibu għadd kbir ta' passiġġieri lejn l-ajruport. Dawk il-kundizzjonijiet favorevoli jistgħu jiġu ġġustifikati b'mod oġġettiv mit-traffiku addizzjonali mistenni, fid-dawl tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li jrendi dak it-traffiku addizzjonali (104), kif ukoll minħabba li, anki jekk il-marġini għal kull passiġġier iġġenerat mit-tariffi tal-ajruport imħallsin mil-linja tal-ajru kellu jitnaqqas permezz tal-iskontijiet u l-inċentivi finanzjarji, dan il-marġini jista' jkun sinifikanti f'termini assoluti fid-dawl tal-għadd ta' passiġġieri inkwistjoni. Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' jekk tali skontijiet u inċentivi finanzjarji jagħtux vantaġġ ekonomiku jew le, għandu jiġi stabbilit jekk, meta l-maniġer tal-ajruport ħa d-deċiżjoni li joffrihom, setax ikun mistenni b'mod raġonevoli li din id-deċiżjoni tkun profittabbli jew, fi kliem ieħor, li twassal għal profitt ogħla (jew telf aktar baxx) milli seta' jinkiseb fis-sitwazzjoni kontrofattwali.

(417)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport kienu parti mill-istrateġija fit-tul tal-ajruport. Mill-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL (ara l-premessi 59–75), jidher li hija straħet fuq il-linji tal-ajru low-cost bħala l-fattur ewlieni li wassal għat-tkabbir u li kien mistenni li hija treġġa' lura t-tnaqqis preċedenti u tirritorna għall-vijabbiltà ladarba tingħata l-konċessjoni komprensiva għall-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, il-kundizzjoni msemmija fil-premessa 399 hija ssodisfata mill-kuntratti kollha li qegħdin jiġu vvalutati. Minn dak kollu li jippreċedi, jirriżulta li għal kull ftehim li qiegħed jiġi investigat, jekk ikun jista' jiġi stabbilit li, fiż-żmien meta kien ġie konkluż, MEO ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà u li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL seta' jistenna li l-ispejjeż inkrementali futuri, li għandhom jiġu ġġenerati mill-ftehim, jiġu kkumpensati permezz tad-dħul inkrementali fil-ġejjieni, mela allura dan il-ftehim jitqies bħala konformi mal-MEOP u li ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat.

12.2.1.2.2.   Dwar il-valutazzjoni konġunta tal-ASAs ma' Ryanair u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS

(418)

Fid-Deċiżjoni tal-2012, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li għall-fini tal-applikazzjoni tal-MEOP, l-ASAs ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair u AMS, kif ukoll il-konsegwenzi finanzjarji tagħhom, kellhom jiġu vvalutati flimkien bħala miżura waħda. Ryanair ma kkontestatx li l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi direttament bejn Ryanair u So.Ge.A.AL fl-2002 u fl-2003 għandhom jiġu vvalutati flimkien mal-ASAs tal-2002 u tal-2003.

(419)

Madankollu, Ryanair ma laqgħetx il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li Ryanair u AMS għandhom jitqiesu bħala entità waħda u li ASA partikolari li daħlu fih So.Ge.A.AL u Ryanair, u ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li daħlu fih So.Ge.A.AL u AMS fl-istess ħin għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt għall-fini ta' valutazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku. Skont Ryanair, l-ASAs konklużi ma' Ryanair u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' AMS għandhom ikunu separati u indipendenti minn xulxin, ikunu relatati ma' servizzi differenti u ma jkunu soġġetti għal ebda rabta kuntrattwali jew rabta oħra bejniethom li tiġġustifika l-kunsiderazzjoni tagħhom bħala sett wieħed ta' miżuri. Dik l-opinjoni kienet appoġġata minn AMS.

(420)

F'dak is-sens, il-Kummissjoni tinnota li hemm bosta indikazzjonijiet li juru b'mod ċar il-fatt li l-ftehimiet għandhom jiġu evalwati bħala miżura waħda, minħabba li ġew konklużi fil-qafas ta' tranżazzjoni waħda.

(421)

L-ewwel nett, il-ftehimiet ġew konklużi mill-istess partijiet fl-istess ħin:

(a)

Għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, AMS u Ryanair għandhom jitqiesu bħala intrapriża waħda, fis-sens li AMS taġixxi fl-interess u taħt il-kontroll ta' Ryanair. Għall-ftehimiet preżenti, dan jista' jiġi dedott ukoll mill-fatt li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni rispettiv jgħid fil-preambolu tiegħu li “AMS għandha l-liċenzja esklussiva li toffri servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-ivvjaġġar www.ryanair.com, li huwa s-sit elettroniku tal-linja tal-ajru Irlandiża b'nollijiet baxxi Ryanair.” Għalhekk, jekk So.Ge.A.AL ikollha l-ħsieb li tippromwovi destinazzjoni ta' Ryanair u r-reġjuni tal-madwar, mela allura dan jista' jsir biss permezz ta' AMS;

(b)

Il-ftehimiet rispettivi fil-każijiet kollha ġew konklużi fl-istess dati.

(422)

It-tieni, il-preamboli tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2006 u tal-2010 ma' AMS jiddikjaraw li “s-sit elettroniku www.ryanair.com jipprovdi opportunità unika sabiex jiġu mmirati miljuni ta' passiġġieri potenzjali ta' Ryanair u jippreżenta informazzjoni estensiva dwar l-ajruporti, il-bliet u r-reġjuni li topera fihom Ryanair”. Dan jindika li, ġeneralment, l-għan tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma jkunx li jippromwovi lil Sardinja, iżda b'mod aktar speċifiku li jimmassimizza l-bejgħ tal-biljetti għad-destinazzjoni ta' Ryanair f'Alghero. Tabilħaqq, il-preamboli jiddikjaraw li So.Ge.A.AL għandha timmira għall-passiġġieri ta' Ryanair sabiex tippromwovi t-turiżmu u l-opportunitajiet ta' negozju fir-reġjun u, b'mod partikolari, l-ajruport ta' Alghero bħala destinazzjoni.

(423)

It-tielet, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS jiddikjaraw fl-ewwel taqsima tagħhom, intitolata “L-Għan tal-Ftehim”, li huma “msejsin fl-impenn ta' Ryanair li topera fuq rotot bejn Alghero u destinazzjonijiet tal-UE” (il-ftehim tal-2006 isemmi lil Londra-Stansted, Barcelona Gerona, Frankfurt Hahn, Pisa, Liverpool u Ruma). Dan il-kliem jistabbilixxi rabta diretta u mhux ambigwa bejn il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni fis-sens li wieħed ma setax jiġi konkluż mingħajr l-ieħor. Il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni huma bbażati fuq il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u s-servizzi pprovduti minn Ryanair.

(424)

Ir-raba', il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni jiddikjaraw fil-preambolu tagħhom li So.Ge.A.AL iddeċidiet li “tippromwovi b'mod attiv il-belt ta' Alghero u r-reġjun bħala destinazzjoni turistika għall-vjaġġaturi internazzjonali bl-ajru, kif ukoll bħala ċentru tan-negozju attraenti”. Din hija indikazzjoni li l-għan primarju u speċifiku tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni internazzjonali huwa li tippromwovi b'mod speċifiku l-ajruport ta' Alghero u r-reġjun tal-madwar u, għalhekk, hija marbuta mal-konklużjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport minn Ryanair.

(425)

Il-ħames, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni jistgħu jiġu tterminati minnufih minn So.Ge.A.AL f'każ li Ryanair tieqaf topera r-rotot imsemmija fuq. Dan juri għal darba oħra li l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ASAs huma marbuta b'mod inseparabbli.

(426)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li mill-analiżi tar-rapport annwali ta' So.Ge.A.AL għas-sena 2000 jidher ċar li l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni ntalab minn Ryanair bħala kundizzjoni għall-operat tar-rotta ta' Londra fiż-żmien li ddaħħal fis-seħħ l-ASA tas-sena 2000. Dan il-qari huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li l-ispejjeż tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni kienu meqjusa minn So.Ge.A.AL bħala spiża operattiva tar-rotta ta' Ryanair, aktar milli bħala investiment fl-iżvilupp tal-marka kummerċjali, kif affermat minn Ryanair u AMS.

(427)

Bħala konklużjoni, il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL u AMS huma marbuta b'mod inseparabbli mal-ASAs iffirmati minn Ryanair u So.Ge.A.AL. Il-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 421 sa 426 juru li l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma setgħux jiġu konklużi mingħajr l-ASAs. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ASAs u l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mhumiex diviżibbli u, għalhekk, issib li huwa meħtieġ li tanalizza kull ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni flimkien mal-ASA li kien konkluż fl-istess ħin, bil-għan li tiddetermina jekk tali tranżazzjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

12.2.1.2.3.   Dwar il-benefiċċji li MEO seta' jistenna li jikseb mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prezz li kien lest li jħallas għal dawn is-servizzi

(428)

Għall-fini tal-applikazzjoni tat-test tal-MEO, f'dan il-każ, l-aġir ta' RAS u So.Ge.A.AL għandu jitqabbel ma' dak ta' MEO prudenti inkarigat mill-ġestjoni tal-ajruport ta' Alghero, iggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà. Din il-valutazzjoni għandha tħalli fil-ġenb kwalunkwe riperkussjonijiet pożittivi fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport, minħabba li l-Qorti kkjarifikat li l-kwistjoni rilevanti għall-applikazzjoni tat-test tal-MEO hija dwar jekk “f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà tal-kisba ta' redditu u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikun lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (105).

(429)

Meta jiġu analizzati l-miżuri inkwistjoni, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-benefiċċji li dan l-MEO ipotetiku, immotivat mill-prospett tal-profitti, jista' jikseb mix-xiri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Din l-analiżi ma għandhiex tieħu f'kunsiderazzjoni l-impatt ġenerali ta' servizzi bħal dawn fuq it-turiżmu u l-prestazzjoni ekonomika tar-reġjun. Għandu jiġi kkunsidrat biss l-impatt ta' dawk is-servizzi fuq il-profittabbiltà tal-ajruport, minħabba li dan għandu jkun l-uniku tħassib għal MEO ipotetiku.

(430)

Fil-prinċipju, is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jistimolaw it-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u mill-ASAs, billi s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma mfasslin biex jippromwovu dawk ir-rotot tal-ajru. Għalkemm minn dan l-impatt ser tibbenifika primarjament il-linja tal-ajru kkonċernata, huwa jista' jkun ta' benefiċċju wkoll għall-maniġer tal-ajruport. Barra minn hekk, żieda fit-traffiku tal-passiġġieri tista' twassal għal żieda fid-dħul iġġenerat minn ċerti tariffi tal-ajruporti għall-maniġer tal-ajruport, kif ukoll għal żieda fid-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi, b'mod partikolari mill-parkeġġi tal-karozzi, mir-ristoranti u minn negozji oħrajn li jinsabu fl-ajruport, li l-fatturat tagħhom jakkumula kompletament jew parzjalment għall-maniġer tal-ajruport.

(431)

Għalhekk, MEO li jopera fl-ajruport ta' Alghero minflok So.Ge.A.AL u l-RAS għandu jieħu dan l-effett pożittiv possibbli f'kunsiderazzjoni meta jikkunsidra li jidħol fi ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fl-ASA korrispondenti. L-MEO għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-impatt tar-rotta tal-ajru inkwistjoni fuq id-dħul u l-ispejjeż futuri billi, f'dan il-każ, jistma ż-żieda fl-għadd ta' passiġġieri li jużaw dawk ir-rotot, li għandha tirrifletti l-effett pożittiv possibbli tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fil-forma ta' proporzjon ogħla tat-tagħbija mistennija (jew fattur tat-tagħbija) (106) għal dawk ir-rotot tal-ajru. Barra minn hekk, dan l-effett għandu jiġi evalwat għat-terminu kollu tal-operat tar-rotot tal-ajru inkwistjoni, kif ġie stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u fil-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni.

(432)

Il-Kummissjoni taqbel ma' Ryanair fuq din il-kwistjoni, jiġifieri li l-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mhux biss jiġġeneraw l-ispejjeż għall-maniġer tal-ajruport, iżda jistgħu jkunu mistennija jrendu wkoll benefiċċji.

(433)

Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit jekk b'mod raġonevoli jistgħux ikunu mistennija u kkwantifikati benefiċċji oħrajn, bħall-immaġini kummerċjali, għal MEO ipotetiku li jopera fl-ajruport ta' Alghero, jiġifieri, għajr il-benefiċċji mill-effett pożittiv fuq it-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni matul it-terminu tal-operat ta' dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport.

(434)

Ryanair tappoġġa dan l-argument, b'mod partikolari fl-istudju tagħha tas-17 ta' Jannar 2014. L-istudju huwa bbażat fuq it-teorija li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni akkwistati minn maniġer ta' ajruport jgħinu sabiex tittejjeb l-immaġini kummerċjali tal-ajruport u, bħala riżultat, sabiex jiżdied b'mod sostenibbli l-għadd ta' passiġġieri li jużaw dan l-ajruport, mhux biss l-għadd ta' passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport għat-terminu tal-operat stabbilit f'dawn il-ftehimiet. B'mod partikolari, Ryanair sostniet fl-istudju tagħha li dawn is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ser ikollhom effetti pożittivi sostenibbli fuq it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport, anki wara li jkun skada l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Din l-opinjoni hija mħaddna wkoll mill-Italja u l-benefiċċji tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ttieħdu f'kunsiderazzjoni fl-analiżi ex ante rikostruwita tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' Ryanair, kif miġbur fil-qosor fit-Tabella 8 ta' hawn taħt.

(435)

L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li ma hemm xejn li jissuġġerixxi li, meta ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni koperti mill-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-maniġer tal-ajruport jew l-RAS qatt ikkunsidra, u wisq inqas ikkwantifika, l-effetti ta' benefiċċju possibbli tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq ir-rotot tal-ajru addizzjonali għal dawk koperti mill-ftehimiet, jew il-possibbiltà li tali effetti jissoktaw wara l-iskadenza tal-ftehimiet.

(436)

Barra minn hekk, in-natura sostenibbli ta' dawk l-effetti ma tistax tiġi vvalutata abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Huwa possibbli li r-reklamar tal-ajruport ta' Alghero u tar-reġjun ta' Sardinja fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair seta' ħeġġeġ lin-nies sabiex iżuru dan is-sit biex jixtru l-biljetti ta' Ryanair lejn l-ajruport ta' Alghero, sakemm tpoġġa r-reklamar jew għal xi ftit taż-żmien wara. Madankollu, huwa improbabbli ħafna li l-effett ta' dan ir-reklamar fuq il-viżitaturi dam jew kellu influwenza fuq ix-xiri tal-biljetti tal-ajruplani għal aktar minn ftit ġimgħat wara li tpoġġa fuq is-sit elettroniku ta' Ryanair. Huwa aktar probabbli li kampanja ta' reklamar ikollha effett sostenibbli meta l-attivitajiet promozzjonali jinvolvu mezz ta' reklamar wieħed jew aktar li l-konsumaturi jkunu esposti regolarment għalih jew għalihom fuq perjodu partikolari. Pereżempju, kampanja ta' reklamar li tinvolvi stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni ġenerali, siti elettroniċi popolari u/jew diversi kartelluni ta' reklamar esebiti f'postijiet pubbliċi (ġewwa jew barra) jista' jkollha effett sostenibbli jekk il-konsumaturi jiġu esposti regolarment għal dawn il-mezzi. Madankollu, huwa improbabbli ħafna li l-attivitajiet promozzjonali limitati għas-sit elettroniku ta' Ryanair biss ikollhom effett li jdum wisq wara li tiġi fi tmiemha l-promozzjoni.

(437)

Fil-fatt, huwa probabbli ħafna li l-maġġoranza tan-nies ma jżurux is-sit elettroniku ta' Ryanair ta' spiss biżżejjed li r-reklamar waħdu jħallihom b'impressjoni ċara tar-reġjun ikkonċernat. Dan l-argument huwa appoġġat tajjeb minn żewġ fatturi. L-ewwel nett, skont it-termini tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, il-promozzjoni ta' Alghero u tar-reġjun ta' Sardinja fuq il-paġna prinċipali tas-sit elettroniku ta' Ryanair kienet limitata għal paragrafu wieħed ta' 150 kelma taħt “Top Five Things To Do” fuq il-paġna tad-destinazzjoni ta' Alghero u l-preżenza ta' link fuq il-paġna prinċipali ta' www.ryanair.com li twassal lill-utenti għal sit magħmul disponibbli minn So.Ge.A.AL. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tip ta' attivitajiet promozzjonali (sempliċi link b'valur ta' kummerċjalizzazzjoni limitat) naqqas b'mod qawwi l-effett ta' dawn l-attivitajiet wara t-tmiem tal-promozzjoni, b'mod partikolari billi dawn l-attivitajiet kienu limitati għas-sit elettroniku ta' Ryanair biss u ma kinux appoġġati minn xi mezz ieħor. It-tieni, l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fil-ftehimiet li daħlet għalihom AMS kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom relatati mal-paġna elettronika ddedikata għad-destinazzjoni tal-ajruport ta' Alghero. Huwa probabbli ħafna li l-maġġoranza tan-nies ma jżurux din il-paġna ta' spiss; jekk u meta jżuruha, probabbli li dan ikun biss minħabba li diġà jkunu interessati f'din id-destinazzjoni.

(438)

B'hekk, anki li kieku s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni żiedu t-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għall-perjodu tal-implimentazzjoni tagħhom, huwa probabbli ħafna li dan l-effett kien żero jew negliġibbli wara dan it-terminu.

(439)

Mill-istudji ta' Ryanair tas-17 u tal-31 ta' Jannar 2014 jirriżulta wkoll li l-ġenerazzjoni tal-benefiċċji li jmorru 'lil hinn mir-rotot tal-ajru koperti minn dawn il-ftehimiet jew li jissoktaw wara t-terminu tal-operat għal dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u fil-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, kienet estremament inċerta u ma setgħetx tiġi kkwantifikata bi grad ta' affidabbiltà li jitqies bħala suffiċjenti minn MEO prudenti.

(440)

B'hekk, pereżempju, skont l-istudju tas-17 ta' Jannar 2014, “il-profitti inkrementali futuri wara l-iskadenza skedata tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport huma inerentement inċerti”. Barra minn hekk, dan l-istudju jissuġġerixxi żewġ metodi għall-evalwazzjoni a priori tal-effetti pożittivi tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni: metodoloġija ta' “fluss tal-flus” u metodoloġija ta' “kapitalizzazzjoni”.

(441)

Il-metodoloġija ta' “fluss tal-flus” tinvolvi l-evalwazzjoni tal-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport permezz ta' valutazzjoni tad-dħul li jista' jiġi ġġenerat fil-ġejjieni mill-maniġer tal-ajruport permezz tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, nieqes l-ispejjeż korrispondenti. Fil-metodoloġija ta' “kapitalizzazzjoni”, it-titjib tal-immaġini kummerċjali tal-ajruport permezz tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jiġi ttrattat bħala assi intanġibbli, akkwistat għall-prezz stipulat fil-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni.

(442)

Madankollu, l-istudju tas-17 ta' Jannar 2014 jenfasizza d-diffikultajiet ewlenin ippreżentati mill-approċċ ta' “kapitalizzazzjoni” u juri li r-riżultati prodotti minn dan il-metodu jistgħu ma jkunux affidabbli; huwa jissuġġerixxi li l-approċċ ta' “fluss tal-flus” ikun aħjar. B'mod partikolari, l-istudju jsib li “l-approċċ ta' kapitalizzazzjoni għandu jieħu f'kunsiderazzjoni biss il-proporzjon tan-nefqa fuq il-kummerċjalizzazzjoni li jista' jiġi attribwit lill-bażi tal-assi intanġibbli ta' ajruport. Madankollu, jista' jkun diffiċli li jiġi identifikat il-proporzjon tan-nefqa fuq il-kummerċjalizzazzjoni li huwa mmirat lejn il-ġenerazzjoni tad-dħul mistenni għall-ajruport fil-ġejjieni (jiġifieri investiment fil-bażi tal-assi intanġibbli tal-ajruport) kuntrarju għall-ġenerazzjoni tad-dħul attwali għall-ajruport.” L-istudju jenfasizza wkoll li “sabiex jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq kapitalizzazzjoni, jeħtieġ li jiġi stmat it-tul ta' żmien medju li ajruport ikun jista' jżomm klijent grazzi għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni ta' AMS. Fil-prattika, ikun diffiċli ħafna li jiġi stmat il-perjodu medju taż-żamma tal-klijenti wara kampanja ta' AMS, minħabba li ma teżistix biżżejjed dejta.”

(443)

L-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 jipproponi applikazzjoni prattika tal-approċċ ta' “fluss tal-flus”. Skont dan l-approċċ, il-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruporti, li jdumu jinħassu saħansitra wara li jkun skada l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, huma espressi bħala 'valur terminali' li jiġi kkalkulat fid-data tal-iskadenza tal-ftehim. Il-valur terminali jiġi kkalkulat mill-profitti inkrementali tal-ajruport (netti mill-pagamenti ta' AMS) fl-aħħar sena tal-ASA, aġġustat b'mod li jieħu f'kunsiderazzjoni r-rata ta' tkabbir għas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa u l-fattur tal-probabbiltà mfassal biex jirrifletti l-kapaċitajiet tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li jikkontribwixxu għall-profitti tal-ajruport wara l-iskadenza tagħhom. L-istess metodu ta' kalkolu tal-“valur terminali” kien propost mill-Italja fir-rapport tal-MEOP tal-2014 (ara l-premessa 471).

(444)

Skont l-istudju tal-31 ta' Jannar 2014, il-kapaċità għall-produzzjoni ta' benefiċċji dejjiema tiddependi fuq diversi fatturi, “inklużi prominenza akbar u marka kummerċjali aktar b'saħħitha, flimkien ma' esternalitajiet tan-netwerk u passiġġieri li jerġgħu jagħmlu użu mill-istess servizzi”, għalkemm ma ngħatawx dettalji dwar dawn il-fatturi.

(445)

L-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 jissuġġerixxi fattur ta' probabbiltà ta' 30 %, li huwa jqis bħala prudenti. Madankollu, l-istudju ma jipprovdi ebda prova serja għal dan il-fattur, la fuq livell kwantitattiv u lanqas fuq livell kwalitattiv. Huwa ma jibbażax ruħu fuq fatti relatati mal-attivitajiet ta' Ryanair, is-swieq tat-trasport bl-ajru jew is-servizzi pprovduti fl-ajruport sabiex jissostanzja din ir-rata ta' 30 %. Huwa ma jistabbilixxi ebda rabta bejn din ir-rata u l-fatturi li jsemmi tul it-triq (il-prominenza, marka kummerċjali b'saħħitha, l-esternalitajiet tan-netwerk u l-passiġġieri li jerġgħu jagħmlu użu mill-istess servizzi) u li mistennija jestendu l-benefiċċji tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni wara d-dati ta' skadenza tagħhom. Fl-aħħarnett, l-istudju b'ebda mod ma jibbaża ruħu fuq il-kontenut speċifiku tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni previsti fid-diversi ftehimiet ma' AMS meta janalizza kemm dawn is-servizzi jistgħu jinfluwenzaw il-fatturi msemmija fil-premessa 444.

(446)

Barra minn hekk, l-istudju ma jagħti ebda prova li teżisti xi probabbiltà li, mal-iskadenza tal-ASA u tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, il-profitti ġġenerati minn dawk il-ftehimiet għall-maniġer tal-ajruport fis-sena finali tal-applikazzjoni tagħhom ser jissoktaw fil-ġejjieni. Bl-istess mod, huwa ma jipprovdi ebda prova li r-rata ta' tkabbir tas-suq tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa hija indikatur utli sabiex jitkejjel l-impatt ta' ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u ta' ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għal ajruport partikolari.

(447)

Għalhekk, huwa improbabbli ħafna li “valur terminali” kkalkolat bl-użu tal-metodu ssuġġerit minn Ryanair u mill-Italja jittieħed f'kunsiderazzjoni minn MEO prudenti meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jidħolx fi ftehim jew le. Għalhekk, l-istudju tal-31 ta' Jannar 2014 juri li approċċ ta' “fluss tal-flus” iwassal biss għal riżultati inċerti u inaffidabbli ħafna, l-istess bħall-metodu ta' “kapitalizzazzjoni”.

(448)

Barra minn hekk, is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jimmiraw b'mod ċar għall-persuni li x'aktarx jużaw ir-rotta koperta mill-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Jekk din ir-rotta ma tiġix imġedda mal-iskadenza tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, huwa improbabbli li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkomplu jkollhom effett pożittiv fuq it-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport wara d-data ta' skadenza. Huwa diffiċli ħafna għal maniġer ta' ajruport li jivvaluta l-probabbiltà li linja tal-ajru tkompli topera rotta mal-iskadenza tat-terminu li għalih impenjat ruħha fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport. Il-linji tal-ajru low-cost, b'mod partikolari, urew li, meta niġu għall-ftuħ u l-għeluq tar-rotot, huma reattivi ħafna għall-kundizzjonijiet tas-suq li, aktar spiss milli le, jinbidlu malajr ħafna. Pereżempju, fil-każ preżenti, l-Italja sostniet li Germanwings iddeċidiet li twaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport ta' Alghero wara sena biss u, għalhekk, il-ftehim tagħha ma' So.Ge.A.AL ma laħaqx għamel it-terminu sħiħ tiegħu (it-trasportatur ikkonkluda ftehim ta' tliet snin mal-ajruport) minħabba li hija ma setgħetx tiġġenera biżżejjed traffiku sabiex tilħaq ekwilibriju. Mid-dokumenti fil-fajl ta' dan il-każ jirriżulta wkoll li Ryanair evalwat mill-ġdid (mill-inqas darba fl-2009) l-operazzjonijiet tagħha mill-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, meta jidħol fi tranżazzjoni bħal dik li qiegħda tiġi eżaminata f'dan il-każ, MEO prudenti ma jistrieħx fuq kumpanija tal-ajru li testendi l-operat tar-rotta inkwistjoni mal-iskadenza tal-ftehim.

(449)

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni tinnota li dan l-approċċ tal-inklużjoni ta' “valur terminali”, segwit mill-Italja fir-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, ma kienx applikat mill-Italja meta ġiet biex tikkunsidra l-profittabbiltà tal-ftehimiet iffirmati ma' linji tal-ajru oħrajn li joperaw fl-ajruport, għalkemm ġew konklużi ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni mal-maniġer tal-ajruport. L-argumentazzjoni tal-Italja fuq dan il-punt tistrieħ fuq il-fatt li l-għadd ta' viżitaturi potenzjali fis-siti elettroniċi ta' linji tal-ajru oħrajn għajr Ryanair huwa ferm aktar baxx mill-udjenza ta' ryanair.com. Minħabba din il-popolarità ferm aktar baxxa, ma jkunx rilevanti li jiġi kkwantifikat valur terminali fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' linji tal-ajru oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li sal-2006 ġew iffirmati ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair minflok ma' AMS. Valur terminali ma kienx meqjus bħala li jikkontribwixxi għall-benefiċċji futuri miksuba wara t-tmiem tat-terminu tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair fl-2002 u fl-2003.

(450)

Bħala konklużjoni, jidher ċar mill-premessi 428 sa 449 li l-uniku benefiċċju li jista' jistenna MEO prudenti minn ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, u li jkun jista' jikkwantifika meta jiġi biex jiddeċiedi dwar jekk għandux jidħol fi ftehim bħal dan jew le, flimkien ma' ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport, ikun li s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkollhom effett pożittiv fuq l-għadd ta' passiġġieri li jużaw ir-rotot koperti mill-ftehimiet inkwistjoni għat-terminu tal-operat ta' dawn ir-rotot, kif stabbilit fil-ftehimiet. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe benefiċċji possibbli oħrajn huma inċerti wisq biex jiġu kkwantifikati u kkunsidrati.

12.2.1.2.4.   Valutazzjoni tal-Ispejjeż u tad-Dħul Inkrementali

(451)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 398 sa 450, għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-MEOP, il-Kummissjoni għandha (i) tanalizza kull wieħed mill-ASAs flimkien mal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jekk ikun hemm wieħed, inkluż meta tali ftehim ikun ġie ffirmat ma' AMS, u (ii) tiddetermina l-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn kull tranżazzjoni konġunta, b'kunsiderazzjoni tal-effett tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni fuq il-fatturi tat-tagħbija mistennija.

Ftehimiet ma' Ryanair

(452)

L-ASAs konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair huma ppreżentati fit-Tabella 7:

Tabella 7

L-ASAs konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair

Ftehim

(data tal-iffirmar)

Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

L-ASA tas-sena 2000

(it-22 ta' Ġunju 2000)

Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

L-ASA tal-2002

(il-25 ta' Jannar 2002)

Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

L-ASA tal-2003

(l-1 ta' Settembru 2003)

Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

L-ASA tal-2006

(it-3 ta' April 2006)

Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

L-ASA tal-2010

(l-20 ta' Ottubru 2010)

Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

(453)

L-Italja tasserixxi li So.Ge.A.AL fasslet bosta pjanijiet ta' negozju relatati mal-iżvilupp globali tal-ajruport f'diversi punti fiż-żmien bejn is-sena 2000 u s-sena 2010. Dawk il-pjanijiet ta' negozju jinkludu xi estimi li jħarsu 'l quddiem fuq l-għadd ta' passiġġieri u d-dħul, kif ukoll xi informazzjoni dwar l-ispejjeż. Madankollu, ebda wieħed minn dawk il-pjanijiet ta' negozju ma huwa speċifiku għal ftehim partikolari li ġie ffirmat bejn So.Ge.A.AL u l-linji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero jew ma' AMS. Barra minn hekk, huma ma jkoprux il-perjodu kollu tal-ftehimiet ta' So.Ge.A.AL ma' dawk il-linji tal-ajru.

(454)

Kif issemma hawn fuq, l-Italja ħejjiet analiżi rikostruwita tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li jistgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn MEO li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-konklużjoni ta' kull wieħed minn dawn il-ftehimiet matul il-perjodu taħt investigazzjoni, jiġifieri bejn is-sena 2000 u l-2010, kif miġbur fil-qosor fit-Tabella 8. Abbażi ta' din l-analiżi, So.Ge.A.AL tista' tistenna b'mod raġonevoli li l-ftehimiet ma' Ryanair ikunu profittabbli għall-ajruport fiż-żmien li jiġu konklużi.

(455)

Il-pjan tan-negozju tas-sena 2000 ta' So.Ge.A.AL intuża fl-analiżi rikostruwita tal-profittabbiltà mistennija tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, filwaqt li l-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2009 intużaw fl-analiżi rikostruwita tal-ASAs tas-snin 2006 u 2010.

(456)

Madankollu, ma kienx possibbli li wieħed jiddeduċi d-dħul u l-ispejjeż inkrementali kollha assoċjati ma' kull ftehim ma' Ryanair mill-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL. Għal dawk il-kategoriji ta' dħul u spejjeż inkrementali li ma setgħux jiġu dedotti mill-pjanijiet tan-negozju, l-Italja bbażat l-analiżi tagħha tal-profitti inkrementali tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair fuq id-dispożizzjonijiet tal-ASAs u tal-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni.

(457)

It-tabella 8 tistabbilixxi l-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tar-Rapport tal-MEOP tal-2014. Il-fatt li dawk l-NPVs huma kollha pożittivi jikkonferma li kien razzjonali għall-maniġer tal-ajruport li jikkonkludi l-ftehimiet ma' Ryanair.

Tabella 8

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair — ir-Rapport tal-MEOP tal-2014  (107)

Ftehim

NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (108)

L-ASA tas-sena 2000

[4–8] (**)

L-ASA tal-2002

[3–6]

L-ASA tal-2003

[9–12]

L-ASA tal-2006

[6–9]

L-ASA tal-2010

[9–12]

(458)

Is-suppożizzjonijiet ikkunsidrati għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà rikostruwita huma spjegati fid-dettall fil-premessi 459–471.

i.   Dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi

(459)

L-Italja ħadet f'kunsiderazzjoni kategoriji differenti ta' dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi, b'mod partikolari dħul minn tariffi bħal dawk fuq l-inżul, il-groundhandling u l-qtugħ tal-biljetti. Fejn kienu disponibbli, intużaw it-tariffi stipulati fl-ASAs. Għal dawk it-tariffi mhux speċifikati fl-ASAs, is-suppożizzjonijiet kienu bbażati fuq id-dejta tal-fatturi pprovduta minn Ryanair. Madankollu, l-Italja spjegat li d-dejta tal-fatturi ta' Ryanair dwar it-tariffi hija konsistenti mat-tariffi ppubblikati ta' So.Ge.A.AL għas-servizzi kollha pprovduti fl-ajruport, minbarra l-immaniġġjar. Ryanair ingħatat skont fuq it-tariffi tal-immaniġġjar, li kien jirrifletti l-iskala tal-operazzjonijiet tat-trasportatur fl-ajruport, kif rifless fl-ASAs.

(460)

Sabiex tikseb dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi, So.Ge.A.AL issupplimentat l-informazzjoni dwar il-passiġġieri u t-tlugħ u l-inżul ta' Ryanair mill-ASAs b'informazzjoni miksuba mill-pjanijiet tan-negozju.

(461)

L-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003 ma stipulaw ebda projezzjoni ta' traffiku. Għalhekk, il-previżjonijiet tat-traffiku, li jservu bħala l-bażi tal-analiżi tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, inkisbu mill-pjan tan-negozju tas-sena 2000 ta' So.Ge.A.AL, li kien fih projezzjonijiet għat-traffiku ta' Ryanair fl-ajruport. Għalkemm l-ASAs tal-2006 u tal-2010 stipulaw ċerti miri ta' traffiku għal Ryanair, l-Italja spjegat li dawn il-miri ma kinux jirriflettu l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL tal-livell globali tat-traffiku ta' Ryanair fl-ajruport. Minflok, So.Ge.A.AL kienet tal-fehma li l-miri kienu jirrappreżentaw impenji kuntrattwali minimi minn Ryanair. Għalhekk, il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-ASAs tal-2006 u tal-2010 kienu bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fl-eqreb punt fiż-żmien qabel ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010 (jiġifieri, il-projezzjonijiet tat-traffiku huma bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2009 ta' So.Ge.A.AL).

(462)

Minħabba li l-pjanijiet tan-negozju ta' So.Ge.A.AL ma jkoprux il-perjodu kollu tal-ftehimiet kuntrattwali tagħha mal-linji tal-ajru, sabiex l-analiżi tal-profittabbiltà tiġi estiża għall-perjodu kollu tal-ftehimiet ma' Ryanair, il-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru (rotazzjonijiet) u tat-tluq tal-passiġġieri ġew żviluppati għas-snin mhux koperti mill-pjanijiet tan-negozju f'żewġ passi. L-ewwel nett, l-għadd ta' tlugħ u nżul ta' Ryanair kien imbassar permezz tal-aġġornar tal-għadd ta' tlugħ u nżul għas-sena ta' qabel inkluż fil-pjan tan-negozju, billi wieħed jassumi tkabbir annwali ta' 19 % fit-tlugħ u l-inżul. Dan il-fattur ta' tkabbir huwa bbażat fuq it-tkabbir medju mistenni mill-pjan tan-negozju tas-sena 2000 matul il-perjodu bejn l-2004 u l-2006. It-tieni, l-għadd ta' passiġġieri li jitilqu għall-perjodu li jifdal inkiseb mill-kapaċità tal-postijiet annwali, implikata mill-għadd ta' tlugħ u nżul, billi wieħed jassumi fattur tat-tagħbija ta' 82 %, jiġifieri l-fattur medju tat-tagħbija għan-netwerk kollu ta' Ryanair fiż-żmien li ġew iffirmati l-ftehimiet.

ii.   Dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi

(463)

Is-suppożizzjonijiet għad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kienu bbażati fuq il-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fl-eqreb punt tal-iffirmar ta' kull ASA, kif stabbilit fit-Tabella 9:

Tabella 9

Suppożizzjonijiet dwar id-dħul mistenni minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi

Ftehim

Dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq

(EUR)

Sors

ASA tal-2000

1,96–2,38

Pjan tan-negozju tas-sena 2000

ASA tal-2002

2,17–2,38

Pjan tan-negozju tas-sena 2000

ASA tal-2003

2,17–2,38

Pjan tan-negozju tas-sena 2000

ASA tal-2006

4,31–4,64

Pjan tan-negozju tal-2004

ASA tal-2010

6,02–6,47

Pjan tan-negozju tal-2009

(464)

Għall-perjodu ta' kull ASA mhux kopert mill-pjanijiet tan-negozju rispettivi, l-aħħar previżjoni disponibbli tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq kienet riportata f'kull sena sal-aħħar tal-ftehim. Pereżempju, fil-pjan tan-negozju tas-sena 2000, l-aħħar sena li għaliha hija disponibbli previżjoni hija l-2006. Skont il-pjan tan-negozju, fl-2006, id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq kien ta' EUR 2,38. Għal kull sena li jifdal tal-ASA tal-2006, kien preżunt l-istess livell ta' dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għal kull passiġġier li jitlaq.

iii.   Spejjeż inkrementali

(465)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-ispejjeż inkrementali mistennija assoċjati mal-operat ta' Ryanair fiż-żmien li ġie ffirmat kull wieħed mill-ASAs, l-ispejjeż inkrementali ġew stmati mill-Italja abbażi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż operattivi tal-ajruport u l-għadd ta' passiġġieri.

(466)

Ġie segwit approċċ ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat kif ivarjaw l-ispejjeż operattivi hekk kif jinbidel l-għadd ta' passiġġieri, bil-għan li jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn So.Ge.A.AL fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ASAs ma' Ryanair. Fl-ewwel pass, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport fuq l-ispejjeż operattivi tal-istess ajruport. Fit-tieni pass, l-istima tal-ispejjeż operattivi addizzjonali bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair inkisbet mir-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanair.

(467)

Ġew ikkunsidrati l-komponenti tal-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż inkrementali tal-persunal

(b)

l-ispejjeż inkrementali tal-prodotti u s-servizzi, tas-sigurtà, tal-inventarji u tal-materjal

(c)

il-ħlasijiet lejn inċentivi għal rotot ġodda, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv lil Ryanair jew AMS

(d)

l-ispejjeż tal-konċessjoni

(468)

Spejjeż tal-persunal: Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tas-sena 2000 jinkludi l-ispejjeż tal-persunal addizzjonali meħtieġa bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair sal-2006. Għalhekk, għall-finijiet tal-valutazzjonijiet tal-ASAs tas-snin 2000, 2002 u 2003, l-ispejjeż inkrementali tal-persunal inkisbu mill-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL tas-sena 2000. Madankollu, il-pjanijiet tan-negozju tal-2004 u tal-2006 ma jipprovdu ebda dejta dwar l-ispejjeż inkrementali. Sabiex jinkisbu estimi tal-ispejjeż tal-persunal li huma inkrementali għall-ftehimiet ma' Ryanair wara l-2006, twettqet analiżi statistika abbażi tad-dejta dwar l-ispejjeż aggregati tal-persunal tal-ajruport, sabiex b'hekk jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-ispejjeż, li varja bil-bidliet fl-għadd ta' passiġġieri (109). L-istima tal-ispejjeż tal-persunal addizzjonali mbagħad inkisbet mir-riżultati ta' rigressjoni kkombinati mal-għadd stmat ta' passiġġieri ta' Ryanair.

(469)

Spejjeż oħrajn: Bl-istess mod, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali tal-prodotti u tal-materjal (110), tas-servizzi (111), tas-sigurtà u tal-inventarji, hekk kif dawn l-ispejjeż ma ssemmewx fil-pjanijiet tan-negozju. L-inċentivi għar-rotot ġodda, it-tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv pagabbli lil Ryanair ġew inklużi bħala spiża għall-ajruport. L-ispejjeż ta' konċessjoni inkrementali (112) kienu bbażati fuq l-ispejjeż għal kull unità fil-livell tal-ajruport, immultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku għal Ryanair.

(470)

Skont l-Italja, So.Ge.A.AL ma kellhiex l-għan li tirkupra l-ispiża tat-terminal il-ġdid tal-passiġġieri mit-tariffi mħallsin minn Ryanair. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż ta' investiment konnessi mat-terminal il-ġdid mhumiex imputabbli għal ebda wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair u, għalhekk, mhumiex parti mill-ispejjeż inkrementali.

(471)

Il-ħlasijiet ta' kummerċjalizzazzjoni lil AMS ittieħdu f'kunsiderazzjoni bħala spejjeż għall-ajruport. Fl-istess ħin, “valur terminali” żdied bħala dħul għall-ajruport sabiex jagħti kont għall-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u tal-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport li, fil-fehma tal-Italja, jissoktaw anki wara l-iskadenza tal-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-“valur terminali” jiġi kkalkolat abbażi tal-istess approċċ segwit minn Ryanair u spjegat fid-dettall fil-premessi 443–446.

(472)

It-tabella 10 tippreżenta l-NPV (113) tal-flussi tal-flus li seta' jkun mistenni mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 459 sa 471.

Tabella 10

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair — ir-rapport tal-MEOP tal-2014

Ftehim

(data tal-iffirmar)

Perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (114)

ASA tal-2000

(it-22 ta' Ġunju 2000)

Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

[4–8]

ASA tal-2002

(il-25 ta' Jannar 2002)

Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

[3–6]

ASA tal-2003

(l-1 ta' Settembru 2003)

Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

[9–12]

ASA tal-2006

(it-3 ta' April 2006)

Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

[6–9]

ASA tal-2010

(l-20 ta' Ottubru 2010)

Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

[9–12]

(473)

Il-Kummissjoni tinnota li għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, l-Italja kkunsidrat tul ta' għaxar snin għall-ASA tal-2006 u ta' disa' snin għall-ASA tal-2010, minflok il-perjodu li matulu kien mistenni li jibda japplika inizjalment il-ftehim, jiġifieri ħames snin u erba' snin, rispettivament. Madankollu, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni wkoll bir-riżultati tal-analiżi tal-profittabbiltà meta ħadet f'kunsiderazzjoni t-tul inizjali tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, kif strettament definit f'dawk il-ftehimiet.

(474)

Fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha, l-Italja sostniet li fiż-żmien li ġew iffirmati kull wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair, So.Ge.A.AL kellha aspettattivi raġonevoli li dawn kienu ser jiġġeddu fuq termini simili. B'mod partikolari, abbażi tad-dispożizzjoni espliċita fl-ASA tal-2006 li l-ftehim jista' jiġi estiż għal terminu addizzjonali ta' ħames snin sal-1 ta' Jannar 2016, So.Ge.A.AL stenniet li dan il-ftehim jiġġedded fuq termini simili. B'mod simili, l-ASA tal-2010 kien mistenni li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2013, bil-potenzjal li l-ASA jiġi estiż għal terminu addizzjonali ta' ħames snin sal-31 ta' Diċembru 2018.

(475)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument.

(476)

L-ewwel nett, la l-ftehim tal-2006 u lanqas dak tal-2010 ma jistipulaw l-estensjoni awtomatika tal-ftehim ladarba dan ikun lesta t-terminu sħiħ tiegħu.

(477)

Minflok, l-ASA tal-2006 jistipula li So.Ge.A.AL timpenja ruħha, mal-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet, li tinnegozja mill-ġdid pakkett xieraq ta' servizzi ta' użu tal-ajruport ma' Ryanair għal terminu addizzjonali ta' ħames snin, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li t-trasportatur jissodisfa l-obbligi tiegħu f'termini tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni b'mod sħiħ u li So.Ge.A.AL tikseb il-konċessjoni sabiex topera l-ajruport wara l-1 ta' Jannar 2011. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, abbażi ta' dik id-dispożizzjoni weħidha, fl-2006 So.Ge.A.AL ma setgħetx tistrieħ fuq estensjoni, mhux l-inqas fuq termini simili, meta tali estensjoni tkun ipotetika u tiddependi b'mod partikolari fuq ir-rieda ta' Ryanair illi taċċettaha. Tabilħaqq, id-dispożizzjoni msemmija fuq ma torbotx legalment lil Ryanair għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid mal-maniġer tal-ajruport u lanqas ma tipprovdi ċertezza fir-rigward tal-osservanza minn kwalunkwe parti tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, b'mod partikolari minħabba l-inċertezza sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti tal-konċessjoni komprensiva lill-operatur tal-ajruport f'dak iż-żmien.

(478)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ASA tal-2010 jipprovdi saħansitra inqas ċertezza fir-rigward tal-estensjoni potenzjali tiegħu. L-Artikolu 2 — “Terminu” jaqra: “il-ftehim jista' jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin skont il-kundizzjonijiet u t-termini stabbiliti hawnhekk, jew kif emendati mill-partijiet, bil-kundizzjoni li jkun jista' jintlaħaq kunsens bil-miktub minn qabel miż-żewġ partijiet mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tat-terminu inizjali. (…) Kwalunkwe tiġdid sussegwenti ta' dan il-ftehim għandu jiġi nnegozjat bejn il-Partijiet, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tat-terminu addizzjonali.” Għalhekk, huwa evidenti li kwalunkwe estensjoni tal-ftehim għandha tkun ġiet soġġetta għal negozjati bejn il-partijiet u, għalhekk, ma setgħetx tkun preżunta minn So.Ge.A.AL fiż-żmien meta kien iffirmat l-ASA tal-2010.

(479)

It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li fil-fajl tal-każ ma hemm ebda evidenza li turi li t-tensjonijiet tal-2009 bejn So.Ge.A.AL u Ryanair poġġew ir-relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur f'riskju. F'dak iż-żmien, Ryanair ikkundizzjonat il-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha fl-ajruport ta' Alghero fuq il-konklużjoni ta' ftehim addizzjonali. Fil-fatt, huwa evidenti mill-minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tas-7 ta' Lulju 2009, tad-9 ta' Settembru 2009 u tat-23 ta' Frar 2010 ipprovduti mill-Italja li d-deċiżjoni tal-maniġer tal-ajruport li eventwalment jiffirma l-ASA l-ġdid ma' Ryanair għal perjodu ta' ħames snin ħadet f'kunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim tal-aħħar ma stabbilixxa ebda penali għat-terminazzjoni bikrija tal-ftehim. B'mod partikolari:

Ryanair intalbet bil-qawwa kollha sabiex tikkonkludi ftehim addizzjonali, li 'ċertament għandu jirriżulta fiż-żieda tal-valur tal-kontribuzzjonijiet ta' ko-kummerċjalizzazzjoni'. Jekk dan il-ftehim ma jiġix iffirmat minnufih, it-trasportatur għandu jwaqqaf l-operat tar-rotot kollha mill-ajruport ta' Alghero (115);

kien diskuss dokument li jispjega l-evoluzzjoni tal-arranġamenti ma' Ryanair u l-istat attwali tar-relazzjonijiet mal-linja tal-ajru, li jippreżenta dawk li fil-fehma ta' Ryanair għandhom ikunu l-passi li jmiss, li kienu jinkludu l-kanċellazzjoni jew it-tnaqqis tal-frekwenza tat-titjiriet intra-UE u s-sostituzzjoni tagħhom ma' rotot nazzjonali (116);

il-Bord staqsa dwar il-marġini tan-negozjar, jekk hemm, fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali ma' Ryanair, “minħabba li l-azzjonisti ma tawx mandat lill-Bord sabiex jittermina l-ftehim mat-trasportatur” (117).

(480)

Mill-minuti tal-Assemblea tal-Azzjonisti ta' So.Ge.A.AL tas-26 ta' Ottubru 2001 jirriżulta wkoll li l-kumpanija kkunsidrat li tittermina l-ASA tas-sena 2000 qabel l-iskadenza tiegħu u li dan iġġenera dibattiti twal fost l-azzjonisti.

(481)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li fiż-żmien li ġew konklużi l-ASAs ta' Ryanair tal-2006 u tal-2010, So.Ge.A.AL ma setgħetx tistenna li dawk il-ftehimiet jiġu estiżi, jew għall-inqas ma setgħetx tistenna li dawn jiġu estiżi taħt l-istess termini kuntrattwali.

(482)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Italja, il-ftehim ma' linja tal-ajru oħra soġġetta għall-investigazzjoni, Germanwings, ma lestiex it-terminu sħiħ tiegħu u t-trasportatur opera biss mill-ajruport fl-2007. Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja kkjarifikat li l-linja tal-ajru ddeċidiet li twaqqaf l-operazzjonijiet mill-ajruport minħabba li ma setgħetx tiġġenera biżżejjed traffiku biex tilħaq ekwilibriju minn perspettiva finanzjarja.

(483)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ASAs tal-2006 u tal-2010, huwa biss il-perjodu stipulat mill-ASAs, jiġifieri ħames snin għall-ASA tal-2006 u erba' snin għall-ASA tal-2010, li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni (l-NPVs fit-Tabella 10 ġew ikkalkolati abbażi tat-tul inizjali tal-ftehimiet, kif stabbilit fl-ASAs).

(484)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ASAs tal-2006 u tal-2010, kif ukoll il-ftehimiet dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ffirmati bejn So.Ge.A.AL, Ryanair u AMS, kienu applikati b'mod retrospettiv, kif ġej:

(a)

l-ASA tal-2006 u l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ġew iffirmati fit-3 ta' April 2006, iżda kienu applikati b'mod retrospettiv mill-1 ta' Jannar 2006;

(b)

l-ASA tal-2010 u l-ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ġew iffirmati fl-20 ta' Ottubru 2010, iżda kienu applikati b'mod retrospettiv mill-1 ta' Jannar 2010.

(485)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont So.Ge.A.AL, it-termini tal-ftehimiet li kienu qegħdin jiġu diskussi ma' Ryanair u AMS fil-perjodi li għalihom il-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 applikaw b'mod retrospettiv (jiġifieri bejn Jannar 2006 u April 2006, fil-każ tal-ftehimiet tal-2006 u bejn Jannar 2010 u Ottubru 2010, fil-każ tal-ftehimiet tal-2010) kienu simili għat-termini tal-ftehimiet li eventwalment ġew iffirmati f'April 2006 u Ottubru 2010. Fi kliem ieħor, il-ftehimiet konklużi f'April 2006 u Ottubru 2010 sempliċiment ifformalizzaw it-termini li kienu maqbula qabel il-perjodu li matulu dawn il-ftehimiet kienu applikati b'mod retrospettiv. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kunsiderazzjoni ta' kull ftehim matul it-terminu skedat tiegħu hija konformi ma' approċċ ex ante u li, għalhekk, fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, il-perjodu li għalih il-ftehimiet applikaw b'mod retrospettiv ma għandux jiġi eskluż.

(486)

Madankollu, abbażi tar-raġunijiet spjegati fid-dettall hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-benefiċċji li jista' jistenna MEO prudenti minn ftehim dwar is-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jkunu strettament limitati għat-terminu tal-operat tat-trasportatur fl-ajruport, kif stabbilit fil-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kwalunkwe “valur terminali” li għandu l-għan li jirrifletti l-benefiċċji futuri tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni wara t-terminu tal-applikazzjoni ta' dawk il-ftehimiet għandu jitħalla barra mill-analiżi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Italja ma kkunsidratx li “valur terminali” jammonta għall-benefiċċji miksuba wara l-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings (ara l-premessa 528).

(487)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li l-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu, abbażi ta' dan, tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi (mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni fil-premessa preċedenti dwar il-“valur terminali”) huwa wieħed tajjeb. Għalkemm il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suppożizzjonijiet li jikkonċernaw il-projezzjonijiet tat-traffiku normalment għandhom ikunu esklussivament ibbażati fuq il-frekwenzi tar-rotot u l-miri tal-passiġġieri stipulati fl-ASAs u fuq il-fattur tat-tagħbija li seta' jkun mistenni b'mod raġonevoli minn So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġie konkluż kull ASA ma' Ryanair, meta wieħed iqis li f'dak iż-żmien li ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010 So.Ge.A.AL kienet qiegħda tistenna li t-traffiku ta' Ryanair kien ser jaqbeż il-miri minimi stabbiliti fil-ftehimiet, il-Kummissjoni taqbel li l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew iffirmati l-ftehimiet, kif stabbiliti fil-pjanijiet tan-negozju, jirrappreżentaw l-aktar sors preċiż sabiex jiġu dedotti l-previżjonijiet ta' So.Ge.A.AL tat-traffiku ta' Ryanair fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ASAs tal-2006 u tal-2010.

(488)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fir-rigward tal-fattur tat-tagħbija ta' Ryanair, fiż-żmien tal-iffirmar ta' kull wieħed mill-ftehimiet, bħala raġonevoli, minħabba li dawn kienu bbażati fuq l-esperjenza u l-għarfien tal-mudell kummerċjali tal-linja tal-ajru.

(489)

Il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Italja, So.Ge.A.AL ma kellhiex l-għan li tirkupra l-ispiża tat-terminal ġdid tal-passiġġieri mit-tariffi mħallsin minn Ryanair. F'dan ir-rigward, tabilħaqq jidher li kien l-iżvilupp tat-turiżmu b'mod ġenerali li kien jeħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal tal-ajruport ta' Alghero sabiex jakkomoda t-tkabbir antiċipat fit-traffiku. Qabel saru l-investimenti fl-ajruport ta' Alghero, minkejja l-potenzjal sinifikanti, l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu kien imfixkel minn nuqqas ta' konnettività internazzjonali. L-ajruport ta' Alghero laħaq limitazzjonijiet f'termini tal-kapaċità fl-2003 u fl-2004 u, għalhekk, kienu meħtieġa aktar investimenti sabiex l-ajruport ikun jista' jakkomoda aktar passiġġieri. Il-pjan tan-negozju ta' So.Ge.A.AL mill-2004 ippreveda li l-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport kien ser jiżdied b'madwar 30 % fl-2008, imqabbel mal-livelli qabel l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruport fl-2004. Filwaqt li jidher ċar mill-pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL fi żmien differenti matul il-perjodu taħt investigazzjoni li l-maniġer tal-ajruport iddependa fuq il-linji tal-ajru low-cost bħala l-ixprunatur ewlieni tat-tkabbir (u li l-kumpanija kienet ser terġa' lura għall-vijabbiltà ladarba tingħata l-konċessjoni komprensiva), dan l-għan ma kellu ebda rabta mar-relazzjoni ma' linja tal-ajru speċifika. Tabilħaqq, ebda wieħed mill-ASAs ma' Ryanair ma jsemmi xi investimenti li jridu jitwettqu mill-maniġer tal-ajruport. F'dan is-sens, il-Kummissjoni tinnota li l-investiment fl-espansjoni tat-terminal kien approvat minn CIPE fl-1997 u, għalhekk, ħafna qabel ma Ryanair bdiet topera fl-ajruport ta' Alghero. L-applikazzjoni lil ENAC għall-konċessjoni komprensiva kienet parti mill-istrateġija ta' So.Ge.A.AL bil-għan li ssaħħaħ is-settur tat-turiżmu billi tattira trasportaturi low-cost. Din l-istrateġija kienet teħtieġ l-espansjoni tal-kapaċità tat-terminal sabiex dan ikun jista' jakkomoda t-tkabbir tat-traffiku antiċipat, konċessjoni “komprensiva” sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet effikaċi u effettivi fl-ajruport u kuntratti ma' trasportaturi low-cost. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni taċċetta li l-ispejjeż tal-investiment konnessi mat-terminal il-ġdid ma huma imputabbli għal ebda wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair u, għalhekk, mhumiex parti mill-ispejjeż inkrementali.

(490)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ispejjeż inkrementali mistennija kienu stmati mill-Italja wara li ġie segwit approċċ minn isfel għal fuq. Ġiet segwita analiżi tar-rigressjoni sabiex jiġi identifikat kif l-ispejjeż operattivi jvarjaw skont il-bidla fl-għadd ta' passiġġieri, bil-għan li jiġu stmati l-ispejjeż inkrementali li setgħu kienu mistennija minn So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-iffirmar tal-ASAs ma' Ryanair. Fl-ewwel pass, twettqet analiżi ta' rigressjoni sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport fuq l-ispejjeż operattivi tal-istess ajruport. Fit-tieni pass, l-istima tal-ispejjeż operattivi addizzjonali bħala riżultat tal-ftehimiet ma' Ryanair inkisbet mir-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanair.

(491)

Għall-ASAs tal-2006 u tal-2010, id-dejta dwar l-ispejjeż inkrementali użata mill-Italja fir-rigressjoni tmur lura għal qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet li kellhom ikunu disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data meta l-maniġer tal-ajruport daħal fil-ftehimiet inkwistjoni. Madankollu, minħabba li d-dejta dwar l-ispejjeż hija disponibbli biss għall-perjodu 1998–2010, li kieku kien segwit approċċ simili għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003, kien ikun hemm biss żewġ, tliet u erba' punti ta' dejta disponibbli, rispettivament, sabiex titwettaq l-analiżi tar-rigressjoni. Il-Kummissjoni taqbel li dan mhuwiex biżżejjed sabiex jinkisbu riżultati robusti. Fin-nuqqas ta' dejta ex ante suffiċjenti li tippermetti r-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà abbażi ta' dejta li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li kienu ffirmati l-ftehimiet inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra b'mod eċċezzjonali (ara l-premessa 284) li, għal dawn il-ftehimiet, rigressjoni bbażata fuq dejta tar-riżultati għall-perjodu kollu bejn l-1998 u l-2010 hija indikatur aċċettabbli ta' x'kellhom ikunu l-aspettattivi raġonevoli ta' MEO.

(492)

Abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet ir-rikostruzzjoni tal-analiżi tal-profittabbiltà ex ante tal-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija b'mod raġonevoli minn operatur fl-ekonomija tas-suq li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-konklużjoni ta' kull wieħed mill-ftehimiet li qegħdin jiġu investigati fil-każ preżenti. Tabilħaqq, jidher ċar mid-diversi pjanijiet tan-negozju mfasslin minn So.Ge.A.AL li l-maniġer tal-ajruport ippreveda żieda tat-traffiku abbażi tal-istrateġija tiegħu li jsaħħaħ is-settur tat-turiżmu billi jattira traffiku internazzjonali bi spejjeż baxxi, li kien meqjus bħala li jipproduċi introjtu konsiderevolment ogħla mill-passiġġieri milli mill-attivitajiet domestiċi (118).

(493)

It-tabella ta' hawn taħt tippreżenta l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall hawn fuq.

Tabella 11

NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Ryanair

Ftehim

Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'miljuni ta' EUR) (119)

L-ASA tal-2000

Mit-22 ta' Ġunju 2000 sal-21 ta' Ġunju 2010

[4–8]

L-ASA tal-2002

Mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2012

[3–6]

L-ASA tal-2003

Mill-1 ta' Settembru 2003 sal-1 ta' Settembru 2014

[9–12]

L-ASA tal-2006

Mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010

[3–6]

L-ASA tal-2010

Mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013

[2–4]

(494)

Billi r-riżultat skontat mistenni huwa pożittiv għal kull wieħed mill-ftehimiet ma' Ryanair, il-Kummissjoni hija sodisfatta li kull wieħed mill-ASAs ma' Ryanair kien mistenni li jkun profittabbli fiż-żmien meta ġew konklużi u, għalhekk, fil-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, So.Ge.A.AL ma tat ebda vantaġġ ekonomiku lil Ryanair u, għalhekk, dawn ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat.

Ftehimiet ma' trasportaturi oħrajn għajr Ryanair

Ftehimiet ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings

(495)

Il-Kummissjoni investigat il-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings, kif spjegati fid-dettall fit-Tabella 12:

Tabella 12

Il-ftehimiet ta' So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings

Alitalia

30.11.2010

Ftehim tal-immaniġġjar

1.12.2010–1.12.2015

20.10.2010

Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

7.6.2010–30.09.2010

Volare

29.11.2007

Ftehim tal-immaniġġjar

28.10.2007–31.10.2010

29.11.2007

Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

28.10.2007–31.10.2010

Meridiana

28.4.2010

Ftehim tal-immaniġġjar

4.2010–4.2011

20.10.2010

Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

6.2010–10.2010

Germanwings

19.3.2007

Ftehim tal-immaniġġjar

25.3.2007–31.10.2009

25.3.2007

Ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni

2007–2009

i.   Dwar il-valutazzjoni konġunta tal-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni

(496)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li f'kull każ, hemm indikazzjonijiet qawwija li dawk il-ftehimiet kienu nnegozjati u konklużi bħala parti minn tranżazzjoni waħda u, għalhekk, għandhom jiġu evalwati bħala miżura waħda. B'mod partikolari:

(a)

il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana, li kien japplika b'mod retroattiv għall-perjodu bejn Ġunju u Ottubru 2010, stabbilixxa fl-Artikolu 1 — “L-Għan tal-Ftehim” li: “Meridiana timpenja ruħha li topera r-rotot imsemmija fuq [Milan, Verona, Bari] skont il-programmi operattivi definiti minn qabel u, għalhekk, li topera programm ta' Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni bi qbil ma' So.Ge.A.AL”. Barra minn hekk, il-ftehim jistabbilixxi l-possibbiltà għat-tiġdid tal-ftehim, diment li Meridiana tilħaq ċerti miri relatati mal-passiġġieri;

(b)

skont il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, li kien japplika b'mod retroattiv għall-perjodu bejn Ġunju u Settembru 2010, Alitalia kellha tiddefinixxi Programm ta' Komunikazzjoni u Kummerċjalizzazzjoni li jkollu l-għan li jippromwovi r-reġjun, anki permezz tat-tnedija tar-rotot il-ġodda (Barċellona, Pariġi u Brussell);

(c)

il-ftehimiet tal-immaniġġjar u tal-kummerċjalizzazzjoni ma' Volare kienu konklużi fl-istess data. Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Volare jistabbilixxi: “Dan il-Ftehim Addizzjonali jirrappreżenta parti sostanzjali mill-Ftehim Standard dwar il-Groundhandling. Għalhekk, dan ser jibqa' fis-seħħ sakemm jiġi fi tmiemu l-Ftehim Standard dwar il-Groundhandling, tkun xi tkun ir-raġuni, f'liema żmien jintemmu wkoll dan il-Ftehim Addizzjonali u d-drittijiet u l-obbligi kollha pprovduti permezz tiegħu.” Il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni jistabbilixxi wkoll il-miri tal-passiġġieri li jimpenja ruħu li jilħaq it-trasportatur;

(d)

il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Germanwings “jistabbilixxi l-għanijiet u l-miri li għandhom jintlaħqu minn Germanwings skont it-talbiet ta' AHO [ta' Alghero]. Il-partijiet jikkonfermaw li l-parametri użati għad-dikjarazzjoni tal-għan li jintlaħqu l-għanijiet u l-miri msemmija fuq ser ikunu rrappreżentati mill-għadd annwali ta' passiġġieri u titjiriet operati minn Germanwings lejn/minn AHO [Alghero]”. Il-ftehim jistabbilixxi l-ħlasijiet għal eżitu pożittiv u kontribuzzjoni ta' darba li għandha titħallas minn So.Ge.A.AL.

(497)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li teżisti rabta ċara bejn il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni, fis-sens li dawn tal-aħħar kienu bbażati fuq il-konklużjoni tal-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u s-servizzi pprovduti mit-trasportaturi.

ii.   Dwar l-approċċ segwit sabiex jiġu stmati l-ispejjeż u d-dħul inkrementali

(498)

Ma twettqet ebda analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-ftehimiet ma' dawk il-linji tal-ajru minn So.Ge.A.AL qabel il-konklużjoni tagħhom. Kif issemma hawn fuq, permezz ta' ittra datata l-25 ta' Marzu 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b'analiżi ex ante rikostruwita tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi ma' Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings abbażi tad-dejta li kellha tkun disponibbli għal MEO li jaġixxi minflok So.Ge.A.AL fiż-żmien li ġew konklużi l-ftehimiet inkwistjoni, kif ukoll fid-dawl tal-iżviluppi prevedibbli f'dak iż-żmien.

(499)

Skont l-Italja, l-approċċ segwit għall-analiżi rikostruwita jirrifletti l-metodoloġija li kellha tiġi adottata minn MEO u r-riżultati mill-valutazzjoni tal-profittabbiltà ta' dawk il-ftehimiet juru li dawn il-ftehimiet kienu mistennija li jkunu wkoll profittabbli għal So.Ge.A.AL fuq bażi ex ante.

(500)

L-analiżi hija bbażata fuq l-approċċ stabbilit fil-premessi 501 sa 524.

(501)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi nkiseb permezz tal-applikazzjoni tat-tariffi tal-ajruport rilevanti li mistennija jitħallsu minn kull linja tal-ajru, flimkien mal-previżjonijiet tat-traffiku għal-linja tal-ajru rispettiva għas-servizzi kollha pprovduti, minbarra l-groundhandling. Id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi tal-groundhandling huwa bbażat fuq it-tariffi nnegozjati bejn So.Ge.A.AL u kull linja tal-ajru. Il-previżjonijiet tat-traffiku huma bbażati fuq il-livelli tat-traffiku tal-linja tal-ajru fis-sena ta' qabel l-iffirmar tal-ftehim jew fuq il-miri tat-traffiku stipulati fil-ftehimiet rilevanti.

(502)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi huwa bbażat fuq l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fiż-żmien li kienu ffirmati l-ftehimiet tal-2007 u tal-2010 mal-linji tal-ajru dwar id-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi ta' madwar EUR 5,00–6,00 għal kull passiġġier li jitlaq bħala riżultat tal-iżvilupp tat-terminal il-ġdid (ara wkoll it-Tabella 9).

(503)

Id-dħul operattiv inkrementali inkiseb billi ttieħdu f'kunsiderazzjoni l-kategoriji tal-ispejjeż inkrementali li kienet qiegħda tistenna So.Ge.A.AL fiż-żmien tal-iffirmar ta' kull ftehim ma' Air One/Alitalia, Volare, Meridiana u Germanwings u kien jinkludi: l-ispejjeż inkrementali tal-persunal, l-ispejjeż inkrementali tal-immaniġġjar, l-ispejjeż inkrementali tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-materjal, l-ispejjeż inkrementali tal-konċessjoni u l-pagamenti tal-kummerċjalizzazzjoni ta' darba relatati mar-rotot ġodda u mal-ħlasijiet għal eżitu pożittiv.

(504)

L-analiżi tar-rigressjoni twettqet fuq l-għadd ta' passiġġieri u fuq l-ispejjeż fil-livell tal-ajruport sabiex jiġi identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri tal-ajruport ta' Alghero fuq l-ispejjeż totali tal-ajruport.

(505)

Għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2010 ma' Alitalia u Meridiana, l-Italja wettqet ir-rigressjoni fuq id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu ta' qabel l-iffirmar tal-ftehimiet, jiġifieri bejn l-1998 u l-2009, li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data meta hija daħlet fil-ftehimiet inkwistjoni.

(506)

Madankollu, skont l-Italja, l-għadd ta' punti tad-dejta disponibbli qabel l-iffirmar tal-ftehimiet tal-2007 ma' Germanwings u Volare (1998–2006) huwa baxx ħafna. L-estimi li jirriżultaw tal-ispejjeż inkrementali tal-persunal u tal-materjal huma ta' EUR 2,7 u EUR 9,3, rispettivament, għal kull passiġġier li jitlaq, li jitqiesu bħala għoljin b'mod eċċezzjonali. F'dan il-każ, iż-żieda jew it-tħassir ta' punt wieħed tad-dejta jħallu impatt materjali fuq ir-riżultati. Abbażi ta' dan, l-analiżi tal-profittabbiltà trendi NPV negattiv għal Germanwings, filwaqt li l-NPV tal-ftehim ma' Alitalia jibqa' pożittiv. Skont l-Italja, l-estimi mir-rigressjonijiet tal-ispejjeż isiru aktar stabbli hekk kif l-għadd ta' punti tad-dejta jiżdied u, għalhekk, fir-rigward tal-ftehimiet tal-2007 ma' Germanwings u Volare, ir-rigressjoni għandha tkopri l-perjodu sħiħ mill-1998 sal-2010.

(507)

Fit-tieni pass, l-estimi tal-ispejjeż addizzjonali totali bħala riżultat tal-ftehimiet speċifiċi bejn So.Ge.A.AL u l-linji tal-ajru rispettivi nkisbu abbażi tar-riżultati miksuba fl-ewwel pass, flimkien mal-previżjonijiet rispettivi tal-għadd ta' passiġġieri ta' kull linja tal-ajru.

(a)

L-ispejjeż inkrementali mistennija tal-immaniġġjar, tal-prodotti, tas-servizzi u tal-materjal matul it-terminu ta' kull ftehim huma bbażati fuq l-ispejjeż medji tal-immaniġġjar għal kull ATM u fuq l-ispejjeż medji tal-prodotti, tas-servizzi u tal-materjal għal kull passiġġier fil-livell tal-ajruport matul is-sena immedjatament qabel l-iffirmar tal-ftehim. Dawn l-ispejjeż unitarji jiżdiedu permezz tal-inflazzjoni mistennija f'kull sena u jiġu mmultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku rispettivi għal kull linja tal-ajru;

(b)

L-ispejjeż tal-konċessjoni jvarjaw skont l-għadd ta' passiġġieri. L-ispejjeż tal-konċessjoni inkrementali huma bbażati fuq l-ispejjeż medji tal-konċessjoni għal kull passiġġier fil-livell tal-ajruport matul is-sena qabel kien iffirmat kull ftehim, immultiplikati bil-previżjonijiet tat-traffiku għal-linja tal-ajru rispettiva u jiżdiedu permezz tal-inflazzjoni.

(508)

Il-fatturi tat-tagħbija preżunti fl-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi ma' Alitalia, Germanwings, Volare u Meridiana huma bbażati fuq l-għarfien u l-esperjenza preċedenti ta' So.Ge.A.AL rigward l-operazzjonijiet u l-mudell tan-negozju ta' kull linja tal-ajru (120), kif spjegat fid-dettall fit-Tabella 13.

Tabella 13

Is-suppożizzjonijiet tal-fatturi tat-tagħbija

Linja tal-ajru

Fattur tat-tagħbija

Air One/Alitalia

mhux disponibbli

Germanwings

60

Volare

50

Meridiana

65

—   Air One/Alitalia

(509)

Il-projezzjonijiet tat-traffiku għal Air One/Alitalia matul it-terminu tal-ftehim tal-immaniġġjar inkisbu kif ġej:

(a)

il-projezzjonijiet tat-traffiku assoċjati mal-bidu tat-tliet rotot internazzjonali lejn/minn Barċellona, Brussell u Pariġi huma bbażati fuq il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni. Kien preżunt li Air One/Alitalia topera tliet titjiriet fil-ġimgħa għal kull rotta;

(b)

il-projezzjonijiet tat-traffiku għat-titjiriet domestiċi huma bbażati fuq l-għadd ta' titjiriet operati minn Air One/Alitalia fl-2009, imsaħħa minn suppożizzjoni li t-traffiku domestiku ser jiżdied b'1 % kull sena.

(510)

Il-projezzjonijiet tat-traffiku ntużaw għall-kisba tad-dħul inkrementali mistenni u tal-ispejjeż inkrementali mistennija. Id-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi huwa bbażat fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku u t-tariffi tal-ajruport ippubblikati għas-servizzi kollha minbarra l-immaniġġjar. It-tariffi tal-immaniġġjar huma bbażati fuq il-ftehim tal-immaniġġjar tal-2010. Id-dħul mistenni minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi nkiseb kif spjegat fid-dettall fil-premessa 502).

(511)

L-ispejjeż inkrementali mistennija nkisbu abbażi tas-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' kummerċjalizzazzjoni ta' darba minn So.Ge.A.AL sabiex tiġi inċentivata t-tnedija tar-rotot internazzjonali ta' Air One/Alitalia mill-ajruport ta' Alghero.

(512)

Abbażi ta' dawk is-suppożizzjonijiet, l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet tal-2010 ma' Air One/Alitalia, kif ikkalkolat mill-Italja, huwa ppreżentat fit-Tabella 14.

Tabella 14

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Air One/Alitalia tal-2010 (f'miljuni ta' EUR)

Sena

2010

2011

2012

2013

2014

2015

Profitti inkrementali

[0–1]

[3–6]

[3–6]

[3–6]

[3–6]

[3–6]

NPV (121) (matul it-terminu tal-ftehim)

[10–14]

 

 

 

 

 

—   Volare

(513)

Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Volare huma bbażati fuq l-ATMs stabbiliti fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri 28 titjira fl-2007, 207 titjiriet għall-2008 u l-2009 u 180 titjira għall-2010.

(514)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-immaniġġjar, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

(515)

L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku bbażati fuq is-suppożizzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […] għall-ewwel sena ta' attività.

(516)

Fil-kalkolu tal-NPV muri fit-Tabella 15, l-analiżi tar-rigressjoni kienet ibbażata fuq id-dejta dwar l-ispejjeż minn qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri bejn l-1998 u l-2006.

Tabella 15

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Volare tal-2007 (f'eluf ta' EUR)

Sena

2007

2008

2009

2010

Profitti inkrementali

[13–18]

[50–100]

[100–125]

[100–125]

NPV (122) (matul it-terminu tal-ftehim)

[250–300]

 

 

 

—   Meridiana

(517)

Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Meridiana, li jservu bħala l-bażi tas-suppożizzjonijiet dwar id-dħul inkrementali u l-ispejjeż inkrementali mistennija, huma bbażati fuq l-għadd ta' ATMs fuq ir-rotot lejn/minn Milan, Verona u Bari, kif speċifikat fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010.

(518)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-immaniġġjar, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

(519)

L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku spjegati fid-dettall fil-premessi 503–508 u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […].

(520)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana kien mistenni li japplika għal sena waħda, fil-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010 u stipulat li dan jista' jiġi estiż sabiex ikopri s-snin 2011 u 2012 jekk l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru mil-linja tal-ajru jaqbeż ċerti limiti minimi. L-Italja spjegat li fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ftehimiet, So.Ge.A.AL stenniet li Meridiana twassal il-livell minimu meħtieġ ta' traffiku tal-passiġġieri u, għalhekk, li Meridiana ġġedded il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (u konsegwentement tal-immaniġġjar) ma' So.Ge.A.AL fuq termini simili.

(521)

Abbażi ta' dawk is-suppożizzjonijiet, l-NPV tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet tal-2010 ma' Meridiana huwa ppreżentat fit-Tabella 16. Kif muri fit-Tabella 16, għall-fini tal-analiżi tal-profittabbiltà, l-Italja ħadet f'kunsiderazzjoni l-perjodu 2010–2013.

Tabella 16

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Meridiana tal-2010 għall-perjodu 2010–2013 (f'eluf ta' EUR)

Sena

2010

2011

2012

2013

Profitti inkrementali

– [150–200]

[400–450]

[400–450]

[400–450]

NPV (123) (matul it-terminu tal-ftehim)

[950–1 100 ]

 

 

 

—   Germanwings

(522)

Il-previżjonijiet tat-traffiku għal Germanwings huma bbażati fuq l-ATMs fil-mira stipulati fil-ftehim tal-2007 u jservu bħala l-bażi għall-aspettattivi ta' SO.GE.A.AL fir-rigward tad-dħul inkrementali u tal-ispejjeż inkrementali fiż-żmien li hija daħlet fil-ftehim.

(523)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi kien ibbażat fuq it-tariffi tal-ajruport ippubblikati u fuq il-ftehim tal-2007, flimkien mal-projezzjonijiet tat-traffiku. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

(524)

L-ispejjeż inkrementali kienu bbażati fuq it-tariffi medji għal kull unità u fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku u jinkludu l-pagament ta' darba ta' EUR […] fl-ewwel sena, kif ukoll il-ħlasijiet għal eżitu pożittiv (l-analiżi tassumi li Germanwings kellha tilħaq il-miri relatati mal-passiġġieri). Fil-kalkolu tal-NPV muri fit-Tabella 17, l-analiżi tar-rigressjoni kienet ibbażata fuq dejta dwar l-ispejjeż li tmur lura għal qabel l-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri bejn l-1998 u l-2006.

Tabella 17

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Germanwings tal-2007 (f'eluf ta' EUR)

Sena

2007

2008

2009

Profitti inkrementali

– [130–150]

– [20–30]

– [5–10]

NPV (124) (matul it-terminu tal-ftehim)

– [150–200]

 

 

iii.   Valutazzjoni

(525)

Il-Kummissjoni taqbel mas-solidità tal-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu, abbażi ta' dan, tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi.

(526)

L-istess jgħodd fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż inkrementali, li jinkludu l-ħlasijiet tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-analiżi tar-rigressjoni għandha tkun ibbażata fuq dejta li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fil-mument li ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet u, għalhekk, għandha titmexxa biss għall-perjodu ta' qabel l-iffirmar ta' dawk il-ftehimiet, jiġifieri, f'dan il-każ, bejn l-1998 u l-2006 għall-ftehimiet ma' Germanwings u Volare u bejn l-1998 u l-2009 għall-ftehimiet ma' Alitalia u Meridiana.

(527)

Kuntrarju għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003 ma' Ryanair, li għalihom il-Kummissjoni aċċettat li ma tista' titmexxa ebda rigressjoni sinifikanti fuq il-bażi ta' dejta ex ante dwar l-ispejjeż u, għalhekk, intużat id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu bejn l-1998 u l-2008 bħala indikatur ta' dak li seta' jistenna MEO raġonevoli fiż-żmien li kienu konklużi dawk il-ftehimiet (ara l-premessa 491), fil-każ tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings u tal-ftehim tal-2010 ma' Meridiana kienu disponibbli aktar punti ta' dejta sabiex titwettaq ir-rigressjoni fuq dejta ex ante dwar l-ispejjeż, li kellhom ikunu disponibbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien li hija daħlet fil-ftehimiet inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota wkoll li kien aċċettat approċċ simili mill-Italja għall-analiżi tal-ftehimiet tal-2006 ma' Ryanair, li jmorru lura għal qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-2007 ma' Germanwings.

(528)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tal-approċċ tal-Italja li ma tikkunsidrax 'valur terminali' bħala li jagħti kont għall-benefiċċji miksuba wara l-iskadenza tat-terminu tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings. Dak l-approċċ huwa konformi mar-raġunament tal-Kummissjoni kif żviluppat fil-premessi 445–450.

(529)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, b'mod simili għall-ASAs tal-2006 u tal-2010 ma' Ryanair, il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana u Alitalia kienu japplikaw b'mod retrospettiv bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010. So.Ge.A.AL spjegat li matul dak il-perjodu, So.Ge.A.AL kient qiegħda tiddiskuti termini simili għall-ftehim li kien iffirmat aktar tard ma' Meridiana u Alitalia fl-20 ta' Ottubru 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel li dan l-approċċ huwa konsistenti ma' dak ta' MEO.

(530)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Meridiana (applikabbli fil-perjodu bejn Ġunju 2010 u Ottubru 2010) stabbilixxa li huwa jista' jiġi estiż sabiex ikopri s-snin 2011 u 2012 jekk l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru mil-linja tal-ajru jaqbeż il-limiti minimi stipulati fih. L-Italja spjegat li fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ftehimiet, So.Ge.A.AL stenniet li Meridiana twassal il-livell minimu meħtieġ ta' traffiku tal-passiġġieri u, għalhekk, li Meridiana ġġedded il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (u konsegwentement tal-immaniġġjar) ma' So.Ge.A.AL fuq termini simili.

(531)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument. L-ewwel nett, il-ftehim tal-immaniġġjar ma' Meridiana ma stabbilixxa ebda dispożizzjoni espliċita dwar it-tiġdid possibbli tiegħu. Tali klawżola kienet inkluża biss fil-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li l-estensjoni possibbli tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni, li tassumi li Meridiana laħqet il-miri tat-traffiku, ser tirriżulta fl-estensjoni għal perjodu ta' żmien simili tal-ftehim tal-immaniġġjar mat-trasportatur, il-fatt jibqa' li fiż-żmien li kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar, ma kien hemm ebda obbligu legali li kien jorbot lil Meridiana sabiex tissokta bl-operazzjonijiet mill-ajruport wara t-termini inizjali tal-ftehim, jiġifieri April 2011. Barra minn hekk, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni kien iffirmat fl-20 ta' Ottubru 2010, jiġifieri aktar minn sitt xhur wara li kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f'April 2010, meta kien iffirmat il-ftehim tal-immaniġġjar, So.Ge.A.AL ma setgħetx tiddependi fuq it-tiġdid ta' kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet fuq termini simili, b'tali tiġdid ikun ipotetiku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-analiżi tal-profittabbiltà għandha tieħu f'kunsiderazzjoni biss it-tul ta' żmien inizjali tal-ftehim, jiġifieri sena waħda.

(532)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tieħu nota tal-approċċ tal-Italja li tiġġustifika l-aspettattivi ta' So.Ge.A.AL fir-rigward tat-tiġdid tal-ftehim tal-immaniġġjar sempliċiment abbażi tal-possibbiltà ta' estensjoni tal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni (minflok tal-ftehim tal-immaniġġjar). Il-Kummissjoni tqis li dan l-approċċ jagħmel l-argument espress matul l-investigazzjoni minn Ryanair u AMS li l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport jistgħu jiġu distinti faċilment bħala diffiċli biex jiġu aċċettati.

(533)

Il-Kummissjoni bniet l-analiżi mill-ġdid abbażi tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 525 sa 532. L-NPVs li rriżultaw għal dawk il-ftehimiet fiż-żmien meta dawn ġew konklużi, fil-perjodu li matulu kienu mistennija japplikaw, huma ppreżentati fit-Tabella 18.

Tabella 18

L-NPVs tal-ftehimiet bejn So.Ge.A.AL u Air One/Alitalia, Meridiana, Volare u Germanwings

Linja tal-ajru

Il-perjodu li matulu kien mistenni japplika l-ftehim

NPV matul it-terminu tal-ftehim (f'eluf ta' EUR)

Volare

2007–2010

[250–300]

Air One/Alitalia

2010–2015

[12 500 –13 000 ]

Meridiana

2010–2011

– [150–200]

Germanwings

2007–2009

– [150–200]

(534)

Minħabba li r-riżultat skontat mistenni huwa negattiv għall-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings, il-Kummissjoni ssib li So.Ge.A.AL ma aġixxietx bħal MEO fil-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet. Il-maniġer tal-ajruport ma setax jistenna li jkopri mill-inqas l-ispejjeż inkrementali miġjuba minn kwalunkwe wieħed minn dawk il-kuntratti. B'hekk, billi So.Ge.A.AL ma aġixxietx bħal MEO, id-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-ftehimiet fuq dawk it-termini tat vantaġġ ekonomiku lil Germanwings u Meridiana.

(535)

Il-ħarsa ġenerali lejn l-ispejjeż u d-dħul inkrementali li setgħu jkunu mistennija fiż-żmien li ġew konklużi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings hija miġbura fil-qosor fit-Tabella 19.

