ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 122

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
19 ta' Mejju 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/775 tat-18 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-konformità

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/776 tat-18 ta' Mejju 2015 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le

4

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/777 tat-18 ta' Mejju 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

29

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)

31

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/775

tat-18 ta' Mejju 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-konformità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 34(8) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2) fih previst ir-regoli dwar it-tnaqqis mill-finanzjament tan-nefqa tal-Unjoni li ma tkunx konformi mar-regoli tal-Unjoni. Fih previst ukoll deroga minn dawk ir-regoli li tippermetti lill-Istati Membri jitolbu l-applikazzjoni ta' tnaqqis bħal dan f'pagamenti parzjali.

(2)

Fejn Stat Membru jista' jesperjenza diffikultajiet finanzjarji severi, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà, flimkien mal-awtorizzazzjoni tat-tnaqqis fi tliet pagamenti annwali, tiddifferixxi tnaqqis bħal dan għal perjodu mhux itwal minn 24 xahar, jekk jitlob hekk l-Istat Membru konċernat.

(3)

Dan id-differiment jista' jingħata biss lil Stati Membri li huma suġġetti għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (3), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (4) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ffirmat fit-2 ta' Frar 2012.

(4)

L-esperjenza wriet li l-ispeċifikar ta' perjodu fiss għad-differiment tat-tnaqqis jista' jirriżulta f'akkumulu ta' dejn, li meta jkun wasal iż-żmien li jitħallas, jista' jkun li l-Istat Membru konċernat ikun għadu f'diffikultà finanzjarja severa u ma jkunx f'sitwazzjoni li jagħmel ir-rimborżi meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà hija u tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-assistenza finanzjarja, li testendi t-tul tal-perjodu ta' differiment għal perjodu ta' mhux iktar minn 12-il xahar.

(5)

Barra minn hekk, l-esperjenza wriet ukoll li r-rekwiżit ta' rimborż fi tliet pagamenti annwali, tat-total tal-ammont differit jista' jwassal għal tbatija mhix meħtieġa għall-Istati Membri li jkunu għadhom f'diffikulta finanzjarja wara li jkun skada l-perjodu ta' differiment. Għalhekk, id-deċiżjonijiet futuri ta' awtorizzazzjoni tar-rimborż f'pagamenti parzjali għandhom jippermettu għadd ikbar ta' pagamenti parzjali f'każijiet fejn l-ammonti konċernati jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-Prodott Domestiku Gross tal-Istat Membru.

(6)

L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta' differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għat-tnaqqis u li jkunu għadhom relevanti fiż-żmien ta' dik id-deċiżjoni, qed jiġu rrimedjati abbażi ta' pjan ta' azzjoni, stabbilit f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, b'indikaturi ċari dwar il-progress. Jekk Stat Membru li jibbenefika minn tali differiment jonqos milli jirrimedja n-nuqqasijiet skont il-pjan ta' azzjoni u, għalhekk, jesponi l-baġit tal-Unjoni għal riskji finanzjarji addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tkun tista' temenda jew tħassar id-deċiżjoni tagħha ta' differiment tad-data għall-applikazzjoni tat-tnaqqis, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafi 8a u 8b li ġejjin jiddaħħlu fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014:

“8a.   Għal Stati Membri li huma suġġetti għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (*), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (**) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Kummissjoni tista', fuq talba tal-Istat Membru u wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni fejn tiddifferixxi, għal perjodu mhux itwal minn 24 xahar mid-data tal-adozzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati wara l-1 ta' Mejju 2015 skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (‘deċiżjoni tad-differiment’).

Id-deċiżjoni ta' differiment għandha tawtorizza t-tnaqqis li jrid isir wara t-tmiem tal-perjodu ta' differiment fi tliet pagamenti parzjali annwali. Fejn l-ammont totali suġġett għad-deċiżjoni ta' differiment jirrappreżenta iktar minn 0,02 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Istat Membru, il-Kummissjoni tista' tawtorizza t-tqassim tar-rimborż f'massimu ta' ħames pagamenti parzjali annwali.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fuq talba tal-Istat Membru u wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, li testendi darba, għal perjodu mhux itwal minn 12-il xahar, il-perjodu ta' differiment imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta' differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għat-tnaqqis u li jkunu għadhom relevanti fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-differiment, qed jiġu rrimedjati abbażi ta' pjan ta' azzjoni, stabbilit f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, inkluż skadenzi u indikaturi ċari dwar il-progress. Il-Kummissjoni għandha temenda jew tħassar id-deċiżjoni ta' differiment, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jirrimedja n-nuqqasijiet kif previst fil-pjan ta' azzjoni;

(b)

il-progress fl-azzjonijiet ta' rimedju mhux suffiċjenti skont l-indikaturi tal-progress; jew

(c)

l-eżitu tal-azzjonijiet mhux sodisfaċenti.

8b.   Id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 8 u 8a għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).


19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/776

tat-18 ta' Mejju 2015

li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament (KEE) nru 2474/93 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping ta' 30,6 % fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iċ-Ċina) (il-miżuri oriġinali).

(2)

Wara t-twettiq ta' rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1524/2000 (3), iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu.

(3)

Wara t-twettiq ta' reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (4), żied id-dazju antidumping fis-seħħ għal 48,5 %.

(4)

F'Mejju 2013, wara reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 (5), iddeċida li jżomm id-dazju antidumping fis-seħħ għal 48,5 % ħlief fir-rigward ta' tliet kumpaniji li għalihom ġew attribwiti rati individwali ta' dazju (19,2 % għal Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd, 0 % għal Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd u 0 % għal Ideal (Dongguan) Bike Co., Ltd) (il-miżuri eżistenti).

(5)

F'Mejju 2013, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 501/2013 (6), iddeċieda li jestendi l-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija (l-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni).

1.2.   It-talba

(6)

Fit-23 ta' Lulju 2014 il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw miċ-Ċina, u li l-importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini (il-apjjiżi investigati) jkunu suġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini kif ukoll jekk le.

(7)

It-talba kienet ippreżentata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (EBMA) f'isem ħmistax-il produttur tar-roti fl-Unjoni.

1.3.   It-tnedija

(8)

Hekk kif iddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza prima facie sabiex titnieda investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-possibbiltà marbuta maċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw miċ-Ċina, u li l-importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini jkunu suġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini kif ukoll jekk le.

(9)

L-investigazzjoni nbdiet permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 938/2014 tat-2 ta' Settembru 2014 (7) (ir-Regolament tat-tnedija).

1.4.   L-investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni uffiċjalment infurmat lill-awtoritajiet taċ-Ċina, tal-Kambodja, tal-Pakistan u tal-Filippini, lill-produtturi esportaturi ta' dawn il-pajjiżi, lil dawk l-importaturi fl-Unjoni magħrufin li għandhom x'jaqsmu u lill-industrija tal-Unjoni, bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(11)

Intbagħtu formoli ta' eżenzjoni lill-produtturi/esportaturi li taf bihom il-Kummissjoni fil-Kambodja, fil-Pakistan u fil-Filippini, jew permezz tal-Missjonijiet tal-Kambodja, tal-Pakistan u tal-Filippini għall-Unjoni Ewropea. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi li taf bihom il-Kummissjoni fiċ-Ċina, jew permezz tal-Missjoni taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea. Intbagħtu wkoll kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati magħrufin fl-Unjoni.

(12)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ skont iż-żmien stipulat fir-Regolament li jagħti bidu. Il-partijiet kollha kienu infurmati li n-nuqqas ta' koperazzjoni jista' jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u għal konstatazzjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(13)

L-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta kien mitlub fl-investigazzjoni mill-kumpanija Pakistana li kkooperat fl-investigazzjoni. Is-seduta saret fit-23 ta' Marzu 2015. Il-valur evidenzjarju tal-Formoli A għall-komponenti tar-roti mixtrija minn kumpanija relatata fis-Sri Lanka permezz ta' operatur tas-suq kif spjegat fil-premessa 98 u l-applikazzjoni, b'analoġija, tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku għal dawn il-komponenti tar-roti mixtrija minn Sri Lanka ġew diskussi matul is-seduta.

(14)

Ħames produtturi/esportaturi fil-Kambodja, wieħed fil-Pakistan u tnejn fil-Filippini taw tweġibiet dwar il-formoli ta' eżenzjoni. Ma kienx hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex relatati mal-produtturi/esportaturi mill-pajjiżi investigati. Tliet importaturi mhux relatati fl-Unjoni ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju.

(15)

Il-Kummissjoni għamlet żjajjar ta' verifika fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

il-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati:

A and J (Cambodia) Co., Ltd., Sangkar Bavet, Krong Baver, Ket Svay Rieng, il-Kambodja,

Asia Leader International (il-Kambodja) Co. Ltd., Svay Rieng Province, il-Kambodja,

Opaltech (il-Kambodja) Co. Ltd., Khum Poek, Srok Angsnoul, Kandal Province, il-Kambodja,

Smart Tech (il-Kambodja) Co., Ltd., Bavet City, Svay Rieng, il-Kambodja,

Speedtech Industrial Co. Ltd. u Bestway Industrial Co., Sangkat Bavet, Krong Bavet, Svay Rieng Province, il-Kambodja,

Collie Cycle Inc., Cavite, il-Filipini,

Procycle Industrial Inc., Cavite, il-Filipini.

(b)

il-produttur tal-komponenti tar-roti relatat mal-produttur tar-roti fil-Pakistan

Great Cycles (Pvt.) Ltd. Katunayake, Sri Lanka.

1.5.   Il-perjodu tar-rapport u l-perjodu tal-investigazzjoni

(16)

Il-perjodu ta' investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Awwissu 2014. Inġabret id-dejta ta' matul il-perjodu ta' investigazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri u t-twessigħ tagħhom għall-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija fl-2013, u l-eżistenza ta' xi prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni ta' dazju. Inġabret dejta aktar iddettaljata għall-perjodu tar-rapport bejn l-1 ta' Settembru 2013 u l-31 ta' Awwissu 2014 sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kienux qed jheddu l-effett ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta' dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(17)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie evalwat jekk teżistix il-possibilità ta' ċirkomvenzjoni billi ġie analizzat b'mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina, il-pajjiżi kkonċernati, il-pajjiżi suġġetti għall-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni u l-Unjoni; jekk din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta' ħsara jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u/jew kwantitajiet tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel, li jekk kien meħtieġ, kien skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(18)

Il-prodott ikkonċernat huwa roti u roti oħra (inklużi t-triċikli għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikli) mhux motorizzati, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70, u li joriġinaw miċ-Ċina (il-prodott ikkonċernat).

(19)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit hawn fuq, iżda kkonsenjat mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini kif ukoll jekk le, u bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat (il-prodott investigat).

(20)

L-investigazzjoni wriet li r-roti, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni miċ-Ċina u dawk ikkonsenjati lill-Unjoni mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Livell ta' kooperazzjoni

2.3.1.   Il-Kambodja

(21)

Matul il-perjodu tar-rapport, sitt kumpaniji mmanifatturaw roti fil-Kambodja. Ħamsa kkooperaw u ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Dawn il-ħames kumpaniji koprew ftit iktar minn 100 % tal-importazzjonijiet totali mill-Kambodja lejn l-Unjoni, kif irrappurtat fil-COMEXT (8). Madankollu, l-investigazzjoni wriet li ċerti importazzjonijiet (b'mod partikolari lejn in-Netherlands) ma setgħux jiġu attribwiti għal xi kumpanija li kkooperat kif spjegat hawn taħt fil-premessi 66 u 67. Bħala riżultat, ġie stabbilit li l-kumpaniji li kkoperaw koprew 94 % tal-importazzjonijiet kollha mill-Kambodja lejn l-Unjoni. Waħda mill-kumpaniji li kkooperaw hija relatata ma' kumpanija Tuneżina li nstabet twettaq ċirkomvenzjoni mal-miżuri tal-investigazzjoni preċedenti ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Is-sitt kumpanija hija relatata ma' kumpanija fis-Sri Lanka li hija soġġetta għall-miżuri estiżi skont ir-Regolament (UE) Nru 501/2013, u mal-kumpanija li kkooperat fil-Pakistan imsemmija fil-premessa 22. Din ma kkooperatx mal-investigazzjoni.

2.3.2.   Il-Pakistan

(22)

Matul il-perjodu tar-rapport, kumpanija pproduċiet ir-roti fil-Pakistan. Din l-unika kumpanija Pakistana ressqet talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, u kopriet ftit aktar minn 100 % tal-importazzjonijiet kollha mill-Pakistan lejn l-Unjoni skont kif irrappurtat fil-Comext. Il-kumpanija tqieset li qed tikkoopera. Bi ftehim mal-kumpanija, iż-żjara ta' verifika seħħet fis-Sri Lanka, fis-sede tal-fornitur tal-komponenti relatat magħha.

2.3.3.   Il-Filippini

(23)

Matul il-perjodu tar-rapport kien hemm żewġ kumpaniji li qed jipproduċu roti fil-Filippini. Kif spjegat fil-premessi 39 u 40, waħda minn dawn il-kumpaniji nstabet li tesporta lejn is-suq tal-Unjoni permezz ta' żewġ operaturi tas-suq mhux relatati. Matul l-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni waħda mill-kumpaniji kummerċjali nstabet ukoll li twettaq operazzjonijiet simili ma' kumpanija oħra li qiegħda fis-Sri Lanka.

(24)

Iż-żewġ kumpaniji Filippini li ressqu t-talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku kienu jkopru ftit aktar minn 100 % tal-importazzjonijiet kollha mill-Filippini lejn l-Unjoni, skont kif irrappurtat fil-Comext. Waħda biss minn dawn il-kumpaniji tqieset li kienet qed tikkoopera bis-sħiħ.

