ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 191

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
17 ta' Lulju 2015


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2015/1145 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera

1

 

*

Regolament (UE) 2015/1146 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2015 li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015

6

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali ( ĠU L 295, 6.11.2013 )

8

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq ( ĠU L 32, 3.2.2012 )

9

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ( ĠU L 343, 14.12.2012 )

10

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/1


REGOLAMENT (UE) 2015/1145 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2015

dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL- UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 1972 ġie iffirmat fi Brussell ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (4) (“il-Ftehim”).

(3)

Huwa meħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati għall implimentazzjoni tal-klawżoli ta' salvagwardja u tal-miżuri kawtelatorji previsti fl-Artikoli 22 sa 27 tal-Ftehim.

(4)

Biex jiġu implimentati l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill (5).

(5)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li għandhom japplikaw minnufih fejn, f'każijiet debitament ġustifikati marbuta mas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24, 24a u 26 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lill-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (“il-Ftehim”) bl-iskop li jittieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 22, 24, 24a u 26 tal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta dawk il-miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri jekk tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 2

1.   Fl-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk dik il-prattika hijiex kompatibbli mal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ ta' prattika li tista' twassal biex jiġu applikati fil-konfront tal-Unjoni miżuri ta' salvagwardja fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, għandha tiddeċiedi jekk il-prattika hijiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim. Fejn ikun meħtieġ, għandha tifformula rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 3

Fil-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika li l-Unjoni tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 25 tal-Ftehim, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

Artikolu 4

1.   Fejn minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jkun meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24, 24a u 26 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, il-miżuri kawtelatorji previsti fil-punt (e) tal-Artikolu 27(3) tal-Ftehim jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn il-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwar dik it-talba fi żmien massimu ta' ħamest ijiem ta' xogħol wara li tkun irċevietha.

Artikolu 5

In-notifika lill-Kumitat Konġunt mill-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 27(2) tal-Ftehim għandha tkun responsabbli għaliha l-Kummissjoni.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża tal-kummerċ ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2015.

(2)  Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1972 fuq il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU L 300, 31.12.1972, p. 284).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal- Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(8)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill

(ĠU L 300, 31.12.1972, p. 284)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 643/90

(ĠU L 74, 20.3.1990, p. 7

 

Ir-Regolament (EU) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Biss il-punt 1 tal-Anness


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regulation (KEE) Nru 2841/72

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Arikolu 8

Artikolu 9

Anness I

Anness II


17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/6


REGOLAMENT (UE) 2015/1146 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2015

li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula li għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jolqtu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola, billi, fil-bidu ta' kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li, sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4) għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, għandha tiġi stabbilita rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet tal-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikolari jindikaw li jkunu ser jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

(3)

L-ammont tar-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu, li għandu jiddaħħal fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2016, jilħaq it-total ta' EUR 441,6 miljun fi prezzijiet kurrenti. Biex jiġi kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għas-sena kalendarja 2015.

(4)

Il-previżjonijiet preliminari għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq li għandhom jiġu determinati fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2016 jindikaw li mhemmx bżonn ta' iktar dixxiplina finanzjarja.

(5)

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jeħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rata ta' aġġustament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja li għaliha tkun tapplika dik ir-rata ta' aġġustament.

(6)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu fiss tal-pagamenti li jkun fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti tardivi lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagament, sa ċertu limitu taż-żmien. It-tali pagamenti tardivi jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament m'għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fi snin kalendarji oħrajn li mhumiex is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(7)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti determinata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 li għandhom jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li, b'riżultat tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Bulgarija u għar-Rumanija biss mill-1 ta' Jannar 2016, u għall-Kroazja biss mill-1 ta' Jannar 2022. B'hekk ir-rata ta' aġġustament li għandha tiġi determinata b'dan ir-Regolament m'għandhiex tapplika għal pagamenti lill-bdiewa f'dawk l-Istati Membri.

(8)

Sal-1 ta' Diċembru 2015, ir-rata ta' aġġustament iffissata b'dan ir-Regolament tista' tiġi adattata mill-Kummissjoni, abbażi ta' informazzjoni ġdida li jkollha fil-pussess tagħha, skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Sabiex ir-rata ta' aġġustament tiġi ffissata skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti taħt l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lil bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja 2015, għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,393041 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 m'għandux japplika fil-Bulgarija, fil-Kroazja jew fir-Rumanija.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Opinjoni tat-22 ta' April 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2015.

(3)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(5)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).


Rettifika

17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/8


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 295 tas-6 ta' Novembru 2013 )

Paġna 4, Artikolu 1(1):

flok:

“(1)

Fit-Titolu II, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

‘KAPITOLU IVa

Miżuri speċifiċi fil-każ ta' nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni

Artikolu 19a

Miżuri fil-fruntieri esterni u l-appoġġ mill-Aġenzija

1.   (…)”,

aqra:

“(1)

Fit-Titolu II, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

‘KAPITOLU IVa

Miżuri speċifiċi fil-każ ta' nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni

Artikolu 19b

Miżuri fil-fruntieri esterni u l-appoġġ mill-Aġenzija

1.   (…)”.


17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/9


Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 32 tat-3 ta' Frar 2012 )

F'paġna 15, Anness VII, Tabella tal-Kodiċijiet tal-Pajjiżi, punt (a), it-tieni kolonna “Kodiċi”, għal “Il-Greċja”

flok:

“GR”

aqra:

“EL”


17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/10


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 343 tal-14 ta' Diċembru 2012 )

1.

It-terminu “DPO” għandu jiġi sostitwit b' “DOP” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

2.

It-terminu “IGP” għandu jiġi sostitwit b' “IĠP” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

3.

It-terminu “denominazzjoni protetta tal-oriġini” għandu jiġi sostitwit b' “denominazzjoni ta' oriġini protetta” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

4.

It-terminu “denominazzjonijiet protetti tal-oriġini” għandu jiġi sostitwit b' “denominazzjonijiet ta' oriġini protetti” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

5.

It-terminu “denominazzjoni tal-oriġini” għandu jiġi sostitwit b' “denominazzjoni ta' oriġini” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.

6.

It-terminu “denominazzjonijiet tal-oriġini” għandu jiġi sostitwit b' “denominazzjonijiet ta' oriġini” fir-Regolament kollu fil-forma grammatikali xierqa.