Tabella 19

Il-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet ma' Germanwings u Meridiana

Germanwings

2007

2008

2009

Il-Passiġġieri Mistennija

15 000

15 000

15 000

Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Ajrunawtiċi

[…]

[…]

[…]

Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Mhux Ajrunawtiċi

[…]

[…]

[…]

L-Ispejjeż Inkrementali Mistennija

[…]

[…]

[…]

Is-Sostenn ta' Kummerċjalizzazzjoni għall-Ispejjeż

[…]

[…]

[…]

Ir-Riżultat Nominali Mistenni

– 140 482

– 24 616

– 8 745


Meridiana

2010

Il-Passiġġieri Mistennija

59 631

Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Ajrunawtiċi

[…]

Id-Dħul Inkrementali Mistenni minn Attivitajiet Mhux Ajrunawtiċi

[…]

L-Ispejjeż Inkrementali Mistennija

[…]

Is-Sostenn ta' Kummerċjalizzazzjoni għall-Ispejjeż

[…]

Ir-Riżultat Nominali Mistenni

– 175 174

(536)

B'kuntrast, il-ftehimiet ma' Volare u Alitalia setgħu jkunu mistennija li jwasslu għal riżultat skontat pożittiv. Għalhekk, fil-konklużjoni ta' dawk il-ftehimiet, So.Ge.A.AL ma tat ebda vantaġġ ekonomiku lil dawk it-trasportaturi.

iv.   Konklużjoni

(537)

Abbażi tal-analiżi tal-profittabbiltà sottomessa mill-Italja fir-rigward tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Alitalia u Volare, il-Kummissjoni hija sodisfatta li kien ikun razzjonali għal MEO ggwidat minn prospetti ta' profittabbiltà li jaċċetta t-termini ta' dawk il-ftehimiet fid-data meta ġew iffirmati. Għalhekk, dawk il-ftehimiet ma jinvolvu ebda għajnuna lit-trasportaturi tal-ajru.

(538)

Madankollu, abbażi tal-valutazzjoni fil-premessi 525 sa 536, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx razzjonali għal So.Ge.A.AL li tikkonkludi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings. Kull wieħed minn dawk il-ftehimiet jinvolvi vantaġġ ekonomiku lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

Ftehimiet ma' bmibaby, Air Italy u Air Vallée

(539)

Kif issemma aktar 'il fuq, permezz ta' ittra tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL mal-linji tal-ajru l-oħrajn soġġetti għall-investigazzjoni, jiġifieri, bmibaby, Air Italy u Air Vallée.

(540)

Il-ftehimiet tal-immaniġġjar rilevanti ffirmati bejn So.Ge.A.AL u Air Italy, Air Vallée u bmibaby huma miġbura fil-qosor fit-Tabella 20:

Tabella 20

Ftehimiet tal-immaniġġjar ma' bmibaby, Air Italy u Air Vallée

Linja tal-ajru

It-tul mistenni tal-ftehim

It-tariffa tal-immaniġġjar għal kull tlugħ u nżul

Air Italy

Mill-1 ta' Ġunju 2008 sal-31 ta' Diċembru 2010

600

Air Vallée

Mid-9 ta' Awwissu 2010 sat-30 ta' Awwissu 2010

300

Bmbaby

Mid-29 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' Settembru 2010

700

(541)

Il-metodoloġija segwita mill-Italja sabiex teżamina l-profittabbiltà inkrementali tal-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL u Air Italy, Air Vallée u bmibaby hija spjegata fid-dettall fil-premessi 542 sa 545.

(542)

Id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi jinkludi dħul mit-tariffi fuq l-inżul, mit-tariffi tal-immaniġġjar tal-bagalji, mit-tariffi tal-passiġġieri, mill-immaniġġjar tal-ajruplani u mill-qtugħ tal-biljetti. It-tariffi kollha, għajr dawk għall-immaniġġjar, kienu bbażati fuq l-iskema ppubblikata tat-tariffi tal-ajruport. Id-dħul inkrementali minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi kien stmat skont l-approċċ deskritt fil-premessa 502.

(543)

L-ispejjeż inkrementali mistennija jinkludu l-ispejjeż relatati mal-persunal (125), mal-immaniġġjar, mal-prodotti, is-servizzi u l-materjal, kif ukoll allokazzjoni tal-ispejjeż ta' konċessjoni ta' So.Ge.A.AL. Billi l-ftehimiet rilevanti ffirmati minn So.Ge.A.AL ma' Air Vallée u bmibaby ma kinux jikkonċernaw servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, l-analiżi ma tikkunsidrax il-pagamenti għall-kummerċjalizzazzjoni. Twettqet analiżi tar-rigressjoni fuq l-għadd ta' passiġġieri u l-ispejjeż fil-livell tal-ajruport abbażi ta' dejta ex ante li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fil-mument meta ddaħħlu fis-seħħ il-ftehimiet inkwistjoni, jiġifieri bejn l-1998 u l-2007 għall-ftehim ma' Air Italy u bejn l-1998 u l-2009 għall-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby.

(544)

It-tabella 21 tiġbor fil-qosor il-profitti inkrementali li mistennija jakkumulaw għal So.Ge.A.AL mill-ftehim ma' Air Italy. L-NPV tal-profitti inkrementali li setgħet tistenna So.Ge.A.AL mill-ftehim ma' Air Italy jammonta għal EUR 99 330 (126).

Tabella 21

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehim ma' Air Italy tal-2008 (EUR)

Sena

2008

2009

2010

Il-profitti inkrementali

[30 000 –40 000 ]

[30 000 –40 000 ]

[30 000 –40 000 ]

NPV (127) (matul it-terminu tal-ftehim)

[90 000 –110 000 ]

 

 

(545)

It-tabella 22 tiġbor fil-qosor il-profitti inkrementali li mistennija jakkumulaw għal So.Ge.A.AL mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby. L-NPVs tal-profitti inkrementali li setgħet tistenna So.Ge.A.AL mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby jammontaw għal EUR 3 399 u EUR 25 330 rispettivament (128). Skont l-Italja, l-estimi tal-NPV huma relattivament baxxi minħabba li l-ftehimiet konklużi bejn So.Ge.A.AL, Air Vallée u bmibaby kienu mistennija li jkopru biss perjodu ta' sena waħda (jew inqas minn sena).

Tabella 22

L-NPVs tal-flussi tal-flus mistennija mill-ftehimiet ma' Air Vallée u bmibaby (EUR)

 

Air Vallée

Bmibaby

Il-profitti inkrementali

[3 000 –3 500 ]

[25 000 –26 000 ]

(546)

Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ meħud mill-Italja fl-istima tal-għadd ta' passiġġieri u fil-kalkolu tad-dħul inkrementali mistenni minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi u tal-ispejjeż inkrementali tal-ftehimiet konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Air Italy, Air Vallée u bmibaby huwa l-istess bħal dak applikat għall-ftehimiet mat-trasportaturi l-oħrajn. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-ftehimiet kienu mistennija li jkunu profittabbli għal So.Ge.A.AL fiż-żmien meta kienu ffirmati.

12.2.1.3.   Is-selettività

(547)

Il-vantaġġ ekonomiku identifikat fil-premessa 534 ingħata fuq bażi selettiva, minħabba li kienu biss Meridiana u Germanwings li bbenifikaw minnu. Il-vantaġġ joħroġ mill-ftehim dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport u mill-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni nnegozjati individwalment miż-żewġ trasportaturi li ma ġewx konklużi mat-trasportaturi l-oħrajn li joperaw fl-ajruport taħt l-istess termini. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet kollha soġġetti għall-investigazzjoni f'dan il-każ huma sostanzjalment differenti u jirriżultaw fi flussi ta' flus differenti bejn So.Ge.A.A.AL u t-trasportaturi li joperaw mill-ajruport ta' Alghero.

12.2.1.4.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(548)

Miżura mogħtija minn Stat titqies bħala li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni meta din tkun tista' ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju, imqabbla ma' dik ta' intrapriżi oħrajn li magħhom jikkompeti (129). Għall-finijiet prattiċi kollha, tista' tiġi preżunta distorsjoni tal-kompetizzjoni hekk kif Stat jagħti vantaġġ finanzjarju lil intrapriża f'settur liberalizzat fejn ikun hemm kompetizzjoni (mill-inqas potenzjali). Il-każistika tal-Qrati Ewropej stabbilixxiet li kwalunkwe għotja ta' għajnuna lil intrapriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq intern tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (130).

(549)

Minn mindu daħal fis-seħħ it-tielet pakkett dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-1 ta' Jannar 1993 (131), it-trasportaturi tal-ajru jistgħu joperaw liberament titjiriet fuq konnessjonijiet intra-Ewropej. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja,

“meta intrapriża topera f'settur li fih […] jikkompetu produtturi minn diversi Stati Membri, kwalunkwe għajnuna li hija tista' tirċievi mingħand l-awtoritajiet pubbliċi tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni, billi l-preżenza kontinwa tagħha fis-suq timpedixxi lill-kompetituri milli jżidu s-sehem mis-suq tagħhom u jnaqqsu ċ-ċansijiet tagħhom li jżidu l-esportazzjonijiet” (132).

(550)

Il-Kummissjoni sabet li So.Ge.A.AL tat vantaġġ selettiv lil Germanwings u Meridiana. Dawk il-linji tal-ajru huma attivi f'suq liberalizzat u kompetittiv u l-vantaġġ li ngħataw seta' jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq għas-servizzi ta' trasport bl-ajru lejn/mill-ajruport ta' Alghero għad-detriment ta' trasportaturi tal-ajru oħrajn fl-Unjoni. F'dan id-dawl, il-Kummissjoni ssib li l-vantaġġ mogħti lil Germanwings u Meridiana jista' jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

12.2.1.5.   Konklużjoni dwar il-ftehimiet mal-linji tal-ajru

(551)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri adottati minn So.Ge.A.AL skont il-ftehim tal-2010 ma' Meridiana u l-ftehim tal-2007 ma' Germanwings kienu jinvolvu għajnuna mill-Istat lil dawk il-linji tal-ajru, liema għajnuna kienet tammonta għal madwar EUR 175 174 u EUR 140 482, rispettivament. Minħabba li l-għajnuna involuta f'kull wieħed minn dawn il-ftehimiet iddaħħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet awtorizzata mill-Kummissjoni, hija tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat.

12.2.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil-linji tal-ajru

(552)

Fir-rigward tal-għajnuna tal-bidu, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 jiddikjaraw li:

“il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida għall-miżuri ta' għajnuna tal-bidu kollha nnotifikati, li fir-rigward tagħhom hija tintalab tieħu deċiżjoni mill-4 ta' April 2014, anki meta l-miżuri ġew innotifikati qabel dik id-data. Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat, il-Kummissjoni ser tapplika r-regoli li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għall-għajnuna tal-bidu illegali mogħtija lil-linji tal-ajru. Għaldaqstant, hija ma tapplikax il-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida fil-każ tal-għajnuna tal-bidu illegali mogħtija lil-linji tal-ajru qabel l-4 ta' April 2014.”

(553)

Min-naħa tagħhom, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jistipulaw li:

“il-Kummissjoni ser tivvaluta l-kompatibbiltà ta' […] l-għajnuna tal-bidu mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u li, għalhekk, tikser l-Artikolu 88(3) tat-Trattat [issal-Artikolu 108 (3) tat-Trattat], abbażi ta' dawn il-linji gwida, jekk il-ħlas tal-għajnuna beda wara li l-linji gwida ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

(554)

Billi l-ftehimiet ma' Meridiana u Germanwings ġew konklużi wara l-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 fil-Ġurnal Uffiċjali nhar id-9 ta' Diċembru 2005, dawk il-linji gwida jikkostitwixxu l-bażi legali applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

12.2.2.1.   Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005

(555)

Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 jistabbilixxu, fil-punt 79, bosta kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati sabiex l-għajnuna tal-bidu tkun tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat.

i.   L-għajnuna titħallas lit-trasportaturi tal-ajru b'liċenzja valida maħruġa minn Stat Membru skont ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92

(556)

F'dan il-każ, il-benefiċjarji huma trasportaturi tal-ajru kif definiti mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 (133). Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni stabbilita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija ssodisfata.

ii.   L-għajnuna titħallas għar-rotot li jgħaqqdu ajruport reġjonali fil-kategorija Ċ jew D ma' ajruport ieħor fl-UE

(557)

Mill-2005, l-ajruport ta' Alghero kkwalifika bħala ajruport reġjonali tal-kategorija Ċ skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. L-għajnuna ngħatat lil dawk il-linji tal-ajru li fetħu rotot ġodda mill-ajruport ta' Alghero lejn ajruporti oħrajn li jinsabu fl-Unjoni. B'hekk, it-tieni kundizzjoni hija osservata.

iii.   L-għajnuna tapplika biss għall-ftuħ ta' rotot ġodda jew skedi ġodda, li jwasslu għal żieda fil-volum nett tal-passiġġieri. Din l-għajnuna ma għandhiex tinkoraġġixxi li t-traffiku sempliċiment jiġi ttrasferit minn linja tal-ajru għal oħra jew minn kumpanija għal oħra. B'mod partikolari, hija ma għandhiex twassal għal rilokazzjoni tat-traffiku li ma tkunx ġustifikata fir-rigward tal-frekwenza u l-vijabbiltà tas-servizzi eżistenti li jitilqu minn ajruport ieħor fl-istess belt, fl-istess konurbazzjoni (134) jew fl-istess sistema ta' ajruporti (135), li jservu l-istess destinazzjoni jew destinazzjoni simili taħt l-istess kriterji

(558)

L-għajnuna ngħatat sabiex tinkoraġġixxi lil-linji tal-ajru jniedu rotot ġodda mill-ajruport ta' Alghero lejn destinazzjoni waħda jew aktar fl-Unjoni, sabiex b'hekk iwasslu għal żieda fil-volum nett tal-passiġġieri. Ma hemm ebda ajruport ieħor fl-istess belt jew konurbazzjoni. Barra minn hekk, ebda waħda mir-rotot inkwistjoni ma kienet servuta minn servizz ferrovjarju ta' veloċità għolja. B'hekk, it-tielet kundizzjoni stabbilita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija ssodisfata.

iv.   Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rotta li tirċievi l-għajnuna għandha turi li hija profittabbli, jiġifieri għandha mill-inqas tkopri l-ispejjeż tagħha, mingħajr finanzjament pubbliku. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna tal-bidu għandha tkun digressiva u ta' tul limitat

(559)

L-għajnuna mogħtija lil Germanwings u Meridiana kienet limitata għat-tul tal-ftehimiet konklużi ma' So.Ge.A.AL, jiġifieri sena u tliet snin rispettivament. Madankollu, ma ġiet imposta ebda kundizzjoni fil-ftehimiet li permezz tagħha r-rotot operati mit-trasportaturi mill-ajruport ta' Alghero kellhom ikunu fl-aħħar mill-aħħar profittabbli fuq bażi awtonoma. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, filwaqt li l-ammont ta' għajnuna li rċeviet Germanwings, kif elenkat fit-Tabella 19, kien digressiv, Germanwings waqfet topera fl-ajruport ta' Alghero fl-2007 u, għalhekk, qatt ma operat mingħajr finanzjament pubbliku.

v.   L-ammont ta' għajnuna għandu jkun strettament marbut mal-ispejjeż eliġibbli

(560)

L-ispejjeż eliġibbli huma definiti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 bħala l-“ispejjeż tal-bidu addizzjonali li jkunu saru fit-tnedija tar-rotta jew tal-frekwenza ġdida […] li l-operatur tal-ajru ma jkollux għaliex iġorr ladarba din tkun qiegħda taħdem kif suppost”. L-Italja ma affermatx li l-finanzjament mogħti lil Germanwings u Meridiana kien limitat sabiex ikopri l-ispejjeż eliġibbli u li l-ispejjeż operattivi regolari ma kinux ser jiġu ssussidjati. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex irrispettata.

vi.   L-għajnuna digressiva tista' tingħata għal perjodu massimu ta' tliet snin. L-ammont ta' għajnuna fi kwalunkwe sena waħda ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli totali għal dik is-sena u l-għajnuna totali ma tistax taqbeż medja ta' 30 % tal-ispejjeż eliġibbli

(561)

Il-ftehimiet mal-linji tal-ajru inkwistjoni ma jagħmlu ebda referenza għall-ispejjeż tal-linji tal-ajru u ma jistipulawx li l-għajnuna għandha tkun limitata għal ċertu perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li din il-kundizzjoni mhijiex issodisfata.

vii.   Il-perjodu li matulu tingħata l-għajnuna tal-bidu lil linja tal-ajru għandu jkun sostanzjalment inqas mill-perjodu li matulu l-linja tal-ajru timpenja ruħha li topera mill-ajruport inkwistjoni

(562)

Il-Kummissjoni tinnota li ma ġiet imposta ebda kundizzjoni li r-rotot miftuħa mit-trasportaturi għandhom ikunu vijabbli wara l-perjodu meta jiġi ssussidjat l-operat tagħhom.

viii.   Il-ħlasijiet tal-għajnuna għandhom ikunu marbuta mal-iżvilupp nett tal-għadd ta' passiġġieri ttrasportati

(563)

Il-Kummissjoni tinnota li hemm rabta ċara bejn l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati u l-ammont ta' għajnuna. B'mod partikolari, il-ftehimiet ma' Germanwings u Meridiana jistabbilixxu l-ħlasijiet għal eżitu pożittiv li għandhom jitħallsu minn So.Ge.A.AL jekk il-linji tal-ajru jilħqu l-miri tat-traffiku stipulati.

ix.   Kwalunkwe korp pubbliku li jippjana li jagħti għajnuna tal-bidu lil linja tal-ajru għal rotta ġdida, kemm jekk permezz ta' ajruport jew le, għandu jagħmel il-pjanijiet tiegħu pubbliċi fi żmien tajjeb u b'pubbliċità adegwata sabiex il-linji tal-ajru interessati kollha jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom. B'mod partikolari, in-notifika għandha tinkludi d-deskrizzjoni tar-rotta, kif ukoll il-kriterji oġġettivi f'termini tal-ammont u t-tul tal-għajnuna

(564)

Matul l-investigazzjoni, l-Italja affermat li l-intenzjoni tal-ajruport li jikkonkludi ftehimiet mal-linji tal-ajru interessati li jiftħu rotot ġodda li jitilqu mill-ajruport ta' Alghero kienet irreklamata biżżejjed fost it-trasportaturi interessati potenzjali. Madankollu, ma ġiet ipprovduta ebda prova f'dak ir-rigward. B'mod partikolari, ma teżisti ebda indikazzjoni li l-ajruport ta' Alghero għamel l-intenzjoni tiegħu li jagħti l-għajnuna lil-linji tal-ajru, u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta' tali għajnuna, magħrufa fi żmien tajjeb u b'pubbliċità adegwata. Għalhekk, il-proċedura għall-għażla tat-trasportaturi tal-ajru ma kinitx ċara biżżejjed sabiex ikun żgurat it-trattament mhux diskriminatorju tal-applikanti tat-trasportaturi interessati.

x.   Meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha, kwalunkwe linja tal-ajru li tipproponi servizz lil korp pubbliku li joffri li jagħti għajnuna tal-bidu għandha tipprovdi pjan ta' negozju li juri, fuq perjodu sostanzjali, il-vijabbiltà tar-rotta wara li tkun skadiet l-għajnuna. Il-korp pubbliku għandu jwettaq ukoll analiżi tal-impatt tar-rotta l-ġdida fuq ir-rotot kompetituri qabel l-għoti tal-għajnuna tal-bidu

(565)

La l-Italja u lanqas il-partijiet interessati ma pprovdew evidenza fl-investigazzjoni li t-trasportaturi kellhom jipprovdu pjan ta' negozju għar-rotot inkwistjoni minn qabel sabiex juru l-vijabbiltà tar-rotta inkwistjoni fuq bażi awtonoma wara perjodu partikolari. Min-naħa tagħha, So.Ge.A.AL ma affermatx li kienet wettqet valutazzjoni tal-impatt tar-rotot ġodda inkwistjoni fuq rotot oħrajn. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex osservata.

xi.   L-Istati għandhom jiżguraw li l-lista ta' rotot li jirċievu l-għajnuna tiġi ppubblikata kull sena għal kull ajruport, fejn f'kull każ jiġu indikati s-sors tal-finanzjament pubbliku, il-kumpanija benefiċjarja, l-ammont tal-għajnuna mħallsa u l-għadd ta' passiġġieri kkonċernati

(566)

Ma hemm ebda indikazzjoni li l-ajruport ta' Alghero ppubblika kull sena l-lista ta' rotot li jirċievu finanzjament pubbliku, li tindika s-sors tal-finanzjament, it-trasportatur tal-ajru, l-ammont ta' għajnuna effettivament imħallsa u l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex irrispettata.

xii.   Fejn applikabbli, għandhom jiġu previsti proċeduri ta' appell fil-livell tal-Istati Membri intiżi biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fl-għoti tal-għajnuna

(567)

L-Italja ma sostnietx li l-proċeduri ta' appell kienu fis-seħħ sabiex jindirizzaw l-ilmenti rigward l-għoti tal-għajnuna lit-trasportaturi li joperaw rotot mill-ajruport ta' Alghero. Għalhekk, din il-kundizzjoni mhijiex osservata.

xiii.   Għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi ta' penali f'każ li trasportatur jonqos milli jirrispetta l-impenji li kien ta fir-rigward ta' ajruport fiż-żmien meta tħallset l-għajnuna. Sistema għall-irkupru tal-għajnuna jew għat-teħid ta' garanzija inizjalment iddepożitata mit-trasportatur tippermetti lill-ajruport jiżgura li l-linja tal-ajru tonora l-impenji tagħha

(568)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet mat-trasportaturi jistabbilixxu sistema ta' penali f'każ li l-linji tal-ajru ma josservawx il-miri tat-traffiku stipulati fihom. B'hekk, din il-kundizzjoni hija ssodisfata.

xiv.   L-għajnuna tal-bidu ma tistax tiġi kkombinata ma' tipi oħrajn ta' għajnuna mogħtija għall-operat ta' rotta, bħal għajnuna ta' natura soċjali mogħtija lil ċerti kategoriji ta' passiġġieri u kumpens għat-twettiq ta' servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, tali għajnuna ma tistax tingħata meta l-aċċess għal rotta jkun ġie riżervat għal trasportatur wieħed skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 u, b'mod partikolari, il-paragrafu 1(d) ta' dak l-Artikolu. Barra minn hekk, skont ir-regoli tal-proporzjonalità, tali għajnuna ma tistax tiġi kkombinata ma' għajnuna oħra mogħtija bil-għan li tkopri l-istess spejjeż, inkluża l-għajnuna mħallsa fi Stat ieħor

(569)

L-Italja kkonfermat li l-għajnuna inkwistjoni ma ngħatatx għall-bidu tar-rotot soġġetti għall-OSP skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Madankollu, l-Italja ma kkonfermatx li l-għajnuna ma kinitx ikkombinata ma' għajnuna oħra sabiex tkopri l-istess spejjeż.

(570)

Għalhekk, l-għajnuna lil-linji tal-ajru ma tistax tinstab bħala li tikkostitwixxi għajnuna tal-bidu kompatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat implimentata għal Meridiana u Germanwings tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat li għandha tiġi rkuprata.

12.3.   KONKLUŻJONI

(571)

Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li:

(a)

L-Italja implimentat l-għajnuna għall-investiment lill-ajruport ta' Alghero fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna għall-investiment hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat;

(b)

Is-sussidji msemmija fil-premessa 257 mogħtija lill-maniġer tal-ajruport ta' Alghero qabel it-12 ta' Diċembru 2000 jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(c)

L-Italja implimentat l-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruport ta' Alghero fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-għajnuna operattiva hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat;

(d)

Il-ftehimiet dwar is-servizzi pprovduti fl-ajruport (jew il-ftehimiet tal-immaniġġjar) u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Ryanair, Air One/Alitalia, Volare, bmibaby, Air Vallée u Air Italy ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat;

(e)

Il-ftehimiet tal-immaniġġjar u l-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi minn So.Ge.A.AL ma' Meridiana u Germanwings jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat.

13.   IRKUPRU

(572)

Skont it-Trattat u l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jabolixxi jew ibiddel l-għajnuna (136) meta jsib li din hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (137). F'dak il-kuntest, il-Qorti ddikjarat li l-għan jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illegali, biex b'hekk jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq u jerġa' lura għas-sitwazzjoni li kien fiha qabel il-ħlas tal-għajnuna (138).

(573)

Wara dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (139) stabbilixxa li “meta jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fir-rigward tal-għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.”

(574)

Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat imsemmija fit-Tabella 19, li ġiet implimentata għal Meridiana u Germanwings, għandha tiġi rrimborżata lill-Italja, diment li din tkun tħallset.

(575)

Fir-rigward tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-analiżi ex ante tal-ispejjeż u d-dħul inkrementali mistennija tal-ftehimiet kif stabbiliti fit-Tabella 19, bil-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

Għal kull ftehim jew kombinazzjoni ta' ftehimiet inkwistjoni, l-ammont ta' għajnuna annwali li jrid jiġi rkuprat għandu jikkorrespondi għall-fluss tal-flus inkrementali negattiv annwali fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-ftehim, għal kull sena tal-applikazzjoni tal-kuntratt. Dawk il-flussi ta' flus negattivi jikkorrespondu għall-ammont ta' finanzjament meħtieġ sabiex il-valur nett preżenti tal-ftehim ikun pożittiv u allura l-ftehim ikun konformi mas-suq.

(b)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-perjodu ta' żmien li għandu jiġi kkunsidrat għall-analiżi tal-profittabbiltà għal Germanwings huwa l-2007. Kif issemma fil-premessa 117, Germanwings kienet topera mill-ajruport ta' Alghero biss fl-2007. Tabilħaqq, il-vantaġġ effettiv riċevut mill-kumpanija tal-linja tal-ajru huwa limitat għat-tul effettiv tal-ftehimiet inkwistjoni, hekk kif ladarba ġie fi tmiemu l-ftehim, Germanwings ma rċeviet ebda vantaġġ ieħor mill-ajruport.

(576)

It-tabella 23 tindika l-ammonti ta' rkupru indikattivi (flussi inkrementali negattivi) bit-tnaqqis korrispondenti għall-ftehim ma' Germanwings, li għadu ma lestiex it-terminu sħiħ tiegħu.

Tabella 23

Informazzjoni dwar l-ammonti indikattivi tal-għajnuna riċevuta, li għandha tiġi rkuprata u li diġà ġiet irkuprata

Identità tal-benefiċjarju

Ammont indikattiv totali tal-għajnuna riċevuta (f'EUR)

Ammont indikattiv totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (f'EUR)

(Kapital)

Ammont totali diġà rrimborżat (f'EUR)

Kapital

Imgħax ta' rkupru

Germanwings

140 482

140 482

 

 

Meridiana

175 174

175 174

 

 

(577)

Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-vantaġġ effettiv riċevut mil-linji tal-ajru u mis-sussidjarji tagħhom skont il-ftehimiet, l-ammonti indikati fit-Tabella 23 jistgħu jiġu aġġustati, skont l-evidenza ta' sostenn ipprovduta mill-Italja, abbażi ta' (i) id-differenza bejn, fuq naħa waħda, il-ħlasijiet effettivi kif ippreżentati ex post, li saru mil-linji tal-ajru fir-rigward tat-tariffi tal-ajruport u, fuq in-naħa l-oħra, il-flussi tal-flus previsti (ex ante) fuq dawn l-entrati ta' dħul u murija fit-Tabella 19, u (ii) id-differenza bejn, fuq naħa waħda, il-ħlasijiet tal-kummerċjalizzazzjoni effettivi kif ippreżentati ex post, li tħallsu lil-linji tal-ajru skont il-ftehimiet ta' kummerċjalizzazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni kif previsti ex ante, li jikkorrespondu għall-ammonti indikati fit-Tabella 19.

(578)

Barra minn hekk, mal-ammont ta' għajnuna, l-Italja għandha żżid l-imgħaxijiet ta' rkupru, ikkalkolati mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha (140), skont il-kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (141). Billi fil-każ inkwistjoni, il-flussi tal-flus li jikkorrespondu għall-ammonti ta' għajnuna huma kumplessi u tħallsu f'dati differenti matul is-sena, kif ukoll minħabba li ż-żewġ kuntratti damu għaddejjin għal sena waħda biss kull wieħed, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa aċċettabbli, għall-finijiet tal-kalkolu tal-imgħaxijiet ta' rkupru, li l-mument tal-ħlas tal-għajnuna lil Germanwings u Meridiana jitqies bħala d-data tat-terminazzjoni (bikrija) tal-ftehimiet rispettivi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għotjiet diretti għall-infrastruttura, għall-fittings u x-xogħlijiet u għat-tagħmir mogħtija mill-Italja lill-ajruport ta' Alghero jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 2

1.   L-injezzjonijiet ta' kapital implimentati mill-Italja għall-ajruport ta' Alghero jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 3

Il-miżuri implimentati mill-Italja għal Ryanair, Air One/Alitalia, Volare, bmibaby, Air Vallée u Air Italy ma jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Artikolu 4

1.   Il-miżuri implimentati mill-Italja għal Meridiana u Germanwings jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-għajnuna mill-Istat ingħatat mill-Italja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-paragrafu 1 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 5

1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom iġorru imgħax mid-data li fiha tqiesu bħala li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta b'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   L-Italja għandha tikkanċella l-ħlasijiet tal-għajnuna pendenti kollha msemmija fl-Artikolu 4 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 5 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Italja tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarji;

(b)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru) li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu sabiex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   L-Italja żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm tlesti l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, hija tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u li qed tippjana li tieħu biex tkun konformi ma' din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 38, 12.2.2008, p. 19 u ĠU C 40, 12.2.2013, p. 15.

(2)  Sentenza tal-10.5.2006 fil-kawża T-395/04, Air One SpA vs il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea [2006], Ġabra II — 1347.

(3)  ĠU C 12, 17.1.2008, p. 7.

(4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(5)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(6)  ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3.

(7)  ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(8)  Ara http://servizi.aci.it/distanze-chilometriche-web

(9)  Matul il-kors tal-investigazzjoni, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li s-suċċessur legali ta' Volare huwa CAI Second S.p.A., kumpanija sussidjarja ta' Alitalia — Compagnia Aerea Italiana S.p.A. Bl-istess mod, Air One S.p.A. ġiet amalgamata ma' Alitalia — Compagnia Aerea Italiana S.p.A.

(10)  L-RAS għandu 100 % tal-kapital azzjonarju ta' SFIRS. SFIRS tħejji pjanijiet u programmi u abbozz ta' linji gwida mmirati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjun.

(11)  L-infrastruttura tal-ajruport hija proprjetà ta' ENAC, li jew toperaha direttament jew inkella tassenjaha lil partijiet terzi permezz ta' konċessjonijiet. Tradizzjonalment, kienu jeżistu erba' tipi ta' mudelli ta' ġestjoni tal-ajruporti fl-Italja: (i) l-ajruporti ġestiti direttament mill-Istat, li kien responsabbli mill-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kollha tal-ajruport, ġarrab l-ispejjeż kollha u żamm id-dħul kollu; (ii) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni temporanja, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport, abbażi ta' awtorizzazzjoni temporanja, jista' jopera l-infrastruttura tal-ajruport u jżomm id-dħul mill-attivitajiet kummerċjali; (iii) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni parzjali, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport żamm id-dħul kollu li rriżulta mill-użu tat-terminals tal-passiġġieri u tal-merkanzija u mis-servizzi ewlenin ipprovduti fl-ajruport (eż. l-immaniġġjar), filwaqt li l-Istat, permezz ta' ENAC, żamm id-dħul kollu mit-tariffi tal-ajruport (tariffi fuq l-inżul u t-tluq, tariffi fuq il-parkeġġ tal-inġenji tal-ajru u tariffi fuq l-imbarkazzjoni tal-passiġġieri); (iv) l-ajruporti ġestiti taħt konċessjoni komprensiva, f'liema każ il-maniġer tal-ajruport kien responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura kollha (inkluż l-airside) u għall-provvista tas-servizzi kollha pprovduti fl-ajruport u ġabar id-dħul kollu derivat mill-operazzjonijiet fl-ajruport għal perjodu sa erbgħin sena. Mill-2007, ENAC setgħet tafda b'mod provviżorju lid-detenturi tal-konċessjonijiet parzjali (inklużi dawk li kienu fdati temporanjament biss bil-ġestjoni tal-infrastruttura) bil-ġestjoni tal-ajruport taħt sistema ta' ġestjoni komprensiva, billi tillimita d-dritt tal-użu tad-dħul mid-drittijiet tal-utenti għall-miżuri urġenti li huma meħtieġa sabiex il-maniġer tal-ajruport ikun jista' jwettaq l-attività tiegħu, kif stipulat fil-pjan ta' azzjoni (Piano di interventi).

(12)  Id-Digriet Inter-Ministerjali 125 T għall-għoti tal-konċessjoni lil So.Ge.A.AL inħareġ fit-3 ta' Awwissu 2007.

(13)  F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti sostniet li l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċitar tas-setgħat uffiċjali tagħha bħala awtorità pubblika mhumiex ta' natura ekonomika u, b'mod ġenerali, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F'dan is-sens, ara l-Kawża C-118/85 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987] Ġabra 2599, il-paragrafi 7 u 8, il-Kawża C-30/87 Bodson/Pompes funèbres des régions libérées, [1988] Ġabra I-2479, il-paragrafu 18, il-Kawża C-364/92 SAT/Eurocontrol, [1994] Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni, [2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71.

(14)  Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tas-26 ta' Mejju 2014.

(15)  Il-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tal-2007.

(16)  L-Anness 22 tal-ittra tal-Italja tal-10 ta' Ġunju 2014.

(17)  Minbarra t-tariffa ta' konċessjoni mħallsa għall-ġestjoni tal-ajruport, mill-2005, So.Ge.A.AL bdiet tħallas ukoll “tariffa ta' konċessjoni għas-sigurtà”, għad-dritt li tipprovdi servizzi ta' sigurtà fl-ajruport u titlob ħlasijiet għas-servizzi ta' sigurtà.

(18)  “Project Nuraghe — Il caso So.Ge.A.AL”, id-29 ta' Awwissu 2011, imħejji minn Accuracy, sottomess lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2011, Anness 1.

(19)  Ittri tal-Italja tas-26 ta' Ottubru 2012 u tat-18 ta' Frar 2014.

(20)  L-ajruporti għandhom żewġ elementi ta' dħul: dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi, li jirriżulta mit-tariffi imposti fuq il-linji tal-ajru għall-użu tagħhom tal-faċilitajiet kemm mill-inġenji tal-ajru kif ukoll mill-passiġġieri, u dħul kummerċjali derivat minn attivitajiet kummerċjali fis-sit tal-ajruport, inklużi l-bejgħ bl-imnut, il-parkeġġ għall-karozzi, il-forniment tal-ikel u l-kiri tal-uffiċini/proprjetà.

(21)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

(22)  Ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali 521/1997.

(23)  Ittra tal-Italja tal-31 ta' Awwissu 2011, Annessi 7 u 23. Għat-tqassim tal-finanzjament pubbliku bejn l-azzjonisti pubbliċi, inklużi l-kontribuzzjonijiet minn SFIRS għas-snin 2007, 2009 u 2010, ara l-Anness 1 (ir-Rapport ta' Accuracy) ta' dik l-ittra, p. 40.

(24)  Ittra tal-Italja tat-22 ta' Ottubru 2012.

(25)  Din id-definizzjoni ġiet implimentata skont il-paragrafu 8 tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru. 163 tat-12 ta' April 2006 (“Codice dei contratti pubblici relativi ai lavori, servizi e furniture”).

(26)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

(27)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

(28)  Il-Kawża T-128/89 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3929.

(29)  Comitato interministeriale per la programmazione economica.

(30)  Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tas-26 ta' Mejju 2014.

(31)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, Anness A.

(*)  Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

(32)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014.

(33)  Is-sentenza ċċitata fil-kawża Aéroports de Paris. Ara wkoll il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-għajnuniet mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5).

(34)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2012 fil-kawża C76/2002 Avantages consentis par la Région Wallonne et Brussels South Charleroi Airport à la companie aérienne Ryanair u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2012 fil-kawża SA.33961 Plainte Air France — Aéroport de Nîmes.

(35)  Ara s-sentenza tat-18 ta' Marzu 1997 fil-kawża C-343/95, Cali & Figli/Servizi ecologici porto di Genova [1997] I-1547; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2003 fil-kawża N309/2002 Sûreté aérienne — Compensation des coûts à la suite des attentats du 11 septembre 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2002 fil-kawża N438/2002 Subventions aux régies portuaires pour l'exécution de missions relevant de la puissance publique.

(36)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(37)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru. 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(38)  Definita mil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 bħala ż-żona f'raġġ ta' 100 kilometru jew madwar 60 minuta ta' ħin tal-ivvjaġġar b'karozza, xarabank, ferrovija jew ferrovija ta' veloċità għolja mill-ajruport.

(39)  Fl-10 ta' Mejju 1995, So.Ge.A.AL ingħatat l-ewwel konċessjoni “parzjali” għall-forniment ta' servizzi tal-immaniġġjar, abbażi tal-kuntratti li kellhom jiġu ffirmati mat-trasportaturi tal-ajru. Fl-20 ta' Ottubru 1995 ingħatat it-tieni konċessjoni “parzjali” lil So.Ge.A.AL għas-servizzi tal-forniment tal-ikel. Fil-11 ta' Frar 1999, So.Ge.A.AL ingħatat id-dritt temporanju li tiġġestixxi l-ajruport taħt konċessjoni “komprensiva”.

(40)  Il-Kawża C 280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [2003] Ġabra I 7747.

(41)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għall-Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67).

(42)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(43)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

(44)  Ittra ta' Ryanair tal-20 ta' Diċembru 2013.

(45)  Ittra ta' Ryanair tal-15 ta' Settembru 2009.

(46)  Ittra ta' Ryanair tal-15 ta' Diċembru 2009.

(47)  Ittri ta' Ryanair tat-12 ta' Marzu 2013 u tal-15 ta' Diċembru 2009.

(48)  Il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-trasportaturi low-cost, is-26 ta' Ottubru 2011, imħejji għal Ryanair minn Simon Pilsbury, Konsulent maniġerjali f'Oxera.

(49)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

(50)  Dokument ta' Oxera, “How should AMS agreements be treated within the profitability analysis as part of the market economy operator test?”, imħejji għal Ryanair, is-17 ta' Jannar 2014.

(51)  Dokument ta' Oxera, “How should AMS agreements be treated within the profitability analysis as part of the market economy operator test? — Practical application”, imħejji għal Ryanair, il-31 ta' Jannar 2014.

(52)  Rapport ta' Oxera “Economic MEOP assessment, Alghero Airport”, imħejji għal Ryanair, it-22 ta' Lulju 2011.

(53)  Rapport ta' Oxera “Economic MEOP Assessment: updated profitability analysis — Alghero Airport”, imħejji għal Ryanair, it-12 ta' Marzu 2013.

(54)  Ittra ta' Ryanair tat-22 ta' Lulju 2011.

(55)  Il-Kawża C-41/90 Höfner u Elser [1991] Ġabra I-1979, il-paragrafu 21; C-160/91 Poucet u Pistre vs AGF u Cancava [1993] Ġabra I-637, il-paragrafu 17; il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998] Ġabra I-3851, il-paragrafu 36.

(56)  Il-Kawża C-288/11 P Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs il-Kummissjoni [2012], li għadha ma ġietx irrapportata; ara wkoll il-Kawża T-128/89 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3929, ikkonfermata mill-kawża C-82/01P Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-9297 u mill-kawża T-196/04 Ryanair vs il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-3643.

(57)  Il-Kawżi C-159/91 u C-160/91 Poucet vs AGV u Pistre vs Cancave [1993] Ġabra I-637.

(58)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 29.

(59)  Il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol [1994] Ġabra I-43; il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 34.

(60)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2003 fil-kawża N 309/2002, iċċitata.

(61)  Ara, b'mod partikolari, il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vS Eurocontrol [1994] Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni [2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71; il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 35.

(62)  Ara l-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck [2005] Ġabra I-01627, il-paragrafu 36, u l-każistika ċċitata.

(63)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 37.

(64)  Ittra tal-Italja tal-10 ta' Ġunju 2014, l-Anness 22.

(65)  Ara l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 37.

(66)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni (“Stardust Marine”) [2002] Ġabra I-4397.

(67)  Il-Kawżi Konġunti T-267/08 u T-279/08, Nord-Pas-de-Calais [2011], li għadhom ma ġewx ippubblikati, il-paragrafu 108.

(68)  Sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Marzu 2002, il-kawżi konġunti T-127/99, T-129/99, T-140/99 Diputación Foral de Álava u oħrajn vs il-Kummissjoni, Rec 2002, p. II-1330, il-paragrafu 142.

(69)  Sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata.

(70)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, l-Anness 17.

(71)  Il-Kawża C-39/94 Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn vs La Poste u oħrajn [1996] Ġabra I-3547, il-paragrafu 60 u l-kawża C-342/96 Ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 41.

(72)  Is-sentenza fil-kawża Altmark, iċċitata.

(73)  Il-Kawża 173/73 Ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1974] Ġabra 709, il-paragrafu 13.

(74)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 69.

(75)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”) [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 23; il-Kawża T-296/97 Alitalia vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-03871, il-paragrafu 84.

(76)  Il-Kawża 40/85 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1986] Ġabra I-2321.

(77)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 71.

(78)  Il-Kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea vs Électricité de France (“EDF”) [2012], li għadha ma ġietx ippubblikata, il-paragrafu 85.

(79)  Il-Kummissjoni ma għandhiex opinjoni definittiva dwar dan il-punt f'din id-Deċiżjoni.

(80)  Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri (ĠU C 307, 31.11.1993, p. 3), il-paragrafu 36.

(81)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-372/97 L-Italja vs il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 44.

(82)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(83)  Il-punt 25(v) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(84)  Ittra tal-Italja tat-8 ta' Mejju 2014.

(85)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża SA.34586 — Il-Greċja — L-Immodernizzar tal-Ajruport ta' Chania, il-premessa 49.

(86)  Ir-“rikostruzzjoni” tat-terminal l-antik imsemmi fit-Tabella 5 ta' hawn fuq hija relatata mal-espansjoni/kostruzzjoni tat-terminal il-ġdid u, għalhekk, hija inkluża fid-deskrizzjoni tal-għajnuna għat-terminal il-ġdid.

(87)  Kif stipulat mill-“Programma di Intervento ‘Investimenti’ tal-Programma di sviluppo per l'affidamento della gestione quarantennale” approvat f'Settembru 2005.

(88)  Il-paragrafi 137 u 113 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(89)  Il-paragrafi 137 u 120 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(90)  Il-paragrafi 137 u 116 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(91)  Il-paragrafi 137 u 124 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(92)  Il-paragrafi 137 u 125 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(93)  Il-paragrafi 137 u 131 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(94)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-278/00 Il-Greċja vs il-Kummissjoni [2004] I-03997, C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni [2002] I-04397 u l-Kawżi konġunti C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni [2003] I-04035, il-paragrafu 33.

(95)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafi 52 u 53.

(96)  Is-sentenza fil-kawża Stardust Marine, iċċitata, il-paragrafu 56.

(97)  Ittra tal-Italja tat-18 ta' Frar 2014, l-Anness A.

(98)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni, iċċitata.

(99)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 53.

(100)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punt 66.

(101)  Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, il-punti 59 u 61.

(102)  Ir-Rapport tal-MEOP tal-2011.

(103)  Is-sentenza fil-kawża Charleroi, iċċitata, il-paragrafu 59.

(104)  Dan jirreferi għad-dħul li jmur għand il-maniġer tal-ajruport bħala riżultat tan-negozju addizzjonali tal-parkeġġi għall-karozzi, tal-ħwienet, tar-ristoranti, eċċ. iġġenerat mill-passiġġieri addizzjonali.

(105)  Il-Kawża 40/85 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1986] Ġabra I-2321.

(106)  Il-proporzjon tat-tagħbija jew il-fattur tat-tagħbija huwa definit bħala l-proporzjon tal-postijiet mimlija fl-inġenju tal-ajru li jkun qed jopera fuq ir-rotta tal-ajru inkwistjoni.

(107)  L-analiżi tinkludi “valur terminali” li jieħu f'kunsiderazzjoni l-benefiċċji futuri għal So.Ge.A.AL li rriżultaw wara l-iskadenza tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 (ara l-premessa 471) u teskludi l-perjodu li għalih applikaw b'mod retrospettiv il-ftehimiet tal-2006 u tal-2010 (ara l-premessa 485).

(108)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

(**)  Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

(109)  Id-dejta dwar l-ispejjeż inkrementali użata fir-rigressjoni qabel id-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet tal-2006 u tal-2010, li kellha tkun disponibbli għal So.Ge.A.AL fid-data li fiha l-maniġer tal-ajruport daħal fil-ftehimiet inkwistjoni. Madankollu, minħabba li d-dejta dwar l-ispejjeż hija disponibbli biss għall-perjodu bejn l-1998 u l-2010, li kieku kien segwit approċċ simili għall-ftehimiet tas-snin 2000, 2002 u 2003, kien ikun hemm biss żewġ punti, tliet punti jew erba' punti disponibbli, rispettivament, sabiex titwettaq l-analiżi tar-rigressjoni, li mhijiex biżżejjed sabiex jinkisbu riżultati robusti. Konsegwentement, għal dawn il-ftehimiet, ir-rigressjoni hija bbażata fuq id-dejta dwar l-ispejjeż għall-perjodu bejn l-1998 u l-2010.

(110)  L-ispejjeż tal-materjal, tar-reklamar, tal-kartolerija, tal-karburanti, il-biljetti tal-imbarkazzjoni, in-noti tal-assistenza, it-tikketti tal-bagalji, l-uniformijiet għall-impjegati.

(111)  L-ispejjeż tal-assigurazzjoni tal-vetturi, tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-apparat u tal-vetturi, spejjeż oħrajn relatati mal-vetturi, il-frekwenzi tar-radju, il-manutenzjoni tal-apparat li jintuża fiċ-check-in.

(112)  Mill-2003 'il quddiem, it-tariffi tal-konċessjoni annwali mħallsin mill-maniġers tal-ajruporti bdew jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dejta tat-traffiku ppubblikata kull sena mill-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport-ENAC. F'dan is-sens, ara l-premessa (156) ta' din id-Deċiżjoni.

(113)  L-NPV ta' serje ta' żmien tal-flussi tal-flus mistennija, kemm dawk li jidħlu kif ukoll li joħorġu, huwa definit bħala s-somma skontata tal-flussi tal-flus individwali mistennija matul il-perjodu rilevanti. L-NPV huwa għodda standard li tintuża mill-impriżi sabiex jivvalutaw il-profittabbiltà ta' proġett.

(114)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

(115)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tas-7 ta' Lulju 2009.

(116)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tad-9 ta' Settembru 2009.

(117)  Minuti tal-Bord tad-Diretturi ta' So.Ge.A.AL tat-23 ta' Frar 2010.

(118)  Għalkemm din l-istrateġija ħalliet il-frott u So.Ge.A.AL setgħet tikseb tkabbir sinifikanti fil-volumi tat-traffiku skont l-aspettattivi tagħha, il-maniġer tal-ajruport ma setax iqabbel it-tkabbir fil-volumi tat-traffiku maż-żieda fil-profittabbiltà, minkejja l-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi. Dan kien dovut l-aktar għad-dewmien sinifikanti fl-għoti tal-konċessjoni “komprensiva”.

(119)  Ġew applikati r-rati ta' referenza tal-Kummissjoni sabiex jiġu skontati l-flussi ta' flus mistennija.

(120)  Għal Germanwings u Meridiana, il-fattur tat-tagħbija huwa speċifikat fil-ftehimiet ma' So.Ge.A.AL. Għal Volare, il-fattur tat-tagħbija huwa bbażat fuq l-għarfien preċedenti ta' So.Ge.A.AL dwar l-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru. Billi Volare operat għadd ta' rotot domestiċi, kien preżunt fattur tat-tagħbija aktar baxx. Fil-każ ta' Alitalia, il-previżjonijiet tat-traffiku ma tnisslux minn suppożizzjoni partikolari għall-fattur tat-tagħbija minħabba li Alitalia operat mudelli differenti ta' ajruplani (bin-numru massimu ta' siġġijiet għal kull ajruplan ivarja minn 90 sa 180), skont il-jum tal-ġimgħa u l-istaġun. Il-previżjonijiet tat-traffiku tnisslu abbażi tal-esperjena u l-għarfien preċedenti fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru.

(121)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,45 %.

(122)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6,42 %.

(123)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,24 %.

(124)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6,42 %.

(125)  Minħabba l-impenji baxxi tat-traffiku, ma kien meħtieġ ebda persunal addizzjonali sabiex iservi lil Air Vallée jew bmibaby.

(126)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 5,55 %.

(127)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 6 %.

(128)  Bl-użu ta' rata ta' skont ta' 2,24 %.

(129)  Il-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980] Ġabra 267, il-paragrafu 11 u l-kawżi konġunti T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa 607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98 Alzetta Mauro u oħrajn vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2000] Ġabra II-2325, il-paragrafu 80.

(130)  Il-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980], Ġabra 2671, il-paragrafi 11 u 12 u l-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest (ir-Reġjun tal-Fjandra) vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1998] Ġabra II-717, il-paragrafi 48-50.

(131)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar in-nollijiet u r-rati għal servizzi tal-ajru (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 15).

(132)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 26.

(133)  Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92 tħassar u, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(134)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

(135)  Kif definit taħt l-Artikolu 2(m) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92.

(136)  Il-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1973] Ġabra 813, il-paragrafu 13.

(137)  Il-kawżi konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-04103, il-paragrafu 75.

(138)  Il-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-3671, il-paragrafi 64-65.

(139)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(140)  Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999, iċċitat, l-Artikolu 14, il-paragrafu 2.

(141)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/122


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1585

tal-25 ta' Novembru 2014

dwar l-iskema ta' għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) (implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija)

(notifikata bid-dokument C(2014) 8786)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' lment riċevut f'Diċembru 2011, il-Kummissjoni ġiet informata li l-Ġermanja implimentat l-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (energy-intensive users — “EIU”) permezz ta' limitu massimu fuq is-soprataxxa li tiffinanzja l-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli (EEG-Umlage jew “soprataxxa tal-EEG”).

(2)

Permezz tal-ittra datata t-18 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta' dik l-għajnuna (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti riċevuti mill-partijiet interessati lill-Ġermanja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha ġew riċevuti permezz tal-ittri bid-data tal-20 ta' Jannar 2014 u l-14 ta' Novembru 2014.

(5)

Permezz tal-ittra datata t-22 ta' Settembru 2014, il-Ġermanja rrinunzjat għad-dritt tagħha skont l-Artikolu 342 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1/1958 (3), li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bil-Ġermaniż, u qablet li din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata bl-Ingliż.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   L-Att tal-EEG 2012

(6)

L-Att tal-EEG 2012 (Erneuerbare-Energien-Gesetz) ġie adottat fit-28 ta' Lulju 2011 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012 (4). Huwa ġie sostanzjalment mibdul mill-Att tal-EEG 2014 (5). Il-Kummissjoni approvat l-iskema tal-għajnuna l-ġdida li rriżultat mit-tibdil sostanzjali tat-23 ta' Lulju 2014 (6).

(7)

Fl-ewwel livell tas-sistema stabbilita mill-Att tal-EEG 2012, l-operaturi tan-netwerk (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-Operaturi tas-Sistema ta' Distribuzzjoni (Distribution System Operators — “DSOs”) huma obbligati li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona tan-netwerk tagħhom minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (“elettriku SER”) u minn gass estratt mill-minjieri (l-“elettriku SER” u l-elettriku prodott minn gass estratt mill-minjieri ssir referenza għalihom flimkien bħala “elettriku EEG”). Il-prezzijiet tax-xiri huma ffissati mil-liġi (“tariffi garantiti”). Minflok jitolbu l-ħlas tat-tariffi garantiti, il-produtturi tal-elettriku SER u tal-elettriku prodott minn gass estratt mill-minjieri għandhom il-possibbiltà wkoll li jbigħu l-elettriku tagħhom direttament fis-suq (“kummerċjalizzazzjoni diretta”). Meta jagħmlu dan, huma jkunu intitolati li jiksbu primjum tas-suq mill-operatur tan-netwerk. L-ammont ta' dak il-primjum tas-suq huwa ffissat ukoll mil-liġi.

(8)

Fit-tieni livell, l-operaturi tan-netwerk iridu jittrasferixxu minnufih l-elettriku tal-EEG lill-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni (Transmission System Operators — “TSOs”) rispettivi tagħhom, li minnhom hemm erbgħa fil-Ġermanja, u dawn min-naħa tagħhom għandhom l-obbligu li jikkumpensaw lill-operaturi tan-netwerk għall-ispiża kollha li tirriżulta mit-tariffi garantiti u mill-primjums tas-suq.

(9)

L-Att tal-EEG 2012 jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni li permezz tiegħu l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu tal-akkwist jinfirex bejn erba' TSOs, sabiex fl-aħħar mill-aħħar kull TSO jkopri l-ispejjeż ta' kwantità ta' elettriku li tikkorrespondi għas-sehem medju tal-elettriku tal-EEG imqabbel mal-elettriku totali kkunsinjat lill-konsumaturi finali f'kull żona moqdija mit-TSO individwali matul is-sena kalendarja preċedenti (§ 36 tal-Att tal-EEG 2012). Dan huwa t-tielet livell.

(10)

It-TSOs huma obbligati li jbigħu l-elettriku tal-EEG fis-suq spot. Huma jistgħu jagħmlu dan weħidhom jew flimkien. Jekk il-prezz miksub fis-suq spot ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligi tal-ħlas tagħhom lejn l-operaturi tan-netwerk, it-TSOs huma intitolati bil-liġi li jitolbu lill-fornituri tal-elettriku sabiex iħallsu sehem ta' dan il-piż proporzjonat għall-kwantità rispettiva tal-elettriku kkunsinjat mill-fornituri tal-elettriku lill-konsumaturi finali tagħhom. Is-sehem għandu jiġi ddeterminat b'tali mod li kull fornitur tal-elettriku jġarrab l-istess spejjeż għal kull kilowatt fis-siegħa ta' elettriku kkunsinjat minnu lil konsumatur finali. Għandhom isiru pagamenti bil-quddiem kull xahar għall-ħlas ta' din is-soprataxxa. L-Att tal-EEG 2012 jidentifika espliċitament dan il-ħlas li t-TSO jirkupra mingħand il-fornituri tal-elettriku bħala s-“soprataxxa tal-EEG” (ara § 37(2) tal-Att tal-EEG 2012). L-erba' TSOs huma obbligati li jindikaw il-pagamenti kollha li jkunu rċevew fuq kont konġunt tal-EEG u li jippubblikaw dak il-kont (§ 7 AusglMechV (7)). Dan huwa r-raba' livell.

(11)

L-erba' TSOs flimkien għandhom jiddeterminaw is-soprataxxa tal-EEG għas-sena n + 1 f'Ottubru (§ 3 Absatz 2 AusglMechV). Il-metodoloġija li jridu jużaw u l-elementi li fuqhom għandhom jibbażaw il-kalkolu tagħhom huma stabbiliti fl-Ausgleichsmechanismusverordnung (AusglMechV) u fl-Ausgleichsmechanismus-Ausführungsverordnung (AusglMechAV) (8). Dawk it-testi legali ma jħallu l-ebda diskrezzjoni lit-TSO. B'mod partikolari, fit-§ 3 tal-AusglMechV jiġi stabbilit dan li ġej:

“§ 3   Soprataxxa tal-EEG

(1)

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jikkalkolaw is-Soprataxxa tal-EEG skont § 37 tal-paragrafu 2 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli [jiġifieri l-Att tal-EEG 2012] b'mod trasparenti bħala:

1.

id-differenza bejn id-dħul ipproġettat imsemmi fil-paragrafu 3, il-punti 1 u 3 għas-sena kalendarja li jmiss u n-nefqa mbassra msemmija fil-paragrafu 4 għas-sena kalendarja li jmiss u

2.

id-differenza bejn l-introjtu attwali msemmi fil-paragrafu 3 u n-nefqa attwali msemmija fil-paragrafu 4 fil-mument tal-kalkolazzjoni.

(2)

Is-soprataxxa tal-EEG għas-sena kalendarja li jmiss għandha tiġi ppubblikata qabel il-15 ta' Ottubru ta' kull sena kalendarja fuq is-sit elettroniku tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni f'forma aggregata u għandha tiġi indikata f'ċenteżmi għal kull kilowatt fis-siegħa kkunsinjat lill-konsumaturi; § 43 tal-paragrafu 3 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli tapplika kif xieraq.

(3)

Id-dħul jikkonsisti fi:

1.

dħul mill-kummerċjalizzazzjoni ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata skont § 2,

2.

introjtu mis-soprataxxa tal-EEG,

2a.

introjtu minn pagamenti skont § 35 tal-paragrafu 2 tal-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli, sakemm l-eżerċizzju ta' bbilanċjar skont § 35 tal-paragrafu 3 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli jippreżenta bilanċ pożittiv għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni,

3.

introjtu mill-imgħaxijiet imsemmija fil-paragrafu 5,

4.

introjtu mis-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar għall-grupp tal-bilanċ tal-EEG, u

5.

introjtu skont § 35 paragrafu 4 jew § 38 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-paragrafu 6.

(4)

In-nefqiet jikkonsistu fi:

1.

tariffi garantiti u pagamenti ta' kumpens skont § 16 jew § 35, il-paragrafu 1 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli,

1a.

pagamenti ta' primjums skont §§ 33 g jew 33i jew § 35 tal-paragrafu 1a tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli,

1b.

pagamenti skont § 35 tal-paragrafu 1b tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli,

2.

ripagamenti skont il-paragrafu 6,

3.

pagamenti għall-imgħax imsemmi fil-paragrafu 5,

4.

l-ispejjeż neċessarji għas-saldu tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-ġurnata,

5.

l-ispejjeż neċessarji għas-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar għall-grupp tal-bilanċ tal-EEG,

6.

l-ispejjeż neċessarji għat-tħejjija tal-previżjonijiet ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata,

7.

l-ispejjeż neċessarji għat-twaqqif u l-operat ta' reġistru ta' installazzjonijiet, sakemm l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jintalab jopera tali reġistru fuq il-bażi ta' digriet adottat skont § 64e Numru 2 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(5)

Id-differenzi bejn dħul u nfiq huma soġġetti għal imgħax. Ir-rata tal-imgħax għal xahar kalendarju wieħed tammonta għal 0,3 punti perċentwali ogħla mill-medja fix-xahar tar-rata interbankarja offruta f'denominazzjoni euro stabbilita għall-akkwist tal-flus ta' xahar wieħed tal-ewwel indirizzi fil-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Unjoni Monetarja Ewropea (EURIBOR) għal perjodu ta' xahar.

(6)

Jekk ikun hemm intitolamenti bħala riżultat tad-diskrepanzi bejn il-pagamenti fix-xahar skont § 37, il-paragrafu 2, is-sentenza 3 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli u s-saldu finali skont § 48, il-paragrafu 2 tal-Att dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dawn għandhom jiġu kkumpensati sat-30 ta' Settembru tas-sena ta' wara t-tariffa garantita.

(7)

Meta jiġu biex ibassru d-dħul u l-infiq imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt 1 bil-għan li jikkalkolaw is-soprataxxa tal-EEG, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni huma permessi li jieħdu f'kunsiderazzjoni riżerva ta' likwidità. Din ma tistax taqbeż l-10 % tad-differenza msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel punt.”

(12)

B'hekk, l-erba' TSOs jiddeterminaw b'mod konġunt is-soprataxxa tal-EEG fuq il-bażi tal-ħtiġijiet finanzjarji mbassrin għall-ħlas tal-primjums u t-tariffi garantiti, id-dħul imbassar mill-bejgħ tal-elettriku EEG fis-suq spot u l-konsum imbassar tal-elettriku. Barra minn hekk, għall-kalkolazzjoni ta' din is-soprataxxa għandhom jiġu kkunsidrati serje ta' rikavati u spejjeż marbuta mal-immaniġġar tal-istess soprataxxa tal-EEG. Għall-2012, is-soprataxxa tal-EEG kienet tammonta għal 3,592 ct/kWh. Fl-2013, din kienet tammonta għal 5,277 ct/kWh. Fl-2014, is-soprataxxa tammonta għal 6,240 ct/kWh.

(13)

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet deskritti fil-premessa 11 jirriżulta li s-soprataxxa tal-EEG tiżgura li l-ispejjeż addizzjonali kollha li jġarrbu l-operaturi tan-netwerk u t-TSOs bħala riżultat tal-obbligi legali tagħhom skont l-Att tal-EEG 2012 vis-à-vis il-produtturi tal-elettriku tal-EEG u l-operaturi tan-netwerk, rispettivament, jiġu kkumpensati permezz tas-soprataxxa tal-EEG. Jekk, f'sena partikolari, id-dħul mis-soprataxxa tal-EEG jaqbeż l-ispejjeż, l-eċċess jiġi ttrasferit għas-sena ta' wara, u s-soprataxxa tal-EEG titnaqqas kif xieraq; jekk ikun hemm tnaqqis, mela allura s-soprataxxa tal-EEG tiżdied kif xieraq. Dawk l-aġġustamenti huma awtomatiċi u ma jirrikjedu l-ebda intervent ieħor mil-leġiżlatur jew mill-fergħa eżekuttiva.

2.2.   Il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku

(14)

Skont § 39 tal-Att tal-EEG 2012, is-soprataxxa tal-EEG titnaqqas għall-fornituri tal-elettriku f'sena kalendarja partikolari b'2 ċenteżmi għal kull kilowatt fis-siegħa (ct/kWh), meta l-elettriku EEG li jikkunsinjaw lill-konsumaturi finali kollha tagħhom jissodisfa ċerti kundizzjonijiet (l-hekk imsejjaħ privileġġ tal-elettriku ekoloġiku).

(15)

It-tnaqqis jingħata meta l-fornitur ikun xtara l-elettriku EEG direttament mingħand il-produtturi nazzjonali tal-elettriku EEG skont arranġamenti ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, hekk kif stabbilit fit-tifsira ta' § 33b Nru 2 tal-Att tal-EEG 2012 (jiġifieri arranġamenti ta' kummerċjalizzazzjoni diretta meta l-produttur tal-elettriku EEG ma japplikax għal appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012) u meta l-ammont ta' elettriku EEG mixtri jilħaq il-livelli limiti li ġejjin:

a)

mill-inqas 50 % tal-elettriku li l-fornitur jikkunsinja lill-konsumaturi finali tiegħu jkun elettriku EEG; u

b)

mill-inqas 20 % tal-elettriku jkun elettriku ġġenerat mir-riħ jew mix-xemx skont it-tifsira ta' §§ minn 29 sa 33 tal-Att tal-EEG 2012.

(16)

It-tnaqqis ta' 2 ct/kWh se jiġi applikat fuq il-portafoll tal-elettriku kollu. Dan ifisser li jekk fornitur iġib 50 % tal-elettriku tiegħu minn sorsi ta' enerġija konvenzjonali, filwaqt li n-nofs l-ieħor tal-elettriku tiegħu jkun elettriku EEG mixtri skont l-arranġamenti ta' kummerċjalizzazzjoni diretta deskritti fil-premessa 15, il-fornitur jirċievi pagament ta' 4 ct/kWh. Dak il-pagament jista' jingħadda parzjalment jew kollu kemm hu lill-produtturi tal-elettriku EEG.

(17)

F'dak ir-rigward, il-Ġermanja spjegat li l-fornituri tal-elettriku li japplikaw għall-privileġġ jirċievu biss it-tnaqqis ta' 2 ct/kWh fuq il-portafoll kollu tagħhom jekk mill-inqas 50 % minnu jkun elettriku EEG. Sabiex jiġi evitat jew jitnaqqas ir-riskju li għal ftit ma tintlaħaqx il-mira ta' 50 % (li f'dak il-każ is-soprataxxa kollha tal-EEG tkun dovuta fuq il-portafoll kollu), il-fornituri tal-elettriku jakkwistaw l-elettriku EEG b'marġni ta' sigurtà, jiġifieri, jixtru oltre il-50 % meħtieġ, u xi drabi jitilgħu sa 60 %. F'dak il-każ, sabiex jiġi kkalkolat il-vantaġġ tal-ispiża li potenzjalment jista' jingħadda lill-produtturi tal-elettriku EEG, it-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG miksub għall-portafoll kollu, jiġifieri 2 ct/kWh, għandu jinqasam b'sehem ogħla ta' elettriku EEG. Pereżempju, għal sehem ta' 60 %, il-vantaġġ tal-ispiża reali li jista' jiġi ttrasferit ma jammontax għal 4 ct/kWh, iżda għal 3,3 ct/kWh biss. Bħala medja, il-vantaġġ massimu li jirriżulta mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku kien ta' 3,8 ct/kWh fl-2012, 3,2 ct/kWh fl-2013 u 3,9 ct/kWh fl-2014.

(18)

Sabiex tiġi ddeterminata l-firxa tad-diskriminazzjoni potenzjali storika skont l-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat, u bil-għan li jinstab rimedju għaliha, il-Ġermanja stmat li, bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Lulju 2014, li huwa l-perjodu meta kien fis-seħħ l-Att tal-EEG 2012, l-importazzjonijiet tal-garanziji tal-oriġini li jikkorrespondu għall-impjanti tal-elettriku EEG li kienu jkunu eliġibbli għall-appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012 kienu jammontaw għal 1,3 TWh.

Sena

2012

2013

2014

L-importazzjonijiet eliġibbli tal-elettriku EEG appoġġjati minn garanziji ta' oriġini (espressi f'GWh)

519

283

547

(19)

Il-Ġermanja tisħaq illi li kieku dawk l-importazzjonijiet kollha bbenifikaw mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku, b'bejn wieħed u ieħor 4 ct/kWh, id-dħul mitluf fil-qafas tas-soprataxxa tal-EEG mill-fornituri tal-elettriku li jkunu xtraw dak l-elettriku kien jammonta għal madwar EUR 50 miljun. Il-Ġermanja impenjat ruħha li terġa' tinvesti dak l-ammont f'interkonnetturi u fi proġetti tal-enerġija Ewropej.

2.3.   Is-soprataxxa limitata tal-EEG għall-intrapriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija

(20)

L-Att tal-EEG 2012 ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-fornituri tal-elettriku sabiex jittrasferixxu s-soprataxxa tal-EEG lill-klijenti. Madankollu, l-Att tal-EEG 2012 jistabbilixxi l-mod kif il-fornitur tal-elettriku għandu jindika s-soprataxxa tal-EEG fuq il-kont tal-elettriku, meta din is-soprataxxa tal-EEG tiġi ttrasferita. Fil-prattika, il-fornituri kollha tal-elettriku jittrasferixxu s-soprataxxa tal-EEG fl-intier tagħha.

(21)

§ 40 tal-Att tal-EEG 2012 tillimita l-ammont tas-soprataxxa li tista' tiġi ttrasferita mill-fornituri tal-elettriku lill-EIUs: fuq talba, il-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (“L-Uffiċċju Ġermaniż għall-Ekonomija u għall-Kontroll tal-Esportazzjoni — BAFA”), awtorità pubblika, toħroġ att amministrattiv li jipprojbixxi lill-fornitur tal-elettriku milli jittrasferixxi s-soprataxxa tal-EEG totali lil utent aħħari meta l-utent aħħari jkun intrapriża fil-qasam tal-manifattura b'konsum għoli tal-elettriku (9). Dik id-dispożizzjoni ssir referenza għaliha bħala r-“regola ta' kumpens speċjali” (Besondere Ausgleichsregelung — “BesAR”).

(22)

§ 40 tal-Att tal-EEG 2012 tgħid li l-limitazzjoni hija maħsuba biex tnaqqas l-ispejjeż tal-elettriku għal dawk l-intrapriżi bil-għan li jżommu l-kompetittività internazzjonali tagħhom, sakemm din tkun kompatibbli mal-miri tal-Att tal-EEG 2012 u l-limitu impost jkun għadu kompatibbli mal-interessi tal-utenti tal-elettriku b'mod ġenerali.

(23)

§ 41(1) tal-Att tal-EEG 2012 tissottometti l-limitazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-elettriku mixtri mingħand fornitur tal-elettriku u użat mill-intrapriżi nfushom irid ikun ta' mill-inqas 1 GWh fis-sena finanzjarja ta' qabel;

(b)

il-proporzjon tal-ispejjeż tal-elettriku li għandhom jitħallsu mill-intrapriża mal-valur miżjud gross tagħha jrid ikun ta' mill-inqas 14 % fis-sena finanzjarja ta' qabel;

(c)

is-soprataxxa tal-EEG kienet ittrasferita lill-intrapriża fis-sena finanzjarja ta' qabel;

(d)

l-intrapriża tkun għaddiet minn awditjar tal-enerġija ċċertifikata (din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-intrapriżi li l-konsum tal-elettriku tagħhom huwa inqas minn 10 GWh).

(24)

Ir-regola ġenerali f'§ 41(3) Nru 1 hija li, fir-rigward ta' EIU, is-soprataxxa tal-EEG tiġi limitata gradwalment kif ġej:

(a)

konsum sa 1 GWh: l-ebda limitu massimu — soprataxxa sħiħa tal-EEG;

(b)

konsum ta' bejn 1 GWh u 10 GWh: 10 % tas-soprataxxa tal-EEG;

(c)

konsum ta' bejn 10 GWh u 100 GWh: 1 % tas-soprataxxa tal-EEG;

(d)

konsum ta' 'l fuq minn 100 GWh: 0,05 cent/kWh.

(25)

Jekk EIU jkollu konsum ta' 'l fuq minn 100 GWh u jekk l-ispejjeż tal-elettriku jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-valur miżjud gross, il-livelli limiti differenti deskritti fil-premessa 24 ma japplikawx u s-soprataxxa tal-EEG tkun limitata għal 0,05 cent/kWh għall-konsum tal-elettriku kollu tal-EIU (§ 41(3) Nru 2).

(26)

Id-deċiżjoni tal-BAFA hija vinkolanti mhux biss fuq il-fornitur tal-elettriku, iżda wkoll fuq it-TSO. Dan ifisser li meta l-BAFA tkun iddeċidiet li EIU għandu jħallas biss soprataxxa tal-EEG imnaqqsa lill-fornitur tal-elettriku tiegħu, l-obbligu tal-fornitur tal-elettriku tal-EIU li jħallas is-soprataxxa tal-EEG lit-TSO jitnaqqas kif xieraq. Dan għandu jitteħed f'kunsiderazzjoni meta t-TSO jistabbilixxi s-soprataxxa tal-EEG. Kwalunkwe tilwimiet dwar id-deċiżjoni tal-BAFA għandhom jitressqu quddiem il-qrati amministrattivi, minħabba li dik id-deċiżjoni hija att amministrattiv. Għalhekk, dawk id-deċiżjonijiet huma wkoll immedjatament eżegwibbli.

2.4.   Il-pjan ta' aġġustament

(27)

Sabiex it-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG jinġieb f'konformità mad-dispożizzjonijiet fil-punti 196 et seq. tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (10) (“il-Linji Gwida tal-2014”), il-Ġermanja ssottomettiet pjan ta' aġġustament.

(28)

Għall-intrapriżi li bbenefikaw mill-BesAR, iżda li ħallsu inqas milli kellhom iħallsu skont ir-regoli stipulati fit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 (notevolment il-kriterji tal-eliġibbiltà fil-punti 185, 186 u 187 u l-kriterji tal-proporzjonalità fil-punti 188 u 189), is-soprataxxa tal-EEG aġġustata għall-2013 ma għandhiex taqbeż il-125 % tas-soprataxxa li effettivament ħallsu matul dik is-sena. Is-soprataxxa aġġustata dovuta għall-2014 ma għandhiex taqbeż il-150 % tal-istess valur bażi, jiġifieri, is-soprataxxa li kienet effettivament imħallsa fl-2013. Sabiex jitħaffef l-irkupru, u billi d-dejta dwar il-konsum għas-snin ikkonċernati għadha mhijiex disponibbli għall-intrapriżi kollha kkonċernati mill-irkupru, bħala l-ewwel pass, il-Ġermanja se tuża l-konsum tal-elettriku li kien sottomess fl-applikazzjonijiet għall-kalkolazzjoni ta' ammont ta' rkupru preliminari, li għandu jiġi rkuprat immedjatament sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta' Deggendorf  (11). It-tieni pass ikun li l-Ġermanja tapplika d-dejta dwar il-konsum effettiv tas-snin ikkonċernati sabiex tiddetermina l-ammonti ta' rkupru finali u tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura l-irkupru jew ir-ripagament abbażi ta' dawk l-ammonti finali.

(29)

Il-mekkaniżmu ta' aġġustament se jibda jiġi mmodifikat mill-2015. Skont §103(3) tal-Att tal-EEG 2014 (12), il-BAFA se tillimita s-soprataxxa tal-EEG li għandha titħallas mill-EIUs fis-snin 2015 sa 2018 b'tali mod li s-soprataxxa tal-EEG għal sena partikolari x ma tkunx tista' taqbeż id-doppju tas-soprataxxa tal-EEG li tħallset fis-sena kummerċjali ta' qabel is-sena tal-applikazzjoni (x — 2). B'hekk, filwaqt li s-soprataxxa tal-EEG ser tiġi aġġustata 'l fuq kull sena, is-soprataxxa li għandha titħallas fl-2015 se tiġi limitata għad-doppju tas-soprataxxa mħallsa fl-2013, l-istess kif japplika għas-soprataxxi fis-snin ta' wara sal-2018.

2.5.   It-trasparenza, il-kont tal-EEG u l-monitoraġġ mill-Istat

(30)

L-Aġenzija tan-Netwerks Federali (Bundesnetzagentur,“BNetzA”) ġiet fdata b'għadd ta' kompiti ta' kontroll, superviżjoni u infurzar.

(31)

Il-produtturi tal-elettriku EEG, l-operaturi tan-netwerk, it-TSOs u l-fornituri tal-elettriku huma obbligati li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' xulxin, id-dejta meħtieġa għall-implimentazzjoni korretta tas-sistema EEG. L-Att tal-EEG 2012 jistabbilixxi fid-dettall x'tip ta' informazzjoni għandha tiġi trażmessa b'mod sistematiku lil operaturi oħrajn u f'liema żmien tas-sena. L-operaturi tan-netwerk, it-TSOs u l-fornituri tal-elettriku jistgħu jitolbu li d-dejta tiġi vverifikata minn kontabilist.

(32)

L-Att tal-EEG 2012 waqqaf korp għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huwa inkarigat mill-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari bir-responsabbiltà li jikkjarifika l-mistoqsijiet u jsolvi t-tilwimiet bejn il-produtturi tal-elettriku EEG, l-operaturi tan-netwerk, it-TSOs u l-fornituri tal-elettriku (Clearingstelle).

(33)

Barra minn hekk, l-operaturi tan-netwerk u t-TSOs huma obbligati, skont l-Att tal-EEG 2012 u d-digrieti ta' implimentazzjoni (l-AusglMechV u l-AusglMechAV) li jippubblikaw ċerta dejta fuq is-siti elettroniċi tagħhom (dwar l-ammont ta' elettriku EEG mixtri u b'liema prezz). It-TSOs għandhom iżommu t-tranżazzjonijiet kollha marbuta mal-Att tal-EEG 2012 separati mill-bqija tal-attivitajiet tagħhom. Huma obbligati li jżommu kontijiet finanzjarji separati għall-flussi finanzjarji kollha relatati mal-Att tal-EEG 2012, u għandu jkun hemm kont bankarju separat, li jkun amministrat b'mod konġunt mill-erba' TSOs, għad-dħul u l-ispejjeż kollha marbutin mal-Att tal-EEG 2012 (§ 5 AusglMechAV).

(34)

It-TSOs għandhom l-obbligu li jippubblikaw, fuq sit elettroniku komuni msejjaħ “kont tal-EEG”, id-dħul aggregat fix-xahar li jirriżulta mill-bejgħ tal-elettriku EEG fis-suq spot u mis-soprataxxa tal-EEG u l-ispejjeż aggregati (kumpens lill-operaturi tan-netwerk u spejjeż oħrajn relatati mal-ġestjoni tas-sistema). Huma obbligati wkoll li jippubblikaw minn qabel is-soprataxxa mbassra tal-EEG għas-sena ta' wara.

(35)

L-Att tal-EEG 2012 stabbilixxa l-obbligu li l-installazzjonijiet jiġu rreġistrati ma' korp pubbliku. Ir-reġistrazzjoni se tkun kundizzjoni sabiex dawn ikunu intitolati li jirċievu tariffi garantiti. Ir-reġistru għadu ma ġiex stabbilit iżda diġà hemm obbligu separat fis-seħħ li l-installazzjonijiet solari u l-installazzjonijiet tal-bijomassa likwida jridu jiġu rreġistrati sabiex jibbenifikaw minn tariffi garantiti. Il-BNetzA tamministra r-reġistru tal-installazzjonijiet solari u l-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung tamministra r-reġistru tal-installazzjonijiet tal-bijomassa likwida.

(36)

L-operaturi tan-netwerk u t-TSOs għandhom jibagħtu lil BNetzA d-dettalji li jirċievu mingħand l-operaturi tal-installazzjonijiet (il-post fejn tinsab l-installazzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, eċċ.), il-livell tan-netwerk (distribuzzjoni jew trażmissjoni) fejn jiġu konnessi l-installazzjonijiet, it-tariffi individwali u aggregati mħallsin lill-installazzjonijiet, il-fatturi finali mibgħuta lill-fornituri tal-elettriku u d-dejta meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-preċiżjoni taċ-ċifri pprovduti. Il-fornituri tal-elettriku huma mitluba jikkomunikaw lill-BNetzA l-ammont ta' elettriku fornut lill-klijenti tagħhom u l-kontijiet finali tagħhom. Il-BNetzA għandha wkoll setgħat ta' awditjar fir-rigward tas-sidien tal-installazzjonijiet tal-elettriku EEG sabiex tkun tista' timmonitorja kif l-operaturi tan-netwerk u t-TSOs ikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

(37)

It-TSOs għandhom jibagħtu wkoll dejta dettaljata lill-BNetzA rigward l-istabbiliment tas-soprataxxa tal-EEG. B'mod partikolari, huma għandhom jipprovdu dejta relatata mal-entrati differenti tad-dħul u tan-nefqa li tintuża għall-kalkolazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG, § 7(2) AusglMechV.

(38)

Dawk li jibbenifikaw minn soprataxxa limitata tal-EEG għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jivvaluta jekk l-objettivi taħt § 40 humiex se jintlaħqu.

(39)

Il-BNetzA kienet fdata sabiex tiżgura li:

it-TSOs ibigħu fis-suq spot l-elettriku li għalih it-tariffi garantiti jitħallsu b'konformità mar-regoli applikabbli (jiġifieri, l-AusglMechV),

it-TSOs jiddeterminaw, jistabbilixxu u jippubblikaw is-soprataxxa tal-EEG kif suppost,

it-TSOs jitolbu ħlas xieraq lill-fornituri tal-elettriku għas-soprataxxa tal-EEG,

il-primjums u t-tariffi garantiti jintalbu kif suppost mill-operaturi tan-netwerk lit-TSOs,

is-soprataxxa tal-EEG titnaqqas biss għall-fornituri tal-elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' § 39.

(40)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG, il-BNetzA għandha għadd numeruż ta' setgħat ta' infurzar u kompiti relatati mal-entrati differenti ta' dħul u nefqa li t-TSOs huma permessi li jinkludu fil-kalkolazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG. L-ewwel nett, il-BNetzA għandha s-setgħa li tistabbilixxi, bi qbil mal-ministeri kompetenti (13), ir-regoli għad-determinazzjoni tal-entrati li jitqiesu bħala introjtu jew bħala spejjeż għall-istabbiliment tas-soprataxxa tal-EEG u r-rata ta' imgħax applikabbli. Fuq dik il-bażi, il-BNetzA kompliet tispjega fid-dettall fl-AusglMechAV liema tipi ta' spejjeż jistgħu jiġu kkunsidrati. It-tieni, il-BNetzA għandha tiġi pprovduta bl-elementi u d-dokumenti kollha rilevanti relatati mal-kalkolazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG. It-tielet, il-BNetzA tista' titlob informazzjoni addizzjonali, inklużi l-kontijiet (§ 5(3) AusglMechAV). Fl-aħħar nett, it-TSOs għandhom obbligu li juru l-preċiżjoni u n-neċessità ta' ċerti entrati ta' spejjeż, qabel ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-kalkolazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG (ara, pereżempju, § 6(2) AusglMechAV).

(41)

Il-BNetzA għandha s-setgħa li tagħti struzzjonijiet lit-TSOs u li tistabbilixxi formoli standard għad-dejta li għandhom jittrażmettulha t-TSOs.

(42)

Il-BNetzA għandha wkoll is-setgħa li tistabbilixxi rekwiżiti, bi qbil mal-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari, relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku EEG mit-TSOs fis-suq spot u li tistabbilixxi inċentivi għall-aqwa kummerċjalizzazzjoni possibbli tal-elettriku. Dan sar permezz tal-AusglMechAV.

(43)

Il-BNetzA għandha setgħat ta' infurzar. Hija tista', pereżempju, toħroġ ordnijiet meta t-TSOs ma jistabbilixxux is-soprataxxa tal-EEG b'konformità mar-regoli (ara § 38 Nru 5; § 61(1) Nru 2). Hija tista' wkoll tistabbilixxi l-livell tas-soprataxxa tal-EEG. § 6(3) tal-AusglMechAV tindika li d-differenza bejn is-soprataxxa tal-EEG fl-ammonti miġbura u s-soprataxxa tal-EEG fil-livell awtorizzat mill-BNetzA b'konformità ma' deċiżjoni infurzabbli tal-BNetzA skont § 61(1) Nri 3 u 4 tal-Att tal-EEG 2012 tikkostitwixxi wkoll dħul jew infiq skont it-tifsira ta' § 3(3) u (4) tal-AusglMechV. Kuntrarju għal dak li qiegħda ssostni l-Ġermanja, din hija evidenza li l-BNetzA tista' tieħu deċiżjonijiet infurzabbli sabiex tikkoreġi l-livell tas-soprataxxa. Il-bażi legali għal dan hija § 61, il-paragrafi 1 u 2, flimkien ma' §§ 65 et seq. Energiewirtschaftsgesetz (EnWG) (14), li huma dispożizzjonijiet li jippermettu lill-BNetzA tieħu deċiżjonijiet vinkolanti li japplikaw għall-operaturi privati. Barra minn hekk, il-BNetzA tista' timponi multi (ara § 62(1) u (2) tal-Att tal-EEG 2012).