(25)

Il-kooperazzjoni tat-tieni kumpanija ma kinitx biżżejjed għal dawn ir-raġunijiet:

(a)

Il-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa fil-formola ta' eżenzjoni fl-iskadenza stabbilita; b'mod partikulari, ma pprovdietx it-tqassim iddettaljat tat-tip ta' komponenti tar-roti li xtrat miċ-Ċina. Il-kumpanija relatata tagħha fiċ-Ċina ma rrispondietx il-kwestjonarju tal-esportaturi.

(b)

Fixklet b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, billi ma pprovdietx id-dokumenti ta' ħidma rilevanti u dokumenti oħra ta' sostenn meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta' eżenzjoni waqt il-verifika fuq il-post; jew dokumenti bħal dawn ingħataw biss wara ħafna dewmien.

(c)

Ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa: L-ewwel nett, il-volum u l-kwalità taż-żebgħa u tat-trattament kimiku tal-frejms identifikati waqt id-diversi stadji taż-żjara ta' verifika ma kinux kompatibbli mal-kwantità ta' roti lesti allegatament immanifatturati fil-perjodu tar-rapport. It-tieni, l-assenza ta' materja prima għall-produzzjoni tal-frejms disponibbli għall-ispezzjoni matul iż-żjara ta' verifika jpoġġi f'dubju l-affermazzjoni tal-kumpanija li hija produttur tal-frejms. It-tielet, b'risposta għall-ittra dwar defiċenza tat-13 ta' Ottubru 2014, il-kumpanija pprovdiet l-informazzjoni fil-forma ta' fatturi f'għadd kbir ta' fajls excel, li ma kinux jaqblu mal-informazzjoni preċedenti mressqa li kellha x'taqsam mal-prezz tax-xiri tal-komponenti. Ir-raba', hija ssottomettiet waqt iż-żjara ta' verifika t-tieni sett ta' dokumenti marbut max-xiri ta' komponenti fuq il-karta stampata biss, li kien fih informazzjoni ġdida dwar l-allegat fornitur tal-komponenti. Il-ħames, l-investigazzjoni wriet li l-fatturi tal-esportazzjoni u ċ-ċertifikati korrispondenti tal-oriġini ma jsemmux l-istess kumpanija, u dan jitfa' dubji fuq ir-rwol tal-kumpanija bħala esportatur reali tar-roti, u konsegwentement dwar il-korrettezza tal-fatturi mogħtija. Is-sitta, l-informazzjoni rigward id-deprezzament, il-kostijiet lavorattivi u l-ispejjeż tal-enerġija kienu ferm dubjużi peress li probabbilment kienu esaġerati.

(26)

Għalhek, f'konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku tas-16 ta' Jannar 2015 il-kumpanija ġiet infurmata li l-informazzjoni li hija ressqet mhix se tiġi aċċettata kollha, u ngħatat limitu ta' żmien sabiex tagħti l-kummenti tagħha.

(27)

Fit-tweġiba tagħha tat-30 ta' Jannar 2015, il-kumpanija ħadet pożizzjoni dwar ir-raġunijiet stipulati fil-premessa 25 ta' hawn fuq, kif spjegat hawn taħt.

(28)

Fir-rigward tar-raġuni stipulata fil-punt (a) tal-premessa 25, il-kumpanija sostniet li hija ma kinetx meħtieġa, skont il-formola ta' eżenzjoni, tagħti t-tqassim iddettaljat tal-komponenti tar-roti mixtrija, li l-kompitu sabiex jiġu identifikati u kklassifikati t-tip ta' komponenti kien ta' piż u li din l-informazzjoni ddettaljata, fl-opinjoni tagħha, ma kinitx se tipprovdi informazzjoni oħra ta' valur lill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jintlaħqux. Fl-istess jum, jiġifieri wara aktar minn xahrejn wara l-verifika fuq il-post, il-kumpanija ppreżentat dokument ġdid bit-tqassim tat-tip ta' komponenti mixtrija fil-perjodu tar-rapport.

(29)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' dawn id-dikjarazzjonijiet minħabba li l-volum u l-valur tax-xirjiet huma meħtieġa sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku jintlaħqux. Din l-informazzjoni kienet mitluba b'mod espliċitu fil-formola ta' eżenzjoni. Il-kumpaniji l-oħra kollha li kkoperaw f'din l-investigazzjoni kienu kapaċi jagħtu l-informazzjoni rilevanti fil-format mitlub. Rigward l-informazzjoni l-ġdida mibgħuta tard, din ma kinitx totalment konsistenti mal-informazzjoni mogħtija qabel. Għaldaqstant, minħabba n-natura u l-kwantità tal-informazzjoni mogħtija, u minħabba li l-fajl ġie ppreżentat wara l-verifika fuq il-post u għaldaqstant ma setax jiġi vverifikat, ġiet injorata.

(30)

Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdietx biżżejjed gwida dwar jekk il-kumpanija Ċiniża relatata tagħha involuta fil-manifattura, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tar-roti kellhiex timla l-kwestjonarju tal-esportatur. Il-kumpanija sostniet ukoll li l-kwantitajiet esportati lejn l-Unjoni kienu de minimis u għalhekk din l-informazzjoni kienet fil-fehma tagħha mhux rilevanti għall-investigazzjoni. Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet, il-kumpanija Filippina eventwalment wieġbet il-kwestjonarju tal-esportatur, għalkemm fi stadju ferm tard tal-investigazzjoni.

(31)

Rigward id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq, ta' min jinnota li l-formola għal talba ta' eżenzjoni teħtieġ b'mod ċar din l-informazzjoni, indipendentement mill-kwantitajiet esportati, u dan ġie enfasizzat ukoll lill-kumpanija fl-ittra dwar defiċenza tat-13 ta' Ottubru 2014. Barra minn hekk, is-sottomissjoni tard tat-tweġiba ma ppermettietx lill-Kummiswsjoni li tivverifika l-informazzjoni pprovduta fiha, u b'hekk ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk dawn kellhomx impatt materjali fuq is-sitwazzjoni tal-kumpanija. Għaldaqstant, id-dikjarazzjnijiet ta' hawn fuq u l-informazzjoni mogħtija ġew miċħuda.

(32)

Rigward ir-raġuni stipulata fil-punt (b) tal-premessa 25, il-kumpanija sostniet fis-sottomissjoni tagħha tat-30 ta' Jannar 2015, li d-diskrepanzi misjuba waqt il-verifika fuq il-post kienu minuri, li d-dewmien fl-għoti tad-dokumenti mitluba ma kienx sinifikanti u dan ġara minħabba l-mezzi organizzattivi limitati tal-kumpanija. Barra minn hekk, ġie sostnut li sa tmiem iż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni kienet irċeviet id-dokumenti kollha mitluba minnha.

(33)

F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li d-diskrepanzi identifikati matul il-verifika fuq il-post kienu jikkonċernaw prinċipalment il-volum tal-produzzjoni tar-roti, li hija informazzjoni sinifikanti minħabba li hija importanti biex tiġi evalwata t-talba għal eżenzjoni. Rigward ir-riżorsi allegatament limitati tal-kumpanija, fl-ebda mument qabel iż-żjara ta' verifika l-kumpanija ma ddikjarat li r-riżorsi limitati jistgħu jdewmu t-twettiq tal-verifika. Barra minn hekk, kien għad hemm għadd ta' dokumenti mitluba ta' importanza sinifikanti li l-kumpanija ma ppreżentatx sal-aħħar tal-verifika, bħalma huma d-dokumenti ppreżentati lill-awtoritajiet lokali li abbażi tagħhom l-awtoritajiet ħarġu ċ-ċertifikati tal-oriġini fuq isem li kien differenti mill-isem tal-kumpanija, u d-dokumenti ta' sostenn sabiex tiġi ddeterminata l-ħajja utli tal-bini tal-kumpanija bl-għan li jiġi kkalkulat il-perjodu ta' deprezzament tagħha, u li kellu impatt sinifikanti fuq l-ispejjeż.

(34)

Rigward l-ewwel u t-tieni raġuni msemmija fil-punt (c) tal-premessa 25, il-kumpanija ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-volum u l-kwalità taż-żebgħa u t-trattament kimiku tal-frejms identifikati waqt id-diversi stadji taż-żjara ta' verifika, li ma kinux jaqblu mal-kwantità ta' roti lesti allegatament immanifatturati fil-perjodu tar-rapport, ma kinitx ċara. Iddikjarat ukoll li d-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-kumpanija li tipproduċi frejms ukoll mhix ċara.

(35)

F'dan ir-rigward, ta' min isemmi li, kif iddikjarat fil-premessa 29, il-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni neċessarja kif mitlub fil-formola ta' eżenzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-volum ta' frejms mixtrija u ta' frejms immanifatturati. Matul il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni żaret l-impjant u żgurat li ċerti attivitajiet ma twettqux b'mod kontinwu kif meħtieġ skont il-proċess ta' produzzjoni. Pereżempju, wara l-ewwel żjara tal-Kummissjoni, meta deher li kien hemm għaddejja attività ta' manifattura, il-Kummissjoni reġgħet żaret l-impjant u sabet li din l-attività kienet waqfet, peress li l-frejms kienu abbandunati fiż-żona tat-trattament kimiku, u fid-dipartiment taż-żebgħa ma kienx hemm elettriku waqt li l-frejms ma kinux kompletament miżbugħa, mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni evidenti. Għall-kuntrarju, tali waqfien tal-produzzjoni jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-frejms lesti, li mhux konformi ma' proċess ta' produzzjoni ekonomikament razzjonali. It-tieni, il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tivverifika l-eżistenza ta' materja prima għall-manifattura ta' frejms fil-bini tal-kumpanija matul iż-żjara ta' verifika. Madankollu, matul iż-żjara ta' verifika, instab li l-kumpanija kellha tabilħaqq xi tagħmir għall-manifattura ta' frejms, u mhux eskluż li l-kumpanija setgħet mmanifatturat xi frejms fil-perjodu tar-rapport. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni mhux kompluta ppreżentata mill-kumpanija kif spjegat fil-punt (c) tal-premessa 25, il-Kummissjoni kkonkludiet, billi għaddet flimkien il-frejms kollha mixtrija rrappurtati mill-kumpanija fil-fajls excel sottomessi bħala tweġiba għall-ittra dwar defiċenza tat-13 ta' Ottubru 2014, li minkejja l-preżenza ta' tagħmir, ħafna frejms użati għall-assemblaġġ tar-roti mibjugħa fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tar-rapport kienu fil-fatt mixtrija miċ-Ċina.

(36)

Fir-rigward tat-tielet raġuni msemmija fil-punt (c) tal-premessa 25, il-kumpanija ddikjarat li d-diffikultajiet fit-tqabbil tal-valur tal-komponenti mixtrija huma minħabba l-fatt li l-kumpanija ppreżentat biss il-prezzijiet FOB (b'xejn abbord) minflok il-prezzijiet CIF (il-kost, l-assigurazzjoni u l-konsenja) indikati fuq il-fattura. Il-kumpanija ssottomettiet ukoll fajl ġdid li jindika l-prezzijiet FOB u CIF.

(37)

Dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tax-xiri, il-formola ta' eżenzjoni titlob lill-kumpanija biex tindika l-valur tal-fattura u l-kundizzjonijiet reali tal-konsenja għal kull tranżazzjoni ta' xiri. Fit-tweġiba tagħha għall-formola ta' eżenzjoni, il-kumpanija ma indikatx għal xi waħda mit-tranżazzjonijiet irrapportati li l-kundizzjonijiet tal-konsenja kienu FOB jew CIF, iżda pjuttost C&F (il-kost u l-konsenja) jew COD (ħlas f'kontanti mal-konsenja). Barra minn hekk, peress li dawn l-allegazzjonijiet tqajmu mill-kumpanija tard tul l-investigazzjoni, u tali informazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata, filwaqt li giet ikkunsidrata n-natura u l-kwantità tagħha, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(38)

Rigward ir-raba' raġuni msemmija fil-punt (c) tal-premessa 25, kien iddikjarat li l-bejgħ indirett tal-kumpanija relatata Ċiniża permezz tal-fornituri allegatament mhux relatati, jirrappreżentaw parti żgħira tax-xiri totali tal-kumpanija. Il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tistabbilixxi l-volum eżatt tal-komponenti mixtrija mill-fornitur relatat għar-raġunijiet stipulati fil-premessa 29. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha d-dubji tagħha dwar kemm huwa ta' min joqgħod fuqu l-prezz tax-xiri tal-komponenti u l-identità tal-fornitur prinċipali.

(39)

Rigward il-ħames raġuni msemmija fil-punt (c) tal-premessa 25 dwar il-korrettezza tal-prezz tal-esportazzjoni, ġie ddikjarat li l-kumpanija normalment tbigħ ir-roti fis-suq tal-Unjoni permezz ta' żewġ kumpaniji kummerċjali mhux relatati li mbagħad jerġgħu jbigħuhom lill-klijent finali fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-ismijiet tal-kumpaniji kummerċjali jidhru fuq xi ċertifikati ta' oriġini ppreżentati mill-kumpanija jirrifletti sempliċiment l-istatus tal-operatur tas-suq bħala l-bejjiegħ aħħari għall-klijenti tal-Unjoni.

(40)

F'dan ir-rigward, il-kumpanija ma rrappurtatx il-kumpaniji kummerċjali mhux relatati tagħha bħala klijenti, u dan jikkontradixxi d-dikjarazzjoni tal-kumpanija li huma kienu effettivament il-bejjiegħa aħħarija għall-klijenti tal-Unjoni. Dan fil-fatt jikkonferma l-fehma tal-Kummissjoni li fatturi bejn il-kumpanija u klijenti fl-Unjoni murija waqt il-verifika fuq il-post ma kinux jirriflettu t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni reali, ġaladarba l-klijenti fl-Unjoni kellhom imbagħad jiġu ffatturati mill-operaturi tas-suq mhux relatati. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni rrappurtat instab li ma kienx affidabbli u għaldaqstant twarrab.

(41)

Fir-rigward tas-sitt raġuni msemmija fil-punt (c) tal-premessa 25 dwar in-nuqqas ta' affidabbiltà tal-ispejjeż relatati mad-deprezzament, il-kostijiet lavorattivi u l-elettriku, il-kumpanija ddikjarat dan li ġej.

L-ewwel nett, rigward l-ispejjeż ta' deprezzament, il-kumpanija semmiet is-snin li matulhom kien qed jittella' l-bini tagħha, iżda ma sostnietx din l-istqarrija b'xi evidenza. Barra minn hekk, waqt il-verifika fuq il-post il-Kummissjoni ripetutament talbet għal evidenza dwar is-sena tal-kostruzzjoni tal-bini u l-valutazzjoni għall-perjodu ta' deprezzament tal-bini minħabba l-importanza sinifikanti tal-valur tad-deprezzament għall-kalkolu tat-test tal-valur miżjud skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, il-kumpanija stipulat il-ħajja utli tal-bini tagħha ferm taħt in-norma, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità, jiġifieri 50 sena. L-ispejjeż ta' deprezzament kienu għalhekk għoljin, b'impatt sinifikanti fuq l-ispejjeż globali rrappurtati għar-roti assemblati. Il-kumpanija ma setgħet tipprovdi l-ebda dokument ta' sostenn, bħal pereżempju xi analiżi relevanti jew dokumenti dwar ir-raġunijiet sottostanti l-għala l-kumpanija ħadet id-deċiżjonijiet interni li jiġġustifikaw devjazzjoni bħal din mill-prattiki normali. Matul iż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika l-ebda raġuni li minħabba fiha l-kumpanija ma tkunx tista' tuża l-bini għal perjodu itwal minn dak li hija ddikjarat. Għaldaqstant, ġiet miċħuda d-dikjarazzjoni tal-kumpanija u l-perjodu ta' deprezzament ġie rivedut abbażi ta' ħajja utli aktar preċiża tal-bini, jiġifieri 20 sena.

(42)

It-tieni, fejn jidħlu l-kostijiet lavorattivi, il-kumpanija kkontestat iċ-ċarezza tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, kif spjegat fil-premessa 35, abbażi tal-informazzjoni sottomessa bħala tweġiba għall-ittra dwar defiċenza tat-13 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni kkalkulat li l-biċċa l-kbira tal-frejms użati għall-assemblaġġ tar-roti esportati lejn is-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tar-rapport kienu effettivament mixtrija miċ-Ċina. Għaldaqstant, il-kostijiet lavorattivi sottomessi mill-kumpanija kienu sproporzjonati b'mod sinifikanti meta mqabblin mal-volum ta' produzzjoni, u ġew rivedut abbażi tas-sejbiet għall-produttur ġenwin Filippin.

(43)

It-tielet, fejn jidħlu l-ispejjeż tal-enerġija, il-kumpanija kkontestat ukoll iċ-ċarezza tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. F'dan ir-riward, bħal fil-każ tal-kostijiet lavorattivi, l-ispejjeż tal-enerġija rrappurtati mill-kumpanija kienu sproporzjonati b'mod sinifikanti meta mqabblin mal-volum ta' produzzjoni, u ġew riveduti abbażi tas-sejbiet għall-produttur ġenwin Filippin.

(44)

Għaldaqstant, parti mill-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija kellha tiġi riveduta kif spjegat fil-premessi 41 sa 43, filwaqt li l-informazzjoni mogħtija dwar il-prezz ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni kellha titwarrab kompletament. Għaldaqstant, is-sejbiet marbutin mal-prezz ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-prezz tal-esportazzjoni kien għalhekk stabbilit abbażi tad-dejta tal-Comext.

2.3.4.   Iċ-Ċina

(45)

L-ebda produttur esportatur Ċiniż mhux relatat ma kkoopera filwaqt li ċerti produtturi esportaturi Ċiniżi relatati mal-produtturi/esportaturi mill-pajjiżi investigati kkoperaw u rraportaw li biegħu kwantitajiet insinifikanti lejn is-suq tal-Unjoni u lill-Kambodja u l-Filippini matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, is-sejbiet li għandhom x'jaqsmu mal-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, min-naħa l-waħda, u mal-esportazzjonijiet tar-roti miċ-Ċina lejn il-Kambodja, il-Pakistan, u l-Filippini, min-naħa l-oħra, kienu bbażati fuq dejta rrapputata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi relatati li kkooperaw u fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatti disponibbli użati fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni kienu estratti minn Comext. L-istatistiċi nazzjonali Ċiniżi ntużaw sabiex jiġu stipulati l-volumi tal-esportazzjoni miċ-Ċina lejn il-Kambodja, il-Pakistan, u l-Filippini.

(46)

L-awtoritajiet lokali fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini ppreżentaw informazzjoni parzjali li tikkonċerna l-importazzjonijiet tar-roti miċ-Ċina. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-awtoritajiet lokali rispettivi fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini ma jwettqux kontrolli reċiproċi bejn l-istatistiċi tal-esportazzjoni Ċiniżi u l-istatistiċi rispettivi tal-importazzjoni lokali.

2.4.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

2.4.1.   L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni miċ-Ċina, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini

(47)

L-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina lejn l-Unjoni naqsu b'27 % fl-2012 meta jitqabblu mal-2011. Wara li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija ġew irreġistrati wara li nbdiet l-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni fl-2012, l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b'44 %. Fil-perjodu tar-rapport, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu b'7 % meta mqabblin mal-2013. B'kollox, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu bi 2 % fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(48)

Kif spjegat fil-premessi 21, 22 u 24, l-esportazzjonijiet ivverifikati tal-kumpaniji li kkooperaw fil-pajjiżi investigati qabżu l-volum tal-importazzjonijiet kemm kemm kif irrappurtat fil-COMEXT. Ġaladarba d-dejta mill-kumpaniji li kkooperaw kienet meqjusa aktar preċiża peress li ġiet verifikata, id-dejta tal-COMEXT ġiet aġġustata skont dan.

(49)

Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott investigat mill-Kambodja żdiedu mill-2011 'il quddiem. Fl-2012, l-importazzjonijiet żdiedu b'120 % meta mqabblin mal-2011, filwaqt li fl-2013, l-importazzjonijiet ittriplaw meta mqabblin mal-2011. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Kambodja lejn l-Unjoni żdiedu b'180 %. Iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Kambodja lejn l-Unjoni għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka u t-Tuneżija fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport, apparagun tal-2011 (b'59 % u 57 % rispettivament għas-Sri Lanka, u bi 32 % u 23 % rispettivament għat-Tuneżija). Dan it-tnaqqis ikkonċida mar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija lejn l-Unjoni wara t-tnedija fl-2012 tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni kif spjegat fil-premessa 21.

(50)

Rigward l-importazzjonijiet mill-Pakistan lejn l-Unjoni tal-prodott investigat, dawn kienu negliġibbli qabel l-2013. Fil-perjodu tar-rapport dawn żdiedu għal livell sinifikanti. Iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Pakistan lejn l-Unjoni għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport, apparagun tal-2011 (b'59 % u 57 % rispettivament). Dan it-tnaqqis ikkonċida mar-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni kif spjegat fil-premessa 21.

(51)

Peress li l-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni mill-Pakistan saru mill-uniku produttur/esportatur Pakistani kif spjegat fil-premessa 22, il-volum totali eżatt ta' esportazzjonijiet mill-Pakistan lejn l-Unjoni ma jistax jiġi żvelat għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

(52)

Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Filippini lejn l-Unjoni żdiedu bejn 40 % u 65 % fil-perjodu tar-rapport meta mqabblin mal-2011. Iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Filippini lejn l-Unjoni għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport, apparagun tal-2011 (b'59 % u 57 % rispettivament). Dan it-tnaqqis ikkonċida mat-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni kif spjegat fil-premessa 23.

(53)

Peress li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Filippini lejn l-Unjoni għamluhom żewġ produtturi/esportaturi, kif spjegat fil-premessa 23, il-volum totali ta' esportazzjonijiet mill-Filippini lejn l-Unjoni ma jistax jiġi żvelat għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

(54)

It-Tabella 1 turi l-kwantitajiet ta' importazzjonijiet ta' roti miċ-Ċina, mill-Kambodja, mill-Pakistan, mill-Filippini, mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

Tabella 1

Il-volumi ta' importazzjoni lejn l-UE

(unitajiet)

2011

2012

2013

1.9.2013-31.8.2014

Iċ-Ċina

492 945

357 894

517 010

480 706

Indiċi (2011 = 100)

100

73

105

98

Il-Kambodja

493 874

1 085 845

1 506 966

1 382 474

Indiċi (2011 = 100)

100

220

305

280

Il-Pakistan

0

0

[1 000 -7 500 ]

[150 000 -190 000 ]

Indiċi (2013 = 100)

0

0

100

2 993

Il-Filippini

[470 000 -520 000 ]

[630 000 -730 000 ]

[840 000 -930 000 ]

[820 000 -910 000 ]

Indiċi (2011 = 100)

100

[110-130]

[145-170]

[140-165]

L-Indoneżja

641 948

629 387

252 071

170 934

Indiċi (2011 = 100)

100

98

39

27

Il-Malasja

170 199

159 405

78 732

298

Indiċi (2011 = 100)

100

94

46

0

Is-Sri Lanka

958 574

958 678

393 648

410 212

Indiċi (2011 = 100)

100

100

41

43

Tuneżija

518 430

447 969

350 656

397 544

Indiċi (2011 = 100)

100

86

68

77

Sors: Ir-risposta tal-kumpaniji għall-formoli ta' eżenzjoni u għall-istatistika ta' COMEXT (aġġustata).

2.4.2.   L-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Kambodja, għall-Pakistan u għall-Filippini

(55)

L-esportazzjonijiet tar-roti miċ-Ċina għall-Kambodja żdiedu l-ewwel mill-2011 sal-2012 b'65 %. Bejn l-2012 u l-2013, l-importazzjonijiet naqsu ftit, b'10 %, iżda żdiedu b'76 % fil-perjodu tar-rapport meta mqabblin mal-2013. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Kambodja żdiedu b'kollox b'159 %. Iż-żieda tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Kambodja għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għas-Sri Lanka u għat-Tuneżija fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport, apparagun tal-2011 (b'44 % u 30 % rispettivament għas-Sri Lanka, u b'66 % u 57 % rispettivament għat-Tuneżija). Dan ikkonċida mar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija lejn l-Unjoni wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(56)

L-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina għall-Pakistan naqsu bi 22 % fl-2012 meta mqabblin mal-2011. Madankollu, wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni, l-esportazzjonijiet tar-roti miċ-Ċina għall-Pakistan żdiedu b'57 % u komplew jiżdiedu fil-perjodu tar-rapport. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Pakistan żdiedu b'kollox b'57 %. Iż-żieda tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Pakistan għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina għas-Sri Lanka fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport meta mqabbel mal-2011, b'44 % u bi 30 % rispettivament. Dan ikkonċida mar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(57)

Fl-aħħar nett, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Filippini naqsu fl-2012 b'27 % apparagun tal-2011. Madankollu, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Filippini aktar milli rdoppjaw fl-2013 wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Filippini żdiedu b'kollox b'140 %. Iż-żieda tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Filippini għandha titqies b'rabta mat-tnaqqis tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina għas-Sri Lanka fl-2013 u fil-perjodu tar-rapport apparagun tal-2011 (b'44 % u bi 30 % rispettivament). Dan ikkonċida mar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni wara t-tnedija tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(58)

It-Tabella 2 turi l-volum tal-esportazzjonijiet ta' roti miċ-Ċina għall-Kambodja, għall-Pakistan, għall-Filippini, għall-Indoneżja, għall-Malasja, għas-Sri Lanka u għat-Tuneżija matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

Tabella 2

Il-volumi ta' esportazzjoni miċ-Ċina

(unitajiet)

2011

2012

2013

1.9.2013-31.8.2014

Il-Kambodja

7 445

12 285

10 963

19 316

Indiċi (2011 = 100)

100

165

147

259

Il-Pakistan

243 005

189 113

297 683

381 290

Indiċi (2011 = 100)

100

78

123

157

Il-Filippini

456 057

331 851

1 084 001

1 095 534

Indiċi (2011 = 100)

100

73

238

240

L-Indoneżja

3 848 450

4 773 631

6 215 767

5 858 330

Indiċi (2011 = 100)

100

124

162

152

Il-Malasja

1 794 077

1 790 371

1 321 983

1 278 543

Indiċi (2011 = 100)

100

100

74

71

Is-Sri Lanka

706 828

644 280

395 770

497 363

Indiċi (2011 = 100)

100

91

56

70

Tuneżija

229 543

136 287

78 174

99 102

Indiċi (2011 = 100)

100

59

34

43

Sors: Goodwill China Business Information Ltd

2.4.3.   Il-konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(59)

It-tnaqqis tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini lejn l-Unjoni u ż-żieda fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini bi tnaqqis parallel tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija wara l-estensjoni tal-miżuri antidumping wara li seħħet l-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fil-każ ta' dawn it-tliet pajjiżi kkonċernati, din il-konklużjoni tista' tintlaħaq kemm (i) globalment kif ukoll (ii) għal kull wieħed mill-pajjiżi investigat.

2.5.   L-eżistenza ta' prattiki ta' ċirkomvenzjoni

(60)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost oħrajn, il-konsenja tal-prodott suġġett għall-miżuri eżistenti minn pajjiżi terzi, u l-assemblaġġ tal-komponenti permezz ta' operazzjoni ta' assemblaġġ fl-Unjoni jew f'pajjiż terz. Għal dan l-għan l-eżistenza ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

2.5.1.   Il-produzzjoni

(61)

L-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi investigati ma tawx informazzjoni dwar il-volum tal-produzzjoni tal-prodott investigat fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

(62)

Madankollu, abbażi tal-formola għal talba ta' eżenzjoni tal-kumpaniji, jista' jiġi stabbilit li l-produtturi fil-Kambodja u l-Filippini żiedu l-produzzjoni tagћhom tal-prodott investigat bejn l-2011 u l-perjodu tar-rapport b'161 %, u bejn 20 % u 55 % rispettivament.