(44)

Il-BNetzA nnifisha hija soġġetta għal ċerti obbligi ta' rapportar u għandha tikkomunika ċerta dejta lill-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari u lill-Ministeru Federali tal-Ekonomija u t-Teknoloġija għal skopijiet ta' statistika u evalwazzjoni.

(45)

L-Aġenzija Ambjentali Federali (Umweltbundesamt, “UBA”) iżżomm ir-reġistru tal-garanziji tal-oriġini b'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). F'dak ir-rigward, l-UBA hija responsabbli mill-ħruġ, mit-trasferiment u mill-ikkanċellar tal-garanziji tal-oriġini.

3.   ID-DEĊIŻJONI LI JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(46)

Fit-18 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali billi hija kienet tal-fehma li l-Att tal-EEG 2012 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għall-produtturi tal-elettriku EEG, għall-fornituri tal-elettriku li jibbenifikaw mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku u għall-EIU u kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta' dik l-għajnuna mas-suq intern.

(47)

Fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-Att tal-EEG 2012 kien jinvolvi l-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi selettivi (i) lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (RES) u minn gass estratt minn minjieri, notevolment permezz tat-tariffi garantiti, u (ii) lill-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, permezz tat-tnaqqis tas-soprataxxi tal-EEG tagħhom.

(48)

Il-Kummissjoni waslet ukoll għall-konklużjoni preliminari li dawn il-vantaġġi kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat, b'mod partikolari minħabba (i) li l-leġiżlatur Ġermaniż deher li kien introduċa imposta speċjali maħsuba biex tiffinanzja l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku EEG, jiġifieri s-soprataxxa tal-EEG, (ii) li l-leġiżlatur Ġermaniż u l-fergħa eżekuttiva kienu nnominaw lit-TSOs sabiex jamministraw dik is-soprataxxa b'mod kollettiv skont ir-regoli stipulati mill-Istat fl-Att tal-EEG 2012 u fir-regolamenti ta' implimentazzjoni u (iii) li t-TSOs kienu mmonitorjati mill-qrib fl-amministrazzjoni ta' dik ir-riżorsa.

(49)

Filwaqt li l-appoġġ għall-elettriku EEG instab li kien kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG jistax jitqies bħala kompatibbli abbażi tat-Trattat u, b'mod partikolari, l-Artikolu 107(3)(b) u (c) tat-Trattat.

(50)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku EEG skont l-Att tal-EEG 2012 kienx konformi mal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat, minħabba li minkejja li l-produzzjoni tal-elettriku EEG fil-Ġermanja biss ibbenefikat mis-soprataxxa tal-EEG, din tal-aħħar kienet imposta wkoll fuq il-konsum tal-elettriku EEG importat, li l-produtturi tiegħu setgħu gawdew mill-appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012 li kieku kienu jinsabu fil-Ġermanja.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(51)

Il-partijiet interessati ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għal din id-Deċiżjoni skont il-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014.

(52)

Il-maġġoranza tal-partijiet interessati sostnew li l-Att tal-EEG 2012 ma għandux jitqies bħala li jinvolvi għajnuna mill-Istat, la fil-livell tal-produtturi tal-elettriku EEG u lanqas favur l-EIUs. Huma tal-opinjoni li l-Istat Ġermaniż sempliċiment organizza sistema bbażata fuq pagamenti (suċċessivi) bejn operaturi privati, meta dawn l-operaturi jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess. Is-sempliċi fatt li s-sistema toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-Istat (l-Att tal-EEG 2012 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu), jew inkella l-involviment tal-BNetzA, tal-Bundesanstalt für Ernährung und Landwirtschaft, tal-UBA u tal-BAFA, li l-attribuzzjonijiet tagħhom huma allegatament limitati, ma jistgħux, fil-fehma tagħhom, ibiddlu n-natura inerentement privata tas-sistema. Din l-analiżi hija bbażata l-aktar fuq is-sentenzi tal-Qorti fil-Kawżi PreussenElektra  (16) u Doux Élevage  (17). Jekk minkejja kollox, hemm xi tip ta' għajnuna, il-partijiet interessati jsostnu li din għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema Ġermaniża preċedenti fil-Kawża NN 27/2000 (18).

(53)

Barra minn hekk, il-partijiet interessati sostnew li t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG huwa kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) jew tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. L-Att tal-EEG 2012 huwa deskritt minn dawn il-partijiet bħala li għandu objettiv doppju li jappoġġja l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku EEG u li jippreserva l-bażi industrijali tal-Ġermanja u tal-Unjoni. Il-partijiet interessati jsostnu li kull għajnuna involuta fl-Att tal-EEG 2012 hija mezz xieraq u proporzjonat sabiex jintlaħaq dan l-objettiv doppju. Fi kwalunkwe każ, huma jgħidu li l-Kummissjoni ma għandhiex tapplika l-Linji Gwida tal-2014 għal dan il-każ, minħabba li tali applikazzjoni tkun retroattiva. Hija għandha toqgħod lura wkoll minn kull irkupru minħabba li jeħtieġ li jiġu mħarsal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji li l-għajnuna ngħatat b'mod leċitu.

(54)

B'kuntrast ma' dan, l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Konsumaturi tal-Enerġija (Bund der Energieverbraucher), li għall-ewwel kienet ilmentat mal-Kummissjoni dwar l-Att tal-EEG 2012, saħqet li t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, lill-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija u li jagħmel ħsara lil dawk l-intrapriżi u konsumaturi Ġermaniżi li jkollhom iħallsu soprataxxa tal-EEG ogħla mingħajr ma jibbenefikaw minn tnaqqis simili. L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li t-tnaqqis ma jistax jinstab kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Dawn l-argumenti saru wkoll minn bosta ċittadini Ġermaniżi.

(55)

L-argumenti sottomessi mill-partijiet interessati huma indirizzati f'aktar dettall fit-Taqsima 7.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ U DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET TERZI

(56)

Il-Ġermanja tirrimarka li l-maġġoranza ta' dawk involuti fis-sistema stabbilita mill-Att tal-EEG 2012 huma privati, hekk kif kien il-każ ukoll fil-Kawża PreussenElektra, u li dawn mhumiex parti mill-amministrazzjoni pubblika. L-uniku involviment mill-Istat huwa fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-kontroll strett tal-implimentazzjoni tagħha. L-awtoritajiet pubbliċi involuti, notevolment il-BNetzA u l-BAFA, jitqiesu bħala li jikkonformaw strettament mal-attribuzzjonijiet limitati tagħhom, mingħajr ma jamministaw xi fondi. Skont il-Ġermanja, dawn l-awtoritajiet ma għandhom l-ebda diskrezzjoni. Barra minn hekk, il-Ġermanja tinnota li s-soprataxxa tal-EEG bħala tali ma tiġix stabbilita mill-Istat, iżda hija bbażata fuq mekkaniżmu tas-suq, minħabba li hija tiddependi fuq id-dħul li jsir mill-bejgħ tal-elettriku EEG fis-suq spot. Finalment, il-Ġermanja tenfasizza li l-Att tal-EEG 2012 ma jitlobx lill-fornituri sabiex jgħaddu din is-soprataxxa lill-konsumaturi, li jfisser li l-għażla li jsir it-trasferiment tirriżulta mill-politika tal-ipprezzar tal-fornituri tal-elettriku. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-operaturi involuti fis-sistema ma għandu setgħat speċjali li joriġinaw mil-liġi pubblika; pjuttost, huma jridu jistrieħu fuq il-qrati ċivili sabiex jinfurzaw it-talbiet għall-ħlas tagħhom kontra xulxin.

(57)

Il-Ġermanja għamlet l-argumenti legali li ġejjin, li huma simili għal dawk sottomessi mill-partijiet interessati, jiġifieri

in-nuqqas ta' vantaġġi ekonomiċi selettivi, fuq il-bażi li l-appoġġ għall-elettriku EEG jissodisfa l-kriterji tas-sentenza Altmark  (19) u li t-tnaqqis għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija jammonta biss għall-mitigazzjoni ta' żvantaġġ eżistenti tal-industrija Ġermaniża,

in-nuqqas ta' riżorsi Statali u ta' kontroll Statali, minħabba l-inkomparabbiltà tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Att tal-EEG 2012 mas-sitwazzjonijiet eżaminati mill-Qorti fil-Kawżi Essent  (20) u Vent de colère  (21),

il-fatt li, jekk jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-pagamenti magħmula skont l-Att tal-EEG 2012 jikkostitwixxu l-għajnuna eżistenti fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat NN 27/2000,

il-kompatibbiltà ta' kwalunkwe għajnuna mogħtija mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) u (c),

in-nuqqas ta' ksur tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat minħabba li l-elettriku EEG importat ma jistax jitqabbel ma' dak li jiġi prodott fuq livell domestiku, notevolment fid-dawl tad-deċiżjoni riċenti fil-Kawża Ålands Vindkraft  (22).

(58)

L-argumenti tal-Ġermanja huma eżaminati u kkontestati f'aktar dettall fit-Taqsima 7.

6.   IMPENJI PPROVDUTI MILL-ĠERMANJA

(59)

Kif issemma' aktar 'il fuq fil-premessa 19, il-Ġermanja pprovdiet l-impenn li ġej fir-rigward tal-investiment mill-ġdid ta' EUR 50 miljun f'interkonnetturi u fi proġetti tal-enerġija Ewropej:

“Għall-EEG 2012, tista' tinstab soluzzjoni globali kemm għall-Grünstromprivileg kif ukoll għall-kwistjoni tal-Artikolu 30/110. Is-soluzzjoni tkun tikkonsisti fl-investiment mill-ġdid f'interkonnetturi jew fi proġetti tal-enerġija Ewropej simili tal-ammont stmat tal-allegata diskriminazzjoni. L-investiment mill-ġdid jista' jsir b'mod parallel għall-progress tal-proġett rilevanti. Abbażi taċ-ċifri kkomunikati mill-Ġermanja, l-investiment mill-ġdid għandu jammonta għal EUR 50 miljun għall-perjodu Jannar 2012–Lulju 2014. Għal darba oħra, il-Ġermanja toffri dan l-impenn billi tissalvagwardja l-pożizzjoni legali tagħha (l-ebda diskriminazzjoni).”

(60)

Barra minn hekk, il-Ġermanja pprovdiet l-impenn li ġej fir-rigward tal-pjan ta' aġġustament imsemmi fil-premessi 27 et seq.:

“L-irkupru [l-ammont rikuperabbli] fir-rigward ta' intrapriża partikolari jirriżulta mid-differenza tal-ispejjeż rilevanti tal-EEG kif iddeterminati abbażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (‘il-Linji Gwida tal-2014’) u tal-ispejjeż tal-EEG kif iddeterminati abbażi tal-Att tal-EEG 2012. F'dak ir-rigward, il-pjan ta' aġġustament jillimita l-pagament li jrid isir abbażi tal-Linji Gwida tal-2014 għal massimu ta' 125 % (għas-sena 2013) u għal massimu ta' 150 % (għas-sena 2014) tal-pagament magħmul fir-rigward tas-sena 2013 skont l-Att tal-EEG 2012. L-ammonti ta' rkupru negattivi ma jiġux ikkunsidrati.”

7.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

7.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(61)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(62)

Meta tiġi biex tiddetermina jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji li ġejjin: il-miżura għandha tkun imputabbli lill-Istat u tinvolvi riżorsi tal-Istat, għandha tagħti vantaġġ lil ċerti intrapriżi jew setturi li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni u tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.1.   L-eżistenza ta' vantaġġi selettivi li jaffettwaw il-kummerċ u l-kompetizzjoni

(63)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni sabet li l-Att tal-EEG 2012 kien jinvolvi żewġ tipi ta' vantaġġi selettivi li jaffettwaw il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

(64)

L-ewwel vantaġġ kien ikkonferit fuq il-produtturi tal-elettriku EEG. Tabilħaqq, il-Kummissjoni sabet li l-primjums u t-tariffi garantiti assiguraw lill-produtturi tal-elettriku EEG prezz ogħla mill-prezz tas-suq għall-elettriku li jipproduċu. L-istess kien jgħodd għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-elettriku EEG li rriżultat fi dritt għal soprataxxa tal-EEG imnaqqsa skont § 39 tal-Att tal-EEG 2012, billi dik id-dispożizzjoni ppermettiet lill-produtturi tal-elettriku EEG jiksbu prezz ogħla mill-prezz tas-suq għall-elettriku tagħhom. Il-miżura kienet selettiva minħabba li minnha bbenefikaw biss il-produtturi tal-elettriku EEG. Barra minn hekk, is-suq tal-elettriku kien ġie liberalizzat u l-produtturi tal-elettriku kienu attivi f'setturi fejn seħħ kummerċ bejn l-Istati Membri (il-premessa 76 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(65)

It-tieni vantaġġ kien jikkonsisti fit-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG għal ċerti EIUs skont il-BesAR. Il-Kummissjoni sabet li l-EIUs fis-settur tal-manifattura gawdew minn vantaġġ minħabba li s-soprataxxa tal-EEG tagħhom kienet limitata. §§ minn 40 sa 41 tal-Att tal-EEG 2012 ħelsuhom minn piż li normalment kien ikollhom iġorru huma. Tabilħaqq, il-limitu massimu pprevjena lit-TSOs u lill-fornituri tal-elettriku milli jirkupraw l-ispejjeż addizzjonali għas-sostenn tal-elettriku EEG mill-EIUs. Il-miżura kienet meqjusa wkoll bħala selettiva minħabba li l-EIUs mis-settur tal-manifattura biss setgħu jibbenifikaw minnha. Fl-aħħar nett, il-miżura setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li l-benefiċjarji kienu produtturi ta' oġġetti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (pereżempju produtturi ta' metall tal-ħadid jew mhux tal-ħadid, industriji tal-karti, industriji ta' sustanzi kimiċi, produtturi tas-siment) u kienu attivi f'setturi fejn seħħ kummerċ bejn l-Istati Membri (il-premessi minn 77 sa 80 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(66)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li ma jeżisti l-ebda vantaġġ ekonomiku, la fil-livell tal-produtturi tal-elettriku EEG u lanqas fil-livell tal-EIUs li jibbenefikaw mill-BesAR, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Il-produtturi tal-elettriku EEG jitqiesu bħala li ma jirċievu l-ebda vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mis-soprataxxa tal-EEG minnha nnifisha, lanqas kieku din kellha titqies bħala riżorsa tal-Istat, minħabba li t-tariffi garantiti li bihom jiġu rrimunerati huma indipendenti mis-soprataxxa tal-EEG. Minflok, is-soprataxxa tal-EEG sempliċement tikkumpensa t-telf imġarrab mit-TSOs. Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni tal-produtturi tal-elettriku EEG allegatament tissodisfa l-kriterji tad-deċiżjoni fil-Kawża Altmark  (23).

(b)

Fir-rigward tal-EIUs, il-Ġermanja ssostni li l-BesAR ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku, iżda minflok tikkumpensa għal żvantaġġ kompetittiv imġarrab minn dawk l-intrapriżi, meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom fi Stati Membri oħrajn (li għandhom spejjeż ta' finanzjament SER aktar baxxi) (24) u f'pajjiżi terzi (li l-biċċa l-kbira tagħhom ma jiffaċċjaw l-ebda piż komparabbli).

(67)

Xi partijiet interessati kkontestaw is-sejbiet li s-soprataxxa tal-EEG kienet tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li seta' jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Minflok, intqal li l-miżura kienet qiegħda treġġa' lura l-kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fl-Unjoni, minħabba li l-ispejjeż tal-elettriku industrijali kienu ogħla fil-Ġermanja milli fi bnadi oħra. Barra minn hekk, xi partijiet interessati jirrimarkaw li l-benefiċjarji li jikkonsmaw aktar minn 10 GWh fis-sena jġarrbu spejjeż finanzjarji assoċjati mal-awditi obbligatorji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(68)

Il-Ġermanja u l-partijiet interessati kkontestaw ukoll is-sejba li l-vantaġġi ekonomiċi huma selettivi u li jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ, notevolment minħabba li jingħad li l-BesAR tapplika għall-intrapriżi kollha fl-industrija tal-manifattura u għall-intrapriżi ta' kull daqs. Xi partijiet interessati jsostnu li t-tnaqqis mhuwiex selettiv, billi l-benefiċjarji mhumiex f'sitwazzjoni komparabbli ma' intrapriżi oħrajn, u dan minħabba li l-kriterji tal-eliġibbiltà prinċipali huma l-intensità elettrika u l-konsum tal-elettriku u minħabba li l-intrapriżi b'konsum intensiv ta' elettriku jiffaċċjaw theddida ferm akbar mis-soprataxxa tal-EEG mill-intrapriżi mingħajr konsum daqstant intensiv. Barra minn hekk, huma jiddikjaraw li anki li kieku s-soprataxxi mnaqqsin kienu prima facie selettivi, dawn ikunu inerenti għan-natura u għal-loġika tas-sistema ta' appoġġ għall-elettriku EEG: mingħajr it-tnaqqis, l-appoġġ għall-elettriku EEG ma jkunx jista' jiġi ffinanzjat minħabba li l-EIU jispiċċa jiċċaqlaq 'il barra mill-Ġermanja.

(69)

L-argumenti sottomessi mill-Ġermanja u mill-partijiet interessati mhumiex konvinċenti.

7.1.1.1.   Kundizzjonijiet ekwi bejn l-intrapriżi fi Stati Membri differenti

(70)

L-ewwel nett, il-fatt li intrapriża tiġi kkumpensata għall-ispejjeż jew imposti li diġà tkun ġarrbet, fil-prinċipju ma jeskludix l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku (25). L-eżistenza ta' vantaġġ lanqas ma tista' tiġi eskluża mis-sempliċi fatt li intrapriżi kompetituri fi Stati Membri oħrajn jinsabu f'pożizzjoni aktar favorevoli (26), minħabba li l-kunċett ta' vantaġġ huwa bbażat fuq analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' intrapriża fil-kuntest legali u fattwali tagħha kemm bil-miżura partikolari kif ukoll mingħajrha. Madankollu, jekk wieħed jeskludi t-taxxi u l-imposti, bħala medja, il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali fil-Ġermanja huma aktar baxxi milli fi Stati Membri oħrajn.

(71)

Riċentement, il-Qorti Ġenerali reġgħet ikkonfermat il-prinċipju li l-eżistenza ta' vantaġġ għandha tiġi vvalutata, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fi Stati Membri oħrajn (27). Il-Qorti Ġenerali sabet li n-natura stess tat-tariffa preferenzjali, jiġifieri, il-fatt li Alcoa Transformazioni ġiet irrimborżata d-differenza bejn il-prezzijiet tal-elettriku mitluba minn ENEL u r-rata pprovduta mid-digriet tal-1995, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-intrapriża kkonċernata ma kinitx qiegħda ġġorr l-imposti kollha li normalment kienu jkunu ta' piż fuq il-baġit tagħha (28). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li l-eżistenza ta' vantaġġ tirriżulta mid-deskrizzjoni sempliċi tal-mekkaniżmu ta' divrenzjar tal-prezzijiet, jiġifieri, mekkaniżmu ta' kumpens, li l-iskop tiegħu huwa li jeżonera kumpanija milli tħallas parti mill-prezz għall-elettriku meħtieġ għall-produzzjoni tal-oġġetti li jinbigħu fit-territorju tal-Unjoni (29). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret (30) fil-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi vvalutata skont il-merti tagħha u mhux fir-rigward tal-objettivi tagħha, bħar-rimedju ta' kompetizzjoni imperfetta f'suq partikolari.

(72)

Bl-istess mod, it-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG mogħti skont il-BesAR itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji billi jtaffilhom mill-piż ta' spiża li kien ikollhom iġorru f'kundizzjonijiet normali. Tabilħaqq, li kieku ma kienx għall-BesAR u d-deċiżjoni tal-BAFA, huma kien ikollhom iħallsu s-soprataxxa tal-EEG sħiħa bħal kwalunkwe konsumatur tal-elettriku ieħor. Il-Ġermanja enfasizzat il-ħtieġa tat-tnaqqis sabiex tiġi sostnuta l-kompetittività tal-benefiċjarji, meta mqabbla mal-EIUs fi Stati Membri u pajjiżi terzi oħrajn. Meta tagħmel dan, il-Ġermanja tkun qiegħda tirrikonoxxi impliċitament li l-benefiċjarji jirċievu trattament ekonomikament vantaġġuż.

7.1.1.2.   Selettività

(73)

Sa fejn huma kkonċernati l-allegazzjonijiet tan-nuqqas ta' selettività tal-BesAR, għandu jiġi mfakkar li “la l-għadd kbir ta' intrapriżi eliġibbli u lanqas id-diversità u d-daqs tas-setturi li għalihom jappartjenu dawk l-intrapriżi ma jipprovdu raġunijiet sabiex jiġi konkluż li inizjattiva Statali tikkostitwixxi miżura ġenerali ta' politika ekonomika” (31), sakemm setturi oħrajn, bħal pereżempju dak tas-servizzi, jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-benefiċjarji. Dan diġà huwa l-każ hawnhekk, hekk kif is-settur tal-manifattura biss jibbenifika mill-għajnuna (mingħajr ma hemm bżonn li l-Kummissjoni teżamina r-raġunijiet ulterjuri għas-selettività). Għalhekk, it-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG ma japplikax għall-intrapriżi li jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli mal-benefiċjarji. Barra minn hekk, it-tnaqqis differenti fis-soprataxxa tal-EEG, skont il-konsum, jirriżulta f'divrenzjar bejn l-entitajiet fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali, jiġifieri, l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, u minnu nnifsu huwa selettiv.

(74)

Fir-rigward tal-argument li l-kamp ta' applikazzjoni tal-BesAR u d-divrenzjar huma ġustifikati min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema, għandu jiġi mfakkar li “miżura li toħloq eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa ġenerali tista' tkun ġustifikata jekk tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida ta' dik is-sistema tat-taxxa. F'dak il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa l-waħda, l-objettivi attribwiti lil sistema tat-taxxa partikolari u li huma estrinsiċi għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti fis-sistema tat-taxxa nnifisha, li huma neċessarji għall-kisba ta' tali objettivi”  (32). Madankollu, la l-ħarsien ambjentali u lanqas il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industrija ma jikkwalifikaw bħala prinċipji bażiċi jew ta' gwida inerenti għas-sistema tas-soprataxxa. Għall-kuntrarju, dawn huma objettivi esterni attribwiti għal dik is-sistema. Bħal f'każijiet preċedenti oħrajn (33), fil-każ inkwistjoni, l-objettiv tal-ħarsien ambjentali ma jistax ibiddel is-sejba li t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, il-preservazzjoni tal-kompetittività lanqas biss hija elenkata fost l-objettivi tal-liġi f'§ 1 tal-Att tal-EEG 2012. Għall-kuntrarju, f'§ 40, it-tieni sentenza, fil-verità hemm speċifikat li l-preservazzjoni tal-kompetittività hija soġġetta għall-kundizzjoni li hija ma tipperikolax l-objettivi stabbiliti f'§ 1 tal-Att tal-EEG 2012.

7.1.1.3.   Vantaġġ li jirriżulta mis-soprataxxa tal-EEG; ġurisprudenza ta' Altmark

(75)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Ġermanja li s-soprataxxa tas-SER minnha nnifisha ma tikkostitwixxi l-ebda vantaġġ lill-produtturi tal-elettriku EEG, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri ta' appoġġ itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-elettriku EEG lil hinn minn dak li jkunu jistgħu jakkwistaw meta jbigħu l-elettriku tagħhom bil-prezz tas-suq. Is-soprataxxa tal-EEG isservi biex tiffinanzja dawk il-miżuri ta' appoġġ. Għall-kuntrarju ta' dak li tafferma l-Ġermanja, il-fatt li t-tariffi garantiti jistgħu jiġu jew ma jiġux influwenzati mil-livell tas-soprataxxa tal-EEG huwa irrilevanti għad-determinazzjoni ta' jekk dawk it-tariffi jikkostitwixxux vantaġġ ekonomiku jew le.

(76)

Il-Ġermanja sostniet li l-appoġġ għall-produtturi tal-elettriku EEG jikkostitwixxi kumpens adegwat għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku skont il-ġurisprudenza Altmark.

(77)

Fil-Kawża Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura tal-Istat ma tiġix koperta mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat, meta l-miżura kellha titqies “bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-intrapriżi benefiċjarji bil-għan li jwettqu l-obbligi ta' servizz pubbliku, b'tali mod li dawk l-intrapriżi ma gawdew mill-ebda vantaġġ finanzjarju reali u, b'hekk, il-miżura ma kellhiex l-effett li tpoġġihom f'pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli mill-intrapriżi li kienu qed jikkompetu magħhom” (34).

(78)

Madankollu, dik is-sejba kienet soġġetta għal erba' kundizzjonijiet (35):

(a)

“L-ewwel, l-impriża benefiċjarja trid tkun ġiet effettivament inkarigata b'obbligi tas-servizz pubbliku xi twettaq, u dawn l-obbligi għandhom ikunu definiti b'mod ċar.”

(b)

“It-tieni, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista' jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja fuq impriżi li jikkompetu magħha.”

(c)

“It-tielet, il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż ikkawżati mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku, u jrid jikkunsidra r-rikavati rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi.”

(d)

“Ir-raba', meta l-impriża li tkun se twettaq l-obbligi tas-servizz pubbliku, f'każ speċifiku, ma tkunx intgħażlet skont proċedura tal-akkwist pubbliku li tippermetti li jintgħażel l-offerent li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi li jiswew l-inqas lill-komunità, il-livell ta' kumpens meħtieġ irid jiġi ddeterminat abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li ġġarrab impriża tipika, li tkun immexxija tajjeb u li jkollha biżżejjed mezzi tat-trasport sabiex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa tas-servizz pubbliku, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rikavati rilevanti u profitt raġonevoli sabiex jitwettqu l-obbligi.”

(79)

Il-Ġermanja ssostni li l-appoġġ għall-produtturi tas-SER jissodisfa l-ewwel kundizzjoni minħabba l-eżistenza ta' objettiv ta' interess komuni, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/28/KE, rigward il-promozzjoni tal-użu ta' enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36) juri li l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista' tkun is-suġġett tal-obbligi ta' servizz pubbliku imposti fuq l-intrapriżi li joperaw fis-settur tal-elettriku.

(80)

Il-Ġermanja tqis li t-tieni kriterju ta' Altmark ġie ssodisfat ukoll. Skont il-Ġermanja, il-parametri għall-kumpens tal-produtturi tal-elettriku EEG ġew stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti fl-Att tal-EEG 2012.

(81)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li t-tielet kriterju ġie ssodisfat minħabba li l-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha li l-produtturi tal-elettriku EEG mhumiex se jiġu kkumpensati żżejjed.

(82)

Fl-aħħar nett, il-Ġermanja ssostni li l-livell ta' appoġġ lill-produtturi tal-elettriku EEG kien iddeterminat abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li kien ikollha ġġarrab intrapriża tipika, immexxija sewwa u ssussidjata b'mod adegwat sabiex twettaq l-obbligi tagħha. F'dak ir-rigward, il-Ġermanja tirreferi għall-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-miżuri ta' appoġġ mogħtija lill-produtturi tal-elettriku EEG għandhom effett ta' inċentiv u huma proporzjonati. Dawn iż-żewġ fatti allegatament juru li l-benefiċjarji tat-tariffi garantiti huma mmexxija sewwa.

(83)

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti mhumiex konvinċenti.

(84)

L-ewwel kriterju ta' Altmark jitlob li l-fornitur tas-servizz pubbliku għandu jiġi fdat b'obbligu ta' servizz pubbliku.

(85)

Skont l-Att tal-EEG 2012, il-produtturi mhumiex obbligati li jipproduċu, iżda qegħdin jirreaġixxu għal inċentiv ekonomiku pprovdut mill-Istat Ġermaniż.

(86)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel kriterju ta' Altmark mhuwiex issodisfat.

(87)

Billi l-kriterji ta' Altmark huma kumulattivi, mingħajr ma għandha għalfejn teżamina jekk it-tieni, it-tielet u r-raba' kriterji humiex issodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-argumenti tal-Ġermanja li t-tariffi garantiti għall-produtturi tal-elettriku SER jikkostitwixxu kumpens adegwat għat-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku skont il-ġurisprudenza Altmark ma jistgħux jiġu aċċettati.

7.1.1.4.   Van der Kooy, Danske Busvognmænd u Hotel Cipriani

(88)

Fir-rigward tat-tnaqqis mis-soprataxxa tal-EEG skont il-BesAR, il-Ġermanja u xi partijiet interessati kkwotaw is-sentenza tal-Qorti fil-Kawża Van der Kooy u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali f'Danske Busvognmænd u Hotel Cipriani sabiex isostnu li t-tnaqqis ma jikkostitwixxi l-ebda vantaġġ ekonomiku (37).

(89)

Fil-Kawża Van der Kooy, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tariffa preferenzjali għall-gass naturali mogħtija lill-impriżi involuti fl-ortikultura tas-serer ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna jekk kienet, “fil-kuntest tas-suq inkwistjoni, ġustifikata b'mod oġġettiv minn raġunijiet ekonomiċi bħall-ħtieġa li ssir reżistenza għall-kompetizzjoni fl-istess suq minn sorsi oħrajn ta' enerġija, li l-prezz tagħhom kien kompetittiv”  (38). Madankollu, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-Ġermanja u tal-partijiet interessati l-oħrajn, il-kwistjoni kkonċernata, li saret referenza għaliha mill-Qorti, kienet il-kompetizzjoni fl-istess suq bejn karburanti differenti u l-mod kif kumpanija li tbigħ tali karburanti tista' tiffissa t-tariffi tagħha b'konformità ma' dan, jiġifieri, l-applikazzjoni tat-test tal-investituri privati f'ekonomija tas-suq. Il-mistoqsija li riedet issir kienet jekk il-kumpaniji tas-serer għandhomx jaqilbu għall-faħam minħabba l-prezzijiet ogħla tal-gass u jekk it-tariffi preferenzjali jistgħux għalhekk jikkostitwixxu mġiba ekonomika razzjonali min-naħa tal-kumpanija tal-gass. Fil-każ inkwistjoni, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Ġermanja aġixxiet bħal investitur privat u, il-Ġermanja qatt ma sostniet li t-tnaqqis mis-soprataxxa tal-EEG mogħti lill-EIUs għandu jitqies bħala li jissodisfa t-test tal-investituri privati.

(90)

Barra minn hekk, l-obiter dicta fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Danske Busvognmænd  (39) u Hotel Cipriani  (40) sadanittant ġew annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja u minn sentenzi aktar riċenti mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Fil-Comitato “Venezia vuole vivere”  (41), il-Qorti għamlitha ċara li miżura titqies bħala li ma tikkostitwixxi l-ebda vantaġġ biss meta miżura tal-Istat tkun tirrappreżenta kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi fdati bl-eżekuzzjoni ta' servizz fl-interess pubbliku ġenerali sabiex iwettqu obbligi ta' servizz pubbliku, jekk dawk l-impriżi ma jgawdu mill-ebda vantaġġ finanzjarju reali u jekk il-miżura ma jkollhiex l-effett li tpoġġihom f'pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli mill-impriżi li jikkompetu magħhom (42). Il-Qorti żiedet tgħid li l-fatt li Stat Membru jfittex li japprossima, permezz ta' miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f'settur partikolari tal-ekonomija għal dawk prevalenti fi Stati Membri oħrajn, ma jistax iċaħħad lill-miżuri inkwistjoni mill-karattru tagħhom ta' għajnuna (43). Barra minn hekk, il-miżuri maħsuba biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi possibbli li jistgħu jkunu esposti għalihom l-impriżi stabbiliti f'reġjun partikolari ta' Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu vantaġġi selettivi (44).

(91)

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali sabet li l-ġurisprudenza fil-Kawża Danske Busvognmænd ma tapplikax meta l-imposti li normalment ikunu ta' piż għall-baġit ta' impriża jittaffew mill-Istat. Il-Qorti Ġenerali tenniet il-prinċipju li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kumpens, jiġifieri, it-tneħħija ta' żvantaġġi kompetittivi, ma jneħħix il-karattru tiegħu ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (45).

(92)

F'sentenza li ngħatat aktar tard, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-objettiv tal-għoti ta' kumpens għall-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi, segwit mit-tnaqqis f'ċerti kontribuzzjonijiet, ma setax ineħħi minn dawk il-vantaġġi l-karattru tagħhom bħala għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għalhekk, miżura maħsuba biex tpaċi żvantaġġ strutturali ma tistax taħrab mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, sakemm il-kriterji stabbiliti fil-kawża Altmark  (46) ikunu ġew issodisfati.

(93)

Għalhekk, il-linja ta' argumentazzjoni mqajma mill-Ġermanja u minn ċerti partijiet interessati ma tistax tiġi aċċettata.

(94)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tinvolvi vantaġġi selettivi lill-produtturi ta' elettriku EEG li x'aktarx jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.2.   Imputabbiltà

(95)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-vantaġġi kienu imputabbli lill-Istat Ġermaniż, minħabba li l-primjums u t-tariffi garantiti, is-soprataxxa tal-EEG u l-limitu massimu ta' dik is-soprataxxa rriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat u mid-digrieti ta' implimentazzjoni, kif ukoll minħabba li l- limitu massimu għas-soprataxxa ġie stabbilit biss wara li l-BAFA, korp pubbliku, kienet ivverifikat li l-kundizzjonijiet legali ġew issodisfati.

(96)

Il-Ġermanja u l-partijiet terzi kkontestaw l-imputabbiltà fuq il-bażi li l-Istat kien sempliċiment ippromulga l-leġiżlazzjoni u li l-operaturi tan-netwerk qed jaġixxu minn jeddhom.

(97)

Il-kwistjoni tal-imputabbiltà tista' tirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa fejn tkun ikkonċernata biss l-imġiba tal-intrapriżi pubbliċi. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istat u tal-leġiżlatur huma dejjem imputabbli lill-Istat (47).

7.1.3.   L-eżistenza tar-riżorsi tal-Istat

(98)

Fir-rigward tal-appoġġ għall-produtturi tal-elettriku EEG, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li, skont l-Att tal-EEG 2012, it-TSOs kienu nnominati mill-Istat sabiex jamministraw is-soprataxxa tal-EEG u li d-dħul mis-soprataxxa tal-EEG kien jikkostitwixxi riżorsa tal-Istat (il-premessa 138).

(99)

L-Istat mhux biss iddefinixxa lil min għandu jingħata l-vantaġġ, il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-livell ta' appoġġ, iżda pprovda wkoll ir-riżorsi finanzjarji li jkopru l-ispejjeż tal-appoġġ għall-elettriku EEG. Għall-kuntrarju ta' kif kien il-każ f'Doux Élevage  (48), is-soprataxxa tal-EEG tinħoloq u tiġi imposta mil-leġiżlatura, jiġifieri, l-Istat, u mhijiex sempliċement inizjattiva privata tat-TSOs li l-Istat renda f'waħda obbligatorja bil-għan li jipprevjeni l-parassitiżmu. L-Istat iddefinixxa l-iskop u d-destinazzjoni tas-soprataxxa: hija sservi sabiex tiffinanzja politika ta' appoġġ żviluppata mill-Istat u mhijiex azzjoni deċiża mit-TSOs. It-TSOs mhumiex liberi li jistabbilixxu s-soprataxxa kif iridu u huma mmonitorjati strettament bil-mod ta' kif is-soprataxxa tiġi kkalkolata, imposta u ġestita. Il-mod kif huma jbigħu l-elettriku EEG huwa mmonitorjat ukoll mill-Istat. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istabbiliment tas-soprataxxa tal-EEG jiżguraw li s-soprataxxa tipprovdi kopertura finanzjarja suffiċjenti sabiex tagħmel tajjeb għall-appoġġ għall-elettriku EEG, kif ukoll għall-ispejjeż li joriġinaw mill-ġestjoni tas-sistema. Dawk id-dispożizzjonijiet ma jippermettux il-ġbir ta' dħul addizzjonali lil hinn mill-kopertura ta' dawk l-ispejjeż. It-TSOs mhumiex permessi li jużaw is-soprataxxa tal-EEG sabiex jiffinanzjaw kwalunkwe tip ieħor ta' attività, u l-flussi finanzjarji għandhom jinżammu f'kontijiet separati (il-premessa 137 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(100)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-vantaġġi li jingħataw direttament mill-Istat, kif ukoll dawk li jingħataw minn korp pubbliku jew privat innominat jew stabbilit mill-Istat huma inklużi fil-kunċett ta' riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (49). Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-vantaġġ mhuwiex iffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu involuti r-riżorsi tal-Istat (50). Barra minn hekk, in-natura oriġinarjament privata tar-riżorsi ma tipprevjenihomx milli jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (51). Il-fatt li r-riżorsi mhumiex, fi kwalunkwe ħin, il-proprjetà tal-Istat, lanqas ma jipprevjenihom milli jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, jekk huma jkunu taħt il-kontroll tal-Istat (52) (ara l-premessi 82, 83 u 84 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(101)

B'hekk, f'diversi kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kontribuzzjonijiet imposti mill-operaturi privati jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat minħabba li korp partikolari kien innominat jew stabbilit speċifikament sabiex jamministra dawk il-kontribuzzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat (53) (ara l-premessi minn 85 sa 89 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Tabilħaqq, “billi l-fondi inkwistjoni huma ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat u billi, kif juri dan il-każ, huma ġestiti u mqassma skont id-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni, huma għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat skont it-tifsira ta' [l-Artikolu 107], anke jekk huma amministrati minn istituzzjonijiet distinti mill-awtoritajiet pubbliċi.”  (54)

(102)

Għalhekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet, billi għamlet referenza għas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (55), li l-kriterju rilevanti għall-valutazzjoni ta' jekk ir-riżorsi kinux pubbliċi, irrispettivament mill-oriġini inizjali tagħhom, kien dak tal-grad ta' intervent tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u l-metodi ta' finanzjament tagħhom.

(103)

Filwaqt li l-Qorti eskludiet l-eżistenza tar-riżorsi tal-Istat fil-Kawżi PreussenElektra u Doux Élevage, dan kien dovut għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' dawk il-kawżi. Fil-Kawża PreussenElektra  (56), la kien hemm soprataxxa jew kontribuzzjoni u lanqas korp stabbilit jew maħtur sabiex jamministra l-fondi, billi l-obbligi imposti fuq l-operaturi privati kellhom jiġu ssodisfati minnhom bi flushom stess. Fil-Kawża Doux Élevage, kien hemm tabilħaqq kontribuzzjoni li saret obbligatorja mill-Istat, iżda l-organizzazzjoni privata kienet libera li tuża d-dħul minn dik il-kontribuzzjoni skont kif kienet tqis li huwa xieraq. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda element ta' kontroll mill-Istat fuq il-fondi miġbura.

(104)

Meta ġiet biex tapplika dawn il-prinċipji għas-sistema ta' appoġġ stabbilita mill-Att tal-EEG 2012, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet preliminari li ġejjin:

(105)

Permezz tal-Att tal-EEG 2012, l-Istat introduċa imposta speċjali, is-soprataxxa tal-EEG, u ddefinixxa l-iskop tagħha, li huwa l-finanzjament tad-differenza bejn l-ispejjeż li jġarrbu t-TSOs fix-xiri tal-elettriku EEG u d-dħul illi jiġġeneraw mill-bejgħ ta' dan l-elettriku. Il-metodu ta' kalkolazzjoni għad-determinazzjoni tal-livell tas-soprataxxa huwa stabbilit ukoll fl-Att tal-EEG 2012, l-istess bħall-prinċipju li d-defiċits u s-surpluses jiġu kkoreġuti fis-sena ta' wara. Dan jiżgura li t-TSOs ma jġarrbu l-ebda telf, iżda jimplika wkoll li huma ma jistgħux jużaw id-dħul mis-soprataxxa għal xi ħaġa oħra minbarra l-finanzjament tal-EEG. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, għall-kuntrarju ta' li ġara fil-Kawża PreussenElektra, l-Istat ipprovda lil dawk l-impriżi bir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jiffinanzjaw l-appoġġ għall-elettriku EEG (ara l-premessi minn 97 sa 103 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(106)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li t-TSOs kienu nnominati sabiex jamministraw is-soprataxxa. Huma għandhom:

jixtru l-elettriku EEG prodott fiż-żona tagħhom, jew direttament mingħand il-produttur meta jkun direttament konness mal-linja ta' trażmissjoni jew inkella mingħand l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSOs) b'tariffi garantiti jew iħallsu l-primjum tas-suq. Dan iwassal biex kemm l-elettriku EEG, kif ukoll il-piż finanzjarju tal-appoġġ ipprovdut mill-Att tal-EEG 2012 jiġu ċentralizzati fil-livell ta' kull wieħed mill-erba' TSOs,

japplikaw il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku għall-fornituri li jistaqsu għalih u jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti f'§ 39(1) tal-Att tal-EEG 2012,

jaġġustaw bejniethom l-ammont ta' elettriku EEG sabiex kull wieħed minnhom ikun jista' jixtri l-istess proporzjon ta' elettriku EEG,

ibigħu l-elettriku EEG fis-suq spot skont ir-regoli definiti fl-Att tal-EEG 2012 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu, ħaġa li jistgħu jagħmlu b'mod konġunt,

jikkalkolaw b'mod konġunt l-elettriku EEG, li għandu jkun l-istess għal kull kWh ikkonsmat fil-Ġermanja, bħala d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku EEG u n-nefqa marbuta max-xiri tal-elettriku EEG,

jippubblikaw b'mod konġunt is-soprataxxa tal-EEG f'format speċifiku fuq sit elettroniku konġunt,

jippubblikaw ukoll l-informazzjoni aggregata dwar l-elettriku EEG,

iqabblu s-soprataxxa tal-EEG imbassra ma' dik li suppost kien hemm fil-verità f'sena partikolari u jadattaw is-soprataxxa għas-sena ta' wara,

jippubblikaw il-previżjonijiet għal bosta snin bil-quddiem,

jiġbru s-soprataxxa tal-EEG mingħand il-fornituri tal-elettriku,

iżommu (kull wieħed minnhom) il-flussi finanzjarji kollha (nefqa u dħul) marbuta mal-Att tal-EEG 2012 f'kontijiet bankarji separati.

(107)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-TSOs kienu qegħdin jiġu mmonitorjati strettament mill-Istat fl-amministrazzjoni tas-soprataxxa (il-premessi minn 110 sa 113 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Il-monitoraġġ jitwettaq minn BNetzA, li wkoll għandha s-setgħat ta' infurzar neċessarji. B'mod partikolari, il-BNetzA timmonitorja l-mod kif it-TSOs ibigħu l-elettriku EEG li għalih jitħallsu tariffi garantiti fis-suq spot, li t-TSOs jiddeterminaw, jiffissaw u jippubblikaw is-soprataxxa tal-EEG kif suppost, li t-TSOs jitolbu ħlas xieraq lill-fornituri tal-elettriku għas-soprataxxa tal-EEG, li jintalbu primjums u tariffi garantiti xierqa lit-TSOs u li s-soprataxxa tal-EEG titnaqqas biss għall-fornituri tal-elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' § 39 tal-Att tal-EEG 2012. Il-BNetzA tirċievi wkoll informazzjoni mingħand it-TSOs dwar l-appoġġ għall-elettriku EEG u dwar il-ħlasijiet li jintalbu lill-fornituri. Fl-aħħar nett, il-BnetzA tista' tistabbilixxi multi u tadotta deċiżjonijiet, inklużi deċiżjonijiet li jinfluwenzaw il-livell tas-soprataxxa tal-EEG. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-BAFA, entità tal-Istat, tagħti l-intitolamenti għal soprataxxa tal-EEG limitata għall-EIUs wara l-applikazzjoni mill-benefiċjarji potenzjali.

(108)

Il-Ġermanja tikkontesta l-involviment tar-riżorsi tal-Istat. L-ewwel nett, hija tgħid li l-mekkaniżmu ta' appoġġ tal-EEG jinvolvi biss lill-impriżi privati, kemm jekk ikunu l-operaturi ta' impjanti tal-elettriku EEG, l-operaturi tan-netwerk, it-TSOs jew il-fornituri tal-elettriku, fejn kull kategorija minnhom hija taħt proprjetà predominantement privata, anki jekk il-korpi pubbliċi jew Statali jżommu s-sjieda ta' għadd sinifikanti minn dawk l-impriżi. Meta jimponi obbligi fuqhom, l-Att tal-EEG 2012 ma jagħmilx differenza fuq il-bażi ta' jekk l-impriżi humiex taħt proprjetà pubblika jew privata. Sa fejn jiġu involuti korpi pubbliċi fil-proċess (BNetzA, BAFA, UBA), allegatament huma la jikkontrollaw il-ġbir u lanqas l-użu tar-riżorsi, iżda huma limitati għar-rwol ta' superviżjoni tal-legalità u tal-funzjonament tas-sistema.

(109)

It-tieni, il-Ġermanja tenfasizza li l-livell tas-soprataxxa tal-EEG ma jiġix iddeterminat la mill-Att tal-EEG 2012 u lanqas minn korp pubbliku. Il-livell tas-soprataxxa tal-EEG jiġi ddeterminat mill-operat tas-suq, fid-dawl tal-fatt li t-TSOs l-ewwel ibigħu l-elettriku EEG fis-suq spot u mbagħad jiddeterminaw l-ispejjeż li jifdal, li jkunu jridu jiġu koperti mis-soprataxxa tal-EEG.

(110)

Bosta partijiet interessati qablu mal-analiżi tal-Ġermanja li l-Att tal-EEG 2012 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, huma jikkontestaw is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni li s-soprataxxa tal-EEG hija amministrata minn korpi privati nnominati mill-Istat. Huma jsostnu wkoll li BNetzA, aktar milli teżerċita kontroll fuq id-dħul li joriġina mis-soprataxxa tal-EEG jew mil-livell tas-soprataxxa nnifisha, qiegħda sempliċement timmonitorja l-legalità mingħajr ma jkollha influwenza fuq il-ġestjoni tal-fondi. Fl-aħħar nett, filwaqt li t-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG huwa bbażat fuq l-Att tal-EEG 2012 u huwa implimentat mill-BAFA, dan allegatament ma jistax ibiddel in-natura privata tal-fondi, minħabba li l-pagamenti jsiru bejn impriżi privati u fl-ebda punt ma jħallu s-settur privat, għalhekk l-Istat ma jistax jeżerċita kontroll fuqhom. Minbarra dan, qiegħed jiġi sostnut li t-trasferiment tas-soprataxxa tal-EEG mingħand it-TSOs lill-fornituri tal-elettriku u, sussegwentement, mingħand il-fornituri tal-elettriku lill-konsumaturi tal-elettriku jitħalla għad-diskrezzjoni tat-TSOs u tal-fornituri tal-elettriku rispettivament, u dan irendi lis-soprataxxa element tal-politika tal-ipprezzar tal-impriżi privati u bl-ebda mod ma jagħmilha ħlas impost mill-Istat.

(111)

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux ibiddlu l-konklużjoni preliminari milħuqa fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

7.1.3.1.   L-eżistenza ta' soprataxxa introdotta mill-Istat

(112)

Fir-rigward tal-argument tal-Ġermanja li s-soprataxxa tal-EEG qatt ma tidħol jew tgħaddi mill-baġit tal-Istat, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, kif diġà sar fil-premessa 100, li s-sempliċi fatt li l-vantaġġ mhuwiex iffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi li huma involuti riżorsi tal-Istat, sakemm l-Istat ikun innomina jew stabbilixxa korp sabiex jamministra l-fondi.

(113)

Il-Ġermanja enfasizzat li l-pagamenti tas-soprataxxa tal-EEG li jridu jagħmlu l-fornituri tal-elettriku lit-TSOs huma ta' natura privata, minħabba li t-TSOs ma għandhom l-ebda awtorità jew setgħat li joriġinaw minn liġi pubblika li tinforza t-talba tagħhom għal kumpens kontra l-fornituri. Minflok, bħal kwalunkwe impriża privata oħra, huma għandhom jistrieħu fuq il-qrati ċivili. Madankollu, din l-analiżi tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-pagamenti kkonċernati mhumiex ibbażati fuq kuntratti nnegozjati liberament bejn il-partijiet ikkonċernati, iżda fuq obbligi legali (gesetzliche Schuldverhältnisse) li l-Istat impona fuqhom. Għalhekk, it-TSOs huma marbutin bil-liġi li jirkupraw is-soprataxxa tal-EEG mingħand il-fornituri tal-elettriku.

(114)

F'dak ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita (57) li l-entitajiet innominati sabiex jamministraw l-għajnuna jistgħu jkunu korpi pubbliċi jew privati. Għalhekk, il-fatt li t-TSOs huma operaturi privati ma jistax, bħala tali, jeskludi l-eżistenza ta' riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, il-Qorti sabet li “[d]-distinzjoni bejn l-għajnuna mogħtija mill-Istat u l-għajnuna mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat isservi sabiex tinkludi fid-definizzjoni ta' għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll l-għajnuna mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati nnominati jew stabbiliti mill-Istat” (58). Fil-Kawża Sloman Neptun  (59) , il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li r-riżorsi tal-Istat ikunu involuti meta s-sistema kkonċernata tfittex, permezz tal-għan u l-istruttura ġenerali tagħha, li toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat jew għall-korpi privati nnominati jew stabbiliti mill-Istat (60). Għalhekk, huwa biżżejjed li l-vantaġġ inaqqas ir-riżorsi li huwa intitolat għalihom korp privat sabiex ikunu involuti r-riżorsi tal-Istat. Is-soprataxxa tal-EEG imnaqqsa li għandha titħallas mill-EIUs għandha eżattament dan l-effett li tnaqqas l-ammonti miġbura mingħand l-EIUs mill-fornituri tal-elettriku.

(115)

Il-fatt li l-fornituri tal-elettriku mhumiex obbligati li jgħaddu s-soprataxxa tal-EEG lill-konsumaturi tal-elettriku ma jwassalx għas-sejba li r-rikavati miġbura huma privati, sakemm il-fornituri tal-elettriku nfushom ikollhom l-obbligu, li joriġina mill-Att tal-EEG 2012, li jħallsu s-soprataxxa lit-TSOs. Għal darb'oħra, dan l-obbligu mhuwiex ibbażat fuq kuntratt li l-operaturi jistgħu jidħlu fih liberament, iżda huwa obbligu legali (gesetzliches Schuldverhältnis) li joriġina direttament mil-leġiżlazzjoni tal-Istat. Barra minn hekk, kif ġie ddikjarat fil-premessa 100, in-natura oriġinarjament privata tar-riżorsi ma twaqqafhomx milli jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat. Għall-kuntrarju ta' li ġara fil-Kawża PreussenElektra, fejn l-operaturi privati kellhom jużaw ir-riżorsi tagħhom stess sabiex iħallsu l-prezz tax-xiri għal prodott, it-TSOs kienu nnominati b'mod kollettiv sabiex jamministraw soprataxxa li l-fornituri tal-elettriku huma obbligati li jħallsu, mingħajr ma jirċievu xejn ekwivalenti għaliha.

(116)

Skont il-Ġermanja, xi qrati nazzjonali eżaminaw is-soprataxxa tal-EEG u l-flus li nġabru permezz tagħha u effettivament ikkonkludew li l-Istat ma għandu l-ebda kontroll fuqhom. F'kawża waħda partikolari li qiegħda tirreferi għaliha l-Ġermanja (61), il-qorti nazzjonali nnotat li permezz tal-ħolqien ta' sistema awtosuffiċjenti għall-eżerċitar ta' objettiv ta' politika pubblika, l-Istat Ġermaniż, sa ċertu punt, kellu jesternalizza l-finanzjament tal-appoġġ għas-SER lill-operaturi privati. Għal din ir-raġuni, il-qorti nazzjonali kienet tal-fehma li s-soprataxxa tal-EEG ma kinitx tikkostitwixxi kontribuzzjoni speċjali (Sonderabgabe) skont it-tifsira tal-liġi kostituzzjonali Ġermaniża, minħabba li r-rikavati mis-soprataxxa tal-EEG ma kinux allokati għall-baġit tal-Istat u minħabba li l-awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx il-fondi għad-dispożizzjoni tagħhom, lanqas indirettament. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-konklużjoni tal-qorti nazzjonali kienet limitata għall-applikazzjoni tal-liġi kostituzzjonali nazzjonali u, b'mod partikolari, għall-interpretazzjoni tal-kunċett legali tal-“kontribuzzjoni speċjali”. Il-qorti nazzjonali ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk l-Att tal-EEG 2012 kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Filwaqt li jista' jkun hemm similaritajiet bejn it-test applikat mill-qorti nazzjonali għall-finijiet tal-liġi kostituzzjonali Ġermaniża u l-valutazzjoni li trid twettaq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma hemmx bżonn li r-riżorsi jidħlu fil-baġit tal-Istat jew ikunu jappartjenu lill-Istat sabiex jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat. Minħabba li r-riżorsi tal-Istat jistgħu jkunu preżenti wkoll meta jiġi stabbilit jew jinħatar korp pubbliku jew privat sabiex jamministrahom, il-kunċett ta' riżorsi tal-Istat huwa usa' mill-kriterju applikat fit-test tal-qorti nazzjonali skont il-liġi kostituzzjonali Ġermaniża (62).

7.1.3.2.   In-nominazzjoni tat-TSOs sabiex jamministraw is-soprataxxa

(117)

Il-Ġermanja tikkontesta s-sejba tal-Kummissjoni li t-TSOs kienu nnominati b'mod kollettiv sabiex jamministraw riżorsa tal-Istat. Skont il-Ġermanja, it-TSOs mhuma soġġetti għall-ebda inkarigu mill-Istat. Minflok, l-operaturi differenti li huma koperti mill-Att tal-EEG 2012, bħall-operaturi kollha fl-ekonomija, sempliċement jirranġaw bejniethom il-pretensjonijiet privati li jirriżultaw mid-drittijiet offruti lilhom mil-liġi.

(118)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Att tal-EEG 2012 evidentement jinkariga lit-TSOs b'serje ta' obbligi u kompiti ta' monitoraġġ fir-rigward tas-sistema EEG li tagħmilhom il-punt ċentrali fil-funzjonament tas-sistema (ara l-premessa 106). Kull wieħed mill-erba' TSOs Ġermaniżi jiċċentralizza, għaż-żona tiegħu, l-elettriku EEG kollu u l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-akkwist tal-elettriku EEG u mill-ħlas tal-primjums tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-amministrazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG. Kull wieħed minnhom jiċċentralizza wkoll ir-rikavati tas-soprataxxa tal-EEG għaż-żona tiegħu. Għalhekk, jidher ċar li t-TSOs mhux biss isolvu l-pretensjonijiet privati bejniethom, iżda qegħdin jimplimentaw l-obbligi legali tagħhom skont l-Att tal-EEG 2012.

7.1.3.3.   Monitoraġġ mill-Istat, b'mod partikolari mill-BNetzA

(119)

Il-Ġermanja u l-partijiet interessati jsostnu wkoll li l-attribuzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari l-BNetzA u l-BAFA, huma limitati wisq biex jagħtuhom xi miżura sinifikanti ta' kontroll fuq is-soprataxxa tal-EEG. Il-BNetzA u l-BAFA jissorveljaw biss il-legalità tal-azzjonijiet tal-operaturi privati involuti u, jekk ikun hemm bżonn, jimponu sanzjonijiet amministrattivi (BNetzA) jew jaċċertaw id-dritt tal-EIUs li jibbenifikaw minn soprataxxa mnaqqsa (BAFA). Huma la jistgħu jinfluwenzaw il-flussi finanzjarji u lanqas ma jistgħu jiddeċiedu x'għandu jkun il-livell tas-soprataxxa tal-EEG. Skont il-Ġermanja, il-fatt li l-Att tal-EEG 2012 jistabbilixxi l-metodu għall-kalkolazzjoni tas-soprataxxa u r-rekwiżiti tat-trasparenza, kif ukoll is-superviżjoni mwettqa mill-BNetzA, huma mmirati biss lejn il-prevenzjoni tal-arrikkiment inġust minn wieħed mill-operaturi privati tul il-linja tal-ħlas. Madankollu, dan imbagħad ikun irid jiġi infurzat mill-operaturi privati billi jressqu l-każ quddiem il-qrati ċivili.

(120)

Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Ġermanja u tal-partijiet interessati, il-BAFA toħroġ deċiżjoni amministrattiva meta tistabbilixxi l-intitolamenti għal soprataxxa tal-EEG limitata għall-EIUs wara l-applikazzjoni mill-benefiċjarji potenzjali. Dik id-deċiżjoni tista' tiġi kkontestata biss quddiem il-qrati amministrattivi Ġermaniżi u mhux quddiem il-qrati ċivili, u teżegwixxi lilha nnifisha. Barra minn hekk, il-BNetzA għandha setgħat ta' infurzar importanti fil-qafas tal-EnWG, li hija tista' tuża sabiex tagħti multa lill-operaturi kollha involuti fis-sistema u biex tinforza l-konformità mal-Att tal-EEG 2012.

(121)

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar ikkonfermat fil-Kawża Elcogás li r-riżorsi tal-Istat ikunu involuti anki meta l-korp Statali, li jkun ġie fdat bid-distribuzzjoni tal-ammonti miġbura, ma jkun igawdi mill-ebda diskrezzjoni f'dan ir-rigward (63).

(122)

B'mod aktar speċifiku, għall-kuntrarju ta' dak li l-Kummissjoni sostniet fil-premessa 134 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Ġermanja u l-partijiet interessati jsostnu li l-BNetzA ma tistax tistabbilixxi l-livell tas-soprataxxa tal-EEG. Madankollu, kif kien diġà stabbilit fil-premessa 43, § 6(3) AusglMechAV turi li l-BNetzA tista' tieħu deċiżjonijiet infurzabbli sabiex tikkoreġi l-livell tas-soprataxxa. Barra minn hekk, il-firxa sa fejn il-BNetzA eżerċitat is-setgħat tagħha hija irrilevanti sakemm hija kellha tali setgħat. Jista' jkun li l-BNetzA sempliċement dehrilha li ma kienx neċessarju li tieħu deċiżjonijiet infurzabbli.

7.1.3.4.   Is-sejba ta' kontroll mill-Istat b'mod ġenerali

(123)

Il-Ġermanja u bosta partijiet interessati kkritikaw lill-Kummissjoni talli allegatament ikkunsidrat indebitament il-passi u r-relazzjonijiet differenti fis-sistema EEG inġenerali bil-għan li ssostni li s-sistema kienet taħt kontroll mill-Istat. Huma jsostnu li, li kieku l-Kummissjoni eżaminat il-passi separatament u ffukat biss fuq sett wieħed ta' relazzjonijiet kull darba (produttur tal-elettriku EEG — DSO/TSO; TSO — BNetzA; TSO — fornitur; fornitur — konsumatur), il-Kummissjoni kien ikollha tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda kontroll mill-Istat. Allegatament, ir-rwol tal-BAFA huwa limitat għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà, u l-BAFA ma għandha l-ebda kapaċità sabiex teżerċita diskrezzjoni f'dan ir-rigward.

(124)

Għall-kuntrarju, huma l-Ġermanja u l-partijiet interessati li jiżbaljaw billi jadottaw fehma frammentata tas-sistema tal-finanzjament stabbilita mill-Att tal-EEG 2012. Fil-Kawża Bouygues, il-Qorti sostniet: “Billi l-interventi Statali jieħdu forom differenti u għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż […] li bosta miżuri konsekuttivi ta' intervent Statali għandhom, għall-finijiet tal- Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed.” (64) Il-Qorti kompliet billi ddikjarat li dan “jista' jkun partikolarment il-każ meta interventi konsekuttivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta' dawk l-interventi, ikunu tant marbutin mill-qrib ma' xulxin illi jkunu inseparabbli minn xulxin (65)”. Din hija preċiżament is-sitwazzjoni tas-sistema EEG. L-Att tal-EEG 2012, u s-setgħat u l-azzjonijiet ta' BNetzA, BAFA, UBA u Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung huma tant interkonnessi mill-qrib u dipendenti fuq xulxin illi jistgħu jitqiesu biss bħala inseparabbli.

(125)

Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-Kummissjoni żbaljat meta ddeduċiet kontroll mill-Istat mill-mod kif is-surpluses u d-defiċits huma amministrati fil-kont tal-EEG. L-ewwel nett, il-Ġermanja tinnota li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn il-kont tal-EEG u l-baġit tal-Istat: l-Istat la jikkumpensa għal defiċit fil-kont tal-EEG u lanqas — kif kien il-każ fil-Kawża Essent — ma jiġu allokati surpluses fil-baġit tal-Istat. Kemm id-defiċits kif ukoll is-surpluses jiddeterminaw il-livell tas-soprataxxa tal-EEG fis-sena ta' wara. Għalhekk, huma jinqasmu b'mod indaqs bejn l-operaturi privati involuti. L-Istat ma jintervjenix f'dan ir-rigward.

(126)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ma jfissirx li għandu jkun hemm flussi minn u lejn il-baġit tal-Istat (66) li jinvolvu r-riżorsi rispettivi. Sabiex l-Istat ikun jista' jeżerċita kontroll fuq ir-riżorsi, huwa biżżejjed li jirregola b'mod sħiħ dak li suppost jiġri fil-każ ta' defiċit jew surplus fil-kont tal-EEG. L-element deċiżiv huwa li l-Istat ħoloq sistema fejn l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi tan-netwerk jiġu kkumpensati b'mod sħiħ mis-soprataxxa tal-EEG u fejn il-fornituri tal-elettriku jingħataw is-setgħa li jgħaddu s-soprataxxa lill-konsumaturi.

(127)

Il-Ġermanja tirrimarka wkoll li r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-flussi tal-flus privati weħidhom ma jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja tqabbel is-sistema stabbilita mill-Att tal-EEG 2012 ma' oqsma oħrajn ta' regolamentazzjoni ekonomika, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi fis-settur bankarju, l-obbligu tas-sewwieqa li jissottoskrivu għal polza ta' assigurazzjoni għall-vettura tagħhom, jew ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet fl-oqsma tat-telekomunikazzjoni u tas-saħħa. Il-Ġermanja ssostni li r-regolamentazzjoni ta' attività ekonomika privata bħala tali ma tinvolvi l-ebda kontroll mill-Istat. Skont il-Ġermanja, il-BNetzA ma tagħmel xejn aktar għajr li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, hemm differenza sinifikanti bejn dawk l-oqsma fejn l-Istat jipprovdi biss qafas protettiv għall-konsumaturi u s-sitwazzjoni inkwistjoni. Hawnhekk, l-Istat ippromulga biċċa leġiżlazzjoni separata, jiġifieri l-Att tal-EEG 2012, li l-għan primarju tiegħu mhuwiex il-protezzjoni tal-konsumaturi. Hawnhekk, l-Istat jiżgura fluss kontinwu ta' flus fis-settur kollu sabiex iservi l-miri politiċi ta' dik il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita (67) li l-fondi ffinanzjati permezz tal-imposti obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, ġestiti u maqsuma fi proporzjonijiet b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni, għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, anki jekk jiġu ġestiti minn entitajiet separati mill-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, l-Att tal-EEG 2012 ma jistax jitqabbel ma' miżuri tal-Istat li l-istess Stat ma jinfluwenzax jew li għalihom ma jiggarantixxi l-ebda finanzjament.

(128)

Skont il-Ġermanja, is-sitwazzjoni hija komparabbli ma' dik fil-Kawża Doux Élevage. F'Doux Élevage, il-Qorti sabet li d-dħul miġbur mill-kontribuzzjonijiet ma għaddiex mill-baġit tal-Istat, li l-Istat ma ċediex id-dħul, li l-fondi baqgħu privati f'kull ħin u li l-każijiet ta' nuqqas ta' pagamenti kellhom jitressqu quddiem il-qrati ċivili (68). Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet ma kinux “kontinwament taħt kontroll pubbliku” u ma kinux “disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istat (69)” u, l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux permessi li jeżerċitaw kontroll fuq il-kontribuzzjonijiet “ħlief biex jivverifikaw il-validità u l-legalità tagħhom” (70). Minkejja l-affermazzjonijiet tal-Ġermanja, il-każ inkwistjoni mhuwiex komparabbli ma' Doux Élevage. Id-differenza tinsab fil-fatt li, f'Doux Élevage,“hija l-organizzazzjoni interprofessjonali li tiddeċiedi kif għandha tuża r-riżorsi, li huma totalment iddedikati sabiex jilħqu l-objettivi ddeterminati minn dik l-organizzazzjoni” (71). Fil-każ inkwistjoni, l-għan tas-soprataxxa tal-EEG kien ġie stabbilit mill-Istat u l-implimentazzjoni hija kkontrollata kompletament mill-Istat. Barra minn hekk, filwaqt li f'Doux Élevage, l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw ruħhom li jrendu kontribuzzjoni volontarja pre-eżistenti f'waħda obbligatorja għall-operaturi kollha fis-snajja' rilevanti, fil-każ inkwistjoni, l-Istat stabbilixxa l-mekkaniżmu kollu tal-kalkolazzjoni u l-ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż bejn l-operaturi privati.

(129)

Meta tiġi biex tivvaluta l-kontroll mill-Istat, il-Ġermanja ssostni li l-użu tal-kelma “Stat” mill-Kummissjoni huwa ambigwu. Kif muri fil-Kawża Doux Élevage, it-terminu “Stat” għandu primarjament jinkorpora l-eżekuttiv, jiġifieri, l-aġenziji governattivi u amministrattivi, iżda mhux il-leġiżlazzjoni applikabbli b'mod ġenerali li tkun ġiet approvata mill-Parlament. Is-sempliċi fatt li l-Istat illeġiżla favur l-AusglMechV ma jikkostitwixxix kontroll mill-Istat.

(130)

Madankollu, il-kriterju ta' “Stat” għandu jinftiehem b'mod wiesa'. L-ewwel nett, il-Qorti sostniet ripetutament li l-kunċett tal-Istat naturalment jinkludi wkoll lil-leġiżlatur (72). Barra minn hekk, kif issemma fil-premessa 124, il-kontroll mill-Istat jiġi eżerċitat permezz ta' serje ta' miżuri regolatorji u ta' kontroll li ma għandhomx jiġu vvalutati fuq bażi awtonoma. Fil-każ inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni rilevanti tidħol f'tant dettall li s-sistema tiżgura kontroll mill-Istat mingħajr il-ħtieġa ta' involviment ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Istat. Barra minn hekk, il-BNetzA għandha setgħat sinifikanti sabiex tinfluwenza l-proċess.

(131)

B'kuntrast ma' dan, il-Ġermanja ssostni li l-Att tal-EEG 2012 ivarja b'mod sinifikanti mis-sitwazzjoni fil-Kawża Essent. F'din tal-aħħar, il-livell tal-imposta kien definit mil-liġi, irrispettivament mill-ispejjeż li kellhom jiġu koperti. Barra minn hekk, is-surpluses li jmorru oltre NLG 400 miljun ġew ittrasferiti għall-baġit tal-Istat. B'kuntrast ma' dan, il-livell tas-soprataxxa tal-EEG jiġi ddeterminat mit-TSOs abbażi tal-bejgħ fis-suq spot, u l-Istat ma għandu ebda possibbiltà li jinfluwenza dan. Barra minn hekk, is-surpluses tal-kont tal-EEG jinżammu fis-sistema, minħabba li huma jinfluwenzaw is-soprataxxa fis-sena ta' wara.

(132)

Kif muri fil-premessa 126, il-kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ma jfissirx li għandu jkun hemm flussi minn u lejn il-baġit tal-Istat (73) li jinvolvu r-riżorsi rispettivi. Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, il-livell tas-soprataxxa tal-EEG jiġi kkalkolat b'konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji u billi jiġi kkunsidrat il-prezz tas-suq miksub mit-TSOs. Kif ġie spjegat fil-premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-mod kif it-TSOs jikkalkolaw is-soprataxxa tal-EEG, wara li jsiru jafu l-prezz miksub fis-suq spot, huwa rregolat b'mod sħiħ u stipulat fl-Att tal-EEG 2012.

(133)

Barra minn hekk, il-Ġermanja ssostni li filwaqt li fil-Kawża Essent kien hemm korp speċifiku wieħed li kien fdat bl-amministrazzjoni tal-imposta, l-Att tal-EEG 2012 effettivament jimponi obbligi fuq għadd indefinit ta' operaturi privati, jiġifieri, operaturi tan-netwerk, TSOs u fornituri tal-elettriku, u dawk l-obbligi huma definiti b'mod ġenerali. Dan mhuwiex inkarigu u dan l-għadd kbir ta' operaturi privati ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew innominati mill-Istat sabiex jamministraw imposta. Kif intqal fil-premessa 118, it-TSOs, u mhux operaturi oħrajn, huma l-entitajiet innominati sabiex jamministraw is-soprataxxa tal-EEG. Barra minn hekk, ma jidhirx li hemm bażi legali li tipprojbixxi lil Stat Membru milli jinkariga aktar minn entità waħda bl-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-Istat.

(134)

Il-Ġermanja u l-partijiet interessati jenfasizzaw ukoll l-allegati differenzi bejn l-Att tal-EEG 2012 u s-sentenza riċenti fil-Kawża Vent de colère  (74): Fi Franza, il-kontribuzzjoni rilevanti nġabret mingħand il-konsumaturi permezz ta' fond immexxi mill-Istat, filwaqt li fil-Ġermanja, it-TSOs privati jiġbru s-soprataxxa tal-EEG mingħand il-fornituri privati, li mbagħad ikunu jistgħu jgħadduha lill-konsumaturi. Fi Franza, il-livell tal-kontribuzzjoni kien iddeterminat minn digriet ministerjali, filwaqt li fil-Ġermanja, din il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata mit-TSOs abbażi tal-ispejjeż attwali tagħhom. Fi Franza, fl-eventwalità ta' defiċit, ikun l-Istat li jintervjeni, filwaqt li fil-Ġermanja, defiċit ikollu jitħallas mit-TSOs qabel jiġi kkumpensat permezz ta' żieda fis-soprataxxa fis-sena ta' wara.

(135)

Il-Ġermanja tkun qiegħda tinterpreta l-ġurisprudenza b'mod żbaljat meta ssostni li r-riżorsi tal-Istat ikunu preżenti biss jekk l-eżekuttiv tal-Istat ikollu l-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu. Kif ġie spjegat fil-premessa 130, il-kunċett tal-Istat mhuwiex limitat għall-eżekuttiv, billi dan jinkludi wkoll lil-leġiżlatur, u lanqas mhuwa meħtieġ li l-Istat ikun jista' jiddisponi mill-fondi bħallikieku kienu parti mill-baġit tiegħu stess. Kif muri fil-premessa 114, huwa irrilevanti jekk l-entità li tamministra r-riżorsi tal-Istat tkunx privata jew pubblika. Barra minn hekk, it-TSOs jikkalkolaw is-soprataxxa tal-EEG abbażi tal-ispejjeż tagħhom b'mod li huwa stipulat fl-Att tal-EEG 2012 u l-fatt li l-Istat introduċa mekkaniżmu tas-suq fis-sistema ma jaffettwax l-eżistenza ta' riżorsi tal-Istat. L-Istat jiddetermina wkoll x'għandu jsir fl-eventwalità ta' defiċit. Tabilħaqq, l-Istat ma jħallasx għad-defiċit huwa stess, iżda jirregola u jikkontrolla l-mod kif jiġi kopert id-defiċit, fl-aħħar mill-aħħar anke permezz tas-soprataxxa tal-EEG.

(136)

Barra minn hekk, il-Ġermanja ssostni li l-Kawża Vent de colère titlob setgħa diskrezzjonarja tal-Istat sabiex jiddisponi mir-riżorsi finanzjarji fi kwalunkwe ħin, filwaqt li fl-Att tal-EEG 2012, l-Istat, li sempliċement ippromulga l-leġiżlazzjoni, ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonarja bħal din. Skont il-Ġermanja, il-Kummissjoni ma għamlitx biżżejjed distinzjoni bejn il-mezzi veri tal-kontroll eżekuttiv u s-sempliċi attività leġiżlattiva. Kontroll mill-Istat jimplika l-fatt li l-Istat għandu setgħa diskrezzjonarja sabiex jiddisponi mir-riżorsi finanzjarji. F'Vent de colère, il-paragrafu 21, il-Qorti terġa' tikkonferma din is-sejba.

(137)

Skont il-Ġermanja, in-nuqqas ta' kontroll mill-Istat huwa muri wkoll mill-fatt li l-Istat ma jistax jiddetermina l-livell tas-soprataxxa tal-EEG. Minħabba li l-livell tas-soprataxxa jiddependi fuq id-dħul li jiġġeneraw it-TSOs mill-bejgħ tal-elettriku EEG fis-suq spot, huwa jiġi ddeterminat kompletament mis-suq. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Istat mhux dejjem jiddetermina l-livell eżatt tas-soprataxxa tal-EEG, iżda huwa jiddetermina l-mod li bih għandu jiġi kkalkolat, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tal-bejgħ tal-elettriku. Barra minn hekk, l-Istat jista' jintroduċi mekkaniżmi tas-suq fis-sistema ta' finanzjament, mingħajr ma jabbanduna l-kontroll fuq il-finanzjament. F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni ma tara l-ebda differenza bejn imposta pubblika ffissata mill-awtoritajiet tal-Istat u obbligu legali impost mill-Istat permezz ta' leġiżlazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-Istat jorganizza trasferiment tar-riżorsi finanzjarji permezz tal-leġiżlazzjoni u jistabbilixxi għal liema finijiet jistgħu jintużaw dawn ir-riżorsi finanzjarji.

(138)

Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-valutazzjoni tagħha li l-appoġġ għall-produtturi tal-elettriku SER u għall-produzzjoni tal-elettriku minn gass estratt mill-minjieri permezz ta' tariffi garantiti huwa ffinanzjat minn riżorsi tal-Istat.

7.1.4.   Effett distortiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(139)

Fl-aħħar nett, kemm il-vantaġġi għall-produtturi tal-elettriku EEG kif ukoll dawk għall-EIUs jidhru li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jaffettwaw il-kummerċ, ġaladarba l-benefiċjarji joperaw f'setturi fejn is-swieq ġew liberalizzati u fejn isir kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat

(140)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att tal-EEG 2012 jinvolvi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat kemm għall-benefiċċju tal-produtturi tal-elettriku EEG, kif ukoll, fil-qafas tal-BesAR, għall-benefiċċju tal-EIUs.

7.2.   L-għajnuna eżistenti/għajnuna ġdida u l-legalità tal-għajnuna

(141)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qalet li l-liġi Ġermaniża dwar l-enerġija rinnovabbli li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2000 (“l-Att tal-EEG 2000”), il-prekursur tal-Att tal-EEG 2012, kienet meqjusa mill-Kummissjoni bħala li ma tinvolvi l-ebda għajnuna mill-Istat (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 27/2000) (75). Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-bidliet introdotti mill-Att tal-EEG 2012 kienu sostanzjali u li l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-Att tal-EEG 2012 kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, mhux koperta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti (il-premessa 150 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(142)

Dan kien ikkontestat mill-Ġermanja u minn bosta partijiet interessati.

(143)

Il-Ġermanja u l-partijiet interessati jsostnu li l-bidliet suċċessivi li seħħew bejn il-verżjoni inizjali tal-Att tal-EEG 2000 u l-Att tal-EEG 2012 ma biddlux l-iskema ta' għajnuna b'mod sostanzjali, biex b'hekk l-Att tal-EEG 2012 jikkostitwixxi l-għajnuna eżistenti.

(144)

Madankollu, il-Ġermanja tammetti li hemm żewġ differenzi bejn l-Att tal-EEG 2012 u l-Att tal-EEG 2000:

(a)

kien hemm bidla fil-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni: il-fluss fiżiku oriġinali tal-elettriku EEG lill-fornituri huwa sostitwit mill-obbligu tat-TSOs li jbigħu l-elettriku EEG huma stess fis-suq spot. Bi skambju għall-ħlas tas-soprataxxa tal-EEG għal ammont partikolari ta' elettriku, il-fornituri tal-elettriku jistgħu jindikaw dak l-ammont bħala elettriku EEG. Skont il-Ġermanja, dan ifisser li l-fornituri tal-elettriku jiksbu l-“kwalità rinnovabbli” tal-elettriku u, b'hekk, il-kapaċità li jindikaw lill-konsumaturi sa liema punt ħallsu s-soprataxxa (cf. §§ 53(1) u 54(1) tal-Att tal-EEG 2012).

(b)

il-BesAR ma teżistix fl-Att tal-EEG 2000.

(145)

Minbarra dawn iż-żewġ differenzi, skont il-Ġermanja, il-mekkaniżmu deskritt fil-premessi 7, 8 u 9 huwa identiku għal dak li kien stipulat fl-Att tal-EEG 2000. B'mod partikolari, hija ssostni li l-karatteristika essenzjali tiegħu, jiġifieri li l-fornituri tal-elettriku jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali tat-TSOs mix-xiri tal-elettriku EEG bl-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, kienet diġà parti mill-Att tal-EEG 2000.

(146)

Il-Kummissjoni ssostni s-sejba tagħha li l-għajnuna mill-Istat involuta fl-Att tal-EEG 2012 tikkostitwixxi għajnuna ġdida, minħabba li l-Att tal-EEG 2012 jikkostitwixxi tibdil sostanzjali meta mqabbel mal-Att tal-EEG 2000.

(147)

Tabilħaqq, il-bidliet rikonoxxuti mill-Ġermanja, jiġifieri l-bidla fil-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni u l-introduzzjoni tal-BesAR, jikkostitwixxu tibdil sostanzjali.

7.2.1.   Bidla fil-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni

(148)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tirrimarka li, filwaqt li fl-2002 hija kienet tal-fehma li l-Att tal-EEG 2000 ma kienx jinvolvi t-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, din il-valutazzjoni kienet saret ftit wara li ngħatat is-sentenza fil-Kawża PreussenElektra. Madankollu, deċiżjonijiet ulterjuri tal-Qorti sadanittant ikkjarifikaw u saħansitra rrestrinġew il-Kawża PreussenElektra: Abbażi tad-deċiżjonijiet fil-Kawżi Essent, Vent de colère u Elcogás, jidher li skont il-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni inizjali, it-TSOs diġà kienu fdati mill-Istat bl-amministrazzjoni ta' skema ta' għajnuna, li kienet iffinanzjata permezz ta' soprataxxa imposta mill-fornituri tal-elettriku.

(149)

Il-punt deċiżiv huwa li l-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni nbidel sostanzjalment. Huwa ma għadux kompost minn katina ta' obbligi għax-xiri tal-elettriku fiżiku (l-operaturi tan-netwerk mingħand produtturi tal-elettriku EEG; it-TSOs mingħand l-operaturi tan-netwerk; il-fornituri tal-elettriku mingħand it-TSOs). Bħalissa, it-trasferiment fiżiku huwa interrott fil-livell tat-TSOs, li għandhom jikkummerċjalizzaw l-elettriku EEG. Dik il-kummerċjalizzazzjoni kienet diżakkoppjata mill-mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni. Dan tal-aħħar jikkonċerna purament l-allokazzjoni finanzjarja tal-ispejjeż bejn l-operaturi differenti. It-TSOs ingħataw ir-responsabbiltà mill-Istat li jiċċentralizzaw u jikkalkulaw dawk l-ispejjeż u li jiġbruhom mingħand il-fornituri tal-elettriku.

(150)

Barra minn hekk, l-Att tal-EEG 2000 ma kienx jitkellem dwar jekk il-konsumaturi tal-elettriku għandhomx jiġu obbligati wkoll li jipparteċipaw fl-ispejjeż għall-produzzjoni tal-elettriku EEG. Dik id-deċiżjoni tħalliet għar-regolatur kompetenti, li dak iż-żmien kien għad għandu s-setgħa li jirregola l-prezzijiet tal-elettriku għall-klijenti finali. L-Att tal-EEG 2012 jippermetti espliċitament lill-fornituri sabiex jgħaddu l-ispejjeż lill-klijenti tagħhom u, huma kollha jagħmlu dan.

(151)

Barra minn hekk, il-BNetzA, li ma kellha l-ebda rwol skont l-Att tal-EEG 2000, qiegħda tingħata setgħat sabiex timmonitorja dawk il-flussi finanzjarji u sabiex tinforza l-konformità mal-Att tal-EEG 2012, b'mod partikolari għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-BAFA, li wkoll ma kellha l-ebda rwol skont l-Att tal-EEG 2000, tieħu d-deċiżjoni li tagħti tnaqqis mis-soprataxxa tal-EEG lil ċerti intrapriżi abbażi tal-kriterji stipulati fl-Att tal-EEG 2012.

7.2.2.   Il-Besondere Ausgleichsregelung (BesAR)

(152)

Il-korollarju loġiku għall-inklużjoni tal-konsumaturi tal-elettriku fil-kondiviżjoni tal-piżijiet huwa t-tnaqqis fis-soprataxxa mogħti lill-intrapriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija. Skont l-Att tal-EEG 2012, il-BAFA, li ma kellha l-ebda rwol partikolari skont l-Att tal-EEG 2000, hija responsabbli sabiex tiċċertifika, permezz ta' deċiżjonijiet amministrattivi, li l-EIUs jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-BesAR. Xi partijiet interessati sostnew li s-sempliċi fatt li xi konsumaturi tal-elettriku jibbenifikaw minn soprataxxa limitata ma jistax jaffettwa n-natura privata tar-riżorsi finanzjarji kontribwiti minnhom. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-eżistenza tal-BesAR tikkostitwixxi evidenza addizzjonali għall-fatt li l-Att tal-EEG 2012 ma għadux ibbażat fuq obbligi ta' xiri li jinvolvu riżorsi privati, iżda fuq sistema komprensiva ta' allokazzjoni tal-ispejjeż li, sa ċertu punt, hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta' ġustizzja distributtiva, organizzata mill-Istat u mmonitorjata mill-awtoritajiet tal-Istat.

(153)

Bħala konklużjoni, id-differenzi numerużi bejn l-Att tal-EEG 2000 u l-Att tal-EEG 2012 huma miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja. Huma juru li l-Att tal-EEG 2012 ikkostitwixxa sistema għalkollox ġdida.

Karatteristika

Att tal-EEG 2000

Att tal-EEG 2012

Trasferiment tas-soprataxxa

L-obbligi suċċessivi tal-operaturi li jixtru l-elettriku EEG

It-trasferiment tal-ispejjeż huwa diżakkoppjat mit-trasferiment tal-elettriku EEG.