(63)

Dwar il-Pakistan, l-unika kumpanija Pakistana li kkoperat bdiet tesporta r-roti fl-2013. Għaldaqstant, il-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda produzzjoni ġenwina fil-Pakistan kienet ibbażata fuq informazzjoni vverifikata mogħtija minn din il-kumpanija.

(64)

Kif spjegat fil-premessa 24, żewġ kumpaniji mill-Filippini kkooperaw u waħda minnhom irriżulta li ma kinitx produttur ġenwin kif stipulat fil-premessi 112 u 125. Għaldaqstant, il-volum tal-produzzjoni fil-Filippini ma jistax jiġi żvelat minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

Tabella 3

Il-produzzjoni tar-roti minn produtturi fil-Kambodja u fil-Filippini

(unitajiet)

2011

2012

2013

1.9.2013-31.8.2014

Il-Kambodja

594 811

1 375 967

1 621 963

1 551 254

Indiċi

100

231

273

261

Il-Filippini

[450 000 -520 000 ]

[550 000 -650 000 ]

[575 000 -630 000 ]

[600 000 -670 000 ]

Indiċi

100

[110-130]

[115-140]

[120-155]

Sors: It-tweġibiet tal-kumpaniji għall-formola ta' eżenzjoni

2.5.2.   Il-Kambodja

Ġenerali

(65)

Peress li ħames kumpaniji li kkooperaw fil-Kambodja kienu responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet lejn l-UE, setgħet titwettaq analiżi ddettaljata. Kif imsemmi fil-premessa 21, ċerti importazzjonijiet lejn l-Olanda ma setgħux jiġu attribwiti għal xi kumpaniji li kkooperaw. Barra minn hekk, waħda mill-kumpaniji li kkooperaw hija relatata ma' kumpanija Tuneżina li nstabet twettaq ċirkomvenzjoni mal-miżuri tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(66)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet lejn in-Netherlands mill-Kambodja żdiedu b'mod sinifikanti fl-2013 u l-perjodu tar-rapport apparagun tal-2011 (b'672 % u b'533 % rispettivament), filwaqt li l-prezz ta' importazzjoni naqas fl-2013 u l-perjodu ta' referenza apparagun tal-2011 (bi 43 % u 21 % rispettivament), kif jidher fit-tabella 4 hawn taħt:

Tabella 4

L-importazzjonijiet lejn in-Netherlands mill-Kambodja

 

 

2011

2012

2013

1.9.2013-31.8.2014

Volum

unitajiet

20 137

25 463

155 426

127 466

Indiċi

%

100

126

772

633

Valur

(EUR)

2 172 310

3 320 550

9 636 470

10 816 490

Indiċi

%

100

153

444

498

Prezz medju ta' importazzjoni

EUR/unità

107,88

130,41

62,00

84,86

Indiċi

%

100

121

57

79

Sors: Statistika tal-Comext

(67)

Analiżi aktar iddettaljata bbażata fuq id-dejta ta' kull xahar, li tidher fit-tabella 5 ta' hawn taħt, żvelat li l-prezzijiet ta' importazzjoni mill-Kambodja lejn in-Netherlands fl-ewwel erba' xhur tal-perjodu tar-rapport kienu f'livell ħafna iktar baxx milli mill-prezzijiet minn Jannar 2014 'il quddiem. L-investigazzjoni żvelat ukoll li kumpanija fil-Kambodja li ma kkooperatx maret il-Pakistan fi tmiem l-2013. Barra minn hekk, it-tliet kumpaniji tal-Kambodja li kkooperaw esportaw lejn in-Netherlands kwantitajiet żgħar ta' roti bi prezzijiet konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet medji li kien hemm fl-ewwel erba' xhur tal-perjodu tar-rapport. Iż-żewġ kumpaniji l-oħra ma esportawx roti lejn in-Netherlands. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet mill-Kambodja fin-Netherlands saru wkoll mill-kumpanija li ma kkooperatx.

Tabella 5

Il-prezzijiet medji fix-xahar tal-importazzjonijiet mill-Kambodja għan-Netherlands

Perjodu

Settembru-13

Ottubru-13

Novembru-13

Diċembru-13

Jannar-14

Frar-14

Prezz medju (EUR/unità)

45,58

69,43

72,35

66,37

147,7

168,51

Perjodu

Marzu-14

April-14

Mejju-14

Ġunju-14

Lulju-14

Awwissu-14

Prezz medju (EUR/unità)

137,45

125,7

148,06

151,3

131,15

145,96

Sors: L-istatistika tal-Comext

It-trasbord

(68)

L-esportazzjonijiet tal-kumpaniji tal-Kambodja li kkooperaw koprew 94 % tal-importazzjonijiet totali mill-Kambodja lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rapport.

(69)

Waħda mill-ħames kumpaniji li kkooperaw ma setgħetx tqabbel id-dejta dwar it-tip ta' frejms mixtrija miċ-Ċina mad-dejta marbuta mat-tip ta' roti mibjugħa fl-Unjoni, meta l-kumpanija f'dan il-perjodu ma kinitx timmanifattura frejms. Għaldaqstant ġie konkluż li r-roti ġew ittrasbordati.

(70)

Wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija ma qablitx mal-valutazzjoni tat-trasbord tal-Kummissjoni. Il-kumpanija pprovdiet dokumenti addizzjonali u argumentat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza fil-fajl li turi li l-frejms ġew miċ-Ċina.

(71)

Ta' min ifakkar li matul il-verifika fuq il-post, l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija ma ppemettietx lill-Kummissjoni biex tqabbel t-tip ta' frejms mixtrija mat-tip ta' roti esportati lejn l-Unjoni, minħabba li l-kumpanija wriet xirjiet ta' frejms tal-azzar filwaqt li esportat roti bi frejms tal-azzar u tal-aluminju ta' daqsijiet differenti. Dan jindika li r-roti esportati ma ġewx immuntati fil-Kambodja. Barra minn hekk, l-unika evidenza mressqa waqt il-verifika fuq il-post mill-kumpanija li turi l-oriġini ta' dawn il-frejms kienet il-Formola A/iċ-Ċertifikat ta' oriġini maħruġ mill-awtoritajiet Vjetnamiżi f'isem operatur tas-suq Vjetnamiż. Wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija sostniet li Formola A/iċ-Ċertifikat ta' oriġini indikaw b'mod żbaljat li l-frejms kollha kienu tal-azzar meta fil-fatt kienu wkoll ta' aluminju. Id-dokumenti l-ġodda mressqa mill-kumpanija wara d-divulgazjoni, bil-Vjetnamiż u biċ-Ċiniż, tradotti b'mod limitat għall-Ingliż, kellhom diversi inkonsistenzi (il-kwantità ta' frejms mixtrija ma qablitx mal-għadd ta' roti esportati kif stabbilit waqt il-verifika fuq il-post; dokument wieħed ġie ppreżentat bħala fattura, iżda ma kien hemm l-ebda prezz; l-ebda evidenza ma ġiet sottomessa għall-istadji l-oħra tal-manifattura bħal ma huma l-qtugħ, l-iffurmar u t-titqib tal-frejms kif ukoll l-għoti taż-żebgħa fuqhom). Dawn id-dokumenti l-ġodda kienu, għaldaqstant, kkunsidrati inkompleti u mhux suffiċjenti sabiex juru li l-frejms inkwistjoni kienu prodotti fil-Vjetnam.

(72)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-kumpanija xtrat il-maġġoranza (70 %) tal-komponenti l-oħra li ntużaw biex jiġu assemblati r-roti minn kumpaniji relatati fiċ-Ċina, filwaqt li l-komponenti li kien fadal (bi ftit eċċezzjonijiet irrelevanti) ġew minn operaturi tas-suq Vjetnamiżi. Madankollu l-kumpanija ma kinitx kapaċi tipprovdi evidenza/informazzjoni dwar il-produtturi reali ta' dawn il-komponenti l-oħra.

(73)

Barra minn hekk, il-kumpanija ma kinitx kapaċi tipprovdi l-formola A/iċ-Ċertifikat ta' oriġini mill-Ministeru tal-Kummerċ fil-Kambodja għar-roti inkwistjoni. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta' kull informazzjoni oħra disponibbli, ġie konkluż li l-komponenti inkwistjoni oriġinaw miċ-Ċina. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda.

(74)

Għalhekk, abbażi tal-evidenza elenkata hawn fuq, l-eżistenza fil-Kambodja ta' prattiki ta' trasbord ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku hija b'dan stabbilita.

L-operazzjoni ta' assemblaġġ

(75)

Is-sorsi tal-materja prima (il-komponenti tar-roti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal kull kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta' assemblaġġ eżistenti fil-Kambodja li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għal kull tlieta minn ħames kumpaniji li kkooperaw, il-materja prima (il-komponenti tar-roti) miċ-Ċina ma kinitx tikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat. Għaldaqstant ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti miġjuba matul l-operazzjoni tal-assemblaġġ kienx ikbar jew le minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura.

(76)

Iż-żewġ kumpaniji l-oħra twaqqfu fl-2013 fil-Kambodja. Waħda minnhom kienet involuta fi prattiki ta' trasbord, kif stabbilit fil-premessi minn 69 sa 74. Iż-żewġ kumpaniji sostnew li jipproduċu frejms. Iż-żewġ kumpaniji xtraw il-komponenti miċ-Ċina, jew minn kumpaniji relatati jew permezz ta' operaturi tas-suq relatati f'Ħong Kong. L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-allokazzjoni tal-ispejjeż fissi (jiġifieri d-deprezzament, il-kera u l-ispejjeż diretti u indiretti tal-elettriku) għall-manifattura tal-frejms kienet inkonsistenti mal-volum tal-produzzjoni tar-roti, u żiedet b'mod artifiċjali l-valur tal-frejms immanifatturati. Barra minn hekk, il-konsum taż-żebgħa użata fil-manifattura tal-frejms nstab li kien esaġerat meta mqabbel mad-dejta tal-produtturi ġenwini. Barra minn hekk, abbażi tas-sejbiet marbutin mal-produtturi ġenwini, il-kostijiet lavorattivi allokati għall-manifattura tal-frejms u għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tar-roti nstabu li kienu għoljin wisq u mhux affidabbli meta mqabblin mal-volum ta' frejms immanifatturati u mar-roti assemblati. L-allokazzjoni ta' dawn l-ispejjeż differenti għall-manifattura tal-frejms ġiet għalhekk riveduta u wriet li l-materja prima (il-komponenti tar-roti) miċ-Ċina kienet fir-realtà tikkostitwixxi aktar minn 60 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat, filwaqt li l-valur miżjud tal-komponenti li ddaħħlu matul l-operazzjoni ta' assemblaġġ kien inqas minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura.

(77)

Wara d-divulgazzjoni, kumpanija saħqet li parti konsiderevoli mill-produzzjoni ta' roti tagħha kienet maħsuba għal swieq esterni barra l-Unjoni. F'dan ir-rigward ta' min jinnota li fil-perjodu tar-rapport il-bejgħ tal-kumpanija barra l-Unjoni rrappreżenta inqas minn 6 % tal-bejgħ totali u kien jinvolvi tranżazzjoni waħda (fattura waħda) biss.

(78)

L-istess kumpanija kkuntestat is-sejbiet tal-Kummissjoni, li l-komponenti miċ-Ċina kienu jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat. Hija sostniet li l-Kummissjoni kienet assumiet ħażin li l-materja prima hija kollha għar-roti mibjugħin fl-Unjoni, filwaqt li l-kumpanija qiegħda tbigħ ukoll 'il barra mill-Unjoni. Hija sostniet ukoll li l-ispiża tal-produzzjoni għar-roti mibjugħa lill-Unjoni hija ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni għar-roti mibjugħa 'il barra mill-Unjoni. Il-kumpanija sostniet li l-Kummissjoni, għalhekk għandha taġġusta s-sejbiet tagħha b'tali mod li jitneħħew l-ispejjeż tal-komponenti u l-materjali għall-produzzjoni tar-roti li mhumiex maħsuba għall-Unjoni. Barra minn hekk, il-kumpanija argumentat li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat li ċerti materjali mhux Ċiniżi (il-frejms u komponenti oħra tar-roti) kienu effettivament joriġinaw miċ-Ċina. Hija argument wkoll li xi komponenti koperti b'żewġ ordnijiet ta' xiri ġew bi żball rappurtati mill-kumpanija li joriġinaw miċ-Ċina.

(79)

F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li, kif spjegat fil-premessa 77, il-bejgħ barra l-Unjoni rrappreżenta inqas minn 6 % tal-bejgħ totali tal-kumpanija, u għalhekk, ma setax materjalment joħloq distorsjoni fl-analiżi tal-Kummissjoni. Il-kumpanija ssottomettiet, fit-tweġiba tagħha għad-divulgazzjoni, fajl ġdid li jindika liema komponenti ġew użati għar-roti esportati barra mill-Unjoni. Madankollu, il-kumpanija ma ssottomettiet l-ebda evidenza li turi li dawn il-komponenti kienu effettivament użati għall-assemblaġġ tar-roti esportati 'l barra mill-Unjoni, bħal pereżempju l-lista tal-materjali għar-roti esportati 'l barra mill-Unjoni, li turi t-tip ta' komponenti użati għal dawn ir-roti. Rigward il-komponenti li l-kumpanija sostniet li kienu b'mod żbaljat ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala Ċiniżi, ta' min jinnota li l-kumpanija rrappurtat li tixtri diversi komponenti minn diversi operaturi tas-suq Vjetnamiżi, madankollu ma tressqet l-ebda evidenza dwar il-produtturi ta' dawn il-komponenti, kif spjegat fil-premessa 71. Għalhekk, fin-nuqqas ta' kull evidenza li tikkonċerna l-produtturi reali ta' dawn il-komponenti, u filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt li l-kumpanija għandha kumpaniji relatati fiċ-Ċina li mingħandhom tixtri l-komponenti tar-roti, il-konklużjoni hija li l-komponeti inkwistjoni jiġu wkoll miċ-Ċina. Rigward iż-żewġ ordnijiet ta' xiri msemmija hawn fuq, dawn ġew irrappurtati mill-kumpanija nnifisha li jkopu x-xiri ta' komponenti mingħand il-kumpanija relatata tagħha Ċiniża, u ma tressqet l-ebda evidenza wara d-divulgazzjoni li tipprova li l-kumpanija għamlet żball meta ddikjarat l-oriġini għal dawn il-komponenti bħala Ċiniża. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(80)

Iż-żewġ kumpaniji involuti fl-operazzjonijiet ta' assemblaġġ ikkuntestaw ir-reviżjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż tagħhom. Bħala nota ġenerali, ta' min jinnota li meta jiġi kkalkulat, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, jekk il-valur miżjud tal-komponenti li ntużaw matul l-operazzjoni ta' assemblaġġ kienx ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura, l-ispejjeż inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud huma spejjeż mġarrba fil-proċess ta' manifattura li jwasslu għal żieda fil-valur tal-prodott lest, minbarra l-ispejjeż inizjali tiegħu (pereżempju l-kostijiet lavorattivi tal-manifattura, l-ispejjeż ġenerali, id-deprezzament tal-faċilitajiet tal-assemblaġġ, il-komponenti mmanifatturati internament). Dawn l-ispejjeż għandhom għalhekk jiġu speċifikament mġarrba fil-proċess tal-manifattura u tat-tlestija tar-roti.

(81)

Kumpanija waħda saħqet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbutin mal-pożizzjoni ġeografika tagħha. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-kumpanija ma ssottomettiet l-ebda evidenza li turi d-differenza fl-ispejjeż għal kull reġjun fil-Kambodja. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet injorata.

(82)

Rigward l-ispejjeż tad-deprezzament, kumpanija waħda waqt il-verifika fuq il-post sostniet li l-assi fissi kienu mħallsa mill-azzjonisti u mhux mill-kumpanija nnifisha. Għalhekk, peress li l-kumpanija ma daħlitx fi spejjeż mal-akkwist tal-assi fissi, l-ispejjeż ta' deprezzament irrappurtati mill-kumpanija ma ġewx ikkunsidrati. Madankollu, wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija qalet li t-tagħmir mixtri mill-azzjonisti kien fil-fatt kontribuzzjoni mhux finanzjarja mal-kapital. Peress li din il-dikjarazzjoni saret fi stadju tard fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx f'qagħda li tivverifikaha, u għalhekk id-dikjarazzjoni twarrbet.

(83)

Iż-żewġ kumpaniji qed jikru bini għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tar-roti tagħhom. Fil-perjodu tar-rapport, parti sinifikanti mill-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom ma ntużawx. Madankollu, iż-żewġ kumpaniji allokaw l-ispejjeż tal-kera kollha għal mal-produzzjoni tal-frejms u tal-assemblaġġ tar-roti. L-allokazzjoni magħmula mill-kumpaniji ma ħaditx inkunsiderazzjoni li parti biss mill-bini mikri kienet użata fil-proċess tal-produzzjoni. Għall-kalkolu tal-valur miżjud, il-Kummissjoni għalhekk irrevediet l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-kera għall-manifattura tal-frejms u tal-assemblaġġ tar-roti fi proporzjon mal-volum tal-produzzjoni reali. Il-bqija tal-ispejjeż tal-kera sostnuti mill-kumpaniji ġew ikkunsidrati spejjeż li ma jikkontribwixxux għall-ħolqien tal-valur miżjud meħtieġ mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(84)

Rigward l-ispejjeż għall-għoti taż-żebgħa, kumpanija waħda qalet li hija tuża proċedura aktar ikkumplikata bi tliet kisjiet ta' żebgħa u għalhekk, aktar żebgħa mill-kumpaniji użati sabiex jiġi kkalkulat parametru referenzjarju għall-konsum taż-żebgħa (madwar 2,5 aktar mill-parametru referenzjarju). F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-kumpaniji inklużi fil-parametru referenzjarju ukoll jużaw tliet kisjiet ta' żebgħa. Madankollu, anki jekk il-parametru referenzjarju ġie rivedut kif issuġġeriet il-kumpanija, dan ma kienx ibiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-kumpanija ma tikkonformax mat-test tal-valur miżjud ta' 25 %, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-blasting bir-ramel. Il-kumpanija ssottomettiet fatturi wara d-divulgazzjoni li jindikaw dawn l-ispejjeż. Madankollu, dawn il-fatturi nħarġu wara tmiem il-perjodu tar-rapport u għalhekk twarrbu. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(85)

L-istess kumpanija sostniet li ma kinitx korretta meta allokat l-ispejjeż tal-enerġija abbażi tal-metri kwadri ta' kull post minflok abbażi tal-konsum. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li mhux l-enerġija kollha kkunsmata minn din il-kumpanija intużat fil-proċess tal-manifattura. F'kull każ, anki li kieku l-ispejjeż tal-enerġija ma ġewx irriveduti, dan ma kienx ibiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-kumpanija ma tikkonformax mat-test tal-valur miżjud ta' 25 %, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. L-istess konklużjoni tintleħaq anki jekk l-ispejjeż tal-għoti taż-żebgħa u tal-enerġija tbiddlu kif iddikjarat mill-kumpanija.

(86)

Il-kumpanija l-oħra argumentat li l-Kummissjoni ma kellhiex tirrevedi l-ispejjeż tagħha abbażi tad-dejta mil-lista ta' materjali tal-kumpanija, għaliex il-metodoloġija sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż fil-lista ta' materjali hija differentri mill-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż tal-enerġija. Id-dikjarazzjoni tal-kumpanija ma ġietx elaborata aktar. Madankollu, anki li kieku l-ispejjeż tal-enerġija ma ġewx irriveduti abbażi tal-ispejjeż tal-enerġija mil-lista ta' materjali mogħtija mill-kumpanija waqt il-verifika fuq il-post, dan ma kienx ibiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-kumpanija ma tikkonformax mat-test tal-valur miżjud ta' 25 %, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(87)

Rigward il-kostijiet lavorattivi, kumpanija waħda argumentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-fatt li l-kumpanija kienet tħallas salarju ogħla lill-ħaddiema tagħha sabiex iżommhom magħha, peress li ma kienx hemm biżżejjed ħaddiema f'dan il-qasam. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-Kummissjoni ma rrevedietx il-livell tas-salarju tal-impjegati, iżda n-numru tal-impjegati effettivament allokati għall-produzzjoni tal-frejms u għall-assemblaġġ tar-roti. Barra minn hekk, l-istess kumpanija argumentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-flessibbiltà tal-ħaddiema peress li ġie allegat li ħaddiema allokati għall-produzzjoni tal-frejms kienu xi drabi jaħdmu wkoll fl-assemblaġġ tar-roti. Bi tweġiba għal din id-dikjarazzjoni, ta' min jinnota li waqt il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni talbet lill-kumpanija biex tipprovdi stima tan-numru ta' impjegati għal kull dipartiment (għall-produzzjoni tal-frejms, għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, eċċ.). Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni ppreżentata waqt il-verifika fuq il-post. Il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar din il-flessibbiltà tal-ħaddiema, u għaldaqstant id-dikjarazzjoni ġiet injorata. Il-kumpanija l-oħra ddikjarat li l-kostijiet lavorattivi tagħha kienu għoljin minħabba spejjeż ta' taħriġ, mingħajr madankollu ma tat evidenza ta' fiex jissarfu dawn l-ispejjeż tat-taħriġ. Madankollu, ta' min jinnota, li minħabba li l-kumpanija se tibbenefika minn impjegati mħarrġa għal perjodu itwal ta' żmien, l-ispejjeż tat-taħriġ għandhom jiġu allokati għal perjodu itwal. Għalhekk, l-ispejjeż tat-taħriġ ma jistgħux jiġu kompletament allokati mal-ispejjeż tal-ewwel xhur tal-produzzjoni, peress li dawn jikkontribwixxu wkoll għaż-żieda fil-valur tar-roti prodotti wara l-perjodu tar-rapport.

(88)

Għaldaqstant, l-eżistenza fil-Kambodja ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ marbutin maċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku hija b'dan stabbilita.

In-nuqqas ta' raġuni valida jew ta' ġustifikazzjoni ekonomika ħlief l-impożizzjoni ta' dazju antidumping

(89)

Il-Kambodja hija benefiċjarju tal-iskema tal-UE “Kollox Minbarra Armi” (KMA) sa mill-2001. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li r-regoli tal-KMA setgħu kkontribwew sabiex kumpaniji differenti jiġu mmotivati jistabbilixxu faċilitajiet ta' produzzjoni fil-Kambodja u jesportaw ir-roti lejn is-suq tal-Unjoni, dawn ma affettwaw bl-ebda mod il-konklużjonijiet li l-kumpanija kienet involuta fi prattiki tat-trasbord u li żewġ kumpaniji ġabu l-komponenti tar-roti prinċipalment miċ-Ċina u li l-valur miżjud żdied b'mod insuffiċjenti fl-operazzjonijiet tagħhom ta' manifattura, u għalhekk nstab li kienu involuti f'attività ta' ċirkomvenzjoni.

(90)

Wara d-divulgazzjoni, kumpanija waħda ddikjarat li stabbilixxiet ruħha fil-Kambodja għal raġunijiet kummerċjali, sabiex tibbenefika minn kostijiet lavorattivi baxxi u minn vantaġġi loġistiċi. Madankollu, ta' min jinnota, li dokument mehmuż mill-kumpanija stess bħala tweġiba għad-divulgazzjoni jitfa' sa ċertu punt dubju fuq dawn il-vantaġġi. Barra minn hekk, kif spjegat hawn fuq, il-bejgħ tal-kumpanija lejn l-Unjoni matul il-perjodu tar-rapport kien jirrappreżenta madwar 94 % tal-bejgħ totali tagħha. Dan l-iffukar fuq is-suq tal-Unjoni mhuwiex kompatibbli mad-dikjarazzjoni, u għalhekk din tiġi miċħuda.

(91)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika għat-trasbord u għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ deskritti hawn fuq għajr l-evitar tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta' jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord u tal-operazzjonijiet ta' assemblaġġ.

Il-konklużjoni dwar il-Kambodja

(92)

Fit-tweġiba tiegħu għad-divulgazzjoni tad-19 ta' Marzu 2015, il-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja ma ddubitax mill-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' prattiki ta' ċirkomvenzjoni.

(93)

Abbażi tal-evidenza ta' hawn fuq, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tnisslet minn, apparti għaż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' xi produtturi ġenwini, prattika, proċess jew xogħol li għalihom ma hemmx ġustifikazzjoni ekonomika għajr id-dazju.

2.5.3.   Il-Pakistan

Ġenerali

(94)

L-investigazzjoni wriet li hemm biss kumpanija waħda involuta fil-manifattura tar-roti fil-Pakistan. Din il-kumpanija hija relatata ma' kumpanija fis-Sri Lanka li kienet is-suġġett ta' investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni u hija suġġetta għall-miżuri estiżi. Barra minn hekk, l-azzjonisti ta' din il-kumpanija tas-Sri Lanka waqqfu kumpanija fil-Kambodja involuta wkoll fl-esportazzjoni ta' roti lejn l-Unjoni. Kif spjegat fil-premessa 21, din il-kumpanija tal-Kambodja ma kkooperatx fl-investigazzjoni attwali, minkejja li esportat il-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni fl-2013, kif spjegat fil-premessi minn 66 sa 67. Il-kumpanija tal-Kambodja waqqfet l-operazzjonijiet tagħha fil-Kambodja waqt il-perjodu tar-rapport, u ttrasferiet l-attivitajiet tagħha fil-kumpanija relatata fil-Pakistan. L-unika attività tal-kumpanija Pakistana kienet l-esportazzjoni tal-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni.

It-trasbord

(95)

L-esportazzjonijiet tal-unika kumpanija Pakistana li qed tikkoopera koprew l-importazzjonijiet kollha mill-Pakistan lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rapport.

(96)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattika ta' trasbord ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża mill-Pakistan.

L-operazzjoni ta' assemblaġġ

(97)

Is-sorsi tal-materja prima (il-komponenti tar-roti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għall-unika kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta' assemblaġġ eżistenti fil-Pakistan li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(98)

L-investigazzjoni żvelat li l-kumpanija xtrat volum sinifikanti ta' frejms, frieket, rimmijiet tal-liga u roti tal-plastik minn waħda mill-kumpaniji relatati magħha fis-Sri Lanka permezz ta' operatur tas-suq mhux relatat. Sabiex jintwera li dawn il-komponenti huma mis-Sri Lanka, il-kumpanija ppreżentat iċ-ċertifikat ta' oriġini/il-Formoli A tagħhom maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ fis-Sri Lanka. Madankollu, dawn iċ-ċertifikati ma ġewx ikkunsidrati bħala evidenza suffiċjenti li turi l-oriġini tal-komponenti tar-roti, għaliex inħarġu abbażi ta' rendikonti tal-ispejjeż li ma kinux affidabbli. Fil-fatt instab li dawn ma kinux ibbażati fuq spejjeż tal-manifattura reali, iżda biss fuq projezzjoni globali tal-ispejjeż tal-manifattura li kienu validi għal volum ta' produzzjoni mhux determinat għal madwar sena. Barra minn hekk, għal ċerti tipi ta' frejms u frieket li għalihom inħarġu ċ-ċertifikati ta' oriġini/il-Formoli A, ir-rendikonti tal-ispejjeż ta' sostenn kienu neqsin. Konsegwentement, peress li dawn il-komponenti kienu mmanifatturati prinċipalment minn materja prima miċ-Ċina, ġie konkluż li dawn il-komponenti stess ġejjin miċ-Ċina.