Mekkaniżmu ta' ugwalizzazzjoni fit-tielet livell

L-ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż hija akkoppjata max-xiri tal-elettriku EEG.

L-ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-bejgħ tal-elettriku EEG fis-suq spot

Il-konsumaturi finali għandhom iħallsu l-ispejjeż, iżda xi wħud jibbenifikaw minn limitu massimu.

Mhux prevista.

BesAR: l-EIUs jistgħu jitolbu għal tnaqqis fis-soprataxxa tagħhom.

Ir-rwol tal-BNetzA

L-ebda rwol.

Superviżjoni u infurzar tad-determinazzjoni tas-soprataxxa

Ir-rwol tal-BAFA

L-ebda rwol.

Jawtorizza t-tnaqqis tas-soprataxxa.

Il-livell tas-soprataxxa

0,2 ct/kWh (2000)

6,24 ct/kWh (2014)

Injezzjoni (“feed-in”) tal-elettriku EEG

Inqas minn EUR 1 biljun (2000).

Aktar minn EUR 20 biljun (2013).

(154)

Minħabba li l-Att tal-EEG 2012 japplika biss għat-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG mogħti għas-snin 2013 u 2014, it-tnaqqis mogħti f'dawk is-sentejn biss kien jinvolvi għajnuna mill-Istat (76).

7.3.   Il-kompatibbiltà mas-suq intern

(155)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat għall-produtturi tal-elettriku EEG tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, hija qajmet dubji dwar jekk l-għoti ta' din l-għajnuna jistax jiġi vvalutat indipendentement mill-mekkaniżmu ta' finanzjament tagħha, jiġifieri, is-soprataxxa tal-EEG. Hija waslet ukoll għall-konklużjoni preliminari li s-soprataxxa tal-EEG tmur kontra l-Artikolu 30 jew l-Artikolu 110 tat-Trattat.

(156)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar jekk il-BesAR tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

7.3.1.   Il-bażi legali u l-kamp ta' applikazzjoni għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-BesAR

(157)

Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tkopri biss l-għajnuna ġdida mogħtija abbażi tal-Att tal-EEG 2012. Il-pagamenti mnaqqsin tas-soprataxxa tal-EEG li seħħew fl-2012 kellhom il-bażi legali tagħhom fl-att amministrattiv maħruġ mill-BAFA fi tmiem l-2011. Għalhekk, huma koperti mill-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (77).

(158)

Din id-Deċiżjoni ma tkoprix il-pagamenti mnaqqsin tas-soprataxxa tal-EEG mill-impriżi ferrovjarji. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tivvaluta § 42 tal-Att tal-EEG 2012 fi proċedura separata.

(159)

Il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-BesAR mas-suq intern abbażi tat-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014.

(160)

Il-Kummissjoni applikat il-Linji Gwida tal-2014 mill-1 ta' Lulju 2014. Dawk il-Linji Gwida jinkludu r-regoli sostantivi għall-valutazzjoni tat-tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż tnaqqis li ngħata qabel l-1 ta' Lulju 2014 (il-punt 248). Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat li qiegħda tiġi eżaminata għandha tiġi vvalutata abbażi tal-Linji Gwida tal-2014.

(161)

Skont il-ġurisprudenza, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bl-avviżi maħruġa minnha, sakemm dawn ma jmorrux lil hinn mir-regoli fit-Trattat u jiġu aċċettati mill-Istati Membri. (78) Il-Linji Gwida tal-2014 ġew aċċettati mill-Ġermanja fil-31 ta' Lulju 2014. L-ebda waħda mill-partijiet ma sostniet li l-Linji Gwida jmorru lil hinn mir-regoli stipulati fit-Trattat.

(162)

Madankollu, il-partijiet interessati kkontestaw il-legalità tal-punt 248. Huma jqisu li l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għall-għajnuna li ngħatat qabel l-1 ta' Lulju 2014 tikser diversi prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju tan-non-retroattività ta' miżuri detrimentali (79), kif ukoll il-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi vvalutata abbażi tar-regoli applikabbli meta tiġi introdotta l-iskema ta' għajnuna.

(163)

Madankollu, il-partijiet interessati jiżbaljaw meta jqisu li t-tieni paragrafu tal-punt 248 jikkostitwixxi applikazzjoni retroattiva. Skont il-ġurisprudenza, il-liġi tal-Unjoni tagħmel differenza bejn l-applikazzjoni immedjata ta' regola ġdida għall-effetti futuri ta' sitwazzjoni li għadha għaddejja (80) u l-applikazzjoni retroattiva tar-regola l-ġdida għal sitwazzjoni li kienet saret definittiva qabel id-dħul fis-seħħ tagħha (li ssir referenza għaliha wkoll bħala sitwazzjoni eżistenti) (81). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni li l-operaturi ma jistgħux jilħqu aspettattivi leġittimi qabel ma l-istituzzjonijiet jadottaw att li jagħlaq il-proċedura amministrattiva u li jkun sar definittiv. (82)

(164)

Kif iddeċidiet il-Qorti, l-għajnuna illeċita mill-Istat tikkostitwixxi sitwazzjoni li għadha għaddejja. Ir-regoli li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fil-ħin jgħidu li l-applikazzjoni immedjata ta' regoli ġodda ta' kompatibbiltà għal għajnuna illeċita ma tikkostitwixxi l-ebda applikazzjoni retroattiva ta' dawk ir-regoli ġodda (83).

(165)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija mitluba li tivvaluta l-BesAR abbażi tal-Linji Gwida tal-2014. Hija ma għandha l-ebda diskrezzjoni sabiex tiddevja minn dawk il-Linji Gwida fil-valutazzjoni tagħha. Billi d-Deċiżjoni tal-Ftuħ kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali qabel l-1 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja u lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għall-każ inkwistjoni.

7.3.1.1.   Osservazzjonijiet mill-Ġermanja u minn partijiet terzi

(166)

Bosta partijiet interessati sostnew li l-Linji Gwida tal-2014 ma għandhomx japplikaw għas-soprataxxi tal-EEG limitati, iżda pjuttost jemmnu li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-kompatibbiltà abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) jew tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(167)

L-ewwel nett, dawk il-partijiet sostnew li t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG jista' jinstab bħala li huwa kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, hekk kif dan jippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni (il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif mitlub mid-Direttiva 2009/28/KE) jew, jekk jonqos milli jagħmel dan, li jkun maħsub biex jirrimedja taqlib serju fl-ekonomija tal-Ġermanja (it-theddida ta' deindustrijalizzazzjoni bħala riżultat tal-ispejjeż tas-SER).

(168)

Il-partijiet interessati sostnew ukoll li t-tnaqqis jista' jinstab bħala li huwa kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, għar-raġuni li huwa għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli filwaqt li jipprevjeni r-rilaxx tal-karbonju u li jippreserva bażi industrijali fl-Unjoni. F'dak ir-rigward, il-partijiet interessati kkonċernati jsostnu li l-BesAR hija l-istrument xieraq għar-rikonċiljazzjoni tal-aspetti differenti ta' tali għanijiet multipli. Huma jgħidu wkoll li dak l-istrument huwa proporzjonat minħabba li l-benefiċjarji tal-BesAR xorta waħda qegħdin jikkontribwixxu għall-finanzjament. Huma jsostnu wkoll li l-miżura hija proporzjonata fuq il-bażi li t-taxxi tal-elettriku u s-soprataxxa tal-EEG huma essenzjalment simili (billi t-tnejn huma imposti għall-konsum tal-elettriku) u li r-rata minima ta' tassazzjoni fuq l-elettriku kkonsmat min-negozji, kif iddeterminata mill-Unjoni u stipulata fit-Tabella C tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (84), hija ta' 0,05 ct/kWh, jiġifieri, l-istess bħas-soprataxxa tal-EEG minima. Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati jsostnu li l-Att tal-EEG 2012 ma jikkawża l-ebda distorsjoni għall-kompetizzjoni jew għall-kummerċ, minħabba li huwa ma jinnewtralizzax kompletament id-distorsjoni kkawżata fl-ewwel lok mis-soprataxxa tal-EEG ogħla mħallsa mill-impriżi Ġermaniżi, meta mqabbla ma' taxxi jew imposti ekwivalenti li jiffaċċjaw l-impriżi fi Stati Membri oħrajn.

(169)

Rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 107(3)(b) u 107(3)(c), saru argumenti komparabbli mill-Ġermanja fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-Kummissjoni.

(170)

It-tieni, il-partijiet interessati jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax teżamina t-tnaqqis separatament taħt bażi legali distinta, għall-finijiet ta' kompatibbiltà, minn dik li ntużat għall-eżaminazzjoni tal-appoġġ għall-elettriku EEG. Minflok, il-Kummissjoni suppost li kellha tivvaluta (u tapprova) it-tnaqqis, bħala parti mill-finanzjament, b'mod konġunt mal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dan huwa spjegat b'referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-metodu ta' finanzjament tal-għajnuna f'każ fejn dak il-metodu jkun jifforma parti integrali mill-miżura (85).

(171)

It-tielet, anki li kieku kellhom jiġu applikati l-Linji Gwida tal-2014, il-partijiet interessati jsostnu li, fid-dawl tal-punti 248 u 250 tal-Linji Gwida tal-2014, dawk il-Linji Gwida jistgħu japplikaw b'mod retroattiv biss għall-għajnuna illeċita, iżda mhux għall-għajnuna eżistenti. Madankollu, anki li kieku s-soprataxxi tal-EEG limitati kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (li hija kkontestata), dawn ikollhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti minħabba l-approvazzjoni impliċita tagħhom mill-Kummissjoni fil-Kawża NN 27/2000 (86).

(172)

Ir-raba', il-partijiet interessati jsostnu li l-Linji Gwida tal-2014, b'mod partikolari r-regoli li jikkonċernaw il-pjanijiet ta' aġġustament fit-Taqsima 3.7.3, għandhom jiġu interpretati b'mod li jissalvagwardja l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji: fi kliem ieħor, l-aġġustament progressiv fis-snin 2013 u 2014 għandu jkun żgħir biżżejjed biex tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà ta' rkupru. Skont dawk il-partijiet, tali aspettattivi leġittimi rriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 27/2000.

7.3.1.2.   Valutazzjoni

(173)

Dawn l-argumenti ma jistgħux ibiddlu l-valutazzjoni f'din id-Deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Linji Gwida tal-2014 ippreżentati fil-premessi minn 157 sa 165.

(174)

L-ewwel nett, sa fejn hija kkonċernata l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-punt 10 tal-Linji Gwida tal-2014 jgħid li, f'dawk il-Linji Gwida speċifiċi, “il-Kummissjoni tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna għall-enerġija u l-ambjent tista' titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-Kummissjoni tista' tadotta politika dwar kif se teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fil-forma ta' miżuri bħal linji gwida, sa fejn dawk il-miżuri jinkludu regoli li jindikaw l-approċċ li l-istituzzjoni għandha tieħu u ma jwarrbux ir-regoli tat-Trattat” (87). Hekk kif il-Linji Gwida tal-2014 jistabbilixxu ex ante, b'mod ġenerali u trasparenti, il-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà għall-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni hija marbuta li tapplika dawk il-Linji Gwida.

(175)

Ma hemmx lok għall-applikazzjoni b'analoġija tar-regoli dwar it-tassazzjoni tal-elettriku, minħabba li l-Linji Gwida tal-2014 jinkludu sett komplut ta' regoli għall-valutazzjoni tat-tnaqqis tas-soprataxxi tas-SER.

(176)

Sa fejn huma kkonċernati d-derogi fl-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-Linji Gwida tal-2014 ma jinkludu l-ebda kriterju dwar kif il-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b). Huwa minnu li l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-“Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni” (88), li bdiet tiġi applikata mill-1 ta' Lulju 2014. Madankollu, skont il-punt 52 ta' dik il-komunikazzjoni, “fil-każ ta' għajnuna mhux notifikata, il-Kummissjoni tapplika din il-komunikazzjoni jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara li tkun daħlet fis-seħħ, u r-regoli fis-seħħ fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna għall-każijiet l-oħrajn kollha”. Dan ifisser li l-kriterji stipulati fil-komunikazzjoni ma jistgħux jiġu applikati għat-tnaqqis tas-soprataxxa li huwa eżaminat f'din id-Deċiżjoni. Minflok, il-Kummissjoni trid tapplika r-regoli stipulati fil-Linji Gwida tal-2008 (89).

(177)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-BesAR tistax tinstab bħala li hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat b'konformità mal-punti minn 147 sa 150 tal-Linji Gwida tal-2008. Dawk id-dubji tqajmu b'mod partikolari minħabba li t-tnaqqis ma kienx jidher li huwa relatat ma' proġett u a fortiori mhux proġett li jkun “speċifiku u definit b'mod ċar fir-rigward tat-termini tal-implimentazzjoni tiegħu”. Barra minn hekk, xorta waħda baqa' dubjuż jekk tali proġett jistax jitqies bħala li huwa “ta' interess Ewropew komuni”, jiġifieri, fejn il-vantaġġ ipprovdut jiġi estiż għall-Unjoni kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, kien dubjuż jekk l-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG, “tippreżentax inċentiv għall-eżekuzzjoni tal-proġett” (il-premessi 211 u 212 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ).

(178)

Dawk id-dubji ma ttaffewx. Il-Ġermanja ssostni li kemm il-kisba tal-miri tas-SER kif ukoll il-preservazzjoni tal-kompetittività industrijali jridu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu proġett wieħed, jekk mhux bosta proġetti, ta' interess Ewropew komuni. Il-Ġermanja tirreferi għall-istrateġija “Ewropa 2020” tal-Kummissjoni, li telenka “l-promozzjoni ta' ekonomija aktar effikaċi fl-użu tar-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva” bħala prijorità (90). Madankollu, daqskemm jistgħu jkunu importanti l-miri politiċi, l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-kompetittività ma jistgħux jitqiesu bħala proġetti speċifiċi fis-sens litterali. Se jkun saħansitra inqas possibbli li tali proġetti jiġu definiti f'termini tal-implimentazzjoni tagħhom, inklużi l-parteċipanti, l-objettivi u l-effetti tagħhom, kif kien mitlub fil-punt 147(a) tal-Linji Gwida tal-2008. Li kieku l-proġetti ta' interess Ewropew komuni kellhom jiġu interpretati bħala li jinkorporaw sempliċi miri politiċi bħala tali, il-limiti tal-Artikolu 107(3)(b) jiġu estiżi lil hinn mill-formulazzjoni tagħhom, u r-rekwiżit tal-immirar ta' proġett speċifiku u definit sewwa jispiċċa insinifikanti. Dan imur kontra “l-ħtieġa ta' interpretazzjoni dejqa tad-derogi mill-prinċipju ġenerali li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni”  (91).

(179)

Aktar importanti minn hekk, kif ikkjarifikat il-Qorti Ġenerali fil-Kawża Hotel Cipriani, “miżura ta' għajnuna tista' tibbenefika mid-deroga prevista fl-[Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat] biss jekk minnha ma jibbenefikawx prinċipalment l-operaturi ekonomiċi ta' Stat Membru wieħed minflok il-Komunità b'mod ġenerali”. Dan il-kriterju ma jiġix issodisfat meta l-iskema ta' għajnuna nazzjonali sempliċement tfittex li ttejjeb il-kompetittività tal-impriżi kkonċernati (92). Tabilħaqq, il-BesAR hija maħsuba biss sabiex tħaffef il-piż tal-ispejjeż tal-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija fil-Ġermanja u, b'hekk, sabiex ittejjeb il-kompetittività tagħhom.

(180)

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ħtieġa ta' interpretazzjoni dejqa tad-derogi mill-prinċipju ġenerali li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern, imsemmija fil-premessa 178, is-sempliċi fatt li l-ispejjeż tal-elettriku jiżdiedu għal numru kbir ta' utenti industrijali ma jistax jitqies bħala taqlib serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

(181)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tapprova l-BesAR skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(182)

It-tieni, fir-rigward tal-argument spjegat fil-qosor fil-premessa 170, l-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija permezz ta' tnaqqis fis-soprataxxi tal-EEG hija evidentement distinta u separabbli mill-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Il-benefiċjarji ta' dan tal-aħħar huma grupp differenti, meta mqabbel mal-grupp ta' benefiċjarji tal-ewwel. Barra minn hekk, it-tnaqqis ma jservix immedjatament l-għan tal-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, iżda għall-kuntrarju, imur kontra dak l-għan minħabba li l-effett immedjat tiegħu huwa li jnaqqas id-dħul disponibbli għall-finanzjament tas-SER. Dan huwa muri mill-fatt li s-soprataxxa tal-EEG kellha tiżdied għall-utenti mhux privileġġati l-oħrajn kollha sabiex tissalvagwardja l-finanzjament.

(183)

It-tielet, fir-rigward tal-argument spjegat fil-qosor fil-premessa 171, il-BesAR għandha titqies bħala li tikkostitwixxi għajnuna illeġittima li taqa' taħt il-mandat tal-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014: Tabilħaqq, kif ġie spjegat diġà fil-premessi 141 et seq., l-Att tal-EEG 2012 biddel sostanzjalment l-iskema ta' għajnuna approvata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-Kawża NN 27/2000.

(184)

Ir-raba' argument li jikkonċerna l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji jkompli jiġi eżaminat f'aktar dettall fil-premessa 257, minħabba li huwa relatat biss mal-irkupru.

7.3.1.3.   Valutazzjoni alternattiva skont il-Linji Gwida tal-2008

(185)

F'diversi okkażjonijiet u kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali esprimiet il-fehma li l-għajnuna illeġittima għandha tiġi vvalutata abbażi tar-regoli fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni alternattiva skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat abbażi tal-Linji Gwida tal-2008.

(186)

Ir-riżultat huwa li l-Kummissjoni jkollha tiddikjara l-għajnuna operattiva mogħtija abbażi tal-BesAR bħala inkompatibbli fl-intier tagħha, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 187 et seq.

(187)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tgħid li fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, ma kien hemm ebda regola speċifika ta' għajnuna mill-Istat li kienet tirrikonoxxi li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mill-imposti li jservu sabiex jiffinanzjaw l-appoġġ għas-SER setgħu jitqiesu bħala neċessarji sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni u, għalhekk, jiġu awtorizzati abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(188)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprojbixxiet għajnuna operattiva simili nnotifikata mill-Awstrija fl-2011 (93). Dik il-projbizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti, li tgħid li l-għajnuna operattiva, bħala tali, taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni u, għalhekk, ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern (94). F'dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat ukoll għaliex ma tista' ssir ebda analoġija għar-regoli dwar it-tassazzjoni tal-elettriku.

(189)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tawtorizza l-għajnuna inkwistjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat abbażi tar-regoli sostantivi li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

7.3.2.   Spejjeż li jirriżultaw mill-appoġġ għall-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli

(190)

Skont il-punt 184 tal-Linji Gwida tal-2014, it-tnaqqis jista' jingħata biss fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(191)

Madankollu, kif stabbilixxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha fil-Kawża SA.38632 (2014/N) dwar l-Att tal-EEG 2014 (id-“Deċiżjoni tal-EEG 2014”), is-soprataxxa tal-EEG isservi wkoll sabiex tiffinanzja l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn gass li jiġi estratt mill-minjieri. Il-gass estratt mill-minjieri mhuwiex sors ta' enerġija rinnovabbli skont it-tifsira tal-punt 19(5) tal-Linji Gwida tal-2014. It-tnaqqis mis-soprataxxi, li huwa maħsub sabiex jiffinanzja l-appoġġ għal sorsi oħrajn ta' enerġija, mhuwiex kopert mit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 (95).

(192)

F'dak ir-rigward, il-Ġermanja indikat fil-kuntest tal-proċedura ta' notifika fil-Kawża SA.38632 (2014/N) illi mhux se jkun hemm tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku prodott minn gass li jiġi estratt mill-minjieri minħabba li, skont l-Att tal-EEG 2014, l-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija jridu jħallsu s-soprataxxa sħiħa għall-ewwel GWh ta' konsum f'kull punt ta' konsum ikkonċernat. Tabilħaqq, id-dħul mis-soprataxxa sħiħa fl-ewwel GWh huwa ogħla mill-ammont ta' sussidju mħallas fir-rigward tal-elettriku prodott minn gass li jiġi estratt mill-minjieri (96).

(193)

Fl-2012, l-ammont ta' appoġġ għall-gass li jiġi estratt mill-minjieri (EUR 41,4 miljun) kien jirrappreżenta 0,25 % tal-ammont totali ta' appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012 għal dik is-sena. Il-previżjonijiet juru li l-volum tal-gass estratt mill-minjieri x'aktarx li jibqa' kostanti fil-ġejjieni jew saħansitra jonqos kemxejn (97).

(194)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni sabet li għall-benefiċjarji tal-BesAR skont l-Att tal-EEG 2014, il-ħlas tas-soprataxxa tal-EEG fl-ewwel GWh ta' konsum diġà jaqbeż b'ħafna l-ammont ta' appoġġ għall-gass li jiġi estratt mill-minjieri (98). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li meta l-perċentwal tal-appoġġ għall-EEG imħallas fir-rigward tal-gass li jiġi estratt mill-minjieri (0,25 %) jiġi mmultiplikat bis-soprataxxa tal-EEG (6,24 ct/kWh fl-2014), ir-riżultat ikun ta' 0,016 ct/kWh. Dak l-ammont huwa inqas mis-soprataxxa minima li kellhom iħallsu l-benefiċjarji tal-BesAR saħansitra wara l-ewwel GWh ta' konsum (0,05 ct/kWh) (99).

(195)

L-Att tal-EEG 2012 jippreżenta żewġ limiti massimi alternattivi. Fil-qafas tal-ewwel alternattiva (§ 41(3) Nru 1), li hija limitu massimu digressiv, il-benefiċjarji xorta waħda jridu jħallsu s-soprataxxa sħiħa għall-ewwel GWh ta' konsum, u s-soprataxxa minima li għandha titħallas għal konsum wara 100 GWh ta' konsum hija ta' 0,05 ct/kWh. Fil-qafas tat-tieni alternattiva (§ 41(3) Nru 2), li tikkonċerna lill-impriżi bl-ogħla intensità fl-użu tal-enerġija, is-soprataxxa hija limitata għal 0,05 ct/kWh għall-konsum kollu tal-benefiċjarju. Fiż-żewġ każijiet, il-benefiċjarji xorta jħallsu aktar mill-frazzjoni tas-soprataxxa li setgħet tiġi allokata għall-appoġġ tal-gass li jiġi estratt mill-minjieri (0,016 ct/kWh fl-2014 u, abbażi ta' soprataxxa tal-EEG ta' 5,277 ct/kWh fl-2013, 0,013 ct/kWh).

(196)

Għalhekk, il-ħlas tas-soprataxxa minima ta' 0,05 ct/kWh fl-2013 u fl-2014, minbarra l-obbligu li titħallas is-soprataxxa għall-ewwel GWh għal uħud mill-benefiċjarji, iggarantixxa li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija mill-finanzjament tal-elettriku prodott minn gass li jiġi estratt mill-minjieri (100).

7.3.3.   Eliġibbiltà

(197)

Il-punt 185 tal-Linji Gwida tal-2014 jistipula li l-għajnuna għandha tkun limitata għal setturi li huma esposti għal riskju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom minħabba l-ispejjeż li jirriżultaw mill-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli bħala funzjoni tal-intensità elettrika tagħhom u l-esponiment tagħhom għall-kummerċ internazzjonali. Għaldaqstant, l-għajnuna tista' tingħata biss jekk l-impriża tkun tappartjeni għas-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014.

(198)

Barra minn hekk, skont il-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014, l-Istati Membri jistgħu jinkludu impriża fl-iskema nazzjonali tagħhom li tagħti tnaqqis mill-ispejjeż li jirriżultaw minn appoġġ rinnovabbli jekk l-impriża jkollha intensità elettrika ta' mill-inqas 20 % u tkun tappartjeni għal settur b'intensità kummerċjali ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, anki jekk ma tkunx tappartjeni għal settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida tal-2014.

(199)

Fl-aħħar nett, il-punt 187 tal-Linji Gwida tal-2014 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jimponu kriterji ta' eliġibbiltà addizzjonali, sakemm, fi ħdan is-setturi eliġibbli, l-għażla tal-benefiċjarji ssir abbażi ta' kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti u, fil-prinċipju, l-għajnuna tingħata bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk ikunu f'sitwazzjoni fattwali simili.

(200)

Sakemm l-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis jew eżenzjoni mill-piż relatat mal-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli tkun ingħatat qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dawk il-Linji Gwida lill-impriżi li mhumiex eliġibbli skont il-kriterji fil-premessi 197 u 198 ta' din id-Deċiżjoni, tali għajnuna tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli, sakemm tkun konformi ma' pjan ta' aġġustament (il-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014).

(201)

Il-Ġermanja indikat li wħud biss mill-benefiċjarji tal-BesAR fl-2013 u fl-2014 kienu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli b'konformità mat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014. Għalhekk, il-Ġermanja ssottomettiet pjan ta' aġġustament (ara l-Anness II) li huwa eżaminat fit-Taqsima 7.3.5 għal dawk il-benefiċjarji li ma kinux eliġibbli. Il-Ġermanja spjegat ukoll li l-benefiċjarji kollha li jistgħu jiġu inklużi fl-iskema nazzjonali abbażi tal-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014 jappartjenu għas-setturi elenkati fl-Anness 5 tal-Linji Gwida tal-2014.

(202)

Għall-kalkolu tal-valur gross miżjud (“gross value added — GVA”), li huwa neċessarju għall-applikazzjoni tal-punti minn 185 sa 192 tal-Linji Gwida tal-2014 u li huwa definit fl-Anness 4 tagħhom, § 41 tal-Att tal-EEG 2012 tuża l-GVA bil-prezzijiet tas-suq matul l-aħħar sena kummerċjali qabel l-applikazzjoni għat-tnaqqis tas-soprataxxa. Il-punti 1 u 2 tal-Anness 4 tal-Linji Gwida tal-2014 jirrikjedu l-użu tal-GVA bi spejjeż tal-fattur, kif ukoll il-medja aritmetika matul l-aktar tliet snin riċenti li għalihom tkun disponibbli d-dejta. Il-Ġermanja spjegat li tali dejta ma kinitx disponibbli, minħabba li l-applikazzjonijiet għat-tnaqqis għas-snin 2013 u 2014 kienu jinkludu biss GVA bi prezzijiet tas-suq tal-aktar sena kummerċjali riċenti li għaliha kien hemm dejta disponibbli (jiġifieri l-2011 u l-2012). Bl-istess mod, il-Ġermanja spjegat li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-elettriku, il-prezzijiet medji tal-elettriku bl-imnut ma kinux disponibbli għall-impriżi kollha, għall-inqas mhux għal faxex ta' konsum ogħla; minflok, il-kalkolu tal-ispejjeż tal-elettriku jkunu bbażati fuq l-ispejjeż tal-elettriku reali mġarrba fis-snin 2011 u 2012, billi dawn iċ-ċifri kienu dawk sottomessi mill-impriżi fl-applikazzjonijiet tagħhom għat-tnaqqis fl-2013 u fl-2014. Skont il-punt 4 tal-Anness 4 tal-Linji Gwida tal-2014, id-definizzjoni tal-ispejjeż tal-elettriku ta' impriża hija partikolarment ibbażata fuq il-prezz tal-elettriku preżunt tal-impriża. Abbażi tal-ispjegazzjonijiet tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni tagħha fil-Kawża SA.38632 (2014/N) li r-regoli tranżitorji fl-Att tal-EEG 2014, li jippermettu l-użu ta' dejta GVA bi spejjeż tal-fattur abbażi tal-aħħar sena kummerċjali jew tal-aħħar sentejn kummerċjali, kif ukoll l-użu tal-ispejjeż tal-elettriku reali tal-aħħar sena kummerċjali, kienu konformi mal-Linji Gwida tal-2014 u, b'mod partikolari, mal-punt 195 (il-premessi minn 311 sa 314 ta' dik id-Deċiżjoni). Dan minħabba li dik id-dejta, jiġifieri l-GVA bi spejjeż tal-fattur abbażi tal-aħħar sena u l-ispejjeż tal-elettriku reali tal-aħħar sena, tiġi applikata biss fuq bażi tranżitorja sakemm tinġabar id-dejta mitluba mill-Anness 4 għal-Linji Gwida tal-2014. Dan ir-raġunament japplika a fortiori għall-valutazzjoni tat-tnaqqis tas-soprataxxa tal-EEG li seħħ fis-snin 2013 u 2014 u, abbażi ta' dan ir-raġunament, jista' jiġi aċċettat ukoll li tintuża d-dejta GVA bil-prezzijiet tas-suq għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-qafas tal-BesAR fl-2013 u fl-2014 fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014.

(203)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att tal-EEG 2012 jissodisfa parzjalment biss ir-regoli dwar l-eliġibbiltà stipulati fil-punti 185 u 186 tal-Linji Gwida tal-2014. Għalhekk, il-benefiċjarji li għalihom dawn il-kriterji ma jiġux issodisfati għandhom ikunu soġġetti għal irkupru, li d-dettalji tiegħu huma eżaminati fit-Taqsima 7.3.5 dwar il-pjan ta' aġġustament tal-Ġermanja.

7.3.4.   Il-proporzjonalità

(204)

Il-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014 jistabbilixxi li l-għajnuna titqies bħala proporzjonata jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna jħallsu mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali mingħajr tnaqqis.

(205)

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ulterjorment l-ammont tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-għajnuna ta' finanzjament għall-enerġija rinnovabbli li titħallas fil-livell tal-impriża għal 4 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata. Għall-impriżi li għandhom intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 %, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont globali li jrid jitħallas għal 0,5 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata. Fl-aħħar nett, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jadottaw il-limitazzjonijiet ta' 4 % u 0,5 % rispettivament tal-valur gross miżjud, dawk il-limitazzjonijiet għandhom japplikaw għall-impriżi eliġibbli kollha (il-punti 189 u 190 tal-Linji Gwida tal-2014).

(206)

Il-Ġermanja indikat li, f'xi każijiet, is-soprataxxa tal-EEG limitata mħallsa mill-benefiċjarji fis-snin 2013 u 2014 ma kinitx proporzjonata fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida tal-2014 (101). Għalhekk, il-Ġermanja ssottomettiet pjan ta' aġġustament (ara l-Anness II), li huwa eżaminat fit-Taqsima 7.3.5.

(207)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-soprataxxi tal-EEG limitati jissodisfaw parzjalment biss il-kriterji tal-proporzjonalità fil-punti 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014. Għalhekk, il-benefiċjarji li għalihom dawk il-kriterji ma jiġux issodisfati għandhom ikunu soġġetti għal irkupru, li d-dettalji tiegħu huma eżaminati fit-Taqsima 7.3.5 dwar il-pjan ta' aġġustament tal-Ġermanja.

7.3.5.   Il-pjan ta' aġġustament

(208)

Skont il-punti 193 et seq. tal-Linji Gwida tal-2014, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-proporzjonalità stipulati fit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u deskritti aktar 'il fuq fit-Taqsimiet 7.3.3 u 7.3.4 ta' din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. L-għajnuna mogħtija fir-rigward ta' perjodu qabel dik id-data titqies bħala kompatibbli jekk hija tissodisfa l-istess kriterji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna kollha mogħtija sabiex jitnaqqas il-piż relatat mal-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli fir-rigward tas-snin ta' qabel l-2019 tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern sakemm hija tkun konformi ma' pjan ta' aġġustament.

(209)

Dak il-pjan ta' aġġustament għandu jinvolvi aġġustament progressiv għal-livelli ta' għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-proporzjonalità stipulati fit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u deskritti fit-Taqsimiet 7.3.3 u 7.3.4.

(210)

Sakemm l-għajnuna fir-rigward ta' perjodu tkun ingħatat qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dawk il-Linji Gwida, il-pjan irid jipprovdi wkoll għal applikazzjoni progressiva tal-kriterji għal dak il-perjodu.

(211)

Meta, kif speċifikat fil-premessa 200, l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 lill-impriżi li mhumiex eliġibbli skont il-kriterji deskritti fit-Taqsima 7.3.3 ta' din id-Deċiżjoni, tali għajnuna tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli, sakemm il-pjan ta' aġġustament jipprevedi kontribuzzjoni proprja minima ta' 20 % tal-ispejjeż addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, li għandha tiġi stabbilita b'mod progressiv u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019 (il-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014).

(212)

Il-Ġermanja ssottomettiet pjan ta' aġġustament (l-Anness II), deskritt fil-premessi 27 et seq., li jipprevedi żieda progressiva fis-soprataxxa tal-EEG għall-benefiċjarji kollha soġġetti għal irkupru. Il-punt tat-tluq huwa s-soprataxxa tal-EEG effettivament imħallsa fl-2013; din tinkiseb permezz tal-multiplikazzjoni tas-soprataxxa tal-EEG imnaqqsa tal-benefiċjarju fl-2013 bil-konsum tal-elettriku reali tal-benefiċjarju f'dik l-istess sena (is-“soprataxxa bażika”). Skont il-pjan ta' aġġustament, is-soprataxxi għall-2013 u l-2014 jiġu aġġustati mill-ġdid sabiex ma jaqbżux il-125 % u l-150 % tas-soprataxxa bażika. Mill-2015 'il quddiem, l-aġġustament 'il fuq se jkun potenzjalment akbar, hekk kif il-limitu massimu mbagħad jinġieb għal 200 % tas-soprataxxa bażika. Fis-snin sussegwenti sal-2018, is-soprataxxa għas-sena x se tkun limitata bl-istess mod għal 200 % tas-soprataxxa tas-sena x2.

(213)

Fir-rigward tas-snin li qegħdin jiġu eżaminati f'din id-Deċiżjoni, jiġifieri, is-snin 2013 u 2014, il-pjan ta' aġġustament jipprevedi żieda progressiva fis-soprataxxa tal-EEG għall-benefiċjarji kollha li għalihom il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-proporzjonalità tal-Linji Gwida 2014 ma ġewx issodisfati. Iż-żieda mistennija tkompli wara l-2014, għalhekk, jista' jiġi preżunt li l-livelli mitluba mil-Linji Gwida tal-2014 se jintlaħqu sal-1 ta' Jannar 2019, kemm għall-impriżi li fil-prinċipju huma eliġibbli, iżda li ma ħallsux soprataxxa għolja biżżejjed, kif ukoll għall-impriżi li mhumiex eliġibbli u li, għalhekk, jeħtieġ li jissodisfaw il-kontribuzzjoni proprja minima ta' 20 % tal-ispejjeż addizzjonali tas-soprataxxa msemmija fil-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta' aġġustament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha marbuta mal-politika rinnovabbli u li l-Ġermanja dan innotifikatu sad-data tal-għeluq stipulata fil-punt 200 tal-Linji Gwida tal-2014.

(214)

Sa fejn huma kkonċernati s-snin 2013 u 2014, il-pjan ta' aġġustament huwa għalhekk konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014. Għaldaqstant, skont il-punt 194 tal-Linji Gwida tal-2014, it-tnaqqis kif immodifikat mill-pjan ta' aġġustament jista' jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

7.3.6.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(215)

Is-soprataxxi tal-EEG imnaqqsin għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija fl-2013 u fl-2014 ikunu kompatibbli mas-suq intern biss sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis fis-soprataxxa jingħata biss fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b)

il-benefiċjarji jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fil-punti 185, 186 u 187 tal-Linji Gwida tal-2014, kif eżaminati fit-Taqsima 7.3.3 ta' din id-Deċiżjoni, u

(c)

it-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG ikun proporzjonat skont il-kriterji stipulati fil-punti 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014, kif eżaminati fit-Taqsima 7.3.4 ta' din id-Deċiżjoni.

(216)

Għall-benefiċjarji li għalihom ma jiġux issodisfati kundizzjoni waħda jew aktar minn dawk deskritti fil-premessa 215, il-Kummissjoni tikkunsidra b'mod eċċezzjonali li l-għajnuna mill-Istat mogħtija fuq il-bażi tal-BesAR fl-2013 u fl-2014 tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern, sakemm jiġi żgurat li l-benefiċjarji jħallsu mill-inqas 125 % tas-soprataxxa bażika definita fil-premessa 212 għas-sena 2013 u 150 % tas-soprataxxa bażika għas-sena 2014. Sabiex jiġi żgurat dak ir-riżultat, l-irkupru għandu jsir kif ġej:

(a)

għat-tnaqqis mogħti fir-rigward tal-2013, l-irkupru għandu jikkorrespondi għad-differenza bejn is-soprataxxa li suppost kellha titħallas li kieku ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-premessa 215 u s-soprataxxa tal-EEG effettivament imħallsa fl-2013; madankollu, is-soprataxxa tal-EEG totali, inkluż l-ammont irkuprat, tal-impriża soġġetta għal irkupru, ma tridx taqbeż il-125 % tas-soprataxxa tal-EEG effettivament imħallsa fl-2013;

(b)

għat-tnaqqis mogħti fir-rigward tal-2014, l-irkupru għandu jikkorrespondi għad-differenza bejn is-soprataxxa li suppost kellha titħallas li kieku ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-premessa 215 u s-soprataxxa tal-EEG effettivament imħallsa fl-2014; madankollu, is-soprataxxa tal-EEG totali, inkluż l-ammont irkuprat, tal-impriża soġġetta għal irkupru, ma tridx taqbeż il-150 % tas-soprataxxa tal-EEG effettivament imħallsa fl-2013.

7.4.   Il-konformità ma' dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat

(217)

Skont il-punt 29 tal-Linji Gwida tal-2014, billi s-soprataxxa tal-EEG għandha l-għan li tiffinanzja l-appoġġ għall-elettriku EEG, il-Kummissjoni eżaminat il-konformità tagħha mal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat.

(218)

Skont il-ġurisprudenza, ħlas li jiġi impost fuq prodotti domestiċi u importati skont l-istess kriterji jista' madankollu jiġi pprojbit mit-Trattat jekk id-dħul minn tali ħlas ikun maħsub biex jappoġġja attivitajiet li minnhom jibbenifikaw speċifikament il-prodotti domestiċi intaxxati.

(219)

Jekk il-vantaġġi li jgawdu minnhom dawk il-prodotti jpaċu kompletament il-piż impost fuqhom, l-effetti ta' dak il-ħlas ikunu evidenti biss fir-rigward tal-prodotti importati u dak il-ħlas jikkostitwixxi ħlas b'effett ekwivalenti, kuntrarjament għall-Artikolu 30 tat-Trattat. Jekk, min-naħa l-oħra, dawk il-vantaġġi jpaċu parzjalment biss il-piż imġarrab mill-prodotti domestiċi, mela allura l-ħlas ikkonċernat jikkostitwixxi tassazzjoni diskriminatorja għall-finijiet tal-Artikolu 110 tat-Trattat, u l-proporzjon użat sabiex ipaċi l-piż imġarrab mill-prodotti domestiċi jkun kuntrarju għad-dispożizzjoni msemmija (102).

(220)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma, fil-prassi stabbilita tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet (103) u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti (104), li l-finanzjament ta' skemi ta' appoġġ nazzjonali għas-SER permezz ta' imposta parafiskali fuq il-konsum tal-elettriku jista' jiddiskrimina kontra s-SER importat. Tabilħaqq, jekk il-produzzjoni domestika tal-elettriku tiġi appoġġjata minn għajnuna li tkun iffinanzjata permezz ta' ħlas fuq il-konsum kollu tal-elettriku (inkluż il-konsum tal-elettriku importat), mela allura l-metodu ta' finanzjament, li jimponi piż fuq l-elettriku importat li ma jibbenefikax minn dak il-finanzjament, ikun qiegħed jirriskja li jkollu effett diskriminatorju fuq l-elettriku importat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u b'hekk jikser l-Artikoli 30 u/jew 110 tat-Trattat (105).

(221)

Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-Att tal-EEG 2012 jista' prima facie jkollu effett diskriminatorju fis-sens li § 39 tal-Att tal-EEG 2012 tistabbilixxi li r-rata tas-soprataxxa tal-EEG għandha titnaqqas fil-każ tal-hekk imsejħa kummerċjalizzazzjoni diretta. Ir-rata mnaqqsa tapplika biss meta l-fornitur ikun xtara 50 % tal-portafoll tal-elettriku tiegħu mingħand produtturi nazzjonali tal-elettriku EEG u, għalhekk, tkun tidher li qiegħda tikkostitwixxi imposta diskriminatorja skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tat-Trattat.

(222)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma wkoll li meta s-soprataxxa tkun imposta fuq importazzjonijiet illi, li kieku ġew prodotti fil-Ġermanja, ma kinux jibbenefikaw minn appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012 (pereżempju, l-elettriku prodott minn faċilitajiet li ilhom joperaw għal aktar minn 20 sena), is-soprataxxa tkun konformi mal-Artikoli 30 u 110 fuq il-bażi li, f'dan il-każ partikolari, ma hemm l-ebda differenza fit-trattament bejn il-produzzjoni nazzjonali u l-importazzjonijiet.

(223)

Il-Ġermanja tikkontesta li l-Att tal-EEG 2012 jista' jirriżulta f'diskriminazzjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat, għar-raġunijiet li ġejjin: L-ewwel nett, hija ssostni li ma hemm l-ebda similarità bejn il-prodotti importati li fuqhom tiġi imposta s-soprataxxa tal-EEG u l-prodotti domestiċi ffinanzjati minnha. Dan minħabba li s-soprataxxa tal-EEG tiffinanzja l-installazzjonijiet SER, filwaqt li tiġi imposta fuq il-konsum tal-elettriku SER.

(224)

Anki li kieku s-soprataxxa kellha titqies bħala li tiffinanzja l-elettriku SER, xorta waħda jkun hemm differenza bejn l-elettriku li fuqu tiġi imposta s-soprataxxa u l-elettriku li tippromwovi s-soprataxxa. Ir-raġuni hija li l-mira tas-SER tal-Ġermanja, stabbilita mill-Artikolu 3(3) u mill-parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/28/KE, tista' tiġi ssodisfata biss mill-elettriku SER li jew kien prodott domestikament jew inkella kien importat abbażi ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mal-Istat Membru fejn kien prodott l-elettriku (l-Artikolu 5(3) ta' dik id-Direttiva). Għalhekk, fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, kull elettriku SER li jiġi importat ma jiġix ikkunsidrat għall-kisba tal-mira. Għalhekk, mill-perspettiva tal-konsumaturi, dan l-elettriku ma jistax jitqies bħala li huwa simili għall-elettriku SER domestiku.

(225)

Sa fejn huwa kkonċernat il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku (§ 39 tal-Att tal-EEG 2012), il-Ġermanja ssostni li dan ma jistax jitqies bħala diskriminatorju, minħabba li hija attwalment timplimenta d-Direttiva 2009/28/KE. Id-Direttiva 2009/28/KE tiffissa mira nazzjonali għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' appoġġ u miżuri ta' kooperazzjoni (l-Artikolu 3(3)). Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva, l-elettriku SER li jiġi prodott domestikament jiġi kkunsidrat għall-kisba tal-mira. Fil-prinċipju, l-elettriku SER li jiġi prodott fi Stati Membri oħrajn ukoll jiġi kkunsidrat għall-kisba tal-mira meta dan ikun kopert minn ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati. Il-konklużjoni ta' tali ftehimiet mhijiex obbligatorja, iżda titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Skont il-Ġermanja, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li l-Ġermanja hija intitolata li tappoġġja biss il-produzzjoni domestika tal-elettriku SER. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-Ġermanja mhijiex obbligata la li tagħti aċċess għall-iskema ta' appoġġ tagħha lill-produtturi tal-elettriku SER minn Stati Membri oħrajn, u lanqas li tħalli lil dawn il-produtturi jibbenifikaw mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku.

(226)

Barra minn hekk, il-Ġermanja ssostni li jekk il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku jsir disponibbli għal produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn, ikun hemm riskju li dan jirriżulta f'kumpens żejjed ta' dawn il-produtturi, li jistgħu jibdew jagħżlu bejn is-sistemi ta' appoġġ nazzjonali differenti. Dan jista' jikkawża wkoll theddida għall-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-Att tal-EEG 2012, hekk kif aktar u aktar produtturi mhux domestiċi jkunu jridu jagħmlu użu mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku, u l-ammont ta' elettriku li fuqu effettivament tiġi imposta s-soprataxxa tal-EEG jonqos kontinwament, li jwassal biex titnaqqar il-bażi tal-finanzjament. Fil-prattika, dan imur kontra l-objettivi tad-Direttiva 2009/28/KE, li tawtorizza t-twaqqif ta' sistemi ta' appoġġ nazzjonali għall-finijiet taż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

(227)

Skont il-Ġermanja, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza riċenti fil-Kawża Ålands Vindkraft  (106). F'dak il-każ, li jikkonċerna sistema nazzjonali li pprevediet l-għoti ta' ċertifikati negozjabbli lill-produtturi ta' elettriku ekoloġiku biss fir-rigward tal-elettriku ekoloġiku prodott fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li sistema bħal din kienet tikkostitwixxi miżura b'effetti ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet li, fil-prinċipju, huma inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 34 tat-Trattat. Madankollu, is-sistema tista' tiġi ġustifikata minn rekwiżiti prevalenti relatati mal-ħarsien tal-ambjent (107).

(228)

Fl-aħħar nett, skont il-Ġermanja, is-soprataxxa tal-EEG ma tikkostitwixxi l-ebda imposta skont it-tifsira tal-Artikolu 30 jew tal-Artikolu 110 tat-Trattat. Minflok, hija sempliċi pretensjoni ta' rifużjoni li għandhom it-TSOs kontra l-fornituri tal-elettriku, minħabba li t-TSOs jitqiesu bħala li jwettqu servizzi għall-fornituri. Il-Ġermanja tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li “ħlas li jiġi impost fuq merkanziji minħabba l-fatt li dawn jaqsmu fruntiera jista' ma jiġix ikklassifikat bħala ħlas b'effett ekwivalenti kif ipprojbit mit-Trattat, jekk dan ikun relatat ma' sistema ġenerali ta' taxxi interni applikata b'mod sistematiku u b'konformità mal-istess kriterji għall-prodotti domestiċi, kif ukoll għall-prodotti importati u esportati, jekk ikun jirrappreżenta ħlas għal servizz speċifiku effettivament u individwalment mogħti lill-kummerċjant ta' somma fi proporzjon għal dak is-servizz jew, f'ċerti ċirkostanzi, jekk jingħata minħabba l-ispezzjonijiet imwettqa għall-finijiet tal-issodisfar tal-obbligi imposti mil-liġi Komunitarja” (108).

(229)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li t-tieni u t-tielet minn fost il-kriterji alternattivi msemmija fis-sentenza tal-Qorti ġew issodisfati. L-ewwel nett, il-Ġermanja ssostni li s-soprataxxa tal-EEG tikkostitwixxi ħlas adegwat għal servizz speċifiku mogħti, jiġifieri l-fatt li t-TSOs jirrinunzjaw il-kwalità rinnovabbli tal-elettriku SER trażmess, li jinkiseb mill-fornituri tal-elettriku, kif ġie spjegat fil-premessa 144 (109). Mill-perspettiva tal-Ġermanja, billi jħallsu s-soprataxxa tal-EEG lit-TSOs, il-fornituri tal-elettriku jkunu qegħdin jirċievu xi ħaġa lura, jiġifieri l-fatt li proporzjon mill-elettriku jiġi minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Għalhekk, il-Ġermanja ssostni li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-Kawża Essent  (110), fejn ma ngħata l-ebda servizz għall-ħlasijiet li saru, is-soprataxxa tal-EEG tikkorrespondi għal servizz mogħti. It-tieni, is-soprataxxa tal-EEG allegatament tiġi imposta sabiex tissodisfa l-obbligi imposti mil-liġi tal-Unjoni, jiġifieri mid-Direttiva 2009/28/KE.

(230)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel mar-raġunament ipprovdut mill-Ġermanja.

(231)

L-ewwel nett, filwaqt li huwa minnu li s-soprataxxa tal-EEG tiffinanzja t-twaqqif tal-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, hija tappoġġja l-produzzjoni tal-elettriku ġġenerat f'dawk l-installazzjonijiet. Dan huwa muri mill-fatt li s-soprataxxa tal-EEG tiġi imposta għal kull kilowatt fis-siegħa tal-elettriku kkonsmat. It-tieni, is-similarità bejn l-elettriku EEG prodott domestikament u l-elettriku EEG importat ma tistax titbiddel mis-sempliċi fatt li l-elettriku EEG importat ma jitqiesx għall-kisba tal-mira stabbilita mid-Direttiva 2009/28/KE. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, is-similarità għandha tiġi vvalutata “abbażi, mhux tal-kriterju tan-natura strettament identika tal-prodotti, iżda ta' dak tal-użu simili u komparabbli tagħhom” (111). Jeħtieġ li l-kwistjoni tas-similarità tiġi distinta mid-differenza fit-trattament: Differenza fit-trattament teżisti biss fir-rigward tal-elettriku importat li kien ikun eliġibbli skont l-Att tal-EEG 2012 li kieku kien prodott fil-Ġermanja. F'dak ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk l-elettriku SER importat jitqiesx għall-kisba tal-mira stabbilita mid-Direttiva 2009/28/KE hija irrilevanti.

(232)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-affermazzjoni tal-Ġermanja li s-soprataxxa tal-EEG ma tikkostitwixxi l-ebda imposta skont it-tifsira tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat. L-ewwel nett, kif sostniet il-Qorti fil-Kawża Essent, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat li l-ħlas ma jiġix impost mill-Istat direttament, iżda mit-TSOs (112). It-tieni, jidher li ma hemm l-ebda servizz jew assi li għalihom is-soprataxxa tal-EEG imħallsa mill-fornituri tal-elettriku tkun tikkostitwixxi ħlas adegwat. Il-kwalità rinnovabbli, bħala tali, ma għandha l-ebda benefiċċju għall-fornituri tal-elettriku, minħabba li hija tiġi trażmessa separatament mill-elettriku EEG innifsu. Barra minn hekk, il-pagamenti magħmula mill-fornituri mhumiex proporzjonati għas-servizz mogħti, minħabba li l-pagamenti tagħhom ivarjaw skont kemm ikollhom klijenti mhux privileġġjati, filwaqt li s-servizz li suppost jingħata, jiġifieri li l-elettriku jkun ta' kwalità rinnovabbli, huwa indiviżibbli u l-istess għal kulħadd. It-tielet, is-soprataxxa tal-EEG ma tiġix imposta abbażi tal-ispezzjonijiet, u lanqas ma tiġi imposta direttament abbażi tal-obbligi li joriġinaw mil-liġi tal-Unjoni. Id-Direttiva 2009/28/KE tobbliga lill-Ġermanja sabiex tintroduċi miżuri li jiżguraw żieda kostanti fis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva); l-implimentazzjoni titħalla għad-diskrezzjoni tal-Ġermanja, kemm fir-rigward tal-miżuri speċifiċi (l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva) kif ukoll fil-mod kif dawn jiġu ffinanzjati.

(233)

Kif sostniet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, l-Artikoli 30 u 110 jipprojbixxu biss il-finanzjament ta' skema ta' appoġġ għall-produzzjoni nazzjonali permezz ta' ħlas diskriminatorju impost fuq il-prodotti importati. Huma ma jobbligawx lill-Istat Membru sabiex jestendi l-benefiċċju tal-iskema ta' appoġġ għall-prodotti importati. Din id-Deċiżjoni, bħal deċiżjonijiet preċedenti dwar l-iskemi ta' appoġġ nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli (113), ma tikkontestax il-fatt li l-appoġġ skont l-Att tal-EEG 2012 huwa limitat għall-produzzjoni nazzjonali. Madankollu, meta jfasslu l-iskemi ta' appoġġ tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu imposti diskriminatorji skont it-tifsira tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat.

(234)

Is-sentenza fil-kawża Ålands Vindkraft ma tbiddilx il-valutazzjoni rigward l-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat. L-ewwel nett, l-unika kwistjoni f'dak il-każ kienet dwar jekk sistema ta' appoġġ nazzjonali għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli kellhiex tkun aċċessibbli għall-produtturi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn (il-Qorti sostniet li dan ma kienx il-każ). Is-sentenza ma kinitx tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk, barra minn hekk, tali sistema ta' appoġġ nazzjonali tistax tiġi ffinanzjata permezz ta' ħlas diskriminatorju impost ukoll fuq operaturi ekonomiċi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. It-tieni, fuq talba tal-Qorti Svediża, il-Qorti pprovdiet interpretazzjoni tal-Artikolu 34 dwar ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-moviment ħieles tal-merkanzija; ir-referenza għal deċiżjoni preliminari ma kinitx tikkonċerna l-Artikoli 30 u 110 dwar id-dazji u t-taxxi diskriminatorji, li fir-rigward tagħhom, konsegwentement, il-Qorti ma qalet xejn. It-tielet, il-Qorti sabet li r-rifjut tal-Isvezja li tagħti lir-rikorrent aċċess għas-sistema taċ-ċertifikati tagħha, filwaqt li jikkostitwixxi miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, kien ġustifikat minn raġunijiet ta' politika ambjentali u kien proporzjonat fil-kisba ta' dak l-objettiv tal-politika ambjentali (114). Madankollu, miżuri diskriminatorji li jiksru l-Artikoli 30 u 110 mhumiex ġustifikabbli, lanqas għal raġunijiet ambjentali: il-Kummissjoni ma tista' tara l-ebda każ fejn il-ħarsien ambjentali (jew, aktar minn hekk, kwalunkwe rekwiżit prevalenti ieħor ta' interess ġenerali) jista' jiġi estiż bl-impożizzjoni ta' obbligu pekunarju li jġiegħel lill-operaturi ekonomiċi fi Stati Membri oħrajn iħallsu aktar mill-kompetituri domestiċi tagħhom.

(235)

Madankollu, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha li s-soprataxxa tal-EEG ma tiksirx l-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat, il-Ġermanja impenjat ruħha li tinvesti f'interkonnetturi u proġetti tal-enerġija Ewropej simili (ara d-deskrizzjoni fil-premessa 19). Dawk l-investimenti jkunu ekwivalenti għall-ammont stmat tad-diskriminazzjoni allegata.

(236)

Ir-rimedju tas-soltu għal ksur tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat huwa r-rimborż tal-ħlasijiet imposti. Madankollu, l-investiment mill-ġdid tas-sehem tad-dħul minn imposta parafiskali li nġabret minn importazzjonijiet fi proġetti u infrastruttura, li minnu jibbenefikaw l-importazzjonijiet, kien rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala rimedju xieraq għad-diskriminazzjoni potenzjali storika skont l-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat (115).

(237)

Sabiex jiġi ddeterminat is-sehem tad-dħul li sar fil-passat mis-soprataxxa tal-EEG li għandu jiġi allokat għal dawn l-investimenti, l-ewwel pass irid ikun li jiġu kkalkolati l-importazzjonijiet tal-elettriku EEG eliġibbli fil-Ġermanja. Il-Ġermanja indikat li fil-perjodu tal-applikazzjoni tal-Att tal-EEG 2012, jiġifieri bejn Jannar 2012 u Lulju 2014, is-sehem tal-garanziji ta' oriġini li jikkorrespondu għall-elettriku SER u li jistgħu jiġu appoġġjati fil-qafas tal-Att tal-EEG 2012, kien jammonta għal madwar 1 349 GWh: 519 GWh fl-2012, 283 GWh fl-2013 u 547 GWh fl-2014. Is-sehem ferm akbar ta' garanziji ta' oriġini mhux inklużi f'dan l-ammont jikkorrespondi għal impjanti idroelettriċi kbar u antiki, li ma kinux ikunu eliġibbli skont l-Att tal-EEG 2012. Madankollu, billi l-garanziji ta' oriġini jistgħu jiġu nnegozjati separatament, minnhom infushom mhumiex biżżejjed sabiex jiddeterminaw kemm tabilħaqq qiegħed jiġi importat elettriku EEG. Il-Ġermanja indikat li effettivament l-importazzjonijiet setgħu kienu inqas, iżda ma setgħetx tipprovdi informazzjoni dwar kemm l-elettriku ekoloġiku importat ikkalkolat, li huwa deskritt hawnhekk, seta' jkun kopert minn kuntratti tal-importazzjoni fiżiċi.

(238)

It-tieni pass huwa li jiġi evalwat sa liema punt saret diskriminazzjoni kontra l-elettriku ekoloġiku importat. Id-diskriminazzjoni tinsab fil-fatt li, minkejja li kemm il-produzzjoni domestika tal-elettriku EEG kif ukoll l-importazzjonijiet tal-elettriku EEG jikkontribwixxu għas-soprataxxa tal-EEG, hija biss il-produzzjoni domestika tal-elettriku EEG li tibbenefika minnha (fi ħdan il-limiti tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà).

(239)

Bħala tali, id-diskriminazzjoni tista' titkejjel skont il-livell tas-soprataxxa tal-EEG impost fuq l-elettriku EEG importat. Madankollu, ta' min wieħed jinnota li kwalunkwe rimborż ma jkoprix is-soprataxxa kollha bħala tali, iżda jkun limitat għall-forma ipotetika tal-appoġġ riċevut (tariffi garantiti, primjums tas-suq jew il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku). Tabilħaqq, minħabba li l-produtturi tal-elettriku EEG domestiku jħallsu wkoll is-soprataxxa, iżda jirċievu l-appoġġ għall-EEG, ikun hemm differenza fit-trattament biss sal-punt li l-importazzjonijiet ikollhom iħallsu s-soprataxxa mingħajr ma jirċievu ebda appoġġ. Essenzjalment, id-diskriminazzjoni hija ekwivalenti għal-livell ta' appoġġ li ma jkunx ibbenefika minnu l-elettriku EEG importat.

(240)

Fir-rigward tat-tariffi garantiti u l-primjums tas-suq, il-Kummissjoni tinnota li minħabba li dawn ivarjaw minn teknoloġija EEG għal oħra, ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti t-tipi differenti ta' elettriku EEG li kienu effettivament importati, u f'liema kwantitajiet, sabiex dawk il-forom ta' appoġġ ikunu jistgħu jiġu applikati għall-importazzjonijiet. Madankollu, billi l-Ġermanja spjegat li ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-EEG reali, mhuwiex possibbli li d-diskriminazzjoni titkejjel bl-applikazzjoni tat-tariffa garantita speċifika jew tal-primjum tas-suq speċifiku għall-ammont korrispondenti ta' importazzjonijiet.

(241)

B'kuntrast ma' dan, il-vantaġġ li jirriżulta mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku jista' jiġi stabbilit b'mod aktar faċli: il-Ġermanja indikat li, fil-prattika, il-vantaġġ li jirriżulta mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku kien inqas minn 4 ct/kWh. Dan minħabba li l-fornituri tal-elettriku li japplikaw għall-privileġġ jirċievu biss it-tnaqqis ta' 2 ct/kWh fuq il-portafoll sħiħ tagħhom jekk jirnexxielhom ikollhom mill-inqas 50 % tal-elettriku ġej minn SER. Sabiex jevitaw jew inaqqsu r-riskju li għal ftit ma jiksbux il-mira ta' 50 % (f'liema każ is-soprataxxa tal-EEG sħiħa tkun dovuta fuq il-portafoll kollu), il-fornituri tal-elettriku jixtru l-elettriku EEG b'marġni ta' sigurtà, jiġifieri, f'ammont li jeċċedi l-50 % meħtieġ, xi drabi sa 60 %. F'dak il-każ, sabiex jiġi kkalkolat il-vantaġġ tal-ispiża li potenzjalment jista' jiġi ttrasferit lill-produtturi tal-elettriku SER, it-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG miksub għall-portafoll kollu, jiġifieri, 2 ct/kWh, jeħtieġ li jinqasam b'sehem ogħla ta' SER. Pereżempju, għal sehem ta' 60 %, il-vantaġġ tal-ispiża reali li jkun jista' jiġi ttrasferit ma jammontax għal 4 ct/kWh, iżda għal 3,3 ct/kWh biss. Bħala medja, il-vantaġġ massimu li jirriżulta mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku kien ta' 3,8 ct/kWh fl-2012, 3,2 ct/kWh fl-2013 u 3,9 ct/kWh fl-2014.

(242)

Jidher li l-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku kien kemmxejn ogħla mis-soprataxxa tal-EEG fl-2012, iżda inqas mis-soprataxxi fl-2013 u fl-2014. Jidher ukoll li l-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku kien aktar baxx mill-vantaġġ inkluż fi wħud mit-tariffi garantiti (wara tnaqqis tal-prezz fis-suq), pereżempju għall-enerġija mix-xemx, iżda ogħla mill-vantaġġ inkluż f'tariffi garantiti oħrajn, pereżempju għall-enerġija mir-riħ. Iżda anki jekk il-privileġġ jista' sa ċertu punt jissottovaluta l-kobor proprju tad-diskriminazzjoni, wieħed għandu jżomm f'moħħu li, l-ammonti ta' garanziji ta' oriġini jamplifikaw il-kobor tal-importazzjonijiet. Għalhekk, il-fehma tal-Kummissjoni hija li l-metodu użat mill-Ġermanja (deskritt fil-premessa 238 et seq.) huwa xieraq. Il-vantaġġ li jirriżulta mill-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku, flimkien maċ-ċifri li jirrigwardaw il-garanziji importati ta' oriġini, jistgħu jitqiesu bħala indikatur raġonevoli tal-punt sa fejn saret diskriminazzjoni kontra l-elettriku EEG importat skont l-Att tal-EEG 2012.

(243)

Bl-użu tal-valuri għall-importazzjonijiet eliġibbli tal-elettriku EEG stabbiliti fil-premessa 237 u tal-valuri għall-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku stabbiliti fil-premessa 241, l-ammont li għandu jiġi investit mill-ġdid jammonta għal EUR 50 miljun (116). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħares lejn l-impenn tal-Ġermanja li tinvesti EUR 50 miljun (ara l-premessa 19) f'interkonnetturi u proġetti tal-enerġija Ewropej bħala wieħed li jirrimedja d-diskriminazzjoni potenzjali storika skont l-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat.

8.   IL-LINGWA AWTENTIKA

(244)

Kif issemma taħt it-Taqsima 1 ta' din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja rrinunzjat id-dritt tagħha li jkollha d-deċiżjoni adottata fil-Ġermanja. Għalhekk, il-lingwa awtentika se tkun l-Ingliż.

9.   KONKLUŻJONI U L-IRKUPRU

(245)

Fid-dawl tal-fatt li l-ksur storiku tal-Artikoli 30 u 110 tat-Trattat mis-soprataxxa tal-EEG kien irrimedjat, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-appoġġ għall-produtturi tal-elettriku EEG, li nstab li kien kompatibbli fil-premessi 187 u 200 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, huwa konformi wkoll mas-suq intern f'dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu tal-finanzjament tiegħu.

(246)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ġermanja implimentat b'mod illeċitu l-għajnuna għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku EEG u għall-impriżi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(247)

L-għajnuna għandha tiġi rkuprata sakemm din tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(248)

L-irkupru għandu jkopri biss it-tnaqqis mis-soprataxxa tal-EEG mogħti fir-rigward tas-snin 2013 u 2014 (minn hawn 'il quddiem “is-snin ikkonċernati”).

(249)

L-ammonti rikuperabbli għandhom jiġu limitati, għal kull waħda mis-snin ikkonċernati, għad-differenza bejn l-ammont kompatibbli għal dik is-sena, kif iddeterminat skont il-premessi 251, 252 u 253, u l-ammont ta' soprataxxa tal-EEG li kien effettivament imħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata.

(250)

Fil-prinċipju, l-ammont ta' soprataxxa tal-EEG li kien effettivament imħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata jinkiseb permezz tal-applikazzjoni tas-soprataxxa mnaqqsa għal dik is-sena fuq il-konsum tal-elettriku tal-benefiċjarju f'dik l-istess sena. Madankollu, sabiex jitħaffef l-irkupru, u billi d-dejta dwar il-konsum għas-snin ikkonċernati għadha mhijiex disponibbli għall-impriżi kollha kkonċernati mill-irkupru, bħala l-ewwel pass, il-Ġermanja se tuża l-konsum tal-elettriku li kien sottomess fl-applikazzjonijiet għall-kalkolazzjoni ta' ammont ta' rkupru preliminari, li għandu jiġi rkuprat minnufih. It-tieni pass ikun li l-Ġermanja tapplika d-dejta dwar il-konsum reali tas-snin ikkonċernati sabiex tiddetermina l-ammonti ta' rkupru finali u tieħu l-passi neċessarji sabiex tiżgura l-irkupru jew ir-ripagament abbażi ta' dawk l-ammonti finali (dan it-tieni pass fil-proċess ta' rkupru ssir referenza għalih bħala l-“mekkaniżmu ta' korrezzjoni”).

(251)

L-ewwel pass fid-determinazzjoni tal-ammont kompatibbli jinsab fl-applikazzjoni tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014. L-impriża li bbenefikat mit-tnaqqis għandha tkun tappartjeni għas-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 185 tal-Linji Gwida tal-2014) jew, jekk dan ma jkunx il-każ, l-impriża għandu jkollha intensità elettrika ta' mill-inqas 20 % u tkun tappartjeni għal settur b'intensità ta' kummerċ ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, anki jekk ma tkunx tappartjeni għal wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014). Għall-applikazzjoni tal-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014, kif ġie spjegat fil-premessa 202, tista' tintuża d-dejta sottomessa fl-applikazzjonijiet magħmula fir-rigward tas-snin ikkonċernati.

(252)

Barra minn hekk, jekk l-impriża tkun eliġibbli abbażi tal-premessa 251, l-impriża għandha tħallas mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali mingħajr tnaqqis (il-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014). Madankollu, l-ammont pagabbli jista' jiġi limitat fil-livell tal-impriżi għal 4 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata. Barra minn hekk, għall-impriżi li jkollhom intensità elettrika ta' mill-inqas 20 %, l-ammont pagabbli jista' jiġi limitat għal 0,5 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata (il-punt 189 tal-Linji Gwida tal-2014). Għall-applikazzjoni tal-punt 189 tal-Linji Gwida tal-2014, kif ġie spjegat fil-premessa 202, tista' tintuża d-dejta sottomessa fl-applikazzjonijiet magħmula fir-rigward tas-snin ikkonċernati. Fil-prinċipju, jekk l-impriża ma tkunx eliġibbli abbażi tal-premessa 251, l-ammont pagabbli jkun, skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014, ekwivalenti għas-soprataxxa tal-EEG mingħajr tnaqqis, soġġett għar-regola ta' tranżitu msemmija fil-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014.

(253)

Jekk, għal kwalunkwe waħda mis-snin ikkonċernati, l-ammont pagabbli ddeterminat abbażi tal-premessa 252 ikun ogħla mill-ammont effettivament imħallas mill-benefiċjarju f'dik is-sena, id-dispożizzjonijiet tal-pjan ta' aġġustament japplikaw kif stipulat fil-premessa 212: Għall-2013, l-ammont kompatibbli ma għandux jaqbeż il-125 % tas-soprataxxa li kienet effettivament imħallsa fl-2013 (jiġifieri, l-istess sena). Għall-2014, l-ammont kompatibbli ma għandux jaqbeż il-150 % tas-soprataxxa li kienet effettivament imħallsa fl-2013 (jiġifieri, is-sena ta' qabel). Kif ġie spjegat fil-premessa 250, is-soprataxxa effettivament imħallsa fl-2013 u fl-2014 tista', bl-iskop li jiġi ddeterminat l-ammont ta' rkupru preliminari, tkun ibbażata fuq id-dejta dwar il-konsum tal-elettriku inkluża fl-applikazzjoni tal-impriża għat-tnaqqis fl-2013 u fl-2014. Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni, tintuża d-dejta dwar il-konsum tal-elettriku reali għall-2013 u l-2014, ladarba din tkun disponibbli.

(254)

Jekk l-ammont pagabbli ddeterminat abbażi tal-premessi 251, 252 u 253 ma jkunx ogħla mill-ammont effettivament imħallas mill-benefiċjarju fi kwalunkwe waħda mis-snin ikkonċernati, ma jkun hemm l-ebda rkupru.

(255)

Meta l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta minn benefiċjarju jkun inqas minn EUR 200 000 u meta l-għajnuna tissodisfa l-kriterji l-oħrajn kollha tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (117) jew tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (118), din l-għajnuna għandha titqies bħala li ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, għalhekk, ma għandhiex tkun soġġetta għal irkupru.

(256)

Meta l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta minn benefiċjarju jkun aktar minn EUR 200 000, li minnu għandu jiġi rkuprat ammont ta' inqas minn EUR 200 000, ir-Regolamenti (KE) Nru 1998/2006 u (UE) Nru 1407/2013 ma japplikawx, minħabba li l-għajnuna tikkonċerna l-istess spejjeż eliġibbli u għalhekk il-kumulazzjoni tiġi eskluża (l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006). Għaldaqstant, dawn l-ammonti jkunu jridu jiġu rkuprati.

(257)

Il-Kummissjoni kompliet teżamina jekk hemmx xi ostakoli għall-irkupru skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Kif ġie deskritt fil-premessa 172, xi partijiet interessati sostnew li l-aġġustament fl-2013 u fl-2014 għandu jkun kemm jista' jkun żgħir sabiex jissalvagwardja l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji, kif ukoll li ma għandu jsir l-ebda rkupru. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 146 et seq., id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża NN 27/00 ma tistax tagħti lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji, minħabba li l-Att tal-EEG 2012 huwa differenti mill-Att tal-EEG 2000 u ġie adottat aktar minn għaxar snin wara, kif ukoll minħabba li, b'mod partikolari, il-BesAR ma kinitx teżisti fl-Att tal-EEG 2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u minn gass estratt mill-minjieri, inkluż il-mekkaniżmu ta' finanzjament tiegħu, mogħtija fuq il-bażi tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz 2012 (l-Att tal-EEG 2012), implimentata b'mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija kompatibbli mas-suq intern, soġġetta għall-implimentazzjoni tal-impenn stabbilit fl-Anness I mill-Ġermanja.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni taċċetta l-pjan ta' aġġustament sottomess mill-Ġermanja fir-rigward tas-snin 2013 u 2014, kif stipulat fl-Anness II.

Artikolu 3

1.   L-għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fi tnaqqis fis-soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli (is-soprataxxa tal-EEG) fis-snin 2013 u 2014 għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (Besondere Ausgleichsregelung, BesAR), implimentata b'mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, tkun kompatibbli mas-suq intern jekk taqa' taħt waħda mill-erba' kategoriji msemmija f'dan il-paragrafu.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li tappartjeni għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (il-Linji Gwida tal-2014), hija titqies kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru l-enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-klijenti tagħhom. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta' dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrespondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b'intensità elettrika ta' mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0,5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li ma tappartjenix għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida tal-2014, iżda kellha intensità elettrika ta' mill-inqas 20 % fl-2012 u f'dik is-sena kienet tappartjeni għal settur b'intensità kummerċjali ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, hija titqies bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-konsumaturi tal-elettriku. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta' dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrespondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b'intensità elettrika ta' mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0,5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, iżda l-ammont tas-soprataxxa tal-EEG imħallas mill-intrapriża ma jkunx laħaq il-livell mitlub minn dawk is-subparagrafi, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

(a)

għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

(b)

għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża mhux eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, u meta l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 20 % tal-ispejjeż addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

(a)

għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

(b)

għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

2.   Kwalunkwe għajnuna li mhijiex koperta mill-paragrafu 1 titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

L-għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi tal-iskemi ta' għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 3 ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li ngħatat, hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati mir-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (119), li kien applikabbli fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna.

Artikolu 5

L-għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi tal-iskemi ta' għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 3 li, fiż-żmien li ngħatat, kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati mir-regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna approvata, titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet tal-għajnuna massimi applikabbli għal tali tip ta' għajnuna.

Artikolu 6

1.   Il-Ġermanja tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 3(2) mingħand il-benefiċjarji skont il-metodu deskritt fl-Anness III.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati jkollhom imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax jiġi kkalkolat fuq bażi komposta b'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (120).

4.   Il-Ġermanja tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 3(2) b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.   L-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 3(2) jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Ġermanja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni billi tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija.

3.   Meta l-Ġermanja tirkupra biss l-ammonti ta' rkupru preliminari stipulati fil-paragrafu (4) tal-Anness III, il-Ġermanja tiżgura li l-mekkaniżmu ta' korrezzjoni deskritt fil-paragrafu (4) tal-Anness III jiġi implimentat fi żmien sena mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista ta' benefiċjarji li rċevew l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) u l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta minn kull wieħed minnhom fil-qafas tal-iskema;

(b)

l-ammont ta' rkupru preliminari totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta' dawk li huma ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni, inkluż l-impenn imsemmi fl-Anness I;

(d)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna u li l-impenn imsemmi fl-Anness I ġie rispettat.

2.   Il-Ġermanja żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-impenn stabbilit fl-Anness I ikun ġie implimentat b'mod sħiħ. Hija tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 9

Il-Ġermanja impenjat ruħha li terġa' tinvesti EUR 50 miljun f'interkonnetturi u fi proġetti tal-enerġija Ewropej. Il-Ġermanja żżomm lill-Kummissjoni informata bl-implimentazzjoni ta' dan l-impenn.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 37, 7.2.2014, p. 73, u ĠU C 250, 1.8.2014, p. 15.

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Serje I, Volum 1952-1958, p. 59).

(4)  Gesetz für den Vorrang Erneuerbarer Energien (Erneuerbare-Energien-Gesetz — EEG), kif emendat minn Gesetz zur Neuregelung des Rechtsrahmens für die Förderung der Stromerzeugung aus erneuerbaren Energien, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1634, u minn Gesetz zur Änderung des Rechtsrahmens für Strom aus solarer Strahlungsenergie und zu weiteren Änderungen im Recht der erneuerbaren Energien vom 17. August 2012, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1754.

(5)  Gesetz zur grundlegenden Reform des Erneuerbare-Energien-Gesetzes und zur Änderung weiterer Bestimmungen des Energiewirtschaftsrechts vom 21. Juli 2014, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1066.

(6)  Il-kawża dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38632 (2014/N) — il-Ġermanja: EEG 2014 — Riforma tal-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(7)  Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus vom 17 Juli 2009, Bundesgesetzblatt, Parti. I, p. 2101, kif emendat mill-Artikolu 2 ta' Gesetz tas-17 August 2012, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1754.

(8)  Verordnung zur Ausführung der Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus (Ausgleichsmechanismus-Ausführungsverordnung — AusglMechAV) vom 22. Februar 2010, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 134, kif emendat minn Zweite Verordnung zur Änderung der Ausgleichsmechanismus-Ausführungsverordnung vom 19. Februar 2013, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 310.

(9)  Il-limitu massimu jingħata wkoll lill-intrapriżi ferrovjarji. Dan il-limitu massimu mhuwiex eżaminat fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tivvaluta l-§ 42 tal-Att tal-EEG 2012 fi proċedura separata.

(10)  ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(11)  Il-Kawżi T-244/93 u T-486/93, TWD Textilwerke Deggendorf vs. il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1995;160.

(12)  Gesetz zur grundlegenden Reform des Erneuerbare-Energien-Gesetzes und zur Änderung weiterer Bestimmungen des Energiewirtschaftsrechts vom 21. Juli 2014, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1066.

(13)  Skont § 11 AusglMechV, il-BNetzA tista' tippromulga r-regolamenti bi qbil mal-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari (issal-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura, il-Kostruzzjoni u s-Sikurezza Nukleari) u mal-Ministeru Federali tal-Ekonomija u t-Teknoloġija (issal-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija).

(14)  Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz — EnWG) vom, 7. Juli 2005, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 1970, 3621, kif emendat mill-Artikolu 3(4) ta' Gesetz vom 4. Oktober 2013, Bundesgesetzblatt, Parti I, p. 3746.

(15)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(16)  Il-Kawża C-379/98, PreussenElektra vs. Schleswag, ECLI:UE:C:2001:160.

(17)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage. ECLI:UE:C:2013:348.

(18)  ĠU C 164, 10.7.2002, p. 5.

(19)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans, ECLI:UE:C:2003:415.

(20)  Il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413.

(21)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851.

(22)  Il-kawża C-573/12, Ålands Vindkraft, ECLI:UE:C:2014:2037.

(23)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans, ECLI:UE:C:2003:415, il-paragrafi minn 87 sa 93. Il-kriterji ta' Altmark ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkjarifikaw taħt liema ċirkostanzi kumpens ipprovdut minn awtorità pubblika għall-eżekuzzjoni ta' Servizz ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (Service of General Economic Interest — “SGEI”) jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(24)  B'sostenn għal dan l-argument, il-Ġermanja tiċċita r-rapport tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) tal-25 ta' Ġunju 2013, intitolat “Renewable and Energy Efficiency Support Schemes in Europe” (b'mod partikolari, it-tabelli fil-paġni 18-20).

(25)  Il-Kawża C-387/92, Banco Exterior de España, ECLI:UE:C:1994:100, il-paragrafu 13; il-Kawża C-156/98, Il-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2000:467, il-paragrafu 25; il-Kawża C-6/97, L-Italja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1999:251, il-paragrafu 15; il-Kawża C-172/03, Heiser, ECLI:UE:C:2005:130, il-paragrafu 36; il-Kawża C-126/01, GEMO SA, ECLI:UE:C:2003:622, il-paragrafi minn 28 sa 31 dwar il-ġbir u r-rimi bla ħlas tal-iskart.

(26)  Il-Kawża 173/73, L-Italja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1974:71, il-paragrafu 17. Ara wkoll il-Kawża T-55/99, CETM vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2000:223, il-paragrafu 85.

(27)  Il-Kawża T-177/10, Alcoa Trasformazioni vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:897, il-paragrafi minn 82 sa 85.

(28)  Il-Kawża T-177/10, Alcoa Trasformazioni vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:897, il-paragrafu 82.

(29)  Il-Kawża T-177/10, Alcoa Trasformazioni vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:897, il-paragrafu 84.

(30)  Il-Kawża T-177/10, Alcoa Trasformazioni vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:897, il-paragrafu 85.

(31)  Il-Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline, ECLI:UE:C:2001:598, il-paragrafu 48.

(32)  Il-Kawżi Konġunti C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:UE:C:2011:550, il-paragrafu 69.

(33)  Il-Kawża C-75/97, Il-Belġju vs il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1999:311, il-paragrafu 38 et seq.; il-Kawża C-172/03, Heiser, ECLI:UE:C:2005:130; il-Kawża C-487/06 P, British Aggregates Association vs il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2008:757, il-paragrafi minn 86 sa 92; il-Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline, ECLI:UE:C:2001:598, il-paragrafi 43, 52 et seq.

(34)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans, ECLI:UE:C:2003:415, il-paragrafu 87.

(35)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans, ECLI:UE:C:2003:415, il-paragrafi minn 89 sa 93.

(36)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(37)  Il-Kawżi Konġunti 67/85, 68/85 u 70/85, Kwekerij Gebroeders van der Kooy et al., ECLI:UE:C:1988:38; il-Kawża T-157/01, Danske Busvognmænd vs il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2004:76; il-Kawżi Konġunti T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani et al. vs il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2008:537.

(38)  Il-Kawżi Konġunti 67/85, 68/85 u 70/85, Kwekerij Gebroeders van der Kooy et al., ECLI:UE:C:1988:38, il-paragrafu 30.

(39)  Il-Kawża T-157/01, Danske Busvognmænd vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2004:76, il-paragrafu 57.

(40)  Il-Kawżi konġunti T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2008:537, il-paragrafu 185.

(41)  Il-Kawża C-71/09 P, Comitato “Venezia vuole vivere” et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2011:368.

(42)  Il-Kawża C-71/09 P, Comitato “Venezia vuole vivere” et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2011:368, il-paragrafu 92.

(43)  Il-Kawża C-71/09 P, Comitato “Venezia vuole vivere” et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2011:368, il-paragrafu 95.

(44)  Il-Kawża C-71/09 P, Comitato “Venezia vuole vivere” et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2011:368, il-paragrafu 96.

(45)  Il-Kawża T-295/12, Il-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:675, il-paragrafu 144; il-Kawża T-309/12 — Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2014:676, il-paragrafu 261

(46)  Il-Kawża T-226/09, British Telecommunications et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2013:466, il-paragrafu 71.

(47)  Cf. il-konklużjonijiet ta' AG Wathelet, il-Kawża C-242/13, Commerz Nederland, ECLI:UE:C:2014:308, il-paragrafi 75 et seq

(48)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage. ECLI:UE:C:2013:348.

(49)  Il-Kawża C-78/76, Steinike & Weinlig vs. il-Ġermanja, ECLI:UE:C:1977:52, il-paragrafu 21.

(50)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage, ECLI:UE:C:2013:348, il-paragrafu 35.

(51)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafi minn 16 sa 20.

(52)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafu 21.

(53)  Il-Kawża C-78/76, Steinike & Weinlig vs il-Ġermanja, ECLI:UE:C:1977:52, il-paragrafu 21; il-Kawża 173/73, L-Italja vs. il-Kummissjoni, UE:C:1974:71, il-paragrafu 16; il-Kawża 259/85, Franza vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1987:478, il-paragrafu 23; il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413, il-paragrafu 66.

(54)  Il-Kawża 173/73, L-Italja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1974:71, il-paragrafu 16.

(55)  Il-Kawża T-139/09, Franza vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2012:496, il-paragrafi 63 u 64.

(56)  Il-Kawża C-379/98, PreussenElektra vs. Schleswag, ECLI:UE:C:2001:160.

(57)  Il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413, il-paragrafu 70; il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafu 20.

(58)  Il-Kawża C-72/91, Sloman Neptun vs. Bodo Ziesemer, ECLI:UE:C:1993:97, il-paragrafu 19.

(59)  Il-Kawża C-72/91, Sloman Neptun vs. Bodo Ziesemer, ECLI:UE:C:1993:97.

(60)  Il-Kawża C-72/91, Sloman Neptun vs. Bodo Ziesemer, ECLI:UE:C:1993:97, il-paragrafu 21.

(61)  Oberlandesgericht Hamm, sentenza tal-14 ta' Mejju 2013, ref. 19 U 180/12.

(62)  Cf. il-Kawża C-78/76, Steinike & Weinlig vs. il-Ġermanja, ECLI:UE:C:1977:52, il-paragrafu 21.

(63)  Il-Kawża C-275/13, Elcogás, ECLI:UE:C:2014:2314, il-paragrafu 29.

(64)  Il-Kawża C-399/10 P, Bouygues et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2013:175, il-paragrafu 103.

(65)  Il-Kawża C-399/10 P, Bouygues et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2013:175, il-paragrafu 104.