(99)

Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li hija xtrat il-komponenti tar-roti relevanti minn kumpanija relatata magħha permezz ta' operatur tas-suq mhux relatat. L-investigazzjoni madankollu wriet li fi tmiem il-perjodu tar-rapport, kien hemm ammont mhux imħallas ta' madwar USD 5 miljun għall-komponenti mixtrija minn dan l-operatur tas-suq mhux relatat. Peress li dan id-dejn mhux imħallas kien jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-bejgħ tal-kumpanija lejn l-Unjoni matul il-perjodu tar-rapport, dan il-fatt jixħet dubji fuq ir-relazzjoni ta' bejn il-kumpanija u l-operatur tas-suq. Barra minn hekk, il-verifika wriet li dan l-allegat operatur tas-suq mhux relatat applika valwazzjoni pożittiva inkonsistenti, u għalhekk il-prezzijiet mitluba għal komponenti lill-kumpanija Pakistana ma setgħux jitqiesu affidabbli. Fl-aħħar nett, il-kumpanija xtrat direttament il-komponenti mill-kumpaniji relatati magħha fis-Sri Lanka u l-Kambodja u minn kumpanija mhux relatata fis-Sri Lanka, iżda ma setgħetx tipprova l-oriġini tal-ebda waħda minn dawk il-komponenti matul iż-żjara ta' verifika, bl-eċċezzjoni tat-tajers mixtrija mis-Sri Lanka. Barra minn hekk, l-għan statutorju ta' dawn it-tliet kumpaniji huwa limitat għall-produzzjoni ta' roti u ma jinkludix komponenti tar-roti, u għalhekk ġie konkluż li dawn il-komponenti ġew miċ-Ċina. Filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni dan ta' hawn fuq, il-materja prima (il-komponenti tar-roti) miċ-Ċina kienet tikkostitwixxi iktar minn 60 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott finali. Barra minn hekk, il-valur miżjud tal-komponenti li nġiebu matul l-operazzjoni tal-assemblaġġ instab li kien anqas minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura ta' din il-kumpanija.

(100)

Wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta' oriġini ppreżentati għall-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka ma setgħux jitqiesu bħala biżżejjed evidenza sabiex tintwera l-oriġini tal-komponenti tar-roti. Il-kumpanija argumentat li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ġew ippreparati minn ditta ta' kontabilisti rreġistrati, u li l-importaturi għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq il-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta' oriġini maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tas-Sri Lanka. Il-kumpanija kkonfermat li l-fatturi tal-ispejjeż għall-komponenti ma kinux appoġati minn spejjeż tal-manifattura reali, iżda kienu sempliċiment previżjoni tal-ispejjeż futuri validi għal madwar sena. Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku mhuwiex regola dwar l-oriġini, u għalhekk ma jistax jiġi applikat sabiex tkun evalwata l-oriġini tal-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka.

(101)

Kif spjegat fil-premessa 98, il-Formoli A/iċ-Ċertifikati ta' oriġini ma ġewx ikkunsidrati bħala evidenza suffiċjenti li turi l-oriġini tal-komponenti tar-roti mixtrija mis-Sri Lanka minħabba li ma kinux maħruġa abbażi tal-ispejjeż reali tal-manifattura, iżda fuq previżjoni tal-ispejjeż tal-manifattura għall-futur, li ma tagħti l-ebda garanzija li l-komponenti tar-roti kienu tabilħaqq immanifatturati skont l-ispejjeż previsti. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li l-Kummissjoni mhix qed tikkuntesta l-metodoloġija inġenerali għall-ħruġ tal-Formoli A/taċ-Ċertifikati ta' oriġini fis-Sri Lanka, li jmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-investigazzjoni, iżda qed tivvaluta biss jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku jiġux issodisfati f'dan il-każ. F'dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li jiġi nnutat li l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku mhuwiex bħala tali tabilħaqq regola dwar l-oriġini, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dawn il-komponenti kienu manifatturati b'aktar minn 60 % minn materja prima miċ-Ċina, u li l-valur miżjud kien inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura, u setgħet tikkonkludi li dawn il-komponenti nnifishom ġejjin miċ-Ċina. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet kollha ta' hawn fuq ġew miċħuda.

(102)

Fuq din il-bażi, il-kumpanija nstabet li topera fl-assemblaġġ. Għaldaqstant, l-eżistenza fil-Pakistan ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ involuti fiċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku hija fil-Pakistan stabbilita.

In-nuqqas ta' raġuni valida jew ta' ġustifikazzjoni ekonomika ħlief l-impożizzjoni ta' dazju antidumping

(103)

Il-Pakistan irċieva l-istatus ta' SĠP + (9) fi tmiem l-2013. Filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-għoti ta' benefiċċji addizzjonali skont ir-regoli tal-SĠP seta' kkontribwixxa sabiex kumpaniji differenti jkunu mmotivati jistabbilixxu faċilitajiet ta' produzzjoni fil-Pakistan u jesportaw roti lejn is-suq tal-Unjoni, dan ma affetwa bl-ebda mod is-sejbiet li l-uniku esportatur lejn l-Unjoni huwa relatat ma' kumpanija mis-Sri Lanka li hija suġġetta għal miżuri wara investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni, u li din ġabet il-komponenti tar-roti prinċipalment miċ-Ċina.

(104)

Għaldaqstant, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ għajr l-evitar tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta' jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta' assemblaġġ.

Il-konklużjoni dwar il-Pakistan

(105)

Il-Gvern tal-Pakistan ma għamel l-ebda kumment wara d-divulgazzjoni.

(106)

L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ nibtet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr id-dazju.

2.5.4.   Il-Filippini

Ġenerali

(107)

Kif iddikjarat fil-premessa 23, l-investigazzjoni wriet li l-esportazzjonijiet ta' waħda miż-żewġ kumpaniji li kkooperaw effettivament twettqu minn żewġ kumpaniji kummerċjali mhux relatati. Waħda minn dawn il-kumpaniji kummerċjali, li ma kkooperatx f'din l-investigazzjoni, wettqet operazzjonijiet simili fis-Sri Lanka skont il-kuntest tal-investigazzjoni preċedenti kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

It-trasbord

(108)

Kif imsemmi fil-premessa 24, żewġ kumpaniji fil-Filippini kkooperaw billi taw informazzjoni fil-formoli ta' eżenzjoni tagħhom. L-esportazzjonijiet ta' dawn il-kumpaniji koprew l-importazzjonijiet kollha mill-Filippini lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rapport.

(109)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattika ta' trasbord ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża mill-Filippini.

L-operazzjoni ta' assemblaġġ

(110)

Is-sorsi tal-materja prima (il-komponenti tar-roti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal kull kumpanija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta' assemblaġġ eżistenti fil-Filippini li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(111)

Għal waħda miż-żewġ kumpaniji fil-Filippini l-materja prima (il-komponenti tar-roti) miċ-Ċina ma kinitx tikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat. Għaldaqstant ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti miġjuba matul l-operazzjoni tal-assemblaġġ kienx ikbar jew le minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura.

(112)

Rigward il-kumpanija l-oħra, is-sejbiet kienu parzjalment ibbażati fuq l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, kif spjegat fil-premessi minn 25 sa 44. Instab li din il-kumpanija kienet relatata ma' manifattur Ċiniż tar-roti li huwa suġġett għall-miżuri. Din xtrat kważi l-komponenti kollha miċ-Ċina u għalhekk il-materja prima (il-komponenti tar-roti) miċ-Ċina kienet tikkostitwixxi iktar minn 60 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott finali. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi minn 41 sa 43, ċerti elementi ta' spejjeż kellhom jiġu riveduti. Intuża perjodu ta' deprezzament aktar affidabbli għall-bini, il-proporzjon tal-produttività (il-kwantità immanifatturata diviża bin-numru tal-impjegati) ta' produttur ġenwin Filippin intuża sabiex jiġi kkalkulat b'mod affidabli l-għadd tal-impjegati għall-volum tal-produzzjoni rrapurtat mill-kumpanija, u l-medja tal-konsum tal-elettriku għal kull rota ta' produttur ġenwin Filippin intużat sabiex tiġi kkalkulata b'mod affidabli l-ispiża tal-elettriku għal kull rota.

(113)

Wara d-divulgazzjoni, kumpanija waħda sostniet li ma setgħetx tivverifika d-dejta użata tal-produttur ġenwin Filippin billi d-dejta mhux kunfidenzjali pprovduta minn dan il-produttur ġenwin ma kinitx kompluta. F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma tistax tiżvela d-dejta eżatta tal-produttur ġenwin Filippin, minħabba li din l-informazzjoni hija kunfidenzjali. Barra minn hekk, filwaqt li d-dejta mhux kunfidenzjali hija b'mod ġenerali pprovduta f'indiċi, il-Kummissjoni f'dan il-każ żvelat lill-kumpanija d-dejta użata minn produttur ġenwin f'firxiet, u tat valur minimu u massimu, u għalhekk it-tagħrif kien aktar siewi minn indiċi. Għalhekk, il-kumpanija kellha dejta ddettaljata sabiex tifhem il-bażi għar-reviżjoni tal-ispejjeż tagħha kif ukoll tagħti l-kummenti. Fl-aħħar nett, f'dan il-każ il-kumpanija ma talbitx l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(114)

L-istess kumpanija kkonfermat li hija ma kinitx qed tiddikjara li tikkonforma ma' anqas minn 60 % tat-test fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Hija madankollu sostniet li l-kalkolu tat-test tal-valur miżjud ta' 25 % mill-Kummissjoni kien żbaljat għaliex dan ma kienx jinkludi l-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-profitt, peress li l-Kummissjoni kienet sseparat il-valur miżjud tal-materja prima mill-valur miżjud tal-frejms importati u, it-tielet, minħabba li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni biss il-valur miżjud fi proporzjon mal-komponenti li ġew mixtrija miċ-Ċina. Kif spjegat hawn taħt, dawn id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament bażiku.

(115)

L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa 80, l-ispejjeż inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud huma spejjeż imġarrba fil-proċess tal-manifattura li jwasslu għal żieda fil-valur tal-prodott lest, minbarra l-ispejjeż inizjali tiegħu (pereżempju l-kostijiet lavortattivi tal-manifattura, l-ispejjeż ġenerali, id-deprezzament tal-faċilitajiet tal-assemblaġġ, il-komponenti mmanifatturati internament). Dawn l-ispejjeż għandhom jiġġarbu fil-proċess tal-manifattura. L-ispejjeż imġarrba mill-kumpanija li ma tistax tkun marbuta mal-proċess tal-manifattura matul il-perjodu tar-rapport mhumiex inklużi sabiex jiġi kkalkulat tal-valur miżjud. Għalhekk, il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud billi dawn l-ispejjeż ma ġġarrbux mill-kumpanija fil-proċess tal-manifattura u ma jżidux il-valur miżjud tal-prodott. Lanqas il-profitt ma jista' jiġi inkluż għax mhuwiex komponent tal-valur miżjud. Barra minn hekk, huwa bbażat fuq id-deċiżjoni tal-maniġment u tal-forzi tas-suq.

(116)

Rigward it-tieni dikarazzjoni, ta' min jinnota li skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku, il-komponenti li huma mixtrija mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud mill-kumpanija. Il-kalkolu tal-valur miżjud jinkludi biss l-ispejjeż imġarrba direttament u indirettament fl-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tal-komponenti.

(117)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur miżjud li hu proporzjonali għall-komponenti mixtrija miċ-Ċina f'konformità mal-prattika stabbilita u skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku din ir-regola ma ġietx applikata f'dan il-każ, dan ma kien bl-ebda mod jaffettwa l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kumpanija naqset milli tilħaq it-test tal-valur miżjud ta' 25 %, peress li aktar minn 80 % tal-komponenti kienu mixtrija miċ-Ċina.

(118)

Barra minn hekk, il-kumpanija kkontestat r-reviżjoni tal-Kummissjoni fuq l-ispejjeż tagħha (il-manodopera, l-enerġija, id-deprezzament u l-bonusijiet tal-maniġers). Rigward l-ispejjeż tax-xogħol, il-kumpanija sostniet li l-Kummissjoni injorat mingħajr l-ebda raġuni l-kostijiet lavorattivi indiretti, u li ma wrietx li l-kostijiet lavorattivi rrappurtati ma kinux ta' min jorbot fuqhom. Rigward l-ispejjeż tal-enerġija, il-kumpanija sostniet li l-ispejjeż tal-enerġija jistgħu jvarjaw minn fost l-impjanti tal-produzzjoni skont it-tip ta' prodott u s-sigħat tax-xogħol. Rigward id-deprezzament, il-kumpanija tenniet id-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha, li l-kontijiet tal-kumpanija ġew awditjati filwaqt li dwar il-bonusijiet tal-maniġment l-kumpanija argumentat li l-aġġustament tal-Kummissjoni kien arbitrarju.

(119)

Għalkemm il-kumpanija ddikkjarat li timmanifattura frejms, fatt li ma setax jiġi vverifikat matul il-verifika fuq il-post kif spjegat fil-premessa 35, fl-ebda punt matul l-investigazzjoni ma pprovdiet l-ispejjeż reali sabiex il-frejms jiġu mmanifatturati. Il-kumpanija pprovdiet l-ispejjeż kumulattivi tal-manifattura għall-frejms u għall-assemblaġġ tar-roti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f'qagħda li tivvaluta jekk l-ispejjeż tal-manifattura ta' kull unità għall-frejms, imġarrba mill-kumpanija, kinux affidabbli. Ta' min ifakkar li skont l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba tagħha għall-ittra dwar defiċenza, il-kumpanija xtrat il-maġġoranza tal-frejms miċ-Ċina u għalhekk, l-ispejjeż tal-manifattura rappurtati mill-kumpanija ġew imġarrba prinċipalment fl-assemblaġġ tar-roti. Meta l-Kummissjoni qabblet l-ispejjeż irrappurtati tal-kumpanija ma' spejjeż simili mġarrba minn produttur Filippin ġenwin, hija waslet għall-konklużjoni li l-ispejjeż irrapportati mill-kumpanija ma setgħux iġġarbu fil-proċess tal-manifattura, u li xi wħud minnhom kienu spejjeż oħra.