(66)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafu 19; il-Kawża C-275/13, Elcogás, ECLI:UE:C:2014:2314, il-paragrafu 24.

(67)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafu 25; il-Kawża 173/73, L-Italja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1974:71, il-paragrafu 16.

(68)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage. ECLI:UE:C:2013:348, il-paragrafu 32.

(69)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage. ECLI:UE:C:2013:348, il-paragrafu 36.

(70)  Il-Kawża C-677/11, Doux Élevage. ECLI:UE:C:2013:348, il-paragrafu 38.

(71)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 69..

(72)  Il-Kawża C-279/08 P, il-Kummissjoni vs il-Pajjiżi l-Baxxi, ECLI:UE:C:2011:551, il-paragrafi minn 102 sa 113.

(73)  Il-Kawża C-262/12, Association Vent de Colère!, ECLI:UE:C:2013:851, il-paragrafu 19; il-Kawża C-275/13, Elcogás, ECLI:UE:C:2014:2314, il-paragrafu 24.

(74)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 21.

(75)  ĠU C 164, 10.7.2002, p. 5.

(76)  L-Att tal-EEG 2012 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012, sabiex b'hekk l-ewwel tnaqqis li għalih setgħu japplikaw l-EIUs skont dik il-liġi kien dak mogħti fl-2013. It-tnaqqis mogħti fir-rigward tas-sena 2012 kien ibbażat fuq liġi differenti li tippreċedi l-Att tal-EEG 2012 u, għalhekk, mhuwiex eżaminat f'din il-proċedura.

(77)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(78)  Is-sentenza fil-Kawża Il-Ġermanja u Oħrajn vs. Kronofrance, C-75/05 u C-80/05, ECLI:UE:C:2008:482, il-paragrafu 61, b'referenzi ulterjuri.

(79)  Il-partijiet interessati rreferew għall-ġurisprudenza li ġejja: il-Kawża C-260/91, Diversinte, ECLI:UE:C:1993:136, il-paragrafu 9; il-Kawża C-63/83, Regina vs. Kirk, ECLI:UE:C:1984:255, il-paragrafi 21 et seq.; il-Kawża C-1/73, Westzucker, ECLI:UE:C:1973:78, il-paragrafu 5; il-Kawża C-295/02, Gerken, ECLI:UE:C:2004:400, il-paragrafi 47 et seq.; il-Kawża C-420/06, Jager, ECLI:UE:C:2008:152, il-paragrafi 59 et seq.; il-Kawża C-189/02 P, Dansk Rørindustri et al. vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2005:408, il-paragrafu 217.

(80)  Il-Kawża C-334/07 Ρ, Il-Kummissjoni vs. Freistaat Sachsen, ECLI:UE:C:2008:709, il-paragrafu 43; il-Kawża T-176/01, Ferrière Nord vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2004:336, il-paragrafu 139.

(81)  Il-Kawża 68/69, Bundesknappschaft vs Brock, ECLI:UE:C:1970:24, il-paragrafu 6; il-kawża 1/73 Westzucker GmbH vs. Einfuhr- und Vorratsstelle für Zucker, ECLI:UE:C:1973:78, il-paragrafu 5; il-Kawża 143/73, SOPAD vs. FORMA et. al., ECLI:UE:C:1973:145, il-paragrafu 8; il-Kawża 96/77, Bauche, ECLI:UE:C:1978:26, il-paragrafu 48; il-Kawża 125/77, KoninklijkeScholten-Honig NV et. al. vs. Floofdproduktschaap voor Akkerbouwprodukten, ECLI:UE:C:1978:187, il-paragrafu 37; il-Kawża 40/79, Ρ vs il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1981:32, il-paragrafu 12; il-kawża 270/84, Licata vs. ESC, ECLI:UE:C:1986:304, il-paragrafu 31; il-Kawża C-60/98 Butterfly Music vs. CEDEM, ECLI:UE:C:1999:333, il-paragrafu 24; C-334/07 Ρ, Il-Kummissjoni vs. Freistaat Sachsen, ECLI:UE:C:2008:709, il-paragrafu 53; il-Kawża T-404/05 Il-Greċja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2008:510, il-paragrafu 77.

(82)  Il-Kawża C-169/95, Spanja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1997:10, il-paragrafi minn 51 sa 54; il-Kawżi konġunti T-116/01 u T-118/01, P&O European Ferries (Vizcaya) SA vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:T:2003:217, il-paragrafu 205.

(83)  Il-Kawżi konġunti C-465/09 Ρ sa C-470/09 Ρ, Diputación Foral de Vizcaya u Oħrajn vs. il-Kummissjoni,ECLI:UE:C:2011:372, il-paragrafi 125 u 128.

(84)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(85)  Il-Kawża C-261/01, Van Calster, ECLI:UE:C:2003:571, il-paragrafu 49; il-Kawża C-333/07, Société Régie Networks, ECLI:UE:C:2008:764, il-paragrafu 89.

(86)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 75.

(87)  Il-kawża C-310/99, L-Italja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2002:143, il-paragrafu 52.

(88)  ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.

(89)  Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tal-2008 (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(90)  COM(2010) 2020 finali, p. 10.

(91)  Il-Kawża C-301/96, Il-Ġermanja vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:2003:509, il-paragrafu 106.

(92)  Il-Kawżi konġunti T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani et al., ECLI:UE:T:2008:537, il-paragrafu 337.

(93)  SA.26036 (C24/09) — l-Awstrija, Għajnuna mill-Istat għal negozji li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija skont l-Att dwar l-Elettriku Ekoloġiku fl-Awstrija (ĠU L 235, 10.9.2011, p. 42).

(94)  Is-sentenza fil-Kawża Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (“Jadekost”), C-288/96, ECLI:UE:C:2000:537, il-paragrafu 77, b'referenzi ulterjuri.

(95)  Id-Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessa 293.

(96)  Id-Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessi 294 u 295.

(97)  Id-Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessa 295.

(98)  B'2707 punt ta' konsum eliġibbli fl-2014 u soprataxxa tal-EEG ta' 6,24 ct/kWh, id-dħul mis-soprataxxa ġġenerat mill-pagamenti għall-ewwel GWh ta' konsum jammonta għal EUR 168 916 800. Ara d-deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessa 296.

(99)  Id-Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessa 296.

(100)  Cf. Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessa 297.

(101)  Għall-applikazzjoni tad-dejta tal-GVA u tad-dejta dwar l-intensità elettrika, ara l-premessa 202 ta' din id-Deċiżjoni.

(102)  Il-Kawżi konġunti C-128/03 u C-129/03, AEM, ECLI:UE:C:2005:224, il-paragrafi minn 44 sa 47; il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413, il-paragrafu 42.

(103)  Id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 34/90; deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 416/99; id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 490/00; id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 550/00; id-Deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat N 317/A/2006 u NN 162/A/2003; Deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat N 707 u 708/02; id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 789/02; id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 6/A/2001; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/580/KE; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/476/KE; id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat N 437/09.

(104)  Il-Kawżi konġunti C-128/03 u C-129/03, AEM, ECLI:UE:C:2005:224, il-paragrafi minn 44 sa 47; il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413, il-paragrafi 58 u 59.

(105)  Il-Kawża 47/69 Franza vs. il-Kummissjoni, ECLI:UE:C:1970:60, il-paragrafu 20; Deċiżjoni tal-EEG tal-2014, il-premessi 329 et seq.

(106)  Il-Kawża C-573/12, Ålands Vindkraft, ECLI:UE:C:2014:2037.

(107)  Il-Kawża C-573/12, Ålands Vindkraft, ECLI:UE:C:2014:2037, il-paragrafi 75, 119.

(108)  Il-Kawża C-130/93, Lamaire, ECLI:UE:C:1994:281, il-paragrafu 14.

(109)  Madankollu, il-Ġermanja tirrikonoxxi li s-soprataxxa tal-EEG ma tikkostitwixxi l-ebda rimunerazzjoni għall-provvista tal-elettriku tas-SER bħala tali, li jinbiegħ fis-suq spot.

(110)  Il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413.

(111)  Il-Kawża 171/78, Il-Kummissjoni vs. id-Danimarka, ECLI:UE:C:1980:54, il-paragrafu 5.

(112)  Il-Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord, ECLI:UE:C:2008:413, il-paragrafu 46.

(113)  Ara pereżempju, l-għajnuna mill-Istat SA.33384 (2011/N) — l-Awstrija, Ökostromgesetz 2012, C (2012) 565 final.

(114)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 107.

(115)  Għajnuna mill-Istat SA.15876 (N490/2000) — l-Italja, Spejjeż mitlufa tas-settur tal-elettriku (ĠU C 250, 8.10.2005, p. 10).

(116)  19,7 (għall-2012) + 9,1 (għall-2013) + 21,3 (għall-2014) = EUR 50,1 miljun.

(117)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(118)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(119)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(120)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS I

L-IMPENN SOTTOMESS MILL-ĠERMANJA FIS- 7 TA' LULJU 2014

“Kwistjoni skont l-Art. 110/30 għall-installazzjonijiet eżistenti u l-Grünstromprivileg (EEG 2012)

Għall-EEG 2012, tista' tiġi maħsuba soluzzjoni globali kemm għall-Grünstromprivileg kif ukoll għall-kwistjoni skont l-Artikolu 30/110. Is-soluzzjoni tikkonsisti fl-investiment mill-ġdid f'interkonnetturi jew proġetti tal-enerġija Ewropej simili tal-ammont stmat tal-allegata diskriminazzjoni. L-investiment mill-ġdid jista' jsir b'mod parallel għall-progress tal-proġett rilevanti. Abbażi tal-figuri kkomunikati mill-Ġermanja, l-investiment mill-ġdid għandu jammonta għal EUR 50 miljun għall-perjodu Jannar 2012 — Lulju 2014. Għal darba oħra, il-Ġermanja toffri dan l-impenn billi tissalvagwardja l-pożizzjoni legali tagħha (l-ebda diskriminazzjoni).”


ANNESS II

L-IMPENN SOTTOMESS MILL-ĠERMANJA FL-4 TA' LULJU 2014

“Die Rückforderung bezogen auf ein Unternehmen ergibt sich aus der Differenz der entsprechenden EEG-Kosten nach Umwelt- und Energiebeihilfeleitlinien (EEAG) und der nach EEG 2012 bemessenen EEGKosten. Dabei begrenzt der Anpassungsplan die nach EEAG zu leistende Zahlung auf max. 125 % (für 2013) bzw. max. 150 % (für 2014) der nach EEG 2012 für 2013 geleisteten EEG-Zahlung (vgl. folgende schematische Darstellung). Negative Rückforderungsbeträge werden nicht berücksichtigt.

Schematische Darstellung der Berechnung

Rückforderung2013 = Z(Anpassplan)2013 – Z(EEG2012)2013

Mit: Z(Anpassplan)2013 = Minimum von Z(EEAG) und 125 % × Z(EEG2012)2013

Rückforderung2013 : Rückforderung für das Jahr 2013

Z(Anpassplan)2013 : Zahlung gemäß Anpassungsplan für 2013

Z(EEAG)2013 : Zahlung gemäß EEAG für 2013

Z(EEG2012)2013 : Für 2013 nach EEG2012 tatsächlich geleistete EEG-Zahlung

Aufgrund der Dringlichkeit einerseits und zur Begrenzung des ohnehin als sehr hoch einzuschätzenden administrativen Aufwandes andererseits ist es nötig, für die Berechnung der unternehmensbezogenen Rückforderungsbeträge ausschließlich auf dem BAFA schon vorliegende Zahlen zurückzugreifen. (*) Daher werden die spezifischen Unternehmensdaten (Bruttowertschöpfung zu Marktpreisen, Strombezugsmenge, Stromkosten) der Anträge für 2013 bzw. 2014 verwendet (‘Bescheiddaten’), die sich auf das entsprechende Nachweisjahr beziehen (maßgebendes Geschäftsjahr des Unternehmens in 2011 (Voraussetzungsjahr) für Begrenzung in 2013 (Begrenzungsjahr); maßgebendes Geschäftsjahr des Unternehmens in 2012 für Begrenzung in 2014). Demzufolge wird für die Berechnung u. a. jeweils die spezifische Bruttowertschöpfung zu Marktpreisen verwendet, da die Daten für die Bruttowertschöpfung zu Faktorkosten nicht vorliegen. Weiterhin erfordert diese Vorgehensweise, dass der gesamte Berechnungsvergleich auf der angemeldeten Strombezugsmenge im Voraussetzungsjahr beruht, die von der in dem betreffenden Begrenzungsjahr tatsächlich verbrauchten Strommenge abweicht.

Jahresbezug der verwendeten Werte:

 

Bescheid für 2013

Bescheid für 2014

Bruttowertschöpfung (zu Marktpreisen)

2011

2012

Strommenge

2011

2012

Stromkosten

2011

2012”

Traduzzjoni

“L-irkupru [l-ammont rikuperabbli] fir-rigward ta' intrapriża partikolari jirriżulta mid-differenza tal-ispejjeż rilevanti tal-EEG kif iddeterminati abbażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (‘Linji Gwida tal-2014’) u tal-ispejjeż tal-EEG kif iddeterminati abbażi tal-Att tal-EEG 2012. F'dak ir-rigward, il-pjan ta' aġġustament jillimita l-pagament li għandu jsir abbażi tal-Linji Gwida tal-2014 għal massimu ta' 125 % (għas-sena 2013) u għal massimu ta' 150 % (għas-sena 2014) tal-pagament magħmul fir-rigward tas-sena 2013 skont l-Att tal-EEG 2012 (ara d-dijagramma). Ammonti ta' rkupru negattivi ma jiġux ikkunsidrati.

Dijagramma: il-metodu li jintuża għall-kalkolazzjoni tal-irkupru

Irkupru 2013 = P(Pjan ta' aġġustament)2013 – P(EEG2012)2013

P(Pjan ta' aġġustament)2013 = Minimu ta' P(EEAG) u 125 % × P(EEG2012)2013

Irkupru2013 : L-irkupru fir-rigward tas-sena 2013

P(Pjan ta' aġġustament)2013 : Pagament dovut skont il-pjan ta' aġġustament għall-2013

P(EEAG)2013 : P(EEG2012)2013

Pagament dovut skont il-Linji Gwida tal-2014 għall-2013: Il-pagament effettiv magħmul abbażi tal-Att tal-EEG 2012 għall-2013

Minħabba l-urġenza u sabiex ikun limitat l-isforz amministrattiv, li huwa stmat bħala għoli ħafna, jeħtieġ li l-ammonti ta' rkupru tal-intrapriżi jiġu kkalkolati biss fuq il-bażi tad-dejta li hija diġà disponibbli għall-BAFA (**). B'hekk, se jsir użu mid-dejta speċifika għall-kumpanija (dwar il-valur gross miżjud skont il-prezzijiet tas-suq, il-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż tal-elettriku) li kienet sottomessa fl-applikazzjonijiet tal-intrapriżi għas-snin 2013 u 2014, iżda li tikkorrespondi għas-sena li għaliha kellha tiġi sottomessal-evidenza (jiġifieri, is-sena kummerċjali tal-2011 għal tnaqqis mogħti fl-2013, kif ukoll is-sena kummerċjali tal-2012 għal tnaqqis mogħti fl-2014). Għaldaqstant, il-kalkolazzjoni hija bbażata fuq il-valur gross miżjud bil-prezzijiet tas-suq, billi d-dejta li tikkonċerna l-valur gross miżjud skont l-ispejjeż tal-fattur mhijiex disponibbli. Barra minn hekk, il-kalkolazzjoni mqabbla għandha tkun ibbażata fuq id-dejta dwar il-konsum tal-elettriku li kienet sottomessa fl-applikazzjonijiet u li tikkorrespondi għas-sena li għaliha kellha tiġi sottomessal-evidenza. Dik id-dejta dwar il-konsum tal-elettriku hija differenti mid-dejta dwar l-elettriku li kien effettivament ikkonsmat fis-sena li għaliha qiegħed jingħata t-tnaqqis.

Is-snin ta' referenza tal-valuri użati:

 

Deċiżjoni tal-BAFA għall-2013

Deċiżjoni tal-BAFA għall-2014

Valur gross miżjud bil-prezzijiet tas-suq

2011

2012

Elettriku kkonsmat

2011

2012

Spejjeż tal-elettriku

2011

2012”


(*)  Nota f'qiegħ il-paġna oriġinali: ‘Die unternehmensbezogenen Daten des Jahres 2013 liegen dem BAFA nicht vor. Unternehmensbezogene Daten des Jahres 2014 existieren naturgemäß noch nicht.’

(**)  Nota f'qiegħ il-paġna oriġinali: ‘Id-dejta speċifika għall-kumpanija għas-sena 2013 mhijiex disponibbli għall-BAFA. Sa issa għadha ma teżisti l-ebda dejta speċifika għall-kumpanija għas-sena 2014.’


ANNESS III

METODU TA' RKUPRU

1.

L-irkupru jkopri biss it-tnaqqis mis-soprataxxa tal-EEG mogħti fir-rigward tas-snin 2013 u 2014 (“is-snin ikkonċernati”).

2.

L-ammont rikuperabbli jkun ekwivalenti, għal kull waħda mis-snin ikkonċernati, għad-differenza bejn l-ammont kompatibbli għal dik is-sena, kif iddeterminat b'konformità mal-paragrafi minn 5 sa 8, u l-ammont ta' soprataxxa tal-EEG li effettivament tħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata, kif iddeterminat b'konformità mal-paragrafi 3 u 4.

L-ammont ta' soprataxxa tal-EEG li effettivament tħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata

3.

L-ammont ta' soprataxxa tal-EEG li effettivament tħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata għandu jinkiseb bl-applikazzjoni tas-soprataxxa mnaqqsa għal dik is-sena għall-konsum tal-elettriku tal-benefiċjarju f'dik l-istess sena.

4.

Permezz ta' deroga tal-paragrafu 3, il-Ġermanja tista', bħala l-ewwel pass, tuża l-konsum tal-elettriku li kien sottomess fl-applikazzjoni tal-benefiċjarju għas-sena kkonċernata sabiex tikkalkula ammont ta' rkupru preliminari. F'dak il-każ, l-ammont ta' rkupru preliminari jiġi rkuprat mingħajr dewmien, u l-Ġermanja, bħala t-tieni pass, tiddetermina l-ammont ta' rkupru finali abbażi tad-dejta dwar il-konsum attwali u tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura l-irkupru jew ir-ripagament abbażi ta' dak l-ammont finali (“mekkaniżmu ta' korrezzjoni”).

L-ammont kompatibbli

5.

Jekk il-benefiċjarju jkun jappartjeni għal xi settur elenkat fl-Anness 3 ta' mal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 185 tal-Linji Gwida tal-2014), jew jekk il-benefiċjarju jkollu intensità elettrika ta' mill-inqas 20 % u jkun jappartjeni għal settur b'intensità kummerċjali ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, anki jekk dan ma jkunx jappartjeni għal xi settur elenkat fl-Anness 3 ta' mal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014), il-benefiċjarju jkun eliġibbli għall-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għall-applikazzjoni tal-punt 186 tal-Linji Gwida tal-2014, tista' tintuża d-dejta sottomessa fl-applikazzjoni magħmula fir-rigward tas-sena kkonċernata.

6.

Jekk il-benefiċjarju jkun eliġibbli abbażi tal-paragrafu 5, l-ammont kompatibbli jkun ekwivalenti għal 15 % tas-soprataxxa tal-EEG mingħajr tnaqqis (il-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014). Madankollu, l-ammont kompatibbli jista' jkun limitat fil-livell tal-intrapriżi għal 4 % tal-valur gross miżjud tal-intrapriża kkonċernata. Barra minn hekk, għall-intrapriżi li jkollhom intensità elettrika ta' mill-inqas 20 %, l-ammont kompatibbli jista' jkun limitat għal 0,5 % tal-valur gross miżjud tal-intrapriża kkonċernata (il-punt 189 tal-Linji Gwida tal-2014). Għall-applikazzjoni tal-punt 189 tal-Linji Gwida tal-2014, tista' tintuża d-dejta sottomessa fl-applikazzjoni magħmula fir-rigward tas-sena kkonċernata.

7.

Jekk il-benefiċjarju ma jkunx eliġibbli abbażi tal-paragrafu 5, l-ammont kompatibbli jkun ekwivalenti għal 20 % tas-soprataxxa tal-EEG mingħajr tnaqqis (il-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014).

8.

Jekk, għal kwalunkwe waħda mis-snin ikkonċernati, l-ammont kompatibbli ddeterminat abbażi tal-paragrafi 6 u 7 ikun ogħla mill-ammont ta' soprataxxa tal-EEG effettivament imħallas mill-benefiċjarju fis-sena kkonċernata, l-ammont kompatibbli jkun limitat kif ġej:

(a)

għall-2013, l-ammont kompatibbli ma jaqbiżx il-125 % tal-ammont ta' soprataxxa tal-EEG effettivament imħallas mill-benefiċjarju fis-sena 2013 (jiġifieri, l-istess sena).

(b)

għall-2014, l-ammont kompatibbli ma jaqbiżx il-150 % tal-ammont ta' soprataxxa tal-EEG effettivament imħallas mill-benefiċjarju fis-sena 2013 (jiġifieri, is-sena ta' qabel).


25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/165


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1586

tas-26 ta' Frar 2015

dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo

(notifikata bid-dokument C(2015) 1281)

(It-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni

(1)

Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Settembru 2012, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dwar il-pjanijiet tagħha li tiffinanzja l-konverżjoni ta' mitjar militari qrib Gdynia fit-Tramuntana tal-Polonja f'ajruport ċivili. Il-miżura ġiet irreġistrata bin-numru SA.35388.

(2)

Permezz ta' ittri datati s-7 ta' Novembru 2012 u s-6 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-miżura nnotifikata. Fis-7 ta' Diċembru 2012 u fil-15 ta' Marzu 2013, il-Polonja ppreżentat informazzjoni addizzjonali. Fis-17 ta' April 2013 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Polonja. F'din il-laqgħa, il-Polonja kkonfermat li l-finanzjament innotifikat kien diġà ngħata b'mod irrevokabbli.

(3)

Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kienet qiegħda tittrasferixxi l-każ lir-reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata minħabba li l-biċċa l-kbira tal-finanzjament innotifikat lill-Kummissjoni kien diġà ngħata b'mod irrevokabbli. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Mejju 2013, il-Polonja ppreżentat aktar informazzjoni.

(4)

Permezz ta' ittra datata t-2 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) (minn hawn 'il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward tal-finanzjament mogħti lil Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo sp. z o. o. (minn hawn 'il quddiem “GdyniaKosakowo Airport Ltd” jew “l-operatur tal-ajruport”) mill-belt ta' Gdynia (minn hawn 'il quddiem “Gdynia”) u mill-muniċipalità ta' Kosakowo (minn hawn 'il quddiem “Kosakowo”). Il-Polonja pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fis-6 ta' Awwissu 2013.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. Il-Polonja ġiet mgħarrfa b'dan permezz ta' ittra datata d-9 ta' Ottubru 2013.

(7)

Permezz ta' ittra datata t-30 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni. Il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta' ittri datati l-4 u l-15 ta' Novembru 2013. Fis-26 ta' Novembru 2013 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Polonja. Il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta' ittri datati t-3 ta' Diċembru 2013 u t-2 ta' Jannar 2014.

(8)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/883/UE (4) li tqis l-għajnuna mill-Istat li l-Polonja kienet ipprovdiet b'mod illeċitu lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd u l-għajnuna mill-Istat li l-Polonja kienet qiegħda tippjana li tipprovdi lil dak l-operatur tal-ajruport bħala inkompatibbli mas-suq intern. Id-Deċiżjoni ordnat lill-Polonja biex tirkupra mingħand Gdynia-Kosakowo Airport Ltd l-għajnuna li diġà kienet ingħatat.

1.2.   Il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-proċess ta' rkupru

(9)

Fid-9 ta' April 2014 Kosakowo, segwita fis-16 ta' April 2014 minn Gdynia u l-operatur tal-ajruport, ikkontestat id-Deċiżjoni 2014/883/UE quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li talbet l-annullament tagħha (5). Ir-rikorrenti sostnew, fost l-oħrajn, li fl-ammont li kellu jiġi rkuprat, il-Kummissjoni kienet inkludiet b'mod żbaljat l-infiq fuq attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(10)

Fit-8 u fid-9 ta' April, rispettivament, Gdynia flimkien mal-operatur tal-ajruport u Kosakowo applikaw għall-miżuri interim f'dawn il-każijiet.

(11)

Fis-7 ta' Mejju 2014, il-Qorti Distrettwali ta' Gdańsk-Polnoc ħarġet deċiżjoni li tiddikjara lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd bħala falluta u li tordna l-likwidazzjoni tagħha. Il-kredituri kollha ġew mistiedna jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom fi żmien tliet xhur. Fil-5 ta' Ġunju 2014 Kosakowo ppreżentat pretensjoni għal PLN 6,28 miljun (daqs EUR 1,57 miljun) u l-imgħax fuqhom. Fit-22 ta' Awwissu 2014 Gdynia ppreżentat pretensjoni għal PLN 85,44 miljun (daqs EUR 21,36 miljun) u l-imgħax fuqhom.

(12)

Ir-rikorsi għall-miżuri provviżorji ġew irrifjutati b'digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta' Awwissu 2014 (6). B'mod partikolari, il-President tal-Qorti Ġenerali ddetermina li d-Deċiżjoni 2014/883/UE ma setgħetx tiġi meqjusa l-kawża determinanti tad-dannu li rriżulta mill-falliment ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, dment li l-kumpanija nnifisha kienet iddikjarat falliment ferm qabel ma l-awtoritajiet Pollakki adottaw miżuri vinkolanti biex jeżegwixxu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(13)

Fil-15 ta' Ottubru 2014, il-Polonja interveniet fiż-żewġ każijiet prinċipali billi talbet li d-Deċiżjoni 2014/883/UE għandha tiġi annullata fir-rigward tal-irkupru tar-riżorsi finanzjarji allokati lill-operatur tal-ajruport u li ntużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, kif deskritt fil-punt 3.1.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(14)

Skont informazzjoni pprovduta mill-Polonja, matul il-proċedura ta' falliment li għaddejja u li tinvolvi l-likwidazzjoni tal-assi tal-kumpanija, l-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo qiegħed jiġi ġestit minn fiduċjarju (7).

1.3.   L-irtirar

(15)

Matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, deher biċ-ċar li l-għajnuna ddikjarata mid-Deċiżjoni 2014/88/UE bħala inkompatibbli mas-suq intern tinkludi ċerti investimenti li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(16)

Fil-fatt, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri kien jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, l-investigazzjoni formali ma kellhiex x'taqsam ma' dan l-investiment.

(17)

Madankollu, fid-Deċiżjoni 2014/883/UE, il-Kummissjoni rriżultalha li l-liġi Pollakka kienet tobbliga lill-operaturi tal-ajruport li jiffinanzjaw tali investiment mir-riżorsi proprji tagħhom. Għaldaqstant operatur tas-suq privat jikkunsidra dawn il-kostijiet meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jinvestix jew le fl-ajruport (bħalma sar fl-istudju ppreżentat mill-Polonja), u finanzjament pubbliku ta' dan l-investiment jaf jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(18)

Ġaladarba d-deċiżjoni tal-ftuħ ikkonkludiet li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li m'għandhiex tikkontesta dik il-konklużjoni fid-deċiżjoni finali dwar il-miżura. Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2014/883/UE għandha tiġi rtirata u sostitwita b'din id-Deċiżjoni. Billi l-elementi kollha neċessarji għall-valutazzjoni tal-miżura huma preżenti fil-fajl, ma hemmx għalfejn terġa' tinfetaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U R-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

2.1.   L-isfond tal-investigazzjoni

(19)

Il-każ jikkonċerna l-finanzjament ta' ajruport ċivili ġdid f'Pomerania (il-provinċja ta' Pomorskie), fuq il-fruntiera bejn il-belt ta' Gdynia u l-muniċipalità ta' Kosakowo, 25 kilometru bogħod mill-ajruport ta' Gdańsk (8). L-ajruport il-ġdid huwa ġestit minn Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. L-operatur tal-ajruport huwa interament proprjetà tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo.

(20)

L-għan tal-proġett ta' investiment huwa li joħloq it-tieni ajruport għal Pomerania, li jkun ibbażat fuq l-infrastruttura ta' mitjar militari li jinsab f'Kosakowo (9). L-ajruport il-ġdid primarjament għandu jilqa' t-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali (eż. jets privati, gliders/inġenji tal-ajru ħfief intiżi għall-isport), trasportaturi bi prezzijiet baxxi (minn hawn 'il quddiem “LCC”, low-cost carriers) u titjiriet charter. Fil-mument tan-notifika, l-ajruport kien mistenni jibda jopera fil-bidu tal-2014. Rapport ippubblikat fl-2012 minn PricewaterhouseCoopers (minn hawn 'il quddiem “PWC”) ipprovda l-previżjonijiet li ġejjin għat-traffiku tal-passiġġieri matul l-ewwel snin tal-operat: madwar […] fl-2014, […] fl-2017, […] fl-2020 u madwar […] fl-2028.

(21)

L-oriġini tal-proġett imorru lura għal April tal-2005, meta diversi awtoritajiet reġjonali, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali u rappreżentanti tal-ajruport ta' Gdańsk (10) iffirmaw ittra ta' intenzjoni sabiex jinħoloq ajruport ġdid għal Pomerania, li jkun ibbażat fuq l-infrastruttura tal-mitjar militari f'Kosakowo.

(22)

Skont dik l-ittra, l-amministrazzjoni tal-Ajruport futur ta' Gdynia-Kosakowo kellha tkun fdata lill-ajruport ta' Gdańsk. Id-deċiżjoni ġiet approvata mill-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali f'Awwissu tal-2006.

(23)

F'Lulju tal-2007, l-awtoritajiet lokali fi Gdynia u Kosakowo waqqfu kumpanija msejħa Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. F'Diċembru tal-2009, Gdynia u Kosakowo kisbu l-qbil tal-Ministeru tat-Trasport li Gdynia-Kosakowo Airport Ltd tkun, minn hemm 'il quddiem, responsabbli mill-ajruport il-ġdid.

(24)

Fl-10 ta' Lulju 2008, il-Parlament Pollakk adotta emenda (11) għall-Att tat-30 ta' Mejju 1996 dwar il-ġestjoni ta' ċerti assi tat-Teżor tal-Istat u tal-Aġenżija tal-Proprjetà Militari (minn hawn 'il quddiem “l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat”) li ppermettiet il-konverżjoni ta' mtajar f'ajruporti ċivili.

(25)

Fl-24 ta' Diċembru 2008. il-Gvern Pollakk adotta att ta' implimentazzjoni għall-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat (minn hawn 'il quddiem “l-att ta' implimentazzjoni”), li jinkludi lista ta' mtajjar militari jew partijiet minnhom li jistgħu jintużaw għat-twaqqif jew għall-estensjoni tal-ajruporti ċivili. L-att ta' implimentazzjoni telenka l-mitjar militari ta' Gdynia-Kosakowo (b'mod aktar speċifiku, partijiet minnu) fost l-imtajjar militari li jistgħu, skont l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, jinkrew lil awtorità lokali għall-perjodu ta' minn tal-inqas 30 sena bl-iskop uniku li jitwaqqaf jew ikun estiż ajruport ċivili. L-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, jispeċifika li awtorità lokali, jekk tiddeċiedi li ma twaqqafx ajruport weħidha, tista' tkompli tikri fit-tul jew tikri l-proprjetà mikrija għall-perjodu ta' minn tal-inqas 30 sena lil entità li twaqqaf jew li ġġesti ajruport ċivili.

(26)

Skont l-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat, u l-att ta' implimentazzjoni. fid-9 ta' Settembru 2010, il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie, bħala rappreżentant tat-Teżor tal-Istat, ikkonkluda ftehim ta' kiri (mid-9 ta' Settembru 2010 sad-9 ta' Settembru 2040) ma' Kosakowo dwar is-sit ta' 253 ettaru li fih jinsab il-mitjar militari. Skont il-ftehim ta' kiri, Kosakowo hija obbligata li titrasferixxi 30 % tal-kera lill-Fond ta' Modernizzazzjoni tal-Forzi Armati (12).

(27)

Fil-11 ta' Marzu 2011, Kosakowo kriet fit-tul l-art għal 30 sena (sad-9 ta' Settembru 2040) lill-operatur tal-ajruport Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Il-ftehim ta' lokazzjoni jistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u l-ammont ta' kera li trid titħallas mill-operatur tal-ajruport lil Kosakowo.

(28)

Fi ftehim ieħor iffirmat fil-11 ta' Marzu 2011, l-azzjonisti (Gdynia u Kosakowo) stipulaw il-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-investiment fit-twaqqif ta' ajruport ċivili. F'dan il-ftehim, Gdynia wegħdet li tinjetta total ta' PLN 59 miljun matul il-perjodu 2011-2013. Min-naħa tagħha, Kosakowo wegħdet li tipprovdi kontribuzzjoni mhux fi flus fl-għamla ta' tpartit ta' dejn ma' ekwità matul il-perjodu 2011-2040.

(29)

Barra minn hekk, fis-7 ta' Marzu 2011, ġie ffirmat ftehim operattiv mal-utent militari tal-ajruport bl-iskop li jiġu stipulati regoli dwar l-użu kondiviż tal-ajruport u l-infrastruttura tiegħu minn Gdynia-Kosakowo Airport Ltd u l-utent militari (13).

Il-proġett ta' investiment  (14)

(30)

Minħabba li l-mitjar eżistenti ta' Gdynia-Kosakowo (Gdynia-Oksywie) oriġinarjament kien jintuża esklussivament għal skopijiet militari, huwa possibbli li l-operatur tal-ajruport il-ġdid juża l-infrastruttura eżistenti (bħal runway ta' 2 500 metru, taxiways, żona asfaltata, tagħmir ta' navigazzjoni eċċ.). Il-kost totali tal-investiment fil-proġett ta' konverżjoni huwa stmat għal PLN 164,9 miljun (EUR 41,2 miljun (15)) f'termini nominali u PLN 148,4 miljun (EUR 37,1 miljun) f'termini reali. It-tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp gradwali tal-ajruport, li huwa maqsum f'erba' fażijiet. Fl-opinjoni tal-Polonja, il-kost totali tal-investiment jinkludi wkoll investimenti relatati mat-twettiq ta' kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku (16), li b'kollox jammontaw għal madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun) (għall-erba' fażijiet kollha).

Tabella 1

Il-kost nominali totali ta' investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo fl-2007-2030

Il-proġett ta' investiment

 

Kostijiet f'PLN miljuni

Kostijiet f'EUR miljuni

Fażi I: 2007 - 2011

[…]

[…]

Xogħlijiet preparatorji (eż. tindif tal-ġnub, tneħħija ta' bini antik u siġar) u studji tal-fattibilità, ippjanar

 

 

Fażi II: 2012 - 2013

[…]

[…]

Terminal (li għandu jitlesta f'Ġunju 2013 u użat inizjalment għall-Avjazzjoni Ġenerali

Bini għall-amministrazzjoni tal-ajruport u l-brigata tat-tifi tan-nar

Rinnovazzjoni taż-żona asfaltata,

Infrastruttura tal-enerġija, dwal tan-navigazzjoni u ċint tal-wajer tal-ajruport

Manutenzjoni tal-ajruport u tagħmir tas-sigurtà

Aġġustament tat-tagħmir tan-navigazzjoni

Toroq ta' aċċess, pompa tal-petrol u parkeġġ għall-karozzi

 

 

Fażi III: 2014 - 2019

[…]

[…]

Investimenti meħtieġa biex jakkomodaw ajruplani kbar (eż. Boeing 737 jew Airbus A320), bħal estensjoni tal-mogħdija ta' taxi, żona asfaltata u tagħmir tal-ajruport

Investimenti oħrajn orjentati lejn is-servizz tal-passiġġieri (eż. estensjoni tal-parkeġġ għall-karozzi)

 

 

Fażi IV: 2020 - 2030

[…]

[…]

Espansjoni tat-Terminal

Estensjoni tal-bini tal-amministrazzjoni tal-ajruport u tal-brigata tat-tifi tan-nar

Estensjoni taż-żoni asfaltati, mogħdijiet ta' taxi u parkeġġi għall-karozzi

 

 

Kostijiet totali tal-investiment

164,90

41,02

Sors: informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

Il-finanzjament tal-proġett ta' investiment

(31)

Il-proġett ta' investiment qiegħed jiġi ffinanzjat permezz ta' injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti pubbliċi (jiġifieri Gdynia u Kosakowo). L-injezzjonijiet ta' kapital huma intiżi biex ikopru kemm il-kostijiet tal-investiment kif ukoll il-kostijiet operattivi tal-ajruport matul il-fażi inizjali tal-operat tiegħu (jiġifieri l-perjodu sal-aħħar tal-2019). L-azzjonisti pubbliċi qegħdin jistennew li l-operatur tal-ajruport jibda jiġġenera profitt u b'hekk ikun jista' jiffinanzja l-attivitajiet kollha tiegħu mid-dħul tiegħu stess fl-2020.

(32)

Qabel ma l-proġett ġie nnotifikat lill-Kummissjoni (jiġifieri qabel is-7 ta' Settembru 2012), l-azzjonisti pubbliċi f'Gdynia-Kosakowo Airport Ltd qablu li jikkontribwixxu total ta' madwar PLN 207,48 miljun (17) (madwar EUR 51,87 miljun) għall-finijiet tat-twettiq tal-proġett ta' investiment u sabiex ikopru t-telf tal-ajruport fl-ewwel snin tal-operat tiegħu. Gdynia kellha tikkontribwixxi PLN 142,48 miljun (madwar EUR 35,62 miljun) fi flus likwidi matul is-snin 2007-2019. Kosakowo pprovdiet kontribuzzjoni fi flus ta' PLN 0,1 miljun (EUR 25 000) meta twaqqfet il-kumpanija. Fis-snin 2011-2040, Kosakowo kellha wkoll tagħti kontribuzzjoni mhux fi flus ta' PLN 64,9 miljun (madwar EUR 16,2 miljun) billi tpartat parti mill-kera annwali pagabbli mill-ajruport ta' Gdynia skont il-lokazzjoni għal ishma fl-ajruport (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Il-finanzjament tal-proġett ta' investiment permezz ta' żidiet ta' kapital

 

PLN miljuni

EUR miljuni

Qabel it-18 ta' Ġunju 2012

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Gdynia

60,73

15,18

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Kosakowo

0,10

0,03

Tpartit ta' dejn ma' ekwità ta' Kosakowo

3,98

1,00

Il-kontribuzzjonijiet totali qabel it-18 ta' Ġunju 2012

64,81

16,20

Previst wara t-18 ta' Ġunju 2012

Injezzjonijiet ta' kapital fi flus ta' Gdynia

81,75

20,44

li minnhom:

 

 

fl-2013

29,90

7,48

fl-2014

[…]

[…]

fl-2015

[…]

[…]

fl-2016

[…]

[…]

fl-2017

[…]

[…]

fl-2018

[…]

[…]

fl-2019

[…]

[…]

Tpartit ta' dejn ma' ekwità ta' Kosakowo:

60,92

15,23

li minnhom:

 

 

fl-2013-2039 (27*[…] PLN)

[…]

[…]

fl-2040

[…]

[…]

Il-kontribuzzjonijiet totali previsti wara t-18 ta' Ġunju 2012

142,67

35,67

Il-kapital totali previst għal Gdynia-Kosakowo Airport Ltd

207,48

51,87

Sors: abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

2.2.   Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u l-valutazzjoni inizjali

2.2.1.   Il-Konklużjoni

(33)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ qajmet il-mistoqsijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, jekk il-finanzjament pubbliku tal-proġett ta' investiment huwiex konformi mal-Prinċipju tal-Investitur f'Ekonomija tas-Suq (Market Economy Investor Principle) (minn hawn 'il quddiem “il-MEIP”), b'mod partikolari fir-rigward ta' (i) l-applikazzjoni f'waqtha tal-MEIP, il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-MEIP u (ii) jekk l-analiżi tal-MEIP imwettqa mill-awtoritajiet Pollakki li twassal għal Valur Preżenti Nett (Net Present Value) (minn hawn 'il quddiem “in-NPV”) (18) pożittiv hijiex ibbażata fuq suppożizzjonijiet realistiċi u affidabbli.

It-tieni nett, jekk l-għajnuna operatorja u dik għall-investiment lill-ajruport ta' Gdynia tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

2.2.2.   L-applikazzjoni tal-MEIP

(34)

Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-istudju tal-MEIP imwettaq fl-2012, jiġifieri wara li l-azzjonisti pubbliċi ħadu d-deċiżjoni irrevokabbli li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-ajruport, jistax jintuża sabiex tiġi vvalutata l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar kemm ix-xenarju kontrofattwali, li fih l-investiment huwa preżunt bħala li ntemm fl-2012, kien xieraq.

(35)

Minħabba li l-ajruport ta' Gdynia għandu jsegwi mudell kummerċjali simili (li jiffoka fuq l-LCC, it-titjiriet charter u l-avjazzjoni ġenerali) għall-ajruport eżistenti ta' Gdańsk, li għad għandu kapaċità vakanti u aktar pjanijiet ta' espansjoni u li jinsab biss 25 km bogħod, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-previżjoni tad-dħul għall-ajruport ta' Gdynia kinitx ibbażata fuq suppożizzjonijiet realistiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' imposti tal-ajruport u l-livell tat-traffiku tal-passiġġieri mistenni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni rrimarkat li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia kien ippreveda ħlas ogħla għall-passiġġieri minn dak applikat, wara t-tnaqqis tal-iskontijiet/ribassi, fl-ajruport ta' Gdańsk u f'ajruporti reġjonali komparabbli oħrajn fil-Polonja.

(36)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji wkoll dwar jekk il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju kkunsidrax l-inċentivi ppjanati kollha (bħal appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni, ribassi, jew kull inċentiv ieħor għall-iżvilupp tar-rotot, eċċ.) li għandhom jingħataw direttament mill-ajruport ta' Gdynia, mill-azzjonisti tiegħu jew minn awtoritajiet reġjonali oħrajn sabiex iħeġġu lill-kumpaniji tal-ajru jistabbilixxu rotot ġodda mill-ajruport.

(37)

Billi r-rata ta' tkabbir ta' impriża ġeneralment ma tkunx ogħla minn dik tal-ekonomija fejn topera (jiġifieri f'termini ta' tkabbir tal-PDG), il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk ir-rata ta' tkabbir tal-fatturat ta' […] użata biex jiġi kkalkolat il-Valur Terminali hijiex adegwata (19). Dan id-dubju jaffettwa direttament il-valutazzjoni tal-profittabilità tal-proġett ta' investiment, billi l-valur tal-ekwità tal-ajruport il-ġdid isir pożittiv biss fid-dawl tal-valur terminali tal-proġett mill-2040 (il-flussi tal-flus skontati kumulattivi fuq il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040 huma negattivi).

(38)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-finanzjament pubbliku għall-proġett ta' investiment jagħti lok għal benefiċċji ekonomiċi selettivi lill-operatur tal-ajruport ta' Gdynia. Il-finanzjament pubbliku ngħata wkoll mir-riżorsi tal-Istat u huwa imputabbli lill-Istat. Barra minn hekk, dan ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Billi l-kriterji kumulattivi kollha għall-kunċett ta' għajnuna ġew issodisfati, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-finanzjament pubbliku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.2.3   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(39)

Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna operatorja u dik għall-investiment lill-operatur tal-ajruport tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(40)

Fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ġewx issodisfati l-kriterji ta' kompatibbiltà kollha stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 għall-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti (20). B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-investiment inkwistjoni jissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, jekk l-infrastruttura hijiex neċessarja u proporzjonali u jekk toffrix prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ kienx kompatibbli mal-interess komuni.

(41)

Fir-rigward tal-għajnuna operatorja fl-għamla ta' finanzjament għat-telf operattiv ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd matul l-ewwel snin tal-operat tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk tali għajnuna kinitx tikkwalifika għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna operatorja tistax titqies bħala kompatibbli skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (21) (minn hawn 'il quddiem “ir-RAG”).

3.   IL-KUMMENTI TAL-POLONJA

3.1.   L-applikazzjoni tal-MEIP u l-eżistenza tal-għajnuna

(42)

Il-Polonja żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-finanzjament pubbliku tal-investiment fl-ajruport ta' Gdynia huwa konformi mal-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq (market economy investor principle, MEIP) u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. F'dan ir-rigward, il-Polonja tirreferi għall-istudji dwar il-MEIP imwettqa għall-investiment fis-snin 2010-2012. Il-Polonja ssostni li l-istudji kollha dwar il-MEIP irriżultaw f'valur preżenti nett pożittiv u f'rata ta' redditu interna (22) (minn hawn 'il quddiem “l-IRR”, internal rate of return) ogħla mill-kostijiet tal-kapital.

3.1.1.   Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-solidità metodoloġika tal-istudju dwar il-MEIP

(43)

Il-Polonja tispjega li d-diskussjonijiet u l-ħidma fuq il-konverżjoni tal-mitjar militari ta' Gdynia/Kosakowo f'ajruport ċivili bdew lura fl-2005. F'dak iż-żmien kienu involuti msieħba oħrajn (bħall-ajruport ta' Gdańsk). Il-Polonja tispjega wkoll li fl-2007 Gdynia u Kosakowo waqqfu l-kumpanija Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, li minn hemm 'il quddiem kienet responsabbli għall-investiment.

(44)

Matul il-proċedimenti, il-Polonja ssottomettiet tliet studji dwar il-MEIP imwettqa minn PWC. L-ewwel studju dwar il-MEIP (datat is-16 ta' Lulju 2010, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2010”) sar f'Lulju tal-2010. Sussegwentement, PWC ipproduċiet żewġ aġġornamenti għall-MEIP: l-ewwel wieħed f'Mejju tal-2011 (datat it-13 ta' Mejju 2011, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2011”) u t-tieni wieħed f'Lulju tal-2012 (datat it-13 ta' Lulju 2012, minn hawn 'il quddiem “l-istudju dwar il-MEIP tal-2012”). Dawn l-aġġornamenti jinkorporaw projezzjonijiet ġodda għat-traffiku tal-passiġġieri, bidliet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett, bidliet fil-figuri tal-investiment u bidliet fil-metodoloġija u l-inputs bażiċi fil-kalkoli tan-NPV (bħall-beta u r-rata ta' skont). F'Novembru tal-2013, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni li tissuġġerixxi li sorsi ġodda ta' dħul (jiġifieri l-bejgħ tal-karburant u l-provvista ta' servizzi ta' navigazzjoni) itejbu n-NPV tal-proġett. Sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja kienet ippreżentat biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(45)

Il-Polonja tispjega wkoll il-qafas ta' żmien għall-proġett ta' investiment ta' Gdynia u Kosakowo fl-ajruport ta' Gdynia. F'dan ir-rigward, il-Polonja tenfasizza li l-proċess ta' investiment jista' jinqasam f'żewġ stadji ta' implimentazzjoni tal-proġett:

i.   L-ewwel stadju (2007-2009) kopra x-xogħlijiet preparatorji u l-istudji dwar il-fattibbiltà bl-iskop li jitwaqqaf l-ajruport il-ġdid (dan huwa relatat mal-Fażi 1, kif deskritt fit-Tabella 1):

(46)

Il-Polonja tispjega li matul l-ewwel fażi il-kumpanija stabbilita minn Gdynia u Kosakowo wettqet kompiti preparatorji (pereżempju t-tħejjija ta' pjan prinċipali għall-investiment, id-dokumenti neċessarji sabiex jinkiseb l-istatus ta' operatur tal-ajruport, rapport dwar l-impatt ambjentali tal-investiment, id-dokumentazzjoni tad-disinn, eċċ.).

(47)

Il-Polonja ssostni li ma kien hemm ebda investiment ta' kapital sinifikanti matul l-ewwel fażi u li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-operatur tal-ajruport kien konformi mar-regoli dwar l-għajnuna de minimis  (23). Il-Polonja ssostni li l-injezzjonijiet ta' kapital fil-kumpanija qabel is-26 ta' Ġunju 2009 kienu jammontaw għal total ta' PLN 1,691 miljun (madwar EUR 423 000).

ii.   It-tieni fażi (mill-2010 'il quddiem) kienet tikkonċerna l-konverżjoni proprja tal-ajruport (din hija relatata mal-Fażijiet II sa IV, kif deskritt fit-Tabella 1):

(48)

Il-Polonja tkompli billi tispjega li l-ewwel fażi preparatorja ġiet fi tmiemha fl-2010, meta ġew iffinalizzati kemm il-pjan prinċipali (24) kif ukoll l-ewwel studju dwar il-MEIP tal-2010 għall-ajruport ta' Gdynia. Il-Polonja tirrimarka li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 wera li l-investiment miż-żewġ awtoritajiet lokali għandu jitwettaq fuq it-termini tas-suq (jiġifieri ma jkunx jirrappreżenta għajnuna mill-Istat), filwaqt li jżid il-kapital azzjonarju tal-kumpanija għal PLN 6,05 miljun (madwar EUR 1,5 miljun).

(49)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010 ikkalkola n-NPV għall-proġett ta' investiment bl-użu tal-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (free cash flow to the firm, FCFF) (25). Dan il-kalkolu tan-NPV huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-injezzjonijiet ta' kapital kollha previsti fil-pjan ta' investiment għandhom isiru sabiex jiġi implimentat il-proġett ta' investiment. Dan il-metodu ta' valutazzjoni jintuża sabiex jiġu kkalkolati l-flussi tal-flus lid-detenturi kollha tal-kapital fl-impriża (kemm id-detenturi tal-ekwità kif ukoll id-detenturi tal-bonds) fil-perjodu ta' projezzjoni. Il-projezzjonijiet tal-fluss tal-flus imbagħad jiġu skontati permezz tal-kost medju ponderat tal-kapital (weighted average cost of capital, WACC) (26) bl-għan li jinkiseb il-fluss tal-flus skontat (discounted cash flow, DCF) tal-impriża fil-perjodu ta' projezzjoni. Il-valur terminali mbagħad jiġi kkalkolat bl-użu tal-metodu ta' tkabbir perpetwu (li jassumi direzzjoni ta' tkabbir stabbli abbażi tal-FCFF mill-aktar perjodu ta' projeżżjoni riċenti). In-NPV huwa bbażat fuq is-somma tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni u l-valur terminali. F'dan il-każ, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 pprovda estimi tal-fluss tal-flus għall-perjodu 2010-2040 bl-użu ta' WACC ta' […] % (27). Bl-użu ta' dawn l-inputs, l-istudju pproduċa DCF ta' minus PLN […] miljun (EUR […] miljun) għall-perjodu 2010-2040 u valur terminali (skontat) ta' madwar PLN […] miljun (EUR […] miljun). Għaldaqstant, in-NPV tal-proġett globali huwa stmat għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun), dment li l-ajruport ser jiġġenera profitt stabbli perpetwu, mill-2040, b'rata ta' tkabbir ta' […] % fis-sena.

(50)

Il-Polonja żżid li fl-istess ħin, minkejja li l-istudju dwar il-MEIP wera li l-investiment ma kien jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, l-azzjonisti kienu bdew iħejju notifika lill-Kummissjoni li kellha tiġi ppreżentata għal raġunijiet ta' ċertezza legali biss.

(51)

Il-Polonja tkompli tispjega li f'Mejju tal-2011 twettaq studju ġdid dwar il-MEIP. Il-Polonja ssostni li dan l-istudju dwar il-MEIP kien aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, li kien sar fid-dawl tal-progress tat-tħejjijiet u d-disponibbiltà ta' dejta aktar preċiża dwar il-pjan ta' investiment, l-iskeda ta' żmien u l-finanzjament tiegħu. Il-Polonja tispjega li fil-perjodu bejn it-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2011:

fil-11 ta' Marzu 2011, l-azzjonisti ffirmaw ftehim li jistipula l-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-investiment fit-twaqqif ta' ajruport ċivili. F'dan il-ftehim, Gdynia wegħdet li tinjetta total ta' PLN 59 miljun matul il-perjodu 20112013. Min-naħa tagħha, Kosakowo wegħdet li tipprovdi kontribuzzjoni mhux fi flus fl-għamla ta' tpartit ta' dejn ma' ekwità (kif deskritt fit-Tabella 2) matul il-perjodu 2011-2040;

dakinhar, fil-11 ta' Marzu 2011, il-kumpanija responsabbli mit-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo kkonkludiet ftehim ta' lokazzjoni ma' Kosakowo għall-art (li jispeċifika l-ambitu tal-art mikrija, il-kundizzjonijiet għall-pagamenti tal-lokazzjoni, kwistjonijiet fiskali, eċċ.);

il-kostijiet tal-investiment inklużi fil-pjan ta' investiment ġew speċifikati u aġġornati.

(52)

Il-Polonja tispjega li l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 ipproduċa wkoll NPV pożittiv. Il-Polonja ssostni wkoll li l-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport għamlu injezzjonijiet ta' kapital sussegwenti fuq din il-bażi. Il-Polonja tirrimarka li l-ekwità tal-kumpanija (il-kapital proprju) żdiedet għal PLN 33,801 miljun (EUR 8,45 miljun) f'Lulju tal-2011 u għal PLN 64,810 miljun (EUR 16,20 miljun) f'April tal-2013.

(53)

Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-DCF ġie kkalkolat abbażi tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni 2011-2040. Id-DCF aġġornat kien ta' PLN (– […]) miljun (EUR […] miljun), li jissuġġerixxi telf akbar, filwaqt li l-valur terminali tnaqqas għal PLN […] miljun (madwar EUR […] miljun). Għalhekk, in-NPV tnaqqas għal PLN […] miljun (jew inqas minn EUR […] miljun). Il-WACC tnaqqas għal […] % (28) u r-rata ta' tkabbir stabbli għall-valur terminali tnaqqset minn […] % għal […] %. Dawn il-kalkoli eskludew in-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku, li jfisser li l-projezzjonijiet dwar il-profittabilità tal-investiment ma jikkunsidrawx il-kapital neċessarju sabiex tkun iffinanzjata l-parti tal-infrastruttura ddikjarata li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(54)

Il-Polonja ssostni li bidla fis-sitwazzjoni makroekonomika (il-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fl-attività ekonomika) wasslet sabiex il-proġett jiġi vvalutat mill-ġdid fl-2012, li rriżulta fi studju ġdid dwar il-MEIP (jiġifieri l-istudju dwar il-MEIP tal-2012). Il-Polonja ssostni li l-bidliet li ġejjin fir-rigward tas-suppożizzjonijiet fl-istudji preċedenti dwar il-MEIP saru għall-finijiet tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012:

Kien hemm tnaqqis fit-tbassir tat-traffiku tal-passiġġieri għall-ajruport ta' Gdynia.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-investiment tnaqqas, tant li l-kostijiet tal-investiment naqsu b'PLN […] miljun (EUR […] miljun).

L-idea li jinbena terminal prinċipali (flimkien mal-iżvilupp relatat tal-infrastruttura tat-toroq u l-parkeġġi għall-karozzi) ġiet abbandunata. Minflok, ġie deċiż li l-kapaċità tat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali tiġi estiża bi […] % fit-tieni fażi tal-investiment.

Wara li ġiet ivverifikata s-sitwazzjoni fis-suq, il-kostijiet tal-investiment relatati mas-sigurtà kellhom jiżdiedu bi PLN […] miljun (EUR […] miljun).

It-tnaqqis fl-investiment wassal għal perjodu iqsar ta' rkupru tal-kost tal-investiment (f'termini nominali, b'[…] snin, minn […] snin u […] xhur għal […] snin u […] xhur).

(55)

Il-Polonja tgħid ukoll li l-metodoloġija użata għall-istudji preċedenti dwar l-MEIP ġiet immodifikata għall-finijiet tal-istudju dwar l-MEIP tal-2012:

Sabiex tkun riflessa aħjar l-istruttura tal-finanzjament u l-kost tal-ħlas tal-imgħax fuq id-dejn, il-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (minn hawn 'il quddiem “il-FCFF”) ġie sostitwit mill-metodu tal-fluss tal-flus disponibbli mal-ekwità (minn hawn 'il quddiem “il-FCFE”, free cash flow to equity) (29).

Wara l-bidliet li saru fis-suq finanzjarju (tat-titoli), ir-rata tal-imgħax bla riskju u l-fattur beta ġew aġġornati. Barra minn hekk, il-kumpaniji minn barra l-Ewropa ġew eliminati mill-analiżi komparattiva. Dan irriżulta f'rata ta' skont ġdida.

Ir-rata ta' skont għall-ikkalkolar tan-NPV ġiet stabbilita abbażi ta' analiżi ta' kumpaniji komparabbli, li tkopri kemm il-kumpaniji tal-ajruport kif ukoll il-kumpaniji li jipprovdu servizzi fl-ajruporti (li r-riżultati finanzjarji tagħhom huma kkorrelati mill-qrib mar-rendiment tal-kumpaniji tal-ajruport) (30).

Kien preżunt li l-proġett għandu jiġi ffinanzjat primarjament mir-riżorsi tal-azzjonisti u mbagħad minn sorsi esterni (self ta' kapital tax-xogħol) u dħul operattiv.

(56)

Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-DCF ġie kkalkolat abbażi tad-DCF għall-perjodu ta' projezzjoni 2012-2030 (jiġifieri l-perjodu ta' projezzjoni użat għall-istudju preċedenti tnaqqas b'10 snin). Id-DCF aġġornat kien jammonta għal PLN (– […] miljun) (madwar EUR (– […]) miljun), filwaqt li l-valur terminali għadda minn żieda sinifikanti, fejn żdied għal PLN […] miljun (EUR […] miljun). Imbagħad tnaqqas il-valur kapitalizzat tal-investimenti li kienu saru diġà (PLN […] miljun). Kif aġġornat fl-2012, in-NPV kien jammonta għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun). Sabiex jiġi kkalkolat in-NPV, intuża kost tal-ekwità ta' […] % (31) u r-rata ta' tkabbir stabbli għall-kalkolu tal-valur terminali kompliet titnaqqas minn […] % għal […] %.

(57)

Il-Polonja tirrimarka li r-riżultati tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 xorta kienu pożittivi u wasslu għal aktar injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti. Il-Polonja sostniet li l-kapital tal-kumpanija żdied għal PLN 91,310 miljun (EUR 22,8 miljun) sa April tal-2013 u ma reġax inbidel fl-2013, kif spjegat fil-qosor fit-Tabella 3.

Tabella 3

Żidiet fil-kapital tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia minn Gdynia u Kosakowo

Data tad-deċiżjoni tad-dħul fir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali

Data tar-riżoluzzjoni dwar iż-żieda fil-kapital

Isem tal-azzjonist

Suġġett tar-riżoluzzjoni

Valur tal-ishma

Kapital azzjonarju

Kwota kumulattiva fiż-żidiet totali tal-kapitalli saru sa tmiem l-2013

(PLN miljun)

(PLN miljun)

28.8.2007

23.7.2007

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,030

0,030

0,03 %

28.8.2007

23.7.2007

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

0,020

0,050

0,05 %

4.3.2008

6.12.2007

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,120

0,170

0,19 %

4.3.2008

6.12.2007

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

0,080

0,250

0,27 %

11.9.2008

21.7.2008

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

0,500

0,750

0,82 %

28.7.2009

26.6.2009

Gdynia

404 ishma proprjetà tal-Muniċipalità ta' Gdynia ġew ikkanċellati mingħajr kunsiderazzjoni tal-azzjonist

– 0,404

0,346

0,38 %

28.7.2009

26.6.2009

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

1,345

1,691

1,85 %

8.12.2010

29.7.2010

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

4,361

6,052

6,63 %

8.7.2011

7.6.2011

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

25,970

32,022

35,07 %

1.9.2011

26.7.2011

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

1,779

33,801

37,02 %

25.4.2012

5.4.2012

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

28,809

62,610

68,57 %

25.4.2012

5.4.2012

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

2,200

64,810

70,98 %

27.5.2013

8.4.2013

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

4,269

69,079

75,65 %

27.5.2013

8.4.2013

Kosakowo

ħolqien ta' ishma ġodda

2,200

71,279

78,06 %

17.6.2013

25.4.2013

Gdynia

ħolqien ta' ishma ġodda

20,031

91,310

100,00 %

Sors: informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

(58)

Fil-qosor, il-Polonja tgħid li filwaqt li l-awtoritajiet lokali ilhom sa mill-2005 li ħadu passi preliminari sabiex iwaqqfu l-ajruport ta' Gdynia, il-proġett ma ssawwarx fl-għamla finali tiegħu qabel it-tħejjija tal-pjan prinċipali u l-ewwel studju dwar il-MEIP, jiġifieri fl-2010. Il-Polonja tispjega li s-suppożizzjonijiet inizjali tal-proġett kienu sostanzjalment riveduti bħala riżultat tal-bidliet fiċ-ċirkostanzi esterni. Il-Polonja tisħaq li d-deċiżjoni finali tal-azzjonisti pubbliċi dwar l-implimentazzjoni tal-proġett u l-forma finali ttieħdet fl-2012. Il-Polonja tenfasizza wkoll li t-tliet verżjonijiet kollha tal-istudju dwar il-MEIP ikkonfermaw il-vijabbiltà tal-proġett u wrew li l-proġett seta' jitwettaq minn investitur f'ekonomija tas-suq.

(59)

Dwar ix-xenarju kontrofattwali, il-Polonja tisħaq li l-liġi nazzjonali intitolat lil Kosakowo li tuża l-art fejn jinsab l-ajruport ta' Gdynia biss biex twaqqaf ajruport ċivili ġdid. F'dan ir-rigward, il-Polonja tispjega li s-sit fejn jinsab l-ajruport inkera lil Kosakowo għal perjodu ta' 30 sena. Il-Polonja ssostni li l-ftehim ta' kiri jobbliga lil Kosakowo tikri l-art biss lil entità responsabbli mit-twaqqif u/jew mill-operat ta' ajruport ċivili. Skont il-Polonja, l-art setgħet tittieħed lura mill-Istat li kieku Kosakowo ma krietx l-art sabiex fuqha jitwaqqaf ajruport ċivili fi żmien sitt xhur, li kieku l-art intużat għal skopijiet oħrajn jew li kieku l-ajruport ma bediex l-attivitajiet tiegħu fi żmien tliet snin. Billi x-xenarju fejn l-art tal-ajruport ta' Gdynia tintuża/tinkera għal skopijiet oħrajn għajr għall-avjazzjoni ma kienx possibbli, dan ma jistax jintuża sabiex jiġi stabbilit xenarju kontrofattwali.

3.1.2.   L-affidabbiltà tas-suppożizzjonijiet ewlenin għall-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Il-projezzjonijiet tat-traffiku u l-previżjoni tad-dħul

(60)

Il-Polonja tispjega li l-imposti tal-ajruport ippjanati kienu bbażati fuq it-tariffi disponibbli għall-pubbliku applikati minn ajruporti oħrajn bl-għan li ma jfixklux is-suq eżistenti, filwaqt li jiżguraw livell xieraq ta' profittabilità għall-proġett abbażi tal-volum tat-traffiku tal-passiġġieri pprojettat. Skont il-Polonja, l-imposti ma jvarjawx b'mod sinifikanti mill-imposti standard miġbura minn ajruporti żgħar. B'mod partikolari, żewġ ajruporti reġjonali li nfetħu dan l-aħħar, Varsavja-Modlin u Lublin, japplikaw imposti tal-ajruport standard simili għal dawk ipprojettati fl-istudju dwar il-MEIP għall-ajruport ta' Gdynia.

(61)

Bħala tweġiba għall-kumment tal-Kummissjoni li l-imposti previsti għall-ajruport ta' Gdynia (PLN 25 (EUR 6,25) fl-ewwel sentejn għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport u minn hemm 'il quddiem PLN 40 (EUR 10)) huma ogħla mill-imposti skontati applikati fl-ajruport ta' Gdańsk (PLN 24, jiġifieri EUR 6) għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport permezz ta' inġenju tal-ajru tat-tip LCC jekk ikun hemm is-servizz ta' rotta internazzjonali mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa; filwaqt li għal rotta domestika, l-imposta tkun PLN 12,5 (EUR 3,1), il-Polonja tinnota li l-livell tal-imposti fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jirrappreżenta l-medja għall-perjodu kollu ta' projezzjoni (2014-2030), u tikkunsidra l-fatt li fuq terminu ta' żmien twil, l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk ser ikollhom jiżdiedu hekk kif jitjiebu l-istandards tas-servizzi pprovduti fl-ajruport.

(62)

Barra minn hekk, il-Polonja tirrimarka li l-marġini ta' profitt tal-proġett, il-previżjoni riveduta (kemxejn ogħla) tat-traffiku tal-ajru u l-kondiviżjoni ta' xi kostijiet operattivi mill-militar ifissru li l-ajruport ta' Gdynia għandu jkun jista' jżomm imposti mnaqqsa għall-passiġġieri fuq perjodu itwal (l-imposti mnaqqsa jistgħu jiġu applikati sal-aħħar tal-2021), filwaqt li jżomm NPV pożittiv għall-azzjonisti pubbliċi.

(63)

Il-Polonja tisħaq ukoll li l-previżjoni aġġornata (f'Marzu tal-2013) tat-traffiku għal Pomerania tissoponi traffiku ogħla mill-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont l-aħħar ċifri, l-ajruport ta' Gdynia mistenni jilqa' 1 149 978 passiġġier fl-2030, u mhux 1 083 746. Għall-Pomerania b'mod ġenerali, huwa mbassar li n-numru ta' passiġġieri ser jiżdied minn 7,8 għal 9 miljun passiġġier fl-2030.

(64)

Fil-fehma tal-Polonja, dawn iċ-ċifri jikkonfermaw il-vijabilità tal-koeżistenza u l-ħidma konġunta tal-ajruport ta' Gdańsk u tal-ajruport ta' Gdynia fis-suq tal-Pomerania. Huma jikkunsidraw li anke li kieku l-ajruport ta' Gdańsk jiġi estiż sabiex jilħaq il-kapaċità ppjanata ta' sebgħa miljun passiġġier, xorta hemm lok fis-suq tal-avjazzjoni li qiegħed jiżviluppa fil-Pomerania għal ajruport reġjonali żgħir ieħor (b'kapaċità ta' miljun passiġġier) li jkun jikkumplimenta s-servizzi pprovduti mill-ajruport ta' Gdańsk.

Tabella 4

Tqabbil tal-projezzjonijiet tat-traffiku tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u l-projezzjonijiet tat-traffiku aġġornati (Marzu tal-2013) għall-ajruport ta' Gdynia

Sena

Traffiku kummerċjali

Traffiku kummerċjali

Avjazzjoni ġenerali

 

Passiġġieri (000)

Operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru

Operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru

 

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

Abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012

Previżjoni aġġornata

 

Total

Total

Total

Total

Total

Total

2009

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2011

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2013

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2014

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2015

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2016

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2017

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2018

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2019

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2020

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2021

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2022

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2023

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2024

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2025

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2026

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2027

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2028

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2029

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2030

1 083 746

1 149 978

[…]

[…]

[…]

[…]

Sors: abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja.

Kostijiet operattivi (inċentivi lill-kumpaniji tal-ajru, kostijiet relatati mal-operazzjonijiet militari tal-ajruport)

(65)

Il-Polonja tispjega li l-istudju dwar il-MEIP jikkunsidra l-miżuri promozzjonali u kummerċjali tal-ajruport billi jistima:

i.

kostijiet operattivi, liema kostijiet jiġu stmati abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji disponibbli għall-ajruporti maġġuri kollha tal-Polonja,

ii.

kostijiet oħrajn skont it-tip, li huma previsti għall-Ajruport ta' Gdynia f'livell konservattivament għoli, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kostijiet korrispondenti f'ajruporti oħrajn.

(66)

Il-Polonja tgħid ukoll li l-istudju dwar il-MEIP kellu bħala suppożizzjoni li l-kostijiet operattivi kien ser iġarrabhom l-investitur, u għaldaqstant ma jikkunsidra ebda kondiviżjoni tal-kostijiet operattivi mill-utent militari tal-ajruport. Il-Polonja ssostni li d-diviżjoni tal-kostijiet operattivi għall-infrastruttura kondiviża kienet preżunta li kienet […] għan-numru ta' titjiriet ċivili u militari. Il-Polonja tispjega wkoll li l-kostijiet għar-rinnovazzjoni u għat-tiswijiet ser ikunu […]. Il-Polonja tenfasizza li l-adozzjoni tar-regoli dwar l-użu kondiviż tal-ajruport (li għadhom ma ġewx maqbula b'mod formali mal-utent militari tal-ajruport) ser twassal għal tnaqqis ta' mill-inqas […] fil-kostijiet relatati ma' pagi u servizzi ta' partijiet terzi. Skont il-Polonja, l-inklużjoni ta' dan il-fattur fl-istudji dwar il-MEIP kienet twassal għal profittabilità pprojettata ogħla tal-proġett.

Rata ta' tkabbir fuq terminu twil

(67)

Il-Polonja tispjega li r-rata ta' tkabbir ta' […] % adottata fl-istudju dwar il-MEIP tirreferi għall-valur terminali f'termini nominali.

(68)

Il-Polonja ssostni wkoll li r-rata ta' tkabbir ta' […] % hija ugwali għall-mira tal-inflazzjoni stabbilita għall-Polonja mill-Kunsill tal-Politika Monetarja (entità li tieħu d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Bank Nazzjonali tal-Polonja). Il-Polonja tinnota li skont l-aħħar previżjoni mill-Fond Monetarju Internazzjonali ta' Lulju tal-2013, il-PDG tal-Polonja ser jikber bir-rata ta' 2,2 % fl-2014, 3 % fl-2015, 3,3 % fl-2017 u 3,8 % fl-2018.

L-aġġornament ta' Novembru tal-2013

(69)

F'Novembru tal-2013, il-Polonja rrapportat li l-operatur tal-ajruport kien irċieva d-deċiżjonijiet amministrattivi mill-Uffiċċju Doganali u mill-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija li jawtorizzawh sabiex ibigħ il-karburant lill-inġenji tal-ajru direttament. Il-bejgħ tal-karburanti mill-operatur tal-ajruport huwa sors ta' dħul addizzjonali u jtejjeb ir-riżultati finanzjarji tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju.

(70)

Skont il-Polonja, l-istudji kollha dwar il-MEIP imwettqa sa issa pprevedew għall-bejgħ tal-karburanti permezz ta' operatur estern. Il-bejgħ tal-karburanti mill-operatur tal-ajruport għandu jżid il-marġini ta' profitt tal-kumpanija f'din l-attività minn PLN […] (EUR […]) għal kull litru (fejn il-karburant jinbiegħ minn operatur estern) għal PLN […] (EUR […]) (fejn il-karburant jinbiegħ direttament mill-operatur tal-ajruport).

(71)

Fil-fehma tal-Polonja, dan id-dħul addizzjonali għandu jtejjeb ir-riżultat tal-aġġornament tal-MEI tal-2012. Il-Polonja tirrimarka li b'hekk huwa mistenni li n-NPV għall-proġett jiżdied minn PLN […] miljun (EUR […] miljun) għal PLN […] miljun (EUR […] miljun). Il-Polonja tispjega wkoll li l-IRR imbagħad tiżdied minn […] % għal […] %.

(72)

Il-Polonja ssostni li, min-naħa l-oħra, id-dħul addizzjonali jippermetti mbagħad li fuq terminu twil, l-imposti tal-ajruport jinżammu baxxi għall-kumpaniji tal-ajru.

(73)

Il-Polonja kkonfermat li approċċ prudenzjali wassal biex il-bejgħ dirett tal-karburant lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kopert mill-istudji dwar il-MEIP. Fiż-żmien meta saru dawn l-istudji, l-operatur tal-ajruport ma kellux l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa jew xi garanzija li jkun jista' jiksibhom.

(74)

Barra minn hekk, il-Polonja qalet li l-kumpanija beħsiebha tipprovdi servizzi ta' navigazzjoni lill-kumpaniji tal-ajru (minflok l-Aġenzija Pollakka għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru). Il-Polonja tirrimarka li dan ikun jippermetti li titnaqqas it-tariffa tat-terminal imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru (li bħalissa titħallas lill-Aġenzija) u b'hekk l-ajruport ta' Gdynia jsir aktar attraenti għall-kumpaniji tal-ajru. Għaldaqstant, l-operatur tal-ajruport ikun jista' joffri lill-kumpaniji tal-ajru imposti tal-ajruport aktar kompetittivi mill-ajruporti tal-viċinat.

3.2.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

3.2.1.   Għajnuna għall-investiment

(75)

Skont il-Polonja, il-kriterji tal-kompatibbiltà kollha stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 għall-għajnuna ta' investiment lill-ajruporti ġew issodisfati.

L-issodisfar ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni

(76)

Il-Polonja ssostni li t-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia, bħala element tas-sistema tat-trasport tal-Pomerania, itejjeb l-użu tal-infrastruttura disponibbli u jħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali, notevolment permezz ta' żieda fl-impjiegi fl-ajruport, id-dħul mill-katina tal-provvista fis-suq tal-avjazzjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu.

(77)

Il-Polonja tirreferi għall-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-Pomerania għall-perjodu 20072020”, li hija bbażata fuq il-previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru għar-reġjun u li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jinbena ċentru ta' ajruporti li jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni taż-żona tat-Tricity (32).

(78)

Skont il-Polonja, l-argumenti ewlenin għall-bini ta' ċentru ta' ajruporti fiż-żona tat-Tricity huma: iż-żieda tat-traffiku tal-ajru fil-Polonja, in-nuqqas ta' kamp ta' applikazzjoni għaż-żieda tal-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk u l-estensjoni tal-agglomerazzjoni fuq distanza ta' kważi 60 km (jew aktar minn 100 km jekk jiġu inklużi l-bliet ta' Tczew u Wejherowo). Il-Polonja tisħaq li għalkemm l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa għandu kapaċità ta' madwar ħames miljun passiġġier, xi previżjonijiet tat-traffiku tal-ajru qegħdin jipproġettaw li t-traffiku tal-passiġġieri potenzjali f'dak l-ajruport jista' jaqbeż is-sitt miljun passiġġier fl-2035. Minn naħa waħda, il-Polonja sostniet fil-kummenti tagħha li r-restrizzjonijiet ambjentali u l-iżviluppi residenzjali fil-viċinanza tal-ajruport ta' Gdańsk jillimitaw il-prospetti għall-espansjoni ulterjuri tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-kummenti tagħha tas-6 ta' Diċembru 2012, il-Polonja invokat il-pjan prinċipali tal-ajruport ta' Gdańsk sabiex targumenta li ma hemm ebda restrizzjoni fir-rigward tal-espansjoni tal-ajruport ta' Gdańsk.

(79)

Il-Polonja tgħid li s-sigurtà fl-ajru tirrikjedi wkoll il-bini ta' ċentru ta' ajruporti fiż-żona tat-Tricity, bl-ajruport ta' Gdynia jservi bħala ajruport ta' riserva f'każ ta' emerġenza (l-inżul fl-ajruport ta' Gdynia huwa possibbli f'madwar 80 % tal-każijiet meta s-sħab u l-viżibilità ma jippermettux li jsir inżul fl-ajruport ta' Gdańsk).

(80)

Fl-aħħar nett, il-Polonja ssostni li l-iżvilupp tal-ajruport ta' Gdynia jikkorrispondi għall-objettivi tad-dokumenti ta' strateġija reġjonali u nazzjonali li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-avjazzjoni fil-Polonja. Il-Polonja tispjega li l-iżvilupp tal-ajruport ta' Gdynia mistenni jkollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-Pomerania u l-użu tal-infrastruttura militari eżistenti, kif ukoll li huwa kumplimentari għall-ajruport ta' Gdańsk.

In-neċessità u l-proporzjonalità tal-infrastruttura

(81)

Il-Polonja tisħaq li l-infrastruttura hija neċessarjaa u proporzjonali għall-objettiv stabbilit minħabba l-iskala żgħira tal-operazzjonijiet tal-ajruport (kwota ta' 1.55 % tas-suq tal-avjazzjoni Pollakk fl-2030), il-previżjonijiet għall-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri li jaqbżu l-kapaċità tal-espansjoni tal-ajruport ta' Gdańsk, l-attrazzjoni tar-reġjun għat-turiżmu u r-rata għolja ta' żvilupp ipprojettata għall-Pomerania.

(82)

Il-Polonja tagħmel enfasi fuq ir-rwol strateġiku tal-mitjar militari ta' Gdynia fir-reġjun u tinnota li l-użu tal-infrastruttura eżistenti jnaqqas il-kostijiet ta' investiment u jimmassimizza l-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali.

(83)

Il-Polonja tirrimarka wkoll li l-kostijiet inżammew baxxi kemm jista' jkun u l-effettività tal-investiment żdiedet permezz tal-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi bħal, pereżempju, il-kostruzzjoni ta' terminal tal-avjazzjoni ġenerali għat-traffiku tal-passiġġieri u tal-avjazzjoni ġenerali, li jilqa' fih il-maġġoranza tas-servizzi pprovduti fl-ajruport (il-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċċji doganali, il-pulizija, il-pumpiera, l-amministrazzjoni) f'bini wieħed u l-adattament ta' binjiet eżistenti oħrajn sabiex isir l-aħjar użu minnhom. Barra minn hekk, il-kostijiet operattivi tal-infrastruttura ser jinqasmu mal-armata.

Prospetti għall-użu fuq terminu medju sodisfaċenti

(84)

Il-Polonja tirrimarka li l-prospetti għall-użu fuq terminu medju għall-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo huma sodisfaċenti, bis-saħħa tat-tkabbir tal-PDG fil-Pomerania, li mistenni jaqbeż il-medja għall-Polonja u l-UE, l-attrazzjoni tar-reġjun għat-turisti, l-istatus tiegħu bħala ċentru ta' investiment barrani u l-previżjoni tat-tkabbir fit-traffiku tal-ajru.

(85)

Il-Polonja tenfasizza li l-kollaborazzjoni ppjanata mal-ajruport ta' Gdańsk u l-kumplimentarjetà tas-servizzi offruti miż-żewġ ajruporti (l-ajruport ta' Gdynia ser ikun iddedikat primarjament għat-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali) ikomplu jsaħħu l-prospetti fuq terminu medju u twil għall-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo.

(86)

Il-Polonja tkompli tispjega li l-ajruport qiegħed jippjana wkoll li jiżviluppa attivitajiet speċjalizzati relatati mal-avjazzjoni fiż-żona tal-ajruport, bħall-produzzjoni ta' service parts sempliċi, it-tiswija tal-parts tal-inġenji tal-ajru jew il-produzzjoni ta' komponenti/prodotti oħrajn fornuti fil-mument meta jkun meħtieġ (“just-in-time”).

(87)

Il-Polonja tirreferi għal ittra ta' intenzjoni ffirmata minn bank kummerċjali u li tesprimi r-rieda tal-bank li jibda taħditiet dwar il-finanzjament tal-investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo bħala prova oħra tal-attrazzjoni tal-proġett.

L-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ li jmur kontra l-interess komuni

(88)

Billi l-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo għandu jkun ajruport bi kwota żgħira tas-suq (li jservi inqas minn miljun passiġġier fis-sena), il-Polonja ma tqisx li l-impatt tal-proġett fuq il-kummerċ imur kontra l-interess komuni. Fid-dawl tat-tkabbir ipprojettat fit-traffiku tal-ajru, il-Polonja qiegħda tistenna li l-ajruporti ta' Gdańsk u Gdynia jifformaw ċentru tal-avjazzjoni kooperattiv li jservi liż-żona tat-Tricity fil-Pomerania u joffri servizzi kumplimentari.

(89)

Il-Polonja tenfasizza li l-ajruport ta' Gdynia mhuwiex ser ikun kompetitur għall-ajruport ta' Gdańsk, minħabba li ser jiffoka fuq il-provvista ta' servizzi għas-settur tal-avjazzjoni ġenerali (servizzi ta' manutenzjoni, tiswija u rikostruzzjoni, akkademja tat-titjir) u jikkoopera mal-port marittimu ta' Gdynia.

(90)

Il-Polonja ssostni wkoll li t-traffiku tat-titjiriet charter u bi prezzijiet baxxi fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo mhuwiex ser ikun għas-spejjeż tal-ajruport ta' Gdańsk, iżda ser jirriżulta minn żieda globali fil-ġid u fill-mobilità. Il-Polonja tirrimarka li r-rata li biha qiegħed jikber l-ajruport ta' Gdańsk u n-natura tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru li jilqa' jfissru li n-numru ta' titjiriet li qiegħed jilqa' xi darba jew oħra ser ikollu jiġi limitat. Il-Polonja issostni li dawn il-konklużjonijiet huma ppreżentati fir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali fuq il-proġett “L-espansjoni tal-Ajruport Lech Wałęsa Gdańsk”.

(91)

Il-Polonja tispjega li l-investiment fl-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jista' jillimita l-kostijiet soċjali u finanzjarji ta' kull restrizzjoni fuq l-attività fl-ajruport ta' Gdańsk. Il-Polonja tirrimarka li ċ-ċaqliq ta' ċertu ammont ta' traffiku tal-ajru mill-ajruport ta' Gdańsk għall-ajruport ta' Gdynia ser jirriżulta f'użu aħjar tal-kapaċità fiż-żewġ ajruporti.

In-neċessità tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv

(92)

Il-Polonja ssostni li l-kumpanija ma kinitx twettaq il-proġett mingħajr finanzjament pubbliku. Il-Polonja tinnota li l-għajnuna nżammet għal minimu u li l-kostijiet tal-proġett tnaqqsu u tjiebu bl-użu tal-infrastruttura militari eżistenti.

(93)

Fil-fehma tal-Polonja, l-injezzjonijiet ta' kapital fl-ajruport ta' Gdynia huma neċessarji u limitati għal minimu, kif ikkonfermat minn:

i.

ir-rata ta' redditu interna tal-proġett ta' […] %, ftit biss ogħla mir-rata ta' skont (il-kost tal-ekwità), li hija ta' […] % (ibbażata fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012);

ii.

il-ħtieġa, prevista fil-projezzjonijiet finanzjarji, li jittieħed self ta' kapital tax-xogħol sabiex jiffinanzja l-operazzjonijiet tal-ajruport, minħabba li nkella Gdynia-Kosakowo Airport Ltd tista' titlef il-likwidità;

iii.

il-fatt li l-finanzjament totali mill-kapital tal-ekwità huwa aktar baxx min-nefqa kapitali totali (il-finanzjament mill-kapital tal-ekwità jammonta għal inqas minn […] tal-kostijiet totali fi flus fil-perjodu ta' projezzjoni, inkluża n-nefqa kapitali totali).

(94)

Il-Polonja tkompli tispjega l-proporzjonalità tal-miżura ta' għajnuna, billi tqabbel il-finanzjament pubbliku tagħha (madwar PLN 148 f'termini reali) ma' dak ta' investiment ġdid (l-Ajruport Lublin-Świdnik, li l-kostijiet netti tal-kostruzzjoni tiegħu kienu ta' madwar PLN 420 miljun) u investiment ibbażat fuq mitjar militari (l-Ajruport Warsaw-Modlin, li l-kostruzzjoni tiegħu sa issa ġiet tiswa kważi PLN 454 miljun).

3.2.2.   L-għajnuna operatorja

(95)

Il-Polonja ssostni li l-proġett jissodisfa l-kriterji tal-kompatibbiltà stipulati fir-RAG għall-għajnuna operatorja f'reġjun kopert mill-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Fil-fehma tal-Polonja, l-għajnuna operatorja għall-proġett:

i.

hija maħsuba biex tiffinanzja sett predefinit ta' nfiq;

ii.

hija limitata għal minimu neċessarju u tingħata fuq bażi temporanja (l-għajnuna għall-kostijiet operattivi tingħata sal-limitu u għall-perjodu neċessarju sabiex l-ajruport jibda jopera, jiġifieri sal-aħħar tal-2018);

iii.

hija digressiva u tonqos minn […] % tan-nefqa kapitali fl-2013 għal […] % fl-2018;

iv.

hija mfassla sabiex tissodisfa l-miri tal-proġett fir-rigward tal-iżvilupp reġjonali u t-tnaqqis tal-limitazzjonijiet eżistenti. Wara li kkunsidrat l-ammont tal-għajnuna fir-rigward tal-effetti ta' benefiċċju tagħha fuq l-iżvilupp tal-Pomerania, il-Polonja ssostni li din l-għajnuna għandha titqies bħala waħda proporzjonali.

(96)

Il-Polonja tenfasizza wkoll li l-għajnuna hija intiża għal ajruport żgħir b'kapaċità massima ta' miljun passiġġier fis-sena, li jfisser li r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jkollu effett li jmur kontra l-interess komuni huwa minimu, speċjalment fid-dawl tal-kooperazzjoni ppjanata bejn l-ajruporti ta' Gdynia u Gdańsk u l-kumplimentarjetà tal-kooperazzjoni tagħhom.

(97)

Il-Polonja tirrimarka wkoll li l-kooperazzjoni li qiegħda tiġi nnegozjata bħalissa mal-utent militari tal-ajruport u l-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar fil-kostijiet operattivi tal-ajruport ser inaqqsu t-telf u l-kostijiet operattivi tal-kumpanija.

4.   OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET TERZI

(98)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda osservazzjoni minn partijiet interessati wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-finanzjament mogħti lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd minn Gdynia u Kosakowo.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat

(99)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li “kull għajnuna, ta' kull forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(100)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-appoġġ finanzjarju jrid:

jingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat;

jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti;

ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni; u

jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.1.   L-attività ekonomika u l-kunċett ta' impriża

(101)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hijiex impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-kunċett ta' impriża jkopri kull entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u l-mod li bih tiġi ffinanzjata (33). Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti jew servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika (34).

(102)

Fis-sentenza tagħha dwar “l-ajruport ta' Leipzig-Halle”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-operat ta' ajruport għal skop kummerċjali u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ajruport jikkostitwixxu attività ekonomika (35). Ladarba operatur ta' ajruport jipparteċipa f'attivitajiet ekonomiċi billi joffri servizzi ta' ajruport bi ħlas, irrispettivament mill-istatus legali tiegħu jew il-mod li bih jiġi ffinanzjat, dan jikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu kapaċi japplikaw għall-vantaġġi mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat lil dak l-operatur tal-ajruport (36).

(103)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-infrastruttura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni preżenti għandha titħaddem fuq bażi kummerċjali mill-operatur tal-ajruport Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Billi l-operatur tal-ajruport ser ikun qiegħed jitlob ħlas mingħand l-utenti għall-użu ta' din l-infrastruttura, din tal-aħħar trid titqies bħala kummerċjalment sfruttabbli. Dan għalhekk ifisser li l-entità li tisfrutta din l-infrastruttura tikkostitwixxi impriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(104)

Madankollu, mhux l-attivitajiet kollha ta' operatur ta' ajruport huma neċessarjament ta' natura ekonomika (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompiti li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat abbażi tas-setgħa sovrana tiegħu mhumiex ta' natura ekonomika u ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F'ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar, l-attivitajiet neċessarji għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa għat-twettiq ta' dawn l-attivitajiet jitqiesu b'mod ġenerali bħala li huma ta' natura mhux ekonomika (38). Minkejja li l-finanzjament pubbliku ta' tali attivitajiet mhux ekonomiċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, irid ikun strettament limitat għall-kumpens għall-kostijiet derivanti minn dawn l-attivitajiet, u ma jistax jintuża biex ikopri kostijiet assoċjati ma' attività ekonomika ta' tip ieħor (39).

(105)

Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza stabbilita jeżisti vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lill-impriżi mill-kostijiet inerenti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. (40) Għaldaqstant, jekk sistema ġuridika normalment tirrikjedi li l-operaturi tal-ajruporti jġarrbu l-kostijiet ta' ċerti servizzi, allura l-operaturi tal-ajruporti li ma għandhomx għalfejn iġarrbu dawk il-kostijiet għandhom imnejn ikunu vvantaġġati, anke jekk dawk is-servizzi minnhom infushom jitqiesu bħala mhux ekonomiċi. Għalhekk, huwa neċessarju li ssir analiżi tal-qafas ġuridiku applikabbli għal operatur tal-ajruport sabiex jiġi vvalutat jekk, skont dak il-qafas ġuridiku, il-operaturi tal-ajruporti humiex obbligati li jġarrbu l-kostijiet tal-forniment ta' xi attivitajiet li minnhom infushom jaf ma jkunux ekonomiċi, iżda li jkunu inerenti għall-ippożizzjonar tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tat-2 ta' Lulju 2013, ma kinitx ivvalutat jekk il-liġi Pollakka tirrikjedix lill-operaturi tal-ajruporti li jġarrbu l-kostijiet tas-servizzi li ġew iddikjarati bħala servizzi ta' natura mhux ekonomika. Din id-Deċiżjoni tistqarr biċ-ċar li l-investiment fil-bini u fit-tagħmir li jintuża għall-pumpiera, għad-dwana, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-pulizija u l-gwardji tal-fruntieri kien jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku u għaldaqstant ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (41). Kif spjegat fil-premessa 18, il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, ma għandhiex tikkontesta din il-konklużjoni fid-deċiżjoni finali tagħha.

(107)

L-ammont ta' PLN […] miljun (EUR […] miljun) imsemmi fid-deċiżjoni tal-ftuħ għall-kostijiet ta' investiment fil-bini u fit-tagħmir li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku jikkonċerna l-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku jammontaw għal PLN […] miljun (EUR […] miljun) (42), u l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jirreferi għall-ammont ta' PLN […] miljun (EUR […] miljun) (43).

(108)

Għalhekk, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, meta l-Kummissjoni tiġi biex tivvaluta l-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011, ser teskludi dik il-parti tal-investiment li għandha x'taqsam ma' attivitajiet iddikjarati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Minbarra dan, ġaladarba l-finanzjament ta' din il-parti tal-investimenti mhuwiex ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni mhijiex ser tordna l-irkupru tiegħu.

5.1.2.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(109)

Il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat japplika għal kull vantaġġ mogħti permezz ta' riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn kull korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu (44). Għall-finijiet tal-Artikolu 107 TFUE, ir-riżorsi tal-awtoritajiet lokali huma riżorsi tal-Istat (45). Fil-każ preżenti, il-kapital injettat fi Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jiġi mill-baġits ta' żewġ awtoritajiet lokali, jiġifieri Gdynia u Kosakowo. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-riżorsi taż-żewġ muniċipalitajiet involuti huma riżorsi tal-Istat.

(110)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa irrilevanti jekk il-miżura jkollhiex l-għamla ta' għotja finanzjarja diretta (kontribuzzjoni fi flus kontanti ta' Gdynia u Kosakowo) jew ta' tpartit ta' parti mid-dejn tal-operatur tal-ajruport lil wieħed mill-azzjonisti pubbliċi tiegħu (il-kera dovuta lil Kosakowo) ma' ekwità. Id-dħul mill-kera huwa parti mir-riżorsi finanzjarji ta' Kosakowo u għaldaqstant jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kapital injettat f'Gdynia-Kosakowo Airport Ltd huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat u imputabbli għall-Istat.

5.1.3.   Vantaġġ ekonomiku

5.1.3.1.   Il-Konklużjoni

(112)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Polonja qiegħda ssostni, minn naħa waħda, li l-injezzjonijiet ta' kapital huma konformi mal-MEIP, filwaqt li, min-naħa l-oħra, tikkunsidra l-għajnuna bħala kompatibbli, minħabba li l-operatur tal-ajruport ma seta' jagħmel ebda investiment mingħajr il-finanzjament pubbliku.

(113)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni f'dan il-każ tagħtix lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd vantaġġ li ma kinitx tirċievi taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, il-Kummissjoni trid tqabbel l-imġiba tal-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport ma' dik ta' investitur f'ekonomija tas-suq iggwidat minn prospetti ta' profittabilità fuq terminu itwal (46).

(114)

Kull riperkussjoni pożittiva fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport għandha tiġi injorata fil-valutazzjoni, minħabba li l-Qorti spjegat li l-mistoqsija rilevanti li trid issir meta jiġi applikat l-istudju dwar il-MEIP hija “jekk f'ċirkostanzi simili, azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-prevedibbiltà li jikseb ritorn u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta' natura soċjali, ta' politika reġjonali u settorjali, ikunx lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (47).

(115)

Il-Polonja ssostni li l-miżuri kkonċernati ma jagħtux vantaġġ ekonomiku lill-ajruport ta' Gdynia, minħabba li huma konformi mal-MEIP. Kif deskritt fit-Taqsima 3.1, bl-għan li tappoġġja dan, il-Polonja ppreżentat ir-riżultati tal-istudji dwar il-MEIP imwettqa minn PWC (48). F'Novembru tal-2013, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni li tissuġġerixxi li sorsi ġodda ta' dħul (jiġifieri l-bejgħ tal-karburant u s-servizzi ta' navigazzjoni) itejbu n-NPV tal-proġett. Fil-waqt tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja kienet ippreżentat biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(116)

Minkejja l-fatt li l-ftehim tal-azzjonisti tal-2011 rabat lil Gdynia u Kosakowo li jipprovdu kontribuzzjonijiet fi flus kif ukoll mhux fi flus sabiex jiffinanzjaw il-proġett ta' investiment sal-2040, il-Polonja tisħaq li huma biss l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u l-aħħar informazzjoni dwar il-flussi tad-dħul addizzjonali li huma rilevanti meta jiġi vvalutat jekk l-injezzjonijiet ta' kapital humiex kompatibbli mas-suq intern.

(117)

Hawn taħt, il-Kummissjoni l-ewwel ser tikkunsidra l-argument tal-awtoritajiet Pollakki li jgħid li l-mistoqsija dwar jekk l-operatur tal-ajruport kienx ivvantaġġat għandha tiġi vvalutata abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012 u informazzjoni li ġiet wara dan, u għaldaqstant, mhux abbażi tal-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 (it-Taqsima 5.1.3.2). Imbagħad il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk il-MEIP huwiex issodisfat abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 (it-Taqsima 5.1.3.3), tal-2011 u tal-2012 (it-Taqsima 5.1.3.4) rispettivament.

5.1.3.2.   Ir-rilevanza tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 għall-valutazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku

(118)

Fil-Kawża Stardust Marine, il-Qorti ddikjarat li, “[…] sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat ikunx adotta jew le l-imġiba ta' investitur prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu jkunu ttieħdu l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju, sabiex jivvaluta r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat u, b'hekk, joqgħod lura milli jagħmel xi valutazzjoni msejsa fuq sitwazzjoni sussegwenti” (49).

(119)

Barra minn hekk, fil-Kawża EDF, il-Qorti ddeċidiet li, “[…] għall-finijiet li jintwera li, qabel jew fl-istess ħin li jagħti l-vantaġġ, l-Istat Membru ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonista, mhuwiex biżżejjed li jintużaw evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, fuq is-sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien tabilħaqq profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tal-pjan ta' azzjoni tabilħaqq magħżul” (50).

(120)

Sabiex tkun tista' tapplika l-MEIP, il-Kummissjoni għandha tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-perjodu li matulu jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw il-konverżjoni tal-mitjar militari preċedenti f'ajruport ċivili. Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet disponibbli għall-azzjonisti pubbliċi fiż-żmien meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tirrigwarda l-arranġamenti finanzjarji tal-proġett ta' investiment.

(121)

Il-Kummissjoni tqis l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 bħala l-aktar wieħed rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk il-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo aġixxewx bħala investitur privat. Tabilħaqq, il-valutazzjoni ta' jekk l-intervent tal-Istat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq għandha titwettaq abbażi ta' analiżi ex-ante, billi jiġu kkunsidrati l-informazzjoni u d-dejta disponibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-investiment.

(122)

Il-Kummissjoni tosserva li sa qabel l-2010 kienu twettqu biss studji u xogħlijiet preparatorji għall-proġett ta' investiment inkwistjoni. Dawn kienu jinkludu l-pjan prinċipali għall-proġett ta' investiment, ir-rapport ambjentali, id-dokumentazzjoni tad-disinn għat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali, id-dokumentazzjoni tad-disinn għall-bini tal-amministrazzjoni u l-bini tal-pumpiera, id-dokumenti speċjalizzati dwar l-avjazzjoni u studji oħrajn. Sa tmiem l-2010, il-kost ta' dawn l-istudji kien ta' PLN […] miljun (EUR […]) (51).

(123)

Barra minn hekk, kif tiddikjara l-Polonja, fl-2010, l-azzjonisti pubbliċi tal-operatur tal-ajruport iffinalizzaw it-tħejjijiet għall-proġett ta' investiment inkwistjoni. Fl-istess sena, l-azzjonisti pubbliċi żiedu l-kapital azzjonarju tal-kumpanija għal PLN 6,05 miljun (madwar EUR 1,5 miljun) bl-għan li jimplimentaw il-proġett ta' investiment. L-investimenti ewlenin fl-assi fissi (bħall-kostruzzjoni tat-terminal tal-avjazzjoni ġenerali) kienu ppjanati li jibdew fl-2011, iżda fil-fatt bdew fl-2012. Il-Kummissjoni temmen li kull investitur privat seta' jivvaluta l-profittabilità mistennija tal-proġett f'dak il-mument. Li kieku l-pjan ta' investiment ma weriex rata ta' redditu aċċettabbli jew li kieku kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet dubjużi, investitur privat ma kienx ikun jista' jibda jimplimenta l-pjan u ma kienx jonfoq aktar flus fuqu, minbarra l-flus li kien diġà nefaq fuq ix-xogħlijiet preparatorji msemmija fil-premessa 122. Fir-rigward tal-injezzjonijiet ta' kapital, il-Kummissjoni tinnota li l-ewwel injezzjoni ta' kapital importanti ta' PLN 4,4 miljun ġiet deċiża fid-29 ta' Lulju 2010 (li żiedet bi kważi erba' darbiet il-kapital eżistenti ta' PLN 1,7 miljun), eżatt wara li ġie ffinalizzat l-istudju dwar il-MEIP 2010 fis-16 ta' Lulju 2010. Minbarra dan, il-ftehim tal-azzjonisti dwar iż-żidiet ulterjuri tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija sal-2040 (kif jissemma fil-premessa 28) ġie ffirmat fil-11 ta' Marzu 2011 (52) (jiġifieri qabel l-iffinalizzar tat-tieni studju dwar il-MEIP fit-13 ta' Mejju 2011). Barra minn hekk, il-ftehim operattiv mal-utent militari tal-art tal-ajruport u l-ftehim ta' lokazzjoni tal-istess art (kif imsemmi fil-premessa 27) ġew konklużi fl-istess waqt, fis-7 u fil-11 ta' Marzu 2011 rispettivament. Fid-9 ta' Settembru 2010, ftit tax-xhur wara l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, Kosakowo kkonkludiet ukoll ftehim ta' kiri mat-Teżor tal-Istat dwar l-art li fuqha jinsab il-mitjar militari (ara l-premessa 26). Dik l-art setgħet tintuża biss sabiex jitwaqqaf ajruport ċivili ġdid (ara l-premessi 25 u 59).

(124)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Polonja kkonfermat (53) li d-deċiżjoni dwar l-injezzjoni ta' kapital meħuda fid-29 ta' Lulju 2010 kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni ekonomika tal-proġett inkluża fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Għaldaqstant, jidher biċ-ċar li f'dan l-istadju, l-azzjonisti pubbliċi kienu impenjaw ruħhom b'mod inekwivoku għall-proġett ta' investiment inkwistjoni, li kellu jieħu 30 sena biex jiġi implimentat u kien soġġett għall-penali kuntrattwali għan-nuqqas ta' twettiq tal-obbligi sakemm jitlesta f'Settembru tal-2040, kif stipulat fil-ftehim tal-azzjonisti (msemmi fil-premessa 28).

(125)

Sakemm sar l-ewwel aġġornament tal-MEIP fl-2011, l-azzjonisti pubbliċi kienu diġà injettaw PLN 6,05 miljun fil-kumpanija (ara t-Tabella 3). Minbarra dan, sakemm ġie ffinalizzat it-tieni aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP f'Lulju tal-2012, l-azzjonisti pubbliċi kienu injettaw total ta' PLN 64 810 miljun (jiġifieri madwar 70 % tal-kapital kollu injettat).

(126)

Apparti l-injezzjonijiet ta' kapital lill-operatur tal-ajruport, deskritti iktar 'il fuq, id-diversi studji dwar il-MEIP ippreżentati mill-awtoritajiet Pollakki wkoll iddeskrivew l-infiq ta' kapital ipproġettat (“capex”) (jiġifieri l-esportazzjoni ta' kapital) sal-2030. B'mod partikolari, u kif deskritt fit-Tabella 1, l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 juri l-investimenti fl-assi fissi maqsumin f'erbgħa fażijiet. B'mod sinifikanti, skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Polonja, in-nefqa ta' kapital fl-2012 kienet tammonta għal PLN […] miljun (li aktar minn nofshom intefqu saħansitra qabel kien beda l-aġġornament tal-istudju tal-2012). Il-Grafika 1 turi l-capex annwali (nominali) kif ippreżentata fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 (madankollu, tneħħiet in-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku).

Grafika 1

Il-capex annwali (l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(127)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2011 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ivvalutaw biss l-emendi għad-deċiżjoni inizjali li kienet ittieħdet fl-2010 abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 sabiex jingħata bidu għall-proġett ta' investiment. Iż-żewġ studji sussegwenti juru li l-azzjonisti kienu ggwidati mill-iżviluppi fis-suq u kienu qegħdin jadattaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett skonthom ('il fuq jew 'l isfel, skont it-tip ta' investiment). Madankollu, dawn il-bidliet kienu marġinali meta mqabbla mad-deċiżjoni globali li l-bażi militari tinbidel f'ajruport ċivili. Il-Grafika 2 turi n-nefqa ta' kapital (nominali) kif ippreżentata fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010, tal-2011 u tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku). Kif jista' jidher, filwaqt li l-għażla taż-żmien u l-firxa tal-investimenti kienu aġġornati kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012, dawn il-bidliet ma kinux sostanzjali meta mqabbla mad-daqs globali tal-proġett. Fl-2010, il-capex nominali ġie stmat li kien madwar PLN […] miljun u din iċ-ċifra żdiedet għal madwar PLN […] miljun fl-2011 (l-aktar minħabba investiment ġdid fl-infrastruttura għat-toroq).

Grafika 2

Il-capex (PLN '000) kif ipproġettat fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010, tal-2011 u tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(128)

Fil-premessi 122 u 127, il-Kummissjoni tqis li, sabiex tivvaluta jekk Gdynia u Kosakowo aġixxewx bħala investitur privat prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, din għandha primarjament tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, billi tinjora kull żvilupp ulterjuri u informazzjoni li ma kinitx għad-dispożizzjoni ta' dawk l-azzjonisti pubbliċi fiż-żmien meta ħadu d-deċiżjoni tagħhom li jimplimentaw il-proġett ta' investiment inkwistjoni.

(129)

Hija xi ħaġa ta' min jistenniha li fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ma jibqgħux l-istess, investitur privat jaġġusta pjan ta' investiment matul l-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, f'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha bżonn tivvaluta jekk investitur privat kienx jieħu f'idejh il-proġett li jikkonverti mitjar militari f'ajruport ċivili. Sabiex tagħmel dan, huwa meħtieġ li jkun determinat eżattament meta fil-fatt ittieħdet id-deċiżjoni prinċipali li jitwettaq il-proġett. Abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl (l-injezzjonijiet ta' kapital, il-ftehim ta' kiri u l-ftehim ta' lokazzjoni), il-passi ewlenin kienu diġà ttieħdu qabel l-istudju dwar il-MEIP tal-2011. Billi kull investitur privat kien iwettaq valutazzjoni ex ante tal-profittabilità finanzjarja ta' proġett qabel ma jieħu impenn u jalloka ammont kbir ta' riżorsi jew jidħol f'arranġamenti kuntrattwali vinkolanti, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huwa l-aktar analiżi rilevanti sabiex tkun ivvalutata il-konformità tal-investiment mas-suq.

(130)

L-istudji dwar il-MEIP tal-2011 u tal-2012 jagħmlu aġġustamenti għall-pjan ta' investiment inizjali, li abbażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni inizjali li jingħata bidu għall-proġett tal-konverżjoni tal-mitjar militari. Għalhekk, l-injezzjonijiet ta' kapital implimentati ulterjorment skont dawn l-istudji sussegwenti dwar il-MEIP, ma jistgħux jiġu eżaminati b'mod iżolat.

5.1.3.3.   L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010:

(131)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huwa bbażat fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jipproġetta flussi tal-flus għall-futur għall-perjodu 2010-2040. Fiż-żmien meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP, il-Polonja kienet qiegħda tistenna li l-ajruport jibda jilqa' t-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali fl-2011, it-titjiriet charter fl-2013 u t-trasportaturi bi prezzijiet baxxi fl-2015. Dan kien jirriżulta f'żieda kostanti fin-numru ta' passiġġieri li jingħataw servizz minn […] passiġġier fl-2013 sa kważi […] miljun fl-2024 u 1 753 miljun fl-2040 (kif muri fit-Tabella 5 ta' hawn taħt).

Tabella 5

Il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-ajruport ta' Gdynia użati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 ('000)

L-iżvilupp mistenni fir-rigward tal-passiġġieri (il-MEIP tal-2010)

Is-sena

2013

2014

2015

2016

2020

2024

2028

2032

2036

2040

In-nru. ta' passiġġieri

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 752 835

(132)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2010, kif ippreżentat mill-Polonja, jinkludi l-kapital neċessarju biex ikunu ffinanzjati l-kostijiet iddikjarati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, iżda ma jikkwantifikax dawk il-kostijiet. Min-naħa l-oħra, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jeskludi dawk il-kostijiet ta' kapital iżda jikkwantifikahom. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett ta' investiment fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 huwa sostanzjalment l-istess. Minbarra li jeskludi l-kostijiet relatati mal-ambitu ta' ordni pubbliku, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 huwa differenti mill-istudju dwar il-MEIP tal-2010 biss għaliex fih dejta aġġornata dwar il-kostijiet u rata ta' skont, il-kostijiet ivverifikati tal-infrastruttura għat-toroq, ir-riżultat finanzjarju tal-ftehim ta' lokazzjoni ffirmat minn Kosakowo u l-operatur tal-ajruport u l-iskeda ta' injezzjonijiet ta' kapital maqbula minn Kosakowo u Gdynia. Għalhekk, sabiex tneħħi l-allegati kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku mill-kalkoli tan-NPV fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-Kummissjoni applikat l-istess metodoloġija li kienet ġiet applikata fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 biex ikun determinat is-sehem ta' investiment ta' kapital irrappreżentat mill-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. B'mod partikolari, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jindika (54) li […] % tal-kostijiet tat-terminals (għat-terminals tal-passiġġieri u t-terminals tal-avjazzjoni ġenerali) jitqiesu li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku; […] % tal-kostijiet tal-bini bi skop multiplu li jospita lill-pumpiera jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku kif ukoll il-kostijiet kollha relatati maċ-ċint tal-wajer, mat-tagħmir ta' monitoraġġ, mat-tagħmir ta' kontroll tal-bagalji, mat-tagħmir għas-servizz ta' sigurtà tal-ajruport (b'kollox PLN […] miljun; EUR […] miljun). Billi eskludiet l-istess entrati ta' kost ta' kapital u użat l-istess sehem ta' kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku għad-diversi binjiet (billi dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq l-ispazju ta' art f'dawk il-binjiet attribwiti lill-funzjonijiet ta' sigurtà, li ma nbidlux matul il-perjodu ta' żmien bejn iż-żewġ studji), il-Kummissjoni kkalkolat is-sehem tal-kostijiet ta' investiment fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 li, għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandu jiġi eskluż mill-MEIP għaliex jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Dawn il-kostijiet jammontaw għal PLN […] miljun (jew EUR […] miljun).

(133)

Apparti minn hekk, skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-kumpanija ser tkun qiegħda tagħmel profitt fil-livell tal-EBITDA mill-2018. Madankollu, fuq bażi kumulattiva (jiġifieri wara ż-żieda, kull sena, tal-flussi tal-flus tas-snin preċedenti), it-total tal-fluss tal-flus skontat (id-DCF) matul il-perjodu kollu 2010-2040 mistenni jkun negattiv (kif jidher fil-Grafika 3). Fi kliem ieħor, il-flussi tal-flus pożittivi li mistennija jiġu ġġenerati mill-2018 mhumiex għoljin biżżejjed sabiex jikkumpensaw għall-flussi tal-flus negattivi ħafna rreġistrati fil-perjodi ta' investiment preċedenti. Kif jista' jidher, il-fluss tal-flus skontat kumulattiv tal-proġett jibqa' negattiv sal-2040.

Grafika 3

Id-DCF kumulattiv f'PLN '000 (skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010)

[…]

Sors: Ibbażat fuq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u jeskludi n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(134)

Wara l-2040, il-valur tal-operatur tal-ajruport huwa mistenni li jikber b'mod perpetwu, bil-fluss tal-flus disponibbli jikber b'rata stabbli ta' […] %. Skont din is-suppożizzjoni, il-Polonja kkalkolat il-valur finali tal-operatur tal-ajruport fl-2040. Il-valur finali skontat jammonta għal PLN […] miljun. L-istudju oriġinali dwar il-MEIP tal-2010 irriżulta f'valur tal-ekwità pożittiv (55) ta' PLN […] miljun (jiġifieri madwar EUR […] miljun). Dan il-valur tal-ekwità pożittiv huwa dovut għad-differenza mal-valur finali ta' PLN […] miljun, li f'termini assoluti huwa akbar min-NPV tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (il-FCFF) stmat għal PLN ([…]) matul il-perjodu 2010-2040. L-IRR tal-proġett ta' investiment kien stmat għal […] %, li huwa ogħla mill-kost tal-kapital preżunt tal-operatur tal-ajruport ([…] %). Meta n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku tiġi eskluża, in-NPV tal-fluss tal-flus disponibbli għall-impriża (il-FCFF) jibqa' negattiv ta' PLN ([…]) miljun u l-proġett isir profittabbli biss minħabba l-valur finali kkalkolat ta' PLN […] miljun. Għaldaqstant il-valur tal-ekwità pożittiv tal-proġett (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku) huwa ta' PLN […] miljun (jiġifieri madwar EUR […] miljun).

(135)

Għalhekk, il-proġett isir profittabbli biss jekk ikun preżunt li, lil hinn mill-perjodu ta' lokazzjoni ta' 30 sena, l-operatur tal-ajruport ikompli jopera l-ajruport b'mod perpetwu u jikber b'rata stabbli ta' […] % fis-sena (jiġifieri l-valur finali (56)). Madankollu, kif jissemma fil-premessi 25 — 27, l-Istat tal-Polonja huwa sid l-art li fuqha l-ajruport huwa mibni u krieha lil Kosakowo għal perjodu ta' 30 sena sa Settembru tal-2040. Sussegwentement, Kosakowo kriet fit-tul l-art għal 30 sena lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Għaldaqstant, skont il-liġi Pollakka applikabbli (l-Artikoli 48 u 191 tal-Kodiċi Ċivili), il-binjiet u l-faċilitajiet kollha mibnija fuq il-proprjetà mikrija li huma fissi permanentement mal-art huma l-proprjetà ta' sid il-proprjetà (it-Teżor tal-Istat) u mhux propjetà ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jew Kosakowo. Il-ftehim ta' kiri jistipula li l-proprjetà mikrija trid tiġi rritornata lura lil sid il-kera fi żmien […] wara t-terminazzjoni tal-ftehim ta' kiri (§ 4(16)). Il-ftehim ta' kiri ma jipprevedix għal dritt unilaterali għall-estensjoni tal-kera wara dak il-perjodu jew għal dritt li jingħata xi kumpens għall-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport. Mhuwiex ċar xejn ukoll jekk tali drittijiet jistgħux jiġu invokati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi ċivili Pollakka. Barra minn hekk, il-ftehim ta' kiri (Taqsima 4(11)) u l-ftehim ta' lokazzjoni (Taqsima 5(4)) jistipulaw li meta jiġri li operatur tal-ajruport iwaqqaf l-attività ekonomika tiegħu, l-infrastruttura trid tiġi kkonsenjata lill-Istat mingħajr kumpens. Għaldaqstant l-użu tal-ammont eżatt speċifikat fl-istudju jidher li mhuwiex raġonevoli, billi, skont it-termini tal-ftehim ta' kiri tad-9 ta' Settembru 2010, la l-operatur tal-ajruport u lanqas l-azzjonisti mhuma s-sidien tal-infrastruttura tal-ajruport. Għalhekk, il-valur finali tal-investiment invokat fl-istudji dwar il-MEIP mhuwiex affidabbli u wisq probabbli sopravvalutat b'mod konsiderevoli.

(136)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-fattur ewlieni ta' ħolqien ta' valur tal-flussi tal-flus futuri tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia huwa d-dħul mistenni, li ser jiddependi fuq il-kwantità ta' passiġġieri u fuq il-livell tal-imposti tal-ajruport imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, id-dħul mil-LCC u mit-titjiriet charter (miżati tal-passiġġieri, tal-inżul u tal-parkeġġ) jammonta għal [80 — 90] % tad-dħul kollu fl-2040 u għal medja ta' [80 — 90] % tad-dħul kollu matul il-perjodu kollu vvalutat, jiġifieri mill-2010 sal-2040. Dan jikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-Polonja li l-attivitajiet tal-ajruport ta' Gdynia jkunu jikkumplimentaw lil dawk tal-ajruport ta' Gdańsk għaliex l-ajruport ta' Gdynia jkun jiffoka fuq l-attivitajiet tal-avjazzjoni ġenerali. Fil-fatt, kif muri mid-dejta ppreżentata iktar 'il fuq, l-LCC u t-titjiriet charter huma s-sors ewlieni ta' dħul f'ħafna mis-snin koperti mill-previżjoni. Madankollu, kif ser jiġi spjegat f'aktar dettall iktar 'l isfel, il-biċċa l-kbira tad-dħul tal-ajruport ta' Gdańsk tiġi wkoll mil-LCC u mit-titjiriet charter (ara l-premessa 140).

(137)

Fil-kuntest tad-domanda fost il-passiġġieri u tad-domanda fost it-trasportaturi tal-ajru, il-Kummissjoni tosserva li l-ajruport ta' Gdynia jkollu l-istess żona ta' lħuq bħall-ajruport ta' Gdańsk, li jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo. Fl-2012, l-ajruport ta' Gdańsk ġie estiż sabiex ikun ta' servizz għal mhux aktar minn ħames miljun passiġġier, filwaqt li hija ppjanata estensjoni oħra għall-2015 sabiex ikun ta' servizz għal mhux aktar minn seba' miljun passiġġier. Din l-iskeda ta' żmien għall-espansjoni kienet diġà magħrufa pubblikament fl-2010, jiġifieri fiż-żmien meta tħejja l-istudju dwar il-MEIP tal-2010. (57) Barra minn hekk, il-finanzjament pubbliku għall-estensjoni tal-ajruport ta' Gdańsk għall-kapaċità ta' ħames miljun passiġġier kien innotifikat ukoll lill-Kummissjoni fl-24 ta' Settembru 2008 permezz tal-każ dwar l-għajnuna mill-Istat Nru. N 472/08 u kien approvat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Frar 2009 (58).

(138)

Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li l-pjan prinċipali mħejji għall-ajruport ta' Gdańsk fl-2010 (59) jipprevedi għall-estensjoni tar-runway, taż-żoni asfaltati tal-ajruport u ta' infrastruttura oħra fl-ajruport, li permezz ta' hekk, fil-ġejjieni, l-ajruport ta' Gdańsk ikun jista' jilqa' 'l fuq minn 10 miljun passiġġier fis-sena.

(139)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li fl-2010 l-ajruport ta' Gdańsk laqa' 2,2 miljun passiġġier (jiġifieri uża 45 % tal-kapaċità tiegħu, inkluża l-kapaċità li kienet għadha qiegħda tinbena). Skont il-previżjonijiet ipprovduti għall-ajruport ta' Gdańsk, sal-2020 mistennija tintuża biss bejn 50 u 60 % tal-kapaċità disponibbli (60). Dawn il-previżjonijiet ma jikkunsidrawx il-bidu tal-operazzjonijiet fl-ajruport ta' Gdynia (jiġifieri huwa preżunt li d-domanda kollha fiż-żona ta' lħuq tiġi ssodisfata mill-ajruport ta' Gdańsk). Il-Kummissjoni tinnota li l-ajruport ta' Gdańsk ser ikun jista' jissodisfa d-domanda fir-reġjun għal perjodu twil ta' żmien, jiġifieri sa mill-inqas l-2030, anke jekk huwa preżunt tkabbir dinamiku fit-traffiku tal-passiġġieri.

(140)

Kif indikat iktar 'il fuq, l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 għall-ajruport ta' Gdynia qiegħed jistenna li l-biċċa l-kbira tad-dħul tiegħu ([80 — 90] % bħala medja għall-perjodu kollu 2012 — 2040) tiġi ġġenerata mil-LCCs u mill-kumpaniji li joperaw titjiriet charter. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li anke l-ajruport ta' Gdańsk jilqa' primarjament it-traffiku ta' titjiriet charter u LCC. Fl-2010, il-passiġġieri fuq titjiriet charter u LCC kienu jammontaw għal 72 % tal-passiġġieri kollha milqugħa mill-ajruport ta' Gdańsk (61).

(141)

Minħabba l-pożizzjoni viċin ferm ta' ajruport ieħor stabbilit u mhux konġestjonat li jsegwi l-istess mudell kummerċjali b'kapaċità żejda sinifikanti fuq medda twila, il-Kummissjoni tqis li l-kapaċità tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia li jattira t-traffiku u l-passiġġieri ser tiddependi ħafna fuq il-livell ta' imposti tal-ajruport offruti lill-kumpaniji tal-ajru, b'mod partikolari meta mqabbla ma' dawk tal-eqreb kompetituri tiegħu.

(142)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jipprevedi ħlas mill-passiġġieri għat-titjiriet charter u LCC ta' PLN 25/PAX (EUR 6,25) sal-2014 u ta' PLN 40/PAX (EUR 10) mill-2015 (sal-2040). L-imposta tal-inżul għal tali titjiriet ġiet stabbilita għal PLN 25 għal kull tunnellata (EUR 6,25) għall-perjodu kollu (il-piż massimu tat-tluq (il-MTOW, maximum take-off weight) medju kien preżunt li kien 70 tunnellata), filwaqt li l-imposta tal-parkeġġ kienet stmata li kienet PLN 4 (EUR 1,0) għal kull 24 siegħa għal kull tunnellata (b'MTOW medju ta' 70 tunnellata). Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010, il-prezzijiet ġew stabbiliti f'livelli paragunabbli ma' dawk f'ajruporti reġjonali oħrajn fiż-żmien meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Il-prezzijiet mitluba fl-ajruport ta' Gdynia ġew stabbiliti wkoll fuq is-suppożizzjoni li ma kien ser ikun hemm ebda kompetizzjoni mill-ajruport ta' Gdańsk.

(143)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-iskeda tat-tariffi applikata mill-ajruport ta' Gdańsk mill-31 ta' Diċembru 2008 tiffissa l-imposta standard tal-passiġġieri għal PLN 48/PAX (EUR 12,0), l-imposta standard tal-inżul għall-inġenji tal-ajru ta' 'l fuq minn żewġ tunnellati (jiġifieri inklużi l-inġenji tal-ajru kollha li joperaw titjiriet charter u LCC) għal PLN 25/tunnellata (EUR 6,25) u l-imposta tal-parkeġġ għal PLN 4.5 għal kull 24 siegħa għal kull tunnellata (EUR 1,25).

(144)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-iskeda tat-tariffi applikata fl-ajruport ta' Gdańsk toffri wkoll diversi skontijiet u ribassi li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, it-titjiriet LCC. L-ajruport ta' Gdańsk applika imposta mnaqqsa għall-passiġġieri ta' PLN 24/PAX (EUR 6) għall-konnessjonijiet ġodda kollha (mill-1 ta' Jannar 2004) u għaż-żidiet kollha fil-frekwenza li jinvolvu inġenju tal-ajru b'MTOW ta' bejn 50 u 100 tunnellata (pereżempju Airbus A320 u Boeing 737 u inġenji tal-ajru oħrajn li jintużaw mil-LCCs). L-imposta tal-inżul applikata għal tali konnessjonijiet titnaqqas ukoll b'50 % (jiġifieri għal PLN 12.5/tunnellata). L-imposta tal-parkeġġ tiġi rrinunzjata kompletament jekk il-frekwenza ta' konnessjoni tkun ta' mill-inqas sitt darbiet fil-ġimgħa. Barra minn hekk, l-imposta standard tal-passiġġieri l-ewwel titnaqqas b'PLN 23 għall-passiġġieri kollha li jkunu ser jitilqu fuq konnessjonijiet domestiċi skedati. Imbagħad jiġi applikat skont xieraq. Il-Kummissjoni tikkunsidra, meta tqis l-iskontijiet u r-ribassi applikati fl-ajruport ta' Gdańsk, li l-imposti tal-ajruport fl-ajruport ta' Gdynia kienu bħala medja kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-ajruport stabbilit fil-viċin. Bl-applikazzjoni tal-imposti tal-ajruport inkwistjoni, l-ajruport ta' Gdynia, bħala parteċipant ġdid, mhux ser ikun jista' jattira traffiku sinifikanti meta jkun hemm ajruport stabbilit b'kapaċità żejda fl-istess żona ta' lħuq, li japplika imposti netti aktar baxxi għal konnessjonijiet ġodda u żidiet fil-frekwenza fuq il-konnessjonijiet eżistenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-iskeda tal-imposti tal-ajruport għall-ajruport ta' Gdańsk tistabbilixxi li l-imposti skontati għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2028. Minħabba li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 (abbażi tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-operatur tal-ajruport f'dak il-mument) jqis l-imposti tal-ajruport bħala s-sors prinċipali tad-dħul tal-operatur tal-ajruport, il-Kummissjoni tikkunsidra din is-soluzzjoni bħala prova li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 mhuwiex solidu u kredibbli biżżejjed biex juri li l-proġett ta' investiment inkwistjoni kien ikun segwit minn investitur privat.

(145)

Peress li kemm l-ajruport ta' Gdynia kif ukoll l-ajruport ta' Gdańsk kienu jkunu jiffukaw primarjament fuq it-trasportaturi bi prezzijiet baxxi u charter, li l-ajruport ta' Gdańsk ma jużax il-kapaċità sħiħa tiegħu, li l-imposti proprji tiegħu huma aktar baxxi minn dawk preżunti fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' Gdynia u l-viċinanza mqarrba taż-żewġ ajruporti, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li s-suppożizzjoni li mhux ser ikun hemm kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn iż-żewġ ajruporti hija waħda żbaljata.

(146)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fil-mument tat-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, l-imposti netti (l-imposti standard wara l-iskontijiet applikabbli) applikati fl-ajruport ta' Bydgoszcz (li jinsab 196 kilometru u sagħtejn u 19-il minuta bogħod bil-karozza mill-ajruport ta' Gdynia) u fl-ajruport ta' Szczecin (li jinsab 296 kilometru u erbgħa sigħat u 24 minuta bogħod bil-karozza mill-ajruport ta' Gdynia), li huma t-tieni u t-tielet l-eqreb ajruporti reġjonali Pollakki, kienu ferm aktar baxxi (62).

(147)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minħabba l-viċinanza mqarrba ma' ajruport mhux konġestjonat ieħor li jsegwi l-istess mudell kummerċjali, l-imposti tal-ajruport imsemmija fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, li huma ogħla minn dawk applikati fi Gdańsk u f'ajruporti reġjonali oħrajn fil-qrib, mhumiex realistiċi. Fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-ajruport ta' Gdynia, il-previżjonijiet tat-traffiku inklużi fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 kienu bbażati fuq suppożizzjonijiet mhux realistiċi.

(148)

Għandha tinġibed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 la kien jinvolvi analiżi tas-sensittività u lanqas xi valutazzjoni tal-probabbiltà ta' eżitu (bħall-agħar, l-aqwa xenarju possibbli u xenarju bażi). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li x-xenarju ppreżentat fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jidher li jistrieħ fuq suppożizzjonijiet ottimisti żżejjed fir-rigward tal-iżvilupp tat-traffiku tal-passiġġieri u l-livell tal-imposti.

(149)

Il-Kummissjoni wettqet għadd ta' kalkoli tas-sensittività u tinnota li t-tnaqqis b'[…] % (matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040) fid-dħul annwali mill-imposti tal-passiġġieri marbutin mat-traffiku tat-titjiriet charter u tal-LCC huwa biżżejjed sabiex il-proġett ma jkunx profittabbli, minkejja l-valur finali sinifikanti li kif spjegat fil-premessa 135, fih innifsu huwa inċert. Tali tnaqqis fid-dħul jista' jseħħ jekk l-imposti u/jew it-traffiku jkunu aktar baxxi milli preżunt. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-imposti tal-ajruport imsemmija fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju użat għall-istudju dwar il-MEIP tal-2010 huma diġà […] % ogħla milli huma fl-ajruport ta' Gdańsk (63). F'dan il-kuntest, huwa improbabbli ħafna li l-ajruport ta' Gdynia jkun jista' jattira t-traffiku mingħajr ma jipprovdi ribass sinifikanti fuq l-imposta ta' PLN 40 (EUR 10) speċifikata fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju. Għalhekk, is-sensittività għolja tan-NPV għal tnaqqis apparentement marġinali fl-imposti tal-ajruport (li jirriżulta minn suppożizzjonijiet realistiċi) tixħet dubju sinifikanti fuq il-kredibbiltà tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju inizjali.

(150)

Filwaqt li l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 kien ibbażat fuq il-projezzjonijiet tat-traffiku li kienu disponibbli dak iż-żmien u ma għandhiex tintuża informazzjoni ex-post sabiex jiġi vvalutat direttament l-istudju dwar il-MEIP, il-Kummissjoni, madankollu tinnota kemm tali projezzjonijiet kienu ottimisti żżejjed. Tabilħaqq, tqabbil bejn il-projezzjonijiet tat-traffiku tal-2010 u dawk tal-2012 juri differenzi sinifikanti. Mhux biss kien hemm dewmien fil-bidu tal-proġett, imma apparti dan, matul il-perjodu ta' “EBITDA pożittiv”, il-projezzjonijiet tat-traffiku tnaqqsu bi […] għal […] % f'kull sena. Tali korrezzjoni sinifikanti wara biss sentejn u mingħajr ebda tibdil sinifikanti fiċ-ċirkostanzi tikkostitwixxi kontroll tas-sens utli tas-suppożizzjonijiet inizjali. Din tikkonferma wkoll il-fatt li l-kontrolli tas-sensittività mwettqa mill-Kummissjoni (li, meta mqabbla, għandhom kamp ta' applikazzjoni ferm aktar ristrett) jixħtu aktar dawl fuq in-natura mhux realistika tas-suppożizzjonijiet li fuqhom hija msejsa l-konklużjoni li l-proġett kien wieħed utli.

Tabella 6

Tqabbil tal-previżjonijiet tat-traffiku tal-passiġġieri użati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012

 

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Differenza

 

– 53 %

– 69 %

– 55 %

– 38 %

– 36 %

– 29 %

– 27 %

– 25 %

 

2022

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2010

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 343 234

PAX totali fl-Istudju dwar il-MEIP tal-2012

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 083 746

Differenza

– 23 %

– 21 %

– 19 %

– 17 %

– 17 %

– 18 %

– 18 %

– 19 %

– 19 %

(151)

Testijiet tas-sensittività ulterjuri jindikaw li l-proġett ma jibqax profittabbli jekk id-dħul globali jkun biss […] % fis-sena aktar baxx matul il-perjodu ta' projezzjoni kollu jew jekk id-dħul ikun […] % aktar baxx u l-kostijiet operattivi jkunu […] % ogħla. Għalhekk, il-profittabilità tal-investiment hija sensittiva ħafna għall-bidliet żgħar fis-suppożizzjonijiet bażiċi. Il-Kummissjoni tqis dawn il-bidliet bħala marġinali meta mqabbla mal-bidliet magħmula fl-istudji dwar il-MEIP suċċessivi.

(152)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-riżultati pożittivi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010 jiddependu ħafna wkoll fuq il-valur finali tal-investiment fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri fl-2040). Tabilħaqq, il-fluss tal-flus skontat tal-kumpanija għall-perjodu 2010-2040 huwa negattiv u jammonta għal PLN (– […] miljun). Il-valur finali skontat fit-30 ta' Ġunju 2010 jammonta għal PLN […] miljun.

(153)

Fir-rigward tas-suppożizzjonijiet sottostanti l-kalkoli, il-valur finali kien ikkalkolat abbażi tas-suppożizzjonijiet li r-rata ta' tkabbir annwali għall-fluss tal-flus tal-investiment wara l-2040 tkun tammonta għal […] % b'mod perpetwu. Skont il-prattika standard, ir-rata ta' tkabbir ta' impriża ma għandhiex tkun ogħla minn dik tal-ekonomija fejn topera (jiġifieri f'termini ta' tkabbir tal-PDG). Tabilħaqq, il-valur finali jiġi kkalkolat fil-mument meta l-impriża tkun mistennija tilħaq maturità u meta, ikun għalhekk għadda l-perjodu ta' tkabbir għoli tal-impriża. Minħabba li l-ekonomija mistennija tkun tikkonsisti f'impriżi bi tkabbir għoli u oħrajn bi tkabbir stabbli, ir-rata ta' tkabbir tal-impriżi maturi għandha għaldaqstant tkun aktar baxxa mir-rata ta' tkabbir medja tal-ekonomija globali. Fil-kummenti tagħha, il-Polonja ma indikatx il-bażi li fuqha għażlet rata ta' tkabbir fuq terminu twil ta' […] %, iżda spjegat li r-rata ta' tkabbir fuq terminu twil hija rata ta' tkabbir nominali. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli mill-FMI, il-Kummissjoni rriżultalha li l-previżjonijiet għat-tkabbir tal-PDG reali fil-Polonja disponibbli fil-bidu tal-2010 indikaw li r-rata ta' tkabbir nominali tal-ekonomija Pollakka tvarja minn 5,6 % fl-2011 sa 6,6 % fl-2015. B'inflazzjoni ta' madwar 2,5 %, il-PDG reali jista' jkun mistenni li jikber b'4 %. B'hekk, l-għażla ta' rata ta' tkabbir nominali ta' […] % għall-ajruport ta' Gdynia mal-ewwel daqqa ta' għajn tista' titqies li hija konformi mal-informazzjoni disponibbli fil-mument u mal-prattika standard li tintgħażel rata ta' tkabbir aktar baxxa mit-tkabbir tal-ekonomija. Madankollu, bl-għażla ta' rata ta' tkabbir fuq terminu twil u 'il fuq mill-inflazzjoni (li f'April tal-2010 kienet stmata bħala 2,5 %), il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jassumi li l-ajruport għandu jkompli jikber kull sena wara l-2040.

Tabella 7

Dejta u previżjonijiet li jikkonċernaw il-PDG u l-inflazzjoni disponibbli mill-FMI f'April tal-2010

 

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

tkabbir % PDG (prezzijiet kostanti)

1,70

2,70

3,20

3,90

4,00

4,00

4,00

tkabbir % PDG (prezzijiet attwali)

5,50

4,40

5,60

6,20

6,60

6,50

6,60

inflazzjoni %

4,20

3,50

2,30

2,40

2,50

2,50

2,50

Sors: Il-Fond Monetarju Internazzjonali, id-Database tal-Perspettiva Ekonomika Dinjija, April 2010 (imniżżla minn http://www.imf.org/external/data.htm)

(154)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li f'dan il-każ, minħabba l-perjodu ta' projezzjoni partikolarment twil u d-data mbiegħda li għaliha ġie kkalkolat il-valur finali, il-kompitu sabiex tiġi stabbilita l-aktar rata ta' tkabbir xierqa huwa ferm aktar kumpless u l-inċertezza hija ferm akbar. Tabilħaqq, il-previżjonijiet dwar it-tkabbir tal-PDG rari jmorru lil hinn minn perjodu ta' ħames snin, filwaqt li f'dan il-każ il-mudell kellu jipprevedi rata ta' tkabbir raġonevoli għall-ajruport wara li jkun ilu jopera għal 30 sena. Dan il-fatt jindika li investitur prudenti kien iwettaq sensiela ta' testijiet tas-sensittività.

(155)

Il-mudell tar-rata ta' tkabbir stabbli li jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur finali f'dan il-każ jirrikjedi wkoll li jsiru suppożizzjonijiet dwar id-data li fiha l-impriża mistennija tibda tikber b'rata stabbli b'tali mod li tkun tista' ssostni lilha nnifisha b'mod perpetwu. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, din id-data ġiet stabbilita bħala l-2040, li tfisser perjodu ta' projezzjoni ta' 30 sena (2010-2040). Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-perjodu ta' projezzjoni tnaqqas għal 18-il sena (2012-2030) u, għalhekk, il-valur finali ġie kkalkolat fl-2030. Jekk jiġi applikat l-istess perjodu ta' żmien għall-istudju dwar il-MEIP tal-2010, in-NPV tal-proġett jitnaqqas b'mod sinifikanti (PLN […] miljun jew EUR […] miljun).

(156)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 isemmi speċifikament li investitur prudenti kien jikkunsidra l-fatt li l-proġett jinvolvi perjodu ta' żmien partikolarment twil qabel ikun jista' jilħaq profittabilità (Ara t-Taqsima 4.10.1.2 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012, li fiha ġie konkluż li “Ir-riżultat pożittiv tal-valur preżenti nett juri li l-investiment fl-Ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jista' jkun biċċa negozju interessanti għall-investituri potenzjali. Madankollu, qabel tittieħed kull deċiżjoni, l-investituri ser ikollhom jikkunsidraw ukoll il-perjodu ta' żmien tal-investiment fuq terminu twil tipiku tal-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura”).

Il-Konklużjoni

(157)

Il-proġett tal-konverżjoni tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo jinvolvi investiment sinifikanti u perjodu twil ta' flussi ta' flus negattivi. Tabilħaqq, il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju juri li l-fluss ta' flus skontat kumulattiv matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040 huwa negattiv (– […] miljun jew — EUR […] miljun). Skont il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju, il-proġett jilħaq biss ċifri pożittivi bis-saħħa tal-valur finali skontat ta' PLN […] miljun ikkalkolat għall-2040 u b'mod perpetwu wara, jekk wieħed jassumi li l-ajruport ikompli jikber kull sena u b'mod perpetwu wara b'rata nominali ta' […] %). Madankollu, kif spjegat fil-premessa 135, jidher li la l-operatur tal-ajruport u lanqas l-azzjonisti tiegħu mhuma s-sidien tal-art, billi din tibqa' proprjetà tat-Teżor tal-Istat, u għaldaqstant il-valur finali ppreżentat għall-ajruport mhuwiex affidabbli. Aktar minn hekk, minkejja l-inċertezzi sinifikanti inerenti fi proġett fuq terminu twil bħal dan, il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ma jinkludi ebda analiżi tas-sensittività u, għalhekk, huwa differenti mill-analiżi li seta' jwettaq investitur prudenti għal tali proġett.

(158)

Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jiddependi fuq sensiela ta' suppożizzjonijiet li huma ottimistiċi żżejjed u mhux realistiċi minħabba l-viċinanza tal-ajruport ta' Gdańsk, li għandu l-istess mudell kummerċjali, kapaċità żejda u pjanijiet għall-espansjoni. Bosta testijiet tas-sensittività jindikaw li n-NPV tal-proġett isir negattiv f'każ ta' modifiki minuri u realistiċi fis-suppożizzjonijiet sottostanti.

(159)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li investitur privat kieku ma kienx jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proġett ta' investiment inkwistjoni abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar f'ajruport ċivili tagħti vantaġġ ekonomiku lill-operatur tal-ajruport li ma kienx kieku jikseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

5.1.3.4.   L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012

L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011:

(160)

L-ewwel aġġornament tal-istudju dwar il-MEIP twettaq f'Mejju tal-2011. Anke jekk l-injezzjonijiet ta' kapital li saru wara li twettaq dan l-istudju dwar il-MEIP kienu mwiegħda qabel Mejju tal-2011 (ara l-premessa 51 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk, abbażi tal-informazzjoni inkluża f'dan l-istudju ekonomiku, l-injezzjonijiet ta' kapital jistgħux jitqiesu bħala li jirriflettu l-imġiba ta' investitur privat li jopera f'ekonomija tas-suq. Fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-dħul mill-proġett inżamm kostanti, iżda n-nefqa ta' kapital żdiedet (ara l-Grafika 2 li turi l-infiq kumulattiv tal-investiment). Dan l-istudju jikkunsidra wkoll l-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti u n-nefqa ta' kapital li kienet diġà saret. Il-WACC tnaqqset bi ftit (minn […] % għal […] %) u r-rata ta' tkabbir fit-tul tnaqqset minn […] % għal […] %. Dawn l-aġġornamenti rriżultaw f'NPV ferm aktar baxx ta' PLN […] miljun (madwar EUR […]). Dan kien dovut għal telf ogħla (il-fluss tal-flus skontat matul il-perjodu 2011-2030 jammonta għal PLN – […] miljun), filwaqt li l-valur finali għandu jonqos bi ftit, għal PLN […] miljun.

(161)

Fir-rigward tad-domanda tal-passiġġieri u dħul relatat, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ppreżentati fil-premessi 136 — 141 li jikkonċernaw il-kompetizzjoni tal-ajruport ta' Gdynia għall-kumpaniji tal-ajru u l-passiġġieri mal-ajruport ta' Gdańsk japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011.

(162)

Il-Kummissjoni tosserva b'mod partikolari li l-livell ta' imposti tal-ajruport ikkwotati fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 kien l-istess bħal fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010.

(163)

Minħabba li, fl-2011, l-ajruporti ta' Gdańsk, Bydgoszcz u Szczecin applikaw l-istess tariffi bħal fl-2010 (inklużi l-istess skontijiet), il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-livell tal-imposti fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 għall-ajruport ta' Gdynia hija l-istess bħal dik li twettqet għall-istudji dwar il-MEIP tal-2010 (ara l-premessi 141 sa 147).

(164)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li investitur f'ekonomija tas-suq immexxi mill-prospett tal-profittabilità ma jibbaża ebda deċiżjoni ta' investiment fil-proġett inkwistjoni fuq imposti ferm ogħla mill-imposti netti applikati f'ajruporti reġjonali Pollakki oħrajn (64), speċjalment fl-ajruport ta' Gdańsk.

(165)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li imposta tal-ajruport imnaqqsa komparabbli mal-imposti tal-ajruporti mħallsin f'ajruporti reġjonali Pollakki oħrajn (pereżempju Gdańsk, Bydgoszcz, Szczecin, Lublin) tirriżulta f'valur tal-ekwità negattiv.

(166)

Il-Kummissjoni għamlet għadd ta' kalkoli tas-sensittività u tinnota li t-tnaqqis b'sempliċiment […] % (matul il-perjodu ta' projezzjoni 2010-2040) fid-dħul annwali mill-imposti tal-passiġġieri marbutin mat-traffiku tat-titjiriet charter u tal-LCC huwa biżżejjed sabiex il-proġett ma jkunx profittabbli, minkejja l-valur finali sinifikanti.

(167)

Testijiet tas-sensittività ulterjuri jissuġġerixxu li l-proġett ma jibqax profittabbli jekk id-dħul globali jkun biss […] % fis-sena aktar baxx matul il-perjodu ta' projezzjoni kollu jew jekk id-dħul ikun […] % aktar baxx u l-kostijiet operattivi jkunu […] % ogħla. Għalhekk, il-profittabilità tal-investiment hija sensittiva ħafna għall-bidliet żgħar fis-suppożizzjonijiet bażiċi.

(168)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-riżultati pożittivi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jiddependu ħafna wkoll fuq il-valur finali tal-investiment fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri fl-2040). Kif spjegat fil-premessa 135, jeżistu dubji dwar jekk il-valur final tal-investiment jmurx kollu kemm huwa jew anke parzjalment għand l-operatur tal-ajruport jew l-azzjonisti tiegħu.

(169)

Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, l-istess bħall-istudju dwar il-MEIP tal-2010, l-istudju dwar il-MEIP tal-2011 huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet mhux realistiċi, b'mod partikolari dwar il-projezzjonijiet tat-traffiku u l-imposti tal-ajruport. Għalhekk, abbażi wkoll tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011, id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar ta' Gdynia-Kosakowo (Gdynia-Oksywie) f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili mhijiex konsistenti mal-MEIP u għaldaqstant tagħti vantaġġ ekonomiku lill-operatur tal-ajruport li ma kienx kieku jinkiseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

L-applikazzjoni tal-MEIP abbażi tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012:

(170)

Il-Polonja hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konformità mal-MEIP abbażi tal-istudju dwar l-MEIP tal-2012. Il-Kummissjoni tinnota li l-istudju tal-MEIP tal-2012 jikkunsidra l-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti u n-nefqa ta' kapital li kienet diġà saret. L-istudju dwar il-MEIP tal-2012 juri li l-finanzjament ipprovdut lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jirriżulta f'valur ta' ekwità pożittiv ta' PLN […] miljun (madwar EUR […] miljun) għall-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, l-IRR tal-proġett ta' investiment ta' […] % hija ogħla mill-previżjoni tal-kost ta' kapital tal-operatur tal-ajruport ([…] %) (65).

(171)

L-istudju dwar il-MEIP tal-2012 iqabbel il-valur tal-ekwità tal-kumpanija b'investimenti ulterjuri f'sitwazzjoni fejn l-ajruport il-ġdid isir operattiv (ix-“xenarju bażiku”) mal-valur tal-ekwità tal-kumpanija mingħajr investimenti ulterjuri f'sitwazzjoni fejn il-proġett ta' investiment ma tkompliex minn Ġunju tal-2012 (ix-“xenarju kontrofattwali”) (66).

(172)

Dan l-approċċ huwa fundamentalment żbaljat għall-fini li jkun ivvalutat jekk il-konverżjoni tal-mitjar militari f'ajruport ċivili tinvolvix għajnuna mill-Istat, ladarba tinjora l-ammonti sostanzjali ta' kapital li diġà ġew investiti fl-ajruport. Ix-xenarju kontrofattwali korrett kellu jkun li l-implimentazzjoni tal-proġett ma tinbediex għal kollox. Il-Kummissjoni tinnota li investitur privat ma kienx jinvesti fil-proġett mill-bidu nett jekk il-pjanijiet sabiex jiġi żviluppat ajruport ċivili ġdid fiż-żona ma kinux juru prospett realistiku li jsir profitt minn tali investiment. Għaldaqstant, ix-xenarju kontrofattwali ddefinit fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 huwa mxekkel minn deċiżjonijiet preċedenti li ma rriflettewx l-imġiba ta' investitur privat. Bħall-injezzjonijiet ta' kapital preċedenti, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għaliex operatur tas-suq privat ma kienx iwettaqhom, injezzjonijiet ta' kapital sussegwenti fl-istess proġett ukoll jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(173)

Il-Kummissjoni tosserva li x-xenarju bażiku fl-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ipprovdut mill-Polonja huwa bbażat fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jipprevedi għall-flussi tal-flus futuri għall-investituri tal-ekwità matul il-perjodu 2012-2030 (jiġifieri perjodu ta' tkabbir għoli) (67). Il-flussi tal-flus futuri previsti huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-ajruport ser jibda l-attivitajiet tiegħu fl-2013. Fiż-żmien meta sar l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, il-Polonja kienet qiegħda tistenna li l-ajruport ikun ta' servizz għal […] passiġġier fl-2014 u gradwalment jestendi l-attivitajiet tiegħu sabiex jilħaq sa […] passiġġier fl-2020 u madwar […] fl-2028 (ara l-previżjoni dwar l-iżvilupp tal-passiġġieri fit-Tabella 8).

Tabella 8

Il-projezzjonijiet tat-traffiku tal-passiġġieri għall-ajruport ta' Gdynia (f''000)

It-tkabbir mistenni fin-numri tal-passiġġieri

Sena

2013

2014

2015

2017

2018

2019

2020

2023

2026

2030

Total

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

1 083,7

(174)

Skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, huwa mistenni li wara l-2030 l-operatur tal-ajruport jikber b'mod perpetwu b'rata ta' tkabbir stabbli ta' […]. Skont din is-suppożizzjoni, il-Polonja kkalkolat il-valur finali tal-operatur tal-ajruport fl-2030.

(175)

Il-Kummissjoni tinnota li, bħal fl-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011, il-fattur ewlieni ta' ħolqien ta' valur tal-flussi tal-flus futuri tal-operatur tal-ajruport ta' Gdynia huwa d-dħul mistenni mill-avjazzjoni, li ser jiddependi fuq in-numru ta' passiġġieri u fuq il-livell tal-imposti tal-ajruport imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru.

(176)

Fir-rigward tal-iżvilupp mistenni f'dak li għandu x'jaqsam mal-passiġġieri, il-Polonja ssostni li d-domanda għal servizzi tal-passiġġieri tal-ajru ser tiżdied maż-żmien u biż-żieda mistennija fil-PDG tal-Polonja u l-iżvilupp tar-reġjun. Għalhekk, il-Polonja hija tal-opinjoni li l-projezzjonijiet tat-traffiku huma konservattivi u li t-traffiku proprju jista' jkun ogħla minn dak previst. Fil-fehma tal-Polonja, l-aġġornament f'Marzu tal-2013 tal-previżjoni tat-traffiku għar-reġjun jipprevedi traffiku ogħla mill-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(177)

Il-Polonja ssostni li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju qiegħed ibassar li l-ajruport ta' Gdynia ser jilqa' inqas minn […] % tat-traffiku tal-passiġġieri tar-reġjun. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Polonja, l-iżvilupp tas-suq tas-servizzi tal-ajru tal-Pomerania jagħti lok għal ajruport żgħir addizzjonali li jikkumplimenta s-servizzi offruti mill-ajruport ta' Gdańsk.

(178)

Fir-rigward tad-domanda tal-passiġġieri u dħul relatat, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ppreżentati iktar 'il fuq, fil-premessi 136 — 147 u 161 — 165 dwar l-istudji dwar il-MEIP tal-2010 u tal-2011 japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012.

(179)

Il-Kummissjoni tqis li investitur f'ekonomija tas-suq ma jistabbilixxix l-imposti tiegħu f'livell ogħla fuq is-suppożizzjoni li l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk ser jiżdiedu fuq terminu twil. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-iskeda tal-imposti applikati fl-ajruport ta' Gdańsk tipprevedi l-applikazzjoni ta' skontijiet sal-2028 (jiġifieri għal perjodu ta' sentejn biss inqas minn dak speċifikat fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-istudju dwar il-MEIP tal-2012). Abbażi ta' dan, anke li kieku l-imposti fl-ajruport ta' Gdańsk kellhom jiżdiedu wara l-2028, il-Kummissjoni tqis li l-imposti medji tal-ajruport previsti matul il-perjodu tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju (jiġifieri sal-2030) jibqgħu ogħla mil-livell medju fl-ajruport kompetitur.

(180)

Il-Polonja kkonfermat li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 jikkunsidra l-kostijiet operattivi relatati mal-attività militari fl-ajruport. Dawn il-kostijiet mistennija jiġu kkumpensati mill-Istat. Il-Polonja kkonfermat ukoll li sa issa għadu ma ntlaħaq ebda ftehim formali dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet (kemm il-kostijiet operattivi kif ukoll il-kostijiet tal-investiment) bejn l-ajruport ta' Gdynia u l-utent militari.

(181)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur f'ekonomija tas-suq kien jibbaża l-valutazzjoni tiegħu biss fuq ir-riżultati prevedibbli fiż-żmien li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-investiment. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma għandu jittieħed ebda kont tat-tnaqqis possibbli fil-kostijiet permezz tal-kondiviżjoni tal-kostijiet mal-utent militari tal-ajruport (u l-impatt fuq il-kostijiet u d-dħul globali tal-ajruport) meta tiġi vvalutata l-konsistenza tal-investiment mal-MEIP. Tabilħaqq, l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jikkwantifikax it-tnaqqis tal-kostijiet li jista' jikseb il-operatur tal-ajruport f'dan ir-rigward.

(182)

Bħalma ġara fir-rigward tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010, id-DCF globali għall-proġett matul il-perjodu 2012-2030 huwa negattiv, kif jintwera fil-Grafika 4. L-ajruport għandu l-ewwel jibda jiġġenera flussi tal-flus pożittivi fl-2020, iżda l-perjodu twil ta' investiment ifisser li l-fluss tal-flus kumulattiv, f'termini skontati, jibqa' negattiv għall-perjodu ta' projezzjoni.

Grafika 4

Id-DCF kumulattiv (f'PLN)- l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 (eskluża n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku)

[…]

(183)

Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala t-test ġust biex ikun ivvalutat jekk id-deċiżjoni tal-muniċipalitajiet ta' Gdynia u Kosakowo li jiffinanzjaw il-konverżjoni tal-mitjar ta' Gdynia f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili tikkonformax mal-MEIP. Meta twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-deċiżjonijiet ta' investiment tal-azzjonisti diġà kienu ttieħdu. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-injezzjonijiet ta' kapital li saru wara li twettaq l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ma jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet awtonomi dwar l-investiment meħuda f'iżolament, minħabba li huma jikkonċernaw l-istess proġett ta' investiment, li l-azzjonisti pubbliċi bdew iwettqu mhux aktar tard mill-2010, u li l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 jirrifletti biss aġġustamenti jew emendi għall-proġett inizjali.

L-aġġornament ta' Novembru tal-2013

(184)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-modifiki fil-pjan ta' investiment maħsubin biex jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-bejgħ tal-karburanti mill-ajruport (mingħajr operatur estern) u biex jiġu offruti servizzi ta' navigazzjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-konsistenza tal-investiment mal-MEIP. Il-Polonja kkonfermat li dawn is-sorsi addizzjonali u possibbli ta' dħul ma ġewx inklużi la fl-istudju dwar il-MEIP tal-2010, u lanqas fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 jew tal-2012 imħejjija għall-ajruport ta' Gdynia, għaliex fiż-żmien meta ġew imħejjija dawn l-istudji, l-azzjonisti pubbliċi u l-kumpanija tant kienu inċerti dwar il-ksib tal-konċessjonijiet u tal-permessi neċessarji kollha biex jipprovdu tali servizzi, li ma nkludewx dan id-dħul fil-projezzjonijiet tagħhom stess (lanqas bħala xenarju ottimistiku). Billi fiż-żmien meta twettqu l-istudji dwar il-MEIP, kien improbabbli li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet u l-konċessjonijiet meħtieġa, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom b'mod retrospettiv.

Konklużjoni

(185)

Il-finanzjament pubbliku pprovdut minn Gdynia u Kosakowo lill-operatur tal-ajruport mhuwiex konformi mal-MEIP. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd li ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali.

5.1.4.   Is-Selettività

(186)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex miżura tiġi ddefinita bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-injezzjonijiet ta' kapital jikkonċernaw biss lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd. Għaldaqstant, skont id-definizzjoni tagħhom, huma selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

5.1.5.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(187)

Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fis-suq intern, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li ġew milqutin minn dik l-għajnuna (68). Il-vantaġġ ekonomiku mogħti mill-miżura inkwistjoni jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tal-operatur tal-ajruport, billi l-operatur tal-ajruport ikun jista' jibda n-negozju tiegħu mingħajr ma jkollu bżonn iġarrab il-kostijiet operattivi u tal-investiment inerenti.

(188)

Kif ġie vvalutat fit-Taqsima 5.1.1, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika. Minn naħa, hemm kompetizzjoni bejn l-ajruporti sabiex jattiraw il-kumpaniji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (il-passiġġieri u l-merkanzija) u, min-naħa l-oħra, bejn l-operaturi tal-ajruporti, li jistgħu jikkompetu bejniethom sabiex jiġu fdati bl-amministrazzjoni ta' ajruport partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, b'mod partikolari fir-rigward tal-LCCs, li l-ajruporti li jinsabu f'żoni ta' lħuq differenti u fi Stati Membri differenti jaf ikunu wkoll f'kompetizzjoni ma' xulxin sabiex jattiraw dawk il-kumpaniji tal-ajru. Il-Kummissjoni tinnota li l-ajruport ta' Gdynia ser jilqa' fih madwar […] 000 passiġġier sal-2020 u sa miljun passiġġier fl-2030.

(189)

Kif issemma fil-paragrafu 40 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005, mhuwiex possibbli li jiġu esklużi lanqas ajruporti żgħar mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li dawn jikkompetu ma' ajruporti żgħar oħrajn biex jattiraw, b'mod partikolari, it-traffiku tal-LCC u tat-titjiriet charter. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kapaċi jintlaqtu.

(190)

Abbażi tal-argumenti ppreżentati fil-premessi 187 sa 189, il-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-operatur tal-ajruport ta' Gdynia jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-kompetituri tiegħu fis-suq tal-Unjoni ta' fornituri ta' servizzi fl-ajruporti. Għaldaqstant, il-finanzjament pubbliku li qiegħed jiġi eżaminat jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.6.   Il-Konklużjoni

(191)

Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati fil-premessi 101 sa 190, il-Kummissjoni tqis li l-injezzjonijiet ta' kapital mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Billi l-finanzjament diġà kien tpoġġa għad-dispożizzjoni ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Polonja naqset milli tikkonforma mal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 108(3) TFUE (69).

5.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(192)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-għajnuna inkwistjoni tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Kif deskritt iktar 'il fuq, l-għajnuna tikkonsisti fil-finanzjament tal-kostijiet tal-investiment marbuta mat-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia u t-telf operattiv matul l-ewwel snin tal-operat tal-ajruport (jiġifieri sal-2019, skont l-istudju dwar il-MEIP tal-2010 u anke dak tal-2012).

5.2.1.   L-Applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u tal-2005

(193)

L-Artikolu 107(3) TFUE jipprevedi għal numru ta' eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE li tistipula li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna inkwistjoni tista' tiġi vvalutata abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jistipula li: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(194)

F'dan ir-rigward, il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru tal-31 ta' Marzu 2014 (“il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014”) (70) jipprovdu oqfsa għall-valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna lil ajruporti tistax tiġi dikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(195)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (71) japplika għall-għajnuna illeċita għall-investiment lill-ajruporti. F'dan ir-rigward, jekk l-għajnuna illeċita għall-investiment ingħatat qabel l-4 ta' April 2014, il-Kummissjoni ser tapplika r-regoli ta' kompatibbiltà fis-seħħ dak iż-żmien li ngħatat l-għajnuna illeċita għall-investiment. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni għall-għajnuna illeċita għall-investiment lill-ajruporti li ngħatat qabel l-4 ta' April 2014. (72)

(196)

Skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, id-dispożizzjonijiet tal-avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna illeċita mill-Istat ma għandux japplika għal każijiet pendenti ta' għajnuna operatorja illegali lill-ajruporti mogħtija qabel l-4 ta' April 2014. Minflok, il-Kummissjoni ser tapplika l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 għall-każijiet kollha li jikkonċernaw l-għajnuna operatorja (notifiki pendenti u għajnuna illeċita mhux notifikata) lill-ajruporti, anke jekk l-għajnuna ngħatat qabel l-4 ta' April 2014 (73).

(197)

L-injezzjonijiet ta' kapital jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illeċita lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd li ngħatat qabel l-4 ta' April 2014 (ara l-premessa 191).

5.2.2.   Id-distinzjoni bejn investiment u għajnuna operatorja

(198)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 imsemmija fil-premessi 196 — 197, il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwix għajnuna operatorja jew investiment illeċitu.

(199)

Skont il-punt 25(18) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, l-għajnuna għall-investiment hija ddefinita bħala “għajnuna biex ikunu ffinanzjati assi kapitali (fissi); speċifikament, biex tkopri d-diskrepanza tal-likwidità fl-ispejjeż kapitali”.

(200)

Min-naħa l-oħra, għajnuna operatorja tfisser għajnuna li tkopri n-nuqqas bejn id-dħul tal-ajruport u l-kostijiet tal-operat, u dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-ispejjeż sottostanti (…) f'dak li hu forniment ta' servizzi tal-ajruport, inkluż kategoriji ta' spejjeż bħall-ispiża ta' persunal, servizzi b'kuntratt, komunikazzjonijiet, skart, enerġija, manutenzjoni, kera u amministrazzjoni, iżda jeskludu l-ispejjeż kapitali, is-sostenn ta' kummerċjalizzazzjoni jew kwalunkwe inċentivi oħra mogħtija lil-linji tal-ajru mill-ajruport, u l-ispejjeż li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' politika pubblika” (74).

(201)

Fid-dawl ta' dawn id-definizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd trid tiġi kkunsidrata bħala għajnuna għall-investiment billi kienet destinata li tiffinanzja assi kapitali fissi. Il-parti tal-injezzjonijiet ta' kapital annwali li tkopri t-telf tal-operatur tal-ajruport li mhuwiex inkluż fl-EBITDA (jiġifieri, id-deprezzament annwali tal-assi, il-kostijiet tal-finanzjament, eċċ.) esklużi l-kostijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, skont ma' huwa stabbilit fil-premessi 102 sa 107, ukoll tikkostitwixxi għajnuna għall-investiment.

(202)

Min-naħa l-oħra, il-parti tal-injezzjonijiet ta' kapital annwali li ntużat biex tkopri t-telf operatorju annwali (75) ta' Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, wara li jitnaqqsu l-kostijiet inklużi fl-EBITDA kkunsidrati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku, skont ma' huwa stabbilit fil-premessi 102 — 107, tikkostitwixxi għajnuna operatorja favur l-operatur tal-ajruport.

5.2.3.   L-għajnuna għall-investiment

(203)

L-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport tkun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE jekk tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 61 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005:

(i)

Il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfaw objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.)

(ii)

l-infrastruttura tkun neċessarja u proporzjonali għall-objettiv li jkun ġie stabbilit;

(iii)

l-infrastruttura jkollha prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(iv)

l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura jkollhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju;

(v)

l-iżvilupp tal-kummerċ ma jintlaqatx tant li jmur kontra l-interess tal-Unjoni.

(204)

Barra minn hekk, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti, bħal kull miżura oħra ta' għajnuna mill-Istat, għandu jkollha effett ta' inċentiv u tkun neċessarja u proporzjonali għall-objettiv leġittimu segwit.

(205)

Il-Polonja hija tal-opinjoni li l-finanzjament pubbliku tal-proġett ta' konverżjoni fil-mitjar ta' Gdynia huwa konformi mal-kriterji kollha għall-għajnuna għall-investiment imsemmija fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005.

(i)   Il-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura jissodisfaw objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni (l-iżvilupp reġjonali, l-aċċessibbiltà, eċċ.)

(206)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Pomerania diġà hija moqdija b'mod effiċjenti mill-ajruport ta' Gdańsk, li jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport ġdid li huwa ppjanat.

(207)

L-ajruport ta' Gdańsk jinsab ħdejn ir-ring road ta' Tricity, li hija parti mit-triq express S6 li tgħaddi minn madwar Gdynia, Sopot u Gdańsk u li tipprovdi aċċess faċli għall-ajruport lill-biċċa l-kbira tal-abitanti tal-Pomerania. Anke għall-abitanti stess ta' Gdynia, il-kostruzzjoni ta' ajruport ġdid ma twassalx minnha nnifisha għal titjib sostanzjali fil-konnettività, minħabba li kemm l-ajruport ta' Gdynia kif ukoll dak ta' Gdańsk jinsabu madwar 20-25 minuta bogħod bil-karozza miċ-ċentru ta' Gdynia.

(208)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-konnessjoni tat-Tricity Metropolitan Rail li qiegħda tinbena bħalissa b'kofinanzjament mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni ser tkun qiegħda tippermetti lir-residenti ta' Gdańsk u Gdynia jivvjaġġaw direttament miċ-ċentru tal-belt tagħhom lejn l-ajruport ta' Gdańsk f'madwar 25 minuta. It-Tricity Metropolitan Rail mistennija tipprovdi wkoll lin-nies f'żoni oħrajn tal-Pomerania b'konnessjonijiet tal-ferrovija diretti jew indiretti lejn l-ajruport ta' Gdańsk.

(209)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa għandu kapaċità ta' ħames miljun passiġġier fis-sena, filwaqt li t-traffiku proprju tal-passiġġieri mill-2010 sal-2013 kien kif ġej: 2010 — 2,2 miljuni, 2011 – 2,5 miljuni, 2012 – 2,9 miljuni, 2013 – 2,8 miljuni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk bħalissa qiegħed jiġi estiż sabiex jibda jakkomoda seba' miljun passiġġier fis-sena. Dan l-investiment għandu jitlesta fl-2015.

(210)

Barra minn hekk, skont il-previżjoni tat-traffiku pprovduta mill-Polonja għall-Pomerania u li ntużat fit-tħejjija tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012, id-domanda totali fir-reġjun ser tkun ta' […] miljun passiġġier fis-sena […].

Tabella 9

Il-projezzjonijiet tat-traffiku għall-Pomerania (f'miljuni)

2013

2015

2017

2019

2020

2023

2026

2027

2028

2030

2,8

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

7,7

(211)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-pjan prinċipali għall-ajruport ta' Gdańsk jipprevedi għal espansjoni ulterjuri tal-ajruport sabiex jakkomoda aktar minn 10 miljun passiġġier fis-sena. Għalhekk, skont l-iżvilupp tat-traffiku, fil-ġejjieni tista' tittieħed deċiżjoni li l-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk tiġi estiża sabiex ikun jista' jakkomoda aktar minn seba' miljun passiġġier.

(212)

Skont il-Polonja, il-previżjoni aġġornata (imħejjija f'Marzu tal-2013) turi li d-domanda fiż-żona ta' lħuq mistennija tkun ogħla mill-projezzjonijiet tat-traffiku fl-2012. Skont il-projezzjonijiet immodifikati, id-domanda fiż-żona ta' lħuq ser tkun ta' madwar disa' miljun passiġġier fl-2030. Madankollu, anke din il-previżjoni turi li l-ajruport ta' Gdańsk waħdu jkun biżżejjed, mingħajr aktar investiment, biex jissodisfa d-domanda fir-reġjun mill-inqas sal-2025 (abbażi tal-previżjonijiet tat-traffiku aġġustati li huma deskritti fil-premessa 63).

(213)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-kapaċità attwali tar-runway fl-ajruport ta' Gdańsk hija ta' 40-44 operazzjoni fis-siegħa, filwaqt li l-medja tal-użu bħalissa hija ta' 4.7 operazzjonijiet fis-siegħa.

(214)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja (ara l-premessi 209 sa 213 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni tosserva li fis-snin li ġejjin ser tkun qiegħda tintuża biss madwar 50-60 % tal-kapaċità tal-ajruport ta' Gdańsk. Minħabba f'hekk, anke bit-tkabbir rapidu fl-ammonti ta' passiġġieri fil-Pomerania, l-ajruport ta' Gdańsk ser ikun jista' jissodisfa d-domanda mill-kumpaniji tal-ajru u mill-passiġġieri għal żmien twil.

(215)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ajruport ta' Gdańsk joffri aktar minn 40 destinazzjoni nazzjonali u internazzjonali (kemm konnessjonijiet minn punt għal ieħor, kif ukoll konnessjonijiet lejn ċentri bħal Frankfurt, Munich, Varsavja u Copenhagen).

(216)

Kif issemma fil-premessa 78, il-Polonja ssostni, minn naħa waħda, li l-kamp ta' applikazzjoni għall-espansjoni tal-kapaċità fl-ajruport ta' Gdańsk huwa limitat għal raġunijiet ambjentali u ta' ppjanar. Min-naħa l-oħra, issostni wkoll li ma hemm ebda limiti fuq il-kamp ta' applikazzjoni għall-espansjoni tal-kapaċità fl-ajruport ta' Gdańsk. Billi l-argumenti li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq l-espansjoni tal-kapaċità huma kontradittorji u b'ebda mod ma huma ssostanzjati, il-Kummissjoni tqis li hija ma tistax tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuqhom.

(217)

Fid-dawl tal-kapaċità żejda fl-ajruport ta' Gdańsk, li fit-tul mhux ser tkun qiegħda tintuża kompletament, kif ukoll il-pjan li tkompli tiġi estiża l-kapaċità f'dak l-ajruport jekk ikun hemm bżonn fuq terminu itwal, il-Kummissjoni ma temminx li l-ħolqien ta' ajruport ieħor fil-Pomerania għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Pomerania diġà għandha konnessjonijiet tajbin grazzi għall-ajruport ta' Gdańsk u li ajruport ġdid mhux mistenni jtejjeb il-konnessjonijiet ma' dan ir-reġjun.

(218)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-mudell kummerċjali għall-ajruport ta' Gdynia jissuġġerixxi li dan ser ikun qiegħed jikkompeti għall-passiġġieri mal-ajruport ta' Gdańsk fis-swieq tal-LCC, tat-titjiriet charter u tal-avjazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, il-ħolqien ta' ajruport ġdid bil-ħsieb li jservi bħala ajruport ta' riserva f'każ ta' emerġenza ma jistax jiġġustifika l-iskala ta' investiment fl-ajruport ta' Gdynia.