(120)

Rigward il-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni ma injoratx il-kostijiet lavorattivi indiretti tal-kumpanija, iżda għall-kuntrarju inkludiethom fil-kostijiet lavorattivi totali flimkien mal-kostijiet lavorattivi diretti. Matul il-verifika fuq il-post tal-produttur Filippin ġenwini, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni ddettaljata dwar l-għadd ta' impjegati u dwar il-produttività tagħhom fid-dipartimenti prinċipali. It-tqabbil tad-dejta ppreżentata mill-kumpanija ma' dejta simili ppreżentata minn produttur Filippin ġenwin wera li l-kumpanija esaġerat l-għadd tal-impjegati effettivament involuti fid-dipartimenti tal-frejms u l-frieket, id-dipartiment tal-assemblaġġ ta' roti sħaħ, tal-assemblaġġ tar-roti u d-dipartimenti tal-kontroll tal-kwalità. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-kostijiet lavorattivi tal-kumpanija relatati mal-manifattura u mal-proċess ta' tlestija kien iġġustifikat.

(121)

Rigward l-ispejjeż tal-enerġija, il-Kummissjoni hija konxja li l-konsum tal-enerġija jista' jvarja minn produttur għal ieħor. Fil-fatt, l-attività tal-produttur ġenwini Filippin hija aktar kumplessa minn dik tal-kumpanija, u għalhekk għandha konsum ogħla tal-elettriku. Għaldaqstant, il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma qegħditx fi żvantaġġ il-kumpanija kkonċernata.

(122)

Rigward l-ispejjeż ta' deprezzament, fir-rapporti annwali awditjati ma hemm l-ebda spjegazzjoni dwar il-ħajja operattiva tal-bini. Ta' min ifakkar li waqt il-verifika fuq il-post il-Kummissjoni ripetutament talbet lill-kumpanija tipprovdi evidenza dwar is-sena tal-kostruzzjoni tal-bini kif ukoll il-valutazzjoni ta' kontabilist tal-kumpanija dwar il-perjodu ta' deprezzament tal-bini. Il-kumpanija naqset milli tagħmel dan u minflok allegat li, minħabba li huma kienu ġew awditjati mill-awtoritajiet lokali tat-taxxa, ma kellhomx għalfejn jagħtu evidenza lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni rrevediet l-ammont ta' deprezzament billi użat perjodu ta' deprezzament f'konformità mal-prattiki kontabilistiċi internazzjonali.

(123)

Fl-aħħar nett, dwar il-bonus tal-produzzjoni u tal-maniġers barranin, ta' min jinnota li dawn l-ispejjeż u speċjalment il-valur ta' spejjeż bħal dawn mhumiex marbutin mal-proċess ta' produzzjoni u mal-volum ta' produzzjoni. Dawn l-ispejjeż huma spejjeż amministrattivi u mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud.

(124)

Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda.

(125)

Il-valur miżjud rivedut tal-komponenti li nġiebu matul l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tal-kumpanija, abbażi ta' dan, ma kienx jaqbeż il-25 % tal-ispiża tal-manifattura ta' din il-kumpanija.

(126)

Għaldaqstant, l-eżistenza fil-Filippini ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ marbutin maċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku hija b'dan stabbilita.

In-nuqqas ta' raġuni valida jew ta' ġustifikazzjoni ekonomika ħlief l-impożizzjoni ta' dazju antidumping

(127)

Il-Filippini rċevew l-istatus ta' SĠP+ fi tmiem l-2014 sew wara li ż-żewġ produtturi Filippini stabilixxew ruħhom.

(128)

Għaldaqstant, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ għajr l-evitar tal-miżuri eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta' jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta' assemblaġġ.

Il-konklużjoni dwar il-Filippini

(129)

Il-Gvern tal-Filippini ma għamel l-ebda kumment wara d-divulgazzjoni.

(130)

L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ nibtet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr id-dazju.

2.6.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju antidumping

(131)

Fil-valutazzjoni dwar jekk il-prodotti importati, f'termini ta' kwantitajiet u prezzijiet, imminawx l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti, intużaw il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta' esportazzjoni rrapurtati mill-kumpaniji li kkooperaw u minn Comext. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew imqabbla mal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara għal produtturi tal-Unjoni kif stabbiliti l-aħħar, jiġifieri fir-rieżami interim konkluż fl-2013, imsemmija fil-premessa 4.

(132)

Il-paragun tal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-rieżami interim fl-2013 u l-medja peżata tal-prezz tal-esportazzjoni matul il-perjodu tar-rapport tal-investigazzjoni attwali wera bejgħ taħt il-prezz sinifikanti għal kull wieħed mit-tliet pajjiżi kkonċernati.

(133)

L-investigazzjoni stabbilixxiet il-kwantitajiet prodotti u nstab li ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti kienet signifikanti, u li x'aktarx fil-futur kienet se tiżdied b'mod aktar sostanzjali minħabba l-attrattività tas-suq tal-Unjoni.

(134)

L-investigazzjoni wriet li l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ jistgħu faċilment jinħolqu u jitwaqqfu f'perjodu qasir ta' żmien. Dan intwera permezz tal-mod strutturat kif l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ tmexxew minn pajjiż għall-ieħor hekk kif il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Ġie stabbilit ukoll li xi kumpaniji suġġetti għal din l-investigazzjoni kienu relatati ma' kumpaniji li diġà huma suġġetti għal miżuri, jew li esportaw lejn is-suq tal-Unjoni permezz tal-istess kumpanija kummerċjali mhux relatata.

(135)

Għaldaqstant ġie konkluż li l-miżuri eżistenti qed jiġu mminati, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwantitajiet u prezzijiet, mill-importazzjonijiet li huma suġġetti għal din l-investigazzjoni.

2.7.   Evidenza ta' dumping

(136)

Fl-aħħar mill-aħħar, b'konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valur normali stabbilit preċedentement għall-prodott ikkonċernat.

(137)

Fir-rieżami interim konkluż fl-2013, imsemmi fil-premessa 4, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Messiku, li f'dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b'ekonomija tas-suq adegwata li hija analoga għaċ-Ċina (il-valur normali stabbilit qabel).

2.7.1.   Il-Kambodja

(138)

Parti sinifikattiva tal-esportazzjonijiet tal-Kambodja nstabet li kienet produzzjoni ġenwina tal-Kambodja esportata minn tliet kumpaniji tal-Kambodja li nstabu li ma kinux involuti fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni kif iddikjarat fil-premessa 75. Għal din ir-raġuni, biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Kambodja li huma affettwati mill-prattiki ta' ċirkomvenzjoni, l-esportazzjonijiet tal-produtturi/esportaturi li jwettqu ċirkomvenzjoni biss ġew ikkunsidrati. Din id-dejta ġiet kontroverifikata ma' dejta tal-Comext.

(139)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-immaniġjar, l-ispejjeż tat-tagħbija u tal-ppakkjar ippreżentati mill-kumpaniji fit-tweġiba tagħhom fil-formoli ta' eżenzjoni.

(140)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi l-valur normali medju peżat prestabbilit tqabbel mal-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjonijiet tal-Kambodja li jikkorrispondu matul il-perjodu tar-rapport, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(141)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjoni kif stabbiliti wera dumping sinifikattiv.

(142)

Wara d-divulgazzjoni, il-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja talab biex jiġi ċċarat jekk is-sejbiet dwar id-dumping imsemmijin fil-premessa 141 kienux bbażati biss fuq l-esportazzjonijiet tal-kumpaniji li nstabu jwettqu ċirkomvenzjoni u jekk il-Kummissjoni sabitx evidenza ta' dumping minn kumpaniji ġenwini tal-Kambodja.

(143)

F'dan ir-rigward, huwa konfermat illi kif imsemmi fil-premessa 138, l-esportazzjonijiet tal-produtturi ġenwini tal-Kambodja ġew injorati bl-għan li jiġi kkalkulat il-marġini ta' dumping skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma jesiġix investigazzjoni dwar prattiki ta' dumping ta' produtturi ġenwini fil-Kambodja.

2.7.2.   Il-Pakistan

(144)

Il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz medju tal-esportazzjoni tar-roti matul il-perjodu tar-rapport mill-kumpanija li kkooperat u kontroverifikat mid-dejta ta' Comext.

(145)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti fir-rigward tal-immaniġjar, it-tagħbija, l-ispejjeż anċillari, il-konsenja fil-pajjiż ikkonċernat, u l-ispejjeż tal-ippakkjar kif irrappurtat mill-kumpanija fir-risposta tagħha fil-formola ta' eżenzjoni u ġie konkluż matul il-verifika fuq il-post.

(146)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi l-valur normali medju peżat prestabbilit tqabbel mal-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjonijiet tal-Pakistan li jikkorrispondu matul il-perjodu tar-rapport, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(147)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat ta' esportazzjoni kif stabbilit juri dumping sinifikattiv.

2.7.3.   Il-Filippini

(148)

Parti sinifikattiva tal-esportazzjonijiet tal-Filippini nstabu li kienu produzzjoni ġenwina Filippina esportata minn kumpanija Filippina li ma nstabitx li kienet involuta fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni kif iddikjarat fil-premessa 111. Għal din ir-raġuni, sabiex ikunu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Filippini li huma affettwati mill-prattiki ta' ċirkomvenzjoni, l-esportazzjonijiet tal-produtturi/esportaturi li jwettqu ċirkomvenzjoni biss ġew ikkunsidrati. Madankollu, kif spjegat fil-premessi 40 u 44, il-prezz tal-esportazzjoni tal-kumpanija li twettaq ċirkomvenzjoni ma tqiesx, u l-prezz tal-esportazzjoni tagħha ġie stabbilit abbażi tad-dejta minn Comext.

(149)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġjar u t-tagħbija kif ukoll tal-ppakkjar ippreżentati mill-kumpanija li kkooperat fit-tweġiba tagħha fil-formoli ta' eżenzjoni.

(150)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi l-valur normali medju peżat prestabbilit tqabbel mal-prezzijiet medji peżati tal-esportazzjonijiet tal-Filippini li jikkorrispondu matul il-perjodu tar-rapport, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(151)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat ta' esportazzjoni kif stabbilit juri dumping sinifikattiv.

(152)

Wara d-divulgazzjoni, kumpanija waħda sostniet li l-marġini ta' dumping ikkalkulat skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kien aktar baxx mil-livell ta' dazju tal-miżuri eżistenti, u li l-estensjoni tal-miżuri għalhekk ma kinitx ġustifikata. Kif muri hawn fuq, il-kundizzjonijiet sabiex jiġu applikati l-miżuri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, li huma differenti minn dawk għall-miżuri taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, huma ssodisfati. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

3.   MIŻURI

(153)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw miċ-Ċina kien evitat permezz tat-trasbord fil-Kambodja u permezz ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(154)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjati direttament jew indirettament mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippijni kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippijni kif ukoll jekk le.

(155)

Il-miżuri li għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk attwalment imposti skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 502/2013, fuq “il-kumpaniji l-oħra kollha”, jiġifieri dazju antidumping definittiv ta' 48,5 % applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(156)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament li jagħti bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tar-roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippijni.

(157)

Kumpanija mill-Kambodja talbet biex id-dazji ma jinġabrux fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tagħha li kienu rreġistrati, għal raġunijiet ta' korrettezza. Fin-nuqqas ta' bażi legali, u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżura, it-talba ġiet miċħuda.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

4.1.   Il-Kambodja

(158)

Iż-żewġ kumpaniji fil-Kambodja li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentaw il-formola ta' eżenzjoni.

(159)

Tlieta minn ħames kumpaniji li kkooperaw fil-Kambodja li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku nstab li ma kinux involuti fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni kif stipulat fil-premessa 75. Barra minn hekk, tnejn minn dawn il-produtturi setgħu juru li ma kienu relatati mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi involuti fi prattiċi ta' ċirkomvenzjoni u lanqas ma' xi wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tar-roti. Għaldaqstant, eżenzjoni mill-miżuri estiżi tista' tingħata lil dawn iż-żewġ kumpaniji.

(160)

Fir-rigward tat-tielet kumpanija li nstabet li ma kinitx involuta fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni li kienu suġġett għal din l-investigazzjoni kif iddikjarat fil-premessa 75, instab li din il-kumpanija kienet relatata ma' produttur/esportatur Ċiniż tar-roti. Madankollu, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li turi li din ir-relazzjoni ġiet stabbilita jew użata għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti. Fil-fatt ir-relazzjoni ġiet stabbilita qabel ma ġew imposti l-miżuri fl-1993 u l-investigazzjoni attwali ma żvelat l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ kumpaniji. Għaldaqstant, kif iddikjarat fir-Regolament li jagħti bidu, anki jekk il-produtturi huma relatati ma' kumpaniji li jkunu suġġetti għall-miżuri oriġinali, xorta waħda tista' tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji, li jkunu suġġetti għall-miżuri oriġinali, ġiet stabbilita jew użata għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri oriġinali. Billi ma nstabet l-ebda evidenza ta' dan, setgħet tingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi lil din il-kumpanija.

(161)

Fir-rigward taż-żewġ kumpaniji l-oħra li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, kif stipulat fil-premessa 76, dawn il-kumpaniji nstabu li kienu involuti fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma tistax tingħata eżenzjoni lil dawn il-kumpaniji.

4.2.   Il-Pakistan

(162)

Iż-żewġ kumpaniji fil-Pakistan li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentaw il-formola għal talba ta' eżenzjoni.

(163)

Kif iddikjarat fil-premessa 102, il-kumpanija nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta' ċirkomvenzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija.

4.3.   Il-Filippini

(164)

Iż-żewġ kumpaniji fil-Filippini li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku taw tweġibiet fil-formola ta' eżenzjoni.

(165)

kumpanija waħda nstabet li ma kenitx involuta fil-prattiki ta' ċirkomvenzjoni li huma s-suġġett ta' din l-investigazzjoni kif spjegat fil-premessa 111. Barra minn hekk, dan il-produttur seta' juri li ma kien relatat mal-ebda waħda mill-kumpaniji li nstabu li qed jagħmlu ċirkomvenzjoni u lanqas ma' xi mill-produttur/esportatur Ċiniż tar-roti. Għaldaqstant, tista' tingħata lil din il-kumpanija eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(166)

Kif spjegat fil-premessi 112 u 125, it-tieni kumpanija nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta' ċirkomvenzjoni u għalhekk skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma tistax tingħata eżenzjoni.

4.4.   Miżuri speċjali

(167)

Huwa meqjus li huma meħtieġa miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali għandhom r-rekwiżit li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri, li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura jkunu suġġett għad-dazju tal-antidumping estiż.

4.5.   Esportaturi ġodda

(168)

Bla ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, produtturi/esportaturi oħra fil-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini li ma ppreżentawx ruħhom f'dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rapport u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju antidumping estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, iridu jimlew formola ta' eżenzjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk tistax tkun iġġustifikata eżenzjoni. Din l-eżenzjoni tista' tingħata wara valutazzjoni dwar il-qagħda tas-suq għall-prodott investigat, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ, u jekk hemmx il-probabbiltà li jitkomplew il-prattiki li għalihom ma hemmx gustifikazzjoni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u jkun hemm evidenza ta' dumping. Il-Kummissjoni normalment tagħmel ukoll żjara ta' verifika fuq il-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(169)

Meta eżenzjoni hija ġġustifikata, il-miżuri estiżi fis-seħħ jiġu emendati skont dan. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata sabiex tkun żgurata konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

5.   DIVULGAZZJONI

(170)

Fit-13 ta' Marzu 2015 il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha interessati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Waslu kummenti mingħand il-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja, żewġ kumpaniji fil-Kambodja, kumpanija fil-Pakistan, u kumpanija mill-Filippini. Ġew kkunsidrati l-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-partijiet. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati ma ta lok biex is-sejbiet definittivi jiġu mmodifikati.

(171)

[Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku].

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli fuq “il-kumpaniji l-oħra kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta' roti u roti oħra (inklużi triċikli tal-konsenja, iżda esklużi tal-uniċikli), mhux motorizzati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b'dan estiż għal importazzjonijiet ta' roti u roti oħra (inklużi triċikli tal-konsenja, iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, ikkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (il-kodiċi TARIC 8712003020 u 8712007092), bl-eċċezzjoni ta' dawk immanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Kambodja

A and J (Cambodia) Co., Ltd., Special Economic Zone Tai Seng Bavet, Sangkar Bavet, Krong Baver, Ket Svay Rieng, il-Kambodja

C035

 

Smart Tech (il-Kambodja) Co., Ltd., Tai Seng Bavet Special Economic Zone, National Road No. 1, Bavet City, Svay Rieng, il-Kambodja

C036

 

Speedtech Industrial Co. Ltd. u Bestway Industrial Co., Manhattan (Svay Rieng) Special Economic Zone, National Road No. 1, Sangkat Bavet, Krong Bavet, Svay Rieng Province, il-Kambodja

C037

Il-Filippini

Procycle Industrial Inc., Hong Chang Compound, Brgy. Lantic, Carmona, Cavite, il-Filippini

C038

2.   L-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament tkun tiddependi fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri, ta' fattura kummerċjali valida li tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, japplika d-dazju antidumping kif stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 938/2014 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bl-eċċezzjoni ta' dawk immanifatturati mill-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali fis-seħħ.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju, estiżi permezz tal-Artikolu 1, isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista', tawtorizza b'deċiżjoni l-eżenzjoni ta' importazzjonijiet, mill-kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament (UE) Nru 502/2013, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma mitluba jieqfu mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 938/2014.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta' Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv antidumping lejn il-Komunità ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju antidumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1524/2000 tal-10 ta' Lulju 2000 li jimponi dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 tat-12 ta' Lulju 2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw fil-Vjetnam, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1524/2000 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta' Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta' biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' biċikletti kkonsenjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU L 153, 5.6.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 938/2014 tat-2 ta' Settembru 2014 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq l-importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b'importazzjonijiet ta' roti kkonsenjati mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, il-Pakistan u l-Filippini u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 263, 3.9.2014, p. 5).

(8)  Comext hija bażi tad-dejta ġestita mill-Eurostat li tħaddan statistika dwar il-kummerċ barrani.

(9)  L-iskema tas-SĠP+ tinsab attwalment fil-kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).


ANNESS

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata fil-format li ġej mill-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2):

(1)

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali;

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta' (il-prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta”;

(3)

Id-data u l-firma.


19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/29


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/777

tat-18 ta' Mejju 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

71,6

MA

90,5

MK

94,5

TR

69,0

ZZ

81,4

0707 00 05

AL

36,5

EG

191,6

MK

56,1

TR

107,6

ZZ

98,0

0709 93 10

TR

129,7

ZZ

129,7

0805 10 20

EG

50,9

IL

75,0

MA

64,8

ZZ

63,6

0805 50 10

BR

107,1

MA

111,5

TR

101,5

ZZ

106,7

0808 10 80

AR

93,8

BR

102,6

CL

121,4

NZ

155,1

US

165,3

UY

86,8

ZA

120,4

ZZ

120,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/778

tat-18 ta' Mejju 2015

dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' April 2015, il-Kunsill ikkonferma l-impenn qawwi li jaġixxi sabiex jiġu prevenuti t-traġedji umani li jirriżultaw mill-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni fil-Mediterran.

(2)

Fit-23 ta' April 2015 il-Kunsill Ewropew esprima l-għadab tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u ssottolinja li l-Unjoni ser timmobilizza il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni aktar telf ta' ħajja fuq il-baħar u biex tindirizza l-kawżi bażiċi ta' din l-emerġenza umana, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu, u li l-prijorità immedjata tkun il-prevenzjoni ta' aktar imwiet ta' nies fil-baħar. Il-Kunsill Ewropew impenja ruħu li jsaħħaħ il-presenza tal-Unjoni fil-baħar, li jipprevjeni l-flussi ta' migrazzjoni illegali u li jirrinforza s-solidarjetà u r-responsabbiltà interni.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 impejna ruħu wkoll li jikkumbatti t-traffikanti f'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jsiru sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, il-qabda u l-qerda ta' bastimenti qabel ma jintużaw mit-traffikanti, u stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tibda t-tħejjijiet għal operazzjoni possibbli tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal dan il-għan.

(4)

Fil-11 ta' Mejju 2015, ir-RGħ infurmat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kriżi tal-migranti fil-Mediterran u t-tħejjija li qed issir għal operazzjoni navali possibbli tal-Unjoni, fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, hija esprimiet il-ħtieġa li l-Unjoni taħdem bl-appoġġ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

(5)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill approva l-kunċett ta' maniġġar tal-kriżi għal operazzjoni tal-PSDK biex jiġu sfrattati n-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali.

(6)

L-operazzjoni tal-PSDK tal-Unjoni ser titmexxa f'konformità mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, il-Protokolli tal-2000 kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru (il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti) u għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi (SAR) tal-1979, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta' Barċellona) tal-1976, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Konvenzjonijiet UNCLOS, SOLAS u SAR jinkludu l-obbligu ta' assistenza lil persuni li jkunu f'diffikultà fil-baħar u li s-superstiti jitwasslu f'post ta' sikurezza, u li għal dak l-għan il-bastimenti assenjati lill-EUNAVFOR MED ser ikunu lesti u mgħammra biex iwettqu d-dmirijiet relatati taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ kompetenti.

(7)

Fl-ibħra miftuħa, skont id-dritt domestiku u internazzjonali rilevanti, l-Istati jistgħu jimponu interdett fuq bastimenti suspettati b'faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, fejn ikun hemm awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera għal imbark u tfittxija tal-bastiment jew fejn il-bastiment ma jkollux nazzjonalità, u jistgħu jieħdu miżuri xierqa kontra l-bastimenti, il-persuni u l-merkanzija.

(8)

Jistgħu jittieħdu miżuri wkoll fl-ilmijiet territorjali jew interni, it-territorju jew l-ispazju tal-ajru ta' Stat kontra bastimenti suspettati b'involviment fil-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew it-traffikar ta' bnedmin, bil-kunsens ta' dak l-Istat jew skont Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew it-tnejn.

(9)

Stat jista' jieħu miżuri xierqa kontra persuni preżenti fit-territorju tiegħu, li huwa jissuspetta b'faċilitazzjoni tad-dħul klandestin jew it-traffiku ta' bnedmin, bil-għan possibbli ta' arrest u prosekuzzjoni, skont id-dritt internazzjonali u d-dritt domestiku tiegħu.

(10)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, kontroll politiku fuq il-missjoni ta' operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi tal-Unjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(11)

F'konformità mal-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (1), in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta minnha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha tmexxi operazzjoni militari ta' maniġġar ta' kriżi li tikkontribwixxi biex tisfratta l-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar ta' bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED), billi twettaq sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, il-qbid u r-rimi ta' bastimenti u assi użati jew suspettati li qed jintużaw mill-faċilitaturi tad-dħul klandestin jew mit-traffikanti, skont id-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-UNCLOS u kwalunkwe Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

2.   Iż-żona tal-operazzjoni għandha tkun definita, qabel it-tnedija tal-EUNAVFOR MED, fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill.

Artikolu 2

Mandat

1.   L-EUNAVFOR MED għandha topera f'konformità mal-objettivi politiċi, strateġiċi, politiko-militari li jinsabu fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvat mill-Kunsill fit-18 ta' Mejju 2015.

2.   L-EUNAVFOR MED għandha titmexxa f'fażijiet sekwenzjali, u skont ir-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali. L-EUNAVFOR MED għandha:

a)

fl-ewwel fażi, tappoġġa l-kxif u l-monitoraġġ tan-netwerks ta' migrazzjoni permezz ta' ġbir ta' informazzjoni u pattulji fl-ibħra miftuħa skont id-dritt internazzjonali;

b)

f'tieni fażi,

i)

twettaq imbark, tfittxija, qbid u devjazzjoni fl-ibħra miftuħa ta' bastimenti suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, skont il-kondizzjonijiet previsti fid-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-UNCLOS u l-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta' Migranti;

ii)

f'konformità ma' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew bil-kunsens tal-Istat kostali konċernat, twettaq imbark, tfittxija, qbid u devjazzjoni, fl-ibħra miftuħa jew fl-ilmijiet territorjali u interni ta' dak l-Istat, ta' bastimenti suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dik ir-Riżoluzzjoni jew il-kunsens;

c)

f'tielet fażi, f'konformità ma' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew bil-kunsens tal-Istat kostali konċernat, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa kontra bastiment u l-assi relatati, inkluż billi tarmihom jew iġġibhom inoperabbli, li jkunu suspettati li qed jintużaw għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin jew traffikar ta' bnedmin, fit-territorju ta' dak l-Istat, skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dik ir-Riżoluzzjoni jew il-kunsens.

3.   Il-Kunsill għandu jivvaluta jekk ikunux jeżistu l-kondizzjonijiet għat-tranżizzjoni lil hinn mill-ewwel fażi, wara li jitqiesu kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-kunsens mill-Istati kostali konċernati.

4.   L-EUNAVFOR MED tista' tiġbor, f'konformità mad-dritt applikabbli, data personali li tikkonċerna l-persuni meħuda abbord bastimenti li jipparteċipaw fl-EUNAVFOR MED u li tirrigwarda l-karatteristiċi li x'aktarx jgħinu biex ikunu identifikati, inkluż il-marki tas-swaba', kif ukoll id-dettalji li ġejjin, bl-esklużjoni ta' data personali oħra: kunjom, kunjom ix-xbubija, ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess; post tar-residenza, professjoni u fejn tinsab; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u data dwar il-passaport. Hija tista' tibgħat dik id-data u data dwar il-bastimenti u t-tagħmir użati minn dawk il-persuni lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u/jew lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Kontrarmirall Enrico Credendino huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-EUNAVFOR MED.

Artikolu 4

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni ta-UE

Il-Kwartieri Ġenerali tal-EUNAVFOR MED għandhom ikunu f'Ruma, l-Italja.

Artikolu 5

Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni

Id-Deċiżjoni li titnieda l-EUNAVFOR MED għandha tiġi adottata mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandat tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u tar-Regoli tal-Kumbattiment meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-mandat.

Artikolu 6

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUNAVFOR MED. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli ta' Kumbattiment. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta' deċiżjoni rigward l-għanijiet u t-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill. Soġġett għall-Artikolu 2(3) ta' din id-Deċiżjoni, il-KPS għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi meta ssir it-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti tal-operazzjoni.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-EUNAVFOR MED. Il-KPS jista' jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

Artikolu 7

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUNAVFOR MED li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-EUMC. L-EUMC jista' jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Artikolu 8

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Ir-RGħ, assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tal-pajjiżi fir-reġjun, u atturi internazzjonali u bilaterali oħra, inklużi n-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab.

3.   L-EUNAVFOR għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, u skont kif meħtieġ, tikkonkludi arranġamenti ma' aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-FRONTEX, l-EUROPOL, l-EUROJUST, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, u missjonijiet rilevanti tal-PSDK.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-missjoni.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi joffru kontributi u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar jekk jiġux aċċettati l-kontributi offerti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-soġġett ta' ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUNAVFOR MED.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUNAVFOR MED għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 10

Status tal-persunal immexxi mill-Unjoni

L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-Unjoni għandhom jiġu definiti fejn ikun meħtieġ f'konformità mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 11

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED għandu jkun ta' EUR 11,82 miljun. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 70 % f'impenji u 40 % għal pagamenti.

Artikolu 12

Ħruġ ta' informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata li tgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUNAVFOR MED, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-operazzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f'każijiet oħrajn.

2.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata wkoll li tgħaddi lin-NU, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata li tgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (3).

4.   Ir-RGħ tista' tiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f'dan l-Artikolu, lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f'konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

L-EUNAVFOR MED għandha tintemm mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li tkun laħqet Kapaċità Operattiva Sħiħa (FOC).

Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE f'konformità mal-pjanijiet approvati għat-terminazzjoni tal-EUNAVFOR MED, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rigward l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUNAVFOR MED stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).