(219)

Kif jissemma fil-premessa 77, il-Polonja tirreferi għall-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-provinċja ta' Pomorskie għall-2007 — 2020” li skont il-Polonja rrikonoxxiet il-ħtieġa li jinbena ċentru ta' ajruporti li jikkollaboraw mill-qrib u li jaqdu lill-Pomerania.

(220)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-“Istrateġija dwar l-iżvilupp tat-trasport reġjonali fil-provinċja ta' Pomorskie għall-2007 — 2020” tippreżenta biss id-direzzjonijiet strateġiċi possibbli li fihom it-trasport fir-reġjun jista' jew għandu jiġi żviluppat. Il-konklużjonijiet dwar l-ajruport ta' Gdynia huma ta' natura ġenerali ferm. Barra minn hekk, id-dokument ma jistabbilixxi ebda miżura implimentattiva li tassigura l-użu tal-ajruport ta' Gdynia għall-avjazzjoni ċivili. Lanqas ma jimponi xi obbligi fir-rigward ta' dan l-objettiv. Kuntrarjament, id-dokument jisħaq li “Il-pjanijiet għall-iżvilupp ta' attivitajiet kummerċjali fl-ajruporti ta' Gdynia Kosakowo jew Slupsk Redzikowo għandhom l-ewwel nett ikunu direzzjonati lejn kapaċità li hija ekonomikament vijabbli u li tissodisfa d-domanda eżistenti u l-possibbiltà ta' mmaniġġar tal-merkanzija meta jkun irendi profitt.”

(221)

B'mod simili, l-ittra ta' intenzjoni ffirmata fid-29 ta' April 2005 mill-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, il-Ministeru tat-Trasport, l-ajruport ta' Gdańsk u diversi awtoritajiet reġjonali (imsemmija fil-premessa 21 ta' din id-Deċiżjoni) hija ta' karattru ġenerali ferm, li tesprimi biss l-intenzjoni li tiddaħħal l-avjazzjoni ċivili fil-mitjar militari ta' Kosakowo.

(222)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li b'segwitu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/883/UE, il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie flimkien mas-sindki ta' Gdańsk u ta' Sopot (tnejn mit-tlett ibliet il-kbar fir-reġjun u azzjonisti fl-ajruport ta' Gdańsk) għamlu stqarrija bil-miktub. F'din l-istqarrija huma ddikjaraw li huma ma kinux iffirmaw l-ittra tad-29 ta' April 2005 bl-intenzjoni li jibdew il-kostruzzjoni ta' ajruport ġdid f'Gdynia. Skont l-istqarrija, l-ittra ta' intenzjoni ġiet iffirmata biss biex tkun issalvagwardjata l-infrastruttura tal-mitjar militari eżistenti għall-kooperazzjoni fil-ġejjieni ta' dan il-mitjar militari mal-ajruport ta' Gdańsk. F'dan il-kuntest, l-ajruport ta' Gdynia jista' jaqdi biss it-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali.

(223)

L-awtoritajiet lokali saħqu wkoll li d-deċiżjoni li jitwaqqaf l-ajruport ta' Gdynia kienet deċiżjoni indipendenti ta' Gdynia u ta' Kosakowo, li kienu mgħarrfin darba wara l-oħra li dan l-investiment ma kellu l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika.

(224)

F'ittra datata s-6 ta' Awwissu 2013, il-Polonja ħabbret li l-azzjonisti tal-ajruport ta' Gdańsk (inkluża Gdynia) fit-30 ta' Lulju 2013 (jiġifieri wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali) kienu ddeċidew li jistabbilixxu grupp ta' ħidma sabiex janalizzaw ix-xenarji possibbli għal kooperazzjoni tal-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk. F'ittra datata t-30 ta' Ottubru 2013 (ipprovduta lill-Kummissjoni fl-4 ta' Novembru 2013), is-Sindku ta' Gdynia rrapporta li l-grupp ta' ħidma kien irrakkomanda lill-azzjonisti tal-ajruport ta' Gdańsk il-fużjoni taż-żewġ ajruporti tal-Pomerania (billi l-ajruport ta' Gdańsk jakkwiżixxi l-ajruport ta' Gdynia). Is-Sindku rrapporta wkoll li d-dettalji ta' tali fużjoni kienu għadhom qegħdin jiġu analizzati.

(225)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, it-twaqqif tal-grupp ta' ħidma kien iddettat biss mill-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u ma jistax jitqies bħala prova tal-implimentazzjoni ta' strateġija tat-trasport reġjonali. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx mgħarrfa dwar kull azzjoni li tikkonċerna l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ ajruporti tal-Pomerania li ttieħdet qabel jew wara. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kooperazzjoni bejn l-ajruport ta' Gdynia u l-ajruport ta' Gdańsk fil-qafas ta' ċentru ma teliminax l-irduppjar tal-infrastruttura bla ebda bażi ta' ħtiġijiet ta' trasport

(226)

Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-investiment fl-ajruport ta' Gdynia ser iwassal sempliċiment għall-irduppjar tal-infrastruttura fir-reġjun, li b'hekk ma jissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni.

(ii)   L-infrastruttura hija neċessarja u proporzjonali għall-objettiv li ġie stabbilit

(227)

Kif intqal fil-premessi 206 sa 226, il-Kummissjoni tqis li ż-żona ta' lħuq tal-ajruport ta' Gdynia hija u ser tkompli tkun moqdija b'mod effiċjenti mill-ajruport ta' Gdańsk. Barra minn hekk, iż-żewġ ajruporti sejrin isegwu mudell kummerċjali simili u jiffokaw primarjament fuq l-LCCs u t-titjiriet charter.

(228)

Fin-nuqqas ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, il-Kummissjoni tqis li l-infrastruttura ma tistax titqies bħala neċessarja u proporzjonali għal objettiv ta' interess komuni (ara wkoll il-premessa 226).

(iii)   L-infrastruttura għandha prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(229)

Kif intqal fil-punt (i), l-ajruport ta' Gdynia jinsab biss madwar 25 km bogħod mill-ajruport eżistenti ta' Gdańsk u ż-żewġ ajruporti għandhom l-istess żona ta' lħuq u mudell kummerċjali simili.

(230)

Bħalissa l-ajruport ta' Gdańsk qiegħed jintuża f'inqas minn 60 % tal-kapaċità tiegħu. Meta jitqiesu l-investimenti li qegħdin isiru bħalissa, l-ajruport ta' Gdańsk huwa biżżejjed sabiex jilqa' għad-domanda fir-reġjun mill-inqas sal-2025-2028, jiddependi liema previżjonijiet jintużaw, u b'hekk l-espansjoni ulterjuri tiegħu hija fattibbli.

(231)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia jindika li l-ajruport għandu jiġġenera madwar [80 — 90] % tad-dħul tiegħu billi jservi lit-trasportaturi bi prezzijiet baxxi u charter. Dan ifisser li l-ajruport ser ikun qiegħed jiffoka fuq is-swieq li jirrappreżentaw in-negozju prinċipali tal-ajruport ta' Gdańsk.

(232)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Polonja ma pprovdiet l-ebda prova ta' kollaborazzjoni possibbli bejn iż-żewġ ajruporti (ara wkoll il-premessi 224 u 225).

(233)

Il-pjanijiet sabiex jiġi ġġenerat dħul minn attivitajiet oħrajn relatati mal-avjazzjoni u mhux relatati mal-avjazzjoni (il-produzzjoni u s-servizzi) minnhom stess mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-kostijiet operattivi għoljin relatati mat-tmexxija tal-ajruport ta' Gdynia.

(234)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-ajruport ta' Gdynia ma joffrix prospetti sodisfaċenti għall-użu fuq terminu medju.

(iv)   L-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju

(235)

Il-Polonja kkonfermat li l-utenti potenzjali kollha jkollhom aċċess għall-infrastruttura tal-ajruport fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja mingħajr ebda diskriminazzjoni kummerċjalment mhux ġustifikata.

(v)   L-iżvilupp tal-kummerċ ma jintlaqatx tant li jmur kontra l-interess komuni

(236)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Polonja ma pprovdiet ebda prova li l-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk ser jifformaw ċentru tal-avjazzjoni kollaborattiv. Il-loġika tissuġġerixxi li ż-żewġ ajruporti fil-fatt ser ikollhom jikkompetu sabiex essenzjalment jattiraw l-istess passiġġieri.

(237)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-ajruport ta' Gdynia (fejn madwar [80 — 90] % tad-dħul jiġi ġġenerat mit-titjiriet bi prezzijiet baxxi u charter) u l-iskala tal-investiment (pereżempju terminal b'kapaċità ta' 0,5 miljun passiġġier fis-sena li mistenni jiġi estiż fil-ġejjieni) ma jissostanzjawx l-affermazzjoni li l-ajruport ta' Gdynia ser jiffoka fuq it-traffiku tal-avjazzjoni ġenerali u jipprovdi biss, jew primarjament, servizzi lis-settur tal-avjazzjoni ġenerali.

(238)

Jekk jitqies dak li ntqal iktar 'il fuq u l-fatt li ż-żewġ ajruporti ser jiffokaw fuq l-LCC u t-titjiriet charter, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija indirizzata lil ajruport li ser ikun f'kompetizzjoni diretta ma' ajruport ieħor fl-istess żona ta' lħuq, mingħajr ma hemm xi domanda għal servizzi ta' ajruport li ma tistax tiġi ssodisfata mill-ajruport eżistenti.

(239)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna inkwistjoni tolqot il-kummerċ tant li jmur kontra l-interess komuni. Din il-konklużjoni hija kkorroborata min-nuqqas ta' objettiv ta' interess komuni li l-għajnuna hija intenzjonata li tilħaq.

(vi)   In-neċessità tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv

(240)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Polonja, il-Kummissjoni tqis li l-kostijiet tal-investiment jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk għall-kostruzzjoni ta' ajruporti reġjonali komparabbli oħrajn fil-Polonja. Dan huwa dovut primarjament għall-użu tal-infrastruttura eżistenti fil-mitjar militari. Barra minn hekk, il-Polonja ssostni li, mingħajr l-għajnuna, l-investiment kieku ma jitwettaqx mill-operatur tal-ajruport.

(241)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-perjodu twil li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju għal dan it-tip ta' investiment ifisser li jista' jkun neċessarju finanzjament pubbliku sabiex jimmodifika l-imġiba tal-benefiċjarju b'tali mod li jipproċedi bl-investiment. Barra minn hekk, minħabba li l-profittabilità mistennija tal-proġett ta' investiment ma tistax tiġi stabbilita (ara l-premessa 185) u investitur f'ekonomija tas-suq kieku ma jsegwix tali proġett, huwa tabilħaqq probabbli li l-għajnuna qiegħda tbiddel l-imġiba tal-operatur tal-ajruport.

(242)

Madankollu, fin-nuqqas ta' objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tistax titqies bħala neċessarja u proporzjonali għal dak l-objettiv.

(243)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għall-investiment minn Gdynia u Kosakowo favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 u ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

5.2.4.   L-għajnuna operatorja

(244)

Il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna operatorja fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883/UE abbażi tal-konstatazzjoni li “l-għoti ta' għajnuna operatorja sabiex jiġi żgurat l-operat ta' proġett ta' investiment li jibbenefika minn għajnuna għall-investiment inkompatibbli huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern.” Mingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli, l-ajruport ta' Gdynia kieku ma jeżistix, peress li huwa ffinanzjat kollu kemm huwa permezz ta' dik l-għajnuna, u l-għajnuna operatorja ma tistax tingħata għall-infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix.

(245)

Dik il-konklużjoni skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija valida bl-istess mod skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u biżżejjed biex ikun konstatat li l-għajnuna operatorja mogħtija lill-operatur tal-ajruport hija inkompatibbli mas-suq intern.

(246)

Barra minn hekk, l-ewwel kundizzjoni ta' kompatibbiltà stabbilita mill-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, li skontha l-għajnuna operatorja tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli jekk tikkontribwixxi għal objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni b'tali mod li żżid il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-konnettività tar-reġjuni jew tiffaċilita l-iżvilupp reġjonali, mhijiex evidentement issodisfata jekk l-għajnuna operatorja inkwistjoni hija mmirata sabiex tiżgura t-tħaddim ta' ajruport li nbena esklussivament b'għajnuna għall-investiment li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(247)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-premessi 203 et seq (li juru li l-għajnuna għall-investiment mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd, minħabba rduppjar tal-infrastruttura tal-ajruport, ma tissodisfax objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni u hija b'hekk inkompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005) juru wkoll li l-għajnuna operatorja mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli bl-istess mod mas-suq intern, kif ġie diġà konkluż fid-Deċiżjoni 2014/883/UE. L-għajnuna operatorja mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd (l-istess bħall-għajnuna għall-investiment) ser twassal sempliċiment għall-irduppjar tal-infrastruttura tal-ajruport f'reġjun li jidher li diġà huwa moqdi tajjeb b'ajruport mhux konġestjonat u għaldaqstant ma tikkontribwix għal objettiv definit b'mod ċar ta' interess komuni.

(248)

F'ġieħ is-sħuħija, il-Kummissjoni tinnota li kienet tintlaħaq l-istess konklużjoni kieku l-għajnuna operatorja kellha tkun ivvalutata fid-dawl tar-regoli għall-għajnuna reġjonali invokati mill-Polonja. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni jkollha tikkunsidra l-fatt li l-ajruport ta' Gdynia jinsab f'reġjun żvantaġġat li huwa kopert mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, li permezz tagħha l-Kummissjoni jkollha tivvaluta jekk l-għajnuna operatorja inkwistjoni tistax titqies bħala kompatibbli skont ir-RAG.

(249)

Skont il-paragrafu 76 tar-RAG, l-għajnuna operatorja f'reġjuni koperti mid-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE tista' tingħata, dment li jiġu ssodisfati l-kriterji kumulattivi li ġejjin: (i) tkun ġustifikata f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u (ii) il-livell tagħha jkun proporzjonali għan-nuqqasijiet li tfittex li ttaffi.

(250)

Il-Polonja hija tal-opinjoni li l-għajnuna operatorja hija kompatibbli mal-paragrafu 76 tar-RAG (ara l-premessi 95 sa 97).

(251)

Billi l-Pomerania diġà hija moqdija mill-ajruport ta' Gdańsk u l-ajruport il-ġdid mhuwiex ser itejjeb il-konnessjonijiet ma' dan ir-reġjun, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kapaċità tikkonkludi li l-għajnuna tkun qiegħda tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali.

(252)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operatorja ma tistax titqies li hija proporzjonali għan-nuqqasijiet li qiegħda tfittex li ttaffi, minħabba li ma jidhirx li l-Pomerania qiegħda tbati minn xi nuqqas ta' konnettività.

(253)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operatorja vvalutata ġiet allokata sabiex tiffinanzja ġabra predefinita ta' nfiq. Madankollu, fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-ajruport ta' Gdynia u tal-valutazzjoni tagħha tal-livell tad-dħul u l-kostijiet previsti li ġew ippreżentati fit-Taqsima 5.1.3, ma jistax jiġi konkluż li l-għajnuna tkun limitata għal minimu neċessarju, tingħata fuq bażi tranżitorja u tkun digressiva. B'mod partikolari, fir-rigward tal-inċertezzi f'dak li għandu x'jaqsam mal-profittabilità mistennija tal-operatur tal-ajruport (ara t-taqsima dwar l-eżistenza tal-għajnuna), in-natura tranżitorja u d-digressività tal-għajnuna ma jistgħux jiġu żgurati.

(254)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna operatorja favur Gdynia-Kosakowo airport Ltd mogħtija minn Gdynia u minn Kosakowo hija inkompatibbli mas-suq intern, billi hija mmirata li tiżgura t-tħaddim ta' ajruport li jeżisti biss minħabba għajnuna għall-investiment inkompatibbli u (l-istess bħal dik l-għajnuna għall-investiment) u twassal sempliċiment għall-irduppjar fl-infrastruttura tal-ajruport.

5.2.5.   Il-konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(255)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli mas-suq intern.

(256)

Il-Kummissjoni ma identifikat ebda dispożizzjoni oħra li tikkonċerna l-kompatibbiltà mas-suq intern li tista' tipprovdi bażi sabiex l-għajnuna inkwistjoni titqies bħala kompatibbli mat-Trattat. Il-Polonja lanqas ma invokat xi dispożizzjoni li tikkonċerna l-kompatibbiltà mas-suq intern jew ipprovdiet argumenti sostanzjali li jippermettu lill-Kummissjoni tqis din l-għajnuna bħala kompatibbli.

(257)

L-għajnuna operatorja u għal investiment li l-Polonja tat jew beħsiebha tagħti favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Polonja implimentat l-għajnuna b'mod illeċitu u fi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

6.   L-IRKUPRU

(258)

F'konformità mat-TFUE u mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jabolixxi jew ibiddel l-għajnuna meta ssib li din hija inkompatibbli mas-suq intern (76). Il-Qorti konsistentement sostniet ukoll li l-obbligu ta' Stat li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala li hija inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż sabiex ireġġa' lura s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (77). F'dan il-kuntest, il-Qorti ddikjarat li l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illeċita, sabiex b'hekk jintilef il-vantaġġ li jkun gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq u s-sitwazzjoni titreġġa' lura għal kif kienet qabel tħallset l-għajnuna (78).

(259)

B'segwitu għal dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 (79) jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.”

(260)

Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat imsemmija iktar 'il fuq trid titħallas lura lill-awtoritajiet Pollakki, sakemm din tkun ġiet żborżata.

(261)

Il-Kummissjoni tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-impriżi jkunu jinsabu f'diffikultajiet jew ikunu falluti ma jaffettwax l-obbligu tal-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna (80). F'dawn il-każijiet, it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija b'mod illeċitu jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura ta' tali għajnuna jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv (81). Fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, ir-reġistrazzjoni tad-dejn tissodisfa l-obbligu ta' rkupru biss jekk il-proċedura ta' falliment twassal għall-istralċ tal-impriża kkonċernata, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha (82),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/883/UE hija rtirata.

Artikolu 2

1.   L-injezzjonijiet ta' kapital favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd bejn it-28 ta' Awwissu 2007 u s-17 ta' Ġunju 2013 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ddaħħlet fis-seħħ b'mod illeċitu mill-Polonja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li hija inkompatibbli mas-suq intern, għajr sa fejn dawn l-injezzjonijiet ta' kapital ma ntefqux fuq investimenti neċessarji sabiex jitwettqu l-attivitajiet li abbażi tad-Deċiżjoni C(2013) 4045 final iridu jiġi kkunsidrati li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

2.   L-injezzjonijiet ta' kapital li l-Polonja qiegħda tippjana li timplimenta favur Gdynia-Kosakowo Airport Ltd wara s-17 ta' Ġunju 2013 għall-konverżjoni tal-mitjar militari ta' Gdynia-Kosakowo f'ajruport tal-avjazzjoni ċivili jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern. Skont dan, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 3

1.   Il-Polonja tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jiżdiedu bl-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom. L-imgħax jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (83).

3.   Il-Polonja tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(2) b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2) ikun immedjat u effettiv.

2.   Il-Polonja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Polonja tippreżenta l-informazzjoni sussegwenti lill-Kummissjoni:

a)

l-ammont totali (il-prinċipal u l-imgħax ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

b)

id-deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni;

c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Polonja żżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2). Din tippreżenta minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Din tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta' għajnuna u imgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 243, 23.8.2013, p. 25.

(2)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, fejn ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll għadd ta' bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” minn “Unjoni” u “suq komuni” minn “suq intern”. Matul din id-Deċiżjoni ser tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(3)  Id-Deċiżjoni bin-numru tal-każ C(2013) 4045 final innotifikata lill-Polonja ġiet ippubblikata flimkien ma' sommarju fil-ĠU C 243, 23.8.2013, p. 25.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/883/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) — il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta' Gdynia-Kosakowo (ĠU L 357, 12.12.2014, p. 51).

(5)  Dawn l-applikazzjonijiet ġew irreġistrati rispettivament bħala l-Kawża T-215/14 u l-Kawża T-217/14.

(6)  Id-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-215/14 R Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:733; Id-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-217/14 R Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, mhux ippubblikat.

(7)  L-ittri mill-President tal-Uffiċju għall-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tat-30 ta' Ġunju 2014 u tat-8 ta' Jannar 2015.

(8)  Abbażi tar-rotta magħżula, id-distanza bil-karozza bejn l-ajruporti ta' Gdynia u ta' Gdańsk hija ta' bejn 26 u 29 kilometru; sors: Google maps, Bing maps. L-ajruport ta' Gdańsk huwa proprjetà ta' u operat minn Gdańsk Lech Wałęsa Airport Ltd, kumpanija li twaqqfet minn entitajiet pubbliċi. Il-kapital azzjonarju tal-kumpanija jinqasam kif ġej: il-belt ta' Gdańsk (32 %), il-provinċja ta' Pomorskie (32 %), “Polish Airports” State Enterprise (31 %), il-belt ta' Sopot (3 %) u l-belt ta' Gdynia (2 %). L-ajruport Gdańsk Lech Wałęsa (minn hawn 'il quddiem “l-ajruport ta' Gdańsk”) huwa t-tielet l-akbar ajruport fil-Polonja. Fl-2012 laqa' 2,9 miljun passiġġier (2,7 miljuni fuq servizzi tal-ajru skedati u 0,2 miljuni fuq titjiriet charter).

It-tmien kumpaniji tal-ajru li ġejjin joffru servizzi tal-ajru skedati mill-ajruport ta' Gdańsk (Jannar tal-2014): Wizzair (22 destinazzjoni), Ryanair (sebgħa destinazzjonijiet), Eurolot (erbgħa destinazzjonijiet), LOT (żewġ destinazzjonijiet), Lufthansa (żewġ destinazzjonijiet), SAS (żewġ destinazzjonijiet), Air Berlin (destinazzjoni waħda) u Norwegian (destinazzjoni waħda). Minn mindu nfetaħ terminal ġdid f'Mejju tal-2012, l-ajruport ta' Gdańsk għandu l-kapaċità li jilqa' ħames miljun passiġġier fis-sena. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, l-estensjoni tat-terminal (skedata għall-perjodu bejn l-2013 u l-2015) ser iżżid il-kapaċità tal-ajruport għal seba' miljun passiġġier. L-investiment fl-ajruport ta' Gdańsk kien iffinanzjat ukoll bl-użu ta' għajnuna mill-Istat (ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2008 fil-każ N 153/08 — EUR 1,7 miljun (ĠU C 46, 25.2.2009, p. 7); id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2009 fil-każ N 472/08 dwar l-għajnuna mill-Istat, li b'riżultat tagħha l-Polonja tat għotja ta' madwar EUR 33 miljun għall-ajruport ta' Gdańsk (ĠU C 79, 2.4.2009, p. 2)).

(9)  Il-mitjar militari eżistenti ta' Gdynia-Oksywie jinsab fuq il-fruntiera bejn il-belt ta' Gdynia u l-muniċipalità ta' Kosakowo.

(10)  L-ittra ġiet iffirmata mill-awtoritajiet tal-provinċja ta' Pomorskie, il-bliet ta' Gdańsk, Gdynia u Sopot, il-muniċipalità ta' Kosakowo u rappreżentanti tal-gvern Pollakk (il-gvernatur tal-provinċja ta' Pomorskie, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali u l-Ministeru tat-Trasport) u l-ajruport ta' Gdańsk.

(11)  Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2008, Nru 144, punt 901 (Dz. U. Nr 144, poz. 901)

(12)  Din il-klawsola timplementa l-Artikolu 4h(2) tal-Att tat-30 ta' Mejju 1996, kif emendat.

(13)  Il-ftehim operattiv jistipula li l-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-operat ser tkun koperta minn ftehim separat (paragrafu 5(5)), filwaqt li l-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-investiment u tar-rinnovazzjoni ser tkun is-suġġett ta' ftehimiet separati li jridu jiġu ffirmati miż-żewġ partijiet qabel kull xogħol ta' rinnovazzjoni jew investiment ġdid (paragrafu 9(7)).

(14)  Il-kostijiet tal-investiment ippreżentati f'din il-parti jirriflettu l-proġett ta' investiment fin-notifika tal-Polonja tas-7 ta' Settembru 2012 u l-istudju dwar il-MEIP tal-2012 ipprovdut flimkien man-notifika.

(15)  Ir-rata tal-kambju użata għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni hija EUR 1 = PLN 4, li tikkorrispondi għar-rata tal-kambju medja ta' kull ġimgħa għall-2010. Sors: Eurostat.

(16)  Fil-fehma tal-Polonja, l-investiment li jaqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku jinkludi bini u tagħmir għall-pumpiera, għall-uffiċjali doganali, għall-gwardji tas-sigurtà fl-ajruporti, għall-uffiċjali tal-pulizija u għall-gwardji tal-fruntieri, ċint tal-wajer mad-dawra tal-ajruport mgħammar b'sorveljanza bil-vidjo, eċċ.

(17)  F'termini nominali.

(18)  Il-Valur Preżenti Nett jindika jekk ir-redditu fuq proġett partikolari jaqbiżx il-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital. Proġett jitqies li huwa ekonomikament vijabbli jekk jiġġenera NPV pożittiv. L-investimenti li jipproduċu redditu aktar baxx mill-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital mhumiex ekonomikament vijabbli. Il-kostijiet (tal-għażla) tal-kapital huma riflessi fir-rata tal-iskont.

(19)  Il-Valur Terminali huwa l-valur attwali tal-flussi tal-flus kollha ġġenerati wara li jintemm il-perjodu ta' projezzjoni. Dan jassumi li l-proġett huwa għal dejjem u ser jikber b'rata ta' tkabbir stabbilita minn qabel (f'dan il-każ, ibbażata fuq il-valur tal-ekwità tal-operatur tal-ajruport fl-aħħar sena tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ppreżentat).

(20)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lill-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).

(21)  Il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(22)  Ir-rata ta' redditu interna ta' investiment hija r-rata tal-iskont li biha l-valur preżenti nett ikun ugwali għal żero. Normalment l-IRR titqabbel mal-kost tal-kapital.

(23)  Ir-regoli applikabbli dak iż-żmien ġew stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(24)  Il-pjan prinċipali għall-proġett ta' investiment identifika l-miżuri differenti li huma meneċessarjia għall-konverżjoni tal-ajruport.

(25)  Il-metodu FCFF jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-qligħ tal-impriża qabel l-imgħax u t-taxxi (earnings before interest and taxes,EBIT) kull sena, billi jżid id-deprezzament u l-amortizzazzjoni (billi dawn huma spejjeż mhux fi flus) u jnaqqas il-ħtiġijiet tal-investiment, il-bidliet fil-kapital tax-xogħol u t-taxxi (Ara t-Tabella 5 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010).

(26)  Il-kost medju ponderat tal-kapital huwa r-rata li kumpanija mistennija tħallas lid-detenturi tat-titoli kollha tagħha sabiex tiffinanzja l-assi tagħha.

(27)  Din hija bbażata fuq rata mingħajr riskju ta' […] %, primjum tar-riskju ta' kreditu ta' […] %, rata tat-taxxa korporattiva ta' 19 %, beta ta' […], primjum tar-rata fis-suq ta' […] % u struttura ta' kapital ta' […] % f'dejn u […] % f'ekwità (Ara t-Taqsima 4.4 fil-paġna 21 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2010). Il-Kummissjoni tinnota li l-kalkoli ppreżentati mill-Polonja jidhru li jindikaw li ntuża WACC bi struttura ta' terminu 'l isfel għall-istudju dwar il-MEIP.

(28)  Ir-rata mingħajr riskju żdiedet għal […] % u l-beta żdiedet għal […]. L-istruttura tal-kapital ġiet immodifikata billi żdied is-sehem tad-dejn ([…] %) u tnaqqas dak tal-ekwità ([…] %).

(29)  FCFE = FCFF + il-krediti u s-self meħuda — krediti u self imħallsa lura — imgħax fuq krediti u self. Meta mqabbel mal-FCFF, il-FCFE huwa skontat b'rata ta' redditu fuq l-ekwità li dejjem tkun ogħla mill-WACC. B'riżultat ta' dan, in-NPV juri liema parti mir-redditu fuq l-investiment hija disponibbli għall-azzjonisti (investituri tal-ekwità). Għalhekk, in-NPV ikkalkolat abbażi tal-FCFE ma jirriflettix ir-redditu globali fuq l-investiment, jiġifieri r-redditu għall-azzjonisti u r-redditu għall-kredituri.

(30)  Sabiex ikun jirrifletti d-differenzi fl-istruttura tal-finanzjament tipika tal-kumpaniji tal-ajruport u tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi fl-ajruport, ir-redditu fuq l-ekwità ta' dawn il-kumpaniji tal-aħħar ġie miżjud qabel ġew ikkalkolati l-medji.

(31)  Ir-rata mingħajr riskju tnaqqset għal […] % u l-beta tnaqqset għal […].

(32)  It-Tricity hija żona urbana li tikkonsisti fi tlett ibliet ewlenin fil-Pomerania (Gdańsk, Gdynia u Sopot). Fil-preżent hemm tliet ajruporti fiż-żona ta' Tricity: l-Ajruport Lech Wałęsa fi Gdańsk, il-mitjar militari fi Pruszcz Gdański u l-mitjar militari fuq il-fruntiera bejn Gdynia u Kosakowo (Gdynia-Oksywie).

(33)  Il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998], EU:C:1998:303/[1998] Ġabra I-3851; C-41/90 Höfner u Elser [1991], EU:C:1991:161/[1991] Ġabra I-1979; il-Kawża C-244/94 Fédération Française des Sociétés d'Assurances vs Ministère de l'Agriculture et de la Pêche [1995] EU:C:1995:392/[1995] Ġabra I-4013; il-Kawża C-55/96 Job Centre, EU:C:1997:603/[1997] Ġabra I-7119.

(34)  Il-Kawża C-35/85 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1987], EU:C:1987:283/[1987] Ġabra I-2599; Il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni vs l-Italja [1998], EU:C:1998:303/[1998] Ġabra I-3851;

(35)  Il-Kawżi Konġunti T-455/08 Flughafen Leipzig-Halle GmbH u Mitteldeutsche Flughafen AG vs il-Kummissjoni u T-443/08 Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs il-Kummissjoni, EU:T:2011:117/[2011] Ġabra II-01311, ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kawża C-288/11 P Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs il-Kummissjoni, EU:C:2012:821; ara wkoll il-Kawża T-128/98 Aéroports de Paris vs il-Kummissjoni, EU:T:2000:290/[2000] Ġabra II-3929, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kawża C-82/01P, EU:C:2002:617/[2002] Ġabra I-9297, u l-kawża T-196/04 Ryanair vs il-Kummissjoni, EU:T:2008:585/[2008] Ġabra II-3643.

(36)  Il-Kawżi C-159/91 u C-160/91, Poucet vs AGV u Pistre vs Cancave, EU:C:1993:63/[1993] Ġabra I-637.

(37)  Il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, EU:C:1994:7/[1994] Ġabra I-43.

(38)  Ara, b'mod partikolari, il-Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol/[1994], Ġabra I-43, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati vs il-Kummissjoni, EU:C:2009:191/[2009] Ġabra I-2207, il-paragrafu 71.

(39)  Il-Kawża C-343/95 Cali & Figli vs Servizi ecologici porto di Genova, EU:C:1997:160/[1997] Ġabra I-1547; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N309/2002 tad-19 ta' Marzu 2003; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N438/2002 tas-16 ta' Ottubru 2002, Għajnuna bħala appoġġ għall-funzjonijiet tal-awtorità pubblika fis-settur Belġjan tal-portijiet.

(40)  Ara fost oħrajn, il-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck, EU:C:2005:130/[2005] Ġabra I-01627, il-paragrafu 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

(41)  Premessa 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ

(42)  Il-MEIP tal-2010 ma jindikax liema parti mill-investimenti taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat l-approċċ li kienet użat fl-istudju dwar il-MEIP tal-2011 biex tiddetermina l-ammont ta' investimenti li jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku. Ara l-premessa 132.

(43)  Matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kosakowo indikat li PLN […] miljun (EUR […] miljun) intefqu fuq investimenti li allegatament jaqgħu fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(44)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni. EU:C:2002:294/[2002] Ġabra I-4397.

(45)  Is-Sentenza tat-12 ta' Mejju 2011 fil-Kawżi Konġunti T-267/08 u T-279/08, Nord-Pas-de-Calais, EU:T:2011:209/[2011] Ġabra II-01999, il-paragrafu 108.

(46)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”), EU:C:1991:142/[1991] Ġabra I-1603; Il-Kawża T-296/97 Alitalia vs il-Kummissjoni, EU:T:2000:289/[2000] Ġabra II-3871.

(47)  Il-Kawża C-40/85 il-Belġju vs il-Kummissjoni, EU:C:1986:305/[1986] Ġabra I-2321.

(48)  Għalkemm il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jippreżentaw l-ispreadsheets tal-Excel sottostanti li ntużaw għall-kalkoli bil-formuli, l-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw l-ispreadsheets tal-Excel mingħajr il-formuli.

(49)  Il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni, EU:C:2002:294/[2002] Ġabra I-4397.

(50)  Il-Kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea vs Électricité de France, (EDF) EU:C:2012:318, il-paragrafu 85.

(51)  Ara t-Taqsima 4.7.5 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2012. Skont il-kummenti rċevuti mill-Polonja, fis-26 ta' Ġunju 2009, l-injezzjonijiet ta' kapital fl-ajruport ta' Gdynia kienu jammontaw għal total ta' PLN 1 691 miljun (madwar EUR 423 000). Madankollu, intużaw biss PLN […] miljun (madwar EUR […]) għall-finanzjament tal-istudji differenti mwettqa bħala parti mit-tħejjija tal-proġett.

(52)  Il-ftehim jipprevedi għal Gdynia li tagħmel kontribuzzjonijiet fi flus li jammontaw għal total ta' PLN 59 048 miljun (EUR 14,8 miljun) matul il-perjodu 2011-2013 u għal Kosakowo li tagħmel kontribuzzjoni mhux fi flus (billi tpartat it-tariffi annwali tal-kiri ma' ishma) fil-perjodu 2011-2040.

(53)  L-ittra tas-6 ta' Awwissu 2013.

(54)  Ara l-paġna 35 tal-istudju dwar il-MEIP tal-2011.

(55)  Dan il-valur tal-ekwità jinkludi l-valur preżenti nett tal-flussi tal-flus fl-2012-2040 flimkien mal-valur finali skontat tal-ajruport tal-ajruport ta' Gdynia kif ikkalkolat mill-2040.

(56)  Il-valur finali huwa kkalkolat abbażi tal-fluss tal-flus proġettat għall-aħħar sena tal-previżjoni dettaljata, u aġġustat sabiex jitqies l-investiment għat-tibdil meħtieġ għall-iżgurar tat-tħaddim kontinwu tal-infrastruttura.

(57)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru. C(2009) 4445 tat-3 ta' Ġunju 2009, li tagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej.

(58)  Ara n-nota 9 f'qiegħ il-paġna.

(59)  Il-pjan prinċipali kien ikkummissjonat fi Frar tal-2010 u ppreżentat f'Novembru tal-2010.

(60)  It-traffiku tal-passiġġieri (f''000 passiġġier fis-sena) fl-ajruport ta' Gdańsk.

Passiġġieri attwali:

Sena

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Passiġġieri

466

672

1 256

1 715

1 954

1 911

2 232

2 463

2 906

Żvilupp mistenni tal-passiġġieri:

Sena

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

 

Passiġġieri

3 153

3 311

3 477

3 616

3 760

3 911

4 067

4 230

 

(61)  L-LCCs 64,5 %, it-titjiriet charter 7,5 %. Kemm fl-2009 kif ukoll fl-2011, din iċ-ċifra kienet ta' 70 %.

(62)  L-Ajruport ta' Bydgoszcz: It-tariffa standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija ta' PLN 30 (EUR 7,5); it-tariffa standard tal-inżul hija ta' PLN 45/tunnellata (EUR 11,25) għall-ewwel żewġ tunnellati ta' MTOW, PLN 40/tunnellata (EUR 10) bejn 2 u 15-il tunnellata ta' MTOW, PLN 35/tunnellata (EUR 8,75) bejn 15 u 40 tunnellata ta' MTOW, PLN 30/tunnellata (EUR 7,5) bejn 40 u 60 tunnellata ta' MTOW, PLN 25/tunnellata (EUR 6,25) bejn 60 u 80 tunnellata ta' MTOW u PLN 20/tunnellata (EUR 5) għal kull tunnellata 'l fuq minn 80 tunnellata ta' MTOW; imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 8 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (EUR 2; ebda imposta għall-ewwel erba' sigħat). Skontijiet: L-imposti tal-passiġġieri jistgħu jitnaqqsu minn 5 % (jekk trasportatur tal-ajru jkollu bejn 100 u 300 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-ajruport ta' Bydgoszcz fix-xahar) għal 50 % (jekk trasportatur tal-ajru jkollu aktar minn 8 000 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-Ajruport ta' Bydgoszcz fix-xahar); l-imposta tal-inżul — skont ta' 50 % fl-ewwel 12-il xahar ta' konnessjoni, 50 % għal inżul bejn is-14.00 u t-20.00; l-imposti tal-inżul u tal-parkeġġ: 10 % għal trasportatur li jagħmel bejn 4 u 10 titjiriet fix-xahar, 15 % għal trasportatur li jagħmel bejn 11 u 30 titjira fix-xahar u 20 % għal aktar minn 31 titjira fix-xahar. L-ajruport ta' Szczecin: l-imposta standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija ta' PLN 35 (EUR 8,75); l-imposta standard tal-inżul hija ta' PLN 70/tunnellata (EUR 17,5); l-imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 8 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (ebda imposta għall-ewwel sagħtejn). Skontijiet: minn 20 % (jekk trasportatur joffri lill-passiġġieri li jkunu ser jitilqu aktar minn 800 post fuq l-ajruplan fil-ġimgħa) għal 90 % (jekk jiġu offruti aktar minn 1 300 post fuq l-ajruplan).

(63)  Il-kalkolu tat-tariffi tal-passiġġieri għal-LCCs.

(64)  Minbarra l-ajruporti ta' Gdańsk, Bydgoszcz u Szczecin, il-Kummissjoni fliet ukoll l-imposti tal-ajruport ta' Lublin, ajruport reġjonali li nfetaħ f'Diċembru tal-2012. L-imposta standard tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu, fl-ajruport ta' Lublin hija ta' PLN 34 (EUR 8,5); L-imposta standard tal-inżul hija ta' PLN 36/tunnellata; l-imposta standard tal-parkeġġ hija ta' PLN 15 għal kull tunnellata għal kull 24 siegħa (ebda imposta għall-ewwel erba' sigħat). Skontijiet: jekk trasportatur tal-ajru jiftaħ bażi operattiva fl-Ajruport ta' Lublin, l-imposta tal-passiġġieri li jkunu ser jitilqu hija bejn PLN 4,21 (EUR 1,05) u PLN 5,76 (EUR 1,44) fl-ewwel ħames staġuni (sentejn u nofs); skont ta' 99 % jiġi applikat fuq l-imposti tal-parkeġġ u tal-inżul. Wara ħames staġuni jiġu applikati skontijiet għall-konnessjonijiet ġodda. Skontijiet fuq imposti tal-passiġġieri, tal-inżul u tal-parkeġġ ivarjaw minn 95 % fl-ewwel sena tal-konnessjoni għal 25-65 % fil-ħames sena (skont in-numru ta' passiġġieri). Wara l-ħames sena, jiġi applikat skont ta' 60 % jekk trasportatur tal-ajru jilqa'aktar minn 250 000 passiġġier li jkunu ser jitilqu mill-ajruport ta' Lublin.

(65)  Dawk il-kalkoli jinkludu n-nefqa li taqa' fl-ambitu ta' ordni pubbliku.

(66)  Billi l-istudju dwar il-MEIP twettaq f'Ġunju tal-2012, l-analiżi hija bbażata fuq din id-data.

(67)  Metodu li jintuża ħafna għall-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment tal-ekwità huwa li jiġi kkunsidrat il-valur tal-ekwità tal-kumpanija. Il-valur tal-ekwità huwa l-valur ta' kumpanija disponibbli għall-proprjetarji jew l-azzjonisti tagħha. Dan jiġi kkalkolat billi jingħaddu l-flussi tal-flus futuri kollha disponibbli għall-investituri tal-ekwità skontati bir-rata ta' redditu xierqa. Ir-rata tal-iskont li tintuża ġeneralment hija l-kost tal-ekwità, li tirrifletti r-riskju tal-flussi tal-flus.

(68)  Il-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest v Il-Kummissjoni, EU:T:1998:77/[1998] Ġabra II-717.

(69)  Il-Kawża T-109/01 Fleuren Compost v Il-Kummissjoni, EU:T:2004:4/ [2004] Ġabra II-127.

(70)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(71)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(72)  Il-Punt 173 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(73)  Il-Punt 172 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(74)  Il-punti 25(21), (22) u (23) tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.

(75)  Espress fi qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (“EBITDA”, Earnings Before Interest, Taxes, Depreciation and Amortisation).

(76)  Il-Kawża C-70/72 il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, EU:C:1973:87/[1973] Ġabra 813, il-paragrafu 13.

(77)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni, EU:C:1994:325/[1994] Ġabra I-04103, il-paragrafu 75.

(78)  Il-Kawża C-75/97 il-Belġju vs il-Kummissjoni,EU:C:1999:311/[1999] Ġabra I-03671, il-paragrafi 64-65.

(79)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(80)  Il-Kawża C-42/93 Spanja vs il-Kummissjoni, EU:C:1994:326/[1994] Ġabra I-4175, il-paragrafu 33; Il-Kawża C-496/09 il-Kummissjoni vs l-Italja, EU:C:2011:740/[2011] I-11483, il-paragrafu 72.

(81)  Il-Kawża C-277/00 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (“SMI”), EU:C:2004:238/ [2004] Ġabra I-4355, il-paragrafu 85; Il-Kawża C-52/84 il-Kummissjoni vs il-Belġju, EU:C:1986:3/[1986] 89, il-paragrafu 14; Il-Kawża C-142/87 il-Belġju vs il-Kummissjoni(“Tubemeuse”), EU:C:1990:125/[1990] I-959, il-paragrafi 60–62.

(82)  Id-Deċiżjoni C-610/10 il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa”), EU:C:2012:781, il-paragrafu 104 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(83)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 08, Vol. 004 p. 3).


ANNESS

INFORMAZZJONI DWAR L-AMMONTI TA' GĦAJNUNA RĊEVUTA, LI GĦANDHA TIĠI RKUPRATA U LI DIĠÀ ĠIET IRKUPRATA

L-identità tal-benefiċjarju

L-ammont totali ta' għajnuna rċevuta (*)

L-ammont totali ta' għajnuna li għandha tiġi rkuprata (*) (il-prinċipal)

L-ammont totali diġà mħallas lura (*)

Il-prinċipal

L-imgħax ta' rkupru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*)  Miljun tal-munita nazzjonali.


25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/208


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1587

tas-7 ta' Mejju 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35546 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Portugall għal Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A.

(notifikata bid-dokument C(2015) 3036)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-għajnuna SA.35546 (2013/C) (ex 2012/NN) (1),

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin qabel,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' email tat-3 ta' Ottubru 2012, l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw b'mod informali lill-Kummissjoni memorandum qasir dwar il-miżuri tal-Istat li jfittxu li jimmassimizzaw id-dħul mill-privatizzazzjoni ta' Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. (“ENVC”). Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ każ ex officio fil-5 ta' Ottubru 2012, irreġistrat bin-numru SA.35546 (2012/CP). Il-Portugall ġie infurmat bil-ftuħ tal-każ bl-ittra tal-11 ta' Ottubru 2012.

(2)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali bl-ittra tat-12 ta' Ottubru 2012, li l-Portugall wieġeb għaliha bl-email tad-9 ta' Novembru 2012 u l-ittra tal-20 ta' Novembru 2012. Mill-informazzjoni jidher li l-ENVC fil-passat ibbenefikat minn numru ta' miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fis-16 ta' Ottubru 2012 saret telefonata konferenza mal-awtoritajiet Portugiżi. Wara talba mill-awtoritajiet Portuġiżi, fil-11 ta' Diċembru 2012, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi. Il-Portugall ippreżenta informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tat-28 ta' Diċembru 2012 u l-email tat-18 ta' Jannar 2013.

(3)

Permezz tal-ittra ddatata t-23 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Portugall li ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”).

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) , u stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummetti tagħhom dwar il-miżuri. Il-Portugall ippreżenta l-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz tal-ittra ddatata 12 ta' Marzu 2013. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda osservazzjoni minn partijiet interessati.

(5)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Portugall ippreżenta informazzjoni f'diversi okkażjonijiet bħala risposta għal talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portuġiżi għamlu telefonati konferenzi fis-27 ta' Mejju 2013, fid-29 ta' Lulju 2013, fit-13 ta' Novembru 2013 u fl-20 ta' Jannar 2015. Barra minn hekk, fis-17 ta' Marzu 2014, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portuġiżi.

(6)

Permezz tal-ittra ddatata 27 ta' Frar 2015, il-Portugall talab lill-Kummissjoni biex tikkonferma li kwalunkwe obbligu ta' rkupru potenzjali mhux ser jiġi estiż għal WestSea. Fl-istess ittra, il-Portugall qabel li jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu dderivati mill-Artikolu 342 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/1958 (3) u li jkollu din id-deċiżjoni adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

2.   IL-KUNTEST

2.1.   Il-benefiċjarju

(7)

L-ENVC kienet tarzna Portugiża li twaqqfet fl-1944 u ġiet nazzjonalizzata fl-1975. Kienet proprjetà sħiħa tal-Istat permezz ta' EMPORDEF — Empresa Portuguesa de Defesa (SGPS), S.A. (“EMPORDEF”), kumpanija azzjonarja 100 % proprjetà tal-Istat li tikkontrolla numru ta' impriżi proprjetà tal-Istat fis-settur tad-difiża.

(8)

Saż-żmien tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni (ara l-premessa 3 hawn fuq), l-ENVC kienet tħaddem 638 impjegat u kienet l-unika tarzna fil-Portugall li kienet kapaċi tibni bastimenti militari. (4) Il-portafoll tal-bini ta' bastimenti tal-ENVC f'dak il-mument kien limitat għall-bini ta' żewġ tankers li jittrasportaw l-asfalt ikkummissjonati minn Petróleos de Venezuela S.A (“PDVSA”), kumpanija kollha kemm hi proprjetà tal-Istat tal-Venezwela.

(9)

L-ENVC kienet topera fuq l-art taħt konċessjoni. Din il-konċessjoni ngħatat l-ewwel lill-ENVC fl-1946 u sussegwentement ġiet immodifikata fl-1948, fl-1949 u fl-1974. Fl-1989, iż-żona ta' konċessjoni ġiet estiża fid-daqs u fiż-żmien — oriġinarjament sal-2006 — ġiet estiża sal-2031 (5).

2.2.   Il-proċedura ta' privatizzazzjoni

(10)

Fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-ENVC kienet għadha attiva fis-suq. Bid-Digriet Amministrattiv 186/2012 tat-13 ta' Awwissu 2012, il-Gvern iddeċieda li jerġa' jipprivatizza l-kumpanija (6).

(11)

Il-proċess ta' privatizzazzjoni kellu jsir fil-kuntest tal-Liġi Portugiża dwar il-Privatizzazzjoni. (7) Ir-regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċess, jiġifieri d-Digriet Amministrattiv 186/2012 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri 73/2012, ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali Portugiża fit-13 u d-29 ta' Awwissu 2012 rispettivament. (8) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri 73/2012 iċċarat li l-privatizzazzjoni kellha titwettaq permezz ta' bejgħ dirett — mingħajr sejħa għall-offerti — sa 95 % tal-ishma kapitali tal-ENVC.

(12)

Il-Portugall indika li ġew identifikati iktar minn 70 investitur potenzjali mill-EMPORDEF u l-konsulent finanzjarju tagħha. Tliet investituri ppreżentaw offerti vinkolanti sal-iskadenza tal-5 ta' Novembru 2012, iżda tnejn biss tqisu eliġibbli: Rio Nave Serviços Navais tal-Brażil u JSC River Sea Industrial Trading tar-Russja (9).

(13)

Permezz tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri 27/2013, tas-17 ta' April 2013, il-Gvern Portuġiż iddeċieda li jirrifjuta l-unika offerta valida ta' JSC River Sea Industrial Trading (l-offerta ta' Rio Nave Serviços Navais sadanittant kienet skadiet) bl-argument li l-kundizzjonijiet tagħha kienu eċċessivi u ma setgħux jiġu preżunti.

(14)

Permezz tad-Digriet Amministrattiv 98/2013 tal-24 ta' Lulju 2013, il-Gvern Portugiż awtorizza lill-ENVC biex tipproċedi bis-sottokonċessjoni ta' art li operat fuqha. Il-proċedura ta' sottokonċessjoni nbdiet fil-31 ta' Lulju 2013. Ġew ippreżentati żewġ offerti, iżda dik ta' Martifer-Energy Systems SGPS, S.A. flimkien ma' Navalria-Docas, Construções e Reparações Navais, S.A. biss (permezz tas-sussidjarja konġunta tagħhom WestSea) kienu kkunsidrati eliġibbli. Fil-11 ta' Ottubru 2013, il-Portugall ikkonferma li ntgħażlet l-offerta ta' WestSea.

(15)

Fl-isfond tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ENVC, li sa nofs l-2013 kienet akkumulat telf ta' iktar minn EUR 264 miljun, il-Gvern Portugiż iddeċieda li jillikwida lill-ENVC b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri 86/2013, tal-5 ta' Diċembru 2013. Fl-istess ħin, il-Gvern ta struzzjonijiet lill-Bord tad-Diretturi tal-ENVC biex jibda jbiegħ l-assi tal-kumpanija u jimmassimizza l-valur tagħhom permezz ta' bejgħ trasparenti.

(16)

Fl-4 ta' Marzu 2014, l-ENVC laqqgħet assemblea ġenerali li fiha l-EMPORDEF, bħal l-azzjonist uniku tal-ENVC, ikkonfermat id-deċiżjoni li tipproċedi bil-bejgħ tal-assi tal-ENVC kif ukoll bit-tkeċċija ta' madwar 607 ħaddiem f'dak iż-żmien, sabiex tiġi llikwidata u xolta l-kumpanija malajr kemm jista' jkun.

(17)

Wara li għamel l-arranġamenti meħtieġa biex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-assemblea ġenerali tal-ENVC, il-bejgħ tal-assi u t-tkeċċija tal-impjegati, il-Gvern Portugiż talab lill-Comissão de Recrutamento e Selecção para a Administração Pública — CRESAP (l-Aġenzija Portugiża għall-Għażla u r-Reklutaġġ ta' Uffiċjali Amministrattivi Għoljin) biex jinnominaw lit-tim ta' likwidazzjoni inkarigat mil-likwidazzjoni tal-ENVC. L-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li l-ENVC ser tiġi llikwidata fix-xhur li ġejjin.

3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

(18)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Portugall matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, jidher li l-ENVC ibbenefikat minn diversi miżuri ta' għajnuna fil-passat (“il-miżuri preċedenti”).

(19)

Xi wħud mill-miżuri preċedenti kienu pprovduti mill-EMPORDEF jew mit-Teżor Portugiż sabiex jiġu koperti spejjeż tal-operat u/jew telf li għamlet l-ENVC bejn l-2006 u l-2013. Il-miżuri huma deskritti fil-qosor fit-tabella 1 ta' hawn taħt.

Tabella 1

Miżuri preċedenti li jkopru spejjeż tal-operat u/jew telf mill-ENVC

Data

Miżura

Fornitur

Ammont

(f'EUR)

11 ta' Mejju 2006

Żieda fil-kapital tal-ENVC

EMPORDEF

24 875 000

2012/2013

Selfiet b'imgħax li jkopru spejjeż tal-operat — ara l-Anness I għal dettalji

EMPORDEF

101 118 066,03

(i)

31 ta' Jannar 2006

(ii)

11 ta' Diċembru 2008

(iii)

28 ta' April 2010

(iv)

27 ta' April 2011

Selfiet biex tlaħħaq mal-ispejjeż għall-operat

Direção-Geral do Tesouro e Finanças (DGTF)

(i)

30 000 000

(ii)

8 000 000

(iii)

5 000 000

(iv)

13 000 000

(20)

Fil-11 ta' Mejju 2006, l-Assemblea Ġenerali tal-ENVC (li l-uniku membru tagħha kienet l-EMPORDEF) iddeċidiet li tipproċedi b'żieda fil-kapital tal-ENVC ta' EUR 24,875 miljun (“iż-żieda fil-kapitali tal-2006”) (10). Skont il-Portugall, iż-żieda fil-kapital tal-2006 kienet meħtieġa sabiex tippermetti lill-ENVC tonora l-impenji finanzjarji u kummerċjali tagħha (b'mod partikolari mal-Flotta Navali Portugiża) u saret b'kunsiderazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar għall-ENVC iddatat is-17 ta' Awwissu 2005 (ara l-premessa 47 below) Il-Portugall jinnota wkoll li ż-żieda fil-kapital tal-2006 kienet meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 35 tal-Kodiċi Portugiż dwar il-Kumpaniji (“Código das Sociedades Comerciais”), l-alternattivi jkunu tnaqqis fil-kapital tal-ENVC jew il-likwidazzjoni tal-kumpanija.

(21)

Fl-2012 u fil-bidu tal-2013, diversi banek waqfu milli jagħtu self lill-ENVC u kienu lesti li jagħmlu dan fir-rigward tal-EMPORDEF biss. Bħala riżultat, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet mill-ENVC, l-EMPORDEF — bħala l-azzjonist uniku tagħha — tat appoġġ finanzjarju lill-ENVC fil-forma ta' diversi selfiet b'imgħax li jammontaw għal total ta' EUR 101 118 066,03) (“is-selfiet tal-2012 u l-2013”) (11). Il-Portugall jispjega li dawn is-selfiet ingħataw biex ikopru l-ispejjeż tal-operat u biex jiġi żgurat ir-rifinanzjament ta' self bankarju eżistenti. Ir-rati tal-imgħax applikabbli fuq is-selfiet tal-2012 u l-2013 jiddependu skont kull kuntratt speċifiku. Il-Portugall isostni li r-rati tal-imgħax applikati mill-EMPORDEF lill-ENVC irreplikaw ir-rati tal-imgħax bankarji għas-selfiet sottostanti lill-EMPORDEF. Minn Frar 2014, l-ENVC la rrimburżat is-selfiet tal-2012 u l-2013 u lanqas ħallset imgħax fuqhom.

(22)

Fl-aħħar nett, fl-2006, l-2008, l-2010 u l-2011, l-ENVC kisbet finanzjament ta' total ta' EUR 56 miljun mit-Teżor Portugiż (“Direção-Geral do Tesouro e Finanças” — DGTF) fil-forma ta' ftehimiet ta' diversi selfiet (“is-selfiet DGTF”). Il-Portugall jiddikjara li r-rati tal-imgħax applikabbli kienu EURIBOR flimkien ma' firxa varjabbli skont il-kuntratt. Is-selfiet DGTF ingħataw biex jiġu koperti responsabbiltajiet finanzjarji pendenti preċedenti u r-rekwiżiti ta' flus sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-operat mill-ENVC. Il-Portugall ikkonferma li s-selfiet DGTF ma tħallsux lura (12).

(23)

Il-Portugall ipprovda wkoll informazzjoni dwar numru ta' miżuri oħrajn mogħtija lill-ENVC fil-passat. Il-miżuri huma deskritti fil-qosor fit-tabella 2 ta' hawn taħt.

Tabella 2

Miżuri preċedenti oħrajn mogħtija lill-ENVC  (13)

Data

Miżura

Fornitur

Ammont

(f'EUR)

29 ta' Novembru 2011

Ittra ta' konfort għal self mogħti minn Banco Comercial Português (BCP)

EMPORDEF

990 000

3 ta' Novembru 2011

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

EMPORDEF

400 000

30 ta' Settembru 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

EMPORDEF

12 500 000

31 ta' Awwissu 2010

Ittri ta' konfort għal żewġ ittri ta' kreditu pendenti maħruġin minn Caixa Geral de Depósitos (CGD)

EMPORDEF

12 890 000  (14)

24 ta' Ġunju 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

EMPORDEF

5 000 000

25 ta' Novembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mis-CGD

EMPORDEF

15 000 000

7 ta' Settembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mill-Banco Espírito Santo (BES)

EMPORDEF

4 500 000

26 ta' Ġunju 2008

Ittra ta' konfort għall-BCP bħala bonds ta' prestazzjoni b'rabta ma' żewġ kuntratti ta' bini ta' bastimenti

EMPORDEF

14 512 500

8 ta' Jannar 2007

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mis-CGD

EMPORDEF

5 000 000

Għajnuna għall-bini ta' bastimenti 2000-2005 (15)ara l-Anness II għal dettalji

DGTF

27 129 933,20

Għajnuna għal taħriġ professjonali 2005-2006 (16)

DGTF

257 791

23 ta' Diċembru 2009

Self għall-bini tal-bastiment Atlântida

EMPORDEF

37 000 000

(24)

Fl-2010, l-ENVC daħlet f'kuntratt mal-PDVSA għall-kostruzzjoni ta' żewġ tankers tal-asfalt. Il-valur kuntrattwali għal kull bastiment kien ta' EUR 64,45 miljun, b'total ta' Eur 128,9 miljun. Skont il-kuntratt ta' kostruzzjoni, il-PDVSA kellha tagħmel pagament bil-quddiem lill-ENVC ta' 10 % tal-prezz totali tal-kuntratt, jiġifieri EUR 12,89 miljun, bil-kundizzjoni preċedenti li tikseb żewġ ittri ta' kreditu pendenti, li kellhom l-għan li jiggarantixxu pagament bil-quddiem tal-PDVSA fil-każ li l-ENVC tonqos milli tikkonforma mal-obbligi kuntrattwali. Iż-żewġ ittri ta' kreditu pendenti nħarġu mis-CGD abbażi tal-ittri ta' konfort mill-EMPORDEF u ġew irtirati fit-28 ta' Frar 2014 u fil-31 ta' Marzu 2014.

(25)

Il-Portugall jispjega wkoll li bejn l-2007 u l-2011 l-EMPORDEF ħarġet diversi ittri ta' konfort oħra u garanziji b'appoġġ tal-ftehimiet ta' finanzjament bejn l-ENVC u l-banek kummerċjali (l-ittri ta' konfort indikati fil-premessa 24 hawn fuq u f'din il-premessa ser jissejħu b'mod konġunt “l-ittri ta' konfort” — dawn jilħqu l-ammont totali ta' EUR 70 792 500). Il-Portugall jinnota li l-EMPORDEF qatt ma imponiet ħlas fuq l-ENVC għall-ittri ta' konfort.

(26)

Bejn l-2000 u l-2005, l-ENVC irċeviet diversi sussidji għal attivitajiet ta' bini ta' bastimenti li jammontaw għal EUR 27 129 933,20 (“is-sussidji għall-bini ta' bastimenti”). Dan l-ammont jikkorrispondi għal diversi sussidji mhux rimborżabbli għall-bini ta' numru ta' bastimenti u tankers, li l-Portugall isostni li ngħataw skont id-Digriet Amministrattiv 296/89 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 87/167/KEE (17).

(27)

L-ENVC irċeviet ukoll għajnuna finanzjarja għal taħriġ professjonali li tammonta għal EUR 257 791 (“is-sussidji għat-taħriġ professjonali”) fl-2005 u l-2006 taħt il-Programm Operattiv għall-Impjiegi, it-Taħriġ u l-Iżvilupp Soċjali (POEFDS) sponsorjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

(28)

Fir-rigward tal-bastiment Atlântida, il-Portugall jispjega li l-bini tiegħu kien soġġett għal sejħa pubblika internazzjonali għall-offerti fl-2006, li fiha ħadu sehem biss l-ENVC u kumpanija oħra. Madankollu, iż-żewġ offerti kienu rrifjutati minħabba li ma kinux jikkonformaw mar-rekwiżiti meħtieġa tas-sejħa għall-offerti. Il-bini tal-bastimenti ngħata lill-ENVC fi stadju iktar tard permezz ta' negozjati diretti ma' Atlanticoline, il-kumpanija pubblika responsabbli għat-trasportazzjoni bil-baħar fl-Azores. Il-valur inizjali tal-kuntratt għall-bastiment kien ta' EUR 39,95 miljun, li sussegwentement żdied għal EUR 45,35 miljun. Fi żmien aktar tard, Atlanticoline itterminat il-kuntratt tagħha mal-ENVC u ssostniet li l-bastiment Atlântida ma setax jilħaq il-veloċità prevista.

(29)

Sabiex jinġieb fi tmiemu l-kunflitt bejn Atlanticoline u l-ENVC, l-EMPORDEF irċeviet self mis-CGD għall-ammont ta' EUR 37 miljun fit-23 ta' Diċembru 2009. Il-ftehim ta' self speċifika li s-self kellu jintuża mill-EMPORDEF sabiex jipprovdi lill-ENVC bil-fondi meħtieġa biex jippermettu lill-ENVC iġġib fi tmiemhom il-proċeduri ma' Atlanticoline. Ir-rata tal-imgħax imposta kienet EURIBOR ta' 6 xhur flimkien ma' firxa ta' 2 % (“is-self għall-bastiment Atlântida”).

(30)

Il-bastiment lest ingħata b'sejħa għall-offerti matul l-2014. Din il-proċedura ta' bejgħ ġiet ippubblikata fil-gazzetti nazzjonali u internazzjonali u l-prezz kien l-uniku kriterju għall-għażla tar-rebbieħ tas-sejħa għall-offerti. Il-ftehim ta' xiri max-xerrej (Mystic Cruises SA) għal EUR 8,75 miljunu ġie ffirmat fit-30 ta' Settembru 2014.

4.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(31)

Fit-23 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-ENVC tista' tiġi kkunsidrata bħala ditta f'diffikultà fis-sens tal-linji gwida tal-Komunità tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (18) (“il-Linji gwida R&R tal-2004”), b'mod partikolari fl-isfond tat-telf sinifikanti tal-ENVC mill-inqas sa mis-sena 2000.

(32)

Għalkemm il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha enfasizzat li ngħatatilha informazzjoni limitata dwar il-miżuri preċedenti, waslet għall-fehma preliminari li kollha kienu jinkludu riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli għall-Istat. (19) Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma preliminari li l-miżuri preċedenti taw lill-ENVC vantaġġ mhux dovut, minħabba li deher improbabbli li kwalunkwe operatur privat razzjonali ikun ipprovda lill-ENVC bil-miżuri preċedenti minħabba d-diffikultajiet tal-ENVC f'dak iż-żmien. Il-vantaġġ ikun selettiv fin-natura tiegħu minħabba li l-benefiċjarju waħdieni tiegħu kienet l-ENVC.

(33)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-miżuri preċedenti probabbilment kienu ser jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li l-ENVC kienet f'kompetizzjoni ma' tarzni oħrajn fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-bqija tad-dinja. Il-miżuri preċedenti għalhekk ippermettew lill-ENVC tkompli topera sabiex ma jkollhiex taffaċċja, bħal kompetituri oħrajn, il-konsegwenzi li normalment isegwu mir-riżultati finanzjarji ħżiena tagħha.

(34)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-fehma preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-miżuri preċedenti jidhru li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Barra minn hekk, minħabba li l-miżuri preċedenti kienu ngħataw bi ksur tan-notifika u tal-obbligi pendenti stabbiliti fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni nnotat li huma dehru li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat.

(35)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri preċedenti, b'mod partikolari minħabba lli l-awtoritajiet Portuġiżi ma taw ebda raġuni possibbli għall-kompatibbiltà.

(36)

Madankollu, il-Kummissjoni vvalutat jekk kwalunkwe waħda mir-raġunijiet kompatibbli stabbiliti fit-TFUE tkunx prima facie applikabbli għall-miżuri preċedenti. Wara li twarrbet l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni b'mod preliminari osservat li l-eċċezzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE biss setgħet tapplika.

(37)

Il-Kummissjoni nnotat li l-miżuri preċedenti ma dehrux li ngħataw skont ir-regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-industrija tal-bini ta' bastimenti fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri preċedenti, jiġifieri l-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini ta' bastimenti (20) jew il-predeċessuri tiegħu. (21) Minħabba l-fatt li l-ENVC dehret li hija ditta f'diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida R&R tal-2004 fiż-żmien meta ġew ipprovduti l-miżuri preċedenti, il-Kummissjoni nnotat li l-unika bażi kompatibbli rilevanti dehret li hija dik li tikkonċerna l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, jiġifieri l-Linji gwida R&R tal-2004.

(38)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għas-salvataġġ stabbiliti fit-taqsima 3.1 tal-Linji gwida R&R tal-2004, jidher li ma ntlaħqux. Barra minn hekk, fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar kif iddefinit fit-taqsima 3.2 tal-Linji gwida R&R tal-2004, il-Kummissjoni osservat li l-Portugall naqas milli juri li kienu preżenti kwalunkwe wieħed mill-elementi meħtieġa għall-miżuri preċedenti sabiex jiġu kkunsidrati bħala għajnuna għar-ristrutturar kompatibbli (pjan ta' ristrutturar, kontribuzzjoni proprja, miżuri kumpensatorji, eċċ). Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza dwar jekk kwalunkwe waħda mill-miżuri preċedenti tistax titqies kompatibbli abbażi tal-Linji gwida R&R bħala għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.

(39)

Fl-isfond ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri preċedenti favur l-ENVC mas-suq intern.

(40)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet numru ta' osservazzjonijiet dwar il-miżuri previsti mill-Portugall fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-ENVC. Għalkemm il-miżuri previsti li jakkumpanjaw il-privatizzazzjoni tal-ENVC ma kinux soġġetti għad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni, fl-isfond tas-sitwazzjoni ekonomika u n-natura tal-miżuri previsti, ikkunsidrat bħala probabbli li dawk il-miżuri jkunu jinkludu għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall irrifjuta l-unika offerta valida għall-privatizzazzjoni tal-ENVC u li ddeċidiet li tillikwida lill-kumpanija minflok (ara l-premessi 14 sa 15 hawn fuq). Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tifhem li l-miżuri previsti li jakkumpanjaw il-privatizzazzjoni tal-ENVC ma kinux previsti u għaldaqstant mhux ser ikunu kkunsidrati f'din id-deċiżjoni.

5.   KUMMENTI TAL-PORTUGALL DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(41)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, il-Portugall innota li minkejja t-telf li l-ENVC akkumulat mis-sena 2000, u b'mod partikolari mill-2009, id-deċiżjoni li l-kumpanija tinżamm fuq saqajha billi tiġi pprovduta b'biżżejjed mezzi kienet għażla razzjonali għall-EMPORDEF b'konformità mal-loġika tal-prinċipju tal-operatur ekonomiku tas-suq (“MEO”).

(42)

Fir-rigward tad-diffikultajiet tal-ENVC, il-Portugall innota li l-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha saret evidenti biss fl-2009/2010 u li l-irreversibbiltà tagħha kienet rikonoxxuta biss fil-kontijiet annwali tal-kumpanija tal-2012.

(43)

Il-Portugall spjega wkoll li ż-żieda fil-kapital tal-2006 kienet dovuta minħabba l-obbligu ġuridiku abbażi tal-Artikolu 35 tal-Kodiċi Portugiż dwar il-Kumpaniji. Skont din id-dispożizzjoni, meta nofs is-sehem ta' kapital ta' kumpanija speċifika jintilef, (i), il-kumpanija għandha tiġi xolta, (ii) is-sehem kapitali għandu jitnaqqas għal ammont li ma jkunx inqas mill-ekwità (“capital próprio”) tal-kumpanija, jew (iii) l-azzjonisti tal-kumpanija għandhom jikkontribwixxu għas-sehem ta' kapital. Huwa abbażi ta' dan li fl-2006 l-azzjonisti tal-ENVC iddeċidew li jinjettaw EUR 24,875 miljun ta' kapital fil-kumpanija.

(44)

Skont il-Portugall, din id-deċiżjoni ttieħdet bil-ħsieb li l-għażliet alternattivi skont l-Artikolu 35 tal-Kodiċi Portugiż dwar il-Kumpaniji ma jippermettux lill-ENVC tonora l-impenji finanzjarji jew kummerċjali tagħha (b'mod partikolari mal-Flotta Navali Portugiża). Mill-2006, l-ENVC kellha fuq ir-reġistru tal-ordnijiet tagħha 15–il proġett ta' bini għal ammont totali ta' EUR 386 miljun.

(45)

Il-Portugall isostni li anki investitur fl-ekonomija tas-suq kien jagħżel żieda fil-kapital tal-ENVC u jippermettilha tibqa' topera u b'hekk tissaħħaħ il-kompetittività tagħha fis-suq tal-bini tal-bastimenti.

(46)

Fil-preżentazzjoni tal-14 ta' Frar 2014 tiegħu, il-Portugall indika li d-deċiżjoni li wieħed jipproċedi biż-żieda fil-kapital tal-2006 ittieħdet b'kunsiderazzjoni mhux biss tal-portafoll tal-kumpanija iżda anki ta' pjan ta' ristrutturar għal ENVC iddatat Awwissu 2005.

(47)

Il-pjan ta' ristrutturar, li ġie pprovdut abbozz tiegħu, ġie ppreparat minn Banco Português de Investimento S.A. (“BPI”) u kopra l-perjodu 2005-2009. Skont il-pjan ta' ristrutturar, l-ENVC ikollha bżonn tiffoka fuq attivitajiet militari sabiex terġa' tkun vijabbli għalkemm hija rrikonoxxiet li s-sostenibbiltà finanzjarja u ekonomika tal-ENVC kienet soġġetta għall-kapaċità tal-immaniġġjar, l-issodisfar tal-kuntratti eżistenti u l-evoluzzjoni tas-suq tal-bini tal-bastimenti.

(48)

Il-pjan ta' ristrutturar ma kkwantifikax l-ispejjeż assoċjati man-nuqqas ta' ssodisfar tal-kuntratti disponibbli għall-ENVC f'dak iż-żmien. Madankollu, l-ispejjeż assoċjati mal-għeluq tal-kumpanija (inkluż t-tkeċċija tal-impjegati u r-regolarizzazzjoni tal-obbligazzjonijiet) kienu stmati għal madwar EUR 175 miljun. Skont il-Portugall, fl-isfond tal-fatt li l-likwidazzjoni kienet waħda iktar onoruża miż-żieda fil-kapital, il-linja preċedenti ta' azzjoni ma nżammitx.

(49)

Il-Portugall jispjega wkoll li l-pjan ta' ristrutturar irrikonoxxa l-bżonn ta' appoġġ lill-ENVC, minħabba li l-kumpanija ma setgħetx tkompli l-operazzjonijiet tagħha waħedha fl-2005-2007. Madankollu, il-Portugall josserva li rapport tal-2009 tal-Inspecção-Geral de Finanças — IGF (l-entità inkarigata mis-superviżjoni tal-kumpaniji pubbliċi Portuġiżi) innota li l-pjan ta' ristrutturar tal-ENVC ma kienx implimentat biżżejjed u li l-previżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi għall-perjodu 2008-2011 kienu wisq ottimisti.

(50)

Fir-rigward tas-selfiet tal-2012 u l-2013, il-Portugall isostni li r-rati tal-imgħax applikabbli għall-ENVC kienu l-istess bħal dawk li l-EMPORDEF irnexxielha tikseb mis-suq. Għalhekk, ir-rati tal-imgħax għandhom jiġu kkunsidrati skont it-termini tas-suq u mingħajr l-għajnuna. Skont il-Portugall, minħabba li l-EMPORDEF kienet l-uniku azzjonist tal-ENVC, tista' titqies bħala responsabbli fl-aħħar istanza għad-dejn u l-obbligazzjonijiet tal-ENVC. Għalhekk, il-Portugall jgħid li l-EMPORDEF ma żidietx ir-riskju tagħha billi esponiet ruħha iktar għall-ENVC permezz tas-selfiet tal-2012 u l-2013.

(51)

Fil-preżentazzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2014, il-Portugall iċċara li minn Frar 2014, l-ENVC la kienet ħallset lura s-selfiet tal-2012 u l-2013 u lanqas ħallset xi imgħax fuqhom. Barra minn hekk, il-Portugall innota wkoll li s-selfiet lill-ENVC kienu fejn meħtieġ, akkumpanjati minn ittri ta' konfort maħruġin mill-EMPORDEF.

(52)

Fir-rigward tas-selfiet DGTF mogħtijin fl-2006, 2008, 2010 u l-2011, il-Portugall huwa tal-fehma li ngħataw skont it-termini tas-suq minħabba li r-rata tal-imgħax applikata kienet EURIBOR flimkien ma' firxa varjabbli skont kull kuntratt ta' self. Il-Portugall jinnota wkoll li s-selfiet DGTF ngħataw filwaqt li tqis ir-reġistru tal-ordnijiet tal-ENVC, li jista' joħloq aspettattivi raġonevoli li l-ENVC ser tkun tista' tħallas lura is-selfiet.

(53)

Il-Portugall jenfasizza wkoll li l-użu tal-ittri ta' konfort huwa normali bejn l-operaturi privati bħala mekkaniżmu li jiggarantixxi l-aċċess għas-swieq finanzjarji għal kumpaniji b'kapaċità iktar baxxa ta' self. Il-Portugall jinnota li l-EMPORDEF fi kwalunkwe każ tiġi kkunsidrata fl-aħħar istanza bħala responsabbli għad-djun tal-ENVC minħabba li kienet l-unika azzjonist tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Portugall jirrikonoxxi li l-EMPORDEF qatt ma talbet ħlas lill-ENVC għall-ittri ta' konfort.

(54)

Fir-rigward tas-sussidji għall-bini tal-bastimenti, il-Portugall isostni li dawn ġew ipprovduti skont id-Digriet Amministrattiv 296/89 — li jimplimenta d-Direttiva 87/167/KEE — u li għalhekk ikunu jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mal-industrija tal-bini ta' bastimenti. Fir-rigward tas-sussidji għat-taħriġ professjonali, il-Portugall isostni li dawn ingħataw lill-kumpaniji kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet regolatorji u li għalhekk ma jkunux ipprovdew l-ENVC b'vantaġġ selettiv mhux dovut.

(55)

Fir-rigward tal-bastiment Atlântida, il-Portugall josserva li minn Ġunju 2012, il-valur fis-suq tiegħu kien stmat li huwa EUR 29,24 miljun, b'kunsiderazzjoni fost l-oħrajn tal-obsolexxenza ekonomika, u d-deprezzament fiżiku u funzjonali. F'dan il-kuntest, il-Portugall jgħid li ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-bini tal-bastiment wassal għal vantaġġ mhux dovut għall-ENVC, filwaqt li jitqies li l-kost tal-bini jaqbeż il-prezz kuntrattwali.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

(56)

Din id-deċiżjoni tindirizza bħala punt preliminari l-kwistjoni dwar jekk l-ENVC hix ditta f'diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida R&R tal-2004 (22). Imbagħad tanalizza jekk il-miżuri taħt skrutinju jinkludux għajnuna mill-Istat għall-ENVC skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u mbagħad jekk tali għajnuna, kieku kienet preżenti, hix legali u kompatibbli mas-suq intern.

6.1.   Diffikultajiet tal-ENVC

(57)

Kif innotat hawn fuq fil-premessa 42, il-Portugall isostni li l-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-ENVC saret evidenti biss fl-2009/2010 u li l-irreversibbiltà tagħha kienet irrikonoxxuta biss fil-kontijiet annwali tal-kumpanija tal-2012.

(58)

Il-Kummissjoni ttenni l-fehmiet li esprimiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha. Skont il-premessa 9 tal-Linji gwida R&R tal-2004, il-Kummissjoni tqis ditta bħala f'diffikultà meta ma tkunx kapaċi, jew bir-riżorsi proprji jew bil-fondi li tista' tikseb mill-proprjetarji/azzjonisti jew kredituri, tagħmel tajjeb għat-telf li mingħajr intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, kważi b'mod ċert jikkundannawha għal falliment fi żmien qasir jew medju.

(59)

Il-premessa 10 tal-Linji gwida R&R tal-2004 tiċċara li kumpanija b'responsabbiltà limitata titqies bħala f'diffikultà meta nofs il-kapital rreġistrat tagħha jew iktar ikun sparixxa u iktar minn kwart minn dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar preċedenti, jew meta tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha li hija soġġetta għal proċeduri ta' insolvenza kollettivi.

(60)

Il-premessa 11 tal-Linji gwida R&R tal-2004 iżżid li, anki jekk il-kundizzjonijiet tal-premessa 10 ma jkunux issodisfati, ditta tista' tiġi kkunsidrata f'diffikultà b'mod partikolari meta jkunu preżenti s-sinjali normali ta' ditta f'diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta' kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda fl-imposta tal-imgħax u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta' żero.

(61)

Il-Kummissjoni tosserva li l-ENVC hija kumpanija b'responsabbiltà limitata li mill-inqas sa mis-sena 2000 baqgħet tirreġistra telf sinifikanti (ara t-tabella 3 ta' hawn taħt):

Tabella 3

Riżultati netti tal-ENVC bejn l-2000 u l-2013

 

Riżultat nett (f'miljuni ta' euro)

2000

– 2,72

2001

– 4,98

2002

– 11,12

2003

– 26,87

2004

– 27,02

2005

– 14,38

2006

– 5,26

2007

– 8,04

2008

– 12,07

2009

– 22,26

2010

– 41,90

2011

– 22,70

2012

– 8,78

2013

– 52,42

Sors: kontijiet annwali tal-EMPORDEF għall-2006, l-2007, l-2008, l-2012 u l-2013 (disponibbli fuq http://www.empordef.pt/main.html), kontijiet annwali tal-ENVC għall-2001, l-2002, l-2003, l-2009, l-2010 u l-2011.

(62)

Minbarra t-telf sinifikanti tal-ENVC, li jikkostitwixxi l-ewwel indikazzjoni tad-diffikultajiet tal-kumpanija, xi wħud mis-sinjali tas-soltu l-oħrajn ta' ditta f'diffikultà fis-sens tal-Linji gwida R&R tal-2004 huma preżenti ukoll. Pereżempju, il-fatturat tal-ENVC beda jonqos b'mod kostanti mill-inqas sa mill-2008, u għadda minn EUR 129,62 miljun f'dik is-sena għal EUR 55,58 miljun fl-2009, EUR 20,22 miljun fl-2010 u EUR 15,11 miljun fl-2011. Għalkemm fl-2012 kien hemm żieda fil-fatturat, (EUR 30,38 miljun) dovut għal xi xogħol addizzjonali għal bastiment ta' appoġġ loġistiku (23), dan kien avveniment ta' darba u fl-2013 il-fatturat reġa' niżel għal EUR 3,79 miljun.

(63)

Barra minn hekk, l-ENVC kellha ekwità negattiva mill-inqas sa mill-2009: EUR — 25,62 miljun fl-2009, EUR — 74,49 miljun fl-2010, EUR — 129,63 miljun fl-2011, EUR — 142,45 miljun fl-2012 u EUR — 193,46 miljun fl-2013 (24).

(64)

Skont il-Portugall (ara l-premessa 43 hawn fuq), iż-żieda fil-kapital tal-2006 kienet meħtieġa sabiex tikkonforma mal-Artikolu 35 tal-Kodiċi Portugiż tal-Kumpaniji, l-alternattivi jkunu tnaqqis fil-kapital tal-ENVC jew il-likwidazzjoni tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-pjan ta' ristrutturar ippreparat mill-BPI iddatat Awwissu 2005 (ara l-premessa 47 hawn fuq, jenfasizza li mit-tmiem tal-2003, l-ENVC kienet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku (“falência técnica”). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-rapport tal-2009 tal-IGF jindika li mill-31 ta' Diċembru 2005 u fl-aħħar tal-2008, l-ENVC reġgħet kienet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku. Għalhekk, jidher li f'dawk il-punti ta' żmien meta l-ENVC kienet teknikament falluta, kienet uriet kull sinjal ta' falliment minbarra li ma kinitx iddikjarata falluta mill-qorti kompetenti. Dan jissuġġerixxi li l-kumpanija ssodisfat il-kriterji skont il-liġi domestika sabiex tkun is-soġġett ta' proċeduri ta' insolvenza kollettiva, b'konformità mal-premessa 10 tal-Linji gwida R&R tal-2004 tal-inqas fl-aħħar tal-2003, l-2005 u l-2008.

(65)

Fl-isfond ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ENVC kienet ditta f'diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida R&R tal-2004 fi żmien meta kienu ġew mogħtija l-miżuri preċedenti kollha.

6.2.   L-eżistenza tal-għajnuna

(66)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(67)

Sabiex nikkonkludu jekk kienx hemm preżenti għajnuna mill-Istat, għandu jiġi vvalutat jekk il-kriterji kumulattivi elenkati fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE (jiġifieri t-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, vantaġġ selettiv, tgħawwiġ potenzjali ta' kompetizzjoni, u l-effetti negattivi fuq il-kummerċ intra-UE) ġewx issodisfati għall-miżuri identifikati.

(68)

Il-Kummissjoni diġà tinnota f'dan ir-rigward li l-Portugall ma jikkontestax il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tas-sussidji għall-bini ta' bastimenti minħabba li huma — skont l-awtoritajiet Portugiżi — pprovduti skont id-Digriet Amministrattiv 296/89 li jimplimenta d-Direttiva 87/167/KEE. Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fit-taqsima 6.4 below.

(69)

Fir-rigward tas-sussidji għal taħriġ professjonali pprovduti fl-2005 u lf-2006 li jammontaw għal EUR 257 791, il-Portugall jgħid li dawn ingħataw taħt il-Programm Operattiv għall-Impjiegi, it-Taħriġ u l-Iżvilupp Soċjali (POEFDS) sponsorjat mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni tosserva li dawn il-fondi jikkostitwixxu per se għajnuna mill-Istat minħabba li kienu pprovduti mill-Istat Membru fil-kuntest tal-Fondi Strutturali 2000–2006. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tivvaluta direttament il-kompatibbiltà tagħhom fis-suq intern fit-taqsima 6.4 below.

6.2.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà

(70)

Il-Portugall ma joġġezzjonax għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni skont id-deċiżjoni tal-ftuħ fir-rigward tal-preżenza ta' riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà.

(71)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li s-selfiet DGTF, is-sussidjarji tal-bini tal-bastimenti u s-sussidji għat-taħriġ professjonali kienu pprovduti direttament mill-baġit tal-Istat (prinċipalment permezz tad-DGTF) u għalhekk m'hemmx dubju li dawn il-miżuri preċedenti jinkludu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli għall-Istat.

(72)

Fir-rigward tal-EMPORDEF, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-azzjonijiet tagħha kienu jinkludu riżorsi tal-Istat (minħabba li l-baġit tal-EMPORDEF huwa pprovdut direttament mill-Istat) u li dawk l-azzjonijiet huma imputabbli għall-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza Stardust Marine  (25) . L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li din hija azjenda pubblika li hija kollha kemm hi proprjetà tal-Istat: l-uniku azzjonist tal-EMPORDEF f'isem l-Istat huwa d-DGTF. Madankollu, l-EMPORDEF hija taħt superviżjoni diretta tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, fir-rigward tas-superviżjoni finanzjarja, u l-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, fir-rigward tas-superviżjoni settorjali (26).

(73)

Barra minn hekk, skont il-paġna web tal-EMPORDEF, l-operazzjonijiet tagħha huma konsistenti mal-objettivi, il-politiki u l-miri stabbiliti mill-azzjonist uniku tagħha, jiġifieri l-Istat. (27) Barra minn hekk, il-President tal-EMPORDEF u d-Diretturi Eżekuttivi tagħha jinħatru direttament mill-Ministru tad-Difiża Nazzjonali (28).

(74)

Minbarra dak li ntqal hawn fuq, ir-regoli li jirregolaw il-privatizzazzjoni prevista tal-ENVC (ara t-taqsima 2.2 hawn fuq) indikat b'mod ċar li d-deċiżjoni finali kellha tittieħed mill-Gvern Portugiż u mhux mill-EMPORDEF. F'termini ta' evidenza indiretta, il-Kummissjoni tosserva li fl-4 ta' Jannar 2012, il-Ministeru Portugiż tad-Difiża Nazzjonali ħareġ stqarrija għall-istampa li tgħid kif ġej: “fit-2 ta' Lulju 2011, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali ddeċieda li jissospendi d-dekommissjonar tal-[ENVC]. F'Awwissu, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali ta mandat lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-EMPORDEF biex issib soluzzjoni li tevita d-dekommissjonar u l-għeluq tal-ENVC” (29). Barra minn hekk, f'diversi okkażjonijiet, il-Ministru tad-Difiża Nazzjonali ħabbar pubblikament il-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-privatizzazzjoni prevista tal-ENVC (30). Ladarba l-pjanijiet tal-privatizzazzjoni twarrbu, il-Gvern Portugiż ta s-setgħa lill-EMPORDEF biex tieħu l-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-ENVC (31).

(75)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-azzjonijiet tal-EMPORDEF huma imputabbli għall-Istat u li l-miżuri preċedenti li tat lill-ENVC kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

6.2.2.   Vantaġġ selettiv

(76)

Inkwantu jekk il-miżuri preċedenti pprovdewx lill-ENVC b'vantaġġ selettiv mhux dovut, il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall iqis li dan mhux il-każ għall-biċċa l-kbira tal-miżuri preċedenti minħabba li jkunu konformi mal-prinċipju MEO.

(77)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni indikat li minkejja l-informazzjoni limitata disponibbli f'dak iż-żmien, ma kienx probabbli li kwalunkwe operatur privat ikun ipprovda lill-ENVC bil-miżuri preċedenti. Tabilħaqq, minħabba d-diffikultajiet tal-ENVC dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li operatur fis-suq razzjonali, li jopera skont il-kundizzjonijiet tas-suq, ma kienx jipprovdi tali finanzjament lil kumpanija bħall-ENVC. Il-Kummissjoni b'mod preliminari kkonkludiet ukoll li l-vantaġġ ikun selettiv fin-natura minħabba li l-benefiċjarju uniku tiegħu kienet l-ENVC.

(78)

Rigward iż-żieda fil-kapital tal-2006, il-Kummissjoni ma tikkondividix il-fehma tal-Portugall li MEO kieku kien jagħżel li jżid il-kapital tal-ENVC — minflok jillikwidaha — sabiex jippermetti lill-kumpanija tibqa' topera fis-suq tal-bini tal-bastimenti, b'mod partikolari fl-isfond li r-reġistru tal-ordnijiet ta' dak iż-żmien li kellu 15-il proġett ta' bini għal ammont ta' EUR 386 miljun (ara l-premessa 44 hawn fuq).

(79)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li operatur fis-suq razzjonali kien jikkunsidra jekk ikunx ekonomikament razzjonali li jillikwida l-kumpanija jew jekk jipprovdix kapital addizzjonali, filwaqt li titqies il-prestazzjoni finanzjarja ħażina tal-ENVC bejn is-sena 2000 u l-2006 u fid-dawl tal-miżuri li diġà ngħataw mill-Istat lill-ENVC qabel iż-żieda fil-kapital tal-2006 (jiġifieri waħda mis-selfiet DGTF għal ammont ta' EUR 30 miljun mogħtija f'Jannar/Frar 2006, is-sussidji għall-bini ta' bastimenti li jaqbżu EUR 27 miljun u s-sussidji għat-taħriġ professjonali).

(80)

Għalkemm, l-ammont tal-ordnijiet tar-reġistru deher li jaqbeż l-ammont li jirriżulta minn dawk il-miżuri preċedenti, il-Kummissjoni hija tal-fehma li operatur tas-suq razzjonali kien jikkunsidra wkoll il-probabbiltà li ENVC kien ikollha tibni bi profitt u/jew sal-iskadenzi kuntrattwali sabiex jiġi evitat il-pagament ta' penali (32). Skont informazzjoni pprovduta mill-Portugall, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-EMPORDEF għamlet dawn il-konsiderazzjonijiet fiż-żmien meta għamlet iż-żieda fil-kapital tal-2006.

(81)

Barra minn hekk, il-Portugall jinnota li skont il-pjan ta' ristrutturar ippreparat mill-BPI f'Awwissu 2005, l-ispejjeż assoċjati mal-għeluq tal-ENVC ġew stmati li huma EUR 175 miljun. Skont il-Portugall, fl-isfond tal-fatt li l-likwidazzjoni kienet waħda iktar onoruża miż-żieda fil-kapital, il-linja preċedenti ta' azzjoni ma nżammitx.

(82)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-istima li għamlet il-BPI fil-pjan ta' ristrutturar ma kinitx appoġġjata b'evidenza. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-preċiżjoni ta' din l-istima u tikkonkludi jekk tabilħaqq kienx ikun ekonomikament iktar razzjonali għall-EMPORDEF li żżid il-kapital milli tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-kumpanija.

(83)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-pjan ta' ristrutturar ippreparat mill-BPI innota li l-ENVC waħedha ma setgħetx terġa' ssir vijabbli u li kienet teħtieġ fondi esterni f'ammont ta' EUR 45–50 miljun f'każ bażi u EUR 70–80 miljun f'każ pessimistiku. L-ammont taż-żieda fil-kapital tal-2006 (EUR 24,875 miljun) jibqa' kunsiderevolment iktar baxx minn dawn l-istimi u ma kienx ser jippermetti lill-ENVC terġa' ssir vijabbli.

(84)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-ENVC kellha bżonn ristrutturar fil-fond kif ġie rikonoxxut mill-pjan ta' ristrutturar ippreparat mill-BPI. Għalkemm il-pjan ta' ristrutturar huwa sempliċement abbozz, diġà jindika d-diffikultajiet tal-ENVC u l-bżonn ta' fondi esterni addizzjonali. Madankollu, il-pjan ta' ristrutturar jagħmilha ċara li biex l-ENVC terġa' ssir vijabbli jiddependi b'mod sinifikanti fuq il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-kumpanija biex tonora l-kuntratti tagħha u l-evoluzzjoni tas-swieq tal-bini ta' bastimenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall ma pprovda ebda evidenza li l-EMPORDEF ikkunsidrat dawn l-elementi meta għamlet iż-żieda fil-kapital tal-2006 li — fi kwalunkwe każ — hija inqas mill-ammonti stmati mill-pjan ta' ristrutturar li jippermetti lill-kumpanija terġa' ssir vijabbli.

(85)

Fl-isfond ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li operatur ekonomiku tas-suq prudenti ma kienx jipprovdi ż-żieda fil-kapital tal-2006 u għaldaqstant iż-żieda kienet tagħti vantaġġ mhux dovut lill-ENVC.

(86)

Fir-rigward tas-selfiet tal-2012 u l-2013, mogħtija mill-EMPORDEF għal ammont totali ta' EUR 101 118 066,03, jirriżulta li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Portugall matul l-2012, l-EMPORDEF iffirmat 70 kuntratt mal-ENVC, normalment għal terminu ta' żmien qasir, b'maturità ta' 90 jum. Is-selfiet ingħataw għal diversi ammonti differenti u kellhom rati tal-imgħax differenti, prinċipalment 3 xhur EURIBOR flimkien ma' marġni. Madankollu, xi kuntratti kellhom rata tal-imgħax fissa, b'mod partikolari l-kuntratti iffirmati minn Ottubru 2012 'il quddiem (ara pereżempju l-kuntratti ffirmati fit-30 ta' Marzu 2012 għal EUR 16,7 miljuni b'rata tal-imgħax ta' 2 %, fit-2 ta' Novembru 2012 għal EUR 10,570 miljuni b'rata tal-imgħax ta' 5,871 % jew tal-1 ta' Diċembru 2012 għal EUR 1 miljun bl-istess rata tal-imgħax ta' 5,871 %). Jidher ukoll li l-kuntratti tas-selfiet ma ġewx ikkollateralizzati.

(87)

Il-Portugall jargumenta n-nuqqas ta' għajnuna fis-selfiet DGTF minħabba li l-EMPORDEF applikat għall-ENVC l-istess rata tal-imgħax li rċeviet mis-suq. Minħabba li fi kwalunkwe każ l-EMPORDEF tkun responsabbli wkoll għad-djun u l-obbligazzjonijiet tal-ENVC, minħabba li kienet l-unika azzjonist tagħha, il-Portugall jgħid li l-EMPORDEF ma żiditx ir-riskju billi esponietha iktar għall-ENVC.

(88)

L-ewwel nett, ma jidhirx li l-EMPORDEF tkun responsabbli għad-djun u l-obbligazzjonijiet kollha tal-ENVC, minħabba li l-EMPORDEF u l-ENVC huma kumpaniji b'responsabbiltà limitata (“sociedade anónima”). Bħala regola ġenerali, f'kumpaniji b'responsabbiltà limitata, ir-responsabbiltà tal-membri (detenturi tal-parteċipazzjoni) hija limitata għall-valur tal-ishma skont l-Artikolu 271 tal-Kodiċi Portugiż dwar il-Kumpaniji (33). Abbażi ta' dan, billi tipprovdi s-selfiet tal-2012 u l-2013 lill-ENVC, l-EMPORDEF kienet iġġarrab riskji addizzjonali iktar mill-ishma fil-kumpanija.

(89)

Fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-EMPORDEF ma aġixxietx bħala investitur tas-suq razzjonali meta pprovdiet is-selfiet tal-2012 u l-2013 lill-ENVC. F'dak iż-żmien, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ENVC kienet diffiċli ħafna: it-telf tagħha fis-sena ta' qabel kien laħaq EUR 22,70 miljun (ara t-tabella 3 ta' hawn fuq) u l-ekwità negattiva tagħha kienet ta' EUR — 129,63 miljuni (ara l-premessa 63 hawn fuq). Fid-dawl tad-diffikultajiet tal-ENVC, il-Kummissjoni tqis li investitur tal-ekonomija tas-suq kien jivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-ENVC u janalizza l-kapaċità tal-kumpanija li tħallas lura s-selfiet u l-imgħax. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li diversi istituzzjonijiet finanzjarji — li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma għandha ebda raġuni li tissuspetta li ma operawx bħala investituri tas-suq — kienu rrifjutaw li jipprovdu selfiet direttament lill-ENVC. Dan minnu nnifsu jindika li s-swieq ma baqgħux jemmnu li l-ENVC tista' tħallas lura s-selfiet.

(90)

Billi rreplikat l-imgħax li kisbet mis-selfiet fis-suq, l-EMPORDEF tat vantaġġ mhux dovut lill-ENVC, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tista' tikseb dawk il-kundizzjonijiet — fil-fatt, l-ENVC ma rċeviet ebda selfiet mis-suq. Għalkemm xi wħud mir-rati tal-imgħax applikati mill-EMPORDEF għall-ENVC jistgħu jidhru relattivament għoljin (eż. 3 xhur EURIBOR flimkien ma' 8,431 % għall-kuntratt iffirmat fit-30 ta' Mejju 2012), il-Kummissjoni tqis li ebda istituzzjoni finanzjarja privata ma kienet tipprovdi tali self mingħajr ebda kollateralizzazzjoni minn ditta li b'mod ċar kienet tinsab f'diffikultà.

(91)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ladarba l-ewwel kuntratti jkunu laħqu l-maturità tagħhom ta' 90 jum, l-EMPORDEF kienet tkun tista' tosserva li l-ENVC la kienet ħallset lura l-kapital u lanqas ebda imgħax (ara l-premessa 51 hawn fuq). Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tqis li operatur fis-suq razzjonali ma kienx jipprovdi selfiet addizzjonali lill-ENVC.

(92)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li s-selfiet tal-2012 u l-2013 taw vantaġġ mhux dovut lill-ENVC.

(93)

Il-Kummissjoni issa ser tivvaluta jekk is-selfiet DGTF għall-ammont ta' EUR 56 miljun tawx lill-ENVC vantaġġ mhux dovut. Il-Portugall jindika li dawn is-selfiet kellhom rata tal-imgħax ta' EURIBOR ta' 6 xhur flimkien ma' firxa varjabbli skont kull kuntratt. Skont il-Portugall, din ir-rimunerazzjoni kienet tkun sodisfaċenti għal investitur, u b'hekk tiġi eskluża l-preżenza ta' vantaġġ mhux dovut u din l-għajnuna mill-Istat. Il-Portugall jinnota wkoll li s-selfiet DGTF ingħataw filwaqt li tqis ir-reġistru tal-ordnijiet tal-ENVC.

(94)

Il-Kummissjoni ma tistax tikkondividi l-fehmiet tal-Portugall li l-istabbiliment ta' rata tal-imgħax li tikkorrispondi għal EURIBOR ta' 6 xhur flimkien ma' firxa varjabbli, jagħmel is-selfiet DGTF konformi mas-suq. It-tabella 4 ta' hawn taħt tiddeskrivi fil-qosor ir-rata tal-imgħax totali applikabbli għas-selfiet DGTF fiż-żmien tal-firma tagħhom:

Tabella 4

Rata tal-imgħax totali għas-selfiet DGTF

Data tal-iffirmar tal-kuntratt

Ammont f'EUR

EURIBOR ta' 6 xhur (a) (%)

Firxa  (34) (b)

Rata tal-imgħax totali (a) + (b) (%)

31 ta' Jannar 2006

30 000 000

2,698

150bp

4,198 (35)

11 ta' Diċembru 2008

8 000 000

3,417

100bp

4,417

28 ta' April 2010

5 000 000

0,964

100bp

1,964

27 ta' April 2011

(imħallsa f'żewġ pagamenti f'April 2011 u f'Ġunju 2011)

13 000 000

1,661 %

3,907 % (April 2011)

3,580 % (Ġunju 2011)

5,568 % (April 2011)

5,241 % (Ġunju 2011)

(95)

Sabiex tiġi aċċertata l-konformità mas-suq tar-rati tal-imgħax applikabbli għas-selfiet DGTF, il-Kummissjoni ser tuża bħala l-aħjar prokura disponibbli, ir-rati ta' referenza li jirriżultaw mir-regoli applikabbli f'dak iż-żmien.

(96)

L-ewwel nett, kif indikat fit-taqsima 6.1 hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li fl-2006 u l-2008 l-ENVC kienet ser tikkwalifika bħala ditta f'diffikultà. Fir-rigward b'mod partikolari għas-self DGTF tal-2006, il-Kummissjoni tosserva li skont ir-rapport tal-2009 tal-IGF, mill-31 ta' Diċembru 2005, l-ENVC kienet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku. Fir-rigward tas-self DGTF tal-2008, l-istess rapport jindika li fl-aħħar tal-2008, l-ENVC reġgħet kienet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku (ara l-premessa 64 hawn fuq).

(97)

B'mod partikolari, rigward is-self DGTF tal-2006, il-Kummissjoni tinnota l-metodu tal-istabbiliment tar-rati ta' referenza u tal-iskont tal-1997 (36), applikabbli f'dak iż-żmien, stabbilixxa li r-rata bażi (3,70 % fil-Portugall f'Jannar 2006) (37) kellha tiżdied bi primjum li jammonta għal 400bp jew iktar f'sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza d-diffikultajiet tal-ENVC fiż-żmien u l-fatt li kienet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku. Barra minn hekk, skont il-kuntratt tas-self DGTF tal-2006, l-ENVC qablet li jkollha bħala kollateral id-dħul li jirriżulta mill-bini ta' ċerti bastimenti għall-Flotta Navali Portugiża. Madankollu, mhux ċar jekk mutwanti orjentat lejn is-suq kienx jaċċetta tali kollateral fid-dawl tal-problemi tal-ENVC biex jibni bi profitt u/jew fl-iskadenzi kuntrattwali (ara f'dan ir-rigward il-premessa 80 u n-nota ta' qiegħ il-paġna 28 hawn fuq). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma ngħatatx evidenza li tippermettilha li teżamina dawk il-kuntratti ta' bini. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-applikazzjoni ta' marġni ta' mill-inqas 400bp tkun raġonevoli. Bħala riżultat, ir-rata ta' referenza applikabbli tkun tal-inqas 7,70 %, li hija ferm ogħla mir-rata tal-imgħax ta' 4,198 % attwalment applikata mid-DGTF.

(98)

Fir-rigward tas-self DGTF tal-2008, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta' referenza u ta' skont tal-2008, (38) applikabbli dak iż-żmien, stabbilixxiet li r-rata bażi (2,05 % fil-Portugall f'Diċembru 2008) (39) kellu jiġi applikat marġni skont il-klassifikazzjoni tal-impriża kkonċernata u l-livell ta' kollateralizzazzjoni offrut. Fl-isfond tad-diffikultajiet tal-ENVC dak iż-żmien u l-livell baxx ta' kollateralizzazzjoni (ara l-premessa 97 hawn fuq, li japplika mutatis mutandis), il-marġni applikabbli jkun tal-inqas 1 000bp. Bħala riżultat, ir-rata ta' referenza applikabbli tkun ta' mill-inqas 12,05 %, ogħla wkoll mir-rata tal-imgħax ta' 4,417 % attwalment applikata mid-DGTF.

(99)

Fir-rigward tas-selfiet DGTF tal-2010 u l-2011, il-Kummissjoni ttenni l-fehmiet tagħha li l-ENVC kienet tikkwalifika bħala ditta f'diffikultà fil-mument meta ngħataw s-selfiet (ara t-taqsima 6.1 hawn fuq). Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta' referenza u ta' skont, applikabbli f'dak iż-żmien, ir-rata bażi applikabbli għall-Portugall kienet 1,24 % f'April 2008 u 1,49 % f'April 2011.

(100)

Fir-rigward tas-self DGTF tal-2010, il-Kummissjoni tosserva li m'hemmx kollateralizzazzjoni stretta iżda sempliċiment wegħda mill-ENVC li tuża d-dħul li jirriżulta minn kuntratt qafas partikolari mal-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali biex jitħallas lura s-self. Abbażi ta' dan, u filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet tal-ENVC f'dak iż-żmien, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-marġni applikabbli għandu jkun tal-inqas 1 000 bp. Għalhekk, ir-rata ta' referenza applikabbli tkun tal-inqas 11,24 %, meta mqabbla mar-rata ferma inqas ta' 1,964 % imposta mid-DGTF.

(101)

Fl-aħħar, fir-rigward tas-self DGTF tal-2011, il-Kummissjoni tosserva li, bħal fil-każ tas-self DGTF tal-2010, fi prinċipju m'hemmx kollateralizzazzjoni iżda sempliċiment wegħda mill-ENVC li tuża d-dħul li jirriżulta minn kuntratt qafas partikolari mal-Ministeru tad-Difiza Nazzjonali biex tħallas lura s-self, li barra minn hekk kellha tiġi kkonfermata mill-Bord tal-Amministrazzjoni tal-ENVC u approvata mill-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali. Għalhekk hemm dubji kbar li dan il-livell ta' kollateralizzazzjoni jista' jiġi kkunsidrat bħala adegwat mill-mutwanti orjentat lejn is-suq. Għalhekk, minħabba li l-ENVC dak iż-żmien kienet ditta f'diffikultà, il-Kummissjoni tqis li l-marġni applikabbli għandu jkun tal-inqas 1 000bp, li jirriżulta f'rata ta' referenza ta' mill-inqas 11,49 %, ħafna ogħla mir-rati tal-imgħax attwalment applikati għall-ENVC (5,568 % f'April 2011 u 5,241 % f'Ġunju 2011).

(102)

Filwaqt li jitqies dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li s-selfiet DGTF taw lill-ENVC vantaġġ mhux dovut.

(103)

Fir-rigward tal-ittri ta' konfort maħruġin mill-EMPORDEF bejn l-2007 u l-2011, il-Kummissjoni l-ewwel tosserva li huma jidhru li għandhom natura simili ħafna għal garanzija, minħabba li f'ħafna minn dawn l-ittri, l-EMPORDEF qalet speċifikament li tagħmel dak kollu meħtieġ biex tiżgura li l-ENVC ikollha l-mezzi meħtieġa disponibbli biex tonora l-ftehim ta' self sottostanti. Madankollu, l-ittri ta' konfort iddatati 8 ta' Jannar 2007 u 26 ta' Ġunju 2008 għandhom formulazzjoni differenti. F'dawn l-ittri, l-EMPORDEF tinnota li hija kollha kemm hi proprjetarja tal-ENVC u li din il-parteċipazzjoni azzjonarja mhix ser tonqos; inkella l-bank li jagħti s-self jiġi awtorizzat jitlob lill-ENVC tħallas lura s-self qabel il-maturità. Din id-dikjarazzjoni waħedha ma tippermettix lill-Kummissjoni tqis li l-EMPORDEF tkun responsabbli għall-inadempjenza tal-ENVC fuq is-selfiet rispettivi u għalhekk ma jidhirx li huwa adegwat li tassimilhom ma' garanziji. Għalhekk mhux stabbilit li dawn l-ittri taw vantaġġ lill-ENVC.

(104)

Rigward il-bqija tal-ittri ta' konfort (jiġifieri dawk ipprovduti fl-2009, l-2010 u l-2011), minħabba li EMPORDEF tiddikjara li hija lesta tintervjeni jekk l-ENVC ma tonorax il-kuntratt ta' self sottostanti, jidher ċar li huma ekwivalenti għal garanzija, minħabba li l-EMPORDEF terġa' tassigura lill-istituzzjoni finanzjarja li tagħti s-self billi timpenja ruħha li tagħmel kull sforz meħtieġ għall-ENVC biex ikollha l-mezzi disponibbli biex tħallas lura s-selfiet. Operatur fis-suq normali kien jistaqsi għal primjum bi skambju talli ta din it-tip ta' “garanzija”, li madankollu l-EMPORDEF qatt ma għamlet minkejja r-riskju sinifikanti li l-ENVC ma tkunx tista' tħallas lura s-selfiet fid-dawl tad-diffikultajiet tagħha f'dak iż-żmien.

(105)

Skont it-Taqsima 2.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (40) (“l-Avviż ta' Garanzija”) ir-riskju normalment għandu jitħallas bi primjum xieraq. Meta min jissellef mhuwiex mitlub li jħallas il-primjum, jew iħallas primjun baxx, dan jikseb vantaġġ. Meta mqabbel ma' sitwazzjoni mingħajr garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Ġeneralment, bil-benefiċċju ta' garanzija mill-Istat, min jissellef jista' jikseb rati aktar baxxi u/jew joffri inqas sigurtà. F'xi każijiet, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-garanzija tistax fi prinċipju tkun inkisbet bil-kundizzjonijiet tas-suq mis-swieq finanzjarji u jekk il-primjum tas-suq għall-garanzija tħallasx (41).

(106)

Il-Kummissjoni tosserva li l-ittri ta' konfort ma tħallsux u li l-ENVC ma ħallset lill-EMPORDEF l-ebda primjum. Għalhekk, ir-riskju mġarrab mill-EMPORDEF mhux jitħallas. Dan minnu nnifsu huwa suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-ittri ta' konfort, li għandhom karatteristiċi simili ħafna għal garanzija, taw lill-ENVC vantaġġ mhux dovut.

(107)

Fir-rigward tal-argument tal-Portugall li l-EMPORDEF fi kwalunkwe każ tiġi kkunsidrata bħala fl-aħħar istanza responsabbli għad-djun tal-ENVC minħabba li kienet l-uniku azzjonist tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għar-raġunament tagħha fil-premessa 88 hawn fuq, li tapplika mutatis mutandis.

(108)

Għalhekk, il-Kummissjni hija tal-fehma li l-ittri ta' konfort tal-2009, l-2010 u l-2011 taw lill-ENVC vantaġġ mhux dovut.

(109)

Fir-rigward tas-self għall-bastiment Atlântida, il-Kummissjoni tosserva li f'Diċembru 2009, l-EMPORDEF ipprovdiet lill-ENVC b'EUR 37 miljun miksubin mis-CGD għat-terminazzjoni ta' proċeduri legali ma' Atlanticoline. F'dak iż-żmien, meta l-ENVC diġà kienet ditta f'diffikultà, operatur fis-suq razzjonali kien jivvaluta s-sitwazzjoni tal-kumpanija u l-kapaċità tagħha li tħallas lura s-self, minflok sempliċiment titrasferixxi l-fondi lill-ENVC. Barra minn hekk, operatur fis-suq razzjonali kien jivvaluta r-riskji assoċjati mal-operazzjoni u l-possibbiltà ta' bejgħ ta' bastimenti lil xerrej differenti — xi ħaġa li eventwalment ġrat f'Settembru 2014 (ara l-premessa 30 hawn fuq). Il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li s-self ġie pprovdut lill-EMPORDEF b'rata tal-imgħax annwali ta' EURIBOR ta' 6 xhur flimkien ma' 2 %, li f'dak iż-żmien tal-kuntratt kien ifisser 2,993 %. Madankollu, skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta' referenza u ta' skont tal-2008, applikabbli f'dak iż-żmien, ir-rata ta' bażi applikabbli għall-Portugall f'Diċembru 2009 kienet 1,45 % li magħha għandu jiżdied marġni ta' mill-inqas 1 000 bp fid-dawl tad-diffikultajiet tal-ENVC u n-nuqqas ta' kollateralizzazzjoni stretta. Għalhekk, ir-rata ta' referenza applikabbli tal-inqas tkun 11,45 %.

(110)

Il-Kummissjoni tifhem li l-ENVC ma ħallsitx lura l-EUR 37 miljun tas-self għall-bastiment Atlântida lill-EMPORDEF u ma ħallset ebda imgħax għal dan l-ammont, bl-eċċezzjoni ta' EUR 840 480,54 f'imgħax imħallas fl-2010. Abbażi ta' dan, u filwaqt li jitqies dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li s-self għall-bastiment Atlântida ta lill-ENVC vantaġġ mhux dovut.

6.2.3.   Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u affettwazzjoni tal-kummerċ intra-UE

(111)

Il-miżuri preċedenti probabbilment jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li l-ENVC tinsab f'kompetizzjoni ma' tarzni fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Għalhekk, il-miżuri preċedenti inkwistjoni ppermettew lill-ENVC tibqa' topera sabiex ma jkollhiex taffaċċja, bħala kompetituri oħra, il-konsegwenzi li normalment isegwu mir-riżultati finanzjarji ħżiena tagħha. Għalhekk, il-miżuri preċedenti għawġu wkoll il-kompetizzjoni.

6.2.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat u kwantifikazzjoni

(112)

Abbażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri preċedenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, minħabba li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa tad-definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE, minbarra l-ittri ta' konfort iddatati 8 ta' Jannar 2007 u 26 ta' Ġunju 2008 (ara l-premessa 103 hawn fuq).

(113)

Kif indikat fil-premessi 68 u 69 hawn fuq, is-sussidji tal-bini ta' bastimenti u s-sussidji għat-taħriġ professjonali kollha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għal ammont ta' EUR 27 129 933,20 u EUR 257 791, rispettivament.

(114)

Fir-rigward tal-bqija tal-miżuri preċedenti, il-Kummissjoni ttenni li fid-dawl tad-diffikultajiet tal-ENVC f'dak iż-żmien, l-ebda operatur orjentat lejn is-suq ma kien jipprovdihom lill-kumpanija. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ENVC irċeviet għajnuna mill-Istat f'ammont ekwivalenti għaż-żieda kollha fil-kapital tal-2006 (EUR 24,875 miljun).

(115)

Rigward l-ittri ta' konfort tal-2009, l-2010 u l-2011, il-Kummissjoni ttenni li għandhom karatteristiċi simili ħafna għal garanziji (ara l-premessi 103 u 104 hawn fuq). F'dan ir-rigward, l-Avviż ta' Garanzija jgħid dan li ġej fit-taqsima 4.1: “Il-Kummissjoni tinnota li għal kumpaniji f'diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija, ħlas ta' primjum għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta' inadempjenza. Jekk il-probabbiltà li min jissellef ma jkunx jista' jħallas lura s-self issir partikolarment kbir, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f'ċirkostanzi eċċezzjonali l-element tal-għajnuna tal-garanzija jista' jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija”.

(116)

Il-Kummissjoni tosserva li l-banek taw is-selfiet għall-ENVC unikament minħabba l-eżistenza tal-“garanziji” (fil-forma ta' ittri ta' konfort) tal-EMPORDEF li jerġgħu jassiguraw lill-banek li hija tagħmel dak kollu meħtieġ biex tiżgura li l-ENVC tħallas lura s-selfiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ittri ta' konfort kienu pprovduti b'xejn fi żmien meta l-ENVC kienet f'diffikultà u minkejja r-riskju sinifikanti li ma tkunx tista' tonora l-impenji tagħha. Il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li l-ENVC kienet f'tal-inqas tliet okkażjonijiet f'sitwazzjoni ta' falliment tekniku (ara l-premessa 64 hawn fuq), u minkejja dan, l-EMPORDEF iddeċidiet li toħroġ l-ittri ta' konfort mingħajr primjum. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemm l-ebda rata tas-suq possibbli li tista' tintuża bħala komparatur raġonevoli u għalhekk hija tal-fehma li l-ENVC tirċievi għajnuna mill-Istat f'ammont ekwivalenti għal-ammonti totali ggarantiti mill-ittri ta' konfort tal-2009, l-2010 u l-2011 (jiġifieri EUR 51 280 000).

(117)

Loġika simili tapplika għal każ ta' selfiet mogħtija lill-ENVC, jiġifieri s-selfiet tal-2012 u l-2013, is-selfiet DGTF u s-self għall-bastiment Atlântida. L-EMPORDEF u d-DGTF jipprovdu dawn is-selfiet lill-ENVC fi żmien meta l-kumpanija kienet f'diffikultà u ebda operatur fis-suq razzjonali ma kien jipprovdihom. Dan huwa partikolarment ovvju għall-każ tas-selfiet tal-2012 u l-2013, minħabba li kif indikat fil-premessa 21 hawn fuq, il-banek waqfu milli jipprovdu selfiet lill-ENVC u kienu lesti biss li jagħmlu dan fir-rigward tal-EMPORDEF. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-selfiet DGTF u s-self għall-bastiment Atlântida ngħataw bejn l-2006 u l-2011: matul dawn is-snin, il-banek privati kienu lesti li jselfu biss lill-ENVC abbażi ta' garanzija (fil-forma ta' ittra ta' konfort) mill-EMPORDEF. Dan jindika li ebda operatur fis-suq ma kien lest li jipprovdi self lill-ENVC biss. Għalhekk, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ENVC irċeviet għajnuna mill-Istat f'ammont ekwivalenti għat-total tas-selfiet tal-2012 u l-2013 (EUR 101 118 066,03), is-selfiet DGTF (EUR 30 miljun, EUR 8 miljuni, EUR 5 miljuni u EUR 13-il miljun rispettivament) u s-self għall-bastiment Atlântida (EUR 37 miljun).

6.3.   Għajnuna illegali

(118)

L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jiddikjara li Stat Membru ma għandux idaħħal miżura ta' għajnuna fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura.

(119)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall ta l-miżuri preċedenti lill-ENVC mingħajr ma nnotifikahom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni (bl-eċċezzjonijiet indikati fil-premessa 125 hawn taħt). Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Portugall ma kkonformax mal-obbligu ta' sospensjoni u għalhekk kiser l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

6.4.   Kompatibbiltà tal-miżuri preċedenti mas-suq intern

(120)

Sakemm il-miżuri identifikati hawn fuq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-kompatibbiltà tagħhom għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dik id-dispożizzjoni.

(121)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kompitu tal-Istat Membru li jinvoka raġunijiet possibbli ta' kompatibbiltà u li juri li l-kundizzjonijiet għal tali kompatibbiltà jintlaħqu (42). L-awtoritajiet Portuġiżi jikkunsidraw li l-biċċa l-kbira tal-miżuri preċedenti ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u għalhekk ma jipprovdu ebda raġuni possibbli għal kompatibbiltà.

(122)

Il-Kummissjoni xorta vvalutat jekk kwalunkwe waħda mir-raġunijiet ta' kompatibbiltà stabbilita fit-TFUE tkunx applikabbli għall-miżuri preċedenti.

(123)

Rigward is-sussidji tal-bini tal-bastimenti, il-Portugall jargumenta li dawn ingħataw skont id-Digriet Amministrattiv 296/89 li jimplimenta d-Direttiva 87/167/KEE (ara l-premessa 68 hawn fuq). Madankollu, kif diġà nnotat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, din id-Direttiva ma baqgħetx tapplika mill-31 ta' Diċembru 1990 (ara l-Artikolu 13 tagħha).

(124)

Barra minn hekk, il-Portugall ma pprovda ebda evidenza li s-sussidji għall-bini ta' bastimenti jkunu kompatibbli ma' xi bażi ġuridika sussegwenti għad-dikjarazzjoni tal-kompatibbiltà ta' għajnuna għall-finijiet ta' bini ta' bastimenti.

(125)

L-unika eċċezzjoni tikkonċerna żewġ sussidji għall-bini ta' bastimenti mogħtija lill-ENVC fl-2003 u l-2005 għall-bini ta' żewġ bastimenti (kuntratti C224 u C 225 — ara l-Anness II). Dawn is-sussidji ġew awtorizzati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża C 33/2004 (43) abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1540/98. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li skont l-informazzjoni pprovduta li s-sussidji għall-kuntratti C224 u C225 li jammontaw għal EUR 2 675 275 kull wieħed (jew total ta' EUR 5 350 550) jikkostitwixxu għajnuna għal bini ta' bastimenti kompatibbli mas-suq intern.

(126)

Il-Kummissjoni xorta tasal għall-fehma li l-bqija tas-sussidji għall-bini ta' bastimenti (li jammontaw għal EUR 21 779 383,21) — li għalihom il-Portugall ma ddiskutiex il-karattru tagħhom ta' għajnuna mill-Istat — huma inkompatibbli mas-suq intern.

(127)

Fir-rigward tal-bqija tal-miżuri preċedenti (minbarra l-ittri ta' konfort iddatati 8 ta' Jannar 2007 u 26 ta' Ġunju 2008), kif diġà indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, fl-isfond tal-karattru tal-miżuri u tad-diffikultajiet tal-ENVC, l-uniċi kriterji ta' kompatibbiltà rilevanti jidhru li huma dawk li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE abbażi tal-Linji gwida R&R tal-2004 (44).

(128)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ttenni s-sejbiet tagħha tad-deċiżjoni tal-ftuħ li l-kundizzjonijiet għal għajnuna għas-salvataġġ stipulati fit-taqsima 3.1 tal-Linji gwida R&R tal-2004, ma ġewx issodisfati. Skont il-punt 25(a) tal-Linji gwida R&R tal-2004, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tikkonsisti f'appoġġ għal-likwidità fil-forma ta' selfiet u garanziji ta' self; fiż-żewġ każijiet, is-self għandu jingħata b'rati tal-imgħax tal-inqas komparabbli għal dawk osservati għal selfiet għal ditti b'saħħithom. Pereżempju ż-żieda fil-kapital tal-2006 diġà ma tissodisfax dan ir-rekwiżit.

(129)

Barra minn hekk, il-punt 25(a) iżid li kwalunkwe self għandu jiġi rimburżat u kwalunkwe garanzija għandha tintemm fi żmien perjodu ta' mhux iktar minn sitt xhur wara l-ħlas tal-ewwel pagament lid-ditta. Kif spjegat hawn fuq, dan ma jidhirx li seħħ għall-ebda waħda mill-miżuri preċedenti li qegħdin jiġu vvalutati.

(130)

Il-punt 25(b) jgħid li l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tiġi garantita minħabba diffikultajiet soċjali serji u li ma jkollha ebda effett konsegwenzjali negattiv mhux dovut fuq Stati Membri oħrajn. Il-Portugall ma pprovda ebda evidenza li dan kien il-każ għal kwalunkwe waħda miżura preċedenti.

(131)

Barra minn hekk, fil-każ ta' għajnuna għas-salvataġġ mhix innotifikata, il-punt 25(c) jitlob lil Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-implimentazzjoni tal-ewwel miżura tal-għajnuna għas-salvataġġ, pjan ta' ristrutturar jew likwidazzjoni jew prova li s-self ġie rimborżat kollu u/jew li l-garanzija ġiet itterminata. Għal darb oħra, il-Portugall ma ssodisfax dan ir-rekwiżit ta' kompatibbiltà meħtieġa.

(132)

Skont il-punt 25(d), l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tiġi ristretta għall-ammont meħtieġ sabiex id-ditta tibqa' topera. Fid-dawl tal-ammonti sinifikanti ta' għajnuna li jirriżultaw mill-miżuri preċedenti kollha, il-Kummissjoni tikkonkludi li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfat lanqas.

(133)

Fl-aħħar nett, il-punt 25(e) tal-Linji gwida R&R tal-2004 jitlob konformità mal-prinċipju ta' “darba, l-aħħar darba”. Skont dan il-prinċipju, meta jkunu għaddew inqas minn għaxar snin mill-għajnuna għas-salvataġġ jew minn meta jkun spiċċa l-perjodu għar-ristrutturar, il-Kummissjoni mhix ser tippermetti aktar għajnuna għal salvataġġ jew għal ristrutturar. Fl-isfond tad-diversi interventi tal-Istat matul il-perjodu ta' żmien kopert mill-miżuri preċedenti, huwa ċar li l-prinċipju ta' “darba, l-aħħar darba” ma kienx osservat u li l-ENVC f'diversi okkażjonijiet ibbenefikat minn għajnuna illegali mill-Istat.

(134)

Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar kif iddefinit fit-taqsima 3.2 tal-Linji gwida R&R tal-2004, il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall ma nnotifika lill-Kummissjoni ebda waħda mill-miżuri identifikati hawn fuq bħala għajnuna għar-ristrutturar u għalhekk naqas milli juri li kwalunkwe wieħed mill-elementi meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala tali, kien preżenti (pjan għar-ristrutturar, kontribuzzjoni proprja, miżuri kumpensatorji, eċċ).

(135)

B'mod partikolari, il-premessa 34 tal-Linji gwida R&R tal-2004 tgħid li l-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar hija soġġetta għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar, li għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta' għajnuna individwali. Barra minn hekk, kwalunkwe għajnuna għar-ristrutturar għandha tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jevitaw tgħawwiġ tal-kompetizzjoni mhux dovut (“miżuri kumpensatorji” — ara l-punti 38 sa 42) u għandhom jipprovdu “kontribuzzjoni proprja” mill-benefiċjarju li fil-każ tal-ENVC għandha tilħaq 50 % tal-ispejjeż għar-ristrutturar minħabba li hija impriża kbira (ara l-punti 38 sa 45). Barra minn hekk, rigward l-għajnuna għas-salvataġġ, il-prinċipju ta' “darba, l-aħħar darba” għandu jiġi osservat.

(136)

Il-Kummissjoni l-ewwel ittenni li l-prinċipju “darba, l-aħħar darba” ma ġiex osservat (ara l-premessa 133 hawn fuq). Tabilħaqq, il-Kummissjoni tosserva li diversi miżuri preċedenti ġew ipprovduti barra mill-perjodu ppjanat għar-ristrutturar 2005-2009. Dan huwa bi ksur tal-prinċipju ta' “darba, l-aħħar darba”, u għalhekk huwa suffiċjenti li wieħed jikkunsidra li l-miżuri preċedenti ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna għar-ristrutturar kompatibbli skont il-Linji gwida R&R tal-2004.

(137)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Portugall issottometta l-pjan għar-ristrutturar ippreparat mill-BPI fl-2014 biss, jiġifieri 5 snin wara li kien skada l-perjodu ta' ristrutturar ippjanat (2005-2009). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-pjan ippreparat mill-BPI jidher li huwa abbozz għal diskussjoni. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-pjan għar-ristrutturar jidher li jinkludi xi elementi mitlubin mil-Linji gwida R&R tal-2004, ma jinkludi ebda miżura kumpensatorja u ma jipprevedi ebda kontribuzzjoni proprja mill-ENVC. Għalhekk, il-pjan ta' ristrutturar tal-BPI ma jistax jitqies li jħares ir-rekwiżiti meħtieġa tal-Linji gwida R&R tal-2004.

(138)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe miżura kumpensatorja u kontribuzzjoni proprja proposta mill-ENVC, u fid-dawl tal-fatt li l-prinċipju ta' “darba, l-aħħar darba” ma ġiex osservat, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bqija tal-miżuri preċedenti ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mal-għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji gwida R&R.

6.5.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà

(139)

Fl-isfond ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li s-sussidji għall-bini ta' bastimenti għall-kuntratti C224 u C225, li jammontaw għal EUR 2 675 275 kull wieħed (ara l-premessa 125 hawn fuq), jikkostitwixxu għajnuna għall-bini ta' bastimenti kompatibbli mas-suq intern.

(140)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-bqija tal-miżuri preċedenti (jiġifieri ż-żieda fil-kapital tal-2006, is-selfiet tal-2012 u l-2013, is-selfiet DGTF, l-ittri ta' konfort tal-2009, l-2010 u l-2011, is-sussidji għat-taħriġ professjonali, is-self għall-bastiment Atlântida u l-bqija tas-sussidji għall-bini ta' bastimenti) ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Linji gwida R&R tal-2004. Il-Kummissjoni ma identifikat ebda bażi ta' kompatibbiltà ieħor. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-bqija tal-miżuri preċedenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern.

6.6.   Irkupru

(141)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (45). Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (46).

(142)

F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna (47).

(143)

B'konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (48) jgħid li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”. L-Artikolu 15 tal-istess Regolament jiċċara li: “is-setgħat tal-Kummissjoni li tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu soġġett għal perjodu ta' limitazzjoni ta' għaxar snin” li “jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċjarju […]. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna illegali għandha twaqqaf il-perjodu ta' limitazzjoni”. Mill-ewwel azzjoni meħuda mil-Kummissjoni fil-kawża SA. 35546 li seħħet fil-11 ta' Ottubru 2012 (ara l-premessa 1 hawn fuq), kwalunkwe rkupru ta' għajnuna inkompatibbli ma jistax jinkludi għajnuna mogħtija qabel il-11 ta' Ottubru 2002.

(144)

Il-Kummissjoni f'dan ir-rigward tosserva li xi wħud mis-sussidji għall-bini ta' bastimenti ngħataw qabel il-11 ta' Ottubru 2002, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntratti C206, C211, C217, C218, C219, C220, C221 u C222 (ara l-Anness II). Għaldaqstant, l-għajnuna inkompatibbli għal dawn il-kuntratti, li tammonta għal EUR 11 297 009,19 hija soġġetta għall-perjodu ta' limitazzjoni ta' għaxar snin u ma tistax tiġi rkuprata.

(145)

Il-bqija tal-miżuri preċedenti li jinkludu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli (ara t-Tabella 5 ta' hawn taħt) għandhom jiġu rkuprati sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li eżistiet fis-suq qabel ma ngħataw. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta l-vantaġġ akkumulat lill-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċċjarju, sal-irkupru effettiv, u s-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax tal-irkupru sal-irkupru effettiv.

Tabella 5

Ammonti li għandhom jiġu rkuprati (f'EUR)

Data

Miżura

Ammont li għandu jiġi rkuprat (49)

11 ta' Mejju 2006

Żieda fil-kapital tal-2006

24 875 000

2012/2013

Selfiet tal-2012 u l-2013

101 118 066,03

(i)

31 ta' Jannar 2006

(ii)

11 ta' Diċembru 2008

(iii)

28 ta' April 2010

(iv)

27 ta' April 2011

Selfiet DGTF

(i)

30 000 000

(ii)

8 000 000

(iii)

5 000 000

(iv)

13 000 000

29 ta' Novembru 2011

Ittri ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

990 000

3 ta' Novembru 2011

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

400 000

30 ta' Settembru 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

12 500 000

31 ta' Awwissu 2010

Ittri ta' konfort għal żewġ ittri pendenti ta' kreditu maħruġin mis-CGD

12 890 000

24 ta' Ġunju 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

5 000 000

25 ta' Novembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mis-CGD

15 000 000

7 ta' Settembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mill-BES

4 500 000

Sussidji għall-bini ta' bastimenti (kuntratti C212, C213, C214 u C223)

10 482 374,01  (50)

Għajnuna għal taħriġ professjonali 2005-2006

257 791

23 ta' Diċembru 2009

Self għall-bastiment Atlântida

37 000 000

7.   VALUTAZZJONI TAL-KONTINWITÀ EKONOMIKA BEJN L-ENVC U WESTSEA

(146)

Fl-4 ta' Marzu 2014, l-ENVC laqqgħet assemblea ġenerali li fiha l-EMPORDEF, bħala l-uniku azzjonist, ikkonfermat id-deċiżjoni li tipproċedi bil-bejgħ tal-assi tal-ENVC, kif ukoll bit-tkeċċija tal-impjegati, sabiex tillikwida u xxolji l-kumpanija malajr kemm jista' jkun.

(147)

Fis-27 ta' Frar 2015, fid-dawl tal-likwidazzjoni futura tal-ENVC, il-Portugall bagħat żewġ talbiet lill-Kummissjoni:

“(a)

B'kunsiderazzjoni li, fil-każ ta' deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru ta' għajnuna inkompatibbli lill-ENVC fil-kuntest tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, il-parti l-kbira tal-assi tal-ENVC ser jinbiegħu u l-proċess tal-istralċ tal-ENVC ikun prattikament konkluż, l-Istat Portugiż ġentilment jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonferma li skont il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, il-bejgħ tal-assi msemmijin ma jikkostitwixxix għajnuna lix-xerrejja.

(b)

B'kunsiderazzjoni wkoll li, fil-każ ta' deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru ta' għajnuna inkompatibbli lill-ENVC fil-kuntest tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, l-Istat Portugiż ikun mitlub li jirkupra l-għajnuna inkompatibbli, l-awtoritajiet Portugiżi qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni biex tikkonferma li tali obbligu ta' rkupru ma jiġix estiż għal WestSea minkejja li hija tieħu parti mill-assi tal-ENVC.”

(148)

Tabilħaqq, fil-każ ta' deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni rigward l-irkupru ta' għajnuna inkompatibbli lil impriża fil-kuntest tal-Artikolu 107 u 108 tat-TFUE, l-Istat Membru inkwistjoni normalment jintalab jirkupra l-għajnuna inkompatibbli. L-obbligu ta' rkupru jista' jiġi estiż għal kumpanija ġdida, li l-kumpanija inkwistjoni tkun trasferixxiet jew biegħet parti mill-assi tagħha lilha, meta dik l-istruttura ta' trasferiment jew ta' bejgħ tirriżulta fill-konklużjoni li hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpaniji. Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta' kontinwità ekonomika, għajnuna (ġdida) mill-Istat għax-xerrej tista' tirriżulta wkoll mill-bejgħ tal-assi taħt il-valur tagħhom.

(149)

B'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tivvalutax il-valutazzjoni tal-kuntratti għall-bini ta' żewġ tankers tal-asfalt (51), li għadu ma seħħx.

(150)

Sabiex tiddeċiedi dwar jekk hemmx għajnuna mill-Istat li jibbenefika(w) minnha x-xerrej(ja) tal-assi, il-Kummissjoni jeħtieġ li (a) tiddetermina jekk il-bejgħ ta' kwalunkwe assi jsirx bil-prezz tas-suq; u (b) tikkunsidra wkoll kriterji oħrajn msemmijin fil-premessa ta' hawn taħt.

(151)

Skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f'l-Italja u SIM 2 vs il-Kummissjoni  (52) , li fuqha l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjonijiet tagħha f'Olympic Airlines, Alitalia u SERNAM  (53), il-valutazzjoni tal-kontinwità ekonomika bejn l-entità preċedenti (li ġiet mgħejuna) u x-xerrej tiġi stabbilita abbażi ta' sett ta' indikaturi. Jistgħu jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin: (i) l-iskop tal-assi mibjugħin (assi u obbligazzjonijiet, manutenzjoni tal-forza tax-xogħol, grupp ta' assi), (ii) il-prezz tal-bejgħ, (iii) l-identità tax-xerrej(ja), (iv) il-mument tal-bejgħ (wara l-inizjazzjoni tal-valutazzjoni preliminari, il-proċedura ta' investigazzjoni formali jew id-deċiżjoni finali) u (v) il-loġika ekonomika tal-operazzjoni. Dan is-sett ta' indikaturi kien ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta' Marzu 2012Ryanair vs il-Kummissjoni  (54), li kkonfermat id-deċiżjoni Alitalia.

7.1.   Skop tal-assi mibjugħin

(152)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-assi u elementi oħra tan-negozju ttrasferiti jirrappreżentaw parti biss mill-kumpanija preċedenti jew l-attivitajiet tagħha. Aktar mal-parti tan-negozju oriġinali li tiġi trasferita għal entità ġdida tkun kbira, aktar hija l-probabbiltà li l-attività ekonomika relatata ma' dawn l-assi tkompli tibbenefika mill-vantaġġ li jirriżulta mill-għajnuna inkompatibbli mogħtija lill-entità preċedenti.

(153)

L-assi ewlenin tal-ENVC jinkludu (i) il-konċessjoni mogħtija mill-Amministrazzjoni tal-Port Viana do Castelo għall-art fejn tinsab it-tarzna u (ii) diversi tagħmir u materja prima. Dawn l-assi kollha nbiegħu wara sejħa għall-offerti trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijiet li hija miftuħa għall-offerenti Portugiżi u mhux Portugiżi, l-aħjar prezz ikun l-uniku kriterju għall-għażla tal-offerent.

(154)

Rigward is-sottokonċessjoni għall-art fejn tinsab it-tarzna, wara l-proċess tas-sejħa għall-offerti, din ingħatat sa Marzu 2031 lil WestSea, sussidjarja konġunta tal-impriża Portugiża Martifer u t-tarzna Portugiża Navalria. WestSea ser tħallas tariffa annwali għall-kera ta' EUR 419 233,95 u garanzija ta' EUR 435 500.

(155)

Fir-rigward tad-diversi tagħmir u materja prima, inklużi vetturi u krejn/lifter kbir, dawn inbiegħu wara 120 sejħa għall-offerti żgħar f'884 lott ta' oġġetti. Konsegwentement, minn total ta' EUR 3 358 905,13 ta' oġġetti mibjugħin, ix-xerrejja akkwistaw bħala medja EUR 55 981,75 tal-merkanzija, li tvarja minn EUR 10 sa EUR 1,035 miljun. Il-Ministério dos Transportes e Comunicações de Timor kien l-iktar xerrej importanti b'sehem ta' 31 %. WestSea akkwistat inqas minn 20 % tal-assi mibjugħin.

(156)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impjegati, ebda kuntratt ta' impjieg ma ġie ttrasferit lil xi xerrej: Diġà ġew itterminati 596 kuntratt tax-xogħol u t-13-il impjegat li fadal jinsabu fil-proċess li jitkeċċew. L-offerti ma kienu jinkludu ebda kundizzjoni speċifika għat-trasferiment tal-kuntratti tal-impjieg jew impjegati mill-ENVC lil xi xerrej.

(157)

Bħala konsegwenza tal-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskop tal-assi akkwistati jew li għandhom jiġu akkwistati minn WestSea ser jitnaqqas kunsiderevolment meta mqabbel mal-ENVC jew l-attività preċedenti tagħha.

7.2.   Prezz tal-bejgħ

(158)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika bejn l-ENVC u WestSea, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-assi u elementi oħra tan-negozju trasferit inbiegħu jew ser jinbiegħu bil-prezz tas-suq. Il-prezz tas-suq huwa l-prezz, li jkun stabbilit minn investitur privat li jaġixxi skont il-kundizzjonijiet tas-suq (55).

(159)

Is-sottokonċessjoni tal-art fejn jinsabu t-tarzni u diversi tagħmir u materja prima oħra ġew divestiti permezz ta' offerti miftuħin, trasparenti, mhux diskriminatorji u mingħajr kundizzjonijiet, bl-aħjar prezz ikun l-uniku kriterju għall-għażla tal-offerenti.

(160)

Bħala konsegwenza ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti ta' sottokonċessjoni għall-art fejn jinsabu t-tarzni u l-bejgħ tad-diversi tagħmir u materja prima tal-ENVC lil WestSea saru permezz ta' proċessi ta' offerti miftuħin, trasparenti, mhux diskriminatorji u mingħajr kundizzjonijiet lill-aqwa offerent u għaldaqstant waslu għal prezz tas-suq.

7.3.   Identità tax-xerrejja

(161)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li x-xerrejja tal-assi u elementi oħra tan-negozju ttrasferit ma għandhomx rabta ekonomika jew korporattiva mal-ENVC.

(162)

Rigward il-konċessjoni għall-art fejn tinsab it-tarzna, l-awtoritajiet Portugiżi jikkonfermaw li WestSea ma għandhiex rabtiet ekonomiċi jew korporattivi mal-ENVC jew mal-Istat Portugiż.

(163)

Rigward id-diversi tagħmir u materja prima diġà divestiti, l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li ebda wieħed mix-xerrejja ewlenin ma għandu rabtiet ekonomiċi jew korporattivi mal-ENVC jew l-azzjonist tagħha.

(164)

Bħala konsegwenza tal-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li WestSea hija entità indipendenti mill-ENVC u mill-azzjonist tagħha.

7.4.   Mument tal-bejgħ

(165)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-mument tal-bejgħ tal-assi u elementi oħra tan-negozju trasferiti ma jwasslux għal ċirkomvenzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

(166)

Il-Kummissjoni tinnota li l-proċessi tal-offerti għal sottokonċessjonijiet tal-art fejn jinsabu t-tarzni kif ukoll għall-akkwist tal-assi u t-tagħmir tniedu u ġew konklużi qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' din id-deċiżjoni finali.

(167)

Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa 1 hawn fuq, kien il-Portugall li l-ewwel ma avviċina lill-Kummissjoni sabiex torganizza b'mod xieraq il-privatizzazzjoni tal-ENVC skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE. Għalhekk, is-serje ta' elementi jindikaw li l-privatizzazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala mekkaniżmu għaċ-ċirkomvenzjoni tad-deċiżjonijiet negattivi eżistenti jew investigazzjonijiet pendenti mill-Kummissjoni.

(168)

Bħala konsegwenza tal-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-fatt li l-għoti tas-sottokonċessjoni tal-art fejn jinsabu t-tarzni kif ukoll l-akkwist tad-diversi tagħmir u materja prima tal-ENVC, sar qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' din id-deċiżjoni finali, ma jindikax li hemm ċirkomvenzjoni ta' deċiżjoni ta' rkupru potenzjali mill-Kummissjoni.

7.5.   Loġika ekonomika tal-operazzjoni

(169)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi li x-xerrejja tal-assi u elementi oħra tan-negozju trasferiti mhumiex ser jużaw dawn l-assi bl-istess mod bħall-proprjetarju preċedenti iżda jużahom sabiex jistabbilixxu attività jew strateġija differenti.

(170)

Xi wħud mill-assi tal-ENVC akkwistati minn WestSea, jistgħu jintużaw għall-istess attività ġenerali (bini ta' bastimenti), b'mod partikolari l-art fejn tinsab it-tarzna. Madankollu, is-sempliċi fatt li x-xerrej ikun attiv fl-istess settur ekonomiku bħall-entità preċedenti mhux neċessarjament jimplika li hemm kontinwità ekonomika. WestSea ma għandha ebda obbligu li tieħu xi impjegati tal-ENVC jew kuntratti ta' impjieg. Barra minn hekk, WestSea ser tintegra t-tarzna fl-istrateġija ta' negozju tagħha sabiex tiggarantixxi sinerġiji ma' siti oħrajn tat-tarzna. WestSea ser ikollha l-possibbiltà li timmaniġġja l-attivitajiet tagħha skont kundizzjonijiet tal-operat differenti u ser ikollha l-libertà li tapplika l-mudell tan-negozju tagħha.

(171)

Bħala konsegwenza tal-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li WestSea ser tintegra dawn l-elementi fl-istrateġija tal-kumpanija tagħha u ser tużahom sabiex issegwi l-loġika ekonomika tagħha.

7.6.   Konklużjoni dwar il-kontinwità ekonomika bejn l-ENVC u WestSea

(172)

L-ewwel nett, l-iskop ta' dawn l-assi akkwistati minn WestSea huwa kunsiderevolment imnaqqas meta mqabbel ma' dak tal-ENVC u l-attività preċedenti tagħha. It-tieni nett, l-għoti tas-sottokonċessjoni għall-art fejn tinsab it-tarzna u l-akkwist tad-diversi tagħmir u materja prima saru permezz ta' offerti miftuħin, trasparenti, mhux diskriminatorji u mingħajr kundizzjonijiet. It-tielet nett, WestSea hija entità indipendenti għal kollox mill-ENVC u l-azzjonist tagħha. Ir-raba' nett, il-mument tal-għoti tas-sottokonċessjoni tal-art fejn jinsabu t-tarzni kif ukoll l-akkwist tad-diversi tagħmir u materja prima ma jindikawx li hemm ċirkomvenzjoni ta' deċiżjoni ta' rkupru potenzjali mill-Kummissjoni. Il-ħames nett, WestSea ser tintegra l-assi tal-ENVC fl-istrateġija tal-kumpanija tagħha u ser tuzahom sabiex issegwi l-loġika ekonomika proprja tagħha.

(173)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx kontinwità ekonomika bejn l-ENVC u WestSea.

8.   KONKLUŻJONI

(174)

Il-Kummissjoni ssib li l-miżuri preċedenti, minbarra l-ittri ta' konfort iddatati 8 ta' Jannar 2007 u 26 ta' Ġunju 2008, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur l-ENVC skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(175)

Il-miżuri preċedenti li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma inkompatibbli mas-suq intern (bl-eċċezzjoni taż-żewġ sussidji għall-bini ta' bastimenti awtorizzati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ C 33/2004), minħabba li l-kundizzjonijiet rilevanti tal-Linji gwida R&R tal-2004 ma ġewx issodisfati u ma ġewx identifikati raġunijiet oħrajn kompatibbli.

(176)

Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Portugall implimenta l-miżuri msemmijin hawn fuq b'mod illegali u bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(177)

L-għajnuna mill-Istat inkompatibbli għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarju, kif iddefinit fit-taqsima 6.6 hawn fuq.

(178)

Tali rkupru mhux ser jikkonċerna lil WestSea, minħabba n-nuqqas ta' kontinwità ekonomika bejn l-ENVC u WestSea.

(179)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Portugall qabel li din id-deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-ittri ta' konfort iddatati 8 ta' Jannar 2007 u 26 ta' Ġunju 2008 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

2.   L-għajnuna mill-Istat inkluża fis-sussidji għall-bini ta' bastimenti li jikkorrispondu għall-kuntratti C224 u C225 (li jammontaw għal EUR 5 350 550) hija kompatibbli mas-suq intern.

3.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fit-tabella ta' hawn taħt, li ġiet implimentata illegalment mill-Portugall bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Data

Miżura

Ammont

11 ta' Mejju 2006

Żieda fil-kapital tal-2006

24 875 000

2012/2013

Selfiet tal-2012 u l-2013

101 118 066,03

(i)

31 ta' Jannar 2006

(ii)

11 ta' Diċembru 2008

(iii)

28 ta' April 2010

(iv)

27 ta' April 2011

Selfiet DGTF

(i)

30 000 000

(ii)

8 000 000

(iii)

5 000 000

(iv)

13 000 000

29 ta' Novembru 2011

Ittri ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

990 000

3 ta' Novembru 2011

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

400 000

30 ta' Settembru 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

12 500 000

31 ta' Awwissu 2010

Ittri ta' konfort għal żewġ ittri pendenti ta' kreditu maħruġin mis-CGD

12 890 000

24 ta' Ġunju 2010

Ittra ta' konfort għal self mogħti mill-BCP

5 000 000

25 ta' Novembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mis-CGD

15 000 000

7 ta' Settembru 2009

Ittra ta' konfort għal self li jiġġedded mill-BES

4 500 000

Sussidji għall-bini ta' bastimenti (kuntratti C212, C213, C214 u C223)

10 482 374,01

Sussidji għall-bini ta' bastimenti (kuntratti C206, C211, C217, C218, C219, C220, C221 u C222)

11 279 009,01

Għajnuna għal taħriġ professjonali 2005-2006

257 791

23 ta' Diċembru 2009

Self għall-bastiment Atlântida

37 000 000

Artikolu 2

1.   Il-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 mill-benefiċjarju (inkluż, fejn applikabbli, l-imgħax akkumulat u mhux imħallas mill-ENVC), minbarra s-sussidji għall-bini ta' bastimenti marbuta mal-kuntratti C206, C211, C217, C218, C219, C220, C221 u C222 (għal ammont kumplessiv ta' EUR 11 279 009,01) sabiex ikunu soġġetti għall-perjodu ta' limitazzjoni ta' 10 snin stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

2.   Tali rkupru ta' għajnuna mill-Istat inkompatibbli ma jikkonċernax lil WestSea.

3.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha saru disponibbli lill-benefiċjarju sad-data tal-irkupru attwali tagħhom.

4.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (56), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (57) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

5.   Il-Portugall jikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna, jekk hemm, b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni hija implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Portugall għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali (l-imgħax prinċipali u fuq l-irkupru) li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Portugall iżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sal-irkupru totali tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 1. Fuq talba sempliċi tal-Kummissjoni, jissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħa u dawk previsti, sabiex ikun f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Għajnuna mill-Istat — il-Portugall — Għajnuna mill-Istat SA.35546 (2013/C) (ex 2012/NN) — Miżuri preċedenti favur Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A — Stedina sabiex jiġu ppreżentati kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 95, 3.4.2013, p. 118).

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(4)  Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Portugall, jidher li l-kapaċità f'termini ta' forza tax-xogħol iddedikata għall-bini ta' bastimenti għal finijiet militari laħqet il-qofol tagħha fl-2005 bi 33 % tal-attività totali tal-ENVC (inklużi l-kostruzzjoni, it-tiswija, eċċ). Mill-2006 sal-2011, il-kapaċità medja ddedikata għall-bini militari kienet madwar 11 %, iżda fl-2012 niżlet għal żero minħabba li l-Armata Portugiża kkanċellat ordni ta' bini ta' bastimenti militari.

(5)  Fl-2005 u l-2007 ġie mmodifikat ukoll il-ftehim ta' konċessjoni sabiex jippermetti lill-ENVC ikollha sottokonċessjoni tal-parti tal-art għall-manifattura ta' turbini tar-riħ.

(6)  Dan il-proċess ma kienx kopert bil-Memorandum ta' Ftehim dwar kundizzjonalità speċifika tal-politika ekonomika ffirmat bejn il-Portugall u l-Kummissjoni, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew.

(7)  Lei Quadro das Privatizações, ġiet approvata bil-Liġi Nru 11/90 tal-5 ta' April 1990 u ppubblikata mill-ġdid permezz tal-Liġi Nru 50/2011 tat-13 ta' Settembru 2011.

(8)  Diário da República Nru 156, 13.8.2012, p. 4364 u Diário da República Nru 167, 29.8.2012, p. 4838, rispettivament.

(9)  Għalkemm Volstad Maritime ippreżentat offerta vinkolanti fil-5 ta' Novembru 2012, din ġiet skwalifikata minħabba li ppreżentat l-offerta wara l-iskadenza tal-10 ta' filgħodu.

(10)  Fil-preżentazzjoni tiegħu tat-28 ta' Diċembru 2012, il-Portugall irrefera għal żieda fil-kapital li jidher li saret fl-2009. Madankollu, matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Portugall ikkonferma li ma kien hemm ebda żieda fil-kapital fl-2009.

(11)  Din il-miżura tinkludi l-preżunzjoni mill-EMPORDEF ta' dejn li l-ENVC kellha ma' Parvalorem f'ammont ta' EUR 5 111 910,08, kif ukoll imgħax akkumulat u mhux imħallas ta' EUR 5 281 882,02.

(12)  Il-Portugall innota li l-ENVC ħallset imgħax fir-rigward tas-selfiet DGTF tal-2006 u l-2008 f'ħames okkażjonijiet bejn l-2006 u l-2010 għal ammont globali ta' EUR 3 291 293,50.

(13)  Id-deċiżjoni tal-ftuħ, inkludiet fost il-miżuri l-oħra ittra ta' konfort mill-EMPORDEF b'rabta mal-ittri ta' kreditu maħruġin mis-CGD ta' EUR 12 890 000. Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Portugall iċċarat li din il-miżura hija dik deskritta fil-premessa 24.

(14)  Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Portugall iċċara li l-ammont soġġett għall-ittri ta' kreditu pendenti kien ta' EUR 12 890 000, jiġifieri 10 % tal-ispejjeż ta' kostruzzjoni ta' żewġ tankers tal-asfalt (EUR 128 900 000). Barra minn hekk, il-Portugall iċċara li l-kuntratt għall-emissjoni tal-ittri ta' kreditu pendenti daħal fis-seħħ fl-2010 u mhux fl-2012 kif iddikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(15)  Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Portugall, l-għajnuna għall-finijiet ta' bini ta' bastimenti ngħatat fil-forma ta' sussidji marbutin ma' 14-il kuntratt fil-perjodu 2000-2005, u mhux 2000-2007 kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(16)  Il-Portugall iċċara li l-għajnuna għal taħriġ professjonali ngħatat fl-2005 u l-2006 u mhux fil-perjodu 2000-2007 kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 87/167/KEE tas-26 ta' Jannar 1987 dwar l-għajnuna għall-bini ta' bastimenti (ĠU L 69, 12.3.1987, p. 55).

(18)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. Fl-1 ta' Awwissu 2014 daħlu fis-seħħ il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1) (“il-Linji gwida R&R tal-2014”). Skont il-punt 135 tal-Linji gwida R&R tal-2014, il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-linji gwida b'effett mill-1 ta' Awwissu 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Madankollu, skont il-punt 138 tal-Linji gwida R&R tal-2014, il-miżuri preċedenti soġġetti għal din id-deċiżjoni għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-linji gwida li applikaw meta ngħatat l-għajnuna, jiġifieri l-Linji gwida R&R tal-2004 (jew fejn applikabbli, il-Linji gwida tal-Komunità tal-1999 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà) (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2 — “il-Linji Gwida R&R tal-1999”).

(19)  Fir-rigward tal-EMPORDEF, il-Kummissjoni fil-premessi 46 sa 48 tad-deċiżjoni tal-ftuħ osservat li d-deċiżjonijiet tagħha dehru imputabbli għall-Istat Portugiż skont it-tifsira tal-ġurisprudenza Stardust Marine (sentenza fi Franza vs il-Kummissjoni, C-482/99, EU: C:2002:294).

(20)  ĠU C 364, 14.12.2011, p. 9.

(21)  B'mod partikolari l-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għall-2004 għall-bini ta' bastimenti (ĠU C 317, 30.12.2003, p. 11) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-għajnuna għall-bini ta' bastimenti (ĠU L 202, 18.7.1998, p. 1).

(22)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 14 ta' hawn fuq.

(23)  Sors: kontijiet annwali tal-EMPORDEF għall-2012.

(24)  Sors: kontijiet annwali tal-EMPORDEF għall-2012 u l-2013. Mill-kontijiet annwali tal-ENVC għall-2001, l-2002 u l-2003, jirriżulta li l-ENVC kellha ukoll ekwità negattiva totali fis-sena 2000 (EUR –5,99 miljuni), l-2001 (EUR — 10,97 miljuni), l-2002 (EUR — 22,09 miljun) u l-2003 (EUR — 48,97 miljun).

(25)  Sentenza fi Franza vs il-Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:29.

(26)  Sors: http://www.empordef.pt/main.html.

(27)  Sors: http://www.empordef.pt/uk/main.html.

(28)  Ara l-lista ta' ħatriet fil-paġna web tal-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali ( http://www.portugal.gov.pt/pt/o-governo/nomeacoes/ministerio-da-defesa-nacional.aspx). Ara wkoll il-paġna web tal-EMPORDEF ( http://www.empordef.pt/main.html) kif ukoll diversi stqarrijiet għall-istampa, pereżempju http://www.dn.pt/inicio/portugal/interior.aspx?content_id=1768612 jew http://www.dn.pt/inicio/portugal/interior.aspx?content_id=1950754.

(29)  It-test oriġinali bil-Portugiż huwa kif ġej: “[…] no passado dia 2 de julho de 2011 o Ministério da Defesa Nacional decidiu suspender o desmantelamento dos Estaleiros Navais de Viana do Castelo. Em agosto, o Ministério da Defesa Nacional mandatou a nova administração da Empordef para que fosse encontrada uma solução que evitasse esse desmantelamento e encerramento dos ENVC”. Ara http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-da-defesa-nacional/mantenha-se-atualizado/20120104-mdn-envc.aspx.

(30)  Ara pereżempju http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-da-defesa-nacional/mantenha-se-atualizado/20120319-mdn-modelo-reprivatizacao.aspx, http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-da-defesa-nacional/mantenha-se-atualizado/20120502-mdn-envc.aspx u http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-da-defesa-nacional/mantenha-se-atualizado/20120713-seamdn-envc.aspx.

(31)  Ara pereżempju http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministro-da-presidencia-e-dos-assuntos-parlamentares/documentos-oficiais/20131205-comunicado-cm.aspx. L-involviment tal-Istat fl-azzjonijiet tal-EMPORDEF huwa evidenzjat aktar fl-istqarrija għall-istampa li ġejja tal-Gvern Portugiż: http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-da-defesa-nacional/mantenha-se-atualizado/20140205-mdn-comunicado-estaleiros.aspx.

(32)  F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva bħala evidenza ex post li r-rapport tal-2009 tal-IGF (ara l-premessa 49) jenfasizza li fl-2005–2007, l-ENVC ikkonsenjat 11-il bastiment li l-ispejjeż għall-bini tagħhom qabżu bi 15,4 % l-ispejjeż kuntrattwali miftiehmin (għandu jiġi nnotat li l-ispejjeż ibbaġitjati mill-ENVC qabżu b'4,1 % l-ispejjeż kuntrattwali miftiehmin li jfisser li fi kwalunkwe każ, il-kumpanija kienet tibni l-bastimenti b'telf).

(33)  Sors: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/files/annexes_accounting_report_2011/portugal_en.pdf.

(34)  Għall-kuntratt iffirmat fis-27 ta' April 2011, il-firxa applikabbli kienet il-firxa Mid Asset Swap tad-dejn pubbliku Portugiż b'maturità ekwivalenti (dejta pprovduta mill-Portugall).

(35)  Mill-2010, ir-rata tal-imgħax kienet allinjata ma' dik tas-self tal-11 ta' Diċembru 2008.

(36)  ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(37)  Sors: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates_eu25_en.pdf

(38)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(39)  Sors: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/base_rates_eu27_en.pdf

(40)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10. Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni tas-sena 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14).

(41)  Ara, pereżempju, il-premessi 249 u 250 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2008 dwar miżuri mill-Ġermanja biex tassisti d-DHL u Leipzig Halle Airport C 48/06 (ex N 227/06) (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 1).

(42)  Sentenza l-Italja vs il-Kummissjoni, C-364/90, EU:C: 1993:157.

(43)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/946/KE tas-6 ta' Settembru 2005 dwar l-Għajnuna mill-Istat — Estensjoni ta' limitu ta' tliet snin għall-konsenja ta' żewġ tankers tal-kimika mibnija minn Estaleiros Navais de Viana do Castelo, S.A. (ĠU L 383, 28.12.2006, p. 16).

(44)  Rigward is-sussidji għat-taħriġ professjonali, il-Kummissjoni tosserva li l-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali 2000–2006 (ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9) applikabbli dak iż-żmien, eskludew l-għoti ta' għajnuna reġjonali għal ditti f'diffikultà.

(45)  Sentenza f'Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-70/72, EU:C:1973:87, paragrafu 13.

(46)  Sentenza fi Spanja vs il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C-280/92, EU:C:1994:325, il-paragrafu 75.

(47)  Sentenza f'Il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-75/97, EU:C:1999:311, il-paragrafi 64 u 65.

(48)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(49)  Fejn applikabbli, l-imgħax dovut u mhux imħallas mill-ENVC għandu jkun soġġett ukoll għall-obbligu tal-irkupru.

(50)  Din il-figura tirriżulta mit-total tas-sussidji tal-bini ta' bastimenti (i) li minnhom jitnaqqsu dawk is-sussidji soġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' 10 snin (ii) li minnhom titnaqqas il-kompatibbiltà ddikjarata tas-sussidji (iii), jiġifieri (i) EUR 27 129 933,20 — (ii) EUR 11 279 009,19 — (iii) EUR 5 350 550 = EUR 10 482 374,01.

(51)  Ara l-premessa 24. Il-kuntratt inizjalment konkluż bejn il-PDVSA u l-ENVC għall-bini ta' żewġ tankers tal-asfalt ġie ttrasferit lill-EMPORDEF. Il-Portugall impenja ruħu li l-partijiet sottokuntrattati tal-kuntratt, ser jingħataw b'sejħa għall-offerti trasparenti, mhux diskriminatorja u mingħajr kundizzjonijiet miftuħa għal offerenti Portugiżi u mhux Portuġiżi, l-aħjar prezz ikun l-uniku kriterju tal-għażla għall-fornituri u l-fornituri tas-servizz u li l-ENVC tiġi eskluża mill-proċess f'każ li tiġi llikwidata u x-xoljiment tagħha ma jiġix konkluż meta jseħħu dawn.

(52)  Sentenza f'l-Italja u SIM 2 Multimedia SpA vs il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, EU:C:2003:252.

(53)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2008, l-għajnuna mill-Istat N 321/2008, N 322/2008 u N 323/2008 — il-Greċja — Vente de certains actifs d'Olympic Airlines/ Olympic Airways Services; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008 l-għajnuna mill-Istat N 510/2008 — l-Italja — bejgħ ta' assi tal-Alitalia; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2012 SA.34547 — Franza — Reprise des actifs du groupe SERNAM dans le cadre de son redressement judiciaire.

(54)  Sentenza tat-28 ta' Marzu 2012 f'Ryanair Ltd vs il-Kummissjoni, T-123/09, Ġabra, EU:T:2012:164, ikkonfermata fl-appell bis-Sentenza tat-13 ta' Ġunju 2013 f'Ryanair Ltd vs il-Kummissjoni, C-287/12 P, Ġabra, EU:C:2013:395.

(55)  Is-sentenza f'Seydaland, C-239/09, EU:C:2010:778, paragrafu 34.

(56)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(57)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


ANNESS I

IS-SELFIET TAL-2012 U L-2013

Data tal-firma

Ammont

Rata tal-imgħax applikata

6 ta' Jannar 2012

970 000,00

7,108 %

9 ta' Jannar 2012

175 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,108 %

31 ta' Jannar 2012

3 445 258,51

EURIBOR ta' 3 xhur + 6,62 %

8 ta' Frar 2012

64 741,49

EURIBOR ta' 3 xhur + 6,62 %

30 ta' Marzu 2012

1 026 647,44

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,887 %

30 ta' Marzu 2012

16 700 000,00

2 %

30 ta' April 2012

1 268 536,13

EURIBOR ta' 3 xhur + 5 %

2 ta' Mejju 2012

48 997,82

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,887 %

30 ta' Mejju 2012

1 100 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,431 %

31 ta' Mejju 2012

5 375 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,5 %

31 ta' Mejju 2012

834 830,96

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,451 %

1 ta' Ġunju 2012

12 844 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

5 ta' Ġunju 2012

281 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

6 ta' Ġunju 2012

345 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,682 %

8 ta' Ġunju 2012

1 449 714,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,682 %

11 ta' Ġunju 2012

696 481,42

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,682 %

21 ta' Ġunju 2012

177 979,74

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,682 %

21 ta' Ġunju 2012

4 785 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,1509 %

22 ta' Ġunju 2012

118 070,71

EURIBOR ta' 3 xhur + 7,682 %

25 ta' Ġunju 2012

83 694,43

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

26 ta' Ġunju 2012

1 163 308,28

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

29 ta' Ġunju 2012

664 537,83

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

3 ta' Lulju 2012

272 811,37

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,5 %

11 ta' Lulju 2012

71 104,02

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,976 %

11 ta' Lulju 2012

1 742 275,55

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,1509 %

13 ta' Lulju 2012

40 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,431 %

19 ta' Lulju 2012

45 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,956 %

27 ta' Lulju 2012

1 000 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,78 %

31 ta' Lulju 2012

400 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,182 %

31 ta' Lulju 2012

1 450 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,756 %

2 ta' Awwissu 2012

100 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,182 %

14 ta' Awwissu 2012

275 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,151 %

17 ta' Awwissu 2012

180 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,1509 %

20 ta' Awwissu 2012

1 186 322,44

EURIBOR ta' 3 xhur + 8,1509 %

20 ta' Awwissu 2012

400 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

24 ta' Awwissu 2012

600 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

13 ta' Settembru 2012

365 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

19 ta' Settembru 2012

5 111 910,08

Dejn tal-ENVC ma' Parvalorem preżunt mill-EMPORDEF

21 ta' Settembru 2012

19 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

25 ta' Settembru 2012

1 180 491,65

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,668 %

27 ta' Settembru 2012

1 050 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

28 ta' Settembru 2012

48 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 5,624 %

12 ta' Ottubru 2012

120 000,00

5,871 %

16 ta' Ottubru 2012

15 000,00

8,1509 %

19 ta' Ottubru 2012

566 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,64 %

26 ta' Ottubru 2012

1 000 000,00

EURIBOR ta' 3 xhur + 4,64 %

29 ta' Ottubru 2012

84 685,34

8,151 %

30 ta' Ottubru 2012

120 000,00

8,1509 %

2 ta' Novembru 2012

10 570 971,04

5,871 %

9 ta' Novembru 2012

5 227,50

4,459 %

27 ta' Novembru 2012

250 000,00

5,871 %

28 ta' Novembru 2012

250 000,00

8,1509 %

29 ta' Novembru 2012

200 000,00

7,915 %

29 ta' Novembru 2012

120 000,00

5,871 %

30 ta' Novembru 2012

84 685,12

5,871 %

3 ta' Diċembru 2012

300 000,00

4,459 %

3 ta' Diċembru 2012

35 000,00

7,915 %

7 ta' Diċembru 2012

1 500,00

8,151 %

11 ta' Diċembru 2012

100 000,00

4,459 %

14 ta' Diċembru 2012

180 000,00

4,459 %

19 ta' Diċembru 2012

200 000,00

4,459 %

20 ta' Diċembru 2012

29 159,75

4,459 %

21 ta' Diċembru 2012

1 000 000,00

5,871 %

28 ta' Diċembru 2012

5 000 000,00

7,915 %

31 ta' Diċembru 2012

16 500,00

4,459 %

4 ta' Jannar 2013

120 000,00

4,459 %

9 ta' Jannar 2013

84 756,80

4,459 %

11 ta' Jannar 2013

260 000,00

7,911 %

17 ta' Jannar 2013

200 000,00

8,15 %

8 ta' Frar 2013

5 767 984,59

4,165 %

31 ta' Mejju 2013

5 281 882,02

Imgħax li għandu jitħallas mill-ENVS lill-EMPORDEF għas-selfiet tal-2012

 

Total:101 118 066,03

 


ANNESS II

IS-SUSSIDJI GĦALL-BINI TAL-BASTIMENTI

Numru tal-kuntratt

2000

2001

2002

2003

2004

2005

TOTAL

Att dwar l-għoti (Despacho)

Data tal-pubblikazzjoni fid-Diário da República

C206

679 362,74

 

 

 

 

 

679 362,74

 

 

C211

 

 

2 081 867,70

 

 

 

2 081 867,70

245/2002 tal-31.12.2001

6.4.2002

C212

 

 

1 629 892,00

407 473,00

 

 

2 037 365,00

882/2002 tal-25.12.2002

12.12.2002

C213

 

 

2 265 871,06

541 732,94

701 901,00

 

3 509 505,00

880/2002 tal-25.12.2002

12.12.2002

C214

 

 

2 807 604,01

 

701 901,00

 

3 509 505,01

880/2002 tal-25.12.2002

12.12.2002

C217

 

1 415 887,71

 

 

 

 

1 415 887,71

158/2001 tad-29.12.2000

16.2.2001

C218

 

1 415 887,71

 

 

 

 

1 415 887,71

158/2001 tad-29.12.2000

16.2.2001

C219

 

1 425 998,34

 

 

 

 

1 425 998,34

158/2001 tad-29.12.2000

16.2.2001

C220

 

1 425 998,34

 

 

 

 

1 425 998,34

158/2001 tad-29.12.2000

16.2.2001

C221

1 140 802,66

276 446,76

8 753,90

 

 

 

1 426 003,32

810/2000 tal-25.7.2000

5.8.2000

C222

 

 

1 426 003,33

 

 

 

1 426 003,33

244/2002 tal-31.12.2001

6.4.2002

C223

 

 

1 425 999,00

 

 

 

1 425 999,00

881/2002 tal-25.11.2002

12.12.2002

C224

 

 

 

2 140 220,00

 

535 055,00

2 675 275,00

879/2002 tal-25.11.2002

12.12.2002

C225

 

 

 

2 140 220,00

 

535 055,00

2 675 275,00

879/2002 tal-25.11.2002

12.12.2002

 

1 820 165,40

5 960 218,86

11 645 991,00

5 229 645,94

1 403 802,00

1 070 110,00

27 129 933,20